32002R0052



Official Journal L 010 , 12/01/2002 P. 0010 - 0011


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 52/2002

tal-11 ta’ Jannar 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 245/2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1673/2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-kittien u qanneb imkabbra għal fibra

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 tas-27 ta’ Lulju 2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-kittien u qanneb imkabbra għal fibra [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu

Billi

(1) It-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2001 tal-5 ta’ Frar 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1673/2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-kittien u qanneb imkabbra għal fibra [2], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1093/2001 [3], jiddisponi li proċessuri primarji għandhom jintrabtu li jżommu reġistrazzjonijiet ta’ kuljum ta’ stokkijiet għall-operazzjonijiet li jwettqu. Biex l-amministrazzjoni tar-rekords ta' stokkijiet tkun inqas ikkomplikata, proċessuri primarji għandhom ukoll jingħataw il-possibbiltà li jirrekordjaw l-operazzjonijiet bil-lottijiet. Għal dak l-għan, it-terminu "lott" għandu jkun definit.

(2) Biex ma jitħalliex tgħawwiġ ta' kompetizzjoni, l-iskop biex proċessuri primarji awtorizzati jużaw iktar minn naddaf wieħed ta’ fibra tal-kittien qasir għandu jkun estiż. Madankollu, minħabba l-ħtieġa speċifika li jinżamm livell adegwat ta’ kontroll, dak l-iskop għandu jkun limitat għal żewġ naddafa ta’ fibra tal-kittien qasir għal kull proċessur primarju awtorizzat u għal kull sena tas-suq.

(3) L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 245/2001 jiddisponi li kull applikazzjoni għal self tkun suġġetta għal depożitu ta’ garanzija, li jista’ jfisser f’xi każi li ħames garanziji jkunu depożitati fil-perjodu ta’ pproċessar relatat ma’ l-istess sena tas-suq. Din is-sistema għandha għalhekk tkun issimplifikata b'disposizzjoni biex garanzija, ikkalkolata fuq bażi ta’ l-ammont teoretiku ta’ għajnuna li għaliha kull proċessur primarju huwa intitolat, tkun depożitata ma’ l-ewwel applikazzjoni għal self u tibqa’ valida għall-perjodu kollu ta’ pproċessar in kwestjoni. Madankollu, biex jitqiesu ċirkostanzi li fihom il-kalkolu ta’ l-ammont teoretiku ta’ għajnuna li hemm dritt għaliha jista’ jkun ferm ’il bogħod mill-estimi ta’ produzzjoni reali, għandha ssir disposizzjoni biex Stati Membri jistabbilixxu l-ammont tal-garanzija b’manjiera iktar flessibbli, filwaqt li jżommu livell ekwivalenti ta’ garanzija.

(4) L-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 245/2001 jippreskrivi disposizzjonijiet dwar importazzjonijiet ta’ qanneb. Fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, id-definizzjoni ta’ l-operazzjonijiet li żerriegħa tal-qanneb barra minn żerriegħa maħsuba biex tinżara’ tista’ tgħaddi minnhom tista’ twassal għal dubji fl-interpretazzjoni tagħha. Dik id-definizzjoni għandha għalhekk issir iktar speċifika.

(5) Il-miżuri li jiddisponi għalihom dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għal Kittien u Qanneb,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 245/2001 huwa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) it-tieni inċiż tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b’li ġej:

"— jinżammu reġistrazzjonijiet ta’ kuljum ta’ ħażniet jew reġistrazzjonijiet ta’ lottijiet, regolarment marbuta mal-kontijiet finanzjarji, u ta’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 5, flimkien ma’ dokumenti ta’ appoġġ kif speċifikat mill-Istat Membru għall-fini ta’ kontrolli,";

(b) fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4, "Naddaf wieħed biss tal-fibra tal-kittien qasir" hija sostitwita bi "Massimu ta’ żewġ naddafa tal-fibra tal-kittien qasir";

(ċ) fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, "jew lott" hija mdaħħla wara "matul il-jum"

(d) il-paragrafu 6 li ġej jiżdied:

"6. Lott għandu jkun kwantità determinata ta’ tiben tal-kittien jew tal-qanneb innumerata mad-dħul fl-impjanti ta’ pproċessar jew faċilitajiet ta’ ħażna msemmijin fil-paragrafu 1.

Lott jista’ jkun relatat għal kuntratt wieħed biss ta’ bejgħ/xiri li jkopri tiben, impenn ta’ proċessar jew kuntratt ta’ proċessar kif imsemmi fl-Artikolu 5."

2. L-Artikolu 10(2) huwa sostitwit b’li ġej:

"2. Self għandu jingħata biss fejn ma jkun instab li saret ebda irregolarità mill-applikant fir-rigward tas-sena tas-suq ikkonċernata skond il-kontrolli previsti fl-Artikolu 13 u fejn tkun depożitata garanzija.

Ħlief fir-rigward tal-garanziji relevanti fejn il-fibra tal-kittien qasir hija mnaddfa b'kuntratt, għal kull proċessur primarju awtorizzat u kull tip ta’ fibra, il-garanzija għandha tkun ta’ 35 % ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna li tikkorrispondi għall-kwantitajiet ta’ fibra li joħorġu mill-multiplikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament

Madankollu, Stati Membri jistgħu jiddisponu li l-ammont tal-garanzija jkun ibbażat fuq il-produzzjoni stmata. F’dan il-każ:

(a) il-garanzija tista’ ma tkunx irrilaxxata kemm parti minnha jew kollha kemm hi qabel l-għotja ta’ l-għajnuna;

(b) minkejja l-ħames subparagrafu, f'dak li jirrelata għall-ammont totali ta’ self mogħti l-ammont tal-garanzija ma jistax ikun inqas minn:

- 110 % sat-30 ta’ April tas-sena tas-suq in kwestjoni,

- 75 % bejn l-1 ta’ Mejju tas-sena tas-suq in kwestjoni u l-31 ta’ Awwissu ta’ wara,

- 50 % bejn l-1 ta’ Settembru ta’ wara s-sena tas-suq in kwestjoni u d-data tal-ħlas tal-bilanċ ta’ l-għajnuna.

Meta l-fibra tal-kittien qasir hija mnaddfa b'kuntratt, il-garanzija rilevanti għandha tkun ugwali għall-110 %:

- ta’ l-ammont ta’ għajnuna li jikkorrispondi għall-kwantitajiet ta’ fibri li joħroġ mill-multiplikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(3) ta’ hawn, jew

- meta l-Istat Membru japplika s-subparagrafu ta’ hawn fuq, l-ammont totali ta’ self mogħti għas-sena tas-suq in kwestjoni.

Il-garanzija għandha tkun rilaxxata kollha kemm hi bejn l-ewwel u l-10 jum wara dak li fih tkun saret l-għotja ta’ l-għajnuna fi proporzjon għall-kwantitajiet li fuqhom l-Istat Membru jkun ta l-għajnuna għal ipproċessar."

3. L-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 17a(2) huwa sostitwit b’li ġej:

"— titqiegħed kondizzjoni li teskludi l-użu għaż-żriegħ,".

Artikolu 2

Dan ir-Regolment għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mis-sena tas-suq 2001/02.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 11 ta’ Jannar 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 193, 29.7.2000, p. 16.

[2] ĠU L 35, 6.2.2001, p. 18.

[3] ĠU l 150, 6.6.2001, p. 17.

--------------------------------------------------