31985L0591

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-20 Diċembru 1985 li tirrigwarda l-introduzzjoni ta' metodi Komunitarji għat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-monitoraġġ ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem

Official Journal L 372 , 31/12/1985 P. 0050 - 0052
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 15 P. 0015
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0054
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 15 P. 0015
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 19 P. 0054
CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85
SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 83 - 85


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta' l-20 Diċembru 1985

li tirrigwarda l-introduzzjoni ta' metodi Komunitarji għat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi għall-monitoraġġ ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(85/591/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-produzzjoni, il-fabbrikazzjoni, il-marketing u l-użu ta' l-oġġetti ta' l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma ta' importanza konsiderevoli fil-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi l-metodi tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi wżati għal dan l-iskop jista' jkollhom riperkussjonijiet diretti fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni; billi għandhom, għalhekk, jiġu armonizzati;

Billi l-istabbiliment ta' il-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi jikkostitwixxi miżura ta' natura purament xjentifika u teknika; billi hija meħtieġa proċedura rapida li tiżviluppa, ittejjeb u tissuplimenta dawn il-metodi; billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' dawn il-miżuri, għandha tiġi introdotta proċedura għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Meta jkun meħtieġ li jiġu introdotti metodi Komunitarji għat-teħid tal-kampjuni jew l-analiżi bil-għan li jiġu stabbiliti l-kompożizzjoni, il-kondizzjonijiet tal-fabbrikazzjoni, l-imballaġġ jew l-ittikkettjar ta' oġġett ta' l-ikel, dawn il-metodi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill kif ikun xieraq skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

2. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika bħalissa fis-seħħ jew adottata minn issa 'l quddiem fil-kuntest tar-regoli speċjali Komunitarji.

3. Għall-għanijiet biex jiġi stabbilit jekk huwiex meħtieġ li jiġu introdotti l-miżuri pprovvduti fil-paragrafu 1, għandhom jitqiesu l-kriterji li ġejjin b'mod partikolari:

(a) il-ħtieġa li jiġi żgurat illi l-liġi Komunitarja tiġu applikata b'mod uniformi;

(b) l-eżistenza ta' ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju;

(ċ) in-natura permanenti jew rikorrenti tal-kriterji riferiti fil-(a) jew fil-(b).

L-Artikolu 2

1. Id-Direttivi pprovduti fl-Artikolu 1 għandhom iqisu l-istat tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, b'mod partikolari tal-metodi pprovati għat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi.

2. Dawn id-Direttivi għandhom jispeċifikaw it-termini ta' żmien xierqa sabiex l-Istati Membri jimplimentawhom.

3. L-introduzzjoni tal-miżuri pprovduti fl-Artikolu 1(1) m'għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jużaw metodi oħra ttestjati u xjentifikament validi sakemm dawn ma jfixklux il-moviment liberu ta' prodotti rrikonoxxuti bħala li jikkonformaw mar-regoli skond il-metodi Komunitarji. Madankollu, fil-każ ta' differenzi fl-interpretazzjoni tar-riżultati, dawk miksuba bl-użu tal-metodi Komunitarji għandhom ikunu determinanti.

4. Il-metodi ta' l-analiżi introdotti għandhom jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Anness.

5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-emendi meħtieġa għad-Direttivi eżistenti sakemm u safejn ikunu xierqa minħabba l-istat avvanzat tat-tagħrif xjentifiku u teknoloġiku jistgħu, fuq it-talba ta' Stat Membru, jiġu adottati permezz tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 3

1. Meta Stat Membru jkollu xhieda ddettaljata illi miżura adottata skond l-Artikolu 1 ma tkunx adatta f'każ partikolari għal raġunijiet tekniċi jew minħabba li mhix konklussiva biżżejjed għall-eżami ta' kwistjoni importanti tas-saħħa, dak l-Istat Membru jista' jissospendi temporanjament il-miżura kkonċernata fit-territorju tiegħu iżda għal dak il-każ partikolari biss. Għandu jgħarraf minnufih b'dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-aktar fis possibbli x-xhieda mogħtija mill-Istat Membru u mbagħad tikkonsulta lill-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel imsemmi fl-Artikolu 4, u wara dan tagħti l-opinjoni tagħha minnufih u tieħu l-miżuri adatti.

3. Jekk il-Kummissjoni tqis illi huma meħtieġa emendi għall-miżura adottata skond l-Artikolu 1 sabiex jiġu riżolti d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4. L-Istat Membru li jkun issospenda l-miżura Komunitarja jista', f'dak il-każ, jissokta jagħmel dan sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ.

L-Artikolu 4

1. Meta tiġi invokata l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [4] (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat") mill-President tiegħu, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz fit-terminu taż-żmien stabbilit mill-President wara li jikkunsidra l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjonijiet għandhom jiġu mogħtija b'maġġoranza ta' 45 vot, bil-voti ta' l-Istati Membri jiġu ppeżati kif ipprovdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President m'għandux jivvota.

3. (a) Meta l-miżuri previsti jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tadottahom;

(b) Meta l-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Kunsill mingħar dewmien dwar il-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata;

(ċ) Jekk il-Kunsill ma jkunx aġixxa fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-proposta, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom, f'perjodu taż-żmien ta' sentejn wara n-notifika tagħha [5], idaħħlu fis-seħħ permezz ta' liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva kull dispożizzjoni meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Steichen

[1] ĠU C 53, ta' l-24.2.1984, p. 9.

[2] ĠU C 46, tat-18.2.1985, p. 95.

[3] ĠU C 44, tal-15.2.1985, p. 1.

[4] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

[5] Din id-Direttiva ġiet nnotifikata lill-Istati Membri fit-23 Diċembru 1985.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

1. Metodi ta' analiżi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-adozzjoni taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-kriterji li ġejjin:

(i) l-ispeċifiċità,

(ii) l-eżattezza,

(iii) il-preċiżjoni; varjabilitajiet ta' repetibilità intra-laboratorja (fil-laboratorju) u riproduċibilità inter-laboratorja (fi u bejn il-laboratorji),

(iv) il-limitu ta' kxif,

(v) is-sensittività,

(vi) il-pratikabilità u l-applikabilità,

(vii) kriterji oħra li jistgħu jintagħżlu kif meħtieġ.

2. Il-valuri ta' preċiżjoni msemmija f'1(iii) għandhom jiġu ottenuti minn prova kollaborattiva li ġiet kondotta skond protokoll rikonoxxut internazzjonalment dwar provi kollaborattivi (e.ż. L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Standardizzazzjoni "Il-Preċiżjoni ta' Metodi ta' Test" (ISO 5725/1981)). Il-valuri tar-rata ta' repetizzjoni u riproduċibbiltà għandhom jiġu espressi f'forma rikonoxxuta internazzjonalment (e.ż. l-intervalli ta' kunfidenza ta' 95 % kif definit mill-ISO 5725/1981). Ir-riżultati mill-prova kollaborattiva għandhom jiġu ppubblikati jew ikunu disponibbli b'mod liberu.

3. Metodi ta' analiżi li huma applikabbli b'mod uniformi għal varji gruppi ta' komoditajiet għandhom jingħataw preferenza fuq metodi li japplikaw biss għal komoditajiet individwali.

4. Metodi ta' analiżi adottati taħt din id-Direttiva għandhom jiġu edited fi preżentazzjoni standard għal metodi ta' analiżi rakkomandati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni.

--------------------------------------------------