02012R1025 — MT — 09.07.2023 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 1025/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 316 14.11.2012, p. 12)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2014/28/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 96

1

29.3.2014

►M2

DIRETTIVA 2014/29/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 96

45

29.3.2014

 M3

DIRETTIVA 2014/31/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 96

107

29.3.2014

►M4

DIRETTIVA 2014/32/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 96

149

29.3.2014

►M5

DIRETTIVA 2014/33/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 96

251

29.3.2014

►M6

DIRETTIVA 2014/34/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Frar 2014

  L 96

309

29.3.2014

►M7

DIRETTIVA (UE) 2015/1535 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-9 ta' Settembru 2015

  L 241

1

17.9.2015

►M8

REGOLAMENT (UE) 2022/2480 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Diċembru 2022

  L 323

1

19.12.2022




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 1025/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2012

dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn organizzazzjoni Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-istabbiliment ta' standards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea għal prodotti u servizzi li jappoġġaw il-leġislazzjoni u l-politika, l-identifikazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar, il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni Ewropea.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjoni li ġejjin:

(1) 

“standard” tfisser speċifikazzjoni teknika, adottata minn korp azzjoni tal-istandardizzazzjoni rikonoxxut, għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja, u li hija waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

“standard internazzjonali” tfisser standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali tal-istandardizzazzjoni;

(b) 

“standard Ewropew” tfisser standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni;

(c) 

“standard armonizzat” tfisser standard Ewropew adottat fuq il-bażi ta' talba mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;

(d) 

“standard internazzjonali” tfisser standard adottat minn korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni;

(2) 

“strument ta' standardizzazzjoni Ewropea” tfisser kwalunkwe speċifikazzjoni teknika oħra li mhijiex standard Ewropew, adottata minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni għall-applikazzjoni ripetuta u kontinwa u li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja;

(3) 

“abbozz ta’ standard” tfisser dokument li jkun fih it-test tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ suġġett partikolari, li jkun qiegħed jiġi kkunsidrat għall-adozzjoni skont il-proċedura tal-istandards relevanti, kif dan id-dokument ikun jinsab wara x-xogħol ta’ tħejjija u kif ikun ġie ċċirkolat għall-kummenti jew l-iskrutinju tal-pubbliku;

(4) 

“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati minn prodott, proċess, servizz jew sistema u li jistipula wieħed jew iżjed minn dawn:

(a) 

il-karatteristiċi meħtieġa minn prodott, inkluż il-livelli tal-kwalità, ir-rendiment, l-interoperabbiltà, il-protezzjoni ambjentali, is-saħħa, is-sikurezza jew id-dimensjonijiet, u inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott fir-rigward tal-isem li jinbiegħ bih, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi tal-ittestjar, l-imballaġġ, l-immarkar u l-ittikkettjar u l-proċeduri tal-evalwazzjoni tal-konformità;

(b) 

il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni użati għall-prodotti agrikoli kif definiti fl-Artikolu 38(1) TFUE, il-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, u l-prodotti mediċinali, kif ukoll il-metodi u l-proċessi tal-produzzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' prodotti oħra, fejn dawn ikolhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom;

(c) 

il-karatteristiċi mitluba minn servizz inkluż il-livelli tal-kwalità, ir-rendiment, l-interoperabbiltà, il-protezzjoni ambjentali, is-saħħa jew is-sikurezza, u inklużi r-rekwiżiti applikabbli fuq il-fornitur fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lir-riċevitur, kif speċifikat fl-Artikolu 22(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/123/KE;

(d) 

il-metodi u l-kriterji għall-evalwazzjoni tar-rendiment tal-prodotti tal-bini, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini ( 1 ), f'rabta mal-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

(5) 

“speċifikazzjoni teknika tal-ICT” tfisser speċifikazzjoni teknika fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

(6) 

“prodott” tfisser kwalunkwe prodott manifatturat b’mod industrijali u kwalunkwe prodott agrikolu, inklużi prodotti tal-ħut;

(7) 

“servizz” tfisser kwalunkwe attività ekonomika ta' impjieg awtonomu normalment ipprovdut b’rimunerazzjoni, kif definit fl-Artikolu 57 TFUE;

(8) 

“organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni” tfisser organizzazzjoni msemmija fl-Anness I;

(9) 

“korp internazzjonali tal-istandardizzazzjoni” tfisser l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (ISO), il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU);

(10) 

“korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni” tfisser korp notifikat lill-Kummissjoni minn Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament.



KAPITOLU II

IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

Artikolu 3

It-trasparenza tal-programmi ta' ħidma tal-korpi tal-istandardizzazzjoni

1.  
Mill-inqas darba fis-sena, kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jistabbilixxu l-programm ta' ħidma tagħhom. Dak il-programm ta' ħidma għandu jkun fih informazzjoni dwar l-istandards u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jkollhom l-intenzjoni li jħejju jew jemendaw, li qed iħejju jew jemendaw u li adottaw fil-perjodu tal-programm ta' ħidma preċedenti, sakemm dawn ma jkunux traspożizzjonijiet identiċi jew ekwivalenti ta' standards internazzjonali jew Ewropej.
2.  

Fir-rigward ta' kull standard u prodott Ewropew tal-istandardizzazzjoni l-programm ta' ħidma għandu jindika:

(a) 

is-suġġett;

(b) 

l-istadju li fih jinsab l-iżvilupp tal-istandards u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea;

(c) 

ir-referenzi ta' kull standard internazzjonali meħud bħala bażi.

3.  
Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jagħmlu l-programm ta' ħidma tagħhom disponibbli fil-websajt tagħhom jew kwalunkwe websajt oħra disponibbli pubblikament, kif ukoll jagħmlu disponibbli avviż dwar l-eżistenza tal-programm ta' ħidma f'pubblikazzjoni nazzjonali jew, fejn xieraq, pubblikazzjoni Ewropea tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni.
4.  
Mhux iktar tard mill-mument tal-pubblikazzjoni tal-programm ta' ħidma tiegħu, kull organizzazzjoni Ewropea ta' standarizzazzjoni jew korp nazzjonali ta' istandardizzazzjoni għandu jinnotifika l-eżistenza tal-programm lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u l-korpi nazzjonali ta' istandardizzazzjoni l-oħrajn u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri permezz tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22.
5.  
Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni ma jistgħux joġġezzjonaw li suġġett għall-istandardizzazzjoni fil-programm ta' ħidma tagħhom li jkun qed jiġi kkunsidrat fil-livell Ewropew b'mod konformi mar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u ma jistgħu jieħdu ebda azzjoni li tista' tippreġudika deċiżjoni f'dan ir-rigward.
6.  
Matul it-tħejjija ta' standard armonizzat jew wara li l-approvazzjoni tiegħu, il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni m'għandhom jieħdu ebda azzjoni li tista' tippreġudika l-armonizzazzjoni intiża u, b'mod partikolari, m'għandhomx jippubblikaw fil-qasam ikkonċernat standard nazzjonali ġdid jew rivedut li mhuwiex kompletament konformi ma' standard armonizzat eżistenti. Wara l-pubblikazzjoni ta' standard armonizzat ġdid, l-istandards nazzjonali kunfliġġenti kollha għandhom jiġu rtirati sa skadenza raġunata.

Artikolu 4

Trasparenza tal-istandards

1.  
Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandu jibgħat, tal-anqas f'forma elettronika, kwalunkwe abbozz ta' standards nazzjonali, standards Ewropej jew strument Ewropew tal-istandardizzazzjoni lill- organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni, korpi nazzjonali ta' istandardizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni jew lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom.
2.  
Kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni jew korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom fi żmien tliet xhur iwieġbu u jqisu kwalunkwe kumment li jaslilhom mingħand kwalunkwe organizzazzjoni Ewropea ta' standarizzazzjoni, korp nazzjonali ta' istandardizzazzjoni oħrajn jew mill-Kummissjoni dwar kwalunkwe abbozz imsemmi fil-paragrafu 1.
3.  
Meta korp nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jirċievi kummenti li jindikaw li l-abbozz ta' standard se jkollu impatt negattiv fuq is-suq intern, dan għandu jikkonsulta lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u lill-Kummissjoni qabel ma jadottah.
4.  

Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom:

(a) 

ji'guraw aċċess għall-abbozzi ta' standards nazzjonali b'tali mod li l-partijiet rilevanti kollha, b'mod partikolari dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra jkollhom l-opportunità jibagħtu l-kummenti tagħhom;

(b) 

jippermettu korpi nazzjonali oħra tal-istandardizzazzjoni sabiex ikunu involuti b'mod passiv jew attiv, billi jibagħtu osservatur, fl-attivitajiet ippjanati.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni Ewropea

1.  

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw rappreżentanza xierqa u parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati relevanti kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati ambjentali u soċjali fl-attivitajiet tagħhom ta' standardizzazzjoni. Dawn għandhom, partikolarment iħeġġu u jiffaċilitaw tali rappreżentazzjoni u parteċipazzjoni permezz tal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, fil-livell tal-iżvilupp tal-politika u fl-istadji li ġejjin tal-iżvilupp tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea:

(a) 

il-proposta u l-aċċettazzjoni ta' punti ġodda fl-aġenda ta' ħidma;

(b) 

id-diskussjoni teknika dwar il-proposti;

(c) 

it-tressiq ta' kummenti dwar l-abbozzi;

(d) 

ir-reviżjoni ta' standards Ewropej eżistenti jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea eżistenti;

(e) 

it-tixrid ta' informazzjoni dwar l-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea adottati, u l-promozzjoni tagħhom.

2.  
Barra l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza fis-suq fl-Istati Membri, il-faċilitajiet ta' riċerka tal-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, l-organizzazzjoni Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw rappreżentanza xierqa, fil-livell tekniku, tal-intrapriżi, iċ-ċentri tar-riċerka, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, l-universitajiet, l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri, is-sħab soċjali u entitajiet legali oħra, fl-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni f'qasam ġdid b'implikazzjonijiet politiċi jew tekniċi sinifikanti, jekk l-entitajiet legali kkonċernati jkunu pparteċipaw fi proġett marbut ma' dak il-qasam u li kien iffinanzjat mill-Unjoni fi programm ta' qafas multiannwali għal attivitajiet fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku, adottat skont l-Artikolu 182 tat-TFUE.

Artikolu 6

L-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-istandards

1.  

Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-istandards u l-proċess ta' żvilupp tal-istandards sabiex jilħqu livell ogħla ta' parteċipazzjoni fis-sistema ta' standardizzazzjoni, pereżempju billi:

(a) 

jidentifikaw, fil-programmi ta' ħidma annwali tagħhom, il-proġetti ta' standardizzazzjoni li huma ta' interess partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(b) 

jagħtu aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni mingħajr ma jobbligawhom isiru membru ta' korp nazzjonali ta' istandardizzazzjoni;

(c) 

jipprovdu aċċess ħieles jew rati speċjali għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni;

(d) 

jipprovdu aċċess ħieles għall-abbozzi ta’ standards;.

(e) 

jipprovdu mingħajr ħlas sommarji ta' standards fil-websajt tagħhom;

(f) 

japplikaw rati speċjali għall-provvista ta' standards jew il-provvista ta' ġabriet ta' standards bi prezz imraħħas;

2.  
Il-korpi tal-istandardizzazzjoni nazzjonali għandhom jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki, bil-għan li jtejbu l-parteċipazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni u biex iżidu u jiffaċilitaw l-użu tal-istandards mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
3.  
Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jibagħtu rapporti annwali lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom fil-paragrafi 1 u 2 u l-miżuri l-oħra kollha biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jużaw l-istandards u jipparteċipaw fil-proċess ta' żvilupp tal-istandards. Il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom jippubblikaw dawk ir-rapporti fuq il-websajts tagħhom.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fl-istandardizzazzjoni Ewropea

L-Istati Membri, meta jkun xieraq, għandhom iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, fl-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni nazzjonali, li għandhom l-objettivi li jiżviluppaw jew jirrevedu l-istandards mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10.



KAPITOLU III

L-ISTANDARDS EWROPEJ U STRUMENTI TA' STANDARDIZZAZZJONI EWROPEA B'APPOĠĠ TAL-LEĠISLAZZJONI U L-POLITIKA TAL-UNJONI

Artikolu 8

Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea

1.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea li għandu jidentifika prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-istrateġiji għaż-żmien twil tal-Unjoni għat-tkabbir. Din għandha tindika l-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni titlob mill-korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni f' konformita' mal-Artikolu 10.
2.  
Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għandu jiddefinixxi l-għanijiet u l-politika speċifiċi għall-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea l-oħra li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni titlob mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont l-Artikolu 10. F'każi ta' urġenza l-Kummissjoni tista' toħroġ it-talbiet mingħajr ebda avviż minn qabel.
3.  
Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għandu wkoll jinkludi objettivi għad-dimensjoni internazzjonali tal-istandardizzazzjoni Ewropea, b'appoġġ għal-leġislazzjoni u l-politika tal-Unjoni.
4.  
Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għandu jiġi adottat wara li titwettaq konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati relevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, u l-Istati Membri permezz tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament.
5.  
Wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea disponibbli fil-websajt tagħha.

Artikolu 9

Il-kooperazzjoni mal-faċilitajiet ta' riċerka

Il-faċilitajiet ta' riċerka tal-Kummissjoni għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija tal-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 8 u jipprovdu lill -organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej bil-fehmiet xjentifiċi tagħhom, fl-oqsma tal-għarfien espert tagħhom, biex ikun żgurat li l-istandards Ewropej iqisu l-kompetittività ekonomika u l-ħtiġijiet tas-soċjetà, bħal dawk tas-sostenibbiltà ambjentali u t-tħassib dwar is-sikurezza u s-sigurtà.

Artikolu 10

It-talbiet tal-istandardizzazzjoni lill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni

▼M8

1.  
Il-Kummissjoni tista’ titlob, fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-kompetenzi stipulati fit-Trattati, li organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni waħda jew aktar jabbozzaw standard Ewropew jew strument ta’ standardizzazzjoni Ewropew fi żmien skadenza stabbilita, dment li l-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni kkonċernata tikkonforma mal-paragrafu 2a. Standards Ewropej u strumenti Ewropej ta’ standardizzazzjoni għandhom ikunu mmexxija mis-suq, iqisu l-interess pubbliku kif ukoll l-objettivi politiċi ddikjarati b’mod ċar fit-talba tal-Kummissjoni u jkunu bbażati fuq kunsens. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina r-rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut li għandhom jintlaħqu mid-dokument mitlub u skadenza għall-adozzjoni tiegħu.

▼B

2.  
Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati f' konformita' mal-proċedura stipulata mill-Artikolu 22(3) wara konsultazzjoni ma' organizzazzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament kif ukoll mal-kumitat stabbilit mill-att korrispondenti ta' leġislazzjoni tal-Unjoni, meta jkun jeżisti kumitat bħal dak, jew wara forom oħra ta' konsultazzjoni tal-esperti settorjali.

▼M8

2a.  

Mingħajr preġudizzju għal opinjonijiet konsultattivi oħra, kull organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni għandha tiżgura li d-deċiżjonijiet li ġejjin dwar l-istandards Ewropej u l-istrumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej msemmija fil-paragrafu 1 jittieħdu esklussivament minn rappreżentanti tal-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fi ħdan il-korp kompetenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ dik l-organizzazzjoni:

(a) 

id-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni u r-rifjut tat-talbiet għall-istandardizzazzjoni;

(b) 

id-deċiżjonijiet dwar l-aċċettazzjoni ta’ punti ġodda fl-aġenda ta’ ħidma li huma meħtieġa biex tiġi ssodisfata t-talba ta’ standardizzazzjoni; u

(c) 

id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni, ir-reviżjoni u l-irtirar ta’ standards Ewropej jew ta’ strumenti ta’ standardizzazzjoni Ewropej.

▼B

3.  
L-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni relevanti għandha tindika, fi żmien xahar wara li tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1, jekk hiex se taċċettaha.
4.  
Meta ssir talba għal għoti ta' fondi, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzazzjonijietEwropej tal-istandardizzazzjoni rilevanti, fi żmien xahrejn wara li tirċievi l-aċċettazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, dwar l-għoti ta' għotja għall-abbozzar ta' standard Ewropew jew strument Ewropew tal-istandardizzazzjoni.
5.  
L-orgagnizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet li jsiru għall-iżvilupp tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, għandha tevalwa l-konformità tad-dokumenti abbozzati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni mat-talba inizjali tagħha.
6.  
Meta standard armonizzat jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, Il-Kummissjoni għandha tippubblika referenza ta' tali standard armonizzat mingħajr dewmien f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta' mezzi oħra f' konformita' mal-kundizzjonijiet stipulati fl-att korrispondenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.

Artikolu 11

Oġġezzjonijiet formali kontra standards armonizzati

1.  

Meta Stat Membru jew il-Parlament Ewropew iqisu li standard armonizzat ma jissodisfax kompletament ir-rekwiżiti li jkollu l-għan li jkopri u li huma stipulati fil-leġislazzjoni relevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjni, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan bi spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-kumitat stabbilit mill-leġislazzjoni korrispondenti dwar l-armonizzazzjoni tal-Unjoni, jekk ikun jeżisti, jew wara forom oħra ta' konsultazzjoni tal-esperti settorjali, tiddeċiedi:

(a) 

li tippubblika, li ma tippubblikax jew li tippubblika b'restrizzjoni r-referenzi għall-istandard armonizzat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(b) 

li żżomm, li żżomm b'restrizzjoni jew li tirtira r-referenzi għall-istandard armonizzat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika informazzjoni fil-websajt tagħha dwar l-istandards armonizzati li kienu suġġetti għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni kkonċernata dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u, jekk ikun meħtieġ, titlob li jiġu riveduti l-istandards armonizzati kkonċernati.
4.  
Id-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2).
5.  
Id-deċiżjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

Artikolu 12

In-notifika ta’ organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ notifika għall-partijiet interessati kollha, inklużi l- organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament sabiex tiġi żgurata konsultazzjoni xierqa u r-rilevanza tas-suq qabel:

(a) 

l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 8(1);

(b) 

l-adozzjoni tat-talbiet għal standardizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10;

(c) 

it-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet formali għal standards armonizzati, kif imsemmi fl-Artikolu 11(1);

(d) 

it-teħid ta' deċiżjoni dwar l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT msemmija fl-Artikolu 13;

(e) 

l-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 20.



KAPITOLU IV

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-ICT

Artikolu 13

Idenitifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar

1.  
Jew fuq proposta minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li mhumiex standards nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali, iżda li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II, li jistgħu jiġu referenzjati primarjament biex tkun tista' ssir l-interoperabilità fl-akkwist pubbliku.
2.  
Jew fuq proposta minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, meta speċifikazzjoni teknika tal-ICT identifikata f' konformita' mal-paragrafu 1 tiġi modifikata, irtirata jew ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjoni teknika modifikata tal-ICT jew li tirtira l-identifikazzjoni.
3.  
Id-deċiżjonijiet previsti fil-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea b'Multipartijiet Interessati dwar l-istandardizzazjoni tal-ICT, li tinkludi organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit mil-leġislazzjoni korrispondenti tal-Unjoni, jekk ikun jeżisti, jew wara forom oħra ta' konsultazzjoni mal-esperti settorjali, jekk tali kumitat ma jkunx jeżisti.

Artikolu 14

L-użu tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist pubbliku

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT imsemmija fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni msemmija fid-Direttivi 2004/17/KE, 2004/18/KE u 2009/81/KE u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.



KAPITOLU V

IL-FINANZJAMENT TAL-ISTANDARDIZZAZZJONI EWROPEA

Artikolu 15

Il-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni mill-Unjoni

1.  

Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għall-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li ġejjin:

(a) 

l-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew ta' strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li huma meħtieġa u adatti għall-appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni;

(b) 

il-verifika tal-kwalità u tal-konformità mal-legislazzjoni u mal-politika korrispondenti tal-Unjoni, tal-istandards Ewropej jew ta' strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea;

(c) 

ir-rendiment tal-ħidma preliminari jew anċillari f'rabta mal-istandardizzazzjoni Ewropea, inkluż studji, attivitajiet ta' kooperazzjoni, li jinkludu l-kooperazzjoni internazzjonali, seminars, evalwazzjonijiet, analiżijiet komparattivi, ħidma ta' riċerka, xogħol fil-laboratorju, testijiet f'laboratorji differenti, xogħol ta' evalwazzjoni tal-konformità u miżuri li jiżguraw li l-perjodi għall-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea jitqassru bla ħsara għall-prinċipji bażiċi, speċjalment il-prinċipji tal-ftuħ, il-kwalità, it-trasparenza u l-kunsens fost il-partijiet interessati kollha;

(d) 

l-attivitajiet tas-segretarjati ċentrali tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bħalma huma l-iżvilupp tal-politika, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet għall-istandardizzazzjoni, l-ipproċessar ta' xogħol tekniku u l-għoti ta' informazzjoni lill-partijiet interessati;

(e) 

it-traduzzjoni tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea użati b'appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni barra l-lingwi operattivi tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jew, f'każijiet ġustifikati kif suppost, b'lingwi oħra barra l-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

(f) 

it-tfassil ta' informazzjoni biex tispjega, tinterpreta u tissimplifika l-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea, inkluż it-tfassil ta' gwidi għall-utenti, sommarji tal-istandards, informazzjoni tal-aħjar prassi u azzjonijiet ta' promozzjoni, strateġiji u programmi ta’ taħriġ;

(g) 

attivitajiet għat-twettiq ta' programmi ta' assistenza teknika, kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-promozzjoni u l-iżvilupp tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni u tal-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea fost il-partijiet interessati fl-Unjoni u fil-livell internazzjonali.

2.  

Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata lil:

(a) 

korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1, li jwettqu flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni;

(b) 

korpi oħrajn li ngħataw mandat biex jikkontribwixxu għall-attivitajiet msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu jew biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punti (c) u (g) tal-paragrafu 1, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni.

Artikolu 16

Il-finanzjament ta' organizzazzjonijiet Ewropej oħra mill-Unjoni

Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għall-attivitajiet li ġejjin:

(a) 

il-funzjonament ta' dawn l-organizzazzjonijiet u tal-attivitajiet tagħhom marbuta mal-istandardizzazzjoni Ewropea u internazzjonali, inklużi l-ipproċessar tal-ħidma teknika u l-għoti tal-informazzjoni lill-membri u lil partijiet interessati oħra;

(b) 

il-provvista ta' għarfien espert legali u tekniku, inklużi studji, f'rabta mal-valutazzjoni tal-ħtieġa għal standards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea u l-iżvilupp tagħhom, u t-taħriġ tal-esperti;

(c) 

il-parteċipazzjoni f'xogħol tekniku fl-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej u strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea li huma meħtieġa u adatti għall-appoġġ tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni;

(d) 

il-promozzjoni tal-istandards Ewropej u ta' strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea, u l-informazzjoni dwar l-istandards, u dwar l-użu tagħhom, fost il-partijiet interessati, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-konsumaturi.

Artikolu 17

Arranġamenti finanzjarji

1.  

Il-finanzjament mill-Unjoni għandu jingħata fl-għamla ta':

(a) 

għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti, jew kuntratti wara li jsiru l-proċeduri tal-akkwist pubbliku, lil:

(i) 

organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzjoni u korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 15(1);

(ii) 

korpi identifikati b'att bażiku, skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, biex iwettqu, f'kollaborazzjoni organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, l-attivitajiet msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 15(1) ta' dan ir-Regolament;

(b) 

għotjiet wara sejħa għall-proposti, jew kuntratti wara li jsiru l-proċeduri tal-akkwist pubbliku, lil korpi oħrajn imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 15(2):

(i) 

biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp u r-reviżjoni tal-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 15(1);

(ii) 

biex iwettqu l-ħidma preliminari jew anċillari msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 15(1);

(iii) 

biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 15(1).

(c) 

għotjiet wara sejħa għall-proposti lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16.

2.  

L-attivitajiet tal-korpi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu ffinanzjati permezz ta':

(a) 

għotjiet għall-azzjonijiet;

(b) 

għotjiet għall-finanzjament tal-ħidmiet għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Fil-każ tat-tiġdid, l-għotjiet operattivi m'għandhomx jitnaqqsu awtomatikament.

3.  
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-arranġamenti għall-finanzjament imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, dwar l-ammonti tal-għotjiet u, fejn ikun meħtieġ, dwar il-perċentwal massimu ta’ finanzjament skont it-tip ta’ attivita'.
4.  

Ħlief f'każi ġustifikati kif xieraq, l-għotjiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15(1) li jingħataw għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni għandhom ikunu f'somma li titħallas f'darba li titħallas u għall-attivitajiet ta' standardizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 15(1) għandha titħallas meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

li l-istandards Ewropej jew strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea mitluba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 jiġu adottati jew riveduti f'perjodu ta' żmien li mhux iktar mill-perjodu speċifikat fit-talba msemmija f'dak l-Artikolu;

(b) 

li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-partijiet interessati ambjentali u soċjali jkunu rappreżentati u jistgħu jipparteċipaw fl-attivitajiet al-istandardizzazzjoni Ewropej, kif jirreferi għalihom l-Artikolu 5(1).

5.  
L-għanijiet komuni ta' kooperazzjoni u l-kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji marbuta mal-għotjiet li jingħataw lill-organizzazzjnijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu definiti fil-ftehimiet ta' qafas ta' sħubija ffirmati bejn il-Kummissjoni u dawk l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni u tal-partijiet interessati, f' konformita' mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet.

Artikolu 18

Il-ġestjoni

L-approprjazzjonijiet determinati mill-awtorità tal-baġit għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni jistgħu jkopru wkoll l-ispejjeż amministrattivi marbuta mat-tħejjija, il-monitoraġġ, l-ispezzjoni, il-verifika u l-valutazzjoni, li jkunu direttament meħtieġa għall-iskopijiet tal-Artikoli 15, 16 u 17, inklużi l-istudji, il-laqgħat, l-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ pubblikazzjoni, l-ispejjeż marbuta man-networks tal-informatika għall-iskambju tal-informazzjoni kif ukoll kwalunkwe spiża oħra għall-assistenza amministrattiva u teknika li l-Kummissjoni tista' tuża għall-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni.

Artikolu 19

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, permezz ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (KE) Nru 1073/1999.
2.  
Għall-attivitajiet tal-Unjoni ffinanzjati skont dan ir-Regolament, il-kunċett ta' irregolarità ddefinit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe inadempjenza ta' xi obbligu kuntrattwali li jkunu r-riżultat ta' att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li jkollhom, jew jista' jkollhom l-effett li jippreġudikaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni jew baġits amministrati minnha b'nefqa mhux ġustifikata.
3.  
Kull ftehim u kull kuntratt li jsir bis-saħħa ta' dan ir-Regolament għandu jipprovdi għall-monitoraġġ u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni jew minn kwalunkwe rappreżentant li hija tawtorizza, u għall-verifiki mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jekk ikun meħtieġ, għandhom isiru fuq il-post.



KAPITOLU VI

ATTI DDELEGATI, IL-KUMITAT U R-RAPPURTAR

Artikolu 20

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 21 fir-rigward ta' emendi għall-Annessi, sabiex:

(a) 

taġġorna l-lista ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni stipulati fl-Anness I biex jiġu kkunsidrati tibdiliet f'isimhom jew fl-istruttura tagħhom;

(b) 

tadatta l-kriterji għall-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati stabbiliti l-Anness III ta' dan ir-Regolament għal iktar żviluppi fir-rigward tan-natura bla qligħ tagħhom u r-rappreżentattività tagħhom. Tali adattamenti m'għandhomx ikollhom l-effett li joħolqu xi kriterji ġodda jew jabolixxu xi kriterji eżisteni jew kategorija sħiħa ta' organizzazzjonijiet.

Artikolu 21

L-eżerċitar tad-delega

1.  
Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded taċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3.  
Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 20 tista’ tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. Din m'għandhiex teffettwa l-validità ta' ebda att delegat li diġà jkunu fis-seħħ.
4.  
Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt.
5.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b'xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 22

Il-proċedura tal-kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4.  
Meta l-opinjoni tal-kumitat trid tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tiġi tterminata mingħajr riżultat meta, fil-perjodu ta' żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi ta' membri tal-kumitat jitolbu hekk.

Artikolu 23

Kooperazzjoni tal-kumitat ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni u ma'partijiet interessati

Il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) għandu jaħdem f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' standarizzazzjoni u mal-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jirċievu finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Rapporti

1.  

L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar dawn li ġejjin:

(a) 

l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 5, 10, 15 u 17;

(b) 

ir-rappreżentanza tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-ambjent u partijiet interessati soċjali f'korpi għall-istandardizzazzjoni nazzjonali;

(c) 

ir-rappreżentanza tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fuq il-bażi tar-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 6(3);

(d) 

l-użu tal-ICT fis-sistema tal-istandardizzazzjoni;

(e) 

il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

2.  
L-organizzazzjonijiet Ewropej ta' partijiet interessati li jkunu irċevew finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament li rċivew finanzjament skont dan ir-Regolament għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom. Dan ir-rapport għandu b'mod partikolari jkun fih informazzjoni dettaljata dwar is-sħubija ta' dawn l-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 16.
3.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2015 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun fih analiżi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, evalwazzjoni tar-relevanza tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li qegħdin jieħdu finanzjament mill-Unjoni fid-dawl tar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni u tal-politika tal-Unjoni kif ukoll valutazzjoni ta' miżuri ġodda potenzjali li jissimplifikaw il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

Artikolu 25

Reviżjoni

Sat-2 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament fuq il-qafas ta' żmien għall-ħruġ ta' talbiet ta' standardizzazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha f'rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta jkun xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikoli 26

Emendi

1.  

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin qed jitħassru:

(a) 

l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/686/KEE;

▼M1 —————

▼M6 —————

▼B

(d) 

l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/25/KE;

(e) 

l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/16/KE;

(f) 

l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/23/KE;

▼M4 —————

▼B

(h) 

l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2007/23/KE;

▼M5 —————

▼M2 —————

▼B

Ir-referenzi għal dawk id-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

▼M7 —————

▼B

Artikolu 27

Il-korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi tagħhom għall-istandardizzazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' korpi nazzjonali għall-istandardizzazzjoni u kull aġġorniment li jsir għal dik il-lista f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Dispożizzjonijiet tranżitorji

F'atti tal-Unjoni li jipprevedu preżunzjoni ta' konformità ma' rekwiżiti essenzjali permezz tal-applikazzjoni tal-istandards armonizzati adottati skont id-Direttiva 98/34/KE, ir-referenzi għad-Direttiva 98/34/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament, minbarra r-referenzi għall-kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE dwar ir-regolamenti tekniċi.

Meta att tal-Unjoni jipprevedi proċedura għall-oġġezzjoni kontra standards armonizzati, l-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament ma jkunx japplika għal dak l-att.

Artikolu 29

Revoka

Id-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE u d-Deċiżjoni 87/95/KEE huma b'dan imħassra.

Ir-referenzi għad-Deċiżjonijiet revokati għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jiġu maqruha skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness IV għal dan ir-Regolament.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

ORGANIZZAZZJNIJIET EWROPEJ TAL-ISTANDARDIZZAZZJONI

1.

CEN — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni

2.

Cenelec — Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika

3.

ETSI — Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet




ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TA' SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-ICT

1. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew aċċettati fis-suq u l-implimentazzjoni tagħhom ma tfixkilx l-interoperabbiltà mal-implimentazzjoni ta' standards eżistenti Ewropej jew internazzjonali. L-aċċettazzjoni fis-suq tista' tintwera b'eżempji operazzjonali ta' implimentazzjonijiet konformi mingħand bejjiegħa differenti.

2. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma koerenti peress li ma joħolqux kunflitt mal-istandards Ewropej, jiġifieri jkopri oqsma fejn l-adozzjoni ta' standards Ewropej ġodda mhix prevista f'perjodu raġonevoli, fejn l-istandards eżistenti ma rnexxilhomx jiġu adottati fis-suq jew fejn dawn l-istandards m'għadhomx jintużaw, u fejn it-traspożizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fi strumenti ta' standardizzazzjoni Ewropea mhix prevista f'perjodu raġonevoli.

3. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati minn organizzazzjoni bla skop ta' profitt li hija soċjetà professjonali, industrija jew assoċjazzjoni tal-kummerċ jew kwalunkwe organizzazzjoni ta' sħubija li fl-ambitu ta' għarfien tagħha tiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT u li mhijiex organizzazzjoni Ewropea, korp nazzjonali jew korp internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, permezz ta' proċessi li jissodisfaw il-kriterji li jmiss:

(a) 

ftuħ:

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġew żviluppati fuq il-bażi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet aċċessibli għall-partijiet interessati kollha fis-suq jew swieq affettwati minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(b) 

kunsens:

il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kien kollaborativ u bbażat fuq il-kunsens u ma kienx favur xi parti interessati partikolari. Il-kunsens ifisser ftehim ġenerali, li huwa kkaratterizzat mill-assenza ta’ oppożizzjoni sostnuta għal kwistjonijiet sostanzjali minn kwalunkwe parti importanti tal-interessi ikkonċernati u bi proċess li jinvolvi li jitfittex li jitqiesu l-fehmiet kollha tal-partijiet ikkonċernati u biex jiġu rrikonċiljati xi argumenti kunfliġġenti Il-kunsens ma jimplikax unanimità.

(c) 

trasparenza:

(i) 

l-informazzjoni kollha li tikkonċerna diskussjonijiet tekniċi u t-teħid tad-deċiżjonijiet ġiet arkivjata u identifikata;

(ii) 

l-informazzjoni dwar attivitajiet ta' standardizzazzjoni ġodda tħabbret pubblikament u f'firxa wiesgħa permezz ta' mezzi xierqa u aċċessibbli.

(iii) 

il-parteċipazzjoni tal-kategoriji kollha relevanti tal-partijiet interessati intalbet bil-għan li jinkiseb bilanċ;

(iv) 

il-kummenti mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u ngħataw risposta.

4. Li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

manutenzjoni: l-appoġġ u l-manutenzjoni kontinwi ta’ speċifikazzjonjiet pubblikati huma ggarantiti fuq perjodu twil.

(b) 

disponibilità: l-ispeċifikazzjonijiet huma disponibbli pubblikament għall-implimentazzjoni u għall-użu b'kundizzjonijiet raġonevoli (inkluż għal ħlas raġonevoli jew mingħajr ħlas).

(c) 

id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ speċifikazzjonjiet huma lliċenzjati lil applikanti fuq bażi raġjonevoli (ġusta) u mhux diskriminatorja ((F) RAND), li tinkludi, għad-diskrezzjoni tad-detentur tad-drittijiet intelletwali, l-għoti tal-proprjetà intellettwali essenzjali mingħajr kumpens.

(d) 

relevanza:

(i) 

l-ispeċifikazzjonijiet huma effettivi u relevanti;

(ii) 

jeħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet iwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq u r-rekwiżiti regolatorji;

(e) 

newtralità u stabbiltà:

(i) 

kulmeta jkun possibbli l-istandards għandhom ikunu diretti lejn ir-rendiment aktar milli bbażati fuq id-disinn jew karatteristiċi deskrittivi;

(ii) 

l-ispeċifikazzjonijiet ma jxekklux is-suq jew jillimitaw il-possibilitajiet għall-implimentaturi biex jiżviluppaw il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni bbażati fuqhom;

(iii) 

l-ispeċifikazzjonijiet huma bbażati fuq żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi avvanzati.

(f) 

kwalità:

(i) 

il-kwalità u l-livell ta' dettall huma biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp ta' varjetà ta' implimentazzjonijiet ta' prodotti u servizzi interoperabbli li qegħdin jikkompetu magħhom;

(ii) 

l-interfaċji standardizzati mhumiex moħbija jew ikkontrollati minn ħadd ħlief l-organizzazzjonijiet li adottaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.




ANNESS III

ORGANIZZAZZJONIJIET EWROPEJ TAL-PARTIJIET INTERESSATI ELIĠIBBLI GĦALL-FINANZJAMENT TAL-UNJONI

1. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) 

hija mhux governattiva u ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt;

(b) 

tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew, li tqajjem l-għarfien tagħhom dwar l-istandardizzazzjoni u li timmotivahom biex jinvolvu ruħhom fil-proċess ta' standardizzazzjoni;

(c) 

tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet li ma jagħmlux profitt li jirrapreżentaw lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f’għall-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

2. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-konsumaturi fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) 

mhijiex governattiva, ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt, u hija indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn;

(b) 

tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi tal-konsumaturi fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew;

(c) 

tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet nazzjonali tal-konsumatur li ma jagħmlux profitt f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

3. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-interessi ambjentali fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) 

mhijiex governattiva, ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt, u hija indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn,

(b) 

tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi ambjentali fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew;

(c) 

tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet ambjentali nazzjonali li ma jagħmlux profitt f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi ambjentali fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.

4. Organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-interessi soċjali fl-attivitajiet Ewropej ta' standardizzazzjoni li:

(a) 

mhijiex governattiva, ma jkolliex l-għan li tagħmel profitt, u hija indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u ta' negozju jew minn kunflitti ta' interessi oħrajn;

(b) 

tkun tħaddan bħala l-objettivi u l-attivitajiet statutorji tagħha r-rappreżentanza tal-interessi soċjali fil-proċess ta’ standardizzazzjoni fil-livell Ewropew;

(c) 

tkun ingħatat mandat minn organizzazzjonjiet soċjali nazzjonali li ma jagħmlux profitt f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, biex tirrappreżenta l-interessi soċjali fil-proċess ta' standardizzazzjoni fil-livell Ewropew.




ANNESS IV



TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 98/34/KE

Dan ir-Regolament

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (6)

Artikolu 2(1)

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (7)

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (8)

Artikolu 2(3)

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (9)

Artikolu 2(8)

Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (10)

Artikolu 2(10)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 3(3) u (4)

Artikolu 2(4)

Artikolu 27

Artikolu 2(5)

Artikolu 20(a)

Artikolu 3

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 3(3) u (5) u Artikolu 4(4)

Artikolu 4(2)

Artikolu 6(3), l-ewwel inċiż

Artikolu 6(4)(a)

Artikolu 20(a)

Artikolu 6(4)(b)

Artikolu 6(4)(e)

Artikolu 10(2)

Annex I

Annex I

Annex II

Artikolu 27

Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikoli 2 u 3

Artikolu 15

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 17

Artikolu 6(1)

Artikolu 18

Artikolu 6(2)

Artikolu 24(3)

Artikolu 7

Artikolu 19

Deċiżjoni 87/95/KEE

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 13

Artikolu 4

Artikolu 8

Artikolu 5

Artikolu 14

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 24(3)

Artikolu 9



( 1 ) ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.