SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 34(2) — Konvenut li ma jidhirx għall-proċeduri — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Motivi tar-rifjut — Assenza ta’ notifika fi żmien xieraq tal-att promotur lill-konvenut kontumaċi — Kunċett ta’ ‘proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza’ — Talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 19(4) — Notifika tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Terminu li fih it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza hija ammissibbli”

Fil-Kawża C‑70/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Emmanuel Lebek

vs

Janusz Domino,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Toader (Relatur), A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn J. García‑Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Chambel Margarido, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79), kif irrettifikat (ĠU 2015, L 68, p. 91).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Emmanuel Lebek u Janusz Domino dwar ir-rikonoxximent, fil-Polonja, tas-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza mogħtija minn qorti Franċiża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Brussell I

3

Il-premessi 2, 6, u 16 sa 18 tar-Regolament Brussell I jgħidu:

“(2)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali.

[...]

(6)

Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[...]

(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

(18)

B’dana kollu, rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti. Proċeduri ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli wkoll għal min iressaq il-każ meta l-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet miċħuda.”

4

L-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament Brussell I jistabbilixxi:

“1.   Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.”

5

Skont l-Artikolu 26(3) ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membru ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227), għandu japplika minflok id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 jekk l-att promotur jew dokument ekwivalenti jkun ġie trażmess minn Stat Membru wieħed lill Stat Membru ieħor bis-saħħa tar-Regolament Nru 1348/2000.

6

Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Brussell I, “[s]entenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali”.

7

L-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk “il-konvenut ma kienx ġie servut [nnotifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur [il-konvenut] ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk”.

8

L-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew [jekk] tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.   Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika [ordni pubbliku] msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

9

L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Brussell I jipprevedi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

10

L-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“1.   Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.   Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

Ir-Regolament Nru 1393/2007

11

Skont il-premessi 6, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1393/2007:

“(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-intenzjoni tagħom biex jaħtru biss aġenzija waħda li tittrasmetti jew tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet għal perijodu ta’ ħames snin. Madankollu din il-ħatra tista’ tiġġedded kull ħames snin.

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn in-notifika jkollha titwettaq, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

[...]

(12)

L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għan-notifika sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal notifika minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, notifika permezz ta’ servizzi postali, u notifika diretta. Għandu jkun stabbilit li n-notifika tad-dokument irrifjutat tista’ tkun rrimedjata permezz tan-notifika lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.”

12

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jgħid:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal notifika hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju tal-awtorità tal-Istat (‘acta iure imperii’).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

[...]”

13

L-Artikolu 19(4) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti tal-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

(b)

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu tal-azzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-effetti tal-għeluq taż-żmien għall-appell tista’ titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skont l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m’għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.”

14

Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 “[l]-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 10, 11, 13, 15 u 19. [...]”

15

Konformement mal-Artikolu 23(1), ir-Repubblika Franċiża indikat fil-komunikazzjoni tagħha li t-terminu għal talba eventwali tal-konvenut intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza huwa ta’ sena mid-data li fiha tingħata s-sentenza.

Id-dritt Franċiż

16

L-Artikolu 540 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili (code de procédure civile), fil-verżjoni tiegħu li jirriżulta mid-Digriet Nru 2011‑1043, tal-1 ta’ Settembru 2011, dwar il-miżuri kawtelatorji meħuda wara l-ftuħ ta’ suċċessjoni u dwar il-proċeduri għal miżuri provviżorji (JORF tat-2 ta’ Settembru 2011, p. 14884, iktar ’il quddiem il-“KPĊ”), jipprevedi:

“Fil-każ li s-sentenza tingħata fil-kontumaċja jew li titqies kontradittorja, l-imħallef jista’ jeżenta lill-konvenut mid-dekadenza li tirriżulta mill-iskadenza tat-terminu jekk il-konvenut, mingħajr ma jkun hemm nuqqas min-naħa tiegħu, ma kienx jaf bis-sentenza fi żmien xieraq sabiex jibda proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza, jew jekk kien impossibbli għalih li jaġixxi.

L-eżenzjoni mid-dekadenza għandha tintalab lill-president tal-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-oppożizzjoni jew tal-appell. It-talba lill-president għandha ssir bl-istess mod bħal fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

It-talba hija ammissibbli sal-iskadenza ta’ terminu ta’ xahrejn wara l-ewwel att innotifikat lill-persuna kkonċernata jew, fin-nuqqas, wara l-ewwel miżura ta’ implementazzjoni li jkollha l-effett li l-beni kollha tad-debitur jew parti minnhom ma jkunux disponibbli.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fil-kuntest tal-ewwel proċedura quddiem il-qrati Pollakki kompetenti, E. Lebek talab ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi, Franza) tat-8 ta’ April 2010, li permezz tagħha J. Domino ġie kkundannat jagħtih manteniment ta’ EUR 300 fix-xahar.

18

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-att promotur ippreżentat quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi) ma kienx ġie nnotifikat lill-konvenut, J. Domino, peress li l-indirizz tiegħu f’Pariġi, indikat mir-rikorrent, E. Lebek, ma kienx korrett, billi l-konvenut kien iddomiċiljat fil-Polonja mill-1996. Għaldaqstant, billi ma kienx jaf dwar il-proċedura pendenti, J. Domino ma setax jiddefendi ruħu.

19

Kien biss f’Lulju 2011 li J. Domini sar jaf dwar is-sentenza mogħtija minn din il-qorti Franċiża, jiġifieri sena wara l-għoti ta’ din is-sentenza, meta s-Sąd Okręgowy w Jeleniej Górze (qorti reġjonali ta’ Jelenia Góra, il-Polonja), fil-kuntest tal-proċedura mibdija quddiem din l-aħħar qorti, innotifikatlu kopji ċċertifikati tas-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi) kif ukoll tat-talba ta’ E. Lebek intiża sabiex jikseb ir-rikonoxximent tas-saħħa eżekuttiva tagħha.

20

Permezz ta’ digrieti mogħtija, rispettivament, fit-23 ta’ Novembru 2011 mis-Sąd Okręgowy w Jeleniej Górze (qorti reġjonali ta’ Jelenia Góra) u fil-31 ta’ Jannar 2012 mis-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (qorti tal-appell ta’ Wroclaw, il-Polonja), dawn il-qrati ċaħdu t-talba ta’ E. Lebek, minħabba n-nuqqas ta’ rispett tad-dritt ta’ J. Domino li jiddefendi ruħu, billi dan tal-aħħar sar jaf dwar is-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi) f’data li fiha ma kienx għadu possibbli li jippreżenta appell ordinarju.

21

Sussegwentement, E. Lebek ippreżenta rikors ieħor quddiem is-Sąd Okręgowy w Jeleniej Górze (qorti reġjonali ta’ Jelenia Góra), b’għan identiku għal dak tat-talba miċħuda preċedentement, billi qajjem fatti ġodda, jiġifieri li n-notifiki tas-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi) lill-konvenut twettqu fis-17 u fil-31 ta’ Mejju 2012, skont id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1393/2007. Dawn in-notifiki kienu jikkonċernaw din is-sentenza kif ukoll istruzzjoni intiża għall-konvenut, billi jirriproduċu, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 540 tal-KPĊ. Skont din l-istruzzjoni, il-konvenut seta’ jressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, li tirriżulta mill-iskadenza tat-terminu, fi żmien xahrejn wara n-notifika tas-sentenza kkonċernata.

22

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2012, billi osservat li l-konvenut ma kienx ressaq tali talba fit-terminu stabbilit, is-Sąd Okręgowy w Jeleniej Górze (qorti reġjonali ta’ Jelenia Góra) laqgħat it-tieni talba ta’ E. Lebek, billi qieset li r-rispett tad-dritt li jiddefendi ruħu kien ġie żgurat, u ddikjarat li s-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi) setgħet tiġi eżegwita fil-Polonja.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2013, wara l-appell ippreżentat minn J. Domino, is-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (qorti tal-appell ta’ Wroclaw) bidlet is-sentenza kkontestata u ċaħdet it-talba għal rikonoxximent, għar-raġuni li l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I kellu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi possibbiltà li titressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza ma kinitx tfisser li kienu jeżistu possibbiltajiet reali li jinbdew proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi), billi dawn il-proċedimenti kienu jiddependu, fil-fatt, minn sentenza favorevoli minn qabel tal-qorti Franċiża fir-rigward tal-imsemmija talba għall-eżenzjoni mid-dekadenza.

24

E. Lebek ippreżenta, quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza tas-Sąd Apelacyjny we Wrocławiu (qorti tal-appell ta’ Wroclaw).

25

Skont is-Sąd Najwyższy (qorti suprema), f’sitwazzjoni li fiha l-konvenut seta’ jressaq, fl-Istat ta’ oriġini tas-sentenza kkonċernata, talba għall-bidu mill-ġdid tat-terminu sabiex jinbdew proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza, dan il-konvenut ma jistax jinvoka l-motivi ta’ rifjut ta’ dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din is-sentenza, stabbiliti fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I.

26

Din il-qorti tqis li l-kunċett ta’ “proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza”, li jinsab fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa billi r-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni jikkonsisti fil-protezzjoni tal-konvenut meta tingħata sentenza kontrih, minkejja li huwa ma jkunx ġie nnotifikat bl-att promotur. Tali protezzjoni tiġi żgurata meta jkun possibbli li titressaq talba għall-bidu mill-ġdid tat-terminu sabiex jinbdew proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza.

27

Hija tfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 19(4) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, fi Franza, it-terminu li matulu t-talba intiża għall-eżenzjoni mid‑dekadenza hija ammissibbli huwa ta’ sena mid-data li fiha tingħata s-sentenza kkonċernata.

28

Minn dan jirriżulta li, jekk l-Artikolu 19(4) tal-imsemmi regolament kellu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kwistjoni tal-proroga tat-terminu sabiex jinbdew proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza, bħall-Artikolu 540 tal-KPĊ, dan ikun ifisser li l-konvenut ma jkollux iktar id-dritt iressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, billi t-terminu ta’ sena jkun skada u, għaldaqstant, il-konvenut ma jkunx jista’ iktar jibda proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I.

29

Is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) tqis madankollu li l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 ma għandux natura esklużiva u li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-bidu mill-ġdid tat-terminu. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi biss l-istandards minimi ta’ protezzjoni tal-konvenut kontumaċi, li lilu ma tkunx ġiet innotifikata t-talba, u tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw il-miżuri l-iktar favorevoli.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament […] Nru 44/2001 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn isemmi l-fatt li għandu jkun hemm il-possibbiltà li titressaq kawża, dan ikopri kemm is-sitwazzjoni li fiha din il-kawża tista’ titressaq fit-terminu previst fid-dritt nazzjonali kif ukoll dik li fiha, għalkemm it-terminu jkun skada, ikun madankollu possibbli li titressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza u sussegwentement – ladarba tintlaqa’ – li titressaq il-kawża xierqa?

2)

L-Artikolu 19(4) tar-Regolament […] Nru 1393/2007 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-dekadenza, jew fis-sens li l-konvenut jista’ jagħmel użu jew mit-talba msemmija f’din id-dispożizzjoni jew inkella mill-proċedura xierqa prevista mid-dritt nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-kunċett ta’ “proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza”, li jinsab fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi wkoll it‑talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu sabiex jiġi ppreżentat appell ordinarju jkun skada.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiżgura, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Brussell I kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt nazzjonali ta’ wieħed jew ieħor mill-Istati kkonċernati. L-imsemmi kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment b’mod partikolari għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-imsemmi regolament, mill-premessa 2, 6, 16 u 17 jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jiżgura l-moviment liberu ta’ sentenzi minn Stati Membri f’materji ċivili u kummerċjali, billi jiġu ssemplifikati l-formalitajiet bl-għan li jiġu mħaffa u ssemplifikati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 23).

34

Mandankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), dan l-għan ma jistax jintlaħaq jekk b’xi mod id-drittijiet tad-difiża jiġu mdgħajfa (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, mill-premessa 18 tar-Regolament Brussell I jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimponi li l-konvenut għandu jkun jista’, jekk ikun il-każ, jippreżenta appell, eżaminat inter partes, kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza, jekk iqis li waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ġie stabbilit.

36

F’dan ir-rigward, mill-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Brussell I jirriżulta li s-sistema ta’ rimedji li dan jipprovdi kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza hija intiża sabiex tistabbilixxi bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-kunfidenza reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, li tiġġustifika li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru jkunu, bħala prinċipju, irrikonoxxuti u ddikjarati eżegwibbli ipso jure fi Stat Membru ieħor, u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jimponi li l-konvenut għandu jkun jista’, jekk ikun il-każ, jippreżenta appell, eżaminat inter partes, kontra d-dikjarazzjoni li tistabbilixxi s-saħħa eżekuttiva, jekk iqis li waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ġie stabbilit (sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 73).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-drittijiet fundamentali, bħall-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, li joriġinaw mid-dritt għal smigħ xieraq, ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet. Madankollu, dawn għandhom jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jistgħux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, ksur sproporzjonat tal-imsemmija drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 50).

38

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, għandu jitfakkar li, b’differenza mill-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dan ma jirrikjedix neċessarjament ir-regolarità tan-notifika tal-att promotur, iżda pjuttost r-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 20).

39

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) ta’ dan tal-aħħar, huwa intiż li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-konvenut kontumaċi matul il-proċedura miftuħa fl-Istat Membru ta’ oriġini, permezz ta’ sistema ta’ stħarriġ doppju. Bis-saħħa ta’ din is-sistema, il-qorti tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni għandha l-obbligu li tirrifjuta jew li tirrevoka, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija mogħtija fil-kontumaċja, jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut kontumaċi fi żmien xieraq u b’mod li dan ikun jista’ jiddefendi ruħu, sakemm ma jkunx beda proċedimenti biex jiddisputa din is-sentenza quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, filwaqt li kien f’pożizzjoni li jagħmel dan (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I ma jimplikax li l-konvenut huwa marbut li jieħu passi ġodda li jmorru lil hinn minn diliġenza normali fid-difiża tad-drittijiet tiegħu, bħal pereżempju li jinforma ruħu dwar il-kontenut ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 39).

41

Għaldaqstant, sabiex jitqies li kien possibbli, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, għal konvenut kontumaċi li jibda proċedimenti biex jiddisputa sentenza mogħtija kontrih fil-kontumaċja, huwa għandu jkun jaf dwar il-kontenut ta’ din is-sentenza, liema fatt jippreżupponi li din tal-aħħar ġiet innotifikata lilu (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 40).

42

Għal dak li jirrigwarda iktar speċifikament it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, għandu jiġi ppreċiżat li tali talba għandha bħala għan li terġa tagħti lil konvenut kontumaċi d-dritt tiegħu li jressaq kawża wara l-iskadenza tat-terminu previst mil-liġi għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

43

Għaldaqstant, l-istess bħall-possibbiltà mogħtija li jiġi ppreżentat appell ordinarju, din hija intiża sabiex tiżgura r-rispett effettiv, fir-rigward ta’ konvenuti kontumaċi, tad-drittijiet tad-difiża.

44

Madankollu, skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007, it-tressiq ta’ talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza tippresupponi li l-konvenut, mingħajr ma jkun hemm nuqqas min-naħa tiegħu, ma kienx jaf dwar l-att ikkonċernat fi żmien xieraq sabiex jibda proċedimenti biex jiddisputa l-att u li l-motivi tiegħu ma jidhrux totalment infondati. Din it-talba għandha, barra minn hekk, titressaq fi żmien raġonevoli.

45

Sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artiklu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 huma ssodisfatti, peress li l-konvenut ikun għad għandu l-possibbiltà li jitlob li jingħata mill-ġdid id-dritt tiegħu li jippreżenta appell ordinarju, ma jistax jitqies li huwa ma jkunx għadu f’pożizzjoni sabiex jeżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tressiq ta’ talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza ma tistax titqies bħala pass addizzjonali li jmur lil hinn minn diliġenza normali fid-difiża tad-drittijiet tal-konvenut kontumaċi.

46

Jekk dan tal-aħħar ma jkunx uża d-dritt tiegħu li jitlob l-eżenzjoni mid-dekadenza, minkejja li seta’ jagħmel dan, u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija kontrih fil-kontumaċja ma jkunx jista’ jiġi rrifjutat abbażi tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I.

47

Min-naħa l-oħra, sentenza mogħtija fil-kontumaċja ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk il-konvenut kontumaċji, mingħajr ma jkun hemm nuqqas min-naħa tiegħu, ikun ressaq talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, li sussegwentement ġiet miċħuda, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 kienu ssodisfatti.

48

Din is-soluzzjoni tista’ tiggarantixxi r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u tiżgura l-bilanċ ġust bejn, minn naħa, in-neċessità li jiġi żgurat li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru huma, bħala prinċipju, irrikonoxxuti u ddikjarati eżegwibbli ipso jure fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-kunċett ta’ “proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza”, li jinsab fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Brussell I, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi wkoll it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu sabiex jiġi ppreżentat appell ordinarju jkun skada.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar is-sistema ta’ talbiet intiżi għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu ta’ ammissibbiltà għat-tressiq ta’ tali talbiet, kif speċifikat fil-komunikazzjoni ta’ Stat Membru li għaliha tirreferi l-imsemmija dispożizzjoni, ikun skada.

51

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, regolament huwa att ġuridiku tal-Unjoni li għandu applikazzjoni ġenerali, li jorbot fl-intier tiegħu u li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, minħabba n-natura stess tiegħu u l-funzjoni tiegħu fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, huwa jipproduċi effetti immedjati u huwa adatt sabiex jagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 40, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 48).

52

F’dan ir-rigward, l-għażla tal-forma tar-regolament juri l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jorbot man-natura direttament applikabbli tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 u mal-applikazzjoni uniformi tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 46, u tal-25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort, C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 49).

53

Skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007, kull Stat Membru jista’ jippreċiża, konformement mal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li t-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza hija inammissibbli jekk ma titressaqx f’terminu li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, liema terminu madankollu ma għandux ikun inqas minn sena mid-data li fiha tingħata s-sentenza kkonċernata.

54

F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża għamlet użu mill-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 19(4) u indikat fil-komunikazzjoni tagħha li talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza hija inammissibbli jekk din titressaq wara terminu ta’ sena mid-data li fiha tkun ingħatat l-imsemmija sentenza.

55

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ preskrizzjoni jaqdu, b’mod ġenerali, il-funzjoni li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 68, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 42).

56

Issa, fil-kawża prinċipali, ma huwiex qed jiġi kkontestat li kien biss f’Lulju 2011 li J. Domino sar jaf dwar is-sentenza tat-tribunal de grande instance de Paris (qorti reġjonali ta’ Pariġi), jiġifieri meta t-terminu ta’ sena mid-data li fiha ngħatat din is-sentenza kien diġà skada.

57

Għaldaqstant, jekk l-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 jiġi interpretat fis-sens li talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza tista’ xorta waħda titressaq f’terminu previst mid-dritt nazzjonali, minkejja li din ma tkunx għadha ammissibbli skont dispożizzjoni vinkolanti u direttament applikabbli ta’ dan ir-regolament, tali interpretazzjoni tkun tikser kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll is-saħħa vinkolanti marbuta mar-regolamenti tal-Unjoni.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar is-sistema ta’ talbiet intiżi għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu ta’ ammissibbiltà għat-tressiq ta’ tali talbiet, kif speċifikat fil-komunikazzjoni ta’ Stat Membru li għaliha tirreferi l-imsemmija dispożizzjoni, ikun skada.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza”, li jinsab fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi wkoll it-talba intiża għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu sabiex jiġi ppreżentat appell ordinarju jkun skada.

 

2)

L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jeskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar is-sistema ta’ talbiet intiżi għall-eżenzjoni mid-dekadenza, meta t-terminu ta’ ammissibbiltà għat-tressiq ta’ tali talbiet, kif speċifikat fil-komunikazzjoni ta’ Stat Membru li għaliha tirreferi l-imsemmija dispożizzjoni, ikun skada.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.