SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Użu kkonfinat ta’ mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament — Direttiva 2009/41/KE — Traspożizzjoni inkorretta u inkompleta”

Fil-Kawża C‑281/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Pignataro‑Nolin u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ttrasponietx jew billi ttrasponiet b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(a), (b) u (d) sa (f), tal-Artikolu 3(3), tal-Artikolu 4(3), tal-Artikoli 6 sa 8, tal-Artikolu 9(1) u (2)(a), tal-Artikolu 10(3) u (4), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1), tal-Artikolu 18(3) u (4), kif ukoll tar-raba’ inċiż tal-Parti A, tal-ewwel inċiż tal-Parti B u tal-ewwel inċiż tal-Parti C tal-Anness V, tad-Direttiva 2009/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar l-użu konfinat ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 125, p. 75), ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Skont l-Artikolu 2 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), ir-Repubblika tal-Polonja ilha mill-1 ta’ Mejju 2004, data tal-adeżjoni tagħha, marbuta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mill-atti adottati, qabel din l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

3

Skont l-Artikolu 54 tal-Att ta’ Adeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jikkonformaw, sa mill-adeżjoni, mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi u tad-deċiżjonijiet, sakemm ma jkunx previst terminu differenti fl-annessi msemmija fl-Artikolu 24 ta’ dan l-att, jew f’dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi att jew tal-annessi tiegħu. Sa fejn la l-Anness XII tal-istess att, li jikkonċerna lir-Repubblika tal-Polonja u li jissemma fl-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni u lanqas dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-att li jikkonċernaw lil dan l-Istat Membru ma jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw lid-Direttiva tal-Kunsill 90/219/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar l-użu fil-magħluq ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 381), u lid-Direttiva tal-Kunsill 98/81/KE, tas-26 ta’ Ottubru 1998, li temenda d-Direttiva 90/219 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 71), ir-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata li tkun ittrasponiet dawn id-direttivi fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

4

Id-Direttiva 90/219 stabbiliet miżuri komuni għall-użu kkonfinat ta’ mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament bl-iskop li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

5

Din id-direttiva ġiet emendata permezz tad-Direttiva 98/81.

6

Id-Direttiva 90/219, kif emendata bid-Direttiva 98/81 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/219, kif emendata”), tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/41, li daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2009.

7

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/41, li huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/219, kif emendata, jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[...]

(a)

‘mikro-organiżmu’ jfisser kull entità mikrobijoloġika, ċellulari jew mhiex ċellulari, li kapaċi li tirreplika ruħha jew li tittrasferixxi materjal ġenetiku, inklużi virus, virojdi, u ċelloli tal-annimali u tal-pjanti f’kultura;

(b)

‘mikro-organiżmu modifikat ġenetikament’ (GMM) jfisser mikro-organiżmu li fih il-materjal ġenetiku nbidel b’mod li ma jseħħx b’mod naturali bit-tgħammir u/jew b’rikombinazzjoni naturali; taħt din id-definizzjoni:

(i)

il-modifikazzjoni ġenetika sseħħ tal-inqas permezz tal-użu tal-metodi ta’ teknika elenkati fl-Anness I, Parti A;

(ii)

il-metodi ta’ teknika msemmija fl-Anness I, Parti B, m’humiex meqjusa li jirriżultaw f’modifikazzjoni ġenetika;

[...]

(d)

‘aċċident’ ifisser kull inċident li jinvolvi r-rilaxx sinifikanti u involontarju ta’ GMMs matul l-użu konfinat tagħhom li jista’ jippreżenta perikolu immedjat jew ritardat għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent;

(e)

‘utent’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-użu konfinat ta’ GMMs;

[...]”

8

Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/41, li jikkorrispondi għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/219, kif emendata:

“Din id-Direttiva [2009/41] m’għandhiex tapplika għall-preżervazzjoni, kultivazzjoni, trasport, qerda, rimi jew użu ta’ GMMs li jkunu tqiegħdu fis-suq taħt id-Direttiva 2001/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77)] jew taħt xi leġislazzjoni Komunitarja oħra li tipprevedi xi stima speċifika tar-riskju ambjentali simili għal dik stabbilita fl-imsemmija Direttiva, sakemm l-użu konfinat ikun konformi mal-kondizzjonijiet, jekk ikun hemm, tal-kunsens għat-tqegħid fis-suq.”

9

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/41, li huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/219, kif emendata, huwa fformulat kif ġej:

“Meta xi fond ikun sejjer jintuża għall-ewwel darba għal użu konfinat, l-utent huwa meħtieġ jagħti lill-awtoritajiet kompetenti, qabel ma jagħti bidu għal dan l-użu, notifika li tinkludi ta’ mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness V, Parti A.”

10

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/41, li ssostitwixxa l-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/219, kif emendata, jipprovdi:

“Wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 6, l-użu konfinat sussegwenti taħt il-klassi 1 jista’ jissokta mingħajr notifikazzjoni ulterjuri. L-utenti ta’ GMMs f’użu konfinat taħt il-klassi 1 huma meħtieġa jżommu rekord ta’ kull valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6), li għandu jitpoġġa għad-disposizzjoni tal-awtorità kompetenti meta ssir talba.”

11

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/41, li huwa fformulat f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 90/210, kif emendata, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-ewwel użu u għal użu konfinat sussegwenti taħt il-klassi 2 li jkunu sejrin jitwettqu f’fond notifikat taħt l-Artikolu 6, għandha tingħata notifika li jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Anness V, Parti B.

2.   Jekk il-fond ikun ġie indikat f’notifika preċedenti biex isir użu konfinat taħt il-klassi 2 jew klassi ogħla u jekk r-rekwiżiti tal-kunsens relatati jkunu ġew sodisfatti, l-użu konfinat tal-klassi 2 jista’ jissokta immedjatament wara n-notifika l-ġdida.

L-applikant jista’, madanakollu, jitlob huwa stess deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni formali mill-awtorità kompetenti. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien massimu ta’ 45 jum min-notifika.

3.   Jekk il-fond ma ġiex indikat f’notifika preċedenti biex isir użu konfinat taħt il-klassi 2 jew ogħla, l-użu konfinat taħt il-klassi 2 jista’, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja mill-awtorità kompetenti, jissokta 45 jum wara l-preżentazzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, jew aktar kmieni bi ftehim ma’ l-awtorità kompetenti.”

12

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/41, li l-kontenut tiegħu huwa prattikament identiku għal dak tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 90/219, kif emendata, jipprovdi:

“1.   Sabiex l-użu konfinat għall-ewwel darba u sussegwentement taħt il-klassi 3 jew il-klassi 4 ikun jista’ jitwettaq fil-fond notifikat taħt l-Artikolu 6, għandha tingħata notifika li tinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness V, Parti Ċ.

2.   L-użu konfinat tal-klassi 3 jew ogħla ma jistax jissokta mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti li għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha bil-miktub:

(a)

sa m’hux aktar tard minn 45 jum wara l-preżentata tan-notifika l-ġdida, fil-każ ta’ fond li ġie indikat f’notifika preċedenti biex jitwettaq użu konfinat tal-klassi 3 jew klassi ogħla u fejn kull rekwiżit ta’ kunsens relatat ikunu ġie sodisfatt għall-istess klassi jew klassi ogħla minn dik tal-użu konfinat li jkun prospettat li jsir;

(b)

sa m’hux aktar tard minn 90 jum wara l-preżentata tan-notifika, f’każijiet oħrajn.”

13

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/41, li jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 90/219, kif emendata, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw il-miżuri li huma jadottaw fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u biex jirċievu u jirrikonoxxu n-notifiki msemmija fl-Artikoli 6, 8 u 9.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw il-konformità tan-notifiki mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, ir-reqqa u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija, ir-reqqa tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) u l-klassi ta’ użu konfinat u, fejn il-każ, kemm huma adattati l-miżuri ta’ konteniment u miżuri protettivi oħrajn, il-ġestjoni tal-iskart, u miżuri ta’ reazzjoni għal emerġenza.

3.   Jekk ikun meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista’:

(a)

tesiġi mill-utent aktar informazzjoni jew titolbu jimmodifika l-kondizzjonijiet tal-użu konfinat propost jew biex jemenda l-klassi assenjata għall-użu konfinat. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-użu konfinat, jekk ikun propost, ma jibdiex, jew, jekk ikun għaddej, li jiġi sospiż jew mitmum, sa meta l-awtorità kompetenti tkun tat l-approvazzjoni tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni ulterjuri miksuba jew tal-kondizzjonijiet modifikati tal-użu konfinat;

(b)

tillimita ż-żmien li għalih l-użu konfinat għandu jkun permess jew tagħmlu suġġett għall-ċerti kondizzjonijiet speċifiċi.

4.   Sabiex jiġu kkalkulati l-perjodi msemmija fl-Artikoli 8 u 9, kull perjodu ta’ żmien li matulu l-awtorità kompetenti:

(a)

tkun qed tistenna xi informazzjoni ulterjuri li hija tkun talbet mingħand in-notifikant taħt il-punt (a) tal-paragrafu 3, jew

(b)

tkun qiegħda twettaq inkjesta jew konsultazzjoni pubblika taħt l-Artikolu 12 m’għandux jitqies.”

14

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/41, li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 90/219, kif emendata, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità kompetenti torganizza ispezzjonijiet u miżuri oħra ta’ kontroll biex tiżgura konformità ma’ din id-Direttiva [min-naħa tal-utenti].”

15

L-Artikolu 18(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2009/41, li jikkorrispondu għall-Artikolu 19(1), (4) u (5) tad-Direttiva 90/219, kif emendata, jipprovdu:

“1.   Meta l-iżvelar tagħha jaffettwa wieħed jew iżjed mill-elementi msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375)], in-notifikant jista’ jindika l-informazzjoni fin-notifiki preżentati taħt din id-Direttiva li għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali. Għandha tingħata ġustifikazzjoni li tista’ tiġi vverifikata f’każijiet bħal dawn.

L-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi, wara konsultazzjoni man-notifikant, liema informazzjoni għandha tinżamm kunfidenzjali u għandha tinforma lin-notifikant bid-deċiżjoni tagħha.

[...]

3.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx jiżvelaw informazzjoni li taħt it-tieni subparagrafu ta’ paragrafu 1 tkun ġiet meqjusa kunfidenzjali u li tkun ġiet notifikata jew mogħtija b’xi mod ieħor taħt din id-Direttiva lil terzi, u għandhom jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mad-data riċevuta.

4.   Jekk, għall xi raġuni, in-notifikant jirtira n-notifikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mogħtija.”

Id-dritt Pollakk

16

L-Artikolu 3 tal-Liġi dwar l-organiżmi mmodifikati ġenetikament (ustawa o organizmach genetycznie zmodyfikowanych), tat-22 ta’ Ġunju 2001 (Dz. U. 2007 Nru 36, intestatura 233, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-OMĠ”), jipprovdi d-definizzjonijiet segwenti:

“(1)

‘organiżmu’: kull entità bijoloġika, ċellulari jew mhux ċellulari, li kapaċi tirripproduċi ruħha jew tittrasferixxi materjal ġenetiku, inklużi virus u virojdi

(2)

‘organiżmu mmodifikat ġenetikament’ [(OMĠ)]: organiżmu, li ma jkunx tal-bniedem, li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali bit-tgħammir jew b’rikombinazzjoni naturali, b’mod partikolari permezz:

(a)

ta’ metodi ta’ teknika rikombinanti tad-DNA li jinvolvu sistemi ta’ vettur u li jimplikaw b’mod partikolari l-formazzjoni ta’ materjal ġenetiku permezz tal-inkorporazzjoni, f’kull tip ta’ virus, plasmidu jew sistema oħra ta’ vettur, ta’ molekuli ta’ DNA prodotti barra minn organiżmu u l-inkorporazzjoni tagħhom f’organiżmu ospitanti li fih ma jseħħux b’mod naturali iżda li fih jistgħu jitkattru b’mod kontinwu;

(b)

ta’ metodi ta’ teknika li jinvolvu l-inkorporazzjoni diretta ta’ materjal ereditarju ppreparat barra mill-organiżmu, u b’mod partikolari l-mikro-injezzjoni, il-makro-injezzjoni u l-mikro-inkapsulament;

(c)

ta’ metodi li ma jseħħux b’mod naturali u li jinkludi l-fużjoni tal-materjal ġenetiku ta’ minn tal-inqas żewġ ċelloli differenti, fejn il-proċedura applikata twassal għall-kostituzzjoni ta’ ċellola ġdida li tkun kapaċi tittrażmetti l-materjal ġenetiku tagħha li jkun differenti mill-materjal parentali liċ-ċelloli wlied;

[...]

(7)

‘utent ta’ OMĠ’: persuna fiżika jew ġuridika, jew inkella entità organizzattiva li ma għandhiex personalità ġuridika, li twettaq f’isimha użu kkonfinat ta’ OMĠ jew operazzjoni li tikkonsisti fit-tixrid volontarju ta’ OMĠ fl-ambjent, inkluż it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti OMĠ;

(8)

‘aċċident’: kull inċident li jinvolvi rilaxx involontarju ta’ OMĠ matul l-użu kkonfinat tagħhom, li jista’ jkun ta’ perikolu dirett jew iddefferit għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent;

[...]”

17

Skont l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-OMĠ:

“1.   Il-Ministru għandu jippubblika f’Il-Ġurnal tal-liġijiet, bla ħsara għall-paragrafu 2, l-informazzjoni dwar l-aċċidenti msemmija fl-Artikolu 33 kif ukoll dwar l-effetti u l-perikoli li jirriżultaw minnhom.

2.   Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent japplikaw, mutatis mutandis, fil-każ tal-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OMĠ.”

18

L-Artikolu 14a ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Għandhom jiġu żvelati:

(1)

l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ġenerali tal-OMĠ;

(2)

l-informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz jew dwar l-isem u l-uffiċċju rreġistrat ta’ utent ta’ OMĠ;

(3)

l-informazzjoni dwar il-post fejn twettaq l-użu kkonfinat ta’ OMĠ jew fejn twettaq it-tixrid volontarju ta’ OMĠ fl-ambjent;

(4)

l-informazzjoni dwar il-post, il-portata u n-natura tat-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ;

(5)

informazzjoni oħra li ma hijiex elenkata fil-punti 1 sa 4 u li tkun importanti għas-sigurtà u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.”

19

L-Artikolu 16 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-użu kkonfinat ta’ OMĠ jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-Ministru, sakemm ma hemmx dispożizzjoni kuntrarja f’dan il-kapitolu.”

20

L-Artikolu 17(1) tal-istess liġi jipprovdi:

“Erba’ kategoriji ta’ użu kkonfinat ta’ OMĠ huma ddefiniti skont il-livell ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent:

(1)

kategorija I – operazzjonijiet li ma humiex ta’ riskju;

(2)

kategorija II – operazzjonijiet ta’ risju baxx;

(3)

kategorija III – operazzjonijiet ta’ riskju moderat;

(4)

kategorija IV – operazzjonijiet ta’ riskju għoli.”

21

L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar l-OMĠ jipprovdi:

“1.   Kull applikazzjoni għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-użu kkonfinat ta’ OMĠ msemmija fl-Artikolu 16 għandha tinkludi b’mod partikolari:

(1)

informazzjoni dwar l-utent tal-OMĠ, inkluż l-isem u l-uffiċċju rreġistrat, jew il-kunjom, l-isem u l-indirizz, kif ukoll il-kunjom u l-isem tal-persuna direttament responsabbli għall-użu kkonfinat ta’ OMĠ previst;

(2)

informazzjoni dwar l-operazzjoni prevista, inklużi l-karatteristiċi tal-OMĠ jew tal-kombinazzjoni ta’ OMĠ:

(a)

l-organiżmi reċipjenti u donaturi użati u s-sistema ta’ vettur applikata;

(b)

is-sors u l-funzjoni prevista tal-materjal ġenetiku involut fil-manipulazzjoni;

(c)

il-karatteristiċi distintivi tal-OMĠ;

(3)

informazzjoni dwar il-livelli u t-tipi ta’ riskju previsti;

(4)

informazzjoni dwar il-miżuri ta’ sigurtà applikati għall-manipulazzjoni tal-OMĠ;

(5)

informazzjoni dwar il-miżuri previsti għall-ġestjoni tal-iskart li jkun fih OMĠ.

2.   L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni dwar l-użu kkonfinat ta’ OMĠ imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha magħha:

(1)

inkartament dwar l-evalwazzjoni tar-riskji msemmi fl-Artikolu 6;

(2)

il-pjan ta’ emerġenza msemmi fl-Artikolu 19.

3.   Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni dwar użu kkonfinat ġdid ta’ OMĠ għandu jkollha magħha wkoll informazzjoni dwar ir-riżultati tal-użu kkonfinat preċedenti.”

22

L-Artikolu 23 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata, għal perijodu ddeterminat li ma jistax ikun ta’ iktar minn ħames snin, wara li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-użu kkonfinat ta’ OMĠ previsti mil-liġi huma ssodisfatti, bla ħsara għall-paragrafu 4.

2.   Qabel tingħata l-awtorizzazzjoni huwa possibbli li:

(1)

l-utent ta’ OMĠ li jippreżenta l-applikazzjoni jiġi mistieden, jekk ikun meħtieġ, sabiex jikkompleta, fit-terminu mogħti, id-dokumenti neqsin li jkunu ta’ natura li jikkonfermaw li jissodisfa l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti skont il-liġi għall-implementazzjoni tal-użu kkonfinat ta’ OMĠ;

(2)

l-utent ta’ OMĠ jintalab jippreżenta l-informazzjoni supplimentari neċessarja għal eżami komplet tal-inkartament, u b’mod partikolari l-opinjoni msemmija fl-Artikolu 15;

(3)

titwettaq verifika tal-fatti indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bl-iskop li jiġi stabbilit jekk l-utent ta’ OMĠ li jippreżenta l-applikazzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-użu kkonfinat ta’ OMĠ li jkun is-suġġett tal-applikazzjoni.

3.   L-ispejjeż relatati mal-preżentazzjoni tal-informazzjoni supplimentari u tal-opinjoni msemmija fil-paragrafu 2 huma r-responsabbiltà tal-applikant.

4.   Il-Ministru għandu jirrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni mitluba fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-kategoriji III u IV meta jkun hemm raġunijiet validi sabiex wieħed jemmen li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti ma joffrux il-livell ta’ garanzija meħtieġ sabiex tiġi eskluża kull konsegwenza gravi jew irreparabbli fil-każ ta’ aċċident jew kull riskju ta’ aċċident fil-kuntest tal-użu kkonfinat ta’ OMĠ previst.”

23

Skont l-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi:

“1.   L-awtorizzazzjoni dwar l-użu kkonfinat ta’ OMĠ għandha tingħata f’terminu ta’ tliet xhur mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni. Dan it-terminu għandu jkun sospiż fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 23(2).

1a.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 29, it-terminu għall-għoti tal-awtorizzazzjoni dwar l-użu kkonfinat ta’ OMĠ, previst fil-paragrafu 1, għandu jiġi estiż b’tul ekwivalenti għal dak tal-konsultazzjoni, iżda għal mhux iktar minn perijodu ta’ 30 jum.

2.   Meta jiġi kkonstatat li l-operazzjoni ġiet ikklassifikata f’kategorija ta’ riskju inferjuri għal dik li fiha, fid-dawl tad-dokumenti miġbura, kellha tiġi kklassifikata, l-utent tal-OMĠ jista’ jintalab jemenda l-klassifikazzjoni tal-operazzjoni.

3.   Fil-każ ta’ rifjut li tiġi emendata l-klassifikazzjoni tal-operazzjoni, il-Ministru għandu jirrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni jew għandu jirtira l-awtorizzazzjoni.

4.   Meta jkun meħtieġ minħabba l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent, fl-awtorizzazzjoni dwar l-użu kkonfinat ta’ OMĠ jistgħu jiġu ddefiniti kundizzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-implementazzjoni tal-użu kkonfinat ta’ OMĠ, li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti li jikkonċernaw il-livell u t-tip ta’ miżuri ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li jmorru oltre r-rekwiżiti ddefiniti fuq il-bażi tal-Artikoli 17 u 18.”

24

L-Artikolu 29 tal-istess liġi jipprovdi:

“Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi proċedura intiża għall-għoti ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni għall-użu kkonfinat ta’ OMĠ għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċeduri dwar il-protezzjoni tal-ambjent.”

25

L-Artikolu 31 tal-Liġi dwar l-OMĠ jipprevedi l-possibbiltà li l-klassifikazzjoni f’kategorija partikolari tiġi emendata permezz ta’ “użu kkonfinat ġdid ta’ OMĠ kklassifikat fil-kategorija ta’ riskju I jew II, imwettaq fl-istess post u taħt l-istess kundizzjonijiet, [u li] ma jeħtieġx il-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġdida għal użu kkonfinat ta’ OMĠ, bla ħsara għall-Artikolu 24(2).”

26

L-Artikolu 32 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“1.   L-utent ta’ OMĠ huwa obbligat jinforma mingħajr dewmien lill-Ministru u lill-korp imsemmi fl-Artikolu 19(5),

(1)

dwar kull bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu kkonfinat ta’ OMĠ li jista’ jkollha l-effett li taggrava r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent;

(2)

dwar kull bidla fid-data msemmija fl-Artikolu 21.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 1, il-Ministru, fid-dawl tal-aspetti dwar is-sigurtà tal-persuni jew tal-ambjent, għandu jitlob lill-utent ta’ OMĠ sabiex jibdel il-kundizzjonijiet bħala konsegwenza jew inkella sabiex jissospendi l-użu kkonfinat ta’ OMĠ jew sabiex iwaqqfu, filwaqt li jagħti lill-utent ta’ OMĠ terminu sabiex iwettaq dawn l-azzjonijiet.”

27

L-Artikolu 34(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Il-Ministru għandu jżomm reġistru tal-użi kkonfinati ta’ OMĠ.

2.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(1)

l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet dwar l-użu kkonfinat ta’ OMĠ, kif ukoll id-dokumenti relatati magħhom;

(2)

in-notifiki ta’ użu kkonfinat ġdid ta’ OMĠ;

(3)

l-awtorizzazzjonijiet ta’ użu kkonfinat ta’ OMĠ, flimkien ma’ ġustifikazzjonijiet, kif ukoll informazzjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet jew l-emenda tagħhom;

(4)

l-opinjoni tal-Kummissjoni;

(5)

informazzjoni dwar l-aċċidenti, u b’mod partikolari:

(a)

lista ta’ aċċidenti;

(b)

analiżi tal-kawżi tad-diversi aċċidenti;

(c)

deskrizzjoni tal-esperjenza miksuba matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u tal-eliminazzjoni tal-effetti tal-aċċidenti;

(d)

lista tal-miżuri meħuda mill-utent ta’ OMĠ sabiex jipprevjeni kull aċċident ieħor tal-istess tip;

(e)

evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-aċċident.

2a.   Ir-reġistru għandu jinżamm f’format elettroniku.

3.   Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku; id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikolu 14a japplikaw mutatis mutandis.

4.   Il-konsultazzjoni tar-reġistru għandha tkun bla ħlas.”

28

Il-Liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent u dwar il-protezzjoni tiegħu, dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ħarsien tal-ambjent u dwar l-istudji ta’ impatt fuq l-ambjent (ustawa o udostępnianiu informacji o środowisku i jego ochronie, udziale społeczeństwa w ochronie środowiska oraz o ocenach oddziaływania na środowisko), tat-3 ta’ Ottubru 2008 (Dz. U. Nru 199, intestatura 1277, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent”), tagħmel parti mill-qafas ta’ regoli applikabbli għall-użu kkonfinat ta’ mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament fit-territorju Pollakk.

29

Skont l-Artikolu 16(1) ta’ din il-liġi, l-awtoritajiet amministrattivi ma għandhomx jippermettu li l-pubbliku jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent u dwar il-protezzjoni tiegħu jekk din l-informazzjoni tkun tikkonċerna:

“(1)

id-data individwali użata fi studji għall-istatistika pubblika u koperta mis-sigriet tal-istatistika previst mil-Liġi tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-istatistika pubblika [...];

(2)

il-każijiet li jkunu kkonċernati minn proċedura ġudizzjarja, dixxiplinari jew kriminali, meta l-aċċess għall-informazzjoni jista’ jfixkel l-iżvolġiment tal-proċedura;

(3)

il-każijiet koperti mid-drittijiet tal-awtur, previsti mil-Liġi tal-4 ta’ Frar 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur, id-drittijiet relatati u d-dritt tal-privattivi [...], [u] previsti mil-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 2000 dwar id-dritt tal-proprjetà industrijali [...], jekk l-aċċess għall-informazzjoni jkun ta’ natura li jippreġudika dawn id-drittijiet;

(4)

id-data personali, prevista mil-Liġi tad-29 ta’ Awwissu 1997 dwar il-protezzjoni tad-data personali [...] fir-rigward ta’ persuni terzi, jekk l-aċċess għall-informazzjoni jkun ta’ natura li jimplika ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali;

(5)

id-dokumenti jew id-data pprovduti minn persuni terzi, meta dawn il-persuni jkunu pprovdew din l-informazzjoni b’mod volontarju u jkunu talbu li din l-informazzjoni ma tiġix żvelata, f’sitwazzjoni fejn ma kinux obbligati jipprovdu din l-informazzjoni u fejn l-obbligu li jipprovduha ma setax jiġi impost fuqhom;

(6)

id-dokumenti jew id-data li l-aċċess għalihom ikun ta’ natura li joħloq riskju għall-ambjent jew għas-sigurtà ekoloġika nazzjonali;

(7)

l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, b’mod partikolari d-data teknika pprovduta mill-persuni terzi u koperta mis-sigriet kummerċjali, jekk l-aċċess għal din l-informazzjoni jkun ta’ natura li jolqot il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn il-persuni u jekk dawn tal-aħħar ikunu ressqu talbu motivata sabiex l-informazzjoni msemmija ma tkunx żvelata;

(8)

l-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt importanti fuq l-ambjent, eżerċitati fi spazji magħluqa, li fir-rigward tagħhom il-proċedura b’parteċipazzjoni mill-pubbliku ma tapplikax, skont l-Artikolu 79(2);

(9)

id-difiża u s-sigurtà tal-Istat;

(10)

is-sigurtà pubblika.”

30

L-Artikoli 33 sa 38 tal-Liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent jiddeterminaw ir-regoli li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess li jwassal għat-teħid ta’ deċiżjoni.

31

L-Artikolu 33 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Qabel ma tiġi adottata jew emendata deċiżjoni li teħtieġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, l-awtorità kompetenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni għandha tinforma lill-pubbliku, fl-iqsar żmien possibbli, dwar:

(1)

il-fatt li qegħda tiġi implementata evalwazzjoni fir-rigward tal-impatt li attività jista’ jkollha fuq l-ambjent;

(2)

il-ftuħ tal-proċedura;

(3)

is-suġġett tad-deċiżjoni li għandha tingħata fil-każ ikkonċernat;

(4)

l-awtorità kompetenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni u l-awtoritajiet kompetenti kkonsultati għall-opinjoni jew għall-kunsens tagħhom;

(5)

il-possibbiltajiet sabiex tiġi kkonsultata d-dokumentazzjoni neċessarja dwar il-każ u l-post fejn din tista’ tiġi kkonsultata;

(6)

il-possibbiltà li jitressqu osservazzjonijiet u talbiet;

(7)

il-modalitajiet kif u l-post fejn l-osservazzjonijiet u t-talbiet jistgħu jitressqu, filwaqt li tindika f’dan ir-rigward li dawn għandhom jitressqu f’terminu ta’ 21 jum;

(8)

l-awtorità kompetenti għall-eżami tal-osservazzjonijiet u tat-talbiet;

(9)

it-terminu u l-post għas-seduta amministrattiva pubblika li għaliha l-pubbliku għandu aċċess, kif prevista fl-Artikolu 36, meta l-organizzazzjoni ta’ tali seduta tkun meħtieġa;

(10)

il-proċedura dwar l-impatti transkonfinali dwar l-ambjent meta l-ftuħ ta’ tali proċedura jkun meħtieġ.”

Il-proċedura prekontenzjuża

32

Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni fejn ġibdet l-attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-ħtieġa li tiżgura traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva 98/81.

33

Ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2007 li fiha ċaħdet l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-ilmenti bbażati fuq assenza ta’ traspożizzjoni jew fuq traspożizzjoni inkorretta tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

34

Peress li ma kinix issodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Ġunju 2009, bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja.

35

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Awwissu 2009, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-opinjoni motivata filwaqt li tenniet l-argumenti tagħha invokati fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni.

36

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat, fis-6 ta’ Ġunju 2011, dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

37

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ titlob li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joriġinaw mill-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni li tkun sussegwentement emendata jew imħassra u li jkunu nżammu fis-seħħ permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-275/04, Ġabra p. I-9883, punt 35; tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑174/07, punt 31, u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-492/08, Ġabra p. I-5471, punt 31).

38

Fil-kawża ineżami huwa paċifiku li l-obbligi li jirriżultaw mill-artikoli tad-Direttiva 2009/41 invokati mill-Kummissjoni jikkorrispondu għal dawk li kienu diġà applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva bis-saħħa tad-Direttiva 90/219, kif emendata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minkejja li, fil-fażi prekontenzjuża, hija bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 90/219, kif emendata, li kienet applikabbli f’dak iż-żmien.

39

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni, fir-replika tagħha, wara li ħadet konoxxenza tal-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Pollakki fir-risposta tagħhom, iddeċidiet li tirrinunzja għall-ilmenti esposti fir-rikors tagħha fir-rigward tal-Artikolu 2(f), tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 8(1), tal-Artikolu 9(1), kif ukoll tar-raba’ inċiż tal-Parti A, tal-ewwel inċiż tal-Parti B u tal-ewwel inċiż tal-Parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/41, li, għalhekk, ma għadhomx jagħmlu parti mis-suġġett ta’ dan ir-rikors.

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 2(a), (b), (d) u (e) tad-Direttiva 2009/41

Fuq il-kunċetti ta’ “mikro-organiżmu” u ta’ “mikro-organiżmu modifikat ġenetikament”

– L-argumenti tal-partijiet

40

Preliminarjament, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, interpretazzjoni li għandha tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

41

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2009/41 jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ tali interpretazzjoni u permezz tat-traspożizzjoni fidila tad-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-direttiva, u dan sa fejn definizzjoni wiesgħa żżejjed ta’ ċerti termini jista’ jkollha impatt fuq ir-regolarità tat-traspożizzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva msemmija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li riproduzzjoni letterali tad-definizzjonijiet li jinsabu f’direttiva fl-atti ta’ traspożizzjoni tikkostitwixxi l-aħjar mezz sabiex tiġi evitata applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri.

42

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Liġi dwar l-OMĠ tittrasponi diversi direttivi li jagħmlu parti mill-istess qasam u li din il-liġi għalhekk għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ minn dak tad-Direttiva 2009/41, il-Kummissjoni tenfasizza li implementazzjoni korretta ta’ kull waħda mid-direttivi ttrasposti permezz tal-imsemmija liġi, imwettqa b’mod suffiċjentement trasparenti u b’mod li jippermetti li jiġu evitati kull dubju jew kull diffikultà ta’ natura prattika, teżiġi li l-kampijiet ta’ applikazzjoni ratione personæ u ratione materiæ tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu dawn id-direttivi jkunu xorta waħda ddefiniti b’mod ċar u li t-traspożizzjoni mwettqa tippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn id-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2009/41 u dawk li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, li ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami.

43

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk l-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu protezzjoni analoga għal dik li tirriżulta mid-Direttiva 2009/41, fir-rigward tal-organiżmi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, dawn l-Istati xorta waħda ma jistgħux jibdlu, meta ssir traspożizzjoni, id-definizzjonijiet li jinsabu f’direttiva, u dan għaliex, jekk ma jkunx hekk, ikunu mċaħħda minn kull effett il-prinċipju ta’ applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha u l-prinċipju ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi tat-termini li jinsabu f’din il-leġiżlazzjoni.

44

B’mod iktar konkret, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li, fil-Liġi dwar l-OMĠ, minflok il-kunċetti ta’ “mikro-organiżmi” u ta’ “mikro-oganiżmi modifikati ġenetikament” użati mid-Direttiva 2009/41, użat il-kunċetti ta’ “organiżmu” u ta’ “organiżmu mmodifikat ġenetikament”, kif ukoll li naqset milli tinkludi, f’dawn il-kunċetti kif jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iċ-“ċelloli tal-annimali u tal-pjanti f’kultura”.

45

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-definizzjoni, fil-Liġi dwar l-OMĠ, tal-kunċett ta’ “organiżmu mmodifikat ġenetikament” tuża l-formulazzjoni “li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali”, filwaqt li d-Direttiva 2009/41 tuża formulazzjoni iktar speċifika, jiġifieri “li fih il-materjal ġenetiku nbidel b’mod li ma jseħħx b’mod naturali”.

46

F’dan l-istess kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li d-definizzjonijiet l-oħra li jinsabu fil-Liġi dwar l-OMĠ lanqas ma jirreferu għall-“mikro-organiżmi modifikati ġenetikament”, iżda għall-“organiżmi mmodifikati ġenetikament”, jagħti għalhekk lid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li jistrieħu fuq dawn id-definizzjonijiet kamp ta’ applikazzjoni usa’. Dan iwassal, skont il-Kummissjoni, għal nuqqas ta’ ċarezza mill-aspett legali kif ukoll għal diffikultajiet ta’ natura prattika fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/41.

47

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tad-definizzjoni, li tinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ, tal-kunċett ta’ “organiżmu mmodifikat ġenetikament” u li tuża l-formulazzjoni “li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali”, dan l-Istat Membru jikkontesta l-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ preċiżjoni mhux biss fir-rigward tal-mertu iżda wkoll fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni, u dan sa fejn dan l-ilment tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, dan l-ilment għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

48

Fir-rigward tal-mertu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni b’mod partikolari li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tal-Liġi dwar l-OMĠ ma huwiex limitat għad-dispożizzjonijiet li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/41 iżda jinkludi sensiela ta’ normi misluta minn testi oħra tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm b’mod partikolari d-Direttiva 2001/18. Għaldaqstant, din il-liġi ma tirregolax biss l-użu kkonfinat ta’ mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament iżda tirregola wkoll sensiela ta’ kwistjonijiet oħra marbuta ma’ dan l-użu.

49

Għaldaqstant, id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “organiżmu” u ta’ “organiżmu mmodifikat ġenetikament” li jinsabu fl-imsemmija liġi jikkonċernaw kemm il-mikroorganiżmi mmodifikati ġenetikament u kemm l-organiżmi mmodifikati ġenetikament l-oħra, sa fejn l-elementi kollha ta’ dawn id-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2009/41 ġew inkorporati fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkonċernati. L-unika differenza li hemm tirriżulta, skont ir-Repubblika tal-Polonja, mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar l-OMĠ meta mqabbel ma’ dak tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/41. Din id-differenza hija marbuta mal-fatt li d-definizzjoni adottata mil-leġiżlazzjoni Pollakka ġiet estiża sabiex tkopri l-makroorganiżmi. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni estiż ta’ din il-liġi jikkonċerna kwistjoni li ma ġietx armonizzata fil-livell tal-Unjoni.

50

Fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni fis-sens li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organiżmu” li tinsab fil-leġiżlazzjoni Pollakka ma ssemmix iċ-ċelloli tal-annimali u tal-pjanti f’kultura, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li din id-definizzjoni, kif tinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ tkopri, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi, “kull entità bijoloġika, ċellulari jew mhux ċellulari, li kapaċi tirripproduċi ruħha jew tittrasferixxi materjal ġenetiku, inklużi virus u virojdi”. Għalhekk, din id-definizzjoni tinkludi ċ-ċelloli kkultivati, bħalma huma ċ-ċelloli tal-annimali u tal-pjanti. Fil-fatt, iċ-ċelloli kkultivati jagħmlu parti mill-kategorija estiża msemmija fid-definizzjoni li tinsab fl-imsemmija liġi peress li jappartjenu għall-entitajiet bijoloġiċi, ċellulari jew mhux ċellulari, li kapaċi jirripproduċu ruħhom u li jittrasferixxu materjal ġenetiku. Ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li, sa fejn dawn iċ-ċelloli jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-OMĠ iddedikati għall-użu kkonfinat tal-organiżmi mmodifikati ġenetikament, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/41 huma osservati.

51

Fir-rigward tad-differenza osservata bejn il-formulazzjoni “il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali”, li tinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ, u l-formulazzjoni “il-materjal ġenetiku nbidel b’mod li ma jseħħx b’mod naturali”, użata fid-Direttiva 2009/41, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-eżistenza ta’ tali differenza u tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-użu ta’ verb fil-partiċipju tal-preżent fil-liġi Pollakka msemmija bħala komplement ma jistax imur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel ilment sa fejn jikkonċerna l-formulazzjoni “li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali”, għandu jitfakkar qabel kollox li parti ma tistax, fil-mori tal-kawża, tibdel is-suġġett stess tat-tilwima u li l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-543/08, Ġabra p. I-11241, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 38(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kienet meħtieġa, f’kull rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fir-rigward tagħhom kienet qegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ukoll, b’mod minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati dawn l-ilmenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I-2187, punt 17; tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 62; tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-487/08, Ġabra p. I-4843, punt 71, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

54

Fil-kawża ineżami għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fit-talbiet tar-rikors promotur, indikat b’mod ċar li kienet qegħda takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ma ttrasponietx b’mod korrett il-kunċett ta’ “mikro-organiżmu modifikat ġenetikament” li jinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2009/41, billi użat, fil-Liġi dwar l-OMĠ, it-termini “organiżmu mmodifikat ġenetikament”.

55

Huwa minnu li kien biss fir-rikors tagħha li l-Kummissjoni invokat, għall-ewwel darba, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organiżmu mmodifikat ġenetikament” li tinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ, definizzjoni li tirreferi għal organiżmu “li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali”. Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2009/41, li tuża l-kliem “li fih il-materjal ġenetiku nbidel b’mod li ma jseħħx b’mod naturali”, hija iktar preċiża.

56

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni jikkonċerna xorta waħda l-istess definizzjoni, sa fejn il-parti tad-definizzjoni li tinkludi l-kliem “li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali” tagħmel parti mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organiżmu”, li ma tistax tiġi sseparata minnha u li għalhekk hija s-suġġett tal-ilment invokat b’mod globali mill-Kummissjoni. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni sempliċement ippreċiżat l-ilment li dan l-Istat Membru ma kienx ittraspona b’mod korrett kunċett li jinsab fid-Direttiva 2009/41 billi għamlet riferiment, fil-kuntest tal-formulazzjoni ta’ dan l-ilment, għal parti minn dan il-kunċett u ma hijiex qegħda tressaq argument supplimentari maħsub sabiex tipprova l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

57

Minn dan isegwi li l-fatt li l-Kummissjoni spjegat f’iktar dettall ilment li kienet diġà qajmet b’mod iktar ġenerali fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża ma biddilx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u għalhekk ma kellu ebda impatt fuq il-portata tat-tilwima (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-185/00, Ġabra p. I-14189, punti 84 sa 87; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-171/08, Ġabra p. I-6817, punt 29, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi miċħuda.

59

Fir-rigward tal-mertu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex qegħda tikkontesta l-fatt li r-Repubblika tal-Polonja tista’ testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 2009/41 għal oqsma oħra, jiġifieri għall-“organiżmi” u għall-“organiżmi mmodifikati ġenetikament”. Madankollu, hija tikkunsidra li jkun utli li tiġi ggarantita l-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva jkunu jistgħu jiġu distinti b’mod suffiċjentement ċar minn dawk li ma jaqgħux taħt dan l-att tal-Unjoni, u dan sabiex b’hekk jiġu evitati nuqqas ta’ ċarezza mill-aspett legali kif ukoll kull dubju jew kull diffikultà ta’ natura prattika. Għaldaqstant, skont din l-istituzzjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li d-definizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija direttiva jiġu riprodotti b’mod letterali fl-atti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali ma teħtieġx neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika, iżda kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun suffiċjenti jekk dan jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-50/09, Ġabra p. I-873, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni invokat biss in-natura speċifika tad-Direttiva 2009/41, mingħajr ma ppreċiżat, minn naħa, f’hiex tikkonsisti din in-natura speċifika li teżiġi, skontha, traspożizzjoni letterali tal-kunċetti ddefiniti minn din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet eżatti għaliex tqis li l-metodu ta’ traspożizzjoni magħżul mir-Repubblika tal-Polonja, li jagħti lill-kunċetti użati fil-Liġi dwar l-OMĠ kamp ta’ applikazzjoni usa’, joħloq riskju li ma jkunux identifikati b’mod ċar ir-regoli li jiżguraw it-traspożizzjoni tad-direttiva msemmija, b’tali mod li jipperikola l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tindika ebda ipoteżi li fiha waħda mid-definizzjonijiet estiżi użati fil-Liġi dwar l-OMĠ tista’ tikkawża diffikultajiet ta’ natura prattika jew konfużjonijiet, sa fejn tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il-liġi kemm għall-mikroorganiżmi u għall-makroorganiżmi mmodifikati ġenetikament.

62

Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’ebda mod ma stabbilixxiet li s-sempliċi użu tal-kelma “organiżmu” minflok ta’ “mikro-organiżmu” seta’ effettivament jipperikola l-għanijiet tad-Direttiva 2009/41.

63

Fir-rigward tal-argument invokat mill-Kummissjoni u bbażat fuq il-fatt li definizzjoni inkorretta tal-kunċetti ta’ “mikro-organiżmu” u ta’ “mikro-organiżmu modifikat ġenetikament” għandha riperkussjonijiet negattivi fuq kunċetti oħra li jinsabu fl-imsemmija direttiva, bħal dawk ta’ “aċċident” jew ta’ “utent”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni b’ebda mod ma stabbilixxiet li dan is-sempliċi fatt jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja.

64

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li fil-kunċett ta’ “organiżmu” li jinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ ma jissemmewx iċ-ċelloli tal-annimali u tal-pjanti f’kultura, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva ġustament ir-Repubblika tal-Polonja, dan il-kunċett, li jinkludi l-“mikro-organiżmi”, jinkludi neċessarjament iċ-ċelloli tal-annimali u tal-pjanti f’kultura. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi, dawn iċ-ċelloli jaqgħu taħt l-entitajiet bijoloġiċi, ċellulari jew mhux ċellulari, li kapaċi jirripproduċu ruħhom jew jittrasferixxu materjal ġenetiku. Dwar dan il-punt, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/41 ġew osservati u din id-dispożizzjoni hija suffiċjentement ċara u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tagħha ma tistax tqajjem dubji.

65

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-differenzi semantiċi invokati bejn il-parti tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mikro-organiżmu modifikat ġenetikament” li tinsab fid-Direttiva 2009/41, jiġifieri l-espressjoni “li fih il-materjal ġenetiku nbidel b’mod li ma jseħħx b’mod naturali”, u dik tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “organiżmu” użata fil-Liġi dwar l-OMĠ, jiġifieri l-espressjoni “li fih il-materjal ġenetiku ġie mmodifikat b’mod li ma jseħħx f’kundizzjonijiet naturali”, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement tallega li din id-direttiva tuża formulazzjoni iktar preċiża u li, sabiex jiġu evitati kull ambigwità jew inċertezza, din il-formulazzjoni għandha tiġi riprodotta b’mod letterali. Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif l-użu tal-istess verb fil-partiċipju tal-preżent fil-liġi Pollakka msemmija bħala komplement u l-użu tal-espressjoni “kundizzjonijiet naturali” minflok tal-espressjoni “b’mod naturali” jistgħu jmorru kontra, minn naħa, il-prinċipji applikabbli għat-traspożizzjoni ta’ direttivi stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet tad-Direttiva 2009/41.

66

Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

Fuq il-kunċett ta’ “aċċident”

– L-argumenti tal-partijiet

67

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, li estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/41 fir-rigward tal-kunċett ta’ “aċċident” billi kkunsidrat li dan ma jkoprix biss il-każijiet ta’ rilaxx “sinifikanti” iżda kull inċident li jinvolvi rilaxx involontarju, kemm jekk ikun sinjifikattiv u kemm jekk le.

68

Min-naħa l-oħra, billi tuża l-verb “seta’” b’mod kundizzjonali, din id-direttiva, fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Pollakka, tinkludi wkoll il-każijiet fejn ir-rilaxx jippreżenta biss riskju potenzjali, filwaqt li d-definizzjoni li tinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ, li tuża l-verb “seta’” fl-indikattiv u flimkien mal-aġġettiv “dirett”, tirreferi pjuttost għal sitwazzjonijiet fejn ir-riskju jkun iktar reali.

69

Il-Kummissjoni tippreċiża, f’dan il-kuntest, li d-definizzjoni differenti tal-kunċett ta’ “aċċident” li tinsab fil-leġiżlazzjoni Pollakka tista’ tikkawża diffikultajiet ta’ natura prattika fl-implementazzjoni tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi b’mod partikolari konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri oħra dwar l-implementazzjonijiet ta’ pjanijiet ta’ emerġenza, l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata dwar iċ-ċirkustanzi ta’ kull aċċident, kif ukoll l-obbligu, għall-Kummissjoni, li żżomm reġistru tal-aċċidenti.

70

Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tenfasizza li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “aċċident” ma tista’ tikkawża ebda diffikultà ta’ natura prattika, tirribatti l-argumenti kollha mressqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward u ssostni l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva 2009/41 fis-sens li rilaxx involontarju li jista’ jikkostitwixxi riskju għas-saħħa jew għall-ambjent, iżda li jista’ ma jkunx sinjifikattiv, jikkostitwixxi “aċċident” fis-sens ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija ssostni li tali interpretazzjoni tikkostitwixxi wkoll miżura ta’ protezzjoni addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jimplementaw bis-saħħa tal-Artikolu 193 TFUE.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2009/41 huma l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Għandu jiġi osservat ukoll, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, li ma hemm xejn xi jwaqqaf lir-Repubblika tal-Polonja milli tipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, definizzjoni tal-kunċett ta’ “aċċident” iktar estiża minn dik prevista mid-Direttiva 2009/41, b’tali mod li tkopri wkoll l-aċċidenti li jikkonċernaw l-organiżmi mmodifikati ġenetikament. Barra minn hekk, l-ommissjoni tal-kelma “sinifikanti” mill-Artikolu 3(8) tal-Liġi dwar l-OMĠ tindika l-implementazzjoni ta’ protezzjoni addizzjonali fil-qasam tal-aċċidenti li jinvolvu tali organiżmi li r-Repubblika tal-Polonja għandha wkoll id-dritt li tistabbilixxi. B’hekk, tali ommissjoni ma tipperikolax l-għanijiet tad-Direttiva 2009/41 u għalhekk ma tikkostitwixxix traspożizzjoni inkorretta tagħha.

72

Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li l-użu, fil-Liġi dwar l-OMĠ, tal-verb “seta’” fl-indikattiv minflok fil-kundizzjonal użat fil-verżjoni bil-lingwa Pollakka tad-Direttiva 2009/41 ma jistax jitqies li jmur kontra l-għanijiet ta’ din tal-aħħar, u dan sa fejn dan l-użu b’ebda mod ma jibdel il-kontenut tad-dispożizzjoni inkwistjoni. L-istess jista’ jingħad għall-użu tal-kelma “dirett” f’din il-liġi, minkejja li d-direttiva msemmija tuża l-kelma “immedjat”. B’hekk, f’dawn iż-żewġ każijiet, ir-Repubblika tal-Polonja wettqet traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva li tippermetti li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u konformi mal-għanijiet ta’ protezzjoni tagħha.

73

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eventwali effetti negattivi tat-traspożizzjoni tal-kunċett ta’ “aċċident” permezz tal-Liġi dwar l-OMĠ fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/41, li jipprevedi, b’mod partikolari, konsultazzjonijiet ma’ Stati Membri oħra dwar l-implementazzjoni ta’ pjanijiet ta’ emerġenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-liġi ma ssemmix b’mod ċar f’liema mument għandhom jitwettqu tali konsultazzjonijiet. Skont din l-istituzzjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija liġi ma jippermettux li jiġu ddeterminati s-sitwazzjonijiet li fihom hija għandha tiġi informata dwar iċ-ċirkustanzi tal-aċċident sa fejn din l-istess liġi hija bbażata fuq definizzjoni tal-kunċett ta’ “aċċident” li hija differenti minn dik li tinsab f’din id-direttiva.

74

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tallega biss, fl-ewwel lok, li l-Liġi dwar l-OMĠ ma tippermettix li jiġi ddeterminat f’liema mument għandhom jitwettqu l-konsultazzjonijiet inkwistjoni, mingħajr madankollu ma tindika r-raġunijiet għalfejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “aċċident” użata mil-leġiżlatur Pollakk timplika, fil-fehma tagħha, tali konsegwenza.

75

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta’ “aċċident” użat f’din il-liġi għandu l-konsegwenza li r-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aċċidenti, previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/41, japplikaw ukoll għall-informazzjoni dwar każijiet ta’ rilaxx ta’ OMĠ li ma jkunux sinjifikattivi, iżda li xorta waħda jistgħu jkunu ta’ perikolu dirett jew iddifferit għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. Issa, kif diġà ntqal fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni kkaratterizzata minn livell ogħla ta’ prekawzjoni fil-qasam tal-aċċidenti marbuta mal-użu kkonfinat ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament ma tistax tkun kuntrarja għall-għanijiet ta’ din id-direttiva.

76

Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

Fuq il-kunċett ta’ “utent”

– L-argumenti tal-partijiet

77

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ddefiniet, fil-Liġi dwar l-OMĠ, l-“utent” bħala “persuna fiżika jew ġuridika, jew inkella entità organizzattiva li ma għandhiex personalità ġuridika, li twettaq f’isimha użu kkonfinat ta’ OMĠ jew operazzjoni li tikkonsisti fit-tixrid volontarju ta’ OMĠ fl-ambjent, inkluż it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti OMĠ”. Skont il-Kummissjoni, din id-definizzjoni, li hija usa’ minn dik li tinsab fid-Direttiva 2009/41, tikkawża inċertezza b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi li għandhom l-utenti u fir-rigward tal-kontroll tagħhom, b’tali mod li kellha tiġi riprodotta b’mod letterali d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “utent” li jinsab f’din id-direttiva.

78

Skont il-Kummissjoni, id-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ definizzjonijiet inkwistjoni huma importanti fil-prattika sa fejn l-“utenti” għandhom jissodisfaw diversi obbligi previsti mid-Direttiva 2009/41, li madankollu ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jipprovdi, skont il-Kummissjoni, li l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw kontrolli bl-iskop li tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva mill-utenti. Għaldaqstant, id-diverġenzi kkonstatati bejn id-definizzjoni li tinsab fl-imsemmija direttiva u dik li tinsab fil-Liġi dwar l-OMĠ jistgħu jikkawżaw konfużjoni u dubju fl-applikazzjoni ta’ din il-liġi.

79

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma tibbaża ruħha fuq ebda argument konkret u li, għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-motiv ma hijiex suffiċjentement ċara, preċiża u koerenti sabiex l-Istat Membru konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jenfasizza li s-suġġett ta’ din il-proċedura ma huwiex il-ksur tad-diversi dispożizzjonijiet imsemmija f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement issostni li sempliċi riproduzzjoni formali u testwali tad-definizzjoni li tinsab fid-Direttiva 2009/41 tippermetti t-traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kunċett ta’ “utent”, bħalma huma, b’mod partikolari, l-Artikoli 4(2), 5(1), 6, 7, 11(1) u 14(1) tagħha, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn tqis li l-metodu segwit mir-Repubblika tal-Polonja ma jiggarantixxix lill-individwi suġġetti għall-obbligi ta’ din id-direttiva ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali meħtieġa.

81

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, ġustament, li d-Direttiva 2009/41 ma tipprovdix definizzjoni tal-kunċetti ta’ “persuna fiżika” u ta’ “persuna ġuridika” li, għalhekk, jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, l-entitajiet, previsti mid-dritt Pollakk, li ma għandhomx personalità ġuridika iżda jistgħu jkunu s-suġġett ta’ relazzjonijiet taħt id-dritt ċivili bl-istess mod bħall-persuni fiżiċi u l-persuni ġuridiċi, għandhom jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “utent”. Riproduzzjoni letterali tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “utent” li tinsab fid-Direttiva 2009/41 kienet teħles lill-imsemmija entitajiet previsti mill-ordinament ġuridiku Pollakk mill-obbligi previsti mid-dritt tal-Unjoni u kienet iċċaħħad lil dawn l-entitajiet mill-possibbiltà li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bl-istess mod bħall-persuni fiżiċi u l-persuni ġuridiċi msemmija fid-definizzjoni li tinsab fid-dritt tal-Unjoni.

82

Il-Kummissjoni tqis li d-diverġenzi li jeżistu bejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “utent” li jinsab fid-Direttiva 2009/41 u dik użata fil-Liġi dwar l-OMĠ joħolqu konfużjoni u dubju fir-rigward tal-implementazzjoni tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Madankollu, din l-istituzzjoni ma tressaq ebda element ta’ natura li jistabbilixxi f’hiex tista’ tkun tikkonsisti tali konfużjoni.

83

Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 2(a), (b), (d) u (e) tad-Direttiva 2009/41 ma jistax jintlaqa’.

84

B’hekk, peress li ma huwiex fondat, l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkompleta tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2004/41

L-argumenti tal-partijiet

85

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ma ttrasponietx b’mod komplet l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/41. L-Artikolu 24(4) tal-Liġi dwar l-OMĠ jillimita l-possibbiltà li l-użu kkonfinat ta’ OMĠ jiġi suġġett għal kundizzjonijiet supplementari għal dawk il-każijiet biss fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, meta din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tipprevedi ebda limitazzjoni ta’ dan it-tip.

86

Ir-Repubblika tal-Polonja tirribatti li l-Kummissjoni qiegħda tinvoka lment ġdid, li ma tqajjimx matul il-proċedura prekontenzjuża, u titlob li jiġi ddikjarat inammissibbli. Sussidjarjament, fir-rigward tal-mertu, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni billi ssostni li d-dispożizzjoni kkritikata tal-Liġi dwar l-OMĠ tipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti, li tiddefinixxi kundizzjonijiet supplementari fir-rigward tal-implementazzjoni tal-użu kkonfinat ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

87

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Polonja, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, jiġi stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal din l-opinjoni (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax iwassal sabiex tkun meħtieġa, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn id-dikjarazzjoni tal-ilmenti li tinsab fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tispeċifika l-ilmenti inizjali tagħha, bil-kundizzjoni madankollu li ma tibdilx is-suġġett tat-tilwima (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑576/10, punt 35).

89

Fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar li fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata l-Kummissjoni indikat li hija kienet qiegħda takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ma ttrasponietx b’mod komplet l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/41 għar-raġuni li l-Liġi dwar l-OMĠ ma kinitx tinkludi dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti teżiġi li l-utent jibdel il-kundizzjonijiet tal-użu kkonfinat ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament ippjanat.

90

Matul il-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika tal-Polonja invokat diversi dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi sabiex tistabbilixxi li kienet żgurat traspożizzjoni korretta ta’ dan l-Artikolu 10(3), fosthom l-Artikolu 24(2) tal-imsemmija liġi.

91

Il-Kummissjoni wieġbet li din id-dispożizzjoni tal-Liġi dwar l-OMĠ tillimita l-possibbiltà li l-użu kkonfinat ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament jiġi suġġett għal kundizzjonijiet supplimentari għal dawk il-każijiet biss fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, meta l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/41 ma jipprevedi ebda limitazzjoni ta’ dan it-tip.

92

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-Kummissjoni spjegat f’iktar dettall ilment li kienet diġà qajmet b’mod iktar ġenerali matul il-proċedura prekontenzjuża ma biddilx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u għalhekk ma kellu ebda impatt fuq il-portata tat-tilwima.

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi miċħuda u t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

– Fuq il-mertu

94

Fir-rigward tal-eżami fil-mertu ta’ dan l-ilment, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-Direttiva 2009/41 għandha għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, għanijiet li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati josservaw fl-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. L-espressjoni “[j]ekk ikun meħtieġ”, li tinsab fl-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva u li s-sens tagħha ma huwiex iddefinit minnha, għandha għaldaqstant tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex titlob lill-utent jipprovdi l-informazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 10(3) jew sabiex tistabbilixxi ċerti limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess u dan biss meta dan ikun meħtieġ mill-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

95

Għaldaqstant, f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li billi ppreċiżat b’mod espliċitu, fid-dritt nazzjonali, u b’mod iktar preċiż fl-Artikolu 24(4) tal-Liġi dwar l-OMĠ, li l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, liema għanijiet huma rrikonoxxuti wkoll mid-Direttiva 2009/41, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali, ir-Repubblika tal-Polonja ma aġixxietx b’mod kuntrarju għall-għanijiet tad-direttiva msemmija iżda aġixxiet b’mod konformi mal-iskop ta’ din tal-aħħar.

96

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni sempliċement issostni li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 24(4) tal-Liġi dwar l-OMĠ iċċaħħad lill-awtorità nazzjonali kompetenti minn parti kunsiderevoli mid-drittijiet li tagħtiha d-Direttiva 2009/41, mingħajr madankollu ma tispeċifika għal liema drittijiet qiegħda tirreferi u mingħajr ma tistabbilixxi b’liema mod dawn id-drittijiet huma limitati mid-dispożizzjoni kontenzjuża.

97

Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/41, ilment li ma huwiex fondat, għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/41

L-argumenti tal-partijiet

98

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li ma ttrasponietx l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/41 fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

99

Ir-Repubblika tal-Polonja tirrikonoxxi li din id-dispożizzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ traspożizzjoni letterali. Madankollu, dan l-Istat Membru jsostni li, peress li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola maħsuba sabiex jiġu evitati l-kunflitti bejn liġijiet, ikun inutli li tali regola tiġi introdotta fl-ordinament ġuridiku Pollakk permezz ta’ dispożizzjoni distinta sa fejn ir-regoli ġenerali eżistenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti bejn liġijiet huma suffiċjenti sabiex tiġi ggarantita soluzzjoni għal tali kunflitti inkonformità mar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2009/41. Għaldaqstant, iċ-ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnha l-operaturi suġġetti għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva hija ggarantita b’mod sħiħ.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ttrasponietx l-Artikolu 3(3), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(2) u (3), l-Artikolu 9(2)(a), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 18(3) u (4) tad-Direttiva 2009/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar l-użu konfinat ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.