SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ April 2009 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Kunċett ta’ ‘materji ċivili’ — Deċiżjoni dwar il-kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali — Residenza abitwali tal-minuri — Miżuri kawtelatorji — Ġurisdizzjoni”

Fil-Kawża C-523/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-kawża mibdija minn

A,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn C. Howard, QC,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Aalto u V. Joris, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tar-rikors ippreżentata minn A, omm it-tfal C, D u E, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kuopion hallinto-oikeus [tribunal amministrattiv ta’ Kuopio (il-Finlandja)] li kkonfermat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-perusturvalautakunta (Kummissjoni għall-garanzija tad-drittijiet soċjali fundamentali, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni għall-garanzija”) ipproċediet għat-teħid urġenti tal-kura ta’ dawn it-tfal u għat-tqegħid tagħhom f’istitut professjonali fejn jilqgħu lit-tfal.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

Il-premessi 12 u 13 tar-Regolament huma fformulati kif ġej:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

(13)

Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f'pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. […]”

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jiddisponi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.”

5

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jipprovdi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

6

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ir-residenza abitwali ta’ l-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi ta’ l-Artikolu 12, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni.”

7

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament jiddisponi:

“B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’pożizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.”

8

Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament:

“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b'mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

9

L-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“F’każijiet urgenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi [kawtelatorji] fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.”

10

L-Artikolu 53 tar-Regolament jistabbilixxi:

“Kull Stat Membru għandu jiddenomina wieħed jew aktar mill-awtoritajiet ċentrali biex jassistu bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandu jispeċifika l-ġurisdizzjoni ġeografika jew funżjonali ta’ kull wieħed. Fejn Stat Membru ddenomina aktar minn awtorità ċentrali waħda, il-komunikazzjonijiet għandhom normalment jiġu mibgħuta direttament lill-awtorità ċentrali rilevanti li għandha l-ġurisdizzjoni. Fejn il-komunikazzjoni tiġi mibgħuta lill-awtorità ċentrali mingħajr ġurisdizzjoni, din ta’ l-aħħar għandha tkun responsabbli biex tibgħata lill-awtorità ċentrali bil-ġurisdizzjoni u li tinforma lil min bagħtaha skond dan.”

11

L-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament jipprovdi b’mod partikolari:

“L-awtoritajiet ċentrali għandhom, fuq talba minn awtorità ċentrali ta’ Stat Membru ieħor jew minn min għandu r-responsabbilità tal-ġenituri, jikkoperaw dwar il-każijiet speċifiċi biex jakkwistaw l-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, għandhom, jaġixxu direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet pubbliċi jew ta’ korpi oħra, jieħdu l-passi neċessarji kollha skond il-liġi ta’ dak l-Istat Membru fi kwistjonijiet tal-protezzjoni personali tad-data biex:

a)

jiġbru u jaqsmu l-informazzjoni:

i)

dwar is-sitwazzjoni tal-minuri;

ii)

dwar kwalsijasi proċedimenti li jkunu għaddejjin; jew

iii)

dwar id-deċiżjonijiet meħuda li jikkonċernaw lill-minuri;

[…]

ċ)

jiffaċilitaw il-komunikazzjonijiet bejn il-qrati, u partikolarment għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11(6) and (7) u l-Artikolu 15;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12

Skont l-Artikolu 15(1) tal-liġi dwar l-għajnuna soċjali [sosiaalihuoltolaki (710/1982), iktar ’il quddiem il-“Liġi 710/1982”)], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, f’każijiet urġenti jew fejn iċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan, il-komun għandu wkoll jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-kura fi ħdan l-istituzzjoni u ta’ servizzi soċjali oħra għal persuni li jirrisjedu fil-komun iżda li mhumiex domiċiljati hemmhekk.

13

Permezz tal-Artikolu 16 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri [lastensuojelulaki (683/1983), iktar ’il quddiem il-“Liġi 683/1983”)], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, korp ta’ azzjoni soċjali tal-komun għandu jieħu miżuri immedjati ta’ għajnuna meta l-kundizzjonijiet li fihom ikun qed jikber il-minuri jew l-adoloxxent jheddu jew ma jipproteġixxux saħħtu jew l-iżvilupp tiegħu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2001, it-tfal C, D u E stabbilew ruħhom fl-Isvezja, flimkien ma’ ommhom, A, kif ukoll mal-missier tar-rispett tat-tfal, F. Qabel, D u E kienu ttieħdu taħt il-kura tal-belt ta’ X, fil-Finlandja. Dan it-teħid taħt il-kura kien motivat mill-vjolenza tal-missier tar-rispett tagħhom, u wara, ġie sospiż. Matul is-sajf 2005, din il-familja telqet mill-Isvezja sabiex tgħaddi l-vaganzi fil-Finlandja. Hija baqgħet fit-territorju Finlandiż, billi toqgħod f’karavans, f’diversi kampijiet, mingħajr mat-tfal kienu jmorru l-iskola. Fit-30 ta’ Ottubru 2005, din il-familja għamlet talba lis-servizzi soċjali tal-belt Y (il-Finlandja) sabiex tikseb akkomodazzjoni soċjali.

15

B’deċiżjonijiet tal-kummissjoni ta’ garanzija tas-16 ta’ Novembru 2005, adottati abbażi tal-Liġi 683/1983, it-tfal C, D u E ttieħdu b’urġenza taħt il-kura u tqiegħdu ma’ familja tar-rispett fil-Finlandja minħabba li kienu ġew abbandunati.

16

A u F talbu li jitħassru d-deċiżjonijiet dwar it-teħid urġenti tal-kura.

17

Bid-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2005 il-kummissjoni ta’ garanzija ċaħdet it-talba għal annullament imressqa u, skont l-Artikolu 16 tal-Liġi 683/1983, ħadet il-kura tat-tfal u ordnat it-tqegħid tagħhom f’istitut professjonali fejn jilqgħu lit-tfal.

18

A ppreżentat rikors quddiem il-Kuopion hallinto-oikeus, għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet u sabiex tingħata lura l-kustodja tat-tfal tagħha. A ppreċiżat li, minn meta telqet mill-Isvezja flimkien ma’ F f’nofs Novembru 2005, it-tfal tagħha baqgħu ġewwa l-Finlandja fid-dar ta’ oħt il-missier tar-rispett tat-tfal. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors u kkonfermat id-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi enfasizzat li, fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi 710/1982, il-kummissjoni ta’ garanzija intervjeniet fi kwistjoni li kienet taqa’ taħt il-kompetenzi tagħha. Din il-qorti żiedet li l-kundizzjonijiet li fihom kienu qed jgħixu t-tfal ikkonċernati kienu qegħdu b’mod serju fil-perikolu l-istat fiżiku tagħhom, saħħithom u l-iżvilupp tagħhom. Il-miżuri fuq il-kura u l-kustodja ta’ dawn it-tfal ippermettielhom jirċievu l-kura psikjatrika li kienu jeħtieġu u tathom il-possibbiltà ta’ tagħlim fi skola kif ukoll ambjent protett u stabbli.

19

A appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema), fejn allegat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet Finlandiżi. F’dan ir-rigward, A indikat li t-tfal C, D u E għandhom, sa mit-2 ta’ April 2007, il-kwalifika ta’ ċittadini Svediżi li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom għal żmien twil fl-Isvezja. Għalhekk, konsegwentement jirriżulta li l-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Svediżi.

20

Billi hemm bżonn tal-interpretazzjoni tar-Regolament sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kwistjoni quddiemha, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Gustizzja:

“1)

a)

Ir-Regolament […] japplika għall-infurzar ta’ deċiżjoni bħal dik li ttieħdet fil-kawża preżenti, li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu għal ma’ familja tar-rispett, meta dik id-deċiżjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni unika adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija?

b)

Fin-nuqqas ta’ dan, ir-Regolament, fid-dawl tal-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, japplika biss għal dik il-parti tad-deċiżjoni dwar it-tqegħid barra mill-familja oriġinali?

2)

B’liema mod jeħtieġ jiġi interpretat, fid-dritt Komunitarju, il-kunċett ta’ ‘abitwalment residenti [residenza abitwali]’ fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament u fl-Artikolu 13(1), li huwa marbut, b’mod partikolari fid-dawl ta’ sitwazzjoni li fiha minuri għandu residenza permanenti fi Stat Membru iżda jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, li fih ma għandhux residenza fissa?

3)

a)

Jekk wieħed jikkunsidra li r-residenza abitwali tal-minuri mhijiex f’dan l-aħħar Stat Membru, meta tista’ madankollu tittieħed miżura kawtelatorja urġenti (teħid taħt kura) f’dak l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament?

b)

Miżura kawtelatorja kif imsemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament hija biss miżura li tista’ tiġi applikata skont il-liġi nazzjonali, u d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar din il-miżura huma vinkolanti meta l-artikolu jiġi applikat?

c)

Wara l-implementazzjoni tal-miżura kawtelatorja, il-każ għandu jiġi ttrasferit ex officio lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru li jkollha ġurisdizzjoni?

4)

Jekk il-qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni, għandha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew għandha tittrasferixxi dan lill-qorti tal-Istat Membru l-ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Din id-domanda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa japplika għal deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura kif ukoll it-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu, u, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni tirriżulta mill-kunċett ta’ “materji ċivili”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dik id-deċiżjoni tkun adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija.

22

Din id-domanda ġiet magħmula mill-istess qorti tar-rinviju, hija bbażata fuq l-istess motivazzjoni u hija fformulata eżattament fl-istess kliem bħal dik li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C (C-435/06, Ġabra p. I-10141). F’dawn iċ-ċirkstanzi, hija għandha tingħata l-istess risposta bħal dik mogħtija lill-ewwel domanda tas-sentenza C, iċċitata iktar ’il fuq.

23

Fil-fatt, l-Artikolu 2(7) tar-Regolament jistabbilixxi li r-responsabbilità tal-ġenituri tinkludi d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà tal-minuri li huma moghtija lil persuna fiżika jew persuna legali b’deċiżjoni, bl-operazzjoni tal-liġi jew b’xi ftehim li għandu effetti legali.

24

Skont l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament, it-tqegħid tal-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja istituzzjonali tagħmel parti mill-oqsma li jirrigwardaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

25

Barra minn dan, mill-premessa 5 tar-Regolament jirriżulta li, sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tiġi żgurata, dan ir-regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri.

26

Deċiżjoni ta’ teħid taħt kura ta’ minuri, bħal dik fil-kawża prinċipali, naturalment, taqa’ fil-kuntest ta’ azzjoni pubblika li l-għan tagħha huwa li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ protezzjoni u ta’ assistenza tal-minuri.

27

F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “materji ċivili”, dan għandu jkun interpretat fis-sens li jista’ wkoll jinkludi miżuri li, mill-perspetiva tad-dritt ta’ Stat Membru, jaqa’ taħt id-dritt pubbliku.

28

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-premessa 10 tar-Regolament, li tgħid li dan ir-regolament mhuwiex maħsub biex japplika “[għall-]miżuri pubbliċi ta’ natura ġenerali fi kwistjonijiet ta’ edukazzjoni jew saħħa”. Din l-esklużjoni tikkonferma li l-leġiżlatur Komunitarju ma kienx bi ħsiebu jeskludi l-miżuri kollha li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

29

Huwa meħtieġ li lill-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu, meta dik id-deċiżjoni tiġi adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

30

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament, b’mod partikolari f’sitwazzjoni li fiha minuri jkollu residenza permanenti fi Stat Membru iżda jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fejn fih ma jkollux residenza fissa.

31

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament jistabbilixxi l-prinċipju li l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri f’materji ta’ responsabbilità tal-ġenituri hija stabbilita skont il-post fejn tinsab ir-residenza abitwali tal-minuri fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess, iżda mingħajr ma tiddefinixxi l-kontenut ta’ dan il-kunċett.

32

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament, fejn ir-residenza abitwali tal-minuri ma tistax tiġi stabbilita, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri huma preżenti għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni.

33

Għalhekk, il-preżenza fiżika tal-minuri fi Stat Membru, sa fejn din hija regola tal-ġurisdizzjoni sussidjarja fir-rigward ta’ dik stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament, waħedha mhijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma jinvolvu ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu, għandu normalment ikollhom, fil-Komunità Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans u BG Factoring, C-98/07, Ġabra p. I-1281, punt 17).

35

Billi l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ma jagħmel l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, din għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet u tal-għan tar-Regolament, b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-premessa 12 tiegħu, li tgħid li r-regoli rigward ġurisdizzjoni li jistabbilixxi huma magħmula fl-aqwa interessi tal-minuri u b’mod partikolari tal-kriterju ta’ qrubija.

36

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “residenza abitwali” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru, 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni, C-452/93 P, Ġabra p. I-4295, punt 22, tal-11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega, C-372/02, Ġabra p. I-10761, punt 37, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C-66/08, Ġabra p. I-6041), ma għandhiex tiġi direttament trasposta fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-residenza abitwali tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament.

37

Ir-“residenza abitwali” tal-minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament, għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

38

Minbarra l-preżenza fiżika tal-minuri fi Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu jindikaw li din il-preżenza fl-ebda mod ma hija waħda ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li r-residenza tal-minuri tirrifletti ċerta integrazzjoni f’ambjent soċjali u familjari.

39

B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-minuri, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-rapporti familjari u soċjali tal-minuri f’dan l-Istat.

40

Hekk kif l-Avukat Ġenerali qieset fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, l-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-minuri fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ miżuri tanġibbli, bħall-akkwist jew il-kirja ta’ reżidenza fl-Istat Membru tat-trasferiment, tista’ tindika l-intenzjoni ta’ bidla fir-residenza abitwali. Indikazzjoni oħra tista’ tkun ikkostitwita permezz ta’ talba għal akkomodazzjoni soċjali mingħand id-dipartiment ikkonċernat ta’ dan l-Istat.

41

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-minuri jirrisjedu fi Stat Membru fejn, matul perijodu qasir, ikollhom ħajja ta’ persuna li ma għandhiex residenza fissa tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni li r-residenza abitwali ta’ dawn il-minuri mhijiex f’dan l-Istat.

42

Huwa fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza u fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni sħiħa li l-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi l-post tar-residenza abitwali tal-minuri.

43

Mhuwiex madankollu eskluż li, wara din l-evalwazzjoni, ikun impossibbli li jiġi stabbilit l-Istat Membru li fih tinsab ir-residenza abitwali tal-minuri. F’każ eċċezzjonali bħal dan, u jekk ma jkunx japplika l-Artikolu 12 tar-Regolament, li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali għal kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbilità tal-ġenituri meta dawn il-kwisjtonijiet ikunu marbuta ma’ talba għal divorzju, separazzjoni legali tal-konjuġi jew annullament ta’ żwieġ, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab il-minuri għandu l-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament.

44

Konsegwentement, lit-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza tikkorrispondi mal-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il-għan, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-minuri, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-rapporti familjari u soċjali tal-minuri f’dan l-Istat. Hija l-qorti nazzjonali li tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

Fuq it-tielet domanda

45

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju l-ewwel nett tistaqsi għal liema kundizzjonijiet hija suġġetta l-adozzjoni ta’ miżura kawtelatorja, bħal dik tat-teħid taħt kura ta’ minuri, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament. It-tieni nett, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk tali miżura tistax tiġi applikata b’mod konformi għad-dritt nazzjonali u jekk ir-regoli ta’ dan id-dritt dwar din il-miżura humiex vinkolanti. It-tielet nett, hija tistaqsi jekk, wara l-implementazzjoni tal-miżura kawtelatorja, il-każ għandux jiġi ttrasferit lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkollha ġurisdizzjoni.

46

Permezz tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament, f’każ urġenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji, rigward persuni jew assi f’dak l-Istat, kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni inkwantu għas-sustanza tal-kwistjoni.

47

Jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-adozzjoni ta’ miżuri f’materja ta’ responsabbiltà tal-ġenituri minn qrati ta’ Stati Membri li ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu huma suġġetti għall-osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet, li huma:

il-miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti;

għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ persuni u ta’ proprjetà preżenti fl-Istat Membru tal-qorti li qed tiddeċiedi dwar il-kawża, u

għandhom ikunu ta’ natura provviżorja.

48

Dawn il-miżuri huma applikabbli għall-minuri li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru, jirrisjedu b’mod temporanju jew okkażjonali fi Stat Membru ieħor u jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għalihom, inkluża saħħithom jew l-iżvilupp tagħhom, u li għalhekk jiġġustifikaw l-adozzjoni immedjata ta’ miżuri ta’ protezzjoni. In-natura provviżorja ta’ dawn il-miżuri tirriżulta mill-fatt li, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament, dawn ma jibqgħux ikollhom effett mill-mument li fih il-qorti tal-Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tieħu l-miżuri li tikkunsidra xierqa.

49

Ir-Regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet materjali rigward it-tip ta’ miżuri urġenti li għandhom jiġu applikati.

50

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament jiddisponi li l-miżuri provviżorji jew kawtelatorji li l-qrati ta’ Stat Membru huma mitluba jieħdu fil-każ ta’ urġenza huma dawk “kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

51

F’dan il-kuntest, huwa għal-leġiżlatur nazzjonali li għandu jħabbar il-miżuri li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jadottaw sabiex jipproteġu l-aqwa interessi tal-minuri u jiffissaw il-metodi proċedurali tal-infurzar tagħhom.

52

Billi l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri sseħħ fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, in-natura vinkolanti tagħhom tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

53

Għad irid jiġi vverifikat jekk, wara l-implementazzjoni ta’ miżura kawtelatorja, il-kawża għandhiex tiġi mibgħuta ex officio lill-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li jkollha ġurisdizzjoni.

54

Skont l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament, il-qrati ta’ Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu jistgħu, jekk iqisu li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu rabta partikolari qiegħed f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedi dwar il-kawża, jitolbu lill-qorti ta’ dan l-Istat jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu.

55

Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli rigward ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 15 huwa l-uniku li jipprovdi talba lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

56

Ir-regolament ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali jadottaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji li jirreferu l-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor wara l-infurzar ta’ dawn il-miżuri.

57

Għal kollox differenti hija l-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-qrati nazzjonali li implementaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandhomx jinformaw lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor li għandhom ġurisdizzjoni.

58

Hekk kif huwa indikat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament, il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji ma jibqgħux ikollhom effett mill-mument li fih il-qorti tal-Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tieħu l-miżuri li tikkunsidra xierqa.

59

Peress li l-miżuri provviżorji jew kawtelatorji huma ta’ natura tranżitorja, ċirkustanzi marbuta mal-evoluzzjoni fiżika, psikoloġika u intellettwali tal-minuri jistgħu jirrendu neċessarju l-intervent iktar kmieni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex jiġu adottati miżuri definittivi.

60

Il-bżonn u l-urġenza tal-miżuri definittivi għandhom jiġu evalwati fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-minuri, tal-evoluzzjoni prevedibbli tagħha u tal-effettività tal-miżuri provviżorji jew kawtelatorji meħuda.

61

F’dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri tista’ jitlob li l-qorti nazzjonali li implementat miżuri provviżorji jew kawtelatorji tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li jkollha ġurisdizzjoni.

62

Il-kooperazzjoni fil-kuntest ta’ kawżi speċifiċi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija prevista fl-Artikolu 55 tar-Regolament u din b’mod partikolari tinkludi l-ġbir kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-minuri, il-proċeduri li jkunu għaddejja u kull deċiżjoni oħra li tirrigwarda l-minuri.

63

L-Artikolu 55(ċ) tar-Regolament jipprovdi għal komunikazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri sabiex jiġi applikat dan ir-regolament.

64

Minn dan jirriżulta li sa fejn dan huwa mitlub mill-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri, il-qorti nazzjonali li implementat miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tinforma, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, hemm lok li lit-tielet domanda tingħata r-risposta li miżura kawtelatorja, bħal dik tat-teħid taħt kura ta’ minuri, tista’ tiġi deċiża minn qorti nazzjonali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament malli jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

din il-miżura trid tkun urġenti;

trid tittieħed fir-rigward ta’ persuni preżenti fl-Istat Membru kkonċernat, u

għandha tkun ta’ natura provviżorja.

L-implementazzjoni ta’ din il-miżura kif ukoll in-natura vinkolanti ta’ din tal-aħħar jiġu stabbiliti b’mod konformi mad-dritt nazzjonali. Wara l-implementazzjoni tal-miżura kawtelatorja, il-qorti nazzjonali ma għandhiex għalfejn tirreferi l-kawża lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni. Madankollu, sa fejn dan huwa mitlub għall-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri, il-qorti nazzjonali li implementat il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

66

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru ma jkollha l-ebda ġurisdizzjoni, hija għandhiex tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni jew għandhiex tirreferi l-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor.

67

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, “[f]ejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li ma għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni”.

68

Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 15 tar-Regolament biss jipprovdi talba lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

69

Fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni, ir-Regolament ma jipprovdix li l-kawża tintbgħat lil qorti ta’ Stat Membru ieħor.

70

Madankollu, għal raġunijiet identiċi għal dawk indikati fil-punti 59 sa 63 ta’ din is-sentenza u sakemm il-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri teħtieġ dan, il-qorti nazzjonali li tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

71

Għalhekk lir-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li, fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni, din għandha tiddikjara ex officio li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, mingħajr ma għandha tirreferi l-kawża lil qorti oħra. Madankollu, sakemm il-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri teħtieġ dan, il-qorti nazzjonali li tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni unika li tordna t-teħid immedjat taħt kura u t-tqegħid ta’ minuri barra mill-familja oriġinali tiegħu, meta dik id-deċiżjoni tiġi adottata fil-kuntest tar-regoli tad-dritt pubbliku dwar il-protezzjoni tat-tfulija, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li din ir-residenza tikkorrispondi mal-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-minuri f’ambjent soċjali u familjari. Għal dan il-għan, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet tar-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru u tat-trasferiment tal-familja f’dan l-Istat, iċ-ċittadinanza tal-minuri, il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim, il-konoxxenzi lingwistiċi kif ukoll ir-rapporti familjari u soċjali tal-minuri f’dan l-Istat. Hija l-qorti nazzjonali li tistabbilixxi r-residenza abitwali tal-minuri billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ.

 

3)

Miżura kawtelatorja, bħal dik tat-teħid taħt kura ta’ minuri, tista’ tiġi deċiża minn qorti nazzjonali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 malli jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

din il-miżura trid tkun urġenti;

trid tittieħed fir-rigward ta’ persuni preżenti fl-Istat Membru kkonċernat, u

għandha tkun ta’ natura provviżorja.

L-implementazzjoni ta’ din il-miżura kif ukoll in-natura vinkolanti ta’ din tal-aħħar jiġu stabbiliti b’mod konformi mad-dritt nazzjonali. Wara l-implementazzjoni tal-miżura kawtelatorja, il-qorti nazzjonali ma għandhiex għalfejn tirreferi l-kawża lill-qorti ta’ Stat Membru ieħor li għandha ġurisdizzjoni. Madankollu, sa fejn dan huwa mitlub għall-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri, il-qorti nazzjonali li implementat il-miżuri provviżorji jew kawtelatorji għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

 

4)

Fil-każ fejn il-qorti ta’ Stat Membru ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni, din għandha tiddikjara ex officio li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, mingħajr ma għandha tirreferi l-kawża lil qorti oħra. Madankollu, sakemm il-protezzjoni tal-aqwa interessi tal-minuri teħtieġ dan, il-qorti nazzjonali li tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni għandha tinforma dwar dan, direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti tal-Istat Membru l-ieħor li għandha ġurisdizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.