SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika ta’ immigrazzjoni – Direttiva 2003/86/KE – Artikolu 2(f) – Artikolu 10(3)(a) – Kunċett ta’ “minuri mhux akkumpanjat” – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Refuġjat minuri miżżewweġ fil-mument tad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru – Żwieġ ta’ wild mhux rikonoxxut f’dan l-Istat Membru – Koabitazzjoni mal-konjuġi li jirrisjedi legalment f’dan l-Istat Membru”

Fil-Kawża C‑230/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, Il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ April 2021, fil-proċedura

X li taġixxi f’isimha stess u fil-kapaċità legali tagħha ta’ rappreżentanta tal-ulied minuri tagħha Y u Z

vs

Belgische Staat

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta ta’ Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, li taġixxi f’isimha proprja u fil-kapaċità legali tagħha bħala rappreżentanta tat-tfal minorenni tagħha Y u Z, minn J. Schellemans, K. Verhaegen u K. Verstrepen, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn D. Matray, S. Matray, avukati, u minn S. Van Rompaey, avukata,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(f) u tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X, li qed taġixxi f’isimha proprja u fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentanta legali ta’ wliedha minuri, Y u Z, u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan), dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għal viża għar-riunifikazzjoni tal-familja mat-tifla tagħha kif ukoll iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħha għal viża umanitarja għal Y u Z.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑Direttiva 2003/86

3

Il-premessi 2 u 8 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxu:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità mal-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u r-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(8)

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

5

L-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“minorenni [minuri] mhux akkumpanjat” kif ġej:

“ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 4(1), (2) u (5) tad-Direttiva jgħid:

“1.   [L]-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

(b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

(ċ)

it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-reponsabbilita ta’ iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

(d)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’/f’idejn iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha.

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

Permezz ta’ deroga, fejn wild għandu età ta’ iktar minn 12-il sena u jasal indipendentement mill-bqija tal-familja tiegħu/tagħha, l-Istat Membru jista’, qabel ma jawtorizza dħul u residenza taħt din id-Direttiva, jivverifika jekk huwa/hija jissodisfax/tissodisfax kondizzjoni għal integrazzjoni li tipprovdi għaliha l-leġislazzjoni eżistenti tiegħu fid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2   L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini;

[…]

5   Biex tkun żgurata integrazzjoni aħjar u jkunu impeduti żwiġijiet furzati Stati Membri jistgħu jirrikjedu l-isponsor u l-mara tiegħu/r-raġel tagħha li jkunu ta’ età minima, u għal massimu ta’ 21 sena, qabel ma l-konjugi ikun jista’ jingħaqad miegħu/magħha.”

7

L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2003/86 jipprevedi:

“Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

8

L-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Jekk ir-refuġjat huwa minorenni mhux akkompanjat, l-Istat Membru:

(a)

għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a)”.

Ir‑Regolament Dublin III

9

L-Artikolu 2(g) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31 u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

‘memri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

[…]

meta l-benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun minorenni u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għalih jew għaliha, kemm jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru fejn il-benefiċarju jkun preżenti”.

10

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Fejn l-applikant ikun minorenni mhux akkumpanjat, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak fejn membru tal-familja jew ħu jew oħt il-minorenni mhux akkumpanjat ikunu legalment preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni. Fejn l-applikant ikun minorenni miżżewweġ li l-konjuġi tiegħu ma jkunx legalment preżenti fit-territorju tal-Istati Membri, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun l-Istati Membru fejn il-missier, l-omm, jew adult ieħor responsabbli għall-minuri, kemm jekk permezz tal-liġi jew bil-prattika ta’ dak l-Istat Membru, jew ħu jew oħtu jkunu legalment preżenti.”

11

L-Artikolu 9 tal-istess regolament jipprovdi:

“Fejn l-applikant għandu membru tal-familja, bla ma jitqies jekk il-familja kenitx ifformata qabel fil-pajjiż ta’ oriġini jew le, li kien tħalla jirrisjedi bħala benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

X, li tiddikjara li hija ta’ oriġini Palestinjana, għandha tifla mwielda fit‑2 ta’ Frar 2001. Fit‑8 ta’ Diċembru 2016, din it-tifla, li dak iż-żmien kellha ħmistax-il sena, iżżewġet lil Y.B. fil-Libanu.

13

Fit‑28 ta’ Awwissu 2017, bint X waslet fil-Belġju sabiex tingħaqad ma’ Y.B. li kellu permess ta’ residenza validu f’dan l-Istat Membru.

14

Fid‑29 ta’ Awwissu 2017, id-dipartiment tat-tutela tal-FOD Justitie (is-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja, il-Belġju) qies li bint X kienet minuri barranija mhux akkumpanjata u taha kuratriċi.

15

Fl‑20 ta’ Settembru 2017, it-tifla ta’ X ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-awtoritajiet Belġjani.

16

Fl-istess jum, id-Dienst Vreemdelingenzaken (Uffiċċju tal-Barranin, il-Belġju) irrifjuta li jirrikonoxxi l-att taż-żwieġ tat-tifla ta’ X, minħabba li dan kien żwieġ ta’ wild, inkompatibbli mal-ordni pubbliku, skont l-artikoli tal-Kodiċi tad-dritt internazzjonali privat Belġjan rilevanti.

17

Fis‑26 ta’ Settembru 2018, bint X ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjata.

18

Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, X ippreżentat, quddiem l-ambaxxata tal-Belġju fil-Libanu, minn naħa, applikazzjoni għal viża għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ bintha, u, min-naħa l-oħra, applikazzjonijiet għal viżi umanitarji għal ulied minuri, Y u Z.

19

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Ġunju 2019, id-delegat tal-minister van Sociale Zaken en Volksgezondheid, en van Asiel en Migratie (il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa Pubblika, u tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) ċaħad l-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ viżi mitluba minn X fit‑18 ta’ Diċembru 2018. Dawn id-deċiżjonijiet ġew annullati mill-qorti tar-rinviju f’sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019.

20

Wara dan l-annullament, il-Ministru, fis‑17 ta’ Marzu 2020, ħa tliet deċiżjonijiet ġodda intiżi li jirrifjutaw l-imsemmija viżi. F’dawn id-deċiżjonijiet, huwa qies, essenzjalment, li, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-barranin, li ċerti dispożizzjonijiet tagħha jittrasponu d-Direttiva 2003/86, il-familja nukleari hija kkostitwita minn konjuġi u wlied minuri mhux miżżewġa. Konsegwentement, it-tifla ta’ X, wara żwieġ, validu fil-pajjiż li fih huwa ġie kkuntrattat, ma kinitx għadha tappartjeni għall-familja nukleari tal-ġenituri tagħha.

21

Fl‑10 ta’ Awwissu 2020, X ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

22

Insostenn tar-rikors tagħha, X issostni li la l-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-barranin u lanqas id-Direttiva 2003/86 ma jeżiġu li refuġjat ma jkunx miżżewweġ sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu. Barra minn hekk, peress li l-att taż-żwieġ ta’ bintha ma ġiex irrikonoxxut fil-Belġju, dan ma jipproduċi l-ebda effett ġuridiku f’dan l-Istat Membru. Hija tallega li bintha għandha tissodisfa biss żewġ kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tagħha u li dawn huma ssodisfatti peress li bintha hija, minn naħa, minuri u, min-naħa l-oħra, mhux akkumpanjata, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86.

23

Il-Qorti tar-rinviju tqis li s-sitwazzjoni tat-tifla ta’ X tidher li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “minorenni mhux akkumpanjat”, fis-sens tal-Artikolu 10(3)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li din id-direttiva ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar l-istatus matrimonjali tal-minuri mhux akkumpanjat. Madankollu, din il-qorti tosserva li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 9 tar-Regolament Dublin III li jeżiġi li r-refuġjat minuri ma jkunx miżżewweġ sabiex l-Istat Membru fejn jirrisjedi jkun responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tal-ġenituri tiegħu.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2(f) [tad-Direttiva 2003/86] moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) [ta’ din id-direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li refuġjat li jkun ‘[minorenni] mhux akkompanjat’ li jirrisjedi fi Stat Membru għandu jkun ‘mhux miżżewweġ’ skont il-liġi nazzjonali tiegħu sabiex igawdi mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ axxendenti f’linja diretta?

2.

Fl-affermattiv, refuġjat minuri li ż-żwieġ tiegħu li seħħ barra mill-pajjiż ma jiġix irrikonoxxut minħabba motivi ta’ ordni pubbliku, jista’ jitqies li jkun ‘minuri mhux akkompanjat’, kif imsemmi fl-Artikolu 2(f) u fl-Artikolu 10(3) tad-[Direttiva 2003/86]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda preliminari

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jinkiseb l-istatus ta’ sponsor għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tiegħu fl-ewwel grad, refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jirrisjedi fi Stat Membru għandu ma jkunx miżżewweġ.

26

Qabel kollox, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association, C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 55).

27

Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li, jekk ir-refuġjat ikun minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membru “għandu jawtorizza d-dħul u residenza għall-għanijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-qraba ta’ l-ewwel grad tiegħu/tagħha fil-linja diretta axxendenti mingħajr ma japplika l-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 4(2)(a)”.

28

Għalhekk, l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu pożittiv preċiż li jawtorizzaw, fl-ipoteżi ddeterminata minn din id-dispożizzjoni, ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-axxendenti diretti fl-ewwel grad tal-isponsor. Id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja hekk irrikonoxxut lir-refuġjati minuri mhux akkumpanjati ma huwiex suġġett la għal marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri u lanqas għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2)(a) tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 34).

29

L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprovdix b’mod speċifiku li r-refuġju minuri għandu jkun mhux miżżewweġ sabiex id-dħul u r-residenza tal-axxendenti diretti tiegħu fl-ewwel grad ikunu awtorizzati, għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja.

30

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “minorenni mhux akkompanjat” bħala “ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni bla stat taħt l-età tmintax, li jaslu fit-territorju ta’ l-Istati Membri mhux akkompanjati minn adulti responsabbli bil-liġi jew b’użanza, u sakemm ma jittiħdux effettivament fir-reponsabbilta ta’ persuna tali, jew minorenni li jibqgħu mhux akkompanjati wara li jkunu daħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-definizzjoni tipprevedi żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li l-persuna kkonċernata tkun “minorenni” u li tkun “mhux akkompanjata” (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 37).

32

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-definizzjoni bl-ebda mod ma tirreferi għall-istat ċivili tal-minuri u ma teħtieġx li l-minuri jkun mhux miżżewweġ sabiex jiġi kkunsidrat bħala minuri mhux akkumpanjat.

33

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, għandu jiġi enfasizzat li din id-direttiva tinkludi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw espressament sitwazzjonijiet li fihom l-istatus matrimonjali tal-minuri jittieħed inkunsiderazzjoni.

34

B’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li jiddetermina l-membri tal-familja tal-isponsor li jistgħu jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja, jipprevedi li “[i] t-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom […] ma jridux ikunu miżżewġin”. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, l-ulied minuri tal-ġenitur tal-isponsor jistgħu jidħlu u jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja biss bil-kundizzjoni li ma jkunux miżżewġin.

35

Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda tali kundizzjoni fir-rigward tal-istat ċivili tal-ulied minuri ta’ ġenitur li jkun l-isponsor, iżda mhux għall-isponsor minuri refuġjat mhux akkumpanjat, jidher li jixhed ir-rieda tiegħu li ma jirrestrinġix il-benefiċċju tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 biss għar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati mhux miżżewġin.

36

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, din l-interpretazzjoni tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, ma toħloqx inugwaljanza fit-trattament bejn is-sitwazzjoni ta’ minuri miżżewweġ li jitlob ir-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendent tiegħu, imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, u dik ta’ sponsor refuġjat minuri mhux akkumpanjat miżżewweġ li l-axxendent dirett tiegħu fl-ewwel grad japplika sabiex jibbenefika minn din ir-riunifikazzjoni tal-familja, imsemmija fl-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva, peress li dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli.

37

Fil-fatt, refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jirrisjedi waħdu fit-territorju ta’ Stat ieħor mill-Istat ta’ oriġini tiegħu jinsab f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari li tiġġustifika li r-riunifikazzjoni tal-familja mal-qraba diretti tiegħu fl-ewwel grad, li tinsab barra mill-Unjoni, tiġi ffavorita. Din id-differenza fis-sitwazzjoni tiġġustifika li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ dan tal-aħħar ikun suġġett mhux għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, iżda għal dawk previsti fl-Artikolu 10(3)(a) tagħha, li huwa intiż speċifikament sabiex jiggarantixxi protezzjoni ikbar lir-refuġjati li għandhom il-kwalità ta’ minuri mhux akkumpanjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 44).

38

Din il-protezzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, jimponu, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi, kundizzjoni ta’ età minima għall-isponsor u għall-konjuġi tiegħu qabel ma jkun jista’ jingħaqad mal-ewwel wieħed. F’tali każ, interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tal-imsemmija direttiva li tirrifjuta r-riunifikazzjoni mal-axxendenti diretti fl-ewwel grad, meta r-refuġju minuri mhux akkumpanjat ikun miżżewweġ, tqiegħed lil dan il-minuri f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari peress li jkun jinsab, fl-assenza tal-konjuġi tiegħu u tal-axxendenti tiegħu, imċaħħad minn kull netwerk familjari fl-Istat Membru fejn jinsab.

39

Il-Gvern Belġjan isostni li l-Artikolu 9 u l-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Dublin III jeħtieġu li r-refuġjat minuri ma jkunx miżżewweġ u li l-familja kienet diġà teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini sabiex l-Istat Membru li fih dan ir-refuġjat ikun residenti jkun responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ ommu jew ta’ missieru. Madankollu, dan ir-regolament jikkonċerna mhux il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati minuri mhux akkumpanjati, iżda d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri. Għalhekk, l-imsemmi punt ma huwiex rilevanti għall-finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

40

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/86, għandu jitfakkar li dan huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

41

F’dan ir-rigward, mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tipprevedi għar-refuġjati kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, peress li s-sitwazzjoni tagħhom titlob attenzjoni partikolari minħabba raġunijiet li ġegħluhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jwaqqfuhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk. Konformement ma’ dan l-għan, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tiffaċilita r-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat mal-axxendenti diretti tiegħu fl-ewwel grad.

42

Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, il-possibbiltà ta’ tali riunifikazzjoni hija, bħala prinċipju, imħollija fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru u suġġetta, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-axxendenti diretti fl-ewwel grad ikunu dipendenti fuq l-isponsor u li jkunu mċaħħda mill-appoġġ tal-familja neċessarju fil-pajjiż ta’ oriġini. Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 10(3)(a) ta’ din id-direttiva jidderoga minn dan il-prinċipju.

43

Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/86 tfittex mhux biss, b’mod ġenerali, l-għan li tippromwovi r-riunifikazzjoni tal-familja u li tingħata protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-minuri, iżda l-Artikolu 10(3)(a) tagħha huwa intiż speċifikament sabiex jiggarantixxi protezzjoni ikbar lil dawk tar-refuġjati li għandhom il-kwalità ta’ minuri mhux akkumpanjat (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 li tillimita l-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tagħhom fl-ewwel grad biss għal refuġjati minuri mhux akkumpanjati li ma humiex miżżewġin tmur kontra dan l-għan ta’ protezzjoni partikolari.

45

Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li refuġjat minuri mhux akkumpanjat miżżewweġ li l-konjuġi jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni ma jkunx jista’ jibbenefika mill-protezzjoni ogħla mogħtija lilu mid-Direttiva 2003/86, anki jekk il-vulnerabbiltà partikolari tal-minuri ma titnaqqasx minħabba ż-żwieġ. Għall-kuntrarju, il-fatt li jkunu miżżewġin jista’ jindika, partikolarment fir-rigward ta’ bniet minuri, espożizzjoni għal forma serja ta’ vjolenza li jikkostitwixxu ż-żwieġ tat-tfal u ż-żwieġ furzat.

46

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-istat ċivili ta’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat jista’ spiss ikun diffiċli li jiġi stabbilit, b’mod partikolari fil-każ ta’ refuġjati li joriġinaw minn pajjiżi li ma humiex f’pożizzjoni li joħorġu dokumenti uffiċjali affidabbli. Għalhekk, l-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86 ma jillimitax il-benefiċċju tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti fl-ewwel grad biss għal refuġjati minuri mhux akkumpanjati li ma humiex miżżewġin hija wkoll konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali, peress li din tiżgura li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma jiddependix mill-kapaċitajiet amministrattivi tal-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata.

47

Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif jirriżulta wkoll mill-kliem tal-premessa 2 u tal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tat-tfal ikkonċernati u bil-għan li jippromwovu l-ħajja tal-familja (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Belgische Staat, (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Din id-dispożizzjoni tal-Karta għandha, sussegwentement, tinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tagħha, peress li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal deċiżjonijiet li mhux neċessarjament għandhom bħala destinatarju l-minuri, iżda li għandhom konsegwenzi sinjifikattivi għal dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, Belgische Staat (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 36). Fl-aħħar nett, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità għal wild, espressa fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li jinżammu regolarment relazzjonijiet personali maż-żewġ ġenituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Belgische Staat (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jirrisjedi fi Stat Membru ma għandux ikun mhux miżżewweġ sabiex jikseb l-istatus ta’ sponsor għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tiegħu fl-ewwel grad.

Fuq it‑tieni domanda

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

refuġjat minuri mhux akkumpanjat li jirrisjedi fi Stat Membru ma għandux ikun mhux miżżewweġ sabiex jikseb l-istatus tal-isponsor għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-axxendenti diretti tiegħu fl-ewwel grad.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.