SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Artikolu 10 – Tfal li jattendu l-iskola – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24 – Benefiċċji tal-assistenza soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 4 – Artikolu 70 – Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus – Ħaddiem migrant li fuqu huma dipendenti l-ulied li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑181/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri tal-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Jobcenter Krefeld – Widerspruchsstelle

vs

JD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatur), M. Vilaras, M. Safjan, P. G. Xuereb, L.S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, N. Piçarra u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Jobcenter Krefeld – Widerspruchsstelle, minn S. Schwickert, bħala aġent,

għal JD, minn J. Kruse, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Siwek‑Ślusarek u E. Borawska-Kędzierska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, B.‑R. Killmann, J. Tomkin u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46), kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Jobcenter Krefeld – Widerspruchsstelle (iċ-Ċentru għall-Impjiegi ta’ Krefeld – Dipartiment tal-Ilmenti, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Jobcenter”) u JD fir-rigward tar-rifjut ta’ dan iċ-ċentru li jagħti lil dan tal-aħħar u liż-żewġt ibniet tiegħu benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/38

3

Il-premessi 3, 4, 10, 16 u 21 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:

“(3)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)

Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)] u li jħassar l-atti li ġejjin: […]

[…]

(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. […] Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[…]

(21)

Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

[…]”

5

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija [tneħħija] kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

[…]

b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew [jitneħħew] sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

6

Skont l‑Artikolu 24 tad‑Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu [jirrisjedu] skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. […]

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b) […] lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Ir-Regolament Nru 883/2004

7

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni koperti”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

8

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[…]

j)

benefiċċji marbuta mal-familja.

[…]

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.”

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

10

It-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 jinkludi l-Kapitolu 9 dwar il-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 70 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Disposizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat; jew

ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat;

u

b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċcji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

11

L-Anness X għar-Regolament Nru 883/2004, li jelenka l-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”, fis-sens tal-Artikolu 70(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament, jipprevedi li, fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fost dawn il-benefiċċji hemm dawk li huma intiżi “li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24 (1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti”.

Ir-Regolament Nru 492/2011

12

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 492/2011 hija fformulata kif ġej:

“Ir-Regolament [Nru 1612/68] ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.”

13

Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 492/2011:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

14

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

Id-dritt Ġermaniż

15

L-Artikolu 7 tas-Sozialgesetzbuch Zweites Buch (il-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali), fil-verżjoni tiegħu tat‑22 ta’ Diċembru 2016 (BGBl. I, p. 3155) (iktar ’il quddiem is-“SGB II”), jipprovdi:

“1)   1Il-benefiċċji previsti f’dan il-ktieb jingħataw lill-persuni li:

1.

laħqu l-età ta’ 15‑il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.

huma kapaċi jaħdmu,

3.

jinsabu fil-bżonn, u

4.

jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu).

2Dawn li ġejjin huma esklużi:

1.

[…]

2.

iċ-ċittadini barranin

a)

li ma għandhomx dritt ta’ residenza,

b)

li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta biss mill-għan li jfittxu xogħol, jew

c)

li jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom – waħdu jew b’mod parallel ma’ dritt ta’ residenza skont il-punt b) – mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011,

kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom,

3.

[…]

2)   Jirċievu wkoll benefiċċji l-persuni li jgħixu f’komunità ta’ bżonn mal-benefiċjarji li kapaċi jaħdmu. […]

3)   Jagħmlu parti mill-komunità ta’ bżonn

1.

il-benefiċjarji li kapaċi jaħdmu,

[…]

4.

l-ulied mhux miżżewġin li joqogħdu mal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 3, meta jkunu għadhom ma laħqux l-età ta’ 25 sena, sakemm huma ma jkunux jistgħu jiksbu, permezz tad-dħul jew tal-patrimonju tagħhom stess, il-benefiċċji li jippermettulhom jiżguraw l-għajxien tagħhom.”

16

L-Artikolu 2 tal-Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern (il-Liġi dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-Unjoni), fil-verżjoni tagħha tat‑2 ta’ Diċembru 2014 (BGBl. I, p. 1922) (iktar ’il quddiem il-“FreizügG”), jiddikjara:

“1)   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju Federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

2)   Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni:

1.

iċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema jew li jsegwu taħriġ professjonali,

1bis.

iċ-ċittadini tal-Unjoni li qegħdin ifittxu impjieg, għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur, u lil hinn biss sa fejn jistgħu jipproduċu l-prova li qegħdin ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh,

[…]

6.

il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

3)   […] 2Id-dritt ibbażat fuq il-paragrafu 1 jinżamm għal sitt xhur f’każ ta’ qgħad involontarju kkonfermat mill-awtorità tax-xogħol kompetenti wara perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn sena”.

17

L-Artikolu 3 tal-FreizügG jipprevedi:

“1)   1Il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 2(2) jibbenefikaw mid-dritt abbażi tal-Artikolu 2(1) meta jakkumpanjaw l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. […]

2)   Membri tal-familja tfisser

1.

il-konjuġi, is-sieħeb u l-ġenituri fil-linja dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li għadhom ma laħqux l-età ta’ 21 sena,

[…]

4)   L-ulied ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mil-libertà ta’ moviment u min mill-ġenituri li effettivament jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri fuq l-ulied iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom sakemm ikunu lestew taħriġ anki wara l-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni li minnu huma jgawdu d-dritt ta’ residenza tagħhom, meta l-ulied jirrisjedu fit-territorju Federali u jattendu stabbiliment ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

JD, ċittadin Pollakk, kien miżżewweġ ċittadina Pollakka, li magħha kellu żewġt ibniet, imwielda rispettivament fl-2005 u fl-2010. Sa mill-2012 jew l-2013, JD issepara minn martu. Fl-aħħar tas-sena 2012 u fil-bidu tas-sena 2013, il-membri kollha tal-familja stabbilixxew ruħhom fil-Ġermanja. Iż-żewġt ibniet jirrisjedu essenzjalment ma’ missierhom, fejn huma ddomiċiljati sa mis-sena 2015. Mart JD ittrasferixxiet ruħha lejn il-Polonja fl-2016.

19

Il-bniet jattendu l-iskola fil-Ġermanja sa mill‑1 ta’ Awwissu 2016.

20

Mix-xahar ta’ Marzu 2015, JD eżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata fil-Ġermanja. B’hekk huwa okkupa pożizzjoni ta’ għajnuna għal ħaddied li jagħmel jew isewwi serraturi mis‑6 ta’ Marzu sal‑1 ta’ Settembru 2015, imbagħad pożizzjoni, full-time, ta’ operatur ta’ produzzjoni mit‑18 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Ottubru 2016. Mill‑4 ta’ Ottubru sas‑7 ta’ Diċembru 2016, JD kien f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità għax-xogħol u bbenefika, minħabba f’hekk, miż-żamma tal-ħlas tas-salarju tiegħu mill-persuna li timpjegah sal‑31 ta’ Ottubru 2016, meta ntemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, u sussegwentement mill-għoti ta’ kumpens għal leave tal-mard mis-sigurtà soċjali sas‑7 ta’ Diċembru 2016.

21

Sussegwentement, huwa rċieva benefiċċji mill-assigurazzjoni għall-qgħad mit‑23 ta’ Frar sat‑13 ta’ April 2017 u mit‑12 ta’ Ġunju sat‑23 ta’ Ottubru 2017.

22

Mit‑2 ta’ Jannar 2018, JD mill-ġdid jeżerċita impjieg full-time.

23

JD u ż-żewġt ibniet tiegħu rċevew, mill‑1 ta’ Settembru 2016 sas‑7 ta’ Ġunju 2017, benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażiċi taħt is-SGB II, jiġifieri “benefiċċji sussidjarji tal-qgħad” (Arbeitslosengeld II) għal JD u “benefiċċji soċjali” (Sozialgeld) għaż-żewġt ibniet (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

24

Fix-xahar ta’ Ġunju 2017, JD talab, għalih innifsu u għall-bniet tiegħu, iż-żamma tal-ħlas tal-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Permezz ta’ opinjoni tat‑13 ta’ Ġunju 2017, ikkonfermata fis‑27 ta’ Lulju 2017 wara lment imressaq minn JD, il-Jobcenter ċaħad din it-talba fuq il-bażi tal-punt 2 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, minħabba li JD ma kienx żamm l-istatus ta’ ħaddiem impjegat u kien jirrisjedi fil-Ġermanja bl-għan waħdieni li jfittex impjieg.

25

JD u ż-żewġt ibniet tiegħu sussegwentement adixxew is-Sozialgericht Düsseldorf (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ dan l-avviż u sabiex il-Jobcenter jiġi kkundannat jagħtihom il-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-perijodu bejn it‑8 ta’ Ġunju u l‑31 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

26

Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors u kkundannat lill-Jobcenter iħallas il-benefiċċji mitluba. Hija ddeċidiet li, għalkemm JD ma setax, ċertament, igawdi iżjed mill-istatus ta’ ħaddiem impjegat matul il-perijodu kontenzjuż sabiex ikun jista’ jibbaża dritt ta’ residenza fuq l-Artikolu 2 tal-FreizügG, huwa xorta waħda jislet tali dritt mid-dritt ta’ residenza rrikonoxxut lill-bniet tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, li jirrisjedu u li jattendu l-iskola fil-Ġermanja, jistgħu jippretendu, bħala wlied minuri ta’ ex ħaddiem migrant li kien impjegat f’dan l-Istat Membru, dritt ta’ residenza taħt dan l-Artikolu 10, li sussegwentement jistabbilixxi d-dritt ta’ residenza ta’ missierhom bħala ġenitur li jiżgura l-kustodja effettiva tagħhom. Skont l-imsemmija qorti, id-dritt ta’ residenza mislut minn dan l-Artikolu 10 għal finijiet ta’ tagħlim u ta’ taħriġ ta’ wlied (ex) ħaddiem migrant huwa awtonomu u indipendenti meta mqabbel mad-drittijiet ta’ residenza previsti fid-Direttiva 2004/38. Għalhekk, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva, li tidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-assistenza soċjali, ma tapplikax meta d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ikun ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. L-esklużjoni tad-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali prevista fil-punt 2 (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II għaċ-ċittadini barranin kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom li jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma hijiex għalhekk konformi mad-dritt tal-Unjoni.

27

Fl‑4 ta’ Lulju 2018, il-Jobcenter appella din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

28

Dik il-qorti tesponi, fl-ewwel lok, li ma hemmx kunsens fil-ġurisprudenza nazzjonali fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-regola derogatorja fil-qasam tal-għajnuna soċjali, prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, tistax tapplika wkoll, direttament jew b’analoġija, għaċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u li talbu l-għoti ta’ benefiċċji għall-għajxien bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkostitwixxu benefiċċji ta’ assistenza soċjali fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni.

29

Barra minn hekk, hu u jadotta l-punt 2 (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, il-leġiżlatur Ġermaniż qies li hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għas-sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom, minbarra dritt ta’ residenza għall-finijiet tat-tiftix ta’ impjieg, ukoll dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, sabiex jiġi evitat li r-regoli tad-Direttiva 2004/38 jitilfu s-sustanza tagħhom u li l-imsemmija ċittadini jsiru piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

30

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt ta’ residenza mogħti taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma huwiex suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward hija tistrieħ fuq is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C‑310/08, EU:C:2010:80), kif ukoll tat‑23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83), li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-awtonomija tad-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, liema dispożizzjoni hija fformulata f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax l-opportunità tal-adozzjoni ta’ dan l-aħħar regolament, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1612/68, biex jirrestrinġi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mir-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Fit-tieni lok, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tqum ukoll fir-rigward tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004. Dan ir-regolament japplika f’dan il-każ peress li JD kien affiljat, fil-Ġermanja, ma’ sistema ta’ benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tal-imsemmi regolament u ma’ sistema ta’ assigurazzjoni soċjali f’każ ta’ qgħad fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tiegħu. Il-benefiċċji għall-għajxien previsti mis-SGB II huma benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus, fis-sens tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li għalihom japplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Huwa kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 10 tar-Regolament Nru 492/2011, li jiġu esklużi mill-benefiċċji ta’ assistenza soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva [2004/38] iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011?

a)

Benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011?

b)

Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tapplika għar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 7 tar-Regolament Nru 492/2011?

2)

Huwa kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, li jiġu esklużi mill-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u li huma affiljati ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali jew ma’ sistema ta’ benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u l-ulied minuri tiegħu, li kollha kemm huma jibbenefikaw, fl-ewwel Stat Membru, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, minħabba l-attendenza skolastika ta’ dawn l-ulied f’dan l-istess Stat, huma fiċ-ċirkustanzi kollha u awtomatikament esklużi mid-dritt għall-benefiċċji intiżi li jiżguraw l-għajxien tagħhom.

Fuq id-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011

34

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li wlied ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jibbenefikaw fl-Istat Membru ospitanti, meta huma jirrisjedu hemmhekk, minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni. Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 492/2011, dan id-dritt kien iddikjarat fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li l-formulazzjoni tiegħu kienet identika għal dik tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, fejn dan ir-regolament tal-aħħar ħassar u ssostitwixxa tal-ewwel sabiex jipproċedi, għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ razzjonalità, għall-kodifikazzjoni tiegħu, kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 492/2011. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 hija wkoll rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

35

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li l-wild ta’ ħaddiem migrant jew ta’ ex ħaddiem migrant għandu dritt ta’ residenza proprju fl-Istat Membru ospitanti fuq il-bażi tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-edukazzjoni, meta huwa jixtieq isegwi korsijiet ta’ tagħlim ġenerali f’dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza proprju favur dan il-wild jimplika li jiġi rrikonoxxut dritt ta’ residenza korrispondenti favur il-ġenitur li effettivament jiżgura l-kustodja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punti 6375, kif ukoll tat‑23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 36).

36

Fil-fatt, l-għan li għandu jintlaħaq kemm mir-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll mir-Regolament Nru 492/2011, jiġifieri li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema, jirrikjedi li jiġu previsti kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni għall-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti u r-rifjut lill-ġenituri li jiżguraw il-kustodja tal-ulied li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti matul l-edukazzjoni ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun ta’ natura li jċaħħadhom minn dritt irrikonoxxut lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

B’hekk, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jirrikonoxxi lill-wild, flimkien mad-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni li huwa għandu, dritt ta’ residenza awtonomu li ma jiddependix mill-fatt li l-ġenitur jew il-ġenituri li għandhom il-kustodja tiegħu jżommu l-kwalità ta’ ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti. Bl-istess mod, il-fatt li l-ġenitur ikkonċernat jitlef din il-kwalità huwa mingħajr effett fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, korrispondenti għal dak tal-wild li tiegħu għandu l-kustodja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punti 63, 7075, kif ukoll tat‑23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punti 37, 4650).

38

F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandha tiġi applikata b’mod awtonomu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk tad-Direttiva 2004/38, li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor fosthom id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 42, kif ukoll tat‑23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punti 5354).

39

Minn dan isegwi li wlied ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li ħadem fl-Istat Membru ospitanti, bħall-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tagħhom, jistgħu jinvokaw, f’dan l-aħħar Stat, dritt awtonomu ta’ residenza fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, mingħajr ma jkunu obbligati jissodisfaw il-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/38, fosthom dik li l-persuni kkonċernati jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-imsemmi Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department, C‑310/08, EU:2010:80, punt 59).

Fuq id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011

40

Jidher li l-qorti tar-rinviju tqis, bħalma tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, li l-persuni li jisiltu dritt ta’ residenza mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom dritt jinvokaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, fil-paragrafu 2 tiegħu, fir-rigward tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż iqis li dan ma huwiex il-każ.

41

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiem jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk li tista’ tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava etC‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 47).

42

F’dan il-każ, peress li l-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi, kif indikat il-qorti tar-rinviju, sabiex jiggarantixxu mezzi għall-għajxien lill-benefiċjarji tagħhom, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. L-imsemmija benefiċċji jikkostitwixxu, għalhekk, vantaġġi soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, EU:C:1985:139, punt 22).

43

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, minn naħa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-użu tat-terminu “Huwa”, jirriżulta li dan il-kamp ta’ applikazzjoni jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, li jinkludi, skont il-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-ħaddiema li, bħal JD, “jisf[aw] mingħajr xogħol” fl-Istat Membru ospitanti. Konsegwentement, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 joffri, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, protezzjoni li tmur lil hinn mis-sempliċi perijodu ta’ impjieg tagħhom.

44

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza tal‑18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et, C‑447/18, EU:C:2019:1098, punt 39).

45

Għaldaqstant, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 il-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE, inkwantu, filwaqt li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li jiċċaqilqu sabiex ifittxu impjieg jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss għall-aċċess għas-suq tax-xogħol, dawk li diġà daħlu f’dan is-suq tax-xogħol jistgħu jippretendu, fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 7(2), l-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, Collins, C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 31).

46

Issa, għalkemm huwa paċifiku li, matul il-perijodu kontenzjuż, JD kien f’sitwazzjoni ta’ qgħad fil-Ġermanja, huwa wkoll paċifiku li huwa kien preċedentement eżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru.

47

Konsegwentement, is-sempliċi fatt li JD kien sar ekonomikament inattiv matul dan il-perijodu ma jistax iwassal sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

48

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra, b’mod partikolari, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, id-drittijiet li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiem tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu bis-saħħa tar-Regolament Nru 492/2011 jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jissussistu anki wara tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 70).

49

B’hekk, u kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt ta’ residenza ta’ wlied tali ħaddiem ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u, konsegwentement, dak tal-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom isiru, ladarba miksubin, awtonomi fir-rigward tad-dritt ta’ residenza oriġinali bbażat fuq il-kwalità ta’ ħaddiem tal-ġenitur ikkonċernat, u jkunu jistgħu jitwalu lil hinn mit-telf ta’ din il-kwalità sabiex joffru protezzjoni legali msaħħa lil dawn l-ulied, u b’hekk jevitaw li d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament ta’ dawn tal-aħħar, fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni, ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu.

50

L-istess għandu japplika, f’sitwazzjoni fejn l-ulied u l-ġenitur li effettivament għandu l-kustodja tagħhom għandhom dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, fir-rigward tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali ddikjarat fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, dan l-aħħar dritt jirriżulta, bħall-imsemmija drittijiet ta’ residenza “dderivati”, oriġinarjament mill-kwalità ta’ ħaddiem tal-ġenitur ikkonċernat u għandu jinżamm wara t-telf ta’ din il-kwalità, għall-istess raġunijiet bħal dawk li ġġustifikaw iż-żamma ta’ dawn id-drittijiet ta’ residenza.

51

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tiegħu, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li jiġi ffavorit il-moviment liberu tal-ħaddiema, sa fejn dan jippermetti li jinħolqu kundizzjonijiet ottimali għall-integrazzjoni tal-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni li għamlu użu minn din il-libertà u eżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti.

52

B’hekk, din l-interpretazzjoni tevita li persuna, bħal JD, li għandha l-intenzjoni li titlaq, flimkien mal-familja tagħha, mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħha sabiex tmur taħdem fi Stat Membru ieħor, li fih hija tixtieq li wliedha jattendu l-iskola, tesponi ruħha għar-riskju, fil-każ li hija titlef il-kwalità ta’ ħaddiem, li jkollha tinterrompi l-edukazzjoni ta’ wliedha u li tmur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, ġaladarba ma tkunx tista’ tgawdi mill-benefiċċji soċjali li l-Istat Membru ospitanti jiggarantixxi liċ-ċittadini tiegħu stess u li jkunu jippermettu lill-familja tagħha jkollha mezzi ta’ għajxien suffiċjenti f’dan l-Istat Membru.

53

Barra minn hekk, f’dan l-istess spirtu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sitwazzjoni ta’ wild ta’ ħaddiem ta’ Stat Membru li kien impjegat fi Stat Membru ieħor u li kien irritorna lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li dan il-wild, li kellu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti bbażat fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kien iżomm id-dritt għal għajnuna mogħtija għall-manteniment u għat-taħriġ sabiex jitkomplew studji ta’ livell sekondarju jew postsekondarju, għajnuna kklassifikata bħala “vantaġġ soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament, biss sakemm l-imsemmi Artikolu 12 ma jitlifx kull effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punti 23 kif ukoll 34).

54

Għalhekk, meta wild ikollu, fl-Istat Membru ospitanti, dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, dan il-wild jibbenefika, l-istess bħall-ġenitur tiegħu li effettivament għandu l-kustodja tiegħu, mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, anki meta dan il-ġenitur ikun tilef il-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem.

55

Minn dan isegwi li persuni li għandhom dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jibbenefikaw ukoll mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali previst fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, anki meta dawn il-persuni ma jkunux jistgħu jinvokaw iżjed il-kwalità ta’ ħaddiem li biha inizjalment siltu d-dritt ta’ residenza tagħhom.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għal ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011

56

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bis-saħħa ta’ din id-direttiva għandu jibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament bħaċ‑ċittadini ta’ dan l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li, b’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti ma huwiex obbligat jagħti d-dritt għal benefiċċju ta’ assistenza soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, jekk ikun il-każ, matul il-perijodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, lill-persuni li ma humiex ħaddiema impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom, il-persuni li jżommu dan l-istatus, u l-membri tal-familja tagħhom.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li l-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi li jikkonferixxu lill-benefiċjarji tagħhom il-minimu tal-mezzi ta’ għajxien neċessarji sabiex ikollhom ħajja konformi mad-dinjità tal-bniedem, għandhom jitqiesu bħala “dritt ta’ għajnuna soċjali [benefiċċji ta’ assistenza soċjali]” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punti 44 sa 46, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2016, García‑Nieto et, C‑299/14, EU:C:2016:114, punt 37).

58

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fil-punti 57 u 58 tas-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597), li l-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex jirrifjuta liċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza, fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, l-għoti ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali, bħall-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

Madankollu, f’din is-sentenza, kif jirriżulta fil-punt 40 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-indikazzjoni tal-qorti nazzjonali li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw biss minn dritt ta’ residenza għat-tiftix ta’ impjieg ibbażat fuq din l-aħħar dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/38. Hija ma ddeċidietx dwar is-sitwazzjoni fejn il-persuni kkonċernati jkollhom, bħal f’dan il-każ, dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

60

Fir-rigward ta’ tali sitwazzjoni, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li, bħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u li tiegħu l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 24 għandu jiġi interpretat b’mod strett u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 33).

61

Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, NEW WAVE CZ, C‑427/15, EU:C:2017:18, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

L-ewwel nett, mill-kliem stess tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, “[b]’deroga mill-paragrafu 1” ta’ dan l-Artikolu 24, jirrifjutaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jagħtu d-dritt għal benefiċċji ta’ assistenza soċjali lil ċerti kategoriji ta’ persuni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija espliċitament intiża bħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva. Issa, din id-deroga hija applikabbli biss għall-persuni li jaqgħu taħt dan il-paragrafu 1, jiġifieri għal ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti “skond [l-imsemmija] Direttiva”.

63

It-tieni nett, mill-kuntest leġiżlattiv ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-Direttiva 2004/38 ċertament ġiet adottata sabiex tikkodifika u tirrevedi, kif spjega l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessi 3 u 4 tagħha, “l-istrumenti [tad-dritt tal-Unjoni] eżistenti” li jirrigwardaw b’mod separat l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom, l-istudenti u persuni oħra mhux attivi sabiex jissemplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni billi jmorru lil hinn mill-approċċ settorjali u frammentarju preċedenti.

64

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-operazzjoni ta’ kodifikazzjoni ma kinitx eżawrjenti. Fil-fatt, meta ġiet adottata d-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, riprodott f’termini identiċi fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, la ġie mħassar u lanqas emendat. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ġiet imfassla b’mod li tkun koerenti mal-imsemmi Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll mal-ġurisprudenza li interpretatu. Konsegwentement, din id-direttiva ma tistax, bħala tali, tqiegħed inkwistjoni l-awtonomija tad-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u lanqas tbiddel il-portata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C‑480/08, EU:C:2010:83, punti 5456 sa 58).

65

Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 jikkonferma l-interpretazzjoni li d-deroga għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iddikjarata fil-paragrafu 2 tiegħu, tapplika biss f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-paragrafu 1 tiegħu, jiġifieri dawk li fihom id-dritt ta’ residenza huwa bbażat fuq din id-direttiva, u mhux dawk li fihom dan id-dritt għandu l-bażi awtonoma tiegħu fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

66

Fl-aħħar nett, it-tielet nett, tali interpretazzjoni ma hijiex invalidata bl-għan tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, li jikkonsisti fil-preżervazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istati Membri billi jiġi evitat li l-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom isiru piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva.

67

Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal JD, li, qabel ma spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad fl-Istat Membru ospitanti, kien ħadem hemmhekk u li hemmhekk uliedu attendew l-iskola u li jibbenefika, għaldaqstant, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, hija differenti, fir-rigward ta’ dan l-għan, b’mod sinjifikattiv minn dik taċ-ċittadini tal-Unjoni li l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva jeskludi espressament mid-dritt għall-benefiċċji ta’ assistenza soċjali, jiġifieri, minn naħa, dawk li, bħalma kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2016, García‑Nieto et, (C‑299/14, EU:C:2016:114), għandhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu limitat għal tliet xhur, u, min-naħa l-oħra, dawk li hemmhekk għandhom dritt ta’ residenza bbażat biss fuq l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 għat-tiftix ta’ impjieg.

68

Is-sitwazzjoni li tikkaratterizza din il-kawża hija differenti wkoll minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358). Fil-fatt, din l-aħħar kawża kienet tirrigwarda ċittadini ta’ Stat Membru ekonomikament inattivi li kienu eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom bil-għan biss li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali ta’ Stat Membru ieħor u li fl-Istat Membru ospitanti ma kienu jibbenefikaw minn ebda dritt ta’ residenza bbażat fuq id-Direttiva 2004/38 jew fuq dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li jiġi rrikonoxxut lil tali persuni dritt għal benefiċċji soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali jmur kontra l-għan imfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

69

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li persuni, bħal JD u l-bniet tiegħu, jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, inkluż taħt id-deroga prevista fil-paragrafu 2 tiegħu, minħabba li wliedu jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li huma jistgħu jinvokaw ukoll dritt ta’ residenza awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, l-imsemmija deroga ma tistax tiġi invokata kontrihom.

70

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, fir-rigward ta’ persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg, li d-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza fuq is-sempliċi bażi tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 58). Min-naħa l-oħra, il-fatt li persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg jibbenefikaw minn drittijiet speċifiċi bis-saħħa tal-imsemmija direttiva ma jistax, fir-rigward tal-awtonomija tas-sistemi stabbiliti rispettivament mill-istess direttiva u mir-Regolament Nru 492/2011, jimplika tnaqqis tad-drittijiet li tali persuni jistgħu jisiltu minn dan ir-regolament.

71

Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, ikun paradossali li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li ma jingħatawx il-benefiċċji tal-assistenza soċjali lill-persuni li jistgħu jinvokaw mhux biss dritt ta’ residenza inkwantu ġenituri, bis-saħħa tar-Regolament Nru 492/2001, iżda wkoll dritt ta’ residenza bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg bis-saħħa tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt tali interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza li teskludi mill-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali fil-qasam tal-assistenza soċjali lill-ġenitur u wliedu, li jkollhom dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2001, ladarba dan il-ġenitur jiddeċiedi li jfittex impjieg fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011

72

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li l-persuni li għandhom dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jistgħu jinvokaw, kif ġie enfasizzat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, jipprovdi, essenzjalment, li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika fl-Istat Membru ospitanti, inkluż meta jispiċċa mingħajr xogħol, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali.

73

Il-fatt li jiġu esklużi, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 2 (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, persuni li, bħal JD u l-bniet tiegħu, huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, minn kull dritt għal benefiċċji għall-għajxien jikkostitwixxi differenza fit-trattament fil-qasam tal-vantaġġi soċjali meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali.

74

F’dan ir-rigward, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tfakkar li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

75

Għandu jingħad ukoll, l-ewwel nett, li l-benefiċċju, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, ta’ dritt ta’ residenza awtonomu, ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, irrikonoxxut lill-ulied li jattendu l-iskola u lill-ġenitur li għandu effettivament il-kustodja tagħhom, jippreżupponi li dan il-ġenitur ikun daħal fis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, u kif ġie enfasizzat fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirku tal-benefiċjarji potenzjali ta’ tali dritt ta’ residenza ma jikkorrispondix għal dak taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li marru fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu l-ewwel impjieg hemmhekk. Barra minn hekk, dan id-dritt huwa limitat ġaladarba jintemm, l-iktar tard, meta l-wild itemm l-istudji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Alarape u Tijani, C‑529/11, EU:C:2013:290, punt 24).

76

It-tieni nett, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li diġà daħal fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u li jibbenefika wkoll minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandha tiġi distinta minn dik li fiha jeżistu indizji li skonthom l-ex ħaddiem ikkonċernat wettaq abbuż ta’ dritt mhux kopert mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan tal-aħħar ħoloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-vantaġġi soċjali inkwistjoni bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 4246). Issa, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti tali abbuż ta’ dritt jew kwalunkwe frodi f’dan il-każ.

77

Għalhekk, l-esklużjoni taċ-ċittadini ekonomikament inattivi ta’ Stati Membri oħra, li jgawdu minn dritt ta’ residenza awtonomu bis-saħħa tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, minn kull dritt għall-benefiċċji ta’ għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar.

78

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, TÜV Rheinland LGA Products u Allianz IARD, C‑581/18, EU:C:2020:453, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, permezz tal-Artikolu 45 TFUE (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah, C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), li, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, huwa espress b’mod partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 18 TFUE.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u l-ulied minuri tiegħu, li kollha kemm huma jgawdu, fl-ewwel Stat Membru, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, fuq il-bażi tal-attendenza ta’ dawn l-ulied fi skola f’dan l-istess Stat, huma f’kull ċirkustanza u awtomatikament esklużi mid-dritt għall-benefiċċji intiżi li jiżguraw l-għajxien tagħhom. Din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

Fuq it-tieni domanda

80

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u mal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u l-ulied minuri tiegħu, li kollha kemm huma jgawdu, fl-ewwel Stat Membru, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, fuq il-bażi tal-attendenza ta’ dawn l-ulied fi skola f’dan l-istess Stat, u li fih huma affiljati f’sistema ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, huma fiċ-ċirkustanzi kollha u awtomatikament esklużi mid-dritt għall-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja li jingħataw fi flus.

81

Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li JD u l-bniet tiegħu għandhom jitqiesu li kienu, matul il-perijodu kontenzjuż, affiljati ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) u (j) tar-Regolament Nru 883/2004, peress li huma rċevew, matul ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja, benefiċċji tal-qgħad u benefiċċji tal-familja. Għaldaqstant, huma jaqgħu, skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi regolament.

82

Barra minn hekk, kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkostitwixxu benefiċċji intiżi li jiggarantixxu lill-benefiċjarji tagħhom mezzi ta’ għajxien, huma benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, imsemmija fl-Anness X ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 43).

83

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 japplika wkoll għal tali benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 55).

84

Għalkemm huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 ma għandux bħala għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet bażiċi tal-eżistenza tad-dritt għall-imsemmija benefiċċji u li xejn ma jipprekludi li l-għoti ta’ tali benefiċċji lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi jkun suġġett għar-rekwiżit li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex igawdu minn dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑308/14, EU:C:2016:436, punti 6568 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jeħtieġ li jiġi kkonstatat li JD u l-bniet tiegħu kienu jgawdu, matul il-perijodu kontenzjuż, minn dritt ta’ residenza legali fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

85

Minn dan jirriżulta li JD u l-bniet tiegħu jibbenefikaw, bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-benefiċċji għall-għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

86

Issa, il-fatt li persuni li, bħal JD u l-bniet tiegħu, huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jiġu esklużi, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 2 (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, minn kull dritt għall-benefiċċji għall-għajxien jikkostitwixxi differenza fit-trattament fil-qasam tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali meta mqabbla maċ-ċittadini nazzjonali.

87

Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, id-deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-assistenza soċjali prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra għandhom dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni li b’hekk tikkaratterizza din il-kawża tiddistingwi lilha nnifisha minn dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għaż-żewġ sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, EU:C:2015:597), kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2016, García‑Nieto et (C‑299/14, EU:C:2016:114), li fihom l-applikabbiltà ta’ din id-deroga wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tilqa’ deroga korrispondenti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iddikjarat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

88

F’dan il-kuntest, u għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, l-esklużjoni prevista fil-punt 2 (c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, sa fejn twassal sabiex iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jgawdu minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jiġu rrifjutati kategorikament u awtomatikament kull dritt għall-benefiċċji ta’ għajxien inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

89

Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u l-ulied minuri tiegħu, li kollha kemm huma jgawdu, fl-ewwel Stat Membru, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, fuq il-bażi tal-attendenza ta’ dawn l-ulied fi skola f’dan l-istess Stat Membru, u li fih huma affiljati f’sistema ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, huma fiċ-ċirkustanzi kollha u awtomatikament esklużi mid-dritt għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u l-ulied minuri tiegħu, li kollha kemm huma jgawdu, fl-ewwel Stat Membru, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, fuq il-bażi tal-attendenza ta’ dawn l-ulied fi skola f’dan l-istess Stat, huma f’kull ċirkustanza u awtomatikament esklużi mid-dritt għall-benefiċċji intiżi li jiżguraw l-għajxien tagħhom. Din l-interpretazzjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

 

2)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u l-ulied minuri tiegħu, li kollha kemm huma jgawdu, fl-ewwel Stat Membru, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, fuq il-bażi tal-attendenza ta’ dawn l-ulied fi skola f’dan l-istess Stat Membru, u li fih huma affiljati f’sistema ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, huma fiċ-ċirkustanzi kollha u awtomatikament esklużi mid-dritt għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li jingħataw fi flus.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.