MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-fini tal-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS). L-emenda tikkonċerna eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifiċi li fihom il-merkurju f’lampi mhux lineari b’fosforu li jiffluworixxi fi tliet frekwenzi.

Id-Direttiva RoHS tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE), kif speċifikat fl-Artikolu 4. Attwalment għaxar sustanzi huma ristretti u elenkati fl-Anness II tad-Direttiva: iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati (PBB), l-eteri tad-difenil polibromurat (PBDE), il-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP), il-ftalat tal-butil benżil (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP). L-Annessi III u IV jelenkaw il-materjali u l-komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi li huma eżentati mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi stabbiliti fl-Artikolu 4(1).

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprevedi l-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku, li jista’ jinkludi l-għoti, it-tiġdid jew ir-revoka tal-eżenzjonijiet. Skont l-Artikolu 5(1)(a), l-eżenzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk dan ma jdgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) 2 u jekk jissodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin biss: (i) it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tas-sustanza permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u fil-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II mhijiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; (ii) l-affidabbiltà tas-sostituti mhix żgurata; (iii) l-impatti negattivi totali fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u fuq is-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni tas-sustanza x’aktarx li jissuperaw il-benefiċċji totali tagħha għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur.

Id-deċiżjonijiet dwar l-eżenzjonijiet, u t-tul ta’ żmien tagħhom, iridu jqisu wkoll id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar it-tul ta’ żmien tal-eżenzjonijiet iridu jqisu kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-innovazzjoni. Fejn ikun rilevanti, trid tiġi applikata mentalità li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-impatti kumplessivi tal-eżenzjoni.

L-Artikolu 5(1)(a) jispeċifika wkoll li sabiex tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Annessi III u IV, il-Kummissjoni trid tadotta atti delegati individwali. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jiddeskrivu l-proċedura għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet relatati mal-eżenzjoni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-Kummissjoni rċeviet talbiet 3 mingħand l-operaturi ekonomiċi biex tagħti jew iġġedded l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5(3) u l-Anness V tad-Direttiva RoHS.

L-eżenzjoni 2(b)(3) attwali tal-Anness III tippermetti l-użu tal-merkurju f’lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet frekwenzi b’dijametru tat-tubu ta’ > 17 mm (eż. T9): 15 mg.

Il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni fl-2015. Fil-qofol, l-applikanti sostnew li ma kinux disponibbli sostituti għall-applikazzjonijiet koperti minn din l-eżenzjoni 4 . Waħda mill-applikazzjonijiet iġġeddet f’Jannar 2020 b’informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-limitu prattikabbli għall-merkurju. F’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva RoHS (l-Artikolu 5(5)(it-tieni subparagrafu), eżenzjoni tibqa’ valida sa meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

Sabiex tevalwa l-applikazzjoni għat-tiġdid ta’ dik l-eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju 5 f’Ġunju 2015, li ġie konkluż fl-2016, biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, inkluż konsultazzjoni online ta’ tmien ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati 6 . Minbarra dak l-istudju li jivvaluta d-data teknika u xjentifika estensiva u l-kontributi li waslu, kif dokumentat fir-rapport ta’ studju, fl-2019 7 il-Kummissjoni wettqet aġġornament tal-istudju tal-2016 iffokat fuq il-valutazzjoni soċjoekonomika u fuq id-disponibbiltà tas-sostituti ta’ din l-eżenzjoni u eżenzjonijiet oħra. Ir-rapport finali tal-istudju ġie ppubblikat 8 u l-partijiet ikkonċernati ġew innotifikati.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS matul il-laqgħat tal-esperti tal-1 ta’ Settembru 2016, tad-29 ta’ Ottubru 2018 u tal-21 ta’ Ottubru 2019 sabiex tiġbor il-fehmiet tal-Istati Membri dwar proposta ta’ azzjoni f’konformità mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet. Wettqet il-passi proċedurali meħtieġa kollha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7) 9 . Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.

L-istudju ta’ sostenn finali enfasizza li:

·sostituti huma disponibbli fil-livell tas-sistema (luminarji b’dijodi li jemettu d-dawl (LED)), iżda l-firxa ta’ sostituti fil-livell tal-komponenti (LED ta’ sostituzzjoni) u l-kompatibbiltà tagħhom mal-installazzjonijiet eżistenti għadha trid tiġi vverifikata f’termini ta’ dimensjonijiet u kompatibbiltà elettrika;

·huwa meħtieġ iżjed żmien biex jiġu żviluppati biżżejjed alternattivi kompatibbli, għaldaqstant l-istudju rrakkomanda t-tiġdid tal-eżenzjoni għal tul ta’ żmien massimu ta’ tliet snin;

·madankollu, it-tnaqqis fil-limiti ta’ kontenut tal-merkurju diġà huwa possibbli teknikament.

Bħala konklużjoni, il-valutazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi, inkluż il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, spjegaw fid-dettall li l-kriterji għal eżenzjoni għadhom qed jiġu ssodisfati fir-rigward tal-eżenzjoni 2(b)(3) peress li għadhom mhumiex disponibbli sostituti affidabbli. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni wrew ukoll li l-eżenzjoni speċifika ma jdgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament REACH, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE.

F’konformità mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat biex jinġabar il-feedback tal-pubbliku. Matul dak il-perjodu, ġew riċevuti 23 kontribut. L-abbozz tal-att ġie revedut u ċċarat filwaqt li tqiesu wħud mill-punti li tqajmu.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Id-Direttiva Delegata ġġedded l-eżenzjoni 2(b)(3) elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE għall-użu tal-merkurju f’applikazzjonijiet speċifikati.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-istudji ta’ sostenn u l-konsultazzjonijiet, ikkonkludiet li t-talba għal eżenzjoni tissodisfa mill-inqas wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva RoHS li jiġġustifika l-estensjoni tal-eżenzjoni: is-sostituzzjoni tal-merkurju b’sostituti affidabbli fil-kategoriji ta’ lampi kkonċernati minn din l-eżenzjoni, attwalment ma tistax tiġi żgurata.

Fil-qosor, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni huma ssodisfati, u l-eżenzjoni 2(b)(3) għandha tiġġedded. Il-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li l-limitu tal-konċentrazzjoni tal-merkurju fil-kategoriji ta’ lampi koperti minn dik l-eżenzjoni jista’ jitnaqqas minn 15 mg għal 10 mg għal kull lampa.

Id-data tal-iskadenza għal din l-eżenzjoni hija stabbilita f’konformità mal-Artikolu 5(2)(l-ewwel subparagrafu). Kif ġie konkluż mill-evalwazzjoni, l-istat tal-iżvilupp tas-sostituti jiġġustifika t-tiġdid tal-eżenzjoni għal tliet snin oħra. Mhux mistenni li l-perjodu ta’ validità jkollu impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

L-istrument legali huwa Direttiva Delegata, id-Direttiva 2011/65/UE, skont l-att legali ta’ awtorizzazzjoni, u b’mod partikolari bid-delega stabbilita fl-Artikolu 5(1) u 20 tagħha.

L-objettiv tad-Direttiva Delegata hu li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u tallinja d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS u skont il-kundizzjonijiet mogħtija fiha u skont il-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

Id-Direttiva Delegata ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 13.12.2021

li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet frekwenzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 10 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE 11 , il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet frekwenzi b’dijametru tat-tubu ta’ > 17 mm (eż. T9) (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 2(b)(3) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva.

(5)Il-merkurju jintuża f’lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet frekwenzi sabiex jiġi prodott dawl ultravjola, li mbagħad jiġi kkonvertit f’dawl viżibbli mill-kisi fluworexxenti fuq il-lampa. Il-kompożizzjoni tal-kisi, li fiha l-merkurju, tiddetermina l-kulur tad-dawl u l-apparenza tal-kulur.

(6)Fid-19 ta’ Diċembru 2014 u fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, u waħda minnhom ġiet aġġornata b’applikazzjoni addizzjonali f’Jannar 2020. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għat-tiġdid.

(7)L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li attwalment is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati mhix prattikabbli teknikament. Dik l-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li l-limitu tal-konċentrazzjoni tal-merkurju fil-kategoriji ta’ lampi koperti minn dik l-eżenzjoni jista’ jitnaqqas minn 15 mg għal 10 mg għal kull lampa. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(8)L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)Għalhekk jixraq li jingħata t-tiġdid tal-eżenzjoni, b’formulazzjoni reveduta, filwaqt li jiġi stabbilit l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-eżenzjoni, għal perjodu ta’ tliet snin, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE, sabiex tinġabar iktar data relatata mad-disponibbiltà ta’ sostituti għat-tipi ta’ lampi speċifiċi koperti minn dik l-eżenzjoni. F’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2011/65/UE, jenħtieġ li tiġi stabbilita data tal-iskadenza ta’ 12-il xahar għall-eżenzjoni 2(b)(3) attwali. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi kontinwi biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, x’aktarx li t-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni mhux se jkollu impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva + jum wieħed].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13.12.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2)    ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(3)    Il-lista hija disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm .
(4)    https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/RoHS_Pack_9/Exemption_2_b__3-4_/Lighting_Europe/2b3_LE_RoHS_Exemption__Req_Final.pdf u https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/RoHS_Pack_9/Exemption_2_b__3-4_/NARVA/01_02_a__2b3_4a.pdf.
(5)    Ir-rapport finali tal-istudju huwa disponibbli fuq https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/a3fdcc8c-4273-11e6-af30-01aa75ed71a1 .
(6)    Perjodu ta’ konsultazzjoni: mill-21 ta’ Awwissu 2015 sas-16 ta’ Ottubru 2015, https://rohs.exemptions.oeko.info .
(7)     https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/reports/FWCW_RoHS_Lamps_SEA_ 20190729_Final.pdf
(8)

    https://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/studies_rohs1_en.htm .

(9)    Lista tal-passi amministrattivi meħtieġa hija disponibbli fuq is- sit web tal-Kummissjoni . Wieħed jista’ jara l-istadju attwali tal-proċedura għal kull abbozz ta’ att delegat fir-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati fuq https://webgate.ec.europa.eu/regdel/#/home .
(10)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).
(12)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrata 2(b)(3) hija sostitwita b’dan li ġej:

Eżenzjoni

Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

“2(b)(3)

Lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet frekwenzi b’dijametru tat-tubu ta’ > 17 mm (eż. T9): 15 mg

Tiskadi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]; 10 mg jistgħu jintużaw għal kull lampa minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: 12-il xahar + jum wieħed wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali] sa [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: tliet snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]”