European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/982

5.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/982 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Marzu 2024

dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 87(2), il-punt (a), u l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li tipprovdi liċ-ċittadini tagħha żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Dak l-objettiv jinkiseb permezz ta’, fost oħrajn, miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u theddid ieħor għas-sigurtà pubblika, inklużi l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jiskambjaw id-data b’mod effiċjenti u f’waqtu sabiex jipprevjenu, jidentifikaw u jinvestigaw b’mod effettiv ir-reati kriminali.

(2)

L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb, jissimplifika u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni kriminali u data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, għall-fini ta’ prevenzjoni, identifikazzjoni u investigazzjoni ta’ reati kriminali, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

(3)

Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (4) u 2008/616/ĠAI (5), li jistabbilixxu regoli għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali billi jipprevedu t-trasferiment awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika u ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, urew li huma importanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera, u b’hekk jipproteġu s-sigurtà interna tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha.

(4)

Filwaqt li jibni fuq il-proċeduri eżistenti għat-tfittxija awtomatizzata tad-data, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika, ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, immaġnijiet tal-wiċċ u rekords tal-pulizija. Dak jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-ipproċessar ta’ tali data fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari relatata ma’ tali data permezz tal-uffiċċji SIRENE skont ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew id-drittijiet ta’ individwi li d-data tagħhom tiġi pproċessata hemmhekk.

(5)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali (il-qafas ta’ Prüm II). Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dan ikopri l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri, inklużi, iżda mhux biss, il-pulizija, id-dwana u servizzi speċjalizzati oħra tal-infurzar tal-liġi relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe awtorità responsabbli għall-ġestjoni ta’ bażi tad-data nazzjonali koperta minn dan ir-Regolament jew li tagħti awtorizzazzjoni ġudizzjarja għar-rilaxx ta’ kwalunkwe data jenħtieġ li titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament dment li l-informazzjoni tiġi skambjata għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

(6)

Jenħtieġ li kwalunkwe pproċessar jew skambju ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ma jirriżultax f’diskriminazzjoni kontra persuni għal kwalunkwe raġuni. Dan jenħtieġ li jirrispetta bis-sħiħ id-dinjità u l-integrità tal-bniedem u drittijiet fundamentali oħrajn, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata ta’ dak li jkun u għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Kwalunkwe pproċessar jew skambju ta’ data personali jenħtieġ li jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data tal-Kapitolu 6 ta’ dan ir-Regolament u skont kif ikun applikabbli, id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)jew ir-Regolament (UE) 2018/1725 (8), (UE) 2016/794 jew (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Id-Direttiva (UE) 2016/680 tapplika għall-użu tal-qafas ta’ Prüm II fir-rigward ta’ tfittxijiet għal persuni neqsin u l-identifikazzjoni ta’ fdalijiet umani mhux identifikati, għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-użu tal-qafas ta’ Prüm II fir-rigward tat-tfittxija għal persuni neqsin u l-identifikazzjoni ta’ fdalijiet umani mhux identifikatigħal skopijiet oħra.

(8)

Peress li jipprevedi t-tfittxija awtomatizzata ta’ profili tad-DNA, ta’ data dattiloskopika, ta’ ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, ta’ immaġnijiet tal-wiċċ u ta’ rekords tal-pulizija, il-fini ta’ dan ir-Regolament huwa wkoll li jippermetti t-tfittxija ta’ persuni neqsin u l-identifikazzjoni ta’ fdalijiet umani mhux identifikati. Dawk it-tfittxijiet awtomatizzati jenħtieġ li jsegwu r-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk it-tfittxijiet awtomatizzati huma mingħajr preġudizzju għad-dħul ta’ allerti dwar persuni neqsin fl-SIS u għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar tali allerti skont ir-Regolament (UE) 2018/1862.

(9)

Meta l-Istati Membri jkunu jixtiequ jużaw il-qafas ta’ Prüm II biex ifittxu persuni neqsin u biex jidentifikaw fdalijiet umani, jenħtieġ li jadottaw miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jaħtru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal dak il-fini u li jistabbilixxu l-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-kriterji speċifiċi għal dak l-għan. Għal tfittxijiet għal persuni neqsin barra mill-qasam ta’ investigazzjonijiet kriminali, jenħtieġ li l-miżuri leġiżlattivi nazzjonali jistabbilixxu r-raġunijiet umanitarji b’mod ċar li abbażi tagħhom tista’ ssir tfittxija għal persuni neqsin. Jenħtieġ li tali tfittxijiet jaderixxu mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Jenħtieġ li r-raġunijiet umanitarji jinkludu diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u raġunijiet oħra ugwalment ġustifikati, bħal suspetti ta’ suwiċidju.

(10)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika, ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, immaġnijiet tal-wiċċ u rekords tal-pulizija u r-regoli dwar l-iskambju ta’ data bażika wara konkordanza kkonfermata fuq data bijometrika. Ma japplikax għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari lil hinn minn dak previst f’dan ir-Regolament, li huwa rregolat mid-Direttiva (UE) 2023/977 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(11)

Id-Direttiva (UE) 2023/977 tipprovdi qafas legali koerenti tal-Unjoni sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkollhom aċċess ekwivalenti għall-informazzjoni miżmuma minn Stati Membri oħrajn meta jkollhom bżonn tali informazzjoni sabiex jiġġieldu l-kriminalità u t-terroriżmu. Sabiex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni, dik id-Direttiva tifformalizza u tiċċara r-regoli u l-proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari għal finijiet ta’ investigazzjoni, inkluż ir-rwol tal-“Punt Uniku ta’ Kuntatt” ta’ kull Stat Membru f’tali skambji.

(12)

Il-finijiet tal-iskambji tal-profili tad-DNA skont dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri li jiddeċiedu l-fini tal-bażijiet ta’ data nazzjonali tad-DNA tagħhom, inklużi l-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni ta’ reati kriminali.

(13)

L-Istati Membri jenħtieġ li, fiż-żmien tal-konnessjoni inizjali mar-router stabbilit b’dan ir-Regolament, iwettqu tfittxijiet awtomatizzati ta’ profili tad-DNA billi jqabblu l-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet tad-data tagħhom mal-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri l-oħrajn kollha u fid-data tal-Europol. L-għan ta’ din it-tfittxija awtomatizzata inizjali hija li tfittex li tevita kwalunkwe lakuna fl-identifikazzjoni ta’ konkordanza bejn il-profili tad-DNA maħżuna fil-bażi ta’ data ta’ Stat Membru u l-profili tad-DNA maħżuna fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri l-oħrajn kollha u d-data tal-Europol. Jenħtieġ li t-tfittxija awtomatizzata inizjali titwettaq b’mod bilaterali u mhux neċessarjament ttitwettaq mal-bażijiet tad-data tal-Istati Membri l-oħra kollha u d-data tal-Europol fl-istess ħin. L-arranġamenti għat-twettiq ta’ tali tfittxijiet, inklużi ż-żmien u l-kwantità skont il-lott, jenħtieġ li jiġu miftiehma bilateralment f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(14)

Wara t-tfittxija awtomatizzata inizjali ta’ profili tad-DNA, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu tfittxijiet awtomatizzati billi jqabblu l-profili tad-DNA ġodda kollha miżjuda fil-bażijiet ta’ data tagħhom mal-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet ta’ data ta’ Stati Membri oħra u d-data tal-Europol.Jenħtieġ li dak it-tiftix awtomatizzat ta’ profili ġodda tad-DNA jitwettaq regolarment. Meta tali tfittxijiet ma jkunux jistgħu jsiru, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jwettquhom fi stadju aktar tard biex jiżgura li ma jkunux intilfu konkordanzi. L-arranġamenti biex jitwettqu dawn it-tfittxijiet li jsiru aktar tard, inkluż il-ħin u l-kwantità skont il-lott, jenħtieġ li jiġu miftiehma bilateralment f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(15)

Għat-tiftix awtomatizzat tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, l-Istati Membri u l-Europol jenħtieġ li jużaw is-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris) stabbilita mit-Trattat dwar Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS) u ddeżinjata għal dak il-għan, li tgħaqqad l-Istati Membri parteċipanti kollha f’network. L-ebda komponent ċentrali huwa meħtieġ sabiex jistabilixxi l-komunikazzjoniperess li kull Stat Membru jikkomunika direttament mal-Istati Membri l-oħrajn konnessi, u l-Europol tikkomunika direttament mal-bażijiet ta’ data konnessi.

(16)

L-identifikazzjoni ta’ kriminal hija essenzjali għal investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali ta’ suċċess. It-tiftix awtomatizzat ta’ immaġnijiet tal-wiċċ ta’ persuni kkundannati jew suspettati li wettqu reat kriminali, jew, meta jkun permess skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjest, tal-vittmi, miġbura f’konformità mal-liġi nazzjonali, jista’ jipprevedi informazzjoni addizzjonali għall-identifikazzjoni b’suċċess ta’ kriminali u għall-ġlieda kontra l-kriminalità. Minħabba s-sensittività tad-data kkonċernata, jenħtieġ li jkun possibbli biss li jitwettqu tfittxijiet awtomatizzati għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena skont il-liġi tal-Istat Membru rikjedenti.

(17)

It-tiftix awtomatizzat ta’ data bijometrika mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rsponsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonċerna biss data li tinsab f’bażijiet ta’ data stabbiliti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

(18)

Il-parteċipazzjoni fit-tiftix u fl-iskambju awtomatizzat ta’ rekords tal-pulizija jenħtieġ li tibqa’ volontarja. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jipparteċipaw, jenħtieġ li ma jkunx biss possibbli għalihom, fl-ispirtu tar-reċiproċità, li jfittxu bażijiet ta’ data ta’ Stati Membri oħrajn jekk jagħmlu d-data tagħhom disponibbli għat-tfittxijiet minn Stati Membri oħrajn. Jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jistabbilixxu indiċijiet tar-rekords tal-pulizija nazzjonali. Jneħtieġ li jkun għall-Istati Membri biex jiddeċiedu liema bażijiet ta’ data nazzjonali stabbiliti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali jużaw biex joħolqu l-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali tagħhom. Dawk l-indiċijiet jinkludu data minn bażijiet ta’ data nazzjonali li l-pulizija s-soltu tivverifika meta tirċievi talbiet għal informazzjoni mingħand awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi. Dan ir-Regolament jistabilixxi s-Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) f’konformità mal-prinċipju tal-privatezza mid-disinn. Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data jinkludu l-psewdonimizzazzjoni għaliex l-indiċijiet u t-tfittxijiet ma fihomx data personali ċara, iżda strings alfanumeriċi. Huwa important li l-EPRIS tipprevjeni lill-Istati Membri jew lill-Europol milli jreġġgħu lura l-psewdonimizzazzjoni u jiżvelaw id-data ta’ identifikazzjoni li tkun irriżultat fil-konkordanza. Minħabba s-sensittività tad-data kkonċernata, l-iskambji tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkonċernaw biss id-data ta’ persuni kkundannati jew suspettati li wettqu reat kriminali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli biss li jitwettqu tfittxijiet awtomatizzati tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reat kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena skont il-liġi tal-Istat Membru rikjedenti.

(19)

L-iskambju ta’ rekords tal-pulizija skont dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-iskambju ta’ rekords kriminali permezz tal-qafas eżistenti tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), stabbilita bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (11).

(20)

F’dawn l-aħħar snin, il-Europol irċeviet ammont kbir ta’ data bijometrika ta’ persuni suspettati u persuni kkundannati fuq terroriżmu u reati kriminali minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794, inkluża l-informazzjoni mill-kampijiet tal-battalja miż-żoni tal-gwerra. F’ħafna każijiet, ma kienx possibbli li jsir użu sħiħ minn tali data minħabba li din mhux dejjem tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-inklużjoni tad-data pprovduta minn pajjiżi terzi u maħżuna mill-Europol fil-qafas ta’ Prüm II u b’hekk id-disponibbiltà ta’ dik id-data għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’konformità mar-rwol tal-Europol bħala hub ċentrali ta’ informazzjoni kriminali tal-Unjoni, hija meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jinvestigaw b’mod aħjar reati kriminali serji. Din tikkontribwixxi wkoll għall-bini ta’ sinerġiji bejn għodod differenti tal-infurzar tal-liġi u tiżgura li d-data tintuża bl-aktar mod effiċjenti.

(21)

Jenħtieġ li l-Europol tkun tista’ tfittex il-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri skont il-qafas ta’ Prüm II b’data li tasal minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, b’rispett sħiħ tar-regoli u l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) 2016/794, sabiex tistabbilixxi rabtiet transfruntiera bejn każijiet kriminali li fir-rigward tagħhom il-Europol tkun kompetenti. L-użu tad-data ta’ Prüm, barra minn hekk ma’ bażijiet ta’ data oħra disponibbli għall-Europol, jagħti lok biex il-Europol twettaq analiżi aktar kompluta u informata, u b’hekk tkun tista’ tipprovdi appoġġ aħjar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

(22)

Jenħtieġ li l-Europol tiżgura li t-talbiet ta’ tfittxija tagħha ma jaqbżux il-kapaċitajiet ta’ tfittxija għal data dattiloskopika u għal immaġnijiet tal-wiċċ stabbiliti mill-Istati Membri. Fil-każ ta’ konkordanza bejn id-data użata għat-tfittxija u d-data maħżuna fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri, jenħtieġ li jkun għall-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk jipprovdux lill-Europol l-informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti tagħha.

(23)

Ir-Regolament (UE) 2016/794 japplika fl-intier tiegħu għall-parteċipazzjoni tal-Europol fil-qafas ta’ Prüm II. Kwalunkwe użu mill-Europol ta’ data riċevuta minn pajjiżi terzi huwa rregolat mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/794. Jenħtieġ li kwalunkwe użu mill-Europol ta’ data miksuba minn tfittxijiet awtomatizzati skont il-qafas ta’ Prüm II ikun soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru li jkun ipprovda d-data, u jkun irregolat mill-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/794 meta d-data tiġi ttrasferita lil pajjiżi terzi.

(24)

Id-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI jipprevedu network ta’ konnessjonijiet bilaterali bejn il-bażijiet ta’ data nazzjonali tal-Istati Membri. Bħala konsegwenza ta’ dik l-arkitettura teknika, kull Stat Membru kellu jistabbilixxi konnessjoni ma’ kull Stat Membru parteċipanti fl-iskambji, jiġifieri mill-anqas 26 konnessjoni kull Stat Membru, għal kull kategorija ta’ data. Ir-router u l-EPRIS se jissimplifikaw l-arkitettura teknika tal-qafas ta’ Prüm u jservu bħala punti ta’ konnessjoni bejn l-Istati Membri kollha. Ir-router jenħtieġ li jirrikjedi konnessjoni waħda għal kull Stat Membru fir-rigward tad-data bijometrika. Jenħtieġ li l-EPRIS tirrikjedi konnessjoni waħda għal kull Stat Membru parteċipanti fir-rigward tar-rekords tal-pulizija.

(25)

Ir-router jenħtieġ li jkun konness mal-Portal Ewropew tat-Tfittxija, stabbilit fir-Regolamenti (UE) 2019/817 (12) u (UE) 2019/818 (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Europol jagħmlu tfittxijiet fil-bażijiet ta’ data nazzjonali skont dan ir-Regolament fl-istess ħin ma’ tfittxijiet fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità, stabbilit minn dawk ir-Regolamenti, għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti. Għalhekk jenħtieġ li dawk ir-Regolamenti jiġu emendati skont dan. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/818 jiġi emendat bil-ħsieb li jippermetti l-ħżin tar-rapporti u l-istatistika tar-router fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u l-istatistika.

(26)

Jenħtieġ li jkun possibli li numru ta’ referenza għad-data bijometrika jkun numru ta’ referenza proviżorju jew numru ta’ kontroll tat-tranżazzjoni.

(27)

Is-sistemi awtomatizzati ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ u s-sistemi ta’ rikonoxximent tal-immaġnijiet tal-wiċċ jużaw mudelli bijometriċi magħmula minn data derivata minn estrazzjoni tal-fattizzi ta’ kampjuni bijometriċi reali. Jenħtieġ li l-mudelli bijometriċi jinkisbu minn data bijometrika, iżda jenħtieġ li ma jkunx possibbli li tinkiseb l-istess data bijometrika mill-mudelli bijometriċi.

(28)

Jenħtieġ li r-router jikklassifika, meta jiġi deċiż hekk mill-Istat Membru rikjedenti u meta dan ikun applikabbli skont it-tip ta’ data bijometrika, it-tweġibiet mill-Istat Membru (jew l-Istati Membri) rikjest(i) jew mill-Europol billi jqabbel id-data bijometrika użata għat-tfittxijiet u d-data bijometrika pprovduta fit-tweġibiet mill-Istat Membru (jew l-Istati Membri) rikjest(i) jew mill-Europol.

(29)

F’każ ta’ konkordanza bejn id-data użata għat-tfittxija u d-data miżmuma fil-bażi ta’ data nazzjonali tal-Istat Membru (jew l-Istati Membri) rikjest(i), wara konferma manwali ta’ din il-konkordanza minn membru kkwalifikat tal-persunal tal-Istat Membru rikjedenti u wara t-trażmissjoni ta’ deskrizzjoni tal-fatti u indikazzjoni tar-reat sottostanti bl-użu tat-tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, l-Istat Membru rikjest jenħtieġ li jirritorna sett limitat ta’ data ewlenija, sa fejn tali data ewlenija tkun disponibbli. Is-sett limitat ta’ data ewlenija jenħtieġ li jintbagħat lura permezz tar-router u, ħlief meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali, fi żmien 48 siegħa minn meta l-kundizzjonijiet rilevanti ntlaħqu. Dik l-iskadenza se tiżgura skambju rapidu ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu kontroll fuq ir-rilaxx ta’ dan is-sett limitat ta’ data ewlenija. L-intervent mill-bniedem jenħtieġ li jinżamm f’punti ewlenin fil-proċess, inkluż għad-deċiżjoni li titnieda tfittxija, id-deċiżjoni li tiġi kkonfermata konkordanza, id-deċiżjoni li titnieda talba biex tiġi riċevuta s-sett ta’ data ewlenija b’segwitu għal konkordanza kkonfermata u d-deċiżjoni li tiġi rilaxxata data personali lill-Istat Membru rikjedenti, sabiex jiġi żgurat li ebda data ewlenija ma tiġi skambjata b’mod awtomatizzat.

(30)

Fil-każ speċifiku tad-DNA, jenħtieġ li l-Istat Membru rikjest ikun jista’ jikkonferma wkoll konkordanza bejn żewġ profili tad-DNA meta dan ikun rilevanti għall-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Wara l-konferma ta’ dik il-konkordanza mill-Istat Membru rikjest u wara t-trażmissjoni ta’ deskrizzjoni tal-fatti u indikazzjoni tar-reat sottostanti bl-użu tat-tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont id-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, jenħtieġ li l-Istat Membru rikjedenti jirritorna sett limitat ta’ data ewlenija permezz tar-router fi żmien 48 siegħa minn meta jkunu ġew ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti, ħlief meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali.

(31)

Id-data pprovduta u riċevuta legalment skont dan ir-Regolament hija soġġetta għal-limiti ta’ żmien għall-ħazna u r-reviżjoni skont id-Direttiva (UE) 2016/680.

(32)

Jenħtieġ li jintuża l-istandard tal-format universali ta’ messaġġ (UMF) fl-iżvilupp tar-router u tal-EPRIS sa fejn dan ikun applikabbli. Kwalunkwe skambju awtomatizzat ta’ data skont dan ir-Regolament jenħtieġ li juża l-istandard tal-UMF sa fejn dan ikun applikabbli. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Europol huma mħeġġa wkoll jużaw l-istandard tal-UMF fir-rigward ta’ kwalunkwe skambju ulterjuri ta’ data bejniethom fil-kuntest tal-qafas ta’ Prüm II. Jenħtieġ li l-istandard tal-UMF iservi bħala l-istandard għall-iskambju strutturat u transfruntier ta’ informazzjoni bejn is-sistemi ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

(33)

Jenħtieġ li tiġi skambjata biss informazzjoni mhux klassifikata permezz tal-qafas ta’ Prüm II.

(34)

Jenħtieġ li kull Stat Membru jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi ta’ Informazzjoni fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), u lill-Europol dwar il-kontenut tal-bażijiet ta’ data nazzjonali tiegħu magħmula disponibbli permezz tal-qafas ta’ Prüm II u tal-kundizzjonijiet għat-tfittxijiet awtomatizzati.

(35)

Ċerti aspetti tal-qafas ta’ Prüm II ma jistgħux jiġu koperti b’mod eżawrjenti minn dan ir-Regolament minħabba n-natura teknika u dettaljata ħafna tagħhom u minħabba li jinbidlu frekwentement. Dawk l-aspetti jinkludu, pereżempju, arranġamenti tekniċi u speċifikazzjonijiet għal proċeduri ta’ tiftix awtomatizzat, l-istandards għall-iskambju tad-data, inklużi l-istandards minimi ta’ kwalità, u l-elementi tad-data li għandhom jiġu skambjati. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rispett ta’ tali aspetti, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(36)

Il-kwalità tad-data hija tal-akbar importanza bħala salvagwardja u prerekwiżit essenzjali biex tiġi żgurata l-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament. Fil-kuntest tat-tfittxijiet awtomatizzati ta’ data bijometrika, u sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa tkun ta’ kwalità suffiċjenti u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ konkordanzi foloz, jenħtieġ li jiġi stabbilit standard minimu ta’ kwalità u li jiġi rieżaminat regolarment.

(37)

Minħabba l-iskala u s-sensittività tad-data personali skambjata għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, u l-eżistenza ta’ regoli nazzjonali differenti għall-ħżin ta’ informazzjoni dwar individwi fil-bażijiet ta’ data nazzjonali, huwa importanti li jiġi żgurat li l-bażijiet ta’ data użati għat-tiftix awtomatizzat skont dan ir-Regolament ikunu stabbiliti f’konformità mal-liġi nazzjonali u mad-Direttiva (UE) 2016/680. Għalhekk, qabel il-konnessjoni tal-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom mar-router jew mal-EPRIS, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2016/680 u, meta jkun xieraq, jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja kif previst f’dik id-Direttiva.

(38)

L-Istati Membri u l-Europol jenħtieġ li jiżguraw l-akkuratezza u r-rilevanza tad-data personali li tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament. MetaSstat Membru jew il-Europol isiru konxji tal-fatt li dik id-data li ġiet fornuta ma tkunx korretta jew ma tkunx għadha aġġornata jew ma kellhiex tiġi pprovduta, jenħtieġ li jinnotifika lill-Istat Membru li jkun irċieva d-data jew lill-Europol mingħajr dewmien żejjed. L-Istati Membri kollha kkonċernati jew il-Europol, skont il-każ, għandhom jikkoreġu jew iħassru d-data kif xieraq mingħajr dewmien żejjed. Meta l-Istat Membru li jkun irċieva d-data jew il-Europol ikollhom raġuni biex jemmnu li d-data pprovduta mhijiex korretta jew għandha titħassar, jenħtieġ li jinforma lill-Istat Membru li jkun ipprovda d-data mingħajr dewmien żejjed.

(39)

Il-monitoraġġ b’saħħtu tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament huwa tal-akbar importanza. B’mod partikolari, il-konformità mar-regoli għall-ipproċessar tad-data personali jenħtieġ li tkun soġġetta għal salvagwardji effettivi, u jenħtieġ li, skont ir-rilevanza, jiġu żgurati monitoraġġ u awditi regolari mill-kontrolluri tad-data, mill-awtoritajiet superviżorji u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Jenħtieġ li jkun hemm fis-seħħ ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu verifika regolari tal-ammissibbiltà tat-tfittxijiet u l-legalità tal-ipproċessar tad-data.

(40)

L-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jenħtieġ li jiżguraw superviżjoni koordinata tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom, b’mod partikolari meta jidentifikaw diskrepanzi kbar bejn il-prattiki tal-Istati Membri jew trasferimenti potenzjalment illegali.

(41)

Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huwa kruċjali li l-Istati Membri u l-Europol jieħdu nota tal-ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-iskambju ta’ data bijometrika.

(42)

Tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tar-router u l-EPRIS, u kull erba’ snin minn hemm ’il quddiem, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludi valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri u mill-Europol, b’mod partikolari tal-konformità tagħhom mas-salvagwardji rilevanti tal-protezzjoni tad-data. Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jenħtieġ li jinkludu wkoll eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali. Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jenħtieġ lijevalwaw ukoll l-impatt, il-prestazzjoni, l-effettività, l-effiċjenza, is-sigurtà u l-prattiki tax-xogħol tal-qafas ta’ Prüm II.

(43)

Peress li dan ir-Regolament jipprevedi l-istabbiliment ta’ qafas ġdid ta’ Prüm, jenħtieġ li jitħassru d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI li mhumiex rilevanti iktar. Dawk id-Deċiżjonijiet jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(44)

Peress li r-router għandu jiġi żviluppat u ġestit mill-eu-LISA, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1726 jiġi emendat billi jiżdied dak mal-kompiti tal-eu-LISA.

(45)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiżdied il-kooperazzjoni tranfruntiera tal-pulizija u li tippermetti l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ifittxu persuni neqsin u jidentifikaw fdalijiet umani mhux identifikati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(46)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(47)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(48)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-2 ta’ Marzu 2022 (16).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għat-tfittxija u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (il-qafas ta’ Prüm II) billi jistabbilixxi:

(a)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika, ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, immaġnijiet tal-wiċċ u rekords tal-pulizija; u

(b)

ir-regoli dwar l-iskambju ta’ data ewlenija wara konkordanza kkonfermata fuq data bijometrika.

Artikolu 2

Għan

L-għan tal-qafas ta’ Prüm II huwa li jżid il-kooperazzjoni transfruntiera fi kwistjonijiet koperti mill-Parti III, it-Titolu V, il-Kapitoli 4 u 5, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, inkluż id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-individwi u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-għan tal-qafas ta’ Prüm II huwa wkoll li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jfittxu persuni neqsin fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali jew għal raġunijiet umanitarji u jidentifikaw fdalijiet umani, f’konformità mal-Artikolu 29, dment li dawk l-awtoritajiet ikollhom is-setgħa li jwettqu tali tfittxijiet u jwettqu tali identifikazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-bażijiet ta’ data stabbiliti f’konformità mal-liġi nazzjonali u użati għat-trasferiment awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika, ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, immaġnijiet tal-wiċċ u rekords tal-pulizija, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680 jew mar-Regolament (UE) 2018/1725, (UE) 2016/794 jew (UE) 2016/679, skont kif ikun applikabbli.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“loci” (singular: “locus”) tfisser pożizzjonijiet tad-DNA li jkun fihom karatteristiċi ta’ identifikazzjoni ta’ kampjun analizzat ta’ DNA uman;

(2)

“profil tad-DNA” tfisser kodiċi b’ittri jew b’ċifri li jirrappreżenta sett ta’ loci jew l-istruttura molekulari partikolari fid-diversi loci;

(3)

data ta’ referenza tad-DNA” tfisser profil tad-DNA u n-numru ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 7;

(4)

“profil tad-DNA identifikat” tfisser il-profil tad-DNA ta’ persuna identifikata;

(5)

“profil tad-DNA mhux identifikat” tfisser il-profil tad-DNA miġbur matul l-investigazzjoni ta’ reati kriminali u li jappartjeni għal persuna li għadha ma ġietx identifikata, inkluż profil tad-DNA miksub minn traċċi;

(6)

data dattiloskopika” tfisser immaġini ta’ marki tas-swaba’, immaġini ta’ marki tas-swaba’ latenti, marki tal-palma tal-id, marki tal-palma tal-id latenti u mudelli ta’ tali immaġnijiet (dettalji żgħar kodifikati), li jkunu maħżuna u trattati f’bażi ta’ data awtomatizzata;

(7)

data ta’ referenza dattiloskopika” tfisser data dattiloskopika u n-numru ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 12;

(8)

data dattiloskopika mhux identifikata” tfisser data dattiloskopika miġbura matul l-investigazzjoni ta’ reat kriminali u li tappartjeni għal persuna li tkun għadha ma ġietx identifikata, inkluża data dattiloskopika miksuba minn traċċi;

(9)

data dattiloskopika identifikata” tfisser id-data dattiloskopika ta’ persuna identifikata;

(10)

“każ individwali” tfisser fajl uniku relatat mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reat kriminali, mat-tfittxija għal persuna nieqsa jew mal-identifikazzjoni ta’ fdalijiet umani mhux identifikati;

(11)

“immaġni tal-wiċċ” tfisser immaġni diġitali tal-wiċċ;

(12)

data ta’ referenza tal-immaġnijiet tal-wiċċ” tfisser immaġni tal-wiċċ u n-numru ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 21;

(13)

“immaġni tal-wiċċ mhux identifikata” tfisser immaġni tal-wiċċ miġbura matul l-investigazzjoni ta’ reat kriminali u li tappartjeni għal persuna li tkun għadha ma ġietx identifikata, inkluż immaġni tal-wiċċ miksuba minn traċċi;

(14)

“immaġni tal-wiċċ identifikata” tfisser l-immaġni tal-wiċċ ta’ persuna identifikata;

(15)

data bijometrika” tfisser profili tad-DNA, data dattiloskopika jew immaġnijiet tal-wiċċ;

(16)

data alfanumerika” tfisser data rrappreżentata minn ittri, ċifri, karattri speċjali, spazji u marki tal-punteġġatura;

(17)

“konkordanza” tfisser l-eżistenza ta’ korrispondenza b’riżultat ta’ tqabbil awtomatizzat bejn data personali miżmuma f’bażi ta’ data;

(18)

“kandidat” tfisser data li magħha tkun seħħet konkordanza;

(19)

“Stat Membru rikjedenti” tfisser Stat Membru li iwettaq tfittxija permezz tal-qafas ta’ Prüm II;

(20)

“Stat Membru rikjest” tfisser Stat Membru li fil-bażijiet ta’ data tiegħu Stat Membru rikjedenti jwettaq tfittxija permezz tal-qafas ta’ Prüm II;

(21)

“rekords tal-pulizija” tfisser data bijografika ta’ persuni suspettati u kkundannati disponibbli f’bażijiet ta’ data nazzjonali stabbiliti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali;

(22)

“psewdonimizzazzjoni” tfisser psewdonimizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(23)

“persuna suspettata” tfisser persuna kif imsemmija fl-Artikolu 6, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(24)

data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(25)

data tal-Europol” tfisser kwalunkwe data personali operattiva proċessata mill-Europol f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794;

(26)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, jew kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru bl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali;

(27)

“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680;

(28)

“SIENA” tfisser l-applikazzjoni sigura tan-network għall-iskambju ta’ informazzjoni ġestita u żviluppata mill-Europol f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794;

(29)

“inċident” tfisser inċident kif definit fl-Artikolu 6, il-punt (6), tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(30)

“inċident sinifikanti” tfisser inċident sakemm dak l-inċident ma jkollux impatt limitat u x’aktarx li jkun diġà mifhum sew f’termini ta’ metodu jew teknoloġija;

(31)

“theddida ċibernetika sinifikanti” tfisser theddida ċibernetika bl-opportunità u bil-kapaċità, u bil-fini, li tikkawża inċident sinifikanti;

(32)

“vulnerabbiltà sinifikanti” tfisser vulnerabbiltà li x’aktarx twassal għal inċident sinifikanti jekk tiġi sfruttata.

KAPITOLU 2

Skambju ta’ data

TAQSIMA 1

Profili tad-DNA

Artikolu 5

Data ta’ referenza tad-DNA

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data ta’ referenza tad-DNA mill-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom tad-DNA għall-finijiet ta’ tfittxijiet awtomatizzati minn Stati Membri oħra u mill-Europol skont dan ir-Regolament.

Id-data ta’ referenza tad-DNA ma għandu jkun fiha l-ebda data addizzjonali li minnha individwu jkun jista’ jiġi direttament identifikat.

Il-profili tad-DNA mhux identifikati għandhom ikunu rikonoxxibbli bħala tali.

2.   Data ta’ referenza tad-DNA għandha tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar ta’ dik id-data.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika l-karatteristiċi ta’ identifikazzjoni ta’ profil tad-DNA li jiġi skambjat. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 6

Tiftix awtomatizzat tal-profili tad-DNA

1.   Għall-investigazzjoni ta’ reati kriminali, l-Istati Membri għandhom, fiż-żmien tal-konnessjoni inizjali mar-router permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom, iwettqu tfittxija awtomatizzata billi jqabblu l-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet tad-data tad-DNA tagħhom mal-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet ta’ data tad-DNA tal-Istati Membri l-oħrajn kollha u d-data l-Europol. Kull Stat Membru għandu jaqbel bilateralment ma kull Stat Membru ieħor u mal-Europol dwar l-arranġamenti għal dawk it-tfittxijiet awtomatizzati f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Għall-investigazzjoni ta’ reati kriminali, l-Istati Membri għandhom, permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom, iwettqu tfittxijiet awtomatizzati billi jqabblu l-profili tad-DNA ġodda kollha miżjuda fil-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom, mal-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet ta’ data tad-DNA tal-Istati Membri l-oħrajn kollha u tal-Europol.

3.   Meta t-tfittxijiet kif imsemmi fil-paragrafu 2 ma setgħux isiru, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jaqbel bilateralment ma kull Stat Membru ieħor u mal-Europol biex jwettaqhom fi stadju aktar tard billi jqabbel il-profili tad-DNA, mal-profili tad-DNA kollha maħżuna fil-bażijiet ta’ data tad-DNA tal-Istati Membri l-oħrajn kollha u tad-data tal-Europol. L-Istat Membru kkonċernat għandu jaqbel bilateralment ma kull Stat Membru ieħor u mal-Europol dwar l-arranġamenti għal dawk it-tfittxijiet awtomatizzati f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.   It-tfittxijiet kif imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jitwettqu biss fil-qafas ta’ każijiet individwali u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti.

5.   Meta tfittxija awtomatizzata turi li profil tad-DNA fornut jikkonkorda mal-profili tad-DNA maħżuna fil-bażi ta’ data jew fil-bażijiet ta’ data mfittxija tal-Istat Membru rikjest, il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti għandu jirċievi b’mod awtomatizzat id-data ta’ referenza tad-DNA li magħha tkun instabet konkordanza.

6.   Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti jista’ jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ profili tad-DNA. Meta jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ profili tad-DNA, għandu jinforma lill-Istat Membru rikjest u għandu jiżgura li jitwettaq rieżami manwali minn tal-anqas membru kkwalifikat wieħed tal-persunal sabiex tiġi kkonfermata dik il-konkordanza mad-data ta’ referenza tad-DNA riċevuta mill-Istat Membru rikjest.

7.   Meta dan ikun rilevanti għall-investigazzjoni ta’ reati kriminali, il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru rikjest jista’ jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ profili tad-DNA. Meta jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ profili tad-DNA, għandu jinforma lill-Istat Membru rikjedenti u għandu jiżgura li jitwettaq rieżami manwali minn tal-anqas membru kkwalifikat wieħed tal-persunal sabiex tiġi kkonfermata dik il-konkordanza mad-data ta’ referenza tad-DNA riċevuta mill-Istat Membru rikjedenti.

Artikolu 7

Numri ta’ referenza għall-profili tad-DNA

In-numri ta’ referenza għall-profili tad-DNA għandhom ikunu l-kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Istati Membri, fil-każ ta’ konkordanza, jiksbu aktar data u informazzjoni oħra fil-bażijiet ta’ data tad-DNA nazzjonali tagħhom sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri l-oħrajn kollha f’konformità mal-Artikolu 47 jew lill-Europol f’konformità mal-Artikolu 49(6);

(b)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Europol, fil-każ ta’ konkordanza, tikseb aktar data u informazzjoni oħra għall-finijiet tal-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-Regolament sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri kollha f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794;

(c)

kodiċi li jindika l-Istat Membru li għandu l-profil tad-DNA;

(d)

kodiċi li jindika jekk id-DNA huwhiex profil tad-DNA identifikat jew profil tad-DNA mhux identifikat.

Artikolu 8

Prinċipji għall-iskambju ta’ profili tad-DNA

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data ta’ referenza tad-DNA li tkun intbagħat lil Stati Membri oħrajn jew lill-Europol, inkluż il-kriptaġġ. L-Europol għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data ta’ referenza tad-DNA mibgħuta lill-Istati Membri, inkluż il-kriptaġġ tagħhom.

2.   Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jiżguraw li l-profili tad-DNA li jittrażmettu jkunu ta’ kwalità suffiċjenti għat-tqabbil awtomatizzat. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, standard minimu ta’ kwalità li jippermetti t-tqabbil tal-profili tad-DNA.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti li jintużaw mill-Istati Membri u mill-Europol għall-iskambju ta’ data ta’ referenza tad-DNA.

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 9

Regoli għat-talbiet u t-tweġibiet rigward il-profili tad-DNA

1.   Talba għal tfittxija awtomatizzata ta’ profili ta’ DNA għandha tinkludi biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-Istat Membru rikjedenti;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numru tat-talba;

(c)

id-data ta’ referenza tad-DNA;

(d)

jekk il-profili tad-DNA mibgħuta humhiex profili tad-DNA mhux identifikati jew profili tad-DNA identifikati.

2.   It-tweġiba għal talba kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

indikazzjoni ta’ jekk kienx hemm konkordanza waħda jew aktar jew l-ebda konkordanza;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numru tat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba u n-numru tat-tweġiba;

(d)

il-kodiċijiet tal-Istati Membri rikjedenti u tal-Istati Membri rikjesti;

(e)

in-numri ta’ referenza tal-profili tad-DNA mill-Istati Membri rikjedenti u l-Istati Membri rikjesti;

(f)

jekk il-profili tad-DNA mibgħuta humhiex profili tad-DNA mhux identifikati jew profili tad-DNA identifikati;

(g)

il-profili tad-DNA konkordanti.

3.   Konkordanza għandha tkun awtomatikament notifikata biss jekk it-tiftixa awtomatizzata tkun irriżultat f’konkordanza ta’ numru minimu ta’ loci. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw in-numru minimu ta’ loci għal dak il-fini skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

4.   Meta tfittxija ma’ profili tad-DNA mhux identifikati tirriżulta f’konkordanza, kull Stat Membru rikjest b’data konkordanti jista’ jdaħħal marka, fil-bażi ta’ data nazzjonali tiegħu li tindika li kien hemm konkordanza għal dak il-profil tad-DNA wara t-tfittxija ta’ Stat Membru ieħor. Il-marka għandha tinkludi n-numru ta’ referenza tal-profil tad-DNA użat mill-Istat Membru rikjedenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet kif imsemmija fil-paragradu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu konsistenti man-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 74. Dawk in-notifiki għandhom jiġu riprodotti fil-manwal prattiku msemmi fl-Artikolu 79.

TAQSIMA 2

Data dattiloskopika

Artikolu 10

Data ta’ referenza dattiloskopika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data ta’ referenza dattiloskopika mill-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom stabbiliti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

2.   Id-data ta’ referenza dattiloskopika ma għandu jkun fiha l-ebda data addizzjonali li minnha individwu jista’ jiġi direttament identifikat.

3.   Id-data dattiloskopika mhux identifikata għandha tkun rikonoxxibbli bħala tali.

Artikolu 11

Tiftix awtomatizzat ta’ data dattiloskopika

1.   Għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn u lill-Europol aċċess għad-data ta’ referenza dattiloskopika fil-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom stabbiliti għal dak il-fini sabiex iwettqu tfittxijiet awtomatizzati billi jqabblu data ta’ referenza dattiloskopika.

It-tfittxijiet kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitwettqu biss fil-qafas ta’ każijiet individwali, u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti.

2.   Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti jista’ jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ settijiet ta’ data dattiloskopika. Jekk jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ settijiet ta’ data dattiloskopika, għandu jinforma lill-Istat Membru rikjest u għandu jiżgura li jitwettaq rieżami manwali minn tal-anqas membru kkwalifikat wieħed tal-persunal sabiex tiġi kkonfermata dik il-konkordanza mad-data ta’ referenza dattiloskopika riċevuta mill-Istat Membru rikjest.

Artikolu 12

Numri ta’ referenza għad- data dattiloskopika

In-numri ta’ referenza għad-data dattiloskopika għandhom ikunu l-kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Istati Membri, fil-każ ta’ konkordanza, jirkupraw aktar data u informazzjoni oħra fil-bażijiet ta’ data tagħhom imsemmija fl-Artikolu 10 sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri l-oħrajn kollha f’konformità mal-Artikolu 47 jew lill-Europol f’konformità mal-Artikolu 49(6);

(b)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Europol, f’każ ta’ konkordanza, tikseb aktar data u informazzjoni oħra għall-finijiet tal-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-Regolament sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri kollha f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794;

(c)

kodiċi li jindika l-Istat Membru li jkollu d-data dattiloskopika.

Artikolu 13

Prinċipji għall-iskambju ta’ data dattiloskopika

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data dattiloskopika li tintbagħat lil Stati Membri oħrajn jew lill-Europol, inkluż il-kriptaġġ tagħha. L-Europol għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data dattiloskopika mibgħuta lill-Istati Membri, inkluż il-kriptaġġ tagħhom.

2.   Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jiżguraw li d-data dattiloskopika li jibagħtu tkun ta’ kwalità tajba biżżejjed għat-tqabbil awtomatizzat. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, standard minimu ta’ kwalità li jippermetti t-tqabbil tad-data dattiloskopika.

3.   Id-data dattiloskopika għandha tiġi diġitalizzata u trażmessa lill-Istati Membri l-oħrajn jew lill-Europol f’konformità ma’ standards Ewropej jew internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti li jintużaw mill-Istati Membri u mill-Europol għall-iskambju ta’ data dattiloskopika.

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 14

Kapaċitajiet ta’ tfittxija għal data dattiloskopika

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li t-talbiet ta’ tfittxija tiegħu ma jaqbżux il-kapaċitajiet ta’ tiftix speċifikati mill-Istat Membru rikjest jew mill-Europol biex jiġi żgurat l-istat ta’ tħejjija tas-sistema u jiġi evitat li din titgħabba żżejjed. Għall-istess fini, l-Europol għandu jiżgura li t-talbiet ta’ tfittxija tiegħu ma jaqbżux il-kapaċitajiet ta’ tfittxija speċifikati mill-Istat Membru rikjest.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-kapaċitajiet massimi ta’ tfittxija tagħhom kuljum għal data dattiloskopika identifikata u mhux identifikata. L-Europol għandu jinforma lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar il-kapaċitajiet massimi tagħha ta’ tfittxija kuljum għal data dattiloskopika identifikata u mhux identifikata. L-Istati Membri jew l-Europol jistgħu jżidu b’mod temporanju jew permanenti dawk il-kapaċitajiet ta’ tfittxija fi kwalunkwe mument, inkluż f’każ ta’ urġenza. Meta Stat Membru jżid dawk il-kapaċitajiet massimi ta’ tfittxija, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-kapaċitajiet massimi ġodda ta’ tfittxija. Meta l-Europol jżid dawk il-kapaċitajiet massimi ta’ tfittxija, għandu jinnotifika lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA bil-kapaċitajiet massimi ġodda ta’ tfittxija.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw in-numri massimi ta’ kandidati aċċettati għat-tqabbil għal kull trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet ta’ tfittxija mhux użati bejn l-Istati Membri f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 15

Regoli għat-talbiet u t-tweġibiet rigward id- data dattiloskopika

1.   Talba għal tfittxija awtomatizzata ta’ data dattiloskopika għandha tinkludi biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-Istat Membru rikjedenti;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numru tat-talba;

(c)

data ta’ referenza dattiloskopika.

2.   Tweġiba għal talba kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

indikazzjoni ta’ jekk kienx hemm konkordanza waħda jew aktar jew l-ebda konkordanza;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numru tat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba u n-numru tat-tweġiba;

(d)

il-kodiċijiet tal-Istati Membri rikjedenti u tal-Istati Membri rikjesti;

(e)

in-numri ta’ referenza tad-data dattiloskopika mill-Istati Membri rikjedenti u l-Istati Membri rikjesti;

(f)

id-data dattiloskopika konkordanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikunu konsistenti man-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 74. Dawk in-notifiki għandhom jiġu riprodotti fil-manwal prattiku msemmi fl-Artikolu 79.

TAQSIMA 3

Data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

Artikolu 16

Tiftix awtomatizzat ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

1.   Għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn u lill-Europol aċċess għad-data nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi li ġejja biex iwettqu tfittxijiet awtomatizzati f’każijiet individwali:

(a)

data relatata mas-sid jew detentur tal-vettura;

(b)

data relatata mal-vettura.

2.   It-tfittxijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu biss bid-data li ġejja:

(a)

b’numru ta’ chassis sħiħ;

(b)

b’numru tar-reġistrazzjoni sħiħ; jew

(c)

meta dan ikun awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjest, data relatata mas-sid jew mad-detentur tal-vettura.

3.   It-tfittxijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 mwettqa b’data relatata mas-sid jew mad-detentur tal-vettura għandhom jitwettqu biss fil-każ ta’ persuni suspettati jew ikkundannati. Id-data ta’ identifikazzjoni kollha li ġejja għandha tintuża għall-finijiet ta’ tali tfittxijiet:

(a)

meta s-sid jew id-detentur tal-vettura jkun persuna fiżika:

(i)

l-isem jew l-ismijiet tal-persuna fiżika;

(ii)

il-kunjom jew il-kunjomijiet tal-persuna fiżika; u

(iii)

id-data tat-twelid tal-persuna fiżika;

(b)

meta s-sid jew id-detentur tal-vettura jkun persuna ġuridika, l-isem ta’ dik il-persuna ġuridika.

4.   It-tfittxijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitwettqu biss f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti.

Artikolu 17

Prinċipji ta’ tiftix awtomatizzat ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi

1.   Għat-tiftix awtomatizzat tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, l-Istati Membri għandhom jużaw is-Sistema ta’ Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris).

2.   Informazzjoni skambjata permezz ta’ Eucaris għandha tintbagħat f’forma kriptata.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-elementi tad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi li jistgħu jiġu skambjati u l-proċedura teknika biex l-Eucaris tikkonsulta l-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 18

Żamma ta’ reġistri

1.   Kull Stat Membru għandu jżomm reġistri tat-tfittxijiet li jagħmel il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu li huwa debitament awtorizzat li jiskambja d-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u reġistri tat-tfittxijiet rikjesti minn Stati Membri oħrajn. Il-Europol għandha żżomm reġistri tat-tfittxijiet li jagħmel il-persunal debitament awtorizzat tagħha.

Kull Stat Membru u l-Europol għandhom iżommu reġistri tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-data li jikkonċernaw id-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

jekk kienx il-Europol jew Stat Membru li għamel it-talba għal tfittxija; fejn kien Stat Membru li nieda t-talba għal tfittxija, l-Istat Membru in kwistjoni;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba;

(d)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li lilhom intbagħtet talba għal tfittxija;

(e)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li pprovdew tweġiba pożittiva.

2.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw biss għall-ġbir tal-istatistika, għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data, u għall-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru tliet snin wara li jinħolqu. Jekk, madankollu, ikunu rikjesti għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew, għandhom jitħassru ladarba l-proċeduri ta’ monitoraġġ ma jkunux għadhom jirrikjedu r-reġistri.

3.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u l-legalità tal-ipproċessar tad-data, il-kontrolluri tad-data għandu jkollhom aċċess għar-reġistri għall-awtomonitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 55.

TAQSIMA 4

Immaġnijiet tal-wiċċ

Artikolu 19

Data ta’ referenza tal-immaġni tal-wiċċ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data ta’ referenza tal-immaġni tal-wiċċ tal-persuni suspettati, tal-persuni kkundannati u, meta jkun permess skont il-liġi nazzjonali, tal-vittmi, mill-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom stabbiliti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.

2.   Id-data ta’ referenza tal-immaġni tal-wiċċ ma għandu jkun fiha l-ebda data addizzjonali li minnha individwu jista’ jiġi direttament identifikat.

3.   L-immaġni tal-wiċċ mhux identifikati għandhom ikunu rikonoxxibbli bħala tali.

Artikolu 20

Tiftix awtomatizzat ta’ immaġnijiet tal-wiċċ

1.   Għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena skont il-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn u lill-Europol aċċess għad-data ta’ referenza tal-immaġni tal-wiċċ maħżuna fil-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom sabiex iwettqu tfittxijiet awtomatizzati.

It-tfittxijiet kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitwettqu biss fil-qafas ta’ każijiet individwali u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti.

It-tfassil ta’ profili kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti jista’ jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ immaġnijiet tal-wiċċ. Fejn jiddeċiedi li jikkonferma konkordanza bejn żewġ immaġnijiet tal-wiċċ, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru rikjest u għandu jiżgura li jitwettaq rieżami manwali tal-lista minn tal-inqas membru kkwalifikat wieħed tal-persunal sabiex jikkonferma dik il-konkordanza mad-data ta’ referenza tal-immaġni tal-wiċċ riċevuta mill-Istat Membru rikjest.

Artikolu 21

Numri ta’ referenza għall-immaġnijiet tal-wiċċ

In-numri ta’ referenza għall-immaġnijiet tal-wiċċ għandhom ikunu l-kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Istati Membri, fil-każ ta’ konkordanza, jiksbu aktar data u informazzjoni oħra fil-bażijiet ta’ data tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19 sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri l-oħrajn kollha f’konformità mal-Artikoli 47 jew lill-Europol f’konformità mal-Artikolu 49(6);

(b)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Europol, fil-każ ta’ konkordanza, tikseb aktar data u informazzjoni oħra għall-finijiet tal-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-Regolament sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri kollha f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794;

(c)

kodiċi li jindika l-Istat Membru li jkollu l-immaġnijiet tal-wiċċ.

Artikolu 22

Prinċipji għall-iskambju tal-immaġnijiet tal-wiċċ

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-immaġnijiet tal-wiċċ li jintbagħtu lil Stati Membri oħrajn jew lill-Europol, inkluż il-kriptaġġ tagħhom. L-Europol għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-immaġni tal-wiċċ mibgħuta lill-Istati Membri, inkluż il-kriptaġġ tagħhom.

2.   Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jiżguraw li l-immaġnijiet tal-wiċċ li jittrażmettu jkunu ta’ kwalità suffiċjenti għal tqabbil awtomatizzat. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, standard minimu ta’ kwalità li jippermetti t-tqabbil tal-immaġnijiet tal-wiċċ. Meta r-rapport imsemmi fl-Artikolu 80(7) juri riskju għoli ta’ konkordanzi foloz, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dawk l-atti ta’ implimentazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti li għandhom jintużaw mill-Istati Membri u l-Europol għall-iskambju ta’ immaġnijiet tal-wiċċ.

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 23

Kapaċitajiet ta’ tiftix għall-immaġnijiet tal-wiċċ

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li t-talbiet ta’ tfittxija tiegħu ma jaqbżux il-kapaċitajiet ta’ tfittxija speċifikati mill-Istat Membru rikjest jew mill-Europol sabiex tiġi żgurata t-tħejjija tas-sistema u jiġi evitat li din titgħabba żżejjed. Għall-istess fini, l-Europol għandu jiżgura li t-talbiet tiegħu ta’ tfittxija ma jaqbżux il-kapaċitajiet ta’ tfittxija speċifikati mill-Istat Membru rikjest.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-kapaċitajiet massimi ta’ tfittxija tagħhom kuljum għal immaġnijiet tal-wiċċ identifikati u mhux identifikati. L-Europol għandu jinforma lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-eu-Lisa dwar il-kapaċitajiet massimi tagħha ta’ tfittxija kuljum għal immaġnijiet tal-wiċċ identifikati u mhux identifikati. L-Istati Membri jew l-Europol jistgħu jżidu b’mod temporanju jew permanenti dawk il-kapaċitajiet ta’ tfittxija fi kwalunkwe mument, inkluż f’każ ta’ urġenza. Meta Stat Membru jżid dawk il-kapaċitajiet massimi ta’ tfittxija, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol, dwar il-kapaċitajiet massimi ġodda ta’ tfittxija. Meta l-Europol jżid dawk il-kapaċitajiet massimi ta’ tfittxija, għandu jinnotifika lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA bil-kapaċitajiet massimi ġodda ta’ tfittxija.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw in-numri massimi ta’ kandidati aċċettati għat-tqabbil għal kull trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet ta’ tfittxija mhux użati bejn l-Istati Membri f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 24

Regoli għat-talbiet u t-tweġibiet rigward l-immaġnijiet tal-wiċċ

1.   Talba għal tfittxija awtomatizzata tal-immaġnijiet tal-wiċċ għandha tinkludi biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-Istat Membru rikjedenti;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numru tat-talba;

(c)

data ta’ referenza tal-immaġnijiet tal-wiċċ.

2.   It-tweġiba għal talba kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

indikazzjoni ta’ jekk kienx hemm konkordanza waħda jew aktar jew l-ebda konkordanza;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numrutat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba u n-numru tat-tweġiba;

(d)

il-kodiċijiet tal-Istati Membri rikjedenti u tal-Istati Membri rikjesti;

(e)

in-numri ta’ referenza tal-immaġnijiet tal-wiċċ mill-Istati Membri rikjedenti u l-Istati Membri rikjesti;

(f)

l-immaġnijiet tal-wiċċ konkordanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu konsistenti man-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 74. Dawk in-notifiki għandhom jiġu riprodotti fil-manwal prattiku msemmi fl-Artikolu 79.

TAQSIMA 5

Rekords tal-pulizija

Artikolu 25

Rekords tal-pulizija

1.   L-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fl-iskambju awtomatizzat tar-rekords tal-pulizija. Għall-finijiet ta’ tali skambji, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali li jkun fihom settijiet ta’ data bijografika ta’ persuni suspettati u kkundannati mill-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom stabbiliti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. Dawk is-settijiet ta’ data għandujkun fihom biss id-data li ġejja sa fejn ikunu disponibbli,:

(a)

l-isem jew l-ismijiet;

(b)

il-kunjom jew kunjomijiet;

(c)

il-psewdonimu jew psewdonimi u l-isem jew l-ismijiet użati qabel;

(d)

id-data tat-twelid;

(e)

in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet;

(f)

il-pajjiż tat-twelid;

(g)

il-ġeneru.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c), għandha tiġi psewdonimizzata.

Artikolu 26

Tiftix awtomatizzat tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali

Għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena skont il-liġi tal-Istat Membru rikjedenti, l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskambju awtomatizzat tar-rekords tal-pulizija għandhom jippermettu lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti oħrajn u lill-Europol aċċess għal data mill-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali tagħhom biex iwettqu tfittxijiet awtomatizzati.

It-tfittxijiet kif imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jitwettqu biss fil-qafas ta’ każijiet individwali u f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti.

Artikolu 27

Numri ta’ referenza għar-rekords tal-pulizija

In-numri ta’ referenza għar-rekords tal-pulizija għandhom ikunu l-kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a)

numru ta’ referenza li jippermetti lill-Istati Membri, fil-każ ta’ konkordanza, jirkupraw data bijografika u informazzjoni oħra fl-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 25 sabiex tipprovdihom jew jipprovduhom lil Stat Membru wieħed, lil diversi Stati Membri jew lill-Istati Membri kollha l-oħrajn f’konformità mal-Artikolu 44;

(b)

kodiċi li jindika l-Istat Membru li jkollu r-rekords tal-pulizija.

Artikolu 28

Regoli għat-talbiet u t-tweġibiet rigward ir-rekords tal-pulizija

1.   Talba għal tfittxija awtomatizzata tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali għandha tinkludi biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kodiċi tal-Istat Membru rikjedenti;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numru tat-talba;

(c)

id-data msemmija fl-Artikolu 25, sakemm din tkun disponibbli.

2.   Tweġiba għal talba kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

(a)

indikazzjoni rigward in-numru ta’ konkordanzi;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba u n-numrutat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba u n-numru tat-tweġiba;

(d)

il-kodiċijiet tal-Istati Membri rikjedenti u tal-Istati Membri rikjesti;

(e)

in-numri ta’ referenza tar-rekords tal-pulizija mill-Istati Membri rikjesti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu konsistenti man-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 74. Dawk in-notifiki għandhom jiġu riprodotti fil-manwal prattiku msemmi fl-Artikolu 79.

TAQSIMA 6

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 29

Persuni neqsin u fdalijiet umani mhux identifikati

1.   Meta awtorità nazzjonali tkun ingħatat is-setgħa li tagħmel dan permezz ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2, hija tista’ twettaq tfittxijiet awtomatizzati bl-użu tal-qafas ta’ Prüm II għall-finijiet li ġejjin biss:

(a)

it-tiftix għal persuni neqsin fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali jew għal raġunijiet umanitarji;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ fdalijiet umani.

2.   L-Istati Membri li jkunu jixtiequ jużaw il-possibbiltà prevista fil-paragrafu 1 għandhom, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali, jaħtru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet stabbiliti hemmhekk u jistabbilixxu l-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-kriterji, inklużi r-raġunijiet umanitarji li fuqhom huwa permess li jitwettqu tfittxijiet awtomatizzati għal persuni neqsinkif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a).

Artikolu 30

Punti ta’ kuntatt nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali wieħed jew aktar għall-fini tal-Artikoli 6, 11, 16, 20 u 26.

Artikolu 31

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-arranġamenti tekniċi għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 6, 11, 16, 20 u 26. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 32

Disponibbiltà tal-iskambju awtomatizzat ta’ data fil-livell nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li t-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika, ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, immaġnijiet tal-wiċċ u rekords tal-pulizija jista’ jsir 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa.

2.   Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom jinformaw minnufih lil xulxin, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar kwalunkwe nuqqas ta’ disponibbiltà tal-iskambju awtomatizzat tad-data, inkluż, meta dan ikun applikabbli, dwar kwalunkwe ħsara teknika li tikkawża dak in-nuqqas ta’ disponibbiltà.

Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom jaqblu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli, dwar arranġamenti alternattivi temporanji għall-iskambju ta’ informazzjoni li jintużaw meta l-iskambju awtomatizzat tad-data ma jkunx disponibbli.

3.   Meta l-iskambju awtomatizzat tad-data ma jkunx disponibbli, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom jiżguraw li dan jiġi stabbilit mill-ġdid bi kwalunkwe mezz meħtieġ u mingħajr dewmien.

Artikolu 33

Ġustifikazzjoni għall-ipproċessar tad- data

1.   Kull Stat Membru għandu jżomm rekord tal-ġustifikazzjonijiet għat-tfittxijiet li jagħmlu l-awtoritajiet kompetenti tiegħu.

L-Europol għandha żżomm rekord tal-ġustifikazzjonijiet għat-tfittxijiet li tagħmel.

2.   Il-ġustifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

l-iskop tat-tfittxija, inkluża referenza għall-każ jew għall-investigazzjoni speċifiċi u, meta dan ikun applikabbli, għar-reat kriminali;

(b)

indikazzjoni dwar jekk it-tfittxija tikkonċernax persuna suspettata jew persuna kkundannata għal reat kriminali, vittma ta’ reat serju, persuna nieqsa jew fdalijiet umani mhux identifikati;

(c)

indikazzjoni dwar jekk it-tfittxija għandhiex l-għan li tidentifika persuna jew li tikseb aktar data dwar persuna magħrufa.

3.   Il-ġustifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu jistgħu jiġu rintraċċati għar-reġistri msemmija fl-Artikoli 18, 40 u 45. Dawk il-ġustifikazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-valutazzjoni ta’ jekk it-tfittxijiet humhiex proporzjonali u neċessarji għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reat kriminali, għall-monitoraġġtal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, u sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità tad-data. Dawk il-ġustifikazzjonijiet għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru tliet snin wara li jinħolqu. Jekk, madankollu, huma jkunu meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew, huma għandhom jitħassru ladarba l-proċeduri ta’ monitoraġġ ma jibqgħux jeħtieġu l-ġustifikazzjoni.

4.   Sabiex tiġi vvalutata l-proporzjonalità u n-neċessità ta’ tfittxijiet għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reat kriminali u għall-fini tal-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u l-legalità tal-ipproċessar tad-data, il-kontrolluri tad-data għandu jkollhom aċċess għal dawk il-ġustifikazzjonijiet għall-awtomonitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 55.

Artikolu 34

Użu tal-format universali tal-messaġġi

1.   L-istandard tal-format universali tal-messaġġi (UMF) stabbilit skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2019/818 għandu jintuża fl-iżvilupp tar-router imsemmi fl-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament u s-Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) sa fejn ikun possibbli.

2.   Kwalunkwe skambju awtomatizzat ta’ data f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu juża l-istandard tal-UMF sa fejn ikun possibbli.

KAPITOLU 3

Arkitettura

TAQSIMA 1

Router

Artikolu 35

Router

1.   Jiġi stabbilit router għall-fini tal-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ konnessjonijiet bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Europol, għat-tfittxijiet, l-irkupru u l-għoti ta’ punteġġ lid-data bijometrika u għall-irkupru ta’ data alfanumerika f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-router għandu jkun magħmul minn:

(a)

infrastruttura ċentrali, inkluża għodda ta’ tfittxija li tippermetti t-tfittxijiet simultanji tal-bażijiet ta’ data nazzjonali msemmija fl-Artikoli 5, 10 u 19 u tad-data tal-Europol;

(b)

mezz ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-infrastruttura ċentrali, l-awtoritajiet kompetenti awtorizzati jużaw ir-router skont l-Artikolu 36 u l-Europol;

(c)

infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura bejn l-infrastruttura ċentrali u l-Portal Ewropew tat-Tfittxija, stabbilit bl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/818, għall-finijiet tal-Artikolu 39.

Artikolu 36

Użu tar-router

L-użu tar-router għandu jkun riżervat għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri awtorizzati li jaċċessaw u jiskambjaw profili tad-DNA, data dattiloskopika u immaġnijiet tal-wiċċ f’konformità ma’ dan ir-Regolament u għall-Europol f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2016/794.

Artikolu 37

Proċessi

1.   L-awtoritajiet kompetenti awtorizzati jużaw ir-router skont l-Artikolu 36 jew l-Europol għandhom jitolbu tfittxija billi jissottomettu data bijometrika lir-router. Ir-router għandu jibgħat it-talba għal tfittxija lill-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri kollha jew ta’ Stati Membri speċifiċi u lid-data tal-Europol simultanjament mad-data preżentata mill-utent f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tiegħu jew tagħha.

2.   Mal-wasla ta’ talba għal tfittxija mir-router, kull Stat Membru rikjest għandu jniedi tfittxija tal-bażijiet ta’ data tagħhom b’mod awtomatizzat u mingħajr dewmien. Malli jirċievi talba għal tfittxija mir-router, l-Europol għandu jniedi tfittxija tad-data tal-Europol b’mod awtomatizzat u mingħajr dewmien.

3.   Kwalunkwe konkordanza li tirriżulta mit-tfittxijiet kif imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat lura b’mod awtomatizzat lir-router. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiġi nnotifikat b’mod awtomatizzat meta ma jkun hemm l-ebda konkordanza.

4.   Ir-router għandu jikklassifika, fejn l-Istat Membru rikjedenti jiddeċiedi hekk u meta dan ikun applikabbli, it-tweġibiet billi jqabbel id-data bijometrika użata għat-tiftix u d-data bijometrika pprovduta fit-tweġibiet mill-Istat Membru rikjest jewl-Istati Membri rikjesti jew il-Europol.

5.   Ir-router għandu jirritorna l-lista tad-data bijometrika konkordanti u l-klassifikazzjoni tagħha lill-utent tar-router.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikawil-proċedura teknika għar-router sabiex issir tfittxija tal-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri u d-data tal-Europol, il-format li bih ir-router iwieġeb tali tfittxijiet u r-regoli tekniċi għat-tqabbil u l-klassifikazzjoni tal-korrispondenza bejn id-data bijometrika. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 38

Verifika tal-kwalità

L-Istat Membru rikjest għandu jivverifika l-kwalità tad-data trażmessa bi proċedura awtomatizzata.

L-Istat Membru rikjest għandu, mingħajr dewmien, jgħarraf lill-Istat Membru rikjedenti permezz tar-router fejn id-data ma tkunx xierqa għal tqabbil awtomatizzat.

Artikolu 39

L-interoperabbiltà bejn ir-router u r-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità għall-finijiet tal-aċċess għall-infurzar tal-liġi

1.   Meta l-awtoritajiet maħtura kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 4, il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2019/818 huma awtorizzati jużaw ir-router skont l-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament, huma jistgħu jniedu tfittxija fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri u d-data tal-Europol simultanjament ma’ tfittxija fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità, stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2019/817 u r-Regolament (UE) 2019/818, dment li ġew ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni u li t-tfittxija titnieda f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom. Għal dak il-għan, ir-router għandu jfittex ir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija.

2.   It-tfittxijiet fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/818. Kwalunkwe riżultat minn tali tfittxijiet għandu jintbagħat permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija.

It-tfittxijiet simultanji tal-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri u tad-data tal-Europol u r-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità għandhom jitnedew biss fejn ikun hemm motivi raġonevoli biex wieħed jemmen li d-data dwar persuna suspettata, awtur jew vittma ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju ieħor kif definit fl-Artikolu 4, il-punti (21) u (22) rispettivament tar-Regolament (UE) 2019/817 u fl-Artikolu 4, il-punti (21) u (22) rispettivament tar-Regolament (UE) 2019/818 huma maħżuna fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità.

Artikolu 40

Żamma ta’ reġistri

1.   L-eu-LISA għandha żżomm reġistri tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data fir-router. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu li ġej:

(a)

jekk kienx Stat Membru jew il-Europol li niedu t-talba għal tfittxija; fejn kien Stat Membru li nieda t-talba għal tfittxija, l-Istat Membru in kwistjoni;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba;

(d)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali jew id-data tal-Europol li lilhom intbagħtet talba għal tfittxija;

(e)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali jew id-data tal-Europol li provdew tweġiba;

(f)

fejn applikabbli, il-fatt li kien hemm tfittxija simultanja fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità.

2.   Kull Stat Membru għandu jżomm reġistri tat-tfittxijiet li jagħmel il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu li huwa debitament awtorizzat li juża r-router, ureġistri tat-tfittxijiet rikjesti minn Stati Membri oħrajn.

Il-Europol għandha żżomm reġistri tat-tfittxijiet li jagħmel il-persunal debitament awtorizzat tagħha.

3.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw biss għall-ġbir tal-istatistika, għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u l-legalità tal-ipproċessar tad-data, u għall-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru tliet snin wara li jinħolqu. Jekk, madankollu, ikunu rikjesti għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew, għandhom jitħassru ladarba l-proċeduri ta’ monitoraġġ ma jkunux għadhom jirrikjedu r-reġistri.

4.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u l-legalità tal-ipproċessar tad-data, il-kontrolluri tad-data għandu jkollhom aċċess għar-reġistri għall-awtomonitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 55.

Artikolu 41

Il-proċeduri ta’ notifika fejn huwa teknikament impossibbli li jintuża r-router

1.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router sabiex issir tfittxija f’bażi ta’ data nazzjonali waħda jew diversi bażijiet ta’ data jew id-data tal-Europol minħabba ħsara fir-router, l-eu-LISA għandha tinnotifika lill-utenti tar-router imsemmija fl-Artikolu 36 b’mod awtomatizzat. L-eu-LISA għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tindirizza l-impossibbiltà teknika li r-router jintuża mingħajr dewmien.

2.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router sabiex issir tfittxija f’bażi ta’ data nazzjonali waħda jew diversi bażijiet ta’ data, minħabba ħsara fl-infrastruttura nazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol b’mod awtomatizzat. L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu miżuri xierqa sabiex jindirizza l-impossibbiltà teknika li r-router jintuża mingħajr dewmien.

3.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router sabiex issir tfittxija fid-data tal-Europol minħabba ħsara fl-infrastruttura tal-Europol, il-Europol għandha tinnotifika lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA b’mod awtomatizzat. Il-Europol għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tindirizza l-impossibbiltà teknika li r-router jintuża mingħajr dewmien.

TAQSIMA 2

EPRIS

Artikolu 42

EPRIS

1.   Is-Sistema ta’ Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) hija b’dan stabbilita. Għat-tiftix awtomatizzat tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 26, l-Istati Membri u l-Europol għandhom jużaw l-EPRIS.

2.   L-EPRIS għandha tkun magħmula minn:

(a)

infrastruttura deċentralizzata fl-Istati Membri, inkluża għodda ta’ tfittxija li tippermetti t-tfittxijiet simultanji tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali, abbażi tal-bażijiet ta’ data nazzjonali;

(b)

infrastruttura ċentrali, li tappoġġa l-għodda ta’ tfittxija li tippermetti t-tfittxijiet simultanji tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali;

(c)

mezz ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-infrastruttura ċentrali, l-Istati Membri u l-Europol.

Artikolu 43

Użu tal-EPRIS

1.   Għall-fini tat-tfittxija tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali permezz tal-EPRIS, għandhom jintużaw mill-anqas tnejn mis-settijiet ta’ data li ġejjin:

(a)

isem jew ismijiet;

(b)

kunjom jew kunjomijiet;

(c)

id-data tat-twelid.

2.   Fejn disponibbli, jistgħu jintużaw ukoll is-settijiet ta’ data li ġejjin:

(a)

il-psewdonimu jew psewdonimi u l-isem jew l-ismijiet użati qabel;

(b)

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet;

(c)

il-pajjiż tat-twelid;

(d)

il-ġeneru

3.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), u fil-paragrafu 2, il-punt (a), għandha tiġi ppsewdonimizzata.

Artikolu 44

Il-proċessi

1.   Fejn Stat Membru jew il-Europol jitolbu tfittxija, huwa għandu jippreżenta id-data msemmija fl-Artikolu 43.

L-EPRIS għandha tibgħat it-talba għal tfittxija lill-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali tal-Istati Membri bid-data preżentata mill-Istat Membru rikjedenti jew il-Europol u f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Malli jirċievi talba għal tfittxija mill-EPRIS, kull Stat Membru rikjest għandu jniedi tfittxija tal-indiċi tar-rekord tal-pulizija nazzjonali tiegħu b’mod awtomatizzat u mingħajr dewmien.

3.   Kwalunkwe konkordanza li tirriżulta mit-tfittxijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 fl-indiċi tar-rekord tal-pulizija ta’ kull Stat Membru rikjest għandha tintbagħat lura b’mod awtomatizzat lill-EPRIS.

4.   Il-lista ta’ konkordanzi għandha tiġi rritornata lill-Istat Membru rikjedenti jew lill-Europol mill-EPRIS b’mod awtomatizzat. Il-lista ta’ konkordanzi għandha tindika l-kwalità tal-konkordanza u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li l-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija tiegħu/tagħhom fih id-data li rriżultat fil-konkordanza jew il-konkordanzi.

5.   Malli jirċievi l-lista ta’ konkordanzi, l-Istat Membru rikjedenti għandu jiddeċiedi l-konkordanzi li għalihom ikun meħtieġ segwitu u jibgħat talba motivata ta’ segwitu li jkun fiha d-data msemmija fl-Artikoli 25 u 27, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali lill-Istat Membru rikjest jew Stati Membri rikjesti permezz ta’ SIENA. L-Istat Membru rikjest jew l-Istati Membri rikjesti għandhom jipproċessaw tali talbiet mingħajr dewmien sabiex jiddeċiedu jekk għandhomx jikkondividu d-data maħżuna fil-bażi ta’ data tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikawil-proċedura teknika għall-EPRIS għat-tfittxija fl-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija tal-Istati Membri u l-format u n-numru massimu ta’ tweġibiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 45

Żamma ta’ reġistri

1.   Kull Stat Membru parteċipanti u l-Europol għandu jżomm reġistri tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data fl-EPRIS. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu li ġej:

(a)

jekk kienx Stat Membru jew il-Europol li niedu it-talba għal tfittxija; fejn kien Stat Membru li nieda t-talba għal tfittxija, l-Istat Membru in kwistjoni;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba;

(c)

id-data u l-ħin tat-tweġiba;

(d)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li lilhom intbagħtet talba għal tfittxija;

(e)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li provdew tweġiba.

2.   Kull Stat Membru parteċipanti għandu jżomm reġistri tat-talbiet għal tfittxijiet li jagħmel il-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu debitament awtorizzat juża l-EPRIS. Il-Europol għandha żżomm reġistri tat-talbiet għal tfittxijiet li jagħmel il-persunal debitament awtorizzat tagħha.

3.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw biss għall-ġbir ta’ statistika, għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, u għall-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru tliet snin wara li jinħolqu. Jekk, madankollu, ikunu rikjesti għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew, għandhom jitħassru ladarba l-proċeduri ta’ monitoraġġ ma jkunux għadhom jirrikjedu r-reġistri.

4.   Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data, inkluża l-verifika tal-ammissibbiltà ta’ tfittxija u l-legalità tal-ipproċessar tad-data, il-kontrolluri tad-data għandu jkollhom aċċess għar-reġistri għall-awtomonitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 55.

Artikolu 46

Proċeduri ta’ notifika fejn huwa teknikament impossibbli li jintuża l-EPRIS

1.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża l-EPRIS sabiex issir tfittxija f’indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali waħda, jew diversi, minħabba ħsara fl-infrastruttura tal-Europol, il-Europol għandha tinnotifika l-Istati Membri b’mod awtomatizzat. Il-Europol għandha tieħu miżuri sabiex tindirizza l-impossibbiltà teknika li jintuża l-EPRIS mingħajr dewmien.

2.   Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża l-EPRIS sabiex issir tfittxija f’indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali waħda, jew diversi,minħabba ħsara fl-infrastruttura nazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri oħrajn, lill-Kummissjoni u l-Europol b’mod awtomatizzat. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw l-impossibbiltà teknika li jintuża l-EPRIS mingħajr dewmien.

KAPITOLU 4

Skambju ta’ data wara konkordanza

Artikolu 47

Skambju ta’ data ewlenija

1.   Sett ta’ data ewlenija għandu jiġi rritornat permezz tar-router fi żmien 48 siegħa minn meta jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6, 11 jew 20 juru konkordanza bejn id-data użata għat-tfittxija u d-data maħżuna fil-bażi ta’ data tal-Istat Membru rikjest jew l-Istati Membri rikjesti;

(b)

il-konkordanza msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu tkun ġiet manwalment konfermata minn membru kwalifikat tal-persunal tal-Istat Membru rikjedenti kif imsemmi fl-Artikolu 6(6), l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 20(2), jew, fil-każ tal-profili tad-DNA msemmija fl-Artikolu 6(7), tal-Istat Membru rikjest;

(c)

deskrizzjoni tal-fatti u indikazzjoni tar-reat sottostanti ġew trażmessi, bl-użu tat-tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati stabbilita f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 11b(1), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, mill-Istat Membru rikjedenti, jew, fil-każ tal-profili tad-DNA msemmija fl-Artikolu 6(7), mill-Istat Membrurikjest, sabiex tiġi vvalutata l-proporzjonalità tat-talba, inkluż is-serjetà tar-reat li għalih saret tfittxija, f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jipprovdi s-sett ta’ data ewlenija.

2.   Meta, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’ jipprovdi sett partikolari ta’ data ewlenija biss wara li jkun kiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja, dak l-Istat Membru jista’ jiddevja mil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1 sa fejn ikun meħtieġ biex tinkiseb tali awtorizzazzjoni.

3.   Is-sett ta’ data ewlenijaimsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi rritornat mill-Istat Membru rikjest jew, fil-każ tal-profili tad-DNA msemmija fl-Artikolu 6(7), mill-Istat Membru rikjedenti.

4.   Meta l-konkordanza kkonfermata tikkonċerna data identifikata ta’ persuna, dak is-sett ta’ data ewlenija msemmi fil-paragrafu 1, għandu jkun fih id-data li ġejja sa fejn tkun disponibbli:

(a)

l-isem jew l-ismijiet;

(b)

il-kunjom jew il-kunjomijiet;

(c)

il-psewdonimu jew il-psewdonimi u l-isem jew l-ismijiet użati qabel;

(d)

id-data tat-twelid;

(e)

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet;

(f)

il-post u l-pajjiż tat-twelid;

(g)

il-ġeneru;

(h)

id-data li fiha tkun inkisbet id-data bijometrika u l-post fejn tkun inkisbet;

(i)

ir-reat kriminali li għalih tkun inkisbet id-data bijometrika;

(j)

in-numru tal-kawża kriminali;

(k)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kawża kriminali.

5.   Meta l-konkordanza kkonfermata tikkonċerna data jew traċċi mhux identifikati, dak is-sett ta’ data ewlenija msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih id-data li ġejja sal-punt li jkunu disponibbli:

(a)

id-data li fiha tkun inkisbet id-data bijometrika u l-post fejn tkun inkisbet;

(b)

ir-reat kriminali li għalih tkun inkisbet id-data bijometrika;

(c)

in-numru tal-kawża kriminali;

(d)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kawża kriminali.

6.   Ir-ritorn ta’ data ewlenija mill-Istat Membru rikjest jew, fil-każ tal-profili tad-DNA msemmija fl-Artikolu 6(7), mill-Istat Membru rikjedenti għandu jkun suġġett għal deċiżjoni magħmula minn bniedem.

KAPITOLU 5

Europol

Artikolu 48

L-aċċess mill-Istati Membri għal data bijometrika provduta minn pajjiżi terzi u maħżuna mill-Europol

1.   L-Istati Membri, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794, għandu jkollhom aċċess għal, u jkunu jistgħu jfittxu permezz tar-router, data bijometrika li tkun ġiet ipprovduta lill-Europol minn pajjiżi terzi għall-finijiet tal-Artikolu 18(2), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/794.

2.   Meta tfittxija kif imsemmija fil-paragrafu 1 tirriżulta f’konkordanza bejn id-data użata għat-tfittxija u d-data provduta minn pajjiż terz u maħżuna mill-Europol, is-segwitu għandu jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794.

Artikolu 49

L-aċċess mill-Europol għal data maħżuna fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri b’ data provduta minn pajjiżi terzi

1.   Meta meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2016/794, il-Europol, f’konformità ma’ dak ir-Regolament u ma’ dan ir-Regolament, għandu jkollha aċċess għal data li hija maħżuna mill-Istati Membri fil-bażijiet ta’ data nazzjonali u fl-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija tagħhom.

2.   It-tfittxijiet tal-Europol imwettqa b’data bijometrika bħala kriterju ta’ tfittxija għandhom jitwettqu bl-użu tar-router.

3.   It-tfittxijiet tal-Europol imwettqa bid-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi bħala kriterju ta’ tfittxija għandhom jitwettqu bl-użu tal-Eucaris.

4.   It-tfittxijiet tal-Europol imwettqa bid-data bijografika tal-persuni suspettati u l-persuni kkundannati kif imsemmija fl-Artikolu 25 bħala kriterju ta’ tfittxija għandhom jitwettqu bl-użu tal-EPRIS.

5.   Il-Europol għandha twettaq tfittxijiet bid-data provduta minn pajjiżi terzi f’konformità mal-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu biss meta jkun neċessarju biex twettaq il-kompiti tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 18(2), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/794.

6.   Meta l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6, 11 jew 20 juru konkordanza bejn id-data użata għat-tfittxija u d-data miżmuma fil-bażi ta’ data tal-Istat Membru rikjest jew l-Istati Membri rikjesti, il-Europol għandha tinforma biss lill-Istat Membru jew l-Istati Membri involuti.

L-Istat Membru rikjest għandu jiddeċiedi jekk jirritornax sett ta’ data ewlenija permezz tar-router fi żmien 48 siegħa minn metaikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

konkordanza kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ġie manwalment konfermat minn membru kkwalifikat tal-persunal tal-Europol;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti u indikazzjoni tar-reat sottostanti ġew trażmessi, bl-użu tat-tabella komuni tal-kategoriji ta’ reati stabbilita f’att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 11b(1), il-punt (a), tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, mill-Europol sabiex tiġi vvalutata l-proporzjonalità tat-talba, inkluż is-serjetà tar-reat li għalih saret tfittxija, f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jipprovdi s-sett ta’ data ewlenija;

(c)

l-isem tal-pajjiż terz li jkun ipprovda d-data ġie trażmess.

Meta, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’ jipprovdi sett partikolari ta’ data ewlenija biss wara li jkun kiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja, dak l-Istat Membru jista’ jiddevja mil-limitu ta’ żmien stabbilit fit-tieni subparagrafu sa fejn ikun meħtieġ għall-fini li tinkiseb tali awtorizzazzjoni.

Meta l-konkordanza kkonfermata tikkonċerna data identifikata ta’ persuna, is-sett ta’ data ewlenija msemmi fit-tieni subparagrafu għandu jkun fih id-data li ġejja, sal-punt li jkunu disponibbli:

(a)

l-isem jew l-ismijiet;

(b)

il-kunjom jew il-kunjomijiet;

(c)

il-psewdonimu jew il-psewdonimi u l-isem jew l-ismijiet użati qabel;

(d)

id-data tat-twelid;

(e)

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet;

(f)

il-post u l-pajjiż tat-twelid;

(g)

il-ġeneru;

(h)

id-data li fiha tkun inkisbet id-data bijometrika u l-post fejn tkun inkisbet;

(i)

ir-reat kriminali li għalih tkun inkisbet id-data bijometrika;

(j)

in-numru tal-kawża kriminali;

(k)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kawża kriminali.

Meta l-konkordanza kkonfermata tikkonċerna data jew traċċi mhux identifikati, is-sett ta’ data ewlenija msemmi fit-tieni subparagrafugħandu jkun fih id-data li ġejja, sal-punt li jkunu disponibbli:

(a)

id-data li fiha tkun inkisbet id-data bijometrika u l-post fejn tkun inkisbet;

(b)

ir-reat kriminali li għalih tkun inkisbet id-data bijometrika;

(c)

in-numru tal-kawża kriminali;

(d)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-kawża kriminali.

Ir-ritorn ta’ data ewlenija mill-Istat Membru rikjest għandu jkun soġġett għad-deċiżjoni ta’ bniedem.

7.   L-użu mill-Europol ta’ informazzjoni miksuba minn tfittxija magħmula f’konformità ma’ dan l-Artikolu, u mill-iskambju ta’ sett ta’ data ewlenija f’konformità mal-paragrafu 6, għandu jkun soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru li fil-bażi ta’ data tiegħu tkun seħħet il-konkordanza. Meta l-Istat Membru jippermetti li tali informazzjoni tiġi użata, it-trattament tagħha mill-Europol għandu jkun regolat bir-Regolament (UE) 2016/794.

KAPITOLU 6

Protezzjoni tad-data

Artikolu 50

L-iskop tal-ipproċessar tad- data

1.   L-ipproċessar ta’ data personali riċevuta minn Stat Membru jew mill-Europol għandu jkun permess biss għall-iskopijiet li għalihom id-data kienet fornuta mill-Istat Membru li jkun ipprovda d-data f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-ipproċessar għal skopijiet oħrajn għandu jkun permess biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat Membru li jkun ipprovda d-data.

2.   L-ipproċessar ta’ data fornuta minn Stat Membru jew mill-Europol skont l-Artikolu 6, 11, 16, 20 jew 26 għandu jkun permess biss fejn meħtieġ għall-fini ta’:

(a)

l-istabbiliment ta’ jekk hemmx konkordanza fit-tqabbil tal-profili tad-DNA, id-data dattiloskopika, id-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, l-immaġnijiet tal-wiċċ jew ir-rekords tal-pulizija;

(b)

l-iskambju ta’ sett ta’ data ewlenija f’konformità mal-Artikolu 47;

(c)

it-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ talba tal-pulizija jew ġudizzjarja għal assistenza legali fejn dik id-data tkun kkonkordat;

(d)

iż-żamma ta’ reġistri kif previst fl-Artikoli 18, 40 u 45.

3.   Id-data riċevuta minn Stat Membru jew mill-Europol għandha titħassar immedjatament wara t-tweġibiet awtomatizzati għat-tfittxijijiet sakemm ma jkunx meħtieġ aktar ipproċessar għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew jkunu awtorizzati f’konformità mal-paragrafu 1.

4.   Qabel il-konnessjoni tal-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom mar-router jew mal-EPRIS, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/680 u, fejn xieraq, jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja kif previst fl-Artikolu 28 ta’ dik id-Direttiva. L-awtorità superviżorja tista’ tuża kwalunkwe setgħa mis-setgħat li għandha skont l-Artikolu 47 ta’ dik id-Direttiva, f’konformità mal-Artikolu 28(5) ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 51

Il-preċiżjoni, ir-rilevanza u ż-żamma tad- data

1.   L-Istati Membri u l-Europol għandhom jiżguraw il-preċiżjoni u r-rilevanza tad-data personali li tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament. Fejn Stat Membru jew il-Europol isiru konxji li data li ma tkunx korretta jew li ma tkunx għadha aġġornata jew data li ma kellhiex tiġi pprovduta tkun ġiet ipprovduta, hu għandu jinnotifika lill-Istat Membru li jkun irċieva d-data jew lill-Europol ta’ dak il-fatt mingħajr dewmien żejjed. Kull Stat Membru kkonċernat jew il-Europol għandu jikkoreġi jew iħassar id-data kif xieraq mingħajr dewmien żejjed. Fejn l-Istat Membru li jkun irċieva d-data jew il-Europol ikollhom raġuni biex jemmnu li d-data provduta ma hijiex korretta jew għandha titħassar, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru li jkun ipprovda d-data mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-Istati Membri u l-Europol għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa għall-aġġornament tad-data rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta suġġett tad-data jikkontesta l-preċiżjoni tad-data fil-pussess ta’ Stat Membru jew il-Europol, meta l-preċiżjoni ma tistax tiġi stabbilita b’mod affidabbli mill-Istat Membru jew il-Europol ikkonċernat u meta tintalab mis-suġġett tad-data, id-data kkonċernata għandha tiġi mmarkata. Fejn teżisti tali marka, l-Istati Membri jew il-Europol jistgħu jħassruha biss bil-permess tas-suġġett tad-data jew abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti kompetenti, tal-awtorità superviżorja jew tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif ikun rilevanti.

4.   Id-data li ma kellhiex tkun fornuta jew irċevuta għandha titħassar. Id-data li tiġi fornuta u rċevuta legalment għandha titħassar:

(a)

meta ma hijiex jew ma għadhiex meħtieġa għall-fini li għalih ġiet fornuta;

(b)

mal-iskadenza tal-perjodu massimu għaż-żamma tad-data stabbilit skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ipprovda d-data fejn dak l-Istat Membru ikun informa l-Istat Membru li jkun irċieva d-data jew il-Europol b’dak il-perjodu massimu fil-mument tal-forniment tad-data; jew

(c)

mal-iskadenza tal-perjodu massimu għaż-żamma tad-data stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/794.

Fejn hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li t-tħassir tad-data jippreġudika l-interessi tas-suġġett tad-data, l-ipproċessar ta’ dik id-data għandha tiġi ristretta minflok imħassra. Fejn l-ipproċessar tad-data tkun ġiet ristretta, hi għandha tiġi pproċessata biss għall-għan li jipprevjeni t-tħassir tagħha.

Artikolu 52

Proċessur tad- data

1.   L-eu-LISA għandha tkun il-proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-ipproċessar ta’ data personali permezz tar-router.

2.   Il-Europol għandha tkun il-proċessur fit-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-ipproċessar ta’ data personali permezz tal-EPRIS.

Artikolu 53

Sigurtà tal-ipproċessar

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-eu-LISA u l-Europol għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-eu-LISA u l-Europol għandhom jikkooperaw fuq il-kompiti relatati mas-sigurtà.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/794, l-eu-LISA u l-Europol għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw is-sigurtà tar-router u l-EPRIS, rispettivament, u tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni relatata tagħhom.

3.   L-eu-LISA ħandha tadotta l-miżuri meħtieġa dwar ir-router, u l-Europol għandha tadotta l-miżuri meħtieġa dwar l-EPRIS, sabiex:

(a)

jipproteġu d-data fiżikament, inkluż billi jħejju pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika;

(b)

iċċaħħad lill-persuni mhux awtorizzati mill-aċċess għat-tagħmir u l-installazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data;

(c)

jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data;

(d)

jimpedixxu li tiddaħħal data b’mod mhux awtorizzat kif ukoll l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali reġistrata;

(e)

jimpedixxu l-ipproċessar mhux awtorizzat ta’ data u kull ikkupjar, modifika jew tħassir mhux awtorizzati ta’ data;

(f)

tipprevjeni l-użu ta’ sistemi tal-ipproċessar tad-data awtomatizzati minn persuni mhux awtorizzati li jużaw tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data;

(g)

jiżguraw li. permezz ta’ identitajiet tal-utenti individwali u permezz ta’ modi għal aċċess kunfidenzjali biss, persuni awtorizzati sabiex jaċċessaw ir-router jew l-EPRIS, kif applikabbli, ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom;

(h)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tiġi fornuta data personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data;

(i)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data tkun ġiet ipproċessata fir-router jew fl-EPRIS, kif applikabbli, u meta, minn min u għal liema skop ġiet proċessata;

(j)

jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data personali matul it-trażmissjoni ta’ data personali lejn jew mir-router jew mill-EPRIS, kif applikabbli, jew matul it-trasport ta’ mezzi tad-data, b’mod partikulari permezz ta’ tekniki xierqa ta’ kriptaġġ;

(k)

tiżgura li, fil-każ ta’ interruzzjoni, is-sistemi installati jkunu jistgħu jitreġġgħu lura għall-operat normali;

(l)

jiżguraw l-affidabbiltà billi jiżguraw li kwalunkwe problemi fil-funzjonament tar-router jew tal-EPRIS, kif applikabbli, jiġu rrapportati kif xieraq;

(m)

timmonitorja l-effikaċja tal-miżuri tas-sigurtà msemmija f’dan il-paragrafu u tieħu l-miżuri organizzazzjonali meħtieġa marbuta mal-monitoraġġ intern biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament u biex tivvaluta dawk il-miżuri ta’ sigurtà fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda.

Il-miżuri meħtieġa msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu pjan ta’ sigurtà, pjan ta’ kontinwità tan-negozju u pjan ta’ rkupru minn diżastru.

Artikolu 54

Inċidenti ta’ sigurtà

1.   Kwalunkwe avveniment li għandu jew li jista’ jkollu impatt fuq is-sigurtà tar-router jew tal-EPRIS u li jista’ jikkawża dannu jew telf ta’ data maħżuna fir-router jew fl-EPRISgħandu jitqies li huwa inċident marbut mas-sigurtà, b’mod partikolari meta jista’ jkun li kien hemm aċċess mhux awtorizzat għad-data jew meta d-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data ġew kompromessi jew setgħu ġew kompromessi.

2.   F’każ ta’ inċident marbut mas-sigurtà li jikkonċerna r-router, l-eu-LISA u l-Istati Membri kkonċernati jew, fejn applikabbli, il-Europol għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw rispons rapidu, effettiv u xieraq.

3.   F’każ ta’ inċident marbut mas-sigurtà li jikkonċerna l-EPRIS, l-Istati Membri kkonċernati u l-Europol għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw rispons rapidu, effettiv u xieraq.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bi kwalunkwe inċident marbut mas-sigurtà mingħajr dewmien żejjed.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) 2018/1725, fil-każ ta’ inċident marbut mas-sigurtà fir-rigward tal-infrastruttura ċentrali tar-router, l-eu-LISA għandha tinnotifika lis-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) dwar theddid ċibernetiku sinifikanti, vulnerabbiltajiet sinifikanti u inċidenti sinifikanti mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li ssir taf bihom. Id-dettalji tekniċi azzjonabbli u xierqa tat-theddid ċibernetiku, tal-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi u tal-inċidenti ċibernetiċi li jippermettu detezzjoni proattiva, ir-rispons għall-inċident jew il-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jiġu divulgati lil CERT-UE mingħajr dewmien żejjed.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/794 u l-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’każ ta’ inċident marbut mas-sigurtà fir-rigward tal-infrastruttura ċentrali tal-EPRIS, il-Europol għandha tinnotifika lil CERT-UE dwar theddid ċibernetiku sinifikanti, vulnerabbiltajiet sinifikanti u inċidenti sinifikanti mingħajr dewmien żejjed u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li ssir taf bihom. Id-dettalji tekniċi azzjonabbli u xierqa tat-theddid ċibernetiku, tal-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi u tal-inċidenti ċibernetiċi li jippermettu detezzjoni proattiva, ir-rispons għall-inċident jew il-miżuri ta’ mitigazzjoni għandhom jiġu divulgati lil CERT-UE mingħajr dewmien żejjed.

5.   L-informazzjoni dwar inċident marbut mas-sigurtà li jkollu jew jista’ jkollu impatt fuq l-operat tar-router jew fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data għandha tingħata mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati lill-Istati Membri u lill-Europol mingħajr dewmien u tiġi rrapportata f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-inċidenti li għandu jiġi pprovdut mill-eu-LISA.

6.   L-informazzjoni dwar inċident marbut mas-sigurtà li jkollu jew jista’ jkollu impatt fuq l-operat tal-EPRIS jew fuq id-disponibbiltà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data għandha tingħata mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati lill-Istati Membri mingħajr dewmien u tiġi rrapportata f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni tal-inċidenti li għandu jiġi pprovdut mill-Europol.

Artikolu 55

Awtomonitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità intitolata għall-użu tal-qafas ta’ Prüm II tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex timmonitorja l-konformità tagħha ma’ dan ir-Regolament u tikkoopera, fejn meħtieġ, mal-awtorità superviżorja. Il-Europol għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex timmonitorja l-konformità tagħha ma’ dan ir-Regolament u għandha tikkoopera, fejn meħtieġ, mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Il-kontrolluri tad-data għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jimmonitorjaw b’mod effettiv il-konformità tal-ipproċessar tad-data ma’ dan ir-Regolament, inkluż billijivverifikaw b’mod frekwenti r-reġistri msemmija fl-Artikoli 18, 40 u 45. Huma għandhom jikkooperaw, fejn meħtieġ u kif xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji jew mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 56

Penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe użu ħażin tad-data, ipproċessar ta’ data jew skambju ta’ data li jmur kontra dan ir-Regolament ikun punibbli f’konformità mad-dritt nazzjonali. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 57

Responsabbiltà

Jekk xi nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru, jew meta twettaq tfittxijiet f’konformità mal-Artikolu 49, l-Europol, milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jikkawża dannu lir-router jew lill-EPRIS, dak l-Istat Membru jew il-Europol għandu jkun responsabbli għal tali dannu, sakemm u sa fejn l-eu-LISA, il-Europol jew Stat Membru ieħor marbut b’dan ir-Regolament ikunu naqsu milli jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjenu li jseħħ dannu jew sabiex jimminimizzaw l-impatt tiegħu.

Artikolu 58

Awditjar mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad- Data

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiżgura li jsir awditjar tal-operazzjonijiet ta’ proċessar ta’ data personali min-naħa tal-eu-LISA u tal-Europol għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti mill-anqas kull erba’ snin. Rapport ta’ dak l-awditu għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata. L-eu-LISA u l-Europol għandhom jingħataw l-opportunità li jagħmlu kummenti qabel ma jiġu adottati r-rapporti.

2.   L-eu-LISA u l-Europol għandhom jipprovdu l-informazzjoni rikjesta mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jagħtuh aċċess għad-dokumenti kollha li jitlob u għar-reġistri tagħhom kif imsemmi fl-Artikoli 40 u 45 u jippermettu lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data aċċess għall-bini kollu tagħhom fi kwalunkwe ħin. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u, fir-rigward tal-Europol skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2016/794.

Artikolu 59

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad- Data

1.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom, filwaqt li kull wieħed minnhom jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, jikkooperaw b’mod attiv fil-qafas tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom biex jiżguraw superviżjoni koordinata tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari jekk il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew awtorità superviżorja jsibu diskrepanzi kbar bejn prattiki tal-Istati Membri jew isibu trasferimenti potenzjalment illegali fl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-qafas ta’ Prüm II.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, is-superviżjoni koordinata għandha tiġi żgurata f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Sentejn wara l-bidu tal-operat tar-router u tal-EPRIS u kull sentejn wara dan, l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jibgħat rapport tal-attivitajiet tiegħu skont dan l-Artikolu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol. Dak ir-rapport għandu jinkludi kapitolu dwar kull Stat Membru mħejji mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 60

Trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

Stat Membru għandu jittrasferixxi biss data personali miksuba skont dan ir-Regolament lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2016/680 u fejn l-Istat Membru rikjest ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu qabel it-trasferiment.

L-Europol għandha tittrasferixxi biss data personalimiksuba skont dan ir-Regolament lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2016/794 ikunu ġew issodisfati u meta l-Istat Membru rikjest ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu qabel it-trasferiment.

Artikolu 61

Relazzjoni ma’ atti legali oħra dwar il-protezzjoni tad- data

Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jitwettaq f’konformità ma’ dan il-Kapitolu u mad-Direttiva (UE) 2016/680 jew mar-Regolament (UE) 2018/1725, (UE) 2016/794 jew (UE) 2016/679, kif applikabbli.

KAPITOLU 7

Responsabbiltajiet

Artikolu 62

Responsabbiltà ta’ diliġenza dovuta

L-Istati Membri u l-Europol għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta fil-valutazzjoni ta’ jekk l-iskambju awtomatizzat ta’ data jaqax taħt il-finijiet tal-qafas ta’ Prüm II stabbilit fl-Artikolu 2 u jekk jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 63

Taħriġ

Il-persunal awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet superviżorji u tal-Europol, għandu jingħata, kif rilevanti, riżorsi u taħriġ adegwati, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data u r-rieżami preċiż tal-konkordanzi, biex iwettaq il-kompiti skont dan ir-Regolament.

Artikolu 64

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għal:

(a)

il-konnessjoni mal-infrastruttura tar-router;

(b)

l-integrazzjoni tas-sistemi u l-infrastruttura nazzjonali eżistenti tiegħu mar-router;

(c)

l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, l-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti tiegħu u tal-konnessjoni tiegħu mar-router;

(d)

il-konnessjoni mal-infrastruttura tal-EPRIS;

(e)

l-integrazzjoni tas-sistemi u l-infrastruttura nazzjonali eżistenti tiegħu mal-EPRIS;

(f)

l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, l-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti u tal-konnessjoni tiegħu mal-EPRIS;

(g)

il-ġestjoni tal-aċċess u l-arranġamenti għall-aċċess għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għar-router f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-ħolqien u l-aġġornament regolari ta’ lista ta’ dawk il-membri tal-persunal u l-profili tagħhom;

(h)

il-ġestjoni tal-aċċess u l-arranġamenti għall-aċċess għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-EPRIS f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-ħolqien u l-aġġornament regolari ta’ lista ta’ dawk il-membri tal-persunal u l-profili tagħhom;

(i)

il-ġestjoni tal-aċċess u l-arranġamenti għall-aċċess għall-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu għall-Eucaris f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-ħolqien u l-aġġornament regolari ta’ lista ta’ dawk il-membri tal-persunal u l-profili tagħhom;

(j)

il-konferma manwali minn persunal kwalifikat ta’ konkordanza kif imsemmi fl-Artikolu 6(6), l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 20(2);

(k)

l-iżgurar tad-disponibbiltà tad-data meħtieġa għall-iskambju tad-data f’konformità mal-Artikoli 5, 10, 16, 19 u 25;

(l)

l-iskambju ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikoli 6, 11, 16, 20 u 26;

(m)

il-korrezzjoni, l-aġġornament jew it-tħassir ta’ kwalunkwe data riċevuta minn Stat Membru rikjest fi żmien 48 siegħa min-notifika mill-Istat Membru rikjest li d-data sottomessa ma kinitx korretta, ma għadhiex aġġornata jew ġiet trażmessa b’mod illegali;

(n)

il-konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tad-data stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-konnessjoni tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu mar-router, mal-EPRIS u mal-Eucaris.

Artikolu 65

Responsabbiltajiet tal-Europol

1.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni, u għall-arranġamenti, tar-router, tal-EPRIS u tal-Eucaris għall-aċċess mill-persunal debitament awtorizzat tagħha għar-router, għall-EPRIS u għall-Eucaris f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-ipproċessar tat-tfittxijiet tad-data tal-Europol mir-router. Il-Europol għandha tadatta s-sistemi ta’ informazzjoni tagħha, skont il-ħtieġa.

3.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe adattament tekniku fl-infrastruttura tal-Europol meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-konnessjoni mar-router u mal-Eucaris.

4.   Mingħajr preġudizzju għat-tfittxijiet mill-Europol skont l-Artikolu 49, il-Europol ma għandu jkollha aċċess għall-ebda data personali pproċessata permezz tal-EPRIS.

5.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tal-EPRIS f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. L-EPRIS għandha tipprovdi l-funzjonalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 42 sa 46.

Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni teknika tal-EPRIS. Il-ġestjoni teknika tal-EPRIS għandha tikkonsisti fil-kompiti u fis-soluzzjonijiet tekniċi kollha meħtieġa sabiex l-infrastruttura ċentrali tal-EPRIS tibqa’ tiffunzjona u tipprovdi servizzi mingħajr interruzzjoni lill-Istati Membri 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Din għandha tinkludi x-xogħol ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-EPRIS tiffunzjona f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità teknika, b’mod partikulari fir-rigward tal-ħin għas-sottomissjoni ta’ talbiet lill-bażijiet ta’ data nazzjonali f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

6.   Il-Europol għandha tipprovdi taħriġ dwar l-użu tekniku tal-EPRIS.

7.   Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-proċeduri previsti fl-Artikoli 48 u 49.

Artikolu 66

Ir-Responsabilitajiet tal-eu-LISA matul il-fażijiet tad-disinn u l-iżvilupp tar-router

1.   L-eu-LISA għandha tiżgura li l-infrastruttura ċentrali tar-router tiġi operata f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-router għandu jkun ospitat mill-eu-LISA fis-siti tekniċi tagħha u għandu jipprovdi l-funzjonalitajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-sigurtà, tad-disponibbiltà, tal-kwalità u tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 67(1).

3.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tar-router u għal kwalunkwe adattament tekniku meħtieġ għall-operazzjonijiet tar-router.

4.   L-eu-LISA ma għandux ikollha aċċess għal kwalunkwe data personali proċessata permezz tar-router.

5.   L-eu-LISA għandha tiddetermina d-disinn tal-arkitettura fiżika tar-router, inklużi l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu, u l-evoluzzjoni tiegħu fir-rigward tal-infrastruttura ċentrali u l-infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura. Il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu japprova d-disinn, soġġett għal opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni. L-eu-LISA għandha timplimenta wkoll kwalunkwe adattament meħtieġ għall-komponenti tal-interoperabbiltà li jirriżultaw mill-istabbiliment tar-router kif previst minn dan ir-Regolament.

6.   L-eu-LISA għandha tiżviluppa u timplimenta r-router mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 37(6). Dak l-iżvilupp għandu jikkonsisti fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fl-ittestjar u fil-ġestjoni u fil-koordinazzjoni ġenerali tal-proġett.

7.   Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm msemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/817 u fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/818 għandu jiltaqa’ regolarment. Huwa għandu jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi tad-disinn u l-iżvilupp tar-router.

Kull xahar, il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jissottometti rapporti bil-miktub dwar il-progress tal-proġett lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat sabiex jirrappreżenta l-membri tal-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA.

Il-Grupp Konsultattiv dwar l-Interoperabbiltà imsemmi fl-Artikolu 78 għandu jiltaqa’ b’mod regolari sakemm jibda l-operat tar-router. Wara kull laqgħa għandu jirrapporta lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm. Huwa għandu jipprovdi għarfien espert tekniku sabiex isostni l-kompiti tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm u għandu jwettaq segwitu fir-rigward tal-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri.

Artikolu 67

Ir-Responsabilitajiet tal-eu-LISA wara l-bidu tal-operat tar-router

1.   Wara l-bidu tal-operat tar-router, l-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni teknika tal-infrastruttura ċentrali tar-router, inklużi l-manutenzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi tiegħu. F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, din għandha tiżgura li tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi tal-benefiċċji fil-konfront tal-kostijiet magħmula. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli wkoll għall-ġestjoni teknika tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni meħtieġa.

Il-ġestjoni teknika tar-router għandha tikkonsisti fil-kompiti u fis-soluzzjonijiet tekniċi kollha meħtieġa sabiex ir-router jiffunzjona u jipprovdi, mingħajr interruzzjoni, servizzi lill-Istati Membri u lill-Europol 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Hija għandha tinkludi x-xogħol ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa sabiex ikun żgurat li r-router jiffunzjona f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità teknika, b’mod partikulari fir-rigward tad-disponibbiltà u tal-ħin tar-rispons għas-sottomissjoni ta’ talbiet lill-bażijiet ta’ data nazzjonali u lid-data tal-Europol f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

Ir-router għandu jiġi żviluppat u ġestit b’tali mod li jiġi żgurat aċċess rapidu, effiċjenti u kontrollat, disponibbiltà sħiħa u mingħajr interruzzjoni, u ħin ta’ rispons f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-Europol.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (18), l-eu-LISA għandha tapplika regoli xierqa ta’ sigriet professjonali jew obbligi ekwivalenti oħrajn ta’ kunfidenzjalità għall-persunal tagħha li huwa meħtieġ jaħdem bid-data maħżuna fir-router. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawn il-membri tal-persunal iħallu l-kariga jew l-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħhom.

L-eu-LISA ma għandux ikollha aċċess għal kwalunkwe data personali proċessata permezz tar-router.

3.   L-eu-LISA għandha twettaq kompiti relatati mal-provvista ta’ taħriġ dwar l-użu tekniku tar-router.

KAPITOLU 8

Emendi ta’ strumenti eżistenti oħra

Artikolu 68

Emendi għad-Deċiżjonijiet 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI

1.   Fid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, l-Artikolu 1, il-punt (a), l-Artikoli 2 sa 6 u t-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu 2 huma sostitwiti fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mar-router stabbilit fl-Artikolu 75(1). Għalhekk, l-Artikolu 1, il-punt (a), l-Artikoli 2 sa 6 u t-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jitħassru mid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mar-router stabbilit fl-Artikolu 75(1).

2.   Fid-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-Kapitoli 2 sa 5 u l-Artikoli 18, 20 u 21 huma sostitwiti fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mar-router stabbilit fl-Artikolu 75(1). Għalhekk, il-Kapitoli 2 sa 5 u l-Artikoli 18, 20 u 21 tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI jitħassru mid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mar-router stabbilit fl-Artikolu 75(1).

Artikolu 69

Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1726

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 8d

Kompiti relatati mar-router ta’ Prüm II

Fir-rigward tar-router ta’ Prüm II, l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti mogħtija lilha mir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II) (ĠU L, 2024/982, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj)”;"

(2)

fl-Artikolu 17(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-kompiti relatati mal-iżvilupp u t-tmexxija operattiva msemmija fl-Artikolu 1(4) u (5), fl-Artikoli 3 sa 8 u l-Artikoli 8d, 9 u 11 għandhom jitwettqu fis-sit tekniku fi Strażburgu, Franza.”;

(3)

l-Artikolu 19(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(eeb)

jadotta rapporti dwar l-istat attwali tal-iżvilupp tar-router ta’ Prüm II skont l-Artikolu 80(2) tar-Regolament (UE) 2024/982,”;

(b)

il-punt (ff) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ff)

jadotta r-rapporti dwar il-funzjonament tekniku ta’ dan li ġej:

(i)

s-SIS skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u l-Artikolu 74(8) tar-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(ii)

l-VIS skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI;

(iii)

l-EES skont l-Artikolu 72(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(iv)

l-ETIAS skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (UE) 2018/1240;

(v)

l-ECRIS-TCN u tal-implimentazzjoni ta’ referenza ECRIS skont l-Artikolu 36(8) tar-Regolament (UE) 2019/816;

(vi)

il-komponenti ta’ interoperabbiltà skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 74(3) tar-Regolament (UE) 2019/818;

(vii)

is-sistema tal-eCODEX skont l-Artikolu 16(1) ta-Regolament (UE) 2022/850;

(viii)

il-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni tal-JITs skont l-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) 2023/969;

(ix)

ir-router ta’ Prüm II skont l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) 2024/982;

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).”;"

(c)

il-punt (hh) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(hh)

jadotta kummenti formali dwar ir-rapporti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-awditi tiegħu skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, l-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2018/1240, l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2019/816, l-Artikolu 52 tar-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 u l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2024/982 u jiżgura segwitu xieraq ta’ dawk l-awditi;”.

Artikolu 70

Emenda għar-Regolament (UE) 2019/817

Fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2019/817, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura bejn l-ESP u r-router stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

Artikolu 71

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/818

Ir-Regolament (UE) 2019/818 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6(2), jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura bejn l-ESP u r-router stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

(*5)  Ir-Regolament (UE) 2024/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-tiftix u l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija, u li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Prüm II) (ĠU, L 2024/982, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 39, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS) huwa stabbilit għall-finijiet ta’ għoti ta’ appoġġ għall-objettivi tas-SIS, tal-Eurodac u ECRIS-TCN, f’konformità mal-istrumenti legali rispettivi li jirregolaw dawk is-sistemi, u biex tiġi pprovduta data statistika bejn is-sistemi u rapportar analitiku għall-finijiet ta’ politika, operazzjonali u ta’ kwalità tad-data. Is-CRRS għandu jappoġġa wkoll l-objettivi tar-Regolament (UE) 2024/982.

2.   L-eu-LISA għandha tistabbilixxi, timplimenta u tospita fis-siti tekniċi tagħha s-CRRS li jkun fih id-data u l-istatistika msemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1862 u l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/816 li jkunu separati b’mod loġiku mis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE. L-eu-LISA għandha tiġbor ukoll id-data u l-istatistika mir-router imsemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2024/982. L-aċċess għas-CRRS għandu jingħata permezz ta’ aċċess sigur b’kontroll u profili ta’ utenti speċifiċi, unikament għall-fini ta’ rapportar u statistika, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1862, l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/816 u fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) 2024/982.”

KAPITOLU 9

Dispożizzjonijiet finali

Artititkolu 72

Rapportar u statistika

1.   Fejn meħtieġ. il-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni, tal-eu-LISA u tal-Europol għandu jkollu aċċess għad-data li ġejja relatata mar-router, esklużivament għall-finijiet ta’ rapportar u statistika:

(a)

in-numru ta’ tfittxijiet għal kull Stat Membru u n-numru ta’ tfittxijiet mill-Europol għal kull kategorija ta’ data;

(b)

in-numru ta’ tfittxijiet f’kull bażi ta’ data konnessa;

(c)

in-numru ta’ konkordanzi mal-bażi ta’ data ta’ kull Stat Membru għal kull kategorija ta’ data;

(d)

in-numru ta’ konkordanzi mad-data tal-Europol għal kull kategorija ta’ data;

(e)

in-numru ta’ konkordanzi kkonfermati fejn kien hemm skambji ta’ data ewlenija;

(f)

in-numru ta’ konkordanzi kkonfermati fejn ma kienx hemm skambji ta’ data ewlenija;

(g)

in-numru ta’ tfittxijiet fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità permezz tar-router; u

(h)

in-numru ta’ konkordanzi għal kull tip, kif ġej:

(i)

data identifikata (persuna) — data mhux identifikata (traċċa);

(ii)

data mhux identifikata (traċċa) — data identifikata (persuna);

(iii)

data mhux identifikata (traċċa) — data mhux identifikata (traċċa);

(iv)

data identifikata (persuna) — data identifikata (persuna).

Ma għandux ikun possibbli li jiġu identifikati individwi mid-data stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

2.   Il-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Europol għandu jkollu aċċess għad-data li ġejja relatata mal-Eucaris, esklużivament għall-finijiet ta’ rapportar u statistika:

(a)

in-numru ta’ tfittxijiet għal kull Stat Membru u n-numru ta’ tfittxijiet mill-Europol;

(b)

in-numru ta’ tfittxijiet f’kull bażi ta’ data konnessa; u

(c)

in-numru ta’ konkordanzi kontra l-bażi ta’ data ta’ kull Stat Membru.

Ma għandux ikun possibbli li jiġu identifikati individwi mid-data stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

3.   Il-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Europol għandu jkollu aċċess għad-data li ġejja relatata mal-EPRIS, esklużivament għall-finijiet ta’ rapportar u statistika:

(a)

in-numru ta’ tfittxijiet għal kull Stat Membru u n-numru ta’ tfittxijiet mill-Europol;

(b)

in-numru ta’ tfittxijiet f’kull indiċi konness; u

(c)

in-numru ta’ konkordanzi kontra l-bażi ta’ data ta’ kull Stat Membru.

Ma għandux ikun possibbli li jiġu identifikati individwi mid-data stabbilita fl-ewwel subparagrafu.

4.   L-eu-LISA għandha taħżen id-data stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika stabbilit bl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/818. L-Europol għandha taħżen id-data stabbilita fil-paragrafu 3. Dik id-data għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol jiksbu rapporti u statistika adattati sabiex itejbu l-effiċjenza tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.

Artikolu 73

Kostijiet

1.   Il-kostijiet imġarrba b’rabta mal-istabbiliment u mal-operat tar-router u tal-EPRIS għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2.   Il-kostijiet imġarrba b’rabta mal-integrazzjoni tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti u l-konnessjonijiet tagħha mar-router u mal-EPRIS u l-kostijiet imġarrba b’rabta mal-istabbiliment ta’ bażijiet ta’ data nazzjonali tal-immaġni tal-wiċċ u indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Il-kostijiet li ġejjin għandhom jiġu esklużi:

(a)

l-uffiċċju tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-proġetti (laqgħat, missjonijiet, uffiċċji);

(b)

l-ospitar ta’ sistemi tal-IT nazzjonali (spazju, implimentazzjoni, elettriku, tkessiħ);

(c)

it-tħaddim ta’ sistemi tal-IT nazzjonali (operaturi u kuntratti ta’ appoġġ);

(d)

id-disinn, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, l-operat u l-manutenzjoni ta’ networks nazzjonali ta’ komunikazzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-Eucaris.

4.   Kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-konnessjonijiet tiegħu mar-router u mal-EPRIS.

Artikolu 74

Notifiki

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-eu-LISA dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 36. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jużaw jew ikollhom aċċess għar-router.

2.   L-eu-LISA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar it-tlestija b’suċċess tat-test imsemmi fl-Artikolu 75(1), il-punt (b).

3.   L-Europol għandha jinnotifika lill-Kummissjoni bit-tlestija b’suċċess tat-test imsemmi fl-Artikolu 75(3), il-punt (b).

4.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-kontenut tal-bażijiet ta’ data tad-DNA nazzjonali tagħhom u dwar il-kondizzjonijiet għal tfittxijiet awtomatizzati li għalihom japplikaw l-Artikoli 5 u 6.

5.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-kontenut tal-bażijiet ta’ data dattiloskopiċi nazzjonali tagħhom u l-kundizzjonijiet għat-tfittxijet awtomatizzati li għalihom japplikaw l-Artikoli 10 u 11.

6.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-kontenut tal-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħhom dwar l-immaġni tal-wiċċ u l-kundizzjonijiet għat-tfittxijiet awtomatizzati li għalihom japplikaw l-Artikoli 19 u 20.

7.   L-Istati Membri li jipparteċipaw fi skambji awtomatizzati ta’ rekords tal-pulizija skont l-Artikoli 25 u 26 għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Europol dwar il-kontenut tal-indiċijiet tar-rekord tal-pulizija nazzjonali tagħhom u tal-bażijiet ta’ data nazzjonali użati għall-istabbiliment ta’ dawk l-indiċijiet u l-kundizzjonijiet għat-tfittxijiet awtomatizzati.

8.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Europol dwar il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom maħtur skont l-Artikolu 30. Il-Kummissjoni għandha tikkompila lista tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali nnotifikati lilha u tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri kollha.

Artikolu 75

Bidu tal-operat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-Istati Membri u l-Europol jistgħu jibdew jużaw ir-router permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(3), l-Artikolu 8(2) u (3), l-Artikolu 13(2) u (3), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 22(2) u (3), l-Artikolu 31 u l-Artikolu 37(6) ġew adottati;

(b)

l-eu-LISA tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tar-router, li hija tkun wettqet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Europol.

Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu, id-data minn meta l-Istati Membri u l-Europol għandhom jibdew jużaw ir-router. Dik id-data għandha tkun sena wara d-data determinata f’konformità mal-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni tista’ tipposponi b’mhux aktar minn sena d-data li minnha l-Istati Membri u l-Europol għandhom jibdew jużaw ir-router meta valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-router turi li tali posponiment huwa meħtieġ.

2.   Sentejn wara l-bidu tal-operat tar-router, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tal-immaġnijiet tal-wiċċ kif imsemmi fl-Artikolu 19, għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta’ immaġnijiet tal-wiċċ kif imsemmi fl-Artikolu 20.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-Istati Membri u l-Europol għandhom jibdew jużaw l-EPRIS permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-miżuri msemmija fl-Artikolu 44(6) ġew adottati;

(b)

il-Europol tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tal-EPRIS, li hija tkun wettqet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-Europol għandha tagħmel disponibbli data bijometrika derivata minn pajjiżi terzi lill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 48 permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-router ikun operattiv;

(b)

il-Europol tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tal-konnessjoni tagħha mar-router, li hija tkun wettqet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-eu-LISA.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-Europol għandu jkollha aċċess għad-data maħżuna fil-bażijiet ta’ data tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 49 permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-router ikun operattiv;

(b)

il-Europol tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tal-konnessjoni tagħha mar-router, li hija tkun wettqet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-eu-LISA.

6.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 76

Dispożizzjonijiet tranżitorji u derogi

1.   L-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jibdew japplikaw l-Artikoli 19 sa 22, l-Artikolu 47 u l-Artikolu 49(6) mid-data determinata f’konformità mal-Artikolu 75(1), l-ewwel subparagrafu, bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri li ma kinux bdew jużaw ir-router.

2.   L-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jibdew japplikaw l-Artikoli 25 sa 28 u l-Artikolu 49(4) mid-data determinata f’konformità mal-Artikolu 75(3).

3.   L-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jibdew japplikaw l-Artikolu 48 mid-data determinata f’konformità mal-Artikolu 75(4).

4.   L-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jibdew japplikaw l-Artikolu 49(1), (2), (3), (5) u (7) mid-data determinata f’konformità mal-Artikolu 75(5).

Artikolu 77

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 78

Grupp konsultattiv dwar l-Interoperabbiltà

Ir-responsabbiltajiet tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Interoperabbiltà, stabbilit bl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) 2019/817 u l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2019/818, għandhom jiġu estiżi sabiex ikopru r-router. Dak il-Grupp Konsultattiv dwar l-Interoperabbiltà għandu jipprovdi lill-eu-LISA bil-kompetenzi esperti relatati mar-router, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u r-rapport ta’ attività annwali tagħha.

Artikolu 79

Manwal prattiku

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-eu-LISA, mal-Europol u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni manwal prattiku għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-manwal prattiku għandu jipprovdi linji gwida tekniċi u operazzjonali, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal prattiku fil-forma ta’ rakkomandazzjoni qabel il-bidu tal-operat ta’ kemm ir-router u kemm l-EPRIS. Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-manwal prattiku b’mod regolari u fejn meħtieġ.

Artikolu 80

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   L-eu-LISA għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tar-router fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet u li jiġi mmonitorjat il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi relatati mal-output tekniku, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.

Il-Europol għandu jiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tal-EPRIS fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet, u li jiġi mmonitorjat il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi relatati mal-output tekniku, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.

2.   Sas-26 ta’ April 2025 u kull sena wara dan matul il-fażi tal-iżvilupp tar-router, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-iżvilupp tar-router. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li seta’ jkollu impatt fuq il-kostijiet ġenerali li kienu se jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 73.

Ladarba jiġi ffinalizzat l-iżvilupp tar-router, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega fid-dettall kif ikunu ntlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet, u li jiġġustifika kwalunkwe diverġenza.

3.   Sas-26 ta’ April 2025 u kull sena wara dan matul il-fażi tal-iżvilupp tal-EPRIS, il-Europol għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-iżvilupp tal-EPRIS. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet imġarrba u informazzjoni dwar kwalunkwe riskju li seta’ jkollu impatt fuq il-kostijiet ġenerali li kienu se jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 73.

Ladarba jiġi ffinalizzat l-iżvilupp tal-EPRIS, il-Europol għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega fid-dettall kif ikunu ntlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-kostijiet, u li jiġġustifika kwalunkwe diverġenza.

4.   Għall-finijiet tal-manutenzjoni teknika, l-eu-LISA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa marbuta mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fir-router. Għall-finijiet tal-manutenzjoni teknika, l-Eurpol għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa marbuta mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mwettqa fl-EPRIS.

5.   Sentejn wara li jkun beda jopera ir-router u kull sentejn wara dan, l-eu-LISA għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tekniku tar-router, inkluż is-sigurtà tiegħu.

6.   Sentejn wara li tkun bdiet titħaddem l-EPRIS u kull sentejn wara dan, il-Europol għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tekniku tal-EPRIS, inkluż is-sigurtà tagħha.

7.   Tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tar-router u tal-EPRIS kif imsemmi fl-Artikolu 75 u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport dwar l-evalwazzjoni ġenerali tal-qafas ta’ Prüm II.

Sena wara li jkun beda jopera r-router u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jevalwa l-użu tal-immaġnijiet tal-wiċċ skont dan ir-Regolament.

Ir-rapporti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-użu tiegħu minn kull Stat Membru u mill-Europol;

(b)

eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali;

(c)

l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-prestazzjoni tal-qafas ta’ Prüm II u l-prattiki ta’ ħidma tiegħu fid-dawl tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tiegħu;

(d)

valutazzjoni tas-sigurtà tal-qafas ta’ Prüm II.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk ir-rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

8.   Fir-rapporti kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-kategoriji l-ġodda ta’ data li ġejjin: l-immaġnijiet tal-wiċċ u r-rekords tal-pulizija. Il-Kummissjni għandha tinkludi fit-tali rapporti l-użu magħmul minn kull Stat Membru u l-Europol ta’ dawk il-kategoriji l-ġodda ta’ data u l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tagħhom. Fir-rapporti kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lir-riskju ta’ tqabbil falz u lill-kwalità tad-data.

9.   L-Istati Membri u l-Europol għandhom jipprovdu lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jabbozzaw ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 2 u 5. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta’ ħidma jewtiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

10.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Europol bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jitħejjew r-rapporti msemmija fil-paragrafi 3 u 6. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta’ ħidma jew tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

11.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, l-Istati Membri, l-eu-LISA u l-Europol għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tipproduċi r-rapporti msemmija fil-paragrafu 7. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni bin-numru ta’ konkordanzi konfermati meta mqabbla kontra l-bażi ta’ data ta’ kull Stat Membru għal kull kategorija u għal kull tip ta’ data. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta’ ħidma jew tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Artikolu 81

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 323, 26.8.2022, p. 69.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar, 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2023/977 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (ĠU L 134, 22.5.2023, p. 1).

(11)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

(15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(16)   ĠU C 225, 9.6.2022, p. 6.

(17)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80).

(18)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/982/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)