European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/435

1.2.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/435

tad-29 ta’ Jannar 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdanB il-Kumitat Konġunt tas-CETA stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8 -A, l-Artikolu 8.9 u l-Artikolu 8.39 tiegħu f’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e) tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 (1) tistipula l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2016.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (3) tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet mill-Ftehim. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.

(3)

Skont l-Artikolu 26.1.5(e) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandu s-setgħa jadotta interpretazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, li għandhom ikunu vinkolanti għat-tribunali stabbiliti skont it-Taqsima F tal-Kapitolu Tmienja (Soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati) u l-Kapitolu Disgħa u Għoxrin (Soluzzjoni tat-Tilwim) tal-Ftehim.

(4)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1062 (4), il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandu s-setgħa li jadotta Interpretazzjonijiet tal-Ftehim.

(5)

Il-Kumitat Konġunt tas-CETA għandu jadotta bi proċedura bil-miktub Interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9 u l-Artikolu 8.39 tal-Ftehim.

(6)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tas-CETA abbażi tal-abbozz ta’ Interpretazzjoni mehmuż tal-Kumitat Konġunt tas-CETA, peress li jiċċara l-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9 u l-Artikolu 8.39 tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottataf’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tas-CETA fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Interpretazzjoni tal-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9 u l-Artikolu 8.39 tal-Ftehim, f’konformità mal-Artikolu 26.1.5(e) tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Interpretazzjoni tal-Kumitat Konġunt tas-CETA mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, l-Interpretazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).

(2)   ĠU L 11, 14.1.2017, p. 23.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1062 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt CETA stabbilit mill-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat Konġunt CETA u l-kumitati speċjaliżżati (ĠU L 190, 27.7.2018, p. 13).


Abbozz

INTERPRETAZZJONI Nru …/2024 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAS-CETA

ta’ …

rigward l-Artikolu 8.10, l-Anness 8-A, l-Artikolu 8.9 u l-Artikolu 8.39 tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA)

IL-KUMITAT KONĠUNT TAS-CETA,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 26.1.5(e) tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (Comprehensive Economic and Trade Agreement, CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016,

Filwaqt li jfakkar fil-fehim komuni espress fit-Taqsima 6 tal-Istrument Interpretattiv Konġunt dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (2),

Bl-għan li jiġu ċċarati aktar l-intenzjonijiet tal-Partijiet skont il-Kapitolu Tmienja (Investiment), fir-rigward ta’ ċerti elementi tal-Artikolu 8.10 (Trattament tal-investituri u l-investimenti koperti) u l-Anness 8-A (Esproprjazzjoni), l-Artikolu 8.9 (Investiment u miżuri regolatorji) u l-Artikolu 8.39 (Għoti finali) tal-Ftehim,

ADOTTA L-INTERPRETAZZJONI LI ĠEJJA:

1.

Trattament ġust u ekwu

Għal ċertezza akbar, l-obbligu tat-trattament ġust u ekwu fl-Artikolu 8.10 tal-Ftehim għandu jiġi interpretat kif ġej:

(a)

Il-lista ta’ elementi fl-Artikolu 8.10.2 hija eżawrjenti;

(b)

Pretensjoni ta’ ċaħda ta’ ġustizzja skont l-Artikolu 8.10.2(a) tirrikjedi eżawriment minn qabel tar-rimedji lokali ħlief jekk ma jkun hemm l-ebda rimedju lokali raġonevolment disponibbli biex jiġi pprovdut rimedju effettiv, jew jekk ir-rimedji lokali ma jipprovdu l-ebda possibbiltà raġonevoli ta’ tali rimedju.

Fid-determinazzjoni ta’ jekk hemmx ċaħda ta’ ġustizzja, it-Tribunal jenħtieġ li jkun konxju li mhuwiex qorti tal-appell tad-deċiżjonijiet tal-qrati domestiċi u jenħtieġ li ma jwettaqx stħarriġ tal-merti tad-deċiżjonijiet tal-qrati domestiċi.

(c)

Sabiex ikun hemm ċaħda ta’ ġustizzja u ksur fundamentali ta’ proċess ġust skont it-tifsira tal-Artikolu 8.10.2(a) u (b), irid ikun hemm imġiba proċedurali mhux xierqa u flagranti fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi, li ma tissodisfax l-istandards bażiċi aċċettati internazzjonalment ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja u ta’ proċess ġust, u li tissorprendi sens ta’ kondotta ġudizzjarja xierqa bħar-rifjut bla bażi ta’ aċċess għall-qrati jew rappreżentanza legali, in-nuqqas ta’ għoti ta’ opportunità għal smigħ, trattament diskriminatorju mill-qrati, aġġudikaturi b’mod ċar preġudikati u korrotti, nuqqas sħiħ jew mhux ġustifikabbli ta’ trasparenza tal-proċedimenti, bħal nuqqas ta’ notifika tal-proċedimenti jew raġunijiet għad-deċiżjoni.

(d)

Miżura tkun manifestament arbitrarja skont it-tifsira tal-Artikolu 8.10.2(c) meta jkun evidenti li l-miżura ma tkunx marbuta b’mod razzjonali ma’ objettiv leġittimu ta’ politika, bħal meta miżura tkun ibbażata fuq preġudizzju aktar milli fuq raġuni jew fatt.

(e)

Miżura jew serje ta’ miżuri jikkostitwixxu “diskriminazzjoni mmirata għal raġunijiet manifestament żbaljati bħall-ġeneru, ir-razza jew it-twemmin reliġjuż” skont it-tifsira tal-Artikolu 8.10.2(d) jekk il-miżura jew is-serje ta’ miżuri jindividwaw lill-investitur fl-għoti ta’ trattament differenzjali bbażat fuq raġunijiet illeġittimi bħall-ġeneru, ir-razza jew it-twemmin reliġjuż. L-Artikolu 8.10.2(d) ma għandux jiġi interpretat bħala li jwaqqaf lill-Partijiet milli jagħtu trattament preferenzjali biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jew razzjali jew biex inkella jindirizzaw is-sottorappreżentanza ta’ gruppi soċjoekonomikament żvantaġġati.

(f)

Determinazzjoni li miżura jew serje ta’ miżuri jikkostitwixxu “trattament abbużiv tal-investituri, bħal koerċizzjoni, forza u fastidju” skont it-tifsira tal-Artikolu 8.10.2(e) teħtieġ sejba ta’ mġiba ħażina serja minn Parti. Meta ssir tali determinazzjoni, kunsiderazzjonijiet rilevanti jistgħu jinkludu l-ħsara jew il-ħsara mhedda lill-investitur bħal jekk l-episodji ta’ allegat fastidju jew koerċizzjoni ġewx ripetuti u sostnuti; u r-raġunament għall-azzjonijiet tal-Parti, bħal pereżempju jekk l-awtoritajiet kinux qed jaġixxu fl-ambitu tal-awtorità tagħhom jew jekk kienx hemm abbuż ta’ poter.

(g)

Skont l-Artikolu 8.10.4, rappreżentazzjonijiet magħmula lil investitur jistgħu jitqiesu biss sa fejn huma jkunu rilevanti bħala fattur fid-determinazzjoni ta’ ksur ta’ trattament ġust u ekwu kif stabbilit fl-Artikolu 8.10.2. Aspettattivi leġittimi ma jistgħux jirriżultaw minn rappreżentazzjonijiet jekk investitur prudenti u infurmat ma kienx jiddependi b’mod raġonevoli fuq ir-rappreżentazzjonijiet biex jagħmel l-investiment, b’mod partikolari minħabba li r-rappreżentazzjonijiet ma kinux speċifiċi u mhux ambigwi biżżejjed u ma kellhomx il-grad meħtieġ ta’ formalità pereżempju minħabba li ma sarux bil-miktub mill-awtorità kompetenti ta’ Parti.

2.

Esproprjazzjoni indiretta

(a)

Għal ċertezza akbar, esproprjazzjoni indiretta tista’ sseħħ biss jekk l-investitur ikun ġie radikalment imċaħħad mill-użu, mit-tgawdija u mid-disponiment tal-investiment tiegħu, daqslikieku d-drittijiet relatati miegħu ma baqgħux jeżistu.

(b)

Meta jiġi vvalutat it-“tul ta’ żmien tal-miżura jew tas-serje ta’ miżuri” skont it-tifsira tal-Paragrafu 2(b) tal-Anness 8-A tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat jekk l-interferenza mad-dritt ta’ proprjetà hijiex temporanja, f’liema każ mhux probabbli li tammonta għal esproprjazzjoni indiretta, jew permanenti, għalkemm il-fatt waħdu li miżura tkun permanenti ma jistabbilixxix li tkun seħħet esproprjazzjoni indiretta.

(c)

L-“aspettattivi distinti u raġonevoli appoġġati mill-investiment” fil-paragrafu 2(c) tal-Anness 8-A tal-Ftehim, jirreferu għall-aspettattivi li investitur prudenti u infurmat seta’ raġonevolment ifforma u li kienu invokati fit-twettiq tal-investiment. Għal ċertezza akbar, jekk l-aspettattivi appoġġati mill-investiment ta’ investitur humiex raġonevoli jiddependi, sa fejn ikun rilevanti, fuq fatturi bħal jekk il-Parti kkonċernata pprovdietx lill-investitur b’assigurazzjonijiet bil-miktub vinkolanti u fuq in-natura u l-firxa tar-regolamentazzjoni governattiva jew fuq il-potenzjal għal regolamentazzjoni governattiva fis-settur rilevanti.

(d)

L-impatt ta’ miżura jew serje ta’ miżuri jidher “manifestament eċċessiv” skont it-tifsira tal-paragrafu 3 tal-Anness 8-A tal-Ftehim jekk ikun b’mod ċar u ovvju eċċessiv fid-dawl tal-objettivi ta’ politika maħsuba.

(e)

Għal ċertezza akbar, il-miżuri ta’ Parti li huma mfassla u applikati biex jipproteġu l-objettivi leġittimi tal-benessri pubbliku imsemmija fil-paragrafu 3 tal-Anness 8-A tal-Ftehim, jinkludu miżuri meħuda sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima jew biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi preżenti jew futuri tiegħu. Tali miżuri ma jikkostitwixxux esproprjazzjoni indiretta sakemm l-impatt tagħhom ma jkunux eċċessiv b’mod ċar u ovvju fid-dawl tal-objettivi ta’ politika maħsuba.

3.

Tibdil fil-Klima

(a)

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt tagħhom li jirregolaw fi ħdan it-territorju tagħhom sabiex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika sabiex jipproteġu l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 8.9.1 tal-Ftehim, inkluż billi jieħdu miżuri sabiex itaffu jew jikkumbattu t-tibdil fil-klima jew sabiex jindirizzaw il-konsegwenzi preżenti jew futuri tiegħu.

(b)

Meta jinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim, it-Tribunal għandu jqis kif xieraq l-impenji tal-Partijiet skont ftehimiet ambjentali multilaterali, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi (3), magħmul f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015. B’mod partikolari, id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont il-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim jenħtieġ li jiġu interpretati b’mod li jappoġġa l-kapaċità tal-Partijiet li jagħtu effett lill-impenji rispettivi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra billi jadottaw jew iżommu miżuri mfassla u applikati biex itaffu jew jiġġieldu t-tibdil fil-klima jew jindirizzaw il-konsegwenzi preżenti jew futuri tiegħu.

4.

Ħarsien tal-interessi essenzjali tas-sigurtà

Il-partijiet jaffermaw mill-ġdid li, skont l-Artikolu 28.6 tal-Ftehim, xejn fil-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jipprevjeni lill-Parti milli tieħu azzjoni li hija tqis neċessarja sabiex tipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha fi żmien ta’ gwerra jew emerġenza oħra fir-relazzjonijiet internazzjonali, inkluż kwalunkwe miżura li taffettwa lill-investituri jew l-investimenti tagħhom.

5.

Ħarsien tad-drittijiet fundamentali

Għal aktar ċertezza, id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw sabiex jiksbu objettivi leġittimi ta’ politika, kif imsemmi fl-Artikolu 8.9.1 tal-Ftehim , jinkludi miżuri meħuda għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata f’Pariġi fl-10 ta’ Diċembru 1948.

6.

Kalkolu tad-danni monetarji li jirriżultaw mill-pretensjonijiet tal-investituri

(a)

Għal aktar ċertezza, danni monetarji skont l-Artikolu 8.39.3 tal-Ftehim,

(i)

ma għandhomx ikunu akbar mit-telf jew ħsara mġarrba mill-investitur, jew, kif applikabbli, mill-intrapriża stabbilita lokalment, kif ivvalutat fid-data tal-ksur;

(ii)

għandhom jirriflettu biss telf jew ħsara mġarrba minħabba l-ksur jew li jirriżultaw minnu; kif ukoll

(iii)

għandhom jiġu ddeterminati b’ċertezza raġonevoli, u ma għandhomx ikunu spekulattivi jew ipotetiċi.

(b)

It-Tribunal għandu jikkalkula d-danni monetarji abbażi biss tas-sottomissjonijiet tal-partijiet litiganti, u għandu jikkunsidra, kif applikabbli:

(i)

ħtija kontributorja, kemm jekk intenzjonata kif ukoll jekk b’negliġenza;

(ii)

nuqqas ta’ mitigazzjoni jew prevenzjoni tad-danni;

(iii)

danni minn qabel jew kumpens riċevut għall-istess telf inkluż kumpens riċevut taħt skema ta’ kumpens domestiku; jew

(iv)

restituzzjoni ta’ proprjetà, jew tħassir jew modifika tal-miżura.

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat Konġunt tas-CETA

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 11, 14.1.2017, p.23.

(2)   ĠU UE L 11, 14.1.2017, p. 3.

(3)   ĠU UE L 282, 19.10.2016, p.4.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/435/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)