European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2467

6.11.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2467

tat-23 ta’ Ottubru 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 (1) tipprevedi l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra. Is-CETA ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2016.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 (2) tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet tas-CETA, inkluż l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali (il-“Kumitat MRA”). Is-CETA ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.

(3)

Fit-22 ta’ Mejju 2018, l-Organizzazzjonijiet Regolatorji għall-Arkitettura (“Regulatory Organizations for Architecture in Kanada”) fil-Kanada (ROAC (preċedentement magħrufa bħala l-Awtoritajiet Kanadiżi li jipprovdu l-Liċenzji lill-Periti (“Canadian Architectural Licensing Authorities”) (CALA)) u l-Kunsill tal-Periti tal-Ewropa (Architects Council of Europe, ACE) ippreżentaw Rakkomandazzjoni Konġunta lill-Kumitat MRA. Fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ April 2019, il-Kumitat MRA qabel li r-rekwiżiti tal-Kapitolu Ħdax tas-CETA ġew issodisfati u d-dokumenti pprovduti mill-ROAC u l-ACE jikkostitwixxu Rakkomandazzjoni Konġunta aċċettabbli għal Ftehim dwar Rikonoxximent Reċiproku (MRA), b’mod partikolari fir-rigward tal-valur potenzjali tiegħu u l-kompatibbiltà tar-reġimi ta’ liċenzjar jew ta’ kwalifika tal-Partijiet.

(4)

Fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2020, il-Kumitat MRA stabbilixxa l-entitajiet ta’ negozjar u stabbilixxa l-passi biex jinnegozja MRA. Bejn l-24 ta’ Marzu 2021 u l-10 ta’ Marzu 2022 saru sensiela ta’ disa’ ċikli ta’ negozjati.

(5)

L-abbozz tal-MRA li ġie nnegozjat bejn l-Unjoni u l-Kanada jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali skont kundizzjonijiet speċifiċi u stretti. Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali Kanadiżi, l-abbozz tal-MRA jeħtieġ mhux anqas minn 12-il sena ta’ edukazzjoni, taħriġ u esperjenza professjonali bħala perit, liċenzja professjonali valida jew reġistrazzjoni bħala perit minn awtorità kompetenti fil-Kanada u reputazzjoni tajba. Ir-rekwiżit li tinkiseb liċenzja professjonali valida jew reġistrazzjoni bħala perit jimplika l-konklużjoni ta’ studji f’konformità mal-Canadian Education Standard u s-sistema ta’ akkreditazzjoni tal-Canadian Architects Certification Board. Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kisba ta’ reġistrazzjoni jew liċenzja kienet il-bażi għall-konklużjoni tar-Rakkomandazzjoni Konġunta dwar l-aċċettazzjoni tar-rikonoxximent tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ prattiku tal-periti fil-Kanada.

(6)

L-MRA ser jistabbilixxi regoli li jirregolaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-periti u l-aċċess għal attivitajiet arkitettoniċi professjonali fiż-żewġ Partijiet u għaldaqstant ser jiffaċilita l-kummerċ fis-servizzi arkitettoniċi.

(7)

Il-Kumitat MRA għandu jadotta deċiżjoni dwar MRA.

(8)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat MRA fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar MRA, peress li l-MRA se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(9)

Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat MRA jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professjonali (il-“Kumitat MRA”) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat MRA mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

L. PLANAS PUCHADES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU … TAL-KUMITAT KONĠUNT DWAR IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU TAL-KWALIFIKI PROFESSJONALI

ta’ ...

li tistabbilixxi ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti

IL-KUMITAT KONĠUNT DWAR IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU TAL-KWALIFIKI PROFESSJONALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016, b’mod partikolari l-Artikoli 11.3.6 tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA, partijiet mis-CETA ġew applikati b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.

(2)

L-Artikolu 11.3.6 tas-CETA jipprevedi li l-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali (il- 'Kumitat') għandu jadotta Ftehim dwar Rikonoxximent Reċiproku (MRA) permezz ta’ deċiżjoni jekk fil-fehma tal-Kumitat l-MRA jkunx konsistenti mas-CETA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

B'dan il-Kumitat jadotta l-MRA tal-Periti stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

2.

Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din id-Deċiżjoni jestendi għall-pajjiżi li jaderixxu mal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30.10 tas-CETA.

3.

Għal aktar ċertezza, is-CETA japplika għal din id-Deċiżjoni, inklużi l-proċeduri tiegħu għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Kapitolu Disgħa u għoxrin u l-eċċezzjonijiet fil-Kapitolu Tmienja u għoxrin.

4.

Għal aktar ċertezza, xejn f'din id-Deċiżjoni ma jżomm lil Parti milli tapplika miżuri biex tirregola d-dħul ta' persuni fiżiċi u s-soġġorn tagħhom fit-territorju tagħha, inklużi dawk il-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tal-integrità ta' persuni fiżiċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment organizzat tagħhom fuq il-konfini tagħha, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jannullaw jew jikkompromettu l-benefiċċji ta' kwalunkwe Parti li jirriżultaw mit-termini tal-Kapitolu Għaxra tas-CETA. Il-fatt biss ta' ħtieġa ta' viża għall-persuni fiżiċi ta' ċertu pajjiż u mhux għal dawk ta' oħrajn ma għandux jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jannulla jew jikkomprometti l-benefiċċji skont it-termini tal-Kapitolu Għaxra tas-CETA.

5.

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt li jirregolaw u li jintroduċu regolamenti ġodda li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku, biex jiksbu objettivi ta' politika pubblika leġittimi, bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

6.

Jekk l-Unjoni Ewropea jkollha l-ħsieb li tintroduċi kors ta’ prereġistrazzjoni online skont l-Artikolu 5(4) tal-MRA tal-Periti, hija għandha tinforma lill-Kumitat kmieni biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi diskuss l-impatt potenzjali tiegħu fuq din id-Deċiżjoni.

7.

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-MRA tal-Periti tista’ tinġabar f’dokument tal-Kumitat u tiġi ppubblikata mill-Partijiet.

8.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara d-data li tiġi adottata mill-Kumitat. Issir vinkolanti wara li l-Kumitat jiġi nnotifikat minn kull Parti dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti interni rispettivi tagħhom f’konformità mal-Artikolu 11.3.6 tas-CETA. Għal aktar ċertezza, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-periti skont din id-Deċiżjoni ma għandux jingħata qabel ma din id-Deċiżjoni ssir vinkolanti.

9.

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tibqa’ effettiva u vinkolanti jekk is-CETA ma jidħolx fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA tintemm f’konformità mas-subparagrafu (d) tal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA, jew jekk is-CETA jiġi tterminat skont l-Artikolu 30.9.1 tas-CETA.

10.

Fir-rigward tal-Kanada, ir-rekwiżiti interni msemmija fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni jinkludu r-ratifika mill-korpi regolatorji kollha li jiffurmaw ir-Regulatory Organizations of Architecture in Canada u, jekk ikun hemm, l-azzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji rilevanti tal-Provinċji u t-Territorji. Għal aktar ċertezza, il-Provinċji u t-Territorji skont l-awtorità kostituzzjonali tagħhom fil-Kanada li jirregolaw il-kwalifiki u s-servizzi professjonali, jistgħu jiddelegaw awtoritajiet speċifiċi lill-korpi regolatorji tagħhom fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, fid-diskrezzjoni tagħhom.

11.

Jekk Parti tagħmel talba bil-miktub lill-Kumitat li din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi revokata, din id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata u ma għandhiex tibqa vinkolanti fuq il-Partijiet, dment li l-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor fi żmien 90 jum minn meta tasal tali talba.

12.

Fil-każ tar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, jew it-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu skont l-Artikolu 30.9.1 jew is-subparagrafu (d) tal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA, id-deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali tal-periti li jinħarġu b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni qabel id-data tar-revoka jew tat-terminazzjoni jibqgħu validi. Fil-każ tar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, jew it-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu, kwalunkwe applikazzjoni għal rikonoxximent li tiġi ppreżentata lil Parti qabel id-data tat-talba għal revoka ta’ din id-Deċiżjoni jew id-data tat-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tagħha għandha tiġi vvalutata u kkompletata skont it-termini ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, jew it-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu skont l-Artikolu 30.9.1 jew is-subparagrafu (d) tal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu tal-periti li jġeddu l-awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi fil-ġurisdizzjoni ospitanti tagħhom.

13.

Parti li tkun talbet ir-revoka ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tinnotifika lill-Kumitat bil-miktub meta tkun tixtieq terġa’ tapplika din id-Deċiżjoni. Il-Kumitat jista’ jadotta deċiżjoni għal dan il-għan fi żmien tliet snin mid-data tar-revoka u dik id-deċiżjoni tal-Kumitat għandha ssir vinkolanti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni.

14.

Din id-Deċiżjoni hija mfassla f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, fejn kull verżjoni hija awtentika daqs l-oħra.

Għall-KUMITAT KONĠUNT DWAR IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU TAL-KWALIFIKI PROFESSJONALI,

Il-Kopresidenti


ANNESS

Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali tal-Periti

L-UNJONI EWROPEA u L-KANADA,

minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien bħala “il-Partijiet”,

determinati li:

(1)

JISTABBILIXXU qafas biex jinkiseb reġim ġust, trasparenti u konsistenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-professjoni tal-periti;

U

(2)

FILWAQT LI JAFFERMAW l-impenji tagħhom bħala Partijiet għall-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, min-naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016;

(3)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-awtorità tal-Gvernijiet Provinċjali u Territorjali fil-Kanada fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kwalifiki u s-servizzi professjonali fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

(4)

FILWAQT LI JIMPLIMENTAW il-Kapitolu Ħdax tas-CETA dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-professjoni tal-periti;

(5)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħidma preparatorja u r-Rakkomandazzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-Periti tal-Ewropa u r-Regulatory Organizations of Architecture in Canada;

(6)

FILWAQT LI JFAKKRU li t-tariffi li l-applikanti jistgħu jġarrbu b'rabta mal-applikazzjoni tagħhom jenħtieġ li tkun raġonevoli u proporzjonata mal-kostijiet imġarrba, u jenħtieġ li minnhom infushom ma jillimitawx il-forniment ta' servizz jew it-twettiq ta' kwalunkwe attività ekonomika oħra koperta mis-CETA;

(7)

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-istandards għoljin tal-edukazzjoni u t-taħriġ prattiku tal-periti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fil-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada, li jikkunsidraw it-tradizzjonijiet nazzjonali, edukattivi differenti u jippermettu elementi ta’ ekwivalenza;

(8)

FILWAQT LI JINKORAĠĠIXXU l-kummerċ fis-servizzi arkitettoniċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali li jippermettu r-reġistrazzjoni jew il-liċenzjar sussegwenti tal-periti fil-Parti l-oħra;

(9)

FILWAQT LI JINNOTAW il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Kanadiż (1), li fih dispożizzjonijiet dwar il-mobbiltà domestika tal-forza tax-xogħol fil-Kanada;

(10)

FILWAQT LI JFAKKAR li applikant li t-talba tiegħu għal rikonoxximent ġiet miċħuda skont dan il-Ftehim jista’ jirrikorri għall-proċeduri ta’ rieżami speċifikati skont l-Artikolu 12.3.6 tas-CETA,

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Kuntest u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li skonthom ġurisdizzjoni ta’ Parti waħda, li tirregola l-aċċess għal jew it-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi billi tirrikjedi kwalifiki professjonali speċifiċi, għandha tirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali li jagħtu aċċess għal attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra.

2.   Dan il-Ftehim japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u għal ċittadini tal-Kanada li jkunu jridu jibdew u jwettqu attivitajiet arkitettoniċi għal rashom jew bħala impjegati.

3.   Dan il-Ftehim ma japplikax għal periti li huma awtorizzati li jwettqu attivitajiet arkitettoniċi fil-Kanada jew fl-Unjoni Ewropea skont ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku ma’ parti terza.

4.   Mingħajr preġudizzju għal dan il-Ftehim, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada jistgħu jirrikonoxxu, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, il-kwalifiki professjonali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikoli 1.1, 1.2 u 11.1 tas-CETA. Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll u jissostitwixxu d-definizzjonijiet fl-Artikoli 1.1, 1.2 u 11.1 tas-CETA, fejn rilevanti:

(a)

“perit” tfisser persuna fiżika li hija kkwalifikata professjonalment u akkademikament u li hija rreġistrata, liċenzjata jew l-ekwivalenti tagħha biex twettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni koperta minn dan il-Ftehim, skont il-kundizzjonijiet fis-seħħ li jagħtu aċċess għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi koperti minn dan il-Ftehim;

(b)

“attivitajiet arkitettoniċi” tfisser it-twettiq ta’ attivitajiet professjonali li jitwettqu regolarment taħt it-titolu professjonali ta’ “perit” f’ġurisdizzjoni ospitanti;

(c)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità jew korp li għandu s-setgħa, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali koperti minn dan il-Ftehim, għall-aċċess għal jew għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi jew li joħroġ dokumenti li huma rilevanti għat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim;

(d)

“kwalifiki formali” tfisser diplomi, ċertifikati u evidenza oħra maħruġa minn awtorità kompetenti f’ġurisdizzjoni maħtura skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta’ dik il-ġurisdizzjoni u li jiċċertifikaw it-tlestija b’suċċess tat-taħriġ professjonali;

(e)

“ġurisdizzjoni ospitanti” tfisser il-ġurisdizzjoni tal-Parti li tillimita l-aċċess għal jew it-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi għal dawk bi kwalifiki professjonali speċifiċi u li fiha perit li jkun kiseb il-kwalifiki professjonali finali f’ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra irid iwettaq attivitajiet arkitettoniċi;

(f)

“ġurisdizzjoni” tfisser it-territorju ta’ kull wieħed mill-Provinċji jew Territorji tal-Kanada, jew it-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, dment li dan il-Ftehim japplika f’dawn it-territorji;

(g)

“esperjenza professjonali” tfisser il-prattika effettiva u legali ta’ attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni;

(h)

“Id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali” tfisser id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (2), inkluż l-annessi tagħha, kif emendat;

(i)

“kwalifiki professjonali” tfisser il-kwalifiki attestati permezz ta’ prova ta’ kwalifika formali u esperjenza professjonali, inkluża attestazzjoni ta’ reġistrazzjoni professjonali, liċenzja jew l-ekwivalenti tagħha; u

(j)

“ROAC” tfisser ir-Regulatory Organizations of Architecture in Canada, organizzazzjoni professjonali nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti Provinċjali u Territorjali li jaħdmu bħala kollettivi volontarji biex jadottaw standards u programmi rikonoxxuti fil-livell nazzjonali rigward il-professjoni ta’ periti.

Artikolu 3

Effetti tar-rikonoxximent

1.   L-awtorità kompetenti ta’ ġurisdizzjoni ospitanti għandha, skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-kwalifiki professjonali ta’ perit iċċertifikat minn kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra.

2.   Għall-finijiet tal-aċċess jew it-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi, il-kwalifiki professjonali tal-periti bi kwalifiki rikonoxxuti skont dan il-Ftehim għandhom jingħataw, min-naħa tal-ġurisdizzjoni ospitanti, l-istess effett fit-territorju tagħha bħall-kwalifiki professjonali li jinħarġu jew li jiġu ċertifikati fit-territorju tagħha kif ukoll aċċess għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi.

Artikolu 4

Rekwiżiti tar-rikonoxximent

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, u soġġett għal kwalunkwe rekwiżit ta’ ħiliet lingwistiċi li jistgħu japplikaw, ir-rekwiżiti biex perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti tal-Kanada għandhom ikunu:

(a)

mhux anqas minn 12-il sena ta’ edukazzjoni, taħriġ u esperjenza professjonali bħala perit, attestat b’evidenza ta’:

kwalifiki formali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 46, inklużi l-kwalifiki elenkati fl-Anness V, jew ir-rekwiżiti tal-Artikolu 49, inklużi l-kwalifiki elenkati fl-Anness VI, tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, akkumpanjati minn ċertifikat li jattesta l-konformità mad-drittijiet miksuba skont dik id-Direttiva, kif xieraq, u

mhux anqas minn erba’ snin esperjenza professjonali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea miksuba wara r-reġistrazzjoni, il-liċenzjar jew l-ekwivalenti tagħhom,

(b)

reġistrazzjoni jew liċenzja professjonali valida bħala perit minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew l-ekwivalenti tagħha jekk ma jkunx hemm reġim ta’ reġistrazzjoni jew ta’ liċenzjar, u

(c)

tkun persuna b’kondotta tajba.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, u soġġett għal kwalunkwe rekwiżit ta’ ħiliet lingwistiċi li jistgħu japplikaw, ir-rekwiżiti biex perit mill-Kanada jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi fi Stat Membru tal-Unjoni għandhom ikunu:

(a)

mhux anqas minn 12-il sena ta’ edukazzjoni, taħriġ u esperjenza professjonali bħala perit, attestat b’evidenza ta’:

kwalifiki formali maħruġa fil-Kanada li jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ periti kif deskritt fl-Appendiċi I, u

mhux anqas erba’ snin esperjenza professjonali fil-Kanada miksuba wara r-reġistrazzjoni jew il-liċenzjar,

(b)

reġistrazzjoni professjonali valida jew liċenzja bħala perit minn awtorità kompetenti fil-Kanada, u

(c)

ta’ reputazzjoni tajba.

3.   Ir-rekwiżiti tal-ewwel inċiż tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu 1 jew l-ewwel inċiż tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu ssodisfati wkoll minn kwalifiki formali maħruġa minn parti terza u jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont ir-rekwiżiti ta’ ġurisdizzjoni ta’ Parti, u fejn xieraq, jiġu ssupplimentati b’taħriġ professjonali, eżami jew esperjenza professjonali kif meħtieġ f’dik il-ġurisdizzjoni.

Artikolu 5

Miżuri ta’ kumpens

1.   Perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun irid jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti tal-Kanada għandu jwettaq u jlesti b’suċċess kors ta’ prereġistrazzjoni online ta’ 10 sigħat biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ għarfien speċifiku tal-lant dwar ir-regolamentazzjoni tal-bini, id-dokumenti tal-kostruzzjoni, l-amministrazzjoni tal-kuntratti u l-prattika professjonali. L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tinkludi t-tariffi tal-parteċipazzjoni fil-kors. Ir-rekwiżiti u l-modalitajiet tal-kors ta’ prereġistrazzjoni online huma stabbiliti fl-Appendiċi II.

2.   Il-kors ta’ prereġistrazzjoni online ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa proporzjonat biex jiġu indirizzati d-differenzi fl-għarfien speċifiku tal-lant bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada. Ma għandux jaġixxi bħala diżinċentiv mhux raġonevoli biex issir applikazzjoni għal rikonoxximent u ma għandux idewwem jew jikkomplika l-aċċess għal jew it-twettiq ta’ attivitajiet professjonali għall-periti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-moduli tat-test tal-kors tal-prereġistrazzjoni online jistgħu jerġgħu jsiru sa tliet darbiet fi żmien tliet xhur mill-ewwel darba li jiġi aċċessat.

3.   Il-kors ta’ prereġistrazzjoni online jista’ jkun meħtieġ biss għall-periti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jkunu jridu jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom minn ġurisdizzjoni ospitanti Kanadiża għall-ewwel darba.

4.   L-Unjoni Ewropea żżomm id-dritt li tintroduċi kors ta’ prereġistrazzjoni online ekwivalenti. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu japplikaw għal kwalunkwe kors online bħal dan, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti u l-modalitajiet tal-Appendiċi II, soġġett li jsiru l-bidliet meħtieġa.

Artikolu 6

Proċedura tar-rikonoxximent

1.   Perit li jkun irid jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti ta’ dik il-ġurisdizzjoni applikazzjoni b’mezzi elettroniċi sostnuta bid-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Appendiċi III, jekk dan jintalab mill-ġurisdizzjoni ospitanti. L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent għandhom isiru fil-lingwa tal-ġurisdizzjoni ospitanti jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata mill-ġurisdizzjoni ospitanti.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tirrikonoxxi l-wasla ta’ applikazzjoni b’mezzi elettroniċi fi żmien xahar minn meta tirċeviha u tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni titqiesx kompluta. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet mhux kompluti, l-awtorità kompetenti għandha tidentifika l-informazzjoni addizzjonali li hija meħtieġa biex titlesta l-applikazzjoni u tipprovdi lill-applikant bl-opportunità li jikkoreġiha f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

3.   Il-proċedura biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għar-rikonoxximent għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u twassal għal deċiżjoni debitament sostanzjata mill-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni ospitanti fi żmien tliet xhur wara d-data li fiha l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni kompluta.

4.   Jekk awtorità kompetenti tirrikjedi t-tlestija tal-kors ta’ prereġistrazzjoni online msemmi fl-Artikolu 5, l-awtorità kompetenti għandha tagħti lill-applikant opportunità li jwettaq il-kors online mingħajr dewmien żejjed ladarba tqis li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 huma ssodisfati. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-applikant bl-opportunità li jwettaq u jlesti l-kors ta’ prereġistrazzjoni online u l-eżami tal-lingwa jekk ikun meħtieġ, u, jekk it-tnejn li huma jitlestew b’suċċess, tipprovdi lill-applikant b’deċiżjoni sostanzjata kif xieraq dwar l-applikazzjoni fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Jekk applikazzjoni tiġi rrifjutata, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant bil-miktub u mingħajr dewmien bla bżonn. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lil applikant li ma jintgħażilx bir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu.

6.   Kwalunkwe tariffa li l-applikanti jistgħu jġarrbu fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti tal-ġurisdizzjoni ospitanti.

Artikolu 7

Twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti

1.   Perit li jikseb rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu jew tagħha skont dan il-Ftehim u li jwettaq attivitajiet arkitettoniċi fil-ġurisdizzjoni ospitanti għandu jikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti, ir-regoli ta’ kondotta u l-etika tal-ġurisdizzjoni ospitanti applikabbli għall-periti, bħal regoli dwar l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ indennizz professjonali, il-ħiliet lingwistiċi, l-iżvilupp professjonali kontinwu, it-tariffi tar-reġistrazzjoni u l-użu ta’ ismijiet kummerċjali jew tad-ditti.

2.   Perit imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun intitolat li jwettaq attivitajiet arkitettoniċi taħt it-titolu professjonali fil-ġurisdizzjoni ospitanti jekk tali titolu jkun protett bil-liġi.

3.   Jekk il-kwalifiki professjonali ta’ perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 ikunu ġew rikonoxxuti minn ġurisdizzjoni ospitanti waħda tal-Kanada, ġurisdizzjoni ospitanti oħra tal-Kanada ma tistax timponi korsijiet supplimentari li ma jkunux meħtieġa minn perit tal-Kanada bħala kundizzjoni għar-reġistrazzjoni f’ġurisdizzjoni ospitanti sussegwenti.

Artikolu 8

Implimentazzjoni

1.   Kull Parti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku jew għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, jekk possibbli b’mezzi elettroniċi, informazzjoni dwar:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti li jamministraw l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki;

(b)

rekwiżiti u proċeduri rilevanti relatati mal-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki;

(c)

proċeduri relatati mar-reġistrazzjoni obbligatorja jew is-sħubija f’korp professjonali; u

(d)

il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għall-prattika tal-attivitajiet professjonali koperti minn dan il-Ftehim, inkluż b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ għarfien speċifiċi tal-lant li jiġu ttestjati fil-kors ta’ prereġistrazzjoni online msemmi fl-Artikolu 5.

2.   Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-Parti l-oħra dwar regolamenti jew modifiki ġodda tar-regolamenti eżistenti, adottati fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tirregola, li jista’ jkollhom impatt fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-periti f’konformità mas-subparagrafu (d) tal-Artikolu 11.5 tas-CETA.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull ġurisdizzjoni ta’ Parti għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u għandhom jipprovdu assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.   Xejn f’dan il-Ftehim ma jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom milli jiltaqgħu fuq bażi regolari bil-għan li jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni tal-professjoni ta’ periti.

5.   Il-partijiet għandhom iressqu kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ mill-implimentazzjoni jew il-funzjonament ta’ dan il-Ftehim għall-attenzjoni tal-Kumitat MRA stabbilit skont is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 26.2(1) tas-CETA jekk tali kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu solvuti f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ minnufih mhux aktar tard minn 45 jum minn meta jirċievi talba u l-Kumitat għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjoni għall-kwistjoni, li tkun reċiprokament sodisfaċenti,fi żmien erba’ xhur mid-data tal-laqgħa tal-Kumitat.

6.   Fil-każ li l-Kumitat Konġunt CETA jeżamina l-effett ta’ adeżjoni ġdida fl-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30.10 tas-CETA, il-Kumitat MRA għandu jiltaqa’ u jirrapporta lill-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment biex jappoġġa l-eżami mill-Kumitat Konġunt tas-CETA.


(1)  https://www.cfta-alec.ca/canadian-free-trade-agreement/

(2)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


Appendiċi I

Kwalifiki formali maħruġa fil-Kanada li jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ periti msemmija fl-Artikolu 4(2)

Fil-Kanada, l-edukazzjoni meħtieġa bħala waħda mill-kundizzjonijiet biex jinkiseb aċċess għall-kwalifiki tal-periti hija ċċertifikata b’diploma minn waħda mill-universitajiet li ġejjin:

University of British Columbia;

University of Calgary;

Carleton University;

Technical University of Nova Scotia (TUNS) - bħalissa Dalhousie University;

Université Laval;

University of Manitoba;

McGill University;

Université de Montréal;

University of Toronto; u

University of Waterloo.

Il-lawrji rilevanti huma:

Baċellerat tal-Arkitettura (B. Arch) sal-2004; u

Master fl-Arkitettura (M. Arch).

Il-Canadian Architectural Certification Board (CACB) jew l-awtorità kompetenti jistgħu jivvalutaw ukoll lawrji jew diplomi professjonali individwali fl-arkitettura minn istituzzjonijiet mhux akkreditati u jagħtu ċertifikazzjoni jekk jissodisfaw l-Istandard Edukattiv Kanadiż approvat mir-ROAC. Is-CACB iżomm lista ta’ akkreditazzjonijiet attwali, kif ukoll informazzjoni dwar il-modi ta’ ċertifikazzjoni, fuq is-sit web tagħhom.

Għall-gradwati minn waħda mill-Iskejjel Universitarji Kanadiżi tal-Arkitettura qabel l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Akkreditazzjoni tal-Programm ta’ Grad CACB fl-1991, is-CACB iċċertifikat kull kwalifika edukattiva individwali tal-gradwati arkitettoniċi, li kellhom jinkisbu minn waħda mill-universitajiet elenkati hawn fuq.


Appendiċi II

Dettalji tal-kors ta’ prereġistrazzjoni online ta’ 10 sigħat msemmi fl-Artikolu 5

1.   Prinċipji ġenerali u għanijiet tal-kors

Il-kors ta’ prereġistrazzjoni online msemmi fl-Artikolu 5 huwa maħsub biex jiżgura li perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jixtieq jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti tal-Kanada jkun kiseb l-għarfien speċifiku tal-lant meħtieġ biex jipprattika f’wieħed mill-Provinċji jew it-Territorji tal-Kanada.

Meta jitlesta l-kors, applikant ikollu fehim ta’ liema servizzi huwa meħtieġ jipprovdi perit, ir-rekwiżiti kuntrattwali qabel ma jibda s-servizzi arkitettoniċi, l-obbligi professjonali fi professjoni awtoregolatorja u r-rekwiżit li jiġu protetti l-ġid pubbliku, l-obbligi amministrattivi u legali li perit huwa meħtieġ li jkun jaf biex jipprovdi servizzi arkitettoniċi fil-Kanada u fejn isib informazzjoni ta’ referenza ewlenija, inklużi kodiċijiet tal-bini, liġijiet sekondarji, standards tal-industrija, u dokumenti regolatorji oħra.

2.   Għarfien speċifiku tal-lant kopert

L-għarfien speċifiku tal-lant jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

tiftix u dokumentazzjoni ta’ regolamenti rilevanti dwar il-bini;

fehim tal-proċeduri biex jinkiseb ħelsien jew varjanza minn rekwiżiti partikolari skont dawn ir-regolamenti tal-bini;

evalwazzjoni ta’ prodotti u materjali;

konformità tal-proġett mar-regolamenti applikabbli;

tħejjija u n-negozjar ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ kuntratti għall-kostruzzjoni sabiex jiġu ċċarati r-rwoli tal-perit, il-kuntrattur, is-sid, il-kumpanija tal-irbit u l-assiguratur fl-amministrazzjoni tal-fażi ta’ kostruzzjoni;

applikazzjonijiet għal permess tal-bini;

superviżjoni tal-progress tal-kostruzzjoni u l-analiżi tal-prestazzjoni; u

kodiċi ta' etika.

3.   Riżultati

Malli jlesti l-kors ta’ prereġistrazzjoni online, applikant jirċievi notifika immedjata dwar jekk ikunx kiseb il-livell ta’ suċċess meħtieġ. Ir-riżultati jiġu trażmessi fl-istess ħin lil u rreġistrati minn ROAC.


Appendiċi III

Dokumenti li jistgħu jkunu meħtieġa skont l-Artikolu 6(1)

L-awtorità kompetenti ta’ ġurisdizzjoni ospitanti tista’ titlob lill-applikant jipprovdi b’mezzi elettroniċi kwalunkwe wieħed mid-dokumenti li ġejjin, kif xieraq:

1.

prova ta’ ċittadinanza jew ta’ residenza permanenti ta’ Parti;

2.

prova formali tal-kwalifiki;

3.

attestazzjoni tal-esperjenza professjonali;

4.

ittra minn awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni minn fejn il-perit ikun ikkwalifikat mibgħuta direttament b’mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni ospitanti li tikkonferma dan li ġej:

(a)

id-data tar-reġistrazzjoni jew tal-liċenzja, jew l-ekwivalenti tagħha jekk ma jkun hemm l-ebda reġim ta’ reġistrazzjoni jew liċenzjar fil-ġurisdizzjoni fejn il-perit ikun ikkwalifikat;

(b)

il-konformità mar-rekwiżiti tal-kwalifiki professjonali stabbiliti fis-subparagrafu (a) tal-Artikolu 4(1) jew is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 4(2) ta’ dan il-Ftehim, kif xieraq;

(c)

prova ta’ kondotta tajba jew ta’ reputazzjoni tajba; u

(d)

jekk ma tkunx koperta mis-subparagrafu (c), prova li l-perit ma jkunx soġġett għal azzjoni dixxiplinarja li tkun għaddejja u ma jkunx ġie sospiż jew ipprojbit milli jwettaq attivitajiet arkitettoniċi minħabba mġiba professjonali ħażina jew minħabba kundanna għal reat kriminali;

Jekk il-ġurisdizzjoni ospitanti teħtieġ prova skont is-subparagrafi (c) jew (d) hawn fuq, hija għandha taċċetta bħala evidenza suffiċjenti ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni fejn il-perit ikun ikkwalifikat. Jekk l-awtorità kompetenti ma toħroġx tali ċertifikati, il-ġurisdizzjoni ospitanti għandha taċċetta dikjarazzjoni taħt ġurament jew dikjarazzjoni solenni tal-perit ikkonċernat quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, jew nutar jew korp professjonali kwalifikat. F'dak il-każ, l-applikant għandu jipprovdi wkoll ċertifikat maħruġ minn tali awtorità jew nutar li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni tagħhom taħt ġurament jew dikjarazzjoni solenni;

5.

prova li l-applikant huwa assigurat kontra r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mir-responsabbiltà professjonali skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni ospitanti;

6.

estratt mir-rekord kriminali mill-ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 4;

7.

prova tal-ħlas tat-tariffi meħtieġa għall-applikazzjoni.

Id-dokumenti msemmija fil-punti 4, 5 u 6 ta’ dan l-Appendiċi ma għandhomx ikollhom aktar minn tliet xhur fid-data li jiġu ppreżentati.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2467/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)