ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.176.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 176

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
10 ta' Lulju 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2010 tat-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ( 1 )

16

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/42/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw fużjonijiet ta’ fondi, strutturi prinċipali-alimentatriċi u l-proċedura tan-notifikazzjoni ( 1 )

28

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali ( 1 )

42

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

10.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 583/2010

tal-1 ta’ Lulju 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 75(4), l-Artikolu 78(7), u l-Artikolu 81(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/65/KE tispeċifika l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu segwiti fit-tħejjija u l-għoti ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur, inklużi rekwiżiti li jikkonċernaw il-format u l-preżentazzjoni tiegħu, l-għanijiet tiegħu, l-elementi ewlenin tat-tagħrif li għandu jiġi żvelat, min għandu jwassal t-tagħrif u lil min, u l-metodi li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni. Id-dettalji dwar il-kontenut u l-format tħallew biex jiġu żviluppati aktar permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, li għandhom ikunu speċifiċi biżżejjed biex ikun żgurat li l-investituri jirċievu t-tagħrif li jkollhom bżonn b’rabta ma’ strutturi ta’ fondi partikolari.

(2)

Il-forma ta’ Regolament hija ġġustifikata għax b’din il-forma biss jista’ jkun żgurat li l-kontenut eżawrjenti tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun armonizzat. Barra dan, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun aktar effiċjenti fejn ir-rekwiżiti applikabbli jkunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Il-partijiet interessati kollha għandhom jibbenefikaw minn reġim armonizzat dwar il-forma u l-kontenut tal-iżvelar, li se jiżgura li l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ investment fis-suq tal-UCITS tkun konsistenti u paragunabbli.

(3)

F’xi każijiet, it-tagħrif ewlieni għall-investitur jista’ jitwassal b’mod aktar effettiv meta d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun ipprovdut lill-investituri permezz ta’ sit elettroniku, jew fejn id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jinthemeż ma’ dokument ieħor meta jingħata lill-investitur potenzjali. F’dawn il-każijiet, iżda, il-kuntest li fih jidher id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur m’għandux jhedded id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, jew jimplika li huwa xi biċċa letteratura promozzjonali jew li l-oġġetti komplementari ta’ letteratura promozzjonali huma ta’ rilevanza ugwali jew akbar għall-investitur fil-livell tal-konsum.

(4)

Jinħtieġ li jkun żgurat li l-kontenut tal-informazzjoni jkun rilevanti, it-tqassim tal-informazzjoni jkun loġiku u l-lingwaġġ adattat għall-investituri fil-livell tal-konsum. Biex ikunu indirizzati dawn il-preokkupazzjonijiet, dan ir-Regolament għandu jiżgura li d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun kapaċi jolqot lill-investituri u jiffaċilita l-paraguni bil-format u l-preżentazzjoni tiegħu, u bil-kwalità u n-natura tal-lingwaġġ użat. Dan ir-Regolament huwa intenzjonat biex tkun żgurata l-konsistenza fil-format tad-dokument, inkluża sekwenza komuni b’intestaturi identiċi.

(5)

Dan ir-Regolament jispeċifika l-kontenut tal-informazzjoni dwar tal-għanijiet tal-investiment u l-politika tal-investiment tal-UCITS sabiex l-investituri jkunu jistgħu jaraw faċilment jekk fond ikunx x’aktarx jgħodd għall-ħtiġijiet tagħhom jew le. Għal din ir-raġuni, l-informazzjoni għandha tindika jekk għandux ikun mistenni redittu fl-għamla ta’ tkabbir kapitali, ħlas ta’ introjtu, jew kumbinazzjoni tat-tnejn. Id-deskrizzjoni tal-politika ta’ investiment għandha tindika lill-investitur xi huma l-miri ġenerali tal-UCITS u kif dawn l-għanijiet ikunu jridu jintlaħqu. Rigward l-istrumenti finanzjarji li fihom ikunu jridu jsiru l-investimenti, dawk biss li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-prestazzjoni tal-UCITS ikunu jinħtieġu li jissemmew, pjuttost milli l-istrumenti eliġibbli possibbli kollha.

(6)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-investiment, billi jeżiġi l-użu ta’ indikatur sintetiku u li jispeċifika l-kontenut tal-ispjegazzjonijiet narrattivi tal-indikatur innifsu u r-riskji li ma jinqabdux mill-indikatur, imma li jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-UCITS. Fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-indikatur sintetiku wieħed għandu jqis il-metodoloġija tal-kalkolu tal-indikatur sintetiku kif żviluppata mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu qegħdin jaħdmu fi ħdan il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli. Il-kumpanija maniġerjali għandha tiddeċiedi każ b’każ liema riskji speċifiċi għandhom jiġu żvelati billi tanalizza l-karatteristiċi partikolari ta’ kull fond, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-ħtieġa li tevita li d-dokument jitgħabba żżejjed b’informazzjoni li l-investituri fil-livell tal-konsum isib diffiċli li jifhem. Barra minn hekk l-ispjegazzjoni narrattiva tal-profil tar-riskji u l-gwadanji għandha tkun limitata fid-daqs f’termini tal-ammont ta’ spazju li tokkupa fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur. Għandu jkun possibbli li jkun hemm kontroreferenzi għall-prospett tal-UCITS fejn jiġu żvelati d-dettalji kollha tar-riskji tagħha.

(7)

Għandha tkun żgurata l-konsistenza bejn l-ispjegazzjoni tar-riskji fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur] u l-proċessi interni tal-kumpanija maniġerjali relatati mal-immaniġġjar tar-riskji, stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (2). Pereżempju, biex tkun żgurata l-konsistenza, il-funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji għandha fejn ikun xieraq tingħata l-opportunità teżamina u jikkummenta dwar it-Taqsima tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

(8)

Dan ir-Regolament jispeċifika l-format komuni għall-preżentazzjoni u l-ispjegazzjoni tal-imposti, inklużi twissijiet rilevanti, sabiex l-investituri jkunu infurmati sew dwar l-imposti li ser jeħlu u l-proporzjon tagħhom mill-ammont ta’ kapital fil-fatt investit fil-fond. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, għandu jitqies ix-xogħol fuq il-metodoloġija għall-kalkolu taċ-ċifri tal-imposti li jkun sar mill-awtoritajiet kompetenti li jkunu qegħdin jaħdmu fi ħdan il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli.

(9)

Ir-regoli ddettaljati dwar il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi huma msejsa fuq ir-rekwiżiti għal din l-informazzjoni fid-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (3). Dan ir-Regolament jissupplimenta r-regoli tad-Direttiva 2004/39/KE billi jinkludi r-rekwiżiti speċifiċi meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-informazzjoni bl-iskop li jkunu ffaċilitati l-paraguni bejn dokumenti differenti ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jippreskrivi li għandhom jintwerew biss ir-reditti annwali netti, f’forma ta’ bar chart. Ċerti aspetti tal-preżentazzjoni tal-bar chart għandhom ikunu rregolati, inklużi ċ-ċirkostanzi limitati fejn tista’ tintuża dejta simulata.

(10)

Wieħed għandu jagħraf li l-kontroreferenzi għal informazzjoni jistgħu jkunu utli għall-investitur imma huwa essenzjali li d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-investitur jifhem l-elementi essenzjali tal-UCITS. Jekk jintużaw kontroreferenzi għal sorsi ta’ informazzjoni apparti l-prospett u r-rapporti perjodiċi, wieħed għandu jagħmilha ċara li l-prospett u r-rapporti perjodiċi huma s-sorsi primarji tal-informazzjoni addizzjonali lill-investituri, u li l-kontroreferenzi m’għandhomx iċekknu l-importanza tagħhom.

(11)

Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jiġi eżaminat u rivedut kif jixraq u ta’ sikwit kemm ikun meħtieġ biex ikun żgurat li dan ikompli jissodisfa r-rekwiżiti tat-tagħrif ewlieni għall-investitur speċifikati fl-Artikoli 78(2) u 79(1) tad-Direttiva 2009/65/KE. Bħala kwistjoni ta’ prassi tajba, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jeżaminaw id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur qabel ma jidħlu f’xi inizjattiva li x’aktarx li tirriżulta f’għadd sinifikanti ta’ investituri ġodda li jakkwistaw unitajiet fil-fond.

(12)

Il-forma jew kontenut tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha mnejn ikollha bżonn tiġi aġġustata skont il-każijiet speċifiċi. Konsegwentement, f’dan ir-Regolament tfasslu r-regoli ġenerali applikabbli għall-UCITS kollha biex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika ta’ ċerti tipi ta’ UCITS, jiġifieri dawk li jkollhom kumpartimenti ta’ investiment jew klassijiet ta’ ishma differenti, dawk b’fond ta’ strutturi ta’ fondi, dawk bi strutturi prinċipali-alimentatriċi, u dawk li huma strutturati, bħalma huma UCITS ta’ kapital protett jew paragunabbli.

(13)

Rigward UCITS bi klassijiet ta’ ishma differenti, m’għandux ikun hemm l-obbligu li jinħoloq dokument separat ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur għal kull waħda minn dawn il-klassijiet ta’ ishma, dment li ma jkunx kompromess l-interess tal-investituri. Id-dettalji ta’ żewġ klassijiet jew aktar jistgħu jiġu kkumbinati biss f’dokument wieħed ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur fejn dan jista’ jsir mingħajr ma jagħmel id-dokument ikkumplikat jew iffullat wisq. Alternattivament, tista’ tintgħażel klassi rappreżentattiva, imma biss f’każijiet fejn tkun teżisti similarità suffiċjenti bejn il-klassijiet biex l-informazzjoni dwar il-klassi rappreżentattiva tkun ġusta, ċara u li ma tiżvijax dwar dik li hija l-klassi rappreżentata. Biex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ klassi rappreżentattiva jkunx ġust, ċar u ma jiżvijax, għandu jingħata kas tal-karatteristiċi tal-UCITS, in-natura tad-differenzi rappreżentati minn kull waħda mill-klassijiet, u l-firxa tal-għażliet offruta lil kull wieħed mill-investituri jew gruppi ta’ investituri.

(14)

Fil-każ ta’ fond ta’ fondi, jinżamm bilanċ xieraq bejn l-informazzjoni dwar il-UCITS li fiha jinvesti l-investitur u l-iskemi kollettivi sottostanti tagħha. Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur f’fond ta’ fondi għandu għalhekk jiġi ppreparat abbażi li l-investitur ma jixtieqx jew ma jeħtiġlux ikun infurmat fid-dettall dwar il-karatteristiċi individwali ta’ kull waħda mill-iskemi kollettivi sottostanti, li x’aktarx li jvarjaw xorta waħda minn żmien għal żmien jekk il-UCITS tkun immaniġġjata b’mod attiv. Madanakollu, biex id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur iwassal żvelar effettiv tal-għan tal-politika ta’ investiment, tal-fatturi tar-riskji u tal-istruttura tal-imposti, tal-fondi, il-karatteristiċi tal-fondi sottostanti tiegħu għandhom ikunu trasparenti.

(15)

Fil-każ ta’ strutturi prinċipali-alimentatriċi, id-deskrizzjoni tal-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-UCITS alimentatriċi m’għandhiex tkun materjalment differenti minn dik tat-Taqsima korrispondenti tad-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS prinċipali sabiex l-alimentatur ikun jista’ jikkopja l-informazzjoni mid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-fond prinċipali kull fejn dan ikun rilevanti. Madanakollu, din l-informazzjoni għandha tkun issupplimentata bid-dikjarazzjonijiet rilevanti jew aġġustata kif suppost f’dawk il-każijiet fejn l-assi anċillari li jkollu l-alimentatur jistgħu jimmodifikaw il-profil tar-riskji apparagun tal-fond principali, filwaqt li jiġu indirizzati r-riskji inerenti f’dawn l-assi anċillari, pereżempju fejn jintużaw derivati. Il-kostijiet ikkumbinati tal-investiment fil-fond alimentatur u l-fond prinċipali għandhom jiġu żvelati lill-investituri fl-alimentatur.

(16)

Rigward UCITS strutturati, bħalma huma UCITS bil-kapital protett jew oħrajn paragunabbli, ikun meħtieġ li jingħataw xenarji ta’ prestazzjoni prospettiva minflok informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi. Ix-xenarji ta’ prestazzjoni prospettiva jinvolvu l-ikkalkular tar-redittu mistenni mill-fond skont suppożizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet tas-suq tajbin, ħżiena, jew newtrali. Dawn ix-xenarji għandhom jintgħażlu biex tkun iċċarata b’mod effettiv il-firxa sħiħa tal-eżiti possibbli skont il-formula.

(17)

Fejn it-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-prospett ikunu jridu jiġu pprovduti b’mezz li jibqa’ li huwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku, huma meħtieġa miżuri ta’ sikurezza addizzjonali għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-investitur, biex ikun żgurat li l-investituri jirċievu l-informazzjoni f’forma rilevanti għall-ħtiġijiethom, u biex titħares l-integrità tal-informazzjoni pprovduta, jiġu pprevenuti alterazzjonijiet li jheddu l-komprensibbiltà u l-effikaċja tagħha, u tiġi evitata l-manipulazzjoni jew modifikazzjoni minn persuni mhux awtorizzati. Dan ir-Regolament fih referenza għar-regoli dwar il-mezzi li jibqgħu stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (4) sabiex ikun żgurat trattament ugwali tal-investituri u l-imparzjalità fis-setturi finanzjarji.

(18)

Sabiex il-kumpaniji maniġerjali u l-kumpaniji tal-investiment ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda li hawn f’dan ir-Regolament b’mod effiċjenti u effikaċi, id-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun allinjata mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/65/KE.

(19)

Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, (5) ġie kkonsultat dwar pariri tekniċi.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropej tat-Titoli.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 75(2), 78(2) sa (5) u 81(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 2

Prinċipji Ġenerali

1.   Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal kull kumpanija maniġerjali fir-rigward ta’ kull waħda mill-UCITS li timmaniġġja.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull kumpanija tal-investiment li ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 3

Prinċipji li jirrigwardaw id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur

1.   Dan ir-Regolament jispeċifika b’mod eżawrjenti l-forma u l-kontenut tad-dokument li jkun fih it-tagħrif ewlieni għall-investitur (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ id-“dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur”). Ebda informazzjoni jew dikjarazzjonijiet oħra m’għandhom jiġu inklużi b’eċċezzjoni fejn dan ir-Regolament jistipula mod ieħor.

2.   It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun ġust, ċar u li ma jiżvijax.

3.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jiġi pprovdut b’tali mod li jkun żgurat li l-investituri jkunu kapaċi jagħrfuh minn materjal ieħor. B’mod partikolari, m’għandux jiġi ppreżentat jew imwassal b’mod li x’aktarx iwassal biex l-investituri jaħsbuh li huwa anqas importanti minn x’informazzjoni oħra dwar il-UCITS u r-riskji u l-benefiċċji tagħha.

KAPITOLU II

IL-FORMA U L-PREŻENTAZZJONI TAT-TAGĦRIF EWLIENI GĦALL-INVESTITUR

TAQSIMA 1

It-titlu tad-Dokument, Ordni tal-Kontenut u l-Intestaturi tat-Taqsimiet

Artikolu 4

It-titlu u l-kontenut tad-dokument

1.   Il-kontenut tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun ippreżentat fl-ordni kif stipulat fil-paragrafi 2 sa 13.

2.   It-titlu “Tagħrif Ewlieni għall-Investitur” għandu jidher b’mod prominenti fir-ras tal-ewwel paġna tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

3.   Direttament taħt it-titlu għandha tidher dikjarazzjoni ta’ spjegazzjoni. Din għandha tgħid hekk:

“Dan id-dokument jipprovdilek tagħrif ewlieni għall-investitur dwar dan il-fond. Dan mhuwiex materjal promozzjonali. L-informazzjoni hija meħtieġa bil-liġi biex tgħinek tifhem in-natura u r-riskji ta’ investiment f’dan il-fond. Inti mitlub taqrah biex tkun tista’ tieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk tinvestix”.

4.   L-identifikazzjoni tal-UCITS, inkluża l-klassi ta’ ishma jew kumpartiment ta’ investiment tagħha, għandha tkun iddikjarata b’mod prominenti. Fil-każ ta’ kumpartiment ta’ investiment jew klassi ta’ ishma, it-titlu tal-UCITS għandu jiġi wara l-isem tal-kumpartiment jew klassi ta’ ishma. Meta jkun jeżisti numru ta’ kodiċi li jidentifika l-UCITS, kumpartiment ta’ investiment jew klassi ta’ ishma, għandu jagħmel parti mill-identifikazzjoni tal-UCITS.

5.   L-isem tal-kumpanija maniġerjali għandu jkun iddikjarat.

6.   Barra minn hekk, f’każijiet fejn il-kumpanija maniġerjali tkun tagħmel parti minn grupp ta’ kumpaniji għal skopijiet legali, amministrattivi jew kummerċjali, l-isem ta’ dak il-grupp jista’ jiġi ddikjarat. Jista’ jiġi inkluż l-immarkar korporattiv sakemm ma ifixkilx lill-investitur biex jifhem l-elementi ewlenin tal-investiment jew ma tnaqqaslux il-kapaċità li jipparaguna l-prodotti tal-investiment.

7.   It-taqsima tad-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Għanijiet u politika ta’ investiment” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

8.   It-taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

9.   It-Taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Imposti” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

10.   It-Taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Prestazzjoni fl-imgħoddi” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

11.   It-Taqsima tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur bl-isem “Informazzjoni prattika” għandha tiġbor fiha l-informazzjoni stipulata fit-Taqsima 5 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

12.   Id-dettalji dwar l-awtorizzazzjoni għandhom jikkonsistu fid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Dan il-fond huwa awtorizzat fi [isem l-Istat Membru] u rregolat minn [l-identità tal-awtorità kompetenti]”.

F’każijiet fejn il-UCITS tkun immaniġġjata minn kumpanija maniġerjali li tkun qiegħda teżerċita d-drittijiet skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/65/KE, għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni addizzjonali:

[Isem il-kumpanija maniġerjali] hija awtorizzata fi [isem l-Istat Membru] u rregolata minn [l-identità tal-awtorità kompetenti].

13.   L-informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni għandha tikkonsisti fid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Dan it-tagħrif ewlieni għall-investitur huwa preċiż sa [id-data tal-pubblikazzjoni]”.

TAQSIMA 2

lingwaġġ, tul u preżentazzjoni

Artikolu 5

Preżentazzjoni u lingwaġġ

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun:

(a)

ippreżentat u mqassam b’mod faċli li jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs leġibbli;

(b)

espress b’mod ċar u miktub b’lingwaġġ li jikkomunika b’mod u li jiffaċilita l-investitur jifhem l-informazzjoni li tkun qiegħda tiġi kkomunikata, partikolarment fejn:

(i)

il-lingwaġġ użat għandu jkun ċar, konċiz u komprensibbli;

(ii)

lingwaġġ speċjalizzat għandu jiġi evitat;

(iii)

għandhom jiġu evitati termini tekniċi fejn minflokhom jista’ jintuża kliem ordinarju;

(c)

iffokat fuq informazzjoni bażika meħtieġa mill-investituri.

2.   Fejn jintuża l-kulur, dan m’għandux inaqqas mill-komprensibbiltà tal-informazzjoni meta d-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ikun stampat jew iffotokopjat mingħajr kulur.

3.   Fejn jintuża l-logotip tal-immarkar korporattiv tal-kumpanija maniġerjali jew tal-grupp li tkun tagħmel parti minnu, dan m’għandux itellef lill-investitur jew joskura t-test.

Artikolu 6

Tul

Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur m’għandux jaqbeż iż-żewġ paġni fuq karta ta’ daqs A-4 meta jiġi stampat.

KAPITOLU III

IL-KONTENUT TAT-TAQSIMIET TAD-DOKUMENT TAT-TAGĦRIF EWLIENI GĦALL-INVESTITUR

TAQSIMA 1

għanijiet u politika ta’ investiment

Artikolu 7

Il-kontenut speċifiku tad-deskrizzjoni

1.   Id-deskrizzjoni fit-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkopri dawk il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS li dwarhom investitur għandu jiġi infurmat, anki jekk dawn il-karatteristiċi ma jkunux jagħmlu parti mid-deskrizzjoni tal-għanijiet u l-politika ta’ investiment fil-prospett, inklużi:

(a)

il-kategoriji ewlenin tal-istrumenti finanzjarji eliġibbli li huma l-oġġett tal-investiment;

(b)

il-possibbiltà li investitur jifdi unitajiet minn UCITS meta jrid, filwaqt li din id-dikjarazzjoni tiġi kkwalifikata b’indikazzjoni dwar il-frekwenza tan-negozju fl-unitajiet;

(c)

jekk il-UCITS għandhiex xi mira partikolari relatata ma’ kwalunkwe setturi industrijali, ġeografiċi, jew oħrajn tas-suq jew ma’ klassijiet speċifiċi ta’ assi;

(d)

jekk il-UCITS tkunx tippermetti għażliet diskrezzjonali inkwantu l-investimenti partikolari li jkunu jridu jsiru, u jekk din is-sistema tkunx tinkludi jew timplikax referenza għal xi punt ta’ riferiment u jekk hu hekk, liema waħda;

(e)

jekk l-introjtu minn dividendi jitqassamx jew jerġax jiġi investit.

Għall-iskopijiet tal-punt (d), fejn tkun implikata referenza għal xi punt ta’ riferiment, il-livell tal-libertà disponibbli relatata ma’ dan il-punt ta’ riferiment għandu jkun indikat, u fejn il-UCITS ikollha l-għan ta’ segwiment tal-indiċi, dan għandu jiġi ddikjarat.

2.   Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja, dment li tkun rilevanti:

(a)

fejn il-UCITS tinvesti f’titoli ta’ obbligi, indikazzjoni dwar jekk dawn ikunux inħarġu minn korpi korporattivi, gvernijiet jew entitajiet oħrajn, u jekk ikun applikabbli, kwalunkwe rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni minima;

(b)

fejn il-UCITS tkun fond strutturat, spjegazzjoni f’termini sempliċi tal-elementi kollha neċessarji għal fehim korrett tal-gwadan u l-fatturi li huma mistennija jiddeterminaw il-prestazzjoni, inklużi referenzi, jekk ikun meħtieġ, għad-dettalji dwar l-algoriżmu u l-mod kif jaħdem li jidhru fil-prospett;

(c)

fejn l-għażla tal-assi tkun iggwidata minn kriterji speċifiċi, spjegazzjoni ta’ dawk il-kriterji, bħalma huwa t-“tkabbir”, il-“valur” jew id-“dividendi għoljin”;

(d)

fejn jiġu applikati tekniki speċifiċi tal-immaniġġjar tal-assi, li tista’ tinkludi l-iħħeġġjar, arbitraġġ jew ingranaġġ, spjegazzjoni f’termini sempliċi tal-fatturi mistennija li jiddeterminaw il-prestazzjoni tal-UCITS;

(e)

fejn l-impatt fuq l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll fuq ir-redittu x’aktarx li jkun materjali minħabba l-istrateġija adottata mill-UCITS, dikjarazzjoni li dan huwa l-każ, filwaqt li wieħed għandu jagħmilha ċara wkoll li l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll ikunu qegħdin jitħallsu mill-assi tal-fond flimkien mal-imposti stipulati fit-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu;

(f)

meta jkun ddikjarat it-terminu minimu rakkomandat ta’ kemm għandhom jinżammu l-unitajiet fil-UCITS, jew fil-prospett inkella f’xi dokumenti promozzjonali, jew fejn ikun iddikjarat li l-perjodu minimu taż-żamma huwa element essenzjali tal-istrateġija tal-investiment, dikjarazzjoni bil-kliem li ġej:

“Rakkomandazzjoni: dan il-fond jista’ ma jkunx adattat għal investituri bl-intenzjoni li jiġbdu flushom lura fi [perjodu ta’ żmien]”.

3.   L-informazzjoni inkluża fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiddistingwi bejn il-kategoriji wesgħin tal-investiment kif speċifikat fil-paragrafi 1(a), (c) u 2(a) u l-approċċ għal dawn l-investimenti adottat mill-kumpanija maniġerjali kif speċifikat fil-paragrafi 1(d) u 2 (b), (c) u (d).

4.   It-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tista’ tiġbor fiha elementi oħrajn barra dawk elenkati fil-paragrafu 2, inkluża d-deskrizzjoni tal-istrateġija tal-investiment tal-UCITS, fejn dawn l-elementi jkunu meħtieġa biex l-għanijiet u l-politika tal-investiment tal-UCITS jiġu deskritti adegwatement.

TAQSIMA 2

il-profil tar-riskji u l-gwadanji

Artikolu 8

Spjegazzjoni tar-riskji u gwadanji potenzjali, inkluż l-użu ta’ indikatur

1.   It-Taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fiha indikatur sintetiku, issupplimentat bi:

(a)

spjegazzjoni narrattiva tal-indikatur u l-limitazzjonijiet ewlenin tiegħu;

(b)

spjegazzjoni narrattiva tar-riskji li jkunu materjalment rilevanti għall-UCITS u li ma jinqabdux b’mod adegwat mill-indikatur sintetiku.

2.   L-indikatur sintetiku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jieħu l-forma ta’ serje ta’ kategoriji fuq skala numerika bil-UCITS assenjat lil waħda mill-kategoriji. Il-preżentazzjoni tal-indikatur sintetiku għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

3.   Il-komputazzjoni tal-indikatur sintetiku msemmi fil-paragrafu 1, u wkoll kull reviżjoni sussegwenti tiegħu, għandhom ikunu ddokumentata b’mod adegwat.

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom iżommu reġistru ta’ dawn il-komputazzjonijiet għal perjodu ta’ mhux anqas minn ħames snin. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż għal ħames snin wara l-iskadenza fil-każ ta’ fondi strutturati.

4.   L-ispjegazzjoni narrattiva msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni li d-dejta storika, bħal dik li tintuża fil-kalkolu tal-indikatur sintetiku, tista’ ma tkunx indikazzjoni ta’ min jorbot fuqha tal-profil tar-riskji futuri tal-UCITS;

(b)

dikjarazzjoni li l-kategorija tar-riskji u l-gwadanji murija mhijiex iggarantita li tibqa’ dejjem l-istess u li l-kategorizzazzjoni tal-UCITS tista’ tinbidel maż-żmien;

(c)

dikjarazzjoni li l-aktar kategorija baxxa ma tfissirx investiment ħieles mir-riskju;

(d)

spjegazzjoni qasira għaliex il-UCITS tkun qiegħda f’kategorija speċifika;

(e)

id-dettalji tan-natura, iż-żmien u l-entità ta’ kwalunkwe garanzija fuq il-kapital jew il-protezzjoni tiegħu mogħtija mill-UCITS, inklużi l-effetti potenzjali tat-tifdija ta’ unitajiet barra l-perjodu ggarantit jew protett.

5.   L-ispjegazzjoni narrattiva msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tinkludi l-kategoriji tar-riskji li ġejjin, fejn dawn ikunu materjali:

(a)

ir-riskju ta’ kreditu, fejn isir investiment ta’ livell sinifikanti f’titoli ta’ obbligi;

(b)

ir-riskju ta’ likwidità, fejn isir investiment ta’ livell sinifikanti fi strumenti finanzjarji, li fin-natura tagħhom ikunu likwidi biżżejjed, iżda li taħt ċerti ċirkostanzi jista’ ikollhom livell relattivament baxx ta’ likwidità, tant li jkollhom impatt fuq il-livell tar-riskju tal-likwidità tal-UCITS inġenerali;

(c)

ir-riskju tal-kontraparti, fejn fond ikun appoġġjat b’garanzija minn parti terza, jew fejn l-iskopertura tal-investiment tiegħu tittieħed f’livell materjali b’kuntratt jew kuntratti ma’ kontraparti;

(d)

ir-riskji operazzjonali u r-riskji relatati mal-kustodja tal-assi;

(e)

l-impatt ta’ tekniki finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 50(1)(g) tad-Direttiva 2009/65/KE bħalma huma l-kuntratti ta’ derivati fuq il-profil tar-riskji tal-UCITS fejn dawn it-tekniki jiġu applikati biex tinkiseb, tiżdied jew titnaqqas l-iskopertua tal-assi sottostanti.

Artikolu 9

Il-prinċipji li jirregolaw l-identifikazzjoni, l-ispjegazzjoni u l-preżentazzjoni tar-riskji

L-identifikazzjoni u l-ispjegazzjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) għandhom ikunu konsistenti mal-proċess intern ta’ identifikazzjoni, kejl u monitoraġġ tar-riskju adottat mill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS kif stabbilit fid-Direttiva 2010/43/UE. Fejn il-kumpanija maniġerjali timmaniġġja aktar minn UCITS waħda, ir-riskji għandhom jiġu identifikati u spjegati b’mod konsistenti.

TAQSIMA 3

imposti

Artikolu 10

Preżentazzjoni tal-imposti

1.   It-Taqsima “Imposti” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkollha preżentazzjoni tal-Imposti f’forma ta’ tabella kif stabbilit fl-Anness II.

2.   It-tabella msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħejja skont ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-imposti fuq l-investiment inizjali u l-imposti fuq iċ-ċessjoni t-tnejn għandhom ikunu l-perċentwal massimu li jista’ jitnaqqas mill-impenn kapitali tal-investitur fil-UCITS;

(b)

għandha tintwera ċifra waħda għall-imposti meħuda mill-UCITS tul perjodu ta’ sena, li għandha tkun magħrufa bħala l-‘imposta tal-prosegwiment, 'li jirrappreżentaw l-imposti annwali kollha u pagamenti oħrajn meħuda mill-assi tal-UCITS tul il-perjodu ddefinit, u abbażi taċ-ċifri tas-sena preċedenti;

(c)

fit-tabella għandu jkun hemm lista u spjegazzjoni ta’ kull imposta meħuda mill-UCITS taħt ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, li abbażi tagħha tiġi kkalkulata l-imposta, u meta għandha tiġi applikata.

Artikolu 11

Spjegazzjoni tal-imposti u dikjarazzjoni dwar l-importanza tal-imposti

1.   It-taqsima “Imposti” għandu jkollha spjegazzjoni narrattiva ta’ kull waħda mill-imposti speċifikati fit-tabella inkluża l-informazzjoni li ġejja:

(a)

rigward l-imposta fuq l-investiment inizjali u l-imposta fuq iċ-ċessjoni:

(i)

wieħed għandu jagħmilha ċara li l-imposti huma dejjem iċ-ċifri massimi, peress li f’xi każijiet l-investitur jista’ jħallas anqas;

(ii)

għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni fejn jingħad li l-investituri jistgħu jsiru jafu x’inhuma l-imposta fuq l-investiment inizjali u l-imposta fuq iċ-ċessjoni mingħand il-konsulent jew distributur finanzjarju tagħhom;

(b)

rigward l-“imposti kurrenti”, għandha ssir dikjarazzjoni li ċ-ċifra tal-imposta tal-prosegwiment hija bbażata fuq in-nefqa tas-sena preċedenti, għas-sena li tintemm [xahar/sena], u li din iċ-ċifra tista’ tvarja minn sena għal sena fejn dan ikun il-każ.

2.   It-taqsima “Imposti” għandu jkollha dikjarazzjoni dwar l-importanza tal-imposti fejn għandu jingħad biċ-ċar li l-Imposti li l-investitur iħallas jintużaw biex jitħallsu l-ispejjeż tal-operat tal-UCITS, inklużi l-ispejjeż ta’ reklamar u distribuzzjoni tal-UCITS, u li dawn l-imposti jnaqqsu t-tkabbir potenzjali tal-investiment.

Artikolu 12

Rekwiżiti addizzjonali

1.   L-elementi kollha tal-istruttura tal-imposti għandhom jiġu ppreżentati b’mod ċar kemm jista’ jkun biex l-investituri jkunu jistgħu jikkunsidraw l-impatt ikkumbinat tal-imposti.

2.   Fejn l-impatt tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-portafoll fuq ir-redittu x’aktarx li jkun wieħed materjali minħabba l-istrateġija adottata mill-UCITS, dan għandu jkun iddikjarat fit-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment”, kif indikat fl-Artikolu 7(2)(e).

3.   It-tariffi fuq il-prestazzjoni għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 10(2)(c). L-ammont tat-tariffa fuq il-prestazzjoni impost matul is-sena finanzjarja preċedenti tal-UCITS għandu jkun inkluż bħala ċifra perċentwali.

Artikolu 13

Każijiet speċifiċi

1.   Fejn UCITS ġdida ma tkunx tista’ tikkonforma mar-rekwiżiti li hemm fl-Artikolu 10(2)(b) u l-Artikolu 11(1)(b), għandha ssir stima tal-imposta tal-prosegwiment, abbażi tat-total tal-imposti mistenni.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għal fondi li jimponu tariffa fiss li tinkludi kollox, fejn għandha tintwera dik iċ-ċifra minflok;

(b)

għal fondi b’limitu jew massimu ffissat fuq l-ammont li jista’ jiġi impost, fejn minflok għandha tiġi żvelata dik iċ-ċifra dment li l-kumpanija maniġerjali tikkommetti ruħha li tirrispetta ċ-ċifra ppubblikata u li tassorbi kwalunkwe spiża li li kieku tikkawża li dik iċ-ċifra tinqabeż.

Artikolu 14

Kontroreferenzi

It-taqsima “Imposti” għandha tinkludi, fejn ikun rilevanti, kontroreferenza għal dawk il-partijiet tal-prospett tal-UCITS fejn wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-imposti, inkluża informazzjoni dwar tariffi fuq il-prestazzjoni u kif dawn jiġu kkalkulati.

TAQSIMA 4

prestazzjoni fl-imgħoddi

Artikolu 15

Preżentazzjoni tar-prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS għandha tiġi ppreżentata f’bar chart li tkun tkopri l-prestazzjoni tal-UCITS għall-aħħar 10 snin.

Id-daqs tal-bar chart imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jippermetti l-leġġibbiltà, imma taħt ebda ċirkostanza m’għandu jeċċedi n-nofs paġna fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

2.   Il-preżentazzjoni ta’ UCITS bi prestazzjoni ta’ anqas minn 5 snin kalendarji sħaħ għandha tkun tkopri biss l-aħħar 5 snin.

3.   Għal kwalunkwe sena li ma tkunx disponibbli dejta dwarhom, is-sena għandha tintwera bħala spazju vojt b’ebda annotazzjoni għajr id-data.

4.   Għal UCITS li jkun għad m’għandhiex dejta tal-prestazzjoni ta’ sena kalendarja sħiħa, għandha tiġi inkluża dikjarazzjoni fejn jiġi spjegat li d-dejta li teżisti hija insuffiċjenti biex tingħata indikazzjoni utli tal-prestazzjoni fl-imgħoddi lill-investituri.

5.   It-tqassim tal-bar chart għandu jkun issupplimentat b’dikjarazzjonijiet li jkunu jidhru b’mod prominenti u li:

(a)

iwissu dwar il-valur limitat tagħha bħala gwida tal-prestazzjoni fil-ġejjieni;

(b)

jindikaw fil-qosor liema imposti u tariffi jkunu ġew inklużi jew esklużi mill-kalkolu tal-prestazzjoni fl-imgħoddi;

(c)

jindikaw is-sena li fiha jkun twaqqaf il-fond;

(d)

jindikaw il-munita li fiha tkun ġiet ikkalkulata l-prestazzjoni fl-imgħoddi.

Ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (b) m’għandux jiġi applikat għal UCITS li ma jkollhomx imposta fuq l-investiment inizjali u imposta fuq iċ-ċessjoni.

6.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur m’għandu jkun fih ebda reġistrazzjoni tal-prestazzjoni fl-imgħoddi għal xi parti mis-sena kalendarja attwali.

Artikolu 16

Metodoloġija tal-kalkolu tal-prestazzjoni fl-imgħoddi

Il-kalkolu taċ-ċifri tal-prestazzjoni fl-imgħoddi għandu jkun ibbażat fuq il-valur tal-assi netti tal-UCITS, u dawn għandhom jiġu kkalkulati fuq il-premessa li kull introjtu distribwibbli mill-fond reġa’ ġie investit mill-ġdid.

Artikolu 17

L-impatt u t-trattament ta’ tibdil materjali

1.   Meta ssir bidla materjali fl-għanijiet u l-politika ta’ investiment tal-UCITS matul il-perjodu muri fil-bar chart msemmija fl-Artikolu 15, il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS qabel dik il-bidla materjali għandhom ikomplu jintwerew.

2.   Il-perjodu ta’ qabel il-bidla materjali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun indikat fil-bar chart u mmarkat bi twissija ċara li l-prestazzjoni kienet nkisbet taħt ċirkostanzi li m’għadhomx japplikaw.

Artikolu 18

Użu minn punt ta’ riferiment maġenb il-prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   Fejn fit-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur issir referenza għal xi punt ta’ riferiment, bar li turi l-prestazzjoni ta’ dak il-punt ta’ riferiment għandha tiġi inkluża fil-bar chart maġenb kull waħda mill-bars li tkun qiegħda turi l-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS.

2.   Għal UCITS li ma jkollhomx dejta dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi tul il-ħames jew l-għaxar snin meħtieġa, il-punt ta’ riferiment m’għandux jintwera għas-snin li fihom il-UCITS ma kinux jeżistu.

Artikolu 19

Użu ta’ dejta “simulata” għall-prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   Reġistru simulat ta’ prestazzjoni għall-perjodu qabel ma d-dejta kienet disponibbli għandu jkun permess biss fil-każijiet li ġejjin, sakemm l-użu tiegħu jkun ġust, ċar u li ma jiżvijax:

(a)

klassi tal-ishma ġdida ta’ UCITS eżistenti jew kumpartiment ta’ investiment jista’ jissimula l-prestazzjoni tiegħu billi tittieħed il-prestazzjoni ta’ klassi oħra, basta ż-żewġ klassijiet ma jkunux materjalment differenti fil-kwantità tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-assi tal-UCITS;

(b)

UCITS alimentatriċi tista’ tissimula l-prestazzjoni tagħha billi jittieħdu l-prestazzjoni tal-UCITS prinċipali, sakemm tkun qiegħda tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-istrateġija u l-għanijiet tal-fond alimentatur ma jkunux jippermettulha li żżomm assi għajr unitajiet tal-fond prinċipali u assi likwidi anċillari;

(ii)

il-karatteristiċi tal-fond alimentatur ma jkunux materjalment differenti minn dawk tal-fond principali.

2.   Fil-każijiet kollha fejn il-prestazzjoni tkun ġiet simulata skont il-paragrafu 1, fil-bar chart għandu jiġi żvelat b’mod prominenti li l-prestazzjoni ġiet simulata.

3.   UCITS li tibdel l-istatus legali tagħha imma li tibqa’ stabbilita fl-istess Stat Membru għandha tibqa’ żżomm ir-reġistru tal-prestazzjoni tagħha biss fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tivvaluta b’mod raġonevoli li l-bidla fl-istatus mhijiex sa taffettwa l-prestazzjoni tal-UCITS.

4.   Fil-każ ta’ fużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(p)(i) u (iii) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS li tirċievi biss għandha tinżamm fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

TAQSIMA 5

informazzjoni prattika u kontroreferenzi

Artikolu 20

Il-kontenut tat-taqsima “Informazzjoni prattika”

1.   It-taqsima “Informazzjoni prattika” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, rilevanti għal investituri f’kull Stat Membru fejn il-UCITS tkun qiegħda tiġi kkummerċjalizzata:

(a)

l-isem tad-depożitarju;

(b)

fejn u kif tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-UCITS, kopji tal-prospett tagħha u r-rapport annwali l-aktar reċenti tagħha u kwalunkwe rapport sussegwenti ta’ kull sitt xhur, li jistipula b’liema lingwa/i jkunu disponibbli dawk id-dokumenti, u li jistgħu jinkisbu bla ħlas;

(c)

fejn u kif tista’ tinkiseb informazzjoni prattika oħra, inkluż minn fejn ikunu jistgħu jinstabu l-aħħar prezzijiet tal-unitajiet;

(d)

dikjarazzjoni li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS jista’ jkollha impatt fuq il-pożizzjoni tat-taxxa personali tal-investitur;

(e)

id-dikjarazzjoni li ġejja:

“[Daħħal l-isem tal-kumpanija tal-investiment jew tal-kumpanija maniġerjali] tista’ tinżamm responsabbli biss abbażi ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni f’dan id-dokument li tkun ta’ diżgwid, impreċiża jew inkonsistenti mal-partijiet rilevanti tal-prospett tal-UCITS.”

2.   Fejn id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jitħejja għal kumpartiment ta’ investiment ta’ UCITS, it-taqsima “Informazzjoni prattika” għandha tinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 25(2) inkluża dik dwar il-jedd tal-investituri li jaqilbu minn kumpartiment għal ieħor.

3.   Fejn ikun applikabbli, fit-taqsima “Informazzjoni prattika” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tissemma l-informazzjoni li hija meħtieġa dwar il-klassijiet ta’ ishma disponibbli skont l-Artikolu 26.

Artikolu 21

Użu ta’ kontroreferenzi għal sorsi ta’ informazzjoni oħrajn

1.   Kontroreferenzi għal sorsi oħra ta’ informazzjoni, inklużi l-prospett u r-rapporti annwali jew ta’ kull sitt xhur, jistgħu jiġu inklużi fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, sakemm l-informazzjoni kollha li hija fundamentali biex l-investituri jifhmu l-elementi essenzjali tal-investiment tkun inkluża fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur innifsu.

Jistgħu jsiru kontroreferenzi għas-sit elettroniku tal-UCITS jew tal-kumpanija maniġerjali, inkluża kwalunkwe parti minn xi waħda minn dawn is-siti elettroniċi li jkun fiha l-prospett u r-rapporti perjodiċi.

2.   Il-kontroreferenzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidderieġu lill-investitur għat-taqsima speċifika tas-sors ta’ informazzjoni rilevanti. Jistgħu jintużaw diversi kontroreferenzi differenti fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur imma dawn għandhom ikunu mill-anqas.

TAQSIMA 6

eżaminar u reviżjoni tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur

Artikolu 22

Eżaminar tat-tagħrif ewlieni għall-investitur

1.   Il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija tal-investiment għandha tiżgura li t-tagħrif ewlieni għall-investitur jiġi eżaminat tal-anqas kull tnax-il xahar.

2.   L-eżami għandu jsir qabel kwalunkwe bidla proposta fil-prospett, fir-regoli ta’ fond jew fl-istrument tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment fejn dan it-tibdil ma jkunx ġie soġġett għall-eżami kif imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   L-eżami għandu jsir qabel jew wara kull tibdil ikkunsidrat bħala materjali għall-informazzjoni fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

Artikolu 23

Pubblikazzjoni tal-verżjoni riveduta

1.   Meta l-eżami msemmi fl-Artikolu 22 jindika li jkun jeħtieġ isir xi tibdil fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, il-verżjoni riveduta tiegħu għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-pront.

2.   Fejn bidla fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tkun ir-riżultat mistenni ta’ deċiżjoni mill-kumpanija maniġerjali, inkluż tibdil fil-prospett, fir-regoli tal-fond jew fl-istrument tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment, il-verżjoni riveduta tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkun disponibbli qabel mal-bidla tidħol fis-seħħ.

3.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur, bi preżentazzjoni tal-prestazzjoni fl-imgħoddi riveduta kif xieraq, tal-UCITS għandu jkun disponibbli mhux aktar tard minn 35 jum tan-negozju wara l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Artikolu 24

Tibdil materjali fl-istruttura tal-imposti

1.   L-informazzjoni dwar l-imposti għandha tirrifletti tajjeb kull bidla fl-istruttura tal-imposti li tirriżulta f’żieda fl-ammont massimu permess ta’ kwalunkwe imposta ta’ darba pagabbli direttament mill-investitur.

2.   Fejn l-‘imposta tal-prosegwiment “kkalkulata skont l-Artikolu 10(2)(b) ma jibqgħux kredibbli, il-kumpanija maniġerjali għandha minflok tagħmel stima taċ-ċifra tal-‘imposta tal-prosegwiment” li raġonevolment tkun temmen li hija indikattiva tal-ammont li x’aktarx jiġu imposti fuq il-UCITS fil-ġejjieni.

Din il-bidla fil-bażi għandha tiġi żvelata bid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Iċ-ċifra tal-imposta tal-prosegwiment murija hawnhekk hija estimu tal-imposti. [Daħħal deskrizzjoni qasira tar-raġuni għala jkun qiegħed jintuża estimu milli ċifra ex-post.] Ir-rapport annwali tal-UCITS għal kull sena finanzjarja għandu jinkludi dettall preċiż dwar l-imposti li saru.”

KAPITOLU IV

STRUTTURI PARTIKOLARI TA’ UCITS

TAQSIMA 1

Kumpartimenti ta’ investiment

Artikolu 25

Kumpartimenti ta’ investiment

1.   Fejn UCITS tkun tikkonsisti f’żewġ kumpartimenti ta’ investiment jew aktar għandu jkun hemm dokument separat ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur għal kull wieħed mill-kumpartimenti individwali.

2.   Kull wieħed mid-dokumenti ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jindika fit-taqsima “informazzjoni prattika” l-informazzjoni li ġejja:

(a)

li d-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur jiddeskrivi kumpartiment ta’ UCITS, u, jekk ikun il-każ, li l-prospett u r-rapporti perjodiċi jitħejjew għall-UCITS sħiħa li isimha jkun jidher fil-bidu tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur;

(b)

jekk l-assi u l-obbligi ta’ kull wieħed mill-kumpartimenti jkunux mifruda bil-liġi jew le, u kif dan jista’ jaffettwa lill-investitur;

(c)

jekk l-investitur ikollux jew le l-jedd li jiskambja l-investiment tiegħu f’unitajiet f’kumpartiment minnhom ma’ unitajiet f’kumpartiment ieħor, u jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb l-informazzjoni dwar il-mod kif dak il-jedd jiġi eżerċitat.

3.   Fejn il-kumpanija maniġerjali tiffissa imposta biex l-investitur jiskambja l-investment tiegħu skont il-paragrafu 2(c), u dik l-imposta tkun differenti mill-imposta standard għax-xiri jew il-bejgħ ta’ unitajiet, dik l-imposta għandha tissemma separatament fit-taqsima “Imposti” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

TAQSIMA 2

Klassijiet ta’ ishma

Artikolu 26

Dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur għall-klassijiet tal-ishma

1.   Fejn UCITS tkun tikkonsisti f’aktar minn klassi waħda ta’ unitajiet jew ishma, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jitħejja għal kull waħda mill-klassijiet ta’ unitajiet jew ishma.

2.   It-tagħrif ewlieni għall-investitur pertinenti għal żewġ klassijiet jew aktar tal-istess UCITS, jista’ jiġi kkumbinata f’dokument wieħed ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur, sakemm id-dokument aħħari jkun konformi kompletament mar-rekwiżiti kollha kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II, inkluż dak tat-tul.

3.   Il-kumpanija maniġerjali tista’ tagħżel klassi biex tirrappreżenta klassi jew klassijiet oħrajn tal-UCITS, basta l-għażla tkun ġusta, ċara u ma tiżvijax lill-investituri potenzjali f’dawk il-klassijiet oħrajn. F’dawn il-każijiet it-Taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun fiha spjegazzjoni tar-riskju materjali applikabbli għal kwalunkwe waħda mill-klassijiet l-oħrajn li jkunu rappreżentati. L-investituri jistgħu jiġu pprovduti b’dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għall-klassijiet l-oħrajn ibbażat fuq il-klassi rappreżentattiva.

4.   Klassijiet differenti m’għandhomx jiġu kkumbinati fi klassi rappreżentattiva komposta kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Il-kumpanija maniġerjali għandha żżomm reġistru ta’ liema klassijiet oħra huma rrappreżentati mill-klassi rappreżentattiva msemmija fil-paragrafu 3 u r-raġunijiet li jiġġustifikaw dik l-għażla.

Artikolu 27

It-taqsima tal-informazzjoni prattika

Jekk ikun applikabbli, it-taqsima “Informazzjoni prattika” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkun issupplimentata b’indikazzjoni ta’ liema klassi tkun intgħażlet bħala rappreżentattiva, bl-użu tat-terminu li bih tissemma fil-prospett tal-UCITS.

Dik it-taqsima għandha tindika wkoll minn fejn l-investituri jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar il-klassijiet l-oħrajn tal-UCITS li jkunu kkummerċjalizzati fl-Istat Membru tagħhom.

TAQSIMA 3

Fond ta’ fondi

Artikolu 28

It-taqsima tal-għanijiet u l-politika tal-investiment

Fejn il-UCITS tinvesti proporzjon sostanzjali mill-assi tagħha f’UCITS oħra jew f’impriżi għall-investiment kollettiv oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 50(1)(e) tad-Direttiva 2009/65/KE, id-deskrizzjoni tal-għanijiet u l-politika tal-investiment ta’ dik il-UCITS fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tinkludi spjegazzjoni qasira tal-mod kif l-impriżi kollettivi l-oħrajn għandhom jintgħażlu fuq bażi kontinwa.

Artikolu 29

Il-profil tar-riskji u l-gwadanji

Fl-ispjegazzjoni narrattiva tal-fatturi tar-riskji msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) għandu jitqies ir-riskju ppreżentat minn kull impriża kollettiva sottostanti, sakemm dawn jistgħu jkunu rilevanti għall-UCITS inġenerali.

Artikolu 30

It-Taqsima tat-imposti

Fid-deskrizzjoni tal-imposti għandha tqis kwalunkwe imposti li dik il-UCITS stess tkun ser iġġarrab bħala investitur fl-impriżi kollettivi sottostanti. Speċifikament, kwalunkwe imposta fuq l-investiment inizjali u imposta fuq iċ-ċessjoni u imposta tal-prosegwiment li jinġabru mill-impriżi kollettivi sottostanti għandhom ikunu riflessi fil-kalkolu taċ-ċifra tal-imposta tal-prosegwiment tal-UCITS stess.

TAQSIMA 4

UCITS Alimentatriċi

Artikolu 31

It-taqsima tal-għanijiet u politika ta’ investiment

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ta’ UCITS alimentatriċi, kif iddefinit fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2009/65/KE, għandu jkun fih, fid-deskrizzjoni tal-għanijiet u politika ta’ investiment, informazzjoni dwar il-proporzjon tal-assi tal-UCITS alimentatriċi investit fil-UCITS prinċipali.

2.   Għandu jkun hemm ukoll deskrizzjoni tal-għanijiet u l-politika ta’ investiment tal-UCITS prinċipali, issupplimentata kif jixraq minn xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

indikazzjoni li r-redittu mill-investiment tal-UCITS alimentatriċi ser jkun simili ħafna għal dawk tal-UCITS prinċipali, jew

(ii)

spjegazzjoni ta’ kif u għala r-redittu mill-investiment tal-UCITS alimentatriċi u dik prinċipali jista’ jkun differenti.

Artikolu 32

It-taqsima tal-profil tar-riskji u l-gwadanji

1.   Fejn il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-UCITS alimentatriċi jkun differenti f’kwalunkwe aspett materjali minn dak tal-fond principali, dan il-fatt u r-raġuni għalih għandu jkun spjegat fit-taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

2.   Kwalunkwe riskju ta’ likwidità u r-relazzjoni ta’ bejn l-arranġamenti tal-akkwist u tifdija tal-UCITS prinċipali u dik alimentatriċi għandhom ikunu spjegati fit-taqsima “Il-profil tar-riskji u l-gwadanji” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur.

Artikolu 33

It-taqsima tal-Imposti

It-taqsima “Imposti” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkopri kemm l-ispejjeż biex wieħed jinvesti fil-UCITS alimentatriċi kif ukoll kwalunkwe spiża u nefqa li l-UCITS prinċipali tista’ timponi fuq il-UCITS alimentatriċi.

Barra minn hekk, għandha tikkumbina flimkien l-ispejjeż kemm tal-UCITS alimentatriċi u ta’ dik prinċipali fiċ-ċifra tal-Imposta tal-prosegwiment tal-UCITS alimentatriċi.

Artikolu 34

It-taqsima tal-informazzjoni prattika

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS alimentatriċi, fit-Taqsima “Informazzjoni prattika”, għandu jkun fih informazzjoni speċifika dwar il-UCITS alimentatriċi.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

dikjarazzjoni li l-prospett tal-UCITS prinċipali, id-dokument ta’ tagħrif ewlieni għall-investitur, u r-rapporti perjodiċi u l-kontijiet huma disponibbli għall-investituri tal-UCITS alimentatriċi jekk jintalbu, kif dawn jistgħu jinkisbu, u b’liema lingwa/i;

(b)

jekk l-affarijiet elenkati fil-punt (a) ikunux disponibbli f’kopji stampati biss jew f’xi mezzi li jibqgħu oħrajn, u jekk titħallasx xi tariffa għal dawk l-affarijiet li mhumiex soġġetti għal tqassim b’xejn skont l-Artikolu 63(5) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

fejn il-UCITS prinċipali tkun stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak tal-UCITS alimentatriċi, u dan jista’ jaffettwa t-trattament ta’ taxxa tal-fond alimentatur, għandu jkun hemm dikjarazzjoni f’dan ir-rigward.

Artikolu 35

Prestazzjoni fl-imgħoddi

1.   Il-preżentazzjoni tal-prestazzjoni fl-imgħoddi fid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS alimentatriċi għandha tkun speċifika għall-UCITS alimentatriċi, u fiha m’għandux jidher ir-reġistru tal-prestazzjoni tal-UCITS prinċipali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika:

(a)

fejn il-UCITS alimentatriċi turi l-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS prinċipali tagħha bħala l-punt ta’ riferiment; jew

(b)

fejn il-fond alimentatur ikun tnieda bħala UCITS alimentatriċi f’data wara l-UCITS prinċipali, u fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19 ikunu ssodisfati, u fejn tintwera prestazzjoni simulata għas-snin qabel ma l-fond alimentatur kien jeżisti, abbażi tal-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-UCITS prinċipali; jew

(c)

fejn il-UCITS alimentatriċi jkollha rendikont tal-prestazzjoni fl-imgħoddi minn qabel id-data li fiha tkun bdiet topera bħala fond alimentatur, filwaqt li r-reġistrazzjoni proprja tagħha għas-snin rilevanti jibqa’ jidher fil-bar chart, bil-bidla materjali mmarkata kif meħtieġ skont l-Artikolu 17(2).

TAQSIMA 5

UCITS Strutturati

Artikolu 36

Xenarji ta’ prestazzjoni

1.   Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur ta’ UCITS strutturati m’għandux ikollu fih it-taqsima “Prestazzjoni fl-imgħoddi”.

Għall-iskopijiet ta’ din it-Taqsima, UCITS għandha tfisser UCITS li jipprovdu l-investituri, f’ċerti dati predeterminati, bi gwadan ibbażat fuq algoritmu li huwa marbut mal-prestazzjoni, jew mal-evoluzzjon tal-prezz jew kundizzjonijiet oħrajn, ta’ assi finanzjarji, indiċijiet jew portafolji ta’ referenza jew UCITS b’karatteristiċi simili.

2.   Għal UCITS strutturati, it-taqsima “Għanijiet u politika ta’ investiment” tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tinkludi spjegazzjoni ta’ kif taħdem il-formula jew kif jiġi kkalkulat il-gwadan.

3.   L-ispjegazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun akkumpanjata b’illustrazzjoni, li turi tal-anqas tliet xenarji tal-prestazzjoni potenzjali tal-UCITS. Għandhom jintgħażlu xenarji xierqa li juru ċ-ċirkostanzi li fihom il-formula tista’ tiġġenera redittu baxx, medju jew għoli, inkluż, fejn ikun applikabbli, redittu negattiv għall-investitur.

4.   Bix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jippermettu l-investitur jifhem kompletament l-effetti kollha tal-mekkaniżmu tal-kalkolu inkorporat fil-formula.

Dawn għandhom ikunu ppreżentati b’mod ġust, ċar u li ma jiżvijax, u li x’aktarx jiftiehem mill-investitur medju fil-livell tal-konsum. B’mod partikolari, dawn m’għandhomx ikabbru b’mod artifiċjali l-importanza tal-prestazzjoni finali tal-UCITS.

5.   Ix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet raġonevoli u konservattivi dwar il-kundizzjonijiet tas-suq u ċ-ċaqliq fil-prezzijiet fil-ġejjieni.

Madanakollu, kull meta l-formula tesponi lill-investituri għall-possibbiltà ta’ telf sostanzjali, bħalma hija garanzija fuq il-kapital li taħdem biss taħt ċerti ċirkostanzi, dan it-telf għandu jkun illustrat sew, anki jekk il-probabbiltà tal-kundizzjonijiet korrispondenti tas-suq tkun baxxa.

6.   Ix-xenarji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu akkumpanjati b’dikjarazzjoni li dawn huma eżempji inklużi biex jispjegaw il-formula, u ma jirrappreżentawx xi previżjoni ta’ dak li jista’ jiġri. Wieħed għandu jagħmilha ċara li x-xenarji murija jista’ ma jkollhomx l-istess probabbiltà li jseħħu.

Artikolu 37

Tul

Id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investituri ta’ UCITS strutturati m’għandux jaqbeż it-tliet paġni fuq karta ta’ daqs A-4 meta stampat.

KAPITOLU V

MEZZ LI JIBQA’

Artikolu 38

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-provvista ta’ dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew ta’ prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ sit elettroniku

1.   Fejn, għall-iskopijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett irid jiġi pprovdut lill-investituri bl-użu ta’ mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat għandhom ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista tad-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett bl-użu ta’ dan il-mezz li jibqa’ jrid ikun jixraq lill-kuntest li fih jsir in-negozju bejn il-kumpanija maniġerjali u l-investitur, jew li jkun ser isir fih; u

(b)

il-persuna li trid tiġi pprovduta bid-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett, meta offruta tagħżel bejn informazzjoni stampata jew dik bil-mezz li jibqa’ l-ieħor, tagħżel speċifikament dak il-mezz l-ieħor.

2.   Fejn id-dokument tat-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett irid jiġi pprovdut permezz ta’ sit elettroniku u dik l-informazzjoni ma tkunx indirizzata personalment lill-investitur, għandhom ikunu ssodisfati wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-provvista ta’ dik l-informazzjoni b’dak il-mezz tkun tixraq lill-kuntest li fih isir in-negozju bejn il-kumpanija maniġerjali u l-investitur ikun sa, jew li jkun ser isir fih;

(b)

l-investitur għandu speċifikament jikkonsenti għall-provvista ta’ dik l-informazzjoni f’dik il-forma;

(c)

l-investitur għandu jiġi nnotifikat b’mod elettroniku bl-indirizz tas-sit elettroniku, u l-post fis-sit elettroniku minn fejn l-informazzjoni tkun tista’ tiġi aċċessata;

(d)

l-informazzjoni trid tkun aġġornata;

(e)

l-informazzjoni trid tkun aċċessibbli kontinwament permezz ta’ dak is-sit elettroniku għal dak il-perjodu ta’ żmien li fih il-klijent jista’ raġonevolment ikun jeħtieġlu jispezzjonaha.

3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-provvista ta’ informazzjoni permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandha titqies li tkun tixraq lill-kuntest li fih isir in-negozju bejn il-kumpanija maniġerjali u l-investitur, jew ikun isir fih, jekk ikun hemm evidenza li l-investitur għandu aċċess regolari għall-Internet. L-għoti ta’ indirizz elettroniku mill-investitur għall-iskopijiet tat-twettiq ta’ dak in-negozju għandu jitqies bħala din l-evidenza.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  Ara paġna 42 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.

(5)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.


ANNESS I

REKWIŻITI RELATATI MAL-PREŻENTAZZJONI TAL-INDIKATUR SINTETIKU

1.   L-indikatur sintetiku għandu jikklassifika l-fond fuq skala minn 1 sa 7 abbażi tar-reġistru tal-volatilità tiegħu.

2.   L-iskala għandha tintwera bħala sekwenza tal-kategoriji rappreżentati b’numri sħaħ f’ordni miż-żgħir għall-kbir minn 1 sa 7 li timxi mix-xellug għal-lemin, u li tirrappreżenta livelli ta’ riskji u gwadan, mill-aktar baxx sal-ogħla.

3.   Wieħed għandu jagħmilha ċara fuq l-iskala li riskju baxx ifisser gwadan potenzjalment aktar baxx u li riskju ogħla jfisser gwadanji potenzjalment ogħla.

4.   Il-kategorija li fiha tkun taqa’ l-UCITS għandha tkun indikata b’mod prominenti.

5.   M’għandux jintuża kulur biex wieħed jiddistingwi bejn l-affarijiet fuq l-iskala.


ANNESS II

PREŻENTAZZJONI TAL-IMPOSTI

It-imposti għandhom ikunu ppreżentati f’tabella strutturata bil-mod li ġej:

Imposti ta’ darba li jittieħdu qabel jew wara li tinvesti

Imposta fuq l-investiment inizjali

Imposta fuq iċ-ċessjoni

[] %

[] %

Dan huwa l-massimu li jista’ jittiħidlek minn flusek [qabel ma jiġu investiti] [qabel ma jitħallas ir-rendiment mill-investiment tiegħek]

Imposti meħuda mill-fond tul sena

Imposta tal-prosegwiment

[] %

Imposti meħuda mill-fond skont ċerti kundizzjonijiet speċifiċi

Tariffa fuq il-prestazzjoni

[] % kull sena ta’ kull redittu miksub mill-fond ‘il fuq mill-punt ta’ riferiment għal dawn it-tariffi, il- [daħħal l-isem tal-punt ta’ riferiment]

Għandu jkun indikat ammont perċentwali għal kull waħda minn dawn l-imposti.

Fil-każ ta’ tariffa fuq il-prestazzjoni, l-ammont li impost fl-aħħar sena finanzjarja tal-fond għandu jiġi inkluż bħala ċifra perċentwali.


ANNESS III

PREŻENTAZZJONI TAL-INFORMAZZJONI DWAR IL-PRESTAZZJONI FL-IMGĦODDI

Il-bar chart li tippreżenta l-prestazzjoni fl-imgħoddi għandha tkun konformi mal-kriterji li ġejjin:

1.

l-iskala tal-assi Y tal-bar chart għandha tkun lineari, mhux logaritmika;

2.

l-iskala għandha tiġi adattata għall-bars murija u m’għandhiex tikkompressal-bars biex il-varjazzjonijiet fir-redittu jsiru aktar diffiċli biex jintgħarfu;

3.

l-assi X għandu jkun issettjat fil-livell ta’ prestazzjoni ta’ 0 %;

4.

għandha tiżdied marka ma’ kull bar li tindika r-redittu li jkun inkiseb f’perċentwali li;

5.

iċ-ċifri tal-prestazzjoni fl-imgħoddi għandhom jitqarrbu sa ċifra deċimali waħda.


10.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 584/2010

tat-1 ta’ Lulju 2010

li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-ittra ta’ notifika u attestazzjoni UCITS standardizzati, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-fini ta’ notifika, u proċeduri għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/65/KE tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95(2)(a), (b) u (c), l-Artikolu 101(9) u l-Artikolu 105 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/65/KE tipprovdi lill-Kummissjoni b’setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika u tarmonizza ċerti aspetti tal-proċedura l-ġdida għan-notifika tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ UCITS fi Stat Membru ospitanti. Din l-armonizzazzjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti biċ-ċertezza meħtieġa dwar kif ir-rekwiżiti l-ġodda se jaħdmu u jgħinu sabiex jiġi żgurat li l-proċedura l-ġdida taħdem mingħajr intoppi.

(2)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura tan-notifika huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-forma u l-kontenut tal-ittra mudell standard ta’ notifika li trid tintuża minn UCITS u l-forma u l-kontenut tal-attestazzjoni li trid tintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiġi kkonfermat li l-UCITS tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2009/65/KE. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw kemm l-ittra ta’ notifika kif ukoll l-attestazzjoni b’mod elettroniku.

(3)

Peress li l-għan ta’ Direttiva 2009/65/KE huwa li jiġi żgurat li UCITS tista’ tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha fi Stati Membri oħra bla ħsara għal proċedura ta’ notifika bbażata fuq komunikazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura dettaljata għat-trażmissjoni elettronika tal-fajl ta’ notifika bejn awtoritajiet kompetenti.

(4)

Id-Direttiva 2009/65/KE tirrikjiedi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri ta’ domiċilju tal-UCITS li jivverifikaw jekk il-fajl tan-notifika jkunx komplet qabel ma jittrażmettu l-fajl sħiħ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha. Tipprovdi wkoll lill-UCITS bid-dritt ta’ aċċess għas-suq ta’ Stat Membru ospitanti immedjatament wara li l-fajl sħiħ ta’ notifika jkun ġie trażmess mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru fejn l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali huwa meħtieġ li jiġi stabbilit meta huwa kkunsidrat li tkun seħħet it-trażmissjoni tal-fajl sħiħ ta’ notifika. Barra minn hekk, il-proċedura għall-użu ta’ komunikazzjoni elettronika għandha tirrikjiedi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS li jiżguraw li tkun seħħet it-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni kompleta, qabel ma jinnotifikaw lil UCITS dwar it-trażmissjoni skont l-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti proċeduri sabiex jiġu trattati problemi tekniċi li jseħħu fil-proċess tat-trażmissjoni tal-fajl ta’ notifika bejn awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u ospitanti tal-UCITS.

(5)

Sabiex tiġi simplifikata t-trażmissjoni tal-fajl ta’ notifika kif ukoll jitqiesu innovazzjonijiet tekniċi u l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ sistemi aktar sofistikati għall-komunikazzjoni elettronika, awtoritajiet kompetenti jistgħu jimplimentaw arranġamenti kooperattivi sabiex titjieb il-komunikazzjoni elettronika tal-fajl ta’ notifika b’mod partikolari fir-rigward ta’ sigurtà tas-sistema u l-użu tal-mekkaniżmi tal-enkripxin. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoordinaw ukoll arranġamenti għall-komunikazzjoni elettronika fi ħdan il-Kumitat ta’ Regolaturi Ewropej tat-Titoli.

(6)

Id-Direttiva 2009/65/KE tirrikjiedi li Stati Membri jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni. Kooperazzjoni mtejba bejn awtoritajiet kompetenti hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li UCITS u kumpaniji maniġerjali li jimmaniġjaw UCITS jikkonformaw mad-Direttiva 2009/65/KE u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla intoppi tas-suq intern u livell għoli ta’ protezzjoni tal-investitur.

(7)

Id-Direttiva 2009/65/KE tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jirrikjiedu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor f’attività superviżorja jew għal verifika fuq il-post jew f’investigazzjoni fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. B’mod partikolari, fejn UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti mekkaniżmi għal kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti u proċeduri dettaljati li jridu jiġu applikati meta awtorità kompetenti teħtieġ li twettaq investigazzjoni jew verifika fuq il-post ta’ entità jew persuna li tinsab fi Stat Membru ieħor.

(8)

Awtorità kompetenti għandu jkollha dritt li titlob il-kooperazzjoni ta’ awtoritajiet kompetenti oħra fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltajiet superviżorji tagħha. L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi għajnuna anke fejn il-kondotta investigata ma titqiesx bħala ksur fil-ġuriżdizzjoni tagħha stess. L-awtorità rikjesta tista’ tirrifjuta għajnuna fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 101(6) tad-Direttiva 2009/65/KE.

(9)

Id-Direttiva 2009/65/KE tirrikjiedi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri jipprovdu lil xulxin immedjatament bl-informazzjoni meħtieġa għall-fini li jwettqu d-dmirijiet tagħhom. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ta’ rutina u l-iskambju ta’ informazzjoni mingħajr talba minn qabel.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2009/65/KE u f’dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data, dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data bħall-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2009/65/KE.

(11)

Il-Kumitat ta’ Regolaturi Ewropej tat-Titoli, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (2) ġie kkonsultat għal parir tekniku.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PROĊEDURA TA’ NOTIFIKA

Artikolu 1

Forma u kontenut tal-ittra ta’ notifika

Impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) għandha tipproduċi l-ittra ta’ notifika kif imsemmi fl-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2009/65/KE skont il-mudell stabbilit fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Forma u kontenut tal-attestazzjoni tal-UCITS

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jipproduċu l-attestazzjoni li l-UCITS tissodisfa l-kondizzjonijiet imposti mid-Direttiva 2009/65/KE kif imsemmi fl-Artikolu 93(3) ta’ dik id-Direttiva skont il-mudell stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Indirizz deżinjat tal-posta elettronika

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw indirizz elettroniku għall-fini li tiġi trażmessa d-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE u għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni relatat mal-proċedura ta’ notifika stabbilita f’dak l-Artikolu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra bl-indirizz deżinjat tal-posta elettronika u għandhom jiżguraw li tinġibed l-attenzjoni tagħhom għal kwalunkwe modifika ta’ dak l-indirizz elettroniku.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jittrażmettu d-dokumenti kollha msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE lill-indirizz deżinjat tal-posta elettronika biss tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċedura sabiex jiżguraw li l-indirizz deżinjat tal-posta elettronika tagħhom sabiex jirċievu notifiki jiġi spezzjonat kull ġurnata tax-xogħol.

Artikolu 4

Trażmissjoni tal-fajl tan-notifika

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jittrażmettu d-dokumentazzjoni kompleta msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha, permezz ta’ posta elettronika.

Kwalunkwe dokument mehmuż mal-ittra ta’ notifika kif speċifikat fl-Anness I għandu jiġi elenkat fil-posta elettronika u għandu jiġi pprovdut f’format f’użu komuni li jkun jista’ jinqara u jiġi stampat.

2.   It-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni kompleta kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tkun seħħet fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin biss:

(a)

dokument li jrid jiġi trażmess huwa nieqes, mhux komplut jew huwa f’format ieħor għajr dak speċifikat fil-paragrafu 1;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS ma jużawx l-indirizz deżinjat tal-posta elettronika mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha skont l-Artikolu 3(1);

(c)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS ikunu naqsu milli jittrażmettu d-dokumentazzjoni sħiħa bħala riżultat ta’ nuqqas tekniku fis-sistema elettronika tagħhom.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni sħiħa kif imsemmija fl-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE tkun seħħet qabel ma jinnotifikaw lill-UCITS dwar it-trażmissjoni.

4.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS jiġu infurmati jew isiru konxji li t-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni sħiħa ma tkunx seħħet, għandhom immedjatament jieħdu passi sabiex jittrażmettu d-dokumentazzjoni sħiħa.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqblu li jissostitwixxu l-mezz li permezz tiegħu d-dokumentazzjoni sħiħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE tiġi trażmessa permezz ta’ metodu aktar sofistikat ta’ komunikazzjoni elettronika mill-posta elettronika, jew jistabbilixxu proċeduri addizzjonali sabiex itejbu s-sigurtà ta’ ittri elettroniċi trażmessi.

Kwalunkwe metodu alternattiv jew proċedura mtejba għandu jikkonforma mal-limiti ta’ żmien ta’ notifika stabbiliti fil-Kapitolu XI tad-Direttiva 2009/65/KE u ma għandux ifixkel l-abilità tal-UCITS li jkollha aċċess għas-suq ta’ Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha.

Artikolu 5

Irċevuta tal-fajl ta’ notifika

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha tirċievi d-dokumentazzjoni li trid tiġi trażmessa lilhom skont l-Artikolu 93(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, għandhom jikkonfermaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS kemm jista’ jkun malajr, imma mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tal-irċevuta ta’ din id-dokumentazzjoni jekk:

(a)

id-dokumenti mehmuża kollha li jridu jiġu elenkati skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew irċevuti; u

(b)

id-dokumenazzjoni li trid tiġi trażmessa lilhom tista’ tinqara jew tiġi stampata.

Il-konferma tista’ tintbagħat permezz tal-posta elettronika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, permezz tal-indirizz deżinjat skont l-Artikolu 3(1) ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jkunu ftiehmu dwar metodu aktar sofistikat għar-rikonoxximent tal-irċevuta.

2.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS ma jkunux irċevew konferma mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha fil-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1, għandhom jikkuntattjaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih l-UCITS tipproponi li tikkummerċjalizza l-unitajiet tagħha u tivverifika li t-trażmissjoni tad-dokumentazzjoni sħiħa tkun seħħet.

KAPITOLU II

KOOPERAZZJONI SUPERVIŻORJA

TAQSIMA 1

Proċedura għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

Artikolu 6

Talba għal għajnuna għal verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

1.   Awtorità kompetenti li għandha l-ħsieb li twettaq verifika fuq il-post jew investigazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (“l-awtorità rikjedenti”) għandha tissottometti talba bil-miktub lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor (“l-awtorità li tkun irċiviet it-talba”). It-talba għandha tinkludi li ġej:

(a)

ir-raġunijiet għat-talba, inklużi d-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti fuq liema t-talba hija bbażata;

(b)

l-ambitu tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni;

(c)

l-azzjonijiet diġà meħuda mill-awtorità rikjedenti;

(d)

kwalunkwe azzjoni li trid tittieħed mill-awtorità rikjesta;

(e)

il-metodoloġija proposta tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni u r-raġunijiet għaliex l-awtorità rikjedenti tkun għażlitha.

2.   It-talba għandha tiġi sottomessa suffiċjentement qabel il-verifika fuq il-post jew investigazzjoni.

3.   Fejn talba għal għajnuna għal verifika fuq il-post jew investigazzjoni tkun urġenti, tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ posta elettronika u kkonfermata sussegwentement bil-miktub.

4.   L-awtorità rikjesta għandha tirrikonoxxi rċevuta tat-talba mingħajr dewmien mhux xieraq.

5.   L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni li tkun intalbet mill-awtorità rikjesta sabiex l-awtorità rikjedenti tkun tista’ tipprovdi l-għajnuna meħtieġa.

6.   L-awtorità rikjesta għandha tittrażmetti mingħajr dewmien mhux xieraq kwalunkwe informazzjoni u dokumenti li huma disponibbli lilha li huma rilevanti jew utli għall-awtorità rikjedenti, fid-dawl tar-raġunijiet u l-ambitu tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

7.   L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandha tirrivaluta n-neċessità tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni fid-dawl tad-dokumenti u l-informazzjoni trażmessa skont il-paragrafu 5 jew 6.

8.   L-awtorità rikjesta għandha tiddeċiedi jekk twettaqx il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess jew jekk tippermettix lill-awtorità rikjedenti sabiex twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, jew jekk tippermettix lill-awdituri jew esperti oħra sabiex iwettqu verifika fuq il-post jew investigazzjoni.

9.   L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar kwistjonijiet relatati mal-allokazzjonijiet ta’ spejjeż ta’ verifika fuq il-post jew investigazzjoni.

Artikolu 7

Twettiq tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni mill-awtorità rikjesta

1.   Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess, għandha tagħmel dan skont il-proċedura pprovduta fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

2.   Fejn l-awtorità rikjedenti tkun talbet li l-uffiċjali tagħha stess jakkompanjaw lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta li qed twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni skont l-Artikolu 101(5) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jaqblu dwar arranġamenti prattiċi għal din il-parteċipazzjoni.

Artikoli 8

Twettiq tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni mill-awtorità rikjedenti

1.   Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awtorità rikjedenti twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, din il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni għandha titwettaq skont il-proċedura pprovduta fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ġiet kondotta l-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

2.   Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awtorità rikjedenti twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex tiffaċilita dik il-verifika fuq il-post jew investigazzjoni.

3.   Jekk l-awtorità rikjedenti tiskopri informazzjoni materjali rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tal-awtorità li tkun irċiviet it-talba matul il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni, għandha tittrażmetti mingħajr dewmien din l-informazzjoni lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 9

Twettiq tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni minn awdituri jew esperti

1.   Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awditur jew esperti jwettqu verifika fuq il-post jew investigazzjoni, din il-verifika fuq il-post jew investigazzjoni għandha titwettaq skont il-proċedura pprovduta fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se tiġi kondotta l-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

2.   Fejn l-awtorità rikjesta tkun iddeċidiet li tħalli lill-awdituri jew esperti jwettqu verifika fuq il-post jew investigazzjoni, għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex tiffaċilita lil dawk l-awdituri jew esperti t-twettiq tal-kompiti tagħhom.

3.   Fejn l-awtorità rikjedenti tipproponi li taħtar awdituri jew esperti, għandha tittrażmetti kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-identità u l-kwalifiki professjonali ta’ dawn l-awdituri jew esperti lill-awtorità rikjesta.

L-awtorità rikjesta għandha tinnotifika fil-pront lill-awtorità rikjedenti jekk taċċettax il-ħatra proposta.

Fejn l-awtorità rikjesta ma taċċettax il-ħatra proposta jew l-awtorità rikjedenti ma tipproponix il-ħatra ta’ awdituri jew esperti, l-awtorità rikjesta għandu jkollha d-dritt li tipproponi awdituri jew esperti.

4.   Fejn l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti ma jaqblux dwar il-ħatra ta’ awdituri jew esperti, l-awtorità rikjesta għandha tiddeċiedi jekk twettaqx il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni hija stess jew jekk tħallix lill-awtorità rikjedenti twettaq il-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

5.   Sakemm l-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti ma jiftehmux mod ieħor, l-awtorità li tkun ipproponiet l-awdituri jew esperti maħtura, għandha ġġorr l-ispejjeż rilevanti.

6.   Jekk, waqt it-twettiq tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni l-awdituri jew l-esperti jiskopru informazzjoni materjali rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet tal-awtorità rikjesta, għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni fil-pront lill-awtorità rikjesta.

Artikolu 10

Talbiet għal għajnuna f’intervisti ma’ persuni li jinsabu fi Stat Membru ieħor

1.   Fejn l-awtorità rikjedenti tikkunsidra li jeħtieġ li tmexxi intervisti ma’ persuni li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandha tissottometti talba bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

2.   It-talba għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

ir-raġunijiet għat-talba, inklużi d-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti li fuqha tkun ibbażata t-talba;

(b)

l-ambitu tal-intervisti;

(c)

l-azzjonijiet diġà meħuda mill-awtorità rikjedenti;

(d)

kwalunkwe azzjoni li trid tittieħed mill-awtorità rikjesta;

(e)

il-metodoloġija proposta li trid tintuża fl-intervisti u r-raġunijiet għaliex l-awtorità rikjedenti tkun għażlitha.

3.   It-talba għandha tiġi sottomessa suffiċjentement qabel l-intervisti.

4.   Fejn talba għal għajnuna sabiex jitwettqu intervisti ma’ persuni li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun urġenti, tista’ tiġi trażmessa permezz tal-posta elettronika u sussegwentement ikkonfermata bil-miktub.

5.   L-awtorità rikjesta għandha tirrikonoxxi rċevuta tat-talba mingħajr dewmien mhux xieraq.

6.   L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel disponibbli kwalunkwe informazzjoni li tkun intalbet mill-awtorità rikjesta sabiex l-awtorità rikjesta tkun tista’ tipprovdi l-għajnuna meħtieġa.

7.   L-awtorità rikjesta għandha tittrażmetti mingħajr dewmien mhux xieraq kwalunkwe informazzjoni u dokumenti li jkunu disponibbli għaliha li jkunu rilevanti u utli lill-awtorità rikjedenti, fid-dawl tar-raġunijiet u l-iskop tal-intervisti.

8.   L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għanda tirrivaluta l-ħtieġa għat-twettiq ta’ intervisti fid-dawl tad-dokumenti u l-informazzjoni trażmessa skont il-paragrafu 6 jew 7.

9.   L-awtorità rikjesta għandha tiddeċiedi jekk twettaqx l-intervisti hija stess jew jekk tħallix lill-awtorità rikjedenti sabiex twettaq l-intervisti.

10.   L-awtorità rikjesta u l-awtorità rikjedenti għandhom jaqblu dwar kwistjonijiet relatati mal-allokazzjonijiet ta’ spejjeż għat-twettiq tal-intervisti.

11.   L-awtorità rikjedenti tista’ tieħu sehem fl-intervisti mitluba skont il-paragrafu 1. Qabel u matul l-intervisti, l-awtorità rikjedenti tista’ tissottometti mistoqsijiet li jridu jiġu mistoqsija.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lil xulxin bi kwalunkwe verifika fuq il-post u investigazzjoni li trid issir fir-rigward tal-kumpanija maniġerjali jew l-UCITS bla ħsara għas-superviżjoni rispettiva tagħhom. Ma’ din in-notifika, l-awtorità kompetenti notifikata tista’ titlob mingħajr dewmien mhux xieraq lill-awtorità kompetenti li tkun qed tinnotifika sabiex tinkludi fl-ambitu tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni l-kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ superviżjoni tal-awtorità notifikata.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS fir-rigward tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjoni ta’ depożitarju ta’ UCITS fejn ikun meħtieġ sabiex twettaq id-dmirijiet superviżorji tagħha fir-rigward tal-kumpanija maniġerjali.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jaqblu dwar il-proċeduri għall-kondiviżjoni tar-riżultati tal-verifika fuq il-post u l-investigazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-kumpanija maniġerjali u l-UCITS li jkunu soġġetti għas-superviżjoni tagħhom.

4.   Fejn ikun meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jaqblu dwar aktar azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fir-rigward tal-verifika fuq il-post jew l-investigazzjoni.

TAQSIMA 2

Skambju ta’ informazzjoni

Artikolu 12

Skambju ta’ informazzjoni ta’ rutina

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS għandhom jinfurmaw immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti tal-UCITS u, fejn l-UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali bi:

(a)

kwalunkwe deċiżjoni li jirtiraw l-awtorizzazzjoni għal UCITS;

(b)

kwalunkwe deċiżjoni imposta fuq UCITS rigward is-sospensjoni tal-ħruġ, riakkwist jew it-tifdija tal-unitajiet tagħha;

(c)

kwalunkwe miżura serja oħra meħuda kontra UCITS.

2.   Fejn UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS li l-abbiltà ta’ kumpanija maniġerjali sabiex twettaq kif suppost id-dmirijiet tagħha fir-rigward tal-UCITS li timmaniġja tista’ tiġi affettwata ħażin materjalment jew li l-kumpanija maniġerjali ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2009/65/KE.

3.   Fejn UCITS tkun immaniġjata minn kumpanija maniġerjali li tinsab fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom skont id-Direttiva 2009/65/KE, inkluż l-istabbiliment ta’ ċirkulazzjoni xierqa ta’ informazzjoni. Dan għandu jinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġa:

(a)

mill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija maniġerjali sabiex jiġu segwiti attivitajiet fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

mill-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija maniġerjali sabiex timmaniġja UCITS awtorizzata fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

mis-superviżjoni kontinwa ta’ kumpaniji maniġerjali u l-UCITS.

Artikolu 13

Skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha li tista’ tkun ta’ interess materjali fir-rigward tat-twettiq ta’ dmirijiet skont id-Direttiva 2009/65/KE lil awtoritajiet kompetenti oħra, mingħajr talba minn qabel u dewmien mhux xieraq.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-1 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.


ANNESS I

ITTRA TA’ NOTIFIKA

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

ATTESTAZZJONI UCITS

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

DIRETTIVI

10.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/28


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/42/UE

tal-1 ta’ Lulju 2010

li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet li jikkonċernaw fużjonijiet ta’ fondi, strutturi prinċipali-alimentatriċi u l-proċedura tan-notifikazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinament tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (tfassil mill-ġdid) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 43(5), 60(6)(a) u (c), 61(3), 62(4), 64(4)(a) u 95(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-informazzjoni li trid tingħata lit-titolari ta’ unitajiet skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2009/65/KE fil-każ ta’ fużjoni għandha tirrifletti l-ħtiġijiet differenti tat-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża u dik li tirċievi u tgħinhom jifhmu s-sitwazzjoni.

(2)

Il-UCITS li tkun qed tiġi fuża jew il-UCITS li tirċievi ma għandhomx ikunu meħtieġa jinkludu informazzjoni għajr dik imsemmija fl-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2009/65/KE u fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-Direttiva fid-dokument tal-informazzjoni. Il-UCITS li tkun qed tiġi fuża jew il-UCITS li tirċievi jistgħu madankollu jżidu informazzjoni oħra ta’ rilevanza fil-kuntest tal-fużjoni proposta.

(3)

Fejn id-dokument tal-informazzjoni skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2009/65/KE ikun issupplimentat b’sommarju, dan m’għandux jeħles lill-UCITS mill-obbligu li tevita li tirrikorri għal spjegazzjonijiet twal jew tekniċi fil-kumplament tad-dokument tal-informazzjoni.

(4)

Fl-informazzjoni li trid tingħata lit-titolari ta’ unitajiet tal-UCITS li tirċievi skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2009/65/KE wieħed għandu jassumi li dawk it-titolari ta’ unitajiet diġà huma raġonevolment familjari mal-karatteristiċi tal-UCITS li tirċievi, il-jeddijiet li jgawdu fuqha, u l-mod kif topera. Għaldaqstant għandha tiffoka fuq l-operazzjoni tal-fużjoni u l-impatt li jista’ jkollha fuq il-UCITS li tirċievi.

(5)

Il-mod kif l-informazzjoni skont l-Artikolu 43 u 64 tad-Direttiva 2009/65/KE tingħata lit-titolari ta’ unitajiet għandu jkun armonizzat. Dik l-informazzjoni hija intenzjonata biex it-titolari ta’ unitajiet ikunu jistgħu jiġġudikaw b’mod infurmat jekk iridux jkomplu jinvestu jew jitolbux tifdija, fejn il-UCITS jew tkun parti mill-fużjoni, tikkonverti f’UCITS alimentatriċi jew tbdel il-UCITS prinċipali. It-titolari ta’ unitajiet għandhom ikunu konxji minn din il-bidla kbira msemmija li minnha tkun għaddejja l-UCITS u jkunu f’pożizzjoni li jaqraw l-informazzjoni. Għal dik ir-raġuni l-informazzjoni għandha tkun indirizzata personalment lit-titolari ta’ unitajiet permezz stampat jew b’mezz li jibqa’ ieħor bħalma hija l-posta elettronika (imejl). Bl-użu ta’ mezzi elettroniċi l-UCITS għandha tkun tista’ tipprovdi l-informazzjoni b’mod kosteffikaċi. Din id-Direttiva m’għandhiex teżiġi li l-UCITS jinfurmaw direttament lit-titolari ta’ unitajiet tagħhom, imma għandhom iqisu sew l-ispeċifiċitajiet f’ċerti Stati Membri fejn il-UCITS jew il-kumpaniji maniġerjali tagħhom, għal raġunijiet legali jew prattiċi, ma jkunux jistgħu jikkuntattjaw direttament lit-titolari ta’ unitajiet. Il-UCITS għandhom ukoll ikunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni billi jgħadduha lid-depożitarju jew lil intermedjarji sakemm ikun żgurat li t-titolari ta’ unitajiet kollha jirċievu l-informazzjoni puntwalment. Din id-Direttiva għandha tarmonizza biss il-mod li bih l-informazzjoni skont l-Artikoli 43 u 64 tad-Direttiva 2009/65/KE tingħata lit-titolari ta’ unitajiet. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw l-għoti ta’ tipi oħra ta’ informazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet permezz ta’ regoli nazzjonali.

(6)

Fil-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-UCITS alimentatriċi, li tinvesti tal-anqas 85 % tal-assi tagħha fil-UCITS prinċipali, waqt li fl-istess ħin tibqa’ soġġetta għall-obbligi kollha bħala UCITS. Il-ftehim għandu għaldaqstant jiżgura li l-UCITS prinċipali tipprovdi lill-UCITS alimentatriċi bl-informazzjoni kollha meħtieġa puntwalment biex il-UCITS alimentatriċi tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi tagħha stess. Għandu jistipula wkoll il-jeddijiet u d-dmirijiet l-oħrajn taż-żewġ partijiet.

(7)

L-Istati Membri m’għandhomx jeżiġu li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u dik alimentatriċi skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) ikopri elementi oħrajn għajr dawk imsemmija fil-Kapitolu VIII tad-Direttiva 2009/65/KE u l-Artikoli 8 sa 14 ta’ din id-Direttiva. Madanakollu l-ftehim jista’ jkopri elementi oħrajn, jekk il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi jistipulaw hekk.

(8)

Fejn l-arranġamenti tan-negozju bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi ma jkunux differenti minn dawk li jkunu japplikaw għal titolari ta’ unitajiet mhux alimentatriċi kollha tal-UCITS prinċipali u fejn dawk l-arranġamenti huma stabbiliti fil-prospett tal-UCITS prinċipali, fil-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi m’hemmx għalfejn jirreplika dawk l-arranġamenti standard tan-negozju, imma jista’ jagħmel kontroreferenzi għall-partijiet rilevanti tal-prospett tal-UCITS prinċipali biex l-industrija tkun megħjuna tiffranka l-ispejjeż u tnaqqas il-piż amministrattiv.

(9)

Il-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi għandu jinkludi proċeduri xierqa biex jiġu indirizzati l-mistoqsijiet u l-ilmenti tat-titolari ta’ unitajiet u bil-ħsieb li tiġi ttrattata l-korrispondenza li tkun intbagħtet bi żball lill-UCITS prinċipali minflok lill-UCITS alimentatriċi jew viċeversa.

(10)

Biex jiġi ffrankati l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u biex ikunu evitati implikazzjonijiet negattivi ta’ taxxa, il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi jista’ jogħġobhom jiftehmu dwar trasferiment ta’ assi in natura, jekk dan ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali jew inkompatibbli mar-regoli tal-fond jew mal-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-UCITS prinċipali jew tal-UCITS alimentatriċi. Il-possibbiltà li jiġu trasferiti assi in natura lill-UCITS prinċipali għandha b’mod partikolari tkun ta’ għajnuna għal dawk il-UCITS alimentatriċi li diġà jkunu wettqu xi attivitajiet bħala UCITS, inklużi UCITS alimentatriċi ta’ UCITS prinċipali differenti, biex jiġu evitati spejjeż fi tranżazzjonijiet b’riżultat ta’ bejgħ ta’ assi li fihom ikunu investew kemm il-UCITS alimentatriċi kif ukoll il-UCITS prinċipali. Il-UCITS alimentatriċi għandha tkun tista’ tirċievi wkoll, jekk ikun jogħġobha hekk, assi in natura mingħand il-UCITS prinċipali, billi dan jista’ jgħin biex jonqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u jiġu evitati implikazzjonijiet negattivi ta’ taxxa. It-trasferiment ta’ assi in natura lill-UCITS alimentatriċi m’għandux ikun limitat għall-każijiet ta’ likwidazzjoni, fużjoni jew diviżjoni tal-UCITS prinċipali, imma għandu jkun disponibbli wkoll f’ċirkostanzi oħrajn.

(11)

Biex tiġi priżervata l-flessibbiltà meħtieġa, waqt li fl-istess ħin jitqies l-aħjar interess tal-investituri, il-UCITS alimentatriċi li tkun irċeviet assi permezz ta’ trasferiment ta’ assi in natura għandha tkun tista’ jew tittrasferixxi xi wħud minn dawk l-assi jew kollha kemm huma lill-UCITS prinċipali fejn il-UCITS prinċipali taqbel li jsir hekk, jew tirrealizza l-assi fi flus biex tinvesti l-flus fil-UCITS prinċipali.

(12)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istruttura prinċipali-alimentatriċi jinħtieġ li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u dik alimentatriċi jipprevedi regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet li jidderogaw mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (2) b’tali mod li l-liġi applikabbli għal dan il-ftehim għandha tkun jew il-liġi tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-UCITS alimentatriċi, jew il-liġi tal-Istat Membru tal-UCITS prinċipali. Il-partijiet għandhom ikunu ħielsa li jevalwaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dik l-għażla u jieħdu inkunsiderazzjoni jekk il-UCITS prinċipali għandhiex diversi UCITS alimentatriċi u jekk dawk il-UCITS alimentatriċi humiex stabbiliti biss fi Stat Membru wieħed jew f’diversi.

(13)

Fil-każ ta’ likwidazzjoni, fużjoni jew diviżjoni tal-UCITS prinċipali fejn f’dan ir-rigward id-Direttiva 2009/65/KE tikkonċedi lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS alimentatriċi l-jedd li jitolbu tifdija, il-UCITS alimentatriċi m’għandhiex timmina dak il-jedd billi tissospendi temporanjament ix-riakkwist jew it-tifdija, ħlief meta ċirkostanzi eċċezzjonali jkunu jeżiġu li tagħmel hekk biex jitħares l-interess tat-titolari ta’ unitajiet jew tkun ordnata li tagħmel hekk mill-awtoritajiet kompetenti tagħha.

(14)

Peress li fużjoni jew diviżjoni tal-UCITS prinċipali tista’ sseħħ fi żmien 60 jum, il-limitu taż-żmien biex il-UCITS alimentatriċi tapplika u tikseb l-approvazzjoni tal-intenzjonijiet ġodda tagħha dwar l-investiment u biex tagħti l-jedd lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li jitolbu x-riakkwist jew it-tifdija fi żmien 30 jum, jista’ f’ċirkostanzi eċċezzjonali jkun qasir wisq biex il-UCITS alimentatriċi ssir taf fiċ-ċert kemm mit-titolari ta’ unitajiet tagħha jkunu se jitolbu tifdija. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-UCITS alimentatriċi għandha fil-prinċipju tkun obbligata titlob tifdija tal-unitajiet kollha tagħha fil-UCITS prinċipali. Biex jiġu evitati spejjeż bla bżonn fi tranżazzjonijiet, il-UCITS alimentatriċi għandha madankollu tkun tista’ tuża mezzi oħrajn biex tiżgura li t-titolari ta’ unitajiet tagħha jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-jedd li jitolbu tifdija, filwaqt li tkun tista’ tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jew tevita impatti negattivi oħrajn. Il-UCITS alimentatriċi għandha b’mod partikolari tapplika għall-approvazzjoni mill-aktar fis possibbli. Barra dan, il-UCITS alimentatriċi pereżempju m’għandhiex tkun obbligata titlob tifdija kemm-il darba t-titolari ta’ unitajiet tagħha jagħżlu li ma jagħmlux użu minn dik il-faċilità. Fejn il-UCITS alimentatriċi titlob tifdija mill-UCITS prinċipali, din għandha tikkunsidra jekk tifdija in natura tistax tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u tevita impatti negattivi oħrajn.

(15)

Bil-ftehim dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-depożitarji tal-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi, id-depożitarju tal-UCITS alimentatriċi għandu jkun jista’ jirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha rilevanti li jkun jeħtieġ biex ikun jista’ jaqdi dmirijietu. Minħabba l-ispeċifiċità tiegħu, dan il-ftehim għandu jipprevedi l-istess regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet kif previst fil-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u dik alimentatriċi li jidderogaw mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta’ Ruma I. Madanakollu l-ftehim dwar l-iskambju ta’ informazzjoni m’għandux jeżiġi la lid-depożitarju tal-UCITS prinċipali u lanqas lil dak tal-UCITS alimentatriċi li jwettqu kompiti pprojbiti jew mhux previsti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.

(16)

Ir-rapportar tal-irregolaritajiet, li jinduna bihom id-depożitarju tal-UCITS prinċipali waqt l-eżekuzzjoni tal-funzjoni tiegħu bħala depożitarju skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, huwa intenzjonat li jħares il-UCITS alimentatriċi. Għal dik ir-raġuni ma għandu jkun meħtieġ ebda rapportar meta dawk l-irregolaritajiet ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-UCITS alimentatriċi. Fejn irregolaritajiet fir-rigward tal-UCITS prinċipali jkollhom impatt negattiv fuq il-UCITS alimentatriċi, din tal-aħħar għandha tkun infurmata wkoll dwar jekk u kif l-irregolaritajiet ikunux ġew riżolti. Id-depożitarju tal-UCITS prinċipali għandu għaldaqstant jinforma lid-depożitarju tal-UCITS alimentatriċi dwar kif il-UCITS prinċipali tkun irriżolviet jew qed tipproponi li tirriżolvi l-irregolarità. Jekk id-depożitarju tal-UCITS alimentatriċi ma jkunx sodisfatt li r-riżoluzzjoni hija fl-interess tat-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS alimentatriċi, dan għandu jirrapporta minnufih il-fehma tiegħu lill-UCITS alimentatriċi.

(17)

Bil-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awdituri tal-UCITS prinċipali u tal-UCITS alimentatriċi, l-awditur tal-UCITS alimentatriċi għandu jkun jista’ jirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha rilevanti li jkun jeħtieġ biex ikun jista’ jaqdi dimirijietu. Minħabba l-ispeċifiċità tiegħu, dan il-ftehim għandu jipprevedi l-istess regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet kif previsti fil-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u dik alimentatriċi li jidderogaw mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta’ Ruma I

(18)

Għandu jkun speċifikat l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tkun aċċessibbli b’mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 91(3) tad-Direttiva 2009/65/KE sabiex tkun ipprovduta ċertezza legali dwar liema kategoriji ta’ informazzjoni għandhom jiġu inklużi.

(19)

Biex tkun prevista sistema komuni ta’ kif id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(2) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom ikunu aċċessibbli b’mezzi elettroniċi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS, huwa neċessarju li kull UCITS jew il-kumpaniji maniġerjali tagħhom ikunu meħtieġa jispeċifikaw websajt fejn dawn id-dokumenti jkunu disponibbli f’format elettroniku komuni. Jinħtieġ ukoll li tiġi stabbilita proċedura għal notifika elettronika dwar tibdil f’dawn id-dokumenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS, skont l-Artikolu 93(7) ta’ dik id-Direttiva.

(20)

Biex il-UCITS u l-kumpaniji maniġerjali tagħhom ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tal-mod u l-manjiera li bihom tiġi pprovduta l-informazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 29, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu itwal għat-traspożizzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom. Dan huwa partikolarment importanti f’dawk il-każijiet fejn minħabba raġunijiet legali jew prattiċi l-UCITS jew il-kumpaniji maniġerjali tagħhom ma jkunux jistgħu jinfurmaw direttament lit-titolari ta’ unitajiet. UCITS b’ishma bearer dematerjalizzati għandhom ikunu jistgħu jħejju l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiżguraw li t-titolari ta’ unitajiet jirċievu l-informazzjoni fil-każijiet speċifikati fl-Artikoli 8 u 32. UCITS b’ishma bearer materjalizzati għandhom ikunu jistgħu jikkonvertuhom f’ishma reġistrati jew ishma bearer dematerjalizzati, jekk ikunu jridu jkunu jistgħu jwettqu fużjoni, jikkonvertu f’UCITS alimentatriċi jew jibdlu l-UCITS prinċipali.

(21)

Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (3) ġie kkonsultat dwar pariri tekniċi.

(22)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 43(5), 60(6)(a) u (c), 61(3), 62(4), 64(4)(a) u 95(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“ibbilanċjar mill-ġdid tal-portafoll” tfisser modifika sinifikanti fil-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ UCITS;

2.

“indikaturi sintetiċi tar-riskji u l-gwadanji” tfisser indikaturi sintetiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tat-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġi ssodisfati meta jingħata t-tagħrif ewlieni jew il-prospett b’mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat jew permezz ta’ websajt (4).

KAPITOLU II

FUŻJONIJIET TA’ UCITS

TAQSIMA 1

Kontent tal-informazzjoni dwar fużjoni

Artikolu 3

Regoli ġenerali li jirrigwardaw il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lit-titolari ta’ unitajiet

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lit-titolari ta’ unitajiet skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandha tkun miktuba b’mod konċiż u b’lingwaġġ mhux tekniku li jkun jippermetti lit-titolari ta’ unitajiet jiġġudikaw b’mod infurmat l-impatt tal-fużjoni proposta għall-investiment tagħhom.

Fil-każ ta’ proposta ta’ fużjoni transkonfinali, il-UCITS li tkun qed tiġi fuża u l-UCITS li tirċievi, rispettivament, għandhom jispjegaw b’lingwaġġ sempliċi t-termini jew il-proċeduri kollha relatati mal-UCITS l-oħra li jkunu differenti minn dawk applikati komunament fl-Istat Membru l-ieħor.

2.   L-informazzjoni li trid tingħata lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża għandha tissodisfa l-ħtiġijiet tal-investituri li ma jkunux jafu minn qabel bil-karatteristiċi tal-UCITS li tirċievi jew bil-mod kif topera. Din għandha tiġbdilhom l-attenzjoni dwar it-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS li tirċievi u tenfasizza li min wieħed jaqrah.

3.   L-informazzjoni li trid tingħata lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tirċievi għandha tiffoka fuq l-operazzjoni tal-fużjoni u l-impatt potenzjali tagħha fuq il-UCITS li tirċievi.

Artikolu 4

Regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lit-titolari ta’ unitajiet

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (b) tal-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2009/65/KE lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża għandha tinkludi wkoll:

(a)

dettalji dwar kwalunkwe differenza fil-jeddijiet tat-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża qabel u wara li sseħħ il-fużjoni proposta;

(b)

jekk it-tagħrif ewlieni għall-investitur fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża u l-UCITS li tirċievi jurix indikaturi sintetiċi tar-riskji u l-gwadanji fil-kategoriji differenti, jew tidentifikax riskji materjali differenti fin-narrazzjoni li takkumpanjaha, u paragun ta’ dawk id-differenzi;

(c)

paragun tal-imposti, it-tariffi u l-infiq kollha taż-żewġ UCITS, abbażi tal-ammonti żvelati fit-tagħrif ewlieni għall-investitur rispettivi tagħhom;

(d)

jekk il-UCITS li tkun qed tiġi fuża tapplika tariffa fuq il-prestazzjoni, spjegazzjoni ta’ kif din tkun se tiġi applikata sal-mument meta sseħħ il-fużjoni;

(e)

jekk il-UCITS li tirċievi tapplika tariffa fuq il-prestazzjoni, kif se tiġi sussegwentement applikata biex tiżgura trattament ġust għal dawk it-titolari ta’ unitajiet li qabel kellhom unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża;

(f)

f’każijiet fejn l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2009/65/KE jippermetti li l-ispejjeż assoċjati mat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-fużjoni jiġu imposti jew fuq il-UCITS li tkun qed tiġi fuża jew fuq il-UCITS dik li tirċievu jew fuq kwalunkwe titolar ta’ unitajiet, dettalji dwar kif dawn l-ispejjeż ser jitqassmu;

(g)

spjegazzjoni dwar jekk il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija tal-investiment tal-UCITS li tkun qed tiġi fuża tkunx biħsiebha tagħmel xi bbilanċar mill-ġdid tal-portafoll qabel issir l-fużjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (b) tal-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2009/65/KE lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tirċievi għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni dwar jekk il-kumpanija maniġerjali jew il-kumpanija tal-investiment tal-UCITS li tirċievi tkunx qiegħda tistenna li l-fużjoni tħalli x’impatt materjali fuq il-portafoll tal-UCITS li tirċievi, u jekk tkunx biħsiebha tagħmel xi bbilanċjar mill-ġdid tal-portafoll qabel jew wara li ssir l-fużjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (c) tal-Artikolu 43(3) tad-Direttiva 2009/65/KE għandha tinkludi wkoll:

(a)

dettalji ta’ x’għandu jsir minn kwalunkwe introjtu akkumulat fil-UCITS rispettivi;

(b)

indikazzjoni dwar kif jista’ jinkiseb ir-rapport minn awditur indipendenti jew id-depożitarju msemmi fl-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li jekk it-termini tal-fużjoni proposta jkunu jinkludu dispożizzjonijiet għal ħlas fi flus skont il-punti (p)(i) u (p)(ii) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-informazzjoni li trid tingħata lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża għandu jkun fiha d-dettalji dwar dak il-ħlas propost, fosthom meta u kif it-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża se jirċievu l-ħlas fi flus.

5.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni li tiġi pprovduta skont il-punt (d) tal-Artikolu 43(3) għandha tinkludi:

(a)

fejn ikun rilevanti skont il-liġi nazzjonali għall-UCITS partikolari, il-proċedura li biha t-titolari ta’ unitajiet se jintalbu japprovaw il-proposta tal-fużjoni, u x’arranġamenti se jsiru biex jiġu infurmati bl-eżitu;

(b)

id-dettalji dwar kwalunkwe sospensjoni ta’ negożjar ta’ unitajiet maħsuba biex l-fużjoni tkun tista’ ssir b’mod effiċjenti;

(c)

meta tkun se ssir l-fużjoni skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każijiet fejn, skont il-liġi nazzjonali għall-UCITS partikolari, il-proposta tal-fużjoni għandha tiġi approvata mit-titolari ta’ unitajiet, l-informazzjoni għandu jkun fiha rakkomandazzjoni mill-kumpanija maniġerjali jew mill-bord tad-diretturi tal-kumpanija tal-investiment rispettiva dwar x’azzjoni tkun sa tittieħed.

7.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni li trid tingħata lit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża għandha tinkludi:

(a)

il-perjodu li matulu t-titolari ta’ unitajiet ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bis-sottoskrizzjonijiet u jitolbu tifdija ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża;

(b)

iż-żmien meta dawk it-titolari ta’ unitajiet li ma jkunux għamlu użu mill-jeddijiet mogħtija lilhom skont l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, fil-limitu taż-żmien rilevanti, ikunu jistgħu jeżerċitaw jeddijiethom bħala titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tirċievi;

(c)

spjegazzjoni li f’każijiet fejn il-proposta tal-fużjoni trid tiġi approvata mit-titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża skont il-liġi nazzjonali u l-proposta tiġi approvata bil-maġġoranza meħtieġa, dawk it-titolari ta’ unitajiet li jivvutaw kontra l-proposta jew li ma jivvutaw xejn, u li ma jagħmlux użu mill-jeddijiet mogħtija lilhom skont l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2009/65/KE fil-limitu taż-żmien rilevanti, isiru titolari ta’ unitajiet fil-UCITS li tirċievi.

8.   Jekk jingħata sommarju tal-punti ewlenin tal-proposta tal-fużjoni fil-bidu tad-dokument tal-informazzjoni, għandu jkun b’kontroreferenza għall-partijiet tad-dokument tal-informazzjoni fejn tkun qiegħda tingħata aktar informazzjoni.

Artikolu 5

Tagħrif ewlieni għall-investitur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata verżjoni aġġornata tat-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS li tirċievi lit-titolari ta’ unitajiet eżistenti fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża.

2.   It-tagħrif ewlieni għall-investitur tal-UCITS li tirċievi għandu jingħata lit-titolari ta’ unitajiet eżistenti fil-UCITS li tirċievi fejn ikun ġie emendat għall-iskop tal-fużjoni proposta.

Artikolu 6

Titolari ta’ unitajiet ġodda

Bejn id-data ta’ meta d-dokument tal-informazzjoni skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jingħata lit-titolari ta’ unitajiet u d-data li fiha ssir l-fużjoni, id-dokument tal-informazzjoni u t-tagħrif ewlieni għall-investitur aġġornat tal-UCITS li tirċievi għandhom jingħataw lil kull persuna li tixtri jew tissottoskrivi unitajiet kemm fil-UCITS li tkun qed tiġi fuża jew f’dik li tirċievi jew li titlob li tirċievi kopji tar-regoli tal-fond jew tal-istrumenti tal-inkorporazzjoni, il-prospett jew it-tagħrif ewlieni għall-investitur ta’ kwalunkwe mill-UCITS.

TAQSIMA 2

Il-metodu tal-għoti tal-informazzjoni

Artikolu 7

Il-metodu tal-għoti tal-informazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UCITS li tkun qed tiġi fuża u dik li tirċievi jipprovdu lit-titolari ta’ unitajiet l-informazzjoni stampata jew b’mezz li jibqa’ ieħor skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Fejn l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lit-titolari ta’ unitajiet kollha jew lil x’uħud minnhom bl-użu ta’ mezz li jibqa’ li mhumiex stampat, għandhom ikunu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

l-għoti tal-informazzjoni jrid ikun jixraq lill-kuntest li fih isir in-negozju bejn it-titolar ta’ unitajiet u l-UCITS li tkun qed tiġi fuża jew dik li tirċievi jew, fejn rilevanti, il-kumpanija maniġerjali rispettiva jew ikun ser isir;

(b)

it-titolar ta’ unitajiet li għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni, meta offrut jagħżel bejn informazzjoni stampata u b’mezz li jibqa’ ieħor, speċifikament jagħżel dak il-mezz li jibqa’ li mhuwiex stampat.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-għoti ta’ informazzjoni permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jsir kif jixraq lill-kuntest li fih isir in-negozju bejn il-UCITS li tkun qed tiġi fuża u dik li tirċievi jew il-kumpaniji maniġerjali rispettivi tagħhom u t-titolar ta’ unitajiet jew ikun ser isir fih jekk ikun hemm evidenza li t-titolar ta’ unitajiet għandu aċċess regolari għall-Internet. L-għoti ta’ indirizz elettroniku mit-titolar ta’ unitajiet għall-iskopijiet ta’ twettiq ta’ dak in-negozju għandu jitqies bħala din l-evidenza.

KAPITOLU III

STRUTTURI PRINĊIPALI-ALIMENTATRIĊI

TAQSIMA 1

Ftehim u r-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju bejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali

Sottotaqsima 1

Kontenut tal-ftehim bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi

Artikolu 8

Aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ftehim bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jinkludi dan li ġej dwar l-access għall-informazzjoni:

(a)

kif u meta l-UCITS prinċipali tipprovdi lill-UCITS alimentatriċi b’kopja tar-regoli tal-fond jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni, il-prospett u t-tagħrif ewlieni għall-investitur tagħha jew ta’ kwalunkwe emenda tagħhom;

(b)

kif u meta l-UCITS prinċipali tinforma lill-UCITS alimentatriċi bid-delega tal-funzjonijiet tal-immaniġġjar tal-investiment u l-immaniġġjar tar-riskji lil partijiet terzi skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

fejn ikun applikabbli, kif u meta l-UCITS prinċipali tipprovdi lill-UCITS alimentatriċi b’dokumenti interni operazzjonali, bħalma huma r-rapporti dwar il-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji u tal-konformità tagħha;

(d)

ta’ liema dettalji u kif u meta l-UCITS prinċipali għandha tinnotifika lill-UCITS alimentatriċi dwar ksur min-naħa tal-UCITS prinċipali tal-liġi, tar-regoli tal-fond jew tal-istrumenti tal-inkorporazzjoni u tal-ftehim bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi;

(e)

fejn il-UCITS alimentatriċi tuża strumenti finanzjarji derivati għal skopijiet ta’ ħħeġġjar, kif u meta l-UCITS prinċipali se tipprovdi lill-UCITS alimentatriċi b’informazzjoni dwar l-iskopertura reali tagħha għall-istrumenti finanzjarji derivati biex il-UCITS alimentatriċi tkun tista’ tikkalkula l-iskopertura globali tagħha stess kif previst bil-punt (a) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 58(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(f)

dikjarazzjoni li l-UCITS prinċipali tinforma lill-UCITS alimentatriċi dwar kwalunkwe arranġament ieħor għall-iskambju tal-informazzjoni miftiehem ma’ partijiet terzi u fejn ikun applikabbli, kif u meta l-UCITS prinċipali tagħmel dawk l-arranġamenti l-oħra dwar l-iskambju tal-informazzjoni disponibbli għall-UCITS alimentatriċi.

Artikolu 9

Bażi tal-investiment u ċ-ċessjoni mill-UCITS alimentatriċi

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jkun jinkludi dan li ġej fir-rigward tal-bażi tal-investiment u ċ-ċessjoni mill-UCITS alimentatriċi:

(a)

dikjarazzjoni dwar liema klassijiet ta’ ishma tal-UCITS prinċipali huma disponibbli għall-investiment mill-UCITS alimentatriċi;

(b)

l-imposti u l-infiq li trid tagħmel tajjeb għalihom il-UCITS alimentatriċi, u d-dettalji dwar kwalunkwe rebate jew retroċessjoni ta’ imposti jew spejjeż mill-UCITS prinċipali;

(c)

jekk ikun applikabbli, it-termini li fuqhom kwalunkwe trasferiment inizjali jew sussegwenti ta’ assi in natura jkun jista’ jsir mill-UCITS alimentatriċi għal għand il-UCITS prinċipali.

Artikolu 10

Arranġamenti standard tan-negozju

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jkun jinkludi dan li ġej fir-rigward tal-arranġamenti standard tan-negozjar:

(a)

koordinament tal-frekwenza tal-proċess tal-kalkolu tal-valur tal-assi netti u l-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tal-unitajiet, kif ukoll ta’ meta dawn għandu jsiru;

(b)

koordinament tat-trażmissjoni ta’ ordnijiet tan-negozjar mill-UCITS alimentatriċi, inklużi, fejn ikun applikabbli, ir-rwol tal-aġenti tat-trasferimenti jew xi parti terza oħra;

(c)

fejn ikun applikabbli, l-arranġamenti kollha meħtieġa biex tingħata kunsiderazzjoni lill-fatt li xi waħda mill-UCITS, jew it-tnejn li huma. ikunu kkwotati jew innegozjati f’suq sekondarju;

(d)

fejn ikun meħtieġ, miżuri xierqa oħrajn biex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(e)

fejn l-unitajiet tal-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkunu denominati f’muniti differenti, il-bażi tal-konverżjoni tal-ordnijiet tan-negozjar;

(f)

iċ-ċikli tas-saldu u d-dettalji tal-pagamenti tal-akkwisti jew sottoskrizzjonijiet u riakkwist jew tifdija ta’ unitajiet tal-UCITS prinċipali inklużi, fejn ikun maqbul bejn il-partijiet, it-termini li fuqhom il-UCITS prinċipali tkun tista’ tħallas it-talbiet għas-saldu tat-tifdija permezz ta’ trasferiment ta’ assi in natura lill-UCITS alimentatriċi, notevolment fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 60(4) u (5) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(g)

proċeduri biex ikun żgurat li l-mistoqsijiet u l-ilmenti tat-titolari ta’ unitajiet jiġu indirizzati sew;

(h)

fejn ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni u l-prospett tal-UCITS prinċipali jagħtuha ċerti jeddijiet jew poteri relatati mat-titolari ta’ unitajiet, u l-UCITS prinċipali tagħżel li tillimita jew tirrinunzja għall-eżerċitar ta’ dawn il-jeddijiet u l-poteri kollha jew xi wħud minnhom b’rabta mal-UCITS alimentatriċi, dikjarazzjoni tat-termini li fuqhom tkun qiegħda tagħmel hekk.

Artikolu 11

Avvenimenti li jaffettwaw l-arranġamenti tan-negozjar

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jkun jinkludi dan li ġej rigward l-avvenimenti li jaffettwaw l-arranġamenti tan-negozjar:

(a)

il-mod kif u meta ssir notifika minn waħda mill-UCITS tas-sospensjoni temporanja u l-bidu mill-ġdid ta’ riakkwist, tifdija, akkwist jew sottoskrizzjoni ta’ unitajiet ta’ dik il-UCITS;

(b)

arranġamenti dwar kif jiġu nnotifikati u riżolti l-iżbalji fil-prezzar mill-UCITS prinċipali.

Artikolu 12

Arranġamenti standard dwar ir-rapport tal-awditjar

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jinkludi dan li ġej dwar l-arranġamenti standard dwar ir-rapport tal-awditjar:

(a)

fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkollhom l-istess snin finanzjarji, il-koordinament tal-produzzjoni tar-rapporti perjodiċi tagħhom;

(b)

fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkollhom snin finanzjarji differenti, arranġamenti biex il-UCITS alimentatriċi tikseb kull informazzjoni meħtieġa mill-UCITS prinċipali biex tkun tista’ tipproduċi r-rapporti perjodiċi tagħha fil-ħin u li jiżguraw li l-awditur tal-UCITS prinċipali jkun f’pożizzjoni li jipproduċi r-rapport ad hoc fid-data tal-għeluq tal-UCITS alimentatriċi skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 13

Tibdil fl-arranġamenti eżistenti

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE ikun jinkludi dan li ġej fir-rigward tat-tibdil fl-arranġamenti eżistenti:

(a)

il-mod kif u meta tingħata notifika mill-UCITS prinċipali dwar emendi proposti u effettivi fir-regoli tal-fond u fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni, fil-prospett u fit-tagħrif ewlieni għall-investitur tagħha, jekk dawn id-dettalji jkunu differenti mill-arranġamenti standard għan-notifikazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet stabbiliti fir-regoli tal-fond, fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni jew fil-prospett tal-UCITS prinċipali;

(b)

il-mod kif u meta tingħata notifika mill-UCITS prinċipali ta’ likwidazzjoni, fużjoni, jew diviżjoni ppjanata jew proposta;

(c)

il-mod kif u meta tingħata notifika minn kwalunkwe mill-UCITS li ma tkunx baqgħet jew ma tkunx se tibqa’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kwalifikazzjoni biex tkun UCITS alimentatriċi jew UCITS prinċipali rispettivament;

(d)

il-mod kif u meta tingħata notifika minn kwalunkwe mill-UCITS li tkun biħsiebha tibdel il-kumpanija maniġerjali tagħha, id-depożitarju tagħha, l-awditur tagħha jew kwalunkwe parti terza li tkun ingħatat il-mandat li teżegwixxi l-funzjonijiet tal-immaniġġjar tal-investiment jew l-immaniġġjar tar-riskji;

(e)

il-mod kif u meta tingħata n-notifika dwar tibdil ieħor fl-arranġamenti eżistenti li l-UCITS prinċipali timpennjat ruħha li tipprovdi.

Artikolu 14

Għażla tal-liġi applikabbli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru, il-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi, msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, ikun jipprovdi li l-liġi ta’ dak l-Istat Membru għandha tapplika għall-ftehim u li ż-żewġ partijiet jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti, il-ftehim ta’ bejn il-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi, msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, ikun jipprovdi li l-liġi applikabbli għandha tkun jew il-liġi tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS alimentatriċi jew inkella li għandha tkun dik tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS prinċipali u li ż-żewġ partijiet jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu jkunu stipulaw li għandha tkun applikabbli għall-ftehim.

Sottotaqsima 2

Kontenut tar-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju

Artikolu 15

Konflitti ta’ interess

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju tal-kumpanija maniġerjali msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jinkludu miżuri xierqa biex jiġu mmitigati l-konflitti ta’ interess li jistgħu jinqalgħu bejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali, jew bejn il-UCITS alimentatriċi u titolari ta’ unitajiet oħrajn fil-UCITS prinċipali, sakemm dawn ma jkunux qegħdin jiġu indirizzati biżżejjed bil-miżuri li tkun qiegħda tieħu l-kumpanija maniġerjali biex ikunu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikoli 12(1)(b) u 14(1)(d) tad-Direttiva 2009/65/KE u l-Kapitolu III tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organiżazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim bejn depożitarju u kumpanija maniġerjali (5).

Artikolu 16

Bażi tal-investiment u ċ-ċessjoni mill-UCITS alimentatriċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju tal-kumpanija maniġerjali msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej rigward il-bażi tal-investiment u ċ-ċessjoni mill-UCITS alimentatriċi:

(a)

dikjarazzjoni dwar liema klassijiet ta’ ishma tal-UCITS prinċipali huma disponibbli għall-investiment mill-UCITS alimentatriċi;

(b)

l-imposti u l-ispejjeż li trid tagħmel tajjeb għalihom il-UCITS alimentatriċi, u d-dettalji dwar kwalunkwe rebate jew retroċessjoni ta’ imposti jew infiq mill-UCITS prinċipali;

(c)

fejn ikun applikabbli, it-termini li fuqhom kwalunkwe trasferiment inizjali jew sussegwenti ta’ assi in natura jkun jista’ jsir mill-UCITS alimentatriċi għal għand il-UCITS prinċipali.

Artikolu 17

Arranġamenti standard tan-negozjar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju tal-kumpanija maniġerjali msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej rigward arranġamenti standard tan-negozjar:

(a)

koordinament tal-frekwenza tal-proċess tal-kalkolu tal-valur tal-assi netti u l-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tal-unitajiet, kif ukoll ta’ meta dawn għandu jsiru;

(b)

koordinament tat-trażmissjoni ta’ ordnijiet ta’ negozjar mill-UCITS alimentatriċi, inkluż, jekk ikun applikabbli, ir-rwol tal-aġenti tat-trasferimenti jew kwalunkwe parti terza oħra;

(c)

fejn ikun applikabbli, kwalunkwe arranġament kollha meħtieġ biex tingħata kunsiderazzjoni lill-fatt li xi waħda mill-UCITS jew it-tnejn li huma jkunu kkwotati jew negozjati f’suq sekondarju;

(d)

miżuri xierqa biex tkun żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(e)

fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkunu denominati f’muniti differenti, il-bażi tal-konverżjoni tal-ordnijiet tan-negozjar;

(f)

iċ-ċikli tas-saldu u d-dettalji dwar pagamenti ta’ akkwist u tifdijai ta’ unitajiet tal-UCITS prinċipali inklużi, fejn ikun maqbul bejn il-partijiet, it-termini li fuqhom il-UCITS prinċipali tkun tista’ tħallas it-talbiet għas-saldu permezz ta’ trasferiment ta’ assi in natura lill-UCITS alimentatriċi, notevolment fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 60(4) u (5) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(g)

fejn ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni u l-prospett tal-UCITS prinċipali jagħtuha ċerti jeddijiet jew poteri relatati mat-titolari ta’ unitajiet, u l-UCITS prinċipali tagħżel li tillimita jew tirrinunzja l-eżerċitar ta’ dawn il-jeddijiet u l-poteri kollha jew kwalunkwe minnhom relatati mal-UCITS alimentatriċi, dikjarazzjoni tat-termini li fuqhom tkun qiegħda tagħmel hekk.

Artikolu 18

Avvenimenti li jaffettwaw l-arranġamenti tal-negozjar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju tal-kumpanija maniġerjali msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej rigward avvenimenti li jaffettwaw l-arranġamenti tal-negozjar:

(a)

il-mod kif u meta tinħareġ in-notifika minn xi UCITS minnhom tas-sospensjoni temporanja u l-bidu mill-ġdid ta’ riakkwist, tifdija, akkwist jew sottoskrizzjoni ta’ unitajiet tal-UCITS;

(b)

arranġamenti dwar kif jiġu nnotifikati u riżolti l-iżbalji fil-prezzar mill-UCITS prinċipali.

Artikolu 19

Arranġamenti standard dwar ir-rapport tal-awditjar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju tal-kumpanija maniġerjali msemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jinkludi tal-anqas dan li ġej rigward arranġamenti standard dwar ir-rapport tal-awditjar:

(a)

fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkollhom l-istess snin finanzjarji, il-koordinament tal-produzzjoni tar-rapporti perjodiċi tagħhom;

(b)

fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkollhom snin finanzjarji differenti, arranġamenti biex il-UCITS alimentatriċi tikseb kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħand il-UCITS prinċipali biex tkun tista’ tipproduċi r-rapporti perjodiċi tagħha fil-ħin u li jiżguraw li l-awditur tal-UCITS prinċipali jkun f’pożizzjoni li jipproduċi rapport ad hoc fid-data tal-għeluq tal-UCITS alimentatriċi skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.

TAQSIMA 2

Likwidazzjoni, fużjoni jew diviżjoni tal-UCITS prinċipali

Sottotaqsima 1

Proċeduri fil-każ ta’ likwidazzjoni

Artikolu 20

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-UCITS alimentatriċi tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti tagħha mhux aktar tard minn xahrejn wara d-data li fiha l-UCITS prinċipali tkun infurmatha bid-deċiżjoni li torbot li se tillikwida, dan li ġej:

(a)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha tinvesti tal-anqas 85 % tal-assi tagħha f’unitajiet f’UCITS prinċipali oħra skont l-Artikolu 60(4)(a) tad-Direttiva 2009/65/KE:

(i)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni ta’ dak l-investiment;

(ii)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-emendi proposti fir-regoli tal-fond tagħha jew fl-istrument tal-inkorporazzjoni;

(iii)

l-emendi fil-prospett tagħha u fit-tagħrif ewlieni għall-investituri tagħha skont l-Artikoli 74 u 82 tad-Direttiva 2009/65/KE, rispettivament;

(iv)

id-dokumenti l-oħrajn meħtieġa skont l-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha tikkonverti ruħha f’UCITS li mhijiex UCITS alimentatriċi skont l-Artikolu 60(4)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE:

(i)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-emendi proposti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni tagħha;

(ii)

l-emendi fil-prospett tagħha u fit-tagħrif ewlieni għall-investituri tagħha skont l-Artikoli 74 u 82 tad-Direttiva 2009/65/KE, rispettivament;

(c)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha tillikwida ruħha, notifika ta’ dik l-intenzjoni.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn il-UCITS prinċipali tkun infurmat lill-UCITS alimentatriċi bid-deċiżjoni li torbota tillikwida aktar minn ħames xhur qabel id-data li fiha tkun sa tibda l-likwidazzjoni, il-UCITS alimentatriċi għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti tagħha l-applikazzjoni jew notifikazzjoni tagħha skont wieħed mill-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 1 mhux aktar tard minn tliet xhur qabel dik id-data.

3.   Il-UCITS alimentatriċi għandha tinforma lit-titolari ta’ unitajiet tagħha bl-intenzjoni tagħha li tillikwida ruħha mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 21

Approvazzjoni

1.   Il-UCITS alimentatriċi għandha tiġi informata fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara s-sottomissjoni kompleta tad-dokumenti msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 20(1) rispettivament, jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunux taw l-approvazzjonijiet meħtieġa.

2.   Hekk kif tirċievi l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1, il-UCITS alimentatriċi għandha tinforma lill-UCITS prinċipali dwarha.

3.   Il-UCITS alimentatriċi għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 64 tad-Direttiva 2009/65/KE mill-aktar fis possibbli wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu taw l-approvazzjonijiet meħtieġa skont il-punt (a) tal-Artikolu 20(1) ta’ din id-Direttiva.

4.   Fejn il-ħlas tar-rikavat tal-likwidazzjoni tal-UCITS prinċipali jkollu jsir qabel id-data li fiha l-UCITS alimentatriċi għandha tibda tinvesti jew f’UCITS prinċipali differenti skont il-punt (a) tal-Artikolu 20(1) jew inkella skont l-għanijiet u l-politika ġodda tagħha dwar l-investiment skont il-punt (b) tal-Artikolu 20(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS alimentatriċi għandhom jagħtu l-approvazzjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-UCITS alimentatriċi għandha tirċievi r-rikavat tal-likwidazzjoni:

(i)

fi flus; jew

(ii)

ir-rikavat kollu jew ftit minnu bħala trasferiment ta’ assi in natura fejn il-UCITS alimentatriċi tkun tixtieq hekk u fejn il-ftehim bejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jew ir-regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju u d-deċiżjoni li torbot li ssir likwidazzjoni jkunu jipprevedu dan;

(b)

kwalunkwe flus miżmuma jew irċevuti skont dan il-paragrafu jistgħu jiġu investiti mill-ġdid biss għal skop tal-immaniġġjar effiċjenti tal-flus qabel id-data li fiha l-UCITS alimentatriċi se tibda tinvesti f’UCITS prinċipali differenti jew inkella skont l-għanijiet u l-politika ġodda tagħha dwar l-investiment.

Fejn japplika l-punt (a)(ii) tal-ewwel sottoparagrafu, il-UCITS alimentatriċi tkun tista’ fi kwalunkwe ħin tirrealizza fi flus kwalunkwe parti tal-assi trasferiti in natura.

Sottotaqsima 2

Proċeduri fil-każ ta’ fużjoni jew diviżjoni

Artikolu 22

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-UCITS alimentatriċi tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti, mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha l-UCITS alimentatriċi tkun irċeviet l-informazzjoni tal-fużjoni jew id-diviżjoni ppjanata skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 60(5) tad-Direttiva 2009/65/KE, dan li ġej:

(a)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha tibqa’ UCITS alimentatriċi tal-istess UCITS prinċipali:

(i)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni ta’ dan;

(ii)

fejn ikun applikabbli, l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-emendi proposti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni tagħha;

(iii)

fejn ikun applikabbli, l-emendi fil-prospett tagħha u fit-tagħrif ewlieni għall-investituri tagħha skont l-Artikoli 74 u 82 tad-Direttiva 2009/65/KE, rispettivament;

(b)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha ssir UCITS alimentatriċi f’UCITS prinċipali oħra li tirriżulta mill-fużjoni jew id-diviżjoni proposta tal-UCITS prinċipali jew fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha tinvesti tal-anqas 85 % tal-assi tagħha f’unitajiet f’UCITS prinċipali oħra li ma tkunx irriżultat mill-fużjoni jew id-diviżjoni:

(i)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni ta’ dak l-investiment;

(ii)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-emendi proposti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni tagħha;

(iii)

l-emendi fil-prospett tagħha u fit-tagħrif ewlieni għall-investituri tagħha skont l-Artikoli 74 u 82 tad-Direttiva 2009/65/KE, rispettivament;

(iv)

id-dokumenti l-oħrajn meħtieġa skont l-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsieba tikkonverti ruħha f’UCITS li mhijiex UCITS alimentatriċi skont l-Artikolu 60(4)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE:

(i)

l-applikazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-emendi proposti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni tagħha;

(ii)

l-emendi fil-prospett tagħha u fit-tagħrif ewlieni għall-investituri tagħha skont l-Artikoli 74 u 82 tad-Direttiva 2009/65/KE, rispettivament;

(d)

fejn il-UCITS alimentatriċi tkun biħsiebha tillikwida ruħha, notifika ta’ dik l-intenzjoni.

2.   Għall-iskop tal-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-paragrafi 1 (a) u (b) għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan li ġej:

L-espressjoni “tibqa’ UCITS alimentatriċi tal-istess UCITS prinċipali” tirreferi għal każijiet fejn:

(a)

il-UCITS prinċipali tkun il-UCITS li tirċievi fil-fużjoni proposta;

(b)

il-UCITS prinċipali tibqa’ teżisti mingħajr ma tinbidel materjalment bħala waħda mill-UCITS li jirriżultaw mid-diviżjoni proposta.

L-espressjoni “ssir UCITS alimentatriċi ta’ UCITS prinċipali oħra li tirriżulta mill-fużjoni jew mid-diviżjoni proposta tal-UCITS prinċipali” tirreferi għal każijiet fejn:

(a)

il-UCITS prinċipali tkun il-UCITS li tkun qed tiġi fuża u, minħabba l-fużjoni, il-UCITS alimentatriċi ssir titolar ta’ unitajiet fil-UCITS li tirċievi;

(b)

il-UCITS alimentatriċi ssir titolar ta’ unitajiet f’UCITS li tirriżulta minn diviżjoni li tkun materjalment differenti mill-UCITS prinċipali.

3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, f’każijiet fejn il-UCITS prinċipali tkun ipprovdiet l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 43 tad-Direttiva 2009/65/KE jew informazzjoni paragunabbli magħha lill-UCITS alimentatriċi aktar minn erba’ xhur qabel id-data effettiva proposta, il-UCITS alimentatriċi għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti tagħha l-applikazzjoni jew notifikazzjoni tagħha skont wieħed mill-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data effettiva proposta għall-fużjoni jew id-diviżjoni tal-UCITS prinċipali.

4.   Il-UCITS alimentatriċi għandha tinforma lit-titolari ta’ unitajiet fiha u lill-UCITS prinċipali bl-intenzjoni tagħha li tillikwida ruħha mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 23

Approvazzjoni

1.   Il-UCITS alimentatriċi għandha tiġi nfurmata fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara s-sottomissjoni kompleta tad-dokumenti msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 22(1) rispettivament, jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunux taw l-approvazzjonijiet meħtieġa.

2.   Hekk kif tirċievi l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu taw l-approvazzjoni skont il-paragrafu 1, il-UCITS alimentatriċi għandha tinforma lill-UCITS prinċipali dwarha.

3.   Wara li l-UCITS alimentatriċi tkun ġiet infurmata li l-awtoritajiet kompetenti jkunu taw l-approvazzjonijiet meħtieġa skont il-punt (b) tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-Direttiva, il-UCITS alimentatriċi għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 64 tad-Direttiva 2009/65/KE mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   Fil-każ tal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-Direttiva, il-UCITS alimentatriċi tista’ teżerċita l-jedd li titlob riakkwist jew tifdija tal-unitajiet tagħha fil-UCITS prinċipali skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(5) u l-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS alimentatriċi ma jkunux ikkonċedew l-approvazzjonijiet neċessarji meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) ta’ din id-Direttiva sal-jum tax-xogħol qabel l-aħħar jum tax-xogħol li fih il-UCITS alimentatriċi tista’ titlob riakkwist u tifdija tal-unitajiet tagħha fil-UCITS prinċipali qabel issir l-fużjoni jew id-diviżjoni.

Il-UCITS alimentatriċi għandha teżerċita wkoll dan il-jedd biex tiżgura li l-jedd tat-titolari ta’ unitajiet tagħha stess li jitolbu riakkwist jew tifdija tal-unitajiet tagħhom fil-UCITS alimentatriċi skont l-Artikolu 64(1)(d) tad-Direttiva 2009/65/KE ma jiġix affettwat.

Qabel l-eżerċitar tal-jedd imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu, il-UCITS alimentatriċi għandha tikkunsidra soluzzjonijiet alternattivi disponibbli li jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet jew impatti negattivi oħrajn fuq it-titolari ta’ unitajiet tagħha stess.

5.   Fejn il-UCITS alimentatriċi titlob riakkwist jew tifdija tal-unitajiet tagħha fil-UCITS prinċipali, din għandha tirċievi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

rikavat mir-riakkwist jew it-tifdija fi flus;

(b)

ir-riakkwist jew it-tifdija kollu jew ftit minnu bħala trasferiment ta’ assi in natura fejn il-UCITS alimentatriċi tkun tixtieq hekk u fejn il-ftehim bejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkun jipprevedi dan.

Fejn ikun japplika l-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu, il-UCITS alimentatriċi dejjem tkun tista’ tirrealizza fi flus kwalunkwe parti tal-assi trasferiti.

6.   L-awtoritajiet kompetenti tal-UCITS alimentatriċi għandhom jagħtu l-approvazzjoni bil-kundizzjoni kwalunkwe flus miżmuma jew irċevuti skont il-paragrafu 5 jistgħu jiġu investiti mill-ġdid biss għal skop ta’ mmaniġġjar effiċjenti tal-flus qabel id-data li fiha l-UCITS alimentatriċi tkun se tibda tinvesti jew fil-UCITS prinċipali l-ġdida jew skont l-għanijiet u l-politika ġodda tagħha dwar l-investiment.

TAQSIMA 3

Depożitarji u awdituri

Sottotaqsima 1

Depożitarji

Artikolu 24

Kontenut tal-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn id-depożitarji

Il-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn id-depożitarju tal-UCITS prinċipali u d-depożitarju tal-UCITS alimentatriċi msemmija fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni tad-dokumenti u l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandhom jiġu kondiviżi bejn iż-żewġ depożitarji b’rutina, u jekk din l-informazzjoni jew dawn id-dokumenti jkunux ġew ipprovduti minn depożitarju lill-ieħor jew kinux disponibbli fuq talba;

(b)

il-mod kif u meta, inkluża kwalunkwe data ta’ skadenza applikabbli, tiġi trażmessal-informazzjoni mid-depożitarju tal-UCITS prinċipali lid-depożitarju tal-UCITS alimentatriċi;

(c)

il-koordinament tal-involviment taż-żewġ depożitarji, sakemm ikun xieraq meta wieħed iqis id-dmirijiet rispettivi tagħhom skont il-liġi nazzjonali b’rabta mal-kwistjonijiet operazzjonali, inklużi:

(i)

il-proċedura għall-kalkolu tal-valur tal-assi netti ta’ kull UCITS, inklużi l-miżuri kollha xierqa għall-ħarsien mill-attivitajiet tal-market timing skont l-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(ii)

l-ipproċessar tal-istruzzjonijiet mill-UCITS alimentatriċi għall-akkwist, sottoskrizzjoni, jew talba ta’ riakkwist jew tifdija ta’ unitajiet fil-UCITS prinċipali, u s-saldu ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, inkluż kwalunkwe arranġament ta’ trasferiment ta’ assi in natura;

(d)

il-koordinament ta’ proċeduri ta’ tmiem is-sena finanzjarja;

(e)

x’dettalji dwar ksur min-naħa tal-UCITS prinċipali tal-liġi u r-regoli tal-fond jew tal-istrumenti tal-inkorporazzjoni għandu jipprovdi d-depożitarju tal-UCITS prinċipali lid-depożitarju tal-UCITS alimentatriċi u l-mod kif u meta dawn jiġu pprovduti;

(f)

il-proċedura għall-immaniġġar ta’ talbiet ad hoc għall-assistenza minn depożitarju għall-ieħor;

(g)

l-identifikazzjoni ta’ avvenimenti kontinġenti partikolari li għandhom jiġu nnotifikati abbażi ad hoc minn depożitarju għall-ieħor, u l-mod kif u meta dan isir.

Artikolu 25

Għażla tal-liġi applikabbli

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkunu daħlu fi ftehim skont l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-ftehim bejn id-depożitarji tal-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi jkun jipprovdi li l-liġi tal-Istat Membru li tkun tapplika għal dak il-ftehim skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn iż-żewġ depożitarji u li ż-żewġ depożitarji jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru;

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-ftehim ta’ bejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkun inbidel b’regoli interni dwra il-kondotta fin-negozju skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-ftehim bejn id-depożitarji tal-UCITS prinċipali u l-UCITS alimentatriċi jkun jipprovdi li l-liġi li tapplika għall-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn iż-żewġ depożitarji għandha tkun jew dik tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS alimentatriċi jew, fejn ikun differenti, dik tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS prinċipali, u li ż-żewġ depożitarji jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għall-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni.

Artikolu 26

Rappurtar ta’ irregolaritajiet mid-depożitarju tal-UCITS prinċipali

L-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2009/65/KE li jinduna bihom id-depożitarju tal-UCITS prinċipali waqt l-eżekuzzjoni tal-funzjoni tiegħu skont il-liġi nazzjonali u li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-UCITS alimentatriċi għandhom jinkludu, imma mhumiex ristretti għal dawn:

(a)

żbalji fil-kalkulazzjoni tal-valur tal-assi netti tal-UCITS prinċipali;

(b)

żbalji fit-tranżazzjonijiet jew is-saldu ta’ akkwist, sottoskrizzjoni, jew talba ta’ riakkwist jew tifdija ta’ unitajiet fil-UCITS prinċipali li tagħmel il-UCITS alimentatriċi;

(c)

żbalji fil-pagament jew kapitalizzazzjoni tal-introjtu li joriġina mill-UCITS prinċipali, jew fil-kalkulazzjoni ta’ kwalunkwe taxxa mis-sors;

(d)

ksur tal-għanijiet, politika jew strateġija tal-investiment tal-UCITS prinċipali, kif deskritt fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni, fil-prospett jew fit-tagħrif ewlieni għall-investitur tagħha;

(e)

ksur tal-limiti tal-investiment u s-self stabbiliti fil-liġi nazzjonali jew fir-regoli tal-fond, fl-istrument tal-inkorporazzjoni, fil-prospett jew fit-tagħrif ewlieni għall-investitur.

Sottotaqsima 2

Awdituri

Artikolu 27

Ftehim dwar l-iskambju tal-iinformazzjoni bejn l-awdituri

1.   Il-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awditur tal-UCITS prinċipali u l-awditur tal-UCITS alimentatriċi msemmi fl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2009/65/KE għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni tad-dokumenti u l-kategoriji ta’ informazzjoni li għandhom jiġu kondiviżi bejn iż-żewġ awdituri b’rutina,

(b)

jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti msemmija fil-punt (a) għandhomx jiġu pprovduti minn awditur lill-ieħor jew jingħatawx fuq talba;

(c)

il-mod kif u meta tiġi trażmessal-informazzjoni mill-awditur tal-UCITS prinċipali lill-awditur tal-UCITS alimentatriċi, inkluża kwalunkwe data ta’ iskadenza applikabbli;

(d)

il-koordinament tal-involviment ta’ kull awdituri fil-proċeduri ta’ tmiem is-sena finanzjarja għall-UCITS rispettivi

(e)

l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati bħala irregolaritajiet żvelati fir-rapport tal-awditjar tal-awditur tal-UCITS prinċipali għall-iskopijiet tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 62(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(f)

il-mod kif u meta jiġu mmaniġġati talbiet ad hoc għall-assistenza minn awditur lill-ieħor, inkluża talba għal aktar informazzjoni dwar irregolaritajiet żvelati fir-rapport tal-awditjar tal-awditur tal-UCITS prinċipali.

2.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tħejjija tar-rapporti tal-awditjar msemmija fl-Artikoli 62(2) u 73 tad-Direttiva 2009/65/KE u l-mod kif u meta jiġi pprovdut ir-rapport tal-awditjar tal-UCITS prinċipali u abbozzi tiegħu lill-awditur tal-UCITS alimentatriċi.

3.   Fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkollhom dati differenti għal tmiem is-sena finanzjarja, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi l-mod kif u meta l-awditur tal-UCITS prinċipali għandu jagħmel ir-rapport ad hoc meħtieġ skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 62(2), id-Direttiva 2009/65/KE u jipprovdih flimkien ma’ abbozzi tiegħu lill-awditur tal-UCITS alimentatriċi..

Artikolu 28

Għażla tal-liġi applikabbli

1.   L-Istat Membru għandu jiżgura li fejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkunu daħlu fi ftehim skont l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-ftehim bejn l-awdituri tal-UCITS prinċipali u tal-UCITS alimentatriċi jipprovdi li l-liġi tal-Istat Membru li tkun tapplika għal dak il-ftehim skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn iż-żewġ awdituri u li ż-żewġ awdituri jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-ftehim bejn il-UCITS alimentatriċi u l-UCITS prinċipali jkun inbidel b’regoli interni dwar il-kondotta fin-negozju skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, il-ftehim bejn l-awdituri tal-UCITS prinċipali u tal-UCITS alimentatriċi jipprovdi li l-liġi li tapplika għall-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn iż-żewġ awdituri għandha tkun jew dik tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS alimentatriċi jew, fejn ikun differenti, dik tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS prinċipali, u li ż-żewġ awdituri jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għall-ftehim dwar l-iskambju tal-informazzjoni.

TAQSIMA 4

Il-mod kif tiġi pprovduta l-informazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet

Artikolu 29

Il-mod kif tiġi pprovduta l-informazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-UCITS alimentatriċi tipprovdi l-informazzjoni lit-titolari ta’ unitajiet skont l-Artikolu 64(1) tad-Direttiva 2009/65/KE bl-istess mod kif stipulat fl-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva.

KAPITOLU IV

PROĊEDURA TAN-NOTIFIKAZZJONI

Artikolu 30

Ambitu tal-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aċċessibbli skont l-Artikolu 91(3) tad-Direttiva 2009/65/KE

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ informazzjoni li ġejjin dwar il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti jkunu aċċessibbli skont l-Artikolu 91(3) tad-Direttiva 2009/65/KE:

(a)

id-definizzjoni tat-terminu “kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet ta’ UCITS” jew it-terminu legali ekwivalenti jew kif jissemma fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u kemm kif żviluppat fil-prattika;

(b)

ir-rekwiżiti għall-kontenut, il-format u l-mod tal-preżentazzjoni tal-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, inklużi kull twissija mandatarja u restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċertu kliem jew frażijiet;

(c)

mingħajr ħsara għall-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/65/KE, id-dettalji dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi żvelata lill-investituri;

(d)

id-dettalji dwar kwalunkwe eżenzjoni mir-regoli jew rekwiżiti li jirregolaw l-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni applikabbli f’dak l-Istat Membru għal ċerti UCITS, ċerti klassijiet ta’ ishma ta’ UCITS jew ċerti kategoriji ta’ investituri;

(e)

ir-rekwiżiti għar-rapportar jew trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, u l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ verżjonijiet aġġornati tad-dokumenti meħtieġa;

(f)

ir-rekwiżiti għal kwalunkwe tariffa jew somma oħra li trid titħallas lill-awtoritajiet kompetenti jew lil kwalunkwe korp statutorju ieħor f’dak l-Istat Membru, meta tibda l-kummerċjalizzazzjoni jew inkella perjodikament minn hemm ‘il quddiem;

(g)

ir-rekwiżiti relatati mal-faċilitajiet li jridu jkunu disponibbli għat-titolari ta’ unitajiet kif meħtieġ bl-Artikolu 92 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(h)

il-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet tal-UCITS f’dak l-Istat Membru minn UCITS b’domiċilju fi Stat Membru ieħor;

(i)

il-kontenut iddettaljat tal-informazzjoni meħtieġa minn Stat Membru li jrid ikun inkluż fil-PartiB tal-ittra ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 1 tar-[ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 584/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-forma u l-kontenut ta’ ittra standard ta’ notifika u l-attestazzjoni tal-UCITS, l-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-iskop ta’ notifika, u proċeduri ta’ verifiki u investigazzjonijiet fuq il-post u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti] (6);

(j)

l-indirizz tal-posta elettronika (tal-imejl) intenzjonat għall-iskop tal-Artikolu 32.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 fil-forma ta’ deskrizzjoni narrattiva, jew kumbinazzjoni ta’ deskrizzjoni narrattiva u serje ta’ referenzi jew konnessjonijiet ma’ dokumenti sors.

Artikolu 31

Aċċess għad-dokumenti mill-Istat Membru ospitanti tal-UCITS

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-UCITS jiżguraw li kopja elettronika ta’ kwalunkwe dokumenti msemmi fl-Artikolu 93(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-UCITS, jew is-sit elettroniku tal-kumpanija maniġerjali li timmaniġġja dik il-UCITS, jew fuq websajt ieħor speċifikat mill-UCITS fl-ittra ta’ notifika mibgħuta skont l-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew kwalunkwe aġġornamenti tagħha. Kwalunkwe dokument li jkun disponibbli fuq il-websajt għandu jkun ipprovdut f’format elettroniku komuni.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-UCITS tiżgura li l-Istat Membru ospitanto tal-UCIT ikollu aċċess għas-sit imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 32

Aġġornamenti ta’ dokumenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw indirizz tal-posta elettronika (tal-imajl) biex jirċievu notifikazzjoni tal-aġġornamenti u l-emendi tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, skont l-Artikolu 93(7) tad-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-UCITS tinnotifika kwalunkwe aġġornament jew emenda tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, skont l-Artikolu 93(7) tad-Direttiva 2009/65/KE bil-posta elettronika fl-indirizz tal-posta elettronika msemmi fil-paragrafu 1.

L-imajl li tinnotifika t-tali aġġornament jew emenda tista’ jew tiddeskrivi l-aġġornament jew l-emenda li tkun saret, jew tahmeż verżjoni ġdida tad-dokument.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kull dokument mehmuż mal-posta elettronika msemmija fil-paragrafu 2, għandu jiġi pprovdut mill-UCITS f’format elettroniku komuni.

Artikolu 33

Żvilupp ta’ sistemi komuni tal-ipproċessar ta’ dejta

1.   Biex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni jew id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 93(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2009/65/KE mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn il-UCITS ikunu bbażati, għall-iskop tal-Artikolu 93(7) ta’ dik id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jikkoordinaw l-istabbiliment ta’ sistemi elettroniċi soffistikati tal-ipproċessar u storjar ċentrali ta’ dejta u li jkunu komuni għall-Istati Membri kollha.

2.   Il-koordinament bejn l-Istati Membri msemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir fil-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Trażpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 7 u 29 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġi ppubblikati. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif din ir-referenza għandha ssir.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 36

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(3)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.

(4)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Ara paġna 42 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara paġna 16 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


10.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/42


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI Nru 2010/43/UE

tal-1 ta’ Lulju 2010

li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 23(6), l-Artikolu 33(6) u l-Artikolu 51(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-regoli u t-terminoloġija dwar r-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess u t-twettiq ta’ negozju għandhom ikunu allinjati hemm jista’ jkun mal-istandards li ddaħħlu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji mid-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (2) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta’ Awwissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti organizzattivi u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji tal-investiment u t-termini definiti għall-għanjiet ta’ dik id-Direttiva (3). Dan l-allinjament, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet tan-negozju tal-immaniġġjar kollettiv tal-portafolji, jippermetti li jintlaħqu standards ugwali mhux biss bejn l-oqsma tas-servizzi finanzjarji differenti imma wkoll fin-negozju tal-immaniġġjar tal-assi, fejn ċertu rekwiżiti tad-Direttiva 2006/73/KE diġà ġew estiżi minn uħud mill-Istati Membri għall-kumpaniji maniġerjali UCITS.

(2)

Huwa xieraq li dawn ir-regoli jiġu adottati f’forma ta’ Direttiva sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jkunu jistgħu jiġu aġġustati għall-ispeċifiċitajiet tas-suq partikolari u s-sistema legali f’kull Stat Membru. Direttiva se tippermetti wkoll livell massimu ta’ konsistenza mas-sistema li nħolqot mid-Direttiva 2006/73/KE.

(3)

Għalkemm il-prinċipji stabbiliti b’din id-Direttiva huma ta’ rilevanza ġenerali għall-kumpaniji maniġerjali kollha, huma flessibbli biżżejjed biex jiżguraw li l-applikazzjoni tagħhom u s-sorveljanza ta’ din l-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tkun waħda proporzjonata kif ukoll iqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali u d-diversità tal-kumpaniji li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/65/KE, u n-natura varjata ta’ UCITS differenti li jistgħu jkunu mmaniġjati mill-kumpanija maniġerjali.

(4)

Sa fejn tkun tippermettilhom il-liġi nazzjonali, il-kumpaniji maniġerjali għandhom ikunu jistgħu jagħmlu arranġamenti biex partijiet terzi jwettqulhom xi attivitajiet. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jinftehmu f’dan is-sens. Il-kumpanija maniġerjali għandha b’mod partikolari teżerċita d-diliġenza xierqa sabiex tiddetermina jekk, wara li tqis in-natura tal-funzjonijiet li jkunu ser jitwettqu minn partijiet t-terzi, l-impriża li tkun qed twettaq dawk l-attivitajiet tistax titqies kwalifikata u kapaċi tassumi l-funzjonijiet involuti. Għalhekk il-parti terza għandha tissodisfa r-rekwiżiti organizzazzjonali u ta’ konflitti ta’ interess kollha marbuta mal-attività li se titwettaq. Isegwi wkoll li l-kumpanija maniġerjali għandha tivverifika li l-parti terza tkun ħadet il-passi xierqa sabiex tikkonforma mal-imsemmija rekwiżiti u għandha timmonitorja b’mod effikaċi li l-parti terza tkun konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Fejn il-parti terza tkun responsabbli biex tapplika r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet delegati, għandhom japplikaw rekwiżiti organizzazzjonali u ta’ konflitt ta’ interess ekwivalenti fuq l-attività ta’ monitoraġġ tal-attivitajiet delegati. Il-kumpanija maniġerjali għandha tkun tista’ tqis l-fatt li l-parti terza waqt il-proċess ta’ diliġenza dovuta l-fatt li l-parti terza għand min ikunu ġew iddelegat l-attivitajiet bosta drabi tkun soġġetta għad-Direttiva 2004/39/KE.

(5)

Sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ standards differenti għall-kumpaniji maniġerjali u għall-kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali, dawn tal-aħħar għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ kondotta u dispożizzjonijiet dwar il-konflitti ta’ interess u l-immaniġġjar tar-riskji li huma soġġetti għalihom il-kumpaniji maniġerjali. Għaldaqstant, ir-regoli ta’ din id-Direttiva dwar il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmu tal-kontrolli interni għandhom, bħala kwistjoni ta’ prassi tajba, japplikaw kemm għall-kumpaniji maniġerjali u kemm għall-kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità.

(6)

Id-Direttiva 2009/65/KE teżiġi li l-kumpaniji maniġerjali jkollhom proċeduri amministrattivi sodi. Sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu struttura organizzazzjonali ddokumentata sew fejn ir-responsabbiltajiet jiġu assenjati b’mod ċar u tkun żgurata ċirkolazzjoni tajba tal-informazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu wkoll sistemi li jħarsu l-informazzjoni u jiżguraw il-kontinwità tan-negozju u li jkunu suffiċjenti biex ippermettulhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom meta l-attivitajiet tagħhom jitwettqu minn partijiet terzi.

(7)

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom ukoll ikollhom ir-riżorsi neċessarji, b’mod partikolari, li jimpjegaw persunal bil-ħiliet, il-konoxxenza u l-esperjenza xierqa sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom.

(8)

Fejn jidħlu proċeduri siguri ta’ proċessar tad-dejta u l-obbligu li jiġu rrikostruwiti t-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu l-UCITS il-kumpanija maniġerjali għandha tkun qiegħda tħaddem arranġamenti li jippermettulha tirreġistra puntwalment u sew kull tranżazzjoni li tkun ġiet eżegwita f’isem il-UCITS.

(9)

Il-kontabilità hija waħda mill-oqsma ewlenin tal-amministrazzjoni tal-UCITS. Huwa għalhekk ta’ importanza kbira li l-proċeduri tal-kontabilità jkunu speċifikati iżjed fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni. Għalhekk din id-Direttiva għandha tħaddan il-prinċipji li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-UCITS jew tal-kumpartimenti tal-investiment tagħha jkunu jistgħu jiġu identifikati direttament, u li l-kontijiet għandhom jinżammu separati. Barra minn hekk, fejn ikunu jeżistu klassijiet ta’ ishma differenti, pereżempju l-livell tat-tariffi maniġerjali, għandu jkun possibbli li jinħareġ direttament mill-kontabilità l-valur tal-assi netti ta’ dawk il-klassijiet differenti.

(10)

L-allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tal-maniġment superjuri u l-funzjoni superviżorja hija ta’ importanza ewlenija fl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kontrolli interni xierqa kif titlob id-Direttiva 2009/65/KE. Dan jitlob li l-maniġment superjuri għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ġenerali tal-investiment kif imsemmi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tat-tagħrif ewlieni għall-investitur u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati meta jingħata t-tagħrif ewlieni għall-investitur jew il-prospett b’mezz li jibqa’ (4). Il-maniġment superjuri għandu wkoll jerfa’ r-responsabbiltà għall-istrateġiji tal-investiment li huma l-indikazzjonijiet ġenerali dwar l-allokazzjoni strateġika tal-assi tal-UCITS u t-tekniki tal-investiment meħtieġa biex tiġi implimentata b’mod adegwat u effikaċi l-politika tal-investiment. It-tqassim ċar tar-responsabbiltajiet għandu jiżgura wkoll li jeżisti kontroll adegwat biex b’hekk ikun żgurat li l-assi tal-UCITS jiġu investiti skont ir-regoli tal-fond jew tal-istrumenti tal-inkorporazzjoni u d-dispożizzjonijiet legali applikabbli kif ukoll li jiġu osservati l-limiti tar-riskji ta’ kull UCITS. L-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għandha tkun konsistenti mar-rwol u r-responsabbiltajiet tal-maniġment superjuri u l-funzjoni tas-sorveljanza skont il-liġi nazzjonali applikabbli u l-kodiċi tal-governanza korporattiva. Huwa possibbli li l-maniġment superjuri jkun jinkludi l-membri kollha tal-bord tad-diretturi jew xi wħud minnhom.

(11)

Sabiex ikun żgurat li kumpanija maniġerjali jkollha mekkaniżmu adegwat ta’ kontroll huma meħtieġa l-funzjoni permanenti ta’ konformità u l-funzjoni tal-awditjar intern. Il-funzjoni tal-konformità għandha titfassal b’tali mod li jkun żgurat li jkun jista’ jiġi nnotat kull riskju ta’ nuqqas min-naħa tal-kumpanija maniġerjali li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE. Il-funzjoni tal-awditjar għandha timmira biex tivverifika u tevalwa l-proċeduri ta’ kontroll u l-arranġamenti amministrattivi differenti li l-kumpanija maniġerjali tkun qed tħaddem.

(12)

Huwa neċessarju li l-kumpaniji maniġerjali jkollhom ftit flessibbiltà f’kif jistrutturaw l-organizzazzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji tagħhom. Fejn ma tkunx xi ħaġa xierqa jew proporzjonata li jkun hemm funzjoni separata tal-immaniġġjar tar-riskji, il-kumpanija maniġerjali għandha xorta waħda tkun f’pożizzjoni li turi li l-prekawzjonijiet speċifiċi kontra l-konflitti ta’ interess jippermettu eżekuzzjoni indipendenti tal-attivitajiet tal-immaniġġjar tar-riskji.

(13)

Id-Direttiva 2009/65/KE tobbliga lill-kumpaniji maniġerjali jħaddmu regoli dwar it-tranżazzjonijiet personali. Skont id-Direttiva 2006/73/KE, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprevjenu lill-impjegati tagħhom li jkunu soġġetti għal konflitti ta’ interess jew ikollhom informazzjoni privileġġata, skont it-tifsira tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (5), milli jidħlu fi tranżazzjonijiet personali b’riżultat ta’ abbuż minn informazzjoni li jkunu kisbu permezz tal-attività professjonali tagħhom.

(14)

Id-Direttiva 2009/65/KE titlob li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li kull tranżazzjoni ta’ portafoll li tkun tinvolvi l-UCITS tkun tista’ tiġi rrikostruwita skont l-oriġini tagħha, il-partijiet kostitwenti, in-natura tagħha, u meta u fejn tkun ġiet eżegwita. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ portafolji u ta’ ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija.

(15)

Id-Direttiva 2009/65/KE titlob li l-kumpaniji maniġerjali UCITS iħaddmu mekkaniżmi xierqa biex ikun żgurat it-trattament ġust tal-UCITS f’każijiet ta’ konflitti ta’ interess inevitabbli. Għaldaqstant, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jiżguraw li f’dawn il-każijiet il-maniġment superjuri jew xi korp intern kompetenti ieħor tal-kumpanija maniġerjali jkun mgħarraf fil-pront, sabiex ikun jista’ jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa biex jiżgura t-trattament tal-UCITS u tat-titolari ta’ unitjiet.

(16)

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom ikunu mitluba jadottaw, japplikaw u jħarsu strateġija effikaċi u adegwata għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot marbuta mal-istrumenti finanzjarji li jkollhom il-UCITS li jimmaniġġjaw, bil-ħsieb li jkun żgurat li dawn id-drittijiet ikunu eżerċitati għall-benefiċċju esklużiv tal-UCITS. L-informazzjoni relatata mal-istrateġija u l-applikazzjoni tagħha għandha tkun disponibbli mingħajr xkiel għall-investituri, inkluż permezz ta’ sit elettroniku. Skont x’ikun il-każ, id-deċiżjoni li ma jiġux eżerċitati d-drittijiet tal-vot tista’ titqies, f’ċerti ċirkostanzi, li hija għall-benefiċċju esklużiv tal-UCITS skont l-istrateġija tal-investiment tagħhom. Madankollu, ma għandhiex tiġi eskluża l-possibbiltà li kumpanija tal-investiment tivvota għaliha nnifisha jew tagħti struzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandha tivvota l-kumpanija maniġerjali tagħha.

(17)

L-obbligu li jiġi mgħarraf il-maniġment superjuri jew xi korp intern kompetenti ieħor tal-kumpanija maniġerjali sabiex ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa ma għandux jillimita d-dover tal-kumpaniji maniġerjali u tal-UCITS li jirrapportaw sitwazzjonijiet fejn l-arranġamenti organizzazzjonali jew amministrattivi kontra l-konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex tkun żgurata, b’kunfidenza raġonevoli, il-prevenzjoni tar-riskji ta’ ħsara, pereżempju fir-rapporti perjodiċi tagħhom. Dan ir-rappurtar għandu jispjega u jiġġustifikaw id-deċiżjoni li tittieħed mill-kumpanija maniġerjali anki meta tkun ittieħdet deċiżjoni biex ma tittiħidx azzjoni, filwaqt li jitqiesu l-politika u l-proċeduri interni adottati biex jiġu identifikati, ipprevenuti u mmaniġġjati l-konflitti ta’ interess.

(18)

Id-Direttiva 2009/65/KE tobbliga lill-kumpaniji maniġerjali li jaġixxu fl-aħjar interess tal-UCITS li jimmaniġġjaw u l-integrità tas-suq. Ċerta mġiba, bħall-għażla taż-żmien tal-kummerċ u n-negozju tard, jista’ jkollha effetti detrimentali fuq it-titolari ta’ unitjiet u tista’ thedded il-funzjonament tas-suq. Għaldaqstant, il-kumpaniji maniġerjali għandhom iħaddmu proċeduri xierqa biex jipprevjenu l-prattiċi ħżiena. Barra minn dan, il-kumpaniji maniġerjali għandhom iħaddmu proċeduri xierqa ta’ viġilanza kontra imposti irraġonevoli u attivitajiet bħal negozju eċċessiv, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet u l-politika tal-investiment tal-UCITS.

(19)

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jaġixxu wkoll fl-aħjar interess tal-UCITS meta jkunu qegħdin jeżegwixxu direttament ordnijiet biex jinnegozjaw f’isem il-UCITS li jimmaniġġjaw jew meta jgħadduhom lil partijiet terzi. Meta jkunu qegħdin jeżegwixxu ordnijiet f’isem il-UCITS, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiksbu l-aqwa riżultat possibbli għall-UCITS fuq bażi konsistenti, fejn jitqiesu l-prezz, il-kostijiet, il-ħeffa, il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni u s-saldu, id-daqs u n-natura tal-ordni jew kwalukwe kunsiderazzjoni oħra rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-ordni.

(20)

Sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu b’ħila, attenzjoni u diliġenza xierqa fl-aħjar interess tal-UCITS li jimmaniġġjaw kif titlob id-Direttiva 2009/65/KE, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-maniġġ tal-ordnijiet.

(21)

Ċertu tariffi, kummissjonijiet jew benefiċċji mhux monetarji li jistgħu jitħallsu lil jew mill-kumpanija maniġerjali m’għandhomx ikunu permessi peress li jista’ jkollhom impatt fuq il-ħarsien tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/65/KE li l-kumpanija maniġerjali għandha taġixxi bl-onestà, b’mod ġust u professjonalment skont l-aħjar interess tal-UCITS. Għaldaqstant, jinħtieġ li jiġu stipulati regoli ċari li jispeċifikaw meta tariffi, kummissjonijiet u benefiċċji mhux monetarji ma jitqisux bħala ksur ta’ dawk il-prinċipji.

(22)

L-attivitajiet transkonfinali tal-kumpanija maniġerjali joħolqu sfidi ġodda għar-relazzjoni bejn il-kumpanija maniġerjali u d-depożitarju tal-UCITS. F’din id-Direttiva għandhom jiġu speċifikati l-elementi ewlenin tal-ftehim bejn id-depożitarju tal-UCITS u l-kumpanija maniġerjali, meta dik il-kumpanija maniġerjali tkun stabbilita fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS u dan għandu jsir sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali meħtieġa. Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat li dan il-ftehim jaqdi sew l-għan tiegħu huwa meħtieġ li jiġu pprovduti regoli dwar il-konflitti tal-liġijiet li jidderogaw mill-Artikolu 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet [obbligi] kuntrattwali (Ruma I) (6) b’tali mod li l-liġi applikabbli għal dan il-ftehim tkun il-liġi tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS.

(23)

Id-Direttiva 2009/65/KE fiha obbligu li jiġu speċifikati l-kriterji għall-valutazzjoni tal-adegwezza tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji ta’ kumpanija maniġerjali. Dawn il-kriterji jiffukaw fuq l-istabbiliment ta’ politika tal-immaniġġjar tar-riskji adegwata u dokumentata li għandha titħaddan mill-kumpaniji maniġerjali. Din il-politika għandha tippermetti lill-kumpaniji maniġerjali li jivvalutaw ir-riskji tal-pożizzjonijiet li jittieħdu fil-portafolji li jimmaniġġjaw u l-piż ta’ dawn ir-riskji individwali fuq il-profil tar-riskju globali tal-portafoll. L-organizzazzjoni tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkun adegwata u proporzjonata man-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-kumpanija maniġerjali u tal-UCITS li timmaniġġja.

(24)

Il-valutazzjoni perjodika, il-monitoraġġ u l-analiżi tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji mill-kumpaniji maniġerjali huma wkoll kriterji għall-valutazzjoni tal-adegwezza tal-proċess tal-immaniġjar tar-riskju. Dan il-kriterju jinkludi wkoll l-analiżi tal-effikaċja tal-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati kwalunkwe nuqqasijiet fl-eżekuzzjoni tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji.

(25)

Bħala element essenzjali fil-kriterja tal-valutazzjoni tal-adegwezza tal-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jadottaw tekniki proporzjonati u effikaċi li jkejlu r-riskji, ħalli jkejlu fi kwalunkwe ħin ir-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom il-UCITS li jimmaniġġjaw. Dawn ir-rekwiżiti huma bbażati fuq prassi komuni miftehma bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Dawn jinkludu kemm miżuri kwantitattivi, fir-rigward tar-riskji kwantifikabbli, u metodi kwalitattivi. Is-sistemi tal-ipproċessar ta’ dejta elettronika u l-għodod li jintużaw fil-komputazzjoni tal-miżuri kwantitattiv għandhom ikunu integrati ma’ xulxin jew mal-applikazzjonijiet tal-uffiċċju tan-negozjar u dawk tal-kontabilità. It-tekniki tal-kejl tar-riskji għandha tipprovdi kejl adegwat tar-riskji f’perjodi meta jiżdied it-taqlib fis-suq u għandhom jiġu rriveduti kull meta jkun meħtieġ fl-interess tat-titolari ta’ unitjiet. Għandhom jippermettu wkoll valutazzjoni adegwata tal-konċentrazzjoni u l-interazzjoni tar-riskji rilevanti fil-livell ta’ portafoll.

(26)

Huwa l-għan tas-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji li tiffunzjona li l-limiti tal-investiment stabbiliti mid-Direttiva 2009/65/KE, bħalma huwa l-limiti fuq l-iskopertura globali u l-iskopertura għar-riskju ta’ kontraparti jiġu rrispettati mill-kumpaniji maniġerjali. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti kriterji dwar kif għandha tiġi kkalkulata l-iskopertura globali u kif għandu jiġi kkalkulat ir-riskju ta’ kontraparti.

(27)

Meta jiġu stabbiliti dawn il-kriterji huwa meħtieġ li din id-Direttiva tagħmilha ċara kif l-iskopertura globali tista’ tiġi kkalkulata, fosthom bl-użu tal-approċċ tal-impenji, l-approċċ tal-valur fir-riskju jew b’metodoloġiji avvanzati tal-kejl tar-riskji. Din għandha tistabbilixxi wkoll l-elementi ewlenin tal-metodoloġija li skonthom il-kumpanija maniġerjali għandha tikkalkula r-riskju tal-kontraparti. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, għandhom jitqiesu l-kundizzjonijiet li bihom qed jintużaw dawn il-metodoloġiji, fosthom il-prinċipji li għandhom jiġu applikati għal dawn l-arranġamenti kollaterali sabiex titnaqqas l-iskopertura tal-UCITS għar-riskju tal-kontraparti kif ukoll l-użu tal-arranġamenti tal-iħħeġġjar u tal-kalkolu tal-valur nett, kif żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti li jaħdmu fi ħdan il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli.

(28)

Skont id-Direttiva 2009/65/KE, il-kumpaniji maniġerjali huma obbligati li japplikaw proċess ta’ valutazzjoni preċiż u indipendenti tal-valur tad-derivati barra l-Borża (OTC). Din id-Direttiva għalhekk tistipula regoli dettaljati għal dak il-proċess f’konformità mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/16/KE tad-19 ta’ Marzu 2007 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) rigward il-kjarifika ta’ ċerti definizzjonijiet (7). Bħala kwistjoni ta’ prassi tajba, il-kumpaniji maniġerjali għandhom japplikaw dawn ir-rekwiżiti għall-istrumenti li jesponu l-UCITS għar-riskji ta’ valwazzjoni ekwivalenti għal dawn li jinħolqu mid-derivati OTC, bħal dawk marbuta mal-illikwidità tal-prodott u/jew il-kumplessità tal-istrutturi tal-gwadanji. Skont dan, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jadottaw arranġamenti u proċeduri konsistenti mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44 għall-valwazzjoni ta’ titoli trasferibbli kumplessi jew anqas likwidi u strumenti tas-suq tal-flus li jeħtieġu l-użu ta’ medoti ta’ valwazzjoni bbażati fuq mudell.

(29)

Id-Direttiva 2009/65/KE tobbliga kumpanija maniġerjali biex tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti kompetenti bl-informazzjoni fir-rigward tat-tipi ta’ strumenti ta’ derivati li fihom tkun ġiet investita UCITS, ir-riskji sottostanti li jippreżentaw ruħhom, il-limiti kwantitattivi applikabbli u l-metodi magħżula għall-istima tar-riskji assoċjati ma’ dawn it-tranżazzjonijiet. Il-proċedura li għandha ssegwi l-kumpanija maniġerjali fil-qadi ta’ dan l-obbligu, kif ukoll il-kontenut, għandhom jiġu speċifikati.

(30)

Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (8) ġie kkonsultat għal pariri tekniċi.

(31)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropej tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistipula r-regoli tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/65/KE:

1.

billi tispeċifika l-proċeduri u l-arranġamenti kif imsemmi fil-punt (a) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 12(1), u l-istrutturi u r-rekwiżiti organizzazzjonali biex jiġu mminimizzati l-konflitti ta’ interess kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 12(1);

2.

Billi tistabbilixxi l-kriterji għal kondotta onesta u ġusta u bil-ħila dovuta, l-attenzjoni u d-diliġenza dovuti fl-aħjar interess tal-UCITS kif ukoll il-kriterji għad-determinazzjoni tat-tipi ta’ konflitti ta’ interess billi tispeċifika l-prinċipji meħtieġa biex jiġi żgurat li r-riżorsi jitħaddmu b’mod effiċjenti, tiddefinixxi l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġu identifikati, prevenuti, immaniġġjati u divulgati l-konflitti ta’ interess imsemmija fl-Artikolu 14(1) u (2),

3.

fir-rigward tal-partikolaritajiet li jeħtieġu jkunu inklużi fil-ftehimiet bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali skont l-Artikoli 23(5) u 33(5), u

4.

fir-rigward tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji msemmi fl-Artikolu 51(1), partikolarment il-kriterji għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji użat mill-kumpanija maniġerjali u l-politika u l-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji kif ukoll l-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki għall-kejl u l-immaniġġjar tar-riskji marbuta ma’ dawn il-kriterji.

Artikolu 2

Ambitu

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kumpaniji maniġerjali li jwettqu l-attività tal-immaniġġjar ta’ impriża għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Il-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva għandu japplika wkoll għad-depożitarji li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Artikolu 12 tal-Kapitolu II u l-Kapitoli III, IV u VI għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE.

F’dawk il-każijiet “kumpanija maniġerjali” għandha tinftiehem li hija “kumpanija tal-investiment”.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2009/65/KE:

1.

“klijent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali, jew kwalunkwe impriża oħra inkluża UCITS, li kumpanija maniġerjali tkun qiegħda tipprovdilha servizz tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv jew servizzi skont l-Artikolu 6(3), tad-Direttiva 2009/65/KE;

2.

“titolari ta’ unitajiet” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali b’unità, jew aktar, f’UCITS;

3.

“persuna rilevanti” b’rabta ma’ kumpanija maniġerjali, tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

direttur, sieħed jew ekwivalenti, jew maniġer tal-kumpanija maniġerjali;

(b)

impjegat tal-kumpanija maniġerjali, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi li tagħti jkunu għad-dispożizzjoni u kkontrollati mill-kumpanija maniġerjali u li tkun involuta fil-provvediment mill-kumpanija maniġerjali tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv;

(c)

persuna fiżika li tkun involuta direttament fil-provvediment ta’ servizzi lill-kumpanija maniġerjali skont arranġament ta’ delega lil partijiet terzi għall-iskop tal-provvediment mill-kumpanija maniġerjali ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv;

4.

“maniġment superjuri” tfisser il-persuna jew il-persuni li fil-fatt twettaq n-negozju ta’ kumpanija maniġerjali skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE;

5.

“bord tad-diretturi” tfisser il-bord tad-diretturi tal-kumpanija maniġerjali;

6.

“funzjoni superviżorja” tfisser il-persuni rilevanti jew korp jew korpijiet responsabbli mis-superviżjoni tal-maniġment superjuri tagħhom u mill-valutazzjoni u l-analiżi perjodika tal-adegwatezza u l-effikaċja tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji u tal-politiki, l-arranġamenti u l-proċeduri li jkunu qegħdin jitħaddmu għall-konformità mal-obbligi skont id-Direttiva 2009/65/KE.

7.

“riskju tal-kontraparti” tfisser ir-riskju ta’ telf għall-UCITS li jirriżulta mill-fatt li kontraparti ta’ tranżazzjoni tista’ tonqos mill-obbligi tagħha qabel is-saldu finali tal-flussi tal-flus tat-tranżazzjoni;

8.

“riskju ta’ likwidità” tfisser ir-riskju li pożizzjoni fil-portafoll tal-UCITS ma tkunx tista’ tinbiegħ, tiġi llikwidata jew tingħalaq b’kost limitat f’qafas ta’ żmien qasir biżżejjed u li b’hekk tiġi kompromessal-kapaċità tal-UCITS li tkun il-ħin kollu konformi mal-Artikolu 84(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

9.

“riskju tas-suq” tfisser ir-riskju ta’ telf għall-UCITS li jirriżulta minn varjazzjoni fil-valur tas-suq tal-pożizzjonijiet fil-portafoll tal-UCITS attribwibbli għal tibdil fil-varjabbli tas-suq, bħalma huma r-rati tal-imgħax, ir-rati tal-kambju, il-prezzijiet tal-ekwità u l-komoditajiet jew l-affidabbiltà tal-kreditu ta’ emittur.

10.

“riskju operazzjonali” tfisser ir-riskju ta’ telf għall-UCITS li jirriżulta minn proċessi interni inadegwati u nuqqasijiet marbuta man-nies u s-sistemi tal-kumpanija maniġerjali jew minħabba avvenimenti esterni, u tinkludi r-riskju legali u dokumentali u r-riskju li jirriżulta mill-proċeduri tan-negozju, is-saldu u l-valwazzjoni mħaddma f’isem il-UCITS.

It-terminu “bord tad-diretturi” iddefinit fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu ma għandux jinkludi l-bord superviżorju meta l-kumpaniji maniġerjali jkollhom struttura doppja, b’bord tad-diretturi u b’bord superviżorju.

KAPITOLU II

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI U L-MEKKANIŻMU TA’ KONTROLL

(l-Artikolu 12(1)(a) u l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2009/65/KE)

TAQSIMA 1

Prinċipji ġenerali

Artikolu 4

Rekwiżiti ġenerali dwar il-proċeduri u l-organizzazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u struttura organizzazzjonali li tispeċifika b’mod ċar u ddokumentat il-linji tar-rappurtaġġ u talloka l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet;

(b)

jiżguraw li l-persuni rilevanti tagħhom ikunu jafu bil-proċeduri li għandhom jiġu osservati għall-eżekuzzjoni korretta tar-responsabbiltajiet tagħhom;

(c)

jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu mekkaniżmi kontroll intern adegwati mfassla biex jiżguraw l-konformità mad-deċiżjonijiet u l-proċeduri fil-livelli kollha tal-kumpanija maniġerjali;

(d)

jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu rappurtaġġ intern u komunikazzjoni ta’ informazzjoni effikaċi fil-livelli rilevanti kollha tal-kumpanija maniġerjali kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni effikaċi tal-informazzjoni ma’ kwalunkwe parti terza involuta;

(e)

iżommu reġistri adegwati u fl-ordni tan-negozju u l-organizzazzjoni interna tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet li jitwettqu matul dak in-negozju.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu sistemi u proċeduri li jkunu adegwati għall-ħarsien tas-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, filwaqt li jqisu n-natura tal-informazzjoni inkwistjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika adegwata tal-kontinwità tan-negozju mmirata biex tkun żgurata, fil-każ ta’ interruzzjoni fis-sistemi u l-proċeduri tagħhom, il-preservazzjoni tad-dejta u l-funzjonijiet essenzjali, u ż-żamma tas-servizzi u l-attivitajiet, jew meta dan ma jkunx possibbli, l-irkupru bla telf ta’ żmien ta’ din id-dejta u l-funzjonijiet u l-issoktar mill-ġdid tas-servizzi u l-attivitajiet tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika u l-proċeduri tal-kontabilità li permezz tagħhom ikunu jistgħu, fuq talba tal-awtorità kompetenti, iwasslu puntwalment rapporti finanzjarji lill-awtorità kompetenti li jkunu jirriflettu b’mod ġust il-vera tal-pożizzjoni finanzjarja tagħhom u li jkunu konformi mal-istandards u r-regoli tal-kontabilità kollha applikabbli.

5.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jimmonitorjaw u, fuq bażi regolari, jevalwaw l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi, il-mekkaniżmi tal-kontrolli interni u l-arranġamenti stabbiliti tagħhom skont il-paragrafi 1 sa 4, u li jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas.

Artikolu 5

Riżorsi

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jimpjegaw persunal bil-ħiliet, il-konoxxenza u kompetenza meħtieġa għall-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet allokati lilhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jżommu r-riżorsi u l-kompetenza meħtieġa biex b’hekk jimmonitorjaw b’mod effikaċi l-attivitajiet li jitwettqu minn partijiet terzi abbażi ta’ arranġament mal-kumpanija maniġerjali, speċjalment fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskji assoċjati ma’ dawk l-arranġamenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-eżekuzzjoni tad-diversi funzjonijiet mill-persuni rilevanti ma tipprevenix jew ikollha mnejn tippreveni, lil dawk il-persuni rilevanti milli jeżegwixxu xi funzjoni partikolari tajjeb, bl-onestà, u b’professjonalità.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-iskopijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet imwettqa matul dak in-negozju.

TAQSIMA 2

Proċeduri amministrattivi u tal-kontabilità

Artikolu 6

Indirizzar tal-ilmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri effikaċi u trasparenti biex jiġu indirizzati b’mod raġonevoli u fil-pront l-ilmenti li jirċievu mingħand l-investituri.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li kull ilment u l-miżuri li jittieħdu biex jiġi solvut jiġu rreġistrati.

3.   L-investituri għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom mingħajr ħlas. L-informazzjoni rigward il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-investituri mingħajr ħlas.

Artikolu 7

Proċessar ta’ dejta elettronika

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jagħmlu l-arranġamenti xierqa biex ikollhom sistemi elettroniċi adatti biex b’hekk tkun possibbli r-reġistrazzjoni f’waqtha u sewwa ta’ kull tranżazzjoni ta’ portafoll jew ordni ta’ sottoskrizzjoni jew tifdija sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 14 u 15.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà matul l-ipproċessar tad-dejta elettronika u wkoll l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni rreġistrata, kif xieraq.

Artikolu 8

Proċeduri tal-kontabilità

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw l-applikazzjoni ta’ politika u l-proċeduri tal-kontabilità kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) biex b’hekk ikun żgurat il-ħarsien tat-titolari ta’ unitjiet.

Il-kontabilità ta’ UCITS għandha tinżamm b’tali mod li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-UCITS ikunu jistgħu jiġu identifikati direttament il-ħin kollu.

Jekk il-UCITS ikollha kompartimenti ta’ investiment differenti, għandhom jinżammu kontijiet separati għal dawk il-kompartimenti ta’ investiment.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jkollhom stabbiliti, jimplimentaw u jżommu politika u proċeduri tal-kontabilità, skont ir-regoli tal-kontabilità tal-Istati Membri ta’ domiċilju tal-UCITS, biex b’hekk ikun żgurat li l-kalkolu tal-valur tal-assi netti ta’ kull UCITS isir bi preċiżjoni, abbażi tal-kontabilità, u li l-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija jiġu eżegwiti kif suppost b’dak il-valur tal-assi netti.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu proċeduri xierqa biex tkun żgurata li l-valwazzjoni korretta u preċiża tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-UCITS, tkun konsistenti mar-regoli applikabbli msemmija fl-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/65/KE.

TAQSIMA 3

Mekkaniżmi tal-kontroll intern

Artikolu 9

Kontroll mill-maniġment superjuri u l-funzjoni tas-superviżjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali, meta jkunu qegħdin jallokaw il-funzjonijiet interni, jiżguraw li l-maniġment superjuri, u meta ikun il-każ, il-funzjoni tas-superviżjoni, ikunu responsabbli għall-konformità tal-kumpanija maniġerjali mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Il-kumpanija maniġerjali għandha tiżgura li l-maniġment superjuri tagħha:

(a)

ikunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika ġenerali tal-investiment għal kull UCITS immaniġġata, kif definit, fejn rilevanti, fil-prospett, fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment;

(b)

jissorveljaw l-approvazzjoni tal-istrateġiji tal-investiment għal kull UCITS immaniġġjata;

(c)

ikunu responsabbli biex jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jkollha funzjoni ta’ konformità permanenti u effikaċi, kif imsemmi fl-Artikolu 10, anke jekk din il-funzjoni titwettaq minn parti terza;

(d)

jiżguraw u jivverifikaw perjodikament li l-politika ġenerali tal-investiment, l-istrateġiji tal-investiment u l-limiti tar-riskji ta’ kull UCITS immaniġġjata jkunu qegħdin jiġu implimentati u osservati kif suppost u b’mod effikaċi, anke jekk il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji titwettaq minn partijiet terzi;

(e)

japprovaw u jirrevedu perjodikament l-adegwatezza tal-proċeduri interni għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar investiment għal kull mill-UCITS immaniġġjata, sabiex ikun żgurat li dawk id-deċiżjonijiet ikunu konsistenti mal-istrateġiji approvati ta’ investiment;

(f)

japprovaw u jirrevedu perjodikament il-politika u l-arranġamenti tal-immaniġġjar tar-riskji, il-proċessi u t-tekniki għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika, kif imsemmi fl-Artikolu 38, inkluża s-sistema tal-limitu tar-riskju għal kull UCITS immaniġġjata.

3.   Il-kumpanija maniġerjali għandha tiżgura li l-maniġment superjuri tagħha u fejn xieraq, il-funzjoni superviżorja tagħha għandhom:

(a)

aċċess u janaliżaw perjodikament l-effikaċja tal-politiki, l-arranġamenti u l-proċeduri mħaddma għal konformità mal-obbligi tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b)

jieħdu miżuri xierqa biex jiġi indirizzat kull nuqqas.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-maniġment superjuri jirċievi fuq bażi frekwenti, u tal-anqas kull sena, rapporti bil-kitba dwar kwistjonijiet ta’ konformità, awditjar intern u l-immaniġġjar tar-riskji fejn ikun indikat b’mod partikolari jekk ikunux ittieħdu l-miżuri ta’ rimedju xierqa fil-każ ta’ xi nuqqasijiet.

5.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-maniġment superjuri tagħhom jirċievi fuq bażi regolari rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ investiment u l-proċeduri interni għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar investiment imsemmija punt (b) sa (e) tal-paragrafu 2.

6.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-funzjoni tas-superviżjoni, jekk tkun teżisti, tirċievi fuq bażi regolari rapporti bil-kitba dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 10

Funzjoni permanenti tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politiki u proċeduri adegwati mfassla biex isir magħruf kwalunkwe riskju ta’ nuqqas min-naħa tal-kumpanija maniġerjali li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE, u wkoll ir-riskji assoċjati, u jħaddmu miżuri u proċeduri adegwati mfassla biex jimminimizzaw dan ir-riskju u biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod effikaċi skont din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet li jitwettqu matul dak in-negozju.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jżommu funzjoni ta’ konformità permanenti u effikaċi li topera indipendentement u bir-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

li timmonitorja u, fuq bażi regolari, tivvaluta l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri, politiki u proċeduri mħaddma skont il-paragrafu 1, u l-azzjonijiet meħuda sabiex jiġu indirizzati kwalunkwe nuqqasijiet fil-konformità tal-kumpanija maniġerjali mal-obbligi tagħha;

(b)

li tagħti pariri u tassisti l-persuni rilevanti responsabbli mit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet għall-konformità mal-obbligi tal-kumpanija maniġerjali skont id-Direttiva 2009/65/KE.

3.   Sabiex il-funzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 2 tkun tista’ teżegwixxi r-responsabbiltajiet tagħha kif suppost u indipendentement, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-funzjoni tal-konformità għandu jkollha l-awtorità, ir-riżorsi, u l-kompetenza meħtieġa u aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha;

(b)

għandu jinħatar uffiċjal tal-konformità u għandu jkun responsabbli mill-funzjoni tal-konformità u minn kwalunkwe rappurtaġġ fuq bażi frekwenti, u tal-anqas kull sena, lill-maniġment superjuri dwar kwistjonijiet ta’ konformità, fejn ikun indikat b’mod partikolari jekk ikunux ittieħdu l-miżuri ta’ rimedju xierqa fil-każ ta’ xi nuqqasijiet;

(c)

il-persuni rilevanti involuti fil-funzjoni tal-konformità m’għandhomx ikunu involuti fit-twettiq tas-servizzi jew l-attivitajiet li jkunu qegħdin jimmonitorjaw;

(d)

il-metodu kif tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni tal-persuni rilevanti involuti fil-funzjoni tal-konformità m’għandux jikkomprometti l-oġġettività tagħhom jew ikollu mnejn jagħmel hekk.

Madanakollu, kumpanija maniġerjali ma tkunx meħtieġa tikkonforma mal-punt (c) jew il-punt (d) tal-ewwel sottoparagrafu jekk tkun tista’ turi li minħabba n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet tagħha, dak ir-rekwiżit mhuwiex proporzjonat u li l-funzjoni ta’ konformità tagħha tibqa’ waħda effikaċi.

Artikolu 11

Uffiċċju permanenti tal-awditjar intern

1.   Fejn xieraq u proporzjonat, u fid-dawl tan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħhom u n-natura u l-firxa tal-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv imwettqa matul dak in-negozju, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jżommu uffiċċju ta’ awditjar intern li tkun separata u indipendenti mill-funzjonijiet u l-attivitajiet l-oħra tal-kumpanija maniġerjali.

2.   L-uffiċċju tal-awditjar intern imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

li jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm pjan tal-awditjar biex jiġu eżaminati u evalwati l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi, il-mekkaniżmi tal-kontroll intern u l-arranġamenti tal-kumpanija maniġerjali;

(b)

li joħroġ b’rakkomandazzjonijiet abbażi tar-riżultat tal-ħidma li tkun twettqet skont il-punt (a);

(c)

li jivverifika l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt (b);

(d)

li jirrapporta dwar kwistjonijiet ta’ awditjar intern skont l-Artikolu 9(4).

Artikolu 12

Funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jżommu funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji.

2.   Il-funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ġerarkikament u funzjonalment indipendenti mit-taqsimiet operattivi.

Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jħallu lill-kumpaniji maniġerjali jidderogaw minn dak l-obbligu meta d-deroga tkun xierqa u proporzjonata fid-dawl tan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali u tal-UCITS li timmaniġġja.

Kumpanija maniġerjali għandha tkun kapaċi turi li ġew adottati prekawzjonijiet xierqa kontra l-konflitti ta’ interess biex b’hekk ikunu jistgħu jitwettqu l-attivitajiet indipendenti tal-immaniġġjar tar-riskji kif ukoll li l-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/65/KE.

3.   Funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji għandha:

(a)

timplimenta l-politika u l-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskji;

(b)

tiżgura l-konformità mas-sistema tal-limitu tar-riskji tal-UCITS, inklużi l-limiti statutorji dwar l-iskopertura globali u r-riskju tal-kontraparti skont l-Artikoli 41, 42 u 43;

(c)

tipprovdi konsulenza lill-bord tad-diretturi dwar l-identifikazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ kull UCITS immaniġġjata;

(d)

tipprovdi rapporti regolari lill-bord tad-diretturi u fejn teżisti lill-funzjoni tas-superviżjoni, dwar:

(i)

il-konsistenza bejn il-livelli attwali tar-riskju li tkun soġġetta għalihom kull UCITS immaniġġjata u l-profil tar-riskju miftiehem għal dik il-UCITS;

(ii)

il-konformità ta’ kull UCITS immaniġġjata mas-sistemi tal-limiti tar-riskji rilevanti;

(iii)

l-adegwatezza u l-effikaċja tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji, fejn ikun indikat b’mod partikolari jekk ittiħdux l-miżuri ta’ rimedju xierqa fil-każ ta’ xi defiċenzi;

(e)

tipprovdi rapporti regolari lill-maniġment superjuri li jispjegaw il-livell attwali tar-riskju li tkun soġġetta għalih kull UCITS immaniġġjata u kwalunkwe ksur fattwali jew prevedibbli tal-limiti tagħhom, biex b’hekk ikun żgurat li tkun tista’ tittieħed azzjoni passi fil-pront u xierqa;

(f)

tanalizza u tgħin, fejn xieraq, lill-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni tad-derivati OTC kif imsemmi fl-Artikolu 44.

4.   Il-funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji għandu jkollha l-awtorità meħtieġa u l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti stipulati fil-paragrafu 3.

Artikolu 13

Tranżazzjonijiet personali

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu arranġamenti adegwati mmirati biex jipprevjenu l-attivitajiet segwenti fil-każ ta’ xi persuna rilevanti li tkun involuta f’attivitajiet li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess, jew li jkollha aċċess għal informazzjoni privileġġata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE jew għal kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali oħra relatata mal-UCITS jew ma’ tranżazzjonijiet ma’ jew għall-UCITS minħabba attività imwettqa minnha f’isem il-kumpanija maniġerjali:

(a)

l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni personali li tissodisfa tal-anqas waħda mill-kriterji li ġejjin:

(i)

dik il-persuna tkun ipprojbita milli teżegwixxi dik it-tranżazzjoni personali skont t-tifsira tad-Direttiva 2003/6/KE;

(ii)

tinvolvi l-abbuż jew divulgazzjoni skorretta ta’ informazzjoni kunfidenzjali;

(iii)

tmur kontra jew potenzjalment tmur kontra xi obbligu tal-kumpanija maniġerjali skont id-Direttiva 2009/65/KE jew skont id-Direttiva 2004/39/KE;

(b)

is-solleċitar jew l-inkarigar, għajr għall-qadi normali tal-impjieg tagħha jew skont il-kuntratt ta’ servizz, ta’ xi persuna oħra biex teżegwixxi tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji li, jekk tkun tranżazzjoni personali tal-persuna rilevanti, tkun taqa’ taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jew il-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2006/73/KE, jew inkella tkun tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni relatata ma’ ordnijiet pendenti;

(c)

divulgar, għajr għall-qadi normali tal-impjieg tagħha jew skont il-kuntratt ta’ servizz tagħha u mingħajr ħsara għall-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/6/KE, ta’ kwalunkwe informazzjoni jew opinjoni lil kwalunkwe persuna oħra jekk il-persuna rilevanti tkun taf, jew raġonevolment imissha tkun taf, li b’riżultat ta’ dik id-divulgazzjoni dik il-persuna l-oħra se tieħu jew x’aktarx li tieħu xi wieħed minn dawn il-passi li ġejjin:

(i)

teżegwixxi tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji li, jekk tkun tranżazzjoni personali tal-persuna rilevanti, tkun taqa’ taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jew il-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2006/73/KE, jew inkella tkun tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni relatata ma’ ordnijiet pendenti;

(ii)

tissolleċita jew tinkariga persuna oħra biex teżegwixxi din it-tranżazzjoni.

2.   L-arranġamenti meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari jkunu mfassla biex jiżguraw li:

(a)

kull persuna rilevanti li taqa’ taħt il-paragrafu 1 tkun taf dwar ir-restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet personali, u tal-miżuri stabbiliti mill-kumpanija maniġerjali b’rabta mat-tranżazzjonijiet personali u d-divulgazzjoni, skont il-paragrafu 1;

(b)

il-kumpanija maniġerjali tkun mgħarrfa fil-pront b’kull tranżazzjoni personali eżegwita minn persuna rilevanti, jew b’notifika ta’ dik it-tranżazzjoni jew permezz ta’ proċeduri oħra biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tidentifika dawn it-tranżazzjonijiet;

(c)

tinżamm reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni personali nnotifikata lill-kumpanija maniġerjali jew identifikata minnha, inkluża kull awtorizzazzjoni jew projbizzjoni b’rabta ma’ din it-tranżazzjoni.

Għall-iskopijiet tal-punt (b) tal-ewwell sottoparagrafu, fejn ċertu attivitajiet jitwettqu minn partijiet terzi, il-kumpanija maniġerjali għandha tiżgura li l-entità li twettaq l-attività żżomm rekord tat-tranżazzjonijiet personali eżegwiti minn kwalunkwe persuna rilevanti u tipprovdi dik l-informazzjoni lill-kumpanija maniġerjali fil-pront meta tintalab.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għat-tip ta’ tranżazzjonijiet personali li ġejjin:

(a)

tranżazzjonijiet personali eżegwiti bħala servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll diskrezzjonali fejn ma jkun hemm ebda komunikazzjoni minn qabel b’rabta mat-tranżazzjoni bejn il-maniġer tal-portafoll u l-persuna rilevanti jew persuna oħra li f’isimha hija eżegwita t-tranżazzjoni;

(b)

tranżazzjonijiet personali f’UCITS jew f’unitjiet f’impriżi kollettivi li jkunu soġġetti għal superviżjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru li titlob livell ekwivalenti ta’ tifrix tar-riskji fl-assi tagħhom, fejn il-persuna rilevanti u kwalunkwe persuna oħra li f’isimha jiġu attwati t-tranżazzjonijiet ma jkunux involuti fil-immaniġġjar ta’ dik l-impriża.

4.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu “tranżazzjoni personali” għandu jkollha l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/73/KE.

Artikolu 14

Reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ portafolji

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw, għal kull tranżazzjoni ta’ portafoll relatata mal-UCITS, li immedjatament tinħoloq reġistrazzjoni ta’ informazzjoni li tkun biżżejjed biex jiġu rrikostruwiti d-dettalji tal-ordni u tat-tranżazzjoni eżegwiti.

2.   Ir-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

l-isem jew deżinjazzjoni oħra tal-UCITS u tal-persuna li tkun qiegħda taġixxi f’isem il-UCITS;

(b)

id-dettalji meħtieġa biex jiġi identifikat l-istrument involut;

(c)

il-kwantità;

(d)

it-tip tal-ordni jew tranżazzjoni;

(e)

il-prezz;

(f)

għal ordnijiet, id-data u l-ħin preċiż tat-trażmissjoni tal-ordni u l-isem jew deżinjazzjoni oħra tal-persuna li tkun ġiet trażmessa lilha l-ordni, jew għal tranżazzjonijiet, id-data u l-ħin preċiż tad-deċiżjoni biex isir in-negozju u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni;

(g)

l-isem tal-persuna li tittrażmetti l-ordni jew li teżegwixxi t-tranżazzjoni;

(h)

fejn applikabbli, ir-raġunijiet għar-revoka ta’ ordni;

(i)

għal tranżazzjonijiet eżegwiti, l-identifikazzjoni tal-kontraparti u l-post tal-eżekuzzjoni.

Għall-iskopijiet tal-punt (i) tal-ewwel sottoparagrafu, “post tal-eżekuzzjoni” għandha tfisser suq regolat kif imsemmi fl-Artikolu 4 (14) tad-Direttiva 2004/39/KE, faċilità ta’ negozju multilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 4 (15) ta’ dik id-Direttiva, internalizzatur sistematiku kif imsemmi fl-Artikolu 4 (7) ta’ dik id-Direttiva, jew kostruttur tas-suq jew fornitur ieħor tal-likwidità jew korp li jwettaq funzjoni simili, f’pajjiż terz, għall-funzjonijiet imwettqa minn xi wieħed minn dawn imsemmija.

Artikolu 15

Reġistrazzjoni tal-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżguraw li s-sottoskrizzjonijiet u tifdijiet tal-UCITS li jirċievu jiġu ċċentralizzati u rreġistrati immedjatament wara li wasla kwalunkwe ordni bħal din.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-UCITS rilevanti;

(b)

il-persuna li tagħti jew tittrażmetti l-ordni;

(c)

il-persuna li tirċievi l-ordni;

(d)

id-data u l-ħin tal-ordni;

(e)

it-termini u l-mezzi tal-ħlas;

(f)

it-tip tal-ordni;

(g)

id-data tal-eżekuzzjoni tal-ordni;

(h)

l-għadd ta’ unitajiet sottoskritti jew mifdija;

(i)

il-prezz tas-sottoskrizzjoni jew tifdija għal kull unità;

(j)

il-valur totali tas-sottoskrizzjoni jew tifdija tal-unitajiet;

(k)

il-valur gross tal-ordni li jkun jinkludi l-imposti għas-sottoskrizzjoni jew l-ammont nett wara l-imposti għat-tifdija.

Artikolu 16

Rekwiżiti ta’ żamma tar-reġistri

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw iż-żamma tar-reġistri imsemmija fl-Artikoli 14 u 15 għal perjodu ta’ tal-anqas ħames snin.

Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jibqgħu jżommu xi wħud minn dawk ir-reġistri, jew kollha kemm huma, għal dak il-perjodu itwal iddeterminat min-natura tal-istrument jew it-tranżazzjoni tal-portafoll, meta jkun meħtieġ biex l-awtorità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tas-superviżjoni tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Wara li tiġi fi tmiemha l-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija maniġerjali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżiġu li l-kumpanija maniġerjali tibqa’ żżomm ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 sa ma jispiċċa t-terminu ta’ perjodu ta’ ħames snin.

Meta l-kumpanija maniġerjali tittrasferixxi r-responsabbiltajiet tagħha marbuta mal-UCITS lil kumpanija maniġerjali oħra, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżiġu li jsiru l-arranġamenti li dawk ir-reġistri tal-aħħar ħames snin ikunu aċċessibbli għal dik il-kumpanija.

3.   Ir-reġistri għandhom jibqgħu jinżammu f’mezz li jippermetti l-ħażna tal-informazzjoni b’mod aċċessibbli għal referenza fil-futur mill-awtorità kompetenti, u b’tali forma u manjiera li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ taċċessahom malajr u tirrikostruwixxi kull wieħed mill-istadji ewlenin tal-ipproċessar ta’ kull tranżazzjoni tal-portafoll;

(b)

għandu jkun possibbli li kull korrezzjoni jew emendi oħra, u l-kontenut tar-reġistri qabel dawn il-korrezzjonijiet jew l-emendi, tkun tista’ tiġi aċċertata faċilment;

(c)

ir-reġistri m’għandhomx ikunu jistgħu jiġu mmanipulati jew alterati mod ieħor.

KAPITOLU III

KONFLITT TA’ INTERESS

(l-Artikolu 12(1)(b) u l-Artikolu 14(1)(d) u (2)(c) tad-Direttiva 2009/65/KE)

Artikolu 17

Kriterji għall-identifikazzjoni ta’ konflitt ta’ interess

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskopijiet ta’ identifikazzjoni tat-tipi ta’ konflitt ta’ interess li jirriżultaw matul il-provvista tas-servizzi u l-attivitajiet u li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interess tal-UCITS, il-kumpaniji maniġerjali jqisu, permezz ta’ kriterji minimi, il-kwistjoni jekk il-kumpanija maniġerjali jew persuna rilevanti, jew persuna direttament jew indirettament relatata permezz ta’ kontroll mal-kumpanija maniġerjali, tkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, sew jekk b’riżultat tal-provvista tal-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv jew mod ieħor:

(a)

il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha mnejn tagħmel qligħ finanzjarju, jew li tevita telf finanzjarju, aspejjeż tal-UCITS;

(b)

il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha interess fl-eżitu tas-servizz jew attività pprovduta lill-UCITS jew klijent ieħor jew ta’ tranżazzjoni mwettqa f’isem il-UCITS jew klijent ieħor, differenti mill-interess tal-UCIT f’dak l-eżitu;

(c)

il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha inċentiv finanzjarju jew ta’ natura oħra biex tiffavorixxi l-interess ta’ klijent jew grupp ta’ klijenti ieħor qabel l-interess tal-UCITS;

(d)

il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna twettaq l-istess attivitajiet għal-UCITS u għal klijent jew klijenti oħra li mhumiex UCITS;

(e)

il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna tkun qiegħda tiġi jew tkun sa tiġi mħajra minn persuna oħra barra l-UCITS fir-rigward tal-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-portafoll kollettiv ipprovdut lill-UCITS, fl-għamla ta’ flus, oġġetti jew servizzi, għajr il-kummissjoni jew it-tariffa standard għal dak is-servizz.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-kumpaniji maniġerjali li waqt l-identifikazzjoni tat-tipi ta’ konflitt ta’ interess iqisu:

(a)

l-interess tal-kumpanija maniġerjali, inkluż dak li ġej mill-appartenenza tagħha fi grupp jew mit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet, l-interess tal-klijenti u d-dover tal-kumpanija maniġerjali lejn il-UCITS;

(b)

l-interessi ta’ żewġ UCITS immaniġġjati jew aktar.

Artikolu 18

Politika tal-konflitt ta’ interess

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika effikaċi tal-konflitt ta’ interess. Dik il-politika għandha tkun stipulati bil-miktub u għandha tkun xierqa għad-daqs u l-organizzazzjoni tal-kumpanija maniġerjali u n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha.

Fejn il-kumpanija maniġerjali tkun membru ta’ grupp, il-politika għandha tqis ukoll kwalunkwe ċirkostanza, li dwarha l-kumpanija hija jew għandha tkun konxja u li tista’ tagħti lok għal konflitt ta’ interess li jirriżulta mill-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta’ membri oħra fil-grupp.

2.   Il-politika tal-konflitt ta’ interess stabbilita skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni ta’, b’referenza għall-attivitajiet tal-immaniġġjar kollettiv ta’ portafolji mwettqa minn kumpanija maniġerjali jew f’isimha, iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li jkun jimplika riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi tal-UCITS jew ta’ xi klijent wieħed jew aktar;

(b)

il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex dawn il-konflitti jkunu mmaniġġjati.

Artikolu 19

Indipendenza fl-immaniġġjar tal-konflitti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-miżuri previsti fl-Artikolu 18(2)(b) ikunu mfassla biex jiżguraw li l-persuni rilevanti involuti f’attivitajiet differenti ta’ negozju li jkunu jinvolvu konflitt ta’ interess iwettqu dawk l-attivitajiet b’livell ta’ indipendenza xierqa għad-daqs u l-attivitajiet tal-kumpanija maniġerjali u tal-grupp li jkun jappartjenu fih u għall-materjalità tar-riskju ta’ ħsara għall-interessi tal-klijenti.

2.   Il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 18(2)(b) għandhom jinkludu dan li ġej fejn meħtieġ u xieraq għall-kumpanija maniġerjali biex ikun żgurat il-livell mitlub ta’ indipendenza:

(a)

proċeduri effettivi għall-prevenzjoni jew il-kontroll tal-iskambju tal-informazzjoni bejn persuni rilevanti involuti fl-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv u li jkun jinvolvi riskju ta’ konflitt ta’ interess fejn l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni jista’ jkun ta’ dannu għall-interessi ta’ xi klijent jew klijenti;

(b)

is-superviżjoni separata ta’ persuni rilevanti li l-funzjonijiet prinċipali tagħhom ikunu jinvolvu t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv f’isem, jew li jagħtu servizz lil klijenti jew investituri li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu konfliġġenti, jew li b’xi mod ieħor ikunu jirrappreżentaw interessi differenti li jistgħu jkunu konfliġġenti, inklużi dawk tal-kumpanija maniġerjali;

(c)

it-tneħħija ta’ kull rabta diretta bejn ir-rimunerazzjoni ta’ persuni rilevanti li involuti prinċipalment f’attività u r-rimunerazzjoni ta’, jew id-dħul iġġenerat minn, persuni rilevanti differenti involuti prinċipalment f’attività oħra, fejn jista’ jinħoloq konflitt ta’ interess marbut ma’ dawk l-attivitajiet;

(d)

miżuri biex kwalunkwe persuna tkun ipprevenuta jew limitata milli teżerċita xi influwenza mhux xierqa fuq il-mod ta’ kif persuna rilevanti twettaq l-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv;

(e)

miżuri ta’ prevenzjoni jew kontroll tal-involviment simultanju jew sekwenzjali ta’ persuna rilevanti f’attivitajiet separati ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv fejn dan l-involviment jista’ jdgħajjef l-immaniġġjar tajjeb tal-konflitti ta’ interess.

Meta l-adozzjoni jew il-prattika ta’ waħda jew aktar minn dawk il-miżuri u proċeduri ma tiżgurax il-livell mitlub ta’ indipendenza, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jadottaw dawk il-miżuri u proċeduri alternattivi jew addizzjonali kif ikun meħtieġ u xieraq għal dawk l-iskopijiet.

Artikolu 20

Immaniġġjar ta’ attivitajiet li jagħtu lok għal konflitt ta’ interess detrimentali

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jżommu u jaġġornaw regolarment reġistru tat-tip ta’ attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv imwettqa minn jew f’isem il-kumpanija maniġerjali fejn ikun inħoloq konflitt ta’ interess li jkun jimplika riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi ta’ xi UCITS jew aktar jew klijenti oħrajn, jew fejn jista’ jinħoloq dan f’każ li l-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv ikunu għadhom fis-seħħ.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li, fejn l-arranġamenti organizzazzjonali jew amministrattivi li tkun għamlet il-kumpanija maniġerjali għall-immaniġġjar ta’ konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex ikun żgurat, b’kunfidenza raġonevoli, li r-riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-UCITS jew għat-titolari ta’unitjiet tagħha jkunu pprevenuti, il-maniġment superjuri jew korp intern kompetenti ieħor tal-kumpanija maniġerjali jiġi mgħarraf fil-pront sabiex jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa biex jiżgura li jkun xi jkun il-każ il-kumpanija maniġerjali taġixxi fl-aħjar interessi tal-UCITS u tat-titolari ta’ unitjiet tagħha.

3.   Il-kumpanija maniġerjali għandha tirrapporta għand l-investituri s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ xi mezz xieraq u li jibqa’ u tispjega d-deċiżjoni tagħha.

Artikolu 21

Strateġiji għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżviluppaw strateġiji adegwati u effikaċi biex jiddeterminaw meta u kif għandhom jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-vot marbuta mal-istrumenti li jinsabu fil-portafolji mmaniġġjati, għall-benefiċċju esklużiv tal-UCITS konċernata.

2.   Fl-istrateġija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddetermina l-miżuri u l-proċeduri għal:

(a)

l-monitoraġġ tal-avvenimenti korporattivi rilevanti;

(b)

l-iżgurar li l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot ikun skont l-għanijiet tal-investiment u l-politika tal-UCITS rilevanti;

(c)

l-prevenzjoni jew immaniġġjar ta’ kwalunkwe konflitt ta’ interess li jirriżulta mill-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot.

3.   Deskrizzjoni fil-qosor tal-istrateġiji msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-investituri.

Id-dettalji tal-azzjonijiet meħuda abbażi ta’ dawn l-istrateġiji għandhom ikunu disponibbli għat-titolari ta’ unitjiet mingħajr ħlas u fuq talba tagħhom.

KAPITOLU IV

REGOLI TAL-KONDOTTA

(l-Artikolu 14(1)(a), (b) u (2)(a), (b) tad-Directtiva 2009/65/KE)

TAQSIMA 1

Prinċipji ġenerali

Artikolu 22

Dmir li wieħed jaġixxi fl-aħjar interessi tal-UCITS u tat-titolari ta’ unitjiet tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li t-titolari ta’ unitjiet fl-UCITS immaniġġjati jiġu ttrattati b’mod ġust.

Il-kumpaniji maniġerjali ma għandhomx iqiegħdu l-interess ta’ xi grupp ta’ titolari ta’ unitjiet qabel l-interessi ta’ xi grupp ieħor ta’ titolari ta’ unitjiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw politika u proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta’ prattiki ħżiena li bir-raġun wieħed jista’ jistenna li jaffettwaw l-istabbiltà u l-integrità tas-suq.

3.   Mingħajr ħsara għar-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li jintużaw mudelli ġusti, korretti u trasparenti għall-ipprezzar u għas-sistemi ta’ valwazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġjaw, sabiex ikunu konformi mad-dmir li jaġixxu fl-aħjar interess tat- titolari ta’ unitjiet. Il-kumpaniji maniġerjali jridu jkunu kapaċi juru li l-portafolji tal-UCITS ikunu ġew ivvalutati b’mod preċiż.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu b’tali mod li jipprevjenu li jiġu imposti spejjeż bla ħtieġa fuq il-UCITS u t-titolari ta’ unitjiet tagħha.

Artikolu 23

Rekwiżiti ta’ diliġenza xierqa

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw livell għoli ta’ diliġenza fl-għażla u l-monitoraġġ fis-seħħ tal-investimenti, fl-aħjar interessi tal-UCITS u l-integrità tas-suq.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li jkollhom għarfien u fehim adegwati tal-assi li fihom ikunu investiti l-UCITS.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu politika u proċeduri bil-miktub dwar diliġenza xierqa u jimplimentaw arranġamenti effikaċi biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet dwar investiment f’isem il-UCITS jiġu implimentati f’konformità mal-għanijiet, l-istrateġija tal-investiment u l-limiti tar-riskji tal-UCITS.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li meta l-kumpaniji maniġerjali jimplimentaw il-politika tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskji, u fejn xieraq wara li jqisu n-natura ta’ investiment previst, jifformulaw previżjonijiet u jwettqu analiżi tal-kontribut tal-investiment fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-UCITS, il-likwidità u profil tar-riskji u l-gwadanji qabel ma jwettqu l-investiment. L-analiżi jridu jitwettqu biss abbażi ta’ informazzjoni affidabbli u aġġornata, kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi.

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jeżerċitaw il-ħila dovuta, l-attenzjoni u d-diliġenza xierqa meta jidħlu fi, jimmaniġġjaw jew jitterminaw kwalunkwe arranġament ma’ partijiet terzi b’rabta mat-twettiq ta’ attivitajiet tal-immaniġġjar tar-riskji. Qabel ma jidħlu f’dawn l-arranġamenti l-kumpaniji maniġerjali għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi vverifikat li l-parti terza għandha l-abbiltà u l-kapaċità li twettaq l-attivitajiet tal-immaniġġjar tar-riskji b’mod affidabbli, professjonali u effikaċi. Il-kumpanija maniġerjali għandha tistabbilixxi metodi għall-valutazzjoni kontinwa tal-istandard tal-prestazzjoni tal-parti terza.

TAQSIMA 2

Immaniġġar ta’ ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija

Artikolu 24

Obbligi tar-rappurtaġġ dwar l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kumpaniji maniġerjali jkunu eżegwew ordni ta’ sottoskrizzjoni jew tifdija mingħand titolari ta’ unitjiet, dawn għandhom jinnotifikaw lit-titolari ta’ unitajiet b’mezz li jibqa’, fejn jikkonfermaw l-eżekuzzjoni tal-ordni kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard mill-ewwel jum tan-negozju wara l-eżekuzzjoni jew, jekk il-konferma tasal għand il-kumpanija maniġerjali mingħand parti terza, mhux aktar tard mill-ewwel jum tan-negozju wara l-wasla tal-konferma mingħand il-parti terza.

Madankollu, l-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika fejn l-avviż ikun fih l-istess informazzjoni bħal konferma li għandha tintbagħat fil-pront lit-titolari ta’ unitajiet minn persuna oħra.

2.   L-avviż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, fejn applikabbli, jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tal-kumpanija maniġerjali;

(b)

l-isem jew deżinjazzjoni oħra tat-titolari ta’ unitajiet;

(c)

id-data u l-ħin tal-wasla tal-ordni u l-metodu tal-ħlas;

(d)

id-data tal-eżekuzzjoni;

(e)

l-identifikazzjoni tal-UCITS;

(f)

in-natura tal-ordni (sottoskrizzjoni jew tifdija);

(g)

l-għadd ta’ unitajiet involuti;

(h)

il-valur ta’ unità li bih ġew sottoskritti jew mifdija l-unitajiet;

(i)

id-data tal-valur ta’ referenza;

(j)

il-valur gross tal-ordni li jkun jinkludi l-imposti għas-sottoskrizzjoni jew l-ammont nett wara l-imposti fuq it-tifdijiet;

(k)

is-somma totali tal-kummissjonijiet u l-ispejjeż imposti u meta l-investitur jitlobha, u analiżi ddettaljata.

3.   Meta jiġu eżegwiti perjodikament ordnijiet ta’ titolari ta’ unitajiet, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jew jieħdu l-passi speċifikati fil-paragrafu 1 jew jipprovdu lit-titolari, tal-anqas darba kull sitt xhur, l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 dwar dawk it-tranżazzjonijiet.

4.   Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu lit-titolari ta’ unitajiet l-informazzjoni dwar l-istat tal-ordni tiegħu kull meta jitlobha.

TAQSIMA 3

L-aħjar eżekuzzjoni

Artikolu 25

Eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jsir negozju f’isem il-UCITS immaniġġjata

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu fl-aħjar interessi tal-UCITS li jimmaniġġjaw fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jinnegozjaw f’isem il-UCITS immaniġġjata fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-portafolji tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS, filwaqt li jqisu l-prezz, il-kostijiet, il-ħeffa, il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni u s-saldu, id-daqs u n-natura tal-ordni jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-ordni. L-importanza relattiva ta’ dawn il-fatturi għandha tkun iddeterminata b’referenza għall-kriterji li ġejjin:

(a)

l-għanijiet, il-politika tal-investiment u r-riskji speċifiċi tal-UCITS, kif indikati fil-prospett jew skont x’ikun il-każ fir-regoli tal-fond jew l-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-UCITS;

(b)

il-karatteristiċi tal-ordni;

(c)

il-karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji li huma s-suġġett ta’ dik l-ordni;

(d)

il-karatteristiċi tal-postijiet tal-eżekuzzjoni fejn dik l-ordni tista’ tintbagħat.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jimplimentaw arranġamenti effikaċi għall-konformità mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 2. B’mod partikolari, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika li biha jkunu jistgħu jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-ordnijiet tal-UCITS skont il-paragrafu 2.

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jiksbu l-kunsens minn qabel mingħand il-kumpanija tal-investiment dwar il-politika ta’ eżekuzzjoni. Il-kumpanija maniġerjali għandha tipprovdi lit-titolari ta’ unitjiet b’informazzjoni xierqa dwar il-politika stabbilita skont dan l-Artikolu u dwar kull tibdil materjali fil-politika tagħha.

4.   Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jimmonotorjaw fuq bażi regolari l-effikaċja tal-arranġamenti tagħhom u l-politika għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet sabiex jiġu identifikati u, fejn ikun xieraq, jiġu kkoreġuti xi nuqqasijiet.

Barra minn hekk, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jirrevedu l-politika ta’ eżekuzzjoni fuq bażi annwali. Din ir-reviżjoni għandha ssir ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-kapaċità tal-kumpanija maniġerjali li tkompli tikseb l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS li timmaniġġja.

5.   Il-kumpaniji maniġerjali għandhom ikunu kapaċi juru li eżegwew l-ordnijiet f’isem il-UCITS skont il-politika ta’ eżekuzzjoni tal-kumpanija maniġerjali.

Artikolu 26

L-eżekuzzjoni minn entitajiet oħrajn ta’ ordnijiet għal negozju f’isem UCITS

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu fl-aħjar interessi tal-UCITS li jimmaniġġjaw meta jiddelegaw lil entitajiet oħrajn l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għal negozju f’isem il-UCITS li jimmaniġġjaw, fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-portafolji tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS filwaqt li jqisu l-prezz, il-kostijiet, il-ħeffa, il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni u s-saldu, id-daqs, in-natura jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-ordni. L-importanza relattiva ta’ dawn il-fatturi għandha tkun iddeterminata b’referenza għall-Artikolu 25(2).

Għal dawk l-għanijiet, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika li tippermettilhom jikkonformaw mal-obbligu msemmi fl-ewwel sottoparagrafu. Il-politika għandha tiddentifika, għal kull klassi ta’ strument, l-entitajiet li bihom jistgħu jsiru l-ordnijiet. Il-kumpanija maniġerjali għandha tidħol biss f’arranġamenti għall-eżekuzzjoni fejn dawn l-arranġamenti huma konsistenti mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu t-titolari ta’ unitjiet informazzjoni xierqa dwar il-politika stabbilita skont dan il-paragrafu u dwar kull tibdil materjali f’din il-politika.

3.   Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jimmonitorjaw fuq bażi regolari l-effikaċja tal-politika stabbilita skont il-paragrafu 2 u, b’mod partikolari, il-kwalità tal-eżekuzzjoni mill-entitajiet identifikati b’dik il-politika u, fejn ikun xieraq, jikkoreġu kwalunkwe nuqqas.

Barra minn hekk, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jirrevedu l-politika fuq bażi annwali. Din ir-reviżjoni għandha ssir ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-kapaċità tal-kumpanija maniġerjali li tkompli tikseb l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS li timmaniġġja.

4.   Il-kumpaniji maniġerjali għandhom ikunu kapaċi juru li taw ordnijiet f’isem il-UCITS skont il-politika stabbilita skont il-paragrafu 2.

TAQSIMA 4

Immaniġġar tal-ordnijiet

Artikolu 27

Prinċipji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jimplimentaw proċeduri u arranġamenti li jipprovdu għall-eżekuzzjoni fil-pront, ġusta u b’ħeffa tat-tranżazzjonijiet ta’ portafoll f’isem il-UCITS.

Il-proċeduri u l-arranġamenti implimentati mill-kumpaniji maniġerjali għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jiżguraw li l-ordnijiet eżegwiti f’isem il-UCITS jiġu rreġistrati u allokati fil-pront u b’mod preċiż;

(b)

jeżegwixxu ordnijiet komparabbli oħra tal-UCITS b’mod sekwenzjali u fil-pront sakemm il-karatteristiċi tal-ordni jew il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq ma jagħmlux dan imprattikabbli, jew l-interessi tal-UCITS ikunu jeħtieġu mod ieħor.

L-istrumenti finanzjarji jew somom ta’ flus li jidħlu bħala saldu tal-ordnijiet eżegwiti għandhom jgħaddu fil-pront u korrettament fil-kont tal-UCITS konċernat.

2.   Il-kumpanija maniġerjali m’għandhiex tabbuża minn informazzjoni relatata ma’ ordnijiet pendenti tal-UCITS, u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tipprevjeni l-abbuż ta’ din l-informazzjoni minn xi persuni rilevanti tagħha.

Artikolu 28

Aggregazzjoni u allokazzjoni ta’ ordnijiet ta’ negozju

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali jeżegwixxu ordni ta’ UCITS f’aggregazzjoni ma’ ordni ta’ UCITS oħra jew klijent ieħor jew ma’ ordni marbuta mal-kont tagħhom stess, sakemm ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ser ikun improbabbli li l-aggregazzjoni tal-ordnijiet fit-totalità tagħha tkun se taħdem għall-iżvantaġġ ta’ kwalunkwe UCITS jew klijenti li l-ordni tagħhom tkun ser tiġi aggregata;

(b)

għandha tiġi stabbilita u implimentata politika tal-allokazzjoni tal-ordnijiet, li tipprovdi f’termini preċiżi biżżejjed l-allokazzjoni ġusta tal-ordnijiet aggregati, inklużi kif il-volum u l-prezz tal-ordnijiet jiddeterminaw l-allokazzjonijiet u t-trattament ta’ eżekuzzjonijiet parzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn kumpanija maniġerjali taggrega ordni ta’ UCITS ma’ ordni jew ordnijiet ta’ UCITS jew klijenti oħrajn u l-ordni aggregata tiġi eżegwita parzjalment, talloka n-negozju relatat skont il-politika tagħha għall-allokazzjoni tal-ordnijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali li jkunu aggregaw tranżazzjonijiet marbuta mal-kont tagħhom stess ma’ ordni jew ordnijiet ta’ UCITS jew ta’ klijenti oħrajn ma jallokawx in-negozju relatat b’mod detrimentali għall-UCITS jew xi klijent ieħor.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li, fejn kumpanija maniġerjali taggrga ordni ta’ UCITS jew ta’ klijent ieħor ma’ tranżazzjoni marbuta mal-kont tagħha stess u l-ordni aggregata tiġi eżegwita parzjalment, talloka n-negozju relatat lill-UCITS jew lill-klijent l-ieħor bi preċedenza fuq dawk tal-kont tagħha stess.

Madanakollu, jekk il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ turi lill-UCITS jew lill-klijent l-ieħor tagħha b’raġunijiet fondati li mingħajr l-aggregazzjoni ma kinitx tkun tista’ teżegwixxi l-ordni jew ma kinitx tkun tista’ teżegwixxi l-ordni fuq termini daqstant vantaġġjużi, din tista’ talloka t-tranżazzjoni fil-kont tagħha stess, proporzjonalment, skont il-politika msemmija fil-paragrafu 1(b).

TAQSIMA 5

Tħajjir

Artikolu 29

Ħarsien tal-aħjar interessi tal-UCITS

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali ma jitqisux li jkunu qegħdin jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interess tal-UCITS jekk, b’rabta mal-attivitajiet tal-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tal-investiment tal-UCITS, iħallsu jew jitħallsu kwalunkwe tariffa jew kummissjoni, jew jagħtu jew jingħataw xi benefiċċju mhux monetarju, għajr dawn li ġejjin:

(a)

tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju jitħallas lil jew jingħata mill-UCITS jew xi persuna f’isem il-UCITS;

(b)

tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju li jitħallas jew jingħata lil jew minn parti terza jew xi persuna li tkun qiegħda taġixxi f’isem il-parti terza, fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-eżistenza, in-natura u l-ammont tat-tariffa, il-kummissjoni jew benefiċċju, jew, fejn l-ammont ma jkunx jista’ jiġi aċċertat, il-metodu tal-kalkolu ta’ dak l-ammont, għandu jiġi ddivulgat b’mod ċar lill-UCITS b’mod komprensiv, preċiż u li jinftiehem, qabel ma jingħata s-servizz rilevanti;

(ii)

il-ħlas ta’ tariffa jew kummissjoni, jew l-għoti tal-benefiċċju mhux monetarju għandu jkun mfassal biex itejjeb il-kwalità tas-servizz rilevanti u ma jdgħajjifx il-konformità mad-dmir tal-kumpanija maniġerjali li taġixxi fl-aħjar interessi tal-UCITS;

(c)

tariffi adegwati li jippermettu jew li huma meħtieġa biex jingħata s-servizz rilevanti, fosthom il-kostijiet tal-kustodja, is-saldu u t-tariffi tal-kambju, l-imposti regolatorji jew it-tariffi legali, u li, minnhom infushom, ma jistgħux jagħtu lok għal konflitti mad-dmirijiet tal-kumpanija maniġerjali li taġixxi b’mod onest, ġust u professjonali fl-aħjar interess tal-UCITS.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-kumpanija maniġerjali, għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(b)(i), li tiddivulga fil-qosor it-termini essenzjali tal-arranġamenti relatati mat-tariffa, il-kummissjoni jew il-benefiċċju mhux monetarju, sakemm il-kumpanija maniġerjali timpennja ruħha li tiddivulga aktar dettalji fuq talba tat-titolari ta’ unitjiet u sakemm tonora dak l-impenn.

KAPITOLU V

PARTIKOLARITAJIET TAL-FTEHIM STANDARD TA’ BEJN ID-DEPOŻITARJU U L-KUMPANIJA MANIĠERJALI

(l-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE)

Artikolu 30

Elementi relatati mal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-kontraenti

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali, imsemmija f’dan il-Kapitolu bħala l-“kontraenti”, li jinkludu fil-ftehim miktub imsemmi jew fl-Artikolu 23(5) u fl-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-anqas il-partikolaritajiet li ġejjin relatati mas-servizzi pprovduti u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-kontraenti:

(a)

deskrizzjoni tal-proċeduri, inklużi dawk relatati mal-kustodja, li għandhom jiġu adottati għal kull tip ta’ assi tal-UCITS fdat f’idejn id-depożitarju;

(b)

deskrizzjoni tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta l-kumpanija maniġerjali tkun qiegħda tippjana modifika fir-regoli tal-fond jew il-prospett tal-UCITS, u li jistipulaw meta d-depożitarju għandu jiġi mgħarraf, jew fejn ikun meħtieġ qbil minn qabel mid-depożitarju biex wieħed jipproċedi bil-modifika;

(c)

deskrizzjoni tal-mezzi u l-proċeduri li bihom id-depożitarju se jittrażmetti lill-kumpanija maniġerjali l-informazzjoni rilevanti kollha li l-kumpanija maniġerjali teħtieġ biex twettaq dmirijietha fosthom deskrizzjoni tal-mezzi u l-proċeduri relatati mal-eżerċitar ta’ kwalunkwe dritt marbut mal-istrumenti finanzjarji, u l-mezzi u l-proċeduri applikati sabiex il-kumpanija maniġerjali u l-UCITS ikollhom aċċess f’waqtu u preċiż għall-informazzjoni relatata mal-kontijiet tal-UCITS;

(d)

deskrizzjoni tal-mezzi u l-proċeduri biex id-depożitarju ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha li jkun jeħtieġ biex jaqdi dmirijietu;

(e)

deskrizzjoni tal-proċeduri biex id-depożitarju jkollu l-kapaċità li jindaga dwar il-kondotta tal-kumpanija maniġerjali u jivvaluta l-kwalità tal-informazzjoni trażmessa, inkluż bi żjarat fuq il-post;

(f)

deskrizzjoni tal-proċeduri biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ teżamina l-prestazzjoni tad-depożitarju fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali tad-depożitarju.

Artikolu 31

Elementi relatati mal-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi dwar il-kunfidenzjalità u ħasil tal-flus

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li f’dak il-ftehim il-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-inqas jinkludu l-elementi li ġejjin relatati mal-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi dwar il-kunfidenzjalità u ħasil ta’ flus:

(a)

lista tal-informazzjoni kollha li jinħtieġ li tiġi skambjata bejn il-UCITS, il-kumpanija maniġerjali tagħha u d-depożitarju b’rabta mas-sottoskrizzjoni, tifdija, ħruġ, kanċellazzjoni u riakkwist ta’ unitajiet tal-UCITS;

(b)

l-obbligi tal-kunfidenzjalità applikabbli għall-kontraenti;

(c)

informazzjoni dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-kontraenti dwar l-obbligi li jirrigwardaw il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fejn xieraq.

2.   L-obbligi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jitfasslu b’mod li ma tiddgħajjifx il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS milli jkollhom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti.

Artikolu 32

Elementi relatati mal-ħatra ta’ partijiet terzi

Meta d-depożitarju jew il-kumpanija maniġerjali jippjanaw li jaħtru partijiet terzi biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontraenti msemmija jew fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-inqas jinkludu l-partikolaritajiet li ġejjin f’dak il-ftehim:

(a)

impenn miż-żewġ kontraenti li jipprovdu d-dettalji, fuq bażi regolari, ta’ kwalunkwe parti terza maħtura mid-depożitarju jew mill-kumpanija maniġerjali biex twettaq tal-obbligi tagħha;

(b)

impenn li, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-parti l-oħra se tipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji użati fl-għażla tal-parti terza u l-passi meħuda biex ikunu mmonitorjati l-attivitajiet imwettqa mill-parti terza magħżula;

(c)

dikjarazzjoni li obbligazzjoni tad-depożitarju kif imsemmija fl-Artikolu 24 jew l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2009/65/KE ma għandhiex tkunu affettwata mill-fatt li fada lil parti terza l-assi kollha fil-kustodja tiegħu jew x’uħud minnhom.

Artikolu 33

Elementi relatati ma’ emendi potenzjali u t-terminazzjoni tal-ftehim

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-inqas jinkludu f’dak il-ftehim l-elementi li ġejjin relatati mal-emendi u t-terminazzjoni tal-ftehim:

(a)

il-perjodu tal-validità tal-ftehim;

(b)

il-kundizzjonijiet li taħthom il-ftehim jista’ jiġi emendat jew itterminat;

(c)

il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni għal depożitarju ieħor u, f’każ ta’ din it-tranżizzjoni l-proċeduri kif id-depożitarju għandu jibgħat kull informazzjoni rilevanti lid-depożitarju l-ieħor.

Artikolu 34

Liġi applikabbli

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE jispeċifikaw il-liġi tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS li tapplika għal dak il-ftehim.

Artikolu 35

Trażmissjoni elettronika tal-informazzjoni

F’każijiet fejn il-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE jaqblu li jużaw trażmissjoni elettronika għal-bigħt bejniethom tal-informazzjoni kollha jew parti minnha, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li dan il-ftehim ikun fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li jinżamm reġistru ta’ din l-informazzjoni.

Artikolu 36

Ambitu tal-ftehim

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE ikopri aktar minn UCITS immaniġġjata mill-kumpanija maniġerjali. F’dan il-każ, fil-ftehim għandu jelenka l-UCITS koperti.

Artikolu 37

Ftehim tal-livell ta’ servizz

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kontraenti li jew jinkludu d-dettalji tal-mezzi u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 30(c) u (d) fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE jew inkella fi ftehim miktub separat.

KAPITOLU VI

IMMANIĠĠJAR TAR-RISKJI

(l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2009/65/KE)

TAQSIMA 1

Politika tal-immaniġġjar tar-riskji u l-kejl tar-riskji

Artikolu 38

Politika tal-immaniġġjar tar-riskji

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika tal-immaniġġjar tar-riskji adegwata u ddokumentata li tidentifika r-riskji li l-UCITS li jimmaniġġjaw huma jew jistgħu jkunu esposti għalihom.

B’mod partikolari, il-politika tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tinkludi dawk il-proċeduri meħtieġa biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tivvaluta l-iskopertura ta’ kull UCITS li timmaniġġja għar-riskji tas-suq, il-likwidità u l-kontraparti, u l-iskopertura tal-UCITS għar-riskji l-oħra kollha, inklużi riskji operazzjonali, li jistgħu jaffettwaw kull waħda mill-UCITS li timmaniġġja.

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li fil-politika tal-immaniġġjar tar-riskji l-kumpaniji maniġerjali jindirizzaw tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

it-teknika, l-għodod u l-arranġamenti li bihom ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 40 u 41;

(b)

l-allokazzjoni fil-kumpanija maniġerjali tar-responsabbiltajiet marbuta mal-immaniġġjar tar-riskji;

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-politika tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 tiddefinixxi t-termini, il-kontenut u l-frekwenza tar-rappurtaġġ dwar il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fl-Artikolu 12 lill-bord tad-diretturi u maniġment superjuri u, fejn xieraq, l-uffiċċju superviżorju.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħhom u tal-UCITS immaniġġjati.

Artikolu 39

Valutazzjoni, monitoraġġ u reviżjoni tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jivvalutaw, jimmonitorjaw u jirrevedu perjodikament:

(a)

l-adegwatezza u l-effikaċja tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji u tal-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki msemmija fl-Artikoli 40 u 41;

(b)

il-livell ta’ konformità mill-kumpanija maniġerjali mal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji u mal-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki msemmija fl-Artikoli 40 u 41;

(c)

l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati xi nuqqasijiet fl-eżekuzzjoni tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom b’kull tibdil materjali fil-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu eżaminati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali fuq bażi kontinwa kif ukoll meta tingħata l-awtorizzazzjoni.

TAQSIMA 2

il-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji, l-iskopertura għar-riskji tal-kontraparti u l-konċentrazzjoni tal-emitturi

Artikolu 40

Kejl u mmaniġġjar tar-riskji

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jadottaw arranġamenti, proċessi u tekniki adegwati u effikaċi sabiex:

(a)

ikejlu u jimmaniġġjaw fi kwalunkwe ħin ir-riskji li l-UCITS li jimmaniġġjaw ikunu jew li jistgħu jkunu esposti għalihom;

(b)

jiżguraw l-konformità mal-limiti marbuta mal-iskopertura globali u r-riskju tal-kontraparti skont l-Artikoli 41 u 43.

Dawk l-arranġamenti, proċessi u tekniki għandhom ikunu proporzjonati għan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpaniji maniġerjali u tal-UCITS li jimmaniġġjaw u jkunu konsistenti mal-profil tar-riskji tal-UCITS.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-passi li ġejjin għal kull UCITS li jimmaniġġjaw:

(a)

iħaddmu dawk l-arranġamenti, proċessi u tekniki tal-kejl tar-riskji kif meħtieġ biex ikun żgurat li r-riskji tal-pożizzjonijiet meħuda u l-kontribut tagħhom fil-profil tar-riskju ġenerali jitkejlu b’mod preċiż abbażi ta’ dejta soda u affidabbli u li l-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki tal-kejl tar-riskji jkunu ddokumentati adegwatement;

(b)

iwettqu, fejn ikun xieraq, testijiet retrospettivi perjodiċi sabiex tiġi eżaminata l-validità tal-arranġamenti tal-kejl tar-riskji li jinkludu previżjonijiet u estimi abbażi ta’ mudelli;

(c)

iwettqu, fejn ikun xieraq, testijiet tal-istress u analiżi tax-xenarji biex jiġu indirizzati r-riskji li jinħolqu mit-tibdil potenzjali fil-kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jaffettwaw ħażin lill-UCITS;

(d)

jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu sistema ddokumentata tal-limiti interni marbuta mal-miżuri użati għall-immaniġġjar u l-kontroll tar-riskji rilevanti għal kull UCITS filwaqt li jqisu r-riskji kollha li jistgħu jaffettwaw lill-UCITS kif imsemmi fl-Artikolu 38 u jiżguraw konsistenza mal-profil tar-riskju tal-UCITS;

(e)

jiżguraw li l-livell ta’ riskju attwali jkun konformi mas-sistema tal-limitu tar-riskju kif stipulat fil-punt (d) għal kull UCITS;

(f)

jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri adegwati li, fil-każ ta’ ksur reali jew antiċipati tas-sistema tal-limitu tar-riskju tal-UCITS, iwasslu għal azzjonijiet rimedjali f’waqqthom fl-aħjar interessi tat-titolari ta’ unitjiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw proċess xieraq tal-immaniġġjar tar-riskji tal-likwidità sabiex ikun żgurat li kull UCITS li jimmeniġġjaw dejjem tkun kapaċi tikkonforma mal-Artikolu 84(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Fejn ikun xieraq, il-kumpaniji maniġerjali għandhom iwettqu testijiet tal-istress biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-UCITS f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li għal kull UCITS immaniġġjata minnhom il-profil tal-likwidità tal-investimenti tal-UCITS ikun xieraq għall-politika tat-tifdija stabbilita fir-regoli tal-fond jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni jew il-prospett.

Artikolu 41

Kalkolu tal-iskopertura globali

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw l-iskopertura globali ta’ UCITS li jimmaniġġjaw kif imsemmi fl-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE skont wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-iskopertura inkrimentali u l-ingranaġġ iġġenerat mill-UCITS immaniġġjata bl-użu ta’ strumenti ta’ derivati finanzjarji inklużi derivati inkorporati skont ir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, li ma jistgħux jaqbżu t-total tal-valur tal-assi netti tal-UCITS;

(b)

ir-riskju tas-suq tal-portafoll tal-UCITS.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw l-iskopertura globali tal-UCITS tal-anqas kuljum.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw l-iskopertura globali billi jużaw l-approċċ tal-impenji, l-approċċ tal-valur tar-riskju jew metodoloġiji avvanzati tal-kejl tar-riskji oħra skont kif ikun xieraq. Għall-iskopijiet ta’ din d-dispożizzjoni, “valur fir-riskju” għandha tfisser kejl tat-telf massimu mistenni f’livell ta’ kunfidenza partikolari matul perjodu ta’ żmien speċifiku.

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-metodu li jintgħażel għall-kejl tal-iskopertura huwa xieraq, filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-investiment segwita mill-UCITS u t-tipi u l-kumplessitajiet tal-istrumenti finanzjarji derivati użati u l-proporzjoni tal-portfoll UCITS li jinkludi strumenti finanzjarji derivati.

4.   Fejn UCITS skont l-Artikolu 51(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tapplika teknika u strumenti inkluż ftehim ta’ riakkwist jew tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli sabiex tiġġenera ingranaġġ addizzjonali jew skopertura għar-riskju tas-suq, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu dawn it-tranżazzjonijiet inkunsiderazzjoni meta jikkalkulaw l-iskopertura globali.

Artikolu 42

Approċċ tal-impenji

1.   Meta jiġi applikat l-approċċ tal-impenji għall-kalkolu tal-iskopertura globali, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw dan l-approċċ għall-pożizzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji derivati fosthom id-derivati inkorporati kif imsemmi fir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, kemm jekk użati bħala parti mill-politika ġenerali tal-investiment tal-UCITS, għal skopijiet ta’ tnaqqis tar-riskju u kemm għall-iskopijiet ta’ mmaniġġjar effiċjenti tal-portafoll kif imsemmi fl-Artikolu 51(2) ta’ dik id-Direttiva.

2.   Meta jintuża l-approċċ tal-impenji għall-kalkolu tal-iskopertura globali, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkonvertu kull pożizzjoni tal-istrumenti finanzjarji derivati fil-valur tas-suq ta’ pożizzjoni ekwivalenti fl-assi sottostanti ta’ dak id-derivat (l-approċċ standard tal-impenji).

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw metodi ta’ kalkoluu oħrajn ekwivalenti għall-approċċ standard tal-impenji.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpanija maniġerjali tqis l-arranġamenti tal-kalkolu tal-valur nett u l-iħħeġġjar meta tikkalkula l-iskopertura globali, sakemm dawn l-arranġamenti ma jinjorawx riskji ovvji u materjali u jwasslu għal tnaqqis ċar fl-iskopertura għar-riskji.

4.   Fejn l-użu tal-istrumenti finanzjarji derivati ma jiġġenerax żieda fl-iskopertura għall-UCITS, l-iskopertura sottostanti ma jeħtiġilix tiġi inkluża fil-kalkolu tal-impenji.

5.   Meta jintuża l-approċċ tal-impenji, l-arranġamenti ta’ self temporanju li jsiru f’isem il-UCITS skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2009/65/KE ma jeħtiġilhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-iskopertura globali.

Artikolu 43

Riskju tal-kontraparti u l-konċentrazzjoni tal-emitturi

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li r-riskju tal-kontraparti li jinħolqu minn strument finanzjarji derivat barra l-Borża (OTC) ikun soġġett għal-limiti stipulati fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2009/65/KE.

2.   Meta tiġi kkalkulata l-iskopertura tal-UCITS għal kontraparti skont il-limiti kif imsemmi fl-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-kumpaniji maniġerjali għandhom jużaw il-valur pożittiv ta’ pprezzar skont il-valur fis-suq tal-kuntratt tad-derivat OTC ma’ dak il-kontraparti.

Il-kumpaniji maniġerjali jistgħu jikkalkolaw il-valur nett tal-pożizzjonijiet tad-derivati ta’ UCITS mal-istess kontraparti, sakemm ikunu jistgħu legalment jinforzaw ftehimiet tal-kalkolu tal-valur nett mal-kontraparti f’isem il-UCITS. Il-kalkolu tal-valur nett huwa permissibbli biss fejn jidħlu strumenti derivati OTC mal-istess kontraparti u b’rabta mal-ebda skoperturi oħrajn li l-UCITS jista’ jkollha mal-istess kontraparti.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali jnaqqsu l-iskopertura tal-UCITS għal kontraparti ta’ tranżazzjoni ta’ derivati OTC billi jingħatalha kollateral. Il-kollateral li jingħata għandu jkun likwidu biżżejjed sabiex ikun jista’ jinbiegħ malajr għal prezz viċin il-valwazzjoni ta’ qabel il-bejgħ tiegħu.

4.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jqisu l-kollateral meta jikkalkulaw l-iskopertura għar-riskju tal-kontraparti kif imsemmi fl-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2009/65/KE meta l-kumpanija maniġerjali tgħaddi kollateral lill-kontraparti OTC f’isem il-UCITS. Il-kollateral mgħoddi jista’ jitqies fuq bażi netta biss jekk il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tinforza legalment l-arranġamenti tal-kalkolu tal-valur nett ma’ din il-kontraparti f’isem il-UCITS.

5.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw il-limiti tal-konċentrazzjoni tal-emitturi kif imsemmi fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2009/65/KE abbażi tal-iskopertura sottostanti li tinħoloq bl-użu tal-istrumenti finanzjarji derivati iskont l-approċċ tal-impenji.

6.   Fir-rigward tal-iskopertura li tinħoloq mit-tranżazzjonijiet ta’ derivati OTC kif imsemmi fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jinkludu fil-kalkolu kwalunkwe skopertura għar-riskju tal-kontraparti tad-derivati OTC.

TAQSIMA 3

proċeduri għall-valutazzjoni tad-derivati OTC

Artikolu 44

Proċeduri għall-valutazzjoni tal-valur ta’ derivati OTC

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jivverifikaw li l-iskoperturi tal-UCITS għad-derivati OTC jingħataw valuri ġusti li ma jkunux jiddependu biss fuq kwotazzjonijiet mis-suq min-naħa tal-kontrapartijiet tat-tranżazzjonijiet OTC u li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2007/16/KE.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu arranġamenti u proċeduri li jiżguraw valwazzjoni xierqa, trasparenti u ġusta tal-iskoperti tal-UCITS għad-derivati OTC.

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-valur ġust tad-derivati OTC ikun soġġett għal valutazzjoni adegwata, preċiża u indipendenti.

L-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni għandhom ikunu adegwati u proporzjonati man-natura u l-kumplessità tad-derivati OTC konċernati.

Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5(2) u 23(4)(b) meta l-arranġamenti u l-proċeduri marbuta mal-valwazzjoni ta’ derivati OTC ikunu jinvolvu t-twettiq ta’ ċertu attivitajiet minn partijiet terzi.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkun inkarigata bi dmirijiet u responsabbiltajiet speċifiċi.

4.   L-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu ddokumentati adegwatament.

TAQSIMA 4

Trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-istrumenti derivat

Artikolu 45

Rapporti dwar l-istrumenti derivati

1.   L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jwasslu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom, tal-anqas fuq bażi annwali, rapporti b’informazzjoni li tirrifletti viżjoni vera u ġusta tat-tipi ta’ strumenti derivati użati għal kull UCITS immaniġġjat, ir-riskji sottostanti, il-limiti kwantitattivi u l-metodi li ntgħażlu biex jiġu stmati r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ derivati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali jeżaminhom ir-regolarità u l-kompletezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u li jkollhom l-opportunità li jintervjenu fejn ikun xieraq.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 46

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2011 l-aktar tard. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jakkumpanjawhom b’din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 47

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 48

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(2)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.

(4)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(6)  ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

(7)  ĠU L 79, 20.3.2007, p. 11.

(8)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.