ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.049.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 49

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
26 ta' Frar 2010


Werrej

 

II   Atti mhux leġislattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2010 tat-22 ta’ Frar 2010 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki li joriġinaw fir-Repubblika Popolri taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 158/2010 tal-25 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi l-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2010

14

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 159/2010 tal-25 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

16

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 160/2010 tal-25 ta’ Frar 2010 li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10

18

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 161/2010 tal-25 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi t-tnaqqis massimu fid-dazju għall-importazzjoni tal-qamħirrum fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 676/2009

20

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 162/2010 tal-25 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi t-tnaqqis massimu fid-dazju għall-importazzjoni tal-qamħirrum fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 677/2009

21

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/118/PESK tal-25 ta' Frar 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

22

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/119/PESK tal-25 ta’ Frar 2010 li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

26

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/120/PESK tal-25 ta' Frar 2010 li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan u l-Pakistan

28

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/121/PESK tal-25 ta’ Frar 2010 li temenda l-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

30

 

 

2010/122/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2010 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward eżenzjoni għal applikazzjoni tal-kadmju (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1034)  ( 1 )

32

 

 

2010/123/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2010 dwar l-adattament tal-koeffiċjenti korrettivi applikabbli mill-1 ta’ Frar 2009, l-1 ta’ Marzu 2009, l-1 ta’ April 2009, l-1 ta’ Mejju 2009 u l-1 ta’ Ġunju 2009 għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, l-aġenti temporanji u l-aġenti b’kuntratt tal-Komunitajiet Ewropej li jaħdmu f’pajjiżi terzi

34

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġislattivi

REGOLAMENTI

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 157/2010

tat-22 ta’ Frar 2010

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki li joriġinaw fir-Repubblika Popolri taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembruu 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità (1), li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) 1225/2009,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 119/97 (3), il-Kunsill impona dazji anti-dumping definittivi li jvarjaw minn 32,5 % għal 39,4 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki (“ligaturi”) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ). Dawn ir-rati ta’ dazju kienu applikabbli fuq il-ligaturi minbarra dawk li għandhom 17 jew 23 ċirku, waqt li l-ligaturi bi 17 u 23 ċirku kienu soġġetti għal dazju ugwali għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni (PMI ta’ EUR 325 għal kull 1 000 biċċa u l-prezz liberu fil-fruntiera tal-Unjoni li m’għaddiex mid-dwana kull meta dan tal-aħħar kien ikun anqas mill-PMI).

(2)

Bir-Regolament (KE) Nru 2100/2000 (4), il-Kunsill emenda u żied id-dazji msemmija hawn fuq għal ċerti ligaturi minbarra dawk li għandhom 17 jew 23 ċirku, wara investigazzjoni ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament bażiku. Id-dazji emendati varjaw minn 51,2 % sa 78,8 %.

(3)

Wara talba minn żewġ produtturi tal-Unjoni reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku nbdiet f’Jannar 2002 (5) u, bir-Regolament (KE) Nru 2074/2004 (6) il-Kunsill estenda l-miżuri anti-dumping eżistenti għal erba’ snin.

(4)

Wara investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, bir-Regolament (KE) Nru 1208/2004 (7), il-Kunsill estenda l-miżuri anti-dumping definittivi għal importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi kkunsinnati mill-Vjetnam, kemm jekk huma ddikjarati li joriġinaw mill-Vjetnam jew le.

(5)

Wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, bir-Regolament (KE) Nru 1208/2006 (8), il-Kunsill estenda l-miżuri anti-dumping definittivi għal importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi kkunsinnati mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos, kemm jekk huma ddikjarati li joriġinaw mill-Vjetnam jew le.

(6)

Finalment, f’Awwissu 2008, bir-Regolament (KE) Nru 818/2008 (9), il-Kunsill estenda l-ambitu tal-miżuri għal ċerti ligaturi kemxejn modifikati minħabba li ġie stabbilit li l-miżuri kienu ġew evitati.

2.   Talba għal reviżjoni

(7)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li joriġinaw fir-RPĊ (10), il-Kummissjoni rċeviet, fl-4 ta’ Settembru 2008, talba għar-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(8)

It-talba kienet ippreżentata mill-produttur tal-Unjoni Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH (“l-applikant”) li jirrappreżenta proporzjon prinċipali, f’dan il-każ ta’ aktar minn 50 %, tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki. It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx li tirriżulta fi tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

(9)

Billi ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet reviżjoni (11).

3.   Investigazzjoni

(a)   Proċedura

(10)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi li jesportaw, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa bħala kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, lill-produttur tal-Unjoni applikant u lill-produttur tal-Unjoni l-ieħor magħruf dwar it-tnedija tar-reviżjoni tal-iskadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-fehmiet tagħhom magħrufa bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu.

(11)

Il-partijiet kollha li għamlu din it-talba fil-limitu msemmi hawn fuq u li urew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex huma għandhom jinstemgħu ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(12)

Intbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha li kienu avżati uffiċjalment bit-tnedija tar-reviżjoni u lil dawk li talbu kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-avviż ta’ tnedija. Barra minn hekk, produttur wieħed fit-Tajlandja (il-pajjiż analogu maħsub) ġie kkuntattjat u rċieva kwestjonarju.

(13)

Tweġibiet għall-kwestjonarji waslu minn produttur esportatur wieħed fir-RPĊ li ma esportax ligaturi lill-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-kumpanija relatata tagħha fit-Tajlandja, il-produttur applikant tal-Unjoni, tliet importaturi mhux relatati u utent wieħed relatat mal-kwerelant. Il-produttur l-ieħor tal-Unjoni ma kkooperax f’din l-investigazzjoni u importatur wieħed mhux relatat ressaq biss kummenti.

(14)

Il-partijiet kollha kkonċernati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping definittivi. Ingħataw perijodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwentement għall-espożizzjoni tal-fatti. Il-kummenti tal-partijiet ġew ikkunsidrati, u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew modifikati kif meħtieġ.

(b)   Partijiet interessati u żjarat ta’ verifika

(15)

Is-servizzi tal-Kummissjoni fittxew u vverifikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa neċessarja għall-iskop tad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping u d-dannu u tal-interess tal-UE. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fil-postijiet tal-kumpaniji li ġejjin:

(i)

Produttur applikant tal-Unjoni:

Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, Vjenna, l-Awstrija.

(ii)

Produttur fil-pajjiż esportatur:

Wah Hing Stationery Manufactory Ltd (WHS), Guangzhou u l-kumpanija relatata tiegħu Wah Hing Stationery Manufactory Ltd (“WHS”) f’Hong Kong, RPĊ.

(iii)

Importatur mhux relatat fl-UE:

Giardini S.r.l., Settimo Milanese, l-Italja.

(c)   Perijodu tal-investigazzjoni

(16)

L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tad-dumping kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008 (“il-perijodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew il-“PIR”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti għall-verifika tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu kopriet il-perijodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2005 u jibqa’ sejjer sal-aħħar tal-PIR (“perijodu kkunsidrat”).

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Prodott ikkonċernat

(17)

Il-prodott ikkonċernat hu l-istess kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2074/2004 jiġifieri ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki li jikkonsistu f’żewġ pjanċi tal-metall jew wajers b’mill-inqas erba’ nofs ċrieki magħmulin minn wajer tal-azzar imwaħħlin fuqhom u li huma miżmuma flimkien b’għatu tal-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu jew billi jinġibed in-nofs taċ-ċrieki jew b’mekkaniżmu żgħir tal-azzar li jaħdem b’reazzjoni mwaħħal mal-ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki. Iċ-ċrieki jista’ jkollhom forom differenti; l-aktar komuni huma tondi jew f’forma ta’ D (“il-prodott ikkonċernat”). Bħalissal-ligaturi jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00. Il-mekkaniżmi tat-tip lever-arch (“LAM”) ikklassifikati taħt l-istess kodiċi NM ma ġewx inklużi fl-ambitu tal-prodott ikkonċernat.

(18)

Il-ligaturi jintużaw sabiex ikun hemm preżentazzjoni tal-karti tal-fajls tal-uffiċċju, tal-kartun jew miksijin bil-plastik, u fajls oħra illegati.

(19)

Matul il-PIR inbiegħet kwantità kbira ta’ tipi differenti ta’ ligaturi fl-UE. Id-differenzi bejn dawn it-tipi kienu jikkonsistu fil-wisa’ tal-bażi, fit-tip tal-mekkaniżmu, fin-numru taċ-ċrieki, fis-sistema ta’ ftuħ, fil-kapaċità nominali ta’ kemm jieħdu karti, fid-dijametru taċ-ċrieki, fil-forma taċ-ċrieki, fit-tul u fl-ispazju bejn iċ-ċrieki. Billi t-tipi kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u, f’ċerti limiti, huma interkambjabbli, ġie stabbilit li l-ligaturi kollha jikkonsistu fi prodott wieħed għall-finijiet tal-proċediment attwali.

2.   Prodott simili

(20)

Instab ukoll li ma kien hemm l-ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u fl-użu bejn il-ligaturi prodotti fir-RPĊ u l-ligaturi prodotti mill-industrija tal-Unjoni u mibjugħa fis-suq tal-UE.

(21)

Għaldaqstant ġie konkluż li l-ligaturi li joriġinaw mir-RPĊ u l-ligaturi magħmula u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-UE kienu kollha prodotti simili fit-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TAD -DUMPING

(22)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hijiex ser twassal gћal kontinwazzjoni jew gћal rikorrenza tad-dumping.

1.   Rimarki preliminari

(23)

L-ebda produttur Ċiniż li jesporta l-ligaturi lill-UE ma kkoopera mal-investigazzjoni. Mill-erba’ kumpaniji Ċiniżi msemmija fit-talba, waħda biss ikkooperat, kif ukoll il-kumpanija relatata tagħha bbażata fit-Tajlandja. It-tliet kumpaniji esportaturi l-oħra ma weġbux għall-kwestjonarju. L-uniku produttur Ċiniż li kkoopera ma esportax il-prodott ikkonċernat lill-UE iżda għamel esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lil swieq oħra ta’ pajjiżi terzi. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż tal-ligaturi lill-UE waqt il-PRI, riżultati fir-rigward tad-dumping kellhom ikunu bbażati fuq informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni minn sorsi oħra f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ ġie meqjus li l-aktar informazzjoni raġonevoli u xierqa kienet l-informazzjoni li ngħatat mill-Eurostat b’rabta mal-esportazzjonijiet. Fejn prattiku u b’qies dovut għal-limiti taż-żmien tal-investigazzjoni, din l-informazzjoni kienet verifikata b’referenza għall-informazzjoni mill-uniku produttur Ċiniż li kkoopera mal-investigazzjoni attwali iżda li ma esportax ligaturi lill-UE u lill-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża. Minkejja dan, billi ġie meqjus il-fatt li ebda data speċifika ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ kwantitajiet u volumi ma teżisti mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-istatistika tal-Eurostat xorta waħda għadha titqies bħala l-unika stima disponibbli tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lill-UE, anki jekk il-livell assolut ta’ prezzijiet mogħti mill-Eurostat jidher għoli ħafna meta mqabbel ma’ prezzijiet ta’ importazzjoni rrappurtati mill-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża u ċ-ċifri tal-Eurostat mogħtija għal pajjiżi terzi oħra.

2.   Tkomplija ta’ dumping

(a)   Pajjiż analogu

(24)

Billi r-RPĊ hija ekonomija fi tranżizzjoni u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur normali kostrutt miksub f’pajjiż terz b’suq ta’ ekonomija xierqa (“il-pajjiż analogu”), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew fejn dawn mhumiex possibbli fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas attwalment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b’mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġini ta’ profitt raġonevoli.

(25)

Fl-investigazzjoni ta’ qabel, l-Indja kien il-pajjiż li ntgħażel bħala l-pajjiż analogu. F’dan ir-rigward huwa nnotat li l-Kummissjoni infurmat l-uniku produttur Indjan li kkoopera fl-investigazzjoni ta’ qabel dwar it-tnedija tal-proċediment attwali iżda l-parti rilevanti rrifjuta li jikkoopera. Fit-talba għar-reviżjoni tal-iskadenza, it-Tajlandja ġie ssuġġerit bħala pajjiż analogu għall-iskop li jiġi stabbilit valur normali. Din l-għażla ġiet ikkontestata minn ċerti partijiet involuti fil-proċediment li ddikjaraw li l-Indja kellha tintuża bħala pajjiż analogu xieraq.

(26)

Fir-rigward tat-Tajlandja produttur wieħed Tajlandiż qabel li jikkoopera. Għaldaqstant il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà tal-użu ta’ data miksuba mit-Tajlandja għall-iskop tat-twaqqif ta’ valur normali għar-RPĊ. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li ma kien hemm ebda bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat fit-Tajlandja. Għalhekk, kwalunkwe determinazzjoni ta’ valur normali fit-Tajlandja trid issir abbażi tal-Artikolu 2(6)(c).

(27)

Barra minn hekk, it-tqabbil tal-livell tal-prezz medju ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat mit-Tajlandja u l-prezz medju ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ kif ipprovdut mill-Eurostat wera li l-prezzijiet Ċiniżi kienu ogħla mill-prezzijiet Tajlandiżi. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li hemm firxa sinifikanti ta’ tipi differenti tal-prodott li huma koperti mill-prodott ikkonċernat u l-prezzijiet jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ prodott. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi tar-RPĊ, il-kompożizzjoni eżatta tal-bejgħ tal-esportazzjoni tagħhom lill-UE ma setgħetx tiġi stabbilita u mqabbla mat-taħlita tal-prodott tal-produtturi esportaturi Tajlandiżi. Konsegwentement, minħabba li ma kienx hemm indikazzjonijiet li d-differenza sinifikanti fil-prezzijiet tal-esportazzjoni tista’ tiġi attribwita ma’ kwalunkwe fattur ieħor, ġie konkluż li hemm differenza fit-taħlita tal-prodott ta’ ligaturi esportati lejn l-UE mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u dawk Tajlandiżi. Fil-fatt abbażi tad-differenzi fil-prezzijiet tal-esportazzjoni għat-Tajlandja u r-RPĊ lejn l-Unjoni Ewropea, ġie konkluż, bl-użu tal-aħjar data disponibbli, li l-esportazzjonijiet mir-RPĊ ikopru tipi ta’ prodotti ħafna aktar għoljin, tipi ta’ prodotti elaborati u li wkoll għal din ir-raġuni ma jkunx xieraq li tintuża data mit-Tajlandja biex jiġi stabbilit valur normali għar-RPĊ.

(28)

Barra minn dan, il-kumpanija Tajlandiża kienet relatata mal-uniku produttur Ċiniż tal-ligaturi li kkoopera. Il-Kummissjoni investigat jekk il-fatt li ż-żewġ kumpaniji kienu relatati setax kellu impatt fuq id-determinazzjoni tal-valur normali. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-investigazzjonijiet ta’ qabel (jiġifieri ż-żewġ investigazzjonijiet kontra l-evażjoni) urew li l-kumpanija Tajlandiża ġiet stabbilita bħala reazzjoni ta’ negozju ta’ produttur Ċiniż għall-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping għall-prodott ikkonċernat. L-istess konklużjoni hi kkonfermata mill-investigazzjoni attwali kif spjegat fid-detall fil-premessa (38). Meta ġiet meqjusa din il-konnessjoni stabbilita tajjeb bejn il-produttur Ċiniż u dak Tajlandiż kien meqjus bħala xieraq li ma tintużax l-informazzjoni mressqa mill-unika kumpanija li kkooperat fil-pajjiż analogu propost. Għalhekk, billi tqiesu l-fatturi kollha ta’ hawn fuq u skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, it-Tajlandja ma kienx ikkunsidrat bħala pajjiż analogu adattat sabiex jiġi stabbilit il-valur normali.

(29)

Meta tqiesu l-fatti deskritti hawn fuq fir-rigward tat-Tajlandja, in-nuqqas ta’ kwalunkwe kooperazzjoni mill-pajjiż analogu li ntuża qabel (l-Indja) kif ukoll il-fatt li ebda kumpanija Ċiniża li esportat ligaturi lejn l-UE ma kkooperat mal-investigazzjoni, kien meqjus bħala xieraq li l-valur normali jkun ibbażat fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, jiġifieri l-prezzijiet li fil-fatt tħallsu jew li jridu jitħallsu fl-Unjoni għall-prodott simili.

(b)   Valur normali

(30)

Fid-dawl tal-fatti deskritti hawn fuq, ġie deċiż li d-determinazzjoni għall-valur normali tiġi bbażata fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet fil-fatt imħallsa jew li jridu jitħallsu lill-Unjoni għall-prodott simili. Il-valur normali ġie għalhekk ikkalkulat abbażi ta’ data verifikata fuq il-post tal-produttur applikant tal-Unjoni. Instab li l-bejgħ domestiku ta’ dan il-produttur tal-prodott simili kien rappreżentattiv meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat li ġie esportat lejn l-UE mir-RPĊ. Hekk kif il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu qed jagħmlu t-telf, huma ġew imbagħad aġġustati dovutament sabiex jinkludu marġini ta’ profitt raġonevoli, kif previst skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward intuża marġini ta’ profitt raġonevoli ta’ 5 % li hu meqjus raġonevoli għal din it-tip ta’ attività ta’ negozju.

(c)   Prezz tal-esportazzjoni

(31)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, u fin-nuqqas tal-kooperazzjoni minn produtturi esportaturi Ċiniżi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkulat billi ntużat id-data tal-Eurostat.

(d)   Tqabbil

(32)

It-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi ta’ kif kien joħroġ mill-fabbrika. Bl-għan li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saru aġġustamenti dovuti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti fejn hu meħtieġ, għal differenzi fit-trasport, assigurazzjoni u spejjeż oħra marbuta mat-trasport.

(e)   Marġini tad-dumping

(33)

Meta tqies li ntqal hawn fuq u n-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra kredibbli għall-marġini ta’ dumping nazzjonali taċ-Ċina, ibbażat fuq tqabbil ikkalkulat medja ma’ medja u espress bħala perċentwali tas-CIF prezz bid-dazju mhux imħallas fuq il-fruntiera tal-UE, kien ikkalkulat u nstab li hu 20,7 %.

(f)   Konklużjoni dwar id-dumping

(34)

L-investigazzjoni waqqfet l-eżistenza tad-dumping waqt il-PIR. Din il-konklużjoni kienet ibbażata (i) minn naħa waħda fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni kif stabbiliti mill-Eurostat għal raġunijiet spjegati fil-premessa (23) u (ii) min-naħa l-oħra fuq il-valur normali ddeterminat abbażi tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (24) sa (29).

3.   Rikorrenza tad-dumping

(35)

Minbarra l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping waqt il-PIR, il-probabbiltà tar-rikorrenza tad-dumping ġiet investigata. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi esportaturi Ċiniżi għajr għall-kumpanija waħda li kellha esportazzjonijiet biss għal pajjiżi li mhumiex fl-UE, u minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli pubblikament, il-konklużjonijiet ta’ hawn taħt joqogħdu l-aktar fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-data tal-Eurostat, data mill-unika kumpanija li tikkoopera, l-istatistika Ċiniża u t-talba ta’ reviżjoni.

(36)

F’dan ir-rigward, l-elementi li ġejjin ġew analizzati: (a) il-kapaċità produttiva inutilizzata u l-attitudni f’termini ta’ volumi u prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u (b) l-attrazzjoni tas-suq tal-UE għall-esportaturi Ċiniżi f’termini ta’ prezzijiet u volum.

(a)   Kapaċità produttiva inutilizzata u attitudni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi

(37)

Ta’ min jiftakar li, fl-assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi barra WHS, ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-produzzjoni fir-RPĊ, il-kapaċità produttiva inutilizzata u l-bejgħ fis-suq Ċiniż, għajr il-produttur li kkoopera.

(38)

L-uniku produttur Ċiniż li jikkoopera naqqas il-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu stess mill-2005 lill-PIR b’mod sinifikanti (iċ-ċifra preċiża ma tistax tiġi żvelata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità). Madankollu, dan il-produttur Ċiniż jista’ jerġa’ jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu. Fil-fatt dan in-nuqqas ta’ kapaċità tal-produzzjoni jista’ jitranġa mingħajr dewmien u sforz minħabba li l-produttur xorta għadu jippossjedi impjant industrijali vojt qrib dak operattiv. F’dak is-sit il-produttur Ċiniż jista’ jerġa’ jistabbilixxi f’qasir żmien, jiġifieri fi żmien sitt xhur, linja ta’ produzzjoni għal ligaturi li jużaw tagħmir eżistenti li attwalment tipprovdi ħtiġijiet oħra ta’ produzzjoni iżda tista’ terġa’ tiġi adattata sabiex iżżid il-produzzjoni tal-ligaturi ġenerali. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat ukoll li dan il-produttur Ċiniż m’għandux bejgħ domestiku u ebda pjanijiet ovvji biex jibda bejgħ domestiku fil-futur qrib. Konsegwentament, dan il-produttur jista’ malajr iżid il-produzzjoni u jiddiriġiha lejn kwalunkwe suq ta’ esportazzjoni (inkluż is-suq tal-UE li miegħu attwalment dan ma jagħmilx bejgħ) jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Il-kumpanija kkonfermat ukoll li jekk il-miżuri anti-dumping jitħassru, dawn jagħlqu s-sit tal-produzzjoni tal-kumpanija Tajlandiża relatata tagħhom u jibagħtu lura l-produzzjoni kollha ta’ ligaturi lejn iċ-Ċina. Il-kumpanija li kkooperat ma żammitx livell għoli ta’ investimenti, xi ħaġa li tispjega ruħha faċilment meta wieħed iqis l-eżistenza tal-kumpanija Tajlandiża relatata tagħha, il-livell baxx ta’ investiment li ġeneralment ikun meħtieġ għal din it-tip ta’ attività ta’ manifattura u tal-perijodu qasir ta’ żmien biex il-makkinarju jinbidel fil-produzzjoni tal-ligaturi.

(39)

Fir-rigward tal-produtturi Ċiniżi li ma kkooperawx, ġie konkluż li għad hemm kapaċità produttiva inutilizzata fir-RPĊ. Dan hu bbażat fuq il-fatt li bejn wieħed u ieħor l-esportazzjonijiet Ċiniżi naqsu u ma hemmx informazzjoni li turi l-kapaċità fir-RPĊ naqset. Barra minn hekk, huwa nnotat li hemm żmien qasir ta’ tħejjija fl-adattabilità ta’ makkinarju u l-versatilità ġenerali ta’ tagħmir fl-industrija tal-ligaturi biex il-kapaċitajiet ikunu jistgħu jitranġaw faċilment sabiex ikun hemm żviluppi fis-suq tal-ligaturi.

(40)

Fir-rigward ta’ bejgħ minn esportazzjonijiet lill-pajjiżi terzi tal-uniku produttur Ċiniż li kkoopera ġiet ipprovduta biss informazzjoni parzjali li tissuġġerixxi li l-bejgħ żdied b’xi 10 % mill-2006 għall-PIR. Matul l-istess perijodu l-prezz medju ta’ esportazzjoni lill-pajjiżi terzi żdied b’0,7 %.

(41)

Fir-rigward tal-iżvilupp tal-esportazzjonijiet ġenerali Ċiniżi lejn pajjiżi oħrajn l-istatistika disponibbli Ċiniża ġiet ikkunsultata sabiex jiġu stabbiliti volumi u prezzijiet ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi. Din id-data tikkonferma li kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-ligaturi miċ-Ċina fil-perijodu bejn l-2004 u l-PIR. Skont l-istatistika Ċiniża, il-volum tal-ligaturi esportati fl-2004 kien ta’ 198 miljun biċċa, li naqas għal 89 miljun biċċa waqt il-PIR. Il-prezz medju tal-bejgħ min-naħa l-oħra, naqas b’mod drastiku matul il-perijodu 2004 sal-2007, biex laħaq biss il-livelli kemxejn inqas mill-2004 matul il-PIR. Il-fatt li l-volumi tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-ligaturi rrappreżentaw biss 45 % tal-livell tagħhom tal-2004 matul il-PIR waqt li l-prezz medju ta’ esportazzjoni kien ta’ 7 % inqas mil-livell tiegħu tal-2004 matul il-PIR jikkonferma li hemm inċentiv b’saħħtu għall-produtturi Ċiniżi kollha, kemm dawk li kkooperaw mal-investigazzjoni jew le, biex imorru lura għall-prestazzjonijiet ta’ esportazzjoni miksuba tagħhom meta tqies li l-kapaċitajiet disponibbli u t-tendenza tagħhom osservati fl-aħħar snin għal żieda fil-prezzijiet tal-esportazzjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa raġonevoli li wieħed jemmen li, jekk il-miżuri anti-dumping jitħallew jiskadu, is-suq tal-UE jsir mira attraenti ħafna għall-produtturi Ċiniżi kollha, li għalhekk jimmiraw li jesportaw lejn is-suq tal-UE fi kwantitajiet konsiderevoli.

(b)   Attrazzjoni tas-suq tal-UE

(42)

Qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping, l-UE kienet it-tieni l-aktar suq ta’ esportazzjoni sinifikanti għal-ligaturi għar-RPĊ f’termini ta’ volum ġenerali. Is-sehem tas-suq tar-RPĊ naqas b’mod kostanti wara li l-miżuri anti-dumping ġew imposti, estiżi wara żewġ investigazzjonijiet ta’ evażjoni u ġew riveduti fl-2008 biex ikabbru l-iskop tagħhom. L-ishma tas-suq baqgħu sostanzjalment stabbli matul il-perijodu kkunsidrat u naqas biss għal 3,2 % (– 0,4 %) matul il-PIR. Madankollu, id-daqs tas-suq tal-UE, it-tieni wieħed wara l-Istati Uniti tal-Amerika, u d-domanda konsegwenti tagħmel lill-UE mira importanti meta mqabbla ma’ swieq esportaturi Ċiniżi oħrajn. Il-preżenza Ċiniża tal-imgħoddi fis-suq tal-UE u l-importanza tas-suq tista’ tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni ċara li l-produtturi Ċiniżi fil-futur jipprovaw jerġgħu jiksbu l-ishma tas-suq fl-UE.

(43)

Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet ċari li l-partijiet fiċ-Ċina jsegwu mill-qrib l-investigazzjoni attwali u jikkunsidraw il-possibbiltà li jibdew jesportaw lejn l-UE. F’dan ir-rigward huwa nnotat li wara t-tnedija tal-proċediment il-Kummissjoni rċeviet mistoqsijiet minn produttur Ċiniż, mhux imsemmi fit-talba għar-reviżjoni ta’ skadenza, fejn qal li l-kumpanija ġiet stabbilita fl-2005, li tipproduċi ligaturi u li tippjana li tesporta l-ligaturi lill-UE mill-2009. Għall-ewwel il-kumpanija kkunsidrat il-possibbiltà li tikkoopera mal-proċediment iżda ma ppreżentatx it-tweġiba rilevanti tal-kwestjonarju. Li ntqal hawn fuq jikkonferma li l-UE tibqa’ suq mhux attraenti għall-produtturi Ċiniżi anki bil-miżuri anti-dumping eżistenti u għaldaqstant jekk il-miżuri jitħallew jiskadu l-inċentiv tagħhom li jibdew, iżidu jew jerġgħu jibdew jesportaw lejn l-UE jissaħħaħ b’mod sinifikanti.

(44)

L-importanza storika u l-attrazzjoni tal-UE bħala suq tal-ligaturi hija wkoll ikkonfermata mit-tentattivi persistenti tal-imgħoddi li jkun hemm evażjoni jew assorbiment tal-miżuri anti-dumping attwali. Minħabba li ġew imposti miżuri anti-dumping kontra r-RPĊ, kien hemm tentattivi kontinwi biex ikun hemm evażjoni jew assorbiment tagħhom mill-esportaturi Ċiniżi sabiex ikollhom aċċess għas-suq tal-UE. Huwa mfakkar li miżuri attwali żdiedu fis-sena 2000 bħala riżultat ta’ proċedura anti-dumping, estiżi għall-Vjetnam u l-Laos fl-2004 u l-2006 rispettivament bħala riżultat tal-eżistenza ta’ prattika ta’ evażjoni u emendati fl-2008 fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ukoll bħala riżultat ta’ prattika ta’ evażjoni permezz ta’ modifika żgħira tal-prodott.

(45)

Fir-rigward tal-prezzijiet, skont l-istatistika Ċiniża, il-prezz medju tal-esportazzjoni Ċiniża għal swieq ta’ pajjiż terz hu ogħla mill-prezz medju tal-esportazzjoni Ċiniża għall-UE iżda xorta sinifikament inqas mill-prezz medju tal-prezz Indjan u l-prezzijiet Tajlandiżi fis-suq tal-UE, jiġifieri l-kompetituri potenzjali diretti tagħhom. Id-data rilevanti tal-esportazzjoni Ċiniża tissuġġerixxi li l-produtturi Ċiniżi diġà għandhom pożizzjoni stabbilita sew f’ħafna mis-swieq l-oħra għall-kuntrarju tal-prestazzjoni attwali tagħhom tal-UE. Għaldaqstant huwa ċar li s-suq tal-UE jkun għażla finanzjalment attraenti għall-esportaturi Ċiniżi minħabba li dawn ikunu jistgħu jbiegħu bi prezzijiet ogħla fl-UE mingħajr ma jipperikolaw il-bejgħ tagħhom lill-bqija tad-dinja u xorta jegħlbu lill-kompetituri ewlenin tagħhom fl-UE billi jbiegħu bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(c)   Miżuri ta’ difiża fil-kummerċ applikati mill-pajjiżi terzi

(46)

L-ebda pajjiż terz ma japplika miżuri kummerċjali kontra l-importazzjoni ta’ ligaturi fir-RPĊ.

4.   Konklużjoni

(47)

L-investigazzjoni wriet li kemm il-produttur esportatur li jikkoopera u, wisq probabbli, anki ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħra għandhom kapaċità produttiva inutilizzata konsiderevoli fid-dawl tat-tnaqqis sinifikanti fl-esportazzjonijiet tagħhom mill-2004 sal-PIR. Dan wera wkoll li hemm interess kostanti mill-partijiet Ċiniżi biex jidħlu fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, l-uniku produttur li kkoopera seta’ faċilment jibdel il-kapaċità tal-produzzjoni mit-Tajlandja lura għaċ-Ċina jekk jitħassru l-miżuri anti-dumping.

(48)

Fid-dawl tal-kapaċità produttiva inutilizzata tal-produtturi Ċiniżi u l-versatilità tal-makkinarju u t-tagħmir huwa probabbli li l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn is-suq tal-UE jerġgħu jibdew fi kwantitajiet sinifikanti jekk il-miżuri anti-dumping jitħallew jiskadu. Is-suq tal-UE bħalissa huwa l-uniku wieħed fid-dinja fejn jeżistu miżuri anti-dumping u l-fatti stabbiliti jissuġġerixxu li l-esportaturi Ċiniżi jimmiraw ċertament li jerġgħu jiksbu lura malajr kemm jista’ jkun l-ishma tas-suq tagħhom tal-imgħoddi billi jieħdu vantaġġ mill-adattabilità neċessarja tal-kapaċità. Il-konklużjoni ta’ hawn fuq hija msaħħa bil-fatt li dawn jistgħu jbiegħu bi prezzijiet li huma aktar baxxi minn dawk tal-kompetituri tagħhom kollha fis-suq tal-UE u diġà wrew li dawn għamlu hekk fil-PIR.

(49)

Abbażi ta’ dawn il-konklużjonijiet u avvenimenti, huwa probabbli li, f’każ li jerġgħu jibdew l-esportazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi lejn l-UE, dawn l-esportazzjonijiet probabbilment isiru bi prezzijiet taħt il-valur normali. Konsegwentement, hu ddeterminat li, jekk il-miżuri eżistenti jitħassru, x’aktarx jerġa’ jkun hemm dumping miċ-Ċina.

D.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(50)

Matul il-PIR il-ligaturi ġew manifatturati fl-UE mill-produtturi li ġejjin:

Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, Vjenna, l-Awstrija

Industria Meccanica Lombarda srl, Offanengo, Italja.

(51)

L-ewwel produttur huwa l-applikant u kkoopera fl-investigazzjoni. Il-produttur l-ieħor (iżgħar) tal-Unjoni ma kkooperax. L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-applikant irrappreżenta aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ligaturi fil-PIR. Gћalhekk skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku ġie kkunsidrat li dan il-produttur jirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni. Minn hawn ‘il quddiem din hija msejħa “l-industrija tal-Unjoni”. L-applikant u s-sussidjarji tiegħu mhux relatat mal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(52)

Għandu jiġi nnotat li fl-imgħoddi, l-industrija tal-Unjoni kienet oriġinarjament magħmula minn żewġ produtturi differenti (Koloman Handler – Austria u Robert Krause – il-Ġermanja) li kienu fallew u ttieħdu minn grupp Awstrijak. Il-kumpaniji kienu suġġett għal ristrutturar sinifikanti u l-istruttura attwali “Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH” inħolqot fl-2003, jiġifieri madwar sentejn qabel il-perjodu kkunsidrat. Il-kwartieri ġenerali jinsabu fl-Awstrija filwaqt li l-produzzjoni ssir fl-Ungerija.

E.   QAGĦDA FIS-SUQ TAL-UE

1.   Konsum fis-suq tal-UE

(53)

Ir-risposti għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw intużaw sabiex jiġi stabbilit il-bejgħ tal-ligaturi mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-UE. Tagħrif ieħor disponibbli ntuża wkoll fil-kalkolu tal-bejgħ mill-produttur tal-Unjoni li mhuwiex inkluż fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(54)

Data li tikkonċerna volumi ta’ importazzjoni nkisbet mill-istatistika tal-Eurostat, bl-eċċezzjoni ta’ importazzjonijiet mit-Tajlandja li nkisbu mit-tweġibiet għall-kwestjonarju li waslu fil-qafas ta’ proċediment anti-dumping parallel li jikkonċerna dak il-pajjiż.

(55)

Abbażi ta’ dan, il-konsum tal-UE ta’ ligaturi naqas b’4 % matul il-perijodu kkunsidrat minn madwar 170-180 miljun biċċa fl-2005 għal 165-175 miljun biċċa fil-PIR (12).

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(a)   Volum tal-importazzjonijiet u sehem tas-suq

 

2005

2006

2007

PIR

Volum tal-importazzjoni

100

49

41

43

Sehem mis-Suq (%)

7,0  %

3,8  %

3,2  %

3,2  %

(56)

Biex jiġu stabbiliti l-volumi totali ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ, tqies bħala xieraq li jiġu inklużi importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi li għalihom ġew estiżi l-miżuri tal-anti-dumping attwali skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-Vjetnam u l-Laos (ara l-premessi 4 u 5 hawn fuq). Fil-fatt tqies li l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi kienu prodotti li joriġinaw fir-RPĊ. Fuq din il-bażi, ġie stabbilit li l-volum totali impurtat ta’ ligaturi mir-RPĊ naqas b’aktar minn 50 % matul il-perijodu kkunsidrat. Is-sehem tas-suq naqas bl-istess mod matul dan il-perijodu. Madankollu, wieħed għandu jinnota li dawn iċ-ċifri jinkludu importazzjonijiet ikkunsinnati mil-Laos fl-2005 biss, u dawn jirrappreżentaw nofs l-importazzjonijiet f’dik is-sena. Ta’ min jinnota li l-investigazzjoni kontra l-evażjoni li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ligaturikkunsinnati mil-Laos infetħet f’April 2005.

(57)

Is-sehem tas-suq tar-RPĊ niżel minn 7,0 % għal 3,8 % fl-2006 u baqa’ stabbli minn dak iż-żmien (madwar 3 %). Huwa nnotat li, fil-qafas tar-reviżjoni ta’ skadenza ta’ qabel, l-ishma tas-suq tar-RPĊ naqas minn 14,8 % fl-1998 għal 1,9 % fl-2001, jiġifieri s-sehem tas-suq tal-ligaturi Ċiniż issa huwa ogħla milli fl-aħħar tal-perijodu eżaminat għar-reviżjoni ta’ skadenza ta’ qabel.

(b)   Prezz tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat/tnaqqis

(58)

Mit-tliet importaturi li kkooperaw kien hemm ligatur impurtat wieħed biss mir-RPĊ matul il-PIR. Dawn l-importazzjonijiet kienu żgħar ħafna meta mqabbla mal-importazzjonijiet ġenerali mir-RPĊ u kkonsistew minn mekkaniżmi bi 17 u 23 ċirku soġġetti għal prezz minimu ta’ importazzjoni. Għaldaqstant dawn ma setgħux jintużaw bħala bażi rappreżentattiva. Skont l-istatistika tal-Eurostat, il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-ligaturi li joriġinaw fir-RPĊ naqsu b’5 % matul il-perijodu kkunsidrat u l-prezzijiet Ċiniżi waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’madwar 10 % (meta ma jitqisux id-dazji anti-dumping). Il-livell assolut ta’ prezzijiet mogħtija mill-Eurostat, madankollu, jidher għoli ħafna meta mqabbel ma’ prezzijiet ta’ importazzjoni rrappurtati mill-istatistiċi ta’ esportazzjoni Ċiniżi u ċ-ċifri tal-Eurostat mogħtija għal pajjiżi terzi oħra. Kif imsemmi hawn fuq, x’aktarx li, jekk il-miżuri jitħassru, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniża jkollhom jaġġustaw għall-kompetituri barranin tagħhom (it-Tajlandja, l-Indja) u fuq dik il-bażi r-rata tat-tnaqqis tkun ħafna aktar sinifikanti.

(c)   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

 

2005

2006

2007

PIR

Indja

52,9  %

48,3  %

44,9  %

43,3  %

Tajlandja

11,5  %

12,2  %

7,9  %

13,0  %

Ħong Kong

0,2  %

0,0  %

5,1  %

4,9  %

Oħrajn

1,2  %

2,7  %

4,4  %

1,7  %

(59)

Għal dawk li huma importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, l-importazzjonijiet ta’ ligaturi li joriġinaw fl-Indja qed jonqsu filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ ligaturi li joriġinaw fit-Tajlandja żdiedu ftit matul il-PIR meta dawn ikunu ogħla meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Bħal pajjiżi oħra, Ħong Kong qed jesporta l-ligaturi lill-UE iżda l-ebda rappreżentazzjoni ma saret f’dan ir-rigward u l-ebda informazzjoni ulterjuri mhi disponibbli.

3.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni  (13)

(a)   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2005

2006

2007

PIR

Produzzjoni

100

102

118

119

Kapaċità tal-produzzjoni

100

91

100

103

Użu tal-kapaċità (%)

59  %

66  %

70  %

68  %

(60)

Matul il-perijodu kkunsidrat il-produzzjoni żdiedet bi kważi 20 % filwaqt li l-kapaċità baqgħet relattivament stabbli. B’riżultat ta’ dan, l-użu tal-kapaċità segwa tendenza simili għall-produzzjoni, b’żieda ta’ disa’ punti perċentwali.

(61)

Il-livell tal-użu ta’ kapaċità matul il-PIR kien madankollu taħt il-livell li laħaq fl-2001, jiġifieri, il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni ta’ skadenza ta’ qabel. Ir-rata tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità mbagħad kienet bejn 70 % u 75 %.

(b)   Ħażniet

 

2005

2006

2007

PIR

Ħażna tal-għeluq

100

95

119

143

(62)

Matul il-perijodu kkunsidrat, il-ħażniet tal-industrija tal-Komunità żdiedu bi 43 %. Parti sinifikanti tal-produzzjoni tal-ligaturi tikkonsisti fi prodotti standard, u l-industrija tal-Unjoni għalhekk trid iżżomm ċertu livell ta’ ħażna sabiex tkun f’pożizzjoni biex tissodisfa malajr id-domanda tal-konsumaturi. Kwalunkwe żieda tal-ħażna tal-għeluq ‘il fuq mil-livell medju jindika diffikultajiet biex jinbiegħu l-prodotti (domestikament u fis-suq tal-esportazzjoni). L-istaġjonalità tal-bejgħ għandha tiġi kkunsidrata wkoll: il-bejgħ hu aktar importanti matul l-aħħar tliet xhur tas-sena, li jikkorrispondi mal-bidu tal-istaġun tal-iskola.

(c)   Volum tal-bejgħ, sehem mis-suq u tkabbir

 

2005

2006

2007

PIR

Volum tal-bejgħ

100

113

118

123

Ishma mis-suq

24,4  %

30,2  %

31,5  %

31,1  %

(63)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-UE żdied bi 23 % matul il-perijodu kkunsidrat u l-ishma mis-suq żviluppaw minn 24,4 % għal 31,1 %, jiġifieri żieda ta’ kważi 7 punti perċentwali. Din iż-żieda tal-ishma mis-suq tindika li t-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni kien ogħla mill-iżvilupp tal-konsum.

(64)

Il-livell assolut tas-sehem tas-suq baqa’ madankollu taħt il-livell tiegħu tal-2001, il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ qabel, meta dan laħaq madwar 40 %.

(d)   Prezzijiet tal-bejgħ u spejjeż

 

2005

2006

2007

PIR

Prezzijiet tal-bejgħ

100

88

88

88

(65)

Il-prezz tal-bejgħ medju peżat tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 12 % matul il-perijodu kkunsidrat. Għandu jiġi nnotat li fl-aħħar snin il-prezzijiet tal-materja prima (azzar) kellhom tendenza li dejjem tiżdied madwar id-dinja kollha, u li l-azzar jirrappreżenta madwar 40 % tal-ispiża totali tal-unità. Il-prezzijiet tal-bejgħ kienu qed jagħmlu telf mill-2006 ‘l quddiem.

(e)   Profittabbiltà, redditu mill-investimenti, likwidità

 

2005

2006

2007

PIR

Profitabbiltà

100

– 646

–62

– 115

Redditu fuq l-assi netti

100

–72

– 103

–53

Likwidità

100

56

42

– 131

(66)

L-industrija tal-Unjoni kienet għadha qed tagħmel profitt fl-2005, iżda s-sitwazzjoni ddeterjorat serjament is-sena ta’ wara minħabba prattika ta’ evażjoni li wasslet għal estensjoni ta’ miżuri fl-2006 u ta’ definizzjoni tal-prodott fl-2008. Għalkemm il-profittabbiltà madankollu tjiebet fl-2007, l-industrija tal-Unjoni xorta ma setgħetx tilħaq punt ta’ pariġġ u bdiet tagħmel it-telf matul il-PIR. Matul il-PIR, it-telf kien żgħir.

(67)

Il-likwidità u r-redditu fuq l-assi netti fil-biċċa l-kbira segwew l-istess tendenza. B’sitwazzjoni finanzjarja bħal din li l-applikant jirrappreżenta l-industrija tal-Unjoni bla dubju tiffaċċja diffikultajiet biex tgħolli l-kapital barra mill-grupp.

(f)   Investimenti u ħila li jinġabar kapital

 

2005

2006

2007

PIR

Ivestimenti (EUR)

100

190

85

80

(68)

Anki jekk l-investimenti segwew tendenza ta’ tnaqqis, jiġifieri 20 % matul il-perjodu kkunsidrat, l-industrija Komunitarja madankollu żammet ċertu livell ta’ investimenti sabiex tibqa’ kompetittiva. Dawn l-investimenti kkonsistew f’makkinarju ġdid sabiex jitjieb il-proċess ta’ produzzjoni u tiżdied il-kompetittività.

(69)

Kif iddikjarat fil-premessa (66), minħabba fis-sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa tal-industrija tal-Unjoni, jista’ jiġi konkluż li l-kapaċità tagħha li tgħolli l-kapital minn sorsi indipendenti ġiet serjament affettwata.

(g)   Impjiegi, produttività u pagi

 

2005

2006

2007

PIR

Impjieg

100

94

105

104

Produttività

100

109

113

114

Pagi ġenerali

100

102

107

111

Pagi

100

109

102

106

(70)

Matul il-perijodu kkunsidrat ix-xogħol (unitajiet full-time) żdied b’4 % u l-produttività, li titkejjel f’eluf ta’ biċċiet prodotti minn kull impjegat matul il-perijodu, tjiebet b’14 %. L-ispejjeż ġenerali tax-xogħol żdiedu bi 11 %, li huma spjegati fil-biċċa l-kbira biż-żieda taċ-ċifri tax-xogħol; iż-żieda medja fil-paga għal kull impjegat baqgħet aktar limitata.

(h)   Daqs tal-marġni reali tad-dumping

(71)

Abbażi tal-aħjar fatti disponibbli, l-investigazzjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ dumping matul il-PIR ta’ 20,7 %, li hija sostanzjali ħafna.

4.   Konklużjoni

(72)

L-industrija tal-Unjoni rristrutturat u bbenefikat sa ċertu punt mill-impożizzjoni ta’ miżuri kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Is-sitwazzjoni ekonomika tagħha tjiebet fl-aħħar snin: produzzjoni, bejgħ, sehem tas-suq u x-xogħol juru tendenzi pożittivi.

(73)

Minkejja l-iżvilupp pożittiv imsemmi hawn fuq, l-industrija madankollu ma setgħetx tirkupra b’mod sħiħ mid-dannu li sar qabel. Xhieda ewlenija ta’ dan huma l-indikaturi finanzjarji: profitabbiltà, likwidità u redditu fuq l-assi netti għadhom qed juru sinjali ta’ dannu. L-industrija tista’ wkoll għalissa ma tilħaqx il-livell ta’ bejgħ u produzzjoni li laħqet fil-passat. Dan għandu jidher ukoll fid-dawl tal-fatt li matul parti mill-perijodu eżaminat, il-miżuri kienu qed jiddgħajfu bi prattika ta’ evażjoni kif deskritt hawn fuq.

(74)

Għalkemm kien hemm titjib tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, din għalhekk baqgħet f’sitwazzjoni prekarja matul il-perijodu kkunsidrat.

F.   PROBABBILTÀ TA’ SSUKTAR JEW TA’ RIKORRENZA TAL-ĦSARA

(75)

L-industrija tal-Unjoni rristrutturat l-attivitajiet tagħha u bbenefikat mill-miżuri anti-dumping. Madankollu, għalkemm dawn il-miżuri kienu imposti għall-ewwel darba fl-1997, dawn kienu effettivi b’mod sħiħ biss meta l-effetti ta’ assorbiment u prattika ta’ evażjoni kienu kkumpensati. Anki jekk is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet, din tibqa’ fraġli u vulnerabbli.

(76)

Taħt ċerti ċirkostanzi huwa xieraq li ssir analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu ta’ materjal sabiex jiġi eżaminat jekk – jekk il-miżuri jitħassru – żviluppi maħsuba f’termini ta’ volumi u prezzijiet ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ jkomplux jiddeterjoraw is-sitwazzjoni tal-industrija u jikkawżaw dannu materjali.

1.   Impatt fuq l-industrija tal-Unjoni taż-żieda mistennija fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(77)

Wieħed ifakkar li hemm kapaċità produttiva inutilizzata sinifikanti fiċ-Ċina u li l-produzzjoni tal-ligaturi tista’ faċilment tiżdied b’mod sinifikanti. Dan huwa bbażat fuq ir-riżultati ta’ hawn fuq li l-uniku produttur Ċiniż li kkoopera seta’ faċilment jerġa’ jistabbilixxi l-kapaċità mnaqqsa tal-produzzjoni attwali tiegħu u wkoll jagħlaq is-sit ta’ produzzjoni tiegħu fit-Tajlandja sabiex jibgħat lura l-produzzjoni lejn iċ-Ċina. Barra minn hekk produtturi Ċiniżi oħrajn li ma kkooperawx għandhom kapaċità produttiva inutilizzata sinifikanti jew li t-tali kapaċità tista’ tingħata lura faċilment minħabba li hemm żmien qasir ta’ tħejjija fl-adattabilità ta’ makkinarju u l-versatilità ġenerali ta’ tagħmir neċessarju biex jipproduċi l-ligaturi.

(78)

Ġie stabbilit li kwalunkwe żieda tal-produzzjoni ta’ ligaturi fir-RPĊ tkun x’aktarx esportata b’mod massiv lejn l-UE, jekk il-miżuri jitħassru. Dan hu bbażat fuq il-fatt li s-suq tal-UE jibqa’ sinifikanti fit-termini ta’ daqs u li kien storikament suq importanti għall-esportaturi Ċiniżi li ċertament jipprovaw jerġgħu jiksbu t-telf tal-ishma tagħhom. L-attrazzjoni tas-suq tal-UE għall-esportaturi Ċiniżi kienet ukoll xhieda ċara bl-għadd ta’ tentattivi biex jiġu evitati miżuri anti-dumping stabbiliti. Il-miżuri ġew assorbiti, b’evażjoni permezz ta’ pajjiżi terzi u wkoll permezz ta’ modifika żgħira tal-prodotti.

(79)

Finalment, hu stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe żieda futura ta’ importazzjonijiet ta’ ligaturi fl-UE jkollhom konsegwenzi negattivi fuq is-sitwazzjoni tal-Industrija tal-Unjoni. Kif imsemmi hawn fuq, jekk il-miżuri jitħassru, il-volum ta’ importazzjoni ta’ ligaturi mir-RPĊ hu mistenni li jkun importanti. Barra minn hekk, dawk l-importazzjonijiet x’aktarx iwasslu għal pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-UE, għaldaqstant fl-industrija tal-Unjoni, kif issuġġerit bl-analiżi tal-livell tal-prezzijiet fuq l-UE u swieq ta’ pajjiżi terzi. Skont il-Eurostat, il-prezzijiet attwali Ċiniżi jnaqqsu l-prezzijiet tal-UE b’madwar 10 % (esklużi d-dazji anti-dumping), u dawn huma attwalment ħafna ogħla mill-prezz medju tal-kompetituri potenzjali taċ-Ċina (l-Indja u t-Tajlandja) fis-suq tal-UE. Fil-każ li l-miżuri jitħassru u l-produtturi Ċiniżi jkunu f’pożizzjoni li jesportaw it-tipi kollha ta’ ligaturi mingħajr kwalunkwe dazji anti-dumping fl-UE, hu x’aktarx probabbli, għall-inqas sa ċertu punt, li jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom għal dak tal-kompetitur tagħhom. Dan hu kkonfermat ukoll bil-livell (baxx) tal-prezzijiet Ċiniżi fis-suq ta’ pajjiżi terzi, skont l-istatistika tal-esportazzjoni taċ-Ċina. Mingħajr ebda miżuri, is-suq tal-UE jsir għaldaqstant attraenti ħafna għall-esportaturi Ċiniżi.

2.   Konklużjoni fuq il-probabbiltà tar-rikorrenza tad-dannu

(80)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa probabbli li l-iskadenza tal-miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-ligaturi li joriġinaw fir-RPĊ jirriżultaw f’żieda sostanzjali fil-volum ta’ importazzjonijiet fl-UE bi prezzijiet baxxi ħafna, u li dan iwaqqa’ l-livell ġenerali ta’ prezzijiet fis-suq tal-UE. Għandu jkun innotat li l-biċċa l-kbira tal-prodotti fis-suq tal-ligaturi hija standardizzata ħafna u l-prezz hu għaldaqstant il-fattur ewlieni deċiżiv.

(81)

Fid-dawl tal-qagħda diġà prekarja tal-industrija tal-Unjoni, iż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping flimkien ma’ tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet bla dubju jkollhom konsegwenzi serji fuq din is-sitwazzjoni. Dan jikkawża dannu materjali u għaldaqstant iwaqqaf għal kollox l-isforzi li jkunu saru mill-industrija biex tiġi ristrutturata.

G.   INTERESS TAL-UNJONI

1.   Introduzzjoni

(82)

Ġie mistħarreġ jekk kinux jeżistu raġunijiet impellenti li setgħu jwasslu għall-konklużjoni li mhux fl-interess tal-Unjoni li jiġġeddu l-miżuri antidumping fis-seħħ. Għal dan il-għan, u skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġew ikkunsidrati, abbażi tal-evidenza kollha preżentata, l-impatt tat-tiġdid tal-miżuri fuq il-partijiet kollha involuti f’dan il-proċediment u l-konsegwenzi tal-iskadenza tal-miżuri.

(83)

Sabiex jiġi stmat l-impatt taż-żamma tal-miżuri, il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku. Kif diġà msemmi, il-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw biss u tliet importaturi mhux relatati wieġbu għall-kwestjonarju. Importatur wieħed mhux relatat u utent wieħed għamlu wkoll kummenti, mingħajr ma wieġbu għall-kwestjonarju.

2.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(84)

L-industrija tal-Unjoni kienet tikkonsisti minn żewġ produtturi meta tressaq l-ewwel ilment anti-dumping fl-1995: Koloman Handler GmbH, kumpanija Awstrijaka, u Robert Krause GmbH & Co., kumpanija Ġermaniża. Dawn iż-żewġ kumpaniji kienu preżenti fis-suq tal-UE għal żmien twil iżda dawn kienu soġġetti għal diffikultajiet finanzjarji sinifikanti, fost affarijiet oħra minħabba importazzjonijiet kummerċjali mhux ġusti.

(85)

Is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom kienet tant ħażina li t-tnejn li huma kellhom jiddikjaraw stat ta’ falliment. Filwaqt li Robert Krause GmbH iddikjarat stat ta’ falliment fl-1998 u l-kumpanija ta’ suċċessjoni tagħha kellha tagħmel l-istess fl-2002, Koloman Hander falliet fl-2001. Iż-żewġ kumpaniji waqgħu f’idejn kumpanija oħra, SX Bürowaren Produktions- und Handels GmbH, li mbagħad ġiet akkwistata minn Ring Alliance Ringbuchtechnik GmbH, il-Kwerelant f’din ir-reviżjoni.

(86)

Minn dakinhar l-attività ġiet ristrutturata sabiex tikkompeti aħjar mad-dinja kollha, iżda b’mod speċjali fil-qalba tas-suq tal-Kwerelant, jiġifieri s-suq tal-UE.

(87)

L-akkwist ta’ Bensons, kumpanija stabbilita ħafna fil-kummerċ tal-ligaturi flimkien ma’ kumpaniji fl-Olanda, Singapor, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika, uriet biċ-ċar ir-rieda tal-industrija tal-Unjoni biex ittejjeb l-aċċess tagħha għas-suq fuq bażi dinjija u s-serjetà tal-isforzi tagħha ta’ ristrutturazzjoni.

(88)

L-isforzi tal-Kwerelant kienu ta’ suċċess, għall-inqas parti minnhom, kif wieħed jista’ jara mill-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija. Fl-aħħar snin, il-volum tal-bejgħ u s-sehem tas-suq żdied kif ukoll ix-xogħol.

(89)

L-isforzi li għamlet l-industrija sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha madankollu ma ġewx ikkunsidrati minħabba li l-effetti tal-miżuri kontra importazzjonijiet mhux ġusti ġew dilwiti bl-assorbiment u prattika ta’ evażjoni. Konsegwenza ta’ dan, minkejja t-titjib sinifikanti, is-sitwazzjoni tal-industrija tibqa’ fraġli, kif jixhed l-iżvilupp tal-indikaturi finanzjarji.

(90)

Għaldaqstant, l-industrija xorta għadha vulnerabbli għall-effetti ta’ kwalunkwe żieda ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet baxxi u prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Huwa ovvju li, jekk il-miżuri jitħassru, l-industrija terġa’ tiffaċċja diffikultajiet serji li jistgħu jwasslu għall-għajbien definittiv tagħha. Permezz tal-isforzi tagħha ta’ ristrutturar l-industrija tal-Unjoni tat prova li hija industrija vijabbli li għadha f’pożizzjoni li tforni sehem importanti tas-suq tal-UE, iżda teħtieġ protezzjoni addizzjonali u effiċjenti kontra importazzjonijiet li huma l-oġġettb ta’ dumping sabiex tilħaq sitwazzjoni solida u b’saħħitha.

(91)

Abbażi ta’ dan huwa konkluż li jkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri għal ħames snin oħra.

3.   Interessi tal-importaturi

(92)

Erba’ importaturi mhux relatati pparteċipaw f’din l-investigazzjoni iżda tlieta minnhom biss ipprovdew tweġiba għall-kwestjonarju. Madankollu, huma ma impurtawx ligaturi mir-RPĊ aktar, għajr għal wieħed li importa biss mekkaniżmi bi 17 u 23 ċirku soġġetti għall-prezz minimu ta’ importazzjoni. Filwaqt li tnejn minnhom opponew l-investigazzjoni u kkontestaw il-miżuri anti-dumping fis-seħħ għal 10 snin sħaħ, it-tielet wieħed kien newtrali ħafna u ddikjara li ma kienx affettwat mill-miżuri attwali.

(93)

L-importaturi lmentaw l-aktar dwar is-sorsi limitati ta’ provvista fis-suq tal-UE minħabba d-daqs tal-miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet mir-RPĊ u minħabba s-sehem importanti tas-suq tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll il-fatt li hi tippossjedi distributur importanti ta’ ligaturi fis-suq tal-UE li allegatament għandu ċerta esklużività għal ligaturi li joriġinaw fl-Indja.

(94)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li bħalissa hemm diversi sorsi ta’ provvista fis-suq tal-UE, jew mill-industrija tal-Unjoni, il-produttur l-ieħor tal-Unjoni jew minn sorsi għajr dawk tar-RPĊ bħat-Tajlandja.

(95)

Barra minn hekk, anki jekk huwa minnu li l-livell tal-miżuri attwali hu relattivament għoli, għandu jiġi mfakkar li l-miżuri żdiedu bħala riżultat ta’ investigazzjoni li wriet li l-miżuri ġew assorbiti mill-esportaturi Ċiniżi. Il-livell attwali hu għaldaqstant iġġustifikat kollu.

(96)

Minħabba li l-miżuri ġew imposti u l-livell tagħhom żdied, l-importazzjonijiet mir-RPĊ waqgħu b’mod sinifikanti u kkonċerna biss porzjon minuri tas-suq tal-UE matul il-PIR. Madankollu l-importaturi adattaw għas-sitwazzjoni u bidlu s-sorsi tal-provvista. Anki jekk hu rikonoxxut li mingħajr miżuri dawn ikollhom sors ta’ provvista aktar wiesa’, minħabba li l-importaturi bħalissa ma jimpurtawx ligaturi li joriġinaw fir-RPĊ, iż-żamma tal-miżuri ma tikkawżax effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn l-importaturi.

(97)

Abbażi ta’ dan hu konkluż li jekk jinżammu l-miżuri stabbiliti, l-importaturi ma jiġux affettwati materjalment.

4.   Interessi tal-utenti

(98)

L-uniku utent li wieġeb għall-kwestjonarju pprovda argumenti favur l-estensjoni tal-miżuri, billi qal li l-ligaturi magħmula fl-UE huma ta’ kwalità aħjar minn dawk impurtati mir-RPĊ.

(99)

Utent ieħor għadda xi kummenti iżda ma tax evidenza biex jissostanzjahom. Dan jindika li, għalkemm kien hemm il-miżuri fis-seħħ, l-utenti ma ġewx milquta b’mod sinifikanti minn dawn il-miżuri. Il-qagħda tal-utenti, għalhekk, probabbilment mhijiex sejra tiħżien bħala riżultat taż-żamma tal-miżuri anti-dumping.

5.   Interessi tal-industrija fornitriċi

(100)

Il-fornituri tal-wajer tal-azzar u tal-istrixxi tal-azzar ibiegħu perċentwali negliġibbli mill-produzzjoni tagħhom lill-industrija tal-Unjoni u, bħala tali, mhumiex milquta mill-eżitu ta’ dan il-proċediment. L-ebda wieħed minnhom ma resaq ‘il quddiem bħala parti interessata.

6.   Effetti li jfixklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ

(101)

Fir-rigward tal-effetti fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità tal-iskadenza possibbli tal-miżuri, ta’ min jinnota li hemm biss ftit produtturi tal-ligaturi fid-dinja kollha, il-biċċa l-kbira minnhom Ċiniżi jew ikkontrollati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Jekk jisparixxu l-ftit produtturi li għad fadal, li mhumiex ikkontrollati minn kumpaniji Ċiniżi, dan ikollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fl-UE.

7.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(102)

Meta wieħed iqis il-fatturi u l-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hija li m’hemmx raġunijiet impellenti kontra ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri anti-dumping attwali.

H.   ŻVELAR U MIŻURI TA’ ANTI-DUMPING

(103)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jinżammu. Dawn ingħataw ukoll perijodu li fih kellhom jissottomettu l-kummenti u l-allegazzjonijiet tagħhom wara l-iżvelar. Ir-rappreżentazzjonijiet rilevanti sottomessi ġew analizzati iżda ma wasslux għal tibdil tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien ġie deċiż li jinżammu l-miżuri anti-dumping attwali.

(104)

Minn dan isegwi li, kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi ta’ legaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, imposti bir-Regolament (KE) Nru 2074/2004, għandhom jiġġeddu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huwa b’dan impost dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00 li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Għall-iskop ta’ dan l-Artikolu, ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki għandhom jikkonsistu f’żewġ pjanċi tal-azzar jew wajers b’mill-inqas erba’ nofs ċrieki tal-azzar imwaħħlin fuqhom u li huma miżmuma flimkien b’għatu tal-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu jew billi jinġibed in-nofs taċ-ċrieki jew jew b’mekkaniżmu żgħir tal-azzar li jaħdem b’reazzjoni mwaħħal mal-ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki.

3.   Ir-rata ta’ dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għandha tkun kif ġej:

(a)

għall-mekkaniżmi li għandhom 17 u 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100021, 8305100023, 8305100029 u 8305100035), l-ammont tad-dazju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ EUR 325 kull 1 000 biċċa u l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju;

(b)

għall-mekkaniżmi barra minn dawk li għandhom 17 jew 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100011, 8305100013, 8305100019 u 8305100034):

 

Rata ta’ dazju

Kodiċi addizzjonali TARIC

Repubblika tal-Popolari taċ-Ċina:

 

 

World Wide Stationery Mfg, Ħong Kong, Repubblika Popolari taċ-Ċina

51,2  %

8934

il-kumpaniji l-oħra kollha

78,8  %

8900

Artikolu 2

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00 ikkunsinnati mill-Vjetnam kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Vjetnam jew le (kodiċi TARIC 8305100011 u 8305100021).

2.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8305 10 00 ikkunsinnati mir-Repubblika Demokratika tal-Laos kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos jew le (kodiċi TARIC 8305100013 u 8305100023).

3.   Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki għandhom jikkonsistu f’żewġ folji tal-azzar jew wajers b’mhux anqas minn erba’ nofs ċrieki magħmulin mill-azzar imwaħħlin magħha, u li huma miżmuma flimkien permezz ta’ kopertura tal-azzar. Jistgħu jinfetħu billi jinġibdu n-nofs ċrieki jew permezz ta’ lieva tal-azzar mwaħħla mal-ligaturi li jaħdmu b’mekkaniżmu ta’ ċrieki.

4.   Ir-rata ta’ dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għandha tkun kif ġej:

(a)

għall-mekkaniżmi li għandhom 17 u 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100021, u 8305100023), l-ammont tad-dazju għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ EUR 325 kull 1 000 biċċa u l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju;

(b)

għall-mekkaniżmi barra minn dawk li għandhom 17 jew 23 ċirku (Kodiċi TARIC 8305100011, u 8305100013) l-ammont ta’ dazju għandu jkun ta’ 78,8 %.

Artikolu 3

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(3)  ĠU L 22, 24.1.1997, p. 1.

(4)  ĠU L 250, 5.10.2000, p. 1.

(5)  ĠU C 21, 24.1.2002, p. 25.

(6)  ĠU L 359, 4.12.2004, p. 11.

(7)  ĠU L 232, 1.7.2004, p. 1.

(8)  ĠU L 7, 12.1.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 221, 19.8.2008, p. 1.

(10)  ĠU C 146, 12.6.2008, p. 33.

(11)  ĠU C 310, 5.12.2008, p. 15.

(12)  Qed jingħataw meded biss biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-Kwerelant uniku.

(13)  Id-data hija mogħtija forma ta’ numri indiċi (1998 = 100) jew bħala medda sabiex tinżamm il-privatezza fejn meħtieġ.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/14


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 158/2010

tal-25 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi l-ammont ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(a) u (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprovdi għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħżin privat tal-butir.

(2)

Żviluppi fil-prezzijiet u l-ħażniet tal-butir jindikaw żbilanċ fis-suq li jista’ jiġi eliminat jew imnaqqas mill-ħżin staġjonali. Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tas-suq huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-butir b’seħħ mill-1 ta’ Marzu 2010.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta’ Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta’ ċerti prodotti agrikoli (2) stabbilixxa regoli komuni għall-implimentazzjoni ta’ skema tal-għajnuna għall-ħżin privat.

(4)

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, għandha tingħata għajnuna stabbilita minn qabel skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati kif ipprovduti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżura preżenti waqt li tkun ikkunsidrata l-prattika eżistenti fl-Istati Membri, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu jirrigwarda biss prodotti li tpoġġew kompletament fil-ħżin. Konsegwentement, għandha tiġi introdotta deroga minn dak l-Artikolu.

(6)

Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 l-għajnuna għandha tiġi ffissata fid-dawl tal-ispejjeż tal-ħżin u x-xejra mistennija fil-prezzijiet għall-butir frisk u l-butir mill-ħażniet.

(7)

Huwa xieraq li tkun iffissata għajnuna għall-ispejjeż tad-dħul u l-ħruġ ta’ prodotti konċernati u għall-ispejjeż ta’ kuljum għall-ħżin fil-friża u l-iffinanzjament.

(8)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u simplifikazzjoni amministrattivi, meta t-tagħrif meħtieġ dwar id-dettalji tal-ħżin ikun diġà inkluż fl-applikazzjoni għall-għajnuna, huwa xieraq li ma ssirx it-talba biex l-istess tagħrif ikun innotifikat wara li l-kuntratt ikun konkluż, kif ipprovdut fl-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008.

(9)

Għal raġunijiet ta’ effikaċja u simplifikazzjoni amministrattivi, u b’qies għas-sitwazzjoni partikolari tal-ħżin tal-butir, il-kontrolli kif provduti fl-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandhom jitwettqu mill-anqas fuq nofs il-kuntratti. Konsegwentement, għandha tiġi introdotta deroga minn dak l-Artikolu. Din id-deroga għandha tapplika wkoll għal tneħħija mill-ħżin kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament tal-Kummisssjoni (KE) Nru 1182/2008 tat-28 ta’ Novembru 2008 li jistabbilixxi l-ammonti ta’ għajnuna minn qabel għall-ħżin privat tal-butir għall-2009 (3).

(10)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza loġistika, il-ħtieġa li kull unità maħżuna tkun immarkata bin-numru tal-kuntratt tista’ titneħħa meta n-numru tal-kuntratt ikun iddaħħal fir-reġistru tal-ħażniet.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jipprovdi għal għajnuna għall-ħżin privat tal-butir, kemm jekk mielaħ jew mingħajr melħ, kif imsemmi fl-Artikolu 28(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għall-kuntratti konklużi mill-1 ta’ Marzu 2010 ‘l quddiem.

Artikolu 2

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 826/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 l-applikazzjonijiet għandhom isiru biss għall-prodotti li tqiegħdu kompletament fil-ħżin.

Artikolu 3

L-unità tal-miżura tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 16(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 hija l-“lott tal-ħżin” li tikkorrispondi mal-kwantità tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament, li jiżnu tal-lanqas tunnellata u huma ta’ kompożizzjoni u kwalità omoġena, prodotti f’fabbrika unika, maħżunin f’maħżen uniku f’ġurnata unika.

Artikolu 4

1.   L-għajnuna għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun:

EUR 18,31 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin,

EUR 0,34 għal kull tunnellata għal kull ġurnata ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Id-dħul fil-ħżin kuntrattwali għandu jsir bejn l-1 ta’ Marzu u l-15 ta’ Awwissu 2010. It-tneħħija mill-ħżin tista’ ssir biss mis-16 ta’ Awwissu 2010 ’l quddiem. Ħżin kuntrattwali għandu jispiċċa fil-jum ta’ qabel il-ġurnata li jitneħħa mill-ħżin jew mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ Frar tas-sena ta’ wara d-dħul fil-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu kuntrattwali tal-ħżin huwa bejn 90 u 210 ġurnata.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Tlieta sa 12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell) il-kwantitajiet li għalihom ġew konklużi l-kuntratti kif meħtieġ skont l-Artikolu 35(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, kif ukoll il-kwantitajiet ta’ prodotti li għalihom intbagħtu applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008 ma għandux japplika.

2.   L-Istati Membri jistgħu jneħħu r-rekwiżiti imsemmija fl-Artikolu 22(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 862/2008 li jimmarkaw in-numru tal-kuntratt sakemm il-maniġer tal-maħżen ikun responsabbli li jiddaħħal in-numru tal-kuntratt fir-reġistru msemmi fl-Anness I, il-punt III ta’ dak ir-Regolament.

3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 36(6) tar-Regolament (KE) Nru 826/2008, fit-tmiem tal-perjodu tal-ħżin kuntrattwali, l-awtorità responsabbli għall-kontroll għandha, tul il-perjodu kollu tat-tneħħija mill-ħżin bejn Awwissu 2010 u Frar 2011, fir-rigward ta’ mill-anqas nofs l-għadd tal-kuntratti, tivverifika permezz ta’ kampjuni, il-piż u l-identifikazzjoni tal-butir maħżun.

Is-subparagrafu 1 għandu japplika għal kontrolli matul il-perjodu tat-tneħħija mill-ħżin mis-16 ta’ Awwissu 2010 kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2008.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 319, 29.11.2008, p. 49.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 159/2010

tal-25 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

Billi:

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


ANNESS

il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

114,6

JO

79,9

MA

92,1

TN

128,5

TR

109,1

ZZ

104,8

0707 00 05

EG

216,8

JO

138,7

TR

146,0

ZZ

167,2

0709 90 70

IL

265,5

MA

137,3

TR

125,8

ZZ

176,2

0709 90 80

EG

82,2

ZZ

82,2

0805 10 20

EG

49,3

IL

58,3

MA

50,3

TN

48,2

TR

60,4

ZZ

53,3

0805 20 10

EG

65,1

IL

140,3

MA

87,5

TR

80,4

ZZ

93,3

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

CN

60,5

EG

69,6

IL

81,8

JM

97,9

MA

112,6

PK

34,1

TR

60,6

ZZ

73,9

0805 50 10

EG

76,3

IL

76,3

MA

68,6

TR

57,9

ZZ

69,8

0808 10 80

CA

77,1

CL

59,9

CN

68,0

MK

24,7

US

110,2

ZZ

68,0

0808 20 50

AR

85,3

CL

75,8

CN

45,8

US

91,8

ZA

101,2

ZZ

80,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 160/2010

tal-25 ta’ Frar 2010

li jemenda l-prezzijiet rappreżentattivi u l-ammonti tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti tas-settur taz-zokkor, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 dwar regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambji mal-pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammonti tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u ta' ċerti ġuleppijiet għas-sena tas-suq 2009/10 ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 877/2009 (3). Dawn il-prezzijiet u dazji ġew emendati l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 155/2010 (4).

(2)

L-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha f'idejha llum twassal biex dawn l-ammonti jiġu mmodifikati, skont ir-regoli ddettaljati pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 951/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prezzijiet rappreżentattivi u d-dazji addizzjonali applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 877/2009 għas-sena tas-suq 2009/10, huma b'dan mmodifikati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 253, 25.9.2009, p. 3.

(4)  ĠU L 48, 25.2.2010, p. 9.


ANNESS

L-ammonti mmodifikati tal-prezzijiet rappreżentattivi u tad-dazji addizzjonali għall-importazzjoni taz-zokkor abjad, taz-zokkor mhux ipproċessat u tal-prodotti bil-kodiċi NM 1702 90 95 , applikabbli mis-26 ta’ Frar 2010

(EUR)

Kodiċi NM

Ammont tal-prezz rappreżentattiv għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

Ammont tad-dazju addizzjonali għal kull 100 kg nett tal-prodott ikkonċernat

1701 11 10  (1)

43,40

0,00

1701 11 90  (1)

43,40

1,88

1701 12 10  (1)

43,40

0,00

1701 12 90  (1)

43,40

1,59

1701 91 00  (2)

49,77

2,54

1701 99 10  (2)

49,77

0,00

1701 99 90  (2)

49,77

0,00

1702 90 95  (3)

0,50

0,22


(1)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt III, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(2)  Stabbilit għall-kwalità standard kif iddefinita fl-Anness IV, il-punt II, tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(3)  Stabbilit bħala 1 % tal-kontenut f'sukrożju.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 161/2010

tal-25 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi t-tnaqqis massimu fid-dazju għall-importazzjoni tal-qamħirrum fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 676/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 144 tiegħu, b'rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 676/2009 (2) fetaħ sejħa għall-offerti għat-tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni fi Spanja tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1296/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi għall-importazzjoni ta’ qamħirrum u sorgu fi Spanja u importazzjoni ta’ qamħirrum fil-Portugall (3), il-Kummissjoni tista', skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, tiddeċiedi li tistabbilixxi tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni. Biex din il-kwantità tiġi stabbilita, għandhom jitqiesu l-kriterji mniżżla fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1296/2008.

(3)

Il-konċessjoni tingħata lil kull min tefa' offerta li ma taqbiżx l-ammont tat-tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni.

(4)

Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni tiegħu fil-limitu tażżmien stabbilit mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-offerti kkomunikati mit-12 ta’ Frar sal-25 ta’ Frar 2010, fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 676/2009, it-tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni tal-qamħirrum huwa stabbilit għal EUR 19,06 kull tunnellata għal kwantità massima totali ta' 1 000 tunnellata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 196, 28.7.2009, p. 6.

(3)  ĠU L 340, 19.12.2008, p. 57.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/21


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 162/2010

tal-25 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi t-tnaqqis massimu fid-dazju għall-importazzjoni tal-qamħirrum fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 677/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 144 tiegħu, b'rabta mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 677/2009 (2) fetaħ sejħa għall-offerti għat-tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni fil-Portugall tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1296/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi għall-importazzjoni ta’ qamħirrum u sorgu fi Spanja u importazzjoni ta’ qamħirrum fil-Portugall (3), il-Kummissjoni tista', skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, tiddeċiedi li tistabbilixxi tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni. Biex din il-kwantità tiġi stabbilita, għandhom jitqiesu l-kriterji mniżżla fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1296/2008.

(3)

Il-konċessjoni tingħata lil kull min tefa' offerta li ma taqbiżx l-ammont tat-tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni.

(4)

Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni tiegħu fil-limitu tażżmien stabbilit mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-offerti kkomunikati mit-12 ta’ Frar sal-25 ta’ Frar 2010, fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 677/2009, it-tnaqqis massimu fid-dazju tal-importazzjoni tal-qamħirrum huwa stabbilit għal EUR 19,25 kull tunnellata għal kwantità massima totali ta' 20 000 tunnellata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 196, 28.7.2009, p. 7.

(3)  ĠU L 340, 19.12.2008, p. 57.


DEĊIŻJONIJIET

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/118/PESK

tal-25 ta' Frar 2010

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ),

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244.

(2)

Fil-15 ta' Settembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK (2) dwar l-istabbiliment ta' grupp biex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet tal-istabbiliment ta' Missjoni Ċivili Internazzjonali possibbli fil-Kosovo, inkluż komponent ta' Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (Grupp ta' Preparazzjoni MĊI/RSUE).

(3)

Fit-13/14 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-Unjoni Ewropea (UE) tinsab lesta li jkollha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentazzjoni ta' soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara li l-Unjoni Ewropea tinsab lesta sabiex tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, inkluż permezz ta' missjoni tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD) u kontribut għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali.

(4)

Fl-4 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (3) u l-Azzjoni Konġunta 2008/123/PESK (4) li ħatret lis-Sur Pieter FEITH bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo sat-28 ta' Frar 2009.

(5)

Fis-16 ta' Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/137/PESK li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010 (5).

(6)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(7)

Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa l-qafas strateġiku għall-politika tal-UE lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu japplikaw għall-Kosovo, inkluż djalogu politiku u tekniku ta' sħubija Ewropea, taħt il-Mekkaniżmu ta' Kontroll tal-PSA, u programmi tal-Unjoni relatati ta' assistenza.

(8)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi implimentat f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma' attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

(9)

Il-Kunsill jipprevedi li s-setgħat u l-awtoritajiet tar-RSUE u s-setgħat u l-awtoritajiet ta' Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għandhom jingħataw lill-istess persuna.

(10)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Pieter FEITH bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo huwa b'dan estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-RGħ warad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-Kosovo. Dawn jinkludu dak li huwa jkollu rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentar ta' soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo bil-għan ta' Kosovo li jkun stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multi-etniku, li jikkontribwixxi għal koperazzjoni reġjonali u stabbiltà, fuq il-prinċipju ta' relazzjonijiet tajba mal-ġirien; ta' Kosovo li jkun impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' politika tal-UE fil-Kosovo, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-UE fil-proċess politiku;

(b)

jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE fil-Kosovo;

(c)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), anke dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbilitajiet eżekuttivi;

(d)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-UE lejn il-pubbliku. Il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta' kuntatt prinċipali tal-UE għall-medja mill-Kosovo dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni/Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PESK/PSDK). Kull attività tal-istampa u ta' informazzjoni pubblika għandha titwettaq f'koordinazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin (RGħ)/mal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Segretarjat tal-Kunsill;

(e)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, anke fir-rigward tan-nisa u t-tfal, konformement mal-politika ta' drittijiet tal-bniedem tal-UE u mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2010 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 1 660 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Marzu 2010. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu permessi jitfgħu offerti għal kuntratti.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tat-tim

1.   Għandu jiġi assenjat persunal tal-UE ddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-UE fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. Il-grupp għandu jinkludi t-tagħrif esperti dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jkun issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonċernata rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-UE emittenti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-parti/partijiet ospitanti. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata

1.   Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards ta' sigurtà minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (6), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

2.   Ir-RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill.

3.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), abbażi tal-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.

4.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jippubblika għal partijiet terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li għandhom x'jaqsmu mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (7).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

Skont il-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f'konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta' sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġewwa fiha, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u li jinkludi pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-UE jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal kuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet ta' sigurtà regolari jiġu implimentati, u jipprovdi lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-UE. Huwa ser jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-UE fil-post jaġixxu b'mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-UE. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif xieraq. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, anke dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ser jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ aġenziji lokali rilevanti u atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

4.   Ir-RSUE, flimkien ma' atturi tal-UE oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-atturi tal-UE fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' kuxjenza komuni dwar is-sitwazzjoni u ta' valutazzjoni komuni.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-UE lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fit-tmiem tal-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2010.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  Taħt ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)  ĠU L 253, 16.9.2006, p. 29.

(3)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.

(4)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.

(5)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 69. Emendata mill-Azzjoni Konġunta 2009/605/PESK (ĠU L 206, 8.8.2009, p. 20).

(6)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(7)  Deċiżjoni 2009/937/UE li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/119/PESK

tal-25 ta’ Frar 2010

li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/805/PESK (1) li taħtar lis-Sur Koen VERVAEKE bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Unjoni Afrikana (UA).

(2)

Fl-1 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/898/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2010.

(3)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Awwissu 2010. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(4)

Ir-RSUE għandu jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/898/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Koen VERVAEKE bħala RSUE għall-UA huwa b'dan estiż sat-31 ta' Awwissu 2010. Il-mandat tar-RSUE jista' jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.”

(2)

fl-Artikolu 3, il-kliem introduttiv tal-ewwel paragrafu u l-punti (a) u (k) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Sabiex jinkisbu l-aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK)/Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) tal-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

isaħħaħ l-influwenza ġenerali tal-UE fi, u l-koordinazzjoni ta', id-djalogu mal-UA u l-Kummissjoni tagħha f'Addis Ababa, dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet tal-PESK/PSDK koperti mir-relazzjoni UE-UA;

(k)

jżomm kuntatti mill-qrib u jippromwovi l-koordinazzjoni ma' msieħba internazzjonali prinċipali tal-UA preżenti f'Addis Ababa, speċjalment in-Nazzjonijiet Uniti, iżda wkoll ma' atturi mhux statali dwar il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet tal-PESK/PSDK koperti mir-relazzjoni UE-UA.”

(3)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.”

(4)

l-Artikolu 5(1) u (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Awwissu 2010 għandu jkun ta' EUR 1 850 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Jannar 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”

(5)

l-Artikolu 6(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi l-kompetenzi dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.”

(6)

l-Artikolu 9(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.”

(7)

fl-Artikolu 10, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.”

(8)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS b'rapporti bil-fomm u bil-miktub. Jekk ikun meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.”

(9)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Il-koordinazzjoni

Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fil-post jintużaw b'mod koerenti sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu koordinati ma' dawk tal- Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun skont ma' jkun il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.

Fuq il-post, għandha tinżamm koperazzjoni mall-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.”

Artikolu 2

Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni qabel it-tmiem tal-mandat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  ĠU L 323, 8.12.2007, p. 45.

(2)  ĠU L 322, 2.12.2008, p. 50.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/120/PESK

tal-25 ta' Frar 2010

li testendi u temenda l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan u l-Pakistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Lulju 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/612/PESK (1) li taħtar lis-Sinjur Ettore F. SEQUI bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Afganistan għall-perijodu mill-1 ta' Settembru 2008 sat-28 ta' Frar 2009.

(2)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK (2) li testendi l-mandat tar-RSUE għall-Afganistan sat-28 ta' Frar 2010.

(3)

Abbażi ta' reviżjoni tal-Azzjoni Konġunta 2009/135/PESK, fil-15 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2009/467/PESK (3) li testendi l-mandat tar-RSUE għall-Afganistan biex jinkludi l-Pakistan.

(4)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sal-31 ta' Marzu 2010.

(5)

Ir-RSUE għall-Afganistan u l-Pakistan ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2009/467/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Ettore F. SEQUI huwa b'dan appuntat bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Afganistan u l-Pakistan sal-31 ta' Marzu 2010.”;

(2)

l-Artikolu 2, punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

jappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) fir-reġjun.”

(3)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.”

(4)

l-Artikolu 5(1) u (2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perjodu mill-1 ta' Marzu 2009 sal-31 ta' Marzu 2010 għandu jkun ta' EUR 2 830 000.”;

“2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Marzu 2009. In-nefqa għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.”

(5)

l-Artikolu 6(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.”

(6)

l-Artikolu 9(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Id-delegazzjonijiet u/jew l-Istati Membri tal-Unjoni, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.”

(7)

l-Artikolu 10, punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.”

(8)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Rapportar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-kitba lir-RGħ u lill-KPS. Kif meħtieġ, ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB).”

(9)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Hu għandu jgħin sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti tal-Unjoni kollha fil-qasam jintużaw b'koerenza sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk tar-RSUE għall-Asja Ċentrali. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) bi gwida politika lokali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu jikkollabora wkoll ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.”

Artikolu 2

Ir-RSUE għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fi tmiem il-mandat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Ghall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  ĠU L 197, 25.7.2008, p.60.

(2)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 61.

(3)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 41.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/30


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/121/PESK

tal-25 ta’ Frar 2010

li temenda l-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Frar 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (1).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/92/PESK (2), adottata fil-15 ta’ Frar 2010, estendiet il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK sal-20 ta’ Frar 2011.

(3)

Il-Kunsill jikkunsidra li għandha tiżdied persuna mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK. Il-lista li tinsab fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuna msemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi inkluża fil-lista stabbilita fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Á. MORATINOS


(1)  ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.

(2)  ĠU L 41, 16.2.2010, p. 6.


ANNESS

Persuna msemmija fl-Artikolu 1

Nru 57

Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Frar 2010

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward eżenzjoni għal applikazzjoni tal-kadmju

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1034)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/122/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju f’tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/95/KE lill-Kummissjoni tobbligaha tagħmel kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa biex tadatta għall-progress xjentifiku u tekniku l-lista ta’ applikazzjonijiet eżentati mir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Għad mhuwiex teknikament prattikabbli li fl-LEDs II-VI tal-konverżjoni tal-ilwien ikun sostitwit il-kadmju mingħajr ma teħżien serjament il-prestazzjoni. Ċerti materjali u komponenti li fihom il-kadmju għaldaqstant għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjoni. Madakollu, tinsab għaddejja riċerka dwar teknoloġiji bla użu ta’ kadmju, u sa mhux aktar tard minn erba’ jew ħames snin oħra għandhom isiru disponibbli xi sostituti.

(3)

Id-Direttiva 2002/95/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(4)

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/95/KE, il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet rilevanti.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.

(2)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.


ANNESS

Fl-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE, għandu jiżdied il-punt 39 li ġej:

“39.

Il-kadmju fl-LEDs II-VI tal-konverżjoni tal-ilwien (< 10 μg Cd/mm2 ta’ medda li tarmi d-dawl) għall-użu f’sistemi ta’ stat solidu għall-illuminazzjoni jew turija sal-1 ta’ Lulju 2014.”


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Frar 2010

dwar l-adattament tal-koeffiċjenti korrettivi applikabbli mill-1 ta’ Frar 2009, l-1 ta’ Marzu 2009, l-1 ta’ April 2009, l-1 ta’ Mejju 2009 u l-1 ta’ Ġunju 2009 għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, l-aġenti temporanji u l-aġenti b’kuntratt tal-Komunitajiet Ewropej li jaħdmu f’pajjiżi terzi

(2010/123/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u s-sistema applikabbli għal impjegati oħrajn ta’ dawn il-Komunitajiet, stabbiliti mir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u b’mod partikolari 13(2), tal-Anness X tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 613/2009 (2) ġew stabbiliti, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Anness X tar-Regolamenti ta-Personal, il-koeffiċjenti korrettivi li jaffettwaw il-pagi, mill-1 ta’ Lulju 2008, fil-valuta tal-pajjiż fejn huma ssekondati, tal-uffiċjali, l-aġenti temporanji u l-aġenti kuntrattwali tal-Komunitajiet Ewropej issekondati fil-pajjiżi terzi.

(2)

Jeħtieġ li jiġu adattati, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 13 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-1 ta’ Frar 2009, l-1 ta’ Marzu 2009, l-1 ta’ April 2009, l-1 ta’ Mejju 2009 u l-1 ta’ Ġunju 2009, uħud minn dawn il-koeffiċjenti korrettivi, minħabba li minn statistika li għandha l-Kummissjoni, joħroġ fid-dieher li f’ċerti pajjiżi terzi l-varjazzjoni fl-għoli tal-ħajja, ikkalkulata skont il-koeffiċjent korrettiv u r-rata tal-kambju korrispondenti, qabżet il-5 % minn meta ġiet stabbilita l-aħħar,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-koeffiċjenti korrettivi applikabbli għar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, l-aġenti temporanji u l-aġenti b’kuntratt tal-Komunitajiet Ewropej li jaħdmu f’pajjiżi terzi, u li huma mħallsin fil-valuta tal-pajjiż fejn huma assenjati, huma adattati għal ċerti pajjiżi indikati fl-Anness. Dan l-Anness jinkludi ħames tabelli ta’ kull xahar li jindikaw il-pajjiżi kkonċernati kif ukoll id-dati suċċessivi għall-applikazzjoni f’kull pajjiż (l-1 ta’ Frar 2009, l-1 ta’ Marzu 2009, l-1 ta’ April 2009, l-1 ta’ Mejju 2009 u l-1 ta’ Ġunju 2009).

Ir-rati tal-kambju użati għall-kalkolu ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet huma stabbiliti f’konformità mal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u jikkorrispondu mad-dati differenti indikati fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill, f’isem il-President,

Catherine ASHTON

Viċi President


(1)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(2)  ĠU L 181, 14.7.2009, p. 1.


ANNESS

FRAR 2009

Post tal-impjieg

Paritajiet ekonomiċi Frar 2009

Rati tal-kambju Frar 2009 (*)

Koeffiċjenti korrettivi Frar 2009 (**)

Azerbajġan (1)

0,9962

1,0578

94,2

Il-Belarus (2)

2 192

3 495,42

62,7

iċ-Ċilì

478,2

810,48

59,0

Iċ-Ċina

8,502

8,9653

94,8

Il-Kolombja

2 300

2 990,32

76,9

L-Indja

35,8

64,075

55,9

L-Indoneżja (Jakarta)

10 540

14 913,8

70,7

Il-Kazakistan (Almaty) (1)

150,2

161,79

92,8

Il-Kenja

78,23

103,009

75,9

Il-Lesotho

6,198

12,9979

47,7

Il-Liberja

84,28

84,6997

99,5

Il-Pakistan

48,48

101,889

47,6

Sierra Leone

3 356

3 998,59

83,9

Trinidad u Tobago

6,291

8,10395

77,6

Iż-Żambja (1)

3 331

6 548,29

50,9


MARZU 2009

Post tal-impjieg

Paritajiet ekonomiċi Marzu 2009

Rati ta’ kambju Marzu 2009 (***)

Koeffiċjenti korrettivi Marzu 2009 (****)

Il-Kroazja (3)

7,21

7,386

97,6

L-Istati Uniti (New York)

1,367

1,2782

106,9

L-Etjopja

12,93

14,289

90,5

Il-Kazakistan (Astana)

140,3

191,460

73,3

Il-Papwa Ginea Ġdida (3)

3,265

3,47947

93,8

Is-Sirja

50,24

60,97

82,4

Il-Venezwela (4)

2,496

2,74813

90,8


APRIL 2009

Post tal-impjieg

Paritajiet ekonomiċi April 2009

Rati tal-kambju April 2009 (*****)

Koeffiċjenti korrettivi April 2009 (******)

L-Afrika t’Isfel

6,162

12,8433

48,0

Il-Beliże

1,902

2,5947

73,3

Il-Kamerun (5)

678,9

655,957

103,5

L-Eritrea

10,43

20,8173

50,1

L-Istati Uniti (Washington)

1,264

1,3193

95,8

Il-Gana

1,045

1,859

56,2

L-Iżrael

5,915

5,5288

107,0

Il-Marokk (5)

9,319

11,2015

83,2

In-Niġerja

176,4

196,571

89,7

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (5)

1 185

1 100,11

107,7


MEJJU 2009

Post tal-impjieg

Paritajiet ekonomiċi Mejju 2009

Rati tal-kambju Mejju 2009 (*******)

Koeffiċjenti korrettivi Mejju 2009 (********)

L-Arabja Sawdija

4,62

4,8515

95,2

Il-Belarus (6)

2 348

3 735,22

62,9

Il-Ħaiti

66,21

55,0576

120,3

Il-Kirgiżistan

53,52

56,48

94,8

Il-Libanu

1 795

1 999,85

89,8

Il-Kaledonja Ġdida

157

119,332

131,6

Is-Serbja

61,49

94,1782

65,3

Il-Venezwela (7)

2,64

2,85219

92,6


ĠUNJU 2009

Post tal-impjieg

Paritajiet ekonomiċi Ġunju 2009

Rati ta’ kambju Ġunju 2009 (*********)

Koeffiċjenti korrettivi Ġunju 2009 (**********)

L-Alġerija

80,51

100,892

79,8

L-Azerbajġan (8)

1,048

1,11513

94,0

Il-Bosnja-Ħerzegovina (Sarajevo)

1,437

1,95583

73,5

Il-Kamerun (9)

644,4

655,957

98,2

Il-Kongo (Brazzaville)

794

655,957

121,0

Il-Kroazja (10)

6,843

7,3305

93,3

Il-Ġeorġja

2,06

2,2857

90,1

Il-Ginea Bissaw

712,6

655,957

108,6

Il-Gżejjer Fiġi

1,78

2,91971

61,0

Il-Gżejjer Solomon

10,23

10,9681

93,3

Il-Kazakistan (Almaty) (8)

159,4

209,7

76,0

Il-Marokk (9)

8,821

11,2615

78,3

Il-Messiku

11,97

18,3176

65,3

In-Nikaragwa

15,79

28,0214

56,3

In-Norveġja

11,26

8,9615

125,6

L-Uzbekistan

1 053

2 032,12

51,8

Il-Papwa Ginea Ġdida (10)

3,456

3,87597

89,2

Il-Paragwaj

4 748

7 003,48

67,8

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (9)

1 277

1 083,84

117,8

Is-Sudan tan-Nofsinhar (Juba)

3,108

3,37579

92,1

L-Isvizzera (Ġinevra)

1,692

1,5117

111,9

It-Taġikistan

3,498

6,04787

57,8

It-Turkija

1,654

2,1775

76,0

L-Ukraina

8,155

10,6411

76,6

L-Urugwaj

23,59

32,7002

72,1

Il-Jemen

187,9

279,175

67,3

Iż-Żambja (8)

3 540

7 126,41

49,7


(*)  1 EURO = unitajiet ta’ munita nazzjonali (ħlief għal Kuba, l-Ekwado u El Salvador, fejn minflok jintużaw l-USD).

(**)  Brussell = 100 %.

(1)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Frar 2009 u għal Ġunju 2009.

(2)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Frar 2009 u għal Mejju 2009.

(***)  1 EURO = unitajiet ta’ munita nazzjonali (ħlief għal Kuba, l-Ekwado u El Salvador, fejn minflok jintużaw l-USD).

(****)  Brussell = 100 %.

(3)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Marzu 2009 u għal Ġunju 2009.

(4)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Marzu 2009 u għal Mejju 2009.

(*****)  1 EURO = unitajiet ta’ munita nazzjonali (ħlief għal Kuba, l-Ekwado u El Salvador, fejn minflok jintużaw l-USD).

(******)  Brussell = 100 %.

(5)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal April 2009 u għal Ġunju 2009.

(*******)  1 EURO = unitajiet ta’ munita nazzjonali (ħlief għal Kuba, l-Ekwado u El Salvador, fejn minflok jintużaw l-USD).

(********)  Brussell = 100 %.

(6)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Frar 2009 u għal Mejju 2009.

(7)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Marzu 2009 u għal Mejju 2009.

(*********)  1 EURO = unitajiet ta’ munita nazzjonali (ħlief għal Kuba, l-Ekwado u El Salvador, fejn minflok jintużaw l-USD).

(**********)  Brussell = 100 %.

(8)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Frar 2009 u għal Ġunju 2009.

(9)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal April 2009 u għal Ġunju 2009.

(10)  Il-Koeffiċjenti ta’ dan il-post hu adattat darbtejn: għal Marzu 2009 u għal Ġunju 2009.