ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 49
30 ta' Diċembru 2006


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Regolament (KE) Nru 1891/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002  ( 3 )

1

 

 

II   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

Il-Qorti ta' l-Awdituri

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà  ( 3 )

5

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja

10

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 394.

 

(3)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) Nru 1891/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Regjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ċerti ftehim bilaterali u reġjonali konklużi bejn stati tal-kosta, bħal ma huma l-Konvenzjoni ta' Helsinki u dik ta' Barċellona ta' l-1992 u l-1976 rispettivament, jipprovdu għal assistenza reċiproka fil-każ ta' inċident ta' tniġġis marittimu.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (3) jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) bl-iskop li jkun assigurat livell għoli, uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima u jkun hemm prevenzjoni ta' tniġġis mill-bastimenti.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 724/2004, li emenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002, ta lill-Aġenzija kompiti ġodda fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tar-rispons għal tniġġis ikkawżat minn bastimenti, b'rispons għall-aċċidenti reċenti f'ilmijiet Komunitarji, b'mod partikolari dawk tat-tankers taż-żejt “Erika” u “Prestige”.

(4)

Għall-finijiet li jiġu implimentati dawn il-kompiti ġodda ta' prevenzjoni tat-tniġġis u rispons għat-tniġġis, il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija adotta fit-22 ta' Ottubru 2004 Pjan ta' Azzjoni għal Preparazzjoni u Rispons għat-Tniġġis miż-Żejt, li jiddetermina l-attivitajiet ta' l-Aġenzija bħala rispons għat-tniġġis miż-żejt u huwa maħsub għall-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Aġenzija (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Pjan ta' Azzjoni”).

(5)

L-azzjoni ta' rispons kontra t-tniġġis ta' l-Aġenzija, kif iddefinita fil-Pjan ta' Azzjoni, hi marbuta ma' l-attivitajiet fl-oqsma ta' l-informazzjoni, tal-koperazzjoni u tal-koordinazzjoni u fuq kollox ma' l-għoti ta' assistenza operazzjonali lill-Istati Membri billi jingħataw, fuq talba, bastimenti addizzjonali kontra t-tniġġis biex jiġġieldu kontra t-tniggis taż-żejt u tipi oħra ta' tniġġis, bħal dak ikkawżat minn sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara. L-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni partikulari lil dawk iz-zoni identifikati bħala l-aktar vulnerabbli mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe żona oħra fil-bżonn.

(6)

L-attivitajiet ta' l-Aġenzija f'dan il-qasam m'għandhomx jeżoneraw lill-Istati tal-kosta mir-responsabbiltà tagħhom li jkollhom għal-lest mekkaniżmi xierqa għal rispons għat-tniġġis u għandhom jirrispettaw arranġamenti eżistenti ta' koperazzjoni bejn Stati Membri jew bejn gruppi ta' Stati Membri f'dan il-qasam. Fil-każ ta' inċident ta' tniġġis marittimu, l-Aġenzija għandha tgħin lill-Istat(i) Membru/i affettwati, u l-operazzjoni ta' tindif għandha titmexxa taħt l-awtorià ta' dan/dawn l-Istat(i) Membru/i.

(7)

Skond il-Pjan ta' Azzjoni, l-Aġenzija għandha jkollha rwol attiv fl-iżvilupp ta' servizz ċentralizzat ta' immaġni bis-satellita għas-sorveljanza, is-sejbien bikri ta' tniġġis u l-identifikazzjoni tal-bastimenti responsabbli. Din is-sistema ġdida ttejjeb id-disponibiltà tad-data u l-effettività tar-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti.

(8)

Il-mezzi addizzjonali li għandhom jiġu provduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri għandhom ikunu disponibbli permezz tal-mekkaniżmu Komunitarju fil-qasam ta' l-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili, inkluż it-tniġġis tal-baħar aċċidentali, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom (4).

(9)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-Pjan ta' Azzjoni u jissaħħu l-prevenzjoni u r-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti billi jiżdiedu l-attivitajiet attwali ta' kontra t-tniġġis, l-Aġenzija għandha tkun provduta b'sistema vijabbli u effettiva f'sens ta' nfiq biex tiffinanzja, b'mod partikolari, l-assistenza għall-operazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri.

(10)

Huwa għaldaqstant meħtieġ li tkun provduta sigurtà finanzjarja xierqa għall-iffinanzjar tal-kompiti mogħtija lill-Aġenzija fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis u azzjonijiet oħrajn marbuta ma' dan fuq il-bażi ta' impenn pluriennali. L-ammonti annwali tal-kontribuzzjoni Komunitarja għandhom jiġu determinati skond il-proċeduri applikabbli.

(11)

L-ammonti li għandhom jiġu impenjati biex jinħarġu fondi għar-rispons kontra t-tniġġis għandhom ikopru l-perjodu mill-2007 sal-2013 skond il-qafas finanzjarju l-ġdid.

(12)

Għandu għaldaqstant jiġi provdut pakkett finanzjarju ta' referenza li jkopri l-istess perjodu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

(13)

Jeħtieġ li l-ammont ta' dak il-pakkett jitqies bħala l-minimu meħtieġ sabiex jitwettqu l-kompiti fdati lill-Aġenzija fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti.

(14)

Sabiex ikun hemm l-aħjar allokazzjoni ta' l-impenji u jitqiesu kwalunkwe tibidliet li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet bħala rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti, jeħtieġ li jkun żgurat monitoraġġ kontinwu tal-bżonnijiet partikolari għal azzjoni sabiex ikun hemm lok għal addattament ta' l-impenji finanzjarji annwali.

(15)

Il-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija għandu għaldaqstant jirrivedi l-impenji baġitarji, fuq il-bażi ta' rapport li għandu jsir mid-Direttur Eżekuttiv, biex jinkludi l-aġġustamenti meħtieġa fil-baġit ta' l-Aġenzija. Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-kontribut finanzjarju tal-Komunità għall-baġit ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għall-implimentazzjoni tal-kompiti mogħtija lilha fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti u azzjonijiet oħrajn marbuta ma' dan, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“l-Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

(b)

“ftehim reġjonali” tfisser kull ftehim bilaterali u reġjonali konkluż bejn l-Istati tal-kosta sabiex jagħtu assistenza lil xulxin fil-każ ta' inċident ta' tniġġis marittimu.

(ċ)

“żejt” tfisser petroljum fi kwalunkwe forma inkluż żejt mhux raffinat, żejt kombustibbli, ħama, skart ta' żejt u prodotti raffinati kif stabbilit mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990.

(d)

“sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara” tfisser kwalunkwe sustanza apparti ż-żejt li, jekk tiġi introdotta fl-ambjent tal-baħar, x'aktarx li toħloq perikli għas-saħħa tal-bniedem, tagħmel ħsara lir-rizorsi ħajjin u lill-ħajja fil-baħar, tagħmel ħsara lil faċilitajiet jew tinterferixxi ma' użi leġittimi oħra tal-baħar, kif stabbilit mill-Protokoll dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għal Inċidenti ta' Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Li Jagħmlu l-Ħsara, 2000.

Artikolu 3

Kamp ta' Applikazzjoni

Il-kontribut finanzjarju tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun allokat lill-Aġenzija bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-Pjan ta' Azzjoni u, b'mod partikolari, dawk li għandhom x'jaqsmu ma':

(a)

informazzjoni u l-ġbir flimkien, l-analiżi u t-tixrid ta' l-aħjar prattiċi, tekniki u innovazzjonijiet, bħal ma huma strumenti li jimmonitorjaw it-tbattil ta' tankijiet, fil-qasam tar-rispons għat-tniġġis ikkaġunat minn bastimenti,

(b)

kooperazzjoni u koordinazzjoni u l-għoti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni ta' assistenza teknika u xjentifika fil-qafas ta' l-attivitajiet tal-ftehim reġjonali relevanti,

(ċ)

assistenza għal operazzjonijiet u appoġġ, fuq talba, b'mezzi addizzjonali, bħal bastimenti u tagħmir kontra t-tniġġis lesti għall-azzjoni, għall-azzjonijiet ta' rispons għat-tniġġis ta' l-Istati Membri fil-każ ta' tniġġis aċċidentali jew maħsub ikkaġunat minn bastimenti.

Artikolu 4

Finanzjament Komunitarju

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3 għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun ta' EUR 154 000 000.

Approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu determinati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju. F'dan ir-rigward, l-iffinanzjar meħtieġ ta' l-assistenza operazzjonali lill-Istati Membri skond l-Artikolu 3(ċ) għandu jiġi garantit.

Artikolu 5

Monitoraġġ ta' kapaċitajiet eżistenti

Sabiex jiġu definiti r-rekwiżiti għal assistenza operazzjonali, bħal bastimenti addizzjonali kontra t-tniġġis, li għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tfassal fuq bażi regolari lista tal-mekkaniżmi tal-privat u ta' l-Istat ta' rispons għat-tniġġis u ta' kapaċità ta' rispons disponibbli fir-reġjuni varji ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jassiguraw li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali, permezz ta' kontrolli effettivi u bl-irkupru ta' kwalunkwe ammonti mħallsin mhux kif dovut u, fejn jinstabu xi irregolaritajiet, b'penali effettivi, proporzjonali u dissważivi, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (5) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (6), u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   Għall-azzjonijiet tal-Komunità ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser il-ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kwalunkwe ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew nuqqas minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew baġits amministrati minnha, minħabba nefqa mhux iġġustifikata.

3.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija, kull waħda minnhom fl-isfera tal-kompetenza rispettiva tagħha, għandhom jiżguraw li jinkiseb l-aħjar valur meta mqabbel ma' l-ammont minfuq fl-iffinanzjar ta' l-azzjonijiet tal-Komunità skond dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1406/2002

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 10(2):

“(l)

jirrivedi l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat imsemmi f'(k) u l-impenji baġitarji previsti fir-Regolament (KE) Nru 1891/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 18 ta' Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti (*) abbażi tar-rapport stipulat fl-Artikolu 15(2)(g) ta' dan ir-Regolament. Din ir-reviżjoni għandha ssir meta jinħareġ ir-rendikont ta' l-estimi tad-dħul u n-nefqa ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja li jkun imiss, kif previst fl-Artikolu 18(5) ta' dan ir-Regolament.

(*)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1”"

(b)

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 15(2):

“(g)

huwa għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-Bord Amministrattiv, sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-pjan dettaljat ta' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija għall-istat ta' preparazzjoni u għall-attivitajiet ta' rispons għat-tniġġis u jagħti aġġornament ta' l-istatus ta' kull azzjoni ffinanzjata skond dak il-pjan. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta dan ir-rapport għall-finijiet ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2850/2000/KE u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/792/KE, Euratom.”.

Artikolu 8

Evalwazzjoni f'nofs iż-żmien

Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mhux iktar tard minn 31 ta' Diċembru 2010. Ir-rapport, li għandu jiġi stabbilit bla ħsara għall-irwol tal-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija, għandu jagħti r-riżultati ta' l-użu tal-kontribut Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 4 dwar is-somom impenjati u n-nefqa li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2009.

Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport il-Kummisjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex jitqies il-progress xjentifiku fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis mill-bastimenti, inkluż dak ikkaġunat miż-żejt jew minn sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 16.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006

(3)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 724/2004 (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 1).

(4)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.)

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 dwar il-verifiki fuq il-post u spezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej mill-frodi u irregolaritajiet oħrajn (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(7)  Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet kondotti mill-Uffiċju Ewropew għal Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.)


II Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

Il-Qorti ta' l-Awdituri

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

5


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà

(2006/961/KE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ hi parti integrali tal-moviment ħieles tal-persuni – libertà fundamentali protetta mit-Trattat – u wieħed mill-objettivi prinċipali ta' l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam edukattiv u tat-taħriġ, imsejjes kemm fuq il-valuri komuni kif ukoll fuq ir-rispett lejn id-diversità. Hija għodda essenzjali biex jinħoloq spazju Ewropew ġenwin għal edukazzjoni tul il-ħajja, għall-promozzjoni tax-xogħol u għat-tnaqqis tal-faqar u għall-għajnuna fil-promozzjoni ta' ċittadinanza Ewropea attiva.

(2)

Il-mobbiltà tqarreb liċ-ċittadini lejn xulxin u ttejjeb il-fehim reċiproku. Tippromwovi s-solidarjetà, l-iskambju ta' l-ideat u għarfien aħjar tal-kulturi differenti li jsawru 'l-Ewropa; għaldaqstant il-mobbiltà tmexxi 'l quddiem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u reġjonali.

(3)

L-intensifikazzjoni tal-mobbiltà Ewropea u ta' l-iskambji għal skopijiet edukattivi u ta' taħriġ, u avvenimenti bħas-Sena Ewropea għall-Mobbiltà tal-Ħaddiema fl-2006, għandhom rwol importanti fil-kisba ta' l-objettiv ta' Liżbona li l-Ewropa ssir l-aktar ekonomija innovattiva u kompetittiva bbażata fuq l-għarfien sa l-2010.

(4)

Il-provediment ta' qafas aħjar għall-mobbiltà għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ fi ħdan l-UE se jgħin fil-kontribut lejn il-kisba ta' ekonomija bbażata fuq l-għerf, li tkun ċentrali għall-ħolqien ta' l-impjiegi, ta' l-iżvilupp sostenibbli, tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni fl-Istati Membri.

(5)

Huwa meħtieġ aktar appoġġ min-naħa tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, għall-mobbiltà fl-UE sabiex jittejbu l-kwalità u l-effettività tas-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ fl-Ewropa.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, il-persuni li qed jitħarrġu, il-voluntieri, l-għalliema u l-ħarrieġa (4) kienet l-ewwel rakkomandazzjoni adottata bil-għan li tiffaċilitata l-azzjoni Komunitarja biex tkun inkoraġġuta l-mobbiltà.

(7)

Ix-xogħol tal-grupp ta' esperti stabbilit mill-Kummissjoni skond il-punt III.(a) ta' dik ir-Rakkomandazzjoni, u l-ewwel rapport li jsegwi l-iżviluppi, filwaqt li juru l-progress magħmul kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew fir-rigward tal-mobbiltà għal skopijiet edukattivi u ta' taħriġ, juru l-bżonn mhux biss li jkun hemm konċentrazzjoni fuq iż-żieda tal-mobbiltà f'termini kwantitattivi, iżda fuq kollox fuq it-titjib tal-kwalità tagħha.

(8)

Dan l-objettiv jista' jiġi segwit, inter alia, billi tkun adottata, fil-forma ta' Rakkomandazzjoni, Karta ta' Kwalità favur il-Mobbiltà, li tistabbilixxi sett ta' prinċipji f'dan il-qasam, li għandu jkun implimentat fuq bażi volontarja.

(9)

Il-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (hawn aktar 'il quddiem ”il-Karta”)għandha wkoll tħalli lok għall-bżonnijiet speċifiċi ta' nies b'diżabilitajiet u għal gruppi żvantaġġjati.

(10)

Il-Karta għandha tgħin biex jiżdiedu l-iskambji, jitħaffef l-għarfien tal-perijodi dedikati għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ u l-għarfien tat-titoli u tal-kwalifiki u tistabbilixxi fiduċja reċiproka sabiex titjieb u tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti, l-organizzazzjonijiet u l-partijiet kollha interessati fil-mobbiltà. Għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjoni tal-portabbiltà tas-self, tal-konċessjonijiet u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

(11)

Il-Karta hija maħsuba biex tikkumplimenta, iżda mhux biex tieħu post, id-dispożizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-Karta ta' l-Istudent Erasmus.

(12)

Il-Karta, fil-lingwi rispettivi tar-riċevituri, għandha tkun disponibbli mingħajr xkiel mill-awtoritajiet għall-istudenti u l-persuni kollha li jkunu qegħdin jirċievu taħriġ, organizzazzjonijiet u partijiet interessati oħrajn fil-mobbiltà fil-pajjiżi ta' oriġini u fil-pajjiżi ospitanti, u għandha titqies bħala qafas bażiku ta' riferenza.

(13)

Il-vantaġġi tal-mobbiltà jiddependu ħafna fuq il-kwalità tal-modalitajiet prattiċi: l-informazzjoni, il-preparazzjoni, l-għajnuna u l-għarfien ta' l-esperjenza u tal-kwalifiki miksuba mill-parteċipanti matul il-perijodi ta' studju u taħriġ. In-nies u l-organizzazzjonijiet involuti jistgħu itejbu konsiderevolment il-valur tagħha permezz ta' ppjanar bil-ħsieb u evalwazzjoni adattata.

(14)

L-Europass (5) huwa strument partikolarment utli b'mod partikulari għall-iżvilupp tat-trasparenza u ta' l-għarfien sabiex tiġi mgħejjuna l-mobbiltà.

(15)

Huwa mixtieq li l-prinċipji stabbiliti fil-Karta japplikaw mhux biss għall-perijodu nnifsu tal-mobbiltà iżda wkoll għall-perijodi preċedenti u sussegwenti tagħha.

(16)

Għandu jkun imfassal minn qabel pjan għat-tagħlim. Il-preparazzjoni ġenerali tal-parteċipanti hi wkoll neċessarja, u din għandha tagħti kas tal-preparazzjoni lingwistika. L-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti għandhom jipprovdu l-assistenza għal dak li għandu x'jaqsam ma' dan.

(17)

Il-mistoqsijiet amministrattivi u finanzjarji kollha, bħal liema għajnuna finanzjarja tkun disponibbli, u min ikun responsabbli għall-ispejjeż u għall-kopertura ta' l-assigurazzjoni fil-pajjiż ospitant, għandhom ikunu solvuti qabel it-tluq.

(18)

Għall-perijodu barra l-pajjiż, il-kwalità tal-mobbiltà tista' tittejjeb permezz tal-provediment ta' skemi bħal, pereżempju l-mentoring għall-parteċipanti.

(19)

Deskrizzjoni ddettaljata u ċara ta' kwalunkwe kors jew taħriġ segwiti fil-pajjiż ospitanti, inkluż it-tul taż-żmien tal-kors jew taħriġ, għandha tgħin biex jitħaffef l-għarfien tagħhom meta jmorru lura f'pajjiżhom.

(20)

It-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba jitolbu definizzjoni ċara tal-partijiet li jkollhom interess u li jkunu responsabbli minn kull stadju u azzjoni tal-programm ta' mobbiltà.

(21)

Sabiex tkun żgurata l-kwalità globali tal-mobbiltà, huwa mixtieq li jiġi żgurat il-moviment ħieles għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE u li jkunu applikati kemm jista' jkun il-prinċipji stabbiliti fil-Karta u r-rakkomandazzjonijiet relevanti għat-tipi kollha ta' mobbiltà għall-iskopijiet ta' tagħlim jew żvilupp professjonali: l-edukazzjoni jew it-taħriġ; it-tagħlim formali jew mhux formali, inklużi x-xogħol u l-proġetti volontarji; il-perijodi qosra jew twal ta' mobbiltà; it-tagħlim fl-iskejjel, fl-edukazzjoni ogħlja jew tagħlim relatat max-xogħol; miżuri relatati mat-tagħlim tul il-ħajja kollha.

(22)

Minħabba d-diversità tan-natura u t-tul ta' żmien ta' l-attivitajiet ta' mobbiltà, l-Istati Membri jistgħu jadattaw l-implimentazzjoni tal-Karta skond iċ-ċirkostanzi, iġifieri jadattawha għal sitwazzjonijiet u programmi speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jqisu xi punti obbligatorji u jikkunsidraw oħrajn bħala fakultattivi.

(23)

Ladarba l-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk minħabba l-iskala u l-effetti ta' din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, b'mod konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din ir-Rakkomandazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDAW LI L-ISTATI MEMBRI:

1)

jadottaw u jippromwovu l-użu tal-Karta mehmuża bħala mezz biex jissaħħaħ l-iżvilupp personali u professjonali;

2)

jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u dwar kwalunkwe miżuri kumplimentari li jistgħu jagħżlu li jieħdu favur il-mobbiltà, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-aspetti kwalitattivi tagħhom, fil-kontributi nazzjonali tagħhom għall-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010, sa mit-tieni sena wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

3)

ikomplu jikkoperaw mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jeqirdu l-ostakli li, direttament jew indirettament, ixekklu l-mobbiltà taċ-ċittadini ta' l-UE;

4)

jipprovdu għajnuna xierqa u infrastrutturi adattati għall-mobbiltà għal skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ sabiex jitjiebu l-livelli ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini tagħhom;

5)

jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa biex jippromwovu l-mobbiltà, biex jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha tkun tinftiehem faċilment u tkun aċċessibbli għal kulħadd, pereżempju permezz ta' gwida introduttorja għall-mobbiltà jew lista ta' organizzazzjonijiet li joffru appoġġ, u biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-mobbiltà.

B'DAN JISTIEDNU L-KUMMISSJONI BIEX:

1)

tħeġġeġ l-użu tal-Karta mill-aġenziji nazzjonali u minn organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni u l-mobbiltà;

2)

tkompli tikkopera ma' l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, sabiex informazzjoni u esperjenza utli li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-miżuri pproklamati f'din ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu skambjati;

3)

ittejjeb jew tiżviluppa b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet relevanti id-dejta statistika speċifika fuq is-sessi dwar il-mobbiltà għall-skopijiet ta' edukazzjoni u taħriġ;

4)

tqis li din ir-Rakkomandazzjoni bħala li tagħmel ħaġa sħiħa mar-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE u għalhekk tinkludi r-rapporti ta' kull sentejn mitluba fiha fir-rapporti ġenerali tal-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010.

Magħmul fi Brussel 18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 20.

(2)  ĠU C 206, 29.8.2006, p. 40.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006

(4)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

(5)  Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6).


ANNESS

KARTA EWROPEA TA' KWALITÀ FAVUR IL-MOBBILTÀ

INTRODUZZJONI

Imsaħħa mill-Pjan ta' Azzjoni favur il-Mobbiltà ta' l-2000 (1) u r-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbilta' fil-Komunita' għall-istudenti, persuni li qed jagħmlu taħriġ, volontiera, għalliema u ħarrieġa (2), il-mobbiltà minn dejjem kienet ta' interess konsiderevoli għall-partijiet interessati. Dik ir-Rakkomandazzjoni kellha kamp ta' applikazzjoni wiesgħa, indirizzat sensiela ta' kwistjonijiet importanti assoċjati mal-mobbiltà u kienet immirata lejn kulmin seta' jibbenefika minn perijodu ta' tagħlim barra pajjiżu (formali u mhux formali), inklużi l-istudenti, l-għalliema, il-ħarrieġa, il-voluntieri u n-nies li qed jitħarrġu. Ir-Rakkomandazzjoni 2006/961/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-18 ta' Diċembru 2006,dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta'edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (3), li minnha din il-Karta tagħmel parti integrali, għandha l-istess kamp ta' applikazzjoni iżda tiffoka fuq l-aspetti kwalitattivi tal-mobbiltà, kif proposti mill-grupp espert stabbilit skond l-ewwel Rakkomandazzjoni. Hi għandha tgħin biex ikun żgurat li l-parteċipanti jkollhom esperjenza pożittiva, kemm fil-pajjiż ospitanti kif ukoll fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom meta huma jirritornaw lura.

Din il-Karta toffri gwida għal mobbiltà minn persuni individwali żgħażagħ jew adulti, għal skopijiet ta' tagħlim formali jew mhux formali u għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom. Kienet imfassla bħala dokument bażiku ta' referenza li jqis is-sitwazzjonijiet nazzjonali u jirrispetta l-kompetenzi ta' l-Istati Membri. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontentut jistgħu ikunu adattati skond it-tul ta' żmien tal-mobbiltà u l-ispeċifikazzjonijiet tad-diversi attivitajiet edukattivi, ta' taħriġ u taż-żgħażagħ kif ukoll il-bżonnijiet tal-parteċipanti. Għalkemm primarjament hi tindirizza l-mobbiltà għal skopijiet ta' tagħlim, jinħass li din il-gwida kwalitattiva tista' tkun utli wkoll għal tipi oħra ta' mobbiltà, bħall-mobbiltà professjonali.

1.   Gwida u informazzjoni

Il-kandidati b'potenzjal għal mobbiltà għandu jkollhom aċċess indaqs, fil-livelli kollha, għal sorsi ta' informazzjoni u gwida li wieħed jista' joqgħod fuqhom dwar il-mobbiltà u l-kondizzjonijiet li fihom din tista' titwettaq. Fost affarijiet oħra, għandha tiġi provduta informazzjoni ċara dwar kull wieħed mill-punti li hemm f'din il-Karta, dwar l-irwol u l-ħidmiet ta' l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u jospitaw, u dwar is-sistemi varji ta' edukazzjoni u taħriġ.

2.   Pjan ta' tagħlim

Qabel ma jkun assunt kull tip ta' mobbiltà għal skopijiet edukattivi jew ta' taħriġ, pjan ta' tagħlim li jqis it-tħejjija lingwistika, għandu jkun imfassal u aċċettat mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u jospitaw u mill-parteċipanti. Pjan ta' tagħlim huwa partikolarment importanti fil-każ ta' mobbiltà fuq tul ta' żmien twil u jista' jkun utli wkoll f'każ ta' mobbiltà fuq tul ta' żmien qasir. Il-pjan għandu jfassal l-objettivi u r-riżultati ta' tagħlim mistennija, kif ukoll il-mod kif dawn għandhom jinkisbu u jiġu implimentati. Kull modifika sinifikanti tal-pjan ta' tagħlim għandu jiġi aċċettat mill-partijiet kollha. Meta jitfassal il-pjan ta' tagħlim, għandhom jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet ta' l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini u l-evalwazzjoni.

3.   Personalizzazzjoni

Il-mobbiltà assunta għal skopijiet edukattivi jew ta' taħriġ għandha tkun adatta kemm jista' jkun possibbli max-xejriet personali ta' tagħlim, kapaċitajiet u motivazzjoni tal-parteċipanti, u għandha tiżviluppahom jew tissupplimentahom.

4.   Preparazzjoni ġenerali

Preparazzjoni minn qabel tal-parteċipanti hi rakkomandata, u għandha tkun imfassla għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Din għandha tinkludi l-aspetti lingwistiċi, pedagoġiċi, amministrattivi, legali, personali u kulturali, u informazzjoni dwar aspetti finanzjarji, kif meħtieġ.

5.   Aspetti lingwistiċi

Il-kapaċitajiet lingwistiċi huma importanti għal tagħlim effettiv, għal komunikazzjoni bejn il-kulturi u għal fehim aħjar tal-kultura tal-pajjiż ospitant. Il-parteċipanti, u l-organizzazzjonijiet li jibagħtuhom u jospitawhom, għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-preparazzjoni lingwistika xierqa. Kull fejn ikun possibbli, l-arranġamenti għall-mobbiltà għandhom jinkludu:

l-evalwazzjoni tal-lingwa qabel it-tluq, u l-opportunità li jkunu segwiti korsijiet fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti u/jew fil-lingwa li biha jsir it-tagħlim, jekk din tkun differenti;

fil-pajjiż ospitanti, għajnuna lingwistika u pariri.

6.   Għajnuna loġistika

Kull fejn ikun neċessarju, għandha tingħata għajnuna loġistika adegwata lill-parteċipanti. Din tista' tinkludi informazzjoni u assistenza li tikkonċerna arranġamenti ta' l-ivvjaġġar, l-assigurazzjoni, il-permessi għar-residenza jew ix-xogħol, is-sigurtà soċjali, il-possibbiltà li jsiru trasferimenti ta' għotjiet u self tal-gvern mill-pajjiżi ta' l-oriġini għall-pajjiż ospitant, l-akkomodazzjoni, u aspetti prattiċi oħra inklużi l-kwistjonijiet ta' sigurtà rilevanti għaż-żjara tagħhom, fejn ikun xieraq.

7.   Mentoring

L-organizzazzjoni ospitanti (l-istabbiliment edukattiv, l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ, il-kumpanija, eċċ.) għandhom jipprovdu skemi bħal mentoring biex jingħataw pariri lill-parteċipanti u tingħata għajnuna fl-integrazzjoni effettiva tagħhom fl-ambjent ospitanti, u għandhom iservu ta' punt ta' kuntatt biex jakkwistaw assistenza kontinwa.

8.   Għarfien

Jekk perijodu ta' studju jew apprendistat barra l-pajjiż ikun parti integrali ta' programm formali ta' studju jew taħriġ, dan il-fatt għandu jkun iddikjarat fil-pjan ta' tagħlim, u l-parteċipanti għandhom ikunu pprovduti bl-assistenza biex jitħaffu l-għarfien u ċ-ċertifikazzjoni, fejn ikun xieraq. Fil-pjan ta' tagħlim l-organizzazzjoni li tibgħat għandha tieħu r-responsabbiltà li tagħraf perijodi ta' mobbiltà ta' suċċess. Għal tipi oħra ta' mobbiltà, u b'mod partikulari dawk fil-kuntest ta' edukazzjoni jew taħriġ mhux formali, għandu jinħareġ dokument xieraq sabiex il-parteċipant ikun jista' juri l-parteċipazzjoni attiva tiegħu u r-riżultati tat-tagħlim b'mod sodisfaċenti u kredibbli. F'dan il-kuntest, l-użu ta' l-'Europass' (4) għandu jkun inkoraġġut.

9.   Integrazzjoni mill-ġdid u evalwazzjoni

Meta jirritornaw lura lejn il-pajjiż ta' l-oriġini, b'mod partikolari wara mobbiltà fuq tul ta' żmien twil, il-parteċipanti għandhom jiġi ggwidati dwar kif jagħmlu użu mill-kompetenzi u l-kapaċitajiet akkwistati matul iż-żjara. Fejn ikun neċessarju, għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid fl-ambjent soċjali, edukattiv jew professjonali tal-pajjiż ta' oriġini għandha ssir disponibbli għal persuni li jirritornaw lura wara mobbiltà għal tul twil ta' żmien. L-esperjenza akkwistata għandha tkun evalwata b'mod adatt mill-parteċipanti, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet responsabbli, biex ikun assessjat jekk l-għanijiet tal-programm ta' tagħlim kinux milħuqa.

10.   Impenji u responsabbilitajiet

Ir-responsabilitajiet li jirriżultaw minn dawn il-kriterji kwalitattivi għandhom ikunu mifthemin mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jospitaw u mill-parteċipanti. Dawn għandhom preferibilment ikunu konfermati bil-miktub, sabiex ir-responsabilitajiet ikunu ċari għal dawk kollha involuti.


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, riuniti fil-Kunsill, ta' l-14 ta' Diċembru 2000, dwar pjan ta' azzjoni favur il-mobbiltà (ĠU C 371, 23.12.2000, p. 4).

(2)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

(3)  Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċċjali.

(4)  Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6).


30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

10


RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja

(2006/962/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 149(4) u 150(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona (23 u 24 ta' Marzu 2000) ikkonkluda li qafas Ewropew għandu jiddefinixxi l-ħiliet bażiċi ġodda li għandhom ikunu provduti permezz tat-tagħlim tul il-ħajja bħala miżura ewlenija fir-rispons ta' l-Ewropa għall-globalizzazzjoni u ċ-ċaqliq lejn ekonomiji bbażati fuq it-tagħrif, u enfasizza li n-nies huma l-assi ewlenin ta' l-Ewropa. Minn dak iż-żmien 'il hawn, dawn il-konklużjonijiet ġew riaffermati b'mod regolari, inkluż fil-Kunsilli Ewropej ta' Brussell (20 u 21 ta' Marzu 2003 u 22 u 23 ta' Marzu 2005), u fl-Istrateġija ta' Lisbona varata mill-ġdid li kienet approvata fl-2005.

(2)

Il-Kunsilli Ewropej ta' Stokkolma (23 u 24 ta' Marzu 2001) u ta' Barċellona (15 u 16 ta' Marzu 2002) approvaw l-objettivi futuri konkreti tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej u programm ta' xogħol (il-programm ta' xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010) li għandu jwettaqhom sas-sena 2010. Dawn l-objettivi jinkludu l-iżvilupp tal-ħiliet għal soċjetà ta' għarfien u objettivi speċifiċi għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, l-iżvilupp ta' l-intraprenditorija u l-ħtieġa ġenerali ta' titjib fid-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – “Il-Ħolqien ta' Żona Ewropea ta' tagħlim tul il-ħajja” u r-Riżoluzzjoni sussegwenti tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (4) identifikaw il-provvediment tal-'ħiliet bażiċi ġodda' bħala prijorità, u enfasizzaw li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkopri t-tagħlim minn qabel l-età ta' l-iskola sa wara l-irtirar.

(4)

Fil-kuntest tat-titjib tal-prestazzjoni tal-Komunità fl-impjiegi, il-Kunsilli Ewropej ta' Brussell (Marzu 2003 u Diċembru 2003) enfasizzaw il-ħtieġa ta' l-iżvilupp ta' tagħlim tul il-ħajja b'enfażi partikolari fuq miżuri attivi u preventivi għan-nies qiegħda u persuni inattivi. Dan bena fuq ir-rapport tat-Taskforce dwar ix-Xogħol, li enfasizza l-ħtieġa li n-nies ikunu kapaċi jaddattaw għall-bidla, l-importanza li n-nies ikunu integrati fis-suq tax-xogħol u l-irwol importanti tat-tagħlim tul il-ħajja.

(5)

F'Mejju 2003 il-Kunsill adotta l-livelli ta' referenza Ewropej (benchmarks) , li juri impenn lejn titjib li jista' jitkejjel fir-rendiment medju ta' l-Ewropa. Dawn il-livelli ta' referenza jinkludu l-għarfien tal-qari, t-tluq kmieni mill-iskola, t-tlestija ta' l-edukazzjoni sekondarja għolja u l-parteċipazzjoni ta' l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja, u huma marbuta mill-qrib ma' l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin.

(6)

Ir-rapport tal-Kunsill dwar l-irwol aktar wiesgħa ta' l-edukazzjoni adottat f'Novembru 2004 enfasizza li l-edukazzjoni tikkontribwixxi għal preservazzjoni u t-tiġdid ta' l-isfond kulturali komuni fis-soċjetà u sabiex wieħed jitgħallem valuri soċjali u ċiviċi essenzjali bħaċ-ċittadinanza, l-ugwaljanza, it-tolleranza u r-rispett, u li hija ta' importanza partikolari fi żmien meta l-Istati Membri kollha jiffaċċjaw l-isfida tal-kwistjoni ta' kif jittrattaw id-diversità soċjali u kulturali li dejjem qed jiżdiedu. Barra minn hekk, hija parti importanti mill-irwol ta' l-edukazzjoni fit-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali li tippermetti lin-nies li jidħlu u jibqgħu fil-ħajja tax-xogħol.

(7)

Ir-Rapport adottat mill-Kummissjoni fl-2005 dwar il-progress lejn l-għanijiet ta' Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ indika li ma sar l-ebda progress fit-tnaqqis tal-persentaġġ ta' dawk li jkollhom livelli baxxi fl-għarfien tal-qari fl-età ta' 15-il sena, jew fiż-żieda fir-rata ta' dawk li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja. Seħħ xi progress fit-tnaqqis tat-tluq kmieni mill-iskola, iżda l-livelli ta' referenza Ewropej għall-2010 adottati fil-Kunsill ta' Mejju 2003 mhumiex sejrin jintlaħqu bir-rati attwali. Il-parteċipazzjoni ta' l-adulti fit-tagħlim mhijiex qegħda tikber biżżejjed sabiex tilħaq il-livell ta' referenza ta' l-2010 u d-data tindika li hemm anqas probabbiltà li n-nies b'ħiliet ta' livell baxx jipparteċipaw f'aktar taħriġ.

(8)

Il-Qafas ta' Azzjonijiet għall-Iżvilupp Tul il-Ħajja tal-Kompetenzi u l-Kwalifiki, adottat mill-imsieħba soċjali Ewropej f'Marzu ta' l-2002, jenfasizza l-ħtieġa li n-negozji jadattaw l-istrutturi tagħhom b'mod aktar mgħaġġel sabiex jibqgħu kompetittivi. Żieda fit-teamwork, it-tnaqqis ta' ġerarkiji, responsabbiltajiet trasferiti u ħtieġa akbar għall- multi-tasking qegħdin iwasslu għall-iżvilupp ta' l-organizzazzjonijiet tat-tagħlim. F'dan il-kuntest, il-kapaċità ta' l-organizzazzjonijiet li jidentifikaw il-kompetenzi, li jimmobilizzawhom u jirrikonoxxuhom u li jinkoraġġixxu l-iżvilupp tagħhom għall-impjegati kollha jiffurmaw il-bażi għal strateġiji ġodda kompetittivi.

(9)

L-Istudju ta' Maastricht dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali ta' l-2004 jindika differenza sinifikanti bejn il-livell ta' edukazzjoni mitlub mill-impjiegi l-ġodda u l-livell ta' edukazzjoni milħuq mill-ħaddiema Ewropej. Dan l-istudju juri li aktar minn terz tal-ħaddiema Ewropej (80 miljun persuna) għandhom livell ta' ħiliet baxx waqt li huwa stmat li, sas-sena 2010, kważi 50 % ta' l-impjiegi ġodda jkunu jitolbu kwalifiki ta' livell terzjarju, kważi 40 % jkunu jitolbu edukazzjoni sekondarja għolja u madwar 15 % biss ikunu adattati għal dawk b'edukazzjoni bażika.

(10)

Ir-Rapport Konġunt tal-Kunsill/Kummissjoni dwar il-programm ta' xogħol 'Edukazzjoni u Taħriġ 2010', adottat fl-2004, isaħħaħ il-ħtieġa li jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom il-kompetenzi li jeħtieġu bħala parti mill-istrateġija ta' l-Istati Membri għat-tagħlim tul il-ħajja. Sabiex jinkoraġġixxi u jiffaċilita r-riforma, ir-rapport jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' referenzi u prinċipji komuni Ewropej u jagħti prijorità lill-Qafas ta' Kompetenzi Ewlenin.

(11)

Il-patt Ewropew għaż-Żgħażagħ anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (22-23 Marzu 2005) saħaq fuq il-bżonn li l-iżvilupp ta' sett komuni tal-ħiliet l-aktar importanti jiġi mħeġġeġ.

(12)

Il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jingħataw il-kompetenzi ewlenin neċessarji u li jkun hemm titjib fil-livelli ta' edukazzjoni milħuqa hija parti integrali mill-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi 2005-2008, approvati mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2005. B'mod partikolari, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jsejħu għall-adattament tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ bħala reazzjoni għall-ħtiġijiet dwar kompetenzi ġodda permezz ta' identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet vokazzjonali u l-kompetenzi ewlenin bħala parti mill-programmi ta' riforma ta' l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jitolbu li jkunu żgurati l-integrazzjoni bejn is-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha u biex tintlaħaq rata medja ta' impjiegi għall-Unjoni Ewropea ġenerali ta' 70 % u ta' mill-inqas 60 % għan-nisa.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità orjentata lejn il-futur u mfassla għall-bżonnijiet tas-soċjetà Ewropea, billi tappoġġa u tikkumplimenta l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri maħsuba sabiex jiżguraw li s-sistemi tagħhom għall-edukazzjoni u t-taħrig bikrija joffru liż-żgħażagħ kollha l-mezzi sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jħejjihom għall-ħajja adulta, u li tifforma l-bażi għal aktar tagħlim u għall-ħajja tax-xogħol u li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom permezz tal-provvediment koerenti u komprensiv ta' tagħlim tul il-ħajja. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha wkoll tipprovdi qafas Ewropew ta' referenza komuni dwar il-kompetenzi ewlenin għal dawk li jifformulaw il-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-imsieħba soċjali u dawk li jipprovdu l-impjieg u l-istudenti nnifishom sabiex tiffaċilita r-riformi nazzjonali u l-iskambju tat-tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-programm ta' xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010, bl-għan li jintlaħqu l-livelli ta' referenza Ewropej kif miftiehma. Barra minn hekk, din ir-Rakkomandazzjoni għandha tappoġġa linji politiċi oħra relatata bħal linji politiċi dwar l-impjieg u l-politika soċjali u linji politiċi oħra li taffettwa ż-żgħażagħ.

(14)

Billi l-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, jiġifieri li tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri billi tistabbilixxi punt ta' referenza komuni li jinkoraġġixxi u jiffaċilita r-riformi nazzjonali u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din ir-Rakkomandazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDAW:

Li l-Istati Membri jiżviluppaw l-provvista ta' kompetenzi ewlenin għal kulħadd bħala parti mill-istrateġiji tagħhom għat-tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-istrateġiji tagħhom biex jiksbu litteriżmu universali, u jużaw il-'Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-ħajja – Qafas Ewropew ta' Referenza' (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Qafas ta' Referenza”) fl-Anness għal dan id-dokument bħala għodda ta' referenza, bil-ħsieb li jkun żgurat li:

1.

li l-edukazzjoni u t-taħriġ inizzjali joffru liż-żgħażagħ kollha l-mezzi sabiex jiżviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jippreparahom għall-ħajja adulta, u li tifforma l-bażi għal iktar taħriġ u għall-ħajja tax-xogħol;

2.

jiżguraw li jkun hemm provvediment xieraq għal dawk iż-żgħażagħ li, minħabba żvantaġġi fl-edukazzjoni kkawżati minn ċirkostanzi personali, soċjali jew kulturali, ikunu jeħtieġu appoġġ partikolari sabiex iwettqu l-potenzjal edukattiv tagħhom;

3.

l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom matul ħajjithom u li jkun hemm enfażi partikolari fuq gruppi ta' mira identifikati bħala prijorità fil-kuntesti nazzjonali, reġjonali u/jew lokali, bħal individwi li jkollhom bżonn jaġġornaw il-ħiliet tagħhom;

4.

infrastruttura xierqa għat-tkomplija ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' l-adulti, inklużi l-għalliema u t-trainers, proċeduri ta' validazzjoni u evalwazzjoni, miżuri bil-għan li jiżguraw l-aċċess kemm għal tagħlim tul il-ħajja u kemm għas-suq tax-xogħol, u appoġġ għall-istudent li jirrikonixxi l-ħtiġijiet u l-kompetenzi differenti ta' l-adulti;

5.

koerenza tal-provvediment ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti għaċ-ċittadini individwali tkun milħuqa permezz ta' rbit mill-qrib mal-politika dwar l-impjieg u l-politika soċjali, il-politika kulturali, il-politika dwar l-innovazzjoni u politiki oħra li teffettwa ż-żgħażagħ u permezz ta' kollaborazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra;

PERMEZZ TA' DAN JIEĦDU KONT TA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

1.

tikkontribwixxi għall-isforzi ta' l-Istati Membri sabiex jiżviluppaw is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tagħhom u sabiex jimplimentaw u jxerrdu din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż l-użu tal-Qafas ta' Referenza bħala referenza sabiex tiffaċilita t-tagħlim mill-pari u mit-tpartit ta' prattika tajba u sabiex ikunu segwiti l-iżviluppi u jkun hemm rappurtaġġ dwar il-progress permezz tar-rapporti ta' progress ta' kull sentejn tal-programm ta' xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010;

2.

tuża l-Qafas ta' Referenza bħala referenza fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' Edukazzjoni u Taħriġ tal-Komunità u biex tiżgura li dawn il-programmi jippromwovu l-kisba tal-kompetenzi ewlenin;

3.

tippromwovi l-użu aktar wiesgħa tal-Qafas ta' Referenza fil-politika relatata tal-Komunità u, b'mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjieg, iż-żgħażagħ, u l-politika kulturali u soċjali u tiżviluppa aktar irbit ma' l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn li jaħdmu f'dan il-qasam;

4.

tirrevedi l-impatt tal-Qafas ta' Referenza fil-kuntest tal-programm ta' xogħol Edukazzjoni u Taħriġ 2010 u tirrapporta qabel 18 ta' Diċembru 2010, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur.

Magħmula fi Brussel, 18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 109.

(2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 21.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006.

(4)  ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.


ANNESS

KOMPETENZI EWLENIN GĦAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA – QAFAS EWROPEW TA' REFERENZA

Sfond u miri

Peress li l-globalizzazzjoni qed tkompli toffri sfidi ġodda lill-Unjoni Ewropea, kull ċittadin se jkollu bżonn firxa wiesgħa ta' kompetenzi ewlenin biex jadatta b'mod flessibbli għal dinja li qed tinbidel malajr u interkonnessa ħafna.

L-edukazzjoni fl-irwol doppju tagħha, kemm soċjali u kemm ekonomiku, għandha rwol ewlieni x'taqdi biex tassigura li ċ-ċittadini Ewropej jakkwistaw il-kompetenzi ewlenin meħtieġa biex ikunu jistgħu jadattaw b'mod flessibbli għal tali bidliet.

B'mod partikolari, fuq il-bażi ta' kompetenzi diversi individwali, il-ħtiġijiet differenti ta' min qed jitgħallem għandhom jintlaħqu billi jiġu assigurati l-ekwità u l-aċċess għal dawk il-gruppi li, minħabba żvantaġġi edukattivi kkawżati minn ċirkustanzi personali, soċjali, kulturali jew ekonomiċi, għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jilħqu l-potenzjal edukattiv tagħhom. Eżempji ta' tali gruppi jinkludu persuni b'ħiliet bażiċi baxxi, b'mod partikolari b'litteriżmu baxx, dawk li ħallew l-iskola kmieni, dawk li ilhom qiegħda u dawk li jkunu deħlin lura għax-xogħol wara perjodu ta' liv fit-tul, persuni kbar fl-età, immigranti, u persuni b'diżabilitajiet.

F'dan il-kuntest, l-għanijiet prinċipali tal-Qafas ta' Referenza huma li:

1)

ikunu identifikati u definiti l-kompetenzi ewlenin neċessarji għal twettiq personali, ċittadinanza attiva, koeżjoni soċjali u possibilità ta'impjieg f'soċjetà ta' l-għarfien;

2)

ikun appoġġjat ix-xogħol ta' l-Istati Membri biex ikun żgurat li sat-tmiem ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali, iż-żgħażagħ ikunu żviluppaw il-kompetenzi ewlenin sa livell li jippreparahom għall-ħajja adulta, u li tifforma l-bażi għal iktar taħriġ u għall-ħajja tax-xogħol, u li l-adulti jkunu jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-kompetenzi ewlenin tagħhom matul ħajjithom kollha;

3)

tkun ipprovduta għodda ta' referenza fil-livell Ewropew għal dawk li jfasslu l-politika, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, dawk li jħaddmu, u dawk stess li qed jitgħallmu biex ikun iffaċilitat l-isforz fil-livell nazzjonali u Ewropew biex jintlaħqu objettivi miftiehma b'mod komuni;

4)

ikun ipprovdut qafas għal iktar azzjoni fil-livell tal-Komunità kemm fil-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 kif ukoll fil-Programmi ta' Edukazzjoni u Taħriġ tal-Komunità.

Kompetenzi Ewlenin

Kompetenzi huma hawn mfissra bħala taħlita flimkien ta' għarfien, ħiliet u attitudnijiet xierqa għall-kuntest. Il-kompetenzi ewlenin huma dawk li kull individwu jeħtieġ għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali, u l-impjieg.

Il-Qafas ta' Referenza jiddefinixxi tmien kompetenzi ewlenin:

1.

Komunikazzjoni fl-ilsien nattiv;

2.

Komunikazzjoni f'ilsna barranin;

3.

Kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija;

4.

Kompetenza diġitali;

5.

Kapaċità għat-tagħlim;

6.

Kompetenzi soċjali u ċiviċi;

7.

Sens ta' inizjattiva u intraprenditorija; u

8.

Għarfien u espressjoni kulturali.

Il-kompetenzi ewlenin huma kkunsidrati bħala ugwalment importanti, għax kull wieħed minnhom jista' jikkontribwixxi għal ħajja ta' suċċess f'soċjetà ta' l-għarfien. Ħafna mill-kompetenzi jikkoinċidu u jorbtu ma' xulxin: aspetti essenzjali f'qasam wieħed ikunu ta' appoġġ għall-kompetenzi f'qasam ieħor. Il-kompetenza fil-ħiliet bażiċi tal-lingwa, qari u kitba, matematika u t-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) hija pedament essenzjali għat-tagħlim, u t-tagħlim dwar kif titgħallem tappoġġa l-attivitajiet ta' tagħlim kollha. Hemm numru ta' temi li jhuma applikati tul il-Qafas kollu: il-ħsieb kritiku, il-kreattività, l-inizjattiva, is-soluzzjoni tal-problemi, il-valutazzjoni tar-riskji, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-immaniġġar konstruttiv tas-sentimenti għandhom rwol fit-tmien kompetenzi ewlenin kollha.

1.   Komunikazzjoni fl-ilsien nattiv (1)

Definizzjoni:

Il-komunikazzjoni fl-ilsien nattiv hija l-abbiltà li persuna tkun tista' tesprimi u tinterpreta kunċetti, ħsibijiet, sentimenti, fatti u opinjonijiet f'forma kemm orali kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u li tirrelata lingwistikament b'mod xieraq u kreattiv f'firxa sħiħa ta' kuntesti soċjali u kulturali; fl-edukazzjoni u taħriġ, id-dar u waqt il-ħin liberu.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza:

Il-kompetenza komunikattiva tiġi mill-akkwist ta' l-ilsien nattiv, li hija intrinsikament marbuta ma' l-iżvilupp tal-ħila konoxxittiva ta' l-individwu li jinterpreta d-dinja u jirrelata ma' l-oħrajn. Il-komunikazzjoni fil-lingwa nattiva titlob li persuna jkollha l-għarfien ta' vokabularju, grammatika funzjonali u l-funzjonijiet ta' l-ilsien. Tinkludi għarfien tat-tipi ewlenin ta' l-interazzjoni verbali, firxa ta' testijiet letterarji u mhux-letterarji, il-karatteristiċi ewlenin ta' l-istili u r-reġistri differenti ta' l-ilsien u l-varjabbiltà tal-lingwa u l-komunikazzjoni f'kuntesti differenti.

L-individwi għandu jkollhom il-ħiliet sabiex jikkomunikaw kemm b'mod orali kif ukoll bil-miktub f'varjetà ta' sitwazzjonijiet li jitolbu l-komunikazzjoni u li jimmonitorjaw u jadattaw il-komunikazzjonijiet tagħhom skond kif titlob is-sitwazzjoni. Din il-kompetenza tinkludi wkoll il-ħiliet li jsir distinzjoni bejn u użu minn testijiet differenti, it-tfittix, il-ġabra u l-ipproċessar tat-tagħrif, l-użu ta' l-għodod, il-formulazzjoni u l-espressjoni ta' l-argumenti orali u miktubin b'mod konvinċenti u xieraq skond il-kuntest.

Attitudni pożittiva lejn il-komunikazzjoni fil-lingwa nattiva tinvolvi diżpożizzjoni lejn djalogu kritiku u kostruttiv, apprezzament tal-kwalitajiet estetiċi u rieda li jsir sforz sabiex dawn jinkisbu, u interess fl-interazzjoni ma' oħrajn. Dan jimplika għarfien ta' l-impatt tal-lingwa fuq l-oħrajn u l-bżonn li wieħed jifhem u juża l-lingwa b'mod pożittiv u soċjalment responsabbli.

2.   Komunikazzjoni f'ilsna barranin (2)

Definizzjoni:

Il-komunikazzjoni f'ilsna barranin ġeneralment taqsam il-karatteristiċi ta' ħiliet ewlenin mal-komunikazzjoni fil-lingwa nattiva: hija bbażata fuq l-abbiltà li persuna tkun tista' tesprimi u tinterpreta kunċetti l-ħsibijiet, sentimenti u fatti u l-opinjonijiet f'forma kemm orali kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u f'firxa xierqa ta' kuntesti soċjali u kulturali (fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ix-xogħol, id-dar u l-ħin liberu) skond ix-xewqat u l-ħtiġiet individwali. Il-komunikazzjoni f'ilsna barranin titlob ukoll għal ħiliet bħal medjazzjoni u għarfien interkulturali. Il-livell ta' kapaċità ta' l-individwi jista' jvarja bejn l-erba' dimensjonijiet, (is-smigħ, it-taħdit, il-qari u l-kitba) u bejn l-ilsna differenti u skond l-isfond, l-ambjent u l-ħtiġijiet jew l-interessi soċjali u kulturali ta' dak l-individwu.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza:

Il-kompetenza f'ilsna barranin teħtieġ għarfien ta' vokabularju u grammatika funzjonali u konoxxenza tat-tipi ewlenin ta' l-interazzjoni verbali u r-reġistri ta' l-ilsien. Għarfien tal-konvenzjonijiet soċjali, u l-aspetti kulturali u l-varjabbiltà ta' l-ilsna huwa importanti.

Il-ħiliet essenzjali għall-komunikazzjoni f'ilsna barranin jikkonsistu fl-abbiltà li persuna tifhem messaġġi orali, li tibda, żżomm u tikkonkludi konverżazzjoni u li taqra, tifhem u tipproduċi test adattati għall-ħtiġijiet ta' l-individwu. L-individwi għandhom ikunu wkoll kapaċi li jużaw l-għodda adattata, u li jitgħallmu l-ilsna b'mod informali wkoll bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja.

Attitudni pożittiva tinvolvi l-apprezzament tad-diversità kulturali, u interess u kurżità dwar l-ilsna u l-komunikazzjoni interkulturali.

3.   Kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija

Definizzjoni:

A.

Il-kompetenza matematika hija l-abbiltà li persuna tiżviluppa u tapplika ħsieb matematiku sabiex issolvi firxa ta' problemi f'sitwazzjonijiet ta' kuljum. Filwaqt li tinbena fuq padrunanza soda tal-matematika, l-enfażi huwa fuq il-proċess u l-attività, kif ukoll fuq l-għarfien. Il-kompetenza matematika tinvolvi, fi gradi differenti, l-abbiltà u r-rieda li persuna tuża metodi ta' ħsieb (ħsieb loġiku u spazjali) u preżentazzjoni (formoli, mudelli, constructs, graffs/ċarts) matematiċi.

B.

Il-kompetenza fix-xjenza tirreferi għall-abbiltà u r-rieda li persuna tuża l-korp ta' għarfien u l-metodoloġija użati biex tispjega d-dinja naturali, sabiex tidentifika l-mistoqsijiet u tasal għal konklużjonijiet ibbażati fuq ix-xhieda. Il-kompetenza fit-teknoloġija hija meqjusa bħala l-applikazzjoni ta' l-għarfien u l-metodoloġija bħala reazzjoni għal dawk li jidhru bħala xewqat jew ħtiġijiet tal-bniedem. Il-kompetenza fix-xjenza u t-teknoloġija tinvolvi l-għarfien tal-bidliet ikkawżati mill-attività umana u r-responsabbiltajiet bħala ċittadin individwali.

Għarfien, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza:

A.

Għarfien neċessarju fil-matematika jinkludi għarfien sod tan-numri, kejl u strutturi, operazzjonijiet bażiċi u preżentazzjonijiet matematiċi bażiċi, għarfien tat-termini u kunċetti matematiċi, u tal-konoxxenza tal-mistoqsijiet fejn il-matematika tista' tipprovdi risposta.

Kull individwu għandu jkollu l-ħiliet sabiex japplika l-prinċipji u proċessi matematiċi bażiċi f'kuntesti ta' kuljum fuq ix-xogħol u d-dar, u sabiex isegwi u jivvaluta argument. Individwu għandu jkun kapaċi li jirraġuna b'mod matematiku, jifhem prova matematika u jikkomunika bil-lingwa tal-matematika, u juża l-għodda adattati.

Attitudni pożittiva fil-matematika hija bbażata fuq ir-rispett lejn il-verità u r-rieda li persuna tfittex ir-raġunijiet u tistma l-validità tagħhom.

B.

Fix-xjenza u t-teknoloġija l-għarfien essenzjali jinkludi l-prinċipji bażiċi tad-dinja naturali, kunċetti xjentifiċi, prinċipji u metodi fundamentali, teknoloġija u prodotti u proċessi teknoloġiċi kif ukoll għarfien ta' l-impatt tax-xjenza u tat-teknoloġija fuq id-dinja naturali. Sussegwentament, dawn il-kompetenzi għandhom jgħinu lill-individwi biex jifhmu aħjar l-avvanzi, l-limitazzjonijiet u r-riskji tat-teoriji xjentifiċi, l-applikazjonijiet u t-teknoloġija fis-soċjetà in ġenerali (b'relazzjoni mat-teħid tad-deċiżjonijiet, valuri, kwistjonijiet morali, kultura, eċċ).

Il-ħiliet jinkludu l-abbiltà li persuna tuża u jużaw għodod u magni teknoloġiċi kif ukoll tagħrif xjentifiku sabiex tilħaq għan jew tasal għal deċiżjoni jew konklużjoni bbażata fuq ix-xhieda. L-individwi għandhom ikunu kapaċi wkoll li jagħrfu l-karatteristiċi essenzjali ta' inkjesta xjentifika u jkollhom l-abbiltà li jikkomunikaw il-konklużjonijiet u r-raġunar li jkun wassal għalihom.

Il-kompetenzi jinkludu attitudni ta' apprezzament kritiku u kurżità, interess fi kwistjonijiet ta' etika u rispett kemm għas-sigurezza kif ukoll is-sostenibbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-progress xjentifiku u teknoloġiku fir-rigward ta' l-individwu stess, il-familja, is-soċjetà u kwistjonijiet globali.

4.   Kompetenza diġitali

Definizzjoni:

Il-kompetenza diġitali tinvolvi l-użu kritiku u b'fiduċja tat-Teknoloġija tas-Soċjetà tat-Tagħrif (IST) għax-xogħol, il-ħin ħieles u l-komunikazzjoni. Hija sostnuta mill-ħiliet bażiċi fl-ICT: l-użu tal-kompjuters sabiex il-persuna ssib, tivvaluta, taħżen, tippreżenta u tpartat it-tagħrif, u tikkomunika u tipparteċipa f'networks kollaborattivi permezz ta' l-internet.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza:

Il-kompetenza diġitali teħtieġ konoxxenza u għarfien sodi tan-natura, l-irwol u l-opportunitajiet tal-IST fil-ħajja ta' kuljum: fil-ħajja personali u soċjali kif ukoll fuq ix-xogħol. Dan jinkludi l-applikazzjonijiet ewlenin tal-komputer bħal word-processing, spreadsheets, bażijiet tat-tagħrif, ħażna u mmaniġġar tat-tagħrif, u konoxxenza ta' l-opportunitajiet u riskji potenzjali li joffru l-Internet u l-komunikazzjoni permezz tal-medja elettronika (posta elettronika, għodod tan-networks) għax-xogħol, għalħin ħieles, tpartit tat-tagħrif u kollaborazzjoni fin-netwerking, tagħlim u riċerka. L-individwi għandhom jifhmu wkoll kif l-IST jista' jappoġġa l-kreattività u l-innovazzjoni, u jkunu konxji tal-kwistjonijiet relatati mal-validità u l-affidabbiltà tat-tagħrif disponibbli u tal-prinċipji legali u etiċi involuti fl-użu interattiv ta' l-IST.

Il-ħiliet meħtieġa jinkludu: il-kapaċità li persuna tfittex, tiġbor u tipproċessa t-tagħrif u tagħmel użu minnu b'mod kritiku u sistematiku, tivvaluta r-rilevanza u tiddistingwi r-reali mill-virtwali waqt li tirrikonoxxi l-irbit. L-individwi għandu jkollhom il-ħiliet li jużaw l-għodod sabiex jipproduċu, jippreżentaw u jifhmu tagħrif kumpless u l-abbiltà li jilħqu, jużaw u jfittxu f'servizzi bbażati fuq l-internet. Individwi għandhom ikunu wkoll kapaċi jużaw l-IST bħal appoġġ għal ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni.

L-użu ta' l-IST jeħtieġ attitudni kritika u ta' riflessjoni lejn it-tagħrif disponibbli u użu responsabbli tal-medja interattiva; interess f'impenn fil-komunitajiet u n-networks għal għanijiet kulturali, soċjali u/jew professjonali huwa wkoll ta' appoġġ għal din il-kompetenza.

5.   Titgħallem kif titgħallem

Definizzjoni:

'Titgħallem kif titgħallem'' hija l-kapaċità li individwu jfittex u jippersisti fit-tagħlim, li jorganizza. it-tagħlim tiegħu stess, inkluż permezz ta' l-immaniġġar effettiv tal-ħin u t-tagħrif, kemm bħala individwu u kemm fi gruppi. Din il-kompetenza tinkludi l-konoxxenza tal-proċess ta' tagħlim u l-ħtiġiet ta' l-individwu, l-identifikazzjoni ta' l-opportunitajiet disponibbli, u l-kapaċità li l-individwu jissupera l-ostakoli sabiex ikollu suċċess fit-tagħlim. Din il-kompetenza tfisser il-kisba, l-ipproċessar u l-assimilazzjoni ta' għarfien u ħiliet ġodda kif ukoll it-tfittix u l-użu tal-pariri. Il-kapaċità għat-tagħlim timpenja l-istudenti sabiex jibnu fuq it-tagħlim preċedenti u l-esperjenza tal-ħajja sabiex jużaw u japplikaw l-għarfien u l-ħiliet f'varjetà ta' kuntesti: id-dar, fuq ix-xogħol, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Il-motivazzjoni u l-kunfidenza huma kruċjali għall-kompetenza ta' individwu.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza:

Fejn it-tagħlim huwa indirizzat lejn xi xogħol partikolari jew miri fil-karriera, l-individwu għandu jkollu għarfien tal-kompetenzi, għarfien, ħiliet u kwalifikazzjonijiet meħtieġa. F'kull każ, il-kapaċità għat-tagħlim teħtieġ li individwi jkunu jafu u jifhmu l-istrateġiji tat-tagħlim ippreferuti, il-qawwa u d-djufija tal-ħiliet u l-kwalifikazzjonijet tagħhom u jkunu kapaċi li jfittxu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ u l-pariri u/jew appoġġ li jkun disponibbli.

Il-ħtiġiet tal-kapaċità għat-tagħlim jeħtieġu, l-ewwelnett, l-akkwist tal-ħiliet bażiċi fundamentali bħall-qari u l-kitba, il-matematika u l-ħiliet ta' ICT li huma meħtieġa għal aktar tagħlim. Billi jibni fuq dawn il-ħiliet, l-individwu għandu jkun kapaċi jilħaq, jakkwista, jipproċessa u jassimila tagħrif u ħiliet ġodda. Dan jeħtieġ maniġġar effettiv tal-modi ta' tagħlim, karriera u xogħol u, b'mod partikolari, il-kapaċità li l-individwu jippersisti fit-tagħlim, li jikkonċentra għal perijodi twal u li jirrifletti b'mod kritiku dwar l-għanijiet u l-miri tat-tagħlim. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jiddedikaw ħin għat-tagħlim minn jeddhom u b'dixxiplina, iżda wkoll li jaħdmu ma' oħrajn bħala parti mill-proċess ta' tagħlim, jipprofittaw mill-benefiċċji ta' grupp eteroġenu u jaqsmu dak li jkunu tgħallmu ma' oħrajn. L-individwi għandhom ikunu kapaċi jivvalutaw ix-xogħol tagħhom stess u jfittxu parir, tagħrif u appoġġ meta jkun xieraq.

Attitudni pożittiva tinkludi l-motivazzjoni u l-kunfidenza li l-individwu jsegwi u jirnexxi fit-tagħlim tul il-ħajja. Attitudni ta' problem-solving tappoġġa kemm il-proċess ta' tagħlim innifsu kif ukoll l-abbiltà ta' l-individwu li jiffaċċja l-ostakoli u l-bidla. Ix-xewqa li jkun applikat it-tagħlim u l-esperjenzi tal-ħajja preċedenti u l-kurżità li l-individwu jfittex l-opportunitajiet sabiex jitgħallem u japplika t-tagħlim f'varjetà ta' kuntesti fil-ħajja huma elementi essenzjali ta' attitudni pożittiva.

6.   Kompetenzi soċjali u ċiviċi

Definizzjoni:

Dawn jinkludu kompetenzi personali, interpersonali, interkulturali, soċjali u ċiviċi u jkopru kull forma ta' aġir li jħejju l-individwi sabiex jipparteċipaw b'mod effettiv u kostruttiv fil-ħajja soċjali u tax-xogħol u, b'mod partikolari, f'soċjetajiet dejjem aktar diversi u, fejn ikun meħtieġ, jirrisolvu l-konflitti. Il-kompetenza ċivika tħejji l-individwi sabiex jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-ħajja ċivika, bis-saħħa ta' l-għarfien tal-kunċetti u strutturi soċjali u politiċi u impenn għal parteċipazzjoni attiva u demokratika.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza

A.

Il-kompetenza soċjali hija marbuta mal-benesseri personali u soċjali li jitlob konoxxenza ta' kif l-individwi jistgħu jiżguraw saħħa fiżika u mentali mill-aqwa, inkluż bħala riżors kemm għall-individwu nnifsu kif ukoll għall-familja tiegħu, u għall-ambjent soċjali qrib tiegħu, u l-għarfien ta' kif stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa jista' jikkontribwixxi għal dan. Sabiex ikun hemm parteċipazzjoni interpersonali u soċjali tajba, huwa essenzjali li jkun hemm għarfien tal-kodiċi ta' kondotta u manjieri ġeneralment aċċettati fis-soċjetajiet u ambjenti differenti (eż. fuq ix-xogħol). Huwa daqstant ieħor importanti li jkun hemm ukoll għarfien tal-kunċetti bażiċi relatati ma' l-individwi, gruppi, organizzazzjonijiet tax-xogħol, ugwaljanza bejn is-sessi, u non-diskriminazzjoni, soċjetà u kultura. L-għarfien tad-dimensjonijiet multikulturali u soċjoekonomiċi tas-soċjetajiet Ewropej u kif l-identità kulturali nazzjonali tirrelata ma' l-identità Ewropea, huwa essenzjali.

Il-ħiliet bażiċi ta' din il-kompetenza jinkludu l-abbiltà li l-individwu jikkomunika b'mod kostruttiv f'ambjenti differenti, ikun tolleranti, jesprimi u jifhem opinjonijiet differenti, jinnegozja bil-kapaċità li jispira fiduċja u jħoss l-empatija huma l-ħiliet ċentrali ta' din il-kompetenza. L-individwi għandhom ikunu kapaċi li jifilħu t-tensjoni u l-frustrazzjoni u jesprimuhom b'mod kostruttiv u għandhom ukoll jiddistingwu bejn l-oqsma personali u professjonali.

Il-kompetenza hija bbażata fuq attitudni ta' kollaborazzjoni, kif l-individwu jasserixxi ruħu u l-integrità. L-individwi għandu jkollhom interess fl-iżvilupp soċjoekonomiku u l-komunikazzjoni interkulturali u għandhom jgħożżu d-diversità u jirrispettaw lill-oħrajn u jkunu lesti kemm li jirbħu l-preġudizzji kif ukoll li jaslu għal kompromessi.

B.

Il-kompetenza ċivika hija bbażata fuq l-għarfien tad-demokrazija, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, iċ-ċittadinanza u d-drittijiet ċivili, inklużi kif jidhru fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u dikjarazzjonijiet internazzjonali u kif inhuma applikati minn istituzzjonijiet varji fuq livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali. Hija tinkludi l-għarfien dwar avvenimenti kontemporanji, kif ukoll avvenimenti ewlenin u xejriet fl-istorja nazzjonali, Ewropea u dinjija. Barra minn hekk, għandha tiġi żviluppata kuxjenza dwar il-miri, valuri u politiki tal-movimenti soċjali u politiċi. Għarfien ta' l-integrazzjoni Ewropea u ta' l-istrutturi ta' l-UE, ta' l-objettivi u l-valuri ewlenin huwa essenzjali wkoll, kif ukoll kuxjenza tad-diversità u ta' l-identità kulturali fl-Ewropa.

Il-ħiliet għall-kompetenza ċivika jirrelataw mal-kapaċità ta' l-individwu li jingrana ma' oħrajn b'mod effettiv fil-qasam pubbliku, u li juri solidarjetà u jieħu interess fis-soluzzjoni ta' problemi li jaffettwaw il-komunità lokali u dik aktar wiesgħa. Dan jinvolvi riflessjoni kritika u kreattiva u parteċipazzjoni kostruttiva fl-attivitajiet tal-komunità jew il-viċinat kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha minn lokali sa' nazzjonali u l-livell Ewropew, b'mod partikolari billi l-individwu jivvota.

Ir-rispett sħiħ għad-drittijiet umani, inklużi l-ugwaljanza bħala bażi għad-demokrazija, l-apprezzament u l-għarfien tad-differenzi bejn is-sistemi ta' valuri tar-reliġjonijiet differenti jew gruppi etniċi huma s-sisien għal attitudni pożittiva. Dan ifisser wirja kemm ta' sens ta' appartenenza għal-lokalità, għall-pajjiż, għall-UE u għall-Ewropa in ġenerali u għad-dinja u r-rieda għal parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod demokratiku fil-livelli kollha. Jinkludi wkoll il-wiri ta' sens ta' responsabbiltà kif ukoll il-kapaċità li tifhem u tirrispetta l-valuri komuni li huma meħtieġa biex tkun assigurata l-koeżjoni tal-komunità, bħar-rispett għall-prinċipji demokratiċi. Il-parteċipazzjoni kostruttiva tinvolvi wkoll l-attivitajiet ċiviċi, appoġġ għad-diversità u l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, u rieda għar-rispett tal-valuri u l-privatezza ta' l-oħrajn.

7.   Sens ta' inizjattiva u intraprenditorija

Definizzjoni:

Sens ta' inizjattiva u intraprenditorija tirreferi għall-kapaċità ta' l-individwu li jdawwar l-ideat f'azzjoni. Tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà ta' l-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta' appoġġ għal individwi, mhux biss fil-ħajja ta' kuljum tagħhom fid-dar u fis-soċjetà, iżda wkoll fuq il-post tax-xogħol sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi li jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ minn dawk li jistabbilixxu jew jikkontribwixxu għall-attivitajiet soċjali jew kummerċjali. Dan għandu jinkludi għarfien ta' valuri etiċi u jippromwovi tmexxija tajba.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza

L-għarfien neċessarju jinkludi l-abbilità li wieħed jidentifika l-opportunitajiet disponibbli għall-attivitajiet personali, professjonali u/jew ta' negozju, inklużi kwistjonijiet aktar wiesgħin li jindikaw il-kuntest fejn in-nies jgħixu u jaħdmu, bħal konoxxenza aktar wiesa' tal-mod kif taħdem l-ekonomija, u l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċja min iħaddem jew organizzazzjoni. L-individwi għandhom ikunu konxji wkoll mill-pożizzjoni etika ta' l-intrapriża, u kif jistgħu jkunu forza għall-ġid, per eżempju permezz ta' negozju ġust jew intrapriża soċjali.

Il-ħiliet jirrigwardaw l-immaniġġar proattiv tal-proġetti (li jinvolvu per eżempju l-abbiltà li individwu jippjana, jorganizzazza, jimmaniġġa, imexxi u jiddelega, janalizza, jikkomunika, jagħmel de-briefing u jivvaluta u jirrekordja), ir-rappreżentazzjoni u l-innegozjar effettivi, u l-abbiltà ta' xogħol kemm bħala individwu kif ukoll f'kollaborazzjoni f'timijiet. L-abbiltà li individwu jevalwau jidentifika fejn hu dgħajjef u fejn hu b'saħħtu u jivvaluta u jieħu r-riskji kif u meta jkun meqjus li jkun iġġustifikat.

Attitudni intraprenditorjali hija karatterizzata minn inizjattiva, pro-activity, indipendenza u innovazzjoni fil-ħajja personali u soċjali daqs kemm fil-ħajja tax-xogħol. Tinkludi wkoll il-motivazzjoni u d-determinazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet, kemm jekk ikunu miri personali, jew miri maqsuma ma' oħrajn, inkluż fuq il-post tax-xogħol.

8.   Kuxjenza u espressjoni kulturali

Definizzjoni:

Apprezzament ta' l-importanza ta' l-espressjoni kreattiva ta' l-ideat, l-esperjenzi u l-emozzjonijiet f'firxa ta' midja li tinkludi l-mużika, iż-żfin, kant, reċtar, il-letteratura u l-arti viżwali.

Tagħrif, ħiliet u attitudni essenzjali relatati ma' din il-kompetenza

L-għarfien kulturali jinkludi kuxjenza tal-wirt kulturali lokali, nazzjonali u Ewropew u posthom fid-dinja. Ikopri għarfien bażiku ta' l-opri kulturali l-aktar importanti, inkluża l-kultura popolari kontemporanja. Huwa essenzjali li jkun hemm għarfien tad-diversità lingwistika fl-Ewropa (u fir-reġjuni l-oħra fid-dinja), il-ħtieġa li din tkun ippreservata u l-importanza tal-fatturi estetiċi fil-ħajja ta' kuljum.

Il-ħiliet huma relatati kemm ma' l-apprezzament kif ukoll ma' l-espressjoni: l-apprezzament u t-tgawdija ta' l-opri u l-preżentazzjonijiet artistiċi kif ukoll l-espressjoni ta' l-individwu stess permezz ta' varjetà ta' medja skond il-kapaċitajiet personali.. Il-ħiliet jinkludu wkoll il-kapaċità li individwu jirrelata l-opinijonijiet kreattivi u ta' espressjoni tiegħu ma' dawk ta' oħrajn u jidentifika u jattwa opportunitajiet soċjali u ekonomiċi fl-attività kulturali. L-espressjoni kulturali hija essenzjali għall-iżvilupp tal-ħiliet kreattivi, li jistgħu jiġu trasferiti għal numru ta' kuntesti professjonali.

Għarfien sod tal-kultura proprja u sens ta' identità qawwi jistgħu jkunu l-bażi għal attitudni miftuħa lejn id-diversità ta' l-espressjoni kulturali u r-rispett għaliha. Attitudni pożittiva tkopri wkoll il-kreattività u r-rieda li tkun ikkultivata l-kapaċità estetika permezz ta' l-espressjoni artitistika ta' l-individwu stess u l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali.


(1)  Fil-kuntest tas-soċjetajiet multikulturali u multilingwi Ewropej, huwa rikonoxxut li l-ilsien nattiv jista' f'xi każijiet ma jkunx il-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru, u li dik l-abbiltà ta' komunikazzjoni b“lingwa uffiċjali hija pre-kondizzjoni biex tiżgura s-sehem sħiħ ta' l-individwu fis-soċjetà. F”xi Stati Membri l-lingwa nattiva tista' tkun waħda minn diversi lingwi uffiċjali. Il-miżuri li jindirizzaw każijiet bħal dawn, u li japplikaw id-definizzjoni kif xieraq, huma kwistjonijiet għall-Istati Membri individwali skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom.

(2)  Huwa importanti li jkun rikonoxxut li ħafna Ewropej jgħixu f'familji u komunitajiet li jitkellmu żewġ lingwi jew li huma multilingwistiċi, u li l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż fejn jgħixu tista' ma tkunx il-lingwa nattiva tagħhom. Għal dawn il-gruppi din il-kompetenza tista' tapplika għal lingwa uffiċjali, iktar milli għal lingwa barranija. Il-ħtieġa, motivazzjoni u raġunijiet soċjali u/jew ekonomiċi li għalihom jiżviluppaw din il-kompetenza biex jappoġġjaw l-integrazzjoni tagħhom jistgħu ivarjaw, pereżempju, minn dawk li jitgħallmu lingwa barranija għal raġunijiet ta' safar jew xogħol. Miżuri sabiex tali każijiet ikunu indirizzati, u sabiex tkun applikata t-tifsira, huma kwistjoni għall-Istati Membri individwali skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom.