ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

MTĦarġa Speċjali ( 1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 48
11 ta' Ġunju 2005


Werrej

 

I   Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

*

Id-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda ( 3 )

1

 

*

Id-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur ( 3 )

14

 

*

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) ( 3 )

22

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi Uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU L 149

 

(3)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

11.6.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


ID-DEĊIŻJONI Nru 854/2005/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Mejju 2005

li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u ta’ teknoloġiji online ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-penetrazzjoni ta’ l-internet u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħat-telefown ċellulari għadhom qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli fil-Komunità. Flimkien ma’ dan, qed jitfaċċaw perikli u abbużi b’dawn it-teknoloġiji, speċjalment għat-tfal. Sabiex jiġi mħeġġeġ l-isfruttament ta’ l-opportunitajiet li joffru l-internet u t-teknoloġiji online ġodda, hemm bżonn ta’ miżuri li jippromwovu l-użu aktar sigur tagħhom u jipproteġu lill-utent finali minn kontenut mhux mixtieq.

(2)

Il-“Pjan ta’ Azzjoni eEurope 2005”, li jiżviluppa l-istrateġija ta’ Liżbona, għandu l-għan li jistimola servizzi, applikazzjonijiet u kontenuti siguri bbażati fuq infrastruttura ta’ broadband disponibbli b’mod wiesgħa. Fost l-għanijiet tiegħu hemm infrastruttura ta’ informazzjoni sigura, l-iżvilupp, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta’ l-aħjar prattiċi, analiżi komparattiva u mekkaniżmu ta’ kordinazzjoni tal-linji politiċi għall-e-policies.

(3)

Il-qafas leġiżlattiv li qed jiġi stabbilit fuq livell Komunitarju sabiex jiffaċċja l-isfidi tal-kontenut diġitali fis-soċjetà ta’ l-Informatika fid-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi (3), jinkludi regoli dwar is-servizzi online, b’mod partikolari dawk dwar e-mails kummerċjali mhux mitluba u dwar aspetti importanti tar-responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji ta’ servizzi fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (4), u rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri, l-industrija u l-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni flimkien mal-linji gwida indikattivi dwar il-protezzjoni tal-minuri fir-Rakkomandazzjoni 98/560/KE (5).

(4)

Ser ikun hemm ħtieġa kontinwa għal azzjoni kemm fil-qasam tal-kontenut li hu potenzjalment dannuż għat-tfal jew mhux mixtieq mill-utent finali kif ukoll fil-qasam tal-kontenut illegali, b’mod partikolari l-pornografija tat-tfal u l-materjal razzist.

(5)

Li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar regoli bażiċi li jorbtu legalment huwa mixtieq, iżda dan mhux ser jintlaħaq faċilment. Anki jekk jintlaħaq tali ftehim, dan ma jkunx biżżejjed fih innifsu sabiex jiżgura li r-regoli jiġu implimentati jew li dawk f’riskju jkunu protetti.

(6)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Internet Aktar Sigur (1999-2004), adottat bid-Deċiżjoni Nru 276/1999/KE (6) ipprovda finanzjament mill-Komunità li ħeġġeġ b’suċċess varjetà ta’ inizjattivi u ta valur addizzjonali Ewropew. Aktar finanzjament ser jgħin inizjattivi ġodda biex jibnu fuq ix-xogħol li diġà twettaq.

(7)

Għadhom meħtieġa miżuri prattiċi li jħeġġu r-rappurtar ta’ kontenut illegali lil dawk li huma f’pożizzjoni li jieħdu azzjoni dwaru, li jħeġġu l-valutazzjoni tar-riżultati ta’ teknoloġiji ta’ filtrazzjoni u l-analiżi komparattiva ta’ dawk it-teknoloġiji, li jiġu mxerrda l-aħjar prattiċi għal kodiċi ta’ kondotta li jinkorporaw regoli ta’ mġieba li dwarhom hemm ftehim ġenerali, u li jinfurmaw u jedukaw lill-ġenituri u lit-tfal dwar l-aħjar mod sabiex jibbenefikaw b’mod sigur mill-potenzjal ta’ teknoloġiji online ġodda.

(8)

Azzjoni fuq il-livell ta’ l-Istati Membri, li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ atturi minn gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, operaturi ta’ networks, ġenituri, għalliema u amministraturi ta’ skejjel hija essenzjali. Il-Komunità tista’ tistimola l-aħjar prattika fl-Istati Membri billi twettaq rwol ta’ orjentament kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell internazzjonali u tipprovdi sostenn għal analiżi komparattiva, networking u riċerka applikata fuq livell Ewropew.

(9)

Il-koperazzjoni internazzjonali hija wkoll essenzjali u tista’ tiġi stimolata, ikkordinata, trażmessa u implimentata b’azzjoni permezz ta’ l-istrutturi ta’ networking Komunitarji.

(10)

Il-miżuri li l-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta skond is-setgħat implimentattivi mogħtija lilha minn din id-Deċiżjoni huma miżuri amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-implimentazzjoni ta’ programm b’implikazzjonijiet ta’ baġit sostanzjali fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (7). Dawk il-miżuri għandhom għaldaqstant jiġu adottati skond il-proċedura ta’ amministrazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċizjoni.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija ma’ l-inizjattivi u l-programmi Komunitarji relatati, inkluż, inter alia, billi jittieħed kont tax-xogħol imwettaq minn korpi oħra.

(12)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina u t-titjib tal-proċedura tal-baġit (8), u għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura annwali.

(13)

Peress li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, iġifieri l-promozzjoni ta’ l-użu aktar sigur ta’ l-internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda u sabiex jiġi miġġieled il-kontenut illegali u mhux mixtieq mill-utent finali, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-karattru transnazzjonali tal-kwistjonijiet involuti, jistgħu għalhekk, minħabba li l-iskala u l-effetti ta’ dimensjoni Ewropea ta’ l-azzjonijiet jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(14)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

IDDEĊIEDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Għan tal-Programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm Komunitarju għall-perjodu bejn l-2005 u l-2008 għall-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda, b’mod partikolari għat-tfal, u biex jiġu miġġielda l-kontenuti llegali jew mhux mixtieqa mill-utent finali.

Il-programm għandu jkun magħruf bħala l-programm “Safer Internet Plus” (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Programm”).

2.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm imsemmi fil-paragrafu 1, l-azzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu indirizzati:

(a)

il-ġlieda kontra l-kontenut illegali,

(b)

it-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż,

(ċ)

il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sigur,

(d)

sensibilizzazzjoni.

L-attivitajiet li għandhom jiġu mwettqa taħt dawk l-azzjonijiet huma stabbiliti fl-Anness I.

Il-Programm għandu jiġi implimentat skond l-Anness III.

Artikolu 2

Il-Parteċipazzjoni

1.   Il-parteċipazzjoni fil-programm għandha tkun miftuħa għall-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri.

Il-parteċipazzjoni fil-programm hija miftuħa wkoll għal entitajiet legali stabbiliti fil-pajjiżi kanditati skond ftehimiet bilaterali eżistenti jew li ser jiġu konklużi ma’ dawk il-pajjiżi.

2.   Il-parteċipazzjoni fil-programm tista’ tinfetaħ għal entitajiet legali stabbiliti fl-Istati ta’ l-EFTA, li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet tal-protokoll nru 31 għal dak il-ftehim.

3.   Il-parteċipazzjoni fil-programm tista’ tinfetaħ, mingħajr appoġġ finanzjarju mill-Komunità taħt il-programm, għal entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi u għal organizzazzjonijiet internazzjonali, meta tali parteċipazzjoni tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-programm. Id-deċiżjoni li tippermetti tali parteċipazzjoni għandha tiġi adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 3

Il-Kompetenzi tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal programm ta’ ħidma abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha, b’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, tiżgura li b’mod ġenerali dan ikun konsistenti u kumplementari ma’ linji politiċi, programmi u azzjonijiet Komunitarji oħra rilevanti, b’mod partikolari l-programmi Komunitarji ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku u l-programmi Daphne II (9), Modinis (10) u eContentplus (11).

4.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2) għall-finijiet ta’ dan li ġej:

(a)

l-adozzjoni u l-modifiki tal-programm ta’ ħidma;

(b)

it-tqassim ta’ l-ispiża tal-baġit;

(ċ)

id-determinazzjoni tal-kriterji u l-kontenut ta’ sejħiet għal proposti, skond l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1;

(d)

il-valutazzjoni tal-proġetti proposti wara sejħiet għal proposti għal finanzjament Komunitarju meta l-kontribut Komunitarju stmat ikun ekwivalenti għal, jew aktar minn, EUR 500 000;

(e)

kwalunkwe tbegħid mir-regoli stabbiliti fl-Anness III;

(f)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-valutazzjoni tal-programm.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programm.

Artikolu 4

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 5

Il-Monitoraġġ u l-Valutazzjoni

1.   Sabiex tiżgura li l-għajnuna Komunitarja tintuża b’mod effiċjenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li azzjonijiet taħt din id-Deċiżjoni huma soġġetti għal stima minn qabel, segwitu u valutazzjoni sussegwenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ proġetti taħt dan il-program u tivvaluta l-mod kif ġew imwettqa l-proġetti u l-impatt ta’ l-implimentazzjoni tagħhom sabiex jiġi magħruf jekk intlaħqux l-għanijiet ewlenin.

3.   Il-Kumissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(2) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, sa mhux aktar tard min-nofs is-sena 2006. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konsistenza ta’ l-ammont għall-2007-2008 mal-perspettiva finanzjarja. Jekk ikun applikabbli, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa fi ħdan il-proċeduri tal-baġit għall-2007-2008 sabiex tiżgura l-konsistenza ta’ l-approprjazzjonijiet annwali mal-perspettiva finanzjarja.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ta’ valutazzjoni finali fi tmiem il-programm.

4.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-riżultati tal-klassifikazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa għall-emendar ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-riżultati għandhom jintbagħtu qabel il-preżentazzjoni ta’ l-abbozz tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin 2007 u 2009 rispettivament.

Artikolu 6

Id-Dispożizzjonijiet Finanzjarji

1.   Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet Komunitarji skond din id-Deċiżjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 hu b’dan stabbilit għal EUR 45 miljun, li minnhom EUR 20 050 000 huma għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2006.

Għall-perjodu wara l-31 ta’ Diċembru 2006, l-ammont għandu jitqies li ġie kkonfermat jekk ikun konsistenti għal din il-fażi mal-perspettiva finanzjarja fis-seħħ għall-perjodu li jibda fl-2007.

L-approprjazzjonijiet annwali għall-perijodu mill-2005 sa l-2008 għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

2.   It-tqassim indikattiv ta’ l-ispiża huwa mogħti fl-Anness II.

Artikolu 7

Id-Dħul fis-Seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Strasburgu, nhar il-11 ta’ Mejju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  L-opinjoni tas-16 ta’ Diċembru 2004 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Diċembru 2004 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2005.

(3)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 li tirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fil-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37).

(4)  Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar certi aspetti legali tas-servizzi minn socjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerc elettroniku, fis-suq intern (ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/560/KE ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta’ l-informazzjoni permezz tal-promozzjoni ta’ oqfsa nazzjonali bil-għan li jinkiseb livell ta’ protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem komparabbli u effettiv (ĠU L 270, tas-7.10.1998, p. 48).

(6)  Deċiżjoni Nru 276/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 1999 li tadotta Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju Pluriennali dwar il-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-internet u tat-teknoloġiji online ġodda billi tikkumbatti l-kontenut illegali u ta’ ħsara primarjament fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal u tal-minuri (ĠU L 33, tas-6.2.1999, p. 1). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 12).

(7)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(8)  ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1. Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, ta’ l-14.6.2003, p. 25).

(9)  Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tadotta programm ta’ azzjoni Komunitarja (mill-2004 sa l-2008) li jimpedixxi u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u jipproteġi l-vittmi u l-gruppi f’riskju (il-programm Daphne II) (ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 1).

(10)  Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 li tadotta programm pluriennali (mill-2003 sa l-2005) għall-monitoraġġ tal-pjan ta’ azzjoni eEwropa 2005, it-tixrid ta’ prattiċi tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-networks u ta’ l-informazzjoni (MODINIS) (ĠU L 336, tat-23.12.2003, p. 1). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE.

(11)  Deċiżjoni Nru 456/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-Komunità biex il-kontenut diġitali fl-Ewropa jsir iżjed aċċessibbli u jkun jista’ jiġi wżat u sfruttat iktar (ĠU L 79, ta’ l-24.3.2005, p. 1).


ANNESS I

AZZJONIJIET

1.   AZZJONI 1: IL-ĠLIEDA KONTRA L-KONTENUT ILLEGALI

Il-hotlines jippermettu lill-membri tal-pubbliku jirrappurtaw kontenut illegali. Huma jgħaddu r-rapporti lill-korp xieraq (il-fornitur tas-servizz ta’ l-internet (ISP), il-pulizija jew hotline xierqa) sabiex tittieħed azzjoni. Il-hotlines ċivili jikkomplimentaw il-hotlines tal-pulizija, fejn jeżistu. L-irwol tagħhom hu differenti minn dak ta’ l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, peress li ma jinvestigawx reati, jarrestaw jew iħarrku lil min jikser il-liġi. Jistgħu jikkostitwixxu ċentri ta’ kompetenza li jipprovdu gwida lil fornituri tas-servizzi ta’ l-internet dwar liema kontenut jista’ jkun illegali.

In-network ta’ hotlines eżistenti huwa struttura unika li ma kenitx tiġi stabbilita mingħajr il-finanzjament mill-Komunità. Kif indikat fil-rapport ta’ valutazzjoni ta’ l-2002 għall-Pjan ta’ Azzjoni Internet Aktar Sigur, in-network kellu suċċess kbir fiż-żieda ta’ membri u għandu medda internazzjonali. Sabiex il-hotlines jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, hu meħtieġ li jiġu żgurati kopertura u koperazzjoni fl-Ewropa kollha, u tiżdied l-effettività permezz ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-esperjenza. Fondi Komunitarji għandhom jiġu wżati wkoll biex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-hotlines, biex dawn isiru aktar effettivi.

Għajnuna finanzjarja għandha tiġi pprovduta lill-hotlines, magħżula wara sejħa għal proposti, sabiex iservu ta’ punti strateġiċi fin-network u jikkoperaw ma’ punti strateġiċi oħrajn fin-network tal-hotlines Ewropej.

Jekk meħtieġ, linji telefoniċi ta’ għajnuna jistgħu jiġu appoġġjati, fejn permezz tagħhom it-tfal ikunu jistgħu jqajmu tħassib dwar kontenut illegali u dannuż fuq l-internet.

Għall-fini tal-valutazzjoni ta’ l-effettività tal-hotlines, għandu jittieħed kont ta’ diversi indikaturi. Għandha tiġi miġbura data kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-hotlines, in-numru ta’ punti strateġiċi nazzjonali, il-kopertura ġeografika fl-Istati Membri, in-numru ta’ rapporti rċevuti, in-numru u l-livell ta’ esperjenza tal-persunal tal-hotlines, ir-rappori mibgħuta għal azzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tas-servizzi ta’ l-internet u, fejn possibbli, dwar l-azzjoni meħuda bħala riżultat, b’mod partikolari n-numru u t-tip ta’ paġni ta’ l-internet irtirati mill- fornituri tas-servizzi ta’ l-internet bħala riżultat ta’ informazzjoni provduta mill-hotlines. Jekk ikun possibbli dik id-data għandha ssir pubblika u tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti.

Sabiex jiġi żgurat li l-programm ikun effettiv, huma meħtieġa hotlines fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati kollha fejn bħalissa ma jeżistux. Dawn il-hotlines ġodda għandhom jiġu nkorporati malajr u b’mod effettiv fin-network Ewropew eżistenti, u jingħataw inċentivi biex jitħaffef il-proċess tat-twaqqif tagħhom. Kollegamenti bejn dan in-network u l-hotlines f’pajjiżi terzi (b’mod partikolari f’pajjiżi Ewropej oħra fejn il-kontenut illegali huwa ospitat u prodott) għandhom jiġu promossi, biex b’hekk jiġi permess li approċċi komuni jkunu żviluppati u li t-tagħrif u l-aħjar prattika jkunu trasferiti. Skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u fejn xieraq u meħtieġ, mekkaniżmi għall-koperazzjoni bejn il-hotlines ċivili u l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi għandhom jiġu mtejjba aktar, inkluż, per eżempju, l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta għal tali hotlines. Fejn xieraq, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li l-persunal tal-hotlines jiċievu taħriġ legali u tekniku. Il-parteċipazzjoni attiva tal-hotlines fin-networking u fl-attivitajiet trans-konfini tkun obbligatorja.

Il-hotlines għandhom ikunu marbuta ma’ inizjattivi ta’ l-Istati Membri, appoġġjati fuq livell nazzjonali u għandhom ikunu finanzjarjament vijabbli sabiex jiġi żgurat li jib għu eżistenti wara li jintemm dan il-programm. Il-kofinanzjament huwa intiż għall-hotlines ċivili, u għalhekk mhux se ikun provdut għal hotlines amministrati mill-pulizija. Il-hotlines jagħmluha ċara lill-utenti d-differenza bejn l-attivitajiet tagħhom u dawk ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, u jinfurmawhom bl-eżistenza ta’ metodi alternativi għar-rappurtar ta’ kontenut illegali.

Sabiex jintlaħaq il-livell massimu ta’ impatt u effettività bil-finanzjament disponibbli, in-network ta’ hotlines għandu jopera bl-aktar mod effiċenti possibbli. Dan jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod billi jiġi assenjat punt ta’ kordinazzjoni lin-network, li jiffaċilita l-ftehim bejn il-hotlines sabiex jiġu żviluppati linji gwida fuq livell Ewropew, metodi ta’ ħidma u prattiċi li jirrispettaw il-limiti tal-liġijiet nazzjonali li japplikaw għall-hotlines individwali.

Il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni se:

jippromwovi n-network kollu, sabiex jiġġenera l-viżibbiltà tiegħu fuq livell Ewropew u jissensibilizza lill-pubbliku dwaru fl-Unjoni Ewropea, billi jipprovdi per eżempju identità u punt ta’ dħul wieħed li jagħtu aċċess faċli lill-kuntatt nazzjonali xieraq;

jagħmel kuntatt mal-korpi xierqa bil-għan li tiġi kompluta l-kopertura tan-network fl-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati;

itejjeb l-effiċenza operazzjonali tan-network;

ifassal linji gwida għall-aħjar prattika għall-hotlines u jadattahom għal teknoloġija ġdida;

jorganizza skambji regolari ta’ informazzjoni u esperjenza bejn il-hotlines;

jipprovdi grupp ta’ esperti għall-konsulenza u għal proċess ta’ taħriġ għall-bidu tal-ħidma tal-hotlines, b’mod partikolari fil-pajjiżi kandidati;

jiżgura kollegament ma’ hotlines f’pajjiżi terzi;

iżomm relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib mal-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni (ara punt 4 hawn isfel) sabiex jiġu żgurati l-koeżjoni u l-effettività ta’ l-operazzjonijiet ġenerali tal-programm u tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-hotlines;

jipparteċipa fil-Forum Internet Aktar Sigur u avvenimenti rilevanti oħrajn, filwaqt li jikkordina l-kontributi u l-osservazzjonijiet mil-hotlines.

Il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ ta’ l-effikaċja tal-hotlines u jiġbor statistika preċiża u sinifikattiva dwar il-funzjonament tagħhom (numru u tip ta’ rapporti rċevuti, azzjoni meħuda u riżultat eċċ.). Dawn l-istatistiċi għandhom ikunu komparabbli għall-Istati Membri kollha.

In-network tal-hotlines għandu jiżgura kopertura ta’ u l-iskambju ta’ rapporti dwar it-tipi ewlenin ta’ kontenut illegali li jqanqal tħassib — li jestendi lil hinn mill-qasam tal-pornografija tat-tfal. Jistgħu jkunu meħtieġa mekkaniżmi u kompetenzi differenti sabiex jiġu trattati oqsma oħra bħal kontenut razzist, li jistgħu jinvolvu tipi oħrajn ta’ punti strateġiċi li jittrattaw il-kwistjonijiet varji. Billi r-riżorsi finanzjarji u amministrattivi tal-Programm huma limitati, mhux dawn il-punti strateġiċi kollha neċessarjament jirċievu finanzjament, li jista’ jkollu jiġi kkonċentrat fuq rwol rinfurzat għall-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni f’dawk l-oqsma.

2.   AZZJONI 2: IT-TRATTAMENT TA’ KONTENUTI MHUX MIXTIEQA U DANNUŻI

Barra mill-azzjoni għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali fis-sors tiegħu, l-utenti — adulti responsabbli fejn l-utenti huma minuri — jistgħu jeħtieġu għodda tekniċi. L-aċċessibiltà għal dawn l-għodda tista’ tiġi promossa sabiex l-utenti ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar kif jittrattaw kontenut dannuż u mhux mixtieq (responsabilizzazzjoni ta’ l-utent).

Għandu jiġi provdut aktar finanzjament sabiex tiżdied l-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni u l-effettività ta’ software ta’ filtrazzjoni u servizzi sabiex l-utent ikun jista’ jagħmel għażla infurmata. L-organizzazzjonijiet ta’ l-utenti u l-istituti ta’ riċerka xjentifika jistgħu jkunu sħab prezzjużi f’dan l-isforz.

Sistemi ta’ valutazzjoni u tikketti tal-kwalità, flimkien ma’ teknoloġiji ta’ filtrazzjoni, jistgħu jgħinu sabiex l-utenti jkunu jistgħu jagħżlu l-kontenut li jixtiequ jirċievu u jipprovdu lill-ġenituri u lill-edukaturi Ewropej bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jieħdu deċiżjonijiet skond il-valuri kulturali u lingwistiċi tagħhom. B’kunsiderazzjoni għar-riżultati tal-proġetti preċedenti, jista’ jingħata finanzjament għal proġetti li l-għan tagħhom hu li jadattaw is-sistemi ta’ valutazzjoni u t-tikketti tal-kwalità biex jittieħed kont tal-konverġenza tat-telekomunikazzjonijiet, tal-mijdja awdjoviżiva u tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, u ta’ inizjattivi awtoregolatorji sabiex tiġi sostnuta l-affidabbiltà ta’ l-awto-tikkettatura u s-servizzi sabiex tiġi verifikata l-preċiżjoni tat-tikketti ta’ awto-valutazzjoni. Jista’ jkun meħtieġ ukoll aktar xogħol sabiex tiġi mħeġġa l-adozzjoni ta’ sistemi ta’ valutazzjoni u tikketti ta’ kwalità mill-fornituri tal-kontenut.

Ikun mixtieq li wieħed jipprova jieħu kont ta’ l-użu sigur mit-tfal meta teknoloġiji ġodda jkunu qed jiġu żviluppati, minflok ma wieħed jipprova jittratta kwalunkwe konsegwenza tat-teknoloġiji l-ġodda wara li jkunu ġew imfassla. Is-sigurtà ta’ l-utent finali hija kriterju li jrid jiġi meqjus flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u kummerċjali. Mod kif dan jista’ jsir jkun li jiġi mħeġġeġ skambju ta’ opinjonijiet bejn l-ispeċjalisti fil-kura tat-tfal u l-esperti tekniċi. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-fatt li mhux kull prodott żviluppat għad-dinja online huwa maħsub għall-użu mit-tfal.

Il-programm, għalhekk, jipprovdi finanzjament għal miżuri teknoloġiċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ l-utenti u li jippermettulhom li jillimitaw l-ammont ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż, u li jamministraw l-ispemm mhux mixtieq, li jirċievu, inklużi:

il-valutazzjoni ta’ l-effettività tat-teknoloġija ta’ filtrazzjoni disponibbli u l-provvediment ta’ din l-informazzjoni lill-pubbliku b’mod ċar u sempliċi li jiffaċilita l-paragun;

it-tħaffif u l-kordinazzjoni ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ l-aħjar prattika dwar modi effettivi għat-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż;

iż-żieda fl-adozzjoni ta’ sistemi ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut u tikketti tal-kwalità tas-siti minn fornituri tal-kontenut u l-addattament tal-klassifikazzjoni tal-kontenut u t-tikketti sabiex jittieħed kont tad-disponibbiltà ta’ l-istess kontenut permezz ta’ mekkaniżmi differenti ta’ trasmissjoni (konverġenza);

jekk meħtieġ, kontribut għall-aċċessibiltà ta’ teknoloġiji ta’ filtrazzjoni notevolment f’lingwi mhux koperti b’mod adegwat mis-suq. Fejn xieraq, it-teknoloġiji wżati għandhom jissalvagwardjaw id-dritt għall-privatezza skond id-Direttivi 95/46/KE (1) u 2002/58/KE.

L-użu ta’ miżuri teknoloġiċi li jsaħħu l-privatezza jiġu mħeġġa. Attivitajiet previsti f’din l-azzjoni jieħdu kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni (2).

L-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni ser tkun ikkordinata mill-qrib m0a’ l-azzjonijiet għall-promozzjoni ta’ ambjent aktar sigur (azzjoni awtoregolatorja) u ta’ sensibilizzazzjoni (li jinfurmaw lill-pubbliku dwar mezzi għat-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż).

3.   AZZJONI 3: PROMOZZJONI TA’ AMBJENT AKTAR SIGUR

Sistema ta’ awto-regolazzjoni li tiffunzjona bis-sħiħ hija element essenzjali biex jiġi limitat il-fluss ta’ kontenut dannuż u illegali. L-awto-regolazzjoni tinvolvi numru ta’ komponenti: il-konsultazzjoni u r-rappreżentazzjoni xierqa tal-partijiet konċernati; kodiċi ta’ kondotta; korpi nazzjonali li jiffaċilitaw il-koperazzjoni fuq livell Komunitarju u l-valutazzjoni nazzjonali ta’ oqfsa awto-regolatorji (3). Hemm ħtieġa kontinwa għal ħidma Komunitarja f’dan il-qasam sabiex tħeġġeġ lill-Internet Ewropew u lill-industriji tat-teknoloġiji online il-ġodda biex jimplimentaw kodiċi ta’ kondotta.

Il-Forum Internet Aktar Sigur żviluppat fl-2004 taħt il-Pjan ta’ Azzjoni Internet Aktar Sigur għandu jsir forum ta’ diskussjoni li jinkludi rappreżentanti ta’ l-industrija, awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, dawk responsabbli mit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u organizzazzjonijiet ta’ l-utenti (p.e. organizzazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ l-għalliema, gruppi għall-protezzjoni tat-tfal, korpi għall-protezzjoni tal-konsumatur, organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u diġitali). Dan jipprovdi pjattaforma biex korpi nazzjonali ko-regolatorji jew awto-regolatorji jiskambjaw l-esperjenzau jipprovdi l-opportunità sabiex jiġu diskussi modi li bihom l-industrija tkun tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali.

Il-Forum Internet Aktar Sigur jipprovdi punt fokali għal diskussjoni fuq livell ta’ esperti u pjattaforma biex jinkiseb kunsens, u jiġu fformulati konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet, linji gwida eċċ. għall-kanali nazzjonali u Ewropej rilevanti.

Il-Forum Internet Aktar Sigur ikopri l-azzjonijiet kollha, jiffaċilita d-diskussjoni u jistimola azzjoni rilevanti għal kontenut illegali, mhux mixtieq u dannuż. Filwaqt li jkun jikkonsisti f’sessjonijiet plenarji u, fejn meħtieġ għal kwistjonijiet speċifiċi, fi gruppi ta’ ħidma b’għanijiet u skadenzi ċari, ikun post fejn jiltaqgħu l-atturi mill-oqsma kollha — inklużi aġenziji u programmi governattivi, korpi normattivi, industrija, servizzi fi ħdan il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet ta’ l-utenti (p.e. organizzazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ l-għalliema, gruppi għall-protezzjoni tat-tfal, korpi għall-protezzjoni tal-konsumatur u organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u diġitali). Il-Forum jipprovdi opportunità għal persuni attivi fuq livell nazzjonali u Ewropew, speċjalment dawk involuti fi programmi u inizjattivi ta’ l-Istati Membri, biex jiskambjaw opinjonijiet, informazzjoni u esperjenzi. Fejn xieraq, il-Forum Internet Aktar Sigur għandu jiskambja l-informazzjoni u jikkopera ma’ organizzazzjonijiet rilevanti attivi f’oqsma relatati, bħas-sigurtà tan-networks u ta’ l-informazzjoni.

Il-Forum Internet Aktar Sigur ikollu l-għanijiet speċifiċi li:

1.

Jistimola n-networking ta’ l-istrutturi approprjati fl-Istati Membri u jiżviluppa kuntatti ma’ korpi awto-regolatorji barra mill-Ewropa;

2.

Jistimola l-kunsens u l-awto-regolazzjoni fuq kwistjonijiet bħaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità ta’ siti web, il-klassifikazzjoni tal-kontenuti li jinsab fuq varjetà ta’ medja, tekniki ta’ klassifikazzjoni u ta’ filtrazzjoni u jestendihom għal forom ġodda ta’ kontenuti bħal logħob online u forom ġodda ta’ aċċess bħat-telefowni ċellulari;

3.

Iħeġġeġ il-fornituri tas-servizzi biex ifasslu kodiċi ta’ kondotta dwar kwistjonijiet bħat-trattament tal-proċeduri ta’ Notifika u Tneħħija b’mod trasparenti u kuxjenzjuż u jinforma lill-utenti dwar użu aktar sigur ta’ l-Internet u l-eżistenza ta’ hotlines biex jiġu rrappurtati kontenuti illegali;

4.

Jippromwovi r-riċerka dwar l-effikettività tal-proġetti ta’ valutazzjoni u tat-teknoloġiji ta’ filtrazzjoni. L-organizzazzjonijiet ta’ l-utenti u l-istituti ta’ riċerka xjentifika jistgħu jkunu sħab prezzjużi f’dan l-isforz.

Ir-riżultati ta’ u s-sejbiet minn proġetti li għaddejjin u dawk lesti ko-finanzjati mill-Programm jidħlu fil-proċess. Billi jipprovdi pjattaforma miftuħa, il-Forum jgħin biex jiżdiedu l-livelli ta’ sensibilizzazzjoni u jattira l-involviment ta’ l-istati kandidati u pajjiżi terzi oħrajn, u dan jipprovdi arena internazzjonali sabiex tiġi indirizzata problema globali. Għandu, għalhekk, jiżgura li assoċjazzjonijiet prinċipali, bħal organizzazzjonijiet ta’ l-utenti (p.e. organizzazzjonijiet tal-ġenituri u ta’ l-għalliema, gruppi għall-protezzjoni tat-tfal, korpi għall-protezzjoni tal-konsumatur u organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u diġitali) industriji u korpi pubbliċi huma konxji ta’, jiġu konsultati dwar u jikkontribwixxu għal inizjattivi għal użu aktar sigur fil-Komunità u fuq livell internazzjonali.

Parteċipazzjoni fil-Forum Internet Aktar Sigur se tkun miftuħa għal partijiet interessati minn barra l-Komunità u l-pajjiżi kandidati. Il-koperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ permezz ta’ round table marbuta mal-Forum sabiex jiġi żgurat djalogu regolari dwar l-aħjar prattika, il-kodiċi ta’ kondotta, l-awto-regolazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-kwalità. Il-Kummissjoni tiżgura li sinerġiji ma’ fora relatati u inizjattivi simili jkunu sfruttati bis-sħiħ.

Tista’ tiġi organizzata sejħa għal offerti sabiex jiġi provdut segretarjat għas-sostenn tal-Forum Internet Aktar Sigur inklużi esperti fil-qasam tas-suġġett biex jissuġġerixxu temi għal studju, iħejju dokumenti ta’ ħidma, jimmoderaw diskussjonijiet u jirreġistraw konklużjonijiet.

Tip ieħor ta’ attività li tattira l-appoġġ finanzjarju fuq livell “Komunitarju jista” per eżempju jinkludi proġetti awto-regolatorji sabiex ifasslu kodiċi ta’ kondotta trans-fruntiera. Tista’ tiġi provduta konsulenza u assistenza sabiex tiġi żgurata l-koperazzjoni fuq livell Komunitarju permezz ta’ networking tal-korpi approprjati fl-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati u permezz ta’ reviżjoni sistematika u rappurtar ta’ kwistjonijiet legali u regolatorji rilevanti, sabiex jgħinu biex jiġu żviluppati metodi ta’ valutazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ l-awto-regolazzjoni, sabiex tiġi provduta assistenza prattika lill-pajjiżi li jixtiequ jistabbilixxu korpi awto-regolatorji u biex iżidu l-kuntatti ma’ korpi awto-regolatorji barra mill-Ewropa.

4.   AZZJONI 4: SENSIBILIZZAZZJONI

Azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għandhom jindirizzaw sensiela ta’ kategoriji ta’ kontenut illegali, mhux mixtieq u dannuż (inkluż p.e. kontenut meqjus mhux tajjeb għat-tfal, u kontenut razzist u ksenofobiku) u, fejn xieraq, jieħdu kont ta’ kwistjonijiet relatati fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà ta’ l-informazzjoni u n-networks (viruses/spam). Għandhom jittrattaw il-kontenut distribwit fil-World Wide Web kif ukoll forom ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni interattivi li saru possibbli permezz tal-firxa mgħaġġla ta’ l-Internet u t-telefownija ċellulari (p.e. servizzi peer-to-peer, video fuq broadband, messaġġi istantaneji, chat-rooms, eċċ.).

Il-Kummissjoni ser tkompli tieħu passi sabiex tħeġġeġ mezzi ta’ distribuzzjoni ta’ informazzjoni ekonomikament effettivi lil numru kbir ta’ utenti, b’mod partikolari bl-użu ta’ organizzazzjonijiet “multiplikaturi” u kanali ta’ disseminizzazzjoni elettronika sabiex jintlaħqu l-gruppi ta’ mira maħsuba. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra b’mod partikolari l-użu tal-medja tal-massa u d-distribuzzjoni ta’ materjal informattiv lil skejjel u lil Internet Cafés.

Il-Programm jipprovdi appoġġ lil korpi xierqa li jiġu magħżula wara sejħa pubblika għal proposti sabiex jaġixxu ta’ punti ta’ sensibilizzazzjoni f’kull Stat Membru u pajjiż kandidat u li jwettqu azzjonijiet u programmi ta’ sensibilizzazzjoni f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-atturi rilevanti kollha fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Valur miżjud Ewropew jiġi provdut minn punt strateġiku ta’ kordinazzjoni li ser jikkollabora mill-qrib ma’ punti strateġiċi oħra sabiex jiġi żgurat li l-aħjar prattika tiġi skambjata.

Korpi li jfittxu li jaġixxu ta’ punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni jkunu jridu juru li għandhom is-sostenn qawwi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali. Għandu jkollhom mandat ċar biex jedukaw lill-pubbliku dwar l-użu aktar sigur ta’ l-Internet u teknoloġiji online ġodda jew biex iħarrġuh dwar il-medja u l-informazzjoni, u għandu jkollhom ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex dak il-mandat jiġi implimentat.

Il-punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni jkunu mistennija li:

joħolqu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni koeżiva, ta’ impatt qawwi u mmirata bl-użu tal-medja l-aktar xierqa, b’kont meħud ta’ l-aħjar prattika u l-esperjenza f’pajjiżi oħra;

jistabbilixxu u jżommu sħubija (formali jew informali) ma’ l-atturi prinċipali (aġenziji tal-gvern, gruppi ta’ l-istampa u tal-medja, assoċjazzjonijiet ta’ l-ISP, organizzazzjonijiet ta’ l-utenti, partijiet interessati fil-qasam ta’ l-edukazzjoni) u azzjonijiet f’pajjiżhom relatati ma’ użu aktar sigur ta’ l-Internet u teknoloġiji online ġodda;

jippromwovu d-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni b’mod partikolari bejn partijiet interessati mill-oqsma ta’ l-edukazzjoni u tat-teknoloġija;

fejn xieraq, jikkoperaw f’xogħol f’oqsma relatati ma’ dan il-Programm, bħal fl-oqsma usa tal-medja u tat-taħriġ dwar il-medja u l-informazzjoni jew il-protezzjoni tal-konsumatur;

jinfurmaw lill-utenti dwar software ta’ filtrazzjoni u servizzi Ewropej u dwar hotlines u skemi ta’ awto-regolazzjoni;

jikkoperaw b’mod attiv ma’ punti strateġiċi nazzjonali oħrajn fin-network Ewropew billi jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, jipparteċipaw f’laqgħat u jiddisinjaw u jimplimentaw approċċ Ewropew, adattat kif meħtieġ għall-preferenzi lingwistiċi u kulturali nazzjonali;

jipprovdu grupp ta’ esperti u assistenza teknika għal punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni li jkunu għadhom qed jibdew (punti strateġiċi ġodda jistgħu jiġu “adottati” minn punt strateġiku b’aktar esperjenza).

Sabiex jiġu żgurati koperazzjoni u effettività massimi, il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni għandu jiġi ffinanzjat sabiex jipprovdi sostenn loġistiku u ta’ infrastruttura għal punti strateġiċi f’kull Stat Membru, u b’hekk tiġi żgurata viżibbiltà fuq livell Ewropew, komunikazzjoni tajba u skambju ta’ esperjenzi sabiex il-lezzjonijiet meħuda jkunu jistgħu jiġu applikati fuq bażi kontinwa (per eżempju billi jiġi adattat materjal użat biex jissensibilizzalill-pubbliku).

Il-punt strateġiku ta’ kordinazzjoni għandu:

jipprovdi komunikazzjoni effettiva u jiżgura li informazzjoni u l-aħjar prattika jkunu skambjati fi ħdan in-network;

jipprovdi taħriġ fl-użu aktar sigur ta’ l-Internet u t-teknoloġiji online il-ġodda għall-persunal tal-punt strateġiku ta’ sensibilizzazzjoni (taħriġ għal min iħarreġ);

jipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi kandidati li jixtiequ jistabbilixxu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni;

jikkordina l-forniment ta’ kompetenza u assistenza teknika mill-punti ta’ sensibilizzazzjoni għall-punti strateġiċi ta’ sensibilizzazzjoni li jkunu għadhom qed jibdew;

jipproponi indikaturi u jamministra l-ġbir, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni statistika dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jiġi valutat l-impatt tagħhom;

jipprovdi infrastruttura għal repositorju trans-nazzjonali (web portal) uniku u komprensiv ta’ l-informazzjoni u r-riżorsi ta’ sensibilizzazzjoni u dawk ta’ riċerka b’kontenut lokalizzat (jew sotto-siti lokali skond kif xieraq) li jkunu rilevanti, li jistgħu jinkludu siltiet minn aħbarijiet, artikli u fuljetti ta’ aħbarijiet li joħorġu kull xahar f’bosta lingwi u jipprovdi viżibbiltà lill-attivitajiet tal-Forum Internet Aktar Sigur;

jespandi r-rabtiet ma’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni barra mill-Ewropa;

jipparteċipa fil-Forum Internet Aktar Sigur u avvenimenti rilevanti oħra, filwaqt li jikkordina l-kontributi u l-feedback minn networks ta’ sensibilizzazzjoni.

Għandha titwettaq ukoll riċerka fuq bażi komparabbli dwar il-mod kif il-persuni, speċjalment it-tfal, jużaw it-teknoloġiji online il-ġodda. Aktar azzjoni fuq livell Komunitarju tista’ per eżempju tinkludi appoġġ għal servizzi ta’ l-Internet tajbin għat-tfal jew l-għoti ta’ premju għall-aħjar attività ta’ sensibilizzazzjoni tas-sena.


(1)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 69, tas-16.3.2005, p.67.

(3)  Ara l-linji gwida indikattivi għall-implimentazzjoni, fuq livell nazzjonali, ta’ qafas ta’ awto-regolazzjoni għall-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem fis-servizzi awdjoviżivi u ta’ informazzjoni on-line fir-Rakkomandazzjoni 98/560/KE.


ANNESS II

ANALIŻI INDIKATTIVA TA’ L-ISPIŻA

1)

Il-ġlieda kontra l-kontenuti illegali

25-30 %

2)

It-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u dannuż

10-17 %

3)

Il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sigur

8-12 %

4)

Is-sensibilizzazzjoni

47-51 %


ANNESS III

IL-MEZZI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM

1.

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skond il-kontenut tekniku speċifikat fl-Anness I.

2.

Il-Programm għandu jiġi mwettaq permezz ta’ azzjoni indiretta li tinkludi:

(a)

azzjonijiet bi spejjeż maqsuma

(i)

Proġetti pilota u azzjonijiet ta’ l-aħjar prattika. Proġetti ad-hoc f’oqsma rilevanti għall-Programm, inklużi proġetti li juru l-aħjar prattika jew li jinvolvu użi innovattivi ta’ teknoloġija eżistenti.

(ii)

Networks: networks li jlaqqgħu flimkien varjetà ta’ partijiet interessati sabiex tiġi żgurata azzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha u sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ta’ kordinazzjoni u t-trasferiment ta’ l-għarfien. Dawn jistgħu jiġu marbuta ma’ azzjonijiet ta’ l-aħjar prattika.

(iii)

Riċerka applikata madwar l-Ewropa kollha mwettqa fuq bażi komparabbli dwar il-mod kif in-nies, speċjalment it-tfal, jużaw it-teknoloġiji online il-ġodda.

Il-finanzjament Komunitarju normalment ma’ jaqbiżx 50 % ta’ l-ispiża tal-proġett. Korpi tas-settur pubbliku jistgħu jiġu rimborsati abbażi ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż addizzjonali.

(b)

miżuri ta’ akkumpanjament

Il-miżuri ta’ akkumpanjament li ġejjin jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Programm jew għall-preparazzjoni ta’ attivitajiet futuri:

(i)

analiżi komparattiva u stħarriġ ta’ opinjoni sabiex tiġi prodotta data affidabbli dwar l-użu aktar sigur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda għall-Istati Membri kollha miġbura permezz ta’ metodoloġija komparabbli;

(ii)

valutazzjoni teknika ta’ teknoloġiji bħal filtrazzjoni ddisinnjata għall-promozzjoni ta’ użu aktar sigur ta’ l-Internet u tat-teknoloġiji online il-ġodda. Il-valutazzjoni tieħu kont ukoll ta’ jekk dawn it-teknoloġiji jsaħħux il-privatezza jew le;

(iii)

studji li jsostnu l-Programm u l-azzjonijiet tiegħu, inklużi l-awto-regolazzjoni u x-xogħol tal-Forum Internet Aktar Sigur, jew il-preparazzjoni ta’ attivitajiet futuri;

(iv)

kompetizzjonijiet bi premji għall-aħjar prattika;

(v)

skambju ta’ informazzjoni, konferenzi, seminars, workshops jew laqgħat oħra u l-amministrazzjoni ta’ attivitajiet raggruppati;

(vi)

attivitajiet ta’ disseminazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni.

Il-miżuri dedikati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, proċessi jew servizzi, għal attivitajiet ta’ marketing u għall-promozzjoni ta’ bejgħ huma esklużi.

3.

L-għażla ta’ azzjonijiet bi spejjeż maqsuma tkun ibbażata fuq sejħiet għal proposti ppublikati fis-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ.

4.

Applikazzjonijiet għal appoġġ Komunitarju għandhom jinkludu, fejn xieraq, pjan finanzjarju li jsemmi l-komponenti kollha tal-finanzjament tal-proġetti, inkluż l-appoġġ finanzjarju mitlub mill-Komunità, u kwalunkwe talba oħra għal jew għotjiet ta’ appoġġ minn sorsi oħra.

5.

Il-miżuri ta’ akkumpanjament jiġu mplimentati permezz ta’ sejħiet għal offerti skond id-dispożizzjonijiet finanzjarji fis-seħħ.


11.6.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

14


ID-DIRETTIVA 2005/14/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Mejju 2005

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rispett ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ l-inċident. Hi wkoll kwistjoni ta’ tħassib kbir għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja fil-Komunità. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment liberu ta’ persuni u vetturi. Għaldaqstant l-iżvilupp u l-ikkonsolidar fl-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-Komunità għandu jkun għan ewlieni.

(2)

Avvanzi sinifikattivi ħafna f’din id-direzzjoni diġà ntlaħqu mid-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, ma’ l-infurzar ta’ l-obbligu li tassigura kontra tali responsabbiltà (4), mat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (5), mat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal-14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (6) u mad-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ir-Raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (7).

(3)

Is-sistema Komunitarja ta’ l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur teħtieġ li tiġi aġġornata u mtejba. Din il-ħtieġa giet ikkonfermata mill-konsultazzjoni mwettqa ma’ l-industrija, mal-konsumaturi u ma’ assoċjazzjonijiet ta’ vittmi.

(4)

Sabiex tiġi eskluża kwalunkwe interpretazzjoni ħażina possibbli fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 72/166/KEE u jkun iktar faċli li tikseb assigurazzjoni li tkopri vetturi li għandhom pjanċi temporanji, id-definizzjoni ta’ territorju fejn il-vettura hi normalment ibbażata għandha tirreferi għat-territorju ta’ l-Istat li l-vettura għandha l-pjanċa ta’ reġistrazzjoni tiegħu, kemm jekk tkun pjanċa permanenti kif ukoll temporanja.

(5)

Skond id-Direttiva 72/166/KEE, vetturi li għandhom pjanċi foloz jew illegali huma kkunsidrati li jkunu normalment ibbażati fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ħareġ il-pjanċi oriġinali. Din ir-regola sikwit tfisser li l-uffiċċji ta’ l-assiguraturi nazzjonali għandhom l-obbligu li jieħdu ħsieb il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ inċidenti li ma għandhom l-ebda konnessjoni ma’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti. Mingħajr ma jinbidel il-kriterju ġenerali tal-pjanċa ta’ reġistrazzjoni biex jiġi determinat it-territorju li fih il-vettura hi normalment ibbażata, għandha tiġi stabbilita regola speċjali fil-każ ta’ inċidenti kkawżati minn vettura mingħajr pjanċa ta’ reġistrazzjoni jew li għandha pjanċa ta’ reġistrazzjoni li ma tikkorrispondix mal-vettura. F’dan il-każ, għar-raġuni unika li jiġu solvuti l-pretensjonijiet, it-territorju fejn il-vettura hi bbażata għandu jkun ikkunsidrat bħala t-territorju fejn sar l-inċident.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-terminu “kontrolli każwali” fid-Direttiva 72/166/KEE, id-dispożizzjoni rilevanti għandha tiġi ċċarata. Il-projbizzjoni ta’ kontrolli sistematiċi fuq l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għandha tapplika għal vetturi li normalment huma bbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor kif ukoll għal dawk fit-territorju ta’ pajjiż terz li iżda jkunu deħlin mit-territorju ta’ Stat Membru. Huma biss kontrolli li mhumiex sistematiċi, ma jiddiskriminawx u jiġu mwettqa bħala parti minn kontroll li mhux immirat esklussivament għall-verifika ta’ assigurazzjoni li jistgħu jiġu permessi.

(7)

L-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 72/166/KEE jippermetti lil Stat Membru sabiex jaġixxi b’deroga mill-obbligu ġenerali li tinħareġ assigurazzjoni obbligatorja fir-rigward ta’ vetturi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi pubbliċi jew privati. Għal inċidenti kkawżati minn tali vetturi, l-Istat Membru li jkun qed juża d-deroga għandu jinnomina awtorità jew korp sabiex jikkumpensa għad-dannu lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati fi Stat Membru ieħor. Sabiex jiġi żgurat li kumpens xieraq jitħallas mhux biss lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi meta jkunu f’pajjiż ieħor iżda wkoll lill-vittmi ta’ inċidenti li jseħħu fl-Istat Membru fejn il-vettura hi normalment ibbażata, sew jekk huma jew m’humiex residenti fit-territorju tiegħu, l-Artikolu msemmi qabel għandu jiġi emendat. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-lista ta’ persuni eżentati mill-assigurazzjoni obbligatorja u l-awtoritajiet u l-korpi responsabbli mill-kumpens ta’ vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn tali vetturi hi kkomunikata lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni.

(8)

L-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 72/166/KEE jippermetti lil Stat Membru sabiex jaġixxi b’deroga mill-obbligu ġenerali li tinħareġ assigurazzjoni obbligatorja fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li għandhom pjanċa speċjali. F’dak il-każ, l-Istati Membri l-oħra jistgħu jeżiġu, fid-daħla għat-territorju tagħhom, karta ħadra valida jew kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-fruntieri, sabiex jiżguraw il-provediment ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kwalunkwe inċident ikkawżat minn dawk il-vetturi fit-territorji tagħhom. Iżda, billi t-tneħħija ta’ kontrolli tal-fruntieri fi ħdan il-Komunità tfisser li m’għadux aktar possibli li tiġi żgurata li l-vetturi li qed jaqsmu l-fruntiera huma koperti mill-assigurazzjoni, kumpens għal vittmi ta’ inċidenti kkawżati f’pajjiż ieħor ma jistax jiġi garantit aktar. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-kumpens dovut jingħata mhux biss lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawk il-vetturi meta barra minn pajjiżhom, iżda wkoll lil vittmi ta’ inċidenti kkawżati fl-Istat Membru fejn il-vettura hi bbażata. Għal dan l-għan, Stati Membri għandhom jittrattaw lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawk il-vetturi bl-istess mod bħal vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li mhumiex assigurati. Tassew, kif previst fid-Direttiva 84/5/KEE, kumpens għal vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li mhumiex assigurati għandhom jitħallsu mill-korp ta’ kumpens ta’ l-Istat Membru fejn seħħ l-inċident. Fejn isir ħlas lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi li huma soġġetti għad-deroga, il-korp tal-kumpens għandu jkollu pretensjoni kontra l-korp ta’ l-Istat Membru fejn il-vettura hi bbażata. Wara perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, fid-dawl ta’ l-esperjenza dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-deroga, tippreżenta proposti għas-sostituzzjoni jew it-tħassir tagħha bil-għan tiġi emendata jew imħassra. Id-dispożizzjoni li tikkorrispondi fid-Direttiva 2000/26/KE għandha tiġi mħassra wkoll.

(9)

Sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ direttivi dwar l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur skond l-Artikolu 299 tat-Trattat, ir-referenza għat-territorju mhux Ewropew ta’ l-Istati Membri fl-Artikoli 6 u 7(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandhom jiġu mħassra.

(10)

L-obbligi ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu assigurazzjoni li tkopri mill-inqas ċerti ammonti minimi tikkostitwixxi element importanti biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ vittmi. L-ammonti minimi previsti fid-Direttiva 84/5/KEE m’ għandhomx jiġu aġġornati biss biex jittieħed kont ta’ l-inflazzjoni, iżda għandhom jiżdiedu f’termini reali biex tiġi mtejjba l-protezzjoni ta’ vittmi. L-ammont minimu għal dannu personali sabiex dan jiġi kopert għandu jkun ikkalkolat b’mod li l-vittmi kollha li soffrew dannu serju jkunu kumpensati b’mod sħiħ u ġust, filwaqt li jittieħed kont tal-frekwenza baxxa ta’ inċidenti li jinvolvu numru ta’ vittmi li jsofru danni serji ħafna matul l-istess inċident. Ammont minimu ta’ EUR 1 000 000 għal kull vittma jew EUR 5 000 000 għal kull pretensjoni, irrispettivament min-numru ta’ vittmi, huwa ammont raġjonevoli u adegwat. Sabiex tiġi faċilitata l-introduzzjoni ta’ dawn l-ammonti minimi, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżazzjoni ta’ ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Stati Membri għandhom iżidu l-ammonti għal mill-inqas nofs il-livelli fi żmien tletin xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-ammont minimu ta’ kopertura ma jonqosx tul iż-żmien, għandha tiġi introdotta klawżola ta’ reviżjoni perjodika billi jintuża bħala punt ta’ referenza l-Indiċi Ewropew ta’ Prezzijiet tal-Konsumaturi (EICP), ippubblikat mill-Eurostat, kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 li jikkonċerna indiċijiet armonizzati ta’ prezzijiet tal-konsumaturi (8). Ir-regoli ta’ proċedura li jirregolaw tali reviżjoni jeħtieġ li jiġu stabbiliti.

(12)

Id-Direttiva 84/5/KEE li tippermetti lil Stati Membri, fl-interess li jitrażżan il-frodi, biex jillimitaw jew jeskludu ħlas mill-korp ta’ kumpens fil-każ ta’ ħsara lil proprjetà minn vettura mhux identifikata, tista’ timpedixxi kumpens leġittimu ta’ vittmi f’ċerti każi. Il-possibiltà li tillimita jew teskludi kumpens abbażi li l-vettura mhux identifikata m’ għandhiex tapplika fejn il-korp ħallas kumpens għal danni personali konsiderevoli lil kwalunkwe vittma ta’ l-istess inċident fejn saret il-ħsara lill-proprjetà. Stati Membri jistgħu jipprovdu għall-eċċess sal-limitu stabbilit fid-Direttiva msemmija li għalih il-vittma tal-ħsara lill-proprjetà jista’ jkun responsabbli. Il-kondizzjonijiet għal danni personali li għandhom jiġu kkunsidrati sinifikanti għandhom jiġu determinati mill-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru fejn sar l-inċident. Meta jkun qed jistabbilixxi dawn il-kondizzjonijiet, l-Istat Membru għandu jikkosidra jekk id-dannu kienx jeħtieġ kura fi sptar.

(13)

Fil-preżent, possibbiltà li tinsab fid-Direttiva 84/5/KEE tippermetti lil Stati Membri biex jawtorizzaw, sa limitu speċifikat, eċċessi li għalihom il-vittma għandha tkun responsabbli fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà kkawżata minn vetturi li mhumiex assigurati. Din il-possibbiltà tnaqqas b’mod inġust il-protezzjoni ta’ vittmi u toħloq diskriminazzjoni fir-rigward ta’ vittmi ta’ inċidenti oħra. Għalhekk m’ għandiex tkun permessa iżjed.

(14)

It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta li mhix assigurazzjoni fuq il-ħajja u li tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li tipprovdi s-servizzi (9), għandha tiġi emendata sabiex tippermetti li fergħat ta’ impriżi ta’ assigurazzjoni jsiru rappreżentanti fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, kif diġà jiġri fir-rigward ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni li mhumiex dwar assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

(15)

L-inklużjoni fil-kopertura ta’ l-assigurazzjoni ta’ kwalunkwe passiġġier fil-vettura hi kisba kbira tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dan l-għan jitqiegħed fil-periklu jekk leġiżlazzjoni nazzjonali jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali f’kuntratt ta’ assigurazzjoni teskludi l-passiġġieri milli jkunu assigurati minħabba li kienu jafu jew misshom kienu jafu li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tax-xorb jew ta’ kwalunkwe sustanza oħra li tikkawża sakra fil-ħin ta’ l-inċident. Il-passiġġier normalment mhux f’pożizzjoni li jivvaluta sew il-livell ta’ sakra tas-sewwieq. L-għan li tiskuraġġixxi persuni milli jsuqu meta jkunu taħt l-influwenza ta’ sustanzi li jikkawżaw sakra ma jintlaħaqx billi jitnaqqas il-livell ta’ kopertura ta’ l-assigurazzjoni għall-passiġġieri li huma vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur. Il-kopertura ta’ dawn il-passiġġieri taħt l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura ma tippreġudikax kwalunkwe responsabbiltà li jista’ jkollhom skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, lanqas il-livell ta’ kwalunkwe għotja ta’ danni f’inċident speċifiku.

(16)

Danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr muturi, li s-soltu huma l-partijiet l-iżjed dgħajfa f’inċident, għandhom jiġu koperti mill-assigurazzjoni obbligatorja tal-vettura involuta fl-inċident fejn dawn il-persuni ikunu intitolati għall-kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax ir-responsabbiltà jew l-għotja għad-danni f’inċident speċifiku, taħt leġiżlazzjoni nazzjonali.

(17)

Xi impriżi ta’ assigurazzjoni jinserixxu fil-polzi ta’ assigurazzjoni klawżoli li għandhom l-effett li l-kuntratt jiġi kkanċellat jekk il-vettura tibqa’ barra mill-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni għal perjodu itwal minn dak speċifikat. Din il-prattika toħloq kunflitt mal-prinċipju stabbilit fid-Direttiva 90/232/KEE, skond liema l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ vetturi bil-mutur għandha tkopri, abbażi ta’ prijmjum wieħed, it-territorju kollu tal-Komunità. Għandu għalhekk jiġi speċifikat li l-kopertura ta’ l-assigurazzjoni għandha tibqa’ valida tul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, irrispettivament jekk il-vettura tibqax fi Stat Membru ieħor għal perjodu partikolari, mingħajr preġudizzju għall-obbligi taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi.

(18)

Għandhom jittieħdu passi biex isir iktar faċli tinkiseb kopertura ta’ assigurazzjoni għal vetturi impurtati minn Stat Membru għal ieħor, anke jekk il-vettura għadha mhix reġistrata fl-Istat Membru destinatarju. Deroga temporanja mir-regola ġenerali li tiddetermina l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju għandha tkun disponibbli. Għal perjodu ta’ tletin ġurnata mid-data ta’ meta l-vettura hi kkunsinjata, magħmula disponibbli jew mibgħuta lix-xerrej, l-Istat Membru destinatarju għandu jkun ikkunsidrat li jkun l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju.

(19)

Kwalunkwe persuna li tixtieq tagħmel kuntratt ġdid ta’ assigurazzjoni ta’ vettura bil-mutur ma’ assiguratur ieħor għandha tkun f’pożizzjoni li tiġġustifika r-rendikont ta’ inċidenti u pretensjonijiet tagħha taħt il-kuntratt il-qadim. Persuni li għandhom poloz ta’ assigurazzjoni għandu jkollhom id-dritt li jitolbu f’kull ħin stqarrija li tikkonċerna l-pretensjonijiet, jew in-nuqqas ta’ pretensjonijiet, li jinvolvu l-vettura jew vetturi koperti mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-inqas matul il-ħames snin preċedenti tar-relazzjoni kuntrattwali. L-impriża ta’ assigurazzjoni, jew kwalunkwe korp li jista’ jkun ġie maħtur minn Stat Membru biex jipprovdi assigurazzjoni obbligatorja jew jipprovdi tali stqarrijiet, għandu jipprovdi din l-istqarrija lil persuna li għandha polza ta’ assigurazzjoni fi żmien ħmistax-il jum mit-talba.

(20)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni dovuta għall-vittmi ta’ inċidenti ta’ vettura bil-mutur, Stati Membri m’ għandhomx jippermettu li impriżi ta’ assigurazzjoni jserrħu fuq eċċessi kontra l-parti li ġarrbet id-danni.

(21)

Id-dritt li tinvoka kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tagħmel pretensjoni direttament kontra l-intrapriza ta’ assigurazzjoni hija ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur. Id-Direttiva 2000/26/KE diġà tipprovdi lill-vittmi ta’ inċidenti li seħħew fi Stat Membru li mhuwiex l-istat ta’ residenza tal-parti li ġarrbet il-ħsara, li huma kkawżati mill-użu ta’ vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru, bi dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili. Sabiex jiġi faċilitat ħlas ta’ pretensjonijiet effiċjenti u malajr u sabiex jiġu evitati safejn hu possibbli proċeduri legali għaljin, dan id-dritt għandu jiġi estiż għal vittmi ta’ kwalunkwe inċident ta’ vettura bil-mutur.

(22)

Sabiex tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur, il-proċedura ta’ “proposta raġunata” prevista fid-Direttiva 2000/26/KE għandha tiġi estiża għal kull tip ta’ inċidenti b’vetturi bil-mutur. Din l-istess proċedura għandha tapplika ukoll mutatis mutandis fejn l-inċident hu mħallas mis-sistema ta’ l-uffiċċji nazzjonali ta’ assiguraturi previst fid-Direttiva 72/166/KEE.

(23)

Sabiex ikun iktar faċli għal parti li ġarrbet il-ħsara li tikseb kumpens, iċ-ċentri ta’ informazzjoni stabbiliti skond id-Direttiva 2000/26/KE ma għandhomx ikunu limitati għal provvediment ta’ informazzjoni dwar inċidenti koperti minn dik id-Direttiva, iżda għandhom jipprovdu l-istess tip ta’ informazzjoni għal kwalunkwe inċident b’vettura bil-mutur.

(24)

Skond l-Artikolu 11(2) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (10), partijiet danneġġjati jistgħu jiftħu proċeduri legali kontra provvedituri ta’ l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fl-Istat Membru fejn huma domiċiljati.

(25)

Billi d-Direttiva 2000/26/KE ġiet adottata qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar l-istess kwistjoni għal numru ta’ Stati Membri, ir-referenza għal tali Konvenzjoni f’dik id-Direttiva għandha tiġi adattata kif xieraq.

(26)

Id-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 72/166/KEE

Id-Direttiva 72/166/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 1, il-punt 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“—

it-territorju ta’ l-Istat li tiegħu l-vettura għandha l-pjanċa ta’ reġistrazzjoni, irrispettivament jekk il-pjanċa hijiex permanenti jew temporanja; jew”

;

(b)

għandu jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

f’każijiet fejn il-vettura m’ għandhiex pjanċa ta’ reġistrazzjoni jew għandha pjanċa ta’ reġistrazzjoni li ma tikkorrispondix mal-vettura u kienet involuta f’inċident, it-territorju ta’ l-Istat fejn l-inċident seħħ, iħallas il-pretensjoni kif previst fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ din id-Direttiva jew fl-Artikolu 1(4) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (*);

(*)  ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17.”;"

2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jastjenu milli jagħmlu kontrolli dwar assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi bbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fir-rigward ta’ vetturi normalment bbażati fit-territorju ta’ pajjiż terz li jkunu deħlin fit-territorju tagħhom mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Però, jistgħu jeżegwixxu kontrolli mhux sistematiċi dwar assigurazzjoni sakemm mhumiex diskriminatorji u huma eżegwiti bħala parti minn kontroll mhux immirat esklussivament għal verifika ta’ assigurazzjoni.”

;

3)

L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

f’ punt (a), it-tieni subparagrafu:

(i)

l-ewwel sentenza għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Stat Membru li jidderoga b’dan il-mod għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura li l-kumpens hu mħallas fir-rigward ta’ kwalunkwe telfa jew dannu kkawżat fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta’ Stati Membri oħra minn vetturi ta’ tali persuni.”

;

(ii)

l-aħħar sentenza għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

“Għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-lista ta’ persuni eżentati mill-assigurazzjoni obbligatorja u l-awtoritajiet jew korpi responsabbli għall-kumpens. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista.”

;

(b)

f’punt (b), it-tieni subparagrafu għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“F’dak il-każ Stati Membri għandhom jiżguraw li vetturi kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt huma trattati fl-istess mod bħal vetturi li għalihom l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) ma ġiex sodisfatt. Il-korp ta’ kumpens ta’ l-Istat Membru fejn seħħ l-inċident għandu mbagħad ikollu pretensjoni kontra l-fond ta’ garanzija previst fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE fl-Istat Membru fejn il-vettura hi normalment ibbażata.

Wara perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (**), Stati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattika ta’ dan il-punt. Il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat dawn ir-rapporti, għandha, jekk xieraq, tippreżenta proposti dwar is-sostituzzjoni jew it-tħassir ta’ din id-deroga.

(**)  ĠU L 149, ta’ 11.6.2005, p. 14.”;"

4)

fl-Artikoli 6 u 7 (1) il-kliem “jew it-territorju mhux Ewropew ta’ Stat Membru” għandhom jiġu mħassra.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 84/5/KEE

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 84/5/KEE għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.

2.   Mingħajr preġudizzju għal garanziji għola li Stati Membri jistgħu jistabbilixxu, kull Stat Membru għandu jeżiġi li l-assigurazzjoni tkun obbligatorja mill-inqas fir-rigward ta’ l-ammonti li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ dannu personali, ammont minimu kopert ta’ EUR 1 000 000 għal kull vittma; jew EUR 5 000 000 għal kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi;

(b)

fil-każ ta’ ħsara lill-proprjetà, EUR 1 000 000 għall kull pretensjoni, ikun x’ikun in-numru ta’ vittmi.

Jekk hemm bżonn, Stati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ tranżizzjoni sa ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (***); li fih jadattaw l-ammonti minimi tagħhom koperti għall-ammonti previsti f’dan il-paragrafu.

Stati Membri li jistabbilixxu dan il-perjodu ta’ tranżazzjoni għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u jindikaw it-tul tal-perjodu ta’ tranżazzjoni.

Fi żmien 30 xahar mid-data ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/14/KE, l-Istati Membri għandhom iżidu l-garanziji għal mill-inqas nofs tal-livelli previsti f’dan il-paragrafu.

3.   Kull ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/14/KE jew fl-aħħar tal-perjodu ta’ tranżazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-ammonti msemmija f’dak il-paragrafu għandhom jiġu riveduti skond l-Indiċi Ewropew ta’ Prezzijiet tal-Konsumatur (EICP), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar indiċi armonizzati tal-prezzijiet tal-konsumatur (****).

L-ammonti għandhom jiġu aġġustati awtomatikament. Tali ammonti għandhom jiżdiedu bil-bidla perċentewali indikata mill-EICP għall-perjodu rilevanti, jew aħjar, il-ħames snin li jiġu minnufih qabel ir-reviżjoni, u approssimizzati sa multiplu ta’ EUR 10 000.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-ammonti aġġustati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tiżgura l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

4.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura mhix identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni previst fil-paragrafu 1 ma ġiex sodisfatt.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jqisu kumpens minn korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-ħlas ta’ pretensjonijiet bejn il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħra jew korpi ta’ siġurta soċjali meħtieġa li jikkumpensaw il-vittma fir-rigward ta’ l-istess inċident. Iżda, Stati Membri ma jistgħux iħallu l-korp jagħmel il-ħlas għall-kumpens kondizzjonali jekk il-vittma tistabbilixxi b’xi mod li l-persuna responsabbli ma tistax jew tirrifjuta li tħallas.

5.   Il-vittma tista’ fi kwalunkwe każ tapplika direttament lill-korp li, abbażi ta’ informazzjoni provduta minnha, għandu jkun obbligat li jagħtiha risposta raġunata dwar il-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens.

Madankollu, Stati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta’ persuni li daħħlu volontarjament il-vettura li kkawżat il-ħsara u d-dannu meta l-korp jista’ juri li kienu jafu li ma kinitx assigurata.

6.   Stati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu l-ħlas ta’ kumpens mill-korp fil-każ ta’ ħsara lil proprjetà minn vettura mhix identifikata.

Madankollu, fejn il-korp ħallas kumpens għal danni personali sinifikanti lil kwalunkwe vittma ta’ l-istess inċident fejn ħsara lill-proprjetà ġiet kkawżata minn vettura mhix identifikata, Stati Membri ma jistgħux jeskludu l-ħlas ta’ kumpens għal danni lill-proprjetà fuq il-bażi li l-vettura mhix identifikata. Madankollu, Stati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċess ta’ mhux iktar minn EUR 500 li għalih il-vittma ta’ tali ħsara lill-proprjetà jista’ jkun responsabbli.

Il-kondizzjonijiet li fihom danni personali għandhom jiġu kkunsidrati sinifikanti għandhom jiġu stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru fejn iseħħ l-inċident. F’dan ir-rigward, Stati Membri għandhom jieħdu kont, inter alia, jekk id-dannu kienx jeħtieġ kura l-isptar.

7.   Kull Stat Membru għandu japplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens mill-korp, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe prattika oħra li hi iktar favorevoli għall-vittma.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 88/357/KEE

It-tieni sentenza fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 12a(4) tad-Direttiva 88/357/KEE għandha tiġi mħassra.

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 90/232/KEE

Id-Direttiva 90/232/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal bejn l-ewwel u t-tieni paragrafu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew imissu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol jew ta’ kwalunkwe sustanza li ssakkar fil-ħin ta’ l-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tal-pretensjonijiet ta’ tali passiġġier.”

;

2)

l-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

“Artikolu 1a

L-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandha tkopri danni personali u ħsara lill-proprjetà mġarrba minn dawk li jkunu mexjin, ċiklisti u dawk li jużaw it-triq mingħajr mutur li, bħala konsegwenza ta’ inċident fejn vettura b’mutur tkun involuta, huma intitolati għal kumpens skond il-liġi ċivili nazzjonali. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju kemm għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll għall-ammont ta’ danni.”

;

3)

Fl-Artikolu 2, l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“—

kopertura, abbażi ta’ prijmjum wieħed u matul l-iskadenza kollha tal-kuntratt, it-territorju kollu tal-Komunità, inkluż għal kwalunkwe perjodu meta l-vettura tibqa’ fl-Istati Membri oħra matul it-terminu tal-kuntratt; u”

;

4)

L-Artikoli li ġejjin għandhom jiġu mdaħħla:

“Artikolu 4a

1.   B’deroga mit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE (*****), fejn vettura hi mibgħuta minn Stat Membru wieħed għal ieħor, l-Istat Membru fejn jinsab ir-riskju għandu jiġi kkunsidrat l-Istat Membru destinatarju, minnufih mill-aċċettazzjoni ta’ kunsinja mix-xerrej għal perjodu ta’ tletin ġurnata, anke jekk il-vettura ma ġietx formalment reġistrata fl-Istat Membru destinatarju.

2.   Fil-każ li l-vettura hi nvoluta f’inċident matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta ma kinitx assigurata, il-korp imsemmi fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE fl-Istat Membru destinatarju għandu jkun responsabbli għall-kumpens previst fl-Artikolu 1 tad-Direttiva msemmija.

Artikolu 4b

Stati Membri għandhom jiżguraw li min ikollu polza ta’ assigurazzjoni jkollu d-dritt li jitlob f’kull ħin stqarrija li għandha x’taqsam mal-pretensjonijiet tar-responsabbiltà ta’ parti terza li jinvolvu vettura jew vetturi koperti minn kuntratt ta’ assigurazzjoni mill-inqas fil-ħames snin preċedenti tar-relazzjoni kuntrattwali, jew man-nuqqas ta’ tali pretensjonijiet. L-impriża ta’ assigurazzjoni, jew korp li jista’ jkun maħtur minn Stat Membru biex jipprovdi assigurazzjoni obbligatorja jew jipprovdi tali stqarrijiet, għandhom jipprovdu din l-istqarrija lill-persuna li għandha polza ta’ assigurazzjoni fi ħmistax-il jum mit-talba.

Artikolu 4ċ

impriżi ta’ assigurazzjoni m’għandhomx iserrħu fuq eċċessi kontra l-parti li ġarrbet ħsara f’inċident safejn l-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE hi konċernata.

Artikolu 4d

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li ġarrbu ħsara f’inċidenti kkawżati minn vettura koperta mill-assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE għandhom dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili.

Artikolu 4e

Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċedura prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2000/26/KE (******) għall-ħlas ta’ pretensjonijiet li jqumu minn kwalunkwe inċident kkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE.

Fil-każ ta’ inċidenti li jistgħu jiġu mħallsa mis-sistema ta’ uffiċċji nazzjonali ta’ assiguraturi previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 72/166/KEE, Stati Membri għandhom jistabbilixxu l-istess proċedura bħal fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2000/26/KE. Sabiex tiġi applikata din il-proċedura kwalunkwe referenza għal impriża ta’ assigurazzjoni għandha tiġi mifhuma bħala referenza għall-uffiċċji nazzjonali ta’ assiguraturi kif definiti fl-Artikolu 1, punt 3 tad-Direttiva 72/166/KEE.

(*****)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta li mhix assigurazzjoni tal-ħajja u jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65)."

(******)  Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65).”;"

5)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva 2000/26/KE, iċ-ċentri ta’ informazzjoni stabbiliti jew approvati skond l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva, jipprovdu l-informazzjoni speċifikata f’dak l-Artikolu lil kwalunkwe parti involuta fi kwalunkwe inċident tat-traffiku kkawżat minn vettura koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE.”

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 2000/26/KE

Id-Direttiva 2000/26/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Il-premessa li jmiss 16a għandha tiġi mdaħħla:

“(16a)

Skond l-Artikolu 11 moqri flimkien ma’ l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (*******), partijiet danneġġjati jistgħu jiftħu proċeduri legali kontra provvedituri tal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fl-Istat Membru fejn huma domiċiljati.

(*******)  ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, tat-28.12.2004, p. 10).”;"

2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 8 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“8.   Il-ħatra ta’ rappreżentant ta’ pretensjonijiet m’ għandhiex fiha nnifisha tikkostitwixxi l- ftuħ ta’ fergħa fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/49/KEE u r-rappreżentant tal-pretensjonijiet m’ għandux jitqies bħala stabbiliment fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 88/357/KEE jew

stabbiliment fis-sens tat-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta’ Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (********) — safejn id-Danimarka hi kkonċernata,

stabbiliment fis-sens tat-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 safejn l-Istati Membri l-oħra huma kkonċernati.

(********)  ĠU C 27, tas-26.1.1998, p. 1 (verżjoni konsolidata).”;"

3)

Fl-Artikolu 5(1)(a), punt 2(ii) għandu jiġi mħassar.

4)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

“Artikolu 6a

Korp Ċentrali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiffaċilitaw id-disponibilita’ fi żmien dovut tad-data bażika meħtieġa għas-soluzzjoni tal-pretensjonijiet lill-vittmi, lill-assiguraturi tagħhom jew lir-rappreżentanti legali tagħhom.

Fejn ikun xieraq, din id-data bażika għandha tkun magħmula disponibbli f’forma elettronika f’post għall-ħażna ċentrali f’kull Stat Membru, u tkun aċċessibli mill-partijiet involuti fil-każ fuq talba espressa.”

Artikolu 6

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-11 Ġunju 2007 mill-iktar tard. Għandhom minnufih jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati minn tali referenza meta jiġu pubblikati b’mod uffiċjali.

Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   Stati Membri jistgħu, skond it-Trattat, iżommu jew idaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet li huma iżjed favorevoli għal parti li ġarrbet il-ħsara mid-dispożizzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva.

3.   Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjoni prinċipali ta’ liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

Is-Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

L-Indirizzati

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, bhar il-11 ta’ Mejju 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 227 E, ta’ l-24.9.2002, p. 387.

(2)  ĠU C 95, tat-23.4.2003, p. 45.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2003 (ĠU C 82 E, ta’ l-1.4.2004, p. 297), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2004 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Jannar 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2005.

(4)  ĠU L 103, tat-2.5.1972, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 84/5/KEE (ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17).

(5)  ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 90/232/KEE (ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33).

(6)  ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33.

(7)  ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65.

(8)  ĠU L 257, tas-27.10.1995, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(9)  ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/26/KE.

(10)  ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, tat-28.12.2004, p. 10).


11.6.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


ID-DIRETTIVA 2005/29/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Mejju 2005

dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Artikoli 153(1) u 3(a) tat-Trattat jipprovdu li l-Komunità għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli tal-ħarsien tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95.

(2)

Skond l-Artikolu 14(2) tat-Trattat, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, u l-libertà ta’ stabbiliment huma żgurati. L-iżvilupp ta’ prattiċi kummerċjali leali fiż-żona mingħajr fruntieri interni huwa vitali għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ attivitajiet transkonfinali.

(3)

Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali juru differenzi ċari li jiġġeneraw distorzjonijiet sinifikattivi ta’ kompetizzjoni u xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-qasam tar-reklamar, id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (3) tistabbilixxi l-kriterji minimi għall-armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar reklamar qarrieqi, iżda ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jadottaw miżuri li jipprovdu protezzjoni iktar wiesgħa għall-konsumaturi. Bħala riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi huma sinifikattivament differenti.

(4)

Dawn id-disparitajiet jikkawżaw nuqqas ta’ ċertezza dwar liema regoli nazzjonali japplikaw għal prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u joħolqu ħafna ostakli li jolqtu lill-kummerċ u lill-konsumaturi. Dawn l-ostakli jżidu l-prezz għan-negozji fl-eżerċizzju tal-libertajiet tas-suq intern, b’mod partikolari meta n-negozji jixtiequ jagħmlu kummerċjalizzazzjoni, kampanji ta’ reklamar u promozzjonijiet ta’ bejgħ b’mod transkonfinali. Dawn l-ostakli joħolqu wkoll inċertezzi għall-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom u jnaqqsulhom il-fiduċja fis-suq intern.

(5)

Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju, l-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sakemm dawn ifittxu li jipproteġu l-għanijiet ta’ l-interess pubbliku rikonoxxuti u jkunu proporzjonati għal dawk l-għanijiet. Fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u fil-liġi Komunitarja sekondarja dwar il-libertà tal-moviment, u skond il-politika tal-Kummissjoni dwar komunikazzjonijiet kummerċjali kif indikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Is-segwitu għall-Green Paper dwar Komunikazzjonijiet Kummerċjali fis-Suq Intern”, dawn l-ostakli għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell Komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali.

(6)

Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli. Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. Din id-Direttiva lanqas ma tkopri jew tolqot id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar li jqarraq lis-settur tal-kummerċ iżda mhux lill-konsumaturi, u dwar reklamar komparattiv. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tolqotx prattiċi aċċettati ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħall-pjazzament ta’ prodotti, id-differenzazzjoni bejn marki jew l-offerta ta’ inċentivi li huma leġittimi u li jistgħu jolqtu leġittimament il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar prodotti u jinfluwenzaw l-imġieba tagħhom mingħajr ma jnaqqsu l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni informata.

(7)

Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. Ma tindirizzax prattiċi kummerċjali mwettqa primarjament għal finijiet oħrajn, inkluża per eżempju l-komunikazzjoni kummerċjali mmirata lejn investituri, bħal rapporti annwali u letteratura promozzjonali ta’ korporazzjonijiet. Ma tindirizzax rekwiżiti legali konnessi ma’ gosti u deċenza li jvarjaw ħafna bejn Stati Membri. Prattiċi kummerċjali bħal, per eżempju, solleċitazzjoni kummerċjali fit-toroq, jistgħu ma jkunux mixtieqa fi Stati Membri għal raġunijiet kulturali. L-Istati Membri jkunu jistgħu għalhekk ikomplu jipprojbixxu prattiċi kummerċjali fit-territorju tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja, għal raġunijiet ta’ gosti u deċenza anke meta dawn il-prattiċi ma jillimitawx il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Għandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari tal-klawsoli ġenerali tagħha.

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. B’hekk tħares ukoll b’mod indirett negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ din id-Direttiva u tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fl-oqsma kordinati minnha. Huwa mifhum li hemm prattiċi kummerċjali oħrajn li, għalkemm ma jagħmlux ħsara lil konsumatur, jistgħu jagħmlu ħsara lil kompetituri u klijenti kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-ħtieġa għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali lil hinn mill-ambitu ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposta leġiżlattiva li tkopri dawn l-aspetti oħra tal-kompetizzjoni żleali.

(9)

Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet individwali miġjuba minn dawk li sofrew ħsara minn prattika kummerċjali żleali. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji u nazzjonali dwar il-liġi kontrattwali, dwar id-drittijiet ta’ proprjeta intellettwali, dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti, dwar il-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment u reġimi ta’ awtorizzazzjoni, inklużi dawk ir-regoli li, konformement mal-liġi Komunitarja, huma konnessi ma’ attivitajiet tal-logħob ta’ l-azzard, u għar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentawhom. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi fit-territorju, ikun fejn ikun ibbażat il-kummerċjant, per eżempju, fir-rigward ta’ l-alkoħol, tat-tabakk jew tal-farmaċewtiċi. Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, minħabba l-komplessità tagħhom u r-riskji serji inerenti, jeħtieġu rekwiżiti dettaljati, inklużi l-obbligi pożittivi tal-kummerċjanti. Għal din ir-raġuni, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. Mhuwiex hawnhekk il-każ li jiġu regolati ċ-ċertifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-istandard ta’ finezza ta’ artikli ta’ metall prezzjuż.

(10)

Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-liġi Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. Din id-Direttiva għalhekk temenda d-Direttiva 84/450/KEE, id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (4), id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (5) u d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi (6). Għaldaqstant din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi Komunitarja li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti. Dan huwa importanti b’mod partikolari għal prodotti kumplessi b’livelli għolja ta’ riskju għal konsumaturi, bħal ċerti prodotti ta’ servizzi finanzjarji. Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

(11)

Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar prattiċi kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment regolati fil-livell Komunitarju.

(12)

L-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċ. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ ser ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi kummerċjali żleali fl-UE. L-effett għandu jkun li jiġu eliminati l-ostakli li joħorġu mit-tifrik tar-regoli dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lil interessi ekonomiċi tal-konsumatur, u għandu jkun tali li jippermetti l-kisba tas-suq intern f’dan il-qasam.

(13)

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità permezz tat-tneħħija ta’ l-ostakli għas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu sostitwiti l-klawżoli ġenerali u l-prinċipji legali eżistenti u diverġenti ta’ l-Istati Membri. Il-projbizzjoni ewlenija, stabbilita b’din id-Direttiva għalhekk tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Sabiex jingħata sostenn lill-fiduċja tal-konsumatur, il-projbizzjoni ġenerali għandha tapplika ugwalment għal prattiċi kummerċjali żleali li jirriżultaw barra minn xi relazzjoni kontrattwali bejn kummerċjant u konsumatur jew li jirriżultaw wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi.

(14)

Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. B’konformità mal-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa. Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata. Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva. L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri. Mhijiex l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva li tnaqqas l-għażla tal-konsumatur billi tipprojbixxi l-promozzjoni ta’ prodotti li jixxieħbu ma’ prodotti oħra sakemm din is-similarità ma tfixkilx lill-konsumaturi dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodott u b’hekk tkun qarrieqa. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi Komunitarja eżistenti li tagħti espressament lill-Istati Membri l-għażla bejn bosta mezzi regulatorji għall-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prattiċi kummerċjali. B’mod partikolari din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (7).

(15)

Fejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it-tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew iżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-acquis tinsab fl-Anness II. Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7(5) tagħha.. Fejn l-Istati Membri jkunu introduċew iktar rekwiżiti dwar informazzjoni minn dak li huwa speċifikat fil-liġi Komunitarja, fuq il-bażi ta’ klawżoli minimi, l-ommissjoni ta’ dak it-tagħrif supplimentari ma tikkostitwix ommissjoni qarrieqa fis-sens ta’ din id-Direttiva. B’kuntrast, l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkun permess mill-klawżoli minimi fil-liġi Komunitarja, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti b’konformità mal-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet kontrattwali individwali tal-konsumaturi.

(16)

Id-dispożizzjonijiet dwar prattiċi kummerċjali aggressivi għandhom ikopru dawk il-prattiċi li jfixxklu sinifikattivament il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Dawk huma prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa.

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.

(18)

Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali; il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja madankollu sabet li wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE, meta tiddeċiedi każijiet dwar reklamar, ikun meħtieġ li teżamina l-effett fuq konsumatur ipotetiku tipiku. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali. Fejn prattika kummerċjali hija mmirata speċifikament lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, bħat-tfal, huwa mixtieq li l-impatt tal-prattika kummerċjali ikun eżaminat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp. Huwa għaldaqstant xieraq li tiġi inkluża, fil-lista ta’ prattiċi li huma żleali fiċ-ċirkostanzi kollha, dispożizzjoni li, mingħajr ma timponi projbizzjoni assoluta fuq ir-reklamar dirett lejn it-tfal, jipproteġihom minn tħeġġiġ dirett sabiex jixtru. L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat.

(19)

Fejn ċerti karatteristiċi bħall-età, il-mard fiżiku jew mentali jew il-kredulità jagħmlu lill-konsumaturi partikolarment suxxettibbli għal xi prattika kummerċjali jew għall-prodott konness magħha u huwa probabbli li l-imġieba ekonomika biss ta’ dawn il-konsumaturi tista’ tiġi distorta mill-prattika b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-konsumaturi huma adegwatament protetti billi l-prattika tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp.

(20)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit rwol għal kodiċijiet ta’ kondotta, li jippermettu l-kummerċjanti japplikaw il-prinċipji ta’ din id-Direttiva effettivament f’oqsma ekonomiċi speċifiċi. F’setturi fejn hemm kondizzjonijiet obbligatorji speċifiċi li jirregolaw l-imġieba tal-kummerċjanti, huwa xieraq li dawn jipprovdu ukoll prova ta’ l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali f’dak is-settur. Il-kontroll eżerċitat minn dawk li huma responsabbli għal tali kodiċi fil-livell nazzjonali jew Komunitarju sabiex jiġu eliminati prattiċi kummerċjali żleali jista’ jevita l-bżonn tar-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjali u għandu għalhekk ikun inkoraġġut. Bl-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jiġu infurmati u involuti fl-abbozzar tal-kodiċijiet ta’ kondotta.

(21)

Persuni u organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu fil-materja għandu jkollhom aċċess għal toroq legali sabiex jibdew proċeduri kontra l-prattiċi kummerċjali żleali, quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew jekk għandhomx jinbdew proċeduri legali xierqa. Waqt li l-oneru tal-prova għandu jiġi stabbilit skond il-liġi nazzjonali, huwa xieraq li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi ikunu jistgħu jobbligaw lill-kummerċjanti jipproduċu prova dwar l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali li jkunu ressqu.

(22)

Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(23)

Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.

(24)

Huwa xieraq li tiġi riveduta din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-ostakli għas-suq intern ġew indirizzati u ntlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Ir-reviżjoni tista’ twassal għal proposta mill-Kummissjoni għall-emendar ta’ din id-Direttiva, li tista’ tinkludi estensjoni limitata tad-deroga fl-Artikolu 3(5), u/jew emendi għal leġiżlazzjoni oħra għall-ħarsien tal-konsumatur li jirriflettu l-impenn tal-Kummissjoni fl-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur sabiex tirrevedi l-acquis eżistenti u jintlaħaq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.

(25)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-Għan

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha;

b)

“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

ċ)

“prodott” tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

d)

“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiċi kummerċjali”) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

e)

“il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi” tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra;

f)

“kodiċi ta’ kondotta” tfisser kwalunkwe ftehim jew sett ta’ regoli mhux imposti b’liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru li jiddefinixxu l-imġieba ta’ kummerċjanti li jassumu l-obbligu li josservaw il-kodiċi fejn għandhom x’jaqsmu waħda jew iktar prattiċi kummerċjali partikolari jew setturi ta’ negozju;

g)

“sid ta’ kodiċi” tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh;

h)

“diliġenza professjonali” tfisser l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant;

i)

“stedina għax-xiri” tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja;

j)

“influwenza mhux xierqa” tfisser l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata;

k)

“deċiżjoni transazzjonali” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni;

l)

“professjoni regolata”: tfisser attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom jew il-prattika tagħhom, jew wieħed mill-modalitajiet tal-prattika tagħhom, huwa kondizzjonat, b’mod dirett jew indirett, mill-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, skond liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

Artikolu 3

L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.

4.   Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.

5.   Għal perjodu ta’ sitt snin minn 12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa kif suppost minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat.

6.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5.

7.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli li jiddeterminaw il-kompetenza tal-qrati.

8.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.

9.   Fir-rigward ta’ “servizzi finanzjarji” kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE, u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima.

10.   Din id-Direttiva ma għandiex tapplika għall-applikazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri konnessi maċ-ċertifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-livell ta’ finezza ta’ artikoli ta’ metall prezzjuż.

Artikolu 4

Is-Suq Intern

L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.

KAPITOLU 2

PRATTIĊI KUMMERĊJALI ŻLEALI

Artikolu 5

Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali

1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

3.   Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.

Sezzjoni 1

Prattiċi kummerċjali qarrieqa

Artikolu 6

L-Azzjonijiet Qarrieqa

1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

a)

l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;

b)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;

ċ)

il-firxa ta’ l-impenji min-naħa tal-kummerċjant, l-għanijiet għall-prattika kummerċjali u n-natura tal-proċess tal-bejgħ, kwalunkwe stqarrija jew simbolu fir-rigward ta’ sponsorizzazzjoni diretta jew indiretta jew approvazzjoni tal-kummerċjant jew tal-prodott;

d)

il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;

e)

il-bżonn ta’ servizz, parti, sostituzzjoni jew tiswija;

f)

in-natura, l-attributi u d-drittijiet tal-kummerċjant jew ta’ l-aġent tiegħu, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki, l-istatus, l-approvazzjoni, l-affiljazzjoni jew il-konnessjonijiet tiegħu u d-drittijiet tiegħu fuq proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premji li ngħata u r-rikonoxximenti mogħtija lilu;

g)

id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż id-dritt ta’ tibdil jew rimborż taħt id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (8), u r-riskji li jista’ jiffaċċa.

2.   Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra, u tinvolvi:

a)

kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta’ kompetitur;

b)

nuqqas ta’ konformità mill-kummerċjant ma’ l-impenji kontenuti f’dawk il-kodiċijiet ta’ kondotta li fuqhom il-kummerċjant impenja ruħu li jirregola lilu nnifsu, fejn:

i)

l-impenn mhux wieħed li jaspira iżda huwa sod u li jista’ jiġi verifikat,

u

ii)

il-kummerċjant jindika fi prattika kummerċjali li huwa marbut mill-kodiċi.

Artikolu 7

L-Ommissjonijiet Qarrieqa

1.   Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.   Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.   Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

4.   F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

a)

il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott;

b)

l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

ċ)

il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

d)

l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali;

e)

għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

5.   Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.

Sezzjoni 2

Prattiċi kummerċjali aggressivi

Artikolu 8

Il-Prattiċi Kummerċjali Aggressivi

Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

Artikolu 9

L-Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa

Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

a)

iż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza tagħha;

b)

l-użu tal-lingwaġġ użat jew l-imġieba ta’ theddid jew abbużiv;

ċ)

l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott;

d)

kwalunkwe ostakli mhux kontrattwali, onerużi jew sproporzjonati imposti mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-tħassir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor;

e)

kwalunkwe theddida li tiġi meħuda, kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed.

KAPITOLU 3

KODIĊIJIET TA’ KONDOTTA

Artikolu 10

Il-Kodiċijiet ta’ Kondotta

Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta’ prattiċi kummerċjali żleali minn sidien ta’ kodiċijiet u l-persuni jew l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 milli jirrikorru għal tali korpi jekk il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi huma addizzjonali għall-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi msemmija f’dak l-Artikolu.

Ir-rikors għal dawn il-korpi ta’ kontroll ma għandu qatt jitqies bħala ekwivalenti għal rinunzja ta’ xi mezz ta’ rikors ġudizzjarju jew amministrattiv kif previst fl-Artikolu 11.

KAPITOLU 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

L-Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

Dawn il-mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi l-kompetituri, jistgħu:

(a)

jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali;

u/jew

(b)

iġibu każijiet ta’ tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 10. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu disponibbli indipendentement jekk il-konsumaturi milquta jinsabux fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jinsab il-kummerċjant jew fi Stat Membru ieħor.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:

(a)

jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew konġuntement kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku;

u

(b)

jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi rilevanti jippromwovi n-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.

2.   Taħt id-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta’ l-interessi kollha involuti u b’mod partikolari ta’ l-interess pubbliku:

(a)

jordnaw il-waqfien, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ waqfien, ta’ prattiċi kummerċjali żleali,

jew

(b)

jekk il-prattika kummerċjali żleali għadha ma seħħetx iżda hija imminenti, jordnaw il-projbizzjoni tal-prattika, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ projbizzjoni tal-prattika

anki mingħajr prova ta’ telf jew ħsara attwali jew ta’ intenzjoni jew negligenza min-naħa tal-kummerċjant.

L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu sabiex il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu meħuda taħt proċedura aċċelerata:

jew b’effett provviżorju,

jew

b’effett definittiv,

iżda għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema miż-żewġ possibbiltajiet jagħżel.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati u lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, bil-ħsieb li jeliminaw l-effetti kontinwi ta’ prattiċi kummerċjali żleali li t-terminazzjoni tagħhom ġiet ordnata permezz ta’ deċiżjoni definittiva:

(a)

jesiġu l-pubblikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ dik id-deċiżjoni u fil-forma li huma jikkunsidraw adegwata,

b)

li jitolbu barra minn dan il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni rettifikattiva.

3.   L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

a)

ikunu komposti b’mod li ma jqanqlu l-ebda dubju dwar l-imparzjalità tagħhom;

b)

ikollhom setgħat adegwati, fejn huma jiddeċiedu dwar ilmenti, sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament;

ċ)

normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

Meta s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2 jiġu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, għandhom dejjem jiġu mogħtija r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandhom jiġu previsti proċeduri li permezz tagħhom l-eżerċizzju skorrett jew inġustifikat mill-awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas skorrett jew inġustifikat ta’ l-eżerċizzju ta’ l-imsemmija setgħat jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

Artikolu 12

Il-Qrati u l-Awtoritajiet Amministattivi: Il-Prova Sostanzjali tal-Pretensjonijiet

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat fil-proċedimenti ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 11 sabiex:

a)

jesiġu li l-kummerċjant iġib prova ta’ l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-rigward ta’ xi prattika kummerċjali jekk, b’kont meħud ta’ l-interess leġittimu tal-kummerċjant u ta’ kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti, tali kondizzjoni tidher ġustifikata abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari;

u

b)

jikkunsidraw il-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova rikjesta skond il-paragrafu (a) ma tinġiebx jew titqies insuffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva.

Artikolu 13

Il-Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Emendi lid-Direttiva 84/450/KEE

Id-Direttiva 84/450/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.”

2)

L-Artikolu 2

Il-punt 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.

‘kummerċjant’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant.”

Il-punt li ġej għandu jiżdied:

“4.

‘sid ta’ kodiċi’: tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh.”

.

3)

L-Artikolu 3a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

1.

Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

ma jqarraqx fit-tifsira ta’ l-Artikoli 2(2), 3 u 7(1) ta’ din id-Direttiva jew l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (*);

b)

jagħmel paragun bejn merkanziji jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

ċ)

jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkaniziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

d)

la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew il-marki oħra distintivi, il-merkanziji, is-servizzi, l-attivitajiet, jew iċ-ċirkostanzi ta’ xi kompetitur;

e)

jirriferixxi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl-istess titlu;

f)

ma jiħux vantaġġ inġustament mir-reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ xi kompetitur jew tat-titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti;

g)

ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;

h)

ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta’ xi kompetitur.

(*)  ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22.”"

4)

L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi sabiex jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri. Tali mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu r-reklamar qarrieqi jew li jirregolaw ir-reklamar komparattiv jistgħu:

a)

jistitwixxu azzjoni legali kontra tali reklamar;

jew

b)

iġibu każijiet ta’ tali reklamar quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk msemmija fl-Artikolu 5.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:

a)

jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew konġuntement kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku;

u

b)

jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi rilevanti jippromwovi in-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.”

5)

L-Artikolu 7(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri.”

Artikolu 15

Emendi lid-Direttivi 97/7/KE u 2002/65/KE

1)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Bejgħ mhux mitlub

Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ bejgħ mhux mitlub stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (**), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu ta’ kwalunkwe ħlas f’każijiet ta’ kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta’ tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens.

(**)  ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22.”"

2)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/65/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ bejgħ mhux mitlub kif stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (***), u bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tiġdid taċitu ta’ kuntratti b’distanza, meta tali regoli jippermettu tiġdid taċitu, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu f’każijiet ta’ kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta’ tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens.

(***)  ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22.”"

Artikolu 16

Emendi lid-Direttiva 98/27/KE u lir-Regolament (KE) Nru 2006/2004

1)

Fl-Anness tad-Direttiva 98/27/KE, il-punt 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22).”

2)

Fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (“ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur”) (9) għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:

“16.

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149 ta’ 11.6.2005, p. 22).”

Artikolu 17

Tagħrif

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jgħarrfu lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva u għandhom, fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-kummerċjanti u lis-sidien ta’ kodiċijiet sabiex jgħarrfu lill-konsumaturi dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta tagħom.

Artikolu 18

Reviżjoni

1.   Sa mhux aktar tard minn 12 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport sħiħ dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari ta’ l-Artikoli 3(9) u 4 u l-Anness I, dwar il-possibbiltà ta’ iżjed armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-liġi Komunitarja konnessa mal-ħarsien tal-konsumatur, u, waqt li jittieħed kont ta’ l-Artikolu 3(5), dwar kwalunkwe miżuri li jkunu meħtieġa fil-livell Komunitarju sabiex jiżguraw li l-livelli adegwati ta’ ħarsien tal-konsumatur jiġu miżmuma. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta sabiex tiġi riveduta din id-Direttiva jew partijiet rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja.

2.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jaġixxu, skond it-Trattat, fi żmien sentejn mill-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta magħmula skond il-paragrafu 1.

Artikolu 19

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 12 ta’ Ġunju 2007. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lil-Kummissjoni bihom u jinfurmaw il-Kummissjoni dwar emendi sussegwenti mingħajr dewmien.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri sa 12 ta’ Diċembru 2007. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferiment għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandu jsir tali riferiment.

Artikolu 20

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

L-indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Mejju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 108, tat-30.4.2004, p. 81.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 2004 (ĠU C 104 E, tat-30.4.2004, p. 260), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2004 (ĠU C 38 E, tal-15.2.2005, p. 1), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Frar 2005 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2005.

(3)  ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tat-23.10.1997, p. 18).

(4)  ĠU L 144, ta’ l-4.6.1997, p. 19. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).

(5)  ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/65/KE.

(6)  ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16.

(7)  ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.

(8)  ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12.

(9)  ĠU L 364, tad-9.12.2004, p. 1.


ANNESS 1

PRATTIĊI KUMMERĊJALI LI F’KULL ĊIRKOSTANZA HUMA KKUNSIDRATI ŻLEALI

Prattiċi kummerċjali qarrieqa

1)

Fejn il-kummerċjant isostni li huwa firmatarju ta’ kodiċi ta’ kondotta meta ma jkunx.

2)

Il-wiri mill-kummerċjant ta’ marka ta’ fiduċja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

3)

Fejn il-kummerċjant isostni li fil-kodiċi ta’ kondotta għandu l-appoġġ uffiċjali ta’ xi korp pubbliku jew korp ieħor, meta ma jkollux.

4)

Fejn il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiċi kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini ta’ l-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni.

5)

Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifu mingħajr ma juri l-eżistenza ta’ raġunijiet ġustifikati li l-kummerċant jista’ jkollu sabiex jemmen li mhuwiex sejjer ikun jista’ jforni jew iqabbad kummerċjant ieħor sabiex iforni, dawk il-prodotti jew prodotti ekwivalenti għal dak il-prezz għal perjodu u fil-kwantitajiet li huma raġonevoli relattivament għall-prodott, għal-livell ta’ reklamar tal-prodott u għall-prezz offrut (bait advertising).

6)

Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat u mbagħad:

a)

jirrifjuta li juri l-oġġett reklamat lill-konsumaturi,

jew

b)

jirrifjuta li jieħu ordnijiet għall-prodott jew li jfornih fi żmien raġonevoli,

jew

ċ)

juri kampjun difettuż tiegħu

bl-intenzjoni li jippromwovi prodott differenti (“bait and switch”).

7)

Fejn il-kummerċjant jiddikjara b’mod falz li prodott sejjer ikun disponibbli biss għal żmien limitat ħafna, jew li sejjer ikun disponibbli biss taħt kondizzjonijiet partikolari għal żmien limitat ħafna sabiex iqanqal deċiżjoni immedjata u jċaħħad lill-konsumaturi mill-opportunità jew miż-żmien suffiċjenti sabiex jagħmlu għażla informata.

8)

Fejn il-kummerċjant jimpenja ruħu li jipprovdi servizz ta’ wara l-bejgħ lill-konsumaturi li magħhom il-kummerċjant ikkomunika qabel it-tranżazzjoni b’lingwa li mhijiex il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn il-kummerċjant jinsab u mbagħad jagħmel dan is-servizz disponibbli biss b’lingwa oħra mingħajr ma jindika dan b’mod ċar lill-konsumatur qabel il-konsumatur jimpenja ruħu fit-tranżazzjoni.

9)

Fejn il-kummerċjant jistqarr u b’mod ieħor joħloq l-impressjoni li xi prodott jista jinbiegħ legalment meta ma jistax.

10)

Fejn il-kummerċjant jippreżenta drittijiet mogħtija mil-liġi lill-konsumaturi bħala karatteristika distintiva ta’ l-offerta tiegħu.

11)

Fejn il-kummerċjant juża kontenut editorjali fil-mijdja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (1).

12)

Fejn il-kummerċjant jagħmel affermazzjoni li hija essenzjalment mhux eżatta dwar in-natura u l-firxa tar-riskju għas-sigurtà personali tal-konsumatur jew tal-familja tiegħu jekk il-konsumatur ma jixtrix il-prodott.

13)

Fejn il-kummerċjant jippromwovi prodott simili għal xi prodott magħmul minn manifattur partikolari b’mod tali li deliberatament iqarraq bil-konsumatur li jemmen li l-prodott huwa magħmul minn dak l-istess manifattur meta ma jkunx.

14)

Fejn il-kummerċjant jistabbilixxi, jopera jew jippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti.

15)

Fejn il-kummerċjant isostni li dalwaqt sejjer jieqaf mill-kummerċ jew ibiddel il-post tal-kummerċ meta ma jkunx sejjer jagħmel dan.

16)

Fejn il-kummerċjant isostni li prodotti jistgħu jiffaċilitaw ir-rebħ f’logħob ta’ l-azzard.

17)

Fejn il-kummerċjant isostni, bil-qerq, li prodott jista’ jfejjaq mard, xi disfunzjoni jew malformazzjonijiet.

18)

Fejn il-kummerċjant jgħaddi tagħrif li huwa essenzjalment mhux eżatt dwar kondizzjonijiet tas-suq jew dwar il-possibbiltà li jinstab il-prodott bl-intenzjoni li jipperswadi lill-konsumatur jakkwista l-prodott b’kondizzjonijiet inqas favorevoli mill-kondizzjonijiet normali tas-suq.

19)

Fejn il-kummerċjant isostni fi prattika kummerċjali li joffri parteċipazzjoni f’xi kompetizzjoni jew promozzjoni ta’ premju mingħajr ma jagħti l-premji deskritti jew ekwivalenti raġonevoli.

20)

Fejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala “gratis”, “b’xejn”, “mingħajr ħlas” jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta’ l-oġġett.

21)

Fejn il-kummerċjant jinkludi fil-materjal promozzjonali fattura jew rikjesta oħra ta’ ħlas li tagħti l-impressjoni lill-konsumatur li huwa kien diġà ordna l-prodott kummerċjalizzat meta ma kienx għamel dan.

22)

Fejn il-kummerċjant bil-qerq isostni jew joħloq l-impressjoni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi għall-finijiet konnessi mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu, jew bil-qerq juri ruħu bħala konsumatur.

23)

Fejn il-kummerċjant bil-qerq jagħti l-impressjoni li jeżisti servizz ta’ wara l-bejgħ fir-rigward ta’ prodott fi Stat Membru ieħor barra minn dak li fih il-prodott huwa mibjugħ.

Prattiċi kummerċjali aggressivi

24)

Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax iħalli l-post qabel ma jsir kuntratt.

25)

Fejn il-kummerċjant jagħmel żjarat personali fid-dar tal-konsumatur u jinjora t-talba tal-konsumatur sabiex jitlaq jew sabiex ma jirritornax ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obbligazzjoni kontrattwali.

26)

Fejn il-kummerċjant jagħmel solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefown, tal-faks, bl-e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/7/KE, d-Direttiva 95/46/KE (2) u d-Direttiva 2002/58/KE.

27)

Fejn il-kummerċjant jesiġi li konsumatur li jixtieq iressaq pretensjoni fuq polza ta’ assigurazzjoni jipproduċi dokumenti li ma jistgħux raġonevolment jiġu kkunsidrati rilevanti għall-kwistjoni jekk il-pretensjoni kinetx valida, jew jonqos sistematikament milli jwieġeb għal korrispondenza pertinenti, sabiex jiddisswadi xi konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet kontrattwali tiegħu.

28)

Fejn il-kummerċjant jinkludi f’reklam it-tħeġġiġ dirett lit-tfal sabiex jixtru jew sabiex jipperswadu l-ġenituri tagħhom jew adulti oħrajn sabiex jixtrulhom il-prodotti reklamati. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/552/KEE dwar xandir bit-televiżjoni.

29)

Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur ħlief fejn il-prodott huwa sostitut fornit konformement ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/7/KE (“bejgħ mhux mitlub”).

30)

Fejn il-kummerċjant jgħarraf espliċitament lill-konsumatur li jekk ma jixtrix il-prodott jew servizz, ix-xogħol jew l-għajxien tal-kummerċjant ikunu fil-periklu.

31)

Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni falza li konsumatur diġà rebaħ, se jirbaħ, jew li hekk kif jagħmel xi azzjoni partikolari jirbaħ, xi premju jew xi benefiċċju ekwivalenti ieħor, meta fil-fatt

ma jkun hemm ebda premju jew benefiċċju ekwivalenti ieħor,

jew

it-teħid ta’ xi azzjoni fir-rigward tal-ġbir tal-premju jew ta’ l-benefiċċju ekwivalenti ieħor teħtieg lill-konsumatur li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spejjeż.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).


ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET TAL-LIĠI KOMUNITARJA LI JISTABBILIXXU REGOLI GĦAR-REKLAMAR U GĦALL-KOMUNIKAZZJONIJIET KUMMERĊJALI

L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 97/7/KE.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox inkluż u t-tours kollox inkluż (1).

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare  (2).

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (3)

L-Artikoli 86 sa 100 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (4).

L-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-suq intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (5).

L-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (6).

L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2002/65/KE

L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (IIKTT) bl-iskop li jiġu rregolati kumpaniji ta’ amministrazzjoni u prospektusis simplifikati (7).

L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni ta’ l-assigurazzjoni (8).

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (9).

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq ta’ l-istrumenti finanzjarji (10).

L-Artikolu 31 u 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (11) (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja).

L-Artikoli 5, 7 u 8 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat għall-offerta lill-pubbliku jew għall-ammissjoni għall-kummerċ ta’ titoli (12)


(1)  ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.

(2)  ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83.

(3)  ĠU L 80, tat-18.3.1998, p. 27.

(4)  ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 67. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, tat-30.4.2004, p. 34).

(5)  ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.

(6)  ĠU L 101, ta’ l-1.4.1998, p. 17.

(7)  ĠU L 41, tat-13.2.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 9, tal-15.1.2003, p. 3.

(9)  ĠU L 345, tad-19.12.2002, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE (ĠU L 168, ta’ l-1.5.2004, p.35).

(10)  ĠU L 145, tat-30.4.2004, p. 1.

(11)  ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/87/KE (ĠU L 35, tal-11.2.2003, p. 1).

(12)  ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 64.