ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.229.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 229

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
31 ta' Lulju 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-481 sessjoni plenarja fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012

2012/C 229/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-suq diġitali — xprun għat-tkabbir (opinjoni Esploratorja)

1

2012/C 229/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

7

2012/C 229/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Orizzont 2020: pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

13

2012/C 229/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

18

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-481 sessjoni plenarja fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012

2012/C 229/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean AtlantikuCOM(2011) 782 final

24

2012/C 229/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020COM(2011) 398 final — 2011/0177 (APP) u dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020COM(2011) 500 final

32

2012/C 229/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Sħubija fir-Riċerka u l-InnovazzjoniCOM(2011) 572 final

39

2012/C 229/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva għan-negozju soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoniCOM(2011) 682 final

44

2012/C 229/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Negozju Żgħir, Dinja Kbira — sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globaliCOM(2011) 702 final

49

2012/C 229/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali EwropejCOM(2011) 862 final — 2011/0418 (COD)

55

2012/C 229/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Iil-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Programm Supplimentari ta’ Riċerka għall-proġett ITER (2014-2018)COM(2011) 931 final — 2011/0460 (NLE)

60

2012/C 229/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kredituCOM(2011) 746 final — 2011/0360 (COD)

64

2012/C 229/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (Riformulazzjoni)COM(2012) 64 final — 2012/0027 (COD)

68

2012/C 229/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)COM(2011) 735 final

72

2012/C 229/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali KorporattivaCOM(2011) 681 final

77

2012/C 229/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogiCOM(2011) 689 final

85

2012/C 229/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejtaCOM(2012) 11 final — 2012/011 (COD)

90

2012/C 229/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-EwropaCOM(2011) 900 final

98

2012/C 229/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza NukleariCOM(2011) 841 final

103

2012/C 229/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015COM(2012) 6 final

108

2012/C 229/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħutCOM(2011) 888 final — 2011/0434 (COD)

112

2012/C 229/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/60/CE u 2008/105/CE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilmaCOM(2011) 876 final — 2011/0429 (COD)

116

2012/C 229/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċiCOM(2012) 89 final — 2012/0039 (COD) u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/65/KEE fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-klieb, il-qtates u l-inmsaCOM(2012) 90 final — 2012/0040 (COD)

119

2012/C 229/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasportCOM(2011) 898 final

122

2012/C 229/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050COM(2011) 885 final

126

2012/C 229/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla/L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terziCOM(2011) 637 final u COM(2011) 638 final

133

2012/C 229/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr filCOM(2012) 136 final — 2012/0066 (COD)

140

2012/C 229/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fir-rigward tas-setgħat li għandhom jiġu konferiti fuq il-KummissjoniCOM(2012) 150 final — 2012/0075 (COD)

143

2012/C 229/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċangaCOM(2012) 162 final — 2011/0229 (COD)

144

2012/C 229/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedemCOM(2012) 147 final — 2012/0074 (NLE)

145

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-481 sessjoni plenarja fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq diġitali — xprun għat-tkabbir” (opinjoni Esploratorja)

2012/C 229/01

Relatur: is-Sinjura BATUT

Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Is-suq diġitali — xprun għat-tkabbir

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 141 vot favur, 7 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   L-ekonomija diġitali tibdel fil-fond id-drawwiet kollha u tmiss l-istruttura soċjali u ekonomika tas-soċjetajiet tagħna. Is-sigurtà u l-interoperabbiltà huma primordjali għaliha. L-aġenda diġitali tal-UE hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kumitat diġà adotta għadd kbir ta’ opinjonijiet dwar l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-soċjetajiet tagħna (1).

1.2   Il-presidenza Daniża, konxja mill-isfidi, talbet lill-KESE jidentifika x'jonqos biex din issir xprun għall-ekonomija. Il-Kumitat iqis li d-djalogu soċjali u ċivili jrid isir parti integrali mid-diskussjonijiet kollha dwar l-ekonomija diġitali flimkien mal-ftehimiet u s-sħubijiet.

1.3   Is-suq m'huwiex għan fih innifsu (2). Id-diġitalizzazzjoni trid tkun mezz li jservi lill-ekonomija mingħajr ma jhedded il-kisbiet ekonomiċi, soċjali, umani u kulturali. Il-produzzjoni u l-iskambju bl-internet u l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali jibdlu s-suq tax-xogħol. Il-KESE jixtieq li jkun hemm viżibbiltà akbar u aktar informazzjoni għal dawk li huma fl-intrapriżi u għall-konsumaturi, u garanziji pertinenti għal kulħadd.

1.4   L-UE tinsab wara l-esponenti l-kbar fid-disinn u fil-provvista (l-Istati Uniti) kif ukoll fil-kostruzzjoni (l-Asja). B'urġenza, trid timplimenta l-istrateġija diġitali globali u tibdel l-approċċ tagħha biex tiffaċċja l-isfidi, kemm immedjati (bħad-DPI – drittijiet ta’ proprjetà intellettwali) u fit-tul (tixjiħ demografiku). Għall-KESE, il-prijoritajiet huma: li jkun hemm l-ambizzjoni ta’ impenn lejn l-intelliġenza ekonomika, l-ambizzjoni li jitilgħu mexxejja Ewropej, l-ambizzjoni li ċ-ċentri tad-deċiżjoni u r-riċerka u l-iżvilupp tagħhom ikunu lokalizzati fl-Unjoni, u li jkunu jistgħu jgawdu minnhom iċ-ċittadini kollha, il-bini tal-kunfidenza, il-żjieda tal-kapaċità ta’ kulħadd, l-iżvilupp tal-produttività, l-inklużjoni tal-ICT fl-istrateġija tat-tkabbir sostenibbli.

Il-paragrafi li jsegwu jiffurmaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE:

2.   L-istimolu tat-tkabbir permezz tad-diġitalizzazzjoni

2.1   L-infrastrutturi utli jridu jkopru t-territorju Ewropew kemm jista' jkun malajr inkluż il-pajjiżi u t-territorji esterni (3). L-aċċess universali jrid jiġi garantit mill-operaturi għaż-żoni kollha anke dawk iżolati. Il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni COM(2011) 942 dwar it-tisħiħ tal-kunfidenza fis-suq uniku diġitali tista' ma tkunx biżżejjed.

2.2   L-aċċessibbiltà għall-pubbliku kollu  (4) tal-hardware, is-software, it-taħriġ għall-użu huma prerekwiżiti fundamentali. Kwart tal-popolazzjoni hija anzjana. Din il-forza ekonomika trid tiġi integrata. Il-Kumitat iqis li l-aċċess irid isir prijorità tal-aġenda.

2.3   L-ICT (Teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni) għandhom ikollhom standards definiti mal-industrija, l-SMEs u l-partijiet l-oħra kollha tas-soċjetà ċivili (5), biex jiġu garantiti l-interoperabbiltà u l-kompatibbilità sħaħ tal-applikazzjonijiet u s-servizzi marbutin mal-ICT u biex tiġi implimentata politika ta’ standardizzazzjoni tal-ICT li tappoġġja l-politiki l-oħra tal-UE (Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21.10.2010 (6), punti 69 u 72). Il-KESE jqis li l-SMEs u l-partijiet interessati soċjali li jipparteċipaw fl-istandardizzazzjoni għandhom jingħataw għajnuna finazjarja.

2.4   Biex tikber l-implimentazzjoni tal-ekonomija diġitali u tiżdied l-offerta tal-merkanzija u s-servizzi (Opinjoni CESE 490/2012 - TEN/469) għandhom iseħħu l-interkonnessjonijiet tan-netwerks Ewropej.

2.5   Il-Kumitat iqis li l-interoperabbiltà tal-offerta trid tiġi organizzata fil-livell tal-UE. L-istandardizzazzjoni tippermetti lill-partijiet interessati Ewropej li jkollhom aċċess għal swieq ġodda fil-livell internazzjonali.

2.6   Il-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu favur internet newtrali u miftuħ  (7).

2.7   Is-suq intern irid joffri l-garanziji kollha tal-użu biex jiżviluppa l-potenzjal tat-talba għall-użu ta’ software b'xejn u miftuħ.

2.8   Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ standards komuni tal-interfaċċi.

2.9   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tinbena kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u li jiġu stabbiliti servizzi amministrattivi transkonfinali bl-internet, li jistgħu jiġu faċilitati bl-użu ġeneralizzat tas-sistema IMI (Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern). Dan l-iżvilupp għandu jsir fil-qafas ta’ governanza Ewropea multilaterali (8).

2.10   Il-kummerċ fuq l-internet jiffavorixxi l-armonizzazzjoni tar-rati nazzjonali tal-VAT: il-KESE jqis li dan ikun vantaġġ ġenwin għall-intrapriżi kif ukoll għaċ-ċittadini jekk ma jkunx pretest biex il-VAT tiżdied.

2.11   L-operaturi u ċ-ċittadini għandhom isibu l-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom b'ħeffa, biex ikunu jistgħu jwettqu t-tranżazzjonijiet transkonfinali tagħhom b'serħan il-moħħ.

2.12   Għall-Kumitat ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu preżenti (ara L-istrateġija UE 2020, Partijiet interessati u soċjetà ċivili) fil-bini tal-ekonomija diġitali Ewropea u jiġu mistiedna fil-ftehimiet u s-sħubijiet. Minħabba fit-tendenza tagħha li tinxtered, hija tinfirex fis-soċjetà kollha. Il-proġetti kollha għandhom ikollhom dimensjoni diġitali u soċjali.

2.13   Id-diġitali jiffavorixxi ekonomija tas-servizzi li tista' twassal għad-deindustrijalizzazzjoni, u l-qerda tal-impjiegi fl-Ewropa. Fil-fehma tal-KESE, fl-Ewropa, l-innovazzjoni u l-produzzjoni (kostrutturi) tat-teknoloġiji jridu jinġiebu flimkien fit-tfittxija għal swieq ġodda. L-istart-ups fis-settur tal-ICT jridu jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal ta’ żvilupp mgħaġġel. Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn urġenti li nistaqsu għaliex il-kuntest ma jiffavorixxix il-preżenza fis-suq ta’ provvedituri ta’ aċċess Ewropej kbar, siti tal-bejgħ Ewropej kbar li jkunu magħrufa mad-dinja kollha.

2.14   It-taħriġ u l-apprendistat tul il-ħajja jgħinu lill-impjegati li jżommu impjieg. Id-diġitalizzazzjoni tista' tiffaċilita dan il-proċess, partikolarment għall-popolazzjonijiet fit-territorji ultraperiferiċi, jew f'sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. It-taħriġ fl-ICT li jwassal għal kwalifiki huwa meħtieġ għal kulħadd.

2.15   Minn issa sal-2015, 95 % tal-impjiegi ser jeħtieġu kompetenzi marbutin mal-internet. Il-Kumitat jixtieq li l-miżuri li jittieħdu jevitaw konsegwenzi negattivi fuq id-dinja tax-xogħol fosthom:

impjegati li l-ħin kollu għandhom il-pressjoni tal-urġenza u li huma sorveljati b'mod kważi polizjesk;

telexogħol, imħallas bi prezzijiet baxxi ħafna, u l-evitar tal-medjaturi fil-kunflitti soċjali li huma t-trejdjunjins bi ħsara doppja għall-individwi u d-drittijiet kollettivi.

Fil-fehma tal-KESE fl-ekonomija diġitali, bħal f'każijiet oħra, huwa biss l-impjieg deċenti li għandu jitqies peress li dan jippermetti ż-żjieda fit-talba globali.

3.   Il-bini tat-tkabbir permezz tal-kunfidenza fl-ekonomija diġitali

3.1   Drittijiet Fundamentali

3.1.1   Il-Kumitat jixtieq jippreżerva d-drittijiet u s-sigurtà taċ-ċittadini mingħajr ma jnaqqas il-libertà tagħhom. Fl-2012, fl-Ewropa ser tiġi studjata strateġija globali għas-sigurtà fuq l-internet. It-twaqqif ta’ ċentru Ewropew kontra ċ-ċiberkriminalità sal-2013 ser ikollu importanza speċjali. Il-KESE jixtieq li fl-aħħar l-UE tippromovi l-ħolqien ta’ mutur Ewropew tar-riċerka (search engine) b'saħħtu tat-tip bħal “Google”.

3.1.2   Il-Kumitat qed iħejji opinjoni dwar il-ħarsien tad-data personali li huwa qasam importanti (COM(2012) 10 final). Huwa diġà esprima l-fehma tiegħu favur id-dritt li tiġi minsi (9), u d-drittijiet tal-utenti tal-internet, b'mod partikolari ta’ dawk l-aktar żgħar u tas-setturi vulnerabbli tal-pubbliku. Huwa jixtieq li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi adottata fi żmien qasir u jixtieq li jitqiesu l-kummenti li huwa għamel, minkejja l-oppożizzjoni li diġà qed tidher mill-fornituri barranin tas-servizz tal-internet fl-UE.

3.1.3   Il-KESE jistenna li l-UE tippromovi l-innovazzjoni u tħares il-prodotti kreattivi tagħha stess. Il-ħolqien tal-privattiva Ewropea huwa urġenti u jirrappreżenta opportunità għas-suq uniku diġitali.

3.2   L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku

3.2.1   L-offerta ta’ beni kummerċjali ma tridx tibqa' frammentata u l-fruntieri jridu jinfetħu għall-professjonisti u l-konsumaturi biex ikollhom aċċess għal prezzijiet kompetittivi (http://ec.europa.eu/consumers/consumer_research/editions/cms6_en.htm).

3.2.2   Il-Kumitat iqis li l-interoperabbiltà tal-offerta trid tiġi organizzata fil-livell tal-UE. L-istandardizzazzjoni tippermetti lill-partijiet interessati Ewropej li jkollhom aċċess għal swieq ġodda fil-livell internazzjonali.

3.2.3   Il-KESE jqis urġenti li tinstab soluzzjoni għall-problemi tax-xiri bl-internet, bl-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta man-nazzjonalità jew il-post tar-residenza, u li jinħolqu l-kundizzjonijiet għad-dritt għall-aċċess li jkun ugwali għal kulħadd.

3.2.4   L-utenti għandhom jiġu informati b'faċilità bid-drittijiet tagħhom (COM(2011) 794 final) u l-possibbiltà li jiddefendu lilhom infushom. Qed isir bżonjuż il-ħolqien ta’ punt uniku fuq l-internet. Il-Kumitat (10) jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-preċiżazzjoni tal-Kummissjoni li din is-sistema m'għandhiex ittellef lill-konsumaturi jew lill-kummerċjanti mid-drittijiet tagħhom li jitolbu kumpens quddiem it-tribunali. Il-Kummissjoni trid tintegra l-interfaċċi intelliġenti bħall-BATNA (Best Alternative to a Negotiated Agreement) fid-Direttiva tagħha 2000/31/KE, biex taġġorna fir-rigward tar-regolamenti tal-“ewwel ġenerazzjoni”. Biex tiżdied it-talba fuq l-internet huwa importanti li l-konsumaturi jingħataw soluzzjoni tajba għall-kunflitti  (11) minn relazzjonijiet kummerċjali. L-utenti għandhom jiġu informati b'mod ċar u faċli bid-drittijiet tagħhom. Għandhom jiġu koperti t-tipi kollha ta’ diżgwid onlajn.

3.2.5   Il-KESE jqis li t-testi Ewropej jridu joffru liċ-ċittadini l-istess grad ta’ kunfidenza fis-suq diġitali li huma jistennew f'pajjiżhom. Il-konsumaturi jeħtieġu informazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-suq biex ikunu utenti informati tajjeb. Għal dan il-għan tista' titqassam b'mod diffuż Gwida dwar is-servizzi diġitali għall-konsumaturi.

Fil-kuntest tal-abbozz tad-Direttiva 2011/942, il-KESE jappella lill-awtoritajiet tal-Unjoni biex jieħdu inizjattivi fl-oqsma ta':

l-informazzjoni għall-operaturi tas-servizzi fuq l-internet u l-ħarsien għall-utenti tal-internet,

sistemi ta’ ħlas u ta’ twassil inadegwati,

azzjoni kontra l-għadd eċċessiv ta’ abbużi.

3.2.6   Mezzi bħal:

il-firma elettronika sikurizzata;

ir-registrazzjoni elettronika tal-atti;

l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-firem elettroniċi;

l-għarfien reċiproku tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni (SSCD – “Secure Signature Creation Devices”), imsaħħaħ mill-akkreditazzjoni ta’ dawk li joffru servizz ta’ ċertifikazzjoni elettronika (PECS);

is-sistema ta’ ħarsien għall-konsumaturi u l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ rikors (Direttiva 2011/83/UE u d-dokument COM(2012) 100 final);

ir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi;

ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi

għandhom jintużaw b'mod ġenerali u joħolqu l-fiduċja fl-operaturi.

3.2.7   Il-KESE jibqa' favur azzjonijiet kollettivi, biex tinkiseb soluzzjoni effettiva għad-danni f'każ ta’ ksur ta’ drittijiet kollettivi. B'hekk jiġi kumplementat il-ħarsien attwali permezz ta’ rikorsi kemm ġewwa kif ukoll barra mill-qrati (12) (ara d-Direttiva 98/27/KE tad-19 ta’ Mejju 1998). Għandhom jiġu assigurati l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-suq intern (Preambolu għat-TFUE, ir-raba' inċiż). Il-prinċipju tad-dritt għar-rikors effikaċi huwa dritt fundamentali fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 47).

3.2.8   Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-liġi tal-bejgħ  (13). Il-konsumaturi għandhom bżonn ta’ sigurtà legali. Il-KESE huwa sodisfatt li l-proposta tiegħu tat-“tieni sistema” ġiet aċċettata mill-Kummissjoni anke jekk jippreferi żewġ testi separati (wieħed għall-B2B u wieħed għall-B2C).

3.2.9   Il-Kumitat jistenna b'interess l-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumaturi (COM(2011) 777 final/2) annunċjata mill-Kummissjoni li ser tivvaluta l-impatt tar-revoluzzjoni diġitali fuq l-imġiba tal-konsumaturi. Hemm bżonn ta’ qafas pan-Ewropew għall-identifikazzjoni, l-awtentifikazzjoni u l-iffirmar elettroniċi biex jirdoppja l-volum tal-kummerċ elettroniku u biex dan isir lieva għat-tkabbir (dok. COM(2011) 942 final.)

3.3   Skambji sikuri

3.3.1   Il-programm doganali “FISCUS” (14) għandu l-għan li jinstalla kontrolli fuq l-internet madwar l-UE kollha biex jiġġieled kontra l-piraterija u l-falsifikazzjonijiet. Fil-fehma tal-KESE, id-dwana trid tissaħħaħ fil-livell tal-persunal u fil-kontrolli li twettaq. L-osservatorju Ewropew tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija jista' jitjieblu l-profil u jingħata l-għodod li jeħtieġ biex jitratta l-isfidi ekonomiċi u għas-sigurtà pubblika.

3.3.2   Il-liġijiet għandhom jgħinu lill-amministraturi biex iwettqu inkjesti ta’ flussi finanzjarji suspettużi fuq l-internet. Id-dwana tista' tingħata r-responsabbiltà li tħares il-patrimonju kulturali u immaterjali Ewropew u jissaħħaħ ir-rwol tagħha ta’ appoġġ għall-SMEs permezz ta’ bażijiet ta’ data, bħall-bażi ta’ data dwar l-aċċess għas-swieq, il-help desk “Exportation” jew il-portal uniku ta’ informazzjoni virtwali.

3.4   Il-Kumitat jixtieq li ċ-ċittadini jkollhom karta ta’ governanza u ta’ trasparenza. Huwa jqis li huwa urġenti li jiġu regolati l-pagamenti elettroniċi fosthom dawk biċ-ċellulari.

3.4.1   Il-KESE jqis li s-sigurtà tal-mezzi l-ġodda ta’ pagamenti diġitali għandha tiġi garantita minn standards pubbliċi. Bħalissa huma biss l-operaturi privati li joħolqu u għandhom kontroll fuq l-istandards u l-interoperabbiltà tagħhom. Il-KESE jqis li s-sitwazzjoni li pajjiż terz għandu l-possibbiltà li jikkontrolla kull moviment finanzjarju Ewropew hija ta’ ħsara.

4.   L-iżvilupp tal-produttività u tat-tkabbir inklussiv

4.1   Kuntest utli għat-tkabbir

4.1.1   Is-suq diġitali għandu bżonn ta’ governanza Ewropea leali u li tirrappreżenta d-drittijiet taċ-ċittadini. Wara l-2015, il-punt uniku għall-merkanzija u s-servizzi għandu joffri assistenza lill-operaturi ekonomiċi Ewropej. L-intrapriżi diġitali jridu jikkonformaw mal-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u tad-djalogu soċjali.

4.1.2   Is-suq uniku diġitali għadu frammentata fi swieq nazzjonali. Leġislazzjoni armonizzata toħloq l-okkażjoni għall-operaturi ekonomiċi biex joħolqu ekonomija fuq skala kbira. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha toħloq sinerġiji bejn il-ħidmiet tad-direttorati tagħha sabiex tinħoloq it-tmexxija b'saħħitha meħtieġa għall-iżvilupp diġitali fl-Unjoni kollha u biex jingħeleb kull dewmien f'dan ir-rigward; huwa urġenti li l-UE jkollha aċċess għall-ekwivalenti Ewropew ta’ “Silicon Valley” fejn l-imħuħ u l-kapital pubbliku/privat ikunu ċċentralizzati u kapaċi jiffaċċjaw ir-riskji u joħolqu impriżi konġunti li jkollhom suċċess.

4.1.3   Il-Kumitat ifakkar fl-opinjoni tiegħu dwar l-inklużjoni diġitali fejn jiddiskuti r-rimedji għad-diżugwaljanzi fl-aċċess għall-ICT; huwa jixtieq li l-UE tagħraf l-aċċess għall-infrastruttura u għall-għodod bħala dritt fundamentali u li l-ICT jsir għodda għall-inklużjoni.

4.2   L-intrapriżi fl-azzjoni “diġitali” għat-tkabbir

4.2.1   L-ekonomija diġitali trid tesperjenza tkabbir rapidu tal-PDG, l-iżjed fil-finanzjar tal-istart-ups. Dan l-aħħar ċertu start-up Amerikan ġie kapitalizzat għal iktar minn EUR 75 biljun … Il-promozzjoni tal-innovazzjoni teħtieġ mudelli ekonomiċi bbażati fuq l-għarfien u ż-żjieda fl-offerta fuq l-internet.

4.2.2   L-aċċettazzjoni mis-suq ta’ servizzi ġodda tiddependi mill-kapaċità tal-SMEs li jipparteċipaw fl-ICT (15) u li jkunu interoperabbli. Għal dan il-għan huma għandhom bżonn ta’ għajnuna għall-proġetti konkreti tagħhom. Il-KESE jitlob lill-Presidenza li tivvaluta dawn il-miżuri:

it-tnedija ta’ sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ kull Stat Membru u l-operaturi prinċipali tal-ICT;

l-użu ta’ allokazzjoni ta’ EUR 300 miljun lill-intrapriżi li qed jiżviluppaw infrastrutturi ddedikati għall-iffrankar tal-enerġija kif ukoll għat-teknoloġiji intelliġenti relatati.

4.2.3   Il-pagamenti elettroniċi bil-karta jew biċ-ċellulari: l-Ewropa għandha żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem f'dawn l-oqsma kif għamlet bl-ismart card li wasslet għal tnaqqis konsiderevoli ta’ frodi.

4.2.4   Il-proġett SEPA (Single Euro Payments Area - Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro, regolament ta’ Frar 2012, li jissostitwixxi t-trasferimenti u l-ħlasijiet nazzjonali bl-ekwivalenti tagħhom Ewropej fl-1 ta’ Frar 2014) jiġbor fih l-istrumenti ewlenin ta’ ħlas bl-imnut. Fil-fehma tal-KESE, il-kummissjonijiet bejn il-banek u dawk bejn l-Istati Membri għandhom jiġu armonizzati. Il-konkorrenza m'għandhiex tfixkel l-innovazzjoni, jew toħloq spejjeż addizzjonali għall-konsumaturi.

4.2.5   Il-KESE jqis li huwa meħtieġ qafas adatt biex jgħin lill-SMEs jidħlu fis-suq diġitali l-istess bħal fis-swieq l-oħra.

a)

Fuq il-pjan intern:

4.2.6.1

Il-KESE jirrakkomanda li fil-livell Ewropew jiġu definiti l-parametri tal-ekonomija diġitali u li dawn jiġu integrati fi standards kompatibbli. Dan il-parametru jista' jinkludi l-assi diġitali u diġitalizzabbli kif ukoll l-assi li għandhom bżonn tad-diġitalizzazzjoni.

4.2.6.2

Il-Kumitat iqis li l-intrapriżi għandhom jgħoddu l-assi diġitali tagħhom fl-ivvalutar tagħhom.

4.2.6.3

Il-kejl tal-impatt reali tas-settur tal-ICT fuq l-intrapriżi u r-rikkezza nazzjonali għandu jsir abbażi ta’ kriterji definiti fil-livell Ewropew.

4.2.6.4

It-twaqqif tal-istatut Ewropew tal-kumpaniji privati (2008) (16) (proposta leġislattiva COM(2008) 396 final) jippermetti lill-SMEs li jiżviluppaw billi jiffaċitila l-attivitajiet kummerċjali transkonfinali tagħhom.

b)

Fuq il-pjan estern:

4.2.7.1

L-ambjent industrijali ta’ appoġġ huwa utli għal ekonomija tat-tkabbir. Dan jiffaċilita l-investimenti, l-użu transkonfinali tal-ICT u l-attività diġitali. Iżda l-SMEs ibatu fuq kollox mill-frammentazzjoni legali u teknika, min-nuqqas ta’ trasparenza u mill-metodi ta’ twassil li spiss huma inadegwati.

4.2.7.2

Il-mudelli ta’ suċċess, bħal DiSCwise, (DĠ TREN, Il-pjan ta’ azzjoni għal-loġistika tat-trasport ta’ merkanzija), jistgħu jispiraw intrapriżi oħra biex joħolqu impjiegi u tkabbir (trasport intelliġenti).

4.2.7.3

Globalizzazzjoni: Biex tibqa' kompetittiva fuq il-prodotti tagħha b'valur miżjud għoli, l-UE għandha bżonn li jinħolqu konsorzji ta’ esportazzjoni, clusters li jgħinu lir-riċerka u l-iżvilupp, rikonoxxuti fl-Istati Membri li jiffavorixxu l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. (http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemlongdetail.cfm?item_id=4968.).

4.2.8   Il-Cloud Computing jista' jgħin lill-SMEs (17) jekk is-sigurtà tad-data tiġi garantita ġenwinament, sfida ewlenija minħabba fil-“ġganti” tas-servizzi fuq l-internet u l-provvedituri tal-aċċess għall-internet. Il-Kummissjoni Ewropea trid tenfasizza l-“cloud computing” favur l-SMEs u tgħinhom biex ikollhom aċċess għalih (taħriġ, fondi).

4.2.9   L-UE għandha tpoġġi enfasi akbar fuq l-informazzjoni għall-intrapriżi dwar il-possibbiltajiet li għandhom li jiksbu finanzjament, u biex tinfirex l-idea ta’ bonds ta’ proġetti  (18).

4.2.9.1.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu faċilitati l-investimenti f'kapital ta’ riskju li jibbenefikaw lir-riċerkaturi u lill-intrapriżi innovattivi (COM(2011) 702 final - Negozju Żgħir, Dinja Kbira).

4.2.10   Il-Kumitat jirrakkomanda li tiġi stabbilita gwida għall-aċċess tal-intrapriżi għall-ekonomija diġitali transkonfinali.

4.3   Il-proprjetà intellettwali

4.3.1   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE tħares il-kreattività biex tiggarantixxi l-futur tagħha, kemm internament kif ukoll esternament. L-eċċezzjoni kulturali trid tiġi preżervata peress li hija parti mid-diversità Ewropea. Il-miżuri ta’ ħarsien li qed jiġu studjati bħalissa m'għandhomx ipoġġuha f'periklu li jiffavorixxi l-prodotti kreattivi Amerikani.

4.3.2    l-Artikolu 118 TFUE jassigura l-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE, iżda s-27 Stat Membru jikkontrollaw l-użu tal-internet b'mod differenti.

4.3.3    l-UE tivvaluta mill-ġdid il-politika dwar l-applikazzjoni tad-DPI (Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) fil-pajjiżi terzi billi tintegra l-kunċett ta’ reċiproċità u ta’ negozjati multilaterali bħal fil-każ tal-ACTA (ACTA: Anti-Counterfeict Trade Agreement separat mid-WTO, iffirmat mill-Kummissjoni u 22 Stat membru f'Jannar 2012).

4.3.4   Il-Kumitat adotta opinjoni dwar id-DPI li jirrakkomanda li dawn ma jiġux trattati biss b'approċċ purament ibbażat fuq l-assi u l-finanzi (19).

4.3.4.1   Fid-dawl tal-proposta leġislattiva futura tal-Kummissjoni (2012), il-Kumitat jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu konsultati l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati (20). Huwa jinsisti fuq it-trasparenza u l-kontroll fuq il-korpi ta’ ġestjoni tad-drittijiet tal-awturi u tad-drittijiet relatati. Il-Kumitat iqis li t-taxxa fuq l-ikkuppjar privat hija inġusta peress li dan l-ikkuppjar huwa parti integrali mill-użu ġust. Trid issir distinzjoni bejn ċittadini li jniżżlu xi ħaġa għall-użu personali tagħhom u xi ħadd li qed jorganizza attività bi qligħ ibbażata fuq falsifikazzjoni fuq skala kbira. L-industriji kulturali m'għandhomx isiru magni tal-flus u l-anqas il-web m'għandha tkun għodda tal-privatizzazzjoni tal-kultura u tal-għarfien.

4.3.4.2   Il-Parlament Ewropew irċieva petizzjoni Ewropea b'aktar minn 2 miljun firma (sit AVAAZ.org) li tappella għad-difiża tal-internet ħieles u miftuħ u għar-rifjut tar-ratifika tal-ACTA. Huwa importanti li jiġi notat li fost il-pajjiżi li ffirmaw l-ACTA m'hemmx iċ-Ċina, ir-Russja, il-Brażil u l-Indja minn fejn jiġu ħafna prodotti falsifikati.

Il-Kumitat iħoss li ma ngħatax widen fir-rigward tal-ftehim internazzjonali ACTA  (21). Huwa qed jipproponi li fil-każ li l-ACTA jiġi implimentat, il-Kummissjoni toqgħod attenta li tħares il-libertà taċ-ċittadini u l-kapaċità tagħhom li joħolqu.

4.3.5   Il-KESE jqis  (22) li biex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-kummerċ diġitali u d-dumping, filwaqt li jitħarsu d-drittijiet tal-awturi, il-ħolqien ta’ kodiċi Ewropew tad-Dritt tal-Awtur jista' jneħħi d-dubji rigward il-leġislazzjoni fiskali applikabbli.

4.4   Is-settur pubbliku

4.4.1   Il-kuntratti pubbliċi, li jirrappreżentaw 20 % tal-PDG, ukoll għandhom bżonn li jingħataw sigurtà.

4.4.2   Il-KESE jqis li hemm bżonn li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu aċċessibbli malajr fuq l-internet permezz ta’ identità elettronika sigura u l-firem elettroniċi għal kulħadd, individwi, amministrazzjonijiet, intrapriżi u kuntratti pubbliċi.

4.4.3   Għas-settur pubbliku, l-Istati Membri jħaddmu l-valutazzjoni reċiproka flimkien mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kumitat jirrakkomanda li d-Direttiva dwar is-Servizzi tiġi valutata fir-rigward tal-opportunitajiet li jinħolqu għas-suq uniku diġitali.

4.4.3.1   Il-KESE huwa konvint li s-suq intern diġitali jista' jiżviluppa s-servizzi pubbliċi permezz taċ-ċertezza legali u t-teknoloġija: l-iffrankar li jirriżulta mis-soluzzjonijiet għal servizz pubbliku intelliġenti jistgħu joħolqu swieq pubbliċi transkonfinali bla tfixkil.

4.4.4   Ir-reviżjoni tad-Direttiva (23) dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP) mill-Kummissjoni tista' tħaffef il-ħidma tal-intrapriżi u tal-individwi (ara opinjoni TEN/478 – għadha qed titħejja).

5.   Is-suq diġitali - xprun għat-tkabbir

5.1   Għall-UE, il-ħolqien ta’ ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u kompetittiva ħafna tiddependi mill-kreattività u l-innovazzjoni. Id-diġitalizzazzjoni hija mezz iżda wkoll valur li ma jistax jiġi kalkulat biss mid-dimensjoni kummerċjali tiegħu.

5.2   Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ strateġija speċifika li timmira li tiggarantixxi s-sostenibbiltà tas-suq uniku diġitali.

5.3   Iridu jsiru studji biex jitkejjel x'impatt għandhom fuq l-emissjonijiet tal-karbonju, l-intrapriżi li joperaw fis-suq diġitali, jew li qed jespandu fih. Il-Kumitat iqis li t-teknoloġiji intelliġenti jistgħu jottimizzaw il-konsum enerġetiku globali u b'hekk inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

5.4   It-tagħmir diġitali jrid jiġi dekarbonizzat; it-trattament fl-Ewropa tal-iskart li jiġi mis-sistemi tal-ipproċessar tad-data (bl-irkupru tal-metalli rari) jirrappreżenta suq potenzjali importanti u jevita li jħammeġ pajjiżi terzi.

5.5   Il-Kumitat jitlob lill-Presidenza li tul is-sena 2012 ddedikata lit-tixjiħ attiv tingħata importanza lin-natura produttiva tal-ICT fil-ġestjoni tal-kura medika u soċjali, speċjalment fil-każ tat-tixjiħ demografiku: iż-żamma ta’ ħidma permezz ta’ tħaffif tal-piż, u b'mod ġenerali, il-komunikazzjoni, il-ġlieda kontra l-iżolament, it-telemediċina, ir-robotika u s-sigurtà tal-persuni. Dawn l-oqsma kollha joffru opportunitajiet għas-swieq u għall-ħolqien ta’ forom ġodda ta’ impjiegi u ta’ tkabbir.

5.6   Għall-UE huwa meħtieġ li l-proġetti spazjali jintemmu biex is-suq diġitali tagħha jiġi integrat. Iridu jiġu allokati l-mezzi meħtieġa. Il-KESE jiddispjaċih li Galileo u l-GNSS tiegħu għadhom mhumiex jaħdmu, meta l-mudell Amerikan GPS qed jintuża fl-Ewropa kollha u madwar id-dinja (24).

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropwe

Staffan NILSSON


(1)  L-Opinjonijiet ewlenin tal-KESE dwar is-suġġett:

ĠU C 318, 23.12.2006, p. 20 - Ġu C 157, 25.5.1998, p. 1ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62ĠU C 143, 22.05.2012, p. 69ĠU C 318, 29.10.2011, p. 99ĠU C 318, 29.10.2011, p. 105ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28ĠU C 248, 25.8.2011, p. 144ĠU C 97, 28.4.2004, p. 21ĠU C 175, 27.7.2007, p. 91ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36ĠU C 277, 17.11.2009, p 85ĠU C 48, 15.2.2011, p. 72ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58ĠU C 107, 6.4.2011, p. 44ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53ĠU C 107, 6.4.2011, p. 58ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9ĠU C 143, 22.5.2012, p. 120.

(2)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 43.

(3)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 178

(4)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

(5)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 69.

(6)  ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 56-57.

(7)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139.

(8)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92.

(9)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 120.

(10)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1.

(11)  Opinjoni fal-KESE “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar soluzzjoni onlajn għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi)” għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1.

(13)  Opinjoni CESE “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq uniku”ĠU C 181, 21.6.2012, p. 75.

(14)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 48.

(15)  ĠU C 80, 3.4.2002, p. 67.

(16)  ĠU C 125, 27.5.2002, p. 100.

(17)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 40.

(18)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 116 u ĠU C 143, 22.5.2012, p. 134

(19)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 28.

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

(21)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139.

(22)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 69.

(23)  Opinjoni CESE Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 129.

(24)  Opinjoni CESE “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita”ĠU C 181, 21.6.2012, p. 179.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 229/02

Relatur: is-Sur IOZIA

Korelatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'144 vot favur, 30 vot kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi kollha possibbli sabiex issaħħaħ l-azzjoni tagħha fil-G-20, l-OECD u l-FATF (Financial Act Task Force – Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja) sabiex tneħħi l-ġurisdizzjonijiet fiskali mhux trasparenti kemm jista' jkun malajr u tobbliga lill-Istati Membri tagħha biex jiġġieldu kontra l-kriminalità li toriġina minn ħafna minnhom.

1.2   Il-progressi li saru fil-qasam tal-governanza fiskali fil-fora internazzjonali, bħall-OECD u l-G-20, m'għandhomx jimpedixxu lill-Unjoni Ewropea milli tapplika regoli aktar stretti, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ kapital trasferit barra permezz ta’ attivitajiet illegali għad-detriment tas-suq intern.

1.3   Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw miżuri li jimpedixxu l-abbuż tal-“prinċipju ta’ residenza”, permezz ta’ sistemi ta’ residenza u proprjetà fittizji, fejn kumpaniji li ma jwettqu l-ebda attività jew kumpaniji fittizji jippermettu lill-proprjetarji tagħhom ma jħallsu l-ebda taxxa fil-pajjiżi fejn jgħixu. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta ġdida dwar ir-rifuġji fiskali u finanzjarji qabel l-aħħar tas-sena u jispera li jingħelbu r-reżistenzi minn xi Stati Membri għal risposta effikaċji u inċiżiva kontra l-użu ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li jevitaw jew jevadu s-sistemi fiskali nazzjonali.

1.4   Il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Direttiva, COM(2012) 85 final, fejn għall-ewwel darba tressqu regoli dwar l-iffriżar u l-ikkonfiskar tad-dħul finanzjarju mir-reati fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu inklużi r-reati relatati mat-taxxa, marbutin mal-isfruttar tar-rifuġji fiskali fi ħdan l-ambitu tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-proposta hija parti minn inizjattiva politika usa' li għandha l-għan li tipproteġi l-ekonomija leċita mill-infiltrazzjoni kriminali, u hija bbażata fuq l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.5   Kif inhu magħruf, hemm numru kbir ta’ territorji – 44 b'kollox– li huma jew marbutin ma’ stat sovran jew huma stess jikkostitwixxu stat sovran. Anke meta m'humiex stati sovrani, dawn igawdu minn awtonomija amministrattiva sostanzjali, japplikaw regoli dwar l-eżenzjoni jew it-tnaqqis fiskali, b'informazzjoni mhux ċara dwar il-pussess u s-sors tal-kapital, kif ukoll dwar il-funzjonament tal-entitajiet finanzjarji u tal-kumpaniji kummerċjali stabbiliti fit-territorju tagħhom.

1.6   Fil-fehma tal-Kumitat, huma partikolarment tat-tmaqdir u gravi l-prattiki tal-konsulenti fiskali u legali u ta’ xi kumpaniji ta’ konsultazzjoni, li anke permezz tal-informazzjoni mxandra, joffru li jwaqqfu entitajiet legali sabiex jużaw ir-rifuġji fiskali u finanzjarji bħala mezz kif jevitaw l-obbligi li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji li jaħdmu fl-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligi relatati mat-taxxa fuq il-kumpanija u t-trasparenza fit-tranżazzjonijiet tal-kumpanija u l-iffinanzjar.

1.7   Ir-rifuġji fiskali jipprovokaw distorsjonijiet fis-suq intern: għal din ir-raġuni hemm bżonn ta’ azzjoni effettiva min-naħa tal-UE, li tista' tassigura ġustizzja fiskali, timpedixxi l-opaċità li tiddistabilizza, l-evażjoni fiskali u l-korruzzjoni permezz tar-rifuġji fiskali. M'għandux jiġi eskluż li titqies l-introduzzjoni tar-reati kriminali f'dan il-qasam.

1.8   Għandhom jitneħħew l-ostakli kollha għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni bankarja bil-għan li jiġu identifikati malajr dawk li jwettqu t-tranżazzjonijiet u t-titulari tal-kontijiet bankarji. Il-kumpaniji multinazzjonali għandhom jintalbu jħejju d-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-perjodu ta’ kontabilità, pajjiż b'pajjiż, fejn jiġi ddikjarat il-livell tal-attivitajiet tagħhom, in-numru ta’ impjegati u l-profitti li jsiru f'kull pajjiż.

1.9   Għandu jsir progress f'dawn l-oqsma kollha, soġġetti għal kwalunkwe avvanz li jista' jsir permezz ta’ inizjattivi globali minn organizzazzjonijiet internazzjonali multilaterali, speċjalment in-NU u l-OECD. Dan kollu għandu jinkiseb f'ambjent ta’ fiduċja waqt li titfittex l-ekwivalenza tal-liġijiet u standards ġodda u ogħla ta’ kooperazzjoni internazzjonali fir-rigward tar-rifuġji fiskali.

1.10   Il-KESE jixtieq jara strateġija kkoordinata mal-pajjiżi mexxejja, l-ewwel u qabel kollox mal-Istati Uniti, sabiex jiġi adottat approċċ globali kemm jista' jkun li jirregola dan il-qasam. Fl-istess ħin, madankollu l-KESE jenfasizza li d-diffikultà li jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni internazzjonali maqbul m'għandu fl-ebda każ iwaqqaf jew idewwem l-azzjoni mill-Unjoni Ewropea. L-istandards Ewropej, bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva Ewropea dwar it-Tfaddil, huma l-aħjar fid-dinja. L-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (The Foreign Account Tax Compliance Act - FATCA) jirrappreżenta progress sinifikanti fl-isforzi tal-Istati Uniti sabiex iżidu l-konformità mar-regoli fiskali għaċ-ċittadini Amerikani li għandhom strumenti finanzjarji u kontijiet barranin. L-awtoritajiet fiskali Amerikani qegħdin jappellaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji barranin sabiex jgħarrfuhom “awtomatikament” bl-identità taċ-ċittadini li għandhom negozju barra l-pajjiż.

1.11   Fost il-pajjiżi Ewropej, il-Belġju għandu leġislazzjoni avvanzata ħafna bbażata fuq il-prinċipju tal-kunfidenzjalità kontra l-politika kontra r-reati. Is-segretezza sservi ta’ alibi li twarrab l-aġenda fiskali u l-iżvilupp ta’ politika kontra l-evażjoni.

1.12   Jeħtieġ li jiġu żviluppati politiki integrati sabiex jintrabtu d-diversi oqsma ta’ ħidma. L-istandards internazzjonali tal-kontabilità tfasslu sabiex jiġu protetti l-interessi tal-investituri u s-swieq: l-attenzjoni issa trid tintefa' fuq l-interess taċ-ċittadini. Ir-rwol tal-IASB – korp privat – għandu jiġi rivedut, u l-istess jgħodd għall-funzjoni tiegħu li jistabbilixxi regoli tal-kontabilità, li għandhom ikun aktar sempliċi, aċċessibbli u bi kliem ċari u trasparenti.

1.13   Il-KESE jiddispjaċih li l-awtoritajiet kollha tal-pulizija, ġudizzjarji u ekonomiċi ilhom jafu li ser ikun impossibbli li jiġu implimentati l-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet ta’ approprjazzjoni bla dritt tal-flus pubbliċi, ta’ frodi mwettqa fil-finanzi pubbliċi li jintbagħtu lejn rifuġji fiskali, ta’ ħabi ta’ proprjetà permezz ta’ rappreżentanti fittizji, ta’ ħasil tal-flus, ta’ korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi, sakemm parti minn dawn in-netwerks ma jkunx qafas tekniku-legali li jkoprihom, li jikseb profitti kbar minnhom u li, xi drabi, jista' jkun involut fl-amministrazzjoni tagħhom. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam.

1.14   Il-KESE jitlob li tiġi promossa strateġija koordinata li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali, speċjalment kontra l-“prattiċi abbużivi”, u huwa favur li jiġu adottati regolamenti li jillimitaw id-dritt ta’ stabbiliment fil-każ ta’ negozji ġodda purament fittizju għal finijiet fiskali biss.

2.   Introduzzjoni

2.1   Iż-żoni magħrufa bħala “rifuġji fiskali” huma postijiet fejn l-ogħla uffiċjali eżekuttivi tal-korporazzjonijiet finanzjarji u industrijali l-aktar importanti fid-dinja jitħalltu ma’ personaġġi mill-“jet-set” artistiku jew soċjali, flimkien ma’ multimiljunarji li jgħaqqdu d-dħul finanzjarju tagħhom mad-divertiment. Dawn kollha jiltaqgħu ma’ individwi pjuttost ambigwi u jużaw l-istess riżorsi finanzjarji biex jaħslu u jużaw il-kapital miksub mhux biss billi tinkiser il-leġislazzjoni attwali, iżda permezz ta’ atti kriminali u reati ekonomiċi, u li bħala gravità jestendu minn qtil sa estorsjoni, traffikar tad-droga u tal-armi, falsifikazzjoni, frodi, ingann, traffikar tal-persuni jew logħob illegali. Dawn it-territorji huma kkaratterizzati minn numru ta’ rekwiżiti komuni, bħan-nuqqas ta’ trasparenza dwar kif jiffunzjonaw u l-livell baxx ta’ tassazzjoni għal dawk li mhumiex residenti li, fil-fatt, ma jwettqu l-ebda attività f'dak it-territorju. Dan iwassal għal kompetizzjoni li tagħmel ħsara permezz ta’ struttura sigrieta, li toħloq status legali totalment nieqes mit-trasparenza.

2.2   Il-kwistjoni tar-rifuġji fiskali għandha tiġi analizzata f'termini ta’ tliet dimensjonijiet prinċipali: ir-regoli fiskali u l-opportunitajiet b'riżultat ta’ dan għall-evażjoni fiskali; l-introduzzjoni ta’ ksur fl-istruttura tal-leġislazzjoni finanzjarja bit-theddida konsegwenti għall-istabbiltà finanzjarja; in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u trasparenti bil-possibbiltà ta’ attivitajiet kriminali li jużaw ir-rifuġji bħala pjattaforma. Id-denominatur komuni ta’ dawn id-dimensjonijiet, li huma rispettivament preseduti mill-OECD, l-FSB u l-FATF, huwa s-segretezza jew id-diffikultà fl-aċċess għall-informazzjoni. It-tneħħija jew it-tnaqqis ta’ din l-informazzjoni li mhix ċara għandhom jippermettu t-tnaqqis konsiderevoli tal-problemi u t-theddid tar-rifuġji fiskali. Id-dibattitu dwar l-istandards li huwa għaddej bħalissa fl-OECD għandu jitkompla, bil-għan li jitnaqqas il-piż minn fuq l-awtoritajiet fiskali u legali. Ir-riskju reali huwa li jintlaħaq ftehim dwar standards li huma wisq dgħajfa jew ikkumplikati, sempliċiment bħala mod kif tiġi sodisfatta l-opinjoni pubblika (window dressing). L-iktar soluzzjoni sempliċi sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi tkun l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

2.3   Il-fenomenu tar-rifuġji finanzjarji u fiskali huwa parti mill-istorja tal-kapitaliżmu u jeżistu eżempji li jmorru lura għat-tmiem il-Medju Evu. Ir-revoluzzjoni Franċiża u industrijali kienu punt kruċjali li aċċellera l-bidu u l-konsolidazzjoni tar-rifuġji fiskali.

2.4   Il-fenomenu issa kiber għal proporzjonijiet enormi wara t-Tieni Gwerra Dinjija u nxtered fil-partijiet kollha tad-dinja: il-Paċifiku, il-Karibew u l-gżejjer tal-Atlantiku, iżda wkoll fi Stati Ewropej żgħar u minuskoli. Fl-hekk imsejħa rifuġji fiskali, finanzjarji u korporattivi biss mxerrda mal-Ewropa, huwa kkalkulat li ġew stabbiliti miljun kumpanija u żewġ miljuni kumpaniji ta’ “trust”. Skont Raymond Baker, id-direttur tal-Global Finance Integrity, fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi biss hemm irreġistrati 619 916 kumpanija, ugwali għal 20 kull abitant.

2.5   Ix-xena ekonomika attwali hija kkaratterizzata mill-globalizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi, il-moviment liberu tal-kapital u l-użu kbir tat-teknoloġiji ġodda applikati għat-tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u kummerċjali. Għalkemm ħafna istituzzjonijiet finanzjarji għandhom dipartimenti ta’ konformità, m'hemmx biżżejjed regoli li jirregolaw il-volum enormi ta’ tranżazzjonijiet li jsiru kuljum.

2.6   Is-suq intern Ewropew, il-funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji u kummerċjali u l-iżvilupp b'saħħtu ta’ ekonomija li tirrispetta r-regoli komuni adottati sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess ġenerali, iridu jiffaċċjaw ammonti enormi ta’ flus riżervati f'żoni u pajjiżi ta’ konvenjenza, protetti minn interessi enormi u huma kapaċi jikkorrompu u jgħawġu gvernijiet sħaħ għall-finijiet tagħhom.

2.7   Ir-rifuġji fiskali jintroduċu distorsjonijiet kemm fil-livell makroekonomiku kif ukoll f'dak mikroekonomiku. Kif indikat qabel, fil-livell makroekonomiku jistgħu jkunu ta’ theddida għall-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jkun hemm evażjoni jew li tiġi evitata t-taxxa fuq l-investimenti reali u/jew finanzjarji tnaqqas id-dħul tal-istat, li b'mod inevitabbli għandu jiġi rkuprat permezz tat-taxxa fuq id-dħul finanzjarju: b'konsegwenza r-rifuġji fiskali huma sors ta’ xkil għall-bilanċ tajjeb bejn it-taxxa fuq il-kapital u fuq l-impjieg. Fil-livell mikroekonomiku, id-distorsjoni sseħħ bejn l-intrapriżi kbar, żgħar u dawk mikro: għal dawn it-tliet tipi, fil-fatt, il-possibbiltà li jisfruttaw l-opportunitajiet li jipprovdu r-rifuġji fiskali għall-evażjoni – jew għall-inqas l-ippjanar fiskali aggressiv – hija żgħira ħafna.

2.8   Matul l-ewwel għaxar snin tas-Seklu XXI, minħabba ż-żewġ diżastri li laqtu lillIstati Uniti – l-attakki kriminali tal-11 ta’ Settembru 2001 fi New York u Washington u l-kriżi finanzjarja kkawżata mill-falliment tal-Lehman Brothers f'Settembru 2008 – il-komunità internazzjonali aġixxiet sabiex jiġi rregolat kif jaħdmu l-hekk imsejħa “rifuġji finanzjarji u fiskali”.

3.   Rifuġji finanzjarji u fiskali

3.1   Il-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn dawn l-iskemi, f'ħafna każijiet, wasslu għal proċeduri kriminali b'rabta mal-finanzjament tat-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, li ħolqu riskji sistemiċi fis-swieq finanzjarji u dgħajfu l-prinċipji fundamentali tal-kompetizzjoni ħielsa, fost oħrajn.

3.2   Konsegwentement, kif ġie msemmi hawn fuq, f'dawn l-aħħar snin ġew introdotti azzjonijiet fil-livell globali u ġie deċiż li jiġu stabbiliti strutturi u mekkaniżmi ta’ reazzjoni komuni għat-theddid għas-sigurtà tal-istati u l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom.

Fost id-diversi deċiżjonijiet li ttieħdu fuq livell internazzjonali, il-ftehim li ntlaħaq fis-Summit ta’ Londra tal-G-20, tat-2 ta’ April 2009, jista' jirrappreżenta bidla sostanzjali mill-approċċi ta’ qabel.

3.3   Il-KESE huwa favur l-implimentazzjoni ta’ miżuri favur il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-Istati Membri, u li għandhom l-għan li jiżguraw il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali. Ikun utli li l-UE tiġi awtorizzata tibda negozjati sabiex jintlaħaq Ftehim bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali diretta u dwar il-garanzija ta’ kooperazzjoni amministrattiva permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet fiskali.

3.4   Wara dan il-Ftehim tal-G-20, it-teknika tal-analiżi u r-rakkomandazzjoni – tipika tal-prattika preċedenti tal-korpi u l-forums li jindirizzaw din il-problema – qed titwarrab għal talbiet li jiġu kkundannati l-hekk imsejħa “ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx”, fejn huma inklużi r-rifuġji finanzjarji u fiskali kollha, inklużi t-tressiq ta’ proposti ta’ sanzjonijiet unilaterali, bilaterali u multilaterali, u t-tneħħija gradwali tas-segretezza bankarja flimkien ma’ pubblikazzjoni perjodika ta’ listi tat-territorji li ma jikkonformawx.

3.5   Minkejja dan, l-applikazzjoni sussegwenti ta’ dawn l-impenji meħuda mill-G-20 kienet ferm diżappuntanti. Jingħataw bosta raġunijiet għal dan.

3.6   Ħafna żoni ħarbu mili jiġu inklużi fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx sempliċiment billi ffirmaw mill-inqas tnax-il ftehim tat-taxxa bilaterali bejniethom (pereżempju, il-ftehim bejn il-Liechtenstein u l-Monako).

3.7   Fil-qosor, l-iskambju ta’ informazzjoni jista' jiġi garantit sempliċiment permezz ta’ talba mill-awtoritajiet li japplikaw il-miżuri rilevanti (fiskali, kriminali, eċċ.), iżda l-awtoritajiet tat-territorju kkonċernati ma jistgħux jirrifjutaw talba bħal din abbażi tal-interess nazzjonali, is-sigriet bankarju jew raġunijiet simili oħra.

3.8   F'dawn il-każijiet huwa ċar li l-mudell ta’ azzjoni bilaterali mhux effettiv, u għalhekk hemm bżonn li titjieb l-azzjoni internazzjonali (multilaterali) u sopranazzjonali.

Dan hu kkonfermat mir-Rapport ippubblikat min-Netwerk għall-Ġustizzja Fiskali (Tax Justice Network) fl-4 ta’ Ottubru 2011, li jqis li kważi l-ftehimiet bilaterali kollha ffirmati mill-2009 'l hawn huma inutli. Konsegwentement, din l-organizzazzjoni żviluppat indiċi ta’ opaċità fiskali abbażi ta’ żewġ kriterji: l-ostakli għat-talbiet ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż ieħor, u, r-rilevanza tal-ġurisdizzjonijiet suspettati minn opaċità fis-suq finanzjarju globali.

3.9   Barra minn hekk, kif ġie indikat f'diversi rapporti speċjalizzati (bħal dak imħejji mill-Global Financial Integrity), il-flussi tal-kapital illiċiti komplew jiżdiedu b'rata ta’ aktar minn 10 % kull sena, b'konsegwenzi devastanti li jaggravaw, pereżempju, il-kriżijiet kontinwi ta’ dejn sovran li jiffaċċjaw ħafna pajjiżi fil-komunità internazzjonali u, b'mod partikolari, xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.10   Madankollu, l-UE elaborat biss qafas kredibbli ta’ azzjonijiet f'dan il-qasam li, barra minn hekk, ma jiġix applikat biżżejjed.

3.11   Eżempju ċar huwa l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħaxx, li tkopri lil dawk mhux residenti (persuni fiżiċi).

3.12   Dan kollu huwa minkejja l-fatt li, mid-dħul fis-seħħ tagħha, ġew stabbiliti sistemi għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri kollha u ġew konklużi ftehimiet ma’ erba' Stati Ewropej li qabel kienu meqjusa bħala rifuġji finanzjarji u fiskali: l-Andorra, il-Liechtenstein, il-Prinċipat ta’ Monako u San Marino.

3.13   Madankollu, dawn il-pajjiżi Ewropej, bħall-Isvizzera, għandhom rabtiet differenti mill-Unjoni, li jagħmlu l-applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet kumplessa ħafna. Pereżempju, il-Liechtenstein sar membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda ma għandu l-ebda obbligu li jikkoopera mal-awtoritajiet amministrattivi ripsettivi fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, peress li mhuwiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, tat-30 ta’ Ottubru 2007, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

3.14   Hija x-xewqa tagħna li din il-bidla fl-istatus legali twassal malajr għat-tibdil mixtieq, b'kunsiderazzjoni tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fejn l-Artikolu 8(2) tat-Trattat dwar l-UE u d-dikjarazzjoni annessa Nru 3 jappoġġja l-ħolqien ta’ relazzjonijiet strutturali mal-pajjiżi ġirien ta’ daqs territorjali żgħir.

3.15   Huwa ċar li l-istrument ideali biex tiġi rregolata l-kwistjoni jkun ftehim multilaterali biex, permezz ta’ mudell uniku, jintegra lil dawn il-pajjiżi u t-territorji li ma jikkooperawx fiż-żona ġeopolitika, ġuridika u ekonomika naturali.

3.16   Bl-istess mod, il-Kummissjoni Ewropea tellgħet erba' Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE dwar l-iffriżar tal-fondi.

3.17   Sabiex jippromovi azzjoni li jkollha impatt sovranazzjonali reali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jadotta l-istess pożizzjoni enerġetika meħuda milll-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ April 2011 (1) li, fost affarijiet oħra, tinkludi appoġġ għat-tisħiħ tal-ġlieda sabiex ikun hemm aktar trasparenza fl-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji transnazzjonali. Jista' jitwaqqaf ukoll strument ta’ żvelar simili għall-maħfra li tingħata fil-qasam tal-kompetizzjoni ħielsa sabiex jitħeġġeġ ir-rappurtar ta’ mġiba bħal din, waqt li dawk li jiżvelaw jiġu ppremjati bi tnaqqis fil-multi li kieku jkollhom iħallsu.

3.18   Barra minn hekk, flimkien mal-miżura preċedenti, huwa meħtieġ li jiġu adottati immedjatament mekkaniżmi miftiehma fil-G-20 sabiex jimtlew il-lakuni regolatorji relatati mal-attivitajiet “offshore”, li jippermettu li jkun hemm tidwir mal-liġijiet fis-seħħ fiċ-ċentri finanzjarji ewlenin tad-dinja.

3.19   Fil-qafas strett ta’ kompetenzi tal-Unjoni Ewropea, huwa urġenti li jiġu adottati regoli vinkolanti ad hoc fil-forma ta’ leġislazzjoni sekondarja li jinkludu, fost oħrajn, dispożizzjonijiet li jipprojbixxu li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tikkontrolla l-fondi jew entitajiet domiċiljati f'rifuġji fiskali u finanzjarji milli jirċievu fondi pubbliċi.

3.20   Fl-2009 l-OECD stmat bejn 1.7 u 11-il biljun dollaru l-kapital depożitat f'dawn ir-rifuġji u ħejjiet lista li ġiet aċċettata mill-G-20 bħala bażi biex isir konfront serju mal-pajjiżi li ma japplikawx jew japplikaw biss xi ftit mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tat-trasparenza bankarja u fiskali.

3.21   Ir-rapport tal-OECD wassal għal ħafna protesti, speċjalment fl-Isvizzera, il-Lussemburgu u, ovvjament, l-Urugwaj. Saru dibattiti imqanqla dwar il-każ tal-Istati Uniti rigward id-Delaware.

3.22   L-Amerikani jafu sew li Delaware huwa tip ta’ rifuġju fiskali: kważi nofs il-kumpaniji elenkati fuq Wall Street u Nasdaq huma bbażati fl-istat tal-Viċipresident tal-Istati Uniti, Joe Biden, sabiex iħallsu inqas taxxi lokali u l-profitti ma jiġux intaxxati. Min-naħa l-oħra, filwaqt li dawk li joperaw fis-settur huma konxji ta’ dan, hemm ferm inqas nies li jafu li l-istat żgħir fin-Nofsinhar tal-Pennsylvania joffri vantaġġi enormi lill-kumpaniji offshore u jirrappreżenta alternattiva għall-Gżejjer Cayman jew il-Bermuda. Il-profitti mill-kumpaniji stabbiliti f'Delaware, abbażi tat-trasparenza, huma attribwiti għall-proprjetarji li, jekk mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti u jekk in-negozju tal-kumpanija jitwettaq bara l-Istati Uniti tal-Amerika, m'humiex soġġetti għat-taxxa fl-Istati Uniti.

3.23   Il-ħasil tal-flus, l-evażjoni fiskali u l-fondi għall-korruzzjoni jew biex jiġu ddevjati fondi lejn il-kumpaniji proprji huma l-prattiki l-aktar importanti u mifruxa ta’ dawn ir-rifuġji. Minn hawn jirriżultaw l-attakki fuq id-djun sovrani tal-Istati f'diffikultà u l-kampanji kbar sabiex jiġi protett il-moviment liberu tal-kapital maħsuba għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-partiti politiċi u r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet.

3.24   Governanza ħażina fi kwistjonijiet fiskali tinkoraġġixxi l-frodi u l-evażjoni fiskali u għandha konsegwenzi serji għall-baġits nazzjonali u għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

3.25   Ħafna mill-kumpaniji multinazzjonali huma strutturati b'mod li jkunu jistgħu jgawdu mill-evażjoni fiskali fil-ġurisdizzjonijiet differenti li joperaw fihom. L-arranġamenti fiskali differenti fil-ġurisdizzjonijiet differenti jiffavorixxu lill-kumpaniji l-kbar, internazzjonali u stabbiliti sew aktar milli l-kumpaniji ż-żgħar, domestiċi jew ġodda (fil-fażi tal-bidu). Dawn l-istrateġiji tal-evażjoni fiskali jmorru kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta u r-responsabbiltà korporattiva. Barra minn hekk, dawn it-territorji qegħdin isiru bażi operattiva għall-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji li jpoġġu l-merkanzija fis-suq intern mingħajr ċertifikati adewgati ta’ oriġini u l-garanziji mitlubin mill-UE, li huwa ta’ detriment serju għall-interessi tal-konsumatur u xi kultant għas-saħħa pubblika. Sistema partikolari użata għal dan l-iskop hija l-abbuż tal-ipprezzar tat-trasferiment, fejn jiġu stabbiliti l-prezzijiet għat-tranżazzjonijiet fi ħdan grupp billi jiġu applikati kriterji ta’ valutazzjoni li jirriflettu l-bżonnijiet fiskali tal-grupp minflok il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

3.26   L-intrapriżi multinazzjonali ċertament għandhom ir-riżorsi sabiex jipprovdu, mingħajr piż amministrattiv serju, rapporti pubbliċi pajjiż b'pajjiż dwar il-bejgħ, il-profitti operattivi, it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, il-profitti qabel it-taxxa u t-taxxi. Kieku din l-informazzjoni ssir pubblika, tkun iktar evidenti l-identità ta’ dawk li jabbużaw mill-ipprezzar tat-trasferiment jew li jużaw pjanar fiskali aggressiv.

3.27   In-nuqqas ta’ kontrolli fiskali jew l-eżistenza ta’ regoli dgħajfa ta’ sorveljanza raġonevoli, l-opaċità tal-informazzjoni sabiex jiġu identifikati l-persuni naturali u legali, jew kwalunkwe ċirkostanza oħra ta’ natura legali jew amministrattiva, jippermettu li l-kumpanniji li joperaw mnn dawn it-territorji li jgawdu minn impunità kważi totali u jkollhom vantaġġi kompetittivi intollerabbli, kif ukoll kopertura kontra l-azzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi ta’ pajjiżi terzi.

3.28   Il-KESE jikkundanna b'mod speċifiku r-rwol tar-rifuġji fiskali fl-inkoraġġiment u l-esplojtazzjoni tal-evitar tat-taxxa, l-evażjoni fiskali u ħruġ ta’ kapital mill-pajjiżi. L-UE għandha żżid l-azzjoni tagħha kontra dawn il-prattiki u tadotta miżuri ta’ sanzjonijiet konkreti.

3.29   Il-komunità internazzjonali, konxja tal-ħsara serja kkaġunata mill-eżistenza ta’ dawn it-territorji għall-kummerċ internazzjonali, għall-interessi tat-Teżori nazzjonali, għas-sigurtà u l-ordni pubblika u, kif muri mill-kriżi kkawżata fl-2008, għall-istabbiltà proprja tas-sistemi finanzjarji, ħadet passi żgħar sabiex tidentifikawhom u tipprova tneħħihom gradwalment.

3.30   L-isforzi konġunti tal-G-20 u tan-Nazzjonijiet Uniti, flimkien ma’ dawk imwettqa bħala parti mill-inizjattivi tal-OECD, wasslu għal riżultati li għadhom mhumiex biżżejjed biex jiġu ffaċċjati l-ostakli kkawżati mir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri finanzjarji offshore u għandhom jiġu segwiti b'azzjonijiet deċiżivi, effikaċi u koerenti.

3.31   Madankollu, l-azzjonijiet tal-G-20, l-FATF u l-OECD, fost oħrajn, sa issa naqqsu biss il-piż tqil tal-ħsara kkawżata mir-rifuġji finanzjarji u fiskali.

3.32   Huwa neċessarju li jiġu identifikati l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u l-progress li qiegħed isir sabiex jiġi evalwat kif il-miżuri ta’ deterrenti li jħeġġu l-konformità mar-regoli qegħdin jiġu kkonformati u infurzati. Il-KESE iqis, barra minn hekk, li l-qafas tal-OECD għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali mhuwiex sodisfaċenti, u jeħtieġ li jiġi mtejjeb l-indikatur li jistabbilixxi l-istatus tal-pajjiżi li qegħdin jikkooperaw, billi jingħata valur kwalitattiv. Huwa wkoll essenzjali li l-OECD ma tippermettix li l-gvernijiet jitneħħew mil-lista sewda tagħhom sempliċiment billi jwiegħdu li se jirrispettaw il-prinċipji ta’ skambju tal-informazzjoni, mingħajr ma jiżguraw li effettivament ser jinfurzawhom.

3.33   Hemm biżżejjed evidenza biex jiġi affermat li l-kriżi finanzjarja saret parzjalment minħabba tranżazzjonijiet kumplessi u ftit trasparenti li twettqu mill-operaturi finanzjarji domiċiljati f'ġurisdizzjonijiet li japplikaw is-segretezza tat-taxxa, u b'hekk joħolqu telf serju għall-investituri u x-xerrejja ta’ dawn il-prodotti finanzjarji. Ir-rifuġji fiskali jospitaw tranżazzjonijiet barra l-karta tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kif ukoll prodotti finanzjarji kumplessi li ma taw l-ebda kontribut għall-innovazzjoni tas-settur finanzjarju u jikkawżaw instabbiltà finanzjarja. Hemm biżżejjed evidenza li ħafna mill-investiment dirett barrani, speċjalment fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ġej mir-rifuġji fiskali.

3.34   L-Unjoni Ewropea, li hija konxja tas-sitwazzjoni, ta’ spiss ikkundannatdawn is-sistemi permezz ta’ diversi awtoritajiet istituzzjonali. Madankollu, ma kinitx kapaċi tippromovi qafas regolatorju sovranazzjonali u amministrattiv biex jgħin inaqqas din l-impunità.

3.35   L-azzjoni tal-UE ffukat fuq it-tneħħija ta’ madwar 100 sistema ta’ ħsara, fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri tagħha permezz ta’ kontroll finanzjarju skars jew estern fi ħdan territorju ta’ pajjiżi terz. F'dan ir-rigward, fl-2009 u l-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ Komunikazzjonijiet dwar il-governanza fiskali tajba, kif ukoll Kodiċi ta’ Kondotta u, hemm fis-seħħ tliet Direttivi dwar il-benefiċċji tar-riżorsi rkuprati mill-evażjoni fiskali, il-koperazzjoni amministrattiva u t-tassazzjoni fuq it-tfaddil (li qed jiġu riveduti). Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ klawżoli li jeħtieġu konformità mal-aħjar prattika jew governanza tajba fil-qasam tat-taxxa hija mifruxa tajjeb fil-ftehimiet li l-UE tiffirma ma’ pajjiżi terzi dwar l-assoċjazzjoni, il-kummerċ u l-kooperazzjoni.

3.36   Madankollu, sar ftit progress peress li s-setgħat ta’ investigazzjoni u s-sanzjoni jinsabu f'idejn l-Istati Membri.

3.37   Skont il-kumpaniji bankarji il-leġislazzjoni tal-Istati Uniti msemmija wriet li l-adozzjoni unilaterali ta’ dan it-tip ta’ miżuri toħloq problemi għall-korpi finanzjarji minħabba li l-obbligi ta’ komunikazzjoni, tnaqqis u għeluq tal-kontijiet imposti mill-FACTA mhumiex kompatibbli mal-leġislazzjoni Komunitarja u/jew interna tal-pajjiż ta’ residenza tal-korp finanzjarju.

3.38   Fl-4 ta’ Marzu 2009, il-Prim Ministru Ingliż ta’ dak iż-żmien għamel diskors importanti quddiem il-Kungress Amerikan fejn ħeġġeġ lill-alleati tiegħu biex jieħdu impenn komuni għal sistema ekonomika dinjija rregolata fuq livell dinji u jiġġieldu kontra l-użu tas-sistemi finanzjarji għall-arrikkiment personali biss.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-6 ta’ April 2011, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Il-ġlieda kontra l-frodi – Rapport annwali 2009 (2010/2247(INI)


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Orizzont 2020: pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 229/03

Relatur: is-Sinjura HEINISCH

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Orizzont 2020: pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'184 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar u jiġu sfruttati l-opportunitajiet marbutin mat-tibdil demografiku għall-iżviluppi soċjali u ekonomiċi futuri, fis-snin li ġejjin l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jridu jieħdu aktar miżuri adatti f'diversi livelli u f'firxa wiesgħa ta’ oqsma.

1.2   Ir-riċerka koordinata tista' tagħti kontribut deċiżiv għall-adozzjoni ta’ miżuri adatti fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew billi tħejji sisien validi għall-ippjanar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet.

1.3   Il-KESE jingħaqad bis-sħiħ mat-talbiet li saru kemm-il darba biex ir-riċerka Ewropea fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku ssir fuq perjodu twil ta’ żmien, b'mod interdixxiplinari u b'mod transkonfinali, jew għall-inqas b'mod komparabbli.

1.4   Sabiex ir-riċerka Ewropea tkun eċċellenti, huwa kruċjali li jkun hemm infrastruttura adegwata u koordinazzjoni integrata tal-attivitajiet ta’ riċerka. Tinħtieġ ukoll koordinazzjoni ċentrali sabiex jinħoloq baġit u jitqassmu r-riżorsi. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf ċentru Ewropew għar-riċerka dwar it-tixjiħ li jkun jista' jassumi l-kompiti ta’ koordinazzjoni.

1.5   Il-pjani direzzjonali dwar it-tfassil ta’ programmi ta’ riċerka fit-tul huma strumenti siewja sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tar-riċerka futura. Il-pjani direzzjonali attwali dwar it-tixjiħ u t-tibdil demografiku diġà identifikaw aspetti importanti li huma rilevanti għall-“Orizzont 2020” (1).

1.6   Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-prijorità “Sfidi tas-soċjetà” tal-FP 8 tinkludi prijorità ta’ riċerka dwar is-“Saħħa, tibdil demografiku u benesseri” (2).

1.7   Minbarra l-prijoritajiet ta’ riċerka msemmijin fil-pjani direzzjonali attwali u fl-“Orizzont 2020”, il-Kumitat iħeġġeġ li r-riċerka Ewropea futura tindirizza oqsma tat-tixjiħ u t-tibdil demokrafiku li huma ċarament aktar innovattivi u possibbilment aktar problematiċi. Fost dawn l-oqsma nsibu ż-żamma tas-saħħa u r-riabilitazzjoni, l-estensjoni tas-snin li persuna tqatta' taħdem, il-bżonn li n-nies jieħdu u jaqsmu dejjem iżjed ir-responsabbiltà għal ħajjithom, it-tagħlim għal ħajja twila, il-konsegwenzi tar-rwol dejjem akbar tat-teknoloġija fl-oqsma tal-ħajja u l-kwistjonijiet tas-soċjetà Ewropea li jitqajmu fil-kuntest tat-tibdil demografiku, soċjali u teknoloġiku.

2.   Raġuni / Kummenti ġenerali

2.1   Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi u jiġu sfruttati l-opportunitajiet marbutin mat-tibdil demografiku, fis-snin li ġejjin iridu jitpoġġew b'mod urġenti sisien validi għall-ippjanar u t-teħid ta’ deċiżjonijiet bil-għan li jittieħdu miżuri li jagħtu direzzjoni. Dawn is-sisien jitpoġġew, b'mod partikolari, permezz ta’ riċerka adatta. Fis-snin li għaddew, ir-riżultati tal-programmi Ewropej ta’ riċerka, bħal pereżempju l-ħames, is-sitt u s-seba' programmi qafas (3), il-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment (4) (AAL JP) (5), il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (6) u l-attivitajiet tal-ERA-Net, diġà wrew b'mod ċar kemm hi siewja r-riċerka. Għalhekk, ir-riċerka tista' tagħti kontribut deċiżiv biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku u jiġi sfruttat il-potenzjal pożittiv tiegħu f'livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

2.2   Il-pjani direzzjonali huma siewja għat-tfassil ta’ programmi ta’ riċerka fit-tul. Huma adatti biex juru l-possibbiltajiet ta’ żvilupp jew ix-xenarji tal-futur, jindikaw ir-rabtiet transsettorjali meħtieġa, jidentifikaw l-imsieħba tal-kooperazzjoni u l-partijiet interessati rilevanti, janalizzaw il-flessibbiltà għall-azzjoni politika u l-possibbiltajiet ta’ finanzjament u jiżviluppaw strateġiji għall-implimentazzjoni tal-proċessi u r-riżultati.

2.3   Fl-aħħar snin ġew żviluppati u applikati pjani direzzjonali tar-riċerka f'ħafna oqsma. Xi eżempji mill-bosta pjani direzzjonali nazzjonali u internazzjonali attwali huma: il-pjan direzzjonali tal-Isvizzera dwar l-infrastruttura ta’ riċerka (7), il-proġett tal-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Edukazzjoni u r-Riċerka bl-isem “Pjan Direzzjonali dwar it-Teknoloġiji Ambjentali 2020” (8), il-pjan direzzjonali tar-Repubblikani tal-Istati Uniti dwar il-futur tal-Amerika (9); il-pjani direzzjonali tal-ERA dwar l-iżvilupp ta’ bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija (10); il-pjan direzzjonali dwar ir-riċerka VPH-FET (Virtual Physiological Human-Future and Emerging Technologies) (11).

2.4   Il-pjani direzzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni futuri li qed jiġu żviluppati fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku jiffokaw l-aktar fuq firxa wiesgħa ta’ aspetti relatati mas-saħħa. Fosthom insibu l-pjani direzzjonali tal-proġetti Ewropej Future BNCI: Future Directions in Brain/Neuronal Computer Interaction (BNCI) Research (2010-2011); DIAMAP: Road Map for Diabetes Research in Europe (2008-2010); ROAMER: A Roadmap for Mental Health Research in Europe (2011-2014); WhyWeAge: A road map for molecular biogerontology (2008-2010) (12), kif ukoll pjani direzzjonali nazzjonali, bħall-Pjan Direzzjonali dwar il-Programm ta’ Riċerka fil-Qasam tas-Saħħa tal-Gvern Federali Ġermaniż (13).

2.5   Il-pjani direzzjonali fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku b'temi aktar wisgħin, jiġifieri l-proġetti Ewropej FUTURAGE – A Road Map for Ageing Research (14) u BRAID: Bridging Research in Ageing and ICT Development (2010-2012) (15), ukoll isemmu l-aspetti relatati mas-saħħa bħala prijoritajiet ta’ riċerka. Il-pjan direzzjonali FUTURAGE jippreżenta tliet punti ewlenin marbutin mas-saħħa: “Healthy Ageing for More Life in Years”, “Maintaining and Regaining Mental Capacity” u “Biogerontology: from Mechanisms to Interventions” (16). Fil-proġett BRAID insibu l-prijorità “Health and Care in Life”.

2.6   Bis-sħubijiet pubbliċi-privati u pubbliċi-pubbliċi (17), il-Kummissjoni tixtieq tipprovdi strumenti oħra sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali attwali (18). L-inizjattivi konġunti jinkludu, b'mod speċjali, is-Sħubijiet Ewropej fl-Innovazzjoni, fosthom is-Sħubija Ewropea dwar ix-Xjuħija Attiva u b'Saħħitha (EIP AHA) (19), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (20), l-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta “Aktar Snin, Ħajjiet Aħjar – Il-Potenzjal u l-Isfidi tat-Tibdil Demografiku” (MYBL) (21) kif ukoll il-programm previst “Orizzont 2020” (22).

2.7   Minkejja dawn l-approċċi neċessarji u importanti għall-iżvilupp ta’ sħubijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni, għad hemm bżonn urġenti ta’ attivitajiet ta’ riċerka aktar komprensivi. Id-dinja, is-soċjetà, it-teknoloġija, il-mediċina u t-tixjiħ tal-popolazzjoni jinbidlu l-ħin kollu u b'mod kontinwu. Għaldaqstant, jeħtieġ li dejjem issir riċerka ġdida sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri (politiċi) adegwati għaċ-ċirkostanzi l-ġodda fil-ħin u ma nispiċċawx inzappu wara l-iżvilupp.

2.8   Għalhekk, il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea appoġġjat l-inizjattivi konġunti għall-ippjanar tal-programmi u l-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali dwar l-attivitajiet futuri ta’ riċerka fil-qasam tat-tixjiħ u t-tibdil demografiku (23), u jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta’ prijorità ta’ riċerka dwar is-“Saħħa, tibdil demografiku u benesseri” fil-prijorità “Sfidi tas-soċjetà” tal-“Orizzont 2020” (24).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   L-infrastruttura meħtieġa

3.1.1   Ilu ħafna jintalab li r-riċerka Ewropea ssir fuq perjodu twil ta’ żmien, b'mod interdixxiplinari u b'mod transkonfinali, jew għall-inqas b'mod komparabbli (25). Dawn it-talbiet jistgħu jerġgħu jiġu adottati u ripetuti bis-sħiħ f'din l-opinjoni. Naturalment, meta ssir riċerka komparattiva, iridu jitqiesu l-kundizzjonijiet strutturali rispettivi.

3.1.2   Barra minn hekk, ir-riċerka dwar it-tixjiħ għandha tinkludi lill-partijiet interessati kollha li huma involuti f'dan is-suġġett, fosthom ix-xjenzjati li jistudjaw in-natura, il-ħajja u s-soċjetà, l-inġiniera u d-disinjaturi, il-produtturi u dawk li jipprovdu s-servizzi, ir-responsabbli politiċi, il-periti, dawk responsabbli għall-ippjanar urban u tat-traffiku, ir-rappreżentanti tal-ekonomija u tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari l-persuni li qed jixjieħu stess. Għalhekk, il-Kumitat jilqa' l-integrazzjoni prevista ta’ diversi strumenti Ewropej ta’ appoġġ (ERA-Net, ERA-Net Plus, INNOVA u PRO INNO) fi strument wieħed aktar flessibbli – ERA-Net – sabiex tiġi ssemplifikata l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti.

3.1.3   Sabiex ir-riċerka Ewropea tkun eċċellenti f'Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), huwa kruċjali li jkun hemm infrastruttura adegwata u koordinazzjoni integrata tal-attivitajiet ta’ riċerka. Tinħtieġ ukoll koordinazzjoni ċentrali sabiex jinħoloq baġit u jitqassmu r-riżorsi. Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-attivitajiet ta’ riċerka fil-livell tal-pajjiżi mhumiex meħtieġa. Madankollu, għandu jsir sforz sabiex ir-riċerki nazzjonali individwali jkunu kompatibbli kemm jista' jkun, bil-għan li r-riżultati jkunu jistgħu jiġu analizzati u vvalutati b'mod komparabbli. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwaqqaf ċentru Ewropew għar-riċerka dwar it-tixjiħ li jkun jista' jassumi l-kompiti ta’ koordinazzjoni.

3.2   Il-bżonn ta’ aktar riċerka

3.2.1   Minbarra l-ħtiġijiet ġenerali msemmija, qed joħorġu fid-dieher temi li għandhom jiġu riċerkati aktar fil-ġejjieni. Bħalissa mhux biss qed nesperjenzaw tibdil demografiku li qatt ma rajna bħalu, iżda qed naraw ukoll żviluppi tekniċi li jistgħu jbiddlu l-ħajja soċjali, il-kura tas-saħħa u r-relazzjoni tagħna mal-ambjent darba għal dejjem.

3.2.2   Iż-żamma tas-saħħa

L-ewwel qasam ta’ riċerka wiesa' għandu jkopri l-kwistjonijiet kollha relatati maż-żamma tas-saħħa, peress li s-saħħa fiżika u mentali hija essenzjali għal ħajja attiva u indipendenti fix-xjuħija. Xi kwistjonijiet ta’ riċerka rilevanti huma pereżempju:

In-nies kif jistgħu jiġu motivati sa minn ċkunithom biex ikollhom stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa?

Xi strateġiji hemm bżonn biex jingħata appoġġ immirat u jiġu żviluppati miżuri ta’ prevenzjoni?

X'tipi ta’ trattament u riabilitazzjoni kellhom suċċess kbir fil-livell internazzjonali? F'liema oqsma għad baqa' xi jsir jew għad hemm bżonn ta’ aktar riċerka u żvilupp?

Kif tista' tiżdied il-kompetenza tal-pazjenti?

Kif jistgħu jiġu evitati, jew għall-inqas jiġu rikonoxxuti u ttrattati qabel, il-perikli għas-saħħa transkonfinali, il-mard rari, il-mard kroniku, id-demenzja u mard newrodeġenerattiv ieħor?

Għad baqa' xi jsir f'dik li hi riċerka dwar l-effikaċja tal-mediċini u kif jinteraġixxu fl-anzjani, speċjalment fin-nisa. S'issa l-mediċini ġew ittestjati l-aktar fuq iż-żgħażagħ, iżda fil-biċċa l-kbira dawn jittieħdu mill-anzjani.

Irridu nenfasizzaw ir-rwol tal-uġigħ kroniku fl-istat ta’ saħħa tal-anzjani, speċjalment kif nistgħu nnaqqsu l-uġigħ/in-nuqqas ta’ benesseri tal-popolazzjoni tal-UE li qed tixjieħ.

S'issa ftit li xejn ġew studjati l-abbużi tal-alkoħol u d-drogi fix-xjuħija, il-kawżi tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi fiżiċi, mentali u soċjali marbutin magħhom.

3.2.3   Ħajja attiva itwal fuq ix-xogħol

Fid-dawl tal-bidliet strutturali fid-distribuzzjoni tal-età fost il-popolazzjoni u minħabba li l-istennija tal-għomor qiegħda dejjem tiżdied, huwa indispensabbli li n-nies jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Minn dan joħorġu kwistjonijiet ta’ riċerka bħal pereżempju:

X'inhi l-attitudni tal-ħaddiema għall-fatt li l-limiti tal-età jsiru aktar flessibbli? Minn xiex jiddependu dawn l-attitudnijiet (pereżempju: mit-tip ta’ xogħol/mill-kundizzjonijiet tal-benesseri nazzjonali/miċ-ċirkostanzi reġjonali/eċċ.)?

Kif jistgħu jinħolqu kundizzjonijiet tal-edukazzjoni u tal-prevenzjoni li jippermettu jew iżidu l-flessibilizzazzjoni? X'esperjenzi kellhom il-pajjiżi individwali u kif jistgħu jintużaw?

Kif nistgħu nfasslu l-impjiegi, norganizzaw il-ħinijiet tax-xogħol u ntaffu l-piżijiet tax-xogħol sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal? Xi rwol jistgħu jaqdu l-innovitajiet tekniċi f'dan il-kuntest?

X'inizjattivi qed jiġu implimentati jew jistgħu jiġu implimentati fl-intrapriżi biex jiġi promoss l-involviment fis-soċjetà ċivili sa minn meta n-nies ikunu għadhom qed jaħdmu? X'esperjenzi għandhom il-pajjiżi differenti?

3.2.4   Ħajja awtonoma, indipendenti u responsabbli

Billi n-numru ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni qed jonqos, ser jonqsu wkoll il-possibbiltajiet ta’ għajnuna personali għall-anzjani. Għaldaqstant, fil-futur l-anzjani ser ikollhom jassumu responsabbiltà akbar biex jibqgħu awtonomi u biex jibqgħu jipparteċipaw fil-ħajja soċjali. Xi kwistjonijiet ta’ riċerka marbutin ma’ dan huma, fost oħrajn:

L-anzjani kif jaraw l-indipendenza tagħhom fil-pajjiżi differenti u x'tagħlimiet jistgħu jinsiltu minn dan għat-tisħiħ u l-promozzjoni sistematiċi ta’ stil ta’ ħajja adegwat?

L-anzjani kif jaraw ir-responsabbiltà konġunta tagħhom (pereżempju għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom u għall-ambjent) fil-pajjiżi differenti u x'tagħlimiet jistgħu jinsiltu minn dan? L-anzjani kif jorganizzaw lilhom innifishom u kif jorganizzaw l-offerti għall-ġenerazzjoni tagħhom u għal dawk ta’ warajhom? L-anzjani x'qed jagħmlu għall-oħrajn, għall-ġirien tagħhom u għall-ambjent ta’ madwarhom?

X'tip ta’ appoġġ lokali jista' jgħin f'din l-organizzazzjoni awtonoma? Dan irid jiġi eżaminat ukoll f'kuntesti strutturalment komparabbli (lokali, reġjonali).

B'mod ġenerali, għandha ssir analiżi f'kuntesti differenti iżda strutturalment komparabbli (pereżempju f'reġjuni urbani u rurali ta’ pajjiżi differenti) ta’ kif l-awtoritajiet lokali jistgħu jippromovu ħajja attiva u responsabbli fost l-anzjani, pereżempju bis-saħħa ta’ politika urbana, tad-djar u tat-traffiku adegwata għal nies ta’ kull età.

Kif jistgħu jinħolqu u jiġu appoġġjati “komunitajiet ta’ kura” bħala responsabbiltà konġunta? Kif qed jaħdmu flimkien bħalissa l-familji, in-nies li jinvolvu ruħhom f'livell ċiviku u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa (pereżempju n-nies b'mard fiżiku kroniku jew dawk li jbatu bid-demenzja)? Is-sistemi tekniċi ta’ għajnuna kif jistgħu jintużaw biex jgħinu lil dawn il-komunitajiet? L-intrapriżi kif jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom? X'tipi ta’ responsabbiltà konġunta jeżistu fil-pajjiżi individwali? X'pożizzjoni għandhom dawn il-komunitajiet ta’ kura fil-politika soċjali tal-pajjiżi u fl-ippjanar (strutturali) soċjali tal-awtoritajiet lokali?

X'tipi ta’ djar u ħajja wrew li huma tajbin fil-livell internazzjonali għall-anzjani, u b'mod partikolari għall-anzjani li jgħixu waħedhom jew li jbatu mid-demenzja? U kif jistgħu jiġu ttrasferiti?

3.2.5   L-edukazzjoni

Naturalment, soċjetà li qed tixjieħ teħtieġ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd. Minn dan joħorġu kwistjonijiet ta’ riċerka bħal:

It-tagħlim tul il-ħajja kif jista' jsir tagħlim għal ħajja twila?

Minbarra t-taħriġ vokazzjonali kontinwu, x'tip ta’ tagħlim għandu jiġi offrut lil popolazzjoni li qed tixjieħ? U kif għandu jitfassal sabiex jitħeġġeġ it-tagħlim attiv?

X'tip ta’ tagħlim speċifiku għandhom bżonn dawk li jinvolvu ruħhom f'livell ċiviku?

Xi rwol għandu t-tagħlim estetiku sabiex jinżammu l-plastiċità konoxxittiva u emozzjonali kif ukoll il-kreattività fix-xjuħija? X'konklużjonijiet jistgħu jinsiltu mill-kuntest internazzjonali b'rabta mat-tipi ta’ tagħlim offrut?

Xi rwol jaqdu l-istituti differenti tal-edukazzjoni (universitajiet, ċentri tal-edukazzjoni għall-adulti, eċċ.) għat-tisħiħ ta’ kompetenzi differenti, pereżempju għall-użu tat-tekonoloġiji l-ġodda, għall-involviment ċiviku, għall-kura, għat-trasferiment tal-għarfien soċjali jew speċjalizzat, eċċ.?

3.2.6   It-teknoloġija fl-oqsma tal-ħajja

Ftit li xejn saret riċerka dwar it-teknoloġiji dejjem jiżdiedu f'kull qasam soċjali u l-ħtieġa li jintużaw sistemi tekniċi sabiex l-anzjani jgħixu ħajja awtonoma, attiva u parteċipattiva. Dan iwassal għal bżonn urġenti ta’ riċerka dwar kwistjonijiet bħal dawn li ġejjin:

X'miżuri tekniċi, organizzattivi, kreattivi u li jippromovu l-aċċettazzjoni jeħtieġ jittieħdu sabiex il-potenzjal tat-telemonitoraġġ, it-telekura u t-teleriabilitazzjoni jkun jista' jintuża b'mod effiċjenti u etiku għat-titjib tal-kura tas-saħħa?

X'rekwiżiti organizzattivi, legali, etiċi u tekniċi b'rabta mal-protezzjoni tad-data toħloq l-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi għall-organizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tagħhom fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew?

Jekk jiżdied l-użu tas-sistemi tekniċi, fit-tul x'konsegwenzi ser ikun hemm fuq ir-relazzjonijiet bejn l-anzjani u l-qraba tagħhom, bejn il-pazjenti u t-tobba, bejn dawk li għandhom bżonn il-kura u dawk li jagħtu l-kura b'mod informali jew professjonali?

Ftit li xejn saret riċerka dwar l-implikazzjonijiet psikoloġiċi, soċjali u etiċi marbutin mal-introduzzjoni dejjem aktar estensiva ta’ sensuri u artefatti tekniċi oħra fil-ġisem tal-bniedem. X'effett għandhom dawn il-possibbiltajiet fuq l-identità tal-persuna kkonċernata u fuq il-mod kif tara lilha nnifisha minn naħa, u fuq il-perċezzjoni soċjali tal-mard, is-saħħa jew id-diżabbiltà min-naħa l-oħra?

Bl-istess mod, ftit li xejn nafu dwar kif il-mużika u t-tidwil, pereżempju, jistgħu jgħinu b'mod tekniku iżda ta’ appoġġ emozzjonali biex in-nies iżommu d-dinjità tagħhom fi tmiem ħajjithom.

3.2.7   Is-soċjetà Ewropea tal-ġejjieni

L-aħħar qasam ta’ riċerka għandu jinkludi l-kwistjonijiet kollha marbutin mal-bidliet attwali u futuri tas-soċjetajiet Ewropej. Dawn il-kwistjonijiet ta’ riċerka jikkonċernaw, fost affarijiet oħrajn, l-immaġni tax-xjuħija, id-differenzi kulturali, l-esperjenzi differenti u l-inugwaljanzi li jeżistu fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa:

X'ideat insibu fil-pajjiżi Ewropej differenti dwar it-tixjiħ attiv u l-età fil-kuntest tat-tibdil demografiku? L-iskambju bejn il-pajjiżi kif jista' jippromovi l-iżvilupp ta’ immaġni tax-xjuħija realistika minflok waħda mimlija stereotipi?

Kif jixjieħu n-nies fil-kulturi differenti, liema kulturi qed ikunu dejjem aktar varjati fl-Istati Membri? X'importanza għandhom l-età, il-mard u l-mewt fil-kulturi rispettivi? Kif jista' jiġi organizzat l-iskambju tal-esperjenzi u kif jista' jintuża biex in-nies jifhmu u jarrikkixxu lil xulxin?

Xi rwol għandhom il-mużika u l-arti viżiva fil-proċess tat-tixjiħ f'kulturi differenti? X'effetti joħorġu minn dan? U l-effetti pożittivi kif jistgħu jintużaw għal persuni oħrajn?

Kif jistgħu jingħelbu l-esperjenzi li, minħabba l-istennija tal-għomor dejjem itwal u l-bidliet soċjali u tekniċi rapidi, qegħdin ivarjaw dejjem aktar bejn il-ġenerazzjonijiet u fi ħdanhom? F'dawn iċ-ċirkostanzi, in-nies kif jistgħu jifhmu lil xulxin u jitgħallmu minn xulxin?

Jeżistu mistoqsijiet simili fir-rigward tal-inugwaljanzi eżistenti, li kultant qed jiżdiedu, fil-kundizzjonijiet tal-għajxien bejn il-pajjiżi Ewropej u fi ħdanhom.

Għadu ma ġiex iċċarat ukoll l-impatt li l-forom differenti ta’ kif kull pajjiż speċifiku jittratta l-mewt ikollhom fuq l-anzjani u fuq is-soċjetà b'mod ġenerali. F'soċjetà li qed tixjieħ, b'mod partikolari, din il-kwistjoni u l-konsegwezi li jista' jkollha ma jistgħux jitwarrbu fil-ġenb.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 809 final.

(2)  Ara nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(3)  ĠU L 26, 1.2.1999, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU L 232, 29.8.2002, p. 1; u ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1; kif ukoll ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  http://www.aal-europe.eu.

(5)  Ara http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1726&format=HTML&aged=1&language=MT.

(6)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15; kif ukoll ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Konfederazzjoni Svizzera, Dipartiment Federali tal-Intern (EDI), Segretarjat tal-Istat għall-Edukazzjoni u r-Riċerka (SBF), Riċerka Nazzjonali (2011), Schweizer Roadmap für Forschungsinfrastrukturen (Pjan Direzzjonali tal-Isvizzera dwar l-Infrastruttura ta’ Riċerka). Jista' jitniżżel bil-Ġermaniż minn hawnhekk: http://www.sbf.admin.ch/htm/dokumentation/publikationen/forschung/11.03.30.NFO.RoadmapForschungsinfrastrukturen_d.pdf.

(8)  Schippl, J. et al.: Roadmap Umwelttechnologien 2020 – Endbericht (Pjan Direzzjonali dwar it-Teknoloġiji Ambjentali 2020 – Rapport Finali). Karlsruhe: Forschungszentrum Karlsruhe 2009 (Wissenschaftliche Berichte FZKA 7519).

(9)  http://www.roadmap.republicans.budget.house.gov.

(10)  http://www.eracobuild.eu.

(11)  https://www.biomedtown.org/biomed_town/VPHFET.

(12)  http://future-bnci.org; http://www.diamap.eu; http://www.roamer-mh.org; http://www.whyweage.eu.

(13)  Kunsill tar-Riċerka fil-Qasam tas-Saħħa fi ħdan il-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Edukazzjoni u r-Riċerka (pubblikatur) (2007), Roadmap für das Gesundheitsforschungsprogramm der Bundesregierung (Pjan Direzzjonali dwar il-Programm ta’ Riċerka fil-Qasam tas-Saħħa tal-Gvern Federali Ġermaniż). Bonn/Berlin: BMBF.

(14)  http://futurage.group.shef.ac.uk/road-map.html.

(15)  http://www.braidproject.eu.

(16)  The Future of Ageing Research in Europe. A Road Map. (Il-Futur tar-Riċerka dwar it-Tixjiħ fl-Ewropa. Pjan Direzzjonali.).

(17)  Bħala eżempji ta’ sħubijiet P2P wieħed jista' jsemmi, fost oħrajn, l-ERA-Net u l-ERA-Net Plus, l-inizjattivi “Artikolu 185” u l-programmazzjoni konġunta. Bħala eżempji ta’ PPP dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, wieħed jista' jsemmi l-inizjattivi konġunti dwar it-teknoloġija (JTI) u l-internet tal-futur.

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, COM(2011) 572 final tal-21 ta’ Settembru 2011.

(19)  Ara IP/10/1288.

(20)  Ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200.

(21)  Ara http://www.jp-demographic.eu.

(22)  MEMO-11-435.

(23)  Ara, fost oħrajn, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39 (COM(2010) 546 final).

(24)  COM(2011) 809 final.

(25)  Ara, fost oħrajn, ĠU C 74, 23.3.2005, p. 44 (il-verżjoni Maltija tinsab f'p. 20).


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewopew dwar “Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 229/04

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rapport ta’ monitoraġġ għall-2011 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli: il-valutazzjoni tal-KESE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u 24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa tal-fehma li r-rapport ta’ monitoraġġ tal-Eurostat (2011 monitoring report of the EU sustainable development strategy) huwa strument utli u importanti biex:

jittieħed kont tal-progress li sar s’issa fid-direzzjoni tal-objettivi u l-miri tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli Ewropea;

jiġu riveduti u pperfezjonati l-objettivi, l-azzjonijiet u l-miżuri tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-UE, kif ukoll jiġu rfinati l-metodoloġiji u l-istrumenti ta’ kejl tal-iżvilupp sostenibbli utilizzati attwalment;

jiġu affrontati l-isfidi ġodda li jinqalgħu, b’mod partikolari fid-dawl tal-effetti fuq l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli maħluqa mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali.

1.2   F’dan ir-rigward, il-KESE jiddispjaċih li ma jeżistix rapport tal-Kummissjoni dwar il-progess fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli fl-UE u jisħaq biex il-Kummissjoni u tal-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jirreaġixxu għar-riżultati tar-rapport tal-Eurostat, bħala parti integrali ta’ din l-istrateġija u strument fundamentali għal valutazzjoni politika tal-miżuri implimentati s’issa u biex jiġu definiti d-direzzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-ġejjieni.

1.3   Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li huwa meħtieġ impenn politiku aktar effettiv sabiex jitwettqu l-objettivi tal-Istrateġija, billi jingħata bidu proprju lill-isforzi meħtieġa għal kejl korrett tal-istat tal-iżvilupp sostenibbli, li jimplika valutazzjoni tal-karattru kemm xjentifiku kif ukoll politiku f’termini ta’ effikaċja tal-miżuri ta’ politika żviluppati biex jappoġġjaw is-sostenibbiltà.

1.4   Għal dan il-għan, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iġedded l-istedina biex jitqiesu l-istimoli u r-riflessjonijiet maturati dwar dawn it-temi fl-ambitu tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tiegħu, bil-għan li tingħata vuċi lis-soċjetà ċivili. It-transizzjoni lejn mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli tista’ tkun effettiva biss jekk jiġu attivati proċessi demokratiċi li jsostnu l-għarfien u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, permezz tal-iżvilupp ta’ strutturi ta’ djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-politiċi responsabbli.

1.5   Il-KESE jenfasizza l-opportunità li jissaħħu r-rabtiet bejn l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli u l-inizjattivi l-oħra ta’ politika importanti tal-UE. Huwa l-karattru trasversali u pervażiv tal-kunċett ta’ sostenibbiltà tal-iżvilupp li jirrikjedi rabta mill-qrib mal-prijoritajiet ta’ politika emerġenti l-oħra kollha (l-ekwità soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad, il-ġustizzja soċjali, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-protezzjoni tan-natura, il-koeżjoni soċjali, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp).

1.5.1   Din l-esiġenza għall-interkonnessjoni bejn l-istrateġiji varji ta’ politika tal-UE tassumi importanza partikolari fil-fażi attwali tal-istorja. Il-konsegwenzi gravi li pprovokat il-kriżi ekonomika globali joħolqu l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-impatti li ġejjin mill-qagħda ekonomika dinjija attwali u l-iżvilupp ta’ strateġiji profondi u strutturati għal żvilupp sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien.

1.5.2   B’mod partikolari, il-KESE jtenni l-ħtieġa għal kooperazzjoni u integrazzjoni aħjar bejn l-Istrateġija Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija Ewropa 2020 b’tali mod li jkun garantit li l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar ikunu effettivament orjentati lejn it-twettiq ta’ żvilupp sostenibbli akbar. L-analiżi u r-riċerka ta’ indikaturi ġodda jippermettu li tiġi valutata l-effettività tal-miżuri ta’ inkoraġġiment tal-mudelli ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli, kif ukoll li jiġi alimentat il-proċess ta’ monitoraġġ tal-Ewropa 2020.

1.6   Il-KESE jirrakkomanda t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment wara r-riperkussjonijiet soċjali ġġenerati mill-kriżi ekonomika – b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qgħad, fl-inugwaljanzi u r-riskju tal-esklużjoni soċjali – li jolqtu b’mod iktar qawwi lill-kategoriji aktar vulnerabbli u għandhom effett ta’ katina fit-tul fuq il-kundizzjoni tal-għajxien tal-persuni, li jillimitaw ukoll kemm tista’ tittieħed azzjoni favur il-ħarsien tal-ambjent.

1.7   Il-KESE jappoġġja bil-kbir il-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku li jkun kapaċi jiggarantixxi t-tkabbir tal-ekonomija billi jiġu newtralizzati l-konsegwenzi negattivi għall-ambjent u li jqis il-prinċipji ewlenin tal-ekwità, il-kooperazzjon u l-ġustizzja soċjali (li huma l-bażi tal-istess kunċett tal-iżvilupp sostenibbli).

1.7.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-kunċett ta’ tkabbir ekoloġiku u l-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika li jitwettqu fil-qafas ta’ żvilupp sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien, li jnaqqsu d-differenzi u l-inugwaljanzi tal-opportunitajiet fit-transizzjoni lejn mudell ta’ żvilupp b’użu baxx tal-karbonju (1).

1.7.2   Il-KESE, f’dan il-kuntest, jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-OIL (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) dwar l-impjiegi ekoloġiċi bil-kundizzjoni li fit-transizzjoni lejn ekonomija ekoloġika jiġu garantiti lill-ħaddiema kundizzjonijiet ta’ xogħol dinjitużi u xogħlijiet ta’ kwalità għolja, u b’hekk jiġi evitat li l-ekonomija ekoloġika toħloq mill-ġdid id-diviżjonijiet soċjali li seħħew f’fażijiet oħra ta’ trasformazzjoni.

1.8   Waqt it-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà huwa fundamentali li jissaħħaħ l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod speċjali fil-qasam tal-enerġija, sabiex jiġi promoss mudell tal-iżvilupp li jkun jibbaża aktar fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jkun jiddependi inqas fuq il-konsum tal-karburanti fossili u jkompli jnaqqas l-intensità enerġetika tal-ekonomija, kif ukoll għall-impatti pożittivi possibbli fuq it-tkabbir u l-impjiegi bit-tnedija ta’ attivitajiet ġodda u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-ekonomija.

1.9   Flimkien mal-kwalità tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika, it-taħriġ ukoll għandu rwol fundamentali: dan iressaq lis-soċjetà ċivili lejn mudell differenti ta’ żvilupp, jipprovdi l-istrumenti meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi b’mod effettiv li jġib miegħu l-iżvilupp u jsaħħaħ ir-rwol tiegħu ta’ katalist għal tibdil.

1.10   Il-garanzija ta’ provvedimenti adegwati ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli hija madankollu objettiv kruċjali li għandu jipproċedi id f’id ma’ dak tal-implimentazzjoni ta’ parametri aktar effettivi għall-kejl tal-progress miksub lejn sostenibbiltà akbar.

1.11   B’mod partikolari, tajjeb li nkomplu fuq ir-rotta li qabad il-KESE biex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ indikaturi ġodda għall-kejl tal-progress ekonomiku lil hinn mill-PDG (2), u jeħtieġ ukoll li l-analiżi tibbaża fuq dimensjonijiet kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, u li tinkludi wkoll stħarriġ dwar il-mod kif l-atturi soċjali jaraw u jivvalutaw il-kwistjoni tas-sostenibbiltà.

1.12   Huwa biss permezz ta’ proċess parteċipattiv u kondiviż bejn l-esperti, il-forzi politiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili li ser ikun possibbli li tinħoloq kultura politika u soċjali ġdida li tista’ tħejji idea ta’ żvilupp li tħaddan, billi tgħaqqad, it-tliet dimensjonijiet – ekonomika, soċjali u ambjentali – li fuqhom jibbaża l-kunċett ta’ kwalità u sostenibbiltà tal-progress tal-bniedem.

2.   Introduzzjoni

2.1   Ir-rapport ta’ monitoraġġ attwali tal-Eurostat (2011 monitoring report of the EU sustainable development strategy), li jagħti rendikont tal-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tal-UE għall-2011, joffri qafas dettaljat tal-qagħda tal-Istati Membri tal-Unjoni sentejn wara l-kriżi u b’hekk jippermetti li titwettaq valutazzjoni kritika rigward kemm it-trasformazzjonijiet profondi li qed iseħħu fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll id-dibattitu li għaddej dwar il-possibbiltà li t-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju hija opportunità favur il-ġlieda kontra r-riċessjoni, li tistimola proċess ta’ rkupru produttiv u treġġa’ lura t-tnaqqis fl-impjiegi.

2.2   Minħabba r-rwol tiegħu bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għad-dibattitu li tqajjem minn dan ir-rapport billi jippromovi l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet rappreżentattivi taċ-ċittadini Ewropej għall-valutazzjoni tat-temi u l-proġetti rilevanti għat-tkomplija tas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp.

2.3   Din l-opinjoni għandha l-għan ukoll li tkun ta’ segwitu għall-opinjonijiet preċedenti mħejjija mill-KESE bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (UN Conference on Sustainable Development- UNCSD) li ser issir f’Rio de Janeiro (Rio + 20) f’Ġunju 2012.

2.3.1   Din l-opinjoni ser tirrappreżenta kontribut tas-soċjetà ċivili bi tħejjija għan-negozjati waqt is-summit Rio + 20, b’mod partikolari rigward waħda miż-żewġ sfidi ewlenin li ser ikunu fil-qofol tas-summit: il-qafas istituzzjonali għal żvilupp sostenibbli.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   L-analiżi tad-data tar-rapport 2011 tenfasizza kif uħud mir-riżultati milħuqa fil-kisba tal-objettivi tal-istrateġija tal-UE għal żvilupp sostenibbli, jistgħu jiġu attribwiti iktar għall-effett tal-qagħda ekonomika dinjija attwali milli għall-implimentazzjoni ta’ strutturi strateġiċi fit-tul imħejjija għat-twettiq ta’ żvilupp sostenibbli. Hija ta’ prijorità li jiġu analizzati u ffaċċjati l-varjazzjonijiet eżistenti bejn l-Istati Membri fl-isforzi biex jinkisbu dawn l-objettivi.

3.1.1   Mil-lat tal-iżviluppi pożittivi, enfasizzati fir-rapport għall-perjodu bejn l-2000 u llum naraw dan li ġej:

tnaqqis fl-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (minkejja li żdiedet il-kwota tal-ħaddiema foqra);

żieda fl-istennija tal-għomor u titjib fil-qafas ġenerali tas-saħħa pubblika (minkejja li għadhom jippersistu inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa);

tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u żieda fil-konsum ta’ enerġiji rinnovabbli;

stabbiltà fl-abbundanza u l-varjetà tal-ispeċijiet ta’ għasafar komuni, bħala indikatur tajjeb tal-qagħda ġenerali tal-bijodiversità u l-integrità tal-ekosistemi.

3.1.2   Mil-lat tal-iżviluppi negattivi naraw dan li ġej:

żieda fid-domanda għall-materjali, minkejja li ġiet osservata tendenza pożittiva ta’ żieda fil-produttività tar-riżorsi;

żieda fir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema anzjani li madankollu ma tilħaqx il-mira prevista għall-2010;

iż-żamma tal-attivitajiet tas-sajd lil hinn mil-livelli ta’ sostenibbiltà għall-istokkijiet tal-ħut;

is-separazzjoni attwali bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-konsum tal-enerġija fit-trasport hija biss relattiva, u ma kienx hemm ċaqliq fit-trasport tal-merkanzija u l-persuni lejn modi tat-trasport b’impatt ambjentali iktar baxx;

ma ntlaħqitx il-mira prevista għall-2010 ta’ 0,56 % fl-introjtu nazzjonali gross għall-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp.

3.2   Fir-rigward tal-influwenza tal-kriżi fuq l-iżvilupp pożittiv/negattiv tat-tendenzi analizzati fir-rapport tal-Eurostat, wieħed jinnota li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass li jibdlu l-klima, min-naħa jista’ jiġi attribwit għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija u għal użu akbar ta’ karburanti b’użu baxx tal-karbonju, u min-naħa l-oħra ġie determinat ukoll mill-effetti ta’ riċessjoni li rriżultaw mill-kriżi.

3.2.1   L-enerġija, meħtieġa fl-attivitajiet ekonomiċi kollha, tidher bħala l-fattur varjabbli l-aktar marbut mill-qrib mat-tkabbir tal-ekonomija, kif juri t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija finali b’mod parallel mat-tnaqqis fil-PDG. Dan jesiġi b’mod fundamentali li jittieħdu aktar passi ’l quddiem fil-kuntest tas-separazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u l-pressjonijiet ambjentali permezz tas-separazzjoni bejn il-produzzjoni tal-ġid u l-konsum tal-enerġija.

3.3   Fl-aħħar nett, ix-xenarju ppreżentat fir-rapport tal-Eurostat juri li l-Unjoni Ewropea għamlet progressi kbar fit-triq lejn żvilupp ambjentali, ekonomiku u soċjali sostenibbli; madankollu, l-ekonomija tal-UE għadha intensiva fl-użu tal-enerġija u l-karbonju u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi favur tibdiliet strutturali profondi sabiex jitnieda proċess ta’ transizzjoni fit-tul, ħieles mill-effetti tal-qagħda ekonomika dinjija attwali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-analiżi tal-indikaturi li jkejlu d-dimensjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku fl-evoluzzjoni tiegħu bejn l-2000 u l-2011 turi sew l-effetti tar-riċessjoni ġġenerata mill-kriżi ekonomika globali. Dan huwa evidenti l-aktar fl-analiżi tal-PDG, l-investimenti u l-produttività tax-xogħol.

4.1.1   Ġew reġistrati tendenzi negattivi fir-rigward tal-qgħad u l-impjieg, b’rati partikolarment inkwetanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-qgħad taż-żgħażagħ. Madankollu jidher li kien hemm tendenzi pożittivi fil-każ tat-tfaddil tal-familji bħala risposta għall-kriżi, fit-tkabbir tal-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp, u fit-titjib tal-intensità enerġetika, fejn ġiet osservata separazzjoni assoluta.

4.1.2   Il-qasam tal-iżvilupp soċjoekonomiku jkejjel il-progress li sar fil-bini ta’ soċjetà bbażata fuq ekonomija innovattiva u ekoeffiċjenti li tipprovdi standards għoljin ta’ għajxien għas-soċjetà ċivili. Il-kriżi ekonomika influwenzat ħażin il-ksib ta’ dawn l-objettivi. Madankollu, l-iżvilupp ta’ proċess fejn l-ekonomija ssir aktar ekoloġika jista’ jkun ta’ lieva qawwija biex niffaċċjaw ir-riċessjoni billi jikkontribwixxi għall-irkupru fil-produttività u l-impjieg

4.2   L-analiżi tal-progress miksub favur mudelli ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli turi tendenzi kontradittorji. Minkejja li l-UE saret aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, għad hemm żieda kontinwa fid-domanda għall-materjali. Mil-lat ta’ enerġija, qed jiżdied il-konsum tal-elettriku iżda qed naraw tnaqqis fil-konsum tal-enerġija finali. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-iskart, niskopru żieda fil-produzzjoni ta’ skart perikoluż filwaqt li naraw tnaqqis fil-kwantità ta’ skart mhux minerali u żieda fir-reċiklaġġ. Barra minn hekk, qed naraw żieda kontinwa fl-għadd ta’ karozzi, iżda ġie reġistrat tnaqqis fl-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu, li l-biċċa l-kbira minnu ġej minn tnaqqis fis-settur tat-trasport u mid-distribuzzjoni ta’ muturi bi prestazzjoni aħjar.

4.2.1   L-istampa mimlija kuntrasti li qed tirriżulta mill-indikaturi analizzati turi li, minkejja li qed isir progress, jinħtieġu aktar sforzi biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi eliminata r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-użu tar-riżorsi, filwaqt li tiġi rispettata l-kapaċità ta’ kemm jifilħu l-ekosistemi. Huwa fundamentali wkoll li jitqiesu l-konsum u l-produzzjoni b’mod aktar interdipendenti billi jiġi promoss il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi investit iktar f’azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni favur mudelli ta’ produttività u konsum aktar responsabbli fir-rigward tal-ambjent.

4.3   L-indikaturi relatati għall-Inklużjoni Soċjali juru tendenzi ta’ żvilupp pjuttost pożittivi, bi tnaqqis tar-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Madankollu qed naraw żieda fir-riskju tal-faqar għall-gruppi ta’ persuni ta’ bejn il-25 u l-49 sena, u naraw żieda b’rata anqas baxxa fil-qgħad taż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena. Jidher, madankollu, li naqsu: l-intensità tal-faqar, l-inugwaljanza fid-dħul, ir-rata tal-qgħad fit-tul u d-differenzi fid-dħul skont is-sessi.

4.3.1   Fost it-tendenzi negattivi jirriżulta li: żdiedet il-kwota ta’ ħaddiema foqra; il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja żdiedet iżda mhux biżżejjed biex tintlaħaq il-mira prevista għall-2010; jeħtieġ li tonqos sew ir-rata ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni.

4.3.2   Jekk l-istampa li jpinġi r-rapport tal-Eurostat hija pożittiva biżżejjed, jeħtieġ li jitjiebu r-riżultati relatati mat-tluq bikri mill-iskola u t-tagħlim tul il-ħajja. Fil-fatt, ir-risku tal-faqar jolqot l-aktar lil dawk li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni. Barra minn hekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali biex jippermettu li n-nies jibbenefikaw mill-opportunitajiet tal-impjieg marbuta mal-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika, li teħtieġ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda koeffiċjenti u l-adattament mill-ġdid tal-kompetenzi b’konformità mal-proċessi ta’ innovazzjoni teknoloġika. Għaldaqstant, it-taħriġ huwa fundamentali, kemm biex jiffavorixxi l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kif ukoll bħala risposta għall-esiġenzi ta’ dawk li diġà jaħdmu u qed jaffrontaw domandi ġodda li ġejjin mit-trasformazzjoni li qed isseħħ.

4.4   L-analiżi tat-tibdiliet demografiċi tippreżenta titjib sinifikanti relatat mar-rata tal-impjieg tal-ħaddiema anzjani, l-istennija tal-għomor ’il fuq minn 65 sena, u t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar għall-persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena.

4.4.1   Madankollu, minkejja dan it-titjib naraw żieda fil-livelli kwantitattivi u kwalitattivi tal-infiq fir-rigward tal-benessri u d-dejn pubbliku. It-tibdil demografiku li qed naraw – b’mod partikolari l-iktar rata baxxa ta’ fertilità u stennija tal-għomor l-aktar twila, u l-iżbilanċi interġenerazzjonali li jirriżultaw – jesiġi li nirrispondu għall-isfida li tinħoloq soċjetà soċjalment inklużiva filwaqt li jinżammu livelli sostenibbli għall-infiq pubbliku, fejn l-infiq għall-benessri jitfassal fuq il-bażi ta’ esiġenzi mibdula li jimplikaw domanda akbar għall-pensjonijiet, is-saħħa u l-kura fuq perjodu twil ta’ żmien.

4.5   L-analiżi tas-saħħa pubblika tindika titjib fir-rigward ta’ ħajja itwal u f’iktar saħħa: żdiedet l-istennija tal-għomor, naqsu l-imwiet kaġun ta’ mard kroniku kif ukoll il-każijiet ta’ suwiċidju; ġie reġistrat tnaqqis fil-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi tossiċi, fir-rati tal-inċidenti gravi fuq ix-xogħol u fl-esponiment tat-tniġġis tal-ħoss. Minkejja din l-istampa pożittiva, għadhom jippersistu inugwaljanzi fl-aċċess għall-kura tas-saħħa fost id-diversi gruppi soċjoekonomiċi.

4.5.1   Il-kunċett tas-saħħa pubblika jinkludi diversi aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-iżvilupp (is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-finanzjament tal-kura medika, l-esponiment għal sustanzi niġġiesa, eċċ.) li jirrappreżentaw waħda mill-isfidi ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli li teħtieġ li jsiru sforzi fid-direzzjoni ta’ approċċ analitiku integrat sabiex jerġgħu jingħaqdu t-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà li, minflok, ta’ spiss jispiċċaw jitqiesu separatament.

4.6   L-analiżi tal-indikaturi relatati mat-tibdil fil-klima u l-enerġija turi xi titjib sinifikanti; madankollu, l-impatt fuq dawn it-tendenzi tal-kriżi ekonomika kien konsiderevoli minħabba r-rabta mill-qrib li hemm bejn l-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku. Mil-lat tat-tibdiliet pożittivi naraw: tnaqqis fl-emissjoni tal-gass b’effett ta’ serra li ressaq lill-UE lejn il-kisba tal-mira ta’ tnaqqis ta’ 20 % fl-2020 u l-objettiv ta’ Kyoto stabbilit għall-2012; żieda fil-kwota tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, li sal-2020 tista’ tilħaq l-objettiv tal-20 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli mill-konsum intern sħiħ tal-enerġija, u żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport. Fl-aħħar nett ġie reġistrat tnaqqis fid-domanda għall-enerġija.

4.6.1   Mil-lat tat-tibdil pożittiv jidher, madankollu li kien hemm: żieda mill-2000 sal-2009 fid-dipendenza fuq l-enerġija importata; ma ntlaħqitx il-kwota ta’ 21 % tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku; sar ftit progress fil-koġenerazzjoni u fiċ-ċaqliq tal-piż tat-taxxa mix-xogħol lejn l-użu tar-riżorsi.

4.6.1.1   Il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija huma l-fatturi l-kbar tal-emissjonijiet tas-CO2 u għalhekk tal-impatt ambjentali globali. Dan jagħmel l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tal-enerġija estremament importanti. Fl-istess ħin, l-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika, apparti milli jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass li joħolqu tibdil fil-klima, jista’ jiġġenera wkoll benefiċċji ekonomiċi u soċjali li jiġġeneraw attivitajiet ġodda li joħolqu postijiet tax-xogħol, u b’hekk il-ħarsien tal-ambjient jingħaqad mat-tkabbir ekonomiku u tal-impjieg.

4.6.1.2   Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġi evitat li l-kriżi ekonomika tipperikola l-proċessi biex l-ekonomija ssir aktar ekoloġika li qed jitweqqu fil-preżent, iżda li jidhru partikolarment vulnerabbli f’din il-fażi ta’ riċessjoni.

4.7   It-tibdil li sar fil-qasam tat-trasport sostenibbli wkoll jista’ jitqies, parzjalment, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika. B’mod partikolari, it-tnaqqis fl-inċidenti stradali, kif ukoll it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u l-konsum tal-enerġija, huma attribwiti għat-tnaqqis fil-volum tat-trasport, fejn is-separazzjoni hija biss relattiva.

4.7.1   F’termini ta’ tendenzi pożittivi jidher li sar progress kemm fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżulta mill-karozzi l-ġodda, kif ukoll fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa fl-arja. Mil-lat tat-tendenzi negattivi nosservaw, minflok, li kemm fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija kif ukoll f’dak tal-persuni ma sarx ċaqliq lejn modi tat-trasport b’impatt ambjentali iktar baxx.

4.7.1.1   Is-settur tat-trasport huwa wieħed kumpless fejn l-elementi kritiċi għandhom oriġini differenti li jinkludu stili ta’ ħajja u mudelli kulturali tal-konsum. F’dan ir-rigward, it-trasport huwa eżempju ta’ kif il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex din tkun effettiva, ma tistax tillimita ruħha li tindirizza biss l-azzjonijiet politiċi u l-għażliet tekniċi, iżda, l-ewwel nett, għandha tindirizza liċ-ċittadini fir-rutina tagħhom ta’ kuljum.

4.8   L-isforzi li twettqu fid-direzzjoni tal-ħarsien tar-riżorsi naturali wasslu għal xi riżultati pożittivi, iżda għad hemm passi importanti li jridu jittieħdu. L-abbundanza u l-varjetà ta’ ħafna mill-ispeċijiet tal-għasafar komuni baqgħu stabbli, iżda l-isfruttament żejjed tal-istokkijiet tal-ħut baqa’ ma naqasx (3). Minkejja li żdiedu ż-żoni allokati għall-ħarsien tan-natura, għadha għaddejja l-espansjoni taż-żoni urbani għad-detriment tal-artijiet agrikoli u semi naturali.

4.8.1   Ir-riżorsi naturali mhux biss huma meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-produzzjoni u l-konsum tal-bniedem, iżda fuq dawn jiddependu l-ekwilibrji tal-ekosistemi peress li tibdil f’dawn jista’ jkollu konsegwenzi li ma jistgħux jitreġġgħu lura għad-dinja kollha. Għal din ir-raġuni jeħtieġ impenn akbar biex titwaqqaf id-degradazzjoni ambjentali, permezz tal-konservazzjoni tal-kapital naturali tal-art u tar-riżorsi tiegħu ta’ bijodiversità.

4.8.2   Hemm bżonn urġenti li jiġi affrontat in-nuqqas li jeżisti għall-indikaturi ekoloġiċi biż-żieda ta’ indikaturi addizzjonali, sabiex tiġi riflessa aħjar il-kundizzjoni tar-riżorsi bioloġiċi u l-benefiċċji attwali u futuri għall-pubbliku li jirriżultaw mill-funzjonament tal-ekosistemi.

4.9   L-iżvilupp tal-isħubija globali, mill-2000 ’il quddiem, juri sinjali pożittivi, minkejja l-impatt negattiv li l-kriżi kellha fuq il-flussi kummerċjali (permezz taż-żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-tnaqqis tas-sussidji agrikoli tal-UE) u fuq il-finanzjament favur l-iżvilupp sostenibbli u għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali.

4.9.1   Min-naħa l-oħra, però, naraw żieda baxxa fil-kwota tal-introjtu nazzjonali gross allokat għall-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhux ser tippermetti li tintlaħaq il-mira prevista għall-2010. Nistgħu naraw ukoll tnaqqis fid-differenza fl-emissjonijiet tas-CO2 bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba żieda fl-emissjonijiet ta’ dawn tal-aħħar u tnaqqis f’dawk tal-pajjiżi tal-Unjoni.

4.9.2   Is-sħubija globali hija dimensjoni fundamentali tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli: il-ġlieda kontra l-faqar mifrux, l-inugwaljanzi u n-nuqqas ta’ aċċess għar-riżorsi fil-pajjiżi anqas żviluppati u dawk li qegħdin jiżviluppaw fil-fatt huma sfidi ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli. Minn hawn jirriżulta l-impenn biex jiġu mgħejuna l-pajjiżi l-aktar foqra sabiex b’mod ekwu jżommu l-pass mat-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà, filwaqt li jiffaċċjaw it-tkabbir fil-popolazzjoni dinjija, l-istennijiet li dejjem jikbru f’termini ta’ standards tal-għajxien, u ż-żieda tal-konsum tal-materji primi.

4.10   L-indikaturi li jkejlu l-livell ta’ governanza tajba juru tendenzi kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Fir-rigward tal-iżvilupp pożittiv naraw: a) tnaqqis sinifikanti fil-każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-UE fil-livell nazzjonali; b) li mill-2007 sal-2009 it-traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej kienet ’il fuq mill-mira ta’ 98,5 %; c) żieda fid-disponibbiltà tal-gvern elettroniku għas-servizzi pubbliċi bażiċi u tal-użu tiegħu min-naħa taċ-ċittadini tal-pajjiżi membri; d) li nofs iċ-ċittadini intervistati ddikjaraw li għandhom fiduċja fil-Parlament Ewropew. F’dak li jirrigwarda l-iżviluppi negattivi naraw: e) tnaqqis fl-għadd ta’ votanti fl-elezzjonijiet nazzjonali marbuta mal-parteċipazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li rriżulta aktar baxx mill-parteċipazzjoni għall-elezzjonijiet nazzjonali (aktar minn 20 % differenza f’27 pajjiż, b’pajjiż wieħed biss fejn ir-riżultat ġie bil-kontra); f) li għadhom ma sarux biżżejjed passi ’l quddiem fiċ-ċaqliq tat-tassazzjoni lejn kwota ogħla ta’ taxxi ambjentali fuq it-total tad-dħul fiskali.

4.10.1   Il-kunċett ta’ governanza huwa strettament marbut mal-iżvilupp sostenibbli mad-dikjarazzjoni ta’ prinċipju ta’ ekwità soċjali u interġenerazzjonali li jeħtieġ li l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jagħmlu parti mill-ftehimiet tal-ġenerazzjonijiet attwali. Governanza tajba teħtieġ l-iżvilupp ta’ soċjetà demokratika permezz ta’ parteċipazzjoni sħiħa tal-ekonomija, min-naħa tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, permezz tat-twaqqif ta’ strutturi ta’ djalogu bejn iċ-ċittadini u l-politiċi responsabbli.

4.11   Il-KESE jqis li l-involviment u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili huma ta’ importanza fundamentali għall-kisba ta’ aktar progress fit-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli u għall-konsolidazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli. Sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u biex din tkun tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli jeħtieġ li jitwessa’ l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni dwar it-temi tas-sostenibbiltà.

4.12   Sabiex tiġi garantita komunikazzjoni ħafna aktar effikaċi jeħtieġ ukoll li jiġu implimentati parametri aktar effikaċi sabiex jitkejjel il-progress miksub fit-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli. B’mod partikolari, tajjeb li titkompla l-mixja li impenja ruħu fiha l-KESE biex tiġi appoġġjata t-tħejjija ta’ indikaturi ġodda għall-kejl tal-progress ekonomiku lil hinn mill-PDG (4), li jkunu kapaċi jinkludu l-valutazzjoni tal-kwalità ambjentali u soċjali f’dik ekonomika. Jeħtieġ ukoll li jingħaqdu d-dimensjonijiet kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, biex b’hekk ikun hemm ukoll stħarriġ dwar il-mod kif l-atturi soċjali jaraw u jivvalutaw il-kwistjoni tas-sostenibbiltà.

4.13   Fil-verità, l-iżvilupp ta’ sistema informattiva valida, li hija ’l bogħod minn sempliċement kwistjoni ta’ għarfien, jingħaqad mal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni u ma’ dak politiku, u huwa l-bażi li fuqha għandha tinbena s-sistema tal-preferenzi soċjali. Huwa għal din ir-raġuni li d-diskussjoni dwar is-sinifikat innifsu tal-progress soċjali u ambjentali, u r-riċerka sussegwenti għal indikaturi u strumenti interpretattivi ġodda, għandhom jinvolvu b’mod attiv lill-esperti, il-forzi politiċi u soċjali u dawk tas-soċjetà ċivili permezz ta’ parteċipazzjoni demokratika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.

4.14   Il-KESE jieħu nota wkoll tan-nuqqas ta’ rapport dwar il-prospettivi futuri li jirriżultaw mill-ħidma tal-Eurostat u jistaqsi dwar kif l-iżvilupp tal-politiki u tat-tendenzi futuri ser jiddaħħal kemm fil-ħidma tal-Kummissjoni kif ukoll f’dik tal-Istati Membri.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio + 20)”, relatur is-Sur Wilms, ĠU C 143, 22.05.2012, p. 39.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 14.

(3)  L-opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 14.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu – l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementari”, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 14.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-481 sessjoni plenarja fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012

31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/24


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku”

COM(2011) 782 final

2012/C 229/05

Relatur: is-Sur PARIZA

Nhar it-13 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Atlantiku.

Nhar il-21 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Niżviluppaw Strateġija Marittima għaż-Żona tal-Oċean Atlantiku

COM(2011) 782 final

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2011 il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma dwar is-suġġett, u b’hekk bidel l-opinjoni fuq inizjattiva proprja f’konsultazzjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’151 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-kosta Atlantika Ewropea, li hija l-bieb tal-Punent tal-Ewropa, għandha ssaħħaħ ir-rwol ċentrali tagħha u tevita r-riskju li tispiċċa iżolata miċ-ċentru politiku u ekonomiku tal-Ewropa. Permezz tal-Atlantiku, l-Ewropa tistabbilixxi rabtiet ekonomiċi u politiċi mal-Amerika u l-Afrika.

1.2   Il-makroreġjun tal-Atlantiku jinkludi r-reġjuni u l-gżejjer tal-kosta tal-Atlantiku tal-Irlanda, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Portugall. L-Islanda, li tinsab fil-proċess ta’ adeżjoni, għandha tiġi inkluża, bħalma għanha tiġi inkluża n-Norveġja, li hija membru taż-ŻEE. L-istess japplika għall-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe. Minkejja li r-reġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana għandhom l-istess interessi fiż-żona tal-Atlantiku, fil-futur jistgħu jniedu strateġija speċifika.

1.3   L-Atlantiku Ewropew għandu tradizzjoni importanti ta’ kooperazzjoni politika biex tingħata spinta lil azzjonijiet ta’ interess komuni fi proġetti fil-qafas ta’ programmi transnazzjonali Ewropej. F’din il-kooperazzjoni hemm involuti kemm l-awtoritajiet reġjonali kif ukoll is-soċjetà ċivili.

1.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Atlantiku fil-kuntest tal-Politika Marittima Integrata: l-appoġġ kemm għas-setturi ekonomiċi emerġenti ġodda, kif ukoll għal stimolu mill-ġdid lis-setturi tradizzjonali, fil-qafas ta’ approċċ ta’ żvilupp sostenibbli.

1.5   Iżda l-KESE jipproponi approċċ aktar ambizzjuż: Strateġija Makroreġjonali li, flimkien mal-pilastru marittimu, tinkludi l-pilastru territorjali, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tar-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju.

1.6   Il-proposta tal-KESE hija appoġġjata mill-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, mill-gvernijiet tar-reġjuni tal-Kummissjoni Ark Atlantiku, mill-kunsilli ekonomiċi u soċjali fin-netwerk transnazzjonali tal-Atlantiku, kif ukoll minn diversi partijiet interessati tas-soċjetà ċivili (intraprendituri, trejdjunjins, kmamar tal-kummerċ, bliet, eċċ.).

1.7   Il-KESE jqis li l-Forum Atlantiku stabbilit fl-Istrateġija Marittima tal-Atlantiku huwa l-ewwel pass biex l-Istrateġija Marittima tal-Atlantiku tiġi ttrasformata fi strateġija makroreġjonali. Il-Forum ser juża l-esperjenza miksuba fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-affarijiet marittimi, sabiex jinbidel fil-Forum Makroreġjonali tal-futur, li ser jiddefinixxi l-linji strateġiċi komuni ta’ azzjoni u l-proġetti prijoritarji għall-koeżjoni territorjali tar-reġjuni tal-Atlantiku.

1.8   Il-KESE, membru tal-grupp ta’ mexxejja tal-Forum Atlantiku, ippropona li n-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku (NTA) tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jipparteċipa wkoll fil-Forum, peress li huma atturi li jaġixxu f’dak il-qasam u huma indispensabbli għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Sabiex il-Pjan ta’ Azzjoni jirnexxi għandhom jipparteċipaw fit-tfassil tiegħu l-iktar atturi soċjali u reġjonali importanti.

1.9   L-għanijiet prijoritarji tal-makroreġjun tal-Atlantiku għandhom ikunu bbażati fuq il-pilastri tematiċi tal-Istrateġija UE2020. Il-KESE jqis li l-istrateġija tal-Atlantiku hija importanti ħafna, mhux biss għar-reġjuni involuti, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea kollha.

1.10   L-Istrateġija tal-Atlantiku għandha tkun involuta kemm fil-politiki settorjali kif ukoll fil-politika ta’ koeżjoni, u għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jingħelbu l-limitazzjonijiet tar-“rifjut triplu”, sabiex l-istrateġiji makroreġjonali fil-futur ikollhom il-leġislazzjoni adegwata il-finanzjament speċifiku u l-istrutturi amministrattivi meħtieġa.

2.   L-istrateġiji makroreġjonali fl-UE: strumenti ġodda ta’ kooperazzjoni u koeżjoni territorjali.

2.1   F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Strateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (1), li, permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni territorjali, tiddefinixxi qafas ġeografiku strateġiku multisettorjali u integrat permezz ta’ diversi għanijiet speċifiċi sabiex jiġu solvuti problemi komuni. Wara tnediet l-istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju (2).

2.2   Il-Kummissjoni tirreferi għall-makroreġjuni bħala żona li tinkludi għadd ta’ reġjuni amministrattivi iżda bi kwistjonijiet komuni biżżejjed li jiġġustifika approċċ strateġiku wieħed (3). Il-makroreġjuni, ibbażati fuq żona ġeografika, huma definiti fil-livell funzjonali.

2.3   Il-kundizzjonijiet amministrattivi, regolatorji u finanzjarji huma bbażati fuq “ir-rifjut triplu”: le għal finanzjament addizzjonali, le għal strutturi amministrattivi ġodda u le għal dispożizzjonijiet leġislattivi ġodda. Minkejja li din kienet il-kundizzjoni li l-Istati Membri mponew fuq il-Kunsill, il-KESE ma jaqbilx ma’ dawn ir-restrizzjonijiet.

2.4   Fl-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku jipparteċipaw tmien Stati Membri tal-UE u tliet Stati ġirien.

2.5   Fl-2011 l-UE nediet l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju, li jipparteċipaw fiha tmien Stati Membri tal-UE u sitt pajjiżi terzi (4).

2.6   L-ewwel valutazzjoni tal-funzjonament tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku (5) turi riżultat sodisfaċenti bħala strument biex itejjeb il-kooperazzjoni makroreġjonali, sabiex jingħelbu l-isfidi u jinħatfu l-opportunitajiet offruti mid-dimensjonijiet reġjonali u nazzjonali, u bħala strument utli ħafna għall-għan tal-koeżjoni territorjali u l-Istrateġija Ewropa 2020.

2.7   Il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li dan it-tip ta’ strument jiġi estiż għal makroreġjuni li jistgħu jżidu l-valur.

2.8   It-Trattat ta’ Lisbona, li flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali jinkorpora l-għan tal-koeżjoni territorjali, jirrappreżenta stimolu għall-istrateġiji makroreġjonali.

2.9   L-Aġenda Territorjali 2020 (6) adottata f’Mejju 2011 f’Gödöllö tadotta approċċ innovattiv ibbażat fuq il-post, “place-based approach”, waqt li tqis l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti.

2.10   Il-politika ta’ koeżjoni hija l-istrument fundamentali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politika territorjali tal-UE u jiġi stimolat l-iżvilupp endoġenu tal-makroreġjuni.

2.11   Il-proċess ta’ definizzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-UE u tal-politika ta’ koeżjoni tal-perjodu 2014-2020 diġà qiegħed fis-seħħ.

2.12   Il-kooperazzjoni territorjali tibqa’ objettiv tal-politika ta’ koeżjoni, li żżid il-baġit tagħha. Ser tkun koperta minn Regolament u ser tkun tinkludi speċifikament “forom ġodda ta’ kooperazzjoni territorjali, tweġibiet imfassla apposta sabiex jindirizzaw sfidi makroreġjonali (7).

3.   Ir-Reġjun tal-Atlantiku

3.1   Il-parti Atlantika Ewropea (Anness I) tikkostitwixxi żona ġeografika wiesgħa mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, fundamentalment marbuta bl-Oċean Atlantiku. Il-makroreġjun tal-Atlantiku jinkludi r-reġjuni u l-gżejjer tal-kosta tal-Atlantiku tal-Irlanda, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Portugall. L-Islanda, li bħalissa qed tinnegozja l-adeżjoni tagħha, hija wkoll involuta, u l-istess jgħodd għan-Norveġja, li hija membru taż-ŻEE, għall-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe.

3.2   Is-sitwazzjoni tar-reġjun lejn il-Punent tal-kontinent Ewropew u l-ftuħ tiegħu għall-baħar kienu għal sekli twal fatturi ewlieni ta’ dinamiżmu u prosperità.

3.3   Id-dimensjoni marittima hija karatteristika essenzjali ta’ din iż-żona, li l-wirt ekonomiku, teknoloġiku u kulturali komuni tagħha jinkludi attivitajiet bħas-sajd, it-tarzna, l-industrija tal-metall, l-inġinerija, ir-riċerka u x-xjenza, il-portijiet, il-kummerċ u t-trasport marittimu.

3.4   Il-kosta Atlantika Ewropea qiegħda f’sitwazzjoni periferali u iżolata miċ-ċentru politiku u ekonomiku tal-Ewropa. Flimkien ma’ dawn jiżdiedu d-diffikultajiet ta’ aċċessibbiltà, nuqqas ta’ infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni bejn ir-reġjuni tal-Atlantiku u maż-żoni l-aktar sinjuri tal-Ewropa.

3.4.1   Il-maġġoranza tar-reġjuni tal-Atlantiku għandhom livell ta’ dħul taħt il-medja Komunitarja, u wħud mir-reġjuni jinstabu fi ħdan l-objettiv tal-konverġenza tal-politika ta’ koeżjoni (Anness II).

3.4.2   Is-sitwazzjoni sejra għall-agħar, u qed ikun hemm rigress importanti fl-attivitajiet tradizzjonali tal-Atlantiku, b’kapaċità żejda li naqqset drastikament il-forza tax-xogħol u l-qbid fis-settur tas-sajd, bi tnaqqis ta’ tarzni, u trasport marittimu u tal-port li mhumiex qed jintużaw biżżejjed.

3.5   Min-naħa l-oħra, l-Atlantiku għandu riżorsi siewja li mhumiex sfruttati, li jistgħu jikkostitwixxu sorsi ta’ ġid, ta’ diversifikazzjoni ekonomika, ta’ ħolqien ta’ impjiegi u ta’ titjib ambjentali, bħal ma huma l-enerġiji rinnovabbli tal-baħar, ir-riżorsi tas-saff ta’ taħt il-ħamrija, il-bijoteknoloġiji tal-baħar, l-attivitajiet nawtiċi ta’ divertiment u turiżmu, fost oħrajn.

3.6   Il-KESE jqis li ż-Żona Atlantika hija magħmula minn taħlita eteroġena ta’ territorji bl-isfidi tagħhom għall-iżvilupp, li l-unità u l-ispeċifiċità tagħhom jinsabu fin-natura marittima tagħhom u miftuħa għad-dinja, u fis-sitwazzjoni periferika tagħhom, iżolata u nieqsa minn konnessjoni adegwata maċ-ċentri politiċi u ekonomiċi Ewropej.

4.   Il-Komunikazzjoni “Niżviluppaw strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku”

4.1   Fuq talba tal-Kunsill u tal-Parlament, fil-21 ta’ Novembru l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Niżviluppaw strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku” (8).

4.2   Bil-għan primarju li jiġu promossi t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli, l-Istrateġija tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-Oċean Atlantiku miġbura f’ħames suġġetti relatati ma’ xulxin:

4.2.1

L-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku, skont liema l-attivitajiet relatati mal-baħar għandhom jiġu ġestiti b’mod li l-ekosistema tinżamm b’saħħitha u tkun produttiva. L-Istrateġija tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ tliet oqsma: is-sajd, l-akkwakultura u s-sistemi ta’ osservazzjoni.

4.2.2

It-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-Ewropa, taħt tliet taqsimiet: l-enerġija mir-riħ tal-baħar, l-enerġiji tal-baħar u t-trasport marittimu.

4.2.3

L-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi naturali fqiegħ l-oċean Atlantiku huwa mmirat lejn il-promozzjoni tas-sostenibbiltà, ir-riċerka u l-għarfien.

4.2.4

Ir-reazzjoni għal theddid u emerġenzi, li jirriżultaw kemm minn inċidenti kif ukoll minn diżastri naturali, li ttejjeb is-sigurtà u l-koordinazzjoni.

4.2.5

Tkabbir soċjalment inklużiv, peress li ħafna komunitajiet Atlantiċi għandhom bżonn joħolqu impjiegi ġodda f’attivitajiet emerġenti sabiex jissostitwixxu l-attivitajiet tradizzjonali li sejrin lura.

4.3   L-Istrumenti tal-UE huma taħlita strateġika tal-istrumenti finanzjarji u leġislattivi tal-UE.

4.4   L-implimentazzjoni tal-Istrateġija: għandu jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni sa tmiem l-2013.

4.4.1   L-għodod li ser jiġu użati huma: il-kooperazzjoni politika, xi miżuri speċifiċi fil-qafas ta’ ftehimiet u strutturi eżistenti, u t-taħlita tal-istrumenti leġislattivi u finanzjarji.

4.4.2   Għandu jinħoloq Forum Atlantiku, li jipparteċipaw fih l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-awtoritajiet reġjonali, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-industriji eżistenti. Il-Forum, li beda fl-2012 u ser jiġi xolt fl-2013, ser jinkludi workshops tematiċi u grupp ta’ riflessjoni.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li tipproponi approċċ fuq livell tal-baċir Atlantiku tal-Politika Marittima Integrata Ewropea (PMI). Il-PMI tipprovdi qafas komuni għall-politiki settorjali kollha b’impatt fuq il-baħar, filwaqt li jiġu evitati inkonsistenzi u ineffiċjenzi.

5.2   Il-KESE jqis li implimentazzjoni konkreta tal-PMI fl-Atlantiku tippermetti approċċ ġdid għall-iżvilupp tal-politiki relatati mal-baħar u sfruttament tal-opportunitajiet li għandu l-Atlantiku għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

5.3   Il-KESE jappoġġja l-approċċ li hija bbażata fuqu l-istrateġija: l-appoġġ kemm għas-setturi ekonomiċi emerġenti ġodda, kif ukoll għal stimolu mill-ġdid lis-setturi tradizzjonali, fil-qafas ta’ approċċ ta’ żvilupp sostenibbli.

5.4   Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-enerġiji tal-baħar rinnovabbli jkollhom l-appoġġ politiku u l-appoġġ finanzjarju massimu min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE peress li dawn jippermettu li titnaqqas il-marka tal-karbonju fl-Ewropa u jiġġeneraw attività industrijali u ekonomika importanti ħafna madwarhom, li tmur lil hinn mill-inħawi tal-portijiet qrib l-istallazzjonijiet tat-turbini tar-riħ.

5.5   L-Istrateġija għandha sservi bħala xprun tal-kapaċitajiet ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u produzzjoni tal-industrija tal-enerġija tal-baħar, tal-industrija awżiljarja tagħha u tan-netwerk ta’ loġistika tagħha fir-reġjuni tal-Atlantiku. Dan jippermetti kemm id-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika u kif ukoll l-orjentazzjoni mill-ġdid tas-setturi li jkunu sejrin lura.

5.6   Dawn il-kapaċitajiet ma jinkludux biss it-turbini tar-riħ fissi iżda wkoll it-turbini tar-riħ li jżommu fil-wiċċ.

5.7   Il-mewġ u l-mareji jikkostitwixxu riżorsa tal-enerġija u ekonomika ta’ potenzjal kbir, peress li dawn ir-riżorsi fl-Atlantiku huma fost l-aqwa fid-dinja kollha. Il-KESE jipproponi li l-Istrateġija dwar l-Atlantiku ssaħħaħ l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet.

5.8   Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-baħar jeħtieġu l-konnessjoni bejn iċ-ċentri ewlenin ta’ produzzjoni u dawk tal-konsum. In-netwerks ta’ konnessjoni bejn iċ-ċentri ta’ ġenerazzjoni u dawk ta’ konsum huma fundamentali għall-użu tal-potenzjal tal-enerġija tal-baħar, u dan jeħtieġ li jkun hemm netwerks tal-elettriku marittimi konnessi man-netwerks fuq l-art.

5.9   It-tarzna hija wkoll attività ekonomika tradizzjonali tar-reġjuni tal-Atlantiku li teħtieġ appoġġ, iżda minn bażijiet ġodda. Il-bini ta’ bastimenti teknoloġikament avvanzati, ambjentalment aktar effiċjenti, li jikkonformaw ma’ leġislazzjonijiet stretti rigward il-livelli ta’ emissjonijiet u tniġġis, kif ukoll il-firxa differenti ta’ dgħajjes assoċjati mal-enerġiji mir-riħ tal-baħar, jikkostitwixxu setturi ġodda li joffru futur għat-tarzni tal-Atlantiku.

5.10   Is-sitwazzjoni ġeografika separata minn ħafna komunitajiet tal-kosta Atlantika, b’mod partikolari ta’ xi gżejjer, teħtieġ li t-teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni jippermettu l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi innovattivi, il-ħolqien ta’ netwerks u l-kuntatt mas-swieq.

5.11   Il-KESE jipproponi li jissaħħu l-miżuri għal tkabbir soċjalment inklużiv fir-reġjuni tal-Atlantiku. It-taħriġ, speċjalment taż-żgħażagħ, huwa fundamentali. Għandu jiġi assigurat li l-għarfien u l-ħiliet jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet, in-negozji u ċ-ċentri ta’ tagħlim sekondarju għandha tittejjeb. Għandu jissaħħaħ id-djalogu soċjali.

5.12   Is-sajd huwa settur li sofra minn telf sinifikanti fl-impjiegi fid-deċennji reċenti, u għalhekk il-KESE jikkunsidra li l-lokalitajiet kostali tradizzjonalment involuti f’din l-attività jeħtieġu miżuri ta’ diversifikazzjoni u ta’ impetu għal attivitajiet ġodda. Is-sajd kostali fuq skala żgħira, il-ġbir tal-frott tal-baħar u l-akkwakultura huma l-aktar attivitajiet sostenibbli u huma fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ xi reġjuni kostali, u għalhekk għandhom importanza kulturali kbira.

5.13   Il-KESE jipproponi li jissaħħaħ l-użu tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, biex b’hekk jitnaqqas dak bit-toroq. L-awtostradi tal-baħar għandhom jiġu promossi, u għalhekk għandhom jittejbu s-sistemi ta’ intermodalità bejn il-portijiet u l-linji ferrovjarji.

5.14   Kif intwera f’diversi inċidenti, is-sigurtà fl-emerġenzi u t-theddid hija sfida kbira. Għandhom jiġu implimentati dispożizzjonijiet u sistemi li jsaħħu l-viġilanza u s-sigurtà. Il-KESE jipproponi rwol iktar importanti għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, it-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-adozzjoni ta’ leġislazzjonijiet xierqa, li jistgħu jevitaw ir-riskji attwali.

5.15   L-Istrateġija Atlantika tirrappreżenta opportunità għar-reġjuni interessati. Il-KESE jipproponi li jiġi adottat approċċ ambizzjuż sabiex isir użu mir-riżorsi kollha.

5.16   Il-Forum Atlantiku għandu jilqa’ b’mod adegwat il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fl-iżvilupp strateġiku tal-Atlantiku. Huwa importanti ħafna li minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, jipparteċipaw ukoll l-awtoritajiet reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.17   Il-KESE, membru tal-grupp ta’ mexxejja tal-Forum Atlantiku, jipproponi li n-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku (NTA) tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jipparteċipa fil-Forum, peress li huma atturi li jaġixxu f’dak il-qasam u huma indispensabbli għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Sabiex il-Pjan ta’ Azzjoni jirnexxi għandhom jipparteċipaw fit-tfassil tiegħu l-iktar atturi soċjali u reġjonali importanti.

5.18   Il-Forum jista’ jkollu rwol importanti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u tal-Istrateġija, u jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tippjana x-xoljiment tiegħu fil-bidu tal-fażi operattiva tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Kumitat jipproponi li l-Forum Atlantiku jibqa’ attiv anke wara t-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni.

6.   Il-kooperazzjoni Atlantika: netwerks u proġetti transnazzjonali ta’ kooperazzjoni

6.1   Sabiex jippromovu l-iżvilupp ibbilanċjat tal-UE nħolqu n-netwerks tar-reġjuni tal-Irlanda, tar-Renju Unit, ta’ Franza, ta’ Spanja u tal-Portugall, tal-bliet u tas-soċjetà ċivili f’dawn ir-reġjuni: kunsilli ekonomiċi u soċjali, kmamar tal-kummerċ, trejdjunjins, organizzazzjonijiet tan-negozju, organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, NGOs, universitajiet, eċċ.

6.2   Il-Kummissjoni Ark Atlantiku  (9), waħda mis-sitt kummissjonijiet ġeografiċi tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi tal-Ewropa (CPMR), tinkludi 24 reġjun tal-Atlantiku. Dan huwa forum politiku dwar l-interessi tar-reġjuni li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni transnazzjonali Atlantika fost proġetti komuni. Bl-istess mod, il-bliet tal-Atlantiku jinkoraġġixxu objettivi simili fil-qasam tal-Konferenza tal-Bliet tal-Ark Atlantiku  (10).

6.3   In-Netwerk Transnazzjonali Atlantiku  (11) (NTA) ta’ aġenti ekonomiċi u soċjali ġie mwaqqaf fl-2003, fejn ipparteċipaw il-kunsilli ekonomiċi u soċjali u l-kontropartijiet tagħhom tal-kosta Atlantika Brittanika, Franċiża, Spanjola u Portugiża madwar pjattaforma ta’ kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili taż-żona tal-Atlantiku. L-għan tiegħu huwa li jippromovi l-kooperazzjoni u l-promozzjoni ta’ politiki li, fil-qafas tal-integrazzjoni Ewropea, għandhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tar-reġjuni tal-Atlantiku, filwaqt li jtejbu l-kompetittività u l-koeżjoni soċjali u territorjali, u jegħlbu l-iżvantaġġ inerenti tas-sitwazzjoni ġeografika tagħhom.

6.4   L-NTA ħejja diversi studji u proposti fl-oqsma tal-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija, l-intermodalità fit-trasport tal-merkanzija, b’attenzjoni partikolari fuq it-trasport marittimu, il-portijiet u l-artijiet interni (“hinterlands”) tagħhom, u għas-sigurtà marittima taż-żona tal-Atlantiku. L-NTA reċentement ħadem fuq l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli tal-baħar u fuq l-Istrateġija Ewropea għall-Atlantiku

6.5   Jeżistu netwerks Atlantiċi oħra bħall-Kmamar tal-Agrikoltura tal-Ark Atlantiku (AC3A), u oħrajn fil-qasam universitarju. Il-Kummissjoni Ark Atlantiku ilha sa mill-2007 tilqa’ fi ħdan il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tagħha rappreżentanti minn dawn in-netwerks kollha, fi spazju komuni għal diskussjoni dwar kwistjonijiet strateġiċi għaż-żona tal-Atlantiku.

6.6   Il-kooperazzjoni tnediet fl-1989 permezz ta’ INTERREG. Fil-perjodu attwali ta’ programmar qegħdin jiġu żviluppati proġetti kbar ta’ natura integrali fl-oqsma tat-trasport u l-ħolqien ta’ cluster Atlantiku għall-enerġiji tal-baħar rinnovabbli.

6.7   Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-partijiet interessati: il-kooperazzjoni Atlantika sofriet mil-limitazzjonijiet tal-kooperazzjoni territorjali transnazzjonali b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ viżjoni strateġika, in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-proġetti, bir-riżultat ta’ telf ta’ sinerġiji, u l-proliferazzjoni ta’ proġetti ta’ natura mhux operattiva (12).

6.8   Il-KESE jqis li dan il-wirt ta’ kooperazzjoni dinamika u diversifikata bejn il-partijiet interessati tal-Atlantiku huwa bażi solida ħafna għall-implimentazzjoni ta’ esperjenzi ġodda ta’ kooperazzjoni b’ambizzjoni akbar u dimensjoni strateġika.

7.   Il-proposta tal-KESE: Strateġija Makroreġjonali għaż-Żona Atlantika

7.1   Il-KESE jqis li l-istrateġija makroreġjonali hija strument xieraq għar-reġjun Atlantiku. Il-promozzjoni tal-iżvilupp endoġenu tal-makroreġjun Atlantiku permezz ta’ strateġija ta’ firxa wiesgħa, ser tqiegħed liż-Żona Atlantika f’pożizzjoni aħjar għall-għanijiet tal-UE u tal-Istrateġija Ewropa 2020.

7.2   Il-Kunsill talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu jinkoraġġixxu l-istrateġiji makroreġjonali attwali u jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ oħrajn fil-futur.

7.3   Il-KESE jqis li r-raġunijiet ta’ bilanċ territorjali fl-UE jiġġustifika t-tħeġġiġ ta’ strateġija makroreġjonali fl-Atlantiku li tippermetti li jiġu indirizzati l-isfidi transnazzjonali li jaffettwaw din iż-żona. Is-sitwazzjoni tal-Ark Atlantiku fil-Punent tal-Ewropa hija enfasizzata bl-impetu mogħti lir-reġjuni tat-Tramuntana u taċ-ċentru tal-UE biż-żewġ strateġiji makroreġjonali attwali.

7.4   Il-preparazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 u l-konfigurazzjoni tal-politiki waqt il-perjodu l-ġdid joffru l-opportunità li minn issa jiġu adottati d-deċiżjonijiet xierqa.

7.5   Strateġija makroreġjonali hija opportunità biex tiġi sfruttata l-esperjenza rikka u intensa ta’ kooperazzjoni akkumulata u ssir qabża fil-kwalità lejn forom ta’ kooperazzjoni aktar kumplessi u ambizzjużi, iżda ż-Żona tal-Atlantiku teħtieġ tiżviluppa proġetti koumuni fuq skala kbira li ma jistgħux iseħħu permezz tal-istrumenti attwali.

7.6   Id-dimensjoni marittima Atlantika tikkawża ħafna mill-isfidi u opportunitajiet taż-Żona tal-Atlantiku, iżda meta jitqies li r-relazzjoni tagħha mat-territorju hija fundamentali, il-KESE jipproponi li flimkien mad-dimensjoni marittima tiġi inkorporata dik territorjali. It-territorju kontinentali jamministra u jiżviluppa l-artijiet interni, li mingħajrhom it-tisħiħ tal-potenzjal marittimu jkun nieqes minn kull sinifikat. Il-kosta marittima teħtieġ art interna attiva, dinamika u b’sinerġiji li jippermettu l-iżvilupp konsistenti tar-reġjun kollu.

7.7   Il-Parlament Ewropew iddikjara li huwa wkoll hu favur approċċ makroreġjonali li jinkludi pilastru marittimu u pilastru territorjali fiż-żona tal-Atlantiku (13).

8.   Struttura u pilastri tematiċi

8.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġi adottat qafas simili għall-Istrateġija tal-Baltiku:

8.1.1   Dokument strateġiku ċar u orjentat lejn l-azzjoni, li fih jinġabru l-pilastri tematiċi.

8.1.2   Pjan ta’ azzjoni bl-azzjonijiet prijoritarji li jiżviluppaw il-pilastri tematiċi u l-proġetti ewlenin.

8.1.3   Il-KESE jqis li hu meħtieġ li jiġu introdotti sistemi li jevalwaw il-progress tal-Istrateġija, peress li huwa proċess dinamiku u innovattiv li għandu jinkludi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni.

8.2   Il-KESE jipproponi li l-Istrateġija Makroreġjonali għar-Reġjun tal-Atlantiku tissejjes fuq il-pilastri tematiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020. B’dan il-mod il-kontenut tematiku u l-politiki settorjali jkunu relatati ma’ xulxin b’mod integrat.

8.3   Dimensjoni internazzjonali

8.3.1   L-Islanda u n-Norveġja huma żewġ pajjiżi Ewropej li anke huma jagħmlu parti mir-Reġjun Atlantiku u għandhom jipparteċipaw fl-istrateġija makroreġjonali, l-istess bħall-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe. L-Istati Membri tar-Reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana wkoll jistgħu jkunu interessati li jniedu strateġija makroreġjonali għal dan is-settur.

8.3.2   Il-pożizzjoni ġeopolitika tal-Atlantiku, ir-rabtiet storiċi u kulturali u l-esperjenza ta’ kooperazzjoni għandhom jiġu integrati fi strateġija makroreġjonali Atlantika. Id-dimensjoni trans-Atlantika hija fundamentali, u r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Amerika Ċentrali u tan-Nofsinhar u l-Afrika huma strateġiċi għall-UE.

8.4   Tkabbir sostenibbli

8.4.1   Ir-reġjun Atlantiku jeħtieġ sistema ta’ trasport aktar sostenibbli sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq it-trasport bit-triq, li għandu rati ogħla ta’ emissjonijiet tas-CO2 minn mezzi oħra. It-traffiku għandu jiġi ttrasferit lejn il-baħar billi jissaħħaħ t-trasport marittimu: l-awtostradi tal-baħar u l-konnessjonijiet tal-portijiet fuq l-art, billi jintużaw b’mod prijoritarju l-linji ferrovjarji. Dan jinvolvi l-ippjanar taż-żoni tal-portijiet, ir-relazzjonijiet bejn il-portijiet u l-bliet u n-netwerks u l-pjattaformi tat-trasport kollha. Is-sigurtà marittima u l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u reazzjoni għad-diżastri għandhom jiġu inklużi.

8.4.2   Is-sostenibbiltà tal-ambjent tal-baħar hija interrelatata u hija vulnerabbli ħafna għall-pressjonijiet minn attivitajiet diversi tal-bniedem, inklużi t-tniġġis mifrux tal-art u l-ilmijiet interni li jintremew fl-Atlantiku.

8.4.3   Is-sostenibbiltà tal-kosta u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali għandhom jinkludu, minbarra l-attivitajiet ekonomiċi u ta’ tniġġis tal-kosta, il-fenomenu tal-konċentrazzjoni qawwija fil-kosta tal-iżvilupp urban u r-relazzjoni bejn dawk kostali u interni.

8.4.4   Għandhom jiġu inklużi l-miżuri ta’ adattament u prevenzjoni għat-tibdil fil-klima u l-impatt ta’ dan fuq il-kosti urbani u naturali.

8.4.5   Il-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli fl-Atlantiku jikkostitwixxi sors kbir ta’ enerġija nadifa u lokali, li s’issa għadha ma ġietx żviluppata.

8.5   Tkabbir intelliġenti

8.5.1   Il-komunikazzjoni tal-Atlantiku fl-assi tiegħu tat-Tramuntana/Nofsinhar u l-konnessjoni tiegħu mas-swieq Ewropej Ċentrali u tal-Lvant ifissru fattur ta’ kompetizzjoni importanti ħafna li għandu jinkiseb billi jinħoloq kuritur bejn il-port u l-ferrovija tal-Atlantiku. Il-konnessjonijiet Atlantiċi bl-ajru wkoll mhumiex biżżejjed.

8.5.2   L-użu tar-riżorsi Atlantiċi bħall-enerġiji tal-baħar rinnovabbli, il-bijoteknoloġiji tal-baħar u depożiti oħra mis-saff ta’ taħt il-baħar, joffru l-opportunità li jinħolqu setturi ekonomiċi b’saħħithom, innovattivi ħafna, li jistgħu joħolqu ġid u impjieg.

8.5.3   Dawn il-politiki jeħtieġu l-involviment importanti tal-aġenti ekonomiċi u soċjali u tal-aġenti xjentifiċi, teknoloġiċi u finanzjarji. Ikun meħtieġ li jiġu mfassla għanijiet f’oqsma bħall-infrastruttura, l-industrija, it-taħriġ, il-politika ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni, il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet, iċ-ċentri teknoloġiċi u n-negozji, il-ħolqien ta’ clusters, eċċ.

8.5.4   Ir-riċerka fis-sistemi u t-teknoloġiċi ambjentali avvanzati qed tiftaħ strateġiji ġodda u orizzonti ġodda għall-attivitajiet Atlantiċi tradizzjonali li sejrin lura, bħas-sajd u t-tarzna. Is-settur nawtiku huwa qawwi ħafna u jikkontribwixxi għall-istrateġiji ta’ żvilupp.

8.5.5   It-turiżmu nawtiku u ta’ villeġġjatura jikkostitwixxi qafas attraenti li għandu jissaħħaħ, fl-aspetti relatati kemm mal-wirt naturali kif ukoll mal-wirt kulturali. It-turiżmu jiġġenera attività ekonomika u impjieg, u barra minn hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-identità Atlantika u Ewropea.

8.6   Tkabbir inklużiv

8.6.1   L-istrateġija Atlantika għandha tinkludi dimensjoni soċjali importanti. L-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għandhom jagħmluha aktar faċli għall-popolazzjonijiet li jgħixu fir-reġjuni Atlantiċi sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja u ma jabbandunawx it-territorju.

8.6.2   L-awtoritajiet reġjonali għandhom jippromovu d-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili.

8.6.3   Hija prijorità li jittejjeb it-taħriġ fi kwistjonijiet marittimi u nawtiċi, kif ukoll li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ taħriġ.

8.6.4   It-teknoloġiji tal-informazzjoni jeħtieġu aktar żvilupp, speċjalment fiż-żoni l-aktar remoti tar-reġjun Atlantiku, li jeħtieġu konnettività aħjar.

8.6.5   Abbażi ta’ approċċ integrat favur il-koeżjoni territorjali, huwa meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni tal-villaġġi żgħar tal-kosta, il-gżejjer, il-bliet u żoni metropolitani u l-lokalitajiet rurali.

9.   Governanza u finanzjament

9.1   Il-KESE jqis li t-Trattat jipprovdi numru ta’ bażijiet legali li fuqhom jistgħu jiġu bbażati dawn il-politiki, fost oħrajn, l-Artikoli minn 174 sa 178 (Koeżjoni), 38 u 39 (Agrikoltura u Sajd), minn 90 sa 100 (Trasport), 170 u 171 (Netwerks Ewropej tat-Trasport), 173 (Industrija) minn 191 sa 193 (Ambjent), 194 (Enerġija), 195 (Turiżmu) u 349 (Reġjuni l-aktar imbiegħda).

9.2   L-istrateġija għandha tkun Ewropea, imfassla mill-Kummissjoni, approvata mill-Kunsill u l-Parlament u appoġġjata mill-KESE u l-KtR. Hemm bżonn ta’ impenn b’saħħtu min-naħa tal-Istati Membri tal-kosta Atlantika sabiex din tiġi implimentata.

9.3   Għandha tiġi implimentata bħala parti minn proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-partijiet interessati kollha, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm fil-qasam istituzzjonali kif ukoll dak tas-soċjetà ċivili organizzata.

9.4   Għandhom jipparteċipaw diversi partijiet interessati li jistgħu jiġu mobilizzati biss permezz ta’ mudell ta’ governanza f’diversi livelli, li jkoprihom kollha, u jiffaċilita l-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħhom b’mod ibbilanċjat u strutturat.

9.5   Il-KESE jqis li għandhom jitneħħew il-limitazzjonijiet tat-“tliet rifjuti”, waqt li jitqiesu l-esperjenzi tal-Baħar Baltiku u tar-Reġjun tad-Danubju, għaliex, fil-futur ser ikunu meħtieġa strumenti ġodda leġislattivi, amministrattivi u finanzjarji sabiex l-istrateġiji makroreġjonali jirnexxu.

9.6   Il-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha rwol ta’ faċilitatur u koordinatur tal-azzjonijiet.

9.7   Għandu jitwaqqaf grupp b’rappreżentanti ta’ livell għoli mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-PE, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni.

9.8   Il-punti ta’ kuntatt f’kull wieħed mill-5 Stati Membri kkonċernati ser jieħdu ħsieb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet nazzjonali fl-Istrateġija.

9.9   Il-koordinaturi għal kull qasam prijoritarju u l-koordinaturi tal-proġetti jistgħu jiġu kemm minn korpi statali kif ukoll minn dawk reġjonali jew lokali.

9.10   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tal-Forum Atlantiku, li permezz ta’ approċċ ta’governanza fuq diversi livelli jissodisfa u jikkanalizza l-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-partijiet interessati kollha, mhux biss fit-tfassil iżda wkoll fil-proċess ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni tal-Istrateġija. Fil-Forum Atlantiku għandhom jipparteċipaw l-awtoritajiet reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: il-kumpaniji, it-trejdjunjins, l-ekonomija soċjali, l-universitajiet u ċ-ċentri teknoloġiċi u partijiet interessati oħra li għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet tagħhom.

9.11   Il-prinċipju ta’ “ebda finanzjament addizzjonali” jindika li l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni huma l-iktar sors ta’ finanzjament importanti għall-istrateġija makroreġjonali. Iżda l-KESE jqis li fil-futur ser ikun meħtieġ finanzjament speċifiku.

9.12   Il-KESE jqis li l-fondi li jintużaw bħalissa għandhom xi restrizzjonijiet għall-finanzjament ta’ xi proġetti strateġiċi. Jeħtieġ li jiġu estiżi l-istrumenti tal-finanzjament bl-użu wkoll tal-fondi tal-UE marbutin mal-politiki settorjali.

9.13   Il-Bank Ewropew għall-Investiment ukoll jista’ jipprovdi finanzjament għal proġetti konkreti. Ir-riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jikkofinanzjaw il-proġetti, kif ukoll is-sħubija pubblika-privata.

9.14   Il-kuntest attwali ta’ konfigurazzjoni tal-qafas multiannwali ta’ finanzjament Komunitarju u ta’ riforma tal-politika reġjonali tal-UE huwa l-ħin opportun biex jiġi żgurat li r-regolazzjoni tal-fondi tippermetti l-finanzjament tal-istrateġiji makroreġjonali.

9.15   Sabiex l-azzjonijiet u l-proġetti tal-Istrateġija Makroreġjonali tal-Atlantiku jkunu jistgħu jiġu inkorporati fl-ipprogrammar tal-fondi għall-perjodu 2014-2020, huwa xieraq li d-deċiżjonijiet jittieħdu matul l-2013 sabiex l-istrateġija makroreġjonali tkun operattiva fil-bidu tal-perjodu l-ġdid ta’ programmar.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-10 ta’ Ġunju 2009, dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku (COM (2009) 248 final).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju (COM (2009) 715 final).

(3)  Ara l-punt 1.

(4)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 2 u ĠU C 248, 25.8.2011, p. 81

(5)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR) (COM (2011) 381 final).

(6)  Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020. Lejn Ewropa ta’ Diversi Reġjuni Inklużiva, Intelliġenti u Sostenibbli tad-19 ta’ Mejju 2011.

(7)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (COM (2011) 611 final).

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Niżviluppaw strateġija marittima għaż-żona tal-Oċean Atlantiku, tal-21.11.2011, COM(2011)782 final.

(9)  http://arcatlantique.org.

(10)  http://www.atlanticcities.eu.

(11)  Welsh Economic Forum, Conseils Économiques, Sociaux et Environnementaux Régionaux de Basse-Normandie, Bretagne, Pays de la Loire, Poitou-Charentes, Aquitaine, Centre y Limousin; Consejos Económicos y Sociales de País Vasco, Cantabria, Asturias, Galicia y Canarias; Instituto de Soldadura e Qualidade de Lisboa, USALGARVE.

(12)  Schéma de Développement de l'Espace Atlantique (SDEA), Kummissjoni Ark Atlantiku-CRPM.

(13)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Marzu 2011, dwar l-Istrateġija Ewropea għar-reġjun tal-Atlantiku.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020”

COM(2011) 398 final — 2011/0177 (APP)

u dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020”

COM(2011) 500 final

2012/C 229/06

Relatur: is-Sur PALMIERI

Korelatur: is-Sur KRAWCZYK

Nhar id-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Baġit għall-Ewropa 2020

COM(2011) 500 final.

Nhar id-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020

COM(2011) 398 final — 2011/0177 (APP)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’165 vot favur, 9 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jifhem l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tipprova tasal għal bilanċ fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali ġdid (QFM) li jindirizza żewġ ħtiġijiet opposti fi klima soċjali, ekonomika u politika kumplessa. L-ewwel ħtieġa hija r-rieda min-naħa ta’ xi Stati Membri li jillimitaw in-nefqa pubblika minħabba l-kriżi, u din inevitabbilment se tinfluwenza l-evoluzzjoni tad-dibattitu u l-kontenut tal-ftehim finali. It-tieni hija n-neċessità li jiġu indirizzati b’mod adegwat u effikaċi l-isfidi ambizzjużi li l-UE qed tiffaċċja, kemm dawk li joriġinaw mit-Trattat ta’ Lisbona kif ukoll dawk mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2   Fil-fatt, l-Ewropa qiegħda f’qagħda diffiċli minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika serja kif ukoll minħabba nuqqas ta’ reazzjoni komuni fl-Istati Membri diversi biex tiġi ffaċċjata l-kriżi. Dan jista’ jwassal biex ikun hemm dubji dwar il-funzjonament u anke l-prospettivi tal-Unjoni Ewropea.

1.3   F’opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat stqarr, u qed jerġa’ jtenni, bi qbil mal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, li l-isfidi ambizzjużi tal-UE jagħmlu t-tkabbir tad-daqs tal-baġit Komunitarju mhux biss awspikabbli iżda meħtieġ biex it-tkabbir u l-impjiegi jingħataw ħajja ġdida. Il-Kumitat jaqbel mal-messaġġ li għandna bżonn ta’ aktar Ewropa (u aqwa) u mhux inqas. Għal kuntrarju, l-iffriżar tal-QFM f’termini reali fil-livell attwali jista’ jfisser il-falliment li jiġu indirizzati l-isfidi li l-UE jkollha tiffaċċja fis-snin li ġejjin.

1.4   Għaldaqstant, il-Kummissjoni tidher li hija orjentata wisq lejn approċċ fejn jinżamm l-istatus quo, kemm fir-rigward tar-riżorsi allokati kif ukoll l-istruttura tal-baġit, u minn dan żbilanċ bejn id-dimensjoni u l-kwalità tal-isfidi l-ġodda li qed tiffaċċja l-UE u r-riżorsi disponibbli, jew, fi kliem ieħor, bejn l-ambizzjonijiet tal-Ewropa u l-mezzi li għandha biex twettaqhom.

1.5   Barra minn hekk il-KESE jaħseb li d-diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE trid tiffoka fuq kemm hija effettiva f’termini tal-proġett politiku tal-UE, li issa hemm dubji serji dwaru minħabba fil-kriżi. Kull valutazzjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali għandha tkun ibbażata fuq kif l-UE tingħata l-mezzi meħtieġa biex issegwi l-prijoritajiet strateġiċi tagħha mingħajr ma żżid il-piż fiskali taċ-ċittadini u n-negozji, jiġifieri kemm jista’ jikber il-valur miżjud (1) fil-livell Ewropew bl-istess piż fuq iċ-ċittadini Ewropej.

1.6   Fid-dettal tal-proposta, il-Kumitat jaqbel mat-titjib u s-semplifikazzjoni tal-istruttura baġitarja tal-UE, b’tali mod li d-dibattitu dwar il-kwistjonijiet ta’ ritorn ġust u l-ekwità orizzontali bejn l-Istati Membri jonqos sostanzjalment, u minflok l-attenzjoni tkun fuq it-twettiq effikaċi tal-objettivi strateġiċi Ewropej.

1.7   Min-naħa tad-dħul, innovazzjoni kbira hija l-proposta biex tiġi introdotta sistema ġdida ta’ riżorsi proprji, mit-tibdil fir-riżors tal-VAT u t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF). Il-Kumitat diġà approvaha bil-għan li nduru lura għall-ispirtu oriġinali tat-Trattat ta’ Ruma (2) u l-UE tingħata awtonomija finanzjarja adatta.

1.7.1   Il-Kumitat jappoġġja t-tibdil tar-riżors proprju tal-VAT sabiex jikkontribwixxi għal żvilupp tas-suq intern tal-UE li jevita d-distorzjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni li fil-proposta tal-Kummissjoni m’hemmx data preċiża dwar il-bidliet fl-istruttura tal-VAT u dwar x’ser ifissru dawn il-bidliet f’termini monetarji għal kull Stat Membru. Filwaqt li l-Kumitat itenni dak li qal dwar il-bżonn tal-implimentazzjoni tat-TTF fil-livell globali, jisħaq li (permezz ta’ rata minima li tapplika għall-Istati Membri kollha) l-introduzzjoni tat-TTF fil-livell Ewropew tippermetti kontribut ikbar tas-settur finanzjarju għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri kif ukoll tnaqqis fil-volatilità ekonomika li tirriżulta minn azzjonijiet purament spekulattivi.

1.8   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 se jkunu meħtieġa għadd sostanzjali ta’ riżorsi lil hinn minn dawk previsti mill-QFM; il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li tiġi studjata l-idea li jinħolqu strumenti finanzjarji innovattivi li jkopru dawn l-investimenti (Bonds fuq proġetti), anke jekk biss bħala segwitu ta’ valutazzjoni ddettaljata tal-konsegwenzi eventwali u tat-trasferiment possibbli tar-riskju għas-settur pubbliku.

1.9   Min-naħa tan-nefqa, il-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni jeħtieġu risposta li tista’ tingħata biss fil-livell tal-UE: dan hu speċifikament “il-valur miżjud Ewropew”, fejn euro li tintefaq fil-livell tal-UE hija aktar effettiva minn waħda li tintefaq fil-livell nazzjonali. Dawn huma “beni pubbliċ Ewropej”, li ma’ jistgħux jitwasslu b’mod effikaċi fil-livell nazzjonali (minħabba fallimenti tas-suq jew ekonomiji ta’ skala li ma jistgħux jiġu riprodotti fil-livell nazzjonali) u għalhekk jeħtieġu interventi effettivi mill-UE.

1.10   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma tal-PAK, li għandha ħsieb li twassal għal mudell Ewropew tal-agrikoltura effiċjenti u effikaċi u valur miżjud ġenwin għall-UE. Il-Kumitat diġà esprima, u qed itenni hawnhekk, it-twemmin sod tiegħu li l-PAK – flimkien mal-politika komuni tas-sajd (PKS) – għandhom jitfasslu b’mod li jsaħħu r-rabta bejn l-agrikoltura, il-foresterija u s-sajd fuq naħa u l-ħarsien ambjentali u s-sostenibbiltà tar-riżorsi naturali fuq in-naħa l-oħra. Dan għandu jippermetti biex jiġu valutati l-prattiki ambjentali tajba mingħajr ma jitħalla barra l-appoġġ għall-vitalità ekonomika u l-kompetittività tal-intrapriżi agrikoli u tas-sajjieda, f’xenarju kkaratterizzat minn volatilità qawwija tal-prezzijiet tal-prodott primarji.

1.11   Fir-rigward tas-sistema tal-pagamenti diretti, il-KESE jenfasizza li l-mira li jiġu armonizzati l-kondizzjonijiet kompetittivi tal-bdiewa Ewropej u li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda trid titwettaq permezz ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-effetti li jistgħu jaħllu impatt fuq l-Istati Membri kollha. Sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jista’ jkollhom konsegwenzi soċjali, għandu jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru ma jkun irċieva pagamenti diretti inqas minn 90 % tal-medja tal-UE27 fi tmiem il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020.

1.12   L-Artikolu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona għandu jkun il-prinċipju gwida għall-futur tal-Politika ta’ Koeżjoni: “… l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti.”

1.13   Rigward il-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li l-attenzjoni fuq ftit prioritajiet ewlenin tal-UE hija konvinċenti, il-Kumitat huwa kontra l-applikazzjoni ta’ kondizzjonalità makroekonomika għat-tqassim tal-fondi mmirati għall-politiki ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-introduzzjoni tal-kategorija l-ġdida “reġjuni ta’ tranżizzjoni” minflok il-kategoriji “introduzzjoni gradwali” jew “tneħħija gradwali” m’għandhiex tippenalizza r-riżorsi għar-reġjuni l-anqas żviluppati, u li l-Fond ta’ Koeżjoni m’għandhux jintuża b’mod mhux adatt għal kompiti oħrajn li huma barra mill-ambitu oriġinali. Madanakollu, eċċezzjonalment, il-fondi li jifdal mill-qafas 2007-2013 jistgħu jintużaw sabiex jiffinanzjaw qafas Ewropew għat-tkabbir imniedi mill-Unjoni. Dan jista’ jsir ukoll u għal perjodu limitat, pereżempju l-ewwel tliet snin, għall-fondi tal-qafas li jmiss tal-2014-2020.

1.14   Il-Kumitat jemmen li, jekk l-għanijiet tal-QFM il-ġdid ser jintlaħqu b’mod effettiv, il-baġit tal-UE għandu jkun eżemplari, effiċjenti, effikaċi u trasparenti, ħalli jikseb il-kredibbiltà fl-għajnejn il-pubbliku Ewropew u jservi ta’ eżempju ċar kemm tal-vantaġġi tal-Ewropa kif ukoll tal-ispiża marbuta man-nuqqas ta’ Ewropa. Għalhekk, il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sistema li titwaqqaf jew tiġi implimentata biex tissorvelja r-riżultati tal-politiki kollha tal-UE biex tivvaluta l-impatt soċjali, ekonomiku u reġjonali tagħhom.

1.15   Filwaqt li jqis il-proposti tal-Kummissjoni bħala punt ta’ tluq għan-negozjati attwali, u fuq il-bażi tar-rakomandazzjonijiet li saru f’din l-opinjoni, il-Kumitat jieħu impenn li jissorvelja u jikkummenta dwar kif dawn jissarrfu f’tibdil leġislattiv.

2.   Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020

2.1   Din l-opinjoni hija dwar il-Proposta għal-Regolament tal-Kunsill COM(2011) 398 final. Dan hu l-att implimentattiv tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea COM(2011) 500 final tad-29 ta’ Ġunju 2011 – Baġit għal Ewropa 2020 u bħala tali jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) 2014-2020.

2.2   B’mod globali il-QFM jirrigwarda EUR 1 025 bn, li huma ekwivalenti għal 1,5 % tad-dħul nazzjonali gross (DNG), flimkien ma’ EUR 58,5 bn oħra għal spejjeż li mhumiex tal-QFM (Fond tal-Iżvilupp Ewropew u Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni). It-total huwa kważi l-istess – jekk tneħħi l-inflazzjoni – bħall-QFM tal-perjodu preċedenti (2007-2013), li kien iffissat għal EUR 994 bn.

2.3   Il-bidliet fuq in-naħa tal-ispiża huma:

is-semplifikazzjoni permezz ta’ programmi u miri inqas biex tonqos il-burokrazija żejda għar-riċevituri u biex titħaffef il-valutazzjoni tal-impatt;

it-tnaqqis fir-riżorsi tal-fondi strutturali (FEŻR, FSE, Fond tal-Koeżjoni) li – mill-valur bażiku tal-mekkaniżmu “Nikkollegaw l-Ewropa” – jgħaddu minn EUR 355 bn għal 336 bn, bil-ħolqien ta’ kategorija ġdida “reġjun ta’ tranżizzjoni” li tieħu post is-sistema attwali ta’ tneħħija gradwali u introduzzjoni gradwali;

il-ħolqien ta’ Qafas Strateġiku Komuni għall-fondi strutturali u għall-iżvilupp rurali u s-sajd, u Orizzont 2020, li jkopri r-riċerka u l-innovazzjoni, bis-sehem ewlieni tal-Istitut Ewropew għat-Teknoloġija;

Faċilità ġdida Nikkollegaw l-Ewropa għal trasport fuq skala kbira, enerġija, u netwerks tal-ICT (EUR 40 bn mill-Fond tal-Koeżjoni);

it-tnedija tar-riforma tal-PAK u tnaqqis żgħir fid-daqs tagħha fil-perċentwali fuq il-baġit globali (60 bn fis-sena) u f’termini reali (3), kif ukoll rabta aktar mill-qrib mat-tibdil ambjentali (ekoloġizzar) u l-impenn għal flessibbiltà akbar;

żjieda fil-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-edukazzjoni u t-taħriġ (EUR 80 bn).

2.4   Min-naħa tad-dħul, qed tiġi proposta bidla gradwali minn baġit iddominat mill-kontributi bbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) lejn waħda armonizzata msejsa fuq riżorsi ġenwinament proprji u b’mekkaniżmi ta’ korrezzjoni mġedda. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi li tneħħi r-riżorsi attwali bbażati fuq il-VAT u minflokhom – tal-anqas mill-2018 – iddaħħal sistema ta’ riżorsi proprji bbażata fuq l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) u taxxa ġdida fuq il-valur miżjud (VAT) li tista’ ssaħħaħ l-armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali varji u tneħħi l-eżenzjonijiet u d-derogi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Jidher ċar l-isforz tal-Kummissjoni li toħloq bilanċ fuq il-QFM il-ġdid fi żmien li huwa partikolarment diffiċli għat-tħaddim u l-futur tal-UE, kemm minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-Ewropa kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ qbil fir-reazzjoni mill-Istati Membri. Dan huwa bilanċ bejn talbiet opposti li t-tnejn għandhom l-importanza tagħhom: fuq naħa, il-klima tal-awsterità li nħolqot mill-kriżi u bħala konsegwenza, ir-rieda li tiġi limitata n-nefqa pubblika, li inevitabbliment ser tkompli tinfluwenza d-dibattitu u s-sustanza tal-ftehim aħħari; u min-naħa l-oħra, id-disponibbiltà ta’ riżorsi finanzjarji adegwati sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi ambizzjużi li qed tiffaċċja l-UE.

3.2   Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni Baġit għall-Ewropa 2020 trid tidher fid-dawl tal-kuntest ekonomiku attwali u s-sitwazzjoni politika. Filwaqt li kull diskussjoni dwar il-baġit tal-UE ma tistax ma tiqafx fuq ir-rwol tal-integrazzjoni tal-UE illum biex inkunu nistgħu nilqgħu l-isfidi ta’ dinja fi tranżizzjoni, irridu nifhmu wkoll kemm l-Istati Membri huma lesti li jagħrfu u jassiguraw dan ir-rwol lill-UE.

3.2.1   In-negozjati iebsa li wasslu għall-QFM 2007-2013, kif ukoll id-diffikultajiet fl-adozzjoni tal-baġit tal-UE 2011 u l-ittra lill-President tal-Kummissjoni s-Sur Barroso ffirmata minn disa’ kapijiet ta’ gvern ta’ Istati Membri (4) fis-sajf tal-2011, jissuġġerixxu li tal-anqas numru sinifikanti ta’ pajjiżi jridu impenn finazjarju Ewropew kemm jista’ jkun minimu, li x’aktarx iwassal – għal darb’oħra – għal negozjati delikati u kumplessi.

3.3   Madankollu, f’sitwazzjoni li fiha l-UE għandha quddiema sfidi akbar u aktar iebsin (ekonomiċi, finanzjarji, kriżi soċjali, kompetittività, tibdil fil-klima, eċċ.), il-proposta tal-Kummissjoni tidher li qed tfittex wisq li żżomm l-affarijiet kif inhuma. Fi kliem ieħor jidher li qed tinkorpora n-nuqqas ta’ qbil bejn in-natura u l-iskala tal-isfidi l-ġodda li l-UE għandha quddiema u r-riżorsi disponibbli – jiġifieri bejn l-ambizzjonijiet Ewropej u l-mezzi biex jintlaħqu.

3.4   Il-Kumitat preċedentement stqarr (5) u qed jerġa’ jtenni li ż-żjieda fil-baġit tal-UE mhux biss hija awspikabbli imma meħtieġa minħabba fl-iskala tal-isfidi l-ġodda li jeħtieġu risposta komuni: “Ir-reviżjoni tal-baġita tal-UE mhijiex kwistjoni ta’ numri iżda strument għal proġett politiku. Illum il-ġurnata l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-mezzi baġitarji biex timplimenta la l-istrateġija politika tagħha u lanqas l-impenji tagħha mogħtija mit-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid”.

3.4.1   Hawnhekk nixtiequ ntennu l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew li s-soluzzjoni għall-kriżi u l-isfidi li għandha quddiema l-UE hija Ewropa aktar preżenti u mhux inqas. Minn din il-perspettiva, l-iffriżar tal-QFM f’termini reali fil-livell attwali – kif qed tipproponi l-Kummissjoni – jfisser il-falliment li jiġu indirizzati ħafna mill-isfidi li l-UE jkollha tiffaċċja fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant, huwa qed jappella għal żjieda ta’ 5 % fir-riżorsi fil-QFM li jmiss, filwaqt li jisfida lill-Kunsill – jekk jiddeċiedi mod ieħor – biex jiċċara l-prijoritajiet politiċi u l-proġetti li jkollhom jitneħħew, minkejja l-prova li taw ta’ valur miżju Ewropew fil-perjodu 2014-2020 (6).

3.4.2   Bl-istess mod, il-Kumitat tar-Reġjuni “jemmen li l-livell ta’ finanzjament propost għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala l-minimu assolut meħtieġ biex jinkisbu l-ambizzjonijiet li l-Istati Membri qablu dwarhom għall-Unjoni”, u “li hemm bżonn bidla fil-perċezzjoni, partikolarment fost it-Teżori nazzjonali, biex il-kompiti ewlenin tal-UE jiġu kkunsidrati bħala investiment minflok bħala spiża” (7) .

3.4.3   Barra minn hekk, it-tibdil li jdaħħal it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jfisser li l-istabbiliment tal-QFM 2013-2020 m’għadux ir-responsabbiltà esklissiva tal-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri peress li l-Parlament Ewropew għandu influwenza akbar f’kuntest ta’ trasparenza demokratika. Dan l-arranġament il-ġdid jipprovdi opportunitajiet għas-soċjetà ċivili – u b’hekk b’mod partikolari għall-KESE – li jissorveljaw it-tħejjija tal-QFM il-ġdid u biex jieħu sehem attiv fid-dibattitu b’koordinazzjoni mill-viċin mal-Parlament Ewropew.

3.5   Konsegwentement, il-KESE jimpenja ruħu biex jimmonitorja u jintervjeni fil-proċess tan-negozjati li permezz tiegħu l-proposta tal-Kummissjoni tiġi tradotta b’mod konkret f’bidliet leġislattivi. Ir-rwol tal-QFM huwa li jagħti lill-UE l-mezzi neċessarji biex twettaq il-prijoritajiet tagħha mingħajr ma jiżdied il-piż fiskali taċ-ċittadini u l-intrapriżi, u għandu jiġi vvalutat, neċessarjament, skont dawn il-kriterji.

3.6   Għaldaqstant, attenzjoni akbar lir-riżultati, trid twassal għal bidla fl-attenzjoni mir-rispett formali tar-regoli – kollha dwar l-ammont tan-nefqa – għal kontrol ġenwin ta’ kemm il-fondi qed jintużaw b’mod tajjeb u effettiv biex jilħqu r-riżultati, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-politika ta’ koeżjoni u l-PAK. Din il-bidla fil-viżjoni, ifformulata b’mod espliċitu fl-idea ta’ valur miżjud akbar fin-nefqa tal-UE, tirrikjedi approċċ koerenti kemm fil-mekkaniżmi tal-ġestjoni kif ukoll f’dawk tal-kontroll.

3.7   M’għandniex ninsew li għalkemm il-baġit tal-UE jammonta għal madwar 1.1 % tad-DNG, fuq il-perjodu 2007-2013 jirrappreżenta allokazzjonijiet importanti ta’ riżorsi għall-investimenti, li jekk jintużaw tajjeb, jistgħu joffru lieva importanti għat-tkabbir ekonomiku tal-UE. Għalhekk il-KESE jittama li jissaħħu s-sinerġiji t-tajbin bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-għanijiet strateġiċi ewlenin tal-Ewropa.

3.8   Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-QFM 2014-2020 jispira l-fiduċja u l-kredibilità fiċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jenfasizza kemm il-vantaġġi tal-Ewropa kif ukoll x’tiġi tiswa l-assenza tal-Ewropa. Biex dan isir, il-baġit tal-UE jrid ikun:

ġestit tajjeb u ma jissarrafx fi spejjeż amministrattivi eċċessivi;

effiċjenti fl-iffrankar li jsir fil-QFM attwali;

effikaċi fil-faċilitar tal-mod kif jilħaq il-miri stabbiliti u jkollu impatt viżibbli fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

trasparenti u sorveljabbli f’kull aspett li jirrigwarda l-ispejjeż, ir-riżorsi użati u r-riżultati li jinkisbu;

immirat lejn ir-rispett tal-priniċpji Komunitarji tas-solidarjetà, il-kompetizzjoni ġusta u l-kompetittività.

3.9   Il-KESE jemmen li d-diskussjoni tal-validità tal-proposta tal-Kummissjoni hija possibbli biss jekk il-proposta tiġi vvalutata biex tassigura:

il-valur miżjud tagħha Ewropew u l-prijoritajiet strateġiċi korretti;

il-kapaċità li taġixxi għall-isfidi tal-kriżi filwaqt li tmexxi l-Ewropa lejn strateġija ta’ żvilupp solidari, fid-dawl tat-tendenza tal-Istati Membri li jnaqqsu l-infiq pubbliku nazzjonali.

3.9.1   Rigward il-valur Ewropew miżjud, il-Kummissjoni tidentifika l-prijoritajiet importanti li għalihom tista’ tingħata risposta biss fil-livell tal-UE. Dawn jikkonċernaw “Beni pubbliċi Ewropej” – oqsma ta’ azzjoni li fihom euro minfuqa fil-livell tal-UE hija aktar effikaċi minn waħda minfuqa fil-livell nazzjonali.

3.9.2   Fost il-beni pubbliċi Ewropej hemm ir-riċerka u l-iżvilupp, id-difiża komuni, is-sigurtà tal-ikel, l-immigrazzjoni u d-dritt għall-ażil, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, u investiment fl-infrastruttura pan-Ewropea fl-enerġija, il-komunikazzjonijiet u s-suq uniku (li għad irid jitlesta). Il-QFM 2014-2020 għandu żidiet importanti fl-allokazzjonijiet tal-baġit għal dawn l-oqsma strateġiċi meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu 2007-2013, minkejja l-baġit awster.

3.9.3   Għalkemm il-KESE jagħraf l-importanza tal-innovazzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni, ikollu jindika li ma kien hemm l-ebda dibattitu dwar dawn il-prijoritajiet. Ir-riskju li jsegwi huwa li l-baġit tal-UE ma jirnexxilux b’dan il-mod jindirizza b’mod dirett il-kwistjonijiet kruċjali li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali u jibqa’ soġġett għall-pressjoni ta’ gruppi speċifiċi ta’ interess.

3.10   F’dan il-kuntest delikat, il-KESE jtenni (8) li l-politika baġitarja tal-UE trid tiġi definita b’mod konsistenti mal-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu u s-sistema intergovernattiva, u b’hekk isegwi l-livell mixtieq ta’ integrazzjoni. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ritorn ġust għall-Istati Membri huwa bbażat fuq kontabbiltà tar-riżorsi finanzjarji f’termini tal-PDG, li jmur kontra l-ittra u l-ispirtu tat-tratti tal-UE.

3.10.1   Is-sistema attwali ta’ riżorsi, abbażi tal-kontributi tal-Istati Membri, fil-fatt hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti, u ddgħajjef l-eżerċizzju tal-kontroll demokratiku fuq is-sistema nnifisha; ma tgħinx biex jiġi enfasizzat l-impenn favur l-integrazzjoni Ewropea; toħloq il-perċezzjoni li l-kontribut mogħti lill-UE huwa biss spiża oħra għall-baġits nazzjonali u għaldaqstant tillimita r-riżorsi disponibbli għall-politiki Komunitarji; ma tweġibx għall-ħtiġijiet biex tinħoloq rabta diretta bejn l-UE u ċ-ċittadini.

3.11   Il-KESE jtenni (9) li mhux talli s-sistema l-ġdida m’għandiex iżżid il-piż fiskali fuq id-dħul taċ-ċittadini u n-negozji, talli għandha tfittex li tgħaqqad id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE mal-impenn li timplimenta l-istrateġija u l-impenji tal-UE stess li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid. Huwa jrid jiżgura li l-Istati Membri kollha jiġu trattati b’mod ġust u trid tkun ħafna aktar trasparenti, sempliċi u faċli biex tinftihem mill-pubbliku.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Bil-QFM il-ġdid, il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet importanti fil-mod li bih il-baġit tal-UE jiġi ffinanzjat. Dawn il-bidliet huma bbażati prinċipalment fuq awtonomija finanzjarja akbar billi jintroduċu sistema ġdida ta’ riżorsi proprji li jistgħu jiżguraw trattament aktar ġust tal-Istati Membri. Il-proposta l-ġdida tipprovdi għal bidla fil-mudell: li tneħħi d-dipendenza tal-UE fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u gradwalment tersaq lejn awtosuffiċjenza finanzjarja.

4.1.1   Fil-qofol tal-proposta għal “Sistema ġdida tar-riżorsi proprji” huwa t-tibdil tar-riżors tal-VAT u l-introduzzjoni tat-TTF. Is-sistema l-ġdida għandha twassal biex il-baġit tal-UE jkun aktar ibbilanċjat u b’hekk madwar 40 % jiġi ffinanzjat mir-riżorsi proprji l-ġodda, 20 % minn riżorsi proprji tradizzjonali u 40 % mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri skont id-DNG (10). Il-vantaġġ tas-sistema l-ġdida jinsab fil-fatt li tnaqqas il-perċezzjoni tal-gvernijiet tal-Istati Membri li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali huma taxxa fuq il-prodotti tagħhom, li mbagħad iwasslu għal talbiet għal ritorn ġust, li meta jingħataw jerġa jinkiseb l-ekwilibriju f’termini ta’ benefiċċji ekonomiċi.

4.1.2   Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu (11) għall-ħolqien tar-riżors ġdid tal-VAT biex jieħu post dak fis-seħħ attwalment li m’għadux adegwat, billi se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq intern tal-UE fejn jiġu evitati distorsjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri. Madankollu, jenfasizza li fil-proposta tal-Kummissjoni m’hemmx data preċiża dwar il-bidliet fl-istruttura tal-VAT u dwar id-differenzi fl-ammonti finanzjarji li dawn il-bidliet se jfissru għal kull Stat Membri. Barra minn hekk, jaħseb li huwa neċessarju li tkun akkumpanjata mill-adozzjoni ta’ miżuri li l-għan tagħhom huwa li jiġu eliminati l-frodi fil-qasam tal-VAT.

4.1.3   Anke jekk għadha qed tiġi diskussa, fil-proposta tal-Kummissjoni qed tiġi introdotta innovazzjoni interessanti bit-TTF. Il-KESE, filwaqt li jtenni l-bżonn tal-applikazzjoni tal-TTF fil-livell dinji, jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell Ewropew (12). Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu rregolati bir-reqqa l-konsegwenzi makroekonomiċi u mikroekonomiċi dderivati mill-applikazzjoni tal-TTF, u għal din ir-raġuni jitlob monitoraġġ kostanti u valutazzjoni annwali tal-effetti marbuta mal-applikazzjoni tagħha.

4.1.4   It-TTF jippermetti li jiġu segwiti mill-inqas tliet objettivi:

li tiżdied il-kwota tal-kontribuzzjoni tas-settur finanzjarju għall-baġit pubbliku tal-UE u l-l-baġits tal-Istati Membri (huwa stmat li t-taxxa tkun tiġbor EUR 57 biljun) (13);

li tibdel l-imġieba tal-operaturi finanzjarji, billi tnaqqsu l-volum ta’ negozji bi frekwenza għolja u latenza baxxa li, fi ħdan l-Istati Membri tal-UE jifforma madwar 13 sa 40 % tal-volum tal-kummerċ (14);

li titwaqqaf rata minima ta’ tassazzjoni finanzjarja għall-Istati Membri kollha.

4.1.5   Ir-riforma tal-mekkaniżmi tal-korrezzjoni u t-tibdil tal-mekkaniżmi attwali b’rimborsi b’somma waħda jwasslu wkoll għall-armonizzazzjoni miextieqa bi trasparenza akbar, speċjalment peress li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri issa huma differenti għal kollox minn meta tnediet is-sistema fl-1984. Kif diġa’ stqarr il-KESE (15), tibqa’ l-ħtieġa li jiġu ċċarati b’mod aktar preċiż l-effetti ta’ din ir-riforma, billi fil-qagħda attwali mhumiex ċari la l-ammont ta’ riżorsi involuti u lanqas kif jitqabblu s-sitwazzjoni attwali u dik taħt l-arranġamenti l-ġodda.

4.2   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir it-titjib fl-istruttura tal-baġit tal-UE, biex b’hekk iċ-ċittadini tal-Ewropa jaqsmu l-piż b’mod ugwali, u dan jippermetti li titnaqqas b’mod importanti l-kwistjoni tar-ritorn ġust u l-ġustizzja orizzontali bejn l-Istati Membri. Minflok, il-valutazzjoni tiffoka fuq kemm hi effiċjenti u effikaċi n-nefqa tal-UE (kemm biex tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej kif ukoll fil-paragun bejn il-benefiċċji ggwadanjati u n-nefqa). Madankollu, il-KESE jtenni (16) d-diżappunt tiegħu li l-proposta tal-Kummissjoni tiffoka biss fuq l-istruttura interna tal-baġit mingħajr ma tapprofitta mill-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji biex taffaċċja l-problema fundamentali tal-ammont tal-baġit proprju, bħala strument funzjonali għall-proġett politiku u għall-ambizzjonijiet tal-UE.

4.3   Bħalma enfasizza l-Parlament Ewropew, il-baġit tal-UE huwa essenzjalment ġabra ta’ investimenti li jistgħu ikomplu jattivaw ir-riżorsi minn sorsi pubbliċi jew privati (17). F’dan ir-rigward, il-KESE jaħseb li – biex jingħelbu l-limiti kwantitattivi u l-kostrizzjonijiet leġislattivi tal-baġit tal-UE – jistgħu jiġu ppruvati xi forom ta’ bonds tal-proġetti għall-iffinanzjar ta’ proġetti speċifiċi tal-infrastruttura u tal-edukazzjoni (18), b’konformità mal-inizjattiva tal-Bonds tal-proġetti mnedija mill-Kummissjoni (19).

4.3.1   Il-bonds tal-proġetti jistgħu jipprovdu lieva importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa permezz tal-effetti ta’ spillover li joħolqu u li bħalissa huma blokkati minn nuqqas ta’ flessibbiltà fil-baġits tal-Istati Membri huma u jfittxu li jkampaw mal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u biex jikkonformaw mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

4.3.2   Minkejja dan, il-KESE jinnota l-ħtieġa għal valutazzjoni ddettaljata tal-modalitajiet innovattivi eventwali ta’ finanzjar estern fil-QFM, peress li l-esperjenza mas-sħubija pubbliku-privat turi l-possibilità tat-trasferiment tar-riskju lejn is-settur pubbliku (20).

4.4   Il-proposta tal-Kummissjoni ma tqajjimx dubji dwar il-punti ta’ nefqa l-iżjed konsistenti tal-UE, jiġifieri l-Politika ta’ Koeżjoni u l-Politika Agrikoli Komuni (PAK), filwaqt li b’mod ġenerali, l-enfasi tinsab fuq l-argumenti l-ġodda – fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 – biex jiġu żgurati politika ta’ nefqa effiċjenti u effikaċi u l-valur miżjud tal-istrumenti ta’ nefqa’ attwali.

4.4.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma tal-PAK intiża li tadatta l-proporzjon tagħha tal-baġit kollu tal-UE u biex issaħħaħ ir-rabta bejn in-nefqa tal-UE u l-ġid komuni prodott mis-settur tal-biedja, kif talbet il-Kummissjoni innifisha fil-PAK lejn l-2020  (21) . Meta jiġri, kif ġara issa, li r-riżorsi jkunu skarsi, il-PAK – flimkien mal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) – għandha titkejjel mal-miri u l-funzjonijiet stabbiliti mit-Trattat ta’ Lisbona: titjib tal-ambjent (bijodiversità, ilma, art, arja), konservazzjoni tal-pajsaġġ, iż-żamma taż-żoni rurali ħajjin, benesseri tal-annimali, sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel (22).

4.4.2   Il-Kumitat diġà stqarr (23) li l-agrikoltura, il-foresterija u s-sajd għandhom rwol ewlieni fil-ħarsien tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali. Għalhekk, il-KESE, filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjoni l-approċċ li daħlet il-Kummissjoni li “tekoloġizza” il-PAK, jisħaq li trid tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata li l-proċess ta’ reviżjoni ma jtellifx l-għanijiet u l-mekkaniżmi finanzjarji tal-PAK u l-appoġġ tiegħu għall-operaturi tul il-katina tal-agrikoltura, l-ikel u l-ambjent.

4.4.3   Il-KESE jevalwa bi tħassib l-isforz tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-proporzjon tal-PAK, billi strumenti oħra – bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – jiġu allokati kompiti ġodda marbuta ma’ objettivi agrikoli u tal-ikel.

4.4.4   Il-KESE jaħseb li l-objettiv tal-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet kompetittivi tal-bdiewa Ewropej u t-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda, permezz tas-sistema ta’ pagamenti diretti, għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu valutati bir-reqqa l-effetti li dawn jista’ jkollhom fuq l-Istati Membri kollha. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-isforzi biex titnaqqas id-differenza bejn il-livelli ta’ appoġġ li jirċievu l-bdiewa fid-diversi Stati Membri. Il-KESE diġà rrakkomanda (24) r-ridistribuzzjoni tal-pakketti ta’ pagamenti diretti nazzjonali abbażi ta’ kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u perjodu ta’ transizzjoni adatt għal konverġenza ġusta ppjanata lil hinn mill-prinċipji ta’ referenza storiċi. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-pagamenti diretti tal-ebda pajjiż ma jkunu taħt id-90 % tal-medja tal-UE27 fi tmiem il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020.

4.4.5   Fil-fehma tal-Kumitat, il-QFM il-ġdid irid jiżgura li l-PAK u l-PKS ikunu jistgħu jwasslu għal:

provvista tal-ikel sikura;

settur agroalimentari kompetittiv u innovattiv;

industrija tal-agrikoltura u tas-sajd li tagħmel il-qligħ;

dħul ġust għall-bdiewa u s-sajjieda Ewropej.

Permezz ta’ dawn il-linji ta’ azzjoni – f’xenarju kkaratterizzat minn volatilità qawwija tal-prezzijiet tal-prodotti tal-biedja – se jkun possibbli li tiġi enfasizzata n-natura doppja tal-PAK, jiġu vvalutati l-prattiki tajbin ambjentali mingħajr ma jitqiegħed fil-ġenb l-appoġġ tal-vitalità ekonomika u l-kompetittività tal-intrapriżi agrikoli, u b’hekk tingħata spinta ġdida lill-missjoni storika tagħha li tipproduċi ikel sikur, nutrijenti u suffiċjenti, u bi prezzijiet aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej.

4.5   Irid ikun hemm l-istess effiċjenza fil-proġetti ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni, li tibqa’ kruċjali għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda u li – kif jafferma r-rapport Barca (25) – trid ikun iffokata fuq ftit prijoritajiet rilevanti tal-UE, li l-impatt tagħhom fuq il-kuntest soċjali, ekonomiku u territorjali jrid jiġi vvalutat b’attenzjoni, b’valutazzjonijiet ex ante, in itinere u ex post. Valutazzjonijiet li qatt m’għandhom iwasslu għal aktar piżijiet burokratiċi.

4.5.1   Għall-kuntrarju, il-KESE huwa kontra l-applikazzjoni tal-kondizzjonalità makroekonomika fl-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ fondi mmirati għall-politki ta’ koeżjoni, bil-għan li l-Istati Membri ma jitgħabbewx b’piżijiet żejda fi żmien soċjali u ekonomiku diffiċli. Barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ reġjuni tat-tranżizzjoni minflok il-kategoriji “fażi ta’ dħul” jew “fażi ta’ ħruġ” m’għandhiex tippenalizza r-riżorsi tar-reġjuni li huma inqas żviluppati. Fl-aħħar, filwaqt li japprova l-proposta għall-faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”, jenfasizza li dan il-mekkaniżmu m’għandux ikun iffinanzjat b’madwar EUR 10 biljun permezz tal-Fond tal-Koeżjoni, b’mod li ma jintużax kif xieraq għal kompiti oħrajn marbuta mal-ambitu oriġinali tiegħu.

4.6   L-Artikolu 174 tat-Trattat ta’ Lisbona għandu jkun il-prinċipju gwida għall-futur tal-politika ta’ koeżjoni: “… l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti”.

Għaldaqstant:

Is-salvagwardja u żieda fl-investimenti fil-Politika ta’ Koeżjoni b’enfasi fuq l-għan tal-konverġenza.

Għall-Istati Membri bi tkabbir medju negattiv tal-PDG fil-perjodu 2007-2009 u li wrew rata ta’ assorbiment tajba fil-perjodu attwali, ir-rata ta’ limitu ser tiġi stabbilita mill-inqas fil-livell tal-perjodu attwali għall-politika ta’ koeżjoni.

4.7   Il-KESE jixtieq jara t-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riżultati tal-politiki tal-UE – b’mod partikolari l-PAK u l-Fondi tal-Koeżjoni minħabba fis-sehem tagħhom mill-baġit totali – sabiex l-effikaċja tal-infiq tal-UE u l-kapaċità li jintlaħqu l-miri ewlenin li l-UE stabbiliet għaliha nnifisha – nibdew mill-Istrateġija Ewropa 2020 – tkun tista’ tiġi vvalutata (26). Dan għandu jsir permezz ta’ kombinazzjoni ta’ sanzjonijiet għal min ma’ jirnexxilux jilħaq benchmarks fissi u l-inċentivi finanzjarji għal dawk l-Istati Membri li jkunu kisbu l-aħjar riżultati.

4.7.1   Madankollu, f’dan il-kuntest il-KESE jkun jixtieq jara li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiġu appoġġjati u qed jipparteċipaw aktar mill-qrib fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex ikollhom kull opportunità biex jaħdmu u jimplimentaw il-programmi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni u l-PAK, permezz ta’ programmi ta’ taħriġ adatti fuq il-proċeduri tal-UE dwar il-programmi, l-appoġġ, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Il-valur li jirriżulta minn intervent tal-UE li huwa addizzjonali għall-valur li kien jinħoloq li kieku l-azzjoni saret minn Stat Membru waħdu, (COM(2010) 700 final; SEC(2011) 867 final.

(2)  Art. 201.

(3)  F’valur nominali, l-ammont allokat għall-PAK ma jonqosx iżda jibqa’ kostanti tul il-perjodu ta’ programmazzjoni, u għaldaqstant f’termini reali se jkollu t-tendenza li jonqos meta mqabbel mal-2012.

(4)  www.euractiv.com/euro-finance/eu-countries-call-slim-eu-budget-news-507532.

(5)  ĠU C 248 tal-25.8.2011, p. 75.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew INI/2010/2211 tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-investiment fil-futur: Qafas finanzjarju multiannwali ġdid (QFM) għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklussiva.

(7)  Opinjoni tal-KtR dwar “Il-qafas finanzjarju multiannwali ġdid għal wara l-2013”, ĠU C 54, 23.2.2012, p. 40.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(9)  ĠU C 248 tal-25.8.2011, p. 75.

(10)  COM(2011) 510 final, p.5 Bħalissa, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri fuq id-DNG jammontaw għal 70 % tal-baġit totali tal-UE, riżorsi proprji tradizzjonali (dazji u t-taxxa fuq iz-zokkor) jammontaw għal 14,1 %, it-taxxa fuq il-valur miżjud tipprovdi 11,2 % u r-riżorsi l-oħra (bilanċ pożittiv mis-snin ta’ qabel) 4,7 % (SEC(2011) 876 final).

(11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(12)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 55.

(13)  SEC(2011) 1103 final.

(14)  Il-Kummissjoni Ewropea, 8 ta’ Diċembru 2010, konsultazzjoni pubblika dwar ir-“Reviżjoni tas-Swieq fid-Direttiva tal-Istrument Finanzjarju (MiFID)”, Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern u s-Servizzi.

SEC(2011) 1226 final.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 45.

(17)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, cit.

(18)  Haug J. et al., cit., kap. 4.

(19)  http://ec.europa.eu/economy_finance/consultation/index_en.htm

(20)  ĠU C 143, 22.05.2012, p. 134.

(21)  COM(2010) 672 final.

(22)  Hart K. – Baldock D. (edituri): What Tools for the European Agricultural Policy to Encourage the Provision of Public Goods, Parlament Ewropew, Lulju 2011.

(23)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63.

(24)  Opinjoni tal-KESE –dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020. ĠU C 191 tal-29.6.2012, p. 116.

(25)  Barca F. (editur): An agenda for a reformed cohesion policy. A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations; rapport għad-DĠ REGIO, 2009.

(26)  Chambon N. uRubio E.: In search of “the best value for money”: analyzing current ideas and proposals to enhance the performance of CAP and cohesion spending; workshop The post 2013 financial perspectives: Re-thinking EU finances in times of crisis, Torin, 7-8 ta’ Lulju 2011.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni”

COM(2011) 572 final

2012/C 229/07

Relatur: is-Sinjura HEINISCH

Nhar il-21 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

COM(2011) 572 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’191 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li s-sħubija toffri ħafna vantaġġi u potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat għal kollox. Il-Kumitat għalhekk jilqa’ b’mod partikolari din l-inizjattiva tal-Kummissjoni, biex fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tistabbilixxi u tħeġġeġ is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) intiża biex iċ-ċiklu Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jiġi organizzat b’mod iktar effiċjenti u biex jitqassar il-perjodu ta’ żmien sakemm l-innovazzjonijiet jitqiegħdu fis-suq.

1.2   Sabiex jiġi żgurat li s-sħubijiet ikollhom ħajja twila u impatt sostenibbli, għandhom jinħolqu kundizzjonijiet intiżi biex jingħelbu l-isfidi relatati mal-istrutturi tal-ġestjoni, il-finanzjament u l-implimentazzjoni.

1.3   Bħala kundizzjoni fundamentali s-sħubijiet għandhom ikunu sempliċi, flessibbli, inklużivi u miftuħa, il-gruppi ta’ pilotaġġ għandhom ikunu rappreżentattivi u bilanċjati u r-relazzjonijiet bejn l-inizjattivi u l-istrumenti eżistenti għandhom jiġu ċċarati mill-bidu nett.

1.4   Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni soċjali bħala strument kruċjali għall-ħolqien ta’ ambjent favur l-innovazzjoni, sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn l-intrapriża, is-settur pubbliku, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u biex b’hekk tiżdied il-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni u l-prestazzjoni.

1.5   Sabiex il-kunċett tas-sħubija jiġi żviluppat iktar hemm bżonn kjarifika u monitoraġġ kontinwu tar-relazzjonijiet bejn l-EIP u inizjattivi politiċi oħra (punt 2.3.2 tal-Komunikazzjoni).

1.6   L-iffaċilitar indispensabbli għall-implimentazzjoni u l-finanzjament koordinat tal-programmi Ewropej u nazzjonali biex l-isfidi soċjali jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv (punt 3.1.3 u 3.3.3 tal-Komunikazzjoni) għandu jinkludi l-aġġustament tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali, il-linji gwida għall-iżvilupp nazzjonali u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-Istati Membri.

1.7   Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li r-riżorsi eżistenti jinġabru iktar mill-qrib, li d-diversi opportunitajiet tal-(ko)finanzjament isiru iktar ċari, sempliċi u kategorizzati aħjar skont it-tema, li jinġabru skont l-għanijiet u li l-informazzjoni dwarhom tinħareġ b’mod ċentrali u sistematiku.

1.8   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati l-atturi u l-inizjattivi fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew li jistgħu jikkontribwixxu għal miżuri ta’ monitoraġġ u l-fattibbiltà futura tas-sħubijiet kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-riżultati tagħhom.

1.9   Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi fis-sħubijiet tal-innovazzjoni u r-riċerka għandha għandha tkompli tiġi appoġġjata sabiex tiżdied l-attraenza tal-Ewropa f’għajnejn l-atturi globali (global players).

1.10   Fuq il-bażi tal-esperjenzi s’issa tas-sħubijiet għandu jiġi ċċarat liema forma u liema livell ta’ impenn huma meħtieġa, sabiex minn naħa jiġu żgurati l-flessibbiltà, it-trasparenza u l-ħila għall-innovazzjoni, u min-naħa l-oħra jiġu żgurati sħubijiet stabbli u għat-tul, b’impatt sostenibbli.

1.11   Sabiex jinżammu r-riżorsi umani, ta’ ħin u dawk finanzjarji, fil-futur ser ikun hemm bżonn livell ta’ effikaċja ogħla. Għaldaqstant, il-miżuri jridu jkunu koordinati aħjar, valutati b’mod regolari u implimentati b’mod koerenti.

1.12   Għandu jkun hemm rabtiet mill-qrib mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali. Fl-istess ħin, l-importanza tad-dimensjoni globali tal-isfidi attwali m’għandhiex tintesa.

2.   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tema Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) (1) tittratta l-kompitu li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex sal-2014, iż-żona Ewropea tar-Riċerka, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Aġenda Diġitali kif ukoll l-inizjattivi ewlenin l-oħra tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2) jiġu implimentati biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali.

2.2   Bil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni qed terġa’ lura għall-kunċett tas-sħubija, bil-għan li tenfasizza r-rabta mas-setgħat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni ta’ Ottubru 2010 (3). Is-sħubijiet għandhom jgħaqqdu lill-atturi Ewropej u nazzjonali tas-settur pubbliku fi sħubijiet pubbliċ-pubbliċi (P2P) u pubbliċi-privati (PPP) (4) sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva Ewropea.

2.3   Sabiex ikun hemm approċċ komuni fir-rigward tal-kontribut potenzjali tas-sħubijiet biex jinkiseb żvilupp intelliġenti u sostenibbli fl-Ewropa, ġew żviluppati u ttestjati diversi mudelli fis-Seba’ Progamm Kwadru għar-Riċerka (FP7), fil-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), fiż-żona Ewropea tar-Riċerka u fl-oqfsa tal-Unjoni tal-Innovazzjoni.

2.4   Fil-valutazzjoni ġenerali tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sħubija toffri ħafna vantaġġi u l-potenzjal tagħha jista’ jiġi użat iktar.

2.5   Is-sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni jistgħu jservu bħala qafas ġenerali għad-diversi mudelli ta’ sħubija, billi jiġbru flimkien l-atturi kollha importanti taċ-ċiklu tar-riċerka u l-innovazzjoni, li jkopru kemm l-offerta kif ukoll id-domanda u jippromovu l-impenn politiku favur il-miżuri miftiehma. Barra minn hekk, is-sħubijiet huma mezz effiċjenti biex l-SMEs jiġu involuti iktar fir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

2.6   Madankollu, is-sħubijiet mhumiex “suċċess garantit”. Sabiex jiġi żgurat is-suċċess fit-tul u l-funzjonament sostenibbli, iridu jingħataw qafas adegwat b’tali mod li jingħelbu l-isfidi li jinħolqu mill-governanza, il-finanzjament u l-implimentazzjoni, li jkunu marbuta mas-sħubijiet.

2.7   Mir-riżultati tad-diversi sħubijiet diġà nsiltu konklużjonijiet importanti għall-iżvilupp tas-sħubijiet u ġew identifikati s-soluzzjonijiet potenzjali għall-isfidi msemmij hawn fuq (5).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   It-tibdil demografiku, it-tibdil fil-klima u l-bidliet industrijali, ekonomiċi u t-tibdil fis-suq tax-xogħol huma frott il-globalizzazzjoni u huma l-ikbar sfidi għall-iżvilupp futur tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, hemm bżonn sforzi konġunti u l-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha potenzjali u l-miżuri rilevanti għandhom jiġu koordinati b’mod ċentralizzat. Dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti billi jibbażaw fuq sinerġija bejn ir-riċerka, l-innovazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u t-teknoloġija u l-innovazzjonijiet soċjali.

3.2   Il-ġbir tar-riżorsi, il-ħolqien ta’ baġit adatt u t-tqassim tar-riżorsi jeħtieġu wkoll koordinazzjoni ċentralizzata sabiex l-opportunitajiet assoċjati wkoll mat-tibdil demografiku u l-isfidi globali jkunu jistgħu jintużaw b’mod effettiv għar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.3   Il-Kumitat għalhekk jilqa’ b’mod partikolari din l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (6) tistabbilixxi u tippromovi s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) intiża biex iċ-ċiklu Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jiġi organizzat b’mod iktar effiċjenti u biex jitqassar il-perjodu ta’ żmien sakemm l-innovazzjonijiet jitqiegħdu fis-suq (7).

3.4   Mill-analiżi ta’ mudelli ta’ sħubija testjati fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) (8), il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (9), iż-żona Ewropea tar-Riċerka (10) u l-oqfsa tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (11) u fis-sħubija Ewropea pilota għat-tixjiħ attiv u b’saħħtu, diġà jistgħu jinsiltu konklużjonijiet preliminari għat-tfassil tas-sħubijiet (12).

3.5   Mill-osservazzjonijiet li saru, is-sħubijiet għandhom ikunu sempliċi, flessibbli, inklużivi u miftuħa, il-gruppi ta’ pilotaġġ għandhom ikunu rappreżentattivi u bilanċjati u r-relazzjonijiet bejn l-inizjattivi eżistenti u l-istrumenti għandhom jiġu ċċarati mill-bidu nett. F’dan ir-rigward, is-sħubijiet jeħtieġu kundizzjonijiet ċari għall-istrutturi, il-finanzjament u l-proċessi, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp stabbli tagħhom fit-tul.

3.6   Il-KESE japprezza u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex issarraf dawn il-konklużjonijiet fi proposti u direttivi konkreti u tintegra l-aspetti rilevanti fil-Programm “Orizzont 2020”. Il-proposti deskritti fil-Komunikazzjoni huma essenzjali, iżda fil-fehma tal-Kumitat għadhom mhumiex kompluti.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-proposti tal-Kummissjoni

4.1   L-għanijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIP)

4.1.1   Il-Kumitat jagħraf u jappoġġja l-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li permezz tal-EIP torbot l-għodod konsolidati tan-naħa tal-offerta (ir-riċerka u t-teknoloġija) mal-għodod tan-naħa tad-domanda (l-utenti, ir-regolaturi, l-istandardizzazzjoni, eċċ.) (punt 2.3.1). Huwa jaqbel mal-Kummissjoni li l-EIPs jistgħu jlaqqgħu l-atturi mil-livell nazzjonali u reġjonali, mis-settur pubbliku u mis-soċjetà ċivili u jixprunaw id-djalogu bejniethom u bis-saħħa t’hekk jottimizzaw l-istrumenti, iżidu s-sinerġiji u jgħaqqdu r-riżorsi u jippromovu kemm l-innovazzjonijiet – b’mod speċjali l-innovazzjonijiet soċjali bħalma huma l-mudelli l-ġodda intraprenditorjali (13) – u jsaħħu l-impenn politiku.

4.1.2   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-proposti tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq id-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-pilota EIP AHA u sħubijiet oħra (14). Dawn juru li hemm bżonn kundizzjonijiet ċari għall-istrutturi tal-ġestjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni u l-finanzjament sabiex is-sħubijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu jistgħu jiżviluppaw b’mod effiċjenti u għat-tul.

4.2   Żvilupp addizzjonali tal-kunċett tas-sħubijiet

4.2.1   Sabiex jiġi żviluppat iktar l-approċċ tas-sħubija, il-Kumittat iqis li dawn il-punti li ġejjin huma ta’ importanza partikolari u li għandhom jiżdiedu l-aspetti li ġejjin:

4.2.2   Il-kjarifika tar-relazzjoni bejn l-EIP u inizjattivi oħra politiċi (punt 2.3.2 tal-Komunikazzjoni): din ir-relazzjoni għandha tiġi valutata u ċċarata kontinwament speċjalment fil-każ ta’ EIPs ġodda.

4.2.3   Il-parteċipazzjoni tal-atturi kollha, li jistgħu jiżguraw miżuri ta’ segwitu adatti regolari (punt 2.3.2). Għalhekk għandhom jiġu identifikati u kkunsidrati r-rwoli u l-ħtiġijiet attwali tad-diversi atturi fil-proċess tal-innovazzjoni. Huwa daqstant importanti li miżura tkun tista’ tiġi abbandunata jew meta tkun laħqet l-għan tagħha jew jekk mal-mogħdija taż-żmien jidher li ma tkunx effettiva.

4.2.4   L-iffaċilitar tal-implimentazzjoni u l-finanzjament koordinati tal-programmi Ewropej u nazzjonali biex l-isfidi soċjali jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv (punt 3.1.3): fil-fehma tal-Kumitat, dan jinvolvi reviżjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Il-bżonn li l-proċeduri amministrattivi nazzjonali jiġu sinkronizzati diġà jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (punt 3.3.3).

4.3   Is-sħubijiet attwali fir-riċerka u l-innovazzjoni

4.3.1   Il-mudelli ta’ sħubija ġew żviluppati u ttestjati fl-FP7, fis-CIP, fiż-żona Ewropea tar-Riċerka u fil-qafas tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (15).

4.3.2   Fost l-inizjattivi konġunti attwali nsibu b’mod partikolari s-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni għall-anzjani attivi u f’saħħithom (EIP AHA) (16), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (17), il-Programm Konġunt, Snin itwal, ħajjiet aħjar (More Years, Better Lives – MYBL) (18), kif ukoll il-programm previst Orizzjont 2020  (19).

4.3.3   Sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju u l-frammentazzjoni tas-suq, għandhom jiġu involuti atturi u inizjattivi ewlenin oħra fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. L-inizjattivi bħas-Sena Ewropea 2012 għat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (20), il-programm tad-WHO għall-ambjenti favur it-tixjiħ (21) (Age-friendly Environments Programme) u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (22) huma ferm adatti għas-sħubijiet tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jew tal-inqas is-sinerġiji.

4.3.4   Bl-istess mod, għandha tingħata iktar kunsiderazzjoni lill-ħidma ta’ tħejjija rilevanti tal-partijiet interessati oħra fil-livell nazzjonali u Ewropew. Fosthom insibu pereżempju d-diversi programmi u inizjattivi tad-DĠ SANCO, l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) (23) u l-Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi (IPTS) (24).

4.3.5   Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija sabiex tiżdied l-attraenza tal-Ewropa bħala msieħba globali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Billi tgħin fit-tisħiħ tal-kobor u l-ambitu, is-sħubija żżid l-effiċjenza u l-effikaċja tal-investiment fir-riċerka fl-Ewropa għall-atturi globali (25). Il-KESE jħeġġeġ l-iżvilupp addizzjonali tas-sħubija f’din id-direzzjoni.

4.3.6   Minbarra l-kundizzjonijiet qafas strutturali, huwa kruċjali għas-sostenibbiltà futura tas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jkun hemm viżjoni komuni fattibbli. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li, flimkien mal-atturi kollha potenzjali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-anzjani, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali u ż-żgħażagħ jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu involuti fis-sħubijiet sabiex jiġi żgurat l-appoġġ attiv tagħhom għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni futuri sostenibbli.

4.3.7   L-innovazzjonijiet mhumiex bilfors frott proċess lineari iżda iktar tan-netwerking u l-integrazzjoni tas-setturi, tas-sistemi u tal-kunċetti. Fost il-fatturi ewlenin għall-ħolqien tal-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi nsibu l-bidliet strutturali soċjali relatati, ir-rekwiżiti l-ġodda tal-utenti u r-reazzjoni tal-intrapriża għal dawn il-bidliet. Dawn il-fatturi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod speċjali fil-kuntest tal-innovazzjoni soċjali.

4.4   Proposti oħra għat-tibdil

4.4.1   Finanzjament u implimentazzjoni – Artikolu 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

4.4.1.1   Sabiex is-sħubijiet ikollhom ħajja twila għandhom bżonn qafas finanzjarju affidabbli. Il-proposti tal-Kummissjoni għas-semplifikazzjoni u l-koordinazzjoni tad-diversi possibbiltajiet ta’ (ko)finanzjament fil-livell Ewropew u nazzjonali għalhekk huma ferm utli u żgur għandhom jiġu segwiti.

4.4.1.2   Barra minn hekk, tkun ħaġa tajba li d-diversi possibbiltajiet ta’ (ko)finanzjament jiġu kategorizzati b’mod iktar ċar u tematiku, sabiex l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi jkunu jistgħu jitwettqu fuq bażi soda. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li d-diversi riżorsi jinġabru iktar qrib xulxin, li l-użu tagħhom ikun iktar immirat u li l-informazzjoni dwarhom tiġi provduta b’mod iktar ċentralizzat u sistematiku.

4.4.2   Kjarifika tal-livell ta’ impenn meħtieġ mis-sħubijiet futuri

F’termini tal-livell ta’ impenn meħtieġ, is-sħubijiet attwali jvarjaw minn kooperazzjoni mingħajr ħafna rbit dwar kwistjonijiet partikolari, għal impenn vinkolanti minn imsieħba individwali, li madankollu huma limitati f’termini ta’ fondi u ħin, għal impenn għat-tul mill-partijiet kollha interessati fi sħubija. Fid-dawl tal-programm Orizzont 2020 u fuq il-bażi tal-esperjenza preċedenti tas-sħubijiet għandu jiġi ċċarat liema forma u liema livell ta’ rbit huma meħtieġa, sabiex minn naħa jiġu żgurati l-flessibbiltà, it-trasparenza u l-ħila għall-innovazzjoni, u min-naħa l-oħra jiġu żgurati sħubijiet stabbli u fit-tul, b’impatt sostenibbli.

4.4.3   Implimentazzjoni

Is-sħubijiet għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandhom ikunu mmirati lejn implimentazzjoni rapida u koerenti tal-miżuri meqjusa adatti. Għalhekk, għandhom jissaħħu l-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-prattika kif ukoll il-bażi tal-ħtiġijiet tal-utenti u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sħubijiet għall-innovazzjoni. Sabiex jiġi evitat li l-ħin u l-valuri umani u finanzjarji prezzjużi ma jintużawx għal xejn, fil-futur għandu jitqies il-ksib ta’ livell ogħla ta’ effikaċja u l-miżuri għandhom jiġu koordinati aħjar, il-kriterji stabbiliti għandhom jiġu valutati kontinwament u implimentati b’mod koerenti.

4.4.4   Prodotti tal-proprjetà intellettwali

Meta jkun hemm ħafna partijiet interessati involuti fi proġett jew sħubija, il-kwistjoni tal-proprjetà intellettwali ssir iktar importanti. Għandhom jiġu żgurati soluzzjonijiet ġusti sa mill-bidu nett anki għas-sħubijiet futuri tal-innovazzjoni sabiex l-atturi kollha, inklużi l-utenti finanzjarji assoċjati mal-proġett, jiksbu parti adegwata tal-appoġġ finanzjarju u tal-profitti addizzjonali li jistgħu jinkisbu.

4.4.5   Identifikazzjoni reġjonali

Is-sħubijiet għandhom dejjem jitwettqu u juru l-valur tagħhom f’kuntesti konkreti. Għalhekk ir-rabtiet stretti mal-atturi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u l-kunsiderazzjoni ta’ speċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu rakkomandati bħala prijorità, billi s-sitwazzjoni tvarja ħafna kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Din il-kunsiderazzjoni kuntestwali għandha tqis ukoll id-dimensjoni globali tal-isfidi attwali.

4.4.6   Eżempji ta’ prattika tajba

4.4.6.1   Għandhom jinġabru u jixxandru l-mudelli ta’ sħubijiet eżistenti li kellhom suċċess. Il-KESE jipproponi li dawn jinfirxu iktar, pereżempju permezz tas-sit tal-internet ta’ CORDIS, billi jinħoloq Web Portal dedikat jew billi darba fis-sena tiġi organizzata attività li tippremja l-iktar sħubijiet li rnexxew l-aħjar.

4.4.6.2   Madankollu, jista’ jkun daqstant utli li jiġu investigati r-raġunijiet għalfejn ċerti sħubijiet ma rnexxewx u jinsiltu t-tagħlimiet minnhom. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li tali mudelli ta’ prattika tajba, kif ukoll dawk li ma rnexxewx, flimkien maċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnejn, jiġu ppubblikati u l-informazzjoni dwarhom tinxtered b’mod attiv.

4.4.7   Kjarifika tal-kunċetti

4.4.7.1   Il-kunċetti tal-Innovazzjoni, ir-Riċerka u s-Sħubija mhumiex spjegati. Għad li l-kundizzjonijiet importanti għas-sħubijiet diġà ġew definiti (26) fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u t-terminu “innovazzjoni” huwa ċċarat (27) f’diversi komunikazzjonijiet u opinjonijiet, xi ftit jew wisq għadu mhux ċar fejn għandha tiffoka r-riċerka futura għax jingħataw biss eżempji. Madankollu, fid-dawl tat-tibdil demografiku u l-isfidi kummerċjali globali r-riċerka fundamentali ta’ livell eċċellenti hija kruċjali.

4.4.7.2   Kwalunkwe spjegazzjoni dwar din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-iskop ta’ din l-opinjoni. Il-Kumitat qed ifassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “It-tmien programm qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp: pjani direzzjonali għat-tixjiħ” (28).

4.4.8   Nisfruttaw aħjar il-potenzjal

It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa preċiżament eżempju ta’ riżultat tas-suċċess tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-iżvilupp fil-mediċina u t-teknoloġija minn naħa u l-progress soċjali min-naħa l-oħra. Il-ġbir tar-riżorsi intellettwali, finanzjarji u prattiċi disponibbli jista’ jkompli jwassal biex tiġi żviluppata saħħa enormi kapaċi tegħleb l-isfidi attwali.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 572 final, 21.9.2011.

(2)  COM (2010) 546 final. Ara wkoll IP/10/225. Il-programm ta’ segwitu ta’ 10 snin għall-Istrateġija ta’ Lisbona ġie addotat mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2010. L-għan huwa t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv b’koordinazzjoni aħjar bejn l-ekonomiji nazzjonali u Ewropej.

(3)  COM(2010) 546 final; ara wkoll l-opinjoni tal-KESE ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(4)  Bħala eżempju ta’ sħubija P2P fost oħrajn ERA-NET u ERA-NET Plus, Artikolu 185- Inizjattivi u Ppjanar Konġunt (Joint Programming – JP). PPP fir-R&I għal Inizjattivi Teknoloġiċi (JTI) u l-Internet tal-Futur.

(5)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 1028 final, 1.9.2011.

(6)  COM(2010) 546 final, 06.10.2010.

(7)  COM(2011) 572 final, 21.9.2011.

(8)  ĠU. L 412, 30.12.2006, p. 1 u ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9.

(9)  ĠU L 310 30.12.2006, p. 15 u ĠU C 65 17.3.2006, p. 22.

(10)  COM(2000) 6 final; ara wkoll l-opinjoni tal-KESE ĠU C 204, 3.5.2011, p. 70.

(11)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 1028 final, 1.9.2011.

(13)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 22-25.

(14)  SEC(2011)1028 finali.

(15)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna. Għal eżempju rilevanti ta’ Sħubija P2P ara l-AALJP b’volum ta’ iktar minn EUR 600 miljun. Wieħed mill-eżempji konkreti ta’ PPP huwa l-inizjattiva tat-teknoloġija ARTEMIS (Sistemi integrati tal-kompjuter).

(16)  Ara IP/10/1288.

(17)  Ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200.

(18)  Ara http://www.jp-demographic.eu.

(19)  Programm qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020; MEMO-11-435. Ara wkoll l-Abbozz ta’ Opinjoni Preliminari INT/614-615-616-631 dwar “Orizzont 2020”, relatur: Gerd Wolf.

(20)  Ara http://europa.eu/ey2012/.

(21)  Ara http://www.who.int/ageing/age_friendly_cities/.

(22)  Ara http://www.un.org/disabilities/default.asp?id=150.

(23)  Ara http://eit.europa.eu.

(24)  Ara http://ipts.jrc.ec.europa.eu.

(25)  Bħala żewġ eżempji biss insibu dawn: b’riżultat tal-Inizjattiva Konġunta tal-Ipprogrammar dwar il-Mard Newrodeġenerattiv (Joint Programming Initiative on Neurodegenerative Diseases), il-Kanada bidlet l-orjentazzjoni tal-aġenda tar-riċerka f’dan il-qasam lejn il-koordinazzjoni mal-Ewropa u issa hija msieħba f’azzjoni pilota dwar iċ-ċentri tal-eċċellenza; l-Indja hija interessata b’mod attiv li tieħu sehem fl-Inizjattiva Konġunta tal-Ipprogrammar dwar l-“Ilma” (Joint Programming Initiative on “Water”).

(26)  Ara wkoll IP/11/1059 u MEMO/11/623 tal-21 ta’ Settembru 2011.

(27)  COM(2010) 546 final. Ara wkoll ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(28)  Orizzont 2020: Pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ (opinjoni fuq inizjattiva proprja) Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali, (CESE 1290/2012).


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva għan-negozju soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni”

COM(2011) 682 final

2012/C 229/08

Relatur: is-Sur GUERINI

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inizjattiva għan-negozju soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni

COM(2011) 682 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’193 vot favur, 4 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li qed tintervjeni f’ħin opportun b’din il-komunikazzjoni li tinkludi 11-il azzjoni ewlenija. Il-KESE huwa sodisfatt bil-fatt li l-Kummissjoni inkludiet diversi punti mill-opinjoni esploratorja (1) tiegħu dwar l-intraprenditorija soċjali.

1.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-intrapriżi soċjali għandhom jiġu appoġġjati minħabba r-rwol essenzjali li jista’ jkollhom bħala forzi mexxejja tal-innovazzjoni soċjali, kemm minħabba li jintroduċu metodi ġodda għat-twettiq ta’ servizzi u interventi maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni, kif ukoll peress li jippromovu l-ħolqien ta’ prodotti ġodda biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda tas-soċjetà. B’mod partikolari, il-KESE jixtieq jenfasizza l-potenzjal enormi li l-intrapriża soċjali toffri sabiex ittejjeb l-aċċess għax-xogħol u l-kundizzonijiet ta’ xogħol b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, iżda anki għall-kategoriji differenti ta’ ħaddiema żvantaġġati.

1.3   Din l-inizjattiva tal-Kummissjoni hija opportunità importanti biex tappoġġja inizjattivi li jippromovu l-kisba ta’ ċarezza akbar fit-terminoloġija (jiġi evitat irduppjar fil-kunċetti tal-ekonomija soċjali, in-negozju soċjali, l-intrapriża soċjali u l-intraprenditorija soċjali). Dan jgħin biex jiġu konsolidati l-objettivi u l-miri tal-inizjattiva, filwaqt li tiżdied l-effettività tagħha. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jużaw b’mod koerenti l-espressjoni “intrapriża soċjali” kemm fil-proposti politiċi kif ukoll fil-livell ta’ komunikazzjoni.

1.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni prevista mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ strumenti biex jitjieb l-għarfien tas-settur u l-viżibbiltà tal-intrapriża soċjali, u japprova l-objettiv li jiġu żviluppati inizjattivi li jgħinu lill-intrapriżi soċjali biex isaħħu l-kapaċità intraprenditorjali, il-professjonaliżmu u n-netwerking tal-ħiliet tagħhom. Dan ukoll bħala inċentiv għall-kontribut li dawn jagħtu lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

1.5   Il-KESE japprezza u jaqbel mal-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament u tal-kwadru regolatorju: fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ objettivi, jirrakkomanda li sabiex jiġu promossi l-intrapriżi soċjali jeħtieġ kuntest ekonomiku u regolatorju favorevoli.

1.6   Il-KESE jilqa’ l-istedina inkluża fil-komunikazzjoni fir-rigward tal-inizjattivi sabiex jitħeġġu u jiġu promossi miżuri li jagħmlu l-akkwist pubbliku iktar aċċessibbli għall-intrapriżi soċjali.

1.7   Il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw oqfsa nazzjonali għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali filwaqt li jitqiesu l-oqsma ewlenin involuti fl-iżgurar ta’ appoġġ u żvilupp. B’mod partikolari jirrakkomanda li jittieħdu inizjattivi li jippermettu lill-Istati Membri individwali joffru eżenzjoni fiskali fuq l-oġġetti li ma tqassmux sabiex jiffavorixxu l-konsolidazzjoni tal-ekwità tal-intrapriżi soċjali.

1.8   Bħala appoġġ aħjar għall-azzjonijiet proposti fil-komunikazzjoni jkun utli li jiġi promoss l-eżerċizzju ta’ valutazzjoni fuq ir-riżultati u l-benefiċċji ġġenerati mill-intrapriżi soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1   F’dawn l-aħħar snin, l-intrapriża soċjali kisbet importanza li dejjem qed tikber fil-qasam tal-politiki ekonomiċi u l-politiki ta’ koeżjoni. Kienu ħafna u diversi l-inizjattivi li ttieħdu u li ġew imwiegħda minn diversi organizzazzjonijiet. Il-KESE stess kien ressaq għadd ta’ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, li dan id-dokument japprova kompletament u jkompli magħhom; b’mod partikolari nsemmu l-Opinjoni dwar “Forom differenti ta’ intrapriża” (2) tal-2009 u l-Opinjoni esploratorja riċenti u importanti dwar “L-intraprenditorja soċjali u l-intrapriża soċjali” (3), li tħejjiet fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea bħala kontribut għall-abbozzar tal-“Inizjattiva tan-Negozju Soċjali” u li tinkludi wħud mill-oqsma ewlenin ta’ prijorità għall-iżvilupp u t-tkabbir tal-intrapriżi soċjali.

2.2   Dawn l-aħħar snin, fl-Ewropa iżda mhux biss, ġiet żviluppata esperjenza akkademika u xjentifika b’saħħitha dwar temi tal-intrapriża soċjali, li rnexxiela tistimola wkoll lill-istituzzjonijiet tal-UE.

2.3   Huwa importanti hawnhekk li nfakkru fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Frar 2009 dwar l-ekonomija soċjali (2008/2250(INI)) kif ukoll is-sejħa “From Words to Action: European Scholars in Support of Social Economy Enterprises” min-naħa tal-400 għalliem universitarji Ewropej li ntlaqgħet mill-Parlament Ewropew bl-intervent tal-Kummissarji Barnier u Tajani fit-3 ta’ Ottubru 2010.

2.4   Matul iż-żmien, il-kunċett tal-“intraprenditorija soċjali” kiseb diversi tifsiriet, u progressivament wessa’ l-ambitu semantiku tiegħu skont l-awturi li għamlu użu minu; għall-bidu kien jintuża biex jiġu identifikati l-attivitajiet ta’ negozju mwettqa minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ sabiex jiġġeneraw profitti li jistgħu jiġu investiti mill-ġdid fl-istess organizzazzjonijiet; jeħtieġ li jiġi salvagwardjat il-kunċett ta’ intrapriża soċjali b’mod li jiġi evitat li dan jitħallat ma’ dak tar-“responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji”. Dan irid jiġi enfasizzat fl-inizjattivi li ġejjin imwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE f’dan is-settur.

3.   Id-definizzjoni tal-intrapriża soċjali

3.1   Id-definizzjoni tal-intrapriża soċjali proposta mill-komunikazzjoni dwar l-inizjattiva għall-intraprenditorija soċjali hija pass pożittiv lejn ir-rikonoxximent tal-ispeċifiċità ta’ dan it-tip ta’ organizzazzjoni, u din għandha tkun id-deskrizzjoni ta’ riferiment użata fl-istituzzjonijiet tal-UE. Fil-fatt, din tqis korrettament it-tliet dimensjonijiet ewlenin li jiddistingwu l-intrapriża soċjali: l-objettiv/il-mira soċjali; l-attività kummerċjali; u l-governanza parteċipattiva. Il-KESE jinsisti dwar il-ħtieġa li din l-istess deskrizzjoni tintuża fil-proposta għal regolament dwar il-Fondi Ewropej għall-intraprenditorija soċjali.

3.2   Huwa importanti wkoll li nfakkru li l-Kummissjoni Ewropea stess, fil-proposta għal regolament tal-Parlament u l-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni kienet enfasizzat sensiela ta’ kriterji, li l-KESE jaqbel magħhom bis-sħiħ, għall-identifikazzjoni tal-intrapriża soċjali.

3.3   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma tagħtix definizzjoni standard tal-intrapriża soċjali minħabba d-diversità fir-regolamentazzjonijiet li jeżistu fil-livell nazzjonali u li għandhom jiġu rispettati biex id-definizzjoni tal-intrapriża soċjali ma tiġix abbużata.

3.4   Il-KESE jieħu l-opportunità biex isemmi l-opinjoni esploratorja li ġiet adottata riċentement dwar l-intraprenditorija soċjali u l-intrapriża soċjali li tinkludi deskrizzjoni tal-intrapriża soċjali, li hija kkaratterizzata b’dal mod:

għandha objettivi essenzjalment soċjali iktar milli ta’ qligħ; tipproduċi benefiċċji soċjali għas-servizz tal-membri tagħha jew tal-pubbliku inġenerali;

hija essenzjalment mingħajr skop ta’ qligħ u l-ammonti żejda jerġgħu jiġu investiti fl-intrapriża stess u mhux jitqassmu bejn l-azzjonisti jew il-proprjetarji;

hija ppreżentata taħt forom legali jew mudelli varji (pereżempju: kooperattivi, assoċjazzjonijiet reċiproċi, assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, fondazzjonijiet, intrapriżi bi skop ta’ qligħ jew mingħajr skop ta’ qligħ); ta’ spiss il-forom legali differenti jirriżultaw f’kombinazzjonijiet u kultant jinbidlu skont il-ħtieġa;

hija operatur ekonomiku li jipproduċi oġġetti u servizzi (ta’ spiss ta’ interess ġenerali) ta’ spiss b’element qawwi ta’ innovazzjoni soċjali;

topera bħala entità jew entitajiet indipendenti, b’element qawwi ta’ parteċipazzjoni u kodeċiżjoni (persunal, utenti, membri), amministrazzjoni u demokrazija (rappreżentattiva jew miftuħa);

ta’ spiss issib il-bidu tagħha fis-soċjetà ċivili organizzata.

3.5   B’referenza għal dawn il-karatteristiċi, huwa importanti li jiġu enfasizzati r-rekwiżiti distinti li ġejjin:

In-nuqqas ta’ skop ta’ qligħ, li għandu jitniżżel fl-istatuti permezz tal-obbligu li l-qligħ jew l-ammonti żejda ta’ ġestjoni li jifdal jerġgħu jiġu allokati għat-twettiq tal-attività staturorja jew li l-patrimonju jiżdied permezz tal-assenjazzjoni ta’ dawn għal fond mhux diviżibbli bejn il-proprjetarji, kemm tul il-ħajja tal-intrapriża kif ukoll fil-każ li din ixxolji. Fl-intrapriża soċjali mhijiex permessa d-distribuzzjoni diretta ta’ profitti jew ammonti żejda ta’ ġestjoni li jkun fadal, kif ukoll ta’ fondi jew riservi lill-amministraturi, membri, parteċipanti, ħaddiema jew kollaboraturi; din il-limitazzjoni ovvjament testendi wkoll għall-forom indiretti, bħal pereżempju l-pagamenti lill-amministraturi jew il-ħaddiema ogħla minn dawk previsti fl-intrapriżi li joperaw fl-istess setturi u kundizzjonijiet jew dawk komparabbli. Bl-istess mod, ir-rimunerazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għandha tkun limitata u m’għandhiex tmur lil hinn mill-perċentwali stabbiliti, sabiex tkun garantita l-possibbiltà li l-intrapriżi soċjali jiġu kapitalizzati adegwatament.

Attenzjoni għall-ġid komuni u għall-interess ġenerali tal-komunità. L-intrapriża soċjali ta’ spiss tiġi definita billi jitqiesu żewġ fatturi diversi: l-objettiv soċjali li jestendi għall-interess ġenerali f’termini tal-komunità lokali jew gruppi soċjali speċifiċi li huma “żvantaġġati” b’xi mod; iżda l-aktar it-tip ta’ oġġetti jew servizzi prodotti b’koerenza mal-objettiv.

Il-funzjoni tal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali permezz ta’ oġġetti u servizzi mwettqa b’koerenza mal-objettiv li titwettaq sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali ikbar.

4.   Kummenti għall-proposta tal-Kummissjoni

4.1   Il-komunikazzjoni tenfasizza diversi aspetti relatati mat-titjib fl-aċċess għall-fondi (3.1), il-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali (3.2), u t-titjib tal-ambjent legali (3.3).

4.2   Fir-rigward tat-titjib fl-aċċess għall-fondi, il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa tal-finanzjament tal-intrapriżi soċjali. Dan għaliex wieħed jista’ jara li, kemm fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll fost dawk li jiġġestjonaw l-appoġġ għall-kreditu mill-istituzzjonijiet pubbliċi, hemm nuqqas ta’ strumenti adatti għall-valutazzjoni tal-mertu ta’ kreditu tal-intrapriżi soċjali. Fil-fatt, f’ħafna każijiet ma jkunx hemm inklinazzjoni biżżejjed biex jiġu rikonoxxuti l-valur ta’ negozju u s-solidità ekonomika tal-intrapriżi soċjali.

4.3   Sabiex tiġi assigurata viżibbiltà akbar għall-benefiċċji tal-intrapriżi soċjali huwa essenzjali li nibdew billi nkejlu r-riżultati soċjali apparti minn dawk purament ekonomiċi. Hija evidenti l-ħtieġa ta’ strumenti li jippermettu l-valutazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-impatt u l-effettività soċjali tal-attivitajiet tal-intrapriżi soċjali.

4.4   Il-prattiki fejn jingħata rendikont soċjali għandhom funzjoni fundamentali għall-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. Jeżistu diversi strumenti biex jitkejlu r-riżultati ta’ intrapriża fil-livell soċjali. Dawn huma żviluppati b’mod speċjali mill-organizzazzjonijiet li huma aktar strutturati. Madankollu jeħtieġ li jiġu studjati u modellati strumenti adatti biex jintużaw anki minn intrapriżi soċjali żgħar. Il-Kummissjoni għandha tniedi studju li jqabbel il-mudelli eżistenti, tħeġġeġ l-użu ta’ dawn is-sistemi u taħdem biex tiżviluppa sistema jew kodiċi ta’ kondotta Ewropew komuni li jista’ jintuża minn firxa wiegħa ta’ intrapriżi soċjali.

4.5   Biex tikber il-fiduċja fl-intrapriżi soċjali huwa importanti li tinbena fiduċja fl-intrapriżi soċjali billi jiġi pparagunat “it-tikkettar” madwar l-UE kollha; għaldaqstant, kif propost mill-Kummissjoni fl-azzjoni ewlenija nru. 6, il-KESE huwa tal-fehma li tinħoloq bażi tad-data pubblika sabiex jitqabblu mudelli dwar kif għandhom jitkejlu r-riżultati soċjali u dwar kif inhuma applikati l-metodi attwali.

4.6   Jemmen li hija utli l-intenzjoni li jitjieb il-kuntest legali għall-intraprenditorija soċjali Ewropea (azzjoni ewlenija nru 9), kemm f’dak li jirrigwarda s-semplifikazzjoni tar-regolament dwar l-Istatut għal Soċjetà Ewropea tal-Kooperattivi, kif ukoll il-possibbiltà li jiġi introdott Statut Ewropew għall-Fondazzjonijiet. Barra minn hekk, kuntest legali mtejjeb għall-intrapriża soċjali jista’ jagħmel użu minn linji gwida għat-twaqqif ta’ statuti għal assoċjazzjonijiet b’għanijiet soċjali u ta’ volontarjat li minnhom ta’ spiss jinħolqu intrapriżi soċjali. Għaldaqstant il-KESE jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament biex japprovaw il-proposti għal regolament.

4.7   F’dan ir-rigward huwa f’waqtu l-impenn li ħadet il-Kummissjoni Ewropea bil-komunikazzjoni tagħha biex jinbeda studju dwar is-sitwazzjoni tal-assoċjazzjonijiet reċiproċi fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu eżaminati b’mod partikolari l-attivitajiet transkonfinali tagħhom. L-iskoperta mill-ġdid u t-tisħiħ tas-sistema tal-assoċjazzjonijiet reċiproċi bħala strument ta’ protezzjoni soċjali ċertament jirrappreżentaw prospett importanti għaż-żamma ta’ sistema ta’ protezzjoni soċjali inklużiva.

4.8   L-appoġġ għall-intrapriżi soċjali jista’ jiffavorixxi opportunitajiet għall-involviment ta’ partijiet interessati u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ awtoassistenza li jiffaċilitaw proċessi ta’ aggregazzjoni tad-domanda u jippromovu l-esperjenzi ta’ assistenza f’forma reċiproka.

4.9   L-intrapriża soċjali għall-integrazzjoni tax-xogħol, jekk din tiġi promossa adegwatament, tista’ tkun strument immirat fit-tul ta’ politiki attivi tax-xogħol, billi tippromovi l-impjegar ta’ persuni żvantaġġati; f'dan il-preżent ta’ kriżi tal-impjieg din tista’ tkun fundamentali għal kull min ġie eskluż mis-suq tax-xogħol.

4.10   Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema tista’ tkun ta’ lieva importanti li wieħed jibbaża fuqha sabiex jiġu ffaċċjati wkoll uħud mill-kriżijet industrijali. Jistgħu jiġu adottati forom ta’ akkwiżizzjoni ta’ intrapriżi mħaddma minn ħaddiema li jingħaqdu flimkien f’forom diversi ta’ intrapriża soċjali.

4.11   L-intrapriżi soċjali jaqdu rwol essenzjali bħala forza mexxejja tal-innovazzjoni soċjali. L-esperjenza tal-kooperattivi soċjali għall-inklużjoni fix-xogħol hija eżempju ċar, iżda apparti mill-forma legali, l-innovazzjoni soċjali ġejja wkoll minn metodi ġodda għall-forniment tas-servizzi, mill-ħolqien ta’ prodotti ġodda innovattivi u servizzi li jissodisfaw ħtiġijiet ġodda tas-soċjetà. L-istituzjonijiet Ewropej għandhom madankollu jaġixxu b’mod koerenti u jikkoordinaw il-provvedimenti għall-intrapriża soċjali u dawk għall-innovazzjoni u t-tibdil soċjali.

4.12   L-organizzazzjonijiet li jippromovu l-ħolqien jew l-iżvilupp ta’ netwerks bejn l-intrapriżi soċjali huma bżonnjużi għall-appoġġ tal-innovazzjoni billi jippromovu l-parteċipazzjoni fi proċessi ta’ sħubija jew aggregazzjonijiet intraprenditorjali bejn l-intrapriżi soċjali li jingħaqdu f’konsorzji. Għaldaqstant, il-proposta tal-Kummissjoni hija importanti peress li fl-azzjoni ewlenija nru 5 tipproponi miżuri li jippromovu l-aggregazzjonijiet u n-netwerks bejn l-intrapriżi soċjali li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ prattiki tajba, l-ekonomiji ta’ skala u servizzi komuni (taħriġ, ippjanar, amministrazzjoni, eċċ.).

4.13   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni prevista mill-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ strument għat-titjib tal-għarfien tas-settur u l-viżibbiltà tal-intraprenditorija soċjali (azzjonijiet ewlenin nru 5, 6, 8). Għarfien ikbar dwar il-potenzjal ta’ dan il-mudell intraprenditorjali huwa utli biex tiġi promossa kollaborazzjoni aktar intensa bejn l-intrapriżi soċjali u l-intrapriżi ordinarji.

4.14   Huwa importanti li jiġu żviluppati inizjattivi li jgħinu lill-intrapriżi soċjali biex isaħħu l-kapaċità intraprenditorjali, il-professjonaliżmu u n-netwerking tal-kompetenzi tagħhom. Tkun utli, f’dan ir-rigward, il-possibbiltà li jiġu promossi pjattaformi għall-iskambju ta’ prattiki tajba, anki biex jiżdiedu l-livelli ta’ internalizzazzjoni tal-intrapriżi soċjali.

4.15   Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-forom ġodda legali li qed jinħolqu mill-intrapriża soċjali billi tniedi studju esploratorju. Madankollu, il-sussidjarjetà għandha tkun il-prinċipju gwida, peress li l-mudelli nazzjonali jistgħu jesiġu, jew le, oqfsa regolatorji bbażati fuq il-kuntesti u t-tradizzjonijiet tagħhom stess.

4.16   Huwa importanti li jiġu promossi attitudni aktar miftuħa għas-sussidjarjetà min-naħa tal-istituzzjonijiet pubbliċi, il-preżenza ta’ politiki ta’ inċentivi aktar immirati u azzjoni biex jiġu żviluppati inizjattivi ta’ assoċjazzjonijiet intraprenditorjali li wrew li huma kruċjali għat-tkabbir tal-intrapriżi soċjali.

4.17   Jeħtieġ li l-politiki ta’ inċentivazzjoni ma jgħawġux il-prinċipji ta’ kompetizzjoni iżda jagħrfu l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriża soċjali, li ma jistgħu jitgħawġu bla ebda mod opportunistiku biex jinkiseb vantaġġ.

4.18   F’dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ strumenti għat-titjib tal-finanzjament, il-KESE għandu jiġbor u jaqsam l-approċċi innovattivi tal-Istati Membri. Ikun utli jiġu promossi dawk maħsuba biex jappoġġjaw l-aspetti li huma l-aktar relatati mal-intraprenditorija, jiġifieri:

strumenti ta’ garanzija għall-kreditu għall-intrapriża soċjali (bħalma huma netwerks ta’ garanzija reċiproka jew fondi pubbliċi ta’ garanzija);

strumenti ta’ kapitalizzazzjoni għall-investimenti soċjali fuq perjodu minn medju għal twil (bħalma huma l-fondi etiċi, il-fondi għall-innovazzjoni soċjali, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju soċjali);

miżuri ta’ natura regolamentari jew fiskali maħsuba għall-appoġġ tal-kapitalizzazzjoni tal-intrapriżi soċjali, it-tħeġġiġ jew l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati.

4.19   Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-forom ibridi ta’ investiment li huma aktar adatti għall-intrapriżi soċjali, peress li dawn iħalltu elementi ta’ valutazzjoni ta’ tip solidali u elementi ta’ tip finanzjarju. Huwa importanti wkoll li flimkien mal-intrapriżi soċjali jiġu valorizzati aktar l-aqwa esperjenzi tal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ karattru komunitarju u parteċipattiv qawwi, bħal fil-każ tal-banek kooperattivi jew il-banek li għandhom għanijiet etiċi u soċjali.

4.20   Huwa utli li jingħata appoġġ lil oqsma bħalma hu l-mikrokreditu (azzjoni ewlenija nru 2), iżda jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-funzjoni soċjali ta’ mertu tal-mikrokreditu, li huwa strument eċċezzjonali biex jgħin lill-individwi joħorġu min-nasba tal-faqar, mill-istrumenti għall-iżvilupp ta’ intrapriża, li huma b’mod neċessarju aktar kumplessi u strutturati. Fil-fatt, uħud mill-intrapriżi soċjali jiżviluppaw investimenti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ euro li ma jistgħux ikunu appoġġjati adegwatament mill-mikrokreditu.

4.21   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-opportunitajiet għall-appoġġ tal-innovazzjoni soċjali, tal-intraprenditorija u tal-intrapriża offruti mill-programmi l-ġodda tal-fondi strutturali proposti fl-azzjonijiet ewlenin nru 3 u 4 jew fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali. Il-KESE beħsiebu jenfasizza li dawn l-oqsma għandhom jitqiesu bħala prijoritarji mill-Istati Membri fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma sabiex jippermettu li l-istess oqsma jiġu inklużi fil-perjodu li jmiss ta’ programmazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew. Barra minn hekk, il-proposta tal-Programm għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni jista’ anki jippermetti appoġġ miżjud għall-iżvilupp tal-kapaċità u tal-finanzjament għall-intrapriżi soċjali, ħaġa li hija meqjusa favorevoli.

4.22   B’referenza għall-azzjoni ewlenija nru 1 (Fondi għall-intraprenditorija soċjali), il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva, iżda juri l-ħtieġa li tinżamm l-istess deskrizzjoni inkluża fl-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali. Jeħtieġ li dan il-fond jitqies bħala wieħed mid-diversi forom ta’ strument ta’ investiment indirizzati lill-intrapriża soċjali.

4.23   Huwa meqjus utli li tiġi riveduta, sabiex issir inqas restrittiva, l-iskema de minimis għall-intrapriżi soċjali (azzjoni ewlenija nru 11), b’mod partikolari għal dawk għall-integrazzjoni fix-xogħol, anki meta l-appoġġ pubbliku jingħata direttament lill-intrapriża u ma jiġix assenjat lill-ħaddiema; il-ġustifikazzjoni għal din il-pożizzjoni tista’ tinsab fil-każ riċenti tal- “Big Society Fund” Ingliż li ġie kofinanzjat bi kwota konsistenti ta’ flejjes pubbliċi li l-Kummissjoni ma qisitx bħala għajnuna mill-istat minħabba l-valur soċjali evidenti tal-inizjattiva.

4.24   L-intenzjoni li jiġi promoss l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għas-sistema tal-akkwisti pubbliċi (azzjoni ewlenija nru 10) hija pożittiva. Dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni Ewropea kellha rwol kruċjali biex tiżviluppa l-promozzjoni tal-klawżoli soċjali fl-akkwisti pubbliċi. Għal aktar minn għaxar snin jidher li kien hemm żieda fis-sensittivita tal-istituzzjonijiet Komunitarji għat-temi tal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, minħabba l-konsapevolezza li mmaturat maż-żmien li biex jinkisbu l-objettivi ta’ soċjetà aktar prosperuża u ġusta jeħtieġ li t-tkabbir ekonomiku jippromovi s-sostenibbiltà ambjentali u l-koeżjoni soċjali.

4.25   Il-Kummissjoni għandha tkompli miexja b’mod deċiż f’din id-direzzjoni biex tippromovi kriterji soċjali u ambjentali fost il-kriterji għall-għoti tal-akkwisti pubbliċi u għandha tiġbor u tqassam l-aħjar mudelli – fost l-Istati Membri – li jqisu l-aspetti soċjali u ambjentali fost dawn il-kriterji. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea nnifisha rrikonoxxiet, fil-ġurisprudenza tagħha, l-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

4.26   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjoni ewlenija nru 6 tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata bażi tad-data ta’ ċertifikazzjonijiet biex is-sistemi jkunu jistgħu jsiru aktar komparabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha twettaq studju dwar dawn is-sistemi biex jinstabu sinerġiji u jitqassam it-tagħlim miksub. F’din l-opinjoni esploratorja, il-KESE enfasizza l-ħtieġa ta’ statistika komparabbli u konsolidati, riċerka u data fil-qasam tal-intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni u l-Eurostat għandu jkollhom rwol ċentrali sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim reċiproku fi ħdan l-UE.

4.27   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għal pjattaforma unika għall-aċċess tad-data (azzjoni ewlenija nru 8) u għandha tiġi kkomplementata b’inizjattivi simili fl-Istati Membri sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà u s-sinerġiji.

4.28   Il-Kummissjoni Ewropea taqdi rwol ċentrali fiż-żamma tal-appoġġ għall-intrapriżi soċjali fuq l-aġenda politika u billi tiżgura li dawn l-intrapriżi jiġu meqjusa b’mod koerenti; għaldaqstant hija importanti l-proposta li jinħoloq grupp konsultattiv dwar l-intrapriża soċjali li ser teżamina l-progress tal-miżuri maħsuba fil-komunikazzjoni. Għandhom jiġu promossi strutturi simili fl-Istati Membri wkoll.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(2)  GU C 318, 23.12.2009, p. 22.

(3)  GU C 24, 28.1.2012, p. 1.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Negozju Żgħir, Dinja Kbira — sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali”

COM(2011) 702 final

2012/C 229/09

Relatur: is-Sur VOLEŠ

Nhar id-9 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Negozju Żgħir, Dinja Kbira — sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali”

COM(2011) 702 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'195 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-isfruttament tal-potenzjal tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ewropej sabiex jidħlu fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, speċjalment dawk li qegħdin jikbru b'rata mgħaġġla, jista' jkun fattur importanti sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-impjiegi. Għal din ir-raġuni, l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandha tkun parti importanti mill-politiki kollha tal-UE relatati mal-SMEs.

1.2   L-internazzjonalizzazzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, bħall-esportazzjoni, l-importazzjoni, l-investiment barrani dirett, is-sottokuntrattar, il-kooperazzjoni teknika u oħrajn. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tindirizza biss l-appoġġ għall-esportaturi u l-investituri.

1.3   Meta titqies ir-rabta stretta bejn l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-programmi ġodda Orizzont 2020 u COSME jsiru aktar aċċessibbli u faċli li jintużaw mill-SMEs. Sabiex tiġi appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni, jeħtieġ li jintuża wkoll il-Fond Soċjali Ewropew.

1.4   L-appoġġ Ewropew għall-internazzjonalizzazzjoni għandu jqis l-appoġġ li jingħata fil-livell nazzjonali, li m'għandux jissostitwixxi iżda għandu jikkomplementa l-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-UE, fi kliem ieħor billi jinfetħu s-swieq, jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali u multilaterali, jitneħħew l-ostakli u tiġi pprovduta l-informazzjoni fl-oqsma tad-dwana, tal-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali, tal-protezzjoni tal-investimenti, tal-istandards, tar-regolamenti, tal-akkwisti pubbliċi, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u oħrajn.

1.5   Il-KESE jappella li tittejjeb il-koordinazzjoni u tiġi unifikata l-ġestjoni tal-politika tal-internazzjonalizzazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Parlament Ewropew u n-netwerk tar-rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs.

1.6   Il-portal onlajn propost jista' jaqdi r-rwol tiegħu biss jekk dan ikun ikopri s-sorsi kollha ta’ informazzjoni disponibbli, ikun marbut mal-portalli nazzjonali u fil-futur ikun jipprovdi l-informazzjoni l-aktar essenzjali fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

1.7   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-użu insuffiċjenti tal-possibbiltajiet li joffri n-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi u jilqa' l-proposta li tinbidel l-istruttura amministrattiva tiegħu. Jappella li l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi jiġu assoċjati mal-ġestjoni ta’ dan in-netwerk.

1.8   Il-politika Ewropea dwar l-għajnuna li tingħata lill-SMEs sabiex jidħlu fis-swieq tal-pajjiżi terzi għandha tkun marbuta mill-qrib mal-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs fis-suq uniku, peress li dan huwa preċiżament il-post fejn il-maġġoranza tagħhom jiksbu l-esperjenzi tagħhom tas-swieq barranin. Għalhekk, din il-politika għandha tinkludi wkoll l-għajnuna lill-SMEs sabiex jidħlu fis-suq uniku u t-tneħħija tal-ostakli li jfixklu dan.

1.9   Wieħed mill-akbar nuqqasijiet tas-sistemi attwali tal-appoġġ, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali, huwa li l-SMEs bilkemm jafu li dawn l-appoġġi jeżistu, isibuha diffiċli li jsibu l-informazzjoni li għandhom bżonn, ma jifhmux il-lingwa u jsibu diffiċli wkoll l-aċċess għall-istruzzjonijiet preċiżi sabiex isegwu l-proċeduri. F'dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda l-ewwel nett li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs jiġu involuti fl-attivitajiet marbuta mal-informazzjoni.

1.10   L-aċċess għall-finanzjament huwa prerekwiżit importanti għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, partikolarment f'perjodu ta’ kriżi. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni toħloq strumenti finanzjarji ġodda ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, bħall-garanziji ta’ finanzjament għall-esportazzjoni, l-assigurazzjoni għall-attivitajiet internazzjonali u provvista faċli ta’ self permezz ta’ karti ta’ kreditu garantiti.

1.11   Il-Kumitat jappella li jingħaqdu l-kondizzjonijiet tal-programmi reġjonali differenti, bħall-East Invest, AL Invest u Medinvest u oħrajn, li jagħmluha aktar faċli għall-SMEs li jużawhom. Jappella wkoll li tiġi riveduta r-regola attwali, li skontha huma biss l-SMEs li ġejjin minn pajjiżi msieħba li jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ għall-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tal-programm.

1.12   Il-KESE jipproponi numru ta’ miżuri konkreti fil-livell Ewropew li jistgħu jikkompletaw b'mod utli l-għajnuniet eżistenti, bħall-introduzzjoni ta’ premju Ewropew tal-esportazzjoni tal-SMEs, l-użu ta’ inizjattivi fil-livell tal-Ewropa kollha bħall-Premju Ewropew tal-Intrapriża, ir-reklamar favur l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs matul il-Ġimgħa tal-SMEs, il-ħolqien u ż-żamma ta’ bażi ta’ data tal-aħjar esperjenzi min-naħa tal-fornituri tal-appoġġ, u t-tiġdid ta’ inizjattivi, bħall-Europarternariat jew Interprise, li għandhom l-għan li jlaqqgħu l-intraprendituri minn pajjiżi differenti.

1.13   Il-KESE japprova l-idea li kull sena jitlaqqa' forum sabiex jiġu evalwati r-riżultati tal-internazzjonalizzazzjoni u jappella sabiex dan isir pjattaforma permanenti, fejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra jkunu involuti fih b'mod attiv inkluż il-KESE.

1.14   Il-KESE jirrakkomanda li maż-żoni ġeografiċi prijoritarji magħżula (pajjiżi BRIĊ) jingħaqdu swieq potenzjali oħra, bħall-Golf tal-Persja, l-Asja tax-Xlokk u oħrajn.

2.   Il-kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1   L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha ssib sorsi ġodda ta’ tkabbir u impjiegi. Is-swieq kbar tal-pajjiżi terzi, bħalma huma ċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Brażil, qegħdin joffru opportunitajiet interessanti għall-intrapriżi tal-UE, minħabba r-rata tagħhom jew il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir. L-appoġġ tal-attivitajiet tal-SMEs barra l-UE għalhekk jgħin ukoll li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE, kif indikat fl-Istrateġija Ewropa 2020 u dokumenti oħra (1).

2.2   F'Novembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni “Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (2), fejn ipproponiet bidla kompleta tas-sistema tal-appoġġ għall-SMEs fil-livell Ewropew fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni, li għandha tgħin testendih u tagħmlu aktar effettiv u trasparenti.

2.3   Filwaqt li 25 % tal-SMEs ibbażati fl-UE esportaw lejn is-suq intern f'dawn l-aħħar tliet snin, huma biss 13 % minnhom li kienu attivi internazzjonalment barra l-UE, u dan juri l-kobor tal-potenzjal li għadu mhux sfruttat fil-pajjiżi terzi, speċjalment fl-industriji innovattivi tal-manifattura u fis-setturi kreattivi.

2.4   Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-għanijiet li tixtieq tikseb – tipprovdi lill-SMEs b'informazzjoni faċilment aċċessibbli, ittejjeb il-koerenza tal-attivitajiet ta’ appoġġ, ittejjeb il-kosteffettività, timla n-nuqqasijiet fis-servizzi pprovduti fil-livell nazzjonali mis-setturi pubbliċi u privati u tiżgura aċċess indaqs għall-SMEs mill-Istati Membri kollha tal-UE.

2.5   Sabiex tikseb dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tixtieq tuża prinċipalment l-istrumenti li ġejjin: twassal l-informazzjoni għand l-SMEs, tagħti dimensjoni Ewropea lill-provvista tas-servizzi għall-SMEs fis-swieq prijoritarji, tappoġġja r-raggruppamenti u n-netwerks u torganizza mill-ġdid l-attivitajiet ġodda fis-swieq prijoritarji filwaqt li tirrispetta tliet prinċipji: il-komplementarjetà, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza fl-użu tal-fondi pubbliċi billi tuża għanijiet speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, huma rilevanti u marbuta biż-żmien (SMART – specific, measurable, achievable, relevant, timed). Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi żoni ġeografiċi prijoritarji abbażi tal-kriterji definiti. L-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandha tkun parti minn politiki oħra tal-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jaqbel mal-maġġoranza tal-analiżi u l-konklużjonijiet tagħha. Jirrimarka li din il-Komunikazzjoni tikkonċentra aktar fuq il-mekkaniżmu tal-għoti ta’ appoġġ milli fuq il-kontenut u l-għanijiet tiegħu. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu fejn reċentement wera l-pożizzjoni tiegħu dwar il-problema tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs – Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar”  (3), Kif għandhom jiġu appoġġjati l-SMEs biex jadattaw għall-bidliet fis-swieq globali  (4) u Id-dimensjoni esterna tal-politika industrijali Ewropea  (5) .

3.2   Il-KESE jaqbel li l-politika biex l-SMEs jiġu appoġġjati jidħlu fis-swieq terzi għandha tkun parti mill-istrateġija tal-kompetittività tal-Ewropa 2020 tal-UE, u fil-politiki l-oħra tal-UE. Jenfasizza l-bżonn li dawn il-politiki jiġu kkoordinati fir-rigward tal-użu tagħhom sabiex tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs.

3.3   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija limitata esklussivament għall-appoġġ għall-esportazzjoni diretta fis-swieq terzi. Madankollu, l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tkopri l-esportazzjoni, l-importazzjoni, l-investiment barrani dirett, il-kooperazzjoni teknika, is-sottokuntrattar u attivitajiet oħra, fejn l-SMEs huma parti mill-katina ta’ valur.

3.4   L-appoġġ għall-informazzjoni u t-taħriġ għandu jiġi estiż għal oqsma oħra tal-internazzjonalizzazzjoni, sabiex dan ikun ta’ benefiċċju għall-akbar numru possibbli ta’ utenti. Għandha ssir distinzjoni bejn il-bżonnijiet tal-kategoriji differenti ta’ intrapriżi, skont id-daqs u l-esperjenza tagħhom għall-attivitajiet barra l-pajjiż.

3.5   L-istatistika ppubblikata għan-numru ta’ SMEs li jistgħu jkunu involuti fl-internazzjonalizzazzjoni teħtieġ li tiġi interpretata b'kawtela (6), peress li l-għan ta’ numru sinifikanti ta’ SMEs huwa li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq lokali, bħal pereżempju s-servizzi ż-żgħar, il-produzzjoni artiġjanali għad-domanda lokali, eċċ.

3.6   Il-KESE jenfasizza li b'mod sistematiku u permanenti għandu jinħoloq ambjent intraprenditorjali favorevoli għall-SMEs, fejn b'mod partikolari għandhom jitnaqqsu l-burokrazija u r-regolamenti żejda li jheddu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi u għandhom jiġu eliminati b'mod sistematiku l-ostakli kollha li jimpedixxu l-SMEs milli jsiru internazzjonali.

3.7   L-innovazzjoni tistimula l-internazzjonalizzazzjoni, li min-naħa tagħha, tista' ttejjeb il-prestazzjoni tal-intrapriżi (7). Matul il-perjodu baġitarju attwali tal-UE, fil-kuntest tas-seba' programm qafas, l-SMEs qegħdin jużaw biss 15 % tal-finanzjament disponibbli mill-programm ta’ kooperazzjoni (8). Il-programmi ġodda Orizzont 2020, COSME jistgħu jagħmlu ħafna sabiex tissaħħaħ il-kompetittività permezz tal-innovazzjoni u għalhekk jiġi promoss ambjent aktar b'saħħtu għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej u, sussegwentement, għal aktar tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi. Madankollu, l-SMEs iridu jsiru konxji ta’ dawn il-programmi, li għandhom isiru aktar faċli mil-lat amministrattiv, u jkollhom aċċess faċli għalihom.

3.8   L-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs jista' jkun effettiv biss jekk jinbidel l-approċċ tal-fornituri, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali, u jimxu minn servizzi standardizzati u lesti għal servizzi “magħmula apposta”, immirati, proattivi u adattati, li jqisu s-settur ta’ attività, iċ-ċiklu tal-ħajja, id-disponibbiltà tar-riżorsi, il-pożizzjoni fost il-kompetitturi u l-kondizzjonijiet interni tal-intrapriża, bħall-għarfien lingwistiku u l-għarfien tal-kultura u tal-ambjent intraprenditorjali lokali (9).

3.9   L-għan tan-negozju huwa l-profitt, it-tkabbir u l-ksib tas-sehem fis-suq. Id-dħul fis-swieq barranin jista' jwassal għal dan, iżda m'hemm l-ebda garanzija ta’ suċċess. Filwaqt li nofs l-SMEs li joperaw barra l-pajjiż jesperjenzaw żieda fid-dħul, dan mhux il-każ għan-nofs l-ieħor. L-għan tal-appoġġ ipprovdut għandu jkun li kemm jista' jkun jitnaqqsu r-riskji ta’ falliment minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u esperjenza.

3.10   L-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs ġej mill-kompetenza tal-Istati Membri, li joffru numru kbir ta’ programmi ta’ appoġġ, iktar minn 300, iffinanzjati kemm pubblikament kif ukoll privatament (10). Huwa għalhekk li għandu jitqies bir-reqqa l-valur miżjud li jista' jagħti l-appoġġ il-ġdid fil-livell tal-UE, sabiex jiġi evitat li jidħlu fuq l-appoġġ attwali bħala duplikazzjoni. Għal din ir-raġuni jkun utli li l-awtoritajiet nazzjonali li jipprovdu l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs b'mod regolari jiskambjaw l-informazzjoni tagħhom u jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mad-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni.

3.11   Il-kontribut tal-Ewropa għandu jkollu l-għan, l-ewwel nett li jiftaħ is-swieq u jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom, jikkonkludi ftehimiet bilaterali u multilaterali, ineħħi l-ostakli tariffarji u dawk li mhumiex, u jipprovdi l-informazzjoni (permezz tal-bażi tad-data dwar l-aċċess għas-suq – MADB (Market Access Database)) speċjalment dwar aspetti speċjalizzati u komuni, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, l-istandards, id-dazji, id-dokumenti għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, ir-regolamenti, ir-regoli sanitarji, fitosanitarji u veterinarji, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-akkwisti pubbliċi. B'mod sistematiku l-UE għandha tesiġi li l-pajjiżi msieħba jivvalidaw iċ-ċertifikati nazzjonali tal-Istati Membri li huma rikonoxxuti fi ħdan is-suq uniku, u b'hekk tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni kontra ċerti Stati Membri.

3.12   L-għajnuna mill-UE għandha tintuża wkoll sabiex jinħolqu kondizzjonijiet ugwali għall-attivitajiet tal-SMEs li ġejjin minn Stati Membri żgħar u ġodda li m'għandhomx il-possibbiltà li jżommu rappreżentanza fis-swieq terzi.

3.13   Il-prinċipju tas-sħubija bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u r-rappreżentanti tal-intrapriżi (kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs, assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi u tas-settur) għandu jiġi rispettat b'mod strett. L-involviment tal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, għandu jservi sabiex jiġu identifikati l-politiki u r-riżorsi neċessarji sabiex tiġi appoġġjata l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs kif ukoll sabiex jiġi ssorveljat l-użu korrett tagħhom. Dan il-prinċipju ta’ sħubija għandu jirrispetta l-interessi nazzjonali u d-diversi forom ta’ appoġġ u l-kompetizzjoni ħielsa bejn l-intrapriżi u l-fornituri tal-appoġġ. Madanakollu jeħtieġ li jiġi evitat li l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri joffru servizzi f'kompetizzjoni mal-intrapriżi jew organizzazzjonijiet rappreżentanti tal-intrapriżi.

3.14   Il-KESE jiddispjaċih bin-nuqqas fil-Komunikazzjoni ta’ proposta li jkollha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni u jkun hemm ġestjoni komuni tal-istrateġija tal-internazzjonalizzazzjoni fil-livell Ewropew. Fir-rigward tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, m'hemmx delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni (bħall-intraprenditorija u l-industrija, il-kummerċ, is-suq uniku, l-għajnuna għall-iżvilupp, id-dwana u t-taxxa). Għandha tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn, fuq naħa, dawn id-DĠs tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, fuq in-naħa l-oħra, il-Kunsill, in-netwerk tar-rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs, il-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi u korpi oħra li jimplimentaw il-politika tal-internazzjonalizzazzjoni u li jaqdu rwol fit-tfassil tagħha.

4.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni

4.1   L-inventarju ddettaljat tal-istat attwali għandu primarjament jiffoka fuq li jevalwa l-effikaċja tal-miżuri u l-istrumenti Ewropej attwali ta’ appoġġ, jindika n-nuqqasijiet eżistenti fis-sistemi nazzjonali ta’ appoġġ u jikkompleta dawn l-appoġġi b'kontribut Ewropew.

4.2   Jeħtieġ li jkun hemm riflessjoni serja dwar l-ispejjeż qabel ma jinħoloq portal Ewropew ġdid ta’ informazzjoni. F'dan ir-rigward, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

M'għandux ikun hemm duplikazzjoni tas-sorsi nazzjonali eżistenti.

Il-portal għandu jorbot is-sorsi kollha ta’ informazzjoni eżistenti, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej, sabiex ikunu faċilment aċċessibbli minn post wieħed.

L-informazzjoni komuni minn sorsi Ewropej għandha tkun ipprovduta bil-lingwi nazzjonali.

L-informazzjoni mis-sorsi proprja tal-UE għandha tiffoka fuq l-identifikazzjoni u t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess għas-suq, ir-regolamenti relatati mad-dwana u maċ-ċertifikazzjoni, ir-rekwiżiti sanitarji, fitosanitarji u veterinarji, l-inċentivi għall-investimenti u l-protezzjoni tagħhom, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, l-appalti pubbliċi, eċċ.

L-SMEs għandhom jiġu informati dwar l-aspetti tal-linji gwida tal-OECD (11) għall-Intrapriżi Multinazzjonali li huma wkoll rilevanti għalihom.

L-informazzjoni għandha tqis il-bżonnijiet ta’ dawk kollha involuti fl-internazzjonalizzazzjoni: l-esportaturi, l-importaturi, l-investituri u s-sottokuntratturi waqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi differenti.

4.3   Il-KESE jikkundanna n-nuqqas ta’ miżuri li għandhom l-għan li jappoġġjaw il-kummerċ elettroniku, li jista' jsir settur importanti għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. F'dan ir-rigward hemm bżonn li jiġu implimentati l-objettivi tal-UE fir-rigward tal-internet broadband, speċjalment għall-kopertura taż-żoni rurali u remoti, li tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-informazzjoni indispensabbli għall-internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

4.4   Il-KESE japprezza l-kontribut tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża bil-għan li jiġu żviluppati l-kuntatti u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi tal-UE f'ċerti pajjiżi. Ser ikun possibbli li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal ta’ dan in-netwerk, kif jixhed, pereżempju, il-livell baxx ta’ għarfien tal-maġġoranza tal-SMEs Ewropej dwar l-eżistenza tiegħu. Is-servizzi offruti minn dan in-netwerk għandhom kemm jista' jkun jirriżultaw mid-domandi u l-bżonnijiet reali tal-SMEs. F'ħafna reġjuni, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs mhumiex parti min-Netwerk Ewropew tal-Intrapriża. Il-KESE jindika l-bżonn, għalhekk, li dan ikollu struttura amministrattiva ġdida u jappella sabiex l-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi li huma involuti mill-qrib mal-SMEs jipparteċipaw fit-tmexxija ta’ dan in-netwerk.

4.5   L-appoġġ Ewropew li jgħin lill-SMEs jidħlu fis-swieq tal-pajjiżi terzi għandu jinkludi wkoll diversi forom ta’ appoġġ li jgħinu lill-SMEs jidħlu fis-suq uniku, flimkien mat-tneħħija tal-ostakli li jkomplu jimpedixxu lil dawn l-intrapriżi li jisfruttaw kompletament l-opportunitajiet offruti minn dan is-suq, kif indikat fl-Att dwar is-Suq Uniku. Huwa komuni għall-SMEs li jibdew bl-attivitajiet kummerċjali internazzjonali tagħhom fis-suq uniku, qabel ma jiftħu fis-swieq tal-pajjiżi terzi.

4.6   Huwa ċar mir-riċerka u l-istudji kollha li l-SMEs ma tantx għandhom għarfien dwar il-forom ta’ appoġġ u l-programmi disponibbli. L-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE għandhom jużaw lingwaġġ sempliċi, li jinftiehem u adatt għall-karatteristiċi tal-SMEs. Il-KESE jirrakkomanda li titfassal gwida ċara u qasira għal-labirint tal-għajnuna u li jittejjeb it-tixrid tal-informazzjoni dwar l-appoġġ attwali mill-istituzzjonijiet Ewropej. Fit-tixrid tal-informazzjoni u l-għarfien dwar l-appoġġ għandhom jiġu involuti, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs, bħall-kmamar tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet tas-settur u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, waqt li jiġu offruti l-appoġġ finanzjarju neċessarju sabiex joffru s-servizzi ta’ konsulenza mitluba.

4.7   Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni (12), il-KESE jixtieq itejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, peress li dan huwa prerekwiżit importanti għall-internazzjonalizzazzjoni potenzjali tagħhom, speċjalment matul il-kriżi attwali ekonomika u finanzjarja tal-UE. Il-KESE jistieden għalhekk lill-Kummissjoni toħloq strumenti finanzjarji ġodda ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, bħall-garanziji ta’ finanzjament għall-esportazzjoni, l-assigurazzjoni għall-attivitajiet internazzjonali u provvista faċli ta’ self permezz ta’ karti ta’ kreditu garantiti (13).

4.8   Bid-differenza tal-programmi eżistenti, bħall-East Invest u Al Invest, il-programmi ġodda ffokati fuq reġjun għandhom jiġu stabbiliti skont kondizzjonijiet finanzjarji u amministrattivi identiċi. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli attwali, abbażi ta’ liema huma biss l-SMEs tal-pajjiżi msieħba li jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ għall-parteċipazzjoni fil-programmi. Il-programmi għandhom jiffaċilitaw ukoll l-involviment tal-SMEs minn Stati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom billi jestendu l-appoġġ tagħhom għar-rimborż tal-ispejjeż inizjali sabiex jieħdu sehem fl-attivitajiet.

4.9   Il-KESE jilqa' l-isforz li qed tagħmel il-Kummissjoni sabiex tippermetti lill-SMEs mill-Istati Membri li m'għandhomx rappreżentanza fil-pajjiżi terzi prinċipali jaċċessaw l-għajnuna u l-informazzjoni pprovduta minn Stati Membri oħra tal-UE. Madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-verità ser ikun diffiċli li din il-kooperazzjoni tiġi konfigurata. Jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk is-servizzi ssussidjati mill-fondi pubbliċi ta’ pajjiż partikolari jistgħux jintużaw minn SMEs minn Stati Membri oħra.

4.10   Dan l-ostaklu jista' jingħeleb bil-ħolqien gradwali fil-pajjiżi msieħba prinċipali ta’ ċentri Ewropej ta’ appoġġ għall-SMEs għall-kummerċ reċiproku. L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs għandhom jiġu direttament involuti fid-deċiżjonijiet dwar in-natura u l-forma tal-attivitajiet tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew jingħataw il-finanzjament neċessarju sabiex ikunu jistgħu jippromovu s-servizzi tagħhom.

4.11   Il-KESE jitlob li s-soċjetà ċivili ogranizzata (jiġifieri dawk li jħaddmu, it-trejdjunjins, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs, il-kmamar u l-assoċjazzjonijiet tal-professjonijiet ħielsa, eċċ.) inklużi l-KESE u organizzazzjonijiet bħall-Eurochambres, l-UEAPME, il-Business Europe, il-KETU u possibbilment l-organizzazzjonijiet settorjali Ewropej fl-aktar oqsma importanti għall-internazzjonalizzazzjoni, jipparteċipaw f'forum annwali sabiex tiġi evalwata l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs. Dan il-forum għandu jkun pjattaforma permanenti ta’ koordinazzjoni li jsegwi wkoll il-mod kif jiġu allokati ammonti konsiderevoli lil diversi programmi u forom ta’ għajnuna u jimmonitorja l-effikaċja tagħhom abbażi ta’ kriterji ċari.

4.12   Il-KESE jipproponi li jinħoloq premju Ewropew għall-aħjar esportatur fost l-SMEs li għandu jingħata annwalment, pereżempju, waqt laqgħa tal-Forum.

4.13   Il-Premju Ewropew għall-Intrapriża u l-Premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew li jingħata mill-Kumitat tar-Reġjuni jistgħu jintużaw b'mod aktar enerġetiku sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar is-suċċess miksub mill-korpi pubbliċi fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni.

Il-ġimgħat tal-SMEs organizzati kull sena għandhom jinkludu inizjattivi favur l-internazzjonalizzazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam bejn l-Istati Membri.

Il-KESE jappella li tinħoloq u tinżamm bażi ta’ data onlajn tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-internazzjonalizzazzjoni tal-kmamar tal-kummerċ, tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs u tal-organizzazzjonijiet settorjali tal-UE, kif ukoll it-tixrid immirat permezz tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs.

4.14   Il-KESE jirrakkomanda li jerġgħu jintużaw xi wħud mill-inizjattivi Ewropej li kellhom l-għan li jlaqqgħu flimkien l-intraprendituri, li diġà taw il-prova tagħhom u li minnhom ibbenefikaw fil-passat ħafna SMEs mill-pajjiżi kandidati fir-rigward tal-internazzjonalizzazzjoni tagħhom, bħall-Europartenariat jew l-Interprise.

4.15   Fir-rigward tal-ambitu territorjali tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, il-KESE jaqbel li dan ikun jiffoka fuq il-pajjiżi BRIĊ, li qegħdin jesperjenzaw tkabbir ekonomiku għoli, iżda jirrakkomanda li għandu jkun jiffoka fuq swieq oħra emerġenti, bħall-pajjiżi tal-Golf, l-Asja tax-Xlokk u reġjuni oħra. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu definiti prijoritajiet settorjali li fuqhom għandha tiffoka l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs.

4.16   Il-KESE jirrakkomanda li jkun hemm aktar involviment mir-rappreżentanti tal-SMEs fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fil-pajjiżi fejn jaħdmu u li din issir waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-politiki nazzjonali sabiex jiġu appoġġjati l-SMEs.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Komunikazzjonijiet dwar Politika Industrijali Integrata, COM(2010) 614 final; dwar ir-Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar”, COM(2011) 78 final; dwar il-politika kummerċjali, COM(2010) 612 final u l-Komunikazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, COM(2010) 608 final.

(2)  COM(2011) 702 final, 9.11.2011.

(3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(4)  ĠU C 255, 22.9.10. p. 24.

(5)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 25.

(6)  Ara l-istudju EIM, p. 5. 25 % tal-SMEs fi ħdan l-UE 27 jesportaw, li minnhom madwar 50 % jagħmlu dan barra s-suq intern (13 %); 29 % tal-SMEs fi ħdan l-UE 27 jimportaw, għal darb'oħra 50 % minnhom jimportaw minn pajjiżi barra s-suq internazzjonalizzazzjoni (14 %); 7 % tal-SMEs fi ħdan l-UE 27 huma involuti f'kooperazzjoni teknoloġika ma’ msieħeb barrani, 7 % huma sottokuntratturi għal imsieħeb barrani; 7 % għandhom sottokuntratturi barranin, u 2 % tal-SMEs huma attivi fl-investiment dirett barrani.

(7)  Tabella ta’ Prestazzjoni tal-SMEs. “L-SMEs jistgħu joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar?” EIM, Novembru 2011, p. 77.

(8)  Rapport dwar il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-Seba' Programm Qafas 2007-2011. Kummissjoni Ewropea, Jannar 2012.

(9)  Fabio Antoldi, “Can European SMEs really intercept the international paths of fast growth?”, preżentazzjoni matul is-seminar tal-PE fl-24 ta’ Jannar 2012, p.31.

(10)  Studju tal-EIM, “Opportunitajiet għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej (Opportunities for the internationalization of European SMEs)”, rapport finali, p.30.

(11)  Linji gwida tal-OECD għall-intrapriżi multinazzjonali, 2000.

(12)  “Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”, COM(2011) 870 final.

(13)  Pereżempju, il-Karta Széchenyi fl-Ungerija, li hija garantita mill-Istat u tippermetti lill-SMEs jiksbu self mingħajr garanziji: www.iapmei.pt/conferencia/1_Laslo_Krisan.ppt.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej”

COM(2011) 862 final — 2011/0418 (COD)

2012/C 229/10

Relatur: is-Sinjura RODERT

Nhar l-20 ta’ Jannar u s-17 ta’ Jannar, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew rispettivament, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej

COM(2011) 862 final — 2011/0418 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'194 voti favur, vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej (minn issa l'quddiem ir-“Regolament”) li jirregola l-iżvilupp ta’ dawn il-fondi billi joħloq iktar ċarezza u sigurtà għall-partijiet ikkonċernati kollha filwaqt li jiffaċilita l-ħolqien transkonfinali tal-kapital.

1.2   Is-settur tal-impriżi soċjali huwa settur li qed jikber u li jagħti kontribut sinifikanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jilqa' l-interess tal-Kummissjoni f'dan is-settur u r-rieda tagħha li tappoġġja l-iżvilupp u t-tkabbir tiegħu.

1.3   It-titjib tal-aċċess tal-impriżi soċjali għal kapital adegwat huwa prijorità ċentrali. Madanakollu l-KESE jixtieq jenfasizza li din l-inizjattiva għandha titqies bħala waħda minn bosta strumenti finanzjarji li hemm bżonn u li għadhom iridu jiġu żviluppati.

1.4   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tuża d-definizzjoni ta’ intraprenditorija soċjali li ġiet stabbilita fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali iktar milli toħloq oħra ġdida. Jeħtieġ b'mod partikolari li jiġi preċiżat u kjarifikat l-approċċ differenti tar-Regolament lejn l-awtorizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-profitti lis-sidien. Jeħtieġ li jiġu enfasizzati l-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi soċjali meta mqabbla mal-kumpaniji li jiffukaw strettament fuq il-massimizzazzjoni tal-profitt u li jiġi enfasizzat l-approċċ tal-fond meta mqabbel ma’ fondi iktar tradizzjonali ta’ kapital ta’ riskju.

1.5   Fil-fehma tal-KESE jeżisti r-riskju li wħud mill-istrumenti ta’ ekwità proposti jkollhom impatt limitat fuq l-investiment fl-impriżi soċjali billi l-istruttura tal-istrumenti ta’ investiment proposti tassumi tip ta’ sjieda li f'ħafna każijiet mhijiex kompatibbli mal-forom legali li fihom joperaw ħafna impriżi soċjali. Is-self għal terminu twil propost u l-iskop ta’ “kwalunkwe tip ieħor ta’ parteċipazzjoni” huma l-iktar strumenti interessanti għal dawn il-forom legali u għandhom ikomplu jiġu żviluppati.

1.6   Għandhom jitqiesu wkoll il-karatteristiċi l-oħra tal-impriżi soċjali. Pereżempju jeħtieġ li tingħata attenzjoni liċ-ċessjoni tas-sjiedi f'impriżi relatati mal-attivitajiet ta’ gruppi vulnerabbli, l-impatt fuq l-istima tal-impriżi soċjali tal-indipendenza tagħhom, is-sistemi ta’ ġestjoni partikolari tagħhom, il-bżonn ta’ investiment fuq perjodu twil iktar milli qasir u dħul finanzjarju baxx.

1.7   Sabiex jitjieb l-impatt ta’ dawn it-tipi ta’ fondi fuq l-impriżi soċjali, jistgħu jitqiesu bħala parti minn soluzzjoni kapitali ibrida, li hija l-iktar forma adegwata ta’ finanzjament għall-impriża soċjali. Il-kapital ibridu jiġbor flimkien sussidji b'self “paċenzjuż” jiġifieri self fuq perjodu twil u strumenti oħra li jippermettu dewmien u tul ta’ żmien u li jagħmlu tajjeb għalihom il-proprjetà pubblika u l-garanziji statali. L-użu ta’ forom oħra ta’ kapital privat bħal kontributi u donazzjonijiet jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll flimkien ma’ forom iktar adegwati ta’ sjieda ta’ “impriża ta’ portafoll” (it-terminu użat fir-Regolament għall-entitajiet li jsir investiment fihom, pereżempju l-impriżi soċjali) bħal ishma mingħajr id-dritt tal-vot.

1.8   Ir-Regolament jipproponi li l-fondi l-ġodda jmorru l-ewwel għand investituri professjonali u individwi ta’ valur għoli b'investiment minimu ta’ EUR 100 000. Il-KESE jenfasizza madanakollu li forom sikuri u iktar affidabbli ta’ fondi bħal dawn għandhom eventwalment jinfetħu għall-pubbliku ġenerali u għal investimenti iżgħar.

1.9   L-ikbar sfida ta’ din il-proposta hija l-bżonn li jitkejlu u jiġu rappurtati l-effetti soċjali u l-impatt soċjali tal-impriżi ta’ portafoll.

1.10   Il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel isiru studju konġunt u ħidma fil-livell tal-UE u li mbagħad jiġu żviluppati kriterji u indikaturi fil-livell nazzjonali skont il-forma, l-approċċ u l-għanijiet tal-attivitajiet, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha.

1.11   Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex tiddefinixxi t-termini prinċipali għandha tiġi eżerċitata malajr kemm jista' jkun abbażi ta’ konsultazzjoni mifruxa u miftuħa mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati, jiġifieri kollettivi, investituri u impriżi soċjali.

1.12   Għandhom jinħolqu programmi li jħejju għall-investiment u forom oħra ta’ bini ta’ kapaċità għall-partijiet kollha sabiex tinbena l-fiduċja u strutturi konġunti magħmula għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali bħal dawn.

2.   Introduzzjoni

2.1   Taħt l-Att dwar is-Suq Uniku (1), il-Kummissjoni ħadet l-impenn li ssegwi numru ta’ miżuri li jappoġġjaw l-iżvilupp u t-tkabbir tal-impriżi soċjali fl-Ewropa. Il-proposta għal qafas legali Ewropew għall-fondi ta’ intraprenditorija soċjali hija waħda minn dawn il-miżuri li ġew enfasizzati wkoll bħala azzjoni prinċipali fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali (2).

2.2   L-impriżi soċjali huma settur emerġenti fl-UE u l-istimi jissuġġerixxu li l-investimenti soċjali x'aktarx se jikbru b'mod rapidu u jsiru suq ta’ iktar minn EUR 100 biljun (3). Dan hu fattur li jenfasizza l-potenzjal ta’ dan is-suq li qed jikber. Għaldaqstant, jekk jiġi żgurat li s-settur ikompli jikber u jibqa' joħloq prosperità jkun qed isir kontribut importanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Madanakollu, hekk kif stqarr il-KESE fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “L-intraprenditorja soċjali u l-intrapriża soċjali” INT/589 (4), ir-rekwiżiti regolatorji fil-livelli tal-UE u nazzjonali mhumiex imfassla sabiex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ kapital permezz ta’ dan it-tip ta’ fondi.

2.3   L-għan ta’ din il-proposta għal Regolament huwa li jistabbilixxi regoli uniformi u rekwiżiti għall-investiment kollettivi li jixtiequ jużaw l-isem “Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew”. Ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal dawn il-fondi bil-għan li jibni l-fiduċja, iċ-ċertezza u l-kunfidenza tal-investituri u jappoġġja t-tkabbir tal-impriżi soċjali billi jtejjeb l-effikaċja tal-ġbir tal-fondi mill-investituri privati. Fl-2011 saru konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta u valutazzjoni tal-impatt tagħha.

2.4   Din l-opinjoni tidentifika l-prijoritajiet u tirrakkomanda l-kjarifiki li għandhom jitqiesu sabiex din il-proposta għal Regolament tikseb ir-riżultat mixtieq.

3.   Kummenti tal-KESE dwar il-Proposta għal Regolament

3.1   Kapitolu 1 – suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

3.1.1   Il-KESE jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tappoġġja u tkabbar il-profil tal-impriżi soċjali tal-Ewropa u l-enfasi tagħha fuq l-aċċess għall-kapital sabiex ikun hemm tkabbir u żvilupp. Fil-fehma tal-KESE, il-proposta għal Regolament tista' tiffaċilita l-kapaċità ta’ ċerti impriżi soċjali li jżidu l-kapital privat. Din hija inizjattiva bżonjuża flimkien ma’ proposti oħra tal-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali li jirreferu wkoll għall-bżonn li jinsabu soluzzjonijiet oħra ta’ finanzjament.

3.1.2   Il-kapital huwa fundamentali sabiex impriża soċjali tkun tista' tikber iżda ftit mill-kapital deskritt fir-Regolament diffiċli jkun aċċessibbli għall-impriżi soċjali b'mod partikolari fl-ekonomija soċjali. Ir-Regolament għalhekk għandu jitqies bħala wieħed minn numru ta’ miżuri li jridu jittieħdu sabiex jitjieb l-aċċess għall-ġbir tal-kapital għall-impriża soċjali.

3.1.3   Mill-istrumenti ta’ investiment imsemmija fir-Regolament (Artikolu 3(1)(c)) l-enfasi għandha tkun fuq l-istrumenti tas-self bħall-istrument tas-self b'rati preferenzjali, l-hekk imsejjaħ self paċenzjuż (patient capital). Dan billi l-aċċess għall-istrumenti azzjonarji jista' jkun iktar diffiċli għal ċerti partijiet interessati. Is-sidien ta’ bosta impriżi soċjali fl-Ewropa huma l-membri, l-imsieħba, il-fundazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li f'ħafna każijiet jagħmlu s-sjieda esterna ferm iktar diffiċli. Forom oħra ta’ sjieda li huma iktar adegwati u li diġà jeżistu f'xi Stati Membri, bħalma huma ishma speċjali mingħajr vot u trasferibbli b'mod ħieles u bosta tipi ta’ strumenti ta’ dejn, għandhom jiġu kkunsidrati bħala titoli u assi finanzjarji oħrajn fl-impriżi soċjali. L-inċentivi fiskali wkoll għandhom jiġu kkunsidrati mill-qrib bħala element tal-mudell tad-dħul.

3.1.4   L-istrumenti ta’ investiment imsemmija fir-Regolament (Artikolu 3.1(c)(v)) għandhom jenfasizzaw aktar l-istrumenti li jintużaw b'mod komuni mill-impriżi soċjali, li huma iktar adatti għall-karatteristiċi tagħhom, bħalma huma t-titoli ta’ ekwità, inizjattivi speċjali fi ħdan is-settur finanzjarju (banek kooperattivi (5), banek etiċi u soċjali (6) u banek kummerċjali bi programmi soċjali (7)), strumenti innovattivi bħall-bonds b'impatti soċjali (social impact bonds) (8) u soluzzjonijiet favorevoli finanzjati mit-taxxi. Dawn l-istrumenti u assi finanzjarji oħrajn jistgħu jagħmlu parti mill-“kapital ibridu”, li tipikament jintuża iżjed mill-impriżi soċjali.

3.1.5   Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f'dawn il-fondi pereżempju bl-użu ta’ fond ta’ fondi jew ta’ fond tal-pensjonijiet għandu jiġi promoss bħala garanzija ta’ investimenti fit-tul. Madanakollu l-KESE jinnota li huwa importanti li l-impenji pubbliċi ma jintrabtux mar-riżorsi tal-Fondi Strutturali li għandhom għanijiet politiċi differenti.

3.1.6   Skont id-definizzjoni tar-Regolament ta’ impriża ta’ portafoll kwalifikanti din ikollha fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun (Artikolu (3(d)). Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tneħħi dan il-limitu billi dan jista' jiskoraġġixxi l-espansjoni. Limiti bħal dawn jeskludu wkoll ċertu fergħat ta’ impriżi soċjali bħas-saħħa, il-kura u d-djar soċjali.

3.1.7   Il-KESE jqis li huwa importanti li d-definizzjoni tal-intraprenditorija soċjali u tal-impriżi soċjali jkunu konsistenti mad-definizzjoni stabbilita fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali. Ir-Regolament jipproponi definizzjoni ftit modifikata ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti (Artikolu 3(1)(d)). Waħda mid-differenzi hija li r-Regolament jirrikjedi desrkizzjoni tal-attivitajiet (Artikolu 3(1)(d)(i)). Hawnhekk fil-fehma tal-KESE għandu jiġi deskritt l-għan speċifiku tal-impriża billi impriża soċjali hija settur kumpless b'bosta attivitajiet.

3.1.8   Fir-rigward tal-profitti (Artikolu 3(1)(d)(ii)) il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu INT/589 li tistqarr b'mod ċar li l-impriżi soċjali huma primarjament impriżi “mingħajr skop ta’ qligħ li ż-żieda tagħhom prinċiplament tiġi investita mill-ġdid u mhux imqassma lill-azzjonisti privati jew lis-sidien”. L-istqarrija fir-Regolament li tgħid li l-profitti huma permessi u li jistgħu jitqassmu bejn il-partijiet interessati u s-sidien jeħtieġ li tiġi kjarifikata billi jiġi speċifikat li l-profitt għandu jintuża sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-impriża u li fil-każijiet rari fejn jiġu permessi eċċezzjonijiet għal dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li ma jiġix mhedded l-għan soċjali. Dan l-approċċ u r-regoli assoċjati miegħu jeħtieġ li jiġi kjarifikat fir-Regolament b'mod partikolari sabiex jiġi differenzjat mill-proċess parallel relatat mar-Regolament dwar il-fondi ta’ kapital ta’ riskju li huwa mmirat lejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (9).

3.1.9   Id-definizzjoni tat- tipi ta’ oġġetti jew servizzi, il-metodi ta’ produzzjoni tal-oġġetti jew tal-prestazzjoni tas-servizzi u l-gruppi fil-mira tal-attivitajiet b'għan soċjali (Artikolu 3(1)(d)(i) u Artikolu 3(2)) jeħtieġ li jiġu definiti f'konsultazzjoni mal-grupp ta’ ħidma li jirrappreżenta l-impriża soċjali, Il-kompożizzjoni tal-grupp ta’ ħidma għandha tirrifletti d-diversità tal-impriża soċjali fl-Ewropa.

3.1.10   Ir-raba' rekwiżit għandu jkun applikabbli għal “impriżi ta’ portafoll kwalifikanti”. Fil-każ tax-xoljiment tal-impriża soċjali, il-maġġoranza tal-assi bażiċi (pereżempju minimu ta’ 60-70 %) ma jistgħux jiġu distribwiti fost l-imsieħba, l-azzjonisti, is-sidien jew il-ħaddiema iżda jridu jintużaw għal finijiet soċjali.

3.1.11   Ir-Regolament fil-bidu ser ikun indirizzat lejn l-investituri professjonali u individwi ta’ valur għoli. Dan għandu jinkludi wkoll investituri speċjalizzati mill-pubbliku u setturi mingħajr skop ta’ qligħ bħal banek kooperattivi u banek soċjali. Madanakollu l-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi kemm jista' jkun malajr skeda għall-ftuħ tal-fond għall-pubbliku billi din it-tip ta’ parteċipazzjoni hija interesanti għall-pubbliku wkoll.

3.2   Kapitolu II – kundizzjonijiet għall-użu tal-isem “Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew”

3.2.1   Fil-fehma tal-KESE l-proporzjon ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li għandu jammonta għal mill-inqas 70 % tal-assi tal-fond huwa pass tajjeb fil-bidu. Madanakollu ikun tajjeb li jiġu regolati l-assi li mhumiex permessi fil-bqija tat-30 % tal-fond sabiex jiġi enfasizzat l-għan tal-fond bħala impriża soċjali. Dejjem tajjeb li tiġi appoġġjata wkoll valutazzjoni ta’ kemm l-akkwist tal-assi li ġejjin minn investimenti mhux kwalifikanti huwa adegat (Artikolu 5(1)). Għandhom jiġu mħeġġa investimenti solidi u dejjiema bħall-bonds tal-gvern sabiex jiġi stabbilit il-fond. Għal din ir-raġuni għandha tiġi ċċarata d-definizzjoni ta’ flus jew inkella l-ekwivalenti ta’ flus.

3.2.2   Jeżistu bosta similaritajiet bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (10). Dawn is-similaritajiet u d-differenzi jeħtieġ li jiġu kjarifikati. Dan jgħodd b'mod partikolari għad-definizzjoni tal-klijienti professjonali (Artikolu 6), l-attivitajiet tal-maniġers (Artikolu 7) u l-applikazzjoni tal-fondi (Artikolu 8). L-impriżi soċjali ħafna drabi jkunu żgħar u lokali u huwa importanti li l-fondi li huma iżgħar ikunu jistgħu joperaw f'dan is-suq. Il-limitu ta’ investiment minimu ta’ EUR 100 000 għandu għalhekk jiġi kkunsidrat mill-ġdid (Artikolu 6(a)).

3.2.3   Importanti l-identifikazzjoni rapida, il-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni u l-monitoraġġ tal-kunflitti ta’ interess. Jeħtieġ li qabel ma jidħol fis-seħħ ir-Regolament jiġu stabbiliti miżuri kontra l-kunflitti ta’ interess. Importanti li f'din il-fażi bikrija, il-Kummissjoni tikkjarifika l-miżuri li għandha f'moħħha (Artikolu 8(5)). Hija għandha tiċċara wkoll liema regoli japplikaw jekk jinqalgħu kunflitti ta’ interess bejn impriżi ta’ portafoll u investituri jew il-maniġers ta’ fondi (Artikolu 8(2)).

3.2.4   Ir-Regolament jiddependi ħafna mill-abbiltà li jiġu kwantifikati l-effetti soċjali u l-impatt fuq is-soċjetà, kompitu diffiċli ħafna. Attwalment ma jeżisti l-ebda metodu mhux ambigwu li jista' jiġi applikat fuq l-ambjent li fih joperaw il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej. Importanti li jitkejlu l-impatti soċjali (kemm b'mod kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv) tal-attivitajiet iktar milli tal-impriżi ta’ portafoll. Minflok jinstab metodu uniformi wieħed għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt soċjali jkun iktar utli li jiġi żviluppat qafas bażiku tal-UE bi kriterji u indikaturi li jistgħu jitkejlu u jitfasslu fil-livell nazzjonali. F'dan l-istadju l-Kummissjoni għandha tiċċara x'inhuma l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward tal-kejl tal-effetti u l-impatti soċjali billi tniedi studju tal-metodi differenti ta’ kejl u l-esperjenzi f'konsultazzjoni mal-impriżi soċjali, ir-riċerkaturi u l-provvedituri tal-kapital.

3.2.5   L-indipendenza hija wieħed mill-pedamenti prinċipali tal-impriża soċjali. Il-proċeduri li, skont ir-Regolament, għandhom jużaw il-maniġers tal-fondi “sabiex ikejlu u jimmonitorjaw…l-impatt[i] soċjali pożittiv[i] li huma impenjati għalihom” għandhom għalhekk jiġu definiti b'mod iktar ċar sabiex jiġi enfasizzat il-fatt li huma obbligati jirrappurtaw lill-investituri tagħhom dwar l-impatt soċjali u jiżguraw li s-sjiedi jsiru verament f'attivitajiet soċjali (Artikolu 9 (1) u (2). In-nuqqas ta’ ċarezza dwar dan twassal għal nuqqas ta’ fehim ta’ x'inhu r-rwol tal-maniġers tal-fondi u għalhekk il-proposta għal Regolament għandha tittejjeb f'dan ir-rigward. Mhuwiex adegwat u l-anqas realistiku li l-maniġers tal-fondi jkunu obbligati jkejlu u jimmonitorjaw l-impatt soċjali kemm għax dan inaqqas l-indipendenza tal-impriżi soċjali kif ukoll għax ma hemmx metodi adegwati u effettivi ta’ kejl u monitoraġġ.

3.2.6   Il-kwistjoni tal-kejl hija riflessa wkoll fir-regoli dwar ir-rapport annwali u l-metodi użati għall-kejl tar-riżultati soċjali (Artikolu 12(2a)). Jeħtieġ li jiġi ċċarat kif dan ir-rappurtar jirrelata mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kejl li beħsiebha tfassal il-Kummissjoni.

3.2.7   Ir-rapport annwali huwa opportunità għall-maniġers tal-fondi li jwettqu ċessjonijiet b'relazzjoni mal-impriżi tal-portafoll tagħhom (Artikolu 12(2)(b)). Ir-Regolament jeħtieġ li jiċċara liema regoli japplikaw għaċ-ċessjonijiet tal-assi tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti. L-assi tal-impriżi soċjali li jaħdmu mal-gruppi vulnerabbli fil-mira ma tistax issir ċessjoni tagħhom bl-istess mod li tista' ssir fil-każ tas-sjieda fl-impriżi kummerċjali minħabba n-natura delikata tax-xogħol. L-investituri u l-maniġers tal-fondi jridu jkunu konxji tan-natura speċjali u b'hekk sensittiva tal-attivitajiet tagħhom u jadattaw l-imġiba tagħhom għal dan. Il-Kummissjoni għandha tindika kif ser jitqies is-suq sekondarju li joħolqu dawn iċ-ċessjonijiet. Bosta impriżi soċjali jiddependu minn investimenti fit-tul u affidabbli sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom.

3.2.8   Importanti li jiġi kjarifikat kif il-metodi ta’ kejl li beħsiebha tiżviluppa l-Kummissjoni ser jirrelataw mal-metodi li l-maniġers tal-fondi suppost jużaw għar-rappurtar u l-bażi tal-informazzjoni li jibagħtu lill-investituri (Artikolu 13 (1)(c) u (d)). Importanti wkoll deskrizzjoni tal-assi li ma jkunux impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għas-selezzjoni ta’ dawn l-assi. Ir-Regolament għandu jinkludi regoli li jiddefinixxu l-assi u l-investimenti mhux kwalifikanti għal din il-parti tal-fond ukoll (Artikolu 13(1)(e)). Fir-rigward ta’ proċedura tal-valutazzjoni tal-fond u l-metodoloġija tal-prezzijiet (Artikolu 13(1)(g)), il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġi żviluppat mudell magħmul speċifikament għall-forom u l-attivitajiet tal-impriżi soċjali.

3.3   Kapitolu III – superviżjoni u kooperazzjoni amministrattiva

3.3.1   Ir-regoli dwar il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom ikunu uniformi fl-UE kollha. Għalhekk dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE, kompitu li m'għandux jitħalla f'idejn l-Istati Membri (Artikolu 20(2)). Ir-regoli għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm miżuri oħra apparti sempliċiment projbizzjoni tal-użu tal-isem “Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew” billi l-inizjattiva għandha l-għan li toħloq il-fiduċja u tnaqqas l-abbuż. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-impriżi ta’ portafoll fil-fondi sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom f'każ li jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-maniġer tal-fondi.

3.4   Kapitolu IV – dispożizzjonijiet transizzjonali u finali

3.4.1   Ir-Regolament jistqarr f'bosta partijiet li l-Kummissjoni għandha aċċess għas-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fl-2013. Ħafna minn dawn is-setgħat huma ċentrali għat-tfassil tal-fondi bħall-qasam tal-attività (oġġetti, servizzi u l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom), distribuzzjoni tal-profitti u kunflitti ta’ interess. Il-partijiet interessati kollha jiġifieri kollettivi, investituri u impriżi soċjali għandhom ikunu involuti fil-proċess tad-definizzjoni ta’ dawn l-atti delegati. Il-grupp tal-partijiet interessati msemmi fl-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali jista' jaqdi rwol prinċipali f'dan ir-rigward.

4.   Kummenti oħra

4.1   Importanti li r-riżultati ta’ dan ir-Regolament jiġu evalwati kontinwament sabiex jiġi żgurat li l-gruppi prinċipali fil-mira tal-impriża soċjali (li ħafna drabi hija l-ekonomija soċjali) fil-fatt għandhom aċċess ikbar għall-kapital adegwat. Il-KESE ser jiġbed l-attenzjoni lejn dan kull sena bħala parti mill-ħidma kontinwa tiegħu dwar l-impriżi u l-ekonomija soċjali.

4.2   Billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-fondi soċjali fis-sens wiesa' tagħhom (privat jew pubbliku) huma kunċett xejn familjari u relattivament limitat, jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija li tkabbar il-profil tagħhom. F'bosta Stati Ewropej ma jeżistux fondi bħal dawn u fl-istati fejn jeżistu mhumiex magħrufa biżżejjed. Hawnhekk jidħol ir-rwol tal-Kummissjoni li tiġbor u tiddissemina strumenti innovattivi u tajbin ta’ appoġġ, tkabbir u espansjoni tal-impriżi soċjali fl-Ewropa.

4.3   Hemm bżonn li jkun hemm appoġġ u investiment fil-programmi li jħejju għall-investiment u l-bini tal-kapaċità (f'termini ta’ struttura u għarfien) għall-partijiet involuti kollha - investituri, maniġers tal-fondi u l-impriżi ta’ portafoll kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri. Il-medjaturi, li diġà jeżisti f'bosta Stati Membri, jaqdu rwol ċentrali u għandhom jiġu mħeġġa. Il-grad ta’ riskju jeħtieġ li jissemma' wkoll. Investimenti fl-impriżi soċjali ġew identifikati bħala investimenti b'riskju baxx (11) f'bosta kuntesti u dan jeħtieġ li jiġi enfasizzat.

4.4   Ir-Regolament ta’ sikwit jitkellem b'mod mhux adatt dwar “l-azzjonisti” tal-impriżi soċjali, u b'hekk jimplika li l-kumpanija inkorporata pubblikament bl-ishma hija l-impriża soċjali l-iżjed komuni. Dan mhuwiex minnu u jista' jqarraq. Il-mod adatt huwa li jintuża t-terminu “membru” jew “imsieħba” ta’ impriża soċjali, li jikkonsistu l-iżjed f'kooperattivi, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata (li m'għandhomx ishma iżda parteċipazzjonijiet soċjali u membri).”

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 206 final.

(2)  COM(2011) 682 final.

(3)  Ara J.P.Morgan, “Impact Investments: An Emerging Asset Class”, 2011.

(4)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(5)  www.eurocoopbanks.coop

(6)  www.triodos.be

(7)  pereżempju www.bancaprossima.com, https://www.unicredit.it/it/chisiamo/per-le-imprese/per-il-non-profit/universo-non-profit.html u www.ubibanca.com/page/ubi-comunita

(8)  www.socialfinance.org.uk/sib

(9)  COM(2011) 860/2 final.

(10)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.

(11)  Il-Bank tal-Italja, 2011, jinnota rata ta’ inadempjenza ta’ 4,3 % għall-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, rata ħafna iktar baxxa mir-rata medja ta’ inadempjenza għas-setturi l-oħra kollha (5,4 %), kumpaniji mhux finanzjarji (7,9 %) u mikroimpriżi (10,3 %). Barra minn hekk il-banek kooperattivi wrew rata ta’ inadempjenza għall-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt ta’ 0,6 % biss (sors: Federcasse, Assoċjazzjoni Nazzjonali Taljana tal-Banek Kooperattivi).


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Iil-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Programm Supplimentari ta’ Riċerka għall-proġett ITER (2014-2018)”

COM(2011) 931 final — 2011/0460 (NLE)

2012/C 229/11

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar it-3 ta’ Frar 2012, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 7 tat-Trattat tal-Euratom, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Programm Supplimentari ta’ Riċerka għall-proġett ITER (2014-2018)

COM(2011) 931 final — 2011/0460 (NLE).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'183 vot favur, 7 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni urġenti tiegħu għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp bil-għan li sseħħ il-konverżjoni meħtieġa u ambizzjuża tas-sistema attwali tal-enerġija tagħna lejn teknoloġiji li għandhom il-potenzjal li jfornu provvista ta’ enerġija suffiċjenti, fit-tul, sostenibbli u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent. Dan jinkludi l-ħidma għall-iżvilupp u l-użu tal-enerġija mill-fużjoni. L-enerġija hija s-sinsla tal-istil ta’ ħajja u l-kultura tal-lum il-ġurnata.

1.2   Bħala proġett ewlieni internazzjonali ibbażat fl-UE, l-ITER jikkostitwixxi pass 'il quddiem deċiżiv u globalment uniku li huwa meħtieġ għall-użu tal-enerġija mill-fużjoni fil-ġejjieni. L-ITER huwa element importanti tar-riċerka fil-qasam tal-enerġija u, għalhekk,tal-Pjan SET. Il-Kumitat itenni l-importanza ta’ dan il-proġett mhux biss għall-provvista futura tal-enerġija iżda wkoll għall-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-qasam tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda aktar ambizzjużi.

1.3   Għaldaqstant, il-Kumitat jopponi bis-saħħa l-proposta tal-Kummissjoni li, b'differenza mill-prattika li ntużat s'issa, l-impenji Ewropej fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-ITER jitneħħew mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali u jinżammu biss fi ħdanu l-attivitajiet ta’ riċerka għall-ITER. Dan jista' jkun mhux biss ta’ ħsara għall-importanza tal-proġett iżda jista' jixħet dell ikrah fuq l-affidabbiltà tal-UE bħala msieħba internazzjonali. Minflok, il-kostruzzjoni tal-ITER għandha tiġi inkluża bħala parti/proġett – għalkemm indipendenti u separat minn partijiet oħra tal-programm – tal-Programm tal-Euratom tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-attivitajiet ta’ demostrazzjoni matul il-perjodu 2014-2018, kif ukoll fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

1.4   Peress li sfortunatament il-Kummissjoni ma ppjanatx dan minn qabel, il-Kumitat jirrakkomanda li, flimkien mal-Kunsill, il-Parlament u l-BEI, tinstab soluzzjoni biex dan ikun possibbli b'mod retroattiv mingħajr ħsara konsiderevoli għall-elementi l-oħra tal-programm, speċjalment dawk relatati mar-riċerka fil-qasam tal-enerġija.

1.5   Sabiex dan jinkiseb, il-Kumitat jirrakkomanda li jintużaw ir-riżorsi mhux impenjati tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li normalment jingħataw lura lill-Istati Membri, kif diġà seħħ għall-finanzjament tal-ITER għall-perjodu 2012-2013.

1.6   Il-Kumitat jaqbel mal-inizjattivi fi ħdan il-Parlament Ewropew biex ir-riżorsi mhux impenjati tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali ma jwasslux b'mod ġenerali għal tnaqqis fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali, iżda jiġu allokati għall-programm komuni tal-UE kif inhu propost hawnhekk speċifikament għall-ITER.

1.7   Huwa biss f'każ li dawn il-miżuri ma jkunux biżżejjed jew impossibbli li l-linji eżistenti fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali għandhom jitnaqqsu b'mhux aktar minn madwar 0,3 %.

1.8   Issa jinħtieġu tmexxija soda tal-proġett, b'setgħa suffiċjenti li jittieħdu d-deċiżjonijiet tekniċi u amministrattivi kif ukoll struttura stretta tal-proġett biex ikunu jistgħu jiġu rispettati l-kalendarju u l-baġit.

1.9   Fir-rigward tal-perjodu wara l-2018, il-Kumitat jappoġġja t-talba ġustifikata ferm tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit mill-aktar fis qafas legali u għall-ippjanar stabbli li jiżgura s-sigurtà fl-ippjanar fi ħdan l-Ewropa, u b'mod partikolari f'livell internazzjonali.

2.   Ġist tal-proposta tal-Kummissjoni u l-motivazzjoni tagħha

2.1   L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li tiddefinixxi l-arranġament dwar il-finanzjament tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER matul il-perjodu 2014-2018 permezz ta’ “Programm Supplimentari ta’ Riċerka” fil-qafas tat-Trattat tal-Euratom. Il-Programm Supplimentari ta’ Riċerka għandu jiġi ffinanzjat b'mod speċjali mill-Istati Membri (kif ukoll minn xi “pajjiżi terzi assoċjati”) lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Dan il-finanzjament jammonta għal EUR 2,6 biljun, jiġifieri madwar 0,26 % tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (madankollu ara wkoll punti 4.7 u 4.7.1).

2.2   L-għan ewlieni tal-proġett internazzjonali ITER huwa l-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ reattur sperimentali tal-fużjoni bħala pass importanti u deċiżiv biex jintwera li l-fużjoni nukleari tista' tintuża bħala sors sostenibbli tal-enerġija. Għalhekk, il-Programm Supplimentari ta’ Riċerka għall-ITER għandu l-objettiv iddikjarat li “jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-sistema tal-enerġija b'mod sikur u effiċjenti. Il-Programm ser jikkontribwixxi lejn l-istrateġija Ewropa 2020 u lejn il-flagship ‘Unjoni tal-Innovazzjoni’.”

2.3   L-ITER huwa parti mill-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET) u ser jikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020, għaliex l-involviment tal-industrija Ewropea tat-teknoloġija avvanzata għandu jagħti vantaġġ kompetittiv globali lill-UE f'dan is-settur estremament importanti u promettenti.

2.4   Il-proġett ITER qed jiġi implementat abbażi tal-Ftehim dwar it-Twaqqif tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (“Ftehim ITER”) (1) bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) u sitt imsieħba oħra (iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, il-Korea, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika).

2.5   Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER hija ġestita permezz tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (“Fużjoni għall-Enerġija”), stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Marzu 2007 (2).

2.6   L-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-ITER ser jaqbżu l-istimi oriġinali (3). Għalhekk, jinħtieġu riżorsi finanzjarji addizzjonali (ara punt 2.1). Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ifisser li r-riżorsi għandhom jinkisbu minn fondi tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali ppjanati għal prijoritajiet oħra jew li jiġu injorati l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju.

2.7   Jinħtieġ approċċ ġdid li jipprovdi ċertezza fit-tul għal dan il-proġett ambizzjuż. Għal din ir-raġuni, fil-Kommunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011“Baġit għall-Ewropa 2020” (4) il-Kummissjoni pproponiet li, wara l-2013, il-kontribuzzjoni tal-UE għall-proġett ITER tiġi ffinanzjata lil hinn mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

2.8   Għandu jiġi nnutat li t-Trattat tal-Euratom jillimita t-tul ta’ żmien tal-Programmi ta’ Riċerka għal massimu ta’ ħames snin. Skont il-Ftehim ITER, il-proġett ITER ser ikollu tul ta’ żmien inizjali ta’ 35 sena (jiġifieri sal-2041). Għaldaqstant, ser ikunu meħtieġa deċiżjonijiet sussegwenti mill-Kunsill sabiex jitkompla l-finanzjament tal-kontribuzzjoni tal-UE għal dan il-proġett.

3.   Kummenti tal-Kumitat dwar is-sitwazzjoni attwali

3.1   Fuq il-bażi tal-kummenti preċedenti tiegħu (5) dwar l-importanza tal-fużjoni nukleari għal provvista tal-enerġija b'livell baxx ta’ CO2, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ITER (6) issa huwa l-pass 'il quddiem deċiżiv u globalment uniku li huwa meħtieġ għall-użu tal-enerġija mill-fużjoni fil-ġejjieni. L-enerġija mill-fużjoni hija l-unika alternattiva magħrufa u li s'issa għadha mhux disponibbli jew li għadha ma ġietx applikata, lanqas bħala test, fil-firxa ta’ teknoloġiji possibbli li jistgħu jintużaw biex tiġi indirizzata b'mod sostenibbli u suffiċjenti l-isfida enormi ta’ provvista tal-enerġija sigura u li tirrispetta l-ambjent. Għalhekk, l-ITER huwa element importanti tar-riċerka fil-qasam tal-enerġija u, għalhekk, tal-Pjan SET.

3.2   L-esperiment tal-fużjoni JET (Joint European Torus) (7), li fi żmienu diġà kien minn ta’ quddiem fil-livell dinji fir-rigward tal-karatteristiċi u r-riżultati tiegħu, mar lil hinn mill-possibbiltajiet jew ir-rieda ta’ xi Stati Membri li jwettqu u jiffinanzjaw dan il-proġett fil-livell nazzjonali minħabba l-ispiża neċessarja tiegħu. B'hekk inħoloq mudell u spazju għat-testjar għal azzjoni komuni u ta’ suċċess fil-qafas tat-Trattat tal-Euratom. Sa mill-ħolqien tiegħu, il-JET kien fil-qalba tal-programm Ewropew tal-fużjoni.

3.3   Il-Proġett ITER, li huwa bbażat fuq l-għarfien dinji tar-riċerka dwar il-fużjoni u b'mod partikolari tar-riżultati tal-JET, imur lil hinn b'mod konsiderevoli mill-ispiża neċessarja tal-JET fir-rigward tal-objettivi xjentifiċi u tekniċi, id-daqs u l-ispiża tiegħu. B'hekk tnediet kooperazzjoni internazzjonali lil hinn mill-UE sa minn stadju bikri. Din l-idea nibtet wara inizjattiva ta’ Reagan, Gorbachev u Mitterand li fl-aħħar wasslet għall-Proġett internazzjonali ITER. L-ITER jista' jipproduċi 500 Megawatt (!) ta’ enerġija termika mill-fużjoni b'bilanċ pożittiv ta’ enerġija.

3.4   Fis-26 ta’ Novembru 2006, il-Ftehim dwar it-Twaqqif tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER ġie ffirmat mir-rappreżentanti tas-seba' msieħba: il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Gvern tar-Reġubblika tal-Indja, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika. Il-Kummissjoni mhux biss kienet ir-rappreżentanta tal-UE fil-Ftehim iżda wkoll ikkoordinat il-Programm estiż fil-qafas tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER kif ukoll il-bqija tal-Programm tal-Fużjoni.

3.5   Id-deċiżjoni, li ttieħdet fl-istess ħin, li l-ITER jiġi stazzjonat fl-UE (f'Cadarache, fin-Nofsinhar ta’ Franza) ippermettiet li wieħed mill-aktar proġetti importanti tal-ġejjieni jiġi bbażat fl-Ewropa u b'hekk li jibbenefika mill-fatt li jiġbed l-aqwa riċerkaturi u inġiniera kif ukoll mill-effetti pożittivi relatati f'wieħed mill-aktar oqsma industrijali ambizzjużi. Wara fażi preparatorja xejn faċli mill-perspettiva tal-amministrazzjoni u l-ġestjoni – qatt qabel ma kien hemm kooperazzjoni ta’ din in-natura għal proġett xjentifiku u tekniku li nvolva daqshekk imsieħba internazzjonali differenti – ħareġ li, minħabba diversi raġunijiet, l-istimi tal-ispejjeż oriġinali, inkluż is-sehem li kellu jikkontribwixxi l-programm tal-Euratom, kellhom jiġu riveduti bil-għan li jiżdiedu (8). Fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni kienet taf b'din is-sitwazzjoni qabel ma tfassal il-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

4.   Kummenti tal-Kumitat – opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet

4.1   Il-Kumitat jappoġġja b'mod ġenerali l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-baġit tar-Riċerka u l-Iżvilupp disponibbli għar-riċerka fil-qasam tal-enerġija u, f'dan il-każ, disponibbli għall-ITER fil-qafas tal-Euratom. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Pjan SET (9), il-Kumitat diġà nnota li “[m]inkejja ż-żieda dejjem tikber fil-popolazzjoni dinjija, bi bżonnijiet kbar ta’ enerġija u neċessità enormi ta’ rkupru, ir-riżervi limitati tal-karburanti fossili u ż-żieda fid-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet, il-gravità tal-problema tal-enerġija u tal-klima, u l-investimenti meħtieġa għal dan, spiss għadhom qed jiġu sottovalutati ħafna mill-politiċi u l-entitajiet involuti.” Il-Kumitat tenna din it-twissija fl-opinjoni tiegħu dwar l-“Orizzont 2020” u rrakkomanda li jiġi allokat sehem akbar mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali għar-riċerka fil-qasam tal-enerġija (10).

4.1.1   Għal din ir-raġuni, il-Kumitat (11) jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni – li sfortunatament s'issa għad ma kellhomx suċċess – biex testendi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali biex tindirizza b'aktar enfasi dan il-kompitu u kompiti Komunitarji importanti oħra. Però, fil-fehma tal-Kumitat, il-Kummissjoni m'għandhiex tipprova tagħmel dan b'mod kważi indirett, billi tagħmel eċċezzjoni ad hoc jew titbiegħed mill-prattika preċedenti u tistabbilixxi programm ta’ riċerka addizzjonali apparti mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali biex tkun tista' tiffinanzja l-kontribuzzjoni Ewropea tal-kostruzzjoni tal-ITER. Minflok, anke matul il-perjodu 2014-2018, il-kostruzzjoni tal-ITER għandha tiġi inkluża bħala parti – – mill-Programm tal-Euratom tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-attivitajiet ta’ demostrazzjoni kif ukoll fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

4.2   Dan mhuwiex l-unika argument kontra l-fatt li l-impenji Ewropej għall-kostruzzjoni tal-ITER jitneħħew mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Barra minn hekk, il-Kumitat ma jistax isegwi l-argument tal-Kummissjoni fil-punt 2.6. Jekk il-Kummissjoni, konxja mis-sitwazzjoni attwali, tipproponi li tittieħed deċiżjoni dwar Qafas Finanzjarju Multiannwali li jeskludi deliberatament l-ispejjeż għall-kostruzzjoni tal-ITER, hi tkun qed toħloq sitwazzjoni fejn, skont l-istqarrija tagħha stess, ikun diffiċli li dawn l-ispejjeż jiġu inklużi fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

4.3   Madankollu, apparti dan hemm ukoll argumenti sostanzjali qawwija kontra l-esklużjoni tal-ITER mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

4.3.1   Minn naħa, dawn l-argumenti jikkonċernaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kwistjoni tal-valur miżjud Ewropew. Dan jikkonċerna preċiżament dawk il-proġetti li jmorru lil hinn mill-potenzjal tal-Istati Membri individwali, bħall-infrastruttura xjentifika u teknika fuq skala kbira jew proġetti bħal Galileo u ITER, li jikkostitwixxu prototip ta’ proġetti Komunitarji fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u bla dubju ta’ xejn huma ta’ valur miżjud Ewropew. Il-Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku nħoloq fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali proprju għalhekk.

4.3.2   Min-naħa l-oħra l-argumenti jikkonċernaw l-impressjoni li jieħdu l-imsieħba internazzjonali. Fid-dawl tal-importanza politika ta’ din is-sħubija, il-Kumitat iqis li l-proposta tal-Kummissjoni tagħti sinjal qarrieqi li ser jolqot b'mod negattiv il-fiduċja fl-affidabbiltà tal-UE bħala msieħba fi ftehimiet internazzjonali. Dan ma jikkonċernax biss il-programm tal-fużjoni iżda wkoll l-isforzi biex jiġu stabbiliti sħubijiet internazzjonali oħra jew ftehimiet vinkolanti, pereżempju fil-qasam tal-politika tas-sigurtà jew tal-klima u l-enerġija.

4.3.3   Dawn l-argumenti jikkonċernaw ukoll punt ieħor aktar ġenerali li diġà ġie indirizzat mill-Kumitat fl-opinjoni (12) tiegħu dwar l-“Orizzont 2020”, jiġifieri t-tendenza ddikjarata li l-attivitajiet u l-kompiti eżistenti tal-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu ttrasferiti mill-Kummissjoni lill-aġenziji, u li l-Kummissjoni tieħu ħsieb biss l-amministrazzjoni tal-aspetti finanzjarji u l-kwistjonijiet legali. Il-Kumitat jesprimi t-tħassib kbir tiegħu f'dan ir-rigward. Għaliex b'hekk il-Kummissjoni mhux biss iżżomm lura milli tagħti għajnuna esperta u ġudizzju korrispondenti (inkluż l-esperti meħtieġa) iżda wkoll ma tibqax tindirizza u tidentifika biżżejjed il-kontenut u l-objettivi reali. Din l-identifikazzjoni hija essenzjali sabiex il-Kummissjoni tirrappreżenta t-tema importanti tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fuq livell politiku b'kompetenza, suċċess u entużjażmu. Inkella jintilef fattur deċiżiv ta’ kontroll fis-sistema fraġli ta’ verifiki u bilanċi, li hu piż importanti fuq l-iskala politika.

4.4   Peress li, kif diġà qal, minn naħa l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ ix-xewqa tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, iżda min-naħa l-oħra jaħseb li l-ITER għandu jiġi ffinanzjat mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali u l-organizzazzjoni tiegħu tibqa' fl-istess Qafas, jirrakkomanda li, flimkien mal-Kunsill, il-Parlament u l-BEI, tinstab soluzzjoni biex dan ikun possibbli b'mod retroattiv mingħajr ħsara għall-elementi l-oħra tal-programm, speċjalment dawk relatati mar-riċerka fil-qasam tal-enerġija.

4.5   Sabiex dan jinkiseb, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu stabbiliti proċeduri adatti biex jiġi żgurat li l-baġit kollu li diġà ġie approvat tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali jkun jista' jintuża wkoll għal proġetti Komunitarji attwali u li ma jitnaqqasx minħabba li r-riżorsi mhux impenjati tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali jingħataw lura lill-Istati Membri, bħalma jiġri normalment. Permezz ta’ din ir-rakkomandazzjoni l-Kumitat jappoġġja wkoll inizjattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2010 (13).

4.6   Fid-dawl ta’ dawn il-mistoqsijiet konkreti, il-Kumitat jirrakkomanda li jintużaw il-fondi addizzjonali biex tonqos din id-differenza fil-finanzjament għall-ITER (kif jidher li diġà sar għall-perjodu 2012/2013 (14)). Peress li għal din il-proċedura jinħtieġu miżuri formali/legali addizzjonali, il-Kumitat jirrakkomanda li din il-kwistjoni tiġi diskussa mal-BEI u mbagħad negozjata mal-korpi responsabbli.

4.7   Huwa biss f'każ li s-soluzzjoni rakkomandata fil-punt 4.6 ma tkunx biżżejjed jew impossibbli li l-Kumitat jirrakkomanda li l-ispejjeż inkwistjoni, inkluż ammont adatt ta’ “kontinġenza” (ara punt 4.7.1), jinkisbu permezz ta’ tnaqqis żgħir fil-linji l-oħra kollha tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (jekk tiġi inkluża “kontinġenza” ta’ madwar 10 %, dan jammonta għal massimu ta’ madwar 0,3 % minflok 0,26 % għal kull linja).

4.7.1   Il-Kumitat jirrakkomanda b'mod urġenti li jiġu kkunsidrati aħjar l-esperjenzi relatati mal-kostruzzjoni ta’ proġetti kbar ta’ dan it-tip li jikkonċernaw oqsma teknoloġiċi ġodda u li tiġi stabbilita “kontinġenza” adatta korrispondenti ta', pereżempju, 10 %; jekk ikun hemm bżonn, ir-regoli tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward għandhom jiġu emendati. Dan iwassal biex il-persentaġġ ta’ 0,26 % msemmi f'punt 2.1 jiżdied għal madwar 0,3 %. Madankollu, il-baġit għal din il-“kontinġenza” għandu jiġi amministrat b'mod separat mill-ġestjoni tal-proġett u jiġi rilaxxat b'mod adatt biss skont kriterji stretti sabiex ma jsirux pjani ħżiena a priori u jintilef l-iskop tiegħu.

4.7.2   Fil-punt 4.1.1 il-Kumitat jirrakkomanda li l-kostruzzjoni tal-parti Ewropea tal-ITER tkun element/proġett indipendenti u separat mill-elementi l-oħra tal-programm tal-fużjoni. Issa jinħtieġu tmexxija soda tal-proġett, b'setgħa suffiċjenti li jittieħdu d-deċiżjonijiet tekniċi u amministrattivi kif ukoll struttura stretta tal-proġett biex ikunu jistgħu jiġu rispettati l-kalendarju u l-baġit tal-kontribuzzjoni Ewropea tal-ITER. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu segwiti eżempji bħal CERN, ESA jew ESO.

4.8   Fir-rigward tal-perjodu lil hinn minn dak diskuss hawnhekk (2014-2018), il-Kumitat jappoġġja x-xewqa leġittima tal-Kummissjoni li toħloq qafas stabbli u bażi sigura u fit-tul għall-perjodu kollu tal-Proġett internazzjonali ITER – għalkemm fil-fehma tal-Kumitat dan għandu jsir fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Dan għandu jwassal għal sigurtà għall-proġetti internazzjonali u dawk fl-Ewropa u jagħti xhieda tal-affidabbiltà tal-UE lill-imsieħba internazzjonali.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 358, 16.12.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU L 90, 30.3.2007 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111, punt 5.5.3.

(4)  COM(2011) 500 final, 29.6.2011.

(5)  Pereżempju: ĠU C 302, 7.12.2004, p. 27; ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49; ĠU C 218, 23.7.2011, p. 87, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111.

(6)  Ara wkoll http://www.iter.org/

(7)  Ara wkoll www.jet.efda.org.

(8)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111, punt 5.5.3.

(9)  ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49, punt 3.1.1.

(10)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111, punt 4.2.1.

(11)  ĠU C 143, 22.5.2012, punt 6.

(12)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111, punt 3.12.1.

(13)  A7-0254/2011: Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz tal-baġit ta’ emenda Nru 3/2011 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, Taqsima III – Il-Kummissjoni (11630/2011 – C7-0166/2011 – 2011/2075(BUD)).

(14)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Kunsill Kompetittività), 19 ta’ Diċembru 2011, Dokument Nru: 18807/11, PRESSE 508 (disponibbli biss bl-Ingliż).


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu”

COM(2011) 746 final — 2011/0360 (COD)

2012/C 229/12

Relatur: is-Sur Jörg Freiherr FRANK VON FÜRSTENWERTH

Nhar id-9 ta’ Frar 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u d-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi fir-rigward tad-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu

COM(2011) 746 final – 2011/0360 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’130 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Din l-opinjoni tagħmel parti mill-ħidma tal-Kumitat b’rabta mar-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-kuntest tal-isforzi biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-aħħar snin (1). Dan l-aħħar il-Kumitat laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex telimina, permezz ta’ atti legali ġodda, in-nuqqasijiet kbar relatati mat-trasparenza, l-indipendenza, il-kunflitti ta’ interess u l-kwalità tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u tal-metodoloġiji użati għal dawn il-klassifikazzjonijiet (2). Fl-istess ħin, il-Kumitat stqarr li huwa diżappuntat li r-reazzjoni għan-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fl-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu damet daqshekk ma waslet u ma kinitx konsistenti.

1.2   Il-proposta għal Direttiva temenda b’mod formali d-Direttiva dwar il-UCITS (impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli) u d-Direttiva dwar il-Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIF). Il-qofol tar-regolamentazzjoni huwa l-bidliet fil-ġestjoni tar-riskji li għandhom jillimitaw, jew saħansitra jimpedixxu, l-aċċettazzjoni sistematika u awtomatika tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu mingħajr ma l-ewwel jiġu ċċekkjati. Flimkien ma’ dawn ir-regoli ssir ukoll bidla fir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, li fuqha l-Kumitat diġà esprima l-opinjoni tiegħu (3). F’dak li hu kontenut, iż-żewġ proposti leġislattivi huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin.

1.3   Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-proposta tindirizza l-problema tad-dipendenza eċċessiva tal-parteċipanti fis-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għall-UCITS u l-AIF, u li jsir sforz biex tiġi evitata t-tendenza li l-atturi finanzjarji jaġixxu bħall-massa (“herd mentality”) minħabba li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu ma jkunux adegwati. Dawn l-isforzi għandhom ikopru l-liġi kollha tal-UE, il-liġijiet nazzjonali kif ukoll il-kuntratti rregolati bil-liġi privata.

1.4   Il-Kumitat jemmen li l-approċċ regolamentarju li jiġu speċifikati dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tar-riskji tal-UCITS u l-AIF huwa wieħed adatt. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-problema li jista’ jkollhom l-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom li janalizzaw ir-riskji. Għalhekk jipproponi li l-atti delegati jinkludu regoli dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-għarfien speċjalizzat estern sabiex tiżdied l-indipendenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar mill-aġenziji esterni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-Kumitat huwa deċiżament kontra kwalunkwe talba li tippermetti lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jesternalizzaw id-deċiżjoni dwar l-affidabbiltà kreditizja ta’ impenn.

1.5   Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta’ sforzi akbar sabiex fil-proċessi tal-ġestjoni tar-riskji jiġu żviluppati proċeduri u punti ta’ riferiment li jkunu jistgħu jintużaw bħala alternattivi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu.

1.6   Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ komuni fil-livell tal-G-20. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fuq livell globali jista’ jissolva biss jekk ikun hemm koerenza minima bejn l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali.

1.7   Il-Kumitat itenni li, kif diġà stqarr fid-dettall fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2012 (4), huwa xettiku li la jekk il-valutazzjoni tar-riskji ssir mill-parteċipanti fis-suq finanzjarju stess u lanqas jekk tonqos id-dipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu ma jistgħu jiġu ggarantiti l-oġġettività tad-deċiżjonijiet li jieħdu l-parteċipanti fis-suq finanzjarju u l-inklużjoni tal-aspetti importanti kollha b’rabta mal-konsegwenzi tal-valutazzjoni. Barra minn hekk, iqis li waħda mill-problemi fundamentali tal-valutazzjoni tar-riskji hija l-kredibbiltà (u l-indipendenza) tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, li fl-aħħar snin kemm-il darba kienu żbaljati jew kienu influwenzati wisq mill-interessi, il-mentalità u l-istrutturi tas-suq ta’ oriġini barra mill-Ewropa jew mill-interessi ta’ dawk li ffinanzjawhom. F’dan il-kuntest, ifakkar li fid-diskussjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, wieħed għandu dejjem iżomm quddiem għajnejh li, sa dan l-aħħar stess, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kienu ta’ ħsara diretta jew indiretta fit-tul għall-partijiet kollha tas-soċjetà. Għaldaqstant, il-Kumitat jiddispjaċih li l-isforzi biex titwaqqaf aġenzija Ewropea indipendenti ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għad ma kellhomx suċċess.

2.   Sinteżi u kuntest tal-proposta

2.1   Il-proposta tagħmel parti mill-miżuri li għandhom jittieħdu b’rabta mas-superviżjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu bħala risposta għal dik li l-ewwel kienet kriżi tal-banek, imbagħad saret kriżi finanzjarja u fl-aħħar mill-aħħar żviluppat fi kriżi tad-dejn sovran. Fis-7 ta’ Diċembru 2010 daħal fis-seħħ b’mod sħiħ ir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, u minn dakinhar ’l hawn dawn l-aġenziji huma obbligati jirrispettaw ċerti regoli dwar il-kondotta tagħhom, liema regoli għandhom jillimitaw il-kunflitti ta’ interess u jiżguraw kwalità għolja u ċerta trasparenza fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-proċessi tal-istess klassifikazzjonijiet. Nhar il-11 ta’ Mejju 2011, ir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ġie emendat (5) sabiex l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) tingħata s-setgħa esklużiva li tissorvelja l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu reġistrati fl-UE.

2.2   Madankollu, ir-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-emenda li saritlu f’Mejju 2011 ma jsolvux problema li kienet waħda mill-kawżi tal-kriżijiet, jiġifieri r-riskju li l-parteċipanti fis-suq finanzjarju, fosthom l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u l-Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIF), jistrieħu wisq u b’mod “awtomatiku” fuq il-klassifikazzjonijiet (esterni) tal-kreditu biex joperaw is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tagħhom, u b’hekk ma jevalwawx huma stess ir-riskji u ma jwettqux l-obbligu tagħhom li jiċċekkjaw id-diliġenza tal-klassifikazzjonijiet. Dan isir għal raġunijiet ta’ spejjeż u semplifikazzjoni. Però, għall-pubbliku inġenerali, il-periklu hu li l-parteċipanti fis-suq jibdew jagħmlu bħan-“nagħaġ ta’ Bendu” (6). Din it-tendenza awtomatika u bbażata fuq l-istess klassifikazzjonijiet tal-kreditu tista’ twassal, f’każ li jintilef il-grad ta’ investiment (“investment grade”), għall-bejgħ parallel tal-istrumenti tad-dejn bil-possibbiltà li tiġi kompromessa l-istabbiltà finanzjarja. Il-proċikliċità u l-“cliff effects” (it-tbaxxija tal-klassifikazzjoni ta’ titolu taħt ċertu limitu li twassal, bħala katina ta’ reazzjonijiet, għall-bejgħ ta’ titoli oħra) ukoll jiddeskrivu l-istess riskju. Kemm-il darba ntqal li hemm bżonn urġenti li jiġu minimizzati dawn ir-riskji (7).

2.3   Il-prosposta analizzata f’din l-opinjoni tindirizza l-problema tad-dipendenza eċċessiva tal-parteċipanti fis-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għall-UCITS u l-AIF. Proposti oħra jikkonċernaw ir-riżoluzzjoni tal-istess problema fil-każ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju (8). Id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskji għall-UCITS u l-AIF jinsabu fl-Artikoli 1 u 2, li jistabbilixxu li l-kumpaniji m’għandhomx jistrieħu b’mod esklużiv jew awtomatiku fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu. Dan jikkomplementa r-regoli eżistenti dwar is-superviżjoni li jgħidu li l-atturi finanzjarji jridu jużaw sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji li jippermettulhom jimmonitorjaw u jkejlu, f’kull ħin, ir-riskju marbut mal-pożizzjoni tal-investiment tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-profil ta’ riskju globali. Fl-istess ħin, is-setgħa tal-Kummissjoni tiżdied biex tkun tista’ tiddefinixxi, permezz ta’ atti delegati, il-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ jekk is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji humiex adegwati, bil-għan li tiġi evitata wkoll id-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu.

2.4   Il-proposta analizzata f’din l-opinjoni għandha titqies fid-dawl tad-dokument ippreżentat fl-istess jum bit-titolu “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu]” (9). Dan id-dokument, minbarra li jittrattata punti oħrajn, iressaq proposti li għandhom jimpedixxu d-dipendenza eċċessiva tal-parteċipanti fis-suq fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu billi jobbligaw lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jipprovdu informazzjoni komprensiva lill-atturi finanzjarji. Dan jinkludi informazzjoni dwar il-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, l-ipotesi li fuqhom ikunu msejsin il-klassifikazzjonijiet u t-tipi differenti ta’ klassifikazzjonijiet. Mill-banda l-oħra, l-emittenti ta’ strumenti ta’ finanzjament strutturat għandhom jipprovdu lis-suq aktar informazzjoni dwar il-prodotti tagħhom (kwalità tal-kreditu, prestazzjoni tal-assi sottostanti, struttura tat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni, ħruġ u dħul ta’ flus, eċċ.). Kollox ma’ kollox, il-bidliet tar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jagħmluha aktar faċli għall-UCITS u l-AIF biex jevalwaw huma stess il-kwalità tal-kreditu tal-istrumenti. Għaldaqstant, iż-żewġ proposti ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat minn xulxin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna aspett wieħed biss min-nuqqasijiet ta’ regolamentazzjoni għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, jiġifieri l-impatt tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq l-attività tal-atturi tas-suq finanzjarju u l-konsegwenzi ta’ din l-attività fuq is-swieq. Il-proposta hija r-riżultat ta’ analiżi tal-fatturi li kkawżaw il-kriżijiet fl-aħħar snin. L-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kienu fost dawn il-fatturi. Dawn l-aġenziji jesprimu l-fehma tagħhom dwar il-possibbiltajiet ta’ ħlas li jkollhom il-kredituri u r-rieda tagħhom li jħallsu, kemm jekk dawn ikunu kredituri privati kif ukoll jekk ikunu l-Istati. Huma għandhom influwenza sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji globali, peress li ħafna mill-atturi finanzjarji (UCITS, AIF, istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi ta’ assigurazzjoni) jistrieħu fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu meta jkunu ser jieħdu xi deċiżjoni dwar l-investiment tagħhom. Fl-aħħar snin, l-aktar reċenti fl-opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2012 (10), il-Kumitat kemm-il darba indirizza n-nuqqasijiet fir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u esprima fehmiet ċari f’dan ir-rigward, liema fehmiet isawru l-bażi ta’ din l-opinjoni u ssir referenza għalihom.

3.2   Reċentement, il-kriżijiet għamluha ċara li, minn banda, il-valutazzjonijiet żbaljati tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jistgħu jkunu ta’ ħsara kbira għal bosta oqsma ekonomiċi, u saħansitra għal Stati sħaħ u s-soċjetà b’mod ġenerali. Mill-banda l-oħra, urew ukoll li s-swieq ma kinux f’pożizzjoni li jimpedixxu l-eċċessi. Għalhekk tinħtieġ regolamentazzjoni stretta u konsistenti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-livell tal-Istat. Fid-dawl tal-kuntest globali tal-G-20, ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-UE għandha tiġi appoġġjata bil-għan li tiġi żgurata koerenza minima bejn ir-regoli. Huwa assolutament indispensabbli (11) li, bħala standard minimu, il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jitħejjew b’mod li jiġu żgurati u rispettati l-prinċipji tal-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba.

3.3   Il-Kumitat jikkonferma li fl-aħħar snin, għalkemm tard, sar progress konsiderevoli fir-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Jekk minn issa ’l quddiem il-proposta għal emenda tar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu tal-15 ta’ Novembru 2011 (12) tindirizza l-oqsma problematiċi tal-“prospetti tal-klassifikazzjonijiet”, l-“indipendenza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu”, l-“iżvelar ta’ informazzjoni”, il-“klassifikazzjonijiet sovrana”, ir-“responsabbiltà ċivili” u l-“użu tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu”, allura dan huwa ta’ min jilqgħu bi pjaċir. Il-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu (13) u ressaq suġġerimenti konkreti dwar dan. Madakollu, huwa diżappuntanti li ma jiġux indirizzati biżżejjed l-oqsma problematiċi tad-dominanza tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu l-kbar fis-suq u l-mudelli ta’ ħlas alternattivi.

3.4   Il-proposta issa tindirizza, b’mod komplementari, il-problema tal-aċċettazzjoni awtomatika u mingħajr riflessjoni tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu anke mill-UCITS u l-AIF. Dan jista’ jwassal, kif tgħid il-proposta stess, biex l-atturi finanzjarji jġibu ruħhom bħall-massa, jew inkella biex it-tbassir jikkondizzjona dak li jiġri verament (“self-fulfilling prophecy”), kif jingħad f’opinjoni preċedenti tal-Kumitat (14). Dan il-punt jinsab ukoll fl-emendi ppreżentati fl-istess jum għar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Dan l-“approċċ doppju” jagħmel sens. L-atturi tas-suq finanzjarju, li għalihom ikunu indirizzati l-klassifikazzjonijiet (esterni) tal-kreditu, iridu jeliminaw jew għall-inqas jillimitaw l-approċċ awtomatiku tagħhom, filwaqt li r-regolamentazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu trid tiżgura li l-aġenziji jkunu trasparenti skont kemm ikun meħtieġ u li jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-parteċipanti fis-suq.

3.5   Wieħed m’għandux jinsa li l-UCITS u l-AIF għandhom jagħtu sehemhom biex jevitaw l-“imġiba tal-massa” u l-“ktajjen ta’ reazzjonijiet”. Sakemm is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji jkunu jippermettu dan it-tip ta’ effetti, huma ser jibqgħu parti mill-problema. F’dan ir-rigward, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni. Għalhekk, fl-implimentazzjoni tal-proposta analizzata f’din l-opinjoni, ser ikun fuq kollox importanti li l-atti delegati japplikaw b’mod adegwat ix-xewqa tal-leġislatur. Barra minn hekk, kwalunkwe regolamentazzjoni finanzjarja tiswa biss daqskemm tkun tiswa l-implimentazzjoni finali tagħha fil-prattiki ta’ superviżjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   M’hemmx dubju li l-aċċettazzjoni sistematika u awtomatika tal-klassfikazzjonijiet esterni tal-kreditu mingħajr ma jiġu ċċekkjati twassal jew tista’ twassal għall-bejgħ parallel tat-titoli kkonċernati, u b’hekk jistgħu jitħarbtu s-swieq bil-konsegwenza li l-istabbiltà finanzjarja titpoġġa fil-periklu. Din hija wkoll il-konklużjoni li tintlaħaq fil-konsultazzjonijiet esterni komprensivi tal-Kummissjoni (15), fir-riżoluzzjoni mhux leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 (16) u fil-prinċipji ppubblikati mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (17).

4.2   Sabiex jieqaf dan l-approċċ awtomatiku, hemm bżonn ta’ sensiela ta’ miżuri. L-ewwel nett għandu jiġi żgurat li qed jintużaw u jkomplu jiġu żviluppati l-possibbiltajiet kollha, u li qed isir użu mill-istandards ta’ affidabbiltà bħala alternattivi għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mħejjija mill-aġenziji l-kbar. Fl-istess ħin għandhom jiġu eżaminati r-regoli prudenzjali eżistenti li joħolqu, fuq bażi legali jew ta’ regoli amministrattivi, ċertu awtomatiżmu bejn klassifikazzjoni esterna tal-kreditu u valutazzjoni, kif jiġri fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ assigurazzjoni. L-istess miżuri għandhom iwaqqfu l-awtomatiżmu li jeżisti fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tal-atturi finanzjarji. B’mod ġenerali, jeħtieġ li l-liġi tal-UE u l-liġijiet nazzjonali jiggarantixxu li ma tinżamm l-ebda dispożizzjoni li twassal għal dan l-awtomatiżmu. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-kuntratti rregolati bil-liġi privata li jipprevedu dan it-tip ta’ awtomatiżmu ma jibqgħux effettivi. Barra minn hekk, l-atturi finanzjarji għandhom bżonn biżżejjed informazzjoni biex iwettqu b’mod aktar faċli l-valutazzjonijiet tagħhom.

4.3   Il-proposta tinkludi, bħala gwida ġenerali, il-ħtieġa ta’ kjarifika rigward il-forma tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji tal-UCITS u l-AIF. Dan l-approċċ huwa bażikament tajjeb, iżda jista’ jieħu l-ħajja biss permezz tal-atti delegati korrispondenti. Dan ifisser li l-parti l-kbira tax-xogħol biex jieqaf il-funzjonament ħażin minħabba l-awtomatiżmu fl-aċċettazzjoni tal-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu għad trid issir.

4.4   Fil-prattika, mhux possibbli li l-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu jitneħħew għalkollox. Bħalissa sew il-kapaċitajiet meħtieġa u sew l-għarfien espert u l-esperjenza neċessarji biex jiġu sostitwiti l-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu huma limitati ħafna. L-istituzzjonijiet finanzjarji ż-żgħar, b’mod partikolari, mhux dejjem ikollhom il-mezzi biex jiżviluppaw jew jibnu d-dipartimenti ta’ analiżi tagħhom. Minbarra l-possibbiltà ta’ valutazzjoni interna msaħħa tar-riskji u l-indipendenza li tinkiseb b’dan il-mod mill-aġenziji esterni ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-Kumitat itenni t-talba li l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jkollhom il-possibbiltà li jesternalizzaw l-analiżi tar-riskji. M’hemmx dubju li permezz ta’ aċċess aktar faċli għall-informazzjoni esterna jista’ jinbena l-għarfien espert u tinħoloq aktar kosteffiċjenza għal ċerti swieq speċifiċi abbażi tal-kooperazzjoni. Bis-saħħa ta’ dan, l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju wkoll jkunu jistgħu jsiru indipendenti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-Kumitat jilqa’ kwalunkwe miżura għal dan il-għan. Madankollu, il-Kumitat huwa deċiżament tal-fehma li d-deċiżjoni attwali dwar l-affidabbiltà kreditizja ta’ impenn għandha tibqa’ dejjem f’idejn l-impriża, u ma tistax tiġi esternalizzata.

4.5   Il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni tal-proposta jaf iżżid, kultant b’mod konsiderevoli, l-ispejjeż tar-regolamentazzjoni minħabba l-espansjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji, bħall-iżvilupp u l-bini ta’ mudelli interni. Madankollu, fid-dawl tal-perikli li qed jheddu lis-soċjetà b’mod ġenerali, ma teżisti l-ebda alternattiva oħra għal dan.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara, b’mod partikolari, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117 ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37.

(2)  ĠU C 181, 21.06.2012, p. 68 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu [l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu], COM(2011) 747 final – 2011/0361 (COD).

(3)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(4)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(5)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 30.

(6)  Ara “The Financial Cycle, Factors of Amplifiction and possible Implications for Financial and Monetary Authorities” (Iċ-ċiklu finanzjarju, fatturi ta’ amplifikazzjoni u implikazzjonijiet possibbli għall-awtoritajiet finanzjarji u monetarji), Banque de France, Bulletin Nru 95, Novembru 2001, p. 68.

(7)  COM(2010) 301 final; dokument ta’ konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2010/cra_en.htm; Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2011; prinċipji tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ta’ Ottubru 2010 dwar it-tnaqqis tad-dipendenza tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu.

(8)  COM(2011) 453 final.

(9)  COM(2011) 747 final – 2011/0361 (COD).

(10)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(11)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna, punt 1.2.

(12)  COM(2011) 747 final – 2011/0361 (COD).

(13)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(14)  Ara nota 2 f’qiegħ il-paġna, punt 1.7.

(15)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(16)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu: prospettivi futuri (2010/2302 (INI)).

(17)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (Riformulazzjoni)”

COM(2012) 64 final — 2012/0027 (COD)

2012/C 229/13

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar is-7 ta’ Marzu 2012 u t-13 ta’ Marzu 2012 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 33, 114 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (Riformulazzjoni)

COM(2012) 64 final — 2012/0027 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul il-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'135 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jemmen li unjoni doganali effiċjenti tkun “conditio sine qua non” tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija effiċjenti, sikura u trasparenti, bl-ikbar ħarsien tal-konsumatur u l-ambjent u ġlieda effikaċi u konsistenti kontra l-frodi u l-kuntrabandu fit-territorju kollu tal-Unjoni.

1.2   Għaldaqstant il-Kumitat jitlob li jitfittex li ssir politika doganali unika, abbażi ta’ proċeduri konsistenti, modernizzati, trasparenti, effikaċi u ssemplifikati, li tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività ekonomika tal-UE, fil-livell globali u li tħares il-proprjetà intellettwali, id-drittijiet u s-sikurezza tal-impriżi u l-konsumaturi Ewropej.

1.3   Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-Proposta għal Regolament li tirriformola r-Regolament (KE) Nru 450/2008 tat-23 ta’ April 2008, u jittama li jiġi garantit żmien definit, interpretazzjoni konsistenti, informazzjoni u taħriġ dettaljati, minbarra riżorsi li huma adegwati mil-lat finanzjarju, nazzjonali u komunitarju.

1.4   Naturalment, il-KESE japprova l-allinjament tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi mat-Trattat ta’ Lisbona, f'dak li għandha x'taqsam id-delega tas-setgħat u l-għotja tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-ekwilibriju korrett milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill u li jqiegħed liż-żewġ istituzzjonijiet fuq l-istess livell f'dawk li għandhom x'jaqsmu l-atti delegati.

1.5   Il-Kumitat iqis li hija meħtieġa u importanti l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ modernizzazzjoni, bħas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali u l-ilħiq ta’ sistemi doganali interoperattivi kompjuterizzati, sabiex jitħaffu l-prattiki kummerċjali u l-koordinament imsaħħaħ tal-attivitajiet ta’ prevenzjoni u protezzjoni.

1.6   Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-possibbiltà ta’ bosta interpretazzjonijiet nazzjonli dwar il-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni, li jistgħu jwasslu għal piżijiet burokratiċi kbar għall-impriżi, b'mod partikolari għal dawk li huma iżgħar, b'impatt sussegwenti negattiv fuq il-kompetittività Ewropea.

1.7   F'dan id-dawl il-KESE jappoġġa b'konvinzjoni l-proċess ta’ żdoganar ċentralizzat, permezz ta’ sistemi elettroniċi apposta; l-użu sistematiku ta’ metodi standardizzati ta’ ħidma; l-immudellar tal-proċessi operattivi; it-tixrid tal-inizjattivi kollha relatati mad-dwana elettronika u l-ħolqien ta’ Task force Ewropea għal intervent rapidu li qiegħda f'fażi sperimentali għas-sostenn tal-proċessi innovattivi.

1.8   Il-Kumitat jirrikonoxxi l-opportunità li tiġi posposta l-implimentazzjoni tal-kodiċi, sabiex ikun hemm biżżejjed ħin biex jitfasslu sistemi elettroniċi armonizzati u titjieb l-organizzazzjoni tal-proċeduri doganali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, iżda b'mod partikolari sabiex ikunu jistgħu jiġu informati u mħejjija b'mod iktar adegwat ir-riżorsi umani u jiġu promossi l-kummerċ internazzjonali u ċ-ċirkolazzjoni rapida tal-nies u l-merkanzija.

1.9   Fl-opinjoni tal-KESE hemm bżonn ta’ kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet doganali, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej, sabiex ikun hemm kontroll ikbar fuq il-kwalità tal-prodotti li jaqsmu l-fruntieri.

1.10   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li titjieb il-kwalità tas-servizzi għall-operaturi ekonomiċi u l-partijiet interessati oħra u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-operaturi, permezz ta’ benefiċċji konkreti u proċeduri ssimplifikati, sabiex jitolbu status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat.

1.11   Il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw informazzjoni u taħriġ adegwati b'mod konġunt lill-uffiċjali doganali, lill-operaturi ekonomiċi u lil dawk li jġorru l-merkanzija, sabiex tiġi garantita applikazzjoni u interpretazzjoni konsistenti tan-normi u protezzjoni usa' lill-konsumaturi, bl-iżvilupp ukoll ta’ Katedri Jean Monnet tad-drittijiet doganali Ewropej, bil-kollaborazzjoni mill-qrib mal-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka fl-UE kollha.

1.12   Il-Kumitat jinsab konvint li jeħtieġ li jiġu valorizzati l-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-Istati Membri individwali, biex jintlaħaq l-għan tal-ħolqien ta’ Istitut ta’ livell għoli b'taħriġ doganali Ewropew, li kapaċi tippromovi l-eċċellenza tal-professjoni fil-qasam doganali u li maż-żmien kapaċi toħloq dwana Ewropea unika.

2.   Il-kuntest attwali

2.1   Id-dwani jaqdu rwol fundamentali sabiex jiġu garantiti s-sikurezza u l-protezzjoni, jitħarsu l-konsumaturi u l-ambjent, jiġi garantit l-irkupru integrali tad-dħul, tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-qerq u l-korruzzjoni u jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali. L-importazzjoni ta’ merkanzija falza fl-Unjoni Ewropea tfisser telf ta’ dħul, ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll toħloq riskji serji għas-sikurezza u għas-saħħa tal-konsumaturi Ewropej.

2.2   Il-kodiċi doganali komunitarju tal-1992 (li għadu fis-seħħ) jiġi implimentat permezz ta’ proċeduri li spiss jużaw dokumenti f'forma ta’ karta minkejja li żmien ilu tnieda l-iżdoganar elettroniku permezz ta’ sistemi nazzjonali bil-kompjuter, minkejja li mhemm l-ebda rekwiżit komunitarju biex tintuża sistema bħal din.

2.3   Sadanittant ir-rwol tad-dwana nfirex, bħala riżultat tal-espansjoni tal-flussi kummerċjali u l-fatturi l-oħra marbuta mas-sikurezza tal-prodotti u t-teknoloġiji ġodda tal-informatika, li minħabba fihom u l-modifiki li saru fuq it-Trattat ta’ Lisbona s-suq intern sar iktar kompetittiv.

2.4   Fl-2008 ġie adottat il-kodiċi doganali modernizzat (1), sabiex jittieħed kont tal-flussi kummerċjali ikbar, għall-ġestjoni l-ġdida tar-riskji, għall-ħarsien u s-sikurezza tal-kummerċ leġittimu u għall-kisba ta’ ambjent tal-informatika komuni, għad-dwana u għall-kummerċ.

2.5   Ir-regoli tal-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC) huma diġà fis-seħħ, iżda sabiex jiġu applikati fil-verità jeħtieġu dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, previsti fl-24 ta’ Ġunju 2013. Però, għal raġunijiet tekniċi u prattiċi minħabba n-natura kkumplikata tal-aspetti legali, informatiċi u operattivi, din l-iskadenza mhix se tintlaħaq.

2.6   Il-KESE fl-opinjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward, diġà indika li “dawn l-iskadenzi…twaqqfu b'ċertu ottimiżmu” (2) u żvela kif “in-nuqqas ta’ regolament ta’ eżekuzzjoni, li t-tfassil tiegħu jagħmel parti mis-setgħat tal-Kummissjoni nnifisha, attwalment qed iwassal għall-inċertezza fir-rigward ta’ bosta regoli” (3), iżda l-KESE hu dejjem tal-fehma li “l-unjoni doganali, li darba kienet il-qofol tal-integrazzjoni ekonomika Ewropea, ma jistax ikollha dewmien fir-rigward tad-dinja tal-kummerċ internazzjonali” (4).

2.7   Fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji, il-Kumitat itenni dak li diġà esprima fl-opinjoni riċenti tiegħu dwar il-proposta għal programm ta’ azzjoni għad-dwana u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (FISCUS) (5). Madankollu, dan għandu jirrappreżenta, kif il-KESE diġà ssuġġerixxa f'bosta okkażjonijiet (6), il-bidu ta’ azzjoni ta’ kooperazzjoni strutturata bejn l-aġenziji kollha, nazzjonali u Ewropej, involuti fil-ġlieda kontra l-qerq u l-kriminalità finanzjarja: il-ħasil ta’ flus, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, il-kuntrabandu, eċċ.”.

2.8   Għaldaqstant il-Kumitat itenni li, ladarba f'dawn l-aħħar snin tfasslu żewġ programmi: Dwana 2013 u Fiscalis 2013, li mxew tul toroq differenti u issa nġabru fi programm wieħed, FISCUS, jeħtieġ li jinżamm“l-aspett pożittiv prinċipali ta’ dan il-programm” li “hi l-importanza mogħtija lill-fattur uman”:

“jeħtieġ li jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet nazzjonali doganali u fiskali jkunu mħejjija b'mod xieraq sabiex jirrispondu għall-isfidi tad-deċennju li jmiss;

is-settur fiskali u doganali għandu jkollu sistema tal-IT aġġornata u effiċjenti, li tinkludi elementi importanti, bħall-kodiċi doganali aġġornat;

il-Kumitat jittama li jiġi valutat iktar fid-dettall l-impatt tal-programm propost dwar il-bilanċi tal-UE u tal-gvernijiet tal-Istati Membri” (7).

2.9   Sabiex jiġi modernizzat is-settur doganali hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji adegwati għall-proċeduri u proċessi relatati mal-attività doganali, b'mod partikolari l-ħolqien ta’ sistemi elettroniċi u t-taħriġ tar-riżorsi umani involuti.

2.10   L-għanijiet strateġiċi tal-proposta l-ġdida għal regolament għadhom l-istess bħal tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 li ġie riformulat, jiġifieri l-għanijiet koerenti mal-politiki eżistenti fil-qasam ta’ skambju tal-merkanzija, li tidħol u toħroġ mill-Unjoni Ewropea: il-Kumitat diġà esprima ruħu fir-rigward ta’ tali għanijiet (8).

2.11   Il-Parlament Ewropew esprima ruħu fir-riżoluzzjoni tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tad-dwana (9) u affronta l-problemi: tal-istrateġija doganali, tal-istrumenti għall-garanzija tal-kompetittività u l-ġestjoni tar-riskju; tal-punt unika ta’ servizz; tal-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u tas-sanzjonijiet; tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri; tal-interessi finanzjarji u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u tal-kooperazzjoni msaħħa.

2.12   Min-naħa tagħha l-Kummissjoni, fl-opinjoni dwar il-Progress dwar l-Istrateġija għall-Evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali (10) enfasizzat il-ħtieġa ta':

strateġija mifruxa favur il-kooperazzjoni ma’ aġenziji u msieħba internazzjonali oħra fl-oqsma tas-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent;

titjib u modernizzar tal-governanza, f'dawk li għandhom x'jaqsmu l-istrutturi u l-metodi ta’ ħidma u b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-impriżi fil-proċessi doganali;

tqassim u l-ippuljar tal-kapaċitajiet u l-ħiliet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex tittejjeb l-effiċjenza, il-konformità u jitwettqu ekonomiji ta’ skala, fi ħdan il-programm FISCUS;

definizzjoni ta’ kriterju sabiex jitkejlu u jiġu valutati l-prestazzjonijiet (riżultati u prodotti) sabiex jiġi garantit li l-unjoni doganali tilħaq l-għanijiet tagħha u jiġi identifikat xi dewmien jew nuqqasijiet.

2.13   Min-naħa tiegħu l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2011 (11) iddeċieda li jfassal strateġija għal kooperazzjoni futura, bil-għan li jiġu stabbiliti l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tittejjeb iktar il-kooperazzjoni doganali u l-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, sabiex jissaħħaħ ir-rwol tad-dwana bħala awtorità ewlenija, għall-kontroll taċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija f'żona ħielsa, sikura u ġusta u sabiex tingħata protezzjoni iktar effikaċi liċ-ċittadini tal-Unjoni.

3.   Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea

3.1   Il-Kummissjoni tipproponi li r-Regolament (KE) Nru 450/2008 (Kodiċi Doganali Modernizzat) jiġi sostitwit bir-regolament riformulat li, fost l-oħrajn:

jallinja t-test mat-Trattat ta’ Lisbona,

jagħmlu iktar adegwat mal-aspetti prattiċi u mal-evoluzzjoni ta’ normi doganali u ma’ setturi oħra rilevanti għaċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi Terzi, u

jiddedika żmien biżżejjed għall-iżvilupp tas-sistemi tal-informatika meħtieġa li jappoġġjaw il-funzjonament tiegħu.

3.2   Ir-Ir-riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tipprevedi adegwatezza aħjar tal-leġislazzjoni fil-konfront tal-prattiki tan-negozju, appoġġjat mill-aqwa arkitettura u ppjanar għall-iżviluppi fl-informatika, filwaqt li jinkorpora l-vantaġġi kollha tar-Regolament soġġett għall-proposta ta’ riforulazzjoni, b'mod partikolari s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (tal-UE jew dawk nazzjonali) u għall-partijiet privati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jilqa' b'mod favorevoli l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-Proposta għal Regolament riformulat tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju Modernizzat.

4.2   Il-Kumitat jemmen ukoll li sabiex tintlaqa' b'mod favorevoli tali proposta ġdida jeħtieġ li jiġu garantiti:

żmien definit għad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni, sabiex jiġi evitat li għal darb'oħra jkun hemm bżonn ta’ riformulazzjoni u differiment;

interpretazzjoni konsistenti tal-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni, li trid taġixxi bħala amministrazzjoni unika għat-twettiq ta’ dwana Ewropa unika;

livelli ndaqs ta’ kontroll u trattament konsistenti tal-operaturi, fi kwalunkwe punt tat-territorju doganali tal-UE, permezz ta’ pakketti standard ta’ kontroll, it-titjib tal-punt uniku ta’ servizz u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat;

informazzjoni dettaljata tal-operaturi interessati kollha, sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni koerenti u konsistenti tal-leġislazzjoni u l-proċeduri elettroniċi l-ġodda, abbażi ta’ standards komuni li jiżguraw interoperabbiltà sħiħa;

taħriġ ta’ kwalità tar-riżorsi umani tad-dwana u tal-operaturi, abbażi ta’ pjattaformi u standards Ewropej, sabiex jiżdied il-livell ta’ professjonalità u responsabbiltà permezz ta’ monitoraġġ adatt abbażi ta’ parametri ta’ kwalità Ewropea;

riżorsi finanzjarji nazzjonali u komunitarji adegwati li jużaw programmi partikolari bħall-programm FISCUS, programmi komunitarji għal taħriġ permanenti, maħsuba wkoll għat-tħejjija lingwistika u s-sistemi tal-informatika u l-komunikazzjoni u l-Kattedri Jean Monnet;

tqassim u l-ippuljar tal-kapaċitajiet u l-ħiliet bejn l-Istati Membri u fil-livell Ewropew, sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-ħolqien ta’ Istitut ta’ livell għoli b'taħriġ doganali Ewropew li kapaċi tippromovi l-eċċellenza fis-settur doganali.

4.3   Il-Kumitat iqis li dawn il-punti huma rilevanti b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ u l-inizjattivi komuni fil-qasam tal-IT, sabiex jiġu żgurati standards għoljin ta’ interoperabbiltà tas-sistemi doganali u korp doganali Ewropew unitarju, tal-kwalifiki u tal-livelli operattivi koerenti.

4.4   L-investimenti konsiderevoli li diġà saru għat-twaqqif ta’ sistemi doganali elettroniċi u interoperabbli għadhom ma mlewx il-vojt, f'dawk li għandhom x'jaqsmu l-leġislazzjoni u l-użu tad-data: iridu jintużaw iż-żminijiet imsemmija fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea sabiex isir sforz ikbar għall-armonizzazzjoni u sabiex isir konkret “korp doganali ewropew” li jkun il-bażi tal-għan imħeġġeġ mill-Kumitat, il-ħolqien ta’ dwana ewropea unika.

4.4.1   Sabiex tiġi implimentata applikazzjoni koerenti tar-regolament il-ġdid, il-KESE jissuġġerixxi l-ħolqien, bħala esperiment, ta’ task force Ewropea għal intervent rapidu u li tappoġġja l-ħidma kwalifikata u tqila tad-dwana, b'mod partikolari fil-fruntieri esterni.

4.5   Il-KESE jtenni dak li kien diġà esprima, li “l-ġestjoni Komunitarja tad-dwana għandha tkun fost l-għanijiet fit-tul tal-Unjoni: din it-tip ta’ ġestjoni tippreżenta vantaġġi mil-lat tas-sempliċità, l-affidabbiltà u l-ispejjeż, kif ukoll il-possibilitajiet ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra tal-UE u pajjiżi terzi” (12).

4.6   Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jkun disponibbli linji gwida modernizzati, għall-kontroll tal-importazzjoni, fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti u database pubblika dwar il-merkanzija perikoluża, interċettata fid-dwana.

4.7   Il-Kummissjoni għandha tqis l-osservazzjonijiet li l-KESE fassal fl-Opinjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar il-qafas legali orizzontali (13) fir-rigward tal-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni u jissaħħu l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq.

4.8   Fir-rigward tal-protezzjoni legali tas-suq Ewropew, ir-regoli għandhom jevolvu lejn sistemi ġodda, li jippermettu li tiġi identifikata l-oriġini u jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-prodotti, sabiex titjieb l-informazzjoni għall-konsumaturi u jissaħħu l-attivitajiet ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet u l-frodi fis-settur doganali.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(2)  Ara ĠU C 318, 23.12.2006, p. 47 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara ĠU C 309, 16.12.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ara ĠU C 324, 30.12.2006, p. 78 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 143, 22.05.2012, p. 48.

(6)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud”, ĠU C 347, 18.12.2010, p. 73; “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa”, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 61; “L-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-importazzjoni”, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 112; “L-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra” u “Il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni”, ĠU C 317, 23.12.2009, p. 120.

(7)  Ara n-Nota nru 5, ibidem.

(8)  Ara n-Nota 2.

(9)  Ara r-Riżoluzzjoni PE 1.12.2011 (2011/2083/INI).

(10)  Ara COM(2011) 922, 20 ta’ Diċembru 2011.

(11)  Ara ĠU C 5, 7.1.2012, p. 1.

(12)  ĠU C 318, 13.9.2006, p. 47 (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 1.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)”

COM(2011) 735 final

2012/C 229/14

Relatur: is-Sur PÎRVULESCU

Nhar il-15 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea (Id-Direttiva 2003/86/KE)

COM(2011) 735 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ April 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 131 vot favur 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Kemm il-programm ta’ Stokkolma kif ukoll il-patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil raw ir-riunifikazzjoni tal-familji bħala kwistjoni li titlob żvilupp fil-politiki tal-Unjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ integrazzjoni. Fl-2003, ġew adottati regoli komuni Ewropej dwar l-immigrazzjoni biex jirregolaw il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikunu jistgħu jeżerċitaw, fil-livell tal-UE, id-dritt li l-familja tagħhom tiġi riunifikata.

1.2   Id-Direttiva tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-UE li jingħaqdu ma’ ċittadin ieħor ta’ pajjiż mhux membru tal-UE u li jkun diġà qed jgħix legalment fi Stat Membru. Din id-Direttiva ma tapplikax għaċ-ċittadini tal-UE.

1.3   Fl-ewwel rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (COM (2008) 610 final), il-Kummissjoni stess identifikat il-problemi u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva.

1.4   Il-Kummissjoni qieset li kien jeħtieġ li jitnieda dibattitu pubbliku dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li fih jiġu enfasizzati ċerti kwistjonijiet fl-ambitu tad-Direttiva, li huwa l-għan ta’ din il-Green Paper. Il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jwieġbu għal mistoqsijiet differenti dwar kif jista' jkun hemm regoli iktar effikaċi dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-livell tal-UE.

1.5   Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk jeħtieġx li jkun hemm segwitu konkret tal-politika (pereżempju l-modifika tad-Direttiva, il-ħruġ ta’ linji gwida dwar l-interpretazzjoni jew l-istatus quo).

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex torganizza dibattitu pubbliku wiesa' dwar id-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja. Bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE se joffri l-appoġġ tiegħu fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ dawn il-konsultazzjonijiet u se jagħti l-opinjoni tiegħu abbażi tal-esperjenzi miġbura.

2.2   Il-KESE jinsab imħasseb u jinnota li fil-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku attwali, id-dibatittu dwar kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni saru ferm sensittivi. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika affettwat is-solidarjetà bejn l-individwi u fetħet il-bieb għal diskors u azzjoni politika aktar radikali. Ta' min wieħed jinnota li l-futur demografiku u ekonomiku Ewropew joħolqu l-ħtieġa li jinfetħu l-bibien għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jgħixu fl-UE. Is-soċjetà Ewropea trid tibqa' miftuħa, minkejja t-tibdil li jseħħ fis-suq tax-xogħol. Minkejja li huwa neċessarju, id-dibattitu dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tal-politika dwar l-immigrazzjoni jista' jqajjem mistoqsijiet dwar regoli u prattiki eżistenti, li bosta minnhom huma passi importanti lejn il-kisba ta’ għanijiet politiċi.

2.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja dan id-dibattitu u, fuq kollox, se jieħu azzjoni biex jiżgura li l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata tkun fattur importanti biex tintlaħaq din l-aġenda. Irrispettivament mill-isfidi politiċi u ekonomiċi li s-soċjetà Ewropea qed tiffaċċja, huwa importanti li jiġi protett u msaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet fundamentali li fuqu huwa mibni l-proġett Ewropew.

2.4   Il-KESE japprezza l-ftuħ tal-Kummissjoni Ewropea lejn is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika, minħabba li ż-żewġ setturi evalwaw b'mod kritiku l-kontenut u l-implimentazzjoni tad-Direttiva f'bosta okkażjonijiet. F'dan il-kuntest, jenfasizza r-rwol pożittiv tal-Forum Ewropew dwar l-integrazzjoni, li jiffaċilita djalogu strutturat bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u diversi partijiet interessati kkonċernati mill-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni.

2.5   Il-Kumitat jemmen li d-dibattitu dwar id-Direttiva u l-impatt tagħha għandu jiffoka fuq l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni u li l-mod li bih għandha tittieħed azzjoni u l-istrumenti użati għandhom jiġu stabbiliti matul fażi sussegwenti, b'konsultazzjoni mill-ġdid tal-partijiet interessati.

2.6   Id-Direttiva għandha tiġi diskussa fid-dawl tad-diversi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali li jħarsu l-ħajja privata kif ukoll il-familja u l-membri tagħha, b'mod partikolari t-tfal. Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja huwa – u għandu jitqies – bħala dritt fundamentali, irrispettivament min-nazzjonalità tal-individwi inkwistjoni, u huwa stabbilit direttament jew indirettament f'dokumenti differenti: l-Istqarrija Universali Dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem (Artikoli 12, 16 u 25), il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (Artikolu 7), il-Karta Ewropea tad-drittijiet fundamentali (Artikoli 8, 9, 24 u 25) u l-Karta Soċjali Ewropea (Artikolu 16).

2.7   Il-KESE jemmen li d-dibattitu dwar id-Direttiva huwa neċessarju u opportun, meta wieħed iqis l-akkumulazzjoni ta’ data empirika dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja u sabiex jakkumpanja r-riżorsi teknoloġiċi li jistgħu jintużaw matul il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza (eż. l-ittestjar tad-DNA). Aspett ieħor li għandu jitqies huwa l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.8   Minkejja li teżisti ħafna data dwar il-migrazzjoni, il-Kumitat jinnota li f'oqsma li huma sensittivi ħafna bħall-frodi u ż-żwiġijiet sfurzati, m'hemmx biżżejjed data biex tiggwida t-tfassil tal-politika. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li jkomplu jiżdiedu l-isforzi sabiex tinġabar informazzjoni, partikolarment data kwalitattiva, f'dawn l-oqsma hekk sensittivi u relevanti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Kamp ta’ applikazzjoni. Min jista' jikkwalifika bħala sponsor għall-iskop ta’ din id-Direttiva?

Mistoqsija 1

Dawn il-kriterji (prospett raġonevoli ta’ ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni, kif regolata mill-Artikolu 3 u perjodu ta’ stennija sakemm ir-riunifikazzjoni sseħħ fil-fatt, kif regolata mill-Artikolu 8) huma l-metodu t-tajjeb u l-aħjar mod kif wieħed jikkwalifika l-isponsors?

3.1.1   Il-Kumitat jemmen li l-eżistenza tal-kundizzjonijiet ta’ prospetti raġonevoli huma wisq vagi mill-perspettiva legali, u jistgħu jiġu interpretati b'mod ristrett wisq. Għalhekk, huwa rakkomandat li l-kundizzjoni tal-pussess ta’ permess ta’ residenza għal mill-inqas sena għandha tinżamm, iżda li t-tieni kundizzjoni ta’ prospetti raġonevoli għandha titneħħa.

3.1.2   Bl-istess mod, il-perjodu ta’ stennija minimu jista' jkun problematiku. Id-dritt għall-ħajja tal-familja u għall-privatezza huma drittijiet fundamentali. Il-KESE jemmen li r-realizzazzjoni ta’ dan id-dritt se tippermetti lill-isponsors tar-riunifikazzjoni taħt id-Direttiva li jkollhom id-dritt li jniedu proċeduri ta’ riunifikazzjoni tal-familja hekk kif jinħareġ il-permess ta’ residenza, iżda li l-perjodu ta’ residenza minimu għandu jitneħħa.

3.1.3   Il-Kumitat jifhem li ssir distinzjoni bejn l-immigranti kwalifikati ħafna u dawk anqas kwalifikati, fil-livell tal-istatut u tal-ħarsien li huma jirċievu. Madankollu huwa jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija Ewropea teħtieġ bl-istess mod dawn iż-żewġ kategoriji, u li ma tista' ssir l-ebda differenza fir-rigward tad-drittijiet tal-ħarsien kemm tal-ħajja privata kif ukoll tal-ħajja tal-familja, fuq il-bażi tal-kwalifiki.

3.2   Dispożizzjonijiet obbligatorji dwar l-eliġibilità tal-membri tal-familja – il-familja nukleari.

Mistoqsija 2

Huwa leġittimu li jkun hemm età minima fir-rigward tal-konjuġi, li tkun differenti mill-età li fiha l-Istat Membru partikolari jqis li persuna tkun saret maġġorenni?

Fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, hemm metodi oħrajn biex jiġu evitati każijiet ta’ żwieġ sfurzat u, jekk iva, liema huma?

Għandek evidenza ċara dwar il-problema ta’ żwieġ sfurzat? Jekk iva, kemm hi kbira din il-problema (statistika) u għandha rabta mar-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja (biex tiġi stipulata età minima differenti mill-età li fiha l-Istat iqis li persuna tkun saret maġġorenni)?

3.2.1   Il-Kumitat iqis li r-regolamenti dwar l-età minima mhumiex biżżejjed sabiex jiġġieldu ż-żwiġijiet sfurzati u jaffettwaw id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja. Possibbiltà minnhom tkun li jiġi evalwat it-tip ta’ żwieġ permezz ta’ investigazzjoni jew intervista wara r-riunifikazzjoni ta’ familja fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru. Sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet li jiġu identifikati żwiġijiet sfurzati, li kważi esklussivament jaffettwaw lin-nisa, huwa rakkomandat li għandha titfassal sistema ta’ inċentivi għal persuni li jammettu li jkunu ġew imġiegħla jiżżewġu. Soluzzjoni minnhom (iżda mhux l-unika waħda) hi li dawn il-persuni jiġu offruti permess ta’ residenza għal mill-inqas sena. Il-KESE m'għandux evidenza ċara ta’ żwiġijiet sfurzati u jirrakkomanda li tiġi involuta l-Kummissjoni Ewropea u speċjalisti oħra sabiex tinkiseb id-data rilevanti.

Mistoqsija 3

Taħseb li hemm interess li jinżammu dawk il-klawżoli ta’ status quo li ma jintużawx mill-Istati Membri, bħal dik li tirrigwarda t-tfal ta’ età ta’ iktar minn 15-il sena?

3.2.2   Il-Kumitat iqis li mhuwiex meħtieġ li jinżammu dawk iż-żewġ klawżoli. L-ewwel klawżola li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni għal tfal 'il fuq minn 12-il sena ntużat minn Stat Membru wieħed biss. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni neċessarji jista' jkun proċess inkonsistenti u arbitrarju li jista' jaffettwa d-drittijiet ta’ persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minorenni. Fl-istess waqt, it-tieni klawżola, għal minorenni 'l fuq minn 15-il sena, hija problematika. Din il-klawżola ma ntużat mill-ebda Stat Membru. Li wieħed isaqsi persuna minorenni dwar raġunijiet differenti mir-riunifikazzjoni tal-familja huwa problematiku mill-perspettiva etika, meta wieħed iqis li r-riunifikazzjoni ssir abbażi ta’ dritt stabbilit minn kull konvenzjoni internazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal.

3.3   Klawżola fakultattiva – membri oħra tal-familja

Mistoqsija 4

Ir-regoli dwar l-eliġibilità tal-membri tal-familja huma xierqa u wesgħin biżżejjed biex iqisu d-definizzjonijiet differenti ta’ familja li jeżistu minbarra d-definizzjoni ta’ familja nukleari?

3.3.1   Dawn ir-regoli mhumiex wesgħin biżżejjed, peress li m'hemmx definizzjoni waħda ta’ familja applikabbli kemm fil-pajjiżi terzi kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE. Madankollu jekk l-UE m'għandhiex bażi legali biex tiddefinixxi x'inhi familja, għandha l-istrumenti biex tevita d-diskriminazzjoni. Ir-regoli dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu flessibbli biżżejjed sabiex iqisu t-tipi differenti ta’ strutturi ta’ familji rikonoxxuti fuq livell nazzjonali (fosthom żwiġijiet tal-istess sess, familji b'ġenitur wieħed, sħubijiet ċivili, eċċ.) u l-inklużjoni potenzjali ta’ tipi oħra ta’ relazzjonijiet.

3.3.2   Minħabba li aktar minn nofs l-Istati Membri użaw il-klawżola fakultattiva u inkludew il-kunjati fost dawk eliġibbli għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-KESE jemmen li jkun utli li din il-klawżola fakultattiva tinżamm. B'hekk ikun possibbli li l-Istati Membri li jixtiequ jkunu jistgħu jinkludu wkoll ċirku ta’ persuni usa' fir-riunifikazzjoni tal-familja, pereżempju jistgħu jiġu inklużi l-kunjati li jista' jkollhom rwol benefiku fit-trobbija emottiva u intellettwali ta’ ulied uliedhom.

3.4   Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja - Miżuri ta’ integrazzjoni

Mistoqsija 5

Dawn il-miżuri qed jilħqu l-iskop tal-integrazzjoni b'mod effiċjenti? Dan kif jista' jiġi evalwat fil-prattika?

Liema huma l-iktar miżuri effikaċi ta’ integrazzjoni f'dak ir-rigward?

Tqis li huwa utli li dawn il-miżuri jiġu definiti iżjed fil-livell tal-UE?

Tirrakkomanda li jkun hemm miżuri ta’ qabel id-dħul?

Jekk iva, kif jistgħu jiġu introdotti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li fil-fatt ma jwasslux biex ikun hemm ostakli bla bżonn għar-riunifikazzjoni tal-familja (bħal tariffi jew rekwiżiti sproporzjonati) u jiġu meqjusa l-kapaċitajiet individwali bħall-età, l-illitteriżmu, id-diżabilità u l-livell ta’ edukazzjoni?

3.4.1   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jintlaqgħu bi pjaċir; dawn m'għandhomx jitqiesu jew jiġu implimentati bħala ostakli għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-familja iżda għandhom jaħdmu favur l-isponsors u l-membri tal-familja li jgħixu fiha. Il-KESE jemmen li l-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jittieħdu mill-Istati Membri tal-UE li jkunu qed jirċievu, aktar milli minn pajjiżi mhux tal-UE.

3.4.2   L-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tidentifika għadd ta’ għodod ta’ integrazzjoni li jistgħu jintużaw. Fil-kuntest ta’ dawn l-għodod, il-KESE jemmen li l-enfasi għandha tkun fuq it-tagħlim tal-lingwi u fuq l-edukazzjoni formali u nonformali. Il-KESE fakkar kemm il-darba li l-edukazzjoni hija element ewlieni fil-proċess tal-integrazzjoni. L-użu ta’ dawn l-għodod għandu jiġi adattat sabiex jaqdi l-karatteristiċi demografiċi u soċjoekonomiċi tal-membri tal-familja. Huwa rakkomandat li l-minorenni jiġu inklużi fi programmi ta’ tagħlim formali u nonformali u l-adulti u anzjani fi programmi ta’ tagħlim tal-lingwi, ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ integrazzjoni elettronika (“e-inclusion”). Dawn il-miżuri jistgħu jgħinu lill-membri tal-familja jikkontribwixxu għall-ekonomija u s-soċjetà kemm fil-pajjiż ospitanti u kemm fil-pajjiż ta’ oriġini.

3.4.3   Il-KESE jemmen li miżuri ta’ qabel id-dħul għandhom jiġu evitati. Il-membri tal-familja riunifikata fit-territorju tal-UE, idealment għandhom ikollhom għarfien lingwistiku u bażi kulturali u edukattiva li tiffaċilitalhom l-integrazzjoni, iżda din ma tistax issir kundizzjoni tar-riunifikazzjoni, jekk dan ma jkunx il-każ.Minbarra ostakli mhux ġustifikati (eż. tariffi), l-infrastrutturi istituzzjonali tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE, jistgħu ma jkunux kapaċi jappoġġjaw dawn il-miżuri ta’ qabel id-dħul. L-istabbiliment ta’ miżuri ta’ integrazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jista' jipprovdi livell ta’ protezzjoni akbar għall-membri tal-familja, appoġġ akbar mill-isponsors u opportunità akbar ta’ integrazzjoni. Huwa possibbli li l-NGOs ikollhom rwol importanti fl-integrazzjoni, iżda r-rwol ewlieni jrid jibqa' f'idejn l-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom ir-responsabbiltà legali u r-riżorsi meħtieġa biex jassiguraw l-integrazzjoni.

3.5   Il-perjodu ta’ stennija fir-rigward tal-kapaċità ta’ akkoljenza

Mistoqsija 6

Fid-dawl tal-applikazzjoni tagħha, huwa neċessarju u ġustifikat li deroga bħal din tinżamm fid-Direttiva li tipprevedi dispożizzjoni għal perjodu ta’ stennija ta’ tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni?

3.5.1   Peress li Stat Membru wieħed biss uża din id-deroga, il-KESE jemmen li m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni sabiex din tinżamm. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jingħataw permessi ta’ residenza għandha tittieħed fid-dawl taċ-ċirkostanzi individwali u mhux fid-dawl tal-kapaċità ta’ akkoljenza. Il-kapaċità ta’ akkoljenza hija varjabbli u hija riżultat ta’ xi politiki li jistgħu jinbidlu jekk ikun meħtieġ li jsir hekk.

3.6   Dħul u residenza ta’ membri tal-familja.

Mistoqsija 7

Ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevedu s-sitwazzjoni fejn il-perjodu ta’ validità li jkun baqa' tal-permess ta’ residenza tal-isponsor ikun inqas minn sena imma jkun se jiġġedded?

3.6.1   Il-permessi tar-riunifikazzjoni tal-membri tal-familja għandhom ikollhom l-istess perjodu ta’ validità. Qabel jiskadu l-permessi kollha, tista' tiġi sottomessa applikazzjoni komuni għall-membri kollha tal-familja ħalli jiġu evitati differenzi fiż-żmien.

3.7   Kwistjonijiet marbuta mal-ażil - L-esklużjoni tal-protezzjoni sussidjarja.

Mistoqsija 8

Ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja għandha tkun suġġetta għar-regoli tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja?

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jibbenefikaw mir-regoli li huma iktar favorevoli tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja li teżenta lir-refuġjati milli jissodisfaw ċerti kriterji (akkomodazzjoni, assigurazzjoni tas-saħħa, riżorsi stabbli u regolari)?

3.7.1   Il-Kumitat jemmen li l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom ikunu suġġetti għar-regoli favorevoli tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja, li huma aktar favorevoli u għalhekk għandhom ikunu inklużi fiha. Il-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja ġejjin minn pajjiżi u żoni rikonoxxuti bħala perikolużi għas-saħħa u l-benessri tagħhom. Dan il-fatt isaħħaħ il-ħtieġa li jiġu armonizzati ż-żewġ statuti.

3.8   Kwistjonijiet oħra relatati mal-ażil

Mistoqsija 9

L-Istati Membri għandhom jibqgħu jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli tad-Diretttiva fil-każ ta’ refuġjati li jkollhom rabtiet tal-familja li jkunu nħolqu qabel id-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru?

Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi ggarantita għal kategoriji usa' ta’ membri tal-familja li jkunu jiddependu mir-refuġjati, u jekk iva sa liema grad?

Għandu jibqa' jkun mitlub li r-refuġjati jipprovdu provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti f'dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-assigurazzjoni tas-saħħa u r-riżorsi jekk l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ma tiġix ippreżentata fi żmien tliet xhur minn meta jkun ingħata l-istatus ta’ refuġjat?

3.8.1   Il-Kumitat jemmen li d-definizzjoni tal-familja m'għandhiex tinkludi l-kriterju taż-żmien. Xi nies jistabbilixxu familja fl-Istat Membru ta’ akkoljenza u mhux fil-pajjiż terz ta’ oriġini. Familja tista' tingħaqad mill-ġdid irrispettivament miż-żmien u l-post li fih tkun ġiet stabbilita. Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi estiża sabiex tinkludi aktar kategoriji differenti, partikolarment fir-rigward tat-tfal li għandhom 18-il sena jew iktar jew l-aħwa, b'kunsiderazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma’ fatturi kulturali. It-tieni nett, id-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jiġu aboliti jew estiżi sabiex tkun possibbli għall-isponsors li jikkuntattjaw lill-membri tal-familja li għandhom mnejn ikunu qed jgħixu f'żoni mbiegħda ħafna, u jippreparaw id-dokumenti kollha meħtieġa għall-proċess tal-applikazzjoni. Limitu taż-żmien għandu jiġi inkluż b'rabta mad-data tal-iskadenza ta’ permess ta’ residenza temporanju (eż. 3 xhur).

3.9   Frodi, abbuż, kwistjonijiet proċedurali – Intervisti u investigazzjonijiet

Mistoqsija 10

Hemm provi ċari dwar problemi ta’ frodi? Kemm hija kbira l-problema (statistika)? Taħseb li jekk ikun hemm regoli dwar l-intervisti u l-investigazzjonijiet, inklużi t-testijiet tad-DNA, dan jista' jkun fattur importanti biex tissolva?

Tikkunsidra li jkun utli li jkun hemm regoli iktar speċifiċi fil-livell tal-UE fir-rigward ta’ dawn l-intervisti jew investigazzjonijiet? Jekk iva, x'tip ta’ regoli tikkunsidra?

3.9.1   Il-KESE m'għandux evidenza ċara ta’ problemi ta’ frodi. Jemmen li l-intervisti u l-investigazzjonijiet huma leġittimi sakemm dawn ma jwasslux biex jintilef il-valur tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.

Il-KESE huwa kontra l-ittestjar tad-DNA. Minkejja li huwa mezz xjentifiku validu għall-istabbiliment ta’ rabtiet bijoloġiċi bejn persuni, ma jkoprix il-firxa ta’ rabtiet emozzjonali, soċjali u kulturali li jistgħu jiffurmaw bejn membri tal-istess familja, li jista' jkun li mhux bilfors ikunu bijoloġikament relatati. Fil-każ ta’ persuni adottati, it-testijiet tad-DNA huma irrelevanti. Barra minn hekk, it-testijiet tad-DNA jistgħu jiżvelaw sitwazzjonijiet familjari ferm delikati bħal adozzjonijiet li jkunu tħallew sigrieti jew infedeltajiet. Huwa ċar li t-testijiet tad-DNA jiksru d-dritt għall-privatezza u jistgħu jwasslu għal trawmi personali li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jinżammu responsabbli. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandu jkun hemm regoli rigward l-investigazzjonijiet u l-intervisti, li għandhom ikopru l-firxa sħiħa ta’ strumenti legali u teknoloġiċi eżistenti. Jista' jkun ta’ benefiċċju li l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tiġi involuta f'dan il-kuntest. Il-Kumitat huwa miftuħ għal kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej u korpi oħra sabiex jitfasslu dawn ir-regoli. Jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-prinċipju tal-proporzjonalità. Ir-riunifikazzjoni familjali ma tistax tiġi trattata bħala element tal-liġi penali.

3.10   Żwiġijiet ta’ konvenjenza

Mistoqsija 11

Hemm provi ċari dwar problemi ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza? Teżisti statistika dwar żwiġijiet bħal dawn (jekk ġew skoperti)?

Għandhom rabta mar-regoli tad-Direttiva?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu implimentati b'mod iktar effikaċi, u jekk iva, kif?

3.10.1   Il-KESE m'għandux evidenza ċara ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza. Ir-regoli futuri dwar verifiki, spezzjonijiet u intervisti jistgħu jgħinu biex jillimitaw dan il-fenomenu. Il-KESE jenfasizza li r-regoli rilevanti għandhom jitfasslu f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali sabiex jiżguraw li m'hemm l-ebda impatt fuq id-drittijiet bażiċi ta’ dawk involuti.

3.11   Tariffi

Mistoqsija 12

It-tariffi amministrattivi pagabbli fil-proċedura għandhom ikunu rregolati?

Jekk iva, ir-regolamentazzjoni għandha tkun f'forma ta’ salvagwardji jew għandhom jingħataw indikazzjonijiet iktar preċiżi?

3.11.1   Il-KESE ma jaħsibx li jkun leġittimu li jkun hemm livelli differenti ta’ tariffi. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu stabbiliti limiti massimi finanzjarji li m'għandhomx iwaqqgħu l-objettiv bażiku tad-Direttiva. Il-KESE jemmen li jew għandu jiġi impost limitu massimu uniku jew it-tariffi kollha għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-dħul per capita jew indikatur ieħor fil-pajjiż terz. Hekk kif tiġi sottomessa applikazzjoni fuq bażi individwali, alternattiva oħra aktar preferuta hi li jiġi impost limitu massimu relatat mad-dħul ta’ kull applikant (eż. proporzjon tad-dħul annwali medju). Il-minorenni għandhom ikunu soġġetti għal tariffi minimi jew eżentati minnhom kompletament.

3.12   It-tul tal-proċedura - skadenza għad-deċiżjoni amministrattiva

Mistoqsija 13

Id-data ta’ skadenza amministrattiva stipulata mid-Direttiva għall-eżami tal-applikazzjoni hija ġustifikata?

3.12.1   Il-KESE jemmen li d-Direttiva għandha tiġi emendata sabiex tinkiseb il-konformità tal-prattiki komuni fil-livell tal-Istati Membri. Għalhekk jirrakkomanda li titnaqqas id-data ta’ skadenza minn 9 xhur għal 6 xhur.

3.13   Klawżoli orizzontali

Mistoqsija 14

Kif tista' tiġi ffaċilitata u żgurata fil-prattika l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli orizzontali?

3.13.1   Il-KESE jemmen li l-aktar mezz raġonevoli ta’ implimentazzjoni tal-klawżoli orizzontali fir-rigward tal-aħjar interessi ta’ tfal minorenni kif ukoll il-ħtieġa għal eżaminazzjonijiet individwali, u wkoll sabiex jissolvew aspetti problematiċi oħra tar-riunifikazzjoni tal-familja, hu li jitfasslu regoli armonizzati speċifiċi dwar it-tipi kollha possibbli ta’ eżaminazzjonijiet, verifiki u spezzjonijiet. Dawn ir-regoli għandhom ikunu proporzjonali u għandhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva”

COM(2011) 681 final

2012/C 229/15

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Korelatur: is-Sur ETHERINGTON

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva

COM(2011) 681 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ April 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’203 voti favur, 12-il vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni għall-impenn tagħha li tinkoraġġixxi prattiki ta’ kummerċ responsabbli permezz tal-firxa ta’ inizjattivi ta’ politika mfasslin fil-Pakkett “Negozji responsabbli” (1), bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2   Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tirrispetta n-natura volontarja tas-CSR (li hija differenti minn “mingħajr impenn”) u jenfasizza l-fatt li sar progress fl-iżvilupp tagħha fil-livell tal-kumpaniji u jagħraf il-ħtieġa għall-flessibbiltà biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jkunu innovattivi.

1.3   Il-KESE jinnota li l-proposta l-ġdida testendi d-definizzjoni tas-CSR lil hinn mill-qafas eżistenti. Madankollu, jitħallew wisq mistoqsijiet mingħajr risposta. Ma tiċċarax:

id-definizzjoni ta’ “impriża” – li l-KESE jemmen li għandha tinkludi l-partijiet interessati kollha kemm privati, pubbliċi u tas-soċjetà ċivili sabiex tiġi evitata kwalunkwe misinterpretazzjoni;

l-approċċi kulturali differenti għas-CSR;

id-differenzi bejn ir-responsabbiltà “soċjali” (fil-post tax-xogħol biss) u r-responsabbiltà soċjetali (attivitajiet lil hinn mill-post tax-xogħol);

liema attivitajiet fakultattivi se jeħtieġu rappurtar mandatorju, fid-dawl tal-fatt li l-attivitajiet kollha tas-CSR huma fakultattivi u jaqbżu kwalunkwe rekwiżit legali.

il-miżuri speċifiċi għall-SMEs – il-Komunikazzjoni tuża approċċ “wieħed għal kulħadd”;

id-distinzjoni bejn is-CSR u l-governanza korporattiva – u huwa essenzjali li dawn iż-żewġ oqfsa jibqgħu separati.

1.4   Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni prinċipalment jirrifletti d-definizzjoni antika (u li ma għadhiex tintuża) tas-CSR u huwa ppreżentat bħala sempliċi kontinwazzjoni tal-attivitajiet promozzjonali tal-aħħar għaxar snin. Abbażi tad-definizzjoni l-ġdida tas-CSR, il-Kumitat iktar kien jistenna pjani relatati ma’ dak li għandu jkun ġdid fl-“istrateġija rinnovata”: pjani li jinkoraġġixxu u jgħinu lill-impriżi jerfgħu r-responsabbiltà għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà u juru lill-partijiet interessati tagħhom kif jippruvaw jagħmlu dan. Fin-nuqqas ta’ pjani bħal dawn, il-Kumitat ma jistax jgħid wisq dwar l-“istrateġija mġedda”. Jista’ jinnota biss l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal leġislazzjoni dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali provduta mill-impriżi fis-setturi kollha sas-sajf ta’ din is-sena.

1.5   Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattiva li tiġi riveduta d-Direttiva tal-2003 (2), billi jipproponi li l-intrapriżi li jagħmlu mir-responsabbiltà soċjali korporattiva karatteristika prinċipali tal-istrateġija jew tal-komunikazzjoni tagħhom jipproduċu informazzjoni soċjali u ambjentali kull sena bl-użu ta’ metodi trasparenti u bbażati fuq l-evidenza. Dan ifisser li jiġu introdotti prattiki li issa saru komuni, permezz ta’ għodod ta’ kejl u ta’ valutazzjoni rikonoxxuti fil-livell internazzjonali.

1.6   Il-Kumitat ifakkar li l-prattiki ta’ CSR fl-ebda każ ma jista’ jkollhom il-mira li jieħdu post il-leġislazzjoni nazzjonali jew li jnaqqsu d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet konvenzjonali li jkunu ntlaħqu permezz tal-proċedura ta’ djalogu soċjali. Biex dan jiġi żgurat, il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv ħafna lill-proposta li tinħoloq bażi tad-data għall-analiżi u l-monitoraġġ tal-kontenut tal-ftehimiet transnazzjonali negozjati li huma parti mir-regolazzjoni soċjali u ambjentali tal-globalizzazzjoni.

1.7   Is-CSR hija attività volontarja ferm importanti ta’ sperimentazzjoni fid-djalogu ċivili f’ċerti kumpaniji li tippermetti l-valutazzjoni tar-responsabbiltà tal-intrapriżi vis-à-vis l-effetti li għandhom fuq is-soċjetà permezz tal-partijiet interessati esterni għall-intrapriża.

2.   Daħla

2.1   Fil-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni ġdida intitolata “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (“CSR”). L-istrateġija tfassal pjan ta’ azzjoni b’għanijiet li jistgħu jintlaħqu u li jridu jitwettqu bejn l-2011 u l-2014.

2.2   Sabiex jinkiseb l-għan tar-rinnovazzjoni tal-politika tas-CSR, il-Komunikazzjoni tipprova:

tiżviluppa definizzjoni ġdida għas-CSR;

tibni mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur u taċ-ċittadin fil-kummerċ Ewropew;

tippromovi s-CSR permezz ta’ benefiċċji u premjazzjoni fis-suq;

ittejjeb il-qafas regolatorju;

tkompli tintegra s-CSR fl-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka;

tallinja aħjar l-approċċi Ewropej u globali għas-CSR;

tippromovi d-djalogu soċjali u t-trasparenza; u

toħloq bażi tad-data tal-ftehimiet qafas internazzjonali.

2.3   Id-definizzjoni ġdida estiża tipproponi li s-CSR tkun “ir-responsabbiltà tal-impriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà” u tqis aspetti oħra li l-kumpaniji għandhom jinkludu fl-istrateġiji tagħhom tas-CSR. Din taġġorna d-definizzjoni preċedenti ta’ “kunċett fejn il-kumpaniji jintegraw it-tħassib soċjali u ambjentali fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom u fl-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati tagħhom fuq bażi fakultattiva”.

2.4   Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tibni fuq prinċipji u linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment billi tikkoopera mal-Istati Membri, il-pajjiżi msieħba u forums internazzjonali rilevanti u billi ġġiegħel lill-impriżi jimpenjaw iktar ruħhom għal dawn l-oqfsa.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Is-CSR hija żviluppata min-negozji bħala parti mill-istrateġija tan-negozju tagħhom u bħala għodda biex il-kumpaniji jkunu megħjuna jaqdu rwol fl-indirizzar tal-isfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi interni u esterni. Is-CSR tista’ tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 jekk tiġi żviluppata mill-intrapriżi fi djalogu mad-diversi partijiet interessati u jinżamm approċċ mhux regolatorju.

3.2   Is-CSR hi approċċ għal żvilupp sostenibbli u l-benefiċċji tal-attività tas-CSR għandhom jippromovu r-rwol pożittiv li l-kumpaniji għandhom fis-soċjetà, li jmur lil hinn mill-valuri purament ekonomiċi. Fi kwalunkwe każ, is-CSR ma tistax tintuża biex tieħu post id-drittijiet soċjali garantiti mill-istrumenti leġislattivi u internazzjonali, li primarjament huma r-responsabbiltà tal-Istati u l-gvernijiet.

3.3   Fi klima ekonomika u politika diffiċli, l-inizjattiva ta’ politika tas-CSR tipprovdi opportunità sabiex ikun hemm kuntatt pożittiv mal-komunità kummerċjali, sakemm huwa mifhum li s-CSR tikkonċerna l-isforzi li jsiru mill-impriżi sabiex jippromovu l-impatti pożittivi tagħhom u jipprevenu jew inaqqsu kemm jistgħu l-impatti negattivi tagħhom fuq is-soċjetà permezz ta’ azzjonijiet volontarji li jmorru lil hinn mill-obbligi legali tagħhom. Il-KESE jtenni l-opinjoni (3) tiegħu tal-2006 li s-CSR għandha tibqa’ attività volontarja (li hija differenti minn “mingħajr impenn”). Il-KESE jemmen li d-diskors dwar is-CSR għandu jiġi rriformulat b’mod kostruttiv sabiex l-impriżi jiġu identifikati bħala partijiet interessati tal-komunità.

3.4   Ir-rikonoxximent li l-gruppi kollha ta’ partijiet interessati qed isibuha iebsa fil-klima ekonomika attwali huwa importanti f’din ir-reviżjoni ta’ politika. Il-proposti ta’ politika tal-Kummissjoni jridu jkunu kumplementari għall-għanijiet tal-inkoraġġiment tat-tkabbir bħala rekwiżit essenzjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u l-prosperità, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-iffaċilitar ta’ prattiki kummerċjali iktar responsabbli.

3.5   Diversi forom u motivazzjonijiet fi ħdan l-attività attwali tas-CSR jaffettwaw l-impatt soċjetali tagħha. Dawk li jfasslu l-politiki għandhom jifhmu aħjar ir-raġunijiet differenti u kif dawn jiġu affettwati mid-daqs, kapaċità, introjtu, settur u attività tal-impriżi. L-identifikazzjoni ta’ diversi għodod u appoġġ meħtieġa għal setturi differenti tgħin sabiex tiġi informata aħjar ir-reviżjoni tal-oqfsa fil-politika tas-CSR. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li r-rispett għal-leġislazzjoni applikabbli, u għall-ftehimiet kollettivi bejn l-imsieħba soċjali, huwa kundizzjoni essenzjali sabiex tintrefa’ r-responsabbiltà li l-impriżi għandhom għall-impatti tagħhom fuq is-soċjetà.

3.6   L-attività tas-CSR kibret bħala riżultat tal-fatt li qed tingħata attenzjoni dejjem ikbar lill-kwistjonijiet ambjentali. Dan wassal għall-ibbilanċjar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet soċjali mal-kwistjonijiet ambjentali. Fid-dawl tal-kriżi attwali, il-Kummissjoni trid tinkoraġġixxi l-kapitolu soċjali tas-CSR.

3.7   Ir-rwol u l-preżenza tas-settur ekonomiku soċjali, inklużi l-NGOs, ġew injorati fl-aġenda tas-CSR. Il-Kummissjoni trid tirrikonoxxi l-valur u l-importanza fir-rigward li s-settur jinvolvi ruħu fl-aġenda tas-CSR, kemm indipendentement kif ukoll bi sħubija ma’ setturi oħra, u trid tevalwa l-impatt indirett tal-proposti fuq is-settur tal-ekonomija soċjali fir-rigward tal-ħolqien ta’ rabtiet man-negozju.

3.8   Fid-dawl tal-impenji appoġġjati mill-UE fil-Konferenza ta’ Rio + 20, il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-informazzjoni ekstrafinanzjarja permezz tal-pubblikazzjoni ta’ rapport perjodiku dwar l-iżvilupp sostenibbli mhux biss mill-intrapriżi kollha ta’ ċertu daqs (bejn wieħed u ieħor 500 impjegat) iżda wkoll mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet il-kbar tas-soċjetà ċivili. Perspettiva bħal din tkun fl-interess tar-riċerka dwar l-indikaturi lil hinn mill-PDG jew dwar il-marka tal-karbonju jew iċ-ċiklu tal-ħajja. B’konformità mal-impenji li ħa f’Rio, il-Kumitat diġà implimenta din il-prattika billi ppubblika r-riżultati tiegħu skont l-għodda ta’ dijanjosi tal-EMAS.

3.9   Bil-għan li tkun tista’ taħdem f’fażijiet, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsolida l-qafas regolatorju Ewropew fil-qasam tal-valutazzjoni u l-informazzjoni soċjali u ambjentali previst fid-Direttiva tal-2003 li qed tiġi riveduta attwalment. Qafas Ewropew ta’ din ix-xorta, li huwa applikabbli għal kull kumpanija kbira u li jagħmel mir-responsabbiltà soċjali korporattiva waħda mil-linji strateġiċi tiegħu, għandu jissejjes fuq l-għodod ta’ kejl rikonoxxuti fil-livell internazzjonali u jkun ispirat minn leġislazzjonijiet nazzjonali diġà eżistenti f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej.

3.10   Permezz ta’ prattiki tajba li dejjem jiżdiedu u li jinkludu l-ftehimiet negozjati fil-qafas tad-djalogu soċjali, is-CSR turi b’mod konkret il-benefiċċji komplementari tad-djalogu ċivili għall-istudju u r-riżoluzzjoni tal-problemi soċjali. Il-kontribut li sar mid-djalogu ċivili huwa kruċjali biex tiġi żviluppata prattika tajba tas-CSR sabiex tinħoloq analiżi li tkun rilevanti għall-partijiet interessati, li jeħtieġu informazzjoni ta’ kwalità għolja dwar l-approċċ adottat b’mod volontarju mill-kumpaniji jew l-investituri responsabbli.

3.11   Il-Komunikazzjoni tal-KE ma tagħrafx il-valur tan-nisa fil-kamra tal-bord u s-CSR u l-valur ekonomiku miżjud tagħha għall-komunità. Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-kamra tal-bord u s-CSR taw xhieda li huma marbuta mal-fatt li t-tmexxija inklużiva mil-lat tal-ġens għandha impatt pożittiv fuq is-CSR (4).

3.12   Is-servizzi ta’ senserija jimmassimizzaw il-potenzjal tat-tkabbir u l-valur soċjetali fl-attività tas-CSR, billi b’mod strateġiku jilħqu l-bżonnijiet u l-ħiliet tal-impriżi li jistabbilixxu sħubijiet ta’ suċċess u dan għandu jiġi promoss aktar bħala l-aħjar prattika.

3.13   L-Unjoni Ewropea hija mħeġġa tippromovi u tipproteġi l-oqfsa internazzjonali awtoritattivi għas-CSR. L-impriżi għandhom jirrispettaw dawn l-istrumenti u jużawhom bħala gwida fl-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom relatati mas-CSR, jużawhom bħala gwida huma u jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom tas-CSR filwaqt li juru lill-partijiet interessati tagħhom kif jużawhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Aġġornament tad-definizzjoni tas-CSR

4.1.1   Is-saħħa tal-proposta l-ġdida tinsab fid-definizzjoni aġġornata tas-CSR. Madankollu, il-KESE jqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiċċara t-tifsira tad-definizzjoni ta’ “impriża” sabiex ma jkunx hemm interpretazzjoni ħażina. Il-Kummissjoni għandha tiċċara wkoll liema politiki ġodda se jiġu żviluppati abbażi tad-definizzjoni aġġornata, inkluża l-inizjattiva leġislattiva li tħabbret. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika wkoll il-pjani tagħha biex tistimola s-CSR għall-komponenti differenti tal-komunità kummerċjali, bħal pereżempju il-korporazzjonijiet kbar, l-SMEs u l-impriżi fl-ekonomija soċjali.

4.1.2   Barra minn hekk, il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni mhix kompluta minħabba li ma tfittixx li tivvaluta r-riżultati ta’ l-aħħar għaxar snin tal-istrateġija tas-CSR fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-attitudni tal-impriżi, sabiex l-inizjattivi u l-politiki proposti f’din l-istrateġija jiġu infurmati aħjar.

4.1.3   Id-definizzjoni proposta tal-UE ddaħħal l-idea tar-responsabbiltà fil-kunċett tal-prattika volontarja. Id-definizzjoni l-ġdida tkopri n-natura multidimensjonali tas-CSR, imniżżla fil-Komunikazzjoni (5). Madankollu, l-UE għandha toqgħod attenta meta tipprova toħloq standard ġdid li jista’ jkun f’kunflitt mal-ISO 26000. L-aġenda tas-CSR għandha tiġi żviluppata min-negozji permezz ta’ djalogi ma’ bosta partijiet interessati jekk għandha tgħin lill-Istrateġija Ewropa 2020 twassal għal tkabbir intelliġenti u inklużiv.

4.1.4   Il-prodotti u s-servizzi qegħdin jitwasslu dejjem iktar minn organizzazzjonijiet differenti fis-servizzi pubbliċi kif ukoll fis-setturi kummerċjali, pubbliċi u tal-ekonomija soċjali. Id-definizzjoni proposta tinkludi dan l-aspett ta’ organizzazzjonijiet mhux kummerċjali. Madankollu, hi meħtieġa kjarifika ulterjuri tad-definizzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha għall-impriżi kollha, li fihom għandha tiġi pprattikata s-CSR.

4.1.5   Il-konsegwenzi soċjetali tal-kriżi finanzjarja jenfasizzaw l-impatt usa’ tal-prattika kummerċjali. Huwa xieraq li l-impriżi għandhom jinżammu responsabbli għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jinkludu s-CSR fl-istrateġija kummerċjali tagħhom, sabiex jinkoraġġixxu prattika iktar responsabbli, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi u kompetizzjoni ogħla. Madankollu, is-CSR għandha tinbidel sabiex tenfasizza d-dipendenza reċiproka tal-kummerċ u l-komunità.

4.1.6   Ir-rabtiet inerenti bejn il-kummerċ u l-komunità għandhom jinkludu djalogu soċjali u trasparenza. F’dan il-każ, l-impenji differenti relatati mas-CSR huma ħafna:

—   Komunità organizzazzjonali (fi ħdan il-kumpanija)– koordinazzjoni tal-istrutturi interni sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi fir-rigward tal-benesseri u l-iżvilupp tal-ħaddiema.

—   Komunità ta’ partijiet interessati esterni– ħidma fl-interess ta’ kummerċ mal-partijiet interessati, klijenti u msieħba oħrajn, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi u l-komunitajiet.

—   Komunità tal-post– valutazzjoni u ħidma sabiex jittejbu l-impatti tal-prattiki kummerċjali fuq il-komunitajiet tal-madwar u l-ambjent.

L-impriżi għandhom jirrikonoxxu dawn ir-rabtiet u jadottaw b’mod proattiv is-CSR tagħhom bħala għan kummerċjali ewlieni sabiex jiksbu l-ikbar valur finanzjarju u soċjali għall-partijiet interessati kollha tal-komunità. It-tisħiħ tan-netwerks lokali (6) jipprovdi kanal għall-partijiet interessati kollha tal-komunità, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiġu involuti u jkun hemm kollaborazzjoni għall-benefiċċju tas-soċjetà.

4.1.7   Il-mod li bih il-Kummissjoni indirizzat l-SMEs mhux ideali. M’hemm l-ebda rabta bejn il-kummerċ u l-impatt li l-SMEs għandhom fuq l-aġenda tas-CSR fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, intilfet ukoll opportunità sabiex tinħoloq politika komprensiva li tirrifletti l-modi ġodda kif isir in-negozju, bħall-użu tal-kummerċ elettroniku u kif l-SMEs jiġu infurmati aħjar dwar is-CSR.

4.1.8   L-SMEs intesew fil-proposti tal-aġenda. Il-Komunikazzjoni ma tispjegax xi trid tfisser b’“kummerċ”, iżda l-lingwaġġ jimplika li l-punt ta’ referenza tagħha huwa l-kumpaniji l-kbar. L-SMEs huma parti essenzjali fl-UE kollha għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir u l-attenzjoni fuq il-kompetittività stabbilita fit-Trattat ta’ Lisbona – approċċ “wieħed għan-negozju kollu” ta’ CSR għal tipi differenti ta’ negozji mhuwiex aċċettabbli.

4.2   Promozzjoni tal-benefiċċji u ta’ inċentivi għall-attività tas-CSR

4.2.1   Huwa importanti li jiġu rikonoxxuti r-raġunijiet ekonomiċi wara l-attività tas-CSR. Bosta benefiċċji huma mfassla fil-Komunikazzjoni, u dawn għandhom jiġu promossi aħjar flimkien ma’ eżempji ta’ prattika tajba, sabiex l-impriżi jiġu infurmati u mħeġġa jimpenjaw ruħhom iktar għas-CSR.

4.2.2   Madankollu, il-benefiċċji ekonomiċi tal-attività tas-CSR m’għandux ikun esaġerat. L-impriżi għandhom dipartimenti tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ dedikati għar-riklamar u l-qadi tal-ħtiġijiet tal-konsumatur. Essenzjalment is-CSR hi approċċ għal żvilupp sostenibbli, li tinkludi t-tkabbir ekonomiku flimkien ma’ konsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali. Jekk jitqies biss l-eżitu purament ekonomiku jistgħu jinħolqu effetti negattivi bħall-abbandun tal-politika, f’każ li r-riżultati ma jilħqux l-aspettattivi finanzjarji.

4.2.3   L-użu tal-akkwist pubbliku bħala inċentiv ta’ premjazzjoni tas-suq jeħtieġ konsiderazzjoni bir-reqqa u applikazzjoni xierqa. Il-kriterji soċjali, inklużi l-klawżoli tal-ILO, għandhom jibqgħu marbuta mal-kontenut tas-suġġett tal-kuntratt sabiex tiġi evitata l-attività tas-CSR purament simbolika u jiġi żgurat valur soċjali ta’ benefiċċju. Din tista’ tinkoraġġixxi wkoll it-tiftix ta’ attività tas-CSR iktar xierqa u effettiva fi ħdan is-setturi industrijali.

4.2.4   Huwa essenzjali li jiġu provduti klawżoli soċjali fl-għotja ta’ kuntratti bl-ogħla trasparenza. Din hija vitali sabiex jiġu żgurati l-akkwist xieraq tas-servizzi u l-konformità mal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ġusta fis-Suq Uniku. Id-DĠ Kompetizzjoni għandu jiġi kkonsultat dwar l-użu tal-akkwist pubbliku bħala inċentiv tas-suq.

4.2.5   L-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali (“SBI”), li ġiet ippreżentata bħala politika kumplementari distinta li tagħmel parti mill-Pakkett “Negozji responsabbli” (7) tal-Kummissjoni, ma ġietx ikkunsidrata fir-rigward tal-opportunitajiet ewlenin tagħha li tista’ tipprovdi għall-aġenda tas-CSR. Fi klima ekonomika ħarxa, l-impriżi huma iktar kawti dwar infiq li ma jistax jiġi rkuprat. Huwa ħafna drabi aċċettat li n-negozji soċjali jistrieħu fuq il-kapital privat bħala parti mill-pjani finanzjarji tagħhom (8), u għalhekk l-investiment soċjali u l-provvediment ta’ servizzi mhux finanzjarji pro-bono lin-negozji soċjali hu mod kif l-impriżi jkollhom dħul finanzjarju u soċjali  (9) fuq l-investimenti tagħhom fis-CSR. Kieku ż-żewġ inizjattivi jiksbu l-għanijiet tagħhom filwaqt li jżidu l-potenzjal tat-tkabbir u l-kapaċità li joħolqu valur soċjali.

4.3   Komprensjoni tal-motivazzjonijiet u appoġġ tal-attività tas-CSR

4.3.1   L-attività attwali tas-CSR tieħu diversi forom u permezz ta’ diversi raġunijiet li jaffettwaw l-impatt soċjetali tagħha. Dan jista’ jvarja minn protezzjoni difensiva tal-interessi tal-partijiet interessati, donazzjonijiet ta’ karità u sponsorships f’xi Stati Membri, sa attività iktar sinifikattiva bħall-irbit b’mod strateġiku tal-attività mal-kummerċ ewlieni, u sforzi trasformattivi sabiex jiġu identifikati u eliminati l-kawżi prinċipali tal-problemi soċjetali (10). Il-KESE jinnota l-fatt li regoli ġodda jistgħu jkunu kontroproduttivi jekk, f’ċerti pajjiżi, iwasslu lill-impriżi biex iwaqqfu l-attivitajiet li jeħtieġu rappurtar.

4.3.2   Dawk li jfasslu l-politiki jridu jifhmu din l-iskala ta’ attività, sabiex jiġi promoss ambjent pożittiv għal inizjattivi tas-CSR iktar strateġiċi u trasformattivi. Ir-rekwiżiti m’għandhomx ibaxxu l-attività tas-CSR għal standard minimu, u għandhom jibqgħu bħala kodiċi volontarji lil hinn mir-rekwiżiti legali.

4.3.3   L-isforzi jkunu mmirati aħjar jekk jinkoraġġixxu informazzjoni u impenn għal djalogu ċivili fl-impriża kollha, mid-diretturi sal-impjegati, sabiex jinkisbu programmi tas-CSR iktar effettivi u tiġi promossa kultura iktar etika fi ħdan l-organizzazzjoni. Intwera li l-gruppi ta’ tmexxija dedikati li jinkludu l-persunal maniġerjali pproduċew gwida strateġika ta’ suċċess u għenu fl-implimentazzjoni tal-attività tas-CSR.

4.3.4   Fil-prinċipju, l-eżerċizzji ta’ awtoregolazzjoni u ta’ koregolazzjoni huma ideat tajbin, iżda għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat li l-konformità mar-rekwiżiti ma tkunx ta’ piż fuq l-SMEs, bħala riżultat ta’ arranġamenti kuntrattwali ma’ impriżi ikbar bħala sottokuntratturi u aġenti fil-katina tal-provvista. Il-proposta tal-Kummissjoni li tiżviluppa kodiċi ta’ prattika tajba għandha tipprovdi gwida lil dawk li jixtiequ jipparteċipaw f’attivitajiet relatati mar-responsabbiltà soċjali korporattiva, b’konformità man-natura tal-eżerċizzji ta’ awtoregolazzjoni u ta’ koregolazzjoni

4.4   Impenn għar-rwol tal-impjegati fl-aġenda tas-CSR

4.4.1   Is-CSR fi ħdan impriża mhix effettiva mingħajr l-impenn tal-impjegati tagħha. L-aġenda tas-CSR għandha titfassal b’kooperazzjoni mal-maniġment, l-impjegati u, fejn rilevanti, l-imsieħba soċjali, sabiex tiġi rrappreżentata l-etika tal-organizzazzjoni. Is-CSR tmur lil hinn minn eżerċizzju ta’ “bini ta’ tim” (“team-building”) u l-impenn tal-impjegati huwa essenzjali għal strateġija ta’ suċċess.

4.4.2   Ir-rwol tal-imsieħba soċjali huwa siewi għal kwalunkwe aġenda tas-CSR, għat-tixrid tal-informazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali. Il-pjattaformi sabiex jiġi żgurat li ftehimiet kollettivi, trasparenza, komunikazzjoni u inklużjoni parteċipattiva, li huma kollha inklużi fl-aġenda tas-CSR u għandhom jiġu stabbiliti fil-kumpaniji rilevanti.

4.4.3   Id-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prattiki tax-xogħol huma fatturi importanti fi ħdan in-natura multidimensjonali tas-CSR. Il-kumpaniji għandhom jiżviluppaw attivitajiet li jmorru lil hinn mir-regolamenti u l-linji gwida internazzjonali u Ewropej abbażi tat-tmien drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-Konvenzjoni tal-ILO, minn naħa, u li jikkonċernaw is-saħħa u l-benesseri tal-impjegati u t-taħriġ, min-naħa l-oħra fir-rigward tas-saħħa u l-benesseri tal-impjegat, it-taħriġ, id-diversità u l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-impriżi kollha għandhom iqisu l-ħtieġa ta’ strutturi interni ta’ governanza li jkunu etiċi u ġusti u ma jeħdux post il-ftehimiet kollettivi.

4.5   Skambju ta’ għarfien

4.5.1   It-tagħlim mill-pari bejn l-Istati Membri dwar il-politika tas-CSR huwa eżerċizzju importanti (Intenzjoni 9). Trid titqiegħed enfasi partikolari fuq l-għajnuna lill-Istati Membri kollha sabiex jiżviluppaw u jaġġornaw il-politiki nazzjonali tagħhom dwar is-CSR, u jitgħallmu mill-eżerċizzji li saru fil-passat dwar il-politika nazzjonali f’dan il-qasam.

4.5.2   Il-korpi statutorji kollha – nazzjonali, reġjonali, lokali u istituzzjonijiet tal-UE – fi ħdan l-Unjoni għandhom ifasslu u jsegwu strateġija tas-CSR sabiex jipprovdu eżempju għas-setturi l-oħra. Din għandha tinkludi politiki interni tas-CSR b’saħħithom, gwida għal mudelli u attivitajiet tas-CSR innovativi, faċilitar tal-iskambju ta’ prattiki tajbin u tmexxija tal-iżvilupp ta’ netwerks lokali sabiex jiġi żgurat l-impenn tal-komunità.

4.5.3   Pjattaformi b’diversi partijiet interessati f’ċerti setturi industrijali jistgħu jgħinu fl-innegozjar ta’ diskussjonijiet serji dwar il-prattiki kummerċjali bejn il-kumpaniji u l-partijiet interessati u jiffaċilitaw skambji utli tal-aħjar prattiki u esperjenzi ta’ tagħlim fi ħdan u tul is-setturi kollha, filwaqt li titqies b’mod adatt l-awtonomija tal-atturi involuti fit-tfassil tal-ambitu u l-attivitajiet tal-pjattaforma. Madankollu, il-prattiki kummerċjali kontroversjali għandhom ikunu soġġetti għal penalitajiet f’qorti tal-ġustizzja.

4.5.4   Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-SMEs ikunu involuti fil-pjattaformi tal-partijiet interessati, billi l-parteċipazzjoni f’eżerċizzji preċedenti kienet magħmula l-iktar mill-korporazzjonijiet kbar. L-impriżi kollha għandhom jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw sabiex jiġu rrappreżentati aħjar is-setturi kollha u oqsma ewlenin ta’ tħassib.

4.5.5   Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni li jingħata appoġġ finanzjarju għall-proġetti ta’ edukazzjoni u taħriġ dwar is-CSR, u s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tas-CSR (Intenzjoni 8) fost il-professjonisti tal-edukazzjoni u l-impriżi. Dan huwa partikolarment importanti għall-SMEs li spiss mhumiex konxji mill-opportunitajiet jew m’għandhomx biżżejjed ħiliet biex iniedu inizjattivi tas-CSR.

4.5.6   L-użu tal-fondi strutturali għall-inizjattivi tas-CSR għandu jitqies bir-reqqa. Infakkru lill-Kummissjoni fit-tnaqqis ippjanat fil-programm ta’ finanzjament strutturali li jmiss u għaldaqstant kwalunkwe fondi mogħtija għall-inizjattivi tas-CSR għandhom jintużaw sabiex jinkisbu miri ċari fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, u l-iżvilupp reġjonali. Dawn il-fondi għandhom jingħataw esklużivament lill-impriżi b’kapaċità u riżorsi finanzjarji limitati, bħall-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu żviluppati politiki u impenn tas-CSR.

4.5.7   Għandhom jiġu appoġġjati u żviluppati portali ta’ informazzjoni sabiex jgħinu lill-impriżi, kif ukoll lill-kumpaniji b’kummerċ elettroniku, jiġu konnessi u jipprovdu pjattaforma aċċessibbli għall-iskambju effettiv tal-prattiki tajbin, ħiliet u riżorsi finanzjarji u mhux finanzjarji għall-benefiċċju tas-soċjetà.

4.6   CSR u l-imsieħba tal-ekonomija soċjali

4.6.1   Is-settur tas-soċjetà ċivili ntesa fl-inizjattiva ta’ politika tas-CSR. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu mudelli ta’ strateġija ta’ kummerċ responsabbli, governanza u forums, u spiss jipparteċipaw fl-attivitajiet tas-CSR. Il-Komunikazzjoni ma tesplorax fid-dettall ir-relazzjoni bejn is-setturi “bi skop ta’ qligħ” u “mhux bi skop ta’ qligħ”.

4.6.2   Hemm storja twila ta’ setturi li jaħdmu fi sħubija, li għandha titħeġġeġ iktar, għaliex “l-impenn soċjali korporattiv huwa bażi importanti għall-ħolqien u ż-żamma tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili” (11).

4.6.3   Għandhom jiġu promossi l-benefiċċji reċiproċi tas-sħubija, sabiex titħeġġeġ attività tas-CSR iktar sinifikattiva. It-tqabbil tal-ħtiġijiet u tal-ħiliet fil-qafas ta’ sħubijiet jistimola impatti soċjali u ekonomiċi iktar effettivi u ta’ benefiċċju għall-komunitajiet u l-impriżi. Il-promozzjoni tal-appoġġ mhux finanzjarju hi importanti sabiex jitwessa’ l-ambitu tal-appoġġ minn setturi oħra, u tgħin sabiex jiġu kkusidrati b’mod iktar strateġiku il-kapaċitajiet tas-CSR – dan jinkludi l-appoġġ tal-volontarjat mill-impjegati; jiġu provduti servizzi pro-bono; jiġu offruti donazzjonijiet in natura, jiġifieri bini u tagħmir.

4.6.4   Il-komunikazzjoni bejn is-setturi hi ċentrali għal ħidma fi sħubija ta’ suċċess. Is-servizzi ta’ senserija (12) jgħinu fit-titjib u s-semplifikazzjoni tal-mod kif iż-żewġ setturi jinnegozjaw u tgħin fit-tnaqqis tad-differenzi kulturali. Dawn is-servizzi għandhom ikunu appoġġjati u jkunu iktar disponibbli minnufih għall-impriżi sabiex jingħelbu l-ostakli għall-ksib ta’ valur komuni fis-setturi u l-involviment reali fl-impriżi tas-CSR.

4.7   Linji gwida u ftehimiet internazzjonali

4.7.1   L-ILO stabbilixxiet tmien konvenzjonijiet fundamentali bħala bażi fundamentali tad-drittijiet fil-livell globali. L-Istati Membri diġà rratifikaw dawn il-konvenzjonijiet fundamentali. L-UE tista’ turi l-appoġġ tagħha billi tiżgura li l-pajjiżi terzi jkunu konformi wkoll ma’ dawn il-ftehimiet.

4.7.2   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel il-promozzjoni tas-CSR konsistenti b’mod sħiħ mal-istrumenti globali eżistenti, b’mod partikolari l-linji gwida riveduti tal-OECD, id-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, ISO 26000, il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ftehimiet Qafas Internazzjonali. Nitolbu lill-Kummissjoni tispjega eżattament kif tixtieq tagħmel dan.

4.7.3   Il-linji gwida tal-OECD ġew adottati minn 42 pajjiż, li 24 minnhom huma Membri tal-UE. Il-linji gwida għandhom mekkaniżmu uniku għas-segwitu, punt ta’ kuntatt nazzjonali, li hu responsabbli għat-tixtrid tal-linji gwida u t-trattament ta’ każijiet fejn ġie allegat li seħħ xi ksur. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li fi ħdan l-istrateġija mġedda tal-UE għas-CSR jitwarrbu xi riżorsi għall-bini tal-kapaċità fir-rigward tal-linji gwida tal-OECD. Jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu rwol ikbar lill-imsieħba soċjali fi ħdan il-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

4.7.4   Il-KESE jemmen li l-politika tas-CSR għandha tiffoka fuq il-forniment ta’ direzzjoni strateġika għall-impriżi, minħabba li l-monitoraġġ tal-impenji tas-CSR tal-impriżi b’1 000 impjegat jew aktar (Intenzjoni 10) mhuwiex prattiku u jeħtieġ riżorsi finanzjarji kbar mill-UE.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 685 final.

(2)  Ir-Raba’ Direttiva dwar il-kontijiet nazzjonali 2003/51/KE.

(3)  ĠU C 325/53-60, 30.12.2006.

(4)  Ara: http://newsforchangingtimes.com/2012/02/17/women-boardroom-csr-un-women-ingrid-kragl/

(5)  COM(2011) 685 final, p. 7.

(6)  ĠU C 175/63-72, 28.07.2009.

(7)  COM(2011) 681 final.

(8)  ĠU C 24/1, 28.1.2012.

(9)  COM(2011) 682 final, p. 6.

(10)  www.csrinternational.org

(11)  ĠU C 125/44, 27.5.2002 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Is-servizzi ta’ senserija huma impriżi intermedjarji li jgħinu lill-organizzazzjonijiet jiġu konnessi lil hinn mis-setturi tagħhom, u jinnegozjaw relazzjonijiet ta’ ħidma iktar effettivi billi jqabblu l-ħtiġijiet, il-ħiliet u r-riżorsi. Eżempju ta’ dan huwa Pilot Light – http://www.pilotlight.org.uk.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 2.3

Ibdel kif ġej:

“Id-definizzjoni ġdida estiża tipproponi li s-CSR tkun ‘ir-responsabbiltà tal-impriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà’ u aspetti oħra li l-kumpaniji għandhom jinkludu fl-istrateġiji tagħhom tas-CSR. Din d-definizzjoni preċedenti ta’ ‘kunċett fejn il-kumpaniji jintegraw it-tħassib soċjali u ambjentali fl-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom u fl-interazzjonijiet tagħhom mal-partijiet interessati tagħhom fuq bażi fakultattiva’.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

88

Kontra

:

91

Astensjonijiet

:

23

Punt 4.1

Ibdel it-test kif ġej:

“ tad-definizzjoni tas-CSR”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

80

Kontra

:

106

Astensjonijiet

:

23

Punt 4.1.1

Ibdel kif ġej:

“KESE jqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiċċara t-tifsira tad-definizzjoni ta’ ‘impriża’ sabiex ma jkunx hemm interpretazzjoni ħażina. Il-Kummissjoni għandha tiċċara wkoll liema politiki ġodda se jiġu żviluppati abbażi tad-definizzjoni aġġornata l-inizjattiva leġislattiva li tħabbret. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika wkoll il-pjani tagħha biex tistimola s-CSR għall-komponenti differenti tal-komunità kummerċjali, bħal pereżempju il-korporazzjonijiet kbar, l-SMEs u l-impriżi fl-ekonomija soċjali.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

85

Kontra

:

121

Astensjonijiet

:

20

Punt 4.4.2

Ibdel it-test kif ġej:

“Ir-rwol huwa siewi għal kwalunkwe aġenda tas-CSR, għat-tixrid tal-informazzjoni u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali. ”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

86

Kontra

:

125

Astensjonijiet

:

14


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi”

COM(2011) 689 final

2012/C 229/16

Relatur: is-Sur TOPOLÁNSZKY

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi

COM(2011) 689 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ April 2012.

Matul il-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 118-il vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE)

1.1   jilqa’ l-proposti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u jaqbel li, fl-interess ta’ Ewropa aktar b’saħħita, hemm bżonn ta’ azzjoni aktar determinata u li jrid jinstab bilanċ bejn il-miżuri li jaħdmu b’mod effikaċi fuq il-provvista tad-drogi u dawk fuq id-domanda;

1.2   għalhekk huwa diżappuntat li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta pass lura meta mqabbla ma’ dak li kien hemm qabel li kien ibbilanċjat u bbażat fuq il-kunsens, minħabba l-enfasi tagħha li jxaqleb għal kollox lejn it-tnaqqis tal-provvista;

1.3   ma jħossx li approċċ ibbażat fuq ir-regolamentazzjoni u l-liġi tal-kodiċi kriminali huma biżżejjed, u jappella għat-tfassil ta’ strateġija ġdida tal-UE dwar id-drogi, ibbażata fuq valutazzjoni fil-fond tal-istrateġija attwali dwar id-drogi li dalwaqt ser tiskadi;

1.4   jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-prijoritajiet tal-politika tal-appoġġ, u jixtieq li jerġa’ jiġi stabbilit approċċ ibbilanċjat f’dan ir-rigward;

1.5   jappoġġja armonizzazzjoni akbar fil-miżuri nazzjonali li jiġġieldu kontra t-traffikar tad-drogi, u jirrakkomanda li l-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-liġi kriminali tiġi estiża għal forom differenti ta’ abbuż tad-drogi;

1.6   jirrakkomanda li tiġi żviluppata u użata sistema ta’ valutazzjoni indipendenti u xjentifika dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-provvista, u li jiġu assigurati riżorsi adegwati għal dawn il-miżuri;

1.7   jaqbel mal-miżuri ta’ konfiska u rkupru tal-assi kriminali, u jirrakkomanda li tal-anqas parti minn dawn l-assi li jinkisbu mill-konfiski jiġu użati biex jappoġġjaw l-attivitajiet tat-tnaqqis tad-domanda li huma nieqsa ħafna mill-fondi;

1.8   jenfasizza li att regolatorju mhuwiex biżżejjed biex jitratta drogi ġodda u perikolużi, u li fi kwalunkwe każ dan irid jiġi implimentat bħala parti minn qafas ta’ politika integrata u komprensiva ta’ intervent; l-effikaċja ta’ dan it-tip ta’ qafas trid tiġi ssorveljata u vvalutata kontinwament;

1.9   iħoss li s-sezzjoni tal-Komunikazzjoni dwar it-tnaqqis fid-domanda hija wisq ġenerika u sproporzjonata, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tibda tiżviluppa mekkaniżmi istituzzjonali li jiżguraw li jitwettqu inizjattivi ta’ politika li jkollhom suċċess ibbażati fuq evidenza xjentifika;

1.10   jemmen bi sħiħ li fuq perjodu medju hija meħtieġa politika komprensiva u koordinata dwar id-dipendenza, li tkopri l-problema tal-konsum tad-drogi psikoattivi kollha, kemm “legali” kif ukoll “illegali”, biex jiġi żgurat li l-politiki individwali ma jaħdmux kontra xulxin;

1.11   jappoġġja l-ħidma tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-UE dwar id-droga u jirrakkomanda li fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jingħata aktar każ tal-għarfien espert ta’ dan il-korp.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi (1).

2.2   Il-KESE jaqbel mad-dokument li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, “ir-reazzjoni Ewropea għad-drogi jeħtieġ li tkun qawwija u deċiżiva, u li tindirizza kemm id-domanda għad-drogi kif ukoll il-provvista tad-drogi”. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tagħti impetu ġdid lill-politika tal-UE kontra d-drogi, u jaqbel li “L-azzjoni tal-UE għandha tkun iffukata fejn tikseb aktar valur miżjud.”

2.3   Fl-istess waqt, il-Kumitat huwa diżappuntat li l-Komunikazzjoni tirrappreżenta pass lura meta mqabbla ma’ dak li kien hemm qabel, li kien ibbilanċjat fil-miżuri relatati mal-provvista u d-domanda u bbażat fuq il-kunsens. Fil-parti l-kbira, l-enfasi tal-Komunikazzjoni xxaqleb biss lejn l-istrumenti legali li jnaqssu l-provvista, filwaqt li l-għanijiet għat-tnaqqis tad-domanda huma ġeneriċi ħafna.

2.4   Il-Kumitat huwa diżappuntat li fil-qasam tal-użu tad-droga, id-dokument jidher li jinjora aspetti wesgħin tal-politika soċjali relatati mad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jenfasizza strumenti regolatorji u tal-liġi kriminali li rarament ġew evalwati xjentifikament u li, fid-dawl tad-data attwali, hemm dubji dwar kemm huma effikaċi barra li jiswew aktar (2).

2.5   Il-Kumitat jemmen li l-miżuri għat-tnaqqis tal-provvista jidhru raġonevoli jekk ikunu jiffurmaw parti minn sistema strateġika. Huwa importanti li tiġi evitata enfasi żejda fuq il-politika kriminali, li għandha tintuża biss bħala l-aħħar miżura. Il-politika m’għandiex tkun karatterizzata mill-possibbiltà li nitbegħdu mill-istrumenti ta’ prevenzjoni tal-istess Ewropea li appoġġjat strateġija globali b’diversi strumenti, b’kuntrast għall-approċċ simplistiku, punittiv, li ftit juri rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u li jintuża f’ħafna partijiet tad-dinja.

2.6   Il-KESE jemmen li fir-rigward tal-politika tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-problemi marbutin mad-drogi u abbażi ta’ valutazzjoni tal-istrateġija attwali, hemm bżonn li titfassal, tiġi diskussa u adottata strateġija ġdida fuq il-bażi ta’ kunsens, li tesprimi l-impenn kondiviż tal-Istati Membri favur il-ħsieb strateġiku attwali, programmi ta’ azzjoni u politiki ta’ ffinanzjar (l-aħjar taħlita ta’ politiki), li jippreżentaw ċertu bilanċ u li huma appoġġjati fuq il-valuri fundamentali tat-Trattat ta’ Lisbona.

2.7   B’konformità mal-prinċipju fundamentali li skontu Stat ma jistax joħloq danni jew riskji akbar minn dawk li għandu l-ħsieb li jħares minnhom, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu deċiżjonali li jippermetti li politika tinbidel mingħajr dewmien jekk valutazzjoni indipendenti turi li qed ikollha riżultati negattivi.

3.   Finanzi

3.1   Il-KESE jinsab imħasseb dwar it-tibdil u t-tnaqqis fil-prijoritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea. Il-programm “Is-Saħħa għat-Tkabbir”, fil-kuntest tat-tielet programm finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, ma jindirizzax l-kwistjoni tad-drogi u miżuri għat-tnaqqis fid-domanda għad-drogi. Lanqas ma jsemmi r-riżorsi meħtieġa għat-tnaqqis tad-domanda b’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Drogi u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha.

3.2   Fl-istess waqt, l-appoġġ għall-prijoritajiet stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm tal-Ġustizzja u l-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza inbidel, bl-enfasi titpoġġa fuq il-prevenzjoni tal-kriminalità bħala risposta għall-problemi tad-droga. Il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni li tadatta l-politika tagħha ta’ finanzjar b’koerenza mal-bżonnijiet ta’ approċċ strateġiku bbilanċjat.

4.   Kontenut speċifiku

4.1   Abbuż u traffikar tad-drogi

4.1.1   Fid-diskussjoni tagħha dwar it-traffikar tad-drogi, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li s-suq tad-drogi jinbidel kontinwament, flimkien mal-metodi innovattivi u t-teknoloġiji l-ġodda li jintużaw biex id-drogi jiddaħħlu bil-kuntrabandu. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ koordinazzjoni mtejba bejn l-inizjattivi li jiġġieldu t-traffikar tad-drogi bħala risposta effikaċi għal dawn il-fenomeni negattivi.

4.1.2   Id-dokument jenfasizza li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (3) issa jagħmilha possibbli li jissaħħu l-istrumenti legali u politiċi tal-ġlieda kontra d-drogi. Jindika wkoll li ċerti strumenti leġislattivi (4)“ftit li xejn ġab[u] xi allinjament tal-miżuri nazzjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.” [Ma kkontribwixxewx] biżżejjed sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’każijiet ta’ traffikar tad-droga” (5).

4.1.3   F’dan ir-rigward il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipproponi strumenti legali ġodda. L-ewwel, hemm il-ħsieb li jiġu stabbiliti standards minimi komuni biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi aggravanti jew attenwanti fil-ġlieda kontra n-netwerks ewlenin li jittraffikaw id-drogi fil-fruntieri; it-tieni billi titjieb id-definizzjoni tal-offiżi u s-sanzjonijiet, u t-tielet, billi jiddaħħlu obbligi aktar b’saħħithom ta’ rappurtar għall-Istati Membri.

4.1.4   Għalkemm il-Kumitat bażikament jaqbel mal-konklużjonijiet tad-dokument, jenfasizza li dawn l-isforzi jista’ jkollhom suċċess biss jekk ikun hemm disponibbli strumenti adegwati li jkejlu r-riżultati kif ukoll indikaturi validi fir-rigward tal-l-azzjonijiet li jnaqqsu l-provvista tad-drogi. Għaldaqstant huwa jitlob li jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ valutazzjoni u ta’ segwitu li jkunu jistgħu jkejlu l-impatt u l-kosteffettività reali ta’ dawn l-azzjonijiet u jappoġġja l-ħidma li bdiet fuq l-iżvilupp ta’ indikaturi adegwati (6)

4.1.5   Il-KESE jenfasizza li fir-rigward tat-tnaqqis tal-provvista, l-ammont ta’ riżorsi allokati għall-valutazzjoni tal-istrumenti relatati mal-azzjonijiet huwa baxx wisq meta mqabbel mal-ħsara li ssir lid-drittijiet fundamentali, fil-livell ġuridiku, ta’ dawk li jiddependu mid-droga, meta dawn la mhu qed jagħmlu ħsara lil terzi persuni u lanqas m’huma qed jaġixxu bi skop ta’ qligħ.

4.1.6   Il-KESE jirrakkomanda li fl-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (7) rilevanti, l-isforzi biex il-liġijiet kriminali jiġu armonizzati għandhom jestendu għall-oqsma li fihom hemm diskrepanzi kbar fil-prattiki tal-ġustizzja kriminali fl-Istati Membri (standards, sanzjonijiet, infurzar, eżenzjonijiet) marbutin ma’ forom partikolari ta’ mġiba kriminali. Xi wħud minn dawn id-diskrepanzi tant huma kbar li żgur imorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċertezza legali. Fil-fehma tal-KESE, bħalissa dan japplika għall-każijiet ta’ abbuż mid-droga (8)

4.1.7   Il-KESE jfakkar li l-armonizzazzjoni ta’ pieni minimi prevista mill-UE m’għandhiex twassal għal pieni massimi ogħla f’kull Stat Membru. Il-Kumitat jindika wkoll li politika orjentata lejn it-tnaqqis tal-provvista tista’ twassal messaġġ ta’ telf ta’ kontroll mill-politiċi u għalhekk irid jintlaħaq bilanċ ġust bejn deterrenti kriminali meħtieġa u l-azzjonijiet indispensabbli fit-trattament u l-appoġġ.

4.1.8   Il-KESE jħoss li l-istrateġiji tal-ġustizzja kriminali jridu jiżviluppaw b’risposta għat-tnaqqis tal-ħsara soċjali u dik relatata mas-saħħa marbuta mas-suq tad-drogi. Fl-istess waqt, hemm bżonn li tiġi promossa s-sigurtà tal-individwi u tas-soċjetà minflok approċċ ibbażat biss fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tad-drogi.

4.2   Il-prekursuri tad-drogi

4.2.1   Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni f’dan il-kapitolu tal-Komunikazzjoni, u jaqbel ukoll li l-miżuri attwali u dawk ippjanati għandhom jassiguraw kontroll effettiv tal-użu illegali mingħajr ma jiġi ostakolat il-kummerċ legali ta’ dawn is-sustanzi.

4.2.2   Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjon internazzjonali f’dan il-qasam, għalkemm hemm diverġenzi kbar f’termini ta’ aċċess għad-data, il-kwalità tad-data u l-possibbiltajiet ta’ rappurtar, partikolarment għall-pajjiżi terzi kkonċernati.

4.3   Il-konfiska u l-irkupru ta’ assi kriminali

4.3.1   Il-KESE japprova l-isfozi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u jħoss li l-istrumenti leġislattivi msemmija huma proporzjonati u adatti bħala risposta għas-sitwazzjoni. Għalhekk il-fatt li dawn ma kinux effikaċi għal diversi raġunijiet huwa ta’ dispjaċir.

4.3.2   Għaldaqstant il-Kumitat huwa favur it-tħejjija ta’ leġislazzjoni ġdida tal-UE li tkun aktar stretta, u li l-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri jitwessa’ għal dan il-qasam.

4.3.3   Il-KESE jirrakkomanda li tal-anqas xi wħud mill-assi konfiskati jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw il-miżuri li jnaqqsu d-domanda, li minkejja li dejjem huma nieqsa mill-fondi, huma l-aktar mod effettiv fil-ġlieda kontra tal-użu tad-drogi u biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tagħhom.

4.4   Sustanzi ġodda psikoattivi

4.4.1   Essenzjalment, il-KESE jaqbel mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sustanzi psikoattivi l-ġodda. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li regolamentazzjoni ġenerika tirrispondi għall-aspettattivi tal-pubbliku u ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’termini ta’ verifika ta’ malajr tad-drogi l-ġodda; madankollu mingħajr analiżi ġenwina tar-riskju ppreżentat minn dawn is-sustanzi differenti tista’ ssir ħsara lil interessi leġittimi farmaċewtiċi u industrijali. Fl-istess waqt, il-KESE jħoss li l-metodu attwali ta’ analiżi tar-riskju huma bbażati aktar fuq analiżi kimika u forensika milli fuq approċċ multidixxipplinari.

4.4.2   Il-KESE jenfasizza li att regolatorju mhuwiex biżżejjed biex jitratta drogi ġodda u perikolużi, u li regolamentazzjoni bħal din trid tiġi implimentata bħala parti minn qafas integrat u komprensiv ta’ politika għall-azzjoni; l-effikaċja ta’ dan it-tip ta’ qafas trid tiġi ssorveljata u vvalutata kontinwament. Jistgħu jinħolqu riskji ġodda mhux intenzjonati (il-konverżjoni għal sustanzi ġodda, il-kriminalizzazzjoni, il-prezzijiet għola fis-suq, il-projbizzjoni awtomatika ta’ sustanzi utli jew il-kontrolli fuqhom, il-konsum bil-moħbi, ir-riskji addizzjonali marbutin ma’ suq illegali, eċċ.). Il-KESE huwa diżappuntat li l-istrumenti regolatorji proposti ma jqisux dawn il-kwistjonijiet.

4.4.3   Il-KESE jħoss li huwa importanti li meta s-sustanzi jiżdiedu mal-lista, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jipproponu wkoll miżuri li jindirizzaw l-impatt li għandu l-konsum ta’ sustanzi psikoattvi fuq is-soċjetà u s-saħħa, filwaqt li possibbilment jiġu kkunsidrati alternattivi regolatorji mingħajr ma l-konsumatur jiġi kriminalizzat b’mod dirett. Il-Kumitat jenfasizza li s-soluzzjoni ta’ problemi fil-qasam tal-ġbir tad-data, it-titjib l-interattività tal-fluss tal-informazzjoni, it-taħriġ tal-ispeċjalisti, il-komunikazzjoni kredibbli bl-għajnuna ta’ metodi u teknoloġiji l-aktar moderni, l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni u kontroll f’rabta mal-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll l-iżvilupp u l-provvista tat-trattament u s-servizzi ta’ appoġġ meħtieġa tifforma parti neċessarja minn dan l-approċċ.

4.4.4   Il-KESE jqajjem il-problema li r-risposti leġislattivi għas-sustanzi l-ġodda jkomplu joskuraw il-problemi kkawżati minn sustanzi psikoattivi “qodma” mhux ikkontrollati (alkoħol, nikotina, xi alluċinoġeni industrijali eċċ), li spiss huma aktar serji.

4.5   It-tnaqqis tad-domanda għad-drogi

4.5.1   Il-KESE huwa diżappuntat b’din is-sezzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li bażikament toffri biss ġeneralitajiet. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa iktar approċċ strateġiku li jikkontribwixxi lejn l-infurzar ta’ drittijiet bażiċi ta’ trattament kemm f’termini kwalitattivi kif ukoll f’dawk kwantitattivi.

4.5.2   Minħabba f’hekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni mhux biss li taħdem fuq it-tfassil ta’ livelli ta’ kwalità iżda li tikkontribwixxi wkoll biex l-Istati Membri jimplimentaw politiki ta’ finanzjar li jirriflettu approċċ ibbilanċjat.

4.5.3   Il-kopertura, l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ firxa wiesa’ ta’ servizzi mmirati li jnaqqsu l-ħsara lis-saħħa (HIV/AIDS l-epatite u overdose) u intiżi għal persuni bi problemi marbutin mad-drogi, għandhom jiġu garantiti mal-Ewropa kollha. Dawn is-servizzi jinkludu trattamenti ta’ detossifikazzjoni, residenzjali, ta’ out-patient u bbażati f’komunità, rijabilitazzjoni, reintegrazzjoni, trattament ta’ sostituzzjoni u servizzi ta’ tibdil ta’ labar. Il-firxa sħiħa tal-programmi għandhom ikunu disponibbli bl-istess mod fil-ħabsijiet u għal popolazzjonijiet minoritarji u gruppu f’riskju ta’ diskriminazzjoni.

4.5.4   Il-KESE iqis li l-politiki dwar id-drogi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza lid-dispożizzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u t-trattament għall-persuni fil-bżonn iktar milli l-kriminalizzazzjoni u l-ikkastigar tal-persuni esposti għal problemi relatati mad-drogi.

4.5.5   Il-KESE jixtieq jindika li l-Unjoni Ewropea bħalissa m’għandha l-ebda mezz biex tiddixxipplina jew tissanzjona Stati Membri li, b’vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, ma jadottawx approċċ li jkun joffri l-provvista ta’ trattament xjentifikament validat, anke meta jkun hemm riskju għall-ħajja.

4.5.6   Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kommissjoni li tibda tiżviluppa mekkaniżmi istituzzjonali biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw ġenwinament inizjattivi ta’ politika bbażati fuq evidenza xjentifika u li jħaddmu l-mekkaniżmi finanzjarji meħtieġa b’mod ibbilanċjat u transparenti.

4.6   Il-kooperazzjoni internazzjonali

4.6.1   Il-KESE japprova d-djalogu mal-pajjiżi ta’ produzzjoni u tranżitu u mal-politika tal-provvista ta’ assistenza teknika u ta’ appoġġ u jissuġġerixxi wkoll li dawn l-attivitajiet jissaħħu.

4.6.2   Jaqbel li, fl-istess waqt li jkun qed jiġi segwit approċċ bilanċjat u komprensiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, l-UE għandha żżid l-impenn tagħha mal-pajjiżi ġirien, ma’ msieħba strateġiċi, u tul ir-rotot tal-provvista tad-droga fl-UE.

4.6.3   Il-Kumitat japprezza r-riżultati li nkisbu miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga minn mindu twaqqaf, f’termini ta’ monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drogi, b’titjib fid-dixxiplina u l-kwalità tal-ġbir tad-data, u l-iżvilupp ta’ approċċ tekniku komuni.

4.6.4   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tħejji valutazzjoni tas-sitwazzjoni rigward it-tibdil soċjali kkawżat mill-kriżi ekonomika persistenti u li tiffoka b’mod partikolari fuq ix-xejriet relatati mal-konsum u tat-traffikar tad-droga.

4.6.5   Għalkemm il-Kumitat jagħraf l-importanza tat-tliet Konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drogi (9) u r-riżultati li kisbu, jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għall-kuntrarju tal-miri ddikjarati tagħhom, il-konvenzjonijiet ma żgurawx aċċess legali għad-drogi li jkun adegwat u ġust f’ħafna pajjiżi, inkluż fl-Ewropa. Mill-banda l-oħra, il-produzzjoni u l-konsum illegali, aktar milli naqsu, żdiedu b’mod sinifikanti, u s-sistemi attwali mhux dejjem jassiguraw miżuri li ġew pruvati xjentifikament li jibbenefikaw is-saħħa u l-benesseri.

4.6.6   Għalhekk, il-Kumitat jipproponi li, sakemm ikun hemm kunsens bejn l-Istati Membri u waqt li jitqiesu d-drittijiet tal-biedem u l-evidenza xjentifika, l-Unjoni Ewropea għandha titkellem favur il-konvenzjoni tan-NU dwar id-drogi u l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li żżomm pożizzjoni ta’ sorveljanza. Jekk hemm bżonn, tista’ tesprimi opinjoni dwar l-aġġornar tal-konvenzjonijiet.

4.6.7   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-ħidma tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-UE dwar id-droga u jirrakkomanda li l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jagħtu aktar każ tal-għarfien espert ta’ dan il-korp. Il-KESE japprezza l-opportunità li jkun osservatur tal-attivitajiet ta’ dan il-korp.

5.   It-triq ’il quddiem

5.1   Fid-dawl tal-Artikoli 11(3) u 11(4) tat-Trattat ta’ Lisbona, il-KESE jirrakkomanda sforzi akbar lejn djalogu soċjali ġenwin li fih jipparteċipaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri. Fl-ispirtu ta’ demokrazija parteċipattiva, għandhom jipparteċipaw ukoll gruppi professjonali u jekk possibbli l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-proċess tal-ippjanar strateġiku sabiex il-koordinazzjoni tal-Istat tista’ tiġi vvalutata direttament mis-soċjetà ċivili u l-professjonisti.

5.2   Il-Kumitat iħoss li hemm bżonn ta’ approċċ b’żewġ aspetti fl-ippjanar tal-politika. Fuq naħa waħda, hemm bżonn ta’ approċċ mifrux fil-livell tal-UE li jippermetti li jinħolqu s-sinerġiji bis-saħħa tal-armonizzazzjoni tal-approċċi permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra, hemm bżonn ta’ approċċi lokali li jiżguraw li l-politiki tal-UE jistgħu jiġu żviluppati fuq il-bażi mhux ta’ preokkupazzjonijiet astratti iżda tal-ħtiġijiet attwali tal-komunitajiet lokali, u b’kooperazzjoni magħhom.

5.3   Il-KESE jemmen bi sħiħ li fuq perjodu medju hija meħtieġa politika komprensiva u koordinata dwar id-dipendenza, li tkopri l-problema tal-konsumtad-drogi psikoattivi kollha, kemm “legali” kif ukoll “illegali”. Kif jinsabu l-affarijiet bħalissa, għal raġunijiet politiċi u legali hemm separazzjoni artifiċjali bejn dawn iż-żewġ politiċi, li jużaw għodod differenti ħafna li għandhom it-tendenza li jaħdmu kontra xulxin minflok ma jsaħħu lil xulxin. Fl-istess waqt, minħabba l-bżonn li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali u jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, id-diskrepanzi sinifikanti fil-forza vinkolanti ta’ politiki governattivi bħal dawn iqajmu ċerti dubji.

5.4   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffaċilita l-proċess lejn l-għoti tal-aċċess għal użu medikali kkontrollat tal-kannabis mediċinali u l-firxa sħiħa tal-metodi ta’ trattament ta’ sostituzzjoni.

5.5   Il-KESE jikkritika l-approċċ tal-politika fil-livell tal-UE dwar l-akoħol, sustanza li qed toħloq problemi soċjali ħafna akbar; għalhekk iżomm mal-pożizzjoni li ħa f’opinjonijiet korrettivi preċedenti (10) li ħeġġew lill-Kummissjoni biex taġixxi b’mod deċiżiv f’dan ir-rigward.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 689 final

(2)  Attwalment f’ħafna pajjiżi, l-istrumenti kriminali jolqtu l-aktar lil dawk li huma dipendenti mid-droga u jolqtu biss b’mod ħafif ħafna lil dawk li jittraffikaw id-drogi.

(3)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 83(1).

(4)  pereżempju id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal- 25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi. (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 94–97)

(5)  COM(2011) 689 final.

(6)  L-Ewwel Konferenza Ewropea dwar l-indikaturi tal-provvista tad-drogi. Inizjattiva konġunta biex jiġu żviluppati għażliet sostenibbli għall-monitoraġġ tas-suq tad-drogi, il-kriminalità u l-attivitajiet tat-tnaqqis tal-provvista, Kummissjoni Ewropea, 20-22 ta’ Ottubru 2010.

(7)  COM(2011) 573 final

(8)  Filfatt, l-istess offiża (l-iskambju ta’ kwantitajiet żgħar ta’ drogi bejn konsumaturi) tista’ twassal għal piena ta’ ħabs ta’ bejn sentejn u ħames snin f’xi pajjiżi filwaqt li fi Stati Membri oħra r-risposta ddur għall-użu ta’ strumenti tal-politika ta’ appoġġ tal-Istat jew tar-reġjun (ħolqien ta’ impjiegi, assistenza rigward id-dar, benefiċċji eċċ.).

(9)  Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi (Single Convention on Narcotic Drugs) tal-1961, emendata bil-Protokoll tal-1972, Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi (Convention on Psychotropic Substances) tal-1971, Konvenzjoni Kontra t-Traffikar Illeċitu fis-Sustanzi Narkotiċi u Psikotropiċi (Convention Against Illicit Trafficking in Narcotic and Psychotropic Substances) tal-1988.

(10)  ĠU C 175, 2007.7.27, p. 78-84.

ĠU C 318, 2009.12.23, p. 10-14


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/90


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta”

COM(2012) 11 final — 2012/011 (COD)

2012/C 229/17

Relatur ġenerali: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar is-16 ta’ Frar 2012 u nhar l-1 ta’ Marzu 2012, il-Parlament Ewropea u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali)

COM(2012) 11 final — 2012/011 (COD).

Nhar il-21 ta’ Frar 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur PEGADO LIZ bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'165 vot favur, 34 vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' d-direzzjoni ġenerali li ħadet il-Kummissjoni, jappoġġja l-għażla tad-dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni proposta, u japprova fil-prinċipju l-għanijiet tal-proposta, li jsegwu mill-qrib opinjoni tal-Kumitat. Fir-rigward tal-istatus legali tal-protezzjoni tad-dejta, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-użu u t-trasferiment tad-dejta fi ħdan is-suq uniku għandhom ikunu konformi mad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali kif speċifikat fl-Artikolu 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 16(2) tat-TFUE.

1.2

Fir-rigward tal-għażla ta’ regolament bħala l-aktar strument legali adegwat għall-għanijiet mfittxija, il-KESE għadu diviż u jitlob lill-Kummissjoni biex turi b'mod aktar ċar filwaqt li tindika r-raġunijiet li għalihom dan huwa strument preferibbli għal Direttiva, jew saħansittra strument indispensabbli.

1.3

Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li hemm għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jaffettwaw il-prinċipji dikjarati tal-liġi għall-protezzjoni tad-dejta personali.

1.4

Fil-kuntest ġdid tal-ekonomija diġitali, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li “l-individwi għandhom id-dritt li jgawdu kontroll effettiv fuq l-informazzjoni personali tagħhom”, u jixtieq ukoll li dan id-dritt jinfirex għall-użi differenti l-oħra li għalihom jitħejjew profili individwali abbażi ta’ dejta miġbura permezz ta’ għadd kbir ta’ mezzi differenti (legali u xi kultant illegali) u tal-ipproċessar tad-dejta miksuba.

1.5

Rigward id-drittijiet fundamentali, l-armonizzazzjoni permezz ta’ regolament f'oqsma speċifiċi xorta waħda għandha tippermetti lill-Istati Membri jadottaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li mhumiex inklużi fir-regolament inkwistjoni jew dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk previsti.

1.6

Barra minn hekk, mir-referenzi li jsiru tista' tgħid b'mod sistematiku għal atti delegati, il-Kumitat ma jistax jaċċetta dawk li ma jaqgħux b'mod speċifiku taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.7

Madankollu, il-Kumitat jilqa' l-idea li jinħoloq qafas istituzzjonali effikaċi li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tad-dispożizzjonijiet legali kemm fil-livell tal-intrapriżi (uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta) kif ukoll f'dak tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri (awtoritajiet ta’ kontroll indipendenti). Madankollu, huwa kien japprezza kieku l-Kummissjoni għażlet approċċ li jkun aktar konformi mal-ħtiġijiet u l-istennijiet reali taċ-ċittadini u li jkun jaqbel aktar man-natura ta’ ċerti oqsma tal-attività ekonomika u soċjali.

1.8

Il-KESE jqis li hemm sensiela ta’ titjib u kjarifiki li jistgħu jsiru għat-test propost u jagħti xi eżempji preċiżi dwar diversi artikoli, li jgħinu sabiex id-drittijiet jiġu definiti aħjar, tissaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini inġenerali u tal-ħaddiema b'mod partikolari, in-natura tal-kunsens, il-legalità tal-ipproċessar, u b'mod partikolari il-funzjoni tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta u l-ipproċessar tad-dejta fil-qasam tal-impjieg.

1.9

Il-KESE jqis ukoll li għandhom jiġu inklużi elementi li ma tqisux, speċjalment it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni, l-ipproċessar tad-dejta sensittiva u l-azzjonijiet kollettivi.

1.10

Għaldaqstant il-KESE jqis li l-magni tat-tiftix (search engines) li jiksbu l-ikbar parti tal-qligħ tagħhom minn reklami mmirati b'riżultat tal-ġbir ta’ dejta personali dwar il-viżitaturi tagħhom, jew it-tfassil ta’ profili ta’ dawn, għandhom jaqgħu expressis verbis taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. L-istess jgħodd għas-siti ta’ servers li joffru spazji ta’ ħżin u, għal xi wħud, għal softwers (cloud computing) li jiġbru d-dejta dwar l-utenti tagħhom għal finijiet kummerċjali.

1.11

L-istess għandu jseħħ ukoll għall-informazzjoni personali ppubblikata fuq in-netwerks soċjali, li għandha tagħmel possibbli, b'konformità mad-dritt li wieħed jintnesa, it-tibdil jew t-tħassir ta’ informazzjoni mill-persuna kkonċernata jew it-tneħħija tal-paġna personali tal-persuna, jekk din titlob hekk, u tal-links għal siti oħra li jżuruhom ħafna nies fejn din l-informazzjoni tiġi riprodotta jew diskussa. L-Artikolu 9 għandu jinbidel biex iqis dan kollu.

1.12

Fl-aħħar, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra ċerti aspetti tal-proposta li hu jqis li mhumiex aċċettabbli għal suġġetti sensittivi bħall-protezzjoni tat-tfal, id-dritt għall-oppożizzjoni, it-tfassil ta’ profili, ċerti limitazzjonijiet għad-drittijiet, il-limitu ta’ 250 ħaddiema sabiex jinħatar uffiċjal għall-protezzjoni tad-dejta u l-mod kif huwa regolamentat il-“punt ta’ kuntatt uniku”.

2.   Daħla

2.1

Il-KESE għadu kif ġie kkonsultat dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali)” (1).

2.2

Madankollu, ta’ min jinnota li din il-proposta tagħmel parti minn “pakkett” li jinkludi wkoll komunikazzjoni ta’ introduzzjoni (2), Proposta għal Direttiva (3) u “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bbażat fuq l-Artikolu 29(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008” (4). Il-KESE ma ġiex ikkonsultat dwar il-leġislazzjonijiet kollha proposti, iżda biss fuq l-abbozz ta’ Regolament, mentri jmissu ġie kkonsultat ukoll fuq l-abbozz ta’ Direttiva.

2.3

Il-proposta li l-KESE ġie kkonsultat dwarha tinsab, skont il-Kummissjoni, f'salib it-toroq bejn tnejn fost l-aktar orjentazzjonijiet importanti tal-UE: legali u politiċi minn naħa u politiċi u ekonomiċi min-naħa l-oħra.

2.3.1

Minn naħa hemm l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkwalifikaw il-protezzjoni tad-dejta bħala dritt fundamentali u li għaldaqstant irid jiġi protett bħala tali. Dan huwa l-bażi tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta’ Stokkolma u għall-Pjan ta’ Azzjoni għat-twettiq ta’ dan il-programm (5).

2.3.2

Min-naħa l-oħra, hemm l-Istrateġija Diġitali għall-Ewropa u, b'mod aktar ġenerali, l-Istrateġija Ewropa 2020, li jippromovu t-tisħiħ tad-dimensjoni tas-“suq uniku” tal-protezzjoni tad-dejta u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li joħonqu lill-intrapriżi.

2.4

L-għan tal-Kummissjoni huwa li taġġorna u timmodernizza l-prinċipji mnaqqxa fid-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali sabiex tiggarantixxi l-ġejjieni tad-drittijiet tal-persuni fil-qasam tar-rispett tal-ħajja privata fis-soċjetà diġitali u n-netwerks tagħha. L-għan mixtieq huwa li jissaħħu d-drittijiet, jiġi kkonsolidat is-suq uniku tal-UE, jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta fl-oqsma kollha (inkluż dak tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali), li tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet meħuda għal dan il-għan, li jiġi megħjun it-trasferiment transkonfinali tad-dejta u li jiġu stabbiliti standards universali rigward il-protezzjoni tad-dejta.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-kuntest ġdid tal-ekonomija diġitali, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li “l-individwi għandhom id-dritt li jgawdu kontroll effettiv fuq l-informazzjoni personali tagħhom”, u jixtieq ukoll li dan id-dritt jinfirex għall-użi differenti l-oħra li għalihom jitħejjew profili individwali abbażi ta’ dejta miġbura permezz ta’ għadd kbir ta’ mezzi differenti (legali u xi kultant illegali) u tal-ipproċessar tad-dejta miksuba. Il-Kumitat iqis ukoll li l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta fil-qafas tas-suq uniku għandhom ikunu soġġetti għad-dritt għall-protezzjoni previst mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan huwa dritt fundamentali, imnaqqax fil-liġi istituzzjonali tal-Unjoni u fil-biċċa l-kbira tal-leġislazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

3.2

Minħabba dan, kull ċittadin jew resident tal-Unjoni jgawdi mid-drittijiet fundamentali previsti fil-Karta u fit-Trattati; dawn id-drittijiet huma rikonoxxuti wkoll fil-liġi tal-Istati Membri, xi kultant anke fil-livell kostituzzjonali. Drittijiet oħra, bħad-dritt għall-immaġni jew id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata, jikkomplementaw u jsaħħu d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta li tikkonċerna lill-persuna. Għandu jkun possibbli li jiġi ggarantit ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet billi jintalab lil sit tal-internet li jbiddel jew ineħħi profil personali jew fajl minn server u, f'każ li dan ma jseħħx, li l-persuna tikseb rimedju minn imħallef b'mandat ta’ inibizzjoni.

3.3

Iż-żamma ta’ fajls li fihom dejta individwali hija indispensabbli għall-amministrazzjoni pubblika (6), għall-ġestjoni tal-persunal tal-intrapriżi, għas-servizzi kummerċjali, għall-assoċjazzjonijiet u t-trejdjunjins, għall-partiti politiċi, jew għas-siti soċjali u l-magni ta’ tiftix tal-internet. Madankollu, sabiex titħares il-ħajja privata tal-individwi li d-dejta dwarhom tkun tinsab f'dawn il-fajls, għal użi differenti, dawn il-fajls għandu jkun fihom biss id-dejta essenzjali għall-użu rispettiv tagħhom u li ma jiġux interkonnessi permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) mingħajr il-bżonn jew il-protezzjoni legali. L-eżistenza ta’ awtorità li jkollha aċċess mingħajr limiti għad-dejta kollha tipperikola l-libertajiet pubbliċi u l-ħajja privata.

3.4

Meta l-fajls ikunu f'idejn entitajiet privati, dawn l-individwi kkonċernati għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess, għall-korrezzjoni u saħansitra għat-tneħħija tal-fajl, kemm jekk ikunu fajls għar-riċerka tas-suq kif ukoll dawk tas-siti soċjali.

3.5

Għall-fajls tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jew privati, u li jobdu l-obbligi legali, l-individwi li d-dejta tagħhom tkun reġistrata għandu jkollhom dritt għall-aċċess, għall-korrezzjoni f'każ ta’ żball, u saħansitra għat-tneħħija jekk id-dettalji tal-persuna ma jkunx fadlilhom użu, pereżempju f'każ ta’ maħfra f'fajl ġudizzjarju jew f'każ tat-tmiem ta’ kuntratt tax-xogħol, lil hinn mill-iskadenzi legali għaż-żamma tagħhom.

3.6

Il-KESE jilqa' d-direzzjoni ġenerali li ħadet il-Kummissjoni billi għarfet li minkejja li l-għanijiet tad-Direttiva 95/46/KE kkonsolidata għadhom validi, wara li għaddew 17-il sena u meta jitqies it-tibdil teknoloġiku u soċjali li seħħ fil-qasam tal-ambjent diġitali, hemm bżonn indispensabbli ta’ reviżjoni fil-fond. Pereżempju d-Direttiva 95/46/KE ma kinitx tindirizza ċerti aspetti tal-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni u tad-dejta bejn amministrazzjonijiet inkarigati mill-prevenzjoni ta’ delitti kriminali u tat-twettiq ta’ sentenzi fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija. Din il-kwistjoni hija indirizzata fl-abbozz ta’ Direttiva inkluż fil-pakkett “protezzjoni tad-dejta” li dwaru l-Kumitat ma ġiex ikkonsultat.

3.7

Il-KESE japprova fil-prinċipju l-għanijiet tal-proposta li huma favur il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li jsegwu mill-qrib l-opinjoni tal-Kumitat (7), speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma':

it-twaqqif ta’ sett wieħed ta’ regoli marbutin mal-protezzjoni tad-dejta li japplikaw mal-Unjoni kollha fl-aktar livell għoli possibbli ta’ protezzjoni;

it-tennija b'mod espliċitu tal-moviment liberu tad-dejta personali fl-UE;

it-tneħħija ta’ għadd ta’ rekwiżiti amministrattivi inutli, li, skont il-Kummissjoni, għandha tiffranka spejjeż annwali ta’ madwar EUR 2,3 biljun għall-intrapriżi;

l-obbligu li l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet javżaw l-awtorità ta’ kontroll nazzjonali bi ksur gravi dwar dejta ta’ natura personali bla dewmien (possibilment fi żmien 24 siegħa);

il-possibbiltà li ċ-ċittadini jindirizzaw l-awtorità inkarigata mill-protezzjoni tad-dejta f'pajjiżhom stess, anke meta d-dejta tagħhom tkun ipproċessata minn intrapriża barra mill-UE;

il-fatt li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-individwi għad-dejta tagħhom stess, u t-trasferiment ta’ dejta ta’ natura personali minn provveditur tas-servizzi għal ieħor (dritt għall-portabbiltà tad-dejta);

“id-dritt li jkun minsi u għat-tħassir” sabiex l-individwi jiġu garantiti l-aqwa ġestjoni tar-riskji marbutin mal-protezzjoni tad-dejta onlajn, bil-possibbiltà li jinkiseb it-tħassir tad-dejta dwarhom jekk l-ebda raġuni leġittima ma tiġġustifika ż-żamma tagħhom;

it-tisħiħ, meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali, tar-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali indipendenti inkarigati mill-protezzjoni tad-dejta sabiex ikunu jistgħu jaraw li r-regoli tal-UE jiġu applikati u rispettati aħjar fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, speċjalment li jkollhom is-setgħa li jimponu multi lill-intrapriżi li jiksru r-regoli, multi li jistgħu jilħqu EUR 1 miljun jew 2 % tal-qligħ totali annwali tal-intrapriża;

in-newtralità teknoloġika u l-applikazzjoni għall-ipproċessar kollu tad-dejta, kemm jekk ikun awtomatizzat kif ukoll manwali;

l-obbligu li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-dejta.

3.8

Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-enfasi li tpoġġiet fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jaqbel kompletament mal-għażla tal-bażi legali proposta, li qed tintuża għall-ewwel darba f'din il-leġislazzjoni. Huwa jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-importanza kbira ta’ din il-proposta għat-twettiq tas-suq uniku u l-effetti pożittivi tiegħu fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fir-rigward tal-għażla ta’ regolament, xi wħud mill-membri tal-KESE, indipendentement mill-Grupp li jinsabu fih, jaqblu mal-Kummissjoni u jqisu li dan huwa l-aktar strument legali adegwat biex jiggarantixxi applikazzjoni uniformi u l-istess livell għoli ta’ ħarsien tad-dejta fl-Istati Membri kollha; oħrajn huma tal-fehma li direttiva tista' tħares aħjar il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tipproteġi d-dejta aktar, speċjalment fl-Istati Membri li fihom diġà hemm livell ogħla ta’ ħarsien minn dak stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-KESE jifhem ukoll li anke l-Istati Membri huma diviżi bejniethom dwar dan is-suġġett. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-proposta tagħha aħjar billi tiċċara l-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-raġunijiet li għalihom l-għażla ta’ regolament hija essenzjali għall-għanijiet li qed jiġu mfittxija.

3.8.1

Peress li dan huwa regolament li ser japplika kollu kemm hu u immedjatament fl-Istati Membri kollha mingħajr il-bżonn ta’ traspożizzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li tħares il-koerenza tat-traduzzjonijiet fil-lingwi kollha - li mhuwiex il-każ fil-proposta.

3.9

Il-KESE jqis li, minn naħa l-proposta setgħet iżżid aktar il-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet li tista' tgħid inġabu fix-xejn minħabba l-għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjoni, u min-naħa l-oħra li jmissha bbilanċjat aħjar id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati differenti. Minħabba dan hemm ir-riskju ta’ żbilanċ bejn l-għanijiet tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta u dawk tas-suq uniku, għad-detriment tal-ewwel. Il-KESE jaqbel mal-kontenut essenzjali tal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (8).

3.10

Il-KESE xtaq jara lill-Kummissjoni tadotta approċċ li huwa aktar konformi mal-ħtiġijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini u li jkun jaqbel aktar man-natura ta’ ċerti oqsma tal-attività ekonomika u soċjali bħal, pereżempju, il-kummerċ onlajn, il-kummerċjalizzazzjoni diretta, ir-relazzjonijiet tax-xogħol, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sorveljanza u s-sigurtà, id-DNA, eċċ. billi jiġi differenzjat ir-reġim legali skont dawn l-aspetti differenti ħafna fl-ipproċessar tad-dejta.

3.11

Fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet li huma inklużi fil-proposta (kollha mniżżlin fl-Artikolu 86), hemm aspetti importanti ħafna tal-istrument legali u tal-mod kif taħdem is-sistema li jiddependu mill-atti delegati futuri (26 delegazzjoni ta’ poter għal tul ta’ żmien mhux determinat). Il-KESE jqis li dan imur bil-bosta lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 290 tat-Trattat u li huma definiti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea relatata mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (9), u dan għandu konsegwenzi għas-sigurtà u ċ-ċertezza legali tal-istrument. Il-KESE jemmen li ċertu numru ta’ dawn id-delegi jistgħu jiġu regolati direttament mil-leġislaturi Ewropej. Oħrajn jistgħu jkunu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-livell Ewropew (10). Dan isaħħaħ l-implimentazjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jikkontribwixxi għal iktar ċertezza legali.

3.12

Il-KESE jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni f'din il-proposta ffukat fuq id-drittijiet tal-individwi meta titqies in-natura legali speċifika tagħha, iżda jitlob li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni wkoll lid-dejta dwar il-persuni ġuridiċi, speċjalment dawk li għandhom personalità ġuridika.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-punti pożittivi:

4.1   Il-proposta għadha konformi mal-objettiv u l-għanijiet tad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti definizzjonijiet, is-sugu tal-prinċipji dwar il-kwalità tad-dejta u l-ġustifikazzjonijiet tal-ipproċessar, l-ipproċessar li jsir fuq xi kategoriji partikolari u ċerti drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċess għad-dejta.

4.2   Il-proposta hija pożittivament innovattiva fl-aspetti fundamentali marbutin mad-definizzjonijiet il-ġodda, għal kundizzjonijiet ta’ kunsens aktar ċari, speċjalment fil-każ tat-tfal, għall-klassifikazzjoni ta’ drittijiet ġodda bħad-dritt għar-rettifika u t-tħassir, speċjalment id-“dritt li jkun minsi u għat-tħassir”, il-kontenut tad-dritt għall-oġġezzjoni u t-tfassil ta’ profil, kif ukoll l-obbligi dettaljati ħafna ta’ dawk responsabbli mill-ipproċessar u n-nies ta’ taħthom, is-sigurtà tad-dejta u l-qafas ġenerali tas-sanzjonijiet, prinċipalment ta’ natura amministrattiva.

4.3   Il-Kumitat jilqa' wkoll l-idea tal-proposta li toħloq qafas istituzzjonali effikaċi li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tad-dispożizzjonijiet legali, kemm fil-livell tal-intrapriżi (uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta) kif ukoll fil-livell tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri (awtoritajiet ta’ kontroll indipendenti), kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet u mal-Kummissjoni (ħolqien ta’ Kumitat Ewropew tal-protezzjoni tad-dejta). Madankollu, jinnota li l-kompetenzi tal-kontrolluri għall-protezzjoni tad-dejta nazzjonali u, parzjalment, dawk reġjonali fl-Istati Membri għandhom jinżammu.

4.4   Fl-aħħar nett, huwa jqis bħala pożittiv it-tħeġġiġ għat-tħejjija ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u r-rwol taċ-ċertifikazzjoni u siġilli u marki tal-protezzjoni tad-dejta.

X'jista' jittejjeb

4.5   Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

4.5.1   Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti fil-paragrafu 2 huma restrittivi wisq; infakkru l-każijiet ta’ intrapriżi farmaċewtiċi li huma bbażati barra l-Ewropa li biex jagħmlu testijiet kliniċi jixtiequ jaċċessaw dejta klinika ta’ persuni kkonċernati li jgħixu fl-UE.

4.6   Artikolu 4 – Definizzjonijiet

4.6.1   Id-definizzjoni ta’ “kunsens”, li huwa l-bażi essenzjali għas-sistema kollha tal-protezzjoni tad-dejta, għandha tiġi definita aħjar, speċjalment in-natura ta’ “azzjoni affermattiva ċara” (speċjalment fil-verżjoni franċiża).

4.6.2   Il-kunċett ta’ “ipproċessar tad-dejta” ma jiġi definit imkien, mentri dan għandu jkollu definizzjoni fl-Artikolu 4.

4.6.3   Il-kunċett ta’ dejta pproċessata “ġustament” imsemmi fl-Artikolu 5(a) għandu jiġi definit.

4.6.4   Il-kunċett ta’ “dejta personali li b'mod ċar tkun saret pubblika” (Artikolu 9(2)(e)) ukoll għandu jiġi definit b'mod preċiż.

4.6.5   Il-kunċett ta’ “tfassil ta’ profili” użat matul il-proposta kollha wkoll għandu jiġi definit.

4.7   Artikolu 6 - Legalità tal-ipproċessar

4.7.1   Fis-sottoparagrafu (f), il-kunċett ta’ “interessi leġittimi segwiti minn kontrollur”, li ma huma koperti mill-ebda sottoparagrafu ta’ qabel, jidher vag u suġġettiv. Dan għandu jiġi spjegat aħjar fit-test innifsu u mhux jitħalla għal att delegat (ara l-paragrafu 5), speċjalment għax il-paragrafu 4 ma jsemmix is-sottoparagrafu (f) (importanti pereżempju għas-servizzi postali u l-kummerċjalizzazzjoni diretta) (11).

4.8   Artikolu 7 - Kundizzjonijiet għall-kunsens

Fil-paragrafu 3 hemm bżonn jiġi indikat li l-irtirar tal-kunsens iwaqqaf kull ipproċessar futur u li dan jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar biss mill-mument li jsir l-irtirar tal-kunsens 'il quddiem.

4.9   Artikolu 14 - Informazzjoni lis-suġġett tad-dejta

4.9.1   Fil-paragrafu 4(b) ikun tajjeb li tiġi stabbilita skadenza massima.

4.10   Artikolu 31 - Notifika ta’ ksur tad-dejta personali lill-awtorità ta’ superviżjoni

4.10.1   In-notifika tal-ksur kollu li jseħħ tista' tikkomprometti l-funzjonament tas-sistema u fl-aħħar mill-aħħar tkun ostaklu biex il-ħatja jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom.

4.11   Artikolu 35 – Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta

4.11.1   Rigward l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta, hemm bżonn li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonjiet marbuta ma’ din il-pożizzjoni, b'mod partikolari: il-protezzjoni kontra t-tkeċċijiet mix-xogħol li għandha tkun definita b'mod ċar u testendi lil hinn mill-perjodu li matulu l-persuna kkonċernata taqdi din il-funzjoni; id-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet bażiċi u rekwiżiti ċari għat-twettiq ta’ din l-attività; l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta m'għandux jinżamm responsabbli jekk jirrimarka irregolaritajiet lil min iħaddem jew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta; ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem dirett fil-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta u d-dritt li dawn ir-rappreżentanti jiġu infurmati kull tant żmien (12) dwar il-problemi misjuba u s-soluzzjonijiet għalihom. Għandha tiġi ċċarata wkoll il-kwistjoni tar-riżorsi li ser jingħataw għal din il-funzjoni.

4.12   Artikolu 39 - Ċertifikazzjoni

4.12.1   Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun waħda mir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni.

4.13   Artikoli 82 u 83 - Ipproċessar fil-kuntest tax-xogħol

4.13.1   Fl-Artikolu 82 m'hemm l-ebda referenza espliċita għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni (li ma tissemmix lanqas fl-Artikolu 20 dwar it-“tfassil ta’ profili”). Barra minn hekk, ma jiġix ippreċiżat jekk din l-awtorizzazzjoni tapplikax ukoll għat-tqegħid tal-kliem tad-dispożizzjonijiet dwar l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta. Il-projbizzjoni tat-“tfassil ta’ profili” fil-qasam tal-impjiegi għandha tiġi ppreċiżata wkoll fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-dejta (Artikolu 33).

4.14   Artikoli 81, 82, 83 u 84

4.14.1   Minflok “… fil-limiti ta’ dan ir-Regolament …” għandu jingħad “… fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament …”.

Dak li hu nieqes u għandu jiġi inkluż:

4.15   Kamp ta’ applikazzjoni

4.15.1   Rigward id-drittijiet fundamentali, l-armonizzazzjoni f'oqsma speċifiċi għandha tippermetti lill-Istati Membri jadottaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li mhumiex inklużi jew dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk previsti fir-regolament, bħalma huwa previst diġà fl-oqsma msemmijin fl-Artikolu 80 sa 85.

4.15.2   L-indirizzi tal-IP tal-individwi għandhom jiġu inklużi b'mod speċifiku fil-korp tar-regolament taħt id-dejta personali li għandha tiġi protetta u mhux biss fil-premessi.

4.15.3   Il-magni tat-tiftix, li jiksbu l-ikbar parti tal-qligħ tagħhom mir-reklami, li jiġbru d-dejta personali dwar l-utenti tagħhom u jagħmlu użu kummerċjali minnha, għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u mhux biss fost il-premessi.

4.15.4   Għandu jiġi ċċarat li n-netwerks soċjali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni u dan mhux biss meta jidħlu fil-qasam tat-tfassil ta’ profili għal finijiet kummerċjali.

4.15.5   Ċerti metodi ta’ kontroll u ta’ filtraġġ tal-internet li taparsi jintużaw għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u li għandhom l-għan li jfasslu profili ta’ ċerti utenti, iżommu l-fajls dwarhom u jimmonitorjaw il-movimenti tagħhom, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja speċifika, ukoll għandhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

4.15.6   Ikun tajjeb li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni wkoll ikollhom jikkonformaw mal-obbligi tar-regolament.

4.16   Artikolu 9 - Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta personali

4.16.1   Il-pass li jmiss għandu jkun id-definizzjoni ta’ reġimi speċjali skont iċ-ċirkostanzi, is-sitwazzjonijiet u l-finijiet tal-ipproċessar tad-dejta. It-“tfassil ta’ profili” għandu jiġi pprojbit anke f'dawn l-oqsma.

4.16.2   Għandu wkoll jiġi introdott il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl-ipproċessar tad-dejta sensittiva għal finijiet statistiċi.

4.17   Għandhom jinstabu opportunitajiet (li mhux qed jintużaw) fl-oqsma li ġejjin:

sehem tar-rappreżentanti tal-persunal fil-livelli nazzjonali u Ewropej kollha fit-tfassil ta’ “regoli korporattivi vinkolanti”, li minn issa 'l quddiem għandhom jiġu aċċettati bħala rekwiżit għat-trasferiment internazzjonali tad-dejta (Artikolu 43);

informazzjoni u konsultazzjoni tal-Kumitat tax-Xogħol Ewropew meta jsiru trasferimenti internazzjonali ta’ dejta dwar l-impjegati - b'mod partikolari lejn pajjiżi terzi;

informazzjoni u parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej u tal-NGOs Ewropej tal-konsumaturi u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fl-għażla tal-membri tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta li għandu jieħu post il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29;

informazzjoni u parteċipazzjoni ta’ dawn l-imsieħba u tal-NGOs imsemmija hawn fuq livell nazzjonali fl-għażla tal-membri tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, li mhuwiex previst.

4.18   Artikoli 74-77 - Azzjoni kollettiva rigward fajls illegali u kumpensi

4.18.1   Il-biċċa l-kbira tal-ksur tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta tkun ta’ natura kollettiva; meta dan iseħħ, mhijiex persuna waħda li tintlaqat mill-istess ksur, iżda grupp jew dawk kollha li d-dejta tagħhom tkun inħażnet. Ir-rimedji legali individwali tradizzjonali mhumiex adegwati biex iwieġbu għal dan it-tip ta’ ksur. Madankollu, minkejja li l-Artikolu 76 jawtorizza lil kull korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li jkollhom l-għan li jipproteġu d-dejta tal-individwi kkonċernati biex, f'isem suġġett tad-dejta wieħed jew aktar, jibdew il-proċeduri previsti fl-Artikoli 74 u 75, l-istess ħaġa ma tgħoddx għal meta jintalab rimedju jew kumpens għax f'dan il-każ l-Artikolu 77 jipprevedi din il-possibbiltà biss għall-individwi u ma jipprevedix proċedura ta’ rappreżentanza kollettiva jew ta’ azzjoni.

4.18.2   Għal dan il-għan, il-Kumitat ifakkar li f'diversi opinjonijiet fis-snin li għaddew, huwa appoġġja l-ħtieġa u l-urġenza li l-UE tiġi mogħnija bi strument legali armonizzat ta’ azzjoni ta’ grupp fil-livell Ewropew, neċessarju f'ħafna oqsma tal-liġi tal-UE u kif jeżisti diġà f'diversi Stati Membri.

Dak li ma jistax jiġi aċċettat:

4.19   Artikolu 8 - Ipproċessar tad-dejta personali ta’ minorenni

4.19.1   Meta t-terminu “minorenni” ġie definit bħala kull persuna taħt it-18-il sena (Artikolu 4(18)), b'konformità mal-Konvenzjoni ta’ New York, mhuwiex aċċettabbli li fl-Artikolu 8(1) tingħata l-possibbiltà lil minorenni ta’ 13-il sena li jagħtu l-“kunsens” għall-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom.

4.19.2   Minkejja li l-Kumitat jifhem il-bżonn ta’ regoli speċifiċi għall-SMEs, mhuwiex aċċettabbli li permezz ta’ att delegat il-Kummissjoni tkun tista' sempliċiment teżenta l-SMEs mill-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-minorenni.

4.20   Artikolu 9 - Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta personali

4.20.1   Bl-istess mod, fl-Artikolu 9(2)(a) m'hemm l-ebda raġuni għalfejn minorenni għandhom ikunu jistgħu jagħtu l-“kunsens” tagħhom għall-ipproċessar ta’ dejta dwar l-oriġini nazzjonali, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew is-sentenzi kriminali tagħhom.

4.20.2   Id-dejta pprovduta b'mod volontarju mill-persuni nfushom, bħal pereżempju fuq il-Facebook, m'għandhiex tiġi eskluża mill-protezzjoni, kif jista' jinftiehem fl-Artikolu 9(e), u għandha tgawdi mill-inqas mid-dritt li wieħed jintnesa.

4.21   Artikolu 13 - Drittijiet relatati mar-riċevituri

4.21.1   L-eċċezzjoni fl-aħħar tal-Artikolu - “sakemm din ma tkunx possibbli jew meta tkun tinvolvi sforz sproporzjonat” - mhijiex ġustifikata u lanqas ma hi aċċettabbli.

4.22   Artikolu 14 - Informazzjoni lis-suġġett tad-dejta

4.22.1   L-istess eċċezzjoni li tidher fil-paragrafu 5(b) ma tistax tiġi aċċettata lanqas.

4.23   Artikolu 19(1) - Dritt għall-oġġezzjoni

4.23.1   Il-kliem vag li jintuża għall-eċċezzjoni - “raġunijiet leġittimi konvinċenti” - mhuwiex aċċettabbli u jxejjen id-dritt għall-oġġezzjoni.

4.24   Artikolu 20 - Miżuri bbażati fuq it-tfassil ta’ profili

4.24.1   Il-projbizzjoni tat-tfassil ta’ profili m'għandhiex tkun ristretta għall-ipproċessar “awtomatizzat” (13).

4.24.2   Fil-paragrafu 2(a) l-espressjoni “meta jkunu ġew ippreżentati” għandha tinbidel għal “meta jingħataw provi tal-eżistenza ta' …”.

4.25   Artikolu 21 - Restrizzjonijiet

4.25.1   Il-mod kif inhu miktub l-Artikolu 21(1)(c) huwa totalment inaċċettabbli għax fih espressjonijiet vagi u mhux definiti tajjeb bħal: “interess finanzjarju jew ekonomiku”, “kwistjonijiet baġitarji, monetarji u fiskali” u anke “l-istabbiltà u l-integrità tas-suq”. Din tal-aħħar żdiedet ukoll mad-Direttiva 95/46.

4.26   Artikoli 25, 28 u 35 - Limitu ta’ 250 ħaddiem

4.26.1   Il-limitu ta’ 250 ħaddiem, li jiddetermina l-applikabbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni, bħal pereżempju l-ħatra ta’ uffiċjal għall-protezzjoni tad-dejta, tkun tfisser li jkunu biss ftit inqas minn 40 % tal-impjegati li jgawdu minn din id-dispożizzjoni. F'dak li għandu x'jaqsam mal-obbligu li tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni, l-istess limitu jkun ifisser li l-maġġoranza kbira tal-impjegati ma jkollhom l-ebda possibbiltà li jimmonitorjaw l-użu tad-dejta personali tagħhom, u għaldaqstant ma jibqa' jeżisti l-ebda tip ta’ kontroll. Il-Kumitat jissuġġerixxi li titqies il-possibbiltà ta’ limitu aktar baxx, pereżempju l-għadd ta’ ħaddiema li fl-Istati Membri ġeneralment jintuża biex jitwaqqaf grupp ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-persunal fi ħdan l-intrapriżi. Jista' jittieħed ukoll approċċ ieħor, ibbażat fuq kriterji oġġettivi li jkunu bbażati, pereżempju, fuq l-għadd ta’ fajls ta’ protezzjoni tad-dejta ittrattati f'ċertu ammont ta’ żmien li jrid jiġi determinat, indipendentement mid-daqs tal-intrapriża jew tad-dipartiment ikkonċernat.

4.27   Artikolu 51 - Il-“punt ta’ kuntatt uniku”

4.27.1   Minkejja li jifhem li l-prinċipju tal-“punt ta’ kuntatt uniku” huwa maħsub biex iħaffef il-ħajja tal-intrapriżi u jagħmel il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-dejta aktar effikaċi, dan xorta waħda jista' jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-protezzjoni tad-dejta dwar iċ-ċittadini inġenerali u l-protezzjoni tad-dejta tal-ħaddiema b'mod partikolari u jxejjen l-obbligu attwali li t-trasferiment tad-dejta personali ikun soġġett għal qbil fil-livell tal-intrapriża u approvat minn kummissjoni nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta (14).

4.27.2   Barra minn hekk, din is-sistema tidher li tmur kontra l-idea ta’ ġestjoni lokali u tista' twassal biex iċ-ċittadin tinċaħadlu l-possibbiltà li t-talba tiegħu tiġi indirizzata mill-awtorità ta’ kontroll li hi l-eqreb u l-aktar aċċessibbli għalih.

4.27.3   Għaldaqstant hemm raġunijiet li jagħfsu favur iż-żamma tal-kompetenza f'idejn l-awtorità fl-Istat Membru fejn jgħix il-kwerelant.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2012) 11 final.

(2)  COM(2012) 9 final.

(3)  COM(2012) 10 final.

(4)  COM(2012) 12 final.

(5)  Huma jinsistu fuq il-ħtieġa li l-Unjoni “tistabbilixxi sistema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tkopri l-kompetenzi kollha tal-Unjoni” u “għandha tara li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta jkun applikat b'mod konsistenti”, b'mod li l-persuni fiżiċi jkollhom id-dritt jeżerċitaw kontroll effettiv tad-dejta tagħhom.

(6)  Ara l-Opinjoni CESE dwar “L-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku”, ĠU C 191, 29.06.2012, p. 129.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 248, 25.08.2011, p. 123.

(8)  Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar “Il-Pakkett tal-Protezzjoni tad-Dejta”, 7 ta’ Marzu 2012.

(9)  COM (2009) 673 final, 9.12.2009.

(10)  Ara l-ilment dwar is-sussidjarjetà tas-senat Franċiż.

(11)  Għandha tiġi ċċarata aktar il-kwistjoni tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ittri indirizzati lill-individwi għax fil-mod kif inhu bħalissa, l-applikazzjoni tar-regolament twassal għall-projbizzjoni ta’ dan, meta dan huwa metodu mmirat u mhux intrużiv biex jinkisbu klijenti ġodda.

(12)  Pereżempju, rapport kull tant żmien dwar l-attivitajiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta lir-rappreżentanti tal-persunal jew lir-rappreżentanti tal-ħaddiema eletti fil-Bord tad-Diretturi jew fil-Bord Superviżorju nazzjonali u/jew Ewropew, fejn ikunu jeżistu.

(13)  Ara r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)13 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, 23 ta’ Novembru 2010.

(14)  B'mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti inkarigati li jawtorizzaw u jimmonitorjaw il-kostituzzjoni ta’ fajls tad-dejta personali; għall-kuntrarju, is-setgħat tagħhom għandhom jiġu estiżi biex ikopru s-soċjetà diġitali u n-netwerks soċjali, speċjalment fid-dawl tal-valur tal-iskambji tal-profili personali għal għanijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja inċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Ħassar il-punti 4.25 u 4.25.1

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

87

Kontra

89

Astensjonijiet

26


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/98


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa”

COM(2011) 900 final

2012/C 229/18

Relatur: is-Sur SIMONS

Nhar l-20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa

COM(2011) 900 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Transport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 145 voti favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat xejn ma huwa kuntent bit-titolu tal-Komunikazzjoni li jwassal għall-konfużjoni u jwiegħed iktar milli fil-fatt iwassal il-kontenut reali. Il-konfużjoni ġejja mill-fatt li t-terminu “qafas ta’ kwalità” hawnhekk jidher li għandu sinifikat differenti minn dak assoċjat mal-valur komuni magħruf bħala “kwalità” hekk kif rikonoxxut fl-Artikolu 14 u l-Protokoll 26 tat-TFUE; valur li la huwa indirizzat fil-Komunikazzjoni inġenerali u lanqas mil-lat settorjali.

1.2   Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li tiġi ppubblikata n-nota ta’ spjegazzjoni dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. Il-Kumitat jilqa’ l-ispjegazzjoni li tipprovdi l-Kummissjoni f’din il-Komunikazzjoni b’kunsiderazzjoni dejjem tal-osservazzjonijiet li qed iressaq hawn. Barra minn hekk, matul is-snin li għaddew il-Kumitat insista ripetutament fuq il-bżonn ta’ servizzi ta’ interess ġenerali effikaċi, moderni u ta’ kwalità tajba.

1.3   Il-Kumitat għadu konvint madanakollu li huwa indispensabbli li d-dispożizzjonijiet ta’ liġi primarja dwar is-SIĠ jiġu tradotti f’liġi settorjali u, jekk hemm bżonn, transsettorjali derivata.

1.4   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali tiċċara sew ir-rwol ċentrali li jaqdu s-servizzi ta’ interess ġenerali fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u territorjali. F’dan ir-rigward jeħtieġ li ma ninsewx li l-limiti imposti fuq il-mezzi finanzjarji tas-settur pubbliku huma soġġetti għad-deċiżjonijiet politiċi. Il-Kumitat jenfasizza li hemm bżonn urġenti li jittieħdu miżuri adegwati sabiex tiġi żgurata ż-żamma tas-servizzi kif ukoll it-titjib tal-kwalità tagħhom.

1.5   Il-Kumitat iqis li l-qafas istituzzjonali (Artikolu 14 TFUE, protokoll 26 u Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) jiffurmaw bażi tajba għall-implimentazzjoni. Madanakollu huwa ma jqisx li l-Komunikazzjoni tipprovdi l-approċċ koerenti u speċifiku li hemm bżonn għas-servizzi ta’ interess ġenerali.

1.6   Fil-fehma tal-Kumitat, il-forniment, il-kummissjoni u l-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ġenerali huma u jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri permezz tal-leġislazzjoni settorjali li toffri soluzzjonijiet individwali speċifiċi filwaqt li l-kompetenza leġislattiva tal-UE hija l-iktar id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ġenerali u l-kontroll ta’ żbalji ċari.

1.7   Il-Kumitat iqis li hemm bżonn ta’ valutazzjoni permanenti fil-qafas tar-reviżjoni tar-regolamentazzjoni settorjali eżistenti li tinkludi l-obbligi tas-servizz universali, abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda ta’ liġi primarja, il-bżonnijiet li qed jinbidlu tal-utenti u l-bidla teknoloġika u ekonomika, u dan f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili organizzata. Fil-fehma tal-Kumitat din ir-reviżjoni għandha tkun ibbażata fuq approċċ li jikkunsidra l-impjieg u l-koeżjoni soċjali u territorjali peress li s’issa dawn l-aspetti ġew injorati.

1.8   Il-Protokoll 26 jenfasizza l-kompetenzi li għandhom l-Istati Membri sabiex ifornu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Il-Kumitat jikkunsidra għalhekk li huma primarjament l-Istati Membri li huma responsabbli mill-valutazzjoni tas-servizzi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u li r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea huwa li xxerred il-prattika tajba u li tikkontrolla dawn is-servizzi fir-rigward tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mit-Trattati tal-UE.

1.9   Il-Kumitat japprezza li l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ppruvat tressaq preċiżjonijiet dwar il-kunċetti fundamentali użati fid-dibattiti dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali li jolqtu b’mod dirett lill-konsumaturi u lill-utenti, jiġifieri liċ-ċittadini b’mod ġenerali. Madanakollu dawn l-ispjegazzjonijiet mhumiex kompleti. Il-Kumitat huwa tal-fehma li d-definizzjoni tas-SIĠ m’għandhiex tikkuntenta biss b’referenza għall-eżistenza ta’ suq. F’dan ir-rigward nistgħu nirreferu pereżempju għall-proċess tad-deċiżjoni politika fl-Istati Membru li huwa demokratikament leġittimu. Jeħtieġ li ssir konsultazzjoni wiesgħa u li tiġi ppubblikata verżjoni riveduta ta’ glossarju li jispjega l-kunċetti kkonċeranti sabiex ma jkunx hemm lok għal iktar diverġenzi fl-interpretazzjoni li ġejjin mill-verżonijiet lingwistiċi u sabiex ma jsir l-ebda żball fil-qasam.

1.10   Il-Kumitat jappoġġja l-introduzzjoni ta’ iktar ċarezza u ċertezza legali dwar ir-regoli tal-UE li japplikaw għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Huwa japprova b’mod partikolari wkoll il-proposta li l-Kummissjoni tippubblika gwidi li jwasslu għal għarfien aħjar tar-regoli u applikazzjoni iktar effikaċi tagħhom, jekk dawn jitfasslu tajjeb minn speċjalisti.

1.11   Fir-rigward tal-garanzija ta’ aċċess permanenti għas-servizzi essenzjali bħas-servizzi tal-posta, is-servizzi bankarji, it-trasport pubbliku, l-enerġija u l-komunikazzjoni elettronika, importanti li jiġi stabbilit id-dritt tal-aċċess universali b’mod partikolari għall-klijenti vulnerabbli bħall-persuni b’diżabbiltà jew dawk li jgħixu taħt il-marġni tal-faqar. Abbażi tas-sistema legali attwali u b’segwitu attent min-naħa tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni kontinwa u bir-reqqa tal-opportunità li dawn is-servizzi jinżammu jew jiġu integrati fis-settur pubbliku jew jekk għandhomx jitpoġġew (jew jitpoġġew parzjalment) fis-suq abbażi ta’ kundizzjonijiet stretti.

1.12   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni messha tat iktar attenzjoni lis-servizzi ta’ interess ġenerali mill-qasam soċjali, tas-saħħa u tas-suq tax-xogħol. Huwa jitlob lill-Kummissjoni żżid il-ħidma tagħha biex tispeċifika l-kunċett tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali. L-istess bħall-Kummissjoni huwa jqis li fl-UE, dawn jaqdu rwol fundamentali wkoll f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal jew il-kura tal-anzjani, l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà, l-akkomodazzjoni soċjali u s-suq tax-xogħol.

1.13   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta kemm jista’ jkun malajr proposti dwar il-promozzjoni tal-inizjattivi ta’ kwalità b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali peress li dawn ftit li xejn ingħataw attenzjoni f’din il-Komunikazzjoni u peress li d-domanda għal dawn is-servizzi qed tiżdied u l-finanzjament tagħhom qed isir dejjem iktar problematiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura segwitu tal-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri tal-Qafas ta’ Kwalità Ewropew volontarju għas-servizzi soċjali.

2.   Introduzzjoni

2.1   Mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ġew introdotti dispożizzjonijiet ġodda dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll 26 dwar l-intrepretazzjoni tat-terminu valuri komuni fl-Artikolu 14 tat-TFUE u tas-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali. Dan ta lill-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali l-istess valur legali li għandhom it-Trattati.

2.2   Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika u finanzjarja persistenti turi r-rwol ċentrali tas-servizzi ta’ interess ġenerali sabiex jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali u territorjali kif ukoll l-effett tal-kriżi fuq is-settur pubbliku. L-istudji juru li s-servizzi pubbliċi, kunċett iktar wiesa’ mis-SIĠ, jirrappreżentaw iktar minn 26 % tal-PDG tas-27 Stati Membri tal-UE u jimpjegaw 30 % tal-forza tax-xogħol tal-UE.

2.3   Dawn huma r-raġunijiet prinċipali għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika din il-Komunikazzjoni.

3.   Kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni

3.1   Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-qafas ta’ kwalità ser jiżgura li fis-snin li ġejjin l-ambjent regolatorju fil-livell tal-UE jkompli jsaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku, biex iqis aħjar in-natura speċifika ta’ dawn is-servizzi, u biex jilqa’ l-isfida li dawn is-servizzi jitwasslu b’mod li jinkorpora l-valuri ta’ kwalità, sigurtà, affordabbiltà, it-trattament ugwali, l-aċċess universali u d-drittijiet tal-utenti kif rikonoxxuti fil-Protokoll 26.

3.2   Il-Kummissjoni tinnota li matul is-snin, id-domanda għas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-mod kif jiġu pprovduti nbidlu b’mod sinifikanti. Fil-fehma tagħha, qabel is-servizzi kienu jiġu provduti mill-gvern ċentrali filwaqt li issa huma delegati l-iktar minn korpi pubbliċi ta’ livell iktar baxx jew mis-settur privat permezz ta’ leġislazzjoni speċifika.

3.3   Il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, l-evoluzzjoni tal-prijoritajiet tal-politiki pubbliċi kif ukoll ċertu tibdil fil-bżonnijiet u l-istennijiet tal-utenti jkomplu jżidu t-tendenzi msemmija fil-punt 3.2. Peress li ħafna minn dawn is-servizzi huma ta’ natura ekonomika, ir-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni japplikaw għalihom, “sakemm l-applikazzjoni ta’ tali regoli ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompiti partikolari mogħtija lilhom”.

3.4   Għad li xi partijiet interessati huma kkonċernati dwar l-impatt ta’ dawn ir-regoli fuq is-servizzi soċjali, il-Kummissjoni hija konvinta li jistgħu jiġu applikati b’mod li jqis il-bżonnijiet speċifiċi u li jtejjeb il-provvista tas-servizzi dejjem permezz ta’ ċertu flessibbiltà indispensabbli fl-implimentazzjoni.

3.5   Il-“qafas tal-kwalità” li tippreżenta l-Kummissjoni jikkonsisti fi tliet linji ta’ azzjoni li sfortunatament il-Kummissjoni ma tiżviluppahomx fi proposti konkreti.

4.   Osservazzjonijiet ġenerali

4.1   Il-Kumitat xejn ma huwa kuntent bit-titolu tal-Komunikazzjoni li jwassal għall-konfużjoni u jwiegħed iktar milli fil-fatt iwassal il-kontenut reali. Il-konfużjoni ġejja mill-fatt li t-terminu “qafas ta’ kwalità” hawnhekk jidher li għandu sinifikat differenti minn dak assoċjat mal-valur komuni magħruf bħala “kwalità” hekk kif rikonoxxut fl-Artikolu 14 u l-Protokoll 26 tat-TFUE; valur li la huwa indirizzat fil-Komunikazzjoni inġenerali u lanqas mil-lat settorjali. Dan jgħodd ukoll għall-valuri l-oħra bħas-sigurtà, l-affordabbiltà, it-trattament ugwali, il-promozzjoni tal-aċċess universali u d-drittijiet tal-utenti.

4.2   Huwa ta’ dispjaċir li l-Komunikazzjoni mhix akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt għax hemm ħafna x’jingħad dwar l-argumenti u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-punt 3.2. Barra minn hekk, skont il-Kumitat u l-esperti, il-livelli reġjonali u lokali minn dejjem kienu joffru dan it-tip ta’ servizzi.

4.3   Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li tiġi ppubblikata n-nota ta’ spjegazzjoni dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. F’opinjonijiet preċendenti tiegħu (1) huwa diġà wera l-bżonn li jingħataw servizzi ta’ interess ġenerali effiċjenti, moderni, aċċessibbli u affordabbli, li huma wieħed mil-pilastri tal-mudell soċjali Ewropew u tal-ekonomija soċjali tas-suq kif ukoll li dawk jingħataw attenzjoni kontinwa b’mod partikolari f’dan il-perjodu ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika fl-Ewropa.

4.4   F’dan ir-rigward, il-Kumitat japprova l-approċċ tal-Kummissjoni u jħeġġiġha sabiex tkompli twettaq il-ħidma li hemm bżonn favur ir-rikonoxximent tal-karatteristiċi partikolari tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali pereżempju fil-qasam tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat u dwar is-servizzi tas-suq tax-xogħol.

4.5   Il-Kumitat għadu konvint madanakollu li għadu indispensabbli li d-dispożizzjonijiet ta’ liġi primarja dwar is-SIĠ jiġu tradotti f’liġi settorjali u, jekk hemm bżonn, transsettorjali derivata.

4.6   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Komunikazzjoni messha tat iktar attenzjoni lis-servizzi ta’ interess ġenerali mill-qasam soċjali jew tas-saħħa. Huwa jitlob lill-Kummissjoni żżid il-ħidma tagħha biex tispeċifika l-kunċett tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali. Jeħtieġ li nsemmu wkoll li jista’ jkun hemm servizzi ta’ interess ġenerali oħra li l-Kummissjoni ma ssemmihomx, pereżempju fis-setturi tal-kultura, it-tagħlim, ix-xandir pubbliku eċċ. Bħall-Kummissjoni huwa jqis li s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali jaqdu rwol fundamentali fis-setturi bħas-saħħa, il-kura tat-tfal jew il-kura tal-anzjani, l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà, id-djar soċjali u s-suq tax-xogħol.

4.7   L-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri l-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali kif ukoll l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li f’din l-okkażjoni kisbet l-istess valur ġuridiku tat-Trattati, ħolqot il-kundizzjonijiet sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor flimkien l-inizjattivi għas-servizzi ta’ interess ġenerali f’dal-qasam. Il-Kumitat iqis li dan l-iżvilupp huwa pożittiv minkejja li jinnota li l-Komunikazzjoni ma tippreżentax l-approċċ koerenti u speċifiku li hemm bżonn fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ġenerali bħall-aċċess għas-suq tagħhom. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti konkreti f’dan ir-rigward.

4.8   L-Artikolu 14 tat-TFUE jagħti lill-UE l-kompetenza leġislattiva fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali b’mod partikolari d-definizzjoni permezz ta’ regolamentazzjoni tal-prinċipji u l-kundizzjonijiet, l-iktar ekonomiċi u finanzjarji li dawn is-servizzi jridu jirrispettawhom sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Skont il-Kumitat huwa ċar mill-kuntest tal-Artikolu li dan ma jirreferix għall-kundizzjonijet tas-servizz innifsu li huma stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali (f’dan il-kuntest b’awtoritajiet nazzjonali qed nifhmu l-awtorità ċentrali iżda anki l-awtoritajiet reġjonali u lokali) iżda l-kundizzjonijiet ġenerali, u settorjali fl-oqsma ta’ kompetenzi tal-Unjoni.

4.9   L-Artikolu jispeċifika li l-kompetenza tal-forniment, il-kummissjoni u l-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ġenerali hija tal-awtoritajiet nazzjonali u sottonazzjonali tal-Istati Membri. Il-Kumitat, anki fil-passat, iddefenda din il-pożizzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tkompli tiġbor l-għarfien dwar is-servizzi fil-livell nazzjonali sabiex tkun tista’ tevalwa l-applikazzjoni tar-regoli Ewropej.

4.10   Il-Kummissjoni tindika li hija ser tkompli teżamina l-opportunità ta’ reviżjoni tar-regolamentazzjoni settorjali eżistenti li tinkludi l-obbligi ta’ servizz universali. Il-Kumitat jixtieq li jirrimarka f’dan ir-rigward li huwa indispensabbli li din ir-reviżjoni kontinwa ssir abbażi ta’ dispożizzjonijiet ġodda tal-liġi primarja, il-bżonnijiet li qed jinbidlu tal-utenti u l-bidla teknoloġika u ekonomika u b’kooperazzzjoni mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili. Dan japplika b’mod partikolari meta qed jiġu eżaminati l-bżonnijiet fil-qasam tal-obbligi l-ġodda ta’ servizz universali f’setturi oħra. Il-Kumitat diġà fformula l-fehma tiegħu dwar dan f’opinjoni preċedenti (2).

4.11   Il-Protokoll 26, fl-Artikolu 1 jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li japplikaw għas-servizzi ekonomiċi ta’ interess ġenerali u fl-Artikolu 2 jistabbilixxi l-kompetenzi tal-Istati Membri tal-forniment, il-kummissjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi mhux ekonomiċi. Il-Kumitat iqis li l-Istati Membri l-ewwel li huma responsabbli mill-evalwazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2; l-uniku kompitu tal-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-iżbalji manifestati huwa li tiżgura li s-servizzi jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali stabbiliti mit-Trattati tal-UE.

4.12   Il-Kumitat japprezza t-tentattiv tal-Kummissjoni li tippreżenta preċiżjonijiet fir-rigward tal-kunċetti differenti użati fil-qafas tad-dibattitu dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. Madanakollu dawn mhumiex biżżejjed u ħafna drabi huma żbaljati. Hija ma tfissirx is-sinifikat tal-kunċett tas-“servizzi essenzjali” u r-rwol tagħhom fl-iskema ġenerali. Jeħtieġ li jiġi stabbilit ukoll jekk fil-verżjoni Olandiża tat-test il-kelma “onmisbaar” (indispensabbli) (paġna 3, it-tieni inċiż) hix l-ekwivalenti għal “essentieel” (essenzjali). Barra minn hekk, il-lista tal-obbligi speċifiċi ta’ servizz universali mhix sħiħa. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni nnifisha tagħti eżempju ta’ konfużjoni billi t-titolu u l-ewwel frażi tat-tieni linja jirreferu għas-servizzi “essenzjali” filwaqt li t-test sħiħ li jsegwi jitkellem dwar l-“obbligi tas-servizzi universali”. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrikorri għall-għajnuna tal-esperti sabiex tifformula b’mod ċar il-kunċetti fundamentali użati fil-qafas tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

4.13   Jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti jwasslu għal possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni differenti u dan ma jikkonċernax biss il-lista ta’ kunċetti fundamentali. Hawnhekk tqum pereżempju l-mistoqsija ta’ jekk il-kunċetti ta’ “aċċess universali”, “servizz universali”, “obbligi ta’ utilitajiet”, “obbligi tas-servizz pubbliku” u “missjoni ta’ servizz pubbliku” hux qed jirreferu għal xi ħaġa differenti meta jintużaw flimkien. Eżempju ta’ din il-konfużjoni huwa dan: fil-kaxxa tagħha dwar il-kunċetti bażiċi l-Kummissjoni tisħaq li hija tirrifjuta li tuża l-frażi servizzi pubbliċi iżda erba’ paragrafi wara titkellem dwar il-“kondizzjonijiet li jippermettu servizzi pubbliċi speċifiċi biex jilħqu l-missjonijiet tagħhom”.

4.14   Il-Kumitat jirrakkomanda għalhekk konsultazzjoni wiesgħa dwar dawn il-kwistjonijiet u jitlob li tiġi ppubblikata verżjoni riveduta ta’ glossarju li jispjega l-kunċetti kkonċernati b’mod li jistgħu jiġu evitati żbalji fl-interpretazzjoni. Huwa u jsir dan jeħtieġ li jitqiesu d-differenzi bejn is-sistemi soċjali fl-Istati Membri.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-Kumitat iqis li l-approċċ li adottat il-Kummissjoni hija u tfassal il-Komunikazzjoni tagħha, li jikkonsisti fit-tliet linji ta’ azzjoni msemmija f’punt 3.5, joffri qafas tajjeb bħala bażi għaż-żvilupp futur.

5.2   L-ewwel linja ta’ azzjoni għandha l-għan li tipprovdi iktar ċarezza u sigurtà legali fejn jidħlu r-regoli tal-UE li japplikaw għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-Kumitat iqis li dan huwa pożittiv u ilu snin jisħaq l-istess. Sfortunatament huwa jinnota li dan mhuwiex akkumpanjat minn proposti konkreti.

5.3   Fir-rigward tar-reviżjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna tal-Istat li tapplika għas-servizzi ta’ interess ġenerali, il-Kummissjoni diġà approvat jew ipproponiet dawn il-bidliet:

5.3.1

Komunikazzjoni ġdida li tindirizza b’mod iktar dettaljat il-problemi ta’ interpretazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

5.3.2

Żieda fin-numru ta’ servizzi soċjali li sakemm jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet huma eżenti mill-obbligu ta’ notifika ex ante u l-proċess ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni. Barra mill-isptarijiet u d-djar soċjali din il-lista tikkonsisti attwalment fis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jirrispondu għall-bżonnijiet soċjali fil-qasam tas-saħħa u l-kura fuq perjodu twil, il-kura tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u d-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għajnuna għall-gruppi vulnerabbli u l-inklużjoni soċjali tagħhom.

5.3.3

Studju iktar profond u mmirat tal-miżuri ta’ għajnuna li jistgħu jkollhom impatt kbir fuq it-tħaddim tas-suq intern.

5.3.4

Il-proposta għal regola ġdida de minimis speċifika għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li permezz tagħha l-appoġġ finanzjarju ma jkunx ikkunsidrat bħala għajnuna jekk l-ammont ma jaqbiżx EUR 500 000 fuq perjodu ta’ tliet snin. Għal ċerti setturi, u hawn il-Kummissjoni ssemmi t-trasport u x-xandir pubbliku, ser jibqgħu japplikaw regoli settorjali speċifiċi.

5.4   Fejn jidħlu proposti dwar ir-riforma tar-regoli dwar is-swieq pubbliċi u l-konċessjonijiet li tippreżenta l-Kummissjoni bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-prestazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, dawn huma l-elementi rilevanti:

5.4.1

Għas-servizzi soċjali u s-servizzi tas-saħħa huwa previst trattament speċifiku apparti iktar ħafif li jqis ir-rwol partikolari tagħhom u l-karatteristiċi speċifiċi. Ser japplikaw limiti ogħla għalihom u se jkollhom jikkonformaw biss mal-obbligi tat-trasparenza u trattament ugwali. Huwa mħeġġeġ ir-rikors għall-kriterju tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża” (skont il-Kummissjoni Ewropa, il-kunċett tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża” jkopri wkoll l-aspetti soċjali u ambjentali).

5.4.2

Hija żgurata iktar sigurtà ġuridika fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE japplikaw għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi. Dwar dan tissemma l-Opinjoni riċenti tal-Kumitat dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta’ konċessjoni.

5.5   Barra minn hekk, il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Gwidi b’mod partikolari jekk dawn jitfasslu bl-għajnuna tal-esperti rinomati bil-għan li jtejbu l-fehim u l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

5.6   Fit-tieni linja ta’ azzjoni dwar il-garanzija ta’ aċċess permanenti għas-servizzi essenzjali, il-Kummissjoni tfittex li żżomm bilanċ bejn il-bżonn li tiżdied il-kompetizzjoni u l-bżonn li tiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha jkomplu jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali ta’ kwalità għolja għall-prezzijiet affordabbli, kif spjegat diġà fil-White Paper tagħha tal-2004 dwar l-istess suġġett.

5.7   F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għal dawn l-eżempji ta’ servizzi essenzjali: is-servizzi tal-posta, is-servizzi bankarji, it-trasport pubbliku, l-enerġija u l-komunikazzjoni elettronika. B’referenza għall-punt 4.6, il-Kumitat jassumi li din il-lista mhijiex restrittiva. Huwa jqis li l-eżempji msemmija huma wkoll servizzi essenzjali li jridu jkunu affordabbli u li jagħtu lok għad-dritt tal-aċċess universali b’mod partikolari għall-persuni li jitolbu li jkunu mħarsa u appoġġjati, bħall-persuni b’diżabbiltà jew milquta mill-faqar u l-esklużjoni. Fil-każ ta’ kunflitt mar-regoli tal-kompetizzjoni, ikun l-interess ġenerali li jieħu preċedenza.

5.8   It-tielet linja ta’ azzjoni tikkonċerna l-promozzjoni tal-inizjattivi relatati mal-kwalità b’mod partikolari fil-każ tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali li għalihom qed tkompli tiżdied id-domanda fis-soċjetà u l-finanzjament tagħhom qed isir iktar problematiku minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja minn naħa u min-naħa l-oħra t-tixjiħ tal-popolazzjoni.

5.9   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jixtieq ifakkar li għadu qed jistenna l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-servizzi tas-saħħa li wegħdet li ser tipubblika b’rabta mas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali.

5.10   Fir-rigward tat-tielet linja ta’ azzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza erba’ inizjattivi bħala eżempju. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minn dawn l-erba’ diġà tnedew tliet inizjattivi. Konsegwentement, l-appoġġ tal-proġetti transnazzjonali ġodda li huwa pjanat mill-programm Progress m’għandux ikopri biss l-implimentazzjoni tal-oqfsa volontarji Ewropej għall-kwalità iżda anki r-riżultati li kisbu dawn il-proġetti.

5.11   Il-Kumitat jilqa’ l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni fuq il-fatt li l-kuntratti tal-akkwist pubbliku għandhom jingħataw “bl-inqas spiża għall-Komunità” u mhux neċessarjament lill-offerta bl-inqas prezz. Dan huwa partikolarment importanti għall-aħjar taħlita ta’ politika soċjali u servizzi tas-suq tax-xogħol, li għandhom influwenza sinifikanti fuq xulxin. Madanakollu, l-aspett soċjali tal-akkwist pubbliku jrid jissaħħaħ fis-soċjetà kollha kemm hi.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48 – 15/02/2011, pp. 77-80; ĠU C 128 – 18/05/2010, pp. 65-68; ĠU C 162 – 25/06/2008, pp. 42-45; OJ C 309 – 16/12/2006, pp. 135-141.

(2)  ĠU C 48 – 15/02/2011, pp. 77-80.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari”

COM(2011) 841 final

2012/C 229/19

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar is-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari

COM (2011) 841 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ r-Regolament propost u jappoġġja fuq kundizzjoni l-applikazzjoni usa’ tal-għarfien espert tal-UE fis-sikurezza nukleari għall-pajjiżi terzi.

1.2   Il-Kumitat jinnota li s-sorveljanza tal-ammont ta’ referenza finanzjarja sostanzjali ta’ EUR 631 miljun matul il-perjodu 2014-2020 ser issir mill-EuropeAid – id-DĠ tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni - u ser tkun ibbażata fuq regoli u proċeduri komuni għall-politiki kollha tal-għajnuna u l-iżvilupp. Il-Kumitat jistenna li dan iżid ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-konsistenza ma’ programmi oħra ta’ għajnuna.

1.3   Il-Kumitat jinnota li huwa ser jirċievi rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati, ir-riżultati prinċipali u l-impatti ta’ dan il-programm fuq l-għajnuna finanzjarja esterna tal-Unjoni kull sentejn, proċess li ser jibda fl-2016 u jistenna b’ħerqa l-impenn sħiħ f’ dan il-proċess ta’ skrutinju u reviżjoni. L-ippjanar f’waqtu tar-reviżjonijiet ta’ nofs it-term tal-programm għandhom jimmassimizzaw il-kapaċità li jintwerew ir-riżultati u mingħajr dubju ta’ xejn ser isiru f’kollaborazzjoni mal-programmi ġeografiċi/Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi msieħba.

1.4   Huwa nnotat li b’mod ġenerali l-fehmiet tas-soċjetà ċivili Ewropea fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġija nukleari jvarjaw b’mod konsiderevoli u dan l-element għandu jiġi rikonoxxut b’mod iktar ċar f’ċerti aspetti tar-Regolament.

1.5   B’mod partikolari, jeħtieġ li quddiem iċ-ċittadini tal-Ewropa, bħala dawk li jħallsu t-taxxi, jiġi ċċarat li l-maġġoranza tan-nefqa tal-programm ser tmur lejn ir-rimedjazzjoni u li parti żgħira biss tan-nefqa ser tintuża għall-programmi ta’ sikurezza nukleari fl-ekonomiji emerġenti fejn tista’ tiġi garantita l-istabbiltà politika u ċivili.

1.6   Għall-finijiet tal-għoti ta’ għajnuna lill-pajjiżi emerġenti, il-Kummissjoni għandha tipproponi konvenzjoni internazzjonali dwar il-kriterji u l-kundizzjonalità relatata mal-ħidma konsultattiva dwar is-sikurezza nukleari li għandha tiġi żviluppata bejn numru żgħir ta’ pajjiżi li huma kapaċi joffru dan it-tip ta’ konsulenza. Irrispettivament minn konvenzjoni bħal din, fl-Istrument għall-Kooperazzjoni għas-Sikurezza Nukleari għandhom jiġu implimentati kriterji ċari li jippermettu li tittieħed deċiżjoni dwar jekk pajjiż emerġenti:

jilħaqx il-kriterji minimi ta’ stabbiltà nazzjonali u internazzjonali

huwiex kapaċi jiggarantixxi l-installazzjoni tal-istruttura amministrattiva, xjentifika u teknika li hemm bżonn sabiex tiġi realizzata l-għażla nukleari

jistax b’mod sostenibbli joffri r-riżorsi finanzjarji, tekniċi u industrijali li hemm bżonn sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kompetenza regolatorja, jiġu żgurati l-mezzi kollha ta’ operazzjonijiet sikuri u jipprovdi programm sikur ta’ ġestjoni tal-iskart fuq perjodu twil.

1.7   Dawn il-kriterji m’għandhomx ikunu parti mill-anness tar-Regolament iżda inklużi fit-test prinċipali għax iħaddnu prinċipji ġenerali relatati mas-sikurezza nukleari internazzjonali, is-sikurezza tar-relazzjonijiet internazzjonali u s-sikurezza internazzjonali li huma ta’ sinifkat kbir.

1.8   Il-proġetti ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati f’pajjiż emerġenti jekk dan ikun parti tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali, il-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nuklear u l-Konvenzjoni Konġunta dwar il-ġestjoni responsabbli tal-iskart radjuattiv.

1.9   Huwa biss taħt ċirkustanzi eċċezzjonali relatati mal-assigurazzjoni tas-sikurezza li r-riżorsi għandhom jingħataw għall-akkwist tat-tagħmir tekniku. Il-kriterji għandhom jiġu żviluppati mill-Kummissjoni u jiġu rrappurtati. M’għandhiex tingħata assistenza lill-operaturi.

1.10   Għall-finijiet ta’ trasparenza huwa rakkomandat li jkunu disponibbli studji tal-każijiet tal-programm attwali kif ukoll li jittejbu l-preżentazzjoni u r-referenzi interni tas-sit tal-EuropeAid.

1.11   L-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (INSC) għandu jħeġġeġ u jevalwa l-kapaċità tal-istrumenti obbligatorji li jiġu stabbiliti fil-pajjiżi attivi f’ċirkustanzi fejn dawn jimplimentaw jew itejbu t-trattati, l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA).

1.12   Nirrakkomandaw b’mod partikolari l-inklużjoni tal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili fi stati benefiċjarji jew pajjiżi viċin tagħhom li jixtiequ jtejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-kultura tas-sikurezza nukleari permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi.

2.   Daħla

2.1   Minn żmien għal żmien kwistjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà nukleari lil hinn mill-Ewropa jispiċċaw fuq quddiem nett, b’mod partikolari pereżempju l-każijiet tat-Three Mile Island fl-1979, ta’ Chernobyl fl-1986 u ta’ Fukushima fl-2011. Inċidenti bħal dawn għandhom impatt globali u jiġbdu l-attenzjoni lejn il-konsegwenzi katastrofiċi ta’ disinn debboli, kultura ta’ sikurezza dgħajfa u sikurezza operattiva u qafas regolatorji inadegwati.

2.2   Fl-2010 kienu qed joperaw 441 reattur nukleari kummerċjali fi 30 pajjiż madwar id-dinja. Ħafna minnhom inbnew fis-snin sebgħin u tmenin u kellhom medja ta’ tul ta’ ħajja ta’ madwar 35 sena. 56 pajjiż ieħor joperaw reatturi simili ta’ riċerka ċivili. Bħalissa qed jinbnew iktar minn 60 reattur ieħor tal-enerġija nukleari u huma ppjanati iktar minn 150 oħra. Ser jinbnew reatturi ġodda primarjament fiċ-Ċina, l-Indja u r-Russja iżda possibbilment ukoll fix-Xlokk tal-Ażja, l-Amerka t’Isfel u l-Lvant Nofsani. Id-domanda għall-elettriku qed togħla bil-kbir u l-pajjiżi jistgħu jiddeċiedu li jespandu l-esportazzjoni tagħhom tal-enerġija nukleari li jiġġeneraw.

2.3   Irrispettivament minn jekk jiżviluppax “rinaxximent” nukleari jew le, sakemm ser ikunu qed joperaw l-impjanti nukleari, dejjem ser ikun hemm kwistjonijiet ta’ sikurezza nukleari sinifikanti li jista’ jkollhom impatt globali. L-UE għalhekk tqis li l-qasam tal-kwistjonijiet tas-sikurezza nukleari internazzjonli huwa qasam leġittimu li jikkonċernaha u li fih għandha tipparteċipa, b’mod partikolari billi mit-Trattat tal-Euratom tal-1957 ’l quddiem, l-Unjoni żviluppat riċerka u għarfien tekniku, operattiv u regolatorju fil-qasam. B’terz tal-kapaċità nukleari globali installata fl-Ewropa u l-iktar ammont ta’ esperjenza fir-reġimi regolatorji u ta’ sikurezza diversi u dinamiċi, l-Ewropa għandha ġabra ta’ għarfien sinifikanti fil-qasam. Id-diżastru ta’ Chernobyl kien stimula approċċ dinamiku u proattiv ta’ kooperazzjoni u disseminazzjoni fil-qasam tas-sikurezza nukleari hekk kif ħarġu fid-dieher traġikament id-dgħjufijiet potenzjali tar-reġimi ta’ sikurezza tal-pajjiżi terzi.

2.4   Mill-1991 ’l quddiem, bħala parti mill-programm TACIS tal-UE (Assistenza Teknika lill-Istati Indipendenti tal-Commonwealth) ingħata appoġġ sinifikanti fil-qasam tas-sikurezza nukleari lill-pajjiżi li mhumiex membri. L-appoġġ ingħata fil-qasam tal-analiżi tas-sikurezza; assistenza fuq il-post fl-impjanti tal-enerġija nukleari (NPPs) u f’ċerti każijiet provvista ta’ tagħmir li jtejjeb il-kontroll tat-tħaddim tal-impjanti; attivitajiet regolatorji u ta’ ċertifikazzjoni; u ġestjoni tal-iskart. Sar kontribut ukoll f’inizjattivi internazzjonali iktar mifruxa b’mod partikolari azzjoni f’Chernobyl. Ġew allokati madwar EUR 1,3 biljun f’għajnuna fil-qasam tas-sikurezza nukleari, b’mod partikolari fir-Russja u l-Ukraina u ftit inqas fl-Armenja u l-Kazakistan.

2.5   Mill-2007, l-INSC (1), li huwa dedikat speċifikament għall-promozzjoni u l-iżvilupp tas-sikurezza nukleari ħa post it-TACIS li ma kienx iktar limitat għall-pajjiżi li nħolqu b’riżultat tax-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika. L-INSC għandu baġit ta’ EUR 524 miljun għall-perjodu 2007-2013 u l-azzjonijiet finanzjarji dwar it-titjib tas-sikurezza nukleari, it-trasport,, it-trattament u r-rimi sikur tal-iskart radjuattiv, ir-rijabilitazzjoni ta’ dawk li qabel kienu siti nukleari u l-protezzjoni kontra r-radjazzjoni jonizzanti tal-materjal radjuattiv, it-tħejjija għall-emerġenzi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari.

2.6   L-UE taħdem mill-qrib mal-IAEA billi ħafna drabi tipprovdi l-finanzjament għall-programmi rakkomandati li kieku jibqgħu mingħajr fondi.

2.7   L-intenzjoni tal-pajjiżi terzi li jibnu l-kapaċità tal-enerġija nukleari tagħhom toħloq sfida kbira. Uħud minn dawn il-pajjiżi emerġenti mhux dejjem ikollhom strutturi politiċi stabbli u separazzjoni tas-setgħat, kontroll demokratiku, strutturi amministrattivi esperjenzati u għarfien espert fil-ġestjoni ta’ teknoloġiji ta’ riskju għoli. Li dawn il-pajjiżi jiġu mħeġġa b’mod indirett li jiżviluppaw teknoloġija nukleari billi l-programm nukleari tagħhom jakkwistaw impressjoni ta’ kredibbiltà mill-assistenza tal-UE jista’ joħloq riskji ġodda f’dik li hi sikurezza nukleari.

2.8   Apparti dan u irrispettivament minn kwalunkwe għan tal-pajjiżi terzi li jibnu l-kapaċità tagħhom tal-enerġija nukleari, il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-użu ċivili tal-enerġija nukleari huwa marbut mal-produzzjoni tal-plutonju jew materjali radjoattivi oħra u mal-iżvilupp tal-għarfien tekniku li jista’ joħloq theddid nukleari internazzjonali u jżid it-tensjonijiet internazzjonali. Dawn ir-riskji jistgħu jiżdiedu fil-pajjiżi terzi li mhumiex stabbli.

3.   Taqsira tar-Regolament propost

3.1   Ir-Regolament propost, li huwa verżjoni riveduta tar-Regolament tal-INSC tal-2007, fost elementi oħra jipprovdi għal reviżjoni tal-ambitu ġeografiku sabiex jibda jinkludi l-pajjiżi terzi kollha tad-dinja u jispeċifika l-prijoritajiet u l-kriterji ta’ kooperazzjoni. Ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tkun f’idejn il-EuropeAid – id-DĠ tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni b’kollaborazzjoni mad-DĠ tal-Azzjoni Esterna, id-DĠ tal-Enerġija u ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka. B’mod partikolari r-Regolament ser ikun soġġett għar-regoli u l-proċeduri komuni tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna (COM(2011) 842 final). Dan jipprovdi wkoll għal approċċ semplifikat ta’ implimentazzjoni lejn l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI), l-Istrument għall-Istabbiltà, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u l-Istrument ta’ Sħubija (PI).

3.2   Ir-Regolament jappoġġja l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari, protezzjoni mir-radjazzjoni u l-applikazzjoni ta’ salvagwardji effiċjenti u effettivi tal-materjal nukleari fil-pajjiżi terzi. Dan ikopri t-tħaffir tal-minjieri għall-fjuwil u kwistjonijiet ta’ ġestjoni, id-diżattivazzjoni u r-rimi tal-iskart – approċċ komprensiv. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-progress ser jiġi evalwat permezz ta’ reviżjoni bejn il-pari tal-IAEA, l-istatus tal-iżvilupp ta’ fjuwil użat, l-iskart nukleari u l-istrateġiji tad-diżattivazzjoni, il-qafas rispettiv leġiżlattiv u regolatorju u l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-għadd u l-importanza ta’ kwistjonijiet identifikati fir-rapporti rilevanti tal-IAEA dwar is-salvagwardji nukleari.

3.3   Ir-Regolament ifittex li jiżgura l-konsistenza fl-għanijiet ta’ politika tal-UE u miżuri oħra ta’ żvilupp tal-pajjiżi terzi permezz tal-formulazzjoni ta’ karti ta’ strateġija segwiti minn programmi indikattivi multiannwali li jkopru perjodu inizjali ta’ erba’ snin, segwiti minn perjodu sussegwenti ta’ tliet snin.

3.4   L-Anness jiddefinixxi l-miżuri speċifiċi appoġġjati u l-kriterji għall-kooperazzjoni, inkluż il-prijoritajiet li għalihom ser jintuża l-baġit ta’ EUR 631 miljun matul seba’ snin.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat jinnota l-proċess li permezz tiegħu żviluppaw il-programmi ta’ assistenza u kooperazzjoni fil-qasam tas-sikurezza nukleari matul dawn l-aħħar 20 sena. Ir-Regolament propost jibni fuq din it-tendenza u jipprova jiċċara l-fatt li s-sikurezza u mhux il-promozzjoni tal-enerġija nukleari hija l-għan prinċipali (COM(2011) 841 final, Anness-Kriterji - l-aħħar punt). Il-Kumitat jifhem li l-għan tal-programm mhuwiex li jħeġġeġ lill-pajjiżi emerġenti li jimplimentaw it-teknoloġija nukleari. Għalhekk għandu jiġi provdut b’mod iktar ċar bilanċ tan-nefqa ta’ programmi tal-INSC preċedenti u proposti. B’mod partikolari jkun jista’ jitnaqqas ċertu tħassib, jekk jiġi ċċarat li l-maġġoranza tan-nefqa tal-programm ser tmur lejn ir-rimedjazzjoni u minoranza żgħira tan-nefqa biss ser tmur għall-programmi dwar is-sikurezza nukleari fl-ekonomiji emerġenti.

4.2   Dan jirrikonoxxi wkoll il-possibbiltà li fil-fażijiet preċedenti tal-programm, ir-raġunament dominanti fir-rigward tas-sikurezza u l-appoġġ ta’ ċerti miżuri operattivi li jikkontribwixxu wkoll biex l-NPPs ikomplu jaħdmu b’mod sikur, ma kienx totalment ċar jew spjegat. L-esplojtazzjoni tal-enerġija nukleari għadha kwistjoni li taqsam l-opinjoni pubblika Ewropea filwaqt li t-tħeġġiġ tal-ogħla standards ta’ sikurezza huwa appoġġjat universalment.

4.3   Il-Kumitat jemmen li kwistjoni ta’ jekk l-impenn tal-UE permezz tal-INSC joffrix appoġġ taċitu u jekk iħeġġiġx programmi nukleari li għadhom fil-bidu b’mod partikolari f’ekonomija emerġenti li mhix stabbli, għadha ma ġietx indirizzata b’mod sħiħ. Il-Kumitat jifhem li l-finanzjament speċifiku tal-proġetti taħt l-INSC ser iseħħ biss taħt kundizzjonijiet rigorużi. Madanakollu, huwa jappoġġja djalogu u dibattitu inizjali dwar il-kwistjonijiet ta’ enerġija nukleari ma’ kwalunkwe pajjiż terz, mingħajr l-ebda kundizzjonalità.

4.4   Wieħed mill-għanijiet tal-UE għandu jkun li ma tikkontribwixxix għall-iżvilupp tal-kapaċità nukleari f’pajjiż terz fejn jistgħu jinħolqu riskji ġodda ta’ sikurezza nukleari jew theddid nukleari li jistgħu jolqtu s-sikurezza internazzjonali. Kriterji ta’ kwalifikazzjoni ġew suġġeriti f’punt 1.6. Billi tapplika l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari fl-Unjoni, l-UE jista’ jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fl-użu ċivili l-iktar sikur u sigur tal-enerġija nukleari fid-dinja.

4.5   Il-kontribut tal-programm tal-INSC lill-pajjżi b’bażi industrijali, xjentifika u ta’ riċerka iktar limitata u li jew għandhom jew beħsiebhom jistabbilixxu programmi kummerċjali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari u jilħqu l-kriterji minimi ta’ stabbiltà huwa meqjus ukoll ta’ valur u fl-interess pubbliku tal-UE. Bl-assoċjazzjoni mal-IAEA, huwa possibbli li l-appoġġ għall-aħjar prattika saħħaħ ir-reġimi tekniċi u regolatorji fil-pajjiżi terzi b’riżorsi iktar limitati. Madanakollu, jista’ jkun diffiċli li tinkiseb viżjoni ċara ta’ kif il-programmi tal-INSC attwali u futuri jiksbu dawn il-benefiċċji.

4.6   Għalhekk qed jiġi suġġerit li l-Kummissjoni tieħu iktar passi sabiex tiċċara r-rwol kruċjali tas-sikurezza fil-programm li jmiss tal-INSC. Dan jista’ jinvolvi l-pubblikazzjoni ta’ studju ta’ każijiet aċċessibbli mill-programm attwali, it-titjib tal-preżentazzjoni u r-referenza interna tas-sit tal-EuropeAid u b’mod ġenerali li jinkiseb profil ikbar għall-programm li huwa sostanzjali. Approċċ bħal dan jgħin it-trasparenza u jħeġġeġ ir-responsabbiltà. Billi dan ir-Regolament jappoġġja l-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ sikurezza nukleari qed jiġi suġġerit li jsiru referenzi eżemplari għal standards għolja bħal dawn, pereżempju l-Istqarrija ta’ WENRA dwar l-Għajnijiet ta’ Sikurezza għal Impjanti Nukleari Ġodda.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Ta’ min jinnota li d-Direttivi Ewropej dwar is-sikurezza nukleari, għall-kuntrarju tal-impressjoni li jista’ jagħti r-Regolament propost, ma fihomx standards tekniċi ta’ sikurezza u bl-istess mod l-obbligi tal-qafas regolatorju fihom biss xi rekwiżiti ġenerali b’konformità mal-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari.

5.2   Il-proposta tistqarr ukoll li hemm valutazzjoni komprensiva tas-sikurezza fl-UE. Madanakollu, “l-istress tests” huma biss valutazzjoni komplementari tas-sikurezza mingħajr kriterji tas-sikurezza li jirrispondu għall-mistoqsija ta’ “x’jiġri meta jfallu s-sistemi ta’ sikurezza”. Huwa rikonoxxut ukoll li l-proċess huwa limitat minħabba l-perjodu ta’ żmien estremament qasir impost. Minkejja dawn il-limiti, il-punti pożittivi tal-approċċ tal-UE lejn is-sikurezza nukleari huma bbażati fuq l-għan li jsiru l-istress tests bħala l-ewwel pass sabiex tkompli tevolvi u tittejjeb il-kultura tas-sikurezza u jiġu implimentati l-ogħla standards ta’ sikurezza nukleari. Il-konklużjonijiet interim mit-testijiet attwali tal-istress tal-NPPs Ewropej juru li għad hemm bżonn iktar tibdil, titjib u azzjoni statutorja. Dan għandu jiġi rifless fl-implimentazzjoni u l-ħidma konsultattiva tal-programm tal-INSC kemm jista’ jkun malajr.

5.3   Jeħtieġ li nikkunsidraw li l-UE, istituzzjonalment, għandha għarfien espert limitat fi kwistjonijiet nukleari u li l-proġetti tal-INSC jitwettqu l-iktar mill-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista’ tkun fil-pożizzjoni li toffri analiżi kritika u riflessjoni ta’ valur dwar id-diversità tal-istandards u l-prattiki Ewropej iżda hija għandha tfittex li tibni l-kapaċità interna u l-għarfien espert indipendenti tagħha.

5.4   Il-proposta tal-INSC tistqarr li l-għan tal-INSC huwa li telimina r-riskju nukleari iżda jeħtieġ li jiġi nnotat li, teknikament, bħall-eliminazzjoni tar-riskju fi kwalunkwe proċess industrijali kumpless, ma jistax jiġi garantit li dan l-għan ser jinkiseb, b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-inċidenti katastrofiċi nukleari. Jeħtieġ li jiġi kjarifikat li għan huwa l-prevenzjoni tal-inċidenti skont l-għola standards li jeżistu. Jeħtieġ li jiġi nnotat ukoll li l-konvinzjoni li r-riskju ġie eliminat fil-proċess ma tħeġġiġx kultura ta’ livell għoli tta’ sikurezza.

5.5   Il-Kummissjoni tipproponi missjonijiet tas-Servizz ta’ Reviżjoni Integrat tar-Regolamentazzjoni (IRRS) u tat-Tim Operattiv tal-Eżaminazzjoni tas-Sikurezza (OSART) bħala indikaturi iżda dawn jipprovdu biss valur limitat peress li mhumiex maħsuba għal għanijiet ta’ superviżjoni. Pereżempju, huma ma taw l-ebda protezzjoni kontra l-inċident ta’ Fukushima. Barra minn hekk, iż-żewġ tipi ta’ missjonijiet ma jimmirawx għall-istatus ta’ sikurezza nukleari tal-impjanti tal-enerġija nukleari (NPP). Is-superviżjoni internazzjonali tal-impjanti tal-enerġija nukleari tibqa’ kwistjoni kumplessa u kontroversjali.

5.6   Il-programmi tal-INSC għandhom iqisu wkoll, fejn adatt, li jħeġġu li jiġu stabbiliti strumenti obbligatorji fil-liġi tal-pajjiżi attiv f’ċirkustanzi fejn dawn itejbu t-trattati, l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA).

5.7   Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tar-Regolament jinnota li fil-konsultazzjoni pubblika li saret dwar l-azzjoni esterna, il-maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu appoġġaw enfasi aktar qawwija fuq sistemi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjonijiet għall-istrumenti futuri u għall-implimentazzjoni ta’ proġetti/programmi. Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-EuropeAid – id-DĠ tal-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni - minkejja li m’ilux stabbilit ser jibbaża lilu nnifsu fuq esperjenza u għarfien estensivi fil-qasam li, mingħajr l-ebda dubju, ser jiġu implimentati b’mod sħiħ.

5.8   Madanakollu, ninnutaw li l-lista ta’ miżuri speċifiċi appoġġjati ma tinkludix appoġġ tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili f’pajjiżi benefiċjarji jew barra minnhom, li jixtiequ jtejbu r-responsabbiltà u t-trasparenza tal-kultura tas-sikurezza nukleari permezz ta’ azzjonijiet speċifiċi. Dan huwa permess taħt l-Istrument għall-Istabbiltà u anke l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li l-programm tal-INSC jinkludi appoġġ bħal dan fil-miżuri permessi tiegħu.

5.9   Il-Kumitat jinnota li l-flessibbiltà li tinħoloq bil-ġbir tal-miżuri appoġġjati u l-kriterji ta’ kooperazzjoni fl-Anness, li hu stess jista’ jiġi modifikat skont il-proċedura ta’ eżami prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Komuni. Madanakollu, jeħtieġ li jitqies ukoll jekk il-kwistjonijiet prinċipali relatati mas-sikurezza u s-sigurtà nukleari internazzjonali għandhomx jiġu inklużi fil-korp prinċipali tar-Regolament.

5.10   Il-kriterji ta’ kooperazzjoni huma mfassla b’ċertu flessibbiltà. Il-Kumitat jilqa’ dan għall-pajjiżi kollha li għandhom impjanti tal-enerġija nukleari jaħdmu. Jista’ jkun adegwat ukoll li fi stadju esploratorju u preliminari ssir ħidma ma’ firxa wiesgħa ħafna ta’ pajjiżi terzi. Mhuwiex fl-aħjar interess tas-sikurezza tal-pubbliku Ewropew li jitpoġġew iktar kriterji restrittivi fuq liema pajjiżi jistgħu jkunu benefiċjari tal-INSC. Fir-rigward tal-pajjiżi li huma determinati li jieħdu l-ewwel passi fil-produzzjoni tal-eletrikku nukleari nemmnu li l-aċċess, l-għarfien espert, l-analiżi u l-pariri tal-UE jistgħu u għandhom ikunu applikati fejn hemm vantaġġi f’soċjetà ċivili organizzata, attiva u indipendenti. Madanakollu, għandha tingħata l-iktar attenzjoni lill-kwistjoni ta’ stabbiltà politika fuq perjodu twil u l-kapaċità li tiġi żgurata s-sikurezza tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba.

5.11   Il-Kumitat jissuġġerixxi għalhekk li jiġu definiti kundizzjonijiet minimi ta’ għajnuna fil-qafas tal-INSC u li tiġi żviluppata konvenzjoni internazzjonali dwar il-kundizzjonalità relatata mal-ħidma konsultattiva dwar is-sikurezza nukleari bejn l-UE u n-numru żgħir ta’ pajjiżi li huma kapaċi joffru dan it-tip ta’ konsultazzjoni (id-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sikurezza Nukleari tal-G8 u diskussjonijiet simili fl-IAEA u l-UE jistgħu jkunu punt tat-tluq).

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015”

COM(2012) 6 final

2012/C 229/20

Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015

COM(2012) 6 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 3 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel b’mod ġenerali mal-istrateġija dwar il-benessri tal-annimali ppreżentata mill-Kummissjoni billi jappoġġja l-aspirazzjoni leġittima tal-konsumaturi għas-sigurtà tal-ikel, kif jappoġġja wkoll strateġija Ewropea ta’ produzzjoni orjentata lejn il-kwalità.

1.2   Il-KESE jinnota li hemm il-problemi fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti, minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ għall-applikazzjoni tagħha u t-telf tal-kompetittività tal-produzzjonijiet tal-UE.

1.2.1   Hemm bżonn ta’ strumenti li jikkumpensaw għat-telf tal-kompetittività fit-trobbija tal-annimali fl-UE, peress li l-ispejjeż addizzjonali li ġġib magħha l-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali (EUPAW) mhumiex assorbiti mis-suq. Hemm il-biża’ li saħansitra jintilef sehem akbar kemm mis-suq intern kif ukoll mis-swieq tal-esportazzjoni. Ma saret l-ebda riflessjoni la dwar is-suq tax-xogħol u lanqas dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

1.2.2   Il-KESE għal darb’oħra jinsisti li l-prodotti importati kollha għandhom jirrispettaw l-istess standards ta’ produzzjoni imposti fuq il-produzzjonijiet tal-UE, billi jittieħed approċċ ta’ reċiproċità fil-ftehimiet kummerċjali.

1.3   It-taħriġ kontinwu fil-qasam tal-benessri tal-animali għall-operaturi, il-ħaddiema u l-awtoritajiet huwa parti essenzjali tal-istrateġija. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll fuq l-importanza li parti mill-fondi ta’ kooperazzjoni jingħataw għat-taħriġ dwar il-benessri fil-produzzjoni tal-annimali għall-awtoritajiet, l-intraprendituri u l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi.

1.4   L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE teħtieġ li jiġu adattati r-riżorsi finanzjarji sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jagħmlu l-investimenti neċessarji u jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali. Il-PAK għandha tikkomplementa din l-istrateġija billi tagħtiha l-importanza li jistħoqqilha.

1.5   Għandha titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni ffukata fuq it-tħassib tas-soċjetà, billi jitqiesu l-istudji u l-avvanzi xjentifiċi li saru f’dan il-qasam kif ukoll il-fehmiet differenti tal-produtturi, il-ħaddiema u l-konsumaturi. Il-komunikazzjoni ma tistax tkun ibbażata biss fuq it-tikkettar obbligatorju. Għandu jkun hemm programmi ta’ informazzjoni koerenti għall-konsumaturi biex jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet abbażi tal-akbar għadd ta’ elementi possibbli. Il-fondi għall-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari għandhom rwol ċentrali x’jaqdu biex is-setturi tal-produzzjoni jieħdu sehem attiv f’din il-ħidma.

1.6   Il-KESE huwa tal-fehma li n-netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-atturi soċjali kollha u tal-konsumaturi, u għandu rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-benessri tal-annimali:

a.

billi jikkoordina d-diversi ċentri ta’ riċerka fl-UE;

b.

billi jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni (żvilupp ta’ indikaturi prattiċi, taħriġ tal-operaturi, tal-ħaddiema u tal-awtoritajiet);

c.

billi jgħin fil-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamentazzjoni f’termini soċjoekonomiċi u ta’ kompetittività;

d.

billi jappoġġja l-miżuri ta’ informazzjoni u komunikazzjoni.

1.7   It-tisħiħ tal-aktar ħoloq dgħajfa fil-katina tal-ikel ser iservi biex l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-benessri tal-annimali jitqassmu b’mod aktar ġust, biex b’hekk tinżamm in-nisġa produttiva u l-iżvilupp taż-żoni rurali.

1.8   L-isforz ta’ min ifaħħru favur is-semplifikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma jaqbilx mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li twessa’ l-ambitu ta’ applikazzjoni għal aktar speċijiet u li tapprofondixxi r-regoli eżistenti.

2.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tfassal linji li fuqhom għandha timxi l-EUPAW, bi tkomplija tal-Pjan ta’ Azzjoni 2006-2010.

2.2   Id-dokument jgħid li l-UE wettqet sforzi sinifikanti fl-appoġġ tal-benessri tal-annimali. Jiġi nnutat li l-applikazzjoni tal-EUPAW mhijiex uniformi fl-Istati Membri kollha u li r-rekwiżiti obbligatorji ma ġewx implimentati fl-iskadenzi previsti. Madankollu, għandu jkun hemm riflessjoni dwar jekk approċċ “wieħed għal kulħadd” jistax iwassal għal riżultati aħjar ta’ benessri tal-annimali.

2.3   L-evalwazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali kkonkludiet li l-istandards tal-benessri tal-annimali imponew spejjeż addizzjonali fuq is-setturi tat-trobbija tal-annimali u dak tal-esperimenti.

2.4   Jiġi nnutat ukoll li d-deċiżjonijiet dwar ix-xiri li jieħdu l-konsumaturi huma determinati prinċipalment mill-prezz u li l-benessri tal-annimali huwa biss wieħed mill-fatturi li jiddeterminaw l-għażla tal-prodotti.

2.5   Id-dokument jgħid li l-leġislazzjoni teħtieġ semplifikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jindika li hemm bżonn jiġu indirizzati suġġetti bħall-kompetenza tal-persuni li jieħdu ħsieb annimali ta’ ċerti speċijiet jew is-sistemi ta’ produzzjoni u taħriġ tal-ispetturi u t-tekniċi tal-Istati Membri, u jinnota li l-leġislazzjoni dwar il-benessri jindirizzaw ċerti speċijiet u mhux oħrajn.

2.6   Fid-dawl ta’ dan, jiġu ppreżentati azzjonijiet strateġiċi maqsumin fuq żewġ linji:

is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha;

it-tisħiħ tal-azzjonijiet li ttieħdu diġà mill-Kummissjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-dokument ta’ strateġija inkwistjoni u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb l-aspetti li jistgħu jkunu ta’ kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE f’dan il-qasam.

3.2   Il-KESE jappoġġja l-aspirazzjoni leġittima tal-konsumaturi għas-sigurtà tal-ikel u jappoġġja wkoll strateġija Ewropea ta’ produzzjoni orjentata lejn il-kwalità. Madankollu, huwa jistieden lill-Kummissjoni tinnota li ż-żieda fl-ispejjeż li l-istrateġija għall-benessri tal-annimali timponi fuq il-produtturi rari li tiġi kkumpensata miż-żieda fil-prezz tal-bejgħ. Barra minn hekk, is-settur Ewropew tat-trobbija tal-annimali huwa żvantaġġat min-nuqqas ta’ reċiproċità fil-ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi.

3.3   Il-KESE jiddispjaċih li fil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni ma ssemmix b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, li fl-aħħar mill-aħħar huma dawk li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-annimali. Barra minn hekk, hemm bżonn titqiegħed enfasi qawwija fuq it-taħriġ kontinwu u l-ksib ta’ kompetenzi ġodda meħtieġa għall-bidliet li titlob il-proposta.

3.4   Il-KESE jilqa’ l-għan li l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-benessri tal-annimali tiġi semplifikata u li tittejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE. Minkejja dan, l-istrateġija ma tindirizzax b’mod adegwat xi punti importanti li joħorġu mir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u li għandhom jingħataw prijorità fis-snin 2012-2015.

3.5   Il-Kummissjoni tagħraf ċerti nuqqasijiet fir-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni u tal-EUPAW, u tindika dawk li tiddeskrivi bħala “l-mexxejja ewlenin komuni li jaffettwaw l-istatus tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni”; madankollu, ma tagħmilx analiżi fil-fond u għaldaqstant ma tressaqx soluzzjonijiet adegwati għall-problemi misjuba.

3.5.1   Jiġi nnutat li l-Istati membri ma japplikawx id-dispożizzjonijiet kompletament, minkejja l-iskadenzi transitorji twal u l-għajnuna li ngħataw. Madankollu, ma saritx analiżi kritika tar-realtà soċjoekonomika u produttiva fil-pajjiżi differenti tal-UE, iżda sempliċiment jissemmew “l-aspetti tal-apprezzament kulturali tal-benessri tal-annimali” bħala fattur li jiddistingwi bejn Stat Membru u ieħor. Fit-test, il-Kummissjoni ma ssemmix il-varjetà bejn is-sistemi tat-trobbija tal-annimali, id-domanda taċ-ċittadini, il-vantaġġi kummerċjali tal-applikazzjoni tal-istandards minimi tal-benessri tal-annimali jew l-għajnuna għall-adattament, li mhumiex l-istess fit-territorji differenti tal-UE.

3.5.2   Il-politika tal-benessri tal-annimali tal-UE għandha tkun orjentata aktar kemm lejn is-suq kif ukoll lejn is-sigurtà tal-konsumaturi. Huwa essenzjali li l-produtturi jiġu kkumpensati għall-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tagħhom, u li l-konsumaturi jkunu konxji tat-titjib u tal-isforzi tal-produtturi u tal-ogħla valur miżjud tal-prodotti li jsiru skont il-mudell Ewropew. Għandu jkun hemm ukoll bilanċ fil-katina tal-ikel li bħalissa ma jeżistix.

3.5.3   L-intenzjoni ddikjarata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li l-leġislazzjoni dwar il-benessri tal-annimali tiġi semplifikata tikkuntrasta mal-fatt li tissemma l-ħtieġa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni għal aktar speċijiet u li r-regoli eżistenti jiġu ddettaljati aktar. Fl-istrateġija ma ġietx inkluża r-rakkomandazzjoni tad-dokument ta’ valutazzjoni tal-EUPAW li jiġu esplorati alternattivi mhux leġislattivi sabiex tiġi kkompletata l-leġislazzjoni eżistenti, bħal ftehimiet bejn il-partijiet tas-settur jew bejn il-ħoloq differenti tal-katina ta’ valur, atturi soċjali u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u ammistrazzjonijiet, li jistgħu jwasslu għar-riżultati mixtieqa mingħajr ma jkomplu jiżdiedu l-piżijiet leġislattivi.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Il-baġit tal-UE għall-appoġġ tal-benessri tal-annimali (EUR 70 miljun/sena) jikkuntrasta bil-qawwi maċ-ċifri tal-investiment meħtieġ għall-implimentazzjoni tiegħu, u saħansitra aktar minn hekk jekk jitqiesu l-ispejjeż leġislattivi għas-settur tat-trobbija tal-annimali (EUR 2 800 miljun, skont il-valutazzjoni tal-EUPAW). Fl-istrateġija proposta m’hemmx miżuri konkreti u realistiċi li jindirizzaw iż-żieda fl-ispejjeż u n-nuqqas ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni.

4.2   Biex tittejjeb il-kompetittività tal-produtturi, għandhom jiġu ottimizzati s-sinerġiji tal-EUPAW mal-Politika Agrikola Komuni. Fil-PAK ta’ wara l-2013, l-UE għandha tadotta pożizzjoni bilanċjata dwar il-benessri tal-annimali. Għandu jiġi żgurat li dawk li jrabbu l-annimali u l-operaturi jkollhom aċċess għall-miżuri ta’ għajnuna b’baġit li jkun biżżejjed biex tiġi applikata l-EUPAW. Għandhom jitqiesu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ispejjeż addizzjonali għall-produtturi u għandu jiġi previst appoġġ suffiċjenti għad-dħul tagħhom permezz tal-politiki tal-prezzijiet u tas-swieq u/jew l-għajnuniet diretti.

4.3   Il-KESE jaqbel li hemm bżonn ta’ semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni. Jekk din issir b’mod adegwat, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-EUPAW. Sabiex dan jintlaħaq, fil-qafas tal-miżuri futuri fi ħdan l-EUPAW, hemm bżonn jiġi studjat l-impatt tal-miżuri ssuġġeriti, kif ukoll, fejn xieraq, ir-riskju tat-telf tan-nisġa produttiva li timplika kull miżura ssuġġerita u l-kumpensi meħtieġa f’każ li jiġu implimentati, billi jitqies il-valur li l-UE tagħti lis-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi.

4.4   L-inklużjoni ta’ indikaturi xjentifiċi bbażati fuq ir-riżultati u mhux fuq fatturi ta’ produzzjoni ser tippermetti s-semplifikazzjoni u l-flessibbiltà neċessarji biex tittejjeb il-kompetittività ta’ dawk li jrabbu l-annimali fl-UE, bil-kundizzjoni li jitqiesu l-implikazzjonijiet soċjoekomiċi u li dawn jirriflettu s-sitwazzjoni ġenerali tas-settur u mhux każijiet speċifiċi. L-indikaturi għandhom jiġu żviluppati bil-kollaborazzjoni tal-operaturi u għandhom ikunu sempliċi, prattiċi, faċli li jiġu applikati u m’għandhomx joħolqu spejjeż addizzjonali għal dawk li jrabbu l-annimali. Għandhom ikunu jistgħu jiġu applikati għall-ispeċijiet u s-sistemi ta’ produzzjoni differenti u jiġu interpretati u riprodotti faċilment (mhux soġġetti għall-perċezzjoni tal-bniedem rigward il-benessri tal-annimali).

4.5   Il-ħidmiet tal-proġett Welfare Quality huma interessanti bħala referenza, iżda l-indikaturi għall-benessri tal-annimali għandhom jittejbu u jiġu semplifikati biex ikunu jistgħu jiġu applikati mis-settur tat-trobbija tal-annimali. L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterji għandha tiġi armonizzata fl-Istati Membri differenti biex tiġi żgurata l-validità u l-vijabbiltà tal-applikazzjoni tagħhom fi kwalunkwe każ.

4.6   Sfida li din l-istrateġija trid tindirizza hija t-titjib tal-koordinazzjoni, it-traċċabbiltà, it-trasparenza u l-komunikazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali fl-UE, billi jiġu involuti l-amministrazzjonijiet, l-atturi soċjoekomiċi u l-konsumaturi; dan għandu jwassal għal għarfien u informazzjoni aħjar, u applikazzjoni korretta tar-regoli. Iċ-ċentri ta’ referenza jistgħu u għandhom jaqdu rwol ewlieni biex jintlaħaq dan il-għan. Apparti l-attivitajiet imsemmijin fil-Komunikazzjoni (appoġġ għall-awtoritajiet, taħriġ u tixrid), dawn għandhom ukoll jikkoordinaw, jimmonitorjaw u jaqsmu l-informazzjoni. Għandhom ukoll jintużaw l-istrutturi eżistenti sabiex ma jinħolqux spejjeż addizzjonali.

4.7   Iċ-ċentri ta’ referenza għandhom ikunu jistgħu wkoll jagħtu pariri u jivvalutaw l-applikazzjoni fil-prattika tal-leġislazzjoni dwar il-benessri tal-annimali. Ir-riċerka xjentifika għandha tingħaqad mar-riċerka applikata biex isiru rakkomandazzjonijiet. Fid-dawl tal-ħidma li twettqet diġà mill-bord xjentifiku tad-DĠ SANCO u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-saħħa u l-benessri tal-annimali (AHAW), dan in-netwerk għandu jikkoordina l-ittestjar ta’ tekniki ġodda u jivvaluta l-impatt tal-istandards tal-benessri tal-annimali. L-operaturi tas-settur jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għar-riċerka applikata. Huma għandu jkollhom rwol importanti rigward il-prijoritajiet leġislattivi u ta’ riċerka b’finanzjament mill-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali.

4.8   Il-valutazzjoni tal-EUPAW tirrakkomanda li jiġi żviluppat pjan ta’ impenji mal-partijiet interessati għal kull aspett tal-politika tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u li, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, tiġi valutata l-ħtieġa li jiġu żviluppati forom ġodda ta’ impenji fuq tul ta’ żmien. Hemm bżonn jiġu stabbiliti pjani ta’ direzzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi affettwati, sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni progressiva tar-regoli fiż-żmien impost b’mod obbligatorju u tiġi faċilitata l-koordinazzjoni minn qabel u s-soluzzjoni tal-problemi. Għandhom jiġu inklużi wkoll il-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ kontroll ex-post, kif ukoll it-taħriġ u l-għoti ta’ informazzjoni lill-operaturi u lill-persuni responsabbli fl-Istati Membri għall-implimentazzjoni adegwata tar-regoli.

4.9   L-appoġġ għall-kooperazzjoni internazzjonali huwa essenzjali għat-titjib tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-UE. Għal dan il-għan għandhom jiġu definiti miżuri konkreti fl-istrateġija 2012-2015 biex jiġi żgurat li l-benessri tal-annimali jiġi inkluż fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali li tinnegozja l-UE u fi ħdan id-WTO. Sadanittant, għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

4.9.1   Ir-rapport ta’ valutazzjoni jindika li jridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ għajnuna għas-setturi tal-UE li huma l-aktar vulnerabbli għall-importazzjonijiet jew għat-telf probabbli ta’ sehem mis-suq, b’mod partikolari s-settur tal-bajd u tal-prodotti tal-bajd. Ir-rapport ta’ valutazzjoni ma jipproponix soluzzjonijiet għat-telf tal-kompetittività rigward l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jilħqux l-istess standards ta’ produzzjoni bħal dawk tal-UE.

4.9.2   L-UE għandha tagħti parti mill-fondi ta’ kooperazzjoni għat-taħriġ dwar il-benessri fil-produzzjoni tal-annimali għall-awtoritajiet, l-intraprendituri u l-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi.

4.10   Għandha titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni li tkopri l-punti msemmijin fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-EUPAW. L-istrateġija għandha tinkludi pjan serju u oġġettiv ta’ taħriġ, informazzjoni u komunikazzjoni, li jibda diġà fl-iskejjel sabiex kemm il-konsumaturi tal-lum kif ukoll dawk ta’ għada jkunu jafu dwar l-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali li timponi l-EUPAW, billi nibdew bil-leġislazzjoni eżistenti. Permezz ta’ dan, huma ser ikunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ xiri bbażati fuq informazzjoni eżatta dwar il-benessri tal-annimali.

4.10.1   Huwa essenzjali li sorsi rigorużi u rikonoxxuti (bħan-netwerk taċ-ċentri ta’ referenza) jikkollaboraw flimkien f’dawn il-ħidmiet sabiex il-konsumatur jagħraf u japprezza l-vantaġġi tal-EUPAW u jkun infurmat ukoll dwar l-ispejjeż ta’ produzzjoni li jirriżultaw mill-mudell Ewropew.

4.10.2   L-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-benessri tal-annimali m’għandhiex tkun limitata għat-tikkettar jew għar-reklamar tal-prodotti, iżda għandha titwessa’ għal kampanji ta’ informazzjoni mwettqa minn organizzazzjonijiet settorjali u istituti biex jiġu komunikati l-isforzi mwettqa u l-impatt tal-ispejjeż ta’ produzzjoni. Il-mekkaniżmi u l-fondi għall-promozzjoni tal-prodotti agroalimentari fis-suq intern huma strumenti ideali biex tinxtered l-informazzjoni dwar l-EUPAW.

4.11   Apparti l-miżuri mniżżlin fil-proposta tal-Kummissjoni, għandhom jitqiesu miżuri daqstant ieħor importanti li jinsabu fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-EUPAW, li jsemmi l-iżgurar ta’ żieda adegwata fil-finanzjament tal-EUPAW matul il-perjodu li jmiss, b’konformità mal-ħtiġijiet li qed jikbru ta’ din il-politika, u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet identifikati f’dan ir-rapport ta’ valutazzjoni. Dawn jinkludu l-għajnuna għat-twettiq fil-prattika u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida.

4.11.1   L-effett negattiv tal-politika dwar il-benessri tal-annimali fuq il-kompetittività huwa wieħed mill-ikbar ostakli għall-applikazzjoni tar-regoli u għaż-żamma tat-tkabbir u tal-impjiegi f’żoni rurali, speċjalment minħabba d-diffikultà tal-produttur biex jittrasferixxi l-ispejjeż ta’ produzzjoni addizzjonali (u l-valur miżjud) fil-ħoloq suċċessivi tal-katina tal-ikel. L-istrateġija ma tikkunsidrax modi kif jistgħu jissolvew il-problemi fil-funzjonament tal-katina tal-ikel, u lanqas l-impatt negattiv tar-regoli fuq il-kompetizzjoni ta’ kanali jew swieq li mhumiex għall-bejgħ bl-imnut (catering, industrija, esportazzjoni).

4.11.2   Rigward il-fondi ta’ żvilupp rurali, il-kwistjonijiet ċentrali huma:

iż-żieda fil-finanzjament għall-benessri tal-annimali fil-programmi ta’ żvilupp rurali (kemm għall-investimenti kif ukoll għaż-żieda tal-ispejjeż operattivi);

il-faċilitazzjoni tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regoli obbligatorji tal-benessri tal-annimali permezz ta’ għajnuniet stabbiliti mill-UE fi ħdan il-PAK, u li huma obbligatorji għall-Istati Membri.

4.11.3   Barra minn hekk, għandu jkun hemm koerenza bejn il-politika tal-benessri tal-annimali u dik tal-ambjent, tas-saħħa tal-annimali u tas-sostenibbiltà, inkluża l-kompetittività, li għandhom ikunu marbutin flimkien mill-qrib, mingħajr ma jintesew il-vantaġġi għall-konsumaturi, il-ħaddiema u l-intraprendituri. Dawn il-punti għandhom jiġu inklużi fid-dokument tal-istrateġija.

4.12   Meta titqies ir-rieda ta’ semplifikazzjoni espressa fl-istrateġija 2012-2015, kif ukoll l-intenzjoni li titfassal regolamentazzjoni li tiġbor fiha l-istandards bażiċi għall-benessri tal-annimali ta’ speċijiet u sistemi ta’ produzzjoni differenti, bħalissa ma jaqbilx li jiġu żviluppati linji leġislattivi ġodda jew li jiġu żviluppati dawk eżistenti sakemm ma tittiħidx deċiżjoni dwar it-triq li għandha tittieħed u jekk din it-triq għandhiex tinkludi l-annimali tal-ilma jew speċijiet oħra.

4.13   Dwar il-kwistjoni sensittiva tat-tbiċċir ritwali, il-Kumitat jixtieq jieħu din l-okkażjoni biex itenni l-pożizzjoni li esprima fl-opinjoni tiegħu (1) li kienet tgħid li d-deroga fil-każ tat-tbiċċir ritwali mhijiex koerenti mal-għan ġenerali (tat-titjib tal-protezzjoni tal-annimali). Teknoloġija innovattiva bħall-apparat għall-monitoraġġ tal-assigurazzjoni tal-isturdament jippermetti lil dawk kollha li jixtiequ jbiċċru bi sturdament elettriku minn qabel b’konformità mar-regoli tal-Halal, li jimmonitorjaw bir-reqqa l-ammont ta’ qawwa elettrika li jingħata lill-annimal. Dan jiżgura li l-annimal ikun tabilħaqq stordut imma jkun għadu ħaj qabel it-tbiċċir. L-apparat għall-monitoraġġ jirreġistra kull sturdament li jitwettaq u l-vultaġġ li jingħata lill-annimal. Dan għandu kontribut reali x’jagħti lill-benessri tal-annimali. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tikkettar li tindika l-metodu ta’ tbiċċir tinkoraġġixxi l-użu tal-apparat għall-monitoraġġ tal-assigurazzjoni tal-isturdament. Huwa importanti li l-Kummissjoni tappoġġja b’mod attiv ir-riċerka ta’ sistemi li jikkonvinċu lill-gruppi reliġjużi jirrikorru għall-isturdament.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 218 tal-11.09.2009, p. 65.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut”

COM(2011) 888 final — 2011/0434 (COD)

2012/C 229/21

Relatur: is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti miżuri fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut

COM(2011) 888 final — 2011/0434 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur, l-ebda vot kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel perfettament mal-proposta għal Regolament u fl-istess ħin jifraħ lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni tagħha li tippreżentaha u jħeġġiġha tapplikaha b’mod strett.

1.2   Il-KESE jqis li l-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli huma definiti b’mod ċar. Madankollu jqis li l-kundizzjoni espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1)(b) għandha tinkiteb hekk: “iwasslu għal attivitajiet tas-sajd li jwasslu l-istokk taħt il-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, jew li jimpedixxu lill-istokk milli jilħaq dawk il-livelli, (…).”

2.   Sfond

2.1   Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (United Nations Convention on the Law of the Sea – UNCLOS) u l-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Transżonali u Stokkijiet ta’ Ħut Ferm Migratorju tal-4 ta’ Awwissu 1995, magħruf bħala l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut, jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-pajjiżi kollha li l-flotot tagħhom jisfruttaw dak l-istokk.

2.2   Il-kooperazzjoni għandha tiġi stabbilita fil-qafas tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (regional fisheries management organisations – RFMOs).

2.3   Meta l-RFMOs ma jkollhom l-ebda kompetenza għall-istokk inkwistjoni, din il-kooperazzjoni għandha tiġi stabbilita permezz ta’ ftehimiet ad hoc bejn il-pajiżi li għandhom interess fis-sajd.

3.   Introduzzjoni

3.1   Il-proposta għal Regolament hija indirizzata għal dawk il-pajjiżi li, waqt li għandhom interess f’sajd li jinvolvi stokkijiet ta’ interess komuni għal dawk il-pajjiżi u għall-Unjoni, iwettqu, mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għall-mudelli tas-sajd eżistenti u/jew għad-drittijiet, id-doveri u l-interessi tal-Istati l-oħra u dawk tal-Unjoni, attivitajiet tas-sajd li jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-istokk u ma jikkooperawx mal-Unjoni fil-ġestjoni tiegħu.

3.2   Bil-għan li tiġi promossa l-kontribuzzjoni ta’ dawk il-pajjiżi lejn il-konservazzjoni tal-istokk, il-proposta għal Regolament tistabbilixxi l-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni.

3.3   Il-qafas għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri huwa stabbilit bil-għan li tiġi garantita s-sostenibbiltà fit-tul ta’ stokkijiet ta’ ħut ta’ interess komuni bejn l-Unjoni Ewropea u dawk il-pajjiżi terzi.

3.4   Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-proposta tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bihom pajjiż jippermetti sajd mhux sostenibbli, id-dritt tiegħu li jippreżenta l-kummenti tiegħu u l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri korrettivi, il-valutazzjoni tal-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali tal-miżuri qabel ma jiġu adottati u t-twaqqif rapidu ta’ dawn il-miżuri meta l-pajjiż inkwistjoni jkun adotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-istokk ta’ interess komuni.

3.5   Peress li l-UE hija suq profittabbli ta’ destinazzjoni għal prodotti tas-sajd, hija għandha responsabbiltà partikolari li tiżgura li jiġi rispettat l-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi. Għalhekk il-proposta għal Regolament tistabbilixxi miżuri kummerċjali rapidi u effikaċi kontra l-Istati responsabbli għall-miżuri u prattiċi li jipprovokaw l-isfruttar żejjed tal-istokkijiet.

3.6   Għal dan il-għan tipproponi restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ ħut maqbuda minn bastimenti li jeżerċitaw attivitajiet ta’ sajd fuq stokk ta’ interess komuni taħt ir-responsabbiltà ta’ pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli, bħall-provvista ta’ servizzi tal-port lil dawn il-bastimenti, ħlief f’każijiet ta’ urġenza imperattiva. Bl-istess mod tipproponi li jiġi evitat li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew it-tagħmir tas-sajd tal-Unjoni jkunu jistgħu jintużaw sabiex jiġi sfruttat l-istokk ta’ interess komuni taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli.

3.7   Il-proposta tiddefinixxi t-tip ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali għall-adozzjoni tagħhom sabiex ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, profitabbli u kompatibbli mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

3.8   Barra minn hekk, u sabiex tiġi żgurata azzjoni effettiva u koerenti tal-Unjoni, tqis il-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

3.9   Fl-aħħar, bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni tqis li għandha tiġi attribwita setgħat ta’ implimentazzjoni, u li dawn għandhom jiġu eżerċitati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu għall-proċedura ta’ eżaminazzjoni b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

3.10   Għal raġunijiet ta’ urġenza, id-deċiżjonijiet dwar jekk il-miżuri għandhomx jieqfu milli jkomplu japplikaw għandhom jiġu adottati bħala atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament anke b’konformità mar-Regolament imsemmi hawn fuq.

3.11   Il-KESE jaqbel totalment mal-miżuri għall-azzjoni stabbiliti fil-proposta għal Regolament.

4.   Analiżi tal-proposta u kummenti tal-Kumitat

4.1   Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

4.1.1   Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi l-qafas għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri rigward l-attivitajiet u l-politiki relatati mas-sajd minn pajjiżi terzi bil-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul ta’ stokkijiet ta’ ħut ta’ interess komuni bejn l-Unjoni Ewropea u dawk il-pajjiżi terzi.

4.1.2   Għalhekk, u b’konformità mal-UNCLOS, din tapplika għal kwalunkwe stokk ta’ ħut li s-sostenibbiltà fit-tul tiegħu hija ta’ interess komuni bejn l-Unjoni Ewropea u dawk il-pajjiżi terzi u li l-ġestjoni tiegħu hija garantita permezz tal-azzjoni konġunta tagħhom.

4.1.3   Il-miżuri adottati skont il-proposta jistgħu jiġu applikati fil-każijiet kollha fejn il-kooperazzjoni mal-Unjoni tkun meħtieġa fil-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet ta’ interess komuni, inkluż fejn dik il-kooperazzjoni sseħħ fil-kuntest ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd jew xi korp simili.

4.2   Pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

4.2.1   Pajjiż terz jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli meta:

4.2.1.1

ma jikkooperax mal-Unjoni fil-ġestjoni ta’ stokk ta’ interess komuni, b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiett tal-UNCLOS imsemmija fil-punt 2.1 ta’ dan l-abbozz ta’ opinjoni, u

4.2.1.2

ikun naqas milli jadotta miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd, jew

4.2.1.3

ikun adotta dawn il-miżuri mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet, l-interessi u d-doveri ta’ oħrajn, inkluża l-Unjoni Ewropea, u dawk il-miżuri ta’ ġestjoni tas-sajd iwasslu għal attivitajiet tas-sajd li jwasslu l-istokk taħt il-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, meta kkunsidrati flimkien mal-miżuri meħuda mill-Unjoni b’mod awtonomu jew b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn.

4.2.1.4

Il-livelli ta’ stokk li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli jiġu ddeterminati abbażi tal-aħjar rapporti disponibbli.

4.2.2   Il-KESE jqis li l-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli huma definiti b’mod ċar. Madankollu jqis li l-kundizzjoni espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1)(b) għandha tinkiteb hekk: “iwasslu għal attivitajiet tas-sajd li jwasslu l-istokk taħt il-livelli li jistgħu jipproduċu rendiment massimu sostenibbli, jew li jimpedixxu lill-istokk milli jilħaq dawk il-livelli, (…).”

4.3   Miżuri li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli

4.3.1   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-miżuri li ġejjin fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi:

4.3.1.1

tidentifika l-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli;

4.3.1.2

tidentifika, fejn ikun meħtieġ, il-bastimenti jew flotot speċifiċi li għalihom japplikaw ċerti miżuri;

4.3.1.3

timponi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħut jew prodotti ta’ ħut magħmula minn jew li fihom tali ħut, li joriġinaw mill-istokk ta’ interess komuni u li nqabdu taħt il-kontroll tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli; din il-projbizzjoni tinkludi l-importazzjonijiet fl-Unjoni li ġejjin minn kwalunkwe pajjiż ieħor ta’ ħut jew prodotti ta’ ħut li ġejjin mill-istokk ta’ interess komuni;

4.3.1.4

timponi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħut ta’ kwalunkwe speċi assoċjata, u prodotti ta’ ħut magħmula minn jew li fihom tali ħut, meta jinqabdu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt preċedenti; barra minn hekk, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ speċijiet assoċjati waqt li jkun qiegħed isir sajd fuq l-istokk ta’ interess komuni mill-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli hija estiża għal kwalunkwe pajjiż ieħor;

4.3.1.5

timponi restrizzjonijiet fuq l-użu tal-portijiet tal-Unjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiż li jippermetti sajd mhux sostenibbli għall-istokk ta’ interess komuni u minn bastimenti li jittrasportaw ħut u prodotti ta’ ħut li joriġinaw mill-istokk ta’ interess komuni li nqabdu minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiż inkwistjoni jew minn bastimenti awtorizzati minnu sabiex iwettqu dan is-sajd filwaqt li jtajru bandiera oħra; dawn ir-restrizzjonijiet ma jiġux applikati fil-każ ta’ force majeure jew ta’ diffikultajiet gravi, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS għal dawn il-każijiet, u biss għas-servizzi strettament neċessarji sabiex jiġu rimedjati dawn is-sitwazzjonijiet;

4.3.1.6

tipprojbixxi x-xiri mill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni ta’ kwalunkwe bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ dawn il-pajjiżi;

4.3.1.7

tipprojbixxi lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jibdlu l-bandiera tagħhom għal waħda minn dawk il-pajjiżi;

4.3.1.8

tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kiri ma’ operaturi ekonomiċi minn dawk il-pajjiżi;

4.3.1.9

tipprojbixxi l-esportazzjoni lejn dawk il-pajjiżi ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri jew ta’ tagħmir jew provvisti tas-sajd meħtieġa għas-sajd tal-istokk ta’ interess komuni;

4.3.1.10

tipprojbixxi l-ftehimiet kummerċjali privati bejn ċittadini ta’ Stat Membru u ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli sabiex bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jkun jista’ juża l-possibbiltajiet ta’ sajd li għandhom dawn il-pajjiżi; u

4.3.1.11

tipprojbixxi l-operazzjonijiet tas-sajd konġunti ta’ bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru u bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dawk il-pajjiżi.

4.3.2   Il-KESE jqis li, ilkoll flimkien, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw li l-pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli jieqfu jagħmlu dan. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li dawn il-miżuri huma l-aktar effettivi li l-UE tista’ tadotta. Għalhekk, filwaqt li jifraħ lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha sabiex tressaq din il-proposta għal Regolament, li twessa’ u tiżviluppa l-miżuri stabbiliti fir-Regolament dwar is-sajd illegali, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li din tiġi infurzat strettament u mmonitorjata b’mod ġust. Il-Kumitat iwissi wkoll li, anke jekk isiru appelli quddiem l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji, m’għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar l-applikazzjoni kontinwa ta’ dan ir-Regolament, peress li huwa permezz tiegħu li s-sostenibbiltà fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut ta’ interess komuni tal-UE u tal-pajjiżi terzi tista’ tiġi garantita.

4.4   Rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw il-miżuri adottati skont din il-proposta għal Regolament

4.4.1   Ir-rekwiżiti ġenerali huma:

4.4.1.1

li l-miżuri adottati għandhom dejjem ikunu relatati mal-konservazzjoni tal-istokk ta’ interess komuni, b’rabta mar-restrizzjonijiet fuq is-sajd minn bastimenti tal-Unjoni jew fuq il-produzzjoni jew il-konsum fi ħdan l-Unjoni applikabbli għall-ħut u għall-prodotti tal-ħut magħmula minn jew li jkun fihom tali ħut, tal-ispeċi li għalihom ġew adottati l-miżuri skont dan ir-Regolament; dawn ir-restrizzjonijiet, f’każ ta’ speċijiet assoċjati, jistgħu jiġu applikati biss meta dawn jinqabdu fil-kuntest ta’ sajd tal-istokk ta’ interess komuni;

4.4.1.2

li l-miżuri adottati jkunu kompatibbli mal-obbligi imposti mill-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti kontraenti għalihom u kwalunkwe standard rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali;

4.4.1.3

li l-miżuri adottati jqisu l-miżuri diġà meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 dwar is-sajd illegali;

4.4.1.4

li l-miżuri adottati ma jkunux mezz ta’ diskriminazzjoni bejn pajjiżi fejn jipprevalu l-istess kundizzjonijiet, u li dawn il-miżuri ma jkunux ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ internazzjonali, u

4.4.1.5

li l-Kummissjoni tevalwa l-effetti ambjentali, kummerċjali, ekonomiċi u soċjali ta’ dawk il-miżuri meta dawn jiġu adottati.

4.4.1.6

Il-miżuri adottati għandhom jipprevedu sistema xierqa għall-infurzar tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti.

4.4.2   Il-KESE jqis li dawn ir-rekwiżiti huma loġiċi u għalhekk jaqbel magħhom.

4.5   Rekwiżiti qabel jiġu adottati l-miżuri

4.5.1   Meta jkun neċessarju li jiġu adottati miżuri b’konformità mal-proposta, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiż inkwistjoni minn qabel, waqt li tinfurmah bir-raġunijiet u tiddeskrivi l-miżuri li jistgħu jittieħdu b’konformità ma’ dan ir-Regolament. Fl-istess ħin tinnotifikah li qabel ma jittieħdu l-miżuri, il-pajjiż ser jingħata biżżejjed ħin sabiex jirrispondi bil-miktub u jirremedja s-sitwazzjoni.

4.6   Perjodu ta’ implimentazzjoni tal-miżuri

4.6.1   Il-miżuri adottati jieqfu japplikaw meta l-pajjiż ikkonċernat jadotta l-miżuri korrettivi adegwati maqbula mal-Unjoni u, fejn applikabbli, ma’ pajjiżi oħra kkonċernati, jew meta ma jixxekkilx l-effett tal-miżuri meħuda mill-UE b’mod awtonomu jew b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn dwar il-konservazzjoni tal-istokkijiet ta’ ħut ikkonċernati.

4.6.2   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi jekk intlaħqitx konformità mal-kundizzjonijiet maqbula mal-pajjiż u għandha tiddeċiedi li l-miżuri adottati jieqfu milli jkomplu japplikaw.

4.6.3   Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, relatati mat-taqlib soċjali jew ekonomiku mhux previst, il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli sabiex tiddeċiedi li l-miżuri adottati jieqfu milli jkomplu japplikaw.

4.6.4   Sabiex dan ir-Regolament jiġi applikat korrettament, il-Kummissjoni ser tkun assistita minn kumitat b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri.

4.6.5   Il-KESE japprova l-mod previst biex il-miżuri adottati ma jibqgħux japplikaw u jqis li l-applikazzjoni immedjata għal raġunijiet ta’ urġenza, l-iktar fil-każ tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, hija loġika.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/60/CE u 2008/105/CE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma”

COM(2011) 876 final — 2011/0429 (COD)

2012/C 229/22

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE

Nhar l-14 ta’ Frar u t-22 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma

COM(2011) 876 final – 2011/0429 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 135 vot favur, 15-il vot kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjoni l-abbozz ta’ direttiva attwali peress li dan iwessa’ l-lista tas-sustanzi ta’ prijorità u dik tas-sustanzi perikolużi ta’ prijorità, filwaqt li jinkludi l-opzjoni l-aktar komprensiva proposta fl-analiżi ta’ impatt (1).

1.2   Il-KESE jappoppja l-mekkaniżmu l-ġdid propost mill-Kummissjoni biex iforniha b’informazzjoni ta’ monitoraġġ immirata u ta’ kwalità għolja dwar il-konċentrazzjoni tas-sustanzi fl-ambjent akkwatiku, b’attenzjoni fuq sustanzi li jniġġsu u sustanzi emerġenti li għalihom id-dejta ta’ monitoraġġ disponibbli mhijiex ta’ kwalità biżżejjed għall-iskop ta’ valutazzjoni tar-riskju. Il-KESE huwa tal-fehma li dan il-mekkaniżmu l-ġdid għandu jippromovi l-ġabra ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni fil-baċini tax-xmajjar kollha fl-UE u jippermetti biex l-ispejjeż ta’ sorveljanza jinżammu f’livell raġonevoli.

1.3   Madankollu l-KESE jirrakkomanda li ma’ dan l-abbozz ta’ direttiva jiġu inklużi analiżijiet speċifiċi dwar is-suġġetti li għad mhemmx fehim sħiħ dwarhom, imqar bħala prova.

i.

In-nanopartiċelli u b’mod partikolari l-interazzjoni tagħhom mas-sustanzi ta’ prijorità, peress li hemm għadd dejjem jiżdied ta’ mistoqsijiet dwar dan is-suġġett – imqajma mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2).

ii.

L-effetti tal-kombinazzjonijiet kimiċi ta’ sustanzi preżenti fl-ilmijiet interni, peress li dawn il-kombinazzjonijiet jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent akkwatiku anki b’konċentrazzjonijiet dgħajfa ħafna ta’ sustanzi kimiċi.

1.4   Il-KESE jissuġġerixxi li, bil-għan li jkun hemm implimentazzjoni effiċjenti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, dan l-abbozz ta’ direttiva għandu jinkludi referenzi għall-aqwa prattika fir-rigward tal-ġestjoni tad-distretti tal-baċini ta’ xmajjar.

1.5   Il-KESE iqis li ċ-ċomb u n-nikil, bħala sustanzi persistenti u bijoakkumulattivi, għandhom jiġu kklassifikati bħala Sustanzi Perikolużi ta’ Prijorità (PHS) bil-għan li jiġu eliminati mill-emissjonijiet sa 20 sena oħra, anki jekk l-ispejjeż involuti għall-eliminazzoni tal-emissjonijiet kollha huma stmati li huma għoljin ħafna.

1.6   Il-KESE huwa tal-fehma li l-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku huma prekondizzjoni għall-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma, u għall-identifikazzjoni kemm tal-problemi kif ukoll tal-miżuri adegwati biex dawn jissolvu, filwaqt li jiġu stabbiliti wkoll l-ispejjeż tagħhom. Mingħajr l-appoġġ tal-pubbiku, il-miżuri regolatorji mhux ser jirnexxu. Is-soċjetà ċivili għandha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ direttiva qafas dwar l-ilma (WFD) adegwata, u biex tgħin lill-gvernijiet jiksbu bilanċ bejn l-aspetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi li għandhom jitqiesu (3).

1.7   Il-KESE jinsisti li r-riżorsi tal-ilma għandhom ikunu ta’ livelli ekoloġiċi u kimiċi tajbin sabiex jitħarsu s-saħħa tal-bniedem, il-provvista tal-ilma, l-ekosistemi naturali u l-bijodiversità (4).

1.8   Il-KESE jinnota li d-direttiva l-ġdida għandha tissemplifika u tirrazzjonalizza l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tar-rappurtar.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-abbozz ta’ direttiva inkwistjoni għandu l-għan li jemenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (eskluż l-ambjent marin), b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma:

i.

Mill-inqas kull erba’ snin tiġi riveduta l-lista tas-sustanzi ta’ prijorità (PS) jew ta’ sustanzi perikolużi ta’ prijorità (PHS) ġodda;

ii.

Jiġu stabbiliti standards tal-kwalità ambjentali (EQS – environmental quality standards) ġodda għall-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art, is-sediment jew il-bijota, skont il-każ, fuq il-bażi tal-aħħar informazzjoni miksuba.

2.2   Din ir-reviżjoni twettqet bl-għajnuna ta’ grupp ta’ ħidma u wara konsultazzjoni wiesgħa mwettqa ma’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, partijiet interessati (unions professjonali u NGOs) u tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent (SCHER).

2.3   Bħala riżultat ta’ din il-ħidma u l-analiżi ta’ impatt [sec(2011)1547 final] imwettqa għal dan il-għan, il-lista ta’ 33 sustanza ta’ prijorità ġiet estiża għal 48 fl-abbozz ta’ direttiva attwali, billi ġiet meqjusa l-opzjoni l-aktar komprensiva tal-analiżi ta’ impatt.

2.4   L-għan tal-abbozz ta’ direttiva hu li jiġi żgurat stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet interni, jiġifieri konformi mal-istandards tal-kwalità ambjentali mniżżlin fl-anness tal-abbozz:

i.

Permezz tat-tnaqqis tas-sustanzi ta’ prijorità;

ii.

U bl-eliminazzjoni tal-emissjonijiet ta’ sustanzi perikolużi ta’ prijorità sa 20 sena oħra mill-adozzjoni tad-direttiva derivata.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE huwa verament konvint li l-ilma mhuwiex biss prodott għall-konsum iżda wkoll riżorsa naturali prezzjuża, essenzjali għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni u tal-preżent. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità ambjentali (EQS) armonizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea għal dawn is-sustanzi.

3.2   Il-kwistjoni tas-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBTs) toħloq problema partikolari minħabba l-ubikwità tagħhom, huma kapaċi li jinġarru għal distanzi twal u jinstabu tista’ tgħid kullimkien fl-ambjent, u minħabba l-persistenza tagħhom. Dawn is-sustanzi ġeneralment huma kklassifikati bħala PHS. Peress li l-preżenza tagħhom tista’ tgħatti t-titjib fil-kwalità tal-ilma miksub għal sustanzi oħra, l-Istati Membri huma awtorizzati jippreżentaw separatament l-impatt tagħhom fuq il-qagħda kimika tal-ilmijiet.

3.3   L-implimentazzjoni tad-direttiva tiddependi fuq il-pjani ta’ ġestjoni tad-distretti tal-baċini tax-xmajjar, u fl-aħħar nett, fuq l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, minkejja li l-Kummissjoni tinnota każijiet eżemplari u titjib ġenerali fil-monitoraġġ u l-qsim tal-informazzjoni, xorta jidher li l-Istati Membri kollha mhux qegħdin fuq l-istess livell (5). Għaldaqstant jidher li l-effikaċja tad-direttiva tista’ titjieb minn din il-perspettiva.

4.   Kummenti partikolari

4.1   Il-Kummissjoni Ewropew tibbaża l-qafas leġislattiv fuq il-kunċett ta’ periklu iktar milli fuq dak tar-riskju; għaldaqstant, l-abbozz ta’ direttiva tinkludi sustanzi b’limitazzjonijiet għal ċerti konċentrazzjonijiet, u mhux ir-riskji ta’ interazzjoni bejn sustanzi preżenti fl-ambjent akkwatiku, anki b’livelli baxxi ħafna ta’ konċentrazzjoni.

i.

Dawn ir-riskji ta’ interazzjoni jistgħu jikkonċernaw kombinazzjonijiet kimiċi kif ukoll in-nanopartiċelli.

ii.

Ftit għadu magħruf dwar dawn il-fenomeni mill-perspettiva xjentifika, iżda hemm suspetti kbar dwar it-tossiċità, biżżejjed biex l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, reċentement, tħejji rapport dwar dan (6).

iii.

Minkejja li jidher diffiċli li jkun hemm leġislazzjoni dwar oqsma li għad fadal x’nitgħallmu dwarhom, jidher madankollu li huwa essenjali għall-ġejjieni tal-ekosistemi akkwatiċi li jkun hemm direttiva Ewropea dwar is-sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-ilma biex tipprepara lill-Istati Membri jikkunsidraw dawn il-fenomeni.

4.2   In-nikil u ċ-ċomb qegħdin fil-lista tas-sustanzi ta’ prijorità, iżda mhumiex imniżżlin bħala sustanzi perikolużi ta’ prijorità (PHS).

i.

Madankollu, dawn is-sustanzi huma persistenti (b’mod speċjali n-nikil li għandu persistenza tant li ssibu kullimkien), u bijoakkumulattivi, li jfisser li dawn għandhom jiġu inklużi f’din il-lista skont id-definizzjoni tas-sustanzi perikolużi ta’ prijorità tal-Kummissjoni Ewropea;

ii.

Ir-Regolament REACH jirreferi għal dawn is-sustanzi bħala sustanzi estremament ta’ tħassib, u soġġetti għal awtorizzazzjoni peress li jistgħu jkunu kanċeroġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR 1 u 2) u/jew persisteni u bijoakkumulattivi;

iii.

Sabiex ikun hemm konsistenza mad-definizzjoni mogħtija għall-PHS u mar-Regolament REACH, jeħtieġ li dawn iż-żewġ sustanzi jiġu kklassifikati bħala PHS, bil-għan li jiġu eliminati l-emissjonijiet tagħhom sa 20 sena oħra.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  SEC(2011) 1547 final. SEC(2011) 1547 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Rapport Tekniku EEA nru 8/2011 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent – Hazardous substances in Europe’s fresh and marine waters, an overview (Ħarsa ġenerali lejn is-sustanzi perikolużi fl-ilma ħelu u l-ilma baħar tal-Ewropa)

(3)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 67 u ĠU C 97, 28.4.2007, p. 3.

(4)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 1.

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Lejn ġestjoni sostenibbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropew, Com(2007) 128 final (mhux disponibbli bil-Malti); Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 18.3 tad-Direttiva ta’ Qafas tal-Ilma 2006/60/KE dwar il-programmi ta’ monitoraġġ tal-istat tal-ilma, COM(2009) 156 final.

(6)  EEA Rapport Tekniku, nru 8/2011.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/119


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi”

COM(2012) 89 final — 2012/0039 (COD)

u “l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/65/KEE fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-klieb, il-qtates u l-inmsa”

COM(2012) 90 final — 2012/0040 (COD)

2012/C 229/23

Relatur: is-Sur LIOLIOS

Nhar is-16 ta’ Marzu 2012 u nhar it-13 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2), 168(4) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi

COM(2012) 89 final — 2012/0039 (COD)

u

l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/65/KEE fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-klieb, il-qtates u l-inmsa

COM(2012) 90 final — 2012/0040 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’155 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

Il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li r-Regolament (KE) Nru 998/2003 li jirregola l-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi jiġi revokat u sostitwit għar-raġunijiet ippreżentati hawn taħt.

1.1   Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija għan prijoritarju u l-istabbiliment ta’ regoli għal attivitajiet bħall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi jikkontribwixxi biex jinkiseb dan il-għan. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, li tirrevoka u tissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 998/2003, tipprevedi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u r-regoli għall-immarkar u l-kontroll tal-annimali domestiċi, kif ukoll ċerti miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu waqt il-movimenti tagħhom, minbarra li tallinja r-Regolament (KE) Nru 998/2003 mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni ta’ ċerti derogi, billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, li jneħħu l-ostakli li jistgħu jxekklu dawn il-movimenti.

1.2   L-emendi li kellhom isiru fir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbliti fir-Regolament (KE) Nru 998/2003 kif ukoll il-ħtieġa li r-Regolament dwar il-movimenti tal-annimali domestiċi jkun ċar u aċċessibbli biżżejjed għall-pubbliku ġenerali jikkonfermaw il-bżonn ta’ din ir-revoka u sostituzzjoni.

1.3   Punt importanti ieħor hu li issa ntemm il-perjodu transitorju ta’ tmien snin previst fl-Artikolu 4(1) rigward il-metodu ta’ identifikazzjoni tal-annimali domestiċi. Issa hemm bżonn li tingħata spjegazzjoni ċara, maħsuba għall-pubbliku ġenerali, tas-sistema li ser tiġi applikata ’l quddiem. Din hi raġuni oħra għaliex għandu jiġi sostitwit ir-Regolament (KE) Nru 998/2003.

1.4   Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni, li tirrevoka u tissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 998/2003, tiddefinixxi b’mod sħiħ il-qafas li fih jistgħu jsiru l-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi. Il-movimenti taċ-ċittadini li jiddeċiedu li jkunu akkumpanjati mill-annimali domestiċi għandhom jiġu definiti b’mod aktar espliċitu, filwaqt li jiġu rispettati r-regoli li jikkonċernawhom sabiex tiġi żgurata s-saħħa pubblika.

1.5   Il-KESE jaqbel li, għal raġunijiet ta’ konsistenza, jeħtieġ li d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tiġi emendata billi r-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jiġu sostitwiti bir-referenzi għall-att propost.

2.   Kuntest

2.1   Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 stabbilixxa d-data meta jintemm il-perjodu transitorju ta’ validità tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-klieb, il-qtates u l-inmus domestiċi. Billi dan il-perjodu ntemm u fid-dawl tal-ħtieġa li r-Regolament (KE) Nru 998/2003 ikun allinjat b’mod sħiħ mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minħabba l-iżviluppi tad-data dwar is-saħħa u r-rekwiżiti ġodda għall-movimenti mhux kummerċjali, li huma marbutin direttament mal-bżonn li jiġu ffaċilitati l-movimenti taċ-ċittadini li jakkumpanjaw lil dawn l-annimali, u fid-dawl tal-isforzi biex il-leġislazzjoni tkun ċara u aċċessibbli biżżejjed għaċ-ċittadini, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi test li jirrevoka u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 998/2003.

2.2   Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposta biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE bil-għan li tissostitwixxi r-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 998/2003 b’referenzi għall-att propost.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Billi l-annimali domestiċi jkollhom mard li jista’ jittieħed mill-bniedem, jeħtieġ li jkun hemm rekwiżiti għall-kontroll u t-trasport tal-annimali bil-għan li tinkiseb is-sigurtà meħtieġa għas-saħħa pubblika. Peress li s-sitwazzjoni tal-idrofobija fl-UE tjiebet, ir-regoli applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi nbidlu. Il-proposta għal Regolament tippreżenta b’mod ċar is-sistema u l-proċeduri li għandhom jiġu rispettati.

3.2   L-użu tat-tilqim kontra l-idrofobija bidel b’mod konsiderevoli s-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ din il-marda. Fid-dawl tal-opinjonijiet xjentifiċi dwar l-immunizzazzjoni tal-annimali domestiċi, ir-Regolament jistabbilixxi miżuri profilattiċi biex jippermetti l-movimenti tal-annimali – anke permezz ta’ derogi maħsubin biex jiffaċilitaw dawn il-movimenti – billi l-ewwel jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu applikati d-derogi u l-miżuri ta’ prekawzjoni li jridu jittieħdu.

3.3   Il-listi ta’ annimali mfasslin jinkludu l-annimali kollha li jistgħu jiġu introdotti, għajr dawk li l-moviment tagħhom huwa kopert minn dispożizzjonijiet ta’ direttivi tal-UE. Ir-regoli nazzjonali għandhom jagħmlu l-moviment tal-annimali li, skont id-definizzjoni tagħhom, jitqiesu bħala annimali domestiċi aktar faċli minn dak tal-annimali introdotti għal finijiet kummerċjali.

3.4   Minbarra l-idrofobija, jeżisti mard ieħor li jhedded is-saħħa pubblika. Madankollu, ir-riskju li jittieħed huwa limitat kemm permezz tal-obbligu li jinżammu dokumenti ta’ identifikazzjoni, kif ukoll għaliex il-proċedura tgħid li l-esperti jridu jeżaminaw l-annimali. Għaldaqstant, huwa possibbli li tiġi ċċertifikata saħħet l-annimali u li tingħata prova dwar il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà li fihom isir il-moviment tal-annimali fi ħdan jew lejn iż-żona Ewropea.

3.5   Element importanti tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li żżomm l-impjantazzjoni ta’ transponder bħala l-uniku mezz biex jiġu identifikati l-klieb, il-qtates u l-imnsa. B’hekk hi twaqqaf l-immarkar tal-annimali permezz tat-tatwaġġi, li jitqies bħala metodu ta’ identifikazzjoni aċċettabbli biss għall-annimali li diġà huma mmarkati b’dan il-mod.

3.6   Huwa aktar faċli li jiġi kkontrollat jekk l-annimali mmarkati jirrispettawx il-miżuri preventivi tas-saħħa maħsubin biex jevitaw il-mard. Dawn il-miżuri jiġu implimentati fl-Istati Membri b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità iżda wkoll, minħabba raġunijiet partikolari, f’parti minnhom, wara li ssir klassifikazzjoni, abbażi ta’ data xjentifika validata. Għalhekk, b’dan l-approċċ tittieħed azzjoni komuni sabiex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa pubblika.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Minkejja li bħalissa l-livell ta’ taħriġ xjentifiku tal-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali domestiċi huwa adegwat u li s-servizzi provduti jistgħu jiggarantixxu saħħet l-annimali domestiċi u b’hekk is-saħħa pubblika, xorta tinħtieġ viġilanza kostanti għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-mard. Ir-Regolament, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-moviment mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, jiggarantixxi l-protezzjoni mir-riskji ta’ mard differenti.

4.2   Madankollu, ir-Regolament idaħħal il-possibbiltà ta’ derogi bil-għan li jiffaċilitaw il-movimenti tal-annimali domestiċi u jipproponi li r-Regolament (KE) Nru 998/2003 jiġi rivedut, b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħat li jiġu adottati atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni. Il-KESE huwa favur li jitneħħew l-ostakli mhux ġustifikati għal dawn il-movimenti, bil-kundizzjoni li titqies id-data xjentifika validata u li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati mal-esperti dwar l-adozzjoni tad-derogi, sabiex dawn jikkorrispondu maċ-ċirkostanzi partikolari marbutin mal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi kif ukoll mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u r-regoli u l-forma tad-dokumenti ta’ akkumpanjament.

4.3   Madankollu, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk jiġux rispettati l-limiti ta’ żmien previsti għall-validità tad-degori. Il-proposta tiddeskrivi kif l-atti delegati jistgħu jiġu revokati wara li titressaq oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi żmien xahrejn jew, f’każ ta’ estensjoni, fi żmien xahrejn addizzjonali. Billi l-kwistjonijiet tas-saħħa pubblika huma pjuttost importanti, jeħtieġ li d-durata tad-delega tiġi limitata b’mod ċar hekk kif jipprevedi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, il-kontroll min-naħa tal-Kummissjoni jsir aktar effikaċi u d-dritt li setgħa delegata tiġi revokata jkun jirrappreżenta garanzija addizzjonali għas-sigurtà.

4.4   Waqt li tkun qed tfassal il-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji li għalihom jistgħu japplikaw id-derogi b’konformità mal-prinċipju ta’ regoli ekwivalenti għal dawk applikati fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-għażla tagħha fuq il-garanziji provduti mill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ dawn il-pajjiżi. Fil-fatt, għalkemm huwa leġittimu li l-annimali domestiċi jiċċaqilqu b’mod faċli u mingħajr ostakli jew proċeduri kumplikati, l-ewwel u qabel kollox huwa importanti li tiġi żgurata s-saħħa pubblika.

4.5   Jekk il-proċeduri għall-għoti ta’ deroga mill-kundizzjonijiet formali lil pajjiżi terzi, jew parti minnhom, wara li dawn jipprovdu l-garanziji adegwati jkunu amministrattivament kumplessi, twal jew għaljin, ikun aħjar li jinżammu l-linji gwida stabbiliti u jiġi evitat li jintużaw id-derogi msemmijin billi dawn ma jikkumpensawx ir-riskju li jkun jeżisti f’każ ta’ moviment tal-annimali domestiċi.

4.6   Bl-istess raġunament, il-moviment tal-annimali mhux imlaqqma bejn l-Istati Membri tal-UE wkoll joħloq ir-riskji. Ir-Regolament jiddefinixxi l-proċeduri rilevanti, u l-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġu rispettati sabiex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ tixrid tal-mard. Meta l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament, hi għandha tara li r-riskju maħluq mill-moviment ikun ikkumpensat mil-lat tal-piż amministrattiv u l-effetti ġġenerati.

4.7   Il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi huwa fattur importanti immens. L-introduzzjoni ta’ sistema tal-immarkar permezz tal-impjantazzjoni ta’ transponder taqdi rwol importanti wkoll fit-tisħiħ tas-sistema ta’ reġistrazzjoni u monitoraġġ tal-annimali.

4.8   L-impjantazzjoni tat-trasponder għandha ssir mill-veterinarji sabiex ikun possibbli li, bis-saħħa tat-taħriġ xjentifiku ta’ min iwettaq l-impjantazzjoni, jiġi rikonoxxut u identifikat il-mard tal-annimali li ssirilhom l-impjantazzjoni u mbagħad jimtela d-dokument ta’ identifikazzjoni. L-informazzjoni li trid timtela fid-dokumenti ta’ identifikazzjoni tirrikjedi l-għarfien xjentifiku ta’ veterinarju li jkun awtorizzat iwettaq dan il-kompitu mill-awtorità kompetenti.

4.9   Bl-implimentazzjoni kontinwa tal-proċedura tal-immarkar u r-reġistrazzjoni, l-Istati Membri jippermettu l-aġġornament tal-bażijiet tad-data li jipprovdu informazzjoni importanti dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika ta’ pajjiż, il-progress tal-programmi ta’ tilqim, id-densità u d-distribuzzjoni tal-annimali, kif ukoll il-movimenti tagħhom.

4.10   Il-kontrolli tad-dokumenti, il-kontrolli tal-identità u l-kontrolli fiżiċi b’rabta mal-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi li jkunu deħlin fi Stat Membru, kemm jekk ikunu ġejjin minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju, huma ta’ importanza kbira. Huma għandhom jibqgħu jitwettqu u għandhom isiru minn persunal li jkun irċieva l-informazzjoni adegwata dwar il-proċedura u l-importanza tal-istess kontrolli.

4.11   F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri previsti biex jiżguraw ir-rispett tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u r-regoli dwar il-moviment tal-annimali domestiċi, apparti l-proċeduri stabbiliti fil-proposta għal Regolament, huwa importanti li jiġu informati l-awtoritajiet tas-saħħa tat-territorju minn fejn jintbagħtu l-annimali sabiex tiġi eżaminata l-probabbiltà li l-istess Regolament ma ġiex rispettat f’ċirkostanzi oħra wkoll.

4.12   Id-deċiżjoni li annimal jitraqqad, meħuda abbażi ta’ opinjoni informata li l-annimal ma jistax jintbagħat lura jew jiġi iżolat, tista’ tkun ukoll rakkomandata mill-esperti, li jkunu tal-fehma li r-ritorn jew l-iżolament tal-annimal mhux biss huwa diffiċli iżda joħloq ukoll riskji addizzjonali.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/122


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport”

COM(2011) 898 final

2012/C 229/24

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport

COM(2011) 898 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE japprova bil-qawwi l-politika tal-Unjoni bil-għan li tiggarantixxi lill-passiġġieri kollha li jużaw it-trasport bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar, fix-xmajjar, bil-karozzi tal-linja u bil-kowċis, drittijiet u kundizzjonijiet komuni u komparabbli għal dawn il-modi kollha tat-trasport u jappoġġja l-miżuri kollha previsti biex jitneħħew l-ostakli li jipprevjenu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv, fil-qafas ta’ approċċ intermodali.

1.2   Il-Kumitat iqis li l-għaxar drittijiet speċifiċi elenkati f’din il-komunikazzjoni għandhom ikunu ssupplimentati minn tliet drittijiet addizzjonali, jiġifieri d-dritt għas-sikurezza u għas-sigurtà li jinkludu kemm is-sikurezza teknika tat-tagħmir tat-trasport kif ukoll is-sigurtà fiżika tal-passiġġieri, u d-dritt għal standards minimi ta’ kwalità tas-servizz, ta’ kumdità, ta’ ħarsien ambjentali u ta’ aċċessibbiltà.

1.3   Fuq il-bażi ta’ dawn it-13-il dritt, id-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti li huma fis-seħħ bħalissa għandhom jiġu soġġetti għal reviżjoni sabiex jitjiebu u jissaħħu jekk ikun hemm bżonn.

1.4   Waqt li qed isir dan, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-titjib tal-informazzjoni pprovduta lill-passiġġieri, il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa, il-kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ disturbi, kanċellazzjoni tal-vjaġġ jew telf ta’ bagalji, li jiġu ppreċiżati l-elementi li jammontaw għall-prezz finali, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ vjaġġ u l-kundizzjonijiet dwar l-ilmenti u l-proċeduri għal rikors, kif ukoll id-definizzjoni tad-drittijiet tal-organizzazzjonijiet tal-passiġġieri li qegħdin fl-aħjar sitwazzjoni biex jinfurmaw u jappoġġjaw liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom.

1.5   Sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-effettività u l-effiċjenza tas-servizzi tat-trasport, l-adattament tagħhom għall-bżonnijiet li jinbidlu u r-rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri, il-KESE jipproponi li tiġi implimentata proċedura ta’ evalwazzjoni indipendenti, li tosserva l-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi titfassal metodoloġija ta’ evalwazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew fuq il-bażi ta’ indikaturi komuni, permezz ta’ djalogu mar-rappreżentanti tal-atturi kkonċernati, speċjalment l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-passiġġieri (inklużi passiġġieri b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa).

1.6   Fir-rigward tal-ilmenti, il-Kumitat jissuġġerixxi li t-trasportaturi kollha jużaw indirizz elettroniku standard għall-ilmenti kollha (ilmenti@…) u li jiġu stabbiliti perjodi ta’ żmien massimi vinkolanti biex iwieġbuhom.

1.7   Fl-aħħar nett, il-KESE jipproponi li jiġu ġeneralizzati l-proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, mingħajr ma l-passiġġieri jitilfu d-dritt tagħhom li jressqu l-każ il-qorti. Barra minn hekk jirrakkomanda li tiġi stabbilita b’mod ċar fit-test leġislattiv il-possibbiltà ta’ mekkaniżmu legali ta’ rikors kollettiv fl-UE u li tiġi definita b’mod adegwat is-sistema ta’ dan il-mekkaniżmu.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-ewwel nett għandu jiġi speċifikat li din il-komunikazzjoni tittratta d-drittijiet tal-passiġġieri fil-modi kollha tat-trasport minn trasportaturi pubbliċi u privati, u li l-vjaġġi minn trasportaturi professjonali (taksi, minibus b’inqas minn 12-il passiġġier, eċċ.) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet analizzati hawn taħt. Dan kollu huwa iktar deplorevoli peress li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana ((COM(2009) 490 final), li jittratta kemm it-trasport professjonali kollettiv kif ukoll dak individwali, jipprevedi li għandha tingħata attenzjoni għat-tariffar, il-kwalità, l-aċċessibbiltà għall-persuni b’mobilità mnaqqsa, l-informazzjoni, u d-drittijiet tal-passiġġieri.

2.2   L-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tal-Unjoni Ewropea jinvolvu l-promozzjoni u l-iżvilupp tat-trasport kollettiv għat-tnaqqis, safejn ikun possibbli, tal-vjaġġi individwali.

2.3   Għalhekk, ir-rikonoxximent u l-garanzija tad-drittijiet tal-passiġġieri huwa prerekwiżit għall-iżvilupp u l-promozzjoni tat-trasport kollettiv, billi jiġu bbilanċjati mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejn l-utenti u t-trasportaturi.

2.4   Sa mill-2011, l-Unjoni Ewropea tinsab imħassba bil-kbir dwar il-protezzjoni tal-passiġġieri u t-tisħiħ tat-drittijiet tagħhom fil-modi tat-trasport differenti. Għal dan l-għan matul iż-żmien inħolqot leġislazzjoni bil-għan li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni sabiex l-utenti tat-trasport bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar, fix-xmajjar, bil-karozzi tal-linja u l-kowċis, igawdu minn drittijiet u kundizzjonijiet komparabbli fl-Unjoni kollha, u dan ukoll għal persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa. Madankollu, ir-regolamenti dwar it-trasport fuq l-ilma u t-trasport bil-karozzi tal-linja/kowċ se japplikaw biss minn Diċembru 2012 u Marzu 2013 rispettivament.

2.5   Fl-2011, il-Kummissjoni nediet kampanja wiesgħa fuq perjodu ta’ sentejn, bl-isem: id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier disponibbli għalik, speċjalment permezz tal-ħolqien ta’ sit elettroniku http://ec.europa.eu/passenger-rights b’sommarju tad-drittijiet tal-utenti, għal kull mod ta’ trasport u f’kull lingwa uffiċjali tal-UE. Bl-istess mod, tqassmu fuljetti b’xejn li jfakkru d-drittijiet tal-vjaġġaturi u twaħħlu posters relatati fl-istazzjonijiet u fl-ajruporti kollha tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għadha kemm iddeċidiet li testendi din il-kampanja sal-2014.

2.6   It-trasport kollettiv madankollu jibqa’ kkaratterizzat minn inkonsistenzi fl-informazzjoni, fil-kompetenzi u s-sitwazzjonijiet bejn il-passiġġieri minn naħa u t-trasportaturi min-naħa l-oħra. Għad hemm l-impressjoni li ħafna vjaġġaturi għadhom mhumiex konxji bis-sħiħ tad-drittijiet tagħhom jew ma jafux, f’każ ta’ bżonn, kif jagħmlu l-aħjar użu minnhom u kif jużawhom b’mod xieraq. L-istudji u l-istħarriġ tal-Kummissjoni juru li għal talba ta’ valur inqas minn elf euro konsumatur Ewropew minn kull ħamsa biss ser ifittex rimedju quddiem qorti ġenerali minħabba l-ispejjeż kbar, il-komplessità u d-dewmien tal-proċeduri.

2.7   Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali qed ikomplu japplikaw il-leġislazzjoni nazzjonali b’mod differenti, u dan iwassal għal konfużjoni fost il-passiġġieri kif ukoll fost it-trasportaturi u joħloq tfixkil fis-suq.

2.8   Għalhekk, il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-regoli attwali billi ttejjibhom fejn ikun hemm bżonn. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għadha kif nediet konsultazzjoni pubblika dwar reviżjoni potenzjali tar-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru.

3.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1   Il-komunikazzjoni tiddeskrivi fil-qosor id-drittijiet u l-prinċipji li japplikaw għall-modi kollha tat-trasport kollettiv. Din turi n-nuqqasijiet li jistgħu jittejbu u beħsiebha tneħħi l-ostakli li jipprevjenu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv skont il-leġislazzjoni Ewropea.

3.2   Il-komunikazzjoni tisħaq fuq tliet prinċipji fundamentali li huma n-nondiskriminazzjoni, l-informazzjoni preċiża, f’waqtha u aċċessibbli, kif ukoll għajnuna immedjata u proporzjonata. Din tislet l-10 drittijiet speċifiċi li ġejjin li, fl-ispirtu ta’ viżjoni aktar intermodali, japplikaw għall-modi kollha tat-trasport:

1)

Id-dritt għan-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għat-trasport

2)

Id-dritt għall-mobilità: l-aċċessibbiltà u l-għajnuna mingħajr ebda spiża addizzjonali għall-passiġġieri b’diżabilità u għall-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa (PRM) (Persuni b’Mobilità Mnaqqsa)

3)

Id-dritt għall-informazzjoni qabel ix-xiri tal-biljett u fid-diversi stadji tal-vjaġġ, b’mod partikulari f’każ li jiġi interrott

4)

Id-dritt li jiġu rrinunzjati l-ispejjeż tal-vjaġġ (rimborż tal-ispiża sħiħa tal-biljett) meta l-vjaġġ ma jsirx kif ippjanat

5)

Id-dritt li jitwettaq il-kuntratt tat-trasport f’każ li jiġi interrott (tibdil fir-rotot u bbukkjar mill-ġdid)

6)

Id-dritt li wieħed jingħata għajnuna fil-każ ta’ dewmien twil fit-tluq jew fil-punti ta’ konnessjoni

7)

Id-dritt għal kumpens f’ċerti ċirkostanzi

8)

Id-dritt għar-responsabbiltà tat-trasportaturi għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom

9)

Id-dritt għal sistema rapida u aċċessibbli ta’ trattament tal-ilmenti

10)

Id-dritt għal applikazzjoni sħiħa u għal infurzar effettiv tal-liġi tal-UE.

3.3   Anke jekk il-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ applikazzjoni jkunu jvarjaw u jiżviluppaw skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-modi tat-trasport differenti, l-għan ewlieni minn issa ’l quddiem se jkun li dawn ir-regoli jsiru regoli li jkunu jistgħu jinftiehmu faċilment u li jissaħħu l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom fil-modi kollha tat-trasport bil-għan li jkun hemm approċċ konverġenti f’dan il-qasam.

3.4   Sabiex titjieb il-protezzjoni tal-passiġġieri lil hinn mill-fruntieri tal-UE, il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri se jiġu indirizzati fi ftehimiet bilaterali u internazzjonali.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1   Ta’ min jifraħ lill-Kummissjoni talli wettqet politika li tiggarantixxi sett ta’ drittijiet u kundizzjonijiet tal-passiġġieri komuni jew komparabbli għall-modi kollha tat-trasport kollettiv li jikkorrispondu kemm mal-għanijiet tat-trattati fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi (l-Artikolu 169, Titolu XV tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE) kif ukoll mal-linji gwida tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jew tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.2   Jekk il-KESE japprova l-fatt li l-komunikazzjoni tiġbor flimkien fl-istess dokument, fil-qosor, ir-regoli u r-rekwiżiti kollha li jeżistu dwar id-drittijiet tal-utenti tat-trasport kollettiv, huwa madankollu jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ ċifri dwar l-ostakli nnutati.

4.3   Il-KESE jappoġġja l-miżuri kollha li x’aktarx ineħħu l-ostakli li jtellfu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u jifraħ lill-Kummissjoni għall-passi previsti li jiggarantixxu li l-utenti tat-trasport bil-ferrovija, bl-ajru, bil-baħar, fix-xmajjar, bil-karozzi tal-linja u bil-kowċis igawdu minn drittijiet u kundizzjonijiet komparabbli, ikun(u) liema jkun(u) l-mod(i) ta’ trasport użat(i).

4.4   Wieħed minn dawn l-ostakli ta’ spiss ġej minn informazzjoni nieqsa, mhux kompluta jew li ma tinftehimx dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri, fil-mument tax-xiri ta’ biljett tat-trasport kif ukoll qabel il-vjaġġ, u fil-każ ta’ disturbi, waqt il-vjaġġ.

4.5   Sabiex kull passiġġier jiġi infurmat b’mod ċar dwar id-drittijiet tiegħu, il-KESE jipproponi li, matul il-prenotazzjoni ta’ kull vjaġġ jew ix-xiri ta’ dokument tal-ivvjaġġar, jiġi kkomunikat lil kull passiġġier, permezz ta’ referenza għal websajt rilevanti, u permezz ta’ stampar fuq kull dokument tat-trasport, b’lingwaġġ ċar, konċiż, li jinftiehem u aċċessibbli, inkluż għall-persuni b’diżabilità, minn fejn wieħed jista’ jikseb l-informazzjoni rilevanti, kemm f’forma ta’ fuljett disponibbli fil-ħwienet, kif ukoll fuq l-Internet. Il-kampanja ta’ informazzjoni għall-passiġġieri, li tnediet mill-Kummissjoni fl-2010, għandha titkompla b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

4.6   Barra minn hekk, jeżistu differenzi sostanzjali, għad-detriment tal-utent, bejn il-modi tat-trasport differenti, l-aktar għat-trasport bl-ajru, li dwarhom il-KESE kien innota, fl-opinjoni espoloratorja tiegħu dwar is-suġġett (1), li d-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru f’ċerti oqsma għadhom lura meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet fil-modi tat-trasport l-oħrajn u kien talab biex:

jiġi stabbilit il-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt ta’ għajnuna;

titjieb l-informazzjoni għall-passiġġieri, anke matul il-vjaġġ;

jiġi estiż id-dritt għall-informazzjoni anke għaż-żoni tat-tlugħ abbord:

jiġi speċifikat dak li wieħed ifisser b’“ċirkostanzi straordinarji”;

jiġu żviluppati flimkien mar-rappreżentanti ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa linji gwida li jiċċaraw id-definizzjonijiet tar-Regolament 1107/2006 dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u b’nuqqas ta’ mobilità u titjieb l-implimentazzjoni tiegħu;

jiġu speċifikati l-elementi li jsawru l-prezz finali;

jiġi impost l-obbligu li jingħata kumpens lill-passiġġieri kkonċernati fil-każ li tfalli kumpanija tal-ajru, li jiġi applikat il-prinċipju tal-“obbligazzjoni in solidum” sabiex dawn jiġu rimpatrijati minn kumpaniji oħra, u li jinħoloq fond għall-kumpens tal-passiġġieri;

tinħoloq il-possibbiltà li kuntratt ta’ vjaġġ jiġi ċedut lil persuna terza mingħajr ħlas.

Dawn id-dispożizzjonijiet kollha għandhom jiġu applikati wkoll għall-modi l-oħra tat-trasport fejn għadhom ma jeżistux.

4.7   L-għaxar drittijiet speċifiċi elenkati f’din il-komunikazzjoni jikkostitwixxu bażi rilevanti biex tgħin lill-passiġġieri jifhmu aħjar dak li jistgħu jistennew bħala servizz ta’ kwalità minima meta jivvjaġġaw, u biex tgħin lit-trasportaturi japplikaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod aktar koerenti u effikaċi.

4.8   Il-KESE madankollu jqis li l-għaxar drittijiet elenkati għandhom jiġu ssupplimentati minn tliet drittijiet addizzjonali, jiġifieri:

1)

id-dritt għas-sikurezza u s-sigurtà li jinkludi kemm is-sikurezza teknika tat-tagħmir tat-trasport kif ukoll is-sigurtà fiżika tal-passiġġieri;

2)

id-dritt għal standards minimi ta’ kwalità tas-servizz, ta’ kumdità u ta’ aċċessibbiltà kif ukoll għal informazzjoni minn qabel mit-trasportatur f’każ ta’ booking żejjed. Il-KESE jfakkar li fil-Komunikazzjoni tiegħu COM(2009) 490 dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana” il-Kummissjoni kienet ħabbret li xtaqet tissupplimenta l-approċċ regolamentari permezz ta’ indikaturi tal-kwalità komuni sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-vjaġġaturi u ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa

3)

id-dritt għar-rispett, min-naħa tat-trasportaturi, tal-prinċipji taż-żamma, tal-protezzjoni u tat-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif imsemmija fit-Trattat.

4.9   Fuq il-bażi ta’ dawn it-13-il dritt, id-dispożizzjonijiet leġislattivi relatati li bħalissa huma fis-seħħ għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni. B’dan il-mod, il-problemi magħrufa bħall-ostakli li jeżistu għall-persuni b’diżabilità u b’nuqqas ta’ mobilità, in-nuqqas ta’ trasparenza tal-istrutturi tal-ipprezzar, l-informazzjoni żbaljata jew li ma tinftiehemx, ir-rimedji li joħolqu konfużjoni u li huma kkumplikati, il-kumpensi finanzjarji mhux adegwati, il-perjodi ta’ żmien biex jiġu indirizzati l-ilmenti eċċessivi, eċċ. għandhom jiġu analizzati u aboliti.

4.10   Bħalma l-Kummissjoni tirrikonoxxi hija stess f’din il-komunikazzjoni li l-pubblikazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-operaturi u tal-istħarriġ dwar kemm huma sodisfatti l-passiġġieri se tiffaċilita l-monitoraġġ u l-infurzar uniformi mill-korpi nazzjonali tal-infurzar, il-KESE jitkellem favur valutazzjoni bħal din u jqis li rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha għandhom jiġu assoċjati ma’ analiżi tal-ħtiġijiet kif ukoll ma’ valutazzjoni tal-prestazzjoni u tar-rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri.

4.11   Għalhekk il-KESE jipproponi l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ valutazzjoni regolari sabiex jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza tas-servizzi tat-trasport kif ukoll l-adattament tagħhom għall-iżviluppi fil-ħtiġijiet tal-passiġġieri, u biex jiġi verifikat ir-rispett tad-drittijiet tal-passiġġieri. Din se tinvolvi l-istabbiliment fil-livell komunitarju tal-proċeduri għall-iskambju, il-ġbir, it-tqabbil u l-koordinazzjoni, u li titqanqal id-dinamika tal-evalwazzjoni indipendenti filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi titfassal metodoloġija ta’ evalwazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew fuq il-bażi ta’ indikaturi komuni, permezz ta’ djalogu mar-rappreżentanti tal-atturi kkonċernati, speċjalment l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-passiġġieri (inklużi passiġġieri b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa).

4.12   Il-KESE japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ma tillimitax ruħha, kif kien il-każ s’issa, għal miżuri settorjali, iżda li tipprova tiżviluppa approċċ intermodali, li jqis il-ħtiġijiet ta’ mobilità u ta’ vjaġġar tal-utenti, ikunu liema jkunu l-modi li jużaw jew li jikkombinaw biex jiżguraw kontinwità intermodali. Huwa biss permezz ta’ armonizzazzjoni aktar qawwija tad-drittijiet tal-passiġġieri li d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-modi differenti tat-trasport jistgħu jiġu evitati.

4.13   Għall-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet u l-lakuni msemmija fil-komunikazzjoni hemm referenza, kemm għall-valutazzjoni tal-impatt bil-għan li ssir reviżjoni tar-regolament dwar it-“trasport bl-ajru” li se jipprevedi miżuri obbligatorji potenzjali, kif ukoll għal ftehimiet volontarji min-naħa tat-trasportaturi. Il-KESE xtaq attitudni aktar deċiża li tagħti preferenza lil miżuri vinkolanti.

4.14   Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni baqgħet ma qalet xejn dwar id-drittijiet u s-setgħat tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-passiġġieri, speċjalment minħabba li dawn jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jinfurmaw u jappoġġjaw liċ-ċittadini fit-tħaddim tad-drittijiet tagħhom, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-persuni b’diżabilità u b’nuqqas ta’ mobilità.

4.15   Fir-rigward tal-ilmenti, il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati, b’lingwaġġ ċar, dwar kif u għand min għandhom jintroduċu l-ilmenti tagħhom, kif ukoll dwar il-mezzi għal rikors. Il-Kumitat jissuġġerixxi li t-trasportaturi kollha jużaw indirizz elettroniku standard għall-ilmenti kollha (ilmenti@…) filwaqt li għandu jkun possibbli, ovvjament, kull mezz ieħor biex jintbagħat ilment (bil-posta, jitħallew f’punt ta’ bejgħ, eċċ.). Barra minn hekk għandhom jiġu stabbiliti perjodi ta’ żmien massimi vinkolanti biex iwieġbuhom.

4.16   Il-KESE jitlob li l-komunikazzjoni tiġi ssupplimentata permezz ta’ speċifikazzjonijiet dwar ir-rimedji f’każ ta’ rifjut li jiġu kkunsidrati lmenti u pretensjonijiet ta’ passiġġieri fi ħdan korpi fil-livell ta’ kull Stat Membru, kif ukoll fil-livell Ewropew, li jkollhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet u li jwettqu r-restrizzjonijiet. Fl-ebda każ m’għandu d-dritt għar-rikors jintrabat mal-prezz imħallas għat-trasport.

4.17   Il-KESE ifakkar li d-dritt li jinkiseb rimedju spiss jibqa’ wieħed teoretiku speċjalment jekk tkun kwistjoni ta’ talbiet żgħar dispersi minħabba d-diffikultajiet prattiċi tat-tħaddim ta’ dan id-dritt. Peress li huwa importanti li l-proċeduri għal rikors ikunu disponibbli mingħajr ma jkun hemm komplessità u spejjeż li jiskoraġġixxu lil min jagħmel l-ilment, il-KESE jirrakkomanda li jiġu ġeneralizzati l-proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim mingħajr ma l-passiġġieri jitilfu d-dritt li jressqu l-każ il-qorti.

4.18   Fl-opinjoni tiegħu CESE 803/2012, il-KESE ħa nota li s-sistemi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim minn issa jistgħu jiġu applikati għal kunflitti kollettivi, bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ mekkaniżmu legali ta’ rikors kollettiv fl-UE, iżda jirrakkomanda li din il-possibbiltà għandha tiġi stabbilita b’mod ċar f’test leġislattiv u li s-sistema ta’ dan il-mekkaniżmu għandha tiġi definita adegwatament.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU 2012/C 24/28, tat-28.1.2012, p. 125-130.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050”

COM(2011) 885 final

2012/C 229/25

Relatur: is-Sur COULON

Korelatur: is-Sur ADAMS

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050

COM(2011) 885 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'137 vot favur, 6 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jieħu nota b'interess kbir tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-għan tiegħu li jipprovdi qafas għall-politika maqbula tad-dekarbonizzazzjoni sostanzjali tas-settur tal-enerġija fl-Ewropa sal-2050 (Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2009). L-isfida mhix biss li tinkiseb taħlita tal-enerġija sostenibbli, sigura u b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju f'suq kompetittiv, iżda wkoll li s-soċjetà ċivili tiġi konvinta li dan l-għan jista' jinkiseb.

1.2   L-Istati Membri tal-UE għandhom riżorsi tal-enerġija u infrastruttura differenti u l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni huwa sfida wisq ikbar għal xi pajjiżi minn oħrajn. Il-Pjan Direzzjonali joffri ħafna flessibbiltà fl-approċċ tiegħu li jippermetti lill-pajjiżi jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni xierqa. Dan jeħtieġ ammont konsiderevoli ta’ tqassim tal-piż sabiex jintlaħaq l-għan ta’ dekarbonizzazzjoni.

1.3   Din hi mira ambizzjuża iżda vitali sabiex l-Ewropa tagħti sehemha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex tinkiseb aktar sigurtà tal-enerġija. Ser ikun hemm bżonn li jinfetaħ l-usa' dibattitu possibbli fost il-pubbliku Ewropew, u l-Kumitat jemmen li l-Pjan Direzzjonali jista' jkun effettiv biex jinbeda dan id-djalogu. Iżda għandu jippromovi l-impenn f'kull livell – personali, komunitarju, reġjonali, nazzjonali, fil-livell tal-UE – u b'mod partikolari, flimkien ma’ azzjoni globali komplementari.

1.4   Il-Pjan Direzzjonali jikkonkludi b'għaxar kundizzjonijiet jew prijoritajiet għal azzjoni immedjata. Il-KESE jaqbel ma’ dawn kollha u, b'mod partikolari, mal-aħħar waħda li tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ miri konkreti u speċifiċi biex jiggwidaw il-progress matul il-ftit snin li ġejjin. Il-Kumitat jaqbel ukoll li issa qed isir importanti li jinħoloq qafas ta’ politika għall-2030 sabiex jipprovdi gwida affidabbli għad-deċiżjonijiet ta’ investiment matul il-ftit snin li ġejjin, liema deċiżjonijiet iridu jittieħdu abbażi ta’ riflessjoni li tmur lil hinn sew mill-2020 fil-kalkolu tal-benefiċċji u r-redditi tagħhom.

1.5   Qabel dan, il-KESE jirrakkomanda li ssir reviżjoni urġenti tal-Istrateġija tal-Enerġija għall-2020. Din hija essenzjali biex tiġi stabbilita t-triq finali lejn l-2030 jew l-2050. Il-Kumitat jixtieq jara rapporti għal kull pajjiż u settur individwali dwar it-tliet għanijiet ewlenin stabbiliti għall-għaxar snin attwali.

1.6   Huwa importanti li tinkiseb indikazzjoni minn kmieni dwar jekk l-għanijiet esiġenti tal-Pjan Direzzjonali jistgħux jinkisbu, u li jiġi rivedut l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija tal-UE, inklużi l-kompetittività globali, l-impjieg u s-sigurtà soċjali.

1.7   Huwa essenzjali l-involviment tal-pubbliku fil-kwistjonijiet tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Forum Ewropew tas-soċjetà ċivili u passi attivi lejn it-twaqqif ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija jkunu passi kostruttivi fil-kisba tal-għan mixtieq ta’ futur b'enerġija sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Pjan Direzzjonali 2050 jikkonkludi sensiela ta’ proposti għal qafas ta’ politika li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea bħala bażi għall-politiki Ewropej dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima (Ara, b'mod partikolari, il-Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 – COM(2011) 112 final). Il-Pjan Direzzjonali jipprovdi qafas li fih jistgħu jinkisbu t-tliet għanijiet, jiġifieri d-dekarbonizzazzjoni, is-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività fil-politika Ewropea dwar l-enerġija. Il-Pjan ma jagħmel l-ebda rakkomandazzjoni speċifika dwar l-azzjonijiet ta’ politika jew il-miri intermedji, u x-xenarji ppreżentati m'għandhomx jitqiesu bħala proposti ta’ politika.

2.1.1   Globalment, fuq il-bażi tat-tendenzi attwali u l-politiki preżenti, huwa mistenni li d-domanda primarja għall-enerġija tiżdied b'terz bejn l-2010 u l-2035, żieda li ser tiġi affettwata biss b'mod marġinali mit-tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef. Is-sehem tal-karburanti fossili fil-konsum globali tal-enerġija primarja ser jonqos bi ftit biss (minn 81 % fl-2010 għal 75 % fl-2035), u għalhekk l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-enerġija ser jiżdiedu b'20 % oħra f'dan il-perjodu. Dan jindika li f'perjodu twil ta’ żmien it-temperatura medja globali ser tiżdied b'aktar minn 3.5 °C (Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (Novembru 2011), World Energy Outlook).

2.1.2   Għalkemm il-Pjan Direzzjonali jiffoka fuq id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, hu jirrikonoxxi żewġ vulnerabbiltajiet kbar. L-importazzjonijiet tal-enerġija jsawru mal-55 % tat-taħlita tal-enerġija tal-UE, u s-suq internazzjonali tal-enerġija huwa kompetittiv u volatili ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-problema globali tista' tissolva biss permezz ta’ azzjoni kkoordinata f'livell globali. L-Ewropa tista' taqdi rwol ta’ mexxej billi turi kif it-trasformazzjoni tal-enerġija tista' tiġi ġestita f'wieħed mill-akbar reġjuni tad-dinja, u possibbilment tikseb il-benefiċċji talli kienet minn tal-ewwel li ħadet azzjoni f'dan il-proċess u tnaqqas id-dipendenza mill-importazzjoni.

2.2   L-isfida hija urġenti. Normalment, l-investimenti fl-enerġija jdumu 40 sena jew aktar. Sabiex tinkiseb it-tranżizzjoni tal-enerġija meħtieġa b'bidliet sinifikanti fil-provvista u d-domanda, irridu nibdew minn issa u nevitaw s-saturazzjoni (“lock-in”) ta’ investimenti li jipproduċu ħafna karbonju. L-inċertezzi politiċi, tekniċi u ekonomiċi jfissru li l-Pjan Direzzjonali ma joffri l-ebda mudell ta’ żvilupp għall-2050. Huwa jesplora l-modi ta’ kif tista' ssir it-tranżizzjoni u jirrikonoxxi l-bżonn tal-flessibbiltà f'dinja inċerta u li qed tinbidel. Għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona estenda s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-politika dwar l-enerġija, huwa jistabbilixxi b'mod speċifiku li t-taħlita tal-enerġija hija riservata għall-gvernijiet nazzjonali u kull azzjoni f'livell Ewropew trid taċċetta din id-diviżjoni tar-responsabbiltà. Madankollu, il-Pjan Direzzjonali jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ spirtu ġdid ta’ kooperazzjoni prattika sabiex jinkiseb l-aqwa riżultat, u l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ dan l-approċċ prammatiku, pereżempju l-iżvilupp ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija.

3.   Sommarju tal-Pjan Direzzjonali 2050

3.1   Sal-2020, it-triq li trid tittieħed fir-rigward tal-enerġija hija fil-biċċa l-kbira diġà determinata permezz tal-pjani eżistenti u l-politiki stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Pjan Direzzjonali issa jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu żviluppati strateġiji tal-enerġija għal wara l-2020. Il-gvernijiet iridu jaġixxu minnufih biex jiżguraw il-kontinwità tal-provvista u ċ-ċertezza tal-investituri u biex jimminimizzaw l-effetti ta’ saturazzjoni. Id-dewmien ser iżid kemm l-ispejjeż kif ukoll l-isforzi li jridu jsiru wara biex jiġi minimizzat il-karbonju.

3.2   Filwaqt li ġiet rikonoxxuta d-diffikultà li jitbassar il-futur tal-enerġija, ġew żviluppati seba' xenarji illustrattivi alternattivi. L-ewwel tnejn jippreżentaw x'ser ikun aktarx ir-riżultat jekk ma jsir xejn aktar ħlief jitkomplew il-politiki eżistenti u l-inizjattivi ta’ politika attwali – l-objettivi tat-tnaqqis tal-karbonju sal-2050 ma jintlaħqux fiż-żewġ xenarji. Il-ħamsa l-oħra joffru toroq alternattivi għall-objettiv tal-2050 abbażi ta’ għażliet differenti ta’ teknoloġiji u politiki:

miżuri stretti ħafna għall-użu effiċjenti tal-enerġija;

użu qawwi tal-ipprezzar tal-karbonju sabiex tinħoloq varjetà ta’ soluzzjonijiet b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju għall-kompetizzjoni fis-suq;

miżuri estensivi ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

aktar enerġija nukleari u inqas ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS);

aktar ġbir tad-diossidu tal-karbonju u inqas enerġija nukleari.

3.3   Abbażi ta’ dawn ix-xenarji, il-Kummissjoni tressaq għaxar konklużjonijiet dwar il-bidla strutturali fis-sistema tal-enerġija. L-istampa li jippreżentaw turi li d-dekarbonizzazzjoni hi possibbli, u fit-tul din għandha tqum inqas flus mill-politiki attwali. Dan huwa l-każ fil-kuntest ta’ taħlita tal-enerġija fejn l-elettriku jaqdi rwol dejjem akbar, filwaqt li l-prezzijiet jogħlew kemm f'termini reali kif ukoll bħala parti mill-infiq tad-djar sal-2030. L-infiq kapitali ser jiżdied, iżda l-ispejjeż tal-karburanti ser jonqsu u l-iffrankar sinifikanti ħafna tal-enerġija fis-sistema kollha ser ikun kruċjali. Is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli ser jiżdied b'mod sostanzjali fix-xenarji kollha u wieħed jassumi li l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ser jaqdu rwol sinifikanti u vitali fit-trasformazzjoni tas-sistema, filwaqt li l-enerġija nukleari ser tkompli tagħti kontribut importanti u l-interazzjoni bejn is-sistemi ċentralizzati u deċentralizzati ser tikber hekk kif il-firxa ta’ possibbiltajiet jiżdiedu.

3.4   Il-Pjan Direzzjonali jinnota li s-sigurtà tal-enerġija teħtieġ politika Ewropea speċifika dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastruttura u r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi produtturi u dawk ta’ tranżitu. Il-politiki għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastruttura jkunu aktar effiċjenti jekk jiġu kkoordinati fil-livell Ewropew.

3.5   Ix-xenarji kollha se jinvolvu bidla u adattament min-naħa tal-utenti tal-enerġija, u l-Kummissjoni tinnota l-bżonn li l-pubbliku jieħu impenn u jipparteċipa u li l-impatt soċjali jiġi rikonoxxut. Ser jinħtieġu livelli ogħla ta’ investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika, u ser ikun hemm bżonn li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti tas-suq uniku u tar-regolamentazzjoni. L-infrastruttura tal-enerġija għandha bżonn ta’ aġġornament sinifikanti u ta’ kapaċità ġdida, filwaqt li l-Istati Membri u l-investituri jeħtieġu miri konkreti. Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika komunikazzjonijiet rilevanti oħrajn dwar l-enerġija rinnovabbli, is-suq intern, il-ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju, is-sikurezza nukleari u t-teknoloġiji tal-enerġija. Dawn ser jifformaw il-qafas ta’ politika għall-2030.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Minħabba l-ħafna inċertezzi tekniċi u politiċi dwar il-futur, il-Kumitat jaqbel li l-metodu użat fil-Pjan Direzzjonali, jiġifieri li jitfasslu xenarji alternattivi għall-2050, huwa wieħed adatt u jippermetti li jiġi mqabbel u evalwat l-impatt ta’ żviluppi tekniċi differenti, taħlitiet differenti ta’ politiki u avvenimenti esterni differenti.

4.2   Hemm daqsxejn ta’ nuqqas ta’ trasparenza fil-metodoloġija użata għat-tfassil tax-xenarji u fl-ipotesi msejsin fuqhom. Għandha tingħata aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni sabiex esperti oħrajn ikunu jistgħu jittestjaw dan l-approċċ u jiżviluppaw xenarji oħra abbażi ta’ ipotesi differenti. Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-informazzjoni inkluża fl-annessi tal-Pjan Direzzjonali tirrappreżenta pass pożittiv u jappoġġja l-konklużjoni prinċipali tal-Pjan Direzzjonali, jiġifieri li d-dekarbonizzazzjoni sostanzjali sal-2050 hija fattibbli, u li fit-tul dan ir-riżultat għandu jipprovdi lill-Ewropa bażi tal-enerġija aktar sigura u sostenibbli għall-futur milli kieku tissokta bil-politiki eżistenti, u dan bi spiża bejn wieħed u ieħor komparabbli matul l-40 sena li ġejjin sal-2050. Madankollu, għalkemm fattibbli, l-isfidi tad-dekarbonizzazzjoni tal-Pjan Direzzjonali huma sostanzjali ħafna u attwalment qed jaffrontaw bosta ostakli.

4.3   Il-Pjan Direzzjonali juri li jeżistu modi differenti biex tinkiseb id-dekarbonizzazzjoni. Ilkoll għandhom xi elementi ewlenin komuni – sforz sinifikanti fl-użu effiċjenti tal-enerġija, espansjoni kbira tal-enerġiji rinnovabbli, użu akbar tal-elettriku fit-taħlita tal-enerġija, grid aktar estensiva u intelliġenti, arranġamenti ġodda għall-ħżin tal-elettriku jew għall-kapaċità ta’ back-up. Elementi oħrajn jiddependu aktar minn żviluppi tekniċi li għadhom ma tawx prova sħiħa tal-użu tagħhom jew mill-bażi tar-riżorsi u l-għażliet tal-pajjiżi individwali (faħam nadif, enerġija nukleari, eċċ.). L-aċċettazzjoni mill-pubbliku u l-varjazzjoni tal-ispejjeż huma fatturi sinifikanti fl-għażliet kollha, u l-ebda għażla mhi mingħajr riskji.

4.4   Il-Kumitat jaqbel ma’ din l-analiżi u l-konklużjoni impliċita li l-UE għandha tiffoka l-isforz kollettiv primarju tagħha fuq l-avvanz tal-elementi komuni li ser ikunu meħtieġa madwar l-Ewropa mill-aktar fis u b'mod kemm jista' jkun koerenti u effiċjenti.

4.5   Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-analiżi, li ssir fil-Pjan Direzzjonali, tal-opportunitajiet u l-isfidi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati f'livell Ewropew sabiex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija, jerġgħu jinħasbu s-swieq tal-enerġija, jiġu mobilizzati l-investituri, jiġi involut il-pubbliku u titħeġġeġ il-bidla f'livell internazzjonali. Il-Kumitat daqt jirrikonoxxi bħala validi l-prijoritajiet proposti fir-rigward tal-oġġezzjonijiet u l-osservazzjonijiet imressqa fil-kummenti ta’ hawn taħt, u b'mod partikolari s-sezzjoni finali li tidentifika għaxar kundizzjonijiet jew kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b'mod urġenti sabiex jitħeġġeġ il-progress.

4.6   Madankollu, il-Kumitat huwa mbeżża' mill-fatt li l-progress fl-UE u f'ċerti Stati Membri diġà qiegħed lura sew mill-miri attwali. Il-Kumitat jinsisti li jiġi rikonoxxut li d-dimensjoni ta’ dan in-nuqqas hija moħbija mit-tnaqqis tal-proċessi tal-produzzjoni li jemettu ħafna karbonju fl-UE, l-espansjoni tagħhom f'partijiet oħra tad-dinja u l-importazzjoni sussegwenti fl-UE.

4.7   L-iżvilupp teknoloġiku jieħu ż-żmien biex isir disponibbli b'mod sħiħ u bi prezzijiet kompetittivi. L-investimenti fl-enerġija għandhom ċiklu partikolarment twil, normalment 40 sena, u dan joħloq il-bżonn li l-UE u l-Istati Membri jistabbilixxu b'mod urġenti miri indikattivi għall-2030 flimkien ma’ politiki ta’ appoġġ bil-għan li tiġi evitata s-saturazzjoni tal-impjanti b'livell għoli ta’ karbonju. Huwa preċiżament il-perjodu ta’ dawn iċ-ċikli ta’ investiment li jista' jiddetermina l-pass tal-progress lejn l-għan finali tal-2050 u jekk dan jistax verament jinkiseb. Se jkun meħtieġ li l-konverġenza politika u l-avvjament kummerċjali jinqalbu f'azzjoni prattika permezz ta’ programmi ta’ appoġġ u leġislazzjoni.

4.8   Bħalissa l-effiċjenza u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija mhix qed tavvanza b'mod rapidu biżżejjed, b'mod partikolari fid-dawl tan-negozjar interistituzzjonali dwar il-proposta attwali għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. Ir-reviżjoni tal-programmi nazzjonali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li daqt tagħmel il-Kummissjoni għandha tistimola azzjoni addizzjonali filwaqt li jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fid-domanda jista' jaffettwa wkoll l-investiment fl-enerġija. Il-progress tal-enerġiji rinnovabbli qed jinżamm lura mill-fluttwazzjonijiet fl-appoġġ mill-gvernijiet u, f'ċerti każijiet, mir-reżistenza lokali. Il-modernizzazzjoni tal-grid u tal-ħżin tal-enerġija miexja bil-mod wisq. Grid “intelliġenti” tassew flessibbli toħloq spejjeż ta’ investiment addizzjonali, però l-Kumitat jemmen li l-benefiċċji tal-bini ta’ bażi għal Komunità Ewropea tal-Enerġija vantaġġuża għal kulħadd huma predominanti. Dwar dan tkellimna aktar fl-opinjoni fuq ir-Regolament dwar l-infrastruttura (1).

4.9   Il-prezz tal-emissjonijiet tal-karbonju li kellu jiġi stabbilit mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (ETS) huwa wisq baxx u volatili biex jagħti sinjal utli lill-investituri. Madankollu, il-konsegwenzi marbutin mal-ipotesi li fil-futur l-ETS ikollha prezzijiet unitarji għaljin (EUR 200-300/tunnellata fl-2040-2050) għandhom jiġu analizzati iżjed fil-fond. Dawn il-kwistjonijiet, u oħrajn li għadhom mhux solvuti, ixekklu milli jiġu sodisfatti l-għaxar kundizzjonijiet għall-progress identifikati fil-Pjan Direzzjonali. L-ewwel prijorità għandha tkun li jiġu eżaminati dawn il-problemi b'mod miftuħ u onest, u li jissolvew fil-pront sabiex ikun jista' jkompli jsir il-progress.

4.10   Fit-tul dan ser jagħmel lill-ekonomija Ewropea aktar reżistenti u kompetittiva fid-dinja milli tkun li kieku sempliċement jissoktaw il-politiki preżenti. Iżda f'perjodu qasir ta’ żmien, l-investiment meħtieġ inevitabbilment ser iwassal għal żieda fil-prezz tal-enerġija u spejjeż addizzjonali għall-konsumaturi, in-negozji jew il-gvernijiet (jew probabbilment għat-tlieta li huma b'modi differenti). Barra minn hekk, x'aktarx dan ser ikollu impatti differenti fi Stati Membri differenti, li bħalissa jvarjaw b'mod sostanzjali fil-livell ta’ dipendenza mill-karburanti fossili, fil-livelli attwali ta’ użu effiċjenti tal-enerġija u fil-potenzjal tagħhom b'rabta mal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.

4.11   F'dan ir-rigward, id-dipendenza mill-faħam, li aktarx ser tibqa' preżenti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku f'ħafna partijiet mill-Ewropa, flimkien mal-interess dejjem akbar fil-potenzjal tal-gass tax-shale ser jeħtieġu sforzi kollaborattivi ta’ riċerka u finanzjament sabiex jiġu implimentati programmi komplementari għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. Il-gass tax-shale, għalkemm utli fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-Pajiżi Terzi fil-provvista tal-enerġija, għandu riskji ambjentali sinifikanti li għandhom jiġu kompletament valutati. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji għall-qsim tal-piżijiet u l-allokazzjoni tal-ispejjeż ta’ programmi infrastrutturali kbar bejn il-pajjiżi. Il-pajjiżi li huma dipendenti fuq il-faħam għall-produzzjoni tal-enerġija jeħtieġu appoġġ ta’ simpatija u inċentivi sabiex jagħmlu l-ikbar sforz ta’ dekarbonizzazzjoni possibbli.

4.12   Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti immens li dawn l-impatti jiġu totalment ikkwantifikati, diskussi u aċċettati minn dawk kollha kkonċernati, u li jittieħdu miżuri biex jinqasam il-piż tal-aġġustament skont il-kapaċitajiet u fi spirtu ta’ solidarjetà kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri. L-esperjenza turi li l-komunitajiet jistgħu jaslu biex jaċċettaw il-bżonn ta’ bidla u l-ispejjeż involuti f'dawn it-trasformazzjonijiet – iżda dan iseħħ biss jekk ikunu involuti b'mod sħiħ, ma jaħsbux li huma żvantaġġati b'mod inġust u jkunu jistgħu jaraw u jaċċettaw huma stess ir-raġunijiet. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jagħtu liċ-ċittadini tagħhom l-għodod biex jipparteċipaw f'dawn il-bidliet mistennija, u għandhom ukoll jippreżentaw l-għanijiet b'mod ċar u jispjegaw għaliex dawn il-passi huma meħtieġa.

4.13   Huwa essenzjali wkoll li l-konsumaturi vulnerabbli jiġu protetti mill-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u li n-negozji vulnerabbli jiġu protetti mill-kompetizzjoni inġusta li tkun ġejja minn reġjuni barra mill-UE mhux soġġetti għall-istess restrizzjonijiet. L-Istati Membri u r-reġjuni li jkollhom problemi speċjali biex iwettqu t-trasformazzjoni tal-enerġija, jista' jkun li jkollhom bżonn ukoll ta’ appoġġ addizzjonali mill-fondi strutturali jew minn mekkaniżmi oħra, iżda l-użu ta’ skemi ta’ appoġġ differenti m'għandux joħloq kompetizzjoni inġusta bejn il-pajjiżi u r-reġjuni. L-idea aktar għandha tkun li jiġu armonizzati l-iskemi ta’ appoġġ ġustifikati kif ukoll il-prinċipji għall-allokazzjoni tal-ispejjeż ta’ proġetti infrastrutturali kbar bejn il-pajjiżi. Għandhom jiġu nnotati r-riskji konkomitanti li jinsabu fil-proċessi ta’ ppjanar ċentrali meħtieġa għal dan kollu.

4.14   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja b'mod effettiv l-istrateġiji tal-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-interessi tal-konsumaturi jiġu żgurati u li l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji intelliġenti u b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju hija bbażata fuq il-kosteffiċjenza. B'mod partikolari, suq intern li jaħdem tajjeb, it-tisħiħ tas-setgħat u l-indipendenza tar-regolaturi tal-enerġija u l-obbligu ta’ servizz universali lkoll għandhom ikunu stabbiliti f'kuntest ta’ trasparenza, responsabbiltà u informazzjoni lill-pubbliku dwar il-konsum sostenibbli.

4.15   Bħalissa qed ikun hemm xi problemi wkoll biex titkompla l-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli. Mil-lat tekniku, s'issa għadhom ma nħolqux pjani u investimenti biex jakkomodaw it-tkomplija tal-espansjoni ta’ sorsi varjabbli u mifruxin b'mod wiesa' għall-provvista fil-grid u s-sistema tal-ħżin. Mil-lat ekonomiku, għalkemm il-medja tal-ispiża unitarja tal-enerġiji rinnovabbli qed tkompli tinżel, s'issa din l-għażla għall-ġenerazzjoni tal-elettriku tiswa iktar mill-metodi konvenzjonali (b'mod partikolari, l-impjanti tal-enerġija mħaddma bil-gass). Min-naħa tal-konsumatur hemm xi ftit oppożizzjoni lokali għal ċerti tipi ta’ installazzjonijiet (b'mod partikolari l-enerġija mir-riħ). Għaldaqstant, għalkemm ix-xenarju tas-“Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli Għolja” għall-2050 jidher l-aktar wieħed attraenti, bl-akbar sigurtà tal-provvista u prattikament bl-ebda spiża tal-karburanti użati (xemx, riħ, eċċ.), fl-istess ħin jidher li l-problemi biex naslu hemm minn fejn qegħdin bħalissa huma l-aktar diffiċli u ser tinħtieġ tmexxija politika determinata u konsistenti ħafna sabiex jinkiseb dan. Anke f'dan il-każ, l-argumenti preċedenti huma validi biss jekk ikun hemm sistemi għall-ħżin tal-enerġija mingħajr karbonju jew impjanti tal-elettriku ta’ back-up sabiex jikkumpensaw għall-fluttwazzjonijiet ta’ ħafna mis-sorsi rinnovabbli.

4.16   Il-ġestjoni tat-trasformazzjoni ser tirrikjedi sforzi determinati u kkoordinati fil-livelli kollha. Hemm bżonn ta’ azzjoni Ewropea qawwija biex jiġu stabbiliti standards komuni għall-użu effiċjenti tal-enerġija fis-setturi kollha, biex titħeġġeġ l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ewlenin, biex jiġi integrat is-suq u jiġu armonizzati l-miżuri fiskali u s-sistemi ta’ inċentivi, biex tiġi riformata l-ETS, biex jiġu kkoordinati l-pjani għal grid intelliġenti integrata madwar l-Ewropa kollha u s-sistemi tal-ħżin tal-enerġija, eċċ. Huwa essenzjali li, qabel l-Ewropa titpoġġa fit-triq finali lejn l-2030 jew l-2050, issir reviżjoni minn kmieni tal-Istrateġija tal-Enerġija għall-2020. Il-Kumitat jixtieq jara rapporti għal kull pajjiż u settur individwali dwar it-tliet għanijiet ewlenin stabbiliti għall-għaxar snin attwali.

4.17   Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu effettiv biex imexxi t-trasformazzjoni 'l quddiem fi spirtu ta’ kooperazzjoni. Il-Kumitat huwa favur li tiġi stabbilita minn kmieni Komunità Ewropea tal-Enerġija integrata. Sadanittant, jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kif ukoll lir-regolaturi u l-operaturi tal-enerġija biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li jippermettilhom jaħdmu flimkien kważi daqslikieku kienet teżisti diġà l-Komunità tal-Enerġija.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Taħlita tal-enerġija

5.1.1   Fuq perjodu medju, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija Ewropea tista' tkun tassew ta’ vantaġġ għall-kompetittività tal-Ewropa. Din ser iġġib bidliet kbar fit-taħlita tal-produzzjoni tal-enerġija tal-Istati Membri u ser tinvolvi t-twarrib progressiv tal-karburanti fossili (żejt, gass, faħam) li għadhom jammontaw għal 80 % tat-taħlita tal-enerġija Ewropea. Dawn il-karburanti fossili huma fil-biċċa l-kbira importanti u, għalhekk, ipoġġu lill-Unjoni Ewropea f'sitwazzjoni ta’ dipendenza ekonomika u finanzjarja (kważi 55 % tal-enerġija tagħna tiġi minn sorsi minn barra l-Ewropa). L-Unjoni Ewropea tixtri b'EUR 270 biljun żejt u b'EUR 40 biljun gass fis-sena, u hemm ir-riskju li l-ispejjeż biex jinkisbu dawn il-karburanti saħansitra jkomplu jiżdiedu fis-snin li ġejjin minħabba l-volatilità tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass.

5.1.2   It-tranżizzjoni lejn sorsi tal-enerġija lokali b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju ser tkun tiswa inqas flus għall-Ewropa milli kieku tinżamm sistema tal-enerġija li tiddependi mill-enerġija primarja importata, b'mod partikolari fil-kuntest ta’ domanda globali li qiegħda tiżdied b'mod regolari. Sistema ta’ sorsi tal-enerġija mifruxa tistimula l-ekonomija lokali u l-ħolqien tal-impjiegi u twassal biex il-pubbliku jsir iżjed konxju tal-enerġija. L-iżvilupp tagħha jista' jagħti kontribut kbir biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE għall-enerġija u l-klima. Il-progress fl-introduzzjoni ta’ sistema lokali ta’ sorsi tal-enerġija b'livell baxx tal-karbonju jiddependi mill-politiki tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-finanzi. Il-Kummissjoni hija mistennija tieħu azzjoni iżjed deċiżiva biex tappoġġja l-politiki nazzjonali għall-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija lokali.

5.1.3   F'dan ir-rigward, l-enerġija rinnovabbli għandha tiġi inkoraġġuta flimkien mat-teknoloġiji kollha li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni bi spiża aktar baxxa. Il-bijomassa tista' taqdi rwol ukoll, però huwa importanti li jiġi żgurat li l-metodi magħżula jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-karbonju abbażi ta’ analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja u ma jikkontribwixxux għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel. Madwar l-Ewropa hemm it-tħassib dwar l-enerġija nukleari u reżistenza kontra l-iżvilupp tagħha. Madankollu, l-enerġija nukleari tista' tgħin biex issir it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li jagħżlu l-għażla nukleari, billi tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku u l-prezzijiet tal-elettriku, għalkemm għad hemm xi mistoqsijiet dwar jekk xi spejjeż, pereżempju dawk relatati mas-sigurtà, il-ħżin tal-iskart, il-kwistjonijiet tad-diżattivazzjoni u kontabilità, għandhomx jibqgħu esternalizzati jew soċjalizzati.

5.1.4   L-elettriku għandu jaqdi rwol aktar importanti milli għandu llum, għaliex hu jikkontribwixxi bil-kbir għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u tat-tisħin/tkessiħ. Flimkien mal-irduppjar ippjanat tas-sehem tiegħu fil-konsum tal-enerġija finali, għandhom isiru bidliet kbar fil-metodi tal-produzzjoni tiegħu u fil-mod kif jiġi skambjat bejn il-pajjiżi Ewropej, u għandha tiżdied il-kompetizzjoni attwali bejn dawk li jiġġeneraw u dawk li jbigħu l-elettriku.

5.1.5   Iż-żejt għandu jkompli jintuża l-aktar għall-merkanzija u t-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal; fir-rigward tal-gass, dan jista' jintuża bħala sostitut temporanju għall-aktar sorsi tal-enerġija li jniġġsu (bħall-faħam jew iż-żejt), iżda r-rwol ewlieni tiegħu għandu jkun li minn issa sal-2050 jservi ta’ karburant ta’ tranżizzjoni lejn enerġiji b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. F'dan il-kuntest, għandu jsir inventarju dettaljat tar-riżorsi tal-gass interni tal-UE, għaliex dawn jistgħu jgħinu biex iżidu l-indipendenza tal-UE fir-rigward tal-enerġija.

5.1.6   Fir-rigward tal-karburanti fossili b'mod ġenerali, l-Ewropa għandha b'mod urġenti twettaq iżjed riċerka dwar il-fatturi lokali u ekonomiċi marbuta mal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju flimkien mal-għoti ta’ valur realistiku lill-karbonju u aktar informazzjoni lill-pubbliku.

5.1.7   Tliet setturi ta’ attività, b'mod partikolari, ser ikollhom jagħmlu bidliet radikali fl-organizzazzjoni tagħhom. Il-produzzjoni tal-elettriku għandha tnaqqas l-emissjonijiet b'mill-inqas 95 %, u kull Stat ser ikun ħieles li jiddetermina l-bilanċ tiegħu bejn enerġija rinnovabbli, enerġija nukleari u ġbir u ħżin tal-karbonju. Il-bini residenzjali u kummerċjali wkoll ser ikollu jadatta, b'objettivi ta’ tnaqqis ta’ 90 % permezz ta’ standards aktar stretti għall-kostruzzjonijiet ġodda u għall-konsum tal-enerġija mill-apparat domestiku kif ukoll permezz tar-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti. L-industrija ser ikollha tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'85 %, filwaqt li toqgħod attenta għar-riskju potenzjali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz ta’ rilokazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi li japplikaw standards ta’ emissjoni inqas restrittivi.

5.2   Impenn industrijali u finanzjarju

5.2.1   It-tranżizzjoni tal-enerġija ser tipprovdi opportunità biex l-industrija Ewropea tingħata ħajja ġdida, tinħoloq l-attività u jiġu riveduti fil-fond il-modi tal-produzzjoni u tal-konsum. Il-kompetittività tal-Ewropa għandha tissejjes fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kapaċità li jiġu kummerċjalizzati t-teknoloġiji nodfa. F'dan il-kuntest, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-proġetti l-kbar li jinvolvu lill-operaturi Ewropej sabiex jgħinu lill-industrija b'mod ġenerali, iżda b'mod partikolari lill-SMEs u għandu jitqies u jiġi valutat ukoll ir-rwol tal-produzzjoni tal-enerġija lokalizzata.

5.2.2   It-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju għandha tippromovi l-impjieg fis-suq intern. Flimkien mat-trasformazzjoni tal-industrija tal-enerġija, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għall-iżvilupp ta’ impjiegi ġodda. Is-setturi tal-bini u tal-enerġija rinnovabbli għandhom ikunu jistgħu joħolqu 1,5 miljun impjieg addizzjonali sal-2020.

5.2.3   Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-investimenti addizzjonali (EUR 270 biljun fis-sena minn issa sal-2050), jiġifieri 1,5 % tal-PDG tal-UE, ser jgħinu lill-Ewropa ssaħħaħ it-tkabbir. Mill-importazzjonijiet tal-idrokarburi biss jistgħu jiġu ffrankati bejn EUR 175 biljun u EUR 320 biljun. Madankollu, il-komunità tal-investiment qed titlob qafas tas-suq koerenti u konsistenti madwar l-Ewropa kollha u kollaborazzjoni akbar bejn l-Istati Membri. Għandhom jiġu żviluppati strumenti innovattivi għall-investiment finanzjarju b'mod partikolari għall-appoġġ tal-SMEs fil-qasam tal-enerġija.

5.2.4   Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għandhom jingħaqdu flimkien sabiex ma jibqgħux jintużaw is-sistemi ta’ appoġġ nazzjonali ineffikaċi li joħonqu l-kompetizzjoni. Ir-reviżjoni tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-ambjent, li hija ppjanata għall-2013, għandha tippermetti li tiġi appoġġjata l-promozzjoni tat-teknoloġiji kollha li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

5.3   It-titjib u t-tnaqqis tal-konsum tagħna: użu aktar effiċjenti tal-enerġija u aktar skambji bejn l-Istati Membri

5.3.1   Hemm bżonn ta’ impuls Ewropew akbar biex jonqos il-konsum tal-enerġija, biex jitjieb il-mod kif tintuża – bil-promozzjoni ta’ mġiba li tiffranka l-enerġija u ta’ tekniki li jużaw inqas enerġija – u biex l-enerġija tiġi skambjata b'mod effiċjenti. Il-bini (39 % tal-konsum finali kollu tal-enerġija fl-Ewropa), it-trasport (30 %) u l-industrija (25 %) ilkoll għandhom bżonn qafas komuni ta’ regoli vinkolanti. Il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija huwa konsiderevoli: is-settur industrijali jista' jnaqqas il-konsum tiegħu b'19 % u s-settur tat-trasport b'20 %.

5.3.2   Il-KESE jirrakkomanda li titkompla b'mod razzjonali l-azzjoni mibdija fil-qafas tal-pakkett tal-enerġija u l-klima, filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġu appoġġjati l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

5.3.3   Iż-żieda kbira tal-enerġiji rinnovabbli fil-Baħar tat-Tramuntana u potenzjalment, iżda xi ftit inqas, fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, u dik tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ fin-Nofsinhar tal-Ewropa ser jeħtieġu infrastrutturi ġodda u aktar “intelliġenti” sabiex jittejjeb l-iskambju tal-enerġija bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi Ewropej. L-iżvilupp ta’ dawn il-“grids intelliġenti” jista' jippermetti li l-konsum jonqos b'9 % u l-emissjonijiet tas-CO2 jonqsu b'bejn 9 % u 15 %. Dan jirrikjedi li minn issa sal-2050 isir investiment prijoritarju ta’ bejn EUR 1,5 triljun u EUR 2,2 triljun fl-infrastrutturi strateġiċi, bil-għan li jiġu modernizzati u żviluppati n-netwerks Ewropej tal-elettriku u tal-gass.

5.3.4   Jista' jkun utli li gruppi ta’ Stati Membri f'żona ġeografika partikolari jikkoordinaw it-taħlitiet tal-enerġija, l-infrastruttura u r-regoli tas-suq tagħhom sabiex jaqsmu l-benefiċċji tad-diversi sorsi ta’ enerġija li jkollhom. Is-swieq tagħhom, peress li jkunu aktar interkonnessi u armonizzati, ikunu wkoll aktar reżistenti għall-fluttwazzjonijiet tal-produzzjoni u l-konsum, u b'mod kollettiv, ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jiżguraw il-provvista tal-enerġija tal-UE.

5.4   L-involviment tal-pubbliku fit-tranżizzjoni tal-enerġija

5.4.1   Illum il-ġurnata, li l-pubbliku jaċċetta l-għażliet li jsiru fil-qasam tal-enerġija (nukleari, ġbir u ħżin tad-diossidu tal-karbonju, wind farms, linji tal-elettriku b'vultaġġ għoli, eċċ.) hija sfida għad-demokraziji Ewropej. Il-KESE kif ukoll il-KES nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-NGOs l-oħra għandhom rwol ċentrali x'jaqdu biex jippromovu informazzjoni ċara u trasparenti dwar dawn il-politiki u biex jinvolvu lill-pubbliku b'mod aktar effettiv. Il-Pjan Direzzjonali huwa opportunità biex tiġi żviluppata d-demokrazija parteċipattiva b'rabta ma’ kwistjoni li taffettwa lil kull ċittadin.

5.4.2   Il-KESE jissuġġerixxi li titnieda kampanja wiesgħa ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni biex il-pubbliku Ewropew jiġu informat dwar id-diversi għażliet għat-tranżizzjoni tal-enerġija, ir-rwol ċentrali tal-infrastruttura u l-imġiba ġdida mistennija mill-poplu Ewropew f'dak li hu konsum tal-enerġija.

5.4.3   Il-KESE jemmen li l-ħolqien ta’ forum Ewropew tas-soċjetà ċivili jgħin biex isaħħaħ il-fluss ta’ informazzjoni fl-UE billi jiġbor b'mod regolari lill-partijiet interessati lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej kollha bil-għan li jiddiskutu flimkien il-kwistjonijiet prinċipali tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-perjodu sal-2050.

5.4.4   Il-ħolqien ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija jiffoka l-attenzjoni fuq id-dimensjoni strateġika u vitali tal-enerġija (aċċessibbiltà, tariffi u prezzijiet affordabbli, regolarità, affidabbiltà, eċċ.) u l-bidliet li jridu jsiru matul l-40 sena li ġejjin. Hija tikkonkretizza l-idea ta’ Ewropa li tisma' liċ-ċittadini tagħha u li tindirizza l-kwistjonijiet li jolqtuhom direttament. Dan il-proġett iwassal għal aktar armonizzazzjoni soċjali, li hija meħtieġa sabiex il-proġett Ewropew jissaħħaħ u jingħata tifsira ġdida.

5.4.5   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu appoġġjati aktar l-inizjattivi lokali u reġjonali, li jinsabu fuq quddiem nett fir-rigward tal-mobbiltà, l-infrastruttura u t-trasport intelliġenti, il-proġetti ta’ bini ġdid u rinnovazzjoni, in-netwerks tat-tisħin u tat-tkessiħ u l-ippjanar urban. Il-KESE jemmen li l-inizjattivi tagħhom għandhom jiġu inkoraġġuti għaliex huma ħafna drabi jippromovu politiki tal-enerġija innovattivi, deċentralizzati u demokratiċi.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-testi li ġejjin tal-opinjoni tas-sezzjoni nċaħdu favur emendi jew kompromessi adottati mill-Assemblea iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 u l-għan tiegħu li jipprovdi qafas għall-politika maqbula tad-dekarbonizzazzjoni sostanzjali tas-settur tal-enerġija fl-Ewropa sal-2050  (1). L-isfida mhix biss li tinkiseb taħlita tal-enerġija sostenibbli, sigura u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju f’suq kompetittiv, iżda wkoll li s-soċjetà ċivili tiġi konvinta li dan l-għan jista’ jinkiseb.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

88

Kontra

41

Astensjonijiet

13

4.5

Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-analiżi, li ssir fil-Pjan Direzzjonali, tal-opportunitajiet u l-isfidi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati f’livell Ewropew sabiex tiġi ttrasformata s-sistema tal-enerġija, jerġgħu jinħasbu s-swieq tal-enerġija, jiġu mobilizzati l-investituri, jiġi involut il-pubbliku u titħeġġeġ il-bidla f’livell internazzjonali. Bla ħsara għall-kummenti aktar dettaljati mressqin hawn taħt, il-Kumitat jappoġġja l-prijoritajiet suġġeriti, u b’mod partikolari s-sezzjoni finali li tidentifika għaxar kundizzjonijiet jew kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti sabiex jitħeġġeġ il-progress.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

75

Kontra

51

Astensjonijiet

24

5.1.3

F’dan ir-rigward, l-enerġija rinnovabbli għandha tiġi inkoraġġuta flimkien mat-teknoloġiji kollha li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni bi spiża aktar baxxa. Il-bijomassa tista’ taqdi rwol ukoll, però huwa importanti li jiġi żgurat li l-metodi magħżula jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-karbonju abbażi ta’ analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja u ma jikkontribwixxux għan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel. L-enerġija nukleari tista’ tgħin biex issir it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li jagħżlu l-għażla nukleari, billi tagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku u l-prezzijiet tal-elettriku, għalkemm għad hemm xi mistoqsijiet dwar jekk xi spejjeż, pereżempju dawk relatati mas-sigurtà, il-ħżin tal-iskart, il-kwistjonijiet tad-diżattivazzjoni u kontabilità, għandhomx jibqgħu esternalizzati jew soċjalizzati.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

89

Kontra

53

Astensjonijiet

8


(1)  Kunsill Ewropew, Ottubru 2009.


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/133


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla/L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi”

COM(2011) 637 final u COM(2011) 638 final

2012/C 229/26

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-30 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla/L-approċċ futur għall-appoġġ baġitarju tal-UE għal pajjiżi terzi

COM (2011) 637 final u COM (2011) 638 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ April 2012.

Matul il- … sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tal-24 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’146 vot favur, 60 vot kontra u 30 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat japprova u jappoġġja ż-żewġ proposti iżda jisħaq fuq il-prijorità li għandha tingħata sabiex l-objettivi mħabbrin jiġu trasposti fir-realtà tal-popolazzjonijiet li għalihom fl-aħħar mill-aħħar hija maħsuba l-għajnuna, u għaldaqstant jissuġġerixxi dan li ġej:

1.1

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ, kull waħda bl-ispeċifiċitajiet partikolari tagħha, bħall-organizzazzjonijiet trejdunjonistiċi, il-kooperattivi, l-NGOs jew l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem) għandhom jiġu involuti mhux biss fil-linji gwida ġenerali iżda matul il-proċess kollu li jinvolvi l-għażla tal-proġetti, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tar-riżultati, sabiex jiġu appoġġjati u kkompletati l-proċeduri amministrattivi, diplomatiċi u legali ta’ kontroll u ta’ valutazzjoni tal-finanzjamenti tal-UE.

1.2

L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti, u mhux biss ikkonsultati; permezz ta’ hekk, inkunu nistgħu nibbenefikaw mill-għarfien espert tagħhom imsejjes fuq l-esperjenza soċjali, ekonomika u ambjentali, u mill-impenn volontarju taċ-ċittadini involuti, filwaqt li jitjiebu l-kriterji ta’ rappreżentattività u ta’ demokrazija – ftuħ, tkabbir?, trasparenza, indipendenza (objettiv ta’ sjieda).

1.3

F’dan ir-rigward, il-kunsilli ekonomiċi u soċjali, meta jeżistu, jikkostitwixxu riżorsa prezzjuża. Flimkien mal-imsieħba differenti tiegħu: l-organizzazzjonijiet tat-tielet settur, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-KESE impenja ruħu bla heda, kienu x’kienu l-ostakli. Huwa serva ta’ interlokutur tal-awtoritajiet pubbliċi Ewropej mad-delegazzjonijiet li kellu kuntatt magħhom, kemm billi serva ta’ pont bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ċivili, soċjali u ekonomiċi kif ukoll billi f’bosta okkażjonijiet irrakkomanda lill-awtoritajiet tal-UE biex joqogħdu aktar attenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

1.4

Il-bilanċ għandu jkun żgurat aħjar waqt il-proċeduri ta’ konsultazzjoni tal-OSĊ Ewropej, minn naħa waħda, u tal-pajjiżi benefiċjarji, min-naħa l-oħra. Huwa vitali li tiġi evitata l-istrumentalizzazzjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp filwaqt li għandha tiġi partikolarment żgurata konsultazzjoni inkroċjata tal-atturi mhux statali (1).

1.5

L-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, li tikkontribwixxi għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, għandha tiġi inkluża fir-rigward tal-konċentrazzjoni tas-setturi fil-livell tal-pajjiżi. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi sa mill-bidu fid-djalogu dwar il-politiki sabiex tiġi żgurata sjieda demokratika tal-politiki tal-iżvilupp li tmur lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-gvern;

1.6

Id-divrenzjar bejn il-pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi għandu jkun ibbażat fuq indikaturi rilevanti bħall-Indiċi ta’ Żvilupp Uman tan-NU, li jkunu adatti għat-tnaqqis tal-faqar. Fi kwalunkwe każ, għandha tiġi stabbilita strateġija ta’ eliminazzjoni gradwali (phasing out) għall-hekk imsejħa pajjiżi b’“ekonomiji emerġenti”.

1.7

L-appoġġ tal-UE għall-governanza tajba u għad-drittijiet tal-bniedem (pilastru tal-Aġenda għall-Bidla) għandu jkun immirat lejn il-promozzjoni ta’ approċċ lejn l-iżvilupp li jkun imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u li jkollu dawn il-karatterstiċi: parteċipazzjoni fil-proċessi politiċi, sjieda demokratika u għoti ta’ poter lid-detenturi tad-drittijiet; sistemi konformi mad-drittijiet tal-bniedem dwar impenji miftiehma fil-livell internazzjonali; koerenza politika bejn id-drittijiet tal-bniedem, l-għajnuna u l-politiki ekonomiċi.

1.8

Il-Kumitat jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni speċjali lit-titjib li ġej sabiex ikun hemm riallokazzjoni aktar effikaċi tal-għajnuna pubblika u privata:

peress li ħafna drabi l-pajjiżi fejn l-għajnuna hija l-aktar meħtieġa huma wkoll il-pajjiżi bl-eħrex forom ta’ korruzzjoni, jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-miżuri kontra l-korruzzjoni u fil-każ ta’ pagamenti għall-appoġġ baġitarju, jeħtieġ li l-atturi mhux statali, l-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet attivi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u n-netwerks Ewropej jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil tal-prijoritajiet, fil-monitoraġġ, eċċ.;

it-temi settorjali għandhom ikunu fil-qalba tar-ridefinizzjoni strategika tal-objettivi tal-għajnuna; fost dawn it-temi, il-Kumitat jagħti prijorità lill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-setturi soċjali, lill-edukazzjoni, inkluż it-taħriġ vokazzjonali kontinwu, lis-saħħa, lill-iżvilupp tan-NICTs (teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni) u l-aċċess għalihom, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet kollha li jikkonċernaw in-nisa fix-xogħol u fil-ħajja privata tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika;

l-għajnuna mill-Istat tibqa’ essenzjali u neċessarja għall-iżvilupp tal-pajjiżi mmirati. Madankollu, sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tal-għajnuna diretta tal-Istati Membri u dik tal-UE, l-għajnuna mis-settur privat u mill-NGOs għandha tiġi kkunsidrata fil-proċess ta’ koordinazzjoni u tkun soġġetta għall-istess prinċipji dwar il-konsistenza tal-objettivi u l-kontabbiltà;

il-Kumitat għadu mħasseb dwar it-tendenza lejn it-tnaqqis fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta aktar fid-deċiżjonijiet tal-appoġġ baġitarju.

1.9

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni jmissha ssaħħaħ kemm tista’ l-involviment dirett tas-soċjetà ċivili Ewropea u tal-pajjiżi benefiċjarji, f’perspettiva ta’ sħubija bil-għan li tħalli impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-antikorruzzjoni u tnaqqas ir-riskju ta’ għajnuna mhux effettiva u l-problemi soċjali.

1.10

L-Istati Membri għandhom iġiegħlu lilhom infushom jikkoordinaw l-għajnuna tagħhom fil-qafas Komunitarju. F’kuntest ta’ kriżi ekonomika severa għall-UE, il-kontribwenti tat-taxxa Ewropej għandhom ikunu jistgħu jiġu sensibilizzati aħjar għall-objettivi tal-għajnuna, ikunu informati dwarha, ikollhom id-dritt isemmgħu leħinhom dwar l-objettivi, u biex ikunu jistgħu jappoġġjawhom aħjar, ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni rilevanti permezz ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ immirati lejn il-pubbliku ġenerali u lejn l-atturi volontarji u professjonali tal-OSĊ.

1.11

L-UE għandha wkoll tkun kapaċi ttejjeb serjament il-prestazzjoni tal-għajnuna tagħha billi tivvaluta l-impatt tal-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika jew ta’ assoċjazzjoni jew ta’ kummerċ ħieles, fil-qasam ekonomiku, industrijali u agrikolu, qabel ma tikkonkludihom u fil-kuntest tal-monitoraġġ tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

B’segwitu għall-Green Paper tagħha dwar “Politika tal-żvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli – Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE” (COM(2010) 629 final), il-Kummissjoni qed tippreżenta ż-żewġ proposti li qed jiġu analizzati hawnhekk.

2.2

Sfidi globali ġodda, il-mira tal-2015 għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) dejjem toqrob u t-tħejjijiet għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss – l-UE qed tfittex it-taħlita t-tajba tal-politiki, tal-għodod u tar-riżorsi li trid tuża biex tkun effikaċi fil-ġlieda kontra l-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi Aġenda għall-Bidla biex issaħħaħ is-solidarjetà tal-Ewropa man-nazzjonijiet tad-dinja li qegħdin jiżviluppaw fil-kuntest ta’ din il-ġlieda kontra l-faqar.

2.3

L-UE diġà tat kontribut kbir biex tnaqqas il-faqar u b’mod partikolari biex tappoġġja l-kisba tal-MDGs. Madankollu, il-faqar estrem għadu jippersisti f’bosta partijiet tad-dinja. Barra minn hekk, il-movimenti mmexxija mill-poplu fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani enfasizzaw li huwa essenzjali li jsir progress tajjeb fil-ksib tal-MDGs. Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-politika tal-UE għall-iżvilupp trid tqis id-divrenzjar miżjud bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-UE għandha wkoll l-opportunità li tikkollabora aktar mill-qrib mas-settur privat, il-fondazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li dawn l-atturi jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jitkellmu b’leħen wieħed u jaġixxu flimkien sbiex jiksbu riżultati aħjar u sabiex itejbu l-viżibilità tal-UE.

2.4

Iż-żminijiet ekonomiċi u baġitarji attwali jagħmluha essenzjali li jiġi żgurat li l-għajnuna tintefaq b’mod effettiv, tagħti l-aħjar riżultati possibbli u tintuża biex isservi ta’ lieva għal aktar finanzjament għall-iżvilupp.

2.5

L-istrateġiji tal-iżvilupp immexxija mill-pajjiżi msieħba ser ikomplu jfasslu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, skont il-prinċipji ta’ sjieda u ta’ sħubija. L-UE qiegħda tfittex impenn reċiproku akbar mal-pajjiżi msieħba tagħha, speċjalment responsabbiltà reċiproka fir-rigward tar-riżultati. Id-djalogu mniedi fil-livell tal-pajjiżi fi ħdan qafas ikkoordinat ta’ donaturi għandu jiddetermina eżattament fejn u kif tintervjeni l-UE. Ser tipprova tinkiseb ukoll kollaborazzjoni aktar effikaċi fi ħdan is-sistema multilaterali.

2.6

Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat ukoll “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp” (2), li tagħti bixra formali lil-linji gwida proposti fil-Green Paper u fiż-żewġ komunikazzjonijiet li ser jiġu analizzati hawn taħt.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat ifakkar li għadd ta’ kummenti li ressaq f’opinjonijiet preċedenti għadhom rilevanti, speċjalment:

L-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea (3)

L-Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) (4), fejn il-KESE talab “li titnieda diskussjoni istituzzjonali dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-politika barranija tal-Unjoni b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-possibbiltà li s-soċjetà ċivili organizzata tipparteċipa b’mod aktar dirett fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Il-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata għandha ssir b’mod sistematiku qabel ma jitfassal kull dokument ta’ strateġija fosthom id-dokumenti ta’ strateġija speċifiċi għall-pajjiżi (…)”.

3.2

Il-Kumitat jixtieq b’mod partikolari jappoġġja l-objettivi relatati mad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, inkluż bil-għan li jinqered ix-xogħol tat-tfal, u x-xogħol informali bla protezzjoni soċjali (Xogħol deċenti u Konvenzjonijiet tal-ILO).

3.3

Anke jekk il-ksib tal-MDG 1 (eliminazzjoni tal-faqar estrem) huwa appoġġjat mill-Kummissjoni, il-Kumitat jinnota li għadha qed tingħata ftit wisq importanza lill-għanijiet l-oħrajn, billi dan ikollu effett reċiproku. Pereżempju, il-ksib tal-Għan 7 dwar ambjent uman sostenibbli jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar.

3.4

Il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li jiġu allokati riżorsi finanzjarji speċifiċi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi (MDG 3), fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fuq kollox, jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ data u għan-nuqqas ta’ sorveljanza sistematika, billi dan jagħmilha diffiċli ħafna li jiġi identifikat kwalunkwe impatt, kemm jekk pożittiv u kemm jekk negattiv, fir-rigward tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Dan jillimita b’mod konsiderevoli l-possibbiltà li jiġu adottati politiki fid-dawl ta’ għarfien adegwat tas-sitwazzjoni u li jitfasslu strateġiji u interventi adatti għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi. Sabiex tkun effettiva, l-integrazzjoni tal-kwistjonijet relatati mas-sessi fil-politiki kollha għandha tiġi implimentata u appoġġjata permezz ta’ prevedibbiltà tal-finanzjamenti u s-sussidji, inkella tkun f’riskju li titħalla fil-ġenb, għall-benefiċċju ta’ objettivi oħrajn li jkunu jidhru aktar urġenti (5).

3.5

Rigward id-deċentralizzazzjoni u l-fiduċja delegata lir-rappreżentanti tal-UE, il-KESE, permezz tal-gruppi ta’ kuntatt u ta’ segwitu tiegħu u l-parteċipazzjoni tiegħu fir-Round Tables tal-UE (l-Indja, il-Brażil, l-AKP, eċċ.) kif ukoll permezz tal-proċess tal-Mediterran u dak tal-Viċinat tal-Lvant, iltaqa’ mad-delegazzjonijiet Ewropej f’kull waħda mill-missjonijiet tiegħu. Il-Kumitat josserva li l-appoġg mid-delegazzjonijiet Ewropej għandu jiġi estiż lejn l-OSĊ Ewropej preżenti fit-territorju billi dan itejjeb il-viżibilità tal-għajnuna Ewropea.

3.6

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet li jimmiraw lejhom il-proposti li qed jiġu eżaminati hawnhekk, filwaqt li għandu xi suġġerimenti għall-istrument ta’ “appoġġ baġitarju” minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ li jirċievi mill-pubbliku ġenerali. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali u ta’ oħrajn għandhom jiġu kkunsidrati aktar fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-programmi: id-demokrazija, it-trasparenza, it-traċċabbiltà għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħela, il-korruzzjoni, l-evażjoni fiskali, l-abbuż minn pożizzjoni ta’ poter u ta’ awtorità politika, tal-pulizija jew militari (6) u oħrajn.

3.7

L-ewwel nett, jeħtieġ li l-valutazzjoni ssir fil-fond jekk irridu nevitaw li minn hawn u tmien snin oħra (Perspettivi finazjarji 2014-2020) naslu mill-ġdid għall-konklużjoni li l-Kummissjoni bla dubju vvalutat tajjeb li r-riżultati huma diżappuntanti u li ppruvat tikkoreġi s-sitwazzjoni billi tikkunsidra wkoll il-kompiti fdati mit-Trattat il-ġdid, iżda fl-aħħar mill-aħħar baqgħet tagħmel l-istess bħal qabel: konsultazzjonijiet ex post u tisħiħ tal-kontroll permezz ta’ dettall eċċessiv, mingħajr tisħiħ tar-riżorsi umani, mingħajr il-verifika tar-rilevanza tal-miri li tikkontrolla u mingħajr netwerks organizzati jew individwi. L-għajnuna għandha tingħata bi prijorità lill-gruppi tas-soċjetà li huma l-aktar vulnerabbli u li għandhom problemi ta’ aċċess, inklużi dawk li jgħixu f’żoni rurali u fl-aktar reġjuni periferiċi.

3.8

It-tieni nett, billi niffavorixxu l-akbar atturi ekonomiċi involuti fiż-żewġ naħat tal-għajnuna (donaturi/benefiċjarji), inkunu qed nippreferu d-dehra tal-effikaċja għad-detriment tal-investiment uman sostenibbli.

3.9

Fl-aħħar nett, hija u tanalizza l-għanijiet tal-għajnuna l-Kummissjoni għandha tkun ċara – u tesprimi b’mod ċar – dwar kif il-programm ta’ għajnuna tagħha huwa relatat mal-għanijiet ta’ negozjar tagħha kemm fir-rigward tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika kif ukoll tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u dwar kif hu differenti minnhom. Nuqqas ta’ ċarezza hawnhekk mhux biss iwassal għal konfużjoni u nuqqas ta’ ftehim iżda jista’ jwassal ukoll għal nuqqas ta’ rikonoxximent tal-fatt li s’issa l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) ma stimolatx biżżejjed il-ksib tal-Għanijiet tal-Millennju minħabba nuqqas ta’ koerenza bejn l-għanijiet tal-għajnuna u l-bqija tal-politika esterna tal-UE, speċjalment dik kummerċjali.

3.10

B’hekk, l-UE tista’ tistimola aktar u aħjar l-iżvilupp ta’ tkabbir inklużiv orjentat lejn it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, iffukata fuq l-iżvilupp uman, il-qsim u t-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija meħtieġa. Tista’ ttejjeb il-prestazzjoni tal-għajnuna tagħha billi tivvaluta l-impatt tal-ftehimiet li tikkonkludi fil-qasam ekonomiku, ussaħħaħ ir-rendiment tal-“Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) (7).

3.11

Ta’ min ifakkar li l-objettiv ta’ 0,7 % tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) tal-Istati Membri stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi baqa’ l-objettiv f’termini ta’ volum, iżda li bosta huma dawk l-Istati Membri li sa minn qabel il-kriżi finanzjarja tal-2008 sabu rifuġju wara l-islogan “inqas għajnuna, imma ta’ kwalità aħjar” (Monterrey 2002, Johannesburg 2002). L-Istati Membri tal-UE kollha jikkontribwixxu għal programmi ta’ għajnuna Ewropej jew internazzjonali iżda biż-żmien, partijiet kbar mis-soċjetà jiġu esklużi mill-benefiċċji mħabbra tagħhom, kemm ekonomiċi kif ukoll ambjentali. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja fil-qasam tal-għajnuna kif ukoll fl-isfera ekonomika, bejn is-soċjetà ċivili u l-mexxejja politiċi u ekonomiċi tagħha, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar.

3.12

Sabiex iwettqu għajnuna li tkun ikkoordinata u effettiva, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jaqsmu l-isforzi ta’ konverġenza tal-għanijiet. L-istituzzjonijiet Ewropej huma diskreti wisq fir-rigward tal-interessi partikolari ta’ kull Stat Membru kontribwenti. B’hekk, il-gvernijiet tal-pajjiżi benefiċjarji rnexxielhom jibbenefikaw mill-interessi ekonomiċi ħafna drabi diverġenti tal-Istati Membri tal-UE, u jużaw il-karta tar-rivalità jew tal-kompetizzjoni bejn il-finanzjamenti tal-għajnuna u bejn il-kontinenti (UE, G20, OECD, eċċ.).

3.13

Huwa importanti li jittieħdu miżuri biex jiġi appoġġjat il-proċess demokratiku. Dejjem għandu jipprova jintlaħaq bilanċ bejn il-konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali u dik tal-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex jinkiseb effett pożittiv u jitwettqu b’mod konkret l-objettivi tematiċi.

3.14

Ma nistgħux nirraġunaw daqslikieku l-UE ma ntlaqtitx minn konsegwenzi soċjali ta’ kriżi finanzjarja li nfirxet għall-qasam ekonomiku, imbagħad għal dak baġitarju, soċjali u politiku. Permezz tal-għajnuna tagħha u tal-kooperazzjoni tagħha għall-iżvilupp, l-UE għandha tħeġġeġ it-tnaqqis tal-konsum ta’ materja prima, tiffaċilita t-trasferimenti tat-teknoloġiji, tippromovi l-industriji tal-ipproċessar fil-pajjiżi li huma esportaturi netti ta’ riżorsi naturali, sabiex tnaqqas l-impronta ekoloġika tagħha, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-effetti tat-tibdil fil-klima.

Ambjent tan-negozju, integrazzjoni reġjonali u swieq globali

3.15

F’dan il-kuntest, ir-riżultati tal-Konferenza ta’ Busan ma wrewx li l-UE appoġġjat xi konvinzjoni partikolari jew soda fil-qasam tal-appoġġ għat-trasferimenti tat-teknoloġija, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-kuntest tat-tibdil fil-klima jew it-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi. Jeħtieġ li nagħrfu li l-isforzi tagħha huma mitfija mill-profużjoni ta’ sponsorjar u finanzjament privat mill-interessi ekonomiċi multinazzjonali jew transnazzjonali (dan huwa sinjal ta’ impenn qawwi mis-settur privat favur l-iżvilupp), għad li sehemha u l-kontribuzzjoni pubblika tagħha xorta għadhom jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor nofs l-ODA (għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp).

3.16

Fil-livell internazzjonali, xi intrapriżi kbar, li joperaw speċjalment fis-setturi tal-infrastruttura: il-kostruzzjoni, l-ilma, l-agroalimentari, l-enerġija, eċċ., jipprovdu lill-gvernijiet li jirċievu l-għajnuna studji preliminari ta’ vijabbiltà li jservu biex jikkonvinċu lid-donaturi futuri u jibbenefikaw mill-obbligu tal-Istati benefiċjarji li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u li jimplimentawhom b’mod pożittiv billi jissuġġerixxu t-tnedija ta’ ħidmiet kbar. Iżda ġieli ġara li l-fondi mill-għajnuna miksuba tqiegħdu fis-swieq finanzjarji minn membri tal-gvernijiet lokali jew nazzjonali benefiċjarji, mingħajr ma kkontribwixxew neċessarjament għat-twettiq tal-proġetti li kienu inizjalment maħsuba għalihom, billi ntbagħtu lejn ċentri finanzjarji Ewropej, “f’postijiet sikuri” fuq kontijiet privati.

3.17

Għaldaqstant, il-Kumitat japprova l-objettivi ta’ ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u kontra l-korruzzjoni, li għandhom jinkludu l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li jkunu ġejjin minn attivitajiet kriminali jew mill-evażjoni fiskali, mill-isfruttament tax-xogħol informali jew imġiegħel, jew mix-xogħol tat-tfal. B’hekk, l-UE tkun tista’ tilħaq aħjar l-objettiv ta’ koerenza mad-donaturi l-oħra.

3.18

Għaldaqstant, huwa kruċjali li l-UE tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kontribut tagħhom iżda b’mod ikkoordinat u integrat, tikkonsulta lis-soċjetà ċivili tagħha fuq ir-rilevanza tal-objettivi tagħha biex tikkonvinċi lill-Istati Membri li l-għajnuna għall-iżvilupp mhijiex biss kwistjoni ta’ immaġni u ta’ ishma mis-suq u tippromovi u tiffaċilita d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet differenti tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri, filwaqt li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm ġewwa l-UE kif ukoll barra minnha.

4.   Kummenti partikolari

4.1

Wara l-appoġġ li ngħataw mill-Forum ta’ Accra f’Settembru 2010, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili adottaw il-“Prinċipji ta’ Istanbul” dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, li huma l-frott ta’ proċess twil ta’ konsultazzjonijiet li saru f’aktar minn 70 pajjiż u settur. Dawn il-prinċipji jikkostitwixxu s-sisien ta’ qafas internazzjonali għall-effikaċja tal-iżvilupp adottat f’Ġunju 2011 li jistabbilixxi għadd ta’ kriterji sabiex il-prattiki tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu interpretati u allinjati mal-Prinċipji ta’ Istanbul, filwaqt li jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi lokali u settorjali. F’dan il-qafas, il-Kumitat intalab mill-Kummissjoni jħejji opinjoni esploratorja biex jiddefinixxi x’forma tista’ tieħu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki ta’ żvilupp u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, fil-qafas tad-djalogu strutturat (8).

4.2

Il-Kumitat qed jagħti importanza kbira għat-tħejjija tal-Konferenza tal-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li ser issir f’Rio de Janeiro f’Ġunju 2012.

4.3

Għal dan il-għan, ifakkar fil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet espressi fl-opinjoni tal-KESE dwar “Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar – Kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea (9) kif ukoll fil-messaġġ inkluż fl-opinjoni addizzjonali reċenti tiegħu dwar “Il-pożizzjoni tal-KESE dwar it-tħejjija tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) (10).

4.4

Fl-okkażjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti Rio+20, il-mexxejja dinjin għandhom jieħdu impenn favur pjan konkret ta’ azzjoni li jwassal għall-verifika tat-twettiq tal-Għanijiet tal-Millennju, it-tnedija ta’ żvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar (Għan 1), fil-limiti tal-kapaċitajiet tal-pjaneta.

4.5

Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari li l-qerda tal-faqar u l-garanzija li kulħadd ikollu biżżejjed aċċess għall-ikel, għal ilma tajjeb għax-xorb u għal enerġija sostenibbli għandhom ikunu prijoritajiet essenzjali tal-aġenda ta’ Rio+20. Il-promozzjoni ta’ agrikoltura lokali li tirrispetta l-ambjent fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw taqdi rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar u fit-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, u hija xprun għall-iżvilupp ta’ reġjuni rurali prosperi fil-livell ekonomiku.

4.6

Rigward is-settur privat, jeħtieġ li jiġu appoġġjati r-rikonoxximent tal-imsieħba soċjali (organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema) u dak tad-djalogu soċjali f’bosta pajjiżi msieħba. Id-djalogu soċjali huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda demokratika wiesgħa tal-objettivi ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali, kif jirrakkomandaw l-UNDP u l-UNEP (tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika), kif ukoll tar-rispett tal-istandards fundamentali tax-xogħol u l-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali. Bis-saħħa tad-djalogu u l-ġustizzja soċjali, ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema jikkontribwixxu għad-definizzjoni ta’ strateġiji effikaċi ta’ żvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali u jsaħħu l-prevenzjoni tal-kunflitti kif ukoll l-istabbiltà soċjali.

4.7

Filwaqt li jitħeġġeg l-użu mifrux tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u inizjattivi simili, huwa importanti li l-atturi tas-settur privat involuti japplikaw il-prinċipji u l-istandards tax-xogħol kif stabbiliti fil-konvenzjonijiet tal-ILO u kif ikkontrollati mis-sistema ta’ monitoraġġ imwaqqfa mill-ILO. B’mod partikolari, l-intrapriżi multinazzjonali, speċjalment meta dawn f’xi stadju jew ieħor jibbenefikaw mill-użu simultanju tal-appoġġ pubbliku, għandhom jieħdu passi attivi biex juru li jirrispettaw il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-qafas ta’ referenza “Protezzjoni, Rispett, Rimedju” tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji tal-ILO dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Intrapriżi (“Global Compact”). Għandhom ukoll il-possibbiltà li jsegwu l-aħjar prattika tal-kooperazzjoni bejn il-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali (Bank Dinji) u l-ILO fil-qasam tal-promozzjoni tal-istandards fundamentali tax-xogħol matul il-katina kollha tal-produzzjoni.

4.8

L-appoġġ tas-settur privat jista’ jirriżulta vantaġġ għall-iżvilupp, imma l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp m’għandhiex tintuża biex tiggarantixxi r-riskji tas-settur privat jew biex tieħu post is-servizzi pubbliċi. Rigward is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), filwaqt li jibbażaw fuq analiżi profonda tal-bżonnijiet reali fuq perjodu twil, għandhom jippermettu u jiggarantixxu qsim ġust tar-riskji għall-komunità, l-aċċessibbiltà u n-natura ekonomikament affordabbli u ambjentalment sostenibbli tal-oġġetti u tas-servizzi prodotti. Jeħtieġ li jirrispettaw tabilħaqq approċċ multipartitiku u li ma jservux ta’ għodda ta’ privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, meta dawn jeżistu, jagħtu rendiment tajjeb jew inkella jistgħu jittejbu.

4.9

Bħala atturi essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi destinatarji, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (inklużi l-kooperattivi) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fid-definizzjoni tal-objettivi u għandhom jiġu appoġġjati fit-twettiq tagħhom, u b’hekk il-potenzjal tagħhom jiġi żviluppat bħala atturi tal-għajnuna u tas-sjieda tal-għajnuna.

4.10

F’ħafna pajjiżi tal-Afrika, tal-Asja u tal-Amerika Latina li llum il-ġurnata huma kklassifikati bħala “pajjiżi bi dħul intermedju”, il-faqar għad baqagħlu ħafna biex jgħib, speċjalment fir-rigward tad-diskrepanza dejjem tikber bejn l-għonja u l-foqra. B’mod partikolari, 75 % tal-foqra għadhom jgħixu f’pajjiżi bi dħul intermedju. Dan ifisser li l-objettiv li jinbnew soċjetajiet demokratiċi u ġusti, bi msieħba soċjali b’saħħithom, għadu rilevanti għall-programmi ġeografiċi.

4.11

Hu x’inhu l-każ, il-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw għandhom jibqgħu eliġibbli għall-programmi tematiċi, li għaldaqstant għandhom jissaħħu. F’dan ir-rigward, l-intenzjoni li jiġu indirizzati massimu ta’ tliet temi għal kull pajjiż għandha tittaffa, b’kollaborazzjoni tajba kemm mal-gvernijiet tal-Istati benefiċjarji kif ukoll mal-atturi ekonomiċi u soċjali privati u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili.

4.12

Għalhekk, l-għażla politika li progressivament ma jibqax jingħata appoġġ lill-ogħna pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ibbażata fuq indikaturi rilevanti tal-iżvilupp uman u soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u għandha ssir fil-qafas tal-kunsens internazzjonali tal-OECD, sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi interni.

4.13

Il-Kumitat japprova l-objettiv li jissaħħu l-vuċi u l-leġittimità tal-atturi nazzjonali tal-proċess baġitarju tal-pajjiżi msieħba u jqis li t-tqegħid fid-dominju pubbliku tal-informazzjoni fattwali u verifikabbli dwar operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju, jekk isir b’mod effettiv, jista’ jwassal għal progress konsiderevoli fil-ksib tal-għanijiet tal-għajnuna u tal-Millennju. Għaldaqstant, jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 77-81, relatur: is-sur Moreno Preciado: “Il-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-pajjiżi msieħba tal-Euromed” u l-punt 3.13 tal-opinjoni preżenti.

(2)  COM(2011) 840 final, 7.12.2011, SEC (2011) 1469 u 1470.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali. ĠU C 44, 11.2.2011, relatur: is-Sur Iuliano.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR). ĠU C 182, 4.8.2009, relatur: is-Sur Iuliano.

(5)  Rapport tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa fi ħdan il-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Multiannwali 2014-2020 – Il-valutazzjoni tar-rilevanza tal-azzjonijiet esterni tal-UE fir-rigward tas-sessi (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni tal-KESE: “Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjizi tal-AKP”. ĠU C 317, 23.12.2009, p. 126–131, relatur: is-Sur Dantin u korelatur: is-Sur Jahier.

(7)  Ara nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Opinjoni tal-KESE “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-politiki tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 28.

(9)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 102.

(10)  ĠU C 143, 22.5.2012. p. 39.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Emenda 14: Punt 3.16

 (1)

Raġuni

Il-punt donnu mhuwiex ċar u/jew ma jżidx il-valur tal-opinjoni. L-aħħar sentenza donnha ma turix problema ġenerali iżda att kriminali uniku mwettaq minn persuna waħda jew minn diversi persuni. Il-valur miżjud tagħha huwa tassew dubjuż.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

57

Kontra

137

Astensjonijiet

29

Emenda 10: Punt 4.8

L-appoġġ tas-settur privat iżvilupp. Rigward is-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs), filwaqt li jibbażaw fuq analiżi profonda tal-bżonnijiet reali fuq perjodu twil, għandhom jippermettu u jiggarantixxu qsim ġust tar-riskji għall-komunità, l-aċċessibbiltà u n-natura ekonomikament affordabbli u ambjentalment sostenibbli tal-oġġetti u tas-servizzi prodotti. Jeħtieġ li jirrispettaw tabilħaqq approċċ multipartitiku u li ma jservux ta’ għodda ta’ privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, meta dawn jeżistu, jagħtu rendiment tajjeb jew inkella jistgħu jittejbu.

Raġuni

Sabiex jinżamm approċċ bilanċjat.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

96

Kontra

126

Astensjonijiet

11


(1)  


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/140


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil”

COM(2012) 136 final — 2012/0066 (COD)

2012/C 229/27

Relatur ġenerali: is-Sur ZBOŘIL

Nhar is-16 ta’ April 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil

COM(2012) 136 final — 2012/0066 (COD).

Nhar l-24 ta’ April 2012, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-24 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur ZBOŘIL bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’121 voti favur, 6 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ […] li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil (COM(2012) 136 final) tas-26 ta’ Marzu 2012 u l-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża (SWD(2012) 66 final).

1.2   Il-Kumitat ma jqisx li l-Valutazzjoni tal-Impatt tipprovdi evidenza affidabbli biżżejjed li fuqha jistgħu jiġu bbażati l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-batteriji tan-nikil-kadmju. Il-Kumitat jinnota li l-batteriji tan-nikil-idrur tal-metall mhux ser ikunu jistgħu jintużaw fl-għodod elettriċi qabel l-2015 u għalhekk mhumiex teknoloġija alternattiva tal-batteriji li hija vijabbli kummerċjalment. Għaldaqtant, ser tkun disponibbli teknoloġija waħda biss tal-batteriji, dik tal-litju-jone, ladarba titneħħa l-eżenzjoni tal-batteriji tan-nikil-kadmju u dan jirrappreżenta riskju kummerċjali potenzjali għall-industrija tal-għodod elettriċi.

1.3   Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Proposta għal Direttiva tiġi adottata bil-kundizzjoni li d-data sa meta jistgħu jitqiegħdu fis-suq batteriji b’livell ta’ kadmju skont il-piż ogħla minn 0,002 % tiġi stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2018 u li jiġi previst li l-pakketti żejda ta’ batteriji tan-nikil-kadmju jitħallew fis-suq għal 5 snin wara din id-data. Wara din id-data jkun biss possibbli li fis-suq jitqiegħdu sistemi ta’ emerġenza u ta’ twissija u tagħmir mediku speċjalizzat li jużaw batteriji li fihom il-kadmju.

1.4   Il-Kumitat jilqa’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-proċess partikolari tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jissuġġerixxi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-Proposta għal Direttiva (COM(2012) 136 final) bl-emendi proposti fil-punt 1.3.

1.5   Għalhekk, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni skont it-termini u l-ambitu stabbiliti fil-Proposta għal Direttiva. L-għoti tas-setgħat konformi mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2012) 136 final) għandu jiżgura t-trasparenza tal-proċeduri u r-responsabbiltà sħiħa ta’ dawk li jeżerċitaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jitlob lid-dipartimenti involuti sabiex joperaw b’mod trasparenti u jkunu responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom.

2.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1   Id-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2006/66/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-batteriji u akkumulaturi portabbli, inklużi dawk li jagħmlu parti mill-apparat, li għandhom livell ta’ kadmju skont il-piż ogħla minn 0,002 %. Madankollu, il-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodod elettriċi mingħajr fil ġew eżentati minn din il-projbizzjoni.

2.2   Il-Kummissjoni ressqet din il-Proposta minħabba li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-Batteriji jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi l-eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-kadmju mogħtija għall-batteriji u l-akkumulaturi portabbli maħsuba għall-użu f’għodod elettriċi mingħajr fil (l-Artikolu 4(3)(c)) u li tippreżenta rapport – flimkien ma’ proposti rilevanti, jekk ikun xieraq – bil-għan li l-kadmju fil-batteriji u fl-akkumulaturi jiġi pprojbit.

2.3   Tressaq rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Diċembru 2010. Hi kkonkludiet li ma kienx xieraq li tressaq proposti fir-rigward tal-eżenzjoni tal-batteriji portabbli li fihom il-kadmju maħsuba għall-għodod elettriċi mingħajr fil minħabba li ma kinitx disponibbli l-informazzjoni teknika kollha (b’mod partikolari l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kadmju u s-sostituti tagħha) sabiex tiġi sostnuta tali deċiżjoni.

2.4   Xi partijiet interessati kienu favur l-irtirar tal-eżenzjoni għall-użu ta’ batteriji tal-kadmju nikil (NiCd) fl-għodod elettriċi mingħajr fil, minħabba li kkunsidraw li l-ispejjeż ekonomiċi kienu minimi u l-benefiċċji ambjentali bħala sostanzjali fit-tul. Oħrajn opponew l-irtirar tal-eżenzjoni u enfasizzaw il-fatt li d-data dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali ma ġġustifikatx l-irtirar.

2.5   Globalment, il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonfermat il-ħtieġa ta’ valutazzjoni komparattiva taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tingħata bażi soda lill-analiżi ta’ nefqa-benefiċċju. L-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja ma wasslet għall-ebda konklużjoni dwar il-merti u l-iżvantaġġi relattivi tal-kimiki tal-batteriji li huma disponibbli bħalissa. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni kkonkludiet li meta mqabbla max-xenarju bażi, l-għażliet ta’ politka l-oħra relatati mal-irtirar tal-eżenzjoni (irtirar immedjat jew irtirar fl-2016) iwasslu għal impatt ambjentali globali iżgħar, kemm sabiex jiġi evitat ir-rilaxx tal-kadmju fl-ambjent kf ukoll f’termini ta’ valutazzjonijiet ambjentali aggregati abbażi ta’ sitt indikaturi ambjentali.

2.6   Il-Kummissjoni tqis li, fil-każ ta’ rtirar imdewwem tal-eżenzjoni (fl-2016), il-benefiċċji ambjentali jkunu kemxejn inqas milli kieku jkun hemm irtirar immedjat iżda l-ispejjeż ikunu ħafna inqas meta mqabbla ma’ din l-għażla. Ċerti riċiklaturi u produtturi tal-għodod elettriċi mingħajr fil taw stimi tal-ispejjeż għaż-żewġ għażliet politiċi relatati mal-irtirar tal-eżenzjoni (fil-firxa ta’ EUR 40-60 miljun fil-każ ta’ rtirar immedjat u EUR 33 miljun fil-każ ta’ rtirar sal-2016). Madankollu, hemm dubju dwar jekk dawn l-ispejjeż kollha għandhomx jiġu attribwiti lill-każijiet tal-irtirar tal-eżenzjoni, minħabba li l-ammonti ta’ batteriji tal-kadmju użati f’għodod elettriċi mingħajr fil ser jonqsu b’50 % bejn l-2013 u l-2025 fix-xenarju bażi.

2.7   Il-Kummissjoni tistqarr li tul il-perjodu 2013-2025, l-għodod elettriċi mingħajr fil b’kimika alternattiva tal-batteriji ser tkun tiswa, skont il-kimika alternattiva tal-batteriji magħżula (nikil-idrur tal-metall jew litju-jone), EUR 0,8 u EUR 2,1 iżjed rispettivament jekk l-eżenzjoni tiġi rtirata immedjatament u EUR 0,4 u EUR 0,9 iżjed rispettivament fil-każ li tiġi rtirata fl-2016. Din id-data mhijiex korretta. Id-differenzi fl-ispejjeż huma konsiderevolment ogħla.

2.8   L-impatti soċjali u l-piż amministrattiv huma limitati għall-għażliet politiċi kollha u ma għandhomx iwasslu għal kwistjonijiet ta’ konformità.

2.9   Il-valutazzjoni tal-impatt tikkonkludi li jekk l-eżenzjoni tiġi rtirata fl-2016, il-benefiċċji ambjentali jkunu kemxejn inqas milli kieku tiġi rtirata immedjatament, iżda l-ispejjeż ikunu ħafna inqas meta mqabbla ma’ rtirar immedjat. Minħabba li rtirar tal-eżenzjoni fl-2016, meta mqabbel ma’ rtirar immedjat, ikollu kważi l-istess livell ta’ effikaċja b’livell ta’ effiċjenza ogħla, din l-għażla hija ppreferuta. L-eżenzjoni attwali għall-użu f’għodod elettriċi mingħajr fil għandha tkompli tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2015 sabiex l-industrija tkun tista’ tkompli tadatta t-teknoloġiji rilevanti.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1   Abbażi ta’ analiżi li tinkludi varjetà ta’ aspetti, setturi u fatturi, il-Kummissjoni tipproponi li jinżammu l-batteriji għall-għodod elettriċi mingħajr fil li għandhom livell ta’ kadjum skont il-piż ogħla minn 0,002 %, u li jinsabu fil-fażi ta’ produzzjoni jew qed jintużaw sa tmiem l-2015.

3.2   L-analiżi li saret turi li din hi soluzzjoni li mhux ser twassal għal deterjorazzjoni evidenti tal-ambjent jew tipperikola s-saħħa tan-nies. Huwa diżappuntati l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni ma tirreferix għall-valutazzjoni mmirata tar-riskju (Targeted Risk Assessment) li saret mill-UE dwar il-kadmju jew għall-istrateġija sussegwenti għat-tnaqqis tar-riskju (Risk Reduction Strategy) li kkonkludiet li m’hemmx bżonn ta’ aktar miżuri għall-batteriji tan-nikil-kadmju fl-għodod elettriċi.

3.3   Naturalment, fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sistema ser tibqa’ fis-seħħ għall-ittikkettar ta’ tali oġġetti li fihom batteriji bil-kadjum u li huma kompletament konformi mal-leġislazzjoni attwali. L-istess jgħodd għall-protezzjoni tal-ħaddiema li jipproduċu l-batteriji u għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, il-manufattura tal-batteriji li fihom il-kadmju ser tkompli għat-tagħmir mediku speċjalizzat u s-sistemi ta’ emerġenza bl-elettriku. Skont l-istudju tal-impatt, din tkopri r-riskji li bla dubju ta’ xejn huma relatati mal-posponiment tad-data tal-projbizzjoni tal-użu tal-akkumulaturi li għandhom livell ta’ kadmju skont il-piż ogħla minn 0,002 %.

3.4   Il-Kumitat għalhekk jissuġġerixxi li l-projbizzjoni tiġi imposta fil-31 ta’ Diċembru 2018.

3.5   Il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni skont it-termini u l-ambitu stabbiliti fil-Proposta għal Direttiva. L-għoti ta’ dawn is-setgħat skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2012) 136 final) għandu jiżgura t-trasparenza tal-proċeduri u r-responsabbiltà sħiħa ta’ dawk li jeżerċitaw is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

3.6   Il-Kumitat jinnota li l-pakketti ta’ batteriji fl-għodod elettriċi issa primarjament qegħdin jiġu provduti minn pajjiżi terzi iżda ħafna għodod elettriċi tad-ditta jiġu manifatturati fl-UE. Madankollu, iqis il-prinċipju li mhux mixtieq li jiżdiedu b’mod sproporzjonat l-ispejjeż tal-konsumatur fl-akkwist tat-tagħmir, inklużi l-għodod elettriċi mingħajr fil li jużaw batteriji inkorporati jew li jitqabbdu magħhom b’livell ta’ kadmju ogħla minn 0,002 %.

Brussell, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/143


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fir-rigward tas-setgħat li għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni”

COM(2012) 150 final — 2012/0075 (COD)

2012/C 229/28

Nhar it-18 ta’ April u nhar it-30 ta’ April 2012, il-Kunsill u l-Parlament rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fir-rigward tas-setgħat li għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni

COM(2012) 150 final – 2012/0075 (COD)

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju 2012), b’149 vot favur, 5 voti kontra u 11-il astensjoni, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President of the tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/144


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga”

COM(2012) 162 final — 2011/0229 (COD)

2012/C 229/29

Nhar l-10 ta’ Mejju 2012 u nhar is-26 ta’ April 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tneħħija tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar volontarju taċ-ċanga

COM(2012) 162 final – 2011/0229 (COD)

Billi l-Kumitat japprova l-kontenut tal-proposta, iddeċieda, matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju 2012), b’154 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem”

COM(2012) 147 final — 2012/0074 (NLE)

2012/C 229/30

Nhar is-17 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta’ sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

COM(2012) 147 final — 2012/0074 (NLE)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju 2012), b’159 vot favur, u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON