ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.141.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 141

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
29 ta' Mejju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

It-82 sessjoni plenarja fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2009

2010/C 141/01

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pakkett għal tfassil aħjar tal-liġijiet 2007–2008

1

2010/C 141/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010

5

2010/C 141/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda – l-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa

11

2010/C 141/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-perspettivi reġjonali dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-politika tal-edukazzjoni tal-UE

16

2010/C 141/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar infrastrutturi tal-ICT għax-xjenza elettronika; strateġija dwar teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għar-R&Ż, l-innovazzjoni u r-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa

22

2010/C 141/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji

27

2010/C 141/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar futur sostenibbli għat-trasport: lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment

31

2010/C 141/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper – riforma tal-politika komuni tas-sajd u l-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura

37

2010/C 141/09

Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika dwar il-foresti: il-miri tal-20/20/20

45

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

It-82 sessjoni plenarja fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2009

2010/C 141/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi

50

2010/C 141/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) u t-trattament ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

55

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

It-82 sessjoni plenarja fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2009

29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/1


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pakkett għal tfassil aħjar tal-liġijiet 2007–2008

2010/C 141/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi esklużivi u kondiviżi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi kif ukoll fil-kontribut lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tagħhom, għaldaqstant il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom mill-fażijiet bikrin tat-tħejjija tal-liġijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika huma indispensabbli fir-rigward tat-tħaddim tal-ħajja demokratika fl-UE;

jagħraf li sar progress f’dan il-qasam u jfaħħar l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea f’din il-ħidma li tat riżultati tanġibbli, iżda jqis li jista’ jsir aktar titjib u li dan it-titjib huwa neċessarju;

iqis li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif ukoll l-użu tal-istimi tal-impatt huma elementi ċentrali fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mudell ta’ governanza f’diversi livelli fl-UE u se jagħmlu l-ġid għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Ifakkar li t-Trattat jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell li huwa l-eqreb tal-pubbliku ġenerali, u dan mhuwiex dejjem il-livell tal-gvern ċentrali. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitqies bħala l-bażi għal rispons aħjar għall-bżonnijiet taċ-ċittadini mil-livelli kollha ta’ governanza u għal aktar effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

jemmen li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jistgħu jħallu impatt qawwi fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’modi li ma kinux ġew previsti fil-leġiżlazzjoni oriġinali;

jinsab imħasseb ukoll mit-tendenza, li tidher li qed tkompli, li l-Istati Membri jikkumplikaw u jelaboraw wisq il-liġijiet ġodda tal-UE meta dawn jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (“goldplating”).

Relatur

:

Is-Sur Lord Graham Tope (UK/ALDE), Membru tal-muniċipju ta’ Sutton, Londra

Dokumenti ta’ referenza:

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tieni rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju

COM(2008) 33 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tieni reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

COM(2008) 32 finali

Rapport mill-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – (Il-15-il rapport dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2007)

COM(2008) 586 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

COM(2009) 15 finali

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tielet rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju

COM(2009) 17 finali

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

ikompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex jinkiseb tassew tfassil aħjar tal-liġijiet fil-livelli kollha tal-UE fl-ispirtu ġenwin tal-governanza f’diversi livelli.

2.

jagħraf li sar progress f’dan il-qasam u jfaħħar l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea f’din il-ħidma li tat riżultati tanġibbli, iżda jqis li jista’ jsir aktar titjib u li dan it-titjib huwa neċessarju.

3.

ifakkar fil-kontribut siewi li għamlet is-Sinjura Maij-Weggen f’isem il-KtR, bħala membru osservatur “tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar it-tnaqqis fil-piż amministrattiv”; f’dan il-kuntest, il-KtR saħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-KtR jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jikkontribwixxu lejn it-titjib fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet fil-livell tal-UE, l-aktar minħabba li l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE hija implimentata fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll minħabba l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

4.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tkun aktar miftuħa fit-tħejjija ta’ proposti ġodda u fil-konsultazzjoni tagħha mal-partijiet interessati, u qed tmur lil hinn mill-istituzzjonijiet Ewropej biex tinkludi lill-assoċjazzjonijiet tar-rappreżentanti Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-implimentazzjoni entużjasta min-naħa tal-Kummissjoni tad-“djalogu strutturat” permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni. Huwa importanti li l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni jkunu aċċessibbli u varjati sabiex jiġi żgurat li t-tfassil tal-politika fl-UE jkun informat mill-fehma ta’ medda wiesgħa u rappreżentattiva tal-Ewropa, għax dan se jwassal għal teħid ta’ deċiżjonijiet aktar bilanċjat u għal implimentazzjoni aktar effettiva, speċjalment f’każijiet fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu responsabbli għall-infurzar u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE.

5.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi esklużivi u kondiviżi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi kif ukoll fil-kontribut lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tagħhom, għaldaqstant il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom mill-fażijiet bikrin tat-tħejjija tal-liġijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika huma indispensabbli fir-rigward tat-tħaddim tal-ħajja demokratika fl-UE.

6.

iqis li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif ukoll l-użu tal-istimi tal-impatt huma elementi ċentrali fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ mudell ta’ governanza f’diversi livelli fl-UE u se jagħmlu l-ġid għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u għall-koeżjoni territorjali tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Ifakkar li t-Trattat jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell li huwa l-eqreb tal-pubbliku ġenerali, u dan mhuwiex dejjem il-livell tal-gvern ċentrali. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jitqies bħala l-bażi għal rispons aħjar għall-bżonnijiet taċ-ċittadini mil-livelli kollha ta’ governanza u għal aktar effiċjenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

7.

itenni l-impenn tiegħu biex titqajjem kuxjenza fi-rigward tas-sussidjarjetà. Għal dan il-għan in-Netwerk ta’ Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà huwa għodda utli ħafna, mhux biss minħabba l-impenn tal-imsieħba tiegħu fil-monitoraġġ tas-sussidjarjetà iżda wkoll minħabba l-potenzjal tiegħu li jservi ta’ laboratorju għall-iskambju tal-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli.

8.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex timxi mal-prinċipju tal-proporzjonalità fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi u regolatorji tagħha billi tgħin fir-revoka ta’ ħafna strumenti leġiżlattivi permezz ta’ għadd kbir ta’ proposti għal konsolidazzjoni formali. Jinnota li fl-aħħar il-koleġiżlaturi approvaw 48 proposta għal semplifikazzjoni. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi nnutat li l-kwistjoni mhijiex biss l-għadd ta’ proposti għal semplifikazzjoni iżda wkoll il-bżonn ta’ tnaqqis veru tal-piżijiet amministrattivi fil-prattika

9.

jemmen li jekk jiġi ttestjat il-bżonn għal intervent fil-livell tal-UE u jekk jiġu eżaminati l-impatti potenzjali ta’ sensiela ta’ għażliet ta’ politika, l-istimi tal-impatt għandhom iwasslu għal titjib u semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju. Valutazzjoni ex ante tal-liġijiet ġodda tal-UE li tkun effettiva u sostenibbli hija importanti mhux biss biex ikun hemm tnaqqis nett, iżda wkoll biex il-piż amministrattiv jinżamm baxx. Madanakollu l-KtR jinsab imħasseb li emendi u modifiki sussegwenti għal proposti leġiżlattivi mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jista’ jkollhom impatt wiesa’ fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jista’ ma jkunx ġie kompletament antiċipat minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

10.

jemmen li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jistgħu jħallu impatt qawwi fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, pereżempju fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’modi li ma kinux ġew previsti fil-leġiżlazzjoni oriġinali.

11.

iqis li jekk l-UE trid tkun aktar trasparenti u twieġeb għat-tħassib tal-pubbliku, huwa essenzjali li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tiġi ppreżentata f’qafas li jinftiehem minn dawk li għalihom hija immirata. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tfassal testi aktar ċari, koerenti u li ma jkunux ambigwi, sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv fl-Istati Membri kollha. Dan ir-rekwiżit jikseb aktar importanza meta jitqies il-fatt li t-testi li finalment jiġu adottati ta’ spiss ikunu soġġetti għal kompromessi li mhux dejjem ikunu jistgħu jiġu trasposti faċilment fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

12.

f’dan ir-rigward, jagħraf li l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini tagħhom se jħabbtu wiċċhom mhux mal-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda mat-traspożizzjoni ta’ din f’leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk hemm bżonn li l-livelli kollha ta’ governanza jissemplifikaw, jiżguraw li jkun hemm koerenza u jispjegaw ir-regoli u l-politiki ġodda.

13.

jinsab imħasseb ukoll mit-tendenza, li tidher li qed tkompli, li l-Istati Membri jikkumplikaw u jelaboraw wisq il-liġijiet ġodda tal-UE meta dawn jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (“goldplating”).

14.

fl-aħħar nett, filwaqt li wieħed jifhem li qed tingħata enfasi qawwija lill-istimi tal-impatt ex ante, m’għandhomx jiġu ttraskurati l-evalwazzjonijiet ex post li jikkumparaw ir-riżultat mixtieq ma’ dak li jseħħ realment, bħala parti mill-isforz usa’ għal regolamentazzjoni aħjar. Il-biċċa l-kbira tal-proposti l-ġodda jfittxu li jemendaw jew li jżidu mal-acquis communautaire eżistenti. Fi proċess kontinwu – u neċessarju – biex ir-regolamentazzjoni tinżamm aġġornata, huwa importanti li fit-tfassil ta’ proposti ġodda tiġi kkunsidrata l-esperjenza prezzjuża tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tar-regolamenti tal-UE.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tħejjija ta’ liġijiet ġodda: konsultazzjoni

15.

jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod proporzjonali għas-setgħat tagħhom, jiġu involuti aktar mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fit-tħejjija u fil-finalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-Kumitat jenfasizza li dan l-involviment huwa ta’ interess partikolari għar-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi, billi nżommu f’moħħna l-obbligi tagħhom għat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE marbuta mal-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom. F’dan ir-rigward, il-KtR huwa l-aħjar organu sabiex jitkellem f’isem l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-missjoni tagħhom sabiex ikunu involuti fil-proċess leġiżlattiv. Il-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għandhom esperjenza prattika u għarfien fid-dettall tal-kundizzjonijiet lokali, u għalhekk jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw l-impatt u l-effettività tal-leġiżlazzjoni.

16.

hemm bżonn ta’ konsultazzjonijiet fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri. L-Istati Membri għandu jkollhom proċeduri adatti għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

17.

jinnota l-importanza li qed tikber tal-fażi ta’ tħejjija fil-proċess leġiżlattiv tal-UE. Jekk jitjiebu l-analiżi u l-konsultazzjonijiet f’din il-fażi bikrija, l-UE żżid ukoll il-probabbiltà li tinħoloq leġiżlazzjoni effettiva li tkun aktar faċli tiġi implimentata fis-sitwazzjonijiet differenti li jeżistu fl-Istati Membri.

It-tħejjija ta’ liġijiet ġodda: stimi tal-impatt

18.

itenni l-impenn tiegħu biex jikkontribwixxi għall-istimi tal-impatt tal-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida li jkollhom impatt lokali jew reġjonali qawwi. Meta proposti ġodda jkunu qed jimmiraw li jemendaw id-dispożizzjonijiet eżistenti, l-istima tal-impatt għandha tirrifletti r-riżultati tal-evalwazzjoni biex b’hekk ikun hemm rabta diretta bejn l-istima tal-impatt ex ante u l-evalwazzjoni ex post.

19.

peress li l-istima tal-impatt hija eżerċizzju li jieħu ż-żmien u li juża r-riżorsi b’mod intensiv, l-ippjanar għandu jħares ’il quddiem kemm jista’ jkun, biex jippermetti li ssir identifikazzjoni bilaterali tal-każijiet ta’ prijorità fuq il-bażi tal-Istrateġija Annwali ta’ Politika u tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea, forsi fil-qafas ta’ diskussjoni teknika annwali. Barra minn hekk, id-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jitħeġġu jagħmlu kuntatt mal-KtR direttament meta jħossu li x-xogħol tagħhom fl-istimi tal-impatt jista’ jissaħħaħ b’dejta dwar ir-riperkussjonijiet territorjali tal-inizjattivi ppjanati.

20.

jitlob li l-istimi tal-impatt jieħdu in konsiderazzjoni r-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi u li jiġu evitati arranġamenti tal-Komunità li jwasslu biex dawn is-setgħat jgħaddu għand il-gvern ċentrali.

21.

jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jirrispettaw aktar il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet meta jemendaw proposti mill-Kummissjoni b’mod li jintroduċi piżijiet amministrattivi u finanzjarji ġodda fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Kull reviżjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tinvolvi lill-KtR u lill-KESE.

22.

japprezza li ġie rrappreżentat mis-Sinjura Hanna Maij-Weggen (PPE/NL) fil-Grupp ta’ Livell Għoli dwar it-Tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi. Jissuġġerixxi li l-KtR jiġi kkonsultat uffiċjalment mill-Kummissjoni Ewropea dwar is-sejbiet ta’ dan il-Grupp qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu (Awwissu 2010), sabiex il-KtR ikun jista’ jikkomunika r-riżultati lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha dwar l-oqsma li jolqtuhom.

L-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni

23.

jilqa’ l-intenzjoni li jitnaqqsu piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs u li jissaħħaħ l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni; wieħed mill-għanijiet għas-semplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju tal-Unjoni għandu jkun li l-leġiżlazzjoni ssir aktar sempliċi u aktar effettiva, u b’hekk tkun aktar qrib l-utent.

24.

jagħraf li t-tfassil aħjar tal-liġijiet ifisser li d-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu evalwati minn żmien għall-ieħor. Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni kollha tal-UE għandha tinkludi dispożizzjonijiet għall-evalwazzjoni bħala standard, sabiex il-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu jikkontribwixxu l-esperjenza tagħhom fl-impatt prattiku, l-infurzar u l-applikazzjoni tal-miżuri kkonċernati.

25.

jappella lir-reġjuni li għandhom setgħat leġiżlattivi biex jagħrfu li jistgħu jgawdu bil-bosta jekk jinvolvu ruħhom b’mod aktar proattiv fin-negozjar u t-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE. Tipi oħra ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu. Barra minn hekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jippromovu involviment attiv ta’ dan it-tip.

26.

jenfasizza li l-patti territorjali Ewropej, bħar-Raggruppamenti Ewropej għall-Kooperazzjoni Territorjali (EGTC), jagħtu spinta ’l quddiem lill-koerenza territorjali u lill-flessibbiltà tal-politiki b’impatt lokali qawwi. Bħala strument ta’ natura legali u billi permezz tiegħu l-imsieħba jkunu jistgħu joħolqu struttura legali stabbli għall-kooperazzjoni territorjali, l-EGTC se jiżgura livell ogħla ta’ governanza f’diversi livelli u se jsaħħaħ it-titjib tat-tfassil tal-liġijiet fil-livelli lokali u reġjonali madwar l-Ewropa kollha.

27.

jappella lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jissemplifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex jadottaw direttivi Komunitarji malajr u b’mod effikaċi. Dawn għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala parti minn dan il-proċess u jqisu l-proposti u l-inizjattivi tagħhom;

28.

jappella mill-ġdid lil-leġiżlaturi nazzjonali biex iżommu lura mill-“goldplating” fit-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE. Fir-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni korretta u fil-ħin tad-direttivi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ ssemmi liema Stati Membri għażlu obbligi nazzjonali iktar estensivi.

29.

jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja għandhom iqisu l-impatt tas-sentenzi tal-Qorti fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

30.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiddefinixxi b’mod preċiż il-każijiet speċifiċi li jgħoddu bħala għajnuna mill-awtoritajiet pubbliċi, b’enfasi fuq dawk il-kwistjonijiet u s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Komunikazzjonijiet

31.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta approċċ li huwa aktar qrib taċ-ċittadini meta tippreżenta l-aġenda tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. L-isforzi u l-komunikazzjoni għandhom jagħtu prijorità lill-oqsma fejn iċ-ċittadini jaraw l-ogħla valur miżjud.

32.

jirrakkomanda li jintuża lingwaġġ aktar ċar meta jkunu qed jitfasslu d-direttivi: dan inaqqas il-probabbiltà li ssir interpretazzjoni ħażina tat-test li tista’ twassal għal dewmien fit-traspożizzjoni jew traspożizzjoni mhux korretta.

33.

jagħraf li l-leġiżlaturi nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, għandhom rwol x’jaqdu biex il-leġiżlazzjoni tal-UE u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi domestika jiġu kkomunikati aħjar lil dawk li jkollhom jimplimentawhom u liċ-ċittadini ordinarji.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/5


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010

2010/C 141/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jafferma li din il-kwalità għolja tal-ħajja għandha tinkiseb fil-limiti tas-sostenibbiltà definiti minn pjaneta finita  (1), u li għandha tkun ibbażata fuq il-ksib ta’ soċjetà li tkun koeżiva fil-livell soċjali u ġusta, li tippermetti l-aħjar użu tal-valur u l-kontribut tal-individwi u l-gruppi kollha u li l-inċentivi u l-miżuri ta’ appoġġ jindirizzaw l-ewwel u qabel kollox il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-bini ta’ ekonomija sostenibbli;

jenfasizza l-importanza ta’ politika ta’ koeżjoni mifruxa mal-UE kollha ffinanzjata b’mod adatt, li tinvolvi r-reġjuni kollha tal-Ewropa, bħala fattur essenzjali biex jiġi appoġġjat it-twettiq tal-Istrateġija l-ġdida, u jirrifjuta kull azzjoni li twassal għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-fondi strutturali jew li titneħħa d-dimensjoni reġjonali mill-politika tal-koeżjoni fl-analiżi tal-baġit futur tal-UE;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE stabbilixxiet struttura ta’ governanza f’diversi livelli għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali, u jafferma li l-Istrateġija l-ġdida għandha tuża dawn l-istrutturi ta’ sħubija eżistenti biex tindirizza d-dgħufijiet attwali fl-istrutturi ta’ governanza. Mezz aktar effettiv biex jiġi żgurat tfassil ta’ politika kkoordinat huwa li l-istrutturi ta’ governanza jiġu adattati b’mod espliċitu għall-Programmi Reġjonali fil-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE;

jitlob li l-mexxejja tal-UE jistabbilixxu, bħala prijorità ċentrali, l-iżvilupp tal-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija ekoloġika, biex l-UE tkun tista’ taqdi rwol prinċipali fit-trasformazzjoni tal-ekonomija dinjija f’bażi soda u sostenibbli. B’mod partikolari, dan ifisser li permezz tat-tmexxija tagħhom jagħtu eżempju tajjeb, li jagħtu prijorità lill-investimenti f’teknoloġiji ekoloġiċi, ir-riċerka u l-iżvilupp, inklużi l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, metodi sostenibbli tal-produzzjoni u l-konsum, l-infrastruttura tal-ICT u l-broadband f’komunitajiet imbiegħda, kif ukoll il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ekoloġika. L-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-SMEs tal-Ewropa għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex dan il-pjan jimxi ’l quddiem (2) Dan jeħtieġ bidliet strutturali fl-ekonomija Ewropea, fosthom il-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tiġi appoġġjata l-bidla għal ekonomija ekoloġika;

Relatur

:

is-Sinjura Christine Chapman (UK/PSE), Membru tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Wales

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġi ewlenin

1.

jappoġġja l-fatt li tiġi żviluppata strateġija bil-għan li tissostitwixxi l-Istrateġija attwali ta’ Lisbona wara l-2010, iżda jemmen li hemm bżonn li l-Istrateġija ssib bilanċ ġdid u li l-Istrateġija Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija ta’ Lisbona għandhom jingħaqdu; filwaqt li jilqa’ l-impenn biex in-nies jingħataw is-setgħa f’soċjetajiet inklużivi u li tinħoloq ekonomija kompetittiva, konnessa u iktar ekoloġika skont il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-istrateġija li ġiet ippubblikata fl-24 ta’ Novembru, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tipproponix viżjoni iktar ambizzjuża u kompluta, sabiex jerġa’ jinstab bilanċ u tingħata direzzjoni ġdida lill-istrateġija għal Ewropea iktar sostenibbli u ġusta u koeżiva fil-livell soċjali;

2.

jenfasizza li l-Istrateġija attwali ta’ Lisbona ma tirrikonoxxix biżżejjed ir-rwol essenzjali li kellhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali Komunitarji fl-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni tal-Istrateġija fost iċ-ċittadini u jtenni t-talba tal-“White Paper dwar il-Gvernanza f’Diversi Livelli” biex dan in-nuqqas jiġi indirizzat fl-Istrateġija l-ġdida;

3.

jinnota l-firxa tal-inċertezza fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-iskop ġenerali tal-Istrateġija attwali ta’ Lisbona, inċertezza li tista’ tiġi indirizzata billi jiġu stabbiliti objettivi ċari fl-Istrateġija l-ġdida, u billi dawn jiġu kkomunikati b’mod effettiv liċ-ċittadini;

4.

jiddispjaċih li l-Istrateġija ta’ Lisbona, li kellha tagħti kontribut lill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), ma kellhiex l-impatt mixtieq fir-rigward ta’ governanza ekonomika konġunta mtejba fil-livell tal-UE jew koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri; u jiddispjaċih li bħala reazzjoni għall-kriżi ekonomika attwali, ħafna Stati Membri adottaw politiki ekonomiċi bbażati fuq konsiderazzjonijiet nazzjonali biss, minflok ma pprovaw jikkoordinaw azzjonijiet fil-qafas tas-suq uniku Ewropew;

5.

jitlob li l-Istrateġija l-ġdida jkollha objettiv ġenerali ċar iffokat fuq kwalità għolja tal-ħajja u l-benesseri għaċ-ċittadini kollha tal-UE. L-impjieg huwa element prinċipali hawnhekk daqskemm huwa l-ġid materjali iżda hemm fatturi oħrajn li għandhom jitqiesu sabiex ikollna stampa sħiħa tal-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, inklużi l-kuntesti usa’ tas-soċjetà u l-ambjent fejn jgħixu n-nies (3);

6.

jafferma li din il-kwalità għolja tal-ħajja għandha tinkiseb fil-limiti tas-sostenibbiltà definiti minn pjaneta finita  (4), u li għandha tkun ibbażata fuq il-ksib ta’ soċjetà li tkun ġusta u koeżiva fil-livell soċjali, li tippermetti l-aħjar użu tal-valur u l-kontribut tal-individwi u l-gruppi kollha u li l-inċentivi u l-miżuri ta’ appoġġ jindirizzaw l-ewwel u qabel kollox il-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-bini ta’ ekonomija sostenibbli;

7.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u l-iżvilupp tat-talent kreattiv u intraprenditorjali taċ-ċittadini tal-Ewropa, u l-ħtieġa li tinbena kultura tat-tagħlim tul il-ħajja;

8.

jipproponi li l-Istrateġija l-ġdida tingħata isem ġdid biex ma jkunx hemm konfużjoni mat-Trattat ta’ Lisbona u biex jiġi enfasizzat l-approċċ il-ġdid tal-Istrateġija: pereżempju “Kwalità ta’ Ħajja għal Kulħadd: Nibnu Futur Sostenibbli għall-Ewropa fid-Dinja” jew verżjoni mqassra “Strateġija għal Ewropa Sostenibbli”;

9.

isejjaħ għal strateġija ta’ komunikazzjoni iktar effettiva, li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-messaġġ ewlieni tal-Istrateġija l-ġdida;

Sfidi attwali u ġodda

10.

jafferma li l-kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali u ambjentali ta’ bħalissa bidlet radikalment il-kuntest li fih qed isir id-dibattitu dwar il-futur tal-Istrateġija ta’ Lisbona, għalhekk mhux possibbli nkomplu fl-istess triq li qbadna: jeħtieġ li l-affarijiet jinbidlu. Il-kriżi qajmet għadd ta’ sfidi immedjati, b’mod partikolari l-livelli dejjem ogħla ta’ qgħad fl-Ewropa, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u l-periklu gravi tal-protezzjoniżmu. Kixfet id-dgħufijiet strutturali fil-mudell dinji ekonomiku u enfasizzat il-bżonn għal approċċ ġdid u sostenibbli, kemm f’termini ekoloġiċi kif ukoll dawk soċjali u ekonomiċi, u għal regolamentazzjoni iktar stretta tas-settur bankarju u finanzjarju;

11.

itenni li qabel ma l-kriżi ekonomika laqtet lill-Ewropa, u fi żmien meta l-ekonomija kienet meqjusa bħala waħda bi prestazzjoni relattivament tajba, il-livelli għolja tal-faqar fl-Ewropa ma taffew xejn u l-inugwaljanza fid-dħul kompliet tiżdied. Skont il-figuri li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2008, 16 % tal-popolazzjoni Ewropea jgħixu taħt il-livell tal-faqar, waħda minn kull għaxar persuni tgħix f’dar fejn ħadd ma jaħdem, u 19 % tat-tfal jgħixu fil-periklu tal-faqar (5). Il-ġlieda kontra l-faqar u d-diskrepanzi dejjem ikbar tal-ġid fl-Ewropa għandha tkun wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Istrateġija futura;

12.

jinnota li l-Ewropa qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi iktar fit-tul li jinkludu l-bidla demografika, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, il-globalizzazzjoni (6), u l-ksib ta’ koeżjoni territorjali fl-UE, li għandhom jiġu indirizzati fl-istrateġija l-ġdida. Jiddispjaċih li l-koeżjoni territorjali ma tingħatax iktar viżibbiltà bħala prinċipju ta’ gwida fid-dokument ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE għall-2020; jitlob lill-Kummissjoni sabiex, b’konformità mal-ħtiġijiet dwar il-Koeżjoni Territorjali, stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona, timpenja ruħha li tressaq evalwazzjoni dwar l-impatt territorjali ta’ kull proposta leġiżlattiva ġdida li tolqot lill-kompetenza tal-awtoritajiet lokali jew reġjonali;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba l-kriżi soċjali, finanzjarja u ekonomika, fis-snin li ġejjin ser ikun hemm pressjoni konsiderevoli fuq il-finanzi pubbliċi u b’hekk huwa essenzjali li jkun hemm allokazzjoni effettiva tar-riżorsi u l-fondi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew biex jiġi żgurat li jsiru l-investimenti adatti li jwettqu l-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija l-ġdida. Sabiex il-muniċipalitajiet u r-reġjuni jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona, huwa essenzjali li jkun żgurat li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji tal-Karta għall-Awtonomija tal-Muniċipalitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tar-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet lokali (Artikolu 9);

14.

iqis li, biex tinkiseb koeżjoni soċjali ġenwina u biex jingħelbu l-isfidi fuq perijodu fit-tul, huwa indispensabbli li jkun hemm approċċ territorjali komuni għall-politiki kollha li jqis il-karatteristiċi speċifiċi li jeżistu fil-livell lokali u reġjonali fl-Ewropa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu allokati biżżejjed riżorsi Komunitarji sabiex jiġi promoss żvilupp bilanċjat tat-territorju tal-Unjoni;

15.

jipproponi li l-Istrateġija l-ġdida tagħti prijorità lill-investiment f’ekonomija ekoloġika, tindirizza l-koeżjoni soċjali, tiżgura approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, kif ukoll tfittex mod ġdid kif jitkejjel l-impatt tal-Istrateġija l-ġdida;

Investiment fl-ekonomija ekoloġika

16.

jitlob li l-miri u l-impenji tal-UE għat-tibdil fil-klima jiġu inkorporati fl-Istrateġija l-ġdida, biex tinħoloq ekonomija b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet fl-Ewropa;

17.

jitlob li l-mexxejja tal-UE jistabbilixxu, bħala prijorità ċentrali, l-iżvilupp tal-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija ekoloġika, biex l-UE tkun tista’ taqdi rwol prinċipali fit-trasformazzjoni tal-ekonomija dinjija f’bażi soda u sostenibbli. B’mod partikolari, dan ifisser li permezz tat-tmexxija tagħhom jagħtu eżempju tajjeb, li jagħtu prijorità lill-investimenti f’teknoloġiji ekoloġiċi, ir-riċerka u l-iżvilupp, inklużi l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, metodi sostenibbli tal-produzzjoni u l-konsum, l-infrastruttura tal-ICT u l-broadband f’komunitajiet imbiegħda, kif ukoll il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ekoloġika. L-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-SMEs tal-Ewropa għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex dan il-pjan jimxi ’l quddiem (7). Dan jeħtieġ bidliet strutturali fl-ekonomija Ewropea, fosthom il-koordinazzjoni tal-politika makroekonomika u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tiġi appoġġjata l-bidla għal ekonomija ekoloġika;

18.

isejjaħ għal Strateġija Ewropea għall-Ħiliet Ekoloġiċi u l-Impjiegi Ekoloġiċi, biex tipprovdi qafas għall-investiment fil-ħiliet u l-għarfien bħala appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli. Il-programmi finanzjarji futuri tal-UE, inklużi l-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), għandhom jappoġġjaw l-ewwel u qabel kollox l-investiment f’“impjiegi ekoloġiċi” u “ħiliet ekoloġiċi”, b’enfasi partikolari fuq SMEs ġodda, dinamiċi u innovattivi (8);

19.

jitlob li l-UE tadotta qafas konsistenti ta’ inċentivi u mekkaniżmi ta’ appoġġ (Regolamentazzjoni Ekoloġika Aħjar) bħala appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli fl-Ewropa;

20.

jitlob li tingħata prijorità lill-iskambju tal-aħjar prattika fil-qasam tal-approċċi innovattivi li joħolqu inċentivi fl-Istati Membri individwali li jħeġġu u jippremjaw liċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE biex jagħmlu għażliet ekoloġiċi u jippenalizzaw l-imgiba “mhux sostenibbli”;

21.

itenni li approċċ ekoloġiku jista’ joħloq ċirku virtuż, li jindirizza l-problemi ekonomiċi u soċjali. Pereżempju, il-bidliet reċenti fir-regolamenti tal-Fondi Strutturali jagħmluha possibbli li jiġu ffinanzjati miżuri marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fi djar bi dħul baxx;

22.

jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up) mill-komunitajiet lokali biex iwettqu l-bidla fil-prattika fost iċ-ċittadini (9);

Il-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali

23.

jenfasizza l-valur u l-importanza tal-assigurazzjoni soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jipproteġu l-iktar membri vulnerabbli tas-soċjetà, u l-bżonn li jiġi ppreservat il-Mudell Soċjali Ewropew (10);

24.

jirrikonoxxi, b’konformità mal-Protokoll dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali mehmuż mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-rwol essenzjali li għandhom is-servizzi ta’ interess ġenerali – u b’mod partikolari tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali – u li l-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħhom għandhom isiru aktar siguri; jirrikonoxxi wkoll l-importanza tas-servizzi pubbliċi lokali għaċ-ċittadini;

25.

jitlob li tittieħed azzjoni kontra l-faqar tat-tfal u l-faqar transġenerazzjonali fil-familji, u jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-miri ta’ Barċellona marbuta mas-servizzi tal-kura tat-tfal (11);

26.

jenfasizza l-importanza ta’ politika ta’ koeżjoni mifruxa mal-UE kollha ffinanzjata b’mod adatt, li tinvolvi r-reġjuni kollha tal-Ewropa, bħala fattur essenzjali biex jiġi appoġġjat it-twettiq tal-Istrateġija l-ġdida, u jirrifjuta kull azzjoni li twassal għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-fondi strutturali jew li titneħħa d-dimensjoni reġjonali mill-politika tal-koeżjoni fl-analiżi tal-baġit futur tal-UE;

27.

isejjaħ għal impenn sabiex isir użu iktar effettiv tal-għarfien eżistenti u l-aħjar prattika fil-programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE għall-benefiċċju ta’ kull reġjun fl-UE;

28.

jitlob lill-mexxejja tal-UE jużaw is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) biex jimpenjaw ruħhom li jagħtu prijorità lill-koeżjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, bil-għan li jiġu indirizzati ż-żieda fil-qgħad, id-diskrepanzi fil-prestazzjoni reġjonali ekonomika, l-esklużjoni soċjali, in-nuqqas ta’ impjiegi u n-nuqqas ta’ attività ekonomika. Il-KtR jaqbel mar-Rapport ta’ Barca li l-Programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE huma strument prinċipali biex tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali;

29.

jitlob li tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat il-periklu dejjem ikbar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, billi tingħata prijorità lill-investimenti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi l-iskemi li jħeġġu l-mobilità taż-żgħażagħ. Nilqgħu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Il-Mobilità tal-Voluntiera Żgħażagħ” adottata f’Novembru 2008, u nappoġġjaw il-proposta tal-Kummissjoni biex l-2011 tingħażel bħala s-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

30.

jitlob għal rikonoxximent ikbar tal-kontribut fundamentali tan-nisa fil-forza tax-xogħol u n-nisa bħala intraprendituri u innovaturi. L-Ewropa għad fadlilha ħafna x’tagħmel fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif juri rapport reċenti mill-Kummissjoni Ewropea li jidentifika b’mod partikolari d-differenza fil-paga tal-irġiel u n-nisa bħala problema li għadha magħna, kif ukoll diffikultajiet biex jinstab bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali u l-istereotipi fuq il-bażi tas-sess (12)  (13); għalhekk, jittama li r-rakkomandazzjonijiet u l-inċentivi jkunu maħsuba biex iżommu n-nisa jaħdmu u biex idaħħluhom fis-suq tax-xogħol;

31.

isejjaħ għal rikonoxximent ikbar tal-valur u l-kontribut tal-membri kollha tas-soċjetà. L-Istrateġija l-ġdida għandha tenfasizza l-importanza tas-“soċjetà ċivili”, b’mod partikolari l-kontribut tat-tielet settur, il-persuni li jipprovdu l-kura u l-voluntiera għall-benesseri ta’ oħrajn, li ħafna drabi ma jiġux rikonoxxuti. Bl-istess mod, l-Istrateġija l-ġdida għandha tħeġġeġ il-politiki dwar it-tixjiħ attiv u l-inizjattivi interġenerazzjonali;

32.

iressaq l-argument li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE għandha tinkludi l-appoġġ għall-inizjattivi tal-iżvilupp lokali, immirati lejn komunitajiet speċifiċi urbani u rurali li qed jiffaċċjaw sfidi soċjoekonomiċi partikolari. Dan l-approċċ intuża b’suċċess fil-passat permezz ta’ inizjattivi bħal EQUAL, LEADER, URBAN u fil-programmi prinċipali tal-Objettiv 1 u 2;

33.

jilqa’ b’sodisfazzjon approċċ li permezz tiegħu r-regoli tal-għajnuna tal-istat jagħmluha possibbli li tiġi appoġġjata l-produzzjoni ekonomika mwettqa minn komunitajiet lokali b’mezzi sostenibbli (pereżempju billi tingħata prijorità lill-akkwist pubbliku ekoloġiku, l-aċċess għall-infrastruttura tal-broadband f’komunitajiet imbiegħda u rurali);

Il-governanza f’diversi livelli

34.

jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fit-tfassil, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida;

35.

jisħaq fuq kemm huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu fuq quddiem nett fit-tiftix ta’ soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja u ekonomika fil-prattika, biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati u dawk għal perijodu qasir (14);

36.

jitlob għal koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar effettivi bejn id-diversi livelli tal-gvern fl-Ewropa, u għal dimensjoni reġjonali ħafna iktar b’saħħitha fl-Istrateġija l-ġdida;

37.

jitlob lill-mexxejja tal-UE biex jiżguraw li l-infiq futur tal-UE jkun iddedikat għat-twettiq tal-objettivi prinċipali tal-Istrateġija l-ġdida, billi jiġi applikat is-suċċess tal-approprjazzjonijiet tal-Fondi Strutturali maħsuba għall-Istrateġija ta’ Lisbona fl-oqsma rilevanti kollha tal-baġit tal-UE;

38.

jitlob għal inċentivi iktar b’saħħithom biex il-gvernijiet nazzjonali jimpenjaw ruħhom fit-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija l-ġdida, billi jiġu stabbiliti miri adatti vinkolanti, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva fil-prattika;

39.

jilqa’ l-ħsieb li l-Istrateġija tintrabat mal-perijodu tal-mandat tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Fl-Istrateġija l-ġdida għandu jkun hemm rwol iktar ċar għall-Parlament Ewropew bħala l-korp Ewropew elett b’mod demokratiku li jaħdem bi sħab mal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

40.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE stabbilixxiet struttura ta’ governanza f’diversi livelli għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Strutturali, u jafferma li l-Istrateġija l-ġdida għandha tuża dawn l-istrutturi ta’ sħubija eżistenti biex tindirizza d-dgħufijiet attwali fl-istrutturi ta’ governanza. Mezz aktar effettiv biex jiġi żgurat tfassil ta’ politika kkoordinat huwa li l-istrutturi ta’ governanza jiġu adattati b’mod espliċitu għall-Programmi Reġjonali fil-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE;

41.

jipproponi li dawn is-sħubijiet eżistenti jaqdu rwol attiv fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR), u l-Programmi tal-Fondi Strutturali għandhom jipprovdu kapitolu reġjonali għat-twettiq tal-għanijiet ġenerali tal-PNR; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ suġġerimenti konkreti fid-dokument ta’ konsultazzjoni dwar kif l-istrateġija għall-2020 ser tinvolvi l-gvernijiet lokali u reġjonali, u lill-parlamenti u l-assembleji reġjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-PNR;

Inkejlu l-impatt tal-Istrateġija

42.

jiġbed l-attenzjoni għal-livell dejjem ogħla ta’ skuntentizza rigward l-użu tal-PDG bħala l-indikatur ewlieni biex titkejjel il-prestazzjoni ekonomika, u jitlob li jiġu żviluppati indikaturi ġodda li jipprovdu mezz iktar sinifikattiv għall-kejl tal-prosperità, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa (15);

43.

jitlob li miżuri bħal dawn iqisu l-isfidi usa’ tas-soċjetà u l-ambjent, inklużi l-indikaturi tal-faqar tat-tfal, id-distribuzzjoni tad-dħul, il-livelli tas-CO2 u emissjonijiet oħrajn, l-impatt fuq il-bijodiversità, u elementi oħra li jagħmlu parti minn definizzjoni ġenerali tal-benesseri u li jirriflettu d-differenzi fil-livell sottonazzjonali fl-Ewropa (16);

44.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti direttament fl-identifikazzjoni tal-miri u l-indikaturi għall-Istrateġija l-ġdida. Il-Patt tas-Sindki, iffirmat f’Jannar 2009, juri kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jmexxu ’l quddiem il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenin, u kif, fl-impenji tagħhom, jistgħu jkunu iktar ambizzjużi mill-gvern fil-livell nazzjonali u Ewropew;

Approċċ imsejjes fuq l-evidenza

45.

jenfasizza li din l-opinjoni tibni fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-KtR dwar il-futur tal-Istrateġija, li tnediet fi Praga f’Marzu 2009. Din l-opinjoni hija msejsa wkoll fuq riċerka attiva li saret fi Brussell, Wales u r-Renju Unit. Il-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Lisbona kkontribwixxiet analiżi globali tar-riżultati tal-konsultazzjoni fi żmien adatt;

46.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-KtR ikompli l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida fil-prattika permezz tan-netwerks tiegħu, b’mod partikolari l-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ ta’ Lisbona.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Ara r-rapport “Prosperity without Growth: the transition to a sustainable economy” tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-Renju Unit, ippubblikat f’Marzu 2009. http://www.sd-commission.org.uk/pages/redefining-prosperity.html

(2)  Eżempju ta’ dan huwa l-“Wave Hub” li ser jinbena ftit ’il bogħod mill-kosta ta’ Cornwall fl-2010. Permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), dan ser joħloq l-ewwel faċilità offshore li turi fuq il-post stess il-firxa ta’ strumenti li jiġġeneraw l-enerġija mill-mewġ. Il-proġett huwa kollaborazzjoni bis-sehem tas-settur pubbliku u privat u s-settur tar-riċerka.

(3)  In-New Economics Foundation (http://www.neweconomics.org/gen/) żviluppat “kontabilità nazzjonali tal-benesseri” (National Accounts of Well-being) msejsa fuq il-fatturi li jiffurmaw il-benesseri personali u l-benesseri soċjali.

(4)  Ara r-rapport “Prosperity without Growth: the transition to a sustainable economy” tal-Kummissjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli fir-Renju Unit, ippubblikat f’Marzu 2009. http://www.sd-commission.org.uk/pages/redefining-prosperity.html

(5)  DĠ Impjieg MEMO/08/625 Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2008. Ara: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=637

(6)  Ara r-rapport Reġjuni 2020, li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru 2008.

(7)  Eżempju ta’ dan huwa l-“Wave Hub” li ser jinbena ftit ’il bogħod mill-kosta ta’ Cornwall fl-2010. Permezz ta’ appoġġ finanzjarju mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), dan ser joħloq l-ewwel faċilità offshore li turi fuq il-post stess il-firxa ta’ strumenti li jiġġeneraw l-enerġija mill-mewġ. Il-proġett huwa kollaborazzjoni bis-sehem tas-settur pubbliku u privat u s-settur tar-riċerka.

(8)  Fost dawn insibu dawn iż-żewġ strateġiji: “Capturing the Potential - A Green Jobs Strategy for Wales”, ippubblikata mill-Gvern tal-Assemblea ta’ Wales fid-9 ta’ Lulju 2009 u “Going for green growth: a green jobs strategy for Scotland”, ippubblikata mill-Gvern Skoċċiż f’Ġunju 2005.

(9)  Il-Muniċipalità ta’ Thisted fid-Danimarka hija eżempju tajjeb tal-azzjoni li ħadet il-komunità biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima. Permezz ta’ din l-azzjoni, iktar minn 100 % tal-konsum tal-elettriku u iktar minn 80 % tal-konsum tas-sħana sar mingħajr l-użu tal-karburanti fossili. Ara www.climate.thisted.dk

(10)  Insibu diskussjoni tajba dwar dan is-suġġett f’“The Spirit Level: Why More Equal Societies Almost Always Do Better” tal-Professur Richard Wilkinson u Dr Kate Pickett, (Allen Lane, Marzu 2009). Il-Pjattaforma Soċjali qed titlob għal sistema Ewropea tal-paga minima, u saru talbiet ukoll biex l-UE timpenja ruħha li tirrispetta l-istandards tal-ILO dwar ix-xogħol dinjituż.

(11)  “… li sal-2010 jingħataw servizzi tal-kura tat-tfal lil mill-anqas 90 % tat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-età tal-iskola obbligatorja, u lil mill-anqas 33 % tat-tfal ta’ taħt it-tliet snin.” Ara http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/71025.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  COM(2009) 77: L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2009.

(13)  Il-Global Economics Paper Nru 164 “Women Hold Up Half the Sky” ta’ Goldman Sachs, li ħarġet fl-2007, tressaq l-argument li t-tnaqqis fl-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel isaħħaħ it-tkabbir ekonomiku. Il-Gvern Norveġiż daħħal kwota biex jiżgura li mill-inqas 40 % tal-membri tal-bord ta’ kull kumpanija privata għandhom ikunu nisa, fuq il-bażi li l-kwoti huma iktar effettivi mil-lat ekonomiku. Il-Bank Dinji, fl-Issues Brief “The World Bank and Gender Equality”(April 2009) iressaq l-argument li l-faqar ma jistax jinqered sakemm ma tinkisibx l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jikkunsidra r-restrizzjoni tal-opportunitajiet ekonomiċi għan-nisa bħala “ekonomija ħażina”.

(14)  Pereżempju, f’Wales saru sitt Summits Ekonomiċi minn Ottubru 2008 ’l hawn. Dawn laqqgħu l-partijiet interessati kollha biex ifittxu soluzzjonijiet għall-kriżi. Il-gvern ta’ Wales uża wkoll l-FSE biex jiffinanzja taħlita ta’ sussidji għall-pagi u sussidji għat-taħriġ għal dawk li jimpjegaw ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja reċentement (REACT) u li jżommu ħaddiema mhedda bis-sensja (PROACT). Fil-15 ta’ Lulju 2009, il-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi u Marittimi adottat manifest, “Emerging stronger from the crisis: a European Territorial Pact”, li jirrikonoxxi r-reazzjonijiet reġjonali għall-kriżi fl-Ewropa, u jitlob li tissejjaħ laqgħa speċjali tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali (inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni) biex jiddiskutu r-reazzjonijiet fit-tul għall-kriżi.

(15)  Il-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali, stabbilita mill-President Franċiż, Nicolas Sarkozy biex tistabbilixxi indikaturi ġodda għall-kejl tal-progress ekonomiku u soċjali li jmorru lil hinn mill-PGD, hija ta’ interess partikolari f’dan ir-rigward.

(16)  L-Istrateġija l-ġdida għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Gvern ta’ Wales, One Planet: One Wales, tistabbilixxi ħames indikaturi ta’ livell għoli biex il-pajjiż ikun jista’ jindirizza l-elementi ewlenin tal-istrateġija: (i) l-impatt ekoloġiku (carbon footprint) (ii) il-bijodiversità (iii) il-Valur Gross Miżjud (ekwivalenti għall-miżura tal-PGD) (iv) id-djar bi dħul baxx (v) il-benesseri.


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/11


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda – l-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa

2010/C 141/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI JRESSAQ DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET:

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-atturi politiċi (statali, reġjonali u lokali) għandhom jużaw l-influwenza tagħhom u jieħdu ħsieb li jiġu eliminati l-effetti negattivi tal-kriżi, jagħtu prijorità lill-opportunitajiet li toffri ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u permezz ta’ approċċ integrat u sostenibbli jippromovu Strateġija ta’ Liżbona riveduta;

jistqarr li b’riżultat tal-kriżi ekonomika attwali eluf ta’ impjegati fl-Istati Membri tal-UE tilfu xogħolhom u dan il-qgħad ser ikompli jiżdied b’riżultat tas-swieq il-ġodda u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi. Huwa importanti ħafna li l-ħiliet tal-impjegati jiżdiedu u jikkonformaw aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

huwa tal-fehma li t-taħriġ bażiku ta’ livell għoli jħejji l-bażi għall-ksib tal-ħiliet u jżid il-volontà għat-tagħlim tul il-ħajja. Is-soċjetajiet u b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea dejjem qed ikomplu jiżviluppaw f’soċjetà tal-informazzjoni fejn qed tkompli tiżdied ukoll id-domanda għal ħaddiema bi kwalifiki għolja u l-maġġoranza tal-impjiegi jinsabu fis-settur tas-servizzi;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bidla għal ekonomija li tuża livell baxx ta’ karbonju, li rriżultat mill-problema tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp teknoloġiku kontinwu, b’mod partikolari fil-qasam tal-ICTs, titlob ristrutturar, xi drabi kbir, fl-oqsma li jeżistu. Dan ifisser bidliet fis-suq tax-xogħol iżda jista’ jfisser ukoll potenzjal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda (“green jobs”), li sikwit ikunu multidixxiplinari u jeħtieġu l-għarfien f’ħafna oqsma differenti.

Relatur

:

Is-Sinjura Marianne Fügl (AT/PSE), Viċi Sindku tal-Marktgemeinde ta’ Traisen

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda – l-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa

COM(2008) 868 finali.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni b’rabta mal-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda”;

2.

jemmen li l-aktar kriżi finanzjarja u ekonomika serja li qatt rajna matul dawn l-aħħar snin diġà wasslet għal kriżi soċjali u kriżi fl-impjieg, u din ser tiggrava fil-ġejjieni. Għalhekk il-konsegwenzi tagħha għandhom jiġu antiċipati u miġġielda (1);

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-atturi politiċi (statali, reġjonali u lokali) għandhom jużaw l-influwenza tagħhom u jieħdu ħsieb li jiġu eliminati l-effetti negattivi tal-kriżi, jagħtu prijorità lill-opportunitajiet li toffri ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u permezz ta’ approċċ integrat u sostenibbli jippromovu Strateġija ta’ Liżbona riveduta;

4.

jemmen li sabiex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn li ssir analiżi tal-iżvilupp tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea matul is-snin li ġejjin;

L-isfidi tal-futur

5.

jemmen li matul is-snin li ġejjin l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru tagħha ser ikunu qed jiffaċċjaw varjetà ta’ sfidi maġġuri, hekk kif l-istrutturi bażiċi u l-kultura tas-soċjetà industrijali u tal-informazzjoni jevolvu biex jintegraw il-prattiki ġodda tas-soċjetà msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, li wieħed mill-fatturi ewlenin tagħha hija l-kapaċità li tbassar il-futur malajr;

6.

jistqarr li b’riżultat tal-kriżi ekonomika attwali eluf ta’ impjegati fl-Istati Membri tal-UE tilfu xogħolhom u dan il-qgħad ser ikompli jiżdied b’riżultat tas-swieq il-ġodda u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi. Huwa importanti ħafna li l-ħiliet tal-impjegati jiżdiedu u jikkonformaw aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

7.

huwa tal-fehma li t-taħriġ bażiku ta’ livell għoli jħejji l-bażi għall-ksib tal-ħiliet u jżid il-volontà għat-tagħlim tul il-ħajja. Is-soċjetajiet u b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea dejjem qed ikomplu jiżviluppaw f’soċjetà tal-informazzjoni fejn qed tkompli tiżdied ukoll id-domanda għal ħaddiema bi kwalifiki għolja u l-maġġoranza tal-impjiegi jinsabu fis-settur tas-servizzi;

8.

huwa tal-opinjoni li l-bidla demografika u t-tixjiħ tal-popolazzjoni għandhom jingħataw aktar attenzjoni;

9.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bidla għal ekonomija li tuża livell baxx ta’ karbonju, li rriżultat mill-problema tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp teknoloġiku kontinwu, b’mod partikolari fil-qasam tal-ICTs, titlob ristrutturar, xi drabi kbir, fl-oqsma li jeżistu. Dan ifisser bidliet fis-suq tax-xogħol iżda jista’ jfisser ukoll potenzjal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda (“green jobs”), li sikwit ikunu multidixxiplinari u jeħtieġu l-għarfien f’ħafna oqsma differenti;

10.

jirrimarka li dawn il-bidliet kollha jolqtu lill-ħaddiema, lis-suq tax-xogħol u lill-intrapriżi;

11.

jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri fuq perijodu twil u konkreti, li jiffokaw fuq azzjoni radikali msejsa fuq interazzjoni mill-qrib bejn l-oqsma tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni (l-hekk imsejjaħ Trijangolu tal-Għarfien), bl-appoġġ tal-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex isir skambju tal-esperjenzi u jitfasslu s-soluzzjonijiet adatti;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

12.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

13.

jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tagħraf id-differenzi reġjonali li jeżistu bejn ir-rekwiżiti fil-qasam tal-ħiliet u fis-swieq tax-xogħol. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-provvedituri prinċipali tal-edukazzjoni primarja u sekondarja u b’hekk huma jipprovdu l-edukazzjoni inizjali li hija l-bażi biex jinkisbu l-ħiliet aktar tard. Ħafna drabi huma responsabbli wkoll għall-faċilitajiet li jippermettu l-mobilità u t-taħriġ, bħall-konnessjonijiet tat-trasport, il-kura tat-tfal u l-istituzzjonijiet edukattivi;

14.

huwa tal-fehma li l-mobilità transkonfinali fl-impjieg hija wkoll prekondizzjoni li permezz tagħha jista’ jkun hemm iktar libertà tal-għażla u iktar nies ikunu jistgħu jsibu xogħol ġdid u aħjar;

15.

jemmen li parteċipazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali msaħħa bejn il-gruppi ta’ interess kollha, l-analiżi tas-swieq tax-xogħol reġjonali u l-valutazzjoni tal-eżiġenzi futuri rigward kwalifiki huma indispensabbli għaż-żoni rurali li huma vulnerabbli u mhedda mill-migrazzjoni u għar-reġjuni ultraperiferiċi. Sabiex ikunu jistgħu jitfasslu r-risposti tal-Unjoni Ewropea għall-isfidi li qed niffaċċjaw hemm bżonn li nagħrfu l-għarfien u l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

16.

isejjaħ għal użu aktar effiċjenti tal-fondi mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Permezz ta’ dan ikun jista’ jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirċievu l-flus li jkollhom bżonn malajr u b’mod dirett u jkunu jistgħu jikkoordinaw aħjar il-mod ta’ kif qed jintużaw il-fondi;

Bidliet fis-suq tax-xogħol

17.

jenfasizza li s-suq tax-xogħol kemm fl-Istati Membri individwali kif ukoll fl-Unjoni Ewropea kollha qed jiffaċċja diversi żviluppi;

18.

jinnota li llum il-ġurnata kważi l-ebda ħaddiem ma jibqa’ fl-istess impjieg għal ħajtu kollha. Studju li sar fl-2005 wera kif il-ħaddiema kellhom medja ta’ madwar erba’ impjiegi qabel ma rtiraw (2). Ħafna ħaddiema jsibu ruħhom f’xogħol li xi drabi jħaddimhom u xi drabi le u x-xogħol prekarju qed jiżdied.Għaldaqstant isejjaħ għal bilanċ, li jiffavorixxi lill-ħaddiem, bejn fuq naħa l-bżonn fundamentali li jkun hemm sigurtà soċjali, u fuq in-naħa l-oħra l-flessibilità meħtieġa fis-suq tax-xogħol (skont il-kunċett tal-“flessigurtà”);

19.

huwa tal-fehma li l-mobilità fl-impjieg taqdi rwol importanti u llum il-ġurnata l-ħaddiema żgħażagħ bi kwalifiki għolja huma lesti li jilqgħu l-isfidi ġodda fuq ix-xogħol. Dawk li jkunu aktar flessibbli fil-livell professjonali u territorjali jkunu aktar kapaċi jadattaw għal sitwazzjonijiet ġodda u jiksbu ħiliet ġodda;

20.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tixjiħ tal-popolazzjoni qed jiżdied b’rata mgħaġġla u l-forza tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea jaf tkun naqset b’20 miljun ruħ sal-2030 (3). Għalhekk jeħtieġ li minn issa nibdew inħarrġu lill-ħaddiema b’biżżejjed ħiliet sabiex fil-futur ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li niżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni u għal aktar taħriġ. Fl-istess waqt hemm bżonn ta’ sistemi intelliġenti tal-kontroll tal-migrazzjoni li jqisu l-bżonnijiet tal-individwi, tal-pajjiżi ospitanti u tal-pajjiżi tal-oriġini;

21.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għaxar snin li ġejjin ser jaraw domanda dejjem tiżdied għal forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin, li kapaċi tadatta tajjeb u b’diversi ħiliet (mhux biss tekniċi iżda wkoll soċjali u kulturali bħal pereżempju ħiliet fil-komunikazzjoni u fis-sejba ta’ soluzzjoni għall-kunflitti). Id-differenza bejn il-livelli mistennija minn ħaddiema f’impjiegi “li ma jitolbux kwalifiki” u dawk li jitolbu “livell medju ta’ kwalifiki” qed tonqos. B’mod ġenerali dawn l-impjiegi qed jitolbu kwalifiki dejjem iktar għolja u d-domanda għall-attivitajiet li jirrikjedu livell baxx ta’ kwalifiki qed tonqos. Fl-istess waqt qed tiżdied il-paga għal impjiegi li jitolbu kwalifiki għolja filwaqt li l-pagi għal impjiegi li jitolbu inqas kwalifki qed jonqsu. Din il-polarizzazzjoni fis-suq tax-xogħol għandha tirriżulta f’politika tal-pagi bbażata fuq il-produttività sabiex jiġu evitati s-setturi ta’ paga baxxa. Jeħtieġ li jsiru l-isforzi neċessarji sabiex jintużaw il-kwalifiki disponibbli biex in-nies jingħataw l-opportunità li jkunu mobbli;

L-antiċipazzjoni tal-ħiliet tal-futur

22.

jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ għodda tat-tbassir u antiċipazzjoni trasparenti mill-Istati Membri li huma jkunu jistgħu jużaw biex jippromovu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda li jirrikjedu għarfien sostanzjali u jiżviluppaw it-taħriġ skont liema ħiliet jirrikjedi s-suq tax-xogħol;

23.

jirrakkomanda li jintużaw miżuri kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi sabiex l-istrumenti ta’ tbassir ikunu affidabbli u effiċjenti. B’hekk it-tbassir li jsir dwar liema ħaddiema u ħiliet ser ikun hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol ikun affidabbli;

24.

huwa tal-fehma li sabiex il-ħaddiema jkunu kompetittivi fis-suq tax-xogħol jeħtieġ li l-ewwel u qabel kollox ikunu flessibbli, li jirreaġixxu għal bidliet mhux mistennija u li jkollhom kwalitajiet komunikattivi (4). Fl-istess waqt il-kundizzjonijiet qafas għandhom jitfasslu btali mod li l-flessibbiltà ma tkunx ta’ piż fuq il-ħaddiema biss. Għalhekk l-awtoritajiet pubbliċi fuq diversi livelli u l-imsieħba soċjali flimkien għandhom jiżviluppaw ideat bħal pereżempju l-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-sigurtà soċjali u l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li fi ħdan is-suq intern tal-UE mgħandhiex titħeġġeġ il-kompetizzjoni għall-aktar standard baxx;

25.

jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ ġenerali u vokazzjonali, il-lokalitajiet, ir-reġjuni u l-gruppi ta’ interess. Jeħtieġ li titħeġġeġ il-kooperazzjoni l-ewwel u qabel kollox bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ ġenerali u professjonali sabiex jinħolqu sħubijiet li jissodisfaw id-domanda għall-kwalifiki fuq perijodu medju. Barra minn hekk bil-għajnuna ta’ studji kwalitattivi tista’ tinkiseb informazzjoni importanti dwar x’qed jistenna min iħaddem mill-istudenti u l-gradwati;

26.

jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri tal-UE hija rekwiżit importanti sabiex ikunu jistgħu jinstabu tweġibiet politiċi għall-isfidi li qed niffaċċjaw;

27.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha mas-Cedefop (Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Professjonali) kif ukoll li tuża r-riżultati tar-riċerka li jwettaq, sabiex tiżgura li l-ħiliet ġodda meħtieġa fis-suq tax-xogħol jiġu identifikati u antiċipati fiż-żmien;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hija u tinġabar u tiġi użata l-informazzjoni għandhom jitqiesu d-differenzi reġjonali għax dan huwa l-uniku mezz ta’ kif nistgħu niżguraw li qed jittieħdu l-miżuri prattiki li huma adatti għar-reġjuni speċifiċi tal-Istati Membri differenti tal-UE;

Ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu

29.

jemmen li l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu ġenerali u vokazzjonali jaqdu rwol importanti ħafna fil-ħidma sabiex niżguraw li l-ħaddiema fis-suq tax-xogħol tal-futur ikollhom il-ħiliet meħtieġa. L-universitajiet u l-istabbilimenti edukattivi l-oħra ġenerali u vokazzjonali għandhom jagħrfu li l-ksib tal-ħiliet meħtieġa fuq ix-xogħol huwa importanti daqs kemm hija l-edukazzjoni bażika tat-tfal u ż-żgħażagħ;

30.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu ppjanati u implimentati strateġiji u miżuri ta’ politika maħsuba biex isaħħu t-taħriġ matul il-ħajja u jżidu l-flessibbiltà u s-sigurtà fix-xogħol;

31.

jenfasizza li l-postijiet tax-xogħol li jeżistu għandhom jinżammu u għandu jsir investiment fihom. Għalhekk l-intrapriżi għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-ħaddiema jirċievu l-edukazzjoni u t-taħriġ interni li għandhom bżonn. It-taħriġ kontinwu jżid il-produttività u t-tkabbir ekonomiku. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jeħtieġ li jużaw approċċ ikkoordinat f’dan ir-rigward sabiex jipprovdu l-inċentivi għan-negozji u jippromovu t-taħriġ kontinwu;

32.

huwa tal-fehma li l-proċessi ta’ Bolonja u Kopenħagen ġabu magħhom progress importanti fl-edukazzjoni Ewropea. Fil-futur, is-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea ser jitlob aktar ħiliet u għalhekk, fl-interess tal-mobilità tal-ħaddiema, huwa importanti li l-kwalifki jiġu rikonoxxuti aħjar fl-Istati Membri individwali;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sas-sena 2020, il-proporzjon tal-impjiegi li ser jitolbu livelli għoljin ta’ edukazzjoni għandu jiżdied minn 25,1 % għal 31,3 % (5). Min-naħa l-oħra r-riskju tanumru aktar milli meħtieġ taħaddiema kwalifikati għandna nilqgħulu. Għalhekk flimkien maż-żieda fil-kwalifiki għoljin, il-ħiliet li ser ikollu bżonn is-suq tax-xogħol għandhom jiġu antiċipati fiż-żmien opportun sabiex ikun hemm provvista biżżejjed ta’ impjiegi li jitolbu kwalifiki għoljin sabiex b’hekk jinkiseb bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

34.

huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għandu jżid it-trasparenza tal-kwalifiki, jiffaċilita l-aċċess għal aktar taħriġ u jippromovi l-flessibbiltà u l-mobilità tal-ħaddiema. F’dan il-kuntest, b’mobilità m’għandniex nifhmu biss il-mobilità bejn l-intrapriżi differenti iżda wkoll fi ħdan l-istess intrapriżi;

35.

ifakkar li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni adatta sabiex l-edukazzjoni ta’ dawk li mhumiex ċittadini tal-UE u tal-migranti tiġi rikonoxxuta sabiex il-ħiliet li jġibu magħhom ma jintilfux. B’rabta ma’ dan, il-kooperazzjoni internazzjonali (pereżempju mal-pajjiżi tal-migranti sabiex jiġi miġġieled il-brain drain) taqdi rwol importanti ħafna;

36.

jemmen li t-trasferiment tal-ħiliet għandu jibda mit-tfulija għax il-volontà għat-tagħlim tul il-ħajja tibda tinbena sa mill-edukazzjoni inizjali li jirċievu t-tfal. F’din il-fażi tal-ħajja tagħhom, b’mod partikolari, it-tfal ikollhom il-kapaċità li jiksbu l-ħiliet b’rata mgħaġġla u b’aktar faċilità;

37.

huwa tal-fehma li permezz tal-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet edukattivi ġenerali u vokazzjonali tista’ titjieb ir-relazzjoni bejn il-kwalifiki u l-ħiliet li hemm bżonn u l-impjiegi disponibbli billi jitfassal u jiġi implimentat programm dwar il-ħiliet elettroniċi fil-livell tal-Unjoni Ewropea, li jista’ jiġi adattat fil-livell lokali u reġjonali għal ħtiġijiet u ċirkustanzi differenti. Permezz tal-apprendistati u l-ġranet ta’ introduzzjoni jistgħu jinkisbu ħiliet addizzjonali u tinkiseb l-ewwel esperjenza tad-dinja tax-xogħol;

38.

jemmen li jagħmel sens li jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ Karta tal-Unjoni Ewropea tal-Apprendistat sabiex iż-żgħażagħ jingħataw aktar drittijiet fejn jidħlu l-ksib u r-rikonoxximent tal-esperjenza tax-xogħol tagħhom u b’hekk isibuha aktar faċli li jibdew il-ħajja tax-xogħol;

Il-koeżjoni soċjali

39.

huwa tal-fehma li b’mod ġenerali jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-kwalità tax-xogħol fil-livell tal-UE. B’rabta ma’ dan jeħtieġ li niftakru li l-ħolqien tax-xogħol deċenti ilu wieħed mill-objettivi tal-Għanijiet tan-NU ta’ Żvilupp tal-Millennju sa mill-2008;

40.

jenfasizza li t-tkabbir u l-impjieg mhumiex biżżejjed biex iwasslu lill-Unjoni Ewropea għat-triq tal-irkupru. Jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri oħra li jaqdu l-koeżjoni soċjali;

41.

ifakkar li dawk kollha li minħabba l-interessi differenti jew il-kapaċitajiet fiżiċi u mentali tagħhom mhumiex adatti għas-suq tax-xogħol li jitlob kwalifiki għoljin, għandu jkollhom garanzija ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, billi jingħataw l-appoġġ meħtieġ huma u jfittxu x-xogħol u permezz ta’ programmi ta’ għajnuna u, jekk ikun hemm bżonn, ta’ paga deċenti, u fl-Istati Membri fejn hemm regoli simili għandha tiġi żgurata l-paga minima;

42.

isejjaħ għall-parteċipazzjoni ugwali tal-irġiel u tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz tat-tneħħija tal-ostakli kollha sabiex dan ikun jista’ jseħħ, element ċentrali f’dan ir-rigward huwa t-tneħħija tad-differenzi persistenti fil-pagi bejn is-sessi (“gender pay gap”);

43.

ifakkar li t-tixjiħ tal-popolazzjoni ser iġib miegħu żieda fid-domanda għall-persunal fis-settur tal-kura u s-settur soċjali u dan ser ifisser żieda fl-opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam għalhekk huwa importanti li jittieħdu l-miżuri ta’ taħriġ li hemm bżonn u li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex ikun jista’ jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

44.

jissuġġerixxi li jiġu appoġġjati forom ta’ impjiegi b’ħinijiet tax-xogħol flessibbli li jkunu adatti għall-ħiliet u s-sitwazzjoni tas-saħħa ta’ impjegati anzjani; b’hekk l-anzjani, b’mod speċjali, ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol sa kemm jilħqu l-età tal-pensjoni;

45.

huwa tal-fehma li permezz tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi ġenerali u vokazzjonali diġà jistgħu jibdew jitħaddmu mudelli ta’ suċċess għat-taħriġ kontinwu, ir-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali, iż-żieda fil-ħiliet u l-opportunitajiet tal-impjieg. Il-Kumitat jilqa’ l-ġabra u l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-mudelli tal-aqwa prattika. Barra minn hekk, jinħtieġ li jsir investiment sostanzjali bil-għan li l-aqwa prattika tissaħħaħ sabiex tkun tista’ tintuża minn kulħadd għall-promozzjoni ta’ kunċetti, materjal għat-tagħlim u metodi tat-tagħlim u t-taħriġ għall-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali. Bis-saħħa tagħhom, il-ħiliet meħtieġa fil-post tax-xogħol jistgħu jiġu żviluppati mingħajr ma l-awtoritajiet lokali jkollhom wisq spejjeż żejda (billi l-użu personalizzat tal-ICT jinxtered fuq skala wiesgħa);

46.

jistqarr li l-istrumenti finanzjarji disponibbli (il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) jeħtieġ li jiġu adattati sabiex bil-għajnuna tagħhom ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi tal-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu tas-suq tax-xogħol.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Mejju 2009, fl-2010, ir-rata tal-qgħad tal-UE ser tkun laħqet il-11 %. Kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro, din is-sena l-impjieg mistenni jonqos b’madwar 2,5 % u b’1,5 % ieħor fl- 2010. Dan ifisser li ser jintilfu madwar 8,5 miljun post tax-xogħol fi żmien sentejn. Fil-perijodu ta’ bejn l-2006 u l-2008 nħolqu kważi 9,5 miljun impjieg ġdid. http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/09/693&format=HTML&aged=0&language=MT&guiLanguage=en

(2)  Ewrobarometru 64.1 dwar il-mobilità ġeografika u tas-suq tax-xogħol – Settembru 2005.

(3)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Opinjoni Konġunta EMCO-SPC Ix-xjuħija attiva 9269/07, Mejju 2007.

(4)  Origins and Consequences of Changes in Labour Market Skill Needs. Considerations from a European Perspective. Rapport analitiku għall-Kummissjoni Ewropea, imħejji mill-European Expert Network on Economics of Education (EENEE), www.education-economics.org, p. 25.

(5)  COM(2008) 868 finali, p. 9.


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/16


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-perspettivi reġjonali dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku u l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-politika tal-edukazzjoni tal-UE

2010/C 141/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li f’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-integrazzjoni tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-edukazzjoni uffiċjali fil-livelli kollha. Għalhekk għandha tinstab il-proċedura adegwata li tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ proġetti marbuta mal-litteriżmu medjatiku;

jenfasizza li l-litteriżmu medjatiku għandu jkun wieħed mill-oqsma koperti fil-fażi l-ġdida tal-kooperazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni mnedija mill-qafas strateġiku;

hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn l-elementi prinċipali tal-litteriżmu medjatiku għax kull wieħed minnhom jirrikjedi strateġija, atturi u riżorsi speċifiċi;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-konsumaturi wkoll għandhom bżonn isiru iktar konxji ta’ xi jfisser eżatt l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ir-rispett għad-drittijiet tal-konsumatur huwa importanti ħafna fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

Relatur

:

Is-Sur András Szalay (HU/ALDE), Rappreżentant tal-Muniċipalità ta’ Veszprém

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

1.

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea mhux biss fissret l-importanza tal-politika tal-edukazzjoni, il-prinċipji fundamentali tagħha u l-għanijiet tagħha, li huma bbażati fuq id-definizzjoni tal-litteriżmu medjatiku (1) iżda kkunsidrat ukoll l-opinjoni li adotta l-KtR matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-8 u d-9 ta’ Ottubru 2008 (2).

2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jispera li l-Kummissjoni Ewropea ser tkompli taħdem favur l-iżvilupp koerenti tal-politika tal-litteriżmu medjatiku li nediet fl-2007. Huwa jistieden lill-Kumissjoni sabiex hija u tagħmel dan tqis ukoll l-opinjoni tal-KtR, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u b’rispett lejn il-kompetenzi speċifiċi lokali u reġjonali. Il-KtR jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan ta’ azzjoni dwar il-litteriżmu medjatiku b’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, il-UNESCO u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa u jitfassal il-pjan, jeħtieġ li jitqiesu dawn l-elementi:

a)

mill-perspettiva tal-politika kulturali, il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-UE u s-sensibilizzazzjoni tal-utenti, jeħtieġ li l-atturi rilevanti kollha jaħdmu bil-qawwa għat-twettiq – bħala għan politiku – tal-litteriżmu medjatiku li jitlob l-ewwel u qabel kollox il-promozzjoni tal-innovazzjonijiet fl-edukazzjoni min-naħa ta’ kull reġjun u Stat Membru;

b)

skont it-Trattat tal-KE, il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri filwaqt li l-Unjoni tikkontribwixxi sabiex ittejjeb is-sistemi nazzjonali differenti billi tipprovdilhom, fejn ikun meħtieġ, strumenti Komunitarji komplementari li jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aqwa prattiki. Il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza dan il-punt ukoll fil-Komunikazzjoni tagħha “Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (3) tal-2008;

c)

il-qafas strateġiku fl-edukazzjoni u t-taħriġ (4) iqis, b’mod dibattibbli, lil-litteriżmu medjatiku bħala fergħa tal-litteriżmu diġitali, filwaqt li l-litteriżmu medjatiku jista’ jaqdi rwol kruċjali fit-twettiq ta’ diversi għanijiet u prijoritajiet tal-qafas strateġiku (b’mod partikolari l-ksib tal-ħiliet bażiċi – il-qari, il-kompetenza “nitgħallmu kif nitgħallmu”, iċ-ċittadinanza attiva, il-promozzjoni tad-djalogu bejn il-kulturi u t-tagħlim tul il-ħajja);

d)

it-temi meqjusa bħala prijoritajiet immedjati fil-qafas strateġiku huma: (5)

l-iżvilupp trasversali tal-kompetenzi ewlenin;

il-miżuri li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ ambjent istituzzjonali li jiffavorixxi l-kreattività u l-innovazzjoni, ibbażati fuq użu kritku u intelliġenti tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (TIK) u li jtejbu b’mod kwalitattiv it-taħriġ tal-għalliema;

il-ħolqien ta’ sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi li jipprovdu tagħlim u taħriġ, l-istituti ta’ riċerka, l-atturi kulturali globali u l-industriji kreattivi.

Dawn il-prijoritajiet huma marbuta mill-qrib ma’ kunsiderazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku.

e)

F’ħafna każijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-integrazzjoni tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-edukazzjoni uffiċjali fil-livelli kollha. Għalhekk għandha tinstab il-proċedura adegwata li tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ proġetti, programmi u karti marbuta mal-litteriżmu medjatiku u s-sħubijiet differenti li jiġbru flimkien bosta atturi pubbliċi u privati u istituzzjonijiet kulturali u tat-taħriġ, il-produtturi professjonali tal-kontenut, fil-kuntest tal-edukazzjoni formali u informali u b’konformità stretta mad-dispożizzjonijiet legali.

3.

Għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-litteriżmu medjatiku jiġi inkluż bħala d-disa’ kompetenza prinċipali fil-qafas ta’ referenza Ewropew għat-tagħlim tul il-ħajja, b’konformità mar-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE. Fil-fatt, filwaqt li m’hemmx bżonn ta’ ħafna riżorsi Komunitarji sabiex dan iseħħ, din il-bidla fil-kompetenzi prinċipali ser tgħin lill-awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni formali fl-Istati Membri u r-reġjuni sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-integrazzjoni tal-litteriżmu medjatiku fil-kurrikuli.

4.

Il-Kummissjoni għandha tiddistingwi b’mod ċar bejn it-tagħlim bl-għajnuna tal-internet – it-tagħlim online jew e-learning – u l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, jiġifieri l-analiżi kritika tal-internet bħala mezz ta’ komunikazzjoni f’ambjent online. Jeħtieġ li nagħmluha ċara li t-tagħlim bl-għajnuna tal-internet ma jfissirx edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, u li l-ħiliet fl-użu tat-TIK u l-ħiliet diġitali minn naħa, u l-litteriżmu medjatiku min-naħa l-oħra, huma oqsma differenti. Il-litteriżmu medjatiku għandu jgħin sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv u jitħarsu d-diversità kulturali u l-identità reġjonali u lokali (billi jinħolqu mezzi ġodda ta’ kif wieħed jesprimi ruħu u sabiex dawk li huma marġinalizzati u l-minoritajiet jingħataw l-opportunità li jesprimu ruħhom fl-ispazju pubbliku).

L-ipoteżi bażika

5.

Il-KtR jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, flimkien mal-adattament tal-metodi ta’ taħriġ fil-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-qafas skolastiku u lil hinn minnu, huma importanti ħafna għall-ġejjieni tal-Ewropa. Biex iseħħ dan l-adattament, ser ikun hemm bżonn li jitħeġġeġ it-tagħlim dwar it-teknoloġiji tal-komunikazzjoni l-ġodda, fattur importanti ħafna għall-integrazzjoni soċjali u professjonali.

6.

L-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku huwa element prinċipali tal-protezzjoni tal-minuri u ż-żgħażagħ u tal-protezzjoni tad-dinjità umana fil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Huwa jwassal għal użu responsabbli tal-mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll għall-iżvilupp tal-awtoregolamentazzjoni u l-koregolazzjoni fl-industrija tal-kontenut (6). Madanakollu, it-tisħiħ tal-litteriżmu medjatiku jista’ biss jikkumplementa l-kontroll nazzjonali u sopranazzjonali u l-protezzjoni legali taż-żgħażagħ (b’rabta mal-mezzi ta’ komunikazzjoni) f’dan il-qasam. Permezz ta’ din il-kompetenza, iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu dwar ir-responsabbiltà tal-atturi kollha tas-soċjetà u b’hekk ikun qed jingħata appoġġ liċ-ċittadinanza attiva u li tagħmel użu tajjeb mill-mezzi ta’ komunikazzjoni. Dan huwa fattur importanti ħafna għall-politika kulturali tal-Ewropa u l-parteċipazzjoni atttiva taċ-ċittadini tal-UE u għalhekk jeħtieġ li tiżdied il-viżibilità tal-politika Ewropea tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Istati Membri u fil-livelli amministrattivi u politiċi kollha.

7.

L-edukazzjoni taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent iddominat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni, teħtieġ approċċi ġodda li jqisu r-rwol soċjokulturali differenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u tal-iskejjel fit-tixrid tal-informazzjoni u tal-valuri. Jeħtieġ li fir-rwol tal-għalliema nintegraw rikonoxximent tal-fatt li l-istudenti qed jiġu soċjalizzati inkonxjament f’dinja kollha risposti lesti, fejn ir-retorika ssemplifikata tal-mezzi ta’ komunikazzjoni toffrilhom interpretazzjoni ta’ kull problema. L-iżvilupp tal-kompetenzi bażiċi għandu jkopri wkoll l-interpretazzjoni tal-kontenut medjatiku għax l-iżvilupp tal-kapaċità li wieħed jikkritika tikkonċerna l-ewwel u qabel kollox il-mudelli li jxandru l-mezzi ta’ komunikazzjoni li jibdew mit-tfulija u li jiddeterminaw indirettament il-viżjoni tagħna tal-ħajja.

8.

Huwa u jiġi applikat il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u huma u jiġu definiti indikaturi u valuri ġodda ta’ referenza fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ:

a)

jeħtieġ li l-monitoraġġ tal-kompetenzi tal-qari u l-komprensjoni tat-testi jkopru wkoll l-iżvilupp tal-kompetenzi fir-rigward tal-kontenut medjatiku għax illum-il ġurnata, f’ambjent elettroniku u diġitali, dan il-kontenut huwa ppreżentat b’mod li jgħaqqad format miktub, fotografiku u ċinematografiku;

b)

huma u jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni, għandu jitqies il-fatt li l-proġetti bil-għan li jiżviluppaw il-kreattività fit-tħejjija tal-kontenut huma mezz bażiku ta’ kif wieħed jitgħallem isolvi l-problemi u jaħdem fi grupp.

9.

Waħda mir-raġunijiet prinċipali għalfejn l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni qed tiżviluppa bil-mod hija minħabba li r-relazzjoni bejn il-litteriżmu medjatiku u diġitali fil-prattika tal-edukazzjoni Ewropea għadha ma ġietx stabbilita sew. Fl-iskejjel, l-użu tat-TIK sar mezz ta’ kif jiġu żgurati l-aċċess għad-dinja diġitali u l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs. Illum-il-ġurnata, iż-żgħażagħ ma jiffaċċjaw l-ebda problema biex jitgħallmu jużaw it-teknoloġiji tal-informatika, is-software u l-applikazzjonijiet bażiċi. Fl-istess waqt, l-għalliema m’għandhomx il-kompetenzi neċessarji jew iż-żmien li jiżiluppaw l-interpretazzjoni kritika tal-kontenut medjatiku aċċessibbli (ukoll) f’forma diġitali u l-produzzjoni kreattiva, elementi ċentrali tal-litteriżmu medjatiku.

10.

Jeħtieġ li nirriformaw ir-rabta bejn il-litteriżmu diġitali u l-litteriżmu medjatiku sabiex niżguraw li l-konfużjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-kompetenzi ma twassalx għal problemi fl-edukazzjoni tal-istudenti. Jeħtieġ li minbarra l-kompetenzi diġitali, iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw iktar il-kapaċità u l-kompetenza kritika tagħhom fir-rigward il-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, sabiex jitgħallmu jqisu l-problemi ta’ sigurtà, il-bżonn ta’ rispett lejn il-ħajja privata tal-individwu u l-problemi relatati mal-manipulazzjoni tad-data.

11.

Għall-finijiet ta’ konsultazzjoni dwar il-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku:

hemm bżonn ta’ iktar trasparenza fl-attivitajiet tal-gruppi ta’ esperti u ta’ dawk li huma inkarigati mill-ħidma preparatorja, it-tfassil tal-proposti u t-teħid tad-deċiżjonijiet fid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea;

il-politika tat-taħriġ fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku għandha tkun ibbażata fuq fehim tas-sitwazzjoni li jqis ukoll il-perspettivi reġjonali;

ir-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni adottati għandhom jagħmlu sens għall-atturi differenti u b’fehmiet differenti li huma involuti fl-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku (il-gvernijiet, l-awtoritajiet pubbliċi, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, ir-rappreżentanti tal-industrija tal-kontenut, ir-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet kulturali u edukattivi, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili). L-adozzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn ġestjoni tar-riżorsi li ser ikun hemm bżonn.

12.

Il-litteriżmu medjatiku għandu jkun wieħed mill-oqsma koperti fil-fażi l-ġdida tal-kooperazzjoni tal-UE fl-edukazzjoni mnedija mill-qafas strateġiku.

Kummenti

13.

Filwaqt li jilqa’ r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tenfasizza li l-litteriżmu medjatiku huwa kompetenza indispensabbli għal kull ċittadin tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (7), il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li l-għan għandu jkun li noħolqu soċjetà li integrat il-litteriżmu medjatiku, u li mod kif nilħqu dan l-għan huwa permezz tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Għaldaqstant ifakkar li huwa assolutament indispensabbli li jiġi garantit aċċess ugwali għan-netwerk għaċ-ċittadini Ewropej kollha, b’mod partikolari dawk li jinsabu ġeografikament iżolati jew imbiegħda.

14.

Hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn l-elementi prinċipali tal-litteriżmu medjatiku għax kull wieħed minnhom jirrikjedi strateġija, atturi u riżorsi speċifiċi. Huwa importanti li:

jiġi garantit l-aċċess taċ-ċittadini għad-dimensjoni teknoloġika tiegħu (b’mod partikolari permezz tal-internet bil-broadband, l-immaġnijiet elettroniċi u s-software għall-ipproċessar tat-test) u aċċess għall-wirt awdjoviż Ewropew, nazzjonali u lokali. Il-wirt storiku u kulturali komuni għandu jkun aċċessibbli fil-lingwa materna taċ-ċittadin b’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Riga tal-2006 dwar l-inklużjoni diġitali u b’kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar dan (8);

jissaħħu l-kompetenzi fil-qasam tal-għażla tal-kontenut medjatiku, il-kapaċità li ssir għażla informata u sistematika b’mod partikolari fuq l-internet, fl-assenza ta’ operaturi tal-portal awtorizzati u mmonitorjati (pereżempju pubblikaturi, edituri u kritiċi) fil-każ tal-informazzjoni, test jew riklami li huwa impossibbli li jiġu vverifikati;

tiġi żviluppata attitudni kritika fir-rigward tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-produzzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, b’enfasi partikolari fuq ir-riċerka kontinwa u l-applikazzjoni ta’ metodi bbażati fuq l-iżvilupp tal-kompetenza tal-komprensjoni tal-kontenut awdjoviżiv u mhux lineari, fuq il-konklużjonijiet ta’ dixxipplini bħall-ekonomija, l-antropoloġija, is-soċjoloġija, il-psikoloġija tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fir-rigward tal-mezzi ta’ tħaddim u r-rwol soċjali tagħhom, u fuq il-kwistjonijiet fundamentali tar-regolamentazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni;

jiġi żviluppat użu attiv u kreattiv, b’mod partikolari billi fil-proġetti jiġu implimentati il-ħiliet tekniċi u manwali u l-kapaċitajiet u l-għarfien neċessarji. Jeħtieġ li l-enfasi tkun fuq il-komunikazzjoni awdjoviżiva u l-kreazzjoni, il-preżentazzjoni u t-tixrid tal-kontenut awdjoviżiv permezz tat-teknoloġija diġitali;

titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fil-ħajja lokali pubblika permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħajja privata, id-dritt tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-interess pubbliku;

il-pubbliku jsir iktar konxju, huwa hu juża l-mezzi ta’ komunikazzjoni, tal-kwistjonijiet ġenerali tad-drittijiet tal-awtur, u l-liġi tal-privatezza u l-mezzi ta’ komunikazzjoni kif ukoll il-konsegwenzi penali u ċivili f’każ li jinkisru dawn il-kundizzjonijiet;

tissaħħaħ l-abbiltà taċ-ċittadini li jużaw id-data personali tagħhom fuq l-internet b’attenzjoni, u li tinġibed l-attenzjoni b’mod speċjali tat-tfal u ż-żgħażagħ għas-sorsi differenti ta’ periklu fil-mezzi ta’ komunikazzjoni l-ġodda.

15.

Il-KtR, mingħajr ma jwaqqa’ dubju fuq l-importanza kruċjali tal-oqsma msemmija mill-KE meta tirriferi għal prattiki tajbin (komunikazzjoni kummerċjali, produzzjoni awdjoviżiva u kontenut online), jixtieq li dawn il-prijoritajiet tematiċi jiġu ġġustifikati fir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin. Jekk dan ma jsirx, l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-prattika tista’ tkun limitata għal dawn it-tliet oqsma biss.

16.

Billi l-iżvilupp ta’ ħiliet bħat-tiftix intelliġenti tal-informazzjoni, l-interpretazzjoni kritika tal-kontenut u l-użu kreattiv huwa mistenni li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-minuri u ż-żgħażagħ u r-rispett għad-dinjità umana fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, jeħtieġ li flimkien mar-regolamenti tal-awtoritajiet pubbliċi, l-azzjoni favur il-litteriżmu medjatiku tingħata spinta b’mod partikolari f’dawn l-oqsma.

17.

Hemm bżonn li jiġi implimentat ukoll il-kunċett tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ir-rispett għad-drittijiet tal-konsumatur huwa importanti ħafna fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

18.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jenfasizza li fih innifsu l-iżvilupp tal-edukazzjoni kritika fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mhux biżżejjed biex jelimina d-diversi perikli marbuta mal-provvista tal-kontenut (pereżempju l-vjolenza bla motiv fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-konsumatur min-naħa tas-servizzi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, in-nuqqas ta’ awtentiċità u validità, il-manipulazzjoni). Barra minn hekk l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, mhix, jew hija sa ċertu punt biss, l-ixprun tat-tendenzi bħall-konverġenza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-iżvilupp, l-aċċess u l-interkonnessjoni bejn l-arkivji diġitali, id-definizzjoni ġdida tad-drittijiet tal-awtur, ir-regolamentazzjoni fil-qasam jew l-amministrazzjoni online (9). L-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tindirizza dawn it-tendenzi, tqishom fil-kuntest tagħhom u toħloq soċjetà ta’ utenti li huma konxji minn dak li jipproduċu l-isfera pubblika u l-mezzi ta’ komunikazzjoni. Ir-regolazzjoni fil-livell adatt, bil-konsiderazzjoni dovuta lill-kompetenzi u l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, hija neċessarja, flimkien mal-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku.

19.

Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni hemm bżonn li jitħejjew ukoll programmi għall-iżvilupp tal-elementi prinċipali tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li huma rilevanti għas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ fl-Istati Membri (anki mill-perspettiva tal-litteriżmu medjatiku) billi jitqiesu t-tradizzjonijiet edukattivi u kulturali differenti tal-Istati Membri, id-differenzi importanti li ġejjin mill-bosta metodi ta’ taħriġ li jintużaw fis-sistemi reġjonali u mill-kundizzjonijiet individwali għat-twettiq ta’ ekonomiji ta’ skala.

20.

Huwa importanti ħafna li huma u jitfasslu r-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni, jitqiesu l-aqwa prattiki. Dwar dan il-KtR jirreferi għall-Opinjoni (10) tiegħu fejn jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem iktar sabiex tisfrutta l-ħiliet li nkisbu fil-programmi lokali u reġjonali marbuta mal-kompetenzi fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Ewropa kif ukoll fil-qafas tal-promozzjoni tal-pjattaformi ta’ djalogu, esperjenzi u netwerks ta’ skambju tal-aqwa prattika.

21.

Madanakollu il-Kumitat jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-fatturi li ġejjin:

fin-nuqqas ta’ monitoraġġ fl-Unjoni Ewropea kollha, l-implimentazzjoni ta’ prattiki tajba fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mhix garantita;

hemm bżonn ta’ klassifikazzjoni tal-prattiki tajba skont l-elementi prinċipali tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni;

għadha ma nstabitx soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ opinjoni kritika u dettaljata dwar l-effikaċja tal-implimentazzjoni;

ma teżistix bażi ta’ data għall-iżvilupp, l-adattament u l-użu ta’ prattiki tajba fuq skala wiesgħa.

Għalhekk hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura organizzattiva u professjonali: sabiex dan ikun jista’ jseħħ jistgħu pereżempju jinħolqu “desks tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni” bħall-“media desks” tal-programm MEDIA (jew jitwessa’ l-ambitu ta’ azzjoni tad-“desks” li diġà jeżistu fil-qafas tal-programm MEDIA), jew jista’ jissaħħaħ jew jiġi żviluppat ir-rwol konsultattiv u professjonali tal-grupp ta’ esperti dwar l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li waqqfet il-Kummissjoni Ewropea.

22.

B’rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-indipendenza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea tista’, fejn ikun meħtieġ, tgħinhom biex jiżviluppaw strateġija nazzjonali tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni b’kunsiderazzjoni tal-elementi prinċipali tal-litteriżmu medjatiku; fejn huwa possibbli, jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, dawk li huma responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-tagħlim u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-soċjetà ċivili, tal-industrija tal-kontenut u tal-innovazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, jiġu involuti fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali.

23.

Fid-dawl tas-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, l-iżvilupp tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-qafas tar-rakkomandazzjonijiet u l-pjani ta’ azzjoni għandu jseħħ b’tali mod li jkun jista’ jiġi adattat tajjeb fil-kuntest soċjoekonomiku lokali. Dan jitlob madanakollu studju iktar dettaljat tas-sitwazzjoni nazzjonali u reġjonali sabiex tinkiseb idea iktar preċiża. Jeħtieġ b’mod partikolari li jiġu analizzati l-motivazzjoni u l-imġiba tal-awtoritajiet lokali, tal-korpi ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet u tal-għalliema li jaħdmu fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.

24.

Fid-dawl tal-evoluzzjoni rapida fl-ambjent tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għandha tiġi riċerkata u evalwata kontinwament bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri differenti li huma responsabbli għar-regolamentazzjoni tal-komunikazzjoni awdjoviżiva u elettronika, u għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejniethom għall-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku.

25.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-ħolqien ta’ taqsimiet ta’ riċerka u informazzjoni fi ħdan strutturi amministrattivi tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, li jevalwaw kwistjonijiet relatati mal-litteriżmu medjatiku.

26.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-atturi prinċipali tal-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku għax huma l-eqreb taċ-ċittadini u għax huma l-awtoritajiet responsabbli għall-istituzzjonijiet edukattivi, imexxu l-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali u istituzzjonijiet kulturali oħra (libreriji, ċentri lokali, eċċ) kif ukoll il-fondi – Ewropej jew oħrajn – għall-iżvilupp. Għalhekk huwa ġġustifikat li jitnedew kampanji ta’ informazzjoni għar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni u l-prattiki tajba u l-bżonn ta’ iktar opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-Ewroreġjuni u ż-żoni transkonfinali.

27.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu mħeġġa jappoġġjaw il-proġetti, il-programmi u l-Karti fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u jsegwu dawn l-għanijiet:

a)

ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni

evalwazzjoni tas-sitwazzjoni reali fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni b’kunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni u s-sħubijiet li jeżistu;

b)

il-ħolqien ta’ rabtiet, l-integrazzjoni

il-ħolqien ta’ rabta bejn l-atturi kollha ta’ territorju – l-industrija tal-mezzi ta’ komunikazzjoni (iċ-ċinema, it-televiżjoni, l-istampa, ir-radju, il-provvedituri u l-produtturi tal-kontenut tal-internet), l-organizzazzjonijiet tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, is-sistemi edukattivi, ir-regolaturi, l-istituti kulturali u ta’ riċerka, l-organizzazzjonijiet soċjali;

c)

istituzzjonalizzazzjoni

il-ħolqien ta’ servizzi pubbliċi u uffiċċji għall-promozzjoni tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni;

d)

orjentazzjoni u informazzjoni

organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-appoġġ għad-“desks tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni” li joperaw fil-livell reġjonali sabiex jidentifikaw u jxerrdu l-aqwa prattiki u jinfurmaw liċ-ċittadini;

e)

il-parteċipazzjoni attiva, ir-rappreżentazzjoni lokali

miżuri li jħeġġu dawn iż-żewġ aspetti, politiki ta’ promozzjoni, il-pubbliku għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu strumenti, għarfien u pjattaformi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni sabiex ikun jista’ joħloq kontenut medjatiku, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi soċjali żvantaġġati, il-minoritajiet u l-persuni b’diżabilità;

f)

kooperazzjoni

il-parteċipazzjoni f’netwerks ta’ kooperazzjoni nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni;

g)

djalogu

inizjattivi tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħeġġu l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiftħu d-dibattitu dwar l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni;

h)

il-politika reġjonali tal-edukazzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-edukazzjoni

l-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jintroduċu l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-livelli kollha tat-tagħlim formali, ħidma sabiex l-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħmel parti mit-taħriġ tal-għalliema u sabiex din tagħmel parti mil-livelli edukattivi kollha bħala parti integrali mis-sillabu skolastiku u l-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

i)

il-ħolqien ta’ sħubijiet, l-appoġġ biex dan ikun jista’ jseħħ

il-ħolqien ta’ sħubijiet fil-qasam tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni bejn l-industriji tal-kontenut u l-istituzzjonijiet edukattivi/tat-taħriġ, fil-kuntest tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u informali (pereżempju proġetti ta’ kooperazzjoni bejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali, l-intrapriżi u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, kampanji ta’ edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, festivals) u hawnhekk għandhom jiġu sorveljati mill-qrib it-tip ta’ parteċipazzjoni, l-interessi materjali tal-industrija tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-konformità stretta mal-qafas legali fl-organizzazzjoni ta’ sħubijiet bħal dawn.

28.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-finanzjament tal-politika tat-taħriġ fuq bażi ġdida sabiex tappoġġja l-proġetti pilota u r-riċerka fl-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, billi din tista’ tiġi appoġġjata minn strumenti finanzjarji msaħħa fil-qafas ta’ inizjattivi li jeżistu (pereżempju l-proġett Comenius għall-kooperazzjoni reġjonali) jew li għad iridu jinħolqu. It-twettiq ta’ dawn l-għanijiet jirrikjedi riżorsi mmirati u multipolari, u għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-pożizzjoni tal-Parlament (11) u jemmen li sottoprogramm għall-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku għandu jiġi integrat b’mod speċifiku u mmirat fi programmi oħra ta’ appoġġ tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-programmi Comenius, “L-Edukazzjoni u t-Tagħlim Matul il-Ħajja”, “e-Twinning”, “Safer Internet” u l-Fond Soċjali Ewropew.

29.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea bdiet tfassal indikaturi tal-edukazzjoni fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għall-promozzjoni fit-tul tal-kunċett. Fl-istess waqt, madanakollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jispera li dawn l-indikaturi ma jikkonsistux biss minn ċifri dwar il-forma u l-frekwenza fl-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, għax l-evalwazzjoni tal-edukazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni timplika wkoll l-użu ta’ metodi li jkejlu l-ħiliet tal-individwu (minkejja li f’dan il-qasam ċertu element ta’ xettiċiżmu fir-rigward ta’ indikaturi fil-forma ta’ ċifri huwa komprensibbli: huwa diffiċli li tkejjel l-għarfien kreattiv u kritiku u l-klassifikazzjoni tal-kontenut f’termini kwantitattivi).

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ispirat ruħha mir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew intitolata “Il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali” li ġiet adottata fis-16 ta’ Diċembru 2008.

(2)  CdR 94/2008 fin dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali”.

(3)  COM(2008) 865 finali.

(4)  COM(2008) 865 finali.

(5)  COM(2008) 865 finali.

(6)  Dwar dan il-KtR jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu CdR 67/2004 fin u CdR 172/2007 fin dwar “Il-ġejjieni tal-politika tar-regolamentazzjoni Ewropea fil-qasam awdjoviżiv” (mhux disponibbli bil-Malti) u “L-Aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qiegħda tiġi gglobalizzata”.

(7)  2008/2129 (INI).

(8)  CdR 5/2008 fin u CdR 252/2005 – Opinjoni dwar “L-inklużjoni diġitali” u Opinjoni dwar – “i2010 – Soċjetà tal-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg”.

(9)  Dwar dan irreferi għall-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtR “i2010: Libreriji diġitali” CdR 32/2006 fin.

(10)  CdR 94/2008 fin.

(11)  2008/2129 (INI).


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar infrastrutturi tal-ICT għax-xjenza elettronika; strateġija dwar teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għar-R&Ż, l-innovazzjoni u r-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa

2010/C 141/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ u b’mod effettiv fil-ġestjoni ta’ inizjattivi relatati maż-żona Ewropea tar-riċerka (ERA);

jikkunsidra li l-proġetti tal-ICT fuq skala Ewropea, mill-R&Ż sal-iskjerament fil-prattika, għandhom il-potenzjal li jissarrfu f’benefiċċji soċjoekonomiċi għall-bliet u r-reġjuni assoċjati tagħhom;

jitlob lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu b’mod attiv l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji differenti tal-proċesssi R&D, kif ukoll l-użu tal-innovazzjonijiet tal-ICT fis-settur pubbliku, l-aktar billi jkunu promossi l-aħjar prattiki Ewropej, l-għoti ta’ pariri u r-rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi;

jenfasizza bil-qawwa l-importanza partikulari tas-settur tas-servizzi fil-kapaċità tiegħu li jieħu l-benefiċċji mill-ICT, minħabba li l-industriji bħalma huma dawk tan-negozju bl-ingrossa u bl-imnut, is-servizzi finanzjarji u tan-negozju huma fost l-aktar investituri importanti fl-ICT.

Relatur: Is-Sur Liudvikas Žukauskas (LT-PPE), Kunsill Muniċipali tad-Distrett ta’ Skuodas

Dokumenti ta’ Referenza

COM(2009) 108 finali

COM(2009) 116 finali

COM(2009) 184 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jservu ta’ bażi għal soċjetà tal-informazzjoni li hija miftuħa għal kulħadd u għandha tissodisfa l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, inklużi dawk li jinsabu fil-periklu tal-esklużjoni soċjali. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni b’mod konsistenti talab li jkun hemm investiment għar-riċerka fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew sabiex ikun żgurat it-tkabbir u t-trawwim ta’ negozji ġodda, filwaqt li jemmen li permezz tal-użu tal-ICT fl-innovazzjoni jista’ jindirizza sfidi soċjoekonomiċi ewlenin;

2.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ u b’mod effettiv fil-ġestjoni ta’ inizjattivi relatati maż-żona Ewropea tar-riċerka (ERA). Fil-qasam tar-riċerka tal-ICT, jispikka s-sinifikat tar-reġjuni. Huma atturi prinċipali fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni; ħafna drabi huma jmexxu istituzzjonijiet ta’ riċerka; fit-territorji tagħhom, għandhom universitajiet kif ukoll istituzzjonijiet oħra tar-riċerka li jinkoraġġixxu ambjent innovattiv. Aktar minn hekk, ħafna gvernijiet u amministrazzjonijiet reġjonali għandhom il-poteri leġiżlattivi kif ukoll l-allokazzjoni tagħhom mill-baġit tar-riċerka u għaldaqstant jaġixxu direttament skont dawn il-poteri;

3.

jenfasizza li l-promozzjoni tal-inklużjoni diġitali, li tfisser soċjetà tal-informazzjoni reġjonali u soċjalment ekwa, li tagħmel użu mill-ICT sabiex iżżid il-kompetittività u tkattar is-servizzi pubbliċi, kienet identifikata mill-KtR bħala mira prinċipali fi ħdan l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda tal-UE;

4.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost dawk li jirċievu l-iktar proposti tal-inizjattiva tal-inklużjoni diġitali i2010 u jistgħu jkunu l-mutur prinċipali fl-implimentazzjoni tagħha. L-inklużjoni diġitali fil-livell lokali u reġjonali jista’ jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu filwaqt li jixpruna l-attività soċjoekonomika fost il-pubbliku, filwaqt li jinkoraġġixxi servizzi pubbliċi reġjonali aktar effiċjenti u personaliżżati kif ukoll negozji lokali. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġ li bi sħab jinvolvu l-ġenerazzjonijiet kollha fis-soċjetà, fl-inizjattivi tal-ICT li għandhom il-mira li jagħmlulhom ħajjithom aktar faċli u komda. Hemm diversi modi kif ir-reġjuni u l-bliet jistgħu japprofittaw ruħhom minn dan il-potenzjal;

Strateġija għar-R&Ż u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira COM(2009) 116 finali

5.

jilqa’ l-fatt li f’din il-komunikazzjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni huma rikonoxxuti bħala l-promoturi prinċipali ta’ kooperazzjoni aktar mill-viċin fost l-utenti u l-produtturi tal-innovazzjoni fl-ICT fost il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet. Dan jista’ jwassal sabiex ikun hemm pjanijiet tal-ħidma kondiviżi ta’ ħtiġijiet tas-servizz pubbliku li l-ICT jkun tista’ jindirizza (1). Il-KtR diġa esprima l-opinjoni tiegħu (2), li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jieħdu sehem f’kooperazzjoni wiesgħa sabiex itejbu l-interoperabilità tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tas-servizzi pubbliċi;

6.

jappoġġja l-konklużjoni tal-Kummissjoni li s-suċċess bħala riżultat tal-isforzi sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp tas-swieq tal-innovazzjoni u tinkiseb l-interoperabilità u standards komuni jiddependi fuq is-sostenn kontinwu u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u li dawn l-isforzi għandhom ikunu mgħejjuna permezz ta’ azzjonijiet fil-livell reġjonali u lokali (3);

7.

jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tissemplifika l-proċeduri u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi sabiex tagħmilha aktar attrajenti għall-kumpaniji innovattivi, b’mod partikulari għall-intrapriżi żgħar u medji lokali sabiex jipparteċipaw f’azzjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE;

8.

jikkunsidra li l-proġetti tal-ICT fuq skala Ewropea, mill-R&D sal-iskjerament fil-prattika, għandhom il-potenzjal li jissarrfu f’benefiċċji soċjoekonomiċi għall-bliet u r-reġjuni assoċjati tagħhom. Il-KtR diġà enfasizza li l-ICTs għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli;

9.

jirrakkomanda li l-potenzjal sħiħ Ewropew fl-iżvilupp ta’ servizzi tal-ICT fis-settur privat u dak pubbliku jkun sfruttat b’mod sħiħ, u għaldaqstant l-ICT għandha tintuża bħala mezz sabiex jitjiebu s-servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’oqsma bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, il-ħolqien ta’ impjiegi, iż-żamma tal-ordni, is-sigurtà u s-servizzi soċjali. Is-sħubija pubblika-privata li għandha l-appoġġ tal-UE fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-iżvilupp tal-ICT permezz tal-intrapriżi żgħar u medji, fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT, jistgħu jservu ta’ pilastri sabiex fuqhom jinbnew kompetenzi u għarfien lokali mal-Ewropa kollha;

10.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu u għandhom jieħdu t-tmexxija fl-użu tal-ICT sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għandhom rwol ta’ tmexxija sabiex jidentifikaw opportunitajiet lokali tal-ICT sabiex ikun hemm l-iskambju tal-aħjar prattiki tat-teknoloġija, l-identifikar tal-imsieħba għall-proġetti u l-allokazzjoni tal-fondi;

11.

jitlob lill-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu b’mod attiv l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji differenti tal-proċesssi R&D, kif ukoll l-użu tal-innovazzjonijiet tal-ICT fis-settur pubbliku, l-aktar billi jkunu promossi l-aħjar prattiki Ewropej, l-għoti ta’ pariri u r-rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi;

12.

jenfasizza bil-qawwa l-importanza partikulari tas-settur tas-servizzi fil-kapaċità tiegħu li jieħu l-benefiċċji mill-ICT, minħabba li l-industriji bħalma huma dawk tan-negozju bl-ingrossa u bl-imnut, is-servizzi finanzjarji u tan-negozju huma fost l-aktar investituri importanti fl-ICT (4);

13.

jinnota li l-ICT żviluppat f’dawn l-aħħar għaxar snin bħala teknoloġija prinċipali bil-potenzjal li tbiddel l-attività ekonomika u soċjali u tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli kif ukoll żvilupp kompetittiv. Madankollu, il-politiki sabiex jippromovu l-ICT waħidhom mhux ser iwasslu sabiex ikun hemm rendiment aktar b’saħħtu tal-ekonomija (5) u ma tistax titwettaq mingħajr is-sostenn attiv u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

14.

jisħaq dwar il-ħtieġa li l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gvern jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li jkun hemm l-iżvilupp ta’ ċirku virtwuż ta’ riżorsi umani, il-bidla fl-organizzazzjoni, l-ICT u l-produttività u li l-ICT ikun żviluppat u użat b’mod effettiv. Il-politiki li huma mmirati sabiex ikattru l-ħiliet bażiċi fl-ICT, irawmu ħiliet ta’ livell għoli fl-ICT, jippromovu t-tagħlim tul il-ħajja fil-qasam tal-ICT u t-tkattir tal-ħiliet maniġerjali u tan-netwerking meħtieġa sabiex ikun hemm użu effettiv tal-ICT, huma l-aktar rilevanti (6) u jappartjenu lill-kompetenzi li jinsabu fil-qalba tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

15.

filwaqt li jaqbel b’mod sħiħ mal-kunċett li l-mobilità tar-riċerkatur hija fattur prinċipali li tagħmel il-karriera fl-ICT aktar effettiva u f’ħafna mill-każi aktar attrajenti, il-Kumitat jisħaq li:

għandu jiġi promoss fis-soċjetà l-interess fir-riċerka u fil-ħtiġijiet tal-innovazzjoni, b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jadattaw il-kurrikulu nazzjonali b’mod li jiffamiljarizza l-istudenti mal-potenzjal tal-ICT fix-xjenza u r-riċerka, billi jibdew mill-programmi tal-bidu fl-iskejjel. L-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala l-livell tal-gvernanza li huma direttament responsabbli sabiex jorganizzaw l-edukazzjoni, għandhom ikunu parti integrali minn dan il-proċess, billi jabbinaw flimkien il-ħiliet lokali u l-miżuri ta’ sostenn Ewropew li għandhom ikunu żviluppati f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha tfittex sabiex ikun hemm l-opportunità li jkunu żviluppati mekkaniżmi ta’ sostenn adegwati;

16.

jenfasizza l-bżonn li jkunu attirati akkademiċi eċċellenti minn pajjiżi barra l-Ewropa u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-programmi għall-mobilità tal-UE bħall-programm Marie Curie u jilqa’ l-miżuri ta’ appoġġ li ttieħdu f’ċerti reġjuni biex l-akkademiċi jiġu lura (7);

17.

ifakkar fil-konklużjonijiet tal-grupp ta’ esperti tal-ERA (8) rigward l-importanza li qed tiżdied tal-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali fl-iżvilupp ta’ inizjattivi Ewropej ġodda bħall-ERA–ENTs, Eurostars, EIT jew Joint Technology and Cluster;

18.

jissuġġerixxi li dawk kollha involuti, l-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jesploraw it-toroq kollha possibbli sabiex jilħqu l-komplimentarjetajiet bejn il-politiki attwali u l-istrumenti ta’ kooperazzjoni kif ukoll sabiex ikunu stabbiliti l-mekkaniżmi li jiżguraw li l-programmi attwali ta’ koordinazzjoni jsostnu b’mod sħiħ ir-riċerka tal-ICT (9). Aktar speċifikament, kif diġà stqarr il-KtR f’opinjonijiet preċedenti (10), qed jitlob li jkun hemm użu koordinat tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), SF u PKI, minħabba li dan hu essenzjali għall-kompettività tal-UE kif ukoll għas-sinerġija reċiproka fost il-koeżjoni, r-riċerka, l-edukazzjoni ogħla u l-politiki tal-innovazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

19.

jixtieq jenfasizza li l-koordinazzjoni tal-istrumenti prinċipali tal-UE, bħall-FP7, il-FS u l-PKI, mhijiex biss kwistjoni b’intenzjonijiet politiċi iżda wkoll sfida ta’ koerenza tal-politika. Sabiex niżguraw il-koerenza tal-politika fil-każ ta’ programmi b’diversi livelli u partijiet hemm bżonn ta’ sistema ta’ gvernanza f’diversi livelli li tkun effiċjenti (11).

20.

jinnota kemm hija importanti għar-reġjuni li jagħmlu l-aħjar użu mill-istrumenti tal-koordinazzjoni tal-FP7. Din tippermetti lir-reġjuni li jħabirku sabiex jilħqu l-eċċellenza u l-kompetittività Ewropea jew internazzjonali fir-riċerka u s-sistemi tal-innovazzjoni tagħhom. Din tinkludi t-titjib tan-netwerking reġjonali fost l-istituti tar-riċerka, l-universitajiet, l-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll l-atturi l-oħra rilevanti; il-ħolqien ta’ clusters, pjattaformi u ċentri reġjonali tat-teknoloġija; u l-għajnuna lill-atturi reġjonali sabiex ikunu assoċjati ma’ proġetti u aġendi tal-UE għall-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni bħall-ERA-Net u l-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (12);

21.

jilqa’ l-opportunità sabiex ikun hemm għarfien akbar tar-rwol li għandhom l-awtoritajiet lokali fis-sostenn tagħhom lejn ir-riċerka fl-ICT. Ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jiffaċilitaw id-dħul fis-suq ta’ prodotti ġodda, kif ukoll sabiex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u r-riċerka permezz tal-akkwist prekummerċjali;

22.

jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jmexxu ’l quddiem id-domanda għal soluzzjonijiet ġodda mibnija fuq l-ICT u għaldaqstant joħolqu swieq ġodda fil-qasam tar-riċerka Ewropea. Aktar min hekk, ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jaġġustaw l-investiment tagħhom fl-R&D sabiex jagħtu sostenn lill-oqsma b’impatt kbir, billi jgħaqqdu flimkien dawn l-isforzi fl-industriji lokali stabbiliti u emerġenti kif ukoll il-clusters, u b’hekk ikunu qed jgħinu sabiex jegħlbu r-riċessjoni ekonomika u n-nuqqas ta’ investiment fl-R&D;

23.

jenfasizza dwar in-nuqqas ġenerali ta’ koordinazzjoni fl-isforzi f’numru ta’ oqsma bħalma huma l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-investiment u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-ICT. F’dan ir-rigward, il-kunċett tal-innovazzjoni mmexxija mill-utent, tista’ sservi bħala għodda prinċipali għat-titjib li qed tintuża f’aktar reġjuni u bliet madwar l-Ewropa, uriet li hija l-mutur prinċipali tal-iżvilupp fl-R&D kif ukoll id-dħul fis-suq tal-innovazzjoni ġdida u għaldaqstant qed jitlob li dan il-kunċett ikun preżenti b’mod aktar prominenti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

24.

jisħaq fuq l-importanza li jkunu assoċjati mill-qrib l-R&D u l-prattiki industrijali, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni li jagħmlu kull sforz sabiex jippromovu t-trasferiment rapidu tar-riċerka fil-prattiki kummerċjali u pubbliki ta’ kuljum;

Inħarrku l-fruntieri fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – strateġija għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa COM(2009) 184 finali

25.

jenfasizza li l-proċess tat-tkabbir tal-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jespandu l-fruntieri tal-ICT, jista’ jkollhom suċċess biss jekk ikun hemm il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-bliet u tar-reġjuni. Bis-saħħa tal-qrubija fiżika tagħhom, dawn huma l-katalisti ewlenin għall-għarfien u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Numru dejjem jikber ta’ reġjuni Ewropej qegħdin iqisu r-riċerka u l-innovazzjoni bħala prijorità prinċipali tal-finanzjament pubbliku tagħhom (13);

26.

jinnota li fil-kuntest tal-politiki tar-riċerka tagħhom, permezz ta’ programmi ta’ appoġġ u kundizzjonijiet ta’ qafas strutturali u leġiżlattivi, ir-reġjuni jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-ħolqien ta’ valur miżjud fis-settur tar-riċerka u għat-twaqqif ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka vivaċi (14);

27.

jinnota li fir-rigward tal-istrateġija, in-netwerking u l-inizjattivi tal-cluster jibqgħu jispikkaw filwaqt li s-sostenn tagħhom qed ikompli jevolvi bil-ħsieb li jinħolqu “ħoloq” tal-aqwa livell dinji li jgħaqqdu l-ktajjen tal-innovazzjoni globali u għaldaqstant, it-tgħaqqid flimkien u l-kooperazzjoni fost ir-reġjuni, kemm fl-istess pajjiżi kif ukoll madwarhom, qed isiru aktar importanti (15);

28.

jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rwol importanti tal-bliet u r-reġjuni fil-promozzjoni ta’ ambjent xieraq għall-innovazzjoni permezz ta’ politiki reġjonali tal-innovazzjoni, ċentri tat-teknoloġija, inkubaturi tan-negozji, ċentri tax-xjenza u kapital riskjuż (16);

29.

jilqa’ l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni sabiex tidentifika u tvara tnejn jew tliet inizjattivi ewlenin ġodda tal-FET li jippromovu sforzi akbar multidixxiplinari fil-komunità tar-riċerka lejn skoperti sinifikattivi fuq quddiem nett tal-ICT;

30.

jagħraf li l-ipprogrammar konġunt, jekk ikun strutturat u ġestit tajjeb, għandu l-potenzjal li jsir mekkaniżmu li tal-anqas ikun importanti daqs il-Programm Qafas tal-UE fir-rigward tal-promozzjoni tar-riċerka FET. Sabiex ikun sfruttat sal-aħħar dan il-potenzjal, il-KtR ser jerġa’ jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni pubblika aħjar kif ukoll finanzjament privat għar-riċerka (17);

31.

jisħaq li l-UE u l-Istati Membri għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet kollha sabiex jirrazzjonalizzaw u jsaħħu s-sinerġiji fost il-ħemel ta’ mekkaniżmi politiki transnazzjonali attwali u l-mekkaniżmi kollaborattivi, billi jkunu adattati maż-Żona Ewropea tar-Riċerka (18);

32.

jenfasizza li l-ERA-Nets li qed jikkoordinaw il-programmi tar-riċerka reġjonali u Ewropej urew li l-valur tagħhom għandu jkun żviluppat aktar (19), permezz tas-suċċess tal-ERA-Nets li ġej mill-inklużjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

33.

isejjaħ għal aktar sforzi sabiex jitkattar l-aċċess miftuħ u trasparenti tal-pjattaformi tat-teknoloġiji Ewropej sabiex ikun żgurat l-involviment tal-partijiet interessati oħrajn lil hinn mill-komunitajiet industrijali u tar-riċerka bħalma huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-SMEs (20);

L-Infrastrutturi tal-ICT għax-xjenza elettronika COM(2009) 108 finali

34.

jemmen li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom rwol ewlieni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) għaliex qegħdin għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanza lokali u huma dawk li qed iwasslu din il-politika liċ-ċittadini Ewropej u jinsabu eqreb lejn it-tħassib ta’ dawk interessati. Għalhekk il-Kumitat isostni li r-reġjuni għandu jkollhom rwol strateġiku f’inizjattivi ta’ tisħiħ u tkabbir tal-ERA, speċjalment f’dawk l-inizjattivi marbutin mal-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ riċerka b’saħħithom f’ambjenti innovattivi u l-kooperazzjoni fir-riċerka (21);

35.

jisħaq dwar il-proposti tal-KtR lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jagħtu sostenn lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tagħhom dwar it-twettiq u l-implimentazzjoni tal-infrastrutturi moderni tar-riċerka:

jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti aktar fl-iżvilupp tal-pjan direzzjonali Ewropea għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI) (22) u speċjalment fil-prijoritizzazzjoni ta’ 35 proġett ewlieni ta’ interess Ewropew li diġà ġew approvati;

jitqies il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-involviment tagħhom fl-ERIs; kif ukoll

jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu tassew involuti fit-tmexxija effiċjenti tal-ERIs (23).

36.

jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ programmi ta’ riċerka konġunta, inklużi dawk li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom iktar kuntatt ma’ sitwazzjonijiet lokali speċifiċi mill-aspett xjentifiku, teknoloġiku u ekonomiku, u għaldaqstant jafu meta hija meħtieġa l-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ importanza strateġika (24);

37.

jikkunsidra l-kwistjoni dwar l-implimentazzjoni u l-iffinanzjar tal-pjan ta’ rotta Ewropea – li bħalissa fiha 35 proġett prinċipali ta’ interess Ewropew li jridu jiġu żviluppati bejn 10 u 20 sena li ġejjin (25) – bħala stadju importanti fil-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka;

38.

jitlob mill-ġdid li l-kriterju tal-eċċellenza jkun fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali Ewropew u nkoraġġixxa lill-Istati Membri ġodda sabiex ikunu involuti aktar mill-qrib f'din l-inizjattiva (26);

39.

jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ERA (27) li l-ESFRI għandha ttejjeb aktar il-metodoloġija tagħha sabiex tevalwa l-infrastrutturi fuq skala kbira tar-riċerka Pan-Ewropej, b’mod partikulari fejn tidħol it-trasparenza tal-proċeduri u l-involviment ta’ dawk kollha interessati;

40.

jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fl-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-pjan ta’ rotta tal-ESFRI, b’mod partikulari fejn tidħol il-prijoritizzazzjoni meħtieġa tal-proġetti u l-koordinazzjoni bejn il-pjan ta’ rotta tal-ESFRI u attivitajiet simili fil-livell nazzjonali u reġjonali, bl-integrazzjoni tal-faċilitajiet tanġibbli kif ukoll virtwali;

41.

jisħaq fuq il-ħtieġa li l-akbar udjenza possibbli tingħata informazzjoni dwar l-opportunitajiet provduti mix-xjenza elettronika (e-Science) lill-firxa l-aktar wiesgħa tal-pubbliku, permezz tal-ħolqien u l-promozzjoni ta’ databases pubbliċi dwar l-aħjar prattiki tax-xjenza elettronika, eżempji u soluzzjonijiet ta’ suċċess disponibbli, filwaqt li jkun żgurat l-għoti tal-informazzjoni rilevanti fil-lingwi kollha uffiċjali tal-UE.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  COM(2009) 116 finali

(2)  CdR 10/2009 fin

(3)  COM(2009) 116 finali

(4)  The Economic Impact of ICT Measurement, Evidence and Implications http://browse.oecdbookshop.org/oecd/pdfs/browseit/9204051E.PDF

(5)  The Economic Impact of ICT Measurement, Evidence and Implications http://browse.oecdbookshop.org/oecd/pdfs/browseit/9204051E.PDF

(6)  The Economic Impact of ICT Measurement, Evidence and Implications http://browse.oecdbookshop.org/oecd/pdfs/browseit/9204051E.PDF

(7)  CdR 83/2007 fin

(8)  Rapport tal-Grupp ta’ esperti tal-ERA “Niftħu għad-dinja: kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija”.

(9)  CdR 283/2008 fin

(10)  CdR 263/2007 fin

(11)  CdR 263/2007 fin

(12)  CdR 263/2007 fin

(13)  CdR 263/2007 fin

(14)  CdR 83/2007 fin

(15)  Il-Prospetti tal-OECD fir-rigward tax-Xjenza, t-Teknoloġija u l-Industrija 2008 – il-Punti ewlenin

(16)  CdR 83/2007 fin

(17)  CdR 83/2007 fin

(18)  Rapport tal-Grupp ta’ esperti tal-ERA “Nottimizzaw il-programmi tar-riċerka u l-prioritajiet”, ara Anness

(19)  CdR 83/2007 fin

(20)  Il-Kummissjoni Ewropea, Marzu 2007: It-tielet rapport dwar l-istatus tal-PTEs, Kapitolu 4.1

(21)  CdR 283/2008 fin

(22)  Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka, http://cordis.europa.eu/esfri/home.html

(23)  CdR 283/2008 fin

(24)  CdR 283/2008 fin

(25)  http://www.riportal.eu

(26)  CdR 263/2007 fin; CdR 83/2007 fin

(27)  Rapport tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-ERA “Niżviluppaw infrastrutturi ta’ riċerka ta’ livell għoli għall-ERA”


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/27


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji

2010/C 141/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-KtR jafferma mill-ġdid li bħalissa, meta l-UE qed tipprova tnaqqas l-impatt tal-kriżi ekonomika attwali filwaqt li twitti t-triq għat-tkabbir mill-ġdid, huwa importanti, minħabba l-importanza kbira li għandhom is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Istrateġija ta’ Lisbona u l-Aġenda Soċjali Mġedda, li tiġi stabbilita pjattaforma għad-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati interessati, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fl-ekonomija;

Il-KtR jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji fil-livelli kollha tal-governanza bħala strument importanti sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal kollu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-livell reġjonali;

Il-KtR jisħaq li fl-Unjoni Ewropea kollha, il-livelli lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet prinċipali fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jsostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi prinċipali fl-iżvilupp tar-riċerka reġjonali u l-istrateġiji tal-innovazzjoni, fejn ta’ sikwit imexxu ċ-ċentri ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi;

Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li niffokaw fuq ir-rwol tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp lokali u reġjonali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali u reġjonali.

Relatur

:

Is-Sur Mohammad Masood (UK/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Bradford

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji

COM(2009) 158 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jirrikonoxxi r-rikkezza tal-ideat li ħafna drabi huma marbuta ma’ inizjattivi fil-livell lokali u reġjonali, u l-kwalità tar-riflessjoni ġġenerata s’issa fil-qafas tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji;

2.

jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji fil-livelli kollha tal-governanza bħala strument importanti sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal kollu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-livell reġjonali;

3.

jagħraf l-importanza tat-trijangolu tal-għarfien, li huwa magħmul mill-interazzjoni bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni bħala mezzi sabiex tiżdied il-kapaċità innovattiva u tittejjeb l-impjegabilità tal-gradwati fl-Ewropa;

4.

jagħraf it-tranżizzjoni mit-trasferiment tat-teknoloġija permezz tal-iskambju tal-għarfien lejn il-qsim tal-għarfien u s-sistemi miftuħa tal-innovazzjoni, kif ukoll il-bżonn ta’ aktar riċerka dwar il-proċessi soċjali u l-imġiba li fuqha huma bbażati dawn is-sistemi li qegħdin jinħolqu;

5.

jisħaq li fl-Unjoni Ewropea kollha, il-livelli lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet prinċipali fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

6.

isostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi prinċipali fl-iżvilupp tar-riċerka reġjonali u l-istrateġiji tal-innovazzjoni, fejn ta’ sikwit imexxu ċ-ċentri ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi;

7.

jisħaq li l-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni tal-programmi għandhom jagħmlu użu mill-korpi lokali eletti b’mod demokratiku. L-użu tal-għarfien lokali u r-responsabbiltà demokratika ser itejbu l-mekkaniżmi ta’ governanza għal sħubijiet bejn l-università, in-negozju u l-gvern lokali. Dan ser jippermetti li jiġu stabbiliti prijoritajiet u assenjati responsabbiltajiet fil-livell lokali b’rabta diretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

8.

jinnota li għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost il-partijiet interessati ewlenin fil-politiki u l-inizjattivi favur it-tisħiħ, u aktar importanti t-twessigħ taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka (ERA) b’mod partikulari l-viżjoni tagħha ta’ ċentri ta’ riċerka u istituzzjonijiet akkademiċi b’saħħithom stabbiliti f’ambjenti innovattivi;

9.

jilqa’ l-fatt li fl-aħħar għaxar snin, ħafna universitajiet fl-Ewropa formalment inkorporaw l-iżvilupp ekonomiku reġjonali fid-dikjarazzjoni tal-missjoni tagħhom. L-aġenziji ta’ żvilupp reġjonali wkoll qed jinkludu politiki li jappoġġjaw is-sħubijiet bejn l-universitajiet u l-industrija fl-istrateġiji ekonomiċi reġjonali;

10.

ifakkar li l-modi tal-interazzjoni tal-politika huma kruċjali fil-livell reġjonali u ħafna drabi jirrikjedu koordinazzjoni vertikali bejn il-livelli amministrattivi (Ewropej, nazzjonali, reġjonali) u koordinazzjoni orizzontali bejn ir-reġjuni sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju kif ukoll sabiex nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin;

11.

jisħaq fuq il-ħtieġa li l-inizjattivi proposti u l-programmi jinbnew fuq l-istess linja, bħall-ERA, l-istitut Ewropew tal-innovazzjoni u t-teknoloġija (EIT) u l-programm tat-tagħlim tul il-ħajja, sabiex jappoġġjaw id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji;

12.

jagħraf li l-kollaborazzjonijiet bejn l-universitajiet u n-negozji huma milquta wkoll mill-kundizzjonijiet speċifiċi tar-reġjun; il-kapaċità tal-aġenziji ta’ żvilupp li jappoġġjaw il-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji fuq livell reġjonali; ir-rwol tal-clusters tan-negozju fl-iżvilupp tan-netwerks bejn l-universitajiet u n-negozji u l-livell tal-investiment tan-negozju fl-R&Ż fir-reġjun;

Kummenti ġenerali

13.

jenfasizza l-ħtieġa li niffokaw fuq ir-rwol tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp lokali u reġjonali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali u reġjonali;

14.

jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u s-settur privat u l-ħtieġa li l-universitajiet ikunu l-mutur tal-innovazzjoni fir-reġjuni tagħhom;

15.

iħeġġeġ lill-universitajiet sabiex jesploraw toroq ġodda ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat, pereżempju permezz ta’ miżuri bil-għan li jinħolqu fondi konġunti pubbliċi u privati għall-innovazzjoni sabiex itejbu l-mobilità fl-oqsma kollha;

16.

jappoġġja kooperazzjoni pan-Ewropea mill-qrib bejn in-negozji, l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka, bl-involviment tal-atturi politiċi u l-amministrazzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

17.

jikkunsidra li l-livell tal-kooperazzjoni għadu mhux ugwali fost il-pajjiżi, l-universtajiet u d-dixxiplini akkademiċi minkejja l-programmi tal-UE li qed jipprovaw jibnu sħubijiet bejn iż-żewġ oqsma tal-universitajiet u n-negozji, li normalment jiffokaw fuq oqsma speċifiċi bħar-riċerka jew il-mobilità tal-istudenti;

18.

jemmen li din il-kooperazzjoni influwenzat il-governanza jew il-kulturi tal-organizzazzjonijiet fiż-żewġ setturi kkonċernati b’mod limitat minħabba li ftit universitajiet għadhom strateġija li tkopri l-istituzzjoni kollha fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-intrapriżi, filwaqt li dawk li għandhom, jinsabu raggruppati f’numru żgħir ta’ Stati Membri;

19.

jinsab kkonċernat li f’ħafna pajjiżi l-qafas legali u finanzjarju jonqos milli jippremja jew saħansitra anki jtellef l-isforzi tal-universitajiet milli jikkooperaw man-negozji;

20.

jirrakkomanda li għandu jkun hemm indikaturi xierqa għall-kejl tal-prestazzjoni li janalizzaw il-livell kurrenti tad-djalogu bejn l-universitajeit u n-negozji. Kull kejl tal-prestazzjoni għandu jinkludi kemm indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, u jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa dwar kif l-għażla ta’ dawn l-indikaturi tista’ tinfluwenza l-komportament tal-gruppi tal-utenti;

21.

iħeġġeġ lill-universitajiet sabiex jippremjaw id-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji. Sfida partikolari fi ħdan l-istess komunità akkademika hija l-għarfien ta’ dan l-impenn fil-kriterji tal-għoti tal-promozzjonijiet. Filwaqt li ħafna universitajiet jiddikjaraw li jagħrfu l-importanza tad-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, ftit għandhom metodi trasparenti u ċari kif iqabbluh mal-attivitajiet tar-riċerka u t-tagħlim u jippremjawh b’mod ġust;

22.

jirrikonoxxi l-intrapenditorija u t-titjib tal-kompetenzi permezz tat-tagħlim tul il-ħajja bħala doveri importanti tal-edukazzjoni għolja;

23.

jilqa’ l-fatt li fil-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni qed isiru sforzi minn diversi reġjuni sabiex jiffaċilitaw aktar l-involviment tas-settur privat, billi jagħtu awtonomija akbar lill-universitajiet u l-kulleġġi postsekondarji;

24.

jipproponi lir-reġjuni sabiex ifittxu toroq ġodda għall-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, pereżempju permezz ta’ fondi pubbliċi u privati konġunti għall-innovazzjoni li jistgħu jkunu ta’ eżempju wkoll għall-użu sostenibbli u s-salvagwardja ta’ fondi pubbliċi;

25.

jaqbel li l-politika ta’ koeżjoni taqdi rwol importanti fis-sostenn tal-attività innovattiva fir-reġjuni; għaldaqstant jista’ jintuża wkoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-iffinanzjar tal-inkubaturi tan-negozji u l-parks xjentifiċi (l-infrastruttura u l-konnessjonijiet). Il-clusters huma partikolarment utli għall-SMEs, għaliex jipprovdu kuntest li jħeġġeġ rabtiet mal-universitajiet u n-negozji l-kbar, u jippermettilhom aċċess għan-netwerks internazzjonali ta’ kummerċ;

26.

jagħraf ukoll li l-SMEs jaqdu rwol importanti ħafna fil-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs fid-djalogu bejn l-universitajiet u n-negozji, kif ukoll l-iżvilupp ta’ inizjattivi innovattivi u ffukati li jagħtuh sostenn;

27.

jappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali tal-kulleġġi u tal-istituzzjonijiet tar-riċerka ma’ msieħba mhux universitarji fis-setturi tal-industrija u l-kummerċ, il-gvern, il-kultura u sezzjonijiet oħra tas-soċjetà;

28.

jikkunsidra wkoll li l-organizzazzjonijiet u l-operaturi l-oħra li jaqdu r-rwol ta’ intermedjarji bejn l-universitajiet u n-negozji, jistgħu jkunu element essenzjali fit-tisħiħ tal-kuntatti bejniethom u għaldaqstant għandhom jingħataw aktar prominenza, kif ukoll sostenn aktar effettiv;

Eżempji ta’ prattiki tajba

29.

jinnota u jilqa’ l-ħafna eżempji ta’ kooperazzjoni li jeżistu madwar l-Ewropa bejn l-universitajiet u n-negozji;

30.

huwa mħasseb fir-rigward tal-fatt li ftit hemm eżempji ta’ prattiki tajbin min-naħa tal-Istati Membri l-ġodda;

31.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju sabiex tistabbilixxi inventarju ta’ prattiki tajba eżistenti u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti kas tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan l-inventarju;

Strumenti disponibbli għall-awtoritajiet reġjonali u lokali

32.

iħeġġeġ it-twaqqif ta’ strutturi ta’ sħubija tal-partijiet interessati prinċipali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, in-negozji, il-komunità u l-edukazzjoni għolja sabiex joħolqu l-opportunità ta’ djalogu, pereżempju billi jorganizzaw round tables u workshops, iwaqqfu parks xjentifiċi għat-trasferiment tat-teknoloġija, jorganizzaw attivitajiet dwar il-kultura tax-xjenza jew fieri għall-istudenti;

33.

jappoġġja l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-istituzzjonijiet għolja tal-edukazzjoni fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji reġjonali u urbani għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali;

34.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinvestu b’mod konġunt fi programmi li minnhom jistgħu jibbenefikaw b’mod speċjali in-negozji reġjonali u l-komunità filwaqt li fl-istess ħin jippromovu l-iffinanzjar ta’ fondazzjonijiet ta’ professorati mill-intrapriżi li jinkoraġġixxu n-netwerking bejn iċ-ċentri differenti tal-għarfien, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, jippromovu forums għall-iskambju tal-għarfien u jagħtu spinta lill-ħolqien ta’ netwerks ta’ reġjuni li jeċċellaw fl-innovazzjoni;

35.

jirakkomanda li r-riżorsi għall-impenn reġjonali jintużaw fuq bażi sostenibbli u multiannwali mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;

36.

jesprimi r-rieda tiegħu li jiżgura l-użu kkoordinat tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), il-fondi strutturali, is-CIP u l-EARDF, billi dan huwa essenzjali għall-kompetittività tal-UE u s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali, kif imsemmi f’opinjonijiet preċedenti tal-KtR;

37.

jirrakkomanda interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-innovazzjoni, li tkopri x-xjenzi soċjali u tal-bniedem, u l-interazzjoni fertili tagħhom mal-kulturi urbani, reġjonali jew lokali tagħhom;

Il-konklużjoni

38.

jafferma mill-ġdid li bħalissa, meta l-UE qed tipprova tnaqqas l-impatt tal-kriżi ekonomika attwali filwaqt li twitti t-triq għat-tkabbir mill-ġdid, huwa importanti, minħabba l-importanza kbira li għandhom is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-Istrateġija ta’ Liżbona u l-Aġenda Soċjali Mġedda, li tiġi stabbilita pjattaforma għad-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati interessati, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll fl-ekonomija;

39.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tesplora kif il-Fondi Strutturali jistgħu jintużaw biex isostnu inizjattivi reġjonali f’dan ir-rigward;

40.

jirrikonoxxi l-potenzjal tal-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-oqsma l-oħra tal-edukazzjoni – l-aktar l-iskejjel sekondarji u l-istituzzjonijiet tal-ETV – u l-opportunitajiet provduti mill-Programmi Ewropej sabiex ikattru l-kooperazzjoni tagħhom;

41.

jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm involviment aktar b’saħħtu tar-rappreżentanti rilevanti tal-pubbliku, fosthom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-fażi li jmiss tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji;

42.

jikkunsidra bħala xieraq li l-enfasi tal-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji għandha tibqa’ fuq il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;

43.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-universitajiet kif ukoll li l-universitajiet ikunu l-muturi tal-innovazzjoni fir-reġjuni;

44.

iħeġġeġ li jkun hemm kontinwazzjoni tal-Forum tal-UE bejn l-Universitajiet u n-Negozji permezz ta’ laqgħat plenarji, seminars tematiċi, spazju fuq l-internet u involviment iktar b’saħħtu tar-rappreżentanti rilevanti tal-pubbliku, fosthom l-awtoritajiet reġjonali, u possibbilment atturi li jmorru lil hinn mill-UE;

45.

jirrakkomanda li jiġi propost rispons effettiv għall-programm Ħiliet Ġodda Għal Impjiegi Ġodda u l-kriżi ekonomika, u li s-sħubijiet għall-iżvilupp reġjonali, sħubijiet mal-SMEs, id-diversifikazzjoni tal-approċċ lejn it-tagħlim, l-assigurazzjoni interna ta’ kwalità u l-akkreditazzjoni jkunu diskussi;

46.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex li tesplora metodi sabiex issostni forom ġodda ta’ sħubijiet strutturati bejn in-negozji u l-universitajiet permezz tal-programmi rilevanti tal-UE.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/31


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar futur sostenibbli għat-trasport: lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment

2010/C 141/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li sabiex tinkiseb sistema ta’ trasport sostenibbli s-soluzzjoni mhix li titpoġġa restrizzjoni fuq is-servizzi tat-trasport; il-kwistjoni mhix l-ammont ta’ passiġġieri jew oġġetti li jiġu trasportati, iżda l-mod kif jiġu trasportati. Id-drawwiet fil-qasam tat-trasport li mhumiex ibbażati fuq is-sostenibbiltà jistgħu jinqerdu biss permezz ta’ politika tal-prezzijiet adegwata fis-settur tat-trasport, għalhekk importanti li tinstab soluzzjoni ġusta u trasparenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport għall-mezzi ta’ trasport kollha;

jenfasizza li sabiex is-sistema tat-trasport issir iktar sostenibbli jeħtieġ li tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. Dan ma jistax iseħħ permezz ta’ żieda fil-kapaċità tan-netwerks tat-trasport biss għax l-impatt ambjentali tan-netwerks kbar faċilment jilħaq livelli li mhumiex aċċettabbli; għaldaqstant għandha tissaħħaħ il-kompetittività tas-sistemi tat-trasport sostenibbli;

jistqarr li huwa fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jappoġġjaw alternattivi għat-trasport bit-triq, b’mod partikolari f’każijiet ta’ konġestjoni u speċjalment fir-reġjuni sensittivi u f’żoni b’kundizzjonijiet naturali ħorox, billi dawn iwasslu għal problemi serji ta’ storbju, egżost, tniġġis, dewmien, deterjorazzjoni rapida tat-toroq u jikkawżaw infiq kbir għall-manutenzjoni tat-toroq;

jenfasizza li n-netwerks tat-trasport fiż-żoni urbani, periurbani u reġjonali huma komponenti prinċipali tan-netwerks tat-trasport u l-katina tal-provvista globali u jirrikjedu attenzjoni partikolari;

jitlob li l-White Paper dwar it-Trasport tibgħat sinjal politiku qawwi lejn ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE li jmiss sabiex l-allokazzjonijiet finanzjarji futuri tal-UE għat-trasport ikunu jaqblu mal-miri ddikjarati tal-UE u viċi versa.

Relatur

:

Is-Sur Väino Hallikmägi, membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Pärnu, l-Estonja, (EE/ALDE)

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment”

COM(2009) 279 finali.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar futur sostenibbli għat-trasport li hija l-ewwel pass lejn reviżjoni tal-politika tat-trasport tal-UE għas-snin li ġejjin;

2.

huwa jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-politika tat-trasport għandha tkun ibbażata fuq viżjoni twila u sostenibbli għall-mobilità tal-persuni u tal-oġġetti. Sabiex il-politika tat-trasport tinbena fid-dawl ta’ din il-viżjoni, kundizzjoni bażika hija stima korretta tat-tendenzi li jolqtu lis-settur tat-traffiku;

3.

huwa tal-fehma li n-netwerks tat-trasport tal-ġejjieni għandhom joffru aċċess tajjeb għar-reġjuni tal-Ewropa kollha. Din hija waħda mill-prerekwiżiti bażiċi sabiex tkun tista’ tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali tal-UE. Dan jolqot b’mod kruċjali t-tisħiħ tal-integrazzjoni soċjali u ekonomika u l-garanzija ta’ żvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-politika tat-trasport titlob li l-Istati Membri juru rieda akbar u iktar appoġġ għall-istrateġiji sostenibbli u innovattivi tat-trasport;

Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

4.

jemmen li fir-reviżjoni tal-White Paper dwar il-politika tat-trasport hemm bżonn li l-fatturi esterni u l-iżvilupp fis-settur tat-trasport, il-konsegwenzi tagħhom u l-kooperazzjoni bejniethom jiġu analizzati b’mod iktar sistematiku u iktar fid-dettall minn qabel. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima u fl-ekonomija fuq is-settur tat-trasport u l-fatturi li jinfluwenzawh;

5.

huwa tal-fehma li d-dokument strateġiku dwar l-iżvilupp għandu jiġi akkumpanjat minn analiżi (komparattiva) tal-effetti soċjoekonomiċi u ambjentali tad-deċiżjonijiet politiċi u l-miżuri pjanati. Idealment, ir-riżultati tal-analiżi għandhom jaslu għand l-Istati Membri u r-reġjuni sabiex ikunu jistgħu jiġu stmati d-differenzi possibbli fl-effetti tal-politika komuni tat-trasport. Huwa importanti li jitqiesu l-approċċi ta’ direzzjoni konċettwali kollha għall-politika tat-trasport li huma rilevanti għal dibattitu dwar il-ġejjieni tat-trasport;

6.

jemmen li huwa importanti li meta tkun qed titfassal il-politika Ewropea tat-trasport l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri individwali jkunu jistgħu jkollhom influwenza akbar fil-proċess ta’ tħejjija tal-pjani strateġiċi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jiġi żgurat qafas regolatorju u tal-ippjanar li jippermetti l-implimentazzjoni tal-inizjattivi u l-miżuri fis-settur tat-trasport. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġudikaw liema miżuri jinħtieġu sabiex jiġu solvuti l-problemi tat-trasport lokali u reġjonali. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi rispettat meta l-livell nazzjonali u l-UE jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

7.

jenfasizza li fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet fir-rigward ta’ netwerks jew proġetti. Sabiex l-infrastrutturi prijoritarji jkunu jistgħu jinbnew malajr jeħtieġ li jiġi żgurat l-appoġġ politiku u finanzjarju tal-istituzzjonijiet ċentrali tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali;

8.

jenfasizza li matul l-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, fejn l-approċċ preċedenti bbażat fuq il-proġetti (30 proġett prijoritarju) ser jiġi sostitwit minn approċċ li jiddistingwi bejn in-netwerk globali u n-netwerk prinċipali TEN-T, hemm bżonn li r-reġjuni periferiċi, ir-reġjuni ta’ mal-fruntieri u r-reġjuni b’kundizzjonijiet naturali diffiċli tal-UE jingħataw biżżejjed attenzjoni u appoġġ għat-titjib tal-konnessjonijiet tat-trasport bejn iż-żona ċentrali tal-UE u l-pajjiżi ġirien. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni territorjali interna u esterna tal-UE hemm bżonn li jitqies ukoll pereżempju d-divrenzjar tal-konnessjonijiet u l-katini ta’ prijorità tal-politika Ewropea tat-trasport, inklużi l-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti. Jeħtieġ li tinħoloq sistema li tagħti indikazzjoni ċara tal-prinċipji u l-modi li skonthom ser jiġu stabbiliti u, jekk ikun hemm bżonn, mibdula jew estiżi n-netwerks TEN-T; il-proġetti prijoritarji li diġà nbdew fil-qasam tat-TEN-T għandhom jintemmu. Għandhom jiġu inklużi wkoll żidiet u estensjonijiet li jipprovdu konnessjonijiet man-netwerk fin-netwerk prinċipali tat-TEN-T. Fl-istess ħin għandha titħeġġeġ koordinazzjoni aħjar tal-proġetti bejn l-Istati Membri sabiex jiġu evitati diskrepanzi fis-sinkronizzazzjoni tal-ippjanar u l-implimentazzjoni, u l-partijiet transkonfinali għandhom jingħataw prijorità;

9.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ċentrali li għandu t-trasport tal-merkanzija sabiex tkun tista’ tiffunzjona l-ekonomija Ewropea. Fl-istess waqt, fis-sistema tat-trasport Ewropea qed jikber dejjem iktar il-piż tal-konġestjoni tat-traffiku, l-aktar minħabba l-iżbilanċ fid-distribuzzjoni bejn il-mezzi ta’ trasport differenti (fil-kundizzjonijiet attwali tas-suq, it-trasport bit-triq għandu vantaġġi kompetittivi sproporzjonati), l-infrastruttura inadegwata u n-nuqqas ta’ interoprabilità bejn il-mezzi ta’ trasport. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li għal integrazzjoni msaħħa tal-infrastrutturi speċifiċi tat-trasport, jeħtieġ li tingħata prijorità ogħla lill-koordinazzjoni u l-garanzija tal-koerenza tas-soluzzjonijiet adegwati fil-qafas tad-deċiżjonijiet li ser jittieħdu dwar it-TEN-T dwar il-kwistjonijiet relatati mal-mobilità urbana meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta’ finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni;

10.

jenfasizza li l-bliet huma element essenzjali u integrali tan-netwerk tat-trasport. Il-bliet huma l-intersezzjonijiet ta’ komunikazzjoni li jgħaqqdu mezzi ta’ trasport differenti u ġeneralment il-post minn fejn tibda jew tispiċċa rotta tat-trasport. Għalhekk it-trasport fil-bliet għandu jingħata l-istess attenzjoni daqs in-netwerks tat-trasport;

11.

jitlob li jkomplu jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ finanzjament tal-UE u jemmen li l-konsistenza bejn il-programmi ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali hija neċessarja;

12.

jitlob li l-White Paper dwar it-Trasport tibgħat sinjal politiku qawwi lejn ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE li jmiss sabiex l-allokazzjonijiet finanzjarji futuri tal-UE għat-trasport ikunu jaqblu mal-miri ddikjarati tal-UE u viċi versa;

It-trasport ferrovjarju, marittimu u tax-xmajjar

13.

huwa tal-fehma li l-frammentazzjoni tas-suq ferrovjarju hija problema kbira; jeħtieġ ukoll li jiġu eliminati s-sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni fl-infrastruttura eżistenti, speċjalment dawk li jinħolqu fil-partijiet transkonfinali jew minħabba ostakli naturali. Sabiex jinħoloq netwerk ferrovjarju mifrux mal-Ewropa kollha li jaħdem tajjeb u li joffri servizzi ta’ kwalità għolja f’termini taż-żmien tal-vjaġġ, l-affidabbiltà iżda anki l-kapaċità, hemm bżonn li tiġi żviluppata soluzzjoni sostenibbli u effiċjenti li tippermetti żieda fit-trasferiment tat-traffiku tal-oġġetti mit-trasport bit-triq għat-trasport ferrovjarju;

14.

jirrikonoxxi li l-istandards differenti fl-infrastrutturi tal-Istati Membri individwali, bħal pereżempju d-differenzi fil-wisa’ tal-linji ferrovjarji u s-sistemi tal-elettriku u ta’ sikurezza jkomplu jżidu l-frammentazzjoni tas-settur tat-trasport. L-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi u, għalhekk, l-investiment fl-infrastruttura huma meħtieġa sabiex jiġu armonizzati t-tagħmir u l-ħtiġijiet tekniċi.Jeħtieġ ukoll li jiġu armonizzati r-regoli differenti marbuta mat-taħriġ tax-xufiera tal-ferroviji kif ukoll id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà u tal-merkanzija u li, kif diġà hemm fis-settur tal-avjazzjoni, tiġi introdotta lingwa komuni fil-qasam tal-ġestjoni tat-trasport għat-traffiku internazzjonali, b’mod partikolari għat-traffiku minn pajjiżi mhux fl-UE. Permezz ta’ dan għandha tissaħħaħ il-kompetittività tat-trasport bil-ferrovija meta mqabbel mat-trasport bit-triq. Fil-partijiet tan-netwerk fejn hemm konġestjoni għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex it-traffiku tal-passiġġieri u tal-oġġetti jkunu jistgħu jużaw linji komuni mingħajr interferenza reċiproka, jew biex ikunu jistgħu jinbnew rotot ferrovjarji ġodda u sabiex it-trasport tal-oġġetti u t-trasport tal-persuni jiġu separati skont kemm huwa teknikament possibbli u ekonomikament vijabbli;

15.

huwa tal-fehma li l-infrastruttura addizzjonali għat-trasport tal-merkanzija għandha tiżgura konnessjonijiet maċ-ċentri urbani, iżda m’għandhiex twassal għal żieda fil-volum tat-trasport fiċ-ċentri urbani li żżid il-konġestjoni;

16.

jemmen li sabiex tittejjeb il-konnessjoni ekonomika tar-reġjuni tal-periferija maż-żoni ċentrali Ewropej, hemm bżonn li fiż-żoni importanti jinħolqu portijiet marbuta tajjeb man-netwerk ferrovjarju b’konnessjonijiet tat-trasport multimodali tajba. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li hemm bżonn li jiġu żgurati konnessjonijiet tat-trasport multimodali mar-reġjuni fejn it-trasport marittimu jaqdi rwol ċentrali;

17.

jenfasizza li t-trasport marittimu u tax-xmajjar għandu jiġi appoġġjat għax dan jista’ jaqdi rwol prinċipali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, għandu jkun hemm ħafna iktar programmi bħal “l-awtostradi tal-baħar” għax dawn jagħtu kontribut lill-miri kemm tat-trasport kif ukoll tal-koeżjoni territorjali tal-UE. Bl-istess mod it-trasport marittimu u tax-xmajjar jista’ jagħti kontribut sabiex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tikber fil-qasam tat-trasport tal-persuni u tal-merkanzija. Fl-istess waqt jeħtieġ li jkomplu jitnaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport marittimu, tal-portijiet u taċ-ċentri loġistiċi fuq l-ambjent; għalhekk il-KtR jiddispjaċih li t-trasport marittimu internazzjonali għadu mhux inkluż fil-mekkaniżmi tal-protokoll ta’ Kyoto u fil-kalendarju għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Madankollu, sabiex kemm jista’ jkun tevita li tpoġġi lill-industrija marittima Ewropea fi żvantaġġ ekonomiku, l-Unjoni Ewropea għandha toqgħod attenta li r-regolamenti vinkolanti jiġu adottati fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, wieħed għandu jeżamina l-effetti li ġġib magħha l-introduzzjoni ta’ taxxi tal-portijiet li jvarjaw skont l-impatt ambjentali;

18.

huwa konvint li l-iżvilupp ta’ ċentri multimodali tat-trasport għandu jkun prijorità tal-politika komuni tat-trasport. Hekk kif għat-trasport tal-merkanzija jibda bil-mod il-mod jintuża dejjem iktar it-trasport ferrovjarju, għandu jiġi żgurat li l-eżiġenzi ambjentali u ta’ sigurtà jiġu ssodisfati u li l-effetti fuq it-trasport tal-persuni jinżammu kemm jista’ jkun minimi;

It-trasport tal-ajru

19.

jemmen li fl-iżvilupp tat-trasport tal-ajru għandu jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-effetti ambjentali negattivi, bħall-istorbju u t-tniġġis tal-arja, permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi u soluzzjonijiet relatati mal-ippjanar tal-art. Fl-inklużi tal-ispejjeż ambjentali fil-prezz tal-biljetti tal-ajru madanakollu, ma jistax jintesa li t-trasport tal-ajru jaqdi rwol differenti fir-reġjuni individwali u li jiżgura konnessjoni tajba fiż-żoni remoti tal-Ewropa. Il-bliet ta’ daqs medju u r-reġjuni gżejjer b’mod partikolari jiddependu mill-appoġġ tal-UE sabiex jiżviluppaw l-infrastruttura tal-ajruporti tagħhom għas-sigurtà tat-trasport tal-ajru u s-sodisfazzjon tal-klijenti;

20.

huwa tal-fehma li għandha tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn l-ajruporti billi jiġu stabbiliti regoli komuni għall-kalkolu u l-istabbiliment tat-tariffi tal-ajruporti;

L-ispejjeż tat-trasport u l-investiment

21.

jisħaq li l-investiment irid ikun koordinat aħjar. Pereżempju, il-finanzjament tat-TEN-T għandu jkompli jippromovi proġetti ferrovjarji bbażati fuq is-suq u l-għajnuna reġjonali għandha tkun immirata aħjar lejn mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent; dan sabiex titjieb il-koeżjoni territorjali tal-UE;

22.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li użu bilanċjat u sostenibbli tal-mezzi differenti ta’ trasport jirrikjedi li l-ispejjeż esterni (għat-tniġġis tal-ambjent, il-ħsara kkawżata minn inċidenti, iż-żmien) jiġu inklużi fl-ispejjeż tat-trasport u l-applikazzjoni komprensiva tal-prinċipju “l-utent iħallas”. Fl-istess waqt id-dħul iġġenerat minn din is-sistema għandu jiġi investiti f’mezzi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent biex b’hekk jiżdiedu l-mezzi ekoloġiċi ta’ trasport, tiġi żgurata l-effiċjenza tal-mezzi ta’ trasport u tiżdied l-interoperabilità bejniethom. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma mibnija dawn il-kalkoli jeħtieġ li jqisu kemm huma finanzjarjament vijabbli għaż-żona soċjoekonomika kkonċernata. Jekk dan ma jsirx, is-setturi ekonomiċi u l-intrapriżi li jiddependu mill-konnessjonijiet tat-trasport jitilfu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-pajjiż u fl-Ewropa;

23.

jisħaq li m’għandux ikun hemm dubju dwar l-għan importanti u fundamentali tat-trasparenza tal-ispejjeż m’għandux jiġi dubitat. Jekk il-biċċa l-kbira tal-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-utent iħallas, kultant jista’ jkun hemm xi ċaqliq fl-istruttura ekonomika u soċjali f’reġjuni individwali. L-Istati Membri li jikkunsidraw l-introduzzjoni jew l-adattament tal-ispejjeż relatati mat-traffiku bbażati fuq aproċċi moderni ta’ trasparenza tal-ispejjeż huma rrakkomandati jevalwaw l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali ta’ din il-miżura. B’hekk ikun possibbli, fejn ikun hemm bżonn, li jitħejjew miżuri laterali adegwati fuq medda medja jew twila ta’ żmien ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet strateġiċi, bħal pereżempju l-orjentament mill-ġdid ta’ appoġġ reġjonali ekonomiku b’għanijiet speċifiċi;

24.

ifakkar fl-opinjonijiet tal-KtR dwar il-Green Paper dwar it-trasport urban (CdR 236/2007) u dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-mobilità urbana (CdR 417/2008) li l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni f’Settembru 2009 ser isseħħ wara talba mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Parlament Ewropew;

It-trasport urban

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-iżvilupp tat-trasport urban peress li l-bliet huma partijiet integrali tan-netwerks u ċ-ċentri tal-mezzi differenti ta’ trasport. L-isfidi l-kbar fir-rigward tat-trasport urban huma li tingħata prijorità lit-trasport pubbliku billi jinħolqu kundizzjonijiet adatti u b’hekk tittejjeb il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, li jinbidlu l-kundizzjonijiet tat-trasport urban b’tali mod li jonqos kemm jista’ jkun it-traffiku fiċ-ċentru tal-bliet, li n-netwerk jiġi estiż għan-nies u ċ-ċiklisti u li jiżdiedu l-mezzi ta’ trasport li jaħdmu bl-elettriku u jiżdied ukoll l-użu ta’ mezzi ta’ trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent;

26.

jirrakkomanda lill-bliet jieħdu miżuri iktar stretti sabiex inaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport urban fuq l-ambjent u li jappoġġjaw mezzi ta’ trasport nodfa; huwa importanti li l-UE tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jassumu din ir-responsabbiltà;

27.

jemmen li l-politika tat-trasport tal-UE għandha titfassal b’tali mod li tappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi tat-trasport lokali komuni għaċ-ċentri tal-bliet, iż-żoni urbani u ż-żoni rurali; u li tgħaqqad is-sistemi differenti tat-trasport ferrovjarju – il-ferroviji, il-ferroviji lokali u t-tramm – f’sistema ġdida ta’ ferroviji reġjonali;

28.

jemmen li skambju kontinwu tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu tat-trasport urban b’kunsiderazzjoni ta’ dawn it-temi huwa importanti: Park-and-Ride, Park-and-Walk, l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ trasport li jaħdmu bl-elettriku, il-bini ta’ netwerk għall-vetturi ħfief, sistemi ta’ rotot partikolari għat-trasport pubbliku, terminals multimodali fir-rotot ta’ aċċess għall-bliet, l-iżvilupp tas-servizzi ta’ carsharing, bidla fl-imġiba fir-rigward tat-trasport permezz ta’ miżuri li jiggwidaw (miżuri ta’ taħriġ, pubbliċità) u restrizzjonijiet (ħlas tal-konġestjoni u tal-parking). L-UE għandha toħloq u tkompli tiżviluppa mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ kooperazzjoni li huma bbażati fuq ħidma ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet u t-trasferiment tal-esperjenzi;

L-iżvilupp teknoloġiku

29.

jemmen li huma u jiġu żviluppati l-mezzi multimodali tat-trasport pubbliku, is-sistemi elettroniċi tal-biljetti għandhom jingħataw prijorità għax permezz tagħhom tista’ tiġi kkalkulata l-ispiża eżatta tar-rotta u tiġi ppjanata r-rotta skont il-ħtiġijiet tal-klijent, u t-trasport pubbliku jsir aktar konvenjenti għall-utent. L-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda għandu jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti intermodali tat-trasport u l-UE għandha tiffaċilita l-espansjoni tal-użu tagħhom;

30.

huwa tal-fehma li l-iżvilupp teknoloġiku għandu jappoġġja t-trasferiment tat-teknoloġiji bejn ir-reġjuni u bejn il-livelli reġjonali differenti. Il-finanzjament tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi m’għandux jiġi kkonċentrat fuq it-teknoloġiji li huma magħmulin għall-bliet il-kbar biss. L-iżvilupp u l-finanzjament għandhom jaħdmu b’tali mod li parti sinifikattiva tal-fondi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet adattati u sostenibbli imorru għall-bliet ta’ daqs medju, il-bliet iż-żgħar u ż-żoni ta’ madwarhom;

31.

jenfasizza li sabiex titnaqqas id-dipendenza tas-settur tat-trasport miż-żejt hemm bżonn li l-livell ta’ taxxi fuq l-użu tal-karburanti, li ġejjin minn materja prima oħra, jiġu stabbiliti għalihom u li fejn hemm bżonn jitnaqqsu anki l-livelli komuni li hemm qbil dwarhom fl-UE;

32.

jemmen li l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ kontroll u monitoraġġ jaqdu rwol ċentrali fil-promozzjoni tas-sigurtà tat-trasport. L-armonizzazzjoni tal-istandards tas-sigurtà għandha tqis il-kundizzjonijiet naturali, it-tip ta’ toroq u t-tradizzjonijiet kulturali tal-post. L-integrazzjoni tal-bażi ta’ data dwar l-inċidenti tat-traffiku teħtieġ mill-inqas l- istandardizzazzjoni parzjali tal-kodiċi użati fl-bażi ta’ data nazzjonali;

33.

huwa tal-fehma li fil-qasam tal-kontroll tat-traffiku, jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji li jippermettu t-tfassil u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni bbażati fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u s-Sistema ta’ Pożizzjonament Globali (GPS). Apparti mir-rwol importanti li taqdi l-UE fl-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, hija taqdi rwol importanti fl-iżvilupp ta’ standards komuni li jippermettu kontroll sħiħ tal-flussi transkonfinali tat-traffiku fl-Istati Membri;

L-edukazzjoni dwar it-trasport

34.

jenfasizza li l-istituzzjonijiet edukattivi jadqu rwol ċentrali fl-iżvilupp ta’ mġiba tat-traffiku sigura u li tirrispetta l-ambjent. Jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex l-edukazzjoni fil-qasam tat-trasport tiġi inkluża fil-programmi kurrikuli tal-pajjiżi kollha. Fil-qasam tal-edukazzjoni l-UE tista’ tinkoraġġixxi studji bbażati fuq il-prattika li jservu ta’ bażi għar-rakkomandazzjonijiet fil-forma ta’ materjal u lezzjonijiet fil-kindergartens u l-iskejjel;

Konnessjoni mal-pajjiżi ġirien, attivitajiet transkonfinali

35.

jemmen li l-ħolqien ta’ konnessjonijiet aħjar mal-pajjiżi ġirien huwa partikolarment importanti. Dan jitlob investiment komuni mill-istituzzjonijiet ċentrali tal-UE, mill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi fil-faċilitajiet transkonfinali (terminals, toroq, pontijiet) sabiex ikun possibli li jsiru vjaġġi transkonfinali kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri rapidi u li jirrispettaw l-ambjent. Importanti wkoll li jsir progress fl-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta’ tranżitu u tad-dwana u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam;

36.

iqis li huwa importanti li l-politika tat-trasport tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntesti ġeografiċi speċifiċi tagħhom, filwaqt li tappoġġja t-tnedija ta’ servizzi tat-trasport bil-baħar u bl-ajru li jirrispettaw l-ambjent u li jgħaqqduhom mal-pajjiżi fir-reġjun tagħhom u fl-istess ħin tippromovi l-intermodalità;

37.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jimmirraw li, fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fin-negozjati dwar kwistjonijiet tat-trasport mal-pajjiżi terzi, jassiguraw kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġusti għal kull mezz ta’ trasport għall-intrapriżi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq iż-żejt, taxxi tal-portijiet, tal-ajruporti u tal-ferroviji, diversi ħtiġijiet ambjentali, eċċ. Dawn huma kwistjonijiet importanti b’mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija tal-pajjiżi li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni differenti għandhom jitqiesu wkoll l-ispejjeż esterni tat-trasport jiġu kkunsidrati fl-ispejjeż tat-trasport;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

38.

jenfasizza li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u prinċipju fundamentali tal-UE. Fl-istess waqt il-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija huwa wieħed mill-pilastri tas-suq intern. Iċ-ċavetta għal trasport sostenibbli ma tinsabx fir-restrizzjoni tad-domanda għas-servizzi tat-trasport;

39.

jenfasizza li l-kwistjoni mhix l-ammont ta’ passiġġieri jew oġġetti li jiġu trasportati, iżda l-mod kif jiġu trasportati. Id-drawwiet fil-qasam tat-trasport li mhumiex ibbażati fuq is-sostenibbiltà jistgħu jinqerdu biss permezz ta’ politika tal-prezzijiet adegwata fis-settur tat-trasport. Hemm bżonn ukoll li tinstab soluzzjoni ġusta u trasparenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport għall-mezzi ta’ trasport kollha;

40.

jenfasizza li sabiex is-sistema tat-trasport issir iktar sostenibbli jeħtieġ li tiġi indirizzata l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom l-impenn li jinvestu fl-infrastruttura li tirrispetta l-ambjent li telimina toroq maħnuqa bit-traffiku. Fl-istess waqt dan ma jistax iseħħ permezz ta’ żieda fil-kapaċità tan-netwerks tat-trasport biss għax l-impatt ambjentali tan-netwerks kbar faċilment jilħaq livelli li mhumiex aċċettabbli; għaldaqstant għandha tissaħħaħ il-kompetittività tas-sistemi tat-trasport sostenibbli;

41.

jistqarr li huwa fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jappoġġjaw alternattivi għat-trasport bit-triq, b’mod partikolari f’każijiet ta’ konġestjoni u speċjalment fir-reġjuni sensittivi u f’żoni b’kundizzjonijiet naturali ħorox, billi dawn iwasslu għal problemi serji ta’ storbju, egżost, tniġġis, dewmien, deterjorazzjoni rapida tat-toroq u jikkawżaw infiq kbir għall-manutenzjoni tat-toroq;

42.

huwa tal-fehma li għandha tissaħħaħ il-kompetittività tat-trasport marittimu u ferrovjarju. Sabiex jinħoloq netwerk ferrovjarju li jaħdem tajjeb u joffri servizzi ta’ kwalità għolja fir-rigward tad-dewmien tal-vjaġġ u l-affidabbiltà u f’termini ta’ kapaċità, għandha tonqos il-frammentazzjoni tas-suq ferrovjarju Ewropew. Fl-istess waqt għandu jinħoloq spazju marittimu komuni u l-investimenti fil-portijiet u l-ħolqien ta’ netwerks tekniċi tat-trasport f’dan ir-rigward għandhom jingħataw prijorità;

43.

jenfasizza li s-sistema tat-trasport tal-bliet u r-reġjuni għandha influwenza importanti fuq l-iżvilupp reġjonali. In-netwerks tat-trasport fiż-żoni urbani, periurbani u reġjonali huma komponenti prinċipali tan-netwerks tat-trasport u l-katina tal-provvista u jirrikjedu attenzjoni partikolari;

44.

huwa tal-fehma li n-netwerks tat-trasport tal-ġejjieni għandhom jiżguraw aċċess tajjeb għar-reġjuni tal-Ewropa kollha. Fl-istess waqt l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi kkonċernati l-oħra fil-livell lokali u reġjonali għandhom jiġu kkonsultati dwar l-inizjattivi kollha li jistgħu jinfluwenzaw il-ġejjieni tan-netwerks tat-trasport Ewropej skont ir-rwol tal-awtorità jew tal-atturi kkonċernati fl-implimetazzjoni tal-miżuri fil-qasam tat-trasport u tal-garanzija ta’ qafas regolatorju u tal-ippjanar għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi tat-trasport.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/37


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper – riforma tal-politika komuni tas-sajd u l-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura

2010/C 141/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel mal-ħtieġa li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-PKS jiġi strutturat, u r-regolazzjoni u/jew il-ġestjoni ta’ xi attivitajiet tiġi delegata lill-Istati Membri, lir-reġjuni, u lis-settur stess, fil-kuntest tal-liġijiet Komunitarji;

jirrakkomanda li ssir analiżi aktar fil-fond tal-introduzzjoni tad-drittijiet trasferibbli tas-sajd, b’salvagwardji adatti, filwaqt li jadotta l-fehma li kwoti individwali amministrati jistgħu jkunu wieħed mill-approċċi, iżda kwoti individwali trasferibbli jfixklu l-bilanċ fis-settur;

jaqbel li tiġi stabbilita sistema differenzjata ta’ sajd għall-ġestjoni tas-sajd artiġjanali u s-sajd għall-frott tal-baħar ħalli jinżamm l-aċċess għall-finanzjament pubbliku għal dawn l-attivitajiet u tiffaċilita l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet speċifiċi għal din il-flotta fil-livell reġjonali, id-definizzjoni tas-sajd artiġjanali u dak kostali fuq skala żgħira m’għandiex tkun limitata għat-tul tal-bastimenti biss iżda jiġu kkunsidrati wkoll parametri oħra;

jirrakkomanda li għal kull żona tas-sajd għandu jiġi evalwat liema sistema tal-ġestjoni tas-sajd taqbel l-aktar maż-żona inkwistjoni, l-ispeċijiet immirati u t-tip ta’ flotta u jħeġġeġ li tiġi eżaminata aktar is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti bbażata fuq il-qabdiet;

jirrakkomanda li l-aċċess għall-għajnuna pubblika għandu jiġi regolat bl-istess mod kif sar fil-Politika Agrikola Komuni billi jiġi introdott il-prinċipju tal-kundizzjonalità;

jemmen li l-UE għandha tiffaċilita l-iżvilupp kompetittiv tas-settur tal-akwakultura, inkluż pjan ta’ direzzjoni għall-2010 li jidentifika l-limiti skont ir-reġjun, il-promozzjoni ta’ metodi ekoloġiċi għat-trobbija tal-ħut u appoġġ għall-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akwakultura Ewropea (EATIP) u jenfasizza l-importanza tal-ippjanar tat-territorju marittimu, programmi tas-saħħa tal-annimali, standards tat-tikkettar u proċeduri ta’ simplifikazzjoni amministrattiva għas-settur.

Relatur

:

Is-Sur Ramón Luis Valcárcel Siso (ES/PPE), President tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia

Dokumenti ta’ referenza:

Green Paper – Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

COM(2009) 163 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura

COM(2009) 162 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

INTRODUZZJONI

1.

jemmen li l-viżjoni tal-Kummissjoni għas-sajd Ewropew sal-2020 tista’ tintlaħaq u jixtieq jikkontribwixxi b’mod sħiħ fid-dibattitu dwar ir-riformi meħtieġa sabiex din il-viżjoni titwettaq bl-anqas tfixkil fil-post tax-xogħol u bl-anqas distorsjoni tas-suq. Ir-reviżjoni u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd joffru opportunitajiet uniċi mhux biss biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-passat, iżda wkoll biex ikun hemm fiduċja u ċertezza għall-futur. Permezz tal-involviment sħiħ tal-komunitajiet tas-sajd, l-istokkijiet tal-ħut ikunu ġestiti aħjar, il-flotot ikunu adattati aħjar għar-riżorsi, l-operazzjonijiet tas-sajd ikunu regolati aħjar u r-rendimenti ekonomiċi jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa għas-sigurtà fit-tul;

2.

jikkunsidra li s-sajd huwa mezz ta’ għajxien f’bosta reġjuni tal-Ewropa, kif ukoll sors ta’ provvista għal industrija tal-ipproċċessar dipendenti ħafna. Minkejja li ilha ħafna u diġà ġiet riformata, il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) ma rnexxilhiex issolvi l-problemi dejjem jikbru f’dan is-settur, li jrid jiffaċċja firxa ta’ sfidi maġġuri: l-eżistenza tas-sajd żejjed, il-fatt li l-kapaċità tas-sajd mhijiex adattata għar-riżorsi disponibbli u għall-objettiv ta’ sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika, il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni fl-użu tal-enerġija tal-bastimenti, l-istat prekarju ta’ ħafna riżorsi tas-sajd u l-livell għoli ta’ sovvenzjoni li wassal għal sitwazzjoni ekonomika estremament fraġli. Barra minn hekk, f’ħafna każi l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jheddu s-sigurtà tal-ikel f’dawn l-istess pajjiżi, filwaqt li qed jikkontribwixxu għas-sajd żejjed u qed jimpedixxu l-iżvilupp tal-industriji lokali tas-sajd;

3.

huwa tal-fehma li l-PKS il-ġdida għandha twassal għal fokus aktar komprensiv, filwaqt li torbot mal-politiki marittimi u ambjentali, tkun mgħammra bi strumenti ġodda biex tindirizza l-problema persistenti tal-eċċess fil-kapaċità tal-flotta, u tapplika formuli bi spejjeż baxxi. Sabiex jinkiseb dan, il-qafas politiku għandu jkollu sistema biex jittieħdu d-deċiżjonijiet għal perijodu medju u twil ta’ żmien, għandu jkollu għanijiet ċari, u ċerti aspetti għandhom jiġu deċentralizzati. Hemm bżonn ukoll li tittejjeb il-governanza tas-settur, li jiġu definiti mekkaniżmi ta’ infurzar li jipprovdu garanzija aktar sigura tal-konformità mar-regoli, u li jiġi inkoraġġut settur b’impenn u responsabbiltà akbar fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-PKS;

4.

jemmen li l-akkwakultura għandha l-potenzjal li tipprovdi prodotti tajbin għas-saħħa, siguri, sostenibbli u ta’ kwalità għolja taħt kundizzjonijiet ambjentali stretti, u tirrappreżenta fattur stabbilizzanti f’ħafna reġjuni li jiddependu xi ftit jew wisq mis-sajd. L-UE ħadet għadd ta’ inizjattivi biex tippromovi s-sajd fil-forma ta’ strumenti finanzjarji strutturali (Strument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd, Fond Ewropew għas-Sajd), kif ukoll bl-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-iżvilupp sostenibbli. Minkejja li nkiseb ħafna, il-produzzjoni żdiedet sinifikattivament inqas mill-medja dinjija, u bħalissa qed niffaċċjaw l-isfidi tal-integrazzjoni tal-akkwakultura fil-politiki marittimi u ambjentali, filwaqt li qed tiġi orjentata lejn l-użu ta’ metodi li jirrispettaw l-ambjent u lejn politika ta’ sajd sostenibbli, l-inkoraġġiment tal-kompetittività, il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali, it-titjib tal-governanza u t-tisħiħ tal-garanziji marbuta mas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, bħalma diġà sar għall-annimali l-oħra, u dan kollu taħt kundizzjonijiet stretti tal-ħarsien tal-konsumatur;

5.

huwa konvint li ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija, it-tkabbir futur tal-UE, it-tniġġis tal-ilmijiet marittimi u interni u r-riperkussjonijiet ta’ dan fuq l-ekosistemi tal-kosta u t-tibdil fil-klima huma kwistjonijiet li l-PKS għandha tikkunsidra għal perijodu medju ta’ żmien, billi dawn ser iġibu bidla fit-tendenzi tal-ġestjoni tas-sajd u l-akkwakultura;

GREEN PAPER – RIFORMA TAL-POLITIKA KOMUNI TAS-SAJD

Kummenti ġenerali

6.

jilqa’ l-inizjattiva f’waqtha tal-Kummissjoni li tippreżenta l-Green Paper dwar ir-riforma tal-PKS (COM(2009) 163 finali), u b’hekk tiftaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni, flimkien mal-awtokritika fir-rigward tal-falliment ta’ ċerti aspetti tal-PKS, il-proposti tagħha biex tittejjeb il-PKS eżistenti sal-2012, u l-ħsibijiet tagħha dwar il-PKS il-ġdida mill-2013 ’il quddiem;

7.

jaqbel li hemm nuqqas ta’ adattament tal-kapaċità tal-flotta, l-aktar f’oqsma speċifiċi, u jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi biex id-daqs tal-flotot tas-sajd Ewropej ikunu aktar konformi mar-riżorsi li jistgħu jiġu sfruttati u ma’ approċċ soċjoekonomiku aktar sostenibbli. Dawn il-mekkaniżmi għandhom jużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi finanzjarji pubbliċi, u hu jaħseb li dan huwa fattur vitali sabiex l-aspetti l-oħra tal-PKS jiġu implimentati bis-sħiħ;

8.

jenfasizza r-rwol vitali li għandhom jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex il-PKS taħdem b’suċċess. B’mod speċifiku, jissuġġerixxi li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs);

9.

jindika li sabiex il-PKS tiġi inkorporata b’mod effettiv fil-Politika Marittima Integrata (PMI), l-awtoritajiet reġjonali u lokali tas-sajd iridu jkunu lesti jimpenjaw ruħhom f’dan il-qasam, u jagħtu kontribut reali;

10.

huwa favur il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri, u jappoġġja d-deċiżjoni li jitħejjew miżuri biex tiġi introdotta sistema ta’ kontroll aktar integrata;

11.

jirrakkomanda li ssir analiżi aktar fil-fond tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-introduzzjoni tad-drittijiet trasferibbli tas-sajd, b’salvagwardji adatti, li jkopru kemm id-drittijiet tas-sajd kollettivi kif ukoll dawk individwali;

12.

jaqbel li kull miżura u impenn li ttitieħed fil-futur fil-kuntest tal-PKS bil-għan li jiġu evitati jew jittaffew l-effetti ekonomiċi u soċjali tat-tnaqqis fl-opportunitajiet ta’ sajd għandhom dejjem ikunu kompatibbli mas-sostenibbiltà ekoloġika fit-tul;

13.

iħeġġeġ li jinżammu u saħansitra jiġu estiżi ż-żoni ta’ konservazzjoni tas-sajd;

14.

jaqbel mal-ħtieġa li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-kuntest tal-PKS jiġi strutturat, u f’ċerti każi tintuża l-proċedura ta’ kumitat u r-regolazzjoni u/jew il-ġestjoni ta’ xi attivitajiet tas-sajd tiġi delegata lill-Istati Membri, lir-reġjuni, u lis-settur stess, fil-kuntest tal-liġijiet Komunitarji. Għaldaqstant jirrakkomanda li jiġu previsti metodi ta’ ġestjoni fuq il-bażi taż-żona tal-kosta, tal-estwarju u tal-attività tas-sajd (approċċ imsejjes fuq l-ekosistema);

15.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li s-settur jerfa’ responsabbiltà akbar fl-implimentazzjoni tal-PKS. Is-sajjieda li jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom sew biss għandu jkollhom aċċess għall-istokkijiet tal-ħut, fid-dawl tal-fatt li dawn jifformaw parti mill-qasam pubbliku u li l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż tal-ġestjoni ta’ dawn ir-riżorsi jitħallsu minn dawk li jħallsu t-taxxi;

16.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ kultura ta’ konformità. L-aċċess tal-Istati Membri għall-finanzjament Komunitarju għandu jkun ristrett meta huma jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-kontroll u l-konservazzjoni;

17.

jappoġġja l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ ġbir tad-data f’ħin reali li tipprovdi informazzjoni teknika aġġornata dwar il-qabdiet;

18.

jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-riforma tal-PKS tikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi tal-aktar reġjuni mbiegħda, fid-dawl tal-kundizzjonijiet strutturali u soċjoekonomiċi tagħhom, u b’konformità mal-istrateġija Ewropea għall-aktar reġjuni mbiegħda;

19.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassumi rwol ta’ tmexxija fil-kuntest dinji fir-rigward tal-iżvilupp ta’ sistemi biex il-politiki tas-sajd u taż-żoni kostali jiġu aġġustati għat-tibdil fil-klima;

Kummenti dwar l-inizjattiva

Sistema differenzjata ta’ sajd biex jiġu protetti l-flotot kostali fuq skala żgħira

20.

jaqbel mal-inizjattiva li tiġi stabbilita sistema differenzjata ta’ sajd għall-ġestjoni tas-sajd artiġjanali u s-sajd għall-frott tal-baħar, li huma attivitajiet marbuta mill-qrib mal-identità kulturali ta’ ħafna reġjuni Ewropej u li l-bastimenti tagħhom jimpjegaw ħafna ħaddiema li jkunu ġejjin mill-mikrointrapriżi. Jilqa’ l-proposta li jinżamm l-aċċess għall-finanzjament pubbliku għal dawn l-attivitajiet;

21.

jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li, bħala parti minn approċċ tal-ekosistema, tiffaċilita l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet speċifiċi għal din il-flotta fil-livell reġjonali, dejjem b’konformità mar-regoli u l-prinċipji globali Komunitarji;

22.

jemmen li l-impenn tal-komunità fl-istrutturi ta’ sħubija lokali huma elementi ewlieni sabiex ikun hemm l-akbar kontribut lokali fid-definizzjoni tal-potenzjali u n-nuqqasijiet speċifiċi f’żona speċifika kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-provvista tkun konformi mal-kundizzjonijiet lokali;

23.

jirrakkomanda li ssir analiżi aktar bir-reqqa tal-kunċett ta’ sajd kostali artiġjanali jew fuq skala żgħira, sabiex id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ma tkunx limitata għat-tul tal-bastimenti biss iżda jiġu kkunsidrati wkoll parametri oħra, bħar-rabtiet ekonomiċi u soċjali tal-attività mal-muniċipalitajiet, kemm idumu l-operazzjonijiet tas-sajd, it-tip ta’ qabdiet, l-inklużjoni jew le fi pjan speċifiku tas-sajd, eċċ.;

24.

jikkunsidra li l-ispejjeż tal-manutenzjoni marbuta mal-kaxxi l-bluni huma għaljin wisq għall-bastimenti ż-żgħar dedikati għas-sajd artiġjanali qrib il-kosta. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-użu ta’ sistemi alternattivi inqas għaljin;

25.

jenfasizza li din il-flotta mhux industrijali tintlaqat direttament mid-distorsjonijiet ikkawżati mis-suq globalizzat. F’dan ir-rigward, u fid-dawl taż-żieda fl-isforz bħala riżultat tat-titjib teknoloġiku, għandha terġa’ tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ għajnuna għal bini ġdid fil-kuntest tal-programmi ta’ aġġustament bil-għan li tinħoloq flotta kompetittiva li tkun adatta għall-opportunitajiet ta’ sajd disponibbli għal kull bastiment u tiżgura s-sigurtà tas-sajjieda minħabba d-diffikultà ta’ aċċess għall-postijiet tas-sajd. Barra minn hekk, ikun ta’ siwi kbir li jiddaħħal l-obbligu li t-tikketti jiddistingwu l-prodotti ta’ din il-flotta, u jindikaw l-oriġini tal-prodott b’mod li jkun faċli għall-konsumatur biex jifhem;

26.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromovi taħriġ xieraq għall-ħaddiema marittimi bil-għan li jiksbu ħiliet intraprenditorjali, marittimi u ambjentali kif ukoll għarfien dwar il-prattiki t-tajba tal-iġjene. B’hekk dawn ir-riżorsi umani jkunu jistgħu jibqgħu fiż-żoni li jiddependu mis-sajd u jkunu jistgħu jiddiversifikaw f’setturi oħra li huma ta’ interess għas-soċjetà ċivili, bħall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar jew l-għoti ta’ servizzi ta’ salvataġġ mill-baħar.

27.

jistieden lill-Kummissjoni tippromovi inizjattiva integrata għall-iżvilupp u t-titjib tal-infrastrutturi fil-gżejjer u r-reġjuni mbiegħda li jiddependu mis-sajd kostali fuq skala żgħira;

L-aħjar użu mis-sajd tagħna

28.

jaqbel mal-għan tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li fih l-Istati Membri aċċettaw l-Ogħla Rendiment Sostenibbli bħala objettiv li għandu jintlaħaq sal-2015. Dan l-objettiv għandu jkun prinċipju gwida fundamentali tal-PKS. Jilqa’ wkoll il-politika biex jiġi eliminat ir-rimi; jipproponi li ssir valutazzjoni tal-effetti tas-sajd industrijali li jintuża għall-ġwież tal-ħut fil-farms fuq l-ekosistema;

29.

jissuġġerixxi li l-Istati Membri jingħataw regolamentazzjoni aħjar tal-aċċess tal-flotta għal żoni ta’ interess speċjali għall-konservazzjoni, bil-ħsieb li l-istatus taż-żoni ta’ konservazzjoni jiġi rkuprat u jinżamm f’livelli favorevoli;

30.

iħeġġeġ li tiġi eżaminata aktar is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwoti bbażata fuq il-qabdiet, li tkun mibnija fuq id-dokumentazzjoni tas-sajjieda stess li tkun tista’ tiġi vverifikata;

31.

japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi bidla fis-sistema tal-ġestjoni tas-sajd, fuq il-bażi tal-limitazzjoni tal-ġranet li bastiment tas-sajd jista’ joħroġ jistad, jew bl-użu tas-sistema preżenti tas-sajd għal speċi waħda;

32.

jirrakkomanda li għal kull żona tas-sajd għandu jiġi evalwat liema sistema tal-ġestjoni tas-sajd taqbel l-aktar maż-żona inkwistjoni, l-ispeċijiet immirati u t-tip ta’ flotta. L-unità tal-ġestjoni għandha tkun iż-żona tas-sajd u l-ispeċijiet kollha li jinqabdu f’dik iż-żona ħlief dawk l-ispeċijiet li jpassu;

33.

ifakkar li biex jissolvew xi problemi jeħtieġ b’mod inevitabbli li jiġu introdotti inċentivi għas-sajjieda individwali u għall-assoċjazzjonijiet tagħhom (koġestjoni) bil-għan li jinkoraġġixxu lis-sajjieda jaħdmu b’mod responsabbli;

34.

jipproponi li jiġi introdott “ċertifikat għall-eċċellenza fis-sajd”, ivverifikat minn kumpanija barranija: bħalma jiġri fil-politika marittima, dan ikun jista’ jiggarantixxi li s-sajd jiżviluppa b’mod strettament konformi mal-leġiżlazzjoni;

35.

jemmen li hemm bżonn tiġi żviluppata sistema uniformi tar-rispett tar-regoli tas-sajd u tal-kontroll tas-sajd, billi jiġu stabbiliti mudelli konformi mal-istandards tal-ISO, bħall-ISO 17020;

36.

jirrakkomanda li s-sajd sportiv u dak rikreattiv jitqiesu bħala aspetti li qed isiru dejjem iktar importanti u li għandhom jiġu kkunsidrati fil-ġestjoni tas-sajd. Id-diversifikazzjoni tal-attività tas-sajd lejn it-turiżmu tas-sajd għandha tirrappreżenta opportunità potenzjali għas-sajjieda li huma kkwalifikati bħala kaptani kompatibbli ma’ din l-attività, u mezz li jassorbi l-impjiegi u li jnaqqas l-isforzi tas-sajd;

Stabbiltà relattiva u aċċess għas-sajd kostali

37.

jinnota li ħafna drabi l-applikazzjoni tal-istabbiltà relattiva setgħet wasslet għal żidiet fil-qabdiet totali permissibbli (TACs) li jaqbżu r-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi, żiedet ir-rimi u naqqset il-possibbiltajiet tal-użu razzjonali tar-riżorsi tas-sajd;

38.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-prinċipju tal-istabbiltà relattiva ma jiggarantixxix li d-drittijiet tas-sajd jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti possibbli. Hemm diskrepanza bejn il-kwoti allokati lill-Istati Membri u l-ħtiġijiet u l-użi reali tal-kwoti mill-flotot nazzjonali. Għaldaqstant, jirrakkomanda li l-prinċipju tal-istabbiltà relattiva jiġi rivedut, u li l-kwoti meħtieġa mill-flotot nazzjonali jiġu aġġustati skont id-disponibbiltà tad-drittijiet tas-sajd;

39.

huwa tal-fehma li fir-rigward tad-drittijiet trasferibbli tas-sajd, il-kwoti individwali amministrati jistgħu jkunu wieħed mill-approċċi, filwaqt li l-kwoti individwali trasferibbli jipperikolaw l-istabbiltà tas-settur. L-effett ewlieni tagħhom hu li jikkonċentraw il-kapaċità tas-sajd f’idejn xi kumpaniji kbar u jħaffu l-għajbien tas-sajjieda artiġjanali. Barra minn hekk, ikun paradossali li tiġi maħsuba sistema differenzjali għall-ġestjoni tal-flotot tas-sajjieda artiġjanali u fl-istess waqt id-drittijiet tas-sajd jitħallew biss għar-regoli tas-suq;

40.

jappoġġja l-inizjattiva li jinżammu r-restrizzjonijiet tal-possibbiltajiet tas-sajd ’il ġewwa mit-12-il mil nawtiku;

Il-kummerċ u s-swieq

41.

jaqbel mal-idea li jiġi garantit li l-prodotti tas-sajd kollha li jidħlu fis-suq Komunitarju, inklużi l-prodotti importati, ikunu ġejjin minn sajd ġestit b’mod sostenibbli, sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet indaqs fis-suq tal-UE; jissuġġerixxi li għandha ssir valutazzjoni preliminari tal-impatt ambjentali qabel ma tingħata liċenzja tas-sajd;

42.

jirrakkomanda li jiġu promossi inizjattivi li jiggarantixxu l-oriġini tal-prodotti tas-sajd, billi jitħeġġeġ l-użu ta’ tikketti għall-prodotti friski li jiċċertifikaw it-traċċabilità u l-oriġini;

43.

jikkunsidra li għandhom jiġu inkoraġġuti ċ-ċertifikati għall-eċċellenza fis-sajd, kemm rigward is-sajd kif ukoll rigward l-aspetti tat-tqegħid fis-suq, bħala garanzija għall-konsumaturi li r-riżorsi ġew rispettati b’mod rigoruż;

44.

jaqbel li s-sehem tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-ġestjoni tas-sajd għandu bżonn jissaħħaħ;

45.

jitlob li jkun hemm taħriġ kontinwu u li jiġu identifikati l-bżonnijiet ta’ taħriġ fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala fatturi ewlenin fit-titjib tal-kwalità tas-swieq tal-ħut;

L-integrazzjoni tal-PKS fil-kuntest usa’ tal-politika marittima

46.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li tiġi implimentata l-Politika Marittima Integrata bħala strument ewlieni sabiex isir il-progress fl-affarijiet marittimi li għandhom impatt qawwi fuq politiki settorjali oħra – b’mod partikolari l-PKS – dejjem fil-perspettiva tal-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni kostali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lis-sajd sostenibbli fil-ġejjieni u lill-aġġustament għat-tibdil fil-klima;

47.

jemmen li, b’konformità mal-prinċipju tal-Koeżjoni Territorjali, is-sopravivenza futura tal-komunitajiet kostali tiddipendi mid-diversifikazzjoni u t-twaqqif ta’ bażi ekonomika sostenibbli li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet li jikkonsolidaw it-talenti tal-ġenerazzjonijiet futuri minflok ma jiġu sfurzati jemigraw għal bliet ikbar għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

48.

jirrakkomanda li, fil-qafas tal-PMI, is-settur tas-sajd ikun jista’ jieħu sehem fit-tfassil u l-iżvilupp ta’ attivitajiet oħra li jikkomplementaw is-sajd, bħat-turiżmu tas-sajd (pereżempju s-sajd bħala delizzju jew l-osservazzjoni tal-balieni), il-ġlieda kontra t-tniġġis, is-servizzi ta’ salvataġġ jew it-tindif ta’ qiegħ il-baħar;

49.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni, tipprepara Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika (SIĠ) għall-fini tal-ippjanar tal-kosta;

50.

jemmen b’mod partikolari li s-Sħubijiet Lokali tal-Kosta li waqqfu l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati rilevanti jistgħu jkunu kruċjali biex jiżguraw li Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali hija effettiva u li titwettaq minn isfel għal fuq;

51.

jitlob lill-Kummissjoni tippromovi l-introduzzjoni ta’ kwalifiki multifunzjonali għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd, li jkunu validi madwar l-Ewropa kollha, li jippermettulhom jiddiversifikaw l-attivitajiet tas-sajd, u li jkunu kompatibbli ma’ attivitajiet professjonali oħra;

Il-bażi tal-għarfien għall-politika

52.

jilqa’ l-inizjattivi mmirati biex itejbu l-komunikazzjoni bejn ix-xjenzati, dawk li jfasslu l-politiki u l-partijiet ikkonċernati, partikolarment il-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura (ACFA) u l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs);

53.

jenfasizza li l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq data u għarfien solidu u affidabbli. Jaqbel mal-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward;

54.

jirrakkomanda li jinħoloq cluster dwar l-attività tas-sajd ibbażat fuq l-għarfien sabiex tkun tista’ titwaqqaf struttura dinamika, trasparenti u pubblika, li maż-żmien tibda sservi bħala portal għat-tixrid tal-għarfien dwar is-sajd fl-UE;

Politika strutturali u appoġġ finanzjarju pubbliku

55.

jaqbel li l-politika strutturali ġġenerat effetti mhux mixtieqa fis-settur tas-sajd u f’xi każi kompliet tiggrava l-problemi strutturali minflok solviethom. Jaqbel ukoll li r-riforma għandha tindirizza n-nuqqasijiet strutturali tas-settur, filwaqt li tistabbilixxi salvagwardji kontra kwalunkwe effett mhux mixtieq jew li jmur kontra l-PKS;

56.

jirrakkomanda li l-aċċess għall-għajnuna pubblika għandu jiġi regolat bl-istess mod kif sar fil-Politika Agrikola Komuni billi jiġi introdott il-prinċipju tal-kundizzjonalità. Sabiex tingħata l-għajnuna finanzjarja jridu jintlaħqu l-objettivi stabbiliti bħala kundizzjonijiet, filwaqt li l-penali u l-ħlasijiet lura jiġu regolati fl-istess ħin;

57.

jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ prattiki tas-sajd aktar selettivi u li jirrispettaw aktar l-ambjent. Madankollu, l-isforzi sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet reġjonali;

Id-dimensjoni esterna

58.

jikkunsidra li l-għan ewlieni fil-qafas tad-dimensjoni esterna tal-PKS għandu jkun li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi u ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku mil-lat tas-sostenibbiltà u tas-sajd responsabbli;

59.

jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li naqset l-importanza tal-fatt li tinżamm il-preżenza ta’ flotta Komunitarja fil-livell internazzjonali;

60.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni bidlet il-prinċipju ta’ “ħallas, stad u itlaq” bil-prinċipju tal-Ftehimiet tas-Sħubija tas-Sajd (FSS), li huma msejsa fuq approċċ aktar globali li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni, il-governanza u ċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Komunitarji barra l-UE. Il-ftehimiet dwar is-sajd ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE għandhom jinżammu bħala strument li jifforma l-adattazzjoni tas-settur tas-sajd, u għandhom jinkludu l-akkwakultura, l-investiment u l-kooperazzjoni bħala strumenti ta’ żvilupp;

61.

japprezza l-proposta li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiddaħħlu forom reġjonali ta’ kooperazzjoni fi żmien meta l-integrazzjoni reġjonali qed tiġi promossa bħala strument tal-iżvilupp;

62.

jenfasizza li l-Organizazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) huma strument ideali għall-governanza fis-settur, u jitlob li dawn ikollhom rappreżentazzjoni akbar u piż akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jissodisfaw kriterji speċifiċi bħall-popolazzjoni jew in-numru ta’ pajjiżi tal-UE;

63.

jemmen li l-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali hija meħtieġa għall-ġestjoni u l-kontroll tas-sajd fil-Mediterran, il-Baħar Baltiku u żoni marittimi oħra b’ilmijiet territorjali kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll ta’ pajjiżi terzi; b’hekk ikun hemm sfruttament bilanċjat tar-riżorsi li jinsabu f’ekosistema li hija mogħnija b’bijodiversità kbira iżda jidher ċar li hija fraġli;

64.

jappoġġja l-preparazzjoni ta’ miżuri biex tiġi introdotta sistema ta’ kontroll aktar integrata li tgħaqqad is-sistemi ta’ sorveljanza u monitoraġġ eżistenti, speċjalment fil-Mediterran. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tniedi proġett pilota inizjali għall-Mediterran, li mbagħad ikun jista’ jiġi estiż għall-Ewropa kollha;

65.

jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri u tal-pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE;

KOMUNIKAZZJONI DWAR IL-BINI TA’ FUTUR SOSTENIBBLI GĦALL-AKKWAKULTURA

Kummenti ġenerali

66.

jilqa’ l-Komunikazzjoni Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura (COM(2009) 162 finali), li tagħti spinta ġdida lill-Istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea (COM(2002) 511 finali), li bis-saħħa tagħha jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi – speċjalment fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali tal-produzzjoni u l-kwalità u s-sigurtà tal-prodott – li jiġi mmirat l-iżvilupp maġġuri potenzjali ta’ din l-attività;

67.

jikkunsidra li l-akkwakultura Komunitarja qed tgħin fil-forniment tas-suq Komunitarju tal-prodotti tas-sajd, li huwa kkaratterizzat minn defiċit dejjem jikber minħabba t-tnaqqis fil-kontributi mis-sajd u ż-żieda fid-domanda;

68.

huwa konxju tal-importanza soċjoekonomika tal-akkwakultura f’ċerti reġjuni, għaliex l-akkwakultura tiġġenera mal-65 000 impjieg u tirrappreżenta dħul ta’ aktar minn EUR 3 biljun;

69.

jaqbel li l-akkwakultura għandha tkompli tiġi promossa, u jilqa’ l-inizjattivi min-naħa tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament biex jinkoraġġixxu t-tkabbir tas-settur fil-qafas tal-PKS;

70.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-limiti għat-tkabbir kontinwu tal-akkwakultura Ewropea, bħall-aċċess għall-ispazju meħtieġ għall-iżvilupp, id-diffikultà biex jinkisbu l-liċenzji, il-frammentazzjoni ta’ settur li għadu relattivament mhux organizzat, u l-bosta restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-kapital, flimkien ma’ regoli Komunitarji stretti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni mal-produtturi Asjatiċi u tal-Amerika t’Isfel;

71.

jilqa’ l-isforzi finanzjarji li qed tagħmel l-UE, permezz tal-politika strutturali tagħha, biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura u jipproponi li jiġi definit il-“prinċipju ta’ kundizzjonalità” għas-settur tas-sajd, li jistabbilixxi kriterji speċifiċi: ambjentali, tas-sigurtà tal-ikel, tat-trattament xieraq tal-annimali, eċċ. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-kriterji, l-aċċess għall-għajnuna pubblika jiġi limitat u/jew projbit;

Kummenti dwar l-inizjattiva

Il-bini tal-ġejjieni tas-settur tal-akkwakultura

72.

jaqbel li l-UE għandha tieħu sensiela ta’ miżuri biex tiffaċilita l-iżvilupp kompetittiv tas-settur sabiex ikun jista’ jissodisfa d-domanda dejjem tikber għall-ħut li ma tistax tiġi sodisfatta permezz tal-istokkijiet tal-ħut selvaġġ;

73.

jaqbel li l-UE għandha tassumi rwol ta’ tmexxija fir-“revoluzzjoni l-blu”, li tikkonċerna kemm il-produzzjoni tal-ħut kif ukoll it-teknoloġija u l-innovazzjoni, filwaqt li jitwaqqfu wkoll korpi ta’ ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE biex jiggarantixxu l-eċċellenza fil-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE; jemmen li l-UE għandha tassumi rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ metodi ekoloġiċi għat-trobbija tal-ħut u għandha tippromovi l-akkwakultura biss fiż-żoni fejn tista’ ssir b’mod li jkun sostenibbli mil-lat ekoloġiku u fejn jista’ jiġi żgurat li l-ambjent marittimu jiġi ppreservat għall-ġejjieni;

74.

japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li jiġi stabbilit qafas adattat ta’ politiki u azzjonijiet għall-iżvilupp tal-akkwakultura, li jgħin biex jitneħħew l-ostakli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, speċjalment fir-rigward tat-twaqqif tiegħu fiż-żoni kostali fuq l-istess livell ma’ attivitajiet oħra u l-għoti tal-permessi, u jwitti t-triq ’il quddiem ta’ dan is-settur strateġiku;

75.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, tħejji pjan direzzjonali għall-2010 li jistabbilixxi l-limiti għat-tkabbir tal-akkwakultura u jidentifikahom skont ir-reġjun, u biex tippromovi l-introduzzjoni ta’ rapporti tekniċi fil-qafas tal-PMI, ta’ żoni għall-iżvilupp tal-akkwakultura, u tal-infrastruttura meħtieġa għall-portijiet;

76.

jitlob li jkun hemm aċċess aktar faċli għall-politiki tal-assigurazzjoni bil-għan li jassiguraw mill-ġdid is-sitwazzjoni ekonomika – li sikwit tkun fraġli – ta’ dawn il-produtturi, u mhux idgħajfuha;

Il-promozzjoni tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-akkwakultura

77.

japprova l-ħolqien tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fl-Akkwakultura Ewropea (European Aquaculture Technology and Innovation Platform – EATIP), li ser tippermetti li l-akkwakultura Ewropea żżomm ir-rwol tagħha ta’ tmexxija fil-livell dinji, u ser tipprovdi lis-settur linji gwida strateġiċi dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, u li tippromovi t-tfittxija ta’ metodi tas-sajd u akkwakultura sostenibbli;

78.

jitlob li l-EATIP tiġi promossa bħala forum li jħeġġeġ ir-riċerka u l-iżvilupp bil-għan li jitfasslu miżuri għal sajd u akkwakultura sostenibbli, u li din il-Pjattaforma tifforma netwerk ta’ pjattaformi nazzjonali individwali tal-akkwakultura, is-sajd u l-oċeanografija li jwasslu l-preokkupazzjonijiet lokali marbuta mar-riċerka u l-iżvilupp minn isfel għal fuq, u li jxerrdu l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji emerġenti fil-livell lokali;

79.

jissottolinja l-importanza tal-ippjanar tat-territorju marittimu meta jiġu pprovduti żoni u linji gwida biex jiġi deċiż il-post tal-akkwakultura. L-ippjanar adegwat tat-territorju jfisser li t-tkabbir tal-akkwakultura jkun jista’ jiġi pprogrammat, il-potenzjal tal-produzzjoni tagħha jiġi evalwat, il-kunflitti ma’ utenti oħra tal-kosta u taż-żoni kontinentali jiġu evitati, u jkunu jistgħu jiġu promossi sinerġiji bejn l-attivitajiet u l-ambjenti fl-aktar żoni li jiddependu minn dan it-tip ta’ attività, minn perspettiva tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali, ekonomika u tas-suq;

80.

jappoġġja l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards tal-kwalità u tal-ittikkettjar informattiv fiż-żona Ewropea, kif ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-ittikkettjar u ċ-ċertifikazzjoni;

81.

jaqbel dwar il-bżonn li tiġi estiża d-dimensjoni internazzjonali tal-akkwakultura Ewropea, u li titlesta t-triq għall-pjani ta’ kontroll tal-mard li jassiguraw produzzjoni sigura mil-lat żootekniku;

82.

jitlob li jsir sforz finanzjarju proporzjonat mal-isfidi li qed tiffaċċja l-akkwakultura tal-UE u mal-istennijiet li tqajjem;

83.

iħeġġeġ li ssir analiżi tal-programmi ta’ taħriġ fil-qasam marittimu u tas-sajd, u li ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet f’perijodu medju ta’ żmien. B’rabta ma’ dan, jitlob li jitħejja pjan direzzjonali għall-Istati Membri, bħala parti minn qafas Ewropew tal-moviment ħieles tal-professjonisti, sabiex it-taħriġ f’dan is-settur jiżdied u l-Ewropej isiru konxji tal-akkwakultura;

L-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli tal-akkwakultura

84.

jaqbel mal-impenn tal-UE li tassigura l-kompatibbiltà bejn l-akkwakultura u l-ambjent, filwaqt li jiġu assigurati prodotti tajbin għas-saħħa, siguri u ta’ kwalità għolja, b’miżuri biex jiġu protetti ż-żoni ta’ produzzjoni b’konformità mad-Direttiva Qafas 2000/60/KE dwar l-Ilma, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-ilma fiż-żmien stabbilit, u mal-PMI, u miżuri biex jiġu kkontrollati l-iżviluppi tal-ħut maħrub;

85.

jikkunsidra li sabiex il-produzzjoni tal-akkwakultura tikber b’mod sostenibbli, jeħtieġ li jittieħdu passi fl-oqsma tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, id-disponibbiltà ta’ mediċini veterinarji ġodda għall-akkwakultura kif ukoll ta’ għalf ta’ kwalità għolja li jkun aċċettabbli mil-lat ambjentali għall-ħut;

86.

jitlob li ssir reviżjoni tal-istat tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri tad-Direttiva 88/2006 dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura, u li tinħoloq SIĠ dwar il-mard tal-produzzjoni tal-akkwakultura madwar id-dinja;

87.

iħeġġeġ li ssir leġiżlazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ reġistru tal-produzzjoni tal-akkwakultura, li jipprovdi lill-pubbliku stampa aġġornata dwar il-produzzjoni tal-akkwakultura, iż-żrigħ awtorizzat u l-oriġini u d-densità taż-żrigħ, u l-programmi tas-saħħa li jkunu qed jiġu żviluppati;

88.

jikkunsidra li huwa meħtieġ li jitfasslu protokolli għall-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjoni għall-immersjoni taż-żgħar tal-ħut, id-dikjarazzjonijiet ta’ mard, in-notifiki tal-ħarbiet, l-informazzjoni dwar il-produzzjonijiet, il-valutazzjoni tal-pjani ta’ sorveljanza ambjentali, u l-kontroll u d-dokumenti dwar is-saħħa għall-moviment tal-ħut bit-triq jew bil-bastiment; kif diġà jsir għall-ispeċijiet tal-annimali l-oħra;

89.

iħeġġeġ impenn finanzjarju akbar: għall-kontrolli ambjentali tal-fish farms; għall-implimentazzjoni ta’ programmi biex tittejjeb saħħet l-annimali; għall-aġġustamenti tal-metodi tal-akkwakultura biex jittejjeb it-trattament xieraq tal-annimali; u għar-riċerka dwar mediċini veterinarji u dwar l-użu ta’ materja prima alternattiva għall-produzzjoni tal-għalf għall-ħut;

90.

jappoġġja l-idea li tiġi żgurata s-saħħa tal-konsumatur u li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji tal-ikel akkwatiku għas-saħħa;

It-titjib tal-immaġni u tal-governanza tas-settur

91.

jappoġġja l-inizjattiva li tissaħħaħ il-governanza fis-settur tal-akkwakultura bħala mezz li jtejjeb l-immaġni tiegħu, u li jinħolqu kundizzjonijiet indaqs fl-UE li jwasslu għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura. Għal dan il-għan, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tfassal gwida għat-titjib tal-governanza fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura;

92.

japprova l-proposta li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi implimentata b’mod bilanċjat, u li jinxtered l-għarfien tal-istrumenti tagħha u tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li tissokta l-ħidma fil-proċeduri ta’ semplifikazzjoni amministrattiva u f’dawk maħsuba biex inaqqsu l-piż amministrattiv;

93.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jsir segwitu adegwat tal-attività fis-settur tal-akkwakultura permezz ta’ statistiċi affidabbli, indikaturi globali u armonizzati u netwerk pubbliku dwar il-prezzijiet tas-suq;

94.

jipproponi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi unità inkarigata mill-valutazzjoni u l-kontroll tal-akkwakultura fi ħdan l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd;

95.

jerġa’ jenfasizza l-importanza tal-professjonalizzazzjoni u t-taħriġ sabiex jinkiseb livell għoli ta’ governanza;

96.

huwa lest li jservi ta’ forum u garanti biex jiżgura l-involviment u t-tgħarrif tal-pubbliku dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-akkwakultura, sabiex jikkontribwixxi, flimkien mal-Kummissjoni, għal governanza aħjar fis-settur tal-akkwakultura.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/45


Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika dwar il-foresti: il-miri tal-20/20/20

2010/C 141/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ sensiela ta’ attivitajiet u inizjattivi politiċi tal-UE li jkunu jobbligaw lill-Istati Membri li jġibu l-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-foresti konformi mal-objettivi tal-UE;

jenfasizza li s-settur tal-foresterija u tal-injam joffri potenzjal sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2020 u jemmen li għandu jiġi eżaminat aktar l-użu possibbli mid-dħul tas-sistema għall-iskambju tal-kwoti (ETS) biex jappoġġjaw l-inizjattivi f’dan il-qasam;

jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta’ foresti multifunzjonali;

jilqa’ l-inizjattivi tal-UE biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-friegħi u l-weraq mejta, li fihom kważi 90 % tat-traċċi tas-sustanzi li l-pjanti jassorbu fil-proċess tal-assimilazzjoni u l-bini tal-massa tal-injam, huma proporzjon mill-bijomassa li tinħasad fl-UE. Dan jista’ jwassal għat-tfaqqir tal-ħamrija;

jaqbel għal kollox mal-inizjattivi kollha biex jintuża’ l-injam u prodotti oħra tal-foresti li jiġu minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli. B’mod partikolari, dan japplika għall-materjal għall-enerġija u għall-materja prima; iħeġġeġ li fil-livelli differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet jiġi kkunsidrat li tiġi stabbilita data għad-dħul tal-obbligu taċ-ċertifikazzjoni madwar l-UE;

jirrakkomanda li r-reġjuni li jdaħħlu politiki sostenibbli dwar il-foresti li jtaffu t-tibdil fil-klima jiġu appoġġjati: inċentivi għan-negozji fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa, sussidji għall-innovazzjoni, kuntratti preferenzjali għall-bejgħ ta’ prodotti forestali, assistenza teknika u teknoloġika u sussidji għall-ħarsien ambjentali.

Relatur

:

Is-Sur Adam Banaszak (PL/UEN-EA), Membru tal-assemblea reġjonali tal-Kujawsko-Pomorskie

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rakkomandazzjonijiet ewlenin

1.

jinnota li l-foresti – li jaħżnu iktar minn nofs il-karbonju tad-dinja fil-bijomassa tagħhom – jistgħu jiġġieldu t-tibdil fil-klima, u għalhekk id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti huma perikolużi għall-ambjent u l-klima tagħna. Għalhekk huwa assolutament vitali li nsegwu politika ta’ foresterija li tkun sostenibbli;

2.

jemmen li l-ekosistemi naturali jinsabu f’bilanċ delikat u li d-diversità tal-ħajja tal-pjanti u l-annimali hija kruċjali għas-saħħa u l-benesseri tagħna. Il-foresti indiġeni/naturali huma abitati importanti u għandhom jiġu mmexxija skont il-liġijiet tal-foresti u dawk reġjonali. Għaldaqstant, l-Istati Membri u r-reġjuni għandu jkollhom il-possibbiltà li jieħdu deċiżjoni kontra t-tħawwil ta’ speċijiet ta’ siġar u pjanti ġenetikament modifikati;

3.

jilqa’ l-promozzjoni mill-Kummissjoni tal-użu tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija u japprezza l-appoġġ li l-Kumitat Permanenti dwar il-Foresti għal dan it-tip ta’ azzjoni. Dan wassal għal żjieda, anke jekk hija żgħira wisq, fil-proporzjon ta’ enerġija rinnovabbli prodotta minn dan is-sors. Fl-istess waqt, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-friegħi u l-weraq mejta, li fihom kważi 90 % tat-traċċi tas-sustanzi li l-pjanti jassorbu fil-proċess tal-assimilazzjoni u l-bini tal-massa tal-injam, jirrappreżentaw proporzjon mill-bijomassa li tinħasad fl-UE. Proporzjon kbir wisq jista’ jwassal għat-tfaqqir tal-ħamrija. Dan għandu jitqies ukoll meta jingħażel il-metodu għall-ħsad tal-injam. F’siti tal-foresti kritiċi, li diġà ftit li xejn għandhom nutrijenti, il-friegħi u l-parti ta’ fuq tas-siġra għandhom jibqgħu fil-post minn fejn tinqata’ s-siġra u/jew fil-foresta;

4.

jenfasizza li s-settur tal-foresterija u l-injam joffri potenzjal sinifikanti biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-2020. Dan għad irid jiġi sfruttat kompletament, speċjalment il-potenzjal biex il-proporzjon tal-bijomassa tal-foresti li jintuża bħala materja prima u materjal fil-produzzjoni tal-enerġija jiżdied b’mod sostanzjali, inkluż it-tħawwil ta’ siġar li jikbru malajr. Jinnota li l-użu tal-injam bħala materja prima u għall-produzzjoni tal-enerġija jaħdem kontra t-tibdil fil-klima billi jaħżen il-karbonju (ħżin fl-injam), inaqqas l-enerġija għall-produzzjoni meta mqabbel ma’ materjal tal-bini ieħor, inaqqas l-enerġija għat-tisħin matul ix-xitwa u l-enerġija għat-tkessiħ matul is-sajf (iżolazzjoni tal-injam) kif ukoll jissostitwixxi l-karburanti fossili fil-produzzjoni tat-tisħin u tal-elettriku (karburanti tal-injam, riċiklaġġ termiku tal-injam qadim). Għandu jiġi eżaminat aktar x’użu possibbli jista’ jsir mid-dħul tas-sistema għall-iskambju tal-kwoti (ETS) għall-appoġġ ta’ dawn l-inizjattivi u ta’ oħrajn;

5.

huwa tal-fehma li hemm bżonn li tingħata spinta b’mod raġonevoli lill-foresterija għall-intensifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ injam biex jinħadem li fl-istess ħin ser twassal għal żieda fl-injam għall-enerġija;

6.

filwaqt li jinnota n-nuqqas ta’ politika komuni dwar il-foresti, iqis li l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Foresti tal-UE għall-2007–2011 huwa ċaqliqa fid-direzzjoni t-tajba għall-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, jirrakkomanda, li x-xogħol ħalli l-attivitajiet transsettorjali tal-foresterija tal-Kummissjoni Ewropea jiddaħħlu f’qafas legali u strutturali adatt jibda mingħajr dewmien biex jippermetti ħidma koordinata f’dan il-qasam wara l-2011. Barra milli jiġi indikat pjan ta’ azzjoni għas-snin ta’ wara, jista’ jitwaqqaf korp koordinat tal-UE fil-qasam tal-politika dwar il-foresti tal-UE;

7.

jappoġġja d-disponibbiltà ta’ informazzjoni u korsijiet ta’ taħriġ għas-sidien tal-foresti dwar l-opportunitajiet li toffri l-foresterija li titmexxa skont il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u għalhekk tieħu ħsieb kemm il-ħarsien tal-bijodiversità kif ukoll il-produzzjoni ta’ siġar ta’ kwalità u l-kultivazzjoni ta’ speċi ta’ siġar li jikbru malajr għall-iskopijiet tal-enerġija. Jirrakkomanda li s-sidien tal-foresti jingħataw appoġġ komprensiv li jinkludi pariri u appoġġ finanzjarju biex jilħqu dawn l-objettivi;

8.

jappoġġja riċerka u inizjattivi xjentifiċi mmirati li jiżviluppaw ħsad tal-injam u teknoloġiji tal-produzzjoni li jkollhom impatt ambjentali inqas qawwi mill-metodi tradizzjonali (inkluż it-tħawwil ta’ siġar għall-użu tal-enerġija), kif ukoll dawk li jnaqqsu l-ispejjeż tal-ġestjoni waqt li jippromovu l-iżvilupp sostenibbli;

9.

jilqa’ u japprezza r-riżultati tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni volontarja eżistenti, u jappoġġja ż-żamma tagħhomu jirrakkomanda li jissaħħu b’mod wiesa’ b’miżuri oħra fosthom l-istrumenti finanzjarji: aktar tard, iċ-ċertifikati għandhom jikkontribwixxu wkoll bħala strument għat-trażżin tal-kummerċ illegali tal-injam u l-prodotti tal-injam; jissuġġerixxi li dan għandu jkun parti minn sforzi akbar lejn iċ-ċertifikazzjoni fuq skala globali. Jirrakkomanda li, b’konformità ma’ inizjattivi bħall-FLEGT (Forest Law Enforcement Governance and Trade), l-importazzjoni jew il-pussess tal-injam li jkun ġie prodott illegalment f’pajjiżi barra l-UE jsiru illegali. Madankollu jfakkar li l-kondizzjonijiet legali u ekonomiċi għaċ-ċertifikazzjoni u l-istatus ta’ Natura 2000 ivarjaw ħafna madwar l-Istati Membri u r-reġjuni differenti; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti tal-injam mhux dejjem tappoġġja bl-aħjar mod possibbli l-objettivi superjuri tal-ġestjoni taż-żoni protetti. Għalhekk jirrakkomanda li jitqiesu dawn id-differenzi u l-ħtiġijiet tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

10.

jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni ta’ foresti multifunzjonali li flimkien mal-ħidma prinċipali fil-qasam tal-produzzjoni tal-injam, joffru attivitajiet oħra ta’ importanza partikolari kemm għall-foresti kif ukoll għall-ekonomija, bħat-turiżmu, attivitajiet ta’ benesseri, konservazzjoni u divertiment, il-kaċċa kif ukoll il-ġbir tal-frott tal-foresti u ta’ prodotti oħra tal-foresti (bħal-linfa, il-qoxra, is-sufra eċċ.); Huwa possibbli li wieħed ikabbar l-importanza ekonomika ta’ attivitajiet mhux produttivi bħal dawn filwaqt li fl-istess ħin titwessa’ l-bijodiversità tal-abitati naturali; dan isaħħaħ l-iżvilupp taż-żoni rurali;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika tal-foresti tal-UE;

L-aktar metodi effettivi biex il-bijomassa tintuża għall-iskopijiet tal-enerġija

12.

jirrakkomanda li jiżdied b’mod sinifikanti l-livell ta’ appoġġ mill-UE għat-tħawwil ta’ siġar li jikbru malajr skont metodi ta’ sostenibbiltà ambjentali għall-iskopijiet tal-enerġija li, bil-ħolqien ta’ suq tax-xogħol addizzjonali, jgħin biex iż-żoni rurali jerġgħu jieħdu l-ħajja, u jista’ jkun fattur ta’ żvilupp ekonomiku ta’ xi mikroreġjuni;

13.

fid-dawl tal-mira tal-20/20/20, jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw f’ambitu wiesa’ biex il-bijomassa tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija ħalli jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni totali tal-enerġija; madankollu, jenfasizza li l-iżvilupp tal-injam għall-enerġija għandu jkun punt ta’ tħassib għar-reġjuni kemm mil-lat tal-provvista tal-karburant (ġestjoni speċifika tal-foresti fuq il-bażi tal-karatteristiċi taż-żoni) kif ukoll mil-lat tad-domanda (tħeġġiġ ta’ suq lokali għall-karburant magħmul mill-injam min-naħa ta’ operaturi privati u pubbliċi miż-żona);

14.

jappella biex jiġi promoss aktar l-użu tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija u biex il-Kumitat Permanenti dwar il-Foresti jappoġġja dan it-tip ta’ azzjoni; madankollu jirrakkomanda li jittieħdu xi miżuri biex jiġi limitat il-proporzjon ta’ friegħi u weraq mejta fil-bijomassa maħsuda;

15.

jindika li l-livell ta’ interess muri fil-produzzjoni u l-użu ta’ bijoenerġija li ġejja mill-injam jiddependi mill-ambjent ekonomiku f’termini ta’ tassazzjoni eċċ. fl-Istati Membri kif ukoll il-livell ta’ sussidji għall-promozzjoni tal-użu tal-karburanti li ġejjin mill-injam u l-impostazzjoni ta’ dan l-appoġġ. Dan is-sostenn jikkontribwixxi biex jitħaffef il-pass tal-iżvilupp fiż-żoni rurali u jwassal għall-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent naturali f’dawn ir-reġjuni. Jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politika ta’ taxxa tagħhom ma titrattax il-bijokarburanti b’mod sfavorevoli meta mqabbla mal-karburanti fossili;

Żoni rakkomandati għall-azzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni 2007–2011

16.

jilqa’ l-inizjattivi tal-UE biex iwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, li jiġġieldu kemm it-tibdil fil-klima kif ukoll it-telf ta’ żoni li huma disponibbli għall-iffissar tad-dijossidu tal-karbonju;

17.

jinnota b’sodisfazzjon l-effetti tal-iskema ta’ monitoraġġ żviluppata għall-preżervazzjoni tal-foresti peress li l-istat ta’ dawn il-foresti u l-vitalità tagħhom jistgħu jikkontribwixxu lejn rati ta’ assorbiment għoli tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-istabbiltà fil-klima;

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-metodi ta’ ġestjoni tal-foresti li dejjem qed jitjiebu f’numru ta’ Stati Membri, fejn materjal organiku mejjet jittieħed għall-użu tal-bijoenerġija b’mod raġonevoli, skont iċ-ċertifikazzjoni u r-regoli ta’ Natura 2000, u b’hekk jgħinu fil-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti. Dan qed isir b’rispett xieraq lejn il-prinċipji ta’ ekonomija sostenibbli u n-natura multifunzjonali taż-żoni forestali;

19.

jilqa’ sensiela ta’ attivitajiet u inizjattivi politiċi tal-UE li jkunu jobbligaw lill-Istati Membri li jġibu l-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-foresti konformi mal-objettivi tal-UE;

20.

meta wieħed iqis li kopertura ikbar mill-foresti żżid l-assorbiment tas-CO2, li għalhekk għandhom effett pożittiv fuq l-istabbiltà tal-klima tagħna, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li jingħataw aktar fondi għaż-żamma u t-titjib tal-foresti attwali u għar-riforestazzjoni tal-art u l-proċessi tat-tiħwil u tal-indukrar fi ħdan il-qafas tal-politika ta’ żvilupp rurali; f’dan il-kuntest jinsisti li dan l-appoġġ għandu jingħata bil-kondizzjoni li ma jwassalx għad-deterjorament tal-bijodiversità;

21.

iqis il-fatt li f’ċerti pajjiżi jew reġjuni fl-UE, in-nirien tal-foresti jirrappreżentaw it-theddida ewlenija għall-konservazzjoni tal-ekosistemi tal-foresti, li jikkonsistu minn injam u art b’siġar żgħar jew arbuxelli (scrubland); barra minn kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli, dawn in-nirien huma r-riżultat ta’ akkumulazzjoni eċċessiva ta’ materjal li jista’ jieħu n-nar minħabba l-użu limitat jew l-abbandun ta’ żoni ta’ foresti minħabba li ma joffrux profitti kbar; dan iwassal għal sitwazzjoni fejn in-nirien jilħqu intensità iktar qawwija u jkunu iktar feroċi, u għaldaqstant biex dawn jintfew huwa estremament diffiċli. Huwa importanti li nippromovu u nipprovdu appoġġ għall-applikazzjoni tal-forestrija preventiva, li jfisser li żoni ta’ foresti jsiru iktar reżistenti għat-tixrid ta’ nirien billi jieħdu miżuri biex jitnaqqas u jinbidel il-materjal tal-pjanti li huwa kombustibili u jinħolqu u jinżammu strixxi tal-art vojta kontra t-tixrid tan-nirien (fire-breaks). Il-bijomassa żejda minn dawn il-miżuri għandha tintuża għall-produzzjoni tal-enerġija rinovabbli, biex b’hekk tgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2;

22.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri jridu jiġu mħeġġa biex ikomplu jiżviluppaw in-netwerk ta’ monitoraġġ, filwaqt li jikkunsidraw l-esperjenza li s’issa kien hemm dwar il-monitoraġġ tal-ħsara li ssir min-nirien tal-foresti, l-infestazzjonijiet tal-insetti u tal-faqqiegħ u l-għargħar, li huma kollha ta’ ħsara għas-saħħa u l-vitalità tal-foresti;

23.

jirrakkomanda li l-Istati Membri u r-reġjuni li jdaħħlu politiki sostenibbli dwar il-foresti li jtaffu t-tibdil fil-klima jiġu appoġġjati. Għandha tingħata preferenza lill-inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali ffukati fuq l-introduzzjoni ta’ inċentivi għan-negozji fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxa, sussidji għall-innovazzjoni, kuntratti preferenzjali għall-bejgħ ta’ prodotti forestali, assistenza teknika u teknoloġika u sussidji għall-ħarsien ambjentali;

24.

jirrakkomanda l-promozzjoni mifruxa tal-prodotti tal-injam, li tiżgura l-ħażna fit-tul tal-karbonju assorbit waqt il-proċess tal-assimilazzjoni tas-CO2 mill-uċuħ tal-foresti, b’mod partikolari fil-kostruzzjoni;

25.

jisħaq fuq il-ħtieġa li diġà ssemmiet, għal approċċ ta’ politika transsettorjali li tkun ikkoordinata tajjeb fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-UE u internazzjonali li tkun tista’ tqis b’mod adatt l-iżviluppi globali, bil-ħsieb li r-riżorsi tal-foresti jiġu ġestiti b’mod li huwa verament sostenibbli, filwaqt li l-istrateġiji għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jiġu integrati ma’ miżuri xierqa ta’ adattament. Għalhekk, jappella lill-UE biex tassumi aktar ir-rwol ta’ tmexxija fil-komunità internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li ttieħdu fil-qafas tal-UNFCCC u l-Protokoll ta’ Kyoto u l-appoġġ għall-adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima (Azzjoni Prinċipali 6 tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-2007–2011); jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq Mekkaniżmu Globali tal-Karbonju tal-Foresti (GFCM) skont il-qafas tal-UNFCCC, ibbażat fuq skema ta’ finanzjament permanenti, u jipproponi li sehem kbir mir-rikavat tal-irkantar tal-kwoti fi ħdan l-UE ETS jintuża fil-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

26.

jindika l-ħtieġa li l-politika dwar il-foresti trid tiġi appoġġjata aktar, peress li hija marbuta mill-qrib mal-objettivi li tiżdied l-effiċjenza enerġetika b’20 % sal-2020 u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju; mill-banda l-oħra, dan hu marbut ma’ kemm hi kbira l-arja li hi okkupata mill-foresti, li jiksu kważi 35 % tal-art fl-Ewropa; bil-għan li tintlaħaq din l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ser ikun essenzjali li jiġi appoġġjat l-użu termiku tal-bijomassa minflok il-produzzjoni tal-enerġija elettrika; sabiex dan jintlaħaq ser ikun neċessarju li miżuri ta’ sorveljanza jinkludu informazzjoni dwar il-prestazzjoni dinjija tal-enerġija, peress li dan huwa l-użu l-iktar effiċjenti tal-bijomassa;

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jitrażżnu l-aġenti bijotiċi u abijotiċi, fosthom dawk li joriġinaw mill-attività tal-bnedmin, kif inhu indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Foresti għall-2007–2011;

28.

jinnota l-eżistenza ta’ firxa ta’ soluzzjonijiet effettivi li ddaħħlu mill-UE, li għandhom ikomplu jiġu żviluppati, billi jitwessa’ d-dibattitu biex jiġu inklużi u eżaminati l-ideat ġodda ta’ esperti minn għadd ta’ pajjiżi, partikolarment dawk li huma fl-avangwardja fil-foresterija, flimkien mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali miż-żoni fejn dan is-settur huwa partikolarment importanti;

29.

japprezza s-sehem importanti tal-MCPFE – il-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa – fl-identifikazzjoni u l-pubbliċizzar tal-kwistjonijiet forestali madwar l-Ewropa, fosthom fl-UE, u jirrakkomanda kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ dan il-korp;

30.

jirrakkomanda, li jibda x-xogħol ħalli l-attivitajiet transsettorjali tal-foresterija tal-Kummissjoni Ewropea jiddaħħlu f’qafas legali u strutturali adatt biex tkun possibbli ħidma koordinata fil-qasam tal-politika Ewropea dwar il-Foresti li tkun ta’ importanza primarja wara li jiskadi l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2007–2011;

31.

minħabba fin-natura transsettorjali tal-kwistjonijiet forestali, jirrakkomanda li tibda’ l-ħidma biex jitwaqqaf korp responsabbli għall-politika tal-UE dwar il-foresti li jkollu l-istrumenti finanzjarji meħtieġa;

It-tilħiq tal-objettivi permezz tal-edukazzjoni

32.

huwa favur il-kampanji edukattivi u ta’ informazzjoni dwar il-ħarsien tal-ambjent, iżda jinnota li għadu ma sarx biżżejjed biex il-pubbliku jiġi sensibilizzat dwar il-vantaġġi ta’ foresterija sostenibbli; Dan wassal biex fl-UE ma nftiehemx għal kollox kif din tista’ tgħin l-iżvilupp taż-żoni rurali;

33.

jirrakkomanda li jiżdiedu l-isforzi għal programmi edukattivi u ta’ informazzjoni – b’mod partikolari dawk li jimmiraw kemm lejn is-sidien kif ukoll l-amministraturi tal-foresti - – dwar il-foresterija sostenibbli u l-kontribut potenzjali li l-bijomassa tal-foresti tista’ tagħti biex jintlaħqu l-objettivi tal-20/20/20;

L-appoġġ xjentifiku bħala kondizzjoni bażika biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti

34.

ix-xjenza u l-foresterija għandhom rwol ewlieni fil-proċess ta’ adattament għat-tibdil fil-klima billi jimmodifikaw il-prattiki marbuta direttament mal-kultivazzjoni tal-foresti, permezz tal-għażla tal-ispeċi tas-siġar adatti għal lokalità partikolari, u r-ritorn mill-ġdid ta’ tipi ta’ foresti li joffru flessibbiltà akbar quddiem it-tibdil fil-klima. Permezz ta’ dan tista’ tiġi affettwata b’mod konsiderevoli l-protezzjoni li joffru l-foresti tal-muntanji, b’mod partikolari, kontra l-perikli tan-natura;

35.

jappoġġja l-inizjattivi ta’ riċerka xjentifika li jesploraw il-potenzjal għall-enerġija ta’ diversi speċi ta’ siġar u l-metodi ta’ kultivazzjoni tagħhom, l-adattabilità għal kundizzjonijiet klimattiċi u ġeografiċi differenti u t-titjib ġenetiku, li jwasslu għal livelli għoljin ta’ bijomassa mill-foresti kemm għall-produzzjoni tal-injam kif ukoll għal skopijiet tal-enerġija, u li jagħmluha possibbli li jiżdied l-ammont li jinħasad għaż-żewġ skopijiet; madankollu, fl-istess ħin għandhom jiġu analizzati u vvalutati b’mod sistematiku l-konsegwenzi ekoloġiċi wkoll;

Iċ-ċertifikazzjoni bħala parti minn foresterija sostenibbli

36.

jaqbel għal kollox mal-inizjattivi kollha biex jintuża’ l-injam u prodotti oħra tal-foresti li jiġu minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli. B’mod partikolari, dan japplika għall-materjal għall-enerġija u għall-materja prima. Jappoġġja wkoll iċ-ċertifikazzjoni biex tiżgura l-ġestjoni tajba taż-żoni tal-foresti u jwaqqfu d-dħul fis-suq ta’ injam li l-oriġini tiegħu mhijiex magħrufa; iżda jenfasizza wkoll ir-rwol ta’ ġestjoni li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

37.

jappoġġja l-isforzi għal ċertifikazzjoni globali tal-injam u l-prodotti tal-injam, bħalma hi l-inizjattiva FLEGT, li tikkumbatti l-qtugħ illegali tal-injam, jekk din tibbaża fuq is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni li bħalissa qegħdin fis-seħħ (PEFC jew FSC), kif ukoll inizjattivi oħra biex jintlaħaq ftehim dwar il-ġlieda kontra dat-tip ta’ attività li, flimkien ma’ miżuri oħra li jagħtu preferenza lill-prodotti li ġejjin minn kumpaniji ċċertifikati, jistgħu jkunu mezz effettiv biex jitwaqqaf il-kummerċ ta’ injam u prodotti tal-injam illegali;

38.

iħeġġeġ li fil-livelli differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet jiġi kkunsidrat li tiġi stabbilita data għad-dħul tal-obbligu taċ-ċertifikazzjoni madwar l-UE;

Attività ekonomika marbuta mal-bijodiversità u l-multifonzjonalità tal-foresti

39.

meta wieħed iqis li bijodiversità ikbar issaħħaħ ir-reżistenza tal-foresti, li tippermetti użu ikbar tal-potenzjal ta’ dawn l-abitati, jinnota l-importanza li tingħata prijorità lil dat-tip ta’ azzjonijiet (it-twessigħ tal-bijodiversità), filwaqt li jitqiesu b’mod dovut il-multifunzjonalità tal-foresti u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom u għal dan il-għan jissuġġerixxi li t-tħawwil il-ġdid ikun ġestit fuq il-bażi tal-prinċipji tas-sostenibbilità ambjentali li tipproteġi l-ħamrija, il-flora u l-fawna;

40.

jenfasizza li l-foresti jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inter alia permezz ta’ ġestjoni multifunzjonali, peress li jaħżnu 77 % tal-karbonju tad-dinja fil-bijomassa tagħhom, u għandhom rwol fundamentali fiċ-ċiklu globali tal-karbonju, billi jirregolaw iċ-ċikli bijoloġiċi u jħarsu l-ħamrija u l-ilma; għaldaqstant, ikun impossibbli li jintlaħaq xi wieħed mill-objettivi ambjentali jekk il-foresti ma’ jingħatawx attenzjoni speċjali;

41.

jitlob lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea biex fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Foresti, fl-2011, jagħtu spinta qawwija lis-settur tal-foresti u l-injam.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


III Atti preparatorji

Il-Kumitat tar-Reġjuni

It-82 sessjoni plenarja fit-3 u l-4 ta’ Diċembru 2009

29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/50


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal u Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi

2010/C 141/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel mal-fehma li l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal, fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin ma’ forom oħrajn ta’ sfruttament bħal dak tat-tallaba, l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) jew it-tneħħija tal-organi, huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod speċjali tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tat-tfal, u jeħtieġ li jkun hemm approċċ konġunt li ma jafx kompromessi min-naħa tal-UE;

huwa konxju li immaġnijiet pornografiċi tal-abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament sesswali tat-tfal, qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għadhom ma ttiħdux miżuri rapidi u effettivi biżżejjed b’risposta għal dan. Għaldaqstant jeħtieġ rispons xieraq fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet għal persunal rilevanti tal-aġenzija fil-livell lokali u reġjonali, sabiex dawn l-attivitajiet jiġu identifikati u evitati;

jaqbel li l-pieni għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati mal-gravità tar-reat, anke bil-għan li l-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jkunu iktar effettivi, u jitjiebu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali;

jappoġġja l-fehma li reati kriminali serji bħall-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament marbuta mat-traffikar, jesiġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi, il-ħarsien tat-tfal vittmi, u l-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan il-fenomenu, inklużi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi;

ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hija kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali; għalhekk huwa importanti ħafna li l-aġenziji lokali jkunu fuq quddiem f’din il-ġlieda. L-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li taħdem bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-NGOs.

Relatur

:

Is-Sur Ján Oravec (SK/PPE), Sindku ta’ Štúrovo

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal li tħassar id-Deċiżjoni-Qafas 2004/68/JHA

COM(2009) 135 finali

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi li tirrevoka d-Deċiżjoni Kwadru 2002/629/JHA

COM(2009) 136 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jaqbel mal-fehma li l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pornografija tat-tfal, fil-kuntest tat-traffikar tal-bnedmin ma’ forom oħrajn ta’ sfruttament bħal dak tat-tallaba, l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) jew it-tneħħija tal-organi, huma ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod speċjali tad-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u tad-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989), u jeħtieġ li jkun hemm approċċ konġunt li ma jafx kompromessi min-naħa tal-UE;

2.

jisħaq li peress li l-livelli lokali u reġjonali huma l-eqreb għaċ-ċittadini jistgħu jkunu l-ewwel punt ta’ kuntatt għall-vittmi tal-abbuż sesswali. Allokazzjoni mtejba tar-riżorsi tikkontribwixxi lejn parteċipazzjoni aktar komprensiva fil-politika, flimkien ma’ strateġiji li jiġġieldu dan il-fenomenu;

3.

huwa konxju li immaġnijiet pornografiċi tal-abbuż sesswali tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament sesswali tat-tfal, qed jiżdiedu u jinfirxu permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u għadhom ma ttiħdux miżuri rapidi u effettivi biżżejjed bħala rispons għal dan. Għaldaqstant jeħtieġ rispons xieraq fil-livelli kollha, inkluż l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet għal persunal rilevanti tal-aġenzija fil-livell lokali u reġjonali, sabiex dawn l-attivitajiet jiġu identifikati u evitati;

4.

id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal, li għandhom dimensjoni transkonfinali mdaqqsa, tqarreb il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri sabiex jiġu kkriminalizzati l-forom l-iktar serji ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal u biex tiġi estiża l-ġuriżdizzjoni lokali u jingħata livell minimu ta’ għajnuna għall-vittmi – wara, kif ukoll qabel, ma tgħaddi s-sentenza;

5.

huwa tal-fehma li l-Protokoll mhux obbligatorju tan-NU tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal, u b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tat-Tfal mill-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali huma passi kruċjali fil-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħu miżuri iktar attivi biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa;

6.

jappoġġja l-fehma li reati kriminali serji bħall-abbuż sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u forom oħra ta’ sfruttament marbuta mat-traffikar, jesiġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi, il-ħarsien tat-tfal vittmi, u l-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan il-fenomenu, inklużi miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u miżuri edukattivi. Kwalunkwe miżura sabiex jiġu miġġielda dawn ir-reati għandha ssir fl-aħjar interess u b’rispett tad-drittijiet tat-tfal. Id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/JHA trid tiġi sostitwita minn strument ġdid li jipprovdi qafas legali komprensiv sabiex jintlaħaq dan il-għan u jipproteġi lit-tfal fl-Istati Membri kollha minn kriminali mill-Istati Membri kollha;

7.

jappoġġja l-fehma li forom serji ta’ abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal għandhom ikunu soġġetti għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn jinkludu, b’mod partikulari, forom ġodda ta’ abbuż u sfruttament sesswali li jiġu faċilitati mill-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Id-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal trid tiġi kkjarifikata wkoll biex titqarreb lejn dik li tinstab fl-istrumenti internazzjonali. Ir-regoli ta’ proċedura jridu jiġu armonizzati wkoll sabiex jiġi żgurat li l-kriminali jiġu ttrattati l-istess, u fuq kollox, jiġi evitat dewmien mhux neċessarju li jista’ jdgħajjef id-dimensjoni ta’ riabilitazzjoni tas-sentenza;

8.

għandhom jiġu faċilitati l-investigar tar-reati u t-tressiq ta’ proċeduri kriminali, u għandha titqies id-diffikultà li jiffaċċjaw it-tfal vittmi biex jirrappurtaw abbuż, barra mill-anonimità tal-persuni ħatja fl-ispazju ċibernetiku. Għandu jiġi stabbilit mandat ċar għall-investigar, bil-materjal u l-ġurisdizzjoni territorjali ddefiniti b’mod ċar;

9.

huwa tal-fehma li biex ikunu jistgħu jagħtu kontribut effettiv f’din il-ġlieda, il-pulizija muniċipali u komunali, li għandhom fehim sod tal-kuntest lokali u li jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fit-tkixxif ta’ din l-attività kriminali, għandu jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data, għandhom ikunu mħarrġa biex jidentifikaw dan it-tip ta’ attività kriminali u fl-aħħar mill-aħħar għandhom jingħataw poteri adegwati;

10.

jaqbel li regoli dwar il-ġurisdizzjoni għandhom jiġu emendati sabiex ikun żgurat li dawk li jabbużaw jew jisfruttaw sesswalment mit-tfal li huma ċittadini tal-Unjoni Ewropea jitressqu quddiem il-qorti anke jekk wettqu r-reati tagħhom barra mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikulari fil-kuntest tal-hekk imsejjaħ turiżmu sesswali. Madankollu, l-UE trid teżerċita wkoll l-influwenza politika u ekonomika tagħha sabiex ikun hemm ambjent legali simili fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE;

11.

jaqbel li t-tfal vittmi għandu jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u m’għandhomx ibatu għax jipparteċipaw fi proċeduri kriminali. It-teknoloġiji varji disponibbli għall-ġbir tax-xhieda tal-vittmi għalhekk għandhom jintużaw bħala proċedura normali, b’mod speċjali fil-każ tat-tfal. Dan se jnaqqas il-bżonn ta’ dikjarazzjonijiet ripetuti jew kuntatt dirett bejn il-vittmi u min wettaq ir-reat;

12.

jirrikonoxxi li, sabiex tiġi evitata u minimizzata r-reċidività, dawk li jikkommettu dawn ir-reati għandhom dejjem ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ta’ kemm huma perikolużi u tar-riskji possibbli li jirrepetu reati sesswali kontra t-tfal, barra milli għandu jkollhom aċċess għal programmi jew miżuri ta’ intervenzjoni effettivi fuq bażi volontarja, li fihom l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom ikunu involuti b’mod attiv;

13.

jipproponi li, fejn il-ħatja huma perikolużi u fejn hemm ir-riskju li dawn iwettqu reati oħra, huma għandhom jitwaqqfu, b’mod temporanju jew permanenti, milli jipparteċipaw f’attivitajiet li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet fl-UE għandha tiġi faċilitata u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fil-proċess;

14.

sabiex tiġi miġġielda l-pornografija tat-tfal, speċjalment fejn il-materjal oriġinali ma joriġinax fl-UE, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jwaqqfu l-aċċess, fit-territorju tal-Unjoni, għal paġni tal-internet li huma identifikati bħala paġni li fihom jew li minnhom tixxerred il-pornografija tat-tfal;

15.

b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, din id-Deċiżjoni Qafas tillimita lilha nnifisha għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi fil-livell Ewropew u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan;

16.

jinnota li din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament u l-pieni inumani jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt tal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-ħarsien tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess legali ġust u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità fil-każ ta’ reati kriminali u pieni. B’mod partikulari, din id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiżgura rispett sħiħ lejn dawn id-drittijiet. Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandiex l-għan li tirregola l-attivitajiet sesswali konsenswali bejn persuni minorenni;

17.

ifakkar li t-traffikar tal-bnedmin hija kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali; għalhekk huwa importanti ħafna li l-aġenziji lokali jkunu fuq quddiem f’din il-ġlieda. L-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li taħdem bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha tal-gvern, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-NGOs;

18.

jaqbel li t-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju, li ta’ sikwit jitwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant jappoġġja approċċ olistiku, komuni u bla kompromessi tal-UE, u jikkunsidra li dan huwa wieħed mill-ħidmiet prijoritarji tiegħu;

19.

jappoġġja l-impenn tal-Unjoni Ewropew lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni li jiġu ttraffikati. Għal dan il-għan, ġew adottati d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/JHA tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-prevenzjoni tiegħu (2005/C311/01);

20.

jilqa’ l-fatt li din id-Deċiżjoni Qafas tadotta approċċ integrat u olistiku għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Prevenzjoni, prosekuzzjoni u ħarsien tad-drittijiet tal-vittmi iktar rigorużi, huma objettivi ewlenin ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Minħabba l-età tagħhom, it-tfal jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ periklu, għax huma iktar vulnerabbli u għalhekk iktar fir-riskju li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-aħjar interessi tat-tfal, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989;

21.

huwa konxju li l-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Tranżnazzjonali Organizzatau l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2005 kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, huma passi kruċjali fil-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Sabiex jissaħħaħ il-proċess ta’ tqarrib tal-leġiżlazzjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tadotta d-definizzjoni wiesgħa tar-reat inkluża fl-istrumenti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa msemmija hawn fuq. Id-definizzjoni tkopri t-tipi differenti ta’ vittma – mhux biss nisa iżda wkoll tfal u anke rġiel, flimkien mal-forom varji ta’ sfruttament – mhux biss sesswali iżda wkoll marbuta max-xogħol, id-drawwa li wieħed jittallab u l-involviment f’netwerks tal-kriminalità minuri (petty crime) taż-żgħażagħ, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet tat-tneħħija tal-organi, li jista’ jkollu rabta mat-traffikar tal-organi u jikkostitwixxi ksur serju tad-dinjità tal-bniedem u tal-integrità fiżika;

22.

jaqbel li l-pieni għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati mal-gravità tar-reat, anke bil-għan li l-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jkunu iktar effettivi, u jitjiebu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali. Ċirkustanzi aggravanti għandhom iqisu l-ħtieġa biex jiġu protetti b’mod partikolari vittmi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli inklużi t-tfal vittmi u l-adulti li huma vulnerabbli minħabba ċirkostanzi personali, jew il-konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi tar-reat; fi kwalunkwe każ, tinħtieġ il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha li jaħdmu għall-protezzjoni tal-minorenni u ta’ dawk li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u hemm bżonn ukoll investigazzjoni effiċjenti min-naħa tal-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi u qrati effettivi;

23.

jappoġġja l-fehma li l-vittmi għandhom ikunu protetti mill-prosekuzzjoni u minn pieni, wara deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, għal attivitajiet kontra l-liġi li kienu involuti fihom b’konsegwenza diretta tal-fatt li kienu soġġetti għal kwalunkwe mezz illegali li jintuża mit-traffikanti, bħall-ksur tal-liġijiet tal-immigrazzjoni, l-użu ta’ dokumenti foloz jew reati stipulati mil-liġijiet tal-prostituzzjoni. Madankollu, iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu ġġudikati b’mod konsistenti u b’sensittività. Għan addizzjonali ta’ din il-protezzjoni huwa li huma jiġu mħeġġa jkunu xhieda fi proċeduri kriminali;

24.

waqt li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2001 dwar il-parteċipazzjoni tal-vittmi fi proċeduri kriminali (2001/220/JHA) tistabbilixxi sensiela ta’ drittijiet tal-vittmi fi proċeduri kriminali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni u l-kumpens, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bl-istess mod jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għalhekk hemm bżonn ta’ miżuri speċfiċi fir-rigward tagħhom. Dawn il-vittmi, li jbatu mill-konsegwenzi tal-attivitajiet kriminali relatati mat-traffikar tal-bnedmin, inkluża t-tneħħija tal-organi, għandhom ikunu protetti mill-intimidazzjoni u minn vittimizzazzjoni sekondarja, jiġifieri aktar vittimizzazzjoni jew trawmi minħabba l-mod kif il-proċedura kriminali titwettaq. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti mezzi speċifiċi sabiex jiġu żgurati protezzjoni u kumpens effettivi;

25.

jemmen li l-vittmi għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv. Għalhekk lill-vittmi għandha tingħatalhom għajnuna xierqa – f’xi każijiet obbligatorja b’mod universali – qabel, matul u wara l-proċeduri kriminali. Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu l-għajnuna lil kull vittma, li għandha twassalhom sal-irkupru u għall-protezzjoni tagħhom;

26.

jinsab konvint li t-traffikar tal-bnedmin iġib miegħu ħafna flus u jakkumula ġid kbir għall-kriminali involuti f’din l-attività illegali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-assi kkonfiskati mingħand il-kriminali biex iħallsu għal servizzi terapewtiċi u ta’ integrazzjoni addizzjonali għal dawn it-tfal;

27.

waqt li d-Direttiva 2004/81/KE tagħti dispożizzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li huma ta’ nazzjonalità minn pajjiż terz, u d-Direttiva 2004/38/KE tirregola l-eżerċizzju tad-dritt li ċittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom ikunu ħielesa jiċċaqlaqu u jgħixu fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż il-protezzjoni mill-espulsjoni, din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixi miżuri protettivi speċifiċi għal kull vittma tat-traffika tal-bnedmin u ma tittrattax il-kundizzjonijiet tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri jew kwalunkwe kwistjoni oħra li hija kompetenza Komunitarja;

28.

huwa tal-fehma li barra minn miżuri disponibbli għall-adulti, kull Stat Membru għandu jiżgura li miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni jkunu disponibbli għat-tfal vittmi;

29.

jilqa’ l-inizjattiva li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u/jew isaħħaħ il-politiki għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi miżuri li jiskoraġġixxu d-domanda għal kull tip ta’ sfruttament, permezz tar-riċerka, l-informazzjoni, l-edukazzjoni ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji tal-mezzi tax-xandir fl-Ewropa kollha li jippromovu definizzjoni olistika tat-traffikar u jiġġieldu l-“vittimizzazzjoni sekondarja”. Fi ħdan dawn l-inizjattivi kull Stat Membru għandu jadotta perspettiva msejsa fuq is-sess tal-persuna kkonċernata u approċċ li jqis sew id-drittijiet tat-tfal;

30.

[Id-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- … li tagħti dispożizzjoni għal standards minimi fuq sanzjonijiet kontra dawk li jimpjegaw persuni ta’ minn pajjiżi terzi li huma fil-pajjiż illegalment] tagħti dispożizzjoni għal pieni għal dawk li jimpjegaw persuni minn pajjiż terzi li huma fil-pajjiż illegalment li, minkejja li mhumiex ħatja ta’ traffikar tal-bnedmin, jużaw ix-xogħol jew is-servizzi ta’ persuna meta jkunu jafu li din il-persuna kienet vittma tat-traffikar. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom iqisu l-possibilità li jimponu sanzjonijiet fuq dawk li jużaw kwalunkwe servizz li jingħata minn vittma, meta wieħed kien jaf li l-persuna ġiet ittraffikata;

31.

jaqbel mal-proposta li permezz tagħha għandhom jiġu stabbiliti sistemi nazzjonali ta’ monitoraġġ bħal Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti li jiġbru d-data u jwettqu evalwazzjonijiet dwar it-tendenzi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, ikejlu r-riżultati tal-politika kontra t-traffikar, u joffru servizz ta’ konsulenza lill-gvernijiet u lill-parlamenti dwar l-iżvilupp ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin;

32.

jinnota l-ħtieġa li jiġu indirizzati wkoll ir-raġunijiet għalfejn gruppi organizzati jistgħu jittraffikaw il-bnedmin. Dawn ir-raġunijiet huma prinċipalment id-disperazzjoni u s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li ta’ sikwit ma tkunx sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Ħafna vittmi huma litteralment mogħtija lil dawn il-gruppi organizzati bil-prospett ta’ titjib fis-sitwazzjoni tagħhom. Il-gruppi mbagħad jisfruttaw il-vittmi tagħhom bħala ħaddiema illegali, prostituti, tallaba, u għat-teħid ta’ organi tal-ġisem u attivitajiet illegali oħrajn;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet kriminali u l-orġini tagħhom kif ukoll il-monitoraġġ tal-ambjent kriminali jistgħu jiġu ffaċilitati sew mill-pulizija muniċipali u komunali li għandhom fehim iddettaljat tal-ambjent lokali. Iżda biex dan isir, dawn għandu jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data, għandhom jitħarrġu biex jidentifikaw dan it-tip ta’ attivitajiet kriminali u għandhom jingħataw poteri adegwati;

34.

jappoġġja bil-qawwa l-miżuri tal-Unjoni Ewropea biex twaqqaf l-immigrazzjoni illegali, peress li l-immigranti illegali huma vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin;

35.

jirrikonoxxi li peress li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk, jista’ jintlaħaq aħjar, minħabba l-iskala u l-effetti, fil-livell tal-Unjoni, l-UE tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv;

36.

jinnota li din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u notevolment id-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol sfurzat u t-traffikar tal-bnedmin, il-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattament u l-pieni inumani jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt tal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-ħarsien tad-data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess legali ġust u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità fil-każ ta’ reati kriminali u pieni;

37.

jirrikonoxxi l-fatt li persuni ttraffikati huma invarjabbilment trawmatizzati u stigmatizzati mill-esperjenzi tagħhom u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali bosta drabi jġorru l-piż tar-responsabbiltà għas-servizzi ta’ rijabilitazzjoni u rilokazzjoni. Dan ir-rwol għandu jiġi rikonoxxut u għandhom isiru disponibbli riżorsi adegwati sabiex jgħinu fil-proċess.

II.   RAKKOMANDAZZJONI SABIEX TITRESSAQ EMENDA

Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi, Artikolu 10(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-vittmi għandhom ikunu mogħtija l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri, fil-qafas tal-proċeduri kriminali, biex ikunu jistgħu jirkupraw u jaħarbu mill-influwenza ta’ min wettaq ir-reat, inkluż billi jkunu pprovduti b’akkomodazzjoni sikura u għajnuna materjali, il-kura medika meħtieġa, inkluż għajnuna psikoloġika, counselling u tagħrif, għajnuna biex tippermetti li d-drittijiet u l-interessi tagħhom ikunu ppreżentati u kkunsidrati fil-proċeduri kriminali u servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta’ min hu l-iktar vulnerabbli.

Il-vittmi għandhom jingħataw l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ mill-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali ta’ min hu l-iktar vulnerabbli.

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


29.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/55


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) u t-trattament ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

2010/C 141/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob li d-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jobbligaw (mhux biss iħeġġu) lill-produtturi biex ifasslu prodotti li faċli jissewwew, jiġu żarmati, użati mill-ġdid jew irkuprati. Il-ħlas li jitolbu l-iskemi ta’ konformità għandu jkun relatat ma’ kemm prodott speċifiku jistax jerġa’ jintuża jew jiġi riċiklat;

jitlob li r-rata ta’ ġbir tiġi applikata għal kull kategorija ta’ prodott individwalment u jirrakkomanda li tiġi kkalkulata f’relazzjoni maċ-ċiklu tal-ħajja medju tal-EEE; l-Istati Membri għandhom jissalvagwardjaw kontra l-introduzzjoni tal-WEE iż-żgħir fl-iskart li ma jiġix separat;

isejjaħ għal obbligu ċar u li jinftiehem faċilment mill-produtturi biex jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-ġbir tal-WEEE u tal-faċilitajiet tal-ġbir. L-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur, fejn jidħlu l-ispejjeż marbuta mal-ġbir separat mid-djar, għandha tkun obbligatorja biex tkun żgurata aktar armonizzazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja u jinħolqu kundizzjonijiet indaqs fl-UE;

jitlob għall-introduzzjoni ta’ mira separata ta’ 5 % għall-użu mill-ġdid, b’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Dan jista’ jgħin biex jitneħħew id-deterrenti attwali għall-użu mill-ġdid tal-prodotti rkuprati, u jiżgura l-użu mill-ġdid ta’ kwalità tat-tagħmir;

jitlob li l-ispejjeż globali tar-rimi tal-WEEE li jkollu sustanzi perikolużi, li jseħħ b’tali mod li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent, jiġu inkorporati fil-prezz tal-prodott; jiddispjaċih li ma ddaħħal l-ebda punt ġdid fil-lista ta’ sustanzi projbiti fl-Appendiċi IV tad-Direttiva RoHS;

jitlob li tingħata iktar attenzjoni lir-rwol tal-programmi edukattivi dwar l-ambjent, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni li tista’ tkun kruċjali biex tissawwar l-imġiba tal-konsumatur.

Relatur

:

Is-Sur Jerzy Zająkała (PL/UEN-EA), Sindku ta’ Łubianka

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (riformulazzjoni)

COM(2008) 809 finali

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (riformulazzjoni)

COM(2008) 810 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Kunsiderazzjoni tad-dimensjoni lokali u reġjonali

Kummenti ġenerali

1.

jafferma l-importanza li tiġi żgurata regolamentazzjoni adegwata tal-ġestjoni tal-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) fid-dawl tal-impatt sinifikanti li għandha fuq is-saħħa u l-ambjent.

2.

jenfasizza li fil-maġġoranza tal-Istati Membri huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika tal-ġestjoni tal-iskart tal-UE. Huma jippjanaw, joħorġu l-permessi u jmexxu t-trattament tal-iskart u s-sistemi ta’ ġbir u għalhekk għandhom jaqdu rwol ċentrali fil-proċess tal-iżvilupp ta’ approċċi u proposti ġodda fis-settur tal-iskart.

3.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tfassal mill-ġdid id-direttivi eżistenti u li tqis l-opinjoni preċedenti tas-sena 2000 tal-Kumitat li talbet tnaqqis fl-ispejjeż żejda u l-burokrazija kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet u talbet ukoll titjib fl-effikaċja u b’mod partikolari azzjoni sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ dan il-fluss ta’ skart li qed jiżdied b’mod rapidu.

4.

jafferma li l-politika ambjentali Komunitarja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Ir-responsabbiltà tal-produttur, li ġejja direttament minn dan il-prinċipju, hija prinċipju ċentrali tal-ġestjoni tal-iskart u wieħed mis-sisien tad-Direttiva tal-WEEE.

5.

jiġbed l-attenzjoni li t-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-WEEE qed iddum u li b’riżultat ta’ dan l-awtoritajiet lokali u reġjonali mhux qed jirċievu struzzjonijiet ċari u fil-ħin dwar kif għandhom jimplimentaw ir-regolamenti b’mod korrett.

6.

jitlob li d-Direttiva l-ġdida tal-WEEE tiżgura li l-iskemi ta’ konformità jipprovdu kumpens adegwat u kontinwu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti għal kwalunkwe piżijiet finanzjarji jew amministrattivi li ser iġarrbu maż-żmien sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw id-Direttiva.

B.   Regolamentazzjoni aħjar

Konsiderazzjoni konġunta tad-Direttivi dwar il-WEEE u l-RoHS

7.

jikkunsidra li ż-żewġ direttivi għandhom kemm jista’ jkun jiġu eżaminati flimkien b’referenza għal regoli oħra tal-UE dwar dan għax huwa dan l-uniku approċċ li ser jippermetti soluzzjonijiet adegwati għall-problemi.

Armonizzazzjoni tal-liġi – il-ħolqien ta’ sistemi koerenti

8.

jantiċipa li dawk kollha li huma involuti fil-katina tal-iskart (il-produtturi, id-distributuri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali) ser ikunu kapaċi jaslu għal pożizzjoni komuni fir-rigward tar-responsabbiltà tagħhom tal-ġbir tal-WEEE tad-djar. Is-sitwazzjoni attwali, fejn jeżistu numru ta’ approċċi differenti fid-diversi Stati Membri differenti twassal għal divrenzjar mhux ġustifikat fl-ispejjeż li jġarrbu dawn il-parteċipanti li, min-naħa tagħhom, joħolqu distorsjoni fir-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, jaċċetta li l-metodi tal-ġbir jistgħu jvarjaw minn reġjun għal ieħor skont il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi lokali.

9.

jikkonferma li r-riformulazzjoni tad-direttivi tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. In-natura transnazzjonali tal-impatt fuq is-saħħa u l-ambjent kemm tal-EEE kif ukoll tal-WEEE u l-moviment ħieles tal-prodotti fis-suq ifissru li l-livell regolatorju adatt huwa l-livell tal-UE. L-inizjattivi individwali tal-Istati Membri jistgħu jwasslu għal protezzjoni ambjentali mnaqqsa u problemi relatati mas-suq intern, pereżempju żieda fl-ispiża minħabba l-konformità għall-produtturi u l-konsumaturi.

10.

jikkonferma li l-għan tad-Direttiva RoHS huwa li żżid il-koerenza u s-sinerġiji ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li hija rilevanti u li taffettwa l-istess prodotti, b’mod partikolari d-Direttiva REACH. Il-kjarifika dwar l-ambitu u d-definizzjonijiet, l-introduzzjoni ta’ klawżoli armonizzati relatati mal-infurzar u t-titjib tal-mekkaniżmu għall-għoti ta’ eżenzjonijiet għar-restrizzjonijiet se jżidu ċ-ċertezza legali.

11.

jilqa’ l-iskop armonizzat tad-direttivi u d-definizzjoni tal-Artikolu 2 u 3 tad-Direttiva WEEE rispettivament. Regolamenti ċari u konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam ser itejbu ċ-ċarezza legali u jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi.

12.

jara elementi pożittivi fl-armonizzazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-produtturi tal-EEE; madankollu, jiġbed l-attenzjoni li f’bosta Stati Membri s-sistema ta’ reġistrazzjoni attwali ġiet introdotta matul dawn l-aħħar erba’ snin u swiet ħafna. Qabel ma tiġi introdotta skema ta’ reġistrazzjoni ġdida għandha tittieħed azzjoni li teżamina l-effikaċja tagħha. Huwa jinnota wkoll li r-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikomplu jintlaħqu.

13.

jilqa’ r-rekwiżiti minimi ta’ spezzjoni għall-Istati Membri u r-rekwiżiti minimi ta’ monitoraġġ għat-trasport ta’ prodotti WEEE sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva WEEE. Fl-istess waqt iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jiġu allokati biżżejjed riżorsi lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni, inkluż appoġġ għat-taħriġ ta’ persunal inkarigat mill-infurzar. Barra minn hekk, in-netwerk IMPEL (1) għandu jkun involut fit-tfassil tar-rekwiżiti minimi ta’ spezzjoni.

14.

jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ċari dwar l-ispezzjoni u l-monitoraġġ ta’ kemm l-iskemi kollettivi u individwali jikkonformaw ma’ rekwiżiti bħal dawn jew dispożizzjonijiet dwar kif il-produtturi individwali għandhom jikkonformaw mal-obbligi ta’ finanzjament tagħhom skont id-Direttiva.

15.

jiddispjaċih li t-tfassil mill-ġdid ma kkunsidrax biżżejjed l-idea li jitħeġġeġ suq pan-UE għall-prodotti riċiklati u rkuprati. Dan jista’ jitħeġġeġ permezz ta’ miżuri adattati min-naħa tad-domanda (Akkwist Pubbliku Ekoloġiku, inċentivi għax-xiri ta’ materjal riċiklat, pereżempju permezz ta’ taxxa fuq l-użu ta’ materja prima meta seta’ intuża materjal riċiklat). Dan jista’ jkun pożittiv fir-rigward tat-tnaqqis tal-impatt tal-WEEE u jagħti kontribut sabiex tiżdied il-kunfidenza tal-pubbliku fil-fatt li l-WEEE qed jiġi indirizzat tajjeb.

C.   Azzjoni għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi u l-promozzjoni ta’ attitudnijiet ekoloġiċi

16.

jitlob li tingħata iktar attenzjoni lir-rwol tal-programmi edukattivi dwar l-ambjent, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-etajiet kollha u adattati għall-kundizzjonijiet lokali u t-tendenzi tal-konsum. Azzjoni effettiva fil-qasam tista’ tkun ċentrali sabiex tissawwar l-imġiba tal-konsumatur. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni bħal din.

17.

jitlob lill-UE u l-Istati Membri sabiex iniedu u jappoġġjaw riċerka xjentifika dwar il-ġestjoni effettiva tal-prodotti rkuprati u l-komponenti tagħhom u dwar l-identifikazzjoni ta’ metodi effettivi ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-imġiba ekoloġika.

18.

jitlob lill-UE u l-Istati Membri sabiex jappoġġjaw azzjoni għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur u l-iskambju tal-aħjar prattika fl-Istati Membri u r-reġjuni.

D.   Tfassil mill-ġdid tad-Direttiva WEEE

19.

iqis li huwa importanti ħafna li l-arranġamenti tal-irkupru tal-WEEE ma jvarjawx abbażi tal-valur tal-materjal ikkonċernat.

20.

jinnota li hemm bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu mill-ġdid tal-prodotti li ma jaqgħux mill-ewwel taħt il-kategorija ta’ skart (u għalhekk m’għandhomx jgħoddu għat-twettiq tal-miri) u l-użu mill-ġdid tal-prodotti li huma kkunsidrati bħala skart, jiġifieri oġġetti meħuda mill-faċilitajiet ta’ ġbir tal-awtorità lokali. Jiġbed l-attenzjoni għal kemm huwa diffiċli li jsir monitoraġġ tal-kundizzjoni tal-WEEE li jinġabar fis-siti lokali u jinnota li fil-każ ta’ tagħmir qadim u ineffiċjenti, ir-riċiklaġġ ikun iktar adatt mill-użu mill-ġdid.

21.

jilqa’ l-kjarifika tal-iskop ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u l-ispeċifikazzjoni ċara tal-kategoriji u t-tipi ta’ EEE fl-annessi tad-Direttiva RoHS. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-problemi li jistgħu jinqalgħu fil-klassifikazzjoni tal-merkanzija ta’ użu doppju. Jitlob għalhekk li dawn il-prodotti jiġu klassifikati bħala WEEE tad-djar. Jekk dan it-tip ta’ klassifikazzjoni ma jiġix introdott, f’ċerti każijiet jista’ jwassal għal trasferiment mhux ġustifikat tal-ispejjeż u nuqqas ta’ finanzjament għall-WEEE tad-djar. Din il-klassifikazzjoni ser iġġib magħha iktar ċarezza u sigurtà għall-produtturi.

22.

jitlob li d-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jobbligaw (mhux biss iħeġġu) lill-produtturi biex ifasslu prodotti li faċli jissewwew, jiġu żarmati, użati mill-ġdid jew irkuprati, biex b’hekk ikun hemm inqas skart mormi fl-impjanti ta’ miżbla jew ta’ inċinerazzjoni. Ta’ min jikkunsidra l-introduzzjoni ta’ sistema abbażi ta’ inċentivi li jippremjaw lill-produtturi talli jeċċedu r-rata ta’ rkupru speċifikata stabbilita għall-grupp ta’ prodotti tagħhom.

23.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal problema fl-applikazzjoni tar-rata tal-ġbir fis-sistemi kollettivi. Meta r-rata ta’ ġbir tiġi applikata f’sistema (kollettiva) sħiħa (għat-tagħmir kollu) hekk kif tipproponi l-Kummissjoni Ewropea, tista’ tirriżulta f’effetti mhux mixtieqa. F’dan il-każ wisq probabbli l-iskemi ta’ konformità ser jiffukaw l-ewwel fuq it-tagħmir tqil (li jikkawża l-iktar toqol fil-flussi ġġenerati) iktar milli fuq it-tagħmir li ma jiżinx wisq. Din ir-rata ta’ ġbir m’għandhiex toħloq mekkaniżmu li jiffoka fuq it-tagħmir tqil iktar milli fuq tagħmir li għandu impatt kbir fuq l-ambjent. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ jeħtieġ li tal-inqas tapplika rata ta’ ġbir għal kull kategorija individwali ta’ prodott.

24.

jirrikonoxxi li l-bidla fil-metodu użat għall-kalkolu tar-rata tal-ġbir tal-WEEE – ibbażata fuq persentaġġ ta’ użin medju ta’ tagħmir fis-suq minflok il-kalkolu eżistenti ta’ kilogramma r-ras – tirrappreżenta pass fit-triq it-tajba. Madankollu, il-perijodu ta’ sentejn sabiex tiġi kkalkulata l-medja ma jqisx iċ-ċiklu tal-ħajja attwali ta’ ċerti prodotti tal-EEE, li ħafna drabi jkun ħafna iktar minn sentejn. Jinnota wkoll li ċiklu tal-ħajja itwal għall-EEE ser inaqqas il-problema tal-iskart, li għandu jwassal sabiex il-konsumaturi jagħżlu għal tagħmir ta’ dan it-tip.

25.

jirrakkomanda wkoll li l-mira tiġi kkalkulata f’relazzjoni maċ-ċiklu tal-ħajja medju tal-EEE u mhux f’relazzjoni mal-bejgħ ta’ prodotti ġodda tas-sentejn ta’ qabel. Il-perijodu ta’ sentejn biex tiġi kkalkulata l-medja jidher li huwa kemxejn arbitrarju u jaf ikollu impatt mhux mixtieq fuq l-ambjent, speċjalment billi hemm varjazzjoni konsiderevoli bejn iċ-ċikli tal-ħajja tad-diversi tipi ta’ tagħmir elettriku u elettroniku.

26.

jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-mira għadha bbażata fuq il-piż, li ma jirriflettix l-impatt ambjentali tal-prodotti u jenfasizza d-diffikultà biex il-konsumaturi jitħeġġu jirriċklaw it-tagħmir żgħir. Jinnota li tagħmir ta’ dan it-tip jintrema f’reċipjenti tal-iskart muniċipali u b’hekk isib ruħu f’siti tar-rimi tal-iskart. Għaldaqstant, jitlob li t-tagħmir żgħir jiġi inkluż fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva.

27.

jenfasizza li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” ifisser li l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-WEEE għandhom jitħallsu mill-konsumatur permezz tal-produttur tat-tagħmir elettriku u elettroniku u mhux minn min iħallas it-taxxa, prinċipalment permezz tal-awtoritajiet lokali. Huwa jimplika għalhekk li l-produtturi tat-tagħmir elettriku u elettroniku huma responsabbli mill-ispejjeż tal-ġbir, il-ġestjoni u t-trattament tal-WEEE kif ukoll l-ispejjeż tal-informazzjoni u d-disinn tal-prodott aġġornat. Il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur huwa bażi għal kooperazzjoni tajba u ċara bejn il-produtturi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva.

28.

jinnota t-tħassib li tqajjem mill-produtturi (2) li jisħqu li għalkemm huwa sew li jinżammu responsabbli biex jintlaħqu l-miri tal-ġbir, il-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw dan il-proċess hija limitata, speċjalment rigward kwistjonijiet bħad-disponibbiltà tal-postijiet tal-ġbir jew il-volum tal-iskart li joħroġ l-utent aħħari. L-Artikolu 7(1) bir-raġun jinnota li huma l-produtturi li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli għar-rati tal-ġbir. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li:

jiġu definiti aħjar ir-rwoli u l-obbligi tal-atturi kollha fil-katina tal-iskart (mhux biss il-produtturi, iżda wkoll id-distributuri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali) sabiex jiġi żgurat il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur u jiżguraw li l-WEEE li jinġabar jiġi rappurtat b’mod trasparenti u ttrattat skont l-istandards tad-Direttiva,

għandha tinżamm nota tal-WEEE li jmur għand organizzazzjonijiet reġistrati apparti mill-iskema tat-teħid lura għand il-produttur, sabiex il-produtturi jirċievu l-evidenza,

jinħolqu mekkaniżmi li permezz tagħhom il-produtturi jkunu jistgħu jistaqsu u jikkontrollaw l-abbuż tal-ispejjeż relatati mal-Artikoli 12 u 13, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li mekkaniżmu bħal dan m’għandux joħloq piż żejjed fuq l-awtoritajiet lokali.

29.

isejjaħ għall-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għall-ispejjeż kollha tal-ġbir separat mid-djar sabiex din ma tkunx fakultattiva iżda obbligatorja.

30.

jilqa’ ż-żieda ta’ 5 % fil-miri stipulati fl-Artikolu 11(1) u l-fatt li dawn il-miri issa jinkludu wkoll l-istrumenti medikali. Jitlob għall-introduzzjoni ta’ mira separata ta’ 5 % għall-użu mill-ġdid, b’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Dan jista’ jgħin biex jitneħħew id-deterrenti attwali għall-użu mill-ġdid tal-prodotti rkuprati, u jiżgura l-użu mill-ġdid ta’ kwalità tat-tagħmir.

31.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-produtturi tal-oġġetti B2C m’għandhomx interess f’li jħeġġu l-użu mill-ġdid tat-tagħmir tagħhom. Għalhekk, l-użu mill-ġdid mhux qed iseħħ. L-inkorporazzjoni tal-miri tal-użu mill-ġdid fil-mira tar-riċiklaġġ mhux ser tbiddel is-sitwazzjoni. Il-produtturi ser jippruvaw jilħqu l-għan permezz tar-riċiklaġġ biss u ser jinjoraw il-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid. L-esperjenza tal-organizzazzjonijiet tar-riċiklaġġ turi li mill-EEE kollu li jintrema, 20 % għal 30 % ikun għadu jaħdem tajjeb jew jista’ jerġa’ jibda jaħdem wara ftit tiswija. Il-KtR jieħu l-ġerarkija tal-iskart b’serjetà kbira u jaqbel li l-użu mill-ġdid tat-tagħmir għandu jingħata spinta. Għalhekk nipproponu mira separata għall-użu mill-ġdid ta’ tagħmir sħiħ.

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-flessibbiltà li joffru ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali u d-definizzjoni xejn ċara fil-liġi nazzjonali tal-obbligi u r-responsabbiltajiet, ħafna drabi wasslu għal piż amministrattiv u finanzjarju sproporzjonat fuq l-awtoritajiet lokali. Spejjeż li skont id-Direttiva għandhom jiġġarbu mill-produtturi jispiċċaw jaqgħu fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali peress li dawn normalment huma obbligati li jiġbru l-iskart u jridu jintervjenu meta s-sistemi fejn il-produttur jieħu l-iskart lura ma jaħdmux. Nemmnu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx iġarrbu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ lakuni fil-leġiżlazzjoni dwar il-WEEE.

E.   Tfassil mill-ġdid tad-Direttiva RoHS

33.

ileħħen tħassibu dwar il-kontaminazzjoni li għadha mxerrda mis-sustanzi u l-materjali perikolużi użati fl-EEE. Mhux talli għad hemm ħafna sustanzi u materjali mhux mixtieqa li qegħdin jintużaw fil-prodotti iżda hemm sustanzi ta’ ħsara bħad-dijossini u s-C4H4O (furan), iġġenerati mir-riċiklaġġ ta’ dawn il-prodotti u r-rimi tagħhom fl-aħħar taċ-ċiklu ta’ ħajjithom.

34.

jinnota li għandha tittieħed azzjoni biex tinqered ir-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-volumi tal-iskart, inkluż l-iskart li jkollu sustanzi perikolużi. Il-Kumitat jisħaq li l-pubbliku m’għandux ikollu jħallas taxxi żejda għall-ispejjeż amministrattivi tal-iskart ta’ materjali perikolużi. Is-sustanzi perikolużi jintużaw fl-EEE b’riżultat tad-deċiżjonijiet minn produtturi (u distributuri li jimpurtaw il-prodotti minn barra l-UE); għaldaqstant, l-ispejjeż globali tar-rimi tal-WEEE li jkollu sustanzi perikolużi, li jseħħ b’tali mod li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent, għandhom jiġu inkorporati fil-prezz tal-prodott;

35.

jilqa’ d-deċiżjoni biex il-lista ta’ sustanzi projbiti u l-valuri ta’ konċentrazzjoni massima titqiegħed fl-appendiċi. Madankollu, jiddispjaċih li ma ddaħħal l-ebda punt ġdid fil-lista ta’ sustanzi projbiti fl-Appendiċi IV. Dan jolqot b’mod partikolari l-HBCDD, id-DEHP, il-BBP u d-DBP għall-EEE kollu.

36.

jitlob li ssir analiżi tal-argumenti li jirrakkomandaw l-implimentazzjoni sħiħa tar-REACH permezz tad-Direttiva RoHS, kif ukoll dawk li huma favur iż-żamma tad-Direttiva RoHS bħala komplement għall-proċess tar-REACH, fejn id-Direttiva RoHS tipprovdi perijodu ta’ żmien iktar ċar għal meta l-kimiċi perikolużi identifikati reċentement ikollhom jiġu ssostitwiti b’alternattivi iktar siguri.

37.

jilqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni ta’ kull erba’ snin ġiet issostitwita b’perijodu massimu ta’ validità ta’ erba’ snin għall-eżenzjonijiet, li jista’ jiġi estiż fuq talba, bil-għan li jitħeġġu l-isforzi għas-sostituzzjoni u biex ir-responsabbiltà tal-provi titgħadda mill-awtoritajiet pubbliċi għall-produttur jew id-distributur li jkun qed iressaq l-applikazzjoni.

38.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ eżenzjonijiet mingħajr dewmien, sabiex l-operaturi ekonomiċi jingħataw iċ-ċertezza legali, u biex jiġi identifikat kif għandhom jiġu applikati l-kriterji l-ġodda bbażati fuq l-impatti u l-benefiċċji soċjoekonomiċi, kif introdotti fl-Artikolu 5(1) b), meta jingħataw u jiġu evalwati l-eżenzjonijiet.

39.

jikkonferma ċ-ċarezza u l-koerenza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6-8 u jinnota li l-proċess tat-tnaqqis tal-għadd ta’ prodotti li jmorru kontra dawn l-istandards, bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ metodi ta’ monitoraġġ tas-suq ikkoordinati, jirrappreżenta mod kost-effettiv biex jiżdiedu l-benefiċċji tad-Direttiva.

II.   EMENDI RAKKOMANDATI

Emenda 1

Emenda proposta għad-Direttiva tal-WEEE (riformulazzjoni) Premessa 19

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

()

L-utenti ta’ tagħmir elettriku u elettroniku minn djar privati għandu jkollhom il-possibbiltà li jirritornaw il-WEEE għall-inqas mingħajr ħlas. Produtturi għandhom jiffinanzjaw tal-anqas il-ġbir minn faċilitajiet ta’ ġbir, u t-trattament, l-irkupru u r-rimi tal-WEEE. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-produtturi biex jieħdu r-responsabbiltà sħiħa għall-ġbir tal-WEEE b’mod partikolari billi jiffinanzjaw il-ġbir tal-WEEE minn djar privati, sabiex jevitaw li l-WEEE li jinġabar separatament jgħaddi minn trattament substandard kif ukoll l-esportazzjoni illegali, biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd billi l-finanzjament tal-produtturi jiġi armonizzat madwar l-Ewropa kollha, sabiex il-ħlas għall-ġbir ta’ dan l-iskart ma jibqax isir minn dawk li jħallsu t-taxxa iżda mill-konsumaturi tal-EEE u sabiex il-finanzjament ikun konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. (…)

()

L-utenti ta’ tagħmir elettriku u elettroniku minn djar privati għandu jkollhom il-possibbiltà li jirritornaw il-WEEE għall-inqas mingħajr ħlas. Produtturi għandhom jiffinanzjaw il-ġbir u t-trattament, l-irkupru u r-rimtal-WEEE. L-Istati Membri għandhom l-produtturi jieħdu r-responsabbiltà sħiħa għall-ġbir tal-WEEE b’mod partikolari billi jiffinanzjaw il-ġbir tal-WEEE minn djar privati, sabiex jevitaw li l-WEEE li jinġabar separatament jgħaddi minn trattament substandard kif ukoll l-esportazzjoni illegali, biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd billi l-finanzjament tal-produtturi jiġi armonizzat madwar l-Ewropa kollha, sabiex il-ħlas għall-ġbir ta’ dan l-iskart ma jibqax isir minn dawk li jħallsu t-taxxa iżda mill-konsumaturi tal-EEE u sabiex il-finanzjament ikun konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. (…)

Raġuni

Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-produttur għandha tibda meta l-konsumatur jarmi l-prodott elettroniku, li normalment jintrema mid-dar. Id-Direttiva għandha tevita li tippermetti varjazzjonijiet fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur għar-raġunijiet imsemmija f’din il-premessa u għall-aħjar ġestjoni possibbli tal-WEEE.

Emenda 2

Emenda proposta għad-Direttiva WEEE (riformulazzjoni) Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-prodotti inkluża d-Direttiva 2005/32/KE dwar l-ekodiżinn jinkoraġġixxu miżuri li jippromwovu d-diżinn u l-produzzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku notevolment fid-dawl li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid żarmar u rkupru tal-WEEE, il-komponenti u l-materjali tagħha. Dawn il-miżuri għandhom jirrispettaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex produtturi ma jipprevenux, permezz ta’ karatteristiċi speċifiċi ta’ diżinn jew proċessi ta’ manifattura, l-użu mill-ġdid tal-WEEE, għajr jekk karatteristiċi speċifiċi ta’ diżinn jew proċessi ta’ manifattura ta’ dan it-tip jippreżentaw vantaġġi importanti pereżempju, fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent u/jew ta’ sikurezza.

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-prodotti inkluża d-Direttiva 2005/32/KE dwar l-ekodiżinn miżuri (finanzjarji) li jippromwovu d-diżinn u l-produzzjoni ta’ tagħmir elettriku u elettroniku notevolment fid-dawl li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid, żarmar u rkupru tal-WEEE, il-komponenti u l-materjali tagħha. Dawn il-miżuri għandhom jirrispettaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex produtturi ma jipprevenux, permezz ta’ karatteristiċi speċifiċi ta’ diżinn jew proċessi ta’ manifattura, l-użu mill-ġdid tal-WEEE, għajr jekk karatteristiċi speċifiċi ta’ diżinn jew proċessi ta’ manifattura ta’ dan it-tip jippreżentaw vantaġġi importanti pereżempju, fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent u/jew ta’ sikurezza.

Raġuni

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jobbligaw (mhux biss iħeġġu) lill-produtturi biex ifasslu prodotti aktar ekoloġiċi. Il-ħlas li jitolbu l-iskemi ta’ konformità għandu jkun relatat ma’ kemm prodott speċifiku jistax jerġa’ jintuża jew jiġi riċiklat. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ fid-Direttiva tal-WEEE hemm bżonn ta’ speċifikazzjoni dwar il-kalkoli tal-ammont (viżibbli) li jitolbu l-iskemi ta’ konformità.

Emenda 3

Emenda proposta għad-Direttiva WEEE (riformulazzjoni) Artikolu 5(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex inaqqsu r-rimi tal-WEEE f’forma ta’ skart muniċipali mhux isseparat u biex jinkiseb livell għoli ta’ ġbir separat tal-WEEE, notevolment, u bħala prijorità, għal tagħmir ta’ tkessiħ u ffriżar li fih sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu u gassijiet serra fluworinati.

1.

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex inaqqsu r-rimi tal-WEEE f’forma ta’ skart muniċipali mhux isseparat u biex jinkiseb livell għoli ta’ ġbir separat tal-WEEE, notevolment, u bħala prijorità, għal tagħmir ta’ tkessiħ u ffriżar li fih sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu u gassijiet serra fluworinati.

Raġuni

Ammont sinifikanti ta’ WEEE żgħar jintrema’ fil-containers muniċipali tal-iskart u jidħol b’hekk fl-iskart li ma jiġix separat. L-ispejjeż involuti sabiex dan jiġi rkuprat huma kbar u piż mhux ġustifikat fuq l-awtoritajiet lokali li joħloq il-bżonn ta’ arranġamenti addizzjonali mal-produtturi. Jekk din il-prattika tiġi eliminata, dawn l-ispejjeż ta’ rkupru jitnaqqsu.

Emenda 4

Emenda proposta għad-Direttiva WEEE (riformulazzjoni) Artikolu 7(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Artikolu 7

Ir-rata ta’ ġbir

1.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li produtturi u partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom jiksbu rata minima ta’ ġbir ta’ 65 %. Ir-rata ta’ ġbir tiġi kkalkulata abbażi tal-piż totali tal-WEEE miġbur skont l-Artikoli 5 u 6 f’sena partikolari f’dak l-Istat Membru espress bħala perċentwali tal-piż medju tat-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq f’dak l-Istat Membru fis-sentejn ta’ qabel. Din ir-rata ta’ ġbir għandha tintlaħaq kull sena u għandha tibda fl-2016.

Abbozz ta’ opinjoni

Emenda

 

Artikolu 7

Ir-rata ta’ ġbir

1.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li produtturi u partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom jiksbu rata minima ta’ ġbir ta’ 65 % . Ir-rata ta’ ġbir tiġi kkalkulata abbażi tal-piż totali tal-WEEE miġbur skont l-Artikoli 5 u 6 f’sena partikolari f’dak l-Istat Membru espress bħala perċentwali tal-piż medju tat-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq f’dak l-Istat Membru fis-sentejn ta’ qabel. Din ir-rata ta’ ġbir għandha tintlaħaq kull sena u għandha tibda fl-2016.

Raġuni

Din l-emenda tbiddel il-punt 23 tal-abbozz ta’ opinjoni f’emenda għall-proposta leġiżlattiva.

Emenda 5

Emenda proposta għad-Direttiva WEEE (riformulazzjoni) Artikolu 11(1) u (2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.

1.

Fir-rigward tal-WEEE kollu miġbur separatament u mibgħut għat-trattament skont l-Artikol jew għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-produtturi jilħqu l-miri minimi li ġejjin:

(a)

għall-WEEE li jaqgħu taħt il-kategoriji 1 u 10 fl-Anness I għad-Direttiva 20xx/xx/KE (RoHS)

85 % għandhom jiġu rkuprati, u

80 % għandhom jiġu ppreparati għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

b)

għall-WEEE li jaqgħu taħt il-kategoriji 3 u 4 fl-Anness I għad-Direttiva 20xx/xx/KE (RoHS),

80 % għandhom jiġu rkuprati, u

70 % għandhom jiġu ppreparati għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

(c)

għall-WEEE li jaqgħu taħt il-kategoriji 2, 5, 6, 7, 8 u 9 fl-Anness I għad-Direttiva 20xx/xx/KE (RoHS),

75 % għandu jiġi rkuprat, u

55 % għandu jiġi ppreparat għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

(d)

għal bozoz li jiskargaw bil-gass, 85 % għandhom jiġu ppreparati għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

2.

Dawn il-miri jiġu kkalkulati bħala perċentwali tal-piż ta’ skart tal-WEEE miġbur separatament li jintbagħat fil-faċilitajiet ta’ rkupru.

1.

1.

Fir-rigward tal-WEEE kollu miġbur separatament u mibgħut għat-trattament skont l-Artikol jew għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2011, il-produtturi jilħqu l-miri minimi li ġejjin:

(a)

għall-WEEE li jaqa’ taħt il-kategoriji 1 u 10 fl-Anness I għad-Direttiva 20xx/xx/KE (RoHS)

85 % għandu jiġi rkuprat, u

għandu jiġi ;

b)

għall-WEEE li jaqa’ taħt il-kategoriji 3 u 4 fl-Anness I għad-Direttiva 20xx/xx/KE (RoHS),

80 % għandu jiġi rkuprat, u

għandu jiġi ;

(c)

għall-WEEE li jaqa’ taħt il-kategoriji 2, 5, 6, 7, 8 u 9 fl-Anness I għad-Direttiva 20xx/xx/KE (RoHS),

75 % għandu jiġi rkuprat, u

;

(d)

għal bozoz li jiskargaw bil-gass, 85 % għandhom jiġu ppreparati għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

2.

Dawn il-miri jiġu kkalkulati bħala perċentwali tal-piż ta’ skart tal-WEEE miġbur separatament li jintbagħat fil-faċilitajiet ta’ rkupru.

Raġuni

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea ma jistabbilixxux mira individwali għall-użu mill-ġdid tal-WEEE. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda inċentiv biex il-produtturi jħejju l-WEEE għall-użu mill-ġdid. L-inklużjoni ta’ din il-mira fil-mira ta’ riċiklaġġ tal-WEEE tista’ tiskoraġġixxi lill-produtturi milli jippreparaw għall-użu mill-ġdid tal-WEEE. Għandna nżommu quddiemna li proporzjon sinifikanti ta’ tagħmir bħal dan jista’ jerġa’ jintuża minnufih jew wara li ssirlu naqra tiswija – għalhekk saret il-proposta biex tiġi stabbilita mira separata għall-użu mill-ġdid tal-WEEE.

Emenda 6

Emenda proposta għad-Direttiva WEEE (riformulazzjoni) Artikolu 12

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-produtturi jipprovdu għall-inqas għalil-finanzjament tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi ta’ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati ddepożitati f’faċilitajiet ta’ ġbir mwaqqfa skont l-Artikolu 5(2). L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-produtturi jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha għall-faċilitajiet tal-ġbir għall-WEEE mid-djar privati.

2.

Għal prodotti li fis-suq aktar tard mit-13 ta’ Awissu 2005, kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-operati fil-paragrafu 1, li għandhom x’jaqsmu mal-iskart mill-prodotti tal-produttur stess. Il-produttur jista’ jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur jipprovdi garanzija meta jqiegħed prodott fis-suq li tkun turi li l-ġestjoni tal-WEEE kollu se tiġi ffinanzjata u li l-produtturi jimmarkaw il-prodotti tagħhom b'mod ċar skont l-Artikolu 15(2). Din il-garanzija għandha tiżgura li l-operazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-prodott se jiġu ffinanzjati. Il-garanzija tista’ tieħu l-forma ta’ parteċipazzjoni mill-produttur fi skemi xierqa għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-WEEE, assikurazzjoni ta’ riċiklaġġ jew kont tal-bank ibblokkat.

3.

Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ispejjeż WEEE minn prodotti fis-suq qabel (skart storiku) għandha tiġi pprovduta minn sistema waħda jew aktar li l-produtturi kollha, li jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż rispettivi, jikkontribbwixxu , pereżempju bi proporzjon ms-sehem rispettiv tagħhom fis-suq skont it-tip ta’ tagħmir.

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-produtturi jipprovdu għall-inqas għall-finanzjament tal-ġbir, it-trattament, l-irkupru u r-rimi li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent tal-WEEE minn djar privati ddepożitat f’faċilitajiet ta’ ġbir mwaqqfa skont l-Artikolu 5(2). L-Istati Membri għandhom lprodutturi jiffinanzjaw l-ispejjeż kollha l-faċilitajiet tal-ġbir għall-WEEE mid-djar privati.

2.

Għal prodotti li fis-suq aktar tard mit-13 ta’ Awissu 2005, kull produttur għandu jkun responsabbli għall-finanzjament tal-operati fil-paragrafu 1, li għandhom x’jaqsmu mal-iskart mill-prodotti tal-produttur stess. Il-produttur jista’ jagħżel li jissodisfa dan l-obbligu jew individwalment jew billi jingħaqad ma’ skema kollettiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur jipprovdi garanzija meta jqiegħed prodott fis-suq li tkun turi li l-ġestjoni tal-WEEE kollu se tiġi ffinanzjata u li l-produtturi jimmarkaw il-prodotti tagħhom b’mod ċar skont l-Artikolu 15(2). Din il-garanzija għandha tiżgura li l-operazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-prodott se jiġu ffinanzjati. Il-garanzija tista’ tieħu l-forma ta’ parteċipazzjoni mill-produttur fi skemi xierqa għall-finanzjament tal-ġestjoni tal-WEEE, assikurazzjoni ta’ riċiklaġġ jew kont tal-bank ibblokkat.

3.

Ir-responsabbiltà għall-finanzjament tal-ispejjeż WEEE minn prodotti fis-suq qabel (skart storiku) għandha tiġi pprovduta minn sistema waħda jew aktar li l-produtturi kollha, li jeżistu fis-suq meta jseħħu l-ispejjeż rispettivi, jikkontribbwixxu , pereżempju bi proporzjon ms-sehem rispettiv tagħhom fis-suq skont it-tip ta’ tagħmir.

Raġuni

Din il-kwistjoni tant hija importanti li hemm bżonn li jiddaħħal obbligu ċar u li jinftiehem faċilment mill-produtturi biex jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-ġbir tal-WEEE u tal-faċilitajiet tal-ġbir, sa mill-ġbir tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li jkun iġġenerat fl-aħħar taċ-ċiklu tal-prodotti. L-estensjoni tar-responsabbiltà tal-produttur, fejn jidħlu l-ispejjeż marbuta mal-ġbir separat mid-djar, għandha tkun obbligatorja biex tkun żgurata aktar armonizzazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja u jinħolqu kundizzjonijiet indaqs fl-UE.

Brussell, 4 ta’ Diċembru 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Netwerk għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi ambjentali.

(2)  EESC 2008, CECED 2009, DIGITALEUROPE 2009, ORGALIME 2009.