ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
16 ta' Frar 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

439 sessjoni plenarja tat-KTR is-24 u l-25 ta' Ottubru 2007

2008/C 044/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi ĠoddaCOM(2007) 161 finali

1

2008/C 044/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini InnovattiviCOM(2007) 241 finali — 2007/0089 (CNS)

11

2008/C 044/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-Impriża Komuni ARTEMIS sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-KompjuterCOM(2007) 243 finali — 2007/0088 (CNS)

15

2008/C 044/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Sema NadifCOM(2007) 315 finali — 2007/0118 (CNS)

19

2008/C 044/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Komuni ENIACCOM(2007) 356 finali — 2007/0122 (CNS)

22

2008/C 044/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambjuCOM(2007) 303 finali — 2007/0113 (COD)

27

2008/C 044/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strumenti ta' l-użin mhux awtomatiċi (Verżjoni kkodifikata)COM(2007) 446 finali — 2007/0164 (COD)

33

2008/C 044/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta' wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (Verżjoni kkodifikata)COM(2007) 451 finali — 2007/0162 (COD)

33

2008/C 044/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soppressjoni ta' l-interferenza tar-radju prodotti minn tratturi agrikoli u għall-foresterija (kompatibilità elettromanjetika) (Verżjoni kkodifikata)COM(2007) 462 finali — 2007/0166 (COD)

34

2008/C 044/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburanti — Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni EwropeaCOM(2006) 845 finali

34

2008/C 044/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfiefCOM(2007) 19 finali

44

2008/C 044/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fl-EstonjaCOM(2007) 411 finali — 2007/0141 (COD)

49

2008/C 044/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)COM(2007) 480 finali — 2007/0174 (COD)

50

2008/C 044/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-adattament tal-proċedura regolatorja bi skrutinju Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 95/50/KE rigward is-setgħat implimentattivi konferiti lill-KummissjoniCOM(2007) 509 finali — 2007/0184 (COD)

52

2008/C 044/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, diesel u żejt tal-gass u l-introduzzjoni ta' mekkanizmu sabiex jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-triq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEECOM(2007) 18 finali — 2007/0019 (COD)

53

2008/C 044/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-evoluzzjoni tal-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati mill-2010

56

2008/C 044/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013

60

2008/C 044/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tibdil fil-klima u l-Istrateġija ta' Lisbona

69

2008/C 044/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f'soċjetà għanja

74

2008/C 044/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona

84

2008/C 044/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta oriġini għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp

91

2008/C 044/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħolCOM(2007) 46 finali — 2007/0020 (COD)

103

2008/C 044/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-KomunitàCOM(2007) 159 finali — 2007/0054 (COD)

106

2008/C 044/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Trattament ħażin ta' l-anzjani

109

2008/C 044/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta' l-aġġustamenti ta' arranġamenti speċjali ta' taxxa fuq il-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal-gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magniCOM(2007) 52 finali — 2007/0023 (CNS)

115

2008/C 044/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE rigward ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta' taxxa fuq il-valur miżjudCOM(2007) 381 finali — SEC(2007) 910

120

2008/C 044/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Kroazja fit-triq lejn l-adeżjoni

121

MT

 


III Atti preparatorji

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

439 sessjoni plenarja tat-KTR is-24 u l-25 ta' Ottubru 2007

16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”

COM(2007) 161 finali

(2008/C 44/01)

Nhar l-4 ta' April 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Wolf.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'107 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat iqis li hemm ħtieġa urġenti sabiex jissaħħu b'mod sostanzjali l-miżuri attwali għall-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) fl-Ewropa, u sabiex jittejjeb il-qafas għall-R&D u jiġi żgurat finanzjament xieraq.

Barra minn programmi effettivi ta' R&D Komunitarji, nazzjonali u oħrajn appoġġjati min-negozju, neħtieġu suq intern Ewropew tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex isir użu aħjar u jiġi rilaxxat il-potenzjal — kemm dak disponibbli bħalissa kif ukoll dak li għad irid jiġi kkoltivat — fl-Unjoni Ewropea. Din hija ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

1.2

Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ u tespandi ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. L-objettivi definiti u l-proposti li saru ġeneralment huma koretti u jixirqilhom l-appoġġ, iżda jeħtieġu jkunu supplimentati u f'ċerti każijiet ikkjarifikati jew ikkorreġġuti.

1.3

Il-Kumitat japprova l-objettiv li jinħoloq suq tax-xogħol Ewropew attraenti għar-riċerkaturi u li jipprovdi wkoll il-mobilità waqt li jippremjaha. L-iktar kwistjonijiet importanti hawnhekk huma l-kondizzjonijiet kuntrattwali, is-salarji attraenti, is-sigurtà soċjali portabbli madwar l-Ewropa, u l-integrità tal-familja. L-Istati Membri b'mod partikulari huma neqsin ħafna f'dan ir-rigward. Il-Kumitat għalhekk isejjaħ lilhom qabel kulħadd, u lill-imsieħba soċjali rilevanti, biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u b'mod speċjali sabiex joffru lir-riċerkaturi żgħażagħ prospetti ta' karriera attraenti li jistgħu jikkompetu ma' opportunitajiet ta' karrieri alternattivi maħsuba għal akkademiċi ta' l-ogħla livell. Dan jiżgura li iktar żgħażagħ jerġgħu jkunu lesti jinvestu l-enerġija u l-ħin tagħhom f'kors ta' studju ferm diffiċli, li jitlob ħafna minnhom u li huwa selettiv, u b'hekk tiġi evitata l-probabilità ta' nuqqas ta' esperti kkwalifikati fix-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa.

1.4

Il-Kumitat jappoġġja l-objettiv tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona. Iżda, issa ġie deċiż li l-Komunità ser tikkontribwixxi biss madwar 2 % (jiġifieri wieħed minn kull ħamsin biss) ta' l-investiment totali fir-riċerka u l-iżvilupp li huwa mira ta' l-objettiv ta' Barċellona. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom l-ikbar responsabilità politika sabiex jilħqu l-objettiv ta' Barċellona, u l-industrija għandha l-ikbar responsabilità ekonomika. Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat huma indirizzati b'mod partikulari lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Istati Membri, u jħeġġuhom sabiex jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex l-Ewropa ssir mill-ġdid il-mexxejja globali fir-riċerka u l-iżvilupp, u sabiex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tintlaħaq din il-mira.

1.5

Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-Komunità Ewropea għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha għall-mira totali tan-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għal mill-inqas 3 %, sabiex jissaħħaħ l-effett multiplu tal-finanzjament Komunitarju għar-riċerka fuq l-investiment meħtieġ fir-riċerka mill-Istati Membri u l-industrija. Barra minn hekk, il-flus mill-Fondi Strutturali għandu jintuża għal miżuri infrastrutturali għar-riċerka u l-iżvilupp, u għandhom jiżiedu miżuri ta' finanzjament permezz tal-BEI. Din ir-rakkomandazzjoni saret iktar interessanti minħabba l-kwistjonijiet serji ħafna li ser jiġu ffaċċjati fir-rigward ta' l-enerġija u l-klima u li ilhom wisq ma jitqisux kif xieraq.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja l-objettiv li tinħoloq infrastruttura xjentifika u teknoloġika ta' livell dinji, iżda din trid tkun appoġġjata minn finanzjament affidabbli u fit-tul. Is-suċċess u l-għan ta' dan l-investiment jiddipendi fuq il-parteċipazzjoni ta' l-istituti u l-gruppi universitarji rilevanti fl-Istati Membri, u fuq il-parteċipazzjoni b'impenn ta' l-industrija fi proġetti tat-tekonoloġija. Netwerking bħal dan huwa l-uniku mezz kif tista' tinħoloq sistema kompleta u jinħoloq valur miżjud għall-Ewropa.

1.7

Il-Kumitat jappoġġja l-objettiv importanti li jissaħħu l-istituzzjonijiet ta' riċerka — u l-korpi rappreżentattivi tagħhom — bħala l-organizzazzjonijiet ewlenin responsabbli għar-riċerka u l-iżvilupp. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikunu kapaċi jippjanaw fuq perijodu itwal, u li jkollhom faċilitajiet u setgħat għat-teħid ta' deċiżjonijiet li huma adegwati. Dan jirrikkjedi iktar awtonomija fl-użu tar-riżorsi finanzjarji, sehem kbir biżżejjed tal-fondi bażiċi, finanzjar tal-proġett sħiħ, il-possibbilità li riżorsi jiġu trasferiti għas-sena ta' wara, it-tnaqqis fil-burokrazija li xxekkel il-progress għal xjenzati involuti fir-riċerka u t-tagħlim, l-inċentivi u l-promozzjoni ta' xogħol ta' kwalità għolja permezz ta' finanzjar addizzjonali msejjes fuq sejħiet għal offerti kompetittivi.

1.8

Il-Kumitat iqis l-inizjattivi konġunti fit-teknoloġija u l-pjattaformi tat-tekonoloġija bħala strumenti importanti għall-ħolqien ta' l-innovazzjoni teknoloġika f'oqsma ta' riċerka ta' importanza strateġika. Dawn jirrikjedu sħubijiet bejn is-settur pubbliku u s-settur privat kif ukoll programmi konġunti ta' riċerka, u l-SMEs għandhom ikunu involuti fejn jixraq. Il-Komunitajiet ta' l-Għarfien u l-Innovazzjoni (KIC) ta' l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (ETI) li għandhom jitwaqqfu għandhom jibnu fuq l-esperjenza miksuba f'dan il-kuntest permezz tal-pjattaformi teknoloġiċi. Hawnhekk tista' tkun ta' valur ukoll l-esperjenza bl-ERA-Net u l-CORNET, kif ukoll il-clusters ta' l-EUREKA.

1.9

Il-Kumitat japprova l-mira tal-ftuħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għad-dinja. Iżda l-kriterju essenzjali hawnhekk huwa li tkun attraenti: din tkun meqjusa suċċess biss meta l-brain drain attwali jieqaf, mhux biss f'termini kwantitattivi iżda wkoll kwalitattivi, jiġifieri fir-rigward ta' dawk ir-riċerkaturi bl-aqwa prestazzjoni u li għandhom l-ikbar suċċess. Iżda sabiex dan isir, il-fatturi ewlenin kollha għandhom ikunu adattati: l-inkariga ta' l-impjieg, il-faċilitajiet, il-kundizzjonijet tax-xogħol, il-qagħda politika, il-possibilitajiet għall-iżvilupp tal-karriera u l-awtonomija, is-salarju u l-għarfien soċjali.

1.10

Il-Kumitat jiffavorixxi l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, fejn il-politiki u l-objettivi strateġiċi ta' l-Istati Membri jiġu evalwati u l-esperjenza tagħhom titqabbel sabiex tiġi żgurata l-koerenza u tiġi ottimizzata l-politika Ewropea tar-riċerka. B'kuntrast ma' dan, għandha tiġi rrifjutata kull koordinazzjoni dettaljata minn fuq għal isfel tar-riċerka Ewropea bħala attentat sabiex tkun żgurata standardizzazzjoni ġenerali u sabiex jiġu ppenetrati organizzazzjonijiet u kumpaniji tar-riċerka. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tevita l-impressjoni li l-għan tagħha huwa li tintroduċi ġestjoni ċentrali tar-riċerka Ewropea. Hija kwistjoni li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn il-qafas Komunitarju, l-awtonomija ta' l-Istati Membri, u l-inizjattivi istituzzjonali u individwali u l-kompetenza fl-ippjanar. Huma biss pluralità ta' metodi, approċċi u għażla ta' temi li f'kull każ jistgħu jiżguraw l-aqwa riżultati, proċeduri u innovazzjonijiet.

1.11

Il-Kumitat itenni t-twiddib tiegħu dwar it-tnaqqis tal-burokrazija, u għaldaqstant, jirrakkomanda li “t-Tnaqqis tal-Burokrazija” jiġi integrat fl-aġenda futura tal-Kummissjoni bħala objettiv politiku importanti addizzjonali. Dan ifisser li jiġu żviluppati modi, f'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri u l-korpi ta' riċerka, sabiex tiġi semplifikata r-regolamentazzjoni eċċessiva u l-pataflun ta' rekwiżiti Ewropej, nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali għar-rappurtar, proċeduri ta' applikazzjoni, reviżjonijiet, evalwazjonijiet, arranġamenti għall-awtorizzazzjoni, eċċ. u li jitneħħa minnhom dak li m'huwiex meħtieġ. Il-promozzjoni kompetittiva ta' l-eċċellenza fil-bidu ser iżżid l-ammont ta' burokrazija li ser tkun meħtieġa mir-riċerkaturi. Dan ifisser li huwa dejjem iktar importanti li tinstab soluzzjoni aċċettabbli permezz tat-tnaqqis u s-semplifikazzjoni ġenerali. Il-biża' li individwi jagħmlu żbalji ma għandhiex twassal għal regolamentazzjoni eċċessiva u ostakoli għal kulħadd.

1.12

Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li l-korpi ta' finanzjament, b'mod speċjali l-Kummissjoni, jinvolvu l-istaff li taw xhieda tal-kompetenza xjentifika tagħhom, li huma familjarji mal-karatteristiċi partikulari u l-“komunità” ta' dan il-qasam xjentifiku — u jaġġornaw l-għarfien tagħhom fit-tul (u b'hekk ir-rotazzjoni tax-xogħol fuq bażi regolari issir kontraproduttiva).

1.13

Il-Kumitat jirrakkomanda li z-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha tiġi kkomplementata minn Żona Ewropea ta' l-Għarfien imfassla sabiex toħloq soċjetà Ewropea msejsa fuq l-għarfien. Din ser tirrikjedi edukazzjoni solida u wiesgħa għaċ-ċittadini kollha, u taħriġ speċjalizzat addizzjonali għal xjentisti u inġeniera. Għalhekk issir referenza wkoll għal “ġestjoni ta' l-għarfien” adattata. Ir-riċerka u l-iżvilupp jibnu fuq l-għarfien li diġà jeżisti sabiex joħolqu għarfien ġdid.

1.14

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu żviluppati regoli ċari u li jiftiehmu sabiex jiġġestjonaw il-firxa wiesgħa ta' strumenti Komunitarji għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Dawn jinkludu lista sintesizzata (u struzzjonijiet għall-użu) ta' l-istrumenti u l-miżuri kollha disponibbli lill-Kummissjoni għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-objettivi tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan għandu juri wkoll jekk, fost l-ammont li qiegħed jikber ta' strumenti, l-għan ta' kull wieħed minnhom huwa ddefinit b'mod adegwat u l-istrumenti huma sseparati kif xieraq, u jekk jistgħu jinftiehmu u jiġu applikati b'mod faċli kemm minn utenti potenzjali kif ukoll mill-istaff tal-Kummissjoni jew jekk jenħtieġu jiġu organizzati mill-ġdid.

1.15

Ħafna mill-kwistjonijiet indirizzati fil-Green Paper għandhom jiġu kkunsidrati waħda waħda. Il-qarrej huwa mitlub jirriferi għat-test sħiħ ta' din l-opinjoni għal dawn l-aspetti u oħrajn rilevanti.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Fl-isfond ta' din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hemm id-dibattitu preċedenti dwar is-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, u l-adozzjoni tiegħu — li issa daħal fis-seħħ — l-oqsma ta' riċerka magħżula għalih (hekk imsejħin programmi speċifiċi), l-istrumenti disponibbli u r-regoli ta' parteċipazzjoni. Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għalhekk m'għadhiex ikkonċernata dwar il-kontenut tar-riċerka, iżda biss mill-objettivi strateġiċi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

2.2

B'segwitu ta' rendikont qasir ta' l-isfond tal-Green Paper, il-Kummissjoni tispjega fil-qosor il-ħidmiet u l-objettivi taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li huma diskussi, eżaminati u aġġustati sabiex iqisu l-iżviluppi ġodda fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali. Il-komunikazzjoni tieħu bħala premessa l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp Ewropew għall-istrateġija ta' Lisbona, kif ukoll il-kwistjoni tal-kompetittività fir-riċerka u l-iżvilupp fil-livell globali.

2.3

Ġew identifikati dawn il-ħidmiet u objettivi speċifiċi:

fluss adegwat ta' riċerkaturi kompetenti b'livelli għoljin ta' mobilità bejn l-istituzzjonijiet, id-dixxiplini, is-setturi u l-pajjiżi;

infrastrutturi tar-riċerka ta' klassi dinjija, integrati, li jiffurmaw netwerk u li huma aċċessibbli għal timijiet tar-riċerka mill-Ewropea u d-dinja kollha, notevolment permezz tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta' infrastrutturi għall-komunikazzjoni elettronika;

istituzzjonijiet eċċellenti tar-riċerka involuti f'kooperazzjoni u sħubijiet effikaċji bejn is-settur pubbliku u s-settur privat, li jiffurmaw il-qalba ta' clusters ta' riċerka u innovazzjoni, inklużi “komunitajiet ta' riċerka virtwali”, l-iktar dawk speċjalizzati f'oqsma interdixxiplinari u li jattrattaw massa kritika ta' riżorsi umani u finanzjarji;

Qsim effettiv ta' l-għarfien, notevolment bejn ir-riċerka pubblika u l-industrija, kif ukoll mal-pubbliku b'mod ġenerali;

programmi u prijoritajiet tar-riċerka kkoordinati tajjeb (nazzjonali, reġjonali u Ewropej);

Żona Ewropea tar-Riċerka mitfuħa beraħ għad-dinja.

2.4

Id-dokument jagħti rendikont ta' dak kollu li nkiseb s'issa, u fuq din il-bażi jipproponi miżuri futuri sabiex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tiġi kkonsolidata u tespandi iktar. Il-Programm Qafas tar-Riċerka ta' l-UE attwali tfassal espliċitament mill-Kummissjoni sabiex jappoġġja dawn il-miżuri. Il-finanzjament tiegħu żdied b'mod sostanzjali, għalkemm b'inqas mill-ammont rakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea (u fil-fatt b'inqas mill-ammont rakkomandat mill-Kumitat). Inizjattivi ġodda li tnedew b'rabta mas-Seba' Programm Qafas (2007-2013), bħall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, ser ikollhom impatt importanti fuq il-qasam tar-riċerka Ewropea. L-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija futur jista' jgħin ukoll sabiex jinħolqu komunitajiet ta' għarfien u innovazzjoni li huma fost l-aqwa fid-dinja.

2.5

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni nnotat xi nuqqasijiet li għandhom jingħelbu, per eżempju (fil-qosor):

Għadhom limitati l-opportunitajiet għall-karrieri għar-riċerkaturi.

Negozji ġieli jsibuha diffiċli li jikkooperaw ma' istituzzjonijiet tar-riċerka.

Fil-biċċa l-kbira, il-finanzjament għar-riċerka nazzjonali u reġjonali għadha mhix koordinata.

Riformi li twettqu fil-livell nazzjonali ġieli jkunu neqsin minn perspettiva Ewropea u minn koerenza.

2.6

Aspetti oħrajn tal-Green Paper huma indirizzati fil-kummenti tal-Kumitat li ġejjin.

2.7

Sabiex jitħeġġeġ dibattitu wiesa' dwar il-Green Paper, il-Kummissjoni inkludiet 35 Mistoqsija speċifika fit-test. It-tweġibiet mistennija mill-Parlament, il-Kunsill, il-KESE, il-KtR u l-Istati Membri, kif ukoll mir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, għandhom jiġu inkorporati fi proposti għal miżuri matul l-2008. Tweġibiet għal ħafna minn dawn il-mistoqsijiet huma mogħtija b'mod espliċitu fil-punt 3 li ġej, waqt li xi kwisjonijiet speċifiċi huma indirizzati fil-punt 4.

3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

3.1

L-importanza ta' l-eċċellenza xjentifika. Kif osserva l-Kumitat f'diversi okkażjonijiet (1), prestazzjoni mill-aqwa fix-xjenza u t-teknoloġija, u l-konverżjoni tagħhom f'forza ekonomika kompetittiva, huma prerekwiżit essenzjali sabiex ma tiġix mhedda l-pożizzjoni globali futura tagħna u l-mudell soċjali Ewropew.

Għalhekk hemm ħtieġa urġenti sabiex jissaħħu l-miżuri favur ir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa, sabiex jitfasslu l-prijoritajiet politiċi meħtieġa għal dan, u sabiex jittejjeb il-qafas neċessarju u jiġu stabbiliti prerekwiżiti finanzjarji. Huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju tal-kompetizzjoni bbażat fuq kriterji ta' eċċellenza. F'numru ta' okkażjonijiet il-Kumitat ta l-fehmiet tiegħu dwar ir-regoli meħtieġa għall-għajnuna mill-istat (2).

3.2

Is-suq intern Ewropew għar-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn programmi effettivi ta' R&D Komunitarji, nazzjonali u bbażati fuq l-industrija, neħtieġu suq intern Ewropew tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex isir użu aħjar u jiġi rilaxxat il-potenzjal — kemm dak disponibbli bħalissa kif ukoll dak li għad irid jiġi kkoltivat — fl-Unjoni Ewropea. Din hija ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.3

Approvazzjoni globali. Għaldaqstant il-Kumitat jilqa' l-intenzjoni li stqarret il-Kummissjoni li tikkonsolida, issaħħaħ u tespandi iktar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (u b'hekk tkompli timxi 'l quddiem bi żvilupp li kien ġeneralment favorevoli minn kull lat). Jinnota wkoll li aspetti importanti tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu huma riflessi fit-test (3). L-objettivi ddefiniti mill-Kummissjoni huma t-tajbin, u l-proposti tagħha ġeneralment huma meqjusa adattati u xierqa ta' l-appoġġ, iżda jenħtieġu jiġu supplimentati u f'xi każijiet ikkjarifikati jew ikkoreġġuti.

3.4   Sitwazzjoni attwali

3.4.1

Il-komunità xjentifika. L-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari (CERN) (4) twaqqfet iktar minn 50 sena ilu. Dan l-isforz indipendenti tal-komunità xjentifika internazzjonali — jiġifieri proġett organizzat mill-aqwa xjentisti internazzjonali (5) — irċieva l-appoġġ li kien jeħtieġ minn politiċi ewlenin fl-Ewropa. B'hekk, twaqqaf laboratorju Ewropew mill-aqwa, li pajjiżi individwali ma kienux ikunu kapaċi jew jixtiequ jiffinanzjaw u jużaw waħedhom. Għal raġunijiet simili, organizzazzjonijiet transnazzjonali Ewropej oħrajn twaqqfu aktar tard, bħall-ECMWF, l-EMBO, l-ESRF, l-ESO, l-ESA u l-ILL (6).

3.4.2

Il-Komunità Ewropea. It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika (EURATOM), li ġie ffirmat fil-25 ta' Marzu 1957, huwa wieħed mit-tliet trattati li stabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej. Dan kien il-punt tat-tluq għall-involviment tal-Komunità Ewropea fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp  (7). Bid-dħul fis-seħħ ta' l-ewwel Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-1986, ġie stabbilit il-pedament għal politika Komunitarja tar-riċerka b'objettivi iktar ambizzjużi mill-EURATOM. Bid-deċiżjoni li ttieħdet fl-2000, waqt it-tfassil ta' l-istrateġija ta' Lisbona, li titwaqqaf Żona Ewropea tar-Riċerka, il-politiċi Ewropej ikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li joħolqu qafas formali għar-riċerka Ewropea. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka kellha ssir proġett emblematiku li r-raġunament warajh u l-objettivi tiegħu kienu mmirati lejn l-istrateġija ta' Lisbona.

3.4.3

L-objettiv ta' Barċellona. Il-Kumitat stqarr f'bosta okkażjonjiet li jappoġġja l-objettiv ta' Barċellona fformulat ħames snin ilu mill-Kunsill Ewropew bħala segwitu għall-istrateġija ta' Lisbona. Dan jirrikjedi li n-nefqa totali ta' l-Unjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp għandha tiżdied sabiex tilħaq kważi 3 % tal-PGD sa l-2010. Żewġ terzi mill-investiment meħtieġ kien ser joriġina mis-settur privat. Iżda, issa ġie deċiż li l-Komunità ser tikkontribwixxi biss madwar 2 % (jiġifieri wieħed minn kull ħamsin biss) ta' l-investiment totali fir-riċerka u l-iżvilupp li huwa mmirat skond l-objettiv ta' Barċellona.

3.5

Impenn politiku ta' l-Istati Membri. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom l-ikbar responsabilità politika biex jilħqu l-objettiv ta' Barċellona, u l-industrija u s-settur privat għandhom l-ikbar responsabilità ekonomika. Ir-rakkomandazzjonijiet u s-sejħiet tal-Kumitat għalhekk huma indirizzati b'mod partikulari lejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Istati Membri, iħeġġiġhom biex b'mod urġenti jieħdu l-passi kollha neċessarji u jappoġġjaw il-miri mfissra fil-Green Paper, sabiex għal darb' oħra l-Ewropa tkun mexxeja dinjija fir-riċerka u l-iżvilupp. l-ewwel billi tilħaq l-objettiv ta' Barċellona, kif ukoll billi jittieħdu l-miżuri kollha l-oħra meħtieġa sabiex jintlaħaq dan il-għan.

3.6

Użu aħjar ta' l-effett multiplu ta' l-appoġġ Komunitarju għar-riċerka. Il-finanzjament Komunitarju għar-riċerka madankollu huwa importanti ħafna wkoll, għaliex m'hijiex biss fattur li jintegra u jikkoordina iżda fuq kollox għandu effett multiplu fuq l-investiment fir-riċerka mogħti mill-Istati Membri u l-industrija. Is-saħħa ta' dan l-effett multiplu għalhekk għandha tissaħħaħ b'mod sostanzjali, sabiex l-Istati Membri u l-industrija jkunu jistgħu fl-aħħar jagħtu l-kontribut sħiħ meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' Barċellona li s'issa għadu ma ntlaħaqx. L-Ewropa għandha ssir konxja li darba kienet fuq quddiem nett fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u għandha timmira li terġa' tqajjem dik it-tradizzjoni.

3.6.1

Tiżdied il-kontribuzzjoni Komunitarja. Fil-passat il-Kumitat innota (8) li l-baġit attwali għar-riċerka u l-iżvilupp m'huwiex biżżejjed sabiex jintuża dan l-effett multiplu. Għalhekk itenni r-rakkomandazzjoni urġenti tiegħu li l-kontribuzzjoni Komunitarja lejn in-nefqa totali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li attwalment hija inqas minn 2 %, tiżdied għall mill-inqas 3 % fir-reviżjoni li ġejja tal-baġit fl-2008. Jirrakkomanda wkoll li jiġu allokati riżorsi sostanzjali mill-Fondi Strutturali għal miżuri ta' infrastruttura relatati mar-riċerka u l-iżvilupp (9), (10) kif ukoll li jiżdied b'mod radikali l-appoġġ mill-BEI.

3.6.2

Ħtieġa urġenti għal deċiżjoni ta' politika. Rapport statistiku li għadu kemm ġie ppubblikat mill-Kummissjoni (11) dwar l-istat attwali tar-riċerka Ewropea u l-finanzjament tagħha meta mqabbla ma' kompetituri internazzjonali jikkonferma l-urġenza kbira li r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat imsemmija fuq tiġi tradotta f'deċiżjoni ta' politika. Il-kwistjoni tikkomplika ruħha iktar minħabba l-kwistjonijiet serji ta' enerġija u tal-klima li għad irid jiġu ffaċċjati, u li għal ħafna żmien ma tqisux skond l-importanza tagħhom.

3.7

Massa kritika, it-tqassim tar-riżorsi u l-kompetenza, valur miżjud Ewropew. Il-Komunità għandha tindirizza u tiffinanzja l-ewwel nett dawk il-ħidmiet u proġetti tar-riċerka li huma importanti ħafna għall-progress tax-xjenza u t-teknoloġija u li Stati Membri individwali m'humiex lesti jew kapaċi ekonomikament li jappoġġjaw, jew li l-impatt tagħhom jiżdied b'mod sostanzjali bis-saħħa tal-proċess Komunitarju u approċċ imsejjes fuq netwerk mifrux madwar l-Ewropa kollha. Dan għandu jirriżulta f'valur miżjud sinifikanti meta mqabbel ma' l-isforzi ta' l-Istati Membri individwali.

3.8

Infrastruttura u istituzzjonijiet eċċellenti ta' riċerka. F'ħafna oqsma ta' riċerka partikularment rilevanti, infrastruttura li tqum il-flus u tagħmir imdaqqas huma essenzjali sabiex isiru sejbiet ġodda u progress teknoloġiku, u dawn jipprovdu żvilupp teknoloġiku (fl-istadju pre-kompetittiv) b'għażliet oriġinali għal titjib u innovazzjoni. Għalhekk il-Kumitat iqis importanti ħafna l-objettiv imsemmi fil-Green Paper dwar l-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' riċerka ta' klassi dinjija. Infrastrutturi bħal dawn huma l-bażi u l-katalista għal riċerka ta' l-ogħla livell. Huma fattur ewlieni biex jiġbdu l-aqwa xjentisti u inġeniera, u b'hekk huma l-mezz ewlieni sabiex jintlaħaq objettiv importanti ieħor li għandu jiġi approvat, jiġifieri l-ħolqien ta' istituzzjonijiet eċċellenti ta' riċerka, li jiġbdu l-atttenzjoni għall-emblemi Riċerka Ewropea u Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.8.1

Il-lista ESFRI  (12). Il-Kumitat għalhekk jilqa' l-lista ESFRI, li tfasslet mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, u ġiet imfaħħra u approvata mill-Kunsill (13). Il-Kumitat jinnota wkoll li hawnhekk l-involviment ewlieni ta' l-Istati Membri ser ikollu jiġu kkomplementat minn sforz imsaħħaħ, affidabbli u kontinwu min-naħa tal-Kummissjoni, peress li r-rieda politika sabiex isir xogħol pijunier eċċezzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija hija viżibbli ħafna f'dan il-qasam. Il-Kumitat għalhekk jappoġġja b'mod qawwi l-ħidma konsistenti fuq ir-“road map” u l-involviment finanzjarju sostanzjali tal-Komunità fil-bini u ż-żamma ta' dawn il-faċilitajiet fuq perijodu fit-tul. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' arranġamenti kuntrattwali adattati sabiex il-faċilitajiet ikunu aċċessibbli u attraenti għall-imsieħba u l-utenti miż-Żona Ewropea tar-Riċerka kollha, u jappoġġja wkoll l-isforzi ta' sħubijiet u l-parteċipazzjoni minn barra l-Ewropa (14).

3.8.2

Finanzjament regolari. Huwa importanti, b'mod partikolari, li l-finanzjament — b'mod speċjali għal proġetti maħsubin bħala intrapriżi fuq perijodu fit-tul minħabba l-livelli għoljin ta' investiment li jinvolvu — għandu jkun regolari u affidabbli sakemm jintlaħqu l-objettivi, sakemm jissodisfaw il-kriterju ta' l-eċċellenza xjentifika. F'dan il-qasam b'mod partikolari, varjazzjonijiet sostanzjali, inċertezzi jew anke interruzzjonijiet fl-iffinanzjar mhux biss jaħlu investiment finanzjarju li jqum il-flus u xogħol ta' żvilupp xjentifiku u tekonoloġiku iżda wkoll ifarrku n-netwerks li jkunu ġew żviluppati, u jeqirdu kemm il-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll il-fiduċja f'impenji futuri. Dan huwa ta' ħsara għas-suq tax-xogħol Ewropew tax-xjentisti u l-inġeniera.

3.8.3

L-involviment ta' l-universitajiet u l-istituti. Sabiex ikun effettiv dan l-investiment sostanzjali fi proġetti ta' l-infrastruttura, u sabiex ir-riċerka fl-ogħla livell tespandi kif meħtieġ, huwa essenzjali li l-gruppi universitarji, istituti u korpi ta' riċerka rilevanti bbażati fl-Istati Membri jkunu involuti f'kapaċità ta' responsabilità fl-iżvilupp u l-użu tal-faċilitajiet għat-testjar ikkonċernati: il-kostruzzjoni ta' netwerks bħal dawn huwa l-uniku mod kif tinħoloq sistema waħdanija u jiġi żgurat il-valur miżjud Ewropew. B'hekk huwa neċessarju wkoll li jingħata finanzjament adegwat għal netwerking bħal dan u li jkun żgurat li l-elementi ta' kooperazzjoni u ideat tal-programmi jingħataw riżorsi biżżejjed, b'mod partikulari għall-ivvjaġġar u żjarat fil-post u għal sistemi u tagħmir ta' komunikazzjoni. Il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza ewlenija tal-promozzjoni tal-mobilità.

3.8.4

Mobilità mingħajr xkiel. Il-Kumitat japprova l-għan li tiġi żgurata mobilità mingħajr xkiel fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka bejn l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet u s-settur privat u s-settur pubbliku. Il-mobilità mhux biss trawwem l-iżvilupp tal-karriera, it-tqassim ta' l-għarfien u l-esperjenza teknika, iżda wkoll b'mod ġenerali twessgħa l-orizzonti, issaħħaħ il-kapaċità li wieħed jagħmel ġudizzju tajjeb u tinkoraġġixxi l-fehim kulturali. Huwa għalhekk li nuqqasijiet u miżuri mhux f'lokhom li għadhom ostakoli għall-mobilità mingħajr xkiel għandhom jitranġaw jew jiġu eliminati. Dawn jinkludu problemi bejn l-Istati Membri, għarfien/portabilità insuffiċjenti tad-drittijiet soċjali miksuba, kif ukoll żvantaġġi fiskali jew il-battikata involuta meta familji jridu jmorru jgħixu f'post ġdid.

3.8.5

Pożizzjoni fl-Istati Membri l-ġodda. Madankollu, għandha tittieħed l-akbar attenzjoni u jiġu stipulati inċentivi sabiex ikun żgurat li l-mobilità intra-Ewropea mixtieqa għal riċerkaturi mill-Istati Membri l-ġodda ma twassalx għal brain drain intra-Ewropea fuq il-perijodu fit-tul. Il-Kumitat diġà nnota f'opinjoni ta' qabel li għal din ir-raġuni huwa ta' importanza partikulari l-ħolqien ta' istituzzjonijiet ta' riċerka attraenti fl-Istati Membri l-ġodda.

3.9

L-apprezzament taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-kooperazzjoni internazzjonali effiċjenti u ta' suċċess, b'mod speċjali f'proġetti tal-Komunità Ewropea ta' skala kbira, toħloq atmosfera ta' ħidma kollettiva bejn dawk kollha involuti, li ssaħħaħ l-apprezzament taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u r-reputazzjoni ta' l-Ewropa.

3.10

Inizjattivi proprji u konferenza xjentifiċi. CERN u l-iżvilupp ta' l-istituti Ewropej ta' riċerka dwar il-fużjoni huma eżempji kemm tar-rieda kif ukoll il-kapaċità tal-komunità xjentifika li jfittxu u jsibu msieħba internazzjonali fuq inizjattiva proprja, u li jiksbu finanzjament internazzjonali minn gvernijiet ta' pajjiżi terzi. Dan jiddipendi wkoll fuq il-provediment ta' fondi għal konferenzi tax-xjenza u t-teknoloġija fl-Ewropa li huma speċifikament rilevanti, u għotjiet lil xjentisti Ewropej ta' età iżgħar, b'mod partikulari sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'konferenzi.

3.10.1

Assoċjazzjonijiet tax-xjenza u t-teknoloġijaorganizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Konferenzi speċjalizzati huma l-forum ewlieni għall-promozzjoni u l-evalwazzjoni ta' riżultati, it-tqassim ta' l-għarfien u l-ideat, it-tnedija ta' inizjattiva ta' kooperazzjoni u l-iżvilupp ta' kunċetti ġodda jew li ttejbu. Konferenzi bħal dawn huma ġeneralment organizzati minn assoċjazzjonijiet tax-xjenza u t-teknoloġija (15), li tipikament huma organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li għandu jkun hemm iktar għarfien tal-valur tagħhom, u li l-isforzi tagħhom biex ikattru l-għarfien, jevalwaw ir-riżultati u jikkoordinaw ir-riċerka għandhom jintużaw iktar ta' spiss u jitħeġġu aktar.

3.11

Programmi ta' qafas. Il-Kumitat jikkunsidra li l-Programm Qafas Komunitarju għar-riċerka u l-iżvilupp u programm qafas tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika huma l-istrumenti Komunitarji ewlenin għat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Bħala żieda għall-programmi speċifiċi relatati ma' l-infrastruttura u l-ideat, inċentivi ewlenin għal kooperazzjoni kkoordinata (ara punt 3.13) huma ġenerati wkoll b'mod partikulari mill-programmi ta' kooperazzjoni u ta' persuni u l-finanzjament irrelatat. Implimentazzjoni adegwata ta' dawn il-programmi b'hekk hija element sostanzjali fil-ħolqien ta' identità transkonfinali u sinerġistika għar-Riċerka Ewropea u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.11.1

Riċerka u applikazzjonijiet bażiċi. Huwa sinifikanti li r-riċerka bażika ġiet inkluża b'mod espliċitu u ġiet rikonoxxuta l-importanza kruċjali tagħha fil-progress u l-innovazzjoni. Dan joħloq il-ħtieġa għal bilanċ bejn l-objettivi li jippromovu r-riċerka bażika fuq naħa, u fuq in-naħa l-oħra r-riċerka applikata u orjentata lejn il-prodott u l-proċess. Kif ġieli nnota l-Kumitat (16), m'hemmx linja ċara li taqsam dawn l-oqsma, iżda minflok jeżistu ħafna interazzjonijiet: dawn jinfluwenzaw lil xulxin.

3.11.2

Inizjattivi konġunti fit-teknoloġija, pjattaformi tat-teknoloġija u l-ETI. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għar-rwol speċjali li jaqdu l-inizjattivi konġunti fit-teknoloġija u l-pjattaformi tat-teknoloġija, li jservu biex joħolqu sħubijiet f'oqsma strateġiċi tar-riċerka bejn is-settur pubbliku u s-settur privat u jippermettu li jitmexxew programmi konġunti ta' riċerka. Il-Kumitat jirrakkomanda li l fit-twaqqif tal-Komunitajiet ta' l-Għarfien u l-Innovazzjoni (KICs) ġodda ta' l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (ETI). L-esperjenza fi proġetti tal-clusters ERA-Net u EUREKA jistgħu jkunu ta' valur ukoll.

3.11.3

SMEs. Il-parteċipazzjoni adegwata ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) hija importanti b'mod partikulari fi sħubijiet pubbliċi/privati, u fi sħubijiet tan-negozju wkoll. Il-Kumitat jilqa' l-isforzi konsiderevoli tal-Kummissjoni f'dan il-qasam sal-lum u x-xewqa tagħha li tkompli f'din id-direzzjoni fil-futur. Il-proġett CORNET (Collective Research Networking) (17), imniedi permezz ta' l-ERA-Net, jista' jkun ta' għajnuna hawnhekk ukoll.

3.11.4

Iż-żamma lura tad-data. It-tqassim b'xejn tad-data jew ta' riżultati ġodda kien u jibqa' wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għas-suċċess tax-xjenza moderna (cf punt 4.5.4, Aċċess Miftuħ). Meta d-data tinżamm lura jinqalgħu l-problemi, mhux biss fir-rigward ta' kwistjonijet tal-proprjetà intellettwali iżda fuq kollox fir-rigward ta' l-istadju fejn jinsab l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda/innovattivi meta ż-żamma lura tad-data, minħabba l-kompetizzjoni fis-suq ħieles (18), tista' xxekkel l-iskambju neċessarju ta' għarfien u l-kooperazzjoni ulterjuri ma' u bejn l-imsieħba kummerċjali. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina fid-dettall din il-kwistjoni importanti, għaliex tidditermina s-suċċess tal-kooperazzjoni, b'mod speċjali il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat.

3.12

It-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Il-Kumitat jappoġġja l-għan importanti ħafna li jissaħħu l-istituzzjonijiet ta' riċerka — u l-korpi rappreżentattivi tagħhom — bħala l-organizzazzjonijiet ewlenin responsabbli għar-riċerka u l-iżvilupp. Dawn l-istituzzjonijiet jikkoordinaw, jippjanaw u jwettqu r-riċerka, u dak l-ambjent tax-xogħol, il-libertà ta' l-azzjoni u l-istil tar-riċerka li jiżviluppaw hemm jidditerminaw ir-reputazzjoni u s-suċċess ta' kull korp. Għalhekk, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi jippjanaw fit-tul, u li jkollhom faċilitajiet u setgħat għat-teħid ta' deċiżjonijiet li huma adegwati. Dan jirrikjedi iktar awtonomija fl-użu tar-riżorsi finanzjarji, sehem kbir biżżejjed tal-finanzjament pubbliku bażiku (tipikament mill-inqas 75-80 %), finanzjament għall-proġett sħiħ, il-possibbilità li riżorsi jiġu trasferiti għas-sena ta' wara, tnaqqis tal-burokrazija għal xjentisti, inċentivi u promozzjoni ta' xogħol ta' kwalità għolja permezz ta' finanzjament żejjed fit-tul ibbażati fuq sejħiet għal offerti kompetittivi u fuq il-prestazzjoni.

3.13

Koordinazzjoni miftuħa. Fatturi ewlenin fl-inkoraġġiment ta' koordinazzjoni miftuħa bilaterali u l-evalwazzjoni ta' politiki tar-riċerka u objettivi strateġiċi bejn l-Istati Membri huma l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, li diġà taw prova tas-suċċess tagħhom, relatati ma' inizjattivi tar-riċerka tal-Kummissjoni u l-fażijiet konsultattivi involuti fil-preparazzjoni tagħhom. Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li miżuri ta' koordinazzjoni komplementari ma' u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni fuq prijoritajiet speċifiċi jew proġetti ta' l-infrastruttura huma importanti u sensibbli sabiex tittejjeb il-koerenza u tiġi ottimizzata l-politika Ewropea tar-riċerka. Il-koordinazzjoni hija wkoll meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti organizzazzjonijiet Ewropej tar-riċerka interstatali li jaħdmu tajjeb fi proġetti mdaqqsa u istituzzjonijiet ta' l-infrastruttura (ara wkoll il-Punt 3.8). Barra minn hekk il-koordinazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni sseħħ b'relazzjoni mal-miżuri ta' sustenn tas-7 Programm Qafas. (ara Punt 3.11).

3.14

L-evitar ta' koordinazzjoni eċċessiva. Min-naħa l-oħra, kwalunkwe koordinazzjoni dettaljata minn fuq għal isfel tar-riċerka Ewropea bħala l-objettiv fih innifsu, jew bl-objettiv ta' standardizzazzjoni ġenerali li tolqot proġetti individwali u li tippenetra organizzazzjonijiet jew kumpaniji tar-riċerka, ma tistax tiġi aċċettata. Din tista' tkun ibbażata fuq l-intenzjoni espliċita li tiġi evitata d-dupplikazzjoni (19) u l-frammentazzjoni, per eżempju, iżda għandha tnaqqas id-diversità meħtieġa ta' approċċi u metodi tar-riċerka (ara b'mod partikulari l-punt 4.7.1) u toħloq attitudini negattiva fost ir-riċerkaturi, l-istituzzjonijet u l-intrapriżi involuti.

Huwa ċert li l-Kummissjoni għandha tevita u tagħti l-impressjoni li l-għan tagħha huwa li tintroduċi ġestjoni ċentrali tar-riċerka Ewropea; dan iżid it-tħassib attwali tal-pubbliku ġenerali (20) fl-Istati Membri dwar iċ-ċentralizzazzjoni eċċessiva fi Brussell. Wisq iktar hija kwistjoni li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn il-qafas Komunitarju, it-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod awtonomu mill-Istati Membri, u inizjattivi istituzzjonali u individwali u l-kompetenza fl-ippjanar.

3.14.1

Pluralità ta' metodi, approċċi u l-għażla ta' kwistjonijiet. F'kull każ hija biss pluralità ta' metodi, approċċi u għażla ta' temi li tista' tiżgura l-aqwa riżultati, proċeduri u innovazzjonijiet. Il-pluralità m'hijiex ħalja, iżda hija mezz neċessarju kif tottimizza u jitwettaq il-progress fit-tfittxija għal għarfien ġdid u tekniki ġodda. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jiġi kkonsultat b'mod partikulari dwar din il-kwistjoni importanti ta' responsabilitajiet.

3.15

Objettiv ieħor: it-tnaqqis tal-burokrazija. Madankollu l-Kumitat itenni t-talbiet preċedenti tiegħu li l-Kummissjoni għandha tinkludi t-tnaqqis tal-burokrazija bħala objettiv ewlieni ieħor fl-aġenda politika futura tagħha. Għandhom jiġu żviluppati modi ma' l-Istati Membri u ma' korpi ta' riċerka sabiex tiġi ssemplifikata r-regolamentazzjoni eċċessiva u l-pataflun ta' rekwiżiti Ewropej u nazzjonali għal rappurtar istituzzjonali, proċeduri ta' applikazzjoni, reviżjonijiet, evalwazjonijiet, arranġamenti għall-awtorizzazzjoni, eċċ. u fejn huma neċessarju li jitneħħa minnhom dak li m'huwiex meħtieġ. Il-kompetizzjoni sabiex jiġu promossi l-eċċellenza, il-finanzjament sikur, eċċ. — li hija appoġġjata mill-Kumitat — inizjalment ser iżżid il-burokrazija li tkun meħtieġa mir-riċerkaturi, minħabba proċeduri amministrattivi u ta' approvazzjoni. Dan ifisser li huwa dejjem iktar importanti li tinstab soluzzjoni aċċettabbli permezz ta' tnaqqis u simplifikazzjoni ta' dawn il-proċessi kollha. Il-Kumitat diġà kkummenta (21) li l-biża' ta' l-individwi li jagħmlu żbalji jew li jġibu ruħhom b'mod ħażin m'għandux iwassal għal regolamentazzjoni eċċessiva u ostakoli għal kulħadd. Għandu japplika l-istess prinċipju għall-modus operandi tal-korpi ta' finanzjament u r-riċerkaturi.

3.16

Impjieg attraenti opportunitajiet ta' karriera aħjar. Il-Kumitat jappoġġja l-mira importanti li jinħoloq suq attraenti tax-xogħol għar-riċerkaturi. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-kuntratti, l-arranġamenti għas-sigurtà soċjali u l-integrità tal-familja jsiru b'tali mod li r-riċerkaturi ma jħossux li qegħdin jiġu sfruttati minħabba l-idealiżmu tagħhom, per eżempju minħabba pagi baxxi, negozjati kuntrattwali twal wisq u l-inċertezza eċċessiva dwar żvilupp futur fil-karriera tagħhom. Jista' jagħti l-każ li sussegwentement jaslu għall-konklużjoni li l-investiment tagħhom f'taħriġ impenjattiv u speċjalizzat m'huwiex qiegħed jiġi premjat b'karriera ta' suċċess fl-Ewropa.

3.16.1

Nuqqasijiet fl-Istati Membri. Nuqqasijiet fl-Istati Membri huma problema partikulari, u żbalji għadhom isiru (22). Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ b'mod partikulari lill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali f'kull pajjiż sabiex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u b'mod speċjali joffru wkoll opportunitajiet għall-karrieri attraenti għal xjentisti żgħażagħ bi prospetti għal avvanz, opportunitajiet li jistgħu jikkompetu ma' għażliet alternattivi ta' karriera għal akkademiċi ta' l-ogħla livell. Dan huwa l-uniku mod kif jiġi żgurat li iktar żgħażagħ bil-ħiliet xierqa jkunu lesti jinvestu l-enerġija u l-ħin f'kors ta' studju impenjattiv u selettiv u b'hekk tiġi evitata l-probabilità ta' nuqqas ta' esperti fix-xjenza u t-teknoloġija — u gradwati bil-kwalifiki adattati — fl-Ewropa.

3.16.2

L-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Kumitat itenni l-impenn tiegħu għal opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa. Neħtieġu l-aqwa ħiliet miż-żewġ sessi — li jgħodd huwa l-kapaċità u l-prestazzjoni. (It-termini “xjentist”, “riċerkatur” u “inġenier” huma newtrali f'termini ta' ġens. (Nota tat-traduttur: Dan id-dettall jgħodd għall-Ingliż, li minnu ġie maqlub għall-Malti dan id-dokument.)

3.16.3

Il-mobilità bejn istituzzjonijiet, dixxiplini, setturi u pajjiżi. Il-Kumitat japprova wkoll l-objettiv imfisser fil-Green Paper li tittejjeb il-mobilità bejn l-istituzzjonijiet, id-dixxiplini, is-setturi u l-pajjiżi. F'dan ir-rigward, jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu msemmijin hawn fuq, kif ukoll għar-rakkomandazzjoni tiegħu preċedenti li tinħoloq sistema attraenti ta' għotjiet (leave sabbatiku) għal skambji ta' persunal bejn id-dinja akkademika u l-qasam industrijali.

3.16.4

L-integrità tal-familja. Il-Kumitat semma kemm-il darba aspett partikularment importanti fil-promozzjoni tal-mobilità, jiġifieri l-faċilitar u l-promozzjoni ta' l-integrità tal-familja. Tħassib importanti hawnhekk jikkonċerna l-karriera tal-konjugi (per eżempju fil-każ ta' koppji fejn it-tnejn li huma għandhom karriera), skejjel tajbin għat-tfal u għajnuna meta jġorru għad-dar il-ġdida (rimborż ta' l-ispejjeż, taxxi).

3.17

Żona Ewropea tar-Riċerka miftuħa beraħ għad-dinja. Il-Green Paper jgħid li l-ftuħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għad-dinja huwa objettiv importanti ħafna. Il-Kumitat jappoġġja dan l-objettiv bis-sħiħ. Il-kisba ta' dan l-objettiv ser tkun prova kruċjali tas-suċċess ta' l-istrateġija ta' Lisbona.

3.17.1

Li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun attraenti hija ta' importanza kbira. Madankollu, l-fattur ewlieni hawnhekk — li jfisser iktar minn ftuħ formali fil-prinċipju, li diġà nkiseb f'ħafna rispetti — huwa kemm hija attraenti ż-Żona Ewropea tar-Riċerka: li jiġu mistiedna riċerkaturi internazzjonali ewlenin huwa l-ewwel pass meħtieġ; l-isfida mbagħad tkun li fil-fatt jiġu, u fil-każ ta' xjentisti Ewropej li jaħdmu barra mill-Ewropa, li jkun żgurat ir-ritorn eventwali tagħhom.

3.17.2

Kif ser tingħeleb il-problema tal-brain drain. Din il-ħidma m'hijiex ser titwettaq sakemm ma jitwaqqafx il-brain drain attwali li ta' min jiddispjaċina minnu, mhux biss f'termini kwantitattivi iżda wkoll kwalitattivi, jiġifieri fir-rigward tax-xjentisti u l-inġeniera li għandhom l-aqwa prestazzjonijiet u l-ikbar suċċess. Iżda sabiex dan isir il-fatturi ewlenin kollha għandhom ikunu fi stat xieraq: l-inkariga ta' l-impjieg, il-faċilitajiet, il-kundizzjonijet tax-xogħol, qagħda stabbli, il-possibbilitajiet għall-iżvilupp tal-karriera u l-awtonomija, is-salarju (inkluż il-benefiċċji soċjali) u l-għarfien soċjali.

3.18

Nibnu fuq is-suċċessi. Minkejja l-lakuni persistenti u x-xogħol li għad irid jitwettaq, il-Kumitat huwa kuntent li l-isforzi li saru s'issa fir-riċerka Ewropea u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka qegħdin juri sinjali inizjali ta' suċċess u b'mod ġenerali qegħdin jippuntaw fid-direzzjoni t-tajba. Għalhekk huwa importanti li jitkompla l-proċess li nbeda sabiex tiġi stabbilita kapaċità Ewropea għar-riċerka u l-iżvilupp li tkompli tikber b'rata mgħaġġla, b'politika ta' finanzjament ibbażata fuq il-kompetizzjoni, li jsir netwerking u l-integrazzjoni ta' dik il-kapaċità, u b'mod partikulari l-ħolqien ta' ambjent stabbli u opportunitajiet ta' karriera mingħajr regolamentazzjoni eċċessiva u ċentralizzazzjoni. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka għandha tibqa' kunċett b'influwenza madwar id-dinja.

3.19

Iż-Żona Ewropea ta' l-Għarfien. Il-Kumitat innota bosta drabi preċedenti li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka trid tiġi komplementata minn “Żona Ewropea ta' l-Għarfien” (23). Raġuni ewlenija hija l-għan li tinħoloq soċjetà Ewropea msejsa fuq l-għarfien, li tassumi edukazzjoni soda għaċ-ċittadini kollha u taħriġ speċjalizzat ta' livell għoli bħala rekwiżit minn qabel għal xjentisti u inġeniera. It-tagħlim tul il-ħajja kollha u t-tagħlim indipendenti huma importanti ħafna wkoll. Peress li din l-opinjoni tirrigwarda ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-Kumitat jixtieq jirrimarka wkoll dwar il-ħtieġa għal “ġestjoni ta' l-għarfien” adegwata, sabiex ikun żgurat li l-għarfien miksub jiġi rekordjat, organizzat, jitkattar, ikun aċċessibbli u konservat. Ir-riċerka u l-iżvilupp jibnu fuq l-għarfien eżistenti sabiex joħolqu għarfien ġdid.

3.19.1

Il-ġestjoni ta' l-għarfien u t-teknoloġija. Il-ġestjoni ta' l-għarfien hija importanti wkoll għall-applikazzjoni sikura (24) ta' proċeduri tekniċi, sabiex ikun żgurat użu ottimali u sikur, jiġu minimizzati r-riskji u l-popolazzjoni ma tiġix mhedda. F'dan il-qasam il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa fil-futur, f'kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u tippromovi l-programmi ta' riċerka neċessarji.

3.19.2

Kotba akkademiċi u karti tar-reviżjoni. Kotba akkademiċi tajbin, karti ta' reviżjoni ġenerali u manwali huma importanti għaż-żamma, l-ispjegazzjoni u l-organizzazzjoni ta' l-għarfien, b'mod speċjali fir-rigward ta' taħriġ ta' kwalità għolja. L-esperjenza, l-isforz u l-ħin u l-libertà minn xogħol ieħor, huma meħtieġa sabiex dawn jiġu prodotti. Il-Kumitat jirrakkomanda li attività bħal din tiġi inkluża fil-lista ta' kompiti li għandhom jirċievu finanzjament, b'mod speċjali peress li dan ix-xogħol iebes is-soltu ma jwassalx għal qliegħ kummerċjali għall-awturi.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-mistoqsijiet fil-Green Paper

Il-Kumitat issa ser joffri xi kummenti speċifiċi dwar il-35 Mistoqsija fil-Green Paper, fejn dawn il-mistoqsijiet ma ġewx trattati fil-punt 3 hawn fuq. Sabiex inżommu fil-qosor, ħafna minn dawn il-mistoqsijiet m'humiex irrikapitolati fid-dettall, iżda l-qarrej jista' jirrikorri għall-Green Paper.

4.1

Mistoqsijiet 1-3: L-elementi tal-viżjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: il-prerekwiżit bażiku huwa attitudni soċjali miftuħa għar-riċerka u l-iżvilupp li tifhem u tirrispetta l-importanza ewlenija tar-riċerka u l-iżvilupp għall-benessri, il-kompetittività, il-progress u l-kultura. Huwa importanti wkoll li jkun hemm komunikazzjoni adegwata bejn id-dixxiplini differenti, b'mod speċjali bejn l-arti u x-xjenza; din għandha tinkludi sforzi sabiex isir qbil fuq prinċipji ta' metodoloġija. Dan huwa prerekwiżit ukoll għall-ħolqien ta' qafas neċessarju u t-tfassil ta' prijoritajiet fil-livelli kollha ta' politika. Barra minn hekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu iktar milli għamlu fil-passat sabiex jinkoraġġixxu l-iskambji ta' esperjenzi bejn il-komunità xjentifika u s-soċjetà ċivili b'mod ġenerali u sabiex issir publiċità taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, permezz ta' simpożji u konferenzi. Il-mezzi tax-xandir għandhom jaqdu rwol importanti wkoll, iżda l-enfasi għandha tkun fuq il-provediment tat-tagħrif minflok it-tiswir ta' opinjonijiet. Il-Kumitat jappoġġja t-tħassib tal-Kummissjoni li tkun żgurata diskussjoni miftuħa u li nkomplu mexjin.

4.2

Mistoqsijiet 8 u 10: Kandidati għal PhD. L-ewwelnett għandha tittieħed azzjoni fir-rigward ta' xjentisti żgħażagħ li akkwistaw l-ewwel lawrja tagħhom, jiġifieri kandidati għal PhD. Dawn m'humiex studenti jew nies li għadhom qegħdin jitħarrġu (25) izda kontributuri essenzjali għar-riċerka u t-tagħlim. Fihom infushom ir-riċerka u t-tagħlim, flimkien mal-qari ta' litteratura xierqa, u l-parteċipazzjoni f'konferenzi, seminars, u skejjel tas-sajf, huma l-aqwa forma ta' taħriġ addizzjonali. Iżda l-parteċipazzjoni trid tiġi promossa bil-qawwa u jrid isir sforz biex din issir possibbli. L-inizjattiva u l-awtonomija għandhom jiġu mħeġġa u ppremjati; dawn il-kwalitajiet mhux ser jiżviluppaw bħala tweġiba għal approċċ imsejjes fuq it-tagħlim.

4.3

Mistoqsija 12 u oħrajn: Il-bażi għandha tkun l-ETI u l-Komunitajiet ta' l-Għarfien u l-Innovazzjoni tiegħu, li jistgħu jkunu istruttivi.

4.3.1

Mistoqsija 18: L-ewwelnett, l-informazzjoni għandha tinġabar minn każijiet speċifiċi. Kwistjonijiet ta' riskju u responsabilità — per eżempju meta jirtira msieħeb — għandhom jiġu kkjarifikati.

4.3.2

Mistoqsija 19: L-ewwel pass huwa li nibnu fuq l-esperjenza tal-korpi ta' riċerka fl-Istati Membri fir-rigward ta' “istituti virtwali” li diġà jeżistu. Approċċ minn isfel għal fuq għandu jiġi favorit ukoll.

4.3.3

Mistoqsija 20: (i) Il-proposti għandhom jinġabru mill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

4.3.4

Mistoqsija 20: (ii): L-ebda kriterji mkejla b'mod oġġettiv. Il-Kumitat għandu riservi qawwija hawnhekk, peress li hemm ir-riskju li l-enfasi titpoġġa fuq kriterji kwantitattivi li suppost jistgħu jitkejlu b'mod oġġettiv, u tali kriterji kważi kważi ma jeżistux fir-riċerka (26). Kriterji bħal dawn jistgħu jkunu utli fil-każ ta' żvilupp orjentat lejn prodotti, iżda fir-riċerka jippromovu enfasi fuq perijodi ta' żmien qosra u traskuraġni (manuvrar għall-ksib ta' finanzjament). Anke fl-industrija, istituti tar-riċerka għandhom skop għal riċerka fuq medda itwal ta' żmien u għal riċerka bażika, u hemm prova ta' l-importanza ta' din ir-riċerka fil-laboratorji li għandhom l-ikbar suċċess (27), iżda peress li r-riċerka m'hijiex faċli li tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta' proċeduri ta' evalwazzjoni preskritti bbażati primarjament fuq kriterji “li jistgħu jitkejlu b'mod kwantitattiv”. Il-Kumitat jirreferi l-qarrej għal kummenti fl-opinjonijiet preċedenti (28).

4.4

Mistoqsija 21: It-tqassim ta' l-għarfien: data mhux ipproċessata. Din hija kwistjoni diffiċli u delikata. (F'liema punt fil-katina ta' investigazzjoni tiġi introdotta “data mhux ipproċessata”? Il-preċiżjoni ta' din id-data s-soltu trid tiġi vverifikata jew evalwata mill-persuna li mexxa l-istudju oriġinali.) Dan għandu implikazzjonijiet fuq ir-relazzjoni ta' fiduċja bejn riċerkaturi individwali (29). Ma jissemmewx kwistjonijiet relatati ma' kif jitwettqu esperimenti jew għal fatturi interpersonali (il-ħidma bħala tim, il-kompetizzjoni, il-prijoritajiet, eċċ.) fost ir-riċerkaturi. Ikun ta' għajnuna li jiġu provduti inċentivi meta l-għarfien jiġi maqsum b'mod dirett. Il-fattur ewlieni huwa kemm jistgħu jerġgħu jiġu prodotti r-riżultati. Il-Kumitat javża b'mod qawwi kontra l-approċċ preskrittiv, b'mod speċjali fil-livell Ewropew; rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu utli f'ċerti każijiet għall-perijodu minimu ta' żmien li fih tista' tinżamm id-data mhux ipproċessata u min għandu jkun responsabbli għaliha. Barra minn hekk (ara wkoll punt 3.19.1 hawn fuq), hemm il-problema ta' “ġestjoni ta' l-għarfien” ġenerali, sabiex ikun żgurat li l-għarfien ma jintilifx. Ikun xieraq li l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka jindirizza din il-kwistjoni.

4.4.1

Nerġgħu lura għall-mistoqsija 21: Problemi ta' aċċess għall-informazzjoni u l-iskambju tad-data. Qiegħda tiġi indirizzata problema oħra hawnhekk, jiġifieri dik ta' l-aċċess ħieles u rapidu għal data li diġà ġiet ippubblikata fil-ġurnali akkademiċi xjentifiċi speċjalizzati. Minħabba l-interpretazzjoni attwali tad-dritt ta' l-awtur m'hemmx aċċess ħieles għal libreriji online fid-dinja akkademika u m'għadhomx jistgħu jintbgħatu kopji b'mod elettroniku, u b'hekk l-aċċess malajr għal arkivji importanti tal-letteratura tax-xjenza u t-teknoloġija ġie ristrett ħafna u qiegħed ixekkel radikalment l-iskambju ta' l-għarfien xjentifiku u l-progress.

4.4.2

Aċċess miftuħ. Il-Kumitat b'hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni iktar u iktar biex tindirizza din il-kwistjoni u tfittex soluzzjonijiet ġodda u aħjar. Possibbilità waħda tista' tkun ta' sistemi ta' informazzjoni b'“aċċess miftuħ” (30), per eżempju f'ġurnali tekniċi riveduti minn partijiet pari (peer review) b'aċċess miftuħ u li jkunu rikonoxxuti (ara hawn isfel).

4.4.3

Mistoqsija 23: Perijodu transitorju. F'diversi okkażjonijiet il-Kumitat sejjaħ għal perijodu transitorju sabiex titnaqqas it-tensjoni bejn il-bżonn li wieħed jippubblika kemm jista' jkun malajr (riċerkaturi huma ġġudikati skond il-pubblikazzjonijiet tagħhom) u li ssir applikazzjoni għal brevetta qabel xejn.

4.5

Mistoqsijiet 25-29: Nottimizzaw il-programmi u l-prijoritajiet tar-riċerka. Ġeneralment, l-esperjenza bl-ERA-Net għandha tintuża fir-rigward ta' dan il-punt.

4.5.1

Mistoqsija 25: Prinċipji ta' evalwazzjoni. Il-kwistjoni ta' prinċipji komuni — li nippreżumu ifisser li huma armonizzati — għar-reviżjoni minn partijiet pari, għall-assigurazzjoni tal-kwalità u għall-evalwazzjoni hija waħda diffiċli, peress li, min-naħa waħda, ma tistax teżisti proċedura ta' evalwazzjoni perfetta, hemm biss dawk li huma aħjar jew dawk li m'humiex daqshekk tajbin, u min-naħa l-oħra, korpi ta' riċerka għandhom approċċi differenti, għallinqas fir-rigward tad-dettalji, li jfisser li l-effikaċja (relattiva) ta' proċeduri differenti għandha tiġi adottata bħala kriterju. Għaldaqstant, f'dan il-punt ukoll, il-Kumitat għandu riservi ta' prinċipju dwar l-armonizzazzjoni maħsuba. Huwa minnu li reviżjoni minn partijiet pari hija bla dubju l-aħjar proċedura (31), iżda l-kwalità u l-effikaċja tagħhom jiddipendu ħafna mid-dettalji (32). Fuq kollox huwa importanti li jiġi evitat li ma jsirx xogħol mhux bir-reqqa, li jiġri b'mod faċli minħabba l-evalwazzjonijiet kontinwi u multipli li daż-żmien ġieli jkunu meħtieġa. Għalhekk hemm il-prinċipju li jsiru evalwazzjonijiet inqas frekwenti iżda iktar bir-reqqa.

4.5.2

Għal darb' oħra (iżda mhux esklussivament) relatat mal-mistoqsija 25: Staff espert. B'mod partikulari l-Kumitat jemmen li huwa assolutament essenzjali li l-korpi ta' finanzjament, inkluża l-Kummissjoni, jinvolvu l-istaff li taw prova tal-kompetenza xjentifika tagħhom, li huma familjarji mal-karatteristiċi partikulari, il-partijiet pari u l-“komunità” ta' dan il-qasam xjentifiku — fuq il-bażi wkoll fuq attività ta' riċerka preċedenti — u jaġġornaw l-għarfien tagħhom fit-tul (33) (u b'hekk ir-rotazzjoni tax-xogħol fuq bażi regolari ssir kontraproduttiva). Hawnhekk japplika wkoll il-prinċipju li l-biża' li individwi jagħmlu żbalji ma għandux iwassal għal regolamentazzjoni eċċessiva u ostakoli għal kulħadd. Għandu jiġi segwit l-eżempju ta' korpi ta' riċerka li kellhom ħafna suċċess.

4.5.3

Mistoqsija 26: Is-semplifikazzjoni. Ġieli tissemma bħala objettiv is-semplifikazzjoni addizzjonali tar-regoli u l-proċeduri rilevanti sabiex titneħħa l-burokrazija eċċessiva għal riċerkaturi. Madankollu, il-Kumitat huwa konxju li s-sejħa ġenerali għal pluralità u approċċ minn isfel għal fuq tista' titqies li tmur kontra s-sejħa għas-semplifikazzjoni u t-tneħħija ta' burokrazija eċċessiva. Għalhekk jappoġġja approċċ ikkoordinat (ara wkoll il-punt 3.15) li jinvolvi evalwazzjoni konġunta għall-proġetti kollha fejn jeżistu, jew aktarx jeżistu, programmi Komunitarji u ta' finanzjament li huma involuti b'mod sostanzjali. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka għandu jiġi kkonsultat dwar l-għażla ta' proċeduri ta' evalwazzjoni.

4.5.4

Mistoqsija 29: Sħubija ta' organizzazzjonijiet intergovernamentali tar-riċerka. It-tifsira ta' “sħubija” għandha tiġi kkjarifikata. Is-sħubija f'korpi konsultattivi hija utli, kif inhi, naturalment, is-sħubija fil-korpi ta' sorveljanza rilevanti, jekk din tkun ko-finanzjata mill-Komunità. Madankollu, il-Kumitat definittivament jagħti parir kontra sħubija f'korpi eżekuttivi.

4.6

Mistoqsijiet 30 u 31: Niftħu għad-dinja: kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv relatat mal-politika tar-riċerka. Sa fejn huma kkonċernati l-istrumenti, għandha ssir distinzjoni bejn programmi li jesiġu tagħmir fuq skala kbira bħal aċċeleraturi, impjanti tal-fuzjoni nukleari, satelliti u mini tar-riħ (wind tunnels), u programmi li huma mferrxa madwar numru ta' ċentri jew fejn isir qsim tat-tagħmir. Kemm jista' jkun possibbli għandu jsir użu ta' l-esperjenza ta' każijiet eżistenti, għalkemm hemm ir-riskju li ssir ġeneralizzazzjoni u b'hekk jiġu injorati d-differenzi bejn każijiet individwali. B'mod ġenerali, il-Kumitat jemmen li mekkaniżmi effettivi jew każijiet preċedenti diġà jeżistu hawnhekk, u b'hekk m'hemmx il-ħtieġa għal strumenti addizzjonali.

4.7

Kumment ġenerali dwar il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni. Il-mistoqsijiet li tagħmel il-Kummissjoni jagħtu l-impressjoni li qiegħda tfittex b'mod kontinwu għal regoli ġenerali li huma maħsuba jkunu validi għall-każijiet individwali kollha li jinqalgħu fl-Istati Membri. Il-Kumitat għandu riservi serji dwar approċċ bħal dan (ara l-punt 3.14.1).

4.7.1

L-awtonomija u approċċ minn isfel għal fuq minflok l-istandardizzazzjoni. Dan ifisser li kull attentat lejn standardizzazzjoni eċċessiva għandu jiġi rrifjutat. L-istandardizzazzjoni twaqqaf l-aħjar prattika milli l-ewwelnett tiġi stabbilita b'mod empiriku permezz tal-kompetizzjoni — li bażikament il-prinċipju minn isfel għal fuq jippermetti — bejn proċeduri, metodi u approċċi kulturali differenti, u b'hekk twaqqaf ukoll li jiġu sfruttati l-vantaġġi ta' progress gradwali. Dan huwa l-uniku mod kif jista' jiġi identifikat liema approċċ huwa partikolarment effettiv, li jistħolqu finanzjament u li jista' jservi ta' eżempju.

4.7.2

Il-mekkaniżmi attwali huma adegwati. Il-mekkaniżmi eżistenti, kemm fil-livell ta' politika kif ukoll il-livelli ta' programmi u ta' proġetti diġa jipprovdu kamp suffiċjenti u raġonevoli f'dan ir-rigward. Miżuri u regoli addizzjonali jistgħu jiġu introdotti jew adattati iktar tard, jekk ikun hemm ħtieġa fuq bażi soda.

4.8

Strumenti Komunitarji eżistenti għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jirrakkomanda li regoli ġenerali, ċari u li jinftiehmu għandhom jiġu żviluppati sabiex tiġi ġġestjonata firxa wiesgħa ta' strumenti Komunitarji għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp. Tkun ta' għajnuna kbira jekk il-Kummissjoni telenka u tiddeskrivi (jiġifieri tipprovdi struzzjonijiet għall-użu li jinftiehmu) l-istrumenti u l-miżuri kollha disponibbli lilha għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni ta' objettivi tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan għandu juri wkoll jekk, fost l-ammont li qiegħed jikber ta' strumenti, l-għan ta' kull wieħed minnhom huwa ddefinit b'mod adegwat u l-istrumenti jinfirdu kif xieraq, u jekk jistgħu jinftiehmu b'mod faċli minn utenti potenzjali u mill-istaff tal-Kummissjoni jew jekk jenħtieġu jiġu aġġornati sabiex ikunu iktar ċari.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007.

ĠU C 325, 30.12.2006, p. 16.

(2)  ĠU C 325, 30.12.2006, p. 16.

(3)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 3.

ĠU C 110, 30.4.2004, p. 98.

ĠU C 157, 28.6.2005.

ĠU C 65, 17.3.2006.

ĠU C 185, 8.8.2006.

ĠU C 309, 16.12.2006.

ĠU C 325, 30.12.2006.

(4)  Peress li dan l-isem jaf jinganna (l-attivitajiet tas-CERN jestendu lil hinn mir-riċerka nukleari), daż-żmien iktar huwa magħruf bħala l-Laboratorju Ewropew għall-Fiżika tal-Partikuli, li huwa isem li jiddeskrivi aħjar ix-xogħol attwali tal-korp.

(5)  It-termini “xjentist” u “inġenier” huma użat mill-Kumitat mingħajr referenza għall-ġeneru. Hawnhekk il-Kumitat jixtieq itenni l-impenn tiegħu li ta' spiss jiddikjara għall-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi fir-riċerka u l-iżvilupp (cf. punt 3.17.4).

(6)  Ara wkoll http://www.eiroforum.org.

ILL:

:

Institut Laue-Langevin

ECMWF

:

European Centre for Medium-Range Weather Forecasts

ESRF

:

European Synchroton Radiation Facility

ESO

:

European Southern Observatory

EMBO

:

European Molecular Biology Organization

ESA

:

European Space Agency

(7)  Għal rakkont iktar dettaljat, ara CORDIS Focus Newsletter Nru 279, Ġunju 2007.

(8)  ĠU C 325, 30.12.2006.

(9)  Il-Kumitat jilqa' wkoll rakkomandazzjoni simili mill-Bord Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka, EURAB:

http://ec.europa.eu/research/eurab/index_en.html.

(10)  Hawnhekk ukoll, il-Kumitat isejjaħ b'mod partikolari lill-Istati Membri biex jieħdu d-deċiżjonjiet ta' politika neċessarji.

(11)  Kummissjoni Ewropea: Ċifri Ewlenin 2007 dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni — Lejn żona Ewropea ta' għarfien. It-Tnejn 11 ta' Ġunju 2007.

(12)  ESFRI: European Strategy Forum on Research Infrastructure (Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka).

http://cordis.europa.eu/esfri/.

(13)  Kunsill tal-Kompetizzjoni (Suq Intern, Industrija u Riċerka) tal-21 u t-22 ta' Mejju 2007.

(14)  Per eżempju, il-proġett ITER.

(15)  Per eżempju, is-Soċjetà Ewropea tal-Fiżika, il-Federazzjoni Ewropea ta' Assoċjazzjonijiet Nazzjonali ta' l-Inġinerija, il-Federazzjoni Ewropea ta' l-Inġinerija Kimika, l-Akkademiji Ewropej (EASAC, ALEA, IAP), eċċetra. Ħafna minn dawn jagħmlu parti wkoll minn organizzazzjonijiet rappreżentattvi, bħall-Inizjattiva għax-Xjenza fl-Ewropa (ISE).

(16)  ĠU C 325, 30.12.2006 (punt 4.6 ta' l-opinjoni tal-KESE).

(17)  Ara http://www.cornet-era.net, kif ukoll il-CORDIS focus, Suppliment Nru. 24 ta' Ġunju 2007.

(18)  U, jekk ma ngħatax perijodu tranżitorju għall-brevetta, sabiex ma tintilifx il-possibbilità li ssir applikazzjoni aktar tard għall-brevetta.

(19)  Fl-opinjoni dwar Ix-xjenza, is-soċjetà u ċ-ċittadin fl-Ewropa (CES 724/2001), il-Kumitat innota (punt 4.7.5): “Minħabba l-ħtieġa għal evidenza ta' reproduċibilità, esperimenti paralleli jew ripetuti minn gruppi ta' riċerka oħrajn, ġeneralment bl-użu ta' tekniki jew proċeduri modifikati, ġieli jiġu kkaratterizzati bħala duplikazzjoni tar-riċerka. Fil-fatt dan huwa element essenzjali tal-metodu xjentifiku u tal-progress. Jiggarantixxi kontra żbalji jew anke l-falsifikazzjoni”.

(20)  Cf. Lüder Gerken u Roman Herzog, “Europe's World”, edizzjoni tas-Sajf 2007.

(21)  ĠU C 256, 27.10.2007.

(22)  Per eżempju, il-ftehima ġdida dwar il-pagi fis-servizzi pubbliki li saret fil-Ġermanja tiskoraġġixxi l-mobilità b'mod qawwi.

(23)  Cf. b'mod partikolari l-opinjoni tal-KESE dwar “Investiment fl-Għarfien u l-Innovazzjoni”, INT/325 (ĠU C 256, 27.10.2007).

(24)  Cf. per eżempju l-Proċeduri tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Ġestjoni ta' l-Għarfien f'Faċilitajiet Nukleari, Ġunju 2007.

(25)  L-objettiv ta' teżi għad-dottorat huwa li tiġi demonstrata attività xjentifika indipendenti.

(26)  Ara per eżempju “Erwägen, Wissen, Ethik” (EWE), 18/2007 serje, edizzjoni Nru. 1, p. 12, kapitolu 3.4 (ISSN 1610-3696).

(27)  Per eżempju, “cosmic microwave background radiation” tal-BELL u “high-temperature superconductors” ta' l-IBM.

(28)  Ara, per eżempju, punt 7.5 ta' ĠU C 256, 27.10.2007.

(29)  Fir-riċerka bażika, dik tikkonċerna fuq kollox il-prijorità ta' skoperta jew idea; f'applikazzjonijiet tikkonċerna wkoll kwistjonijiet dwar il-brevetta.

(30)  Ara

http://www.open-access.net/RMK.

(31)  Min-naħa l-oħra, il-proċeduri iktar ma jkunu innovattivi (atipiċi) ideat, miżuri, jew mudelli, inqas ma jkun fattibbli għal reviżjoni minn partijiet pari li tipprovdi evalwazzjoni preċiża. Dan ifisser li huwa dejjem iktar importanti li jkun hemm pluralità ta' approċċi u metodi li jikkompetu (ara punt 3.14.1).

(32)  Din il-kwistjoni hija diskussa f'numru ta' artikoli fil-“Forschung und Lehre” (Assoċjazzjoni Ġermaniża ta' Professuri u Letturi Universitarji), 6/07, ISSN 0945-5604:

www.forschung-und-lehre.de.

(33)  Għal darb' oħra huwa importanti li l-biża' li individwi jagħmlu żbalji ma għandhiex twassal għal regolamentazzjoni eċċessiva għal kulħadd. Sistema li ħadmet b'mod li jista' jintwera ma għandhiex tinbidel għall-agħar minħabba esperjenza negattiva waħda (per eżempju l-affari Cresson).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi”

COM(2007) 241 finali — 2007/0089 (CNS)

(2008/C 44/02)

Nhar il-11 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Dantin.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'118-il vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-industrija tal-farmaċewtiċi hija, bir-raġun, ikkunsidrata bħala settur strateġiku ewlieni, u l-prodotti tagħha huma essenzjali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. Dan is-settur huwa importanti wkoll mil-lat ta' l-impjieg.

1.2

Fil-kuntest ta' din is-sitwazzjoni u tat-tnaqqis fir-riċerka farmaċewtika fl-Ewropa, id-deċiżjoni li titwaqqaf Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (IMI JU) hija ġġustifikata sew. Il-Kumitat jilqa' u jappoġġja din id-deċiżjoni partikularment minħabba li tinvolvi sħubija ġenwina bejn is-settur pubbliku u privat.

1.3

L-aspetti ewlenin li fuqhom għandu jiffoka r-rwol ta' l-IMI JU jinkludu dawn li ġejjin:

li tittejjeb il-previżjoni tas-sigurtà u l-effikaċja tal-medikamenti l-ġodda, partikularment fil-fażijiet ta' żvilupp bikrin, qabel ma jibdew il-provi kliniċi;

li tiġi evitata d-duplikazzjoni inutili attwali ta' l-isforzi tar-riċerka, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, permezz ta' sistemi ta' ġestjoni ta' l-għarfien żviluppati b'mod konġunt;

li jittaffew in-nuqqasijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikun żgurat li fl-Ewropa jkun hemm ħaddiema b'ħiliet li huma meħtieġa mis-settur tar-riċerka farmaċewtika;

il-provvista ta' punt ċentrali sabiex jiġu żviluppati s-sinerġiji meħtieġa bejn ir-riċerka mibdija mill-IMI JU ma' l-attivitajiet nazzjonali u Ewropej, li b'hekk tikkontribwixxi għat-twaqqif taż-Żona Ewropea ta' Riċerka f'dan is-settur.

1.4

Il-KESE jilqa' din il-konsultazzjoni wiesgħa li twettqet qabel l-abbozzar ta' dan ir-regolament u jappoġġja l-proposta li għandu jiġi ppreżentat rapport annwali dwar ir-riżultati ta' l-IMI JU. Madankollu, il-Kumitat b'dispjaċir jinnota n-nuqqas ta' analiżi dettaljata dwar l-operat u r-riżultati miksuba mill-eks Pjattaformi għat-Teknoloġija Ewropea.

1.5

Fid-dawl tas-sistema multipla ta' finanzjar li ġiet imwaqqfa u l-volum sinifikanti ta' riżorsi Komunitarji li huma involuti, il-KESE jemmen li jkun xieraq li jiġu ddefiniti aħjar l-użu u l-allokazzjoni tal-prodotti finali ta' din ir-riċerka, b'mod partikulari fir-rigward tal-proprjetà intellettwali u l-kwistjoni tal-brevetti.

1.6

Il-KESE jemmen li jkun utili li jiġu maħsuba mekkaniżmi li jħeġġu l-qligħ fuq l-investimenti Ewropej. Bl-istess mod, tkun ħaġa rakkomandabbli li jitħejja pjan li l-profitti ġġenerati mir-riċerka jiġu allokati għall-investimenti li jinsabu fl-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-iskop ta' din il-proposta ta' regolament huwa li jitniedu l-ewwel sħubiji pubbliċi-privati fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Dan jiddefinixxi wieħed mill-ewwel żewġ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI) u jinvolvi l-mediċini innovattivi (1).

2.2

L-għan tal-JTIs huwa li jippermettu lill-industrija, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni sabiex jiġbru wħud mir-riżorsi jew ir-riżorsi kollha tagħhom fi programmi ta' riċerka selezzjonati.

2.3

Il-JTIs huma differenti mill-istrateġija tradizzjonali, li tinvolvi l-provvista ta' fondi pubbliċi għal proġetti fuq bażi ta' każ b'każ, peress li jinvolvu programmi ta' riċerka fuq skala wiesgħa b'għanijiet ta' riċerka li huma strateġiċi u komuni. Dan l-approċċ ġdid huwa mistenni li joħloq massa kritika għar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea, jikkonsolida l-komunità xjentifika f'oqsma ewlenin strateġiċi, u jarmonizza l-iffinanzjar ta' proġetti sabiex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jintużaw iktar malajr. Il-JTIs huma mmirati lejn oqsma ewlenin fejn l-istrumenti attwali m'għandhom la l-iskala u lanqas il-veloċità sabiex l-Ewropa tkun minn ta' quddiem nett fir-rigward tal-kompetizzjoni globali. Dawn huma oqsma fejn il-fondi nazzjonali, Ewropej u privati għar-riċerka jistgħu jġibu valur miżjud sinifikanti, fost affarijiet oħra billi jqanqlu żieda fl-infiq privat fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp.

2.4

Il-JTI ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (IMI) għandha l-għan li tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien ġdid, strumenti ġodda u metodi ġodda li jiffaċilitaw il-provvista iktar rapida ta' mediċini iktar sikuri u iktar effettivi.

2.5

Grazzi għal metodu innovattiv ta' finanzjar, l-IMI għandha tgħin sabiex jiżdied l-investiment privat fir-Riċerka u l-Iżvilupp, tħaffef it-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-universitajiet u l-intrapriżi, u tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs fir-riċerka Ewropea.

3.   Sfond

3.1

Matul dawn l-aħħar għaxar sa ħmistax-il sena, ir-riċerka farmaċewtika fl-Ewropa bil-mod il-mod bdiet taqa' lura. Filwaqt li l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp żdied b'fattur ta' 4.6 bejn l-1990 u l-2005 fl-Istati Uniti, il-fattur ekwivalenti fl-Ewropa kien biss ta' 2.8. L-intrapriżi qegħdin kulma jmur jitrasferixxu l-unitajiet tagħhom ta' riċerka avvanzata lejn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, l-iktar lejn l-Istati Uniti u, iktar reċentement, lejn l-Ażja.

3.1.1

Din is-sitwazzjoni jista' jkollha konsegwenzi serji għall-kompetittività Ewropea, peress li l-innovazzjoni u t-teknoloġiji avvanzati huma kkunsidrati bħala toroq għat-tkabbir ekonomiku fuq il-perijodu fit-tul. Din kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-deċiżjoni li tinħoloq JTI ta' “mediċini innovattivi”.

3.2

Filwaqt li l-gvernijiet ifasslu l-pjanijet tagħhom fuq livell nazzjonali, l-industrija għandha viżjoni globali. Pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina għandhom strateġija ta' investiment magħquda li tippermetti lill-intrapriżi sabiex jippjanaw aħjar u jattiraw ir-riżorsi. Fl-Ewropa, il-gvernijiet nazzjonali ma jikkoordinawx l-investiment tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-kumpaniji farmaċewtiċi jridu jaħlu r-riżorsi sabiex jadattaw l-attivitajiet tagħhom għaċ-ċirkostanzi lokali.

3.3

Att leġislattiv Komunitarju jista' jistabbilixxi programm tar-Riċerka u l-Iżvilupp li huwa mmirat u koerenti li jista' jibni fuq ir-riżorsi kollha ta' l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp (pubbliku u privat) fil-livell Ewropew u b'hekk joħloq ambjent iktar favorevoli għall-Unjoni Ewropea. Dan huwa l-iskop ta' dan ir-regolament.

4.   Il-proposta tal-Kummissjoni

4.1

Ir-Regolament propost għat-twaqqif ta' Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi [COM(2007) 241] għandu l-għeruq tiegħu fid-dispożizzjonijiet tas-7 Programm Qafas (FP7) li jissemma fid-Deċiżjoni 1982/2006/KEE. Dan jipprovdi għal kontribut Komunitarju lejn il-ħolqien ta' sħubiji pubbliċi-privati fuq il-perijodu fit-tul fuq livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka.

4.2

Dawn l-isħubiji jieħdu l-forma ta' JTIs u jinħolqu mil-ħidma ta' l-eks Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs).

4.3

Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu 971/2006/KE dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, enfasizza l-bżonn li jitwaqqfu sħubiji pubbliċi-privati u identifika sitt oqsma li fihom il-ħolqien ta' inizjattivi konġunti teknoloġiċi huwa adattat, bil-għan li r-riċerka Ewropea titnieda mill-ġdid. Dawn huma:

Ċelloli ta' l-idroġenu u tal-fjuwil;

Aeronawtika u trasport bl-ajru (2);

Mediċini Innovattivi;

Sistemi informatiċi inkorporati (3);

Nanoelettronika (4);

GMES (sorveljanza globali għall-ambjent u s-sigurtà).

4.4

Fil-kuntest ta' din l-Istrateġija ġenerali, dan ir-Regolament propost minn COM(2007) 241 jipprovdi għall-implimentazzjoni ta' l-Inizjattiva Konġunta tal-Mediċini Innovattivi (IMI JTI) permezz tat-twaqqif ta' Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (IMI JU).

4.5

B'konformità ma' l-għanijiet tal-Kummissjoni, it-twaqqif ta' Impriża Konġunta ta' l-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi huwa mistenni li jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati li bħalissa ma jistgħux iwettqu programmi kumplessi ta' riċerka li jiswew ħafna flus (universitajiet, SMEs, sptarijiet, awtoritajiet pubbliċi, eċċ).

4.6

L-IMI JU ser titwaqqaf bħala impriża konġunta, b'membri fundaturi li jikkonsistu fil-Komunità Ewropea rappreżentata mill-Kummissjoni u l-EFPIA (Federazzjoni Ewropea ta' l-Industriji u Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi), u mwaqqfa bħala korp Komunitarju minn Regolament tal-Kunsill skond l-Artikolu 171 tat-Trattat. L-Istati Membri u l-pajjiżi involuti fis-7 Programm Qafas ser ikunu jistgħu jissieħbu, kif tista' tagħmel ukoll kwalunkwe entità legali involuta fir-Riċerka u l-Iżvilupp, sakemm din tagħmel kontribut finanzjarju.

4.7

Dan il-programm ser jibbenefika minn baġit ta' EUR 2 biljun, li jkunu investiti matul perijodu ta' seba' snin, maqsum indaqs bejn il-Kummissjoni (riżorsi mis-7 Programm Qafas b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002) u l-kumpaniji li huma membri ta' l-EFPIA, li ser jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-persunal, it-tagħmir, l-oġġetti li jiġu kkunsmati eċċ.

4.8

L-IMI JU ser jappoġġja l-attivitajiet ta' riċerka mwettqa fl-Istati Membri u fil-pajjiżi assoċjati ma' l-FP7. Il-kontribut sħiħ tal-Komunità ta' biljun euro ser jitwarrab għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju u għall-universitajiet għar-riċerka ta' farmaċewtika applikata. L-intrapriżi l-kbar li jieħdu sehem ser jinvestu somma indaqs billi joħorġu l-ispejjeż għall-parti tagħhom tar-riċerka u billi jinvolvu lill-SMEs u l-universitajiet.

4.9

L-impriża konġunta ta' l-IMI għandha tiġu kkunsidrata bħala korp internazzjonali b'entità legali skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/17/KEE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/18/KEE. Is-sede tagħha ser tkun fi Brussell u l-attivitajiet tagħha ser jintemmu f'Diċembru 2017. Dan il-perijodu jista' jiġi estiż mill-Kunsill.

5.   Kummenti ġenerali

5.1

Fir-rapport bl-isem ta' Il-Holqien ta' Ewropa Innovattiva, l-industrija tal-farmaċewtika hija kkunsidrata, kif inhu xieraq, bħala settur strateġiku ewlieni, u l-prodotti tagħha huma essenzjali għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej. Effettivament, l-użu adattat u effettiv tal-prodotti farmaċewtiċi jgħin sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja.

5.2

L-industrija farmaċewtika tipprovdi wkoll ħafna impjiegi fl-Ewropa. Fl-2004, dan is-settur impjega 612 000 persuna, li minnhom 103 000 kellhom ħiliet ta' livell għoli fir-riċerka xjentifika.

Rwol ta' l-IMI JU

5.3

Il-ġustifikazzjoni prinċipali għat-twaqqif ta' l-IMI JU hija l-bżonn li jiġi indirizzat it-tnaqqis fil-qasam tar-riċerka farmaċewtika u li din it-tendenza tinqaleb. Dan il-bżonn kien diġà ġie osservat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Lulju 2003 bl-isem ta' Industrija Farmaċewtika bbażata fl-Ewropa iktar b'saħħitha għall-Benefiċċju tal-PazjentSejħa għal Azzjoni.

5.4

Sabiex dan jinkiseb, hemm bżonn li jinbidlu l-metodi tradizzjonali tal-kooperazzjoni bilaterali. Approċċ ġdid fuq livell Ewropew huwa meħtieġ bħalissa, li jwassal għall-kooperazzjoni diretta bejn universitajiet, SMEs rilevanti, korpi pubbliċi u l-industrija farmaċewtika b'rabta mad-dispożizzjonijiet finanzjarji mressqa fis-7 Programm Qafas.

5.5

L-aspetti ewlenin li fuqhom għandu jiffoka r-rwol ta' l-IMI JU jinkludu dawn li ġejjin:

li tittejjeb il-previżjoni tas-sigurtà u l-effikaċja tal-medikamenti l-ġodda, partikularment fil-fażijiet ta' żvilupp bikrin, qabel ma jibdew il-provi kliniċi;

li tiġi evitata d-duplikazzjoni inutili attwali ta' l-isforzi tar-riċerka, kemm fis-settur privat kif ukoll f'dak pubbliku, permezz ta' sistemi ta' ġestjoni ta' l-għarfien żviluppati b'mod konġunt;

li jittaffew in-nuqqasijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikun żgurat li fl-Ewropa jkun hemm ħaddiema b'ħiliet li huma meħtieġa mis-settur tar-riċerka farmaċewtika;

il-provvista ta' punt ċentrali biex jiġu żviluppati s-sinerġiji meħtieġa bejn ir-riċerka mibdija mill-IMI JU ma' l-attivitajiet nazzjonali u Ewropej, li b'hekk tikkontribwixxi għat-twaqqif taż-Żona Ewropea ta' Riċerka f'dan is-settur.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1

Il-KESE bi pjaċir josserva l-konsultazzjoni wiesgħa li saret qabel l-abbozzar ta' dan ir-regolament u jappoġġja l-implimentazzjoni ta' programmi tat-taħriġ adattati mmirati sabiex jipprovdu l-ħiliet neċessarji f'settur li huwa essenzjali għall-ekonomija Ewropea u għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

6.2

Kif jissemma fil-punt 4.2, il-JTIs inħalqu mil-ħidma ta' l-eks Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs). Madankollu, dawn bil-kemm kisbu l-għan tagħhom li r-riċerka titnieda mill-ġdid b'mod strateġiku fl-Ewropa. Il-ħolqien ta' JTIs huwa bbażat fuq dan ir-rikonoxximent ta' falliment parzjali fir-rigward tar-rwol ta' l-ETPs, li essenzjalment kien li jagħti kontribut ewlieni lill-industrija fil-qasam tal-kompetittività.

6.2.1

F'dan il-kuntest, il-KESE jiddispjaċih li fil-proposta tal-Kummissjoni m'hemmx deskrizzjoni dettaljata tal-ħidma li twettqet qabel mill-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs); m'hemm l-ebda analiżi, ir-riżultati ma jissemmewx, u m'hemm l-ebda referenzi biblijografiċi.

6.2.2

Għal din ir-raġuni, fir-rigward tal-JTIs, il-KESE jilqa' l-proposta li għandu jitressaq rapport annwali li jagħti analiżi tar-riżultati u tal-progress miksub.

6.3

Barraminhekk, il-KESE jilqa' l-ħolqien ta' l-impriża konġunta ta' l-inizjattiva tal-mediċini innovattivi. F'termini ġenerali, din għandha l-karatteristiċi neċessarji għat-tnedija mill-ġdid tar-riċerka farmaċewtika fl-Ewropa grazzi għal sħubija ġenwina bejn is-settur pubbliku u dak privat. Din l-inizjattiva hija konsistenti ma' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, li tipprovdi għall-investiment ta' 3 % tal-PGD fl-attivitajiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp fejn żewġ terzi għandhom jiġu mis-settur privat.

6.3.1

Madankollu, fid-dawl tas-sistema multipla ta' finanzjar li ġiet imwaqqfa u l-volum sinifikanti ta' riżorsi Komunitarji li huma involuti, il-KESE jemmen li jkun xieraq li jiġu ddefiniti aħjar l-użu u l-allokazzjoni tal-prodotti finali ta' din ir-riċerka. Għal dan il-għan, il-kwistjoni tal-brevetti u l-proprjetà intellettwali skond id-definizzjoni tar-regolament u l-Annessi tiegħu, li jillimita ruħu għall-preżentazzjoni tal-prinċipji, għandha tkun iktar preċiża u iktar ċara, sabiex ma ssirx ta' xkiel għall-implimentazzjoni tajba ta' l-IMI JTI.

6.3.2

Il-maġġoranza tal-kumpaniji farmaċewtiċi l-kbar li joperaw fl-Ewropa għandhom dimensjoni globali. Hawnhekk ukoll, minħabba fondi Komunitarji sinifikanti, ikun adattat li jiġu maħsuba mekkaniżmi li jippromovu qligħ fuq l-investiment Ewropew. Minn dan il-lat, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni sabiex ma jinħolqux barrieri għall-użu ta' mediċini innovattivi f'pajjiżi li m'humiex fl-UE, ir-regolament jista' jinkludi ċerti dispożizzjonijiet għall-fażijiet kollha ta' riċerka u l-produzzjoni ta' molekuli bbażata fuq riċerka ta' dan it-tip fl-UE. Bl-istess mod, huwa rrakkomandat li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mfassla b'tali mod li l-profitti ġġenerati mir-riċerka ffinanzjata mill-IMI JTI jiġu assenjati għall-investimenti li jinsabu fl-UE.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  JTI oħra tinvolvi sistemi informatiċi inkorporati. Din tissemma fl-opinjoni INT/364.

(2)  (INT/369).

(3)  (INT/364).

(4)  (INT/370).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-‘Impriża Komuni ARTEMIS’ sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter”

COM(2007) 243 finali — 2007/0088 (CNS)

(2008/C 44/03)

Nhar il-11 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, skond l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-“Impriża Komuni ARTEMIS” sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-4 ta' Ottubru. Ir-rapporteur kien is-Sur Dantin.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u fil-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'127 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova b'mod ġenerali l-istrateġija tal-Kummissjoni. Jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) huwa mod adattat sabiex l-intrapriżi Ewropej jingħataw qafas stabbli ta' referenza permezz ta' strument ġdid li jippermetti li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u jevita firxa inugwali ta' programmi li bilkemm jippermettu l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

1.2

Il-Kumitat japprova l-proposta mħabbra li kull sena jiġu ppreżentati r-riżultati ta' ARTEMIS. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jiddispjaċih għan-nuqqas ta' stima ddettaljata dwar it-tħaddim u r-riżultati miksuba minn dawk li qabel kienu jissejħu l-“Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija”.

1.3

Għall-Kumitat, l-Impriża Konġunta ARTEMIS, li hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata, tirrappreżenta bażi soda għall-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u kontribut importanti għall-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej.

1.4

Billi jagħti opinjoni favorevoli għall-proposta li qiegħda tiġi kkunsidrata, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' l-istrateġija innovattiva li hija proposta fir-rigward ta' l-investimenti li jiġbru r-riżorsi tal-Komunità, ta' l-intrapriżi, ta' l-Istati Membri differenti u tal-korpi ta' R&D li qegħdin jipparteċipaw.

1.5

Fir-rigward ta' din l-istruttura kollaborattiva innovattiva u li tista' ssir kumplessa fejn jidħol l-użu tal-prodotti tar-riċerka li għandhom jitwettqu, il-KESE jilqa' l-importanza u l-preċiżjoni li ngħataw lill-proprjetà intelletwali fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta' l-Impriża Konġunta.

1.6

Fl-aħħar, il-Kumitat iqis dan li ġej bħala neċċessarju:

is-semplifikazzjoni reali tal-proċeduri, b'mod partikulari minħabba l-effett negattiv li kellha l-burokrazija fuq il-programmi preċedenti ta' R&D;

programm ta' tagħrif imniedi sabiex iħeġġeġ il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi meħtieġa;

it-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ vokazzjonali li jassiguraw li l-kwalifiki tal-ħaddiema jaqblu ma' l-impjiegi maħluqin minn ARTEMIS bil-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tissawwar il-leadership industrijali f'dan is-settur strateġiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li qiegħda tiġi analizzata għandha l-għan li tniedi l-ewwel sħubijiet Ewropej pubbliċi-privati fil-qasam ta' l-R&D. Tiddefinixxi waħda mill-ewwel żewġ Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti (JTIs). Din tikkonċerna s-Sistemi Integrati tal-Kompjuter (1).

2.2

L-għan ġenerali tal-JTIs huwa li jippermettu lill-industrija, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li jallokaw ir-riżorsi tagħhom kollha jew parti minnhom favur programmi magħżula ta' riċerka.

2.3

Kontrarjament għall-istrateġija tradizzjonali li tinvolvi l-provvediment ta' finanzjament pubbliku lill-proġetti każ b'każ, il-JTIs jikkonċernaw programmi ta' riċerka fuq skala kbira li għandhom għanijiet ta' riċerka strateġiċi komuni. Dan l-approċċ ġdid għandu joħloq massa kritika għar-riċerka u l-inovazzjoni Ewropej, jikkonsolida l-komunità xjentifika f'oqsma strateġiċi ewlenin u jarmonizza l-finanzjament tal-proġetti sabiex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jintużaw aktar malajr.

2.4

Din il-proposta tipprovdi l-qafas legali li fuqu huwa bbażat ARTEMIS, il-JTI dwar is-Sistemi Integrati tal-Kompjuter.

2.5

Il-JTI ARTEMIS tikkonċerna l-kompjuters inviżibbli (sistemi integrati) li jħaddmu għadd ta' magni, minn karozzi u ajruplani sa telefons, netwerks ta' enerġija kif ukoll għadd ta' apparati domestiċi bħal magni tal-ħasil, settijiet tat-televiżjoni, eċċ.

2.6

Skond il-previżjonijiet, fid-dinja ser ikun hawn aktar minn 16-il biljun proċessur integrat sa l-2010 u aktar minn 40 biljun sa l-2020. Fl-2010, dawn is-software u hardware inviżibbli ser jirrappreżentaw minn 30 sa 40 % tal-valur ta' prodotti ġodda: fl-oġġetti għall-konsumaturi (41 %), fit-telekomunikazzjonijiet (37 %), fil-karozzi (36 %) u fit-tagħmir għas-saħħa (33 %).

2.7

Il-baġit ARTEMIS allokat għar-riċerka ser jilħaq it-total ta' EUR 2.7 biljun fuq perijodu ta' seba' snin. 60 % minn dan ser jiġi mill-industrija, EUR 410 miljun mill-Kummissjoni u EUR 800 miljun mill-programmi ta' l-Istati Membri.

3.   Il-kuntest

3.1

It-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) għandhom importanza ekonomika u soċjali fundamentali u jaqdu rwol essenzjali fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija riveduta ta' Lisbona li tenfasizza li l-għarfien u l-innovazzjoni fl-UE jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi.

3.2

Fuq livell globali, filwaqt li n-nefqa totali ta' R&D għandha tiżdied b'madwar 170 % matul l-għaxar snin li ġejjin, huwa previst li dik marbuta mas-sistemi integrati għandha tiżdied b'225 %, u b'hekk minn EUR 58 biljun fl-2002 togħla għal EUR 132 miljun fl-2015 (2).

3.3

Fl-UE, ir-R&D fl-ICTs tirrappreżenta madwar 18 % tan-nefqa totali tar-R&D filwaqt li din il-figura hija ta' 34 % għall-Istati Uniti u ta' 35 % għall-Ġappun (3). In-nefqa għal kull abitant fl-UE hija ta' madwar EUR 80, filwaqt li l-figura hija ta' EUR 350 fl-Istati Uniti u ta' EUR 400 fil-Ġappun. Ir-riċerka fuq is-sistemi integrati hija parti importanti mir-riċerka fuq l-ICT u fl-Ewropa; din tirrappreżenta EUR 380 miljun ta' fondi pubbliċi u aktar minn 50 % tal-baġit ta' l-intrapriżi allokat għar-riċerka fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

3.4

Sabiex tibqa' preżenti f'dan is-settur b'potenzjal qawwi ta' żvilupp, l-UE trid iżżid l-investimenti tagħha f'dan il-qasam strateġiku u tużahom b'mod aktar effettiv minflok tadotta struttura ta' riċerka li twassal għall-frammentazzjoni u d-dupplikazzjoni ta' l-isforzi. Fil-preżent, l-intrapiżi ta' l-UE ma għandhom l-ebda qafas li jħeġġeġ l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-istandards meħtieġa.

3.4.1

B'mod ġenerali, il-progress jinżamm lura bin-nuqqas ta' koordinazzjoni ta' l-għanijiet tar-R&D industrijali, bid-duplikazzjoni ta' l-isforz u bl-użu parzjali tal-finanzi limitati allokati għar-riċerka.

3.4.2

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tbiddel dan il-kuntest.

4.   Il-Proposta tal-Kummissjoni

4.1

Id-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' l-Impriża Komuni ARTEMIS li ġie trattat fid-dokument COM(2007) 243 finali hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KEE dwar is-7 Programm Qafas li jipprevedi kontribuzzjoni tal-Komunità għat-twaqqif ta' sħubijiet pubbliċi-privati fit-tul fuq livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka xjentifika.

4.2

Dawn is-sħubijiet jieħdu l-forma ta' “Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti” (JTIs) u ġejjin minn dawk li qabel kienu il-“Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija” (ETPs).

4.3

Fid-Deċiżjoni Nru 971/2006/KE dwar il-Programm Speċifiku Kooperazzjoni (4), il-Kummissjoni ddeċidiet li tisħaq fuq il-ħtieġa li jitwaqqfu dawn is-sħubijiet pubbliċi-privati u identifikat sitt oqsma li fihom il-ħolqien ta' Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti huwa adattat għat-tnedija mill-ġdid tar-riċerka Ewropea. L-oqsma huma dawn:

Ċelloli ta' l-idroġenu u tal-karburant,

Aeronawtika u trasport bl-ajru (5),

Mediċini innovativi (6),

Sistemi integrati tal-kompjuter,

Nanoelettronika (7),

GMES (monitoraġġ globali għall-ambjent u s-sigurtà).

4.4

Fil-kuntest ta' din l-istrateġija ġenerali, ir-regolament li tittratta dwaru l-proposta COM(2007) 243 li qiegħda tiġi kkunsidrata jipprevedi l-implimentazzjoni ta' Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' l-Impriża Komuni ARTEMIS sabiex timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fis-Sistemi Integrati tal-Kompjuter.

4.5

L-għażla ta' impriża relatata mat-tema fundamentali ta' “l-inkorporazzjoni ta' l-intelliġenza” tagħmel parti minn qasam strateġiku li jkopri s-settur tal-karozzi, l-apparati domestiċi, it-tagħmir tal-komunikazzjoni, is-sistemi ta' kontroll u t-tagħmir li jintuża fl-uffiċċji.

4.6

F'dawn is-setturi, huwa mistenni li l-importanza, diġà konsiderevoli llum il-ġurnata, tas-sistemi integrati għall-kontroll tat-tagħmir għandha tkompli tikber b'mod sinifikattiv matul il-ħames snin li ġejjin: is-sehem tas-sistemi integrati mill-valur tal-prodotti finali huwa mistenni jilħaq bejn 35 u 40 % u n-numru totali tagħhom huwa mistenni li jkun ta' 16-il biljun fl-2010 u ta' aktar minn 40 biljun fl-2020.

4.7

Ir-raġuni ewlenija li wasslet għat-twaqqif ta' JTI hija r-rieda li jinħoloq programm Ewropew ta' riċerka u żvilupp li jkun jista' jgħin l-ekonomija Ewropea tikseb leadership dinjija fis-sistemi integrati tal-kompjuter, billi dawn huma innovazjonijiet indispensabbli f'setturi kruċjali għall-kompetittività u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi Ewropej.

4.8

Għall-Kummissjoni, ir-rwol ta' impriża bħal ARTEMIS huwa wieħed fundamentali sabiex ma jerġax iseħħ dak li ġara fl-industrija Ewropea fil-qasam tad-desktop kompjuters u ta' l-Internet, fejn il-produzzjoni ġiet trasferita barra mill-Ewropa (Stati Uniti, Ġappun, eċċ.) minħabba n-nuqqas ta' investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

4.9

It-twaqqif ta' JTI ARTEMIS huwa l-frott ta' konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati u ta' sensiela ta' inizzjattivi u konferenzi importanti fil-livell tal-Komunità. L-għanijiet u l-iskopijiet ta' din l-impriża l-ewwel għaddew mill-għarbiel ta' esperti industrijali u akkademiċi li offrew il-kompetenza tagħhom fil-qasam tas-sistemi integrati lill-proposta li qiegħda tiġi kkunsidrata. L-Istati Membri għarfu li l-livell Komunitarju huwa l-uniku wieħed li jista' joffri tweġiba għall-isfidi tal-futur.

4.10   Bażi legali

Il-proposta tikkonsisti f'regolament tal-Kunsill li għandu l-istatuti ta' l-impriża konġunta mehmużin f'appendiċi. Hija bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat. L-impriża konġunta ser tifforma korp Komunitarju u minkejja l-fatt li l-baġit tagħha jaqa' taħt l-Artikolu 185 tar-Regolament 1605/2002 tal-Kunsill, in-natura speċifika ta' din l-impriża għandha tiġi kkunsidrata: fil-fatt, din tinvolvi sħubijiet pubbliċi-privati fejn il-kontribuzzjoni tas-settur privat hija kbira u tilħaq, minn ta' l-inqas, dik tas-settur pubbliku.

4.11   Kompożizzjoni

Il-membri fundaturi ta' l-Inizjattiva ta' Teknoloġija Konġunta (JTI) huma l-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri li wrew l-intenzjoni li jieħdu sehem f'din il-JTI u ARTEMISIA (assoċjazzjoni li tirrappreżenta għadd kbir ta' intrapriżi tas-settur ikkonċernat u ta' organiżmi oħra ta' R&D). L-istatuti jelenkaw lista ta' entitajiet li jistgħu jsiru aktar tard membri ta' l-impriża konġunta ARTEMIS, b'mod speċjali l-pajjiżi assoċjati mas-7 Programm Qafas li mhumiex membri ta' l-UE, kif ukoll kull entità legali oħra li tista' tikkontribbwixxi għall-iskopijiet ta' l-impriża konġunta ARTEMIS.

4.12   Finanzjament

L-ispejjeż operattivi ta' l-intrapriża konġunta ARTEMIS, li jinsabu fid-dettall fl-Artikolu 4, għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

kontribuzzjoni finanzjarja minn ARTEMISIA sa EUR 20 miljun jew 1 % ta' l-ispejjeż totali tal-proġetti, iżda mingħajr ma taqbeż EUR 30 miljun;

kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità sa EUR 10 miljun;

kontribuzzjonijiet in natura mill-Istati Membri imdaħħlin f'ARTEMIS.

L-attivitajiet ta' R&D għall-perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2017 għandhom ikunu koperti mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità sa EUR 410 miljun;

kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri mdaħħlin f'ARTEMIS, li għandhom jitħallsu direttament lill-organiżmi ta' riċerka u ta' żvilupp li jieħdu sehem fil-proġetti ta' R&D;

kontribuzzjonijiet in natura mill-organiżmi ta' riċerka u ta' żvilupp.

4.12.1

Matul il-perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013, l-ogħla kontribuzzjoni tal-Kummissjoni tista' tkun ta' EUR 420 miljun. Dawn il-fondi għandhom jittieħdu mill-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplementa s-7 Programm Qafas għall-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1605/2002 tal-Kunsill. Fl-2008, għandhom jiġu allokati EUR 42.5 miljun.

4.12.2

Dan l-investiment konsiderevoli huwa ġġustifikat mill-fatt li r-riżultati mistennija minn ARTEMIS fil-ġejjieni fl-oqsma kkonċernati għandhom iservu wkoll ta' punti ta' riferiment importanti għall-politiki Komunitarji kollha, speċjalment fl-oqsma ta' l-ambjent, tat-trasport, ta' l-enerġija u tas-suq intern. B'hekk dawn il-politiki għandhom jagħtu kontribut konkret għall-kisba ta' l-għanijiet ta' kompetittività ta' Lisbona u ta' l-għanijiet ta' Barċellona għall-infiq fuq ir-riċerka. L-inizjattiva proposta tagħmel parti minn strateġija ambizzjuża tal-Komunità li tinvolvi, fost oħrajn, il-proposta tat-twaqqif ta' Istitut Ewropew għat-Teknoloġija (EIT).

4.13   Proprjetà Intelletwali

ARTEMIS għandha tadotta regoli li japplikaw għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka: dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li, skond is-sitwazzjoni, il-proprjetà intellettwali ġġenerata minn attivitajiet ta' R&D tkun imħarsa u li r-riżultati tar-riċerka jintużaw u jinxterdu. L-Artikolu 24 tar-Regolament ta' l-Impriża Konġunta jispjega dan il-prinċipju fid-dettall.

4.14

Skond il-Kummissjoni, it-twaqqif ta' l-impriża konġunta Artemis għandu joffri lill-Komunità l-vantaġġi oġġettivi li ġejjin:

Integrazzjoni ta' l-isforzi nazzjonali billi jkunu segwiti għanijiet komuni identifikati fil-livell Ewropew — dan għandu jgħin sabiex tinbena Żona Ewropea ta' Riċerka f'sistemi integrati tal-kompjuter;

Flessibilità akbar fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ta' l-Istati Membri;

Effett ta' lieva tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fir-rigward ta' l-Istati Membri u ta' l-intrapriżi;

Effiċjenza tal-programmi u tħassir tal-punti dgħajfa ta' l-inizzjattivi preċedenti;

Effiċjenza ekonomika permezz tat-tqassir taż-żmien li tieħu t-tnedija tal-proġetti;

Titjib fil-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-UE permezz ta' proċedura iktar mgħaġġla sabiex ir-riżultati tar-riċerka jitqiegħdu fis-suq.

5.   Osservazzjonijiet ġenerali

5.1

Il-KESE japprova b'mod ġenerali l-istrateġija tal-Kummissjoni. Jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investimenti fl-R&D huwa mod adattat sabiex l-intrapriżi Ewropej jingħataw qafas stabbli ta' referenza permezz ta' strument ġdid li jippermetti li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u jevita firxa inugwali ta' programmi li bilkemm jippermettu l-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba.

5.2

Madanakollu, hekk kif inhu mniżżel fl-Artikolu 4.2, il-JTIs huma frott ix-xogħol ta' dawk li qabel kienu jissejħu l-“Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija” (ETPs). Dawn qajla kienu jilħqu l-għan assenjat lilhom li jniedu mill-ġdid ir-riċerka Ewropea b'mod strateġiku, u dan l-aktar minħabba li l-grad ta' responsabbiltà mogħti lill-partijiet ikkonċernati ma kienx ikun għoli biżżejjed. It-twaqqif ta' JTIs huwa bbażat fuq din il-konstatazzjoni ta' falliment parzjali marbut mar-rwol tal-ETPs, li sostanzjalment kien li jagħtu kontribut essenzjali lill-kompetittività ta' l-industrija.

5.2.1

Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma tipprovdix stampa aktar dettaljata dwar ix-xogħlijiet li saru qabel mill-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija (ETPs): ma tagħti l-ebda valutazzjoni ta' dawn ix-xogħlijiet, ma ssemmix ir-riżultati tagħhom u ma tinkludix referenzi biblijografiċi.

5.2.2

Għalhekk, fir-rigward tal-JTIs, il-Kumitat japprova l-proposta mħabbra li kull sena jkun ippreżentat rapport li jiġbor fih valutazzjoni tar-riżultati miksuba u tal-progress li jkun sar.

5.3

Għall-Kumitat, l-Impriża Konġunta ARTEMIS, li hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata, tirrappreżenta bażi soda għall-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u kontribut importanti għall-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej.

5.4

Id-disponibbiltà fil-futur ta' sistemi dejjem aktar intelliġenti tista' tikkontribbwixxi b'mod sinifikattiv għall-produzzjoni ta' prodotti dejjem aktar siguri u fl-istess ħin tista' tagħti sehem fit-tnedija ta' taħriġ u kwalifiki ta' livell għoli li jkunu jistgħu jtejbu l-qagħda tal-ħolqien u l-iżvilupp tax-xogħol.

5.5

Billi jagħti opinjoni favorevoli għall-proposta li qiegħda tiġi kkunsidrata, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' l-istrateġija innovattiva li hija proposta fir-rigward ta' l-investimenti.

5.5.1

Fil-fatt, għall-ewwel darba fil-programmi ta' riċerka u żvilupp, mhux biss għandhom ikunu disponibbli r-riżorsi tal-Komunità u ta' l-intrapriżi — ħaġa mhux tas-soltu — irrapreżentati minn ARTEMISIA, iżda wkoll riżorsi ġejjin minn diversi Stati Membri u mill-istrutturi ta' l-R&D li ser jieħdu sehem.

5.5.2

Fir-rigward ta' din l-istruttura kollaborattiva innovattiva u li tista' ssir kumplessa fejn jidħol l-użu ta' prodotti tar-riċerka li għandhom jitwettqu, il-KESE jilqa' l-importanza u l-preċiżjoni li ngħataw lill-proprjetà intelletwali fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta' l-Impriża Konġunta.

5.6

Madanakollu, sabiex jikseb l-għanijiet tiegħu u sabiex il-potenzjal kollu ta' din l-istruttura ġdida jintuża bl-aħjar mod, il-KESE jqis li dan li ġej huwa neċessarju:

is-semplifikazzjoni reali tal-proċeduri matul il-fażijiet kollha tad-diversi attivitajiet ta' R&D, mill-għazla ta' l-azzjonijiet sat-tixrid tar-riżultati, u dan billi ARTEMIS tingħata r-responsabbiltà ewlenija għal dawn il-kompiti. Fl-imgħoddi, il-kumplessità amministrattiva u l-inċertezza dwar il-finanzjament u r-referenzi istituzzjonali kienu fost il-kawżi tal-falliment tal-programmi ta' R&D ta' qabel;

programm ta' tagħrif wiesa' dwar il-possibbiltajiet li toffri l-impriża ARTEMIS, l-aktar dwar il-kapaċità tagħha li tiġbor ir-riżorsi ekonomiċi meħtieġa fil-kuntest tal-forom ġodda ta' finanzjament;

it-tnedija ta' programmi xierqa ta' taħriġ vokazzjonali sabiex ikun hemm forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja u bil-kompetenzi meħtieġa għall-R&D li huma mistennija minn ARTEMIS li jistgħu jkunu strateġiċi ħafna għall-ġejjieni industrijali ta' l-UE. Dawn il-kwalifiki ta' livell għoli, li għandhom joffru l-grad għoli ta' tekniċità meħtieġa għall-impjiegi ġodda ta' l-R&D, għandhom mhux biss iżommu lura l-esodu tar-riċerkaturi iżda wkoll ikunu waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tissawwar il-leadership industrijali ta' l-Unjoni Ewropea f'dawn l-oqsma strateġiċi.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-JTI l-oħra tikkonċerna l-mediċini innovattivi. Ara l-Opinjoni INT/363.

(2)  Software Intensive Systems in the Future, IDATE/TNO, 2005.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “i2010 — Soċjetà Ewropea ta' l-informazzjoni għas-servizz tat-tkabbir u l-impjieg” Kummissjoni Ewropea, 2005.

(4)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 1.

(5)  (INT/369).

(6)  (INT/363).

(7)  (INT/370).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Sema Nadif”

COM(2007) 315 finali — 2007/0118 (CNS)

(2008/C 44/04)

Nhar il-11 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Sema Nadif.

Nhar il-10 ta' Lulju 2007 l-Bureau tal-Kumitat iddeċieda li jitlob lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ħatar lis-Sur Dantin bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'97 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' d-deċiżjoni għat-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif. Huwa jikkunsidra li dan l-approċċ lejn it-tnedija mill-ġdid ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp permezz ta' finanzjament pubbliku/privat għandu l-potenzjal li jagħti lill-intrapriżi Ewropej qafas ta' referenza stabbli. Dan l-approċċ jagħmilha possibbli wkoll li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u tal-koordinazzjoni tar-riċerka, li ħafna drabi hija mxerrda wisq, u li b'hekk jgħin sabiex din issir iktar effettiva.

1.2

Huwa jilqa' l-għażla ta' dan is-settur, li, filwaqt li jorbot ma' l-Istrateġija ta' Lisbona billi jagħti spinta ġdida lil industrija li hija teknikament innovattiva u li tiġġenera għadd kbir ta' imjiegi b'ħiliet kbar, jikkontribwixxi wkoll lejn il-progress bżonjuż ħafna fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent.

1.3

Billi laqa' din il-proposta, il-KESE l-ewwelnett jixtieq jenfasizza l-importanza għall-UE ta' l-istrateġija proposta fl-oqsma tal-promozzjoni ta' l-investiment u tal-koordinazzjoni tar-riċerka. B'hekk il-Kumitat iħoss li l-Istrateġija tappoġġja b'mod qawwi l-ħolqien ta' żona Ewropea għar-Riċerka u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti lejn il-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej f'dan is-settur.

1.4

Madankollu, fil-kuntest ta' sorsi multipli ta' finanzjament, tan-numru ta' partijiet interessati u tar-riżorsi Komunitarji sostanzjali involuti, huwa ċar li l-użu u s-sjieda tal-prodotti finali tar-riċerka għandhom ikunu ddefiniti aħjar, partikularment fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-brevetti.

1.5

Fl-aħħar, il-Kumitat iħoss li hemm bżonn ta' dawn il-miżuri li ġejjin:

semplifikazzjoni ġenwina tal-proċeduri, partikularment fil-kuntest ta' l-impatt negattiv tal-burokrazija fuq il-programmi preċedenti tar-riċerka u l-iżvilupp. Billi dawn il-proċeduri qegħdin jitfasslu bħalissa, il-Kumitat ser jagħti attenzjoni bir-reqqa lill-ħtieġa li l-partijiet kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-għażla ta' l-objettivi u l-analiżi tar-riżultati finali;

kampanja ta' informazzjoni li tgħin timmobbilizza r-riżorsi ekonomiċi meħtieġa;

it-twaqqif ta' programmi adattati ta' taħriġ vokazzjonali sabiex jiġi assigurat li l-ħiliet tal-ħaddiema jaqblu ma' l-impjiegi maħluqa minn Sema Nadif, bil-għan li jinħolqu l-kondizzjonijiet sabiex ikun hemm tmexxija industrijali f'dan is-settur strateġiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan ta' din il-proposta ta' Regolament tal-Kunsill huwa li titnieda waħda mill-ewwel sħubijiet pubbliċi/privati fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Dan jiddefinixxi waħda mill-ewwel Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI). Din l-inizjattiva tinsab fil-qasam ta' l-aeronawtika u t-trasport bl-ajru bl-isem ta' “SEMA NADIF”.

2.2

L-għan ġenerali tal-JTIs huwa li jippermettu lill-industrija, lill-organizzazzjonijiet ta' riċerka, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni sabiex jiġbru wħud mir-riżorsi jew ir-riżorsi kollha tagħhom fi programmi ta' riċerka selezzjonati.

2.3

Il-JTIs huma differenti mill-istrateġija tradizzjonali, li tinvolvi l-provista ta' fondi pubbliċi għal proġetti fuq bażi ta' każ b'każ, peress li jinvolvu programmi ta' riċerka fuq skala kbira b'għanijiet ta' riċerka strateġiċi komuni. Dan l-approċċ ġdid huwa mistenni li joħloq massa kritika għar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea, jikkonsolida l-komunità xjentifika f'oqsma strateġiċi ewlenin, u jarmonizza l-finanzjament ta' proġetti sabiex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jintużaw iktar malajr. Il-JTIs huma mmirati lejn oqsma ewlenin fejn l-istrumenti attwali m'għandhom la l-iskala u lanqas il-veloċità sabiex l-Ewropa tinżamm fuq quddiem nett fil-kompetizzjoni globali. Dawn huma oqsma fejn il-fondi nazzjonali, Ewropej u privati għar-riċerka jistgħu jġibu magħhom valur miżjud sinifikanti, fost affarijiet oħra billi jistimulaw żieda fl-infiq privat fir-Riċerka u l-Iżvilupp.

2.4

L-għan prinċipali tal-JTI fil-qasam ta' l-aeronawtika u t-trasport bl-ajru, magħruf bħala “Sema Nadif”, huwa li jitħaffef l-iżvilupp tat-teknoloġiji tat-trasport ta' arja nadifa fl-UE sabiex ikunu jistgħu jibdew joperaw mill-iktar fis possibbli. Apparti milli jikkontribwixxu lejn il-kompetittività settorjali, teknoloġiji bħal dawn jistgħu jgħinu wkoll sabiex jiksbu objettivi strateġiċi Ewropej ambjentali u soċjali, flimkien mat-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

3.   Kuntest u kunsiderazzjonijiet ġenerali

3.1

Billi huwa maħsub li t-traffiku ta' l-ajru ser jirdoppja matul l-għoxrin sena li ġejjin u billi l-iżvilupp ta' sistema tat-trasport għall-passiġġieri u l-merkanzija li tkun kompatibbli ma' l-ambjent huwa element essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u soċjali Ewropew, il-programm huwa neċessarju u ġġustifikat.

3.2

Id-deċiżjoni li tittieħed l-azzjoni fil-livell Ewropew tidher li hija adattata, billi l-azzjoni li tittieħed mill-partijiet interessati fl-Istati Membri m'hijiex appoġġjata daqshekk tajjeb fil-qasam tar-riżorsi ekonomiċi u l-għarfien xjentifiku.

3.3

Huwa essenzjali għall-Istati Membri li jieħdu sehem direttament, sabiex jimmobilizzaw il-finanzjament u minħabba li bosta deċiżjonijiet ser ikomplu jittieħdu fil-livell nazzjonali, fir-rigward kemm ta' sejħiet għall-parteċipazzjoni fi programmi u l-monitoraġġ kontinwu ta' l-istadji kollha tal-programmi kif ukoll l-evalwazzjoni tar-riżultati.

3.4

Is-settur aeronawtiku dalwaqt ser jiffaċċja sfidi kbar, bħall-impatt ambjentali, li jistgħu jxekklu l-iżvilupp tiegħu.

3.5

Ir-restrizzjoni ta' l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima u t-tnaqqis fit-tniġġis mill-ħoss huma prijoritajiet assoluti. F'dan il-kuntest, il-ksib tat-tnaqqis previst mil-leġislazzjoni Komunitarja teħtieġ l-implimentazzjoni ta' bidliet teknoloġiċi kbar fil-futur viċin. (Fl-Aġenda tagħha għar-Riċerka Strateġika, il-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija Aeronawtika — ACARE — stabbiliet l-objettivi tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet CO2 għall-2020 b'50 %, l-emissjonijiet NOx bi 80 % u t-tniġġis mill-ħoss b'50 %).

3.6

L-industrija aeronawtika Ewropea, li bħalissa tipprovdi 3 miljun impjieg fl-Ewropa, qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni ħarxa bħala riżultat ta' l-investiment pubbliku f'żoni ġeografiċi oħra u b'mod partikulari fl-Istati Uniti, fejn ir-riżorsi allokati għar-riċerka f'dan is-settur huma tliet darbiet ogħla minn dak li huwa disponibbli attwalment fl-Ewropa.

3.7

L-investiment pubbliku huwa importanti wkoll billi s-settur huwa kkaratterizzat minn qligħ bil-mod fuq l-investiment, bi skop potenzjali għal falliment tas-suq minħabba n-nuqqas ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp aeronawtiku.

3.8

L-għażla ta' l-aeronawtika u t-trasport bl-ajru fil-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” (ara l-punt 4.3) tqanqlet minn xewqa għal titjib fis-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri permezz tat-tnaqqis fl-impatt ambjentali ta' l-ajruplani, it-titjib fil-kwalità ta' l-ajru fil-livell lokali u t-trażżin tal-ħoss fl-inħawi ta' l-ajruporti u t-titjib fil-kondizzjonijiet ta' l-ivvjaġġar għall-passiġġieri.

4.   Il-proposta tal-Kummissjoni

4.1

Ir-Regolament propost għat-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif [COM(2007) 315] għandu l-għeruq tiegħu fid-dispożizzjonijiet tas-7 Programm Qafas (FP7) li jissemma fid-Deċiżjoni 1982/2006/KEE. Dan jipprovdi għal kontribut Komunitarju lejn il-ħolqien ta' sħubijiet pubbliċi-privati fuq perijodu fit-tul fuq livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka.

4.2

Dawn is-sħubijiet jieħdu l-forma ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI) u jinħolqu mill-ħidma ta' l-eks Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETP).

4.3

Fid-Deċiżjoni tiegħu 971/2006/KEE dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, il-Kunsill enfasizza l-bżonn li jitwaqqfu sħubijiet pubbliċi-privati u identifika sitt oqsma li fihom il-ħolqien ta' inizjattivi teknoloġiċi konġunti jkun adattat, bil-għan li r-riċerka Ewropea titnieda mill-ġdid. Dawn huma:

ċelloli ta' l-idroġenu u tal-fjuwil;

aeronawtika u trasport bl-ajru;

mediċini innovattivi (1);

sistemi integrati tal-kompjuter (2);

nanoelettronika (3);

GMES (sorveljanza globali għall-ambjent u s-sigurtà).

4.4

Fil-kuntest ta' din l-istrateġija ġenerali, ir-Regolament propost minn COM(2007) 315 finali jipprovdi għall-implimentazzjoni ta' l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) fl-aeronawtika u t-trasport bl-ajru permezz tat-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif.

4.5

L-għanijiet ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif huma mfissra b'mod ċar u ddettaljat fl-Artikolu 3 ta' l-Istatuti li jinsabu fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Dawn l-għanijiet ikopru medda wiesgħa u ambizzjuża ta' attivitajiet, miġbura fil-qosor fl-Artikolu 3 tar-Regolament:

li fl-UE jaċċelera l-iżvilupp ta' teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru għall-użu mill-aktar fis possibbli;

li toħloq Sistema tat-Trasport bl-Ajru radikalment innovattiva, abbażi ta' l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati, bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru permezz ta' tnaqqis tal-ħoss u l-emissjonijiet ta' gass, flimkien ma' titjib ta' l-ekonomija tal-fjuwil fl-ajruplani;

4.5.1

Sema Nadif b'hekk jassigura l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet varji ta' riċerka filwaqt li jintużaw l-ekonomiji ta' skala. Din ser tiġi żviluppata madwar sitt oqsma tekonoloġiċi msemmija bħala Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (ITDs). Dawn huma:

inġenji ta' l-ajru intelliġenti bil-ġwienaħ fissi;

inġenji ta' l-ajru reġjonali ħodor;

inġenji ħodor li jaħdmu bir-rotors;

magna ħadra u sostenibbli;

sistemi għal operazzjonijiet ħodor;

eko-disinn.

L-għanijiet teknoloġiċi għal kull ITD diġà ġew stabbiliti.

4.6

L-impriża konġunta Sema Nadif għandha tiġi kkunsidrata bħala korp internazzjonali b'entità legali skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/17/KE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/18/KE. Is-sede tagħha ser tkun fi Brussell u l-attivitajiet tagħha ser jintemmu f'Diċembru 2017, sakemm ma tiġix estiża b'deċiżjoni tal-Kunsill.

4.7   Bażi ġuridika

4.7.1

Il-proposta tikkonsisti f'Regolament tal-Kunsill bl-istatuti ta' l-impriża konġunta fl-anness. Hija bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat. L-impriża konġunta għandha tkun korp Komunitarju, u minkejja li l-baġit jaqa' taħt l-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002, din ser ikollha tqis l-ispeċifiċitajiet ta' din l-inizjattiva billi din tinvolvi s-sħubijiet pubbliċi-privati b'kontribut kbir mis-settur privat li jkun ta' l-inqas ekwivalenti għal dak tas-settur pubbliku.

4.8   Membri

Dawn li ġejjin għandhom ikunu l-membri fundaturi ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif:

il-Komunità Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni;

12-il-mexxej ta' l-ITDs u sa 74 Assoċjat, soġġetti għar-regoli ta' l-adeżjoni fl-Artikolu 2 ta' l-Istatuti fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

kwalunkwe entità pubblika jew privata stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat mas-Seba' Programm Kwadru tista' tapplika biex issir membru ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif, sakemm: bħala Mexxejja ta' l-ITD, jintrabtu li jikkontribwixxu riżorsi fi proporzjon ma' l-attivitajiet ġenerali tal-JTI u konsistenti magħhom; bħala Assoċjati, l-impenn tagħhom ikun fi proporzjon mal-baġit ta' l-ITD li jipparteċipaw fih u konsistenti mar-rekwiżiti ta' l-ITD.

4.9   Is-sorsi ta' finanzjament

4.9.1

L-ispiża rikorrenti ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif għandha tinqasam b'mod ugwali fi flus kontanti bejn il-Komunità Ewropea min-naħa, li ser tikkontribwixxi 50 % ta' l-ispiża totali, u min-naħa l-oħra mill-bqija tal-Membri, li ser jikkontribwixxu l-50 % li jkun fadal.

4.9.2

Il-kontribuzzjoni massima tal-Komunità lill-Impriża Konġunta Sema Nadif, li tkopri l-ispejjeż rikorrenti u l-attivitajiet ta' riċerka, għandha tkun ta' EUR 800 miljun, imħallsa mill-approprjazzjoni tal-baġit allokata lit-Tema “Trasport” tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li timplimenta s-Seba' Programm Qafas skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002.

5.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jilqa' d-deċiżjoni għat-twaqqif ta' l-Impriża Konġunta Sema Nadif li tinħoloq mid-dispożizzjonijiet tas-Seba' Programm Qafas. Huwa jikkunsidra li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa mezz adattat sabiex l-intrapriżi Ewropej jingħataw qafas ta' referenza stabbli u jagħmilha possibbli li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u tevita li jkun hemm medda wiesgħa ta' programmi mferrxa wisq li jagħmluha kważi impossibbli li r-riżultati jiġu evalwati.

5.2

L-inizjattiva hija konsistenti mal-politiki u l-għanijiet ta' l-UE u tikkonforma ma' l-approċċ imressaq fl-istrateġija ta' Lisbona b'enfasi fuq l-għarfien u l-innovazzjoni fil-Komunità li tappoġġja t-tkabbir u l-impjieg. Din tinkludi miżuri relatati ma' l-Iskema tal-Kummissjoni għall-Iskambju ta' l-Emissjonijiet fl-UE (ETS) u għandha tiffaċilita progress sinifikanti fl-implimentazzjoni ta' l-Aġenda tar-Riċerka Strateġika ta' l-ACARE għall-ambjent.

5.3

Il-KESE jikkunsidra li l-impriża Sema Nadif, li bħall-JTIs l-oħra li jinħolqu mis-Seba' Programm Qafas, hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata, tipprovdi bażi soda għall-ħolqien ta' żona Ewropea tar-riċerka u kontribut kbir lejn il-kompetittività ta' l-azjendi Ewropej.

5.4

Billi laqa' din il-proposta, il-KESE l-ewwelnett jixtieq jenfasizza l-importanza għall-UE ta' l-istrateġija proposta fil-qasam ta' l-investiment u l-koordinazzjoni tar-riċerka.

5.5

Madankollu, fid-dawl tas-sistema multipla ta' finanzjament li ġiet stabbilita u l-volum sinifikanti ta' riżorsi Komunitarji li huma involuti, il-KESE jemmen li jkun xieraq li jiġu ddefiniti aħjar l-użu u l-allokazzjoni tal-prodotti finali ta' din ir-riċerka. Għal dan il-għan, il-kwistjoni tal-brevetti u l-proprjetà intellettwali skond id-definizzjoni fl-Artikolu 20 tar-regolament, li jillimita ruħu għall-preżentazzjoni tal-prinċipji, għandha tkun iktar preċiża u iktar ċara, sabiex ma ssirx ta' xkiel għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-JTI Sema Nadif.

5.6

Madankollu, sabiex jinkisbu l-għanijiet tagħha u jiġi sfruttat il-potenzjal li joffri dan l-istrument, il-KESE jikkunsidra li jenħtieġu dawn li ġejjin:

semplifikazzjoni ġenwina ta' proċeduri f'kull stadju ta' l-attivitajiet varji tar-riċerka u l-iżvilupp, mill-għażla ta' attivitajiet sat-tqassim tar-riżultati, billi s-Sema Nadif jingħata r-responsabilità prinċipali għal dawn il-ħidmiet. Il-kumplessità amministrattiva u l-inċertezza dwar il-finanzjament u r-referenzi istituzzjonali kienu xi wħud mill-kawżi tal-falliment ta' programmi ta' qabel tar-riċerka u l-iżvilupp;

programm ta' informazzjoni estensiv dwar l-opportunitajiet provduti mill-impriża Sema Nadif, fost affarijiet oħra dwar il-kapaċità tagħha li timmobilizza r-riżorsi ekonomiċi neċessarji fil-kuntest ta' forom ġodda ta' finanzjament;

it-twaqqif ta' programmi adattati ta' taħriġ vokazzjonali sabiex tinħoloq forza tax-xogħol b'ħiliet kbar bl-għarfien meħtieġ għar-riċerka u l-iżvilupp appoġġjata mis-Sema Nadif, li ser tkun strateġika ħafna għall-futur industrijali ta' l-UE. Dawn il-kwalifiki ta' livell għoli ser jipprovdu l-ħiliet neċessarji għall-ħidmiet tar-riċerka u l-iżvilupp li ser jinħolqu, ser iservu bħala mezz ta' trażżin tal-brain drain, u ser jipprovdu waħda mill-kondizzjonijiet li jassiguraw li t-tmexxija f'dawn is-setturi li huma ta' importanza strateġika kemm mil-lat industrijali kif ukoll mil-lat ambjentali.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRADIS


(1)  CESE 1184/2007 (INT/363).

(2)  CESE 1185/2007 (INT/364).

(3)  R/CESE 1199/2007 (INT/370).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Komuni ENIAC”

COM(2007) 356 finali — 2007/0122 (CNS)

(2008/C 44/05)

Nhar l-10 ta' Settembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Komuni ENIAC.

Nhar l-10 ta' Lulju 2007, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jitlob lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tibda x-xogħol dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, fl-439 sessjoni plenarja tiegħu ta' l-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ħatar lis-Sur Dantin bħala r-rapporteur ġenerali tiegħu u adotta din l-opinjoni b'106 voti favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' d-deċiżjoni li titwaqqaf l-Impriża Komuni ENIAC (1).

1.1.1

Jikkonsidra li dan l-approċċ għat-tnedija mill-ġdid ta' l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp permezz ta' finanzjar pubbliku/privat għandu l-potenzjal li jagħti lill-intrapriżi qafas stabbli ta' referenza u jagħmilha possibbli li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-finanzjament Komunitarju u jikkoordina r-riċerka, li ħafna drabi tkun mifruxa wisq, sabiex b'hekk jgħinha tkun aktar effettiva.

1.2

Jilqa' l-għażla ta' dan is-settur. Din hija fergħa teknikament innovattiva ta' l-industrija, b' potenzjal qawwi għall-futur bħala sors ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin, u l-iżviluppar tagħha ser jikkontribwixxi b'mod dirett sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Lisbona dwar il-kompetittività kif ukoll l-objettivi ta' Barċellona dwar il-persentaġġ ta' PGD allokat għar-riċerka, kif ukoll għall-politiki Komunitarji oħra, per eżempju dawk dwar l-ambjent, it-trasport, l-enerġija u s-saħħa.

1.3

Filwaqt li jilqa' l-proposta li qiegħda tiġi diskussa, il-KESE jixtieq illi l-ewwel u qabel kollox jenfasizza l-importanza għall-UE ta' l-istrateġija proposta għall-investiment u l-koordinament tar-riċerka. B'dan il-mod il-Kumitat iħoss li l-istrateġija tappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien ta' żona Ewropea ta' riċerka u tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej f'dan is-settur.

1.4

Fid-dawl ta' din l-istruttura kollaborattiva innovattiva, li tista' issir aktar kumplessa fir-rigward ta' l-użu tal-prodotti tar-riċerka li ser titwettaq mill-ENIAC u l-fażi ta' l-applikazzjoni industrijali tagħhom, il-KESE japprezza l-attenzjoni li ngħatat lir-regoli dwar il-proprjetà intellettwali.

1.5

Il-Kumitat jinnota b'sodisfazzjon li ngħatat attenzjoni partikulari lir-riskju li l-manifattura nanoelettronika tiċċaqlaq f'partijiet oħra fid-dinja. Il-KESE jappoġġja l-idea ta' approċċ settorjali speċjalizzat.

1.6

Fl-aħħar sabiex jimmassimizza l-potenzjal li joffri dan l-istrument, il-KESE jikkonsidra dawn neċessarji:

is-semplifikazzjoni ġenwina tal-proċeduri, l-iktar minħabba l-impatt negattiv li l-burokrazija kellha fuq programmi preċedenti ta' Riċerka u Żvilupp. Peress li dawn il-proċeduri qegħdin jitwettqu bħalissa, il-Kumitat ser jagħti attenzjoni partikulari għall-bżonn sabiex il-partijiet kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-għażla ta' l-objettivi u fl-analiżi tar-riżultati finali;

kampanja ta' informazzjoni li tikkontribwixxi għall-immobbilizzazzjoni tar-riżorsi ekonomiċi meħtieġa;

it-twaqqif ta' programmi adegwati ta' taħriġ professjonali sabiex jiżguraw li l-ħiliet tal-ħaddiema jaqblu ma' l-impjiegi maħluqa mill-ENIAC, bil-għan li jinħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tkun ipprovduta tmexxija industrijali għal dan is-settur strateġiku.

2.   Daħla

2.1

L-iskop tar-Regolament propost tal-Kunsill li qiegħed jiġi diskuss huwa li jitniedu l-ewwel sħubiji pubbliċi-privati fil-qasam tar-Riċerka u Żvilupp. Dan jiddefinixxi waħda mill-ewwel żewġ Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti (JTI) Din l-inizjattiva tirreferi għall-qasam tan-nanoteknoloġiji u tissejjaħħ ENIAC.

2.2

L-għan ġenerali tal-JTIs huwa li jippermettu lill-industrija, lill-Istati Membri, u lill-Kummissjoni jiġbru r-riżorsi tagħhom — parti minnhom jew kollha — fi programmi magħżulin ta' riċerka.

2.3

Il-JTIs huma differenti mill-istrateġija tradizzjonali, li tinvolvi l-provvista ta' fondi pubbliċi għal proġetti fuq bażi ta' każ b'każ, peress li l-JTIs jinvolvu programmi ta' riċerka fuq skala wiesgħa b'għanijiet ta' riċerka li huma strateġiċi u komuni. Dan l-approċċ ġdid huwa mistenni li joħloq massa kritika għar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea, jikkonsolida l-komunità xjentifika f'oqsma strateġiċi ewlenin, u jarmonizza l-iffinanzjar ta' proġetti sabiex ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jintużaw iktar malajr. Il-JTIs huma mmirati lejn oqsma ewlenin fejn l-istrumenti attwali m'għandhom la l-iskala u lanqas il-veloċità sabiex l-Ewropa tkun minn ta' quddiem nett fir-rigward tal-kompetizzjoni globali. Dawn huma oqsma fejn il-fondi nazzjonali, Ewropej u privati għar-riċerka jistgħu jġibu valur miżjud sinifikanti, fost affarijiet oħra billi jqanqlu żieda fl-infiq privat fuq ir-Riċerka u Żvilupp.

2.4

L-għan prinċipali tal-JTI fil-qasam tan-nanoelettronika, magħruf bħala ENIAC, huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea. Għal dan il-għan, il-proposta li qiegħda tiġi diskussa tfassal il-qafas legali li jwaqqaf l-ENIAC.

3.   Kuntest u konsiderazzjonijiet ġenerali

3.1

Bit-tkabbir kontinwu fin-numri ta' komponenti elettroniċi fi prodotti innovattivi b'livell għoli ta' teknoloġija, is-settur tan-nanoteknoloġija huwa ta' importanza strateġika għall-kompetittività Ewropea u għat-tkabbir industrijali.

3.2

Dan is-settur jipproduċi apparat li huwa essenzjali għall-industriji l-kbar f'numru kbir ta' oqsma bħat-telekomunikazzjonijiet, il-prodotti għall-konsumatur, is-servizzi multimedjali, l-edukazzjoni, it-trasport, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà u l-ambjent.

3.3

Qiegħda tkun mistennija rata medja ta' żvilupp annwali ta' 15 % għas-suq tas-settur industrijali tan-nanoteknoloġija (li barra mill-manifatturi diretti jinkludi ukoll dawk li jipprovdu l-istrumenti u l-materjali tal-manifattura). Sabiex tinżamm rata daqshekk għolja ta' tkabbir, hemm bżonn li tingħata attenzjoni mill-qrib lil dan is-settur.

3.4

Inizjattiva mifruxa mal-Komunità kollha għandha għalhekk tfittex li żżomm u ssaħħaħ it-tmexxija globali fis-setturi rilevanti, permezz ta' programmi ta' Riċerka u Żvilupp li jistgħu jilħqu l-objettivi neċessarji għall-esplojtazzjoni industrijali, u fl-istess waqt ifittxu li jintlaħqu objettivi teknoloġiċi aktar ambizzjużi, li għandhom l-għan għal kompetittività akbar, u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda li jeħtieġu kompetenzi għoljin u kwalifiki ta' livell għoli.

3.5

L-għażla ta' intrapriża komuni pubblika-privata għandha tagħmilha possibli sabiex ittejjeb sostanzjalment il-kwalita' tar-Riċerka u Żvilupp f'dan is-settur. Dan huwa essenzjali sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tal-programmi ta' riċerka fid-diversi Stati Membri li ma jistgħux jilħqu l-massa kritika u li m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji sabiex jiffinanzjaw l-programmi adegwati.

3.6

L-għażla ta' dimensjoni Ewropea tidher li hija essenzjali, jekk wieħed jikkonsidra li din hija l-unika għażla sabiex jintlaqgħu l-isfidi ewlenin li qiegħed jiffaċċja is-settur tan-nanoteknoloġija.

3.7

B'żieda ma' dan, ir-riaffermazzjoni tad-dimensjoni Komunitarja għandha twassal għal amministrazzjoni aktar sempliċi u anqas burokratika, bi proċedura Komunitarja waħda li tieħu post il-proċeduri nazzjonali differenti u tnaqqas il-ħin li hemm bżonn sabiex jingħata kuntratt ta' Riċerka u Żvilupp meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali fuq livell Komunitarju (ara EUREKA); dan jevita wkoll li jinqalgħu differenzi bejn il-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ.

3.8

It-twaqqif ta' intrapriża pubblika-privata li tinvolvi direttament lill-Istati Membri u kumpaniji kkonċernati huwa pass innovattiv meta mqabbel mal-proċeduri attwali għall-parteċipazzjoni previsti fil-programmi Komunitarji ta' Riċerka u Żvilupp. Barraminhekk ir-riżorsi finanzjarji konsiderevoli li l-programmi jipproponu li jallokaw fuq livell Komunitarju ser iwasslu sabiex tintlaħaq il-massa kritika ekonomika, li hija essenzjali jekk l-objettivi ambizzjużi stabbiliti mill-programm iridu jintlaħqu.

3.9

Il-parteċipazzjoni ta' l-Istati Membri u l-kumpaniji, kif ukoll l-parteċipazzjoni diretta tagħhom permezz ta' kontribuzzjoni ta' minn ta' l-inqas 50 % ta' l-ispiża marbuta mar-riċerka, ser ikollha effett multiplikatur fil-forma ta' spinta għal finanzjar ġdid u kontribuzzjoni b'saħħitha għall-iżvilupp ta' żona Ewropea ta' riċerka.

3.10

Huwa essenzjali li l-Istati Membri jipparteċipaw b'mod dirett, mhux biss sabiex iqanqlu l-investiment iżda prinċipalment għaliex id-deċiżjonijiet ser ikomplu jittieħdu fuq livell nazzjonali, per eżempju dwar sejħiet għall-proposti u l-monitorġġ dirett u kontinwu tal-fażijiet kollha tal-proċess.

3.11

Il-parteċipazzjoni diretta ta' l-industrija hija wkoll essenzjali għaliex ir-riżultati ta' dan il-programm ambizzjuż ta' Riċerka u Żvilupp jista' jikseb objettivi importanti u ta' rilevanza fir-rigward tal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea f'dan is-settur u konsegwentement ikollu impatt benefiku fuq l-impjiegi tas-settur.

4.   Koerenza

4.1

Il-punt tat-tluq għall-programmi ta' riċerka huwa is-Seba' Programm Qafas (FP7). Dan il-programm huwa bbażat fuq l-għarfien qawwi li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investiment fir-Riċerka u Żvilupp huwa essenzjali għal ekonomija kompetittiva u dinamika.

4.2

It-twaqqif ta' inizjattiva komuni ENIAC u JTI ser jikkontribwixxi direttament għall-ksiba ta' l-objettivi ta' Lisbona dwar il-Kompetittività kif ukoll l-objettivi ta' Barċellona dwar l-ispejjeż ta' riċerka. Indirettament dan ser jikkontribwixxi għall-politiki Komunitarji oħra, eż, dwar l-ambjent, it-trasport, l-enerġija u s-saħħa.

4.3

Il-qafas ta' referenza tal-politiki Komunitarji li jirfed l-ENIAC-JTI huwa pprovdut permezz ta' “Nanoxjenzi u nanoteknoloġiji: pjan ta' azzjoni għall-Ewropa għall-2005-2009” [COM(2005) 243 finali] u l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji Emerġenti u dawk li ġew Identifikati Reċentament (SCENIHR).

5.   Il-proposta tal-Kummissjoni

5.1

Id-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' l-inizjattiva komuni deskritta fil-COM(2007) 356 finali hija bbażata fuq id-Deċiżjoni 1982/2006/KE dwar is-7 Programm Qafas, li jipprovdi l-kontribuzzjoni Komunitarja lejn it-twaqqif ta' sħubiji pubbliċi-privati fuq perijodu twil fil-qasam tar-riċerka xjentifika fuq livell Ewropew.

5.2

Dawn l-isħubiji jieħdu l-forma ta' JTIs u jinħolqu mill-ħidma ta' l-eks Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs).

5.3

Il-Kunsill, fid-Deċiżjoni tiegħu 971/2006/KE dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” (2), enfasizza l-bżonn li jitwaqqfu sħubiji pubbliċi-privati u identifika sitt oqsma li fihom il-ħolqien ta' inizjattivi konġunti teknoloġiċi huwa adattat, bil-għan li r-riċerka Ewropea titnieda mill-ġdid. Dawn huma:

ċelloli ta' l-idroġenu u tal-fjuwil;

aeronawtika u trasport bl-ajru (3);

mediċini Innovattivi (4);

sistemi informatiċi inkorporati (5);

nanoelettronika;

GMES (sorveljanza globali għall-ambjent u s-sigurtà).

5.4

Fil-kuntest ta' din l-istrateġija ġenerali, ir-Regolament propost fil-COM(2007) 356 finali, jipprovdi għat-twaqqif ta' inizjattiva komuni ENIAC fil-qasam tan-nanoelettronika.

5.5

L-impriża komuni ENIAC għandha tiġi kkunsidrata bħala korp internazzjonali b'entità legali skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/17/KE u l-Artikolu 15 c} tad-Direttiva 2004/18/KE. Is-sede tagħha ser tkun fi Brussell u l-attivitajiet tagħha ser jintemmu f'Diċembru 2017, ħlief jekk jiġu estiżi b'deċiżjoni tal-Kunsill.

5.6   Bażi ġuridika

Il-proposta tikkonsisti f'Regolament tal-Kunsill bl-istatuti ta' l-impriża komuni mniżżla fl-anness. Hija bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat. L-impriża komuni għandha tkun korp Komunitarju u għalkemm il-baġit tagħha jaqa' taħt l-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002, din tkun trid tikkunsidra l-partikularitajiet ta' din l-inizjattiva għaliex din tinvolvi s-sħubiji pubbliċi-privati b'kontribuzzjoni kbira tas-settur privat li hija daqs dik tas-settur pubbliku.

5.7   Sħubija

Il-membri fundaturi ta' inizjattiva ta' l-impriża teknoloġika komuni (ENIAC-JTI) huma l-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-AENEAS, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra ta' Riċerka u Żvilupp. L-istatuti jsemmu lista ta' korpi li jistgħu sussegwentement isiru membri ta' l-impriża komuni ENIAC, fosthom il-pajjiżi assoċjati ma' l-FP7 u li m'humiex membri ta' l-UE, u kull entita' legali oħra li hija kapaċi tagħti kontribut għall-għanijiet ta' l-impriża konġuta ENIAC.

5.8   Finanzjar

5.8.1

L-ispejjeż operattivi ta' l-impriża komuni ENIAC imniżżla fl-Artikolu 4 għandhom jittieħdu mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

kontribuzzjoni finanzjarja mill-ENIAC sa EUR 20 miljun jew sa 1 % ta' l-ispiża totali tal-proġetti, li iżda ma jaqbżux it-EUR 30 miljun fis-sena;

kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità sa EUR 10 miljun;

kontribuzzjonijiet b'materjali mill-Istati Membri ta' l-ENIAC.

L-attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp ta' l-impriża komuni ENIAC għall-perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2017 għandhom ikunu sostnuti b'dawn il-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità sa EUR 440 miljun;

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri ENIAC li għandhom ikunu ta' l-inqas 1.8 darbiet aktar mill-kontribuzzjoni finanzjara tal-Komunità;

kontribuzzjonijiet b'materjali minn organizzazzjonijiet ta' Riċerka u Żvilupp li qegħdin jipparteċipaw fil-proġetti, li t-total tagħhom għandu jkun indaqs jew superjuri għall-kontribuzzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi.

5.8.2

Għall-perijodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013, il-kontribuzzjoni massima tal-Kummissjoni għandha tkun ta' EUR 450 miljun. Dawn il-fondi għandhom ikunu pprovduti mill-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li qiegħed jimplimenta s-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002.

5.9   Objettivi

Skond il-Kummissjoni, it-twaqqif ta' l-impriża komuni ENIAC għandu l-iskop li jilħaq l-objettivi li ġejjin:

ifassal u jimplimenta l-“Aġenda ta' Riċerka” għall-iżvilupp tal-kompetenzi prinċipali tan-nanoelettronika sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbilità ta' l-intrapriżi Ewropej, u tippermetti l-ħolqien ta' swieq ġodda;

jgħin fl-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp billi jalloka fondi lill-parteċipanti f'proġetti partikulari;

jippromovi sħubija pubblika-privata li għandha l-għan li timmobbilizza u tiġbor flimkien l-isforzi Komunitarji, nazzjonali u privati, u tkattar sens ta' kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati;

jiżgura l-effiċjenza u d-dewmien fit-tul ta' l-inizjattiva teknoloġika komuni dwar in-nanoelettronika;

jikseb is-sinerġija u l-koordinazzjoni ta' l-isforzi ta' Riċerka u Żvilupp Ewropej inkluża l-integrazzjoni fl-impriża komuni ENIAC ta' attivitajiet rilevanti f'dan il-qasam li attwalment qegħdin jiġu implimentati permezz ta' skemi ta' Riċerka u Żvilupp intergovernattivi (Eureka).

6.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

6.1

Il-Kumitat jilqa' d-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta' l-impriża komuni ENIAC u l-abbozz ta' regolament li jakkumpanjaha. Filwaqt li jilqa' l-proposta li qiegħda tiġi diskussa, il-KESE jixtieq l-ewwel u qabel kollox jenfasizza l-importanza għall-UE ta' l-istrateġija proposta għall-investiment u l-koordinazzjoni tar-riċerka.

6.2

Filfatt, kif stqarr fl-opinjonijiet tiegħu dwar regolamenti oħra li ħarġu mid-deċiżjoni tal-Kunsill 971/2006/KEE dwar il-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni”, il-Kumitat jemmen li t-tnedija mill-ġdid ta' l-investiment fir-Riċerka u Żvilupp huwa mezz tajjeb sabiex jagħti lill-intrapriżi Ewropej qafas stabbli ta' referenza li jagħmilha possibbli li jingħelbu l-frammentazzjonijiet attwali tal-finanzjar Komunitarju u jevita firxa wiesgħa ta' programmi mhux dettaljati.

6.3

L-inizjattiva ppreżentata hija konsistenti mal-politiki u l-objettivi ta' l-UE u torbot ma' l-approċċ imfassal fl-istrateġija ta' Lisbona b'enfasi fuq l-għarfien u l-innovazzjoni fil-Komunità li qegħdin jgħinu t-tkabbir u l-impjieg. In-nanteknoloġija għandha rwol importanti x'taqdi għaliex saret il-mutur għall-innovazzjoni f'bosta setturi ta' importanza strateġika għall-iżvilupp u t-tkabbir ta' l-UE (il-kommunikazzjonijiet mobbli, it-trasport, l-informatika, il-manifattura awtomatizzata, il-kura tas-saħħa, eċċ.) L-impriża komuni tista' tkun għodda sabiex twassal l-Ewropa iżżomm jew saħansitra żżid il-kapaċità tagħha sabiex tiddisinja u timmanifattura prodotti li jikkonformaw ma' l-istandards tagħha dwar kwalità, sostenibbilità u protezzjoni ambjentali. It-twaqqif ta' impriża bħal din tipprovdi bażi soda għall-ħolqien ta' żona Ewropea ta' riċerka u kontribuzzjoni ewlenija għall-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej.

6.4

Il-Kumitat jinnota b'sodisfazzjon li fl-analiżi ta' impatt li takkompanja l-abbozz ta' regolament dwar din il-JTI, ingħatat attenzjoni partikulari għar-riskju li l-manifattura nanoelettronika tiċċaqlaq f'partijiet oħra tad-dinja. Dan huwa importanti għaliex din it-tip ta' manifattura toffri valur miżjud qawwi fir-rigwardta'tkabbir u impjiegi, u fl-istess waqt tagħmel qligħ parzjali fuq il-fondi li l-UE qiegħda tipproponi li tinvesti fl-iżvilupp ta' dan is-settur. Minħabba f'hekk il-KESE jappoġġja l-idea ta' approċċ settorjali speċjalizzat sabiex jgħin lil din l-industrija prinċipali.

6.5

Fid-dawl ta' din l-istruttura kollaborattiva innovattiva, li tista' issir aktar kumplessa meta jiġu sabiex jintużaw il-prodotti tar-riċerka li ser jitniedu mill-ENIAC u l-fażi ta' l-applikazzjoni industrijali tagħhom, il-KESE japprezza l-attenzjoni li ngħatat għar-regoli dwar il-proprjetà intelletwali hekk kif imniżżla fl-Artikolu 23 ta' l-Istatut. Fl-istess waqt, jinsab sodisfatt li l-pjan ta' azzjoni marbut mar-regolament jagħti attenzjoni partikulari għal kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà.

6.6

Sabiex jilħaq l-għanijiet ta' l-impriża komuni u sabiex jimmassimizza l-potenzjal li dan l-istrument il-ġdid joffri, il-Kumitat jikkonsidra dawn li ġejjin bħala neċessarji:

semplifikazzjoni ġenwina tal-proċeduri f'kull stadju tad-diversi attivitajiet ta' Riċerka u Żvilupp, mis-selezzjoni ta' l-attivitajiet sad-distribuzzjoni tar-riżultati, billi lill-ENIAC tingħatalha r-responsabbilità prinċipali ta' dawn ix-xogħlijiet. Il-kumplessità amministrattiva u n-nuqqas ta' ċertezzi dwar l-iffinanzjar u r-referenzi istituzzjonali kienu wħud mir-raġunijiet tal-fallimenti fil-passat tal programmi preċedenti ta' Riċerka u Żvilupp;

programm ta' informazzjoni mifrux sew dwar l-opportunitajiet ipprovduti mill-impriża ENIAC, b'mod partikulari dwar il-kapaċità tagħha li timmobilizza r-riżorsi ekonomiċi fid-dawl ta' forom ġodda ta' finanzjar;

it-twaqqif ta' programmi adegwati ta' taħriġ professjonali sabiex tinħoloq forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja u bl-għarfien neċessarju għar-Riċerka u Żvilupp appoġġjati mill-ENIAC, u li ser ikunu strateġikament importanti għall-futur industrijali ta' l-UE. Dawn il-kwalifiki ta' livell għoli ser jipprovdu l-ħiliet tekniċi neċesarji għall-impjiegi fir-Riċerka u Żvilupp li ser jinħolqu, u dawn ser jgħinu sabiex inaqqsu t-telf ta' nies ta' ħila, kif ukoll ser jipprovdu waħda mill-kondizzjonijiet neċessarji sabiex tkun żgurata t-tmexxija industrijali f'dawn is-setturi tant strateġiċi għall-Unjoni Ewropea.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ENIAC = European Nanoelectronic Initative Advisory Coucnil (Kunsill Konsultattiv dwar l-Inizjattiva Nano-elettronika Ewropea).

ENIAC kien ukoll l-ewwel kompjuter immanifatturat bl-użu ta' komponenti elettroniċi (1945-1946).

(2)  ĠU L 400, 30.12.2006, p. 1.

(3)  (INT/369).

(4)  (INT/363).

(5)  (INT/364).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju”

COM(2007) 303 finali — 2007/0113 (COD)

(2008/C 44/06)

Nhar it-28 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet l-24 -25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b' 129 voti favur, 3 voti kontra u 1 astensjoni.

1.   Kontenut essenzjali ta' l-opinjoni

1.1

B'segwitu ta' l-opinjonijiet tagħha dwar il-Green Paper dwar l-acquis  (1) tal-Komunità u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-kuntratti li jsiru mill-bogħod (2), il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tagħmel reviżjoni tad-Direttiva 94/47/KE (3) tas-26 ta' Ottubru 1994 fil-forma proposta, li tikkunsidra l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat (4).

1.2

Il-KESE b'mod ġenerali jaqbel mad-direzzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-firxa tad-direttiva, li tiddefinixxi u tiċċara n-natura tal-prodotti l-ġodda, u ssaħħaħ l-ħtiġijiet għall-informazzjoni qabel il-kuntratt u matulu, standardizzazzjoni tal-perjodu ta' rtirar u l-projbizzjoni ta' kwalunkwe pagament, tkun xi tkun ir-raġuni, matul dan il-perjodu.

1.3

Il-Kumitat jilqa' l-approċċ ibbilanċjat ta' din il-proposta, li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jieħdu passi oħra sabiex iħarsu l-konsumaturi, skond il-prinċipji li hemm fit-Trattat. Il-KESE jqis, madankollu, li skond l-ispjega tal-Kummissjoni stess, kif tinsab fil-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Komunità, jekk hemm xi qasam li jiġġustifika l-armonizazzjoni massima, huwa preċiżament dan, minħabba fin-natura unika ta' dan id-dritt u minħabba fid-diskrepanzi maġġuri fil-livell nazzjonali fid-disinn u l-karatteristiċi speċifiċi tan-natura legali tagħha li fiha diversi aspetti, li għandu konsegwenzi estremament diverġenti fis-sistemi legali nazzjonali differenti, speċifikament fir-rigward ta' perjodi minimi u massimi u l-annullament, l-invalidazzjoni, it-terminazzjoni u l-kanċellazzjoni tal-kuntratti.

1.4

Il-Kumitat għalhekk jiddispjaċih li minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ħafna mill-problemi f'dan is-settur huma ta' spiss ta' natura transkonfinali u bħala konsegwenza ma jistgħux jissolvew sew mill-Istati Membri waħidhom, minħabba fid-differenzi fil-leġislazzjoni nazzjonali, fl-aħħar mil-aħħar ma' tagħmel xejn iktar milli tindirizza numru limitat ta' aspetti marbuta ma dawn id-drittijiet. Għal darb'oħra, hemm firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li tħalliet fid-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri u dan kważi ma jgħin xejn sabiex jissolvew il-problemi mniżżla fil-proposta.

1.5

Barra minn hekk, għalkemm il-KESE jaqbel ma' l-adozzjoni ta' sistema ta' “armonizzazzjoni minima”, huwa jqis, bi qbil ma' istituzzjonijiet oħra tal-Komunità (5), li l-livell għall-miżuri li jħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi ġie ffissat fil-baxx wisq. L-esperjenza turi li l-maġġoranza l-kbira ta' l-Istati Membri ma użawx din il-klawsola u għal kuntrarju adottaw approċċ letterali (6). Bħala konsegwenza, ma ntlaħaqx livell adegwat ta' ħarsien tal-konsumatur u għalhekk l-KESE jappella lill-Kummissjoni, li bir-rispett dovut lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jirregola aspetti oħtra fil-proposta li huma daqstant importanti, billi tieħu bħala premessa livell ogħla ta' ħarsien tal-konsumatur.

1.6

Il-Kumitat għalhekk jissuġġerixxi li jittejbu f'numru ta' dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sitema legali li tapplika għal dawn id-drittijiet, il-kontenut tal-kuntratt prinċipali u r-relazzjoni tiegħu mal-kuntratti komplementari, b'mod speċifiku għall-kreditu mhux marbut, sabiex itejjeb u jiggarantixxi ħarsien adegwat tal-konsumatur.

1.7

Bħal fl-Opinjonijiet preċedenti (7), il-KESE jixtieq ukoll jenfasizza l-importanza li dawk li ser jagħmlu l-kuntratt — speċjalment konsumaturi li ma tantx huma informati — jiġu pprovduti b'informazzjoni xierqa. Għalhekk il-KESE jikkunsidra li tkun ħaġa utli li ma tiġix eskluża l-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet kriminali proporzjonati u disswassivi għal prattiċi li jiksru b'mod serju d-drittijiet stipulati fid-direttiva, li l-karatteristiċi bażiċi ta' dawn is-sanzjonijiet iridu jiġu definiti sew.

1.8

Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi dettaljata tat-tweġibiet li rċeviet għad-Dokument ta' Konsultazzjoni tagħha (8), b'mod partikolari fir-rigward ta' l-Istati Membri kkonsultati permezz ta' dan id-dokument li ma ġewx koperti fir-rapport (9) dwar l-applikazzjoni tad-direttiva, li kien biss dwar 15-il Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha wkoll tanalizza b'mod iddettaljat l-Analiżi Komparattiva, li tkopri l-25-il Stat Membru (10), u tiffoka fuq id-differenzi bejn l-Istati Membri.

1.9

B'mod speċifiku, il-KESE jipproponi numru ta' emendi (11) u rakkomandazzjonijiet immirati li jtejbu l-aspetti legali tal-proposta u li jikkonsolidaw u jarmonizzaw l-ideat, il-kunċetti u l-prattiċi li diġà jinstabu f'direttivi oħra b'mod speċifiku fid-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali (12). Hemm bżonn li dawn jiġu kkunsidrati sabiex tiġi promossa s-sigurtà u l-kunfidenza tal-konsumatur f'dan it-tip ta' kuntratt, li ta' spiss huwa appoġġjat minn kummerċjalizzazzjoni u kampanji ta' bejgħ agressivi (13).

2.   Kontenut essenzjali tal-proposta għal direttiva

2.1

Il-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x'jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-proprjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare. Il-proposta ssegwi il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' April 2000 dwar ir-rapport tiegħu dwar l-applikazzjoni tad-direttiva (14) u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament Ewropew fir-reżoluzzjoni tiegħu ta' l-4 ta' Lulju 2002 (15).

2.2

Mindu saret il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istateġija tal-Politika tal-Konsumaturi għall-2002-2006, (16) ġiet ippjanata reviżjoni ta' din id-direttiva li tifforma parti minn dak li hu magħruf bħala l-“acquis communautaire tal-konsumaturi” indikat fil-Green Paper dwar il-kwistjoni (17).

2.3

Filwaqt li ddur għal sitwazzjonijiet li qegħdin joħolqu problemi għall-applikazzjoni tad-direttiva, il-Kummissjoni tqis li l-iżviluppi tas-suq fis-settur ġabu ammont konsiderevoli ta' prodotti ġodda li, filwaqt li jirrigwardaw l-użu ta' akkomodazzjoni għall-ivjaġġar, ma jaqgħux fl-ambitu tad-direttiva.

2.4

Ir-rapport imfassal mill-Kummissjoni fl-1999 dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/47/KE (18), kien diġà indika diversi nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-direttiva, u l-konklużjonijiet tiegħu ġew adottati mill-Kunsill f'April 2000 (19), filwaqt li ġew elenkati numru ta' fatturi li għandhom jitqiesu fi kwalunkwe reviżjoni tad-direttiva.

2.5

L-opinjoni ta' l-2001 tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u l-Politika tal-Konsumatur (20) ukoll enfasizzat “l-aktar livell baxx aċċettabbli tal-miżuri tal-ħarsien tal-konsumatur” li tistipula d-direttiva.

2.6

Min-naħa l-oħra r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2002 irrakkomandat li l-Kummissjoni tadotta miżuri li jiggarantixxu livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur.

2.7

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-reviżjoni ta' din id-direttiva waħidha hija “kwistjoni urġenti”, anke minħabba “problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi, u b'mod partikolari b'rabta mal-bejgħ mill-ġdid u l-prodotti l-ġodda”, li huma “kkummerċjalizzati u ekonomikament simili ħafna, b'mod ġenerali għat-timeshare”, bħal “klabbs tal-btajjel bi skont u (…) kuntratti ta' bejgħ mill-ġdid”.

2.8

Fost il-ġustifikazzjonijiet ewlenin għal dan, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu aġġornati r-rekwiżiti għall-informazzjoni ta' qabel u waqt il-kuntratt, li jiġu standardizzati l-arranġamenti għall-projbizzjoni tad-depożiti u ħlas bil-quddiem waqt il-perjodu ta' rtirar, li jiġu armonizzati l-perjodi ta' rtirar u li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiddaħħlu sanzjonijiet kriminali.

2.9

Il-partijiet ewlenin ikkonċernati ġew ikkonsultati waqt laqgħat li nżammu bejn l-2004 u l-2006.

2.10

Wara li rċeviet numru ta' ilmenti marbuta mat-timeshare partikolarment dwar prodotti ġodda bħall-klabbijiet tal-btajjel, kuntratti ta' skont għat-turisti u kuntratti ta' tpartit u bejgħ mill-ġdid, il-Kummissjoni imbagħad ippubblikat dokument ta' konsultazzjoni (21). Dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi wkoll waqt laqgħa tal-grupp ta' ħidma permanenti ta' l-esperti ta' l-Istati Membri dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis, f'Marzu 2006.

2.11

Ir-reviżjoni proposta hija inkluża fil-programm tal-Kummissjoni sabiex tissemplifika u timmodernizza l-acquis tal-Komunità (22).

2.12

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bażi legali għal din il-proposta għandha tibqa' limitata għal Artikolu 95 tat-Trattat (kompletezza tas-suq intern) u li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, m'għandhiex tikkummenta dwar in-natura legali tad-drittijiet tat-timeshare, u tirrispetta l-perspettivi differenti ta' l-Istati Membri fir-rigward.

2.13

Il-Kummissjoni tenfasizza l-aspetti transkonfinali tal-problema u filfatt tqis li “Il-biċċa l-kbira ta' l-ilmenti tal-konsumaturi huma ta' tip transkonfinali”. Madankollu, hija tindirizza biss dawk l-aspetti li tikkunsidra li huma “l-aktar problematiċi, u b'hekk li jeħtieġu azzjoni Komunitarja”, u tħalli l-aspetti l-oħra kollha għal-leġislazzjoni nazzjonali. Filfatt, neħħiet kull referenza għad-drittijiet li tikkanċella jew ttemm kuntratt (li kienu koperti fid-Direttiva 94/47/KE), anke meta dawn ikunu marbuta mad-dritt ta' rtirar.

3.   Kummenti ewlenin dwar il-proposta

3.1   Ġenerali

3.1.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni iżda jinnota li waslet tard, peress li l-problemi ġew identifikati sa mill-1999 u għalhekk is-soluzzjonijiet għalihom setgħu jinstabu żmien ilu.

3.1.2

Il-KESE jixtieq jindika wkoll li xi wħud mill-kwistjonijiet li tqajmu f'dan id-dokument kienu diġà tqajmu fl-opinjonijiet tiegħu ta' l-24 ta' Frar 1993 (23) meta d-direttiva kienet qiegħda titfassal.

3.1.3

Il-Kumitat iqis li l-bażi legali għandha tkun l-Artikolu 153 tat-Trattat aktar mill-Artikolu 95, għaliex din m'hijiex kwistjoni li tikkonċerna lis-suq uniku biss; hija wkoll kwistjoni ta' ħarsien tal-konsumatur.

3.1.4

Il-KESE jaqbel li l-ambitu tal-proposta għandu jitwessa' sabiex ikopri ċerta proprjetà mobbli, sabiex tindirizza l-iżviluppi l-ġodda li jsiru kostantement fis-suq b'mod effettiv.

3.1.5

Il-Kumitat japprova l-emendi tal-proposta għad-definizzjonijiet attwali (24), għaliex huma aktar adattati għall-prodotti l-ġodda li issa qegħdin jiġu kkummerċjalizzati fis-settur.

3.1.6

Il-KESE jappoġġja ż-żamma tal-projbizzjoni fuq kwalunkwe ħlas jew tip ta' depożitu, għaliex din il-projbizzjoni hija mezz effettiv sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' rtirar mill-kuntratt, mingħajr ma titpoġġa fuqhom kwalunkwe pressjoni ekonomika. Huwa jqis ukoll li l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet għal partijiet terzi tkopri b'mod sodisfaċenti kuntratti ta' tpartit u bejgħ mill-ġdid.

3.1.7

Il-Kumitat jilqa' l-estensjoni tal-perjodu ta' riflessjoni għal 14-il ġurnata, li biha jiġu standardizzati l-iskadenzi ta' dan il-proċess, għalkemm jippreferi li kieku din l-iskadenza tingħad fi ġranet ta' ħidma flok fi ġranet tal-kalendarju, kif stqarr f'opinjoni preċedenti (25). Ta' min jinnota li, meta l-Kunsill adotta d-Direttiva 97/7/KE, ħareġ stqarrija sabiex iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tanalizza l-possibblità li jiġu armonizzati l-metodi ta' kif jiġu kkalkolati l-perjodi ta' riflessjoni inklużi fid-direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

3.1.8

Kif ġie ddikjarat f'opinjonijiet preċedenti (26), u mingħajr preġudizzju għat-tielet paragratu ta' l-ewwel Artikolu tal-proposta, il-KESE jqis li huwa kruċjali li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni aktar iddettaljata tan-natura, il-limitazzjonijiet u l-effetti tad-dritt ta' l-irtirar, terminazzjoni u kanċellazzjoni. Inkella l-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni li qiegħda tiġi mfittxija mhux ser tintlaħaq għaliex kull Stat Membru jadotta r-regolamenti tiegħu, b'konsegwenzi li inevitabbilment huma ta' detriment għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet trans-konfinali.

3.1.9

Peress li l-għan tad-direttiva huwa li jqarreb il-leġislazzjoni nazzjonali fuq dan it-tip ta' dritt, il-KESE jqis li, b'kuntrast mar-raba' premessa tal-proposta u minkejja d-differenzi li jeżistu bejn il-pajjiżi differenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel iktar billi tiddetermina n-natura legali (27) ta' dawn id-drittijiet, fi kliem ieħor, jekk humiex drittijiet reali jew drittijiet marbuta mal-kreditu. Inkella, din il-proposta mhux ser tikkontribwixxi sabiex issolvi l-problemi li ġew identifikati. Għalhekk għandha telenka r-rekwiżiti bażiċi sabiex ikun hemm konformità mad-dritt u, b'mod partikolari jekk tieħu l-forma ta' dritt reali (in rem), il-konsegwenzi inevitabbli għar-reġistrazzjoni.

3.1.9.1

Il-KESE għalhekk jappella lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi definizzjoni tan-natura legali tad-drittijiet tat-timeshare, kemm jekk dawn jiġu fis-sura ta' dritt reali jew dritt marbut ma' obbligu personali (id-dritt għal servizz), bil-konsegwenzi inevitabbli għall-applikazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament ta' Brussel u r-Regolament ta' Ruma I. Jekk dan ma jsirx, l-armonizzazzjoni li hi tant mixtieq u l-kunfidenza tal-konsumaturi u l-kummerċjanti mhux ser tintlaħaq. Fil-fatt, fl-opinjoni li sar riferiment għaliha hawn fuq (28), il-KESE diġà ikkontribwixxa lejn din id-definizzjoni billi stqarr li l-kuntratt tat-timeshare “huwa dritt reali (in rem) jew dritt personali (in personam). M'huwiex dritt ta' kiri, peress li d-drittijiet ta' kiri ma jinkludux t-trasferiment. Id-dritt trasferit japplika għal oġġett li ma jinqasamx — appartament li ma jinqasamx — u jieħu (jew jista' jieħu) n-natura ta' dritt reali ta' proprejtà”.

3.1.10

Mingħajr preġudizzju għas-sura legali li jieħu dan id-dritt, li jkun sui ġeneris — jew filfatt, għal din l-istess raġuni — il-KESE jaqbel ma' l-identifikazzjoni ta' xi aspetti ewlenin tal-proposta: il-kopertura tal-proprjetà kemm mobbli kif ukoll immobbli, flimkien mad-dritt għall-użu ta' l-akkomodazzjoni (li jimplika waqfa tul il-lejl), bi ħlas għal “kunsiderazzjoni”, għal perijodu b'tul mill-inqas ta' sena.

3.1.11

B'żieda mal-prodotti li diġà huma elenkati f'Artikolu 2, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tniżżel klawsola (li tinkludi definizzjoni ta' l-aspetti ewlenin) sabiex tiffaċilita l-adattament għal kwalunkwe prodott li fil-futur (29) jista' jitqiegħed fis-suq wara li tidħol fis-seħħ id-direttiva u li ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti li hemm fid-definizzjonijiet tal-prodotti l-ġodda.

3.1.12

Il-KESE jikkunsidra li l-possibbilità li l-konsumaturi jkollhom jirrimborżaw jew iħallsu kwalunkwe somma għaliex ikunu eżerċitaw id-dritt ta' rtirar fi żmien debitu timmina dan id-dritt b'mod ċar, li huwa bbażat fuq l-idea li l-konsumatur m'għandux għalfejn jagħti kwalunkwe raġuni sabiex iħallas kwalsijasi ammont. Għalhekk l-Artikoli 5(5) u 5(6) tal-proposta għandhom jitneħħew.

3.12.13

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-referenza li saret għad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali li ġiet adottata reċentement (30), li magħha huwa jaqbel. Il-Kumitat jindika, madankollu li l-Artikoli 14 u 15 ta' din id-direttiva ma jagħmlu l-ebda referenza għad-direttiva li attwalment qiegħda fis-seħħ u l-anqas ma hemm referenza ta' din it-tip fil-proposta li issa qiegħda tiġi kkunsidrata.

3.1.14

Għalkemm huwa jaqbel mal-prinċipju ta' l-armonizzazzjoni minima, il-KESE jqis li d-direttiva proposta hija aktar restrittiva minn dik li hemm fis-seħħ attwalment, għaliex filwaqt li tipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri li jippermettu ħarsien akbar lid-drittijiet tal-konsumaturi, hija tagħmel hekk biss għad-dritt ta' l-irtirar (fir-rigward tal-punt tal-bidu, il-modalitajiet u l-effett ta' l-eżerċizzju ta' dan id-dritt). Madankollu, l-Artikolu 11 tad-direttiva fis-seħħ (31), jippermetti li din l-għażla tintuża b'mod aktar wiesa'. Il-KESE għalhekk isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm dispożizzjoni simili.

3.1.15

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema effettiva ta' sanzjonijiet, immirati mhux biss sabiex jiskoraġġixxu prattiċi li jiksru l-obbligi li hemm fid-direttiva, iżda wkoll għal raġunijiet ta' ċertezza u sigurtà legali (32). Il-Kumitat jappoġġja l-possibbiltà li fil-qafas stabbilit mill-Kummissjoni (33), l-Istati Membri u mhux il-Kummissjoni jistgħu jdaħħlu sanzjonijiet kriminali li huma proporzjonati iżda suffiċjenti sabiex jiskoraġġixxu prattiċi abużivi partikoularment serji.

3.1.16

Il-KESE jaqbel ma' l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni regolari — nieqsa mid-direttiva attwali — sabiex ma tiskadix malajr.

3.1.17

Għalkemm tressqu xi każijiet kontra xi Stati Membri (34) li għamlu traspożizzjoni skorretta ta' xi dispożizzjonijiet tad-direttiva, il-KESE huwa sorpriż li jinnota li l-Kummissjoni ma taġixxix, b'mod partikulari fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità ma' l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tad-direttiva (30 ta' April 1997). Kienu biss żewġ Stati membri (35) li ssodisfaw din l-iskadenza. Il-Kumitat għalhekk jappella lill-Kummissjoni, fejn tidħol id-direttiva l-ġdida, sabiex tkun inqas rilassata meta jkun hemm ksur daqstant flagranti fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

3.2   Kummenti Speċifiċi

3.2.1

Il-KESE jikkunsidra li d-definizzjoni li tingħata f'Artikolu 2(1)(g), li torbot mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7, hija restrittiva wisq, għaliex dak li jikkaratterizza n-natura anċillari tal-kuntratti huwa l-komplementarjetà ta' bejniethom. Għalhekk hija l-komplementarjetà aktar milli s-subordinazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata għaliex ħafna mill-kuntratti li għandhom self marbut magħhom b'mod partikulari huma taħlit estrinsiċi ta' kuntratti li minħabba fin-natura legali tagħhom, huma legalment separati u għaldaqstant ma jidħlux fid-definizzjoni li qiegħda tiġi proposta.

3.2.2

Il-Kumitat ma jaqbilx mal-mod kif inkiteb l-Artikolu 3(2), b'mod partikulari fir-rigward ta' l-informazzjoni bil-miktub, li tingħata lill-konsumatur biss jekk “jitlobha” u “fejn tkun applikabbli”. Peress li dan l-Artikolu jirrigwarda l-informazzjoni ta' qabel il-kuntratt, li fuq il-bażi tagħha il-konsumatur/triċi t/jifforma d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha, il-KESE jqis li l-forniment ta' din l-informazzjoni bil-miktub għandu jkun obbligatorju, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkludi din id-dispożizzjoni.

3.2.3

Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni sabiex tibdel l-Artikoli 3(4) u 4(1) u paragrafi 1) ta' Anness I, f), ta' Anness III u d) ta'Anness IV b'dispożizzjonijiet simili għal dawk li hemm f'Artikolu 4 tad-direttiva attwali (36), li toffri ħarsien akbar lill-konsumaturi. Mhux biss tagħmel l-obbligu li tiġi fornuta l-informazzjoni fil-lingwa ta' l-Istat Membru tal-konsumatur; tirrikjedi wkoll traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa ta' l-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà, speċifikament minħabba kwistjonijiet marbuta ma' kwalunkwe rekwiżiti ta' reġistrazzjoni.

3.2.3.1

Filfatt, il-KESE jista' jipprevedi l-adozzjoni ġeneralizzata min-naħa tal-kummerċjanti ta' kuntratti standard li fihom il-konsumaturi huma ristretti li jikkonfermaw l-lingwa magħżula, mingħajr il-libertà li jagħmlu l-għażla tagħhom jew li jinnegozzjaw; dan jista' jfixkel b'mod serju l-interessi ekonomiċi tagħhom.

3.2.4

Il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex temenda l-mod kif inhu miktub l-Artikolu 4(2), b'mod speċifiku billi tħassar il-frażi “sakemm il-partijiet jaqblu b'mod espliċitu mod ieħor”, peress li din hija informazzjoni importanti li m'għandhiex titħalla għad-diskrezzjoni tal-partijiet ikkonċernati. L-esperjeza tal-passat uriet li l-inklużjoni ta' din il-frażi tikkawża li l-kummerċjanti b'mod unilaterali jipproponu kuntratti standard li l-konsumatur m'għandu l-ebda għażla ħlief li jaċċetta.

3.2.4.1

Għal raġunijiet ta' ċertezza u sigurtà legali, il-KESE jikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni għadnha tiċċara/tistandardizza it-tipa ta' “ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tal-kummerċjant” li jiffurmaw parti integrali mill-kuntratt taħt it-termini ta' l-Artikolu 4(2).

3.2.4.2

Ukoll, fir-rigward ta' dan l-Artikolu, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-metodu ta' komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni, li għandha tiġi pprovduta b'mod xieraq, oġġettiv u ċar (37), u għandha tiġi stampata b'ittri ta' daqs li jagħmilha faċli li t-test jinqara (38).

3.2.5

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiċċara l-frażi “il-kummerċjant jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur b'mod espliċitu” f'Artikolu 4(3), għaliex is-sens legali speċifiku m'huwiex ċar.

3.2.6

Jekk l-Artikolu 5(1) irid jinftiehem li jipprovdi żewġ perijodi għall-eżercizzju tad-dritt ta' l-irtirar, il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi dispożizzjoni waħda biss li tagħti lill-konsumatur d-dritt li jirtira sa 14-il ġurnata wara li jiffirma l-kuntratt finali, jekk dan jiġi preċedut minn kuntratt ieħor li jorbot, sakemm il-proprjetà ma tkunx intużat sa dak iż-żmien.

3.2.7

Kif għamel f'opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi n-natura tal-komunikazzjoni li tinforma bid-dritt ta' l-irtirar, sabiex tiżgura li ż-żewġ partijiet ikollhom il-prova li l-informazzjoni twasslet. Fil-fatt, il-kliem użat fid-direttiva attwali huwa aktar adattat (39).

3.2.8

Il-KESE jikkunsidra li t-titolu ta' l-Artikolu 8 għandu jinbidel bil-frażi “natura obbligatorja tad-drittijiet” peress li l-iskop ta' dan l-artikolu m'huwiex li jistabbilixxi n-natura imperattiva tad-direttiva iżda li jiżgura li dawk id-drittijiet ma jiġux esklużi jew ristretti, irrispettivament minn liema leġislazzjoni tapplika.

3.2.9

Fir-rigward tar-rimedju ġudizjarju u amministrattiv, il-Kumitat iqis li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 11 u12 tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali (40) huma aktar adattati, għaliex għandhom ambitu aktar wiesa' u huma aktar komprensivi. Għaldaqstant, il-Kumitat isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tibdel Artikolu 9 tal-proposta tagħha ma' regoli simili għal dawk.

3.2.10

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-kliem fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-proposta tagħha għaliex hemm kwistjonijiet li jenħtieġu traduzzjoni aktar attenta (41).

4.   Kwistjonijiet li m'humiex koperti mill-proposta

4.1

Il-KESE jqis li minbarra l-ommissjonijiet l-oħra li diġà ssemmew hawn fuq, il-proposta ma tagħtix każ ta' kwistjonijiet oħra li ħaqqhom li jiġu kkunsidrati f'reviżjoni tad-Direttiva.

B'mod speċifiku, dan japplika għal:

a)

is-sistema tal-piż tal-prova;

b)

il-prevenzjoni tar-riskju tan-nuqqas ta' rispett jew rispett limitat tal-kuntratt;

c)

il-ħolqien ta' restrizzjoni fl-użu tal-kuntratti tat-timeshare (akkomodazzjoni) għal bini u partijiet minn bini użati għal attivitajiet ta' turiżmu u rekreazzjoni (42), b'hekk isir kontribut għal kwalità ogħla u jiġi evitat l-użu ħażin ta' dawn il-kuntratti fis-settur tal-proprjetà;

d)

it-twaqqif ta' regoli dwar il-liċenzjar u l-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jopera f'dan is-settur, fejn l-applikanti jridu jagħtu provi tal-kapaċità teknika u finanzjarja tagħhom;

e)

it-twaqqif ta' sistema ta' garanziji finanzjarji sabiex ikun hemm salvagwardja kontra falliment potenzjali, kif hemm fi strumenti oħra tal-Komunità (43), u mhux biss fir-rigward tal-proprjetà immobbli li għadha qiegħda tinbena;

f)

it-twaqqif ta' sistema ta' prijorità ta' reġistrazzjoni fil-pajjiż li fih ikun qiegħed jiġi kkummerċjalizzat u/jew fl-Istat Membru fejn ikun hemm il-kwartieri tal-kumpanija (44);

g)

it-twaqqif fil-livell Ewropew ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal kummerċjanti f'dan il-qasam u fl-istess ħin li jiżgura l-eżistenza ta' sistema ta' avviż minn kmieni bejn l-Istati Membri mmirat li jirrapporta ksur li jista' jirriżulta f'telf ta' ċertifikazzjoni u li jinforma l-konsumaturi (45);

h)

it-twaqqif fl-Annessi tar-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni jew kwalunkwe tibdil jew obbligi, sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jitilfu d-drittijiet tagħhom, per eżempju, fil-każ ta' esklużjoni ta' ipoteka (46);

i)

it-twaqqif f'Anness II tad-dritt tal-konsumaturi li jispezzjonaw il-proprjetà, jekk din tkun proprjetà immobbli, sabiex jiżguraw li hija konformi mal-pjanijiet tal-bini;

j)

it-twaqqif tal-ħarsien tad-data personali meta d-drittijiet jiġu trasferiti lil persuni terzi.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, rapporteur: is-Sur Adams.

(2)  ĠU C 175, 27.7.2007, rapporteur: is-Sur Pegado Liz.

(3)  Id-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x'jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare (ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83). — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(4)  Il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta' timeshare, prodotti ta' btala fuq tul ta' żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju COM(2007) 303 finali, 7.6.2007).

(5)  Ir-rapport ta' l-1999 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/94/KE tas-26 ta' Ottubru 1994 SEC(1999) 1795 finali, u r-rapport tal-Parlament Ewropew ta' l-2002 fi RR\470922EN.doc, EP 298.410.

(6)  Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Olanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Isvezja, il-Ġermanja u l-Awstrija.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumita Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod, ĠU C 175, 27.7.2007.

(8)  Reviżjoni tad-Dokument ta' Konsultazzjoni tad-Direttiva tat-Timeshare f':

http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/timeshare/consultation_paper 010606_en-doc.

(9)  Ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 SEC(1999) 1795 finali.

(10)  “Comparative Analysis D. Timeshare Directive”, (94/47) imfassla minn Hans Schulte-Nölke, Andreas Borge u Sandra Fischer fil-Kompendju tad-dritt tal-konsum.

(11)  B'mod partikolari l-Artikoli 2 (1)(g), 3(2) u (4), 4(1), (2) u (3), 5(1), (5) u (6), (8) u (9) u Anness I(1), Anness III(f) u Anness IV(d).

(12)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali”) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81.

(13)  Kif fil-fatt kien ġie ddikjarat kemm fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-proposta għal-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ħarsien tax-xerrejja f'kuntratti relatati ma' l-użu ta' proprjetà immobbli fuq bażi ta' timeshare, rapporteur Manuel Ataíde Ferreira (ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1), U fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità sabiex tassisti t-Turiżmu, rapporteur: L. Cunha, ko-rapporteur G. Frandi (ĠU C 49, 24.2.1992).

(14)  SEC(1999) 1795 finali.

(15)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ tal-politika tal-Komunità dwar il-protezzjoni tax-xerrejja tad-dritt għall-użu tal-proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare (Direttiva 94/47/KE) (doc P5_TA(2002)0369, ĠU C 271 E, 12.11.2003, p. 578).

(16)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur 2002-2006. [COM(2002) 0208 finali], (ĠU C 137, 8.6.2002, p. 2). — Opinjoni tal-KESE ĠU C 95, 23.4.2003, p. 1.

(17)  COM(2006) 744 finali. Opinjoni tal-KESE ĠU C 256, 27.10.2007.

(18)  SEC(1999) 1795 finali.

(19)  Kunsill ta' l-Affarijiet tal-Konsumaturi, Lussemburgu, 13 ta' April 2000.

(20)  PE 298.410 RR\470922EN.doc.

(21)  Reviżjoni tad-Dokument ta' Konsultazzjoni tad-Direttiva tat-Timeshare f':

http://ec.europa.eu/consumers/cons_int/safe_shop/timeshare/consultation_paper 010606_en-doc.

(22)  COM(2006) 629 finali.

(23)  ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(24)  Temenda “xerrej” għal “konsumatur”.

(25)  ĠU C 175, 27.7.2007, rapporteur: is-Sur Pegado Liz, dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod.

(26)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna preċedenti.

(27)  Sentenza tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Portugall, 4.3.2004.

(28)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE is-Sur Ataíde Ferreira (ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1).

(29)  Bħal fil-każ tal-liġi Portugiża, per eżempju (Art 45(3) tal-liġi tad-digriet 180/99 ta' 22/05) li li tistqarr li: “id-drittjiet ta' l-akkomodazzjoni tat-turisti li għalihom issir referenza fl-artikolu preċedenti jinkludu b'mod speċifiku d-drittijiet ta' obbligu stipulati fil-kuntratti għall-karti u l-klabbijiet ta' skont tal-btajjel u karti tat-turisti jew oħrajn simili”.

(30)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005, ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81).

(31)  Artikolu 11 tad-Direttiva 94/47/KE — “Din id-Direttiva ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli fir-rigward tal-ħarsien tax-xerrejja fil-qasam ikkonċernat, mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tagħhom taħt it-Trattat”.

(32)  Ir-rapport ta' l-1999 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 94/47/KE josserva firxa wiesgħa ħafna ta' sanzjonijiet fl-Istati Membri differenti għall-ksur ta' l-istess obbligu, inkluż penali finanzjarji, li l-kuntratt isir null u bla effett, estensjoni tal-perijodu ta' riflessjoni, sospiża ta' l-attività u pubbliċità marbuta eċċ.

(33)  ĠU C 256, 27.10.2007, u l-Abbozz ta' Opinjoni CESE 867/2007 fin, ir-rapporteur għat-tnejn li huma kien is-Sur Retureau, dwar miżuri kriminali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u l-ambjent.

(34)  Spanja, l-Isvezja, il-Lussemburgu u l-Irlanda.

(35)  Ir-Renju Unit u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(36)  Li tiddikjara li:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tagħhom li jiżguraw li:

[…] il-kuntratt u d-dokument li għalihom issir referenza f'Artikolu 3(1) huma f'lingwa jew waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru li fih ix-xerrej huwa residenti jew f'lingwa jew waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, […] skond l-għażla tax-xerrej. L-Istat Membru li fih ix-xerrej huwa residenti jista', madankollu, jirrikjedi li l-kuntratt isir fil-każijiet kollha ta' l-anqas fil-lingwa tiegħu jew lingwa […]

u — li l-bejjiegħ jipprovdi lix-xerrej bi traduzzjoni ċċertifikata tal-kuntratt fil-lingwa jew waħda mill-lingwi ta' l-Istat Membru li fih hemm il-propjetà immobbli”.

(37)  Kif intqal, per eżempju, f'Artikolu 8 tal-liġi Portugiża dwar il-ħarsien tal-Konsumatur.

(38)  Kif intqal, per eżempju, fis-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell Lisbona, 3.5.2001.

(39)  “b'mezzi li jistgħu jiġu pprovati”.

(40)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005, ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. — Opinjoni tal-KESE ĠU C 108, 30.4.2004, p. 81).

(41)  Fil-verżjoni Portugiża, dan japplika għal Artikolu 2(b), li ma jagħmilx sens, għal Anness I(j), li huwa eżattament bil-maqlub ta' dak li suppost qiegħed jgħid u għal Artikolu 7(1), fejn il-kelma “dissolvido” għandha tinbidel għal “resovido”, għal raġunijiet ovvji, kemm fl-interess tal-preċiżazzjoni legali kif ukoll għal konsistenza mat-titolu.

(42)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(43)  Direttiva 90/314/KEE tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 1990, dwar pakketti ta' vjaġġar, pakketti ta' vaganzi u pakketti ta' tours (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59). — Opinjoni tal-KESE ĠU C 102, 24.4.1989, p. 27.

(44)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE, ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.

(45)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36). Opinjoni tal-KESE: ĠU C 221, 8.9.2005, p. 113.

(46)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva 94/47/KE, ĠU C 108, 19.4.1993, p. 1.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strumenti ta' l-użin mhux awtomatiċi (Verżjoni kkodifikata)”

COM(2007) 446 finali — 2007/0164 (COD)

(2008/C 44/07)

Nhar il-5 ta' Settembru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar strumenti ta' l-użin mhux awtomatiċi (Verżjoni kodifikata).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu ta' l-24 u tal-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), b'153 vot favur u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta' wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (Verżjoni kkodifikata)”

COM(2007) 451 finali — 2007/0162 (COD)

(2008/C 44/08)

Nhar il-5 ta' Settembru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta' wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn ta' l-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu ta' l-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), b'144 vot favur, vot wieħed kontra u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soppressjoni ta' l-interferenza tar-radju prodotti minn tratturi agrikoli u għall-foresterija (kompatibilità elettromanjetika) (Verżjoni kkodifikata)”

COM(2007) 462 finali — 2007/0166 (COD)

(2008/C 44/09)

Nhar il-5 ta' Settembru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soppressjoni ta' l-interferenza tar-radju prodotti minn tratturi agrikoli u għall-foresterija (kompatibilità elettromanjetika) (Verżjoni kkodifikata).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu ta' l-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru 2007), b'153 vot favur, vot wieħed kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburanti — Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea”

COM(2006) 845 finali

(2008/C 44/10)

Nhar il-11 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Rapport ta' progress dwar l-użu tal-bijokarburanti — Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra minn sorsi rinnovabbli fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'142 vot favur, 13-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jagħti attenzjoni kbira lill-kwistjonijiet marbutin ma' l-effiċjenza enerġetika, it-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u b'mod ġenerali jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tat-8 u d-9 ta' Marzu, fejn ġew ikkonfermati t-tliet pilastri tal-Politika Ewropea għall-Enerġija:

il-garanzija tas-sigurtà tal-provvista,

il-garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezz aċċessibbli,

il-promozzjoni tas-sostenibilità ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.2

Fir-rapport dwar il-progress miksub fil-qasam tal-bijokarburanti, il-Kummissjoni ttenni li fin-nuqqas ta' objettivi obbligatorji, m'huwiex ser ikun possibbli li tintlaħaq kwota sodisfaċenti fl-użu tal-bijokarburanti. Billi rriżulta li l-objettiv li tintlaħaq il-kwota ta' 5.75 % tas-suq sa l-2010 m'huwiex realizzabbli, sabiex jintlaqgħu l-eżiġenzi ddefiniti mill-Kunsill hemm bżonn li jiġi stabbilit objettiv realistiku, li skond il-Kummissjoni għandu jkun kwota ta' 10 % sa l-2020, li jista' jintlaħaq permezz tal-possibbiltà mfissra fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/30/KE tal-“klawżola tar-reviżjoni”. B'mod stramb, il-Kummissjoni tispjega l-benefiċċji fuq il-bażi ta' xenarju ta' użu tal-bijokarburanti ta' 14 %, filwaqt li l-objettiv iddikjarat huwa ta' 10 %, u billi tressaq riżultati li m'humiex realistiċi b'xorta ta' “window dressing” tal-komunikazzjoni.

1.3

Il-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni jġibu ħafna problemi u ma jissodisfawx bis-sħiħ l-objettivi Ewropej. Fil-fatt għandhom prezz ta' produzzjoni għoli, prezz ambjentali għoli, jużaw ċereali li jistgħu jintużaw bħala ikel għall-bnedmin u l-annimali, u, kif issostni l-FAO, huma parzjalment responsabbli għaż-żjieda fil-prezz taċ-ċereali fuq is-swieq dinjija.

1.4

Għaldaqstant l-użu tal-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni jġib miegħu problemi etiċi, bħall-kompetizzjoni bejn l-ikel u l-karburant, li l-Kummissjoni tidher li qiegħda timminimizza. Il-Kumitat jenfasizza l-eżiġenza ta' kollaborazzjoni iktar stretta ma' l-istituzzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali li joperaw fis-settur ta' l-agrikoltura u l-ikel, bħall-FAO u d-WFP (World Food Programme).

1.5

Kemm id-dokument tal-Kummissjoni kif ukoll l-istudju ta' l-impatt mehmuż ma jidentifikawx diversi elementi ta' kritika li fir-realtà huma sinifikanti ferm.

Fir-rigward tal-bijodiesel, il-problemi li ġejjin huma partikularment serji:

produttività limitata,

prezz għoli (0.4-0.7 €/L),

problemi ta' stabbiltà (preżenza ta' gruppi ossiġenati), u d-diffikultà tal-ħażna.

Il-problemi tal-bijoetanol huma dawn:

produttività limitata (iżda inqas minn dik tal-bijodiesel),

konsum għoli ta' ilma u fertilizzanti,

ma jistax jiġi trasportat bil-pipelines li attwalment qegħdin jintużaw għall-karburanti mill-petrol (problemi ta' korrożjoni).

1.6

Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġu wkoll ikkunsidrati bir-reqqa l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi, kif ukoll il-problemi tekniċi marbutin ma' l-iżvilupp tal-bijokarburanti. Kwistjoni oħra li jistħoqqilha attenzjoni partikulari hija dik tar-rendiment produttiv tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-bijokarburanti: tunnellata pitravi tagħti madwar 400 litru bijoetanol (madwar 1 500 Mcal). Meta wieħed iqis l-enerġija neċessarja għall-konversjoni tal-bijomassa f'bijokarburanti, il-proporzjon jidher ineffiċjenti u ftit li xejn prattiku. Ikun ħafna iktar prattiku li l-bijomassa tintuża direttament fil-produzzjoni ta' l-enerġija elettrika, għat-tisħin jew għat-trasport marittimu u dak pubbliku urban.

1.7

Il-Kumitat jinnota li minn perspettiva strettament ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji tad-deforestazzjoni u dawk marbutin mal-ħażna tal-materja prima: għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa u b'mod ċar il-problemi bijoloġiċi u bijokimiċi relatati.

1.8

Il-Kumitat jinnota wkoll il-problema ta' “l-etika tax-xjenza”. Il-pjaneta tagħna hija sistema miftuħa li qiegħda togħkos dejjem iktar lejn l-istat ta' ekwilibriju, li ser jikkoinċidi ma' tmiemha. Ir-rwol tax-xjenza huwa li tikkontribwixxi sabiex din it-tendenza 'l isfel isseħħ b'pass inqas imgħaġġel u r-responsabbiltà tal-politika hija li tiffaċilita l-attivitajiet u l-istudji relatati.

1.9

Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir analiżi li tivverifika, fil-qasam tal-kimika tal-kombustjoni b'molekoli oħra minbarra l-idrokarburi, il-formazzjoni u l-iżvilupp possibbli ta' radikali ħielsa li huma responsabbli għall-istress ossidattiv (oxidative stress), li huwa kkunsidrat bħala stat patoloġiku preliminari li jwassal għal mard iktar gravi. Din ir-rakkomandazzjoni hija ġġustifikata min-nuqqas ta' tagħrif disponibbli dwar is-suġġett.

1.10

Il-Kumitat jemmen li huwa indispensabbli li wieħed jagħti attenzjoni partikulari lill-kura u l-ħarsien tal-ħamrija. Għandna nħarsuha għax din tħarisna. It-tnaqqis u d-deterjorament progressiv ta' l-istrata ta' l-ilma huwa kkawżat minn politiki qarrieqa li jisfruttaw u jfaqqru l-art. L-alternar ta' l-uċuh tar-raba' hija essenzjali sabiex tiġi ffavorita r-rivitalizzazjoni tal-ħamrija (soil recovery).

1.11

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha li jikkunsidraw b'mod partikulari l-problema tal-konsum ta' l-ilma fil-produzzjoni tal-bijokarburanti. Fost il-ħafna effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, l-effett tat-tnaqqis tar-riżorsi ta' l-ilma jista' jsir drammatiku, speċjalment f'ċerti reġjuni. Studji reċenti mwettqa mill-IWMI (International Water Management Institute) ikkalkulaw li l-produzzjoni ta' litru ta' bijokarburanti teħtieġ mill-inqas bejn 1 000 u 4 000 litru ilma, skond it-tip ta' prodott u ż-żona ta' produzzjoni.

1.12

Minbarra dawn il-punti ta' tħassib, li jistgħu jonqsu fil-gravità tagħhom bl-adozzjoni ta' miżuri ta' monitoraġġ u ċertifikazzjoni tal-metodi ta' produzzjoni tal-bijokarburanti, u eventwalment permezz ta' sistema ta' traċċabilità tal-prodotti, il-Kumitat jemmen li għandhom ikomplu jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp tal-bijokarburanti tat-tieni u anke tat-tielet ġenerazzjoni bħall-bijobutanol. Il-bijobutanol għandu pressjoni ta' fwar baxxa u tolleranza għat-tniġġis ta' l-ilma fit-taħlit ta' petrol, li jiffaċilitaw l-użu tiegħu fil-kanali eżistenti tat-tiġdid tal-provvista u tad-distribuzzjoni tal-petrol. Il-bijobutanol jista' jitħallat mal-petrol f'konċentrazzjonijiet ogħla minn dawk tal-bijokarburanti eżistenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu mmodifikati l-vetturi. Barra minn hekk, jippermetti li jiġi ffrankat ammont ikbar ta' karburant meta mqabbel mat-taħlit ta' petrol u etanol, u dan itejjeb l-effiċjenza enerġetika tiegħu u jnaqqas il-konsum għal kull litru. Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' karburanti joffru rendiment enerġetiku għoli bi prezz ambjentali żgħir, billi jużaw l-iskart u l-bijokimika sabiex jiffaċilitaw l-proċessi naturali ta' tkissir taċ-ċelluloża, li huma kumplessi u għaljin.

1.13

Il-Kumitat iqis ukoll l-opportunitajiet li jista' jġib miegħu l-iżvilupp tal-bijokarburanti għall-ekonomija Ewropea, li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' l-aġenda ta' Lisbona. Is-Seba' Programm Qafas jipprovdi espliċitament għal azzjoni f'dan is-settur, iżda hemm bżonn ta' sinerġija ikbar bejn id-diversi partijiet interessati: il-produtturi agrikoli, l-industrija ta' l-ipproċessar kif ukoll l-għaqdiet għall-ħarsien ta' l-ambjent u t-territorju, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li huma dejjem iktar ħerqana sabiex jikkombinaw il-kwistjonijiet marbutin ma' l-iżvilupp sostenibbli ma' mudelli iktar avvanzati tar-responsabbiltà soċjali ta' l-intrapriżi.

1.14

L-opportunità li d-dinja agrikola tara fl-iżvilupp tal-bijokarburanti għandha titħeġġeġ bil-kundizzjoni li l-bdiewa wkoll jimpenjaw ruħhom sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tar-riżorsi primarji ambjentali u r-rispett tar-riżorsi komuni bħall-ilma u l-ikel għall-bnedmin u l-annimali. L-għaqdiet agrikoli għandhom ir-responsabbiltà li jżommu lill-komunità rurali informata fir-rigward tar-regoli mfassla mill-komunità internazzjonali għar-regolamentazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-bijokarburanti. It-tixrid tal-prattiki ta' ċertifikazzjoni, traċċabilità u kontroll tal-konformità huma s-suġġetti li l-għaqdiet agrikoli huma mistennija li jagħtu kontribuzzjoni determinanti dwarhom, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livelli nazzjonali u lokali. Il-Kumitat huwa lest li jiżviluppa din il-kwistjoni u kwistjonijiet oħra marbutin ma' l-effiċjenza enerġetika, mat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u mat-tibdil fil-klima, bil-kollaborazzjoni tal-KES nazzjonali: dawn ta' l-aħħar fil-fatt diġà wrew interess konsiderevoli fir-rigward ta' kwistjonijiet bħal dawn u qegħdin jipparteċipaw b'mod attiv fit-tfassil ta' ċerti opinjonijiet tal-KESE dwar dan is-suġġett.

1.15

Fir-rigward tat-trattament fiskali, b'mod partikulari d-dazji fuq il-bijokarburanti, l-għajnuna lill-bdiewa, lill-industrija tal-karrozzi sabiex twettaq ir-riċerka neċessarja, lill-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jimmodifikaw il-karrozzi li m'humiex adattati għall-użu tal-bijokarburanti, u lill-produtturi tal-bijokarburanti stess, huwa ovvju li l-lista ta' kandidati għall-appoġġ finanzjarju hija infinita. Fil-Ġermanja, fejn dan l-aħħar tnaqqsu b'mod konsiderevoli l-inċentivi fiskali, kien hemm tnaqqis immedjat fil-konsum u protesta immedjata min-naħa ta' l-industrija. L-investimenti għandhom bżonn iċ-ċertezza u l-istabbiltà, iżda s-swieq tal-bijokarburanti għadhom prattikament ineżistenti. Madankollu, huwa ovvju li l-għajnuniet eventwali m'għandhomx joħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

1.16

Fir-rigward tas-settur tat-trasport, fil-proposta dan jidher li m'huwiex soġġett għas-sistema tal-kwoti ta' l-emissjonijiet. Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltà li testendi s-sistema taċ-ċertifikati ta' l-emissjonijiet għat-trasport. Dawn jistgħu jikkostitwixxu stimolu addizzjonali sabiex tittejjeb l-effiċjenza fit-tfittxija għal soluzzjonijiet ġodda mmirati lejn tnaqqis ta' l-emissjonijiet perikolużi. Il-Kumitat ser jinkludi ipotesi operattiva f'opinjoni esploratorja speċifika mitluba mill-Viċi President Barrot.

1.17

Il-Kumitat jaqbel mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward ta' l-istrateġija dwar il-bijomassa u l-bijokarburanti: f'din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi ċertifikazzjoni obbligatorja u kompluta li tippermetti l-produzzjoni sostenibbli tal-bijokarburanti fil-fażijiet kollha u sabiex tappoġġja l-iżvilupp u l-użu tas-Sistema ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) sabiex l-użu ta' l-art fil-produzzjoni tal-bijoetanol jiġi kkontrollat bil-għan li tiġi impedita l-qerda tal-foresti tropikali u riperkussjonijiet negattivi oħra għall-ambjent.

1.18

Meta jiġu kkunsidrati l-problemi identifikati f'din l-opinjoni, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm il-mira ta' 10 % taħt analiżi kontinwa u sabiex tkun lesta tressaq proposti sabiex tiġi modifikata jekk il-problemi ma jkunux jistgħu jiġu solvuti b'mod sodisfaċenti u sostenibbli.

2.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni tintroduċi r-Rapport dwar il-progress miksub fl-użu tal-bijokarburanti billi tenfasizza l-fatt li għall-perijodu 2005-2020 huwa mistenni li jkun hemm żjieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (f'dan il-każ CO2 biss) ta' 77 miljun tunnellata fis-sena, jiġifieri iktar minn 60 % taż-żjieda globali fl-emissjonijiet, li hija mistennija li tkun ta' 126 miljun tunnellata fis-sena.

2.2

Fattur kritiku ieħor li ġie enfassizat huwa dak tad-dipendenza kważi totali tas-settur tat-trasport mill-importazzjoni taż-żejt, li huwa r-riżorsa enerġetika li tippreżenta l-ikbar riskju f'termini tas-sigurtà tal-provvista. Bis-saħħa ta' żjieda sinifikanti fl-użu tal-bijokarburanti, din id-dipendenza għandha tonqos.

2.3

Il-benefiċċji ta' l-iżvilupp tal-bijokarburanti f'termini tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra ma jiġux sfruttati meta l-produzzjoni tagħhom tinvolvi l-użu ta' raba' diġà eżistenti jew artijiet li għandhom bijodiversità partikularment varjata, bħall-foresti tropikali.

2.4

Fl-2001, il-kwota tal-bijokarburanti fis-suq kienet ta' 0.3 % u 5 Stati Membri biss kellhom esperjenza fl-użu ta' dan il-karburant. Id-Direttiva 2003/30/KE ma stabbiliet l-ebda obbligazzjoni vinkolanti, iżda stabbiliet objettiv għall-2010 (ta' 5.75 % tas-suq tal-petrol u d-diesel fit-trasport) u objettiv intermedju għall-2005 (ta' 2 %).

2.5

Iżda l-istess Direttiva, bil-klawżola tar-reviżjoni fl-Artikolu 4(2), tippermetti lill-Kummissjoni, f'każ ta' diverġenzi sinifikanti u mhux iġġustifikati mill-objettiv ta' 2 %, li tippreżenta proposta ta' objettivi nazzjonali obbligatorji.

2.6

Il-Politika Agrikola Komuni taqdi rwol fundamentali f'dan il-qasam, b'mod partikulari wara r-riforma ta' l-2003, billi tifred il-ħlasijiet lill-bdiewa mill-prodotti tar-raba' tagħhom. B'hekk ippermettiet li l-artijiet mhux ikkoltivati jintużaw sabiex jitħawlu prodotti li m'humiex ta' l-ikel, li ħafna drabi jintużaw fil-produzzjoni tal-bijokarburanti.

2.7

Fl-2007 ser jingħata kumpens lir-raba' “enerġetika” u għandhom jidħlu fis-seħħ politiki għall- promozzjoni tal-produzzjoni ta' l-enerġija mill-injam u appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli fil-qasam tal-politika ta' l-iżvilupp rurali (1).

2.8

L-użu tal-bijokarburanti żdied b'mod sinifikanti, iżda żewġ pajjiżi biss laħqu l-objettivi. Ir-riżultat ta' dan kien żjieda ta' 1 % fl-2005 — 1.6 % għall-bijodiesel u 0.4 % għall-bijoetanol. Fuq il-bażi ta' dan it-tagħrif, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-objettiv ta' 5.75 % mhux ser jintlaħaq sa l-2010.

2.9

L-esperjenza turi li nkisbu riżultati konkreti kemm permezz ta' politiki ta' inċentivi fiskali mingħajr limiti kwantitattivi fuq iċ-ċifri eliġibbli, kif ukoll permezz ta' obbligazzjonijiet imposti fuq il-provvedituri sabiex perċentwali tal-karburant li jbigħu tkun riservata għall- bijokarburanti. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-obbligazzjonijiet jikkostitwixxu l-iktar metodoloġija effikaċi.

2.10

Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li huwa urġenti u essenzjali li l-Unjoni Ewropea tibgħat sinjal ċar tad-determinazzjoni tagħha li tnaqqas id-dipendenza miż-żejt fis-settur tat-trasport. Hija tqis li l-unika triq prattikabbli hija l-użu tal-bijokarburanti, li jikkostitwixxi “polza ta' assigurazzjoni” kontra l-prezzijiet għoljin taż-żejt.

2.11

Iżda sabiex ikollu piż kredibbli fir-rigward tal-produtturi taż-żejt, li jbigħu 300 miljun tunnellata fis-suq ta' l-UE għas-settur tat-trasport biss, is-sinjal għandu jieħu l-forma ta' objettivi legalment vinkolanti.

2.12

Il-promozzjoni simultanja tar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji fis-27 Stat Membru hija l-istrateġija li għandha l-ikbar probabbiltà li tirnexxi. L-istabbiliment ta' kwota għall-bijokarburanti ta' 10 % tas-suq sa l-2020 huwa objettiv realistiku.

2.13

Qafas legali ċar, b'piż amministrattiv imnaqqas, u l-identifikazzjoni ta' objettivi intermedji, bħal per eżempju l-2015, huma essenzjali sabiex l-intrapriżi tal-karrozzi jkollhom il-possibbiltà li jadattaw il-pjanijiet tagħhom.

2.14

L-analiżi ta' l-impatt ekonomiku u ambjentali tinkludi diversi xenarji ta' ipotesi, li minn banda huma marbutin mal-prezz taż-żejt u ma' l-importazzjoni u l-kompetittività tal-prezzijiet agrikoli, u mill-banda l-oħra ma' l-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda li huma kapaċi jippromovu l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni ta' bijokarburanti li għandha l-kapaċità li tnaqqas il-piż fuq l-ambjent.

2.15

F'termini ta' spejjeż, iż-żjieda ipotetika ta' 14 % fl-użu tal-bijokarburanti hija mistennija li tikkawża spejjeż addizzjonali ta' bejn EUR 11.5 u 17.2 biljun sa l-2020 (bil-prezz tal-barmil madwar USD 48) u bejn EUR 5.2 u 11.4 biljun (bil-prezz tal-barmil ta' USD 70). Il-punt ta' bilanċ għall-bijodiesel u l-bijoetanol jintlaħaq meta l-prezzijiet tal-bramel ikunu bejn EUR 69-76 u EUR 63-85 rispettivament (USD 92.76-102.18 u USD 84.76-114.28 għal kull barmil, b'rata ta' kambju fil-25.5.2007 ta' USD 1.3444 għal EUR 1).

2.16

Dejjem skond l-ipotesi ta' kwota ta' bijokarburanti ta' 14 % fl-2020, it-tnaqqis tal-prezz tal-ħażna tar-riservi jista' jwassal sabiex jiġu ffrankati sa EUR 1 biljun (EUR 720 miljun skond l-ipotesi ta' 10 %). L-aqwa soluzzjoni tkun taħlita tal-provvista minn pajjiżi terzi u pajjiżi Komunitarji, flimkien mal-bejgħ mixtieq tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni.

2.17

Dan ix-xenarju jkollu effetti pożittivi fuq l-impjieg, b'żjieda ta' 144 000 ħaddiem (jew 100 000 ħaddiem skond l-ipotesi ta' 10 %) fil-każ li l-produzzjoni ta' bijoetanol tkun prinċipalment interna, kif ukoll fuq il-PGD Komunitarju (żjieda ta' 0.23 %). L-effetti pożittivi tar-riżultati tar-riċerka, b'mod partikulari fil-qasam tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, jistgħu jżommu l-kompetittività fil-qasam ta' l-enerġiji rinnovabbli għolja.

2.18

Il-Kummissjoni tistma, skond il-metodu “mill-bir sar-rota”, li jekk il-bijokarburanti jiġu prodotti bl-aqwa tekniki disponibbli li fl-istess ħin joffru l-ikbar vantaġġi mil-lat ekonomiku, il-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'bejn 35 u 50 %. L-etanol magħmul miz-zokkor tal-kannamieli fil-Brażil inaqqas l-emissjonijiet b'90 % filwaqt li l-bijodiesel prodott miż-żejt tal-palma u s-soja jwassal għal tnaqqis ta' 50 % u 30 % rispettivament. Min-naħa tagħha, il-produzzjoni tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni għandha twassal għal tnaqqis ta' 90 %. Dejjem skond ix-xenarju ta' 14 %, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għandhom iwasslu għal tnaqqis ta' madwar 101/103 miljun tunnellata CO2eq fis-sena (71-75 miljun tunnellata CO2eq skond ix-xenarju ta' 10 %).

2.19

Fir-rigward ta' l-impatt ambjentali, il-komunikazzjoni tistma li kwota ta' bijokarburanti ta' 14 % hija realistika, dejjem jekk il-produzzjoni ma ssirx f'postijiet inadegwati, bħall-foresti tropikali jew ħabitat ta' valur ambjentali għoli.

2.20

Il-Kummissjoni tikkonkludi r-rapport tagħha billi ttenni li l-iżvilupp tal-bijokarburanti għandu jwassal għal benefiċċji konsiderevoli f'termini ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u s-sigurtà tal-provvista. Permezz ta' politika ffokata, ibbażata fuq inċentivi/appoġġ, għandu jitneħħa r-riskju li jintużaw artijiet ta' bijodiversità għolja jew sistemi ta' ħsara għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, u li minflok jiġi ffavorit l-iżvilupp tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni.

2.21

Sabiex jintlaħqu l-objettivi proposti hemm bżonn li:

jiġi rivedut l-istandard dwar id-diesel (EN 590) u probabbilment dak dwar il-petrol (EN 228) sabiex tittejjeb il-possibbiltà ta' taħlit tal-bijokarburanti ma' karburanti ta' oriġini fossili,

isiru xi modifiki (b'infiq baxx) fil-karrozzi l-ġodda,

jiġu żviluppati t-teknoloġiji tal-BTL (biomass to liquid),

tiddaħħal is-silvikultura u t-tkabbir tal-kolza,

jiġi mmonitorjat b'mod kontinwu l-impatt ambjentali.

2.22

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-bijokarburanti, li jiġi stabbilit objettiv minimu ta' 10 % għall-kwota tal-bijokarburanti sa l-2020 u fl-aħħar li jiġi assigurat l-użu ta' bijokarburanti effiċjenti u li jħarsu l-ambjent.

3.   Il-bijokarburanti: xi elementi tekniċi

3.1

Il-bijodiesel isir mit-tagħsir taż-żerriegħa tal-kolza, tas-soja u tal-ġirasol u minn reazzjoni msejħa tat-transeterifikazzjoni, li tiddetermina s-sostituzzjoni ta' komponenti alkolizzati oriġinali (gliċerina) bl-alkoħol metiliku (metanol). Il-bijoetanol huwa alkoħol (etanol u alkoħol etiliku) li jsir permezz ta' proċess ta' fermentazzjoni ta' diversi prodotti agrikoli b'kontenut qawwi ta' karboidrati u zokkor bħaċ-ċereali (qamħirrun, sorgu, qamħ, xgħir), raba' taz-zokkor (pitravi u zokkor tal-kannamieli), frott, patata u karfa ta' l-għeneb magħsur. Jitqiesu wkoll bħala bijokarburanti l-prodotti miksuba bl-għaqda kimika ta' molekoli ta' oriġini bijoloġika ma' molekoli ta' oriġini fossili. L-eżempju ewlieni huwa l-ETBE (ethyl tertiary butyl ether), miksub bir-reazzjoni tal-bijoetanol u l-isobutene.

3.2

L-etanol għandu l-karatteristiki ta' karburant eċċellenti: għandu numru ottan għoli u jista' jitħallat (E5, E10) mingħajr il-bżonn ta' modifiki kbar fil-mutur, anke jekk hemm bżonn ta' muturi speċjali fil-każ ta' użu iktar konsistenti (E85).

3.3

Id-diffikultà ewlenija fir-rigward ta' l-użu ta' l-etanol hija marbuta mat-taħlit tiegħu mal-petrol. Anke għal perċentwali żgħar ta' etanol, fil-fatt, il-pressjoni tal-fwar tiżdied b'mod sinifikattiv (bejn wieħed u ieħor 10 kPa) u b'hekk jiżdiedu l-emissjonijiet evaporattivi. L-affinità ta' l-etanol għall-ilma tista' tikkawża l-problemi fil-kwalità tal-prodott finali. Għandu jiġi evitat it-taħlit ta' petrol idrokarburiku komuni ma' petrol li fih l-etanol. Għal dan ta' l-aħħar għandu jintuża proċess ta' loġistika/distribuzzjoni separat.

3.4

Taħlita ta' bijodiesel u diesel tista' tintuża fil-muturi li jaħdmu bid-diesel. Fil-pajjiżi Ewropej ta' sikwit jitħallat f'perċentwali sa 5 % (B5) fid-diesel ta' kwalità standard. Din ix-xorta ta' taħlita ma tippreżenta l-ebda problema ta' kompatibilità. Diesel b'perċentaġġ għoli ta' bijodiesel (iktar minn 8-10 %) jista' joħloq xi problemi għall-vetturi b'siġilli magħmula minn materjal polimeriku li m'huwiex kompatibbli. L-ikbar problemi jinħolqu għall-filtri għall-partikuli u t-trabijiet irqaq, li jeħtieġu modifiki kbar u għaljin. Għal din ir-raġuni, filwaqt li ċerti manifatturi diġà adattaw il-karatteristiċi tal-vetturi tagħhom, oħrajn jillimitaw iż-żamma tal-garanzija għat-taħlitiet B5. Il-karatteristiċi igroskopiċi u ta' deterġenza u l-istabbiltà mnaqqsa fil-ħażna jistgħu, fil-każ ta' taħlitiet b'perċentaġġi għoljin, jitolbu miżuri partikulari fir-rigward tal-vetturi u s-sistema ta' distribuzzjoni tal-prodott.

3.5

Il-Kummissjoni tressaq argumenti konvinċenti fir-rigward tal-bżonn li l-iżvilupp tal-bijokarburanti jiġi appoġġjat b'determinazzjoni ikbar. Realistikament, hija ma tikkunsidrax li fil-ġejjieni l-produzzjoni attwali tal-petrol (1.2 biljun tunnellata fl-2004 fil-livell globali) tista' tiġi sostitwita għal kollox bil-bijokarburanti (46 miljun tunnellata fl-2005, 3 minnhom fl-UE, hekk kif imfisser fit-tabella li jmiss), iżda timmira lejn l-integrazzjoni fi ftit iktar minn 13-il sena, ta' kwota ta' bijokarburanti ta' mill-inqas 10 % fil-karburanti attwali permezz ta' l-adozzjoni ta' Direttiva u l-istabbiliment ta' objettivi speċifiċi għal kull Stat Membru.

2005

Miljuni ta' litri

l-Istati Uniti ta' l-Amerika

16 130

il-Brażil

15 990

iċ-Ċina

3 800

l-Indja

1 700

l-Unjoni Ewropea

2 900

Oħrajn

5 480

3.6

L-idroġenu, li diġà jintuża — għall-inqas fil-livell esperimentali — bħala sors ta' enerġija minn ċerti manifatturi Ewropej tal-karrozzi, għadu qiegħed jiġi prodott essenzjalment permezz ta' l-elettrolisi jew inkella billi jittieħed mill-gass naturali jew minn karburanti fossili oħrajn. L-użu tiegħu għalhekk ma jwassal għall-ebda tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. Minkejja l-iżvilupp reċenti tar-riċerka fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-idroġenu mill-bijomassa, anke bl-għajnuna tal-bijoteknoloġija, jew minn sorsi rinnovabbli, il-possibbiltà ta' użu u bejgħ kummerċjali fuq firxa wiesgħa tal-karrozzi li jaħdmu bl-idroġenu tkun iddeterminata wkoll mill-ispejjeż għoljin tax-xiri taċ-ċelluli tal-karburant. Sabiex l-idroġenu jsir alternattiva enerġetika ekonomikament prattikabbli hemm bżonn li jitbaxxew l-ispejjeż tal-produzzjoni. Studju li qiegħed jitwettaq attwalment fl-Università ta' New South Wales qiegħed janalizza l-possibbiltà li dan l-objettiv jintlaħaq billi jintużaw pannelli solari speċjali magħmulin minn ċeramiki ta' l-ossidu tat-titanju. It-titanju hwa għażla komuni ħafna fil-qasam ta' l-idroġenu solari minħabba l-fatt li għandu l-karatteristiċi tajbin ta' semikonduttur u huwa resistenti għall-ilma: fl-istat naturali tiegħu, madankollu, jekk ma jiġix immodifikat, m'huwiex effikaċi biżżejjed.

4.   Kummenti ġenerali

Xi diffikultajiet

4.1

Filwaqt li tiddeskrivi l-vantaġġi potenzjali tal-bijokarburanti, il-Kummissjoni tevita li ssemmi l-problemi u d-diffikultajiet marbutin ma' l-iżvilupp tagħhom, anke jekk kultant tinkludi kliem ta' twissija. Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li l-proposta tal-Kummissjoni tiġi analizzata bir-reqqa u b'attenzjoni kbira, sabiex jiġi evitat li s-soluzzjoni ta' problema twassal għall-ħolqien ta' problemi iktar serji, jew li jissemmew il-vantaġġi biss filwaqt li l-iżvantaġġi jibqgħu moħbija. Hija ħaġa stramba li l-valutazzjoni tal-benefiċċji tal-proposta hija bbażata fuq ipotesi irrealitsika, fi kliem ieħor dik li tintlaħaq kwota ta' 14 % sa l-2020. Fil-każ ta' objettiv ta' 10 %, il-benefiċċji huma oġġettivament iktar modesti.

4.2

Kemm id-dokument tal-Kummissjoni kif ukoll l-istudju ta' l-impatt mehmuż ma jidentifikawx diversi elementi ta' kritika li fir-realtà huma sinifikanti ferm. B'mod ġenerali, per eżempju, il-ġestjoni ta' l-iskart fil-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tiġi mmodernizzata u vvalutata fid-dawl tas-sistemi moderni tal-biofuel cell u tat-teknoloġiji elettroniċi marbutin mal-produzzjoni.

4.3

Fir-rigward tal-bijodiesel, ta' min jinnota b'mod partikulari l-problemi li ġejjin:

produttività limitata,

prezz għoli (0.4-0.7 €/L),

problemi ta' stabbiltà (preżenza ta' gruppi ossiġenati), u d-diffikultà tal-ħażna.

4.4

Il-problemi tal-bijotetanol huma dawn:

produttività limitata (iżda inqas minn dik tal-bijodiesel),

konsum għoli ta' ilma u fertilizzanti,

ma jistax jiġi trasportat permezz tal-pipelines li attwalment qegħdin jintużaw għall-karburanti tal-petrol (problemi ta' korrożjoni).

Il-vantaġġi, min-naħa l-oħra, jinkludu l-possibbiltà li jiżdied iċ-ċiklu tar-raba', billi l-prodotti tar-raba' li jservu ta' ikel għall-bnedmin u l-annimali jiġu alternati permezz ta' prodotti tar-raba' speċifiċi riservati għall-ħolqien ta' bijomassa għall-produzzjoni ta' l-enerġija. Huwa importanti li din is-sistema tiġi żviluppata b'attenzjoni partikulari għall-produzzjoni reġjonali. Il-prodotti tar-raba' Ewropej huma soġġetti għar-regolamenti dwar il-ħarsien ta' l-art u l-użu tal-fertilizzanti.

4.5

Il-bijokarburanti għandhom bżonn ta' prodotti tar-raba' adattati u fi kwantitajiet kbar. Minħabba f'hekk, jiġu ssagrifikati prodotti tar-raba' neċessarji sabiex tiġi sodisfatta l-eżiġenza tal-pajjiżi iktar fqar li jiksbu l-ikel bl-iktar prezz baxx possibbli. L-ipoteżi bbażata fuq l-użu taċ-ċelluloża bħala bażi għall-produzzjoni tal-bijokarburanti hija interessanti, iżda wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-produzzjoni titlob l-ewwel u qabel kollox ġestjoni kimika u fiżika (xorta ta' splużjoni tal-massa) sabiex tkun reattiva għall-proċess ta' bijotrasformazzjoni. Għandha wkoll tissemma l-problema tar-residwi u l-katalizzaturi użati, li jaggravaw il-kwistjoni tal-ġestjoni ta' l-iskart iktar 'il quddiem fi proċessi ta' dan it-tip.

4.6

Għal użu fuq skala kbira wieħed jista' jikkunsidra l-użu tal-gliċerina bħala karburant, fil-forma mhux raffinata, pura jew imħallta ma' karburanti oħra. Fost l-iżvantaġġi ta' din l-alternattiva ta' min isemmi l-prezz tal-gliċerina, jekk tintuża pura, il-prezz tal-proċess jekk tintuża l-gliċerina mhux raffinata, ir-rendiment kalorifiku baxx tagħha u l-bżonn li dejjem jinqerdu s-sustanzi tossiċi li jifformaw ruħhom waqt il-kombustjoni (essenzjalment l-akroleina, magħrufa wkoll bħala l-aldeide akrilika).

4.7

Wieħed jista' jadotta approċċ differenti, ibbażat fuq il-modifikazzjoni ġenetika ta' ċerti organiżmi li huma kapaċi jagħmlu lil ċerti prodotti tar-raba' adegwati għall-proċess tal-bijotrasformazzjoni, b'livelli ta' rendiment ogħla u b'hekk konsum enerġetiku mnaqqas fil-produzzjoni. L-inġinerija ġenetika tista' wkoll tintuża sabiex jiġu mmodifikati organiżmi li huma kapaċi jiffaċilitaw l-użu taċ-ċelluloża.

4.8

Mill-perspettiva teknika, hemm ukoll il-kwistjoni tar-rendiment produttiv tal-materja prima għall-bijokarburanti. Infakkru, per eżempju, li tunnellata pitravi tagħti madwar 400 litru bijoetanol (madwar 1 500 Mcal). Proporzjon bħal dan huwa biżżejjed għal valutazzjoni komplessivament pożittiva, meta wieħed jikkunsidra r-riskji u l-iżvantaġġi potenzjali għall-ambjent li l-adozzjoni ta' din il-forma ta' enerġija tista' tikkawża?

4.9

Punt ieħor li wieħed m'għandux jissottovaluta jirrigwarda l-proċessi estrattivi u s-selettività tagħhom minn banda u dawk fermentattivi minn oħra, li huma relattivament għaljin jekk il-kwalità tal-prodott finali tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha. Mill-banda l-oħra, matul l-użu tal-karburant, il-preżenza eventwali ta' impuritajiet tista' tikkawża ħsara ekonomika li tmur lil hinn mill-vantaġġi tiegħu mill-perspettiva tar-reazzjonijiet sekondarji, il-kwalità tal-karburant miksub u l-karatteristiċi ta' l-iskart u r-residwi.

Il-ħarsien ta' l-ambjent

4.10

Minn perspettiva strettament ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji tad-deforestazzjoni (kif diġà qiegħed jiġri fil-Malasja u l-Indoneżja għall-produzzjoni taż-żejt tal-palm, fil-Malawi u l-Uganda għat-tkabbir tal-jatropha f'żoni ddedikati lill-produzzjoni ta' l-ikel, kif ukoll f'żoni partikularment prezzjużi tal-foresti tropikali) u dawk marbutin mal-ħażna tal-materja prima. Hemm bżonn li jiġu indirizzati bl-ikbar attenzjoni u ċarezza l-problemi bijoloġiċi u bijokimiċi relatati.

4.11

Hemm ukoll aspett “etiku” li għandu jiġi kkunsidrat: il-kompetizzjoni bejn l-ikel u l-karburant. Il-prezz tal-materja prima nobbli bħall-qamħ, il-qamħirrun u r-ross dejjem qiegħed jiżdied minħabba l-fatt li d-domanda tad-“distilleriji” tal-bijokarburanti dejjem qiegħda tikber. (Rapport FAO u PAM 2007). Il-prezz tat-“tortillas” fil-Messiku għola b'60 % u kien kaġun ta' nkwiet u dimostrazzjonijiet ta' protesta. Fiċ-Ċina ż-żjieda fil-prezz tas-soja qiegħed jimbotta il-prezz tal-laħam 'il fuq. Dan ta' l-aħħar għola b'43 % mill-bidu tas-sena. Il-prezz tal-bajd għola b'16 %. Il-qamħirrun għola b'40 %, il-ħafur b'20 %. Fl-Indja ċ-ċereali għolew b'10 % u l-qamħ għola bi 11 %. Anke fl-Istati Uniti, skond id-Dipartiment Amerikan ta' l-Agrikoltura, huwa mistenni li jkun hemm żjieda ta' 10 % fil-prezz tat-tajr, ta' 21 % fil-prezz tal-bajd, u ta' 14 % fil-każ tal-ħalib. Fil-ġejjieni, jekk il-valur taċ-ċereali bħala karburant jaqbeż il-valur tagħhom bħala ikel, is-suq ser ixaqleb għall-ekonomija ta' l-enerġija. Il-prezz ta' l-ikel ser jiżdied hekk kif jiżdied dak taż-żejt, u b'hekk jikber ir-riskju ta' skarsezza ta' l-ikel anke fil-livell Ewropew.

4.12

Iż-żjieda fin-numru ta' impjanti (fl-Istati Uniti biss bħalissa qegħdin jinbnew 79 fabbrika ġdida għal mal-116 li diġà qegħdin jaħdmu) ser twassal għal żjieda konsiderevoli fil-konsum taċ-ċereali li skond l-EPI (Earth Policy Institute) ser tkun ta' 139 miljun tunnellata, id-doppju ta' l-istima tad-Dipartiment Amerikan ta' l-Agrikoltura. Jekk nikkunsidraw li r-rendiment huwa ta' 110 galluni etanol (416.19-il litru, jiġifieri ftit iktar minn erba' tankijiet mimlijin ta' vettura tat-tip SUV) għal kull tunnellata qamħirrun, il-kwistjoni tieħu xeħta tassew inkwetanti.

4.13

Barra minn hekk, f'rapport reċenti, (2) il-Kumitat enfasizza l-eżiġenza li titħares il-bijodiversità, b'mod partikulari l-foresti tropikali, li mhux biss jospitaw fawna li mingħajrhom hija kkundannata li tisparixxi għal dejjem, iżda li huma wkoll, bl-iktar mod assolut, l-uniku pulmun tal-pjaneta. It-tkabbir intensiv taz-zokkor tal-kannamiela fil-Brażil u tal-palma fil-Malasja u l-Indoneżja, li kuljum iwassal sabiex jiġu ssagrifikati mijiet ta' ettari ta' foresta favur il-monokulturi, għandu jitwaqqaf.

4.14

Hemm ukoll il-problema ta' “l-etika tax-xjenza”. Il-pjaneta tagħna hija sistema miftuħa li qiegħda togħkos dejjem iktar lejn l-istat ta' ekwilibriju, li ser jikkoinċidi ma' tmiemha. Ir-rwol tax-xjenza huwa li tikkontribwixxi sabiex din it-tendenza 'l isfel isseħħ iktar bil-mod u r-responsabbiltà tal-politika hija li tiffaċilita l-attivitajiet u l-istudji relatati.

4.15

Il-prezz ta' dan għandu jiġi ċċarat, mhux biss f'termini ekonomiċi, iżda wkoll fir-rigward ta' l-ambjent u s-saħħa. Għandhom isiru sforzi sinifikattivi sabiex l-impatti jkunu vvalutati u studjati aħjar.

4.16

Fir-rigward tal-kimika tal-kombustjoni b'molekoli oħra minbarra l-idrokarburi, għandhom jiġu studjati b'attenzjoni kbira l-formazzjoni u l-iżvilupp possibbli ta' radikali ħielsa minħabba l-istress ossidattiv tal-proċessi (waħda mill-kawżi ewlenin tal-kanċer). Fil-fatt sal-lum għad m'hawnx tagħrif preċiż fir-rigward taż-żjieda potenzjali tagħhom f'rabta mal-produzzjoni tal-bijokarburanti.

4.17

Il-kura u l-ħarsien tal-ħamrija huma fundamentali. Għandna nħarsuha għax din tħarisna. It-tnaqqis u d-deterjorament progressivi ta' l-istrata ta' l-ilma huma kkawżati minn politiki qarrieqa li jisfruttaw u jfaqqru l-ħamrija. Għandu jkun hemm rotazzjoni ta' l-uċuh tar-raba' sabiex tiġi ffavorita r-rivitalizzazzjoni tal-ħamrija.

Is-sigurtà ta' l-ikel

4.18

Fir-rigward tas-sigurtà ta' l-ikel, il-kumitat kompetenti tal-FAO ddedika kapitolu importanti lil din il-kwistjoni matul it-33 sessjoni li nżammet Ruma mis-7 sa l-10 ta' Mejju 2007. Punt 45 tar-rapport tiegħu jgħid li l-bijoenerġija toffri opportunitajiet u riskji għal kull waħda mill-erba' dimensjonijiet tas-sigurtà ta' l-ikel: id-disponibbiltà, l-aċċess, l-istabbiltà u l-użu. L-implikazzjonijiet tal-bijoenerġija għas-sigurtà ta' l-ikel ser ikunu influwenzati mid-daqs u t-tip ta' sistemi kkunsidrati, mill-istruttura tas-swieq ta' l-enerġija u tal-materja prima u mill-għażliet politiċi fl-oqsma ta' l-agrikoltura, l-ambjent u l-kummerċ. Il-bidliet teknoloġiċi fis-settur tal-bijoenerġija qegħdin iseħħu b'pass imgħaġġel u jirrappreżentaw element ta' inċertezza addizzjonali u importanti fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel.

4.19

Fl-istess rapport il-FAO tenfasizza li l-prezz taċ-ċereali għola ħafna fl-2006, b'mod speċjali dak tal-qamħ u tal-qamħirrun, li f'Novembru laħaq livell rekord għal dawn l-aħħar għaxar snin. Ħsad skars fil-pajjiżi produtturi ewlenin u domanda dejjem ikbar għall-produzzjoni tal-bijokarburanti huma l-muturi prinċipali tas-swieq taċ-ċereali. Ir-rapport isostni li anke s-settur tar-ross huwa milqut minn tnaqqis fl-offerta.

4.20

Reċentement, anke iċ-Ċina ħadet xi miżuri sabiex tnaqqas il-produzzjoni ta' l-etanol mill-qamħirrun, skond l-Asia Times Online tal-21 ta' Diċembru 2006. “L-iktar ħaġa importanti għaċ-Ċina hija li titma' l-1.3 biljun abitant tagħha; il-produzzjoni tal-bijokarburanti ser tkun appoġġjata biss ladarba jkun intlaħaq dan l-objettiv”, iddikkjara l-Ministru Ċiniż għall-Agrikoltura, Wang Xiaobing.

4.21

Fl-20 ta' Lulju 2007, il-gazzetta Taljana La Repubblica ppubbikat artikolu intitolat “Il-gwerra bejn il-bijopetrol u l-ispagetti — Żjieda kbira fil-qamħ għall-bijokarburanti u l-għaġin jogħla b'20 %”. Il-prezz tal-qamħ iebes, ingredjent ewlieni ta' l-għaġin Taljan, għola b'iktar minn 30 %, wara li l-bdiewa għaddew għat-tkabbir tal-qamħirrun iddestinat għall-bijoetanol. Il-prezz ta' buxel (27 kg) qamħ fil-Borża ta' Chicago tela' minn $ 3.6404 fit-3 ta' April 2007 għal $ 5.64 fl-14 ta' Ġunju li għadda. It-Taljani huma sensibbli ħafna għal dawn il-varjazzjonijiet fil-prezz billi huma l-ikbar konsumaturi fid-dinja, bi 28 kg per capita fis-sena kif ukoll l-ikbar produtturi bi 3.2 miljun tunnellata.

L-ilma

4.22

Problema oħra li s'issa ġiet ittraskurata hija l-konsum ta' l-ilma neċessarju għall-produzzjoni tal-bijokarburanti. Studji reċenti ta' l-International Water Management Institute (IWMI) ippubblikati fl-10 ta' Mejju 2007 rrevelaw li fis-Sri Lanka per eżempju, għall-produzzjoni ta' litru etanol hemm bżonn bejn 1 000 u 4 000 litru ilma, skond it-tip ta' pjanta u t-tekniki ta' produzzjoni użati. Huwa kkalkulat li l-Brażil juża 2 200 litru ilma għall-produzzjoni ta' litru etanol, filwaqt li l-Indja, fin-nuqqas tax-xita abbondanti tal-Brażil, tirrikorri għall-irrigazzjoni; litru etanol jeħtieġ 3 500 litru ilma mill-irrigazzjoni! Dan it-tagħrif ġie kkonfermat mill-Istitut Internazzjonali ta' Delft UNESCO-IHE Institute for Water Education, imwaqqaf fl-2003, li jikkollabora ma' l-Università lokali, u minn studji reċenti tal-Fakultà Agrarja ta' l-Università ta' Colorado, li qiegħda tħejji tipi ta' qamħirrun speċjali li jitolbu kwantitajiet żgħar ta' ilma. It-tagħrif relatat huwa disponibbli fuq is-sit ta' l-internet www.waterfootprint.org.

4.23

Fl-Ewropa, il-problema ta' l-ilma tolqot b'mod partikulari lir-reġjuni tan-Nofsinhar, li ilhom ħafna snin ibatu bl-iskarsezza ta' l-ilma minħabba ż-żjieda fit-temperatura u l-evaporazzjoni relatata. Dawn ir-reġjuni ser iħabbtu wiċċhom ma' problemi addizzjonali f'dan il-qasam filwaqt li għalissa r-reġjuni tat-Tramuntana m'humiex ser ikunu milquta.

L-ispejjeż

4.24

It-tabella li jmiss (ippreżentata mill-inġinier Mario Marchionna ta' l-ENI f'konferenza reċenti organizzata mill-AIDIC — Għaqda Taljana ta' l-Inġinerija Kimika) tqabbel l-ispejjeż tal-karburanti fossili ma' dawk tal-bijokarburanti, għall-istess ammont ta' enerġija.

Paragun tal-komponenti tal-bijokarburanti

(valur enerġetiku ekwivalenti)

Prezz ta' referenza: Brent = 70 (56) $/bl

Karburant

Ekwivalenti €¢/lt

Petrol  (3)

39 (31)

Bijoetanol

UE

75

Brażil

39

USA

47

Italja

(Val Padana)

70-75

Diesel  (4)

46 (37)

Bijodiesel

UE

78

Malasja

48

USA

60

Italja

78

4.25

Il-Kummissjoni tqis li sabiex l-UE tipproduċi l-kwantità ta' bijokarburanti neċessarja għall-kwota ta' 10 % sa l-2020, għandha bżonn 18-il miljun ettaru koltivabbli, b'mod partikulari:

7 miljun ettaru għelieqi mhux ikkoltivati,

7 miljun ettaru għar-rikonversjoni ta' art użata għaċ-ċereali b'sussidji għall-esportazzjoni.

4 miljun ettaru li għandhom jitneħħew mill-użu agrikolu.

Vantaġġi għall-pajjiżi foqra?

4.26

Il-Kummissjoni tiddikjara li l-iżvilupp ta' l-użu tal-bijokarburanti jista' jġib miegħu benefiċċji konsiderevoli, b'mod partikulari għall-pajjiżi fil-proċess ta' żvilupp, li jistgħu jkabbru l-produzzjoni tagħhom għall-esportazzjoni. Il-bdiewa Afrikani, madankollu, huma mħassba fir-rigward tar-redditu ekonomiku fuq l-investimenti mwettqa s'issa. Il-gazzetta African Agriculture fil-ħarġa ta' Mejju 2007 ppubblikat artikolu dwar il-jatropha (iż-żerriegħa ta' din is-siġra żgħira huma tossiċi għall-bniedem iżda jagħtu bijodiesel ta' kwalità aċċettabbli u ma jeħtieġu l-ebda kura partikulari). L-artikolu, intitolat “L-eċitament dwar il-jatropha huwa miraġġ?”, iqajjem mistoqsijiet serji.

4.27

L-għaqdiet ambjentali Afrikani wkoll semmgħu leħenhom, kif tikteb il-gazzetta The East African Business (gazzetta online ippubblikata mill-grupp editorjali prinċipali tal-Kenja, Nation Media Group) fil-ħarġa tas-7 ta' Mejju 2007. Fl-Uganda d-deforestazzjoni qiegħda tikber bi 2.2 % fis-sena, imqabbla ma' medja dinjija ta' 0.2 %; b'din ir-rata, il-pajjiż qiegħed jirriskja li jkun kompletament iddeforestat sa l-2040. Għal din ir-raġuni, grupp ta' attivisti tas-soċjetà ċivili fformaw koalizzjoni msejħa “Save Mabira”, mill-isem tal-foresta li l-gvern ta' l-Uganda ddeċieda li jagħti lix-Sugar Corporation of Uganda Ltd. sabiex din ikollha iktar art għat-tkabbir taz-zokkor tal-kannamiela ddestinat għall-bijoetanol. Kwart ta' l-ikbar foresta verġni tal-pajjiż, fi kliem ieħor 7 100 ettaru, ser tiġi ssagrifikata sabiex jiġu prodotti ftit tunnellati bijotenal, forsi ddestinati għall-karrozzi tal-linja ekoloġiċi Ewropej!

4.28

Il-Kummissjoni ma tgħid kważi xejn dwar dan. B'mod vag issemmi biss il-fatt li għandu jiġi evitat li jintużaw uċuh tar-raba' ddestinati għall-produzzjoni ta' l-ikel u artijiet li għandhom valur naturali qawwi. Skond il-Kummissjoni, is-soluzzjoni tinsab fil-politiki li jservu ta' deterrent ekonomiku. F'dan il-kuntest huwa diffiċli li wieħed isib xi ħjiel tal-kuraġġ tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jesprimi tħassib kbir fir-rigward ta' dawn ir-riskji ambjentali, li inevitabbilment ser ikunu akkumpanjati minn proliferazzjoni ta' uċuh tar-raba' OĠM (organiżmi ġenetikament immodifikati) li meta użati għal dan l-iskop jistgħu jidhru iktar aċċettabbli. Ir-riskju tat-tixrid ta' l-OĠM huwa reali, u l-opportunitajiet marbutin ma' l-użu tagħhom għandhom jiġu vvalutati biss ladarba r-riċerka xjentifika ddettaljata dwar kemm jistgħu jkunu perikolużi tkun intemmet, u billi tkompla titħares il-bijodiversità li għad fadal fl-UE.

4.29

Il-Kumitat jemmen li huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' għaqdiet internazzjonali li jiġġieldu kontra l-ġuħ fid-dinja bħall-FAO u l-WFP u jiddispjaċih li fil-valutazzjoni ta' l-impatt tagħha, il-Kummissjoni ma kkuntattjatx lil dawn l-aġenziji internazzjonali, li qegħdin jaħdmu b'mod serju fuq dan is-suġġett, mingħajr ma jaħbu d-diffikultajiet u r-riskji marbutin ma' l-iżvilupp tal-bijokarburanti, b'enfasi speċjali fuq il-konsum tar-riżorsi ta' l-ilma.

Il-Kunsill Ewropew

4.30

Il-Kumitat jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa li nżamm fit-8 u d-9 ta' Marzu 2007 li ta attenzjoni speċjali lill-Politika Ewropea ta' l-Enerġija u t-tliet objettivi ewlenin tagħha:

il-garanzija tas-sigurtà tal-provvista,

il-garanzija tal-kompetittività ta' l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta' l-enerġija bi prezz aċċessibbli,

il-promozzjoni tas-sostenibilità ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.31

Il-Kunsill Ewropew jappoġġja u jadotta l-proposti tal-Kummissjoni għall-enerġija b'mod ġenerali, u b'mod partikulari għall-bijokarburanti, anke jekk kliemu fir-rigward ta' l-obbligazzjoni ta' l-10 % jagħti lok għal ħafna dubji: “L-aspett vinkolanti ta' dan l-objettiv huwa adegwat sakemm il-produzzjoni tkun sostenibbli, il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni jkunu disponibbli fis-suq u d-Direttiva dwar il-kwalità tal-karburanti tiġi modifikata konsegwentement, sabiex il-livelli ta' taħlit ikunu adegwati”.

4.32

Ser ikun importanti ferm li wieħed jifhem kif l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jużaw dawn il-limiti imposti fuq l-obbligazzjoni. B'mod partikulari, ir-referenza għad-disponibbiltà kummerċjali tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni llum tidher oġġettivament problematika. Il-bidla mill-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni għal dawk tat-tieni ġenerazzjoni fl-istabbilimenti industrijali attwali, dawk li l-bini tagħhom jinsab f'fażi ta' kostruzzjoni avvanzata u dawk ippjanati għas-snin li ġejjin, tinvolvi spejjeż kbar ħafna. Dan ifisser li jekk dawn il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni ma jkunux disponibbli, l-aspett vinkolanti tad-deċiżjoni tal-Kunsill jgħosfor. Rigward is-sostenibbiltà, minbarra d-Direttivi eżistenti, hemm bżonn ta' leġislazzjoni Ewropea addizzjonali sabiex jiġi assigurat li l-produzzjoni tal-bijomassa tirrispondi mill-qrib għar-rekwiżiti stabbiliti u li l-uċuh tar-raba' riservati għall-bijokarburanti ma jikkompetux ma' dawk riservati għall-produzzjoni ta' l-ikel għall-bnedmin u għall-annimali. Fir-rigward tal-modifiki tad-Direttiva dwar il-kwalità tal-karburanti, il-proċedura hija pjuttost kumplessa u ser ikollhom jieħdu ħsiebha l-korpi ta' standardizzazzjoni, b'mod partikulari s-CEN li għandu janalizza l-problemi marbutin mat-tekniki speċifiċi.

Il-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni

4.33

Fil-qasam tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni diġà jeżistu xi soluzzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-etanol, kemm permezz ta' proċess bijoloġiku ta' fermentazzjoni u distillazzjoni, kif ukoll permezz ta' proċess termokimiku ta' gassifikazzjoni tal-bijomassa sabiex jinkiseb is-syngas (H2 u CO), li bil-fermentazzjoni jipproduċi l-etanol u jiġġenera l-enerġija b'ċiklu kkumbinat jew bil-koġenerazzjoni. L-ewwel impjant ta' dan it-tip b'kapaċità ta' 180 000 tunnellata fis-sena ser ikun operattiv minn din is-sena 'l quddiem f'Porvoo fil-Finlandja u impjant ieħor huwa ppjanat, dejjem fl-istess post, għall-2008. Iżda proċessi bħal dawn għandhom rendiment enerġetiku baxx ħafna u f'ċerti każijiet saħansitra negattiv. Għalhekk ġiet studjata l-possibbiltà li dawn il-proċessi jsiru permezz tal-fotokimika, billi jintuża d-dawl tax-xemx bħala sors ta' enerġija u jintużaw katalizzaturi adegwati li kapaċi jtejbu l-karatteristiċi tagħhom. Soluzzjoni possibbli għall-bijokarburanti tal-ġenerazzjoni l-ġdida hija dik tal-bijobutanol. Il-bijobutanol għandu pressjoni ta' fwar baxxa u tolleranza għat-tniġġis ta' l-ilma fit-taħlit tal-petrol, li jiffaċilitaw l-użu tiegħu fil-kanali eżistenti tat-tiġdid tal-provvista u tad-distribuzzjoni tal-petrol. Il-bijobutanol jista' jitħallat mal-petrol f'konċentrazzjonijiet ogħla minn dawk tal-bijokarburanti eżistenti, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu mmodifikati l-vetturi. Barra minn hekk, jippermetti li jiġi ffrankat ammont ikbar ta' karburant meta mqabbel mat-taħlit ta' petrol u etanol, u dan itejjeb l-effiċjenza enerġetika tiegħu u jnaqqas il-konsum għal kull litru. Il-bijobutanol jista' jiġi prodott billi jintużaw il-faċilitajiet u l-impjanti produttivi tal-bijoetanol.

4.34

Is-seba' Programm Qafas alloka riżorsi sostanzjali għall-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji li għandhom karatteristiċi interessanti ħafna u jipproduċu bijokarburanti “nodfa” li:

ma fihomx kubrit, aromatiċi jew poliċikliċi,

huma stabbli,

għandhom livell ta'emissjonijiet baxx ħafna,

għandhom numru ċetan għoli ħafna (85-100),

jaqbżu l-limiti ta' l-użu taħt temperaturi baxxi ta' ċerti tipi ta' bijokarburanti,

jistgħu jitħalltu mad-diesel normali fi proporzjonijiet iktar għoljin (sa 60 %),

għandhom karatteristiċi tekniċi stabbiliti u jinsabu fuq il-lista tal-bijokarburanti ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/30/KE.

Il-KESE jemmen li l-Ewropea trid talloka iktar riżorsi finanzjarji għar-riċerka tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-Kumitat jilqa' l-objettivi tal-Politika Ewropea għall-Enerġija iżda jenfasizza l-fatt li sabiex jintlaħqu hemm bżonn li jiġu pprovduti l-fondi neċessarji għall-investiment, bil-parteċipazzjoni ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.

5.2

Il-Kumitat iqis li huwa neċessarju li tingħata attenzjoni speċjali lir-riċerka fis-settur tal-bijokarburanti, b'mod partikulari dawk tat-tieni ġenerazzjoni, mingħajr ma jiġu ssagrifikati possibbiltajiet oħra bħall-iżvilupp ta' l-idroġenu solari jew miksub mill-bijomassa.

5.3

Il-Kumitat jirrakkomanda b'mod partikulari r-rispett tal-bijodiversità u l-użu esklussiv ta' l-uċuh tar-raba' mhux alimentari għall-bijokarburanti, sabiex jinqered ir-riskju ta' kompetizzjoni bejn l-ikel u l-karburanti, billi għad hawn miljuni ta' bnedmin li m'għandhomx biżżejjed ikel u li qegħdin imutu bil-ġuħ. Fil-fatt ir-rapport tal-FAO msemmi jiddikjara fil-konklużjonijiet tiegħu li l-fatt li fid-dinja 854 miljun bniedem għadu mhux mitmugħ biżżejjed huwa prova li l-progress lejn l-objettivi tal-World Food Summit u l-Millennium Development Goals huwa insuffiċjenti. Skond ir-rapport, filwaqt li ħafna pajjiżi, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana, juru li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu n-numru ta' ċittadini tagħhom li qegħdin ibatu bil-ġuħ, din il-possibbiltà hija mhedda miż-żjieda fil-prezzijiet ta' l-ikel, mit-tnaqqis ta' l-offerta fuq is-swieq taċ-ċereali, mill-ġlied, mill-mard u mit-tibdil fil-klima. Ir-riċerkaturi Amerikani Ford Runge u Benjamin Senauer ta' l-Università ta' Minnesota jsostnu, fuq il-bażi ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet taċ-ċereali għall-ikel, li n-numru ta' persuni li jbatu bil-ġuħ fid-dinja mhux biss m'huwiex ser jinżel għal 600 miljuni fl-2025 kif kien mistenni, iżda ser jirdoppja u jilħaq 1 200 miljun!

5.4

Bl-iskop li jitwettqu l-objettivi tal-ħarsien ta' l-ambjent u t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, tat-titjib tal-konsum ta' l-enerġija u l-użu ta' enerġiji alternattivi, ta' l-awtonomija enerġetika u s-sigurtà tal-provvista, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-prodotti li jikkontribwixxu l-iktar lejn dawn l-objettivi jirċievu trattament differenti (inċentivi fiskali, amministrattivi, eċċ.).

5.5

Il-Kumitat iqis li fis-sitwazzjoni attwali t-teknoloġiji eżistenti jitolbu konsum għoli ħafna ta' enerġija, ilma u art (ir-rendiment għal kull ettaru huwa tali li kieku terz ta' l-art Taljana tkun riservata għat-tkabbir tal-kolza, il-kwantità ta' bijodiesel miksuba tkun biżżejjed biss sabiex tissostitwixxi 10 % tal-konsum totali tal-prodotti petroliferi fil-pajjiż u 40 % tal-konsum tad-diesel mis-settur tat-trasport).

5.6

Il-Kumitat jemmen li l-proposta għal direttiva ġdida għandha tkun akkumpanjata minn proċess sinifikanti u wiesa' ta' valutazzjoni ekonomika, ambjentali u soċjali; iqis li, għall-inqas f'din il-fażi, il-proċess ma jidhirx li huwa strutturat kif jixraq.

5.7

Huwa fundamentali li sabiex l-effetti tal-ġlieda kontra t-tniġġis ma jintilfux, il-bijokarburanti jsiru minn prodotti agrikoli nazzjonali ta' “0 kilometri”. M'għandhomx jiġu trasportati minn pajjiż għall-ieħor fuq distanzi twali, bil-konsum konsegwenti ta' karburanti fossili. Il-problema ta' l-irkuprar ta' l-enerġija mir-residwi agroalimentari huwa marbut kemm mat-tixrid wiesa' ta'dawn fuq it-territorju, li jġib miegħu ċaqliq għali lejn ċentri ta' ġestjoni, kif ukoll mal-kwantità kbira ta' ilma li fihom, li tirriżulta fit-trattament ta' volum kbir. Għal dawn ir-raġunijiet, it-trattament ta' dan it-tip ta' bijomassa għandu kemm jista' jkun isir in situ.

5.8

Il-Kumitat jemmen li għandha tiġi appoġġjata r-riċerka fl-ambitu tat-teknoloġiji relatati mal-biofuel cell, fi kliem ieħor iċ-ċelluli b'karburant bijoloġiku li jużaw il-bijokatalizzaturi sabiex jaqilbu l-enerġija kimika fl-elettriku. Proċess bħal dan, immirat lejn il-produzzjoni ta' l-enerġija permezz ta' dawn iċ-ċelluli, jippermetti li jinġabru l-elettroni kollha li l-pjanta li minnha tinġieb il-bijomassa akkumulat fil-proċess tal-fotosintesi (24 elettron għal kull molekola ta' glukosju ossidata għal CO2 u ilma).

5.9

Il-Kumitat jaqbel mal-valutazzjoni tal-Parlament Ewropew li fir-riżoluzzjoni dwar l-istrateġija għall-bijomassa u l-bijokarburanti, approvata fi Strasburgu fl-14 ta' Diċembru 2006 u spjegata fil-konsiderazzjonijiet tal-bidu, li minkejja l-fatt li s-settur tat-trasport huwa responsabbli għal iktar minn 20 % ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, m'huwiex inkluż fil-mekkaniżmu tal-kummerċ ta' l-emissjonijiet. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li teżamina l-possibbiltà li testendi l-applikazzjoni ta' l-iskema taċ-ċertifikati bojod għas-settur tal-karrozzi.

5.10

Fl-istess riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi ċertifikazzjoni obbligatorja u kompluta li tippermetti li jkun hemm produzzjoni sostenibbli ta' bijokarburanti fil-fażijiet kollha tat-tkabbir u ta' l-ipproċessar kif ukoll għall-bilanċ tal-gassijiet b'effett ta' serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, u li tiġi applikata kemm għall-karburanti prodotti fl-Unjoni Ewropea kif ukoll għal dawk importati; u li tappoġġja l-iżvilupp u l-użu tas-Sistema ta' Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) sabiex tikkontrolla l-użu ta' l-art fil-produzzjoni tal-bijoetanol bl-iskop li timpedixxi l-qerda tal-foresti tropikali u riperkussjonijiet negattivi oħra għall-ambjent. Il-Kumitat jaqbel mal-proposti tal-Parlament Ewropew u jappoġġjahom.

5.11

Il-Kumitat jinnota li f'uħud mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE reċentement, il-flotta tal-vetturi hija partikularment qadima u magħmula minn magni ta' kwalità iktar baxxa minn dawk tas-swieq għonja. Id-dħul per capita f'dawn il-pajjiżi huwa pjuttost baxx, bħalma huwa wkoll dak ta' proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni tal-pajjiżi fejn id-dħul per capita huwa ġeneralment iktar għoli. Dan ifisser li l-idea li jinħolqu obbligazzjonijiet u spejjeż għal dawn iċ-ċittadini Ewropej, li għandhom bżonn il-karrozza bħala għodda tax-xogħol indispensabbli, m'hijiex realistika.

5.12

Il-Kumitat jemmen li f'din il-fażi l-bijokarburanti jistgħu jappoġġjaw is-suq tal-karburanti iżda ma jistgħux jirrappreżentaw risposta strutturali għat-talbiet ta' dan is-suq. Jiġri x'jiġri, il-produzzjoni tal-bijokarburanti ser ikollha tiġi kkontrollata mill-qrib sabiex jiġu evitati r-riskji ambjentali u soċjali msemmija f'din l-opinjoni. Meta wieħed iqis il-problemi potenzjali identifikati f'din l-opinjoni, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha żzomm il-mira ta' 10 % taħt analiżi kontinwa u għandha tkun lesta tipproponi modifiki għaliha jekk il-problemi ma jkunux jistgħu jingħelbu b'mod sodisfaċenti u sostenibbli.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  S'issa ċ-ċifri huma l-istess bħal tas-sena l-oħra, mingħajr l-ebda żjieda. Reċentement il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward taż-żamma tal-kumpens fl-2008.

(2)  Rapport ĠU C 97, 28.4.2007 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Inwaqqfu t-telf ta' bijodiversità qabel l-2010u lil hinnNappoġġjaw lis-servizzi ta' l-ekosistemi għall-benesseri tal-bniedem.

(3)  Għall-petrol intuża l-Platt's Mediterranean CIF High.

(4)  = Għad-diesel intuża l-Platt's Mediterranean CIF High.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief”

COM(2007) 19 finali

(2008/C 44/11)

Nhar is-7 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Ranocchiari.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b'142 vot favur, vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-ħsieb li tirrevedi l-istrateġija Komunitarja għat-tnaqqis ta' l-emmissjonijiet tas-CO2 li ġejjin miċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku fit-toroq.

1.2

Il-Kummissjoni pproponiet — u l-Kunsill qabel li jikkonferma din il-proposta — li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri b'130 g/km sa l-2012, permezz ta' titjib teknoloġiku li jrid isir fil-muturi tal-karozzi. Irid isir tnaqqis ieħor ta' 10 g/km, jekk ikun teknikament possibbli, permezz ta' miżuri teknoloġiċi alternattivi u titjib fl-użu tal-bijokarburanti, sabiex jintlaħaq l-għan globali ta' 120 g/km sa l-2012.

1.3

Il-KESE jqis li din l-inizjattiva ambizzjuża jista' jkollha suċċess biss jekk tiġi implimentata b'miżuri ekwilibrati u varjati, kif ukoll bi skadenzi li jqisu l-ħtieġa tal-produtturi li jadattaw is-soluzzjonijiet teknoloġiċi magħżula għall-mudelli kollha li jipproduċu, operazzjoni kkumplikata u bi spejjeż li jvarjaw. Fi kliem ieħor, it-titjib fil-prestazzjoni tal-karozzi fir-rigward ta' l-emissjonijiet tas-CO2 irid ikun kompatibbli mal-kapaċità li jiġi assorbit kemm mill-produtturi, fuq livell ekonomiku u teknoloġiku kif ukoll mix-xerrejja potenzjali, fuq livell ta' poter ta' akkwist.

1.4

Fid-dawl ta' dan, il-KESE, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li l-produtturi jiġu mħeġġa sabiex iħaffu aktar fejn jidħol it-tnaqqis tal-konsum u ta' l-emissjonijiet, jindika wkoll il-ħtieġa li jiġu segwiti toroq oħra bil-għan li jintlaħaq l-objettiv permezz ta' qafas leġislattiv kemm jista' jkun effettiv u effiċjenti mil-lat soċjali, ekonomiku u ambjentali.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda għalhekk li ssir stima ta' l-impatt wiesgħa u fil-fond, li tkun kapaċi tistabbilixxi x'inhuma l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-soluzzjonijiet differenti possibbli, minn interventi fuq it-teknoloġija tal-karozza għal strumenti oħra li jistgħu jintużaw: adattar ta' l-infrastruttura, karburanti alternattivi, inċentivi fiskali, informazzjoni permezz ta' forom differenti ta' edukazzjoni dwar sewqan li huwa eko-kompatibbli (partikolarment meħtieġa f'żoni urbani kbar (1)) u indirizzar tat-talba permezz ta' taxxa li tippenalizza l-emissjonijiet tas-CO2. Barra minn hekk, il-KESE jqis li fost il-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati hemm ukoll l-użu ta' tajers b'reżistenza baxxa, li skond sorsi mill-industrija, huma kapaċi jnaqqsu l-konsum bi 3 jew 4 %. Jidher li s-suġġeriment tal-Kummissjoni dwar l-installazzjoni ta' sistema ta' kontroll fuq il-pressjoni ta' l-istess tajers timxi fl-istess direzzjoni.

1.6

Taħlita intelliġenti u meqjusa tal-miżuri kollha disponibbli tista' tippermetti li jintalaħaq l-objettiv tat-tnaqqis tas-CO2, mingħajr ma tfixkel it-tiġdid tal-karozzi fiċ-ċirkolazzjoni, minħabba fit-trażżin u l-qsim ta' l-ispejjeż li jevitaw li jippenalizzaw lix-xerrejja potenzjali ta' karozzi ġodda.

1.7

Barra minn hekk, il-KESE jittama li l-istrument leġislattiv li jingħażel ikun kemm jista' jkun newtrali fejn tidħol il-kompetizzjoni bejn il-produtturi, mingħajr ma jsiru limitazzjonijiet obbligatorji fuq l-offerta fis-suq ta' mudelli min-naħa ta' l-istess produtturi, iżda billi t-talba tax-xerrejja tiġi ggwidata lejn mudelli b'inqas emissjonijiet. It-tnaqqis tas-CO2 mitluba trid tintrabat mad-differenzi li jeżistu fil-firxa tal-prodotti, billi jintużaw il-parametri li huma meqjusa bħala l-aktar sinifikattivi u proporzjonali għall-konsum ta' l-emissjonijiet tas-CO2.

1.8

Fir-rigward tal-parametri possibbli, huwa ta' importanza fundamentali li dak li jintgħażel iservi ta' strument sabiex jiggwida lill-konsumaturi lejn tip ta' vettura li tirrifletti l-ħtiġijiet reali tagħhom u b'hekk jevitaw konsum u emissjonijiet li m'humiex meħtieġa għall-użu kurrenti tagħhom.

1.9

F'dan ir-rigward, il-KESE jesprimi l-perplessità tiegħu dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ddaħħal ukoll il-vetturi kummerċjali ħfief fil-miżura leġislattiva. Fil-fatt, dawn il-vetturi, maħsuba għal użu professjonali, isirilhom eżami b'reqqa kbira min-naħa tax-xerrejja potenzjali peress li l-konsum, u għalhekk l-emissjonijiet tas-CO2, jaffettwaw bil-qawwi l-ispejjeż ta' l-attività. B'konsegwenza ta' dan, il-vetturi li jinsabu fis-suq bħalissa diġà qegħdin jadottaw l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti, jiġifieri l-użu kważi esklussiv ta' muturi diżil. Fi kwalunkwe każ, u qabel ma tittieħed deċiżjoni f'dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tagħmel stima ta' l-impatt ibbażata fuq kejl aġġornat ta' l-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief, kejl li fil-preżent ma jidhirx li huwa disponibbli.

1.10

Fl-aħħar, il-KESE jqis li l-miżuri ta' l-Istati Membri jridu jittieħdu f'aktar oqsma minn dawk li ssemmew qabel (toroq, dwal tat-traffiku intelliġenti, eċċ.), u b'mod speċjali permezz ta' inizjattivi ta' akkwisti ekoloġiċi għall-bini tal-flotta tas-servizz u l-impenn kemm fil-ħolqien ta' netwerks infrastrutturali li jippermettu l-aċċess għad-distribuzzjoni tal-karburanti li għandhom inqas impatt fuq l-ambjent, bħall-gass naturali, kif ukoll fl-iffaċilitar tal-possibbiltà ta' l-akkwist ta' vetturi li jaħdmu bil-gass naturali u bl-LPG, tema li dwaru l-KESE esprima ruħu f'opinjonijiet preċedenti (2).

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-1995 ġiet imfassla strateġija Komunitarja għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 li kellha tintegra l-miżuri marbutin ma' l-offerta tal-kostrutturi tal-karozzi u t-talba tal-konsumaturi.

2.2

B'mod aktar speċifiku mil-lat ta' l-offerta, fl-1998 il-produtturi Ewropej laħqu ftehim volontarju li kellu l-objettiv li sa l-2008 il-medja ta' l-emissjonijiet tas-CO2 tal-karozzi titnaqqas għal 140g/km. Is-sena ta' wara, l-istess impenn ittieħed għall-2009 mill-produtturi Ġappuniżi u Koreani.

2.3

Fl-istess waqt, min-naħa tat-talba, l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea kienet tipprevedi li l-konsumaturi jiġu informati dwar it-tema ta' l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod li jiġu ggwidati lejn għażliet tajbin, flimkien ma' użu mmirat tas-sistema ta' tassazzjoni tal-karozzi.

2.4

Fil-prattika, min-naħa ta' l-offerta, seħħ titjib sostanzjali iżda li waħdu m'huwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv, peress li naqas il-kontribut taż-żewġ strumenti l-oħra, li huma l-informazzjoni/l-iggwidar tal-konsumaturi u t-tassazzjoni, kif tagħraf l-istess Kummissjoni Ewropea meta ssostni fil-Komunikazzjoni tagħha li “l-parti l-kbira mit-tnaqqis kien riżultat ta' titjib fit-teknoloġija tal-karozzi”.

2.5

Fil-fatt, l-emissjonijiet medji tas-CO2 tal-karozzi mill-1995 sal-2005 għaddew minn 186 g/km għal 161 g/km bi tnaqqis ta' madwar 13 %, filwaqt li 30 % tal-flotta li tpoġġiet fis-suq fl-2004 tipproduċi emissjonijiet li huma inqas minn 140 g/km.

2.6

Min-naħa l-oħra, fl-istess żmien, il-preferenzi tal-konsumaturi resqu lejn karozzi akbar u itqal, li għandhom prestazzjoni aħjar u li għandhom diversi użi, kemm minħabba l-idea li huma aktar siguri, kif ukoll minħabba l-fatt li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni ħarġet miċ-ċentri urbani. B'konsegwenza ta' dan, l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet (labelling) ma tantx kellha effett fuq l-għażla tal-konsumaturi.

2.7

L-istrument l-ieħor maħsub biex jiggwida d-domanda, jiġifieri t-tassazzjoni mmirata lejn it-tnaqqis ta' l-emissjonjiet tas-CO2, għadu ma sabx dimensjoni Ewropea (3), iżda biss inizjattivi nazzjonali, f'inqas min-nofs ta' l-Istati Membri, b'miżuri li f'xi każijiet kellhom impatt negattiv fuq it-tnaqqis tas-CO2. Eżempju fost l-oħrajn huwa ż-żjieda tat-tassazzjoni tad-diżil li naqqas il-proċess tad-“diżilizzazzjoni” f'dawn l-aħħar snin f'ħafna Stati membri fejn in-numru ta' karozzi diżil huwa akbar.

2.8

Bħala konklużjoni, kemm minħabba fatturi esterni li naqqsu r-ritmu tal-proċess ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet li nbeda bir-reviżjoni tat-teknoloġiji tal-muturi u ġie segwit minn ftehimiet volontarji, kif ukoll minħabba nuqqas ta' użu ta' l-istrumenti previsti, l-objettivi stabbiliti għall-2008-2009 ma jidhirx li jistgħu jintlaħqu. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tirrevedi l-istrateġija u pproponiet il-komunikazzjoni li l-KESE hija mitluba li tivvaluta u li tindika l-linji gwida li għandhom jiġu segwiti minn proposta leġislattiva speċifika sa l-ewwel nofs ta' l-2008.

3.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

3.1

Fil-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tilħaq l-objettiv ta' l-UE ta' 120g/km sa l-2012 permezz ta' kombinazzjoni ta' miżuri mill-UE u l-Istati Membri.

3.2

B'dan il-għan, il-Kummissjoni ser tipproponi li sa nofs l-2008 ikun hemm qafas leġislattiv sabiex jitnaqqsu b'mod obbligatorju l-emissjonijiet tas-CO2 ħalli jintlaħaq l-objettiv medju ta' l-emissjonijiet għall-karozzi fiċ-ċirkolazzjoni ta' 130 g/km, bis-saħħa tat-titjib teknoloġiku li jsir fil-muturi tal-vetturi.

3.3

Jekk ikun teknikament possibbli, għandu jsir tnaqqis ieħor ta' 10 g/km permezz ta' miżuri teknologiċi alternattivi u użu ikbar tal-bijokarburanti. B'mod partikolari, ser jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

a)

jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta' effiċjenza għal sistemi ta' arja kkondizzjonata;

b)

isir obbligatorju li jintużaw sistemi ta' monitoraġġ preċiżi tal-pressjoni tat-tajers;

c)

jiġu stipulati limiti massimi ta' reżistenza ta' l-irrumblar tat-tajers għal tajers fl-UE li jintużaw f'karozzi ta' passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief;

d)

l-użu ta' gear shift indicators sabiex jiġi stabbilit kemm jintużaw mezzi bħal dawn minn konsumaturi f'kundizzjonijiet reali tas-sewqan;

e)

progress fl-effiċjenza tal-karburanti ta' vetturi kummerċjali ħfief (vannijiet) bil-għan li jintlaħqu 175 g CO2/km sa l-2012 u 160 g CO2/km sa l-2015;

f)

aktar użu ta' bijokarburanti li jimmassimalizzaw ir-rendiment ambjentali.

3.4

Il-Kummissjoni taqbel li l-qafas leġislattiv li jimplimenta l-mira ta' emissjonijiet medji tal-flotta l-ġdida ta' karozzi għandu jkun maħsub sabiex jiggarantixxi miri sostenibbli għal tnaqqis kompetittivament newtrali u soċjalment ekwu li jirrispettaw id-diversità tal-produtturi ta' karozzi Ewropej u sabiex ikun evitat kull xkiel mhux iġġustifikat għall-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-karozzi.

3.5

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri f'dan il-kuntest jadattaw il-politiki tagħhom dwar it-tassazzjoni tal-karozzi sabiex jippromovu x-xiri ta' karozzi b'konsum baxx fl-UE kollha u sabiex jgħinu lill-produtturi jirrispettaw id-dispożizzjonijiet li ser jidħlu fis-seħħ dwar l-effiċjenza tal-karburanti.

3.6

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li, bħala soluzzjoni effettiva sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità għall-produtturi, jiddaħħlu taxxi ddifferenzjati fuq il-firxa sħiħa ta' karozzi fis-suq, b'tali mod li l-konsumaturi jaqilbu bil-mod il-mod lejn karozzi inqas niġġiesa.

3.7

Huwa msemmi r-rwol ta' l-inċentivi fiskali li jistgħu jkunu metodu qawwi li jinkoraġġixxi l-akkwist tal-kategoriji ta' vetturi ħfief l-inqas niġġiesa; hemm l-istess enfasi fuq il-ħtieġa li titjieb l-effettività ta' l-informazzjoni għax-xerrejja potenzjali dwar il-konsum tal-karozzi (fl-2007, il-Kummissjoni għandha tadotta proposta għal emenda tad-Direttiva 1999/94/KE dwar il-labelling).

3.8

Il-Kummissjoni tqis fl-aħħar li hemm bżonn li xi Stati Membri jippromovu s-sewqan ekoloġiku permezz ta' kampanji edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni dwar l-imġieba waqt is-sewqan sabiex jitnaqqas il-konsum (eco-driving).

3.9

Fl-aħħarnett, il-produtturi huma mistiedna jiffirmaw qabel tmiem l-2007 ftehim volontarju dwar kodiċi ta' prattika rigward il-marketing u r-riklamar bil-għan li jippromovu xejriet ta' konsum sostenibbli.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jaqbel għal kollox dwar il-ħtieġa li terġa' tiġi eżaminata l-istrateġija Komunitarja favur it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 marbuta mat-trasport fit-toroq, li jinvolvu madwar 20 % ta' l-emissjonijiet kollha.

4.2

Il-KESE jinnota wkoll il-kumplessità ta' dan il-proċess ta' reviżjoni li għandu jimmira għal aktar tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mingħajr ma jfixkel il-kompetittività tas-settur tal-vetturi li jopera f'suq globali b'konkorrenza kbira ħafna.

4.3

Fil-fatt, ta' min ifakkar li biss biss fl-Ewropa l-industrija tal-karozzi timpjega b'mod dirett żewġ miljuni ta' persuni li magħhom iridu jiżdiedu għaxar miljuni oħra li huma impjegati b'mod indirett. L-istess industrija tirrappreżenta 3.5 % tal-PGD Ewropew, l-esportazzjonijiet netti jammontaw għal EUR 33.5 biljun u wieħed ma jridx jinsa li t-taxxi fuq il-karozzi jdaħħlu EUR 365 biljun fis-sena fil-kaxxi ta' l-Istati Membri.

4.4

M'huwiex b'kumbinazzjoni li l-Kummissjoni, permezz tal-komunikazzjoni CARS 21 (4), riedet tenfasizza l-linji gwida tal-politiki industrijali f'settur bħal dak tal-karozzi li “għandu rwol sostanzjali fl-ekonomija Ewropea”.

Dan id-dokument huwa r-risposta tal-Kummissjoni għar-rapport finali u għar-rakkomandazzjonijiet ifformulati f'Diċembru ta' l-2005 mill-grupp ta' livell għoli CARS 21 li kien iffurmat mhux biss mill-istess Kummissjoni iżda wkoll mir-rappreżentanti ta' l-industrija u mill-komponenti prinċipali tas-soċjetà ċivili. Id-dokument juri biċ-ċar li, sabiex ma tfixkilx il-kompetittività industrijali u l-impjiegi, l-implimentazzjoni ta' objettivi ambizzjużi f'“oqsma kumplessi” bħalma huwa t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 teħtieġ approċċ integrat li jipprova jġib flimkien il-kontributi tas-suġġetti kollha involuti lejn l-istess objettiv ta' utilità pubblika.

4.5

Il-KESE jaqsam il-preokkupazzjoni ta' dawk li ġibdu l-attenzjoni għal biżgħat dwar impatt qawwi żżejjed fuq l-ispejjeż industrijali li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jipperikolaw direttament jew indirettament il-livelli ta' okkupazzjoni fl-industrija tal-karozzi u l-vetturi, minħabba li jwasslu għal għażliet strateġiċi ta' ċaqliq fil-lokalità ta' l-industrija barra mill-perimetru ta' l-UE.

4.6

Filwaqt li jżomm dawn ir-riflessjonijiet quddiem għajnejh, il-KESE jaqbel fuq il-ħtieġa li l-produtturi tal-karozzi jiġu mħeġġa sabiex inaqqsu l-konsum u l-emissjonijiet b'pass aktar mgħaġġel, iżda jindika wkoll il-ħtieġa li jiġu segwiti toroq oħra bil-għan li jiġi żviluppat qafas leġislattiv għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 kemm jista' jkun effettiv u effiċjenti mil-lat soċjali, ekonomiku u ambjentali.

4.6.1

Il-KESE jixtieq jagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin sabiex itejjeb kemm jista' jkun ir-riżultati tal-leġislazzjoni futura tal-Komunità fil-qasam tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 li ġejjin miċ-ċirkolazzjoni fit-toroq:

infrastutturi u tajers: l-adattament ta' l-infrastrutturi tat-toroq huwa ġġustifikat, peress li uċuħ tat-toroq aħjar inaqqsu l-frizzjoni u l-inkwinament mill-ħsejjes u jtejbu s-sewqan. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta' sistemi avvanzati ta' ETM (electronic traffic management) għat-tnaqqis ta' konġestjoni fit-toroq u stennija bla bżonn fid-dwal tat-traffiku jista' jkollha effett sostanzjali fuq it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Bl-istess għan, l-użu tat-tajers b'indiċi baxx ta' reżistenza jwassal għal benefiċċji li ġew ippruvati, peress li dawn inaqqsu l-konsum b'madwar 3 jew 4 %; is-suġġeriment tal-Kummissjoni għall-installazzjoni ta' sistemi ta' kontroll tal-pressjoni tat-tajers imur fl-istess direzzjoni;

karburanti alternattivi: fuq kollox, il-bijokarburanti, li huma msemmija wkoll fir-rapport finali CARS 21. Meta jkunu żgurati l-possibbiltà teknoloġika u l-impatt ambjentali u soċjali tal-bijokarburanti ta' l-ewwel ġenerazzjoni (5) (bi stennija li jinfirxu dawk tat-tieni ġenerazzjoni li għandhom impatt iżgħar), dawn flimkien mal-karburanti alternattivi li l-firxa tagħhom qiegħda tikber fl-Ewropa (gass naturali, f'perjodu medju gass bijoloġiku, u fit-tul wieħed jittama idroġenu), jistgħu jkunu fatturi li jwasslu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2;

taħriġ, informazzjoni u indirizzar: huma meħtieġa l-promozzjoni u l-appoġġ ta' inizjattivi ta' taħriġ għall-katina sħiħa tal-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-industrija tal-karozzi, b'mod li tkun tista' tindirizza lix-xerrejja lejn għażliet li jwasslu għal emissjonijit aktar baxxi tas-CO2, b'għarfien tal-fatti. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-imġieba tax-xerrejja tiġi ggwidata anke b'mod dirett b'taxxi marbuta ma' l-emissjonijiet tas-CO2 u inċentivi għas-sewqan ekoloġiku (eco-driving).

4.6.2

Dawn il-miżuri kollha jkollhom ukoll l-effett li ma jtellfux mill-proċess tat-tiġdid tal-flotta fiċ-ċirkolazzjoni, bis-saħħa ta' tqassim tal-piżijiet finanzjarji għat-tnaqqis tal-livell ta' emissjonijiet tas-CO2. Dwar dan, il-KESE jinnota li, skond l-ECCP (6), it-tnaqqis potenzjali ta' l-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta' l-eco-driving jkun ekwivalenti għal 50 miljun tunellata fl-Ewropa sa l-2010 (2006-2010) u studju li sar mit-TNO/IEEP (7) jindika li l-eko-driving m'huwiex biss soluzzjoni fattibbli iżda wkoll effettiva u li tista' titkejjel.

4.6.3

Min-naħa l-oħra, il-prezz tal-bejgħ medju tal-vetturi jiżdied b'madwar EUR 3 600 sabiex tintlaħaq il-mira ta' 120 g/km permezz tat-teknoloġija tal-karozzi biss. Sabiex l-informazzjoni tkun kompluta, ta' min iżid li l-istess fonti (8) jirrappurtaw li għall-mira ta' 130 g/km l-ispiża żejda għax-xerrejja xorta tkun sostanzjali, ta' madwar EUR 2 500.

4.6.4

F'Ewropa li ġġedded il-flotta fiċ-ċirkulazzjoni bejn wieħed u ieħor kull 12-il sena, kif tfakkar il-Kummissjoni, huwa ċar li żjieda sostanzjali fil-prezz tkompli xxekkel iċ-ċiklu tat-tibdil tal-karozzi. Fejn jidħol l-impatt soċjali ta' dawn iż-żjidiet, huwa daqstant evidenti li ż-żjieda fil-prezzijiet tagħmilha aktar diffiċli għall-faxex soċjali żvantaġġati sabiex jixtru karozza.

4.7

Fl-aħħarnett, il-KESE ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ssostni li t-teknoloġiji kumplimentari għandhom iġibu gwadann ta' 10 g/km fl-emissjonijiet tas-CO2 peress li l-kontribut tal-bijokarburanti f'dik li hija l-kapaċità tiegħu li jidħol fis-suq għadha m'hijiex ċerta u ma' nistgħux nassumu li l-kontribut tagħhom ser iwassal għall-livell mistenni ta' 5 g/km. F'dan ir-rigward, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li titħaddem sistema ta' miżuri li jistgħu jitkejlu fiż-żgur, bħalma huwa l-każ, per eżempju, ta' l-eco-driving u l-infrastruttura.

5.   Kummenti partikolari

5.1

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali li saru hawn fuq kif ukoll fid-dawl tad-dibattitu li għaddej fil-Parlament, il-KESE jittama li l-istrument leġislattiv li jintgħażel ikun jista' mhux biss ma jtellifx l-aċċess għall-karozzi u vetturi ġodda sabiex jiżgura t-tiġdid tal-flotta fiċ-ċirkolazzjoni iżda wkoll jiggwida l-għażla tax-xerrejja lejn mudelli li jagħtu inqas emissjonijiet.

5.2

Fin-nuqqas ta' stima ta' l-impatt wiesgħa u fil-fond, li tkun kapaċi tistabbilixxi x'inhuma l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-varji soluzzjonijiet possibbli, il-KESE jirriżerva d-dritt li jesprimi ruħu f'opinjoni suċċessiva dwar il-limiti li għandhom u jistgħu jintlaħqu fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2, iżda jirrakkomanda minn issa li fl-istrument leġislattiv li jintgħażel għandu jitqies il-fatt li ċ-ċiklu produttiv tal-karozzi huwa magħruf għall-kumplessità tiegħu u jirrikjedi “lead time” (9) li jista' jwassal sa 7 snin.

5.3

Meta wieħed iqis iż-żmien li tieħu liġi bil-proċess ta' ko-deċiżjoni, il-KESE jemmen li t-test finali li jkun fih ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti m'huwiex ser ikun lest qabel l-2009. B'rabta ma' dak li ntqal dwar iċ-ċikli industrijali tipiċi tas-settur, l-ewwel data ta' implimentazzjoni hija l-2015, ukoll meta wieħed iqis id-dħul fis-seħħ f'dak il-mument tar-regolament EURO 6 għat-tnaqqis ta' inkwinanti li, bħal fil-każ tas-CO2, jeħtieġu bidliet strutturali fil-vetturi.

5.4

L-objettiv ta' l-2012 min-naħa l-oħra għandu mnejn ma jkunx teknikament possibbli u żgur mhux mingħajr effetti ħżiena ħafna fuq il-kompetittività ta' l-industrija tal-karozzi Ewropea u l-livelli ta' okkupazzjoni tagħha.

5.5

Minn issa, il-KESE jiddikkjara li huwa favur strument leġislattiv li jkun newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi, jiġifieri li ma jsirux limitazzjonijiet obbligatorji fuq l-offerta fis-suq ta' mudelli min-naħa ta' l-istess produtturi, iżda billi t-talba tax-xerrejja tiġi ggwidata lejn mudelli b'inqas emissjonijiet; it-tnaqqis tas-CO2 mitlub irid jintrabat mad-differenzi li jeżistu fil-firxa tal-prodotti, billi jintużaw il-parametri li huma meqjusa bħala l-aktar sinifikattivi u proporzjonali għall-konsum ta' l-emissjonijiet tas-CO2.

5.6

Fid-dawl ta' dan, huwa meqjus li l-parametru magħżul għandu jiggarantixxi li l-kontribuzzjonijiet fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-segmenti varji u ż-żjieda fil-prezzijiet li inevitabbilment isegwu ma jwasslux sabiex jillimitaw il-kapaċità tal-klijenti li jkunu jifilħu jixtru karozza ġdida, skond il-possibbiltajiet tagħhom.

5.6.1

Parametru possibbli huwa l-piż tal-vettura (hekk kif issuġġeriet l-ACEA, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-karozzi), għaliex huwa marbut b'mod dirett mal-livell ta' l-emissjonjiet tas-CO2. Il-KESE jfakkar li mill-1996 sa l-2005 iż-żjieda fil-piż tal-vetturi kien ta' 32 kg, b'żjieda relattiva fl-emissjonijiet tas-CO2 ekwivalenti għal 6.6 g/km. Fil-fatt, il-piż ser jintuża bħala parametru ta' riferiment fl-istrateġija tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 fil-Ġappun fejn fl-2006 ġie deċiż li jintlaħaq il-limitu ta' 138 g/km sa l-2015. L-ACEA għalhekk hija favur dan il-parametru għaliex jimxi fid-direzzjoni ta' l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar is-CO2 fil-livell dinji.

5.6.2

Għandu jissemma wkoll li bħalissa qegħdin jiġu diskussi parametri oħra li jistgħu jintużaw sabiex tiġi identifikata u ddifferenzjata l-firxa tal-prodott. B'mod partikulari għandha tissemma l-proposta tar-rapporteur tal-Parlament Ewropew Chris Davies li għamel referenza għall-footprint (l-ispazju okkupat mill-karozza ikkalkulat fuq il-bażi tad-distanza bejn il-fus tar-rota ta' quddiem u dak ta' wara u l-wisa' tal-karreġġjata (10)).

5.6.3

Min-naħa tiegħu, il-KESE jqis li, per eżempju, l-introduzzjoni tal-box volume bħala parametru (fiżikament dan huwa t-tul x il-wisa' x l-għoli tal-vettura) tista' tkun interessanti u adattata u taf tkun strument possibbli li jiggwida lill-konsumaturi lejn tipi ta' vetturi li jirriflettu l-ħteġijiet veri, mingħajr emissjonijiet intuli tas-CO2 marbutin man-nuqqas ta' proporzjon bejn il-ħtieġa ta' l-użu u l-volum tal-vettura. Fi kliem ieħor, min għandu bżonn ta' SUV (Sport Utility Vehicle) li tista' ġġorr aktar nies u tagħbija ikbar ikun lest li jħallas iktar għaliex ikun tassew jeħtieġ din il-vettura, inkella jekk dinil-ħtieġa ma teżistix, isib li jkun jaqbillu jdur lejn faxxa inferjuri.

5.7

Fir-rigward tal-proposta mressqa mill-istess rapporteur tal-Parlament Ewropew Chris Davies dwar il-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu msejjaħ Carbon Allowance Reduction System (CARS) li jistabbilixxi krediti u penali fil-każ ta' eċċess jew, bil-kontra, fil-każ ta' mġieba virtuża fil-rigward tal-limiti stabbiliti, il-KESE iqis li m'hijiex prattikabbli sistema ta' skambju tal-kwoti tas-CO2 f'suq limitat għas-settur tal-karozzi.

Meta wieħed iqis l-ambizzjoni ta' l-objettivi, jidher fil-fatt li m'huwiex realistiku li jinħoloq volum ta' kwoti ta' skambju biżżejjed sabiex jiggarantixxi t-tħaddim tas-sistema.

5.7.1

Għall-kuntrarju, il-KESE jqis li l-applikazzjoni ta' sistema ta' emission trading “miftuħa” (jiġifieri li tippermetti l-iskambju ma' setturi oħra) hija possibbli, bil-vantaġġ li tiggarantixxi tnaqqis globali ta' l-emissjonijiet tas-CO2 fil-kuntest ta' flessibbiltà adattata, filwaqt illi tistabbilixxi limiti ta' akkwist possibbli għall-produtturi tal-karozzi. Il-KESE jappoġġja għalhekk sistema miftuħa li għad trid tiġi definita u turi t-tendenzi tagħha fl-implikazzjonijiet ekonomiċi fid-dawl tal-bidliet li jseħħu fis-suq ta' l-emissjonijiet minn issa sa l-2015, filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa li dawn l-implikazzjonijet ekonomiċi ma jikkompromettux l-aċċessibbltà tal-prezzijiet għall-klijenti finali.

5.8

Imbagħad b'riferiment għall-paragrafu tal-komunikazzjoni dwar l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' etika għall-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni u reklamar, il-KESE jinnota li, kważi fl-Istati Membri kollha, diġà jeżistu ftehimiet, li fil-maġġoranza tal-każijiet huma stretti ħafna, għad-definizzjoni ta' regoli ta' l-imġieba f'dan is-sens. Madankollu, fil-prinċinpju l-KESE huwa favur l-armonizzazzjoni ta' dawn il-ftehimiet u għalhekk m'huwiex kontra t-twaqqif ta' kodiċi Ewropew ta' prassi tajba hekk kif il-Kummissjoni tissuġġerixxi lill-produtturi tal-vetturi.

5.9

Il-KESE jinnota mbagħad li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ddaħħal ukoll il-vetturi kummerċjali ħfief fil-miżura leġislattiva għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2.

5.9.1

Il-KESE jidhirlu li l-vetturi kummerċjali ħfief (kategorija N1 u vetturi għat-trasport ta' passiġġieri relatati) ma jeħtiġux din il-miżura peress li l-użu tagħhom huwa professjonali u għalhekk il-konsum u l-emissjonijiet tas-CO2 huma diġà fihom infushom element determinanti fl-għażla tax-xerrejja, billi jaffettwaw b'mod sustanzjali ħafna fuq l-ispejjeż ta' l-attività. B'konsegwenza ta' dan, il-vetturi li qegħdin fis-suq diġà jadottaw l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti, jiġifieri kważi b'mod esklussiv, muturi diżil.

5.9.2

Madankollu, qabel ma tittieħed deċiżjoni fir-rigward, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tagħmel stima ta' l-impatt ibbażata fuq kejl aġġornat ta' l-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief, kejl li fil-preżent ma jidhirx li huwa disponibbli.

5.9.3

Li wieħed jiffissa objettivi f'termini ta' g/km għall-vetturi kummerċjali, mingħajr għarfien preċiż tad-data rilevanti, iġib miegħu r-riskju li tonqos il-kapaċità tat-trasport tal-vetturi individwali u dan iwassal għal ineffiċjenza li tiirikjedi jew żjieda fin-numru ta' vetturi meħtieġa sabiex jiġi trasportat l-istess ammont ta' merkanzija jew inkella vettura ta' kategorija ogħla u dimensjonijiet akbar, b'dannu għall-emissjonijiet globali.

5.10

Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa l-każ li s-suġġett ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief jiġi vvalutat fil-kumplessità tiegħu billi jiġi kkunsidrat iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' dawn l-oġġetti, mill-proċessi produttivi sa l-użu u t-tmiem tal-ħajja tagħhom. Il-KESE jenfasizza wkoll, fid-dawl ta' dak li diġà ntqal, il-ħtieġa ta' koordinazzjoni u koerenza bejn l-inizjattivi leġislattivi u regolatorji marbuta ma' l-industrija tal-karozzi b'impatt fuq l-emissjonijiet tas-CO2 sabiex jiġi evitat li inizjattivi dwar suġġetti differenti jidħlu f'kunflitt bejniethom u b'hekk iwasslu għal dewmien fl-implimentazzjoni ta' l-istess inizjattivi.

5.11

Il-KESE jqis li l-inizjattivi tal-programmi qafas futuri għar-riċerka għandhom ikunu indirizzati b'mod qawwi, bla eżitazzjoni u bi prijorità lejn proġetti li jfittxu li jsibu soluzzjonijiet teknikamentt fattibbli u ekonomikament sostenibbli għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet globali tas-CO2 (u għalhekk mhux biss dawk li għandhom x'jaqsmu mat-trasport), filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-fonti differenti ta' l-emissjonijiet. Il-KESE huwa tal-parir li l-proġetti ta' riċerka għandhom jaħdmu fuq firxa wiesgħa u jsibu soluzzjonijiet immedjati, għall-perijodu medju u fit-tul, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom l-għan li l-prezz jibqa' aċċessibbli kemm għall-produtturi kif ukoll għall-klijenti finali, sabiex b'hekk jiġi nkoraġġut it-tiġdid tal-flotta fiċ-ċirkolazzjoni sabiex nersqu lejn mobilità sostenibbli.

5.12

Fl-aħħar, il-KESE jqis li l-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri jridu jseħħu fuq aktar fronti minn dawk li ssemmew qabel (toroq, dwal tat-traffiku intelliġenti, eċċ.), mhux ta' l-anqas permezz ta' inizjattivi ta' akkwisti ekoloġiċi għall-bini tal-flotta ta' karozzi tas-servizz u l-impenn kemm fil-ħolqien ta' netwerks infrastrutturali fejn l-aċċess għad-distribuzzjoni tal-karburanti li għandhom inqas impatt fuq l-ambjent, bħall-gass naturali, huwa possibbli kif ukoll fl-iffaċilitar tal-possibbiltà ta' l-akkwist ta' vetturi li jaħdmu bil-gass naturali u bl-LPG.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-Opinjoni ĠU C 168, 20.7.2007 It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew L-iżvilupp u l-promozzjoni tal-karburanti alternattivi għat-trasportfit-toroq fl-Unjoni Ewropea, ĠU C 195, 18.8.2006, p. 75.

(3)  Ma ġietx approvata l-proposta ta' direttiva fuq it-tassazzjoni tal-karozzi fl-UE (COM(2005) 261 finali), li kienet tipprevedi li tirristruttura t-tassazzjoni fuq il-karozzi billi tibbażaha għal kollox jew parzjalment fuq l-emissjonijiet tas-CO2.

(4)  Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 (COM(2007) 22 finali) tas-7.2.2007. Il-KESE ħejja opinjoni f'dan ir-rigward; ir-rapporteur kien is-Sur Daboust.

(5)  L-Opinjoni TEN 286 L-użu tal-bijokarburanti/progress miksub għada qiegħda tiġi diskussa.

(6)  European Climate Change Programme (Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima). Fil-qafas tal-ECCP, il-konsulent tal-Kummissjoni (it-TNO) stima l-ispejjeż potenzjali u t-tnaqqis fis-CO2 tal-miżuri differenti possibbli.

(7)  IEEP, Institute for European Environmental Policy — TNO Consultancy.

(8)  Ara nota 6.

(9)  Iż-żmien meħtieġ għall-industrija sabiex timplimenta kwalunkwe rekwiżit ġdid li jġib miegħu bidliet strutturali fil-vettura.

(10)  Karreġġjata: id-distanza bejn it-tajers.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja”

COM(2007) 411 finali — 2007/0141 (COD)

(2008/C 44/12)

Nhar is-17 ta' Settembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja.

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu ta' l-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), b'150 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS)”

COM(2007) 480 finali — 2007/0174 (COD)

(2008/C 44/13)

Nhar is-7 ta' Settembru 2005, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS).

Nhar il-25 ta' Settembru 2007 is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni ġiet inkarigata mill-Bureau tal-Kumitat sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza ta' din il-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Opran bħala rapporteur ġenerali fl-439 sessjoni plenarju tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), u adotta din l-opinjoni b' 119-il vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) u jirrakkomanda l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tagħha minnufih.

1.2.

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv prijoritarju tal-proposta għal deċiżjoni mressqa għal dibattitu hekk kif ġiet ifformolata fit-Titolu 1, Artikolu 1(1): il-ħolqien ta' proċedura Komunitarja għall-għażla komuni ta' l-operaturi ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita u […] għall-awtorizzazzjoni kkoordinata mill-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-adozzjoni immedjata ta' din id-deċiżjoni hija meħtieġa minħabba:

a.

il-kapaċità naturali li għandhom is-sistemi ta' komunikazzjoni bis-satellita biex ikopru reġjuni kbar ta' l-Ewropa u bosta Stati Membri ta' l-Unjoni simultanjament,

b.

in-numru relattivament limitat tal-frekwenzi tar-radju disponibbli għal dan it-tip ta' komunikazzjoni,

c.

is-soluzzjonijiet diverġenti li huma fis-seħħ attwalment fil-livell ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-għażla u l-awtorizzazzjoni,

d.

l-effikaċja attwalment imnaqqsa tal-frekwenzi tar-radju disponibbli.

1.4.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li t-twettiq u l-użu ta' sistemi ta' komunikazzjoni bis-satellita jikkostitwixxu, minħabba d-daqs tat-territorju kopert, inizjattiva essenzjali li tassigura l-espansjoni ta' l-industrija spazjali Ewropea u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet speċifiċi tas-settur tal-komunikazzjoni u li tmur id f'id ma' l-istrateġija ta' Lisbona ta' promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikulari għaliex tikkontribwixxi direttament għall-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda fil-kuntest ta' kompetittività ikbar.

1.5.

Il-Kumitat jinnota bi pjaċir l-eżistenza, fil-livell Ewropew, ta' tagħmir tekniku sinifikanti f'dan il-qasam, fatt li jappoġġja l-proposta kkonċernata. Fil-fatt, tlieta mill-ikbar operaturi ta' sistemi ta' satellita fid-dinja huma Ewropej u l-komunikazzjonijiet bis-satellita jirrappreżentaw 40 % tad-dħul attwali tas-settur spazjali Ewropew.

1.6.

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-kunsens tal-Kummissjoni fil-qafas tal-promozzjoni ta' din il-proposta li minkejja li għandha fil-fażi bikrija ta' proġett diġà għandha l-appoġġ tal-partijiet kollha li ġew ikkonsultati: is-settur tas-satelliti, l-operaturi tan-netwerks u t-telekomunikazzjonijiet, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mir-regolamentazzjoni fl-Istati Membri.

1.7.

Fl-istess ħin, il-Kumitat iqis li d-deċiżjoni, fil-verżjoni finali tagħha li qiegħda tiġi eżaminata bħalissa, tiġbor fiha b'mod bilanċjat l-opinjonijiet diverġenti espressi matul il-proċess ta' konsultazzjoni. Dawn jinkludu b'mod partikulari l-metodi u l-kriterji ta' għażla, il-bżonn li tittejjeb il-flessibbiltà fil-livell nazzjonali — minn banda fir-rigward taż-żmien neċessarju għall-ksib ta' l-awtorizzazzjoni u mill-banda l-oħra fir-rigward tal-perijodu ta' validità ta' din l-awtorizzazzjoni — u koordinazzjoni iktar dettaljata tal-proċeduri nazzjonali għall-awtorizzazzjoni.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li d-deċiżjoni tiġi adottata hekk kif ġiet proposta. Fir-rigward tal-metodoloġija għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni, ikun utli li tiġi definita regolamentazzjoni li tħares l-interessi privati taċ-ċittadini u tassigura r-rispett tal-ħajja privata ta' l-utenti tat-tagħmir finali tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita.

2.   Introduzzjoni

2.1

It-tħejjija u t-twettiq ta' sistema pan-Ewropea ta' komunikazzjoni bis-satellita jikkostitwixxu bażi alternattiva u innovattiva għal diversi servizzi ta' dan it-tip ta' telekomunikazzjoni u ta' broadcasting/multicasting, mingħajr rabta ma' fejn jinsabu l-utenti finali, u għas-servizzi bħall-aċċess għall-Internet/Intranet ta' veloċità għolja, is-servizzi multimedja mobbli, il-protezzjoni ċivili, il-ġestjoni ta' kriżi non-militari (id-diżastri naturali u umanitarji), il-garanzija tas-sigurtà u ta' l-ordni interna, l-applikazzjonijiet bħall-ġestjoni tal-flotot (fleet management), l-assistenza medika mill-bogħod, eċċ.

2.2

Is-sistema hija maħsuba b'tali mod li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' suq intern, it-titjib tal-kompetittività permezz taż-żjieda fid-disponibbiltà tas-servizzi pan-Ewropej u l-promozzjoni ta' l-investimenti effikaċi, fuq kollox bis-saħħa ta' l-introduzzjoni ta' servizzi innovattivi mmirati lejn il-kopertura u l-provvista tal-kapaċità ta' komunikazzjoni fiż-żoni terrestri fil-periferija u ż-żona marittima.

2.3

Il-ħolqien ta' proċedura Komunitarja għall-għażla ta' l-operaturi ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita u l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kkoordinata fil-livell nazzjonali ta' l-operaturi magħżula huma neċessarji fuq kollox fil-każ tas-sistemi pan-Ewropej. Bis-saħħa ta' l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta' għażla għas-sistemi mobbli ta' komunikazzjoni bis-satellita huwa possibbli li f'dan il-qasam tiġi applikata politika komuni fil-livell Ewropew. Hemm ir-riskju li l-għażla mill-Istati Membri ta' operaturi differenti ta' sistemi mobbli ta' komunikazzjoni, li jużaw satelliti differenti, toħloq kampi ta' perturbazzjoni kumplessi minħabba l-interferenzi, jew li saħansitra tipperikola l-ħidma tas-sistema b'mod ġenerali jekk operatur jingħata frekwenzi tar-radju differenti f'kull Stat Membru fejn huwa jopera. Dan it-theddid potenzjali huwa r-raġuni għaliex, sabiex tiġi assigurata koerenza fl-approċċ tad-diversi Stati Membri fil-qasam ta' l-awtorizzazzjoni, huwa essenzjali li jiġu definiti dispożizzjonijiet Komunitarji għall-allokazzjoni sinkronizzata tal-frekwenzi tar-radju u l-kondizzjonijiet armonizzati ta' awtorizzazzjoni, mingħajr ħsara għall-kondizzjonijiet nazzjonali partikulari li huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

2.4

Il-komunikazzjonijiet bis-satellita, li jirrappreżentaw element essenzjali tas-suq intern, jaqbżu l-fruntieri nazzjonali u għalhekk huma soġġetti għar-regolamentazzjoni internazzjonali, u jikkontribwixxu b'mod importanti għat-twettiq ta' ċerti objettivi ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-espansjoni taż-żona ġeografika koperta mill-ispektrum fuq medda kbira.

3.   Proposta tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill

3.1.

Id-deċiżjoni proposta fuq il-bażi ta' l-Artikolu 95 tat-Trattat għandha tipprovdi qafas ġuridiku għall-għażla u l-awtorizzazzjoni tas-servizzi ta' komunikazzjoni mobbli permezz tas-satellita. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed b'konsistenza ma' l-għanijiet ġenerali u skond il-proċedura ta' għażla komparattiva deskritta fil-proposta. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet, għandha tkun involuta fit-teħid ta' din id-deċiżjoni. L-awtorizzazzjoni (drittijiet għall-użu ta' l-ispektrum tar-radju) ta' l-operaturi magħżula għandha tingħata fuq skala nazzjonali, u tkun soġġetta wkoll għal sett minimu ta' kundizzjonijiet armonizzati li jkun stipulat fil-proposta.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kummissjoni tipproponi l-implimentazzjoni ta' deċiżjoni li tqis l-evalwazzjoni ta' l-aspetti li ġejjin:

l-operaturi ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jintgħażlu permezz ta' proċedura Komunitarja;

l-operaturi magħżula ta' sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jirċievu l-awtorizzazzjoni mill-Istati Membri;

l-operaturi magħżula tal-komponenti terrestri komplementari tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita għandhom jirċievu l-awtorizzazzjoni mill-Istati Membri;

4.2.

Il-KESE jqis li l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' l-ewwel żewġ jew tliet operaturi tas-sistemi mobbli permezz tas-satellita, provvedituri tas-servizzi pan-Ewropej fil-medda ta' frekwenza ta' 2 GHz, għandhom jiġu kkompletati sa l-aħħar ta' l-2008 jew il-bidu ta' l-2009.

4.3.

Il-Kumitat jikkunsidra li d-data ta' għeluq għat-tħaddim tas-servizzi pan-Ewropej għall-individwi u l-kumpaniji u dik għas-servizzi mobbli permezz tas-satallita — inklużi l-aċċess għall-Internet ta' veloċità għolja, is-servizzi mobbli tal-multimedja, il-protezzjoni ċivili, is-sigurtà interna u d-difiża — m'għandhiex tmur lil hinn mill-ewwel tliet xhur ta' l-2011.

4.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-finalizzazzjoni tax-xogħlijiet ta' tħejjija għat-tħaddim tas-sistemi Ewropej ta' pożizzjonament globali bis-satellita għandha tkun prijorità assoluta tal-Kummissjoni.

4.4.1

Il-Kumitat jinnota b'dispjaċir li f'dan is-settur essenzjali, il-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo u Egnos huma 5 snin lura fir-rigward ta' l-aġenda stabbilita inizjalment u qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ħafna diffikultajiet kbar li jeħtieġu azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni sabiex jinstabu soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni ta' blukkaġġ attwali.

4.4.2

In-numru ta' attivitajiet ekonomiċi moderni li jużaw id-data ta' pożizzjonament marbuta ma' l-użu ta' bażi temporali ta' preċiżjoni għolja dejjem qiegħed jiżdied.

4.4.3

Il-Kumitat ifakkar li l-ikkompletar tas-sistema ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo ser tkun determinanti għall-implimentazzjoni ta' għadd kbir ta' politiki Komunitarji f'oqsma differenti bħall-ġestjoni tat-trasport, it-trasport ta' sustanzi perikolużi, is-servizzi ta' emerġenza, in-navigazzjoni marittima u interna, it-trasport bl-ajru, il-protezzjoni ċivili u l-missjonijiet umanitarji, l-agrikoltura, is-sajd u l-ambjent, il-problemi relatati mad-difiża u s-sigurtà interna, u wkoll sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà ta' l-iskambji fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u bankarji.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Din il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita tinkludi fit-Titolu I “Għan, Ambitu u Definizzjonijiet”, Titolu II “Il-Proċedura ta' l-Għażla” u Titolu III “Awtorizzazzjoni”, proposti għal proċeduri u attivitajiet partikulari mmirati lejn l-objettiv tal-proġett.

5.2.

Il-KESE jirrakkomanda li d-deċiżjoni tiġi adottata hekk kif ġiet proposta. Fl-istess ħin għandhom jiġu definiti proċeduri għall-allokazzjoni primarja tal-frekwenzi tar-radju użati mis-servizzi mobbli permezz tas-satellita fir-reġjuni ġeografiċi fejn hemm koeżistenza ta' sistemi ta' komunikazzjoni differenti li jiġġeneraw interferenzi noċivi.

5.3.

Il-Kumitat jikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (2007/98/KE) ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu armonizzat ta' l-ispektrum radju-elettriku fil-meded ta' frekwenza ta' 2 GHz għall-implimentazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-twettiq ta' l-għanijiet tad-dokument li qiegħed jiġi eżaminat, hekk kif huma definiti fl-Artikolu 1(1). F'dan ir-rigward, huwa xieraq li wieħed jikkompleta d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni li jirreferu għall-obligazzjoni li l-Istati Membri joffru dawn il-meded ta' frekwenza lis-sistemi li jipprovdu s-servizzi mobbli permezz tas-satellita fil-Komunità mill-1 ta' Lulju 2007 'l quddiem u jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikun hemm monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' din il-miżura.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-adattament tal-proċedura regolatorja bi skrutinju Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 95/50/KE rigward is-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni”

COM(2007) 509 finali — 2007/0184 (COD)

(2008/C 44/14)

Nhar il-25 ta' Settembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-adattament tal-proċedura regolatorja bi skrutinju — Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 95/50/KE rigward is-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu ta' l-24 u l-25 ta' Ottubru (seduta ta' l-24 ta' Ottubru) b'153 vot favur u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, diesel u żejt tal-gass u l-introduzzjoni ta' mekkanizmu sabiex jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-triq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE”

COM(2007) 18 finali — 2007/0019 (COD)

(2008/C 44/15)

Nhar l-14 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 95 u 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, diesel u żejt tal-gass u l-introduzzjoni ta' mekkanizmu sabiex jissorvelja u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-użu tal-karburanti tat-trasport fit-triq u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni li tirrevoka d-Direttiva 93/12/KEE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Lulju 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Osborn.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'74 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja bis-sħiħ il-pjanijiet ta' l-Unjoni li tindirizza l-bidla fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG). Fis-settur tat-trasport, il-Kumitat jemmen li l-azzjoni trid tibda mil-livell fundamentali billi tindirizza l-pressjonijiet li wasslu għaż-żieda kontinwa fit-traffiku ta' kull tip fuq medda ta' snin.

1.2

Il-Kumitat jemmen ukoll li għad hemm il-possibbilità li titjieb l-effiċjenza enerġetika fil-prestazzjoni ta' kull tip ta' trasport. Il-Kumitat jiddeplora dak li jidher bħala dgħajfien ta' l-intenzjonijiet oriġinali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-effiċjenza tal-magni tal-karozzi, li b'hekk ittaffi l-pressjoni fuq l-industrija tal-karozzi ħalli tilħaq livelli aktar għoljin.

1.3

Il-Kumitat jaqbel fil-prinċipju ma' l-espansjoni tal-bijokarburanti fl-Unjoni. Madankollu huwa jemmen li hemm bżonn li l-impatt globali tas-CO2 tal-bijokarburanti jiġi evalwat b'attenzjoni kbira u li l-pass u l-bilanċ ta' l-espansjoni għandhom jiġu segwiti mill-viċin.

1.4

B'mod speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea għandha tiċċara kif bi ħsiebha tilħaq il-mira ta' l-użu ta' 10 % ta' bijokarburanti sa l-2020 filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-kundizzjonijiet li għamel il-Kunsill sabiex tintlaħaq dik il-mira, u għandha tkun lesta li timmodifika l-approċċ tagħha jekk jidher li huwa inqas effettiv fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-karbonju milli kien ittamat, jew li qiegħed ikollu xi effetti oħra mhux mixtieqa fuq l-istruttura ta' l-agrikoltura dinjija jew fuq il-bijodiversità.

1.5

Il-KESE jaċċetta li madankollu huwa xieraq li r-regoli ta' speċifikazzjoni tal-karburanti għandhom jinbidlu kif ġie propost mid-Direttiva preżenti sabiex jippermettu li jiġi prodott u kkummerċjalizzat petrol ġdid b'kontenut għoli ta' bijokarburant, sakemm jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet dwar l-impatti ta' tniġġis potenzjali.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li l-industrija tal-karburanti tinħtieġ li tissorvelja u tirrapporta l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li jseħħu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti li hija tpoġġi fis-suq. Hija tkun meħtieġa li tnaqqas dawn l-emissjonijiet b'1 % kull sena bejn l-2010 u l-2020. Il-Kumitat iqis li hemm każ b'saħħtu għaliex dan għandu jiġi mħaddem f'livell Ewropew, minflok ma jitħalla għall-Istati Membri.

1.7

Il-Kumitat jappoġġja l-bidliet minuri fil-kontenut tal-kubrit fil-karburanti li huma proposti. Jissuġġerixxi li t-tnaqqis f'żewġ stadji ta' l-emissjonijiet tal-kubrit propost fil-każ tal-kanali interni, jiġi rivedut għal tnaqqis ta' darba li jwassal għall-figura finali (10ppm kontenut ta' kubrit) sabiex tiġi evitata l-possibbilità li s-sidien tad-dgħajjes ikollhom jagħmlu żewġ modifiki separati fuq il-bastimenti tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti 98/70/KE (u d-Direttivi sussegwenti li jemendawha) fiha l-ispeċifikazzjonijiet ta' kwalità għall-karburant ambjentali għall-petrol u għad-diesel fil-komunità fejn l-enfażi ewlenija hija li jiġi limitat il-kontenut tal-kubrit, u, fil-każ tal-petrol taċ-ċomb flimkien mal-kontenut aromatiku. Hija tistabbilixxi wkoll limitu fuq il-kubrit fiż-żjut tal-gass użat mill-makkinarju mobbli mhux għat-triq.

2.2

Id-Direttiva 1999/32/KE tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KE, tistabbilixxi l-limiti għall-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u b'mod speċifiku tirreferi għall-karburant użat mill-bastimenti fil-kanali interni.

2.3

Il-proposta attwali tibdel l-ispeċifikazzjonijiet permessi sabiex tippermetti l-introduzzjoni ta' grad ġdid ta' petroleum b'kontenut għoli ta' bijokarburant li jkun fih sa 10 % ta' etanol. Tippermetti wkoll ftit aktar issikkar fil-livelli tal-kubrit permessi fil-karburanti.

3.   Żviluppi ewlenin fl-UE

3.1

Il-Komunità reċentement ikkommettiet lilha nnifisha sabiex tilħaq miri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra ta' 20 % inqas mil-livelli ta' 1990 sa l-2020.

3.2

It-trasport fuq l-art bħalissa jgħodd għal madwar 20 % ta' dawn l-emissjonijiet u jrid jikkontribwixxi lejn dan it-tnaqqis. Il-Kummissjoni indirizzat aspett ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport permezz ta' l-adozzjoni ta' strateġija ġdida komprensiva sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu karboniku minn karozzi u vannijiet ġodda mibjugħa fl-Unjoni Ewropea. Dan jippermetti li l-UE tilħaq il-mira li kienet ilha li stabbiliet li tillimita l-emissjonijiet medji tas-CO2 mill-karozzi l-ġodda għal 120 gramma kull km sa l-2012.

3.3

Mil-lat tal-karburanti, id-Direttiva ta' l-UE dwar il-bijokarburanti (2003/30/KE) għandha l-għan li tagħti kontribut ieħor lejn it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 billi tinkoraġġixxi l-użu tal-bijomassa mit-trasport, kif ukoll ta' karburanti oħra rinnovabbli. L-Istrateġija tal-Komunità dwar il-Bijokarburanti ġiet żviluppata aħjar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Strateġija ta' l-UE għall-Bijokarburanti li dwarha l-Kumitat adotta opinjoni fl-24 ta' Ottubru 2007.

3.4

F'Marzu 2007 il-Kunsill stabbilixxa mira minima u li torbot ta' 10 % li trid tintlaħaq mill-Istati Membri kollha, għas-sehem tal-bijokarburanti fil-konsum totali tal-petrol u d-diesel mit-trasport fl-UE sa l-2020. Din trid tiddaħħal b'mod li hu effiċjenti f'termini ta' spejjeż.

3.5

Id-direttiva attwali għandha l-intenzjoni li tappoġġja dik l-istrateġija. Il-bidla prinċipali hija li tippermetti li livelli ogħla ta' etanol jitħalltu ma' grad ġdid ta' petrol għall-karozzi sabiex ikun possibbli li ssir l-espansjoni mgħaġġla ta' bijokarburanti li ġiet mandata mill-Kunsill.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Bir-raġun kollu, l-Unjoni Ewropea ħadet rwol ta' tmexxija fid-dinja dwar il-kwistjoni tal-bidla fil-klima, u adottat miri ambizzjużi għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra sa l-2012 u l-2020.

4.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-miri u l-aproċċ ġenerali tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi programm komprensiv għall-azzjoni. Madankollu jemmen li fis-settur tat-trasport hemm il-periklu li tiġi stabbilita ordni żbaljata ta' prijoritajiet.

4.3

Fis-sezzjoni tat-trasport, il-Kumitat jemmen li l-azzjoni trid tibda mill-livell fundamentali li tindirizza l-pressjonijiet li wasslu għaż-żieda kontinwa fit-traffiku ta' kull tip għal dawn l-aħħar żewġ sekli. L-Istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli adottata mill-Kunsill fl-2006 ikkommettiet lill-Unjoni għall-objettiv li tifred it-tkabbir ta' l-ekonomija miż-żieda fit-trasport. Dak il-kompitu għandu jingħata l-ogħla prijorità. Il-Kumitat għal darb'oħra jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta studju integrat u fundamentali ta' kif dan jista' jseħħ.

4.4

Prijorità oħra għandha tkun li teħtieġ li tittejjeb sew l-effiċjenza fil-konsum fil-karozzi u vetturi oħra. Il-proposta li jiġi stabbilit limitu ta' 120 gramma ta' emissjonijiet ta' CO2 kull kilometru huwa bidu utli. Il-Kumitat jemmen li għandu jkun possibbli li nimxu aktar 'il quddiem u b'rata aktar mgħaġġla f'din il-kwistjoni, u li kien ikun aħjar li kieku l-Kummissjoni żammet mal-proposta oriġinali li tirrikjedi li l-kostrutturi tal-karozzi jilħqu din il-mira. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni tagħmel aktar pressjoni f'din id-direzzjoni.

4.5

Fir-rigward tal-bijokarburanti, il-Kumitat jaqbel li jista' jkollhom xi rwol utli. Iżda huwa jqis li għandu jingħata aktar kas ta' l-impatt ambjentali, soċjali, agrikolu u fuq l-impjiegi li hemm implikati kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja. Il-Kumitat bħallissa qiegħed jaħdem fuq opinjoni separata dwar din il-kwistjoni.

4.6

Il-koltivazzjoni għall-produzzjoni tal-bijokarburanti tista' tkun mod utli kif tintuża l-art. sakemm ma tieħux post użi oħra li huma tajbin daqs jew aħjar għall-iskop tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-prattiċi ta' l-agrikoltura fl-Ewropa jilħqu livelli ambjentali għoljin grazzi għall-kundizzjonalità, u bi prinċipju l-kundizzjonalità tista' tiġi żviluppata f'għodda sabiex tiżgura li l-produzzjonijiet għall-bijokarburanti jitkabbru b'mod ottimali mil-lat ta' effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu jkun essenzjali li jiġu pparagunati u kkuntrastati il-proċessi tat-trasport u ta' raffinerija li jipproduċu l-bijokarburanti u l-karburanti tradizzjonali. L-impatt globali fuq is-CO2 tal-bijokarburanti għandu jiġi evalwat b'attenzjoni kbira u jista' ma jkunx pożittiv fil-każijiet kollha

4.7

B'mod aktar ġenerali, l-espansjoni massiva tal-koltivazzjonijiet għall-produzzjoni tal-bijokarburanti fl-Ewropa u partijiet oħra tad-dinja jista' jkollhom effetti sinifikanti fuq il-produzzjoni ta' l-ikel, il-ħarsien tal-foresti u tal-bijodiversità u fuq aspetti oħra li wkoll iridu jiġu studjati bir-reqqa. Din il-kwistjoni wkoll ser tiġi eżaminata f'Opinjoni separata.

4.8

Fl-opinjoni tal-Kumitat hemm bżonn ta' monitoraġġ kontinwu għall-aħjar mod kif jista' jiġi żviluppat is-suq għall-bijomassa u l-bijokarburanti. Huwa importanti li miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp ta' dan is-suq, kemm jekk ikunu f'din id-direttiva kif ukoll f'xi miżuri oħra jippermettu li s-suq isib l-aħjar triq lejn l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti u li jnaqqsu l-preżenza tal-karbonju.

4.9

Fid-dawl ta' dawn ir-riżervi dwar l-iskala u r-rata ta' żvilupp tal-bijokarburanti, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni u l-Unjoni għandhom iżommu l-mira ta' 10 % għall-użu tal-bijokarburanti sa l-2020 taħt reviżjoni u jkunu lesti li jimmodifikawha f'każ ta' bżonn.

4.10

Il-Kumitat iħares lejn din id-Direttiva minn din il-perspettiva ġenerali. Il-Kumitat ma jopponix, bi prinċipju, li d-Direttiva dwar il-kwalità tal-karburanti tiġi emendata sabiex tippermetti t-taħlit ta' bijokarburanti adattati. Imma jħoss li għandna noqogħdu attenti ħafna sabiex niżguraw li t-taħlit tal-bijokarburanti mal-petrol ma jġibx effetti ħżiena oħra fuq l-ambjent bħat-tixrid ta' komposti organiċi volatili (VOCs) li jagħmlu aktar ħsara. Huwa importanti wkoll li l-kalkoli dwar l-impatti minstennija fuq l-emissjonijiet netti tas-CO2 għandhom isiru b'reqqa kbira, u għandhom iqisu l-analiżi taċ-ċiklu kollu tal-ħajja, każ b'każ, sabiex jiġu ottimizzati l-gwadanji potenzjali fuq is-CO2.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   L-Espansjoni tal-bijokarburanti

5.1.1

Il-Kumitat jaċċetta li x'aktarx ser ikun hemm bżonn li ssir xi żieda tal-bijokarburanti. Għalhekk huwa xieraq li r-regoli ta' speċifikazzjoni tal-karburanti għandhom jinbidlu kif ġie propost mid-Direttiva sabiex jippermettu li jiġi prodott u kkummerċjalizzat petrol ġdid b'kontenut għoli ta' bijokarburant, sakemm l-effetti kollaterali ta' tniġġis potenzjali jiġu trattati.

5.1.2

Il-Kumitat jappella li jittieħdu passi oħra dwar il-proposta li jittaffew il-limiti fuq il-pressjoni mill-fwar sabiex jippermettu pressjoni aktar għolja fil-petroleum il-ġdid b'kontenut għoli ta' bijokarburant. Pressjoni aktar għolja twasslu sabiex il-petroleum jibda jevapora aktar malajr, b'tixrid akbar ta' komposti volattili organiċi, li xejn m'huma mixtieqa, kemm mill-pompa tal-petrol, kif ukoll permezz ta' l-evaporazzjoni u tinfid mit-tankijiet u partijiet oħra tal-vetturi. Din il-problema tista' tittaffa b'mod konsiderevoli b'miżuri tekniċi adegwati.

5.1.3

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni teżamina dan l-aspett aktar fil-fond qabel ma timplimenta d-Direttiva. Xi kummentaturi ssuġġerew li jista' jkun possibbli li jsir użu akbar tal-bijokarburanti mingħajr ma jkun hemm bżonn li jogħlew il-livelli tal-pressjoni. Inkella l-permess għal-livelli ogħla jridu jintrabtu ma' miżuri oħra dwar il-pompi tal-petrol (kif diġà huwa previst mill-Kummissjoni) u ma' restrizzjonijiet fl-użu ta' materjali li jassorbu fid-disinn tal-magni sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet netti tal-komposti organiċi volatili ma jiżdidux meta l-bijokarburanti jiddaħħlu b'mod aktar estensiv.

5.2   Monitoraġġ ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra emessi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti

5.2.1

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li l-industrija tal-karburanti tinħtieġ li tissorvelja u tirrapporta l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra emessi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti li hija tpoġġi fis-suq; hija għandha tnaqqas dawn l-emissjonijiet b'1 % fis-sena bejn l-2010 u l-2020. Għalkemm l-industrija tal-karburanti tejbet il-prestazzjoni tagħha f'termini ta' effiċjenza enerġetika f'dawn l-aħħar snin għad hemm skop għal titjib sostanzjali. Għad hemm wisq gass li jinqabad fil-bokkaturi tal-bjar. Dan jaħli riżorsa prezzjuża u joħloq miljuni ta' tunnellati ta' emissjonijiet tal-karbonju u tniġġis ieħor. L-operazzjonijiet tar-raffinerija u t-trasmissjoni permezz tal-piplines u t-trasport fis-settur tal-karburanti wkoll ivarjaw ħafna fl-effiċjenza enerġetika tagħhom u l-ammonti li jitilfu jew li jaħlu. Hemm ħafna x'jista' jsir sabiex il-livelli jitjiebu fl-industrija kollha u jilħqu dawk ta' l-aħjar operaturi.

5.2.2

Il-ħtieġa ta' monitoraġġ li hija proposta għall-industrija tal-karburanti hija mniżżla b'tali mod li l-introduzzjoni progressiva tal-bijokarburanti fit-taħlita enerġetika tista' tgħodd bħala kontribuzzjoni lejn il-mira globali tat-tnaqqis ta' emissjonijiet mill-industrija. Il-Kumitat jappoġġja strateġija li hija mmirata li tisfrutta l-benefiċċji potenzjali tal-bijokarburanti għall-ambjent, is-suq u l-impiegi u b'hekk tiżgura tnaqqis fis-CO2 li huwa ottimali minn kull lat iżda huwa ppreokkupat li l-proposta attwali tista' twassal lill-kumpaniji tal-karburanti sabiex jinjoraw l-opportunitajiet li jtejbu l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fl-operat tagħhom favur espansjoni mgħaġġla żżejjed tal-bijokarburanti.

5.2.3

Jekk il-proposta timxi 'l quddiem, hemm bżonn li jsiru numru ta' punti. Hija ta' importanza kritika li jiġi żgurat li l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bijokarburanti u tal-prodotti taż-żejt tiġi magħmula bir-reqqa u ma tiġix meqjusa biss bħala formola. Tipi u sorsi differenti ta' bijokarburanti għandhom impatti differenti ħafna fuq il-bilanċ globali tas-CO2. B'mod ġenerali, il-bijokarburanti jista' jkollhom prestazzjoni aħjar mill-karburanti ta' oriġini fossili f'termini taċ-ċiklu tal-ħajja tas-CO2 L-Unjoni Ewropea għandha tieħu l-passi sabiex tħeġġeġ l-aħjar soluzzjonijiet.

5.2.4

Jekk il-benefiċċji fis-CO2 ser jintlaħqu kif imiss, kull sors li jiġi wżat irid ikollu l-analiżi u l-valutazzjoni tiegħu, peress li applikazzjonijiet differenti tal-bijokarburanti jista' jkollhom impatti differenti f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju.

5.2.5

Il-proposta ġustament tapprova l-użu tal-bijomassa għall-produzzjoni tal-bijokarburanti jew għall-produzzjoni ta' l-enerġija. Dan għandu jirriżulta fi żvilupp kontinwu u pożittiv tas-suq tal-bijomassa.

5.2.6

Id-direttiva proposta ma tgħid xejn dwar livelli ta' monitoraġġ jew kif ir-rekwiżiti ser jiġu sorveljati u infurzati. Peress li ħafna mid-ditti involuti joperaw fuq bażi globali, u għandhom bżonn li jkollhom ċertu konsistenza fir-rekwiżiti imposti fuqhom, il-Kumitat iqis li hemm każ b'saħħtu għal standards, monitoraġġ u infurzar li għandhom jiġu mħaddma f'livell Ewropew, minflok ma jitħallew għall-interpretazzjoni u l-infurzar xejn konsistenti ta' bejn l-Istati Membri.

5.3   Il-kubrit fil-karburanti

5.3.1

Il-Kumitat jappoġġja l-konferma li ġiet proposta tad-data obbligatorja ta' l-2009 sabiex jintlaħaq il-livell massimu ta' 10ppm ta' kubrit fid-diesel. Huwa jappoġġja wkoll it-tnaqqis propost fil-kontenut massismu ta' kubrit fiż-żjut tal-gass li huma initiżi għall-użu minn makkinarju mobbli mhux għat-triq u t-tratturi agrikoli u tal-foresti. Dawn il-proposti jġibu r-rekwiżit għall-kubrit fl-istess livell ta' dawk li diġà ġew adottati għall-vetturi tat-triq u jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li t-tniġġis mill-kubrit u mill-partiċelli jkompli jitnaqqas.

5.3.2

Fil-każ tal-kanali interni il-Kummissjoni pproponiet tnaqqis f'żewġ fażijiet ta' l-emissjonijiet tal-kubrit. Il-Kumitat jissuġġerixxi li jista' jkun aħjar li t-tnaqqis isir f'darba li jkun iwassal għaċ-ċifra finali, sabiex tiġi evitata l-possibbilità li s-sidien tad-dgħajjes ikollhom jagħmlu żewġ modifiki separati fuq il-bastimenti tagħhom. Jista' jkun xieraq ukoll li jiġi kkunsidrat xi solliev għall-bastimenti storiċi jew ta' valur patrimonjali li ma jkunux jistgħu joqogħdu għall-modifiki neċessarji.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-evoluzzjoni tal-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati mill-2010”

(2008/C 44/16)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-evoluzzjoni tal-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati mill-2010.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Kienle.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b' 143 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew isostni li ż-żoni bi żvantaġġi naturali jeħtieġu u jimmeritaw attenzjoni partikolari kemm fuq il-livell politiku u kif ukoll fuq il-livell ta' opinjoni pubblika. Dan jgħodd ukoll, mingħajr riserva, “għaż-żoni żvantaġġati l-oħra” (żoni intermedjarji).

1.2

Il-KESE jemmen li l-ħlas ta' kumpens, ikkofinanzjat mill-UE u mill-Istati Membri, huwa għodda indispensabbli għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali u ta' l-agrikoltura ta' żoni li huma partikolarment sensittivi mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali.

1.3

L-iskop tal-ħlas ta' kumpens imur lil hinn mill-preservazzjoni tal-prattiki agrikoli tradizzjonali. Saħansitra fil-futur, l-aktar strateġija importanti fir-rigward taż-żoni żvantaġġati għandha tibqa' l-ħlas ta' kumpens lill-bdiewa li jpatti għall-iżvantaġġi ekonomiċi li jiffaċċaw.

1.4

Fir-rigward tal-valutazzjoni lil-Kummissjoni beħsiebha tagħmel dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid taż-żoni eliġibbli, il-KESE jirrakkomanda li l-UE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet qafas u l-metodi alternattivi għall-klassifikazzjoni taż-żoni. Barra minn hekk, l-għażla tas-sistema għall-klassifikazzjoni u d-definizzjoni taż-żoni għanda tibqa' r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri u tar-reġjuni.

1.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li jeħtieġ li maż-żmien, l-għoti ta' dan it-tip ta' kumpens isir aktar affidabbli. Fil-każ ta' modifiki fil-lista taż-żoni eliġibbli għandhom jiġu evitati diżintegrazzjonijiet strutturali.

1.6

Il-KESE jemmen li huwa ferm diffiċli li wieħed jikkomunika t-tifsira ta' kunċetti bħal “żoni żvantaġġati” u “ħlas ta' kumpens” lill-pubbliku u jixtieq għalhekk li dawn il-kunċetti jiġu sostituti.

2.   Ir-raġuni u l-kuntest ta' l-opinjoni

2.1

Skond ma ġie deċiż mill-Kunsill, fl-2008 il-Kummissjoni għandha tħejji proposta għar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni ta' l'hekk imsejħa “żoni żvantaġġati l-oħra” (żoni intermedjarji) li għandha tiġi implimentata fl-2010.

2.2

Fit-13 ta' Settembru 2006, il-KESE adotta l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar Il-prospetti tal-futur ta' l-agrikoltura fiż-żoni bi żvantaġġi naturali speċifiċi. (1) Din l-opinjoni iffukat b'mod speċjali fuq ir-reġjuni tal-muntanji, insulari u ultraperiferiċi iżda mhux fuq il-kategoriji “żoni żvantaġġati l-oħra (żoni intermedjarji)” u “żoni bi żvantaġġi speċifiċi (żoni żgħar)”.

2.3

Il-KESE kien għalhekk għamilha ċara li ser jittratta dawn iż-żoni f'opinjoni segwenti — l-opinjoni ppreżentata f'dan id-dokument. Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għalhekk tikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar il-possibbiltà ta' klassifikazzjoni ġdida taż-żoni żvantaġġati.

2.4

Il-bżonn li tiġi riveduta l-klassifikazzjoni taż-żoni nibet minn rapport tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri (Rapport Speċjali Nru 4/2003). Il-kummenti ta' kritika f'dan ir-rapport irreferew b'mod speċjali għall-dawn il-punti: meta l-Istati Membri jiġu biex jikklassifikaw żona partikolari bħala żona żvantaġġata jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta' indikaturi differenti; ma teżistix informazzjoni sigura biżżejjed dwar ir-riżultati tal-miżuri meħuda; ma teżisti l-ebda applikazzjoni uniformi tal-“prattika agrikola tajba”. Il-konklużjonijiet prinċipali tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri jirrigwardaw il-klassifikazzjoni “taż-żoni żvantaġġati l-oħra” u kwistjonijiet tal-ħlas ta' kumpens.

2.5

F'Novembru 2006, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura tal-Kummissjoni Ewropea ippreżenta rapport ta' evalwazzjoni mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea (IEPP) dwar il-ħlas ta' kumpens f'żoni żvantaġġati.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jsostni li ż-żoni bi żvantaġġi naturali huma element importanti tal-“mudell Ewropew għall-agrikoltura”. Dawn iż-żoni jeħtieġu attenzjoni partikolari kemm mil-lat politiku kif ukoll mil-lat ta' opinjoni pubblika sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri speċifiċi u adattati għall-bżonnijiet reali tagħhom.

3.2

Il-kunċett “żona żvantaġġata” għandu jidentifika dawk iż-żoni li fihom it-tħaddim agrikolu ta' l-art huwa mhedded minn żvantaġġi imposti mill-kundizzjonijiet lokali taż-żona. Il-kunċett huwa msejjes fuq l-għarfien tal-prinċipju li l-użu agrikolu sostenibbli huwa importanti għall-ħolqien ta' żoni rurali attraenti. Skond il-prinċipju tal-multifunzjonalità, il-bidwi ma jaħdimx għal rasu biss iżda jaħdem ukoll sabiex jippreserva u jmantni l-pajsaġġ għall-ġid tal-pubbliku kollu.

3.3

Il-KESE jinnota li l-kunċett “żoni żvantaġġati” huwa ferm ambivalenti għaliex ħafna drabi dan ikun qed jirreferi għal reġjuni b'kampanja u pajsaġġi rikki u diversifikati u għal poplu b'kapaċitajiet u tradizzjonijiet partikolari. Potenzjali bħal dawn ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiġu sfruttati ekonomikament sforz il-kundizzjonijiet lokali diffiċli taż-żona. Ħafna drabi l-uniċi alternattivi ekonomiċi għall-bdiewa, kemm fi ħdan is-settur kif ukoll lil hinn minnu ma jkunux adegwati.

3.4

Il-KESE jemmen li l-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati, ikkofinanzjat mill-UE u mill-Istati Membri, huwa għodda indispensabbli għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali u ta' l-agrikoltura ta' żoni li huma partikolarment sensittivi mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali. L-għan tal-ħlas ta' kumpens huwa l-isfruttar tal-potenzjal tal-pajsaġġ kulturali Ewropew permezz tal-promozzjoni ta' agrikoltura attiva u orjentata lejn is-suq. Għaldaqstant, l-iskop tal-ħlas ta' kumpens imur lil hinn mill-preservazzjoni tal-prattiki agrikoli tradizzjonali. Saħansitra fil-futur, l-aktar strateġija importanti fir-rigward taż-żoni żvantaġġati għandha tibqa' l-ħlas ta' kumpens li jpatti għall-iżvantaġġi ekonomiċi li jiffaċċaw il-bdiewa f'żoni b'kundizzjoniet ferm diffiċli għall-biedja. Barra minn hekk, sa mill-2007, il-ħlas ta' kumpens ġie marbut ma' l-osservazzjoni tar-regoli tas-sigurtà ta' l-ikel u tal-protezzjoni ta' l-ambjent u l-annimali (cross compliance — il-prinċipju ta' kundizzjonalità).

3.5

Sa mill-1975 ġiet żviluppata sistema Ewropea u komprensiva għall-klassifikazzjoni taż-żoni żvantaġġati, li bdiet bir-reġjuni tal-muntanji. Illum-il-ġurnata jeżistu tliet tipi differenti ta' żoni żvantaġġati: ir-reġjuni tal-muntanji, żoni żvantaġġati l-oħra (żoni intermedjarji) u ż-żoni bi żvantaġġi speċifiċi (żoni żgħar). Fil-każ ta' l-aħħar żewġ żoni msemmija jeżistu differenzi u varjazzjonijiet kbar fost l-Istati Membri kemm fir-rigward ta' klassifikazzjoni kif ukoll fl-ammont ta' ħlas mogħti. Ir-riżorsi finanzjarji konsiderevoli li kienu allokati għall-ħlas ta' ikkontribwixxew bil-bosta sabiex l-agrikoltura tibqa' attiva, partikolarment fiż-żoni rurali sensittivi.

3.6

Fil-fehma tal-KESE, il-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati jagħmel parti integrali mill-programmi ta' żvilupp rurali (l-EAFRD (il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005) Il-fatt li l-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati huwa kkofinanzjat mill-UE u mill-Istati Membri jenfasizza l-bżonn ta' taħlita sensibbli ta' regoli ta' l-UE uniformi u flessibilità fuq livell nazzjonali jew reġjonali fit-tfassil tad-dettalji ta' dawn il-miżuri.

3.7

Il-KESE jfakkar li fl-2005, id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni intitolat Metodoloġija għal definizzjoni ġdida taż-żoni żvantaġġati l-oħra (żoni intermedjajri) ma nftiehemx għal kollox u dan wassal sabiex id-dokument ma ntlaqax f'bosta Stati Membri. Dak iż-żmien, il-kwistjoni prinċipali kienet li jsir tentattiv sabiex tiġi stabbilita definizzjoni ċentrali u konsistenti taż-żoni żvantaġġati skond il-perċentaġġ ta' l-art użata għall-mergħa u r-rendiment ta' l-uċuħ tar-raba', mingħajr ma ġew ikkunsidrati l-kundizzjonijiet reġjonali. Tħassib serju li qanqal dan l-approċċ u l-argumenti serji kontrih għandhom jiġu kkunsidrati meta jerġa' jiġi diskuss dan is-suġġett.

3.8

Ir-rapport ta' evalwazzjoni ta' Novembru 2006 ta' l-IEPP jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ħlas ta' kumpens, bħala strument ta' sostenn, għandu jiġi meqjus fil-kuntest tar-relazzjoni tiegħu ma' l-iskema ta' pagament uniku u l-miżuri agro-ambjentali. Fl-istess waqt, ir-rapport jirrakkomanda li jiġi enfasizzat ir-rwol ta' dan il-ħlas bħala kumpens għall-iżvantaġġi agrikoli imposti mill-kundizzjonijiet ġeografiċi taż-żona. L-ammont ta' ħlas ta' kumpens mogħti għandu jkun adattat aħjar għall-iżvantaġġi li jkunu qegħdin jiġu kkumpensati.

3.9

Il-KESE jixtieq josserva li r-rapport ta' evalwazzjoni ta' l-IEPP ma jagħmel l-ebda referenza għar-riskju ta' “kumpens żejjed”, punt li tqajjem mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri. Huwa veru li l-kumpens inaqqas id-distakk li jeżisti bejn id-dħul tal-bdiewa taż-żoni żvantaġġati u d-dħul tal-bdiewa fiż-żoni mhux żvantaġġati, madanakollu ma jfissirx li ġie eliminat għal kollox. Skond l-esperti, u jiddependi dejjem mill-Istat Membru ikkoċernat, il-ħlas ta' kumpens jikkontribwixxi għal bejn 10 % u 15 % tad-dħul mill-biedja.

3.10

Skond il-KESE, il-ħlas ta' kumpens fiż-żoni żvantaġġati isarraf f'kontribut siewi għall-kontinwazzjoni tal-biedja fiż-żoni fejn ir-rendiment huwa baxx, u f'żoni b'densità baxxa ta' popolazzjoni. Il-vijabilità ta' l-irziezet tiddependi l-ewwel u qabel kollox mid-dħul tal-produzzjoni agrikola u l-bejgħ ta' dawn il-prodotti fis-suq, mid-dħul tad-diversifikazzjoni u mill-miżuri tal-PAK. Sabiex jingħataw prospettivi tajbin, b'mod speċjali lill-bdiewa żgħażagħ li għadhom fil-bidu tal-ħidma tagħhom fi rziezet f'żoni żvantaġġati, il-kredibilità politika u fit-tul tal-ħlas ta' kumpens hija neċessarja.

3.11

Il-KESE jemmen li sabiex ir-rwol partikolari li l-ħlas ta' kumpens jaqdi għaż-żoni żvantaġġati joħroġ aktar fid-deher, din il-miżura għandha tiġi żviluppata separatament mill-miżuri agro-ambjentali. Barraminhekk, fil-perijodu medju għandu jiġi spjegat sew il-mezz ta' kif ser jitkompla l-żvilupp tal-kumpens għaż-żoni b'restrizzjonijiet ambjentali. Fil-fehma tal-KESE, l-applikazzjoni limitata ta' dawn il-miżuri, li kienet imsemmija fir-rapport ta' evalwazzjoni ta' l-IEPP, ġejja wkoll mill-fatt li ħafna Stati Membri jew reġjuni jippreferu l-użu ta' miżuri agro-ambjentali f'dawn iż-żoni.

Osservazzjonijiet dwar id-definizzjoni ġdida taż-żoni eliġibbli

3.12

Il-KESE jemmen li fil-proċess ta' definizzjoni mill-ġdid taż-żoni li huma eliġibbli għall-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati għandhom jiġu kkunsidrati l-punti li ġejjin:

3.12.1.

L-għan ewlieni tal-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati għandu jibqa' l-preservazzjoni ta' agrikoltura attiva u adattata għall-kundizzjonijiet lokali tagħha, anke f'dawk iż-żoni fejn il-kundizzjonijiet tal-biedja huma diffiċli.

3.12.2.

Fid-dawl ta' din id-diskussjoni, ir-reviżjoni għandha tillimita ruħha “għaż-żoni żvantaġġati l-oħra” (iż-żoni intermedjarji). Peress li r-reġjuni tal-muntanji, b'mod partikolari, huma klassifikati fuq bażi oġġettiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha terġa tfiehem sew — sabiex tiġi evitata l-inċertezza fost il-bdiewa — x'inhi sewwa sew l-intenzjoni ta' din ir-reviżjoni taż-żoni żvantaġġati.

3.12.3.

Iż-żoni żvantaġġati għandhom jiġu klassifikati permezz ta' kriterji oġġettivi u ċari iżda f'qafas li jippermetti li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet lokali ta' kull Stat Membru.

3.12.4.

L-esperjenza miksuba fl-2005, meta kien sar tentattiv sabiex issir reviżjoni tal-ħlas ta' kumpens, turi biċ-ċar li aproċċ ċentrali għall-klassifikazzjoni taż-żoni żvantaġġati mhux adattat, l-aktar minħabba li ma teżistix sistema Ewropea uniformi għall-klassifikazzjoni tal-produttività ta' l-art agrikola.

3.12.5.

Huwa għalhekk irrakkomandat aproċċ ibbażat fuq is-sussidjarjetà: l-UE għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet qafas u metodi alternattivi għall-klassifikazzjoni taż-żoni. L-għażla tas-sistema għall-klassifikazzjoni u d-definizzjoni taż-żoni għandha tibqa' r-responsabbiltà ta' l-Istati Membri u tar-reġjuni. Il-proċeduri msejsa fuq il-kooperazzjoni li kienu użati s'issa f'dan il-qasam bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, għadhom ikomplu jiġu użati.

3.12.6.

Matul il-proċess ta' klassifikazzjoni taż-żoni, l-Istati Membri jew ir-reġjuni għandhom jużaw l-iżvantaġġi naturali, ġeografiċi u/jew l-iżvantaġġi klimatiċi imposti fuq il-biedja bħala l-ewwel kriterji tagħhom. Wara dawn il-kriterji prinċipali jistgħu jiżdiedu wkoll il-kriterji soċjo-ekonomiċi f'ċerti ċirkustanzi, jekk dawn il-kriterji jirriflettu l-problemi soċjali jew strutturali tal-biedja fir-reġjun partikolari kkunsidrat (eż. livell għoli ta' migrazzjoni, żieda sinifikanti fil-perċentaġġ ta' anzjani fost il-popolazzjoni reġjonali jew il-ħaddiema fil-qasam ta' l-agrikoltura, aċċess limitat ħafna għall-infrastruttura pubblika u densita baxxa ta' popolazzjoni). Barra minn hekk għandu jiġi eżaminat sa liema punt qed jiġu kkunsidrati dawk iż-żoni li jinsabu viċin ta' ajruporti, ta' riservi taż-żejt, ta' siti għar-rimi ta' l-iskart, ta' installazzjonijiet militari u viċin ta' żoni ta' sigurtà li jinsabu madwar żoni fejn ikunu għaddejjin linji ta' l-elettriku ta' tensjoni għolja.

Mill-banda l-oħra, l-użu ta' kriterji soċjo-ekonomiċi, per eżempju għar-reġjuni fejn it-turiżmu jħalli valur miżjud għoli, m'għandux iwassal għal sitwazzjoni fejn art agrikola żvantaġġata ma tibqax titqies bħala żona żvantaġġata.

3.12.7.

Il-promozzjoni u t-taħrig tal-kapital uman huma kwistjoni fundamentali għas-sistema lokali, u b'mod partikulari għaż-żoni żvantaġġati. L-istati membri għandhom għalhekk jassiguraw li fl-iżvilupp tal-politiki ta' appoġġ, it-taħriġ u l-miżuri ta' konsultazzjoni jkunu jikkumplimentaw il-miżuri ta' appoġġ għaż-żoni b'mod li jkun ta' benefiċċju għaż-żoni rurali.

3.12.8.

Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u r-reġjuni huma mitluba li jidentifikaw b'aktar reqqa l-kontribut li qiegħed jagħti l-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri il-manteniment ta' agrikoltura attiva f'pajsaġġ attraenti. Sorveljanza ta' dan it-tip kienet nieqsa sa issa u għandha tiġi introdotta.

3.12.9.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tivvaluta sa liema punt it-tibdil fil-klima jista' jkollu impatt fuq iż-żoni żvantaġġati.

Osservazzjonijiet dwar l-għoti ta' ħlas ta' kumpens liż-żoni żvantaġġati

3.13

S'issa, il-Kummissjoni għadha ma ċċaratx sew jekk, minbarra l-klassifikazzjoni taż-żoni żvantaġġati, ir-reviżjoni tal-ħlas ta' kumpens għandhiex tipproponi wkoll tibdiliet oħra bħal per eżempju l-mod ta' kif jiġi mogħti l-kumpens.

Jekk din hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jipproponi li jiġu kkunsidrati l-aspetti li ġejjin:

3.13.1.

L-għoti ta' ħlas ta' kumpens f'forma ta' ħlas għall-firxa ta' l-arthija fil-prinċipju idea tajba, iżda f'każijiet iġġustifikati għandu jkun possibbli li tiġi introdotta skema għat-trobbija tal-bhejjem, jekk it-trobbija tal-bhejjem hija l-prattika tipika tar-reġjun għall-manteniment ta' l-agrikoltura tiegħu (eż. it-trobbija tal-bhejjem tal-fart jew tan-nagħaġ f'żoni użati għall-mergħa).

3.13.2.

Fejn jidħol ħlas ta' kumpens, għandna nimmiraw ukoll għall-ksib ta' taħlita sensibbli li tkun tikkonsisti f'qafas Ewropew flimkien ma' regoli nazzjonali jew reġjonali, biex b'hekk tkun tista' tingħata attenzjoni adegwata lill-kundizzjonijiet lokali.

3.13.3.

Anke jekk permezz ta' l-eżaminazzjoni tal-kontijiet ta' l-irziezet, jinstabu provi li l-akkuża ta' “kumpens żejjed” m'hijiex minnha, id-divrenzjar intern fl-għoti ta' kumpens xorta jibqa' neċessarju. Jekk l-ammont ta' ħlas ta' kumpens għal kull ettaru jaqbeż ammont minimu speċifiku, l-Istati Membri jew ir-reġjuni għandhom imbagħad jirregolaw il-livell tal-ħlas ta' kumpens mogħti skond il-livell ta' l-iżvantaġġ.

3.13.4.

Sabiex ikun jista' jiġi assigurat futur għall-irziezet, dan il-ħlas għandu biż-żmien isir aktar kredibbli. F'xi Stati Membri, il-pagamenti jvarjaw konsiderevolment minn sena għal sena, skond is-sitwazzjoni baġitarja nazzjonali.

3.14

Il-KESE jirrimarka li t-tibdiliet possibbli fiż-żoni eliġibbli huma assoċjati ma' riskji kosiderevoli fl-istruttura agrikola u fil-preservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali. Għandha titwettaq evalwazzjoni tar-riskju u ta' l-impatt għal dawk iż-żoni li jaf ma jingħatawx fondi. Il-bdiewa ġeneralment isibuha diffiċli li jikkumpensaw in-nuqqas kumpens b'miżuri oħra bħal per eżempju żieda fil-produzzjoni. Għalhekk, flimkien ma perijodi adegwati ta' transizzjoni, għandhom jiġu previsti klawżoli speċifiċi għal każi li jkunu partikularment gravi, sabiex tiġi evitata diżintegrazzjoni strutturali fil-biedja.

3.15

Il-KESE jiġbed attenzjoni lejn il-fatt li huwa ferm diffiċli li wieħed jikkomunika t-tifsira ta' kunċett bħal “żoni żvantaġġati”. “Iż-żoni żvantaġġati” jistgħu jkunu pajsaġġi kulturali ta' sbuħija u valur kbir. Id-diffikultà kbira li jinħadmu għall-biedja hija karatteristika oħra tagħhom. In-nies ġejjin minn dawn iż-żoni żvantaġġati huma ħafna drabi kburin bl-istorja, it-tradizzjoni u s-sbuħija naturali tar-reġjun “tagħhom”. Dan il-fatt jista' jkun sors ta' potenzjal kbir għall-iżvilupp reġjonali. Sfortunatament il-kunċett ta' “ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati” m'huwiex adattat sabiex jgħin lin-nies jidentifikaw mar-reġjun “tagħhom”. Ikun għaqli li wieħed janalizza jekk it-terminu “żoni żvantaġġati” jistax jiġi mibdul għal terminu ieħor li jirrifletti aħjar il-potenzjal u l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn iż-żoni. Dan jaf iwassal sabiex il-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati jintlaqa' aktar.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 93.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013”

(2008/C 44/17)

Nhar l-10 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni Ewropea kitbet lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, is-Sur Dimitriadis, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex titfassal opinjoni esploratorja dwar L-evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa tal-PAK u l-ġejjieni tagħha wara l-2013.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Kienle.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'116-il vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sommarju u konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, f'fażi tant bikrija, talbitu jħejji opinjoni esploratorja dwar L-evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa tal-Politika Agrikola Komuni u l-ġejjieni tagħha wara l-2013.

1.2.

Ir-riforma ta' l-2003 tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) waslet għal bidla radikali ta' l-istrateġija adottata. Ir-regolamentazzjoni tas-swieq agrikoli permezz ta' l-interventi tnaqqset ħafna, ir-rabta tal-pagamenti diretti mal-produzzjoni issa hija l-eċċezzjoni u, minkejja t-tkabbir ta' l-UE, l-ispejjeż marbuta mal-PAK naqsu. Għaldaqstant, l-UE tat kontribut akbar mill-kompetituri tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ agrikolu.

1.3

Mhux biss il-bdiewa, iżda n-negozji li jipproċessaw l-ikel ukoll għaddejjin minn perijodu ta' transizzjoni diffiċli ħafna bħalissa. Il-KESE jemmen li ħafna bdiewa huma lesti li jilqgħu l-kundizzjonijiet il-ġodda b'manjiera intraprenditorjali u orjentata lejn is-suq, bil-kundizzjoni li l-wegħdiet magħmula matul ir-riformi jinżammu u li tkun provduta ċertezza ġuridika u sikurezza ta' l-ippjanar adegwata. Dal-fatt joħroġ aktar fid-deher f'daż-żminijiet meta d-domanda dinjija għall-ikel u għal riżorsi ta' enerġija rinnovabbli hija qawwija ħafna u l-importanza tas-sigurtà ta' l-ikel qiegħda tiġi vvalutata mill-ġdid.

1.4

Il-KESE jaqbel ma' l-argument li s-semplifikazzjoni tar-regoli amministrattivi li japplikaw għas-sussidji u l-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet marbuta mal-kundizzjonalità (cross-compliance) u l-verifikazzjoni tan-neċessità potenzjali li d-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu adattati għall-esiġenzi futuri (ara punt 6.3) huma l-prijorità ewlenija fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' saħħet il-PAK.

1.5

B'rabta mad-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013, il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-għanijiet tal-PAK (Artikolu 33 tat-Trattat KE) jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi u l-isfidi ta' żminijietna.

1.6

L-UE hija impenjata favur il-mudell agrikolu Ewropew u l-multifunzjonalità. Il-KESE jirrimarka li dan ma tantx huwa kompatibbli mal-kisba ta' aktar liberalizzazzjoni, partikularment minħabba li l-aspettativi tas-soċjetà Ewropea fir-rigward ta' l-agrikoltura għadhom għoljin ħafna.

1.7

Huwa probabbli li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ agrikolu tikkawża volatilità u instabbiltà konsiderevoli fis-swieq agrikoli. It-tibdil fil-klima qiegħed ikollu effett simili. Għalhekk fil-ġejjieni, l-UE ser jibqa' jkollha bżonn ta' strumenti sabiex tistabbilizza s-swieq agrikoli. Madankollu, il-KESE jappella wkoll sabiex jiġu diskussi u żviluppati sistemi alternattivi.

1.8

Huwa ġeneralment mistenni li l-arranġamenti tal-kwoti għall-ħalib ser jiskadu fil-31 ta' Marzu 2015. Madankollu, il-KESE jixtieq jinnota li ħafna reġjuni bi żvantaġġi naturali jiddependu fuq il-produzzjoni tal-ħalib. Għalhekk għandhom jitfasslu proposti f'waqthom bl-għan li tkun garantita l-produzzjoni f'dawn iż-żoni.

1.9

Il-KESE jirreferi wkoll għall-opinjoni attwali tiegħu dwar “L-evoluzzjoni tal-ħlas ta' kumpens għaż-żoni żvantaġġati” (1), li tenfasizza l-ħtieġa ta' għajnuna speċifika liż-żoni bi żvantaġġi naturali.

1.10

Il-KESE huwa konvint li l-pagamenti diretti lill-bdiewa ser jibqgħu essenzjali fil-ġejjieni. Sabiex il-pagamenti diretti jkunu — u jibqgħu — aċċettati mill-pubbliku, l-UE għandha tkun kapaċi tispjega l-iskop tagħhom.

1.11

It-tieni pilastru (il-politika dwar l-iżvilupp rurali) huwa aktar importanti sabiex tiġi assigurata l-multifunzjonalità ta' l-agrikoltura. Għaldaqstant, il-KESE huwa tal-fehma li għandu jkun hemm fondi aktar sostanzjali għat-tieni pilastru. Għadd ta' eżempji juru li appoġġ immirat jista' jwassal għall-ħolqien jew il-ħarsien ta' impjiegi fiż-żoni agrikoli u rurali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2007, l-UE tista' tixħet ħarsitha bi kburija fuq 50 sena ta' integrazzjoni Ewropea li rnexxiet. Minn mindu t-Trattat ta' Ruma daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1958, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) kienet parti importanti ta' dan l-iżvilupp li qatt qabel ma kien hemm wieħed bħalu. L-agrikoltura għadha l-uniku qasam tal-politika li huwa “Komunitarizzat” kompletament.

2.2

Huwa għalhekk inkoraġġanti li l-parti l-kbira taċ-ċittadini ta' l-UE bħalissa għandhom attitudni pożittiva lejn l-agrikoltura u l-PAK, kif wera biċ-ċar stħarriġ li jirrappreżenta l-opinjoni pubblika (2). Din l-attitudni pożittiva għandha tintuża sabiex wieħed jikkonvinċi lis-soċjetà li r-riżorsi provduti permezz tal-PAK huma investiment pożittiv għas-soċjetà. Il-politiċi għandhom jippreżentaw mhux biss programmi adegwati, iżda argumenti tajbin li jirfduhom.

2.3

Ir-riforma agrikola ta' l-2003 (li minn dak iż-żmien 'l hawn kienet ikkomplementata minn riformi fi swieq oħra) bidlet lill-PAK ħafna aktar milli għamlu riformi preċedenti.

2.3.1

Ir-raġuni għar-riforma kienet li l-agrikoltura ssir aktar orjentata lejn is-suq u kompetittiva. L-intenzjoni kienet ukoll li l-PAK tkun tista' tiġi difiża aktar faċilment matul in-negozjati fi ħdan id-WTO (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ), u fl-istess ħin jiġu ssodisfati aħjar il-bidliet fl-aspettativi tal-pubbliku fir-rigward tal-produzzjoni agrikola.

2.4

Punt li ta' spiss qajmu dawk responsabbli mit-tfassil tal-politiki huwa li ġaladarba jitlestew, ir-riformi agrikoli kienu ser jerġgħu jroddu lura ċ-ċertezza ta' l-ippjanar lill-bdiewa u lill-agrikoltura. Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni fuq l-importanza ta' din il-ħtieġa.

2.5

F'Diċembru 2005, meta kien intlaħaq ftehim dwar il-baġit ta' l-UE għas-snin 2007-2013, il-Kunsill Ewropew inkariga lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel verifika fl-2008-2009 ta' l-ispejjeż u d-dħul li jkopru l-aspetti kollha tal-politiki Komunitarji.

2.5.1

Saħansitra qabel dan kollu, kienet pjanata “evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa” (health check) tal-miżuri ta' riforma tal-PAK. Skond il-Kummissjoni, l-għan m'huwiex li jiġi mniedi proċess ta' riforma ġdid, izda li jitqies sa liema punt intlaħqu l-objettivi tal-PAK, u sa liema punt jeħtieġ li jkun hemm xi aġġustamenti.

2.6

Ser jitnieda dibattitu wiesa' fuq dan is-suġġett fil-ħarifa ta' l-2007. Il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika Komunikazzjoni bi proposti speċifiċi fl-20 ta' Novembru. Il-proposti leġislattivi rilevanti huma ppjanati għall-ewwel nofs ta' l-2008 (3). Separatament mill-evalwazzjoni, hija ppjanat diskussjoni fuq id-direzzjoni li l-iżvilupp tal-PAK għandu jieħu wara l-2013.

3.   Ir-riforma tal-PAK ta' l-2003: bidla radikali

3.1

Wara l-bidliet li saru lill-PAK, li kienu diġà ġew deċiżi bħala parti mill-Agenda 2000, ir-riforma agrikola ta' Ġunju 2003 tat bidu għal bidla radikali.

3.1.1

Il-pagamenti diretti uniċi qegħdin ikunu “diżakkoppjati” mill-produzzjoni. Il-kunċett ta' “diżakkoppjament” qiegħed fil-qalba tar-riforma. Sa issa, 85 % tal-pagamenti kienu diżakkoppjati.

3.1.2

Il-pagamenti diretti (sistema ta' pagament uniku lill-bdiewa) huma marbutin mal-kompatibilità tagħhom ma' standards speċifiċi fil-qasam ta' l-ambjent, tas-sikurezza ta' l-ikel, is-saħħa ta' l-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-benessri ta' l-annimali (kundizzjonalità).

3.1.3

Ir-regolamentazzjoni tas-swieq agrikoli f'forma ta' interventi fis-swieq, ħżin u sussidji għall-esportazzjoni naqset sostanzjalment.

3.1.4

Fir-rigward tal-miżuri li għad fadal għall-kontroll kwantitattiv, bħal per eżempju l-kwoti ta' produzzjoni, għandhom jiġu eliminati gradwalment.

3.1.5

Minkejja t-tkabbir u kompiti ġodda, l-ispejjeż marbuta mal-PAK għas-snin 2007-2013 ser jonqsu b'7.8 % meta mqabbla ma' l-2006.

3.2

B'riżultat ta' dan, il-KESE jinnota li b'rata ta' 43.6 % fl-2008, għall-ewwel darba, is-sehem tal-PAK fil-baġit totali ta' l-UE (l-abbozz preliminari ta' baġit tal-Kummissjoni) (4) mhux ser ikun l-akbar linja tal-baġit. Ta' min ifakkar ukoll li fl-1997 l-ispejjeż għall-miżuri ta' appoġġ għas-suq kienu għadhom jammontaw għal EUR 35 biljun, jew 85 % tal-fondi allokati għall-agrikoltura. Fl-2007, EUR 5.7 biljun biss (13 %) ġew allokati. Ġie stabbilit ammont massimu ta' EUR 1 biljun għas-sussidji għall-esportazzjoni, mentri fl-1997 dan kien EUR 6 biljun.

3.3

Tnaqqis fl-infiq marbut mal-PAK li jseħħ fl-istess waqt li jiżdied in-numru ta' benefiċjarji (l-aktar minħabba t-tkabbir) ifisser li diversi miżuri jistgħu jitnaqqsu.

3.4

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha hija u tiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew waqt negozjati mad-WTO kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għar-riforma tal-PAK. Ir-riforma tal-PAK kien pass kbir 'il quddiem għall-UE. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-offerti li tressqu sa issa fid-Doha Round tad-WTO huma konsistenti mar-riforma tal-PAK ta' l-2003. Madankollu, jeżistu fehmiet differenti dwar dan il-punt.

3.5

Il-KESE b'dispjaċir jinnota li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-PAK qiegħda tieħu triqat diverġenti. Id-differenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali tal-PAK kibru konsiderevolment minħabba r-rforma ta' l-2003. Madankollu, dan jaffettwa wkoll il-kompetizzjoni fis-suq intern.

4.   L-agrikoltura Ewropea qiegħda tadatta ruħha għal ċirkustanzi ġodda

4.1

Fil-qafas tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill Ewropew dwar il-baġit ta' l-UE fl-2003 u l-2005, il-PAK ġiet inkorporata fil-qafas finanzjarju ġenerali ta' l-UE. Jeżistu objettivi politiċi ċari, li ser japplikaw sa l-2013. Il-bdiewa issa għandhom bżonn taż-żmien sabiex jadattaw ruħhom għal dawn il-bidliet.

4.2

Minħabba tnaqqqis tal-prezzijiet istituzzjonali u l-miżuri intiżi għall-appoġġ tas-suq, kif ukoll minħabba ż-żieda fil-ftuħ tas-swieq għall-importazzjonijiet, il-prezzijiet tal-produzzjoni fl-UE-15 naqsu f'termini reali fil-perijodu 2000-2005 (5).

4.3

Il-Kummissjoni tqis li hemm rabta diretta mhux biss bejn id-diżakkoppjament u l-aspettativi għal dħul aktar stabbli (6) iżda wkoll ta' aspettativi ta' titjib tas-sitwazzjoni rigward id-dħul tal-bdiewa (7). Madankollu għalissa x-xejra li ħa d-dħul fl-2005 u l-2006 ma tirriflettix għal kollox dawn l-aspettativi. B'danakollu, id-dħul huwa mistenni li jiżdied, f'ċerti każi b'mod sinifikanti, fl-2007, li huwa dovut ukoll għaż-żieda attwali fil-prezzijiet dinjija tas-swieq għal materja prima agrikola.

4.4

Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta' l-2003 tal-PAK (8), il-KESE indika kjarament li sabiex ikunu jistgħu juru li l-istandards ta' kundizzjonalità kienu qegħdin jiġu rispettati, l-ispejjeż ta' l-azjendi agrikoli ser ikollhom jiżdiedu sostanzjalment, inklużi dawk marbuta mad-dokumentazzjoni. Ta' spiss ikun hemm bżonn ta' investimenti kbar, per eżempju fir-rigward tat-trobbija tal-bhejjem. L-esperjenza tagħti x'jifhem li xi bdiewa li jkollhom irziezet li jkunu iżgħar u ekonomikament aktar dgħajfa ma jixtiqux jew inkella jħossu li m'humiex kapaċi jieħdu l-impenji meħtieġa, u għaldaqstant iħossuhom fl-obbligu li jirrinunċjaw għall-biedja.

4.5

Il-pagamenti diretti diżakkoppjati għandhom jgħinu lill-bdiewa sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li joffri s-suq. F'ħafna każi, l-adattament għas-swieq jirrikjedi investimenti, u xi drabi ta' ammonti kbar ta' kapital u drabi oħrajn investimenti finanzjarji żgħar iżda li jirrikjedu ammont kbir ta' konsultazzjoni. Bis-saħħa tat-tieni pilastru, huma disponibbli sussidji għall-istrutturar u l-investimenti. Ir-rieda ta' l-agrikoltura, u ta' dawk li beħsiebhom iħaddmu razzett fil-ġejjieni, li jadattaw ruħhom għal kundizzjonijiet ġodda u li jagħmlu l-investimenti meħtieġa tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kredibilità tal-politiki.

5.   Jenħtieġ li l-agrikoltura Ewropea tagħmel użu tajjeb tal-potenzjal tagħha

5.1

F'dawn l-aħħar ftit xhur, kien hemm żviluppi kbar fis-swieq agrikoli dinjija, minħabba domanda dinjija qawwija għall-prodotti ta' l-ikel kif ukoll għall-materja prima u l-enerġija rinnovabbli. Dan għandu jipprovdi aktar opportunitajiet għall-bdiewa sabiex jikkultivaw u jbigħu l-uċuħ tagħhom. L-agrikola Ewropea, kif ukoll l-agrikoltura fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, ser jibbenfikaw b'mod konsiderevoli minn dan. Madankollu, il-KESE jemmen li huwa partikularment importanti li l-użu dejjem akbar tal-potenzjal produttiv fl-agrikoltura u l-foresterija għandu jqis is-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet ambjentali. Il-KESE jinnota wkoll li jeżistu riskji konsiderevoli li huma marbutin mal-fatt li dan jagħti lok għal żieda fil-volatilità tas-suq.

5.2

L-użu tal-potenzjal disponibbli jfisser inqas dipendenza fir-rigward tal-provvisti tal-ħtiġijiet ta' kuljum. Dan jista' wkoll jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex tingħata spinta lill-valur miżjud fiż-żoni rurali u sabiex jinħoloq l-impjieg fl-istadji kollha tal-produzzjoni, proċessar u distribuzzjoni.

5.3

Għal bosta snin, id-disponibbiltà ta' provvisti ta' karburant fossili rħis kienet meqjusa bħala vantaġġ. Minn dak iż-żmien 'l hawn, id-dipendenza eżaġerata u ż-żieda konsiderevoli fil-prezzijiet wasslu sabiex titrawwem riflessjoni kritika dwar l-implikazzjonijiet potenzjali għal prodotti ewlenin li huma użati fil-ħajja ta' kuljum. Trawmet kuxjenza dwar l-importanza ta' provvisti siguri, kemm ta' l-enerġija kif ukoll ta' l-ikel. Din ser tikber meta jidher fiċ-ċar li dawn ma jistgħux jiġu assigurati mill-esportazzjonijiet biss.

5.4

Ir-rapport tan-NU dwar il-klima dinjija jikkonferma t-twissijiet li diġà taw ix-xjentisti, fir-rigward tal-konsegwenzi tat-tisħin globali. Anke jekk ir-rata tat-tisħin globali tista' titnaqqas sa ċertu punt, huma mistennija konsegwenzi serji bhal per eżempju kundizzjonijiet tat-temp li maż-żmien isiru aktar estremi, nixfa kkawżata minn nuqqas ta' xita u nuqqas ta' ilma. L-agrikoltura u l-foresterija f'bosta pajjiżi ser jintlaqtu ħażin.

5.5

Il-KESE jilqa' l-fatt li qiegħda titrawwem kuxjenza pubblika aktar qawwija dwar il-problema fl-UE, liema fatt jidher tajjeb per eżempju fid-Dikjarazzjoni ta' Berlin fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta' Ruma. Fil-fehma tal-KESE, l-intenzjoni ddikjarata tal-kapijiet ta' stat jew tal-gvern li jaqdu “rwol ewlieni” fil-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ, u li “Flimkien bi ħsiebna nkunu fuq quddiem … fil-protezzjoni tal-klima” għandha tiġi appoġġjata bil-mezzi kollha possibbli. Bejn l-2000 u l-2004, l-agrikoltura fl-UE-15 naqset b'16 % s-sehem tagħa ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effet ta' serra (9), iżda għad hemm pressjoni għal aktar tnaqqis.

5.6

Il-ħtieġa li jinkisbu riduzzjonijiet konsiderevoli fl-emissjonijiet tas-CO2 għandha twassal ukoll sabiex il-modi kif il-prodotti bħal per eżempju dawk agrikoli jiġu forniti, jiġu analizzati mill-ġdid. Iż-żieda sostanzjali fit-trasport hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għaż-żieda ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Anke jekk il-prezzijiet ta' l-enerġija żdiedu konsiderevolment, l-importazzjonijiet li huma kwestjonabbli mil-lat ambjentali (eż. tuffieħ u asparagus importat mill-Amerika t'Isfel) ftit li xejn ser jiġu taħt pressjoni ekonomika. Għalhekk għandha tingħata aktar attenzjoni, u dan mill-aktar fis possibbli, dwar kif jista' jitjieb il-provvediment tal-prodotti ta' l-ikel u l-enerġija li ma jirrikjedix vjaġġi twal. Jeżistu ħafna każi li rnexxew li juri li dan jista' jseħħ, għall-benefiċċju kemm ta' l-ambjent kif ukoll ta' l-impjiegi fiż-żoni rurali.

5.7

Id-deċiżjoni li ttieħdet fi Brussell f'Marzu 2007 mill-kapijiet ta' stat jew gvern li jitolbu li 20 % ta' l-enerġija ta' l-UE tiġi minn sorsi rinnovabbli sa l-2020 hija pass importanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Dan l-objettiv jista' jinkiseb biss jekk isir użu akbar tal-bijomassa. F'bosta okkażjonijiet, il-KESE għamilha ċara li l-bdiewa u s-sidien tal-foresti huma lesti u kapaċi li jforni kwantitajiet li jkunu sostanzjalment akbar ta' materja prima tal-bijomassa. Diversi studji wrew li ż-żieda fil-produttività u l-użu ta' art li ma tkunx ikkultivata jsarrfu f'potenzjal konsiderevoli (10).

5.7.1

Il-waqfien mit-tħaddim ta' art agrikola ta prova li kien strument validu sabiex is-swieq taċ-ċereali ma jkunux konġestjonati. Madankollu, iċ-ċirkustanzi nbidlu konsiderevolment minħabba r-riforma ta' l-2003 u l-ħtieġa ta' materija prima agrikola għall-produzzjoni tal-bijokarburanti. Għalhekk il-KESE jappoġġja l-pjanijiet li dan il-waqfien mit-tħaddim jiġi eliminat bil-kundizzjoni li dan ma jkollux effetti negattivi fuq l-ambjent jew li għall-anqas dawn jiġu kkumpensati. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta studji u proposti f'dan ir-rigward mill-aktar fis possibbli.

6.   L-evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa tal-PAK

6.1

Id-deċiżjonijiet dwar ir-riforma tal-PAK u l-ftehim dwar il-baġit ta' l-UE għas-snin 2007-2013 (Perspettivi Finanzjarji) stabbilixxew ukoll il-ħtiġijiet għar-reviżjoni tal-politika. Ir-reviżjoni ppjanata tal-PAK ġiet imlaqqma “evalwazzjoni ta' l-istat ta' saħħa”. Il-komunikazzjoni dwar dan is-suġġett hija mistennija li tkun ippubblikata fl-20 ta' Novembru 2007, u l-proposti leġislattivi rilevanti fir-rebbiegħa ta' l-2008. Il-KESE ser jiġi kkonsultat.

6.2

Il-KESE jixtieq jistqarr li l-Kunsill Ewropew, kemm f'Diċembru 2002, kif ukoll fid-deċiżjonijiet dwar il-Perspettivi Finanzjarji għall-2005, stabbilixxa objettivi li permezz tagħhom, il-baġit agrikolu jkun validu sa l-2013, kif inhuma l-miżuri dwar politika agrikola. Dan kien ċertament bi tweġiba għall-fatt li l-mod kif kienet ittrattata r-reviżjoni ta' nofs it-term ta' qabel kienet meqjusa minn ħafna bħala abbuż ta' fiduċja — minkejja li kienet tħabbret reviżjoni, dak li filfatt kien adottat kienet l-akbar riforma (mill-qiegħ) fl-istorja tal-PAK.

6.3

L-evalwazzjoni msemmija għandha tkun reviżjoni dwar sa liema punt qegħdin jinkisbu l-għanijiet tar-riforma tal-PAK. L-ewwel u qabel kollox, hemm bżonn li ssir analiżi dwar liema qasam jinħtieġ li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet eżistenti, sabiex

l-implimentazzjoni ssir aktar faċli u b'inqas xkiel, u

jitneħħew l-ostakli għal implimentazzjoni mmirata tal-miżuri ta' riforma diġà deċiżi.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-katina kollha tal-valur miżjud għandha titqies, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni.

6.4

Fil-fehma tal-KESE, il-prijoritajiet ta' din l-evalwazzjoni għandhom ikunu analiżi profonda tar-regoli amministrattivi għas-sussidji ta' l-irziezet u l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità. Mill-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni sa issa, jidher li dawn is-semplifikazzjonijiet ser jiġu kkonkretizzati. Madankollu, jekk nixtiequ li l-kundizzjonalità ma tibqax kwistjoni li dwarha jinqalgħu argumenti bla waqfien, huwa importanti li l-bdiewa jiggarantixxu l-appoġġ tagħhom għaliha.

6.5

Il-bdiewa l-ħin kollu jesprimu t-tħassib tagħhom dwar jekk l-evalwazzjoni ta' saħħet il-PAK għandhiex tinkorpora attentativi ta' riformi sostanzjali, per eżempju lis-sistema ta' pagamenti diretti diżakkoppjati jew arranġamenti dwar l-organizzazzjoni tas-suq li diġà kienu riformati. Jeħtieġ li l-KESE tissuġġerixxi li dat-tħassib jittajjar permezz ta' stqarrijiet preċiżi mill-Kummissjoni.

6.6

Meta seħħet ir-riforma tal-PAK fl-2004, il-bdiewa kienu rassigurati li setgħu jaċċertaw ruħhom mill-fatt li l-kundizzjonijiet il-ġodda bħala riżultat tar-riforma kellhom jibqgħu fis-seħħ sa l-2013. Fil-prinċipju, dan għandu japplika għall-miżuri ta' riforma kollha.

6.7

Madankollu, il-KESE jifhem l-interess li għandha l-Kummissjoni li tadotta mingħajr dewmien pożizzjoni komprensiva dwar il-miżuri li huma meħtieġa għall-ġejjieni tal-PAK wara l-2013. Per eżempju, dan japplika kemm għall-iskadenza tas-sistema ta' kwoti għall-ħalib fil-31 ta' Marzu 2015 kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tneħħija tas-sussidji fuq l-esportazzjoni. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit b'manjiera kredibbli, qabel ma jibdew id-diskussjonijiet dwar il-Perspettivi Finanzjarji li jmiss, għaliex ser ikun għad ikollna bżonn ta' PAK li tkun imħaddma u ffinanzjata tajjeb, fl-interess ta' l-UE kollha, saħansitra wara l-2013.

6.8

Il-KESE jixtieq ukoll jiġbed l-attenzjoni fuq l-aspettativi ta' l-Istati Membri l-ġodda li l-istrumenti tal-PAK ser japplikaw hawnhekk b'mod sħiħ wara l-2013. L-evalwazzjoni tipprovdi opportunità sabiex jiġi analizzat jekk hemmx bżonn li jsir aktar dwar dan.

7.   Kummenti dwar il-ġejjieni tal-PAK

7.1

Il-PAK hija msejsa fuq l-objettivi mniżżla fl-Artikolu 33 tat-Trattat KE: li tassigura livell ġust ta' għajxien għall-popolazzjoni agrikola, li tagħmel is-swieq stabbli, li tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti, li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur, u li tkabbar il-produzzjoni agrikola.

7.1.1

Dispożizzjonijiet tat-trattat sussegwenti dwar il-ħarsien ambjentali, il-ħarsien tal-konsumatur u l-koeżjoni kellhom rwol ewlieni wkoll x'jaqdu fit-tiswir tal-PAK.

7.1.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-għanijiet tal-PAK kif stabbiliti fit-Trattat KE għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi ġodda tal-lum. Huwa ta' importanza kruċjali li l-għanijiet tal-PAK ikunu kompatibbli mar-rwol multifunzjonali ta' l-agrikoltura Ewropea, filwaqt li fl-istess ħin jġu ssodisfati l-isfidi l-ġodda.

7.1.3

Sa issa, il-PAK qdiet rwol essenzjali u deċiżiv sabiex il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea rnexxa. Li nagħżlu direzzjoni li lejn twassal għar-rinazzjonalizzazzjoni ta' elementi ewlenin tal-PAK ma tgħinx sabiex tinstab tweġiba għall-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea. Iż-żieda tal-globalizzazzjoni u l-konsegwenzi potenzjali tat-tibdil fil-klima jesiġu azzjoni konġunta aktar sfiqa.

7.1.4

Il-kunflitt kostanti bejn l-objettivi li qiegħda tesperjenza l-agrikoltura Ewropea (ara l-opinjoni tal-KESE dwar Il-ġejjieni tal-PAK  (11) ser ikompli jiggrava: minn naħa, jeħtieġ li l-produzzjoni tilħaq standards għoljin, u min-naħa l-oħra, l-irziezet huma mistennija li jkunu kompetitiivi fuq livell internazzjonali.

7.1.5

Żieda fil-liberalizzazzjoni tas-swieq agrikoli (WTO, ftehim bilaterali) tfisser kompetizzjoni aktar ħarxa. Iż-żieda fil-kundizzjonijiet klimatiċi estremi tesponi lill-produzzjoni agrikola għal aktar inċertezza. Madankollu, is-soċjetà xorta waħda tistenna li tgawdi minn provvisti ta' ikel siguri u ta' kwalità għolja, filwaqt li ssejjaħ għal ġestjoni bir-reqqa tar-riżorsi naturali, attitudni ta' kompassjoni lejn l-annimali u l-ħarsien tal-pajsaġġi s-sbieħ. Li dawn l-esiġenzi jiġu ssodisfati hija sfida kostanti għall-PAK, għaliex dawn huma indirizzati biss parzjalment mis-suq, u lanqas dan ġieli ma jsir.

7.2   Il-mudell agrikolu Ewropew — impenn u realtà

7.2.1

Il-mudell agrikolu Ewropew jagħmel parti mill-approċċ indipendenti ta' l-Ewropa għall-politika soċjali u ekonomika. Anke jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi qegħdin jinbidlu, il-bdiewa għandhom ikunu f'pożizzjoni li jissodisfaw il-kompiti multifunzjonali li s-soċjetà tistenna minnhom b'mod sostenibbli.

7.2.2

Fl-opinjoni tiegħu dwar Politika sabiex tikkonsolida l-mudell agrikolu Ewropew  (12), il-KESE enfasizza li ma kienx hemm kontradizzjoni bejn il-ħarsien tal-mudell agrikolu Ewropew u l-ħtieġa li l-agrikoltura Ewropea tkun adattata għal kundizzjonijiet ekonomiċi li qegħdin jinbidlu. Enfasizza wkoll li l-UE għandha bżonn li jkollha aktar lok għal manuvri fir-rigward tal-politika agrikola, saħansitra wara n-negozjati kummerċjali tad-WTO.

7.2.3

L-impenn għall-mudell agrikolu Ewropew ser jibqa' fis-seħħ. Id-Dikjarazzjoni ta' Intenzjoni unanima magħmula mill-ministri ta' l-agrikoltura fil-Lussemburgu fl-1997 hija partikularment impressjonanti. Skond din, l-agrikoltura Ewropea għandha tkun:

sostenibbli u kompetittiva;

kapaċi li tissalvagwardja l-kampanja u tippreżerva n-natura;

kapaċi li tagħmel kontribuzzjoni siewja lill-vitalità tal-ħajja rurali;

kapaċi li tagħti tweġiba lit-tħassib tal-konsumaturi u l-mistoqsijiet tagħhom dwar il-kwalità u s-sikurezza ta' l-ikel, il-ħarsien ambjentali u l-benessri ta' l-annimali.

Huwa importanti wkoll li nirreferu għall-Kunsill Ewropew ta' Lussemburgu li nżamm fl-istess sena, li stqarr li “l-agrikoltura Ewropea, bħala settur ekonomiku, għandha tkun versatili, sostenibbli, kompetittiva u mifruxa fuq it-territorju Ewropew kollu, inklużi reġjuni bi problemi speċifiċi”.

7.2.4

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb dwar id-diskrepanza li teżisti — u li qiegħda dejjem tikber — bejn minn naħa, l-impenji favur il-mudell agrikolu Ewropew jew il-multifunzjonalità ta' l-agrikoltura Ewropea u, min-naħa l-oħra, ir-realtà li ta' kuljum tiffaċċja l-biedja Ewropea.

7.2.5

It-tkabbir ta' l-2004 u l-2007 kompla ddiversifika l-firxa ta' l-istrutturi tal-biedja u l-kundizzjonijiet ta' produzzjoni. Id-diversifikazzjoni fl-agrikoltura żdidiet, iżda l-omoġenjità naqset. Fil-fehma tal-KESE, dan m'huwiex ta' theddida għall-mudell agrikolu Ewropew bħala l-bażi meħtieġa għall-ħarsien tan-natura multifunzjonali ta' l-agrikoltura Ewropea.

7.2.6

Fil-fehma tal-KESE, il-prospetti futuri tal-mudell agrikolu Ewropew ikunu tajbin biss jekk jinssab bilanċ bejn il-preokkupazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Kif irrimarkat diġà l-opinjoni tal-KESE dwar Il-ġejjieni tal-PAK, ma nistgħux nippretendu settur agrikolu li:

jista' jipproduċi (safejn possibbli mingħajr għajnuna finanzjarja) bil-kundizzjonijiet tas-swieq dinjija (li ta' spiss ikollhom distorzjonijiet);

fl-istess ħin jissodisfa l-esiġenzi kollha f'termini ta' produzzjoni (kwalità, sigurtà, ħarsien tar-riżorsi naturali, il-benessri ta' l-annimali, eċċ.), filwaqt li jiġu ġestiti l-ispejjeż Ewropej;

u li jassigura wkoll suq tax-xogħol modern u attraenti li jħares lill-impjegati u huwa kkaretterizzat minn standards għoljin ta' impjieg, sigurtà u taħriġ bażiku u ulterjuri.

7.2.7

Għall-KESE, huwa ċar li l-miżuri wiesgħa ta' liberalizzazzjoni bħala riżultat tal-ftehim kummerċjali tad-WTO u ftehim bilaterali taw spinta lill-pressjoni kompetittiva. Regoli u standards stretti li huma applikati mill-UE fil-produzzjoni agrikola u l-industrija ta' l-ipproċessar normalment iwasslu għal spejjeż li l-kompetitturi mill-pajjiżi terzi huma eżenti minnhom, indipendentement mill-vantaġġi finanzjarji li jgawdu. Dawn iċ-ċirkustanzi imorru kontra r-rwol multifunzjonali ta' l-agrikultura Ewropea u huma kwistjonijiet ta' rilevanza kruċjali meta tkun qiegħda titfassal id-direzzjoni ġejjiena tal-PAK jew meta jkun qiegħed jiġi deċiż liema strumenti għandu jkollha.

7.3   L-istrumenti ewlenija tal-PAK ser ikunu meħtieġa anke fil-ġejjieni

7.3.1

L-objettivi mniżżla fl-Artikolu 33 tat-Trattat KE jimponu obbligu ta' azzjoni. Kif urew dawn l-aħħar snin, huma mistennija li l-kundizzjonijiet ta' temp isiru aktar estremi fid-dinja kollha. Dan l-iżvilupp jinfluwenza bis-sħiħ il-produzzjoni agrikola u probabbli jwassal għal instabilità fis-swieq. Għalhekk huwa importanti aktar minn qatt qabel li jiġi kkunsidrat liema strumenti għandhom jinżammu u/jew jiġu żviluppati aktar.

7.3.2

Il-KESE jenfasizza li r-riformi tal-PAK ta' l-2004 ma kellhomx l-intenzjoni li jabbandunaw elementi prinċipali fil-PAK fil-ftit snin li ġejjin. Huwa improbabbli li l-kompetizzjoni fis-settur agrikolu Ewropew jew l-aspettativi tas-soċjetà fir-rigward ta' l-agrikoltura ser jinbidlu fil-ħames snin li ġejjin b'tali mod li s-sisien u l-istrumenti tal-PAK ma jibqgħux validi. Għall-kuntrarju, il-PAK ser tiffaċċja sfidi ġodda.

7.3.3

Dan huwa partikularment minnu fir-rigward tal-politika għall-zvilupp rurali (it-tieni pilastru). Il-KESE kemm-il darba sejjaħ sabiex din il-politika tirċievi fondi adegwati. Madankollu, il-miżuri tat-tieni pilastru ma jistgħux jieħdu post il-miżuri ta' l-ewwel pilastru dwar l-istabilizzazzjoni tas-suq u l-pagamenti diretti. Dawn li ssemmew l-aħħar ser jibqa' jkollhom rwol importanti fil-PAK, saħansitra wara l-2013. Bl-istess mod il-KESE huwa kontra li l-fondi għall-iżvilupp rurali (it-tieni pilastru) jintużaw għall-miżuri ta' ġestjoni ta' riskji u kriżijiet (ara COM(2005) 74 finali).

7.3.4

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li, sabiex il-ħidma Komunmitarja tagħti riżultati tajbin, il-PAK għandu jkollha l-fondi neċessarji. Għalhekk huwa importanti, bi tħejjija għad-dibattiti li ser jinżammu fl-2009 dwar il-baġit ġejjieni ta' l-UE, li jkun żgurat li l-pubbliku ġenerali jifhem l-esiġenzi ġejjiena li ser ikollha tissodisfa Politika Agrikola Komuni effikaċi.

7.3.5

Il-KESE ta' spiss sejjaħ għal PAK li taħdem tajjeb. L-appelli sabiex il-PAK tiġi abolixxita ser jibqgħu l-fehmiet ta' partijiet iżolati biss. Madankollu, huwa neċessarju wkoll li jkunu opposti tendenzi favur ir-rinazzjonalizzazzjoni ta' elementi ewlenin tal-PAK, li huma, bix-xieraq, meqjusa bħala responsabilitajiet Komunitarji biss.

7.4   L-organizzazzjonijiet komuni tas-suq

7.4.1

L-esperjenza tixhed li s-swieq agrikoli huma partikularment suġġetti għal varjazzjonijiet fil-prezz. Varjazzjonijiet kbar fil-prezz ta' spiss iwasslu sinjali żbaljati, li jwasslu għal telf sinifikanti li lanqas huwa fl-interess tal-konsumaturi fuq perijodu fit-tul.

7.4.2

Il-KESE jħoss li l-argumenti favur l-istabilizzazzjoni tas-swieq agrikoli li tressqu minn ekonomisti agrikoli rinomati fl-istudju ta' l-1997 kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea (Towards a common agricultural and rural policy for Europe) (Lejn politika agrikola u rurali komuni għall-Ewropa) (13) ser ikunu rilevanti aktar minn qatt qabel fil-ġejjieni:

livell għoli ta' riskju marbut mad-dipendenza ta' l-agrikoltura fuq it-temp;

il-firxa wiesgħa ta' bosta negozji żgħar, li għandhom proporzjon għoli ta' assi immobbli u art, li huma limitati fil-manuvri tagħhom;

dipendenza pjuttost riġida fuq proċessi ta' żvilupp u ta' tkabbir li huma kkundizzjonati mill-istaġuni u l-bijoloġija;

l-obbligu li l-prodotti kkonsmati kuljum jiġu forniti b'mod regolari.

7.4.3

Dawn ir-raġunijiet għal mizuri dwar stabilizzazzjoni tas-suq għadhom validi minkejja l-iżviluppi li saru fis-swieq agrikoli internazzjonali minn dak iż-żmien 'l hawn. Għall-kuntrarju, għandna nilqgħu sfidi ġodda. Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li fil-ġejjieni għandhom jiġu meqjusa bir-reqqa l-passi kollha li jittieħdu lejn il-liberalizzazzjoni jew it-tneħħija ta' strumenti eżistenti għall-istabilizzazzjoni tas-swieq u għandha ssir analiżi dettaljata tal-konsegwenzi potenzjali.

7.4.4

Ir-riformi agrikoli ta' l-1999 u l-2003 rrappreżentaw passi importanti lejn il-liberalizzazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq: il-prezzijiet istituzzjonali tnaqqsu (eż, prezzijiet ta' intervent u prezzijiet indikattivi), ir-regoli ta' intervent tneħħew, is-soprataxxi tal-magażinaġġ tnaqqsu u l-pagamenti diretti marbutin mal-produzzjoni kienu diżakkoppjati. Il-proċess ta' riforma tkompla fl-2004 fir-rigward tat-tabakk, taż-żebbuġ, tal-qoton u l-ħops, u fl-2005 fir-rigward taz-zokkor, u fl-2007 fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex. Bħalissa qegħdin jiġu diskussi l-arranġamenti għall-organizzazzjoni tas-suq ta' l-inbid.

7.4.5

Jekk id-Doha Round tad-WTO jiġi konkluż, ser tinħoloq sitwazzjoni ġdida għas-swieq agrikoli ta' l-UE. Dan għandu japplika anke jekk il-ftehim kien imsejjes fuq il-konċessjonijiet li diġà saru, per eżempju l-abolizzjoni tas-sussidji fuq l-esportazzjoni sa l-2013, u tnaqqis ta' bejn 35 % u 60 % għat-tariffi li fadal. Skond il-kalkolu tal-Kummissjoni, dawn il-konċessjonijiet għandhom jiswew madwar EUR 20 biljun għall-agrikoltura Ewropea.

7.4.6

Il-KESE jemmen li fil-futur, l-impenn għall-multifunzjonalità u l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 33 tat-Trattat KE ser ikomplu jesiġu miżuri li jistgħu:

jikkumbattu r-riskji ta' żieda fl-instabbilità fis-swieq agrikoli;

jiggarantixxu li t-tfassil ta' standards għoljin ta' produzzjoni ma jispiċċawx ma jfissru xejn billi tiġi permessa importazzjoni li ma tkunx konformi tar-rekwiżiti ta' l-UE;

u jgħinu jiżguraw li firxa wiesgħa ta' prodotti ta' l-ikel ikomplu jkunu disponibbli fil-ġejjieni.

7.4.7

Il-KESE jista' jirrimarka li għal ħafna snin, is-swieq ta' l-UE kienu fost l-iktar swieq miftuħa fid-dinja. L-UE hija wkoll l-iktar suq miftuħ għall-importazzjoni minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk li qegħdin jikbru fil-prominenza. Dawn il-pajjiżi jesportaw iktar prodotti agrikoli fl-UE b'tariffi baxxi jew mingħajr l-ebda tariffi milli fl-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja u n-New Zealand flimkien. Hemm il-bżonn ta' diskussjoni dwar l-importazzjoni agrikola u ta' ikel prodott u proċessat f'kundizzjonijiet li m'humiex aċċettabbli fis-soċjetà Ewropea.

7.4.8

Fl-opinjoni tal-KESE, jekk żviluppi fis-suq jirrikjedu hekk, għandhom jibqgħu disponibbli fil-ġejjieni l-preferenza tal-Komunità u strumenti effettivi għal miżuri ta' appoġġ għas-suq, per eżempju sistema ta' ħżin. Il-magażinaġġ jgħin ukoll fil-preparazzjoni għal kriżijiet. Għad ma nstabux alternattivi konvinċenti li jippermettu lill-bdiewa jipproteġu lilhom infushom kontra s-swieq agrikoli instabbli ħafna. Il-KESE jsejjaħ sabiex jiġu diskussi mudelli possibbli, ibbażati fuq esperjenzi f'ċerti pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Kanada, u mfassla skond iċ-ċirkustanzi partikulari ta' l-Ewropa Għandna niżguraw li l-UE tkompli tipproduċi ikel ta' kwalità għolja u sigur għaċ-ċittadini tagħha, u dan ser ikun possibbli biss jekk il-bdiewa jirċievu dħul li jippermettilhom u jħeġġiġhom jibqgħu fil-qasam ta' l-agrikoltura.

7.4.9

L-UE għadha ma rnexxiliex tinkludi negozjati dwar “kwistjonijiet mhux marbuta mal-kummerċ” (standards ambjentali u soċjali, il-benessri ta' l-annimali) fid-Doha Round tad-WTO. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni teżerċita iktar pressjoni sabiex dan isir fit-taħditiet attwali tad-WTO. Pagamenti diretti biss mhux ser ikunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu standards għoljin ta' produzzjoni fit-tul. Sakemm jibqgħu jeżistu differenzi kbar fil-kundizzjonijiet ta' produzzjoni u fl-istandards fil-kompetizzjoni internazzjonali, ser ikun indispensabbli ammont adegwat ta' protezzjoni esterna. Protezzjoni bħal din ma għandhiex tiddgħajjef minn politiki fuq medda qasira ta' żmien; per eżempju, hemm il-periklu li dan isir bl-offerta aħħarija ta' l-UE lill-pajjiżi AKP (l-ebda tariffi fuq l-importazzjoni). Fil-futur l-UE għandha tagħmel iktar konċessjonijiet fuq il-kummerċ fi prodotti agrikoli — b'mod partikulari taħt ftehimiet bilaterali — li jkunu kkundizzjonati fuq dawk il-prodotti li huma konformi ma' l-istandards minimi.

7.4.10

L-użu reċenti restrittiv ta' l-istrument tas-suq magħruf bħala s-“sussidju fuq l-esportazzjoni” juri biċ-ċar għal xiex jistgħu jwasslu proposti sabiex jitneħħew dawn is-sussidji fil-każ ta' sitwazzjonijiet kritiċi futuri fis-suq. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tagħmel analiżi komprensiva tar-riperkussjonijiet potenzjali fuq is-sistema agrikola ta' l-UE jekk jitneħħew is-sussidji fuq l-esportazzjoni.

7.4.11

Għarfien akbar ta' l-istandards rigorużi f'kull stadju tal-proċess ta' produzzjoni ta' l-ikel għandu jgħin sabiex iżid id-dħul mill-bejgħ. Fil-ġejjieni, dan il-fattur ser isir dejjem iktar importanti għall-agrikoltura Ewropea. Il-KESE huwa favur li jsir użu effettiv tal-fondi ta' l-UE sabiex isir appoġġ għal kampanji ta' tagħrif u ta' promozzjoni. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni tadotta pożizzjoni b'saħħitha fit-taħditiet tad-WTO dwar protezzjoni adegwata ta' l-indikazzjonijet ġeografiċi fit-tikkettar tal-prodotti.

7.4.12

Fl-opinjoni tiegħu dwar Il-ġejjieni tal-PAK, il-KESE iddiskuta fid-dettall dwar il-kontroll tal-provvista. Huwa nnota li miżuri li jirregolaw il-kwantità jista' jkollhom rwol importanti. Madankollu, ma hemmx dubju li l-kwoti fuq il-ħalib iddgħajfu iktar u iktar f'dawn l-aħħar snin.

7.4.13

Fl-2002, studju tal-Kummissjoni (14) stqarr li l-eliminazzjoni tal-kwoti tal-ħalib fl-UE-15 tista' twassal għal tnaqqis ta' aktar minn EUR 7 biljun fid-dħul tal-bdiewa. L-ammont tal-ħalib ser jiżdied b'12 % u l-prezzijiet jonqsu b'35 %. Dan iwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-produzzjoni industrijali u reġjonali tal-ħalib. Qabel ma jiġu ċċarati l-mezzi ta' kif ser jiġu kkumpensati dawn il-bidliet, m'għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet finali dwar il-kwoti tal-produzzjoni tal-ħalib.

7.4.14

Skond id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-Agrikoltura ta' l-UE dwar ir-riforma tal-PAK, il-kwoti fuq il-ħalib ser jiskadu fl-2015. Il-Kummissjoni hija kontra li l-UE tmur lura fuq din id-deċiżjoni; barra minn hekk m'hemmx il-possibilità li jkun hemm maġġoranza kwalifikata favur l-estensjoni tal-Kunsill ta' l-Agrikoltura. Meta wieħed jikkunsidra l-importanza tal-produzzjoni tal-ħalib, inkluż iż-żamma ta' attività agrikola f'ħafna żoni żvantaġġati, tenħtieġ stampa ċara ta' l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi inevitabbli fil-każ li tintemm is-sistema tal-kwoti. Għaldaqstant il-KESE jħoss li hemm ħtieġa urġenti li jitfassal programm għal dawk ir-reġjuni li jintlaqtu b'mod qawwi jekk tintemm is-sistema tal-kwoti, sabiex tkun żgurata produzzjoni kontinwa fil-każ tagħhom.

7.4.15

B'mod ġenerali, mingħajr produzzjoni agrikola jew trobbija ta' l-annimali, ħafna reġjuni bi żvantaġġi naturali jiffaċċjaw ir-riskju li jitilfu l-vijabilità ekonomika tagħhom. Għaldaqstant il-KESE jemmen li għandu jsir studju approfondit — imqassam skond ir-reġjuni u s-setturi — dwar il-ġejjieni ta' l-agrikoltura wara l-2013, sabiex l-isfidi u l-bidliet li s-settur ser ikollu jiffaċċja jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'ċertu grad ta' ċertezza.

7.5   Pagamenti diretti lill-bdiewa

7.5.1

Minn żmien ir-riforma tal-PAK fl-1992, il-pagamenti diretti saru strumenti ċentrali u indispensabbli ta' din il-politika, mhux l-inqas peress li d-dħul mis-suq biss ħafna drabi m'huwiex biżżejjed sabiex ikun żgurat livell ta' għajxien aċċettabbli u t-tkomplija ta' l-attivitajiet agrikoli. Permezz ta' dan, qiegħed jittieħed kont tal-fatt li l-bdiewa:

m'għadhomx jistgħu jkopru l-ispejjeż għall-bejgħ ta' ħafna prodotti minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet;

billi jikkultivaw l-art agrikola f'konformità mar-rekwiżiti stretti ta' produzzjoni, ta' sikwit jaħdmu b'ħafna aktar spejjeż milli għal produzzjoni ekwivalenti barra mill-UE u jipprovdu servizzi fl-interess pubbliku, f'konformità ma' l-aspettattivi tas-soċjetà;

jirċievu kumpens għal żvantaġġi naturali f'reġjuni żvantaġġati.

7.5.2

Il-KESE jikkunsidra indispensabbli għall-ġejjieni approċċ orjentat lejn il-funzjoni għal pagamenti diretti u protezzjoni fit-tul għal dawn l-istrumenti tal-PAK. Sabiex tkun żgurata aċċettazzjoni ġenerali, kull tip ta' pagament dirett għandu jkun iġġustifikat adegwatament.

7.5.3

Għalhekk il-KESE jixtieq li ssir distinzjoni ċara bejn it-tipi varji ta' pagamenti diretti. Il-pagamenti diretti introdotti fl-1992 bħala riżultat tat-tnaqqis fil-prezzijiet fil-futur għandhom iservu l-funzjoni ta' pagament għal servizzi li m'humiex koperti mill-prezzijiet tas-suq. Għandhom funzjoni differenti minn dawk imħallsa taħt programmi ambjentali speċifiċi, li fil-futur għandhom ikomplu jippremjaw servizzi ambjentali speċjali permezz tat-tieni pilastru, jew minn dawk li huma mmirati sabiex jikkumpensaw għal żvantaġġi naturali (konċessjonijiet ta' kumpens).

7.5.4

Dawn il-pagamenti diretti, li fil-biċċa l-kbira ġew diżakkoppjati mir-riforma ta' l-2003 tal-PAK 'il hawn, attwalment qegħdin jaqdu rwol ewlieni fl-iżgurar tal-multifunzjonalità ta' l-agrikoltura Ewropea, u l-KESE jagħraf li l-importanza li għandu dan ir-rwol għandha tiżdied fil-futur. Il-konformità mar-rekwiżiti stretti ta' produzzjoni, per eżempju minħabba konsiderazzjonijiet ambjentali, dwar il-benessri ta' l-annimali jew is-sikurezza ta' l-ikel, tirriżulta fi spejjeż li ħafna kompetituri minn pajjiżi terzi huma eżentati minnhom. Is-soċjetà tistenna li dawn l-istandards jintlaħqu; madankollu, skond il-kundizzjonijiet attwali tal-kompetizzjoni, dawn id-dmirijiet huma ppremjati mis-suq b'mod mhux xieraq. Fil-fehma tal-KESE, l-għoti ta' kumpens permezz ta' pagamenti diretti adegwati, bħalissa fl-għamla ta' pagament uniku lill-bdiewa, għandu jibqa' kompitu ċar ta' l-ewwel pilastru.

7.5.5

Sussidji preċedenti marbutin mal-produzzjoni diġà ġew diżakkoppjati sa 85 %, fil-forma ta' “pagament uniku lill-bdiewa”, bil-kundizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti ta' kundizzjonalità. Il-KESE huwa kuntent li l-Kummissjoni ppreżentat proposti sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li tfaċċaw fil-prattika.

7.5.6

Għall-ġejjieni, huwa importanti ħafna li ma jkunx hemm dubji dwar l-idea bażika ta' dawn il-pagamenti u lanqas dwar l-ammont tagħhom.Huwa importanti li s-soċjetà tkun tista' tiġi pprovduta b'ġustifikazzjoni tajba u adegwata fir-rigward ta' dawn il-pagamenti. B'hekk biss jista' jinżamm il-livell attwali ta' finanzjament agrikolu ankè wara l-2013.

7.6   Il-politika ta' l-iżvilupp rurali

7.6.1

90 % ta' l-art ta ' l-UE hija kampanja, u ħafna minn din l-art tintuża għall-agrikoltura u l-forestrija. Skond il-Eurostat, il-katina ta' produzzjoni ta' l-ikel tgħodd għal 15 % biss tal-valur miżjud fl-UE, iżda hija t-tielet l-ikbar sors ta' impjieg.

7.6.2

Fin-newsletter tal-Kummissjoni “Inħaddmu l-Iżvilupp Rurali għal Impjiegi u Tkabbir” (Marzu 2006) jingħad li mingħajr il-PAK, ħafna żoni rurali fl-Ewropa jiffaċċjaw problemi kbar ekonomiċi, soċjali u ambjentali. In-newsletter enfasizzat li miżuri ta' żvilupp rurali, b'mod partikulari, jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fit-trawwim u fiż-żamma tal-prosperità fiż-żoni rurali. Il-KESE jixtieq jirriferi għall-opinjoni tiegħu dwar “Żvilupp Rurali/EAFRD” (15) li fost affarijiet oħra tagħmel dan il-punt li ġej: “sabiex tkun żgurata s-sostenibilità ekonomika u soċjali ta' dawn iż-żoni, jenħtieġ li jittieħed kont tal-kontribut miż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni għaż-żamma u l-ħolqien ta' l-impjieg fir-reġjuni kollha ta' l-UE, b'mod partikulari permezz ta' l-iżvilupp ta' attività kompetittiva agrikola u mhux agrikola, imsejsa fuq l-innovazzjoni” (Nota tat-traduttur: Dan it-test ma jeżistix bil-Malti fil-Ġurnal Uffiċjali).

7.6.3

Il-KESE jqis allarmanti r-riżultati ta' l-“Istudju dwar l-Impjieg fiż-Żoni Rurali” li sar fuq talba tal-Kummissjoni (Mejju 2006). L-istudju jassumi li n-numru ta' nies li jaħdmu fl-agrikoltura ser jonqos matul il-perijodu 2000-2014 b'madwar 4-5 miljun ruħ fl-UE-15, u bi 3-6 miljun ruħ fl-Istati Membri l-ġodda (inklużi r-Rumanija u l-Bulgarija).

7.6.4

Il-KESE jixtieq jenfasizza li t-tfassil ta' politika komprensiva dwar l-iżvilupp rurali jirrikjedi approċċ transsettorjali. Meta wieħed jikkunsidra l-ipprogrammar ibbażat fuq tema, il-promozzjoni taħt it-tieni pilastru ta' l-iżvilupp rurali għandha r-rwol tagħha u għalhekk ma tistax isservi ta' sostitut għal strumenti oħrajn fl-iżvilupp u t-tisħiħ ta' żoni rurali. L-istrateġija ta' impjieg ta' l-UE hija indiviżibbli u għandha tinkludi ż-żamma ta' l-impjieg u l-ħolqien ta' l-impjieg fl-agrikoltura u fil-forestrija.

7.6.5

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal studju ġdid mill-fondazzjoni ambjentali Euronatur bl-isem ta' Xogħol u qligħ mill-agrikoltura. Bl-eżempju tar-reġjun ta' Hohenlohe, teżisti evidenza li minkejja s-swieq agrikoli internazzjonalizzati, iż-żieda fil-kompetizzjoni u l-ipproċessar ikkonċentrat, huwa possibbli mhux biss li l-impjiegi jinżammu fl-agrikoltura, iżda wkoll li jinħolqu impjiegi ġodda bis-saħħa tad-diversifikazzjoni fil-produzzjoni u fil-promozzjoni. L-użu mmirat tas-sussidji jista' jkollu impatt ekonomiku u strutturali sinifikanti fuq l-impjieg fiż-żoni rurali.

7.6.6

Il-politika ta' l-iżvilupp rurali ta' l-UE hija marbuta b'mod dirett mal-PAK u tista' titqies bħala strument għall-appoġġ ta' l-agrikoltura u l-forestrija. Il-KESE jħoss li s-sostenibilità ta' dan l-approċċ u l-implimentazzjoni konsistenti taż-żewġ pilastri tal-PAK huma objettivi importanti. It-tisħiħ tal-kompetittività, l-għarfien tas-suċċessi ambjentali ta' l-agrikoltura u l-forestrija, u li jinħoloq pont lejn strutturi rurali mtejba huma elementi strateġiċi indispensabbli li jikkumplimentaw l-istrumenti tal-PAK ta' l-ewwel pilastru.

7.6.7

F'termini formali, l-iffinanzjar ta' l-iżvilupp rurali huwa distint mill-ewwel pilastru fis-sens li għandu l-fond tiegħu stess, fatt li jenfasizza l-importanza ta' din il-politika. Dan il-fond iġġedded bħala parti mir-riforma. Ir-riżultati tan-negozjati dwar il-prospettiva finanzjarja 2007-2013 wasslu għal finanzjament mhux adegwat tat-tieni pilastru, xi ħaġa li l-KESE ikkritika f'bosta opinjonijiet. Fil-fehma tal-KESE, il-funzjonijiet diversi tal-PAK għandhom jinżammu. Kwalunkwe miżura ġdida ta' modulazzjoni tal-pagamenti diretti għandha tissodisfa din il-ħtieġa. Jekk fil-ġejjieni dawn ir-riżorsi jiġu trasferiti mill-ewwel għat-tieni pilastru, dan m'għandux iseħħ ħlief bil-kundizzjoni li dawn jintużaw sabiex jiffinanzjaw miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-multifunzjonalità ta' l-agrikoltura. Dan għandu jagħmel kontribuzzjoni siewja lill-impjieg fiż-żoni rurali.

7.6.8

Il-KESE jappoġġja żieda sostanzjali wara l-2013 fl-iffinanzjar għal miżuri taħt it-tieni pilastru. Barraminhekk, huwa favur li jsir użu mmirat issa stess tal-flus imfaddla mis-sussidji fuq l-esportazzjoni u minn miżuri oħrajn ta' appoġġ għas-suq ġenerati mill-qagħda tas-suq għal proġetti ta' appoġġ għal żoni rurali.

7.6.9

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tikkjarifika d-distinzjoni eżatta bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Il-KESE huwa preokkupat li t-tieni pilastru qiegħed dejjem jiġi kkunsidrat bħala sors ta' fondi għal kull tip ta' investiment.

7.6.10

Il-KESE jilqa' bi pjaċir kbir il-fatt li l-Assi 3 tar-Regolament ta' l-EAFRD jista' jintuża wkoll għall-finanzjament ta' miżuri li ma jinsabux fis-settur ta' l-agrikoltura u l-foresterija iżda jħoss li dawn għandu jkollhom relazzjoni identifikabbli u mhux teoretika biss mal-produzzjoni primarja. Il-KESE ma jaqbilx mal-finanzjament ta' per eżempju l-installazzjoni ta' cables għas-servizzi broadband jew tal-Proġett GALILEO. Dawn jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fondi għall-iżvilupp reġjonali konvenzjonali.

7.6.11

Il-KESE iħoss li meta jiġu implimentati miżuri għall-iżvilupp rurali għandu jittieħed kont ta' dan li ġej: meta wieħed jikkunsidra r-rekwiżiti differenti ta' kull Stat Membru, għandu jkun hemm ċertu ammont ta' flessibilità, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Il-kofinanzjament nazzjonali ta' programmi li huwa relatat ma' dan huwa element essenzjali tal-ko-responsabilità għall-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri individwali.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitri DIMITRIADIS


(1)  NAT/356.

(2)  Eurobarometer 276, Europeans, Agriculture and the Common Agricultural Policy — 2006 (L-Ewropej, l-Agrikoltura u l-Politika Agrikola Komuni — 2006) disponibbli bl-Ingliż).

(http://ec.europa.eu/agriculture/survey/index_en.htm).

88 % tan-nies intervistati jaħsbu li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur ta' l-Ewropa, 49 % huma favur is-separazzjoni (decoupling), u persentaġġ ogħla (45 %) jħossu li il-proporzjon tal-baġit ta' l-UE li huwa allokat għall-PAK huwa fil-livell it-tajjeb: dawk li jaħsbu li huwa għoli wisq huma biss 16 % u dawk li jaħsbu li m'huwiex għoli biżżejjed jgħoddu għall-15 %. 58 % tan-nies intervistati huma tal-fehma li l-ammont ta' fondi allokat għall-agrikoltura għandu jibqa' l-istess (32 %) jew jiżdied (26 %).

(3)  Diskors magħmul mill-Kummissarju Fischler Boel fis-7 ta' Mejju 2007 fil-Parlament Ewropew (SPEECH/07/2880) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Sors: Kummissjoni Ewropea, pjanijiet tal-baġit.

(5)  Eurostat “l-indiċi tal-prezz tal-produzzjoni”: prodotti tal-pjanti — 9.3 %, prodotti ta' l-annimali — 15.8 %.

(6)  DĠ AGRI, Memo/03/10.

(7)  Reviżjoni ta' Nofs it-Term tal-Politika Agrikola Komuni, COM(2002) 394 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 208, 3.9.2003, p. 64 — NAT/178.

(9)  EEA Report No 9/2006 “Greenhouse gas emission trends and projections in Europe 2006”. (Emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra — tendenzi u proġezzjonijiet, 2006).

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Strateġija ta' l-UE għall-Bijofjuwils, SEC(2006) 142;

Nachhaltige Biomassenutzungsstrategien im europäischen Kontext (Strateġiji għal użi sostenibbli f'kuntest Ewropew) (Institut für Energetik und Umwelt, Leipzig).

Kemm tista' tipproduċi bijoenerġija l-Ewropa mingħajr ma tagħmel ħsara lill-ambjent? (European Environment Agency, EEA Report No 7/2006 — L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent; ir-rapport m'huwiex disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 125, 10.4.2002, pp. 87-99 — NAT/122.

(12)  ĠU C 368, 20.12.1999, pp. 76-86 — NAT/028.

(13)  European Economy No. 5/97.

(14)  SEC(2002) 789, dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni “Report on milk quotas” (mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  ĠU C 234, 22.9.2005, pp. 32-40 — NAT/256.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tibdil fil-klima u l-Istrateġija ta' Lisbona”

(2008/C 44/18)

Nhar il-25 u s-26 ta' April 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar It-tibdil fil-klima u l-Istrateġija ta' Lisbona

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (l-Osservatorju ta' l-Iżvilupp Sostenibbli), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Ehnmark.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u fil-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Bit-tibdil fil-klima għandna appuntament mad-destin. M'huwiex biss theddida għall-benesseri, iżda wkoll għas-sopravivenza tagħna. Huwa verament theddida globali li qiegħda taċċelera hekk kif l-emissjonijiet qegħdin ikomplu jiżdiedu.

1.2

Ix-xjentisti jgħidulna li għandna perijodu ta' bejn 10 u 15-il-sena li matulu rridu nnaqqsu ż-żidiet fl-emissjonijiet. Il-konkluzjoni hija ċara: m'għandniex ħin x'naħlu.

1.3

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jitlob b'urġenza lill-Kummissjoni sabiex jitnedew programmi u miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ambizzjużi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew f'Marzu ta' din is-sena. Iċ-ċittadini qegħdin jistennew sinjali ċari rigward il-prijoritajiet u l-miżuri. L-Ewropa għandha tieħu r-riedni f'idejha għall-implimentazzjoni u mhux biss għall-ippjanar.

1.4

It-tnaqqis fit-tibdil fil-klima jeħtieġ sforz sostnut ħafna f'numru kbir ta' oqsma. Billi t-tibdil fil-klima ser ikollu effetti fuq kważi l-partijiet kollha tas-soċjetà, is-settur pubbliku u dak privat ser ikollhom jassumu r-responsabilità.

1.5

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri trasparenti, ħalli ċ-ċittadini jkunu jistgħu jsegwuhom u jiġu spirati. Il-miżuri għandhom ikunu ppjanati u implimentati permezz ta' approċċ li jibda mill-inqas livell.

1.6

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi sostnuti fil-komunikazzjoni u l-konsultazzjoni maċ-ċittadini u l-komunitajiet lokali.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda b'insistenza sabiex l-Istrateġija ta' Lisbona għall-kompetittività u l-impjiegi tinkludi sforz qawwi kontra t-tibdil fil-klima. L-Istrateġija ta' Lisbona diġà tinkludi impenn għall-iżvilupp sostenibbli. Issa wasal iż-żmien għall-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.8

L-użu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona bħala għodda, u li din issir iktar favur l-ambjent, ifisser li l-UE tista' tagħmel użu minn struttura eżistenti, b'metodoloġija stabbilita sew u b'sistema ta' koordinazzjoni li taħdem sew. L-UE għandha tagħmel l-aħjar użu mill-effiċjenza u tuża sinerġiji eżistenti kulmeta huwa possibbli.

1.9

Il-KESE qiegħed iressaq pjan għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fl-Istrateġija ta' Lisbona. Il-kapaċità ta' l-Istrateġija li tikseb kunsens wiesa' fuq objettivi u miżuri komuni hija parikularment importanti.

1.10

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati għadd ta' linji ta' gwida integrati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u sabiex jiġu integrati fl-Istrateġija ta' Lisbona. L-istess bħal-linji ta' gwida oħra fl-Istrateġija, dawn ser ikunu soġġetti għall-istess analiżi u proċeduri ta' paragun, inkluż il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

1.11

It-tibdil fil-klima jista' jenfasizza d-distorsjonijiet u d-diskrepanzi soċjali attwali, kemm fl-UE kif ukoll f'partijiet oħra tad-dinja. It-tibdil fil-klima jirrappreżenta sfida kbira għall-kapaċità tagħna għas-solidarjetà. L-objettiv għandu jkun li l-adattar u l-mitigazzjoni jkunu ġġestjonati mingħajr ma jwasslu għall-qgħad u għad-distorsjonijiet soċjali. Il-ġlieda m'għandhiex twassal għal numru dejjem jikber ta' ċittadini li jgħixu fil-faqar. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' Strateġija kontinwa ta' Lisbona li tgħaqqad il-kompetittività, il-koeżjoni soċjali, u l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima.

1.12

Il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandu jinbena fuq ir-riżorsi pubbliċi u privati b'mod konġunt. Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu rwol ewlieni x'jaqdi f'dan ir-rigward. Il-baġit ta' l-UE għandu jenfasizza fejn hemm ir-riżorsi identifikati għal miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa strumenti li jwasslu għal Prodott Gross Domestiku (PGD) favur l-ambjent.

1.13

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tista' tiġġenera effetti kompetittivi pożittivi. Is-swieq globali qegħdin ifittxu soluzzjonijiet ġodda għall-iffrankar ta' l-enerġija, per eżempju fil-qasam tat-trasport. L-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp għandhom jittejbu. It-tagħlim tul il-ħajja issa huwa iktar meħtieġ minn qatt qabel.

1.14

Ix-xogħol li għandna quddiemna jista' jitqies bħala test tad-demokrazija parteċipattiva tagħna. Iċ-ċittadini jistennew li jiġu kkonsultati. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ferm importanti x'jaqdu hawnhekk bħala pont bejn iċ-ċittadini u l-gvernijiet. Id-djalogu soċjali, fil-livelli kollha, huwa strument ewlieni. Is-soċjetà ċivili organizzata ser ikollha rwol essenzjali, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-ekonomija soċjali.

1.15

Il-KESE ser jibqa' impenjat sew fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jinsab lest li jagħti kontributi konkreti, kif diġà qiegħed jagħmel fl-Istrateġija ta' Lisbona. Il-Kumitat ser jaħdem fl-ispirtu ta' solidarjetà bejn il-popli u l-ġenerazzjonijiet, kemm dawk ta' l-UE kif ukoll dawk li jinsabu barra l-Unjoni.

1.16

Il-ġlieda li għandna quddiemna ser teħtieġ tmexxija ddedikata u li tirreaġġixxi malajr.

2.   Programm vigoruż mill-UE għat-tibdil fil-klima

2.1

F'Marzu ta' din is-sena, il-Kunsill Ewropew adotta programm vigoruż u ambizzjuż għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Pjan ta' Azzjoni inkluda mira ta' 20 % ta' enerġiji rinnovabbli fit-taħlita ta' l-enerġija ta' l-UE, li tfisser tnaqqis ta' 20 % fil-gassijiet b'effett ta' serra (GES) sa l-2020 (u tnaqqis sa 30 % taħt ċerti kondizzjonijiet), u l-objettiv fuq il-perijodu fit-tul li jitnaqsu l-GES fl-UE b'60-80 % sas-sena 2050. Barraminhekk, l-UE ddeċidiet li żżid l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija fl-UE b'20 % sal-2020. B'dan il-Pjan ta' Azzjoni, l-UE ħadet ir-riedni f'idejha, fuq il-livell dinji, fl-isforzi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

2.2

Il-Kunsill Ewropew kien inqas ċar fir-rigward ta' l-istrumenti għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi. Il-Kummissjoni Ewropea ntalbet tħejji proposti għal deċiżjonijiet futuri. B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar kif għandna nadattaw għat-tibdil fil-klima.

2.3

Is-sens ta' urġenza ġie enfasizzat f'numru ta' stqarrijiet. Per eżempju, il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, iktar kmieni din is-sena stqarr li l-UE għandha tkompli tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għandha tipprovdi inċentiv sabiex oħrajn isegwuha: “It-tmexxija tinbet mill-impenn ta' l-UE sabiex tnaqqas l-emissjonijiet mill-inqas b'20 % sa l-2020; l-inċentiv jinħoloq billi nuru biċ-ċar li ser nagħmlu aktar jekk jissieħbu magħna oħrajn. Wara kollox, il-problema hija ta' tisħin globali mhux ta' tisħin Ewropew”.

2.4

Skond is-Sur Barroso, “Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima jagħmlu parti ċentrali mill-Aġenda ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. L-Istrateġija ta' Lisbona, deċiża fl-2000, stabbilixxiet l-objettiv sabiex l-UE ssir “l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien fid-dinja, kapaċi li jkollha tkabbir ekonomiku sostenibbli b'iktar impjiegi u ta' kwalità aħjar u koeżjoni soċjali akbar”. Il-politika ta' l-enerġija ġiet ddefinita fl-2006 mill-Kunsill Ewropew bħala waħda mill-erba' oqsma prijoritarji ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. In-numru 11 tal-linji ta' gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi, għal dan il-perijodu ta' tliet snin, jirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-potenzjal ta' l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività.

2.5

L-UE għandha ssib bilanċ bejn il-kompetittività, il-koeżjoni u t-theddid (li qiegħed jikber malajr) mit-tibdil fil-klima. L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tesplora fejn jeżistu — jew jistgħu jeżistu — sinerġiji u kunflitti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

2.6

Reċentament, l-ispejjeż involuti sabiex fl-2030 l-emissjonijiet GES jerġgħu lura għal-livelli tal-lum ġew stmati għal madwar USD 200 biljun (1). Skond ir-rapport reċenti mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tibdil fil-klima, it-tqassim ta' l-ispejjeż huwa hekk:

—   L-industrija: USD 38 biljun

—   Il-bini, l-iktar l-iżolazzjoni: USD 50 biljun

—   It-trasportazzjoni: USD 90 biljun

—   L-iskart: USD 1 biljun

—   L-agrikoltura: USD 30 biljun

—   Il-foresterija: USD 20 biljun

—   Ir-riċerka teknoloġika: USD 35-45 biljun.

Iċ-ċifri jindikaw bżonn ta' ġestjoni u koordinazzjoni effettiva. Bħalma osservat ir-Reviżjoni ta' Stern is-sena l-oħra, ma' dan għandha tiżdied l-ispiża għolja ta' meta ma jsir xejn. Fil-fatt, iktar ma ndumu nistennew, iktar ser tiġina għalja l-azzjoni.

2.7

Il-finanzjament ta' dak li fadlilna nwettqu huwa sfida kbira. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tniedi konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati pubbliċi u privati sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet. Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu rwol ewlieni x'jaqdi fil-koordinazzjoni ta' soluzzjonijiet finanzjarji.

2.8

L-Istrateġija ta' Lisbona issa ser tiġi riveduta mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2008 u l-perijodu l-ġdid ta' ppjanar ser iwassal sa l-2011. Ir-reviżjoni hija opportunità sabiex tingħata importanza lis-sinerġiji.

3.   L-isfida essenzjali — nilliberaw is-sinerġiji potenzjali

3.1

L-Istrateġija ta' Lisbona kellha rwol fundamentali fil-promozzjoni ta' l-objettivi komuni fost is-27 Stat Membru. Din hija suċċess fiha nnifisha. It-tibdil fil-klima jintroduċi numru ta' kwistjonijiet ġodda ta' politika fl-aġenda Ewropea. Il-potenzjal għal effetti ta' sinerġija huwa konsiderevoli.

3.2

Sa mill-bidunett, is-soċjetà msejsa fuq l-għarfien kienet meqjusa bħala waħda mis-sisien ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

3.3

Il-politiki ta' innovazzjoni, l-appoġġ għaċ-ċentri ta' innovazzjoni u l-inizjattivi ġodda għall-promozzjoni tat-trasferiment ta' l-għarfien mir-riċerka għall-prodotti jagħmlu parti mill-Istrateġija ta' Lisbona u l-programm ta' l-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fis-suq li qiegħed jikber b'rata mgħaġġla tal-prodotti effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija, l-Ewropa hija minn ta' quddiem f'ħafna oqsma. Madankollu, fis-settur ta' l-industrija tal-manifattura, l-Ewropa tista' tkun vulnerabbli għall-kompetizzjoni minn produtturi barranin, l-iktar fejn jidħlu vetturi żgħar u effiċjenti fl-użu tal-karburant. It-tkabbir tas-settur tas-servizzi, bl-istess rata li biha jiġu introdotti l-miżuri ambizzjużi kontra t-tibdil fil-klima, ser ikun importanti.

3.4

Il-ħarsien tal-klima jagħmel parti wkoll mill-politika ta' l-enerġija u l-Ewropa għandha titkellem b'vuċi waħda fir-rigward tal-politika estera għall-enerġija. Bis-saħħa ta' l-għaqda ta' l-Istati Membri, l-Ewropa għandha poter ta' negozjar li ma jħallix li l-interessi tagħha — il-ħarsien tal-klima, is-sigurtà ta' l-enerġija u l-enerġija affordabbli — jiġu injorati.

3.5

It-tibdil fil-klima jista' jenfasizza d-distorsjonijiet u d-diskrepanzi soċjali tal-lum. Politiki ambizzjużi ta' l-edukazzjoni għandhom jgħinu sabiex jiġu evitati żviluppi bħal dawn.

3.6

Ir-riperkussjonijiet tal-politiki tat-tibdil fil-klima fuq l-impjiegi ser joħorġu bħala waħda mill-kwistjonijiet essenzjali. It-tir għandu jkun li l-adattar u l-mitigazzjoni jiġu ġġestjonati mingħajr ma jinħoloq il-qgħad fuq skala wiesgħa. Is-sitwazzjoni industrijalizzata li qiegħda tinbidel ser toħloq domanda usa' għat-tagħlim tul il-ħajja u ser tnissel bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, fl-impjiegi u fid-dħul finanzjarju.

3.7

Hemm bżonn ta' appoġġ sod minn komunitajiet lokali għal ġlieda b'suċċess kontra t-tibdil fil-klima. Il-proġetti li joħolqu rħula newtrali mill-karbonju qegħdin jattiraw ħafna interess. Hemm bżonn sostanzjali li jiġu skambjati l-esperjenzi. Ser tikber kemm id-domanda għall-bini ta' djar li jikkunsmaw ftit enerġija kif ukoll id-domanda għar-rinnovazzjoni u għall-iżolazzjoni tad-djar.

3.8

L-agrikoltura wkoll għandha rwol x'taqdi kemm fil-qasam tat-tibdil fil-klima kif ukoll fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, mhux biss bħala attività ekonomika milquta mit-tibdiliet fil-klima iżda wkoll bħala settur bil-potenzjal li jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' l-impatt ta' dawk it-tibdiliet. Huwa importanti — illum iktar minn qatt qabel — li r-riċerkaturi agrikoli jitħeġġu sabiex ikomplu bit-tfittxija tagħhom li jsibu mezzi għat-tnaqqis fil-kontribut tal-biedja u jimmodifikaw it-teknika tal-ħamrija filwaqt li fl-istess ħin jinżamm il-livell ottimu tar-rendiment, kif ukoll li jassiguraw id-disponibilità ta' varjetajiet ġodda ta' pjanti li huma iktar adattati għat-tibdiliet fil-klima. L-attenzjoni għandha tiffoka fuq l-aspett globali tal-produzzjoni primarja agrikola li ma tkunx għall-ikel. Għandu jitqies it-taħriġ kontinwu li jkun adattat għas-settur.

3.9

L-użu tal-Fondi Strutturali ser jiġi influwenzat mill-problemi klimatiċi bħad-deżertifikazzjoni u l-livelli tal-baħar li qegħdin jogħlew. Fattur ieħor huwa n-nies li jgħixu f'żoni periferali fejn il-prezzijiet ta' l-enerġija ser joħolqu problemi reali ħafna. Iż-żamma tal-kundizzjonijiet tal-ħajja hija aspett li għalih in-netwerks li nħolqu fl-Istrateġija ta' Lisbona jistgħu jagħtu kontribut validu permezz ta' l-iskambju ta' esperjenzi.

3.10

L-eżempji li ngħataw kollha jindikaw l-iskop u l-urġenza li jintużaw l-opportunitajiet għall-azzjonijiet kkoordinati bejn l-Istrateġija ta' Lisbona u l-Programm Ewropew għat-Tibdil fil-Klima.

4.   Lejn definizzjoni ġdida ta' tkabbir

4.1

Huwa importanti kemm f'termini ekonomiċi iżda wkoll mil-perspettiva tat-tibdil fil-klima li jiġu adottati miżuri fil-qafas ta' l-għan ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għat-“tkabbir sostenibbli”. Il-programm il-ġdid ta' tliet snin ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għalhekk għandu janalizza bir-reqqa d-definizzjoni ta' “tkabbir”. Għandu jkun promoss tkabbir b'bilanċ ta' karbonju newtrali mill-karbonju, jew saħansitra pożittiv.

4.2

F'diversi okkażjonijiet, il-Kumitat osserva li t-tkabbir ma jistax ikompli jitqies f'termini purament kwantitattivi; minflok, hemm bżonn ta' kunċett ġdid, li jagħti prijorità lill-objettivi kwalitattivi bbażati fuq is-sostenibilità. Dawn il-kriterji ta' sostenibilità, naturalment, jinkludu s-separazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-GES u tat-tkabbir. Għaldaqstant, il-Kumitat itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u l-Kunsill sabiex:

jiġi ddeterminat jekk teżistix kontradizzjoni jew le bejn l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fuq naħa, u l-Istrateġija ta' Lisbona fuq l-oħra, b'mod partikulari fejn jidħol l-użu tal-PGD bħala indikatur tal-benesseri soċjali u l-prosperità ekonomika; u

jiġi speċifikat x'għandhom ikunu l-karatteristiċi ta' “indikatur ta' benesseri” ġdid li jkun iktar kompatibbli mal-prinċipji tas-sostenibilità; dan jista' jissejjaħ per eżempju “tkabbir intelliġenti” jew “PGD favur l-ambjent.”

5.   It-trasport — qasam ta' kunflitt?

5.1

Il-kunflitt bejn l-objettivi huwa partikularment qawwi fis-settur tat-trasport. L-Istrateġija ta' Lisbona tenfasizza l-importanza ta' kurituri adegwati tat-trasport u ta' netwerks ta' mezzi tat-trasport. Ir-riżultat huwa li ħafna xogħol iffoka fuq l-espansjoni tat-trasport bit-triq. Iżda dan huwa f'kunflitt totali mat-tnaqqis fit-tibdil fil-klima.

5.2

Fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku attwali fil-pajjiżi ta' l-UE, il-volum tat-trasport bit-triq qiegħed jiżdied b'rata mgħaġġla; ċerti kalkoli jindikaw tkabbir sa 40 % sa l-2020. Ma' dan għandha tiżdied iż-żieda fil-volum tat-trasport bl-ajru. Għalissa, it-tkabbir fit-trasport għadu ma nfiridx minn żieda fl-emissjonijiet tal-GES, u għadha ma tidher l-ebda soluzzjoni li tista' tindirizza l-problemi kollha f'daqqa. Il-bijokarburanti m'humiex ser ikunu jistgħu jissostitwixxu l-karburanti fossili fil-futur viċin u huwa improbabbli ħafna li t-titjib tekniku potenzjali tal-karburant u l-effiċjenza tal-magni waħedhom ser ikunu jistgħu jikkumpensaw għaż-żieda mistennija fil-volum tat-trasport.

5.3

Il-programm il-ġdid ta' tliet snin ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għandu jħares lejn il-kwistjonijiet tat-trasport anke mil-lat tat-tibdil fil-klima. L-objettiv għandu jkun li l-UE jrid ikollha sistema adegwata tat-trasport — li madankollu din għandha tikkunsidra iktar l-effetti fuq il-klima. Iż-żieda biss marġinali fit-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija hija twissija serja. Dan ġie enfasizzat b'mod ulterjuri s-sena l-oħra fil-White Paper tat-Trasport li ffokat fuq it-trasport bit-triq u bl-ajru, waqt li ġew ittraskurati l-linji ferrovjarji u l-passaġġi interni ta' l-ilma. Ħarsa lejn il-Fondi Strutturali turi biċ-ċar li kwantità konsiderevoli ta' riżorsi qiegħda tintefaq b'mod li ma jnaqqasx, iżda saħansitra jżid l-emissjonijiet tal-GES.

5.4

Fil-kuntest ta' l-20-50 sena li ġejjin (xefaq temporanju adottat mill-Kunsill Ewropew għall-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima) l-Ewropa ser ikollha ssib strutturi tat-trasport li huma kemm effettivi kif ukoll li jappoġġjaw il-klima. Sabiex nieħdu eżempju, għaliex m'hemm l-ebda dispożizzjonijiet għat-trasportazzjoni ta' merkanzija l-iktar urġenti permezz tat-TGV (ferrovija b'veloċità għolja)?

5.5

Iż-żieda fil-volum tat-trasport bit-triq tfisser ukoll li trakkijiet qodma — b'magni “li jħammġu” — għadhom qegħdin jitħadmu, minkejja li jarmu kwantitajiet kbar ta' GES. Il-Kummissjoni għandha tniedi konsultazzjoni dwar metodi għall-immodernizzar tal-flotti ta' trakkijiet qodma, u fl-aħħar mill-aħħar għat-tnaqqis gradwali ta' vetturi skaduti u ineffiċjenti. Barraminhekk, għandhom jittieħdu miżuri għan-naħa tad-domanda. Għandhom jiġu implimentati inċentivi sabiex jitnaqqas l-ammont globali tat-trasport u jkun hemm evoluzzjoni lejn modi iktar sostenibbli tat-trasport.

6.   Pjan ta' direzzjoni għall-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fl-Istrateġija ta' Lisbona

6.1

L-objettivi stabbiliti għall-ħidma ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima ser jeħtieġu kontribut konsiderevoli minn bosta istituzzjonijiet u partijiet interessati. Huwa loġiku li jiġu utilizzati l-metodi ta' ħidma u l-esperjenzi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

6.2

Qabel kollox, ser ikun ta' importanza assoluta li l-Istrateġija ta' Lisbona, bl-approċċ tagħha tat-tliet pilastri, tintegra l-objettivi tat-tibdil fil-klima fil-programm operattiv tagħha sabiex jiġi aċċelerat il-progress fl-oqsma ta' prijorità.

6.3

Pjan ta' direzzjoni għal sforz integrat ta' l-UE għat-tnaqqis fit-tibdil fil-klima, u għall-adattar għalih, għandu jinkludi l-punti li ġejjin:

6.4

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrevedi l-programmi attwali sabiex tenfasizza l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-baġit attwali. Fil-perijodu baġitarju li jmiss, riżorsi sinifikanti ser ikollhom jiġu orjentati mill-ġdid lejn il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Madankollu, jista' jkun li ċerti riżorsi diġà ser ikollhom jiġu ttrasferiti fil-perijodu tal-baġit attwali. Irid jiġi enfasizzat li r-responsabilità prinċipali għat-tnaqqis u l-adattar tinsab fil-livell nazzjonali.

6.5

Sal-bidu ta' Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea ser tippreżenta proposti leġislattivi dwar l-enerġiji rinnovabbli u l-emissjonijiet. B'hekk ser ikun possibbli għall-Kunsill Ewropew li jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji f'Marzu 2008, sabiex jiġu identifikati linji ta' gwida għall-perijodu li jmiss ta' tliet snin ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Din ser tkun opportunità essenzjali għall-promozzjoni ta' implimentazzjoni konġunta.

6.6

Huwa partikularment importanti li l-Kummissjoni Ewropea għandha tkun tista' tistabbilixxi l-koordinazzjoni neċessarja bejn l-unitajiet u s-servizzi tagħha. F'diversi okkażjonijiet fil-passat, il-KESE enfasizza li l-koordinazzjoni interna fil-Kummissjoni hija ta' importanza kbira.

6.7

Fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill, għandu jitnieda sforz maġġuri għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, bil-għan li titqajjem il-kuxjenza taċ-ċittadini u li jiġu promossi inizjattivi fil-livell lokali u reġjonali.

6.8

Fid-dawl tal-proposti futuri dwar l-enerġiji rinnovabbli u t-tnaqqis fl-emissjonijiet, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' djalogu strett u kontinwu ma' l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. Il-KESE jirrakkomanda li d-djalogu soċjali għandu jintuża bħala wieħed minn ħafna fora għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Huwa essenzjali li s-soċjetà ċivili organizzata tkun involuta wkoll fid-deliberazzjonijiet.

6.9

Il-punti li ġejjin jiġbru fil-qosor il-proposti partikulari għall-pjan ta' direzzjoni li ġej:

analiżi ta' objettivi operazzjonali għal perijodi ta' tliet snin;

integrazzjoni ta' kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-linji ta' gwida ġenerali, fl-oqsma ekonomiċi u soċjali;

inklużjoni ta' kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-programmi annwali nazzjonali ta' riforma dwar il-progress ta' l-Istrateġija;

parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, b'mod partikulari fil-livell nazzjonali u lokali;

rapporti komparattivi mill-Kummissjoni dwar il-progress imwettaq;

twessigħ ta' l-użu tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni sabiex dan jinkludi kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima;

parteċipazzjoni attiva tal-midja u ta' l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati sabiex iċ-ċittadini jinżammu aġġornati dwar il-progress imwettaq;

appoġġ identifikat għal proġetti innovattivi, b'mod partikulari għall-komunitajiet lokali fl-iżvilupp tal-pjattaformi newtrali mill-karbonju (ara l-eżempji mir-Renju Unit).

6.10

Eżempji potenzjali għal analiżi komparattiva tal-kwistjonijiet tal-klima fl-Istrateġija ta' Lisbona:

żieda fil-persentaġġ tat-trasport ferrovjarju u tal-passaġġi interni ta' l-ilma bi tnejn fil-mija kull sena;

żieda fl-użu ta' lampi li jiffrankaw l-enerġija f'bini pubbliku b'ċertu persentaġġ kull sena;

organizzazzjoni ta' ġurnata fis-sena ta' informazzjoni-komunikazzjoni għall-istudenti kollha.

7.   Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata

7.1

It-tibdil fil-klima u l-Istrateġija ta' Lisbona flimkien ifissru sfida ewlenija għall-Unjoni. Huwa essenzjali li l-azzjonijiet u l-programmi jiġu abozzati u deċiżi mill-inqas livell 'il fuq, mhux bil-maqlub u li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi involuta f'din il-ħidma.

7.2

Il-KESE ser ikun lest jagħti l-kontribut tiegħu permezz tan-netwerk tiegħu tal-partijiet interessati.

8.   Il-bżonn ta' tmexxija politika

8.1

Il-Kunsill Ewropew ħa deċiżjoni rigoruża dwar l-objettivi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

8.2

Għas-soċjetajiet tagħna u għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna, f'termini iktar prattiċi dan ifisser li din ser tkun waħda mill-kwistjonijiet tal-ġejjieni li jaħarqu. X'tip ta' soċjetà nixtiequ li jkollna? Il-Mudell Soċjali Ewropew kif jista' jiġi adattat għall-ħafna sfidi li ser iġib miegħu t-tibdil fil-klima? Il-Mudell kif jista' jlaħħaq mad-domandi paralleli għall-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli f'ambjent globalizzat? Dawn għandhom ikunu t-temi għad-dibattitu kontinwu dwar it-tip ta' soċjetà li jixtiequ ċ-ċittadini.

8.3

F'numru ta' opinjonijiet li tħejjew fis-snin reċenti, il-KESE enfasizza l-bżonn ta' tmexxija politika fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u favur l-iżvilupp sostenibbli, aspett li llum għadu jżomm l-importanza tiegħu.

8.4

It-tibdil fil-klima huwa fenomenu li qiegħed jipprogressa malajr u dan iwassal għal ċertu tħassib fost iċ-ċittadini. Hemm bżonn ta' tmexxija politika kostruttiva, mhux biss fil-livell Ewropew u nazzjonali, iżda wkoll fil-livell muniċipali u lokali.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (UNFCCC): Analysis of existing and planned investment and financial flows relevant to the development of effective and appropriate international response to climate change (Analiżi ta' investiment eżistenti u ppjanat u flussi finanzjarji rilevanti għall-iżvilupp ta' tweġiba internazzjonali effettiva u adattata għat-tibdil fil-klima).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f'soċjetà għanja”

(2008/C 44/19)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew idddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizijattiva proprja dwar Il-kreditu u l-esklużjoni soċjali f'soċjetà għanja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'59 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe gwida mill-Komunità f'dan il-qasam, l-Istati Membri varji żviluppaw sistemi legali nazzjonali tagħhom stess sabiex individwi u familji ma jitħallewx li jispiċċaw fi stat ta' dejn eċċessiv, sabiex jiġu trattati dawk il-każi, u sabiex jirċievu l-għajnuna ħalli joħorġu minn dik is-sitwazzjoni u sabiex ikollhom l-appoġġ meħtieġ.

1.2

Fid-dawl taż-żieda kontinwa u preokkuppanti ta' dan il-fenomenu f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin u meta wieħed iqis b'mod partikolari t-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea u d-deterjorazzjoni riċenti tas-sitwazzjoni fil-kuntest globali, il-KESE — li għal xi żmien ilu jsegwi mill-qrib l-iżviluppi f'dan il-qasam, kif ukoll il-konsegwenzi soċjali tad-dejn eċċessiv, fil-kuntest ta' l-esklużjoni, il-ġustizzja soċjali u l-ostakoli għall-kompletar tas-suq intern — iddeċieda li jiftaħ mill-ġdid id-dibattitu pubbliku dwar din il-kwistjoni mas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra. L-intenzjoni tal-Kumitat hija li jidentifika u jimplimenta l-miżuri Komunitarji mmirati lejn id-definizzjoni u l-monitoraġġ preċiż u t-trattar tal-problema, fl-aspetti differenti kollha tagħha — soċjali, ekonomiċi u legali.

1.3

Id-diversità tas-sistemi stabiliti fil-pajjiżi li żviluppawhom, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fil-bqija tad-dinja, flimkien mal-fatt li xi pajjiżi ma għandhomx sistemi simili, qiegħda tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' nuqqas ta' ugwaljanza fl-opportunitajiet, u qiegħda toħloq fuq naħa waħda l-inġustizzja soċjali u min-naħa l-oħra distorsjoni fil-kompletar tas-suq intern; dan kollu jirrikjedi azzjoni urġenti u proporzjonata mill-Unjoni Ewropea li għaliha teżisti l-bażi legali meħtieġa fil-liġi primarja.

1.4

Din l-opinjoni tirrevedi l-kwistjonijiet ewlenin li joħorġu minn dan il-fenomenu ta' dejn eċċessiv, tiżen is-soluzzjonijiet li tressqu fuq livell nazzjonali, tiddeskrivi d-diffikultajiet u l-iżbalji li nstabu, tevalwa l-iskala globali tal-problema u tirrifletti fuq il-lakuni fl-għarfien u l-metodi użati. L-opinjoni tipprova wkoll tidentifika approċċi u ssib oqsma għal azzjoni possibbli fuq livell Komunitarju.

1.5

L-opinjoni tasal sabiex tissuġġerixxi li jitwaqqaf Osservatorju Ewropew għad-Dejn sabiex jissorvelja l-iżviluppi f'dan il-fenomenu fuq livell Ewropew, u jkun jista' jiffunzjona bħala forum ta' djalogu għall-partijiet interessati kollha, u jipproponi u jikkoordina miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' din il-problema, u mbagħad jevalwa l-impatt ta' dawn il-miżuri.

1.6

Il-Kumitat huwa konxju, madankollu, li passi ta' koordinazzjoni ta' dan it-tip u ta' din il-firxa jistgħu jsiru biss jekk il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill — fi djalogu mill-qrib mas-soċjetà ċivili organizzata, li tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tan-nies involuti fil-kwistjoni (familji, ħaddiema, konsumaturi, istituzzjonijiet finanzjarji, eċċ.) — jiddeċiedu li jagħmlu din il-kwistjoni prijorità għall-azzjoni.

1.7

Għaldaqstant, indikazzjonijiet riċenti dwar il-mod kif taħsibha l-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni għandhom jiġu milqugħa u huwa rakkomandat bil-qawwa li s-segwitu meħtieġ jingħata f'termini ta' riċerka bażika, konsultazzjonijiet u proposti leġiżlattivi u kwalunkwe proposti rilevanti oħra, qabel kollox bil-pubblikazzjoni ta' Green Paper li jiddefinixxi u jidentifika d-dettalji tal-kwistjoni u jagħti leħen lill-partijiet kollha kkonċernati, permezz ta' konsultazzjoni pubblika estensiva.

1.8

Barra minn hekk, il-KESE jsejjaħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jiffaċċjaw il-problemi ewlenin li din l-opinjoni tipprova tindirizza f'isem is-soċjetà ċivili u sabiex isiru prijorità fl-aġendi politiċi rispettivi tagħhom.

2.   Daħla

2.1

M'hemmx dubju li l-kreditu ppermetta lin-nies fl-Ewropea biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-aċċess li għandhom għal prodotti u servizzi essenzjali li kieku kienu jsibu diffiċli biex jakkwistaw jew ikunu jifilħu għalihom biss wara żmien twil, bħad-djar tagħhom jew il-mezz ta' trasport. Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet li taħthom qiegħed jingħata l-kreditu ma jkunux sostenibbli — jekk jinqalgħu problemi serji ta' mpjieg, jekk il-piż kull xahar tad-dejn jeċċedi proporzjon raġonevoli tad-dħul fix-xahar, jekk isir wisq self jew jekk ma jkunx hemm flus imfaddla li jistgħu jservu ta' għajnuna fiż-żminijiet meta ma jkunx hemm dħul — il-kreditu jista' jwassal għal sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv.

2.2

Fil-fatt, il-problema tad-dejn eċċessiv u l-konsegwenzi soċjali tiegħu m'hijiex waħda ġdida. Saħansitra wieħed jista' jsib traċċi ta' l-oriġini tagħha fil-perijodu ta' l-Antikità Klassika, speċifikament il-kriżi agrarja li batiet minnha l-Greċja fis-VI seklu QK u l-miżuri ta' Solon (594/593 QK) sabiex l-ewwel jikkanċella d-dejn kollu tas-sidien żgħar tal-biedja li kienu spiċċaw skjavi u mibjugħa, u mbagħad jeħlishom u jintegrahom mill-ġdid fis-soċjetà ta' Ateni u l-ħajja produttiva ta' ċittadini ħielsa (1).

2.3

Madankollu, m'hemmx dubju li f'daż-żmienijiet dan il-fenomenu qed jinfirex iktar u qed jassumi proporzjonijiet inkwetanti In-nies qed isiru aktar konxji li din hija problema soċjali f'soċjetà kkaratterizzata minn kuntrasti kbar, fejn id-diskrepanzi qiegħdin ikomplu jikbru u s-solidarjetà m'għadhiex daqshekk evidenti.

2.4

Huwa fuq dan l-isfond li għandha titqies il-kwistjoni ta' l-esklużjoni bankarja, li jimmarka l-marġinalizzazzjoni ta' dawk li għal raġunijiet varji, jitwaqqfu milli jkollhom aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi (2).

2.5

Din l-opinjoni għandha l-għan li tixħet dawl fuq il-kawżi ewlenin ta' din il-problema, kemm hi kbira, ir-rimedji li l-iktar li jiġu amministrati u r-raġunijiet għalfejn għandha tinsab soluzzjoni fil-livell Komunitarju.

3.   L-iskala tal-problema

3.1   L-esklużjoni soċjali u l-esklużjoni bankarja

3.1.1

Skond il-Eurobarometer Report ta' Frar 2007 (3) madwar 25 % ta' l-Ewropej iħossu li huma fil-periklu li jispiċċaw fqar u 62 % jaħsbu li din hija xi ħaġa li tista' tiġri lil kulħadd, fi kwalunkwe żmien fil-ħajja.

3.1.2

Id-data fir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-2007 dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali jindika li fl-2004, 16 % taċ-ċittadini ta' l-UE15 kienu qed jgħixu taħt il-linja tal-povertà, li tikkorrispondi għal 60 % tad-dħul medju ta' kull pajjiż (4).

3.1.3

F'termini kwalitattivi, il-faqar jikkorrispondi għal nuqqas jew inadegwatezza ta' riżorsi materjali sabiex individwu jkun jista' jlaħħaq mal-bżonnijiet essenzjali tiegħu; dan huwa l-aspett l-iktar viżibbli ta' l-esklużjoni soċjali, li jimbotta 'l individwu lejn il-marġini tas-soċjetà, u b'hekk tinħoloq sensazzjoni ta' rifjut u ta' awto esklużjoni.

3.1.4

L-iskala u t-tip ta' esklużjoni soċjali jiddipendu, f'kull pajjiż, minn numru ta' varjabbli bħas-sistema tas-sigurtà soċjali, il-mod kif jopera s-suq tax-xogħol, is-sistema tal-ġustizzja u n-netwerks ta' solidarjetà informali. L-immigranti, il-minoritajiet etniċi, l-anzjani, it-tfal ta' taħt il-15-il sena, persuni bi dħul baxx u bi ftit kwalifiki mill-iskola, persuni b'diżabilitajiet u dawk qiegħda huma l-iktar vulnerabbli għall-faqar u l-esklużjoni soċjali.

3.1.5

F'ħafna pajjiżi Ewropej, it-tendenzi fl-imġiba tal-konsumaturi jindikaw tnaqqis relattiv fl-infiq fuq prodotti ta' l-ikel, xorb, tabakk, ħwejjeġ u żraben, u żjieda relattiva fl-infiq fuq l-akkomodazzjoni, it-trasport u l-komunikazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, il-kultura u prodotti u servizzi oħra bħall-kura tas-saħħa, it-turiżmu u s-servizzi tal-lukandi u tal-catering (5).

3.1.5.1

Din id-distribuzzjoni ġdida fl-infiq fid-djar għandha t-tendenza li tkun riflessa fl-użu tal-kreditu. Fis-sens wiesa' tal-kelma l-kreditu tal-konsumatur, li jinkludi x-xiri kemm ta' prodotti tal-konsumatur kif ukoll l-akkomodazzjoni, daż-żmien huwa marbut mill-qrib ma' xejriet ġodda ta' konsum u jsegwi mill-qrib l-iżviluppi, negattivi u pożittivi, ta' dawn ix-xejriet. B'hekk, iż-żjieda fis-sehem ta' l-infiq fuq servizzi domestiċi, it-trasport u l-ivvjaġġar (6) ta' spiss tinvolvi ħlas bil-kreditu.

3.1.5.2

Fattur ieħor li jinkoraġġixxi ż-żjieda fil-kreditu tal-konsumatur huwa l-fatt li a) m'għadux affettwat minn konnotazzjonijiet negattivi ta' faqar u ħtija fir-rigward tal-mod kif in-nies jgħixu ħajjithom u jimmaniġġjaw in-negozju tagħhom, l-aktar fil-pajjiżi fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni hija kattolika, meta mqabbla ma' popolazzjoni protestanta, u b) sar komuni ħafna, b'mod speċjali fil-bliet il-kbar. Reklamar insistenti u sistematiku minn organizzazzjonijiet finanzjarji li jridu jiġbdu klijenti ġodda qiegħed jinkoraġġixxi aktar nies biex jisselfu. Barra minn hekk, il-kreditu tal-konsumatur jagħti status lill-persuna u li jkun iktar faċli għaliha li taħbi l-oriġini soċjali tagħha, u b'hekk tkun tista' tadotta stil ta' ħajja li hu karatteristiku ta' klassi soċjali ogħla minn tagħha. Għal ħafna familji, il-kreditu huwa mezz komuni kif wieħed jimmaniġġja l-baġit tal-familja (b'mod speċjali bl-użu ta' karti ta' kreditu), fejn ir-riskji huma magħrufa; madankollu, m'hemmx għarfien biżżejjed dwar dawn ir-riskji jew dwar is-soluzzjonijiet effettivi għall-problema, u anke l-iskalatar-riskji għadu ma ġiex ikkwantifikat b'mod xieraq.

3.1.6

Dawn il-fatturi soċjali u kulturali determinanti huma sostnuti wkoll b'dawk ekonomiċi u soċjali bħat-tnaqqis qawwi fir-rati ta' l-interessi f'dawn l-aħħar għaxar snin, il-fatt li n-nies huma inqas imħajrin ifaddlu u r-rati kontinwament baxxi ta' qgħad, flimkien mat-tkabbir ekonomiku (minkejja l-krizi fi tmiem id-disgħinijiet li fuq kollox ma kellhiex proporzjonijiet simili għall-kriżijiet preċedenti). U biex żżid ma dan, waslet id-deregulazzjoni, li tefgħet taħt il-mira tagħha s-suq kollu tal-kreditu minn tmiem is-sebgħinijiet u l-bidu tat-tmenijiet 'il quddiem (7), u tat bidu għal espansjoni mgħaġġla fid-daqs u fl-ammont ta' l-entitajiet li jagħtu kreditu, inklużi wħud li m'humiex suġġetti għal sorveljanza u superviżjoni finanzjarja, flimkien ma' żjieda fil-kompetezzjoni bejniethom, li kollox flimkien wassal għad-depersonalizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-banek u l-klijenti tagħhom.

3.1.7

Dawn il-fatturi flimkien ifissru li s-soċjetà Ewropea qiegħda ssir dejjem iktar dipendenti fuq il-kreditu li jingħata sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ewlenin tan-nies. L-iskala dejjem jikber tad-dejn f'ħafna mill-Istati Membri juri dan biċ-ċar (8).

3.1.8

Jekk is-self isir fuq bażi sostenibbli — meta ma jkunx hemm problemi serji ta' impjieg, meta ma jkunx eċċessiv is-sehem ta' ħlasijiet tad-dejn kull xahar bħala parti mid-dħul disponibbli fix-xahar, meta l-ammont ta' self ma jkunx għoli u meta jkun hemm xi flus imfaddla li jistgħu jkopru perijodi okkażjonali fejn id-dħul jonqos — ikun jista' jgħin lin-nies itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom, u jippermettilhom aċċess għal prodotti u servizzi essenzjali li mingħajr kreditu ma jkunux jistgħu jakkwistaw, jew forsi biss wara żmien twil, bħal dar jew karozza privata.

3.1.9

Madankollu, dejjem hemm il-possibilità li jinqalgħu problemi fil-ħajja privata jew familjarji, li jfisser li l-impenji finanzjarji ma jkunux jistgħu jintlaħqu f'mument partikolari, u dan huwa riskju li jiffaċċja kull min jiffirma kuntratt ta' kreditu. Għaldaqstant, id-dejn normali u kkontrollat jista' jsir, għal bosta raġunijiet, dejn eċċessiv mhux ikkontrollat.

3.2   Il-kunċett u l-kejl tad-dejn eċċessiv

3.2.1

Id-dejn eċċessiv jirriferi għal sitwazzjonijiet fejn id-debitur ma jkunx kapaċi jħallas id-dejn kollu tiegħu fuq medda ta' żmien twila, jew fejn ikun hemm riskju serju li dan jista' jkun il-każ meta jasal il-waqt li jħallashom (9). Madankollu, it-termini preċiżi għal dan il-kunċett ivarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal pajjiż fl-UE, u d-definizzjoni tiegħu fuq livell Ewropew għad trid tiġi mfissra (10), Għalhekk, hija milqugħa b'sodisfazzjon l-inizjattiva riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li tikkummissjona studju dwar dan is-suġġett (11).

3.2.2

Barra mill-fatt li l-kunċett fih innifsu huwa ambigwu u d-definizzjoni tiegħu mhix ċara, jeżistu wkoll ħafna modi differenti kif wieħed jista' jkejjel id-dejn eċċessiv. Għaldaqstant, fi studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea (12), hemm tliet formuli jew mudelli differenti li tfasslu sabiex jitkejjel id-dejn eċċessiv: il-mudell amministrattiv (13), il-mudell suġġettiv (14) u l-mudell oġġettiv (15).

3.2.3

Waħda mid-diffikultajiet ewlenin fl-evalwazzjoni tad-daqs tal-problema tad-dejn eċċessiv fl-Ewropa hija relatata man-nuqqas ta' statistiċi li wieħed jista' joqgħod fuqhom, u l-fatt li huwa impossibbli li jsir paragun bid-data li diġà teżisti, meta wieħed jikkunsidra l-metodi, il-kunċetti u l-perijodi ta' żmien differenti li jiġu applikati. Dan huwa qasam li l-Kummissjoni għandha ttih iktar attenzjoni, u tiżviluppa l-istudji neċessarji bil-għan li tinkiseb u tiġi pproċessata data li wieħed jista' joqgħod fuqha u li hija komparattiva.

4.   Il-kawżi ewlenin tad-dejn eċċessiv

4.1

In-numru kbir ta' studji soċjoloġiċi li saru f'l-Istati Membri varji jindividwaw dawn il-kawżi li ġejjin prinċipali li jwasslu għal dejn eċċessiv:

a)

il-qgħad u t-taħsir tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

b)

bidliet fl-istruttura tal-familji bħala konsegwenza tad-divorzju, il-mewt tar-raġel jew il-mara, tarbija mhux ippjanata, appoġġ mhux mistenni meħtieġ għal anzjani jew persuni morda, il-mard, jew inċident;

c)

tentattiv fallut ta' xogħol għal rasu, l-isfaxxar ta' negozju żgħir tal-familja fejn ingħataw garanziji personali;

d)

kampanji ta' reklamar u pubbliċità li jġiegħlu n-nies jikkonsmaw, li joffru aċċess faċli għall-kreditu u jinkoraġġixxu lin-nies biex jipparteċipaw fil-logħob ta' l-azzard, fis-suq ta' l-ishma u biex itejbu l-istatus tagħhom fis-soċjetà;

e)

rati ogħla ta' l-interessi, li l-effett negattiv tagħhom jinħass l-iktar fis-self fuq medda twila ta' żmien, bħal fil-każ ta' l-ipoteka;

f)

ġestjoni ħażina tal-baġit tad-dar;

g)

il-ħabi apposta mill-klijenti ta' tagħrif li jista' jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji jevalwaw il-qagħda finanzjarja tagħhom;

h)

l-użu eċċessiv tal-karti ta' kreditu, it-tip ta' kreditu msejjaħ “revolving credit” u tipi ta' kreditu personali li jingħataw mill-kumpaniji finanzjarji, b'rati għolja ta' l-interessi;

i)

il-kreditu mogħti fis-suq informali, fuq kollox minn persuni bi dħul baxx, b'rati ta' l-interessi użurarji;

j)

il-kreditu li jintuża biex jitħallas self ieħor, u b'hekk il-problema dejjem tikber;

k)

il-fatt li persuni b'diżabilitajiet li huma iżolati soċjalment u persuni b'ħiliet konoxxittivi limitati jistgħu faċilment jiġu sfruttati minn selliefa aggressivi;

l)

in-nuqqas ta' rieda ta' ċerti istituzzjonijiet finanzjarji li jinnegozjaw mill-ġdid il-pagament lura tad-dejn ma' konsumaturi li m'humiex f'qagħda finanzjarja tajba u li jsibu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji.

Analiżi soċjoloġika tal-fenomenu tindika li hemm predominanza ta' kawżi passivi, għalkemm għandu jingħad li f'ċerti pajjiżi l-ġestjoni finanzjarja ħażina wkoll kienet fl-oriġini tal-problema (16). Dan jissuġġerixxi li individwi jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiġġestixxu il-baġits tagħhom b'mod kawt u sostenibbli (17).

4.2

Normalment, l-esklużjoni finanzjarja hija riflessa fid-diffikultajiet fl-aċċess, jew fin-nuqqas ta' aċċess għas-suq ta' servizzi finanzjarji bażiċi, l-iktar biex wieħed ikun jista' jiftaħ kont kurrenti, biex wieħed juża mezzi ta' ħlas elettroniċi, biex wieħed ikun jista' jagħmel trasferimenti bankarji u jikseb assigurazzjoni għall-protezzjoni tal-kreditu.

4.3

Din l-esklużjoni finanzjarja tinkludi, a fortiori, diffikoltà fl-aċċess jew nuqqas ta' aċċess għal self bi prezz baxx li jippermetti x-xiri ta' prodotti u servizzi essenzjali għall-familja (dar, tagħmir domestiku, trasport, u edukazzjoni), start-up għal persuna li tixtieq taħdem għal rasha, jew il-ġestjoni ta' negozju żgħir ta' persuna waħedha jew negozju ta' familja.

4.4

Daż-żmien, l-aċċess għal kont bankarju u għal ċerti tipi ta' kreditu jew trasferimenti elettroniċi bejn il-kontijiet huma kundizzjonijiet essenzjali sabiex wieħed ikollu aċċess għal prodotti u servizzi essenzjali. L-impjieg, negozju żgħir, dar fejn wieħed jgħix, it-tagħmir tad-dar, it-trasport, l-informazzjoni, anke l-ikel, il-ħwejjeġ u r-rikreazzjoni, jirrikjedu aċċess għall-kreditu u għall-banek — ta' l-aħħar għandhom responsabilità soċjali speċjali sabiex jipprovdu servizz li japprossima ħafna għal servizz pubbliku.

4.5

Hawnhekk tibda tisfoka ruħha l-linja bejn klassi medja li qiegħda tikber u ssir ifqar u dawk li huma għal kollox esklużi, dawk mingħajr dar, it-tallaba u dawk dipendenti mill-karità. Huwa preċiżament meta wieħed jinsab fuq l-għatba tal-faqar li tagħmel sens il-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv, flimkien ma' modi kif wieħed għandu jiffaċċjah u jirkupra minnu, sabiex dawk in-nies li qiegħed jgħixu jew jirkupraw soċjalment u ekonomikament, ma jaqgħux għal kollox, u mingħajr ċans li jerġgħu lura, fiċ-ċiklu ta' faqar u esklużjoni soċjali.

5.   Il-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv u l-modi kif jista' jiġi trattat

5.1   Prevenzjoni

Fis-sistemi nazzjonali, it-tendenza hija li l-enfasi tkun fuq miżuri ta' prevenzjoni tad-dejn eċċessiv, bħal:

a)

Tagħrif iktar komplet u disponibbli dwar is-servizzi finanzjarji b'mod ġenerali, l-ispejjeż involuti u l-mod kif joperaw.

b)

L-edukazzjoni finanzjarja, li għandha tkun inkluża minn stadju bikri fil-kurrikulu ta' l-iskola u f'oqsma oħra ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-proċessi ta' tagħlim tul il-ħajja kollha li tirrifletti l-bżonnijiet u l-kompetenzi ta' l-individwi li għandha l-għan li tgħin, tista' tvarja skond iċ-ċikli tal-ħajja u tkun konformi mal-kultura, is-sistema ta' valuri, il-karatteristiċi soċjodemografiċi u ekonomiċi, l-istandards tal-konsumatur u d-dejn ta' dawk ikkonċernati. Ta' min wieħed jenfasizza l-fatt li f'xi Stati Membri, il-mezzi tax-xandir u b'mod partikolari t-televiżjoni, bir-rwol tiegħu ta' servizz pubbliku, f'kooperazzjoni ma' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji stess, ixxandar programmi, ġieli fl-iktar ħinijiet popolari, li jixħtu dawl fuq il-kwistjonijiet tal-kreditu u d-dejn eċċessiv. Barra minn hekk, għandhom jintużaw l-istrutturi ta' edukazzjoni ta' l-adulti, li f'xi pajjiżi huma pprovduti miċ-ċentri ta' edukazzjoni tal-familja.

c)

Il-ħolqien jew l-estensjoni ta' netwerks għall-għoti ta' pariri finanzjarji li jgħinu n-nies a) jimmaniġġjaw il-baġit tagħhom b'mod ibbilanċjat, b) jagħżlu l-aħjar għażliet għall-iffinanzjar tax-xiri tagħhom, sabiex ikun żgurat li l-bilanċ tat-tagħrif ma jxaqqlibx favur l-istituzzjonijiet finanzjarji, u c) ifasslu pjanijiet ta' ħlas lura sostenibbli permezz ta' simulazzjonijiet qabel ma jingħata l-kreditu.

d)

Inċentivi għat-tifdil (bħal tnaqqis mit-taxxa u inċentivi soċjali u edukattivi), li għandhom ikunu l-ewwel linja ta' difiża tal-familja meta tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji. Inċentivi bħal dawn jistgħu jservu ta' kontrapiż għar-reklamar aggressiv ta' offerti ta' kreditu.

e)

L-użu ta' sistemi ta' klassifika ta' kreditu, kemm jekk ikunu s-sistemi proprji ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif ukoll jekk jiġu kkuntrattati lil kumpaniji li jispeċċjalizzaw f'dan il-qasam, sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati ir-riskji ta' kreditu tal-klijenti. Dan jippermetti lis-sellief li jagħmel stima tar-riskju ta' falliment billi jevalwa lista sħiħa ta' varjabbli u billi jistipula limiti oġġettivi għad-dejn individwali u tal-familja (18).

f)

Il-garanzija ta' pensjonijiet xierqa, il-provvediment ta' rtirar kmieni u benefiċċji soċjali oħra għal persuni barra mis-suq tax-xogħol, li huma inkorporati mill-awtoritajiet pubbliċi fi skemi ta' sigurtà soċjali effettivi, bħala kundizzjoni essenzjali għall-iżgurar li dawk li mhumiex kapaċi jkollhom aċċess għal fondi tal-pensjoni privati ma jkunux esklużi mis-soċjetà (19).

g)

L-aċċess għal assigurazzjoni bażika sabiex jinkiseb kreditu bħala mezz kif wieħed ikun protett mir-riskju finanzjarju (20).

h)

Il-kreditu soċjali, il-mikrokreditu u l-kreditu affordabbli

Skemi bħall-mikrokreditu, il-credit unions, il-banek tat-tifdil, il-fondi soċjali Ġermaniżi u Olandiżi, servizzi bankarji mill-uffiċċji tal-posta u l-kreditu soċjali, fost skemi oħrajn, qed jibdew fl-Istati Membri, kollha eżempji li wieħed għandu jżomm f'moħħu għal persuni li qiegħed jiffaċċjaw ir-riskju ta' l-esklużjoni u li qiegħed ifittxu kreditu li jistgħu jaffordjaw. Il-mikrokreditu, per eżempju, għen sabiex jiffinanzja negozji żgħar u persuni li jaħdmu għal rashom, u jippermetti li nies qiegħda jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u jibdew xi attività ekonomika. Huwa rakkomandat li l-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu għajnuna speċjalizzata (fit-tmexxija, fil-kontabilità, fil-kummerċ, eċċetra) sabiex il-benefiċċjarji tal-mikrokreditu jirċievu għajnuna kif għandhom imexxu l-attivitajiet tagħhom, prattika li diġà ġiet adottata f'numru ta' każi (21).

i)

Is-self responsabbli, li jesiġi li l-istituzzjonijiet ta' kreditu jagħtu iktar attenzjoni għall-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet tal-persuni individwali li jagħmlu s-self, sabiex jinstab l-iktar strument finanzjarju xieraq skond iċ-ċirkostanzi ta' kull persuna, jew anke li titwaqqaf milli takkwista iktar kreditu meta hemm ir-riskju imminenti ta' dejn eċċessiv. (22)

j)

Arkijvji ta' l-istorja tal-kreditu

L-użu ta' bażi ta' data li jkun fihom l-istorja finanzjarja kompleta tal-klijenti (fajls ta' storja ta' kreditu pożittiva) jew li jkun fihom biss il-problemi ta' ħlas lura (fajls ta' storja ta' kreditu negattiva), jgħin lill-istituzzjonijiet ta' kreditu jaċċertaw il-livell ta' dejn tal-klijenti u sabiex jipprovdu bażi iktar soda li fuqha jistgħu jagħtu self. Dan minkejja r-riskji rikonoxxuti, b'mod partikulari fajls ta' storja ta' kreditu pożittiva, fir-rigward tal-ħarsien tal-privatezza u l-fatt li dawn il-fajls m'humiex effettivi f'sitwazzjonijiet ta' dejn passiv, a) peress li mhuwiex possibbli li wieħed ibassar x'jista' jikkawża sitwazzjoni simili fil-ġejjieni u b) għaliex ma jqisux dejn ieħor mhux finanzjarju (per eżempju, dejn relatat ma' servizzi essenzjali u l-ħlas tat-taxxi).

k)

L-awto-regolamentazzjoni u l-ko-regolamentazzjoni, li jġiegħlu lill-istituzzjonijiet finanzjarji jistabbilixxu Kodiċi ta' Kondotta, speċifikament fi sħubija ma' organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur, jistgħu jgħinu sabiex jimpedixxu wħud mill-prattiki abbużivi u sabiex jiżviluppaw kuxjenza soċjali ikbar min-naħa ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu. Din it-tip ta' miżura hija utili sabiex ittejjeb is-sorveljanza ta' l-attivitajiet ta' l-aġenziji li jiġbru d-dejn (debt collection agencies), għaliex jgħin biex jirregola l-mod kif jiġu trattati d-debituri, flimkien ma' qafas leġislattiv implimentat b'mod effettiv.

l)

Il-prevenzjoni ta' prattiki ta' kreditu abbużivi

Xi awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-ħarsien tal-konsumatur u NGOs oħra, kif ukoll l-istituzzjonijiet ta' kreditu nfushom ftiehmu dwar regoli u proċeduri li jimpedixxu l-użu ta' numru ta' prattiki predatorji u użurarji li jheddu l-iktar membri żvantaġġati tas-soċjetà. Dawn il-prattiki jinkludu, per eżempju, rati ta' l-interessi għoljin immens fuq kreditu mogħti fuq it-telefown jew it-telefown ċellulari, kuntratti ta' kreditu li l-klijent ma jkunx mgħarraf bihom, marbuta ma' kuntratti għal xiri jew bejgħ speċifiku, jew mal-provvediment ta' servizzi, l-għoti ta' kreditu sabiex jiġu akkwistati ishma fis-suq ta' l-istokks, li xi drabi jinvolvi ishma maħruġa mill-istess bank li qiegħed joffri s-self, klawsoli penali ħorox ħafna, karti ta' kreditu u karti tal-ħwienet li jipprovdu aċċess faċli għall-kreditu, l-esiġenza ta' garanziji reali u fl-istess ħin garanziji personali (kollaterali) għal kuntratti ta' kreditu tal-konsumatur ta' valur baxx, tagħrif li mhuwiex komplet jew preċiż u reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ. Barra mill-aspetti tal-provvediment responsabbli tal-kreditu li huma ta' benefiċċju, miżuri ta' dan it-tip inaqqsu d-distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u jippromovu r-responsabbilità soċjali fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu.

m)

Il-monitoraġġ ta' reklami għall-kreditu

Għalkemm ir-reklamar huwa strateġija leġittima għall-promozzjoni ta' prodotti finanzjarji, il-mod kif dawn il-prodotti huma rreklamati jitlob monitoraġġ mill-qrib mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-kontenut, il-mekkaniżmi u t-tekniki tar-reklamar għandhom jaqgħu taħt regolamentazzjoni stretta u armonizzata li ma tippermettix li l-konsumaturi jaslu biex jaħsbu li l-kreditu ma jinvolvix riskji u li huwa faċilment aċċessibli u li huwa b'xejn. Għandhom jitħeġġu wkoll, f'dan il-qasam, skemi għall-awto-regolamentazzjoni u l-ko-regolamentazzjoni u l-prattika kummerċjali tajba. Dawn is-skemi għandhom jippermettu min qiegħed jissellef ikun kompletament ċar dwar il-kundizzjonijiet tas-self u jagħtu lis-selliefa responsabilità partikolari lejn il-persuni li, minħabba diżabilitajiet mentali, ma jkunux f'pożizzjoni li jifhmu l-konsegwenzi meta jidħlu fi ftehima dwar dejn.

5.2   It-trattament tad-debituri u l-irkupru tad-dejn

L-iktar żewġ mudelli komuni għat-trattament tad-debituri li fallew u għall-irkupru tad-dejn huma:

5.2.1

Il-mudell bidu mill-ġdid , li oriġina fl-Amerika ta' Fuq u li ġie adottat f'xi pajjiżi Ewropej huwa msejjes fuq il-prinċipji li jiġu likwidati immedjatament l-assi mhux eżentati tad-debitur u jitħassar id-dejn kollu li ma tħallasx, barra minn dak li ma jistax jitħassar legalment. Dan il-mudell jissejjes fuq il-kunċett tar-responsabilità limitata tad-debitur, fuq ir-riskju maqsum mal-kredituri, fuq il-ħtieġa li d-debitur jirritorna kemm jista' jkun malajr għall-attività ekonomika u għall-konsum, u fuq il-bżonn li l-individwu fallut ma jiġix stigmatizzat (23).

5.2.2

Il-mudell edukazzjoni mill-ġdid, użata f'xi pajjiżi Ewropej huwa msejjes fuq l-idea li d-debitur falla u għandu jsib l-għajnuna, iżda m'għandux jiġi eżonerat mid-dmir tiegħu li jilħaq l-obbligi tiegħu (pacta sunt servanda). Dan il-mudell, imsejjes fuq l-idea tal-“kolpabilità” ta' l-individwu fallut — kemm jekk il-falliment irriżulta minn nuqqas ta' ppjanar kif ukoll jekk minn negliġenza pura — jikkonċentra fuq it-tfassil mill-ġdid mal-kredituri tal-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dejn, bil-għan li jsir qbil dwar il-pjan ġenerali ta' ħlas lura. Dan il-pjan jista' jiġi negozjat permezz tal-qrati jew barra mill-qorti; l-importanti huwa r-rwol li jaqdu s-servizzi konsultattivi u ta' medjazzjoni dwar id-dejn (24).

6.   Għalfejn huwa meħtieġ approċċ fil-livell Komunitarju

6.1   Sfond

6.1.1

Din mhix l-ewwel darba li l-kwistjoni tad-dejn eċċessiv qed tiġi indirizzata fl-istituzzjonjiet ta' l-UE fil-livell Komunitarju jew anke minn perspettiva Komunitarja. Fit-13 ta' Lulju 1992, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet futuri għall-iżvilupp tal-politika dwar il-ħarsien tal-konsumatur, il-Kunsill għall-ewwel darba kkunsidra li jistudja d-dejn eċċessiv bħala prijorità. Minn dak iż-żmien 'il hawn, għalkemm jidher biċ-ċar li fi Stati Membri varji l-importanza tal-fenomenu tad-dejn eċċessiv kiber, bir-riżultat li ħafna minnhom adottaw miżuri leġislattivi u amministrattivi speċifiċi biex jiffaċċjaw il-problema, il-kwistjoni ta' approċċ fuq livell Komunitarju donnha ntesiet.

F'Mejju 1999, il-KESE ddeċieda li jiftaħ mill-ġdid id-dibattitu dwar il-kwistjoni, l-ewwel billi jfassal rapport ta' informazzjoni dwar “Id-dejn fost il-familji”, segwit fl-2002 minn opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-istess suġġett; il-qarrej huwa mitlub jirriferi għall-kummenti u r-rakkomandazzjonjiet inklużi f'dawn id-dokumenti (25).

6.1.2

Fil-fatt, waqt li dawn id-dokumenti kienu qiegħed jitfasslu mill-Kumitat, il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur tal-Lussemburgu tat-13 ta' April 2000 reġa' ta ħarsa lejn din il-kwistjoni u ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri għall-bżonn li jkun hemm armonizzazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam. Bħala segwitu għal dan, il-Kunsill adotta r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kreditu u d-dejn tal-konsumatur (26), fejn, waqt li rrimarka dwar il-ħeffa li biha qiegħed jikber dan il-fenomenu, ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu passi sabiex timla l-lakuni fl-informazzjoni li jeżistu dwar l-iskala reali tad-dejn eċċessiv fl-Ewropa u sabiex teżamina bir-reqqa l-possibilità ta' miżuri ta' armonizzazzjoni li jimpedixxu u jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv (27).

6.1.3

Wieħed għandu jjinnota li sal-lum il-Kummissjoni għadha ma wetqitx il-mandat tagħha mill-Kunsill. Semmiet biss fil-qosor il-kwistjoni tal-forniment responsabbli tal-kreditu (28) fil-proposta inizjali tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur (2002) (29). Madankollu, dawn ir-referenzi ma dehrux fil-verżjoni finali (2005) (30), li kienet ikkonfermata taħt il-Presidenza Ġermaniża (31). Din is-sitwazzjoni tissuġġerixxi li fil-qasam tal-kreditu tal-konsumatur, il-Kummissjoni qiegħed issibha diffiċli li tadotta miżuri ġodda sabiex twaqqaf, jew ta' l-inqas tiffaċċja d-dejn eċċessiv (32).

6.1.4

Madankollu, xi referenzi riċenti f'xi dokumenti tal-Kummissjoni, għalkemm ftit u rari, u anke fi stqarrijiet tal-President tal-Kummissjoni, jidhru li jesprimu l-possibilità ta' bidla sabiex tingħata iktar attenzjoni lil dan il-fenomenu (33).

6.1.5

Minħabba l-importanza tagħha, għandha ssir referenza partikolari għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa adottata mill-Ministri tal-Ġustizzja Ewropej fit-8 ta' April 2005, dwar “is-sejbien ta' soluzzjonijiet legali għal problemi ta' dejn fis-soċjetà tal-kreditu (34), li, waqt li tesprimi tħassib dwar “l-aċċess faċli għall-kreditu li f'xi każijiet jista' jwassal għal familji b'dejn eċċessiv u b'hekk tinħoloq l-esklużjoni soċjali ta' l-individwi u l-familji tagħhom”, tħejji t-triq b'mod ċar għal “strument xieraq li jiddefinixxi miżuri leġislattivi u amministrattivi, u jipproponi rimedji prattiċi (35).

6.1.6

Barra minn hekk, jidher li qed tqum kuxjenza ġdid dwar il-problema permezz ta' studji akkademiċi riċenti (36) u studji oħrajn mitluba b'mod speċifiku mill-Kummissjoni (37), peress li kienet is-suġġett ta' xi dikjarazzjonijiet pubbliċi minn Kapijiet ta' Stat u ministri ta' xi Stati Membri (38).

6.2   Il-possibilitajiet, il-ħtieġa u l-opportunità għal azzjoni fil-livell Komunitarju

6.2.1

Il-KESE ilu jargumenta u issa qiegħed itenni li l-azzjoni fil-livell Komunitarju mhux biss hija possibbli u mixtieqa, iżda saħansitra hija neċessarja u anke urġenti.

6.2.2

Il-KESE mhuwiex konxju li, skond it-termini tat-Trattat u sakemm jiġi adottat it-test kostituzzjonali (39), l-aspetti purament soċjali tad-dejn eċċessiv bħala kawża ta' l-esklużjoni soċjali ma jaqgħux taħt il-mandat speċifiku ta' l-UE.

6.2.2.1

Minkejja dan, dispożizzjonijiet varji tat-Trattati dwar l-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea jistipulaw kemm poteri maqsuma kif ukoll azzjonijiet u miżuri bħala appoġġ u inkorraġġiment għall-politiki ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam (40), li huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tassigura u tiżviluppa.

6.2.2.2

Barra minn hekk, hemm xi oqsma fejn tista' ssir azzjoni potenzjali fil-livell Komunitarju li issa huma koperti mit-tielet pilastru, u jaqgħu taħt il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ġudizzjarji (41).

6.2.2.3

Fl-aħħar nett, huwa l-kompletar tas-suq intern innifsu, li issa huwa mmirat b'mod ċar lejn il-pubbliku ġenerali u l-konsumatur (42), li jirrikjedi u jeħtieġ l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti relatati mad-dejn eċċessiv, u r-reperkussjonijiet soċjali, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tiegħu fil-livell Komunitarju, bħala mezz kif jitwaqqfu distorzjonijiet fil-kompetizzjoni u ostakoli fl-operat bla xkiel tas-suq.

6.3   L-oqsma ewlenin ta' attività fil-livell Komunitarju

6.3.1   Kunċett wieħed ta' dejn eċċessiv

6.3.1.1

Il-passi lejn l-armonizzazzjoni qabel xejn għandhom jinvolvu d-definizzjoni tal-kunċett u l-parametri kwalitattivi u kwantitattivi tal-fenomenu sabiex jinkiseb it-tagħrif sħiħ dwar iċ-ċirkostanzi soċjali li jservu ta' bażi għal din il-problema, kif ukoll l-osservazzjoni tagħhom, f'termini identiċi madwar l-Ewropa — u idealment, madwar id-dinja — imsejsa fuq il-ġbir u l-ipproċċessar ta' data statistika komparabbli, li għandha tgħin fid-definizzjoni ta' qafas ekonomiku sabiex id-data tiġi kkwantifikata.

6.3.1.2

Fuq din il-bażi ta' definizzjoni kunċettwali u metodoloġika, il-Kummissjoni għandha tissponsorja studju li jkopri ż-żona Komunitarja kollha, u b'hekk jikkontribwixxi għal evalwazzjoni ta' l-aspetti ekonomiċi u soċjali tad-dejn eċċessiv (43).

6.3.2   Prevenzjoni u trażżin

6.3.2.1

Il-Kummissjoni għandha tfassal leġislazzjoni indipendenti u armonizzata għal miżuri li jimpedixxu, jillimitaw, u jippjanaw sabiex irażżnu l-impatt ta' dan il-fenomenu.

Għandu jkun hemm, b'mod parikulari, liġijiet dwar:

a)

informazzjoni eżawrenti prekuntrattwali u kuntrattwali u segwitu għal wara l-bejgħ;

b)

responsabilità konġunta fil-forniment tal-kreditu, ibbażata fuq i) l-aċċettazzjoni mill-applikant ta' l-obbligu li jgħarraf lill-fornitur ta' kreditu mingħajr ma jagħti informazzjoni li mhijiex vera dwar is-sitwazzjoni tiegħu/tagħha u ii) l-aċċettazjoni mill-fornitur ta' l-obbligu tiegħu li jagħmel kull ma' jista' biex iwettaq evalwazzjoni preċiża u jagħti lill-applikant pariri tajbin (44);

c)

il-possibilità ta' trasferimenti ta' kreditu mingħajr ħlas;

d)

il-monitoraġġ tar-reklamar, il-publiċità u l-komunikazzonijiet kummerċjali dwar il-kreditu tal-konsumatur;

e)

parametri għal “klassifika tal-kreditu” u projbizzjoni fuq deċiżjonijiet li jsiru permezz ta' sistema awtomatika;

f)

il-garanzija ta' servizz bankarju bażiku u li l-kontijiet bankarji jkunu universali u trasferibbli u li l-kontijiet ikunu aċċessibbli permezz ta' mezz elettroniku (karti ta' debitu);

g)

id-definizzjoni ta' parametri għall-mikrokreditu u tipi oħra ta' kreditu soċjali u l-promozzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji “alternattivi” immirati b'mod speċifiku lejn dawn is-setturi;

h)

l-identifikazzjoni u l-penalizzazzjoni ta' prattiki kummerċjali mhux ġusti u ta' klawsoli abbużivi relatati b'mod speċifiku mal-forniment tal-kreditu;

i)

id-dritt li wieħed jirtira minn kuntratt;

j)

id-delimitazzjoni tar-rekwiżit għal garanziji kollaterali personali;

k)

regoli dwar kummissjonijiet;

l)

regolamenti dwar is-sensar ta' kreditu;

m)

it-tisħiħ tas-setgħat u l-miżuri superviżorji disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-servizzi finanzjarji f'dan il-qasam;

n)

it-twaqqif ta' parametri għad-definizzjoni ta' dak kollu li huwa meqjus bħala użura; u

o)

iż-żieda ta' dispożizzjoni fid-Direttiva dwar il-Kreditu lill-Komsumatur li tobbliga lill-banek iwieġbu għall-ilment sa data ta' skadenza speċifikat.

Barra minn hekk, fuq medda twila ta' żmien, għandhom jitfasslu liġijiet dwar dawn l-aspetti li ġejjin:

a)

skema ta' l-assigurazzjoni soċjali standard;

b)

il-garanzija ta' skemi sostenibbli għal pensjonijiet u l-użu tagħhom bħala n-norma fl-I stati Membri kollha (definizzjoni possibbli tat-“28 skema”);

c)

id-definizzjoni ta' sistema ta' arkivji uniċi ta' l-istorja tal-kreditu ta' l-individwu li tirrispetta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali u tistipula min jista' jkollu aċċess għall-fajl u r-raġuni għalfejn hija meħtieġa l-informazzjoni (limitata għall-għoti tal-kreditu).

6.3.2.2

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi prattika tajba f'dan il-qasam, tippromovi l-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Kondotta Ewropej, f'sistema ta' awto-regolamentazzjoni jew ko-regolamentazzjoni, bħala parti minn sistema legali definita tajjeb, implimentata b'mod effettiv u li kapaċi timponi ruħha.

6.3.2.3

Il-Kummissjoni għandha wkoll, bħala inizjattiva tagħha stess jew f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, tistabbilixxi programmi ta' tagħrif speċifiċi, miżuri edukattivi ffokati fuq l-aspetti prattiċi ta' l-użu ta' kreditu u proġetti għall-għoti ta' appoġġ u konsultazzjoni f'dan il-qasam, bl-użu ta' l-istrumenti ta' proġetti pilota, li kellhom riżultati pożittivi ħafna f'oqsma oħra (45).

6.3.2.4

Fl-aħħar nett, il-KESE jissuġġerixxi li jitwaqqaf Osservatorju Ewropew għad-Dejn li jkun jaħdem flimkien mal-korpijiet nazzjonali li diġà jeżistu u ma' oħrajn stabbiliti fl-Istati Membri, sabiex isir forum ta' djalogu bejn il-partijiet kollha kkonċernati, u jiġu analizzati l-iżviluppi f'dan il-fenomenu fuq livell Ewropew u jiġi propost u pprovdut appoġġ għall-inizjattivi ta' prevenzjoni l-iktar xierqa, u sussegwentement jiġi evalwat l-impatt tagħhom. Il-KESE, issa stess, qiegħed joffri li jospita dan l-osservatorju fi ħdan il-qafas istituzzjonali tiegħu, għallinqas sakemm isir korp indipendenti.

6.3.3   It-trattament tad-debituri u l-irkupru ta' l-assi

6.3.3.1

Meta wieħed iqis it-tipi diversi ta' sistemi stabbiliti fuq livell nazzjonali, b'oriġini, prinċipji u metodi differenti (46), l-isforzi tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu ffokati l-ewwel nett mhux fuq tentattivi biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, iżda minflok fuq definizzjoni ta' qafas ta' referenza u lista ta' prinċipji fundamentali li għandhom jiġu garantiti mis-sistemi legali proċedurali kollha li jkopru l-prosekuzzjoni għal dejn mhux imħallas jew l-irkupru tad-dejn minn individwi, li jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' dawn il-prinċipji u jiġi inforzat l-għarfien tagħhom.

6.3.3.2

Il-prinċipji fundamentali l-iktar importanti huma:

soluzzjonijiet immedjati aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati bi prezz baxx jew b'xejn, li ma jostakolawx l-aċċess għall-kreditu u li ma jagħtux isem ħażin lid-debituri u l-familji tagħhom;

miżuri li jqisu l-interessi leġittimi tal-kredituri, iżda wkoll ir-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tad-dejn tal-familji;

soluzzjonijiet li jiffavorixxu l-kunsens u l-konklużjoni ta' ftehimiet volontarji dwar ħlas barra mill-qorti li jippermettu li jkun iktar faċli għad-debituri li jżommu, meta possibbli, l-assi essenzjali għall-benessri tal-familji tagħhom, bħad-dar;

miżuri flessibbli li jippermettu lid-debituri li jagħżlu, fil-każijiet l-iktar serji, li jillikwidaw l-assi tagħhom, u jinħafru d-djun mhux imħallsa waqt li titqies is-sitwazzjoni ta' partijiet terzi li kienu ta' garanzija għad-debituri;

monitoraġġ speċjalizzat tad-debituri matul il-proċess ta' l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħlas wara l-falliment, sabiex ma jerġgħux jiġru l-istess problemi, u d-debituri ikollhom l-għajnuna biex ibiddlu l-imġiba tagħhom fir-rigward tal-konsum u d-dejn, sabiex ikunu tassew jistgħu jibdew mill-ġdid.

6.3.3.3

Dan ix-xogħol kollu għandu, madankollu, jinfetaħ sabiex ikunu involuti l-partijiet kollha flimkien mar-rappreżentanti tagħhom. Għaldaqstant, hemm is-suġġeriment li ssir konsultazzjoni pubblika minn qabel permezz tal-pubblikazzjoni ta' Green Paper li tiddefinixxi t-termini tal-kwistjoni, sabiex tiġi kkwantifikata fil-livell Ewropew, li tanalizza l-mezzi u s-sistemi differenti għall-prevenzjoni, il-monitoraġġ u r-rimedju ta' sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv u tikkonkludi b'sommarju li jinkludi indikazzjoni ta' l-azzjoni integrata fil-livell Komunitarju bejn id-Direttorati Ġenerali varji involuti kif ukoll li jinvolvi l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri varji u fil-livell Komunitarju (47).

7.   Seduta pubblika

7.1

Fil-25 ta' Lulju il-KESE kellu seduta pubblika dwar is-suġġett ta' din l-opinjoni, fejn attendew parteċipanti mistednin li huma speċjalisti f'dan il-qasam.

7.2

Fuq il-bażi ta' l-opinjonijiet espressi waqt sessjoni fejn l-attendenza kienet tajba ħafna, u li pproduċa numru ta' studji mill-iktar utili, wieħed jista' jqis li kien hemm appoġġ konsiderevoli għall-għanijiet ta' din l-opinjoni, li tadotta ħafna mis-suġġerimenti li saru waqt is-seduta.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Aristotelu irrefera għal din il-problema fit-trattat tiegħu dwar il-“Kostituzzjoni ta' Ateni”, (fil-parti 6 b'mod partikulari, fejn jgħid: “Malli beda jmexxi Solon ħeles il-poplu għal dejjem, billi ipprojbixxa kull self fuq ir-sigurtà tad-debitur: u barra minn hekk fassal liġijiet li permezz tagħhom ikkanċella d-dejn kollu, kemm dak pubbliku kif ukoll dak privat. Din il-miżura hija magħrufa bħala s-Seisachtheia, peress li permezz tagħha l-poplu ħeles mill-piż li kellu fuqu” [traduzzjoni ħielsa għall-Malti mit-traduzzjoni għall-Ingliż ta' Sir Frederick G. Kenyon] u li l-mod kif sab “identità” għal sitwazzjonijiet influwenzat il-kontribut interessanti ħafna ta' Udo Reifner intitolat “Skjav għall-kiri — il-Liġi Kuntrattwali Ewropea fis-Soċjetà ta' Kreditu” waqt il-konferenza dwar il-liġi privata u l-kulturi varji ta' l-Ewropa, li saret fl-Università ta' Ħelsinki fis-27 ta' Awissu 2006. Wieħed għandu jinnota li sas-seklu XX f'ħafna pajjiżi Ewropej kienet għadha teżisti l-priġunerija għad-debituri.

(2)  Dwar dan is-suġġett, ara l-kontribuzzjoni riċenti ta' Georges Gloukoviezoff intitolata “From Financial Exclusion to Overindebtedness: The Paradox of Difficulties for People on Low Incomes?” fil-pubblikazzjoni “New Frontiers in Banking Services”, Luisa Anferloni, Maria Debora Braga u Emanuele Maria Carluccio, Springer.

(3)  Cf. Special Eurobarometer 273, European Social Reality, 2007.

(4)  Rapport Konġunt 2007 dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, addottat mill-Kunsill fit-22.2.2007, (COM(2007) 13 finali tad-19.1.2007).

(5)  Cf. Eurostat — Les nouveaux consommateurs (The new consumers), Larrousse 1998.

(6)  Waqt li jenħtieġ li titqies ukoll id-differenza konsiderevoli fin-natura tagħhom, anke fil-kuntest tad-drittijiet fundamentali.

(7)  Fil-pajjiżi l-ġodda li ssieħbu dan ġara biss fid-90ijiet.

(8)  Cf. Id-data fil-Bullettin nru 144, Diċembru 2005 tal-Bank ta' Franza. URL:

http://www.banque-france.fr/fr/publications/telechar/bulletin/etu144_1.pdf.

(9)  Id-definizzjoni eżemplari ta' Udo Reifner tgħid: “Id-dejn eċċessiv ifisser li, oġġettivament, wieħed ma jkunx jista' jħallas; fi kliem iktar preċiżi, id-dħul rilevanti wara t-tnaqqis ta' l-ispejjeż għall-għajxien ma jkunx iktar suffiċjenti biex ikopri l-ħlas lura tad-djun meta jasal il-waqt li jitħallsu” (minn “Consumer Lending and Over Indebtedness among German Households”).

(10)  Il-kunċett ta' dejn eċċessiv li jsejjes l-inizjattivi leġiżlattivi differenti ħafna joriġina qabel kollox mir-regoli legali li jistipulaw il-kundizzjonijiet ta' aċċess għal kwalunkwe proċedura ta' strutturar mill-ġdid tad-dejn, kemm jekk tkun ġudizzjarja kif ukoll jekk ma tkunx. B'hekk, per eżempju, il-liġi Franċiża tippermetti aċċess għal debituri li jaġixxu b'intenzjoni tajba li jidhru biċ-ċar li m'humiex kapaċi jlaħħqu mad-djun professjonali tagħhom kollha li jridu jħallsu jew li se jkollhom iħallsu (Artikolu L 331-2 tal-Code de la Consommation). Bl-istess mod, il-liġi Finlandiża (1993) tikkunsidra d-debituri f'sitwazzjoni ta' dejn eċċessiv jew ta' falliment meta ma jkunux f'pożizzjoni li jħallsu d-dejn tagħhom meta jasal il-waqt,, meta jkun hemm sitwazzjoni permanenti u mhux biss waħda aċċidentali jew temporanja. Pajjiżi oħrajn, madankollu, jillimitaw id-definizzjoni tagħhom għal lista ta' rekwiżiti proċedurali u personali għal aċċess għal skemi li jieħdu ħsieb id-dejn eċċessiv, mingħajr ma jieħdu r-riskju li jagħtu definizzjoni tad-dejn eċċessiv. Din hi l-qagħda fil-liġi Belġjana (Liġi tal-5 ta' Lulju 1998, emendata mil-Liġi tad-19 ta' April 2002) u l-liġi ta' l-Amerika ta' Fuq (Bankruptcy Code, riveduta fl-2005).

(11)  “Common operational European definition of over-indebtedness (Contract n.o VC/2006/0308, of 19.12.2006)”, iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Ugwali u mmexxi mill-Osservajtorju Ewropew tat-Tifdil.

(12)  “Studju tal-Problema tad-Dejn tal-Konsumatur: Aspetti Statistiċi (kuntratt nru B5-1000/00/000197)”, mill-OCR Macro għad-DĠ SANCO.

(13)  Il-mudell amministrattiv: il-kejl tad-dejn eċċessiv jingħata mill-istatistiki uffiċjali li jirriferu għal proċeduri formali għall-iffaċċjar ta' dawn il-każi. Din l-għażla tħalli barra parti minn dak li fil-fatt jiġri, peress li mhux id-debituri kollha li jinsabu f'diffikultajiet jirrikorru għall-proċeduri uffiċjali u legali. Barra minn hekk, il-varjetà ta' soluzzjonijiet legali fis-seħħ fil-pajjiżi diversi Ewropej tagħmilha impossibbli li jsir paragun preċiż bejniethom.

(14)  Il-mudell suġġettiv huwa msejjes fuq il-perċezzjonijiet ta' l-individwi jew tal-familji dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Familji jikkunsidraw lilhom infushom b'dejn eċċessiv meta jiddikjaraw li għandhom diffikultajiet kbar biex iħallsu d-djun kollha tagħhom jew meta ma jkunux kapaċi jagħmlu dan. Il-kriterju użat f'dan il-mudell huwa diffiċli li jsir fil-prattika, u b'hekk jikkomprometti l-kumparabilità tad-data. Numru qed jiżdied ta' nies qed jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-ġudizzju tan-nies qiegħed ikun sfukat minn wisq ottimiżmu, stima wisq baxxa tar-riskji u 'skontijiet iperboliċi' (hyperbolic discount) meta jevalwaw is-sostenibilità finanzjarja u meta jkunu qed jiddeċiedu jekk għandhomx jirrikorru għall-kreditu biex iħallsu l-kontijiet.

(15)  Il-mudell oġġettiv juża s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-familji biex titkejjel l-inabilità li jitħallas id-dejn, per eżempju r-relazzjoni bejn id-dejn totali u s-salarju bażiku jew bejn id-dejn totali u s-salarju bażiku u l-assi flimkien. Din hi l-formula li tintuża ġeneralment mill-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll minn xi sistemi legali nazzjonali. Għalkemm huwa mudell li fih il-problemi tiegħu, bħal kif għandu wieħed ikun jaf sa liema punt l-imġiba, l-onestà u l-intenzjonijiet tajba tad-debitur għandu jkollhom influwenza fuq l-aċċess għal sistema ta' ħlas u għat-tneħħija tad-dejn, dan huwa l-kriterju li jippermetti li jsir paragun u li jista' jipprovdi bażi għat-tfassil ta' kunċett legali komuni ta' dejn eċċessiv.

(16)  Ċifri tal-Bank ta' Franza għall-2004 jestimaw li 73 % tal-każi ta' dejn eċċessiv li tressqu lill-Kummissjoni għad-Dejn Eċċessiv joriġinaw minn kawżi passivi.

(17)  Ara r-Rapport ta' Informazzjoni tal-KESE tas-26.6.2000 dwar Id-Dejn Eċċessiv fost il-Familji, rapporteur Is-Sur Altaíde Ferreira, fejn is-suġġett ġie eżaminat b'mod estensiv.

(18)  Fil-waqt li dan huwa strument ta' ġestjoni tar-riskju importanti għall-istituzzjonijiet finanzjarji, hemm bżonn ta' aktar trasparenza fis-sistemi ta' klassifika u sabiex dawn ikunu kkombinati ma' mezzi suġġettivi ta' analiżi sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni preċiża u realistika tal-kapaċità tad-debitur li jħallas lura u sabiex id-deċiżjonijiet ma jkunux ibbażati biss fuq mudelli awtomatiċi. Hemm ukoll il-ħtieġa għall-monitoraġġ tal-varjabbli tal-mudell matematiku mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Barra minn hekk, għandha tingħata konsiderazzjoni lill-possibilità li d-debituri jingħataw aċċess għar-rapporti ta' kreditu tagħhom, kif isir f'pajjiżi bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jaraw kif jistgħu itejbu l-credit rating tagħhom.

(19)  Barra minn hekk, huwa essenzjali li jitwaqqfu prattiki finanzjarji li jipprovaw jużaw b'mod mhux xieraq il-pensjonijiet tal-membri tas-soċjetà l-iktar dipendenti, billi jużaw il-pensjonijiet bħala garanziji għal self li jkun għoli b'mod mhux proporzjonat meta mqabbel mal-mezzi li jkollha l-persuna biex tħallsu lura. Fil-Brażil, per eżempju, ġie stabbilit fl-2004 tip ta' kreditu li jimmira lejn l-anzjani, magħruf bħala “crédito consignado” [self kontra d-dħul]. Dan it-tip ta' kreditu speċjali jitnaqqas mill-pensjonijiet mis-sors, sa massimu ta' 30 % tal-valur totali tal-pensjoni. Il-fatt li r-rati ta' l-interessi offerti huma iktar baxxi minn dawk disponibbli fis-suq jippermetti li l-anzjani jkollhom aċċess għal kreditu; madankollu jidher li dan qed joħloq diffikultajiet finanzjarji għall-persuni bl-iktar pensjonijiet baxxi, li mhux qed jirnexxielhom iħallsu lura ħlasijiet oħra u mhux qed ikollhom riżorsi suffiċjenti biex jilħqu mal-bżonnijiet bażiċi tagħhom.

(20)  L-assigurazzjoni taqdi rwol ambivalenti fir-rigward ta' l-esklużjoni soċjali. L-assigurazzjoni fuq il-ħajja obbligatorja tista' teskludi mis-suq tal-kreditu nies li għandhom problemi ta' saħħa, iżda polza ta' l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tista' tħares persuna li timrad f'daqqa milli titlef l-assi assigurati tagħha u b'hekk tispiċċa fqira u eskluża.

(21)  Fi Franza u l-Belġju, il-mikrokreditu lill-konsumatur (magħruf bħala mikrokreditu soċjali) qed jintuża fi skema sperimentali minn numru ta' netwerks bankarji, fi sħubija ma' organizzazzjonijiet soċjali. Sal-lum, l-esperiment kellu suċċess raġonevoli, iżda għadu kmieni wisq biex issir evalwazzjoni definittiva. Fil-każ tal-Belġju ta' min isemmi l-esperjenza tal-Credal, kooperattiva tal-kreditu soċjali fil-Belġju, maħluqa bis-saħħa ta' sħubija pubblika/privata bejn il-gvern reġjonali tal-Wallonja u numru ta' istituzzjonijiet finanzjarji.

(22)  Ara per eżempju il-“Protocollo sullo sviluppo sostensibile e compatibile del system bancario” iffirmat fis-16 ta' Ġunju 2004 f'Ruma bejn l-“Associazone Bancaria Italiana” u l-“Federazione Autonoma Lavatori del Credito e del Risparmio Italiani (Falcri)”, il-“Federazione Italiana Bancari e Assicurativi (Fiba-Cisl)”, il-“Federazione Italiana Sindacale Lavoratori Assicurazioni e Credito (Fisac-Cgil)”, il-“Uil Cridito, Esattorie e Assicurazioni (Uil C.A.)”.

(23)  Għal deskrizzjoni kritika ddettaljata ta' dan il-mudell, ara x-xogħol ta' Karen Gross, li hija magħrufa sew fl-Ewropa, b'mod partikulari l-pubblikazzjoni tagħha “Failure and Forgiveness. Rebalancing the bankruptcy system”, New Haven, Yale University Press (1997).

(24)  Xi sistemi legali, bħal dawk ta' Franza u l-Belġju, irriformaw il-liġijiet tagħhom dwar il-ġestjoni tad-dejn eċċessiv ta' l-individwi sabiex jiġu inkorporati soluzzjonijiet alternattivi bbażati fuq il-likwidazzjoni ta' l-assi. Fil-każi l-iktar serji, fejn il-pjan ta' ħlas lura ma' joffrix soluzzjoni, il-likwidazzjoni hija possibbli, segwita mill-maħfra tad-dejn. Madankollu, b'differenza mil-liġi ta' l-Istati Uniti, il-maħfra tad-dejn qatt ma jkun immedjat. Id-debitur irid jgħaddi minn perijodu ta' prova, fejn irid ifaddal parti mid-dħul tiegħu biex iħallas id-dejn li fadallu jħallas. Huwa biss wara dan il-perijodu u biss jekk id-debitur ikun wera imġieba onesta u li għandu intenzjonijiet tajba, li d-dejn tiegħu jkun jista' jitħassar. B'mod eċċezzjonali, fi Franza, dejn jista' jitħassar malli jibdew il-proċeduri fil-qorti, jekk l-imħallef jaħseb li m'hemmx tama li l-qagħda ta' l-individwu titjieb, anke jekk din il-proċedura ma tantx intużat s'issa.

(25)  Dawn id-dokumenti tfasslu t-tnejn li huma mill-membru preċedenti tal-Kumitat Manuel Ataide Ferreira.

(26)  Riżoluzzjoni tas-26 ta' Novembru 2001, ĠU C 364, l-20 ta' Diċembru 2001.

(27)  Il-minuti tal-Kunsill ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur tas-26 ta' Novembru 2001 jistqarru li l-Ministri kkunsidraw, fost osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet oħra, li “differenzi fit-trattament preventiv, soċjali, legali u ekonomiku tad-dejn eċċessiv bejn l-Istati Membri jistgħu joħolqu differenzi konsiderevoli kemm bejn il-konsumaturi Ewropej kif ukoll bejn il-fornituri ta' kreditu” u għaldaqstant (…) “għandu jiġi kkunsidrat fil-livell Komunitarju li l-miżuri għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' kreditu transkonfinali jiġu kkumplimentati minn miżuri għall-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv matul iċ-ċiklu ta' kreditu”.

(28)  F'termini li huma dubjużi ħafna, kif stqarr il-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar din il-proposta (CES 918/2003, is-17 ta' Lulju 2003): rapporteur, is-Sur Pegado Liz Ara wkoll “La presencia del sobreendeudamiento en la propuesta de directiva sobre el credito e los consumidores” [“Id-dejn eċċessiv, id-direttiva proposta dwar il-kreditu għall-konsumatur”] ta' Manuel Angel, Lopes Sanchez, fil-pubblikazzjoni “Liber Amicorum Jean Calais Auloy”, p. 62.

(29)  COM(2002) 443 finali, il-11 ta' Settembru 2002.

(30)  COM(2005) 483 finali/2, it-23 ta' Novembru 2005.

(31)  Madankollu, ikun tajjeb li jissemmew xi inizjattivi għal dibattitu pubbliku dwar din il-kwistjoni promossi minn istituzzjonijiet Komunitarji differenti, inkluża l-Kummissjoni. Dawn jinkludu: seduta pubblika, li saret fi Stokkolma fit-18 ta' Ġunju 2000 bl-appoġġ tal-Presidenza Svediża; konferenza ewlenija li saret fit-2 ta' Lulju 2001, b'kooperazzjoni mal-Consiglio Nazionale dei Consumatori e degli Utenti [Kunsill Nazzjonali tal-Konsumaturi u l-Utenti] (CNCU), dwar “Ir-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE u s-sistemi bankarji f'kunflitt”, fejn id-Direttur tad-Direttorat tas-Servizzi Finanzjarji, DĠ SANCO, ippreżenta l-approċċi adottati fil-proposta għal direttiva ġdida dwar il-kreditu tal-konsumatur u l-problemi tad-dejn eċċessiv fil-livell Komunitarju; fl-4 ta' Lulju 2001,id-DĠ SANCO ħa l-inizjattiva li jorganizza seduta fi Brussell ta' l-esperti mill-gvernijiet sabiex jiġu diskussi l-bidliet proposti fid-direttiva tal-kreditu tal-konsumatur, fejn ġew enfasizzati aspetti varji dwar kif jista' jitwaqqaf id-dejn eċċessiv; tul il-presidenza Belġjana sar seminar importanti fi Charleroi, fit-13 u l-14 ta' Novembru 2001, dwar it-tema “Il-kreditu tal-konsumatur u l-armonizzazzjoni Komunitarja”, fejn il-Ministru Belġjan ta' l-Ekonomija u r-Riċerka Xjentifika b'mod partikulari semma l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-kwistjoni u enfasizza r-rabta ma' l-iżvilupp ta' servizzi finanzjarji u l-kummerċ transkonfinali fis-suq intern. Espert tal-Kummissjoni Ewropea ta preżentazzjoni dwar il-linji gwida wiesa' għar-reviżjoni tad-direttiva tal-kreditu tal-konsumatur, fejn ċertu tħassib dwar informazzjoni lill-konsumatur jirrelataw mal-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv; u l-“Konferenza dwar id-dejn eċċessiv tal-konsumatur: mekkaniżmi ta' ħarsien fl-Ewropa”, promossa mill-PSOE [Partit Soċjalista tal-Ħaddiema ta' Spanja] u mill-Grupp Soċjalista fil-PE, f'Madrid fid-29 ta' Novembru 2002.

(32)  B'mod kurjuż, f'testi oħrajn, bħall-Proposta tal-Kummissjoni dwar is-SEPA (Single European Payments Area) kien espress ċertu tħassib fir-rigward tal-prevenzjoni tad-dejn eċċessiv.

(33)  Ara b'mod partikulari l-istħarriġ tal-Eurobarometer ippubblikat lejn l-aħħar ta' l-2006, il-Komunikazzjoni intitolata “Aġenda taċ-ċittadini” adottata mill-Kunsill f'Lulju 2006 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2007 (COM(2007) 13 finali, tad-19 ta' Jannar 2007).

(34)  Adottata waqt is-26 Konferenza ta' Ministri tal-Ġustizzja Ewropej tal-Kunsill ta' l-Ewropa, li saret f'Ħelsinki fis-7 u t-8 ta' April 2005.

(35)  Bħala segwitu għar-“Rapport dwar Soluzzjonijiet Legali għal Problemi ta' Dejn f'Soċjetajiet tal-Kreditu” mill-Bureau tal-Kumitat Ewropew għal Kooperazzjoni Legali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, tal-11 ta' Ottubru 2005 (CDCJ-BU(2005) 11 rev.).

(36)  Id-dinja akkademika tidher li hija interessata b'mod partikulari fil-problema tal-kreditu tal-konsumatur u d-dejn eċċessiv, kif intwera biċ-ċar fil-laqgħa xjentifika li saret riċentement f'Berlin bejn il-25 u t-28 ta' Lulju mill-Assoċjazzjoni tal-Liġi u s-Soċjetà, fejn ipparteċipa grupp ta' riċerkaturi mill-Ewropa, l-Amerika (kemm ta' Fuq kif ukoll t'Isfel), l-Asja u l-Awstralja, li matul 8 sessjonijiet iddiskutew dwar l-aspetti varji relatati ma' din il-kwistjoni.

(37)  Ara “Id-dejn tal-konsumatur u l-Liġi tal-Konsumatur fl-Unjoni Ewropea”, Udo Reifner, Johanna Kiesilaien, Nik Huls u Helga Springeneer (Kuntratt Nru. B5-1000/02/000353, għad-DĠ SANCO Settembru 2003); “Studju tal-problema tad-dejn tal-konsumatur: Aspetti statistiċi”, ORC Macro (Kuntratt Nru B5-1000/00/000197, għad-DĠ SANCO, 2001); “Il-Konsum tal-kreditu u l-akkumulazzjoni tad-dejn fost konsumaturi bi dħul baxx: Konsegwenzi ewlenin u strateġiji ta' intervenzjoni” Deirdre O'Loughlin (Nov. 2006); “L-esklużjoni u r-rabtiet tagħha mal-finanzi: l-esklużjoni bankarja ta' individwi” Rapport prodott miċ-Ċentru Walras, Georges Gloukoviezoff; “EC Consumer Law Compendium: Comparative Analysis”, (kuntratt Nru 17.020100/04/389299) imfassla minn Hans Schulte-Nölke, ta' l-Università ta' Bielefeld għall-Kummissjoni Ewropea; “Financial education & better access to adequate financial services”, minn ASB Schuldnerberatungen (Awstrija), f'kooperazzjoni mal- GP-Forschungsgruppe: Institut für Grundlagen-und Programmforschung (Ġermanja), l-Assoċjazzjoni għall-Promozzjoni ta' l-Edukazzjoni Finanzjarja SKEF (Polonja) u L' Observatoire du Crédit et de l'Endettement (Belġju) — il-proġett kien ko-finanzjat mid-DĠ Impjieg u Affarijiet Soċjali (Settembru 2005-Settembru 2007).

(38)  Ara, per eżempju, diskorsi riċenti ta' Tony Blair, Stephen Timms u Ruth Kelly f'Settembru 2006.

(39)  Fil-fatt, l-Artikolu I(3) ta' l-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali jiddikjara li waħda mill-miri ta' l-Unjoni hija li “tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u … tippromovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali …”.

(40)  Għandha titpoġġa enfasi partikulari fuq il-kunċetti mfissra fl-Artikoli 2 u 34 tat-Trattat UE u l-Artikoli 2, 3, 136, 137 i 153 tat-Trattat ta' Ruma, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-metodu miftuħ integrat ta' koordinazzjoni (OMC) introdott fl-2006, li huwa mmirat li jsaħħaħ il-kapaċità ta' l-UE li tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri biex jiżguraw iktar koeżjoni soċjali fl-Ewropa.

(41)  Ara l-Artikoli 65 u 67 tat-Trattat u r-rwol diġà estensiv tal-miżuri adottati sabiex tiġi definita żona ġudizzjarja Ewropea.

(42)  Kif jintwera biċ-ċar fir-rapport intermedjarju eċċellenti dwar il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2007, fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Suq wieħed għaċ-ċittadini” (COM(2007) 60 finali, il-21 ta' Frar 2007), u f'diskorsi u intervisti varji mogħtija mill-President tal-Kummissjoni nnifsu.

(43)  Data dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa hija kemmxejn skaduta, u tirriferi għall-istudju ppubblikat fl-2001 mill-OCR Macro, kif imsemmi fuq. Madankollu, bosta Stati Membri jirrikonoxxu li n-numru ta' familji affettwati mid-dejn eċċessiv żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin. Data dwar is-sitwazzjoni fil-Ġermanja tindika li fl-1989, 3.5 % tal-familji biss esperjenzaw diffikultajiet finanzjarji serji, waqt li fl-2005, 8.1 % tal-familji Ġermaniżi kellhom dejn eċċessiv (Fi Franza, in-numru ta' każijiet imressqa quddiem il-Kummissjoni Franċiża għad-Dejn Eċċessiv żdied b'rata ta' 6 % fis-sena bejn l-2005 u l-2005, meta tressqu 866 213-il każ. Fl-Iskozja, ukoll fl-2004, iktar minn 3 000 każ ta' falliminet ġie ddikjarat. Fl-Isvezja, minkejja l-fatt li r-rata ta' tkabbir ekonomiku annwali hija waħda mill-ogħla fl-UE, in-numru ta' każijiet ta' dejn eċċessiv żdied fl-2005 bi 13.6 % meta mqabbla ma' l-2004 u bi 30.7 % meta mqabbla ma' l-2003. Jidher li l-Belġju huwa l-eċċezzjoni, fejn sistema mfassla sew u implimentata tajjeb tidher li qed ikollha effett pożittiv, bl-għajnuna ta' bidliet riċenti fil-leġislazzjoni (id-Digriet Legali u Reali ta' l-1 ta' April 2007, li jemenda l-Liġi ta' l-24 ta' Marzu 2003 u d-Digriet Reali tas-7 ta' Settembru 2003, dwar servizzi bankarji bażiċi). Fl-Istati Uniti, fl-2005, iktar minn 1 600 000 każ ta' falliment ġie ddikjarat. Fl-Awstralja, 81 % tal-każijiet ta' falliment imressqa quddiemil-qrati fl-2005/2006 kienu jikkonċernaw individwi. Fl-2006, 106 629 każ ta' falliment (likwidazzjoni jew proposti) tressaq quddiem il-qrati tal-Kanada.

(44)  Eżempji tajbin ta' dan jinkludu t-Taqsimiet 79 sa 81 ta' l-Att ta' Kreditu Nazzjonali ta' l-Afrika t'Isfel Nru 34/2005.

(45)  Per eżempju, hemm każijiet ta' proġetti ta' medjazzjoni u ta' riżoluzzjoni mhux ġudizzjarja għal tilwim mal-konsumatur li ħejjew it-triq għal netwerks differenti attwalment stabbiliti fl-Ewropa; wieħed mill-iktar rilevanti għal din il-kwistjoni huwa “Consumar DebtNet”, stabbilit fl-1994 u li attwalment qiegħed jitfassal mill-ġdid taħt l-isem “European Consumer Debt Net (ECDN)”.

(46)  Barra minn hekk, xi Stati Membri bħall-Portugall, għad m'għandhomx sistema adegwata għal dan il-għan.

(47)  Fil-fatt, ir-rapport ta' informazzjoni tal-KESE ta' l-2000 imsemmi aktar fuq ikkonkluda billi rrakkomanda li l-Kummissjoni “tagħmel l-ewwel pass f'din id-direzzjoni billi tipprepara immedjatament Green Paper dwar Id-Dejn Eċċessiv fost Familji fl-Ewropa, li jinkorpora r-riċerka disponibbli dwar il-problema, jipprovdi stampa aġġornata ta' l-arranġamenti legali u data statistika mill-Istati Membri u l-pajjiżi applikanti, b'ħidma lejn definizzjoni unika tad-dejn eċċessiv, u definizzjoni ta' l-approċċ preferut tagħha sabiex jintlaħqu l-objettivi identifikati fir-rapport ta' informazzjoni attwali”. (Ir-rapport mhux tradott għall-Malti).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona”

(2008/C 44/20)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-ispirtu intraprenditorjali u l-Aġenda ta' Lisbona.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sharma u l-ko-rapporteur kien is-Sur Olsson.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'109 voti favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

L-intraprenditorija, fis-sens l-aktar wiesa' tagħha, li tista' tqanqal u tħeġġeġ spirtu innovattiv u kreattiv, għandha tiġi enfasizzata fl-Aġenda ta' Lisbona bħala waħda mill-għodod ewlenin għal iktar tkabbir u impjiegi aħjar kif ukoll għall-koeżjoni soċjali u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

Fis-soċjetà globali tagħna, huwa essenzjali li jitkattar spirtu intraprenditorjali u jiġi żviluppat fil-livell makro, meso u mikro permezz ta' approċċ olistiku filwaqt li jiġu rispettati l-karattri speċifiċi ta' kull livell.

1.2

L-edukazzjoni u t-taħriġ imferrxa fost l-etajiet u fuq il-ħiliet kollha għandhom iqanqlu l-kreattività u l-potenzjal ta' l-individwi kollha. Il-KESE jappoġġja t-tixrid tal-prattiċi tajbin u jenfasizza l-eżempji ta' l-istrateġija tal-Gvern Norveġiż (1), u l-Junior Achievement Young Enterprise (JA-YE) għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mudelli ta' prattika tajba li jistgħu jispiraw lil pajjiżi oħrajn.

1.3

L-atturi pubbliċi u privati għandhom jiġu mobilizzati sabiex ikun jista' jiġi żviluppat spirtu intraprenditorjali, fl-usa' sens tiegħu, fi ħdan il-komunitajiet, l-organizzazzjonijiet u fost l-individwi.

1.4

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżviluppa qafas għar-reviżjoni tal-progress u għad-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattika, kif ukoll għall-promozzjoni tal-valur ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali fost iċ-ċittadini ta' l-UE fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona. L-iskambju ta' l-aħjar prattiċi huwa importanti u l-progress jista' jiġi mmonitorjat permezz ta' konferenzi annwali li jivvalutaw is-sitwazzjoni.

1.5

L-imsieħba soċjali għandhom jikkunsidraw il-benefiċċji tat-tkattir ta' spirtu intraprenditorjali bħala fattur li jista' jwassal għal iktar impjiegi u impjiegi aħjar. L-imsieħba għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jsaħħu d-djalogu soċjali sabiex jinstab għan komuni għall-azzjoni olistika.

1.6

L-ekonomija soċjali u r-rwol ta' l-organizzazzjonijiet non-governattivi fl-iżvilupp ta' l-ispirtu intraprenditorjali għal skopijiet u innovazzjonijiet soċjali għandhom jiġu promossi. Ir-rwol speċifiku ta' dawn l-intrapriżi għandu jiġi rikonoxxut fil-livell Ewropew fil-linji ta' gwida ġodda għall-Impjieg għall-2008-10.

1.7

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tat-tnedija ta' L-Istrateġija ta' l-Intraprenditorija għal kulħadd tad-DĠ ta' l-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs u beħsiebu jieħu sehem fiha b'mod attiv.

1.8

Mudelli u attivitajiet pożittivi fi ħdan il-midja u l-immaġni, li qiegħda tiġi trasmessa permezz tagħhom, ta' l-intraprendituri u ta' strateġiji edukattivi li jippromovu l-kreattività u l-innovazzjoni, huma kollha elementi essenzjali għat-tfassil ta' Ewropa bi spirtu intraprenditorjali. Sabiex l-Ewropa trawwem spirtu intraprenditorjali huwa essenzjali li l-midja — u forsi primarjament il-midja — tirreklama eżempji konvinċenti ta' attivitajiet li joħolqu immaġni pożittiva ta' l-iskejjel u/jew strateġiji edukattivi li jippromovu l-iżvilupp tal-kreattività u jipprovdu s-sisien għal imġiba innovattiva. Hija għandha wkoll tippromovi immaġni pożittiva ta' l-intrapriżi u l-intraprendituri li joperaw b'dan il-mod.

1.9

L-inklinazzjonijiet intraprenditorjali għandhom jiġu integrati fl-akbar numru possibbli ta' politiki u programmi ta' l-UE sabiex dawn ikunu jistgħu jkollhom impatt fuq l-għanijiet ta' Lisbona.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissarju Figel u lill-Kummissarju Verheugen sabiex permezz ta' impriża konġunta bejn id-DĠ ta' l-Edukazzjoni u l-Kultura u d-DĠ ta' l-Intrapriża u l-Industrija huma jippromovu l-benefiċċji u l-valur tal-ħiliet u l-attitudnijiet ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona billi l-2009 ssir is-Sena tal-Kreattività, l-Innovazzjoni u l-Inklinazzjoni Intraprenditorjali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja ser tiffoka fuq il-bżonn li titkattar inklinazzjoni intraprenditorjali, fl-iktar sens wiesa' tagħha, bħala fattur għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku u dwar kif il-kapital uman u l-kreattività jistgħu jikkontribwixxu lejn l-għanijiet ta' Lisbona.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea tfisser l-intraprenditorija kif ġej:

“L-intraprenditorija tirreferi għall-kapaċità ta' l-individwu li jdawwar l-ideat f'azzjoni. Tinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà ta' l-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta' appoġġ għal kulħadd fil-ħajja ta' kuljum fid-dar u fis-soċjetà, l-impjegati sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi li jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ mill-intraprendituri li jistabbilixxu attivitajiet soċjali jew kummerċjali” (2).

2.3

Skond l-Aġenda ta' Lisbona, l-għan ta' l-UE huwa li ssir “l-ekonomija ta' l-għarfien l-aktar dinamika u kompetittiva fid-dinja”, u b'mod iktar importanti li tkun “kapaċi li toħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli bit-tkattir u t-titjib ta' l-impjiegi u aktar koeżjoni soċjali”.

2.4

Minkejja l-isforzi kbar li saru sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Lisbona, hemm bżonn li jsir ħafna aktar. Il-promozzjoni u l-applikazzjoni ta' attitudni intraprenditorjali fil-livell soċjali, Komunitarju, organizzazzjonali u individwali, flimkien mas-sostenibilità soċjali u dik ambjentali, għandhom rwol ċentrali fit-tmexxija 'l quddiem tat-tkabbir u l-kompetittività ta' l-Ewropa.

2.5

Fi Frar 2005, il-Kummissjoni (3) pproponiet bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Lisbona billi ffokat fuq l-isforzi ta' l-UE fuq żewġ oqsma prinċipali — il-ksib ta' tkabbir sod u permanenti u l-provvediment ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Fost azzjonijiet oħra, l-Istrateġija tenfasizza l-importanza li tiġi promossa kultura aktar intraprenditorjali u li jinħoloq ambjent favorevoli għall-SMEs permezz ta', fost affarijiet oħra, edukazzjoni iktar intraprenditorjali u taħriġ fil-livell adattat ta' l-edukazzjoni. Il-komunikazzjoni u l-midja kif ukoll l-industrija kreattiva għandhom jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u fit-trawwim ta' interess fost in-nies, b'mod partikulari n-nisa u ż-żgħażagħ, sabiex jagħżlu l-intraprenditorija bħala l-karriera tagħhom. (4).

L-inklinazzjoni intraprenditorjali titfisser f'dawk il-ħiliet u l-inklinazzjonijiet ta' livell bażiku li jistgħu jitqanqlu permezz tat-tagħlim matul il-ħajja sabiex ikunu jistgħu jiġu appoġġjati t-tliet elementi kollha ta' l-istrateġija ta' Lisbona:

1)

L-iżvilupp ta' l-Ewropa u tar-reġjuni tagħha sabiex isiru swieq ta' investiment u impjieg iktar attraenti.

2)

Il-prijoritizzazzjoni ta' l-għarfien u l-innovazzjoni.

3)

Il-ħolqien ta' opportunitajiet aħjar fil-qasam ta' l-impjieg.

2.6

Din l-opinjoni żżid mal-lista twila ta' opinjonijiet importanti tal-KESE li ffokaw fuq aspetti differenti ta' l-intraprenditorija, partikularment fuq It-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim  (5) u iktar reċentement l-opinjoni dwar il-potenzjal ta' l-intrapriżi, speċjalment ta' l-SMEs sabiex tintrifed l-istrateġija ta' Lisbona u l-Intraprenditorija u dwar l-Impjegabilità (6).

2.7

B'żieda ma' dan, il-Kumitat ħejja bosta opinjonijiet dwar l-istrateġija ta' Lisbona, fejn fihom enfasizza l-valur ta' l-innovazzjoni u l-kreattività, li huma kollha kriterji prinċipali ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali bħala kompetenza essenzjali għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' Lisbona. Fl-opinjonijiet l-aktar riċenti tiegħu, il-Kumitat enfasizza l-istess argument (7).

2.8

Din l-opinjoni ser tibni fuq ta' qabilha billi tiffoka fuq il-valur miżjud ta' inklinazzjoni intraprenditorjali, innovattiva u kreattiva għas-soċjetà u kif din tista' tiġi promossa minn atturi differenti. Huwa essenzjali li dawn il-ħiliet u inklinazzjonijiet jitqanqlu sa minn età żgħira sabiex jiġi liberalizzat il-potenzjal ta' l-individwi kollha. Dawn għandhom ikomplu jiġu żviluppati permezz tat-tagħlim matul il-ħajja li jibda fl-iskola primarja, filwaqt li jiġi rrispettat l-iżvilupp ġenerali tal-personalità ta' l-istudenti li għadhom żgħar ħafna.

2.9

L-opinjoni għandha titqies ukoll fil-kuntest u l-enfasi tal-programm attwali tal-President tal-Kumitat: L-intraprenditorija b'wiċċ uman, fejn l-intraprenditorija hija meqjusa bħala l-progress tas-soċjetà daqskemm huma l-ekonomija u l-innovazzjoni, iktar milli sempliċement qasam li jfittex il-profitti. F'dan il-kuntest, il-President tal-KESE jħabbar li l-Kumitat ser jorganizza konferenza fl-2008 bl-isem ta' L-intraprenditorija b'wiċċ uman.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jieħu nota tad-definizzjoni ta' l-Intraprenditorija skond il-Kummissjoni Ewropea u jixtieq jenfasizza minn banda l-approċċ wiesa' tagħha u mill-banda l-oħra l-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-atturi pubbliċi u privati ħalli din issir realtà sabiex jitwettqu l-għanijiet ta' Lisbona.

3.2

L-idea tradizzjonali ta' l-intraprenditorija hija ta' grupp ta' individwi li joħolqu u jiżviluppaw l-intrapriżi għal finijiet ekonomiċi u għall-profitti, iżda din għandha titqies f'perspettiva usa' minn din.

3.3

L-inventività, il-kreattività u l-innovazzjoni fil-livell tal-grupp, ta' l-intrapriża u tas-soċjetà ma jfissrux biss il-ġbir ta' l-inklinazzjoni intraprenditorjali ta' l-individwi li jagħmluha. Għaldaqstant, il-livelli ta' żvilupp ta' l-intraprenditorija għandhom ikunu differenzjati.

3.4

Sforzi soċjali u sforzi oħrajn li jmexxu l-intraprenditorija għandhom jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ. L-inklinazzjoni intraprenditorjali hija fenomenu soċjetali “li jitwettaq fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-bniedem”. B'hekk hija kunċett kulturali li jħaddan kulma għandu x'jaqsam ma' proċessi u azzjonijiet soċjali li jitmexxew min-nies għal skopijiet individwali, soċjali u ekonomiċi. Jekk l-intraprenditorija titqies b'dan il-mod ser ikun jista' jitkattar il-kapital uman u soċjali, li għandu importanza kbira għal soċjetà innovattiva u għal kompetittività ekonomika, flimkien ma' iktar integrazzjoni tal-gruppi differenti.

3.5

L-edukazzjoni għandha tappoġġja din il-perspettiva billi tqanqal spirtu u kultura iktar intraprenditorjali.

3.6

L-imsieħba soċjali għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu bażi komuni għal azzjonijiet olistiċi għall-promozzjoni tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-inklinazzjoni intraprenditorjali li ser iwasslu għal iktar impjiegi u impjiegi aħjar. L-informazzjoni dwar id-djalogu soċjali u dwar it-tisħiħ tiegħu għandhom jagħmlu parti integrali mill-parteċipazzjoni tagħhom.

3.7

Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudni essenzjali li huma rrelatati mal-kompetenza intraprenditorjali (8).

1)

“L-għarfien neċessarju jinkludi l-opportunitajiet disponibbli għall-attivitajiet personali, professjonali u/jew ta' negozju, inklużi kwistjonijiet aktar wiesgħin li jindikaw il-kuntest fejn in-nies jgħixu u jaħdmu, bħal konoxxenza aktar wiesa' tal-mod kif taħdem l-ekonomija, u l-opportunitajiet u l-isfidi li jiffaċċja min iħaddem jew organizzazzjoni. L-individwi għandhom ikunu konxji wkoll mill-pożizzjoni etika ta' l-intrapriża, u kif jistgħu jkunu forza għall-ġid, per eżempju permezz ta' negozju ġust jew intrapriża soċjali”.

2)

“Il-ħiliet jirrigwardaw l-immaniġġar proattiv tal-proġetti (jinvolvu ħiliet bħall-ippjanar, l-organizzazzjoni, l-immaniġġar, tmexxija u delegazzjoni, analiżi, komunikazzjoni, de-briefing u valutazzjoni u reġistrar), u l-abbiltà ta' xogħol kemm bħala individwu kif ukoll b'mod kollaborattiv f'tim. Id-dehen sabiex l-individwu jidentifika fejn hu dgħajjef u fejn hu b'saħħtu u jivvaluta u jieħu r-riskji kif u meta jkun meqjus li jkun iġġustifikat”.

3)

“Attitudni intraprenditorjali hija karatterizzata minn inizjattiva, pro-activity, indipendenza u innovazzjoni fil-ħajja personali u soċjali daqs kemm fil-ħajja tax-xogħol. Tinkludi wkoll il-motivazzjoni u d-determinazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet, kemm jekk ikunu miri personali jew miri maqsuma ma' oħrajn u/jew fuq ix-xogħol”.

3.8

Il-KESE jixtieq iżid ma' dan l-għarfien u l-komprensjoni ta' l-individwu tal-valur tar-responsabilità soċjali korporattiva u ta' l-attivitajiet intraprenditorjali, u dawn mhux dejjem bi skop ta' profitt, li l-intrapriża turi bħala mezz ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Komunitarji, l-integrazzjoni tal-gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u objettivi soċjetali oħrajn. Madankollu, huwa essenzjali li jinħolqu l-kondizzjonijiet u l-kompetenzi adattati għal dawn il-gruppi sabiex huma jkunu jistgħu jiżviluppaw l-inklinazzjoni intraprenditorjali tagħhom.

3.9

Hemm bżonn ta' spirtu innovattiv u kreattiv sabiex jinħolqu iżjed impjiegi u impjiegi aħjar, sabiex tinkiseb il-koeżjoni soċjali, sabiex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali, sabiex nilqgħu l-isfidi tal-globalizzazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, il-ħarsien ta' l-ambjent u sabiex jitqanqal l-għarfien. Spirtu innovattiv huwa għalhekk importanti immens għall-Aġenda ta' Lisbona.

3.10

Xi studi ikkonkludew li mil-lat statistiku hemm rabta sinifikanti bejn l-intraprenditorija u t-tkabbir ekonomiku u li din twassal għal suq dinamiku tax-xogħol u rata ta' qgħad iktar baxxa (9). L-intraprenditorija hija importanti wkoll b'mod partikulari għal gruppi ta' minoranza li ma jagħmlux parti mis-suq tax-xogħol.

3.11

Madankollu, sabiex tiġi realizzata din il-korrelazzjoni pożittiva, huwa importanti li l-intraprenditorija tiġi mqanqla u ttrasformata ħalli ssir proċess sostenibbli ta' ġid u ta' ħolqien ta' l-impjieg.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-ispirtu intraprenditorjali fl-edukazzjoni

4.1.1

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-punti ewlenin għat-tkattir ta' l-intraprenditorija li ġew speċifikati matul l-2006 (10):

1)

Bidu minn kmieni għall-bażi tat-taħriġ u l-edukazzjoni intraprenditorjali

2)

Programmi supplementari ta' l-intraprenditorija fil-curriculum nazzjonali mill-iskola primarja sa l-edukazzjoni għolja

3)

Kooperazzjoni pożittiva u effettiva bejn l-iskejjel/l-universitajiet, l-intrapriżi u l-korpi tal-gvern

4)

Il-parteċipazzjoni ta' l-għalliema, fejn huwa ta' benfiċċju għall-iżvilupp personali

5)

It-tfassil ta' programmi edukattivi għall-intraprenditorija għandu jinvolvi kemm min iħaddem kif ukoll l-impjegati

6)

Il-parteċipazzjoni b'saħħitha u l-preżenza tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' tagħlim

7)

Għandha tiġi kkunsidrata l-importanza ta' l-intraprendituri nisa fl-iskejjel bil-għan li jiġi żviluppat bilanċ pożittiv bejn in-nisa u l-irġiel

8)

L-intraprenditorija għandha titkattar b'mod ugwali fost il-persuni b'diżabilità u gruppi żvantaġġati oħrajn

Żieda fit-trasferiment ta' l-għarfien bejn l-istabbilimenti edukattivi, inklużi l-edukazzjoni għolja u terzjarja, sabiex l-informazzjoni titqassam u l-programmi mmirati lejn l-istudenti jsiru integrati.

4.1.2

Ir-responsabilità globali għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni taqa' f'idejn l-istituzzjonijiet edukattivi.

4.1.3

It-taħriġ ta' l-intraprenditorija fl-edukazzjoni tista' titqassar hekk:

Skejjel Primarji — jgħinu lill-istudenti sabiex ikollhom iktar fiduċja fihom infushom, billi jgħinuhom jieħdu u jassumu r-responsabilità, jgħinuhom jesploraw il-kreattività tagħhom u billi jgħinuhom jesperimentaw u jitgħallmu dwar ir-riżorsi tal-komunità lokali tagħhom.

Il-bidu ta' l-iskola sekondarja — matul dan l-istadju, l-istudenti jiżviluppaw ħiliet essenzjali bħat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-ħila li jaħdmu f'tim, soluzzjoni tal-problemi u t-twaqqif ta' netwerks.

Iktar tard fl-iskola sekondarja — it-tagħlim bil-prattika u l-applikazzjoni tal-prattika u t-teorija filwaqt li jiġu inkorporati r-riżorsi, il-finanzi, l-ambjent u l-etika. Ir-relazzjonijiet ta' fuq ix-xogħol jistgħu jiġu żviluppati billi jiġu stabbiliti intrapriżi taż-żgħażagħ.

L-edukazzjoni għolja — l-iżvilupp ta' prodotti, l-identifikar ta' opportunitajiet għan-negozju, ir-relazzjonijiet tal-klijent u tas-suq, il-kreattività u l-innovazzjoni kollha jagħmlu parti mill-ippjanar ta' negozju u t-twaqqif u t-tmexxija ta' kumpanija.

4.1.4

Il-KESE jixtieq ukoll jenfasizza ċerti konklużjonijiet minn studji differenti, li jikkonkludu li l-edukazzjoni fl-intraprenditorija:

tikkontribwixxi lejn kultura li hija iktar intraprenditorjali

hija strateġija għall-iżvilupp tal-kwalitajiet, il-kompetenzi u l-attitudni taż-żgħażagħ lejn l-intraprenditorija (11)

tista' tiżviluppa l-kreattività, il-ħila ta' ħidma f'tim, is-sens ta' responsabilità u l-fiduċja taż-żgħażagħ fihom infushom (12)

twassal sabiex ta' sikwit l-istudenti jsiru intraprendituri (13).

4.1.5

Il-KESE jiddispjaċieh li l-programm Youth in Action (14) ma jagħmel l-ebda referenza għall-intraprenditorija. L-ispirtu intraprenditorjali u l-intraprenditorija ser jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp u t-titjib ta' l-opportunitajiet tal-karriera għaż-żgħażagħ ta' għada. Huwa għalhekk essenzjali li l-valur tiegħu jiġi integrat, kemm jista' jkun, fil-politiki u l-programmi ta' l-UE.

4.2   L-argument tas-soċjetà favur l-ispirtu intraprenditorjali

4.2.1

Approċċ wiesa' lejn l-intraprenditorija jagħmilha possibbli li tiġi żviluppata l-kreattività ta' kulħadd, inklużi dawk l-iktar żvantaġġati. Għalhekk, il-kreattività u l-potenzjal ta' kulħadd għandhom jiġu rikonoxxuti u promossi. L-inklinazzjoni intraprenditorjali tista' titqies bħala sforz għall-għoti ta' setgħa individwali, li tiġġenera għan kollettiv u bidla soċjali. L-Ewropa għandha tisfrutta l-kreattività tal-ħaddiema u ċ-ċittadini tagħha sabiex tħeġġeġ kultura għall-iżvilupp ta' Ewropa soċjali u kompetittiva. Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-soċjetà tista' tittejjeb permezz ta' l-ispirtu ta' l-intraprenditorija.

4.2.2

Sabiex il-programmi jkunu effettivi huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti fil-proċess ta' l-edukazzjoni intraprenditorjali. Storja ta' suċċess, fejn l-atturi tas-soċjetà ċivili ħadmu flimkien sabiex jilħqu l-objettivi ta' l-edukazzjoni ta' l-intrapriża, hija dik ta' l-Istrateġija Norveġiża. Fl-eżempju (15) mehmuż wieħed jista' jara l-mod li bih il-Gvern Norveġiż, il-Ministeri ta' l-Edukazzjoni u l-Intrapriża kif ukoll l-imsieħba soċjali, mil-livell lokali sa dak nazzjonali, ħadmu mill-qrib ħafna mal-JA-YE (16), billi utilizzaw il-kompetenzi kollha u l-impenn ta' min iħaddem, it-trade unions, l-amministrazzjoni pubblika u saħansitra tal-ġenituri.

4.2.3

Għandha titħeġġeġ inklinazzjoni intraprenditorjali fis-settur pubbliku bil-għan li jitwettqu servizzi iktar effettivi u favur il-konsumatur. Iżda dan ma jistax iseħħ biss bl-introduzzjoni ta' filosofiji u mekkaniżmi tas-suq. Dawn ta' l-aħħar iridu jiġu akkumpanjati mill-għan tas-settur pubbliku li jiġu segwiti l-interessi taċ-ċittadini u l-opportunitajiet għall-ħaddiema sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħidma tagħhom billi jiġi lliberat l-ispirtu intraprenditorjali tagħhom f'forom ġodda ta' organizzazzjoni.

4.2.4

Id-DĠ ta' l-Impjieg ippropona strateġija għall-Intraprenditorija għal Kulħadd  (17), li tieħu approċċ wiesa' u ssegwi l-linja partikulari ta' l-intraprenditorija inklusiva u l-intrapriża soċjali tal-programm Equal fi ħdan il-fondi strutturali l-ġodda 2007-2013. Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva u beħsiebu jieħu sehem fiha b'mod attiv iżda jenfasizza li għandha tkun appoġġjata minn struttura permanenti fid-DĠ ta' l-Impjieg li għandu jkollha r-riżorsi finanzjarji adattati.

4.2.5

Il-KESE jixtieq ikompli fuq is-suġġeriment li kien għamel f'opinjoni (18) preċedenti tiegħu bil-promozzjoni tas-Sena Ewropea ta' l-Intraprenditorija għall-2009. Madankollu, skond dak li qed jinftiehem mill-KESE, l-2009 hija identifikata għas-Sena ta' l-Innovazzjoni u l-Kreattività mid-DĠ ta' l-Edukazzjoni. Għalhekk huwa jissuġġerixxi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex permezz ta' impriża konġunta bejn id-DĠ ta' l-Edukazzjoni u d-DĠ ta' l-Intrapriża jippromovu wkoll l-benefiċċji u l-valur ta' l-ispirtu intraprenditorjali fil-kuntest ta' l-Aġenda ta' Lisbona billi l-2009 ssir is-Sena tal-Kreattività, L-Innovazzjoni u l-Ispirtu Intraprenditorjali.

4.3   L-argument ta' l-intrapriża favur l-ispirtu intraprenditorjali:

4.3.1

Skond il-Kummissjoni Ewropea (19), it-tħeġġiġ ta' intrapriżi ġodda huwa fattur ċentrali għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' l-impjiegi u t-titjib fil-kompetittività u t-tkabbir madwar l-Ewropa.

4.3.2

Kwalitajiet intraprenditorjali bħall-kreattività, il-ħila li wieħed jaħdem f'tim u l-fiduċja tal-ħaddiema fihom infushom, huma importanti f'suq tax-xogħol fejn it-tibdil fl-impjieg huwa komuni, fejn l-intrapriża sikwit tgħaddi minn tibdil organizzazzjonali u fejn qiegħed iseħħ żvilupp teknoloġiku rapidu. Dawk li jħaddmu qegħdin kontinwament ifittxu ħaddiema flessibbli, innovattivi, kapaċi jieħdu deċiżjoni u kapaċi jadattaw (20).

4.3.3

B'riżultat ta' diskriminazzjoni bla bażi, l-intraprendituri nisa u dawk li qegħdin jikkunsidraw l-impjieg indipendenti jiffaċċjaw barrieri partikulari, ekonomiċi, prattiċi, soċjali u kulturali Permezz tal-parteċipazzjoni indaqs f'programmi edukattivi u Komunitarji li jħeġġu l-attività intraprenditorjali, dawn il-barrieri jistgħu jiġu megħluba. Dan jista' jwassal mhux biss għal iktar intrapriżi b'sjieda femminili iżda wkoll għal aktar ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.

4.3.4

L-intraprendituri huma mmotivati minn medda sħiħa ta' ambizzjonijiet, bħall-qligħ finanzjarju, l-indipendenza, jew is-sodisfazzjon li jġib miegħu x-xogħol. Tkun xi tkun il-motivazzjoni tagħhom, huwa essenzjali li l-intraprendituri potenzjali u eżistenti jagħrfu r-responsabilitajiet li jagħmlu parti integrali mis-sjieda ta' l-intrapriża (21).

4.3.5

Il-migranti l-ġodda, li huma essenzjali għal kwalunkwe ekonomija, jipprovdu forza tax-xogħol u bażi intraprenditorjali għall-attività ekonomika. Dawn l-individwi huma intraprenditorjali (bis-saħħa tal-migrazzjoni) iżda għandhom tendenza wkoll li jaħdmu fis-settur informali. L-isfida hija li dawn l-individwi jiġu integrati fuq il-post tax-xogħol permezz ta' l-integrazzjoni ekonomika u r-rikoxximent ta' l-attivitajiet intraprenditorjali tagħhom. Sussegwentement dan iwassal għall-aċċettazzjoni ta' komunitajiet diversi u integrazzjoni iktar effettiva.

4.4   L-ispirtu intraprenditorjali fil-kuntest tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiem

4.4.1

It-tendenzi moderni tax-xogħol iħeġġu l-parteċipazzjoni fl-ekonomija u jippermettu lin-nies li jbiddlu bejn li jkunu impjegati u li jaħdmu għal rashom. L-intraprenditorija għandha għaldaqstant titqies bħala għażla, fuq il-perijodu qasir jew fit-tul, li tħeġġeġ iktar nies sabiex jikkunsidraw is-sjieda u l-ġestjoni ta' intrapriża bħala għażla pożittiva. Il-proċeduri burokratiċi għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun sabiex din il-flessibilità tkun tista' sseħħ. Madankollu, l-awtoritajiet għandhom jassiguraw li ma jkunx hemm abbuż fl-iffaċilitar ta' l-iskambji bejn dawn it-tipi ta' impjieg. Huwa importanti li l-impjegati u l-persuni qiegħda, ma jiġux imqarraq jew imġiegħla li jieħdu impjieg indipendenti jew li impjegaturi b'inqas skrupli jitħallew jgħaddu r-responsabilitajiet lill-impjegati.

4.4.2

Aspett importanti tat-tkattir ta' inklinazzjoni intraprenditorjali fl-intrapriża huwa t-tqanqil ta' mezzi innovattivi għat-tqassim tax-xogħol, il-ġestjoni tajba u l-arranġamenti flessibbli għall-ħin tax-xogħol b'konformità mal-ħtiġijiet kemm ta' l-intrapriżi kif ukoll ta' l-impjegati (22).

4.4.3

Għaldaqstant għandha tiġi żviluppata kultura ta' indipendenza u responsabilità fuq il-post tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni ikbar min-naħa ta' l-impjegati fid-definizzjoni u t-titjib fil-kwalità tax-xogħol hija prerekwiżit għal dan it-tip ta' kultura ta' indipendenza. F'dan il-kuntest huwa importanti li wieħed isemmi li l-biċċa l-kbira ta' l-intraprendituri oriġinarjament kienu impjegati.

4.4.4

Fil-kuntest tat-tixjiħ demografiku fl-Ewropa, għandu jinħoloq ambjent li fih il-ġenerazzjoni anzjana, li għandha kapaċitajiet kbar, tkun tista' taqsam il-kompetenzi tagħha ta' ġestjoni u tas-sjieda ta' l-intrapriża (23).

4.5   L-ispirtu intraprenditorjali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz ta' l-ekonomija soċjali, l-NGOs u l-intrapriżi soċjali

4.5.1

Ir-rwol u l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-ekonomija soċjali ġew enfasizzati f'opinjonijiet oħra tal-KESE (24). L-intrapriżi ta' l-ekonomija soċjali huma fundamentali għall-pluraliżmu intraprenditorjali u d-diversità ekonomika.

4.5.2

Ir-rwol ta' l-intraprenditorija fis-settur mingħajr qligħ ġie enfasizzat f'riċerka reċenti. Intwera b'mod ċar li dan is-settur huwa bbażat fuq spirtu intraprenditorjali. Il-proċess intraprenditorjali huwa marbut mad-dinamiċi tal-grupp u l-movimenti soċjali ta' tipi differenti (25).

4.5.3

Intraprendituri soċjali qegħdin jaħdmu sabiex jipprovaw isibu soluzzjonijiet innovattivi għal problemi rrelatati ma' kwistjonijiet prinċipali bħall-isfidi ambjentali, il-faqar, id-drittijiet tal-bniedem, l-esklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-kultura bis-saħħa ta' attivitajiet organizzati li joffru ideat ġodda għal bidla kbira. Id-demokrazija u s-solidarjetà huma valuri li jirfdu dawn l-inizjattivi.

4.5.4

L-intraprenditorija li tkun soċjalment responsabbli tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-intrapriżi, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-għoti ta' ħajja ġdida lill-komunitajiet lokali. Hija tippromovi wkoll kultura ta' intraprenditorija għan-nisa, għaż-żgħażagħ, għall-immigranti u għall-minoranzi etniċi.

4.5.5

L-intrapriżi soċjali għandhom rwol partikulari x'jaqdu fl-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-gruppi emarġinati fis-suq tax-xogħol. Ta' sikwit dawn joffru toroq adattati għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-iktar persuni żvantaġġati, kompitu li, fuq il-bażi ta' l-approċċ tagħhom, huma iktar adattati għalih minn atturi oħrajn. B'riżultat ta' l-enfasi tagħhom fuq l-għoti tas-setgħa lill-individwu permezz tar-responsabilità personali, dawn għandhom reputazzjoni tajba fl-integrazzjoni soċjali.

4.5.6

L-idea ta' l-intrapriża soċjali qiegħda tkompli tinfirex fl-Ewropa. Ir-rwol speċifiku ta' dawn l-intrapriżi għandu jiġi rikonoxxut fil-livell Ewropew fil-Linji ta' Gwida ġodda għall-Impjieg għall-2008-10.

4.6   Ir-rwol tal-midja

4.6.1

Il-midja għandha rwol importanti x'taqdi fil-promozzjoni ta' l-immaġni ta' l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikro-intrapriżi, tal-kummerċ speċjalizzat u l-attivitajiet tradizzjonali u ta' l-artiġjanat u r-rwol tagħhom fis-soċjetà. B'żieda ma' dan, il-midja għandha tenfasizza l-aħjar prattiki u l-effetti ta' inklinazzjoni intraprenditorjali fuq it-tkabbir u l-impjieg.

4.6.2

Il-midja fil-forom kollha tagħha għandha tenfasizza n-natura varjata tan-negozju u ta' l-intraprenditorija. Il-midja għandha tagħmel tuża eżempji pożittivi meħuda b'mod partikulari minn dawk il-gruppi li huma l-anqas irrappreżentati bħan-nisa, il-gruppi etniċi, il-persuni b'diżabilità u l-immigranti.

Il-midja għandha tikkomunika mudelli tajbin u attivitajiet li jittrasmettu immaġni pożittiva ta' l-iskejjel u l-istrateġiji edukazzjonali li jippromovu l-kreattività u l-prerekwiżiti ta' l-innovazzjoni.

4.6.3

Dan l-aħħar f'xi Stati Membri, programmi tat-televiżjoni qajmu kuxjenza dwar l-intraprenditorija u l-valur ta' ideat ġodda. Żewġ eżempji mir-Renju Unit huma d-Dragons Den, fejn l-intraprendituri u l-inventuri jippreżentaw l-ideat tagħhom lil tim ta' finanzjaturi u The Apprentice (BBC) fejn personalità ewlenija mill-intrapriża tfittex l-apprendist tagħha. Iż-żewġ programmi kemm qajmu l-interess ta' l-istudenti sabiex jibdew l-intrapriżi tagħhom kif ukoll urew kif idea tista' tinbidel f'intrapriża.

4.6.4

Il-promozzjoni ta' avvenimenti bħal dawn elenkati hawn taħt u l-informazzjoni dwarhom, tista' tqajjem kuxjenza wkoll tal-benefiċċji ta' l-intraprenditorija u l-impatt tagħha fuq is-soċjetà:

Summit Ewropew dwar l-Intraprenditorija fl-Edukazzjoni, organizzat minn JA-YE Ewropa mill-5 sas-7 ta' Settembru 2006,

Konferenza dwar L-edukazzjoni ta' l-intraprenditorija fl-Ewropa: Inrawmu l-Ispirtu Intraprenditorjali permezz ta' l-Edukazzjoni u t-Tagħlim — inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea organizzata flimkien mal-gvern Norveġiż, f'Oslo, fis-26 u s-27 ta' Ottubru 2006,

Il-Premijiet għall-Intrapriża Ewropea (Kompetizzjoni Annwali tal-Kummissjoni, li tirrikonoxxi u tippremja inizjattivi li jappoġġjaw l-intraprenditorija).

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  “Fittex l-opportunitajiet u ħaddimhom!” — Strateġija għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni 2004/2008, Pjan ta' Strateġija, Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija, Ministeru ta' l-Edukazzjoni u r-Riċerka, Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali.

(2)  “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja” COM(2005) 548 finali Anness: Punt 7.

(3)  Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa — Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi — Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona — COM(2005) 24.

(4)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew ta' Brussell, it-23 u l-24 ta' Marzu 2006, paragrafu 31.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-19.7.2006 dwar “L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: it-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim”, rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

(6)  Ara l-Opinjoni KESE dwar Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona) (opinjoni fuq inizjattiva proprja), INT/324 rapporteur: is-Sinjura Faes u Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjaliir-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru (opinjoni esploratorja), SOC/273, rapporteur is-Sur Pariza Castaños.

(7)  Ara l-opinjoniet tal-KESE dwar:

Il-potenzjal ta' l-intrapriża, speċjalment ta' l-SMEs (l-Istrateġija ta' Lisbona) (opinjoni fuq inizjattiva proprja), INT/324, rapporteur is-Sinjura Faes.

Investiment fl-Għarfien u l-Innovazzjoni (Strateġija ta' Lisbona) (opinjoni fuq inizjattiva proprja), INT/325, rapporteur is-Sur Wolff.

L-impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (L-Istrateġija ta' Lisbona) — (opinjoni fuq inizjattiva proprja) SOC/251, rapporteur is-Sur Greif.

Id-definizzjoni ta' Politika Ewropea għall-Enerġija (Strateġija ta' Lisbona), (opinjoni fuq inizjattiva proprja), TEN/263, rapporteur: is-Sinjura Sirkeinen.

(8)  Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim matul il-ħajja COM(2005) 548.

(9)  Ara:

The Global Entrepreneurship Monitor (GEM) 2004.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim (COM(2006) 33 finali).

The Challenge to Inspire: Enterprise Education for Young People, ir-raba' sessjoni tat-tim ta' Speċjalisti ta' l-Intraprenditorija fit-tnaqqis tal-faqar: l-Intraprenditorija fost iż-Żgħażagħ Athayde, R. 2004, Ġinevra: Nazzjonijiet Uniti.

(10)  Ara:

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim (COM(2006) 33 finali).

L-opinjoni tal-KESE tad-19.7.2006 dwar L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: it-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim, rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

Il-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar L-edukazzjoni ta' l-intraprenditorija fl-Ewropa: Inrawwmu l-inklinazzjonijiet Intraprenditorjali permezz ta' l-Edukazzjoni u t-Tagħlim — inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea organizzata flimkien mal-gvern Norveġiż, Oslo, 26-27 ta' Ottubru 2006.

(11)  Ara:

Entreprenørskap som strategi for regional utvikling, Spilling, O., Roppen, J., Sanness, A., Simonsen, B., Steinsli, J. og Støylen, A. 2002, BI Dokument ta' diskussjoni 7/2002. Lillehammer: BI.

Helping to create an entrepreneurial cultureA guide on good practices in promoting entrepreneurial attitudes and skills through education, Kummissjoni Ewropea 2004.

http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/craft-women/womenentr_portal.htm.

(12)  Ara:

Helping to create an entrepreneurial cultureA guide on good practices in promoting entrepreneurial attitudes and skills through education, Kummissjoni Ewropea 2004.

http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/training_education/doc/entrepreneurial_culture_en.pdf.

Entreprenørskapsopplæring i skolen. Hovedkonklusjoner fra 3 års følgeforskning av Ungt Entreprenørskaps program: Program for nyskaping og entreprenørskap i opplæring og utdanning i Norge (2001-2005), Johansen, V. and Eide, T. 2006,

http://www.ostforsk.no/notater/pdf/132006.pdf.

Erfaringer fra deltakelse i studentbedrift. Hvordan opplevde de tiden som etablerer av Studentbedrift og hva skjedde etterpå?, Johansen, V. and Eide, T. 2006,

http://www.ostforsk.no/notater/pdf/162006.pdf.

(13)  Ara:

Hva hendte siden? Ungdomsbedrifter i den videregående skolen, Luktvasslimo, M. 2003. NTF-notat 1/2003. Steinkjer: Trøndelag Forskning og utvikling AS.

Ungdomsbedrifter og entreprenørskap2005, Haugum, M. 2005. NTF-notat 4/2005. Steinkjer: Trøndelag Forskning og utvikling AS.

Entrepreneurship in Education: The Practice in OECD Countries, Stevenson, L. 2005, dokument imressaq fil-konferenza Fostering EntrepreneurshipThe Role of Higher Education, Italia: 2005.

Erfaringer fra deltakelse i studentbedrift. Hvordan opplevde de tiden som etablerer av Studentbedrift og hva skjedde etterpå?, Johansen, V. u Eide, T. 2006,

http://www.ostforsk.no/notater/pdf/162006.pdf.

(14)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/oj/2006/l_327/l_32720061124en00300044.pdf.

(15)  Ara l-Appendiċi 1, dokument tal-Junior Achievement Young Enterprise (JA-YE), Norveġja.

(16)  Junior Achievement Young Enterprise (JA-YE) Norway,

http://www.ja.org/near/nations/norway.shtml, www: http://www.ue.no.

(17)  Intervenzjoni mid-Direttur Ġenerali M. van der Pas fl-EQUAL Policy Forum Entrepreneurship organizzata mill-Presidenza Ġermaniża ta' l-UE, f'Hannover, 5.6.2007.

(18)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-19.7.2006 dwar L-implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona: it-tkattir ta' inklinazzjonijiet intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-tagħlim, rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

(19)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsilll, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim (COM(2006) 33 finali).

(20)  The Challenge to Inspire: Enterprise Education for Young Peopl, ir-raba' sessjoni tat-tim ta' Speċjalisti ta' l-Intraprenditorija fit-tnaqqis tal-faqar: l-Intraprenditorija fost iż-Żgħażagħ Athayde, R. 2004, Ġinevra: Nazzjonijiet Uniti.

(21)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.09.2004: Komunikat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-ReġjuniPjan ta' Azzjoni: L-aġenda Ewropea għall-Intrapriża, rapporteur is-Sur Butters (ĠU C 74, 23.3.2005).

(22)  Ara l-opinjoni attwali tal-KESE dwar Il-Promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol Ewropew (opinjoni fuq inizjattiva proprja), rapporteur: is-Sinjura Kurki (SOC/266).

(23)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-15.9.2004: Komunikat mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-ReġjuniPjan ta' Azzjoni: L-aġenda Ewropea għall-Intrapriża, rapporteur: is-Sur Butters (ĠU C 74, 23.3.2005).

(24)  Ara l-opinjoniet tal-KESE dwar:

27.10.2004 dwar Il-Ħila ta' l-SMEs u l-intrapriżi ta' l-ekonomika soċjali li jadattaw għat-tibdiliet imposti mit-tkabbir ekonomiku (opinjoni esploratorja), rapporteur: is-Sinjura Fusco.

1.4.2004 dwar Id-diversifikazzjoni ekonomika fil-pajjiżi ta' adeżjoni — ir-rwol ta' l-SMEs u l-intrapriżi ta' l-ekonomika soċjali, rapporteur: is-Sinjura Fusco, korapporteur: is-Sur Glorieux.

(25)  Gawell 2004 Entrepeneurial Process in Civil Society.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta oriġini għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp”

(2008/C 44/21)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Pariza Castaños.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'94 vot favur u 6 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Mill-2006, beda jidher approċċ ġdid lejn l-immigrazzjoni u l-politika ta' l-immigrazzjoni, speċjalment fid-dawl tad-Djalogu fl-Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (1). Permezz ta' l-analiżi tar-rabtiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, beda jiżviluppa mod ġdid ta' kif jiġu osservati l-migrazzjonijiet li jqis l-interessi tal-pajjiżi ta' l-oriġini sabiex b'hekk tingħeleb il-perspettiva li qiegħda tiddomina fl-Ewropa li tiddefinixxi l-politika ta' migrazzjoni biss fid-dawl tal-ħtiġijiet u l-interessi tal-pajjiżi li jospitaw.

1.2

Qabel id-Djalogu fl-Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, ir-rapport finali tal-Kummissjoni Mondjali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali (GCIM), ġie ppubblikat f'Ottubru 2005), li kien diġà fih ix-xogħol bażiku lejn approċċ multidimensjonali għall-migrazzjoni internazzjonali, li titfa' attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini. Dan id-dokument ġie segwit b'ammont konsiderevoli ta' ħidma u laqgħat fi ħdan in-NU u oqfsa oħra internazzjonali.

1.3

L-UE ipparteċipat f'dan id-dibattitu, u ħadet passi sabiex tikkunsidra l-politika ta' migrazzjoni b'rabta mal-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fl-2002, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni u r-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi (2) li qieset il-kwistjoni tal-migrazzjoni b'mod wiesa', u rrakkomandat li ma ssirx biss kwistjoni ta' ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, iżda tqis ukoll il-benefiċċji u l-iskopijiet tal-kampanja kontra l-faqar. Il-komunikazzjoni rreferiet, fost l-oħrajn, għall-importanza tal-bgħit tal-flus, it-telfa ta' nies kapaċi li tirriżulta mill-ingaġġar f'pajjiżi sinjuri (inkluż l-UE) u r-ritorn tal-migranti, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-objettivi ta' żvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini.

1.4

B'mod simili, ir-regolament ta' l-2004 li jistabbilixxi programm ta' assistenza finanzjarja u teknika lill-pajjiżi terzi fl-oqsma tal-migrazzjoni u r-refuġju (AENEAS) (3) kien jinkludi l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati inizjattivi ta' ġestjoni tal-migrazzjoni li jqisu l-interessi tal-pajjiżi ta' oriġini (ir-regolament fuq kollox kellu l-għan li jiffinanzja inizjattivi kontra l-immigrazzjoni irregolari).

1.5

Madankollu, id-dokument dwar dan is-suġġett bl-aktar approċċ wiesa' s'issa kien il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, li ħareġ fl-aħħar ta' l-2005 (4) Din il-komunikazzjoni tkompli ma' dik li ħarġet fl-2002, iżda tiffoka aktar fuq ir-rabtiet li hemm bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp (u tħalli barra aspetti oħra bħall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari). Tiżviluppa oqsma ġodda bħall-bgħit tal-flus, it-tisħiħ tar-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tad-dijaspora għall-iżvilupp, it-telfa ta' nies kapaċi (u t-tnaqqis ta' l-impatt negattiv tat-telfa ta' nies kapaċi), eċċ.

1.6

B'żieda ma' din il-komunikazzjoni, ħareġ ukoll dokument tal-Kummissjoni marbut b'mod speċifiku mal-parteċipazzjoni fid-Djalogu fl-Livell Għoli tan-NU dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (5).

1.7

Kommunikazzjoni ġdida mingħand il-Kummissjoni (6) spjegat b'ċertu dettall din il-perspettiva, li tipproponi politiki għaċ-ċirkolazzjoni tal-migranti u sħubijiet ta' mobilità bejn l-UE u pajjiżi terzi. Il-fehma tal-KESE hija spejgata f'punt 11 ta' l-opinjoni attwali.

1.8

Il-Parlament Ewropew ukoll fassal opinjoni (7), li tkopri l-istess temi tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni iżda hija aktar inċisiva fil-proposti tagħha. Hija tikkritika politiki ta' “migrazzjoni magħżula” għaliex tinkoraġġixxi t-telfa ta' nies kapaċi u tipproponi miżuri speċifiċi għar-ritorn tal-migranti li l-aktar li għandhom ħiliet, bħall-iżvilupp ta' programmi li jkopru d-differenza fil-pagi għal dawk li jridu jirritornaw f'pajjiżhom u miżuri li jiżguraw it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni u s-sigurtà soċjali. Tirreferi wkoll għaċ-ċirkolazzjoni tan-nies kapaċi, titkellem favur politiki ta' żvilupp konġunt, tipproponi miżuri għat-tbigħt tal-flus, eċċ.

1.9

F'din l-opinjoni u fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Migrazzjoni u Żvilupp: opportunitajiet u sfidi  (8), il-KESE qiegħed jagħti kontribut ġdid lill-politika tal-migrazzjoni billi jżid dimensjoni ġdida: il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tagħhom.

2.   Id-dimensjoni globali tal-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanza (9)

2.1

Fl-aħħar deċennji kien hawn tkabbir fil-ġid materjali u l-prosperità madwar id-dinja li qatt ma kien hawn bħalu (ta' l-anqas f'termini ta' tkabbir fil-PGD). Madankollu, dawn ir-rikkezzi ma tqassmux b'mod ugwali, għaliex ħafna pajjiżi u mijiet ta' miljuni ta' nies ma raw xejn minn din iż-żieda fil-ġid.

2.2

Iż-żieda fil-PGD ma tirriflettix b'mod preċiż il-livell ta' żvilupp effettiv ta' soċjetà. L-Indiċi ta' Żvilupp Uman tal-UNDP (10) jfittex li jipprovdi definizzjoni aktar komprensiva ta' żvilupp, li tmur lil hinn mill-PGD sabiex tinkludi l-aspettattiva tal-ħajja u l-livelli ta' l-edukazzjoni. Madankollu, ma jinkludix indikaturi oħra li jistgħu jkunu rilevanti, bħar-rispett għad-drittijiet umani, d-demokrazija, l-aċċess għal impjieg diċenti u l-ugwaljanza.

2.3

Kwistjoni komuni hija n-nuqqas ta' xogħol jew aċċess ieħor għall-mezzi ta' għajxien. Il-qgħad huwa fattur ewlieni ta' l-emigrazzjoni, li jħeġġeġ lin-nies sabiex imorru fejn jistgħu jsibu opportunitajiet aħjar. Fl-2006 il-popolazzjoni dinjija ta' 6.7 biljuni kienet qiegħda tikber b'madwar 75 miljun persuna fis-sena, l-iktar fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Ir-rapport ta' l-ILO, Tendenzi Globali tax-Xogħol 2007, jikkalkula li l-forza tax-xogħol dinjija fl-2006 kienet ta' madwar 2.9 biljun persuna  (11) . Fl-istess sena, huwa stmat li 195.2 miljun persuna kienu mingħajr xogħol, jiġifieri 6.3 % tal-forza tax-xogħol globali. In-numru ta' “ħaddiema fqar”, jiġifieri persuni li jgħixu bl-ekwivalenti ta' US $ 2 kuljum, jew inqas, kompla jikber sa ma laħaq 1.37 biljun fl-2007  (12).

2.4

Il-ħajja iebsa tal-bdiewa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw hija fattur ekonomiku qawwi fil-migrazzjoni internazzjonali — issa u fil-ġejjieni. Fl-2000, madwar 43 % tal-ħaddiema tad-dinja kienu impjegati fl-agrikoltura. B'mod ġenerali, fil-pajjiżi iktar fqar dawn ibatu iktar mill-persuni li jgħixu fiċ-ċentri urbani. Minn banda dan huwa r-riżultat, fost affarijiet oħra, tal-politika pubblika li ta' sikwit tirrifletti l-pakketti ta' aġġustament strutturali li ġiegħlu lill-pajjiżi “jimmodernizzaw” il-produzzjoni agrikola sabiex din tkun iktar orjentata lejn l-esportazzjoni, u tad-dgħajfien tal-pożizzjoni tal-bdiewa ż-żgħar minħabba fil-liberalizzazzjoni dejjem tikber tal-kummerċ. Dawn ġew imbuttati 'l barra mis-settur tal-biedja jew f'sitwazzjoni kronika ta' “nuqqas ta' xogħol” jew fil-migrazzjoni barra mis-settur rurali. Bejn l-1980 u l-1999 il-proporzjon urban tal-popolazzjoni żdied minn 32 għal 41 % fil-pajjiżi bi dħul baxx jew medju  (13).

2.5

Hemm bżonn li jiġi enfasizzat li m'hemmx rabta awtomatika bejn id-dħul u l-iżvilupp uman. Pajjiżi bi dħul aktar baxx minn oħrajn għandhom punti aktar għoljin fuq l-indiċi ta' l-iżvilupp uman (14), minħabba f'politika pubblika adegwata jew in-nuqqas ta' kunflitt.

2.6

Fid-dinja globalizzata tal-lum, il-pajjiżi fiż-żewġ truf ta' l-indiċi ta' l-iżvilupp uman huma n-Norveġja u n-Niġer. In-nies li jgħixu n-Norveġja huma 40 darba aktar sinjuri minn dawk fin-Niġer, jgħixu darbtejn aktar u għandhom ħames darbiet ir-rata ta' skolarizzazzjoni.

2.7

Analiżi tat-tendenzi ta' l-iżvilupp uman mill-1970 turi li ħafna pajjiżi tejbu l-indiċi tagħhom ta' żvilupp uman, l-uniku eċċezzjoni huwa l-Afrika sub-Saharjana, fejn hemm 28 mill-31 pajjiż bl-aktar livelli baxxi ta' żvilupp uman.

2.8

Ta' min wieħed jinnota wkoll il-figuri li ġejjin:

F'dawn l-aħħar tliet deċennji, l-apettattiva tal-ħajja medja mit-twelid żdiedet b'seba' snin fil-pajjiżi żviluppati u disa' snin fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. L-unika eċċezzjoni hija l-Afrika sub-Saħarjana, fejn l-aspettattiva tal-ħajja hija aktar baxxa minn dik ta' 30 sena ilu; Niżlet b'20 sena fil-Botswana u 13 f'Żambja.

Ir-rati ta' mortalità infantili qegħdin jonqsu b'rata aktar mgħaġġla fil-pajjiżi żviluppati milli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Fil-kuntest ta' ekonomija globali bbażata fuq l-għarfien, it-tul ta' żmien medju li tifel jew tifla f'pajjiż sinjur iqattgħu l-iskola huwa ta' aktar minn 15 il-sena. Fil-Burkina Faso huwa taħt l-erba' snin. F'pajjżi anqas żviluppati, 20 % tat-tfal ma jispiċċawx l-edukazzjoni primarja tagħhom; Fiċ-Ċad, il-Malawi u l-Irwanda, din il-figura titla' għal aktar minn 40 %.

Fl-Amerika Latina, minkejja t-tendenzi aktar pożittivi ta' dan l-aħħar, għad hemm problemi serji ta' faqar u ta' inugwaljanza fid-distribuzzjoni tal-ġid.

2.9

Il-faqar naqas fid-dinja (15), iżda dan huwa l-aktar minħabba fl-iżvilupp li qiegħed iseħħ fiċ-Ċina u l-Indja fi snin riċenti. L-20 % tal-popolazzjoni l-aktar fqira tgawdi biss 1.5 % tal-qliegħ dinji, bi dħul annwali ta' inqas minn USD 1. 40 % tal-popolazzjoni globali tirċievi biss 5 % tal-qliegħ dinji, u tgħix b'inqas minn USD 2 kuljum. Sa dan it-tant 90 % ta' l-abitanti ta' l-OECD jiffurmaw parti mill-20 % tal-popolazzjoni globali bl-ogħla dħul. Fit-tarf l-ieħor ta' l-iskala, 50 % ta' l-abitanti ta' l-Afrika sub-Saħarjana huma fost l-20 % l-aktar foqra. Id-dħul (assi mhux inklużi) ta' l-aktar 500 persuna sinjura fid-dinja huwa għola mid-dħul totali ta' l-aktar 416 il-miljun persuna fqira fid-dinja.

2.10

Il-faqar, il-qgħad u l-inugwaljanza huma karatteristiċi li jinsabu fost il-pajjiżi li minnhom tibda l-emigrazzjoni. In-nuqqas ta' xogħol deċenti, il-kriżijiet ekonomiċi, nuqqas ta' prospetti ta' żvilupp, diżastri u mard, gwerer, il-korruzzjoni u l-ineffiċjenza ta' xi gvernijiet, u n-nuqqas ta' libertà u istituzzjonijiet demokratiċi, iwasslu sabiex ħafna nies jabbandunaw pajjiżhom sabiex ifittxu orizzonti ġodda u opportunitajiet aħjar. Fir-rapport ta' l-2005 għall-UN, il-Kummissjoni Mondjali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali stqarret li ħafna miċ-ċaqliq massiv migratorju, li ma kienx mixtieq u diffiċli sabiex tiġġestjona, kien frott ta' problemi strutturali u nuqqas ta' żvilupp sostenibbli f'ħafna pajjiżi.

2.11

Barra minn hekk, in-netwerks kriminali li huma mdaħħlin fit-traffikar tan-nies japprofittaw minn din is-sitwazzjoni sabiex isiru sinjuri minfuq l-immigrazzjoni irregolari. Huwa għalhekk li trid tittieħed azzjoni komuni kontra dawn in-netwerks kriminali bla ħniena li qegħdin jieħdu vantaġġ mit-tbatija ta' nies innoċenti. Huwa daqstant importanti li kontrolli fil-fruntieri effettivi, inkluż fruntieri marittimi, jiġu kkordinati tajjeb bejn il-pajjiżi ta' tranżitu u dawk tad-destinazzjoni.

2.12

Il-promozzjoni tal-paċi u tad-demokrazija, tat-tkabbir ekonomiku u soċjali u l-iżvilupp uman u l-kampanja kontra l-faqar u l-inugwaljanza jistgħu jnaqqsu l-emigrazzjoni mhux mixtieqa b'mod sinifikanti.

2.13

Madankollu, m'humiex l-aktar foqra li jemigraw għaliex l-aktar nies żvantaġġjati ma jistgħux jemigraw. L-emigranti għandhom ċertu livell ta' dħul (personali jew tal-familja), livell aktar għoli ta' edukazzjoni, entużjażmu akbar u kundizzjoni fiżika aħjar, ħafna drabi huma żgħażagħ. Ta' l-anqas fil-bidu, l-emigrazzjoni tikkontribwixxi sabiex il-pajjiżi ta' l-oriġini jitilfu kapital uman.

2.14

F'xi wħud — għalkemm m'hux fil-każijiet kollha, il-faqar u n-nuqqas ta' opportunitajiet huma fatturi li jinċentivaw lil ħafna sabiex jemigraw lejn l-Ewropa. L-UE trid tikkoopera b'mod attiv sabiex tiġġieled kontra l-faqar fil-pajjiżi ta' l-oriġini, u fl-implimentazzjoni ta' approċċ komprensiv lejn il-politika ta' l-immigrazzjoni.

2.15

Il-KESE jipproponi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jippromovu spinta politika ġdida sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, li ġew miftiehma seba' snin ilu fil-Ġnux Magħquda li jridu jintlaħqu sa l-2015, u li jridu jiġu segwiti flimkien ma' l-ispinta għal xogħol diċenti promossa mill-ILO.

2.16

Il-progress qiegħed isir bil-mod u l-komunità internazzjonali m'hijiex iżżomm l-impenji politiċi meħtieġa; per eżempju, ftit huma l-Istati li qegħdin iżommu l-impenn li jallokaw 0.7 % tal-PGD tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp. L-evalwazzjoni ta' nofs iż-żmien li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-2007 (16) hija diżappuntanti, il-progress kien limitat u l-għajnuna għall-iżvilupp saħansitra waqa' b'5.1 % bejn l-2005 u l-2006.

2.17

Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tadotta aġenda preċiża sabiex tippromovi t-tmien għanijiet tal-millenju:

L-eliminazzjoni tal-ġuħ: il-faqar estrem jonqos bin-nofs, fi kliem ieħor li l-proporzjon tan-nies li qegħdin jgħixu b'inqas minn dollaru fil-ġurnata jonqos bin-nofs;

edukazzjoni universali: garanzija ta' l-edukazzjoni primarja għat-tfal kollha;

ugwaljanza: eliminazzjoni tad-differenzi bbażati fuq is-sess u n-nisa jingħataw is-saħħa;

L-imwiet tat-tfal: titnaqqas b'żewġ terzi r-rata ta' mwiet fost it-tfal taħt il-ħames snin;

is-saħħa ta' l-omm: titnaqqas bi tliet kwarti r-rata ta' mwiet fost in-nisa tqal;

Pandemiċi: titwaqqaf u tiddawwar it-tendenza li jinfirex mard bħall-malarja u l-Aids;

sostenibbiltà: jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tan-nies li m'għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb u servizzi iġeniċi;

kummerċ: tiġi stabbilita sistema ta' kummerċ multilaterali filwaqt li jkun hemm ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni ta' gvernanza tajba.

3.   Il-kummerċ u l-iżvilupp

3.1

Minn diversi angoli, il-ftuħ tal-kummerċ huwa marbut mat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp, il-ħolqien tax-xogħol u t-tnaqqis tal-faqar. L-aktar eżempju ċar joħroġ fin-negozjati li bħalissa qegħdin jinżammu fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Iċ-ċiklu kurrenti ta' negozjati (iċ-ċiklu ta' Doha) ġie mlaqqam iċ-Ċiklu ta' l-Iżvilupp. Bl-istess għan hemm il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE), li kienu nnegozjati bħala parti integrali mill-ftehim ta' Cotonu bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, u l-komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni Ewropea Lejn Strateġija ta' l-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċ  (17).

3.2

F'xi ċirkustanzi, il-ftuħ tal-kummerċ huwa marbut ma' l-iżvilupp ta' l-aktar pajjiżi fqar u tnaqqis fl-immigrazzjoni mhux mixtieqa. F'ċirkustanzi oħra, l-emigrazzjoni tidher bħala konsegwenza tal-fatt li l-pajjiżi żviuppati jipproteġu s-swieq tagħhom mill-prodotti li ġejjin mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

3.3

Ikun utli li jiġi kkunsidrat kif il-promozzjoni tal-kummerċ tista' tgħin fit-tnaqqis tal-faqar fid-dinja. Il-KESE jemmen li referenza ewlenija huwa l-istudju konġunt riċenti li sar mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-WTO, Trade and employment: Challenges for policy research (Kummerċ u l-impjiegi: Sfidi għar-riċerka tal-politika) (Marzu 2007).

3.4

Fl-aħħar deċennju, il-faqar globali naqas hekk kif l-ostakoli għall-kummerċ tnaqqsu b'mod sinifikanti. Madankollu, dan it-tnaqqis sar l-aktar fiċ-Ċina u l-Indja, u s'issa kien limitat għal ċerti reġjuni u setturi soċjali. L-esperjenzi tal-pajjiżi li fetħu l-ekonomiji tagħhom ivarjaw. Pajjiżi li bbażaw l-iżvilupp tagħhom fuq l-esportazzjoni tat-tessuti ma naqsux il-faqar tagħhom b'mod sinifikanti; f'pajjiżi oħra kienet biss l-ekonomija informali li kibret. Fl-Ażja, id-differenzi fil-pagi naqsu bejn il-ħaddiema fis-sengħa u l-ħaddiema ta' bla sengħa, filwaqt li fl-Amerika Latina, dawn żdiedu (18).

3.5

Il-KESE jemmen li, għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu l-elite li jiggvernaw ċerti pajjiżi żviluppati, m'hemm l-ebda kontradizzjoni bejn l-iżvilupp u d-drittijiet umani. L-istudji (19) wrew li l-investiment internazzjonali u l-esportazzjonijiet jiżdiedu f'pajjiżi li jiddemokratizzaw is-sistemi politiċi tagħhom, jippromovu d-drittijiet tal-ħaddiema u jtejbu l-ħarsien soċjali. Il-konformità ma' l-istandards internazzjonali ta' l-ILO dwar il-promozzjoni ta' xogħol diċenti, u d-djalogu ma' l-imsieħba soċjali u ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma eżempji ta' gvernanza tajba li l-kumitat jaqbel magħhom.

3.6

Barra minn hekk, il-ftuħ tas-swieq min-nazzjonijiet industrijalizzati jista' jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' l-iżvilupp, għalkemm dan mhux dejjem għandu impatt pożittiv fuq il-pajjiżi kollha, għaliex huma biss dawk il-pajjiżi b'ċertu livell ta' żvilupp — li għandhom suq nazzjonali b'saħħtu, infrastrutturi ta' l-esportazzjoni effiċjenti u sistemi politiċi stabbli — li jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis fl-ostakli tad-dwana u mhux sabiex iżidu l-iżvilupp u jaqtgħu il-faqar.

3.7

L-effetti tal-globalizzazzjoni fuq l-iżvilupp jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, skond il-politiki li jimplimentaw: demokrazija akbar u aktar rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u titjib fl-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-infrastruttura u l-politiki ta' l-impjieg u politiki li jwasslu għat-tkabbir u t-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi soċjali.

3.8

Il-KESE jemmen li l-UE, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO, għandha tiffaċilita ż-żjieda tal-kummerċ internazzjonali (b'mod partikolari bejn l-UE, l-Afrika u l-Amerika Latina) u l-firxa tad-demokrazija u d-drittijiet umani fid-dinja.

3.9

L-UE għandha ftehimiet ta' assoċjazzjoni ma' varjetà ta' pajjiżi madwar id-dinja: L-Ewromed, l-AKP, ir-Russja u l-ġirien tagħna fil-Lvant, Mercosur, il-Komunità Andina, iċ-Ċina, l-Indja, eċċ. Permezz ta' l-opinjoni tagħha u l-kumitati konġunti, il-KESE ifittex li jiżgura li dawn l-ftehimiet jestendu lil hinn minn kwistjonjiet ta' kummerċ u jkopru fixra wiesgħa ta' aspetti soċjali.

4.   Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

4.1

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-UE għandha tappoġġja l-implimentazzjoni, min-naħa tal-pajjiż li qiegħed jirċievi, ta' l-edukazzjoni pubblika u politiki ta' l-impjieg, b'kooperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn il-politiki huma iċ-ċavetta għall-iżvilupp, flimkien mal-promozzjoni tal-paċi u l-gvernanza tajba.

4.2

S'issa, il-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ma tantx iffukaw fuq ir-rwol tal-migrazzjoni bħala fattur sabiex tiġġieled kontra l-faqar.

4.3

L-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp hija bbażata fuq prinċipji ta' ġustizzja soċjali u tqassim mill-ġdid tal-ġid. Il-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp timmira li tiġġieled kontra l-faqar u tippermetti li kull persuna jkollha ħajja dinjituża. Għalkemm ma timmirax li b'mod dirett ssaħħaħ jew tikkontrolla ċ-ċaqliq migratorju, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza hija waħda mill-mezzi li tikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-kawżi li jwasslu għal emigrazzjoni mhux volontarja (20).

4.4

M'huwiex aċċettabbli li l-politika ta' l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża bħala strument ta' pressjoni fin-negozjati internazzjonali dwar il-migrazzjoni, kif għamlu xi mexxejja waqt il-Kunsill Ewropew ta' Sevilja.

4.5

Il-KESE jemmen li l-UE tista' tippromovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tad-dijaspora fi proġetti ta' kooperazzjoni, peress li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti meta jkunu ser jitfasslu xi proposti u jiġu evalwati xi riżultati, li ta' spiss isiru minn esperti ġejjin minn pajjiżi donaturi li għandhom biss għarfien parzjali taż-żoni li qegħdin jirċievu.

4.6

Id-demokrazija u d-drittijiet umani, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-promozzjoni tat-teħid tas-saħħa (empowerment) min-nisa, il-kura tas-saħħa u l-ambjent huma miri prijoritarji tal-kooperazzjoni ta' l-UE. Il-KESE jemmen li t-tisħiħ u l-promozzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma importanti ħafna wkoll.

4.7

L-għajnuna ta' l-UE tista' tipprovdi għall-ħolqien ta' netwerks u kumitati konġunti bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi ta' l-oriġini u l-pajjiżi ospitanti. Per eżempju, it-tqajjim ta' kuxjenza huwa parti importanti mill-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-pubbliku fil-pajjiżi Ewropej li qegħdin jospitaw għandu jkun informat dwar il-kultura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ta' għajxien, soċjali u politiċi tal-pajjiżi li minnhom tibda l-migrazzjoni.

5.   Politika ta' immigrazzjoni Ewropea b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini

5.1

Hija ħaġa sorprendenti li xi Stati Membri ta' l-UE għad iridu jirratifikaw Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, li ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fir-Riżoluzzjoni 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990 u li daħlet fis-seħħ sa mill-1 ta' Lulju 2003. Il-KESE (21) għal darb'oħra jipproponi li l-UE u l-Istati Membri jirratifikaw l-Konvenzjoni. B'koerenza ma' l-objettivi tal-Kunsilli Ewropej ta' Tampere u ta' Hague, il-Kumitat jemmen li r-rispett għad-drittijiet umani u t-trattament ugwali għandhom jiffurmaw il-bażi tal-politika ta' l-immigrazzjoni Ewropea.

5.2

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill ta' l-UE jippromovi, fil-qafas tal-politika esterna, qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi:

il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW);

il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali (CERD);

il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC);

Il-konvenzjoni ta' l-ILO dwar il-ħaddiema migranti (C 97 u C 143);

Id-Dikjarazzjoni ta' l-ILO dwar il-Prinċipji Fondamentali u d-Drittijiet fuq ix-Xogħol;

il-Qafas Multilaterali ta' l-ILO dwar l-Migrazzjoni tal-Ħaddiema;

Id-Dikjarazzjoni ta' Durban u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza ta' l-2001 tal-Ġnus Magħquda kontra r-Razziżmu.

5.3

S'issa l-politiki ta' l-immigrazzjoni kienu iffukati fuq aspetti li huma xierqa u li rċevew l-appoġġ tal-KESE, iżda li huma mmirati lejn l-interessi tan-nazzjonijiet Ewropej biss bħala pajjiżi li jirċievu: jiġġieldu kontra l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-persuni, jissodisfaw il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol u ta' l-iżvilupp ekonomiku tagħna; dan hu l-mod ta' kif qed inħarsu lejn il-problemi soċjali u ta' identità u niddefenixxu l-politiki ta' l-ammissjonijiet sabiex jattiraw immigranti (li għandhom kompetenzi għolja) filwaqt li nirrifjutaw oħrajn. Fuq il-bażi ta' dawn il-konsiderazzjonijiet, l-Ewropej jistabbilixxu politiki ta' immigrazzjoni li jistgħu jkunu aktar miftuħa jew aktar restrittivi, iżda huma dejjem iffukati b'mod esklussiv fuq l-effetti li l-immigrazzjoni għandha fuq is-soċjetajiet Ewropej.

5.4

Madankollu, l-UE u ħafna mill-Istati Membri tagħha żviluppaw b'mod attiv politiki ta' kooperazzjoni, u l-Ewropa għandha wkoll ftehimiet ta' viċinat u ta' assoċċjazzjoni ma' ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Iżda dawn il-politiki qabel kienu jiġu implimentati bla konnessjoni adegwati mal-politika ta' l-immigrazzjoni, daqs li kieku kienu żewġ entitajiet separati, minħabba fl-idea żbaljata li huwa possibbli li jkollok politika ta' migrazzjoni mingħajr il-kooperazzjoni tal-pajjiżi ta' l-oriġini.

5.5

Saru ħafna studji dwar l-effetti tal-migrazzjonijiet fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Kull rapport iwassal għall-konklużjoni ġenerali li l-kontribut tal-migranti huwa pożittiv għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta' l-oriġini iżda li, għal xi pajjiżi, hemm ukoll effetti negattivi. L-effetti pożittivi jinkludu l-importanza tal-flus li jintbagħtu lura, filwaqt li t-telfa ta' nies kapaċi u t-telfa tar-riżorsi umani hija fost l-aspetti negattivi.

5.6

Il-KESE jappoġġja approċċ ġdid għall-politiki Ewropej: il-politika ta' l-immigrazzjoni għandha tiġi ġestita b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini, sabiex il-migrazzjoni tkun tista' tkun fattur għall-iżvilupp tagħhom. Dan ikun jirrikjedi r-reviżjoni ta' diversi aspetti ta' dawn il-politiki, inkluż dawk li huma relatati mal-kriterji ta' l-ammissjoni u l-possibbiltà tal-mobbiltà tal-migranti.

6.   Il-Migrazzjoni hija pożittiva kemm għall-pajjiżi ta' l-oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti.

6.1

Il-benefiċċji li joħorġu mill-immigrazzjoni għall-pajjiżi li jirċievu ġew diskussi fit-tul f'opinjonijiet oħra tal-KESE. Fil-każ tal-pajjiżi Ewropej, l-immigrazzjoni ssodisfat b'suċċess il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li nħolqu minħabba fil-bidla demografika (22). L-immigranti jieħdu xogħol li ma jagħmlux il-ħaddiema lokali, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien ta' l-impjiegi u l-progress soċjali. Kif indika r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jimmarka d-Djalogu fl-Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, “… il-migranti … jżommu l-vijabbiltà ta attivitajiet ekonomiċi li, fl-assenza tagħhom, kienu jiġu esternalizzati. Billi jkabbru l-forza tax-xogħol u n-numru ta' konsumaturi u billi jikkontribwixxu l-kapaċitajiet intraprenditorjali tagħhom, il-migranti jsaħħu t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi li jirċivuhom”  (23). Barra minn hekk, il-Kumitat ippropona li l-UE ssaħħaħ il-politiki tagħha ta' integrazzjoni (24). Il-migrazzjoni tista' tkun pożittiva għal kulħadd: għall-migranti, għas-soċjetà li tospitahom u għall-pajjiżi ta' oriġini.

6.2

Għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-emigrazzjoni tippermetti li l-ħaddiema żejda jiġu evakwati u b'hekk tonqos ir-rata ta' qgħad, u taġġixxi bħala mekkaniżmu maġġuri sabiex jittaffa l-faqar minħabba fl-ammont ta' flus li jintbagħtu lura mill-emigranti lejn il-familji tagħhom. Barra minn hekk, meta jirritornaw, il-migranti għandhom sehem dejjem aktar importanti bħala katalisti ekonomiċi, billi jsiru nies li jħaddmu lill-oħrajn jew billi jippromovu n-negozzji ż-żgħar, u jitrażmettu ħiliet u teknoloġiji ġodda. Iżda hemm ukoll effetti ħżiena, bħat-telf ta' l-aktar żgħażagħ mħarrġin tajjeb u intraprendenti.

6.3

Il-KESE jipproponi li l-effetti pożittivi jiġu massimizzati, u dawk negattivi jitnaqqsu, permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini. Din hija waħda mill-isfidi ta' żminijietna. Ir-rapport finali tal-Kummissjoni Mondjali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali saħaq li l-isfida tal-lum kienet li jiġu fformolati politiki li jimmassimizzaw l-impatt pożittiv tal-migrazzjoni fuq il-pajjiżi ta' l-oriġini filwaqt li jillimitaw il-konsegwenzi negattivi. Huwa argumenta wkoll li l-migrazzjoni trid tifforma parti mill-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali, reġjonali u globali u li, sabiex dan il-għan jintlaħaq, il-pajjiżi riċeventi għandhom jagħrfu b'mod ċar li l-migrazzjoni hija ta' benefiċċju għalihom ukoll (25).

6.4

Il-migrazzjoni ma tistax tkun katalist għall-iżvilupp b'mod li hu iżolat mill-fatturi l-oħra politiċi, ekonomiċi u soċjali. Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li l-UE għandha tadotta approċċ ġdid lejn il-politika ta' l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, billi tippromovi l-iżvilupp permezz ta' bdil strutturali li jrawwem id-demokrazija u gvernanza tajba, jikkontribwixxi lejn it-tnaqqas ta' l-inugwaljanzi, u jtejjeb il-kapital uman u l-infrastruttura neċessarja għall-iżvilupp sostenibbli.

7.   Il-benefiċċji tat-tbgħit tal-flus

7.1

Il-flus li jintbagħtu huma r-riżorsi personali ta' l-immigranti, iżda għal xi pajjiżi ta' l-oriġini sar għandhom importanza kbira bħala fonti ta' dħul. Il-figuri huma ċari: fl-2005 il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw rċevew flus mibgħuta għat-total ta' xi USD 167 biljun (paragunat ma estimi mill-istess fonti ta' 69 biljun fl-1990). Is-Segretarju Ġenerali tal-UN ikkonferma li fl-2006 l-emigranti bagħtu 264 biljun dollaru id-dar. Dan huwa kważi erba' darbiet il-volum ta' l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp. F'xi pajjiżi, taqbeż ukoll l-investiment barrani.

7.2

Il-flus li jintbagħtu jipprovdu appoġġ bla interruzzjonijiet u stabbli għall-manteniment tal-familja. Huma l-emigranti u l-familji tagħhom li jagħmlu ħafna minn dawn it-trasferimenti internazzjonali ta' flus. Fl-Ewropa bejn 60 % u 70 % ta' l-emigranti jibagħtu l-flus lill-familji tagħhom. Ħafna minnhom jiġu kkonvertiti f'konsum dirett, għalkemm mhux biss ta' prodotti tanġibbli: proporzjoni sinifikanti tal-flus li jintbagħtu jintefqu fl-edukazzjoni u s-saħħa, u b'hekk jissaħħaħ il-kapital uman. L-ekonomiji tal-pajjiżi fejn il-flus jintbagħtu jibbenefikaw minn konsum akbar u investiment f'negozji zgħar. L-ammonti li jiżdiedu ta' flus fiċ-ċirkolazzjoni iġib miegħu wkoll l-iżvilupp tas-settur finanzjarju. Id-dħul fil-muniti Ewropej ukoll jikkontribwixxi lejn il-bilanċ finanzjarju tal-pajjiżi ta' l-oriġini.

7.3

Madankollu jista' jkun hemm ukoll problemi kif ukoll benefiċċji: il-prezz ta' xi oġġetti tal-konsum jista' jogħla, u b'hekk tikber it-tbatija tal-familji li ma jirċevux flus minn barra; ċerti koltivazzjonijiet u setturi tal-produzzjoni (dawk li joffru l-inqas qliegħ) jiġu abbandunati, bħalma huma xi impjiegi, peress li d-dħul li jiġġeneraw huwa żgħir ħafna b'paragun ma' dak tal-flus li jiġu minn barra.

7.4

Dawn il-problemi jridu jiġu kkunsidrati, għalkemm il-Kummissjoni Mondjali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali tikkonkludi li, globalment, il-migrazzjoni hija fattur pożittiv għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: “Il-flus li jintbagħtu b'mod formali jistgħu jipprovdu fonti importanti ta' skambju għall-pajjiżi li jirċievu, isaħħu l-kapaċità tas-settur finanzjarju, jikkontribwixxu sabiex jattiraw investiment sussegwenti u jipprovdu element ta lieva għas-self sovran”  (26).

7.5

Kanali informali għat-trasferimenti għandhom jiġu limitati, peress li jinvolvu spejjeż ogħla u riskji akbar. Ta' spiss jinħolqu netwerks informali bħala riżultat tan-nuqqas ta' istituzzjonijiet finanzjarji kompetittivi fiż-żoni li huma aktar remoti. Il-KESE jemmen li l-ispiża ta' intermedjazzjoni finanzjarja fil-flus li jintbagħtu għandu jitbaxxa. Dawn l-ispejjeż ħafna drabi huma eċċessivi, u m'humiex konformi ma' transazzjonijiet ekonomiċi oħra internazzjonali. L-esperti jikkalkolaw li l-ispejjeż ivarjaw b'mod konsiderevoli minn reġjun għal ieħor. per eżempju t-trasferimenti minn Spanja lejn l-Amerika Latina u l-Karibew jiswew 2 %, iżda bejn l-Ewropa u l-maġġoranza tal-pajjiżi fl-Afrika bejn it-8 % u l-10 %. L-awtoritajiet u s-superviżuri tas-settur finanzjarju Ewropew għandhom iħeġġu lill-banek Ewropej sabiex jaġixxu b'mod etiku u li hu soċjalment responsabbli sabiex inaqqsu l-ispiża tat-tbigħt tal-flus. L-effiċjenza tal-banek fil-pajjiżi ta' l-oriġini ukoll trid tiżdied, peress li l-istrutturi tagħhom u l-garanziji li joffru ta' spiss m'humiex suffiċjenti. L-Ewropa għandha tippromovi ftehimiet bejn is-setturi finanzjarji ta' kull naħa, b'medjazzjoni mill-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bil-ħsieb li jnaqqsu l-ispiża aħħarija tat-trasferimenti. Il-banek jistgħu jippromovu sistemi ta' prattiċi tajbin permezz ta' ftehimiet ta' responsabbiltà soċjali.

7.6

Il-Kummissjoni stqarret li għandha tipprepara direttiva li tirrikjedi lil dawk li jipprovdu s-servizzi finanzjarji sabiex juru aktar trasparenza fejn tidħol il-kummissjoni li jieħdu lill-klijenti tagħhom. Id-direttiva għandha tkun stretta ħafna fejn jidħol it-tbgħit ta' flus, sabiex jispiċċa l-eċċessi li hawn bħalissa. Barra minn hekk, ir-regolaturi tas-sistemi finanzjarji għandhom ikunu viġilanti u jiżguraw li ma jiġux applikati rati ta' skambju li m'humiex approprjati għat-transazzjonijiet, li jżidu b'mod inġust l-ispiża final tat-tbigħt tal-flus.

7.7

Il-KESE jipproponi li t-tbigħt tal-flus jiġi użat sabiex jippromovi l-investiment f'attivitajiet ekonomiċi u soċjali. B'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali, il-banek jistgħu jibnu sistemi ta' kreditu ġodda marbuta mat-tbigħt ta' flus sabiex jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi u inizjattivi intraprenditorjali. Għal dan il-għan, is-settur finanzjarju għandu bżonn li jkun armat bl-istrutturi xierqa u likwidità suffiċjenti.

7.8

L-infiq fl-edukazzjoni u s-saħħa huma l-investimenti prinċipali tal-familji li jirċievu l-flus li jintbagħtu. Strumenti finanzjarji, ta' assigurazzjoni u ta' kreditu marbuta mat-tbigħt tal-flus iridu jiġu promossi bil-ħsieb li jgħogllu s-suċċess fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u s-saħħa.

8.   Id-djaspori bħala netwerks transnazzjonali

8.1

Il-migrazzjoni internazzjonali żdiedet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar deċenni, fuq sfond ta' globalizzazzjoni. In-numru ta' migranti żdied b'mod qawwi (27), in-numru ta' pajjiżi ta' tluq kiber, flimkien man-numru ta' pajjiżi li jirċievu u dawk li huma pajjiżi ta' l-oriġini u pajjiżi ospitanti fl-istess waqt. Iż-żjieda fil-migrazzjoni ġiet iffaċilitata minn trasport u komunikazzjoni orħos. L-ivjaġġar internazzjonali issa huwa aktar faċli (ħlief għall-kontrolli fuq il-fruntieri), anke bejn l-iktar partijiet remoti tad-dinja.

8.2

Vjaġġar orħos, speċjalment vjaġġar bl-ajru, flimkien mal-komunikazzjonijiet bit-telefown jew elettroniċi tal-lum, qegħdin jiftħu l-bibien għall-komunikazzjoni u ħolqiet bla preċedenza bejn in -nies, u bejn il-postijiet ta' l-oriġini u dawk tad-destinazzjoni tal-migranti. In-nies li jemigraw u jinfirxu fuq medda ta' destinazzjonijiet issa jistgħu jinnetwerkjaw ħafna aktar mill-viċin u b'mod aktar faċli milli fil-passat.

8.3

In-netwerks tal-migranti qed ikollhom rwol li qiegħed jikber fl-importanza tiegħu fil-proċessi ta' migrazzjoni: dawn in-netwerks jgħinu lin-nies sabiex jiddeċiedu dwar il-pjanijiet tagħhom ta' migrazzjoni, jiffaċilitaw l-ivjaġġar u t-transitu, u l-wasla fil-pajjiż tad-destinazzjoni, flimkien ma' l-aċċess għal alloġġ u għat-tfittxija għax-xogħol.

8.4

L-emigranti jippromovu n-negozji fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom. Ħafna min-negozzji li l-immigranti jwaqqfu fil-pajjiżi li jospitawhom, per eżempju, li jimportaw prodotti mill-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, jinkoraġġixxu l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni. Iż-żjieda fl-ivvjaġġar isaħħaħ n-negozji tat-trasport tagħhom. Meta l-migranti jiksbu pożizzjoni li hija ekonomikament b'saħħitha fil-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom, huma ta' spiss jagħmlu investimenti diretti fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom: ħafna negozji jinbnew b'dan il-mod f'ċerti reġjuni taċ-Ċina u fis-settur ta' l-IT fl-Indja u fil-Pakistan. Barra minn hekk, ħafna immigranti jippromovu attivitajiet ekonomiċi u negozji fl-Afrika u l-Amerika Latina.

8.5

Kumpaniji multi-nazzjonali qegħdin jimpjegaw aktar persuni ta' oriġini immigranta sabiex idaħħlu n-negozju tagħhom fil-pajjiżi ta' l-oriġini. Numru kbir ta' kumpaniji multinazzjonali Ewropej jirrekrutaw il-maniġers u l-persunal tekniku minn fost l-immigranti, bil-ħsieb li jinternazzjonalizzaw l-attivitajiet tagħhom.

8.6

Id-dijaspori, organizzati f'netwerks transnazzjonali, jistgħu jgħinu wkoll sabiex jiżguraw li proporzjoni tal-flus li jintbagħtu jiġu indirizzati f'attivitajiet ekonomiċi u proġetti intraprenditorjali. Il-politiki ta' kooperazzjoni ta' l-UE jistgħu jikkooperaw man-netwerks tal-migranti, peress li netwerks ta' dan it-tip jipprovdu opportunitajiet sabiex l-għajnuna tiġi indirizzata b'mod effettiv u l-kapaċità ta' l-investiment tal-komunitajiet tad-dijaspora tikber.

8.7

F'xi pajjiżi d-dijaspori tal-migranti, li jaġixxu ta' netwerks, jinvestu fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom. Xi proġetti jistgħu jservu ta' mudell: wieħed minnhom huwa il-programm li hemm fil-Messiku “tlieta għal wieħed”, li taħtu assoċjazzjonijiet tal-migranti mill-istess żona jinvestu fi proġetti sabiex jiżviluppaw il-post ta' l-oriġini tagħhom, għal kull dollaru li jibagħtu joħroġ ieħor minn kull livell ta' gvern — federali, statali u muniċipali (28).

8.8

L-UE trid tappoġġja n-netwerks ta' dijaspora transnazzjonali bħala mod ta' kif trawwem l-iżvilupp tal-pajjiżi ta' l-oriġini. Assoċjazzjonijiet ta' netwerkjar minn belt ta' oriġini waħda jistgħu jindirizzaw flimkien ammonti ta' investimenti li jistgħu jiġu mmultiplikati fil-kontribuzzjonijiet Ewropej u nazzjonali.

8.9

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini u ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jridu jippromovu kundizzjonijiet favorevoli li jippermettu lid-dijaspori li jtejbu kemm jista' jkun l-impatt ta' l-attivitajiet tagħhom fuq l-iżvilupp. Il-KESE jipproponi li proporzjon tal-fondi pubbliċi ta' l-UE u l-Istati Membri jiġu indirizzati lejn attivitajiet ta' żvilupp promossi mill-komunitajiet tad-dijaspora. Il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat hija kruċjali għas-suċċess ta' l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali. Xi eżempji ta' prattiki tajba:

8.9.1

IntEnt, li hija bbażata fl-Olanda, ilha għal dawn l-aħħar għaxar snin tappoġġja kważi 2000 intraprenditur mid-dijaspori tas-Surinam, il-Gana, il-Marokk, il-Karibew u t-Turkija, billi pprovdew EUR 12.5 miljun sabiex joħolqu 200 negozju, li impjegaw 840 persuna f'dawn il-pajjiżi ta' l-oriġini.

8.9.2

Stabbilita f'Marsilja fl-1986, Migrations & Développement tappoġġja diversi organizzazzjonijiet ta' immigranti Marokkini (inkluż żgħażagħ Franċiżi ta' oriġini Marokkina) sabiex jiġbdu l-appoġġ għall-postijiet ta' l-oriġini tagħhom fil-Marokk. Eluf ta' immigranti tad-dijaspora ikkontribwixxew b'mod finanzjarju għal diversi proġetti, u 300 fosthom kienu involuti direttament fl-implimentazzjoni, u b'hekk ibbenefikaw aktar minn 50 000 persuna fil-Marokk.

8.9.3

L-organizzazzjonijiet tad-dijaspora fir-Renju Unit kienu fuq quddiem nett ta' RemitAid (29) kampanja ta' ħelsien mit-taxxa fuq it-tbigħt kollettiv tal-flus mibgħut għall-iżvilupp ta' pajjiżi ta' l-oriġini. RemitAid tipprovdi appoġġ lill-inizjattivi ta' żvilupp tad-dijaspori permezz ta' fond konġunt li jinkludi rifużjonijiet tat-taxxa minn tbigħt tal-flus (simili għal dak li jiġri fl-iskema tad-donazzjonijiet ta' l-għajnuna (gift aid scheme) li tipprovdi għal ħelsien mit-taxx għal donazzjonijiet lill-karità fil-UK).

8.9.4

L-organizzazzjoni Filippina għall-migrazzjoni u l-iżvilupp (Philcomdev) hija netwerk ta' organizzazzjonijiet għall-emigranti u l-familji tagħhom li fforma riċentement, li jinkludi NGOs, kooperattivi, sindakati, organizzazzjonijiet ta' mikro-finanzi, intrapriżi soċjali, netwerkijiet fil-Filippini u barra, li huma attivi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp f'pajjiżhom.

8.10

Bl-użu ta' l-għajnuna għall-iżvilupp Ewropea, għandu jingħata appoġġ ukoll lill-esportazzjoni lejn l-Ewropa ta' prodotti mill-pajjiżi ta' l-oriġini, u għandhom jiġu indirizzati permezz ta' sistemi ta' kummerċ ġust min-netwerks tad-dijaspora.

8.11

Il-KESE jipproponi wkoll li jiġi appoġġjat l-investiment dirett, kemm minn migranti individwalment kif ukoll mill-assoċjazzjonijiet tagħhom. Per eżempju, l-investiment fit-turiżmu jew fl-agrikoltura jista' jiġġenera opportunitajiet ta' żvilupp kbir f'ħafna pajjiżi ta' l-oriġini. Self, mogħti lill-migranti jew l-assoċjazzjonijiet tad-dijaspora għal proġetti ta' investiment dirett fil-pajjiż ta' l-oriġini, jirrappreżentaw forma ta' appoġġ li l-pajjiżi Ewropej għandhom ikabbru permezz tal-politiki tal-kooperazzjoni tagħhom.

9.   Ir-riturn u opportunitajiet akbar għaċ-ċaqliq bħala mezz kif jiġi rkuprat il-kapital uman

9.1

Xi migranti internazzjonali għandhom kwalifiki għoljin ħafna u għandhom ħila kbira. It-telfa ta' nies kapaċi hija waħda mill-aktar aspetti negattivi tal-migrazzjoni għall-iżvilupp tal-pajjiżi. Mhux il-pajjiżi kollha ta' l-oriġini jħossu l-effetti tagħha bl-istess mod, iżda għal xi wħud m'hija xejn inqas minn diżastru. Kif jiġi indikat fir-rapport SOPEMI, bejn 33 % u 55 % ta' l-aktar nies edukati fl-Angola, il-Burundi, il-Gana, il-Kenja, il-Mawrizju, il-Możambik, is-Sierra Leone, it-Tanzanija u l-Uganda qegħdin jgħixu fil-pajjiżi ta' l-OECD (30). Fl-Afrika, is-settur tas-saħħa, flimkien ma' l-edukazzjoni huwa wieħed mill-aktar li ġew milquta ħażin.

9.2

L-effett ta' l-emigrazzjoni tal-gradwati u ħaddiema ta' ħila kbira huma inqas negattivi f'xi pajjiżi ta' oriġini. It-tluq, per eżempju, ta' ħaddiema li huma ferm speċjalizzati fit-teknoloġija ta' l-informazzjoni mill-Indja u l-Pakistan, ma kellux riperkussjonijiet negattivi, peress li dawn il-pajjiżi għandhom sistema ta' l-edukazzjoni u ta' taħriġ soda ħafna għall-ispeċjalisti fil-kompjuter, li m'hemmx nuqqas tagħhom.

9.3

Meta ma tkunx fuq skala kbira, it-telfa ta' nies ta' ħila tista' anke tibbenefika lill-pajjiżi ta' l-oriġini għaliex jidħol fis-seħħ ċertu ammont ta' ritorn u moviment li jġib miegħu kompetenzi, teknoloġiji u intrapriżi ġodda. Dan hu dak li qiegħed jiġri f'pajjiżi bħall-Brażil u l-Indja. Madankollu, f'ħafna pajjiżi, it-telf ta' nies kapaċi twassal għal telfa li ma tistax tiġi rkuprata ta' speċjalisti u professjonisti kkwalifikati.

9.4

It-telf ta' nies kapaċi huwa vantaġġjuż għall-pajjiżi ospitanti Ewropej. Il-leġislazzjoni ta' l-immigrazzjoni nbidlet f'ċerti pajjiżi Ewropej mill-2002 sabiex tiffaċilità d-dħul ta' ħaddiema b'ħiliet kbar.

9.5

L-Unjoni Ewropea wkoll għandha l-intenzjoni li tippromovi politika ta' immigrazzjoni selettiva: il-Pjan Politiku dwar l-Emigrazzjoni Legali (31), jipproponi direttiva speċifika dwar id-dħul ta' ħaddiema ta' ħila kbira, li għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni f'Settembru, li dwarha l-Kumitat ser joħroġ opinjoni. Madankollu m'hemm l-ebda pjan li titfassal direttiva ġenerali dwar id-dħul. Minkejja l-kritika li saret mill-KESE u mill-Parlament Ewropew (32), dawn il-politiki ta' “immigrazzjoni selettiva” jidhru li qegħdin jinfirxu madwar l-Ewropa, bir-riskju li d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom xi pajjiżi ser jikbru. Il-Kumitat madankollu jemmen li din il-leġislazzjoni għandha tkun ta' benefiċċju għal kulħadd: għall-pajjiż ta' l-oriġini, il-pajjiżi li jospitaw u l-immigranti nfushom.

9.6

Il-konsistenza bejn il-migrazzjoni u l-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp jeħtieġu li l-pajjiżi li jospitaw jiffaċċjaw il-kwistjoni tat-telfa tan-nies kapaċi bir-reqqa u b'mod deċiżiv. L-ewwel aspett għall-konsiderazzjoni f'dan ir-rigward huwa li l-problemi li, fil-pajjiżi ta' l-oriġini jwasslu għat-tluq ta' ħaddiema ta' ħila, jistgħu jinbidlu f'benefiċċji jekk il-ħaddiema kkonċernati jirritornaw b'għarfien ġdid għall-kumpaniji, l-ekonomiji u s-servizzi pubbliċi tal-pajjiżi tagħhom. Il-migranti li jirritornaw jistgħu jkunu mezz ta' trasferiment mhux biss tal-konnoxxenzi u tat-teknoloġija iżda wkoll għall-investiment.

9.7

F'dan id-dawl, l-inkuraġġiment lill-migranti li jirritormaw jgħin lill-iżvilupp tal-pajjiżi ta' l-oriġini. Ir-ritorn irid ikun għal kollox volontarju, ladarba l-kundizzjonijiet ikunu tajbin għall-ħaddiema li jkomplu bl-okkupazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom. L-isfida għalhekk hija li jinħolqu dawn il-kondizzjonijiet.

9.8

Jekk il-ħaddiema ta' ħila ser jiġu inkoraġġuti li jirritornaw b'mod volontarju, din iċ-ċaqliqa ma għandhiex tfisser it-telf tal-permessi tagħhom tax-xogħol u tar-residenza fl-Ewropa (jew ta' kwalunkwe ċittadinanza ġdida li jkunu akkwistaw). Dan huwa l-uniku mod kif tiġi stabbilita l-immigrazzjoni ċirkulari.

9.9

Ir-ritorn jista' jiġi promoss ukoll billi l-jeddijiet soċjali ta' dawk li jirritornaw jiġu trasferiti għall-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom. Irid ikun żgurat li t-trasferiment tal-pensjonijiet u tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, inkluż il-kura tas-saħħa, isir sew. Ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-migrazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp, jindika li l-maġġoranza l-kbira tal-migranti internazzjonali jiffaċċjaw ostakoli kbar meta jiġu sabiex jittrasferixxu l-pensjonijiet tagħhom. għalkemm saru ħafna ftehimiet bilaterali, huwa ppropona li jinħoloq qafas internazzjonali li joffri aktar ċertezza. Il-Konvenzjoni ta' l-ILO Nru 157 dwar it-twaqqif ta' sistema internazzjonali għall-manteniment tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali (1982), ġiet irratifikata biss minn tliet pajjiżi (Spanja, il-Filippini u l-Isvezja) (33). Il-Kumitat jipproponi li l-UE u l-Istati Membri jirratifikaw l-Konvenzjoni ta' l-ILO Nru 157.

9.10

Hemm bżonn li jiġu adottati programmi permezz tal-politiki tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea, sabiex tevita it-telfa tan-nies kapaċi u sabiex tiffaċilita r-ritorn volontarju tal-ħaddiema ta' ħila, u sabiex isir investiment fis-setturi u l-attivitajiet li jinħtieġu ħafna ħila fil-pajjiżi ta' l-oriġini.

9.11

Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom ifasslu kodiċijiet ta' prattika għall-ġestjoni tad-dħul ta' migranti b'ħila kbira, b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini.

9.12

L-UE għandu jkollha rwol attiv ħafna fit-taħriġ taż-żgħażagħ mill-pajjiżi ta' l-oriġini ta' l-immigranti. Dawn il-pajjiżi jitilfu l-parti l-kbira ta' l-aktar kapital uman.imħarreġ tajjeb, li jintuża mill-kumpaniji Ewropej. Il-kooperazzjoni fit-taħriġ huwa mod ġust kif tikkumpensa dawn il-pajjiżi, li għalhekk fil-ġejjieni jkunu jistgħu joqogħdu fuq il-kapital uman li jinħtieġu għall-iżvilupp tagħhom.

9.13

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet u l-assoċċjazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-oriġini, li l-universitajiet, l-isptarijiet, il-kumpaniji, ċentri tat-teknonoloġija u r-riċerka Ewropej jistgħu jikkonkludu mal-pajjiżi ta' l-oriġini, l-għan ikun li xi ħaddiema li għandhom ħila kbira jaħdmu fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, bi ħlas, drittijiet soċjali u riżorsi okkupazzjonali li huma komparabbli ma' dawk fl-Ewropa.

10.   Politika tad-dħul tal-migranti konsistenti ma' l-għanijiet ta' l-iżvilupp: il-permess għad-dħul jikkontribwixxi għall-iżvilupp

10.1

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jimmodifikaw l-politiki tad-dħul tagħhom sabiex jippermetti l-immigrazzjoni legali permezz ta' proċeduri flessibbli u trasparenti. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni (34), il-KESE argumenta li kien hemm bżonn għal politiki miftuħa dwar id-dħul kemm ta' ħaddiema b'ħila kbira kif ukoll ta' b'inqas ħila. Filwaqt li jifhem il-pożizzjoni adottata minn xi gvernijiet, il-Kumitat ippropona wkoll li l-Istati Membri jtemmu l-perjodi ta' tranżizzjoni li jillimitaw l-libertà taċ-ċittadini ta' xi Stati Membri li jgħixu u jaħdmu f'pajjiżhom.

10.2

L-immigrazzjoni irregolari għandha titnaqqas permezz ta' politiki b'enfasi interna Ewropea, bħall-ġlieda kontra l-impjieg ta' l-immigranti irregolari permezz ta' leġislazzjoni tal-Komunità (35), li għaliha l-Kumitat ser jeżamina f'opinjoni oħra tiegħu li bħalissa qiegħda titfassal, kontrolli fil-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini u ta' tranżitu. L-UE trid turi l-appoġġ tagħha mal-pajjiżi tan-nofsinhar ta' l-Ewropa billi taqsam magħhom l-ispiża li jridu joħorġu sabiex jiġġestixxu l-influss massiv ta' immigranti irregolari u jwettqu diversi operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u attivitajiet ta' riċeviment filwaqt li jipprovdu assistenza umanitarja. Taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, ikun essenzjali wkoll li s-sitwazzjoni legali ta' ħafna nies “mingħajr dokumenti” fl-UE tiġi regolarizzata, dawn in-nies huma vittimi ta' l-esplojtazzjoni fuq il-post tax-xogħol u ma jistgħux jipparteċipaw fil-politiki ta' integrazzjoni.

10.3

Bħala parti minn politiki ta' dħul aktar flessibbli, sistemi ta' migrazzjoni temporanji u ċirkolari għandhom jitħeġġu, kemm għall-ħaddiema ta' ħila kbira kif ukoll għall-ħaddiema ta' inqas ħila.

10.4

Jekk sistema temporanja ta' immigrazzjoni trid tkun realistika, il-leġislazzjoni Komunitarja trid toffri permessi għal żmien qasir li huma flessibbli ħafna, kkumbinati ma' arranġamenti ta' ritorn u garanziji għal impjieġ ieħor fi snin sussegwenti. B'dan il-mod, ħafna migranti jużaw it-toroq legali, u ma jibqgħux fl-Ewropa taħt kundizzjonijiet irregolari meta l-permess tar-residenza tagħhom jagħlaq.

10.5

Il-KESE iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jilħqu ftehim dwar proċeduri ta' immigrazzjoni ċirkulari mal-pajjiżi ta' oriġini, sabiex jippromovu l-mobilità fil-migrazzjoni permezz ta' proċeduri flessibbli u trasparenti. Il-KESE jipproponi approċċ ġdid għall-politiki Ewropej: il-politika ta' l-immigrazzjoni għandha tiġi ġestita b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini, sabiex il-migrazzjoni tkun tista' tkun fattur għall-iżvilupp tagħhom.

10.6

Arranġamenti ta' dħul temporanju li jinkludu impenji ta' tħarriġ u għarfien tal-kwalifiki vokazzjonali jistgħu jkunu utli wkoll, peress li immigranti temporanji li jaħdmu fl-Ewropa jkunu jistgħu jtejbu l-kwalifiki tagħhom u, wara li jmorru lura, jtejbu l-opportunitajiet ta' l-impjieg u jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tagħhom.

10.7

L-inflessibbiltà attwali tal-leġislazzjoni fl-Ewropa hija ostakolu kbir għall-immigrazzjoni ċirkulari. Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità migratorja, inizjattivi ta' ritorn u ta' negozju fil-pajjiżi ta' oriġini, il-liġijiet ta' l-immigrazzjoni Ewropej iridu jippermettu li d-dritt għar-residenza permanenti jinżamm fuq perijodu twil.

10.8

Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li d-Direttiva dwar l-istatus ta' residenza għal perijodu twil tiġi emendata sabiex testendi l-perijodu li fih ir-residenti jkunu jistgħu jżommu d-drittijiet permanenti minn dak attwali ta' bejn sena u tliet snin. Fl-opinjoni tiegħu (36), il-KESE argumenta li sena (jew tnejn, kif hemm fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni) huwa perijodu qasir wisq sabiex ħafna immigranti jilqgħu l-isfida li jirritornaw fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom fuq il-bażi ta' pjanijiet ta' karriera.

10.9

Fi żmien meta l-UE qiegħda tippromovi attenzjoni globali fuq il-politika ta' l-immigrazzjoni, u bil-ħsieb tal-konsistenza bejn il-politiki ta' l-immigrazzjoni u l-iżvilupp, l-individwi kollha li huma residenti fit-tul fl-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirritornaw fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom mingħajr ma jitilfu d-drittijiet ta' residenza tagħhom għal ta' l-anqas ħames snin.

11.   Il-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkulari u s-sħubijiet tal-mobilità

11.1

F'Mejju il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat kommunikazzjoni (37) importanti dwar il-migrazzjoni ċirkulari u s-sħubijiet ta' mobilità bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Għalkemm din hi opinjoni fuq inizjattiva proprja, hija tirrappreżenta wkoll il-kontribut tal-KESE fid-dibattitu mibdi mill-Kummissjoni. Xi sezzjonijiet ta' l-opinjoni fihom proposti tal-KESE dwar il-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha.

11.2

Il-Komunikazzjoni hija maqsuma f'żewġ partijiet: l-ewwel parti telenka l-vantaġġi ta' l-iżvilupp ta' sħubijiet ta' mobilità ma' pajjiżi terzi, u t-tieni parti tħares b'mod aktar speċifiku lejn il-migrazzjoni ċirkulari.

11.3

Il-Kumitat jappoġġja il-proposta li jiġu stabbliti sħubijiet ta' mobilità, sabiex l-UE u l-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet ta' immigrazzjoni legali permezz ta' proċeduri flessibbli u trasparenti. Is-sħubijiet huma bbażati fuq ftehimiet iffirmati mill-pajjiżi ta' l-oriġini ta' l-immigranti u l-Istati Membri ta' l-UE.

11.4

Il-pajjiżi ta' l-oriġini huma meħtieġa jieħdu l-istess impenji bħal dawk li huma mitluba minnhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, li huma preċiżi ħafna (l-ammissjoni mill-ġdid, kontrolli fil-fruntieri, is-sigurtà tad-dokumenti ta' l-ivjaġġar, il-ġlieda kontra il-kuntrabandu tal-migranti u l-ittraffikar tal-bnedmin, eċċ.). Huwa importanti li dawn il-pajjiżi jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom skond il-Ftehim ta' Cotonou partikolarment id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13. Il-Kumitat jemmen li xi pajjiżi b'gvernijiet “dgħajfa” ser ikollhom problemi kbar sabiex jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, u għalhekk jipproponi li s-sħubijiet tal-mobilità jiġu adattati b'mod flessibbli sabiex jiltaqgħu mas-sitwazzjoni ta' kull pajjiż ta' oriġini.

11.5

Tipi ta' ftehim ma' l-Istati Membri jistgħu jinkludu dawn l-erbgħa.

11.5.1

L-ewwel huma dawk li joffru opportunitajiet aħjar għall-migrazzjoni legali, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tal-Komunità ta' preferenza għaċ-ċittadini ta' l-UE, li l-Kumitat jaqbel miegħu. Il-KESE jappoġġja l-idea li diversi Stati Membri (kooperazzjoni rinforzata) jagħmlu offerta konsolidata mal-pajjiżi ta' l-oriġini, bħala offerta ta' l-UE fil-forma ta' kwoti u strumenti li jaqblu mas-swieq tax-xogħol Ewropej.

11.5.2

It-tieni tip ta' ftehim jinvolvi l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri li jipprovdu assistenza teknika u finanzjarja sabiex jiġi ġestit iċ-ċaqliq tal-migranti. Il-Kumitat jemmen li l-fondi tal-Komunità li huma disponibbli taħt il-programm tematiku dwar il-migrazzjoni u l-ażili mhux ser ikunu biżżejjed, u għalhekk jipproponi lill-Kummissjoni, l-Parlament u l-Kunsill li dawn il-fondi jiżdiedu b'mod sinifikanti fil-futur.

11.5.3

It-tielet, il-Kumitat jaqbel mal-veduta li s-sħubijiet tal-mobiltà, bi qbil mal-pajjiżi ta' l-oriġini, jistgħu jintużaw sabiex jiskoraġġixxu l-immigrazzjoni minn ċerti setturi sabiex jiġi evitat it-telf ta' nies ta' ħila (fosthom professjonisti fil-qasam tas-saħħa f'ċerti pajjiżi Ewropej, per eżempju). Il-ftehimiet għandhom jiffavorixxu l-immigrazzjoni ċirkulari u r-ritorn ta' immigranti temporanji.

11.5.4

Taħt ir-raba' tip ta' sħubija, l-UE u l-Istati Membri jtejbu l-proċeduri sabiex jinħarġu viżi għal żmien qasir. F'numru ta' opinjonijiet, il-KESE indika l-ħtieġa li titjieb l-organizzazzjoni tas-servizzi ċirkulari fl-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi ta' l-oriġini. Id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jikkooperaw ma' l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u n-netwerk tal-EURES għandu jintuża sabiex jidentifika offerti ta' impjieg eżistenti fl-UE. Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li titjieb il-kooperazjoni bejn diversi Stati Membri billi jinfetħu ċentri komuni ta' applikazzjoni għall-viżi, sabiex isaħħu l-istruzzjonijiet komuni għall-konsli sabiex jinħarġu viżi ta' dħul multipli għal ċittadini ta'pajjiżi terzi li għandhom bżonn jivvjaġġaw ta' spiss, u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tal-viżi għal ċerti kategoriji ta' persuni skondi l-ftehimiet ta' mobilità.

11.6

Il-Kummissjoni hija favur li tiffaċilità l-immigrazzjoni ċirkulari. Il-KESE jikkunsidra li l-leġislazzjoni attwali hija riġida ħafna u ma tissodisfax la lill-immigranti la lill-pajjiż ta' l-oriġini, u l-anqas il-pajjiżi Ewropej li jospitaw. F'diversi opinjonijiet il-KESE irrakkomanda regoli aktar flessibbli sabiex jiġu ffaċilitati sistemi ta' immigrazzjoni ċirkulari li jirrispettaw il-perferenzi individwali. Id-drittijiet fundamentali ta' l-immigranti iridu jiġu mħarsa kompletament, speċjalment id-drittijiet soċjali u ta' l-impjieg, u d-dritt tal-persuna li tgħix mal-familja tagħha.

11.7

Il-Kummissjoni tipproponi żewġ tipi ta' immigrazzjoni ċirkulari: (1) migrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi issetiljati fl-UE, sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw attivitajiet fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom filwaqt li jżommu d-dritt tar-residenza fl-Istat membru, u (2) migrazzjoni ċirkulari tan-nies li jgħixu f'pajjiżi terzi, sabiex ikunu jistgħu jiġu lejn l-UE għax-xogħol, l-istudju jew t-taħriġ, jew it-tlieta li huma, bil-kundizzjoni li meta l-permess jagħlaq jirritornaw fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, bil-possibbiltà li jirritornaw lejn l-UE bi proċeduri ta' ammissjoni issemplifikati.

11.8

Il-Kumitat jemmen li s-sistema ta' migrazzjoni ċirkulari tista' tiġi żviluppata biss meta l-migranti, temporanji jew oħrajn, li rritornaw fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, ikollhom l-għażla li jirritornaw b'mod legali lejn il-pajjiż Ewropew li fih kienu jgħixu. It-tisħieħ tal-migrazzjoni ċirkulari tfisser fuq kollox l-introduzzjoni ta' miżuri li jiżguraw li r-ritorn lejn il-pajjiż Ewropew ikun flessibbli.

11.9

Il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni li tiżviluppa qafas leġiżlattiv li jiffaċilita l-migrazzjoni ċirkulari. Dan ikun ifisser li xi Direttivi eżistenti jinbidlu u jsir qbil dwar kriterji xierqa għat-tfassil ta' Direttivi ġodda previsti mill-programm leġislattiv, inkluż dawk diskussi hawn taħt.

11.9.1

Proposta għal Direttiva dwar l-ammissjoni ta' immigranti b'ħiliet kbar: il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiffaċilita aktar il-proċeduri ta' ammissjoni għan-nies li diġa għexu fl-UE b'mod legali għal ċertu tul ta' żmien (għal xogħol li jirrekjedi kwalifiki għoljin, l-istudju u forom oħra ta' taħriġ).

11.9.2

Proposta għal Direttiva dwar l-ammissjoni ta' migranti staġġjonali: il-Kumitat jirrakkomanda li jinħoloq permess ta' residenza/xogħol multi-annwali għall-migranti staġġjonali, li jippermettilhom li jiġu lura għal ħames snin wara xulxin, u li jista' jiġi estiż għal ħames snin oħra, sabiex jagħmlu xogħol staġġjonali.

11.9.3

Proposta għal Direttiva għall-ammissjoni ta' apprendisti mħalsa: il-Kumitat jikkonsidra li il-fatt li issir aktar faċli għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jiġu l-Ewropa għal perjodu ta' taħriġ, li jikkontribwixxi għall-promozzjoni ċirkulari ta' kompetenzi u trasferiment ta' l-għarfien, huwa fattur pożittiv fit-taħriġ tagħhom u fl-iżvilupp ta' pajjiżhom. Sabiex titjieb iċ-ċirkkolarità, il-proposta tista' tagħmilha possibbli għal dawk li kienu apprendisti sabiex jirritornaw għal perjodi qosra (1-5 snin) sabiex itejbu l-kwalifiki tagħhom.

11.9.4

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tippromovi xi tibdil f'diversi Direttivi eżistenti favur il-migrazzjoni ċirkulari. Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul attwalment tistipula li, bħala regola ġenerali, residenti fit-tul ma jibqgħux intitolati għal status ta' residenza fit-tul f'każ li jdumu neqsin mit-territorju tal-Komunità għal perjodu ta' 12 il-xahar konsekuttivi. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li dan il-perjodu jiġi estiż għal sentejn jew tlieta, u l-Kumitat iqis li ħames snin ikun tul ta' żmien aktar adattat

11.9.5

Direttiva 2004/114/KE dwar il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi bl-iskop ta' l-istudju, skambji ta' l-istudenti, apprendistat mhux imħallas jew servizz volontarju u Direttiva 2005/71/KE dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini minn pajjiżi teri għall-iskopijiet ta' riċerka xjentifika: il-Kumitat jaqbel li dawn id-Direttivi għandhu jiġu emendati sabiex jintroduċu permessi ta' residenza bi dħul multiplu li jippermettu lil min ikollu dan il-permess li jitlaq mit-territorju għal perjodi twal mingħajr ma jitlef id-dritt tiegħu jew tagħha ta' residenza. Tkun ħaġa raġonevoli wkoll li d-dispożizzjonijiet mhux obbligatorji f'dawn id-Direttivi, li jippermettu lill-Istati Membri li jipprovdu ammissjoni sempliċi bi proċeduri mqassra għall-persuni li qabel kienu jaħdmu bħala riċerkaturi jew li studjaw fl-UE, jinbidlu fi dritt ta' dawn il-persuni li jkollhom aċċess għal proċeduri mħaffa, sakemm wara huma jirritornaw fil-pajjiż tagħhom meta il-permess jiskadilhom. Il-Kumitat jaqbel ukoll li ż-żewġ Direttivi jintrabtu, billi tingħata ammissjoni aktar faċilment bħala riċerkaturi (b'inqas kundizzjonijiet marbutin) lil ċittadini ta' l-UE li qabel ġew ammessi bħala studenti u li, wara l-istudju tagħhom, iritornaw fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Dan il-kunċett jista' jkun li jiġi estiż sabiex jippermetti lill-istudenti li japplikaw għal ammissjoni bħala riċerkaturi waqt li jkunu għadhom residenti fl-Istat Membru fejn huma jkunu qiegħdin jistudjaw, sakemm l-applikazzjoni issir qabel mal-perjodu ta' studju tagħhom jintemm.

11.10

Il-KESE jemmen li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-immigrazzjoni ċirkulari tilħaq l-objettivi tagħha u ġġib benefiċċji fit-tul permezz ta' inċentivi li jippromovu ċ-ċirkularità, jiggarantixxu ritorn b'suċċess, jevalwaw l-applikazzjoni tal-proċeduri u jnaqqsu r-riskju ta' telf ta' nies ta' ħila permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

11.11

Iċ-ċirkolazzjoni tal-kompetenzi tenħtieġ li waħda mill-problemi ewlenin li qiegħdin jiffaċċjaw ħafna immigranti fl-Ewropa tiġi riżolta, jiġifieri in-nuqqas ta' għarfien tal-kwalifiki edukattivi u okkupazzjonali. Il-mobilità ta' nies bħal dawn bejn il-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom u l-pajjiżi li jospitawhom titjieb meta l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti fl-Ewropa. Il-Kumitat jipproponi li, minkejja, id-differenzi reali, isir progress fin-negozzjati ta' ftehimiet ta' għarfien tal-kwalifiki bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-oriġini minn fejn jiġu ħafna ħafna mill-migranti.

11.12

Sabiex is-sistema ta' migrazzjoni ċirkulari taħdem hemm bżonn ukoll li l-pensjoni u d-drittijiet tas-sigurtà soċjali akkwistati mill-immigranti jiġu ggarantiti. Dan jirrikjedi in-negozzjar ta' ftehimiet reċiproċi bejn l-Istati Membri ta' l-UE u il-pajjiż ta' l-oriġini, u ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' l-ILO Nru 157.

11.13

Il-Kumitat jipproponi li l-UE għandha tpoġġi dawn il-kapitli 'l quddiem fl-isħubijiet ta' mobilità futurim sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki vokazzjonali u joffru garanziji u drittijiet tal-pensjoni.

12.   Forum Globali dwar Migrazzjoni u Żvilupp

12.1

Fl-10 ta' Lulju il-Forum Globali dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp inżamm fi Brussel, taħt il-presidenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Ban Ki-Moon. Aktar minn 800 delegat minn 140 pajjiż ħadu sehem, bi tkomplija tas-sammit tal-Ġnus Magħquda ta' l-2006.

12.2

Il-KESE ħa sehem fil-Ġurnata tas-Soċjetà Ċivili fid-9 ta' Lulju, rrappreżentat mir-rapporteur għal din l-opinjoni. Il-konklużjonijiet għal dan il-forum, li l-Kumitat jaqbel miegħu b'mod wiesa', jista' jinstab fuq is-sit tal-konferenza (38). Is-sena d-dieħla l-Forum Globali ser isir f'Manila, u l-Kumitat għandu jattendi.

12.3

Il-Kumitat jinkoraġġixxi l-gvernijiet ta' l-UE u l-Kummissjoni sabiex isegwu b'mod attiv l-isforzi tagħhom permezz tal-Ġnus Magħquda sabiex jiġi żgurat li l-kwistjoni tal-migrazzjoni tkun preżenti b'mod prominenti fuq l-aġenda internazzjonali, sabiex id-drittijiet umani tal-migranti jiġu ggarantiti minn qafas leġislattiv internazzjonali u li l-amministrazzjoni komuni tal-proċessi tal-migrazzjoni bejn il-pajjiżi ta' l-oriġini u l-pajjiżi ospitanti tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku u soċjali globali.

12.4

Permezz ta' din l-opinjoni il-Kumitat qiegħed jippreżenta l-ewwel opinjoni tiegħu dwar l-immigrazzjoni ċirkolari. Din ser tiġi kkomplementata fil-futur minn opinjonijiet ġodda.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitri DIMITRIADIS


(1)  l-14 u l-15 ta' Settembru 2006.

(2)  COM(2002) 703, 12.2002.

(3)  Regolament (KE) 491/2004 ta' l-10.3.2004.

(4)  COM(2005) 390 ta' l-1.11.2005.

(5)  COM(2006) 409 ta' l-14.7.2006.

(6)  COM(2007) 248 finali tas-16.5.2007.

(7)  2005/2244(INI).

(8)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE adottata fis-sessjoni plenarja tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2007 dwar Migrazzjoni u Żvilupp: opportunitajiet u sfidi, rapporteur: is-Sur Sharma (REX/236) — CESE 673/2007.

(9)  Informazzjoni miġbura minn Human Development Report 2006, Programm ta' Żvilupp tal-Ġnus Magħquda (UNDP), u A fair globalizationCreating opportunities for all, Kummissjoni Dinija dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Globalizzazzjoni (bl-appoġġ ta' l-ILO) (2004).

(10)  L-aktar Rapport ta' Żvilupp Uman riċenti ġie ppubblikat fl-2006 (jirreferi għal informazzjoni mill-2004).

(11)  ILO. Global Employment Trends 2007, (Ġinevra).

(12)  Informazzjoni mill-indikaturi ewlenin tas-suq tax-xogħol ta' l-ILO.

(13)  Ibid.

(14)  L-aktar Rapport ta' Żvilupp Uman riċenti.

(15)  Programm ta' Żvilupp tal-Ġnus Magħquda, 2006 Rapport ta' l-Iżvilupp Uman.

(16)  Ara r-rapport tal-Ġnus Magħquda ta' l-2007 fuq il-websajt:

www.un.org.

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Strateġija ta' l-UE dwar Għajnuna għall-Kummerċil-kontribut tal-Kummissjoni COM(2007) 163.

(18)  Rapport ikkwotat mill-ILO u d-WTO.

(19)  Grupp Indipendenti ta' Valutazzjoni tal-Bank Dinji, Annual Review of Development Effectiveness (Reviżjoni Annwali ta l-Effettività ta l-Iżvilupp) 2006. Getting results, (Niksbu r-riżultati) u l-istudji ta' l-OECD dwar il-kummerċ u x-xogħol.

(20)  Oxfam — Intermón: Migraciones y desarrollo: el papel de la cooperación, Estudios, Nr 8 (2001).

(21)  Opinjoni fuq inizjattiva propja tal-KESE tat-30 ta' Ġunju 2004 dwar Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 302 tas-7.12.2004).

(22)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar Il-Green paper dwar approċċ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 286 tas-7.11.2005).

(23)  Ara id-dokument tal-Ġnus Magħquda A/60/871, 2006 International migration and development (Migrazzjoni Internazzjonali u żvilupp). Rapport tas-Segretarju Ġenerali.

http://www.un.org/Docs/journal/asp/ws.asp?m=A/60/871.

(24)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tal-21 ta' Marzu 2002 dwar L-Immigrazzjoni, l-Integrazzjoni u r-Rwol ta' l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños, ko-rapporteur: is-Sur Melícias (ĠU C 125, 27.5.2002) u l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tat-13 ta' Settembru 2006 dwar L-Immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta' l-integrazzjoni: kooperazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006)) u l-konferenza dwar l-integrazzjoni, organizzata flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, li nżammet f'Settembru 2002.

(25)  Ara il-Kummissjoni Mondjali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali, 2005 Migration in an interconnected world: New directions for action (Il-Migrazzjoni f'dinja interkonnessa: Direzzjonijiet ġodda għall-azzjoni).

http://www.gcim.org/en/.

(26)  Ara il-Kummissjoni Mondjali dwar il-Migrazzjoni Internazzjonali, 2005 Migration in an interconnected world: New directions for action (Il-Migrazzjoni f'dinja interkonnessa: Direzzjonijiet ġodda għall-azzjoni).

http://www.gcim.org/en/.

(27)  Kien hemm 155 miljun migrant fl-1990; Din il-figura żdiedet għal 191 miljun sa l-2005.

(28)  Ara id-dokument tal-Ġnus Magħquda, A/60/871, op cit.

(29)  Ara www.remitaid.org.

(30)  Ara SOPEMI 2005, OECD.

(31)  COM(2005) 669 finali ta' l-21 ta' Diċembru 2005.

(32)  2005/2244(INI) u l-Opinjoni tal-KESE tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar Il-Green paper dwar approċċ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 286 tas-7.11.2005).

(33)  Ara id-dokument tal-Ġnus Magħquda, A/60/871, op cit.

(34)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ta' l-10 ta' Diċembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 80 tat-30.3.2003.

(35)  Ara l-abbozz ta' direttiva tas- 16 ta' Mejju 2007 dwar Il-penali minimi għal dawk li jħaddmu li jimpjegaw immigranti irregolari (COM(2007) 249 finali).

(36)  Ara l-opinjoni tal-KESE tas-17 ta' Ottubru 2001 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istatu ta' persuni ta' nazzjonali minn pajjiżi terzi li huma residenti fuq perjodu twil (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños),ĠU C 36, tat-8.2.2002).

(37)  Dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi, COM(2007) 248 finali.

(38)  Il-konklużjonijiet jinsabu bl-Ingliż (fi http://smooz.gfmd-civil-society.org/gfmd/files/Final_CSD.pdf) u bl-Ispanjol (fihttp://smooz.gfmd-civil-society.org/gfmd/files/Final_CSD_espanol.pdf).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol”

COM(2007) 46 finali — 2007/0020 (COD)

(2008/C 44/22)

Nhar id-19 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fit-2 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'77 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju ta' l-opinjoni

1.1

Il-Kumitat japprova r-Regolament propost u l-bażi legali tiegħu; il-proposta tissodisfa l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, u fl-istess ħin tagħti lok għal ġbir ta' l-istatistika utli għat-twettiq ta' l-istrateġija Komunitarja fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, li issa teħtieġ qafas legali.

1.2

Jenfasizza l-importanza ta' definizzjonijiet u sistemi ta' rikonoxxenza komuni, b'mod speċjali minħabba l-mobilità tal-ħaddiema, f'dak li jirrigwarda:

l-inċidenti fuq ix-xogħol u l-inċidenti fit-triq lejn jew mix-xogħol,

il-mard fuq il-post tax-xogħol ipprovokat mill-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew mill-prodotti,

l-inkapaċitajiet jew diżabilitajiet parzjali jew permanenti li jirriżultaw minn inċidenti jew mard relatati max-xogħol u l-ġranet ta' xogħol mitlufin.

1.3

Fir-rendikont tan-numru ta' persuni implikati f'kull kategorija ta' inċident, il-Kumitat iqis li jkun utli li wieħed jikkunsidra s-sess u l-età tal-vittmi kif ukoll, fejn dan huwa possibbli, it-tip ta' kuntratt li għandhom. Ikun xieraq li wieħed jagħti attenzjoni partikolari lill-kunfidenzjalità tad-data personali miġbura.

1.4

Il-Kumitat jikkunsidra li l-kooperazzjoni ma' l-ILO u d-WHO għandha tiġi żviluppata. F'għajnejn il-Kumitat ir-Regolament propost jikkostitwixxi mezz tassew utli ta' kif wieħed jista' jgħaqqad in-natura u d-definizzjoni tad-data li għandha tiġi rreġistrata u l-metodi ta' ġbir u analiżi ta' din id-data.

2.   Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

2.1

Dan ir-Regolament jiffoka biss fuq l-attivitajiet ta' statistika żviluppati taħt l-Artikolu 285 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-għan tiegħu m'huwiex it-twettiq ta' politiki fiż-żewġ oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, previst taħt l-Artikoli 152 u 137 tat-Trattat rispettivament.

2.2

Il-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja hija rregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

2.3

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u l-moviment liberu ta' din id-data (2) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 (3) li lil din jagħmilha applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, jippermettu l-ipproċessar ta' data personali dwar is-saħħa għal raġunijiet ta' interess pubbliku sostanzjali, sakemm ikun hemm salvagwardji xierqa.

2.4

L-azzjonijiet u l-istrateġiji politiċi tal-Komunità u dawk nazzjonali fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jikkostitwixxu interess pubbliku sostanzjali u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (l-Eurostat) (4) jipprevedu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta' l-individwi fil-każ tal-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

2.5

Fil-fatt, id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika 2003-2008 (5), ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2002 dwar strateġija Komunitarja ġdida għas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol 2002-2006 (6), u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-20 ta' April 2004 dwar L-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp ta' kura tas-saħħa u kura fit-tul ta' kwalità għolja, aċċessibbli u sostenibbli: sostenn għall-istrateġiji nazzjonali bl-użu tal-'metodu miftuħ ta' koordinazzjoni'  (7), jeħtieġu sistema ta' standard għoli ta' informazzjoni statistika għall-valutazzjoni tar-riżultati politiċi miksuba u għall-iżvilupp u l-monitoraġġ ta' aktar azzjonijiet fiż-żewġ oqsma. Dan l-approċċ għandu jitkompla u jiġi żviluppat taħt programmi u strateġiji suċċessivi.

2.6

Fil-komunikazzjoni non leġislattiva SEC(2007)214, 215, 216 (8) Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jistħoqqilhom post minn ta' quddiem fl-aġenda politika Komunitarja; Is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema huma kruċjali għaż-żieda fil-produttività u l-kompetittività ta' l-intrapriżi u jikkontribwixxu sabiex titjieb il-vijabilità tas-sistemi ta' ħarsien soċjali billi jnaqqsu l-ispejjeż marbutin ma' l-inċidenti u l-mard. Għalhekk il-benessri fuq ix-xogħol għandu jkun realtà konkreta għaċ-ċittadini, li tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-aġenda għaċ-ċittadini adottata fl-10 ta' Mejju 2006.

2.7

Sa issa, il-ġbir tad-data statistika li sar kien imsejjes fuq “ftehim ta' rġulija” ma' l-Istati Membri fil-qafas tal-Programmi Statistiċi Komunitarji ta' ħames snin (fil-preżent id-Deċiżjoni 2367/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 2003 sa 2007 (9)) u l-komponenti annwali tagħhom.

2.8

B'mod partikolari, fil-qasam ta' l-istatistika tas-saħħa pubblika, l-iżviluppi u l-implimentazzjonijiet fit-tliet friegħi (il-kaġunijiet ta' l-imwiet, il-kura tas-saħħa u l-istħarriġ b'intervisti dwar is-saħħa, u l-morbożità) huma regolati u organizzati skond struttura bi sħab bejn l-Eurostat, flimkien mal-pajjiżi fit-tmexxija (fil-preżent ir-Renju Unit bħala koordinatur ġenerali u l-mexxejja ta' l-oqsma rispettivi mid-Danimarka, l-Estonja u l-Lussemburgu), u l-Istati Membri. F'dan il-qafas, diġà tlesta ħafna xogħol fil-metodoloġiji, inkluża l-preparazzjoni ta' linji gwida, u bdiet l-implimentazzjoni tal-ġbir tad-data.

2.9

Madankollu, is-sitwazzjoni attwali għandha l-limiti li ġejjin. L-ewwelnett, fir-rigward tal-ġbir tad-data li ġie implimentat diġà, minkejja li nkiseb ċertu titjib fil-kwalità u l-komparabbiltà tad-data, l-Istati Membri għandhom jiġu pprovduti b'bażi soda għall-implimentazzjoni.

2.10

Qafas legali għandu jippermetti tisħiħ tal-progress lejn standards aħjar ta' kwalità u komparabbiltà għall-ġbir kollu ta' rutina involut. Dan jiżgura sostenibbiltà u stabbiltà aqwa tar-rekwiżiti Ewropej fuq perijodu ta' żmien medju u jiffissa miri ċari għal dawk li huma standards li jkunu jridu jintlaħqu għall-komparabbiltà fil-livell Ewropew.

2.11

Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri l-ġodda għarrfu li m'humiex ser ikunu f'pożizzjoni li jissodisfaw l-eżiġenzi ta' l-UE fl-oqsma tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fl-assenza ta' qafas legali Ewropew.

2.12

Fl-aħħarnett, l-Istati Membri kollha għandhom bżonn ta' stampa aktar ċara ta' l-iskedi taż-żmien u l-stadji ta' progress fl-implimentazzjoni ta' l-għodod il-ġodda għall-istatistika li qegħdin jiġu żviluppati bħalissa, u ta' l-azzjonijiet li qegħdin jitħejjew għat-titjib fil-kwalità. Ir-Regolament propost mistenni jkun qafas xieraq għat-tfassil ta' pjanijiet ta' direzzjoni iddettaljati fid-diversi oqsma u friegħi statistiċi tas-saħħa u s-sigurtà.

2.13

Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni (Eurostat) tqis li issa hemm il-ħtieġa li tipprovdi sisien sodi permezz tal-ħruġ ta' att legali bażiku fl-oqsma statistiċi tas-saħħa pubblika u tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. L-oqsma koperti mill-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma konnessi ma' l-attivitajiet u l-iżviluppi li jinsabu għaddejjin u li qegħdin jitwettqu flimkien ma' l-Istati Membri fil-gruppi rilevanti ta' l-Eurostat jew, fil-qasam tas-saħħa pubblika, tas-Sħubija fl-istatistika tas-saħħa pubblika. Il-mira prinċipali hija li jingħataw sisien msaħħa u sodi għall-ġbir li diġà ġie implimentat jew għal dik il-metodoloġija li qiegħda tiġi żviluppata bħalissa jew għall-implimentazzjoni li qiegħda titħejja.

2.14

Il-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) (10) wera li l-element statistiku tas-sistema ta' l-informazzjoni dwar is-saħħa pubblika għandu jiġi żviluppat, b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, bl-użu kif ikun meħtieġ tal-programm statistiku tal-Komunità, sabiex titħeġġeġ is-sinerġija u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

2.15

Il-proposta emendata għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa 2007-2013 (11), issemmi li l-ħidma eżistenti fl-iżvilupp ta' sistema ta' l-UE għall-monitoraġġ tas-saħħa għandha tiġi mkabbra, permezz ta' l-użu skond il-ħtieġa tal-Programm Statistiku tal-Komunità. Min-naħa tagħha, l-istrateġija tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol 2002-2006 (12) appellat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħaffu x-xogħol pendenti ta' armonizzazzjoni ta' l-istatistika dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard fuq il-post tax-xogħol, sabiex tinkiseb data komparabbli li minnha tista' ssir valutazzjoni oġġettiva ta' l-impatt u l-effettività tal-miżuri li jittieħdu taħt l-istrateġija tal-Komunità.

3.   Kummenti tal-Kumitat

3.1

Il-Kumitat japprova r-Regolament propost u l-bażi legali tiegħu; il-proposta tissodisfa l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, u fl-istess ħin tagħti lok għal ġbir ta' l-istatistika utli għat-twettiq ta' l-istrateġija Komunitarja fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, li issa teħtieġ qafas legali.

3.2

Jenfasizza l-importanza ta' definizzjonijiet u sistemi ta' rikonoxxenza komuni, b'mod speċjali minħabba l-mobilità tal-ħaddiema, f'dak li jirrigwarda:

l-inċidenti fuq ix-xogħol (imġarrba fuq il-post tax-xogħol) u l-inċidenti fit-triq lejn jew mix-xogħol (imġarrba fit-triq bejn il-post ta' residenza u l-post tax-xogħol u waqt il-brejks twal barra l-post tax-xogħol, brejks għall-ikla ta' nofsinhar per eżempju), u meta x-xogħol jinvolvi ċaqliq minn post għal ieħor (servizz),

il-mard fuq il-post tax-xogħol ipprovokat mill-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew mill-prodotti użati (trabijiet, prodotti kimiċi, vibrazzjonijiet, storbju noċiv, problemi muskulari, skeletriċi jew peri-artikulari: ġarr ta' oġġetti tqal, attivitajiet repetittivi, eċċ.),

l-inkapaċitajiet jew diżabilitajiet parzjali jew permanenti li jirriżultaw minn inċidenti jew mard relatati max-xogħol u l-ġranet ta' xogħol mitlufin.

3.3

Fir-rendikont tan-numru ta' persuni implikati f'kull kategorija ta' inċident, il-Kumitat iqis li jkun utli li wieħed jikkunsidra s-sess u l-età tal-vittmi kif ukoll is-settur ekonomiku u, fejn dan huwa possibbli, it-tip ta' rabta legali mal-post tax-xogħol (kuntratt tax-xogħol permanenti, xogħol mhux standard, xogħol temporanju, xogħol indipendenti). Ikun xieraq li wieħed jagħti attenzjoni partikolari lill-kunfidenzjalità tad-data personali miġbura, b'konformità mal-leġislazzjoni fis-seħħ.

3.4

Il-Kumitat iqis li l-kooperazzjoni ma' l-ILO u d-WHO għandha tiġi żviluppata għax tista' twasal għal skambji interessanti fil-livell teoretiku (riċerka ta' l-oriġini tal-mard u l-inċidenti, l-ergonomija u rijabilitazzjoni) u l-metodoloġija f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir u l-metodi ta' l-istatistika.

3.5

F'għajnejn il-Kumitat ir-Regolament propost jikkostitwixxi mezz tassew utli ta' kif wieħed jista' jgħaqqad in-natura u d-definizzjoni tad-data li għandha tiġi rreġistrata u l-metodi ta' ġbir u analiżi tad-data bil-għan li tittejjeb dejjem iktar il-kwalità, il-kompatibilità u l-komparabbiltà tagħha.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 61 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31997R0322:MT:HTML Regolament modifikat mir-Regolament (KE) nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:284:0001:0053:EN:PDF).

(2)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31995L0046:MT:HTML Direttiva modifikata mir-Regolament (KE) nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2001:008:0001:0022:EN:PDF.

(4)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1. Regolament modifikat l-aħħar mir-Regolament (KE) nru 322/97.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31990R1588:MT:HTML.

(5)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2002:271:0001:0011:EN:PDF.

(6)  ĠU L 161, 5.7.2002, p. 1.

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2002:161:0001:0004:EN:PDF.

(7)  COM(2004) 304 finali, 20.4.2004.

(8)  SEC(2007) 214, 21.2.2007.

(9)  ĠU L 358 31.12.2002, p. 1 http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2002:358:0001:0027:EN:PDF Deċiżjoni modifikata mid-Deċiżjoni (KE) Nru 787/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12, http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2004:138:0012:0016:EN:PDF).

(10)  Ara nota 5.

(11)  COM(2006) 234 finali, 24.5.2006.

(12)  Ara nota 6.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/106


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità”

COM(2007) 159 finali — 2007/0054 (COD)

(2008/C 44/23)

Nhar is-7 ta' Mejju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità.

Fl-24 ta' April 2007, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l- 25 ta' Ottubru 2007 (seduta tal-25 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, ħatar lis-Sur Rodríguez García-Caro (1) bħala rapporteur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'64 vot favur, l-ebda vot kontra u 1 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-emendi li saru fl-Annessi għar-Regolament Nru 1408/71 u huwa konvint li dawn ser jgħinu ħalli jtejbu l-kontenut tar-Regolament u jkunu ta' benefiċċju għall-individwi fl-UE kkonċernati. Dan l-appoġġ japplika b'mod speċifiku għal dawk il-bidliet li jippermettu l-introduzzjoni ta' ċerti benefiċċji fil-qasam tal-koordinazzjoni, fi kliem ieħor mhux ser jibqgħu aktar eċċezzjonijiet jew drittijiet li ma jistgħux jiġu esportati.

1.2

Bħala rappreżentant ta' l-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-dewmien tal-proċess leġiżlattiv għall-proposta għal Regolament li jimplimenta r-Regolament Nru 883/2004. Il-Kumitat ma kienx ser iħejji din l-Opinjoni kieku r-Regolament imsemmi hawn fuq daħal fis-seħħ. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex iħaffu kemm jista' jkun il-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet u jassiguraw li l-koordinazzjoni l-ġdida tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr.

2.   Introduzzjoni

2.1

Sa mill-adozzjoni tiegħu f'Ġunju 1971, ir-Regolament Nru 1408/71 kien suċċessivament emendat, sabiex il-kontenut tiegħu jiġi adattat u aġġornat. Dawn l-emendi huma r-riżultat, fost affarijiet oħra, tal-bidliet leġiżlattivi li seħħew fl-Istati Membri, tal-ftehimiet bilaterali adottati bejn l-Istati Membri, għat-tkabbiriet konsekuttivi ta' l-UE u tal-konsiderazzjoni tad-deċiżjonijiet suċċessivi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sigurtà soċjali.

2.2

Sa minn mindu l-KESE adotta l-ewwel opinjoni tiegħu dwar dan ir-Regolament f'Jannar 1967 (2), il-Kumitat, li huwa magħmul minn partijiet interessati soċjo-ekonomiċi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, ta l-opinjoni tiegħu, kważi kull sena, dwar il-bidliet kollha li saru lill-Artikoli jew lill-Annessi tar-Regolament. Il-Kumitat għalhekk kellu rwol attiv fl-iżvilupp ta' għodda b'importanza vitali għall-garanzija tad-dritt għall-moviment ħieles tal-ħaddiema b'mod partikolari u tan-nies b'mod ġenerali, fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. Dan il-proċess assigura li d-drittijiet għal ċerti benefiċċji fl-iskema tas-sigurtà soċjali jibqgħu fis-seħħ meta l-persuni jiċċaqilqu ġewwa l-UE.

2.3

Fl-2004, ir-Regolament għadda mill-ikbar bidla fl-istorja tiegħu. Bil-għan li t-test jiġi ssemplifikat u l-kontenut tiegħu jitjieb, u wara dibattitu istituzzjonali twil, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approva Regolament ġdid li jikkoordina l-iskemi tas-sigurtà soċjali (3) — ir-Regolament numru 883/2004 li għandu jissostittwixxi t-test attwalment fis-seħħ. Madankollu u minħabba li r-Regolament tiegħu ta' implimentazzjoni għadu ma ġiex adottat, it-test il-ġdid dwar il-koordinazzjoni ma daħalx fis-seħħ, u dan ifisser li r-Regolament Nru 1408/71 jibqa' totalment validu.

2.4

Il-Kumitat ħejja l-opinjonijiet tiegħu korrispondenti kemm fuq ir-Regolament Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali (4), kif ukoll fuq il-proposta għal Regolament li jadotta r-Regolamenti ta' implimentazzjoni (5). L-aħħar proposta għadha qed issegwi proċess amministrattiv twil fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej.

2.5

Peress li t-test huwa ħaj u dinamiku, ir-Regolament Nru 1408/71 għandu jinkorpora l-emendi differenti li l-Istati Membri jagħmlu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, sabiex ikun garantit li dawn jiġu riflessi fir-Regolament u għalhekk ma jillimitawx id-drittijiet tal-persuni li jiċċaqilqu fl-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn l-emendi huma intiżi sabiex jaġġornaw u jtejbu l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, u b'hekk tkun iktar faċli li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni Komunitarja.

2.6

F'termini legali, il-proposta tinvolvi d-deroga u l-modifika ta' ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Annessi għar-Regolament. Din tapplika wkoll għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.   Kontenut tal-proposta

3.1

Il-proposta għal Regolament tolqot biss xi wħud mill-Annessi għar-Regolament 1408/71, u ma tikkonċernax it-test prinċipali, li ma jintmissx.

3.2

L-emendi li saru jirriflettu l-proposti ppreżentati mill-Istati Membri segwenti: l-Awstrija, id-Danimarka, Franza, l-Olanda, l-Ungerija, l-Irlanda u l-Polonja. Bl-eċċezzjoni ta' Franza, l-emendi kollha huma r-riżultat ta' bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.3

Il-bidliet jolqtu l-Annessi u lill-Istati Membri segwenti:

3.3.1

L-Anness I, Parti I, li jiddefinixxi t-termini “persuni impjegati” u “persuni li jaħdmu għal rashom” meta dawn ma jistgħux jistgħu jiġu ddeterminati abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan l-anness huwa emendat b'riżultat tal-bidliet leġiżlattivi fl-Irlanda.

3.3.2

L-Anness I, Parti II, li jiddefinixxi t-terminu “membri tal-familja” għall-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li wieħed jiddistingwi bejnhom u bejn persuni oħra. Dan jikkonċerna wkoll lill-Irlanda, għar-raġuni mogħtija hawn fuq.

3.3.3

L-Anness II, Parti I, li jiddefinixxi l-iskemi speċjali ta' persuni li jaħdmu għal rashom esklużi mill-ambitu tar-Regolament. Ir-rubrika dwar Franza tinbidel b'test ġdid minħabba raġunijiet li jikkonċernaw l-assigurazzjoni komplementari.

3.3.4

L-Anness II, Parti I, li jiddefinixxi s-sussidji speċjali għat-twelid jew ta' adozzjoni esklużi mill-ambitu tar-Regolament. It-test huma modifikat għall-Polonja, sabiex iż-żjieda għas-sussidju għat-twelid ikun suġġett għall-koordinazzjoni.

3.3.5

L-Anness IIa, li jelenka l-benefiċċji b'aspett non-kontributorju u, għalhekk, li ma jistgħux jiġu esportati. Dan jikkonċerna wkoll lill-Irlanda minħabba l-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.3.6

L-Anness III, Parti A li jagħti lista tad-dispożizzjonijiet li jibqgħu japplikaw, minkejja li jeżisti r-Regolament (KEE) Nru 1408/71. Dan japplika għall-ftehimiet bejn l-Ungerija, il-Ġermanja u l-Awstrija, b'riżultat tal-bidliet fil-liġi Ungeriża dwar il-pensjonijiet.

3.3.7

L-Anness IV, Parti A, li jinnumera l-leġiżlazzjonijiet imsemmija fir-Regolament li bihom l-ammont tal-benefiċċji għall-invalidità ma jiddependix mit-tul tal-perjodi ta' l-assigurazzjoni. Dawn jikkonċernaw wkoll lill-Irlanda u lill-Olanda minħabba l-bidliet għal-leġiżlazzjoni tagħhom.

3.3.8

L-Anness IV, Parti C, li jinnumera l-każijiet fejn jista' jiġi rrinunzjat il-kalkolu tal-benefiċċju, peress li dan ma jwassalx għal riżultat ogħla. Ir-rubrika “Ungerija” titneħħa, peress li dak il-pajjiż m'għadux affettwat minn dan il-fattur, minħabba l-bidliet għal-leġiżlazzjoni tagħhom. Il-parti li tikkonċerna lill-Awstrija hija modifikata minħabba l-bidliet fil-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet.

3.3.9

L-Anness VI, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet partikulari ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta' ċerti Stati Membri. Dan jikkonċerna t-testi introdotti mid-Danimarka, l-Olanda u l-Awstrija, minħabba r-riżultat ta' bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.3.10

L-Anness VIII, li jelenka l-iskemi li bihom l-orfni huma mogħtija benefiċċji familjari jew benefiċċji addizzjonali jew speċjali. Dan jikkonċerna lill-Irlanda, minħabba l-bidliet għal-leġiżlazzjoni tagħha.

4.   Kummenti

4.1

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta Opinjoni dwar emendi oħrajn li saru għar-Regolament Nru 1408/71 (6). F'dik l-opinjoni, il-Kumitat wera x-xewqa tiegħu li dawn ser ikunu l-aħħar sett ta' emendi li dwarhom kien ser ikollu jħejji opinjoni u li l-regolament il-ġdid ta' implimentazzjoni għar-Regolament Nru 883/2004 jiġi adottat mingħajr aktar dewmien. Sitt xhur wara, hemm emendi ġodda li saru għall-Annessi għar-Regolament Nur 1408/71, peress li r-regolament ta' implimentazzjoni għadu ma ġiex adottat.

4.2

Madankollu, il-KESE jixtieq jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-emendi li saru fl-Annessi għar-Regolament u huwa konvint li dawn ser jgħinu sabiex itejbu t-test u fl-aħħar mill-aħħar ikunu ta' benefiċċju għal dawk iċ-ċittadini ta' l-UE li huma kkonċernati. Il-Kumitat għalhekk jixtieq li jiddikjara l-qbil tiegħu b'mod speċifiku ma' dawk il-bidliet li jippermettu l-introduzzjoni ta' ċerti benefiċċji fil-qasam tal-koordinazzjoni, waqt li jinħarġu mill-annessi li jelenkaw l-eċċezzjonijiet għall-implimentazzjoni ġenerali tal-benefiċċji.

4.3

L-istituzzjonijiet Ewropej attwalment qegħdin jiddiskutu numru ta' proposti għar-regolamenti, li kollha jikkonċernaw il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-ewwel nett, il-Kunsill attwalment qiegħed jistudja kapitolu b'kapitolu il-proposta għal Regolament għall-implimentazzjoni tar-Regolament nru 883/2004, li dwaru l-KESE diġà ppreżenta l-Opinjoni tiegħu, u ser ikompli jistudjah matul il-Presidenza Portugiża. Fil-Parlament Ewropew, il-proposta tinsab fl-ewwel qari. It-tieni nett, il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-kontenut ta' l-Anness XI tar-Regolament 883/2004 qiegħda tiġi diskussa f'proċess simili għal dak imsemmi hawn fuq. Il-KESE diġà ppreżenta l-opinjoni korrispondenti tiegħu (7). Għandu jiġi kkunsidrat l-fatt li, meta ġie adottat r-Regolament dwar il-koordinazzjoni, numru mill-annessi tiegħu ma baqgħux japplikaw minħabba l-adozzjoni ta' regolamenti suċċessivi. Il-proposta finali taħt diskussjoni hija l-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 — is-suġġett ta' din l-opinjoni.

4.4

Imparzjalment u b'konsiderazzjoni tal-punt preċedenti, is-sitwazzjoni attwali hija ta' staġnar leġiżlattiv, fejn għadhom qegħdin jiġu adottati emendi għal regolament prattikament abrogat; għad hemm bżonn ta' annessi għar-regolament il-ġdid ta' koordinazzjoni li suppost diġà daħal fis-seħħ; u l-proċess ta' adozzjoni għar-regolament il-ġdid ta' implimentazzjoni sfortunatament ifakkar fid-dewmien tal-progress għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ir-Regolament ta' koordinazzjoni. Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, il-KESE jerġa jħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex il-proċeduri għall-adozzjoni definittiva taż-żewġ regolamenti jkunu aktar flessibbli. Bħala tfakkira, għandu jiġi nnotat li, fl-1992 il-Kunsill Ewropew ta' Edinburgh rrikonoxxa l-bżonn li titwettaq reviżjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni bil-għan li r-regoli dwar il-koordinazzjoni jiġu semplifikati. Għaddew ħmistax-il sena minn dik id-dikjarazzjoni u għadhom jintużaw l-istess liġijiet li mhumiex issemplifikati.

4.5

Il-komplessità tal-liġijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tfisser li b'mod ġenerali l-pubbliku jsib problema sabiex jifimhom u mhux konxju tad-drittijiet tiegħu f'dan il-qasam. Għalhekk ikun utli li tittieħed l-opportunità pprovduta minn din l-opinjoni, sabiex jiġi enfasizzat il-bżonn li l-awtoritajiet nazzjonali jiżviluppaw mezzi effiċjenti sabiex jgħaddu messaġġi ċari u konċiżi liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tagħhom bl-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom relatati mas-sigurtà soċjali meta jivvjaġġaw fl-UE għal kwalunkwe raġuni. Dan in-nuqqas ta' informazzjoni huwa aktar prominenti fil-kuntest ta' vjaġġi qosra, kemm jekk għall-pjaċir kif ukoll minħabba x-xogħol, fejn kwalunkwe problema akuta ta' saħħa tista' toħloq diffikultajiet serji liċ-ċittadini peress li ma jkunux jafu d-drittijiet tagħhom u l-proċeduri li jridu jsegwu sabiex jirċievu trattament immedjat.

4.6

Minħabba dan il-fatt u b'konformità mal-punt 4.5 ta' l-Opinjoni dwar l-Anness XI tar-Regolament 883/2004 imsemmi hawn fuq, il-KESE għandu jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex jiddetermina liema problemi jeżistu fl-UE fir-rigward ta' l-għajnuna medika lill-individwi li jiċċaqilqu fl-Ewropa u liema proposti għandhom isiru sabiex ikun assigurat li l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni jaħdmu tajjeb.

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2007.

Il-Presidenti

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Bla ħsara għall-approvazzjoni ta' l-assemblea plenarja.

(2)  ĠU C 64, 5.4.1967.

(3)  ĠU L 166, 30.4.2004.

(4)  Opinjoni tal-KESE tas-27 ta' Jannar 2000 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali; rapporteur: Is-Sur Rodríguez García-Caro (ĠU C 75, 15.3.2000).

(5)  Opinjoni tal-KESE tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali — regoli ta' implimentazzjoni; rapporteur: Is-Sur Greif (ĠU C 324, 30.12.2006).

(6)  Opinjoni tal-KESE tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar Emendi għar-Regolament 1408/71; rapporteur: Is-Sur Rodríguez García-Caro (ĠU C 325, 30.12.2006).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali — Anness XI, 14 ta' Marzu 2007 (CESE 422/2007), rapporteur: Is-Sur Greif.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/109


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Trattament ħażin ta' l-anzjani”

(2008/C 44/24)

F'ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margot Wallström, tas-16 ta' Mejju 2007 il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar: It-trattament ħażin ta' l-anzjani.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Heinisch.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b'144 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (adottata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000) tagħraf u tħares, taħt l-Artikolu 25, id-dritt persuni anzjani għal ħajja ta' dinjità u indipendenza u għal parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali. Fl-Ewropa, in-numru ta' persuni 'il fuq minn 65 sena qiegħed jikber. L-isfida tal-ġejjieni ser tkun dik li nittrattaw il-fenomenu tat-tixjiħ demografiku b'mod pożittiv, jiġifieri billi la narawh bħala piż fuq is-soċjetà u lanqas bħala theddida għall-individwu.

1.2

Fil-kuntest ta' din l-isfida għandu wkoll jiġi indirizzat it-trattament ħażin ta' l-anzjani, suġġett traskurat ħafna, li għandu t-tendenza li jiġi bbanalizzat u mwarrab. Hemm riskju partikolari għall-persuni li huma dipendenti mill-kura u/jew li jinsabu kkonfinati fi djarhom jew f'istituzzjonijiet tal-kura. Għalhekk il-KESE jixtieq, b'ċerta insistenza, iressaq talba lill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea sabiex din tindirizza s-suġġett tat-trattament ħażin ta' l-anzjani, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kura.

Il-kummenti t'hawn fuq huma indirizzati lill-Presidenzi tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea; lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

1.3

Ir-responsabbiltà ewlenija fir-rigward tal-prevenzjoni tat-trattament ħażin ta' l-anzjani tinsab f'idejn l-Istati Membri. Madankollu, billi l-problema titfaċċja fl-Istati Membri kollha, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jkun hemm strateġija Ewropea.

Fuq il-bażi tal-fatt li t-trattament ħażin ta' l-anzjani jirrappreżenta vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fuq il-bażi tar-regolamenti stipulati fit-Trattati, tfassal strateġija għall-prevenzjoni tat-trattament ħażin.

Il-bażi ta' din l-istrateġija Ewropea għandha tkun studju mwettaq fl-Unjoni Ewropea kollha dwar “It-trattament ħażin ta' l-anzjani, b'mod speċjali fil-kuntest tal-kura”. Dan l-istudju għandu jkollu l-għan li jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali u jipprovdi tagħrif dwar ir-rata ta' prevalenza u d-diversi forom ta' trattament ħażin, il-kawża tagħhom u r-riskji involuti. Għandhom jiġu kkunsidrati kemm it-trattament ħażin fid-domiċilju tal-persuni kkonċernati kif ukoll fil-kuntest tal-kura istituzzjonali.

Dan l-istudju għandu jqabbel ir-riskju li huma esposti għalih l-anzjani, is-sitwazzjoni legali tagħhom u l-possibbiltajiet ta' għajnuna u appoġġ li għandhom mal-kundizzjonijiet li japplikaw fil-qasam tat-trattament ħażin tat-tfal.

L-istudju għandu wkoll jenfasizza l-qagħda ta' l-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea bl-objettiv tal-ħarsien ta' l-anzjani fl-Istati Membri.

Il-kummenti t'hawn fuq huma indirizzati lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea; Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs.

1.4

Il-prevenzjoni tat-trattament ħażin ta' l-anzjani, b'mod speċjali fil-kuntest tal-kura, tista' biss issir b'mod effettiv fil-livell nazzjonali rilevanti. Għalhekk, fil-kuntest tat-tħejjija ta' strateġija Ewropea, kull Stat Membru għandu jniedi pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni tat-trattament ħażin. F'kull Stat Membru għandhom jiġu pprovduti l-fondi neċessarji. Il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għandhom fuq kollox jikkunsidraw:

it-tneħħija ta' kull tabù dwar it-trattament ħażin ta' l-anzjani f'sitwazzjoni ta' kura permezz ta' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni rilevanti, per eżempju l-implimentazzjoni ta' kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, li jqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom bżonn il-kura u dawk li jikkurawhom;

it-tħejjija ta' linji gwida u bażi legali b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Ujoni Ewropea;

it-tfassil ta' rapporti nazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-trattament ħażin ta' l-anzjani fil-kuntest tal-kura fid-dar jew f'istituzzjoni. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludi informazzjoni dwar jekk fl-Istati Membri jeżistux standards minimi għall-kura li huma vinkolanti, jekk ġewx stabbiliti forom ta' kontroll u kemm dawn ir-regoli huma effikaċi għall-ħarsien ta' l-anzjani fil-kuntest tal-kura fid-dar jew f'istituzzjoni;

it-titjib ta' l-informazzjoni, il-kompetenzi u l-kooperazzjoni ta' l-atturi u l-istituzzjonijiet kollha li huma direttament involuti fil-“kura”. Dan jinkludi t-taħriġ adegwat u l-inizjattivi għal gruppi partikolarment rilevanti — l-istaff mediku, il-persuni li jipprovdu l-kura u l-pulizija — kif ukoll it-twaqqif ta' sistema li tippermetti lill-istaff tal-kura li jirrapporta każijiet ta' abbuż;

it-twaqqif ta' servizz ta' parir li jkollu ambitu wiesa', ikun aċċessibbli faċilment u (wkoll) kunfidenzjali, sabiex il-persuni kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jiksbu t-tagħrif li jonqoshom kemm jista' jkun kmieni fil-proċess tal-kura;

it-twaqqif ta' servizzi ta' wens u mistrieħ għall-familji li jagħtu l-kura kif ukoll lok ta' parir u appoġġ għall-istaff professjonali;

it-twaqqif ta' netwerks ta' kollaborazzjoni, edukazzjoni u skambju sistematiku ta' informazzjoni għall-persuni u l-istituzzjonijiet kollha li huma direttament involuti fil-“kura”.

Il-kummenti t'hawn fuq huma indirizzati lill-Istati Membri.

1.5

Il-KESE jemmen li huwa kruċjali li jkun hemm skambju f'livell nazzjonali u ta' l-UE dwar il-proċeduri u l-mudelli ta' prattika tajba, bil-għan li tiġi stabbilita sistema ta' verifika tal-kwalità u twaqqif ta' standards fil-qasam tal-kura.

Il-kummenti t'hawn fuq huma indirizzati lill-Istati Membri; EUCPN.

2.   Raġuni

2.1   Ix-xjuħija u r-riskju ta' trattament ħażin

2.1.1

It-tbassir demografiku jindika li fl-Ewropa, sa l-2050, in-numru ta' persuni 'il fuq minn 65 sena ser jikber b'mod konsiderevoli (b'madwar 58 miljun jew 77 %); relattivament, l-ikbar żieda hija mistennija fil-grupp ta' l-iktar persuni anzjani ('il fuq minn 80 sena). Dan l-iżvilupp għandu effetti fuq il-ħajja ta' kuljum f'ħafna setturi u jirrappreżenta sfida partikolari għall-oqsma politiċi kollha.

2.1.2

Fuq l-isfond ta' l-iżvilupp demografiku, il-bżonn li tiġi indirizzata l-problema tat-trattament ħażin ta' l-anzjani huwa dejjem iktar urġenti. Dan it-trattament ħażin huwa suġġett tassew traskurat, li għadu qiegħed jiġi bbanalizzat u injorat. Id-data empirika disponibbli dwar is-suġġett hija insuffiċjenti u inkompleta.

2.1.3

Skond l-istatistika kriminali rreġistrata, ir-riskju ta' vjolenza fuq l-irġiel u n-nisa ta' 60 sena u iktar huwa konsiderevolment iktar baxx minn dak ta' persuni iżgħar, u fl-istħarriġ tal-vittmi l-anzjani jitkellmu inqas mill-persuni iżgħar fl-età dwar esperjenzi li jinvolvu l-vjolenza. Iżda l-istatistika kriminali u l-istħarriġ fost il-vittmi huma strumenti inadegwati sabiex jiġu rreġistrati u enfasizzati r-riskji ta' vjolenza li jolqtu speċifikament lill-anzjani.

2.1.4

Dan jgħodd fuq kollox għar-riskju ta' trattament ħażin ta' l-anzjani fl-ambjent soċjali l-iktar qrib tagħhom, minn persuni li huma jafu u jafdaw; possibbilment anke persuni li l-anzjani jiddependu minnhom. Ix-xjenza, il-politika u l-prassi “skoprew” din iż-żona f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin bħala żona b'livell ta' vjolenza relattivament għoli. Għall-bidu l-enfasi kienet fuq it-tfal u n-nisa bħala vittmi (1), u rari fuq it-trattament ħażin ta' l-anzjani.

2.1.5

Skond definizzjoni ta' l-Azzjoni kontra t-trattament ħażin ta' l-anzjani li ttieħdet mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u stabbiliet ruħha fil-qasam tar-riċerka u l-politika, trattament ħażin ta' l-anzjani huwa terminu li għandu jintuża għal trattament ħażin li jsir darba jew b'mod ripetut jew in-nuqqas ta' trattament adegwat li jista' jwassal għal ħsara jew perikolu fir-rigward ta' persuna anzjana (2).

2.1.6

Id-data disponibbli turi li l-abbuż fuq l-anzjani jeżisti, jiġri ta' spiss u f'ċerti każijiet huwa gravi ħafna, iżda bl-eċċezzjoni ta' każijiet speċifiċi, dan l-abbuż jibqa' moħbi (3). Stħarriġ rappreżentattiv li sar l-Ingilterra, l-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta' Fuq fl-2006, li interroga lil iktar minn 2 000 persuna ta' 66 sena u iktar li jgħixu fi djar privati (inklużi skemi ta' kura) (4), wassal għar-riżultati li ġejjin: 2.6 % tal-parteċipanti semmew trattament ħażin min-naħa ta' membru tal-familja tagħhom, ħabib jew membru ta' l-istaff tal-kura fl-aħħar 12-il xahar. Jekk wieħed jgħodd ukoll il-ġirien u l-konoxxenzi, il-persentaġġ jitla' sa 4 %. L-iktar forma ta' trattament ħażin komuni hija n-negliġenza, warajha jiġi l-isfruttament finanzjarju, l-abbuż psikiku jew fiżiku u, fl-aħħarnett, l-abbuż sesswali. In-nisa jirrappurtaw it-trattament ħażin ikar ta' spiss mill-irġiel. Dawn ir-riżultati jistgħu jitqabblu ma' dawk ta' soċjetajiet oħra tal-Punent u jikkorrespondu bejn wieħed u ieħor għad-data dwar il-vjolenza domestika. Studju li sar Spanja fl-2004 wasal għall-konklużjoni li r-rata ta' trattament ħażin ta' l-anzjani kienet kważi għolja daqs dik tat-tfal.

2.2   It-trattament ħażin ta' l-anzjani fil-kura

2.2.1

It-terminu “kura” huwa vast u jmur mill-għajnuna u l-appoġġ fid-dar sal-kura intensiva (fi sptar).

2.2.2

Hemm riskji speċjali għall-persuni li huma dipendenti mill-kura u/jew li jinsabu kkonfinati fi djarhom jew f'istituzzjonijiet tal-kura. Is-sitwazzjoni tagħhom, il-perikoli speċifiċi li huma esposti għalihom u l-possibbiltajiet ta' prevenzjoni u intervenzjoni f'dan il-qasam jinsabu għalhekk fil-qalba ta' din l-opinjoni esploratorja.

2.2.3

Bl-eċċezzjoni ta' l-iktar gruppi ta' età avvanzati, minoranza ta' anzjani biss teħtieġ il-kura: fl-aħħar ta' l-2003 fil-Ġermanja 1.6 % ta' l-anzjani ta' 60-64 sena kellhom bżonn il-kura u 9.8 % ta' l-anzjani ta' 75-79 sena, iżda mbagħad 60.4 % ta' l-anzjani ta' 90-94 sena (5). Skond l-istudji li saru, mhux biss ser ikun hemm iktar anzjani fil-futur, iżda wkoll iktar anzjani fraġli u li jeħtieġu l-kura. In-numru ta' anzjani li jeħtieġu l-kura huwa mistenni li jikber b'116-136 %; in-numru ta' persuni fir-residenzi saħansitra b'138-160 %. Ir-riskji marbutin mal-bżonn għall-għajnuna u l-assistenza ser jikbru b'mod speċjali għall-anzjani ta' iktar minn 80 sena (6).

2.2.4

It-trattament ħażin fir-rigward ta' persuni anzjani fil-kura huwa kwistjoni ġerontoloġika u jinkludi mhux biss l-abbuż fiżiku tal-persuni li jeħtieġu l-kura iżda wkoll kull trattament u negliġenza li jista' jkolla effetti negattivi fuq il-ħajja u l-benessri ta' l-anzjani (7). Il-forom ta' trattament ħażin jinkludu (8):

vjolenza fiżika diretta (swat, theżżiż, qars, l-impożizzjoni ta' obbligi fiżiċi, l-immobilizzazzjoni, it-tneħħija ta' strumenti ta' għajnuna fiżika, eċċ.);

vjolenza fiżika indiretta (għoti ta' mediċina mingħajr awtorizzazzjoni, per eżempju kalmanti, eċċ.);

abbuż sesswali (nuqqas ta' rispett għal-limiti fiżiċi tal-mistħija, kuntatt intimu mhux mixtieq, eċċ.);

vjolenza emozzjonali u fiżika (aggressjoni verbali, negliġenza jew indifferenza, solitudni emozzjonali, iżolazzjoni soċjali, theddid fiżiku jew ta' forom oħra ta' abbuż, għajjat, umiljazzjoni, eċċ.);

sfruttament finanzjarju jew abbuż materjali ieħor (aċċess mhux awtorizzat għall-kapital, bejgħ tal-proprjetà mingħajr kunsens, tentattivi jew sfurzar għall-għoti ta' flus bħala rigal, serq ta' flus u oġġetti ta' valur, estorsjoni, l-anzjani fil-mira ta' l-imbruljuni, eċċ.);

negliġenza (in-nuqqas ta' għajnuna neċessarja fil-ħajja ta' kuljum u ta' servizzi ta' iġjene u kura ġenerali, b'mod speċjali n-nuqqas ta' ikel u xorb, l-iżvilupp ta' bedsores u selħ — decubitus ulcers — minħabba n-nuqqas ta' kura fir-rigward tal-pożizzjoni fis-sodda, eċċ.);

theddid li jiġu abbandunati jew mibgħuta f'residenza;

abbuż fil-forma ta' parteċipazzjoni f'testijiet kliniċi mingħajr il-kunsens ta' l-anzjani jew kontra l-volontà tagħhom.

2.2.5

It-trattament ħażin ta' l-anzjani jista' jseħħ fid-dar kif ukoll f'ambitu istituzzjonali. Fl-Ewropa ma teżistix data affidabbli dwar il-prevalenza tal-vjolenza fir-rigward ta' persuni li jiddependu mill-kura. Ftit hemm tagħrif dwar il-fenomenu — traskurat, iżda kkunsidrat bħala vast — tat-trattament ħażin u l-vjolenza fuq l-anzjani fil-kuntest tal-kura.

2.2.5.1

Fil-każ tal-kura fid-dar, l-istudji jsostnu li bejn 5 u 25 % tar-relazzjonijiet ta' kura jinvolvu l-vjolenza (9).

2.2.5.2

Fi studju Ġermaniż (10) dwar it-trattament ħażin u n-negliġenza fir-residenzi ta' l-anzjani u ċ-ċentri tal-kura iktar minn 70 % ta' l-istaff tal-kura ammettew li użaw il-vjolenza, trattaw b'mod mhux xieraq jew traskuraw lill-anzjani, jew li raw membri oħra ta' l-istaff jagħmlu dan (11).

2.3   Nagħrfu t-trattament ħażin fil-kura

2.3.1

Ħafna drabi fil-prattika huwa diffiċli li wieħed jinduna bit-trattament ħażin. Hemm diversi raġunijiet għal dan: il-mistħija tal-vittmi; id-dipendenza tagħhom mill-għajnuna, mill-kura u mill-attenzjoni tal-persuni li qegħdin jittrattawhom ħażin, u l-biża' mir-rabja li tista' tirriżulta jekk jirrappurtaw l-abbuż u għalhekk il-biża' li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar; l-inkapaċità li jitkellmu dwar l-esperjenza ta' abbuż minħabba l-mard jew deterjorament mentali; nuqqas ta' sigurtà fir-rigward ta' sitwazzjonijiet fejn jissuspettaw trattament ħażin.

2.4   Il-kura fid-dar

2.4.1

Il-biċċa l-kbira ta' l-anzjani jgħixu id-dar. F'ħafna pajjiżi Ewropej l-anzjani li jeħtieġu l-kura jirċevuha fid-dar tagħhom; il-Ġermanja dan huwa l-każ ta' żewġ terzi ta' dan il-grupp ta' anzjani. Madwar 7 % ta' l-anzjani ta' 65 sena jew iktar biss jgħixu f'residenzi speċjalizzati. Il-kura familjali tingħata fl-ewwel post miż-żewġ jew mill-mara, fit-tieni lok mit-tifla jew mill-mara tat-tifel. Il-biċċa l-kbira ta' dawn is-sitwazzjonijiet ta' kura ma jinvolvux trattament ħażin iżda dan jista' jiġri (ara punt 2.2.5.1).

2.4.2

Il-kura fid-dar iġġib piż kbir magħha, b'mod speċjali għas-saħħa, il-benessri u l-kuntatti soċjali ta' min jagħti l-kura. Ħafna familji jridu jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex jieħdu ħsieb il-qraba anzjani tagħhom. Il-problema tikber meta t-tħejjija għas-sitwazzjoni ta' kura ma ssirx b'mod adegwat u meta ma jkunx hemm biżżejjed appoġġ matul iż-żmien tal-kura. Piż kbir ħafna huwa dak marbut mal-kura ta' anzjani li jbatu minn mard mentali.

2.4.3

Iżda t-trattament ħażin fl-ambitu tal-kura fid-dar m'huwiex biss ir-riżultat tal-piż żejjed li jerfgħu dawk li jagħtu l-kura. Jeżistu jidħlu diversi fatturi oħra. Fosthom insibu l-kwalità tar-relazzjoni qabel ma feġġ il-bżonn għall-kura, id-dipendenza mis-sustanzi u l-problemi psikiċi tal-persuna li tagħti l-kura, l-iżolazzjoni soċjali u n-nuqqas ta' appoġġ soċjali u anke l-imġiba aggressiva ta' dawk li jeħtieġu l-kura (12).

2.5   Il-kura istituzzjonali

2.5.1

Sa issa numru żgħir ta' anzjani li jeħtieġu l-kura jirċevuha f'istituzzjonijiet, iżda huwa mistenni li n-numru ta' anzjani fir-residenzi għad jikber b'mod konsiderevoli fil-ġejjieni, speċjalment fir-rigward tal-persuni l-iktar imdaħħla fl-età (ara punt 2.2.3). Illum diġà qiegħda titfaċċja t-tendenza li l-kura ma tiġix ipprovduta fid-dar iżda f'ċentri tal-kura jew minn servizzi tal-kura fil-komunità.

2.5.2

Fil-biċċa l-kbira tar-residenzi, l-anzjani m'humiex vittmi ta' trattament ħażin. Dan jgħodd fuq kollox għar-residenzi, li fl-Istati Membri huma rikonoxxuti u kkontrollati u li jirrispettaw bir-reqqa l-istandards tas-saħħa ta' l-Istat fejn huma bbażati.

2.5.3

Madankollu, ċerti residenzi għandhom reputazzjoni ħażina. Ftit isiru kontrolli sistematiċi fir-rigward tat-trattament ħażin fl-istabbilimenti tal-kura, iżda l-kontrolli li saru mill-istaff mediku ta' l-assigurazzjonijiet per eżempju, juru li l-atti ta' trattament ħażin fir-residenzi m'humiex każijiet iżolati (13).

2.5.3.1

Instabu provi ta' ħsara relatata ma' kura inadegwata u negliġenza fil-kura — per eżempju f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ikel u x-xorb. Problemi oħra jinkudu l-għoti ta' psikofarmaċewtiċi f'dożi qawwija, nuqqasijiet kbar fir-rigward tal-mediċini u limitazzjoni tal-mobilità.

2.5.4

F'ċentri tal-kura mmaniġġjati ħażin in-negliġenza u l-indifferenza jieħdu post l-enfasi fuq ir-resident. Skedi riġidi ħafna drabi jmorru kontra l-awto-determinazzjoni u l-indipendenza tar-residenti.

2.5.5

In-nuqqas ta' ħin u l-ammont kbir wisq ta' xogħol ta' l-istaff tal-kura jirriżultaw fi tbatija għall-anzjani u wkoll f'nuqqas ta' sodisfazzjon għal min jipprovdi l-kura. Il-problema tan-nuqqas ta' staff fis-settur tal-kura huwa aggravat min-nuqqas ta' kandidati kkwalifikati u l-ħruġ mix-xogħol qabel iż-żmien. Ma jidhirx li qegħdin isiru sforzi kbar sabiex tiġi promossa l-“kura ta' l-anzjani” jew sabiex il-professjoni tkun iktar attraenti.

2.6   Analiżi u suġġerimenti tal-KESE

2.6.1

It-trattament ħażin ta' l-anzjani huwa inaċċettabbli, ikun xi jkun il-livell ta' gravità tiegħu, u m'għandux ikompli jiġi injorat. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill ta' l-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet nazzjonali jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jindirizzaw il-kawżi ta' l-abbuż bil-għan li l-persuni mdaħħla fl-età jitħarsu, kemm jekk jibqgħu fid-dar tagħhom kif ukoll jekk ikunu residenti f'istituzzjoni tal-kura.

2.6.2

Is-suġġerimenti tal-KESE jistgħu jinqasmu fl-oqsma li ġejjin:

2.6.2.1   Id-drittijiet tal-bniedem

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (adottata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza) tagħraf u tħares, taħt l-Artikolu 25, id-dritt tal-bniedem għal ħajja ta' dinjità u indipendenza u għal parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali.

Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, il-KESE iqis li huwa kruċjali li jkun hemm viżjoni ġdida tat-tixjiħ. Il-fenomenu tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandu jingħata attenzjoni ikbar billi dan huwa ta' spiss il-kawża tat-trattament ħażin li jirċievu l-anzjani li jeħtieġu l-kura. L-isfida għandha tkun dik li l-anzjani jiġu integrati fis-soċjetà u li l-kura tagħhom tiġi kkunsidrata bħala responsabbiltà kollettiva.

Il-Kumitat jenfasizza l-fatt li l-anzjani għandhom id-dritt li jgħixu fejn jixtiequ jgħixu mingħajr biża' u li d-diskrimnazzjoni kontra l-anzjani hija inaċċettabbli. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha tapplika għall-ħarsien ta' persuni anzjani, ikun liema jkun l-ambjent li jgħixu fih.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza ta' l-għażla tad-domiċilju mill-anzjani b'rabta ma' l-ammont ta' appoġġ li jeħtieġu. Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jiżviluppaw il-possibbiltajiet ta' akkomodazzjoni u appoġġ b'mod xieraq għall-individwi li jibqgħu d-dar, dawk li jgħixu f'sheltered homes, f'residenzi jew f'ċentri tal-kura għal żmien twil.

Il-persuni anzjani għandu jkollhom il-possibbiltà li jirrappurtaw l-inċidenti jew it-tħassib li jkollhom u jitħarsu. Dan jgħodd ukoll għall-qraba jew assistenti tal-kura oħra li għandu jkollhom il-possibbiltà li jesprimu t-tħassib tagħhom mingħajr ma jibżgħu mill-konsegwenzi li dan jista' jkollu fuq il-membru tal-familja tagħhom jew fuq ix-xogħol jew is-sigurtà ta' l-impjieg tagħhom rispettivament. Għandu jkun hemm il-garanzija li r-rapporti ser jiġu trattati b'mod delikat u effettiv.

2.6.2.2   It-titjib tad-data u l-bżonn għal iktar riċerka

Il-Kumitat jipproponi li ssir riċerka iktar fil-fond li tkopri l-Unjoni Ewropea kollha sabiex tiġi valutata l-miżura tat-trattament ħażin fuq l-anzjani bil-għan li dan li ġej jiġi kkunsidrat:

l-istabbiliment ta' rati ta' prevalenza tat-trattament ħażin ta' l-anzjani b'mod ġenerali u dak li jikkostitwixxi l-abbuż li jbatu minnu kemm f'ambjent domestiku kif ukoll f'wieħed istituzzjonali;

il-kawżi ta' abbuż b'enfasi partikolari fuq l-istress tal-membri tal-familja li jipprovdu l-kura u l-appoġġ li jirċievu;

sa liema punt qiegħda tiġi implimentata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fir-rigward tal-ħarsien ta' l-anzjani;

sa liema punt l-Istati Membri għandhom standards għall-kura ta' l-anzjani u kif dawn huma kontrolatti u verifikati.

2.6.2.3   It-tneħħija tat-tabù u s-sensibilizzazzjoni

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jieħdu l-passi meħtieġa sabiex iqajmu kuxjenza dwar it-trattament ħażin ta' l-anzjani permezz ta' kampanja mmexxija mill-mezzi tax-xandir u appoġġjata fil-prattika minn aġenziji istituzzjonali u volontarji bil-għan li jinqered it-tabù ta' l-abbuż fuq l-anzjani kull fejn dan iseħħ.

Il-Kumitat jagħraf il-fatt li l-mezzi tax-xandir jistgħu jaqdu rwol influwenti fil-bidla tal-kuxjenza pubblika u jenfasizza l-bżonn li jieħdu pożizzjoni informata u kostruttiva.

2.6.2.4   Informazzjoni, edukazzjoni, taħriġ u prevenzjoni

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali jieħdu l-passi li ġejjin:

itejbu l-informazzjoni disponibbli għall-anzjani u l-qraba tagħhom dwar it-trattament ħażin ta' l-anzjani;

jiżguraw li l-istaff professjonali tal-kura jkollu mezz kif jirrapporta inċidenti ta' trattament ħażin ta' l-anzjani u jkun ipprovdut bil-pariri u l-appoġġ meħtieġ;

jiżguraw li hemm biżżejjed taħriġ dwar kif wieħed jista' jinduna bl-abbuż u li jeżistu mekkaniżmi biex dan l-abbuż jiġi trattat għall-professjonijiet mediċi u tal-kura kollha inkluża l-pulizija;

jiżguraw li n-netwerks tas-saħħa u tas-servizzi soċjali jkunu jistgħu jipprovdu ċentri ta' emerġenza, gruppi ta' appoġġ u servizzi indipendenti u kunfidenzjali ta' pariri fuq it-telefon;

jiżguraw li l-istaff tal-kura li jgħin lill-familji jkollu biżżejjed informazzjoni dwar is-sintomi u l-progress tal-mard, per eżempju tad-dimenzja sabiex jiġi żgurat li hemm komprensjoni sħiħa ta' l-ammont ta' kura meħtieġa u sabiex jiġi pprovdut appoġġ suffiċjenti, inkluż taħriġ:

jiżguraw li l-istaff tal-kura li jgħin lill-familji jkollu aċċess għall-kura, mistrieħ u appoġġ mediku adegwat sabiex ikun jista' jtaffi l-istress ta' xogħol potenzjali ta' 24 siegħa;

jiżgura li l-membri tal-familja jirċievu l-appoġġ meħtieġ sabiex jieħdu l-leave li għandhom bżonn sabiex jipprovdu kura mingħajr ħsara għall-prospetti ta' karriera tagħhom; dan għandu japplika għall-irġiel u n-nisa bl-istess mod;

Il-prodotti u s-servizzi tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) ser joffru l-possibbiltà lil bosta anzjani li jibqgħu jgħixu fejn jippreferu u b'hekk iżommu l-indipendenza u l-istandard ta' għajxien tagħhom. L-ICT tista' tgħinhom jiżvolġu l-attivitajiet ta' kuljum u tista' wkoll tintuża għall-kontroll ta' saħħithom u l-attivitajiet tagħhom u b'hekk tnaqqas il-bżonn għal kura istituzzjonali. L-ICT ser issaħħaħ is-sigurtà ta' l-anzjani u jagħtihom aċċess għas-servizzi soċjali u mediċi bħas-servizz ta' l-emerġenza u b'hekk ser jgħinhom ikomplu jgħixu b'mod indipendenti u awtonomu u fid-dinjità.

2.6.2.5   It-twaqqif ta' netwerks

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jistabbilixxu netwerks ta' għadd ta' aġenziji li jieħdu ħsieb il-kooperazzjoni, it-taħriġ u l-iskambju sistematiku ta' informazzjoni (14).

2.6.2.6   Il-kontroll istituzzjonalizzat tal-kura

Il-Kumitat isejjaħ lill-Istati Membru sabiex jistabbilixxu livell għoli ta' monitoraġġ u servizzi ta' spezzjoni bil-għan li jiżguraw il-provvista ta' servizzi ta' kwalità għolja għall-anzjani bbażati fuq standards tal-kura ċari u disponibbli għall-pubbliku, u li jagħmlu mezz li dawn il-korpi jkollhom l-awtorità li jieħdu azzjoni reparatorja; ir-riżultati ta' din l-azzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

2.6.2.7   Identifikazzjoni imtejba ta' l-abbuż

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li tittejjeb, b'mod delikat, l-identifikazzjoni tat-trattament ħażin ta' l-anzjani, kemm fl-ambitu domestiku kif ukoll f'dak istituzzjonali, bl-għajnuna ta' l-aġenziji adegwati. Għandu jkun hemm iċ-ċertezza li kull abbuż irrapportat ser jiġi trattat u li dan iwassal għal bidla. Għandu jiġi speċifikat li huwa possibbli li tiġi involuta l-pulizija jew li tittieħed azzjoni legali.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tas-16.3.2006 dwar Il-vjolenza domenstika fuq in-nisa (ĠU C 110, 9.5.2006) u l-opinjoni li tikkompletaha ta' l-14.12.2006 dwar It-tfal bħala vittmi indiretti tal-vjolenza domestika (ĠU C 325, 30.12.2006); rapporteur għaż-żewġ opinjonijiet: is-Sinjura Heinisch.

(2)  Id-Dikjarazzjoni ta' Toronto dwar il-prevenzjoni globali tat-trattament ħazin ta' l-anzjani: “It-trattament ħażin ta' l-anzjani huwa att singolu jew ripetut jew in-nuqqas ta' azzjoni adegwata li jseħħ fil-kuntest ta' kwalunkwe relazzjoni fejn huwa mistenni li jkun hemm il-fiduċja, u li jikkawża ħsara jew swied il-qalb lil persuna anzjana. Din il-ħsara tista' tkun: fiżika, psikoloġika/emozzjonali, sesswali, finanzjarja jew sempliċement tirrifletti negliġenza intenzjonata jew non-intenzjonata”. (WHO 2002) (http://www.who.int/ageing/projects/elder_abuse/alc_toronto_declaration_en.pdf.);Action on Elder Abuse (www.elderabuse.org.uk).

(3)  F'symposium internazzjonali li sar f'Mejju 2006 f'Köln, il-Ġermanja, taħt il-patroċinju tal-Kummissarju Vladimir Spidla (Xogħol, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs), ġiet ippreżentata rata ta' prevalenza ta' iktar minn 5 % sa 20 % għall-Vjolenza fuq l-Anzjani fid-diversi Stati (rapport dwar is-symposium Vjolenza u negliġenza fir-rigward ta' l-anzjani fil-kuntest tal-kura fid-dar jew f'istituzzjoni: Forum tal-prevenzjoni kriminali 4/2006 u 1/2007).

(4)  Studju tar-Renju Unit dwar l-abbuż u n-negliġenza tal-persuni anzjani (Ġunju 2007).

(www.natcen.ac.uk).

(5)  Uffiċċju Federali għall-Istatistika (2005): Statistika dwar il-kura 2003 — Riżultati għall-Ġermanja. Wiesbaden.

(6)  Kunsill tal-Prevenzjoni tal-Land ta' Nordrhein-Westfalen (2006): Perikoli għall-anzjani fil-kura.

(7)  Din id-definizzjoni hija konformi mad-Dikjarazzjoni ta' Toronto dwar il-prevenzjoni globali ta' l-abbuż fuq l-anzjani (WHO 2002, ara nota 2).

(8)  Kunsill tal-prevenzjoni tal-Land ta' Nordrhein-Westfalen (ara nota 6), Dikjarazzjoni ta' Toronto (ara nota 2) u studju tar-Renju Unit (ara nota 4).

(9)  Görgen, Thomas (2005a): Nahraumgewalt im Alter. Opferrisiken und Optionen für gewaltpräventives Handeln (Ir-riskji ta' l-anzjani li huma vittmi tal-vjolenza domestika u suġġerimenti għall-prevenzjoni tal-vjolenza). Forum dwar il-prevenzjoni kriminali 3/2005, pp. 13-16. Data dwar pajjiżi Ewropej individwali: Walentich/Wilms/Walter (2005): Gewalt gegen ältere Menschen in der häuslichen und institutionellen Pflege. (Il-vjolenza fuq l-anzjani fid-dar u fl-istituzzjonijiet tal-kura), fir-revista Bewährungshilfe 2/2005, pp. 166-182.

(10)  Görgen, Thomas (2005b): “As if I just didn't exist”Elder abuse and neglect in nursing homes. M. Cain & A. Wahidin (eds.): Ageing, crime and society.

(11)  Tagħrif dwar ir-rata li biha jsiru atti ta' vjolenza individwali bħal-limitazzjoni tal-mobilità u l-abbuż psikoloġiku: Aspekte zur Gewalt gegen alte Menschen in Deutschland (Aspetti tal-vjolenza fuq l-anzjani fil-Ġermanja) fir-revista Bewährungshilfe 2/2005, pp. 149-165.

(12)  Görgen 2005a (ara nota 9).

(13)  Fl-2007 is-servizz mediku ta' l-assoċjazzjonijiet ewlenin tas-sigurtà soċjali fil-Ġermanja ppubblika t-tieni rapport tiegħu intitolat “Il-kwalità tal-kura fil-komunità u fir-residenzi” fejn stqarr li 10 % tar-residenti ppreżentaw problemi tas-saħħa marbutin ma' kura insuffiċjenti.

(http://presseportal.de/pm/57869).

(14)  Eżempju ta' dan: il-Bonner Initiative gegen Gewalt im AlterHandeln statt Misshandeln e.V. (Hrsg.): Alte Menschen in NotWir können helfen (l-Inizjattiva ta' Bonn kontra l-vjolenza fix-xjuħijaIl-kura minflok l-abbuż: L-anzjani fil-bżonnNistgħu ngħinuhom). Fuljett ta' informazzjoni. Bonn 2006. Għal iktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva u oħrajn ara n-netwerk internazzjonali għall-prevenzjoni tat-trattament ħażin ta' l-anzjani (www.inpea.net).


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta' l-aġġustamenti ta' arranġamenti speċjali ta' taxxa fuq il-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal-gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magni”

COM(2007) 52 finali — 2007/0023 (CNS)

(2008/C 44/25)

Nhar id-19 ta' April 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar: Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/96/KE fir-rigward ta' l-aġġustamenti ta' arranġamenti speċjali ta' taxxa fuq il-gas oil li jintuża bħala fjuwil tal-magna għal skopijiet kummerċjali u għall-koordinazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol bla ċomb u tal-gas oil li jintużaw bħala fjuwil tal-magni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'151 vot favur, u 4 astensjonijiet.

1.   Kontenut essenzjali tal-proposta għal direttiva

1.1

Din il-proposta temenda d-Direttiva 2003/96/KE (1) (l-ETD) dwar l-arranġamenti ta' tassazzjoni għall-gas oil użat bħala fjuwil tal-magni, li tapplika fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Fil-prattika, din id-direttiva tintroduċi żieda gradwali fit-taxxi minimi tas-sisa għall-gas oil sabiex tallinjahom (it-terminu użat fid-direttiva huwa “koordinazzjoni”) mat-tassazzjoni fuq il-petrol: EUR 380 għal kull 1 000 litru għaż-żewġ tipi ta' fjuwil mill-1 ta' Jannar 2014. L-iskadenza ġiet estiża għall-Istati Membri li ma jibbenefikawx mill-perijodi ta' transizzjoni.

1.2

Fil-kuntest ta' dan il-qafas ġenerali saru għadd ta' distinzjonijiet, derogi u aġġustamenti temporali u regolatorji. Waħda mill-ewwel distinzjonijiet saret bejn “il-gas oil kummerċjali” (użat minn trakkijiet li jiżnu iktar minn 7.5 tunnellata u l-kowċijiet) (2) u “gas oil mhux kummerċjali” (li, fin-nuqqas ta' dettalji addizzjonali, jistgħu jitqiesu bħala referenza għall-gas oil użat fil-bqija tal-vetturi). L-Istati Membri huma awtorizzati sabiex japplikaw rata iktar baxxa għall-gas oil kummerċjali, sakemm jikkonformaw mal-livelli minimi Komunitarji stabbiliti fid-direttiva u sakemm it-taxxa tas-sisa ma taqax taħt il-livell nazzjonali fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003. Taħt l-ebda ċirkustanza ma jista' jiġri li t-taxxa fuq il-gas oil u l-petrol mhux kummerċjali taqa' taħt it-taxxa fuq il-gas oil kummerċjali.

1.3

It-tassazzjoni fuq il-gas oil kummerċjali tista', madankollu, taqa' taħt il-livell nazzjonali fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, sakemm l-Istat Membru li jixtieq japplika din il-miżura jintroduċi, jew jkun diġà introduċa, sistema ta' imposti għall-utenti tat-toroq. Madankollu, dan huwa permess biss f'każijiet fejn it-taħlita tar-rata mnaqqsa u l-imposti ta' l-utenti tat-toroq tkun ekwivalenti għal — iżda mhux inqas — mil-livell nazzjonali fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003.

1.4

Għażla oħra għall-permess tat-tnaqqis fuq il-gas oil kummerċjali hija li jiġu applikati livelli separati ta' tassazzjoni għall-gas oil kummerċjali u mhux kummerċjali bl-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' ħlas lura mhux diskriminatorju li jippermetti lill-operaturi kollha li jkunu użaw il-gas oil f'dak l-Istat Membru li jkollhom aċċess għal ħlas lura taħt kundizzjonijiet li huma indaqs, trasparenti u sempliċi.

1.5

“Il-pjan ta' direzzjoni” ta' l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-petrol u l-gas oil, jipprovdi għal dawn li ġejjin:

fil-każ tal-petrol, taxxa ta' EUR 359 għal kull 1 000 litru mill-1 ta' Jannar 2004, u ta' EUR 380 mill-1 ta' Jannar 2014;

fil-każ tal-gas oil, żieda gradwata fit-taxxa: EUR 302 mill-1 ta' Jannar 2004, EUR 330 mill-1 ta' Jannar 2010, EUR 359 mill-1 ta' Jannar 2012 u fl-aħħar EUR 380 mill-1 ta' Jannar 2014;

1.6

Madankollu, hemm bosta derogi. Dawn jistgħu jiġu mqassra hekk:

il-perijodu ta' transizzjoni jintemm fl-2016 għall-pajjiżi li diġà qegħdin jibbenefikaw minn derogi sa l-2012 (SP, AT, BE, LU, PT, EL, PL); dawn jistgħu japplikaw taxxi ta':

EUR 302 sa l-1 ta' Jannar 2007, sabiex jintlaħaq il-livell ta' EUR 330 sa l-1 ta' Jannar 2012, EUR 359 sa l-1 ta' Jannar 2014, u l-livell uniformi ta' EUR 380 sa l-1 ta' Jannar 2016;

il-perijodu ta' transizzjoni jintemm fl-2017 għall-pajjiżi li diġà qegħdin jibbenefikaw minn derogi sa l-2013 (LV u LT), b'arranġamenti oħra għall-BG u r-RO.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Wieħed mill-għanijiet tal-proposta huwa li jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq li jirriżultaw mid-differenzi bejn l-Istati Membri fil-prezz tal-pompa tal-fjuwil, u b'mod partikulari tal-gas oil kummerċjali. Dawn id-differenzi sikwit ikunu konsiderevoli. Fit-18 ta' Mejju 2007, litru ta' gas oil sewa EUR 0.82 fil-Latvja; EUR 1.41 fir-Renju Unit; EUR 1.12 fil-Ġermanja; EUR 0.90 fil-Lussemburgu; EUR 1.18 fl-Italja; u EUR 0.98 fl-Awstrija. Mill-perspettiva ta' l-armonizzazzjoni tat-taxxa, il-proposta tal-Kummissjoni għaldaqstant tidher iġġustifikata.

2.2

Ir-raġuni preċiża għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta l-proposta ma tistax tkun apprezzata kompletament mingħajr ma l-proposta tiġi mqabbla mad-direttiva li tixtieq temenda, jiġifieri d-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 (Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija jew l-ETD). Saret enfasi fuq il-gas oil kummerċjali  (3) billi huwa maħsub li dan għandu impatt fuq il-prezz tat-trasportazzjoni tal-merkanzija. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra l-gas oil u l-petrol mhux kummerċjali bħala inqas importanti minkejja li d-distorsjonijiet fil-fruntieri kultant ikunu sinifikanti ħafna.

2.2.1

L-azzjoni li ttieħdet fir-rigward tal-gas oil kummerċjali tikkonforma mal-White Paper dwar il-politika tat-trasport, iżda, skond il-Kummissjoni, ser tikkontribwixxi wkoll, b'mod indirett, lejn it-tnaqqis fid-differenzi bejn il-gas oil u l-petrol mhux kummerċjali billi tallinja l-livelli minimi tat-tassazzjoni.

2.3

L-ETD tippermetti lill-Istati Membri sabiex jifirdu l-prezzijiet tal-gas oil kummerċjali u mhux kummerċjali permezz ta' mekkaniżmu ta' ħlas lura. Mingħajr dubju ta' xejn, din il-proċedura għandha l-vantaġġi għat-trasportaturi tal-merkanzija li jiġu minn pajjizi b' livell għoli ta' tassazzjoni, iżda hija ta' piż amministrattiv u għalja kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għall-kumpaniji. Barraminhekk, il-proċeduri involuti fl-aċċess ta' din il-faċilità ħolqu iktar problemi milli solvew. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fir-rigward ta' l-imposti għall-utenti tat-toroq (li nżammu fil-proposta) teżisti kundizzjoni addizzjonali li skondha l-livell nazzjonali ta' tassazzjoni fis-seħħ għall-gas oil fl-1 ta' Jannar 2003 irid ikun minn ta' l-inqas d-doppju tal-livell minimu ta' tassazzjoni fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2004. Fil-prattika, ftit huma l-pajjiżi (inkluż ir-Renju Unit) li jissodisfaw din il-kundizzjoni. L-unika soluzzjoni possibbli għall-pajjiżi l-oħrajn kienet (u għadha) li tiżdied ir-rata applikata għall-gas oil mhux kummerċjali. Naturalment, din l-għażla m'hija popolari xejn. Fl-aħħar mill-aħħar, id-differenzi ma tnaqqsux u l-pajjiżi b'rata għolja ta' tassazzjoni ma kellhom l-ebda mezz sabiex inaqqsu d-differenzi meta mqabbla ma' pajjiżi oħra. Il-proposta attwali tissemplifika dan il-proċess, u tagħmlu aċċessibbli għal għadd akbar ta' Stati Membri. Madankollu, il-kunċett jibqa' essenzjalment l-istess.

2.4

F'dan il-kuntest, il-KESE jinnota li flimkien mat-taxxi tas-sisa, l-Istati Membri kollha għandhom bosta taxxi u dazji oħra, li jgħollu r-rata totali tat-taxxa għal 85 % — u f'xi każijiet iktar — tal-prezz tal-pompa. Id-dazju jirrappreżenta bejn 30 u 60 % tal-prezz tal-fjuwil. Id-differenza tista' tiġi attribwita lill-VAT u dazji oħrajn (normalment lokali) li l-Kummissjoni ma tistax tinfluwenza. Fl-aħħar mill-aħħar, saħansitra wara l-armonizzazzjoni li għandha tinkiseb sa l-2016, ser jibqgħu għadd ta' dazji li m'humiex armonizzati. Barraminhekk, il-prezz industrijali tal-gas oil huwa inqas mill-prezz industrijali tal-petrol. B'hekk, sakemm ma jkunx hemm spekulazzjoni — li għandha tkun immonitorjata — il-prezzijiet tal-pompa ser ikomplu jvarjaw, avolja (potenzjalment) b'inqas milli qegħdin ivarjaw bħalissa. La l-ETD u lanqas il-proposta attwali m'huma ser jikkontribwixxu b'mod sostanzjali lejn il-ħolqien ta' sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd fil-qasam tal-kompetizzjoni.

2.5

B'hekk, l-iskop tal-proposta fir-rigward ta' l-armonizzazzjoni huwa pjuttost limitat, anke jekk irid jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni ma tistax taġixxi fuq il-komponenti l-oħra tal-prezz tal-fjuwils. Madankollu, saħansitra f'dan il-kuntest, il-proposta ma tidhirx kompluta. Ikun adattat li tiġi kkunsidrata wkoll l-adozzjoni ta' rata massima tas-sisa. Din il-miżura tagħmilha possibbli matul iż-żmien sabiex ikun skoraġġit iċ-ċaqliq tal-konsum minn pajjiż għal ieħor. Il-KESE appoġġja dan l-approċċ fil-passat, u iktar reċentement fl-opinjoni tiegħu dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol (4) — suġġett li t-trattament tiegħu għandu ħafna karatteristiċi li jixxiebhu mal-proposta attwali.

2.5.1

Fuq il-bażi ta' l-istudji disponibbli, il-Kummissjoni warrbet din is-soluzzjoni bl-oġġezzjoni li l-impożizzjoni ta' massimu fil-fatt tillimita s-sovranità fiskali ta' l-Istati Membri. Il-KESE jqis li, jekk jiġi applikat dan ir-raġunament, anke l-obbligazzjoni li għandhom jiġu imposti livelli minimi tista' titqies bħala ksur tas-sovranità.

2.6

Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta pass lejn l-armonizzazzjoni jekk tiġi kkunsidrata purament f'termini ta' tassazzjoni u l-ħolqien ta' sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs fil-qasam tal-kompetizzjoni. Minn dan il-lat, il-Kummissjoni qiegħda sempliċement tissodisfa ħtieġa ta' l-istrateġija ta' Lisbona. Bħala effett sekondarju, żieda fit-taxxi tas-sisa tal-gas oil tista' tgħin fil-ġlieda kontra l-prattika magħrufa tat-“turiżmu tal-fjuwil”, jiġifieri x-xiri tal-fjuwil, meta jkun possibbli, fil-pajjiżi bi prezzijiet irħas. L-iktar eżempju komuni huwa l-Lussemburgu iżda hija prattika komuni fiż-żoni konfinali kollha fejn hemm differenzi sinifikanti fil-prezzijiet. Madankollu, il-Lussemburgu jibqa' l-iktar eżempju ovvju billi l-konsum annwali tiegħu tal-gas oil fl-2004 ammonta għal 4 500 litru per capita, meta mqabbel ma' 750 fil-pajjiż ġar tal-Belġju (5). Il-KESE ċertament jaqbel li r-raġunament wara dawn il-kunsiderazzjonijiet huwa sod, iżda josserva li t-tqabbil ta' ċifri ta' konsum per capita huwa bbażat fuq differenza sinifikanti fin-numru ta' abitanti: 10.5 miljuni fil-Belġju u 460 000 fil-Lussemburgu.

2.7

Fuq il-bażi ta' dan il-fatt, il-Kummissjoni targumenta li ħafna trasportaturi tal-merkanzija jieħdu dawra żejda sabiex jimlew il-vetturi mill-irħas stazzjonijiet ta' servizz. Id-distanza addizzjonali ta' sewqan (miljuni ta' kilometri!) tipproduċi żieda fil-konsum tal-fjuwil u żieda korrispondenti fit-tniġġis. It-tneħħija ta' inċentivi li jwasslu għat-“turiżmu tal-fjuwil” tista' telimina t-tidwir żejjed u tirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fit-tniġġis. Din hija teorija attraenti u mingħajr dubju popolari, iżda ma tikkonformax eżattament mar-realtà, ta' l-inqas fil-każ ta' l-eżempju kkwotat. Ħarsa ħafifa lejn mappa malajr turi li l-Lussemburgu huwa pajjiż ta' transizzjoni li ma jistax jiġi evitat għal proporzjon sostanzjali tat-traffiku mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u mil-Lvant għall-Punent (fin-naħa ta' fuq ta' l-Ewropa). Dawk li seta' kellhom l-intenzjoni li jieħdu dawra sabiex jimlew il-vettura bl-irħis iridu jżommu f'moħħhom li barra mill-ħin mitluf u l-fjuwil użat matul id-distanza addizzjonali, ser ikollhom jiffaċċjaw siegħat fil-kju fis-stazzjoni tas-servizz  (6) u ħafna traffiku, speċjalment matul ċerti ħinijiet tal-ġurnata. Madankollu, huwa possibbli li jeżistu sitwazzjonijiet simili għal dawk ikkunsidrati mill-Kummissjoni, speċjalment fl-Istati Membri fil-periferija ta' l-UE.

2.8

Ġeneralment, it-tnaqqis fit-“turiżmu tal-fjuwil” jidher li jrid jerġa' jiġi stmat sewwa. Il-ħin huwa ta' importanza ewlenija fil-kalkolu ta' l-ispejjeż tat-trasport. L-iffrankar ta' l-ispejjeż tal-fjuwil jitqies kontra ż-żieda fl-ispejjeż tal-pagi u tad-dewmien fil-kunsinji. Dewmien ta' tlieta jew erba' siegħat meta mqabbel mal-ħin prevvist għall-kunsinja sikwit ifisser li ma tintlaħaqx id-data skedata għat-tagħbija u l-ħatt, u b'hekk irid jiżdied l-alloġġ ta' lejl addizzjonali. Minkejja li t-turiżmu tal-fjuwil mit-trakkijiet fi transizzjoni fuq rotot stabbiliti minn qabel huwa fattur sinifikanti, il-KESE jemmen li t-tidwir żejjed li jsir mit-trakkijiet, iġġustifikat mill-iffrankar fuq il-prezz tal-pompa, kien, xi ftit jew wisq, stmat iż-żejjed ta' l-anqas fejn jidħlu it-trakkijiet. Jistgħu joħorġu konklużjonijiet differenti minn analiżi tat-traffiku kollu li jirriżulta mit-turiżmu tal-fjuwil, f'dan il-każ hemm bżonn li jsiru kunsiderazzjonijiet oħra, kif ser jintwera hawn taħt.

2.8.1

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tnaqqis potenzjali globali fit-tniġġis ikkawżat mit-tnaqqis fl-inċentivi għat-turiżmu tal-fjuwil jista' jkun li ġie stmat iż-żejjed.

3.   Kummenti dwar il-validità tal-proposta

3.1

Il-KESE ma jistax ma jilqax din il-proposta għall-armonizzazzjoni tat-taxxi tas-sisa jekk titqies bħala miżura fiskali ddisinjata sabiex tiġi stabbilita sitwazzjoni b'kundizzjonijiet ugwali fil-qasam tal-kompetizzjoni; hija taqa' taħt l-awtorità tal-Kummissjoni u hija konsistenti ma' l-istrateġija ta' Lisbona. Il-Kumitat iħoss, madankollu, li għandu jesprimi għadd ta' riservi dwar bosta kwistjonijiet relatati, li wħud minnhom jixħtu dell ta' dubju fuq kemm huwa rakkomandabbli l-adozzjoni tal-miżuri proposti.

3.2

Il-Kummissjoni tistqarr li d-differenzi fil-prezzijiet tal-gas oil applikati fil-pajjiżi varji ta' l-UE joħolqu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-swieq tat-trasportazzjoni tal-merkanzija, filwaqt li tfakkar li l-fjuwil jirrappreżenta medja ta' bejn 20 u 30 % ta' l-ispejjeż tal-ġestjoni ta' intrapriża. Skond studju mill-Ministeru Franċiż għat-Trasport, li ġie kkwotat mill-Kummissjoni, “żewġ terzi tal-varjazzjonijiet osservati bejn l-1997 u l-2001 jistgħu jiġi attribwiti għal tliet fatturi: differenzi fit-taxxa fuq il-gas oil, differenzi fit-taxxa korporattiva u l-evoluzzjoni tas-salarji. Id-differenzi fit-taxxa fuq il-gas oil jidhru li huma l-fattur prinċipali li jgħodd għal 40 % tal-varjazzjonijiet osservati fis-sehem tas-suq” (7).

3.2.1

Mingħajr ma jintefa dubju fuq id-data u l-istudji ekonometriċi kkonsultati mill-Kummissjoni, għandu madankollu jiġi osservat li d-diverġenza konsiderevoli fl-ispejjez bejn il-pajjiżi varji (u b'mod partikulari fl-Istati Membri l-iktar ġodda) tnaqqas l-importanza relattiva ta' l-ispejjeż tal-fjuwil bħala fattur f'dawk id-differenzi. Essenzjalment, l-adeżjoni tal-pajjiżi l-ġodda probabbli żiedet il-varjazzjonijiet, iżda l-valur relattiv tal-fattur tal-“fjuwil” waqa'. F'ċirkustanzi bħal dawn, il-ħila tad-direttiva li toħloq kundizzjonijiet iktar uniformi għall-kompetizzjoni ma tilħaqx l-istennijiet. Il-Kummissjoni m'hijiex ta' din il-fehma, billi hija temmen li l-ispejjeż tal-fjuwil sar għandhom rwol importanti fid-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri l-antiki u dawk ġodda. Il-KESE josserva li, jekk dan huwa l-każ, għandu jkun hemm ħsieb serju fir-rigward ta' kemm huwa rakkomandabbli li jiżdiedu l-ispejjeż għall-ekonomiji li qegħdin jikbru.

3.2.2

Anke li kieku kien possibbli li jinstab bilanċ fl-ispejjeż tal-fjuwil, li m'huwiex il-każ minħabba t-taxxi addizzjonali li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor (ara l-punt 2.4), l-elementi li jikkontribwixxu lejn l-ispejjeż tat-trasportazzjoni tal-merkanzija huma ħafna u huma sostanzjali u l-ebda waħda minnhom ma tista' tiġi armonizzata, almenu fil-futur viċin. B'żieda mat-tliet elementi msemmija fl-istudju Franċiż, hemm l-ispiża tal-vetturi (b'differenzi sa 20 %), it-taxxi tat-toroq, l-assigurazzjoni, il-prezz tal-bini u t-tgħammir, u oħrajn. Fid-dawl ta' dawn id-differenzi kollha, il-kontribuzzjoni li tista' tagħti l-armonizzazzjoni tat-taxxi tas-sisa fuq il-gas oil, sabiex tnaqqas id-differenzi fil-kompetizzjoni, tieħu xejra kemxejn modesta.

3.2.3

In-nota ta' spjegazzjoni tal-proposta ma ssemmix l-impatt li jista' jkollha ż-żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil fuq l-intrapriżi pubbliċi u privati tat-trasportazzjoni tal-passiġġieri u fuq it-turiżmu b'mod ġenerali. Ir-riċerka ekonometrika kkwotata fid-dokument ta' akkompanjament (SEC(2007)170/2, p.24 u 26) tissuġġerixxi li filwaqt li t-trasport kummerċjali jista' ma jħossx iż-żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil f'termini kwantitattivi, it-trasport privat għandu jonqos fil-volum (inqas minn 1 % matul 23 sena), bi tnaqqis korrispondenti fit-tniġġis. Il-Kummissjoni wettqet studji ekonometriċi serji li stmaw li l-ispejjeż tal-fjuwil ser jiżdiedu b'0.10 % għal 1.1 % matul iż-żmien, u li din iż-żieda ser tiġi assorbita mir-rata ta' l-inflazzjoni. Din hija teorija ta' serħan il-moħħ, iżda ma tqisx id-differenza bejn ir-rata ta' inflazzjoni reali u dik preżunta. Barraminhekk, l-effett magħruf ta' multiplikazzjoni fuq is-suq ifisser li żidiet fl-ispejjeż, ikunu kemm ikunu żgħar, ser jikkawżaw żidiet disproporzjonati fil-prezzijiet. Il-prezz tal-fjuwil jinsab f'qiegħ il-piramida tal-prezzijiet. Żieda fit-taxxi taż-żejt ser tolqot il-prezzijiet tal-materji primi u s-servizzi u twassal għal rati ogħla ta' inflazzjoni Komunitarja, kif ukoll għal nuqqas fil-mobilità, nuqqas f'impjiegi u tnaqqis fil-bejgħ.

3.2.3.1

Taħt il-profil tat-tassazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li t-tassazzjoni ta' l-enerġija b'mod ġenerali (u t-taxxi tas-sisa fil-każ speċifiku tal-fjuwils) bħala effett ta' l-inflazzjoni naqset mill-bidu ta' dan is-seklu, kemm bħala persentaġġ tal-PGD kif ukoll meta mqabbla mad-dħul totali mit-taxxa. Il-proposta għaż-żieda fit-taxxi tas-sisa għalhekk sempliċement tammonta għal aġġustament ta' dħul mit-taxxa li jqis r-rata preżunta ta' l-inflazzjoni (b'rata ta' 2.2 %) minn issa sa l-2017. Dan jagħmel sens perfettament mil-lat tat-taxxa, iżda għat-trasportaturi tal-merkanzija u l-pubbliku ġenerali dan ifisser żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil li jiżdied ma' l-ispiża globali ta' l-inflazzjoni.

3.2.4

Il-mekkaniżmu tal-ħlas lura, li skond il-Kummissjoni m'għandhiex l-għan li tibbenefika lit-trasportaturi tal-merkanzija per se, iżda li toħloq sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-qasam tal-kompetizzjoni, hija soluzzjoni li diġà ġiet adottata minn ċerti Stati Membri, iżda kif diġà ssemma, hija ta' piż kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa nfushom. Anke li kieku kellha titwarrab il-kritika li saret qabel, il-KESE jiddubita kemm is-soluzzjoni proposta hija konsistenti mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi kkwotati mill-Kunsill bħala fattur għat-tkabbir.

3.2.5

Il-miżura għall-mekkaniżmu ta' ħlas lura, tqajjem dubji oħra għaliex ir-rata ta' tassazzjoni tista' tkun inqas mil-livell speċifikat (ara l-punt 2.3) jekk l-Istat Membri jintroduċi, jew jkun introduċa diġà, imposti għall-utenti tat-toroq fuq vetturi tqal (jew f'termini iktar espliċiti: nollijiet jew diskijiet tat-taxxa). Iż-żewġ approċċi jistgħu jirriżultaw f'telf ċar għall-awtoritajiet tat-taxxa: in-nollijiet u d-diskijiet tat-taxxa huma ta' vantaġġ għall-operaturi ta' l-awtostradi jew għal sezzjonijiet baġitari oħrajn tal-gvern. Fil-qosor, l-effett ta' moderazzjoni mhux ser jibbenefika lit-trasportaturi (in-nollijiet ser jibbilanċjaw iż-żidiet iktar baxxi fit-tassazzjoni) jew lill-awtoritajiet tat-taxxa. Saħansitra b'mod agħar, l-introduzzjoni, jew żieda fin-nollijiet ser tolqot lill-utenti l-oħra kollha tat-toroq sakemm ma jiġux introdotti livelli separati ta' tassazzjoni jew diskijiet speċjali tat-taxxa, li joħolqu komplikazzjonijiet amministrattivi li jkunu saħansitra ta' piż ikbar fuq vetturi ta' transit minn Stati Membri oħra.

3.2.6.

Proċeduri kkomplikati ħafna għall-amministrazzjoni tat-taxxi qegħdin jiġġeneraw il-korruzzjoni u l-frodi. Dawn qegħdin imorru kontra l-prinċipju bażiku ta' l-ekonomija tas-suq billi jimponu żewġ prezzijiet għall-istess prodott.

3.3

Il-KESE jixtieq jagħmel punt iktar ġenerali ta' ċertu importanza. Il-miżuri proposti għandhom jidħlu b'mod gradwali matul perijodu ta' seba' snin, u f'ċerti Stati Membri, fuq perijodu ta' għaxar snin. M'hemm l-ebda sinjal ta' titjib fis-sitwazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-prezz, il-kwantità u l-provvista taż-żejt mhux irfinat. F'dawn iċ-ċirkustanzi, żieda programmata fl-ispejjeż tal-fjuwil tidher żbaljata u jista' jkollha impatt negattiv fuq l-ispejjeż tat-trasport fl-Unjoni Ewropea. Lanqas m'hi ser iġġib benefiċċji reali f'termini tal-ġlieda kontra t-tniġġis billi, skond il-Kummissjoni nnifisha, il-konsum tal-fjuwil m'huwiex ser jonqos (is-suġġett ta' devjazzjonijiet minn rotot stabbiliti diġà ġie diskuss meta ġie indirizzat it-turiżmu tal-fjuwil).

3.4

Preċiżament għax qegħdin nirreferu għall-futur, aspett importanti li għandu jiġi kkunsidrat huwa l-introduzzjoni li qiegħda tiżdied ta' fjuwils alternattivi, li qegħdin jiġu promossi ġeneralment bħala alternattivi vijabbli għall-fjuwils konvenzjonali minn perspettiva ambjentali u bħala mezz ta' tnaqqis fid-dipendenza ta' l-Ewropa fuq sorsi esterni ta' l-enerġija. Żieda fil-prezzijiet konvenzjonali tal-fjuwil tista' tħeġġeġ ir-riċerka u l-produzzjoni tal-fjuwils alternattivi, iżda biss jekk il-politika fiskali uniformi li ser tiġi adottata tkun magħrufa diġà. Il-pajjiżi varji bħalissa m'humiex qegħdin jieħdu approċċ uniformi, jekk mhux għal kunsens ġenerali dwar il-bżonn li titħeġġeġ din il-produzzjoni. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni u l-gvernijiet għandhom jagħmlu iktar milli jgħidu kliem ġenerali ta' tħeġġiġ u jagħmluha ċara jekk humiex beħsiebhom jadottaw politiki uniformi fiskali u non-fiskali dwar il-bijofjuwils u jekk imbagħad humiex ser jittrattawhom bħala fjuwils li “jinsabu f'kompetizzjoni” mal-fjuwils tradizzjonali, jew jekk il-fjuwils alternattivi humiex ser jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-fjuwils l-oħra u intaxxati bl-istess mod. L-industrija awtomotiva u s-suq m'għandhomx jitħallew fl-inċertezza.

3.4.1

Il-gass likwidu, li llum huwa użat l-iktar għal vetturi privati u għat-trasport pubbliku, iżda li fil-futur jista' jintuża b'mod kummerċjali b'segwitu ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi, huwa saħansitra kwistjoni oħra. Dawn il-fjuwils igawdu minn sistema favorevoli tat-taxxa f'ċerti pajjiżi. Attwalment, il-konsum tagħhom jista' jiġi kkunsidrat bħala wieħed marġinali. Madankollu, l-istess bħalma ġara fil-każ tal-bijofjuwils, is-suq jista' jiżviluppa u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jitħalla fl-inċertezza. Il-ġbid elettriku (electric traction) huwa saħansitra iktar marġinali: anke jekk l-użu tiegħu jidher li m'huwiex ser jiżviluppa lilhinn minn ċerti limiti stretti, jibqa' rakkomandabbli għall-Kummissjoni li tanalizza liema politika fiskali għandha tadotta għall-fjuwils alternattivi kollha.

3.5

Fl-aħħar, l-istampa ma tkunx kompluta jekk ma tinkludix il-globalizzazzjoni. Irrispettivament mill-kunsiderazzjonijiet tal-kompetizzjoni interna, l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka iktar attenzjoni fuq il-kompetittività tagħha meta mqabbla mal-pajjiżi l-iktar industrijalizzati u b'ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw. Kif issemma qabel, il-prezz medju tal-pompa tal-fjuwil fl-UE huwa ħafna ogħla mill-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra. Miżura ddisinjata li tnaqqas — b'konsegwenzi inċerti — il-kompetizzjoni interna, iżda li tista' tirriżulta f'żieda globali fl-ispejjeż, li tista' teqred l-iskop iktar importanti tat-titjib fil-pożizzjoni kompetittiva tagħna li diġà hija prekarja.

3.5.1

Iż-żieda fil-livell ta' tassazzjoni fuq il-gas oil fil-futur għandu aspetti u effetti pożittivi u negattivi. Iżda jekk inħarsu lejn il-bilanċ, l-iktar effetti b'saħħithom huma dawk negattivi. Iż-żieda fil-livelli ta' tassazzjoni fuq il-gas oil ser jirriżultaw f'telf tal-kompetittività u l-impjiegi. Fuq perijodu twil l-abbozz ta' proposta ser inaqqas u jhedded il-potenzjal ekonomiku ta' l-UE u ser ikun ta' ostaklu għall-ksib tal-koeżjoni — wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' l-UE — minħabba t-tnaqqis fil-mobilità tan-nies.

4.   Konklużjonijiet

4.1

L-abbozz ta' direttiva tikkonforma mal-politiki ta' l-UE dwar il-kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni, u għaldaqstant ma tistax tiġi opposta. Għandu jitfakkar, madankollu, li din is-soluzzjoni m'hijiex waħda ta' valur fundamentali, fid-dawl tal-fatt li d-differenza fl-ispejjeż tal-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija fil-pajjiżi varji ser jibqgħu sostanzjali minħabba d-differenzi fl-imposti l-oħra li fuqhom il-Kummissjoni m'għandha l-ebda influwenza.

4.2

Il-Kummissjoni tiffoka bir-reqqa fuq il-ġlieda kontra t-tniġġis bħala effett kollaterali, iżda importanti, fuq it-tnaqqis tal-fenomenu ta' “turiżmu tal-fjuwil”. Il-KESE jikkunsidra li dan l-effett kien stmat iż-żejjed fil-wisa'. Filwaqt illi minn banda d-domanda għall-fjuwils ser tibqa' l-istess, anke issa, d-devjazzjonijiet mir-rotot normali għall-vantaġġ ta' prezzijiet imnaqqsa, m'humiex fattur kritiku.

4.2.1

Bħala konsegwenza t-“turiżmu tal-fjuwil” ser jikber u jinfirex, u minn problema interna ta' l-UE (il-Ġermanja, Franza u l-Belġju) ser issir problema esterna (għall-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovenja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Ġreċja).

4.3

Il-benefiċċji mid-dħul tat-taxxa għall-Istati Membri, sadattant, ikunu konsiderevoli. Għall-perijodu 2007-2030, il-Kummissjoni kellha stima ta' EUR 35.6 biljun għall-UE ta' 25 membru. Din hija ċifra sinifikanti, li ser issaħħaħ u tkabbar ir-rwol redistributtiv ta' l-amministrazzjoni u tispjega r-reazzjoni pożittiva ta' l-awtoritajiet tat-taxxa f'ħafna Stati Membri. Madankollu, toffri wkoll provi ċari tal-piż ta' l-ispejjeż li jaqgħu fuq il-kumpaniji u l-konsumaturi li tmur kontra l-politika ta' l-UE għat-tnaqqis fil-burokrazija.

4.4

Bħala konklużjoni, il-proposta għal direttiva tidher iġġustifikatasoġġett għal għadd ta' riservi mressqa mill-KESEf'termini ta' armonizzazzjoni tat-taxxa, il-prinċipji tal-kompetizzjoni u t-tnaqqis fit-tniġġis. Madankollu, il-KESE jemmen li d-deċiżjoni finali tal-leġislaturi għandha tittieħed biss ladarba jiġu kkunsidrati sew l-effetti u l-konsegwenzi tar-riperkussjonijiet għal politiki varji ta' l-UE, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità. B'mod partikulari għandhom jiġu kkunsidrati dawn il-punti li ġejjin:

iż-żieda ġeneralizzata ta' l-ispejjeż (speċjalment fil-każ ta' l-Istati Memri l-iktar reċenti), u l-ħtieġa li titnaqqas l-inflazzjoni;

il-konsegwenzi għall-politiki industrijali tal-bilanċjar tal-prezzijiet tal-gas oil u l-petrol, u ċ-ċaqliq potenzjali tal-preferenza tal-konsumatur minn vetturi tal-gas oil għall-vetturi tal-petrol jew viċi versa;

politiki fiskali uniformi għall-fjuwils jew il-fjuwils potenzjali kollha tat-trasport bit-triq;

il-kundizzjonijiet f'reġjuni periferali, fejn l-ispejjeż tat-trasportazzjoni tal-merkanzija dieħla u ħierġa jikkostitwixxu barriera sinifikanti għat-tkabbir u l-impjieg. Il-pożizzjoni ta' xi wħud minn dawn ir-reġjuni fir-rigward ta' pajjiżi li m'għandhomx fruntieri li jmissu ma' l-UE għandha tiġi analizzata;

l-impatt ta' spejjeż ogħla fuq il-kompetittività esterna ta' l-UE fir-rigward ta' kompetituri bħall-Istati Uniti b'mod partikulari fejn l-ispejjeż tal-fjuwil u t-taxxi fuq il-kumpaniji huma ħafna inqas;

il-konsegwenzi f'termini ta' l-impjieg: filwaqt li bħalissa hemm ilmenti li l-kumpaniji tat-trasport tal-merkanzija f'ċerti pajjiżi qegħdin ibatu minn kompetizzjoni ma' oħrajn, l-adozzjoni tad-direttiva — jekk għandha l-effett deċisiv prevvist mill-Kummissjoni, li l-KESE jiddubita — jista' jkollha l-effett oppost fil-futur;

l-effetti fuq il-produttività u l-effiċjenza globali u fis-settur tat-trasport bit-triq, li fil-fehma tal-KESE huma, fl-aħjar każ, newtrali;

il-kompatibilità tas-sistema ta' ħlas lura mhux diskriminatorja mal-politiki tas-semplifikazzjoni amministrattiva.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2003 dwar ir-ristrutturar tal-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku, imsemmija bħala d-Direttiva tat-Taxxa ta' l-Enerġija (ETD).

(2)  Definizzjoni iktar preċiża u dettaljata tinsab fl-Artikolu 7(3) ta' l-ETD.

(3)  It-terminu “gas oil kummerċjali” jirreferi għall-gas oil użat fit-trasportazzjoni tal-merkanzija bit-triq, u b'mod partikulari għal trakkijiet ta'l fuq minn 7.5 tunnellata.

(4)  GU C 175, 27.7.2007 dwar l-“Approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol”.

(5)  Source: Eurostat, IEA.

(6)  Hemm biss erba' stazzjonijiet ta' servizz fl-awtostradi tal-Lussemburgu, tnejn għal kull direzzjoni.

(7)  Proposta għal Diretta “Kuntest ġenerali”, paġna 3.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE rigward ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta' taxxa fuq il-valur miżjud”

COM(2007) 381 finali — SEC(2007) 910

(2008/C 44/26)

Nhar is-27 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill li temenda id-Direttiva 2006/112/KEE rigward ċerti dispożizzjonijiet temporanji dwar rati ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'154 voti favur, 0 voti kontra u 4.astensjonijiet.

1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Raġuni

1.   Kontenut essenzjali tal-proposta

1.1

Il-Kummissjoni nediet dibattitu wiesa' fuq l-użu ta' rati mnaqqsa ta' taxxa fuq il-valur miżjud, mibdi bil-publikazzjoni ta' Komunikazzjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew (1). L-iskop prinċipali ta' dan l-eżerċizzju hu li jħejji t-triq għal direttiva ġdida billi jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-ġejjieni dwar l-użu ta' rati mnaqqsa. B' “rati mnaqqsa” wieħed jifhem dawk li huma inferjuri għar-rata normali ta' VAT (15 %);

1.2

Fil-Komunikazzjoni, li ġiet ippublikata fl-istess jum tal-Proposta ta' Direttiva, il-Kummissjoni tiddikjara li “Se jkun hemm bżonn ta' ammont ta' żmien konsiderevoli sabiex tiġi identifikata t-triq xierqa”. Sadanittant qamet il-problema dwar id-derogi temporanji li ngħataw lill-Istati Membri li ssieħbu dan l-aħħar fl-UE. Dawn id-derogi jiskadu fi żminijiet differenti bejn Ġunju ta' l-2007 u l-1 ta' Jannar 2010 (Artikoli 123-130 tad-Direttiva tal-VAT) (2). L-aktar soluzzjoni sempliċi, adottata fil-proposta tal-Kummissjoni, hi li tipproponi li dawn id-derogi jiġu estiżi sa' tmien l-2010, għalkemm din l-estensjoni ma tkunx ġenerali iżda limitata għal merkanzija u servizzi partikulari. Għalhekk, it-tmiem ta' dawn id-derogi jaqa' fl-istess żmien mat-tmiem tal-minimu ta' 15 % għar-rata normali u l-esperiment dwar l-applikazzjoni ta' rati ta' VAT imnaqqsa għal ċerti servizzi li jinvolvu xogħol estensiv.

1.3

L-estensjoni se tingħata fuq il-forniment ta' oġġetti u servizzi li jinvolvu xogħol estensiv (settur tad-djar, ristoranti, eċċ.) u, fejn għandhom x'jaqsmu ċerti pajjiżi, ta' oġġetti ta' imporatanza soċjali partikulari (prodotti alimentari, kotba u rivisti speċjalizzati, prodotti farmaċewtiċi, eċċ.). Ir-raġuni għal dan hu li b'kull probabilità ir-rata mnaqqsa ta' VAT ser tibqa valida għall-pajjiżi kollha, ankè wara li jiġu stabbiliti r-regoli l-ġodda. Derogi li joħolqu kunflitt mat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern ma ġewx imġedda (dħul agrikolu).

1.4

Il-faħam u l-enerġija għat-tisħin, b'mod partikolari, huma esklużi mill-estensjoni. L-eċċezzjonijiet maħsuba fl-Atti ta' Adeżjoni differenti waslu biex jintemmu (fl-2007 jew l-2008) u ma kienux jaħsbu għal estensjonijiet. Min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni fuq is-sorsi ta' enerġija hija kapitlu apparti u qed jiġi eżaminat; is-soluzzjonijiet, meta jinstabu, iridu jkunu validi għal kulħadd.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Id-Direttiva 2006/112/KE kienet tistabilixxi għal dawk l-Istati Membri li ngħaqdu qabel l-2001, serje ta' derogi  (3). Dawn id-derogi huma validi bla ebda limitu ta' żmien, jew aħjar sad-dħul fis-seħħ tas- “‘sistema definittiva ’ għat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji”. Hekk kif jinsabu l-affarijiet u fid-dawl ta' l-esperjenza, sistema definittiva ftit hemm possibbilità li sseħħ f'perijodu qasir jew medju. Għalhekk l-eżenzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri “antiki” jistgħu jitwalu kważi għall-infinit, waqt li l-“ġodda” jkunu penalizzati mit-tmiem ta' l-iskadenzi negozjati waqt l-Att ta' Adeżjoni.. Barraminhekk, xi Stati Membri għandhom il-permess biex japplikkaw rati mnaqqsa għal servizzi fornuti lokalment (4) sa tmiem l-2010, dan meta din il-possibbilità ma teżistix għall-oħrajn. Din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli.

2.2

Il-Proposta ta' Direttiva għandha titqies bħala “soluzzjoni temporanja” li tippermetti lill-Istati Membri li ngħaqdu dan l-aħħar joperaw fuq linji sostanzjalment l-istess bħal dawk ta' l-Istati Membri l-oħra, ta' l-anqas sal-31 ta' Diċembru 2010. Sa din id-data, il-Kummissjoni tittama li l-Kunsill ikun adotta id-direttiva 'l-ġdida li tirregola l-kategorija kollha ta' l-eżenzjonijiet, hekk kif hu ttamt fil-Komunikazzjoni.

3.   Kummenti Speċifiċi

3.1

Il-KESE jilqa' x-xogħol mwettaq mill-Kummissjoni, kemm bil-Proposta ta' Direttiva li japprova bla riżervi, kif ukoll bil-publikazzjoni ta' Komunikazzjoni li tħabbar it-tfassil ta' struttura ta' “eżenzjonijiet” li hija koerenti mal-prinċipji tas-suq uniku u ma' l-istrateġija ta' Lisbona. Dwar il-Komunikazzjoni il-Kumitat ser jerġa lura għad-diskussjoni bi proposta adegwata, bil-ħsieb li jikkontribwixxi b'mod kostruttiv għad-diskussjoni.

3.2

Fid-dawl ta' dak li ġara fil-passat, hija ġustifikata l-biża li l-interess ġenerali biex jinstab kunsens kemm jista' jkun malajr fuq il-Proposta ta' Direttiva, jista' jkun subordinat għad-difiża ta' interessi u poltiki partikulari: biża li l-KESE jittama tkun bla bażi. Mill-aspett tal-korrettezza teknika il-proposta hija ineċċepibbli: huma biss l-aspetti politiċi li ser ikollhom rwol fil-bqija tad-deċiżjonijiet. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni ta' dawk li qegħdin jiddeċiedu għall-ħtiġijiet tas-suq u taċ-ċittadinin, li għandhom bżonn ta' liġijiet trasparenti, u ġusti li jiġu adottati f'qasir żmien.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2007) 380 finali tal-5.7.2007.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28.11.2006.

(3)  Artikoli 109 sa 122 tad-Direttiva tal-VAT.

(4)  Ara Anness IV għad-Direttiva tal-VAT.


16.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 44/121


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Kroazja fit-triq lejn l-adeżjoni”

(2008/C 44/27)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar Il-Kroazja fit-triq lejn l-adeżjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Ottubru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sigmund.

Matul l-439 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-24 u l-25 ta' Ottubru 2007 (seduta ta' l-24 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'155 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Fl-20 ta' April 2004, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni tal-Kroazja għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea; fl-20 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati għall-adeżjoni f'Marzu 2005; wara dawn ġew posposti għal Ottubru 2005.

1.2

Il-proċess konġunt ta' screening intemm b'suċċess f'Ottubru 2006 u b'hekk setgħu jibdew in-negozjati bilaterali għall-adeżjoni. Sadattant, sar progress sostanzjali fir-rigward tal-kriterji politiċi u ekonomiċi kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' l-acquis.

1.3

Il-Kumitat jilqa' l-progress mgħaġġel fin-negozjati u l-parteċipazzjoni wiesgħa tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Kroazja f'dan il-proċess, iżda jenfasizza li l-kontribut ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi kkonċernati tas-soċjetà ċivili, b'mod speċjali l-parteċipazzjoni komprensiva ta' l-imsieħba soċjali fin-negozjati tal-kapitoli rilevanti, huwa indispensabbli. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni tiegħu tal-31 ta' Marzu 2004 u l-argumenti li ressaq f'punt 5.5 li għadhom validi u li għalhekk qegħdin jerġgħu jiġu enfasizzati. (1)

1.4

Din l-opinjoni mhix ser isservi ta' analiżi oħra tal-materjal statistiku eżistenti iżda ser tikkonċentra minflok fuq is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Kroazja permezz ta' analiżi tal-bażi, l-opportunitajiet u l-isfidi tagħha.

2.   Kummenti ġenerali dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili

2.1

L-istorja ta' l-oriġini tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri “l-qodma” hija differenti ħafna mill-bidu ta' l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri “l-ġodda”; sitwazzjoni li tgħodd ukoll għall-Kroazja. Fl-ewwel każ, l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili żviluppaw mid-domanda u/jew mill-bżonnijiet tal-pajjiżi, kif ukoll mix-xewqa ta' dawn il-pajjiżi li jiddefendu l-interessi tagħhom skond il-prinċipju “bottom-up”. Fit-tieni każ, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili nibtet minn għan simili — li jiġu enfasizzati l-ideat jew l-interessi. Iżda f'ħafna każijiet, l-għan ewlieni kien dejjem li tirreżisti s-setgħa ewlenija ta' l-Istat (dan ma jgħoddx għall-imsieħba soċjali billi fil-każ tagħhom ir-rappreżentazzjoni ta' l-interessi dejjem kienet il-prijorità). Huwa wkoll minħabba dawn l-oriġini li dawn il-pajjiżi kellhom jibdew ilaħħqu ma' prinċipji li huma ċentrali fl-attività tas-soċjetà ċivili organizzata bħall-fiduċja, is-solidarjetà, it-trasparenza u l-awtonomija.

2.2

Il-Kumitat indirizza d-deskrizzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata għall-ewwel darba fl-1999 u ħoloq kriterji importanti għad-definizzjoni tagħha (2). Riżultat sinifikanti ta' l-analiżi tal-Kumitat tas-sitwazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Kroazja kien li l-imsieħba soċjali, bħala rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiem, u anke għal raġunijiet storiċi, jiffurmaw in-nukleu prinċipali ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili. Karatteristika komuni tar-rappreżentanti kollha tas-soċjetà ċivili organizzata hija, flimkien mar-rappreżentazzjoni ta' l-interessi, l-obbligu lejn is-servizz pubbliku. Din hija l-karatteristika li toħloq distinzjoni bejniethom u l-lobbyists, li bħalhom għandhom l-għan li jiddefendu l-interessi. Il-Kumitat iħoss li din id-definizzjoni kumplessa u miftuħa tas-soċjetà hija importanti fil-kuntest tas-sitwazzjoni tal-Kroazja għaliex jinnota li f'ċerti każijiet fil-Kroazja, l-NGOs u s-soċjetà ċivili huma mifhuma bħala kunċett wieħed. Il-Kumitat ma jaqbilx ma' definizjoni bħal din li fil-fehma tiegħu hija waħda inkompleta billi teskludi mill-bidu l-imsieħba soċjali minn kull forma ta' parteċipazzjoni fl-attività tas-soċjetà ċivili.

2.3

Il-qasam ta' attività tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata jiġbor fih, flimkien mar-rappreżentazzjoni ta' l-interessi, il-parteċipazzjoni fil-proċess pubbliku tal-formazzjoni ta' l-opinjoni u tal-volontà fid-diversi forom tagħha. Flimkien ma' l-aspetti pragmatiċi ta' din il-parteċipazzjoni, il-mezzi sostanzjali li permezz tagħhom tiġi kkomunikata d-demokrazija parteċipattiva, huma d-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili. Filwaqt li d-djalogu soċjali, minħabba t-temi li jikkonċernawh, huwa limitat għall-imsieħba soċjali u ma jistax jiġi estiż, id-djalogu ċivili jippermetti li jipparteċipaw ir-rappreżentanti kollha tas-soċjetà ċivili organizzata, sakemm dawn jilħqu l-kriterji essenzjali tar-rappreżentattività. Filwaqt li wieħed jista' b'mod ċar jiddeskrivi d-djalogu soċjali, għad m'hawnx definizzjoni adegwata tad-djalogu ċivili. Id-definizzjoni li tersaq l-aktar qrib tan-natura tad-djalogu ċivili hija dik ta' Jürgen Habermas li tqis li d-djalogu ċivili, bħala element tad-demokrazija parteċipattiva, huwa forma ta' diskors interattiv li fih jista' jinkorpora wkoll kontenut kompletament normattiv. Bħad-djalogu soċjali, id-djalogu ċivili jista' jaqdi rwol vertikali, jiġifieri bejn l-Istat u s-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll rwol orizzontali, jiġifieri fost l-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tad-distinzjoni konċettwali bejn id-djalogu soċjali u dak ċivili; id-djalogu ċivili jikkompleta d-djalogu soċjali iżda ma jeħodlux postu.

Fuq livell Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata ta' l-Istati Membri; huwa bħal “lok riżervat għad-djalogu ċivili”, iżda ma jservix biss bħala forum tad-djalogu soċjali.

2.4.

Il-Kumitat jikkunsidra l-kwistjoni tar-rappreżentattività ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili bħala waħda importanti għaliex tagħmel parti mil-leġittimità demokratika tagħhom. Mhuwiex biżżejjed li jiġi rrapreżentat numru suffiċjenti tal-partijiet effettwati jew interessati, jiġifieri li s-soċjetà ċivili tkun rappreżentattiva b'mod kwantitattiv. Organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tkun, l-ewwel u qabel kollox, irrappreżentata b'mod kwalitattiv, jiġifieri b'mod li permezz ta' l-għarfien, l-esperjenza u l-kompetenzi speċifiċi tagħha tkun tista' taqdi rwol kostruttiv fl-avvenimenti. Fost il-kriterji kwalitattivi l-oħra tas-soċjetà ċivili organizzata, elementi bħat-trasparenza, l-istrutturi demokratiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, is-sostenibbiltà, l-indipendenza ekonomika u l-awtonomija huma importanti ħafna, b'mod partikolari fil-kuntest ta' demokraziji li għadhom fil-bidu tagħhom. F'diversi opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat tratta kemm il-kwistjoni tal-koeżjoni tas-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll il-kwistjoni tar-rappreżentattività ta' l-esponenti tagħha, u barra minn lista ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili, ħejja wkoll lista tal-kriterji tar-rappreżentattività (3).

3.   Il-qagħda attwali

3.1   Is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tal-Kroazja

3.1.1

Is-sitwazzjoni ekonomika tal-Kroazja hija stabbli għalkemm ikkaratterizzata minn differenzi reġjonali kbar. It-tendenza kostanti tas-snin riċenti (2002-2006) ta' tkabbir ekonomiku b'rata ta' madwar 4,8 % hija mistennija li tibqa' bejn wieħed u ieħor l-istess fis-sentejn li ġejjin. Madanakollu, il-livell għoli ta' diskrepanzi fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali ma jistax ma jissemmiex. Ir-rata medja ta' inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur laħqet it-3,2 % fl-2006, li tfisser żieda ta' 0,8 % mill-2002, iżda l-istabbiltà ġenerali tal-prezzijiet inżammet. Kien hemm ukoll xi żviluppi negattivi fir-rigward tad-defiċit kummerċjali u tad-dejn estern kif ukoll defiċit dejjem ikbar fil-baġit. Il-Kroazja qiegħda tirrealizza dejjem iktar li sabiex tkun tista' tnaqqas id-dejn, huwa preferibbli li jissaħħu l-qasam ta' l-investiment u s-sħubijiet pubbliċi-privati.

B'relazzjoni ma' dan, il-Kumitat jirrimarka li huma meħtieġa miżuri governattivi li għandhom importanza mhux biss fil-kuntest ta' l-adeżjoni fl-UE, iżda wkoll fuq perijodu fit-tul fejn jistgħu jservu ta' prova għar-rieda tal-pajjiż li jilħaq il-kriterji ta' konverġenza għall-adeżjoni u b'hekk jasal għat-tielet fażi, dik ta' l-unjoni monetarja Ewropea.

3.1.2

Minkejja l-progress li sar tul dawn l-aħħar snin, għandha titwettaq aktar ħidma fir-rigward tas-sitwazzjoni soċjali, bħal per eżempju fil-qasam tal-ġestjoni tal-problemi fis-suq tax-xogħol:

ir-rata ta' qgħad fuq perijodu fit-tul hija ħafna aktar għolja mir-rata medja ta' l-UE u r-rata ta' impjieg hija wkoll relattivament baxxa. Dan jirriżulta fi proporzjon insodisfaċenti ta' persuni impjegati u persuni li jirċievu l-għajnuna soċjali;

ir-rata armonizzata ta' qgħad (skond stħarriġ tal-forza tax-xogħol) qiegħda turi tnaqqis stabbli u niżlet għal 11,2 % fl-ewwel kwart ta' din is-sena minn 11,8 % fl-ewwel nofs ta' l-2006;

ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija baxxa ħafna;

ir-rata ta' qgħad formali li qiegħda tonqos hija kontrobilanċjata minn rata' għolja ta' qgħad informali;

jeżisti l-periklu potenzjali/previdibbli li l-impjiegi maħluqa ma jħallsux tajjeb jew ma jkunux siguri;

Hemm bżonn ta' azzjoni li tindirizza d-dħul medju tal-familji, li għadu relattivament baxx.

3.1.3

Rapport mill-Fundazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet ta' l-Għajxien u x-Xogħol ta' Dublin (4) jagħti idea tas-sitwazzjoni soċjali fil-Kroazja. Skond dan ir-rapport żvilupp ekonomiku bbilanċjat reġjonalment huwa meħtieġ sabiex jiġi sostnut it-tkabbir u jinħolqu impjiegi ta' kwalità tajba. Huwa jgħid ukoll li l-prijorità tal-politika tax-xogħol, m'għandhiex tibqa' l-għajnuna finanzjarja iżda ssir it-taħriġ, sabiex il-qiegħda jiġu mħarrġa u motivati għall-impjieg. Jeħtieġ li tinħoloq sistema ta' akkomodazjoni bi prezz aċċessibbli għal dawk il-familji li m'għandhomx minn fejn jakkwistaw dar mis-settur privat. Iridu jingħataw inċentivi li jippermettu lit-tfal u ż-żgħażagħ li jkomplu jistudjaw. Huma meħtieġa faċilitajiet għall-kura tat-tfal bi prezz aċċessibbli sabiex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u sabiex tingħata għajnuna lill-ġenituri bil-għan li jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja familjali. Il-messaġġ ġenerali ta' din il-politika huwa li l-kwalità tal-ħajja u l-inklużjoni soċjali għandhom isiru prijorità f'kull qasam tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, sabiex b'hekk jiġi assigurat approċċ multidimensjonali u olistiku għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali.

3.1.4

Jeżistu diversi inizjattivi li jippromovu t-tkabbir fl-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. Dawn l-inizjattivi ġejjin kemm mill-gvern Kroat kif ukoll mill-attivitajiet ta' kontributuri nazzjonali u internazzjonali u mis-soċjetà ċivili.

Il-Kumitat jikkunsidra li huwa importanti li jinħoloq ambjent li jiffavorixxi n-negozju — b'mod speċjali għall-SMEs li tant jiġġeneraw tkabbir u impjieg, speċjalment fir-reġjuni żvantaġġati. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa' l-attivita dejjem aktar tikber ta' l-assoċjazzjoni ta' l-SMEs fi ħdan l-assoċjazzjoni Kroata ta' min iħaddem (HUP).

3.1.5

Il-Kumitat jikkunsidra l-agrikoltura bħala qasam ċentrali tan-negozjati għall-adeżjoni. Il-produzzjoni agrikola ġejja minn irziezet familjali żgħar b'daqs medju ta' 2.4 ettari li jirrappreżentaw madwar 80 % ta' l-art agrikola u l-annimali. Ħafna mill-art agrikola għadha ma tistax tintuża minħabba l-ħsara mġarrba matul il-gwerra li għadha ma ġietx irrimedjata (bħal per eżempju l-mini) u każijiet fejn l-inċertezza fir-rigward tal-pussess tal-proprjetà għadha toħloq problemi kbar. Bħalissa l-agrikoltura Kroata ftit li xejn hi kompetittiva u għaddejja minn perijodu ta' transizzjoni. Jeżisti l-bżonn ta' riforma komprensiva tal-politika agrikola Kroata anke b'rabta ma' l-adeżjoni fl-UE. Il-Ministeru ta' l-Agrikoltura nieda proġetti strateġiċi rilevanti għall-iżvilupp bl-għan li jagħtu spinta lill-kompetittività fil-qasam tal-produzzjoni domestika. Sar ukoll progress fl-implimentazzjoni ta' programmi għall-iżvilupp rurali, il-politika ta' kwalità u l-biedja organika. Għad hemm bżonn ta' strateġija komprensiva dwar is-sigurtà ta' l-ikel.

Hemm il-bżonn urġenti ta' strutturi adattati għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni kif ukoll it-twaqqif ta' rappreżentanza politikament indipendenti ta' l-interessi, mhux biss għal raġunijiet politiċi (il-garanzija li jintuża d-dritt għall-opinjoni) iżda wkoll għal raġunijiet prattiċi (għajnuna fl-amministrazzjoni tal-fondi Komunitarji fil-kuntest ta' l-istrateġija tal-preadeżjoni waqt il-fażi ta' l-adeżjoni, u parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni u d-distribuzzjoni ta' dawn il-fondi wara t-tkabbir).

3.1.6

Karatteristka komuni tal-pajjiżi Ewropej kollha hija t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Din hija sfida għat-tfassil tal-politiki tas-sigurtà soċjali pubblika. Il-bidla demografika hija problema anke fil-Kroazja u dan minkejja l-fatt li r-rata medja ta' l-għomor fil-Kroazja, b'mod partikolari meta mqabbla ma dik ta' l-Istati Membri l-'antiki', hija aktar baxxa minn dik ta' ħafna mill-pajjiżi Ewropej l-oħra. Is-sistema ta' sigurtà soċjali Kroata mhix mibnija b'tali mod li tista' tirreaġixxi għal sitwazzjoni dejjem iktar iebsa ta' tixjiħ demografiku. Ir-riformi fis-sistema ta' sigurtà soċjali kienu soġġetti għal influwenza konsiderevoli min-naħa ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Barra minn hekk, ir-rappreżentanza ta' l-interessi tal-popolazzjoni anzjana, anke f'livell politiku, hija fenomenu relattivament ġdid fil-Kroazja.

3.1.7

Jeżisti livell baxx ta' migrazzjoni lejn u mill-Kroazja. Il-livell ta' immigrazzjoni huwa tliet darbiet akbar mil-livell ta' emigrazzjoni. Madanakollu, iż-żewġ tendenzi ta' imigrazzjoni u emigrazzjoni qegħdin jonqsu u mhumiex fattur statistiku importanti.

3.2   Is-sitwazzjoni politika fil-Kroazja

3.2.1

Il-Kumitat jemmen li l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin (Novembru 2007) mhux ser jinfluwenzaw is-sitwazzjoni politika stabbli tal-Kroazja. Ir-riżultati ta' l-istħarriġ pubbliku dwar ir-riżultat possibbli ta' l-elezzjonijiet ivarjaw immens. Madanakollu, l-aktar partiti politiċi importanti ħadu pożizzjoni favur l-Ewropa u għalhekk bidla fix-xejra Ewropea li ħadet il-politika Kroata mhix probabbli. Il-partiti politiċi kollha għandhom l-istess għan — is-sħubija tal-Kroazja fl-UE fl-2009.

3.2.2

Sadattant, qegħdin jitwettqu diversi riformi fis-settur pubbliku: riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika bl-għan li tippromovi amministrazzjoni pubblika aktar effiċjenti u kompetenti. Qiegħda sseħħ ukoll riforma fil-ġudikatura bl-għan li ssir ħidma fuq il-każijiet pendenti u li jiġi promoss il-prinċipju ta' l-istat tad-dritt.

3.2.3

Skond evalwazzjonijiet interni u esterni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ngħatat post prominenti fuq il-lista ta' prijoritajiet għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea. Is-soċjetà ċivili qiegħda ssir dejjem aktar involuta fil-proċeduri kriminali ta' l-awtoritajiet statali u permezz ta' dan qegħdin jiġu sodisfatti t-talbiet għat-trasparenza u l-legalità tal-finanzjament tal-partiti politiċi, tal-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku kif ukoll sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess. Madankollu, in-nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet qiegħda tfixkel sforzi bħal dawn. Fuq perijodu medju ta' żmien, kampanja mferrxa ta' informazzjoni pubblika hija mistennija li ġġib progress f'dan il-qasam.

Is-soċjetà ċivili organizzata qiegħda tkompli taqdi rwol importanti f'dan il-qasam u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Għaxar assoċjazzjonijiet minn tlett ibliet Kroati ingħaqdu fin-network multidixipplinarju “BURA” fil-qafas ta' proġett ta' sħubija reġjonali intitolat “L-iżvilupp ta' Inizjattivi Lokali Ċivili permezz ta' l-Iżvilupp tal-Kapaċità fuq Diversi Livelli”.

3.2.4

Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi kif ukoll fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi. Dawn għandhom iwasslu għall-integrazzjoni prattika tal-minoranzi. F'dan il-kuntest il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-pjan għall-impjieg 2007 tal-gvern Kroat jirreferi b'mod speċifiku għad-dritt tal-minoranzi nazzjonali għal trattament ugwali fil-qasam tax-xogħol fis-servizz ċivili u jimplimenta dan id-dritt. F'dan ir-rigward għandhom jissemmew ukoll l-elezzjonijiet ta' l-2007 tal-kunsilli tal-minoranzi nazzjonali. L-integrazzjoni tal-minoranzi tar-Roma fl-iskejjel kellha suċċess. Minbarra l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi, jeħtieġ li jkun hemm sensittività għall-integrazzjoni jew ir-ritorn tar-refuġjati jew persuni spostati internament, kif ukoll għar-rilokazzjoni tar-refuġjati li rritornaw, mhux biss għar-rikostruzzjoni infrastrutturali iżda wkoll għal dik soċjali. Madankollu, jidher li qegħdin jittieħdu passi siewja fid-direzzjoni t-tajba.

3.3   Is-soċjetà ċivili organizzata fil-Kroazja

3.3.1

Il-qafas legali għas-soċjetà ċivili organizzata tal-Kroazja għandu l-bażi tiegħu f'dawn il-prinċipji:

il-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet tipprovdi l-qafas ġenerali legali għall-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tirrappreżenta ambjent legali relattivament tajjeb li jkopri l-atturi prinċipali tas-soċjetà ċivili (5);

il-liġi dwar ix-xogħol tirregola l-istabbiliment u l-funzjoni (inkluż il-qafas għan-negozjar kollettiv) tat-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, u l-għaqdiet ta' min iħaddem u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

il-liġi dwar il-volontarjat tirregola l-kunċett, il-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-prattika tal-volontarjat bħala mezz possibbli ta' parteċipazzjoni volontarja anke fi ħdan organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħala organizzaturi tal-volontarjat;

il-liġi dwar l-għotjiet finanzjarji u l-fundazzjonijiet (6) hija bażi importanti, b'mod speċjali fil-qasam tal-finanzjament tas-soċjetà ċivili;

liġijiet addizzjonali jinkludu l-liġi dwar l-istituzzjonijiet, il-liġi dwar l-għajnuna soċjali u liġijiet u regolamenti fl-oqmsa tal-finanzjament, it-tassazzjoni u x-xogħol umanitarju li huma relatati wkoll mas-settur ċivili. Minbarra r-rwol tagħhom bħala imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema għandhom rwol importanti f'dan il-qasam ukoll.

3.3.2

Wieħed jista' wkoll jara evoluzzjoni fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili Kroata fl-attivitajiet ta' l-NGOs. Fejn qabel l-enfasi predominanti tal-ħidma tas-soċjetà ċivili kienet fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bnieden u l-ħidma umanitarja, illum il-ġurnata l-enfasi qiegħda fuq it-tfassil tal-politika u tad-drittijiet soċjali.

L-organizzazzjonijiet ambjentali ħolqu networks formali u informali għal azzjonijiet speċifiċi u b'hekk taw prova tal-kapaċità tagħhom li jaħdmu flimkien.

Wieħed jista' jinnota wkoll tisħiħ fit-tendenza għan-networking u l-ħolqien ta' gruppi organizzati fost l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-assoċjazzjonijiet tan-nies b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet tan-nisa.

L-organizzazzjonijiet Kroati għall-protezzjoni tal-konsumatur qegħdin jippruvaw jaffermaw id-drittijiet tal-konsumatur. Madanakollu, ir-riżorsi umani u finanzjarji mhumiex suffiċjenti sabiex jitrattaw il-protezzjoni tal-konsumatur, l-informazzjoni tal-konsumatur u lobbying favur il-konsumatur b'mod sostenibbli.

3.3.3

Fil-kuntest ta' l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili fil-Kroazja, id-djalogu soċjali bejn l-imsieħba soċjali fuq diversi livelli jistħoqqlu attenzjoni partikolari.

Il-kuntest istituzzjonali għal djalogu soċjali bejn tliet partijiet (dawk li jħaddmu u t-trade unions bħala imsieħba tal-gvern) huwa żviluppat formalment u b'mod tajjeb mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Kroazja. Iżda s'issa ftit li xejn għadu wassal għal riżultati konkreti. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija problema li għadha ma ssolvietx — il-frammentazzjoni ta' l-interessi tal-gruppi, mhux biss min-naħa tal-ħaddiema. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-ġbir flimkien ta' l-interessi fuq il-livelli tad-diversi organizzazzjonijiet huwa mixtieq u dan anke fl-interess tar-rappreżentanza ta' assoċjazzjonijiet individwali. Kawża oħra tinsab fl-iżvilupp tal-programm ta' ħidma fejn per eżempju l-limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni ta' opinjonijiet mill-imsieħba soċjali huwa ħafna drabi qasir wisq (f'ħafna każijiet iż-żmien ikun ta' 3 sa 4 ġranet biss) u ma jeżisti l-ebda segwitu li jara għalfejn proposti speċifiċi ma ġewx ikkunsidrati.

Djalogu soċjali awtonomu u bipartit diġà jeżisti fil-livell tal-kumpaniji. Dan kellu effetti notevoli fuq ir-relazzjoni kemm bejn il-ħaddiema u min iħaddem kif ukoll bejn it-trade unions u min iħaddem, permezz ta' diversi ftehimiet kollettivi u jew fil-kunsilli tax-xogħol. Madankollu, id-djalogu soċjali bipartit għad jista' jiġi żviluppat fir-rigward tas-soluzzjoni għall-kwistjoni tar-rappreżentattività fit-trade unions fil-kuntest ta' negozju fejn hemm sid wieħed biss u wkoll fil-qasam tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiem fin- negozjar kollettiv. Barra minn hekk, fi ħdan l-SMEs, il-livell tar-rappreżentazzjoni ta' l-interessi u ta' l-organizzazzjoni tal-ħaddiema huwa relattivament baxx.

Huwa fil-livell settorjali li d-djalogu soċjali huwa l-aktar nieqes. Dan huwa marbut mal-fatt li l-kwistjoni tar-rappreżentattività tal-ħaddiema u ta' min iħaddem għadha ma ġietx solvuta kompletament u wkoll mal-problemi tad-determinazzjoni ta' l-iskop tas-setturi u l-oqsma bħala unitajiet tan-negozjar. L-iżvilupp tad-djalogu soċjali għandu jseħħ fuq l-isfond ta' rikonoxximent ta' l-influwenza importanti tan-negozjar kollettiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika globali.

Minħabba li d-djalogu soċjali għadu jitmexxa mill-gvern permezz ta' djalogu soċjali bejn tliet partijiet, il-prijorità hija mogħtija lill-konsultazzjonijiet bejn tliet partijiet. Iżda mingħajr l-iżvilupp ta' sistema awtonoma ta' relazzjonijiet bipartiti fuq il-livell nazzjonali u settorjali u mingħajr enfasi fuq in-negozjar kollettiv settorjali, ser ikun difiċċli li tinbena sistema ta' relazzjonijiet industrijali strutturata tajjeb u bbilanċjata. F'dan ir-rigward l-istatistiċi dwar in-negozjar kollettiv u l-livell ta' parteċipazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

3.3.4

Bħalma hu l-każ f'diversi pajjiżi Ewropej, fil-Kroazja jeżisti nuqqas ta' għarfien tal-kunċett tad-djalogu ċivili fid-diversi forom tiegħu. Minkejja li l-gvern Kroat ħoloq kundizzjonijiet tajbin u funzjonali għad-djalogu ċivili, dan għadu biss il-bidu. S'issa ftit kienu d-drabi fejn permezz ta' rappreżentazzjoni mifruxa ta' l-interessi seta' jintlaħaq kunsens bejn is-soċjetà ċivili dwar kwistjoni speċifika. Il-ħidma fuq l-abbozz tal-liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika u l-interess f'kwistjonijiet ambjentali fir-rigward tal-proġett tal-pipeline ta' Družba-Adria u l-bini ta' terminal tal-gass naturali likwifikat (LNG) fl-Adrijatiku jagħtu lok għal viżjoni ottimista tal-ġejjieni.

3.3.5.

F'dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li djalogu ċivili strutturat li jikkomplimenta d-djalogu soċjali huwa element indispensabbli tad-demokrazija parteċipattiva. Madanakollu, id-djalogu ċivili m'għandux ikun biss opportunità għall-konsultazzjoni iżda — skond il-prinċipju “bottom-up” li huwa inerenti fl-attività tas-soċjetà ċivili — jiggarantixxi d-dritt tal-parteċipazzjoni.

3.3.6.

Il-qafas istituzzjonali eżistenti għall-kostruzzjoni ta' mudell modern ta' demokrazija parteċipattiva huwa promettenti ħafna.

3.3.6.1.

L-uffiċċju tal-gvern Kroat għall-Kooperazzjoni ma' l-NGOs twaqqaf fl-1998 u kien l-ewwel korp pubbliku inkarigat mit-twaqqif ta' kooperazzjoni strutturali bejn l-istat u s-soċjetà ċivili. Illum il-ġurnata dan l-uffiċċju jmexxi s-sussidji tas-soċjetà ċivili Kroata (HRK 85,94 miljun), jipproponi soluzzjonijiet leġislattivi għas-settur u jikkoordina l-attivitajiet ta' l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali. Fl-2006 ingħata appoġġ finanzjaru ta' HRK 321 626 823,06 (madwar EUR 44,1 miljun) lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Kroati.

Dan l-uffiċċju huwa inkarigat ukoll mis-superviżjoni u l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħolqien ta' Ambjent li jiffavorixxi l-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili, adottata f'Lulju 2006.

Din l-istrateġija tispjega s-sitwazzjoni u l-għanijiet ta' għaxar oqsma tas-soċjetà ċivili:

relazzjonijiet ibbażati fuq il-valur bejn l-Istat u s-settur ċivili;

koeżjoni soċjali u integrazzjoni;

il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki;

edukazzjoni li trawwem għarfien għal ċittadinanza demokratika u għad-drittijiet tal-bniedem;

qafas legali għall-ħidma u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

qafas istituzzjonali għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

sistema ta' finanzjament sabiex jingħata appoġġ lill-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

żvilupp reġjonali;

l-iżvilupp ta' attivitajiet volontarji u filantropiċi u t-twaqqif ta' fundazzjonijiet;

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-kuntest internazzjonali.

Il-pjan ta' azzjoni adottat mill-gvern fl-1 ta' Frar 2007 (Operativni Plan) jipprovdi miżuri speċifiċi għall-perijodu ta' bejn l-2007 u l-2011 u jelenka l-istituzzjonijiet responsabbli.

3.3.6.2.

Il-Kunsill nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili (Savjet za razvoj civilnog društva) li twaqqaf fl-2002 huwa korp transsettorjali konsultattiv għall-gvern Kroat. L-għan tiegħu huwa li jħejji strateġiji għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-programmi tal-gvern għall-kooperazzjoni fi ħdan is-settur. Il-kunsill huwa magħmul minn għaxar rappreżentanti ta' l-uffiċċji governattivi rilevanti u għaxar rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata assistiti minn tliet esperti. It-tieni mandat ta' dan il-Kunsill intemm uffiċjalment f'Lulju 2006 iżda kien estiż mill-gvern sa l-1 ta' Frar 2007. Fil-laqgħa kostituttiva tal-kunsill il-ġdid nhar is-16 ta' Frar 2007 kien nominat President ġdid. Sa mill-ewwel nofs ta' Lulju 2007 saru diġà ħames seduti ta' dan il-kunsill.

3.3.6.3.

Il-Fundazzjoni nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili (Nacionalna zaklada za razvoj civilnoga društva) twaqqfet fl-2003 mill-Parlament Kroat u taġixxi barra mill-istrutturi governattivi nazzjonali u lokali. Kompitu prinċipali ta' din il-fundazzjoni huwa li toħloq disponibbiltà ta' appoġġ finanzjarju u kompetenza għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà ta' organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qliegħ, tal-kooperazzjoni bejn diversi setturi, ta' l-inizjattivi soċjali, tal-volontarjat eċċ. Il-fundazzjoni hija finanzjata mill-baġit statali, mill-qliegħ ta' lotteriji uffiċjali u minn donaturi barranin (eż. il-Kummissjoni Ewropea). Fit-tmexxjija ta' din l-istruttura innovattiva huma involuti b'mod ugwali r-rappreżentanti tal-gvern nazzjonali, is-soċjetà ċivili organizzata u l-esperti fil-qasam.

4.   Analiżi

4.1

Il-Kumitat jagħraf u jfaħħar l-isforzi tal-Kroazja li tkompli għaddejja bin-negozjati għall-adeżjoni mingħajr dewmien u jemmen li l-kundizzjonijiet huma tajbin sabiex dan ir-ritmu jkun jista' jinżamm matul il-kampanja elettorali fil-Ħarifa 2007.

Madanakollu, il-Kumitat jirrimarka li l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-leġislazzjoni u tar-riforma amministrattiva għandhom ikunu sempliċi, ċari u fuq kollox kemm jista' jkun sostenibbli. Il-Kumitat jikkunsidra l-inizjattiva tal-gvern Kroat li jintroduċi s-sistema “one-stop-shop” għar-reġistrar tal-kumpaniji fil-Kroazja bħala pass importanti f'din id-direzzjoni. B'rabta ma' dan, il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-implimentazzjoni tal-proġett Hitrorez li għandu l-għan li jnaqqas il-liġijiet u r-regolamenti ineffiċjenti u antikwati u jipproponi li jelimina madwar 420 regolamenti konnessi mas-settur tan-negozju. Ser ikun hemm il-bżonn li jiġi assigurat li dawn il-miżuri leġislattivi ma jwasslux għad-deterjorazzjoni tad-drittijiet tal-protezzjoni tal-ħaddiem u li fuq kollox jinżamm il-livell eżistenti ta' garanzija tad-drittijiet soċjali u kollettivi. Il-Kumitat huwa tal-fehma li regolamenti aktar ċari u semplici jistgħu jservu ta' għodda għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li b'pakkett ta' miżuri bħal dan il-Kroazja tista' sservi ta' eżempju għar-reġjun.

Fil-qasam tal-proċeduri legali tinħtieg aktar simplifikazzjoni. Miżuri leġislattivi ġodda m'għandhomx jiġu limitati minn liġijiet li ma ġewx addattati għaliex dan jista' jħalli effetti negattivi bħal inċertezza legali mhux mixtieqa fl-ewwel fażi sensittiva ta' l-adeżjoni.

Il-Kumitat jikkunsidra t-tul tal-proċeduri legali bħala problema oħra li trid tiġi solvuta. Ħafna drabi, minħabba proċeduri li f'ċerti każijiet idumu għaddejjin snin, il-partijiet proċesswali soċjalment dgħafja jiġu żvantaġġati jew skuraġġuti milli jinvolvu ruħhom fi proċessi bħal dawn. Soluzzjoni possibbli fil-qasam tal-kwistjonijiet fuq l-impjieg tista' tkun it-twaqqif ta' qrati speċjalizzati fl-impjieg u l-arbitraġġ. Din is-soluzzjoni tista' twassal għal proċeduri iqsar u simplifikati.

Anke fil-qasam ta' l-akkwist ta' l-art jinħtieġu miżuri għall-assigurazzjoni ta' aktar trasparenza sabiex l-investituri barranin jingħataw is-sigurtà meħtieġa għall-ippjanar. Il-proċess ta' diġitalizzazzjoni u ta' disponibbiltà online tar-reġistri (ta' l-art) fil-Kroazja, li tnieda mill-gvern Kroat, huwa pass importanti għall-kisba ta' dan l-għan.

4.2

F'dan il-kuntest, il-Kumitat jagħraf il-pożizzjoni partikolarment diffiċli tal-Kroazja li barra mill-preparazzjoni għall-adeżjoni tinsab fil-proċess li tindirizza l-konsegwenzi tal-gwerra ċivili (Domivinski rat).

4.3

Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-twettiq formali tal-kriterji ta' l-adeżjoni m'għandux ikun l-uniku għan tan-negozjati għall-adeżjoni. Fil-fażi finali tal-perijodu ta' qabel l-adeżjoni, b'mod partikolari, ir-rwol attiv u l-kontribut ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell kwalitattiv u kwantitattiv, ser ikollhom rwol importanti fil-preparazzjoni taċ-ċittadini tal-Kroazja għall-adeżjoni. Wara l-adeżjoni, dawn ir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jagħtu kontribut importanti, kemm fi ħdan il-qafas eżistenti ta' djalogu soċjali kif ukoll bħala partijiet interessati fid-djalogu ċivili, sabiex jassiguraw li r-regoli ta' l-acquis Komunitarju jkunu implimentati u/jew applikati. Wieħed għandu jinnota wkoll li l-organizzazzjonijiet b'saħħithom u effettivi tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' l-acquis Komunitarju u fil-monitoraġġ, b'mod partikolari fil-perijodu wara l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE. Huma ser ikollhom rwol daqstant importanti fil-qasam amministrattiv per eżempju fil-ġestjoni tal-fondi Komunitarji. F'ċerti oqsma (per eżempju l-SMEs, il-professjonijiet u l-agrikoltura) jeżisti nuqqas ta' strutturi orizzontali u organizzati għall-perijodu fit-tul li jilħqu dawn il-ħtiġijiet. It-tisħiħ ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili li jilħqu l-kriterji tar-rappreżentanza huwa għalhekk għan li wieħed għandu jsegwi mhux biss fil-kuntest tan-negozjati għall-adeżjoni iżda wkoll bħala miżura li ser tħalli effetti pożittivi wara l-adeżjoni tal-Kroazja fl-UE.

5.   Kummenti finali

5.1

Il-gvern Kroat stabbilixxa għan għalih innifsu li sa l-2009 ikunu ntlaħqu l-kriterji ta' l-adeżjoni fl-UE. Il-Kumitat huwa determinat li, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Kroazja sabiex tilħaq dawn il-kriterji.

Il-Kumitat akkumula ammont ta' esperjenza importanti fil-kors ta' l-aħħar żewġ perijodi ta' tkabbir. Issa huwa jixtieq juża din l-esperjenza b'mod konkret mal-Kroazja, fil-kuntest tan-negozjati attwali ta' l-adeżjoni, fl-interess taż-żewġ partijiet u għall-benefiċċju tat-tnejn.

5.2

Fil-fehma tal-Kumitat, din il-kooperazzjoni għandha tkun pragmatika, ikkonċentrata u mingħajr burokrazija żejda. Għandha tkun ibbażata fuq il-konvinzjoni komuni li s-soċjetà ċivili organizzata hija mhux biss imsieħba konsultattiva komuni fil-proċess tal-formazzjoni ta' l-opinjoni u tal-volontà waqt it-tkabbir iżda għandha u ser jiqba' jkollha rwol importanti anke wara l-adeżjoni. Organizzazzjonijiet effiċjenti tas-soċjetà ċivili li jilħqu l-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi importanti tar-rappreżentanza huma indispensabbli sabiex l-element parteċipattiv ta' demokrazija moderna jkun jista' jitwettaq. Għall-Kroazja, bħala Stat Membru ġdid, dawn l-organizzazzjonijiet ser ikunu indispensabbli fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattika tal-leġislazzjoni adatta tal-pajjiż. Il-Kumitat joffri l-għajnuna u l-kooperazzjoni tiegħu fit-twettiq ta' din il-ħidma attwali u futura. Din l-għajnuna jista' jkollha diversi forom:

laqgħat settorjali mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata tal-Kroazja għal fini ta' skambju ta' informazzjoni, fehmiet u esperjenza;

il-parteċipazzjoni tal-membri tal-KESE f'seminars jew inizjattivi oħra ta' l-IPA (Instrument for Pre-Accession Assistance — l-Istrument għall-Għajnuna tal-Preadeżjoni);

kooperazzjoni ma' l-organizzaturi tal-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-adeżjoni flimkien ma' kooperazzjoni fit-tħejjija ta' każijiet ta' studju bil-għan li jagħtu idea tal-konsegwenzi ta' l-adeżjoni għal gruppi speċifiċi b'mod ċar u trasparenti. Ovvjament, ma jistax jiġi indirizzat biss l-aspett razzjonali tal-kwistjoni; għandu wkoll jiġi indirizzat dak emozzjonali. L-esperjenza f'dan il-qasam turi li mġieba ostili fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni tkun ħafna drabi ġejja minn biżgħat marbutin ma' nuqqas ta' informazzjoni. L-integrazzjoni tal-membri tal-Kumitat fil-kampanji korrispondenti għandha wkoll il-vantaġġ li l-membri tal-Kumitat huma membri ta' organizzazzjoniiet li ħafna drabi jistgħu jitqabblu ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Kroata. Il-membri huma għalhekk kredibbli u jistgħu jikkomunikaw mal-grupp ikkonċernat fuq l-istess livell.

Brussell, l-24 ta' Ottubru 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Opinjoni tal-KESE tal-31.3.2004 dwar l-Applikazzjoni tal-Kroazja għas-Sħubija fl-Unjoni Ewropea (Rapporteur: is-Sur Strasser), punt 5.5: Sabiex l-ekonomija Kroata tinkorpora b'suċċess il-kondizzjonijet tas-suq intern Ewropew, huwa essenzjali li r-riformi neċessarji, il-miżuri ta' liberalizzazzjoni u t-tibdil li jrid iseħħ sabiex ikun hemm konformità mal-liġi ta' l-UE, jirċievu l-appoġġ tas-soċjetà ċivili. F'dan il-kuntest, il-kondizzjonijiet ewlenin huma li l-poplu Kroat jibqa' jiġi infurmat sew dwar l-importanza u l-impatt ta' l-integrazzjoni tal-Kroazja fl-UE u li l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. (ĠU C 112 30.4.2004, p. 68) — mhux disponibbli bil-Malti.

(2)  Ir-rwol u l-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata fil-bini ta' l-Ewropa.

(3)  Opinjoni tal-KESE tat-22.9.1999 dwar Ir-rwol u l-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata fil-bini ta' l-Ewropa (Rapporteur is-Sinjura Sigmund) (ĠU C 329, 17.11.1999, p.30) — mhux disponibbli bil-Malti.

Opinjoni tal-KESE tal-25.4.2001 dwar Is-soċjetà ċivili organizzata u l-governanza Ewropea: Il-kontribut tal-Kumitat fit-tħejjija tal-White Paper (Rapporteurs is-Sinjura Sigmund u s-Sinjur Rodriguez Garcia Caro) (ĠU C 193, 10.7.2001, p. 117) — mhux disponibbli bil-Malti.

Opinjoni tal-KESE tal-14.2.2006 dwar Ir-rappreżentattività ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej fid-djalogu ċivili (Rapporteur is-Sinjur Olsson) (ĠU C 88, 11.4.2006, p. 41) — mhux disponibbli bil-Malti.

(4)  Il-kwalità tal-ħajja fil-Kroazja: punti importanti tar-riċerka nazzjonali, Dublin 2007.

(5)  Skond l-istatistiċi disponibbli hemm madwar 27 000 assoċjazzjonijiet soċjali reġistrati fil-Kroazja.

(6)  Bħalissa hemm madwar 90 fundazzjoni fil-Kroazja.