European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/909

22.3.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/909

tad-19 ta’ Marzu 2024

li taċċetta talba mressqa mill-Irlanda skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex ma tapplikax ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 (PRM TSI) għall-awtovaguni intermedji tal-Klassi 22000 ICDMU — B2 li huma proprjetà ta’ Iarnród Éireann-Railway Undertaking

(notifikata bid-dokument C(2024) 1680)

(It-testi bl-Ingliż u bl-Irlandiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Settembru 2023, l-Irlanda ressqet talba lill-Kummissjoni għal nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punti li ġejjin tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 (2) (“PRM TSI”): 4.2.2.1.1(2), 4.2.2.1.2.1(8), 4.2.2.3.1(5), 4.2.2.7.2(6) u 4.2.2.7.3(4). Dawk il-punti jistabbilixxu xi wħud mill-parametri ergonomiċi fil-vaguni, kif spjegat fil-premessi 10 sa 14.

(2)

Dik it-talba tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (e) tad-Direttiva (UE) 2016/797, li jkopri n-networks ferrovjarji separati jew iżolati bil-baħar jew separati bħala riżultat ta’ kundizzjonijiet ġeografiċi speċjali min-network ferrovjarju tal-bqija tal-Unjoni.

(3)

Sabiex tiġi ssodisfata d-domanda tal-passiġġieri li qed tikber b’rata mgħaġġla fis-servizzi ferrovjarji operati mill-flotta tagħha, Iarnród Éireann-Railway Undertaking (“IÉ-RU”) qed tippjana li tikseb kapaċità addizzjonali billi testendi għadd ta’ formazzjonijiet fissi eżistenti b’awtovagun wieħed jew tnejn. Għal dak il-għan, IÉ-RU għandha ftehim qafas ma’ Mitsui għall-provvista tal-vetturi intermedji addizzjonali (awtovaguni B2) li huma meħtieġa biex jiġu estiżi l-formazzjonijiet eżistenti.

(4)

Mitsui forniet 41 awtovagun B2 fi tmiem l-2022 u skont il-ftehim hemm għażla għall-provvista ta’ 60 awtovagun ieħor li tista’ tiġi eżerċitata sa Diċembru 2026, biex b’hekk it-total tal-awtovaguni jiżdied għal 101.

(5)

L-awtovaguni B2 diġà kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/856 (3) li biha l-Kummissjoni aċċettat li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tagħha (UE) Nru 1302/2014 (4) u (UE) Nru 1303/2014 (5) ma japplikawx għal dawk l-awtovaguni.

(6)

L-awtovaguni B2 għandhom jiġu inklużi fit-trainsets b’formazzjoni fissa eżistenti li ma jikkonformawx mal-PRM TSI. L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-PRM TSI għall-awtovaguni B2 toħloq kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà bejn il-vetturi konformi mal-PRM TSI u dawk mhux konformi, li jwassal għal diffikultajiet tekniċi sproporzjonati u għal kumplessitajiet tal-produzzjoni. Pereżempju, biex tiġi pprovduta informazzjoni viżiva dinamika b’mod uniformi u li tinqara fil-livell tal-ferrovija jkun meħtieġ software ġdid, is-sostituzzjoni tal-iskrins interni fil-flotta kollha, u potenzjalment disinn ġdid sħiħ tal-arkitettura tas-sistema. L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-PRM TSI għall-awtovaguni B2 iddewwem ukoll l-awtorizzazzjoni tal-vetturi u tinvolvi kostijiet addizzjonali.

(7)

Bħala miżura ta’ mitigazzjoni, l-Irlanda pproponiet li l-awtovaguni B2 ikollhom l-istess disinn bħall-vetturi eżistenti. L-awtovaguni B2 ikkonċernati kienu ddisinjati skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-Istandards tal-Grupp Ferrovjarju stabbiliti mill-British Rail Safety and Standards Board (RSSB), l-istandards CEN-CENELEC, u l-istandards nazzjonali Irlandiżi. Id-disinn tagħhom jiddevja mir-rekwiżiti ta’ dawk l-istandards u l-kodiċijietfejn meħtieġ biss biex ikunu żgurati l-integrazzjoni u l-kompatibbiltà sikuri tal-vetturi man-network ferrovjarju tal-Irlanda fl-istatus attwali tiegħu.

(8)

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-PRM TSI ġġib benefiċċji negliġibbli fuq dak id-disinn, filwaqt li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-PRM TSI jkun limitat sal-punt meħtieġ għall-kompatibbiltà tal-aċċessibbiltà mal-formazzjonijiet fissi eżistenti. Kif muri mill-passiġġieri regolari tal-formazzjonijiet fissi eżistenti, id-dispożizzjonijiet alternattivi proposti jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali rilevanti u jikkumpensaw kull nuqqas ta’ applikazzjoni tal-PRM TSI.

(9)

Fir-rigward tal-punt 4.2.2.1.1(2) tal-PRM TSI, il-manku tas-sedili huwa tal-istess tip bħal dawk iffittjati fil-formazzjonijiet fissi eżistenti. Jikkonforma mar-rekwiżiti tal-PRM TSI għall-mankijiet fl-aspetti kollha għajr għaċ-ċentru tal-parti li tista’ tintuża tal-manku, li huwa 15 mm ogħla minn kif preskritt fil-PRM TSI.

(10)

Fir-rigward tal-punt 4.2.2.1.2.1(8) tal-PRM TSI, is-sedil prijoritarju huwa l-istess bħal dak użat fil-formazzjonijiet fissi eżistenti. Huwa konformi mal-PRM TSI fl-aspetti kollha għajr għas-superfiċe utli ta’ bilqiegħda, li hija inqas minn 1 % iżgħar minn kif meħtieġ mill-PRM TSI. Dan it-tnaqqis żgħir ma jostakolax l-aċċessibbiltà għas-sedil u meta jkun qed jintuża, ma jwassalx biex il-passiġġieri bilqiegħda f’sedili prijoritarji li jmissu ma’ xulxin jidħlu fl-ispazju ta’ xulxin.

(11)

Fir-rigward tal-punt 4.2.2.3.1(5) tal-PRM TSI, il-kontrolli għall-ftuħ u għall-għeluq tal-bibien huma l-istess bħal dawk użati fil-formazzjonijiet fissi eżistenti. Huma konformi mal-PRM TSI fl-aspetti kollha għajr fir-rigward tal-buttuna għall-ftuħ, li tinsab taħt il-buttuna għall-għeluq.

(12)

Fir-rigward tal-punt 4.2.2.7.2(6) tal-PRM TSI, is-sistema għall-prenotazzjoni tas-sedili hija l-istess bħal dik użata fil-formazzjonijiet fissi eżistenti f’termini ta’ dimensjonijiet u dehra. Tuża l-ittri biex tidentifika l-vetturi. L-ittri jintwerew fuq in-naħa ta’ barra tal-vettura fuq l-iskrins esterni tad-destinazzjoni. L-għoli tal-ittri huwa ta’ 55 mm minflok ta’ 70 mm kif preskritt mill-PRM TSI.

(13)

Fir-rigward tal-punt 4.2.2.7.3(4) tal-PRM TSI, l-iskrins interni huma l-istess bħal dawk użati għall-formazzjonijiet fissi eżistenti f’termini ta’ dimensjonijiet u dehra. Huma konformi mal-PRM TSI fl-aspetti kollha għajr fl-għoli tal-karattri, li huwa ta’ 35 mm minflok ta’ 55 mm kif preskritt mill-formula tad-distanza ta’ viżwalizzazzjoni tal-PRM TSI.

(14)

L-awtovaguni B2 u t-trainsets b’formazzjoni fissa li fihom ikunu inklużi huma maħsuba li jintużaw fiż-żona ġeografika li tkopri n-network ferrovjarju kollu tal-Irlanda, li juża gauge differenti ta’ 1 600 mm, bl-ebda possibbiltà ta’ użu kummerċjali vijabbli mill-ġdid f’żoni oħra taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.

(15)

In-network Irlandiż huwa konness man-network tal-Irlanda ta’ Fuq. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020. Għalhekk, l-Irlanda ta’ Fuq saret pajjiż terz ġar tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, l-Irlanda ma għadhiex taqsam fruntiera tal-art ma’ Stat Membru ieħor u n-network ferrovjarju tal-Irlanda sar separat u iżolat mill-bqija tan-network ferrovjarju tal-Unjoni Ewropea.

(16)

It-talba ppreżentata mill-Irlanda, u b’mod partikolari l-informazzjoni li tinsab fil-fajl, hija kompluta u koerenti, u tipprevedi miżuri alternattivi xierqa li għandhom jiġu applikati.

(17)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (e), u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 huma ssodisfati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tal-Irlanda biex ma tapplikax il-punti 4.2.2.1.1(2), 4.2.2.1.2.1(8), 4.2.2.3.1(5), 4.2.2.7.2(6) u 4.2.2.7.3(4) tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1300/2014 għal 101 awtovaguni intermedji tal-Klassi 22000 ICDMU – B2 (“awtovaguni B2”) li se joperaw fuq in-network Irlandiż, hija b’dan aċċettata mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

L-Irlanda għandha tikkomunika lill-Kummissjoni n-numri ta’ identifikazzjoni tal-awtovaguni B2 u l-formazzjonijiet fissi rispettivi tagħhom, għal kull lott ta’ awtovaguni B2 li bdew jitħaddmu fuq in-network Irlandiż, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2026.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 110, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1300/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/856 tat-30 ta’ Mejju 2022 li taċċetta talba mressqa mill-Irlanda skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex ma tapplikax ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 għall-awtovaguni intermedji IÉ-RU tal-Klassi 22000 ICDMU – “B2” (ĠU L 150, 1.6.2022, p. 88, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/856/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji – lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 228, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1302/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 394, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1303/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/909/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)