European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2405

31.10.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2405 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ottubru 2023

dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal transport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Matul l-aħħar deċennji, it-trasport bl-ajru kellu rwol kruċjali fl-ekonomija tal-Unjoni u fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni, bħala wieħed mis-setturi bl-aħjar prestazzjoni u l-aktar dinamiċi tal-ekonomija tal-Unjoni. Dan serva ta’ xprunatur b’saħħtu għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll għall-konnettività u l-mobbiltà kemm tan-negozji kif ukoll taċ-ċittadini, u wieħed mill-konnetturi ewlenin bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-kontinent, b’mod partikolari fi ħdan is-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru. It-tkabbir fis-servizzi tat-trasport bl-ajru kkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-titjib fil-konnettività, filwaqt li rawwem il-koeżjoni u naqqas disparitajiet reġjonali fl-Unjoni, b’mod partikolari għar-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi, skarsament popolati u insulari, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi u kien faċilitatur sinifikanti tal-ekonomija tal-Unjoni.

(2)

Mill-2020, it-trasport bl-ajru kien wieħed mill-aktar setturi milquta mill-kriżi tal-COVID-19. Huwa mistenni li t-traffiku tal-ajru ser jerġa’ jibda gradwalment fis-snin li ġejjin u jirkupra għal-livelli tiegħu ta’ qabel il-kriżi. L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) tistma tkabbir fl-Ewropa sa 3,1 % fis-sena sal-2050 għat-traffiku tal-passiġġieri, u sa 2,4 % fis-sena għat-traffiku tal-merkanzija skont it-tbassir tagħha ta’ wara l-COVID-19 f’xenarju ta’ traffiku għoli. Fl-istess ħin, l-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru ilhom jiżdiedu mill-1990 u x-xejra ta’ żieda fl-emissjonijiet tista’ terġa’ lura hekk kif aħna negħlbu l-pandemija. Għalhekk, huwa fundamentali li tibda t-tħejjija għall-futur u jsiru l-aġġustamenti meħtieġa biex jiġi żgurat settur tat-trasport bl-ajru li jiffunzjona tajjeb u li jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni, b’livelli għoljin ta’ konnettività, affordabbiltà, sikurezza u sigurtà. L-Unjoni stabbiliet obbligi legali permezz tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) biex tikseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 u biex, sal-2030, tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti b’mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-1990. Sabiex dan jinkiseb, is-setturi ekonomiċi kollha, inkluż is-settur tat-trasport, għandhom jieħdu passi rapidi biex jiddekarbonizzaw. Għas-settur tat-trasport bl-ajru, dan jeħtieġ żieda qawwija fil-produzzjoni, il-provvista u l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF).

(3)

Il-funzjonament tas-settur tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru huwa ddeterminat min-natura transfruntiera tiegħu madwar l-Unjoni, u mid-dimensjoni globali tiegħu. Is-suq tal-avjazzjoni huwa wieħed mill-aktar setturi integrati fis-suq intern, regolat minn regoli uniformi dwar l-aċċess għas-suq u kondizzjonijiet operattivi. Il-politika esterna tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni hija regolata minn regoli stabbiliti fil-livell globali fl-ICAO, u fi ftehimiet multilaterali jew bilaterali komprensivi bejn l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, u pajjiżi terzi. Għalhekk, huwa importanti li l-Unjoni ssostni l-isforzi li saru fil-livell internazzjonali, multilaterali u bilaterali biex jiġi promoss livell għoli ta’ ambizzjoni u konverġenza fl-użu ta’ SAF, filwaqt li tipprevedi kondizzjonijiet ekwi internazzjonali.

(4)

Is-suq tat-trasport bl-ajru huwa soġġett għal kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-atturi ekonomiċi globalment u madwar l-Unjoni, li għalihom kondizzjonijiet ekwi huma indispensabbli. L-istabbiltà u l-prosperità tas-suq tat-trasport bl-ajru u l-atturi ekonomiċi tiegħu jiddependu fuq qafas ta’ politika ċar u armonizzat fejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-ajruporti u atturi oħra tal-avjazzjoni jistgħu joperaw abbażi ta’ regoli u opportunitajiet indaqs, li jwasslu għal settur vibranti u għal opportunitajiet ta’ impjieg. Fil-biċċa l-kbira, it-titjiriet intra-UE huma parti minn itinerarji globali stabbiliti f’suq globali tat-trasport bl-ajru. L-istess jgħodd għall-itinerarji minn destinazzjonijiet mhux fl-UE għal destinazzjonijiet mhux fl-UE li jgħaddu minn ajruporti Ewropej. Fejn iseħħu distorsjonijiet fis-suq, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew l-ajruporti jitpoġġew f’riskju ta’ żvantaġġ mal-kompetituri interni jew esterni. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jirriżulta f’telf ta’ kompetittività tal-industrija tat-trasport bl-ajru u jpoġġi f’riskju n-negozji u l-impjiegi tat-trasport bl-ajru, u f’telf ta’ konnettività bl-ajru u għażliet ta’ trasport għaċ-ċittadini u għan-negozji.

(5)

B’mod partikolari, huwa essenzjali li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-fjuwil tal-avjazzjoni, li jammonta għal sehem sostanzjali tal-kostijiet tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru filwaqt li titrawwem id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-ajru bil-promozzjoni ta’ SAF. Il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni ekonomika tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq. Prezzijiet ogħla tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jissarrfu direttament f’nollijiet ogħla għall-konsumatur aħħari jnaqqsu l-konnettività tar-reġjuni, il-mobbiltà taċ-ċittadini u l-kompetittività tas-settur tat-trasport bl-ajru kif ukoll il-mobbiltà. Fejn jeżistu differenzi fil-prezzijiet tal-fjuwil tal-avjazzjoni bejn l-ajruporti tal-Unjoni jew bejn l-ajruporti tal-Unjoni u dawk mhux tal-Unjoni, dan jista’ jwassal lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru biex jadattaw l-istrateġiji ta’ riforniment tagħhom minħabba raġunijiet ekonomiċi. It-tankering tal-fjuwil iżid il-konsum tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u jirriżulta f’emissjonijiet mhux meħtieġa ta’ gassijiet serra. Għaldaqstant, it-tankering tal-fjuwil mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jdgħajjef l-isforzi tal-Unjoni għall-protezzjoni ambjentali. Xi operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jużaw prezzijiet favorevoli tal-fjuwil tal-avjazzjoni fil-bażijiet residenzjali tagħhom bħala vantaġġ kompetittiv għal operaturi oħra tal-inġenji tal-ajru li joperaw rotot simili. Dan jista’ jkollu effetti detrimentali fuq il-kompetittività tas-settur tat-trasport bl-ajru, li jwassal għal distorsjonijiet tas-suq u jagħmel ħsara lill-konnettività tal-ajru. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri biex jipprevjeni prattiki bħal dawn sabiex tiġi evitata ħsara ambjentali bla bżonn kif ukoll biex jiġu restawrati u ppreservati l-kondizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru.

(6)

Objettiv ewlieni tal-politika komuni dwar it-trasport huwa l-iżvilupp sostenibbli. Dan jeħtieġ metodu integrat li għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ trasport tal-Unjoni, filwaqt li jqis l-istandards soċjali u l-objettivi ambjentali. L-iżvilupp sostenibbli tat-trasport bl-ajru jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ miżuri, inkluż strumenti ekonomiċi, li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju minn inġenji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni u li jiżviluppaw suq għall-produzzjoni u l-provvista ta’ SAF. Jenħtieġ li tali miżuri jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni sal-2030 u l-2050.

(7)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti - inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” tistabbilixxi kors ta’ azzjoni għas-sistema tat-trasport tal-Unjoni sabiex tikseb it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tagħha u ssir aktar reżiljenti. Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport bl-ajru hija proċess meħtieġ u ta’ sfida, speċjalment fuq terminu qasir. L-avvanzi teknoloġiċi, u impenn ċar mill-industrija tal-avjazzjoni, segwiti fil-programmi Ewropej u nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni kkontribwew għal tnaqqis importanti fl-emissjonijiet fl-aħħar deċennji. Madankollu, it-tkabbir globali tat-traffiku tal-ajru qabeż it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-settur. Filwaqt li t-teknoloġiji l-ġodda, inkluż l-iżvilupp ta’ inġenju tal-ajru b’emissjonijiet żero li jaħdem bl-elettriku jew bl-idroġenu, huma mistennija jgħinu fit-tnaqqis tad-dipendenza tal-avjazzjoni fuq distanzi qosra fuq l-enerġija fossili fid-deċennji li ġejjin u jista’ jkollhom rwol importanti fl-avjazzjoni kummerċjali fuq terminu medju u twil, l-SAF joffru soluzzjoni promettenti għad-dekarbonizzazzjoni sinifikanti tal-firxiet kollha ta’ titjiriet, kemm fuq terminu qasir, kif ukoll fuq terminu medju u twil. Madankollu, dan il-potenzjal bħalissa fil-biċċa l-kbira tiegħu ma huwiex sfruttat u jeħtieġ appoġġ.

(8)

Il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” ġie implimentat fis-settur tat-trasport bl-ajru. L-użu ta’ magni aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tat-titjiriet kif ukoll għal użu aktar effiċjenti ta’ SAF.

(9)

L-SAF huma fjuwils tal-avjazzjoni li jinkludu fjuwils likwidi, ta’ sostituzzjoni, kompletament funġibbli ma’ fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali u kompatibbli ma’ magni tal-inġenji tal-ajru eżistenti. Diversi perkorsi ta’ produzzjoni ta’ SAF ġew iċċertifikati fil-livell globali għall-użu fl-avjazzjoni ċivili u militari. L-SAF huma lesti mill-aspett teknoloġiku biex ikollhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru diġà fuq terminu qasir ħafna. Dawn mistennija jkunu jammontaw għal parti kbira mit-taħlita tal-fjuwils tal-avjazzjoni fit-terminu medju u fit-tul. Barra minn hekk, bl-appoġġ ta’ standards internazzjonali tal-fjuwils xierqa, u l-appoġġ għat-tfassil ta’ dawk l-istandards, l-SAF jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-kontenut aromatiku tal-fjuwil finali użat minn operatur, u b’hekk jgħinu sabiex jitnaqqsu emissjonijiet oħrajn mhux tas-CO2. Fjuwils tal-avjazzjoni oħra bħall-elettriku jew l-idroġenu huma teknoloġiji promettenti u huma mistennija jikkontribwixxu progressivament għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-ajru, li tibda b’titjiriet fuq distanzi qosra. Dan ir-Regolament għandu l-potenzjal li jkompli jaċċellera l-iżvilupp xjentifiku u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji, kif ukoll li jagħti spinta lill-innovazzjoni kummerċjali fir-rigward tagħhom, billi jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jikkunsidraw dawn it-teknoloġiji meta jsiru maturi u kummerċjalment disponibbli. Dan ser iżid ukoll iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà tas-suq u jaġixxi bħala inċentiv għall-investimenti f’dawn it-teknoloġiji ġodda li huma meħtieġa.

(10)

L-introduzzjoni gradwali tal-SAF fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru ser tirrappreżenta kost addizzjonali tal-fjuwil għal-linji tal-ajru, peress li tali teknoloġiji tal-fjuwil bħalissa huma aktar għaljin biex jiġu prodotti mill-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali. Dan mistenni jaggrava l-kwistjonijiet li diġà jeżistu relatati ma’ kondizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, u jikkawża aktar distorsjonijiet fost l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-ajruporti, anke fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-ICAO mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 (4) u l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) kif emendata mid-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Id-disponibbiltà tal-materja prima u l-kapaċità tal-produzzjoni tal-SAF huma limitati. Kompetizzjoni intensifikata għal materja prima limitata tista’ twassal għal nuqqasijiet ta’ provvista u distorsjonijiet tas-suq u b’hekk taffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni kollu kemm hu. Jenħtieġ li dan ir-regolament jieħu miżuri biex jevita li l-introduzzjoni tal-SAF taffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni billi jiddefinixxi rekwiżiti armonizzati madwar l-Unjoni.

(11)

Fil-livell globali, l-SAF huma regolati u definiti mill-ICAO, fejn il-pajjiżi jaqblu dwar rekwiżiti dettaljati dwar is-sostenibbiltà, it-traċċabbiltà u l-kontabbiltà tal-perkorsi ta’ SAF iċċertifikati għall-użu fuq titjiriet koperti minn CORSIA. Filwaqt li l-inċentivi huma stabbiliti f’CORSIA u l-SAF huma meqjusa bħala pilastru integrali tal-ħidma dwar il-fattibbiltà tal-għan ta’ aspirazzjoni globali fit-tul (LTAG) għal avjazzjoni internazzjonali ta’ emissjonijiet netti żero tal-karbonju sal-2050, adottat fil-41 Assemblea tal-ICAO f’Ottubru 2022, bħalissa ma hemm l-ebda skema obbligatorja dwar l-użu ta’ SAF għal titjiriet internazzjonali. Ftehimiet multilaterali jew bilaterali komprensivi dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni, jew l-Istati Membri tagħha, u pajjiżi terzi ġeneralment jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ambjentali. Madankollu, għalissa, tali dispożizzjonijiet ma jimponu l-ebda rekwiżit vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti dwar l-użu ta’ SAF.

(12)

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq globali tat-trasport bl-ajru li jistgħu jwasslu għat-telf tal-flussi tat-traffiku li jgħaddu mill-ajruporti tal-Unjoni u għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u sabiex jinħoloq suq globali tal-SAF, jenħtieġ li l-Unjoni tassumi rwol ta’ tmexxija globali fil-bidla lejn l-użu tal-SAF, tinvolvi ruħha f’negozjati internazzjonali biex jiġu armonizzati d-definizzjonijiet u l-istandards tal-SAF u tippromwovi l-konverġenza internazzjonali dwar ir-regoli li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-użu u l-ippumpjar tal-SAF. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsostnu l-isforzi fl-ICAO għal qafas globali ambizzjuż għall-produzzjoni u l-adozzjoni ta’ SAF. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta regolarment jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhomx effett negattiv fuq il-funzjonament tas-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, il-kompetittività tas-settur, il-kondizzjonijiet ekwi internazzjonali fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru u l-hubs tal-ajruporti u r-ridirezzjonar possibbli tar-rotot li jwassal għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u, fejn xieraq, tippreżenta rimedji biex tindirizza dawn l-effetti negattivi.

(13)

Fil-livell tal-Unjoni, ir-regoli ġenerali dwar l-enerġija rinnovabbli għas-settur tat-trasport huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Fil-passat, dawn l-oqfsa regolatorji transsettorjali orizzontali ma wrewx li huma effettivi biex iwettqu tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għal SAF fit-trasport bl-ajru. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-predeċessur tagħha jistabbilixxu miri ġenerali fil-modi kollha tat-trasport li għandhom jiġu fornuti bi fjuwils rinnovabbli. Minħabba li l-avjazzjoni huwa suq tal-fjuwils relattivament żgħir li għalih il-fjuwils rinnovabbli huma aktar għaljin biex jiġu prodotti meta mqabbel ma modi oħra tat-trasport, u jopera f’suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru kompetittiv u integrat ħafna, jenħtieġ li l-qafas regolatorju jiġi kkomplementat b’miżuri speċifiċi għall-avjazzjoni sabiex tingħata spinta effettiva għall-użu ta’ SAF. Barra minn hekk, il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2018/2001 għandha r-riskju li toħloq frammentazzjoni sinifikanti fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, fejn ir-regoli nazzjonali dwar l-SAF jistabbilixxu miri differenti ħafna. Dan ikun mistenni jkompli jaggrava l-kwistjonijiet b’rabta ma’ kondizzjonijiet ekwi fit-trasport bl-ajru.

(14)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli uniformi għas-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru biex jikkomplementaw id-Direttiva (UE) 2018/2001 u jintlaħqu l-objettivi ġenerali tagħha billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw mis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru u jiġu promossi l-SAF. B’mod partikolari, dan ir-Regolament għandu l-għan li jevita frammentazzjoni tas-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, jipprevjeni distorsjonijiet kompetittivi possibbli bejn l-atturi ekonomiċi, jew prattiki inġusti ta’ evitar tal-kostijiet fir-rigward tar-riforniment tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, filwaqt li jrawwem l-iżvilupp tal-SAF fl-Unjoni. Appoġġ u finanzjament immirati fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, kif ukoll sħubijiet pubbliċi u privati jistgħu jikkomplementaw aktar dan ir-Regolament biex itejbu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-SAF u biex ikomplu jaċċelleraw il-provvista u l-użu tal-SAF. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001; l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw l-użu tal-fjuwils rilevanti koperti minn dan ir-Regolament għall-kisba tal-objettivi u l-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva soġġett għall-kondizzjonijiet u fil-limiti ta’ dik id-Direttiva.

(15)

L-ewwel nett, dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi qafas li jerġa’ jistabbilixxi u jippreserva kondizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru fir-rigward tal-użu tal-fjuwils tal-avjazzjoni. Jenħtieġ li tali qafas jipprevjeni rekwiżiti diverġenti madwar l-Unjoni li jaggravaw il-prattiki ta’ riforniment li jfixklu l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew li jpoġġu lil xi ajruporti tal-Unjoni fi żvantaġġ kompetittiv ma’ oħrajn. It-tieni, dan għandu l-għan li jgħammar lis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru b’regoli sodi biex jiżgura li ishma ta’ SAF li jiżdiedu gradwalment ikunu jistgħu jiġu introdotti fl-ajruporti tal-Unjoni mingħajr effetti detrimentali fuq il-kompetittività tas-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru.

(16)

Huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli armonizzati fis-suq intern, li japplikaw direttament u b’mod uniformi għall-atturi tas-suq tat-trasport bl-ajru minn naħa waħda, u għall-atturi tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni min-naħa l-oħra. Il-qafas ġenerali stabbilit bid-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’lex specialis li tapplika għat-trasport bl-ajru. Din jenħtieġ li tinkludi ishma minimi li jiżdiedu gradwalment għall-provvista ta’ SAF. Jenħtieġ li dawn l-ishma minimi jiġu ddefiniti bir-reqqa, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru li jiffunzjona tajjeb, il-ħtieġa li s-settur tat-trasport bl-ajru jiġi dekarbonizzat u l-istatus attwali tal-industrija tal-SAF.

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-inġenji tal-ajru involuti fl-avjazzjoni ċivili, li jwettqu titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru. Jenħtieġ li ma japplikax għal inġenji tal-ajru bħal inġenji tal-ajru militari u titjiriet użati biss għal operazzjonijiet għal finijiet umanitarji, ta’ ripatriazzjoni u ritorni, kemm jekk volontarji kif ukoll jekk infurzati, li jinkludu r-riammissjonijiet, ta’ tiftix, ta’ salvataġġ, ta’ għajnuna f’diżastri jew mediċi, kif ukoll għal operazzjonijiet doganali, tal-pulizija u tat-tifi tan-nar. Tabilħaqq, it-titjiriet operati f’ċirkostanzi bħal dawn huma ta’ natura eċċezzjonali u għalhekk mhux dejjem jistgħu jiġu ppjanati bl-istess mod bħal titjiriet standard tat-trasport kummerċjali bl-ajru. Minħabba n-natura tal-operazzjonijiet tagħhom, dawn mhux dejjem jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi skont dan ir-Regolament, peress li jistgħu jirrappreżentaw piż bla bżonn. Sabiex ikun hemm kondizzjonijiet ekwi madwar is-suq tal-avjazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri l-akbar sehem possibbli ta’ traffiku tal-ajru kummerċjali operat minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni. Fl-istess ħin u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-konnettività bl-ajru għall-benefiċċji taċ-ċittadini, tan-negozji u tar-reġjuni tal-Unjoni, huwa importanti li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż żejjed fuq l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru f’ajruporti żgħar. Jenħtieġ li jiġi ddefinit limitu tat-traffiku annwali tal-ajru tal-passiġġieri u tat-traffiku tal-merkanzija, li taħtu l-ajruporti ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament; madankollu, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikopri mill-inqas 95 % tat-traffiku totali li jitlaq mill-ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li jiġi ddefinit limitu biex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li huma responsabbli għal numru baxx ħafna ta’ vjaġġi li jitilqu minn ajruporti li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, sabiex jinkiseb livell ogħla ta’ ambizzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li ajruport li jinsab fit-territorju tagħhom, li ma jilħaqx il-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jew li jinsab f’reġjun ultraperiferiku kif iddefinit fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ikun soġġett għal dan ir-Regolament. Jenħtieġ li ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni li ma jilħaqx il-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew li jinsab f’reġjuni ultraperiferiċi, ikun jista’ jitlob lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi biex jiġi ttrattat bħala ajruport tal-Unjoni u jkun soġġett għal dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li persuna li topera titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru li ma tilħaqx il-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jew persuna li topera titjiriet għajr titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru bl-użu ta’ kerosin tal-avjazzjoni tkun tista’ tiddeċiedi li tiġi ttrattata bħala operatur tal-inġenji tal-ajru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għalhekk li tkun soġġetta għal dan ir-Regolament jew li t-titjiriet tat-trasport mhux kummerċjali bl-ajru tagħha jkunu koperti minn dan ir-Regolament.

(18)

L-istandards internazzjonali tal-fjuwils tal-avjazzjoni jiddefinixxu liema tipi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali jistgħu jiġu blendjati jew jitħalltu ma’ SAF, u dan jaffettwa l-applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-fjuwils tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni hija limitata għal fjuwils ta’ sostituzzjoni u għalhekk la tinkludi l-idroġenu u lanqas l-elettriku użat biex jitħaddmu l-inġenji tal-ajru. Għaldaqstant, l-obbligi fuq il-fornituri tal-fjuwils tal-avjazzjoni, il-korpi ta’ ġestjoni tal-ajruporti tal-Unjoni u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru japplikaw għall-fjuwils ta’ sostituzzjoni kull meta ssir referenza għall-fjuwils tal-avjazzjoni, sakemm ma jkunx ikkonċernat l-idroġenu jew l-elettriku.

(19)

Huwa essenzjali li reġjuni Ewropej inqas konnessi, bħar-reġjuni insulari u ultraperiferiċi, li spiss jiddependu fuq l-avjazzjoni bħala l-uniku mezz ta’ konnessjoni, ma jkunux affettwati b’mod sproporzjonat mill-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament u li l-aċċess ta’ dawn ir-reġjuni għall-prodotti u s-servizzi essenzjali jkun żgurat. Sabiex tingħata għajnuna biex tiġi salvagwardjata l-konnettività bl-ajru tar-reġjuni b’inqas għażliet alternattivi ta’ trasport, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għall-effetti possibbli tad-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-affordabbiltà, il-kompetittività u ż-żidiet potenzjali fil-prezzijiet tar-rotot tal-ajru li jgħaqqdu reġjuni remoti u żoni oħra tal-Unjoni.

(20)

Jenħtieġ li jiġu promossi l-iżvilupp u l-użu ta’ SAF b’potenzjal kbir ta’ sostenibbiltà, maturità kummerċjali u innovazzjoni u tkabbir biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet futuri. Dan jenħtieġ li jappoġġa l-ħolqien ta’ suq innovattiv u kompetittiv għall-SAF u jiżgura provvista suffiċjenti ta’ SAF għall-avjazzjoni fuq terminu qasir u twil biex jikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport tal-Unjoni, filwaqt li jsaħħaħ l-isforzi tal-Unjoni lejn livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. L-inċentivi dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika fit-trasport mogħtija skont dritt ieħor tal-Unjoni ser ikollhom impatt pożittiv fuq l-użu ta’ tali fjuwils fl-avjazzjoni. Huwa meħtieġ qafas ta’ sostenibbiltà wieħed, ċar u sod biex tiġi pprovduta ċertezza u kontinwità legali għall-atturi tal-industriji tal-avjazzjoni u tal-fjuwils, dwar l-eliġibbiltà tal-SAF skont dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jkunu eliġibbli l-bijofjuwils tal-avjazzjoni kollha li jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u li huma ċċertifikati skont dik id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ bijofjuwils prodotti minn “għelejjel tal-ikel u tal-għalf” u ċerta materja prima elenkata fl-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament, fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u fjuwils tal-avjazzjoni minn karbonju riċiklat li jikkonformaw mal-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja msemmi f’dik id-Direttiva. F’dak ir-rigward, biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ politiki relatati oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li l-eliġibbiltà tal-bijofjuwils tal-avjazzjoni, fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u fjuwils tal-avjazzjoni minn karbonju riċiklat tkun ibbażata fuq il-kriterji u l-limiti ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001.

B’mod partikolari, SAF prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001 huma essenzjali, peress li bħalissa dawn huma l-aktar teknoloġija kummerċjalment matura għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bl-ajru diġà fuq terminu qasir. Jenħtieġ li s-sehem rinnovabbli tal-fjuwils prodotti permezz tal-koproċessar ikun eliġibbli skont id-definizzjoni ta’ SAF, sakemm is-sehem rinnovabbli jiġi prodott minn materja prima elenkata fid-Direttiva (UE) 2018/2001 bl-eċċezzjoni ta’ bijofjuwils prodotti minn “għelejjel tal-ikel u tal-għalf” kif definiti f’dik id-Direttiva, u ta’ ċerta materja prima elenkata fl-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament, determinat f’konformità mal-metodoloġija li għandha tiġi stabbilita f’regolament delegat tal-Kummissjoni adottat skont id-Direttiva (UE) 2018/2001. L-idroġenu rinnovabbli għall-avjazzjoni u l-fjuwils tal-avjazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jiksbu mill-inqas l-istess livell ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja bħall-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi jista’ jkollhom rwol fis-sostituzzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali u jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni u għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Minħabba l-użu tal-materja prima għall-kożmetiċi u l-għalf tal-annimali, jenħtieġ li l-bijofjuwils għall-avjazzjoni għajr il-bijofjuwils avvanzati kif definiti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u għajr il-bijofjuwils prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX ta’ dik id-Direttiva fornuti f’ajruporti tal-Unjoni minn kull fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jammontaw għal massimu ta’ 3 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni fornut għall-finijiet tal-konformità mal-ishma minimi ta’ SAF li jiġu fornuti f’kull ajruport tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

(22)

Ġabra wiesgħa ta’ materja prima eliġibbli hija essenzjali biex jiġi massimizzat il-potenzjal biex tiżdied il-produzzjoni tal-SAF b’kostijiet affordabbli, filwaqt li fl-istess ħin tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tagħha. Dan ir-Regolament jeskludi ċerti tipi ta’ materja prima dment li tali materja prima ma tkunx inkluża fl-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u tissodisfa l-kondizzjonijiet applikabbli kollha jekk tali kondizzjonijiet ikunu stabbiliti f’dak l-Anness. Jenħtieġ għalhekk li l-lista ta’ materja prima eliġibbli skont dan ir-Regolament ma tkunx statika iżda tevolvi maż-żmien biex tinkludi materja prima sostenibbli ġdida f’konformità ma’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li l-bidliet fil-lista ta’ materja prima fl-Anness IX ta’ dik id-Direttiva, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet rilevanti ta’ dak l-Anness, jiġu riflessi direttament fil-lista ta’ fjuwils eliġibbli skont dan ir-Regolament għall-produzzjoni tal-SAF.

(23)

Minħabba raġunijiet ta’ sostenibbiltà, jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli bijofjuwils tal-avjazzjoni bbażati fuq l-għelejjel tal-għalf u tal-ikel, inkluż il-bijofjuwils b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art. B’mod partikolari, tibdil indirett fl-użu tal-art iseħħ meta l-kultivazzjoni tal-għelejjel għall-bijofjuwils tieħu post il-produzzjoni tradizzjonali tal-għelejjel għal skopijiet ta’ ikel u għalf. Tali domanda addizzjonali żżid il-pressjoni fuq l-art u tista’ twassal għall-estensjoni tal-art agrikola f’żoni b’ħażna kbira ta’ karbonju, bħal foresti, artijiet mistagħdra u torbiera, filwaqt li toħloq emissjonijiet addizzjonali ta’ gassijiet serra u tħassib dwar it-telf tal-bijodiversità. Ir-riċerka wriet li l-iskala tal-effett tiddependi minn varjetà ta’ fatturi, inkluż it-tip ta’ materja prima użata għall-produzzjoni tal-fjuwil, il-livell ta’ domanda addizzjonali għall-materja prima kkawżata mill-użu tal-bijofjuwils u sa liema punt l-art b’ħażna kbira ta’ karbonju hija protetta madwar id-dinja. L-akbar riskji ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art ġew identifikati għall-bijofjuwils, fjuwils prodotti minn materja prima li għalihom ġiet osservata espansjoni sinifikanti taż-żona tal-produzzjoni f’art b’ħażna kbira ta’ karbonju. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-fjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-għalf u tal-ikel ma jiġux promossi. Dan l-approċċ huwa konformi mal-politika tal-Unjoni u b’mod partikolari mad-Direttiva (UE) 2018/2001, li tillimita u tistabbilixxi limitu massimu fuq l-użu ta’ tali bijofjuwils fit-trasport bit-triq u bil-ferrovija, meta jiġu kkunsidrati l-benefiċċji ambjentali aktar baxxi tagħhom, prestazzjoni aktar baxxa f’termini ta’ potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tħassib usa’ dwar is-sostenibbiltà. Minbarra l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mat-tibdil indirett fl-użu tal-art — li huwa kapaċi jċaħħad parti mill-iffrankar jew l-iffrankar kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ bijofjuwils individwali — it-tibdil indirett fl-użu tal-art joħloq riskji wkoll għall-bijodiversità.

Dawk ir-riskji huma partikolarment serji b’rabta ma’ espansjoni potenzjalment kbira tal-produzzjoni ddeterminata minn żieda sinifikanti fid-domanda. Is-settur tat-trasport bl-ajru bħalissa għandu livelli insinifikanti ta’ domanda għall-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, peress li aktar minn 99 % tal-fjuwils tal-avjazzjoni użati bħalissa huma ta’ oriġini fossili. Għalhekk huwa xieraq li jiġi evitat il-ħolqien ta’ domanda potenzjalment kbira għal bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf billi jiġi promoss l-użu tagħhom skont dan ir-Regolament. In-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel skont dan ir-Regolament jimminimizza wkoll kwalunkwe riskju li jitnaqqas ir-ritmu tad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bit-triq, li altrimenti jista’ jirriżulta minn bidla ta’ bijofjuwils ibbażati fuq l-għelejjel mit-trasport bit-triq għas-settur tal-avjazzjoni. Huwa essenzjali li tiġi minimizzata bidla bħal din, peress li t-trasport bit-triq bħalissa għadu bil-bosta l-aktar settur tat-trasport li jniġġes.

(24)

Informazzjoni preċiża u korretta dwar il-karatteristiċi tal-SAF hija ta’ importanza kbira għall-funzjonament xieraq ta’ dan ir-Regolament. Sabiex tiġi promossa l-fiduċja tal-konsumatur u jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà, jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkunu responsabbli biex jipprovdu l-informazzjoni korretta fir-rigward tal-karatteristiċi tal-SAF fornuti, il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà tiegħu u l-oriġini tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-SAF. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi rrappurtata fil-bażi tad-data tal-Unjoni stabbilita f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001. Jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkun ġie ppruvat li pprovdew informazzjoni qarrieqa jew mhux preċiża dwar il-karatteristiċi jew l-oriġini tal-SAF li jipprovdu jiġu soġġetti għal penali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jdaħħlu informazzjoni f’waqtha u preċiża fil-bażi tad- data tal-Unjoni u li dik l-informazzjoni tiġi vverifikata u awditjata. Sabiex tiġi miġġielda l-possibbiltà ta’ frodi, inkluż fir-rigward tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ SAF importata minn barra l-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Unjoni, isaħħu l-mekkaniżmi ta’ kontroll għall-vjeġġi, inkluż awditi fuq il-post, f’konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stabbiliet regoli ta’ implimentazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 sabiex tkompli tarmonizza u ssaħħaħ ir-regoli dwar l-affidabbiltà, it-trasparenza u l-awditjar indipendenti kif ukoll dwar il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fis-superviżjoni tal-awditi.

(25)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikollu l-għan li jiżgura li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jikkompetu abbażi ta’ opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għall-SAF. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, jenħtieġ li l-ajruporti kollha tal-Unjoni jiġu fornuti b’ishma minimi uniformi ta’ SAF. Filwaqt li s-suq huwa liberu li jforni u juża kwantitajiet akbar ta’ SAF, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiżgura li l-ishma minimi obbligatorji tal-SAF ikunu identiċi fl-ajruporti kollha tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata ċarezza u ċertezza legali u b’hekk jiġu mħeġġa l-iżvilupp u l-użu mis-suq tal-aktar teknoloġiji tal-fjuwil tal-avjazzjoni sostenibbli u innovattivi b’potenzjal ta’ tkabbir biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet futuri, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi ishma minimi li jiżdiedu gradwalment ta’ SAF, inkluż ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi maż-żmien. L-istabbiliment ta’ ishma minimi dwar il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi bħala parti mill-ishma minimi ta’ SAF huwa meħtieġ fid-dawl tal-potenzjal sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni ta’ tali fjuwils tal-avjazzjoni, u fid-dawl tal-kostijiet tal-produzzjoni stmati attwali tagħhom. Meta jiġu prodotti mill-elettriku rinnovabbli u mill-karbonju li jinqabad direttament mill-arja, il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi jistgħu jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet sa 100 % meta mqabbel mal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali. Dawn għandhom ukoll vantaġġi notevoli meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ SAF fir-rigward tal-effiċjenza fir-riżorsi (b’mod partikolari għall-ħtiġijiet tal-ilma) tal-proċess tal-produzzjoni. Madankollu, il-kostijiet tal-produzzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi bħalissa huma stmati bejn tlieta u sitt darbiet ogħla mill-prezz tas-suq tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi ishma minimi ddedikati għal din it-teknoloġija.

(26)

Filwaqt li jiżguraw il-kisba ta’ dawn ir-rekwiżiti armonizzati tal-Unjoni dwar il-provvista ta’ SAF, l-Istati Membri jistgħu jsegwu politiki u inizjattivi ta’ appoġġ li għandhom l-għan li jżidu l-livell tal-produzzjoni u tal-użu ta’ SAF, inkluż il-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi. Jenħtieġ li dawk il-politiki u l-inizjattivi jkunu trasparenti, nondiskriminatorji, proporzjonati u ta’ natura ġenerali miftuħa għall-intrapriżi kollha. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jimplimentaw miżuri ddedikati barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu bl-għan li jiġi ffaċilitat l-użu ta’ SAF jew li jiġi dekarbonizzat is-settur tat-trasport bl-ajru.

(27)

In-nuqqas ta’ metodoloġija, kriterji u indikaturi komuni ċċertifikati, irrappurtati u mmonitorjati b’mod adegwat jippermetti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiddikjaraw livelli ta’ prestazzjoni tal-emissjonijiet tat-titjiriet tagħhom li ma jistgħux jitqabblu ma’ xulxin. Il-passiġġieri jeħtieġ li jkunu jistgħu jafdaw l-informazzjoni mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru rigward is-sostenibbiltà tal-fjuwils tal-avjazzjoni li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jużaw u s-sostenibbiltà tat-titjiriet tagħhom sabiex jagħmlu għażliet infurmati meta jqabblu l-għażliet differenti ta’ titjiriet, kemm għal titjiriet diretti kif ukoll għal dawk indiretti, offruti mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata, hija meħtieġa informazzjoni aktar robusta, affidabbli, indipendenti u armonizzata dwar l-impatt ambjentali tat-titjiriet. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji u l-indikaturi użati biex jiġi kkomunikat il-livell tar-rendiment tal-emissjonijiet tat-titjiriet tagħhom taħt tikketta ambjentali komuni volontarja (it-“tikketta”). Jenħtieġ li jkun possibbli li dawn jiġu aġġornati faċilment biex ilaħħqu mal-bidliet teknoloġiċi u l-istandards internazzjonali u Ewropej. Peress li xi data meħtieġa biex jiġu kkalkulati l-livell u l-kwalità ta’ SAF użati u kriterji oħra biex titkejjel il-prestazzjoni mil-lat ta’ sostenibbiltà ta’ titjira tista’ tkun kummerċjalment sensittiva, huwa ugwalment meħtieġ li korp indipendenti jiċċentralizza r-rapporti mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, jimmonitorja d-data tagħhom, jiċċertifika l-preċiżjoni tagħhom u joħroġ tikketta fil-livell xieraq. Meta titqies in-natura dinamika tad-data pprovduta mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, jenħtieġ li t-tikketta tkun soġġetta għal kontroll u validazzjoni perjodiċi, bħal fi tmiem kull staġun tal-IATA. Kull meta jkun meħtieġ, dik id-data tkun ibbażata fuq stimi bħall-fattur medju tat-tagħbija għal titjira, rotta u staġun partikolari. Meta jitqies li l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-“Aġenzija”) għandha obbligi ta’ monitoraġġ u rapportar skont dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-Aġenzija tkun il-korp tal-Unjoni inkarigat mill-implimentazzjoni tat-tikketta. Għalhekk huwa xieraq li jiġu pprovduti l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tat-tikketta biex titkejjel il-prestazzjoni ambjentali tal-avjazzjoni u, sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk il-kondizzjonijiet, li l-Aġenzija tintalab tirrevedihom perjodikament.

(28)

Bl-introduzzjoni u ż-żieda ta’ SAF fl-ajruporti tal-Unjoni, il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil jistgħu jiġu aggravati bħala konsegwenza taż-żidiet fil-kost tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Il-prattiki tat-tankering tal-fjuwil mhumiex sostenibbli u jenħtieġ li jiġu evitati peress li jimminaw l-isforzi tal-Unjoni biex jitnaqqas l-impatt ambjentali mit-trasport. Dawn imorru kontra l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni peress li żieda fil-piż tal-inġenji tal-ajru żżid il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet relatati fuq titjira partikolari. Il-prattiki tat-tankering ipoġġu wkoll f’riskju l-kondizzjonijiet ekwi fl-Unjoni bejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, u bejn l-ajruporti. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikjedi li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jagħmlu riforniment qabel it-tluq minn ajruport partikolari tal-Unjoni. L-ammont ta’ fjuwil li jkun ġie ppumpjat qabel it-tluq minn ajruport partikolari tal-Unjoni jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-ammont ta’ fjuwil meħtieġ biex jiġu operati t-titjiriet li jitilqu minn dak l-ajruport. Ir-rekwiżit jiżgura li japplikaw kondizzjonijiet ugwali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru tal-Unjoni u dawk barranin madwar l-Unjoni, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. Peress li r-Regolament ma jiddefinixxix ishma massimi ta’ SAF fil-fjuwils kollha tal-avjazzjoni, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu jsegwu politiki ambjentali aktar ambizzjużi b’użu u provvista ta’ SAF ogħla fin-network ġenerali tal-operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li jevitaw it-tankering tal-fjuwil. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament iqis ukoll il-fatt li t-tankering tal-fjuwil xi drabi jseħħ sabiex ikun hemm konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (8) u, f’każijiet bħal dawn, huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ sikurezza. Dan jista’ jinkludi pereżempju każijiet ta’ nuqqas ta’ fjuwil jew kontaminazzjoni tal-fjuwil fl-ajruport tad-destinazzjoni kkonfermati minn Avviż lill-Avjaturi jew minn Avviż lill-Missjonijiet tal-Ajru (NOTAM). Barra minn hekk, it-tankering tal-fjuwil jista’ jkun il-konsegwenza ta’ diffikultajiet operazzjonali speċifiċi għal xi operaturi tal-inġenji tal-ajru f’xi ajruporti, fost l-oħrajn f’termini ta’ ħin tat-turnaround itwal sproporzjonat għall-inġenji tal-ajru jew kapaċità mnaqqsa tal-ajruport fl-eqqel ħinijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni flimkien mal-Aġenzija timmonitorja mill-qrib, tevalwa u tanalizza każijiet rappurtati ta’ tankering tal-fjuwil u r-raġunijiet sottostanti tagħhom u, jekk xieraq, tippreżenta proposti leġiżlattivi biex temenda dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE li jinvestigaw u jissanzjonaw imġiba antikompetittiva minn atturi fis-suq biex jipproteġu l-funzjonament xieraq tas-suq għal SAF, b’mod partikolari, fejn l-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data tal-Unjoni u data oħra rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti tiżvela prattiki antikompetittivi.

(29)

Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiġu eżentati għal perjodu limitat mill-obbligu ta’ riforniment qabel it-tluq fuq rotot speċifiċi li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni f’każ li dawk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu juru diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti fir-riforniment tal-inġenji tal-ajru f’ajruport partikolari tal-Unjoni li jżommuhom milli jwettqu titjiriet bir-ritorn fi żmien raġonevoli, li jista’ jkollhom impatt fuq il-konnettività speċjalment ta’ reġjuni periferiċi, jew diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil li jwasslu għal prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti tal-fjuwils meta mqabbla mal-prezzijiet applikati bħala medja għal tipi simili ta’ fjuwils f’ajruporti oħra tal-Unjoni. Il-prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti fl-ajruport tal-Unjoni inkwistjoni ma għandhomx ikunu primarjament ir-riżultat tal-użu ogħla ta’ SAF f’dak l-ajruport tal-Unjoni.

(30)

L-użu ulterjuri ta’ SAF, li tipikament ikollhom kontenut aromatiku u tal-kubrit aktar baxxi, ser jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt klimatiku mhux ta’ CO2. Tnaqqis ulterjuri tal-kontenut aromatiku u ta’ kubrit fil-fjuwils tal-avjazzjoni jista’ jnaqqas il-formazzjoni ta’ sħab ta’ kondensazzjoni tat-tip cirrus, itejjeb il-kwalità tal-arja fl-ajruporti u madwarhom, u jtejjeb il-kwalità tal-fjuwil għall-benefiċċju tal-linji tal-ajru, kemm permezz ta’ densità għolja tal-enerġija kif ukoll minħabba kostijiet ta’ manutenzjoni aktar baxxi minħabba livelli aktar baxxi ta’ nugrufun. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-interdipendenzi bejn l-emissjonijiet ta’ CO2 u dawk mhux ta’ CO2. Madankollu, it-tnaqqis tal-kontenut aromatiku fil-fjuwils tal-avjazzjoni jeħtieġ li jsir filwaqt li jiġu rispettati r-regoli internazzjonali dwar is-sikurezza tal-fjuwil u filwaqt li jiġu ppreservati kondizzjonijiet ekwi internazzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jirrapportaw lill-Aġenzija u lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-kontenut aromatiku, ta’ naftaleni u ta’ kubrit tal-fjuwils tal-avjazzjoni fornuti. Meta jirrapportaw tali informazzjoni, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu jiddependu fuq ċertifikati rilevanti dwar il-kwalità tal-fjuwil prodott biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandards internazzjonali tal-kwalità tal-fjuwil ipprovduti mill-produtturi u minn dawk li jħalltu l-fjuwils.

(31)

Minbarra l-effetti tagħhom ta’ tibdil fil-klima, il-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja. Iż-żieda fl-użu ta’SAF jista’ jkollha rwol fit-titjib tal-kwalità tal-arja.

(32)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-korpi ta’amministrazzjoni ta’ ajruporti tal-Unjoni koperti minn dan ir-Regolament jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-fjuwils tal-avjazzjoni li fihom SAF, sabiex ma jikkostitwixxux ostaklu fir-rigward tal-użu ta’ SAF. Jekk ikun meħtieġ, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-ajruport tal-Unjoni jkunu jistgħu jirrikjedu li l-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport tal-Unjoni jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament għad-distribuzzjoni u r-riforniment bla xkiel tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru bl-SAF. Jenħtieġ li r-rwol tal-awtoritajiet kompetenti jippermetti lill-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni u lill-operaturi tal-inġenju tal-ajru jkollhom punt fokali komuni, fil-każ li tkun meħtieġa kjarifika teknika dwar id-disponibbiltà tal-infrastruttura tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Meta l-inġenji tal-ajru li jaħdmu bl-elettriku jew bl-idroġenu jsiru maturi u kummerċjalment disponibbli u fejn xieraq, ser ikun meħtieġ li l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-amministraturi tal-fjuwil koperti minn dan ir-Regolament, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkooperaw u jiffaċilitaw l-aċċess għall-infrastruttura xierqa għall-idroġenu u l-iċċarġjar tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru, f’konformità mal-qafas politiku nazzjonali rispettiv għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

(33)

Ħafna ajruporti tal-Unjoni huma fornuti bi fjuwils tal-avjazzjoni prinċipalment permezz ta’ pipelines minn raffineriji jew stazzjonijiet ta’ taħlit ta’ SAF. Għalhekk huwa essenzjali li l-partijiet responsabbli għal dawn il-pipelines jikkooperaw u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippermettu l-aċċess bla waqfien u mingħajr interruzzjonijiet tal-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għall-infrastruttura tal-fjuwils tal-avjazzjoni tat-trasport ċivili biex jipprovdu kemm fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali kif ukoll fjuwils tal-avjazzjoni li jkun fihom ishma ta’ SAF.

(34)

Jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu meħtieġa jirrapportaw kull sena lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom u lill-Aġenzija dwar ix-xiri tagħhom ta’ SAF, u dwar l-attributi tagħhom. Jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-oriġini tal-materja prima, il-proċess ta’ konverżjoni u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull xiri u tip ta’ SAF.

(35)

Jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu meħtieġa wkoll jirrapportaw kull sena dwar l-ippumpjar reali tagħhom tal-fjuwil tal-avjazzjoni għal kull ajruport tal-Unjoni, inkluż il-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil, sabiex jagħtu prova li ma kien hemm l-ebda tankering tal-fjuwil mhux ġustifikat. Jenħtieġ li r-rapporti jiġu vverifikati minn verifikaturi indipendenti u jiġu trażmessi lill-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti u lill-Aġenzija għall-fini tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità. Jenħtieġ li l-verifikaturi indipendenti jiddeterminaw l-akkuratezza tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ irrapportat mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru permezz ta’ għodda approvata mill-Kummissjoni.

(36)

Mingħajr preġudizzju għad-data rreġistrata mill-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (9), jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkunu meħtieġa jirrapportaw kull sena fil-bażi tad-data tal-Unjoni msemmija f’dik id-Direttiva, dwar il-provvista tagħhom tal-fjuwil tal-avjazzjoni, inkluż l-SAF u l-attributi tiegħu. Jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-oriġini tal-materja prima, il-proċessi ta’ konverżjoni u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-SAF fornut. L-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-SAF tinkludi t-tip ta’ prodott u materja prima użati u karatteristiċi oħra ta’ sostenibbiltà meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-SAF mal-kriterji ta’ sostenibbiltà skont id-Direttiva (UE) 2018/2001.

(37)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità jew awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni u l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiddefinixxi r-regoli għall-attribuzzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni u l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-Aġenzija tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti d-data aggregata għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li għalihom dawn l-awtoritajiet huma kompetenti. Sa fejn ikun possibbli, jenħtieġ li l-livell ta’ aggregazzjoni jagħmilha possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jqabblu dik id-data aggregata ma’ sorsi oħra ta’ data.

(38)

Jenħtieġ li l-Aġenzija tippubblika rapport tekniku fuq bażi annwali u tgħaddih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan huwa meħtieġ biex tiġi pprovduta viżibbiltà ċara dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dwar ix-xiri u l-forniment ta’ SAF fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi rilevanti, dwar l-istat tas-suq, li jinkludi informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tad-distakk fil-prezzijiet bejn l-SAF u l-fjuwils fossili, u dwar il-kompożizzjoni tal-fjuwil tal-avjazzjoni.

(39)

Mingħajr proċeduri addizzjonali, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod preċiż jekk l-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-fatt ippumpjawx fiżikament ishma ta’ SAF fit-tankijiet tagħhom f’ajruporti speċifiċi tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jitħallew jirrapportaw l-użu tagħhom ta’ SAF fuq il-bażi ta’ rekords tax-xiri. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jkunu intitolati li jirċievu mingħand il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni l-informazzjoni li hija meħtieġa biex jirrapportaw ix-xiri ta’ SAF. L-għan tal-użu tas-sistema ta’ bilanċ tal-massa msemmija fid-Direttiva (UE) 2018/2001 huwa li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-fjuwils tal-avjazzjoni, u l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu juru konformità ma’ dan ir-Regolament billi jużaw tali sistema ta’ bilanċ tal-massa, inkluż meta tali sistema tkun kondiviża bejn żewġ Stati Membri jew aktar.

(40)

L-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ mandat dwar l-użu ta’ SAF tista’ twassal għal żvantaġġ kompetittiv mhux xieraq għal-linji tal-ajru tal-Unjoni li joperaw titjiriet diretti fit-tul minn ajruport tal-Unjoni meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li jagħmlu konnessjonijiet permezz ta’ hub ta’ ajruport barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mingħajr politiki ekwivalenti dwar l-SAF. Sabiex jiġi promoss ulterjorment l-użu ta’ SAF fl-Unjoni, li għalihom tkun proġettata differenza sostanzjali fil-prezz fil-futur qarib meta mqabbla ma’ fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali, jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu intitolati jiksbu kwoti b’xejn għall-ippumpjar ta’ SAF f’konformità mal-EU ETS.

(41)

Sabiex jiġi promoss l-użu ta’ SAF li huma proġettati li jkollhom differenza sostanzjali fil-prezz meta mqabbla mal-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali, huwa essenzjali li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jiddikjaraw l-użu ta’ SAF taħt skemi ta’ gassijiet serra bħall-EU ETS jew CORSIA, fid-diskrezzjoni tagħhom stess, mingħajr ma jiddikjaraw darbtejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet. Jenħtieġ li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jitolbux benefiċċji għall-użu ta’ lott ta’ SAF taħt aktar minn skema waħda ta’ gassijiet serra. Jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jintalbu jipprovdu mingħajr ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru kwalunkwe informazzjoni li tappartjeni għall-proprjetajiet tal-SAF mibjugħ lil dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru u li tkun rilevanti għall-finijiet ta’ rapportar mill-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament jew l-iskemi ta’ gassijiet serra.

(42)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi fis-suq intern tal-avjazzjoni u l-aderenza mal-ambizzjonijiet klimatiċi tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jintroduċi penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-livell tal-penali jeħtieġ li jkun proporzjonat għall-ħsara ambjentali u għall-ħsara maħluqa għall-kondizzjonijiet ekwivalenti tas-suq intern ikkawżati min-nuqqas ta’ konformità. Meta jimponu multi u penali oħra, l-awtoritajiet jenħtieġ li jqisu l-evoluzzjoni tal-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni u tal-SAF fis-sena ta’ rapportar u jistgħu jqisu wkoll il-grad tan-nuqqas ta’ konformità, pereżempju fejn ikun hemm ksur ripetut;

(43)

It-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għal SAF ser ikollha rwol konsiderevoli fl-iffaċilitar tad-dekarbonizzazzjoni. Madankollu, meta jitqies is-sottożvilupp attwali tas-suq tal-Unjoni tal-SAF, il-livell għoli ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u d-differenza importanti fil-prezz bejn il-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali u l-SAF, jenħtieġ li din it-tranżizzjoni tiġi appoġġata permezz ta’ inċentivi li jirriflettu l-benefiċċju ambjentali tal-SAF u jagħmluhom aktar kompetittivi għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. L-użu ta’ dħul iġġenerat mill-multi, jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, biex jiġu appoġġati proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-SAF, il-produzzjoni ta’ SAF jew mekkaniżmi li jippermettu li d-differenzi fil-prezzijiet bejn l-SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali jitnaqqsu, jikkontribwixxi għall-kisba ta’ dak l-objettiv.

(44)

Jenħtieġ li l-multi li jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jonqsu milli jissodisfaw l-ishma minimi stipulati f’dan ir-Regolament jiġu kkomplementati bl-obbligu li jfornu s-suq bil-kwantitajiet ta’ SAF, inkluż fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, li jikkorrispondu għan-nuqqas ta’ ssodisfar tal-ishma minimi stipulati fl-Artikolu 4 u fl-Anness I fil-perjodu ta’ rapportar sussegwenti. Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkollhom il-flessibbiltà biex jissodisfaw l-obbligi fir-rigward tal-provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u l-obbligu relatat f’każ ta’ nuqqas f’perjodu tranżitorju bejn l-2030 u l-2034, meta dan l-obbligu jidħol fis-seħħ għall-ewwel darba, sabiex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjoni u l-kisba tal-miri.

(45)

Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ishma minimi ta’ SAF ikunu jistgħu jiġu fornuti b’suċċess lis-suq tal-avjazzjoni mingħajr nuqqas ta’ provvista. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jitfassal u jiġi applikat mekkaniżmu ta’ flessibbiltà li jippermetti żmien ta’ tħejjija ta’ 10 snin għall-industrija tal-SAF biex tiżviluppa l-kapaċità tal-produzzjoni u tal-provvista kif xieraq u biex il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-aktar mod kosteffettiv, mingħajr ma jitnaqqsu l-ambizzjonijiet ambjentali ġenerali ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll biex il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jagħmlu l-investimenti teknoloġiċi u loġistiċi meħtieġa. Jenħtieġ li l-provvista ta’ SAF tibda fl-2025, bil-flessibbiltà prevista fil-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà. Matul l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni jistgħu jfornu fjuwil tal-avjazzjoni li jkun fih ishma ogħla ta’ SAF f’ċerti ajruporti biex jikkumpensaw għall-fjuwils tal-avjazzjoni b’ishma aktar baxxi ta’ SAF f’ajruporti oħra jew għad-disponibbiltà mnaqqsa ta’ fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali f’ajruporti oħra. Bl-istess mod, sabiex is-suq jiġi pprovdut b’ċertezza u prevedibbiltà legali u l-investimenti jiġu xprunati b’mod durabbli lejn il-kapaċità ta’ produzzjoni sostenibbli tal-SAF, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibqa’ stabbli tul iż-żmien.

(46)

It-tranżizzjoni b’suċċess lejn l-SAF teħtieġ approċċ integrat komprensiv u l-ambjent xieraq li jippermetti li tiġi stimulata l-innovazzjoni, li jinvolvi investiment kemm pubbliku kif ukoll privat fir-riċerka u l-iżvilupp u appoġġ għall-installazzjoni mill-ġdid, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, kif ukoll miżuri teknoloġiċi u operazzjonali, u l-użu ta’ SAF u ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero, inkluż l-infrastruttura meħtieġa ta’ riforniment u ċċarġjar fl-ajruporti tal-Unjoni, filwaqt li jitqies il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”. Għal dan l-iskop, jenħtieġ li d-dħul iġġenerat mill-multi skont dan ir-Regolament jiġu allokati lil proġetti marbutin mal-SAF. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ Alleanza Industrijali Ewropea permezz ta’ kollaborazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-valur għandu l-għan li jkompli jrawwem il-provvista u l-użu ta’ SAF fl-Ewropa.

(47)

Ir-riċerka u l-innovazzjoni kellhom rwol sostanzjali fl-iżvilupp ta’ SAF u fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni. Jenħtieġ li l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ SAF jiżdiedu b’mod esponenzjali fis-snin li ġejjin. Għalhekk huwa importanti li jitkomplew dawn l-isforzi u li jiġi ffaċilitat l-investiment fl-SAF. L-investiment fi proġetti ta’ kapaċità marbutin mal-SAF jippreżenta kemm opportunità ambjentali kif ukoll opportunità industrijali, b’effetti konsegwenzjali f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi u innovazzjoni.

(48)

Sabiex tiżdied l-effettività ambjentali tal-miżuri tal-Unjoni u biex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jissodisfaw l-obbligi tal-provvista tal-SAF tagħhom u r-riforniment tal-SAF mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru b’mod kosteffettiv u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, jenħtieġ li l-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, tivvaluta jekk għandhomx jittieħdu aktar miżuri biex jiġu ffaċilitati d-distribuzzjoni u l-użu kosteffettivi tal-SAF fis-suq tal-avjazzjoni tal-Unjoni billi jiġi sseparat ix-xiri tal-SAF mit-twassil u l-użu fiżiku tiegħu. Dan jista’ jsir, fost l-oħrajn, billi tiġi vvalutata l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ ċertifikati ta’ provvista u xiri ta’ SAF negozjabbli, b’elementi ta’ skema ta’ ċertifikati negozjabbli, filwaqt li jiġu ggarantiti kondizzjonijiet ekwi u livell għoli ta’ integrità ambjentali, tiġi żgurata l-konsistenza ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni, inkluż id-Direttivi 2003/87/KE u 2009/28/KE, kif ukoll jiġi minimizzat ir-riskju ta’ frodi, irregolaritajiet jew talbiet doppji. Fl-analiżi tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ix-xejriet u l-inizjattivi globali rilevanti kollha, kif ukoll l-impatt potenzjali li sistema bħal din jista’ jkollha fuq il-funzjonament tas-suq, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe volatilità tas-suq, evoluzzjoni tal-prezzijiet jew imġiba kummerċjali tal-parteċipanti fis-suq.

(49)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet għal rapporti perjodiċi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tas-swieq tal-avjazzjoni u tal-fjuwils, dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq is-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru, dwar il-konnettività għall-gżejjer u t-territorji remoti u dwar il-kompetittività tat-trasportaturi tal-ajru u l-hubs tal-ajruporti tal-Unjoni meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f’pajjiżi ġirien, l-effettività tal-karatteristiċi ewlenin ta’ dan ir-Regolament bħall-ishma minimi ta’ SAF, il-livell ta’ multi jew l-iżviluppi politiċi dwar l-użu tal-SAF fil-livell internazzjonali. Tali elementi huma kruċjali biex jipprovdu sitwazzjoni ċara tas-suq tal-SAF u jenħtieġ li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata reviżjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rapporti tal-Kummissjoni jirreferu wkoll għall-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti leġiżlattivi rilevanti oħra, filwaqt li jidentifikaw id-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu aġġornati u ssimplifikati, inkluż azzjonijiet u miżuri li possibbilment ittieħdu jew li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-kostijiet totali fuq is-settur tat-trasport bl-ajru. F’dawk ir-rapporti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra opzjonijiet għal emendi, fejn xieraq, inkluż mekkaniżmi li jappoġġaw il-produzzjoni u l-ippumpjar ta’ SAF kif ukoll mekkaniżmi li jippermettu li jitnaqqsu d-differenzi fil-prezzijiet bejn l-SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv ta’ dan ir-Regolament fuq il-konnettività bl-ajru u l-kompetizzjoni u biex tittaffa r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

(50)

Ir-rekwiżit stabbilit minn dan ir-Regolament biex jiġi żgurat li ishma minimi ta’ SAF ikunu disponibbli f’kull ajruport tal-Unjoni jista’ jinċentiva lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet ta’ konnessjoni li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni b’destinazzjoni finali barra mill-Unjoni għal tranżitu minn hubs tal-ajruporti mhux tal-UE li mhumiex soġġetti għal dak ir-rekwiżit minflok minn hubs tal-ajruporti tal-UE. Dan jista’ jwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-ajruporti u l-operaturi tal-Unjoni li jużaw tali ajruporti u għal riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Fin-nuqqas ta’ skema obbligatorja dwar l-użu ta’ SAF għal titjiriet internazzjonali fil-livell tal-ICAO jew fi ftehimiet multilaterali jew bilaterali komprensivi dwar it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u/jew l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi b’livell simili ta’ ambizzjoni meta mqabbla mar-rekwiżiti deskritti f’dan ir-Regolament u l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi (10), adottati skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, jew ta’ mekkaniżmi żviluppati fil-livell internazzjonali għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi mmirati li għandhom l-għan li jipprevjenu dawk l-effetti.

(51)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ riforniment tal-fjuwil qabel it-tluq li jista’ jingħata lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u biex jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dettaljati u l-istandards tekniċi għall-funzjonament tas-sistema ta’ tikkettar. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(52)

It-tranżizzjoni lejn l-SAF ser ikollha wkoll l-effett sekondarju li tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili minn pajjiżi terzi, u b’hekk iżżid is-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni. Il-ħtieġa ta’ dan it-tranżizzjoni hija aċċentwata aktar mis-sitwazzjoni politika internazzjonali attwali.

(53)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jinżammu kondizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni tat-trasport bl-ajru filwaqt li jiżdied l-użu ta’ SAF, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tal-avjazzjoni, iżda minflok, minħabba l-karatteristiċi tas-suq u l-effetti tal-azzjoni, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-użu u l-provvista ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAF).

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, għall-ajruporti tal-Unjoni u għall-korpi ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti tal-Unjoni rispettivi tagħhom, u għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

2.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi, wara li jikkonsulta lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport, li ajruport mhux kopert mill-Artikolu 3, il-punt (1), li jinsab fit-territorju tiegħu, irid jiġi ttrattat bħala ajruport tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dment li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) jiġu ssodisfati fil-mument tad-deċiżjoni tal-Istat Membru.

Korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport għal ajruport mhux kopert mill-Artikolu 3, il-punt (1), li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jista’ jagħmel talba biex dak l-ajruport jiġi ttrattat bħala ajruport tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dment li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) fil-mument ta’ dik it-talba. Dak il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport għandu jinnotifika lill-Istat Membru li l-awtorità jew l-awtoritajiet tiegħu huma responsabbli għall-ajruport skont l-Artikolu 11(6) b’dik it-talba. Dik in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn konferma li l-ajruport jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1).

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-“Aġenzija”) mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ rapportar li minnu tapplika dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-Istat Membru għandha tkun akkumpanjata minn opinjoni motivata li turi li hija bbażata fuq kriterji proporzjonati u mhux diskriminatorji, fost l-ajruporti li għandhom karatteristiċi kompetittivi simili.

3.   Persuna li topera titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru li mhix koperta mill-Artikolu 3, il-punt (3), tista’ tiddeċiedi li tiġi ttrattata bħala operatur tal-inġenji tal-ajru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Persuna li topera titjiriet għajr titjiriet tat-trasport kummerċjali bl-ajru skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (4), tista’ tiddeċiedi li tiġi ttrattata bħala operatur tal-inġenji tal-ajru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Persuna koperta mill-Artikolu 3, punt (3), tista’ tiddeċiedi li t-titjiriet tat-trasport mhux kummerċjali bl-ajru tagħha għandhom ikunu koperti wkoll minn dan ir-Regolament. Kwalunkwe persuna bħal din għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu huma responsabbli għal dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru f’konformità mal-Artikolu 11(5). Dak l-Istat Membru għandu jinnotifika dik id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ rapportar li minnu tapplika dik id-deċiżjoni.

4.   Abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lista aġġornata u konsolidata tal-ajruporti u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru tal-Unjoni kkonċernati. Dik il-lista għandha tkun faċilment aċċessibbli.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“ajruport tal-Unjoni” tfisser “ajruport” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1) tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), fejn il-livell ta’ traffiku tal-passiġġieri kien ogħla minn 800 000 passiġġier jew fejn il-livell ta’ traffiku tal-merkanzija kien ogħla minn 100 000 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, u li ma jkunx jinsab f’reġjun ultraperiferiku, kif elenkat fl-Artikolu 349 TFUE;

2.

“korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport tal-Unjoni” fir-rigward ta’ ajruport tal-Unjoni, tfisser il-“korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva 2009/12/KE jew, fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun irriżerva l-ġestjoni tal-infrastrutturi ċentralizzati għas-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil għal korp ieħor skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE (13), dak il-korp l-ieħor;

3.

“operatur ta’ inġenju tal-ajru” tfisser persuna li topera tal-inqas 500 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru għall-passiġġieri, jew 52 titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru tal-merkanzija kollha li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti jew, fejn ma jkunx possibbli li dik il-persuna tiġi identifikata, sid l-inġenju tal-ajru;

4.

“titjira tat-trasport kummerċjali bl-ajru” tfisser titjira operata bl-għan li ġġorr passiġġieri, merkanzija jew posta, bi ħlas jew kiri, inkluż titjira tal-avjazzjoni għal skopijiet ta’ negozju operata għal finijiet kummerċjali;

5.

“rotta” tfisser vjaġġ imwettaq fuq titjira, b’kont meħud tal-postijiet tat-tluq u tad-destinazzjoni ta’ dik it-titjira;

6.

“fjuwil tal-avjazzjoni” tfisser il-fjuwil ta’ sostituzzjoni manifatturat għall-użu dirett mill-inġenju tal-ajru;

7.

“fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli” (“SAF”) tfisser fjuwils tal-avjazzjoni li huma jew:

(a)

fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi;

(b)

bijofjuwils tal-avjazzjoni; jew

(c)

fjuwils tal-avjazzjoni minn karbonju riċiklat;

8.

“bijofjuwils tal-avjazzjoni” tfisser fjuwils li huma jew:

(a)

“bijofjuwils avvanzati” kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (34), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

“bijofjuwils” kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, il-punt (33), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX għal dik id-Direttiva; jew

(c)

“bijofjuwils” kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (33), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, bl-eċċezzjoni ta’ bijofjuwils prodotti minn “għelejjel tal-ikel u tal-għalf” kif definit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, punt (40), ta’ dik id-Direttiva, u li jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja stabbiliti fl-Artikolu 29 ta’ dik id-Direttiva u li huma ċċertifikati f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva;

9.

“fjuwils tal-avjazzjoni minn karbonju riċiklat” tfisser fjuwils tal-avjazzjoni li huma “fjuwils minn karbonju riċiklat” kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li jikkonformaw mal-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja msemmi fl-Artikolu 29a(2) ta’ dik id-Direttiva u huma ċċertifikati f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva;

10.

“lott” tfisser kwantità ta’ SAF li jistgħu jiġu identifikati b’numru u li jistgħu jiġu traċċati;

11.

“emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja” tfisser emissjonijiet ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju ta’ SAF li jqisu l-emissjonijiet ekwivalenti tad-diossidu tal-karbonju tal-produzzjoni, tat-trasport, tad-distribuzzjoni u tal-użu tal-enerġija abbord, inkluż matul il-kombustjoni, ikkalkolati f’konformità mal-metodoloġiji adottati skont l-Artikolu 28(5) jew l-Artikolu 31(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni;

12.

“fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi” tfisser fjuwils tal-avjazzjoni li huma “fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika”, kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (36) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li jikkonformaw mal-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja msemmi fl-Artikolu 29a(1) ta’ dik id-Direttiva u huma ċċertifikati f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva;

13.

“fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” tfisser fjuwils tal-avjazzjoni li huma ta’ oriġini mhux bijoloġika, li l-kontenut tal-enerġija tagħhom huwa derivat minn idroġenu mhux fossili b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jissodisfaw il-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ 70 % u l-metodoloġiji għall-valutazzjoni ta’ dan l-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni;

14.

“fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali” tfisser fjuwils tal-avjazzjoni prodotti minn sorsi fossili mhux rinnovabbli ta’ fjuwils idrokarburi;

15.

“idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-avjazzjoni” tfisser idroġenu għall-użu fl-inġenji tal-ajru li l-kontenut tal-enerġija tiegħu huwa derivat minn sorsi mhux rinnovabbli mhux fossili, li jissodisfa l-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ 70 % u l-metodoloġiji għall-valutazzjoni ta’ dan l-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni;

16.

“idroġenu rinnovabbli għall-avjazzjoni” tfisser idroġenu għall-użu fl-inġenji tal-ajru li jikkwalifika bħala “fjuwil rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika”, kif definit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (36) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u li jikkonforma mal-limitu tal-iffrankar tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja msemmi fl-Artikolu 29a(1) ta’ dik id-Direttiva u huwa ċċertifikat f’konformità mal-Artikolu 30 ta’ dik id-Direttiva;

17.

“idroġenu għall-avjazzjoni” tfisser idroġenu rinnovabbli għall-avjazzjoni jew idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-avjazzjoni;

18.

“fjuwils tal-avjazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” tfisser fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-avjazzjoni;

19.

“fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni” tfisser “fornitur tal-fjuwil” kif definit fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, punt (38) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li jforni fjuwil tal-avjazzjoni jew idroġenu għall-avjazzjoni f’ajruport tal-Unjoni;

20.

“amministratur tal-fjuwil” tfisser fornitur ta’ servizzi fuq l-art li jorganizza u jwettaq operazzjonijiet ta’ riforniment u ta’ tneħħija tal-fjuwil, inkluż il-ħżin tal-fjuwil u l-kontroll tal-kwalità u tal-kwantità tal-konsenji tal-fjuwil, lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Anness tad-Direttiva 96/67/KE;

21.

“post prinċipali tan-negozju” tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta’ fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni fl-Istat Membru li fih iseħħ il-kontroll finanzjarju u operazzjonali prinċipali tal-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni;

22.

“sena ta’ rapportar” tfisser perjodu ta’ sena li fih ir-rapporti msemmija fl-Artikoli 8 u 10 għandhom jiġu ppreżentati, għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru;

23.

“perjodu ta’ rapportar” tfisser perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena ta’ rapportar;

24.

“fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ” tfisser l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni msemmi bħala “il-fjuwil għall-vjaġġ” u “il-fjuwil gћas-sewqan tal-ajruplan” fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (14) li huwa meħtieġ biex operatur tal-inġenji tal-ajru jopera t-titjiriet kollha koperti minn dan ir-Regolament, li jitilqu minn ajruport partikolari tal-Unjoni, matul perjodu ta’ rapportar;

25.

“kwantità annwali mhux ippumpjata fit-tank” tfisser id-differenza bejn il-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ u l-fjuwil attwali ppumpjat minn operatur tal-inġenji tal-ajru qabel it-titjiriet koperti minn dan ir-Regolament li jitilqu minn ajruport partikolari tal-Unjoni, matul perjodu ta’ rapportar;

26.

“kwantità totali annwali mhux ippumpjata fit-tank” tfisser is-somma tal-kwantitajiet annwali mhux ippumpjati fit-tank minn operatur tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti kollha tal-Unjoni matul perjodu ta’ rapportar;

27.

“skema ta’ gassijiet serra” tfisser skema li tagħti benefiċċji lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-użu ta’ SAF.

Artikolu 4

Ishma ta’ SAF disponibbli fl-ajruporti tal-Unjoni

1.   Soġġett għall-Artikolu 15, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandhom jiżguraw li l-fjuwil tal-avjazzjoni kollu li jsir disponibbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’kull ajruport tal-Unjoni jkun fih l-ishma minimi ta’ SAF, inkluż ishma minimi ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku f’konformità mal-valuri u d-dati tal-applikazzjoni stipulati fl-Anness I. Mingħajr preġudizzju għal dawk l-ishma minimi, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandhom jiżguraw ukoll li l-fjuwil kollu li jsir disponibbli għal operaturi tal-inġenji tal-ajru f’kull ajruport tal-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2030 sal-31 ta’ Diċembru 2031 u mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034 jkun fih mill-inqas l-ishma medji ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi f’konformità mal-valuri stipulati fl-Anness I.

Dan l-obbligu għandu jitqies ukoll li ġie ssodisfat meta l-ishma minimi msemmija fl-ewwel subparagrafu jintlaħqu bl-użu ta’:

(a)

idroġenu rinnovabbli għall-avjazzjoni;

(b)

fjuwils tal-avjazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

2.   Għall-fini tal-kalkolu tal-ishma minimi fl-Anness I, meta l-idroġenu għall-avjazzjoni jsir disponibbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’ajruport tal-Unjoni:

(a)

il-valuri dwar il-kontenut tal-enerġija tal-fjuwils rilevanti kollha għandhom ikunu dawk imsemmijin fl-Artikolu 27(2), il-punti (f) u (g), u l-Anness III tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew standards tal-avjazzjoni internazzjonali rilevanti rigward il-fjuwils mhux inklużi f’dak l-Anness; u

(b)

il-kontenut tal-enerġija tal-idroġenu għall-avjazzjoni fornut għandu jitqies kemm fin-numeratur kif ukoll fid-denominatur.

3.   Meta fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jagħmel użu mill-possibbiltà stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jew fejn operatur tal-inġenji tal-ajru jippumpja l-fjuwils imsemmija f’dak is-subparagrafu, ir-referenzi għall-SAF fl-Artikolu 3, il-punti (10), (11) u (27), fl-Artikoli 8, 9 u 10, fl-Artikolu 12(6) u (7), fl-Artikolu 13(1), il-punti (a), (b) u (g), fl-Artikolu 14, fl-Artikolu 15(1) u fl-Anness II għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu wkoll għall-fjuwils tal-avjazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għall-idroġenu rinnovabbli għall-avjazzjoni.

4.   Għal kull perjodu ta’ rapportar, il-bijofjuwils tal-avjazzjoni għajr il-bijofjuwils avvanzati kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, punt (34), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u għajr il-bijofjuwils prodotti mill-materja prima elenkata fil-Parti B tal-Anness IX ta’ dik id-Direttiva fornuti f’ajruporti tal-Unjoni minn kull fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni, għandhom jammontaw għal massimu ta’ 3 % tal-fjuwils tal-avjazzjoni fornuti għall-finijiet tal-konformità mal-ishma minimi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-SAF prodotti mill-materja prima li ġejja għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ishma minimi tal-SAF stipulati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament: “għelejjel tal-ikel u tal-għalf” kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (40), tad-Direttiva (UE) 2018/2001, għelejjel intermedji, distillat tal-aċidu xaħmi tal-palm u materjali derivati mill-palm u mis-sojja, u stokk tas-sapun u d-derivattivi tiegħu.

Madankollu, dik l-esklużjoni ma għandhiex tapplika għal kwalunkwe materja prima li hija inkluża fl-Anness IX tad-Direttiva (UE) 2018/2001, skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

6.   Il-fornituri tal-fjuwils tal-avjazzjoni jistgħu juru konformità mal-obbligu li jinsab fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi jużaw is-sistema ta’ bilanċ tal-massa msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(4) u (5), meta fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jonqos milli jforni l-ishma minimi stipulati fl-Anness I għal perjodu ta’ rapportar partikolari, huwa għandu tal-inqas jikkomplementa dak in-nuqqas fil-perjodu ta’ rapportar sussegwenti. Eċċezzjonalment, meta fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jonqos milli jforni l-ishma medji ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2030 sal-31 ta’ Diċembru 2031, dan għandu mill-inqas jikkomplementa dak in-nuqqas qabel tmiem il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034, u meta fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jonqos milli jforni l-ishma medji tal-fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034, dan għandu mill-inqas jikkomplementa dak in-nuqqas fil-perjodu ta’ rapportar sussegwenti.

Artikolu 5

Obbligu ta’ riforniment għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru

1.   Il-kwantità annwali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni ppumpjat minn operatur tal-inġenji tal-ajru partikolari f’ajruport partikolari tal-Unjoni għandha tkun mill-inqas 90 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ.

2.   Operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jaqa’ taħt il-limitu fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil. F’każijiet bħal dawn, l-operatur tal-inġenji tal-ajru kkonċernat għandu jiġġustifika debitament lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(6) u lill-Aġenzija li taqa’ taħt dak il-limitu, inkluż l-għoti ta’ indikazzjoni tar-rotot milquta. Dik l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fir-rapport skont l-Artikolu 8. Il-kwantitajiet ta’ fjuwil assoċjati għandhom jiġu rrappurtati separatament f’konformità mal-Artikolu 8.

3.   B’mod eċċezzjonali, operatur tal-inġenji tal-ajru jista’, meta debitament ġustifikat, jitlob mill-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 11(6) eżenzjoni temporanja mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għat-titjiriet fuq rotta speċifika eżistenti jew rotta ġdida ta’ inqas minn 850 kilometru, jew 1 200 kilometru għal rotot li jikkollegaw ma’ ajruporti li jinsabu fuq gżejjer mingħajr konnessjonijiet bil-ferrovija jew bit-triq, li jitilqu minn ajruport tal-Unjoni. Dik id-distanza għandha titkejjel bil-metodu tar-rotta ortodromika.

Tali talba għandha ssir mill-inqas tliet xhur qabel id-data prevista tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni, sostnuta minn ġustifikazzjoni dettaljata u adegwata. Tali eżenzjoni għandha tkun limitata għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

diffikultajiet operazzjonali serji u rikorrenti fir-riforniment tal-inġenji tal-ajru fl-ajruport partikolari tal-Unjoni li jżommu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru milli jwettqu titjiriet bir-ritorn fi żmien raġonevoli; jew

(b)

diffikultajiet strutturali fil-provvista tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jirriżultaw mill-karatteristiċi ġeografiċi ta’ ajruport partikolari tal-Unjoni, li jwasslu għal prezzijiet ogħla b’mod sinifikanti tal-fjuwils tal-avjazzjoni meta mqabbla mal-prezzijiet applikati bħala medja għal tipi simili ta’ fjuwils tal-avjazzjoni f’ajruporti oħra tal-Unjoni partikolarment minħabba restrizzjonijiet speċifiċi tat-trasport tal-fjuwil jew disponibbiltà limitata ta’ fjuwils f’dak l-ajruport tal-Unjoni u li jqiegħdu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru kkonċernat fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tas-suq li jeżistu f’ajruporti oħra tal-Unjoni b’karatteristiċi kompetittivi simili.

4.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw dik it-talba. Fid-dawl tal-ġustifikazzjoni pprovduta, hija tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

5.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni dwar dik it-talba mingħajr dewmien żejjed mhux aktar tard minn xahar qabel id-data tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista. Meta l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti jitolbu informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 4, l-iskadenza biex l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni għandha tiġi sospiża sakemm l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi informazzjoni kompluta.

L-eżenzjoni mogħtija għandu jkollha perjodu limitat ta’ validità, li ma jaqbiżx sena, u wara dan għandha tiġi rieżaminata fuq talba tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.

6.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni li jaċċettaw jew jirrifjutaw l-ewwel talba, tkun xi tkun, għal eżenzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 3. In-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ tali deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 5 ma għandux jitqies bħala deċiżjoni li tawtorizza l-eżenzjoni mitluba. In-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni relatata ma’ talba għat-tiġdid ta’ eżenzjoni eżistenti, dment li tali talba tkun sostnuta minn ġustifikazzjoni dettaljata u adegwata, mhux aktar tard minn xahar qabel id-data tat-tiġdid previst, għandu jitqies bħala deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni biex titkompla l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mitluba.

7.   L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkollu d-dritt li jappella deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li jirrifjutaw talba għal eżenzjoni.

8.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw il-lista ta’ eżenzjonijiet awtorizzati u rrifjutati lill-Kummissjoni, filwaqt li jagħtu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tagħhom u l-valutazzjoni li fuqha tkun ibbażata. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ eżenzjonijiet awtorizzati u taġġorna dik il-lista mill-inqas darba fis-sena.

9.   Wara lment bil-miktub imressaq minn Stat Membru, operatur tal-inġenji tal-ajru, il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni kkonċernat, jew fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’, wara li tivvaluta l-ġustifikazzjoni pprovduta għall-eżenzjoni mogħtija skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu fid-dawl tal-kriterji stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jitolbu lill-awtorità jew awtoritajiet kompetenti jadottaw deċiżjoni li tħassar dik l-eżenzjoni mill-bidu tal-perjodu ta’ skedar li jmiss skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 (15). Meta dak il-perjodu ta’ skedar jibda inqas minn xahrejn wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, id-deċiżjoni li tħassar l-eżenzjoni għandha tibda tapplika mill-bidu tal-perjodu ta’ skedar li jmiss. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2).

10.   Sabiex tkun tista’ tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9, il-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand l-Istati Membri u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru. L-Istati Membri u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jipprovdu tali informazzjoni mingħajr dewmien żejjed. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-għoti ta’ informazzjoni mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

11.   Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Settembru 2024, tadotta linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu. Tali linji gwida għandhom jinkludu elementi li operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi biex jiġġustifika dawk l-eżenzjonijiet.

Artikolu 6

Obbligi ta’ korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni biex jiffaċilita l-aċċess għall-SAF

1.   Korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiffaċilitaw l-aċċess ta’ operaturi tal-inġenji tal-ajru għal fjuwils tal-avjazzjoni li fihom ishma minimi ta’ SAF f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Meta operaturi tal-inġenji tal-ajru jirrapportaw lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti diffikultajiet fl-aċċess f’ajruport partikolari tal-Unjoni għall-fjuwils tal-avjazzjoni li jkun fihom ishma minimi ta’ SAF f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-paragrafu 1. Il-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien żejjed.

3.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-informazzjoni kollha li jirċievu f’konformità mal-paragrafu 2. Meta l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti jikkonkludu li l-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 1, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b’dan. F’każijiet ta’ nonkonformità, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitolbu lill-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport tal-Unjoni biex jidentifika u jieħu l-miżuri meħtieġa biex jindirizza n-nuqqas ta’ aċċess adegwat mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għal fjuwils tal-avjazzjoni li fihom ishma minimu ta’ SAF mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tliet snin wara t-talba tal-awtorità kompetenti skont il-paragrafu 2.

4.   Għall-fini tal-paragrafi 2 u 3, fejn xieraq, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni, l-amministraturi tal-fjuwil, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u kwalunkwe parti oħra kkonċernata mid-diffikultajiet irrapportati, għandhom jipprovdu, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed, l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport tal-Unjoni u jikkooperaw mal-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport tal-Unjoni fl-identifikazzjoni u t-teħid tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet irrapportati.

5.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni rilevanti kollha pprovduta skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu lill-Aġenzija sabiex tkun tista’ tfassal ir-rapport tekniku msemmi fl-Artikolu 13.

Artikolu 7

Promozzjoni tal-provvista tal-idroġenu u tal-elettriku fl-ajruporti tal-Unjoni

1.   Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-amministraturi tal-fjuwil għandhom, fejn xieraq, jikkooperaw mal-Istat Membru rispettiv tagħhom għat-tħejjija tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi f’ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

2.   Il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-amministraturi tal-fjuwil għandhom, fejn xieraq, f’konformità mal-oqfsa ta’ politika nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 meta jkun ġie adottat tali qafas, jikkooperaw u jagħmlu sforzi biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-idroġenu jew l-elettriku użat primarjament għall-propulsjoni ta’ inġenju tal-ajru u biex jipprovdu l-infrastruttura u s-servizzi meħtieġa għat-twassil, il-ħżin u l-ippumpjar ta’ tali idroġenu jew elettriku għar-riforniment jew l-irriċarġjar tal-inġenji tal-ajru f’konformità mal-oqfsa ta’ politika nazzjonali għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fejn rilevanti.

3.   Sal-31 ta’ Marzu 2025, u kull sentejn wara, il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Aġenzija dwar l-istat ta’ progress ta’ proġetti eżistenti, għall-ajruport tal-Unjoni rispettiv tagħhom, li jwettqu kwalunkwe waħda mill-inizjattivi msemmija fil-paragrafu 2. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni, li tkun disponibbli għall-pubbliku jew li tista’ ssir pubblika, inkluż, fejn xieraq, projezzjonijiet dwar il-volumi u t-tip ta’ produzzjoni u provvista tal-idroġenu u tal-elettriku lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fl-ajruport tal-Unjoni kif ukoll pjanijiet ta’ varar għall-infrastruttura u s-servizzi tal-irriċarġjar u tar-riforniment fejn jiġu adottati tali pjanijiet.

Artikolu 8

Obbligi ta’ rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru

1.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena ta’ rapportar, u għall-ewwel darba fl-2025, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jirrapportaw l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta’ perjodu ta’ rapportar partikolari lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Aġenzija:

(a)

l-ammont totali ta’ fjuwil tal-avjazzjoni ppumpjat f’kull ajruport tal-Unjoni, espress f’tunnellati;

(b)

il-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ, għal kull ajruport tal-Unjoni, espress f’tunnellati;

(c)

il-kwantità annwali mhux ippumpjata fit-tank, għal kull ajruport tal-Unjoni, li għandha tiġi rrapportata bħala 0 (żero) jekk il-kwantità annwali mhux ippumpjata fit-tank tkun negattiva jew jekk tkun inqas minn jew ugwali għal 10 % tal-fjuwil tal-avjazzjoni annwali meħtieġ;

(d)

il-kwantità annwali ippumpjata fit-tank, għal kull ajruport tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar is-sikurezza tal-fjuwil skont l-Artikolu 5(2), espressa f’tunnellati;

(e)

l-ammont totali ta’ SAF mixtrija mill-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni, għall-fini tal-operat tat-titjiriet tagħhom koperti minn dan ir-Regolament, li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni, espress f’tunnellati.

(f)

għal kull xiri ta’ SAF, l-isem tal-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni, l-ammont mixtri espress f’tunnellati, il-proċess ta’ konverżjoni, il-karatteristiċi u l-oriġini tal-materja prima użata għall-produzzjoni, u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-SAF, u, fejn xirja waħda tinkludi tipi differenti ta’ SAF b’karatteristiċi differenti, tingħata dik l-informazzjoni għal kull tip ta’ SAF;

(g)

it-titjiriet totali operati koperti minn dan ir-Regolament li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni, espressi f’għadd ta’ titjiriet u f’sigħat ta’ titjir.

2.   Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-mudelli stabbiliti fl-Anness II.

3.   Ir-rapport għandu jiġi vverifikat minn verifikatur indipendenti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87/KE, u l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati abbażi tagħhom.

Artikolu 9

Operatur tal-inġenji tal-ajru li jiddikjara l-użu ta’ SAF

1.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru ma għandhomx jitolbu benefiċċji għall-użu ta’ lott identiku ta’ SAF taħt aktar minn skema waħda ta’ gassijiet serra. Il-fattur ta’ emissjoni għall-użu ta’ SAF skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) huwa stabbilit fl-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE jew fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva. Għall-fini tal-allokazzjoni tal-kwoti skont l-EU ETS, għandha tapplika d-Direttiva 2003/87/KE. Għall-fini tal-allokazzjoni ta’ kwoti riżervati għall-ippumpjar ta’ SAF skont l-EU ETS, għandu japplika l-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Flimkien mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 8, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bi:

(a)

dikjarazzjoni tal-iskemi ta’ gassijiet serra li jipparteċipaw fihom u li fihom huwa possibbli għalihom li jirrapportaw SAF;

(b)

dikjarazzjoni li ma rrapportawx taħt aktar minn skema waħda ta’ gassijiet serra lottijiet identiċi ta’ SAF; u

(c)

informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fi skemi ta’ appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali li tippermetti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiġu kkumpensati għall-kostijiet ta’ SAF mixtrija u informazzjoni dwar jekk l-istess lott ta’ SAF irċeviex appoġġ taħt aktar minn skema waħda ta’ appoġġ finanzjarju.

2.   Għall-fini tar-rapportar tal-użu ta’ SAF skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, jew skont skema ta’ gassijiet serra, il-fornituri tal-fjuwils tal-avjazzjoni għandhom jipprovdu lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru informazzjoni rilevanti preċiża relatata mal-perjodu ta’ rapportar, mingħajr ħlas, kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Frar ta’ kull sena ta’ rapportar.

3.   L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jitlob lill-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni biex jipprovdilu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għal obbligi oħra ta’ rapportar, inkluż dawk skont il-liġi nazzjonali. Il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandu jipprovdi dik l-informazzjoni mingħajr ħlas. Fejn it-talba tikkonċerna informazzjoni relatata ma’ perjodu li jkun diġà ntemm fiż-żmien tat-talba, il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandu jipprovdi dik l-informazzjoni fi żmien 90 jum mid-data ta’ dik it-talba. Fejn it-talba tikkonċerna informazzjoni relatata ma’ perjodu ta’ rapportar li jkun għadu ma ntemmx fiż-żmien meta saret it-talba, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħmel ħiltu biex jissottometti t-talba tiegħu mill-inqas 45 jum qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu. Il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandu jipprovdi dik l-informazzjoni fi żmien 45 jum mit-tmiem ta’ dak il-perjodu.

Artikolu 10

Obbligi ta’ rapportar għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni

Sal-14 ta’ Frar ta’ kull sena ta’ rapportar, u għall-ewwel darba fl-2025, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni għandhom jirrapportaw fil-bażi ta’ data tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 31a tad-Direttiva (UE) 2018/2001,l-informazzjoni li ġejja relatata mal-perjodu ta’ rapportar:

(a)

l-ammont ta’ fjuwil tal-avjazzjoni fornut f’kull ajruport tal-Unjoni, espress f’tunnellati;

(b)

l-ammont ta’ SAF fornuti f’kull ajruport tal-Unjoni, u għal kull tip ta’ SAF, kif dettaljat fil-punt (c), espress f’tunnellati;

(c)

il-proċess ta’ konverżjoni, il-karatteristiċi u l-oriġini tal-materja prima użata għall-produzzjoni u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kull tip ta’ SAF fornut fl-ajruporti tal-Unjoni;

(d)

il-kontenut ta’ aromatiċi u naftaleni skont il-volum perċentwali u ta’ kubrit skont il-massa perċentwali fil-fjuwil tal-avjazzjoni fornut għal kull lott, għal kull ajruport tal-Unjoni u fil-livell tal-Unjoni, b’indikazzjoni tal-volum u l-massa totali ta’ kull lott u l-metodu ta’ ttestjar applikat biex jitkejjel il-kontenut ta’ kull sustanza fil-livell tal-lott;

(e)

il-kontenut tal-enerġija għall-fjuwil tal-avjazzjoni u s-SAF fornuti f’kull ajruport tal-Unjoni, għal kull tip ta’ fjuwil.

L-Istati Membri għandu jkollhom il-qafas legali u amministrattiv meħtieġ fis-seħħ fil-livell nazzjonali biex jiżguraw li l-informazzjoni mdaħħla mill-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni f’dik il-bażi tad-data tal-Unjoni tkun preċiża, u tkun ġiet ivverifikata u awditjata skont l-Artikolu 31a tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

L-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom aċċess għal dik i-bażi tad-data tal-Unjoni. L-Aġenzija għandha tuża l-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data tal-Unjoni, ladarba l-informazzjoni tkun ġiet ivverifikata fil-livell tal-Istati Membri skont l-Artikolu 31a tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Artikolu 11

Awtorità kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għall-impożizzjoni ta’ multi fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, fuq il-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni, u fuq il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bl-identità tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li jkunu ddeżinjaw.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jeżerċitaw il-kompiti ta’ sorveljanza u infurzar tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti, u b’mod indipendenti mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom ir-riżorsi u l-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom skont dan ir-Regolament b’mod effiċjenti u f’waqtu.

3.   Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

4.   L-Aġenzija għandha tibgħat lill-awtoritajiet kompetenti data aggregata għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru, l-ajruporti tal-Unjoni u l-korpi ta’ amministrazzjoni tal-ajruporti tal-Unjoni rispettivi tagħhom u l-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li għalihom huma kompetenti dawn l-awtoritajiet skont il-paragrafi 5, 6 u 7.

5.   L-Istat Membru responsabbli, li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, deżinjati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma responsabbli għal operatur tal-inġenji tal-ajru partikolari, għandu jiġi ddeterminat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 (17). Għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux attribwiti lil Stat Membru f’dak ir-Regolament, l-Istat Membru responsabbli għandu jiġi ddeterminat skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 18a tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-Kummissjoni tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fil-proċess ta’ attribuzzjoni. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza tal-Eurocontrol u tista’ tikkonkludi kwalunkwe ftehim xieraq mal-Eurocontrol għal dak l-għan.

6.   L-Istat Membru responsabbli, li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, deżinjati f’konformità mal-paragrafu 1, huma responsabbli għal korp ta’ amministrazzjoni partikolari tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-ġuriżdizzjoni territorjali rispettiva tal-ajruport tal-Unjoni.

7.   L-Istat Membru responsabbli, li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, deżinjati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huma responsabbli għal fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni partikolari, għandu jkun l-Istat Membru fejn il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu.

8.   Għall-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li ma jkollhomx l-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak fejn il-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkun forna l-aktar fjuwil tal-avjazzjoni fl-2023 jew fl-ewwel sena tal-forniment tal-fjuwil tal-avjazzjoni fis-suq tal-Unjoni, skont liema tkun l-aktar tard.

Tali fornitur tal-fjuwil għall-avjazzjoni jista’ jippreżenta lill-awtorità kompetenti tiegħu talba motivata biex jiġi attribwit mill-ġdid lil Stat Membru ieħor, jekk huwa jkun forna l-akbar ishma tal-fjuwil tal-avjazzjoni tiegħu f’dak l-Istat Membru matul is-sentejn ta’ qabel it-talba. Id-deċiżjoni dwar l-attribuzzjoni mill-ġdid għandha ssir fi żmien sitt xhur wara t-talba mill-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni, għandha tkun soġġetta għall-qbil tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ attribuzzjoni mill-ġdid u għandha tintbagħat mingħajr dewmien żejjed lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni. Għandha tapplika mill-bidu tal-perjodu ta’ rapportar wara d-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

Artikolu 12

Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi filwaqt li jittieħed kont, b’mod partikolari, tan-natura, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u l-gravità tal-ksur. L-Istati Membri għandhom, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha l mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur tal-inġenji tal-ajru li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5 ikun responsabbli għal multa amministrattiva. Dik il-multa għandha tkun proporzjonata u dissważiva u mhux inqas mid-doppju tal-ammont li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni għal kull tunnellata u tal-kwantità totali annwali mhux ippumpjata fit-tank. Operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jiġi eżentat minn multa jekk jista’ juri li n-nuqqas tiegħu li jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 5 kien ikkawżat minn ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli, barra mill-kontroll tiegħu, li l-effetti tagħhom ma setgħux jiġu evitati anki kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport tal-Unjoni li jonqos milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex jindirizza nuqqas ta’ aċċess adegwat mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-fjuwils tal-avjazzjoni li fihom ishma minimi tal-SAF skont l-Artikolu 6(3) ikun soġġett għal multa.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 relatati mal-ishma minimi tal-SAF ikun soġġett għal multa. Dik il-multa għandha tkun proporzjonata u dissważiva u mhux inqas mid-doppju tal-ammont li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tad-differenza bejn il-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali u tal-SAF għal kull tunnellata bil-kwantità ta’ fjuwils tal-avjazzjoni li ma jikkonformawx mal-ishma minimi msemmi fl-Artikolu 4 u fl-Anness I.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 relatati mal-ishma minimi ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi u, matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2030 sal-31 ta’ Diċembru 2034, l-ishma medji ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, ikun soġġett għal multa. Dik il-multa għandha tkun proporzjonata u dissważiva u mhux inqas mid-doppju tal-ammont li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tad-differenza bejn il-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku u tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali għal kull tunnellata bil-kwantità tal-fjuwil tal-avjazzjoni li ma jikkonformax mal-ishma minimi msemmija fl-Artikolu 4 u fl-Anness I. Meta jistabbilixxu l-multa relatata mal-ishma medji tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, l-Istati Membri għandhom iqisu kwalunkwe multa, relatata mal-ishma minimi tal-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi li l-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jkun diġà responsabbli għalihom fir-rigward tal-perjodu rispettiv imsemmi f’dan il-paragrafu, sabiex tiġi evitata penali doppja.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkun intwera li jkun ipprovda informazzjoni qarrieqa jew mhux preċiża rigward il-karatteristiċi jew l-oriġini tal-SAF li jkun forna skont l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10 ikun soġġett għal multa. Dik il-multa għandha tkun proporzjonata u dissważiva u mhux inqas mid-doppju tal-ammont li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tad-differenza bejn il-prezz medju annwali tal-fjuwil tal-avjazzjoni konvenzjonali u tal-SAF għal kull tunnellata bil-kwantità ta’ fjuwils tal-avjazzjoni li dwarhom tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni qarrieqa jew mhux preċiża.

7.   Fid-deċiżjoni li timponi l-multi msemmija fil-paragrafi 2, 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispjegaw il-metodoloġija applikata biex jiġi determinat il-prezz tal-fjuwil tal-avjazzjoni, tal-SAF u tal-fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku fis-suq tal-fjuwil tal-avjazzjoni tal-Unjoni. Dik il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq kriterji verifikabbli u oġġettivi, inkluż mill-aħħar rapport tekniku disponibbli msemmi fl-Artikolu 13;

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkun akkumula nuqqas mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 relatat mal-ishma minimi tal-SAF jew ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi f’perjodu ta’ rappurtar partikolari, għandu jforni lis-suq fil-perjodu ta’ rappurtar sussegwenti bi kwantità ta’ dak il-fjuwil rispettiv ugwali għal dak in-nuqqas, minbarra l-obbligu tal-perjodu ta’ rappurtar tiegħu.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi għall-perjodi mill-1 ta’ Jannar 2030 sal-31 ta’ Diċembru 2031 u mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034:

(a)

kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkun akkumula nuqqas mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 relatat mal-ishma medji ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2030 sal-31 ta’ Diċembru 2031, għandu jforni lis-suq qabel tmiem il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034 bi kwantità ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku ugwali għal dak in-nuqqas, flimkien mal-obbligi ta’ dak il-perjodu; u

(b)

kwalunkwe fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkun akkumula nuqqas mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4 relatat mal-ishma medji ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034, għandu jforni lis-suq fil-perjodu ta’ rappurtar sussegwenti bi kwantità ta’ fjuwil tal-avjazzjoni sintetiku ugwali għal dak in-nuqqas, flimkien mal-obbligu tal-perjodu ta’ rappurtar tiegħu.

L-issodisfar tal-obbligi msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu ma għandux jeżonera lill-fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni mill-obbligu li jħallas il-multi stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5;

9.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-qafas legali u amministrattiv meħtieġ stabbilit fil-livell nazzjonali biex jiżguraw l-issodisfar tal-obbligi u l-ġbir tal-multi.

10.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li d-dħul iġġenerat mill-multi, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, jintuża biex jiġu appoġġati proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-SAF, il-produzzjoni ta’ SAF jew mekkaniżmi li jippermettu li jitnaqqsu d-differenzi fil-prezzijiet bejn SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali.

Meta tali dħul jiġi allokat għall-baġit ġenerali ta’ Stat Membru, Stat Membru għandu jitqies li kkonforma mal-ewwel subparagrafu, jekk jimplimenta politiki ta’ appoġġ finanzjarju biex jiġu appoġġati proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta’ SAF, il-produzzjoni ta’ SAF jew politiki li jappoġġaw mekkaniżmi li jippermettu li jitnaqqsu d-differenzi fil-prezzijiet bejn SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali, li għandhom valur ekwivalenti jew ogħla għad-dħul iġġenerat mill-multi.

Sal-25 ta’ Settembru 2026, u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw rapport dwar l-użu li jkun sar mid-dħul aggregat iġġenerat mill-multi, u informazzjoni dwar il-livell ta’ nefqa allokat għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta’ SAF, il-produzzjoni ta’ SAF jew politiki li jappoġġaw mekkaniżmi li jippermettu li jitnaqqsu d-differenzi fil-prezzijiet bejn SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali.

Artikolu 13

Ġbir u pubblikazzjoni tad- data

1.   Kull sena, l-Aġenzija għandha tippubblika rapport tekniku abbażi tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 7, 8 u 10 u tgħaddih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont aggregat ta’ SAF mixtri mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-livell tal-Unjoni, għall-użu fuq titjiriet koperti minn dan ir-Regolament li jitilqu minn ajruport tal-Unjoni, u għal kull ajruport tal-Unjoni;

(b)

l-ammont aggregat ta’ SAF u ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi fornuti fil-livell tal-Unjoni, għal kull Stat Membru u għal kull ajruport tal-Unjoni. Ir-rapport għandu jinkludi l-ammont u t-tip ta’ materja prima użata fil-livell tal-Unjoni, għal kull Stat Membru u għal kull ajruport tal-Unjoni u analiżi dwar il-kapaċità tal-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jikkonformaw mal-ishma minimi definiti fl-Anness I;

(c)

sa fejn ikun possibbli, l-ammont ta’ SAF fornut, fil-pajjiżi terzi li magħhom ikun ġie konkluż ftehim li jirregola l-forniment ta’ servizzi tal-ajru mill-Unjoni, jew mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, u f’pajjiżi terzi oħra fejn tali informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku;

(d)

l-istat tas-suq, inkluż l-informazzjoni dwar il-prezzijiet, u x-xejriet fil-produzzjoni u fl-użu ta’ SAF fl-Unjoni u għal kull Stat Membru u, sa fejn ikun possibbli, fil-pajjiżi terzi li magħhom ikun ġie konkluż ftehim li jirregola l-forniment ta’ servizzi tal-ajru mill-Unjoni, jew mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha, u f’pajjiżi terzi oħra, inkluż informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tad-diskrepanza fil-prezzijiet bejn SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali;

(e)

l-istatus tal-konformità tal-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport tal-Unjoni għal kull ajruport, fir-rigward tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 6;

(f)

l-istatus ta’ konformità ta’ kull operatur tal-inġenji tal-ajru u fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni li jkollhom obbligu skont dan ir-Regolament fil-perjodu ta’ rappurtar;

(g)

l-oriġini u l-karatteristiċi ta’ SAF kollha u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-idroġenu għall-avjazzjoni mixtri mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-użu fuq titjiriet koperti minn dan ir-Regolament li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni;

(h)

il-kontenut totali medju ta’ aromatiċi u naftalina skont il-volum perċentwali u ta’ kubrit skont il-perċentwal tal-massa fil-fjuwil tal-avjazzjoni fornut mill-ajruport tal-Unjoni u fil-livell tal-Unjoni;

(i)

l-istat tal-avvanz ta’ proġetti fl-ajruporti tal-Unjoni li jsegwu l-inizjattivi msemmija fl-Artikolu 7(3).

2.   L-Aġenzija tista’ tikkonsulta lill-esperti tal-Istati Membri meta tfassal dak ir-rapport.

Artikolu 14

Skema ta’ Tikkettar Ambjentali

1.   Skema volontarja ta’ tikkettar ambjentali li tippermetti li titkejjel il-prestazzjoni ambjentali tat-titjiriet hija b’dan stabbilita.

2.   It-tikketti maħruġa skont dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal titjiriet koperti minn dan ir-Regolament li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni. Meta operatur tal-inġenji tal-ajru jitlob il-ħruġ ta’ tikketta skont dan l-Artikolu, huwa għandu jitlob tali tikketta għat-titjiriet kollha tiegħu koperti minn dan ir-Regolament li jitilqu mill-ajruporti tal-Unjoni.

L-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu jitolbu l-ħruġ ta’ tikketti skont dan l-Artikolu anke għat-titjiriet tagħhom koperti minn dan ir-Regolament li jaslu fl-ajruporti tal-Unjoni. Meta operatur tal-inġenji tal-ajru jitlob il-ħruġ ta’ tikketta skont dan is-subparagrafu, huwa għandu jitlob tali tikketta għat-titjiriet kollha tiegħu li jaslu fl-ajruporti tal-Unjoni.

3.   It-tikketti maħruġa skont dan l-Artikolu għandhom jiċċertifikaw il-livell ta’ prestazzjoni ambjentali ta’ titjira abbażi tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-livell ta’ prestazzjoni ambjentali ta’ titjira għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-prestazzjoni ambjentali medja tat-titjiriet imwettqa minn operatur tal-inġenji tal-ajru partikolari fuq rotta speċifika għall-perjodu ta’ skedar korrispondenti preċedenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (d), tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

It-tikketti maħruġa skont dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu mill-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-impronta tal-karbonju mistennija għal kull passiġġier, espressa f’metrika bħal f’kilogrammi ta’ CO2 għal kull passiġġier, għall-perjodu ta’ validità tat-tikketta;

(b)

l-effiċjenza mistennija tas-CO2 għal kull kilometru, espressa f’metrika bħal fi grammi ta’ CO2 għal kull passiġġier għal kull kilometru, għall-perjodu ta’ validità tat-tikketta.

4.   L-impronta tal-karbonju mistennija għal kull passiġġier u l-effiċjenza tas-CO2 mistennija għal kull kilometru ta’ titjira għandhom jiġu ddeterminati mill-Aġenzija abbażi ta’ metodoloġija standardizzata u bbażata fuq ix-xjenza u l-informazzjoni mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru dwar il-fatturi kollha li ġejjin jew xi wħud minnhom:

(a)

it-tipi ta’ inġenji tal-ajru, l-għadd medju ta’ passiġġieri u tagħbijiet ta’ merkanzija ssupplimentati meta meħtieġ bi stimi ta’ dawk il-fatturi, bħall-fatturi ta’ tagħbija medja għar-rotta speċifikata għal perjodu ta’ żmien partikolari; u

(b)

il-prestazzjoni tal-fjuwil użat fuq it-titjiriet imwettqa mill-operatur tal-inġenji tal-ajru abbażi tal-użu tal-fjuwil u bl-użu ta’ metriċi bħall-ammont totali ta’ SAF ippumpjat, il-perċentwal fuq l-użu totali tal-fjuwil, il-kwalità u l-oriġini, il-kompożizzjoni u l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-użu tal-fjuwil ikkalkulati għat-titjira.

5.   It-tikketti maħruġa skont dan l-Artikolu għandhom ikunu validi għal perjodu limitat ta’ mhux aktar minn sena speċifikat fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 11, il-punt (c). Il-perjodu ta’ validità tat-tikketta għandu jintwera b’mod ċar mill-operatur tal-inġenji tal-ajru flimkien mat-tikketta.

6.   L-Aġenzija għandha toħroġ tikketti fuq talba ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull titjira jew sett ta’ titjiriet operati bl-istess kondizzjonijiet, abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u l-metodoloġija u l-fatturi standardizzati u bbażati fuq ix-xjenza msemmija fil-paragrafu 4.

L-Aġenzija tista’ titlob lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-ħruġ tat-tikketta.

Fejn l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jissottomettix l-informazzjoni kollha meħtieġa biex l-Aġenzija toħroġ it-tikketta mitluba, l-Aġenzija għandha tirrifjuta t-talba.

Jista’ jitressaq appell mill-operatur tal-inġenji tal-ajru kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija meħuda skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. Tali appell għandu jiġi ppreżentat lill-Bord tal-Appell imsemmi fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) fi żmien għaxart ijiem min-notifika tad-deċiżjoni. L-Artikoli 106 u 107, l-Artikolu 108(2) u (3), u l-Artikoli 111, 112, 113 u 114 tar-Regolament (UE) 2018/1139 għandhom japplikaw. Kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Aġenzija skont dan il-paragrafu għandha tittieħed mingħajr dewmien żejjed.

7.   L-Aġenzija għandha teżamina perjodikament jekk ikunux inbiddlu l-fatturi li abbażi tagħhom inħarġet tikketta għal kull titjira jew sett ta’ titjiriet operati taħt l-istess kundizzjonijiet. Jekk l-Aġenzija tikkonkludi li tikketta ma għadhiex xierqa, hija għandha, wara li tagħti lill-operatur l-opportunità li jinstema’, tirrevoka t-tikketta eżistenti jew toħroġ tikketta ġdida. L-Aġenzija għandha tinforma lill-operatur tal-inġenji tal-ajru bid-deċiżjoni tagħha.

L-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu, mingħajr dewmien, jaġġusta l-mod kif tidher it-tikketta skont dan.

8.   L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu ngħataw tikketta skont il-paragrafu 6 għandhom juru t-tikketta li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3. It-tikketta għandha tkun aċċessibbli u tinftiehem faċilment. Għandha tiġi ppreżentata b’mod li jippermetti li l-klijenti jqabblu faċilment il-prestazzjoni ambjentali tat-titjiriet operati minn operaturi differenti tal-inġenji tal-ajru li jtiru l-istess rotta. Meta operatur tal-inġenji tal-ajru juri t-tikketta f’punt tal-bejgħ jew fi kwalunkwe kuntatt ieħor mal-klijenti, huwa għandu jagħmel dan għat-titjiriet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

9.   Sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tas-servizz ipprovdut mill-Aġenzija, il-ħruġ ta’ tikketta fuq talba ta’ operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkun soġġett għall-ħlas ta’ imposta. Id-dħul iġġenerat minn tali imposti għandu jikkostitwixxi dħul ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 120(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139 u għandu jiġi ttrattat bħala dħul assenjat li għandu jiġi allokat mill-Aġenzija biex ikopri dawk il-kostijiet. Għandhom japplikaw l-Artikoli 126(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1139. L-ammont tal-imposta għandu jiġi definit skont l-Artikolu 126(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

10.   Bħala parti mill-kompiti tagħha fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali kif stipulat fl-Artikolu 87(2) tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Aġenzija għandha tikkontribwixxi biex iżżid l-għarfien dwar l-eżistenza tal-iskema ta’ tikkettar stabbilita b’dan l-Artikolu.

11.   Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni uniformi u l-konformità mar-regoli stipulati f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta sal-1 ta’ Jannar 2025 atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati dwar:

(a)

il-metodoloġija standardizzata u bbażata fuq ix-xjenza msemmija fil-paragrafu 4, abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, b’mod partikolari d-data pprovduta mill-Aġenzija u inkluż il-metodoloġija għall-użu tal-istimi msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (a);

(b)

il-proċedura li permezz tagħha l-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni rilevanti għall-ħruġ ta’ tikketta, u l-proċedura biex l-Aġenzija toħroġ dik it-tikketta, inkluż il-limitu ta’ żmien sa meta l-Aġenzija għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 6;

(c)

it-tul ta’ żmien tal-validità tat-tikketti maħruġa skont dan l-Artikolu, ta’ mhux aktar minn sena;

(d)

il-kondizzjonijiet li taħthom l-Aġenzija għandha twettaq ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 7;

(e)

il-proċedura msemmija fil-paragrafu 7 li permezz tagħha l-Aġenzija tista’ jew tirrevoka t-tikketti eżistenti jew toħroġ tikketta ġdida;

(f)

il-mudelli għall-wiri tat-tikketti maħruġa skont dan l-Artikolu;

(g)

l-iżgurar ta’ aċċess faċli għat-tikketti kollha maħruġa f’format li jinqara minn magna;

(h)

il-possibbiltà u l-kondizzjonijiet li taħthom l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jistgħu juru, mingħajr ma jużaw tikketta skont dan l-Artikolu, kwalunkwe informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali simili għal dik imsemmija fil-paragrafu 3 għal titjiriet li jitilqu minn ajruporti tal-Unjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

12.   Sal-1 ta’ Lulju 2027, il-Kummissjoni għandha tidentifika u tivvaluta l-iżviluppi dwar il-funzjonament tal-iskema ta’ tikkettar stabbilita b’dan l-Artikolu kif ukoll it-titjib possibbli jew miżuri addizzjonali għal tali skema, bil-ħsieb b’mod partikolari li tiġi stabbilita skema obbligatorja ta’ tikkettar ambjentali li tinkludi l-aspetti kollha tal-prestazzjoni ambjentali ta’ titjiriet jew sett ta’ titjiriet u l-miżuri differenti ta’ dekarbonizzazzjoni li jieħdu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport bis-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni mwettqa skont dan il-paragrafu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Hija tista’, fejn xieraq, takkumpanja dak ir-rapport bi proposta leġiżlattiva.

Artikolu 15

Mekkaniżmi ta’ flessibilità

1.   B’deroga mill-Artikolu 4(1), mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2034, għal kull perjodu ta’ rappurtar, fornitur tal-fjuwil tal-avjazzjoni jista’ jforni l-ishma minimi ta’ SAF iddefinit fl-Anness I bħala medja ponderata fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni kollu li jkun forna fl-ajruporti tal-Unjoni għal dak il-perjodu ta’ rappurtar.

2.   Sal-1 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni għandha tidentifika u tivvaluta l-iżviluppi dwar il-produzzjoni u l-provvista ta’ SAF fis-suq tal-fjuwil tal-avjazzjoni tal-Unjoni kif ukoll tivvaluta titjib possibbli jew miżuri addizzjonali għall-mekkaniżmu ta’ flessibbiltà ta’ SAF eżistenti msemmi fil-paragrafu 1, bħall-istabbiliment jew ir-rikonoxximent ta’ sistema ta’ negozjabbiltà ta’ SAF biex tippermetti l-provvista tal-fjuwil fl-Unjoni mingħajr ma tkun fiżikament konnessa ma’ sit tal-provvista, bil-ħsieb li tkompli tiffaċilita l-provvista u l-użu ta’ SAF għall-avjazzjoni matul il-perjodu ta’ flessibbiltà.

Sistema possibbli bħal din, li tinkorpora elementi ta’ skema ta’ ċertifikati negozjabbli, tista’ tippermetti lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew lill-fornituri tal-fjuwil, jew lit-tnejn li huma, jixtru SAF permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali mal-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni u jitolbu l-użu ta’ SAF fl-ajruporti tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jelenka s-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni mwettqa skont dan il-paragrafu u akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 16

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Avjazzjoni RefuelEU, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”. Il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Rapporti u rieżami

1.   Sal-1 ta’ Jannar 2027, u kull erba’ snin minn dakinhar ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni dettaljata tal-evoluzzjoni tas-suq tal-fjuwils tal-avjazzjoni, u l-impatt ta’ dik l-evoluzzjoni fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-Unjoni inkluż fuq il-kompetittività u l-konnettività, b’mod partikolari għall-gżejjer u t-territorji remoti, u fuq il-kosteffettività tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll il-ħtieġa għal investimenti, impjiegi u taħriġ, u riċerka u innovazzjoni f’SAF. Barra minn dan, ir-rapport għandu jinforma dwar l-avvanzi teknoloġiċi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-industrija tal-avjazzjoni li huma rilevanti għal SAF, inkluż fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li ma humiex tas-CO2 jew teknoloġiji tal-qbid mill-arja.

3.   Ir-rapport għandu jevalwa l-ħtieġa possibbli li jiġi rivedut il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjoni ta’ SAF, il-fjuwils eliġibbli u l-ishma minimi fl-Artikolu 4 u fl-Anness I, u l-livell tal-multi. Ir-rapport għandu jevalwa t-twessigħ possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jinkludi sorsi oħra ta’ enerġija u tipi oħra ta’ fjuwils sintetiċi definiti fid-Direttiva (UE) 2018/2001, filwaqt li jqis il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll l-inizjattivi, it-titjib u l-miżuri addizzjonali biex jiġu ffaċilitati u promossi aktar il-provvista u l-adozzjoni ta’ fjuwils tal-avjazzjoni mingħajr sostituzzjoni, u servizzi, infrastruttura u teknoloġiji relatati konsistenti mal-objettiv li t-trasport bl-ajru jiġi dekarbonizzat filwaqt li jiġu ppreservati kundizzjonijiet ekwi.

4.   Ir-rapport għandu jikkunsidra l-inklużjoni possibbli ta’ mekkaniżmi li jappoġġaw il-produzzjoni u ż-żieda ta’ SAF, inkluż il-ġbir u l-użu tal-fondi, u biex jiġi limitat l-impatt negattiv ta’ dan ir-Regolament fuq il-konnettività u l-kompetittività. Ir-rapport għandu jikkunsidra jekk ikunx meħtieġ li tali mekkaniżmi jinkludu mekkaniżmi finanzjarji u oħrajn biex jitnaqqsu d-differenzi fil-prezzijiet bejn SAF u l-fjuwils tal-avjazzjoni konvenzjonali.

5.   Ir-rapport għandu jivvaluta l-impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-avjazzjoni tal-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 5.

Sa fejn ikun possibbli, ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-iżviluppi tal-politika f’pajjiżi terzi rilevanti, inkluż fil-kuntest tal-ftehimiet multilaterali u bilaterali tagħhom mal-Unjoni jew mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll dwar l-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika potenzjali għall-provvista u ż-żieda ta’ SAF fil-livell tal-ICAO.

Ir-rapport għandu jivvaluta l-kompetittività tat-trasportaturi tal-ajru u tal-hubs tal-ajruporti tal-Unjoni meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f’pajjiżi terzi rilevanti, kif ukoll ir-riprogrammar tar-rotta possibbli, b’mod partikolari permezz ta’ bidla fit-traffiku lejn ċentri tal-ajruporti f’pajjiżi terzi, li twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. B’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ skema obbligatorja fil-livell internazzjonali dwar l-użu ta’ SAF għal titjiriet internazzjonali b’livell simili ta’ ambizzjoni bħar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jew ta’ mekkaniżmi żviluppati fil-livell internazzjonali li jippermettu li jiġi evitat ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-avjazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2026, fejn xieraq, tikkunsidra mekkaniżmi mmirati li għandhom l-għan li jipprevjenu dawk l-effetti, inkluż, jekk xieraq, l-estensjoni għall-avjazzjoni internazzjonali tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), kif ukoll tipi oħra ta’ miżuri li jqisu l-fatt li d-destinazzjoni finali tat-titjira tinsab barra mit-territorju tal-Unjoni.

6.   Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jikkunsidra jekk ikunx meħtieġ li dan ir-Regolament jiġi emendat u, fejn xieraq, liema emendi jenħtieġ li jiġu kkunsidrati, f’konformità ma’ qafas ta’ politika potenzjali dwar l-adozzjoni ta’ SAF fil-livell tal-ICAO.

Bħala parti mill-ewwel rapport jew qabel bħala rapport awtonomu ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-miżuri possibbli biex jiġi ottimizzat il-kontenut tal-fjuwil tal-fjuwils tal-avjazzjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Istati Membri meta tfassal dak ir-rapport, mill-inqas sitt xhur qabel l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Madankollu, l-Artikoli 4, 5, 6, 8 u 10 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. M. ALBARES BUENO


(1)   ĠU C 105, 4.3.2022, p. 134.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2023.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perjodu 2021-2023 (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 14).

(5)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1).

(10)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).

(13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1).

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE fl-1 ta’ Jannar 2006 jew wara, li tispeċifika l-Istat Membru ta’ amministrazzjoni għal kull operatur ta’ inġenji tal-ajru (ĠU L 219, 22.8.2009, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2023/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 52).


ANNESS I

Ishma ta’ SAF imsemmija fl-Artiklolu 4

(a)

Mill-1 ta’ Jannar 2025, sehem minimu ta’ 2 % ta’ SAF fis-sena;

(b)

Mill-1 ta’ Jannar 2030, sehem minimu ta’ 6 % ta’ SAF fis-sena, li minnu:

(i)

għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2030 sal-31 ta’ Diċembru 2031, sehem medju matul il-perjodu ta’ 1,2 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, li minnhom sehem minimu ta’ 0,7 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi fis-sena;

(ii)

għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2034, sehem medju matul il-perjodu ta’ 2,0 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, li minnhom sehem minimu ta’ 1,2 % mill-1 ta’ Jannar 2032 sal-31 ta’ Diċembru 2033 u li minnhom sehem minimu ta’ 2,0 % mill-1 ta’ Jannar 2034 sal-31 ta’ Diċembru 2034 ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi fis-sena;

(c)

Mill-1 ta’ Jannar 2035, sehem minimu ta’ 20 % ta’ SAF fis-sena, li jkollu sehem minimu ta’ 5 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi;

(d)

Mill-1 ta’ Jannar 2040, sehem minimu ta’ 34 % ta’ SAF fis-sena, li jkollu sehem minimu ta’ 10 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi;

(e)

Mill-1 ta’ Jannar 2045, sehem minimu ta’ 42 % ta’ SAF fis-sena, li jkollu sehem minimu ta’ 15 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi;

(f)

Mill-1 ta’ Jannar 2050, sehem minimu ta’ 70 % ta’ SAF fis-sena, li jkollu sehem minimu ta’ 35 % ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi.


ANNESS II

Mudell għar-rappurtar tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru

Mudell għar-rappurtar tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru dwar l-ippumpjar ta’ fjuwils tal-avjazzjoni

Ajruport tal-Unjoni

Kodiċi ICAO tal-ajruport tal-Unjoni

Fjuwil tal-avjazzjoni meħtieġ fis-sena (tunnellati)

Fjuwil tal-avjazzjoni effettivament ippumpjat (tunnellati)

Kwantitajiet annwali mhux ippumpjati fit-tank (tunnellati)

Kwantità totali annwali mhux ippumpjata fit-tank (tunnellati)

Kwantità annwali ppumpjata fit-tank għar-regoli dwar is-sikurezza tal-fjuwil (tunnellati)

 

 

 

 

 

 

 

Mudell għar-rappurtar tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru dwar xiri ta’ SAF

Għadd totali ta’ titjiriet operati

Għadd totali ta’ sigħat ta’ titjir

Fornitur tal-fjuwil

Ammont mixtri (tunnellati)

Proċess ta’ konverżjoni

Karatteristiċi

Oriġini tal-materja prima

Emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja

 

 

 

 

 

 

 

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2405/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)