ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 123

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 66
8 ta' Mejju 2023


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/923 tat-3 ta’ Mejju 2023 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward iċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-PVC ( 1 )

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/924 tal-24 ta’ April 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emendi għall-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) u l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE ( 1 )

7

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/925 tal-24 ta’ April 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE (Ir-Regolament tal-EASA) ( 1 )

13

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/926 tal-24 ta’ April 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet (EU-OSHA) ( 1 )

22

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/927 tal-5 ta’ Mejju 2023 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu appoġġati l-Forzi Armati Ukreni permezz tal-forniment ta’ munizzjon

27

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tas-16 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu [2023/928]

32

 

*

Deċiżjoni Nru 2/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tas-16 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim [2023/929]

36

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930]

38

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/923

tat-3 ta’ Mejju 2023

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward iċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-PVC

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Diċembru 2016, wara talba mill-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) ippreżentat dossier (2) skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (“id-dossier tal-Anness XV”), li juri li r-rilaxxi taċ-ċomb mill-oġġetti prodotti mill-polimeri jew mill-kopolimeri tal-klorur tal-vinil (PVC) li fihom stabilizzaturi taċ-ċomb, tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, jikkontribwixxu direttament u indirettament għall-esponiment tal-bniedem għaċ-ċomb. L-Aġenzija ssuġġeriet dossier fl-Anness XV biex tirrestrinġi t-tqegħid fis-suq jew l-użu taċ-ċomb fl-oġġetti prodotti mill-PVC jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb tkun daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC. Meta jitqies li l-komposti taċ-ċomb ma jistgħux jistabbilizzaw il-PVC b’mod effettiv f’konċentrazzjonijiet inqas minn xi 0,5 % skont il-piż, il-limitu tal-konċentrazzjoni propost jenħtieġ li jiżgura li l-addizzjoni intenzjonali tal-komposti taċ-ċomb bħala stabilizzaturi għall-kompostar tal-PVC ma tkunx tista’ ssir fl-Unjoni. Fid-dossier tal-Anness XV, l-Aġenzija inkludiet ukoll għadd ta’ derogi għal din ir-restrizzjoni, notevolment għall-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat. “Irkuprat” qed tintuża skont id-definizzjoni ta’ “materjal irkuprat” fl-Artiklu 3, il-punt 15a, tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Iċ-ċomb hu sustanza tossika li taffettwa l-iżvilupp tas-sistema nervuża, tipproduċi mard kroniku tal-kliewi u tħalli effetti negattivi fuq il-pressjoni tad-demm. Għalkemm ma ġie stabbilit l-ebda limitu għall-effetti fuq l-iżvilupp newroloġiku fit-tfal u għall-effetti renali, skont l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel l-esponiment attwali tal-bniedem għaċ-ċomb mill-ikel u minn sorsi oħra xorta jaqbeż il-livelli ta’ esponiment tollerabbli u jwassal għal effetti negattivi fuq l-iżvilupp newroloġiku fit-tfal (4).

(3)

L-istabilizzaturi taċ-ċomb iżidu l-istabbiltà termali tal-PVC waqt il-kompostar u l-produzzjoni tal-oġġetti. Dawn iħarsu wkoll il-PVC mill-fotodegradazzjoni. L-industrija fl-Unjoni waqqfet gradwalment u volontarjament l-użu tal-istabilizzaturi taċ-ċomb fil-PVC u fl-oġġetti tal-PVC, u rrappurtat li dak il-proċess tlesta b’suċċess fl-2015 (5). L-oġġetti tal-PVC li fihom iċ-ċomb, speċjalment il-prodotti tal-kostruzzjoni, għandhom ħajja ta’ servizz twila, u jibqgħu jintużaw għal deċennji sħaħ; imbagħad meta jintremew isiru skart li jista’ jiġi riċiklat u potenzjalment jerġa’ jsir ċomb fil-prodotti permezz tal-PVC irkuprat. Id-dossier tal-Anness XV wera li minħabba l-waqfien gradwali tal-istabilizzaturi taċ-ċomb fl-Unjoni, fl-2016 90 % tal-emissjonijiet totali stmati taċ-ċomb mill-oġġetti tal-PVC fl-Unjoni kienu attribwibbli għall-oġġetti tal-PVC importati.

(4)

Biex jeħfief l-infurzar tar-restrizzjoni proposta, jixraq li jiġi restritt kwalunkwe ċomb preżenti fil-PVC irrispettivament mill-funzjoni maħsuba tiegħu.

(5)

Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (“RAC”) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni finali tiegħu (6), u kkonkluda li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha li tindirizza r-riskji identifikati li joħolqu l-komposti taċ-ċomb preżenti bħala stabilizzaturi fl-oġġetti tal-PVC mil-lat ta’ effettività fit-tnaqqis ta’ dawn ir-riskji, u mil-lat ta’ prattiċità u monitorabbiltà.

(6)

Ir-RAC ippropona projbizzjoni tal-użu ta’ kull konċentrazzjoni taċ-ċomb fl-oġġetti tal-PVC. Ir-RAC qabel ukoll mal-Aġenzija li jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għall-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat. Madankollu, ir-RAC ippropona li għall-kontenut taċ-ċomb f’ċerti oġġetti tal-PVC li fihom PVC riġidu u flessibbli rkuprat, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ogħla, ta’ 2 % u 1 %, rispettivament, skont il-piż. Dik il-proposta qieset li l-alternattiva għar-riċiklaġġ ta’ dawn l-oġġetti, jiġifieri r-rimi tal-iskart tal-PVC f’landfill u bl-inċinerazzjoni, instmat li żżid l-emissjonijiet fl-ambjent u ma tnaqqasx ir-riskju. Il-limiti differenti proposti qiesu l-kontenut medju stmat taċ-ċomb fl-iskart tal-PVC riġidu u flessibbli fl-2013, l-impatt mistenni fuq il-volumi riċiklati, u l-fatt li r-rilaxx taċ-ċomb mill-PVC flessibbli hu magħruf li jkun iżjed meta mqabbel mal-PVC riġidu. Tqies kif xieraq il-fatt li xi oġġetti għandhom kontenut qawwi ta’ PVC riċiklat li fl-oġġett finali jista’ jilħaq 100 % skont il-piż tal-PVC.

(7)

Fil-15 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) tal-Aġenzija adotta l-opinjoni finali tiegħu (7) li tikkonkludi li r-restrizzjoni proposta mill-Aġenzija, kif modifikata mir-RAC u mis-SEAC, kienet l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha li tindirizza r-riskji identifikati, mil-lat tal-benefiċċji u l-kostijiet soċjoekonomiċi tagħha. Is-SEAC wasal għal dik il-konklużjoni abbażi tal-aqwa evidenza disponibbli, filwaqt li qies il-proprjetajiet taċ-ċomb bħala sustanza tossika mingħajr limitu u l-impatt tiegħu fuq saħħet il-bniedem, u l-affordabbiltà tal-kostijiet assoċjati mar-restrizzjoni proposta. Is-SEAC ikkunsidra li hemm bosta alternattivi xierqa disponibbli b’mod wiesa’ u li diġà jintużaw fl-Unjoni. Ikkunsidra wkoll il-kosteffettività tar-restrizzjoni. Finalment, ikkonkluda li anki impatti limitati fuq saħħet il-bniedem mil-lat ta’ tnaqqis fil-kwozjent tal-intelliġenza jkunu biżżejjed biex ipaċu l-kostijiet tar-restrizzjoni.

(8)

Is-SEAC qabel mal-proposta fid-dossier tal-Anness XV li, meta titqies l-evoluzzjoni projettata tal-konċentrazzjoni taċ-ċomb fil-PVC irkuprat, dik il-konċentrazzjoni se tonqos ġmielu sal-2035-2040 biex l-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limitu tal-konċentrazzjoni taċ-ċomb ġenerali propost ta’ 0,1 %. Għalhekk, id-deroga għal ċerti oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC irkuprat jenħtieġ li tkun tapplika għal 15-il sena mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni. Is-SEAC qabel ukoll li, biex titqies l-inċertezza rigward ix-xejriet futuri dwar l-ammont ta’ skart tal-PVC li jmur għar-riċiklaġġ u l-kontenut taċ-ċomb tiegħu, jenħtieġ li dak il-perjodu ta’ applikazzjoni jiġi vvalutat mill-ġdid fi żmien 10 snin mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni. F’konformità mal-għan tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari (8) tal-2015 li jiġu promossi ċikli ta’ materjali mhux tossiċi u li jitħares il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, il-Kummissjoni jidhrilha li l-perjodu ta’ applikazzjoni jenħtieġ li jerġa’ jiġi vvalutat fi żmien seba’ snin u nofs (7,5) mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni.

(9)

Il-Forum tal-Aġenzija għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat dwar ir-restrizzjoni proposta u l-opinjoni tiegħu tqieset u wasslet għal modifika fid-deskrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-derogi mir-restrizzjoni proposta.

(10)

Fis-26 ta’ April 2018, l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet finali tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni.

(11)

Filwaqt li jitqiesu d-dossier tal-Anness XV u l-opinjonijiet tar-RAC u tas-SEAC, u filwaqt li jitqies li hemm riskju inaċċettabbli għal saħħet il-bniedem miċ-ċomb fl-oġġetti tal-PVC, il-Kummissjoni pproponiet abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jirrestrinġi l-użu ta’ kull konċentrazzjoni taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fl-oġġetti tal-PVC, u li jirrestrinġi wkoll it-tqegħid fis-suq taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fl-oġġetti tal-PVC f’konċentrazzjoni daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC (“l-abbozz ta’ Regolament”). L-abbozz ta’ Regolament kiseb opinjoni favorevoli mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 fl-20 ta’ Novembru 2019.

(12)

F’konformità mal-proċedura regolatorja ta’ skrutinju msemmija fl-Artikolu 133(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, fit-12 ta’ Frar 2020 il-plenarja tal-Parlament Ewropew adottat l-abbozz ta’ Regolament (9). Għaldaqstant, l-abbozz ta’ Regolament ma ġiex adottat mill-Kummissjoni.

(13)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex tneħħi d-derogi għall-PVC irkuprat għax dawn iwasslu biex iċ-ċomb jispiċċa fi prodotti ġodda. Il-Parlament talab ukoll it-tneħħija tad-deroga għaż-żewġ pigmenti taċ-ċomb soġġetti għar-reġim ta’ awtorizzazzjoni skont ir-REACH. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ntalbet tħassar ir-rekwiżiti proposti tal-immarkar tal-oġġetti tal-PVC li fihom PVC irkuprat għax din tqieset qarrieqa u ma tirriflettix il-fatt li l-PVC irkuprat fih ammonti akbar ta’ ċomb mill-PVC magħmul ġdid. Finalment, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tqassar il-perjodu ta’ tranżizzjoni propost għal meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom japplikaw.

(14)

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa r-riżoluzzjoni tal-Parlament u tirrikonoxxi l-ħtieġa li tindirizza ċertu tħassib. Barra minn hekk, jidhrilha li xorta hemm riskju inaċċettabbli għal saħħet il-bniedem miċ-ċomb fl-oġġetti tal-PVC li jeħtieġ jiġi indirizzat madwar l-Unjoni kollha. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda wħud mid-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ Regolament biex ikunu jirriflettu l-argumenti tal-Parlament u titqies data ġdida rilevanti miksuba mingħand l-Aġenzija u l-partijiet ikkonċernati.

(15)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li jitħeġġu teknoloġiji nodfa tar-riċiklaġġ li jippermettu t-tneħħija ta’ sustanzi storiċi ta’ tħassib, fosthom iċ-ċomb, mill-iskart tal-PVC. Madankollu, it-teknoloġiji attwali tar-riċiklaġġ jistgħu biss inaqqsu u mhux ixejnu għalkollox is-sustanzi storiċi ta’ tħassib. Għalhekk, jeħtieġ jiġi stabbilit limitu tal-konċentrazzjoni ta’ 0,1 % taċ-ċomb skont il-piż mhux biss għat-tqegħid fis-suq iżda anke għall-użu taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-PVC, biex jippermetti kemm it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti li fihom inqas minn 0,1 % taċ-ċomb skont il-piż tal-materjal tal-PVC kif ukoll l-użu kontinwu fl-oġġetti tal-materjal tal-PVC li fih iċ-ċomb b’konċentrazzjoni inqas minn dak il-limitu, bħall-materjal tal-PVC irkuprat permezz tar-riċiklaġġ tas-sustanzi kimiċi jew dissoluzzjoni tas-solventi u li fih ammonti żgħar ħafna ta’ ċomb.

(16)

Biex tillimita ċ-ċomb milli jispiċċa fi prodotti ġodda, jenħtieġ li d-deroga għall-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC flessibbli rkuprat titneħħa mill-abbozz ta’ Regolament. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jingħataw perjodu ta’ 24 xahar biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

(17)

Madankollu, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għal ċerti oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC riġidu rkuprat biex jinkiseb bilanċ xieraq bejn il-benefiċċji ġenerali fit-tul mill-użu ċirkolari ta’ dawk il-materjali u t-tħassib ġenerali fit-tul dwar is-saħħa relatati ma’ dak il-materjal irkuprat. Wara li l-industrija rrappurtat li l-konċentrazzjoni medja taċ-ċomb fil-PVC riġidu rkuprat hija inqas minn 1,5 % minħabba taħlit tas-soltu ta’ skart ta’ qabel u ta’ wara l-konsum, il-limitu għall-konċentrazzjoni permessa taċ-ċomb fil-PVC riġidu rkuprat jenħtieġ li jitnaqqas minn 2 % għal 1,5 % skont il-piż. Biex ikunu evitati l-lissija taċ-ċomb u l-formazzjoni ta’ trab biċ-ċomb, il-PVC riġidu rkuprat fl-oġġetti derogati jenħtieġ li jkun mgħotti għalkollox b’saff ta’ PVC magħmul ġdid, PVC rkuprat jew materjal xieraq ieħor li fih inqas minn 0,1 % ta’ ċomb skont il-piż, sakemm l-oġġetti derogati ma jkunux inaċċessibbli waqt l-użu normali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taqbel mal-Parlament li l-benefiċċji għall-protezzjoni tas-saħħa li jridu jinkisbu bir-restrizzjoni, jenħtieġ li jinkisbu aktar malajr. Għaldaqstant, il-perjodu tad-deroga jenħtieġ li jitqassar minn 15-il sena għal 10 snin. Jenħtieġ li fi żmien ħames (5) snin mid-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni jsir rieżami tad-deroga. Ir-rieżami jenħtieġ li jkun jinkludi verifika tax-xejriet dwar il-konċentrazzjoni taċ-ċomb fil-PVC irkuprat, id-disponibbiltà ta’ tekniki xierqa għad-dekontaminazzjoni, u l-impatt tat-tneħħija tad-deroga, filwaqt li jitqies ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(18)

Biex il-preżenza taċ-ċomb mill-PVC riġidu rkuprat tiġi limitata għal ċerti oġġetti magħrufa, il-PVC riġidu rkuprat mill-profili u l-folji tal-binjiet u mix-xogħol tal-inġinerija ċivili li jkun fihom aktar minn 0,1 % ta’ ċomb skont il-piż tal-PVC, jenħtieġ li jintuża biss għall-produzzjoni ta’ profili u folji ġodda tal-PVC għall-istess applikazzjonijiet. Minbarra l-obbligi ta’ mmarkar xieraq, din jenħtieġ li tiżgura l-identifikazzjoni tal-prodotti li fihom iċ-ċomb u tiffaċilita l-attivitajiet futuri tad-dekontaminazzjoni. Jeħtieġ li tippromwovi wkoll il-ġbir separat u r-riċiklaġġ tal-pajpijiet tal-PVC (li bħalissa rarament jiġu rriċiklati), peress li l-produtturi tal-pajpijiet li bħalissa jużaw il-PVC irkuprat minn profili u folji biex jipproduċu pajpijiet ġodda se jkollhom bżonn jissostitwixxuh b’sors alternattiv tal-PVC. Madankollu, biex l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien biżżejjed biex jistabbilixxu mekkaniżmi dedikati għall-ġbir u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-PVC, jirriorganizzaw il-ktajjen tal-provvista tagħhom u, meta meħtieġ, jakkwistaw PVC irkuprat minn oriġini oħra għajr il-profili u l-folji, dan l-obbligu jenħtieġ li jibda japplika wara 36 xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(19)

Għal finijiet ta’ infurzar u biex ikun żgurat li l-professjonisti u l-konsumaturi jkunu infurmati sew dwar ir-riskji possibbli, l-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC riġidu rkuprat jenħtieġ li jiġu mmarkati jekk ikun fihom iċ-ċomb f’konċentrazzjoni daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-PVC. Dan jenħtieġ li jiffaċilita wkoll il-ġbir separat tal-iskart li fih iċ-ċomb.

(20)

Meta jitqiesu d-diffikultajiet biex jiġi determinat jekk il-PVC fl-oġġetti għandux oriġini rkuprata, il-fornituri tal-oġġetti tal-PVC li jibbenefikaw mid-derogi assoċjati mal-kontenut tagħhom fil-PVC irkuprat, jenħtieġ li jkunu jistgħu juru prova tal-oriġini rkuprata tal-materjal billi jippreżentaw evidenza dokumentata. Fl-Unjoni, ir-riċiklaturi għandhom disponibbli bosta skemi taċ-ċertifikazzjoni, ilkoll ibbażati fuq speċifikazzjonijiet tekniċi fl-EN 15343:2007 (10), biex jappoġġaw l-asserzjonijiet dwar it-traċċabbiltà tal-PVC irkuprat. Minħabba n-nuqqas ta’ mezzi prattiċi xierqa biex l-awtoritajiet tal-infurzar jivverifikaw l-asserzjonijiet ta’ rkupru assoċjati mal-PVC irkuprat fl-oġġetti importati, jenħtieġ li dawn l-asserzjonijiet jiġu sostanzjati b’ċertifikazzjoni minn parti terza indipendenti.

(21)

Jenħtieġ li d-deroga speċifika proposta preċedentement għall-pigmenti taċ-ċomb “sulfokromat taċ-ċomb isfar” u “sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar” titneħħa mill-abbozz ta’ Regolament. Fid-dawl ta’ każistika riċenti (11) u l-intenzjoni tal-Aġenzija li tippreżenta dossier tar-restrizzjoni skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 relatat mar-riskji kkawżati mill-użu taż-żewġ pigmenti taċ-ċomb, il-Kummissjoni jidhrilha li dik id-deroga ma għadx hemm bżonnha.

(22)

Fid-dawl tar-riskji żgħar u n-nuqqas ta’ alternattivi xierqa, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għas-separaturi tas-silika PVC fil-batteriji taċ-ċomb għal perjodu ta’ 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, li warajh mistennija jkun hemm alternattivi xierqa disponibbli.

(23)

Biex tkun evitata r-regolamentazzjoni doppja, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga għall-oġġetti diġà koperti mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tirregola l-kontenut taċ-ċomb fil-PVC.

(24)

Peress li l-industrija fl-Unjoni ilha mill-2015 tuża stabbilizzaturi taċ-ċomb fil-PVC, perjodu ta’ 18-il xahar hu meqjus biżżejjed biex ħafna mill-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda, jiddisponu mill-istokk tagħhom u jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti dwar ir-restrizzjoni fil-ktajjen tal-provvista tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-restrizzjoni ma tkunx tapplika għall-oġġetti tal-PVC diġà mqiegħda fis-suq qabel tmiem dak il-perjodu għax din tkun toħloq diffikultajiet konsiderevoli fl-infurzar.

(25)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi emendat skont dan.

(26)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  https://echa.europa.eu/documents/10162/e70aee23-157b-b2a4-2cae-c42a1278072c (rapport); https://echa.europa.eu/documents/10162/cc1c37a8-22f9-7a7a-cb33-5c29edba7094 (anness).

(3)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312 22.11.2008, p. 3).

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Opinjoni Xjentifika dwar iċ-Ċomb fl-Ikel. EFSA Journal 2010; 8(4):1570.

(5)  Rapport ta’ progress ta’ VinylPlus tal-2017, p. 14; ara https://vinylplus.eu/uploads/downloads/VinylPlus_Progress_Report_2017.pdf

(6)  https://echa.europa.eu/documents/10162/86b00b9e-2852-d8d4-5fd7-be1e747ad7fa

(7)  https://echa.europa.eu/documents/10162/86b00b9e-2852-d8d4-5fd7-be1e747ad7fa

(8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-Għeluq taċ-Ċirku — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, COM(2015) 614 final.

(9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Frar 2020 dwar l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu (ĠU C 294, 23.7.2021, p. 2).

(10)  L-Istandard EN 15343:2007 dwar “Plastics — Recycled Plastics — Plastics recycling traceability and assessment of conformity and recycled content”, approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fit-2 ta’ Novembru 2007.

(11)  Il-Kummissjoni Ewropea v Ir-Renju tal-Iżvezja, Case C-389/19 P, ECLI:EU:C:2021:131.


ANNESS

Fl-entrata 63, il-kolonna 2, tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

 

“15.

Ma għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża fl-oġġetti magħmulin mill-polimeri jew il-kopolimeri tal-klorur tal-vinil (“PVC”), jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb tkun daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC.

16.

Il-paragrafu 15 għandu japplika b’effetti mid-29 ta’ Novembru 2024.

17.

B’deroga, il-paragrafu 15 ma għandux japplika għall-oġġetti tal-PVC li fihom PVC flessibbli rkuprat sat-28 ta’ Mejju 2025.

18.

B’deroga, il-paragrafu 15 ma għandux japplika għal dawn l-oġġetti tal-PVC li fihom PVC riġidu rkuprat sat-28 ta’ Mejju 2033, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb tkun inqas minn 1,5 % skont il-piż tal-PVC riġidu rkuprat:

(a)

il-profili u l-folji għall-applikazzjonijiet esterni tal-binjiet u fix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili, eskluż id-decks u t-terrazzini;

(b)

il-profili u l-folji għad-decks u t-terrazzini, diment li l-PVC irkuprat jintuża f’saff tan-nofs u jkun mgħotti għalkollox b’saff tal-PVC jew ta’ materjal ieħor li l-konċentrazzjoni taċ-ċomb tiegħu tkun inqas minn 0,1 % skont il-piż;

(c)

il-profili u l-folji għall-użu fi spazji moħbija jew spazji vojta fil-binjiet u fix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili (fejn ma jkunux aċċessibbli matul l-użu normali, eskluż il-manutenzjoni, pereżempju l-kanali tal-kejbils);

(d)

il-profili u l-folji għall-applikazzjonijiet interni tal-binjiet, diment li s-superfiċje kollha tal-profil jew tal-folja fuq in-naħa taż-żoni okkupati ta’ binja wara l-installazzjoni tkun prodotta b’PVC jew materjal ieħor li l-konċentrazzjoni taċ-ċomb tiegħu tkun inqas minn 0,1 % skont il piż;

(e)

il-pajpijiet b’diversi saffi (għajr il-pajpijiet għall-ilma tax-xorb), diment li l-PVC rkuprat jintuża fis-saff tan-nofs u jkun mgħotti għalkollox b’saff tal-PVC jew ta’ materjal ieħor li l-konċentrazzjoni taċ-ċomb tiegħu tkun inqas minn 0,1 % skont il-piż;

(f)

il-fittings, eskluż il-fittings għall-pajpijiet tal-ilma tax-xorb.

Mit-28 ta’ Mejju 2026, il-PVC riġidu rkuprat mill-kategoriji tal-oġġetti msemmija fil-punti (a) sa (d) għandu jintuża biss għall-produzzjoni ta’ oġġetti ġodda ta’ xi waħda minn dawk il-kategoriji.

Il-fornituri tal-oġġetti tal-PVC li jkun fihom il-PVC riġidu rkuprat f’konċentrazzjoni taċ-ċomb daqs jew iżjed minn 0,1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC għandhom jiżguraw li qabel ma jqiegħdu dawk l-oġġetti fis-suq, dawn ikunu mmarkati b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx bid-dikjarazzjoni: “Fih ≥ 0,1 % ċomb”. Meta l-immarkar ma jkunx jista’ jsir fuq l-oġġett minħabba n-natura tal-oġġett, dan għandu jsir fuq l-imballaġġ tal-oġġett.

Il-fornituri tal-oġġetti tal-PVC li fihom il-PVC riġidu rkuprat għandu jippreżenta evidenza dokumentata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar meta jintalbu, biex jissostanzjaw l-asserzjonijiet dwar l-oriġini rkuprata tal-PVC f’dawk l-oġġetti. Iċ-ċertifikati maħruġa bl-iskemi biex jagħtu prova tat-traċċabbiltà u tal-kontenut riċiklat, bħal pereżempju dawk żviluppati skont l-istandard EN 15343:2007 jew standards ekwivalenti rikonoxxuti, jistgħu jintużaw biex jissostanzjaw dawn l-asserzjonijiet għall-oġġetti prodotti fl-Unjoni. Mal-asserzjonijiet magħmula dwar l-oriġini rkuprata tal-PVC fl-oġġetti importati għandu jinhemeż ċertifikat li jagħti prova ekwivalenti tat-traċċabbiltà u tal-kontenut riċiklat, maħruġ minn parti terza indipendenti.

Sat-28 ta’ Mejju 2028, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan il-paragrafu fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika ġdida u, jekk ikun xieraq, timmodifikah kif xieraq.

19.

B’deroga, il-paragrafu 15 ma għandux japplika għal:

(a)

is-separaturi tal-PVC-siliċe fil-batteriji tal-aċidu taċ-ċomb, sat-28 ta’ Mejju 2033;

(b)

l-oġġetti koperti mill-paragrafu 1 f’konformità mal-paragrafi 2 sa 5, u mill-paragrafu 7 f’konformità mal-paragrafi 8 u 10;

(c)

l-oġġetti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’:

(i)

ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004;

(ii)

id-Direttiva 2011/65/UE;

(iii)

id-Direttiva 94/62/KE;

(iv)

id-Direttiva 2009/48/KE.

20.

B’deroga, il-paragrafu 15 ma għandux japplika għall-oġġetti tal-PVC mqiegħda fis-suq sat-28 ta’ Novembru 2024.”


DEĊIŻJONIJIET

8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/924

tal-24 ta’ April 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emendi għall-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) u l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit bil-Ftehim ŻEE (il-‘Kumitat Konġunt taż-ŻEE’) jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) u l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Annessi I u II tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendi proposti għall-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) u l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ April 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Anness I (Kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji) u l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), kif ikkoreġut minn ĠU L 83, 10.3.2022, p. 66 u ĠU L 161, 16.6.2022, p. 121, għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1768 tat-23 ta’ Ġunju 2021 li jemenda, għall-fini tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku, l-Annessi I, II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1178 tas-27 ta’ Lulju 2020 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tad-Danimarka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti (3) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1184 tas-17 ta’ Lulju 2020 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mill-Ungerija skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti (4) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1205 tas-6 ta’ Awwissu 2020 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi (5) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dehra viżiva tat-tikketta fuq il-prodotti fertilizzanti tal-UE msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li huwa inkorporat fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim ŻEE.

(8)

Id-deroga li tippermetti lill-Istati taż-ŻEE-EFTA jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ fertilizzanti fis-swieq tagħhom minħabba l-kontenut ta’ kadmju ilha fis-seħħ fil-Ftehim ŻEE mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1994. Fir-rigward tal-Istati Membri tal-UE li ngħataw l-istess derogi fir-rigward tal-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti, jibqgħu validi ċ-ċirkostanzi fattwali li jeħtieġu din id-deroga.

(9)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2004 (8), (KE) Nru 162/2007 (9), (KE) Nru 1107/2008 (10), (KE) Nru 1020/2009 (11), (UE) Nru 137/2011 (12), (UE) Nru 223/2012 (13), (UE) Nru 463/2013 (14), (UE) Nru 1257/2014 (15), (UE) 2016/1618 (16), (UE) 2019/1102 (17), (UE) 2020/1666 (18) u (UE) 2021/862 (19), li huma inkorporati fil-Ftehim ŻEE, ma għadhomx validi u konsegwentement għandhom jitħassru skont il-Ftehim ŻEE.

(10)

Din id-Deċiżjoni fiha dispożizzjonijiet rigward kwistjonijiet veterinarji. Il-leġiżlazzjoni rigward kwistjonijiet veterinarji ma għandhiex tapplika għal-Liechtenstein sakemm l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli jiġi estiż għal-Liechtenstein, kif speċifikat fl-adattamenti settorjali tal-Anness I.

(11)

L-Annessi I u II tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li għalhekk jiġu emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċiż li ġej jiżdied mal-punt 9b (ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) fil-Parti 7.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE:

“-

32019 R 1009: Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1), kif ikkoreġut minn ĠU L 83, 10.3.2022, p. 66 u ĠU L 161, 16.6.2022, p. 121.”.

Artikolu 2

L-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

It-test tal-punt 1 (ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu XIV għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

32019 R 1009: Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1), kif ikkoreġut minn ĠU L 83, 10.3.2022, p. 66 u ĠU L 161, 16.6.2022, p. 121, kif emendat minn:

32021 R 1768: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1768 tat-23 ta’ Ġunju 2021 (ĠU L 356, 8.10.2021, p. 8).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom ikunu liberi jkomplu japplikaw il-valuri ta’ limitu nazzjonali tagħhom għall-kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li jeżisti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta’ [din id-deċiżjoni] sakemm isiru applikabbli fiż-Żona Ekonomika Ewropea l-valuri ta’ limitu armonizzati għall-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi li huma ndaqs jew aktar baxxi minn dawk il-valuri ta’ limitu.

(b)

Fl-Artikolu 1(2), il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu wara l-punt (p):

“(q)

il-liġi nazzjonali dwar is-saħħa tal-pjanti tal-Istati tal-EFTA;

(r)

il-liġi nazzjonali dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi tal-Istati tal-EFTA.”

(c)

Fl-Artikolu 52, fir-rigward tal-Istati EFTA, il-kliem “jew id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta’ [din id-deċiżjoni], skont liema data tkun l-iżjed tard” jiddaħħlu wara l-kliem “16 ta’ Lulju 2022”.”.

2.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 5 (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/390/KE) tal-Kapitolu XIV:

“6.

32020 D 1178: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1178 tas-27 ta’ Lulju 2020 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Renju tad-Danimarka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti (ĠU L 259, 10.8.2020, p. 14).

7.

32022 D 1184: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1184 tas-17 ta’ Lulju 2020 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mill-Ungerija skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi (ĠU L 261, 11.8.2020, p. 42).

8.

32020 D 1205: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1205 tas-6 ta’ Awwissu 2020 dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali notifikati mir-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 114(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward il-kontenut ta’ kadmju fil-fertilizzanti fosfatiċi (ĠU L 270, 18.8.2020, p. 7).

ATTI LI TAGĦHOM GĦANDHOM JIEĦDU NOTA L-PARTIJIET KONTRAENTI

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu nota tal-atti li ġejjin:

1.

52021XC0407(04): Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dehra viżiva tat-tikketta fuq il-prodotti fertilizzanti tal-UE msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 119, 7.4.2021, p. 1).”.

3.

Il-punt 13 (ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu XV huwa emendat kif ġej:

(i)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“-

32019 R 1009: Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1), kif ikkoreġut minn ĠU L 83, 10.3.2022, p. 66 u ĠU L 161, 16.6.2022, p. 121.”.

(ii)

l-adattamenti (i) u (j) huma rinumerati bħala l-adattamenti (j) u (k), rispettivament.

(iii)

l-adattament li ġej jiddaħħal wara l-adattament (h):

“(i)

Fl-Artikolu 80(8), fir-rigward tal-Istati EFTA, il-kliem “15 ta’ Lulju 2019” għandhom jaqraw “id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta’ [din id-deċiżjoni]”.”.

Artikolu 3

It-testi tar-Regolament (UE) 2019/1009, kif ikkoreġuti minn ĠU L 83, 10.3.2022, p. 66 u ĠU L 161, 16.6.2022, p. 121, ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1768, id-Deċiżjonijiet (UE) 2020/1178, (UE) 2020/1184 u (UE) 2020/1205, u tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dehra viżiva tat-tikketta fuq il-prodotti fertilizzanti tal-UE msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-lingwa Iżlandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*) .

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu.

Magħmul fi Brussell, […].

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.

(2)  ĠU L 356, 8.10.2021, p. 8.

(3)  ĠU L 259, 10.8.2020, p. 14.

(4)  ĠU L 261, 11.8.2020, p. 42.

(5)  ĠU L 270, 18.8.2020, p. 7.

(6)  ĠU C 119, 7.4.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1.

(8)  ĠU L 359, 4.12.2004, p. 25.

(9)  ĠU L 51, 20.2.2007, p. 7.

(10)  ĠU L 299, 8.11.2008, p. 13.

(11)  ĠU L 282, 29.10.2009, p. 7.

(12)  ĠU L 43, 17.2.2011, p. 1.

(13)  ĠU L 75, 15.3.2012, p. 12.

(14)  ĠU L 134, 18.5.2013, p. 1.

(15)  ĠU L 337, 25.11.2014, p. 53.

(16)  ĠU L 242, 9.9.2016, p. 24.

(17)  ĠU L 175, 28.6.2019, p. 25.

(18)  ĠU L 377, 11.11.2020, p. 3.

(19)  ĠU L 190, 31.5.2021, p. 74.

(*)  [Mhuwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/925

tal-24 ta’ April 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda fl-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE (Ir-Regolament tal-EASA)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal- (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jenħtieġ li jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Għaldaqstant l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fl-Anness II (Regolamenti, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ April 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru [..]

ta’ …

li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, testijiet u ċertifikazzjoni) u l-Anness XIII (Trasport) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1) irid jiġi inkorpoprat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

L-attivitajiet tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) jistgħu jaffettwaw il-livell ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

(3)

Għaldaqstant ir-Regolament (UE) 2018/1139 jenħtieġ li jkun inkorporat fil-Ftehim ŻEE sabiex tkun permessa l-parteċipazzjoni sħiħa mill-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet tal-Aġenzija.

(4)

Xi dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tar-Regolament (UE) 2018/1139, u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, joriġinaw minn Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago), il-Proċeduri għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Procedures for Air Navigation Services, PANS) u l-Proċeduri Supplimentari Reġjonali (Regional Supplementary Procedures, SUPPS) applikabbli għar-reġjun Ewropew (EUR) u/jew ir-reġjun tal-Afrika-Oċean Indjan (AFI) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li jistgħu ma jkunux adatti jew kompatibbli ma’ dawk applikabbli għar-reġjun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAT) tal-ICAO. Filwaqt li l-Iżlanda hija impenjata li tissodisfa u tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1139, il-post tagħha fir-reġjun tal-Atlantiku tat-Tramuntana jimplika li twettaq u tkun konformi mas-SUPPS applikabbli għar-reġjun NAT. Għaldaqstant, is-SUPPS tan-NAT u l-materjal ta’ gwida speċifiku għar-reġjun tan-NAT jistgħu jitqiesu bħala Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (AMC) u Materjal ta’ Gwida (GM) xierqa għall-Iżlanda.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Annessi II u XIII tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Dan li ġej jiżdied mal-punt 7e (id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu X:

“, kif emendat bi:

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”

2.

Dan li ġej jiżdied fil-punt 4zzr (id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Kapitolu XVIII:

“, kif emendat bi:

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”

Artikolu 2

L-Anness XIII tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-punt 64a (ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) huwa emendat kif ġej:

(i)

jiżdied l-inċiż li ġej:

“-

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”

(ii)

l-adattament li ġej jiżdied wara l-adattament (c):

“(d)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 25:

“3.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-kumitat stabbilit skont il-paragrafu 1 u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt tal-vot. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha status ta’ osservatur fil-kumitat.””

2.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punti 66a (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91), 66n (ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 66w (ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“-

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”

3.

Dan li ġej jiżdied fil-punti 66d (ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 66gc (ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat bi:

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”

4.

Il-punt 66za (ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

jiżdied dan li ġej:

“, kif emendat bi:

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).”;

(ii)

it-test tal-adattament (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 15:

“6.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-kumitat stabbilit skont il-paragrafu 1 u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt tal-vot. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha l-istatus ta’ osservatur fil-kumitat.””

5.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 66zab (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006):

“66zb.

32018 R 1139: Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Sakemm mhux stipulat mod ieħor aktar ’l isfel, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim, it-terminu “Stat/i Membru/i” u termini oħrajn li jirreferu għall-entitajiet pubbliċi tagħhom fir-Regolament, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, għandhom jinftiehemu li jinkludu l-Istati Membri tal-EFTA u l-entitajiet pubbliċi tagħhom. Għandu japplika l-Paragrafu 11 tal-Protokoll 1.

(b)

Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, skont kif u meta xieraq, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew lill-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, skont il-każ li jkun, fil-qadi tal-kompiti rispettivi tagħhom. L-Aġenzija u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jew il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA, skont il-każ li jkun, għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni kif u meta jkun xieraq.

(c)

Xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jkun interpretat fis-sens ta’ trasferiment ta’ setgħa lill-Aġenzija biex taġixxi f’isem l-Istati tal-EFTA fl-ambitu ta’ ftehimiet internazzjonali għal raġunijiet differenti għajr dawk biex tgħinhom fil-qadi tal-obbligi tagħhom skont dawn il-ftehimiet.

(d)

Ir-rekwiżiti fir-Regolament rilevanti għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, fl-atti ta’ implimentazzjoni u fl-atti delgati tiegħu, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet applikabbli għar-reġjun Ewropew (EUR) u/jew ir-reġjun tal-Afrika-Oċean Indjan (AFI) tal-ICAO, jenħtieġ li jinftiehmu li mhumiex rekwiżit għall-Iżlanda, meta l-Iżlanda tikkonforma mal-Proċeduri Supplimentari Reġjonali tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAT) tal-ICAO. Dawn tal-aħħar jista’ jitqiesu bħala Mezzi Aċċettabbli ta’ Konformità (Acceptable Means of Compliance, AMC) u Materjal ta’ Gwida (Guidance Material, GM) għall-Iżlanda.

Ir-referenzi fir-Regolament għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, jew fl-atti ta’ implimentazzjoni u fl-atti delegati tiegħu, għal Regolamenti oħra tal-UE li huma limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tagħhom għar-reġjun Ewropew (EUR) u/jew ir-reġjun tal-Afrika-Oċean Indjan (AFI) tal-ICAO, mhumiex vinkolanti għall-Iżlanda, sakemm l-Iżlanda ma tkunx iddikjarat speċifikament li tali regolamenti huma applikabbli għall-Iżlanda.

(e)

Meta l-Iżlanda tikkonforma mal-Proċeduri Supplimentari Reġjonali (SUPPs) tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NAT) u/jew mal-materjal ta’ gwida (GM) speċifiku għar-reġjun tal-NAT, l-użu ta’ Mezzi Alternattivi ta’ Konformità (Alternative Means of Compliance, AltMOC) u n-notifika sussegwenti tagħhom, mhumiex meħtieġa.

(f)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fir-repożitorju tal-informazzjoni stabbilit mill-Aġenzija f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 74.

(g)

Fl-Artikolu 62:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni,”.

(ii)

fil-paragrafu 5(a), il-kliem “u Stat tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “dawk l-Istati Membri”.

(iii)

fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 għandu jinqara kif ġej:

“L-Istati tal-EFTA kkonċernati għandhom, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru.../... ta’... [din id-deċiżjoni], jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA bid-deċiżjoni tagħhom dwar ir-responsabbiltà konġunta u jipprovdulhom l-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari l-ftehim imsemmi fil-punt (a) u l-miżuri meħuda biex jiġi żgurat li dawn il-kompiti jitwettqu b’mod effettiv f’konformità mal-punt (b). Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandhom jikkooperaw dwar il-valutazzjoni tagħhom tan-notifika.”.

(iv)

fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “il-Kummissjoni”, u l-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “jinformaw lill-Kummissjoni”.

(v)

fil-paragrafu 9, il-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni,”.

(h)

Fl-Artikolu 66:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”;

(ii)

fil-paragrafu 3, il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(iii)

fil-paragrafu 4, il-kliem “jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ li jkun,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”;

(i)

Fl-Artikolu 68:

(i)

fil-paragrafu 1(a), il-kliem “, Stat tal-EFTA jew Stati tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Unjoni”.

(ii)

fil-paragrafu 1(c), il-kliem “, Stat tal-EFTA jew Stati tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “Stat Membru”.

(iii)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 3:

“Kull meta l-Unjoni tidħol f’konsultazzjonijiet ma’ pajjiż terz bl-għan li tikkonkludi ftehimiet dwar ir-rikonoxximent ta’ ċertifikati jew tikkonkludi dawn il-ftehimiet, l-Istati tal-EFTA għandhom jinżammu infurmati kif xieraq u l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom biex ikun hemm il-possibbiltà għall-Istati tal-EFTA li jaderixxu ma’ dan il-ftehim jew li jiksbu għall-Istati tal-EFTA offerta għal ftehim simili ma’ dak il-pajjiż terz. L-Istati tal-EFTA għandhom, min-naħa tagħhom, jagħmlu ħilithom biex jikkonkludu ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jikkorrispondu għal dawk tal-Unjoni.”.

(j)

Fl-Artikolu 72:

(i)

fil-paragrafi 1 u 6, il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(ii)

fil-paragrafu 4, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”;

(iii)

għandi jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Informazzjoni jew data li toħroġ mill-Istati tal-EFTA u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha f’kull ħin tingħata protezzjoni daqs l-informazzjoni jew id-data li toħroġ mill-Istati Membri tal-UE, l-Aġenzija u l-Kummissjoni.”.

(k)

fl-Artikolu 74(1) sa (7), il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(l)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 75:

“3.   L-Aġenzija għandha tassisti wkoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA b’miżuri u kompiti skont dan l-Artikolu.”.

(m)

Fl-Artikolu 76:

(i)

fil-paragrafu 2, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”;

(ii)

fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4, il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “il-Kummissjoni”.

(n)

Fl-Artikolu 84:

(i)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 1:

“Is-setgħa li timponi multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq il-persuna fiżika jew ġuridika li l-Aġenzija tkun ħarġitilha ċertifikat, jew li tkun għamlitilha dikjarazzjoni, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, meta tali persuna fiżika jew ġuridika jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat tal-EFTA jew, jekk din il-persuna ma jkollha l-ebda post prinċipali tan-negozju, meta jkollha l-post tar-residenza jew il-post tal-istabbiliment tagħha fi Stat tal-EFTA, din għandha tingħata lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.”.

(ii)

fil-paragrafu 3, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”;

(iii)

fil-paragrafu 5, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-Qorti tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kliem “Il-Qorti tal-Ġustizzja” u l-kliem “u, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(iv)

fil-paragrafu 6, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(o)

Fl-Artikolu 85, is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied fil-paragrafu 1:

“L-Aġenzija għandha tassisti wkoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u tipprovdilha l-istess appoġġ, fejn tali miżuri u kompiti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont il-Ftehim ŻEE. L-Aġenzija għandha tagħti rapporti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar spezzjonijiet u attivitajiet oħra ta’ monitoraġġ imwettqa fi Stat tal-EFTA.”.

(p)

Fl-Artikolu 88:

(i)

fil-paragrafu 1, il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(ii)

fil-paragrafu 2, il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(iii)

fil-paragrafu 3, il-kliem “jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(q)

Fl-Artikolu 89(1), il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(r)

Fl-Artikolu 90(4), il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(s)

Fl-Artikolu 93, il-kliem “u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Kummissjoni”.

(t)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 95:

“3.   Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra, iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmijin fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE għandhom jitqiesu mill-Aġenzija, fir-rigward tal-persunal tagħha, bħala l-lingwi tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”.

(u)

Dan li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 96:

“L-Istati tal-EFTA għandhom jagħtu privileġġi u immunitajiet lill-Aġenzija u lill-persunal tagħha ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE.”.

(v)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 99:

“6.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Bord tat-Tmexxija u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt tal-vot. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha, bħala osservatur, taħtar rappreżentant wieħed u sostitut.”

(w)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 106:

“7.   Iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu eleġibbli bħala membri, inklużi l-Presidenti, fil-Bordijiet tal-Appell. Meta l-Kummissjoni tfassal il-lista ta’ kandidati kwalifikati msemmija fil-paragrafu 1, hija għandha tikkunsidra wkoll iċ-ċittadini tal-EFTA bħala kandidati.”

(x)

Fl-Artikolu 114(3), il-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Istati tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “l-Istati Membri”.

(y)

Fl-Artikolu 119:

(i)

fil-paragrafu 1, is-sentenza li ġejja għandha tiddaħħal wara l-kliem: “miżmuma mill-Aġenzija.”:

“Għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kwalunkwe dokument tal-Aġenzija fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.”.

(ii)

fil-paragrafu 3, il-kliem “, tal-Iżlanda u tan-Norveġja” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Unjoni”.

(iii)

fil-paragrafu 5, il-kliem “, jew bl-Iżlandiż jew bin-Norveġiż” għandu jiddaħħal wara l-kelma “l-Unjoni”.

(z)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 120:

“13.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1(a). Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim għandhom japplikaw mutatis mutandis.”.

(za)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 127:

“5.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-kumitat stabbilit skont il-paragrafu 1 u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot. L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha l-istatus ta’ osservatur fil-kumitat.”.

(zb)

Fl-Artikolu 128(4), il-kliem “u Stat tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kliem “kull Stat Membru”.

(zc)

L-Artikolu 140(6) ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.

(zd)

Fejn applikabbli, u sakemm mhux previst mod ieħor, l-adattamenti ta’ hawn fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni li tagħti setgħat lill-Aġenzija u inkorporata f’dan il-Ftehim.”

Artikolu 3

It-test tar-Regolament (UE) 2018/1139 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi …, jew fil-jum ta’ wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*), skont liema minnhom jiġi l-aħħar.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, ….

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(*)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali]


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-Deċiżjoni Nru .../... li tinkorpora r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dan il-Protokoll.


8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/926

tal-24 ta’ April 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet (EU-OSHA)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (il-“Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet.

(3)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023.

(5)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ April 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 58).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta’ …

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-"Ftehim ŻEE"), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (1).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/126 iħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (2), li huwa inkluż fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(3)

Għalhekk il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-paragrafu 11 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 għandu jiġi sostitwit bis-segwenti:

"(a)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Aġenzija”, kif stipulat fl-att tal-Unjoni li ġej:

32019 R 0126: Ir-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 58).

(b)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija f'(a) skont l-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Bord tat-Tmexxija u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt tal-vot.

(d)

It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ u termini oħra li jagħmlu referenza għall-entitajiet pubbliċi tagħhom imsemmija fl-Artikoli 12 tar-Regolament għandhom jinftiehmu b’tali mod li, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, ikunu jinkludu lill-Istati tal-EFTA u lill-entitajiet pubbliċi tagħhom.

(e)

L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika. Fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti, hija għandha tgawdi il-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom.

(f)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu lill-Aġenzija privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

(g)

B’deroga mill-Artikolu 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

(h)

B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmijin fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim għandhom jitqiesu mill-Aġenzija, fir-rigward tal-persunal tagħha, bħala l-lingwi tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(i)

Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, Taqsima VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandu japplika għal dan il-paragrafu.

(j)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3), għall-fini ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/126, għandu japplika wkoll għal kull dokument tal-Aġenzija rigward l-Istati Membri tal-EFTA.".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, ….

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)  ĠU L 30, 31.1.2019, p. 58.

(2)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(*)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni Nru …/…

li tinkorpora r-Regolament (UE) 2019/126 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.


8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/927

tal-5 ta’ Mejju 2023

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu appoġġati l-Forzi Armati Ukreni permezz tal-forniment ta’ munizzjon

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu evitati l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Il-Forzi Armati Ukreni ilhom jiġġieldu l-aggressjoni Russa, b’vittmi militari u ċivili kontinwi, għal għadd ta’ snin. L-aggressjoni Russa eskalat drammatikament fi Frar 2022 minħabba invażjoni fuq skala sħiħa mhux provokata tal-Ukrajna minn forzi armati tal-Federazzjoni Russa.

(3)

Fil-25 ta’ Frar 2022, il-Gvern tal-Ukrajna għamel talba urġenti lill-Unjoni għal assistenza permezz tal-forniment ta’ tagħmir militari. B’reazzjoni għal dan, mit-28 ta’ Frar 2022 ingħata appoġġ taħt l-EPF skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2022/338 (2) u (PESK) 2022/339 (3).

(4)

Matul l-24 summit bejn l-UE u l-Ukrajna fit-3 ta’ Frar 2023, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tennew l-appoġġ kontinwu tagħhom sakemm ikun hemm bżonn għall-Ukrajna u għall-poplu Ukren kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja. Fil-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew straordinarju tad-9 u l-10 ta’ Frar 2023, il-President tal-Ukrajna enfasizza l-ħtieġa urġenti għal aktar appoġġ militari għall-Ukrajna.

(5)

Fit-2 ta’ Marzu 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) irċieva talba mill-Ukrajna biex l-Unjoni tassisti aktar lill-Forzi Armati Ukreni bil-forniment ta’ balal tal-artillerija b’kalibru ta’ 155 mm.

(6)

Fl-20 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill qabel dwar approċċ fuq tliet binarji bil-ħsieb li, b’mod partikolari, jitħaffu l-konsenja u l-akkwist konġunt, bil-mira ta’ miljun balla ta’ munizzjon tal-artillerija għall-Ukrajna fi sforz konġunt fit-12-il xahar li ġejjin, u appella għall-implimentazzjoni rapida ta’ dawk it-tliet binarji, li huma interkonnessi u li jeħtieġ li jiġu segwiti b’mod parallel u kkoordinat. Il-Kunsill appella lill-Istati Membri biex b’mod urġenti jikkonsenjaw munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija lill-Ukrajna u, jekk jintalbu, missili. Fir-rigward tat-tielet binarju, il-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti konkreti biex tappoġġa b’mod urġenti t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ manifattura tal-industrija tad-difiża Ewropea, tiżgura l-ktajjen tal-provvista, tiffaċilita proċeduri ta’ akkwist effiċjenti, tindirizza n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tippromwovi l-investimenti, inkluż, fejn xieraq, il-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(7)

Il-Kunsill appella wkoll lill-Istati Membri biex jakkwistaw b’mod konġunt munizzjon b’kalibru ta’ 155 mm u, jekk jintalbu, missili għall-Ukrajna bl-aktar mod rapidu possibbli qabel it-30 ta’ Settembru 2023 mill-industrija tad-difiża Ewropea (u n-Norveġja) fi ħdan il-parametri definiti fil-kuntest ta’ proġett eżistenti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jew permezz ta’ proġetti ta’ akkwist konġunt komplementari mmexxija minn Stat Membru.

(8)

It-termini u l-kundizzjonijiet kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma rilevanti biss għall-akkwisti konġunti msemmija fil-paragrafu 3 tan-nota dwar “It-tħaffif tal-konsenja u l-akkwist konġunt ta’ munizzjon għall-Ukrajna” approvata mill-Kunsill fl-20 ta’ Marzu 2023 u huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe terminu u kundizzjoni ta’ deċiżjonijiet jew regolamenti futuri li jikkonċernaw l-industrija tad-difiża Ewropea.

(9)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’konformità partikolari mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF (“ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-EPF”), inkluż ir-regoli dwar l-oriġini tat-tagħmir militari. B’deroga mill-Artikolu 50 tal-Ktieb 3 tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-EPF, u minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari, il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist konġunt għall-munizzjon u l-missili li għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ din il-miżura ta’ assistenza hija miftuħa biss għall-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni jew fin-Norveġja, u li jipproduċu dawn il-munizzjon u l-missili fl-Unjoni jew fin-Norveġja, mingħajr preġudizzju għal ebda deċiżjoni futura. Ir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jenħtieġ li japplikaw. Il-munizzjon u l-missili li jkunu għaddew minn stadju importanti ta’ manifattura fl-Unjoni jew fin-Norveġja li jikkonsisti f’assemblaġġ finali jenħtieġ li jitqiesu eliġibbli wkoll. Il-ktajjen tal-provvista ta’ dawn l-operaturi jistgħu jinkludu operaturi stabbiliti jew li jkollhom il-produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni jew min-Norveġja. F’dan ir-rigward jenħtieġ li jitqiesu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri.

(10)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.

(11)

Il-Kunsill ser jirċievi aġġornamenti ta’ kull xahar b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont din id-Deċiżjoni sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-ilħuq tal-għan li jiġu pprovduti miljun balla ta’ munizzjon tal-artillerija lill-Ukrajna.. Ser jiġu organizzati wkoll laqgħat regolari fil-livell tad-Diretturi Nazzjonali tal-Armamenti mat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża (il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-EDA) biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet industrijali kif ukoll biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni mill-qrib meħtieġa, speċjalment fir-rigward tal-provvista mill-istokkijiet, il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-ordnijiet eżistenti u l-proġetti differenti ta’ akkwist konġunt, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata tat-tliet binarji differenti.

(12)

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ser jimmonitorja l-implimentazzjoni koordinata u parallela tal-approċċ fuq tliet binarji.

(13)

Il-Kunsill innota wkoll li huwa jibqa’ impenjat li jipprovdi appoġġ politiku u militari lill-Ukrajna, b’mod partikolari permezz tal-EPF u l-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna, mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politiki ta’ sigurtà u difiża ta’ ċerti Stati Membri u li jiżgura li jitqiesu kif xieraq l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tal-Ukrajna (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”) hija b’dan stabbilita.

2.   L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-Forzi Armati Ukreni li jiddefendu l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, u jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja, permezz tal-forniment ta’ balal tal-artillerija b’kalibru ta’ 155 mm u, jekk jintalbu, missili, akkwistati b’mod konġunt mill-industrija tad-difiża Ewropea bl-aktar mod rapidu possibbli.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja l-forniment lill-Forzi Armati Ukreni ta’ balal tal-artillerija b’kalibru ta’ 155 mm, u jekk jintalbu, missili. Tali munizzjon u missili għandhom jiġu akkwistati b’mod konġunt minn operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni jew fin-Norveġja u li jipproduċu dawn il-munizzjon u l-missili fl-Unjoni jew fin-Norveġja. Ir-regoli ta’ oriġini stipulati fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandhom japplikaw. Il-munizzjon u l-missili li jkunu għaddew minn stadju importanti ta’ manifattura fl-Unjoni jew fin-Norveġja li jikkonsisti f’assemblaġġ finali għandhom ukoll jitqiesu eliġibbli. Il-ktajjen tal-provvista ta’ dawn l-operaturi jistgħu jinkludu operaturi stabbiliti jew li jkollhom il-produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni jew min-Norveġja. F’dan ir-rigward għandhom jitqiesu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri. L-akkwisti konġunti magħmula skont din il-miżura ta’ assistenza għandhom jitwettqu mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 4(3) fil-parametri definiti fil-kuntest ta’ proġett eżistenti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jew permezz ta’ proġetti ta’ akkwist konġunt komplementari mmexxija minn Stat Membru.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 56 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 1 000 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF (ir-“regoli ta’ implimentazzjoni tal-EPF”), inkluż ir-regoli dwar l-oriġini ta’ tagħmir militari. B’deroga mill-Artikolu 50 tal-Ktieb 3 tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-EPF, il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist konġunt għandha tkun miftuħa biss għall-operaturi ekonomiċi kif imsemmija fl-Artikolu 1(3).

3.   F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 1 000 000 000. Il-fondi li għalihom jkun għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġits emendatorji u annwali relatati li jikkorrispondu għall-miżura ta’ assistenza.

4.   Il-kuntratti ta’ akkwist jew l-ordnijiet ta’ xiri relatati mal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza għandhom jiġu konklużi bl-aktar mod rapidu possibbli bejn l-20 ta’ Marzu 2023 u t-30 ta’ Settembru 2023. In-nefqa relatata għandha tkun eliġibbli mill-20 ta’ Marzu 2023 u sa data li għandha tiġi ddeterminata mill-Kunsill.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u l-Artikolu 62(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fl-ambitu tal-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-EPF, f’konformità mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet tal-balal tal-artillerija b’kalibru ta’ 155 mm u tal-missili li għandhom jiġu pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għandhom jikkorrispondu mal-prijoritajiet ikkomunikati mill-Ukrajna permezz tal-Persunal Militari tal-UE. Il-Kumitat stabbilit mid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jiddeċiedi dwar il-qafas applikabbli għall-finanzjament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 1(3) u dwar l-arranġamenti għar-rimborż, fejn xieraq.

3.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) tista’ titwettaq minn dawn li ġejjin:

(a)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Belġju;

(b)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Bulgarija;

(c)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Kroazja;

(d)

il-Ministeru għad-Difiża ta’ Ċipru;

(e)

il-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Ċeka;

(f)

il-Ministeru għad-Difiża tad-Danimarka;

(g)

iċ-Ċentru Estonjan għall-Investimenti fid-Difiża (ECDI) f’isem il-Ministeru għad-Difiża tal-Estonja;

(h)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Finlandja;

(i)

l-Ministeru għad-Difiża ta’ Franza;

(j)

il-Ministeru għad-Difiża, l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin u l-Ministeru Federali għall-Intern u l-Komunità tal-Ġermanja;

(k)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Greċja;

(l)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Italja;

(m)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Latvja u ċ-Ċentru Statali għal-Loġistika u l-Akkwist fil-qasam tad-Difiża tal-Latvja;

(n)

il-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tal-Litwanja;

(o)

id-Direttorat tad-Difiża tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Lussemburgu;

(p)

il-Ministru għad-Difiża tan-Netherlands;

(q)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Polonja;

(r)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Portugall;

(s)

il-Ministeru għad-Difiża Nazzjonali tar-Rumanija;

(t)

il-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Slovakka;

(u)

il-Ministeru għad-Difiża tas-Slovenja;

(v)

il-Ministeru għad-Difiża ta’ Spanja;

(w)

il-Ministeru għad-Difiża tal-Iżvezja/l-Amministrazzjoni ta’ Materjal tad-Difiża Żvediż).

Artikolu 5

Appoġġ mill-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tranżitu ta’ balal tal-artillerija b’kalibru ta’ 155 mm u missili, inkluż il-persunal li jkun jakkumpanjah, mit-territorji tagħhom, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom, b’mod konsistenti mal-Artikolu 56(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 6

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati Ukreni appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir għandu jiġi organizzat b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fil-qafas tal-EPF.

Artikolu 7

Rapportar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. Dan ser jiġi ssupplimentat b’aġġornamenti ta’ kull xahar b’mod regolari lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza inkluż dwar il-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettiv tagħha, abbażi ta’ informazzjoni, ipprovduta mill-Istati Membri, dwar konsenji ta’ balal ta’ artillerija b’kalibru ta’ 155 mm, u jekk jintalbu, missili. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-subkuntratturi involuti.

Artikolu 8

Sospensjoni u terminazzjoni

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-20 ta’ Marzu 2023.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/338 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-provvista lill-Forzi Armati Ukreni ta’ tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali (ĠU L 60, 28.2.2022, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/339 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 61, 28.2.2022, p. 1).

(4)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/32


DEĊIŻJONI Nru 1/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-UKRAJNA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

tas-16 ta’ Marzu 2023

fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu [2023/928]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi skont l-Artikolu 7(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (“il-Ftehim”), il-Kumitat Konġunt irid jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura kif stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġu adottati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Regoli ta’ Proċedura

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Oleksandr KUBRAKOV

Kristian SCHMIDT


(1)  ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.


ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT

Artikolu 1

Kapijiet tad-delegazzjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Kull Parti għandha taħtar il-Kap u, meta meħtieġ, Viċi Kap tad-delegazzjoni tagħha. Il-Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiġi sostitwit mill-Viċi Kap jew minn nominat għal xi laqgħa partikolari.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Ukrajna. Il-Kap tad-delegazzjoni rilevanti, jew fin-nuqqas tiegħu, il-Viċi Kap jew in-nominat bħala sostitut għalihom għandhom jaġixxu bħala president.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ. Kwalunkwe Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ wkoll sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, biex jivvaluta l-ħtieġa u jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6(2) tiegħu.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jorganizza laqgħat fiżika jew b’mezzi oħra (eż. telekonferenzi jew vidjokonferenzi).

3.   Il-laqgħat għandhom isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u fl-Ukrajna, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

4.   Il-lingwa operatorja għandha tkun l-Ingliż.

5.   Ladarba l-Partijiet jaqblu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru Ukren inkarigat mit-trasport bit-triq.

6.   Għajr jekk il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Meta meħtieġ, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi qbil reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

1.   Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom fil-laqgħa.

2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bit-triq jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat jew xi partijiet minnhom bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel ma’ dan b’konsensus.

3.   Jekk jaqbel ma’ dan b’konsensus, il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew esperti oħra biex jattendu l-laqgħat jew xi partijiet minnhom biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

4.   L-osservaturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Segretarjat

L-uffiċjal tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-uffiċjal tal-Ministeru Ukren inkarigat mit-trasport bit-triq għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Aġenda tal-laqgħat

1.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarji lill-membri tad-delegazzjonijiet sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Fl-aġenda jistgħu jiddaħħlu punti oħra apparti dawk fl-aġenda proviżorja, meta l-Kumitat Konġunt jaqbel ma’ dan.

3.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu taż-żmien speċifikat fil-paragrafu 1 biex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ xi kwistjoni partikolari.

Artikolu 6

Minuti

1.   Wara kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu abbozzi tal-minuti ta’ kull laqgħa. Dawn għandhom jindikaw il-materji diskussi u d-deċiżjonijiet adottati.

2.   Fi żmien xahar mil-laqgħa, l-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat mill-Kap tad-Delegazzjoni ospitanti lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, tramite s-segretarji tal-Kumitat Konġunt, għall-approvazzjoni bi proċedura bil-miktub.

3.   Meta approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati f’duplikati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandha tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull Parti. Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju tal-kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

4.   Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

5.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu taż-żmien speċifikat fil-paragrafu 2 u jaqblu dwar data rigward l-approvazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 biex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ xi kwistjoni partikolari.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

Meta meħtieġ u debitament motivat, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati bi proċedura bil-miktub. Għal dak il-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozz tal-miżuri li dwarhom tintalab d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati bi skambju ta’ korrispondenza. Iżda kwalunkwe Parti tista’ jttlob li jitlaqqa’ l-Kumitat Konġunt biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet bil-konsensus tal-Partijiet.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” segwit b’numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiffirmawhom il-Kapijiet tad-Delegazzjoni u jinhemżu mal-minuti.

4.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jimplimentawhom il-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

5.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kull Parti għandha tibgħat kopja oriġinali waħda tad-deċiżjonijiet.

Artikolu 9

Gruppi ta’ ħidma

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fil-qadi ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandu japprovahom il-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 7(5) tal-Ftehim u jiġu inklużi f’anness tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma.

2.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

3.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jaħdmu fl-awtorità tal-Kumitat Konġunt, u jgħaddulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.   Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jneħħi gruppi ta’ ħidma eżistenti, ibiddel it-termini ta’ referenza tagħhom jew jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu.

Artikolu 10

Spejjeż

1.   Il-Partijiet għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm b’rabta mal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa ta’ sussistenza u anki b’rabta mal-kostijiet tal-posta u tat-telekomunikazzjoni.

2.   Nefqiet oħra relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha tħallashom il-Parti li tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura b’deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 7(5) ta’ dan il-Ftehim.


8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/36


DEĊIŻJONI Nru 2/2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-UKRAJNA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

tas-16 ta’ Marzu 2023

fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim [2023/929]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Konġunt adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2023.

(2)

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (“il-Ftehim”), il-Ftehim għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023.

(3)

Skont l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim biex jivvaluta u jiddeċiedi dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

(4)

Il-monitoraġġ tal-Ftehim wera li sar essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna.

(5)

Għalhekk l-estensjoni tal-Ftehim hija tweġiba għat-talba tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea lill-Unjoni Ewropea biex “tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-Korsiji ta’ Solidarjetà kollha” għax dawn “għamlu possibbli l-esportazzjoni ta’ volumi sinifikanti ta’ għelejjel, prodotti agrikoli u fertilizzanti Ukreni lejn l-aktar pajjiżi fil-bżonn” (2).

(6)

Il-Ftehim kien ukoll pożittiv għall-Unjoni Ewropea għax ippermetta żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Ukrajna. Min-naħa l-oħra, il-Ftehim wassal biss għal żieda limitata fl-operazzjonijiet mill-operaturi tat-trasport bit-triq Ukreni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u ma żiedx il-livell ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-UE b’mod inaċċettabbli.

(7)

Il-Ftehim appoġġa wkoll l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-kontroll tad-dokumenti tas-sewwieqa rigward il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni.

(8)

L-estensjoni tal-Ftehim għandha tinftiehem bħala kontribut ukoll għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(9)

Għalhekk, il-Ftehim jixraq jiġi estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontinwazzjoni tal-Ftehim

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hu b’dan estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

Oleksandr KUBRAKOV

Kristian SCHMIDT


(1)  ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.

(2)  Il-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 u tal-21 ta’ Ottubru 2022, il-punt 15 (EUCO 31/22, 21.10.2022).


8.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/38


DEĊIŻJONI Nru 1/2023 TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-UKRAJNA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

tal-24 ta’ April 2023

li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930]

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONĠURAZZJONI TAL-KUMMERĊ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat għall-Kummerċ”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 465(3) tiegħu u l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2017.

(2)

L-Artikolu 1(2), il-punt (d), tal-Ftehim jipprevedi li l-għan tal-Ftehim huwa, fost l-oħrajn, li jappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna biex titlesta t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz ta’, fost l-oħrajn, l-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni.

(3)

Fl-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. L-Ukrajna impenjat ruħha li tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha jkunu kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni. Tali approssimazzjoni hija prevista li gradwalment testendi għall-atti kollha tal-acquis tal-Unjoni msemmijin fl-Appendiċijiet minn XVII-2 sa XVII-5 tal-Anness XVII tal-Ftehim u jenħtieġ li, ladarba l-kundizzjonijiet għaliha jiġu ssodisfati, twassal għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(4)

L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fl-Unjoni, b’mod partikolari t-trattament tas-suq intern għall-fini tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(5)

Ir-regoli dwar ir-roaming jiffurmaw parti mill-acquis tal-Unjoni dwar it-telekomunikazzjoni, iżda ma kinux inklużi fl-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim. Għalhekk l-Appendiċi XVII-3 jenħtieġ li jiġi kkumplimentat mill-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming fuq networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli.

(6)

Fl-istadju attwali tal-iżvilupp ekonomiku u legali tas-suq intern tal-UE relatat mas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, l-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming huma dawn li ġejjin: Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) , ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 (3), u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 (4).

(7)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 diġà hija inkluża fl-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim. Jeħtieġ li l-atti l-oħra rilevanti għar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli jiġu inklużi f’dan l-Appendiċi sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni gradwali tal-Ukrajna għall-promulgazzjoni sħiħa u għall-implimentazzjoni kompleta u sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha għas-settur tat-telekomunikazzjoni, u b’mod partikolari dawk dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(8)

Prekundizzjoni neċessarja għal kwalunkwe deċiżjoni mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament għas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII fir-rigward ta’ settur partikolari hija l-valutazzjoni pożittiva tal-leġiżlazzjoni Ukrena, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha mwettqin f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness XVII tal-Ftehim. Fil-kuntest tal-acquis tal-Unjoni rigward ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, ir-rekwiżit biex tinkiseb il-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni kompleta u sħiħa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-trattament tas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII jenħtieġ li ma jiftihemx li dan jinvolvi l-applikazzjoni, bejn il-Partijiet tal-Ftehim, tal-limiti ta’ salvagwardja għat-tariffi medji bl-ingrossa għall-forniment ta’ servizzi regolati relatati mar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. L-istess japplika għar-rati massimi regolati ta’ terminazzjoni ta’ telefonati għas-servizz ta’ terminazzjoni ta’ telefonata għall-utent finali fuq in-network tiegħu. Dawn għandhom jingħataw reċiprokament bejn il-Partijiet tal-Ftehim mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII.

(9)

L-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-UE, b’mod partikolari għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, se tirrikjedi, fost l-oħrajn, l-implimentazzjoni sħiħa u kompleta tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654, f’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. L-Ukrajna bħalissa mhijiex f’pożizzjoni li tittrasponi u timplimenta bis-sħiħ ir-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni tal-Unjoni kollha għall-fini tas-servizzi nazzjonali ta’ terminazzjoni fl-Ukrajna. L-implimentazzjoni tar-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni tal-Unjoni kollha, wkoll għall-fini tas-servizzi nazzjonali ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fl-Ukrajna, madankollu mhijiex assolutament meħtieġa għal aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. Għalhekk, hija prevista skeda ta’ żmien differenti għall-implimentazzjoni ta’ dan l-aspett tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654, li fir-rigward tiegħu l-Ukrajna timpenja ruħha li timplimenta bis-sħiħ, fi żmien tliet snin minn deċiżjoni eventwali tal-Kumitat għall-Kummerċ, li tagħti t-trattament tas-suq intern għar-roaming fuq in-networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(10)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/654 japplika wkoll taħt ċerti kundizzjonijiet għal telefonati li joriġinaw b’numri ta’ pajjiżi terzi, bl-għan li jiġu applikati r-rati massimi uniċi għat-terminazzjoni ta’ telefonati fl-Unjoni kollha b’mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju, u biex tiġi limitata l-esklużjoni ta’ telefonati li joriġinaw b’numri ta’ pajjiżi terzi għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi tas-suq intern u biex tiġi żgurata l-proporzjonalità. L-Ukrajna bħalissa mhijiex f’pożizzjoni li tittrasponi u timplimenta bis-sħiħ ir-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati tal-Unjoni kollha għat-telefonati li joriġinaw b’numri ta’ pajjiżi terzi. Filwaqt li l-implimentazzjoni tar-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni fl-Unjoni kollha, wkoll għall-fini ta’ terminazzjoni minn numri ta’ pajjiżi terzi, mhijiex assolutament meħtieġa għal integrazzjoni ulterjuri fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, ikunu meħtieġa l-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni kompleta u sħiħa tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 mill-Ukrajna biex jiġi żgurat l-allinjament mar-regoli applikabbli fis-suq intern tal-UE għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Għalhekk, hija prevista skeda ta’ żmien differenti għall-implimentazzjoni fir-rigward ta’ dan l-aspett tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654, li fir-rigward tiegħu l-Ukrajna timpenja ruħha li timplimentah bis-sħiħ, qabel deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ li jagħti t-trattament tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(11)

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) 2022/612 u l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 jirreferu għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Bank Ċentrali Ewropew bħalissa ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena. Għalhekk huwa meħtieġ adattament fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet biex ikun previst l-użu tar-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena.

(12)

L-Artikolu 11 tal-Anness XVII tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat għall-Kummerċ li jżid l-erba’ atti tal-Unjoni li jifdal mal-Anness XVII tal-Ftehim permezz tal-modifika tagħhom.

(13)

Ladarba l-Ukrajna tqis li att legali partikolari tal-Unjoni jkun ġie promulgat u implimentat kif xieraq, l-Ukrajna għandja tippreżenta t-tabelli tat-traspożizzjoni rilevanti, flimkien ma’ traduzzjoni uffiċjali bl-Ingliż tal-att legali ta’ implimentazzjoni Ukren, lill-kosegretarju tal-Unjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ sabiex il-Kummissjoni Ewropea tipproċedi bil-valutazzjoni komprensiva prevista fl-Appendiċi XVII-6 tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(14)

Fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna, l-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni tista’ tirriżulta li tkun oġġettivament impossibbli jew eċċessivament diffiċli fl-iskedi ta’ żmien ipprovduti. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-Ukrajna tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat għall-Kummerċ skont l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tal-Ftehim, li għandu jikkunsidra l-kwistjoni f’konformità mal-Artikolu 3(4) u (5) tal-Anness XVII tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim huwa b’dan modifikat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni ġiet stabbilita bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, Ungeriża u Ukrena, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2023.

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

Léon DELVAUX

Is-segretarji

Rikke MENGEL-JØRGENSEN

Oleksandra NECHYPORENKO


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 46).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (ĠU L 137, 22.4.2021, p. 1).


ANNESS

L-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) għandu jiġi modifikat billi taħt it-taqsima “A. Politika Ewropea ġenerali dwar il-komunikazzjoni elettronika” u wara l-punt relatat għad-“Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja” jiżdied dan li ġej:

“Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (riformulazzjoni)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw skont l-adattamenti li ġejjin: L-Artikolu 1(4) jirreferi għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena, ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna għandhom jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4). Il-perjodi ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) jibqgħu l-istess.

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha bl-eċċezzjoni ta’:

L-Artikolu 7 - L-implimentazzjoni ta’ politika ta’ użu ġust u ta’ mekkaniżmu ta’ sostenibbiltà, il-Paragrafi 1-3. L-eċċezzjoni fir-rigward tal-Artikolu 7(1) - (3) hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta l-Atti ta’ Implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ politiki ta’ użu ġust, il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi u l-applikazzjoni li għandha titressaq minn fornitur tar-roaming għall-fini tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà

Artikolu 20 — Proċedura tal-Kumitat

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/612 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [1/2023].

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [1/2023].

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw skont l-adattamenti li ġejjin: L-Artikolu 3(2) u (3) jirreferi għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena, ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna għandhom jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3). Il-perjodi ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) jibqgħu l-istess.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 għandhom jiġu implimentati qabel dawk tar-Regolament (UE) 2022/612 u fi żmien 11-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [1/2023], bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

Fir-rigward ta’ telefonati nazzjonali li joriġinaw mill-Ukrajna u li jitterminaw fiha b’numri Ukreni, l-Artikolu 1(3) għandu jsir applikabbli fi żmien 3 snin mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata t-trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII

L-Artikolu 1(4) għandu jiġi implimentat qabel deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ li jagħti trattament tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII

Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna bir-responsabbiltà primarja li tissorvelja l-operat ta’ kuljum tas-swieq tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, il-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u l-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC. L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot u għall-Presidenza tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali.

Fid-dawl ta’ dan, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tkun rappreżentata f’livell xieraq skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-BEREC. Skont ir-regoli rilevanti tar-regolamenti tal-UE msemmija hawn fuq, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom, skont il-każ, jassistu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe linja gwida, opinjoni, rakkomandazzjoni, pożizzjoni komuni u l-aħjar prattiki adottati mill-BEREC bl-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1971 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni [1/2023].”.