ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 196

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
24 ta' Lulju 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1255 tat-18 ta' Lulju 2019 li temenda l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1256 tat-23 ta' Lulju 2019 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu ( 1 )

3

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1257 tat-23 ta' Lulju 2019 li jikkoreġi l-verżjoni tal-lingwa Bulgara tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi ( 1 )

5

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1258 tat-23 ta' Lulju 2019 li temenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku, l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' unitajiet SI bażi ( 1 )

6

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

*

Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar regoli interni li jikkonċernaw restrizzjonijiet ta' ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

10

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud ( ĠU L 348, 29.12.2017 )

17

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1255

tat-18 ta' Lulju 2019

li temenda l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba tal- Bank Ewropew tal-Investiment,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-“Bank”) approva skeda ta' żmien biex jimplimenta l-bidliet fil-governanza li kien stabbilixxa f'laqgħa fis-17 ta' Lulju 2018.

(2)

Wara deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank tat-22 ta' Ġunju 2018, grupp ta' ħidma ta' livell għoli dwar l-azzjonisti ġie mlaqqa' biex janalizza l-possibbiltajiet li ċerti Stati Membri jissottoskrivu kapital addizzjonali fil-Bank.

(3)

Huwa xieraq li jiżdied il-kapital sottoskritt tal-Polonja b'EUR 5 386 000 000 f'konformità mat-talba tagħha.

(4)

Huwa xieraq ukoll li jiżdied il-kapital sottoskritt tar-Rumanija b'EUR 125 452 381 f'konformità mat-talba tagħha.

(5)

Fil-kuntest ta' dawk iż-żidiet, id-dispożizzjonijiet dwar in-nomina ta' membri supplenti fil-Bord tad-Diretturi tal-Bank minn gruppi ta' Stati Membri li jaġixxu bi qbil komuni jenħtieġ li jiġu emendati wkoll.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istatut tal-Bank jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, anness għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa emendat kif ġej:

(1)

l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-kapital tal-Bank għandu jkun ta' EUR 248 795 606 881, sottoskritt mill-Istati Membri kif ġej:”;

(b)

il-linji li jikkonċernaw il-Polonja u r-Rumanija jinbidlu b'dan li ġej:

“Polonja

11 366 679 827 ”

“Rumanija

1 639 379 073 ”;

(2)

it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) jinbidel b'dan li ġej:

“Id-diretturi supplenti għandhom jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin kif jidher hawn taħt:

żewġ diretturi supplenti nominati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

żewġ diretturi supplenti nominati mir-Repubblika Franċiża,

żewġ diretturi supplenti nominati mir-Repubblika Taljana,

żewġ diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika Portugiża,

tliet diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tan-Netherlands,

tliet diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja,

erba' diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Renju tad-Danimarka, ir- Repubblika Ellenika, l-Irlanda u r-Rumanija,

sitt diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja,

sitt diretturi supplenti nominati bi qbil komuni bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' Ċipru, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka,

direttur supplenti wieħed nominat mill-Kummissjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika xahar wara d-data li fiha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/654 (3).

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Opinjoni tas-17 ta' April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-15 ta' Mejju 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/654 tal-15 ta' April 2019 li temenda l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (ĠU L 110, 25.4.2019, p. 36).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1256

tat-23 ta' Lulju 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Jipprevedi miżuri ta' emerġenza li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni meta jkun hemm evidenza li ikel importat minn pajjiż terz x'aktarx li jkun ta' riskju serju għas-saħħa tal-bniedem.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 (2) issospenda l-importazzjoni fl-Unjoni ta' fażola mnixxfa taħt il-kodiċi NM 0713 39 00 min-Niġerja minħabba l-għadd kbir ta' każijiet ta' kontaminazzjoni b'sustanza attiva mhux awtorizzata, id-diklorvos, f'livelli li jaqbżu sew id-doża akuta ta' referenza tentattivament stabbilita mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Sakemm in-Niġerija timplimenta l-miżuri xierqa tal-ġestjoni tar-riskju, il-projbizzjoni kellha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2016.

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/874 (3) estenda s-sospensjoni tal-importazzjoni ta' fażola mnixxfa min-Niġerja sat-30 ta' Ġunju 2019 u applikaha għal żewġ kodiċijiet addizzjonali tan-NM, 0713 35 00 u 0713 90 00, minħabba l-preżenza kontinwa tad-diklorvos fil-fażola mnixxfa importata min-Niġerja u l-impossibbiltà li tinkiseb, fi żmien qasir, il-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar l-ikel fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi.

(4)

Fi Frar 2018, in-Niġerja ssottomettiet pjan ta' azzjoni ġdid u ddikjarat li l-objettiv tagħha kien li tikkontrolla u tissimplifika b'mod partikolari l-fażola mnixxfa, issaħħaħ l-ambjent legali u regolatorju u tibni prinċipji fundamentali għal produzzjoni ta' kwalità ta' fażola mnixxfa. Madankollu, il-Kummissjoni tifhem li n-Niġerja għadha ma implimentatx il-pjan ta' azzjoni, u lanqas ma tat xi mezzi baġitarji għall-implimentazzjoni tiegħu. L-istadju tal-implimentazzjoni min-Niġerja tal-pjan ta' azzjoni fir-rigward tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u l-livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidi, ma jippermettix li jiġi konkluż li ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-Unjoni fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi fuq il-fażola mnixxfa rilevanti.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li t-tul tas-sospensjoni tal-importazzjonijiet jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta' tliet snin, sabiex in-Niġerja tkun tista' timplimenta l-miżuri xierqa għall-ġestjoni tar-riskju u tipprovdi l-garanziji meħtieġa.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sat-30 ta' Ġunju 2022.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 tat-18 ta' Ġunju 2015 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 (ĠU L 154, 19.6.2015, p. 8).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/874 tal-1 ta' Ġunju 2016 li jemenda Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja (ĠU L 145, 2.6.2016, p. 18).


24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1257

tat-23 ta' Lulju 2019

li jikkoreġi l-verżjoni tal-lingwa Bulgara tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-verżjoni tal-lingwa Bulgara tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 fiha żball fl-entrata 12, it-tabella, il-kolonna i), l-ewwel sentenza tal-Anness III ta' dak ir-Regolament, li ġie introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1197/2013 (2) fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet li jikkonċernaw is-sustanzi.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li l-verżjoni tal-lingwa Bulgara tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tiġi kkoreġuta skont dan. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra mhumiex affettwati.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1197/2013 tal-25 ta' Novembru 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 315, 26.11.2013, p. 34).


DIRETTIVI

24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/6


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1258

tat-23 ta' Lulju 2019

li temenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku, l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE fir-rigward tad-definizzjonijiet ta' unitajiet SI bażi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-kejl kif ukoll għall-metodi ta' kontroll metroloġiku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE (2) tiddefinixxi l-unitajiet ta' kejl li għandhom jintużaw fl-Unjoni biex il-kejl u l-indikazzjonijiet ta' kwantitajiet ikunu jistgħu jiġu espressi f'konformità mas-Sistema Internazzjonali tal-Unitajiet (SI), adottata mill-Konferenza Ġenerali dwar l-Piżijiet u l-Kejl (CGPM) stabbilita mill-Konvenzjoni tal-Metru li ġiet iffirmata f'Pariġi fl-20 ta' Mejju 1875.

(2)

Id-Direttiva 2009/34/KE tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-adozzjoni ta' Direttivi separati dwar, fost l-oħrajn, l-istrumenti tal-kejl u r-rekwiżiti tekniċi tagħhom, l-unitajiet ta' kejl u l-armonizzazzjoni ta' metodi ta' kejl u ta' kontroll metroloġiku. L-Artikolu 16 ta' dik id-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni tista' temenda l-annessi tad-Direttivi separati msemmija fl-Artikolu 1 tagħha għall-għan ta' adattament għall-progress tekniku, inkluż il-Kapitolu I tal-Anness tad-Direttiva 80/181/KEE.

(3)

Waqt l-24 laqgħa tagħha fl-2011, is-CGPM iddeċiediet dwar mod ġdid kif tiddefinixxi l-SI abbażi ta' sett ta' seba' kostanti ta' definizzjoni derivati mill-kostanti fundamentali tal-fiżika u minn kostanti oħrajn tan-natura. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fil-25 laqgħa tas-CGPM fl-2014.

(4)

Fis-26 laqgħa tas-CGPM fl-2018 ġew adottati definizzjonijiet ġodda tal-unitajiet SI bażi. Id-definizzjonijiet il-ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju l-ġdid ta' valuri numeriċi fissi tal-kostanti ta' definizzjoni u se jkunu effettivi mill-20 ta' Mejju 2019. Id-definizzjonijiet il-ġodda huma mistennija li jtejbu l-istabbiltà u l-affidabbiltà fit-tul tal-unitajiet SI bażi, kif ukoll l-akkuratezza u ċ-ċarezza tal-kejl.

(5)

Id-definizzjonijiet il-ġodda adottati mis-CGPM jirriflettu l-aktar żviluppi reċenti fix-xjenza u fl-istandards tal-kejl. Sabiex id-definizzjonijiet tal-unitajiet SI bażi stabbiliti fid-Direttiva 80/181/KEE jiġu adattati għall-progress tekniku u b'hekk jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni uniformi tal-SI, jeħtieġ li dawn jiġu allinjati mad-definizzjonijiet il-ġodda.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 80/181/KEE tiġi emendata skont dan.

(7)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika mill-istess data għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-data tat-traspożizzjoni, sabiex ikun hemm fis-seħħ implimentazzjoni uniformi tad-Direttiva 80/181/KEE.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Aġġustament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/34/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda

L-Anness tad-Direttiva 80/181/KEE huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   Sa mhux aktar tard mit-13 ta' Mejju 2020, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-13 ta' Ġunju 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 106, 28.4.2009, p. 7.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 80/181/KEE tal-20 ta' Diċembru 1979 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-unitajiet ta' kejl u dwar l-irrevokar tad-Direttiva 71/354/KEE (ĠU L 39, 15.2.1980, p. 40).


ANNESS

Fl-Anness, it-Taqsima 1.1 tal-Kapitolu I hija sostitwita b'dan li ġej:

“1.1.   Unitajiet SI bażi

Kwantità

Unità

Isem

Simbolu

Ħin

sekonda

s

Tul

metru

m

Massa

kilogramm

kg

Kurrent elettriku

ampere

A

Temperatura termodinamika

kelvin

K

L-ammont tas-sustanza

mole

mol

Intensità luminuża

candela

cd

Definizzjonijiet tal-unitajiet SI bażi:

 

Unità tal-ħin

Is-sekonda, bis-simbolu s, hija l-unità SI tal-ħin. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-frekwenza taċ-ċesju ΔνCs, il-frekwenza tat-tranżizzjoni iperfina tal-atomu taċ-ċesju mhux perturbat tal-atomu taċ-ċesju 133, jittieħed bħala 9 192 631 770 meta jiġi espress fl-unità Hz, li hu ugwali għal s-1.

 

Unità tat-tul

Il-metru, bis-simbolu m, huwa l-unità SI tat-tul. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-veloċità tad-dawl f'vakwu c jittieħed bħala 299 792 458 meta jiġi espress fl-unità m/s, fejn is-sekonda hija definita f'termini ta' ΔνCs.

 

Unità tal-massa

Il-kilogramm, bis-simbolu kg, huwa l-unità SI tal-massa. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-Planck constant h jittieħed bħala 6,626 070 15 × 10– 34 meta jiġi espress fl-unità J s, li hu ugwali għal kg m2 s– 1, fejn il-metru u s-sekonda huma definiti f'termini ta' c u Δν Cs.

 

Unità tal-kurrent elettriku

L-ampere, bis-simbolu A, hija l-unità SI tal-kurrent elettriku. Huwa definit billi l-valur numeriku fiss taċ-ċarġ elementari e jittieħed bħala 1,602 176 634 × 10– 19 meta jiġi espress fl-unità C, li hu ugwali għal A s, fejn is-sekonda hija definita f'termini ta' ΔνCs.

 

Unità tat-temperatura termodinamika

Il-kelvin, bis-simbolu K, hija l-unità SI tat-temperatura termodinamika. huwa definit billi l-valur numeriku fiss tal-Boltzmann constant k jittieħed bħala 1,380 649 × 10– 23 meta jiġi espress fl-unità J K– 1, li hu ugwali għal kg m2 s-2 K– 1, fejn il-kilogramm, il-metru u s-sekonda huma definiti f'termini ta' h, c u ΔνCs.

 

Unità ta' ammont ta' sustanza

Il-mole, bis-simbolu mol, huwa l-unità SI tal-ammont ta' sustanza. Mole wieħed fih eżattament 6,022 140 76 × 1023 entità elementari. Dan in-numru huwa l-valur numeriku fiss tal-Avogadro constant, NA, meta jiġi espress fl-unità mol-1 u jissejjaħ in-numru Avogadro.

L-ammont ta' sustanza, bis-simbolu n, ta' sistema, hija l-kejl tal-għadd ta' entitajiet elementari speċifikati. Entità elementari tista' tkun atomu, molekula, jon, elettron jew partiċella oħra, jew grupp speċifikat ta' partiċelli.

 

Unità tal-intensità luminuża

Il-candela, bis-simbolu cd, hija l-unità SI tal-intensità luminuża f'direzzjoni partikolari. Hija definita billi l-valur numeriku fiss tal-effikaċja luminuża tar-radjazzjoni monokromatika tal-frekwenza 540 × 1012 Hz, K cd, jittieħed bħala 683 meta jiġi espress fl-unità W– 1, li hu ugwali għal cd sr W– 1, jew cd sr kg– 1 m– 2 s3, fejn il-kilogramm, il-metru u s-sekonda huma definiti f'termini ta' h, c u Δν Cs.

1.1.1.   Isem speċjali u simbolu tal-unità SI imnissla tat-temperatura għall-espressjoni tat-temperatura f'Celsius

Kwantità

Unità

Isem

Simbolu

Temperatura f'Celsius

grad Celsius

°C

It-temperatura Celsius t hija definita bħala d-differenza t = T – T0 bejn iż-żewġ temperaturi termodinamiċi T u T0 fejn T0 = 273,15 K. Intervall jew differenza fit-temperatura jistgħu jiġu espressi f'kelvins jew fi gradi Celsius. L-unità ‘grad Celsius’ hija ugwali għall-unità ‘kelvin’.”


REGOLI TA' PROĊEDURA

24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/10


DEĊIŻJONI TAL-AĠENZIJA EWROPEA GĦAS-SUSTANZI KIMIĊI

tal-20 ta' Ġunju 2019

dwar regoli interni li jikkonċernaw restrizzjonijiet ta' ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

IL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-AĠENZIJA EWROPEA GĦAS-SUSTANZI KIMIĊI (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”)

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 78 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-EDPS tal-14 ta' Mejju 2019 u l-Gwida tal-EDPS dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u r-regoli interni,

Wara li kkonsulta l-Kumitat tal-Persunal,

Billi:

(1)

L-Aġenzija twettaq l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(2)

Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 ir-restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 għandhom ikunu bbażati fuq regoli interni li għandhom jiġu adottati mill-Aġenzija, fejn dawn mhumiex ibbażati fuq atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

(3)

Dawn ir-regoli interni, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' restrizzjoni, m'għandhomx japplikaw fejn att legali adottat fuq il-bażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

(4)

Fejn l-ECHA twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament tapplikax.

(5)

Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-Aġenzija tista' twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, twettaq attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta' prevenzjoni ta' fastidju, tipproċessa lmenti interni u esterni, twettaq awditi interni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet interni tas-sigurtà (tal-IT).

(6)

L-Aġenzija tipproċessa diversi kategoriji ta' data personali, inkluż data fattwali (data“oġġettiva” bħal data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma' jew imressqa b'konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

(7)

L-Aġenzija, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegazzjonijiet tar-rwol tal-kontrollur fl-Aġenzija biex tirrifletti r-responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar ta' data personali.

(8)

Id-data personali tinħażen b'mod sigur f'ambjent elettroniku jew fuq karta b'mod li jipprevjeni l-aċċess jew it-trasferiment illegali ta' data lil persuni li m'għandhomx il-ħtieġa li jkunu jafu. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet ta' privatezza jew ir-rekords tal-Aġenzija.

(9)

Ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar imwettqa mill-Aġenzija fit-twettiq ta' inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta' fastidju, l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni, awditi interni, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

(10)

Dawn għandhom japplikaw għal operazzjonijiet ta' pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta' dawn il-proċeduri. Għandha tinkludi wkoll l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduti mill-Aġenzija lill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

(11)

Fil-każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni l-Aġenzija trid tagħti ġustifikazzjonijiet fejn tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament meħtieġa u proporzjonati f'soċjetà demokratika u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

(12)

F'dan il-qafas l-Aġenzija hija marbuta li tirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta' hawn fuq, b'mod partikolari, dawk relatati mad-dritt għall-għoti ta' informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt għal tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

(13)

Madankollu, l-Aġenzija tista' tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data u drittijiet oħra tas-suġġett tad-data biex tipproteġi, b'mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta' awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha jew proċeduri oħra.

(14)

L-Aġenzija tista' għalhekk tirrestrinġi l-informazzjoni bil-għan li tipproteġi l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data.

(15)

L-Aġenzija għandha timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għadhom japplikaw u tneħħi r-restrizzjoni jekk ma jibqgħux japplikaw.

(16)

Il-Kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fil-mument tad-differiment u matul ir-reviżjonijiet.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom l-Aġenzija fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2 tista' tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tagħha, b'segwitu tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tal-Aġenzija, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar fuq data personali mill-Uffiċċju għall-finijiet tat-twettiq ta' inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinarji, attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF, l-ipproċessar ta' każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għall-prevenzjoni ta' fastidju, l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni, it-twettiq ta' awditi interni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

3.   Il-kategoriji ta' data kkonċernati huma data fattwali (data“oġġettiva” bħal data ta' identifikazzjoni, data ta' kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma' jew imressqa b'konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

4.   Fejn l-Aġenzija twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament.

5.   Soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta' aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni.

Artikolu 2

Speċifikazzjoni tal-kontrollur u salvagwardji

1.   Is-salvagwardji fis-seħħ biex jiġi evitat ksur, kxif jew żvelar mhux awtorizzat ta' data huma dawn li ġejjin:

(a)

Id-dokumenti stampati għandhom jinżammu f'armarji siguri u jkunu aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat;

(b)

Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f'applikazzjoni sigura tal-IT skont l-istandards tas-sigurtà tal-Aġenzija, kif ukoll f'folders elettroniċi speċifiċi aċċessibbli biss għall-persunal awtorizzat. Livelli xierqa ta' aċċess għandhom jingħataw individwalment;

(c)

Il-bażijiet ta' data għandhom ikunu protetti bil-password taħt sistema ta' reġistrazzjoni unika u konnessi awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Is-sostituzzjoni tal-utenti hija pprojbita strettament. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b'mod sigur biex tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data fihom;

(d)

Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

2.   Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar huwa l-Aġenzija, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista' jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur delegat permezz tal-avviżi jew ir-rekords tal-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tal-Aġenzija.

3.   Il-perjodu ta' żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) m'għandux ikun itwal minn dak meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata. Fi kwalunkwe każ m'għandux ikun itwal mill-perjodu ta' żamma speċifikat fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 5(1).

4.   Fejn l-Aġenzija tikkunsidra li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b'mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data u r-riskju li tiddgħajjef l-effettività tal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri tal-Aġenzija pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta' reputazzjoni u riskji għad-dritt tad-difiża u d-dritt li jinstema'.

Artikolu 3

Restrizzjonijiet

1.   Kull restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mill-Aġenzija biex tissalvagwardja:

(a)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika;

(b)

is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, inklużi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tagħhom;

(c)

funzjoni ta' monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta, anke okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punt (a);

(d)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-Aġenzija tista' tapplika restrizzjonijiet fir-rigward ta' data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u obbligi jista' jkun ristrett mis-servizzi tal-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni abbażi ta' atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament jew bl-atti kostituttivi ta' istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

(b)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u obbligi jista' jkun ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15 (3) jew 16 (3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

fejn l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet u obbligi jista' jipperikola l-kooperazzjoni tal-Aġenzija ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Qabel tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Aġenzija għandha tikkonsulta mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji u l-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-Aġenzija li l-applikazzjoni ta' restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f'dawk il-punti.

3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun meħtieġa u proporzjonata billi tqis ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f'soċjetà demokratika.

4.   Jekk l-applikazzjoni ta' restrizzjoni tiġi kkunsidrata, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. Għandha tkun iddokumentata f'kull każ permezz ta' nota ta' valutazzjoni interna għal skopijiet ta' responsabbiltà.

5.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jibqgħux japplikaw. B'mod partikolari, fejn jitqies li l-eżerċizzju tad-dritt ristrett ma jibqax idgħajjef l-effettività tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa ħażin id-drittijiet jew il-libertajiet ta' suġġetti oħra tad-data.

Artikolu 4

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   L-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Aġenzija (“l-UPD”) kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, skont din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-aċċess lill-UPD għar-rekord li jkun fih il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni u jiddokumenta d-data ta' meta informa lill-UPD fir-rekord.

2.   L-UPD jista' jitlob lill-kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta titneħħa r-restrizzjoni.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet għad-dritt għall-informazzjoni

1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-informazzjoni jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin:

(a)

it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta' fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

L-Aġenzija għandha tinkludi fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, dikjarazzjonijiet ta' privatezza jew rekords fis-sens tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web tagħha u/jew fuq l-intranet biex tinforma lis-suġġetti tad-data bid-drittijiet tagħhom fil-qafas ta' proċedura partikolari, informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta' dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u t-tul ta' żmien potenzjali.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-Aġenzija, fejn proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, li huma kkunsidrati bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika tal-ipproċessar, bid-drittijiet tagħhom li jikkonċernaw restrizzjonijiet preżenti jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

3.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-għoti ta' informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġuni legali skont l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jkun fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

4.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tibqa' tapplika sakemm ir-raġunijiet li jiġġustifikawha jibqgħu applikabbli.

Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, l-Aġenzija għandha tipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni. Fl-istess ħin, l-Aġenzija għandha tinforma lis-suġġett tad-data bid-dritt li jressaq ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-Aġenzija għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-inkjesta, proċedura jew investigazzjoni rilevanti. Minn hemm 'il quddiem, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li jżomm kwalunkwe restrizzjoni kull sitt xhur.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet għad-dritt ta' aċċess

1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-aċċess jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u proporzjonat:

(a)

it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta' fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

Fejn is-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta' każ speċifiku wieħed jew aktar jew għal operazzjoni partikolari tal-ipproċessar, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Aġenzija għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal tali data personali biss.

2.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta' aċċess, imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi li ġejjin:

(a)

għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jista' jressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(b)

għandha tiddokumenta f'nota ta' valutazzjoni interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluż il-valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni u t-tul ta' żmien tagħha.

L-għoti ta' informazzjoni msemmija fil-punt (a) jista' jkun differit, imħolli barra jew miċħud jekk ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

L-Aġenzija għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-investigazzjoni rilevanti. Minn hemm 'il quddiem, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li jżomm kwalunkwe restrizzjoni kull sitt xhur.

3.   Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jkun fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Għandhom ikunu disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 7

Restrizzjonijiet għad-dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

(a)

it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta' fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

2.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-applikazzjoni tad-dritt għar-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikoli 18, 19(1) u 20(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta' din id-Deċiżjoni u tirreġistra r-rekord skont l-Artikolu 6(3) tagħha.

Artikolu 8

Restrizzjonijiet għad-dritt għall-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali u għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

(a)

it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta' fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni;

(f)

awditi interni;

(g)

l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(h)

investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

2.   F'każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-deċiżjoni, id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jista' jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

(a)

it-twettiq ta' inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinarji;

(b)

attivitajiet preliminari relatati ma' każijiet ta' irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

(c)

proċeduri ta' żvelar ta' informazzjoni protetta;

(d)

proċeduri formali għal każijiet ta' fastidju;

(e)

l-ipproċessar ta' lmenti interni u esterni;

(f)

investigazzjonijiet dwar is-sigurtà (tal-IT) ttrattati internament jew b'involviment estern (eż. CERT-UE).

3.   Fejn l-Aġenzija tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tirreġistra u żżomm rekord tar-raġunijiet għar-restrizzjoni f'konformità mal-Artikolu 5(3) ta' din id-deċiżjoni. L-Artikolu 5(4) ta' din id-Deċiżjoni għandu japplika.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul f'Ħelsinki, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Sharon McGUINNESS

Il-President tal-Bord tat-Tmexxija


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Rettifika

24.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/17


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 tad-29 ta' Diċembru 2017 )

F'paġna 3, il-punt (7)(b) tal-Artikolu 1, l-Artikolu 47c(1):

minflok:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-informazzjoni pprovduta mill-persuna taxxabbli li tuża l-iskema speċjali fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE jew l-intermedjarju tagħha, lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni meta tibda l-attivitajiet tagħha skont l-Artikolu 369p(1), (2) u (2a) ta' dik id-Direttiva għandha tiġi ppreżentata b'mezzi elettroniċi. Kwalunkwe bidla f'din l-informazzjoni pprovduta skont l- Artikolu 369p(3) tad-Direttiva 2006/112/KE għandha wkoll tiġi ppreżentata b'mezzi elettroniċi.”,

aqra:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-informazzjoni pprovduta mill-persuna taxxabbli li tuża l-iskema speċjali fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE jew l-intermedjarju tagħha, lill-Istat Membru ta' identifikazzjoni meta tibda l-attivitajiet tagħha skont l-Artikolu 369p(1), (2) u (3) ta' dik id-Direttiva għandha tiġi ppreżentata b'mezzi elettroniċi. Kwalunkwe bidla f'din l-informazzjoni pprovduta skont l- Artikolu 369p(4) tad-Direttiva 2006/112/KE għandha wkoll tiġi ppreżentata b'mezzi elettroniċi.”.