ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 176

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
12 ta' Lulju 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/977 tal-4 ta' April 2018 li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Bulgara tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti ( 1)

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/978 tad-9 ta' Lulju 2018 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi ( 1)

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/979 tal-11 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

7

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/980 tal-11 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012, fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġu identifikati persuni taxxabbli li jużaw l-iskema mhux tal-Unjoni

9

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/981 tal-11 ta' Lulju 2018 li jemenda l-lista ta' stabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman ( 1)

11

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/982 tal-11 ta' Lulju 2018 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u t-tiġieġ imrobbi għall-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni Novus Europe N.A./S.V.) ( 1)

13

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/983 tal-11 ta' Lulju 2018 dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu benżojku bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet minuri ta' porċini tas-simna jew tat-tgħammir (detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Sp. z o. o.) ( 1)

17

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova tat-3 ta' Mejju 2018 fir-rigward tal-emenda tal-Anness XXVI għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra [2018/984]

21

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta' proċeduri ta' reviżjoni dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi ( ĠU L 335, 20.12.2007 )

23

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/977

tal-4 ta' April 2018

li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Bulgara tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-verżjoni bil-lingwa Bulgara tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (2) fiha żball fl-Anness II, il-Parti 2, il-punt 51 fir-rigward tal-għadd ta' klassijiet li bihom jiżdiedu s-CRM.

(2)

Il-verżjoni Bulgara tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653 għalhekk jenħtieġ li tiġi kkoreġuta kif xieraq. Il-verżjonijiet bil-lingwi l-oħra ma jintlaqtux,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(ma japplikax għal-lingwa Maltija)

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta' Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1.)


12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/978

tad-9 ta' Lulju 2018

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-estratti u ż-żjut tat-Tagetes erecta, tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula jintużaw ħafna bħala ingredjenti tal-fwieħa f'għadd ta' komposti tal-fwieħa użati fil-fwejjaħ. Fl-opinjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2005 (2), il-Kumitat Xjentifiku dwar Prodotti tal-Konsumatur (SCCP), li wara nbidel bil-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS), ikkonkluda li l-estratti u ż-żjut tat-Tagetes erecta, tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula jenħtieġ li ma jintużawx fil-prodotti kożmetiċi peress li ma ntwera l-ebda limitu sikur.

(2)

Wara l-preżentazzjoni f'Awwissu 2013 ta' dossier aġġornat dwar il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-estratti u taż-żjut tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula, l-SCCS addotta opinjoni riveduta fil-25 ta' Marzu 2015 (3). F'dik l-opinjoni, kif ġiet kkoreġuta fit-13 ta' Diċembru 2017 (4), l-SCCS ikkonkluda li għall-estratti u għaż-żjut tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula fil-prodotti li ma jitlaħalħux (ħlief prodotti għall-ħarsien mix-xemx u prodotti kkumerċjalizzati għall-esponiment tad-dawl tal-UV naturali/artifiċjali), il-konċentrazzjoni massima ta' 0,01 % fil-preparazzjonijiet lesti għall-użu hija sikura, diment li l-kontenut tal-alfa tertienil (tertiofen) ta' dawn l-estratti u ż-żjut ma jaqbiżx iż-0,35 %. L-SCCS ikkonkluda li l-estratti u ż-żjut tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula m'għandhomx jintużaw bħala ingredjenti fi prodotti għall-ħarsien mix-xemx u fi prodotti kkumerċjalizzati għall-esponiment tad-dawl tal-UV naturali/artifiċjali.

(3)

F'kumment tas-6 ta' Ottubru 2016 (5) dwar l-opinjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2015, l-SCCS indika li għall-estratti u ż-żjut tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula fil-prodotti li jitlaħalħu, jenħtieġ li tiġi stabbilita konċentrazzjoni massima ta' 0,1 % fil-preparazzjonijiet lesti għall-użu.

(4)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-SCCP tal-21 ta' Ġunju 2005 hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tal-estratt tal-fjuri tat-Tagetes erecta u mill-użu taż-żejt tal-fjura tat-Tagetes erecta fil-prodotti kożmetiċi. Dawk is-sustanzi għalhekk jenħtieġ li jiġu pprojbiti fil-prodotti kożmetiċi u jiżdiedu fil-lista ta' sustanzi pprojbiti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(5)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-SCCP tal-21 ta' Ġunju 2005, l-opinjoni riveduta tal-SCCS tal-25 ta' Marzu 2015, kif ikkoreġuta fit-13 ta' Diċembru 2017, u l-kumment tal-SCCS tas-6 ta' Ottubru 2016, hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tal-estratti tal-fjuri u taż-żjut tal-fjuri tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula fil-prodotti kożmetiċi f'konċentrazzjoni li taqbeż iż-0,01 % fil-prodotti li ma jitlaħalħux u 0,1 % fil-prodotti li jitlaħalħu u mill-użu ta' dawk l-estratti u ż-żjut fi prodotti li ma jitlaħalħux jew li jitlaħalħu fejn il-kontenut tal-alfa tertienil (tertiofen) fl-estratti jew fiż-żjut jaqbeż iż-0,35 %. Hemm ukoll riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tal-estratti tal-fjuri u taż-żjut tal-fjura tat-Tagetes minuta u tat-Tagetes patula fi kwalunkwe konċentrazzjoni fil-prodotti għall-ħarsien mix-xemx u fi prodotti kkumerċjalizzati għall-esponiment tad-dawl tal-UV naturali/artifiċjali. Għalhekk, dawn is-sustanzi jenħtieġ li jiżdiedu fil-lista ta' sustanzi ristretti fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(6)

Huwa xieraq li jiġu previsti perjodi ta' żmien raġonevoli sabiex l-industrija tadatta għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet l-ġodda. Fil-proċedura kumplessa u twila għar-riformulazzjoni tal-fwieħa jenħtieġ li tiġi riflessa f'perjodu ta' żmien itwal mill-perjodi ta' żmien li s-soltu jingħataw lill-industrija għall-aġġustamenti ta' prodotti.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġu emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew aktar mis-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament u l-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew aktar mis-sustanzi ristretti minn dan ir-Regolament u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew aktar mis-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament u l-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew aktar mis-sustanzi ristretti minn dan ir-Regolament u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  SCCP/0869/05; https://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_sccp/docs/sccp_o_025d.pdf;

(3)  SCCS/1551/15; https://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_172.pdf

(4)  SCCS/1551/15; https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_172.pdf

(5)  Il-Minuti tal-laqgħa Plenarja tal-SCCS tas-6 ta' Ottubru 2016; https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs2016_mi_plenary_02_en.pdf


ANNESS

L-Annessi II u III qed jiġu emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II, fit-tabella, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Numru ta' Referenza

Identifikazzjoni tas-sustanza

Isem kimiku/INN

Numru CAS

Numru KE

a

b

c

d

“x

Estratt tal-fjuri tat-Tagetes erecta (*1)

90131-43-4

290-353-9

Żejt tal-fjuri tat-Tagetes erecta (*2)

90131-43-4

290-353-9/-

(2)

fl-Anness III, fit-tabella, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

Numru ta' referenza

Identifikazzjoni tas-sustanza

Restrizzjonijiet

Liema kliem għandu jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet

Isem kimiku/INN

Isem tal-Glossarju ta' Ingredjenti Komuni

Numru CAS

Numru KE

Tip ta' prodott, partijiet tal-ġisem

Konċentrazzjoni massima fil-preparazzjoni lesta għall-użu

Oħrajn

 

a

b

c

d

e

f

g

h

i

“x

Estratt tal-fjuri tat-Tagetes minuta (*3)

Żejt tal-fjuri tat-Tagetes minuta (*4)

Estratt tal-fjuri tat-Tagetes minuta

Żejt tal-fjuri tat-Tagetes minuta

91770-75-1;

91770-75-1/8016-84-0

294-862-7;

294-862-7

(a)

Prodotti li ma jitlaħalħux

(a)

0,01 %

Għal (a) u (b): Kontenut ta' alfa tertienil (tertiofen) fl-estratt/fiż-żejt ≤ 0,35 %.

Għal (a): Ma jistgħux jintużaw fi prodotti għall-ħarsien mix-xemx u prodotti kkummerċjalizzati għall-esponiment tad-dawl UV naturali/artifiċjali.

Għal (a) u (b): Fil-każ ta' użu kkombinat mat-Tagetes patula (entrata x), il-kontenut totali kkombinat tat-Tagetes fil-preparazzjoni lesta għall-użu ma għandux jaqbeż il-limiti massimi tal-konċentrazzjoni stabbiliti fil-kolonna (g).

 

(b)

Prodotti li jitlaħalħu

(b)

0,1 %

x

Estratt tal-fjuri tat-Tagetes patula (*5)

Żejt tal-fjuri tat-Tagetes patula (*6)

Estratt tal-fjuri tat-Tagetes patula

Żejt tal-fjuri tat-Tagetes patula

91722-29-1;

91722-29-1/8016-84-0

294-431-3;

294-431-3/-

(a)

Prodotti li ma jitlaħalħux

(a)

0,01 %

Għal (a) u (b): Kontenut ta' alfa tertienil (tertiofen) fl-estratt/fiż-żejt ≤ 0,35 %.

Għal (a): Ma jintużawx fi prodotti għall-ħarsien mix-xemx u prodotti kummerċjalizzati għall-esponiment għad-dawl UV naturali/artifiċjali.

Għal (a) u (b): Fil-każ ta' użu kkombinat mat-Tagetes minuta (entrata x), il-kontenut totali kkombinat tat-Tagetes fil-preparazzjoni lesta għall-użu ma għandux jaqbeż il-limiti massimi tal-konċentrazzjoni stabbiliti fil-kolonna (g).

 

(b)

Prodotti li jitlaħalħu

(b)

0,1 %


(*1)  Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(*2)  Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”

(*3)  Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Minn Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(*4)  Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Minn Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(*5)  Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(*6)  Mill-1 ta' Mejju 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mill-1 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza u li ma jikkonformawx mar-restrizzjonijiet ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”


12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/979

tal-11 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jelenka korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji u persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet tal-gvern preċedenti tal-Iraq koperti bl-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi li kienu jinsabu barra mill-Iraq fid-data tat-22 ta' Mejju 2003 skont dan ir-Regolament.

(2)

Fil-5 ta' Lulju 2018, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi annotazzjoni waħda mil-lista ta' persuni jew entitajiet li jenħtieġ li l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi japplika għalihom,

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz għall-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003, titħassar l-annotazzjoni segwenti:

“44.

GENERAL ESTABLISHMENT FOR GRAIN TRADING (alias (a) GRAIN BOARD OF IRAQ; (b) STATE ORGANISATION OF GRAIN). Indirizzi: (a) P.O. Box 329, Bab Al Mouadham-Midan, Bagdad, l-Iraq; (b) P.O. Box 2261, Allque, Irkheta, Karada Al-Shakira, Bagdad, l-Iraq.”

12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/980

tal-11 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012, fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġu identifikati persuni taxxabbli li jużaw l-iskema mhux tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2), l-Artikolu 45(1) u (2), u l-Artikolu 51(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasmissjoni ta' informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni taxxabbli li jużaw skemi speċjali għal servizzi tat-telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir jew servizzi elettroniċi previsti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3).

(2)

Wara l-emenda tal-Artikoli 358a u 361 tad-Direttiva 2006/112/KE bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455/ (4), persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità li huma identifikati għal skopijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fi ħdan il-Komunità, mill-1 ta' Jannar 2019, se jkunu jistgħu jużaw l-iskema speċjali stabbilita fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE (minn hawn 'il quddiem “skema mhux tal-Unjoni”), għal servizzi tat-telekomunikazzjoni, servizzi tax-xandir jew servizzi elettroniċi fornuti lil persuni mhux taxxabbli li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li għandhom l-indirizz permanenti tagħhom fi Stat Membru jew li normalment huma residenti fih.

(3)

Il-messaġġ elettroniku komuni għat-trażmissjoni ta' informazzjoni biex jiġu identifikati l-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema mhux tal-Unjoni stabbilita fil-kolonna B tat-tabella fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(4)

Għal raġunijiet ta' konsistenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jibda japplika mill-istess data bħad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2017/2455 li tintroduċi l-possibbiltà għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fil-Komunità li huma identifikati għal skopijiet ta' VAT fi ħdan il-Komunità li jużaw din l-iskema speċjali.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-kolonna B tat-tabella fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 815/2012, it-test fil-kaxxa numru 16 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Dikjarazzjoni elettronika li l-persuna taxxabbli mhijiex stabbilita fi ħdan l-Unjoni”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 815/2012 tat-13 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta' Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010, dwar skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li jfornu servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli (ĠU L 249, 14.9.2012, p. 3).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta' ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta' servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).


12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/11


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/981

tal-11 ta' Lulju 2018

li jemenda l-lista ta' stabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali. B'mod partikolari, l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament jipprevedi li bl-eċċezzjoni ta' ċerti każijiet speċifiċi, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jeħtieġ li jiġu importati biss fl-Unjoni jekk dawn joriġinaw minn stabbilimenti ta' pajjiż terz li jidhru f'listi mfasslin u aġġornati skont dak l-Artikolu. Dawk il-listi jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (2).

(2)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jitlob li l-istabbilimenti ta' pajjiż terz jitqiegħdu biss f'dawk il-listi jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz jiżguraw li dawk l-istabbilimenti, flimkien ma' kwalunkwe stabbiliment li jimmaniġġa l-materja prima ta' oriġini mill-annimali użata għall-manifattura tal-prodotti ta' oriġini mill-annimali kkonċernati, jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat, iżommu dawk il-listi tal-istabbilimenti aġġornati u jgħadduhom, kif xieraq, lill-Kummissjoni.

(3)

L-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprevedi li prodotti tas-sajd importati minn bastiment fabbrika jew friża li jtajjar il-bandiera ta' pajjiż terz jeħtieġ li jkunu ġejjin minn bastimenti li jidhru f'lista mħejjija u aġġornata skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 12(4) ta' dak ir-Regolament.

(4)

F'Settembru 2017, spezzjoni mill-Kummissjoni żvelat li l-istabbilimenti tal-produzzjoni primarja li jfornu lill-istabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd, mhumiex la identifikati u lanqas soġġetti għal kontrolli uffiċjali. Minħabba f'dan, dak l-awditu kkonkluda li l-awtorità kompetenti fil-Brażil la hija f'pożizzjoni li tipprovdi l-garanziji stipulati fl-Artikolu 12(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, u lanqas ma hija fil-pożizzjoni li tipprovdi l-garanziji kollha msemmija fiċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti tas-sajd stabbiliti fl-Appendiċi IV tal-Anness VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (3). Barra minn hekk, dik l-ispezzjoni żvelat nuqqasijiet serji fir-rigward tar-rekwiżiti tal-infrastruttura u tal-iġjene f'għadd ta' stabbilimenti Brażiljani spezzjonati minfejn huma permessi l-importazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd. In-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq urew nuqqas sistematiku tal-kontrolli effettivi mill-awtoritajiet kompetenti Brażiljani fir-rigward tal-prodotti tas-sajd.

(5)

Bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport ta' spezzjoni preliminari, f'ittra uffiċjali tat-22 ta' Diċembru 2017, l-awtoritajiet Brażiljani informaw lill-Kummissjoni li sosspendew il-ħruġ taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-prodotti tas-sajd kollha maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mit-3 ta' Jannar 2018. Madankollu, Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li fil-fruntieri tal-Unjoni ġew ippreżentati kunsinni ta' prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Brażil, b'ċertifikati maħruġa wara d-data ta' sospensjoni.

(6)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, u fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida mingħand l-awtoritajiet Brażiljani, ma hemmx biżżejjed garanziji li l-istabbilimenti awtorizzati biex jesportaw il-prodotti tas-sajd mill-Brażil lejn l-Unjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, u għaldaqstant, il-prodotti tagħhom jikkostitwixxu riskju għas-saħħa pubblika. Għaldaqstant, jixraq li jitneħħew l-istabbilimenti kollha mil-lista tal-istabbilimenti Brażiljani minfejn jistgħu jiġu importati fl-Unjoni l-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman.

(7)

Fid-dawl tar-riskju għas-saħħa pubblika assoċjat mal-prodotti tagħhom, jenħtieġ li mingħajr dewmien, dawk l-istabbilimenti ma jibqgħux jiġu awtorizzati biex jesportaw lejn l-Unjoni. Għaldaqstant, jixraq li d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament tkun id-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-lista tal-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 għandha tiġi emendata sabiex jitneħħew l-entrati kollha tal-istabbilimenti Brażiljani minfejn huma permessi l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum uman.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(2)  https://ec.europa.eu/food/safety/international_affairs/trade/non-eu-countries_en

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).


12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/982

tal-11 ta' Lulju 2018

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u t-tiġieġ imrobbi għall-bajd (detentur tal-awtorizzazzjoni Novus Europe N.A./S.V.)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd, għal speċijiet minuri tat-tjur tas-simna u mrobbija għall-bajd. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Dik l-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta' aċidu benzojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku bħala addittiv fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd, għal speċijiet minuri tat-tjur tas-simna u mrobbija għall-bajd, li trid tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żooloġiċi”.

(4)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-2 ta' Diċembru 2014 (2) u tat-28 ta' Settembru 2017 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-preparazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku ma għandhiex effett ħażin fuq saħħet l-annimali, fuq saħħet il-bniedem jew fuq l-ambjent. Ikkonkludiet ukoll li l-addittiv għandu l-potenzjal li jtejjeb il-prestazzjoni fit-tiġieġ tas-simna u li din il-konklużjoni tista' tiġi estiża għat-tiġieġ imrobbi għall-bajd. Madankollu, billi ma tista' tinsilet l-ebda konklużjoni dwar il-marġni tas-sikurezza tal-attidditv għal speċijiet maġġuri fil-mira, il-konklużjonijiet dwar is-sikurezza ma jistgħux jiġu estrapolati għal speċijiet minuri tat-tjur tas-simna u għal speċijiet minuri tat-tjur imrobbija għall-bajd. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv fl-għalf, fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni ta' aċidu benzojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta' din il-preparazzjoni jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tagħmel parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħrajn”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  EFSA Journal 2015;13(5):3794.

(3)  EFSA Journal 2017;15(10):5025.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg tal-addittiv/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Kategorija ta' addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħrajn (titjib fil-prestazzjoni żooteknika)

4d14

Novus Europe N.A./S.V.

Preparazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku li jkollha kontenut minimu ta':

 

Aċidu benżojku: 42,5-50 %

 

Format tal-kalċju 2,5-3,5 %

 

Aċidu fumariku 0,8-1,2 %

Fil-forma granulari

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

aċidu benżojku numru CAS: 65-85-0 (≥ 99,0 % purità); C7H6O2

format tal-kalċju: Numru CAS 544-17-2; C2H2O4Ca;

aċidu fumariku (≥ 99,5 % purità): Numru CAS 110-17-8;C4H4O4.

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni ta' aċidu benżojku, format tal-kalċju u aċidu fumariku fl-addittiv fl-għalf:

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja flimkien ma' individwatur tal-UV (HPLC-UV).

Għad-determinazzjoni tat-total ta' kalċju fl-addittiv fl-għalf:

spettrometrija tal-assorbiment atomiku (AAS) — EN ISO 6869; jew

spettrometrija tal-emissjoni atomika bi plażma akkoppjata induttivament (ICP-AES) — EN 15510;

Għad-determinazzjoni tal-aċidu benżojku fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf:

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja flimkien ma' individwatur tal-UV (HPLC-UV).

Għad-determinazzjoni tal-format tal-kalċju u tal-aċidu fumariku fit-taħlitiet lesti minn qabel:

kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja li teskludi l-joni flimkien ma' individwatur tal-UV jew tal-indiċi rifrattiv (HPLC-UV/RI)

Tiġieġ tas-simna

Tiġieġ imrobbi għall-bajd

500

1 000

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv m'għandux jintuża ma' sorsi oħra ta' aċidu benżojku jew benżoati, format tal-kalċju jew format u aċidu fumariku.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali tal-użu. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew jitnaqqsu għall-minimu bi proċeduri u b'miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'apparat ta' protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tan-nifs.

l-1 ta' Awwissu 2028


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/983

tal-11 ta' Lulju 2018

dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu benżojku bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet minuri ta' porċini tas-simna jew tat-tgħammir (detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Sp. z o. o.)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' tali awtorizzazzjoni.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-aċidu benżojku bħala addittiv għall-għalf għall-ispeċijiet minuri ta' porċini tas-simna jew tat-tgħammir. Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Dik l-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-aċidu benżojku bħala addittiv fl-għalf għall-ispeċijiet minuri ta' porċini tas-simna jew tat-tgħammir, biex jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”.

(4)

Dan l-addittiv diġà kien awtorizzat bħala addittiv tal-għalf għall-użu fil-ħnienes miftuma bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1730/2006 (2), fil-ħnieżer tas-simna bir-Regolament tal-Kummissjoni bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1138/2007 (3) u fil-ħnieżer femminili bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/900 (4).

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni tagħha tat-28 ta' Settembru 2017 (5) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, l-aċidu benżojku ma għandux effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent, u li jista' potenzjalment jintroduċi tnaqqis fil-pH tal-urina fl-ispeċijiet minuri ta' porċini. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' marġni kbir ta' sikurezza fil-ħnienes miftuma, l-Awtorità ma setgħetx testrapola l-konklużjoni dwar is-sikurezza għall-ispeċijiet minuri ta' porċini miftuma. Għalhekk kien stabbilit li l-addittiv huwa sikur għall-ispeċijiet minuri ta' porċini tas-simna u tat-tgħammir. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittiv fl-għalf, fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tal-aċidu benżojku turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta' dan il-preparat jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-addittiv speċifikat fl-Anness, li jappartjeni għall-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u għall-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”, huwa awtorizzat bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1730/2006 tat-23 ta' Novembru 2006 rigward l-awtorizzazzjoni tal-aċidu benżojku (VevoVitall) bħala addittiv fl-għalf (ĠU L 325, 24.11.2006, p. 9).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1138/2007 tal-1 ta' Ottubru 2007 rigward l-awtorizzazzjoni ta' użu ġdid tal-aċidu benżojku (VevoVitall) bħala addittiv fl-għalf (ĠU L 256, 2.10.2007, p. 8).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/900 tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu benżojku bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer femminili (detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Ltd) (ĠU L 152, 9.6.2016, p. 18).

(5)  EFSA Journal 2017; 15(10):5026.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg tas-sustanza attiva għal kull kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Kategorija ta' addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (tnaqqis tal-pH urinarju).

4d210

DSM Nutritional Products Sp. z o. o.

Aċidu benżojku

Kompożizzjoni tal-addittiv

Aċidu benżojku (≥ 99,9 %)

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Aċidu benżenkarbossiliku, aċidu fenilkarbossiliku,

C7H6O2

Numru tas-CAS 65-85-0

Livell massimu tal-impuritajiet:

 

Aċidu ftaliku: ≤ 100 mg/kg

 

Bifenil: ≤ 100 mg/kg

Metodu analitiku  (1)

Għall-kwantifikazzjoni tal-aċidu benżojku fl-addittiv tal-għalf:

titrazzjoni bl-idrossidu tas-sodju (European Pharmacopeia monograph 0066).

Għall-kwantifikazzjoni tal-aċidu benzojku fit-taħlitiet lesti minn qabel u fl-għalf tal-annimali:

kromatografija b'fażi likwida f'fażi inversa bil-metodu tad-detezzjoni UV (RP-HPLC/UV) — ibbażat fuq ISO 9231:2008.

Speċijiet minuri ta' porċini tas-simna jew tat-tgħammir

5 000

5 000

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv m'għandux jitħallat ma sorsi oħra ta' aċidu benżojku jew benżoati.

3.

Fid-direzzjonijiet għall-użu tal-għalf komplementari għandhom jiġu indikati dawn li ġejjin: “Għalf komplementari tal-annimali li fih l-aċidu benżojku ma għandux jingħata bħala għalf lil speċijiet ta' porċini żgħar tat-tismin u tat-tgħammir bħala tali. L-għalf komplementari għall-ħnieżer femminili għandu jitħallat sew ma' materjali oħra ta' għalf fid-dieta ta' kuljum”.

4.

L-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzazzjonali għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali meta dawn jintużaw. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa kemm jista' jkun permezz ta' proċeduri u miżuri bħal dawn, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tan-nifs u l-protezzjoni tal-ġilda.

l-1 ta' Awwissu 2028


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/21


DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

tat-3 ta' Mejju 2018

fir-rigward tal-emenda tal-Anness XXVI għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra [2018/984]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 436(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014.

(2)

L-Artikolu 201 tal-Ftehim jipprevedi li l-approssimazzjoni gradwali mal-liġi doganali tal-Unjoni u ċerta liġi internazzjonali għandha ssir kif stabbilit fl-Anness XXVI għall-Ftehim.

(3)

L-Anness XXVI għall-Ftehim jispeċifika li l-approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2) għandha ssir mir-Repubblika tal-Moldova fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(4)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ġie mħassar u, mill-1 ta' Mejju 2016, id-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jiġu applikati fl-Unjoni.

(5)

Fil-laqgħa tas-Sottokumitat tad-Dwana UE-Repubblika tal-Moldova li saret fis-6 ta' Ottubru 2016, ġie konkluż li l-Anness XXVI għall-Ftehim għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness XXVI għall-Ftehim huwa emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


ANNESS

L-ewwel taqsima tal-Anness XXVI għall-Ftehim hija emendata kif ġej:

Ir-referenza “Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità” hija sostitwita bir-referenza “Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni”.


Rettifika

12.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/23


Rettifika tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta' proċeduri ta' reviżjoni dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 335 tal-20 ta' Diċembru 2007 )

Fil-paġna 41, l-Artikolu 2(1),

minflok:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta' reviżjoni tkun innotifikat lill-entita' kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni, sakemm din ma taffettwax ilperijodu sospensiv skond l-Artikolu 3(2) jew kwalunkwe terminu limitu ieħor għall-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 5.”,

aqra:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu minn proċedura ta' reviżjoni tkun innotifikat lill-entità kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni, sakemm din ma taffettwax il-perijodu sospensiv skont l-Artikolu 2a(2) jew kwalunkwe terminu limitu ieħor għall-applikazzjoni għal reviżjoni skont l-Artikolu 2c.”.