ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 107

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
10 ta' April 2014


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 357/2014 tat-3 ta' Frar 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jkunu meħtieġa studji tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 358/2014 tad-9 ta' April 2014 li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi ( 1 )

5

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 359/2014 tad-9 ta' April 2014 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 9 tiegħu ( 1 )

10

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2014 tad-9 ta' April 2014 li jimponi dazju ta' antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

13

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 361/2014 tad-9 ta' April 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98 ( 1 )

39

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 362/2014 tad-9 ta' April 2014 li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Spanjola tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel ( 1 )

56

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2014 tad-9 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

57

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2014/196/UE

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2014 li tapprova l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Portugall

59

 

 

2014/197/UE

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

61

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 303/13/COL tat-10 ta' Lulju 2013 dwar Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq (In-Norveġja)

69

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 357/2014

tat-3 ta' Frar 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jkunu meħtieġa studji tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22b tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bnedmin u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10b tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni għall-prodotti mediċinali għandhom isiru skont kriterji oġġettivi tal-kwalità, is-sikurezza u l-effikaċja tal-prodott mediċinali kkonċernat, biex ikun żgurat li prodotti mediċinali ta' kwalità għolja biss jitqiegħdu fis-suq u jingħataw lill-pazjenti. Bħala konsegwenza, il-prodotti mediċinali l-ġodda jridu jgħaddu minn studji estensivi, inklużi bi provi tal-effikaċja klinika, qabel ma jiġu awtorizzati.

(2)

Skont l-Artikolu 21a(f) tad-Direttiva 2001/83/KE u l-Artikolu 9(4)(cc) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, f'sitwazzjonijiet speċifiċi jista' jkun meħtieġ li d-dejta disponibbli fil-waqt tal-awtorizzazzjoni tkun ikkumplimentata b'tagħrif addizzjonali dwar l-effikaċja ta' prodott mediċinali, biex jiġi indirizzat tħassib li ma setax jissolba qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni. Barra minn dan, skont l-Artikolu 22a(1)(b) tad-Direttiva 2001/83/KE u l-Artikolu 10a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 tagħrif wara l-awtorizzazzjoni jaf ikun jeħtieġ reviżjoni sinifikanti tal-evalwazzjonijiet preċedenti dwar l-effikaċja u jitlob dejta addizzjonali dwar l-effikaċja li tikkonferma, filwaqt li tinżamm l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem “l-awtoritajiet kompetenti”) jistgħu jobbligaw lid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni biex iwettaq studju tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni.

(3)

L-obbligu li jitwettaq studju tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni għandu jindirizza ċertu tħassib xjentifiku raġunat sew, li jaf iħalli impatt dirett fuq iż-żamma tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni. Dan ma għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni għall-għoti qabel il-waqt ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq. Skont l-Artikolu 22a(1) tad-Direttiva 2001/83/KE u l-Artikolu 10a(1) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, l-obbligu li jwettqu tali studju għandu jkun ġustifikat fuq bażi ta' każ b'każ, u filwaqt li jitqiesu l-proprjetajiet ta' prodott mediċinali u d-dejta disponibbli. L-istudju għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti u lid-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni b'tagħrif meħieġ, biex jikkumplimenta l-evidenza inizjali jew biex jivverifika jekk l-awtorizzazzjoni tall-kummerċjalizzazzjoni għandhiex tinżamm kif mogħtija, tiġi varjata, sospiża jew revokata abbażi ta' dejta ġdida li tirriżulta mill-istudju.

(4)

L-Artikolu 22b tad-Direttiva 2001/83/KE u l-Artikolu 10b tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tispeċifika s-sitwazzjonijiet meta jistgħu jkunu meħtieġa studji tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni. Fl-interess tat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, u fid-dawl ta' żviluppi fit-tagħrif xjentifiku, huwa xieraq li titfassal lista ta' sitwazzjonijiet speċifiċi u ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu kkunsidrati.

(5)

F'diversi żoni terapewtiċi, il-punti tat-tmiem surrogati, bħall-bijomarkaturi jew it-tiċkin tat-tumuri fl-onkoloġija, intużaw bħala għodda biex jiddefinixxu l-effikaċja tal-prodotti mediċinali fi studji kliniċi esploratorji jew ta' konferma. Biex tkun sostnuta l-valutazzjoni bbażata fuq dawk il-punti tat-tmiem, jista' jkun relevanti li tkun ġenerata iktar dejta dwar l-effikaċja fil-fażi wara l-awtorizzazzjoni biex ikun verifikat l-impatt tal-intervent fuq ir-riżultati kliniċi jew il-progressjoni tal-mard. Jista' jkun meħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk id-dejta tas-sopravivenza ġenerali fil-fażi wara l-awtorizzazzjoni hix differenti jew tikkonfermax ir-riżultat tal-punt tat-tmiem surrogat.

(6)

Ċerti prodotti mediċinali jistgħu jintużaw regolarment flimkien ma' prodotti mediċinali oħra. Filwaqt li l-applikant tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni huwa mistenni jindirizza l-effetti ta' tali taħlitiet fi studji kliniċi, ħafna drabi la huwa meħtieġ u lanqas mhu xieraq li t-taħlitiet kollha possibbli koperti bl-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni f'termini ġenerali qabel l-awtorizzazzjoni jiġu studjati b'mod eżawrjenti. Minflok, il-valutazzjoni xjentifika tista' tkun parzjalment ibbażata fuq estrapolazzjoni ta' dejta eżistenti. F'ċerti każi jista' jkun rilevanti li tinkiseb aktar evidenza klinika wara l-awtorizzazzjoni għal ċerti taħlitiet speċifiċi jekk tali studji jistgħu jiċċaraw inċertezza li ma tkunx diġà ġiet indirizzata. Dan japplika b'mod partikulari jekk dawn it-taħlitiet jintużaw jew huma mistennija jintużaw fi prattiki mediċi ta' kuljum.

(7)

Fl-istudji kliniċi kruċjali mwettqa qabel l-għoti ta' awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, jista' jkun diffiċli li tinġabar rappreżentazzjoni b'saħħitha tas-sottopopolazzjonijiet differenti kollha li għalihom jiġi amministrat il-prodott mediċinali. Dan mhux bilfors li jipprekludi bilanċ ġenerali pożittiv bejn il-benefiċċji u r-riskji waqt l-awtorizzazzjoni. Madanakollu, għal xi sottopopolazzjonijiet speċifiċi li għalihom tqajmu xi inċertezzi fir-rigward tal-benefiċċji, jaf ikun meħtieġ iktar sostanzjament tal-evidenza, bi studji kliniċi mmirati speċifikament fil-fażi qabel l-awtorizzazzjoni.

(8)

F'ċirkustanzi normali, ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju għal segwitu fit-tul tal-effikaċja ta' prodotti mediċinali bħala parti minn sorveljanza wara l-awtorizzazzjoni, anki għal prodotti mediċinali awtorizzati għal kundizzjonijiet kroniċi. F'ħafna każi, l-effetti tal-prodott mediċinali jmajnaw biż-żmien, u dan ikun jeħtieġ definizzjoni mill-ġdid tat-terapija. Madanakollu, dan mhux bilfors ipaċi l-bilanċ bejn il-benefiċċji u r-riskji tal-prodott mediċinali u l-evalwazzjoni tal-effett ta' benefiċċju eżerċitat sa dak il-waqt. F'każi eċċezzjonali, għandhom jiġu imposti studji wara l-awtorizzazzjoni meta nuqqas potenzjali ta' effikaċja fit-tul jista' jqajjem tħassib fir-rigward taż-żamma ta' bilanċ pożittiv bejn il-benefiċċji u r-riskji tal-intervent. Dan jista' jkun il-każ għal terapiji innovattivi li fihom l-interventi huma mistennija li jimmodifikaw il-perkors tal-marda.

(9)

F'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, studji fi prattiki mediċi ta' kuljum jistgħu jkunu meħtieġa fejn ikun hemm evidenza ċara li l-benefiċċji ta' prodott mediċinali murija fi provi kliniċi kkontrollati huma affettwati b'mod sinifikanti mill-kundizzjonijiet tal-użu fir-realtà jew meta t-tħassib xjentifiku speċifiku jkun jista' jiġi studjat aħjar b'aċċess għal dejta kkontrollata fi prattiki mediċi ta' kuljum. Barra minn hekk, studji tal-effikaċja protettiva tat-tilqim mhumiex dejjem vijabbli. Inkella, stimi tal-effettività minn studji prospettivi mwettqa waqt kampanji ta' tilqim wara l-awtorizzazzjoni jistgħu jintużaw biex jinkiseb aktar tagħrif dwar l-abbiltà tat-tilqima li tagħti ħarsien fuq terminu qasir jew twil.

(10)

Waqt iċ-ċiklu tal-ħajja ta' prodott mediċinali awtorizzat, tista' sseħħ bidla sinifikanti fl-istandard tal-kura għad-dijanjożi, it-trattament jew il-prevenzjoni ta' marda, li jwasslu għall-ħtieġa li tinfetaħ mill-ġdid id-diskussjoni dwar il-bilanċ stabbilit bejn il-benefiċċji u r-riskji tal-prodott mediċinali. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li kunsens modifikat fi ħdan il-komunità medika dwar il-kriterji ta' valutazzjoni xierqa tal-effikaċja terapewtika ta' prodott mediċinali jista' jikkostitwixxi fatturi konkreti u oġġettivi li kapaċi jaġixxu bħala bażi għas-sejba ta' valutazzjoni negattivi tal-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji ta' dak il-prodott (3). Għaldaqstant jista' jkun meħtieġ li tingħata evidenza ġdida dwar l-effikaċja tal-prodott mediċinali biex tinżamm valutazzjoni pożittiva bejn il-benefiċċji u r-riskji. Bl-istess mod, jekk fehim imtejjeb tal-marda jew il-farmakoloġija ta' prodott mediċinali jitfa' dubju dwar il-kriterji użati biex tiġi stabbilita l-effikaċja tal-prodott mediċinali meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni, jistgħu jiġu kkunsidrati studji addizzjonali.

(11)

Biex jinkiseb tagħrif sinifikanti, huwa meħtieġ li jkun żgurat li jixraq jitfassal studju tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni biex titwieġeb il-kwistjoni xjentifika li jkun beħsiebu jindirizza.

(12)

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu obbligi biex tkun żgurata jew ikkonfermata l-effikaċja ta' prodott mediċinali għall-użu fuq il-bniedem fil-kuntest ta' awtorizzazzjoni kondizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni u/jew awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni li tkun ingħatat soġġetta għal ċirkustanzi eċċezzjonali, jew bħala riżultat ta' proċedura ta' riferiment mibdija skont l-Artikoli 31 u 107i tad-Direttiva 2001/83/KE jew l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004. Barra minn hekk, id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għal prodott mediċinali ta' terapija avvanzata jew prodott mediċinali għall-użu pedjatriku jista' jkollhom jikkonformaw ma' ċerti miżuri biex jiżguraw is-segwitu tal-effikaċja. Bħala konsegwenza, huwa meħtieġ li jitwettaq studju tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni. Il-ħtieġa ta' tali studju għandha tkun ivvalutata fil-kuntest ta' dawk il-proċeduri u indipendentement mis-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi speċifikati f'dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu studju tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni li għandu jwettqu d-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikoli 21a(f) u 22a(1)(b) tad-Direttiva 2001/83/KE u l-Artikoli 9(4)(cc) u 10a(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004:

(a)

meta jiġi identifikat tħassib b'rabta ma' xi aspetti tal-effikaċja tal-prodott mediċinali u jkun jista' jissolva biss wara li l-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq;

(b)

meta l-fehim tal-marda, il-metodoloġija klinika jew l-użu tal-prodott mediċinali f'kundizzjonijiet tal-użu fir-realtà jindikaw li l-evalwazzjonijiet preċedenti tal-effikaċja jaf ikollhom jiġu riveduti b'mod sinifikanti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew il-Kummissjoni għandhom japplikaw biss il-paragrafu 1 jekk jinqala' każ wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

valutazzjoni inizjali tal-effikaċja li hija bbażata fuq punti tat-tmiem surrogati, li teħtieġ verifika tal-impatt tal-intervent fuq ir-riżultat kliniku jew il-progressjoni tal-marda jew konferma ta' suppożizzjonijiet preċedenti tal-effikaċja;

(b)

fil-każ ta' prodotti mediċinali li jintużaw flimien ma' prodotti mediċinali oħra, il-ħtieġa ta' aktar dejta dwar l-effikaċja biex jiġu ċċarati inċertezzi li ma ġewx indirizzati meta jkun ġie awtorizzat il-prodott mediċinali;

(c)

inċertezzi fir-rigward tal-effikaċja ta' prodott mediċinali f'ċerti sottopopolazzjonijiet li ma setgħux jissolvew qabel l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni u jeħtieġu aktar evidenza klinika;

(d)

in-nuqqas potenzjali ta' effikaċja fit-tul li tqajjem tħassib fir-rigward taż-żamma ta' bilanċ pożittiv bejn il-benefiċċji u r-riskji tal-prodott mediċinali;

(e)

il-benefiċċji ta' prodott mediċinali murija fi provi kliniċi jiġu affettwati b'mod sinifikanti bl-użu tal-prodott mediċinali f'kundizzjonijiet tal-użu fir-realtà, jew, fil-każ tat-tilqim, meta l-istudji tal-effikaċja protettiva ma jkunux vijabbli;

(f)

bidla fil-fehim tal-istandard tal-kura għal marda jew il-farmakoloġija ta' prodott mediċinali li jeħtieġ aktar evidenza dwar l-effikaċja tiegħu;

(g)

fatturi oġġettivi xjentifiċi ġodda u konkreti li jistgħu jikkostitwixxu bażi għas-sejba li l-evalwazzjonijiet preċedenti dwar l-effikaċja jista' jkun li jridu jiġu riveduti b'mod sinifikanti.

3.   Is-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għall-impożizzjoni tal-obbligu fuq id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni li jmexxi studji tal-effikaċja wara l-awtorizzazzjoni, fil-kuntest ta' xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

awtorizzazzjoni kondizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004;

(b)

awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni mogħtija f'ċirkustanzi eċċezzjonali u soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet skont l-Artikolu 14(8) tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 jew l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2001/83/KE;

(c)

awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għal prodott mediċinali ta' terapija avvanzata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(d)

l-użu pedjatriku ta' prodott mediċinali skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(e)

proċedura ta' riferiment mibdija f'konformità mal-Artikoli 31 jew 107i tad-Direttiva 2001/83/KE jew l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(2)  ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

(3)  Il-Kawża C-221/10P Artegodan v il-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata, il-paragrafi 100-103.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1394/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar prodotti mediċinali ta' terapija avvanzata u li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 121).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1768/92, id-Direttiva 2001/20/KE, id-Direttiva 2001/83/KE u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 1).


10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 358/2014

tad-9 ta' April 2014

li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-annotazzjoni 25 tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tispeċifika konċentrazzjoni massima ta' 0,3 % fir-rigward tal-użu tat-triklosan bħala preservattiv fil-prodotti kożmetiċi.

(2)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar Prodotti tal-Konsumatur (SCCP), sussegwentement sostitwit mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (2), adotta opinjoni dwar is-sikurezza tat-triklosan għas-saħħa tal-bniedem f'Jannar 2009 (3), segwita minn addendum f'Marzu 2011 (4).

(3)

Is-SCCP qies li l-użu kontinwu tat-triklosan bħala preservattiv fil-limitu korrenti tal-konċentrazzjoni massima ta' 0,3 % fi prodotti kożmetiċi mhux sikur għall-konsumaturi minħabba l-kwantità tal-espożizzjoni totali, u l-SCCS ikkonferma din il-pożizzjoni. Madankollu, l-SCCP qies li l-użu tiegħu f'konċentrazzjoni massima ta' 0,3 % f'tutpejsts, spapen għall-idejn, spapen għall-ġisem/ġellijiet għad-doċċa u deodoranti, terra għall-wiċċ u blemish concealers huwa sikur. Barra minn hekk, l-SCCS ikkunsidra li użi oħra tat-triklosan fi prodotti tad-dwiefer meta l-użu intenzjonat huwa li jnaddaf id-dwiefer tal-idejn u tas-saqajn, qabel l-applikazzjoni tas-sistemi tad-dwiefer artifiċjali f'konċentrazzjoni massima ta' 0,3 % u fi prodotti likwidi għat-tlaħliħ tal-ħalq f'konċentrazzjoni massima ta' 0,2 % huma sikuri għall-konsumaturi.

(4)

Fid-dawl l-opinjonijiet tal-SCCS imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tar-restrizzjoni dwar l-użu tat-triklosan fil-livell attwali tiegħu jista' jqajjem riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. Għalhekk ir-restrizzjonijiet addizzjonali ssuġġeriti mill-SCCP u l-SCCS għandhom jiġu implimentati fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(5)

L-annotazzjoni 12 tal-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tispeċifika konċentrazzjoni massima ta' 0,4 % għal ester wieħed u 0,8 % għal taħlitiet ta' esteri f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu ta' parabeni bħala preservattivi fi prodotti kożmetiċi, skont id-denominazzjoni tal-aċidu 4-idrossibenżojku u l-imluħa u l-esteri tiegħu.

(6)

F'Diċembru 2010 (5), l-SCCS adotta opinjoni dwar il-parabeni, segwita minn kjarifika f'Ottubru 2011 (6) b'reazzjoni għal deċiżjoni unilaterali meħuda mid-Danimarka biex tipprojbixxi l-propilparaben u l-butilparaben, l-isoformi u l-imluħ tagħhom fi prodotti kożmetiċi għal tfal taħt it-tliet snin abbażi tal-proprjetajiet endokrinali potenzjali, meħuda f'konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE (7).

(7)

L-SCCS ikkonferma li l-metilparaben u l-etilparaben huma sikuri fil-konċentrazzjonijiet massimi awtorizzati. Barra minn hekk, l-SCCS innota li ma tressqet l-ebda informazzjoni jew tressqet informazzjoni limitata mill-industrija għall-evalwazzjoni tas-sigurtà ta' isopropilparaben, l-isobutilparaben, il-fenilparaben, il-benżilparaben u l-pentilparaben. Għal dawn il-komponenti, ir-riskji għall-bniedem ma jistgħux jiġu evalwati. Għalhekk dawn is-sustanzi m'għandhomx jitniżżlu fl-Anness V u, billi dawn jaf jintużaw bħala aġenti antimikrobiċi, dawn għandhom jitniżżlu fl-Anness II ħalli tkun ċara u tonda li huma projbiti milli jintużaw fi prodotti kożmetiċi.

(8)

Il-konklużjonijiet li l-SCCS silet fl-istess opinjonijiet dwar il-propilparaben u l-butilparaben ġew sfidati minn studju li sar mill-awtoritajiet Franċiżi (8), għalhekk f'Mejju 2013 ġiet adottata mill-SCCS evalwazzjoni oħra tar-riskju, ta' dawk iż-żewġ sustanzi (9). Miżuri dwar il-propilparaben u l-butilparaben qed jiġu preparati bħala t-tieni pass fl-immaniġġjar tar-riskju tal-parabeni.

(9)

L-ebda tħassib ma tqajjem dwar is-sikurezza tal-aċidu 4-idrossibenżojku u l-imluħ tiegħu (il-paraben tal-kalċju, il-paraben tas-sodju, il-paraben tal-potassju).

(10)

L-Annessi rilevanti għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(11)

L-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq għandha tiġi ddifferita biex l-industrija tkun tista' tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-formulazzjonijiet tal-prodott. B'mod partikolari, l-impriżi għandhom jingħataw sitt xhur biex iqiegħdu fis-suq prodotti li jkunu konformi, u 15-il xahar biex jieqfu jagħmlu disponibbli fis-suq prodotti mhux konformi wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sabiex l-istokkijiet eżistenti jitħallew jiġu eżawriti.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mit-30 ta' Ottubru 2014 prodotti kożmetiċi biss li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Mit-30 ta' Lulju 2015 prodotti kożmetiċi biss li jikkonformaw ma' dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta' Awwissu 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta' Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21).

(3)  SCCP/1192/08, http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_sccp/docs/sccp_o_166.pdf.

(4)  SCCS/1414/11, http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_054.pdf.

(5)  SCCS/1348/10 Reviżjoni tat-22 ta' Marzu 2011.

(6)  SCCS/1446/11.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169).

(8)  Gazin V., Marsden E., Briffaux J-P (2012), Propylparaben: Studju ta' tmien ġimgħat dwar it-tossiċità fiż-żgħar wara li jkunu waqfu mit-trattament ma' perjodu ta' 26 ġimgħa mingħajr trattament tal-far maskili tar-razza Wistar permezz tar-rotta orali (gavage) Poster SOT Annual Meeting San Francisco USA — Abstract ID 2359*327.

(9)  SCCS/1514/13.


ANNESS

L-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness II jiżdiedu l-annotazzjonijiet 1374 sa 1378 kif ġej:

Reference Number

Substance Identification

Chemical Name/INN

CAS number

EC number

a

b

c

d

“1374

Isopropil 4- idrossibenżoat (INCI: Isopropylparaben)

Melħ tas-sodju jew Imluħa tal-Isopropilparaben

4191-73-5

224-069-3

1375

Isobutil 4- idrossibenżoat (INCI: Isobutylparaben)

4247-02-3

224-208-8

Melħ tas-sodju jew Imluħa tal-Isobutilparaben

84930-15-4

284-595-4

1376

Fenil 4- idrossibenżoat (INCI: Phenylparaben)

17696-62-7

241-698-9

1377

Benżil 4- idrossibenżoat (INCI: Benzylparaben)

94-18-8

 

1378

Pentil 4- idrossibenżoat (INCI: Pentylparaben)

6521-29-5

229-408-9”

(2)

L-Anness V huwa emendat kif ġej:

(a)

L-annotazzjoni 12 tinbidel b'dan li ġej:

 

Identifikazzjoni tas-Sustanza

Kundizzjonijiet

 

In-Numru ta' Referenza

Isem kimiku/INN

Isem tal-Glossarju ta' Ingredjenti Komuni

Numru CAS

Numru KE

Tip ta' prodott, Partijiet tal-ġisem

Konċentrazzjoni massima fi preparazzjoni lesta għall-użu

Ieħor

Liema kliem għandu jintuża fil- kundizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet

a

b

c

d

e

f

g

h

i

“12

Aċidu 4-Idrossibenżojku u l-imluħ u l-esteri tiegħu, minbarra l-esteri tal-isopropil, l-isobutil, l-benżil l-fenil, u l-pentil

4-Hydroxybenzoic acid

99-96-7

202-804-9

 

0,4 % (bħala aċidu) għal ester wieħed,

0,8 % (bħala aċidu) għal taħlitiet ta' esteri”

 

 

methylparaben

99-76-3

202-785-7

butylparaben

94-26-8

202-318-7

potassium ethylparaben

36457-19-9

253-048-1

potassium paraben

16782-08-4

240-830-2

propylparaben

94-13-3

202-307-7

sodium methylparaben

5026-62-0

225-714-1

sodium ethylparaben

35285-68-8

252-487-6

sodium propylparaben

35285-69-9

252-488-1

sodium butylparaben

36457-20-2

253-049-7

ethylparaben

120-47-8

204-399-4

sodium paraben

114-63-6

204-051-1

potassium methylparaben

26112-07-2

247-464-2

potassium butylparaben

38566-94-8

254-009-1

potassium propylparaben

84930-16-5

284-597-5

calcium paraben

69959-44-0

274-235-4

(b)

L-annotazzjoni 25 tinbidel b'dan li ġej:

 

Identifikazzjoni tas-Sustanza

Kundizzjonijiet

 

In-numru ta' referenza

Isem kimiku/INN

Isem tal-Glossarju ta' Ingredjenti Komuni

Numru CAS

Numru KE

Tip ta' prodott, Partijiet tal-ġisem

Konċentrazzjoni massima fi preparazzjoni lesta għall-użu

Ieħor

Liema kliem għandu jintuża fil- kondizzjonijiet tal-użu u t-twissijiet

a

b

c

d

e

f

g

h

i

“25

5-Kloro-2-(2,4-diklorofenossi)fenol

Triclosan

3380-34-5

222-182-2

(a)

tutpejst

sapun għall-idejn

sapun għall-ġisem/ġellijiet għad-doċċa

Deodoranti (mhux sprejs)

Terra għall-wiċċ u blemish concealers

Prodotti tad-dwiefer għat-tindif tad-dwiefer tal-idejn u tas-saqajn qabel l-applikazzjoni tas-sistemi tad-dwiefer artifiċjali

(a)

0,3 %

 

 

(b)

Prodotti likwidi għat-tlaħliħ tal-ħalq

(b)

0,2 %”

 

 


10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 359/2014

tad-9 ta' April 2014

li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 9 tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

(2)

L-Artikolu 19(1) ta' dik id-Direttiva jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tfassal lista tal-prodotti tal-pjanti li għandhom isirulhom il-verifiki veterinarji fuq il-fruntiera u lista tal-pajjiżi terzi li jistgħu jiġu awtorizzati jesportaw dawk il-prodotti tal-pjanti lill-Unjoni.

(3)

Għaldaqstant, l-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 (2) jelenka l-ħuxlief u t-tiben bħala prodotti tal-pjanti li għandhom isirulhom il-verifiki veterinarji fuq il-fruntiera filwaqt li l-Parti I tal-Anness V ta' dak ir-Regolament telenka l-pajjiżi li l-Istati Membri huma awtorizzati jimpurtaw il-ħuxlief u t-tiben minnhom.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 136/2004 kien adottat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-2003. Il-Parti II tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 fiha lista tal-Istati tal-adeżjoni li kienet rilevanti sat-30 ta' April 2004. Għalhekk, m'għadx hemm il-bżonn li tinżamm il-Parti II tal-Anness V u li l-Anness V jibqa' maqsum f'żewġ partijiet.

(5)

Għal raġunijiet ta' ċarezza, il-kodiċijiet ISO tal-pajjiżi għandhom jiżdiedu fl-Anness V.

(6)

Is-Serbja dan l-aħħar talbet l-awtorizzazzjoni biex tesporta l-ħuxlief u t-tiben lill-Unjoni.

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (3) jelenka lis-Serbja bħala pajjiż minn fejn il-kunsinni tal-laħam frisk tal-bovini, l-ovini u l-kaprini u tas-solipedi domestiċi jistgħu jiġu importati lill-Unjoni.

(8)

Għalkemm l-ungulati ħajjin mis-Serbja ma jistgħux jiddaħħlu fl-Unjoni, il-ħuxlief u t-tiben jistgħu jingħataw permess billi s-sitwazzjoni żoosanitarja fis-Serbja ma tippreżentax riskju ta' tixrid tal-mard tal-annimali infettuż jew li jittieħed minħabba dawn il-prodotti tal-pjanti, li setgħu ġew f'kuntatt ma' annimali ħajjin.

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 136/2004 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 se jeħodlu postu l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004 tat-22 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi proċeduri għal kontrolli veterinarji f'postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntieri tal-Komunità fuq prodotti importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 21, 28.1.2004, p. 11).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).


ANNESS

“ANNESS V

IL-LISTA TAL-PAJJIŻI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 9

Kodiċi ISO

Pajjiż

AU

L-Awstralja

BY

Il-Belarus

CA

Il-Kanada

CH

L-Isvizzera

CL

Iċ-Ċilì

GL

Il-Groenlandja

IS

L-Islanda

NZ

In-New Zealand

RS

Is-Serbja (1)

US

L-Istati Uniti tal-Amerika

ZA

L-Afrika t'Isfel (minbarra dik il-parti taż-żona ta' kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tinsab fir-reġjun veterinarju tat-Transvaal tat-Tramuntana u tal-Lvant, fid-distrett ta' Ingwavuma tar-reġjun veterinarju ta' Natal u fiż-żona tal-fruntiera mal-Botswana fil-Lvant tal-lonġitudni ta' 28°)


(1)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16).”


10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 360/2014

tad-9 ta' April 2014

li jimponi dazju ta' antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja, wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari 11(2), (5) u (6) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Il-Kunsill, wara investigazzjoni ta' anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), permezz tar-Regolament (KE) Nru 172/2008 (2), impona dazju ta' antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju (“FeSi”) li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90 li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”), l-Eġittu, il-Każakstan, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u r-Russja (“il-miżuri anti-dumping definittivi”).

(2)

Il-miżuri ħadu l-forma ta' dazju ad valorem stabbilit fi 31,2 % tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, bl-eċċezzjoni ta' Erdos Xijin Kuangye Co. (15,6 %) u Lanzhou Good Land Ferroalloy Factory Co., (29,0 %), fi 18 % fuq l-importazzjonijiet mill-Eġittu, bl-eċċezzjoni ta' The Egyptian Ferroalloys Co. (15,4 %), fi 33,9 % fuq l-importazzjonijiet mill-Kazakstan, f'5,4 % fuq l-importazzjonijiet minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u fi 22,7 % fuq l-importazzjonijiet mir-Russja, bl-eċċezzjoni ta' Bratsk Ferroalloy Plant (17,8 %).

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1297/2009 (3) ħassar id-dazju ta' anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 172/2008 fuq importazzjonijiet ta' FeSi li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

(4)

Fit-30 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami interim parzjali (“ir-rieżami interim”) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ippreżentata minn produttur esportatur mir-Russja, Joint Stock Company Chelyabinsk Electrometallurgical Integrated Plant u l-kumpanija relatata tiegħu Joint Stock Company Kuznetsk Ferroalloy Works (minn hawn 'il quddiem imsejħa konġuntement bħala “il-grupp Russu”). Il-Kunsill, bir-Regolament (UE) Nru 60/2012 (4) temm ir-rieżami interim parzjali fuq il-bażi ta' evidenza insuffiċjenti ta' natura dejjiema ta' ċirkostanzi mibdula. B'mod partikolari, il-grupp Russu ma weriex li l-imġiba tal-ipprezzar tiegħu kienet ta' natura dejjiema. Għalhekk, il-marġni ta' dumping stabbilit għall-grupp Russu fl-investigazzjoni oriġinali ma kienx emendat. L-offerta ta' impenn magħmula mill-grupp Russu ġiet miċħuda għall-istess raġunijiet.

2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti (5) tal-miżuri tal-antidumping definittivi fis-seħħ, fit-28 ta' Novembru 2012 il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn Euroalliages (“l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' FeSi.

(6)

It-talba kienet tikkonċerna dawn iż-żewġ pajjiżi li ġejjin: ir-RPĊ u r-Russja.

(7)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri probabbli tirriżulta f'kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(8)

Wara li stabbiliet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2013 ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) (“l-avviż ta' bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.   Investigazzjoni

4.1.   Perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(9)

L-investigazzjoni ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-31 ta' Diċembru 2012 (“il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-ħsara kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2012 (“il-perjodu kkonċernat”).

4.2.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(10)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikanti, lill-produtturi l-oħra magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, lill-importaturi mhux relatati, lill-utenti li hu magħruf li huma mħassbin, u lir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi, dwar it-tnedija tar-rieżami ta' skadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità sabiex jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu.

(11)

Il-partijiet kollha interessati, li talbu smigħ u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw possibbiltà ta' smigħ.

(12)

Fid-dawl tan-numru apparentament kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ u importaturi mhux relatati fl-Unjoni involuti fl-investigazzjoni, ġie ppjanat it-teħid ta' kampjuni fin-notifika ta' bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk hux meħtieġ it-teħid ta' kampjuni u, jekk ikun, biex jintgħażel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq kienu mitluba li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-rieżami u li jipprovdu t-tagħrif mitlub fin-notifika ta' bidu lill-Kummissjoni.

(13)

Minħabba li kien biss produttur esportatur wieħed fir-RPĊ li pprovda l-informazzjoni mitluba fin-notifika ta' bidu u esprima r-rieda tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni, ġie deċiż li t-teħid ta' kampjuni ma jiġix applikat fil-każ tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ. Wara li rċieva l-kwestjonarju, il-produttur esportatur iddeċieda li ma jikkooperax aktar. Għalhekk, huwa meqjus li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(14)

Rigward ir-Russja, il-produtturi Russi magħrufa kollha ġew mistiedna jikkooperaw fl-investigazzjoni, jiġifieri Bratsk Ferroalloys, Serov Ferroalloy Plant, NLMK u l-grupp Russu. Grupp Russu wieħed biss ikkoopera mal-Kummissjoni fl-investigazzjoni ta' rieżami attwali.

(15)

Fir-rigward tal-importaturi mhux relatati, ma waslet l-ebda risposta għall-kwestjonarju. Għalhekk, huwa meqjus li l-ebda importatur mhux relatat fl-Unjoni ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(16)

Tweġibiet għall-kwestjonarji waslu minn sitta mis-seba' produtturi ta' FeSi tal-Unjoni magħrufa. Minħabba n-numru relattivament limitat ta' produtturi tal-Unjoni, it-teħid ta' kampjuni ma kienx previst fl-investigazzjoni tar-rieżami.

(17)

Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni:

 

FERROATLANTICA Group:

 

Ferroatlantica S.L. — Madrid, Spanja

 

Ferropem — Chambery, Franza

 

HUTA LAZISKA S.A. — Laziska Gorne, il-Polonja

 

OFZ a.s. — Istebne, is-Slovakkja

 

TDR LEGURE d.o.o. — Ruse, is-Slovenja

 

VARGON ALLOYS A.B. — Vargon, l-Isvezja

(b)

Utenti tal-Unjoni:

 

Aperam SA — Il-Lussemburgu

 

Ugitech — Ugine, Franza

(c)

Il-produttur esportatur fir-Russja:

 

Il-grupp Russu:

 

JSC Chelyabinsk Electrometallurgical Integrated Plant (“JSC CHEMK”) — Chelyabinsk, ir-Russja

 

JSC Kuznetsk Ferroalloy Works (“JSC KF”) — Novokuznetsk, ir-Russja

 

RFA International LP (“RFAI”) — Mishawaka, l-Istati Uniti

(d)

Il-produtturi fil-pajjiż analogu

 

Elkem AS, Oslo, in-Norveġja

 

FESIL Rana Metall AS, Trondheim, in-Norveġja

 

Finnfjord AS, Finnsnes, in-Norveġja.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(18)

Il-prodott ikkonċernat huwa ferrosiliċju li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90, li joriġina mir-RPĊ u r-Russja.

(19)

Il-produzzjoni ta' FeSi ssir fi fran b'ark elettriku permezz tat-tnaqqis tal-kwartz billi jintużaw prodotti li jifilħu għall-karbonju. Dan il-proċess huwa intensiv fl-enerġija. FeSi jinbiegħ fil-forma ta' biċċiet, frak jew trab u jeżisti fi kwalitajiet varji, skont is-siliċju u l-kontenut ta' impurità (eż. aluminju). FeSi b'kontenut ta' siliċju ta' 70 % u ogħla huwa meqjus bħala prodott ta' purità għolja. B'kontenut ta' siliċju ta' aktar minn 55 % u inqas minn 70 %, huwa prodott b'purità medja, u b'kontenut ta' siliċju ta' inqas minn 55 % huwa prodott ta' purità baxxa. Il-prodott ikkonċernat huwa essenzjalment użat bħala deossidifikant u bħala komponent għall-ħadid fl-industrija tal-ħadid u tal-azzar.

2.   Prodott simili

(20)

Il-FeSi prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni u l-FeSi prodott u mibjugħ fin-Norveġja (“il-pajjiż analogu”) peress li r-RPĊ huwa pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u ma ġiex investigat matul din l-investigazzjoni, u fir-Russja nstab li kellhom essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u l-istess użi bażiċi bħal FeSi prodott fir-RPĊ u fir-Russja u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għalhekk huma meqjusa simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' DUMPING

(21)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti tkunx iktar probabbli li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping miż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

Importazzjonijiet mir-RPĊ

1.   Kummenti preliminari

(22)

Kif iddikjarat fil-premessa (13) hawn fuq, l-ebda produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkooperaw fl-investigazzjoni. B'hekk, fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, l-analiżi globali, inkluż il-kalkolu tad-dumping, huwa bbażat fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(23)

Għalhekk, il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping ġiet ivvalutata bl-użu tat-talba għal rieżami tal-iskadenza, flimkien ma' sorsi oħra ta' informazzjoni, bħalma huma l-istatistiċi tal-kummerċ dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (il-Eurostat u d-dejta tal-esportazzjoni Ċiniża) u informazzjoni oħra disponibbli pubblikament.

(24)

In-nuqqas ta' kooperazzjoni affettwat il-paragun tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni ta' tipi differenti tal-prodott. Kif spjegat fil-premessa (30) hawn taħt, ġie meqjus xieraq li jiġi stabbilit kemm il-valur normali u kemm il-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi globali, jiġifieri bbażati fuq prodott wieħed uniku, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(25)

Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, l-istess metodoloġija bħal dik użata sabiex jiġi stabbilit d-dumping fl-investigazzjoni oriġinali kienet segwita kull meta nstab li ma nbidlux iċ-ċirkostanzi.

2.   Id-dumping ta' importazzjonijiet matul il-PIR

2.1.   Id-determinazzjoni tal-Valur Normali

(26)

Fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni stiednet il-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar il-proposta tagħha li tuża lin-Norveġja bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq għall-iskop li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-RPĊ. In-Norveġja ntużat bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali. Fin-nuqqas ta' kummenti minn kwalunkwe parti dwar dan l-aspett, ġie konkluż li n-Norveġja għandha tkun magħżula għal darba oħra bħala l-pajjiż analogu biex jiġi stabbilit il-valur normali għar-RPĊ skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(27)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, l-ewwel ġie eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti magħmul minn produtturi li kkooperaw fin-Norveġja kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali mir-RPĊ għall-Unjoni, jiġifieri jekk il-volum totali ta' tali bejgħ domestiku kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ f'esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, instab li l-bejgħ domestiku fil-pajjiż analogu kien rappreżentattiv.

(28)

Sussegwentement il-Kummissjoni eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies bħala magħmul fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgћ domestiku lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku li kellu qligħ matul il-PIR.

(29)

Għalhekk, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, li ġie kkalkulat bħala prezz b'medja peżata tal-bejgħ domestiku bi qligħ li sar matul il-PIR.

2.2.   Id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(30)

Kif iddikjarat fil-premessa (24) hawn fuq, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(31)

Il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu l-ewwel estratti minn bażi tad-dejta ta' importazzjoni tal-Eurostat għat-tliet kodiċijiet tal-NM elenkati fil-premessa (18) hawn fuq, jiġifieri mad-distinzjoni tal-kwalità. Minħabba li kien meqjus xieraq li jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi medja, id-dejta estratta għall-kodiċijiet NM 7202 29 10 u 7202291090 ġiet aġġustata għall-kontenut ta' siliċju tal-kodiċi NM 7202 21 00. Dan il-metodu huwa dak propost fit-talba għal rieżami biex jiġi stmat il-volum totali ta' importazzjonijiet fuq il-bażi tal-kwalità FeSi75. Il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjoni ta' dawn it-tliet kodiċijiet NM kienu aggregati u peżati biex jirriflettu medja waħda.

(32)

Fl-aħħar nett, dan il-prezz tal-importazzjoni medju fil-livell CIF kien aġġustat billi tnaqqsu b'mod partikolari l-ispejjeż tat-trasport biex wieħed jasal għall-valur tal-fabbrika. Il-prezz tal-bejgħ kien għaldaqstant stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-prezz imħallas jew li jrid jitħallas skont kif irrappurtat fl-istatistiċi tal-importazzjoni tal-Eurostat.

2.3.   Paragun u aġġustamenti

(33)

Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi tal-prezz tal-fabbrika. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, tqiesu wkoll id-differenzi li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. B'mod partikolari, saru aġġustamenti biex jirriflettu t-taxxi tal-esportazzjoni doganali, fuq il-bażi tad-dejta msemmija fit-talba għar-rieżami minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

2.4.   Dumping matul il-PIR

(34)

Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, il-marġni ta' dumping espress bħala perċentwali tal-prezz ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, instab li kien 165 %.

(35)

Madankollu, ta' min jinnota li l-volum tal-importazzjoni totali tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni naqas drastikament wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali u li marġni ta' dumping imsemmi hawn fuq kien stabbilit fuq il-bażi ta' volum limitat ta' importazzjonijiet (jiġifieri inqas minn 2 500 tunnellata matul il-PIR).

(36)

Għalhekk, għall-kompletezza tal-analiżi, ġiet eżaminata wkoll l-imġiba fl-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fl-aktar tliet swieq importanti li mhumiex fl-Unjoni, jiġifieri l-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”).

(37)

Għal dak l-għan, iċ-ċifri ta' esportazzjoni Ċiniżi ntużaw sabiex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti. Il-paragun mal-valur normali stabbilit hawn fuq wera wkoll l-eżistenza ta' dumping, li jvarja bejn 86 % u 92 %, skont il-pajjiż tad-destinazzjoni.

3.   Żvilupp tal-importazzjonijiet f'każ li jiġu revokati l-miżuri

3.1.   Kapaċità tal-produttività fir-RPĊ

(38)

Ir-RPĊ hija bil-bosta l-akbar pajjiż produttur tal-FeSi fid-dinja. Il-kapaċità tal-produzzjoni kienet stmata li tkun ta' 10 sa 11-il miljun tunnellata fis-sena matul il-PIR. Għalhekk, l-industrija tar-RPĊ ħadmet f'madwar 50 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha. Dan ifisser li bħalissa hemm kapaċità żejda ta' madwar 5,5 miljun tunnellata fis-sena u li tirrappreżenta kważi seba' darbiet il-konsum totali tal-Unjoni. Minkejja din il-kapaċità żejda attwali u fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, jidher li l-kapaċità fir-RPĊ għadha tespandi hekk kif bħalissa qed jinbnew fran ikbar u aktar effiċjenti.

(39)

Ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-livell ta' konsum fis-suq domestiku Ċiniż jew fis-swieq ta' pajjiżi terzi jiżdied b'mod sinifikanti u b'hekk jassorbi ż-żieda fil-produzzjoni jekk tiġi użata l-kapaċità żejda tal-produtturi Ċiniżi.

3.2.   Attrattività tas-suq tal-Unjoni

(40)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi fi Frar 2008, l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b'mod stabbli u saru marġinali, tant li kienu jirrappreżentaw inqas minn 1 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-PIR. Wara quċċata ta' importazzjonijiet ta' madwar 330 400 tunnellata fl-2007, l-importazzjonijiet naqsu għal inqas minn 2 500 tunnellata fl-2012. Madankollu, is-suq tal-UE għal FeSi jibqa' attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi, ibbażat fuq il-livelli ta' prezzijiet osservati.

(41)

Kif imsemmi hawn fuq, hemm kapaċità żejda fil-produzzjoni importanti fir-RPĊ li tissuġġerixxi inċentiv qawwi biex jinstabu swieq alternattivi biex jassorbu dan l-eċċess ta' kapaċità tal-produzzjoni. Madankollu, minħabba diversi restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni imposti mill-gvern Ċiniż (jiġifieri dazju tal-esportazzjoni ta' 25 %, 17 % VAT mhux rimborsabbli u liċenzji ta' esportazzjoni), b'mod globali l-esportazzjonijiet Ċiniżi naqsu minn quċċata ta' 1,5 miljun fl-2007 sa 0,4 miljun tunnellata biss fl-2009. Madankollu, mill-2010, kienet osservata qabża fl-esportazzjonijiet globali u l-volum tal-esportazzjonijiet żdied għal 0,8 miljun tunnellata u kien stmat għal 0,7 miljun tunnellata fl-2013. L-iktar ċifri riċenti jindikaw livell sostnut ta' esportazzjonijiet, li l-volum tagħhom huwa ogħla mill-konsum kollu tal-Unjoni.

(42)

Minkejja dawk ir-restrizzjonijiet fl-esportazzjoni, il-produtturi Ċiniżi esportaw volum sinifikanti ta' FeSi lil swieq madwar id-dinja mhux suġġetti għall-ebda restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni (jiġifieri l-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti).

(43)

Mal-ewwel daqqa t'għajn, is-suq Asjatiku jista' jkun alternattiva sabiex tiġi assorbita parti mill-produzzjoni żejda Ċiniża. Madankollu, skont l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant, l-iżviluppi riċenti f'dak is-suq jistgħu jagħmluh inqas attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi.

(44)

Tabilħaqq, is-suq Asjatiku jkun serjament affettwat bid-dħul fil-produzzjoni ta' żewġ proġetti ġodda tal-ferrosiliċju fil-Malasja (Pertama Ferroalloys u Sarawak Ferroalloys plants). Huwa stmat li l-produzzjoni annwali tal-ferrosiliċju tal-Malasja se tiżdied b'420 000 tunnellata mill-2014 u se jinbiegħ lil pajjiżi ġirien fl-Asja tax-Xlokk, speċjalment lill-Ġappun, li jeħtieġ 600 000 tunnellata ta' ferrosiliċju kull sena. Il-produzzjoni tal-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-Malasja se jkollhom impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Asja tax-Xlokk. Barra minn hekk, il-produtturi tal-azzar Ġappuniżi u l-funderiji tal-azzar tal-Korea t'Isfel diġà daħlu fi ftehimiet għax-xiri ta' volumi sinifikanti ta' ferrosiliċju fis-sena mill-produtturi Malasjani ġodda, b'hekk isir iktar diffiċli għall-esportazzjonijiet Ċiniżi biex jidħlu fis-suq.

(45)

Fil-kummenti tiegħu għall-iżvelar, il-produttur esportatur stqarr li l-produzzjoni Malasjana kienet esaġerata. Wara verifika, dan il-kumment ġie kkunsidrat xieraq u għalhekk, il-produzzjoni tal-Malasja ġiet ikkoreġuta għal madwar 370 000 tunnellata.

(46)

Għalhekk, huwa mistenni li l-produzzjoni addizzjonali tal-Malasja se żżid il-kompetizzjoni f'dan is-suq diġà saturat fejn ir-RPĊ u r-Russja llum għandhom sehem sinifikanti mis-suq.

(47)

Il-preżenza mnaqqsa ta' prodotti Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR hija spjegata prinċipalment mir-restrizzjoni tal-esportazzjonijiet imposta mill-gvern Ċiniż imsemmija fil-premessa (41) hawn fuq.

(48)

Il-prezzijiet fis-suq tal-UE jaġixxu wkoll bħala attrazzjoni biex jassorbu l-kapaċità żejda tal-produtturi Ċiniżi. Tabilħaqq, il-medja tal-prezz tas-suq tal-Unjoni fl-2012 kien tal-inqas għoli daqs il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi Ċiniżi lejn il-pajjiżi ta' destinazzjoni prinċipali tagħhom (il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti), li tenfasizza aktar l-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni meta l-bejgħ lejn destinazzjonijiet oħra jsir aktar problematiku.

(49)

Għalhekk jista' jiġi konkluż li s-suq Ewropew, wieħed mill-akbar madwar id-dinja, jibqa' attraenti għall-produtturi Ċiniżi.

4.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' ssoktar ta' dumping

(50)

Il-kapaċità żejda disponibbli fir-RPĊ u l-livell tal-prezz relattivament attraenti fis-suq tal-Unjoni jwasslu għall-konklużjoni li hemm riskju ta' żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat jekk il-miżuri fis-seħħ jitħallew jiskadu.

(51)

Minħabba l-kapaċità żejda attwali u potenzjali li tinsab fir-RPĊ, u l-fatt li s-suq tal-Unjoni huwa wieħed mill-akbar swieq fid-dinja, u bil-pressjoni mistennija ta' esportazzjonijiet Ċiniżi fl-Asja tax-Xlokk, wieħed jista' jikkonkludi li l-esportaturi Ċiniżi x'aktarx iżidu aktar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni bi prezzijiet baxxi ħafna jekk il-miżuri tal-anti-dumping jitħallew jiskadu.

IMPORTAZZJONIJIET MIR-RUSSJA

1.   Kummenti preliminari

(52)

Kif iddikjarat fil-premessa (14), grupp wieħed biss ta' produtturi esportaturi kkooperaw fil-proċedura. Madankollu, instab li l-grupp Russu jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-produzzjoni totali Russa, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 78 % tal-produzzjoni ta' FeSi totali tar-Russja u għall-maġġoranza tal-importazzjonijiet ta' FeSi li joriġinaw mir-Russja lejn l-Unjoni. Għalhekk, kien ikkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta mill-grupp Russu, flimkien ma' sorsi oħra bħat-talba għal rieżami u statistiċi kummerċjali disponibbli fuq l-importazzjoni (mill-Eurostat) kellhom jintużaw sabiex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping.

(53)

Għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp Russu JSC CHEMK u JSC KF huma kkunsidrati bħala relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-Kodiċi Doganali (7), bħal fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, ġie kkalkulat marġni tad-dumping uniku għall-grupp kollu billi ntużat din il-metodoloġija li ġejja. Ġie kkalkulat l-ammont tad-dumping għal kull produttur esportatur individwali qabel ġie ddeterminat marġni tad-dumping peżat għall-grupp sħiħ. Għandu jiġi nnotat li din il-metodoloġija kienet differenti mill-metodoloġija applikata fl-investigazzjoni oriġinali, fejn il-kalkolu tad-dumping sar billi ġew aggregati l-produzzjoni u l-bejgħ tad-dejta tal-entitajiet li jipproduċu. Il-metodoloġija differenti kienet użata fir-rieżami interim terminat. Il-bidla fiċ-ċirkostanzi li kienet tiġġustifika l-bidla fil-metodoloġija hija dovuta fl-istruttura korporattiva tal-grupp li tippermetti l-identifikazzjoni tal-produtturi individwali fi ħdan il-grupp fir-rigward il-bejgħ u l-produzzjoni.

2.   Id-dumping ta' importazzjonijiet matul il-PIR

2.1.   Id-determinazzjoni tal-Valur Normali

(54)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku l-ewwel ġie eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti magħmul minn produtturi esportaturi li kkooperaw kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali lejn l-Unjoni, jiġifieri jekk il-volum totali ta' tali bejgħ domestiku kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ f'esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(55)

Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Din l-eżaminazzjoni saret għat-tipi ta' prodotti, mibjugħa minn produttur esportatur fis-suq domestiku, li nstabu li huma komparabbli direttament ma' tip ta' prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott partikolari tqies rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali ta' dak it-tip ta' prodott mibjugħ mill-produttur esportatur fis-suq domestiku lil klijenti indipendenti kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali ta' bejgħ tat-tip ta' prodott komparabbli tiegħu esportat lejn l-Unjoni.

(56)

Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta' dan it-tip ta' prodott jistax jitqies bħala bejgħ li sar fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgћ domestiku lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku li kellu qligħ għal kull tip tal-prodott ikkonċernat esportat matul il-PIR.

(57)

Għal dawk it-tipi ta' prodotti fejn aktar minn 80 % bħala volum ta' bejgħ fis-suq domestiku tat-tip ta' prodott kienu ogħla mill-prezz u l-prezz ta' bejgħ b'medja peżata ta' dak it-tip kien daqs jew aktar mill-prezz ta' unità ta' produzzjoni, il-valur normali, skont it-tip ta' prodott, ġie kkalkulat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet domestiċi reali tal-bejgħ kollu tat-tip ikkonċernat, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ sarx bi qligħ jew le.

(58)

Meta l-volum ta' bejgħ bi qligħ ta' dan it-tip ta' prodott kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum ta' bejgħ totali ta' dak it-tip, jew meta l-prezz b'medja peżata ta' dak it-tip kien inqas mill-prezz unitarju tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-prezz b'medja peżata tal-bejgħ domestiku bi qligħ biss ta' dak it-tip magħmul matul il-PIR.

(59)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott partikolari u għal tipi ta' prodotti fejn il-bejgħ domestiku ma kienx biżżejjed, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(60)

Meta jinħadem il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għall-qligħ ġew ibbażati, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, fuq id-dejta effettiva marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-prodott simili, mill-produtturi esportaturi li kkooperaw jew fuq il-fatti disponibbli.

2.2.   Id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(61)

Matul il-PIR, il-bejgħ b'esportazzjoni tal-grupp Russu lejn l-Unjoni sar permezz ta' RFAI, il-kumpanija assoċjata tiegħu (l-importatur relatat) li wettqet il-funzjonijiet kollha tal-importazzjoni b'konnessjoni mal-oġġetti li jiddaħħlu f'ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, jiġifieri l-funzjonijiet ta' importatur relatat.

(62)

Għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-prezzijiet li bihom il-prodotti importati nbiegћu mill-ġdid gћall-ewwel darba lil xerrej indipendenti, aġġustati gћall-ispejjeż kollha li ġġarrbu bejn l-importazzjoni u l-bejgћ mill-ġdid, kif ukoll bħala marġni raġonevoli għal SG&A u għall-qligħ. Għal dan il-għan, il-perċentwali ta' SG&A effettiv kien użat fin-nuqqas ta' tagħrif ġdid minn importaturi indipendenti dwar il-qligħ akkumulat, sar użu mir-rata ta' qligħ applikata fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri 6 %.

(63)

Il-grupp Russu stqarr li RFAI għandha tiġi trattata bħala parti mill-istess entità ekonomika waħdanija (“SEE”) peress li t-tnejn huma kkontrollati u ġestiti mill-istess persuni, u l-kumpaniji jaġixxu bħala entità ekonomika waħdanija. B'konsegwenza ta' dan, meta jiġu ddeterminati l-prezzijiet tal-esportazzjoni l-ebda tnaqqis ma għandu jsir għal SG&A u l-qligħ ta' RFAI.

(64)

Jekk l-assoċjazzjoni bejn il-grupp Russu u RFAI ħadet il-forma ta' SEE jew le, huwa irrilevanti fil-kuntest ta' aġġustament tal-Artikolu 2(9) għall-iskopijiet ta' kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

(65)

Għalhekk, peress li l-bejgħ tal-esportazzjoni tal-grupp Russu sar permezz ta' kumpanija assoċjata (RFAI), il-prezz tal-esportazzjoni kellu jiġi aġġustat billi tnaqqas marġni raġonevoli għall-ispejjeż u l-qligħ ta' SG&A, kif stipulat b'mod espliċitu skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku. Fuq din il-bażi, it-talba tal-applikant għandha tiġi rrifjutata.

(66)

Il-produttur esportatur irrepeta l-istqarrija dwar l-eżistenza ta' SEE u li dan żamm l-aġġustamenti għal SG&A u l-qligħ skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Hu stqarr ukoll li anke jekk l-aġġustamenti kienu ġġustifikati, il-prezz tal-esportazzjoni kostrutt għandu jinkludi biss spejjeż relatati ma' importazzjonijiet minn RFAI, u jeskludi l-ispejjeż kollha ta' SGA relatati mal-esportazzjonijiet tal-SEE. Fl-aħħar nett, hu stqarr li hu ma jaqbilx mas-sejba ta' nuqqas ta' eżistenza ta' SEE f'dan il-każ.

(67)

L-eżistenza ta' SEE hija irrilevanti fil-kuntest tal-kostruzzjoni ta' prezz ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Sakemm il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2(1) u 2(9) tar-Regolament bażiku jintlaħqu, il-grad ta' kontroll jew integrazzjoni huwa irrilevanti għall-valutazzjoni tal-legalità tal-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) (8). L-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li l-Kummissjoni tibni, f'ċerti sitwazzjonjiet, prezz tal-esportazzjoni, u li taġġusta dan il-prezz tal-esportazzjoni għal ċertu numru ta' parametri, inkluż fejn il-partijiet “jidhru li jkunu assoċjati”. Il-kliem tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku huwa ċar fis-sens li “jsir aġġustment” (sottolinear miżjud mill-Kummissjoni). Il-Kummissjoni vverifikat li RFAI wettqet il-funzjonijiet kollha li normalment jitwettqu minn importatur assoċjat fl-Unjoni. Tabilħaqq, RFAI hija involuta mill-qrib fl-attività internazzjonali tal-grupp (assistenza lill-konsumaturi, loġistika u skedar tal-konsenji, xiri ta' oġġetti kapitali u materjali prima ewlenin, eċċ.). B'hekk il-kundizzjoni meħtieġa għal aġġustment skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ntlaħqet, biex b'hekk tiġġustifika l-aġġustamenti magħmula. Għalhekk, huwa konkluż li l-aġġustamenti magħmula kienu rikjesti fuq il-bażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament Bażiku.

(68)

Il-produttur esportatur sostna li jsegwi mid-deċiżjoni f'Nikopolsky/Interpipe (9) li jekk l-esportatur u n-negozjant relatat jikkostitwixxu SEE, aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku mhuwiex permess. Din l-istqarrija mhijiex fondata. Tabilħaqq, din id-deċiżjoni tikkonċerna aġġustament magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-kummissjonijiet nominali rċevuti minn negozjant li l-funzjonijiet tiegħu huma simili għal dawk ta' aġent li jaħdem fuq bażi ta' kummissjoni. Din il-każistika hija allura irrilevanti għall-kawża attwali, fejn il-kumpanija Svizzera RFAI twettaq il-funzjonijiet kollha li normalment huma mwettqa minn importatur relatat. L-eżistenza ta' SEE m'għandhiex l-istess impatt fuq l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku bħala f'relazzjoni ma' aġġustamenti mitluba skont l-Artikolu 2(9) ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda diskrezzjoni dwar jekk jistax jiġi mitlub aġġustament għal marġni raġonevoli għal spejjeż u qligħ tal-SG&A. Aġġustament bħal dan isir skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku meta l-partijiet jkunu assoċjati.

(69)

Rigward l-għan tal-aġġustament, l-istqarrija konċernanti t-tnaqqis parzjali tal-SG&A u l-qligħ ma tistax tiġi aċċettata, fin-nuqqas ta' evidenza rilevanti ppreżentata mill-produttur esportatur. L-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku huma dawk inerenti fil-kostruzzjoni ta' prezz ta' esportazzjoni fl-iktar każijiet komuni ta' assoċjazzjoni. Jekk l-SG&A u l-qligħ globali kellhom jiġu aġġustati biss parzjalment, modifika bħal din ikollha tkun ibbażata fuq l-evidenza pprovduta mill-produttur esportatur f'relazzjoni mal-ispejjeż, b'mod partikolari, dwar jekk dawn l-ispejjeż jikkostitwixxux spejjeż speċjali akkumulati f'relazzjoni ma' kwalunkwe attività mhux direttament relatata mal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid sussegwenti.

(70)

Il-grupp Russu stqarr ukoll li l-ebda tnaqqis tad-dazju fuq l-antidumping ma għandu jsir fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku, peress li d-dazju huwa rifless kif xieraq fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid u l-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni.

(71)

L-investigazzjoni stabbiliet b'mod partikolari li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni ma jirriflettux id-dazju mħallas għal 99 % tat-tranżazzjonijiet irrappurtati. Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li d-dazju fuq l-antidumping ma kienx rifless kif xieraq fil-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-grupp Russu. B'riżultat ta' dan, din it-talba tal-grupp Russu ma setatx tiġi aċċettata u l-ammont tad-dazji tal-anti-dumping ġie mnaqqas meta kienu qed jiġu maħdumin il-prezzijiet tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Paragun u aġġustamenti

(72)

Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi tal-prezz tal-fabbrika. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, tqiesu d-differenzi li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(73)

Saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż terminali u tal-immaniġġjar, l-ispejjeż tal-kreditu, u l-kummissjonijiet, fejn dawn kienu applikabbli u ġġustifikati, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Dumping matul il-PIR

(74)

Skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-valur normali b'medja peżata tqabbel mal-prezz b'medja peżata tal-esportazzjoni għat-tip ta' prodott skont kif joħroġ mill-fabbrika għal kull produttur esportatur li kkoopera li huwa parti mill-Grupp Russu.

(75)

Il-produttur esportatur ikkonċernat għamel numru ta' stqarrrijiet rigward il-kalkolazzjoni tal-marġni tad-dumping.

(76)

L-ewwel nett, rigward l-aġġustament tal-prezz ta' kwarżit mixtri minn kumpanija li tipproduċi tal-grupp mill-kumpanija l-oħra li tipproduċi tal-grupp, iż-żieda ta' marġni ta' qligħ ta' 5 % mal-prezz tax-xiri rieżaminat kien ikkontestat. L-argument użat huwa li ż-żewġ kumpaniji huma membri tal-istess entità ekonomika unika.

(77)

Għalkemm l-argument SEE huwa irrilevanti fil-kuntest tal-aġġustament tal-prezz tal-kwarżit, huwa kkonfermat li t-tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati jistgħu jsiru mingħajr realizzazzjoni ta' qligħ. Fin-nuqqas ta' bejgħ ta' kwarżit lil partijiet esterni, l-eżistenza ta' kwalunkwe qligħ tista' wkoll ma tiġix murija. Bħala konsegwenza, il-marġni tal-qligħ tal-prezz tal-kwarżit aġġustat tħalla barra u d-determinazzjoni tad-dumping riveduta kif xieraq.

(78)

Stqarrija oħra, it-tieni waħda, kienet tikkonċerna l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Korp tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fit-tilwima fuq is-salamun man-Norveġja. F'dik il-kawża, kien irrakkomandat li meta l-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott partikolari ma jkunx rappreżentattiv, l-SGA u l-qligħ realizzat fuq dawk it-tranżazzjonijiet għandhom madankollu jintużaw fil-kostruzzjoni tal-valur normali. Il-produttur esportatur stqarr ukoll li l-applikazzjoni tal-metodoloġija l-ġdida f'rieżami ta' skadenza ma kinitx permessa peress li l-ebda kambjament sostanzjali taċ-ċirkostanzi ma jippermetti dan.

(79)

Il-Kummissjoni spjegat il-metodoloġija tal-Bord tas-salamun fi smigħ lill-produttur esportatur, li baqa' jara ksur tal-Artikoli 2(4) u 2)6) tar-Regolament bażiku fir-rakkomandazzjoni tal-Bord. Huwa madankollu, dover tal-Kummissjoni li timplimenta tali deċiżjonijiet fil-qafas tal-obbligi tad-WTO tagħha. Tali metodoloġija taffettwa l-każijiet kollha u mhux biss l-investigazzjonijiet miftuħa fuq il-bażi tal-artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(80)

Minħabba stqarrija oħra, it-tielet waħda, il-Kummissjoni ikkoreġiet għal dawk id-drabi fejn il-prezz ta' produttur esportatur tal-grupp kien imqabbel ma' ċertu bejgħ tal-produttur esportatur l-ieħor.

(81)

Il-Kummissjoni tkompli tikkonferma li d-dħul kien aġġustat mill-istess provvedimenti tal-prezz tal-produzzjoni, bħall-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni u l-immaniġġjar, biex jiġi stabbilit it-test tal-profittabbilità, u l-ispejjeż tal-ippakkjar biex jiġu determinati l-marġini tad-dumping.

(82)

Fi stqarrija oħra, ir-raba' waħda, il-produttur esportatur jikkonsidra li d-dazju tal-antidumping fis-seħħ kien imnaqqas mingħajr ġustifikazzjoni mill-prezz tal-esportazzjoni. Sabiex dan il-punt jiġi ppruvat, huwa ddikkjarat li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni kienu iktar minn 100 % iktar għoljin fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami mill-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali fil-prezzijiet tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, ċerti dazji tal-importazzjoni u dazji tal-antidumping ma kellhomx jiġu mnaqqsa għax kienu allegatament imħallsa minn qabel u rreferuti għal perjodu futur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma kella tqis il-prezzijiet għal uffiċċju fil-Ġappun u t-taxxi tad-dħul Federali u Kantonali Svizzeri.

(83)

L-evidenza pprovduta mill-produttur esportatur mhijiex konklussiva fil-kuntest ta' prova li d-dazju tal-antidumping kien rifless kif xieraq fil-prezz tal-esportazzjoni f'dan il-każ u għal dan il-prodott. Kemm il-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid u kemm il-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu b'mod qawwi mill-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, iż-żieda fil-prezzijiet tal-esportazzjoni ma tistax tkun attribwita b'mod konklużiv mal-effett allegat tad-dazju. Sabiex jintwera n-nuqqas ta' konklusività tal-evidenza ppreżentata, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-esportazzjoni mal-prezz tal-oġġetti, inkluż id-dazju tal-antidumping, waqt il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, u bħala rizultat 99 % tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ma għandhomx prezz tal-esportazzjoni għoli biżżejjed biex ikopri d-dazju tal-antidumping. Fl-aħħar nett, jekk id-dazju ma jiġix imnaqqas, dan ma jkunx biżżejjed biex tiġi eliminata s-sejba ta' dumping sostanzjali u ma jaffettwax il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping lanqas. Għalhekk, ma jkollu l-ebda impatt fuq ir-riżultat tal-investigazzjoni ta' rieżami ta' skadenza attwali.

(84)

Il-Kummissjoni osservat li l-ħlas minn qabel ta' dazji tal-importazzjoni u dazji tal-antidumping huwa impossibbli u tali dazji huma intaxxati mal-importazzjoni. Barra minn hekk, il-grupp uża maħżen doganali, li jfisser li d-dazji kienu dovuti biss meta l-importazzjonijiet u l-bejgħ effettivament saru. Barra minn hekk, skont tqabbil tal-bilanċ ta' tqabbil preliminari tal-31 ta' Diċembru 2012 u l-kontijiet awditjati, ġie stabbilit b'mod ċar li l-awdituri kkwalifikaw mill-ġdid id-dazji tal-antidumping allegatament imħallsa minn qabel f'dazji tal-antidumping imħallsa effettivament bħala prezz fil-kont ta' qligħ u telf.

(85)

Il-prezzijiet tal-uffiċċju tal-Ġappun ma kinux relatati mal-prodott ikkonċernat u għalhekk ma affettwawx il-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni. L-istqarrija b'hekk kienet rifjutata. Fl-aħħar nett, it-taxxi Svizzeri msemmija setgħu biss ikunu esklużi kieku rrelataw mat-taxxa tad-dħul korporattiva, li abbażi tar-risposta għall-iżvelar jidher li huwa l-każ. Il-kalkolu tad-dumping kien għalhekk aġġustat skont dan.

(86)

L-imgħax aġġustat fuq self magħmul minn kumpanija tal-grupp fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi lil kumpanija tal-grupp oħra kien rieżaminat mill-Kummissjoni bħala risposta għall-istqarrija li tali self jista' jsir skont il-kundizzjonjiet tas-suq u essenzjalment jagħmel sens biss jekk l-imgħax fuq is-self ikun iktar baxx minn dak li jista' jittieħed minn bank. Il-Kummissjoni tkompli tikkonferma li l-marġni ta' qligħ għal RFAI kien applikat mal-valur tal-fattura netta fil-munita tal-kontabbiltà, u ma kienx ibbażat fuq CIF u li miegħu ġew miżjuda ċerti spejjeż.

(87)

Filwaqt li ġew ikkonsidrati l-konsiderazzjonijiet t'hawn fuq, u filwaqt li ġie rieżaminat il-kalkolu bbażat fuq l-aċċettazzjoni tal-istqarrijiet dwar il-bejgħ intragrupp tal-kwarżit, is-self intragrupp u t-taxxi tad-dħul Federali u Kantonali Svizzeri, il-marġni tad-dumping espress bħala perċentwali tal-prezz ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, ġie rieżaminat u misjub li huwa 43 %.

(88)

Għandu jiġi mfakkar li r-rieżami interim imsemmi fil-premessa (4) hawn fuq, ikkonkluda li l-importazzjonijiet tal-grupp Russu saru bi prezzijiet ta' dumping matul il-perjodu Ottubru 2009 sa Settembru 2010.

3.   Żvilupp tal-importazzjonijiet f'każ li jiġu revokati l-miżuri

(89)

Minbarra l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping waqt il-PIR, il-probabbiltà ta' tkomplija jew ta' rikorrenza tad-dumping ġiet investigata wkoll.

3.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni tar-Russja

(90)

Ir-Russja hija t-tieni l-akbar produttur ta' FeSi fid-dinja. Skont il-kumpanija ta' riċerka tas-suq Metal Expert, il-kapaċità tal-produzzjoni ta' FeSi fir-Russja tammonta għal madwar 900 000 tunnellata. Dan jinkludi l-produzzjoni minn fran li jistgħu jipproduċu FeSi iżda wkoll tipi oħra ta' ferroligi. Tabilħaqq, it-tagħmir tal-produzzjoni taż-żewġ produtturi (jiġifieri JSC CHEMK u Serov Ferroalloy Plant) jippermetti bdil bejn FeSi u tipi oħra ta' ferroligi f'perjodu qasir ta' żmien. It-tagħmir tal-produtturi Russi l-oħra, però, (jiġifieri Bratsk Ferroalloy Plant, NLMK u JSC KF) jippermetti biss il-produzzjoni ta' FeSi.

(91)

Wara l-iżvelar, l-uniku produttur esportatur li kkoopera stqarr li l-informazzjoni tiegħu stess ġiet eliminata mill-kalkolu tal-kapaċità tal-produzzjoni tar-Russja. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (52), is-sors primarju tal-informazzjoni użat kien dak ipprovdut minn dan il-grupp Russu. Ir-rapport ta' Metal Expert intuża biex tiġi stabbilita l-produzzjoni tal-kapaċitajiet tal-produtturi Russi l-oħra. Din l-istqarrija b'hekk hija miċħuda.

(92)

Barra minn hekk, dan il-produttur esportatur stqarr li l-produzzjoni ta' JSC CHEMK ġiet ivvalutata ħażin, peress li ddikjara li hija virtwalment impossibbli, biex jaqleb minn produzzjoni tal-ferroligi għall-oħra mingħajr spejjeż addizzjonali sinifikanti u dewmien fil-ħin. Madankollu, l-evidenza misjuba waqt il-verifika fuq il-post fil-bini ta' JSC CHEMK turi li l-fran ta' JSC CHEMK jistgħu jaqilbu minn ferroliga għal oħra mingħajr id-dewmien deskritt hawn fuq. Din l-istqarrija b'hekk hija miċħuda.

(93)

Il-produzzjoni effettiva matul il-PIR kienet stmata li kienet madwar 633 000 tunnellata (bażi FeSi75) b'kapaċità żejda disponibbli sa 267 000 tunnellata. Bl-użu ta' approċċ konservattiv u billi titqies il-kapaċità tal-produzzjoni użata għall-produzzjoni tal-ferroligi l-oħra, il-kapaċità żejda għal FeSi hija mill-inqas 120 000 tunnellata.

(94)

Il-grupp Russu stqarr li l-istima tal-kapaċità żejda Russa ġiet stabbilita ħażin peress li l-Kummissjoni ma kkonsidratx li l-grupp Russu kien qed jopera b'kapaċità ta' 95-100 % tal-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa hawn fuq, approċċ konservattiv ġie segwit ukoll billi tqieset il-kapaċità żejda effettiva. Din l-istqarrija b'hekk hija miċħuda.

(95)

Fuq il-bażi tar-rapport ta' Metal Expert, il-kapaċità żejda għolja hija spjegata bi tnaqqis sinifikanti ta' 50 % fid-domanda domestika bejn l-2002 u l-2009, u baqgħet stabbli sal-2012. Il-kapaċità tal-produzzjoni għalhekk hija ħafna ikbar mid-domanda tas-suq domestiku. Il-produtturi Russi għalhekk jiddependu fuq l-esportazzjonijiet.

3.2.   L-Attrattività tas-suq tal-Unjoni

(96)

Minkejja l-eżistenza tal-miżuri attwali, is-suq tal-UE għadu attraenti mal-esportazzjonijiet Russi. Il-livell ta' importazzjonijiet osservat matul il-PIR juri li l-importazzjonijiet Russi sa ċertu punt ġew affettwati mid-dazji tal-anti-dumping imposti, iżda kienu għadhom ferm preżenti matul il-PIR.

(97)

Parti waħda sostniet li s-suq tal-Unjoni Ewropea għal FeSi, ma jkunx attraenti għal fornitur globali, bħall-grupp Russu u li hemm fażi ta' tnaqqis globali konsiderevoli fl-importazzjonijiet li s'issa tkompliet fl-2012. Din iddikjarat li din ix-xejra mhix se terġa' lura fil-futur. Eżaminazzjoni ta' dejta tal-kummerċ miġbura mill-Eurostat u f'konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku wriet, madankollu, li l-importazzjonijiet Russi kienu pjuttost stabbli matul il-perjodu 2010-2012.

(98)

Barra minn hekk, meta l-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat għall-Unjoni Ewropea jitqabblu mal-prezzijiet imposti għal FeSi fis-swieq ta' pajjiżi terzi, jirriżulta li l-prezzijiet tal-grupp Russu lejn l-UE huma ogħla, skont il-pajjiż destinatarju.

(99)

Għalhekk, l-allegazzjoni li s-suq tal-Unjoni mhux attraenti għall-produtturi Russi għandha tiġi miċħuda.

(100)

Parti waħda sostniet li s-suq Russu qed isir aktar u aktar attraenti fid-dawl ta' diversi proġetti li jmiss, bħal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa fl-2014, li għandu jżid id-domanda domestika għall-azzar u għalhekk iżid il-konsum domestiku ta' FeSi. Madankollu, għandu jiġi nnutat li din il-parti ma pprovdiet l-ebda dejta rilevanti jew stima dwar l-impatt ta' dawn il-proġetti fuq il-konsum domestiku ta' FeSi. Fi kwalunkwe każ, jekk fil-fatt timmaterjalizza sitwazzjoni ta' din ix-xorta, dan l-effett kellu jkun diġà viżibbli matul l-2012 u l-2013. Madankollu, id-dejta disponibbli turi li l-konsum domestiku baqa' stabbli. Fl-aħħar nett, l-effett ta' dawn il-proġetti fi kwalunkwe każ ikun ta' natura limitata u temporanja. Għalhekk, dan l-argument huwa miċħud. Parti waħda allegat li l-kapaċità żejda fir-Russja hija fil-biċċa l-kbira assorbita minn esportazzjonijiet lejn is-swieq Asjatiċi u l-Istati Uniti. Fil-fatt, matul il-PIR il-produtturi Russi esportaw fid-dinja kollha aktar minn 73 % tal-produzzjoni tagħhom. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (93) hawn fuq, għad hemm kapaċità żejda tal-produzzjoni importanti fir-Russja minħabba konsum domestiku li qed jonqos, li jissuġġerixxi ħtieġa kbira li jinstabu swieq alternattivi biex jikkumpensaw għat-telf fil-bejgħ domestiku u biex jassorbu l-eċċess fil-kapaċità tal-produzzjoni.

(101)

Kif imsemmi fil-premessa (44) hawn fuq, il-kompetizzjoni se tiżdied fis-swieq Asjatiċi minħabba faċilitajiet ġodda mibnija fil-Malasja li se jibdew il-produzzjoni ta' madwar 420 000 tunnellata fl-2014. Din is-sitwazzjoni se tagħmel l-esportazzjonijiet Russi għas-suq Asjatiku aktar diffiċli.

(102)

Kif spjegat fil-premessa (45), il-produzzjoni tal-Malasja kienet riveduta għal madwar 370 000 tunnellata.

(103)

Barra minn hekk, fl-Istati Uniti, wieħed mis-swieq prinċipali tal-esportazzjoni tagħhom, l-esportaturi Russi diġà qed jittrattaw investigazzjoni tal-anti-dumping li dwarha l-petizzjoni allegat marġni tad-dumping sostanzjali.

(104)

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li produtturi esportaturi Russi qed jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq esportazzjonijiet lejn swieq ta' pajjiżi terzi fejn isseħħ aktar kompetizzjoni. Dan jagħmel is-suq tal-Unjoni aktar attraenti għalihom.

4.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' tkomplija ta' dumping

(105)

Fid-dawl tas-sejbiet deskritti hawn fuq, wieħed jista' jikkonkludi li l-importazzjonijiet mir-Russja għadhom ikunu l-oġġett ta' dumping u li hemm probabbiltà kbira ta' tkomplija ta' dumping. Minħabba l-kapaċità żejda attwali u futura potenzjali fir-Russja u l-fatt li s-suq tal-Unjoni huwa wieħed mill-akbar swieq fid-dinja, u l-espansjoni mistennija tal-kapaċità fis-suq tal-Asja tax-Xlokk, wieħed jista' jikkonkludi li l-esportaturi Russi x'aktarx iżidu aktar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni bi prezzijiet ta' dumping jekk il-miżuri tal-anti-dumping jitħallew jiskadu.

5.   Konklużjoni

(106)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq huwa konkluż li hemm riskju sinifikanti u reali ta' tkomplija ta' dumping fir-rigward ta' FeSi li joriġina fir-RPĊ u r-Russja jekk il-miżuri eżistenti jitħallew jiskadu.

D.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(107)

Matul il-PIR, il-prodott simili ġie mmanifatturat minn seba' produtturi magħrufa tal-Unjoni. Huma jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku u minn hawn 'il quddiem se jissejħu “l-industrija tal-Unjoni”.

(108)

Kif indikat fil-premessa (16) hawn fuq, sitt produtturi tal-Unjoni pprovdew l-informazzjoni mitluba. Il-kumpaniji inkwistjoni huma stmati li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u s-sitwazzjoni tagħhom hija kkunsidrata rappreżentattiva għall-industrija tal-Unjoni.

E.   IS-SITWAZZJONI TAS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Konsum tal-Unjoni

(109)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volumi ta' bejgħ mhux relatati u relatati tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, stima għall-produttur li ma kkooperax (fuq il-bażi tat-talba għal rieżami) u dejta tal-importazzjoni mill-Eurostat, fuq il-livell tal-kodiċi NM.

(110)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni żdied b'40 %. Madankollu, għandu jittieħed kont tal-fatt li s-sena tal-bidu tal-perjodu kkunsidrat (2009) kienet sena ħażina ferm minħabba l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika. Minkejja rkupru parzjali wara l-2009, il-konsum tal-Unjoni xorta ma laħqitx il-livelli rreġistrati matul l-investigazzjoni oriġinali meta f'kull sena, il-konsum kien 'il fuq minn 850 elf tunnellata.

Tabella 1

Konsum

 

2009

2010

2011

PIR

Konsum (tunnellati)

544 093

799 233

841 796

760 128

Indiċi (2009 = 100)

100

147

155

140

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, talba għal rieżami ta' skadenza, il-Eurostat

2.   Il-volum, il-prezzijiet u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(111)

Il-volumi u l-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u r-Russja kienu analizzati abbażi tal-Eurostat u tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku. Meta jitqies li l-volumi mir-RPĊ huma baxxi ħafna, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma ġewx ivvalutati b'mod kumulattiv.

(a)   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati

(112)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-importazzjonijiet dumped lejn l-Unjoni nstabu li kienu żviluppati f'termini ta' volumi u ishma mis-suq kif ġej:

Tabella 2

Il-volum u l-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet ikkonċernati

 

2009

2010

2011

PIR

ir-RPĊ

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

8 105

13 828

5 125

2 516

Indiċi (2009 = 100)

100

171

63

31

Sehem mis-suq (%)

1,5

1,7

0,6

0,3

Indiċi (2009 = 100)

100

116

41

22

Ir-Russja

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

74 678

53 671

29 338

40 725

Indiċi (2009 = 100)

100

72

39

55

Sehem mis-suq (%)

13,7

6,7

3,5

5,4

Indiċi (2009 = 100)

100

49

25

39

Total ta' pajjiżi konċernati

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati)

82 783

67 499

34 463

43 241

Indiċi (2009 = 100)

100

82

42

52

Sehem mis-suq (%)

15,2

8,4

4,1

5,7

Indiċi (2009 = 100)

100

56

27

37

Sors: Il-Eurostat

(113)

Il-volumi ta' importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b'mod konsiderevoli bi 48 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq tagħhom ukoll naqas minn 15,2 % fl-2009 għal 5,7 % fil-PIR. Bħala riżultat ta' din ix-xejra l-esportazzjonijiet Ċiniżi kważi waqfu milli jeżistu fis-suq tal-Unjoni. Il-produtturi esportaturi Russi madankollu għad għandhom sehem sostanzjali mis-suq, li jfisser li r-Russja hija r-raba' l-akbar esportatur lejn l-Unjoni.

(b)   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u twaqqigħ tal-prezzijiet

(114)

It-tabella ta' hawn taħt turi l-prezz medju tal-importazzjonijiet dumped. Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezz medju tal-importazzjoni mir-RPĊ naqas bi 38 %. Il-prezz ta' importazzjoni medju mir-Russja żdied b'31 % matul dan il-perjodu iżda xorta baqa' taħt il-prezzijiet ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

Tabella 3

Prezzijiet medji tal-importazzjonijiet dumped

 

2009

2010

2011

PIR

ir-RPĊ

Prezz medju (EUR/tunnellata)

991

1 088

873

611

Indiċi (2009 = 100)

100

110

88

62

Ir-Russja

Prezz medju (EUR/tunnellata)

716

776

889

999

Indiċi (2009 = 100)

100

108

124

140

Total ta' pajjiżi konċernati

Prezz medju (EUR/tunnellata)

742

840

887

976

Indiċi (2009 = 100)

100

113

119

131

Sors: Il-Eurostat

(115)

Sabiex jiġi ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-PIR, il-prezzijiet tal-bejgħ b'medja peżata għal kull tip ta' prodott tal-produtturi tal-Unjoni li kkoperaw mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal-livell ta' kif joħorġu mill-fabbrika, tqabblu mal-prezzijiet b'medja peżata korrispondenti għal kull tip ta' prodott tal-importazzjonijiet dumped mill-produtturi Russi li kkooperaw lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbilit fuq bażi CIF, b'aġġustamenti xierqa għad-dazji tad-dwana.

(116)

Minħabba li l-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera fl-investigazzjoni tar-rieżami, it-twaqqigħ tal-prezz għall-esportazzjoni Ċiniża kien determinat b'paragun mal-prezzijiet b'medja peżata tal-produtturi tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, fuq bażi ta' kif ħarġu mill-fabbrika, mal-prezzijiet medji ta' esportazzjoni tal-esportazzjonijiet Ċiniżi fuq il-bażi CIF miksuba mill-Eurostat, b'aġġustamenti xierqa għad-dazji tad-dwana.

(117)

Ir-riżultat tal-paragun, meta espress bħala perċentwali tad-dħul tal-produtturi tal-Unjoni inklużi li kkooperaw matul il-PIR, wera marġni ta' twaqqigħ b'medja peżata fis-suq tal-Unjoni ta' bejn 6 u 39 % għar-Russja u 46 % għar-RPĊ.

3.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn mhux soġġetti għal miżuri

(118)

Il-volumi ta' importazzjoni minn pajjiżi terzi fis-suq tal-Unjoni żdied bi 33 % matul il-perjodu kkunsidrat li segwew it-tendenza ta' żieda fil-konsum. Is-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi baqa' relattivament stabbli fil-perjodu kkunsidrat fil-livell ta' madwar 70 % tal-konsum tal-Unjoni, bi tnaqqis żgħir matul il-PIR. Madankollu, l-istruttura ġeografika tal-importazzjonijiet kienet aktar possibbli li tinbidel b'żieda notevoli ta' volumi importati u ishma mis-suq tal-Brażil u n-Norveġja, liema pajjiżi jidhru li bbenefikaw prinċipalment miż-żieda tal-konsum.

(119)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi żdiedu bi 22 % matul il-perjodu kkunsidrat u huma jibqgħu ħafna ogħla mill-livell ta' prezzijiet ta' importazzjoni mir-RPĊ u r-Russja.

4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(120)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom x'jaqsmu mal-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(121)

Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni hija vvalutata abbażi ta' tali indikaturi bħall-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u t-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni effettiv tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat, il-prezzijiet medji tal-bejgħ, prezz tal-unità, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-ħila li jiżdied il-kapital, l-istokks u l-ispejjeż tax-xogħol.

(a)   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

(122)

Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdiedet b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda kienet osservata partikolarment bejn l-2009 u l-2011 meta l-produzzjoni żdiedet b'178 %. Baqgħet stabbli wara fil-PIR. Huwa mfakkar li s-sena tal-bidu tal-perjodu kkunsidrat kienet eċċezzjonali minħabba l-kriżi ekonomika, għalhekk, kienet ikkaratterizzata minn livell tal-produzzjoni aktar baxx mis-soltu. Tabilħaqq, minkejja rkupru sinifikanti wara l-2009, għandu jiġi mfakkar li l-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għadha ma laħqitx il-livell tal-bidu tal-investigazzjoni oriġinali (sena 2003), meta l-produzzjoni kienet irrappurtata 'l fuq minn 270 elf tunnellata.

Tabella 5

Produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni

 

2009

2010

2011

PIR

Produzzjoni (tunnellati)

81 147

192 495

225 376

224 540

Indiċi (2009 = 100)

100

237

278

277

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

(123)

Il-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet relattivament stabbli waqt il-perjodu kkunsidrat b'żieda żgħira fl-PIR. Hekk kif il-produzzjoni żdiedet b'mod sinifikanti fil-perjodu 2009–2011, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità wriet żieda ġenerali ta' 179 %. Din ix-xejra nbidlet fil-PIR, fejn l-utilizzazzjoni tal-kapaċità naqset. Din il-bidla negattiva madankollu ma rriżultatx mit-tnaqqis fil-produzzjoni effettiva iżda minn żieda fil-kapaċità nnifisha.

Tabella 6

Kapaċità tal-produzzjoni u utilizzazzjoni tal-kapaċità

 

2009

2010

2011

PIR

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

301 456

301 456

299 914

324 884

Indiċi (2009 = 100)

100

100

99

108

Utilizzazzjoni tal-kapaċità (%)

27

64

75

69

Indiċi (2009 = 100)

100

237

279

257

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

(b)   Volum ta' bejgħ, sehem mis-suq u tkabbir

(124)

Il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati (stabbilit fuq bażi ta' bejgħ kemm lil klijenti relatati kif ukoll lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni) segwa x-xejra tal-konsum bejn is-sena 2009 u s-sena 2011. Qabża f'daqqa ulterjuri fil-PIR tirriżulta minn bidla fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti relatati u mhux relatati fl-Unjoni li kienet innotata f'din is-sena. Dan kien dovut f'bidla fl-istruttura korporattiva ta' wieħed mill-produtturi tal-Unjoni.

Tabella 7

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati

 

2009

2010

2011

PIR

Volum (tunnellati)

60 257

113 048

122 860

191 525

Indiċi (2009 = 100)

100

188

204

318

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

(125)

Hekk kif il-volumi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni segwew ix-xejra tal-konsum, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni wara l-ewwel qabża fl-2010 baqa' relattivament stabbli fil-perjodu meqjus b'xejra li qed tiżdied xi ftit.

Tabella 8

Sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni

 

2009

2010

2011

PIR

Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni (%)

14

21

22

25

Indiċi (2009 = 100)

100

155

165

187

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarji, il-Eurostat

(126)

Kif indikat fil-premessa (111) ta' hawn fuq, il-konsum tal-Unjoni kien qed jikber b'40 % bejn l-2009 u l-PIR. L-industrija tal-Unjoni rnexxielha tibbenefika minn dan it-tkabbir billi żżid il-volumi tal-bejgħ tagħha u tas-sehem tagħha mis-suq matul l-istess perjodu.

(c)   L-impjiegi u l-produttività

(127)

L-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni relatati mal-prodott ikkonċernat żdiedu b'madwar 50 % fil-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda fin-numru ta' impjegati kienet fl-istess ħin akkumpanjata minn żieda saħansitra ogħla ta' produttività, imkejla bħala produzzjoni (tunnellati) għal kull persuna impjegata kull sena, li kienet tammonta għal 86 % fl-istess perjodu.

Tabella 9

L-impjiegi u l-produttività

 

2009

2010

2011

PIR

Numru ta' impjegati

701

869

1064

1042

Indiċi (2009 = 100)

100

124

152

149

Produttività (unità/impjegat)

116

222

212

216

Indiċi (2009 = 100)

100

191

183

186

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, talba għal rieżami

(d)   Id-daqs tal-marġni ta' dumping effettiv

(128)

Kif indikat fil-premessi (37) u (87) hawn fuq, il-marġnijiet ta' dumping tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati jibqgħu għoljin. L-analiżi tal-indikaturi tal-ħsara ressqet provi li l-industrija qed tirkupra minn prattiki preċedenti ta' dumping. Madankollu, l-irkupru huwa riċenti u kien osservat ċertu tnaqqis f'diversi indikaturi tal-ħsara bħalma huma l-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li dan l-iżvilupp pożittiv isir taħt il-ħarsien tal-miżuri tal-anti-dumping attwali. Jekk il-miżuri jitħassru, l-impatt tal-marġnijiet tad-dumping effettivi fuq l-industrija tal-Unjoni jkun sinifikanti.

(e)   Prezzijiet medji tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u spejjeż tal-produzzjoni

(129)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdiedu b'25 % bejn l-2009 u l-2011 u mbagħad reġgħu naqsu fil-PIR. Dan iċ-ċaqliq tal-prezzijiet jirrifletti b'mod ġenerali l-bidliet fl-ispejjeż tal-materja prima u l-enerġija matul l-istess perjodu. Xejra simili jiġifieri żieda fil-perjodu ta' bejn l-2009 u l-2011 u tnaqqis fil-PIR, tista' tiġi osservata fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li għandhom l-akbar parti mis-suq tal-Unjoni.

Tabella 10

Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-bejgħ

 

2009

2010

2011

PIR

Prezz medju tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (EUR/tunnellata)

1 136

1 282

1 421

1 151

Indiċi (2009 = 100)

100

113

125

101

Spiża għal kull unità tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

1 094

1 031

1 228

1 063

Indiċi (2009 = 100)

100

94

112

97

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(f)   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiżdied il-kapital

(130)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-ħila li jżidu l-kapital tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 11

Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redittu fuq l-investiment

 

2009

2010

2011

PIR

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tad-dħul tal-bejgħ)

2,3

27,0

18,3

7,4

Il-fluss tal-flus (EUR)

4 554 714

44 888 689

39 959 668

19 353 017

Investimenti (EUR)

26 599 036

20 962 570

25 274 658

27 076 802

Indiċi (2009 = 100)

100

79

95

102

Redditu fuq l-investimenti (%)

– 62,6

159,2

58,3

24,8

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(131)

Il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw ġiet stabbilita billi ġie espress il-qligħ nett qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tad-dħul rilevanti. Fl-2009, il-marġni ta' qligħ kien baxx ħafna, u wkoll negattiva għal xi produtturi tal-Unjoni; madankollu, bdiet tirkupra fl-2010, bi qbil ma' żieda fil-konsum u l-bejgħ. Għandu jiġi nnutat, madankollu, li fil-PIR il-marġni ta' qligħ qed tonqos minkejja l-fatt li l-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li kkooperat (meta jitqiesu wkoll il-bidliet fl-istruttura korporattiva) baqgħu stabbli. Dan iqajjem tħassib dwar l-evoluzzjoni futura tal-marġni tal-qligħ tal-industrija tal-UE.

(132)

Il-fluss tal-flus, li hija l-kapaċità tal-industrija li tiffinanzja waħedha l-attivitajiet tagħha u li hija kkalkulata abbażi tal-operazzjonijiet, kienet pożittiva matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Madankollu, dan l-indikatur tjieb biss fl-2010; wara, fis-sentejn ta' wara, iddeterjora b'mod konsiderevoli. L-investigazzjoni wriet ukoll li d-deterjorament fil-fluss tal-flus kien aktar qawwi għall-produtturi minuri tal-Unjoni. Dan iqajjem tħassib dwar il-kapaċità tal-industrija tal-UE li tkompli għaddejja bil-bonn li tiffinanzja l-attivitajiet tagħha hi stess fil-kuntest ekonomiku attwali.

(133)

L-evoluzzjoni tal-profittabbilità u l-fluss tal-flus matul il-perjodu kkunsidrat affettwat il-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw li jinvestu fl-attivitajiet tagħhom. Bħala riżultat, il-livell ta' investiment jibqa' relattivament għoli u stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Ir-redditu fuq l-investiment, espress bħala l-qligħ f'perċentwali tal-valur nett skont il-kotba tal-investimenti, sar pożittiv biss wara l-2009. Madankollu, wara x-xejra fil-profittabbilità u l-fluss tal-flus kontanti, dan l-indikatur ukoll laħaq l-ogħla livell tiegħu fl-2010 u naqas b'mod kostanti fis-snin 2011-2012.

(134)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq jista' jiġi konkluż li, għalkemm il-prestazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw baqgħet soda tul il-perjodu kkunsidrat, hija bdiet tiddeterjora lejn tmiem dak il-perjodu, b'mod partikolari matul il-PIR. Kif muri mit-Tabella 11, il-profittabbilità tal-bejgħ fl-UE naqset b'mod sinifikanti u l-fluss tal-flus iġġenerat mill-industrija tal-Unjoni kien aktar baxx mill-valur tal-investimenti, hekk li jindikaw li l-industrija kellha tirrikorri għal finanzjament estern fil-PIR.

(135)

Fl-istess ħin, ġie rrapportat tħassib dwar l-abbiltà li jinġabar kapital. Dan il-fattur jista' jikkostitwixxi element kritiku ta' fraġilità tal-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti, huwa probabbli li l-industrija tal-Unjoni jkollha l-problemi biex issib il-mezzi finanzjarji biex taffaċċja r-ritorn ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-pajjiżi kkonċernati u għal darba oħra tista' tiġi mitfugħa fi ħsara serja fi żmien qasir ħafna. Dan huwa ta' tħassib partikolari għall-SMEs li huma parti mill-industrija tal-Unjoni.

(g)   L-istokkijiet

(136)

Għalkemm il-livell tal-istokkijiet tal-għeluq tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw żdied bi 32 % bejn l-2009 u l-PIR, huwa naqas bi proporzjon għal-livelli ta' produzzjoni u mhuwiex ikkunsidrat mill-produtturi bħala għoli b'mod anormali.

Tabella 12

Stokk tal-għeluq

 

2009

2010

2011

PIR

Stokk tal-għeluq (tunnellati)

23 946

21 214

26 117

31 504

Indiċi (2009 = 100)

100

89

109

132

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(h)   Spejjeż tax-xogħol

(137)

Filwaqt li l-għadd ta' nies impjegati mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw żdied bi kważi 50 % fil-perjodu kkunsidrat, il-pagi medji baqgħu stabbli tagħhom f'dan il-perjodu.

Tabella 13

Spejjeż tax-xogħol

 

2009

2010

2011

PIR

Spejjeż tax-xogħol medji għal kull impjegat

(EUR)

29 705

30 296

28 991

29 837

Indiċi (2009 = 100)

100

102

98

100

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(138)

L-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet ta' prodotti li huma l-oġġett ta' dumping bi prezz baxx mill-pajjiżi kkonċernati naqset fis-suq tal-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali fl-2008. Dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni tikseb livell għoli ta' produzzjoni, iżżid il-volum tal-bejgħ tagħha, is-sehem mis-suq u l-profittabbiltà u ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja globali tagħha.

(139)

Huwa għalhekk konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-PIR. Madankollu, minħabba t-tnaqqis fil-konsum u d-deterjorament f'ċerti indikaturi finanzjarji matul il-PIR bħall-profittabbilità, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni għadha vulnerabbli.

F.   Il-PROBABBILTÀ TAR-RIKORRENZA TAL-ĦSARA

1.   Kummenti preliminari

(140)

Biex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, l-impatt potenzjali tal-importazzjonijiet Ċiniżi u Russi fis-suq tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni kien analizzat skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku.

(141)

L-analiżi ffokat fuq ix-xejra tal-konsum tas-suq tal-Unjoni, il-kapaċità żejda, il-flussi tal-kummerċ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, u l-imġiba tal-prezzijiet tal-pajjiżi kkonċernati.

2.   Il-konsum fl-Unjoni

(142)

Il-konsum tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni naqas b' 10 % fil-PIR meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Dan, fl-istess ħin, huwa tnaqqis ta' aktar minn 25 % meta mqabbel mal-livell ta' qabel il-kriżi tal-2007. Il-waqgħa fil-konsum tal-prodott ikkonċernat hija kkawżata minn tnaqqis fil-produzzjoni tal-azzar fl-Unjoni u jista' jkun mistenni tnaqqis ulterjuri fis-snin li ġejjin. Dan se jkun ta' sfida għall-industrija tal-Unjoni li se tkun taffronta ambjent kompetittiv ħafna. Huwa għalhekk ikkunsidrat li l-preżenza ta' importazzjonijiet dumped bi prezz baxx mir-RPĊ u r-Russja ma tistax tiġi tollerata. Hija se teżerċita pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet fis-suq u ser tfixkel il-kompetizzjoni u bħala konsegwenza se tikkawża ħsara materjali sostanzjali għall-produtturi tal-Unjoni.

3.   Il-kapaċità żejda, il-flussi tal-kummerċ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, u l-imġiba tal-prezzijiet tal-pajjiżi kkonċernati

(a)   Ir-RPĊ

(143)

Għandu jkun innutat li l-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-RPĊ huwa stmat fl-ammont ta' 10-11 miljun tunnellata, li hija ogħla mill-konsum globali ta' FeSi. Fl-istess ħin l-użu tal-kapaċità globali jilħaq madwar 50 %.

(144)

L-esportazzjoni globali Ċiniża ta' FeSi kienet relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat, f'livell ta' 0,8 miljun tunnellata. Dan il-livell ta' esportazzjonijiet huwa prinċipalment riżultat ta' restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni kif deskritt fil-premessa (41). Madankollu, l-Unjoni ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn il-mekkaniżmi u r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jistgħu jitneħħew mill-gvern Ċiniż fi kwalunkwe ħin, li jħalli s-suq tal-Unjoni taħt theddida serja li jinfaqa' bl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina.

(145)

Anke jekk ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni jibqgħu mhux mimsusa, għandu jiġi enfasizzat li l-volumi attwali ta' esportazzjonijiet globali Ċiniżi huma ogħla mill-konsum totali fl-Unjoni.

(146)

Jeżistu raġunijiet għaliex wieħed jista' jistenna, bħala konsegwenza tal-attrazzjoni tas-suq tal-UE deskritta fil-premessi (40 — 49) hawn fuq, li jekk il-miżuri jitħassru mill-inqas parti mill-esportazzjoni Ċiniża attwali tiġi diretta mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni, speċjalment li dalwaqt se tilħaq kompetizzjoni addizzjonali fis-swieq Asjatiċi tradizzjonali tagħha minħabba l-iżvilupp ta' kapaċità ta' produzzjoni addizzjonali fil-Malasja kif spjegat fil-premessa (44) hawn fuq.

(147)

L-iskadenza tad-dazji tal-anti-dumping flimkien ma' iktar kompetizzjoni ħarxa fl-Asja żgur se jagħmlu s-suq tal-Unjoni mira attraenti għall-esportaturi Ċiniżi. F'dan il-kuntest jiġi mfakkar li qabel l-impożizzjoni tal-miżuri ċ-Ċina kienet esportatur ewlieni lejn is-suq tal-Unjoni.

(148)

Fl-aħħar nett, il-livell attwali tal-prezzijiet ta' esportazzjoni Ċiniża, il-kobor tal-marġni tad-dumping misjub, u l-eżistenza ta' twaqqigħ tal-prezz sinifikanti jikkonferma li fin-nuqqas tal-miżuri tal-anti-dumping kompetizzjoni inġusta mill-esportazzjoni Ċiniża rikorrenti twassal għal ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

(b)   Ir-Russja

(149)

Matul l-investigazzjoni tar-rieżami kien stabbilit li l-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fir-Russja matul il-PIR kien jammonta għal 633 elf tunnellata filwaqt li l-kapaċità ta' produzzjoni huwa stmat għal 900 elf tunnellata. Dan iħalli madwar 267 elf tunnellata ta' kapaċità żejda, li fiha nfisha hija biżżejjed biex tipprovdi terz tad-domanda tal-Unjoni.

(150)

Fir-rigward tal-esportazzjoni Russa tal-prodott ikkonċernat għandu jiġi nnutat li r-Russja bħalissa qed tesporta 73 % tal-produzzjoni tagħha. Minbarra l-Unjoni, is-swieq ta' esportazzjoni tradizzjonali l-oħra tagħha huma l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel. Minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni fuq is-swieq Asjatiċi, kif deskritta fil-premessa (44) hawn fuq, hemm indikazzjonijiet qawwija li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-flussi kummerċjali se jiġu diretti mill-ġdid lejn l-Unjoni f'każ li jitħassru l-miżuri tal-anti-dumping. Dan l-effett jista' jkun aċċentwat iktar jekk l-investigazzjoni tal-antidumping tal-Istati Uniti attwali dwar l-importazzjonijiet mir-Russja (bħala riżultat tal-investigazzjoni mibdija f'Lulju 2013) twassal għall-impożizzjoni tal-miżuri.

(151)

Fuq dan il-punt, produttur esportatur mir-Russja stqarr li l-impożizzjoni tad-dazji fl-Istati Uniti fuq il-ferrosiliċju li joriġina mir-Russja hija improbabbli. Numru ta' sejbiet mhux uffiċjali minn investigazzjoni attwali ġew ipprovduti sabiex jappoġġjaw din l-istqarrija. Madankollu, il-produttur ma jipprovdi l-ebda evidenza dokumentata li tappoġġja l-istqarrijiet tiegħu u peress li l-investigazzjoni tal-antidumping tal-Istati Uniti nbdiet u għada għaddejja, ma tistax tiġi eskluża impożizzjoni tal-miżuri.

(152)

L-iskadenza tad-dazji tal-anti-dumping flimkien ma' kompetizzjoni iktar ħarxa fis-swieq prinċipali ta' esportazzjoni tagħhom se jagħmlu s-suq tal-Unjoni mira attraenti għall-esportaturi Russi. F'dan il-kuntest qed jiġi mfakkar li qabel l-impożizzjoni tal-miżuri r-Russja kienet esportatur ewlieni lejn is-suq tal-Unjoni u għadha preżenti minkejja ħames snin tal-miżuri.

(153)

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li t-theddida Russa f'termini ta' volumi hi supplimentata bil-politika tal-prezzijiet tagħha fis-swieq tal-esportazzjoni tagħha. Kemm l-investigazzjoni oriġinali u kemm ir-rieżami ta' skadenza attwali wrew li l-prattiki ta' dumping Russi jidhru li huma strutturali: il-prezz ta' esportazzjoni tiegħu huwa sistematikament taħt dak tas-suq domestiku Russu. Barra minn hekk, l-investigazzjoni attwali tikkonferma li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Russi għadhom qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni.

4.   Konklużjoni

(154)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-investigazzjoni, jiġifieri l-kapaċità żejda disponibbli fil-pajjiżi kkonċernati, il-kontinwazzjoni tad-dumping u l-kapaċità limitata tal-esportaturi Ċiniżi u Russi li jbigħu fis-swieq ta' pajjiżi terzi ewlenin oħra li żżid l-attrattività tas-suq tal-Unjoni, huwa kkunsidrat li r-revoka tal-miżuri tista' ddgħajjef il-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq prinċipali tagħhom u l-ħsara mġarrba terġa' sseħħ minħabba importazzjonijiet Ċiniżi u Russi probabbli bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping.

(155)

Ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li t-titjib tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-miżuri fis-seħħ tibqa' jew tissaħħaħ jekk il-miżuri jiġu revokati. Għall-kuntrarju, hemm kundizzjonijiet favorevoli għal bidla probabbli tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping u f'volumi konsiderevoli u li x'aktarx jipperikolaw l-iżviluppi pożittivi li ntlaħqu fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. L-importazzjonijiet dumped probabbli x'aktarx ikunu jistgħu jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u jġegħluha titlef sehem mis-suq u bħala konsegwenza jkollhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni li għadha vulnerabbli.

(156)

Fuq dan il-punt, irċevejna kumment minn produttur esportatur Russu, li jargumenta li r-rikorrenza ta' ħsara ma tistax tkun ibbażata fuq is-sempliċi possibilità ta' rikorrenza ta' ħsara, iżda iktar minn hekk fuq il-probabilità tagħha. Madankollu, l-investigazzjoni wriet serje ta' elementi fattwali, inkluż il-fatt li prattiċi tad-dumping minn produtturi Russi ma waqfux jeżistu, u l-eżistenza ta' kapaċità żejda fir-Russja. Barra minn hekk, huwa fatt li l-konsum tal-Unjoni huwa iktar baxx matul il-PIR minn qabel l-investigazzjoni oriġinali. Fl-aħħar nett, fuq livell globali, hija mistennija iktar produzzjoni tal-prodott, speċjalment fis-suq Asjatiku. Dawn l-elementi ikkunsidrati f'daqqa jwasslu għal ċertezza raġonevoli li, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, l-industrija tal-Unjoni terġa' tbati minn ħsara mill-importazzjonijiet dumped.

G.   INTERESS TAL-UNJONI

1.   Introduzzjoni

(157)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi differenti involuti, jiġifieri dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, u tal-utenti. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(158)

Minħabba li din l-investigazzjoni hija rieżami tal-miżuri eżistenti, hija ppermettiet l-evalwazzjoni ta' kwalunkwe impatt negattiv mhux mistħoqq tal-miżuri tal-antidumping eżistenti fuq il-partijiet interessati.

2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(159)

Ġie konkluż fil-premessa (154) hawn fuq li l-industrija tal-Unjoni aktarx tesperjenza deterjorazzjoni serja tas-sitwazzjoni tagħha fil-każ li l-miżuri tal-anti-dumping jitħallew jiskadu. Għalhekk, il-kontinwazzjoni tal-miżuri għandha tkun ta' benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni minħabba li l-produtturi tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi jżommu l-volumi tagħhom tal-bejgħ, is-sehem fis-suq, il-profittabbilità u s-sitwazzjoni ekonomika pożittiva ġenerali tagħhom. B'kuntrast, il-waqfien tal-miżuri jhedded serjament il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni għax hemm raġunijiet biex wieħed jistenna bidla tal-importazzjonijiet Ċiniżi u Russi lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping u f'volumi konsiderevoli li jikkawżaw rikorrenza ta' ħsara.

3.   Interess tal-utenti

(160)

Fir-rieżami attwali, il-Kummissjoni rċeviet kooperazzjoni minn għaxar utenti fl-Unjoni (funderiji u produtturi tal-azzar). Erbgħa mit-tweġibiet kienu jikkonsistu minn kummenti ġenerali filwaqt li sitta biss inkludew tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju. Abbażi ta' din id-dejta ġie stabbilit li l-ispiża tal-prodott ikkonċernat għandu medja tal-impatt ta' madwar 1 % fuq l-ispiża totali tal-produzzjoni tal-utenti, u ma tilħaqx 2 % għall-ebda utent li kkoopera. Għalhekk, għalkemm uħud mill-utenti kienu qed jagħmlu telf matul l-2011 u l-PIR, dan ma jistax jiġi attribwit għall-eżistenza tad-dazji tal-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' FeSi.

(161)

Għandu jitqies li s-sehem mis-suq taċ-Ċina u r-Russja waqt l-investigazzjoni oriġinali kien madwar 40 % tas-suq tal-Unjoni, u d-dazji għal dawn iż-żewġ pajjiżi jvarjaw minn 15,6 % sa 31,2 %. Għalhekk, l-impatt potenzjali ta' skadenza tad-dazji jista' jiġi stmat bħala ffrankar tal-ispejjeż fuq medja mhux ogħla minn 0,1 % (ikkalkulata abbażi tas-sehem mis-suq ta' 40 % għall-pajjiżi fejn japplikaw il-miżuri u medja tad-dazju ad valorem ta' 20 %). Għal din ir-raġuni, huwa improbabbli li l-iskadenza tad-dazju jista' jkollha effett fuq ir-redditu lejn il-profittabbilità tal-utenti li jkunu ġarrbu telf matul l-aħħar sentejn tal-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, minħabba n-natura tal-prodott kif ukoll minħabba d-diversi sorsi ta' provvisti disponibbli fis-suq, l-utenti jistgħu faċilment jibdlu l-fornitur.

4.   Interess tal-importaturi

(162)

L-importaturi kollha magħrufa ġew infurmati dwar il-bidu tar-rieżami. L-ebda importatur tal-prodott ikkonċernat ma wieġeb għall-kwestjonarju dwar it-teħid tal-kampjuni mehmuż mal-avviż ta' bidu. L-investigazzjoni żvelat li l-importaturi jistgħu faċilment jixtru minn sorsi differenti li huma attwalment disponibbli fis-suq, b'mod partikolari mill-industrija tal-Unjoni u minn esportaturi ewlenin ta' pajjiżi terzi li jbigħu bi prezzijiet li mhumiex l-oġġett ta' dumping. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta' interess mill-importaturi, ġie konkluż li ma jkunx kontra l-interess tagħhom li jinżammu l-miżuri.

5.   Konklużjoni

(163)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, huwa konkluż li ma hemmx raġunijiet konvinċenti għall-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri tal-antidumping attwali.

H.   MIŻURI TAL-ANTIDUMPING

(164)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Ingħataw ukoll perjodu biex jissottomettu kummenti wara dak l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fejn kien xieraq.

(165)

Minn dak li ntqal hawn fuq, kif stipulat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ferrosiliċju li joriġinaw fir-RPĊ u r-Russja, imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008 għandhom jibqgħu fis-seħħ.

(166)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta' evażjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa kkunsidrat li huma meħtieġa miżuri speċjali f'dan il-każ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji tal-antidumping. Dawn il-miżuri speċjali, li japplikaw biss għal kumpaniji li għalihom tkun introdotta rata individwali tad-dazju, jinkludu dan li ġej: il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b'tali fattura gћandhom ikunu suġġetti gћad-dazju tal-antidumping residwu li japplika gћall-produtturi l-oћra kollha,

(167)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'dan qed jiġi impost dazju tal-anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ferrosiliċju, li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċijiet NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja.

2.   Ir-rata tad-dazju tal-antidumping definittiva applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1, u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Rata tad-dazju tal-Anti-Dumping (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Erdos Xijin Kuangye Co. Ltd., Qipanjing Industry Park

15,6

A829

Lanzhou Good Land Ferroalloy Factory Co., Ltd., Xicha Villa

29,0

A830

Il-kumpaniji l-oħra kollha

31,2

A999

Ir-Russja

Bratsk Ferroalloy Plant, Bratsk

17,8

A835

Il-kumpaniji l-oħra kollha

22,7

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 isseħħ bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura ta' dan it-tip, gћandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli gћall-“kumpaniji l-oћra kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazju doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2008, p. 6.

(3)  ĠU L 351, 30.12.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 22, 25.1.2012, p. 1.

(5)  ĠU C 186, 26.6.2012,p. 8.

(6)  ĠU C 58, 28.2.2013, p. 15.

(7)  B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1) li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament għandha s-sjieda, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-istokk jew tal-ishma bid-dritt għall-vot tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk ulied l-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F'dan il-kuntest “opersuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(8)  Kawża C-260/84, Minebea Company Limited v Council of the European Communities, paragrafu 37.

(9)  Kawża T-249/06, Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) v Council [2009] ġabra II-00383. Id-deċiżjoni kienet sussegwentement sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell fil-Kawżi Konġunti C-191/09 P u C-200/09 P.


ANNESS

Għandha tidher dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

(1)

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali.

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta' ferrosiliċju mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fil-(pajjiż) ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

Data u firma


10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/39


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 361/2014

tad-9 ta' April 2014

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) u (5), l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 12(5) u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jipprovdi li s-servizzi regolari u ċerti servizzi speċjali regolari għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni;

(2)

L-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament jiddikjara li s-servizzi okkażjonali ddefiniti fl-Artikolu 2(4), filwaqt li jitwettqu, għandhom ikunu koperti minn dokument ta' kontroll;

(3)

L-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament jipprovdi li l-operazzjonijiet tat-trasport għal rashom definiti fl-Artikolu 2(5) għandhom ikunu soġġetti għal sistema ta' ċertifikati;

(4)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli li jirregolaw l-użu tad-dokumenti ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament u l-mezz ta' komunikazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati, tal-ismijiet tat-trasportaturi li jagħmlu dawk is-servizzi okkażjonali u l-punti ta' konnessjoni waqt il-vjaġġ;

(5)

Huwa meħtieġ li għal raġunijiet ta' sempliċità, tiġi standardizzata l-formola tal-vjaġġ għas-servizzi okkażjonali internazzjonali u għall-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-forma ta' servizzi okkażjonali;

(6)

Il-formola tal-vjaġġ użata bħala dokument ta' kontroll fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-forma ta' servizzi regolari speċjali għandha timtela bħala dikjarazzjoni ta' kull xahar;

(7)

Huwa meħtieġ li jiġu standardizzati l-formoli għall-komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tal-informazzjoni statistika relatata man-numru ta' awtorizzazzjonijiet għal servizzi regolari kif ukoll operazzjonijiet ta' kabotaġġ;

(8)

Għal raġunijiet ta' trasparenza u sempliċità, id-dokumenti mudell kollha adottati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98 tat-2 ta' Ottubru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 u (KE) Nru 12/98 fir-rigward ta' dokumenti għat-trasport ta' passiġġieri bil-kowċ u x-xarabank (2) għandhom jiġu adattati għar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 applikabbli għal servizzi internazzjonali bil-kowċ u x-xarabank;

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 2121/98 għandu għalhekk jiġi rrevokat;

(10)

L-Istati Membri jeħtieġu ż-żmien biex jistampaw u jqassmu d-dokumenti l-ġodda. Għalhekk fil-frattemp it-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw id-dokumenti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2121/98, li għandu jispeċifika li dawn iqisu d-disposizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;

(11)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TAQSIMA I

DOKUMENT TAL-KONTROLL

Artikolu 1

1.   Id-dokument tal-kontroll (il-formola tal-vjaġġ) għas-servizzi okkażjonali msemmija fil-punt 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandu jikkonforma mal-mudell fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-formoli tal-vjaġġ għandhom ikunu f'kotba ta' 25 formola, dupplikati, u distakkabbli. Kull ktieb għandu jkollu numru. Il-formoli għandhom ikunu wkoll numerati mill-1 sal-25. Il-qoxra tal-ktieb għandha tikkonforma mal-mudell fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jadattaw dawn il-ħtiġijiet mal-ipproċessar kompjuterizzat tal-formoli tal-vjaġġ.

Artikolu 2

1.   Il-ktieb imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jsir f'isem it-trasportatur u ma għandux ikun trasferibbli.

2.   Il-formola tal-vjaġġ għandha timtela b'tali mod li tinqara u b'ittri li ma jitħassrux, f'żewġ kopji, mit-trasportatur jew mis-sewwieq għal kull vjaġġ qabel it-tluq. Din għandha tkun valida għall-vjaġġ kollu.

3.   Il-kopja ta' fuq tal-formola tal-vjaġġ għandha tinżamm fuq il-vettura matul il-vjaġġ kollu li tkun tirreferi għalih. Għandha tinżamm kopja fil-bażi tal-kumpanija.

4.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli milli jżomm il-formoli tal-vjaġġ.

Artikolu 3

Fil-każ ta' servizz internazzjonali okkażjonali pprovdut minn grupp ta' trasportaturi li jkunu jaġixxu f'isem l-istess kuntrattur, u li jistgħu jinkludu l-vjaġġaturi li jkunu sejrin jaqbdu konnessjoni waqt il-vjaġġ ma' trasportatur differenti tal-istess grupp, il-kopja oriġinali tal-formola tal-vjaġġ għandha tinżamm fuq il-vettura li tkun qed twettaq is-servizz. Fil-bażi ta' kull trasportatur għandha tinżamm kopja tal-formola tal-vjaġġ.

Artikolu 4

1.   Il-kopji tal-formoli tal-vjaġġ li jkunu ġew użati bħala dokument ta' kontroll għal servizzi okkażjonali fil-forma ta' servizzi okkażjonali skont l-Artikolu 15(b) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandhom jiġu rritornati mit-trasportatur lill-awtorità jew lill-aġenzija kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità jew mill-aġenzija.

2.   Fil-każ ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ fil-forma ta' servizzi regolari speċjali skont l-Artikolu 15(a) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009, il-formola tal-vjaġġ fl-Anness I ta' dan ir-Regolament għandha timtela fil-forma ta' dikjarazzjoni ta' kull xahar u tiġi rritornata mit-trasportatur lill-awtorità jew l-aġenzija kompetenti fl-Istat Membru tal-istabbiliment b'konformità mal-proċeduri stabbiliti minn dik l-awtorità jew aġenzija.

Artikolu 5

Il-formola tal-vjaġġ għandha tippermetti lid-detentur, matul servizz okkażjonali internazzjonali, li jagħmel eskursjonijiet lokali fi Stat Membru għajr dak li t-trasportatur ikun stabbilit fih, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009. L-eskursjonijiet lokali għandhom jiddaħħlu fil-formoli tal-vjaġġ qabel it-tluq tal-vetturi għall-eskursjoni kkonċernata. Il-kopja oriġinali tal-formola tal-vjaġġ għandha tinżamm fil-vettura sakemm iddum l-eskursjoni lokali.

Artikolu 6

Id-dokument ta' kontroll għandu jiġi ppreżentat b'talba ta' kull uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.

TAQSIMA II

AWTORIZZAZZJONIJIET

Artikolu 7

1.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għal servizzi regolari u għal servizzi regolari speċjali soġġetti għall-awtorizzazzjoni għandhom jikkonformaw mal-mudell fl-Anness III.

2.   L-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu din l-informazzjoni segwenti:

(a)

l-iskeda tal-ħinijiet;

(b)

ir-rati tal-ħlas;

(c)

kopja awtentika ċċertifikata tal-liċenzja Komunitarja għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank għall-kiri jew kumpens kif stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009;

(d)

l-informazzjoni dwar it-tip u l-volum tas-servizz li l-applikant ikun qiegħed jippjana li jipprovdi, fil-każ ta' applikazzjoni biex joħloq servizz, jew li ġie pprovdut, fil-każ ta' applikazzjoni għal tiġdid ta' awtorizzazzjoni;

(e)

mappa ta' skala xierqa, li fuqha jkun hemm immarkata r-rotta u l-postijiet ta' waqfien fejn għandhom jitrikkbu jew jitniżżlu l-passiġġieri;

(f)

skeda ta' sewqan li tkun tippermetti verifika tal-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-perjodi ta' sewqan u ta' mistrieħ.

3.   L-applikanti għandhom jipprovdu kull informazzjoni ulterjuri li huma jikkunsidraw li tista' tkun rilevanti jew li tintalab mill-awtorità emittenti bħala appoġġ għall-applikazzjoni.

Artikolu 8

1.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-mudell fl-Anness IV.

2.   Kull vettura li twettaq servizz u li tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni għandu jkollha fuqha awtorizzazzjoni jew kopja ċċertifikata mill-awtorità emittenti.

3.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu validi għal massimu ta' ħames snin.

TAQSIMA III

ĊERTIFIKATI

Artikolu 9

1.   Iċ-ċertifikati għall-ħidmiet ta' trasport indipendenti kif definiti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandhom jikkonformaw mal-mudell fl-Anness V ta' dan ir-Regolament.

2.   L-intrapriżi li jitolbu ċertifikat għandhom jipprovdu lill-awtorità emittenti evidenza jew assigurazzjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 jkunu ġew issodisfati.

3.   Kull vettura li twettaq servizz li jkun soġġett għal sistema ta' ċertifikati għandu jkollha fuqha, sakemm idum il-vjaġġ, ċertifikat jew kopja awtentikata, li għandha tiġi ppreżentata lill-uffiċjal ta' spezzjoni awtorizzat malli din tintalab.

4.   Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa massimu ta' ħames snin.

TAQSIMA IV

KOMUNIKAZZJONI TA' DEJTA STATISTIKA

Artikolu 10

Id-dejta dwar ħidmiet tat-trasport ta' kabotaġġ imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 għandha tiġi kkomunikata f'forma ta' tabella f'konformità mal-mudell fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament.

TAQSIMA V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 11

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-użu ta' ħażniet eżistenti tal-formoli tal-vjaġġ, applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, awtorizzazzjonijiet u ċertifikati mfassla f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2121/98 sal-31 ta' Diċembru 2015.

2.   L-Istati Membri l-oħra għandhom jaċċettaw il-formoli tal-vjaġġ u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni fit-territorju tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2015.

3.   L-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati mfassla f'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2121/98 u maħruġa qabel il-31 ta' Diċembru 2015 se jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.

Artikolu 12

Ir-Regolament (KE) Nru 2121/98 huwa rrevokat.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.

(2)  ĠU L 268, 3.10.1998, p. 10.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS VI

Image

Test ta 'immaġni

10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/56


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 362/2014

tad-9 ta' April 2014

li jikkoreġi l-verżjoni bil-lingwa Spanjola tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1258/2011 tat-2 ta' Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi għan-nitrati fl-oġġetti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sar żball fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (3) u l-emenda tiegħu permezz tar-Regolament (UE) Nru 1258/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar livelli massimi għan-nitrati fl-oġġetti tal-ikel. Għaldaqstant hija meħtieġa korrezzjoni tat-test tat-tabella fl-Anness tal-verżjoni bil-lingwa Spanjola tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006. Il-lingwi l-oħra m'humiex affettwati.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għaldaqstant għandu jiġi kkoreġut skont dan.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(Jikkonċerna biss il-verżjoni bil-lingwa Spanjola).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 3.12.2011, p. 15.

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).


10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/57


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 363/2014

tad-9 ta' April 2014

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 KG)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

62,4

TN

100,0

TR

130,0

ZZ

97,5

0707 00 05

EG

170,1

MA

44,0

TR

126,8

ZZ

113,6

0709 93 10

MA

39,8

TR

85,7

ZZ

62,8

0805 10 20

EG

49,3

IL

68,0

MA

52,3

TN

50,1

TR

60,1

ZZ

56,0

0805 50 10

MA

63,6

TR

63,1

ZZ

63,4

0808 10 80

AR

84,7

BR

103,6

CL

102,5

CN

77,1

MK

23,1

NZ

140,3

US

174,6

ZA

108,1

ZZ

101,8

0808 30 90

AR

105,3

CL

157,3

CN

81,0

ZA

103,6

ZZ

111,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/59


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Frar 2014

li tapprova l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Portugall

(2014/196/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu, diġà jkunu qed jirċievu assistenza finanzjarja, inkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM, European Financial Stabilisation Mechanism) u/jew il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF, European Financial Stability Facility).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-approvazzjoni ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu tali għajnuna finanzjarja, li għandhom jiġu applikati flimkien mar-Regolament (UE) Nru 407/2010 (2) li jistabbilixxi l-EFSM meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi assistenza kemm mill-EFSM kif ukoll minn sorsi oħra.

(3)

Il-Portugall ingħata assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE (3), kif ukoll mill-EFSF.

(4)

Għal raġunijiet ta' konsistenza, l-aġġornament tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għall-Portugall, taħt ir-Regolament (UE) Nru 472/2013, għandha jiġi approvat b'referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali u f'konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, għamlet l-għaxar rieżami biex tivvaluta l-progress li sar mill-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma skont il-programm ta' aġġustament makroekonomiku, kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. Bħala konsegwenza ta' dan ir-rieżami, jeħtieġ li jsiru xi bidliet fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku eżistenti.

(6)

Dawk il-bidliet huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/197/UE tat-18 ta' Frar 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 3(8) u (9) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE li għandhom jittieħdu mill-Portugall bħala parti mill-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu huma b'dan approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).

(4)  Ara paġna 61 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/61


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Frar 2014

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2014/197/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu.

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Portugall, fuq it-talba ta' dan tal-aħħar, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE (2). Dik l-għajnuna finanzjarja ngħatat b'sostenn għal programm qawwi ta' riforma ekonomika u finanzjarja (“il-Programm”) bil-għan li terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja, li l-ekonomija tkun tista' tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), bejn l-4 ta' Diċembru u s-16 ta' Diċembru 2013, wettqet l-għaxar rieżami tal-progress tal-awtoritajiet Portugiżi fl-implimentazzjoni tal-miżuri mifthiema skont il-Programm.

(3)

It-tkabbir reali trimestrali tal-prodott domestiku gross (PDG) kompla f'rati pożittivi fit-tielet kwart tal-2013 u l-indikaturi għal żmien qasir jindikaw l-irkupru ekonomiku previst. Fuq bażi annwali, it-tkabbir reali tal-PDG għadu mbassar li jonqos b'1,6 % fl-2013 iżda li jevolvi għall-pożittiv fl-2014 u fl-2015, bi tkabbir ta' 0,8 % u 1,5 %, rispettivament. Il-prospetti tas-suq tax-xogħol tjiebu wkoll iżda l-qgħad għadu għoli, u mistenni li jogħla sa 16,8 % fl-2014 u wara jonqos progressivament. Ir-riskji negattivi għall-prospettiva makroekonomika jibqgħu hemm, minħabba li l-irkupru mistenni jiddependi ħafna fuq żviluppi pożittivi kummerċjali u tas-suq finanzjarju, li jiddependu wkoll fuq il-prospettiva Ewropea usa'.

(4)

Sa Novembru 2013 id-defiċit fi flus tal-Gvern irreġistra titjib ta' 0,25 % tal-PDG (nett mill-fatturi straordinarji) meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti, li rriżulta minn tkabbir fid-dħul li kien akbar mit-tkabbir fin-nefqa. L-aċċellerazzjoni tat-tkabbir tad-dħul mit-taxxa tirrifletti l-irkupru ta' attività ekonomika f'dawn l-aħħar xhur kif ukoll titjib fl-effiċjenza fl-amministrazzjoni tat-taxxa, speċjalment fil-ġlieda kontra l-frodi. Fuq in-naħa tal-infiq l-eżekuzzjoni tal-baġit hija kollox ma' kollox f'konformità mal-miri tat-tieni baġit supplimentari.

(5)

Il-mira għall-iżbilanċ pubbliku ta' 5,5 % tal-PDG (nett mir-rikapitalizzazzjonijiet tal-banek) fl-2013 x'aktarx li tintlaħaq u r-riżultat tad-defiċit jista' saħansitra jkun inqas mill-mira. Dan jirriżulta mill-konkretizzazzjoni ta' riskji pożittivi fl-aħħar xhur tas-sena filwaqt li l-biċċa l-kbira tar-riskji negattivi spiċċaw. B'mod partikolari, il-ġbir tat-taxxa huwa mistenni li jaqbeż il-miri impliċiti fit-tieni baġit supplimentari. Barra minn hekk, ir-rendiment tal-iskema ta' darba tar-regolarizzazzjoni tad-dejn għal taxxa u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pendenti mnedija fl-aħħar tal-2013 kien ta' madwar 0,3 % tal-PDG ogħla milli previst. L-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni huwa mistenni wkoll li jkun aħjar minn kemm kien stmat qabel. Barra minn hekk, ir-riskji negattivi minn sħubijiet pubbliċi privati (PPPs, public-private partnerships) nnegozjati mill-ġdid ġew imnaqqsa. Madankollu għad fadal xi riskji negattivi, l-aktar dħul iktar baxx milli ppjanat minn taxxi fuq il-proprjetà filwaqt li l-eċċessività fuq partiti tan-nefqa speċifiċi, b'mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, il-konsum intermedju u l-benefiċċji tal-pensjonijiet ma jistgħux jiġu esklużi.

(6)

Il-baġit tal-Istat għall-2014 u leġiżlazzjoni oħra ta' sostenn huma konsistenti mal-mira ta' żbilanċ ta' 4 % tal-PDG fl-2014. Sabiex tintlaħaq il-mira qed jiġu implimentati miżuri ta' konsolidazzjoni li jammontaw għal madwar 2,3 % tal-PDG, li jkopru wkoll pressjonijiet baġitarji u l-ħtieġa li tinbena mill-ġdid l-allokazzjoni provviżorja tal-baġit għall-2014. Il-miżuri huma primarjament ta' natura permanenti u jistrieħu fil-biċċa l-kbira fuq l-iffrankar fl-infiq.

(7)

Il-biċċa l-kbira tal-konsolidazzjoni fl-2014 — madwar 1,8 % tal-PDG — għandha tittieħed mir-rieżami tal-infiq pubbliku, li twettaq matul is-sena li għaddiet bl-għan li jiżdiedu l-ekwità u l-effiċjenza fil-provvista ta' trasferimenti soċjali u servizzi pubbliċi. Ir-rieżami tal-miżuri ewlenin tal-infiq pubbliku se jiġi implimentat fuq tliet assijiet prinċipali: (1) jiġi limitat l-infiq fuq il-kont tal-pagi fis-settur pubbliku billi jonqsu l-ħaddiema fis-settur pubbliku filwaqt li ssir bidla fil-kompożizzjoni tiegħu lejn impjegati b'aktar ħiliet, partikolarment permezz ta' programm ta' kwalifikazzjoni mill-ġdid u skema ta' sensji volontarji; aktar konverġenza fir-regoli tax-xogħol bejn is-settur pubbliku u dak privat u r-reviżjoni tal-iskala salarjali kif ukoll is-simplifikazzjoni tas-supplimenti mal-paga; jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-benefiċjarji għall-iskemi speċjali tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, li jimmiraw lejn awtofinanzjament ta' dawn is-sistemi; (2) tiġi limitata n-nefqa pubblika għall-pensjonijiet, minħabba l-ħtieġa li terġa' tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tagħha fir-rigward ta' żviluppi demografiċi, filwaqt li fl-istess ħin jiġu protetti l-pensjonijiet l-aktar baxxi, billi togħla l-età statutorja tal-irtirar permezz ta' tibdil fil-fattur ta' sostenibbiltà; il-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-“kontribuzzjoni ta' solidarjetà straordinarja”, billi jitnaqqas il-limitu minimu għall-applikazzjoni ta' rata progressiva kif ukoll il-livelli għall-applikazzjoni ta' rati ogħla; jiġu ssimplifikati l-pensjonijiet tas-superstiti kemm tal-Caixa Geral de Aposentações (CGA) kif ukoll tar-reġim ġenerali tal-pensjonijiet; jitnaqqsu l-pensjonijiet tul il-ħajja lill-politiċi; (3) iffrankar fil-konsum intermedju u fil-programmi ta' infiq fil-Ministeri kompetenti kollha.

(8)

Bil-ħsieb li tinkiseb il-mira ta' defiċit ta' 4 % tal-PDG, l-awtoritajiet għandhom jadottaw aktar miżuri permanenti ta' dħul b'rendiment baxx li jammontaw għal 0,4 % tal-PDG, li jimmiraw biex tittejjeb aktar l-effiċjenza u l-ekwità tal-istruttura tat-taxxa u tal-benefiċċji attwali u biex jikkomplementaw il-pakkett tar-rieżami tan-nefqa pubblika. Barra minn hekk, għadd ta' miżuri ta' darba li jammontaw għal 0,2 % tal-PDG għandu jiġu implimentati, li aktar milli jpaċu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-pagamenti bil-quddiem ta' darba marbuta mal-introduzzjoni ta' skema ta' sensji bi ftehim reċiproku fis-settur pubbliku.

(9)

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri msemmija hawn fuq ġew adottati permezz tal-Liġi tal-Baġit tal-2014 jew b'bidliet fil-leġiżlazzjoni speċifika. Xi wħud mill-miżuri ta' konsolidazzjoni previsti s'issa għadhom ma ġewx leġiżlati għal kollox. Fosthom hemm l-issikkar tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà tal-pensjonijiet għas-superstiti (lil hinn mill-bidla tar-rati ta' sostituzzjoni fil-każ ta' akkumulazzjoni ma' pensjonijiet oħrajn); il-bejgħ ta' liċenzji għal-logħob tal-azzard onlajn; it-trasferiment tal-fond tas-saħħa tas-servizz postali (CTT) lill-gvern ġenerali u l-bejgħ ta' konċessjonijiet fil-portijiet.

(10)

Riforma komprensiva tat-taxxa fuq id-dħul korporattiva mmirata biex titmexxa 'l quddiem is-simplifikazzjoni kif ukoll tingħata spinta lill-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività ta' kumpaniji Portugiżi ġiet approvata fil-Parlament f'Diċembru 2013 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014. Karatteristika ewlenija tar-riforma huwa t-tnaqqis tar-rata standard tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv (CIT, Corporate Income Tax) minn 25 % għal 23 % u rata mnaqqsa applikabbli ta' 17 % għall-ewwel EUR 15 000 ta' dħul taxxabbli għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Minbarra s-soprataxxi eżistenti, se tapplika soprataxxa governattiva terza ta' 7 % fuq profitti taxxabbli li jaqbżu l-EUR 35 miljun. Dispożizzjonijiet ewlenin oħra tar-riforma jinkludu r-reviżjoni ta' inċentivi fiskali, bidliet għat-tassazzjoni fuq id-dividendi u l-qligħ kapitali, it-tassazzjoni tal-gruppi u r-reġim tal-assi intanġibbli, l-introduzzjoni ta' reġim għall-eżenzjoni mill-parteċipazzjoni, estensjoni tal-perjodu li matulu t-telf jista' jiġi riportat u limitazzjoni ulterjuri fuq it-tnaqqis tal-imgħax.

(11)

Il-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG huwa mistenni li jilħaq l-ogħla livell tiegħu f'inqas minn 129,5 % fl-2013 u minn hemm 'il quddiem jonqos. Ir-reviżjoni 'l fuq tal-profil tad-dejn meta mqabbel ma' tat-Tmien u d-Disa' Rieżami kombinati, minkejja eżekuzzjoni tal-baġit aħjar milli mistenni, hija sa ċertu punt spjegata b'żieda sostanzjali fil-bilanċ tal-flus likwidi tat-Teżor kif ukoll id-diferiment għall-2014 ta' xi operazzjonijiet ta' tnaqqis fid-dejn fuq perjodu ta' żmien qasir min-naħa tal-Fond tas-Sigurtà Soċjali għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja. Għaldaqstant, id-dejn nett — minbarra d-depożiti ta' flus likwidi tal-Instituto de Gestão do Crédito Público (IGCP)– huwa previst li jilħaq quċċata ta' madwar 120 % tal-PDG, kemxejn inqas mil-livell mistenni fl-aħħar rieżami. It-tnaqqis mistenni fil-proporzjon bejn id-dejn u l-PDG tal-gvern ġenerali mill-2014 se jkun sostnut mill-irkupru ekonomiku projettat kif ukoll minn tnaqqis f'depożiti fi flus kontanti u r-realizzazzjoni ta' operazzjonijiet għat-tnaqqis tad-dejn fuq żmien qasir tas-Sigurtà Soċjali.

(12)

Il-proċess ta' aġġustament baġitarju huwa appoġġat minn sensiela ta' miżuri strutturali biex jitjieb il-kontroll fuq in-nefqa tal-gvern u jitjieb il-ġbir tad-dħul. Ir-riforma komprensiva tal-Liġi Qafas Baġitarja qiegħda tagħmel progress f'għadd ta' oqsma importanti. Madankollu, minħabba l-ambitu tar-riforma u l-ħtieġa li jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati rilevanti kollha l-proċess huwa mistenni li jseħħ f'żewġ fażijiet. Is-sistema ġdida ta' kontroll tal-impenji qed turi riżultati billi tillimita l-bini ta' arretrati ġodda iżda l-implimentazzjoni trid tiġi mmonitorjata mill-qrib biex jiġi żgurat li l-impenji jkunu koperti minn finanzjament disponibbli. Se tinħoloq task force sabiex tivvaluta u ttejjeb dan il-proċess. Ir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika qed jiġu implimentati bl-għan li jimmodernizzaw u jirrazzjonalizzaw l-impjieg u l-entitajiet fis-settur pubbliku. Qed ikomplu r-riformi lejn mudell modern għall-ġestjoni tar-riskju tal-konformità tal-amministrazzjoni tad-dħul. Dan l-aħħar ġiet stabbilita Unità ta' Valutazzjoni tar-Riskju ġdida u se ssir operattiva dalwaqt, biex tiffoka l-ewwel fuq li tittejjeb il-konformità ta' ċerti gruppi ta' persuni li jħallsu t-taxxa bħal dawk li jaħdmu għal rashom u individwi sinjuri ħafna. Xi riformi oħra, bħalma huwa t-tnaqqis fl-uffiċċji lokali tat-taxxa, qegħdin tard. Filwaqt li n-negozjar mill-ġdid ta' PPPs għamel progress, ma setax jiġi konkluż sal-aħħar tal-2013. Madankollu, huwa mistenni li jsir iffrankar sinifikanti għall-2014 u wara. L-impriżi tal-Istat (SOEs) laħqu bilanċ operazzjonali fuq medja sa tmiem l-2012 u huma previsti riformi addizzjonali biex jiġi evitat deterjorament mill-ġdid tar-riżultati tagħhom. Il-privatizzazzjoni għamlet progress tajjeb u r-rikavat jaqbeż il-mira tal-programm. Ir-riformi fis-settur tal-kura tas-saħħa qed jipproduċu ffrankar sinifikanti u l-implimentazzjoni qed tkompli b'mod ġeneralment konformi mal-miri.

(13)

L-implimentazzjoni tal-politika u r-riformi fis-settur tas-saħħa qed ikomplu jagħmlu progress u jipproduċu ffrankar permezz ta' żidiet fl-effiċjenza. Id-defiċit konsolidat għas-settur tnaqqas b'mod sinifikanti mill-2010 'l hawn. Madankollu, il-bqija tal-istokk ta' arretrati, il-linja baġitarja stretta u żieda fil-kosti lavorattivi minħabba li reġgħu ġew introdotti t-13 u l-14-il ħlasijiet ta' bonus ġiegħlu lill-awtoritajiet jgħaġġlu r-riformi eżistenti. L-eżistenza ta' stokk ta' arretrati importanti hija ferm (iżda mhux biss) relatata man-nuqqas konsistenti ta' finanzjament ta' sptarijiet tal-Istat fir-rigward tal-forniment ta' servizz tagħhom. L-awtoritajiet jibqgħu impenjati li jimplimentaw ir-riforma tal-isptarijiet li tinsab għaddejja u li jibqgħu jorqmu s-sett ta' miżuri relatati mal-farmaċewtiċi, l-akkwist ċentralizzat u l-kura primarja.

(14)

Il-proporzjonijiet kapitali tal-banek komplew jissodifaw b'marġini wiesgħa r-riżervi kapitali regolatorji tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) kif ukoll il-mira tal-programm ta' 10 % tal-Kapital Ewlieni tal-Grad 1. Dik ir-riżerva tal-kapital tibqa' adegwata f'kollox meta jintużaw ir-regoli l-ġodda tad-Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital IV (Capital Requirements Directive — CRD) għall-evalwazzjoni tal-fondi proprji tal-banek. Dawn ir-regoli l-ġodda dwar il-kapital japplikaw minn Jannar 2014 'il quddiem b'limitu stabbilit għal 7 % tal-proporzjon ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni. Ir-relazzjoni bejn self u depożiti madwar is-sistema kollha hija ta' 120,7 % u x'aktarx li tkompli tonqos sal-aħħar tal-2014, b'xi ftit banek diġà taħt dan il-limitu. L-isforzi biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta' finanzjament għas-settur korporattiv qegħdin jissaħħu kontinwament. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-awditjar estern għall-2013 tal-linji ta' kreditu attwali sponsorjati mill-gvern, l-awtoritajiet qed jimplimentaw il-miżuri li jimmiraw sabiex itejbu l-prestazzjoni u l-governanza ta' dawk l-istrumenti inklużi l-kapaċitajiet u l-prattiki tal-immaniġġar tar-riskju. Il-qafas legali tal għodod ġodda għar-ristrutturar tad-dejn immirat għall-unitajiet domestiċi u bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet mhux kontenzjużi għall-ħlas tad-dejn huwa fis-seħħ u operattiv b'mod sħiħ. Bl-istess mod, l-impatt tal-bidliet fil-liġi ta' insolvenza korporattiva u ta' rkupru qed jiġi vvalutat minħabba li l-mekkaniżmi l-ġodda tar-ristrutturar tad-dejn u l-irkupru tad-dejn issa qed jiffunzjonaw. Is-sett ta' għodod għall-ġestjoni tal-kriżi qed jiġi ffinalizzat. Il-fond ta' riżoluzzjoni tal-banek qed jiffunzjona, il-poteri ta' intervent bikri ġew introdotti u l-liġi dwar ir-rikapitalizzazzjoni ġiet emendata biex tirrifletti l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex issostni miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (3). Il-mappa direzzjonali għat-titjib fl-effikaċja u l-governanza tas-Sistema Nazzjonali ta' Garanzija qed tiġi implimentata biex jingħata servizz aħjar lill-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-SMEs.

(15)

Sar aktar progress fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-kompetittività. L-awtoritajiet adottaw miżuri addizzjonali biex jitnaqqas il-qgħad u biex tingħata spinta lill-effettività tas-suq tax-xogħol, inklużi politiki ta' attivazzjoni msaħħa u pjan ta' implimentazzjoni ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Reviżjonijiet li jaffettwaw id-definizzjoni ta' tkeċċijiet ġusti fil-Kodiċi tax-Xogħol qegħdin jiġu ppreparati wara li ġie ddikjarat li arranġamenti preċedenti ma kinux kostituzzjonali. Ġew adottati miżuri addizzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn il-progress huwa sodisfaċenti b'mod ġenerali.

(16)

Il-gvern approva imposta ġdida fuq l-operaturi tal-enerġija għall-2014 li trid tiġi sorveljata mill-qrib biex jiġu evitati distorsjonijiet fis-sistema. Fir-rigward tal-eliminazzjoni tad-dejn tat-tariffa tal-enerġija u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistema, hemm bżonn ta' aktar riformi.

(17)

Fis-settur tat-telekomunikazzjoni u fis-settur postali ġew implimentati azzjonijiet biex jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni u jirfdu l-ilħiq tal-għanijiet tal-programm. L-għażla tal-fornituri tas-servizz universali u r-reviżjoni tal-kuntratt eżistenti mal-fornitur eżistenti huma żviluppi pożittivi lejn l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-pubblikazzjoni ta' leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-qafas tal-kuntratt ta' konċessjoni mal-fornitur nazzjonali tas-servizz postali se tnaqqas il-perjodu ta' konċessjoni attwali, u b'hekk tiżdied il-kompetizzjoni. L-awtoritajiet għadhom impenjati li jżidu s-sostenibbiltà u l-effiċjenza fis-settur tat-trasport.

(18)

Leġiżlazzjoni speċifika għas-settur bil-għan ta' allinjament mad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tinsab miexja 'l quddiem, b'xi dewmien fl-adozzjoni tal-qafas regolatorju għas-settur tal-kostruzzjoni, l-istatuti emendati tal-korpi professjonali u r-regoli interni għall-adozzjoni tal-liġi qafas orizzontali dwar l-assoċjazzjonijiet professjonali pubbliċi. l-awtoritajiet huma impenjati biex ikomplu jtejbu l-funzjonament tal-Punt ta' Kuntatt Uniku

(19)

Il-valutazzjoni tar-riforma tal-kera urbana tinsab għaddejja wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas legali l-ġdid. L-awtoritajiet għandhom l-għan li jżidu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa fis-suq tal-kera.

(20)

Il-qafas il-ġdid tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN) qiegħed javvanza u l-statuti rilevanti qed jiġu emendati u huma mistennija li dalwaqt jiġu adottati. Il-pubblikazzjoni ta' ordni eżekuttiva ġdida li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet tar-regolaturi għall-2014 ġiet posposta.

(21)

Ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja komplew jagħmlu progress kif ippjanat. Sar progress fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni tal-Att dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja biex tiġi ssimplifikata s-sistema tal-qorti, ġiet pubblikata liġi għat-tisħiħ tal-korp tal aġenti tal-infurzar u amministraturi tal-insolvenza u qed tiġi finalizzata proċedura ġdida extraġudizzjarja fejn issir selezzjoni qabel il-proċess biex jiġu identifikati u solvuti każijiet barra mill-qorti. Miżuri għat-titjib tal-ambjent tal-liċenzjar u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv imxew 'il quddiem bl-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet legali li jissimplifikaw il-liċenzjar fil-qasam tat-turiżmu, l-industrija u l-ippjanar territorjali. Qed titħejja leġiżlazzjoni dwar il-liċenzjar kummerċjali u r-reġim legali għall-urbaniżmu u l-bini qed jiġi rieżaminat.

(22)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-paragrafi 8 u 9 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“8.   Il-Portugall jadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2014, f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet fil-Memorandum ta' Qbil:

(a)

id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ma għandux jaqbeż l-4 % tal-PDG fl-2014. Għall-kalkolu ta' dan id-defiċit, ma jiġux ikkunsidrati l-ispejjeż baġitarji possibbli tal-miżuri ta' sostenn tal-banek fil-kuntest tal-istrateġija tas-settur finanzjarju tal-Gvern. Biex jintlaħaq dan l-għan il-Portugall jieħu miżuri ta' konsolidazzjoni li jammontaw għal 2,3 % tal-PDG kif definit fil-Liġi tal-Baġit tal-2014 u li jappoġġaw il-leġiżlazzjoni adottata b'dan l-għan;

(b)

lil hinn mill-miżuri tal-pensjonijiet adottati attwalment, sal-aħħar ta' Jannar 2014 issir modifikazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-pensjonijiet eżistenti rigward ir-reġim tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil (CGA) biex ikun żgurat li r-regoli l-ġodda dwar il-fattur ta' sostenibbiltà u għalhekk iż-żieda fl-età tal-irtirar effettivament japplikaw ukoll għal dan ir-reġim; Il-Portugall jiżviluppa wkoll miżuri komprensivi ġodda bħala parti mir-riforma strutturali li tinsab għaddejja tal-pensjonijiet matul l-2014 bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom filwaqt li jissaħħu l-prinċipji tal-ekwità;

(c)

biex ikun hemm kontroll fuq infiq żejjed potenzjali, il-gvern għandu jissorvelja mill-qrib ir-rispett tal-limiti ta' nfiq Ministerjali permezz ta' rappurtar ta' kull xahar lill-Kunsill tal-Ministri;

(d)

il-Portugall fi żmien qasir jiddefinixxi u jimplimenta l-bidliet previsti fil-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà tal-pensjonijiet tas-superstiti kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-bejgħ ta' liċenzji dwar il-logħob tal-azzard onlajn. Barra minn hekk, il-Portugall jagħmel passi deċiżivi biex jimplimenta l-bejgħ tal-konċessjonijiet fil-portijiet;

(e)

ir-riforma komprensiva tat-taxxa fuq id-dħul korporattiva tiġi implimentata fil-pakkett baġitarju eżistenti biex tkun tirrispetta l-miri ta' konsolidazzjoni fiskali;

(f)

ir-regola ta' standstill rigward nefqiet fiskali fuq livell ċentrali, reġjonali jew lokali tinżamm. Sforzi kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi għal diversi tipi ta' taxxi jkomplu jissaħħu, inter alia permezz tal-monitoraġġ tas-sistema l-ġdida tal-fatturar elettroniku. Fl-ewwel kwart tal-2014 isir studju dwar l-ekonomija klandestina fis-suq tad-djar bil-ħsieb li jfittex modi biex titnaqqaas l-evażjoni tat-taxxa mill-kiri;

(g)

jekk jimmaterjalizzaw riskji legali jew riskji ta' eżekuzzjoni baġitarja negattivi, il-Portugall jimplimenta miżuri kumpensatorji ta' kwalità għolja sabiex tintlaħaq il-mira tad-defiċit;

(h)

wara l-2014, il-Portugall jilħaq żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' mhux aktar minn 2,5 % tal-PDG fl-2015 u jrażżan l-akkumulazzjoni tal-arretrati domestiċi. L-istrateġija biex tintlaħaq il-mira tkun mirfuda mid-dokument rigward ir-Riforma tal-Istat li jiffoka fuq is-sostenibbiltà tas-sigurtà soċjali, ir-riforma fl-amministrazzjoni pubblika, effiċjenza akbar fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni u taxxi ambjentali. Jinsabu għaddejjin konsultazzjonijiet wiesgħa mal-imsieħba politiċi u soċjali biex imexxu 'l quddiem u jiddefinixxu r-riformi. Il-progress f'dan il-proċess jiġi analizzat fuq il-ħdax-il rieżami u l-miżuri identifikati jiġu riflessi fid-Dokument ta' Strateġija Fiskali tal-2014. Sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-qafas baġitarju tal-Unjoni, dak id-dokument ikun jipprovdi wkoll dettalji tal-pjani finanzjarji fit-terminu medju;

(i)

il-Portugall jieħu miżuri addizzjonali sabiex ikompli jsaħħaħ is-sistema tiegħu ta' Ġestjoni Finanzjarja Pubblika. Il-frammentazzjoni tal-baġit titnaqqas billi jiġi limitat l-għadd ta' entitajiet baġitarji u jsir rieżami tal-klassifikazzjoni tar-riżorsi proprji. L-istrateġija għall-validazzjoni u s-saldu tal-arretrati tkompli tiġi applikata u l-liġi tal-kontroll tal-impenji tiġi infurzata bis-sħiħ fl-entitajiet pubbliċi kollha biex ma jinħolqux arretrati ġodda. Il-Portugall jagħmel rieżami tal-Liġi Qafas tal-Baġit (LQB) biex jittrasponi b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Portugall iwettaq rieżami aktar komprensiv tal-LQB biex jissimplifika l-istruttura tal-approprjazzjoni tal-baġit, biex isaħħaħ ir-responsabilità u jankra aktar il-finanzi pubbliċi f'qafas ta' terminu medju. Il-Portugall jiżgura li l-miżuri li jimplimentaw il-qafas baġitarju l-ġdid fil-livell tal-gvern ċentrali jiġi applikat ukoll fil-livell reġjonali u lokali;

(j)

il-Portugall ikompli bl-aġenda ta' riforma lejn l-amministrazzjoni fiskali moderna u aktar effiċjenti biex tkun konformi mal-aħjar prattiki. Il-Portugall inaqqas l-għadd ta' uffiċċji muniċipali tat-taxxa b'mill-inqas 25 % fl-ewwel kwart tal-2014 u b'25 % oħra sa Mejju 2014. In-numru ta' riżorsi ddedikati għall-verifika fl-amministrazzjoni tat-taxxa jiżdied b'mill-inqas 30 % tal-persunal totali. Fl-amministrazzjoni tat-taxxa jinħoloq Dipartiment ġdid ta' Servizzi għall-Kontribwenti, li jgħaqqad servizzi varji għall-kontribwenti. L-Unità tal-Ġestjoni tar-Riskju tkun kompletament operattiva fl-ewwel kwart tal-2014, u inizjalment tiffoka fuq proġetti mmirati biex titjieb il-konformità ta' professjonisti li jaħdmu għal rashom u individwi b'ġid nett għoli. Is-sitwazzjoni rigward il-konformità mat-taxxa tiġi mmonitorjata kontinwament;

(k)

il-Portugall ikompli jimplimenta r-riformi tal-amministrazzjoni pubblika. Wara r-rieżami komprensiv tal-iskali tal-paga fl-amministrazzjoni pubblika sat-tnax-il rieżami, fl-ewwel nofs tal-2014 tiġi żviluppata skala ta' salarji unika mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni u l-konsistenza tal-politika ta' rimunerazzjoni madwar il-karrieri kollha u titlesta sal-aħħar tal-2014. Din tieħu post ir-reviżjoni tal-pagi inkluża fil-Liġi tal-Baġit tal-2014. Barra minn hekk, wara stħarriġ dwar is-supplimenti ta' flus kontanti, il-Portugall iħejji rapport dwar ir-riforma komprensiva tas-supplimenti tal-pagi. Abbozz ta' leġiżlazzjoni għal skala unika tas-supplimenti tiġi ppreżentat sat-tnax-il rieżami;

(l)

il-Portugall ilesti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-servizzi kondiviżi fl-amministrazzjoni pubblika;

(m)

il-Portugall jimplimenta bis-sħiħ il-qafas legali u istituzzjonali l-ġdid tal-PPPs. Negozjati mill-ġdid tal-PPPs jipproċedu f'diversi setturi sabiex ikunu jinkludu l-impatt baġitarju tagħhom. Wara l-liġi kwadru ġdida tal-SOEs u skont ir-rwol imsaħħaħ ta' azzjonist tal-Ministeru tal-Finanzi, tinħoloq Unità Teknika għall-monitoraġġ tal-SOEs. Il-gvern ikompli l-programm komprensiv ta' ristrutturar tal-SOEs, bil-għan li jintlaħaq bilanċ operazzjonali sostenibbli. Il-Gvern Portugiż ikompli bil-privatizzazzjonijiet li diġà qed jitħejjew;

(n)

il-Portugall jippreżenta rapport bl-għanijiet li ġejjin:

(i)

jidentifika r-rduppjar tas-servizzi u l-ġuriżdizzjonijiet u sorsi oħra ta' ineffiċjenzi bejn il-livell ċentrali u dak lokali tal-Gvern; kif ukoll

(ii)

jorganizza mill-ġdid in-netwerk ta' servizzi deċentralizzati tal-Ministeri prinċipalment permezz tan-netwerk ‘Lojas do Cidadão’ (punti singoli ta' kuntatt tal-amministrazzjoni u l-utilitajiet) u approċċi oħra, filwaqt li jinkludi żoni ġeografiċi aktar effiċjenti u jintensifika l-użu tas-serivizzi kondiviżi u l-gvern diġitali;

(o)

il-Portugall jiżgura l-effiċjenza u l-effikaċja fis-sistema tal-kura tas-saħħa billi jkompli jagħmel użu razzjonali tas-servizzi u jikkontrolla l-infiq, inaqqas l-infiq pubbliku fuq il-farmaċewtiċi u jelimina l-arretrati;

(p)

il-Portugall ikompli bir-riorganizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet permezz tal-ispeċjalizzazzjoni, il-konċentrazzjoni u t-tnaqqis ta' servizzi tal-isptar, il-ġestjoni konġunta u t-tħaddim konġunt tal-isptarijiet u jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni fuq għadd ta' snin għar-riorganizzazzjoni tal-isptarijiet;

(q)

wara l-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi Nru 6/2006 dwar kirjiet urbani ġodda u d-digriet leġiżlattiv li jissimplifika l-proċedura amministrattiva għar-rinnovazzjoni, il-Portugall iwettaq analiżi komprensiva tal-funzjonament tas-suq tad-djar;

(r)

filwaqt li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-20 ta' Settembru 2013, il-Portugall joħloq u jimplimenta għażliet alternattivi għal riforma tas-suq tax-xogħol b'effetti simili;

(s)

il-Portugall jippromwovi żviluppi fil-pagi li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta' trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u titjib fil-kompetittività tal-kumpaniji bil-għan li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi. Matul il-perjodu tal-Programm, kwalunkwe żieda fil-pagi minimi għandha ssir biss jekk din tkun ġustifikata mill-iżviluppi ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol.

(t)

il-Portugall għandu jkompli jtejjeb l-effettività tal-politiki attivi tiegħu għas-suq tax-xogħol f'konformità mar-riżultati tar-rapport ta' valutazzjoni u tal-pjan ta' azzjoni biex jittejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi;

(u)

il-Portugall ikompli jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjani ta' azzjoni tiegħu biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ sekondarji u vokazzjonali; b'mod partikolari l-gvern jippreżenta pjani biex jagħmel il-qafas ta' finanzjament tal-iskejjel aktar effikaċi u jiġu stabbiliti skejjel professjonali ta' referenza;

(v)

il-Portugall jiffinalizza l-adozzjoni tal-emendi settorjali pendenti meħtieġa sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*);

(w)

il-Portugall itejjeb l-ambjent kummerċjali billi jiffinalizza r-riformi pendenti dwar it-tnaqqis tal-piż amministrattiv (Punti ta' Kuntatt Uniku kompletament operattivi previsti fid-Direttiva 2006/123/KE u proġetti ta' ‘Awtorizzazzjoni Żero’) u billi jallinja l-karatteristiċi tal-professjonijiet regolati mad-direttivi rilevanti tal-Unjoni u jkompli jissimplifika l-proċeduri ta' ħruġ ta' liċenzji, ir-regolamenti u piżijiet amministrattivi oħra eżistenti fl-ekonomija li huma ostaklu kbir għall-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi;

(x)

il-Portugall ilesti r-riforma tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol portwali u s-sistema ta' governanza tal-portijiet, inkluża r-reviżjoni totali tal-konċessjonijiet tal-operat portwali;

(y)

il-Portugall jimplimenta l-miżuri li jtejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport;

(z)

il-Portugall ikompli jimplimenta t-traspożizzjoni tal-Pakketti Ferrovjarji tal-UE;

(aa)

il-Portugall jimplimenta l-pjan biex tinħoloq kumpanija operatriċi indipendenti tal-loġistika tal-gass u tal-elettriku;

(ab)

il-Portugall jimplimenta miżuri adegwati biex jelimina d-dejn tat-tariffa tal-enerġija u biex jiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema nazzjonali tal-elettriku;

(ac)

il-Gvern jissottometti lill-Parlament Portugiż l-istatuti emendati tal-korpi professjonali;

(ad)

il-Portugall japprova l-emendi korrispondenti għal-liġijiet amministrattivi tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali;

(ae)

il-Portugall ikompli jelimina l-ostakoli għad-dħul, itaffi r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni eżistenti u jnaqqas il-piż amministrattiv fis-settur tas-servizzi;

(af)

il-Portugall jippubblika rapporti kull tliet xhur dwar ir-rati ta' rkupru; it-tul ta' żmien u l-ispejjeż għall-kawżi korporattivi ta' insolvenza; it-tul ta' żmien u l-ispejjeż għall-kawżi dwar it-taxxa u dwar ir-rata tal-ikklerjar tal-kawżi tal-qorti tal-infurzar;

(ag)

il-Portugall jadotta l-Liġijiet tal-Kostruzzjoni u l-emendi settorjali l-oħra biex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE;

(ah)

il-Portugall jivvaluta l-impatt tar-reġim fakultattiv tal-kontabbiltà bbażata fuq il-ħlasijiet tal-VAT.

(ai)

il-Portugall jagħmel inventarju u analiżi tal-ispejjeż tar-regolamenti li x'aktarx ikollhom impatt ogħla fuq l-attività ekonomika.

9.   Bil-għan li tiġi restawrata l-fiduċja fis-settur finanzjarju, il-Portugall għandu jimmira biex iżomm livell adegwat ta' kapital fis-settur bankarju tiegħu u jiżgura proċess ta' diżingranaġġ b'mod ordinat f'konformità mal-iskadenzi stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil. F'dak ir-rigward, il-Portugall jimplimenta l-istrateġija għas-settur bankarju Portugiż kif miftiehem mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI biex tiġi mħarsal-istabbiltà finanzjarja. B'mod partikolari, il-Portugall:

(a)

jimmonitorja t-tranżizzjoni tal-banek għar-regoli ġodda dwar il-kapital kif stabbiliti fil-pakkett tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital IV (CRD IV) u jiżgura li l-bafers kapitali jibqgħu proporzjonali mal-ambjent operazzjonali diffiċli;

(b)

jagħti pariri lill-banek biex jissaħħu l-bafers kollaterali tagħhom fuq bażi sostenibbli;

(c)

jibqa' impenjat li jipprovdi aktar appoġġ għas-sistema bankarja, jekk meħtieġ, l-inkoraġġiment tal-banek biex ifittxu soluzzjonijiet privati filwaqt li r-riżorsi mill-Faċilità ta' Appoġġ għas-Solvenza tal-Banek (BSSF) ikunu disponibbli skont ir-regoli tal-Unjoni li ġew emendati dan l-aħħar dwar l-għajnuna mill-Istat biex jagħtu aktar appoġġ lil banek li huma vijabbli, soġġett għal kundizzjonalità stretta;

(d)

jiżgura diżingranaġġ ibbilanċjat u ordinat tas-settur bankarju, li jibqa' importanti fl-eliminazzjoni b'mod permanenti tal-iżbilanċi ta' finanzjament, u li jnaqqas id-dipendenza fuq il-finanzjament mill-Eurosistema fuq terminu medju. Il-finanzjament tal-banek u tal-kapital jiġu rieżaminati kull tliet xhur;

(e)

ikompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni ta' sorveljanza tal-Banco de Portugal (BdP), jottimizza l-proċessi ta' sorveljanza tiegħu u jiżviluppa u jimplimenta metodoloġiji u għodod superviżorji ġodda. Il-BdP jirrevedi l-istandards fuq self li ma jrendix sabiex tinkiseb konverġenza mal-kriterji inklużi fl-standard tekniku rilevanti tal-ABE f'konformità mal-qafas ta' żmien stabbilit fil-livell tal-Unjoni;

(f)

ikompli jissorvelja fuq bażi trimestrali l-ħtiġijiet potenzjali ta' kapital tal-banek b'approċċ li jħares 'il quddiem f'kundizzjonijiet ta' stress ukoll permezz tal-integrazzjoni tal-qafas ta' ttestjar tal-istress minn fuq għal isfel fil-proċess ta' assigurazzjoni tal-kwalità, li jippermetti għal rieżami tal-muturi ewlenin tar-riżultati;

(g)

ikompli jissimplifika l-grupp Caixa Geral de Depósitos (CGD) li huwa proprjetà tal-Istat;

(h)

jesternalizza l-ġestjoni tal-krediti tal-Banco Português de Negócios (BPN) attwalment miżmuma minn Parvalorem lid-ditti magħżula permezz tal-proċess tal-offerti b'mandat biex gradwalment jirkupraw l-assi; u jiżgura d-disponiment f'waqtu tas-sussidjarji taż-żewġ veikoli l-oħra tal-Istat bi skop speċjali, u l-assi fihom;

(i)

janalizza l-pjani ta' rkupru tal-banek u joħroġ linji gwida għas-sistema fuq il-pjani ta' rkupru skont (l-abbozz ta') l-istandards tekniċi rilevanti tal-ABE u d-Direttiva tal-Unjoni li jmiss dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, u jħejji pjani ta' riżoluzzjoni fuq il-bażi tar-rapporti sottomessi mill-banek;

(j)

jiffinalizza l-implimentazzjoni tal-qafas biex l-istituzzjonijiet finanzjarji jimpenjaw ruħhom f'ristrutturar tad-dejn tal-unitajiet domestiċi barra mill-qorti u jiffaċilita l-applikazzjoni tal-qafas għal ristrutturar tad-dejn korporattiv;

(k)

jipprepara rapporti trimestrali dwar l-implimentazzjoni tal-għodod ġodda tar-ristrutturar; fuq il-bażi tal-istħarriġ imwettaq riċentement, jesplora alternattivi biex iżid l-irkupru b'suċċess tal-kumpaniji li jkunu aderenti mal-Proċedura Speċjali ta' Rivitalizzazzjoni għall-kumpaniji f'inkwiet finanzjarju serju (PER) u s-Sistema ta' Rkupru tal-Kumpaniji permezz ta' Ftehimiet Extraġudizzjarji għall-kumpaniji f'qagħda ekonomika diffiċli jew f'insolvenza imminenti jew attwali (SIREVE);

(l)

ikompli l-monitoraġġ ta' dejn għoli fis-setturi korporattivi u domestiċi permezz ta' rapporti trimestrali u wkoll l-implimentazzjonital-qafas il-ġdid għar-ristrutturar tad-dejn sabiex jiżgura li qed jaħdem bl-aktar mod effettiv possibbli;

(m)

jinkoraġġixxi, fuq il-bażi tal-proposti li diġà saru, id-diversifikazzjoni tal-alternattivi ta' finanzjament ippreżentati lis-settur korporattiv, jiżviluppa u jimplimenta soluzzjonijiet li jipprovdu alternattivi ta' finanzjament għall-kreditu bankarju tradizzjonali permezz ta' firxa ta' miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali;

(n)

itejjeb il-prestazzjoni u l-governanza ta' linji ta' kreditu eżistenti sponsorjati mill-gvern billi jibni fuq ir-riżultati tal-awditu estern reċenti. Jimplimenta l-mappa direzzjonali li ġiet riveduta dan l-aħħar u jtejjeb il-governanza tas-Sistema Nazzjonali ta' Garanzija (NGS) u jagħmel dawn l-iskemi iktar effiċjenti filwaqt li jnaqqas ir-riskji għall-Istat;

(o)

jistabbilixxi istituzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp (DFI) bl-għan li tiġi ssimplifikata u ċċentralizzata l-ġestjoni tal-parti rimborżabbli tal-istrumenti finanzjarji tal-fondi strutturali tal-Unjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. L-istituzzjoni la għandha taċċetta depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u lanqas ma għandha tinvolvi ruħha f'self dirett.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

G. STOURNARAS


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE tas-17 ta' Mejju 2011 dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall (ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88).

(3)  ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.

(4)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

(5)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

10.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/69


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 303/13/COL

tat-10 ta' Lulju 2013

dwar Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq (In-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (L-“AWTORITÀ”),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim ta' Sorveljanza u tal-Qorti”), b'mod partikolari l-Artikolu 24,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Sorveljanza u Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 6, u 7(4) tal-Parti II,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-proċedura

(1)

F'ittra datata t-2 ta' Mejju 2012, u wara diskussjonijiet ta' qabel in-notifika mal-Awtorità, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq, skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 (1).

(2)

F'ittra datata s-27 ta' Ġunju 2012, (2) l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikolu 6(1) tal-Parti II tal-Protokoll 3 fir-rigward tal-pjan li tingħata għajnuna skont l-Iskema tal-Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità (Nru 246/12/COL) li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (3).

(4)

L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom għad-Deċiżjoni Nru 246/12/COL f'ittra datata s-27 ta' Awwissu 2012 (4).

(5)

L-Awtorità rċeviet kummenti fuq id-Deċiżjoni Nru 246/12/COL minn tmien partijiet terzi interessati (5).

(6)

L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar il-kummenti minn partijiet terzi f'ittri datati l-15 ta' Novembru 2012 (6) u t-23 ta' April 2013 (7).

2.   Deskrizzjoni tal-miżura proposta

2.1.   L-Iskema ta' Fond għal Titjiriet Charter

(7)

Il-miżura tikkonsisti f'li tiġi stabbilita Skema ta' Fond għal Titjiriet Charter (il-“Fond għal Titjiriet Charter” jew “l-Iskema”) li se jagħtu għajnuna lil operaturi turistiċi li jorganizzaw titjiriet charter (8) lejn tliet kontej fin-Norveġja ta' Fuq: Nordland, Troms u Finnmark (il-“Kontej”). Il-Fond għal Titjirier Charter se tkun impriża mingħajr skop ta' profitt li taġixxi bħala xprun għall-għoti ta' għajnuna. Il-kapitalizzazzjoni tal-Fond għat-titjiriet Charter se ssir b'fondi mit-tliet Kontej.

(8)

L-Iskema se tkopri titjiriet charter lejn l-ajruporti kollha fin-Norveġja ta' Fuq. L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li huma qed jistennew biss inġenji tal-ajru kbar (9)biex ikunu rilevanti minħabba li inġenji tal-ajru bħal dawn biss huma ġeneralment adattati għal titjiriet charter. (10) L-ajruporti kollha fin-Norveġja kollha għandhom kapaċità żejda.

(9)

L-għajnuna se tieħu l-forma ta' pagament sa massimu ta' 25 % tal-ispejjeż totali taċ-Charter imġarrba mill-operatur turistiku għal titjiriet eliġibbli u se tkun limitata biex tkopri biss dawn l-ispejjeż. (11)

(10)

L-awtoritajiet Norveġiżi jantiċipaw li l-Fond għal Titjiriet Charter se jwassal għal serje ta' 16-il titjira charter (12) b'seba' rotazzjonijiet ta' titjiriet għal kull serje ta' titjiriet charter, jiġifieri, total ta' 112 titjira b'rotazzjoni. Fattur tal-kabina ta' 60 % (13) huwa “l-agħar xenarju possibbli” li se jwassal għall-ogħla intensità tal-għajnuna. (14) Jekk wieħed jassumi medja fil-fattur tal-kabina ta' 60 %, l-ammont annwali totali ta' għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter huwa stmat li jkun madwar NOK 8 400 000. (15)

(11)

L-Iskema hija parti minn strateġija ta' żvilupp reġjonali koerenti tal-awtoritajiet Norveġiżi. Wieħed mill-għanijiet ta' politika ewlenin tal-“Politika tan-Naħa ta' Fuq Estrema” huwa li “tissaħħaħ il-bażi għall-impjiegi, il-ħolqien tal-valur u l-benesseri madwar il-pajjiż permezz ta' sforz reġjonali u nazzjonali f'kooperazzjoni ma' msieħba minn pajjiżi oħrajn u gruppi indiġeni rilevanti”. (16) Il-politika għal Norveġja ta' Fuq tiffoka speċifikament fuq it-turiżmu, li għandha l-għan li tostakola d-depopolazzjoni billi jinħolqu l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu. L-istrateġija tat-turiżmu tal-Gvern Norveġiż tagħmel referenza wkoll għall-Fond għal Titjiriet Charter. (17) L-iffokar fuq it-turiżmu biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni hija politika importanti tal-awtoritajiet reġjonali fil-kontej ta' Nordland, Troms u Finnmark. (18)

(12)

Il-Fond għal Titjiriet Charter x'aktarx se jiġi organizzat bħala impriża fil-proprjetà tat-tliet Kontej. Il-Bord tad-Diretturi tal-Fond għal Titjiriet Charter se jaħtar grupp biex japprova applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-Iskema suġġetti għal ċerti kriterji li huma sodisfaċenti.

2.2.   L-għan u l-effett possibbli tal-miżura ta' għajnuna

(13)

L-għan tal-Fond għal Titjiriet Charter huwa li jiżdied l-użu tal-ajruporti fin-Norveġja ta' Fuq u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. Il-miżura ta' għajnuna hija maħsuba biex tnaqqas ir-riskju ekonomiku involut fl-operar ta' Titjiriet Charter (titjiriet mhux skedati) lejn in-Norveġja ta' Fuq.

(14)

Il-Kontej huma żoni b'densità baxxa ta' popolazzjoni b'densità ta' popolazzjoni medja ta' 4,2 abitanti għal kull kilometru kwadru u b'hekk jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' “reġjuni l-inqas popolati” kif stabbilit fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tal-Awtorità. (19) Barra minn hekk, il-Kontej qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-popolazzjoni.

(15)

Numru limitat ta' rotot b'titjiriet charter ġew imħaddma fil-passat lejn in-Norveġja ta' Fuq, madankollu, mingħajr suċċess. (20) Raġuni għal dan jista' jkun ir-regoli ta' kanċellazzjoni li japplikaw għat-titjiriet charter. Il-kanċellazzjoni fi stadju tard hija għalja ħafna. L-iskadenza biex tieħu deċiżjoni jekk tikkanċellax jew le titjira charter hija bosta xhur qabel l-operazzjoni tas-serje tat-titjiriet charter. Jekk il-bejgħ ta' biljetti f'dik id-data hija limitata, is-serje ta' titjiriet charter ta' spiss tkun ikkanċellata. L-operatur turistiku altrimenti jkun qed jieħu riskju li jkollu jħallas it-tariffa ta' kanċellazzjoni jew iġarrab it-telf korrispondenti għall-postijiet vojta. L-industrija tat-turiżmu temmen li jekk dak ir-riskju jitnaqqas, jseħħu bosta titjiriet. Titjiriet bħal dawn jistgħu saħansitra jagħmlu qligħ. Madankollu, l-operaturi turistiċi jidhru li jippreferu jikkanċellaw it-titjiriet minħabba r-riskju ta' postijiet vojta minflok ma jistennew u jittamaw li bejgħ tard irendi qligħ għat-titjira.

(16)

Fl-2010, l-istima tal-impatt ekonomiku fit-turiżmu fit-tliet Kontej kien ta' madwar NOK 14-il biljun. Dan jinkludi effetti kemm diretti kif ukoll indiretti tat-turiżmu. (21) It-tabella li ġejja tagħti xi eżempji tal-infiq turistiku maqsum bejn industriji differenti fit-tliet kontej. (22)

Kontea/industrija

Ikel/xorb

Passiġġieri trasport

Attivitajiet

Ikel/xorb

Ilbies u żraben

Souvenir, mapep eċċ.

Finnmark

311,7 miljun

470,8 miljun

51,1 miljun

192,9 miljun

45,8 miljun

23,2 miljun

Troms

453,9 miljun

1457,8 miljun

80,0 miljun

250,8 miljun

59,6 miljun

31,6 miljun

Nordland

664,0 miljun

2654,6 miljun

110,3 miljun

428,7 miljun

101,9 miljun

46,6 miljun

(17)

L-industrija tal-lukandi fin-Norveġja ta' Fuq tbati minn kapaċità żejda u marġni tal-operat baxx. Barra minn hekk, l-użu tal-kapaċità jvarja konsiderevolment matul is-sena. Waħda mill-isfidi għall-industrija tat-turiżmu hija il-ħafna xogħol tal-istaġun. L-awtoritajiet Norveġiżi jassumu li l-Iskema se twassal għal żieda fit-turiżmu fl-istaġjun baxx, b'effett partikolarment pożittiv fuq l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu. Fl-2012, ġie stmat li vjaġġaturi lejn in-Norveġja ta' Fuq jonfqu NOK 9000 (għal kull persuna) fir-reġjun. (23) L-awtoritajiet Norveġiżi jassumu li livell baxx ta' għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se jwassal għal ammont għoli ta' infiq mit-turisti fil-qasam fil-mira tal-Iskema. Dan jista' jiġi spjegat mit-tabella li ġejja. (24)

Il-fattur medju tal-kabina

Numru ta' turisti għall-ewwel sena

Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter

L-infiq turistiku

L-ispiża tal-Fond għal Titjiriet Charter/l-infiq turistiku

60 %

10 714

8 400 000

96 422 400

8,7 %

61 %

10 892

7 980 000

98 029 440

8,1 %

62 %

11 071

7 560 000

99 636 480

7,6 %

63 %

11 249

7 140 000

101 243 520

7,1 %

64 %

11 428

6 720 000

102 850 560

6,5 %

65 %

11 606

6 300 000

104 457 600

6,0 %

66 %

11 785

5 880 000

106 064 640

5,5 %

67 %

11 964

5 460 000

107 671 680

5,1 %

68 %

12 142

5 040 000

109 278 720

4,6 %

69 %

12 321

4 620 000

110 885 760

4,2 %

70 %

12 499

4 200 000

112 492 800

3,7 %

71 %

12 678

3 780 000

114 099 840

3,3 %

72 %

12 856

3 360 000

115 706 880

2,9 %

73 %

13 035

2 940 000

117 313 920

2,5 %

74 %

13 213

2 520 000

118 920 960

2,1 %

75 %

13 392

2 100 000

120 528 000

1,7 %

76 %

13 571

1 680 000

122 135 040

1,4 %

77 %

13 749

1 260 000

123 742 080

1,0 %

78 %

13 928

840 000

125 349 120

0,7 %

79 %

14 106

420 000

126 956 160

0,3 %

80 %

14 285

0

128 563 200

0,0 %

2.3.   Bażi legali nazzjonali għall-miżura tal-għajnuna

(18)

Injezzjonijiet ta' kapital mill-Kontej għall-Fond għal Titjiriet Charter se jsiru fuq il-baġits tiegħu. Il-bażi legali għall-għajnuna mogħtija se tkun deċiżjoni baġitarja meħuda mill-Kontej. (25)

(19)

Il-Fond għal Titjiriet Charter għandu jkun intitolat li jagħmel għotjiet ta' għajnuna bbażat fuq l-istatuti tiegħu (by-laws); se jiġu stipulati l-ftehimiet standard bejn il-Fond għal Titjiriet Charter u l-benefiċjarji tal-għajnuna.

2.4.   Benefiċjarji

(20)

L-applikanti għal għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se jkunu l-operaturi turistiċi, jiġifieri l-operatur charter. L-applikazzjonijiet kollha għall-Fond għal Titjiriet Charter għandhom ikunu appoġġjati minn tliet partijiet:

L-operatur turistiku, li hu s-sussidjarju dirett li jirċievi l-għajnuna;

Il-fornitur tad-destinazzjoni, li jista' tkun kumpanija ta' ġestjoni tad-destinazzjoni, lukanda, uffiċċju ta' informazzjoni għal turisti, jew kwalunkwe fornitur kummerċjali ieħor ta' servizzi turistiċi. Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter mhux se tingħata għal “pakketti ta' titjiriet biss”. Għandu jintwera li l-pakkett ta' tour ta' miżuri jinkludi “arranġament fuq l-art” fiż-żona li tkun fil-mira tal-Iskema, b'valur ta' mill-inqas NOK 800 għal kull turist;

Il-linja tal-ajru, għandha tistabbilixxi l-ispejjeż kollha, l-iskadenzi, il-penali, l-obbligi u r-responsabbiltajiet applikabbli għas-serje ta' titjiriet charter.

(21)

Il-grupp ta' approvazzjoni tal-Fond għal Titjiriet Charter jista' jirrifjuta applikazzjoni jekk:

Il-limitazzjonijiet tal-fond stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi tal-Fond għal Titjiriet Charter għall-perijodu inkwistjoni ġew milħuqa;

Huwa maħsub li kwalunkwe wieħed mill-imsieħba ta' sostenn tal-benefiċjarju mhux se jkun jista' jħallas il-prestazzjoni kummerċjali mistennija deskritta fl-applikazzjoni;

L-applikazzjoni mhijiex kompluta jew ma tikkonformax mal-linji gwida tal-Fond għal Titjiriet Charter.

(22)

Il-Fond għal Titjiriet Charter se jagħti għajnuna lil operaturi turistiċi li joperaw titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq. Dawn l-operaturi jistgħu jinsabu ġewwa jew barra n-Norveġja ta' Fuq jew ġewwa jew barra ż-ŻEE.

2.5.   L-intensità tal-għajnuna, l-ispejjeż eleġibbli, it-trikkib fuq skemi oħrajn

(23)

L-għajnuna se tieħu l-forma ta' pagament massimu sa 25 % tal-ispejjeż totali tat-titjiriet charter u se tkun limitata għal dawn l-ispejjeż biss (jiġifieri, l-obbligi finanzjarji skont il-kuntratt bejn operatur turistiku u l-linja tal-ajru). Spejjeż oħra mħallsa minn operaturi turistiċi mhumiex spejjeż eliġibbli skont l-Iskema.

(24)

L-għajnuna se tiġi kkalkulata b'referenza għall-“fattur tal-kabina” tal-medja ta' titjiriet operati taħt is-serje ta' titjiriet charter, esklużi vjaġġi vojta. (26) Il-fattur tal-kabina se jiġi ddeterminat skont l-għadd reali ta' passiġġieri li jkunu se jitilqu diviża bil-massimu ta' kapaċità ta' postijiet tal-inġenji tal-ajru. Id-dejta dwar il-passiġġieri se tkun ibbażata fuq in-numri uffiċjali li jiġu rreġistrati mill-awtoritajiet Norveġiżi tal-ajruporti. Vjaġġi vojta mhux se jitqiesu meta tiġi kkalkulata l-medja fil-fattur tal-kabina iżda se jiġu inklużi meta l-ispejjeż totali eliġibbli għas-serje ta' titjiriet charter jiġu kkalkulati.

(25)

L-operaturi turistiċi se jkunu meħtieġa jistabbilixxu punt ta' profitabbiltà ta' 80 % tal-fattur tal-kabina. (27) Jekk il-bejgħ jilħaq biss 60 % tal-fattur tal-kabina jew inqas, il-Fond għal Titjiriet Charter se jirrimborża l-operatur turistiku b'25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter, li se tkun l-intensità massima tal-għajnuna. Għalhekk, is-sostenn massimu (25 %) se jingħata għal fatturi tal-kabina ta' 60 % jew inqas. L-għajnuna se tonqos għal żero meta l-fattur tal-kabina jilħaq 80 %. Dan jintwera fit-tabella li ġejja. (28)

Il-fattur tal-kabina

Id-dħul mill-bejgħ (NOK)

Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter (NOK)

50 %

187 500

75 000

55 %

206 250

75 000

60 %

225 000

75 000

65 %

243 750

56 250

70 %

262 500

37 500

75 %

281 250

18 750

80 %

300 000

0

(26)

Jekk l-inġenju tal-ajru mħaddem taħt serje ta' titjiriet charter jilħaq il-fattur tal-kabina bejn 60 % — 80 %, il-kontribuzzjoni mħallsa mill-Fond għal Titjiriet Charter se tkopri telf imġarrab mill-operatur turistiku f'konnessjoni mas-serje ta' titjiriet charter. Iċ-ċifra li ġejja turi kif se jaħdem il-Fond għal Titjiriet Charter. (29)

Image

(27)

Kif muri fiċ-ċifra ta' hawn fuq, jekk t-titjiriet jiġu operati b'fattur tal-kabina ta' inqas minn 60 %, l-operatur turistiku se jitlef il-flus, billi t-tqabbil ta' bejgħ mid-dħul u l-intensità ta' għajnuna ta' 25 % mhux se jkunu biżżejjed biex jintlaħaq il-punt ta' ekwilibriju. L-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond għal Titjiriet charter se tkopri biss it-telf tal-operatur turistiku meta l-fattur tal-kabina jkun bejn 60 % u 80 %.

(28)

L-għajnuna se titħallas lill-operaturi turistiċi mill-Fond għal Titjiriet Charter wara li jkun sar serje ta' titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq u wara li l-grupp ta' approvazzjoni tal-Fond għal Titjiriet Charter ikun evalwa u kkonferma li huma ssodisfati l-kriterji kollha għall-għoti.

(29)

Għajnuna skont il-Fond għal Titjiriet Charter tista' tiġi kumulata ma' forom oħra ta' għajnuna. Il-finanzjament tal-istess spejjeż eliġibbli taħt skemi oħrajn se jiġi kkoordinat mill-Fond għal Titjiriet Charter u l-ammonti massimi ta' għajnuna fil-linji gwida applikabbli mhux se jinqabżu. L-għajnuna operatorja skont il-Fond għal Titjiriet Charter ma tistax tiġi kumulata b'appoġġ de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli biex jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

2.6.   Monitoraġġ u reklamar

(30)

Il-Fond għal Titjiriet Charter se jkun ippubblikat f'sottopaġna ġdida fis-sit (30) tal-Avinor AS' u fuq www.visitnorthnorway.com.

(31)

Il-Fond għal Titjiriet Charter se jiżgura li lista ta' operaturi turistiċi li jirċievu l-għajnuna tiġi ppubblikata kull sena, f'kull każ billi jiġi indikat is-sors tal-finanzjament pubbliku, il-kumpanija benefiċjarja, l-ammont tal-għajnuna mħallsa u l-għadd ta' passiġġieri kkonċernat.

(32)

Fil-każ li operatur turistiku jonqos milli jikkonforma mal-kriterji stabbiliti mill-Fond għal Titjiriet Charter meta tingħata l-għajnuna, mekkaniżmi għall-penali se japplikaw.

2.7.   Baġit u tul ta' żmien

(33)

Il-baġit tal-Fond għal Titjiriet Charter għall-ewwel tliet snin ta' ħidma se jammonta għal NOK 30 miljun. Minn hemm' il quddiem, aktar kapital se jiġi investit biss jekk meħtieġ. Il-bażi kapitali massima m'għandhiex tkun iktar minn NOK 30 miljun. L-għotja massima possibli ta' għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se tkun NOK 15-il miljun fis-sena (massimu ta' għajnuna assoluta). Madankollu, huwa stmat li l-ammont ta' għajnuna mogħtija mill-Fond għal Titjiriet Charter se jkun b'mod sinifikanti taħt NOK 10 miljuni fis-sena.

(34)

L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li l-Fond għal Titjiriet Charter ikun operattiv għal 10 snin.

2.8.   Raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali

(35)

Abbażi tal-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huma sodisfatti u li l-Iskema notifikata tinvolvi għajnuna mill-Istat. Fid-Deċiżjoni tal-Awtorità (Nru 246/12/COL), l-Awtorità esprimiet dubji dwar jekk l-Iskema tikkonformax mal-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE, moqrija flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tal-Awtorità. Id-dubji kienu b'mod partikolari relatati mal-fatt jekk l-għajnuna operatorja tistax tingħata biex tidderieġi riċevituri li jinsabu barra r-reġjun ta' Norveġja ta' Fuq.

3.   Kummenti mill-partijiet terzi

(36)

L-Awtorità rċeviet kummenti mingħand tmien partijiet terzi interessati, seba' favur il-Fond għal Titjiriet Charter: Innovative Experiences, (31) NHO Reiseliv, (32) Avinor, VinterTroms AS, (33) Northern Norway Tourist Board Ltd, Hotel chains Rica Hotels u Thon Hotels, u Voigt Travel b.v.; u wieħed kontra: NHO Luftfart. (34)

(37)

Il-partijiet terzi kollha favur il-Fond għal Titjiriet Charter jappoġġjaw bil-qawwa l-Fond għal Titjiriet Charter u jissottomettu li huwa ta' importanza kbira ħafna għall-iżvilupp reġjonali ta' Norveġja ta' Fuq u għal Norveġja ta' Fuq bħala destinazzjoni turistika. Xi wħud mill-kummenti sottomessi lill-Awtorità huma:

Sabiex tiġi żviluppata esperjenza profittabbli matul is-sena ta' turiżmu bbażat fuq l-esperjenza fin-Norveġja ta' Fuq, l-aċċess għal gruppi fil-mira internazzjonali importanti huwa vitali. Iż-żieda fil-passiġġieri li jaslu fix-xitwa hija importanti ħafna, u aktar titjiriet charter diretti se jappoġġaw dan l-iżvilupp. Għal waqfiet qosra jew żjarat barra l-istaġun tas-sewqan fis-sajf lejn in-Norveġja ta' Fuq, jew l-użu ta' xarabank jew ferroviji, mhijiex għażla għal gruppi fil-mira. In-Norveġja ta' Fuq teħtieġ aktar operazzjonijiet matul is-sena kollha sabiex jiġu żgurati persunal kompetenti għall-industrija tat-turiżmu, u sabiex jiġu sostnuti kundizzjonijiet vitali u attraenti għar-reġjun fis-snin li ġejjin. Hemm relazzjoni qawwija bejn ir-reġjun bħala reġjun popolat u attraenti biex tgħix fih, u n-Norveġja ta' Fuq bħala reġjun għat-turiżmu sostenibbli, awtentiku u matul is-sena kollha.

In-Norveġja ta' Fuq hi mhedda mid-depopolazzjoni. Bl-eċċezzjoni ta' Tromsø, l-ajruporti kollha fir-reġjun għandhom kapaċità terminali żejda suffiċjenti li tista' tiġi utilizzata għal titjiriet internazzjonali, għall-benefiċċju tar-reġjun. Il-miżura nnotifikata se tgħin biex l-ajruporti tal-Avinor fin-Norveġja ta' Fuq isiru gateway b'ċertu saħħa lokali għat-turiżmu. Dan se jikkontribwixxi għal iktar xogħol f'din iż-żona, u l-iżvilupp tat-turiżmu għalhekk se jkollu effetti pożittivi sinifikanti reġjonali.

Sfida partikolari fl-industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq hija kif se joperaw matul is-sena kollha u jiżguraw li hemm bażi tal-klijenti suffiċjenti matul ix-xhur tax-xitwa biex tkun sostenibbli u profittabbli.

Għall-iżvilupp tat-turiżmu tax-xitwa lejn in-Norveġja ta' Fuq, titjiriet charter huma prijorità. Il-Fond għal Titjiriet Charter se jkun kruċjali għall-iżvilupp ta' traffiku tax-xitwa profittabbli u għall-impjiegi matul is-sena kollha fl-industrija tat-turiżmu fir-reġjun.

Hija l-intenzjoni ta' Northern Norway Tourist Board Ltd li żżid in-numru ta' viżitaturi għaż-żona bi kważi 100 %, minn 2,9 miljun sa 5 miljuni, sal-2018. Biex jintlaħaq dan l-għan, it-titjiriet charter huma estremament importanti u, skont l-operaturi turistiċi, l-unika triq biex id-destinazzjonijiet isiru aċċessibbli.

Għal operaturi turistiċi l-isfida hija r-riskju ta' falliment, billi n-Norveġja ta' Fuq hija destinazzjoni ġdida u ħafna minnhom diġà jbigħu prodotti simili fi swieq kompetittivi. Għalhekk, li jimtlew it-titjiriet charter u li l-operazzjoni ssir profittabbli bi prezz xieraq mhijiex ħaġa faċli.

Il-fatt li kien hemm tnaqqis sinifikanti f'charters ta' xarabanks mill-Ewropa lejn in-Norveġja ta' Fuq matul l-aħħar ftit snin ifisser li hemm ħtieġa biex jissostitwixxu dan it-traffiku ma' traffiku ġdid, bħal titjiriet charter.

Titjiriet charter joperaw minn ajruport konvenjenti għall-klijent min-naħa waħda, direttament lejn id-destinazzjoni magħżula, u b'hekk jiġu evitati l-ħela ta' ħin, id-dewmien, l-ispejjeż u l-enerġija ikkawżati mill-ivvjaġġar tranżit fuq diversi titjiriet skedati.

It-tħaddim ta' titjiriet charter huwa operazzjoni b'riskji għoljin, billi t-termini ta' kanċellazzjoni tal-linji tal-arju ma jikkoinċidux mal-imġiba ta' bbukkjar ta' klijenti. Inċentiv li se jnaqqas ir-riskji jista' jinkoraġġixxi t-traffiku ukoll għal destinazzjoni relattivament ġdida (fix-xitwa) (in-Norveġja ta' Fuq).

It-tħejjija u l-bejgħ ta' programmi turistiċi lin-Norveġja ta' Fuq bl-użu ta' rotot skedati tradizzjonali fin-Norveġja mhumiex ikkunsidrati bħala alternattiva. Pakketti li jinkludu t-trasport b'titjiriet skedati jkunu prodott totalment differenti u jinvolvu d-dħul f'qasamtas-suq li huwa differenti għal kollox.

(38)

Taqsira tal-kummenti ewlenin tal-parti terza li tesprimi żvantaġġ f'rabta mal-Fond għal titjiriet charter tinsab hawn taħt: (35)

Mhuwiex korrett li ftit rotot biss li ma jirnexxux ġew imħaddma matul l-aħħar snin. Pereżempju, SAS ħadmet rotot b'titjiriet charter minn Tromsø, Evenes u Bodø f'bosta destinazzjonijiet fl-Ewropa għal bosta snin, u b'żieda regolari annwali matul l-aħħar ftit snin. Huwa għalhekk possibbli li rotot bħal dawn jitħaddmu fuq bażi kummerċjali.

Huwa qarrieqi li ssostni li l-operaturi turistiċi jieħdu l-akbar riskji marbuta b'titjiriet charter. Pereżempju, SAS toffri kuntratt standard li jippermetti kanċellazzjoni mingħajr spiża żejda sa 60 jum qabel it-titjira. Kanċellazzjoni wara tkun suġġetta għall-pagament ta' miżata.

Is-sistema tar-rotta tal-ajru Norveġiża hija mibnija madwar il-prinċipju “b'ċentru stabbli b'ħafna konnessjonijiet differenti possibbli” (“hub and spokes” principle). Oslo Lufthavn Gardermoen jservi bħala punt naturali għat-traffiku kollu lejn in-Norveġja, li serva bħala bażi għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport bl-ajru domestika b'saħħitha. Għalhekk, hemm interrelazzjoni kompetittiva diretta bejn ir-rotot tal-ajru attwali lejn/min-Norveġja ta' Fuq u kwalunkwe rotot ġodda b'titjira charter li jkunu ssussidjati mill-Fond għal Titjiriet Charter. Hemm għadd sinifikanti ta' passiġġieri internazzjonali fuq ir-rotot tal-ajru ordinarji lejn in-Norveġja ta' Fuq.

L-Iskema se jkollha konsegwenzi ekonomiċi diretti għal kumpaniji li joperaw titjiriet skedati ordinarji.

L-Iskema se tiddiskrimina bejn tali titjiriet charter eliġibbli għall-għajnuna u possibbilment rotot tal-ajru ordinarji ġodda minn barra direttament lejn in-Norveġja ta' Fuq. Għajnuna mill-Istat għal titjiriet charter se timpedixxi l-bidu ta' rotot skedati ġodda u tkun qed tikser il-prinċipju fundamentali ta' kompetizzjoni ekwa.

Titjiriet interkontinentali normalment jeħtieġu fattur tal-kabina iktar minn 80 % biex jagħmlu qligħ. Sabiex ikun hemm offerta ta' trasport bl-ajru tajba 'l ġewwa lejn in-Norveġja minn destinazzjonijiet Ewropej, it-tqegħid ta' bażijiet tal-ajruport hu deċiżiv. Pereżempju, biex jattiraw turisti Brittaniċi direttament lejn destinazzjonijiet iżgħar fin-Norveġja ta' Fuq, bażi fir-Renju Unit jkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti. Għalhekk, fil-prattika, l-Iskema se tiffavorixxi trasportaturi bl-ajru barranin.

Huwa kompletament possibbli għall-awtoritajiet Norveġiżi li jixtru rotot ta' trasport bl-ajru skont ir-Regolament Nru 1008/2008. (36)

4.   Kummenti mill-Awtoritajiet Norveġiżi

(39)

L-awtoritajiet Norveġiżi taw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni Nru 246/12/COL f'ittra datata s-27 ta' Awwissu 2012 (37) u l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kummenti minn partijiet terzi f'ittri ddatati l-15 ta' Novembru 2012 u t-23 ta' April 2013. (38)

(40)

Il-biċċa l-kbira taż-żoni tal-Artiku fin-Norveġja ta' Fuq, isofru minn problemi relatati ma' grad baxx ta' diversifikazzjoni industrija lokali, kif ukoll problemi li jirriżultaw mid-distanza, distanzi twal interni u esterni u kundizzjonijiet klimatiċi ħorox. Il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub biex jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-industrija fiż-żona, il-ħolqien tal-impjiegi fis-settur tat-turiżmu u s-setturi relatati miegħu. Il-Kontej jemmnu li l-Fond għal Titjiriet Charter se jkun għodda importanti li bih irażżnu d-depopolazzjoni taż-żona.

(41)

Huwa kompletament konformi mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali li tingħata għajnuna lil xi impriża li tinsab barra ż-żona rilevanti sakemm l-effett maħsub tal-għajnuna jseħħ fir-reġjun eliġibbli għal għajnuna reġjonali. Il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub li jkollu effett fit-tliet Kontej tan-Norveġja ta' Fuq.

(42)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali u l-Linji Gwida dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali ma għandhomx xi limitazzjonijiet fuq l-għoti ta' għajnuna operatorja fuq il-bażi ta' fejn jinsab il-benefiċjarju, sakemm l-effett maħsub iseħħ fir-reġjun ikkonċernat. Barra minn hekk, il-prattika tal-Kummissjoni tal-UE u tal-Awtorità skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE u l-Artikolu 61(3)(c) taż-ŻEE rispettivament, kemm fir-rigward ta' għajnuna operatorja kif ukoll ta' għajnuna tal-bidu lil ajruporti reġjonali, ippermettiet għajnuna operatorja mingħajr kwalunkwe limitazzjonijiet fuq il-post tal-benefiċjarju.

(43)

Ir-rabta bejn l-għajnuna u ż-żona mmirata hija ċara. Iċ-ċifra li ġejja turi kif il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub biex iġib effetti pożittivi lejn in-Norveġja ta' Fuq. (39)

Image

(44)

L-attività ekonomika maħluqa se jkollha bosta effetti. Il-linja tal-ajru se tirċievi introjtu mill-operatur tat-titjiriet charter għall-kiri tal-inġenju tal-ajru. L-operatur turistiku se jirċievi introjtu mit-titjiriet charter. L-impatt ewlieni huwa l-effett fuq l-ekonomija tan-Norveġja ta' Fuq, kif muri bil-vleġġeġ fil-kantuniera lejn in-naħa t'isfel tal-lemin fiċ-ċifra ta' hawn fuq. Il-Fond għal Titjiriet Charter ma fih l-ebda limitazzjonijiet fuq il-pożizzjoni tal-operatur turistiku li qed jikri l-inġenju tal-ajru, iżda l-operatur turistiku se jirċievi biss għajnuna jekk jopera serje ta' titjiriet charter lejn ajruport reġjonali fin-Norveġja ta' Fuq.

(45)

L-Iskema hija kemm neċessarja kif ukoll xierqa. (40)

(46)

Il-Kontej jemmnu li l-Fond għal Titjiriet Charter hu kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Jekk l-Awtorità ma taqbilx, il-Kontej jissottomettu li l-Iskema madankollu hija kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE, jew fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali, jew fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE direttament.

(47)

Rigward il-kummenti minn partijiet terzi, l-awtoritajiet Norveġiżi kkumenatw b'mod partikolari dwar l-osservazzjonijiet magħmula minn NHO Luftfart. (41) L-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw li xi wħud minn dawn l-osservazzjonijiet jidhru li jiddependu fuq xi opinjonijiet diverġenti tal-fatti.

Il-Kontej qatt ma kkontestaw l-eżistenza ta' titjiriet charter min-Norveġja ta' Fuq għal destinazzjonijiet ta' vakanza fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Madankollu, dan huwa suq differenti minn dak inkwistjoni. Is-suq rilevanti fil-każ preżenti attwali hu l-provvista u d-domanda għal titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq.

Il-Kontej mhumiex konxji ta' kuntratti li joffru termini favorevoli ta' kanċellazzjoni kif imsemmi minn NHO Luftfart. Operaturi u aġenti oħra fl-industrija ddikjaraw li t-terminu standard f'kuntratti ta' titjira charter huwa depożitu ta' 5-10 % bil-quddiem li mhux rifondibbli, jew miżata ta' kanċellazzjoni ta' 5-10 %. F'kull eventwalità, skadenza ta' 60 jum għal kanċellazzjoni mingħajr ħlas xorta waħda tesponi l-operaturi turistiċi għal riskju konsiderevoli, minħabba li hemm tendenza universali lejn prenotazzjonijiet aktar tard.

Il-Kontej huma inċerti f'dak li għandu x'jaqsam mar-rilevanza tal-argument ta' NHO Luftfart li s-sistema ta' rotot tal-ajru fin-Norveġja hija bbażata fuq sistema ta' “b'ċentru stabbli b'ħafna konnessjonijiet differenti possibbli” (“hub and spokes” principle). L-intenzjoni tal-Fond għal Titjiriet Charter hija li tistimula traffiku ġdid, u li ma tillimitax it-traffiku diġà eżistenti. Traffiku internazzjonali ġdid se jappoġġja l-iżvilupp il-ġdid tat-turiżmu, infrastruttura ġdida, u industrija tat-turiżmu sostenibbli u impjiegi. Il-Kontej jemmnu li dan se jsostni aktar id-domanda fuq servizzi skedati minn Oslo lejn in-Norveġja ta' Fuq. Titjiriet charter internazzjonali u domestiċi minn Oslo huma servizzi komplementari. Żieda f'titjiriet charter minn barra l-pajjiż ma tfixkilx it-tfassil tat-titjiriet tal-ajru Norveġiżi. Barra minn hekk, parti sinifikanti ta' vjaġġar lejn in-Norveġja ta' Fuq huwa l-ivvjaġġar għal negozju, qasam li fi kwalunkwe każ ma jiġix affettwat mill-Iskema.

L-effetti fuq il-kompetizzjoni għal titjiriet skedati jidhru esaġerati għal NHO Luftfart. Rotot differenti jikkostitwixxu swieq differenti. Barra minn hekk, titjiriet mhux skedati u titjiriet skedati huma wkoll swieq differenti.

Huwa diffiċli li wieħed jara kif il-miżura nnotifikata tista' tkun diskriminatorja. Rotot skedati ġodda ripetutament rċevew appoġġ, u l-kobor ta' appoġġ bħal dan huwa ħafna ogħla minn dak li se jitqassam permezz tal-Fond għal Titjiriet Charter.

Ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu fil-Fond għal Titjiriet Charter li jiddiskrimina kontra trasportaturi Norveġiżi. Operaturi tat-trasport tal-ajru skedati Norveġiżi m'għandhomx biss bażijiet fin-Norveġja kif sostniet NHO Luftfart.

Fir-rigward tal-possibbiltà tal-akkwist ta' servizzi tat-trasport bl-ajru fuq rotot li ma jrendux skont ir-Regolament Nru 1008/2008, il-Kontej ma jarawx ir-rilevanza tal-kumment.

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

1.1.   L-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

(48)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jispeċifika kif ġej:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f'dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, lill-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi tal-Istat li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.”

1.2.   Preżenza tar-riżorsi tal-istat

(49)

Il-miżura tal-għajnuna għandha tingħata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat.

(50)

L-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw li l-Fond għal Titjiriet Charter x'aktarx se jkun iffinanzjat direttament mill-baġits tat-tliet Kontej (ma jistax jiġi eskluż li jista' wkoll jirċievi finanzjament direttament mingħand l-Istat Norveġiż).

(51)

Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità tikkunsidra li din il-kondizzjoni hija ssodisfata hekk kif l-Iskema se tkun iffinanzjata jew mill-baġits tal-Kontej jew tal-Istat. (42)

1.3.   Preferenza mogħtija lil ċerti impriżi jew lill-produzzjoni ta' ċerti prodotti

(52)

L-ewwel nett, il-miżura tal-għajnuna għandha tagħti lill-benefiċjarji vantaġġ ta' eżenzjoni mit-tariffi li normalment jitħallsu mill-baġits tagħhom.

(53)

L-operaturi turistiċi li jibbenefikaw mill-Iskema se jirċievu għotja diretta li se tnaqqas l-ispejjeż tat-titjiriet charter fuq ċertu serje ta' titjiriet charter. Il-fornituri tas-servizzi li jinsabu fit-tliet Kontej jiksbu vantaġġ minn żieda f'turisti lejn ir-reġjun li indirettament se jibbenefikaw mill-Iskema.

(54)

It-tieni nett, il-miżura ta' għajnuna għandha tkun selettiva billi tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti”.

(55)

L-operaturi turistiċi biss li joperaw titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq se jibbenefikaw direttament mill-Iskema. Bl-istess mod, l-operaturi biss (fornituri tas-servizzi) li jinsabu fit-tliet Kontej indirettament se jibbenefikaw mill-Iskema.

(56)

Għaldaqastant l-Awtorità tikkonkludi li l-miżura hija selettiva.

1.4.   Tagħwiġ tal-kompetizzjoni

(57)

L-għajnuna mill-Istat hija koperta mill-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jekk dan ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa biżżejjed li l-għajnuna thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tagħti vantaġġ selettiv. L-għajnuna hija meqjusa bħala tfixkil tal-kompetizzjoni jekk tingħata lil impriża li twettaq attivitajiet f'kompetizzjoni ma' oħrajn.

(58)

Il-benefiċjarji tal-għajnuna diretta tal-Iskema huma l-operaturi turistiċi li jikru inġenji tal-ajru għan-Norveġja ta' Fuq (titjiriet mhux skedati). L-operaturi turistiċi huma attivi f'bosta pajjiżi u f'settur karatterizzat minn kompetizzjoni qawwija. Il-benefiċjarji indiretti tal-Iskema huma fornituri tas-servizzi fl-industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq, li se jibbenefikaw mill-għajnuna fil-forma ta' żieda fid-domanda minn turisti barranin. L-għajnuna tista' tinkoraġġixxi lit-turisti li jagħżlu biex jivvjaġġaw lejn in-Norveġja ta' Fuq minflok jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet tal-vaganzi f'pajjiżi oħrajn. Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ma sseħħx biss fil-livell ta' operaturi turistiċi imma possibilment ukoll fil-livell ta' fornituri ta' servizzi turistiċi. Barra minn hekk, l-ajruporti jikkompetu fil-livell internazzjonali sabiex jattiraw titjiriet u rotot ġodda. Għalhekk, l-għajnuna tista' wkoll possibbilment twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-ajruporti.

(59)

L-Awtorità hija tal-fehma li l-Iskema għandha mnejn issaħħaħ il-pożizzjoni tal-operaturi li jibbenefikaw mill-Iskema direttament jew indirettament meta mqabbla ma' kompetituri li ma jirċevux xi benefiċċju simili. Għalhekk, kwalunkwe għajnuna mogħtija skont l-Iskema tista' tiġi meqjusa bħala li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni.

1.5.   Effett fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti

(60)

L-għajnuna mill-Istat lill-impriżi speċifiċi hi meqjusa li taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jekk il-benefiċjarju jwettaq attività ekonomika li tinvolvi kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti. L-għajnuna se tingħata lill-operaturi turistiċi li joffru pakketti ta' vaganzi li jġibu turisti minn barra lejn in-Norveġja. Dan huwa, b'definizzjoni, attività transfruntiera. Barra minn hekk, l-industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq, li indirettament se tibbenefika mill-Iskema, tikkompeti mal-industriji tat-turisti f'pajjiżi oħra taż-ŻEE.

(61)

Għalhekk, il-finanzjament mill-Istat skont il-miżura nnotifikata se jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

1.6.   Konklużjoni

(62)

L-Awtorità tqis li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huma sodisfatti u li għalhekk, l-Iskema notifikata tinvolvi għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli biss mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jekk tikkwalifika għal waħda mid-derogi fl-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Rekwiżiti tal-proċedura

(63)

Il-miżura ta' għajnuna prevista mill-Iskema titqies bħala għajnuna operatorja. Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jikkunsidraw li, “skemi tal-għajnuna operatorja mhumiex koperti mill-pjanijiet ta' għajnuna reġjonali, u għandhom jiġu ivvalutati fuq bażi ta' każ b'każ fuq il-bażi ta' notifika mill-Istat tal-EFTA kkonċernat skont l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”. (43)

(64)

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 “l-Awtorità ta' Sorveljanza EFTA se tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti biex tkun tista' tissottometti l-kummenti tagħha, ta' kwalunkwe pjanijiet ta' għotja jew bidla bl-għajnuna. …. L-Istat ikkonċernat mhux se jdaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti tiegħu sakemm il-proċedura ma tkunx irriżultat f'deċiżjoni finali.”

(65)

Bit-tressiq tan-notifika b'rabta mal-Fond għal Titjiriet Charter fit-2 ta' Mejju 2012, (44) l-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw ir-rekwiżit tan-notifika fl-Artikolu 1(3) ta' Parti I tal-Protokoll 3.

(66)

Billi ma jimplimentawx l-Iskema notifikata, l-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw l-obbligu ta' waqfien totali stipulat fl-Artikolu 3 tal-Parti II tal-Protokoll 3.

(67)

Kif meħtieġ skont il-proċedura formali, l-Awtorità eżaminat il-kummenti magħmula mill-awtoritajiet Norveġiżi kif ukoll il-kummenti li saru minn partijiet terzi.

3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

3.1.   Valutazzjoni tal-miżura ta' għajnuna skont l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim taż-ŻEE flimkien mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali

(68)

Fuq il-bażi tad-deroga fl-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, dan li ġej jista' jiġi kkunsidrat li hu kompatibbli mat-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE:

“għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.”

(69)

Bil-ħsieb li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna, kif diġà ġie nnotat, din tikkostitwixxi għajnuna operatorja. Għajnuna operatorja tneħħi r-responsabbiltà ta' impriża minn spejjeż li normalment ikollha tħallas fil-ġestjoni tagħha ta' kuljum jew fl-attivitajiet normali. (45) Għajnuna operatorja mhiex permessa.

(70)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jipprovdu li:

“fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(a) u l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, l-għajnuna mill-Istat mogħtija biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta' ċerti żoni żvantaġġjati fi ħdan iż-ŻEE tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Dan it-tip ta' għajnuna mill-Istat hi magħrufa bħala għajnuna reġjonali. Għajnuna reġjonali nazzjonali tikkonsisti minn għajnuna għal investiment mogħtija lil kumpaniji kbar, jew f'ċerti ċirkostanzi limitati, għajnuna operatorja, li fiż-żewġ każijiet huma mmirati lejn reġjuni speċifiċi sabiex jiġu indirizzati differenzi reġjonali” (enfasi miżjuda). (46)

(71)

Il-Linji Gwida jipprovdu wkoll li:

“B'deroga mill-paragrafu ta' qabel, l-għajnuna operatorja li mhijiex imnaqqsa u limitata b'mod progressiv maż-żmien tista' tiġi awtorizzata biss fir-reġjuni l-anqas popolati, sakemm tkun intenzjonata li tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa ta' dawn ir-reġjuni. (47) Ir-reġjuni l-anqas popolati jirrappreżentaw jew huma parti mir-reġjuni fuq livell NUTS-II għan-Norveġja u livell NUTS IV għall-Islanda b'densità ta' popolazzjoni ta' tmien abitanti għal kull km2 jew inqas u jestendu għal żoni iżgħar kontigwi li jissodisfaw l-istess kriterju ta' densità ta' popolazzjoni” (enfasi miżjuda). (48)

3.2.   L-għajnuna tista' biss tkun awtorizzata fir-reġjuni l-inqas popolati

3.2.1.   It-tliet Kontej jappartjenu lil reġjuni l-inqas popolati

(72)

Kif previst mil-Linji Gwida tal-Għajnuna Reġjonali, l-għajnuna operatorja li ma tkunx la mnaqqsa progressivament u lanqas limitata fiż-żmien tista' biss tkun awtorizzata fir-reġjuni l-inqas popolati, sakemm hija maħsuba biex tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa ta' dawk ir-reġjuni. Ir-reġjuni l-anqas popolati huma reġjuni b'densità ta' popolazzjoni massima ta' 8 abitanti jew inqas għal kull kilometru kwadru. (49)

(73)

It-tliet Kontej għandhom densità tal-popolazzjoni ta' 4,2 abitant għal kull kilometru kwadru. Għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida għall-għajnuna reġjonali li jibbenefikaw minn aktar valutazzjoni flessibbli tal-kompatibilità ta' miżura ta' għajnuna operatorja.

3.2.2.   Il-benefiċjarji diretti tal-Iskema mhux bilfors jinsabu fir-reġjuni l-inqas popolati — ir-rabta bejn il-miżura ta' għajnuna u l-iżvilupp reġjonali tan-Norveġja ta' Fuq

(74)

L-għajnuna bħala tali se titħallas lill-operaturi turistiċi li jistgħu jinstabu 'l barra min-Norveġja/iż-ŻEE. Il-benefiċjarju dirett tal-għajnuna għalhekk mhux neċessarjament se jinsab fir-reġjuni l-inqas popolati.

(75)

Fid-Deċiżjoni tagħha ta' ftuħ, l-Awtorità tiddubita jekk skema li tipprovdi għall-għoti ta' għajnuna operatorja lil benefiċjarji li jistgħu jinstabu 'l barra mir-reġjuni l-anqas popolati tistax tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. L-Awtorità qajmet mistoqsijiet dwar jekk il-fatt li l-impriżi fir-reġjun ikkonċernat huma indirettament fil-mira tal-Iskema tikkostitwixxix rabta qawwija biżżejjed għall-iżvilupp reġjonali taż-żona.

(76)

L-awtoritajiet Norveġiżi argumentaw dwar jekk ir-rabta bejn l-għajnuna lil operatur turistiku u l-iżvilupp reġjonali ta' Norveġja ta' Fuq hijiex biżżejjed għar-raġunijiet li ġejjin:

L-Iskema se tapplika esklussivament għal titjiriet charter lejn in-Norveġja ta' Fuq;

Pakketti biss li jinkludu “arranġament tal-art” se jkunu eliġibbli għal għajnuna skont l-Iskema; u

L-għajnuna se titħallas mill-Fond għal Titjiriet Charter lil operaturi turistiċi wara li jkunu saru t-titjiriet lejn iż-żona fil-mira.

(77)

L-Awtorità tinnota li operatur turistiku se jirċievi għajnuna biss jekk jopera serje ta' titjiriet charter ma ajruport reġjonali fin-Norveġja ta' Fuq. L-għajnuna ma tingħatax għat-trasport ta' turisti fuq titjiriet charter 'il barra minn dan ir-reġjun. Huwa ċar li ż-żona fil-mira tal-Iskema hija n-Norveġja ta' Fuq, fost iż-żoni l-anqas popolati tan-Norveġja. L-Awtorità tinnota wkoll il-ħtieġa li l-Iskema tapplika biss għal pakketti li jinkludu “arranġament tal-art” f'dan ir-reġjun. Dan ifisser li l-Iskema jista' jkollha effett dirett fir-reġjun billi jiddaħħlu turisti li kieku ma jiġux fir-reġjun. L-“arranġament tal-art” għandu jiżgura li t-turisti jibqgħu fir-reġjun matul il-vaganza tagħhom fin-Norveġja ta' Fuq. L-“arranġament tal-art” hu meħtieġ mill-Iskema li jkollu valur ta' mill-inqas NOK 800 għal kull turist. Għajnuna mill-Fond għal Titjiriet Charter se tingħata ladarba s-serje ta' titjiriet charter ikun tlesta u wara li jkun ġie dokumentat li l-kriterji ta' għoti ġew sodisfati. Wieħed mill-kriterji ta' għoti hu l-applikazzjoni appoġġjata minn fornitur tad-destinazzjoni ta' servizzi turistiċi. L-għajnuna mhix se tingħata lil “pakketti li jinkludu titjiriet biss”. Il-fornituri tas-servizzi li jinsabu fit-tliet Kontej se jiggwadanjaw minn żieda f'turisti u ż-żieda konsegwenti fid-domanda għas-servizzi tagħhom u, bħala tali, se jibbenefikaw indirettament mill-Iskema. It-tabelli fit-Taqsima 2.2 fil-Parti I hawn fuq dwar l-infiq ta' turisti fir-reġjun, juru li żieda fin-numru ta' turisti se jkollha impatt ekonomiku dirett fuq is-settur tat-turiżmu fir-reġjun. L-Awtorità tqis li l-effetti ekonomiċi ewlenin tal-Iskema se jkunu ikkanalizzati għaż-żona fil-mira tal-Iskema.

(78)

L-Awtorità tinnota wkoll li l-Kummissjoni tal-UE aċċettat għall-għoti ta' għajnuna reġjonali lill-benefiċjarji li jkunu jinstabu 'l barra mir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. Pereżempju, f'deċiżjoni li tikkonċerna l-Italja (Sqallija), il-Kummissjoni sabet li l-għotjiet li jkopru l-ispejjeż immirati sabiex jippromwovu trasport ta' turisti b'titjiriet charter kienu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE. L-għotjiet kienu disponibbli lill-operaturi tal-ġiti li krew l-inġenji tal-ajru għall-ġarr ta' turisti lejn Sqallija. Għotjiet li jkopru l-ispejjeż tat-trasport lejn Sqallija mogħtija lil aġenziji tal-ivvjaġġar Taljani u barranin biex jipprovdu vvjaġġar tat-turiżmu bħala parti ta' tours kollox inkluż u biex iġġorru turisti bil-ferrovija jew bil-baħar nstabu wkoll li huma kompatibbli. (50)

(79)

Fuq din il-bażi, l-Awtorità tasal għall-konklużjoni li anke jekk benefiċjarju dirett tal-għajnuna jista' jinstab 'il barra min-Norveġja ta' Fuq, l-Iskema jkollha rabta suffiċjenti mar-reġjun fejn l-effetti mixtieqa huma maħsuba biex jiġu prodotti.

3.3.   L-għajnuna għandha tkun meħtieġa u xierqa sabiex tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa

(80)

Huwa d-dmir tal-Istat tal-EFTA kkonċernat li juri li l-għajnuna hija neċessarja u xierqa sabiex timpedixxi jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa. (51)

(81)

Sabiex il-miżura nnotifikata titqies bħala meħtieġa, l-awtoritajiet Norveġiżi jridu juru li hemm ħtieġa għal intervent mill-Istat sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni kontinwa.

(82)

L-awtoritajiet Norveġiżi infurmaw lill-Awtorità li n-Norveġja ta' Fuq, waħda miż-żoni fl-Ewropa l-anqas popolati, dejjem kellha densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u sofriet minn depopolazzjoni għal għexieren ta' snin. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li huwa meħtieġ li jittieħdu aktar miżuri biex jistabbilizzaw l-issettiljar fir-reġjun u sabiex tiġi evitata aktar depopolazzjoni. L-Iskema hija waħda mill-għodod meħtieġa sabiex jintlaħaq dak l-għan. L-awtoritajiet Norveġiżi jirrikonoxxu li l-istabbiliment tal-Fond għal Titjiriet Charter, waħdu, mhux se jsolvi l-problema ta' depopolazzjoni, iżda jikkunsidraw li, bħala parti minn politika ġenerali, se jżid l-attività ekonomika fir-reġjun u jżomm u joħloq impjiegi ġodda. L-opportunitajiet ta' impjieg u d-dħul mistenni huma l-aktar fatturi deċiżivi li jinfluwenzaw l-għażla ta' residenza għal individwu.

(83)

Sabiex l-Iskema tiġi meqjusa xierqa, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom juru li mhuwiex ovvju li miżuri oħrajn jkunu aktar adatti sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni fiż-żoni l-anqas popolati. (52)

(84)

L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-Iskema hija xierqa għax hija l-aħjar miżura disponibbli biex jiżdied it-turiżmu, jinħolqu l-impjiegi fl-industrija tat-turiżmu u b'hekk tikkontribwixxi għal tnaqqis f'depopolazzjoni fir-reġjun. Fil-fehma tal-awtoritajiet, għajnuna għall-investiment tradizzjonali waħedha mhix dejjem l-aktar strument adegwat biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi fir-reġjun. L-impjiegi huma kruċjali biex jiġu sostnuti l-livelli tal-popolazzjoni. It-turiżmu huwa settur li qed jikber, u jirrikjedi ħafna ħaddiema kif ukoll hu dipendenti fuq forza tax-xogħol lokali. Waħda mill-isfidi fl-iżvilupp ta' industrija tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq hija profittabbiltà u n-natura staġjonali tas-settur tat-turiżmu. Il-Fond għal Titjiriet Charter hu maħsub biex iżid it-turiżmu fl-istaġjun baxx, u b'hekk jikkontribwixxi għal impjiegi matul is-sena kollha. L-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li strument ta' għajnuna, li jkollu biss ftit għajnuna limitata lil kumpaniji lokali fir-reġjun, ma jirriżultax f'żieda fl-għadd ta' titjiriet lejn ajruport rilevanti (u b'hekk fit-turiżmu fiż-żona) jew f'li tiġi miġġielda d-depopolazzjoni. Fil-fehma tagħhom, il-Fond għal Titjiriet Charter hu l-istrument bl-ogħla ċans ta' suċċess u bl-anqas effetti ta' distorsjoni. Fid-dawl ta' dan, huma jqisu li l-Iskema hija xierqa.

(85)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ, l-Awtorità esprimiet dubji rigward il-miżura nnotifikata u b'mod partikolari kellha dubji dwar jekk l-għanijiet iddikjarati tal-Iskema setgħux jintlaħqu b'mezzi oħra barra milli bl-għajnuna operatorja biex l-operaturi turistiċi jorganizzaw pakketti ta' vaganzi bl-użu ta' titjiriet charter (mhux skedati) (pereżempju, permezz ta' pakketti li jagħmlu użu minn titjiriet skedati).

(86)

L-Awtorità tqis li l-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw xi wħud mid-dubji tal-awtorità f'dak ir-rigward u b'hekk urew li hemm ħtieġa għal intervent mill-Istat u li l-Iskema hija meħtieġa bħala għodda biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni fir-reġjun tan-Norveġja ta' Fuq. L-Awtorità tikkunsidra wkoll li l-Fond għal Titjiriet Charter jista' jitqies bħala għodda biex jiżdied it-turiżmu fir-reġjun u b'hekk jiżdiedu l-impjiegi f'wieħed fir-reġjuni l-inqas popolati tan-Norveġja. Din is-sejba hija appoġġata minn partijiet terzi minn negozji varji fis-settur tat-turiżmu fir-reġjun, li esprimew ruħhom favur l-Iskema. Madankollu, l-Awtorità ġiet f'dubju dwar l-adegwatezza u l-effetti tal-Iskema għall-iżvilupp u l-prevenzjoni tad-depopolazzjoni tar-reġjun. Mhuwiex ovvju li l-għanijiet ma setgħux jintlaħqu permezz ta' mezzi oħra, bħal arranġamenti għal pakketti bl-użu ta' titjiriet skedati.

(87)

Fl-evalwazzjoni tagħha l-Awtorità qieset il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, li jistipulaw li:

“fejn, eċċezzjonalment, tkun maħsuba biex tagħti għajnuna ad hoc individwali lil ditta waħda, jew għajnuna limitata għal qasam wieħed ta' attività, hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li juri li l-proġett jikkontribwixxi għal strateġija ta' żvilupp reġjonali koerenti” (enfasi miżjuda). (53)

(88)

In-Norveġja ta' Fuq hija kkunsidrata bħala prijorità f'termini ta' żvilupp reġjonali u l-għan tal-Gvern Norveġiż huwa li tiġi miġġielda d-depopolazzjoni u li jinkoraġġixxi sistemazzjoni f'dan ir-reġjun. Appoġġ għall-industrija tat-turiżmu hu meqjus bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp tar-reġjun u l-awtoritajiet Norveġiżi jargumentaw li l-ħolqien ta' possibiltajiet ta' impjiegi hu ta' importanza partikolari sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni fir-reġjun.

(89)

L-Istitut tal-Ekonomija tat-trasport stima li fl-2007 turisti barranin li ġew bl-ajru nefqu NOK 7480 f'xiri mħallas minn qabel u NOK 6730 fuq xiri lokali. Huwa stmat li fl-2012 il-vjaġġaturi lejn in-Norveġja ta' Fuq nefqu NOK 9000 għal kull persuna. (54)

(90)

Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità ssib li l-industrija tat-turiżmu jista' jkollha rwol importanti fl-iżvilupp tar-reġjun. L-impatt ekonomiku li l-Iskema jista' jkollha fuq in-Norveġja ta' Fuq, permezz ta' żieda fit-turiżmu għaż-żona u li din issir magħrufa aħjar bħala destinazzjoni turistika internazzjonali, jista' jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni, u possibbilment jirriżulta f'żieda, tal-popolazzjoni fir-reġjun.

(91)

Minkejja dan, filwaqt li titjiriet skedati u titjiriet mhux skedati jistgħu jiffurmaw żewġt iswieq separati, (55) u biex jiżdied it-turiżmu fir-reġjun, titjiriet diretti skedati lejn in-Norveġja jistgħu jkunu alternattiva inqas vijabbli (b'mod partikolari matul l-istaġun baxx), l-Awtorità tibqa' tal-fehma li mhuwiex kompletament ovvju għalfejn titjiriet domestiċi skedati ma jistgħux jintużaw bħala parti minn pakkett ta' vaganza, pereżempju meta l-operaturi turistiċi jirranġaw għal “pakkett bil-vjaġġ ta' ritorn”. L-Awtorità tinnota li n-Norveġja għandha sistema deċentralizzata ta' ajruport żviluppata b'mod tajjeb minħabba l-irwol importanti li għandu l-ivvjaġġar bl-ajru bħala mezz ta' trasport, b'mod partikolari f'reġjuni fil-periferija taż-ŻEE bħan-Norveġja ta' Fuq. Fil-fatt, l-awtoritajiet Norveġiżi identifikaw numru ta' rotot domestiċi ta' trasport bl-ajru bħala eliġibbli għall-kumpens għas-servizz pubbliku u li fir-rigward tagħhom l-Istat jikkumpensa kumpanija tal-ajru magħżula li topera rotot li, kieku, ma kinux ikunu kummerċjalment vijabbli. Fil-fehma tal-Awtorità, mhuwiex kompletament ċar għalfejn l-għan iddikjarat tal-Iskema — biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' wieħed mir-reġjuni l-anqas popolati fin-Norveġja permezz ta' għajnuna għal titjiriet charter minn barra lejn in-Norveġja bil-ħsieb li jiżdied in-numru ta' turisti matul l-istaġun baxx u b'hekk jikkontribwixxi għall-impjiegi matul is-sena kollha — ma setax jinkiseb ukoll, mill-anqas sa ċertu punt, permezz tal-użu ta' titjiriet skedati.

(92)

Fid-dawl ta' dan, l-Awtorità tqis li jibqgħu ċerti dubji dwar jekk l-Iskema hijiex l-aħjar strument li permezz tiegħu jinkisbu l-għanijiet iddikjarati bl-inqas effetti ta' distorsjoni. B'mod partikolari, l-Awtorità tqis li l-Iskema jista' jkollha effetti potenzjali ta' tagħwiġ fis-suq għall-forniment ta' titjiriet skedati.

(93)

Għal dik ir-raġuni, l-Awtorità ssib li l-istabbiliment tal-Iskema huwa xieraq biss għal perjodu limitat ta' żmien sabiex tgħin fit-twaqqif ta' industrija turistika vijabbli fl-inqas żona popolata tan-Norveġja. It-tul ta' żmien ta' 10 snin għall-Iskema, mitlub mill-awtoritajiet Norveġiżi, jidher li hu eċċessiv sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-Awtorità tqis li l-Iskema għandha tkun limitata għal perjodu “start-up” ta' tliet snin, li se jippermetti l-evalwazzjoni dwar kemm hi xierqa l-Iskema. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jevalwaw l-effetti tal-Iskema mal-iskadenza ta' dan il-perjodu, filwaqt li jitqiesu kemm l-effetti pożittivi tal-Iskema kif ukoll kwalunkwe effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

3.4.   L-għajnuna trid tkun proporzjonali għall-għan tal-Iskema

(94)

L-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jipprovdi li l-għajnuniet biex jiġi aġevolat l-iżvilupp ta' ċerti oqsma ekonomiċi jitqiesu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE “fejn għajnuniet bħal dawn ma jaffettwawx ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozju sal-punt li jmorru kontra l-interess komuni”. Sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni, l-iskema trid tkun proporzjonata mal-għan tal-iskema.

(95)

L-awtoritajiet Norveġiżi huma tal-fehma li l-Iskema tfasslet sabiex jingħata biss il-livell meħtieġ ta' għajnuna. L-appoġġ massimu (25 %) mill-Fond għal Titjiriet Charter se jingħata għal fatturi tal-kabina ta' 60 % jew inqas. L-intensità tal-għajnuna se tonqos gradwalment għal żero meta l-fatturi tal-kabina jilħqu medja ta' 80 %. (56)

(96)

L-awtoritajiet Norveġiżi jissottomettu li l-Iskema, li tnaqqas ir-riskju għal operaturi turistiċi, aktarx li twassal għal fattur tal-kabina ta' aktar minn 60 %, u għalhekk, huwa probabbli li l-intensità tal-għajnuna ma tikkorrispondix għal 25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter.

(97)

L-Awtorità tagħraf li l-karatteristika ewlenija tal-Iskema hija li tkun stabbilita garanzija għal operaturi turistiċi sabiex dawn ma jerġgħux jikkanċellaw it-titjiriet b'fattur tal-kabina baxx. L-appoġġ massimu huwa ta' 25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter. Spejjeż addizzjonali li jintefqu fuq titjiriet charter b'fattur tal-kabina taħt is-60 % mhux se jiġu mħallsa lura. L-ammont annwali totali ta' għajnuna mogħtija mill-Fond għal Titjiriet Charter huwa stmat li jkun inqas minn NOK 10 miljuni fis-sena. L-Awtorità ssib li dan l-ammont relattivament żgħir tal-għajnuna huwa proporzjonat. Tali ammont żgħir huwa improbabbli li jkun jista' jaffettwa l-kummerċ b'mod avvers bla bżonn.

(98)

L-Iskema għalhekk tista' tiġi distinta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-UE f'rabta ma' skema ta' primjum għal operaturi turistiċi fil-Greċja. (57) Dik l-iskema stipulat li l-operaturi turistiċi għandhom jirċievu EUR 40 għal kull turist. Kif tifhem l-Awtorità, dik l-iskema ma kinetx limitata għal kumpens għal spejjeż żejda ta' trasport mġarrba biex jinġiebu t-turisti lejn il-Greċja. (58)Dan huwa f'kuntrast mal-Fond għal Titjiriet Charter, li għandu l-għan li jħeġġeġ l-operaturi turistiċi li jidħlu f'obbligi kuntrattwali qabel ma jirċievu l-prenotazzjonijiet mit-turisti billi jikkumpensahom f'każ li dawn ma jkunux qed jiġu rimborżati għall-ispejjeż tat-trasport biex iġibu turisti lejn in-Norveġja ta' Fuq.

(99)

L-Awtorità tinnota wkoll, kif diġà deskritt, li l-benefiċjarji tal-Iskema jistgħu jkunu jew fin-Norveġja jew barra mill-pajjiż u li jkunu jistgħu jidħlu fi ftehimiet għal titjira charter ma' trasportaturi tal-ajru Norveġiżi jew mhux Norveġiżi. Sitwazzjonijiet ekwi huma ttrattati b'mod ugwali skont l-Iskema. Għalhekk, l-Awtorità ma tikkunsidrax l-Iskema diskriminatorja.

(100)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Awtorità ssib li l-għajnuna hija proporzjonata għas-suġġett tal-Iskema.

4.   Perjodu ta' awtorizzazzjoni

(101)

L-Awtorità fid-Deċiżjoni tagħha Nru 246/12/COL tas-27 ta' Ġunju 2012 qajmet dubji dwar jekk l-Iskema tistax tiġi approvata għal perjodu li jestendi lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2013. Fid-dawl tal-kummenti li waslu, perjodu itwal huwa meħtieġ biex jinkiseb impatt miżurabbli fuq l-iżvilupp tar-reġjun. Minħabba d-dubji msemmijin mill-Awtorità fid-Deċiżjoni tagħha Nru 246/12/COL fir-rigward tal-effett tal-Iskema fuq l-iżvilupp u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni f'dak ir-reġjun, perjodu ta' tliet (3) snin ikun aktar xieraq. Fil-każijiet kollha, il-ħtieġa u l-livell ta' għajnuna operatorja għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod regolari sabiex tiġi żgurata r-rilevanza tagħha fit-tul għar-reġjun ikkonċernat. (59) Tali perjodu itwal se jiffaċilita l-evalwazzjoni tal-effetti dejjiema tal-Iskema.

(102)

Għalhekk, wara perjodu ta' tliet (3) snin in-Norveġja għandha tissottometti rapport li jevalwa l-effetti tal-Iskema fuq l-iżvilupp tat-turiżmu u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni fir-reġjun u l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni sabiex l-awtorità tkun tista' tevalwa n-neċessità u l-adegwatezza tal-Iskema.

5.   Konklużjoni

(103)

L-Awtorità tqis li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE huma sodisfatti u li b'hekk, l-Iskema għal Titjiriet Charter tinvolvi għajnuna mill-Istat.

(104)

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, l-Awtorità tqis li l-Iskema tal-Fond għal Titjiriet Charter hija kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE skont id-deroga fl-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE.

(105)

Madankollu, l-Awtorità ġiet f'dubju dwar l-adegwatezza u l-effetti tal-Iskema għall-iżvilupp u l-prevenzjoni tad-depopolazzjoni tar-reġjun. B'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' jekk l-għanijiet jistgħux jintlaħqu permezz ta' mezzi oħrajn. Għalhekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-Iskema tista' tiġi approvata għal perjodu ta' tliet snin mid-data ta' din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex iħejju u jipproduċu evalwazzjoni tal-Iskema, li tiddokumenta l-effetti tagħha fuq l-iżvilupp tat-turiżmu u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni fir-reġjun u l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni. L-evalwazzjoni għandha ssir minn espert indipendenti u għandha tintbagħat lill-Awtorità.

(106)

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra dwar l-obbligu skont l-Artikolu 21 tal-Parti II tal-Protokoll 3 flimkien mal-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tad-Deċiżjoni dwar id-Dispożizzjonijiet tal-Implimentazzjoni (60) biex tipprovdi rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Iskema.

(107)

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra wkoll li kwalunkwe pjan għal tibdil f'din l-Iskema jrid jiġi nnotifikat lill-Awtorità.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iskema tal-Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' fuq kif innotifikata mill-awtoritajiet Norveġiżi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Artikolu 2

L-iskema ta' għajnuna hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(c), soġġetta għall-kundizzjoni li hija implimentata għal perjodu ta' tliet (3) snin mid-data ta' din id-Deċiżjoni. Mat-tmiem ta' dan il-perjodu ta' tliet (3) snin, in-Norveġja għandha tissottometti rapport lill-Awtorità b'evalwazzjoni tal-effetti tal-Iskema fuq l-iżvilupp tat-turiżmu u l-prevenzjoni ta' depopolazzjoni fir-reġjun u l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni Ingliża biss ta' din id-deċiżjoni hija meqjusa li hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2013.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Avvenimenti Nru 632837 u 322824.

(2)  Avveniment Nru 638133.

(3)  ĠU C 291, 27.9.2012, p. 2 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 53, 27.9.2012, p. 36.

(4)  Avveniment Nru 644991.

(5)  Innovative Experiences (Avveniment Nru 650797), NHO Reiseliv (Avveniment Nru 650549), NHO Luftfart (Avveniment Nru 650733), Avinor (Avveniment Nru 650806), VinterTroms AS (Avveniment Nru 650827), Northern Norway Tourist Board Ltd (Avveniment Nru 650958), Hotel chains Rica Hotels and Thon Hotels (Avveniment Nru 650880) u Voigt Travel b.v. (Avveniment Nru 668161).

(6)  Avvenimenti Nru 653590 u 653595.

(7)  Avveniment Nru 669821.

(8)  Titjira charter tkun definita bħala titjira mhux skedata.

(9)  Inġenji tal-Ajru tal-kategorija Boeing 737 u iktar.

(10)  L-ajruporti li ġejjin fin-Norveġja ta' Fuq jistgħu attwalment jimmaniġġaw inġenji tal-ajru kbar: Tromsø, Bodø, Harstad Narvik/Evenes, Alta, Kirkenes (Høybuktmoen), Bardufoss, Svalbard, Lakselv (Banak), Andøya (imsejħa wkoll “the Northern lights airports”). Għal Svalbard, ara l-Protokoll 40 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(11)  Ara t-Taqsima 2.5 hawn taħt għal deskrizzjoni iktar dettaljata tal-Iskema.

(12)  It-terminu “serje ta' titjiriet charter” ifisser titjiriet charter bejn iż-żewġ destinazzjonijiet ripetuti tul perjodu limitat ta' żmien (eż. titjiriet ta' kull ġimgħa bejn Bodø u Londra minn Frar sa April).

(13)  Il-fattur tal-kabina huwa l-perċentwali ta' postijiet mibjugħa f'titjira. Il-fattur tal-kabina jiġi ddeterminat skont l-għadd attwali ta' passiġġieri li jkunu se jitilqu fuq titjira, diviż bl-akbar kapaċità massima tas-siġġijiet tal-ajruplan.

(14)  Is-serje ta' titjiriet charter b'medja fil-fattur tal-kabina ta' inqas minn 60 % huwa eliġibbli għall-għajnuna; Madankollu, l-għajnuna massima li tista' tiġi mogħtija għadha 25 % tal-ispejjeż tat-titjiriet charter imġarrba b'fattur tal-kabina ta' 60 %. B'fattur tal-kabina ta' inqas minn 60 %, l-għajnuna ma tkoprix it-telf kollu tal-operatur tat-titjiriet charter. Dan huwa muri fil-figura fil-paragrafu 26 hawn taħt.

(15)  Dan jikkorrispondi għal 25 % tal-intensità tal-għajnuna tal-ispejjeż totali tat-titjiriet charter. L-ispejjeż totali tat-tijiriet charter huwa stmat għal NOK 33 600 000 (NOK 300 000 fl-ispejjeż għal kull titjira b'rotazzjoni, immultiplikati b'112).

(16)  Ara l-white paper tal-Gvern Norveġiż “The High North. Vision and Policy Instruments”, (Meld. St. 7 (2011 — 2012), the short version, p. 25). Prijorità waħda hi li “jinżamm fowkus fuq l-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu fin-Norveġja ta' Fuq u fi Svalbard u l-promozzjoni ta' aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-atturi fl-industrija tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu” (p. 37) (http://www.regjeringen.no/upload/UD/Vedlegg/Nordområdene/UD_nordomrodene_EN_web.pdf). Il-formola tal-pjattaforma politika tal-Gvern Norveġiż 2009 — 2013 tirreferi għall-importanza tat-turiżmu u b'mod partikolari għan-Norveġja ta' Fuq: “In-Norveġja ta' Fuq hi destinazzjoni tal-ivvjaġġar unika u trid tingħata l-opportunità li tirrealizza u toħroġ il-potenzjal tagħha” (p. 22) (http://arbeiderpartiet.no/file/download/4861/58544/file/soriamoria2_english.pdf).

(17)  Ara l-istrateġija tat-turiżmu tal-Gvern Norveġiż: “Avinor qed tistabbilixxi ‘Northern Light Airports’ bħala marka kummerċjali għall-akbar ajruporti fin-Norveġja ta' Fuq […] Avinor tappoġġja l-Fond għal Titjiriet Charter għan-Norveġja ta' Fuq […] Dan it-tip ta' fond għal titjiriet charter hu intenzjonat li jippromwovi tours b'titjiriet charter lejn ir-reġjun. Kummenti mill-industrija jindikaw li din se tkun inizjattiva importanti għat-tħeġġiġ ta' traffiku ġdid” (“Destinazzjoni NorveġjaStrateġija nazzjonali għall-industrija tat-turiżmu”, p. 76). (http://www.regjeringen.no/pages/37646196/Lenke_til_strategien-engelsk.pdf).

(18)  Pereżempju, il-Kontea ta' Nordland ħejjiet “Strateġija għat-Turiżmu f'Nordland għall-perjodu mill-2011 sal-2015” (http://www.nfk.no/filnedlasting.aspx?mid1=1266&filid=11230).

(19)  Il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007 — 2013, ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 42, huma disponibbli wkoll fis-sit: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/ Il-Linji Gwida kienu l-aħħar emendati fis-6.4.2006, ippubblikati fil-ĠU L 54, 28.2.2008, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 11, 28.2.2008, p. 1. Il-Linji Gwida jikkorrispondu għal “Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali għall-2007-2013” adottati mill-Kummissjoni Ewropea, ippubblikati fil-ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13 (il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali”). It-tliet Kontej huma reġjuni NUTS II. Finnmark għandha d-densità tal-popolazzjoni l-aktar baxxa b'1,6 abitant għal kull kilometru kwadru.

(20)  Fl-2009, l-Awtorità approvat skema ta' għajnuna għall-iżvilupp ta' rotta mit-tieni l-akbar belt fin-Norveġja ta' Fuq, Bodø, ara d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 179/09/COL (“il-Fond għall-Iżvilupp ta' Rotta ta' Bodø”). Il-Fond għall-Iżvilupp tar-Rotot għadu ma pprovda l-ebdagħajnuna taħt l-iskema. Għal tliet snin, il-linja tal-ajru “Norwegian” ħadmet rotta bejn Tromsø u waħda mill-ikbar bliet fl-Ewropa. Minkejja li rċeviet appoġġ minn Avinor, din ir-rotta ma kinetx profittabbli. Ir-rotta ngħalqet f'Marzu 2011. Air Baltic ħadmet rotta staġjonali bejn Tromsø u Riga darbtejn fil-ġimgħa mill-1 ta' April sat-30 ta' Settembru. Din ir-rotta ngħalqet f'Marzu 2011. SAS topera rotta bejn Tromsø u Stokkolma darbtejn fil-ġimgħa mill-1 ta' Lulju sal-15 ta' Awwissu. Barra minn hekk, linja tal-ajru Russa ttir tliet darbiet fil-ġimgħa minn Tromsø lejn Murmansk, ir-Russja. Minħabba n-numru limitat ta' rotot internazzjonali, hemm preżunzjoni li rotot bejn ajruporti Norveġiżi tat-Tramuntana u bliet Ewropej huma ta' ftit interess kummerċjali għat-trasportaturi bl-ajru (Avveniment Nru 632837).

(21)  Effetti diretti jirreferu għall-konsum mħallas mill-flus stess tat-turisti. L-effetti indiretti jirreferu għall-valur ta' nfiq ta' turisti f'perspettiva usa', eż. talba għal merkanzija u servizzi fil-forma ta' sottokuntratti.

(22)  In-numri kollha huma f'NOK. Iċ-ċifri huma bbażati fuq numri mir-rapport “L-impatt ekonomiku ta' Travel Life f'Trøndelag u n-Norveġja ta' Fuq 2010” imħejji mill-Kumitat Eżekuttiv għan-Norveġja ta' Fuq (Landsdelsutvalget) u l-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Ospitalità (NHO Reiseliv Nord-Norge).

(23)  In-notifika, p. 11 (Avveniment Nru 632837), li tirreferi għal rapport mill-Istitut tal-Ekonomija tat-Trasport (Transportøkonomisk Institutt, tøi) tal-2007 Nru 941/2008 (https://www.toi.no/getfile.php/publikasjoner/t%c3%98%20rapporter/2008/941-2008/941-hele%20%20rapporten%20elektronisk-ny.pdf).

(24)  L-Awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew li ċ-ċifri huma biss estimi magħmula għall-iskopijiet tat-tħejjija ta' baġit għall-Fond għal Titjiriet Charter. Minħabba t-tqarrib ta' numri, iċ-ċifri fit-tabella mhumiex preċiżi.

(25)  Huwa possibbli li l-Istat Norveġiż jista' jipprovdi xi finanzjament fuq il-baġit tal-istat.

(26)  “Vjaġġi vojta” huma titjiriet operati sabiex inġenju tal-ajru jitqiegħed fil-bidu u fit-tmiem ta' serje ta' titjiriet charter. It-titjira tar-ritorn fuq l-ewwel tluq tkun vojta u t-titjira li ttella' l-aħħar passiġġieri se tkun vojta. Vjaġġi vojta jirrappreżentaw spiża konsiderevoli għal serje ta' titjiriet charter.

(27)  Fattur tal-kabina ta' 80 % huwa meqjus li huwa l-aktar ta' profitt fl-industija.

(28)  It-tabella hija ppreparata mill-Fond għal Titjiriet Charter u tagħti eżempju ta' kif l-Iskema se taħdem ma' titjiriet minn Londra lejn in-Norveġja ta' Fuq b'Boeing 737-800. Huwa stmat li l-ispiża netta kkwotata mil-linja tal-ajru lill-operatur turistiku se tkun NOK 300 000 għal kull titjira b'rotazzjoni. 149 persuna jridu jixtru biljetti biex jintlaħaq il-punt ta' ekwilibriju (80 % ta' inġenju tal-ajru b'kapaċità ta' 186 persuna).

(29)  Iċ-ċifra hija ppreparata mill-Fond għal Titjiriet Charter għal għanijiet illustrattivi (Avveniment Nru 632837).

(30)  Avinor AS hija kumpanija proprjetà tal-istat li topera l-biċċa l-kbira tal-ajruporti ċivili fin-Norveġja.

(31)  Innovative Experiences tirrappreżenta 33 kumpanija bbażati fuq esperjenza turistika fin-Norveġja ta' Fuq.

(32)  NHO Reiseliv (the Norwegian Hospitality Association) tirrappreżenta aktar minn 2500 kumpanija li jimpjegaw forza tax-xogħol ta' madwar 55 000. Il-fergħa tan-Norveġja ta' Fuq ta' NHO Reiseliv għandha 400 membru.

(33)  VinterTroms AS hija l-proprjetà ta' sitt kumpaniji tal-ivvjaġġar fin-Norveġja ta' Fuq.

(34)  NHO Luftfart tirrappreżenta kumpaniji fis-settur tal-linji tal-ajru fin-Norveġja u kumpaniji oħrajn interessati.

(35)  NHO Luftfart (Avveniment Nru 650733) (traduzzjoni mhux uffiċjali mill-Norveġiż għall-Ingliż).

(36)  Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-24.9.2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293 tal-31.10.2008, p. 3). Inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Anness XIII il-punt 64a.

(37)  Avveniment Nru 644991.

(38)  Avvenimenti Nri 653590/653595 u Avveniment Nru 669821.

(39)  Iċ-ċifra hija ppreparata mill-Fond għal Titjiriet Charter għal għanijiet illustrattivi (Avveniment Nru 644991).

(40)  Ara t-Taqsima 3.3, fil-Parti II hawn taħt.

(41)  Ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata l-15.11.2012 (Avvenimenti Nru 653590/653595).

(42)  L-awtoritajiet Norveġiżi semmew ukoll il-fatt li l-Fond għal Titjiriet Charter jista', f'xi mument fil-futur, ikun kofinanzjat minn impriżi privati. Il-valutazzjoni mwettqa mill-Awtorità ma eżaminatx din il-possibilità għax din l-għażla tidher li hija relattivament inċerta.

(43)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 81.

(44)  Avvenimenti Nru 632837 u 322824.

(45)  Ara l-Każ T-348/04, SIDE v Commission, [2008] ECR II-625, paragrafu 99, u l-Każ T-162/06, Kronoply GmbH v Commission, [2009] ECR II-1, paragrafu 75.

(46)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 1.

(47)  Huwa d-dmir tal-Istat tal-EFTA li juri li l-għajnuna proposta hija meħtieġa u xierqa sabiex tipprevjeni jew tnaqqas id-depopolazzjoni kontinwa (ara l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fin-nota f'qiegħ il-paġna 65).

(48)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 69.

(49)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 22(a).

(50)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/99/KE tat-3.6.1998 dwar il-Liġi Reġjonali ta' Sqallija Nru 25/93 dwar miżuri għall-promozzjoni tal-impjiegi (ĠU L 32, 5.2.1999, p. 18).

(51)  Ara l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fin-nota ta' qiegħ il-paġna 65.

(52)  Ara eż. id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 228/06/COL tad-19.7.2006 dwar l-iskema notifikata li tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali reġjonalment differenzjati: “Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità ssib li mhuwiex ovvju li miżuri għajr għajnuna operatorja jkunu aktar adatti sabiex jintlaħaq l-għan li jipprevjeni jew inaqqas id-depopolazzjoni fiż-żoni l-anqas popolati” (p. 23).

(53)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 10.

(54)  Ara r-referenza għar-Rapport TØI Nru 941/2008 fin-nota ta' qiegħ il-paġna 23 hawn fuq u n-notifika p. 11 (Avveniment Nru 632837).

(55)  Il-Kummissjoni tal-UE fid-deċiżjonijiet tagħha dwar l-amalgamazzjonijiet sostniet li titjiriet skedati u mhux skedati mhumiex fl-istess suq. Ara pereżempju l-Każ Nru COMP/M.5141 — KLM/Martinair, fejn l-Kummissjoni qieset l-provvista ta' postijiet fuq l-ajruplan lill-operaturi turistiċi (jiġifieri s-“suq bl-ingrossa”) bħala suq distint mis-suq tal-fornitura ta' servizzi ta' titjiriet skedati lill-utenti finali. Il-Kummissjoni nnotat li s-“suq għall-bejgħ ta' postijiet lil operaturi turistiċi huwa suq upstream għas-suq għal bejgħ ta' postijiet lil individwi. Kif xieraq, il-kondizzjonijiet kompetittivi f'dan is-suq huma manifestament differenti minħabba li operaturi turistiċi għandhom rekwiżiti differenti minn klijenti individwali (pereżempju, ix-xiri ta' pakketti kbar ta' postijiet, in-negozjar ta' roħs, billi jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta' klijenti f'termini ta' ħinijiet ta' titjiriet eċċ)” (ĠU C 51, 4.3.2009, p. 4)

(56)  Ara d-deskrizzjoni tal-Iskema fit-Taqsima 2.5 fil-Parti I hawn fuq.

(57)  Id-Deċiżjoni 2003/262/KE tas-27.11.2002 fuq skema primjum għal operaturi turistiċi fil-Greċja (ĠU L 103, 24.4.2003, p. 63).

(58)  F'dak il-każ, il-Kummissjoni tal-UE sostniet ukoll li l-awtoritajiet Griegi ma kinux infurmaw lill-Kummissjoni b'informazzjoni rilevanti għal evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-għajnuna f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali (ara l-paragrafu 22 tad-deċiżjoni).

(59)  Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-paragrafu 71.

(60)  Disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/media/decisions/195-04-COL.pdf