ISSN 1725-5104

doi:10.3000/17255104.L_2010.339.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 339

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 53
22 ta' Diċembru 2010


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1

 

*

Regolament (UE) Nru 1211/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

6

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1210/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2010

li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2)

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta' Ġunju 2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (3) jirrikjedi l-istituzzjonijiet tal-kreditu u, fil-limiti tal-attività tal-ħlas tagħhom, fornituri oħra tas-servizz tal-ħlas u kwalunkwe istituzzjoni oħra involuta fl-ipproċessar u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta' karti tal-flus u muniti, li jiżguraw li l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro li jkunu rċevew u li għandhom l-intenzjoni li jpoġġu lura fiċ-ċirkolazzjoni jiġu vverifikati għall-awtentiċità u li dawk foloz jiġu skoperti.

(2)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/504/KE tas-27 ta' Mejju 2005 dwar l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament tal-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (4) tipprovdi għal prattiki dwar l-awtentikazzjoni ta' muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni. Madankollu, in-nuqqas ta' qafas komuni mandatorju għall-awtentikazzjoni tal-muniti jirriżulta fi prattiki differenti fost l-Istati Membri u ma jistax, għaldaqstant, jiżgura protezzjoni uniformi tal-munita fiż-żona tal-euro.

(3)

Biex tinkiseb awtentikazzjoni effettiva u uniformi tal-muniti tal-euro fiż-żona tal-euro huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu introdotti regoli obbligatorji għall-implimentazzjoni ta' proċeduri komuni għall-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u għall-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi tal-kontroll ta' dawk il-proċeduri mill-awtoritajiet nazzjonali.

(4)

Waqt il-proċess tal-awtentikazzjoni, muniti tal-euro ġenwini li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom ukoll jiġu identifikati. Iċ-ċirkolazzjoni ta' muniti li mhumiex tajba tagħmilha iżjed diffiċli li jintużaw, b'mod partikolari f'magni mħaddma bil-muniti, u tista' toħloq konfużjoni fost l-utenti dwar l-awtentiċità ta' dawk il-muniti. Muniti li mhumiex tajba għandhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni. Regoli komuni obbligatorji għall-Istati Membri huma għaldaqstant meħtieġa għall-kontroll u r-rimborż ta' muniti tal-euro ġenwini li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

(5)

Sabiex tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tal-proċeduri tal-awtentikazzjoni, id-dettalji tar-rekwiżiti tal-ittestjar u tat-taħriġ għall-awtentikazzjoni tal-muniti, l-ispeċifikazzjonijiet għall-verifika ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni u dispożizzjonijiet prattiċi oħrajn ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ddeterminati ulterjorment miċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE (5), wara li ssir konsultazzjoni mal-grupp tal-esperti dwar il-falsifikazzjoni tal-muniti msemmi f'dik id-Deċiżjoni.

(6)

Biex jippermettu li jsir aġġustament gradwali tas-sistema attwali tagħhom ta' regoli u prattiki għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom, matul perijodu transitorju sal-31 ta' Diċembru 2014, ikunu kapaċi jipprovdu derogi fir-rigward tat-tipi ta' magni li jipproċessaw il-muniti li għandhom jintużaw fl-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u fir-rigward ta' kemm minn dawk il-magni għandhom jiġu vverifikati kull sena.

(7)

Kull awtorità nazzjonali li tittratta l-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni għandha tkun tista' tapplika tariffa tat-trattament f'konformità ma' dan ir-Regolament sabiex tilqa' l-ispejjeż relatati mal-proċess. It-tariffi tat-trattament ma għandhomx jiġu applikati għas-sottomissjonijiet ta' kwantitajiet żgħar ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu għal eżenzjonijiet mit-tariffi tat-trattament għall-persuni li jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet fit-tneħħija miċ-ċirkolazzjoni ta' muniti foloz jew mhux tajba. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaċċettaw boroż jew kaxex ta' muniti ffalsifikati u mhux tajba imħalltin mingħajr ma japplikaw ħlas barrani, jekk dan iservi l-interess pubbliku.

(8)

Għandu jkun f'idejn kull Stat Membru biex jintroduċi penali applikabbli għal vjolazzjonijiet, bil-ħsieb li jinkisbu awtentikazzjoni ekwivalenti ta' muniti tal-euro u trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal-euro.

(9)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-awtentikazzjoni effettiva u unformi tal-muniti tal-euro fiż-żona tal-euro, ma jistax jinkiseb b'mod xieraq mill-Istati Membri minħabba d-differenzi fil-prattiki nazzjonali u għaldaqstant jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri meħtieġa għall-awtentikazzjoni ta' muniti tal-euro u għat-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtentikazzjoni ta' muniti tal-euro” tfisser il-proċess tal-verifika li l-muniti tal-euro huma awtentiċi u tajba għaċ-ċirkolazzjoni;

(b)

“muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni” tfisser muniti tal-euro li huma ġenwini iżda li ġew irrifjutati waqt il-proċess ta' awtentikazzjoni jew muniti tal-euro li d-dehra tagħhom ġiet mibdula b'mod sinifikanti;

(ċ)

“awtorità nazzjonali nnominata” tfisser iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti jew awtorità oħra nnominata mill-Istat Membru kkonċernat;

(d)

“istituzzjonijiet” tfisser l-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, minbarra dawk l-istituzzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż tiegħu;

(e)

“CCEG” (Grupp tal-Esperti dwar il-Falsifikazzjoni tal-Muniti) tfisser l-esperti tal-muniti foloz imsemmija fid-Deċiżjoni 2005/37/KE.

KAPITOLU II

AWTENTIKAZZJONI TAL-MUNITI TAL-EURO

Artikolu 3

Awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-muniti tal-euro li jkunu rċevew u li għandhom l-intenzjoni li jpoġġu lura fiċ-ċirkolazzjoni jkunu soġġetti għal proċedura ta' awtentikazzjoni. Huma għandhom jimplimentaw dak l-obbligu permezz ta':

(a)

magni tal-ipproċessar tal-muniti inklużi fil-lista ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti, imsemmija fl-Artikolu 5(2); jew

(b)

persunal imħarreġ skont il-modalitajiet iddefiniti mill-Istati Membri.

2.   Wara l-awtentikazzjoni, il-muniti kollha li jkunu ssusspettati foloz u l-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom jintbagħtu lill-awtorità nazzjonali nnominata.

3.   Il-muniti tal-euro foloz mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 m'għandhomx ikunu soġġetti għal tariffi tat-trattament jew tariffi oħra. Fir-rigward tal-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni, għandu japplika l-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Rekwiżit tal-ittestjar u magni tal-ipproċessar tal-muniti

1.   Meta jiġi implimentat l-Artikolu 3(1)(a), l-istituzzjonijiet għandhom jużaw biss it-tipi ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkunu għaddew b'suċċess minn test ta' skoperta magħmul mill-awtorità nazzjonali nnominata jew mill-ETSC u li jkunu ġew elenkati fil-websajt imsemmija fl-Artikolu 5(2) fil-mument tax-xiri tagħhom. L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li dawk il-magni jkunu aġġustati b'mod regolari sabiex iżommu l-kapaċità ta' skoperta tagħhom, filwaqt li jieħdu kont tal-modifiki introdotti fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2). It-test tal-iskoperta għandu jitfassal b'tali mod li jiżgura li magna tal-ipproċessar tal-muniti tkun kapaċi tirrifjuta t-tipi magħrufa ta' muniti tal-euro foloz u, matul dal-proċess, il-muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni u l-oġġetti l-oħra kollha simili għal muniti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet ta' muniti tal-euro ġenwini.

2.   Għal perijodu transitorju sal-31 ta' Diċembru 2014, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu derogi speċifiċi mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, għal magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkienu jintużaw fil-11 ta' Jannar 2011 u li jkun ġie ppruvat li jkunu kapaċi jidentifikaw muniti foloz tal-euro, muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni u oġġetti oħra simili għal muniti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet ta' muniti tal-euro ġenwini, anke jekk dawk il-magni ma jkunux inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2). Dawn id-derogi għandhom jiġu adottati wara konsultazzjonijiet mas-CCEG.

Artikolu 5

Aġġustament ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti

1.   Bl-għan li l-manifatturi ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti jkunu jistgħu jiksbu l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-aġġustament tal-magni tagħhom għall-iskopertà ta' muniti tal-euro foloz, l-ittestjar skont l-Artikolu 4 jista' jitwettaq fl-awtorita' nazzjonali nnominata, l-ETSC, jew wara ftehim bilaterali, fil-post tal-manifattur. Wara l-ittestjar b'suċċess ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti, għandu jinħareġ rapport imqassar tat-test ta' skoperta għall-attenzjoni tal-manifattur tal-magna u jiġi kkupjat lill-ETSC.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha lista konsolidata tal-magni kollha tal-ipproċessar tal-muniti, li għalihom ikun ġie rċevut jew preparat mill-ETSC rapport imqassar validu tat-test ta' skoperta.

Artikolu 6

Kontroll mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-kontrolli previsti f' dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom kull sena jwettqu kontrolli fuq il-post fl-istituzzjonijiet bl-għan li jivverifikaw, permezz ta' testijiet tal-iskoperta, it-tħaddim xieraq ta' numru rappreżentattiv ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti użati. Fejn il-persunal tal-istituzzjonijiet ikun mistenni jivverifika manwalment l-awtentiċità tal-muniti tal-euro li jkunu ser jitpoġġew lura fiċ-ċirkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu assigurazzjoni mingħand dawk l-istituzzjonijiet li l-persunal tagħhom ikun imħarreġ sew għal dan il-għan.

3.   In-numru ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li għandhom jiġu vverifikati kull sena f'kull Stat Membru għandu jkun tali li l-volum ta' muniti tal-euro pproċessati minn dawn il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-volum nett totali akkumulat ta' muniti maħruġ minn dak l-Istat Membru minn meta jkunu ġew introdotti l-muniti tal-euro sal-aħħar tas-sena preċedenti. In-numru ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li għandhom jiġu vverifikati għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-volum tal-ikbar tliet denominazzjonijiet ta' muniti tal-euro intiżi għaċ-ċirkolazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-magni tal-ipproċessar tal-muniti jkunu vverifikati b'mod alternat.

4.   Fil-każ li l-għadd ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkollhom jiġu vverifikati kull sena, f'konformita' mal-paragrafu 3 jkun ogħla mill-għadd ta' magni li joperaw fi Stat Membru partikolari, għandhom jiġu vverifikati kull sena l-magni kollha tal-ipproċessar tal-muniti li joperaw f'dak l-Istat Membru.

5.   Matul perijodu transitorju sal-31 ta' Diċembru 2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, li l-għadd ta' magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkollhom jiġu vverifikati kull sena f'kull Stat Membru għandu jkun tali li l-volum ta' muniti tal-euro pproċessati minn dawk il-magni matul dik is-sena jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-volum nett totali akkumulat ta' muniti maħruġ minn dak l-Istat Membru minn meta jkunu ġew introdotti l-muniti tal-euro sal-aħħar tas-sena preċedenti.

6.   Bħala parti mill-kontrolli annwali, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jawtentikaw il-muniti tal-euro fuq il-bażi ta':

(a)

l-eżistenza ta' politika bil-miktub li tipprovdi struzzjonijiet relatati jew mal-użu ta' tagħmir awtomatiku li jipproċessal-muniti jew mal-għażla manwali, skont kif ikun xieraq;

(b)

l-allokazzjoni ta' riżorsi umani adattati;

(ċ)

l-eżistenza ta' pjan ta' manutenzjoni bil-miktub intiż biex iżomm il-magni tal-ipproċessar tal-muniti fil-livell xieraq tal-prestazzjoni tagħhom;

(d)

l-eżistenza ta' proċeduri bil-miktub għall-sottomissjoni ta' muniti tal-euro foloz, muniti tal-euro li ma jkunux tajba għaċ-ċirkolazzjoni u oġġetti oħra simili għal muniti tal-euro li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet ta' muniti tal-euro ġenwini lill-awtorita' nazzjonali nnominata; u

(e)

l-eżistenza ta' proċeduri interni ta' kontroll li jiddeskrivu l-modalitajiet u l-frekwenza tal-kontrolli li jkollhom isiru mill-istituzzjoni biex jiġi żgurat li ċ-ċentri tal-għażla tagħhom jew il-membri tal-persunal tagħhom isegwu l-istruzzjonijiet imsemmija f' dan il-paragrafu.

7.   Meta Stat Membru jidentifika xi nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu miżuri li jiżguraw li n-nuqqas ta' konformità jkun irrettifikat minnufih.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tekniċi

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ETSC jiddefinixxi, fi żmien raġonevoli u wara li jikkonsulta mas-CCEG, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-test tal-iskoperta, u dispożizzjonijiet prattiċi oħrajn ta' implimentazzjoni, bħall-prattiki tat-taħriġ, il-perijodu ta' validità tar-rapport imqassar tat-test tal-iskoperta, l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-lista msemmija fl-Artikolu 5(2), il-linji gwida relatati mal-kontrolli, mal-iċċekkjar u mal-verifika mill-Istati Membri, ir-regoli tar-rettifika tan-nuqqas ta' konformità, kif ukoll il-limiti rilevanti għall-aċċettazzjoni ta' muniti ġenwini.

KAPITOLU III

IT-TRATTAMENT TA' MUNITI TAL-EURO LI MHUMIEX TAJBA GĦAĊ-ĊIRKOLAZZJONI

Artikolu 8

Tneħħija u rimborż ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom ineħħu miċ-ċirkolazzjoni l-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrimborżaw il-muniti tal-euro li ma jkunux għadhom tajba minħabba li jkunu ilhom fiċ-ċirkolazzjoni jew minħabba xi aċċident jew li jkunu ġew skartati matul il-proċess tal-awtentikazzjoni għal kwalunkwe raġuni oħra. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw ir-rimborż ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew modifikati jew deliberatament jew bi proċess li wieħed seta' raġonevolment jistenna li kien se jkollu l-effett li jimmodifikahom, minkejja r-rimborż ta' muniti miġbura għal finijiet ta' karità, bħal “muniti fil-funtani”.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara t-tneħħija, il-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni jinqerdu b'deformazzjoni fiżika u permanenti, sabiex dawk il-muniti ma jkunux jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni jew jiġu sottomessi għar-rimborż.

Artikolu 9

Tariffi tat-trattament

1.   Tista' tinżamm tariffa tat-trattament ta' 5 % tal-valur nominali tal-muniti tal-euro sottomessi li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni mir-rimborż jew it-tibdil ta' dawk il-muniti tal-euro. Fil-każ li jkunu ġew ivverifikati l-borża jew il-kaxxa sħiħa kif previst fl-Artikolu 11(2), it-tariffa tat-trattament tista' tiġi ssupplimentata b'tariffa oħra ta' 15 % tal-valur nominali tal-muniti tal-euro sottomessi.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjonijiet ġenerali jew parzjali mit-tariffi tat-trattament f'każijiet fejn il-persuni naturali jew ġuridiċi li jkunu ssottomettew il-muniti tal-euro jikkooperaw mill-qrib u b'mod regolari mal-awtoritajiet nazzjonali nnominati fit-tneħħija miċ-ċirkolazzjoni ta' muniti tal-euro foloz jew muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni jew fejn tali eżenzjonijiet jaqdu l-interess pubbliku.

3.   L-ispejjeż tat-trasport u l-ispejjeż relatati għandhom jitħallsu mill-persuna naturali jew ġuridika li tissottometti l-muniti tal-euro.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni pprovduta fil-paragrafu 2, kwantità massima ta' kilogramm ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni għal kull denominazzjoni għal kull persuna naturali jew ġuridika waħda li tissottometti l-muniti tal-euro, hija eżentata mit-tariffa tat-trattament kull sena. Jekk dak il-limitu jinqabeż, il-muniti kollha sottomessi jistgħu jkunu soġġetti għal tariffa.

5.   Fejn sottomissjoni individwali ta' muniti tkun tinkludi muniti li jkunu ġew ittrattati b' kimiċi jew b'sustanzi perikolużi oħra b'tali mod illi jitqies li jirrappreżentaw riskju għas-saħħa ta' dawk li jittrattawhom, it-tariffi imposti skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu ssupplimentati b'tariffa ulterjuri ekwivalenti għal 20 % tal-valur nominali tal-muniti tal-euro sottomessi.

Artikolu 10

L-ippakkjar ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1.   Il-persuna naturali jew ġuridika li tissottometti l-muniti għar-rimborż jew għall-bdil għandha tagħżilhom skont id-denominazzjoni f'boroż jew kaxex standardizzati, kif ġej:

(a)

il-boroż jew il-kaxex għandu jkun fihom:

(i)

500 munita għal kull waħda mid-denominazzjonijiet ta' EUR 2 u EUR 1,

(ii)

1 000 munita għal kull waħda mid-denominazzjonijiet ta' EUR 0,50, EUR 0,20 u EUR 0,10,

(iii)

2 000 munita għal kull waħda mid-denominazzjonijiet ta' EUR 0,05, EUR 0,02 u EUR 0,01,

(iv)

għal kwantitajiet iżgħar, 100 munita għal kull denominazzjoni;

(b)

kull borża jew kaxxa għandu jkollha d-dettalji identifikanti tal-persuna naturali jew ġuridika li tissottometti, il-valur u d-denominazzjoni li hemm fiha, il-piż, id-data tal-ippakkjar u n-numru tal-borża jew kaxxa; il-persuna naturali jew ġuridika li tissottometti għandha tipprovdi lista tal-ippakkjar b'deskrizzjoni ġenerali tal-boroż jew kaxex sottomessi; meta l-muniti jkunu ġew ittrattati b'kimiċi jew b'sustanzi oħra perikolużi, l-unitajiet tal-ippakkjar standard għandhom ikunu akkumpanjati b'dikjarazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-sustanzi eżatti li jkunu ntużaw;

(ċ)

meta l-kwantità totali ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni hi iżgħar mir-rekwiżiti msemmija fil-punt (a), dawk il-muniti tal-euro għandhom jiġu magħżula skont id-denominazzjoni u jistgħu jiġu sottomessi f'ippakkjar mhux standard.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu rekwiżiti tal-ippakkjar differenti kif previst fir-regoli nazzjonali tagħhom fil-11 ta' Jannar 2011.

Artikolu 11

Verifiki ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw il-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew sottomessi kif ġej:

(a)

il-kwantità dikjarata għandha tiġi vverifikata bl-użin ta' kull borża jew kaxxa;

(b)

l-awtentiċità u d-dehra viżiva għandhom jiġu vverifikati fuq il-bażi ta' kampjun ta' mill-inqas 10 % tas-sottomissjoni.

2.   Fil-każ li anomaliji wara l-verifiki msemmija fil-paragrafu 1, jew devjazzjonijiet mill-Artikolu 10, jiġu identifikati, il-borża jew il-kaxxa kollha għandha tiġi vverifikata.

3.   Meta l-aċċettazzjoni jew l-ipproċessar ta' muniti tal-euro jkunu jikkostitwixxu riskju għas-saħħa ta' dawk li jittrattawhom jew meta s-sottomissjoni tonqos li tissodisfa l-istandards tal-ippakkjar u tat-tikkettar, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw tali muniti.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu miżuri li għandhom ikunu adottati fir-rigward tal-persuni naturali jew ġuridiċi li jkunu ssottomettew il- muniti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Rappurtaġġ, komunikazzjoni u valutazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu rapporti fuq bażi annwali lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro … L-informazzjoni provvduta għandha tinkludi n-numru ta' kontrolli mwettqa skont l-Artikolu 6(2) u l-magni tal-ipproċessar tal-muniti ttestjati, ir-riżultati tat-test, il-volum tal-muniti proċessati minn dawn il-magni, in-numru ta' muniti suspettati foloz li ġew analizzati u n-numru ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni li ġew rimborżati, kif ukoll id-detaalji dwar kwalunkwe deroga prevista skont l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 6(5).

2.   Biex ikun possibbli li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-konformità tal-istituzzjonijiet ma' dan ir-Regolament, huma għandhom, meta dan ikun mitlub, jipprovdu lill-Istati Membri tal-inqas kull sena, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tipi u n-numru ta' magni tal-ipproċessar użati;

(b)

il-post fejn tinsab kull magna tal-ipproċessar; u

(ċ)

il-volum tal-muniti pproċessati għal kull magna tal-ipproċessar, għal kull sena u għal kull denominazzjoni, tal-inqas għall-ogħla tliet denominazzjonijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tirrigwarda l-awtoritajiet innominati għar-rimborż jew għas-sostituzzjoni tal-muniti tal-euro u modalitajiet speċifiċi, bħar-rekwiżiti u t-tariffi tal-ippakkjar, tkun disponibbli fuq il-websajts adatti u permezz tal-pubblikazzjonijiet adatti.

4.   Wara li tkun saret analiżi tar-rapporti li tkun irċeviet mingħand l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport annwali lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar l-iżviluppi u r-riżultati li jikkonċernaw l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u l-muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju 2014 dwar l-operat u l-effetti ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, bi proposti leġislattivi li jimplimentaw b'mod aktar dettaljat, jew jemendaw, dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 6 u 8.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-vjolazzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2012 bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu III, li għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 284, 25.11.2009, p. 6.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 2010.,

(3)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

(4)  ĠU L 184, 15.7.2005, p. 60.

(5)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 339/6


REGOLAMENT (UE) Nru 1211/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2010

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi u territorji terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) għandu jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji imniżżla fil-Premessa 5 ta’ dak ir-Regolament. Il-pajjiżi jew territorji terzi, li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(2)

L-impożizzjoni ta’ rekwiżit tal-viża fuq iċ-ċittadini tat-Tajwan m’għadux iġġustifikat, minħabba b’mod partikolari li t-territorju ma jirrappreżentax xi riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew theddida għall-politika pubblika għall-Unjoni, u fid-dawl tar-relazzjonijiet esterni, skont il-kriterji msemmija fil-Premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Konsegwentement dan it-territorju għandu jiġi trasferit għall-Anness II għal dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti maħruġa mit-Tajwan, li jinkludu n-numru tal-karta tal-identità.

(3)

Ir-referenza għall-Marjana tat-Tramunatana għandha tiġi mħassra mill-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 539/2001, peress li ċ-ċittadini tat-territorju in kwistjoni huma, bħala detenturi tal-passaporti tal-Istati Uniti, ċittadini tal-Istati Uniti li hi mniżżla fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li huma fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (4).

(5)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqa’ fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

(6)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE (7).

(7)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu sehem f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (8); ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(8)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (9); għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(10)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti 1, referenza għall-Marjana tat-Tramuntana hija mħassra;

(b)

fil-Parti 2, referenza għat-Tajwan hija mħassra.

2.

Fl-Anness II, jiżdied dan li ġej:

“4.

ENTITAJIET U AWTORITAJIET TERRITORJALI LI MA HUMIEX RIKONOXXUTI BĦALA STATI MINN TAL-ANQAS STAT MEMBRU WIEĦED:

It-Tajwan (*)

(*)  L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti maħruġa mit-Tajwan li jinkludu numru tal-karta ta’ identità.”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2010.

(2)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

(8)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(9)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.