ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 50
15 ta' Mejju 2007


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/2007 tat-8 ta’ Mejju 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 li jintroduċi miżuri kummerċjali ta’ eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea

1

 

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 531/2007 ta' l-14 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

5

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 532/2007 tal-14 ta’ Mejju 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1282/2006 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni u r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib u r–Regolament (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni

7

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 533/2007 ta' l-14 ta’ Mejju 2007 li jiftaħ u jamministra kwoti tariffarji fis-settur tal-laħam tat-tjur

9

 

 

II   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

Kummissjoni

 

 

2007/332/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 2007 dwar l-impożizzjoni ta' Obbligi ta' Servizz Pubbliku fuq ċerti rotot minn Sardenja u lejha skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1712)

16

 

 

2007/333/KE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2007 li tippermetti l-Istati Membri li jestendu awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi ġodda benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen u sulfuryl fluoride (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1929)  ( 1 )

27

 

 

III   Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

 

 

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

 

*

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/334/PESK ta’ l-14 ta’ Mejju 2007 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u f’oqsma oħra possibbli fil-Kosovo

29

 

 

Corrigendum

 

*

Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/319/KE tat-8 ta’ Settembru 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C.45/04 (ex NN 62/04) favur il-produttur ta’ l-azzar Ċek Třinecké železárny a.s. ( ĠU L 119 tad-9 ta’ Mejju 2007 )

31

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 530/2007

tat-8 ta’ Mejju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2000 li jintroduċi miżuri kummerċjali ta’ eċċezzjoni għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fi, jew li huma marbutin mal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Nru 2007/2000 tat-18 ta’ Settembru 2000 (1) jipprevedi aċċess illimitat bla dazju fis-suq Komunitarju għal kważi l-prodotti kollha li joriġinaw fil-pajjiżi u t-territorji li jibbenefikaw mill-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(2)

Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Ġunju 2006. Sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, ġie konkluż Ftehim Interim li jkopri l-kummerċ u dispożizzjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa, u r-Repubblika ta’ l-Albanija, min-naħa l-oħra (2), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2006.

(3)

Il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Ftehimiet Interim jistabbilixxu reġim kummerċjali kuntrattwali bejn il-Komunità u kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji. Il-konċessjonjiet kummerċjali bilaterali fuq in-naħa tal-Komunità huma ekwivalenti għall-konċessjonijiet applikabbli fi ħdan il-miżuri awtonomi unilaterali skond ir-Regolament (KE) Nru 2007/2000.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 2007/2000 biex iqis dawn l-iżviluppi. B'mod partikolari, huwa xieraq li r-Repubblika ta’ l-Albanija titneħħa mil-lista ta’ benefiċjarji tal-konċessjonijiet tariffarji mogħtija għall-istess prodotti skond ir-reġim kuntrattwali. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu aġġustati l-volumi tal-kwota tariffarja globali għal prodotti speċifiċi li ngħataw kwoti tariffarji skond ir-reġimi kuntrattwali.

(5)

Ir-Repubblika ta’ l-Albanija, ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Repubbika ex-Jugoslava tal-Maċedonja għandhom jibqgħu benefiċjarji tar-Regolament (KE) Nru 2007/2000 safejn dak ir-Regolament jistipula għal konċessjonijiet li jkunu aktar favorevoli mill-konċessjonijiet eżistenti taħt ir-reġimi kuntrattwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2000 huwa permezz ta’ dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Arranġamenti preferenzjali

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, prodotti li joriġinaw fil-Bożnja-Ħerzegovina, fil-Montenegro jew fit-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo, ħlief dawk ta’ l-intestaturi Nri 0102, 0201, 0202, 1604, 1701, 1702 u 2204 tan-Nomenklatura Magħquda, għandhom jiġu ammessi għal importazzjoni fil-Komunità mingħajr restrizzjonijiet jew miżuri kwantitattivi b'effett ekwivalenti u b'eċċezzjoni mid-dazji doganali u imposti b'effett ekwivalenti.

2.   Prodotti li joriġinaw mill-Albanija, fir-Repubblika tal-Kroazja jew fir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja għandhom ikomplu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fejn hemm indikat jew minn kwalunkwe miżuri stipulati f'dan ir-Regolament li jkunu aktar favorevoli mill-konċessjonijiet kummerċjali stipulati fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u dawn il-pajjiżi.

3.   Importazzjonijiet ta’ prodotti taz-zokkor taħt l-intestaturi Nri 1701 u 1702 tan-Nomenklatura Magħquda li joriġinaw mill-Bożnja-Ħerzegovina, mill-Montenegro jew mit-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo għandhom jibbenefikaw minn konċessjonijiet stipulati fl-Artikolu 4. ”

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Importazzjonijiet ta’ prodotti taz-zokkor taħt l-intestaturi Nri 1701 u 1702 tan-Nomenklatura Magħquda li joriġinaw fil-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro u t-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo, għandhom ikunu suġġetti għall-kwoti tariffarji annwali bla dazju li ġejjin:

(a)

12 000 tunnellata (toqol nett) għal prodotti taz-zokkor li joriġina w mill-Bożnja-Ħerzegovina;

(b)

180 000 tunnellata (toqol nett) għal prodotti taz-zokkor li joriġina w mill-Montenegro u t-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo.”

(3)

L-Anness I huwa mibdul bit-test ta’ l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Merkanzija li, fis-16 ta’ Mejju 2007, tkun jew fi transitu jew fil-Komunità f'ħażna temporanja, fl-imħażen tad-dwana jew f'żoni liberi, u li għaliha qabel dik id-data prova ta’ oriġini Albaniża jew oriġini minn dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tkun inħarġet kif suppost skond it-Titolu IV, Kapitolu 2, Taqsima 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Kommunità (3), għandha tkompli tibbenefika mir-Regolament (KE) Nru 2007/2000 sal-16 ta’ Settembru 2007.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

P. STEINBRÜCK


(1)  ĠU L 240, 23.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1946/2005 (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 1).

(2)  ĠU L 239, 1.9.2006, p. 2.

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


ANNESS

“ANNESS I

LI JIKKONĊERNA L-KWOTI TARIFFARJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(1)

Minkejja r-regoli ta' l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandhom jitqiesu li m'għandhomx aktar minn valur indikattiv, l-iskema preferenzjali tkun iddeterminata, fil-kuntest ta' dan l-Anness, bil-kopertura tal-kodiċi NM. Fejn huma indikati l-kodiċi NM ta' qabel, l-iskema preferenzjali għandha tkun iddeterminata bl-applikazzjoni tal-kodiċi NM u d-deskrizzjoni korrispondenti meħuda flimkien.


Nru ta' l-Ordni

Kodiċi NM

Nru ta' l-Ordni

Volum tal-kwota fis-sena (1)

Il-Benefiċjarji

Rata ta’ dazju

09.1571

0301 91 10

0301 91 90

0302 11 10

0302 11 20

0302 11 80

0303 21 10

0303 21 20

0303 21 80

0304 19 15

0304 19 17

ex 0304 19 19

ex 0304 19 91

0304 29 15

0304 29 17

ex 0304 29 19

ex 0304 99 21

ex 0305 10 00

ex 0305 30 90

0305 49 45

ex 0305 59 80

ex 0305 69 80

Trot (Salmo trutta, Oncorhynchus mykiss, Oncorhynchus clarki, Oncorhynchus aguabonita, Oncorhynchus gilae, Oncorhynchus apache u Oncorhynchus chrysogaster): ħaj; frisk jew imkessaħ; friżat; imnixxef, immellaħ jew fis-salmura, affumikat; qatgħat u laħam ieħor tal-ħut; dqiq, pasti u gerbub ta’ ħut, tajbin għal konsum uman

70 tunnellata

Il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

Eżenzjoni

09.1573

0301 93 00

0302 69 11

0303 79 11

ex 0304 19 19

ex 0304 19 91

ex 0304 29 19

ex 0304 99 21

ex 0305 10 00

ex 0305 30 90

ex 0305 49 80

ex 0305 59 80

ex 0305 69 80

Karpjun: ħaj; frisk jew imkessaħ; friżat; imnixxef, immellaħ jew fis-salmura, affumikat; qatgħat u laħam ieħor tal-ħut; dqiq, pasti u gerbub ta’ ħut, tajbin għal konsum uman

120 tunnellata

Il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

Eżenzjoni

09.1575

ex 0301 99 80

0302 69 61

0303 79 71

ex 0304 19 39

ex 0304 19 99

ex 0304 29 99

ex 0304 99 99

ex 0305 10 00

ex 0305 30 90

ex 0305 49 80

ex 0305 59 80

ex 0305 69 80

Denċi (Dentex dentex u Pagellus spp.): ħaj; frisk jew imkessaħ; friżat; imnixxef, immellaħ jew fis-salmura, affumikat; qatgħat u laħam ieħor tal-ħut; dqiq, pasti u gerbub ta’ ħut, tajbin għal konsum uman

95 tunnellata

Il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

Eżenzjoni

09.1577

ex 0301 99 80

0302 69 94

ex 0303 77 00

ex 0304 19 39

ex 0304 19 99

ex 0304 29 99

ex 0304 99 99

ex 0305 10 00

ex 0305 30 90

ex 0305 49 80

ex 0305 59 80

ex 0305 69 80

Spnott (Dicentrarchus labrax): ħaj; frisk jew imkessaħ; friżat; imnixxef; immellaħ jew fis-salmura, affumikat; qatgħat u laħam ieħor tal-ħut; dqiq, pasti u gerbub ta’ ħut, tajbin għal konsum uman

80 tunnellata

Il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

Eżenzjoni

09.1579

1604 13 11

1604 13 19

ex 1604 20 50

Sardin preparat jew priservat

70 tunnellata

Il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

6  %

09.1561

1604 16 00

1604 20 40

Inċova preparata jew priservata

260 tunnellata

Il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

12,5  %

09.1515

2204 21 79

ex 2204 21 80

2204 21 84

ex 2204 21 85

2204 29 65

ex 2204 29 75

2204 29 83

ex 2204 29 84

Inbid ta' għeneb frisk, ta' saħħa alkoħolika attwali bil-massa ta' mhux aktar minn 15 % mas, ħlief inbid effervexxenti

145 000  hl (2)

L-Albanija (3), il-Bożnja-Ħerzegovina, il-Kroazja (4), (dik li gabel kienet) ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (5), il-Montenegro, it-territorji doganali tas-Serbja jew il-Kosovo

Eżenzjoni


(1)  Volum globali wieħed għal kull kwota tariffarja aċċessibbli għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi benefiċjarji.

(2)  Il-volum ta' din il-kwota tariffarja globali għandha titnaqqas jekk il-volumi tal-kwota tal-kwoti tariffarji individwali applikabbli taħt in-Nri ta' l-ordni 09.1588 u 09.1548 għal ċerti nbejjed li joriġinaw fil-Kroazja jiżdiedu.

(3)  Aċċess għall-inbid li joriġina fir-Repubblika ta' l-Albanija għal din il-kwota tariffarja globali, hija bil-kundizzjoni li qabel jiskadu l-kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll Addizzjonali dwar l-inbid konkluż ma' l-Albanija. Dawn il-kwoti tariffarji individwali huma miftuħa taħt in-Nri ta' l-ordni 09.1512 u 09.1513.

(4)  Aċċess għall-inbid li joriġina mir-Repubblika tal-Kroazja għal din il-kwota tariffarja globali, hija bil-kundizzjoni li qabel jiskadu l-kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll Addizzjonali dwar l-inbid konkluż mal-Kroazja. Dawn il-kwoti tariffarji individwali huma miftuħa taħt in-Nri ta' l-ordni 09.1588 u 09.1589.

(5)  Aċċess għall-inbid li joriġina mir-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja għal din il-kwota tariffarja globali, hija bil-kundizzjoni li qabel jiskadu l-kwoti tariffarji individwali stipulati fil-Protokoll Addizzjonali dwar l-inbid konkluż mar-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja. Dawn il-kwoti tariffarji individwali huma miftuħa taħt in-Nri ta' l-ordni 09.1558 u 09.1559. ”.


15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 531/2007

ta' l-14 ta’ Mejju 2007

li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3223/94 ta' l-21 ta' Diċembru 1994 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-arranġamenti dwar l-importazzjoni tal-frott u l-ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 3223/94 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi ta' l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness tiegħu.

(2)

Fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-valuri fissi ta' l-importazzjoni għandhom ikunu ffissati fil-livelli msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 3223/94 huma stabbiliti kif inhu indikat fit-tabella ta' l-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2007.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Jean-Luc DEMARTY

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 337, 24.12.1994, p. 66. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 386/2005 (ĠU L 62, 9.3.2005, p. 3).


ANNESS

tar-Regolament tal-Kummissjoni ta' l-14 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi l-valuri fissi ta' l-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

(EUR/100 kg)

Kodiċi NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur fiss ta' l-importazzjoni

0702 00 00

MA

38,7

TN

110,8

TR

92,6

ZZ

80,7

0707 00 05

JO

171,8

MK

35,1

TR

123,0

ZZ

110,0

0709 90 70

TR

107,8

ZZ

107,8

0805 10 20

EG

43,1

IL

62,1

MA

45,9

ZZ

50,4

0805 50 10

AR

51,4

ZZ

51,4

0808 10 80

AR

84,4

BR

80,4

CL

80,0

CN

87,8

NZ

122,0

US

127,9

UY

58,0

ZA

88,9

ZZ

91,2


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 532/2007

tal-14 ta’ Mejju 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1282/2006 li jistipula regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni u r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib u r–Regolament (KEE) Nru 3846/87 li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib (1), u partikolarment l-Artikolu 31(14) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ma jinqabżux il-kwantitajiet massimi li għandhom jiġu esportati b'rifużjoni ta' l-esportazzjoni stabbilita bil-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul il-Laqgħa tan-Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ li saret fl-Urugwaj (2), it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1282/2006 (3) jipprevedi li l-ebda rifużjoni m'għandha tingħata fuq il-komponent taz-zokkor fil-prodotti tal-ħalib li fihom iz-zokkor miżjud magħhom meta r-rifużjoni fuq il-parti tal-ħalib f'dawk il-prodotti hija xejn (żero) jew mhix fissa. Fejn kien hemm riskju ġenwin li dawk il-kwantitajiet massimi jistgħu jinqabżu fiż-żmien ta' l-introduzzjoni tad-dispożizzjoni, tali riskju m'għadux jeżisti.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 61/2007 tal-25 ta' Jannar 2007 li jiffissa r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib (4) neħħa rifużjonijiet fuq it-trab tal-ħalib sħiħ u fuq il-ħalib ikkondensat, b'hekk wassal għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006. It-tneħħija tar-rifużjonijiet kemm għall-komponenti tal-ħalib kif ukoll għal dawk taz-zokkor tista' tirriżulta f'telf ta' ishma tas-suq sostanzjali għall-prodotti tal-ħalib li fihom zokkor miżjud. Għalhekk ikun xieraq li r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjonijiet jerġgħu jiġu introdotti għall-komponent taz-zokkor tal-prodotti tal-ħalib li fihom zokkor miżjud.

(3)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006 jipprevedi għall-esportazzjoni ta' ġobon lejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika skond il-kwoti msemmija fl-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament, li fit-taqsima 16 tal-liċenzji ta' l-esportazzjoni għandu jidher il-kodiċi tal-prodott ta' tmien ċifri tan-Nomenklatura Magħquda. L-esperjenza wriet li wara li jinħarġu l-liċenzji ta' l-esportazzjoni, l-impurtaturi ta' l-Istati Uniti jistgħu jitolbu l-provvista ta' tip ieħor ta' ġobon ta' l-istess grupp ta' prodotti. Sabiex tali flessibbiltà tkun possibbli, huwa xieraq li l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006 jiġi aġġustat skond dan.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 522/2006 tat-30 ta' Marzu 2006 li jiffissa r-rifużjonijiet għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib (5) jipprevedi li mill-31 ta' Marzu 2006 r-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni jiġu stabbiliti f'euro kull 100 kg. Il-kliem ta' l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1282/2006 u s-Settur 9 ta' l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 (6) għandu jiġi aġġustat skond dan.

(5)

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3846/87 u (KE) Nru 1282/2006 għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1282/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-komponent imsemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jiġi kkalkulat billi l-ammont fiss tar-rifużjoni jiġi mmultiplikat bil-perċentwal ta' kontenut ta' prodott tal-ħalib fil-prodott sħiħ.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu hu mħassar.

(2)

Fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 24(1), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Madankollu l-liċenzji huma validi wkoll għal kwalunkwe kodiċi ieħor li jaqa' taħt il-kodiċi NM 0406.”

Artikolu 2

Fis-Settur 9 ta' l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 3846/87, l-ewwel sentenza tal-punti a) tan-noti (4) u (14) f'qiegħ il-paġna jinbidlu b'dan li ġej:

“l-ammont għal kull 100 kg li jidher, immultiplikat bil-perċentwal tal-kontenut lattiku fil-100 kg tal-prodott.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Punt 2 ta' l-Artikolu 1 għandu japplika għal-liċenzji ta' l-esportazzjoni maħruġa għas-sena tal-kwoti 2007 u ta' wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.

(3)  ĠU L 234, 29.8.2006, p. 4. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1919/2006 (ĠU L 380, 28.12.2006, p. 1)

(4)  ĠU L 19, 26.1.2007, p. 8.

(5)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 45.

(6)  ĠU L 366, 24.12.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1854/2006 (ĠU L 361, 19.12.2006, p. 1).


15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 533/2007

ta' l-14 ta’ Mejju 2007

li jiftaħ u jamministra kwoti tariffarji fis-settur tal-laħam tat-tjur

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta' Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-qafas ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO), il-Komunità impenjat ruħha li tistabbilixxi kwoti tariffarji għal ċerti prodotti fis-settur tal-laħam tat-tjur. Għaldaqstant, jinħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dawn il-kwoti.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta' l-importazzjoni u ta' l-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awissu 2006 li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji ta' l-importazzjoni għall-prodotti agrikoli ġestiti minn sistema ta' liċenzji ta' l-importazzjoni (3) għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx hemm inkonsistenzi ma' dan ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/96 tat-28 ta’ Ġunju 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fis-settur tal-laħam tat-tjur u ta' l-albumina (abjad tal-bajd) (4) ġie emendat sostanzjalment bosta drabi, u jinħtieġu emendi ġodda. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1251/96 għandu jiġi rrevokat u sostitwit b'Regolament ġdid.

(4)

Sabiex l-importazzjonijiet iżommu pass regolari, jeħtieġ li jinqasam il-perjodu tal-kwota mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju tas-sena suċċessiva f'bosta subperjodi. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jillimita l-perjodu ta' validità tal-liċenzji għall-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja.

(5)

Huwa f'loku li l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tkun żgurata permezz ta' liċenzji ta' l-importazzjoni. Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġu definiti r-regoli dettaljati għat-tressiq ta' l-applikazzjonijiet u d-dettalji li għandhom jintwerew fuq l-applikazzjoni għal-liċenzja u fuq il-liċenzji stess.

(6)

Fid-dawl tar-riskju ta' spekulazzjoni inerenti fis-sistema kkonċernata fis-settur tal-laħam tat-tjur, għandhom ikunu stabbiliti kundizzjonijiet preċiżi rigward l-aċċess ta' l-operaturi għas-sistema tal-kwota tariffarja.

(7)

Bil-għan li tiġi garantita amministrazzjoni xierqa tal-kwoti tariffarji, jeħtieġ li l-ammont tal-garanzija marbuta mal-liċenzji ta' l-importazzjoni jiġi stabbilit għal EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

(8)

Fl-interess ta' l-operaturi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kwantitajiet li għalihom ma tressqet l-ebda applikazzjoni, li se jiżdiedu mas-subperjodu tal-kwota suċċessiv skond l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

(9)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għal-laħam tat-tjur u l-bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-kwoti tariffarji fl-Anness I huma miftuħin għall-importazzjoni tal-prodotti tas-settur tal-laħam tat-tjur li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM fl-Anness I.

Il-kwoti tariffarji huma miftuħin fuq bażi annwali għall-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju tas-sena suċċessiva.

2.   Il-kwantità ta' prodotti li jgawdu mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 1, ir-rata tad-dazju doganali applikabbli, in-numri tas-serje kif ukoll in-numri tal-grupp korrispondenti huma definiti fl-Anness I.

Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 u tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx hemm inkonsistenzi ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Għal kull numru tas-sejre, il-kwantità stabbilita għall-perjodu tal-kwota annwali tinqasam f'erba' subperjodi, kif ġej:

a)

25 % mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru,

b)

25 % mill-1 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru,

c)

25 % mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu,

d)

25 % mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju.

Artikolu 4

1.   Għal finijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikant għal liċenzja ta' l-importazzjoni għandu jressaq, flimkien ma' l-ewwel applikazzjoni għall-perjodu tal-kwota tariffarja partikolari, prova li importa jew esporta, matul kull wieħed miż-żewġ perjodi msemmija fl-imsemmi Artikolu 5, talanqas 50 tunnellata ta' prodotti koperti mir-Regolament (KEE) Nru 2777/75.

2.   L-applikazzjoni għal liċenzja għandha ssemmi biss numru wieħed tas-serje minn dawk definiti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Tista' ssir għal bosta prodotti li jaqgħu taħt kodiċijiet NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet kollha tan-NM u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 16 u 15, rispettivament, ta' l-applikazzjonijiet għal liċenzji u tal-liċenzji stess.

L-applikazzjoni għal liċenzja għandha tkopri minimu ta' 10 tunnellati u massimu ta' 10 % tal-kwantità disponibbli għall-kwota kkonċernata matul is-subperjodu kkonċernat.

3.   L-applikazzjoni għal liċenzji u l-liċenzji stess għandu jkun fihom:

a)

fil-kaxxa 8, indikazzjoni tal-pajjiż ta' l-oriġini;

b)

fil-kaxxa 20, waħda mill-indikazzjonijiet imniżżla fl-Anness II, parti A.

Fil-kaxxa 24, il-liċenzja għandu jkun fiha waħda mill-indikazzjonijiet imniżżla fl-Anness II, parti B.

Artikolu 5

1.   L-applikazzjonijiet għal liċenzji jistgħu jitressqu biss matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar li jiġu qabel kull subperjodu msemmi fl-Artikolu 3.

2.   Garanzija ta' EUR 20 għal kull 100 kilogramma għandha tkun depożitata flimkien ma' l-applikazzjoni għal liċenzja.

3.   B'deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, kull applikant jista' jressaq diversi applikazzjonijiet għal liċenzji ta' l-importazzjoni għal prodotti li jaqgħu taħt numru ta' serje wieħed, jekk il-prodotti jkunu joriġinaw minn pajjiżi differenti. L-applikazzjonijiet separati għal kull pajjiż ta' l-oriġini għandhom jitressqu fl-istess ħin lill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru. F'dak li jirrigwarda l-massimu msemmi fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala applikazzjoni waħda.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-ħames jum wara dak ta' tmiem il-perjodu tat-tressiq ta' l-applikazzjonijiet, il-kwantitajiet totali mitluba għal kull grupp, espressi f'kilogrammi.

5.   Il-liċenzji jinħarġu mis-seba' jum ta' xogħol u sa mhux aktar tard mill-ħdax-il jum ta' xogħol wara dak ta' tmiem il-perjodu ta' notifika previst mill-paragrafu 4.

6.   Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kwantitajiet li għalihom ma tressqet l-ebda applikazzjoni u li jiżdiedu awtomatikament mal-kwantità stabbilita għas-subperjodu tal-kwota suċċessiv.

Artikolu 6

1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza ta' l-ewwel xahar ta' kull subperjodu tal-kwota, il-kwantitajiet totali espressi f'kilogrammi li għalihom inħarġu l-liċenzji msemmija fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament imsemmi.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, qabel l-iskadenza tar-raba' xahar wara kull perjodu tal-kwota annwali, il-kwantitajiet effettivament imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa skond dan ir-Regolament matul il-perjodu kkonċernat għal kull numru tas-serje, espressi f'kilogrammi.

3.   B'deroga mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet koperti minn liċenzji ta' l-importazzjoni mhux użati jew parzjalment użati, l-ewwel darba flimkien ma' l-applikazzjoni għall-aħħar subperjodu, u darb'oħra qabel tmiem ir-raba' xahar wara kull perjodu annwali.

Artikolu 7

1.   B'deroga mill-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-liċenzji ta' l-importazzjoni huma validi għal mija u ħamsin jum mill-ewwel jum tas-subperjodu li għalih inħarġu.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, it-trasferiment ta' drittijiet li ġejjin mil-liċenzji huwa limitat għaċ-ċessjonarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eliġibilità stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 u fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KE) Nru 1251/96 huwa rrevokat.

Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Ġunju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 282, 1.11.1975, p. 77. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 679/2006 (ĠU L 119, 4.5.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 341/2007 (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 12).

(3)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

(4)  ĠU L 161, 29.6.1996, p. 136. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1179/2006 (ĠU L 212, 2.8.2006, p. 7).


ANNESS I

Nru tal-grupp

Numru tas-serje

Il-Kodiċi NM

Dazju applikabbli

Kwantitajiet annwali

(f’tunnellati)

P 1

09.4067

0207 11 10

131

6 249

0207 11 30

149

0207 11 90

162

0207 12 10

149

0207 12 90

162

P 2

09.4068

0207 13 10

512

8 070

0207 13 20

179

0207 13 30

134

0207 13 40

93

0207 13 50

301

0207 13 60

231

0207 13 70

504

0207 14 20

179

0207 14 30

134

0207 14 40

93

0207 14 60

231

P 3

09.4069

0207 14 10

795

2 305

P 4

09.4070

0207 24 10

170

1 201

0207 24 90

186

0207 25 10

170

0207 25 90

186

0207 26 10

425

0207 26 20

205

0207 26 30

134

0207 26 40

93

0207 26 50

339

0207 26 60

127

0207 26 70

230

0207 26 80

415

0207 27 30

134

0207 27 40

93

0207 27 50

339

0207 27 60

127

0207 27 70

230


ANNESS II

A –   Indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu, punt (b):

bil-Bulgaru

:

Регламент (ЕО) № 533/2007.

bl-Ispanjol

:

Reglamento (CE) no 533/2007.

biċ-Ċek

:

Nařízení (ES) č. 533/2007.

bid-Daniż

:

Forordning (EF) nr. 533/2007.

bil-Ġermaniż

:

Verordnung (EG) Nr. 533/2007.

bl-Estonjan

:

Määrus (EÜ) nr 533/2007.

bil-Grieg

:

Kανονισμός (ΕΚ) αριθ. 533/2007.

bl-Ingliż

:

Regulation (EC) No 533/2007.

bil-Franċiż

:

Règlement (CE) no 533/2007.

bit-Taljan

:

Regolamento (CE) n. 533/2007.

bil-Latvjan

:

Regula (EK) Nr. 533/2007.

bil-Litwan

:

Reglamentas (EB) Nr. 533/2007.

bl-Ungeriż

:

533/2007/EK rendelet.

bil-Malti

:

Ir-Regolament (KE) Nru 533/2007.

bl-Olandiż

:

Verordening (EG) nr. 533/2007.

bil-Pollakk

:

Rozporządzenie (WE) nr 533/2007.

bil-Portugiż

:

Regulamento (CE) n.o 533/2007.

bir-Rumen

:

Regulamentul (CE) nr. 533/2007.

bis-Slovakk

:

Nariadenie (ES) č. 533/2007.

bis-Sloven

:

Uredba (ES) št. 533/2007.

bil-Finlandiż

:

Asetus (EY) N:o 533/2007.

bl-Iżvediż

:

Förordning (EG) nr 533/2007.

B –   Indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu:

bil-Bulgaru

:

намаляване на общата митническа тарифа съгласно предвиденото в Регламент (ЕО) № 533/2007.

bl-Ispanjol

:

reducción del arancel aduanero común prevista en el Reglamento (CE) no 533/2007.

biċ-Ċek

:

snížení společné celní sazby tak, jak je stanoveno v nařízení (ES) č. 533/2007.

bid-Daniż

:

toldnedsættelse som fastsat i forordning (EF) nr. 533/2007.

bil-Ġermaniż

:

Ermäßigung des Zollsatzes nach dem GZT gemäß Verordnung (EG) Nr. 533/2007.

bl-Estonjan

:

ühise tollitariifistiku maksumäära alandamine vastavalt määrusele (EÜ) nr 533/2007.

bil-Grieg

:

Μείωση του δασμού του κοινού δασμολογίου, όπως προβλέπεται στον κανονισμό (ΕΚ) αριθ. 533/2007.

bl-Ingliż

:

reduction of the Common Customs Tariff pursuant to Regulation (EC) No 533/2007.

bil-Franċiż

:

réduction du tarif douanier commun comme prévu au règlement (CE) no 533/2007.

bit-Taljan

:

riduzione del dazio della tariffa doganale comune a norma del regolamento (CE) n. 533/2007.

bil-Latvjan

:

Regulā (EK) Nr. 533/2007 paredzētais vienotā muitas tarifa samazinājums.

bil-Litwan

:

bendrojo muito tarifo muito sumažinimai, nustatyti Reglamente (EB) Nr. 533/2007.

bl-Ungeriż

:

a közös vámtarifában szereplő vámtétel csökkentése a 533/2007/EK rendelet szerint.

bil-Malti

:

tnaqqis tat-tariffa doganali komuni kif jipprovdi r-Regolament (KE) Nru 533/2007.

bl-Olandiż

:

Verlaging van het gemeenschappelijke douanetarief overeenkomstig Verordening (EG) nr. 533/2007.

bil-Pollakk

:

Cła WTC obniżone jak przewidziano w rozporządzeniu (WE) nr 533/2007.

bil-Portugiż

:

redução da Pauta Aduaneira Comum como previsto no Regulamento (CE) n.o 533/2007.

bir-Rumen

:

reducerea Tarifului Vamal Comun astfel cum este prevăzut în Regulamentul (CE) nr. 533/2007.

bis-Slovakk

:

Zníženie spoločnej colnej sadzby, ako sa ustanovuje v nariadení (ES) č. 533/2007.

bis-Sloven

:

znižanje skupne carinske tarife v skladu z Uredbo (ES) št. 533/2007.

bil-Finlandiż

:

Asetuksessa (EY) N:o 533/2007 säädetty yhteisen tullitariffin alennus.

bl-Iżvediż

:

nedsättning av dEn gemensamma tulltaxan i enlighet med förordning (EG) nr 533/2007.


ANNESS III

Tabella ta' korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1251/96

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)(b)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(1)(c)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(1)(d)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(1)(e)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(4)

Artikolu 5(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(5)

Artikolu 5(6)

Artikolu 5(7)

Artikolu 5(8), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(2)

Artikolu 5(8), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6, l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(1)

Artikolu 6, it-tieni subparagrafu

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Anness I

Anness I

Anness II

Anness III

Anness IV


II Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

DEĊIŻJONIJIET

Kummissjoni

15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2007

dwar l-impożizzjoni ta' Obbligi ta' Servizz Pubbliku fuq ċerti rotot minn Sardenja u lejha skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1712)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(2007/332/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1992 (1) , u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fis-27 ta' Jannar u fit-28 ta' Frar 2006, ir-Repubblika Taljana bagħtet lill-Kummissjoni d-Digrieti Nri 35 u 36 tal-Ministeru ta' l-Infrastruttura u tat-Trasport tad-29 ta' Diċembru 2005 (ippubblikati fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006) (“id-Digrieti Nri 35 u 36”) li pprovdew dwar Obbligi ta' Servizz Pubbliku (“l-OSP”) fuq total ta' 16-il rotta li jgħaqqdu t-tliet ajruporti ta' Sardenja ma' diversi ajruporti nazzjonali fil-peniżola Taljana. L-Italja talbet li l-Kummissjoni tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea , f'konformità ma' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (“ir-Regolament”).

(2)

Fil-korrispondenza tagħha tat-28 ta' Frar 2006, ir-Repubblika Taljana ppreċiżat li:

id-Digriet Nru 36 kien ġie emendat bid-Digriet tat-8 ta' Frar 2006, dwar il-frekwenzi, il-ħinijiet u l-kapaċitajiet tar-rotta Cagliari-Turin;

kienet qed titlob ukoll li, fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C, jiġi ppubblikat avviż li jindika li, f'konformità ma' l-obbligi ta' servizz pubbliku imposti u mingħajr talba ta' kumpens finanzjarju, kien previst li jekk fi żmien tletin jum wara l-pubblikazzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku l-ebda trasportatur bl-ajru ma jkun aċċetta li jibda servizzi ta' l-ajru bi skeda fuq kull waħda mir-rotot li dwarhom jipprovdi d-Digriet Nru 36, fil-kuntest tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, l-Italja tkun tista' tillimita l-aċċess għal kull waħda minn dawn ir-rotot għal trasportatur wieħed, u permezz ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti, tagħti d-dritt ta' l-operat ta' dawn is-servizzi f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta' l-istess Regolament.

(3)

Fl-24 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea komunikazzjoni dwar l-OSP previsti mid-Digriet Nru 35 (2) dwar is-6 rotot li ġejjin:

Alghero-Ruma u Ruma-Alghero

Alghero-Milan u Milan-Alghero

Cagliari-Ruma u Ruma-Cagliari

Cagliari-Milan u Milan-Cagliari

Olbia-Ruma u Ruma-Olbia

Olbia-Milan u Milan-Olbia

(4)

Fil-21 ta' April 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea komunikazzjoni dwar l-OSP imposti bid-Digriet Nru 36 (3) dwar l-10 rotot li ġejjin:

Alghero-Bologna u Bologna-Alghero

Alghero-Turin u Turin-Alghero

Cagliari-Bologna u Bologna-Cagliari

Cagliari-Firenze u Firenze-Cagliari

Cagliari-Turin u Turin-Cagliari

Cagliari-Verona u Verona-Cagliari

Cagliari-Napli u Napli-Cagliari

Cagliari-Palermo u Palermo-Cagliari

Olbia-Bologna u Bologna-Olbia

Olbia-Verona u Verona-Olbia

(5)

Fit-22 ta' April 2006, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea avviż dwar is-sejħa għall-offerti li għamlet l-Italja fil-kuntest ta' l-OSP imposti bid-Digriet Nru 36 (4). Dan l-avviż ħabbar li, għal kull waħda mill-10 rotot milquta mid-Digriet, ir-Repubblika Taljana tipprevedi li tirrikorri għall-proċedura prevista fl-Artikolu 4.1(d) tar-Regolament fil-każ li l-ebda trasportatur ta' l-ajru ma jonora l-OSP fuq dawn ir-rotot.

(6)

Dawn li ġejjin huma l-karatteristiċi ewlenin ta' l-OSP ppubblikati fl-24 ta' Marzu u l-21 ta' April 2006:

Il-pari ta' rotot Alghero/Ruma u Alghero/Milan, minn naħa, u Olbia/Ruma u Olbia/Milan, min-naħa l-oħra, kull wieħed jikkostitwixxi entità sħiħa u mhux diviżibbli, li t-trasportaturi interessati għandhom jilqgħuha fil-globalità tagħha, bla ebda kumpens, tkun xi tkun in-natura jew l-oriġini tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rotot Cagliari/Ruma u Cagliari/Milan jeħtiġilhom jintlaqgħu individwalment u bis-sħiħ mit-trasportaturi interessati, bla ebda kumpens, tkun xi tkun in-natura jew l-oriġini tagħha.

Kull waħda mill-għaxar rotot li jissemmew fl-avviż tal-21 ta' April 2006, u l-OSP li hemm imposti fuqhom, jeħtiġilhom jintlaqgħu individwalment u bis-sħiħ mit-trasportaturi interessati.

It-trasportatur li jilqa' dawn l-obbligi jeħtieġlu jiżgura s-servizz għal perjodu ta' 36 xahar konsekuttiv, u ma jistax jinterrompih ħlief wara li jkun ħareġ notifika bil-quddiem b'talanqas sitt xhur lill-Ente Nazionale dell'Aviazione Civile (“ENAC”) u lir-reġjun awtonomu ta' Sardenja.

It-trasportatur (jew it-trasportatur ewlieni) li jilqa' dawn l-obbligi jeħtieġlu jħallas garanzija tat-twettiq ta' l-operat maħsuba biex tiggarantixxi t-twettiq tajjeb u l-kontinwità tas-servizz, li l-ammont tagħha jeħtieġlu jkun talanqas daqs 5% tal-fatturat totali tas-servizzi ta' l-ajru skedati fuq ir-rotot kollha kkonċernati, evalwat mill-ENAC. Il-garanzija għandha titħallas lill-ENAC, li tużaha biex tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizzi fil-każ li jseħħ qtugħ mhux ġustifikat, u għandha tkun magħmula ndaqs minn garanzija bankarja “ta' talba prijoritarja” u garanzija ta' l-assigurazzjoni.

Sabiex tiġi evitata l-kapaċità żejda li tkun tista' ġġib magħha l-aċċettazzjoni ta' l-istess rotta minn diversi trasportaturi, minħabba l-limitazzjonijiet u l-limiti ta' l-ajruporti kkonċernati fuq il-livell ta' l-infrastrutturi, wara konsultazzjoni mar-Reġjun Awtonomu ta' Sardenja, fl-interess pubbliku l-ENAC tqabbdet tadatta għall-miri ta' mobbiltà msemmija fl-obbligi l-programmi operattivi tat-trasportaturi li jilqgħu l-OSP. Dan l-intervent għandu jimmira li jilħaq tqassim ekwu tar-rotot u tal-frekwenzi bejn it-trasportaturi li jilqgħu l-obbligi ta' servizz pubbliku, skond il-volum tat-traffiku fuq ir-rotot (jew ġabriet ta' rotot) ikkonċernati matul is-sentejn ta' qabel għal kull trasportatur.

Il-frekwenzi minimi, l-iskeda u l-kapaċitajiet li għandhom jingħataw għal kull rotta huma deskritti fil-punt 2 tal-komunikazzjonijiet ta' l-24 ta' Marzu u tal-21 ta' April 2006“DETTALJI TA' L-OBBLIGI TA' SERVIZZ PUBBLIKU” .

Il-kapaċitajiet minimi ta' l-inġenji ta' l-ajru utilizzati huma deskritti fil-punt 3 tal-komunikazzjonijiet “IT-TIP TA' INĠENJI TA' L-AJRU UTILIZZATI F'KULL ROTTA”.

L-istruttura tariffarja għal kwalunkwe rotta kkonċernata hija deskritta fil-punt 4 tal-komunikazzjonijiet “IT-TARIFFI”. F'dak li jirrigwarda l-eżistenza ta' tariffi mraħħsa, il-punt 4.8 taż-żewġ komunikazzjonijiet jippreċiża li t-trasportaturi li joperaw fuq ir-rotot ikkonċernati għandhom l-obbligu fil-liġi li japplikaw it-tariffi mraħħsa (hekk kif ippreċiżati fil-punt 4 “IT-TARIFFI”) talanqas għal kull min twieled f'Sardenja, anki jekk mhux residenti hemmhekk.

F'konformità mad-Digriet Nru 35, mibgħut lill-Kummissjoni fid-29 ta' Diċembru 2005 u ppubblikat fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006, l-OSP kellhom japplikaw għar-rotot ikkonċernati mill-31 ta' Marzu 2006 sat-30 ta' Marzu 2009. Madankollu, fit-28 ta' Frar 2006, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni li fit-23 ta' Frar 2006 kienu adottaw Digriet li estenda d-dati sat-2 ta' Mejju 2006 u l-1 ta' Mejju 2009 (ittra tar-Rappreżentanza Permanenti Taljana nru ta' referenza 2321). Dawn id-dati huma dawk ippubblikati fl-24 ta' Marzu 2006 fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

F'konformità mad-Digriet Nru 36 mibgħut lill-Kummissjoni fid-29 ta' Diċembru 2005 u ppubblikat fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006 u fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fil-21 ta' April 2006, ir-Repubblika Taljana ħabbret li d-data tal-validità ta' l-OSP għar-rotot ikkonċernati kellha tiġi ddefinita ulterjorment. Għaldaqstant l-ebda data definittiva ma ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

It-trasportaturi li jkunu jixtiequ jilqgħu l-OSP jeħtiġilhom iressqu l-aċċettazzjoni uffiċjali tagħhom lill-awtorità kompetenti Taljana fi żmien tletin jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(7)

Qabel ma imponiet l-OSP imsemmija fid-deċiżjoni preżenti, ir-Repubblika Taljana kienet imponiet, permezz tad-Digrieti ta' l-1 ta' Awwissu u tal-21 ta' Diċembru 2000, l-OSP fuq sitt rotot bejn l-ajruporti ta' Sardenja, Ruma u Milan. Dawn l-obbligi ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fis-7 ta' Ottubru 2000 (5). B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament, ġiet organizzata sejħa għall-offerti sabiex jintgħażlu t-trasportaturi awtorizzati joperaw esklussivament fuq ir-rotot ikkonċernati, bil-ħlas ta' kumpens finanzjarju (6).

(8)

It-trasportaturi awtorizzati joperaw fuq ir-rotot suġġetti għall-OSP kienu dawn li ġejjin:

Alitalia għar-rotta Cagliari/Ruma

Air one għar-rotot Cagliari/Milan, Alghero/Milan u Alghero/Ruma

Meridiana għar-rotot Olbia/Ruma u Olbia/Milan

(9)

Din is-sistema ta' operat ġiet issostitwita mill-OSP imposti bid-Digriet Taljan tat-8 ta' Novembru 2004 u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-10 ta' Diċembru 2004 (7). Wara sentenza tat-tribunal amministrattiv reġjunali tal-Lazio fis-17 ta' Marzu 2005 li parzjalment annullat id-Digriet tat-8 ta' Novembru 2004, l-awtoritajiet Taljani għarrfu l-Kummissjoni li kienu “ssospendew” dawn l-obbligi. Avviż dwar dan ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2005 (8). Fis-6 ta' Diċembru 2005, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tħassir tad-Digriet tat-8 ta' Novembru 2004, b'effett mill-15 ta' Novembru 2004.

II.   IL-PROĊEDURA

(10)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Marzu 2006 (irreġistrata bin-numru 204756), il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha lir-Repubblika Taljana dwar l-OSP imposti bid-Digrieti Nri 35 u 36. Talbet tagħrif aktar preċiż dwar ir-raġunijiet u l-modalitajiet ta' l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-Repubblika Taljana wieġbet permezz ta' l-ewwel ittra, flimkien ma' abbozz ta' risposta, fit-22 ta' Marzu 2006, u mbagħad permezz ta' ittra fl-4 ta' April 2006.

(11)

Il-Kummissjoni daret fuq l-ENAC, fis-27 ta' April 2006, biex titlob preċiżjonijiet u b'mistoqsijiet dwar it-tħaddim preżenti ta' l-OSP, qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-OSP il-ġodda.

(12)

Permezz ta' ittra tad-9 ta' Mejju 2006, l-ENAC wieġbet u kkonfermat li s-sistema ta' l-OSP applikabbli sat-2 ta' Mejju 2006 minn Sardenja lejn il-bliet ta' Ruma u Milan kienet dik tas-sena 2000, li kienet għadha fis-seħħ ġaladarba d-Digriet ta' l-2004, li kien maħsub biex jemendaha, kien tħassar. Mit-2 ta' Mejju 2006, għandha tapplika s-sistema l-ġdida pprovduta bid-Digriet Nru 35. It-tweġiba spjegat ukoll li l-OSP kienu jkopru għal kollox is-sistema kollha ta' l-ajruport ta' Milan, kif tipprovdi l-pubblikazzjoni ta' l-2000.

(13)

Fl-4 ta' Awwissu 2006, ir-Repubblika Taljana rrispondiet mill-ġdid għall-ittra tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu, b'ċertu tagħrif kumplementari li, madankollu, ma wassalx informazzjoni ġdida sinifikanti.

(14)

Fl-1 ta' Awwissu 2006, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess, ħadet id-Deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 4(3) tar-'Regolament' (9). Ir-Repubblika Taljana ġiet innotifikata b'din id-Deċiżjoni fl-1 ta' Awwissu 2006 (id-dokument Nru C(2006) 3516). Fl-istess Deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani jagħtuha tweġibiet dwar diversi punti, u tathom żmien xahar biex jirrispondu.

(15)

L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta' ittra tal-31 ta' Awwissu 2006. Ir-risposta kienet tkopri parti apprezzabbli tal-mistoqsijiet li kienu saru.

(16)

Madankollu, il-Kummissjoni fit-2 ta' Ottubru 2006 rrikorriet għand ir-Rappreżentanza Permanenti Taljana biex titlob tagħrif supplimentari.

(17)

Fis-6 ta' Ottubru 2006, ir-Repubblika Taljana wieġbet fit-tul għall-mistoqsijiet supplimentari tal-Kummissjoni, b'ħafna tagħrif.

(18)

Laqgħa tal-Kummissjoni (l-Unità TREN.F.1) ma' l-awtoritajiet Taljani (il-Ministeru tat-Trasport, ir-Rappreżentanza Permanenti, il-Gvern ta' Sardenja u l-ENAC) saret fi Brussell fis-17 ta' Ottubru 2006.

(19)

Din ir-risposta b'mod partikolari kkonfermat li r-rotot li ġejin kienu diġà qegħdin jiġu operati skond l-OSP imposti taħt l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament.

Olbia-Ruma: Meridiana

Olbia-Milan: Meridiana

Alghero-Ruma: Air One

Alghero-Milan: Air One

Cagliari-Ruma: Air One u Meridiana

Cagliari-Milan: Air One u Meridiana

Cagliari-Bologna: Meridiana

Cagliari-Turin: Meridiana

Cagliari-Verona: Meridiana

Olbia-Bologna: Meridiana

Min-naħa l-oħra, għas-6 rotot l-oħra, l-ebda kumpanija ma kienet aċċettat li topera taħt is-sistema pprovduta l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament. Ir-Repubblika Taljana għalhekk biħsiebha tagħmel sejħa għall-offerti skond l-Artikolu 4(1)(d). Bħalissa, il-kumpaniji magħżula biex jieħdu sehem huma:

Olbia-Verona: Meridiana

Alghero-Bologna: Air One

Alghero-Turin: Air One

Cagliari-Firenze: Air One u Meridiana

Cagliari-Napli: Air One u Meridiana

Cagliari-Palermo: Air One u Meridiana (10).

Madankollu, ir-Repubblika Taljana spjegat li ma kinitx għadha allokat dawn ir-rotot minħabba l-investigazzjoni li l-Kummissjoni kienet qiegħda tagħmel.

III.   ANALIŻI

1.   Il-qafas ġuridiku

(20)

Ir-regoli dwar l-OSP huma stipulati bir-Regolament, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-provvista ħielsa tas-servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

(21)

L-OSP huma definiti bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tar-Regolament li “suġġett għal dan ir-Regolament, it-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għandhom jitħallew mill-Istat(i) Membru/i kkonċernati li jeżerċitaw jeddijiet ta' traffiku fuq rotot ġewwa l-Komunità” (11).

(22)

Il-kundizzjonijiet ta' l-impożizzjoni tagħhom huma stipulati fl-Artikolu 4. Huma suġġetti għal interpretazzjoni stretta, fir-rispett tal-prinċipji tal-ħelsien mid-diskriminazzjoni u tal-proporzjonalità. Jeħtiġilhom jiġu ġġustifikati b'mod adegwat abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu msemmi.

(23)

Aktar preċiżament, ir-regoli dwar l-OSP jipprovdu li Stat Membru jista' jimponihom “fir-rigward tas-servizzi bl-ajru skedati lejn ajruport li jservi reġjun periferiku jew ta' żvilupp fit-territorju tiegħu jew fuq rotta qasira lejn xi ajruport reġjonali fit-territorju tiegħu, meta dik ir-rotta ma tkunx kunsidrata vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun li fih ikun lokalizzat l-ajruport, sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti adegwat tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, volum u prezz, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkonsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu” (12).

(24)

L-adegwatezza tas-servizzi ta' l-ajru skedati tiġi vvalutata mill-Istati Membri “meta wieħed jikkunsidra l-interess tal-pubbliku; il-possibbilità li jkun hemm aċċess għal modi oħra tat-trasport u l-volum ta' dawk il-modi li jilħqu l-ħtiġijiet tat-trasport li jkun qed jiġi kkunsidrat; l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta” (13).

(25)

L-Artikolu 4 jipprovdi mekkaniżmu f'żewġ fażijiet: fl-ewwel wieħed – l-Artikolu 4(1)(a) – l-Istat Membru kkonċernat jimponi OSP fuq rotta jew fuq aktar minn rotta waħda, li jibqgħu miftuħa għat-trasportaturi bl-ajru kollha tal-Komunità sakemm jaqdu l-obbligi msemmija. Jekk l-ebda trasportatur ma jippreżenta ruħu biex jopera r-rotta suġġetta għall-OSP, l-Istat Membru jista' jgħaddi għat-tieni fażi – l-Artikolu 4(1)(d) – li jikkonsisti f'li l-aċċess għar-rotta jkun limitat għal trasportatur wieħed biss għal perjodu massimu ta' tliet snin, li jista' jiġġedded. Dan it-trasportatur jintgħażel abbażi ta' sejħa għall-offerti fil-Komunità. It-trasportatur magħżul jista' mbagħad jirċievi kumpens finanzjarju għall-operat tar-rotta f'konformità ma' l-OSP.

(26)

Skond l-Artikolu 4(3), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, wara investigazzjoni li twettaqha fuq talba ta' Stat Membru jew inkella bl-inizjattiva tagħha stess, jekk l-OSP ippubblikati jkollhomx jibqgħu japplikaw. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Kunsill u l-Istati Membri.

2.   Eliġibbiltà tar-rotot

(27)

Ir-Repubblika Taljana ġġustifikat l-impożizzjoni ta' l-OSP permezz tal-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp ta' Sardenja, li jeħtiġilha tpatti għall-iżvantaġġi marbuta ma' l-insularità tagħha.

(28)

Barra minn hekk, il-gvern awtonomu ta' Sardenja impenja ruħu li jiffavorixxi l-moviment ħieles tar-residenti. Fil-fatt, ir-rotot bejn Sardenja u l-Italja kontinentali f'xi staġuni mhumiex adegwati, filwaqt li skond il-prinċipju tal-moviment ħieles ir-residenti ta' Sardenja għandhom igawdu minn possibbiltajiet suffiċjenti kontinwi matul is-sena. Barra minn hekk, ir-RepubblikaTaljana qed tenfasizza d-distanzi twal, sew f'kilometri kif ukoll fil-ħin tal-vjaġġi, bejn id-diversi ajruporti ta' Sardenja, reġjun li jbati minn ċerti nuqqasijiet f'dik li hija l-infrastruttura. Huwa propju fuq din il-bażi li tiġġustifika l-ħtieġa ta' l-OSP biex ikopru t-tliet ajruporti ta' Sardenja.

(29)

Il-Kummissjoni jidhrilha li Sardenja tista' titqies bħala żona periferika minħabba l-insularità tagħha, u minħabba n-nuqqas ta' mezzi reali alternattivi tat-trasport.

(30)

Barra minn hekk, id-distakk negattiv bejn l-iżvilupp ta' Sardenja u dak ta' reġjuni oħra ta' l-Italja huwa ddokumentat bis-sħiħ: l-iżolament ta' Sardenja, flimkien mal-popolazzjoni ċkejkna tagħha, aggravata minn emigrazzjoni qawwija, flimkien jispjegaw l-iżvantaġġ ekonomiku tal-gżira, li jġibha fl-istess klassi tar-reġjuni tal-Mezzogiorno.

(31)

Abbażi tat-tagħrif li għandha f'idejha, l-analiżi tal-Kummissjoni ma jippermettix li jinxteħet xi dubju dwar il-karattru vitali tar-rotot ikkonċernati kif imressaq mill-awtoritajiet Taljani.

3.   L-adegwatezza ta' l-OSP

3.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(32)

Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu OSP ħlief “sal-limitu meħtieġ biex ikun assigurat li fuq dik ir-rotta l-għoti adegwat tas-servizzi bl-ajru skedati jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, volum u prezz, liema normi t-trasportatur ta' l-ajru ma jkunx jista' jassumi kieku jkun qiegħed jikkunsidra biss l-interess kummerċjali tiegħu”.

(33)

L-adegwatezza tas-servizzi tiġi vvalutata fil-qies tal-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament:

l-interess tal-pubbliku;

il-possibbiltà, b'mod partikolari għal reġjuni gżejjer, li jkun hemm aċċess għal modi oħra tat-trasport u l-volum ta' dawk il-modi li jilħqu l-ħtiġijiet tat-trasport li jkun qed jiġi kkunsidrat;

it-tariffi ta' l-ajru u kundizzjonijiet li jistgħu jiġu kkwotati lill-utenti;

l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta.

(34)

Barra minn hekk, l-obbligi ta' servizz pubbliku jeħtiġilhom ikunu konformi mal-prinċipji fundamentali tal-proporzjonalità u tal-ħelsien mid-diskriminazzjoni [ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 2001 fil-kawża C- 205/99, l-Asociación Profesional de Empresas Navieras de Líneas Regulares (Analir) u oħrajn kontra l-Administración General del Estado, Rec. 2001, p. I-01271].

(35)

F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Taljani, l-impożizzjoni ta' l-OSP f'dak li jirrigwarda l-frekwenza u l-volum tat-titjiriet, kif ukoll it-tariffi, tista' tkun meħtieġa sabiex tiżgura għoti adegwat ta' servizzi fuq ir-rotot ikkonċernati.

(36)

Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti kundizzjonjiet imposti mid-Digrieti Nri 35 u 36 huma restrittivi aktar mill-meħtieġ jew inkella sproporzjonati.

3.2.   L-obbligu li l-aċċettazzjoni ta' l-OSP tiġi kkomunikata fi żmien 30 jum

(37)

Il-punt 8 ta' l-OSP kif jipprovdu d-Digrieti Nri 35 u 36 jistipula li “t-trasportaturi li jkunu jixtiequ jilqgħu l-OSP li hemm f'dan l-Anness jeħtiġilhom iressqu l-aċċettazzjoni uffiċjali tagħhom lill-ENAC fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-impożizzjoni ta' l-obbligi msemmija hawn fuq.” Fil-fatt, dan l-obbligu rriżulta li kien kundizzjoni ta' esklużjoni ta' trasportatur li kien wassal aċċettazzjoni tali “tard wisq” b'jum. B'hekk, trasportatur li ma jkunx ikkomunika l-aċċettazzjoni tiegħu tat-totalità tal-kundizzjonijiet ta' l-OSP f'din il-medda ta' żmien ikun hemm ċans li jisfa' eskluż għall-perjodu kollu.

(38)

Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni ma għandha l-ebda bażi fil-liġi konformi ma' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, u li tirriżulta restrittiva aktar milli dovut. L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament ma jawtorizzax lill-Istati Membri li jillimitaw l-għadd ta' trasportaturi li jistgħu jkollhom aċċess għar-rotot, iżda biss li jimponu b'mod ġenerali OSP applikabbli għall-operaturi kollha li joperaw jew li jkollhom intenzjoni joperaw dawn ir-rotot. Limitazzjoni bħal din ta' l-għadd tat-trasportaturi tista' ssir biss skond l-Artikolu 4(1)(d).

(39)

Għaldaqstant, kull trasportatur li jkollu l-intenzjoni jaqdi l-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament għandu jkun jista' jopera din ir-rotta, kien x'kien il-mument meta huwa biħsiebu jibda s-servizzi. Stat Membru jista' jillimita l-aċċess għal din ir-rotta skond l-Artikolu 4(1)(d), jekk f'data preċiża l-ebda trasportatur ma jkun beda servizzi regolari bi skeda fuq rotta f'konformità ma' l-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a). Biss, jekk operatur jew aktar minn operatur wieħed ikunu bdew l-operat fiż-żmien stabbilit, Stat Membru ma jistax jeskludi minn din ir-rotta trasportaturi oħra li jikkomunikaw l-intenzjoni tagħhom li joperaw fi kwalunkwe waqt wara d-data ta' l-għeluq. Id-dħul ta' operaturi ġodda jista', madankollu, jirrikjedi xi aġġustamenti fl-OSP imposti fuq kull trasportatur. (ara aktar 'l isfel, sezzjoni 3.4)

3.3.   L-obbligu ta' l-operat tar-rotta matul perjodu ta' tliet snin

(40)

Il-punt 5 ta' l-OSP kif jipprovdu d-Digrieti Nri 35 u 36 jistipula li “f'konformità ma' l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92, it-trasportatur li jaċċetta l-obbligi jeħtieġlu jiżgura s-servizz matul perjodu ta' 36 xahar konsekuttiv u ma jistax jinterrompih ħlief wara notifika b'talanqas sitt xhur bil-quddiem lill-ENAC u lir-Reġjun Awtonomu ta' Sardenja”.

(41)

L-esiġenza ta' perjodu minimu ta' l-operat hija konformi, f'dan il-każ partikolari, ma' l-Artikolu 4(1)(c) li jipprovdi li “fil-każi meta forom oħra ta' trasport ma jistgħux jassiguraw servizz adegwat u mhux interrott, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jinkludu fl-obbligi ta' servizz pubbliku l-ħtieġa li kull trasportatur ta' l-ajru li jkun biħsiebu jopera r-rotta jagħti garanzija li jopera r-rotta għal ċertu perjodu, li għandu jkun speċifikat, skond il-kundizzjonijiet l-oħra ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku”. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li minħabba l-insularità ta' Sardenja u l-bogħod tagħha mill-kontinent, mezzi alternattivi tat-trasport ma jiżgurawx servizz alternattiv adegwat.

(42)

Madankollu l-Kummissjoni jidhrilha li t-tul minimu ta' tliet snin impost mid-Digrieti Nri 35 u 36 huwa eċċessiv u sproporzjonat.

(43)

Il-Kummissjoni tista' tifhem li l-ħtieġa li tiġi żgurata kontinwità tas-servizz u li jinkiseb impenn min-naħa tat-trasportaturi li joperaw matul ċertu perjodu. Madankollu, kif ġie indikat aktar 'il fuq, l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta' l-OSP ma għandhomx id-dritt iwarrbu kandidati potenzjali mill-operat: l-OSP mingħajr konċessjoni esklussiva u lanqas kumpens fl-ebda każ ma għandhom jikkostitwixxu għeluq tas-suq, definittiv jew għal perjodu twil.

(44)

Jista' jkun leġittimu li, matul ċerti perjodi fis-sena, jiġi impost l-operat tar-rotot li jkunu kkaratterizzati minn irregolarità staġjonali qawwija. Fil-fatt, fuq rotot bħal dawn, it-trasportaturi jista' jkollhom it-tendenza naturali li jillimitaw l-offerta tagħha jew jikkonċentrawha fuq il-ġimgħat li matulhom il-frekwenza tkun biżżejjed biex tiżgura l-qligħ mis-servizz, u li jittraskuraw l-operat tas-servizz fi żminijiet oħra tas-sena. Il-Kummissjoni jidhrilha, madankollu, li f'ċirkostanzi bħal dawn, ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jwassal li t-tul tal-perjodu li matulu l-operat kontinwu għandu jkun iggarantit skond l-OSP pprovduti mill-Artikolu 4(1)(a) ma għandux ikun aktar minn sena.

(45)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li dan it-tul ma jeħlisx lill-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni ta' l-OSP milli jagħmlu eżami ta' l-adegwatezza tas-servizz kull tant żmien. Kif jitfakkar aktar 'il quddiem, kien x'kien, eżami bħal dan għandu jsir meta trasportatur ġdid jibda jopera servizzi fuq ir-rotta kkonċernata jew ikun sejjer jagħmel hekk.

3.4.   It-tqassim tar-rotot u l-frekwenzi mill-ENAC

(46)

Il-punt 1.6 tad-Digrieti Nri 35 u 36 ipprovda li “sabiex ma jitħalliex li jkun hemm il-kapaċità żejda li tista' ġġib magħha l-aċċettazzjoni ta' l-istess rotta min-naħa ta' għadd ta' trasportaturi, minħabba l-limiti u ċ-ċirkostanzi ta' l-ajruporti kkonċernati fuq il-livell ta' l-infrastruttura, l-ENAC ingħatat l-inkarigu li fl-interess pubbliku, wara konsultazzjoni mar-Reġjun Awtonomu ta' Sardenja, tadatta l-programmi operattivi tat-trasportaturi li laqgħu l-miri ta' mobbiltà msemmija fl-obbligi. Dan għandu jwassal għal taassim ekwu tar-rotot u l-frekwenzi bejn it-trasportaturi li jilqgħu l-OSP, skond il-volum tat-traffiku fuq ir-rotot (jew it-totalità tar-rotot) ikkonċernati, li jirriżulta għal kull trasportatur matul l-aħħar sentejn”.

(47)

Skond dawn is-setgħat, l-ENAC tista' tarbitra u tiffavorixxi ftehim bejn diversi kumpaniji li joperaw fuq l-istess rotta. Fil-każ ta' Sardenja, l-ENAC ippresjediet diskussjoni bejn l-operaturi interessati għal ċerti rotot, u ddefiniet magħhom tqassim tat-traffiku.

(48)

Ir-Repubblika Taljana tiddefendi din is-setgħa ta' intervent, li, fil-fehma tagħha, tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizz billi l-OSP ma tħallihomx suġġetti għaċ-ċirkostanzi tad-dħul u l-ħruġ ta' operaturi oħra li jistgħu jkollhom anqas interess jaqdu l-OSP mingħajr kumpens. Tirreferi b'mod partikolari għas-sentenza tat-TAR tal-Lazio tas-17 ta' Marzu 2005, li qalet li kien “għal kollox leġittimu li d-Digriet (ta' l-2004) jiddefinixxi xenarju li fih, għar-rotot kollha suġġetti għal OSP, ikun hemm diversi trasportaturi, mhux iggruppati flimkien u f'kompetizzjoni ma' xulxin. Possibbiltà tali, madankollu, jeħtiġilha tkun ipprovduta biċ-ċar, u fl-istess ħin jeħtieġ ikollha kriterju minimu oġġettiv ta' tqassim a priori mis-slots f'relazzjoni ma' l-għadd (wieħed, tnejn jew aktar minn tnejn) ta' trasportaturi li jkunu aċċettaw l-OSP fil-fatt, sabiex tiġi evitata l-kapaċità żejda li tkun ta' ħsara għall-offerta, u fuq kollox, li l-allokazzjoni tas-slots ma għandhiex twassal għall-introduzzjoni arbitrarja u fil-fatt għall-esklussività ta' l-eżerċizzju, espressament miċħuda min-normi tad-Digriet” (14).

(49)

L-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a) għandhom jinkludu t-trasportaturi kollha li joperaw jew li jkollhom l-intenzjoni joperaw fuq ir-rotta kkonċernata. Dan jikkonfermah l-Artikolu 4(1)(b) li jistipula li “l-adegwatezza tas-servizzi bl-ajru skedati għandha tkun evalwata mill-Istati Membri meta wieħed jikkunsidra:(...)l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li huma maħsuba li joperaw fuq ir-rotta”.

(50)

Il-Kummissjoni tqis li dan il-prinċipju għandu jiġi segwit, mhux biss fil-waqt ta' l-impożizzjoni, imma wkoll waqt it-tul kollu tal-perjodu ta' l-OSP. Hekk, kull darba li trasportatur ġdid jibda jopera fuq din ir-rotta, jew ikun sejjer jibda jagħmel hekk, il-livell tal-kapaċitajiet u tal-frekwenzi imposti mill-OSP fuq kull trasportatur għandu jiġi aġġustat, b'tali mod li l-kapaċitajiet u l-frekwenzi totali ma jaqbżux dak li jkun strettament meħtieġ biex jingħata servizz adegwat.

(51)

Fil-fatt, ġaladarba dawn huma OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament, it-trasportaturi mhumiex obbligati jiżguraw individwalment l-għadd ta' frekwenzi jew ta' kapaċitajiet, imma l-operaturi lkoll flimkien li jistgħu jippermettu li jiġi żgurat dan is-servizz minimu.

(52)

Il-Kummissjoni tagħraf li jista' jsir neċessarju għall-awtorità inkarigata mill-OSP li tiżgura li l-frekwenzi u l-kapaċitajiet flimkien iħallu li l-OSP jinqdew. Madankollu, din l-awtorità lit-trasportaturi kkonċernati ma għandha qatt tillimitalhom il-possibbiltà li, meta jridu, ifornu s-servizzi lil hinn mill-kapaċità jew il-frekwenza rikjesti mill-OSP, li ma jistgħux ikunu ħlief obbligi minimi. Konsegwentement, safejn ir-regoli adottati mill-ENAC għandhom l-għan li jżommu trasportatur milli jagħti servizzi addizzjonali, huma restrittivi aktar mid-dovut u jmorru kontra r-Regolament.

(53)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota b'sodisfazzjon li r-Repubblika Taljana fl-ittra tagħha tal-15 ta' Novembru 2006 ikkonfermat li l-amministrazzjoni tagħha kull tant żmien sejra tivvaluta l-qagħda mill-ġdid, fuq bażi annwali, u sejra tanalizza applikazzjonijiet eventwali minn operaturi li jkunu lesti joperaw fuq ir-rotot fil-qafas ta' l-OSP (15). Tinnota li r-Repubblika Taljana kkonfermat li “xejn ma jipprojbixxi Stat Memrbu milli jivverifika (inkluż waqt il-perjodu ta' l-applikazzjoni ta' l-OSP) l-adegwatezza u l-ħtieġa ta' l-OSP, u li jimmodifikahom jew jirrevokahom, sakemm l-utilità jew il-karattru leċitu tagħhom ma jiġix rikonoxxut ulterjorment” (16).

3.5.   Ir-raggruppament flimkien tar-rotot Alghero-Ruma u Alghero-Milan minn naħa, Olbia-Ruma u Olbia-Milan min-naħa l-oħra

(54)

Ir-Repubblika Taljana tiġġustifika r-raggruppament flimkien tar-rotot Alghero-Ruma u Alghero-Milan minn naħa, Olbia-Ruma u Olbia-Milan min-naħa l-oħra abbażi tal-komplementarità tagħhom u l-interdipendenza bejniethom għall-operat. Fil-fatt, skond l-awtoritajiet Taljani, għal żewġ terzi tas-sena dawn ir-rotot huma kkaratterizzati minn traffiku oġġettivament ridott, minħabba l-istaġjonalità kbira ħafna tat-traffiku. Fid-dawl tal-fatt li m'hemm maħsub l-ebda kumpens finanzjarju fuq dawn ir-rotot, tkun ir-responsabbiltà ta' l-amministrazzjoni li lit-trasportaturi tiżguralhom li l-operat tagħhom ikun sostenibbli minkejja li ma jkunx attraenti mill-angolu ekonomiku. B'hekk ikunu qed jiġu implimentati “l-effetti tajba ta' l-interdipendenza operattiva” li jippermettu li “fl-istaġun tax-xitwa, ir-rotazzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru minħabba l-faqar tad-domanda” filwaqt li “il-previżjoni ta' pakketti ta' rotot tikkontribwixxi biex tattira trasportaturi disposti li joperaw dawn ir-rotot”. Barra minn hekk, fil-fehma tar-Repubblika Taljana, l-offerta rikjesta għall-perjodu tas-sajf tkun tista' tiġi rispettata aħjar bl-operat konġunt fuq għadd ta' rotot. Ir-Repubblika Taljana fl-aħħarnett tressaq l-argument li r-Regolament innifsu jipprevedi l-possibbiltà li l-varjazzjonijiet fid-domanda jingħaqdu flimkien, pereżempju fi ħdan l-istess ġimgħa. Dan ir-raggruppament b'hekk jippermetti li jitrażżnu l-ispejjeż u jittejbu kemm jista' jkun il-kapaċitajiet, filwaqt li fl-istess ħin tingħata risposta għall-esiġenzi tad-domanda. B'hekk dan ir-raggruppament ma jkunx jikkostitwixxi restrizzjoni tas-suq, iżda bil-maqlub, jagħmilha possibbli li jinġibdu aktar operaturi.

(55)

Il-Kummissjoni jidhrilha li r-raggruppament tar-rotot mhuwiex kompatibbli ma' l-Artikolu 4(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament. Fil-fatt, il-kriterji ta' l-eliġibbiltà u ta' l-adegwatezza ta' l-OSP ipprovduti f'dawn id-dispożizzjonjiet espliċitament isemmu, kull darba, “ir-rotta”, mingħajr qatt ma jipprovdu dwar raggruppament ta' rotot. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi konkluż li kull wieħed mill-kriterji għandu jiġi vvalutat separatament, fir-rigward ta' kull rotta meħuda individwalment.

(56)

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Fil-fatt, raggruppament tar-rotot ta' dan it-tip lill-Istati Membri jħallihom jimponu OSP fuq rotot fejn ma jkunux meħtieġa biex jiżguraw l-għoti ta' servizz adegwat. Il-possibbiltà li dawn ir-rotot jinġabru flimkien għalhekk ma tidhirx ħlief fl-Artikolu 4(1)(d), fejn jintqal li d-dritt ta' l-operat ta' dawn is-servizzi għandu jingħata wara sejħa għall-offerti “jew għal rotta singola jew għal grupp ta' dawk ir-rotot”. Din ir-referenza espliċita fl-Artikolu 4(1)(d) teskludi a contrario li raggruppament tali jkun jista' japplika fil-kuntest ta' l-ambitu ta' l-Artikolu 4(1)(a), (b) u (c). Huwa preċiżament minħabba li s-suq ma jkunx ippermetta li trasportatur bl-ajru jkun beda s-servizzi skedati fuq rotta, jew ikun wasal biex jibdiehom, skond l-OSP li jkunu ġew imposti fuq dik ir-rotta, li l-Istat Membru jkun jista' jillimita l-aċċess għal trasportatur wieħed biss, għal perjodu massimu ta' tliet snin, u jipprevedi sejħa għall-offerti li tista' tiġi estiża għal grupp ta' rotot. Fil-qosor, ir-raggruppament ta' diversi rotot jista' jitqies bħala risposta għal lakuna ċara tas-suq u bħala forma indiretta ta' kumpens li, fuq il-mudell tal-kumpens dirett, mhuwiex ammissibbli ħlief fil-kuntest ta' l-Artikolu 4(1)(d). Skond sistema ta' OSP taħt l-Artikolu 4(1)(d), ir-raggruppament fl-ebda każ ma jista' jimmira li jrendi l-qligħ minn żewġ rotot separati sabiex jiffavorixxi l-operat ta' trasportatur jew għadd ta' trasportaturi.

(57)

Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet Taljani ma jserrħu fuq l-ebda data kkwantifikata teknika jew ekonomika li tirfed l-analiżi tagħhom.

Fil-fatt, jistgħu jitqajmu kontra l-elementi li ġejjin:

il-kapaċitajiet u l-frekwenzi rikjesti għandhom iqisu l-ħtiġijiet rotta b'rotta, u mhux b'tali mod li jkunu jistgħu jinqdew b'aktar effikaċja biss permezz tar-raggruppament ta' dawn ir-rotot.

l-obbligi, f'termini ta' frekwenza marbuta ma' dan l-akkoppjament, tant jirriżultaw kbar li fil-fatt iwarrbu fil-ġenb għadd kbir ta' operaturi potenzjali li jkunu jixtiequ jirrispondu għall-OSP u jaqdu Sardenja, imma li minħabba n-nuqqas ta' stabbiliment operattiv f'waħda miż-żewġ bliet, fil-fatt ikunu għal kollox imbarrin milli jiżguraw is-servizz. Konsegwentement, ir-raggruppament pjuttost ikollu l-effett li jagħlaq is-suq.

F'dan ir-rigward huwa evidenti li l-OSP raggruppati b'dan il-mod ma jħallux lil għadd żgħir ta' operaturi li diġà jinsabu fil-post jirrispondu favorevolment. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta' l-OSP barriet kumpaniji li kienu qed joperaw jew li kellhom l-intenzjoni joperaw fuq ir-rotot minn Ruma u Milan, preċiżament bid-destinazzjoni ta' kull wieħed mill-ajruporti kkonċernati, jiġifieri Olbia u Alghero. B'hekk, anke jekk kellhom ir-rieda, dawn it-trasportaturi ma setgħux iressqu l-kandidatura tagħhom għal operat ta' spiża kbira wisq għall-attività tagħhom. Raggruppamenti ta' dan it-tip għaldaqstant ibarru operaturi eventwali oħra.

Dawn l-effetti restrittivi huma aktar importanti fid-dawl tad-daqs tas-swieq ikkonċernati (it-total tal-passiġġieri fl-2005 – ċifri tar-Repubblika Taljana):

Olbia-Ruma u Olbia Milan: 731 349 (390 186 fis-sajf u 341 163 fix-xitwa).

Alghero-Ruma u Alghero-Milan: 502 820 (184 273 fis-sajf u 318 547 fix-xitwa).

F'dawn il-kundizzjonijiet, mhuwiex probabbli li r-rotot bejn l-akbar żewġ bliet ta' l-Italja u l-ajruporti ta' Olbia u Alghero f'Sardenja tant ma jkunux attraenti li, biex isiru attraenti, ikollhom jiġu raggruppati flimkien.

(58)

Konsegwentement, il-Kummissjoni jidhrilha li r-raggruppament ta' ċerti rotot mhuwiex kompatibbli mar-Regolament, u huwa restrittiv aktar mid-dovut.

3.6.   It-tariffi preferenzjali għall-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk

(59)

Id-Digrieti Nri 35 u 36 jesiġu li t-trasportaturi għandhom japplikaw tariffi preferenzjali għall-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk. Skond l-estimi tar-Repubblika Taljana, l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jaffettwaw massimu ta' 220 000 persuna, u realment ċifra eqreb lejn il-110 000 jekk wieħed iqis li 50 % minnhom jagħmlu vjaġġ wieħed fis-sena.

(60)

Fil-prattika, miżura bħal din liċ-ċittadini Ewropej ta' nazzjonalità Taljana tiffavorixxihom aktar minn ċittadini ta' nazzjonalitajiet oħra. Għaldaqstant, prima facie tista' titqies bħala diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità, u għalhekk tmur kontra t-Trattat. Miżura bħal din fil-kuntest ta' sistema ta' OSP tista' titħalla biss safejn id-differenza fit-trattament tissejjes fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, u pproporzjonati għall-mira leġittima tad-dritt nazzjonali.

(61)

Ir-Repubblika Taljana tispjega li l-miżura hija meħtieġa essenzjalment biex lill-emigranti Sardi tħallihom jibqgħu magħquda mal-komunità kulturali ta' l-oriġini tagħhom (17). Madankollu, anke jekk il-mira tkun tista' titqies bħala waħda leġittima ta' interess pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament, il-miżura hija evidentement sproporzjonata. L-ewwelnett, il-miżura hija applikabbli għal kull persuna mwielda f'Sardenja imma mhux residenti hemmhekk, mingħajr il-ħtieġa li tintwera xi rabta li tkun għadha teżisti bejn il-persuna kkonċernata u r-reġjun ta' l-oriġini, pereżempju f'termini ta' familja. It-tieni, il-miżura hija applikabbli indipendentement mill-mezzi finanzjarji ta' kull emigrant. It-tielet, bil-maqlub tar-residenti ta' Sardenja li jeħtiġilhom jivvjaġġaw lejn il-kontinent relattivament ta' spiss sabiex jirċievu ċerti servizzi fundamentali (edukazzjoni, saħħa) jew għal attivitajiet ekonomiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta' Sardenja, l-emigranti jmorru Sardenja biss okkażjonalment (skond l-awtoritajiet Taljani, massimu ta' 50% potenzjalment ikkonċernati jagħmlu vjaġġ wieħed fis-sena). Konsegwentement, l-ispiża totali ta' dawn il-vjaġġi okkażjonali hija relattivament anqas f'relazzjoni ma' l-ispejjeż li jagħmlu r-residenti ta' Sardenja, u f'għadd kbir ta' każijiet, ikunu faċilment jiġu koperti mill-emigranti nfushom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiddaħħal it-tnaqqis ipprovdut mid-Digrieti Nri 35 u 36. Fl-aħħarnett, safejn ċerti emigranti ma jkollhomx il-mezzi meħtieġa biex iħallsu l-prezz ta' titjira annwali lejn Sardenja, miżura aktar adegwata u anqas restrittiva tkun li l-emigranti kkonċernati jiġu offruti l-għajnuna.

(62)

F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni jidhrilha li din id-dispożizzjoni hija sproporzjonata u mhijiex kompatibbli mar-Regolament.

3.7.   L-applikazzjoni għat-totalità tas-sistema ajruportwali

(63)

Id-Digrieti Nri 35 u 36 jipprovdu li l-applikazzjoni ta' l-OSP lejn Ruma u Milan iħaddnu fihom l-integralità tas-sistemi ajruportwali korrispondenti, hekk kif jidher fl-Anness II tar-Regolament, jiġifieri:

L-ajruporti ta' Fiumicino u Ciampino għal Ruma

L-ajruporti ta' Linate, Malpensa u Bergamo għal Milan

(64)

Infakkru li l-OSP ta' l-2000 kienu jkopru l-ajruporti ta' “Ruma (Fiumicino) u Milan”. Fil-kuntest tal-binja tas-sistema ajruportwali ta' Milan, skond l-Artikolu 8 u ta' l-Anness II tar-Regolament, l-Italja uffiċjalment estendiet l-applikazzjoni ta l-OSP għat-totalità tas-sistema ajruportwali kkonċernata.

(65)

Ir-Repubblika Taljana ġġustifikat l-għażla tagħha biss fuq raġunijiet tekniċi, li wassluha biex terġa' tinkludi awtomatikament l-integralità ta' kull sistema ajruportwali. Madankollu, ikkonfermat li l-interess prinċipali ta' l-OSP kien iffukat fuq l-ajruporti ta' Ruma-Fiumicino u Milan-Linate, preferuti mill-benefiċjarji ta' l-OSP minħabba l-prossimità tagħhom lejn iċ-ċentru tal-bliet kbar ikkonċernati, li kien jiġġustifika li l-OSP ipprovdew li “fid-dawl tad-disponibbiltà tas-slots, talanqas 50 % tar-rotot previsti bejn l-ajruporti ta' Sardenja, dawk ta' Ruma u ta' Milan għandhom ikunu żgurati bi tluq minn Fiumicino u Linate u lejn dawn iż-żewġ destinazzjonijiet” (18).

(66)

Ir-Repubblika Taljana argumentat li kien “oġġettivament ippruvat li l-ajruporti ta' Fiumicino għal Ruma u Linate għal Milan jirrappreżentaw id-destinazzjoni l-aktar komda, moqdija l-aħjar u l-aktar attraenti għall-utenti, ġaladarba huma ż-żewġ ajruporti li huma l-eqreb u l-aktar ikkollegati maċ-ċentri taż-żewġt ibliet”. B'hekk spjegat li “sabiex jiġi ggarantit servizz aħjar u biex tingħata risposta aħjar għall-esiġenzi ta' l-utenti, deher li jkun f'loku li jiġi evitat li t-trasportaturi li jilqgħu l-OSP ma jkollhomx il-libertà li dawn l-ajruporti jabbandunawhom għal kollox favur oħrajn (anqas komdi u interessanti għall-utenti) li huma parti mill-istess sistema ajruportwali” (19).

(67)

Barra minn hekk, jidher li fil-fatt, it-titjiriet fl-istaġun tax-xitwa joperaw biss mill-ajruporti ta' Fiumicino u Linate.

(68)

F'dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni tiddubita l-ħtieġa ta' miżura bħal din, li tqisha sproporzjonata f'relazzjoni mal-miri mfittxija, li huma l-iżgurar tal-mobbiltà lejn il-kontinent u l-koeżjoni territorjali. Fil-fatt, din il-miżura għandha l-effett dirett li tbarri trasportaturi okkażjonali, mingħajr ma taffettwa l-prinċipju ta' l-OSP, u tikkontribwixxi għall-għeluq definittiv tas-suq għal operaturi ġodda fuq ir-rotot fejn hemm l-akbar konkorrenza, partikolarment fil-perjodu tas-sajf.

(69)

Ir-Repubblika Taljana madankollu rrikonoxxiet li l-ajruport distributur (hub) ta' Malpensa kellu rwol essenzjali għar-rotot internazzjonali, filwaqt li l-ajruporti ta' Ciampino u Bergamo, bħala ajruporti hubs interni għall-kumpaniji low-cost, kienu jippermettu li jinqeda l-prinċipju Komunitarju ta' koeżjoni ekonomika u soċjali, u li għal gżira bħal Sardenja jitwettaq l-għan ta' koeżjoni territorjali mar-reġjuni kollha ta' l-Ewropa. Konsegwentement, ir-Repubblika Taljana impenjat ruħha li temenda d-Digriet Nru 35 biex l-OSP ma japplikawx għall-ajruporti ta' Malpensa, Bergamo u Ciampino (20).

(70)

Il-Kummissjoni jidhrilha li dan l-impenn jirrispondi effettivament għad-dubji li jistgħu jitqajmu, u li emenda tali tad-Digriet tħalli li l-impatt tar-restrizzjonijiet mhux dovuti imposti mill-OSP jitnaqqsu b'mod sinifikanti, filwaqt li jaqdu l-ħtiġijiet ta' Sardenja għall-mobbiltà, mingħajr ma jirrestrinġu sproporzjonatament is-swieq ikkonċernati.

(71)

Fid-dawl ta' dan l-impenn tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni mhux biħsiebha tkompli ssegwi l-analiżi tagħha tan-natura sproporzjonata ta' l-applikazzjoni għat-totalità tas-sistemi ajruportwali ta' Milan u Ruma, filwaqt li tirriserva l-possibbiltà li terġa' lura fuq dan l-aspett fl-OSP ippreżentati fil-ġejjieni, jekk dan ikun f'loku.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(72)

Abbażi tat-tagħrif mogħti mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda dubju dwar l-applikazzjoni ta' OSP fuq ir-rotot bejn Sardenja u l-Italja kontinentali li, f'dak li jirrigwarda l-frekwenzi u l-kapaċitajiet, kif ukoll it-tariffi, jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat għoti adegwat ta' servizzi fuq ir-rotot ikkonċernati.

(73)

Madankollu, il-Kummissjoni jidhrilha li ċerti kundizzjonjiet imposti mid-Digrieti Nri 35 u 36 huma restrittivi aktar mid-dovut jew inkella sproporzjonati.

(74)

Il-Kummissjoni tqis li l-OSP imposti skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament impliċitament ifissru li kull trasportatur li jkollu l-intenzjoni jaqdi l-OSP għandu jkun jista' jopera din ir-rotta, kien x'kien il-mument meta huwa biħsiebu jibda jagħti s-servizzi. Konsegwentement, l-użu ta' perjodu ta' żmien għat-tressiq ta' l-applikazzjonijiet biex jitbarrew operaturi li jressqu applikazzjoni lil hinn minn dan il-perjodu huwa restrittiv aktar mid-dovut u mhux kompatibbli mar-Regolament.

(75)

Jekk jista' jidher leġittimu li tiġi prevista kontinwità tas-servizzi għal ċertu perjodu, il-Kummissjoni jidhrilha li r-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jwassal biex il-perjodu jkollu limiti raġonevoli, u li f'sistema ta' OSP skond l-Artikolu 4(1)(a), ma għandux jaqbeż sena.

(76)

Il-Kummissjoni tqis li l-kompetenzi mogħtija lill-ENAC biex tikkoordina l-attivitajiet ta' l-operaturi bil-għan li tevita l-kapaċità żejda huma restrittivi aktar mid-dovut u mhumiex kompatibbli mar-Regolament.

(77)

Il-Kummissjoni tinnota li r-raggruppament tar-rotot Olbia-Ruma u Olbia-Milan minn naħa, u Alghero-Ruma u Alghero-Milan min-naħa l-oħra, huwa restrittiv aktar mid-dovut u mhuwiex kompatibbli mar-Regolament.

(78)

Il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tat-tariffi mnaqqsa għall-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk hija sproporzjonata u mhijiex kompatibbli mar-Regolament.

(79)

Il-Kummissjoni tiddubita l-ħtieġa ta' l-applikazzjoni ta' l-OSP għat-totalità tas-sistemi ajruportwali ta' Ruma u Milan, li tqisha sproporzjonata fir-rigward tal-miri mfittxija, li huma l-iżgurar tal-mobbiltà lejn il-kontinent u l-koeżjoni territorjali. Madankollu, fid-dawl ta' l-impenn tar-Repubblika Taljana li temenda d-Digriet Nru 35 biex l-OSP ma japplikawx għall-ajruporti ta' Bergamo, Malpensa u Ciampino, il-Kummissjoni mhux biħsiebha tkompli ssegwi l-analiżi tagħha, filwaqt li tirriserva l-possibbiltà li terġa' lura fuq dan l-aspett fl-OSP ippreżentati fil-ġejjieni, jekk dan ikun f'loku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-Repubblika Taljana tista' tkompli tapplika l-Obbligi ta' Servizz Pubbliku (“OSP”) imposti bid-Digrieti tal-Ministeru ta' l-Infrastruttura u t-Trasport Nri 35 u 36 tad-29 ta' Diċembru 2005 (ippubblikati fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana fil-11 ta' Jannar 2006) fuq total ta' 16-il rotta li jgħaqqdu t-tliet ajruporti ta' Sardenja ma' diversi ajruporti nazzjonali ta' l-Italja kontinentali, u ppubblikati rispettivament fl-24 ta' Marzu 2006 (id-Digriet Nru 35) u l-21 ta' April 2006 (id-Digriet Nru 36) fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tal-Kunsill dwar l-aċċess tat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji, bir-riserva li tirrispetta l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Kull trasportatur bl-ajru li jkollu l-intenzjoni li jaqdi l-OSP għandu jkun jista' jopera fuq ir-rotta kkonċernata, kien x'kien il-waqt meta jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jibda jagħti s-servizzi tiegħu, sew jekk din in-notifika sseħħ waqt jew wara l-perjodu ta' 30 jum stabbilit bid-Digrieti.

(b)

Fuq it-trasportaturi bl-ajru ma għandux jiġi impost perjodu tal-kontinwità tas-servizzi fil-qafas ta' l-OSP li jkun itwal minn sena.

(c)

L-awtoritajiet Taljani jeħtiġilhom jivvalutaw mill-ġdid il-ħtieġa li jżommu l-impożizzjoni ta' l-OSP fuq rotta, kif ukoll il-livell ta' l-obbligi imposti fuq kull trasportatur, hekk kif trasportatur ġdid jibda jopera, jew inkella jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel hekk, fuq din ir-rotta, u f'kull każ, darba fis-sena.

(d)

L-awtoritajiet Taljani ma għandhomx iżommu trasportaturi bl-ajru milli jagħtu s-servizzi tagħhom fuq ir-rotot ikkonċernati b'rekwiżiti lil hinn minn dawk minimi dwar il-frekwenza u l-kapaċitajiet ipprovduti bl-OSP.

(e)

It-trasportaturi bl-ajru ma għandhomx ikollhom l-obbligu joffru tariffi preferenzjali lill-persuni mwielda f'Sardenja imma li mhumiex residenti hemmhekk.

(f)

L-awtoritajiet Taljani ma jistgħux jagħmlu d-dritt li tagħti s-servizzi fuq rotta bejn żewġt ibliet kondizzjonali fuq l-obbligu li topera fuq rotta oħra bejn żewġt ibliet.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2007, ir-Repubblika Taljana għandha tinnotifika lill-Kummissjoni l-miżuri meħuda biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi President tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 240, 24.08.1992, p. 8. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 72, 24.3.2006, p. 4.

(3)  ĠU C 93, 21.4.2006, p. 13.

(4)  ĠU C 95, 22.4.2006, p. 9 sa 27 u p. 30.

(5)  ĠU C 284, 7.10.2000, p. 16.

(6)  ĠU C 51, 16.02.2001, p. 12-22.

(7)  ĠU C 306, 10.12.2004, p. 6.

(8)  ĠU C 161, 1.7.2005, p. 10.

(9)  ĠU L 215, 5.8.2006, p. 31.

(10)  Ara t-tweġibiet tar-Repubblika Taljana tas-6 ta' Ottubru u l-15 ta' Novembru 2006, kif ukoll il-komunikat lill-istampa ta' l-ENAC tat-23 ta' Mejju 2006.

(11)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992, l-Artikolu 3(1).

(12)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992, l-Artikolu 4(1)(a).

(13)  Ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992, l-Artikolu 4(1)(b).

(14)  Is-Sentenza tat-TAR tal-Lazio Nru 2436 tas-17 ta' Marzu 2005.

(15)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tal-15 ta' Novembru 2006, p. 2.

(16)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tal-15 ta' Novembru 2006, p. 11.

(17)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tas-6 ta' Ottubru 2006, p. 72-74.

(18)  Il-punt 1.2 tal-Komunikazzjoni ta' l-24 ta' Marzu 2006.

(19)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tas-6 ta' Ottubru 2006, p. 78.

(20)  L-ittra tar-Repubblika Taljana tal-15 ta' Novembru 2006, p. 3.


15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Mejju 2007

li tippermetti l-Istati Membri li jestendu awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi ġodda benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen u sulfuryl fluoride

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1929)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/333/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju ta’ l-1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fi Frar ta’ l-2002 il-Portugall irċieva applikazzjoni mingħand Isagro, għall-inklużjoni tas-sustanza attiva benalaxyl-M fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/35/KE (2) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva.

(2)

F’Marzu 2002, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Bayer CropScience li għandha x’taqsam mal-fluoxastrobin. Id-Deċiżjoni 2003/35/KE kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva.

(3)

F’Marzu 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Bayer CropScience li għandha x’taqsam mal-prothioconazole. Id-Deċiżjoni 2003/35/KE kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva.

(4)

F’Awwissu ta’ l-2001 l-Olanda rċeviet applikazzjoni minn Bayer AG li tikkonċerna spirodiclofen. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/593/KE (3) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva.

(5)

F’April 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Bayer li għandha x’taqsam ma’ spiromesifen. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/105/KE (4) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva.

(6)

F’Lulju 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Dow AgroSciences Ltd. li għandha x’taqsam mas-sulfuryl fluoride. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/305/KE (5) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva.

(7)

Kien hemm il-ħtieġa ta’ konferma tal-kompletezza tal-inkartamenti sabiex setgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għall-perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kondizzjoni dwar il-verifika dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn din id-Direttiva.

(8)

L-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ta’ dawn is-sustanzi attivi ġew verifikati, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istati Membri li jirrappurtaw ippreżentaw l-abbozz tar-rapporti ta’ verifika lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2003 (benalaxyl-M), fl-14 ta’ Ottubru 2003 (fluoxastrobin), fl-20 ta’ Ottubru 2004 (prothioconazole), fit-18 ta’ Mejju 2004 (spirodiclofen), fis-16 ta’ April 2004 (spiromesifen) u fid-9 ta’ Novembru 2004 (sulfuryl fluoride), rispettivament.

(9)

Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni mill-Istati Membri li jirrappurtaw, instab li kien hemm il-ħtieġa li jintalab tagħrif ulterjuri mill-applikanti u li l-Istati Membri li jirrappurtaw jeżaminaw dan it-tagħrif u jressqu l-valutazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tal-inkartamenti għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-valutazzjoni tintemm fis-sħiħ fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Drettiva 91/414/KEE.

(10)

Minħabba li l-valutazzjoni s’issa ma identifikat l-ebda dubju immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jiġġeddu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perijodu ta’ 24 xahar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE sabiex tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tal-inkartamenti. Mistenni li l-proċess tal-valutazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibbilità ta’ l-inklużjoni ta’ benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen u sulfuryl fluoride fl-Anness I ser jitlesta fi żmien 24 xahar.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen jew sulfuryl fluoride għal perijodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34).

(2)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 52.

(3)  ĠU L 192, 20.7.2002, p. 60.

(4)  ĠU L 43, 18.2.2003, p. 45.

(5)  ĠU L 112, 6.5.2003, p. 10.


III Atti adottati skond it-Trattat ta' l-UE

ATTI ADOTTATI SKOND IT-TITOLU V TAT-TRATTAT TA' L-UE

15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/29


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/334/PESK

ta’ l-14 ta’ Mejju 2007

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u f’oqsma oħra possibbli fil-Kosovo

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ April 2006 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK (1) li tistabbilixxi Grupp ta’ Pjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni possibbli ta’ l-UE għall-immaniġġar tal-kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u f’oqsma oħra possibbli fil-Kosovo.

(2)

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK li temenda u testendi sal-31 ta’ Mejju 2007 l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK.

(3)

Fis-27 ta’ Marzu 2007, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà rrakkomanda li l-EUPT Kosovo għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri sa l-1 ta’ Settembru 2007 in prinċipju, b’din id-data soġġetta għall-ħidma kontinwa fin-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

Bil-ħsieb ta’ l-iżgurar ta’ transizzjoni bla xkiel bejn il-Missjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo fil-jum tat-trasferiment tal-kompiti magħżulin mill-UNMIK għall-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi wara l-adozzjoni ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-EUPT Kosovo għandu jintuża bħala mezz għall-bini ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo matul il-perijodu ta’ transizzjoni. F’dan il-kuntest, koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo u l-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar tal-kriżi fil-Kosovo għandha tiġi żgurata matul dak il-perijodu.

(5)

L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK għandha tiġi estiża u emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK hi emendata kif ġej.

(1)

L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Is-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo u qabel it-tnedija tagħha tal-fażi operattiva tal-missjoni, l-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo permezz tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar ikun ġie maħtur.”;

(b)

Il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jmexxi l-EUPT Kosovo u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo u qabel it-tnedija tagħha tal-fażi operattiva, l-SĠ/RGħ għandu jiggwida lill-Kap ta’ l-EUPT Kosovo permezz tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar ikun ġie maħtur.”;

(c)

Il-paragrafu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ. Wara l-istabbiliment ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo u qabel it-tnedija tagħha tal-fażi operattiva, il-Kap ta’ l-EUPT Kosovo għandu jirrapporta lill-SĠ/RGħ permezz tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo ladarba dan ta’ l-aħħar ikun ġie maħtur.”;

(d)

Għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

“6.   Ladarba l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jkun laħaq ftehim in prinċipju dwar il-ħatra tal-Kap ta’ l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi, kollegament u koordinazzjoni xierqa għandhom jiġu żgurati mill-Kap tal-EUPT Kosovo.”

(2)

L-Artikolu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Partiċipazzjoni ta’ Stati terzi

Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjoni ta’ l-UE u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-Istati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPT Kosovo, ladarba l-operazzjoni ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo tiġi stabbilita, dment li jħallsu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi is-salarji, il-koperturi mediċi, l-allowances, l-assigurazzjoni għar-Riskju Għoli, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ kuljum ta’ l-EUPT Kosovo, kif xieraq.

Il-Kunsill hawnhekk jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.”.

(3)

L-Artikolu 14 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Reviżjoni

Sal-15 ta’ Lulju 2007 l-Kunsill għandu jevalwa jekk l-EUPT Kosovo għandhiex tkompli wara l-1 ta’ Settembru 2007, b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ transizzjoni bla xkiel għal operazzjoni possibbli ta’ l-UE għall-immaniġġar ta’ kriżi fil-Kosovo.”

(4)

L-Artikolu 15(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Għandu jiskadi fl-1 ta’ Settembru 2007.”

Artikolu 2

L-ammont finanzjarju ta’ referenza kif imniżżel fl-Artikolu 1.4 ta’ l-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK għandu jiżdied b’EUR 43 955 000 sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat ta’ l-EUPT Kosovo għall-perijodu mill-1 ta’ Ġunju sa l-1 ta’ Settembru 2007.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 112, 26.4.2006, p. 19. Azzjoni Konġunta kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK (ĠU L 349, 12.12.2006, p. 57).


Corrigendum

15.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/31


Corrigendum għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/319/KE tat-8 ta’ Settembru 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C.45/04 (ex NN 62/04) favur il-produttur ta’ l-azzar Ċek Třinecké železárny a.s.

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea L 119 tad-9 ta’ Mejju 2007 )

Fil-Werrej, fit-titolu fil-paġna 37, u fil-firma fil-paġna 44:

Minflok:

“8 ta’ Settembru 2006”;

Jiddaħħal:

“8 ta’ Novembru 2006”.