European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/142

16.10.2023

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2023 – ABN AMRO Bank u ABN AMRO Hypotheken Groep vs SRB

(Kawża T-428/23)

(C/2023/142)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: ABN AMRO Bank NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), ABN AMRO Hypotheken Groep BV (Amersfoort, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: R. Raas u T. Barkhuysen, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tas-SRB tat-2 ta’ Mejju 2023 (SRB/ES/2023/23), inkluż l-annessi, sa fejn din tfittex li tistabbilixxi b’mod inġust u żbaljat il-kontribuzzjonijiet ta’ ABN AMRO Hypotheken Groep (iktar ’il quddiem “AAHG”), għas-snin 2016, 2017, 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u/jew 2023, sa fejn tieħu inkunsiderazzjoni l-entrati ta’ aġġustament tal-bilanċ ta’ AAHG fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet u b’mod partikolari fl-“obbligazzjonijiet totali” ta’ AAHG, u

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż ta’ ABN AMRO jew, sussidjarjament, għal parti xierqa tal-ispejjeż tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv: Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ta’ AAHG għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”), għas-snin 2016 sa 2023 b’mod kuntrarju għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u għar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 (iktar ’il quddiem iċ-“CDR”), billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod inġust u żbaljat entrata ta’ aġġustament fil-bażi tal-kontribuzzjoni u billi ma teskludihiex mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni lis-SRF inkwantu obbligu intragrupp abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63. Ovvjament AMRO tammetti r-responsabbiltà tagħha stess li tikkontribwixxi għas-SRF, iżda madankollu ma tixtieqx li b’mod żbaljat tħallas darbtejn għal dak li huwa essenzjalment l-istess obbligu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB:

ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari li jirriżultaw mill-mod li bih ABN AMRO fasslet it-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni tagħha;

interpreta l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014 b’mod kuntrarju għall-formulazzjoni, għall-għanijiet u għall-kuntest ta’ dan ir-regolament billi ma ħax inkunsiderazzjoni unikament l-obbligi effettivi ta’ AAHG fil-bażi tal-kontribuzzjoni;

applika l-kunċett ta’ “obbligazzjonijiet totali” iddefinit fil-punt 11 tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 b’mod inġust u żbaljat sabiex tiġi stabbilita l-parti fissa tal-kontribuzzjoni tas-SRF filwaqt li dan il-kunċett kien japplika biss fir-rigward tal-kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju; u

applika r-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Delega 2015/63 b’mod kuntrarju għall-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti bir-riżultat ta’ għadd doppju mhux iġġustifikat u li ma jinftiehemx.

2.

It-tieni motiv: Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Karta”), li għandu jiġi evalwat b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta).

Is-SRB de facto jirrevoka, b’kontradizzjoni mal-liġi, id-deċiżjonijiet ta’ ġbir formalment stabbiliti qabel għas-snin 2016 sa 2022 fir-rigward tal-AAHG.

Is-SRB għandu, inkluż fir-rigward tal-2023, prattika stabbilita li tmur lura s-snin fil-qasam ta’ stabbiliment tal-kontribuzzjonijiet ta’ AAHG kif ukoll fuq l-aspettattivi li SRB u De Nederlandsche Bank N.V. (iktar ’il quddiem “DNB”) kienu taw lil ABN AMRO, li jirriżultaw minn korrispondenza bejn SRB u DNB u minn deċiżjonijiet ta’ ġbir formali għas-snin 2016 sa 2022.

ABN AMRO aġixxiet b’mod konformi mal-aspettattivi maħluqa. Għalhekk ABN AMRO ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tipproċessa b’mod differenti t-tranżazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni fil-bilanċ, li ttemmhom jew li tħassarhom iktar kmieni, b’mod li titneħħa l-entrata ta’ aġġustament fil-bilanċ ta’ AAHG u għalhekk ukoll l-għadd doppju mhux iġġustifikat.

3.

It-tielet motiv: Id-deċiżjoni kkontestata tas-SRB tikser fiha nnifisha wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TFUE u Artikolu 52(1) tal-Karta), li huwa wkoll protett mid-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta) u d-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta).

ABN AMRO kellha tħallas lis-SRF, f’isem AAHG, kontribuzzjoni għal ammont li b’mod ċar kien stabbilit wisq għoli.

Il-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni kkontestata għal ABN AMRO huma sproporzjonati mal-għan imfittex mis-SRB permezz ta’ din id-deċiżjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/142/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)