ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.216.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 216

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
22 ta' Lulju 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Kunsill

2011/C 216/01

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Portugall

1

2011/C 216/02

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Finlandja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Finlandja, 2011-2014

3

2011/C 216/03

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija 2011-2014

6

 

OPINJONIJIET

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2011/C 216/04

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

9

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 216/05

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-awtorità awtorizzata biex toħroġ iċ-ċertifikati ta' awtentiċità fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 620/2009

17

2011/C 216/06

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6151 – PetroChina/INEOS/JV) ( 1 )

18

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Parlament Ewropew

2011/C 216/07

Regoli dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni tal-Bureau tat-28 ta’ Novembru 2001

19

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 216/08

Rata tal-kambju tal-euro

25

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2011/C 216/09

Aġġornament tal-lista ta' permessi ta' residenza msemmija fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU C 247, 13.10.2006, p. 1, ĠU C 153, 6.7.2007, p. 5, ĠU C 192, 18.8.2007, p. 11, ĠU C 271, 14.11.2007, p. 14, ĠU C 57, 1.3.2008, p. 31, ĠU C 134, 31.5.2008, p. 14, ĠU C 207, 14.8.2008, p. 12, ĠU C 331, 21.12.2008, p. 13, ĠU C 3, 8.1.2009, p. 5, ĠU C 64, 19.3.2009, p. 15; ĠU C 198, 22.8.2009, p. 9; ĠU C 239, 6.10.2009, p. 2; ĠU C 298, 8.12.2009, p. 15; ĠU C 308, 18.12.2009, p. 20; ĠU C 35, 12.2.2010, p. 5; ĠU C 82, 30.3.2010, p. 26; ĠU C 103, 22.4.2010, p. 8; ĠU C 108, 7.4.2011, p. 6; ĠU C 157, 27.5.2011, p. 5; ĠU C 201, 8.7.2011, p. 1)

26

2011/C 216/10

Informazzjoni fil-qosor ikkomunikata mill-Istati Membri dwar għajnuniet mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuniet mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001

29

2011/C 216/11

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità – Obbligi ta’ servizz pubbliku marbutin mas-servizzi tal-ajru bi skeda ( 1 )

31

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 216/12

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6313 – Ashland/International Specialty Products) ( 1 )

32

2011/C 216/13

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6276 – AIF VII Euro Holdings/Ascometal) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

33

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Kunsill

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Portugall

2011/C 216/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ linji ta’ politika ekonomika, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar Linji Gwida għal-linji ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (1), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-linji ta’ politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni ta’ politika ex ante u integrata, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, it-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma, l-impenji u l-azzjonijiet speċifiċi għall-2011 mhumiex ikkomunikati b'mod espliċitu iżda huma mistennija li jitressqu lill-Kunsill Ewropew.

(6)

Fit-23 ta' Marzu 2011, il-gvern Portugiż ressaq Programm ta' Stabbiltà għall-2011-2014 lill-parlament nazzjonali, li rrifjutah. Fid-19 ta' April 2011, il-gvern Portugiż ressaq Programm Nazzjonali ta' Riforma. Il-Memorandum ta' Qbil iffirmat fis-17 ta' Mejju 2011 ħa post ix-xenarji makroekonomiċi u fiskali proposti kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika.

(7)

Fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE li għamlet disponibbli għall-Portugall assistenza finanzjarja għal terminu medju għall-perijodu ta' tliet snin 2011-2014 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 (2) li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja. Il-Memorandum ta' Ftehim li jakkumpanja iffirmat fl-istess ġurnata u s-supplimenti suċċessivi tiegħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' politika ekonomika li abbażi tagħhom tiġi żburżata l-assistenza finanzjarja.

(8)

Fl-2010, il-PDG tal-Portugall kiber b'rata ta' 1,3 %. Madankollu, minbarra li kien dovut għal tkabbir qawwi fl-esportazzjoni, dan it-tkabbir pożittiv kien dovut ukoll għal fatturi eċċezzjonali li taw spinta lill-konsum privat. L-iżviluppi tal-prezzijiet u tal-kostijiet indikaw biċ-ċar li ma kienux biżżejjed biex jagħtu spinta lill-kompetittività f'rata mgħaġġla biżżejjed sabiex jirrimedjaw id-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu, li kien jilħaq l-10 % tal-PDG fl-2010. L-ekonomija ġeneralment dgħajfa u ż-żieda qawwija fil-qgħad (11,2 % fl-aħħar tal-2010) wasslu għal defiċits kbar tal-gvern, li qabżu l-10 % tal-PDG fl-2009 u d-9 % fl-2010, ‘il fuq minn 3,5 % fl-2008. L-iżviluppi sfavorevoli fil-finanzi pubbliċi assoċjati ma’ antiċipazzjoni mwiegħra għat-tkabbir ekonomiku wasslu, reċentement, għal deterjorazzjoni fil-kunfidenza u pressjonijiet jogħlew fis-swieq tal-bonds tal-gvern, u ġabu tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Wara twaqqigħ fl-ikklassifikar ta' bonds Portuġiżi għal diversi drabi konsekuttivi mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, il-pajjiż ma setax jiffinanzja mill-ġdid lilu nnifsu b'rati li huma kompatibbli ma' sostenibbiltà fiskali fuq terminu twil. Fl-istess ħin, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna fuq il-finanzjament estern, l-iktar fiż-żona tal-euro, kien dejjem iktar maqtugħ mill-finanzjament tas-swieq.

(9)

Il-Portugall għamel impenn li jimplimenta programm ta' aġġustament finanzjarju bl-għan li terġa' tinkiseb fiduċja fis-settur sovran u f'dak bankarju u li japppoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Dan jipprevedi azzjoni kompensiva minn tliet direzzjonijiet: (i) strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali li hija bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strutturali u kontroll fiskali aħjar; (ii) riformi strutturali radikali u proattivi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti; u (iii) sforzi sabiex is-settur finanzjarju jitħares minn diżingranar disorganizzat permezz ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-suq appoġġati minn faċilitajiet ta' riżerva.

(10)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Pragramm Nazzjonali ta' Riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tiegħu għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Portugall iżda wkoll kemm jikkonforma mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati f'konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall:

Jimplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE u li huma speċifikati aktar fil-Memorandum ta' Qbil tas-17 ta' Mejju 2011 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(2)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.


22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/3


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Finlandja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Finlandja, 2011-2014

2011/C 216/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hemm il-ħtieġa ta’ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew ta l-approvazzjoni uffiċjali lill-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fis-6 ta’ April 2011, il-Finlandja ppreżentat l-aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà tagħha li tkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

Fl-aktar punt baxx tal-kriżi ekonomika globali, il-Finlandja esperjenzat waqgħa kbira ħafna fil-PDG, peress li, tradizzjonalment, l-ekonomija Finlandiża hija dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industriji prinċipali tagħha. Fl-2009, il-PDG ċkien bi 8,2 % minħabba l-waqgħa kbira fl-esportazzjonijiet (tnaqqis ta’ 20 % fil-volum) u effetti ħżiena relatati ta' fiduċja fuq l-investimenti. Ir-rata tal-qgħad kibret b’madwar 2 punti perċentwali, b’żieda minn 6,4 % tal-forza tax-xogħol fl-2008 għal 8,3 % fl-2010. L-irkupru ekonomiku kien b’saħħtu bil-PDG jespandi bi 3,1 % fl-2010, sostnut kemm mid-domanda domestika kif ukoll minn reazzjoni pożittiva fl-esportazzjonijiet. Wara tnaqqis għal żmien qasir fl-2009, il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli u l-volumi tal-kostruzzjoni tar-residenzi rkupraw malajr għal-livelli ogħla mill-perjodu ta' qabel il-kriżi, fattur li qajjem tħassib dwar espansjoni eċċessiva tas-suq immobiljari. Il-Finlandja ħarġet mill-kriżi ekonomika b’defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 2,5 % tal-PDG fl-2010 u b'dejn ta' 48,5 % tal-PDG.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-Programm ta’ Stabbiltà huwa plawsibbli għall-2011-2012, iżda kemxejn favorevoli għall-perjodi ta' wara. Għall-2011-2012, ix-xenarju makroekonomiku huwa konformi mal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni. Għall-2013-2015, il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi tkabbir ta’ madwar 2 % fil-PDG li huwa kemxejn aktar ’il fuq mill-istima tat-tkabbir potenzjali ta’ 1,5 % u għalhekk, dan jista’ jkun suġġett għal xi riskji ta’ ċaqliq ’l isfel. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja huwa li d-defiċit jitnaqqas għal 0,9 % tal-PDG fl-2011 u għal 0,7 % tal-PDG fl-2012 b'riflessjoni ta' titjib ċikliku fl-ekonomija u xi miżuri ta' konsolidazzjoni diġà deċiżi mill-gvern preċedenti. Madankollu, l-aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà ma jippjanax aktar konsolidazzjoni fiskali għall-perjodu 2013-2015. Ir-riskji għall-miri baġitarji jidhru li huma bbilanċjati. L-aktar fattur tar-riskju li jispikka ġej mill-ambjent makroekonomiku globali li, tradizzjonalment, kellu impatt qawwi fuq l-ekonomija Finlandiża dipendenti fuq l-esportazzjoni.

(9)

L-aħħar aġġornament tal-Programm ta’ Stabbiltà ma jipprevedix l-użu tat-titjib previst fil-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-konsolidazzjoni baġitarja fuq terminu medju. Filwaqt li huwa previst li l-objettiv ta' terminu medju (OTM), stipulat mill-awtoritajiet Finlandiżi bħala surplus strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG, jintlaħaq fl-2011, fis-snin ta’ wara, il-bilanċ strutturali se jaqa’ taħt il-mira.

(10)

Skont il-valutazzjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru medji. Filwaqt li azzjonijiet kontra l-effetti tax-xjuħija tal-popolazzjoni kienu waħda mill-prijoritajiet ta' gvernijiet suċċessivi Finlandiżi, il-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' bidla qawwija u immedjata demografika u għadha teżisti diskrepanza notevoli fis-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi. Din l-isfida għandha implikazzjonijiet għal ħafna oqsma ta’ politika. It-tixjiħ tal-popolazzjoni se jwassal għal żieda sinifikanti fid-domanda għal servizzi relatati max-xjuħija li, fil-biċċa l-kbira, huma pprovduti mill-gvernijiet lokali fil-Finlandja. Fi studji varji nstab li t-titjib tal-produttività tas-servizzi pubbliċi kien dgħajjef matul l-aħħar snin. L-awtoritajiet Finlandiżi diġà implimentaw diversi riformi biex jiġu ristrutturati s-servizzi pubbliċi u tingħata spinta lill-produttività kemm fuq il-livell ta’ gvern ċentrali kif ukoll ta’ dak lokali. L-investimenti relattivament kbar fit-teknoloġija tal-informazzjoni fis-settur pubbliku għadhom ma sarrfux f’titjib fil-produttività u dan jimplika li huwa meħtieġ li dawn l-investimenti jkunu akkumpanjati minn bidliet strutturali u amministrattivi. Globalment, għad hemm lok għal miżuri addizzjonali biex jinkisbu żidiet fil-produttività u ffrankar fil-kost tal-għoti tas-servizz pubbliku.

(11)

Iż-żieda attwali tal-qgħad fit-tul jagħti lok għal tħassib. Bejn l-2005 u l-2008, il-qgħad fit-tul naqas b’mod sostanzjali, iżda reġa’ beda jiżdied fl-2009. Sal-aħħar ta’ Marzu 2011 il-qgħad fit-tul kien ta’ 57 400, b’żieda ta’ 12 400 fuq is-sena preċedenti. Ħafna min-nies diżokkupati fit-tul huma attwalment fil-grupp ta’ età bejn il-55 u l-64 sena. Minħabba x-xejriet tal-irtirar, l-akbar żieda fil-qgħad se jkun fil-grupp ta’ età bejn il-45 u l-54 sena. Għalkemm ir-rata tal-qgħad fit-tul fil-Finlandja hija taħt il-medja tal-UE, din il-kwistjoni għandha titqies fil-kuntest tal-iżgurar tal-provvista ta’ ħaddiema fil-futur u tal-inklużjoni soċjali. L-esperjenza turi li l-qgħad fit-tul, b’mod partikolari, iżid ir-riskju tal-povertà u l-esklużjoni soċjali. Għalkemm l-awtoritajiet Finlandiżi jirrikonoxxu ż-żieda fil-qgħad fit-tul bħala kwistjoni urġenti, sa issa ma ġiet imfassla ebda strateġija komprensiva biex tindirizza din il-kwistjoni. Il-Finlandja espandiet miżuri ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol (miżuri ALMP) b'mod effiċjenti waqt il-kriżi fil-ġlieda kontra l-qgħad taż-żgħażagħ. Filwaqt li dan għen fit-tnaqqis fil-qgħad taż-żgħażagħ fl-2010-2011, dan xorta baqa’ ogħla mill-medja tal-UE, u jista’ jeħtieġ miżuri ġodda. Bl-istess mod, ir-rinforz u l-indirizzar aħjar tal-miżuri ALMP għandhom jgħinu fit-treġġigħ lura tax-xejra negattiva tal-qgħad fit-tul.

(12)

Meta jitqiesu l-bidliet demografiċi, żieda fir-rata tal-impjieg ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età hija importanti għall-finanzi pubbliċi u kruċjali biex tintlaħaq id-domanda għall-ħaddiema fil-futur. Is-sistema tal-pensjonijiet Finlandiża ġiet irriformata fl-2005 u l-benefiċċji ta’ pensjoni ġew marbuta mal-koeffiċjent tal-istennija tal-għomor fl-2009. Madankollu, attwalment, l-età statutorja tal-pensjoni mhijiex marbuta tal-istennija tal-għomor. Meta titqies iż-żieda kontinwa fl-istennija tal-għomor, rabta bħal din mhux biss tikkontribwixxi għall-provvista ta’ ħaddiema iżda tista’ tgħin ukoll fl-iżgurar tal-adegwatezza tal-pensjonijet. Matul l-aħħar ftit snin tnaqqsu l-iskemi ta’ rtirar kmieni, iżda xorta fadal lok għal aktar miżuri biex jitjiebu l-inċentivi għax-xogħol fost l-anzjani. Pereżempju, il-benefiċċji tal-qgħad estiżi għall-anzjani jaħdmu b’mod ġenerali bl-istess mod bħall-pensjoni tal-qgħad li ġiet imneħħija. Minkejja li kien hemm titjib matul l-aħħar għaxar snin, ir-rati tal-okkupazzjoni ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-età effettiva ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol huma baxxi wisq. Ħafna drabi, id-diżabbiltà hija l-kawża tal-irtirar kmieni. Iż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar teħtieġ miżuri li jqisu wkoll il-kwalità tal-ħajja tax-xogħol, inklużi l-benesseri u s-saħħa tal-impjegati. Dan huwa importanti b’mod partikolari minħabba l-għadd għoli ta’ persuni fuq pensjonijiet ta' diżabbiltà. Mill-2009 ’l hawn, il-Finlandja nefqet madwar EUR 21 miljun fuq proġetti għat-titjib tal-ambjent tax-xogħol. L-impatt ta’ dawn l-inizjattivi jistħoqqlu valutazzjoni. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija, tradizzjonalment, għolja ħafna fil-Finlandja u se tkompli tkun importanti hekk kif ikun hemm ħtiġijiet ta' ħiliet ġodda u bidliet demografiċi.

(13)

Kompetizzjoni akbar, partikolarment fis-settur tas-servizzi, saret dejjem aktar rilevanti biex tingħata spinta lill-produttività u jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali ekonomiku. Il-pożizzjoni ġeografika remota tal-Finlandja kif ukoll id-densità baxxa tal-popolazzjoni jdgħajfu l-kompetizzjoni fin-negozju u dan jirriżulta fi tkabbir relattivament baxx tal-produttività fis-setturi mhux kummerċjali. L-istrutturi eżistenti ta' negozju huma okkażjonalment konċentrati ħafna, partikolarment fl-industrija tal-ikel jew fil-kummerċ fil-livell tal-operaturi u tal-konsumaturi. Dan jista’ jikkontribwixxi għal-livell relattivament għoli tal-prezz tal-konsumatur, għalkemm jista' jkun hemm ukoll il-fattur tad-distanzi twal tat-trasport. Il-prezzijiet tal-konsumaturi huma fost l-ogħla fl-UE. Il-kompetizzjoni fil-kummerċ fil-livell tal-konsumaturi għada parzjalment imfixkla mir-regolamenti, minkejja li dawn saru inqas stretti riċentement, u minn ostakli għad-dħul fis-suq u l-ħruġ minnu minn impriżi barranin u domestiċi.

(14)

L-impenji speċifiċi skont il-Patt Euro Plus mhumiex stipulati b’mod espliċitu fil-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Finlandja imma hu mistenni li jiġu ppreżentati hekk kif jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid.

(15)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma filwaqt li qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika stabbli fil-Finlandja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-UE. Tqis li l-miżuri ta' konsolidazzjoni għandhom jiġu speċifikati għat-terminu medju u li hemm bżonn ta' aktar azzjoni biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi tingħata spinta lill-produttività tas-settur pubbliku. Hemm bżonn ukoll ta’ aktar azzjoni biex jiżdiedu l-inċentivi għax-xogħol u biex tiżdied l-età effettiva tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jissaħħu l-produttività u l-kompetizzjoni fis-swieq tas-settur tas-servizzi.

(16)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-Finlandja u l-opinjoni tiegħu (3) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) u (2) tiegħu ta' hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Finlandja.

JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

1.

Tkompli l-konsolidazzjoni fiskali billi jintuża kwalunkwe dħul imprevist biex jitnaqqas id-defiċit, filwaqt li jittieħdu miżuri addizzjonali biex il-pożizzjoni fiskali tinżamm ogħla mill-objettiv ta' terminu medju, b'mod partikolari permezz ta' konformità mal-punt ta' riferiment dwar in-nefqa għall-perjodu medju.

2.

Tieħu aktar azzjonijiet biex jinkisbu żidiet fil-produttività u ffrankar fil-kost tal-forniment tas-servizz pubbliku, inklużi bidliet strutturali, bħala reazzjoni għall-isfidi li jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni.

3.

Timmira aħjar lejn miżuri tas-suq tax-xogħol għad-diżokkupati fit-tul u ż-żgħażagħ.

4.

Tieħu miżuri biex ittejjeb l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja. Tieħu aktar passi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità ma' prattiki nazzjonali, sabiex jiġu mħeġġa l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol, permezz ta' miżuri li jnaqqsu t-tluq bikri mix-xogħol u jżidu l-età effettiva tal-irtirar. Fid-dawl tas-sistema diġà eżistenti li torbot il-benefiċċji tal-pensjoni mal-istennija tal-għomor, tikkunsidra rabta bejn l-età statutorja tal-irtirar u al-istennija tal-għomor.

5.

Tieħu aktar miżuri biex tiftaħ aktar is-settur tas-servizzi, billi tfassal mill-ġdid il-qafas regolatorju u tneħħi r-restrizzjonijiet biex tiffaċilita d-dħul ġdid fis-swieq tas-settur tas-servizzi, speċjalment fis-settur tal-konsumaturi.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/6


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija 2011-2014

2011/C 216/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Mejju 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/459/KE (2) biex ikun hemm disponibbli assistenza finanzjarja għar-Rumanija fuq terminu medju għall-perjodu ta' tliet snin skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143 tat-Trattat. Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjaha, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2009 u s-supplimenti suċċessivi tiegħu jistipulaw il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li fuqhom kien ibbażat l-għoti tal-għajnuna finanzjarja. Id-Deċiżjoni 2009/459/KE kienet emendata fis-16 ta' Marzu 2010 permezz tad-Deċiżjoni 2010/183/EU (3). Wara li r-Rumanija implimentat b'suċċess il-programm, u hekk kif kien hemm aġġustament parzjali tal-kont kurrenti minħabba d-dgħjufijiet strutturali li għad hemm fis-swieq tal-prodott u tax-xogħol tar-Rumanija u li jagħmlu lill-pajjiż sensittiv għax-xokkijiet fil-prezz internazzjonali, fit-12 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/288/UE (4) biex ikun hemm għad-disponibilità tar-Rumanija għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq terminu ta' żmien medju għal perjodu ta' tliet snin skont l-Artikolu 143 tat-Trattat. Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjaha ġie ffirmat fid-29 ta' Ġunju 2011.

(2)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(3)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (5), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(4)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(6)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(7)

Fit-2 ta' Mejju 2011, ir-Rumanija ressqet il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat għall-2011 li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2011. Dawn iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)

Bejn l-2002 u l-2008 l-ekonomija Rumena bdiet tikber b'mod qawwi, bi tkabbir reali tal-PDG ikun medja ta' 6,3 %, aktar mil-livell ta' tkabbir potenzjali tiegħu. It-tkabbir ekonomiku kien primarjament immexxi mid-domanda domestika hekk kif kreditu b'saħħtu u żviluppi fil-paga bdew jagħtu spinta 'l quddiem lill-konsum u lill-investiment privat. Dan it-tkabbir kien alimentat ukoll minn influssi ta' kapital barrani, li wassal għal tkabbir mgħaġġel wisq (overheating) u żbilanċi esterni u fiskali mhux sostenibbli. Id-defiċit tal-kont kurrenti laħaq massimu ta' 13,4 % tal-PDG fl-2007 u naqas biss marġinalment għal 11,6 % tal-PDG fl-2008. Skont il-valutazzjoni dwar is-sostenibbiltà fit-tul l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, jidher li r-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi huma għoljin. Madankollu, din il-valutazzjoni għadha mhux qed tieħu kont tal-miżuri dwar ir-riforma komprensiva tal-pensjonijiet li ttieħdu fl-2010, li tejbu sostanzjalment is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet tar-Rumanija. Il-livell għoli ta' self estern kien immexxi minn politika fiskali proċiklika, b'defiċits ewlenin li jiżdiedu minn 1,2 % tal-PDG fl-2005 għal 5,7 % tal-PDG fl-2008 bħala riżultat ta' telf baġitarju rikorrenti, l-aktar fir-rigward tal-infiq li qed isir bħalissa. Il-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq livell globali li jirriżulta minn din il-kriżi, żiedu l-evitar tar-riskju fost l-investituri, u dan wassal għal restrizzjoni sinifikanti fuq il-flussi tal-kapital lejn ir-Rumanija. Ma kienx hemm żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli u r-rata ta' impjiegi nbidlet ftit ħafna waqt is-snin ta' tkabbir. Ir-rata ta' impjieg imbagħad naqset għal 63,3 % sal-2010 filwaqt li r-rata tal-qgħad żdiedet minn 5,8 % fl-2008 għal 7,3 % fl-2010 bħala riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-livell tal-qgħad baqa' partikolarment għoli fost gruppi vulnerabbli, pereżempju l-popolazzjoni Rom. F'dan l-isfond u hekk kif kienu qed jaffrontaw ħtiġijiet finanzjarji privati kbar, l-awtoritajiet Rumeni talbu għall-għajnuna finanzjarja internazzjonali u dik tal-UE f'Mejju 2009.

(9)

Wara implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' aġġustament UE-FMI u sabiex ikun ikkonsolidat dan il-ksib pożittiv, kien innegozzjat mal-awtoritajiet programm prekawzjonarju UE-FMI għall-2011-2013. Dak il-programm il-ġdid ikompli l-konsolidazzjoni fiskali, ir-riformi ta' governanza fiskali u l-ħarsien tal-istabilità finanzjarja mibdija bil-programm għall-2009-2011. Barra dan, jenfasizza ħafna r-riformi strutturali fis-swieq tal-prodott (fis-setturi tal-enerġija u t-trasport) u tax-xogħol meħtieġa sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal għal tkabbir li għandha r-Rumanija, iħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u jżid l-impenn tal-fondi tal-UE. Ir-Rumanija tibqa' fit-triq it-tajba sabiex tikseb l-għan tad-defiċit tal-kontanti ta' 4,4 % tal-PDG fl-2011 (taħt il-5 % tal-PDG f'termini tas-Sistema Ewropea tal-Kontabilità). Dan jipprovdi wkoll bażi xierqa biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta' taħt it-3 % tal-PDG għall-2012, għalkemm ikunu jridu jittieħdu miżuri addizzjonali skont it-tbassir għar-rebbiegħa 2011 tas-rervizzi tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet ħadu wkoll passi sabiex jilħqu l-objettivi għar-riforma strutturali tal-programm il-ġdid u jkomplu jżommu l-istabilità finanzjarja.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li l-assunzjonijiet makroekonomiċi sottostanti għall-proġettazzjonijiet fil-programm huma plawsibbli. Il-Programm ta' Konverġenza għandu l-għan li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2012, skadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2010. Il-programm jimmira defiċits nominali ta' 2,6 % tal-PDG fl-2013 u ta' 2,1 % tal-PDG fl-2014, bil-konsolidazzjoni prevista tkun ibbażata l-aktar fuq in-nefqa. Skont il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-objettiv ta' terminu medju (OTM) mhux se jintlaħaq fil-perjodu tal-programm. L-istrateġija ta' konsolidazzjoni tidher li diġà hija ingranata bit-titjib strutturali jkun ikkonċentrat fl-2011 u l-2012. Bil-kontra ta' dan, ma hemm l-ebda titjib fil-bilanċ strutturali fl-2013 u fl-2014. It-triq tad-defiċit prevista hija waħda xierqa fl-2011 u l-2012, iżda mhux fl-2013 u l-2014. Ir-riskji prinċipali għall-miri baġitarji huma r-riskji tal-implimentazzjoni, l-arretrati tal-intrapriżi tal-istat li jirrappreżentaw obbligazzjoni kontinġenti importanti għall-baġit u r-riservi espressi mill-Kummissjoni (Eurostat) fir-rigward tan-notifika dwar il-proċedura għal defiċit eċċessiv tar-Rumanija (6). Fid-dawl ta' dan, ir-Rumanija impenjat ruħha li tagħti prijorità għat-titjib il-ġbir tal-istatistika dwar il-finanzi tal-gvern fl-ESA 95 fi ħdan l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika.

(11)

Ir-Rumanija kkomunikat l-impenji tagħha skont il-Patt Euro Plus fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza tagħha, li kienu sottomessi fit-2 ta' Mejju 2011. Il-maġġoranza ta' dawn l-impenji kienu jew qiegħdin fil-proċess li jkunu implimentati bħala parti mill-programm ta' assistenza finanzjarja fuq terminu medju u huma ġeneralment xierqa sabiex jindirizzaw sfidi eżistenti skont il-Patt.

(12)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-impenji tal-Patt Euro Plus. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fir-Rumanija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(13)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa fir-rakkomandazzjoni ta' hawn isfel. Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Rumanija,

JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija:

Timplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/459/KE hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/183/UE, kif ukoll il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/288 u speċifikati aktar fil-Memorandum ta' Qbil tat-23 ta' Ġunju 2009 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu, u fil-Memorandum ta' Qbil tad-29 ta' Ġunju 2011 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

(3)  ĠU L 83, 30.3.2010, p. 19.

(4)  ĠU L 132, 19.5.2011, p. 15.

(5)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(6)  L-Eurostat wera riservi li għandu fir-rigward tal-kwalità taċ-ċifri Rumeni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv minħabba:

(i)

inċertezzi dwar l-impatt ta' xi korporazzjonijiet pubbliċi fuq id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika,

(ii)

ir-rappurtar tal-kategoriji ESA95 “kontijiet oħra riċevibbli u pagabbli”,

(iii)

in-natura u l-impatt ta' xi tranżazzjonijiet finanzjarji u

(iv)

il-konsolidazzjoni tal-flussi intragovernattivi.

(7)  Previst fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


OPINJONIJIET

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/9


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

2011/C 216/04

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (“il-Proposta”) (3). L-għan ewlieni tal-Proposta huwa li tistabbilixxi regoli komuni li jżidu s-sikurezza u l-effikaċja tas-suq tad-derivati barra l-Borża (OTC - over-the-counter).

2.

Il-KEPD ma ġiex ikkonsultat mill-Kummissjoni, minkejja li dan huwa mitlub mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (“Regolament (KE) Nru 45/2001”). Għalhekk, billi aġixxa fuq inizjattiva tiegħu stess, il-KEPD adotta l-Opinjoni preżenti fuq il-bażi tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.

Il-KEPD huwa konxju li dan il-parir jiġi fi stadju relattivament tard fil-proċess leġiżlattiv. Madankollu, huwa jsibu xieraq u utli sabiex joħroġ din l-Opinjoni. L-ewwel nett, huwa jenfasizza l-implikazzjonijiet potenzjali tal-protezzjoni tad-data tal-Proposta. It-tieni, l-analiżi ppreżentata fl-Opinjoni preżenti hija direttament rilevanti għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal proposti pendenti u possibbli oħrajn fil-futur li jkun fihom dispożizzjonijiet simili, kif ser jiġi spjegat fis-Sezzjoni 3.4 ta’ din l-Opinjoni.

2.   SFOND U ELEMENTI EWLENIN TAL-PROPOSTA

4.

B’riżultat tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni bdiet u ppreżentat reviżjoni tal-qafas legali eżistenti għas-sorveljanza finanzjarja sabiex tlaħħaq man-nuqqasijiet importanti identifikati f’dan il-qasam kemm f’każijiet partikolari u fir-rigward tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Riċentament ġew adottati għadd ta’ proposti leġiżlattivi f’dan il-qasam bil-għan li jissaħħu l-arranġamenti superviżorji eżistenti u jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE.

5.

B’mod partikolari, ir-riforma introduċiet qafas Ewropew imsaħħaħ ta’ sorveljanza finanzjarja kompost minn Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4) u Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (ESFS). L-ESFS jikkonsisti minn netwerk ta’ superviżuri finanzjarji nazzjonali li jaħdmu flimkien ma’ tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (5) (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (6) (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) (7). Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat serje ta’ inizjattivi speċifiċi biex timplimenta r-riforma regolatorja fir-rigward tal-oqsma speċifiċi jew il-prodotti finanzjarji.

6.

Waħda minn dawn hija l-proposta preżenti li tittratta d-“derivati barra l-Borża”, jiġifieri dawk il-prodotti derivati (8) li mhumiex innegozjati permezz ta’ kambju fis-suq, iżda minflok huma nnegozjati privatament bejn żewġ kontropartijiet. Hija tintroduċi l-obbligu għall-kontropartijiet finanzjarji u l-kontropartijiet mhux finanzjarji kollha li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta’ limitu sabiex jikklerjaw id-derivati OTC standardizzati kollha permezz tal-Kontropartijiet Ċentrali (CCPs). Barra minn hekk, ir-regolament propost għandu jobbliga lil dawk il-kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji biex jirrapportaw id-dettalji ta’ kull kuntratt derivat u kwalunkwe modifika tiegħu lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrati. Il-Proposta tistabbilixxi wkoll, rekwiżiti organizzattivi u prudenzjali armonizzati għas- CCPs u rekwiżiti organizzattivi u operattivi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jżommu r-responsabbiltà li jawtorizzaw u jissorveljaw lis-CCPs, ir-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma fdati kompletament lill-AETS skont ir-regolament propost.

3.   ANALIŻI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-AĊĊESS GĦAR-REKORDS TAT-TELEFON U TAT-TRAFFIKU TAD-DATA

3.1.   Osservazzjonijiet ġenerali

7.

L-Artikolu 61(2)(ċ) tal-Proposta jawtorizza lill-AETS biex “titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” (enfasi miżjuda). Kif ser ikompli jiġi spjegat hawn taħt, l-ambitu tad-dispożizzjoni u b’mod partikolari t-tifsira eżatta tar-“rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” mhijiex ċara. Madankollu, jidher li x’aktarx – jew għall-inqas ma jistax ikun eskluż – li r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data kkonċernati jkunu jinkludu data personali skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 u, sakemm ikun rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE (li issa qiegħda tissejjaħ, kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE, “id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika”), jiġifieri data relatata mat-traffiku tat-telefon u tad-data ta’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli (9). Sakemm dan ikun il-każ, għandu jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-ipproċessar ġust u legali tad-data personali, kif stipulati fid-Direttivi u r-Regolament, jiġu rrispettati bis-sħiħ.

8.

Id-data relatata mal-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika tista’ twassal firxa wiesgħa ta’ informazzjoni personali, bħall-identità tal-persuni li jagħmlu u jirċievu t-telefonata, il-ħin u t-tul tat-telefonata, in-netwerk użat, il-lokazzjoni ġeografika tal-utent fil-każ tat-tagħmir portabbli, eċċ. Barra minn hekk, ċerta data tat-traffiku relatata mal-użu tal-internet u l-e-mail (pereżempju, il-lista ta’ websajts li żaru l-utenti) tista’ tiżvela dettalji importanti tal-kontenut tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-ipproċessar tad-data tat-traffiku jmur kontra s-segretezza tal-korrispondenza. Fid-dawl ta’ dan, id-Direttiva 2002/58/KE stabbilixxiet il-prinċipju li d-data tat-traffiku għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx għadha meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni (10). L-Istati Membri jistgħu jinkludu derogi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal għanijiet leġittimi speċifiċi, iżda dawn għandhom ikunu neċessarji, xierqa u proporzjonati f’soċjetà demokratika bil-għan li jintlaħqu dawn l-għanijiet (11).

9.

Il-KEPD jirrikonoxxi li l-għanijiet segwiti mill-Kummissjoni fil-każ preżenti huma leġittimi. Huwa jifhem il-ħtieġa għal inizjattivi li jkunu mmirati biex isaħħu s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji sabiex tiġi ppriservata l-kwalità tagħhom, filwaqt li l-investituri u l-ekonomija b’mod ġenerali jkunu mħarsa aħjar. Madankollu, is-setgħat investigattivi li huma relatati direttament mad-data tat-traffiku, meta wieħed iqis in-natura potenzjalment intrużiva tagħhom, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tan-neċessità u l-proporzjonalità, jiġifieri huma għandhom ikunu limitati għal dak li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan (12). Għalhekk, f’din il-perspettiva, huwa essenzjali li dawn ikunu fformulati b’mod ċar fir-rigward tal-ambitu personali u materjali tagħhom, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom u l-kundizzjonijiet li fuqhom jistgħu jintużaw. Barra minn hekk, għandhom jiġu pprovduti salvagwardji adegwati għal kontra r-riskju ta’ abbuż.

3.2.   L-ambitu tas-setgħa tal-AETS mhuwiex ċar

10.

L-Artikolu 61(2)(c) jistabbilixxi li “sabiex twettaq id-doveri stipulati fl-Artikoli 51 sa 60, 62 u 63 (jiġifieri doveri relatati mas-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet), l-AETS għandu jkollha […] (is-setgħa) li titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data”. Minħabba l-formulazzjoni wiesgħa tagħha, id-dispożizzjoni tqajjem diversi dubji dwar il-materjal u l-ambitu personali tagħha.

11.

L-ewwel nett, it-tifsira ta’ “rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” mhijiex ċara għal kollox u għalhekk jeħtieġ li tiġi ċċarata. Id-dispożizzjoni tista’ tirreferi għal rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data, li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma obbligati li jżommu matul il-kors tal-attivitajiet tagħhom. Bosta dispożizzjonijiet tar-regolament propost jikkonċernaw ir-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (13). Madankollu, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tispeċifika jekk u liema rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għandhom jinżammu mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (14). Għalhekk, f’każ li d-dispożizzjoni tirreferi għar-reġistri li jinżammu mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, huwa essenzjali li jiġu definiti b’mod preċiż il-kategoriji ta’ traffiku tat-telefon u tad-data li għandhom jinżammu u li jistgħu jintalbu mill-AETS. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, tali data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni mal-għanijiet superviżorji li għalihom tiġi pproċessata (15).

12.

Hemm bżonn ta’ aktar preċiżjoni, partikolarment fil-każ preżenti, b’kunsiderazzjoni tal-multi kbar u l-ħlasijiet penali perjodiċi li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u persuni oħrajn (inklużi persuni fiżiċi fir-rigward tal-ħlasijiet penali perjodiċi) ikkonċernati jistgħu jeħlu għal ksur tar-regolament propost (ara l-Artikoli 55 u 56). Multi bħal dawn jistgħu jilħqu 20 fil-mija tad-dħul jew fatturat annwali tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fis-sena kummerċjali preċedenti, jiġifieri limitu li huwa darbtejn daqs il-limitu massimu previst għal ksur tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni.

13.

Għandu jiġi innotat ukoll li l-paragrafu 4 tal-Artikolu 67 iċċitat hawn fuq, jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta standards regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-informazzjoni li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħmlu disponibbli b’mod obbligatorju għall-AETS u awtoritajiet oħrajn. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tista’ tintuża biex tkompli tispeċifika r-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u għalhekk, indirettament, is-setgħa mogħtija mill-AETS sabiex ikun hemm aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data. L-Artikolu 290 tat-TFUE jistabbilixxi li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex tkun tista’ tissupplimenta jew temenda l-elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Skont il-KEPD, il-perimetru eżatt tas-setgħa għall-aċċess għad-data dwar it-traffiku ma jistax jitqies bħala element mhux essenzjali tar-regolament. Għalhekk, l-ambitu materjali tiegħu għandu jiġi speċifikat direttament fit-test tar-regolament u mhux jiġi differit għall-atti ddelegati fil-futur.

14.

Hemm dubji simili madwar l-ambitu personali tad-dispożizzjoni kkonċernata. B’mod partikolari, id-destinatarji potenzjali ta’ talba biex jiġu pprovduti r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data mhumiex speċifikati fl-Artikolu 61(2)(ċ). Mhuwiex ċar, b’mod partikolari, jekk is-setgħat li jintalbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data humiex limitati biss għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (16). Billi l-iskop tad-dispożizzjoni huwa li din tippermetti lill-AETS twettaq is-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, il-KEPD huwa tal-opinjoni li din is-setgħa għandha tkun limitata strettament għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet biss.

15.

Fl-aħħar nett, il-KEPD jifhem li l-għan tal-Artikolu 61(2)(ċ) mhuwiex li jippermetti lill-AETS tikseb aċċess għad-data tat-traffiku direttament mingħand il-fornituri tat-telekomunikazzjoni. Din tidher li hija l-konklużjoni loġika, partikolarment meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Proposta ma tirreferix għad-data miżmuma mill-fornituri tat-telekomunikazzjoni jew għar-rekwiżiti stipulati mid-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika kif imsemmi fil-punt 8 aktar ’il fuq (17). Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza, huwa jirrakkomanda li din il-konklużjoni ssir aktar espliċita fl-Artikolu 61(2) jew għall-inqas fi premessa tar-regolament propost.

3.3.   Il-Proposta ma tindikax iċ-ċirkostanzi li fihom, u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jintalab l-aċċess

16.

L-Artikolu 61(2)(ċ) ma jindikax iċ-ċirkostanzi li fihom, u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jintalab l-aċċess. Huwa lanqas ma jipprovdi garanziji proċedurali importanti jew salvagwardji kontra r-riskju ta’ abbużi. Fil-paragrafi li ġejjin, il-KEPD ser jagħmel xi suġġerimenti konkreti f’din id-direzzjoni.

(a)

Skont l-Artikolu 61(2), l-AETS tista’ titlob aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data “sabiex twettaq id-doveri stipulati fl-Artikoli 51 sa 60, 62 u 63”. Dawn l-Artikoli jkopru t-Titolu kollu tar-regolament propost dwar ir-reġistrazzjoni u s-sorveljanza tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Skont il-KEPD, iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din is-setgħa għandhom jiġu definiti b’mod aktar ċar. Il-KEPD jirrakkomanda li l-aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data jiġi limitat għal ksur serju u identifikat b’mod speċifiku tar-regolament propost u f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli (li għandu jiġi appoġġjat minn evidenza inizjali konkreta) li sar xi ksur. Tali limitazzjoni hija wkoll partikolarment importanti bil-għan li jiġi evitat li s-setgħa tal-aċċess tkun tista’ tintuża għall-iskop ta’ operazzjonijiet ta’ ‘sajd’ jew estrazzjoni tad-data jew għal skopijiet differenti.

(b)

Il-Proposta ma teħtieġx awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel sabiex l-AETS tkun tista’ titlob aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data. Il-KEPD iqis li dan ir-rekwiżit ġenerali għandu jkun ġustifikat fid-dawl tal-indħil potenzjali tas-setgħa kkonċernata. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-liġijiet ta’ ċerti Stati Membri jimponu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għal kwalunkwe tip ta’ interferenza mas-segretezza tal-korrispondenza u, għalhekk, jipprekludu lil korpi oħrajn tal-infurzar tal-liġi (i.e. forzi tal-pulizija) u istituzzjonijiet ta’ natura amministrattiva minn tali interferenza mingħajr din is-superviżjoni stretta (18). Mill-inqas, il-KEPD iqis li huwa inevitabbli li awtorizzazzjoni ġudizzjarja ssir obbligatorja kull meta tintalab awtorizzazzjoni bħal din mil-liġi nazzjonali (19).

(c)

Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi introdott ir-rekwiżit għall-AETS li titlob rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data permezz ta’ deċiżjoni formali li tispeċifika l-bażi legali u l-iskop tat-talba u x’informazzjoni hija meħtieġa, il-limitu ta’ żmien li matulu għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni, kif ukoll id-dritt tad-destinatarju li jkollu d-deċiżjoni riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kwalunkwe talba li ssir fin-nuqqas ta’ deċiżjoni formali m'għandhiex torbot lid-destinatarju.

(d)

Għandhom jingħataw salvagwardji proċedurali adegwati kontra abbużi possibbli. F’dan ir-rigward, il-Proposta tista’ titlob lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri implimentattivi li jistabbilixxu fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u mill-AETS fl-ipproċessar ta’ tali data. Dawn l-atti għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, miżuri ta’ sigurtà adegwati, kif ukoll garanziji xierqa kontra r-riskju ta’ abbużi, inklużi, iżda mhux limitati għal, l-istandards professjonali li għandhom josservaw il-persuni kompetenti li jittrattaw din id-data, kif ukoll il-proċeduri interni li jiżguraw osservanza xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali. Il-KEPD għandu jiġi kkonsultat matul il-proċedura relatata mal-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

3.4.   Ir-Rilevanza tal-Opinjoni preżenti għal strumenti legali oħrajn li fihom dispożizzjonijiet simili

17.

Is-setgħa għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza li jitolbu aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data mhijiex ġdida fil-leġiżlazzjoni Ewropea, minħabba li hija diġà prevista f’diversi direttivi u regolamenti eżistenti li jikkonċernaw is-settur finanzjarju. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (20), id-Direttiva MIFID (21), id-Direttiva UCITS (22) u r-Regolament attwali dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (23), ilkoll fihom dispożizzjonijiet imfassla b’mod simili. L-istess jgħodd għal għadd ta’ proposti riċenti li ġew adottati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-proposti għal Direttiva dwar maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (24), Regolament li jemenda r-Regolament eżistenti dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (25), Regolament dwar il-bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (26) u Regolament dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija (27).

18.

Fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti leġiżlattivi eżistenti u proposti, għandha ssir distinzjoni bejn is-setgħat investigattivi mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali u l-għoti ta’ dawn is-setgħat lill-awtoritajiet tal-UE. Bosta strumenti jobbligaw lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali biex jitolbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data “b’konformità mal-liġi nazzjonali” (28). Bħala konsegwenza, l-eżekuzzjoni attwali ta’ dan l-obbligu hija neċessarjament suġġetta għal-liġi nazzjonali, inkluża dik li timplimenta d-Direttivi 95/46/KE u 2002/58 u liġijiet nazzjonali oħrajn li fihom aktar salvagwardji proċedurali għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u investigazzjoni.

19.

Fl-istrumenti ma nsibu ebda kundizzjoni bħal din li tagħti s-setgħa direttament lill-awtoritajiet tal-UE sabiex jitolbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data, bħal fil-proposta preżenti dwar id-derivati OTC u l-proposta msemmija fuq għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (il-“Proposta CRA”). Bħala konsegwenza, f’dawn il-każijiet hemm ħtieġa saħansitra aktar b’saħħitha li fl-istrument leġiżlattiv innifsu jiġu kkjarifikati l-ambitu personali u materjali ta’ din is-setgħa u ċ-ċirkostanzi li fihom, u l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tintuża, kif ukoll li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji adegwati kontra l-abbuż.

20.

F’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet li saru fl-Opinjoni preżenti, għalkemm huma intiżi għall-proposta dwar id-derivati OTC, għandhom rilevanza aktar ġenerali. Il-KEPD huwa konxju li fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li diġà ġiet adottata jew li waslet biex tiġi adottata, jista’ jkun li dawn il-kummenti jaslu tard wisq. Madankollu, huwa jistieden lill-istituzzjonijiet biex jirriflettu fuq il-ħtieġa li jemendaw il-proposti pendenti sabiex jittieħed kont tat-tħassib espress fl-Opinjoni preżenti. Fir-rigward tat-testi li diġà ġew adottati, il-KEPD jistieden lill-istituzzjonijiet biex ifittxu għal possibbiltajiet li jiġu ċċarati l-affarijiet, pereżempju fejn l-ambitu tad-dispożizzjoni kkonċernata jista’ jkun direttament jew indirettament speċifikat fl-atti delegati jew implimentattivi, pereżempju atti li jiddefinixxu d-dettalji tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords, avviżi interpretattivi jew dokumenti komparabbli oħrajn (29). Il-KEPD jistenna li l-Kummissjoni tikkonsultah fi żmien tajjeb fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri relatati.

4.   TĦASSIB FIR-RIGWARD TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA RELATAT MA’ PARTIJIET OĦRAJN TAL-PROPOSTA

21.

Il-KEPD iqis li huwa xieraq li jagħmel kummenti addizzjonali fuq xi punti oħrajn tal-Proposta li jirrelataw mad-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi.

4.1.   L-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001

22.

Il-premessa 48 ġustament tgħid li huwa essenzjali li l-Istati Membri u l-AETS iħarsu d-dritt tal-persuni fiżiċi meta jipproċessaw id-data personali, skont id-Direttiva 95/46/KE. Il-KEPD jilqa’ r-referenza għad-Direttiva fil-premessa. Madankollu, it-tifsira tal-premessa tista’ ssir aktar ċara billi tkompli tispeċifika li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Preferibbilment, tali referenza għandha tiġi inkluża wkoll f’dispożizzjoni sostantiva.

23.

Barra minn hekk, il-KEPD jinnota li l-AETS hija entità Ewropea suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u għas-superviżjoni tal-KEPD. Għalhekk, huwa rrakkomandat li f’dan ir-Regolament tiġi introdotta referenza espliċita, li tispeċifika wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Proposta huma mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament.

4.2.   Limitazzjoni tal-iskop, in-neċessità u l-kwalità tad-data

24.

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tar-regolament propost huwa li jtejjeb it-trasparenza tas-suq tad-derivati OTC u li jtejjeb is-sorveljanza regolatorja ta’ dan is-suq. Fid-dawl ta’ dan il-għan, il-Proposta tobbliga lill-kontropartijiet finanzjarji u lill-kontropartijiet mhux finanzjarji jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta’ limitu sabiex jirrapportaw id-dettalji ta’ kwalunkwe kuntratt ta’ derivat OTC li jkunu daħlu għalih u kwalunkwe modifika jew terminazzjoni tiegħu lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irreġistrati, (Artikolu 6) (30). Tali informazzjoni hija intiża biex tinżamm mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u biex issir disponibbli minn dawn tal-aħħar għal diversi awtoritajiet għal skopijiet regolatorji (Artikolu 67) (31).

25.

F’każ li waħda mill-partijiet għal kuntratt derivat suġġetta għall-obbligi tal-ikklerjar u r-rappurtar tkun persuna fiżika, l-informazzjoni dwar din il-persuna fiżika tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE. Għalhekk, it-twettiq tal-obbligi msemmija fuq jikkostitwixxi l-ipproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE. Anki f’każ li l-partijiet għat-tranżazzjoni ma jkunux persuni fiżiċi, id-data personali xorta waħda tista’ tiġi pproċessata fil-qafas tal-Artikoli 6 u 67, bħal pereżempju, l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tad-diretturi tal-kumpaniji. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE (jew tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, skont liema jkunu rilevanti) għandhom ikunu applikabbli għall-operazzjonijiet preżenti.

26.

Rekwiżit bażiku tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data huwa li l-informazzjoni għandha tiġi pproċessata għal għanijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi, u li din ma tistax tkompli tiġi pproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk l-għanijiet (32). Barra minn hekk, id-data li tintuża sabiex jintlaħqu l-għanijiet għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni ma’ dak il-għan. Wara analiżi tar-regolament propost, il-KEPD jikkonkludi li s-sistema stabbilita mill-Proposta ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

27.

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop, għandu jiġi enfasizzat li l-Proposta tonqos milli tispeċifika l-għanijiet tas-sistema ta’ rappurtar u, l-aktar importanti, l-għanijiet li għalihom l-informazzjoni li tinżamm mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tista’ tiġi aċċessata mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 67 tal-Proposta. Jidher ċar li referenza ġenerali għall-ħtieġa li tittejjeb it-trasparenza tas-suq tad-derivati OTC mhijiex biżżejjed sabiex tkun konformi mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop. Dan il-prinċipju jkompli jitpoġġa taħt pressjoni fl-Artikolu 20(3) tar-regolament propost dwar is-“Segretezza professjonali”, li, kif inhuwa fformulat bħalissa, jidher li jippermetti l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali rċevuta skont ir-regolament propost għal numru ta’ għanijiet addizzjonali u mhux speċifikati b’mod ċar (33).

28.

Barra minn hekk, il-Proposta tonqos milli tispeċifika t-tip ta’ data li ser tiġi rreġistrata, irrappurtata u aċċessata, inkluż kwalunkwe data personali ta’ persuni identifikati jew identifikabbli. L-Artikoli 6 u 67 imsemmija fuq jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tkompli tispeċifika l-kontenut tal-obbligi tar-rappurtar u taż-żamma tar-rekords fl-atti ddelegati. Għalkemm il-KEPD jifhem il-ħtieġa prattika tal-użu ta’ proċedura bħal din, huwa jixtieq jenfasizza li, sakemm l-informazzjoni li tkun qiegħda tiġi pproċessata skont l-Artikoli msemmija hawn fuq tkun tikkonċerna persuni fiżiċi, ir-regoli u l-garanziji ewlenin tal-protezzjoni tad-data għandhom jiġu stipulati fil-liġi bażika.

29.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 46/95 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jesiġu li d-data personali għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-għanijiet li għalihom tinġabar id-data. Il-KEPD jinnota li l-Proposta ma tistabbilixxi ebda perjodu konkret ta’ limitazzjoni għaż-żamma tad-data personali potenzjalment ipproċessata skont l-Artikoli 6, 27 u 67 tar-regolament propost. L-Artikoli 27 u 67 jistabbilixxu biss li r-rekords rilevanti għandhom jinżammu għal mill-inqas għaxar snin. Barra minn hekk, dan huwa biss perjodu minimu ta’ żamma, li ċertament jikkontradixxi r-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

30.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-KEPD iħeġġeġ lil-leġiżlatur biex jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi pproċessata skont il-Proposta, jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata d-data personali mill-entitajiet differenti kkonċernati u jistabbilixxi perjodu preċiż, meħtieġ u proporzjonat għaż-żamma tad-data għall-ipproċessar imsemmi fuq.

4.3.   Spezzjonijiet fuq il-post

31.

L-Artikolu 61(2)(d) jawtorizza lill-AETS twettaq spezzjonijiet fuq il-post bi jew mingħajr avviż. Mhuwiex ċar jekk dawn l-ispezzjonijiet humiex ser ikunu limitati għall-bini kummerċjali ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew jekk humiex ser japplikaw ukoll għall-bini jew l-istabbilimenti privati ta’ persuni fiżiċi. L-Artikolu 56(1)(ċ), li jippermetti lill-Kummissjoni, fuq it-talba tal-AETS, timponi ħlasijiet penali perjodiċi fuq impjegati ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew fuq persuni oħrajn relatati ma’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex iġġegħelhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni fuq il-post ordnata mill-AETS skont l-Artikolu 61(2), jista’ (mhux intenzjonalment) jissuġġerixxi mod ieħor.

32.

Mingħajr ma jelabora aktar fuq dan il-punt, il-KEPD jirrakkomanda li s-setgħa li jsiru spezzjonijiet fuq il-post (u s-setgħa relatata li jiġu imposti ħlasijiet penali perjodiċi skont l-Artikolu 56) tiġi limitata biss għall-bini kummerċjali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u għal persuni legali oħrajn relatati magħhom b’mod sostanzjali u ċar  (34). F’każ li l-Kummissjoni tabilħaqq tikkunsidra li tippermetti li jsiru spezzjonijiet ta’ bini mhux kummerċjali ta’ persuni fiżiċi, dan għandu jintwera b’mod ċar u għandhom jiġu previsti rekwiżiti aktar stretti bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità (partikolarment fir-rigward tal-indikazzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jsiru spezzjonijiet bħal dawn).

4.4.   Skambji tad-data u l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop

33.

Diversi dispożizzjonijiet tar-regolament propost jippermettu li jsiru skambji wesgħin ta’ data u informazzjoni bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi (ara b’mod partikolari l-Artikoli 21, 23 u 62). It-trasferimenti tad-data lil pajjiżi terzi jistgħu jseħħu wkoll meta CCP jew repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut minn pajjiż terz jipprovdi servizzi lil entitajiet rikonoxxuti fl-Unjoni. Sakemm l-informazzjoni u d-data skambjati jkunu jikkonċernaw persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, ikunu japplikaw l-Artikoli 7-9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikoli 25-26 tad-Direttiva 95/46/KE, skont kif rilevanti. B’mod partikolari, it-trasferimenti lil pajjiżi terzi jistgħu jseħħu biss meta jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni f’dawk il-pajjiżi jew meta tapplika xi waħda mid-derogi rilevanti pprovduti mil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Għar-raġunijiet ta’ ċarezza, fit-test għandha tiġi inkluża referenza espliċita għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u għad-Direttiva 95/46/KE, li tgħid li tali trasferimenti għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli previsti, rispettivament, fir-Regolament jew fid-Direttiva.

34.

Skont il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop (35), il-KEPD jirrakkomanda wkoll li jiġu introdotti limiti ċari dwar it-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi skambjata u li jiġu definiti l-iskopijiet li għalihom tista’ tiġi skambjata d-data personali.

4.5.   Il-kontabilità u r-rappurtar

35.

L-Artikolu 68 tal-Proposta fih għadd ta’ obbligi ta’ rappurtar tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-elementi varji tar-regolament propost. Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi introdott ukoll l-obbligu għall-AETS li tirrapporta perjodikament dwar l-użu tas-setgħat investigattivi tagħha, partikolarment is-setgħa li titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data. Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi wkoll tagħmel xi rakkomandazzjonijiet, inkluż, jekk ikun xieraq, proposti għar-reviżjoni tar-Regolament.

5.   KONKLUŻJONIJIET

36.

Il-proposta preżenti tagħti s-setgħa lill-AETS biex “titlob ir-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” sabiex twettaq id-doveri relatati mas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Sabiex titqies bħala meħtieġa u proporzjonata, is-setgħa li jintalbu r-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għandha tkun limitata biss għal dak li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. Kif inhi bħalissa, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti minħabba li hija fformulata b’mod wiesa' żżejjed. B’mod partikolari, l-ambitu personali u materjali tas-setgħa, kif ukoll iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tintuża mhumiex speċifikati biżżejjed.

37.

Il-kummenti li saru fl-Opinjoni preżenti, għalkemm huma mmirati għall-Proposta tad-derivati OTC, huma rilevanti wkoll għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għall-proposti pendenti u possibbli fil-futur li jkun fihom dispożizzjonijiet ekwivalenti. Dan huwa partikolarment il-każ meta s-setgħa inkwistjoni tiġi fdata, bħal fil-proposta preżenti, lil awtorità tal-UE mingħajr ma ssir referenza għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri speċifiċi stipulati fil-liġijiet nazzjonali (pereżempju, il-Proposta CRA).

38.

Wara li kkunsidra l-punti ta’ hawn fuq, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex:

Jispeċifika b’mod ċar il-kategoriji tar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma mitluba li jżommu u/jew jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti. Din id-data għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’relazzjoni mal-iskop li għalih tiġi pproċessata;

Jillimita s-setgħa li jintalab aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet;

Jgħid b’mod espliċitu li l-aċċess għat-traffiku tat-telefon u tad-data direttament mingħand il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni huwa eskluż;

Jillimita l-aċċess għar-rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data għal ksur identifikat u serju tar-regolament propost u f’każijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli (li għandu jiġi appoġġjat minn evidenza inizjali konkreta) li sar xi ksur;

Jikkjarifika li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jipprovdu rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data biss meta jiġu mitluba jagħmlu dan b’deċiżjoni formali li tispeċifika, fost l-oħrajn, id-dritt li d-deċiżjoni tiġi riveduta mill-Qorti tal-Ġustizzja;

Jitlob li d-deċiżjoni ma tiġix esegwita mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat (mill-inqas meta tali awtorizzazzjoni tintalab skont il-liġi nazzjonali);

Jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri implimentattivi li jistabbilixxu fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, inklużi miżuri ta’ sikurezza u salvagwardji adegwati.

39.

Fir-rigward ta’ aspetti oħrajn tal-Proposta, il-KEPD jixtieq li jirreferi għall-kummenti tiegħu li saru taħt is-Sezzjoni 4 tal-Opinjoni preżenti. B’mod partikolari, il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur biex:

Jinkludi referenza għad-Direttiva 95/46/KE u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-inqas fil-premessi tad-Direttiva proposta u preferibbilment f’dispożizzjoni sostantiva wkoll, li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet tar-regolament propost huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva u għar-Regolament, rispettivament;

Jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi pproċessata skont il-Proposta b’konformità mal-prinċipju tan-neċessità (partikolarment fir-rigward tal-Artikoli 6 u 67), jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata d-data personali mill-awtoritajiet/entitajiet differenti kkonċernati u jiffissa perjodi preċiżi, neċessarji u proporzjonati għaż-żamma tad-data għall-ipproċessar imsemmi hawn fuq;

Jillimita s-setgħa li jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 61(2)(d) u li jimponi ħlasijiet ta’ penali perjodiċi skont l-Artikolu 56 biss għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet u persuni legali oħrajn relatati magħhom b’mod ċar u sostanzjali;

Jgħid b’mod espliċitu li t-trasferimenti internazzjonali tad-data personali għandhom ikunu konformi mar-regoli rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u mad-Direttiva 95/46/KE, jintroduċi limiti ċari għat-tip ta’ informazzjoni personali li tista’ tiġi skambjata u jiddefinixxi l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi skambjata d-data personali.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2011

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2010) 484 finali.

(4)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE, ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(6)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE, (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(7)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE, (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(8)  Derivat huwa kuntratt finanzjarju marbut mal-valur jew l-istatus tal-futur ta’ titolu sottostanti li jirreferi għalih (pereżempju, l-iżvilupp tar-rati tal-imgħax jew tal-valur ta’ munita).

(9)  Normalment l-impjegati li lilhom jista’ jiġi imputat it-traffiku tat-telefon u tad-data, kif ukoll ir-riċevituri u utenti oħrajn ikkonċernati.

(10)  Ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 45).

(11)  Ara l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li jistabbilixxi li tali restrizzjonijiet għandhom jikkostitwixxu miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tħares is-sigurtà nazzjonali (jiġifieri s-sigurtà tal-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-użu mhux awtorizzat tas-sistema tal-komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprovdu għaż-żamma tad-data għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.

(12)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Konġunti C-92/09 u C-93/09, Volker und Markus Schecke GbR (C-92/09), Hartmut Eifert (C-92/09) vs Land Hessen, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 74.

(13)  Pereżempju, il-Premessa 44 tgħid li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti stretti dwar iż-żamma tar-rekords u l-ġestjoni tad-data. L-Artikolu 66 jispeċifika li repożitorju tat-tranżazzjonijiet “għandu jirreġistra minnufih l-informazzjoni li jirċievi skont l-Artikolu 6 u għandu jżommha għal mill-inqas għaxar snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratti rilevanti. Huwa għandu japplika proċeduri f’waqthom u effikaċi għaż-żamma tar-rekords sabiex jiddokumenta l-bidliet fl-informazzjoni rreġistrata [sic]”. L-Artikolu 67 jistabbilixxi wkoll li “repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli” għall-AETS u għal diversi awtoritajiet kompetenti oħrajn.

(14)  L-espressjoni “rekords tat-telefon u tat-traffiku tad-data” tista’ potenzjalment tinkludi varjetà wiesgħa ta’ informazzjoni, inkluż it-tul, iż-żmien jew il-volum ta’ komunikazzjoni, il-protokoll użat, il-lokazzjoni tat-tagħmir terminali ta’ min jibgħat jew jirċievi, in-netwerk li fuqu tibda jew tispiċċa l-komunikazzjoni, il-bidu, it-tmiem jew it-tul ta’ konnessjoni jew saħansitra l-lista ta’ websajts miżjura u l-kontenut tal-komunikazzjonijiet infushom f’każ li jiġu rreġistrati. Sakemm dawn ikunu relatati ma’ persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, din l-informazzjoni kollha tikkostitwixxi data personali.

(15)  Ara l-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk jistgħux jitfasslu salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi evitat li tinġabar u tiġi pproċessata data li tikkonċerna użu ġenwinament privat.

(16)  L-Artikolu 56(1)(ċ), li jippermetti lill-Kummissjoni, fuq it-talba tal-AETS, timponi ħlasijiet penali perjodiċi fuq impjegati ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet jew fuq persuni oħrajn relatati ma’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex iġġegħelhom jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni mnedija mill-AETS skont l-Artikolu 61(2), jista’ (mhux intenzjonalment) jissuġġerixxi mod ieħor.

(17)  Kif intqal, id-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li d-data dwar it-traffiku għandha titħassar jew issir anonima meta ma tkunx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni. Tali data tista’ tkompli tiġi pproċessata biss biex isiru l-kontijiet tal-abbonati u l-ħlasijiet ta’ interkonnessjoni u sat-tmiem tal-perjodu li matulu l-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew inkella jsir il-ħlas. Kwalunkwe deroga għal dan il-prinċipju għandha tkun neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għal skopijiet speċifiċi ta’ ordni pubblika (jiġifieri sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà tal-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejba u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-użu mhux awtorizzat tas-sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika).

(18)  Il-Kostituzzjoni Taljana, pereżempju, titlob li kwalunkwe interferenza mas-segretezza tal-korrispondenza, inkluż l-aċċess għad-data tat-traffiku li ma tiżvelax il-kontenut tal-komunikazzjonijiet, tiġi ordnata jew awtorizzata minn membru tal-ġudikatura.

(19)  Rekwiżit simili ġie introdott fil-verżjoni emendata tal-Proposta CRA vvotata mill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2010.

(20)  Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16).

(21)  Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(22)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(23)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(24)  Proposta tat-30 ta’ April 2009 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/KE, COM(2009) 207.

(25)  Proposta tat-2 ta’ Ġunju 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, COM(2010) 289.

(26)  Proposta tal-15 ta’ Settembru 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Bejgħ bin-Nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu, COM(2010) 482.

(27)  Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija, COM(2010) 726.

(28)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq imsemmija fin-nota 20 f’qiegħ il-paġna. Ara wkoll l-Artikolu 50 tad-Direttiva MIFID, imsemmija fin-nota 21 f’qiegħ il-paġna.

(29)  Pereżempju, l-Artikolu 37 tal-Proposta CRA jippermetti lill-Kummissjoni temenda l-Annessi għar-Regolament, li fihom id-dettalji tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords imposti fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu; ara wkoll il-Premessa 10 tal-Proposta CRA li tirreferi għas-setgħa tal-AETS li toħroġ u taġġorna l-linji gwida mhux vinkolanti dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament CRA.

(30)  L-Artikolu 6(4) tal-Proposta jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tiddetermina d-dettalji u t-tip tar-rapporti għall-klassijiet differenti ta’ derivati, billi jispeċifika li dawn ir-rapporti għandhom jinkludu mill-inqas: a) li jiġu identifikati kif xieraq il-partijiet għall-kuntratt u, fejn ikun differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minnu; u b) li jiġu rrappurtati l-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt, inkluż it-tip, il-bażi, il-maturità u l-valur kunċettwali.

(31)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 11. L-Artikolu 67 jikkonkretizza dan billi jistabbilixxi li repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħmel l-informazzjoni meħtieġa disponibbli għal għadd ta’ entitajiet, jiġifieri l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-impriżi suġġetti għall-obbligi ta’ rappurtar, l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw is-CCPs u l-banek ċentrali rilevanti tal-ESCB.

(32)  Ara, pereżempju, l-Opinjoni tal-KEPD tas-6 ta’ Jannar 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, (ĠU C 101, 20.4.2010, p. 1).

(33)  L-Artikolu 20(3) jaqra kif ġej: “Mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti mil-liġi kriminali, l-awtoritajiet kompetenti, l-AETS, il-korpi jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-doveri tagħhom u sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn, għall-iskop li għalih kienet ipprovduta lilhom din l-informazzjoni jew fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji speċifikament relatati mat-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-AETS, l-awtorità kompetenti jew awtorità, korp jew persuna oħra li tikkomunika l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet oħrajn.”

(34)  Speċifikazzjoni simili ġiet introdotta fil-verżjoni emendata tal-Proposta CRA vvotata mill-Parlament Ewropew f’Diċembru 2010.

(35)  Ara l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/17


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-awtorità awtorizzata biex toħroġ iċ-ċertifikati ta' awtentiċità fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 620/2009

2011/C 216/05

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2009 tat-13 ta' Lulju 2009, ippubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 182 tal-15 ta' Lulju 2009, infetħet kwota tariffarja għall-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja.

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 620/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 jistipula li r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti importati taħt il-kwota għandu jkun soġġett għat-tressiq ta’ ċertifikat ta’ awtentiċità.

L-awtorità li ġejja hija awtorizzata toħroġ iċ-ċertifikati ta' awtentiċità fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.

Ministry of Agriculture and Forestry

Pastoral House

25 The Terrace

Wellington

NEW ZEALAND

Indirizz għall-korrispondenza:

Ministry of Agriculture and Forestry

PO Box 2526

Wellington 6140

NEW ZEALAND

Tel. +64 48940100

Fax +64 48940720

Posta elettronika: nzfsa.info@maf.govt.nz

Internet: http://www.maf.govt.nz


22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/18


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6151 – PetroChina/INEOS/JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 216/06

Fit-13 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32011M6151. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Parlament Ewropew

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/19


REGOLI DWAR L-AĊĊESS TAL-PUBBLIKU GĦAD-DOKUMENTI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Deċiżjoni tal-Bureau tat-28 ta’ Novembru 2001 (1)  (2)  (3)  (4)

2011/C 216/07

IL-BUREAU,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 15(3) tat-TFUE,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 11, 12 u 18,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 23(2), 23(12), 103(1) u l-Artikolu 104 tar-Regolament,

Billi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti ġew stipulati skont l-Artikolu 15(3) tat-TFUE permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill,

Billi, bi qbil mal-Artikolu 255(3) antik tat-Trattat KE u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Parlament Ewropew, permezz tad-Deċiżjoni tat-13 ta' Novembru 2001, kien adotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Billi l-Artikolu 104(2), (3) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura jinkariga lill-Bureau jfassal ir-regoli maħsuba biex joħolqu reġistru ta' referenzi tad-dokumenti, jistabbilixxu l-proċeduri għall-aċċess u jagħżlu l-organi responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess,

Billi l-miżuri li jirreferu għas-sistema ta' ħlas għall-ħruġ tad-dokumenti għandhom jiġu addattati għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex tiġi speċifikata l-ispiża addizzjonali li jrid iħallas l-applikant fil-każ li jintbagħtu dokumenti b'volum kbir,

Billi donnu li hu xieraq li l-miżuri dwar il-funzjonament tar-reġistru tad-dokumenti tal-Parlament Ewropew jinġabru f'deċiżjoni waħda, bil-għan li tiżdied it-trasparenza fir-rigward taċ-ċittadini,

Billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ma jagħtix lok li jitqies ir-rwol ta' applikant u billi d-deċiżjonijiet adottati skont dan ir-regolament jipproduċu effett erga omnes. Dan ifisser li l-Membri u l-persunal tal-Istituzzjonijiet għandhom drittijiet ta’ aċċess privileġġati rikonoxxuti permezz tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u r-Regolamenti tal-Persunal, li huma jistgħu jużaw, minflok jirrikorru għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

Billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u din id-Deċiżjoni lanqas ma jirregolaw l-aċċess u t-trażmissjoni tad-dokumenti bejn l-istituzzjonijiet, li huma s-suġġett ta’ ftehimiet interistituzzjonali,

Billi r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jagħmel referenza għall-aċċess għad-dokumenti eżistenti u billi t-talbiet għal informazzjoni għandhom jiġu trattati skont dispożizzjonijiet oħra,

Billi l-Bureau, permezz tad-Deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2010, adotta lista ġdida ta’ kategoriji għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew direttament aċċessibbli,

Billi jaqbel li jsiru modifiki tekniċi fid-dawl tal-esperjenza miksuba tul dawn l-aħħar snin fi ħdan l-Istituzzjoni u tal-iżvilupp tas-sit elettroniku tal-Parlament.

IDDEĊIEDA

TITOLU I

IR-REĠISTRU ELETTRONIKU TA' REFERENZI (RER)

Artikolu 1

Ħolqien

1.   Ir-Reġistru Elettroniku ta' Referenzi (RER) inħoloq għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew.

2.   Ir-Reġistru ta' Referenzi maħluq għal dan il-għan għandu jinkludi r-referenzi għal dokumenti maħruġa jew riċevuti (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu li ġej) mill-Istituzzjoni mid-data ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (5).

3.   Fuq il-bażi tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, m’għandux ikun hemm bżonn li d-dokumenti tal-istituzzjonijiet l-oħra li jkun irċieva l-Parlament Ewropew u li diġà jkunu aċċessibbli faċilment fir-reġistru elettroniku tal-istituzzjoni kkonċernata jkunu magħmula disponibbli fir-RER. Ir-RER għandu jipprovdi ħolqa (link) għar-reġistru tal-istituzzjoni awtriċi.

4.   Dawn ir-referenzi għandhom iservu bħala “l-karta tal-identità tad-dokument” li tinkludi mhux biss l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, iżda wkoll u sa fejn hu possibbli, l-informazzjoni li tagħmilha possibbli li tiġi identifikata l-awtorità li minnha joriġina d-dokument, il-lingwi disponibbli, l-istatus tad-dokument, il-kategorija tad-dokument u l-post fejn qiegħed maħżun.

Artikolu 2

Għanijiet

Ir-RER għandu jkun strutturat b'mod li jagħmilha possibbli li:

jiġu identifikati d-dokumenti permezz ta’ sistema uniformi ta’ għoti ta' referenza,

ikun hemm aċċess dirett għad-dokumenti, b'mod partikolari dawk leġiżlattivi,

tingħata informazzjoni fil-każ li d-dokumenti ma jkunux direttament aċċessibbli elettronikament skont l-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 3

Tħaddim

L-Unità “Trasparenza – Aċċess tal-Pubbliku għad-Dokumenti u Relazzjonijiet mar-Rappreżentanti tal-Interessi” (minn issa ‘l quddiem, is-servizz kompetenti), hu responsabbli:

mis-sorveljanza tar-reġistrazzjoni fir-RER tad-dokumenti maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew,

mill-wasla u l-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess fil-forma miktuba jew elettronika, fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol, li jista’ jiġi prolongat,

li jibgħat jgħarraf li rċieva t-talba,

mill-għajnuna lill-applikant bil-għan li jkun iċċarat il-kontenut tat-talba tiegħu u li jaqbel mal-applikant dwar talbiet għal dokumenti twal jew kumplessi ħafna,

li jiffaċilita lill-applikant l-aċċess għad-dokumenti diġà ppubblikati,

mill-koordinament tar-risposta mas-servizz awtur jew fil-pussess tad-dokument jew mal-persuna awtorizzata meta t-talba tkun tikkonċerna dokument li mhux inkluż fir-reġistru, jew inkella meta t-talba tkun tikkonċerna dokument suġġett għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,

mill-konsultazzjoni ma’ persuni terzi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 4

Reġistrazzjoni tad-dokumenti fir-RER

1.   Ir-referenzi għad-dokumenti huma reġistrati fir-RER skont l-istruzzjonijiet adottati mis-Segretarju Ġenerali, li jassiguraw massimu ta’ traċċabilità tad-dokumenti. Il-kopertura tar-RER se tikber gradwalment. Din għandha tkun disponibbli fil-paġna ta' akkoljenza tar-RER fis-sit elettroniku Europarl.

2.   F'dan ir-rigward, id-dokumenti tal-Parlament Ewropew, hekk kif definiti fl-Artikolu 104(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, għandhom jiddaħħlu fir-RER taħt ir-responsabbiltà tal-organu jew servizz awtur tad-dokument.

3.   Id-dokumenti li jinħarġu fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva jew tal-attività parlamentari għandhom jiddaħħlu fir-RER malli jiġu depożitati jew malli jsiru pubbliċi.

4.   Id-dokumenti l-oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-servizzi amministrattivi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għandhom jitniżżlu fir-RER, sa fejn ikun possibbli, skont l-istruzzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali.

5.   Ir-referenzi għad-dokumenti tal-persuni terzi skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom jiġu rreġistrati fir-RER mis-servizz destinatarju tad-dokumenti.

Artikolu 5

Dokumenti aċċessibbli direttament

1.   Id-dokumenti kollha maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva għandhom ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini f'forma elettronika, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.   Il-Parlament Ewropew għandu jagħmel aċċessibbli elettronikament id-dokumenti leġiżlattivi kollha fit-tifsira tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 permezz tar-RER jew is-sit elettroniku Europarl.

3.   Il-kategoriji tad-dokumenti li jkunu aċċessibbli direttament għandhom jitniżżlu f'lista addottata mill-Bureau, ippubblikata fis-sit elettroniku EUROPARL. Din il-lista m’għandhiex tillimita d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li ma jkunux inkużi fil-kategoriji elenkati, li jistgħu jkunu magħmula aċċessibbli fuq talba miktuba.

Artikolu 6

Dokumenti aċċessibbli fuq talba

1.   Sa fejn ikun possibbli, d-dokumenti maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew barra mill-proċedura leġiżlattiva għandhom ikunu aċċessibbli direttament għaċ-ċittadini permezz tar-RER, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.   Meta r-reġistrazzjoni ta' dokument fir-RER ma tippermettix aċċess dirett għat-test sħiħ, jew għax id-dokument ma jkunx disponibbli elettronikament, jew inkella minħabba l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, l-applikant jista' jitlob l-aċċess għad-dokument bil-miktub jew permezz tal-formola elettronika li tinsab fuq is-sit tar-RER fis-sit Europarl.

3.   Id-dokumenti maħruġa jew riċevuti mill-Parlament Ewropew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u li għalhekk m'humiex disponibbli fir-RER, għandhom ikunu aċċessibbli fuq talba miktuba jew elettronika bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

4.   Il-Parlament Ewropew għandu jiżgura għajnuna elettronika liċ-ċittadini dwar il-modalitajiet tas-sottomissjoni ta' talbiet għal aċċess għad-dokumenti.

TITOLU II

IT-TALBA INIZJALI

Artikolu 7

Talbiet koperti minn dawn ir-regoli

Dawn ir-regoli japplikaw għal kwalunkwe talba ta’ aċċess għal dokument tal-Parlament Ewropew sottomessa permezz tal-formola disponibbli fil-websajt tar-RER jew jirreferu espliċitament għad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, kif stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Madankollu, it-talbiet ibbażati fuq dritt għall-aċċess speċjali, kif stabbilit partikolarment mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ data personali u r-Regolamenti tal-Persunal, mhumiex koperti minn dawn ir-regoli.

Artikolu 8

Preżentazzjoni tat-talba għal aċċess

1.   It-talba għal aċċess għal dokument tal-Parlament Ewropew għandha tiġi ppreżentata bil-miktub jew elettronikament f'waħda mil-lingwi elenkati fl-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   It-talbiet elettroniċi, kull fejn ikun possibbli, għandhom jiġu sottomessi permezz ta’ formola elettronika disponibbli fis-sit elettroniku tar-RER u s-sistema ta’ għajnuna elettronika prevista biex tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ talbiet ta’ dan it-tip.

3.   It-talba għandha ssir b'mod preċiż biżżejjed u għandha tinkludi b'mod partikolari l-elementi li jagħmluha possibbli li jiġu identifikati d-dokumenti mitluba, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-applikant

4.   Jekk talba ma tkunx preċiża biżżejjed, l-Istituzzjoni, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandha tistieden lill-applikant jiċċaraha u għandha tgħinu għal dan il-għan.

Article 9

Ipproċessar tat-talba inizjali

1.   Kwalunkwe talba għal aċċess għal dokument miżmum mill-Parlament Ewropew għandha tintbagħat fl-istess ġurnata li tkun irreġistrata mis-servizz kompetenti li, min-naħa tiegħu, għandu jiddikjara li rċevieha, iħejji tweġiba u jipprovdi d-dokument fl-iskadenza prevista.

2.   Meta ssir talba għal dokument maħruġ mill-Parlament Ewropew, li għalih tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jew inkella meta jkun jeħtieġ jiġi identifikat jew misjub id-dokument mitlub, is-servizz kompetenti għandu jikkuntattja lis-servizz jew organu awtur tad-dokument li għandu jissuġġerixxi x’azzjoni għandha tittieħed fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol.

Artikolu 10

Konsultazzjoni ma’ terzi

1.   Fejn talba tkun tikkonċerna dokumenti mingħand terzi, is-servizz kompetenti, fejn ikun il-każ, b'koordinazzjoni mas-servizz li jkollu d-dokumenti mitluba, għandu jiċċekkja jekk tkunx tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

2.   Jekk, ġaladarba l-iċċekkjar ikun sar, jiġi stabbilit li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jrid jiġi miċħud fuq il-bażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għandha tintbagħat risposta fin-negattiv lill-applikant mingħajr konsultazzjoni mal-parti terza awtriċi tad-dokument.

3.   Is-servizz kompetenti għandu jaċċetta t-talba mingħajr ma jikkonsulta l-parti terza awtriċi tad-dokument meta:

id-dokument mitlub diġà jkun inħareġ mill-awtur tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jew dispożizzjonijiet analogi;

il-ħruġ, anke jekk parzjali, tal-kontenut tiegħu, ma jkunx ta’ ħsara għall-interessi li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

4.   Fil-każijiet l-oħra kollha, il-parti terza għandha tiġi kkonsultata u mogħtija ħamest ijiem tax-xogħol biex tagħti l-pożizzjoni tagħha, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

5.   Jekk ma tingħata l-ebda risposta sa tmiem l-iskadenza stipulata, jew jekk il-parti terza ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew ikkuntattjata, il-Parlament Ewropew għandu jieħu deċiżjoni skont id-dispożizzjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, filwaqt li jqis l-interessi leġittimi tal-parti terza skont l-informazzjoni li jkollu.

Artikolu 11

Skadenza għar-risposta

1.   Fil-każ li jingħata aċċess, is-servizz kompetenti għandu jipprovdi d-dokumenti mitluba fi żmien ħmistax-il jum ta' ħidma mir-reġistrazzjoni tat-talba.

2.   Jekk il-Parlament Ewropew ma jkunx f'pożizzjoni li jagħti aċċess għad-dokumenti mitluba, dan għandu javża bil-miktub lill-applikant bir-raġunijiet taċ-ċaħda, totali jew parzjali, u fl-istess ħin jinfurmah dwar id-dritt tiegħu li jippreżenta talba għal konferma.

3.   F'dan il-każ, l-applikant ikollu żmien 15-il jum ta' ħidma minn meta jirċievi r-risposta sabiex jippreżenta t-talba għal konferma.

4.   F'każijiet eċċezzjonali, meta ssir talba għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta' dokumenti, iż-żmien stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-artikolu jista' jiġi mtawwal bi 15-il jum ta' ħidma, bil-kundizzjoni li l-applikant jiġi mgħarraf bil-quddiem u jingħata spjegazzjoni dettaljata.

5.   In-nuqqas ta' risposta min-naħa tal-Isituzzjoni fiż-żmien stipulat jawtorizza lill-applikant sabiex jippreżenta talba għal konferma.

Artikolu 12

Awtorità kompetenti

1.   It-talbiet inizjali indirizzati lill-Parlament Ewropew għandhom jiġu pproċessati mis-Segretarju Ġenerali bl-awtorità tal-Viċi President responsabbli mis-sorveljanza tal-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti, kif previst mill-Artikolu 104(4) u (6) tar-Regoli ta' Proċedura.

2.   Ir-risposti pożittivi għat-talbiet inizjali għandhom jintbagħtu lill-applikant mis-Segretarju Ġenerali jew mis-servizz kompetenti bl-awtorità tas-Segretarju Ġenerali.

3.   Iċ-ċaħda ta' talba inizjali, spjegata b'mod xieraq, tiġi deċiża mis-Segretarju Ġenerali fuq proposta tas-servizz kompetenti u wara konsultazzjoni mal-awtur tad-dokument. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ ċaħda għandha tiġi mgħoddija, għall-informazzjoni, lill-Viċi President responsabbli.

4.   Is-Segretarju Ġenerali jew is-servizz kompetenti jistgħu f'kull mument jirreferu talba lis-Servizz Legali u/jew lill-uffiċjal responsabbli mill-protezzjoni tad-data biex dawn jagħti l-opinjoni tagħhom dwar x’azzjoni għandha tittieħed.

TITOLU III

IT-TALBA GĦAL KONFERMA

Artikolu 13

Preżentazzjoni

1.   It-talba għal konferma għandha tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum ta' ħidma, jew mill-ilqigħ tar-risposta ta' ċaħda totali jew parzjali tal-aċċess għad-dokument mitlub, jew, fin-nuqqas ta' kwalunkwe risposta għat-talba inizjali, wara li tkun għaddiet l-iskadenza għar-risposta.

2.   It-talba għal konferma għandha ssir skont ir-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 8 ta' din id-Deċiżjoni għat-talba inizjali.

Artikolu 14

Ipproċessar u konsultazzjonijiet

1.   It-talbiet għal konferma għandhom jiġu rreġistrati u l-konsultazzjonijiet eventwali żgurati, skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Fi żmien 15-il jum ta' ħidma mir-reġistrazzjoni tat-talba, il-Parlament Ewropew għandu jew jagħti aċċess għad-dokument, jew javża bil-miktub jew elettronikament dwar ir-raġunijiet taċ-ċaħda totali jew parzjali.

3.   F'każijiet eċċezzjonali, meta ssir talba għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta' dokumenti, iż-żmien stipulat fil-paragrafu preċedenti jista' jiġi mtawwal bi 15-il jum ta' ħidma, bil-kundizzjoni li l-applikant jiġi mgħarraf bil-quddiem u jingħata spjegazzjoni dettaljata.

Artikolu 15

Awtorità kompetenti

1.   Ir-risposta għat-talbiet ta' konferma għandha tkun kompitu tal-Bureau tal-Parlament Ewropew. Il-Viċi President responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti għandu jieħu deċiżjoni dwar talbiet għal konferma f'isem il-Bureau u bl-awtorità tiegħu.

2.   Il-Viċi President għandu jinforma lill-Bureau dwar id-deċiżjoni tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-Bureau li tiġi wara t-teħid ta' deċiżjoni u n-notifikazzjoni tagħha lill-applikant. Jekk hu jqis neċessarju, u fil-limitu taż-żmien stipulat, il-Viċi President jista' jirreferi l-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu lill-Bureau, b'mod partikolari jekk it-tweġiba tista' tqajjem kwistjonijiet ta' prinċipju relatati mal-politika ta' trasparenza tal-Parlament Ewropew. Fit-tweġiba tiegħu lill-applikant, il-Viċi President għandu jkun marbut bid-deċiżjoni tal-Bureau.

3.   Il-Viċi President u l-Bureau għandhom jieħdu deċiżjoni fuq il-bażi tal-proposta mfassla mis-servizz kompetenti b'delega mis-Segretarju Ġenerali. Dan is-servizz għandu jkun awtorizzat jitlob l-opinjoni tal-uffiċjal responsabbli mill-protezzjoni tad-data li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tlett ijiem ta' ħidma.

4.   L-abbozz ta’ risposta jista' jkun suġġett għal eżami minn qabel mis-Servizz Legali li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tlett ijiem ta' ħidma.

Artikolu 16

Proċeduri legali

1.   Jekk il-Parlament Ewropew jiċħad b'mod totali jew parzjali talba għal aċċess ta' dokument, huwa għandu javża lill-applikant dwar il-mezzi ta’ appell li jkollu fid-dispożizzjoni tiegħu, jiġifieri: jibda proċedura legali kontra l-Istituzzjoni jew iressaq ilment lill-Ombudsman, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 263 u 228 tat-TFUE.

2.   In-nuqqas ta' risposta fiż-żmien stipulat jitqies bħala risposta fin-negattiv u jippermetti lill-applikant jibda proċedura legali jew iressaq ilment skont il-paragrafu preċedenti.

TITOLU IV

IR-REĠISTRAZZJONI TA' DOKUMENTI SENSITTIVI FIR-RER U L-AĊĊESS GĦALIHOM

Artikolu 17

Reġistrazzjoni ta' dokumenti sensittivi fir-RER

1.   Id-dokumenti sensittivi skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom jiġu reġistrati fir-RER jekk l-oriġinatur jagħti l-kunsens tiegħu. Ir-responsabilità tad-determinazzjoni ta’ liema referenzi jistgħu jiġu inklużi hi tal-persuni jew tal-organi tal-Parlament Ewropew li jirċievu dokumenti sensittivi minn parti terza. Dawn il-persuni jew organi għandhom jikkonsultaw lill-Viċi President responsabbli għall-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess għal dokumenti, lis-Segretarju Ġenerali jew, jekk ikun il-każ, lill-president tal-kumitat parlamentari kkonċernat.

2.   Kull dokument imħejji mill-Parlament Ewropew li jirreferi għal dokument sensittiv għandu jiddaħħal fir-RER biss permezz ta' awtorizzazzjoni mill-Viċi President responsabbli għall-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti. Ir-referenzi attribwiti għal dak id-dokument għandhom jiġu stipulati bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 18

Ipproċessar tat-talba għal aċċess

Is-Segretarju Ġenerali għandu jittrażmetti t-talba għal aċċess għal dokumenti sensittivi lill-Viċi President responsabbli għall-ipproċessar ta' talbiet għal aċċess għal dokumenti, li għandu jkun responsabbli li jwieġeb it-talba inizjali. It-tweġiba għal talba għal konferma għandha tkun kompitu tal-Bureau, li jista' jiddelega dan il-kompitu lill-President. Il-Viċi President responsabbli u l-Bureau jew il-President għandhom jikkonsultaw lis-Segretarju Ġenerali jew, jekk ikun il-każ, lill-president tal-kumitat parlamentari kkonċernat. Il-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni u l-iskadenzi għandhom ikun l-istess bħat-talbiet l-oħra għal aċċess.

Artikolu 19

Persuni awtorizzati

Il-persuni awtorizzati li jaqraw id-dokumenti waqt l-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għal dokumenti sensittivi huma: il-President tal-Parlament Ewropew, il-Viċi President responsabbli mill-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti, il-president tal-kumitat parlamentari direttament konċernat, is-Segretarju Ġenerali u l-persunal tas-servizz kompetenti awtorizzat kif xieraq, sakemm ma jkunx hemm ftehimiet konklużi mal-istituzzjonijiet l-oħra li jipprevedu awtorizzazzjoni speċjali.

Article 20

Protezzjoni ta' dokumenti sensittivi

Id-dokumenti sensittivi huma suġġetti għal regoli tas-sigurtà stretti, biex jiżguraw l-ipproċessar b’kunfidenzjalità fi ħdan l-Istituzzjoni. F'dan ir-rigward, dawn ir-regoli jqisu l-Ftehimiet Interistituzzjonali.

TITOLU V

IL-ĦRUĠ TAD-DOKUMENTI

Artikolu 21

Spiża tar-risposta

1.   Minbarra l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jekk il-volum tad-dokumenti mitluba jkun ta’ aktar minn għoxrin faċċata, miżata ta' EUR 0.10 għal kull paġna, flimkien mal-ispejjeż tal-pustaġġ, jistgħu jintalbu mingħand l-applikant. Il-miżati għal mezzi oħra għandhom jiġu deċiżi fuq il-bażi ta’ każ b’każ, iżda fi kwalunkwe każ m’għandhomx jeċċedu ammont raġonevoli.

2.   Id-dokumenti ppubblikati ma jaqgħux taħt din id-Deċiżjoni u għalihom tapplika sistema ta' prezzijiet partikolari.

TITOLU VI

L-APPLIKAZZJONI

Artikolu 22

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'osservanza ta' u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, kif ukoll għar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 23

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni se tkun suġġetta għal eżami ġdid mill-inqas kull darba li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jiġi rivedut.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6).


(1)  ĠU C 374, 29.12.2001, p. 1.

(2)  Ikkonsolidata mill-Bureau fit-3 ta’ Mejju 2004.

(3)  Emendata mill-Bureau fis-26 ta' Settembru 2005 u ppubblikati f' ĠU C 289, 22.11.2005, p. 6.

(4)  Emendata mill-Bureau fit-22 ta' Ġunju 2011 u ppubblikati f' ĠU C 216, 22.7.2011, p. 19.

(5)  Jiġifieri t-3 ta' Diċembru 2001.

(6)  Jiġifieri d-29 ta' Diċembru 2001, it-22 ta’ Novembru 2005, kif ukoll it-22 ta’ Lulju 2011.


Il-Kummissjoni Ewropea

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/25


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-21 ta’ Lulju 2011

2011/C 216/08

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4222

JPY

Yen Ġappuniż

112,09

DKK

Krona Daniża

7,4542

GBP

Lira Sterlina

0,87870

SEK

Krona Żvediża

9,1008

CHF

Frank Żvizzeru

1,1690

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,7750

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,411

HUF

Forint Ungeriż

267,93

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7094

PLN

Zloty Pollakk

3,9955

RON

Leu Rumen

4,2560

TRY

Lira Turka

2,3793

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3246

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3447

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

11,0832

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6579

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7237

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 500,67

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,7335

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,1817

HRK

Kuna Kroata

7,4552

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 154,10

MYR

Ringgit Malażjan

4,2638

PHP

Peso Filippin

60,641

RUB

Rouble Russu

39,7000

THB

Baht Tajlandiż

42,538

BRL

Real Brażiljan

2,2188

MXN

Peso Messikan

16,5622

INR

Rupi Indjan

63,2950


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/26


Aġġornament tal-lista ta' permessi ta' residenza msemmija fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU C 247, 13.10.2006, p. 1, ĠU C 153, 6.7.2007, p. 5, ĠU C 192, 18.8.2007, p. 11, ĠU C 271, 14.11.2007, p. 14, ĠU C 57, 1.3.2008, p. 31, ĠU C 134, 31.5.2008, p. 14, ĠU C 207, 14.8.2008, p. 12, ĠU C 331, 21.12.2008, p. 13, ĠU C 3, 8.1.2009, p. 5, ĠU C 64, 19.3.2009, p. 15; ĠU C 198, 22.8.2009, p. 9; ĠU C 239, 6.10.2009, p. 2; ĠU C 298, 8.12.2009, p. 15; ĠU C 308, 18.12.2009, p. 20; ĠU C 35, 12.2.2010, p. 5; ĠU C 82, 30.3.2010, p. 26; ĠU C 103, 22.4.2010, p. 8; ĠU C 108, 7.4.2011, p. 6; ĠU C 157, 27.5.2011, p. 5; ĠU C 201, 8.7.2011, p. 1)

2011/C 216/09

Il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ permessi ta' residenza msemmija fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) hija bbażata fuq l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Minbarra l-pubblikazzjoni fil-ĠU, aġġornament ta' kull xahar huwa disponibbli fuq is-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

L-ITALJA

Sostituzzjoni tal-informazzjoni ppubblikata fil-ĠU C 201, 8.7.2011

1.   Permessi ta’ residenza maħruġa skont il-format uniformi

Permessi ta’ residenza b’validità temporanja – validi minn 3 xhur sa mhux iktar minn 3 snin. Dawn jinħarġu għar-raġunijiet li ġejjin:

Affidamento (Maħruġ lil dawk it-tfal li huma barranin u li huma temporanjament miċħuda minn ambjent ta' familja xieraq)

Motivi umanitari (della durata superiore ai tre mesi) (Raġunijiet Umanitarji (validu għal iktar minn tliet xhur)

Motivi religiosi (Raġunijiet reliġjużi)

Studio (Studju)

Missione (Maħruġ lil dawk il-barranin li daħlu fl-Italja permezz ta’ viża għal “Missjoni” għall-għanijiet ta’ żjara temporanja)

Asilo politico (asil politiku)

Apolidia (Persuni bla stat/ apolidi)

Tirocinio formazione professionale (Taħriġ ta’ apprentistat)

Riacquisto cittadinanza italiana (Maħruġ lil dawk il-barranin li qed jistennew l-għotja jew ir-rikonoxximent ta’ ċittadinanza Taljana)

Ricerca scientifica (Riċerka xjentifika)

Attesa occupazione (Impjieg pendenti)

Lavoro autonomo (Impjieg indipendenti)

Lavoro subordinato (Impjiegi)

Lavoro subordinato stagionale (Impjieg skont l-istaġun)

Famiglia (Familja)

Famiglia minore 14-18 (Permess ta’ residenza għal tfal ta’ familja ta’ bejn 14 u 18-il sena)

Volontariato (Volontarjat)

Protezione sussidiaria (permesso di soggiorno rilasciato ai sensi del D.L. n. 251 del 19 novembre 2007 in recepimento della Direttiva n. 83/2004/CE) (Protezzjoni sussidjarja (permess ta’ residenza maħruġ skont id-Digriet Nru 251 tad-19 novembru 2007 mit-traspożizzjoni tad-Direttiva Nru 83/2004/KE)

Permesso di soggiorno CE per lungo soggiornanti con una validità permanente (Permess ta’ residenza fil-KE b’validità permanenti)

2.   Id-dokumenti l-oħra kollha maħruġa liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li jkollhom valur ekwivalenti għal permess ta’ residenza

Permessi ta’ residenza maħruġa bħala karta (ibbażati fuq il-liġi nazzjonali) u l-validità tagħhom tista’ tvarja minn perjodu ta’ inqas minn 3 xhur sakemm il-ħtieġa ma tibqax.

Carta di soggiorno con validità permanente e rilasciata prima dell'entrata in vigore del decreto legislativo 8 gennaio 2007, n. 3 che attua la direttiva 2003/109/CE per i soggiornanti di lungo periodo, equiparata dal decreto legislativo al permesso di soggiorno CE per i soggiornanti di lungo periodo (Karta ta’ residenza b’validità permanenti u maħruġa qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 3 tat-8 jannar 2007, id-Direttiva 2003/109/KE għal soġġorn twil, imqabbla mad-Digriet Leġiżlattiv tal-permess ta’ residenza għal residenti fit-tul tal-KE)

Carta di soggiorno per familiari di cittadini dell'UE che sono i cittadini di paesi terzi con validità fino a cinque anni (Karta ta’ residenza għal membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi – validità ta’ mhux iktar minn ħames snin)

Carta d'identità M.A.E.: (Karta tal-identità maħruġa mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin)

Mod. 1 (blu) Corpo diplomatico accreditato e consorti titolari di passaporto diplomatico (Il-Mudell 1 (blu) Membri akkreditati tal-korpi diplomatiċi u l-konjuġi tagħhom li jkollhom passaport diplomatiku)

Mod. 2 (verde) Corpo consolare titolare di passaporto diplomatico (Il-Mudell 2 (aħdar) Membri tal-korpi konsulari li jkollhom passaport diplomatiku)

Mod. 3 (Orange) Funzionari II FAO titolari di passaporto diplomatico, di servizio o ordinario (Il-Mudell 3 (oranġjo) Kategorija II uffiċjali tal-FAO li jkollhom passaport diplomatiku, ta' servizz jew ordinarju)

Mod. 4 (Orange) Impiegati tecnico-amministrativi presso Rappresentanze diplomatiche titolari di passaporto di servizio (Il-Mudell 4 (oranġjo) Staff tekniku u amministrattiv tar-rappreżentanzi diplomatiċi li għandhom passaport tas-servizz)

Mod. 5 (Orange) Impiegati consolari titolari di passaporto di servizio (Il-Mudell 5 (oranġjo) Staff konsulari li għandhom passaport tas-servizz)

Mod. 7 (grigio) Personale di servizio presso Rappresentanze diplomatiche titolare di passaporto di servizio (Il-Mudell 7 (griż) Staff domestiku ta' rappreżentanzi diplomatiċi li jkollhom passaport ta' servizz)

Mod. 8 (grigio) Personale di servizio presso Rappresentanze Consolari titolare di passaporto di servizio (Il-Mudell 8 (griż) Staff domestiku ta' rappreżentanzi konsulari li jkollhom passaport ta' servizz)

Mod. 11 (beige) Funzionari delle Organizzazioni internazionali, Consoli Onorari, impiegati locali, personale di servizio assunto all'estero e venuto al seguito, familiari Corpo Diplomatico e Organizzazioni Internazionali titolari di passaporto ordinario (Il-Mudell 11 (beige) Uffiċjali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, konsli onorarji, impjegati lokali, staff domestiku impjegat barra mill-pajjiż u li segwew lil min iħaddimhom, familji ta' membri tal-korpi diplomatiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jkollhom passaport ordinarju)

NB: Il-mudelli 6 (oranġjo) u 9 (aħdar) għal staff ta' organizzazzjonijiet internazzjonali li ma jkollhomx immunità u konsli onorarji barranin, rispettivament, m’għadhomx jinħarġu u nbidlu bil-mudell 11. Madankollu, dawn id-dokumenti jibqgħu validi sad-data ta' skadenza mniżżla fuqhom.

Dan li ġej jiżdied fuq wara tal-Karti tal-Identità: din il-Karta tal-Identità teżenta lid-detentur mill-bżonn li jkollu permess ta’ żjara u flimkien ma' dokument validu tal-ivjaġġar din tippermetti li jidħol fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat ta’ Schengen.

Lista ta’ persuni li jieħdu sehem f’ħarġa skolastika fl-Unjoni Ewropea.


22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/29


Informazzjoni fil-qosor ikkomunikata mill-Istati Membri dwar għajnuniet mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuniet mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001

2011/C 216/10

Għajnuna Nru: SA.33161 (11/XA)

Stati Membri: L-Olanda

Reġjun: Noord-Brabant

Titolu tal-iskema ta' għajnuna jew isem l-impriża li tirċievi l-għajnuna individwali: Subsidieverlening project „Fosfaat, natuur en landbouw”

Bażi legali:

Algemene wet bestuursrecht

Subsidieverordening inrichting landelijk gebied 2007 (provincie Noord-Brabant)

Tijdelijke subsidieregeling inrichting landelijk gebied

Beschikking betreffende de toekenning van een subsidie voor het project „Fosfaat, natuur en landbouw”

Nefqa annwali ppjanata taħt l-iskema jew ammont totali tal-għajnuna individwali mogħtija lill-impriża: Ammont kumplessiv ta' għajnuna ad hoc konċessa lill-impriża: EUR 0,09 (f'miljuni)

Intensità massima tal-għajnuna: 100 %

Data tal-implimentazzjoni: —

Tul ta' żmien tal-għajnuna individwali: sal-31 ta’ Diċembru 2013

Għan tal-għajnuna: Għajnuna teknika (Art. 15 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006)

Settur jew setturi benefiċjarji: Produzzjoni ta' annimali

Isem u indirizz tal-awtorità li tagħti l-għajnuna:

Provincie Noord-Brabant

Brabantlaan 1

Postbus 90151

5200 MC 's-Hertogenbosch

NEDERLAND

Waterschap De Dommel

Bosscheweg 56

Postbus 10001

5280 DA Boxtel

NEDERLAND

Indirizz tal-Internet: http://www.brabant.nl/politiek-en-bestuur/gedeputeerde-staten/bestuursinformatie/bekendmakingen/water/bekendmaking-subsidieverlening-zlto-de-hilver.aspx

Informazzjoni oħra: —

Għajnuna Nru: SA.33263 (11/XA)

Stati Membri: L-Italja

Reġjun: Lazio

Titolu tal-iskema ta' għajnuna jew isem l-impriża li tirċievi l-għajnuna individwali: Intervento contributivo regionale riferito a estirpazioni o capitozzature di piante di actinidia colpite da cancro batterico causato da «Pseudomonas syringae pv. actinidiae».

Bażi legali: L.R. 16 marzo 2011, n. 2 «Misure di intervento a favore delle piccole e medie imprese agricole per la prevenzione ed eradicazione di fitopatie e infestazioni parassitarie».

DGR del 24 giugno 2011 n. 301, «L.R. 16 marzo 2011, n. 2 “Misure di intervento a favore delle piccole e medie imprese agricole per la prevenzione ed eradicazione di fitopatie e infestazioni parassitarie”. Programma regionale di intervento contributivo riferito a estirpazioni o capitozzature di piante di actinidia …»

Nefqa annwali ppjanata taħt l-iskema jew ammont totali tal-għajnuna individwali mogħtija lill-impriża: Ammont komplessiv annwali tal-baġit ippjanat taħt l-iskema: EUR 1 (f'miljuni)

Intensità massima tal-għajnuna: 100 %

Data tal-implimentazzjoni: —

Tul ta' żmien tal-għajnuna individwali: mill-21 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2013

Għan tal-għajnuna: Mard tal-pjanti – Infestazzjoni tal-pesti (Art. 10 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006)

Settur jew setturi benefiċjarji: Produzzjoni ta' għelejjel u annimali, kaċċa u attivitajiet relatati

Isem u indirizz tal-awtorità li tagħti l-għajnuna:

Regione Lazio

Dipartimento Istituzionale e Territorio

Direzione regionale Agricoltura

Via C. Colombo 212

00147 Roma RM

ITALIA

Indirizz tal-Internet: http://www.agricoltura.regione.lazio.it

Informazzjoni oħra: —


22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/31


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità

Obbligi ta’ servizz pubbliku marbutin mas-servizzi tal-ajru bi skeda

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 216/11

Stat Membru

Franza

Rotta kkonċernata

Le Havre–Lyon (Saint-Exupéry)

Data tad-dħul fis-seħħ tal-obbligi ta’ servizz pubbliku

L-għada tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż

Indirizz minn fejn jistgħu jinkisbu t-test u t-tagħrif u/jew id-dokumenti kollha rilevanti marbutin mal-obbligi ta’ servizz pubbliku

Arrêté du 14 juin 2011 modifiant l’arrêté du 4 juin 2009 relatif à l’imposition d’obligations de service public sur les services aériens réguliers entre Le Havre et Lyon (Saint-Exupéry) (Digriet tal-14 ta’ Ġunju 2011 li jemenda d-Digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009 dwar l-impożizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku fuq is-servizzi tal-ajru bi skeda bejn l-ajruporti ta’ Le Havre u Lyon (Saint-Exupéry))

NOR: DEVA1115672A

http://www.legifrance.gouv.fr/initRechTexte.do

Għal aktar informazzjoni kkuntattja lil:

Direction générale de l’aviation civile (Id-Direttorat Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili)

DTA/SDT/T2

50 rue Henry Farman

75720 Paris Cedex 15

FRANCE

Tel. +33 158094321

Posta elettronika: osp-compagnies.dta@aviation-civile.gouv.fr


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/32


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6313 – Ashland/International Specialty Products)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 216/12

1.

Fl-14 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Ashland Inc (“Ashland”, l-Istati Uniti) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ tal-impriża International Specialty Products Inc (“ISP”, l-Istati Uniti) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Ashland: il-manifattura u l-fornitura ta' polimeri komposti, kolol, trattamenti tal-ilma tal-ipproċessar jew tas-servizzi, eteri ta' ċellulosa, lubrikanti u kimiki tal-karrozzi; kif ukoll,

għal ISP: il-manifattura u l-fornitura ta’ kimiċi speċjali għas-swieq tal-konsumaturi u għas-swieq industrijali, inkluż il-kura personali, il-farmaċewtiċi u n-nutriment, ix-xarbiet, il-kura tad-djar, materjal għall-kisi u kolol, enerġija, biedja, prodotti tal-plastik u tajers.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6313 – Ashland/International Specialty Products, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/33


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6276 – AIF VII Euro Holdings/Ascometal)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 216/13

1.

Fil-15 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża AIF VII Euro Holdings, L.P. (“AIF VII”) – fond ta’ investiment ġestit minn Apollo Management VII L.P., li hija affiljata ta’ Apollo Management L.P. (kollettivament, “Apollo”, l-Istati Uniti tal-Amerika) – takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża kollha Ascometal SA (Franza) mingħand Sideris Steel S.A.S., sussidjarja indiretta ta’ Lucchini SpA li hija parti minn OAO Severstal permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għall-impriża Apollo: l-investiment f’kumpaniji involuti f’negozji varji madwar id-dinja kollha bħall-industriji tal-kimika, tal-kruċjieri, tal-loġistika, tal-karta, tal-ippakkjar u ta’ senserija fil-qasam tal-proprjetà immobbli,

għall-impriza Ascometal.: il-manifattura ta’ prodotti speċjali ta' ħadid twil (prodotti nofshom kompluti, prodotti laminati bis-sħana u prodotti maħduma bla sħana) fi gradi ta' liega jew le.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6276 – AIF VII Euro Holdings/Ascometal, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).