ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 49
19 ta' Diċembru 2006


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Tagħrif

 

Kunsill

2006/C /1

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 32/2006 tat-23 ta’ Novembru 2006 adottata mill-Kunsill, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta r-Regolament (KE) Nru …/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli

1

2006/C /2

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 33/2006 adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2006, bi qbil mal-proċedura ta' Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta' l-għargħar

10

2006/C /3

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 34/2006 adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Diċembru 2006, bi qbil mal-proċedura ta' Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE

21

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 311 E.

MT

 


I Tagħrif

Kunsill

19.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 32/2006

adottata mill-Kunsill nhar it-23 ta’ Novembru 2006

bil-għan li jadotta r-Regolament (KE) Nru …/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2006/C 311 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (3) hu maħsub biex jipprovdi qafas legali wieħed għal enċifalopatija sponġiformi trasmissibbli (TSEs) fil-Komunità.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 932/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered dwar l-estensjoni tal-perijodu għal miżuri transitorji (4) tawwal il-perijodu ta' applikazzjoni għal miżuri transitorji msemmija f'Regolament (KE) Nru 999/2001 sa l-1 ta’ Lulju 2007 l-aktar tard.

(3)

Waqt is-Sessjoni Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali f'Mejju 2003, ġiet adottata Riżoluzzjoni biex tissemplifika l-kriterji internazzjonali kurrenti għall-klassifikazzjoni tal-pajjiżi skond ir-riskju tagħhom għall-Enċifalopatija Sponġiformi Bovina (BSE). Ġiet adottata proposta fis-Sessjoni Ġenerali f'Mejju 2005. L-Artikoli tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom jiġu adattati biex jirriflettu s-sistema ġdida ta' kategorizzazzjoni miftiehma f'livell internazzjonali.

(4)

Żviluppi ġodda li jikkonċernaw kampjunar u analiżi se jkunu jeħtieġu emendi komprensivi lil Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Huwa għaldaqstant meħtieġ li jsiru ċertu emendi tekniċi lid-definizzjoni eżistenti ta' “testijiet rapidi” fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 sabiex l-emendi għall-istruttura ta' dak l-Anness fi stadju ulterjuri jsiru aktar faċli.

(5)

Sabiex il-leġislazzjoni tal-Komunità tkun ċara, ikun xieraq li jiġi ċċarat li d-definizzjoni ta' “laħam rikoverat mekkanikament” prevista f'leġislazzjonioħratal-Komunità fuq is-sigurtà ta' l-ikel għandha tkun applikabbli fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 fil-kuntest tal-miżuri għall-qerda tat-TSE.

(6)

Ir-regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi programm ta' monitoraġġ għall-BSE u scrapie. Fl-opinjoni tiegħu tas-6-7 ta’ Marzu 2003, il-Kumitat Xjentifiku tat-Tmexxija irrakkomanda l-introduzzjoni ta' programm ta' osservazzjoni għat-TSEs fl-ispeċi taċ-ċriev. Għaldaqstant is-sistema ta' osservazzjoni prevista fir-Regolament għandha tkun estiża għal TSEs oħrajn, bil-possibilità li jiġu adottati miżuri oħrajn biex jimplimentaw is-sistema fi stadju ulterjuri.

(7)

Bħala miżura transitorja twaqqaf programm tat-trobbija armonizzat biex jintgħażlu minn annimali bħal nagħaġ dawk reżistenti għat-TSEs, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/100/KE tat-13 ta’ Frar 2003 li tippreskrivi r-rekwiżiti minimi għall-istabbiliment ta' programmi ta' tnissil għar-reżistenza għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fin-nagħaġ (5). Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat biex jipprovdi bażi legali permanenti għal dak il-programm, kif ukoll il-possibilità li programmi bħal dawn jiġu emendati biex iqisu r-riżultati xjentifiċi evalwati u l-konsegwenzi ġenerali ta' l-implimentazzjoni tagħhom.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi l-għalf ta' ċertu proteini pproċessati ta' l-annimali lil ċertu annimali, bil-possibilità li jipprovdi għal derogi. Żviluppi ġodda li jikkonċernaw l-projbizzjonijiet fuq l-għalf ta' l-annimali jistgħu jeħtieġu emendi lil Anness IV ta' dak ir-Regolament. Jeħtieġ li jsiru ċertu emendi tekniċi lill-għażla eżistenti tal-kliem użat fl-Artikolu li jikkorrispondi sabiex l-emendi għall-istruttura ta' dak l-Anness fi stadju ulterjuri jsiru aktar faċli.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (6) jistabbilixxi regoli għall-eliminazzjoni ta' materjali riskjużi speċifiċi u annimali infettati bit-TSEs. Regoli fuq it-transitu fil-Komunità ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali ġew issa adottati. Għaldaqstant, biex il-leġislazzjoni tal-Komunità tkun konsistenti, ir-regoli eżistenti fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 dwar l-eliminazzjoni ta' dawn il-materjali u annimali għandhom jiġu mibdula b'riferenza għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, u r-riferenza għar-regoli fuq it-transitu fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi mħassra.

(10)

Żviluppi ġodda li jikkonċernaw materjali riskjużi speċifiċi se jkunu jeħtieġu wkoll emendi komprensivi lil Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. Jeħtieġ li jsiru ċertu emendi tekniċi lill-għażla eżistenti tal-kliem użat fid-dispożizzjonijiet dak ir-Regolament li jikkorrispondu sabiex l-emendi għall-istruttura ta' dak l-Anness fi stadju ulterjuri jsiru aktar faċli.

(11)

Għalkemm l-isturdament b'injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali hu projbit fil-Komunità, l-injezzjoni tal-gass tista' sseħħ ukoll wara l-isturdament. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti fuq il-metodi ta' tbiċċir fir-Regolament (KE) Nru. 999/2001 b'għan li jipprojbixxu l-injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali wara l-isturdament.

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1915/2003 tat-30 ta’ Ottubru 2003 li jemenda l-Annessi VII, VIII u IX tar-Regolament (KE) 999/2001 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill rigward l-kummerċ fl-Annimali ovini u kaprini u l-miżuri li jirriżultaw mill-konferma ta' l-enċifalopatija sponġiformi trasmissibbli fl-Annimali bovini, l-ovini u kaprini (7), jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda għall-qerda ta' scrapie f'annimali bħal nagħaġ u bħal mogħoż. Għaldaqstant, hi neċessarja l-projbizzjoni tal-moviment ta' annimali bħal nagħaġ u bħal mogħoż minn azjendi fejn l-iscrapie hi uffiċjalment suspettata.

(13)

Filwaqt li jkun ibbażat fuq għarfien xjentifiku dejjem jinbidel, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jippermetti l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta' annimali bovini, bħal nagħaġ u bħal mogħoż, is-semen, l-embrijuni u l-bajd tagħhom għal speċi oħrajn.

(14)

L-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tat-Tmexxija tas-26 ta’ Ġunju 1998 tindika li ċertu restrizzjonijiet dwar mnejn jinġieb il-materjal mhux ipproċessat għall-fabbrikazzjoni tad-di-kalċju fosfat għandhom jiġu osservati. Għaldaqstant, id-di kalċju fosfat għandu jitneħħa mil-lista ta' prodotti li mhumiex suġġetti għar-restrizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. In-nuqqas ta' restrizzjonijiet applikabbli għall-ħalib u prodotti tal-ħalib għandha tiġi klassifikata.

(15)

Filwaqt li jkun ibbażat fuq għarfien xjentifiku dejjem jinbidel u l-klassifikazzjoni tar-riskju, u minkejja l-possibilità li jiġu adottati miżuri ta' salvagwardja, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jippermetti l-adozzjoni skond il-proċedura ta' komitoloġija ta' aktar kundizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta' prodotti li ġejjin mill-annimali li joriġinaw minn Stati Membri u pajjiżi terzi b'riskju kkontrollat jew mhux determinat ta' TSE.

(16)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

(17)

B'mod partikolari, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tkun abilitata sabiex tadotta deċiżjonijiet li japprovaw it-testijiet rapidi, li tadatta l-eta ta' l-annimali, tintroduċi livell ta' tolleranza, li tippermetti l-għalf ta' annimali żgħar ta' speċi li jixtarru bi proteini ġejjin mill-ħut u li testendi ċerti disposizzjonijiet għal speċi ta' annimali oħra li tistabbilixxi regoli li jiprovdu eżenzjonijiet għat-tneħħija ta' materjal speċifiku ta' riskju; li tistabbilixxi kriterji li juru titjib fis-sitwazzjoni epidemjoloġika u kriterji għall-għoti ta' eżenzjonijiet minn ċerti restrizzjonijiet kif ukoll minn proċessi ta' distribuzzjoni. Peress illi dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u/jew sabiex jissuplimentaw dak ir-Regolament biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa b' dan emendat kif ġej:

1)

Għandha tiżdied il-premessa li ġejja:

“(8a)

L-għalf ta' ċerti proteini proċessati ta' l-annimali li ġejjin minn annimali li ma jixtarrux (non-ruminants) lill-annimali li ma jixtarrux għandu jkun permess filwaqt li tkun ikkunsidrata l-projbizzjoni fuq ir-riċiklaġġ intra-speċi kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jistipula regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux intiżi għall-konsum uman (9) u l-aspetti ta' kontroll b'mod partikolari li għandhom x'jaqsmu mad-divrenzjar ta' proteini pproċessati ta' l-annimali speċifiċi għal ċerti speċi kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar ir-Road Map tat-TSE adottata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 2005.

2)

Għandhom jiżdiedu l-premessi li ġejjin:

“(11a)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2004 (10), il-Parlament Ewropew esprima tħassib dwar l-għalf ta' proteini ta' l-annimali lill-annimali li jixtarru peress li ma jagħmlux parti min-nutriment naturali ta' l-ifrat adulti. Wara l-kriżi tal-BSE u l-kriżi tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, qed isir aktar aċċettat li l-aħjar mod kif tiġi assigurata s-saħħa tal-bnedmin u ta' l-annimali huwa li l-animali jinżammu u jiġu nutriti f'mod li jirrispetta l-partikolaritajiet ta' kull speċi. Skond il-prinċipju ta' prekawzjoni u konformi mad-dieta u mal-kundizzjonijiet ta' ħajja naturali ta' l-annimali li jixtarru, huwa għalhekk neċessarju li tinżamm il-projbizzjoni fuq l-għalf ta' proteini ta' l-annimali lill-annimali li jixtarru f'forma li normalment ma tagħmilx parti mid-dieta naturali tagħhom.

(11b)

Laħam li hu rikoverat mekkanikament jinkiseb billi jitneħħa l-laħam mill-għadam b'tali mod li l-istruttura tal-fibra muskolari tinqered jew tiġi mmodifikata. Jista' jkollu biċċiet mill-għadam u mill-perjostju (il-ġilda ta' l-għadma). B'hekk, laħam rikoverat mekkanikament ma jistax jitqabbel ma' laħam regolari. Konsegwentement l-użu tiegħu għall-konsum uman għandu jiġi rivedut.

3)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

punt (l) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“l)

‘testijiet rapidi’: il-metodi ta' stħarriġ fl-Anness X, li r-riżultati tagħhom ikunu magħrufa fi żmien 24 siegħa;”;

b)

għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“n)

‘laħam rikoverat mekkanikament’ jew ‘MSM’ jfisser prodott miksub meta l-laħam jitneħħa mill-għadam li jkollu i-laħam wara li jiġi ddissussat, bl-użu ta' mezzi mekkaniċi li jirriżulta fit-telf jew il-modifika ta' l-istruttura tal-fibra muskolari;

o)

‘sorveljanza passiva’: ir-rappurtaġġ ta' l-annimali kollha suspettati li huma infettati b'TSE u, fejn it-TSE ma tistax tiġi eskluża minn investigazzjonijiet kliniċi, l-ittestjar fil-laboratorju ta' dawn l-annimali;

p)

‘sorveljanza attiva’: l-ittestjar ta' annimali mhux rapportati bħala suspettati li huma infettati minn TSE, bħal annimali maqtula f'emerġenza, annimali b'osservazzjonijiet fi spezzjoni ante mortem, annimali misjuba mejta, annimali b'saħħithom maqtula u annimali maqtula minħabba każ ta' TSE b'mod partikolari biex tiġi determinata l-evoluzzjoni u l-prevalenza tat-TSE f'pajjiż jew reġjun tiegħu.”;

4)

l-Artikolu 5 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b' dan li ġej:

“1.   L-istatus tal-BSE ta' l-Istati Membri jew ta' pajjiżi terzi jew ta' reġjuni tagħhom (minn hawn 'il quddiem ‘pajjiżi jew reġjuni’) għandu jiġi determinat b' klassifikazzjoni f'wieħed mit-tliet kategoriji li ġejjin:

riskju żgħir ħafna ta' BSE kif definit fl-Anness II,

riskju kontrollat ta' BSE kif definit fl-Anness II,

riskju mhux determinat ta' BSE kif definit fl-Anness II.

L-istatus tal-BSE ta' pajjiżi jew reġjuni jista' jiġi determinat biss fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fl-Anness II, Kapitolu A. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu r-riżultat ta' analiżi ta' riskju fuq il-bażi tal-fatturi potenzjali kollha għall-preżenza ta' enċifalopatija sponġiformi bovina kif imsemmi fl-Anness II, Kapitolu B, u l-iżvilupp tagħhom biż-żmien, kif ukoll miżuri komprensivi għas-sorveljanza attiva u passiva billi titqies il-kategorija ta' riskju tal-pajjiż jew reġjun.

Stat Membru u pajjiżi terzi li jixtiequ jinżammu fuq il-lista ta' pajjiżi terzi approvati għall-esportazzjoni fil-Komunità ta' l-annimali ħajjin jew tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament, għandhom jippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi determinat l-istatus tal-BSE tagħhom, flimkien ma' l-informazzjoni relevanti dwar il-kriterji stabbiliti fl-Anness II, Kapitolu A, u fuq il-fatturi ta' riskju potenzjali fl-Anness II, Kapitolu B, u l-iżvilupp tagħhom biż-żmien.”;

b)

il-paragrafu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Stati Membri u pajjiżi terzi li ma ressqux applikazzjoni skond it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom, dwar it-tixrid mit-territorju tagħhom ta' annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali, ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni applikabbli għal pajjiżi b'riskju mhux determinat ta' BSE, sakemm iressqu din l-applikazzjoni u sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni finali fuq l-istatus tagħhom tal-BSE.”;

5)

Artikolu 6 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jagħmel programm annwali ta' osservazzjoni għat-TSEs ibbażat fuq is-sorveljanza attiva u passiva skond l-Anness III. Jekk huwa disponibbli għall-ispeċi ta' l-annimali, dak il-programm għandu jinkludi proċedura ta' eżami bl-użu ta' testijiet rapidi.

Testijiet rapidi għandhom jiġu approvati għal dak l-għan skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) u mniżżla fl-Anness X.”;

b)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

“1a.   Il-programm annwali ta' monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu mill-inqas ikopri s-subpopolazzjonijiet li ġejjin:

a)

l-annimali bovini kollha ta' età 'l fuq minn 24 xahar mibgħuta għal qtil ta' emerġenza jew b'osservazzjonijiet fi spezzjonijiet ante mortem,

b)

l-annimali bovini kollha ta' età 'l fuq minn 30 xahar maqtula b'mod normali għall-konsum uman,

ċ)

l-annimali bovini kollha ta' età 'l fuq minn 24 xahar mhux maqtula għall-konsum uman, li jkunu mietu jew inqatlu fir-razzett, waqt it-trasport jew f'biċċerija (annimali misjuba mejta).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mid-dispożizzjoni taħt il-punt (ċ) f'inħawi remoti b'densità baxxa ta' annimali, fejn m'hemmx ġbir organizzat ta' annimali mejta. Stati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibilità għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u jippreżentaw lista ta' l-inħawi kkonċernati flimkien ma' ġustifikazzjoni għad-deroga. Id-deroga m'għandhiex tkopri iżjed minn 10 % tal-popolazzjoni bovina fi Stat Membru.

1b.   Wara konsultazzjoni tal-kumitat xjentifiku rilevanti, l-età mniżżla fil-paragrafu 1a(a) u (c) tista' tiġi adattata skond il-progress xjentifiku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3).

Fuq talba ta' Stat Membru li jista' juri t-titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-pajjiż, skond ċerti kriterji li jridu jiġu stipulati bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), il-programmi annwali ta' monitoraġġ għal dak l-Istat Membru partikolari jistgħu jiġu riveduti.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi prova tal-kapaċità tiegħu li jiddetermina l-effettività tal-miżuri applikati u jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali bbażata fuq analiżi ta' riskju komprensiva. L-Istat Membru għandu juri b'mod partikolari:

a)

prevalenza tal-BSE li tkun qed tonqos b'mod ċar jew li tkun baxxa b'mod konsistenti, ibbażata fuq riżultati ta' ttestjar li jkunu aġġornati;

b)

li jkun implimenta u inforza skema sħiħa għall-ittestjar tal-BSE għal mill-inqas sitt snin (leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-traċċabilità u l-identifikazzjoni ta' annimali ħajjin u dwar is-sorveljanza tal-BSE);

ċ)

li jkun implimenta u inforza għal mill-inqas sitt snin leġiżlazzjoni Komunitarja dwar projbizzjoni sħiħa ta' l-għalf għall-annimali fl-irziezet.”;

(ċ)

il-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud:

“5.   Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).”;

6)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 6a

Programmi ta' tnissil

1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu programmi tat-tnissil biex jagħżlu dawk reżistenti għal TSEs fil-popolazzjoni tan-nagħaġ tagħhom. Dawk il-programmi għandhom jinkludu qafas biex jirrikonoxxi l-istatus reżistenti għat-TSE ta' ċertu merħliet u jistgħu jiġu estiżi biex jinkludu speċi oħra ta' l-annimali bbażati fuq evidenza xjentifika li tikkorrobora r-reżistenza għat-TSE ta' ġenotipi partikolari ta' dawk l-ispeċi.

2.   Regoli speċifiċi għall-programmi previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

3.   Stati Membri li jintroduċu programmi tat-trobbija għandhom jippreżentaw rapporti regolari lill-Kummissjoni sabiex il-programmi ikunu jistgħu jiġu evalwati xjentifikament, b'mod partikolari fir-rigward l-impatt tagħhom fuq l-inċidenza tat-TSEs u wkoll fuq id-diversità u l-varjabilità ġenetika u fuq iż-żamma ta' razez tan-nagħaġ qodma u rari jew ta' dawk li huma adattati sew għal reġjun partikolari. Ir-riżultati xjentifiċi u l-konsegwenzi globali tal-programmi tat-trobbija għandhom jiġu evalwati b'mod regolari, u fejn jeħtieġ, dawk il-programmi għandhom jiġu emendati għaldaqstant.”;

7)

L-Artikolu 7 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

paragrafi 1 sa 4 għandhom jinbidlu b' dan li ġej:

“1.   It-tmigħ lill-annimali li jixtarru ta' proteini li jiġu mill-annimali għandu jkun projbit.

2.   Il-projbizzjoni li għaliha hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għal annimali barra mill-annimali li jixtarru u ristretta, rigward l-għalf lil dawk l-annimali, bi prodotti li ġejjin mill-annimali skond l-Anness IV.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness IV li jippreskrivi d-derogi mill-projbizzjoni li tinsab f'dawn il-paragrafi.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), fuq bażi ta' evalwazzjoni xjentifika tal-bżonnijiet tad-dieta ta' annimali żgħar li jixtarru u soġġetta għar-regoli adottati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu li għalihom hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, u wara evalwazzjoni ta' l-aspetti ta' kontroll ta' din id-deroga, li tippermetti l-għalf bi proteini ġejjin mill-ħut lill-annimali ż-żgħar ta' speċi li jixtarru.

4.   Stati Membri, jew reġjuni tagħhom, b'riskju ta' BSE mhux determinat m'għandhomx jiġu permessi li jesportaw jew li jżommu għalf intenzjonat għal annimali fl-irziezet li jkollu fih proteini derivati mill-mammiferi jew għalf intenzjonat għal mammiferi, ħlief għalf għall-klieb, għall-qtates u għall-annimali bil-pil, li jkollu fih proteini proċessati derivati mill-mammiferi.

Pajjiżi terzi, jew reġjuni tagħhom, b'riskju ta' BSE mhux determinat m'għandhomx jiġu permessi li jesportaw lejn il-Komunità għalf intenzjonat għall-annimali fl-irziezet li jkollu fih proteini derivati minn mammiferi jew għalf intenzjonat għall-mammiferi, ħlief għalf għall-klieb, għall-qtates u għall-annimali bil-pil, li jkollu fih proteini proċessati derivati mill-mammiferi.

Fuq it-talba ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz tista' tittieħed deċiżjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), skond kriterji dettaljati li għandhom jiġu stabbiliti, biex jingħataw eżenzjonijiet individwali mir-restrizzjonijiet f'dan il-paragrafu. Kwalunkwe eżenzjoni għandha tikkunsidra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.”;

b)

il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud:

“4a.   Imsejsa fuq evalwazzjoni ta' riskju favorevoli li għall-inqas tqis l-ammont u s-sors possibbli ta' kontaminazzjoni u d-destinazzjoni finali tal-kunsinna, tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) biex jiġi introdott livell ta' tolleranza għal ammonti żgħar ħafna ta' proteini ta' l-annimali fl-għalf li jiġu minn kontaminazzjoni aċċidentali u li hija teknikament impossibbli li tiġi evitata.”;

ċ)

il-paragrafu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari regoli dwar il-prevenzjoni ta' kontaminazzjoni miż-żewġ naħat u dwar il-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-analiżi meħtieġa biex jiġi żgurat li jkun konformi ma' dan l-Artikolu, għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). Dawk ir-regoli għandhom jiġu bbażati fuq rapport tal-Kummissjoni li jkopri t-tiftix, l-ipproċessar, il-kontroll u t-traċċabilità ta' l-għalf b'oriġini mill-annimali.”;

8)

Fl-Artikolu 8,il-paragrafi 1 sa 5 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

“1.   Il-materjal riskjuż speċifikat għandu jitneħħa u jiġi eliminat skond l-Anness V ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 1774/2002. M'għandux ikun impurtat ġol-Komunità. Il-lista ta' materjal riskjuż speċifikat imsemmi fl-Anness V għandu jinkludi mill-inqas il-moħħ, is-sinsla, l-għajnejn u t-tonsilli ta' l-annimali bovini ta' l-età ta' 12-il xahar 'il fuq u l-kolonna vertebrali ta' l-annimali bovini 'l fuq minn età li trid tiġi determinata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3). Billi jitqiesu l-kategoriji ta' riskju differenti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(1) u l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 6(1a) u (1b)(b), il-lista tal-materjal riskjuż speċifikat fl-Anness V għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandux japplika għal tessuti minn annimali li jkunu għaddew minn test alternattiv approvat għal dak l-għan waħdieni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) sakemm dan it-test ikun imniżżel fl-Anness V u r-riżultati tat-testijiet ikunu negattivi.

L-Istati Membri li jawtorizzaw l-użu ta' test alternattiv skond dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

3.   Fl-Istati Membri, jew fir-reġjuni tagħhom, fejn hemm riskju kkontrollat jew mhux determinat ta' BSE, it-tiċrit, wara l-isturdament, ta' tessuti tas-sistema ċentrali nervuża permezz ta' strument f'għamla ta' virga mtawla introdotta fil-ħofra kranjali, jew permezz ta' injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali b'konnessjoni ma' l-isturdament, m'għandux jintuża fuq annimali bovini, ovini u kaprini li l-laħam tagħhom hu destinat għall-konsum uman jew ta' l-annimal.

4.   Id-data relatata ma' l-età stipulata fl-Anness V tista' tkun adattata. Adattamenti bħal dawn għandhom jiġu bbażati fuq l-aħħar skoperti xjentifikament provati li jikkonċernaw il-probabilità statistika tas-seħħ tat-TSE fil-gruppi ta' l-età relevanti tal-popolazzjoni bovina, u ta' l-annimali bovini, nagħaġ u mogħoż tal-Komunità.

5.   Jistgħu jiġu adottati regoli li jipprovdu għal eżenzjonijiet mill-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2), dwar id-data ta' l-infurzar effettiv tal-projbizzjoni ta' l-għalf prevista fl-Artikolu 7(1) jew, kif xieraq għal pajjiż terz jew reġjun tagħhom b'riskju għall-BSE kkontrollat, skond id-data ta' l-infurzar effettiv tal-projbizzjoni ta' proteini mammiferi f'għalf għall-annimali li jixtarru b'għan li jillimitaw il-ħtiijiet individwali biex jitneħħa u jinqered materjal speċifiku riskjuż lil annimali mwielda qabel dik id-data f'dawk il-pajjiżi jew reġjuni konċernati.”;

9)

fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

“1.   Il-prodotti li ġejjin mill-annimali mniżżla fl-Anness VI għandhom jiġu prodotti bil-proċessi ta' produzzjoni approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3).

2.   Għadam ta' annimali bovini, ovini u kaprini minn pajjiżi jew reġjuni fejn hemm riskju kkontrollat jew mhux determinat ta' BSE m'għandhomx jintużaw għall-produzzjoni ta' laħam separat b'mod mekkaniku (MSM). Qabel l-1 ta' Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu u l-metodu ta' produzzjoni ta' l-MSM fit-territorju tagħhom. Dan ir-rapport għandu jinkludi dikjarazzjoni dwar jekk l-Istat Membru huwiex bi ħsiebu jkompli bil-produzzjoni ta' l-MSM.

Il-Kummissjoni għandha b'hekk tippreżenta komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa u l-użu fil-futur ta' l-MSM fil-Komunità, inkluża l-politika ta' l-informazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi.”;

10)

Artikolu 12 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Kull annimal suspettat li hu infettat bit-TSE għandu jitqiegħed taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment sakemm ir-riżultati ta' eżami kliniku u epidemjoloġiku li jsir mill-awtorità kompetenti jkunu magħrufa, jew maqtula għal eżami fil-laboratorju taħt kontroll uffiċjali.

Jekk TSE jkun uffiċjalment suspettat f'annimal bovin f'azjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra kollha bovini f'dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment sakemm ir-riżultati ta' l-eżami jkunu disponibbli. Jekk TSE jkun uffiċjalment suspettat f'annimali ovini u kaprini f'azjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra kollha ovini jew kaprini f'dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment sakemm ir-riżultati jkunu disponibbli.

Madankollu, jekk ikun hemm evidenza li l-azjenda fejn l-annimal kien jinsab meta t-TSE kienet suspettata mhix l-azjenda fejn l-annimal seta' kien espost għat-TSE, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li l-unika annimal suspettat li hu infettat għandu jitqiegħed taħt restrizzjoni uffiċjali fuq il-moviment.

Jekk jitqies meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi ukoll li azjendi oħrajn jew l-azjenda esposta biss għandha titqiegħed taħt kontroll uffiċjali skond l-informazzjoni epidemjoloġika disponibbli.

Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) u bħala deroga mir-restrizzjonijiet uffiċjali fuq il-moviment previsti f'dan il-paragrafu, l-Istat Membru jista' jiġi eżonerat milli jimplimenta dawn ir-restrizzjonijiet jekk japplika miżuri li joffru salvagwardji ekwivalenti bbażati fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimal.”;

b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“3.   Il-partijiet kollha tal-ġisem ta' l-annimal suspettat għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali sakemm issir dijanjosi negattiva, jew jiġu eliminati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.”;

11)

Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

punt (a) ta' l-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“a)

il-partijiet kollha tal-ġisem ta' l-annimal għandhom jiġu eliminati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 barra mill-materjal miżmum għar-reġistri skond l-Anness III, Kapitolu B ta' dan ir-Regolament.”;

(b)

punt (c) ta' l-ewwel subparagrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“ċ)

l-annimali kollha u l-prodotti tagħhom li qegħdin f'riskju, kif imniżżla fl-Anness VII, punt 2 ta' dan ir-Regolament, identifikati b'inkjesta msemmija f'punt (b) ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu maqtula u eliminati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.”;

(ċ)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied wara l-ewwel subparagrafu:

“Fuq it-talba ta' Stat Membru u bbażata fuq evalwazzjoni favorevoli tar-riskju fil-waqt li b'mod partikulari jqis il-miżuri ta' kontroll f'dak l-Istat Membru, tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) biex ikun permess l-użu ta' l-annimali bovini msemmija f'dan il-paragrafu sa tmiem iż-żmien fertili tagħhom.”;

12)

Fl-Artikolu 15,il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“3.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu estiżi għal speċi ta' annimali oħra.

4.   Ir-regoli biex jiġi implementat dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).”;

13)

Artikolu 16 huwa b' dan emendat kif ġej:

a)

fil-paragrafu 1 il-punt (b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

“b)

ħalib u prodotti tal-ħalib, ġlud u ġild, u ġelatina u collagen ġejjin minn ġlud u ġild.”;

b)

paragrafi 2 and 3 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

“2.   Prodotti li ġejjin mill-annimali impurtati minn pajjiż terz bir-riskju kkontrollat jew mhux determinat tal-BSE għandhom jiġu minn annimali bovini, minn dawk bħan-nagħaġ u minn dawk bħall-mogħoż b'saħħithom li ma kinux suġġetti għal tiċrit tat-tessut tas-sistema nervuża ċentrali jew injezzjoni tal-gass fil-ħofra kranjali kif imsemmija fl-Artikolu 8(3).

3.   Prodotti ta' l-ikel li joriġinaw mill-annimali li fihom materjal miksub minn annimali bovini li joriġinaw f'pajjiż jew reġjun b'riskju tal-BSE mhux determinat m'għandhomx jitqiegħdu fis-suq kemm-il darba ma jkunux ġejjin minn:

a)

annimali mwielda tmien snin wara d-data minn meta kienet effettivament infurzata l-projbizzjoni ta' l-għalf ta' proteini ġejjin minn annimali mammiferi lill-annimali li jixtarru; u

b)

annimali li twieldu, trabbew u baqgħu f'merħliet bi storja ċċertifikata ta' ħelsien mill-BSE għal mill-inqas seba' snin.

Barra minn hekk, prodotti ta' l-ikel li ġejjin minn annimali li jixtarru m'għandhomx jintbagħtu minn Stat Membru jew minn reġjun tiegħu b'riskju mhux determinat tal-BSE lil Stat Membru ieħor jew ikunu impurtati minn pajjiż terz b'riskju mhux determinat tal-BSE.

Din il-projbizzjoni m'għandhiex tapplika għal prodotti li joriġinaw minn annimali elenkati fl-Anness VIII, Kapitolu C, u li jilħqu r-rekwiżiti ta' l-Anness VIII, Kapitolu C.

Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali maħruġ minn veterinarju uffiċjali li jiċċertifika li ġew prodotti f'konformità ma' dan ir-Regolament.”;

14)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“L-Artikolu 23a

Il-miżuri li ġejjin, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inkluż billi jżidu miegħu, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3):

a)

approvazzjoni tat-testijiet rapidi msemmija fl-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(2),

b)

adattament ta' l-età msemmija fl-Artikolu 6(1b),

ċ)

kriterji li juru titjib tas-sitwazzjoni epidemjoloġika msemmija fl-Artikolu 6(1b),

d)

deċiżjoni biex ikun permess l-għalf ta' annimali ta' età żgħira ta' l-ispeċi ta' ruminanti bi proteini derivati mill-ħut kif imsemmi fl-Artikolu 7(3),

e)

kriterji għall-għoti ta' eżenzjonijiet mir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 (4a),

f)

deċiżjoni biex jiġi introdott livell ta' tolleranza kif imsemmi fl-Artikolu 7(4a),

g)

deċiżjoni dwar l-età kif imsemmi fl-Artikolu 8(1),

h)

regoli li jipprovdu għal eżenzjonijiet biex jitneħħew u jinqerdu materjal riskjuz speċifikat kif imsemmi fl-Artikolu 8(5),

i)

proċessi ta' produzzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1),

j)

deċiżjoni biex ċerti dispożizzjonijiet jiġu estiżi għal speċi ta' annimali oħra kif imsemmi fl-Artikolu 15(3).”

15)

L-Artikolu 24 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 24

Kumitati

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti għall-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali. Madankollu, il-Kumitat Permanenti għaż-Żooteknika għandu jiġi kkonsultat ukoll mill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-Artikolu 6a.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b' konsiderazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

L-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 5(6) ta' dik id-Deċiżjoni għandhom ikunu ta' tliet xhur u, fil-każ ta' miżuri ta' salvagwardja msemmija fl-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament, 15-il jum.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b' konsiderazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.”;

16)

l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 24a

Deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati skond waħda mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 24 għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali u għandhom, meta wieħed iqis l-evidenza xjentifika li teżisti, iżommu, jew jekk ġustifikat xjentifikament iżidu, il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali kif żgurat fil-Komunità.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 26.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-23 ta’ Novembru 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-… (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 147, 31.5.2001, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2006 (ĠU L 187, 8.7.2006, p.10).

(4)  ĠU L 163, 23.6.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 41.

(6)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).

(7)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 29.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.)

(9)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).”;

(10)  ĠU C 174 E, 14.7.2005, p. 178.”;


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 2004 proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 999/2001. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 152 tat-Trattat.

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-17 ta' Mejju 2006. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fid-9 ta' Marzu 2005.

3.

Fit-23 ta' Novembru 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 tat-Trattat.

II.   OBJETTIVI

Ir-Regolament propost bi ħsiebu jindirizza t-tħassib ta' l-Istati Membri, partikolarment fir-rigward ta':

Kategorizzazzjoni ta' pajjiżi skond ir-riskju tagħhom ta' BSE

Definizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza passivi u attivi

u fuq kollox, il-possibbiltà ta' l-adattament tas-sistema ta' monitoraġġ attwali għal titjib fis-sitwazzjoni epidemjoloġika ta' l-Istati Membri kkonċernati.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Kuntest ġenerali

Intlaħaq ftehim dwar dan id-dossier fl-ewwel qari f'Mejju 2006.

Ir-reviżjoni ta' l-abbozz tar-Regolament mill-ġuristi-lingwisti taż-żewġ istituzzjonijiet seħħet fid-19 ta' Settembru 2006 (PE-CONS 3618/06).

Sadanittant, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/512/KE li tintroduċi proċedura ġdida msemmija “proċedura regolatorja bi skrutinju” fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (l-Artikolu 5a).

Il-proċedura l-ġdida tal-Kumitat għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali li huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia billi jitħassru xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jiġi ssupplimentat l-istrument biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda.

2.   Adattamenti introdotti mill-Kunsill

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 dejjem jirreferi għall-proċedura regolatorja tal-Kumitat meta jingħataw setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni u għaldaqstant irid jiġi adattat, fejn hu xieraq, għall-proċedura regolatorja ġdida tal-Kumitat bi skrutinju.

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni (1), ser ikun meħtieġ li l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Parlament u mill-Kunsill isseħħ sa Diċembru 2006.

Il-Kummissjoni aċċettat il-pożizzjoni komuni miftiehma mill-Kunsill.


(1)  Diversi miżuri ta' implimentazzjoni huma imblokkati fil-livell tal-Kummissjoni.


19.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/10


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 33/2006

adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2006

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva 2006/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta' l-għargħar

(2006/C 311 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-għargħar jista' jwassal għall-mewt, għaċ-ċaqliq ta' persuni u għal ħsara lill-ambjent, jista' jikkomprometti bil-kbir l-iżvilupp ekonomiku u jhedded l-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità.

(2)

L-għargħar huwa fenomenu naturali li ma jistax ikun evitat. Madankollu, xi attivitajiet tal-bniedem u l-bidla fil-klima jikkontribwixxu għaż-żieda fil-possibbiltà ta' għargħar u fl-impatti negattivi ta' l-għargħar.

(3)

Huwa possibbli u mixtieq li jitnaqqas ir-riskju ta' konsegwenzi negattivi marbuta ma' l-għargħar, speċjalment għal saħħet il-bniedem u l-ħajja tiegħu, għall-ambjent, il-wirt kulturali, l-attivita ekonomika u għall-infrastruttura assoċjata ma' l-għargħar. Madankollu, il-miżuri biex jitnaqqsu dawn ir-riskji għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu kkoordinati tul il-baċin kollu tax-xmara sabiex ikunu effettivi.

(4)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (3) teżiġi li jkun hemm pjanijiet ta' mmaniġġar tal-baċin tax-xmajjar li jridu jiġu żviluppati għal kull distrett tal-baċin ta' xmara sabiex jinkiseb stat ekoloġiku u kimiku tajjeb, u se tikkontribwixxi biex jittaffew l-effetti ta' l-għargħar. Madankollu t-tnaqqis tar-riskju ta' għargħar mhuwiex wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' dik id-Direttiva u din lanqas ma tqis ir-riskji futuri ta' għargħar ikkawżati minħabba l-bidla fil-klima.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar; il-prevenzjoni, il-protezzjoni u t-tnaqqis ta'l-għargħar” tistabbilixxi l-analiżi u l-istrateġija tagħha biex ikunu mmaniġġati r-riskji ta' l-għargħar fuq livell Komunitarju, u tiddikjara li azzjoni kkonċertata u kkoordinata fuq livell Komunitarju ġġib valur miżjud konsiderevoli u ttejjeb il-livell ġenerali ta' protezzjoni mill-għargħar.

(6)

Minbarra l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-prevenzjoni u tnaqqis effettivi ta' l-għargħar jeħtieġu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Dan huwa konformi mad-Direttiva 2000/60/KE u mal-prinċipji internazzjonali ta' l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar kif żviluppati notevolment taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-protezzjoni u l-użu ta' korsiji ta' l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE ta' l-24 ta' Lulju 1995 (4) u kwalunkwe ftehim sussegwenti dwar l-applikazzjoni tagħha.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju biex tiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili (5), timmobilizza l-appoġġ u l-assistenza mill-Istati Membri f'każ ta' emerġenzi kbar, inkluż l-għargħar. Il-protezzjoni ċivili tista' tipprovdi rispons adegwat għall-popolazzjonijiet affettwati u ttejjeb l-istat ta' preparazzjoni u ta' l-irkupru.

(8)

Taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (6), huwa possibbli li tingħata għajnuna finanzjarja immedjata f'każ ta' diżastru kbir biex ikunu megħjuna n-nies, iż-żoni naturali, ir-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati biex jerġa' jkollhom kondizzjonijiet li jkunu kemm jista' jkunu normali, iżda l-Fond jista' jintervjeni biss f'operazzjonijiet ta' emerġenza u mhux f'dawk il-fażijiet li jippreċedu emerġenza.

(9)

Fil-Komunità kollha jseħħu tipi differenti ta' għargħar, bħalma huma l-għargħar tax-xmajjar, l-għargħar għal għarrieda, l-għargħar urban, u l-għargħar mill-baħar f'żoni kostali. Il-ħsara kkawżata mill-għargħar tista' tvarja wkoll minn naħa għal oħra tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-Komunità. Għalhekk, l-objettivi li jikkonċernaw l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri infushom u għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali.

(10)

Ir-riskji ta' l-għargħar f'ċerti żoni tal-Komunità jistgħu jitqiesu bħala mhux sinifikanti, per eżempju f'żoni fejn hemm ftit nies jew xejn jew f'żoni b'assi ekonomiċi jew b'valur ekoloġiku limitat. F'kull distrett ta' baċin ta' xmara jew unità ta' maniġġar għandhom jiġu valutati r-riskji ta' l-għargħar u l-ħtieġa għal aktar azzjoni.

(11)

Biex ikun hemm għodda effettiva ta' informazzjoni, kif ukoll bħala bażi importanti biex ikunu stabbiliti l-prijoritajiet kif ukoll id-deċiżjonijiet tekniċi, finanzjarji u politiċi oħrajn rigward l-imaniġġar tar-riskju ta' għargħar huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti mapep tar-riskju ta' għargħar u mapep tar-riskju ta' għargħar li juru l-konsegwenzi negattivi potenzjali b'xenarji differenti ta' għargħar.

(12)

Bil-ħsieb li jkunu evitati u jitnaqqsu l-impatti negattivi ta' l-għargħar fiż-żona kkonċernata, ikun xieraq li jkun hemm pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar. Il-kawżi u l-konsegwenzi ta' l-għargħar ivarjaw skond il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Komunità. Il-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar għalhekk għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari taż-żoni li jkopru u jipprovdu għal soluzzjonijiet maħsubin apposta skond il-ħtiġiet u l-prijoritajiet ta' dawk iż-żoni, filwaqt li jiżguraw koordinazzjoni rilevanti fid-distretti tal-baċin tax-xmara.

(13)

Il-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-istat ta' tħejjija. L-elementi tal-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom ikunu riveduti perjodikament u aġġornati jekk meħtieġ, billi jkunu kkunsidrati l-effetti probabbli tal-bidla fil-klima fuq il-fatt li jseħħ l-għargħar.

(14)

Il-prinċipju ta' solidarjetà hu importanti ħafna fil-kuntest ta' l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar. Fid-dawl tiegħu l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jfittxu t-tqassim ġust ta' responsabbiltajiet, meta miżuri jiġu deċiżi konġuntament għall-benefiċċju komuni, rigward l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar tul il-korsiji ta' l-ilma.

(15)

Biex ikun evitat l-irduppjar tax-xogħol l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jużaw il-valutazzjonijiet preliminari eżistenti tar-riskju ta' għargħar, il-mapep ta' periklu u riskju ta' għargħar u l-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar biex jintlaħqu l-għanijiet u jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

(16)

L-iżvilupp ta' pjanijiet ta' maniġġar ta' baċin ta' xmara taħt id-Direttiva 2000/60/KE u ta' pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar taħt din id-Direttiva huma elementi ta' mmaniġġar integrat ta' baċin ta' xmara. Għalhekk iż-żewġ proċessi għandhom jużaw il-potenzjal reċiproku għal sinerġiji u benefiċċji komuni, billi jikkunsidraw l-objettivi ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE, jiżguraw effiċjenza u użu għaqli ta' riżorsi filwaqt li jirrikonoxxu li l-awtoritajiet kompetenti u l-unitajiet ta' mmaniġġar jistgħu jkunu differenti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 2000/60/KE.

(17)

F'każijiet fejn l-ilmijiet jintużaw għal forom differenti ta' attivitajiet sostenibbli mill-bniedem (eż. għall-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar, għall-ekoloġija, għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni jew għall-enerġija idro-elettrika) u minħabba l-impatti ta' dan l-użu fuq il-korpi ta' l-ilma, id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għal proċess ċar u trasparenti biex ikun indirizzat dan l-użu u l-impatti, inklużi l-eżenzjonijiet possibbli mill-objettivi ta' 'stat tajjeb' jew ta' 'non-deterjorazzjoni' li hemm fl-Artikolu 4 tagħha.

(18)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(19)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi Komunitarji ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali skond il-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 tagħha.

(20)

Peress illi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi qafas għal miżuri biex jitnaqqsu r-riskji tal-ħsara mill-għargħar ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita' tista' tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f' dak l-Artikolu din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ għall-kisba ta' dak il-għan.

(21)

Skond il-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità mehmuż mat-Trattat, u fid-dawl tal-kapaċitajiet eżistenti ta' l-Istati Membri, għandha titħalla flessibbiltà konsiderevoli lil-livelli lokali u reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-organizzazzjoni u fir-rigward tar-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet.

(22)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess Komunitarju, it-tabelli tagħhom li juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Il-fini ta' din id-Direttiva hu li jiġi stabbilit qafas għall-valutazzjoni u l-imaniġġar tar-riskji ta' għargħar, bil-għan li jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika assoċjata ma' l-għargħar fil-Komunità.

Artikolu 2

Għall-fini ta' din id-Direttiva, flimkien mad-definizzjonijiet ta' “xmara”, “baċin tax-xmara”, “sotto baċin” u “distrett ta' baċin tax-xmara” kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“għargħar” tfisser meta art li normalment ma titgħattiex bl-ilma, titgħatta temporanjament bl-ilma. Dan għandu jinkludi l-għargħar minn xmajjar, turrenti tal-muntanji, mogħdijiet ta' l-ilma effimeri Mediterranji, u għargħar mill-baħar fiż-żoni kostali, u jista' jeskludi l-għargħar mis-sistemi tad-dranaġġ;

2)

“riskju ta' għargħar” tfisser it-taħlita tal-probabbiltà ta' każ ta' għargħar u tal-konsegwenzi negattivi potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika assoċjata ma' każ ta' għargħar.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-arranġamenti magħmulin taħt l-Artikolu 3(1), (2), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/60/KE.

2.   Madankollu, għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jaħtru awtoritajiet kompetenti differenti minn dawk identifikati skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(b)

jidentifikaw ċerti żoni kostali jew baċini ta' xmajjar individwali u jassenjawhom lil unità ta' maniġġar differenti minn dawk assenjati skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/60/KE.

F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom sa … (9), jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2000/60/KE. Għal dan il-fini, kull referenza għal awtoritajiet kompetenti u distretti ta' baċin tax-xmara għandha titqies bħala referenza għall-awtoritajiet kompetenti u għall-unità ta' maniġġar imsemmija f' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-informazzjoni pprovduta skond dan il-paragrafu fi żmien tliet xhur minn meta l-bidla tieħu effett.

KAPITOLU II

VALUTAZZJONI PRELIMINARI TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom, għal kull distrett ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) jew il-parti ta' baċin tax-xmara internazzjonali li tinsab fit-territorju tagħhom, jagħmlu valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Għandha titwettaq valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar biex tipprovdi valutazzjoni ta' riskji potenzjali bbażata fuq informazzjoni disponibbli jew faċilment derivabbli, bħal reġistri. Il-valutazzjoni għandha tinkludi ta' l-inqas dan li ġej:

(a)

mapep tad-distrett ta' baċin tax-xmara bi skala adatta inklużi l-konfini tal-baċini tax-xmara, tas-sotto-baċini u fejn jgħodd taż-żoni kostali, li juru t-topografija u l-użu ta' l-art;

(b)

deskrizzjoni ta' l-għargħar li seħħew fl-imgħoddi u li kellhom impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u li għalihom il-possibbiltà ta' każijiet simili fil-ġejjieni għadha rilevanti, inkluż il-firxa ta' l-għargħar u r-rotot ta' mogħdija tagħhom u valutazzjoni ta' l-impatti negattivi li ġabu magħhom;

(ċ)

deskrizzjoni ta' l-għargħar sinifikanti, li seħħew fl-imgħoddi, fejn jistgħu jiġu previsti konsegwenzi negattivi sinifikanti ta' avvenimenti futuri simili;

u, fejn xieraq, hi għandha tinkludi:

(d)

valutazzjoni tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' għargħar futuri għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika, b'kont meħud kemm jista' jkun ta' kwistjonijiet possibbli bħat-topografija, il-pożizzjoni tal-mogħdijiet ta' l-ilma u l-karatteristiċi idroloġiċi u ġeomorfoloġiċi ġenerali tagħhom, il-pożizzjoni taż-żoni fejn jgħixu n-nies, iż-żoni ta' attività ekonomika u żviluppi fuq perijodu fit-tul inklużi l-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta' għargħar.

3.   Fil-każ ta' distretti ta' baċini tax-xmara internazzjonali, jew unitàjiet ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li huma komuni ma' Stati Membri oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jseħħ skambju ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati.

4.   L-Istati Membri għandhom ilestu il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar sat-22 ta' Diċembru 2012.

Artikolu 5

1.   Abbażi tal-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar imsemmija fl-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom, għal kull distrett ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) jew il-parti ta' distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali li jinsab fit-territorju tagħhom jidentifikaw dawk iż-żoni li għalihom l-Istati Membri jikkonkludu li hemm riskji potenzjali sinifikanti jew jista' raġonevolment jitqies li x'aktarx iseħħ għargħar.

2.   L-identifikazzjoni skond il-paragrafu 1 ta' żoni li jappartjenu għal distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali, jew għal unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) komuni ma' Stat Membru ieħor, għandha tiġi koordinata bejn l-Istati Membri konċernati.

KAPITOLU III

MAPEP TA' PERIKLU TA' GĦARGĦAR U MAPEP TA' RISKJU TA' GĦARGĦAR

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri għandhom fil-livell ta' distrett ta' baċin tax-xmara u unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b), iħejju mapep ta' periklu ta' għargħar u mapep ta' riskju ta' għargħar, fl-iskala l-aktar adatta għaż-żoni identifikati skond l-Artikolu 5(1).

2.   It-tħejjija ta' mapep ta' periklu ta' għargħar u mapep ta' riskju ta' għargħar għal żoni identifikati taħt l-Artikolu 5 li huma komuni ma' Stati Membri oħrajn għandha tkun soġġetta għal skambju minn qabel ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri konċernati.

3.   Il-mapep tal-periklu ta' għargħar għandhom ikopru ż-żoni ġeografiċi li jistgħu jiġu mfawra skond ix-xenarji li ġejjin:

(a)

għargħar b'xenarji ta' probabbiltà żgħira jew ta' każijiet estremi;

(b)

għargħar ta' probabbiltà medja (perijodu probabbli ta' rikorrenza ≥ 100 sena);

(ċ)

għargħar ta' probabbiltà kbira, fejn ikun il-każ.

4.   Għal kull xenarju msemmi fil-paragrafu 3 għandhom jintwerew l-elementi li ġejjin:

(a)

il-firxa ta' l-għargħar;

(b)

il-fond ta' l-ilma jew il-livell ta' l-ilma skond il-każ;

(ċ)

fejn xieraq, il-veloċità tal-fluss jew il-fluss ta' l-ilma rilevanti.

5.   Il-mapep tar-riskju ta' għargħar għandhom juru l-konsegwenzi negattivi potenzjali assoċjati ma' għargħar fix-xenarji msemmijin fil-paragrafu 3 u espressi f'termini ta' dawn li ġejjin:

(a)

in-numru indikattiv ta' abitanti li potenzjalment jiġu affettwati;

(b)

it-tip ta' attività ekonomika fiż-żona potenzjalment affettwata;

(ċ)

stallazzjonijiet kif imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (10) li jistgħu jikkawżaw tniġġis aċċidentali f'każ ta' għargħar u żoni protetti potenzjalment affettwati identifikati fl-Anness IV(1)(i),(iii) u (v) tad-Direttiva 2000/60/KE;

(d)

informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis li hija utli bħall-indikazzjoni ta' żoni fejn jista' jseħħ għargħar b'kontenut kbir ta' sedimenti trasportati u għargħar bi tkaxkir ta' materjal.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għal żoni kostali fejn jeżisti livell adegwat ta' protezzjoni, it-tħejjija ta' mapep ta' periklu ta' għargħar għandha tkun limitata għax-xenarju msemmi f' paragrafu 3(a).

7.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li għal żoni fejn l-għargħar jiġi minn sorsi ta' ilma ta' taħt l-art, it-tħejjija ta' mapep ta' periklu ta' għargħar għandha tkun limitata għax-xenarju deskritt f' paragrafu 3(a).

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mapep tal-periklu ta' l-għargħar u l-mapep tar-riskju ta' l-għargħar jitlestew sat-22 ta' Diċembru 2013.

KAPITOLU IV

PJANIJIET GĦALL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR

Artikolu 7

1.   Abbażi tal-mapep imsemmija fl-Artikolu 6 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell ta' distrett ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) għaż-żoni identifikati fl-Artikolu 5(1) u ż-żoni koperti bl-Artikolu 13(1)(b) skond il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu objettivi adatti għall-maniġġar tar-riskji ta' għargħar għaż-żoni identifikati taħt l-Artikolu 5(1) u ż-żoni koperti bl-Artikolu 13(1)(b), li jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika, u, jekk jitqies xieraq, fuq inizjattivi non-strutturali u/jew fuq it-tnaqqis tal-probabbiltà ta' għargħar.

3.   Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jinkludu miżuri bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti skond il-paragrafu 2 u għandhom jinkludu l-komponenti mniżżla fil-Parti A ta' l-Anness.

Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom iqisu aspetti rilevanti bħall-ispejjeż u l-benefiċċji, il-firxa ta' l-għargħar u r-rotot ta' mogħdija ta' l-għargħar u ż-żoni bil-potenzjal ta' żamma ta' għargħar, l-objettivi ambjentali ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE, il-maniġġar tal-ħamrija u l-ilma, l-ippjanar ta' l-ispazju, l-użu ta' l-art, il-konservazzjoni tan-natura, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-port.

Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jittrattaw l-aspetti kollha tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar u jiffokaw fuq il-prevenzjoni, il-ħarsien, l-istat ta' tħejjija, inkluż it-tbassir ta' għargħar u sistemi ta' twissija minn kmieni u jqisu l-karatteristiċi tal-baċin jew tas-sotto baċin tax-xmara partikolari. Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar jistgħu jinkludu wkoll l-għargħar ikkontrollat ta' ċerti żoni f'każ li jseħħ għargħar.

4.   Pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar stabbiliti fi Stat Membru wieħed m'għandhomx jinkludu miżuri li, bil-firxa u l-impatt tagħhom, iżidu b'mod sinifikattiv ir-riskji ta' għargħar 'il fuq jew 'l isfel f'pajjiżi oħra fl-istess baċin jew sotto-baċin tax-xmara, sakemm dawn il-miżuri ma' jkunux ġew ikkoordinati u tkun instabet soluzzjoni miftiehma fost l-Istati Membri konċernati fil-qafas ta' l-Artikolu 8.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar jitlestew u jiġu ppubblikati sat-22 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 8

1.   Għal distretti ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li jinsabu kollha kemm huma fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir pjan uniku ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar, jew sett ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett tal-baċin tax-xmara.

2.   Fil-każ ta' distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li tkun kompletament fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni bil-ħsieb li jsir pjan internazzjonali wieħed ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar, jew sett ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara. Fejn ma jsirux pjanijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar li jkopru ta' l-inqas il-partijiet tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jinsabu fit-territorju tagħhom, kemm jista' jkun ikkoordinati fil-livell tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara.

3.   Fil-każ ta' distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li testendi lil hinn mill-konfini tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipproduċu pjan internazzjonali uniku ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar jew sett ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali; fejn dan ma jistax isir, il-paragrafu 2 għandu japplika għall-partijiet tal-baċin tax-xmara internazzjonali li jinsabu fit-territorju tagħhom.

4.   Il-pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu ssupplimentati, fejn meqjus xieraq minn pajjiżi li għandhom sotto baċini kondiviżi, bi pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar aktar dettaljati kkoordinati fil-livell tas-sotto baċini internazzjonali.

5.   Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li għandha impatt fuq il-maniġġar tar-riskji ta' għargħar ta' l-ilmijiet tiegħu u dik il-kwistjoni ma tkunx tista tiġi riżolta minn dak l-Istat Membru, hu jista' jirrapporta l-kwistjoni lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat u jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet għar-riżoluzzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rapport jew rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri fi żmien perijodu ta' sitt xhur.

KAPITOLU V

KOORDINAZZJONI MAD-DIRETTIVA 2000/60/KE, L-INFORMAZZJONI U L-KONSULTAZZJONI TAL-PUBBLIKU

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex jikkoordinaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u dik tad-Direttiva 2000/60/KE waqt li jiffokaw fuq l-opportunitajiet għat-titjib ta' l-effiċjenza, l-iskambju ta' l-informazzjoni u biex jinkisbu sinerġiji u benefiċċji komuni wara li jikkunsidraw l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE. B'mod partikolari:

1)

L-iżvilupp ta' l-ewwel mapep ta' periklu u riskju ta' għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom kif imsemmijin fl-Artikoli 6 u 14 ta' din id-Direttiva, għandhom jitwettqu b' mod illi l-informazzjoni li jkun fihom tkun konsistenti ma' l-informazzjoni rilevanti ppreżentata skond id-Direttiva 2000/60/KE. Huma jistgħu, jekk jitqies xieraq, ikomplu jiġu kkoordinati u integrati mar-reviżjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2000/60/KE.

2)

L-iżvilupp ta' l-ewwel pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom kif imsemmi fl-Artikoli 7 u 14 ta' din id-Direttiva għandu jitwettaq, jekk jitqies xieraq, f'koordinazzjoni u jista' jiġi integrat mar-reviżjonijiet tal-pjanijiet ta' maniġġar ta' baċin tax-xmara previsti fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE.

3)

L-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha taħt l-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva għandu jkun ikkoordinat, skond il-każ, ma' l-involviment attiv tal-partijiet interessati taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 10

1.   B'mod konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, il-mapep tal-periklu ta' għargħar, il-mapep tar-riskju ta' għargħar u l-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu involviment attiv tal-partijiet interessati fil-produzzjoni, fir-reviżjoni u fl-aġġornament tal-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar imsemmija fil-Kapitolu IV.

KAPITOLU VI

MIŻURI TA' IMPLIMENTAZZJONI U EMENDI

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta formati tekniċi għall-finijiet ta' l-ipproċessar u t-trasmissjoni ta' data, inkluża data statistika u kartografika, lill-Kummissjoni. Il-formati tekniċi għandhom jiġu adottati mill-inqas sentejn qabel id-dati indikati fl-Artikoli 4(4), 6(8) u 7(5), waqt li jitqiesu l-istandards eżistenti kif ukoll il-formati żviluppati fi ħdan l-atti Komunitarji rilevanti.

2.   Il-Kummissjoni tista', waqt li tqis il-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadatta l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku.

Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/60/KE (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

KAPITOLU VII

MIŻURI TRANSITORJI

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux il-valutazzjoni preliminari tar-riskju msemmija fl-Artikolu 4 għal dawk il-baċini tax-xmajjar, sotto-baċini jew żoni kostali fejn ikunu jew:

(a)

diġà wettqu valutazzjoni tar-riskju biex jikkonkludu, qabel it-22 ta' Diċembru 2010, li jeżisti potenzjal ta' riskju ta' għargħar sinifikanti jew jista' raġonevolment jitqies li x'aktarx iseħħ li jwassal għall-identifikazzjoni taż-żona fost dawk imsemmijin fl-Artikolu 5(1) jew

(b)

iddeċidew qabel it-22 ta' Diċembru 2010 li jħejju mapep ta' periklu ta' għargħar u mapep ta' riskju ta' għargħar u li jistabbilixxu pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-mapep tal-periklu ta' għargħar u l-mapep tar-riskju ta' għargħar iffinalizzati qabel it-22 ta' Diċembru 2010, jekk tali mapep jipprovdu livell ta' informazzjoni ekwivalenti għall-ħtiġiet ta' l-Artikolu 6.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar iffinalizzati qabel it-22 ta' Diċembru 2010, sakemm il-kontenut ta' dawn il-pjanijiet ikun ekwivalenti għall-ħtiġiet imniżżla fl-Artikolu 7.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14.

KAPITOLU VIII

REVIŻJONIJIET, RAPPORTI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

1.   Il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, jew il-valutazzjoni u d-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 (1), għandha tiġi riveduta u jekk ikun meħtieġ aġġornata sat-22 ta' Diċembru 2018 u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem.

2.   Il-mapep ta' periklu u l-mapep ta' riskju ta' għargħar għandhom jiġu riveduti, u jekk ikun meħtieġ aġġornati, sat-22 ta' Diċembru 2019, u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem.

3.   Il-pjan(ijiet) tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jiġu riveduti u jekk meħtieġ aġġornati, bl-inklużjoni tal-komponenti li hemm fil-parti B ta' l-Anness, sat-22 ta' Diċembru 2021 u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem.

4.   L-impatt probabbli ta' bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta' l-għargħar għandha titqies fir-reviżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 3.

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, il-mapep tal-periklu ta' għargħar, il-mapep tar-riskju ta' għargħar u l-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar imsemmija fl-Artikoli 4, 6 u 7, kif ukoll ir-reviżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, l-aġġornamenti tagħhom fi żmien tliet xhur wara d-dati indikati rispettivament fl-Artikoli 4(4), 6(8), 7(5) u 14.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħudin skond l-Artikolu 13 (1), (2) u (3) u jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti dwar dan sad-dati indikati rispettivament fl-Artikoli 4(4), 6(8) u 7(5).

Artikolu 16

Sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2018, u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa … (11). Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 18

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Mill-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni tas-17 ta' Mejju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-… (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 327, 22.2.2000, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Deċiżjoni Nru. 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(4)  ĠU L 186, 5.8.1995, p. 42.

(5)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(6)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p.23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(9)  Sentejn u nofs wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(10)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 166/2006 (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(11)  Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS

A.   PJANIJIET GĦALL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR

I.

Il-komponenti ta' l-ewwel pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar:

1)

il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar kif meħtieġ fil-Kapitolu II fil-forma ta' mappa sommarja tad-distrett ta' baċin tax-xmara jew l-unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li tiddelinea ż-żoni identifikati skond l-Artikolu 5 (1) li huma s-suġġett ta' dan il-pjan ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar;

2)

il-mapep tal-periklu ta' għargħar u l-mapep tar-riskju ta' għargħar kif imħejjija skond il-Kapitolu III, jew diġà fis-seħħ skond l-Artikolu 13, u l-konklużjonijiet li jistgħu jittieħdu minn dawk il-mapep;

3)

deskrizzjoni ta' l-objettivi adatti tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar, stabbiliti skond l-Artikolu 7(2);

4)

sommarju tal-miżuri li għandhom l-għan li jinkisbu l-objettivi adatti tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar, inklużi l-miżuri meħudin skond l-Artikolu 9, u l-miżuri marbutin ma' l-għargħar meħudin skond atti Komunitarji oħrajn, inkluż id-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar il-valutazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1), u 96/82/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikli maġġuri ta' inċidenti li jinvolvu sustanzi perikolużi (2), id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar il-valutazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (3) u d-Direttiva 2000/60/KE;

5)

meta tkun disponibbli, għal baċini jew sotto-baċini kondiviżi ta' xmara, deskrizzjoni tal-metodoloġija, iddefinita mill-Istati Membri konċernati, ta' l-analiżi kost-benefiċċju użata għall-valutazzjoni tal-miżuri b'effetti trans-nazzjonali.

II.

Deskrizzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-pjan:

1)

deskrizzjoni tal-mod li bih se jiġi ssorveljat il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan;

2)

sommarju ta' l-informazzjoni pubblika u l-miżuri/azzjonijiet ta' konsultazzjoni meħudin;

3)

lista ta' awtoritajiet kompetenti u, kif meħtieġ, deskrizzjoni tal-proċess ta' koordinazzjoni fi ħdan kwalunkwe distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali u tal-proċess ta' koordinazzjoni mad-Direttiva 2000/60/KE.

B.   IL-KOMPONENTI TA' L-AĠĠORNAMENT SUSSEGWENTI TAL-PJANIJIET TAL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR

1)

kwalunkwe tibdil jew aġġornament minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar, inkluż sommarju tar-reviżjonijiet imwettqa f'konformità ma' l-Artikolu 14;

2)

valutazzjoni tal-progress li sar lejn il-kisba ta' l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 7(2);

3)

deskrizzjoni ta', u spjegazzjoni għal, kwalunkwe miżura prevista fil-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar li kienet ippjanata li titwettaq u li ma saritx;

4)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe miżura addizzjonali minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar.


(1)  ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

(2)  ĠU L 10, 14.1.1997, p.13. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 31.12.2003, p.97).

(3)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-maniġġar ta' għargħar fit-18 ta' Jannar 2006.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni ta' l-ewwel qari tiegħu fit-13 ta' Ġunju 2006.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Mejju 2006.

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fi 23 ta' Novembru 2006.

II.   OBJETTIV

L-objettiv ta' din id-Direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas għall-valutazzjoni u l-maniġġar ta' riskji relatati ma' l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika. Din ser titlob valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, l-immappar ta' għargħar fiż-żoni kollha b'riskju sinifikanti ta' għargħar, koordinazzjoni fil-baċini tax-xmajjar li jinsabu f'iktar minn pajjiż wieħed, kif ukoll il-produzzjoni ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar permezz ta' proċess b'parteċipazzjoni wiesgħa.

Minħabba d-diversità fl-UE f'termini ta' ġeografija, idroloġija u l-istruttura taċ-ċentri ta' abitazzjoni, id-Direttiva proposta tipprovdi lill-Istati Membri flessibilità sostanzjali biex jiġu determinati l-objettivi għall-maniġġar tar-riskji ta' għargħar, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu dawn l-objettivi, kif ukoll l-iskedi taż-żmien biex jiġu implimentati l-miżuri fil-pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar.

L-applikazzjoni tad-Direttiva proposta u dak tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma għandhom jiġu kkoordinati.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tinkorpora numru ta' emendi mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, verbatim, parzjalment jew fl-ispirtu. Dawn itejbu jew jikkjarifikaw it-test tad-Direttiva proposta.

Madankollu, emendi oħrajn mhumiex riflessi fil-pożizzjoni komuni minħabba li l-Kunsill qabel li ma kinux metieġa u/jew aċċettabbli.

2.   Dispożizzjonijiet ġenerali (Titolu, Kapitolu I)

Il-pożizzjoni komuni hija konsistenti ma' l-Emenda I, li tbiddel it-titolu tad-Direttiva. Peress li r-referenza għall-kisba ta' l-objettivi ambjentali mniżżla fil-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti hija koperta mill-bażi legali tad-Direttiva, l-Emenda 26 ġiet aċċettata parzjalment. Il-pożizzjoni komuni m'hix allinjata ma' l-Emenda 27 li tkun tillimita l-applikazzjoni tad-Direttiva għal kawżi speċifiċi ta' l-għargħar. Il-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u l-attività ekonomika huma msemmija wkoll fid-definizzjoni tar-riskju ta' l-għargħar. Il-Kunsill, madankollu, iżid lista mhux eżawrjenti ta' tipi ta' għargħar u l-possibbiltà li jiġu esklużi għargħar mis-sistemi tad-drenaġġ. L-Emendi 28 u 29 ġew aċċettati parzjalment u fis-sħiħ, rispettivament.

L-Emenda 30 dwar l-użu ta' awtoritajiet kompetenti oħrajn ġiet aċċettata fis-sħiħ. Barra minn hekk, ġiet introdotta l-possibbiltà li jintużaw unitajiet ta' maniġġar differenti minn dawk assenjati skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/60/KE.

3.   Valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar (Kapitolu II)

L-Emendi 32 u 33 ġew aċċettati fis-sħiħ. L-Artikolu 4 kien simplifikat biex inaqqas il-piż amministrattiv tal-valutazzjonijiet preliminari tar-riskju ta' għargħar u, konsegwentement, l-Emendi 34 u 36 ma ġewx aċċettati. Madankollu, il-valutazzjoni ta' l-effettività ta' l-infrastruttura eżistenti għall-ħarsien mill-għargħar kif imsemmi fl-Emenda 36 tifforma parti impliċita ta' kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju ta' għargħar. Saret ukoll distinzjoni bejn għargħar ta' l-imgħoddi u dawk futuri. Fl-Artikolu 4(2)(d), il-Kunsill għamel fakultattiv għall-Istati Membri li jieħdu kont ta' għargħar futuri.

Il-Kunsill ħassar l-Artikolu 5(1)(a) tal-proposta oriġinali li tirreferi għaliha l-Emenda 38 bil-għan li jissimplifika u jirrazzjonalizza t-test. L-Emenda 39 ġiet aċċettata fl-ispirtu. L-Emenda 40 ġiet inkorporata fl-Artikolu 4.

4.   Mapep tal-perikolu ta' għargħar u mapep tar-riskju ta' għargħar (Kapitolu III)

Il-kwistjoni ta' sussidji tmur lil hinn mill-ambitu ta' din id-Direttiva u l-Emenda 85 għalhekk ma ġietx aċċettata. L-Emendi 42 u 43 ġew rifjutati minħabba li kienu żejda. L-Emendi 44, 46 u 48 huma koperti bl-Artikolu 6(5)(d), li jħalliha f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar informazzjoni oħra li għandha tiġi inkluża fil-mapep tar-riskju ta' għargħar. L-Artikolu 7(3) huwa konsistenti wkoll ma' l-Emenda 48. L-Emenda 45 hija żejda peress li l-formulazzjoni fil-pożizzjoni komuni nbidlet. L-Emenda 47 ġiet irrifjutata peress li mhux fattibbli li ssir distinzjoni bejn u li jkun hemm immappjar ta' kawżi speċifiċi ta' għargħar, u l-Emenda 49 ġiet inkorporata parzjalment.

L-Emendi 50 u 51 ma kinux aċċettabbli minħabba li jżidu saffi żejda mal-proċess tal-valutazzjoni u l-karatterizzazzjoni tar-riskju. L-Emenda 52 ġiet aċċettata fl-Artikolu 6(5)(d).

5.   Pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar (Kapitolu IV, Anness)

Il-parti ta' l-Emendi 35 u 60 li kkonċernat konsiderazzjonijiet ta' kost u benifiċċju ġiet inkorporata fl-Artikolu 7(3). L-Emenda 53 ma ġietx aċċettata, peress li mhux meħtieġ li ssir referenza espliċita għal Direttivi oħra li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw magħhom. L-Artikolu 7(3) huwa konsistenti ma' l-Emenda 54 fir-rigward ta' pjanuri ta' l-għargħar u rotot ta' mogħdija ta' l-għargħar. L-Emenda 56 ġiet inkorporata safejn tirrelata mal-prinċipju ta' solidarjetà u l-Emenda 57 ġiet aċċettata parzjalment fir-rigward ta' miżuri mhux strutturali u safejn il-pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar m'għandhomx jinkludu miżuri li jistgħu jżidu r-riskju ta' għargħar 'il fuq u 'l isfel ta' pajjiżi oħra (Artikolu 7(4)).

L-Emenda 58 ma kinitx aċċettabli peress li l-Kunsill ma xtaqx jenfasizza r-reviżjoni ta' każijiet ta' għargħar. L-Emenda 59 ġiet aċċettata fil-prinċipju fl-Anness. L-Emenda 61 ġiet aċċettata parzjalment u fil-prinċipju fir-rigward tal-prinċipju ta' solidarjetà. L-Emenda 62 ma ġietx aċċettata sabiex il-prinċipju ta' solidarjetà jinżamm suffiċjentement ġenerali biżżejjed. L-Emenda 63 ma ġietx aċċettata peress li l-proċedura ta' koordinazzjoni ssuġġerita ma kinitx aċċettata u ċertu partijiet ta' l-emenda ma kinux meħtieġa.

L-Emendi 64 u 65 ġew aċċettati parzjalment u fil-prinċipju fir-rigward ta' koordinazzjoni għall-baċin tax-xmara kollu. L-Emenda 66 ġiet aċċettata fis-sħiħ iżda b'formulazzjoni differenti, b'riproduzzjoni tat-test mid-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Iż-żewġ voti separati ġew irrifjutati peress li l-Kunsill ried iżomm il-koordinazzjoni fakultattiva. L-Emenda 68 ġiet aċċettata fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni billi saret referenza għall-parteċipazzjoni pubblika fl-Artikolu 10(1). L-Emenda 69 ġiet irrifjutata minħabba li l-involviment tal-pubbliku kien diġà kopert fl-Artikolu 10. Il-pożizzjoni komuni ma tinkludix dettalji dwar miżuri ta' tħejjija u għalhekk m'hix konsistenti ma' l-Emendi 69 u 70. L-Emenda 72 ġiet irrifjutata minħabba li m'hix xierqa fil-kuntest ta' rapportar ta' ħtiġiet.

L-Emenda 74 ġiet irrifjutata. Il-Kunsill jemmen li l-Artikolu 7(3) diġà pprovda r-rabta bejn din id-Direttiva u d-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddefinixxu l-miżuri mmirati lejn it-tnaqqis ta' konsegwenzi avversi potenzjali ta' l-għargħar. L-Emenda 75 ġiet irrifjutata peress li t-terminoloġija hija inkonsistenti ma' l-Artikoli 7(2) u 7(3). L-Emenda 86 ġiet aċċettata.

6.   Miżuri transitorji (Kapitolu VII)

Il-pożizzjoni komuni tibni fuq ħidma eżistenti fuq livelli nazzjonali u reġjonali, jiġifieri mapep tal-perikolu ta' għargħar, mapep tar-riskju ta' għargħar u pjanijiet ta' maniġġar. L-Artikolu 13 jaċċetta, parzjalment u/jew fil-prinċipju, l-Emendi 31, 37, 41, 55 u 71.

7.   Oħrajn

Fil-preambolu, il-pożizzjoni komuni taċċetta parzjalment jew fil-prinċipju l-Emendi 2, 12, 16, 17, 24 u 25 tal-Parlament Ewropew. Il-pożizzjoni komuni mhix konsistenti ma' l-Emenda 4 peress li l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar tqis għargħar li seħħ fl-imgħoddi u n-nuqqas ta' strateġiji tradizzjonali għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar. L-Emenda 5 m'għandhiex postha f'din id-Direttiva peress li tirreferi għal koordinazzjoni fl-Istati Membri u għal kif l-awtoritajiet jikkoordinaw internament. L-Emenda 9 kienet irrifjutata minħabba li m'hix meħtieġa: hija tespandi l-Premessa 19 u tirriproduċi partijiet mit-test mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill. L-Emenda 23 kienet irrifjutata wkoll peress li hija bidla editorjali għall-Premessa 19. L-Emenda 13 kienet irrifjutata peress li ma tirriflettix dispożizzjoni fl-artikoli. Peress li l-kunċett ta' valutazzjoni preliminari tar-riskju kien simplifikat, l-Emendi 15 u 18 ma kinux aċċettabbli. L-Emendi 19 u 21 imorru lil hinn mill-ambitu ta' din id-Direttiva. Billi l-pożizzjoni komuni hija bbażata fuq il-prinċipji ta' sussidjarjetà u solidarjetà, l-Emenda 20 ġiet aċċettata parzjalment. L-Emenda 22 diġà kienet koperta mill-Premessa 17, u għalhekk, ġiet irrifjutata.

Referenzi għall-bidla fil-klima (l-Emendi 7, 9, 10 u 38 huma koperti parzjalment mill-Premessi 2 u 5 u mill-Artikolu 4(2)(d). L-obbligu li jittieħed kont tal-bidla fil-klima jibda fl-2018, għalhekk l-Emenda 73 ma kinitx aċċettabbli.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiegħu fil-biċċa l-kbira tieħu kont ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Hija tirrappreżenta soluzzjoni bilanċjata u realistika bil-għan li jitnaqqsu l-konsegwenzi ta' għargħar fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiġi żgurata rabta mill-qrib ma' l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa diskussjoni kostruttiva mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' l-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.


19.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/21


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 34/2006

adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Diċembru 2006

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva 2006/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti mballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE

(2006/C 311 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta' Diċembru 1974 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-prekondizzjonament bil-volum ta' ċerti likwidi f'imballaġġ minn qabel (3) u 80/232/KEE tal-15 ta' Jannar 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta mal-firxa ta' kwantitajiet nominali u kapaċitajiet nominali permessi għal ċerti prodotti f'imballaġġ minn qabel (4) jistabbilixxu kwantitajiet nominali għal numru ta' prodotti likwidi jew mhux likwidi ppakkjati minn qabel, bil-għan li jiġi sgurat il-moviment liberu ta' prodotti skond il-ħtiġiet ta' dawk id-Direttivi. Għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, il-kwantitajiet nominali nazzjonali huma permessi jeżistu flimkien mal-kwantitajiet nominali Komunitarji. Għal ċerti prodotti, madankollu, il-kwantitajiet nominali Komunitarji huma stabbiliti bl-esklużjoni ta' kwalunkwe kwantita nominali nazzjonali.

2.

Il-bidliet fil-preferenzi tal-konsumaturi u l-innovazzjoni f'imballaġġ minn qabel u l-bejgħ bl-imnut fil-livell Komunitarju u nazzjonali jeħtieġu evalwazzjoni ta' kemm għadha adatta l-leġislazzjoni eżistenti.

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Ottubru 2000, fil-kawża C-3/99, Cidrerie-Ruwet (5) li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu l-kummerċ ta' mballaġġi minn qabel li għandhom volum nominali mhux inkluż fil-kategorija (range) tal-Komunità, li huma manifatturati u kummerċjalizzati skond il-liġi fi Stat Membru ieħor, sakemm tali projbizzjoni hija maħsuba sabiex tissodisfa rekwiżit aktar importanti relatat mal-protezzjoni tal-konsumatur, tapplika mingħajr distinzjoni għal prodotti nazzjonali u importati bl-istess mod, hija meħtieġa sabiex tintlaħaq il-ħtieġa in kwistjoni u hija proporzjonali ma' l-objettiv segwit, u dak l-objettiv ma jistax jintlaħaq permezz ta' miżuri li huma anqas restrittivi għall-kummerċ intra-Komunitarju.

4.

Il-protezzjoni tal-konsumatur hija ffaċilitata minn direttivi li ġew adottati wara d-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE, b' mod partikolari d-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi (6).

5.

Valutazzjoni ta' l-impatt, li tinkludi konsultazzjoni wiesa' mal-partijiet interessati kollha, indikat li, f'ħafna setturi, kwantitajiet nominali ħielsa jżidu l-libertà tal-produtturi li jipprovdu merkanzija skond il-gosti tal-konsumaturi u jtejbu l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kwalità u l-prezz fis-suq intern. Madankollu, f'setturi oħrajn, huwa aktar xieraq, fl-interessi tal-konsumaturi u n-negozju, li għalissa jinżammu l-kwantitajiet nominali mandatorji.

6.

L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tiġi akkumpanjata b'iktar informazzjoni għall-konsumaturi u l-industrija biex jitjieb il-fehim ta' l-ipprezzar unitarju.

7.

Konsegwentement, il-kwantitajiet nominali ġeneralment m'għandhomx ikunu soġġetti għar-regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju jew nazzjonali, u għandu jkun possibbli li l-prodotti mballati minn qabel jitpoġġew fis-suq fi kwalunkwe kwantità nominali.

8.

Madankollu, f'ċerti setturi, tali deregolamentazzjoni tista' tirriżulta fi spejjeż sproporzjonalment għolja u żejda, speċjalment għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Għalhekk, għal dawk is-setturi, il-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti għandha tkun addattata fid-dawl ta' l-esperjenza, b'mod partikolari sabiex tiżgura li l-kwantitajiet nominali Komunitarji huma ffissatti għall-inqas fil-każ ta' dawk il-prodotti l-aktar mibjugħa lill-konsumaturi.

9.

Minħabba li ż-żamma tal-kwantitajiet nominali mandatorji għandha titqies bħala deroga, din għanda tkun evalwata mill-ġdid perjodikament fid-dawl ta' l-esperjenza u sabiex tilħaq il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi. Għal dawn is-setturi, il-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti għandha tiġi addattata, b' mod partikolari sabiex tillimita l-kwantitajiet nominali Komunitarji iffissati biss għal dawk l-aktar mibjugħa lill-konsumaturi.

10.

Sabiex tiġi promossa t-trasparenza, il-kwantitajiet nominali kollha għall-prodotti mballati minn qabel għandhom jiġu stabbiliti f'test leġislattiv uniku, u b' konsegwenza d-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE għandhom jiġu mħassra.

11.

Sabiex tiżdied il-protezzjoni għall-konsumaturi, b'mod partikolari l-konsumaturi vulnerabbli, bħal ma huma dawk b'diżabilità u l-anzjani, għandha tingħata attenzjoni xierqa għall-indikazzjonijiet ta' piż u volum fuq it-tikkettjar tal-prodott għall-konsumatur biex dawn ikunu jistgħu jinqraw b'mod iktar faċli u iktar viżibbli fuq l-imballaġġ minn qabel fil-kondizzjonijiet normali ta' preżentazzjoni.

12.

Għal ċerti prodotti likwidi, id-Direttiva 75/106/KEE tistabbilixxi ħtiġiet metroloġiċi identiċi għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE ta' l-20 ta' Jannar 1976 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-prekondizzjonament bil-piż jew bil-volum ta' ċerti prodotti f'imballaġġ minn qabel (7). Id-Direttiva 76/211/KEE għandha għalhekk tiġi emendata sabiex tinkludi fil-kamp ta'applikazzjoni tagħha l-prodotti li bħalissa huma koperti mid-Direttiva 75/106/KEE.

13.

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

14.

Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba li jirrevokaw il-kategoriji (ranges) tal-Komunità u jiżguraw kwantitajiet nominali Komunitarji uniformi fejn meħtieġ, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-kwantitajiet nominali għal prodotti mqiegħda f'imballaġġi minn qabel. Għandha tapplika għal prodotti mballati minn qabel u mballaġġi minn qabel, kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/211/KEE.

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal prodotti elenkati fl-Anness li huma mibjugħa fil-ħwienet mingħajr dazju għall-konsum barra l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Moviment Liberu tal-Merkanzija

1.   Ħlief kif previst fl-Artikoli 3 u 4, l-Istati Membri ma jistgħux, abbażi ta' raġunijiet marbuta mal-kwantitajiet nominali ta' l-imballaġġ, jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti mballati minn qabel.

2.   Filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ddikjarati fit-Trattat u, b'mod partikolari, il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Istati Membri li fil-preżent jippreskrivu kwantitajiet nominali mandatorji għal ħalib, butir, għaġin mhux frisk (dried pasta) u kafè jistgħu jkomplu jagħmlu dan sal-… (9).

Stati Membri li fil-preżent jippreskrivu kwantitajiet nominali mandatorji għaz-zokkor abjad jistgħu jkomplu jagħmlu dan sal- … (10).

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Artikolu 3

It-tqegħid fis-suq u l-moviment liberu ta' ċerti prodotti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti mniżżla fil-punt 2 ta' l-Anness u mħejjija f'imballaġġi minn qabel fil-meded elenkati fil-punt 1 ta' l-Anness huma mqiegħda fis-suq biss jekk huma mballati minn qabel fil-kwantitajiet nominali elenkati fil-punti 1 ta' l-Anness.

Artikolu 4

Aerosol dispensers

1.   L-aerosol dispensers għandhom jindikaw il-kapaċità totali nominali tal-kontenitur. L-indikazzjoni għandha tkun b'tali mod li ma toħloqx konfużjoni mal-volum nominali tal-kontenut.

2.   B'deroga mill-Artikolu 8 (1) (e) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE ta' l-20 ta' Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati ma' l-aerosol dispensers (11), prodotti li jinbiegħu f' aerosol dispensers m'hemmx għalfejn ikunu mmarkati bil-piż nominali tal-kontenut tagħhom.

Artikolu 5

Multipacks u mballaġġ minn qabel magħmul minn pakketti individwali li mhux intiżi li jinbiegħu separatament

1.   Għall-finijiet ta' l-Artikolu 3, meta żewġ imballaġġi minn qabel jew aktar individwali jikkostitwixxu mballaġġ multiplu (multi-pack), il-kwantitajiet nominali elenkati fil-punt 1 ta l-Anness għandhom japplikaw għal kull imballaġġ minn qabel individwali.

2.   Meta mballaġġ minn qabel huwa kompost minn żewġ imballaġġi individwali jew aktar li m'humiex intiżi għall-bejgħ separat, il-kwantitajiet nominali elenkati fil-punt 1 ta' l-Anness għandhom japplikaw għall-imballaġġ minn qabel.

KAPITOLU III

TĦASSIR, EMENDI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Tħassir

Id-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE għandhom jitħassru.

Artikolu 7

Emenda

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/211/KEE, il-kliem “ħlief dawk imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 75/106/KEE tad-19 ta' Diċembru ta' l-1974 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw il-preparazzjoni permezz ta' volum ta' ċerti likwidi f'imballaġġ minn qabel, u” għandha tiġi mħassra.

Artikolu 8

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw mhux aktar tard minn … (12), il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw b' dan lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn (13).

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 9

Rapportar, komunikazzjoni ta' derogi u monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa mhux aktar tard mill-… (14), u wara dan, kull għaxar snin. Fejn meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel … (13) is-setturi soġġetti għad-deroga msemmija f' dak il-paragrafu u l-perijodu ta' tali deroga, il-firxa ta' kwantitajiet nominali mandatorji applikati u l-intervall ikkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(2) abbażi tas-sejbiet tagħha stess u tar-rapporti mill-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 2, 6 u 7 għandhom japplikaw minn … (13).

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 36.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-… (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 42, 15.2.1975, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(4)  ĠU L 51, 25.2.1980, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 87/356/KEE (ĠU L 192, 11.7.1987, p. 48).

(5)  [2000] ECR I-8749

(6)  ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27.

(7)  ĠU L 46 21.2.1976, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 78/891/KEE (ĠU L 311, 4.11.1978, p. 21).

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(9)  Daħħlu id-data 60 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(10)  Daħħlu id-data 72 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(11)  ĠU L 147, 9.6.1975, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

(12)  Daħħlu d-data 12-il-xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(13)  Daħħlu d-data 18-il-xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(14)  Daħħlu d-data 8 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS

KATEGORIJI (RANGES) TA' KWANTITAJIET NOMINALI TAL-KONTENUTI TA' L-IMBALLAĠĠI MINN QABEL

1.   Prodotti mibjugħa b'volum (Kwantità f' ml)

Inbid bla gass

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500 ml it-8 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 100 — 187— 250 — 375 — 500 — 750 — 1 000 — 1 500

Inbid isfar

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500 ml il-kwantita' nominali li ġejja biss:

ml: 620

Inbid bil-Gass

Fil-medda bejn 125 ml sa 1 500 ml il-5 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 125 — 200 — 375 — 750 — 1 500

Inbid likoruż

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500 ml is-7 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

Ml: 100 — 200 — 375 — 500 — 750 — 1 000 — 1 500

Inbid aromatizzat

Fil-medda bejn 100 ml sa 1 500 ml is-7 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 100 — 200 — 375 — 500 — 750 — 1 000 — 1 500

Xorb Spirituż

Fil-medda bejn 100 ml sa 2 000 ml id-9 kwantitajiet nominali li ġejjin biss:

ml: 100 — 200 — 350 — 500 — 700 — 1 000 — 1 500 — 1 750 — 2 000

2.   Definizzjonijiet tal-prodotti

Inbid bla gass

Inbid kif definit fl-Artikolu 1 (2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (1) (intestatura tat-Tariffa Doganali Komuni(CCT): kodiċi NM ex 2204).

Inbid isfar

Inbid kif definit fl-Artikolu 1 (2) b tar-Regolament tal-Kunsill 1493/1999 (intestatura CCT: kodiċi NM ex 2204) b'denominazzjonijiet ta' l-oriġini: “Côtes du Jura”, “Arbois”, “L'Etoile” u “Château-Chalon” fi fliexken kif definiti fl-Anness I punt 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta' April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta' l-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur ta' l-inbid (2)

Inbid bil-Gass

Inbid kif definit fl-Artikolu 1 (2) (b) u fl-Anness I punti 15, 16, 17 u 18 tar-Regolament 1493/1999 (sub-intestatura CCT 2204 10)

Inbid likoruż

Inbid kif definit fl-Artikolu 1 (2) (b) u fl-Anness I punt 14 tar-Regolament tal-Kunsill 1493/1999 (sub-intestatura CCT 2204 21 — 2204 29)

Inbid aromatizzat

Inbid aromatizzat kif definit fl-Artikolu 2(1) (a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' inbid aromatizzat, ta' xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti ta' l-inbid (3) (Intestatura CCT 2205)

Spirti

Spirti kif definiti fl-Artikolu 1 (2) tar-Regolament tal-Kunsill 1576/89 tad-29 ta' Mejju 1989 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' xorb spirituż (4) (Intestatura CCT 2208)


(1)  ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2165/2005 (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 1).

(2)  ĠU L 118, 4.5.2002 p. 1 Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1507/2006 (ĠU L 280, 12.10.2006, p. 9).

(3)  ĠU L 149, 14.6.1991 p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(4)  ĠU L 160, 12.6.1989 p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   IINTRODUZZJONI

Fit-2 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew proposta (1) għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti f'imballaġġ minn qabel, li tirrevoka d-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE bbażata fuq l-Artikolu 95 tat-Trattat.

1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-Opinjoni tiegħu fis-6 ta' April 2005 (2).

2.

L-Opinjoni ta' l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew ġiet adottata fit-2 ta' Frar 2006 (3).

3.

Il-Kummissjoni adottat il-proposta emendata tagħha fl-4 ta' April 2006.

4.

Fis-26 ta' April 2006 l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta emendata tagħha (4).

5.

Fil-25 ta' Settembru 2006, il-Kunsill (Kompetittività) laħaq qbil politiku dwar test ta' kompromess bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni tiegħu.

6.

Fl-4 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE.

II.   OBJETTIVI

Id-Direttiva proposta timmira li tirrevoka d-Direttivi 75/106/KEE u 80/232/KEE, sabiex tabolixxi l-kwantitajiet nominali tad-daqsijiet tal-pakketti għall-parti l-kbira tas-setturi, sabiex iżżomm kwantitajiet nominali obbligatorji għal numru limitat ħafna ta' setturi u tinkludihom fi strument leġislattiv uniku. L-element prinċipali tad-Direttiva proposta huwa li tidderegola, minħabba li konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati uriet li bosta argumenti huma favur il-liberalizzazzjoni tal-kwantitajiet nominali.

III.   POŻIZZJONI KOMUNI

Il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill parzjalment tirrifletti l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Xi wħud mill-emendi tal-Parlament kienu diġà inkorporati fil-proposta emendata tal-Kummissjoni.

Numru ta' emendi tal-Parlament kienu riflessi b'mod sħiħ jew parzjalment fil-pożizzjoni komuni.

Il-modifiki kollha għall-proposta emendata tal-Kummissjoni introdotti mill-Kunsill fil-pożizzjoni komuni tiegħu kienu aċċettati mill-Kummissjoni.

Lal-Kunsill u l-anqas il-Kummissjoni ma setgħu, madankollu, jaċċettaw l-emendi tal-Parlament Ewropew biex ikunu armonizzati d-daqsijiet f'setturi fejn dan mhuwiex il-każ bħalissa, jiġifieri l-ħalib, il-butir, il-kafè, l-għaġin, ir-ross u z-zokkor ismar.

Analiżi dettaljata tal-Pożizzjoni Komuni

Il-Kunsill aċċetta bis-sħiħ l-emendi 1,2, 4, 5, 8, 10 sa 12, 14 u fil-prinċipju l-emendi 3, 6, 7, 13, 16, għalkemm xi daqsxejn irriformulati.

Il-Kunsill ma jikkonsidrax li s-setturi tal-ħalib, tal-butir, tal-kafè, ta' l-għaġin, tar-ross u taz-zokkor ismar, li attwalment m'għandhomx daqsijiet mandatorji armonizzati, jeħtieġu firxa ta' kwantitajiet nominali tal-KE.

Il-Kunsill intorduċa, fl-Artikolu 2 (2), perijodu transitorju ta' ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, li matulu d-daqsijiet nazzjonali li jeżistu attwalment jistgħu jinżammu għall-produzzjoni interna tal-ħalib, butir, kafè, għaġin niexef u ross kif ukoll għal perijodu ta' sitt snin għaz-zokkor abjad.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkonsidra li l-pożizzjoni komuni tiegħu hija konformi ma' l-objettivi oriġinali tad-Direttiva proposta.


(1)  ĠU …

(2)  ĠU …

(3)  ĠU …

(4)  ĠU …