3.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 235/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi Baxxi) fis-7 ta’ Marzu 2023 – X vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-137/23, Alsen (1))

(2023/C 235/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni fiskali prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika għall-prodotti ta’ enerġija li dwarhom huwa stabbilit li jintużaw għall-propulsjoni tal-bastimenti fin-navigazzjoni fl-ilmijiet interni tal-Unjoni Ewropea, anki meta l-prodotti ta’ enerġija (f’dan il-każ iż-żejt tal-gass) matul dak l-użu ma jinkludux il-kontenut minimu meħtieġ tal-markatur Solvent Yellow 124, jekk l-awtoritajiet fiskali ma jkollhomx indizju wieħed jew iktar li l-proprjetarju jew l-operatur tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu abbord il-bastiment (il-kaptan) ikun involut fi frodi fiskali, f’abbuż jew f’evażjoni fiskali fir-rigward taż-żejt tal-gass miżmum?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fin-negattiv, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (3) tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta huwa stabbilit li t-tank tal-banker ta’ bastiment għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni jinkludi esklużivament żejt tal-gass li joriġina minn fornitur ta’ karburanti li, bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet fiskali, jista’ jirrilaxxa għall-konsum żejt li huwa eżentat mid-dazju tas-sisa, il-fatt biss li ż-żejt tal-gass ma jinkludix il-kontenut minimu meħtieġ ta’ markatur Solvent Tellow 124 ifisser li s-sisa tkun saret dovuta esklużivament mill-mument ta’ dan ir-rilaxx għall-konsum preċedenti skont l-Artikolu 7(2)(a) ta’ din id-Direttiva?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tingħata fin-negattiv u għalhekk l-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 2008/118/KE japplika wkoll fil-każ hawnhekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi li s-sisa li tkun saret dovuta skont dan l-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 2008/118/KE tinġabar skont l-Artikolu 8(1)(b) ta’ din id-direttiva mingħand il-kaptan li jżomm il-prodotti suġġetti għas-sisa, anki jekk din il-persuna ma kellha ebda raġuni sabiex tiddubita li ż-żejt tal-gass kien ġie kkunsinnat konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali b’eżenzjoni tad-dazju tas-sisa?

4)

Huwa rilevanti, għar-risposta għat-tielet domanda, li l-kaptan ma jeżerċitax il-funzjoni tiegħu bħala impjegat, iżda li huwa wkoll il-proprjetarju tal-bastiment?


(1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju, u ma jikkorrispondix ma’ isem reali ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.

(3)  ĠU 2009, L 9, p. 12.