2.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (l-Isvezja) fil-15 ta’ Frar 2023 – Parfümerie Akzente GmbH vs KTF Organisation AB

(Kawża C-88/23, Parfümerie Akzente)

(2023/C 155/46)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea Hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Parfümerie Akzente GmbH

Konvenut: KTF Organisation AB

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu (3)2 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikularment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (1) għandu, fid-dawl tar-regoli l-oħra tad-dritt tal-Unjoni u tal-effett utli tiegħu, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha r-regoli nazzjonali li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (2), ma għandhomx jiġu applikati meta l-fornitur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, minn fejn huwa jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u meta ma jkunux issodisfatti r-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ deroga li tirriżulta mir-regoli nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31?

2.

Il-qasam ikkoordinat, fis-sens tad-Direttiva 2000/31, jinkludi l-kummerċjalizzazzjoni fis-sit internet tal-bejjiegħ u l-bejgħ online ta’ prodott li huwa allegatament ittikkettat bi ksur tar-rekwiżiti applikabbli għall-prodott bħala tali fl-Istat Membru tal-konsumatur li jixtrih?

3.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ir-rekwiżiti imposti għall-kunsinna u għal prodott bħala tali huma madankollu, skont l-Artikolu 2(h)(ii) tad-Direttiva 2000/31, esklużi mill-qasam ikkordinat fis-sitwazzjoni fejn il-kunsinna tal-prodott bħala tali tikkostitwixxi parti neċessarja tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bejgħ online, jew inkella għandu jitqies li l-kunsinna tal-prodott bħala tali hija element anċillari u inseparabbli mill-kummerċjalizzazzjoni u mill-bejgħ online?

4.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni u tat-tielet domanda, x’importanza għandu, jekk ikun il-każ, il-fatt li r-rekwiżiti relatati mal-prodott bħala tali jirriżultaw minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw u jikkompletaw regoli tal-Unjoni speċifiċi għal settur, fosthom l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/324/KEE tal-20 ta’ Mejju 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-aerosol dispensers (3) u l-Artikolu 19(5) tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (4), u li jipprovdu li r-rekwiżiti relatati mal-prodott għandhom ikunu ssodisfatti sabiex dan ikun jista’ jitqiegħed fis-suq jew jiġi pprovdut lill-utenti finali fl-Istat Membru?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25. p. 399.

(2)  ĠU 2006, L 114, p. 86.

(3)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 192.

(4)  ĠU 2009, L 342, p. 59, rettifiki fil-ĠU 2017, L 191, p. 12, fil-ĠU 2021, L 129, p. 162 u fil-ĠU 2021, L 224, p. 43.