10.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen Sad – Veliko Tarnovo (il-Bulgarija) fit-12 ta’ Lulju 2022 – “V.B. Trade” OOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

(Kawża C-466/22)

(2022/C 389/07)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen Sad – Veliko Tarnovo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:“V.B. Trade” OOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” – Veliko Tarnovo pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite

Domandi preliminari

1)

L-espressjoni “effett legali [ta’ firma elettronika] […] bħala evidenza”, li tintuża fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), għandha tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lill-qrati tal-Istati Membri jirrikonoxxu li, kemm-il darba l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 10, 11 u 12 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament ikunu ssodisfatti jew ma jkunux ikkontestati, l-eżistenza u l-kwalità tal-awtur invokat ta’ din il-firma għandhom jitqiesu a priori li huma lil hinn minn kull dubju u huma stabbiliti b’mod mhux ikkontestat u għandha tiġi interpretata fis-sens li, kemm-il darba l-kundizzjonijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ssodisfatti, il-qrati tal-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ valur probatorju/saħħa probatorja tal-firma elettronika kkwalifikata li huma ekwivalenti għal dawk tal-firma bl-idejn fil-limitu biss ta’ dak li jipprevedu r-regoli legali nazzjonali rilevanti fir-rigward ta’ din il-firma bl-idejn?

2)

L-espressjoni “ma għandhiex tiġi miċħuda […] fi proċedimenti legali”, li tintuża fl-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament, għandha tiġi interpretata fis-sens li tistabbilixxi projbizzjoni assoluta fuq il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li jużaw il-possibbiltajiet proċedurali previsti fis-sistemi ġuridiċi tagħhom sabiex tiġi kkontestata l-portata probatorja tal-effett legali tal-firma elettronika prevista fl-istess regolament, jew għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix ostakolu għall-kontestazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fil-punti 10, 11 u 12 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, fejn il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jużaw l-istrumenti applikabbli skont il-liġijiet proċedurali nazzjonali tagħhom, b’tali mod li l-partijiet f’tilwima mressqa quddiem qorti jkunu jistgħu jikkontestaw is-saħħa probatorja u l-valur probatorju tal-firma elettronika?


(1)  ĠU 2014, L 257, p. 73.