19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/28


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Lussemburgu) fid-9 ta’ Ġunju 2022 – CM vs DN

(Kawża C-372/22)

(2022/C 359/31)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal d’arrondissement de Luxembourg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: CM

Konvenut: DN

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (1), japplika:

a.

fir-rigward ta’ talba għall-modifika tad-drittijiet ta’ aċċess fis-sens tal-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, imressqa mid-detentur tal-imsemmija drittijiet ta’ aċċess skont deċiżjoni ġudizzjarja li għandha effett differit motivata bl-interessi tat-tfal, iżda li saret definittiva u li għandha saħħa ta’ res judicata, mogħtija fl-Istat tar-residenza abitwali preċedenti tat-tfal iktar minn erba’ xhur qabel it-tressiq tat-talba quddiem il-qorti skont l-Artikolu 9(1),

b.

u dan b’mod esklużiv, bl-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament,

minkejja li l-premessa 12 tal-imsemmi regolament tispeċifika li “ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija [;d]an ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri […]”?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ġurisdizzjoni hekk eżistenti skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, prevista “skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8” tal-imsemmi regolament, tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-istess regolament, previst “b’mod ta’ eċċezzjoni” u “fejn dan huwa fl-aħjar interessi għall-minuri”?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63.