SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 5 – Traduzzjoni tal-att – Teħid ta’ responsabbiltà mir-rikorrent għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni – Kunċett ta’ ‘rikorrent’ – Komunikazzjoni, fuq l-inizjattiva tal-qorti adita, ta’ atti ġudizzjarji għall-attenzjoni tal-intervenjenti fil-kawża”

Fil-Kawża C‑196/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Ilfov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Ilfov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

SR

vs

EW,

fil-preżenza ta’:

FB,

CX,

IK,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EW, minn S. Dumitrescu, avocată,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, L.‑E. Baţagoi u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u N. Vincent, bħala aġenti,

għall-Gvernn Ungeriż minn Z. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SR u EW fir-rigward ix-xoljiment taż-żwieġ tagħhom b’kunsens reċiproku kif ukoll dwar l-attribuzzjoni u l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild minuri tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 2 sa 4 tar-Regolament Nru 1393/2007:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għan-notifika bejn l-Istati Membri.

(3)

Il-Kunsill, permezz ta’ Att datat is-26 ta’ Mejju 1997, fassal Konvenzjoni dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ta’ dokumenti [atti] ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali u rrakkomanda lill-Istati Membri biex jadottawha skont ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Din il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Il-kontinwità fir-riżultati tan-negozjati għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni għandha tkun żgurata.

(4)

Fid-29 ta’ Mejju 2000 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1348/2000 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227] Il-kontenut prinċipali ta’ dak ir-Regolament huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddikjara:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘aġenżiji mittenti’, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti [atti] ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘aġenżiji riċeventi’, kompetenti biex jirċievu dokumenti [atti] ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor.

[…]”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-aġenzija mittenti għandha tavża lill-applikant [rikorrent] li jkun għaddielha d-dokument [l-att] għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.   L-applikant [ir-rikorrent] għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument [l-att], bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.”

6

L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument [l-att] maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju;

(b)

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.”

Id-dritt Rumen

7

L-Artikolu 61 tal-Legea nr. 134/2010 privind Codul de procedură civilă (il-Liġi Nru 134/2010, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tal‑1 ta’ Lulju 2010 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 247 tal‑10 ta’ April 2015), jipprovdi:

“1.   Kull min ikollu interess jista’ jintervjeni fi proċedura bejn il-partijiet inizjali.

[…]

3.   L-intervent huwa anċillari meta dan isostni biss id-difiża ta’ waħda mill-partijiet.”

8

L-Artikolu 64 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Il-Qorti għandha tinnotifika lill-partijiet it-talba għal intervent u l-kopji tal-atti annessi magħha.

2.   Wara li tkun semgħet l-intervenjent u lill-partijiet, il-Qorti tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-intervent permezz ta’ digriet motivat.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

SR u EW huma, rispettivament, l-omm u l-missier ta’ wild minuri.

10

F’data mhux speċifikata fid-deċiżjoni tar-rinviju, SR u EW ressqu, kull wieħed minnhom, quddiem il-Judecătoria Buftea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Buftea, ir-Rumanija), talba intiża biex jiksbu x-xoljiment taż-żwieġ tagħhom kif ukoll biex tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-wild tagħhom u biex jiġu ddefiniti l-modalitajiet għall-eżerċizzju tagħha.

11

Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2016, din il-qorti ddikjarat ix-xoljiment taż-żwieġ bejn SR u EW b’kunsens reċiproku. Hija stabbilixxiet ukoll ir-residenza tal-wild fid-dar tal-omm u ddeċidiet li l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata konġuntament miż-żewġ ġenituri, billi tiżgura ż-żamma tar-rabtiet personali bejn il-missier u l-wild konformement ma’ pjan ta’ żjarat. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkundannat lil EW iħallas pensjoni ta’ manteniment favur il-wild.

12

Kemm EW kif ukoll SR appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunalul Ilfov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Ilfov, ir-Rumanija).

13

EW jitlob, prinċipalment, l-annullament tal-imsemmija sentenza minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti u, sussidjarjament, ir-riforma parzjali tagħha f’dak li jirrigwarda l-post ta’ residenza tal-wild u l-ħlas ta’ pensjoni ta’ manteniment għal dan tal-aħħar.

14

SR titlob li tikseb l-eżerċizzju esklużiv tal-awtorità tal-ġenituri, it-tneħħija tal-pjan ta’ żjarat stabbilit favur EW, il-bidla tal-ammont tal-pensjoni ta’ manteniment imposta fuq dan tal-aħħar, kif ukoll tqassim ġdid tal-ispejjeż.

15

Fil-5 ta’ Lulju 2018, FB, CX u IK, li huma, rispettivament, ħu, oħt u n-nannu patern tal-wild, talbu li jintervjenu insostenn ta’ EW. Dawn l-intervenjenti jirrisjedu fi Franza.

16

Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Settembru 2020, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, sabiex tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet għal intervent, li SR u EW kienu obbligati jiżguraw it-traduzzjoni bil-lingwa Franċiża taċ-ċitazzjonijiet maħruġa minn din il-qorti bil-għan tan-notifika tagħhom lil FB, lil CX u lil IK, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007.

17

SR u EW irrifjutaw li jħallsu l-ispejjeż marbuta mat-traduzzjoni fil-lingwa Franċiża ta’ dawn l-atti proċedurali billi qiesu li hija l-qorti tar-rinviju li għandha ssostni l-ħlas tagħhom. Dawn il-partijiet isostnu li l-qorti tar-rinviju għandha titqies bħala r-“rikorrent”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007.

18

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kunċett ta’ “rikorrent”, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1393/2007, ma jistax jirreferi għal qorti. Fil-fatt, qorti tista’ taġixxi biss bħala aġenzija mittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, jew bħala aġenzija riċeventi, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tiegħu. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju taġixxi bħala aġenzija mittenti kompetenti biex tibgħat l-atti ġudizzjarji inkwistjoni għall-finijiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni fi Stat Membru ieħor, jiġifieri Franza.

19

Mill-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-kunċett ta’ “rikorrent”, l-istess bħal dak ta’ “destinatarju”, huma manifestament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi tal-kunċetti ta’ “aġenzija mittenti” u ta’ “aġenzija riċeventi”. Peress li fil-kawża prinċipali l-qorti tar-rinviju hija l-aġenzija mittenti, hija ma tistax għalhekk titqies li hija r-rikorrent.

20

Skont din il-qorti, ir-rikorrent, fis-sens tar-Regolament Nru 1393/2007, huwa l-persuna li ressqet it-talba u li għandha interess li ssir notifika konformement ma’ dan ir-regolament, sabiex il-proċedura ġudizzjarja tkun tista’ tiġi konkluża. F’dan il-każ, huma SR u EW li għandhom jitqiesu bħala tali, sa fejn kull waħda minn dawn il-partijiet appellat quddiem il-qorti tar-rinviju u għalhekk, bħala prinċipju, għandha interess li l-proċedura ta’ appell tkun tista’ tiġi konkluża.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Ilfov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Ilfov, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“Fil-każ li qorti tiddeċiedi u tordna t-taħrika tal-intervenjenti fi proċedura ċivili, “l-applikant [rikorrent]” fis-sens tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 1393/2007], huwa l-qorti tal-Istat Membru li tiddeċiedi li tħarrek lill-intervenjenti jew il-parti fil-kawża fil-proċeduri pendenti quddiem l-imsemmija qorti?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

22

Il-Gvern Rumen jikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, sa fejn id-deskrizzjoni tal-kuntest fattwali magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tippermettix li jsir magħruf jekk il-kwistjoni tan-neċessità li l-att proċedurali jiġi tradott u, konsegwentement, dik li jitħallsu l-ispejjeż marbuta miegħu, tqumx konkretament fil-kawża prinċipali.

23

B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk in-notifika taċ-ċitazzjonijiet lill-intervenjenti kinitx diġà seħħet u jekk dawn irrifjutawx li jirċevuhom minħabba li dawn ma kinux redatti b’lingwa li jifhmu jew li huma suppost jifhmu. Issa, jekk dan ma huwiex il-każ, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ipotetika u, konsegwentement, inammissibbli.

24

Dan il-gvern josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li, konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, hija l-aġenzija mittenti li għandha tiġbed l-attenzjoni tar-rikorrent dwar ir-riskju ta’ rifjut eventwali tad-destinatarju milli jaċċetta att li ma huwiex imfassal f’waħda mil-lingwi indikati fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, bis-saħħa tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 35), huwa r-rikorrent li għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li l-att inkwistjoni jiġi tradott, li fir-rigward tiegħu barra minn hekk għandu jsostni l-ispejjeż, konformement mal-Artikolu 5(2) tal-istess regolament.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Min-naħa l-oħra, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Reliantco Investments u Reliantco Investments Limassol Sucursala Bucureşti, C‑500/18, EU:C:2020:264, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni li tippermettilha tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt hemm lok li jiġi rrilevat li mill-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn EW jirriżulta li l-qorti tar-rinviju diġà nnotifikat atti proċedurali lill-intervenjenti, matul is-sena 2019, li dawn tal-aħħar, konformement mar-Regolament Nru 1393/2007, irrifjutaw li jirċievu minħabba li dawn l-atti kienu redatti bil-lingwa Rumena. Peress li ma kellhomx għarfien ta’ din il-lingwa, huma talbu li jirċievu l-imsemmija atti proċedurali tradotti bil-lingwa Franċiża.

28

Dawn il-punti ta’ fatt esposti minn EW jippermettu għalhekk li jiġi kkompletat, sa fejn ikun meħtieġ, il-kuntest fattwali ppreżentat mill-qorti tar-rinviju u, b’hekk, isostnu l-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tibbenefika d-domanda magħmula billi jiġi eskluż li din tista’ titqies li hija ipotetika.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

30

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti li tordna t-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji lil terzi li talbu li jintervjenu fil-proċedura għandhiex titqies bħala r-“rikorrent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent għandu jħallas l-ispejjeż eventwali ta’ traduzzjoni qabel ma jintbagħat l-att, bla ħsara għal deċiżjoni ulterjuri eventwali tal-qorti jew tal-awtorità kompetenti fuq it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas dawn l-ispejjeż.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “rikorrent”.

33

Fl-assenza ta’ tali definizzjoni, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament Nru 1393/2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 28, kif ukoll, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 1348/2000, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 45). L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni kuntestwali u storika tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn ir-rikorrent, li għandu jħallas l-ispejjeż eventwali ta’ traduzzjoni qabel it-trażmissjoni tal-att, u l-qorti jew l-awtorità kompetenti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini, li tista’ tadotta deċiżjoni eventwali sussegwenti dwar it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż.

35

Din id-distinzjoni bejn ir-rikorrent u l-qorti nazzjonali adita tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 1393/2007, b’mod partikolari mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 41 sa 43), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li hija l-qorti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini li għandha tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ natura sostantiva, peress li dawn iqiegħdu kontra xulxin lir-rikorrent u lid-destinatarju tal-att u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija qorti għandha tiżgura li d-drittijiet rispettivi tal-partijiet ikkonċernati, jiġifieri r-rikorrent u d-destinatarju, jiġu protetti b’mod ekwilibrat.

36

Distinzjoni simili tirriżulta mid-digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 75), li fih il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-possibbiltà li, qabel il-bidu tal-proċedura ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni tal-att, il-qorti adita jkollha tagħmel evalwazzjoni provviżorja inizjali fuq il-konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju sabiex tiddetermina, bi ftehim mar-rikorrent, jekk traduzzjoni tal-att hijiex meħtieġa jew le.

37

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jagħmel distinzjoni ekwivalenti għal dik imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, meta jipprovdi li r-rikorrent huwa avżat mill-aġenzija mittenti li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att trażmess jekk ma jkunx redatt f’waħda mil-lingwi indikati fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-aġenziji mittenti huma, skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, uffiċjali pubbliċi, awtoritajiet jew persuni oħra kompetenti biex jittrażmettu l-atti ġudizzjarji jew ekstraġudizzjarji għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni fi Stat Membru ieħor. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju taġixxi bħala aġenzija mittenti.

38

Barra minn hekk, mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1393/2007 jirriżulta li r-Regolament Nru 1348/2000, li ġie mħassar minn tal-ewwel, kien ibbażat, essenzjalment, fuq il-Konvenzjoni stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, adottat permezz ta’ att tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas‑26 ta’ Mejju 1997 (ĠU 1997, C 261, p. 1).

39

Ir-Rapport ta’ spjegazzjoni dwar din il-konvenzjoni (ĠU 1997, C 261, p. 26), li huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Tecom Mican u Arias Domínguez, C‑223/14, EU:C:2015:744, punt 40, kif ukoll, b’analoġija, fir-rigward tar-Regolament Nru 1348/2000, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 53), jissostanzja l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 fis-sens li l-ispejjeż ta’ traduzzjoni ta’ att ma jistgħux jiġu addebitati fuq il-qorti adita.

40

Fil-fatt, il-kummentarju dwar l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija konvenzjoni, li l-kliem tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007, li jinsab fl-imsemmi rapport ta’ spjegazzjoni, jippreċiża li “it-terminu ‘rikorrent’ jirreferi, fil-każijiet kollha, għall-parti kkonċernata bit-trażmissjoni tal-att. Konsegwentement, dan ma jistax ikun il-qorti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-interpretazzjoni kuntestwali u storika tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 jirriżulta li, meta qorti tordna t-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji lil terzi li jitolbu li jintervjenu fil-proċedura, din il-qorti ma tistax titqies li hija r-“rikorrent”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż eventwali ta’ traduzzjoni qabel it-trażmissjoni ta’ dawn l-atti.

42

Fit-tieni lok, din il-konstatazzjoni hija ssostanzjata mill-interpretazzjoni teleoloġika tar-Regolament Nru 1393/2007.

43

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża, fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, li dan tal-aħħar huwa intiż li jistabbilixxi, kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, mekkaniżmu ta’ notifika fi ħdan l-Unjoni tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali, fil-perspettiva tal-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern. B’hekk, bil-għan li tiġi mtejba l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji u li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-imsemmi regolament jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trażmissjoni diretta tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji bejn l-Istati Membri, li għandu bħala effett li jiġu ssemplifikati u aċċelerati l-proċeduri (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 4748).

44

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat b’mod li jiġi ggarantit, f’kull każ konkret, bilanċ ġust bejn l-interessi tar-rikorrent u dawk tad-destinatarju tal-att, permezz ta’ konċiljazzjoni tal-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ ħeffa fit-trażmissjoni tal-atti ta’ proċedura mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn l-atti (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 51).

45

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalkemm huwa essenzjali, minn naħa, li, sabiex id-destinatarju tal-att ikun jista’ effettivament jeżerċita d-dritt tiegħu li jiddefendi ruħu, id-dokument ikkonċernat jiġi redatt f’lingwa li jifhem, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma għandux iġarrab il-konsegwenzi negattivi ta’ rifjut purament dilatorju u manifestament abbużiv li jirċievi att mhux tradott, meta jiġi stabbilit li d-destinatarju tiegħu jifhem il-lingwa li biha dan l-att ikun redatt. Hija għaldaqstant il-qorti li quddiemha t-tilwima hija pendenti fl-Istat Membru ta’ oriġini li għandha tħares bl-aħjar mod possibbli l-interessi ta’ kull waħda mill-partijiet, b’mod partikolari, billi teżamina l-fatti u l-provi kollha konklużivi li juru konkretament il-konoxxenzi lingwistiċi tad-destinatarju (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑28 ta’ April 2016, Alta Realitat, C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 7879).

46

Issa, interpretazzjoni li skontha l-qorti adita fl-Istat Membru ta’ oriġini għandha titqies li hija r-rikorrent, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007, tmur kontra l-obbligu, ta’ din il-qorti, li tiggarantixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tar-rikorrent u dawk tad-destinatarju tal-att. Fil-fatt, l-osservanza ta’ tali obbligu timplika neċessarjament li l-awtorità li fuqha jistrieħ tinsab f’pożizzjoni ta’ imparzjalità fir-rigward tal-interessi tar-rikorrent u ta’ dawk tad-destinatarju. Minn dan isegwi li din l-awtorità ma tistax tiġi konfuża ma’ waħda mill-partijiet ikkonċernati, jiġifieri r-rikorrent.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tordna t-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji lil terzi li jitolbu jintervjenu fil-proċedura, din il-qorti ma tistax titqies li hija r-“rikorrent” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tordna t-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji lil terzi li jitolbu jintervjenu fil-proċedura, din il-qorti ma tistax titqies li hija r-“rikorrent” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.