SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Frar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Validità – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni ta’ talba għal divorzju – Artikolu 18 TFUE – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Il-ħames u s-sitt inċiż tal-Article 3(1)(a) – Differenza bejn it-tul ta’ perijodi ta’ residenza mitluba sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni – Distinzjoni bejn resident ċittadin tal-Istat Membru tal-qorti adita u resident mhux ċittadin tiegħu – Diskriminazzjoni minħabba n‑nazzjonalità – Assenza”

Fil-Kawża C‑522/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

OE

vs

VY,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, M. J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Balta u T. Haas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63) u dwar il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn eventwali invalidità ta’ din id-dispożizzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OE u l-konjuġi tiegħu VY dwar talba għax-xoljiment taż-żwieġ tagħhom imressqa quddiem il-qrati Awstrijaċi.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209), li tħassar, fl-1 ta’ Marzu 2005, bir-Regolament Nru 2201/2003:

“Il-bażijiet [kriterji] ta’ ġurisdizzjoni aċċettati f’dan ir-Regolament huma msejsa fuq ir-regola li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni; id-deċiżjoni li tinkludi ċerti raġunijiet tikkorrespondi mal-fatt li dawn jeżistu f’sistemi legali nazzjonali differenti u li huma aċċettati mill-Istati Membri l-oħra.”

4

Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji għat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.”

5

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

a)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

[…]”

6

L-Artikolu 3 intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

b)

dwar in-nazzjonalità taż-żewġ konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taż-żewġ konjuġi.

2.   Għar-raġunijiet ta’ kompetenza ta’ dan ir-Regolament, ‘domiċilju’ se jkollu l-istess tifsira kif għandu taħt is-sistemi legali tar-Renju Unit u l-Irlanda.”

7

L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5” jipprovdi:

“Il-konjuġi li:

a)

huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru; jew

b)

huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ fit-territorju f’wieħed minn dawn l-aħħar Stati Membri

jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fid-9 ta’ Novembru 2011, OE, ċittadin Taljan, u VY, ċittadina Ġermaniża, iżżewġu f’Dublin (l-Irlanda).

9

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, OE telaq mir-residenza abitwali komuni tal-koppja, li tinsab fl-Irlanda, f’Mejju 2018 u ilu jgħix l-Awstrija mix-xahar ta’ Awwissu 2019.

10

Fit-28 ta’ Frar 2020, jiġifieri perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn sitt xhur fl-Awstrija, OE ressaq, quddiem il-Bezirksgericht Döbling (il-Qorti Distrettwali ta’ Döbling, l-Awstrija), talba għax-xoljiment taż-żwieġ tiegħu ma’ VY.

11

OE jsostni li ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat tal-forum għandu d-dritt jinvoka, abbażi tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, wara li jkun irrisjeda biss sitt xhur fit-territorju ta’ dan l-Istat tal-aħħar, immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tiegħu għal divorzju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-imsemmi Stat tal-aħħar skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jwassal sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-ħames inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, li teħtieġ tul ta’ residenza ta’ mill-inqas sena immedjatament qabel ma titressaq din it-talba.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2020, il-Bezirksgericht Döbling (il-Qorti Distrettwali ta’ Döbling) ċaħdet it-talba ta’ OE, peress li qieset li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha. Skont din il-qorti, id-distinzjoni magħmula abbażi tan-nazzjonalità fil-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha l-għan li tevita li rikorrent jikseb, permezz ta’ manuvri, ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru partikolari.

13

Adita b’appell, il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ġunju 2020, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Bezirksgericht Döbling (il-Qorti Distrettwali ta’ Döbling).

14

OE ppreżenta appell għal reviżjoni minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

15

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-distinzjoni, stabbilita fil-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, skont it-tul ta’ residenza effettiva tal-persuna kkonċernata, hija bbażata biss fuq il-kriterju tan-nazzjonalità. Filwaqt li tfakkar li jeżistu persuni li twieldu u li kibru fi Stat Membru mingħajr ma kellhom in-nazzjonalità tiegħu, il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-kriterju ma jurix differenza suffiċjentement rilevanti għal dak li jirrigwarda l-integrazzjoni tal-persuna kkonċernata u tar-relazzjoni ta’ prossimità tagħha mal-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, hija għandha dubji għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tad-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE.

16

Barra minn hekk, fil-każ li din id-differenza fit-trattament tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jinsiltu f’kawża bħall-kawża prinċipali.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [Nru 2201/2003] imur kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE sa fejn jipprevedi, bħala kundizzjoni meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat ta’ residenza, perijodu ta’ residenza tal-applikant li, skont in-nazzjonalità tal-applikant, huwa iqsar minn dak previst fil-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Tali ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni jwassal sabiex, skont ir-regola ta’ bażi stabbilita fil-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jkun meħtieġ, fir-rigward tal-applikanti kollha irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, perijodu ta’ residenza ta’ tnax-il xahar sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat ta’ residenza, jew għandha tiġi applikata, fir-rigward tal-applikanti kollha, il-kundizzjoni ta’ perijodu ta’ residenza ta’ sitt xhur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, jipprekludix li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ residenza, bħal dik prevista fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, tkun suġġetta għal perijodu ta’ residenza minima tal-applikant, immedjatament qabel il-preżentazzjoni tat-talba tiegħu, ta’ sitt xhur iqsar minn dak previst fil-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina ta’ dan l-Istat Membru.

19

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2020, Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, C‑336/19, EU:C:2020:1031, punt 85, kif ukoll tal-25 ta’ Marzu 2021, Alvarez y Bejarano et vs Il-Kummissjoni, C‑517/19 P u C‑518/19 P, EU:C:2021:240, punti 5264).

20

In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni kkonċernata. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il-Kummissjoni, C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 67).

21

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li dan tal-aħħar għandu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jintervjeni f’qasam li jinvolvi għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u meta jintalab iwettaq evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet kumplessi. Għaldaqstant, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jkunu jixtiequ jilħqu, li jista’ jaffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 26).

22

Madankollu, skont din il-ġurisprudenza, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fir-rigward tal-għan li jkun irid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni kkonċernata (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, P. M. et, C‑264/18, EU:C:2019:472, punt 27).

23

Huwa fid-dawl tal-prinċipji li għadhom kif tfakkru li għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan imfittex mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, rikorrent bħalma huwa OE, li jirrisjedi abitwalment fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu u li jibda proċedura ta’ xoljiment tar-rabta matrimonjali quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, jinsab f’sitwazzjoni li ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ rikorrent ċittadin tal-imsemmi Stat Membru, b’tali mod li l-fatt li jintalab mill-ewwel wieħed li jkun residenti għal perijodu itwal fit-territorju tal-istess Stat Membru qabel ma jkun jista’ jibda l-proċedura tiegħu, ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

24

Kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għal dan il-għan, fil-Kapitoli II u III tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi fost oħrajn regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, peress li dawn ir-regoli huma intiżi li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

25

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jaqa’ taħt il-Kapitolu II tiegħu, jistabbilixxi l-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieġ. Dawn il-kriterji oġġettivi, alternattivi u esklużivi jissodisfaw il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kunflitti fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

26

F’dan ir-rigward, għalkemm l-ewwel sar-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirreferu espliċitament għall-kriterji tar-residenza abitwali tal-konjuġi u dik tal-konvenuta, il-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) kif ukoll is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jawtorizzaw l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-forum actoris (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

27

Fil-fatt, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirrikonoxxu, taħt ċertu kundizzjonijiet, fir-rigward tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab ir-residenza abitwali tal-persuna li tressaq it-talba, il-ġurisdizzjoni sabiex jagħtu deċiżjoni dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata.

28

Għalhekk, il-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi tali ġurisdizzjoni jekk ir-rikorrent ikun irrisjeda hemmhekk għal mill-inqas sena immedjatament qabel il-preżentata ta’ din it-talba, filwaqt li s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tal-istess regolament inaqqas it-tul ta’ residenza tar-rikorrent għal sitt xhur immedjatament qabel il-preżentazzjoni tat-talba tiegħu fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 42).

29

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, inklużi dawk previsti fil-ħames u s-sitt inċiż tal-paragrafu (1)(a) ta’ dan l-artikolu, huma intiżi li jiżguraw bilanċ bejn, minn naħa, il-mobbiltà tal-persuni ġewwa l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jipproteġu d-drittijiet tal-konjuġi li, wara l-kriżi konjugali, jkun telaq mill-Istat Membru tar-residenza komuni u, min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali, b’mod partikolari dik tal-konjuġi l-ieħor, billi jiggarantixxi l-eżistenza ta’ rabta reali bejn ir-rikorrent u l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punti 33, 4950, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi – Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 35, 4456).

30

Issa, fid-dawl tal-għan intiż li jiżgura li teżisti rabta reali mal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni, rikorrent, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li, minħabba kriżi konjugali, jitlaq mir-residenza abitwali komuni tal-koppja u jiddeċiedi li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ma jinsabx, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ rikorrent li ma jkollux in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru u li jmur hemmhekk wara tali kriżi.

31

Fil-fatt, fl-ewwel sitwazzjoni, mingħajr ma n-nazzjonalità tal-konjuġi tkun suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 humiex issodisfatti, huwa madankollu diġà possibbli li tiġi evalwata r-rabta ta’ dan il-konjuġi mal-Istat Membru kkonċernat, minħabba l-fatt stess li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, u li huwa neċessarjament għandu rabtiet istituzzjonali u ġuridiċi ma’ dan tal-aħħar kif ukoll, bħala regola ġenerali, rabtiet kulturali, lingwistiċi, soċjali, rabtiet tal-familja u ta’ patrimonju. Tali rabta tista’ konsegwentement diġà tikkontribwixxi għad-determinazzjoni tar-rabta reali li għandha tgħaqqad ir-rikorrent mal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw l-imsemmija ġurisdizzjoni.

32

Din l-evalwazzjoni hija sostnuta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 32 tar-Rapport ta’ Spjega, redatt minn A. Borrás, dwar il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Sentenzi fi Kwistjonijiet Matrimonjali, imsejħa l-Konvenzjoni ta’ “Brussell II” (ĠU 1998, C 221, p. 1), li ispirat it-test tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, skont dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kriterju tan-nazzjonalità, li issa jinsab fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, “jiggarantixxi diġà l-eżistenza ta’ rabta mal-Istat Membru inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

33

Ġeneralment dan ma japplikax għall-każ ta’ konjuġi li, wara kriżi konjugali, jiddeċiedi li jmur fi Stat Membru li ma jkunx ċittadin tiegħu. Fil-fatt, dan il-konjuġi, qabel iż-żwieġ tiegħu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, qatt ma jkollu rabtiet ma’ dan l-Istat Membru analogi għal dik ta’ ċittadin tal-imsemmi Stat Membru. L-intensità tar-rabta bejn ir-rikorrent u l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata tista’ konsegwentement tiġi ddeterminata b’mod raġonevoli permezz ta’ fatturi oħra, bħal, fil-każ ineżami, ir-rekwiżit ta’ perijodu pjuttost twil ta’ residenza, ta’ mill-inqas sena, tar-rikorrent fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tiegħu.

34

Barra minn hekk, id-differenza relatata mat-tul minimu ta’ residenza effettiva tar-rikorrent fit-territorju tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni, immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tiegħu, skont jekk ir-rikorrent huwiex ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew le, hija bbażata fuq element oġġettiv, neċessarjament magħruf mill-konjuġi tar-rikorrent, jiġifieri n-nazzjonalità tal-konjuġi tiegħu.

35

F’dan ir-rigward, mill-mument li konjuġi, minħabba kriżi konjugali, jitlaq mir-residenza abitwali tal-koppja u jirritorna fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin sabiex jistabbilixxi r-residenza abitwali l-ġdida tiegħu hemmhekk, il-konjuġi l-ieħor ikun f’pożizzjoni li jistenna li talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali titressaq, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

36

Peress li l-osservanza taċ-ċertezza legali ta’ dan il-konjuġi l-ieħor hija, tal-inqas parzjalment, iggarantita mir-rabta istituzzjonali u ġuridika li tirrappreżenta n-nazzjonalità tal-konjuġi tiegħu fir-rigward tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata, ma huwiex manifestament mhux xieraq li tali rabta tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-determinazzjoni tal-perijodu ta’ residenza effettiva meħtieġ mir-rikorrent fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru li tiegħu ikun ċittadin, sa fejn l-istess rabta tagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ dan ir-rikorrent tal-aħħar minn dik ta’ rikorrent li ma jkollux in-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat.

37

Ċertament, id-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija bbażata fuq preżunzjoni li ċittadin għandu, bħala prinċipju, rabtiet iktar mill-qrib mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minn persuna li ma hijiex ċittadina tal-Istat ikkonċernat.

38

Madankollu, fid-dawl tal-għan intiż li jiżgura li teżisti rabta reali bejn ir-rikorrent u l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata, in-natura oġġettiva tal-kriterju bbażat fuq in-nazzjonalità tar-rikorrent, previst fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma tistax tiġi kkontestata mingħajr ma tiġi kkontestata l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirregola l-adozzjoni ta’ dan il-kriterju.

39

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li, fir-rigward ta’ kriterju bbażat fuq in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, li, anki jekk f’sitwazzjonijiet marġinali, problemi okkażjonali għandhom jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni ġenerali u astratta, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li uża kategorizzazzjoni, ġaladarba din ma tkunx sostanzjalment diskriminatorja fir-rigward tal-għan imfittex minnha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, EU:C:1980:238, punt 14, u tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 81)

40

Fil-każ ineżami, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li bbaża ruħu, parzjalment, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-forum actoris, fuq il-kriterju tan-nazzjonalità tar-rikorrent, sabiex jiffaċilita d-determinazzjoni tar-rabta reali mal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata, billi jissuġġetta l-ammissibbiltà tal-azzjoni għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali tar-rikorrent ċittadin ta’ dan l-Istat Membru għat-twettiq ta’ perijodu ta’ residenza preċedenti iqsar minn dak meħtieġ minn rikorrent li ma jkunx ċittadin tal-imsemmi Stat Membru.

41

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat li teżisti rabta reali bejn ir-rikorrent u l-Istat Membru li l-qrati tiegħu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali kkonċernata, id-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, abbażi tal-kriterju tan-nazzjonalità tar-rikorrent, fil-ħames u s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma tikkostitwixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità pprojbita mill-Artikolu 18 TFUE.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab ir-residenza abitwali tar-rikorrent, bħal dik prevista fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, tkun suġġetta għal perijodu minimu ta’ residenza tar-rikorrent, immedjatament qabel it-tressiq tat-talba tiegħu, ta’ sitt xhur iqsar minn dik prevista fil-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament, minħabba li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq it-tieni domanda

43

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab ir-residenza abitwali tar-rikorrent, bħal dik prevista fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, tkun suġġetta għal perijodu minimu ta’ residenza tar-rikorrent, immedjatament qabel il-preżentata tat-talba tiegħu, ta’ sitt xhur iqsar minn dik prevista fil-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament, minħabba li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina ta’ dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.