SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 3, 6 sa 8 u 14 – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent, eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikoli 3 u 7 – Ċittadini ta’ żewġ Stati Membri differenti, residenti fi Stat terz bħala membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan l-Istat terz – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni – Forum necessitatis

Fil-Kawża C‑501/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

MPA

vs

LCDNMT,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Reltriċi) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MPA, minn A. López Jiménez, abogada,

għal LCDNMT, minn C. Martínez Jorba u P. Tamborero Font, abogadas,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn I. Gavrilova, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Balta, H. Marcos Fraile u C. Zadra, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín, M. Kellerbauer, N. Ruiz García, M. Wilderspin u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 7, 8 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6., p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63), tal-Artikoli 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn MPA u LCDNMT, żewġ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea assenjati fi ħdan id-delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fit-Togo, dwar talba għal divorzju akkumpanjata minn talbiet dwar id-determinazzjoni tal-iskema u tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kustodja u tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied minuri tal-koppja, tal-pensjoni tal-manteniment għal dawn tal-aħħar kif ukoll dwar it-tgawdija tal-akkomodazzjoni tal-familja li tinsab f’Lomé (it-Togo).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Skont l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 u li daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 500, p. 95, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”):

“L-aġent diplomatiku jgawdi immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat riċeventi. Igawdi wkoll immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tiegħu, ħlief fil-każ ta’:

a)

Azzjoni reali li tikkonċerna immobbli privata li tinsab fit-territorju tal-Istat riċeventi, sakemm l-aġent diplomatiku ma jkunx il-proprjetarju tagħha f’isem l-Istat akkreditanti għall-finijiet tal-missjoni;

b)

Azzjoni relatata ma’ suċċessjoni, li fiha l-aġent diplomatiku jidher bħala esekutur, amministratur, werriet jew legatarju, f’kapaċità privata u mhux f’isem l-Istat akkreditanti;

c)

Azzjoni relatata ma’ attività professjonali jew kummerċjali, tkun xi tkun, eżerċitata mill-aġent diplomatiku fl-Istat riċeventi barra mill-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Protokoll dwar il‑Privileġġi u l‑Immunitajiet

4

L-Artikolu 11 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet”), li jaqa’ taħt il-Kapitolu V tiegħu, intitolat “Uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni Ewropea”, jipprevedi:

“Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni:

a)

mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu. […]

[…]”

5

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmi protokoll, li jaqa’ taħt il-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”:

“Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni esklużivament fl-interess ta’ din tal-aħħar.”

Ir‑Regolamenti tal‑Persunal u l‑Kondizzjonijiet tal‑impjieg

6

Bis-saħħa tal-Artikolu 1b tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huwa, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji tar-Regolamenti tal-Persunal, assimilat, għall-applikazzjoni tagħhom, mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

7

L-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża:

“Il-privileġġi u l-immunitajiet li jgawdu l-uffiċjali jingħataw biss fl-interessi tal-Unjoni. Suġġetti għall-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, l-uffiċjali m’għandhomx ikunu eżentati milli jwettqu l-obbligi privati tagħhom jew milli jħarsu l-liġijiet u r-regoli tal-pulizija fis-seħħ.

[…]”

8

L-Artikolu 3a(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impieg, ‘persunal bil-kuntratt’; ifisser persunal mhux assenjat għal posizzjoni inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata u mqabbdin biex jaqdu d-dmirijiet full-time jew part-time;

[…]

(d) fir-Rappreżentazzjonijiet u d-Delegazzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Unjoni,

[…]”

9

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa fformulat kif ġej:

“Il-kuntratti tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3a jistgħu jkunu konklużi għal perjodu stabbilit ta’ mill-anqas tliet xhur u mhux aktar minn ħames snin. Jistgħu jiġġeddu mhux aktar minn darba għal perjodu stabbilit ta’ mhux aktar minn ħames snin. Il-kuntratt inizjali u l-ewwel tiġdid ta’ tul totali ta’ mhux anqas minn sitt xhur għal grupp tal-funzjoni I u mhux anqas minn disa’ xhur għall-gruppi l-oħra tal-funzjoni. Kull tiġdid ieħor ikun għal perjodu indefinit.”

Ir‑Regolament Nru 2201/2003

10

Il-premessi 5, 11, 12, 14 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(5)

Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[…]

(11)

L-obligazzjonijiet ta’ manteniment huma esklużi mill-iskop ta’ dan ir-Regolament peress li dawn huma diġà koperti mir-Regolament ta’ l-Kunsill Nru 44/2001 [tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)]. Il-qrati li għandhom il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament ġeneralment għandhom il-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment billi japplikaw l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 44/2001].

(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(14)

Dan ir-Regolament għandu jieħu effett mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-liġi internazzjonali pubblika dwar l-immunità diplomatika. Fejn taħt dan ir-Regolament ma tistax tiġi applikata l-ġurisdizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ l-immunità diplomatika skond il-liġi nternazzjonali, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi applikata skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernanta ma tgawdix minn din l-immunità.

[…]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji [tal-Karta]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 [tal-Karta].”

11

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi li:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

(a)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

[…]

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(e) l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

[…]”

12

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-ġurisdizzjoni”, jikkonsisti fi tliet taqsimiet. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Id-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ”, tiġbor taħtha l-Artikoli 3 sa 7 ta’ dan ir-regolament.

13

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

(a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

(b)

dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.”

14

Skont l-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5”:

“Il-konjuġi li:

(a)

huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru; jew

(b)

huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ fit-territorju f’wieħed minn dawn l-aħħar Stati Membri,

jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss.”

15

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3,4 u 5, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, f’kull Stat Membru, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

16

It-Taqsima 2 tal-istess Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, jinkludi l-Artikoli 8 sa 15 tal-imsemmi regolament.

17

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” jindika fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

18

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

(a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

[…]

3.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

(a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.

4.   Fejn il-minuri għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ xi Stat terz li mhuwiex parti kontrattanti mal-Konvenzjoni ta’ l-Aja tad‑19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-koperazzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, il-ġurizdizzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tiġi meqjusa li tkun għall-aħjar interessi ta’ l-minuri, u partikolarment jekk jinstab li huwa impossibbli li jinżammul-proċedimenti f’dak l-Istat terz in kwistjoni.”

19

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jipprevedi:

“Fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3,4 u 5, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, f’kull Stat Membru, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

Ir‑Regolament Nru 4/2009

20

Il-premessi 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 4/2009 huma fformulati kif ġej:

“(8)

Fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ħadu sehem f’negozjati li, fit‑23 ta’ Novembru 2007, wasslu għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni [ta’ Den Haag] dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Appoġġ tat-Tfal u Forom oħrajn ta’ Manteniment Familjari […] u tal-Protokoll [ta’ Den Haag] dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment[, approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/ĠAI tat‑30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17)]. Għaldaqstant, ikun xieraq li jittieħed kont ta’ dawn iż-żewġ atti fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(15)

Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri ta’ manteniment u tiġi promossa l-amministrazzjoni ġusta tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu adattati r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni, kif jirriżultaw mir-Regolament [Nru 44/2001]. Il-fatt li konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Terz m’għandux jibqa’ fattur għall-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetenza, u m’għandhiex tibqa’ ssir l-ebda referenza għal-liġi nazzjonali. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom qorti ta’ Stat Membru tista’ teżerċita kompetenza sussidjarja.

(16)

Sabiex ikun hemm rimedju, partikolarment għal sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, jeħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jipprevedi forum necessitatis li jippermetti qorti ta’ Stat Membru, f’każijiet eċċezzjonali, tisma’ kawża li tkun konnessa mill-qrib ma’ Stat Terz. Tali każ jista’ jseħħ meta proċedura tkun impossibbli fl-Istat terz ikkonċernat, per eżempju minħabba gwerra ċivili, jew meta ma jistax ikun raġonevolment mistenni li l-konvenut jintroduċi jew iwettaq proċedimenti f’dak l-Istat. Din il-kompetenza hija bbażata fuq il-forum necessitatis u għalhekk għandha tiġi eżerċitata biss jekk il-kawża tkun konnessa biżżejjed mal-Istat Membru tal-qorti mqabbda, bħal pereżempju n-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

21

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

(d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

22

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni sussidjarja”, jistabbilixxi:

“Meta l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3, 4 u 5, u l-ebda qorti ta’ Stat li jkun Parti Kontraenti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano li ma jkunx Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni, għandu jkollhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza komuni tal-partijiet.”

23

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Forum necessitatis”, jiddisponi:

“Jekk l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 3, 4, 5 u 6, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jisimgħu l-każ jekk il-proċedimenti ma jkunux jistgħu jiġu introdotti jew jitwettqu raġonevolment, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li t-tilwima tkun marbuta miegħu mill-qrib.

It-tilwima jrid ikollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti invokata.”

Id‑dritt Spanjol

24

Il-Ley Orgánica 6/1985 tal-Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is-Setgħa Ġudizzjarja), tal‑1 ta’ Lulju 1985 (BOE no 157 tat‑2 ta’ Lulju 1985, p. 20632), kif emendata bil-Ley Orgánica 7/2015 (il-Liġi Organika 7/2015), tal‑21 ta’ Lulju 2015 (BOE no 174, tat‑22 ta’ Lulju 2015, p. 61593), tiddisponi, fl-Artikolu 22c(c) u (d) tiegħu:

“Fin-nuqqas tal-kriterji preċedenti, il-qrati Spanjoli għandhom ġurisdizzjoni:

[…]

c)

Fi kwistjonijiet ta’ relazzjonijiet personali u patrimonjali bejn il-konjuġi, l-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni u d-divorzju u l-modifikazzjonijiet tagħhom, sakemm l-ebda ġurisdizzjoni barranija oħra ma tkun kompetenti, meta ż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Spanja fid-data tat-tressiq tat-talba, jew meta kellhom l-aħħar residenza abitwali tagħhom fi Spanja u wieħed minnhom [għadu] jirrisjedi hemmhekk, jew meta Spanja tkun ir-residenza abitwali tal-konvenut, jew, fil-każ ta’ talba konġunta, meta wieħed mill-konjuġi joqgħod fi Spanja, […], jew meta r-rikorrent ikun Spanjol u għandu r-residenza abitwali tiegħu fi Spanja mill-inqas sitt xhur qabel it-tressiq tat-talba, kif ukoll meta ż-żewġ konjuġi għandhom nazzjonalità Spanjola.

d)

Fi kwistjonijiet ta’ filjazzjoni u ta’ relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, il-protezzjoni tal-minuri u r-responsabbiltà tal-ġenituri, meta l-wild jew il-minuri jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Spanja fid-data tat-tressiq tat-talba, jew meta l-applikant ikun Spanjol jew residenti abitwalment fi Spanja jew, fi kwalunkwe każ, għal mill-inqas sitt xhur qabel it-tressiq tat-talba.”

25

L-Artikolu 22g ta’ din il-liġi, kif emendata, jipprevedi:

“1.   Il-qrati Spanjoli ma għandhomx ġurisdizzjoni f’każijiet fejn il-ġurisdizzjonijiet previsti mil-liġijiet Spanjoli ma jipprovdux għal din il-ġurisdizzjoni.

[…]

3.   […] Il-qrati Spanjoli ma jistgħux jastjenu jew jirrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom meta l-każ ikkontestat ikollu rabta ma’ Spanja u l-qrati tal-Istati differenti marbuta mal-kawża jkunu rrifjutaw il-ġurisdizzjoni tagħhom. […]”

26

Il-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jippreċiża, fl-Artikolu 40 tiegħu, li d-domiċilju tad-diplomatiċi li jirrisjedu, minħabba l-funzjonijiet tagħhom, fi Stat li ma huwiex Spanja, u li jgawdu d-dritt ta’ extraterritorjalità, huwa l-aħħar domiċilju li kellhom fit-territorju Spanjol.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

27

MPA, l-omm tal-ulied inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u LCDNMT, missier dawn tal-aħħar, iżżewġu fl-ambaxxata ta’ Spanja fil-Ginea Bissaw fil‑25 ta’ Awwissu 2010. Huma għandhom żewġ ulied, imwielda fl‑10 ta’ Ottubru 2007 u fit‑30 ta’ Lulju 2012 fi Spanja. L-omm hija ta’ nazzjonalità Spanjola u l-missier huwa ta’ nazzjonalità Portugiża. Fir-rigward ta’ wliedhom, huma għandhom nazzjonalità doppja Spanjola u Portugiża.

28

Il-konjuġi kienu residenti fil-Ginea Bissaw mix-xahar ta’ Awwissu 2010 sax-xahar ta’ Frar 2015 u sussegwentement iċċaqilqu lejn it-Togo. Is-separazzjoni de facto seħħet fix-xahar ta’ Lulju 2018. Minn dakinhar, l-omm u l-ulied għadhom jirrisjedu fid-dar matrimonjali fit-Togo u l-missier jirrisjedi f’lukanda f’dan l-Istat.

29

Il-konjuġi jaħdmu t-tnejn li huma għall-Kummissjoni Ewropea u huma assenjati mad-delegazzjoni tal-Unjoni fit-Togo. Il-kategorija professjonali tagħhom hija dik ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt.

30

Fis‑6 ta’ Marzu 2019, l-omm ressqet, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 2 de Manresa (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 2 ta’ Manresa, Spanja), talba għal divorzju, flimkien ma’ talbiet dwar id-determinazzjoni tal-iskema u tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kustodja u tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied minuri tal-koppja, dwar il-pensjoni tal-manteniment għalihom kif ukoll dwar l-għoti tat-tgawdija tal-akkomodazzjoni tal-familja fit-Togo.

31

Il-missier allega li l-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 2 de Manresa (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 2 ta’ Manresa) ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali.

32

Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Settembru 2019, din il-qorti kkonstatat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha peress li l-partijiet ma kellhomx, fil-fehma tagħha, ir-residenza abitwali tagħhom fi Spanja.

33

L-omm appellat quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li ż-żewġ konjuġi jgawdu minn status diplomatiku bħala membri tal-persunal tal-Unjoni akkreditati fl-Istat tal-assenjazzjoni u li dan l-istatus huwa mogħti mill-Istat ospitanti u estiż għall-ulied minuri. F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija protetta mill-immunità prevista fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u li t-talbiet tagħha ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu. L-omm tallega li, bis-saħħa tar-Regolamenti Nru 2201/2003 u Nru 4/2009, il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ divorzju, ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ pensjoni tal-manteniment hija ddeterminata skont ir-residenza abitwali. Issa, konformement mal-Artikolu 40 tal-Kodiċi Ċivili, ir-residenza abitwali tagħha ma hijiex il-post fejn hija taħdem bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni, iżda l-post ta’ residenza tagħha qabel ma akkwistat l-imsemmi status, jiġifieri Spanja.

34

L-omm tinvoka wkoll il-forum necessitatis irrikonoxxut mir-Regolament Nru 4/2009 u tesponi s-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-qrati Togoliżi. Għal dan il-għan, hija tipproduċi rapporti mħejjija mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti. F’wieħed minn dawn ir-rapporti jiġu kkonstatati l-assenza ta’ formazzjoni xierqa u kontinwa tal-imħallfin u l-persistenza ta’ klima ta’ impunità fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. F’rapport ieħor jidher it-tħassib tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, l-aċċess għall-ġustizzja u l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

35

Il-missier isostni, min-naħa tiegħu, li ebda wieħed mill-konjuġi ma jeżerċita funzjoni diplomatika għall-Istat Membru rispettiv tagħhom, jiġifieri r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża, iżda li huma jaħdmu fi ħdan id-delegazzjoni tal-Unjoni fit-Togo bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. F’dan ir-rigward, huwa jindika li l-laissez-passer li għandhom ma huwiex passaport diplomatiku, iżda salvakondott jew dokument ta’ ċirkulazzjoni sigura, validu biss fit-territorju ta’ Stati terzi. Barra minn hekk, ma hijiex applikabbli l-Konvenzjoni ta’ Vjenna, iżda l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet. Madankollu, dan tal-aħħar huwa applikabbli biss għall-atti mwettqa mill-uffiċjali u mill-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kapaċità uffiċjali tagħhom ta’ tali uffiċjali u membri tal-persunal, b’tali mod li, f’dan il-każ, ma jipprekludix il-ġurisdizzjoni tal-qrati Togoliżi u ma jrendix neċessarja l-applikazzjoni tal-forum necessitatis.

36

Skont il-qorti tar-rinviju, ma teżistix ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ “residenza abitwali” tal-konjuġi, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, u lanqas fuq dik ta’ “residenza abitwali” tal-ulied minuri fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li hija għandha tiddetermina l-effett tal-istatus diplomatiku jew ta’ status analogu bħal dak tal-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet bħala membri tal-persunal jew uffiċjali li jaħdmu għall-Unjoni u li huma kkollokati fi Stati terzi għall-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-residenza abitwali tal-konjuġi li jitolbu d-divorzju, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-membri tal-persunal bil-kuntratt għandhom, fl-Istat fejn huma assenjati, l-istatus ta’ membri tal-persunal diplomatiku tal-Unjoni, iżda li, fl-Istati Membri, huma kkunsidrati biss bħala membri tal-persunal tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tindika li tinsab fin-neċessità li jiġi ddeterminat it-tul, in-natura abitwali u l-istabbiltà tar-residenza tal-konjuġi fit-Togo, u ma tistax tinjora l-fatt li l-preżenza fiżika tagħhom f’dan l-Istat terz tikkawża u toriġina mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet f’isem l-Unjoni.

37

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ ‘residenza abitwali’, imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stat Membru li, minħabba l-funzjonijiet li jwettqu fil-kapaċità tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea, jirrisjedu fi Stat terz li fih igawdu l-istatus ta’ membri tal-persunal diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea meta r-residenza tagħhom f’dak l-Istat hija marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni?

2)

Fil-każ li, għall-finijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-konjuġi tiddependi fuq l-istatus tagħhom bħala membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni Ewropea fi Stat terz, x’impatt ikollu dan fuq id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-ulied minuri fit-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003?

3)

Fil-każ li jkun ikkunsidrat li l-ulied minuri ma għandhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-Istat terz, huwa possibbli li jittieħed kont, għall-iskopijiet li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm, ir-residenza tagħha fi Spanja qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, in-nazzjonalità Spanjola tal-ulied minuri u l-fatt li dawn tal-aħħar twieldu fi Spanja?

4)

Fil-każ li jiġi stabbilit li r-residenza abitwali tal-ġenituri u l-ulied minuri ma hijiex fi Stat Membru u fid-dawl tal-fatt li, taħt ir-Regolament Nru 2201/2003, ma hemm l-ebda Stat Membru ieħor kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq it-talbiet, il-fatt li l-konvenut huwa ċittadin ta’ Stat Membru jipprekludi l-applikazzjoni tal-klawżola residwali prevista fl-Artikoli 7 u 14 tar-Regolament Nru 2201/2003?

5)

Fil-każ li jiġi stabbilit li r-residenza abitwali tal-ġenituri u l-ulied minuri ma hijiex fi Stat Membru, kif għandu jiġi interpretat il-forum necessitatis imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għall-iskop li jiġi ddeterminat il-manteniment tal-ulied minuri? B’mod partikolari, liema huma l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li proċedura ma tistax tinbeda jew titmexxa b’mod raġonevoli, jew tkun impossibbli fi Stat terz li miegħu t-tilwima għandha konnessjoni mill-qrib (f’dan il-każ, it-Togo)? Il-parti hija meħtieġa turi li ppreżentat mingħajr suċċess jew għamlet tentattiv li tressaq il-proċeduri f’dak l-Istat? In-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet fit-tilwima tikkostitwixxi rabta suffiċjenti mal-Istat Membru [tal-qorti adita]?

6)

F’każ bħal dak preżenti, li fih il-konjuġi għandhom rabtiet qawwija mal-Istati Membri (nazzjonalità, residenza preċedenti), ikun kontra l-Artikolu 47 tal-[Karta] jekk l-applikazzjoni tar-regolamenti ma tindika ebda Stat Membru kompetenti?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

38

Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Fid‑19 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li din it-talba tiġi milqugħa, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jikkostitwixxi element determinanti l-kwalità ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni tal-konjuġi kkonċernati, assenjati f’delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fi Stat terz u li fir-rigward tagħhom huwa allegat li għandhom status diplomatiku f’dan l-Istat terz.

41

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieġ. Dawn il-kriterji oġġettivi, mhux kumulattivi u esklużivi jaqdu n-neċessità ta’ leġiżlazzjoni adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kunflitti fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Il-kunċett ta’ “residenza abitwali” jidher fl-ewwel sitt kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003. B’hekk, din id-dispożizzjoni tattribwixxi, b’mod mhux ġerarkiku, il-kompetenza sabiex jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu, skont il-każ, ir-residenza attwali jew preċedenti tal-konjuġi jew ta’ wieħed minnhom.

43

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, b’mod partikolari tar-residenza abitwali ta’ konjuġi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Fl-assenza ta’ tali definizzjoni jew ta’ riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, jeħtieġ li wieħed ifittex interpretazzjoni awtonoma u uniformi tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jsemmuh u l-għanijiet tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punti 3839).

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” huwa kkaratterizzat, bħala prinċipju, minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, ir-rieda tal-persuna kkonċernata li tiffissa ċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha f’post partikolari u, min-naħa l-oħra, preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 57), peress li f’mument partikolari, konjuġi seta’ jkollu biss residenza abitwali waħda, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 51).

45

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009,mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” jirriżulta li dan jistabbilixxi kriterji ġenerali ta’ għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istati Membri li jiddeċiedu fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment. Dawn il-kriterji huma alternattivi, kif juri l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, wara l-espożizzjoni ta’ kull wieħed minnhom (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 joffri għalhekk il-possibbiltà li titressaq talba dwar obbligu ta’ manteniment abbażi ta’ diversi kapijiet ta’ ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, konformement mal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 3, jew quddiem il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, konformement mal-punt (b) tal-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Landkreis Harburg (Surroga ta’ organu pubbliku tal-kreditur ta’ manteniment), C‑540/19, EU:C:2020:732, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Peress li r-Regolament Nru 4/2009 ma jipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) u (b) tiegħu, għandha tinstab interpretazzjoni awtonoma u uniformi tiegħu, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 4/2009 huma intiżi mhux biss sabiex jiggarantixxu prossimità bejn il-kreditur tal-manteniment, meqjus li huwa ġeneralment l-iktar parti dgħajfa, u l-qorti kompetenti iżda wkoll li jiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, kemm mill-perspettiva ta’ ottimizzazzjoni tal-organizzazzjoni ġudizzjarja kif ukoll fir-rigward tal-interess tal-partijiet, kemm fir-rigward tar-rikorrent jew tal-konvenut, li jibbenefika, b’mod partikolari, minn aċċess iffaċilitat għall-ġustizzja u minn prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dritt għall-manteniment), C‑41/19, EU:C:2020:425, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 4/2009 u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, dan ir-regolament għandu relazzjonijiet stretti mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, hija, bħala prinċipju, il-liġi tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment li tirregola l-obbligi ta’ manteniment, peress li tali residenza timplika grad suffiċjenti ta’ stabbiltà, bl-esklużjoni ta’ preżenza temporanja jew okkażjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, W. J. (Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment), C‑644/20, EU:C:2022:371, punt 63).

50

Din id-dispożizzjoni tirrifletti s-sistema ta’ regoli ta’ rabta li fuqha huwa bbażat l-imsemmi protokoll, peress li tali sistema hija intiża li tiggarantixxi l-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli, billi tiżgura li l-liġi magħżula ma tkunx nieqsa minn rabta suffiċjenti mas-sitwazzjoni tal-familja inkwistjoni, filwaqt li l-liġi tar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment tidher li hija, bħala prinċipju, dik li għandha l-iktar rabta stretta mas-sitwazzjoni tiegħu u bħala li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirregola l-problemi konkreti li dan il-kreditur jista’ jiltaqa’ magħhom. (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, W. J. (Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment), C‑644/20, EU:C:2022:371, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Din ir-rabta tippreżenta l-vantaġġ prinċipali li tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-ammont tal-obbligu ta’ manteniment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet legali u fattwali għall-ambjent soċjali tal-Istat fejn il-kreditur jgħix u jeżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tiegħu. Fil-fatt, sa fejn huwa sabiex jgħix li l-kreditur ser juża l-pensjoni tal-manteniment tiegħu, għandha tiġi evalwata l-problema konkreta li tqum fir-rigward ta’ soċjetà konkreta, jiġifieri dik fejn il-kreditur ta’ manteniment jgħix u ser jgħix (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, W. J. (Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment), C‑644/20, EU:C:2022:371, punt 65).

52

Għaldaqstant huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl ta’ dan l-għan, ir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment tkun dik tal-post fejn jinsab, fil-fatt, iċ-ċentru abitwali tal-ħajja ta’ dan tal-aħħar, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ambjent tal-familja u dak soċjali tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, W. J. (Bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment), C‑644/20, EU:C:2022:371, punt 66).

53

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009 u l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag huma bbażati fuq fattur ta’ rabta komuni, jiġifieri r-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata, u li għandhom relazzjonijiet stretti, huwa ġġustifikat li d-definizzjoni ta’ dan il-fattur tkun iggwidata mill-istess prinċipji u kkaratterizzata mill-istess elementi fiż-żewġ strumenti. Huwa għalhekk li, minkejja li l-evalwazzjoni konkreta tar-residenza abitwali tal-applikant għall-manteniment, tal-kreditur jew, jekk ikun il-każ, tad-debitur, tiddependi minn ċirkustanzi partikolari għal kull każ inkwistjoni, li jistgħu jvarjaw, b’mod partikolari, skont l-età u l-ambjent tal-persuna kkonċernata, huwa koerenti li l-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, huwa kkaratterizzat, minn naħa, mill-volontà tal-persuna kkonċernata li tiffissa minn naħa, mix-xewqa tal-persuna kkonċernata li tiffissa ċ-ċentru abitwali ta’ ħajjitha f’post speċifiku u, min-naħa l-oħra, minn preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

54

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali żżewġu fl-ambaxxata ta’ Spanja fil-Ginea Bissaw f’Awwissu 2010 u li huma għexu f’dan l-Istat mix-xahar ta’ Awwissu 2010 sax-xahar ta’ Frar 2015, data li minnha ċċaqilqu lejn it-Togo, Stat li fih, minkejja s-separazzjoni de facto tagħhom mix-xahar ta’ Lulju 2018, huma għadhom jirrisjedu, kif ukoll iż-żewġt ulied tagħhom.

55

Għall-kuntrarju, mill-elementi kkomunikati mill-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li l-missier tal-ulied inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu n-nazzjonalità Portugiża, kien abitwalment residenti fl-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti, jiġifieri r-Renju ta’ Spanja, waħdu jew flimkien mal-omm tal-ulied komuni tagħhom. Din tal-aħħar, ta’ nazzjonalità Spanjola u li ressqet it-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, tallega, min-naħa tagħha, li żammet ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, minkejja l-fatt li hija taħdem bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stati terzi sa minn tal-inqas, mix-xahar ta’ Awwissu 2010, u b’mod iktar preċiż fit-Togo sa minn Frar 2015, u li hija ilha tgħix f’dan l-Istat terz ma’ wliedha minn dak iż-żmien.

56

Issa, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u taż-żewġ elementi li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, hekk kif dawn l-elementi tfakkru fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, jidher li l-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bla ħsara għal iktar verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, IB (Residenza abitwali ta’ konjuġi - Divorzju), C‑289/20, EU:C:2021:955, punt 52), ma jirrisjedux abitwalment fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita bit-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

57

Fil-fatt, l-ewwel, bl-eċċezzjoni, jekk ikun il-każ, tal-perijodi ta’ leave jew waqt it-twelid tal-ulied, li jikkorrispondu, bħala regola ġenerali, għal interruzzjonijiet okkażjonali u temporanji tal-kors normali ta’ ħajjithom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 51), il-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma fiżikament assenti, b’mod permanenti, mit-territorju tar-Renju ta’ Spanja, minn tal-inqas mix-xahar ta’ Awwissu 2010. Huwa stabbilit li, wara s-separazzjoni ta’ dawn il-konjuġi, il-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ċċaqilqux fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita bit-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali. B’mod partikolari, ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi kkonstatat li din il-konjuġi kienet irrisjediet fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, li tiegħu hija ċittadina, fis-sitt xhur immedjatament qabel it-talba tagħha għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, kif jipprevedi s-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li r-rekwiżit, imfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, relatat ma’ preżenza suffiċjentement stabbli fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-qorti tar-rinviju jista’ jiġi ssodisfatt f’dan il-każ. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-residenza tal-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali fit-Togo, bħala membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni għal żmien indeterminat assenjati fid-delegazzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan l-Istat terz, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li japplikaw għall-membri tal-persunal bil-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li ma humiex suġġetti għal rotazzjoni fis-sede fi Brussell, għandha b’dan il-mod rabta diretta mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom, għandu jiġi ppreċiżat li din ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tipprekludi li din ir-residenza tippreżenta tali grad ta’ stabbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punti 1247) u lanqas sabiex jiġi kkunsidrat li l-assenza fiżika tal-persuni kkonċernati mit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-qorti adita bit-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali hija, f’dan il-każ, purament temporanja jew okkażjonali.

59

It-tieni, ebda element tal-proċess ma jissuġġerixxi li l-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew tal-inqas il-mara, iddeċidew, minkejja li kostantament kienu fiżikament ’il bogħod mit-territorju tar-Renju ta’ Spanja għal diversi snin, li jiffissaw iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħhom f’dan l-Istat Membru. Minkejja li wieħed mill-konjuġi jkun wera l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu, fil-futur, fi Spanja, jibqa’ l-fatt li, kif ġie ppreċiżat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, minkejja s-separazzjoni de facto tagħhom mix-xahar ta’ Lulju 2018, l-ebda wieħed mill-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma telaq mit-Togo. Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-pożizzjonijiet fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, bħal dik fit-Togo, huma mitluba volontarjament mill-uffiċjali u l-membri tal-persunal li jixtiequ jagħmlu dan, jidher dubjuż li dawn il-konjuġi kellhom effettivament l-intenzjoni, wara s-separazzjoni fattwali tagħhom, li jitilqu mit-Togo sabiex jittrasferixxu r-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tar-Renju ta’ Spanja.

60

Evalwazzjoni essenzjalment analoga tidher li hija meħtieġa, f’dan il-każ, fir-rigward tar-residenza abitwali tal-konvenut jew tal-kreditur tal-manteniment, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(a) u tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, sa fejn, bla ħsara għal verifiki iktar wiesgħa mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jindika li l-persuni kkonċernati ttrasferew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju tar-Renju ta’ Spanja.

61

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argument tal-Gvern Spanjol, li barra minn hekk huwa żviluppat biss fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba l-kwalità tagħhom ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fi ħdan id-delegazzjoni tal-Unjoni fit-Togo, igawdu mill-istatus diplomatiku f’dan l-Istat terz u għalhekk jibbenefikaw, bis-saħħa tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, mill-immunità quddiem il-qrati ċivili fl-Istat akkreditarju, li, skont dan il-gvern, għandha twassal għar-rikonoxximent, skont l-Artikolu 40 tal-Kodiċi Ċivili, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih dawn l-aġenti ma jgawdux minn dan l-istatus diplomatiku, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja.

62

Fil-fatt, anki jekk din l-affermazzjoni hija eżatta, hija madankollu ma taffettwax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, peress li, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti adita tista’ tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk il-konjuġi, b’mod konġunt jew separatament, u/jew uliedhom, dawn tal-aħħar bħala kredituri ta’ manteniment għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 4/2009, ikollhom residenza abitwali fit-territorju tal-Istat Membru li għalih tappartjeni dik il-qorti, b’tali residenza abitwali tissodisfa l-kriterji msemmija fil-punti 44 u 53 ta’ din is-sentenza.

63

Issa, il-fatt li tali residenza abitwali fl-Istat Membru tal-qorti adita ma hijiex sodisfatta huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u wliedhom jibbenefikawx, fit-Togo, minn immunità eventwali quddiem il-qrati ċivili ta’ dan l-Istat terz.

64

Ebda argument f’sens kuntrarju ma jista’ jinsilet mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, invokat ukoll mill-Gvern Spanjol, li minnu jirriżulta li, meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament ma tkunx tista’ teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha minħabba l-eżistenza ta’ immunità diplomatika konformi mad-dritt internazzjonali, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata fl-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata ma tibbenefika minn ebda immunità, konformement mal-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

65

Fil-fatt, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, din il-premessa tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha l-qorti ta’ Stat Membru, minkejja li għandha ġurisdizzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita din il-ġurisdizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ immunità diplomatika. Issa, huwa stabbilit li, fil-kawża prinċipali, la l-konjuġi u lanqas uliedhom ma jibbenefikaw mill-immunità diplomatika f’ebda Stat Membru. B’mod partikolari, mill-Artikolu 11(a) tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet jirriżulta li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni jgawdu mill-immunità ġudizzjarja fit-territorju tal-Istati Membri biss għall-atti li jkunu wettqu “fil-kapaċità uffiċjali tagħhom”, jiġifieri fil-kuntest tal-missjoni fdata lill-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra,C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi, kif jikkonferma l-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tali immunità ta’ ġurisdizzjoni ma tkoprix kawżi li s-suġġett tagħhom jikkonċerna relazzjonijiet ta’ natura privata, bħal talbiet bejn konjuġi fi kwistjonijiet matrimonjali, ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ wliedhom, li, min-natura tagħhom, ma jirrigwardawx il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarju tal-immunità fl-eżerċizzju tal-kompiti tal-istituzzjoni tal-Unjoni li jaqa’ taħtha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1968, Sayag u Zurich, 5/68, EU:C:1968:42, p. 585).

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jistax jikkostitwixxi element determinanti l-kwalità ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni tal-konjuġi kkonċernati, assenjati f’delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fi Stat terz u li fir-rigward tagħhom huwa allegat li għandhom status diplomatiku f’dan l-Istat terz.

Fuq it‑tieni domanda

67

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ li d-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-konjuġi tkun tiddependi mill-kwalità tagħhom ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni assenjati f’delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fi Stat terz, x’ikun l-effett ta’ din is-sitwazzjoni fuq id-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-ulied minuri, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003.

68

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it‑tielet domanda

69

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm kif ukoll mir-residenza tagħha, qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, fl-Istat Membru tal-qorti adita b’talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, jew inkella ċ-ċirkustanza li l-ulied minuri twieldu f’dan l-Istat Membru u għandhom in-nazzjonalità tiegħu.

70

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wild hija ddeterminata abbażi tal-kriterju tar-residenza abitwali ta’ dan il-wild fil-mument meta din il-qorti tiġi adita.

71

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li r-residenza abitwali tal-wild tikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jsemmuh u tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, b’mod partikolari tal-għan li jirriżulta mill-premessa 12 tiegħu, li jgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dan ir-regolament jistabbilixxi huma mfassla skont l-aħjar interess tal-wild u, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ prossimità (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-residenza abitwali tal-wild għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li huma partikolari għal kull każ. Minbarra l-preżenza fiżika tal-wild fit-territorju ta’ Stat Membru, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra li jistgħu juru li din il-preżenza bl-ebda mod ma hija ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li tirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u ta’ familja (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jikkorrispondi għall-post fejn jinsab, fil-fatt, iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 42).

73

Fost dawn il-fatturi hemm it-tul, ir-regolarità, il-kundizzjonijiet u r-raġunijiet għas-soġġorn tal-wild fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll in-nazzjonalità ta’ dan il-wild, peress li l-fatturi rilevanti jvarjaw skont l-età tal-wild ikkonċernat (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL,C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-post u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim tal-wild kif ukoll ir-relazzjonijiet tal-familja u soċjali li dan għandu fl-Istat Membru kkonċernat huma wkoll rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 43).

74

Fir-rigward tal-intenzjoni tal-ġenituri li jistabbilixxu ruħhom mal-wild f’post partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni meta din l-intenzjoni hija espressa minn ċerti miżuri tanġibbli, bħall-akkwist jew il-kiri ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Minn dan isegwi li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild fi Stat Membru partikolari, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, teħtieġ, tal-inqas, li l-wild ikkonċernat kien fiżikament preżenti f’dan l-Istat Membru u li l-fatturi addizzjonali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni juru li din il-preżenza bl-ebda mod ma hija ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li hija tirrifletti ċerta integrazzjoni ta’ dan il-wild f’ambjent soċjali u ta’ familja.

76

Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali tal-ulied minuri, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm tagħhom kif ukoll ir-residenza tagħha fi Spanja qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u t-twelid tal-ulied, li ma humiex rilevanti għal dawn il-finijiet, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

77

Għall-kuntrarju, in-nazzjonalità Spanjola tal-ulied minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-fatt li dawn tal-aħħar twieldu fi Spanja jistgħu jikkostitwixxu fatturi rilevanti, mingħajr madankollu ma huma determinanti. Fil-fatt, il-fatt li wild joriġina minn Stat Membru u li huwa jaqsam il-kultura ta’ dan l-Istat ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħu ma huwiex determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-post tar-residenza abitwali ta’ dan il-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR,C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 52). Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-ebda element ma juri li l-ulied ikkonċernati kienu fiżikament preżenti, b’mod mhux okkażjonali, fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita, u jibbenefikaw hemmhekk, fid-dawl tal-età tagħhom, minn ċerta integrazzjoni, b’mod partikolari, f’ambjent skolastiku, soċjali u tal-familja.

78

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild, ir-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm kif ukoll mir-residenza tagħha, qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, fl-Istat Membru tal-qorti adita b’talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma hijiex rilevanti, filwaqt li huwa insuffiċjenti l-fatt li l-ulied minuri twieldu f’dan l-Istat Membru u għandhom in-nazzjonalità tiegħu.

Fuq ir‑raba’ domanda

79

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, rispettivament, fuq talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, u fuq dik fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri bis-saħħa tal-Artikoli 8 sa 13 ta’ dan ir-regolament, l-Artikoli 7 u 14 tal-imsemmi regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor minn dak li fih tinsab il-qorti adita, jipprekludix l-applikazzjoni tal-klawżoli relatati mal-ġurisdizzjoni residwa previsti f’dawn l-Artikoli 7 u 14 sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

80

Qabel kollox għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jaqa’ taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolata “Id-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ”, l-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat ukoll “Il-Ġurisdizzjoni residwa”, jinsab fost id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-istess kapitolu, li jirrigwardaw ir-“Responsabbilità tal-ġenituri”. Minn dan jirriżulta li, sa fejn l-Artikoli 7 u 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 jikkonċernaw rispettivament il-ġurisdizzjoni residwa dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali u dik fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri tal-ulied, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament dawn iż-żewġ sistemi ta’ ġurisdizzjoni.

81

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ġurisdizzjoni residwa dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali, mill-kliem tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li huwa biss meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 5 ta’ dan ir-regolament li l-ġurisdizzjoni tiġi rregolata, f’kull Stat Membru, mid-dritt nazzjonali.

82

Għalkemm, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni, meħuda waħedha, tidher li tippermetti lill-konjuġi li ma għandhomx ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru u li għandhom nazzjonalitajiet differenti li jkollhom forum sussidjarju abbażi tar-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu madankollu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2201/2003.

83

Issa, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5”, jiddisponi li “konjuġi li […] huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru; jew […] huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru […] jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss”.

84

Għalhekk, skont dan l-Artikolu 6, konvenut li għandu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru jew li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ma jistax jiġi mfittex, fid-dawl tan-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni ddefiniti fl-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ħlief bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, bl-esklużjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mid-dritt nazzjonali (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2007, Sundelind Lopez,C‑68/07, EU:C:2007:740, punt 22).

85

Minn dan jirriżulta li, meta qorti ta’ Stat Membru ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali abbażi tal-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprekludi lil din il-qorti milli tikkonstata l-ġurisdizzjoni tagħha abbażi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni residwa previsti mid-dritt nazzjonali, konformement mal-Artikolu 7(1) tiegħu, meta l-konvenut ikun ċittadin ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-qorti msemmija.

86

F’dan il-każ, il-konjuġi, li huwa konvenut fil-kawża ta’ xoljiment tar-rabta matrimonjali quddiem il-qrati Spanjoli, huwa ta’ nazzjonalità Portugiża, b’tali mod li, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju u bla ħsara għal iktar verifiki minn din tal-aħħar, il-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrisjedux abitwalment fit-territorju ta’ Stat Membru, b’mod partikolari tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti. Konsegwentement, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistax tikkonstata l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar tali azzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament ma jawtorizzahiex tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni residwa previsti mid-dritt nazzjonali, sa fejn l-Artikolu 6(b) tal-imsemmi regolament jipprekludi li l-konvenut fil-kawża prinċipali, li huwa ċittadin ta’ Stat Membru differenti minn dak li taqa’ fih din il-qorti, jitressaq quddiem din tal-aħħar.

87

Għandu jingħad ukoll li, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din l-interpretazzjoni ma tfissirx li l-konjuġi, li jitlob ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali, jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jressaq it-talba tiegħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li tiegħu l-konvenut huwa ċittadin, jekk l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jindikawx forum ieħor. Fil-fatt, f’tali każ, l-Artikolu 6(b) ta’ dan ir-regolament ma jipprekludix lill-qrati tal-Istat Membru li tiegħu l-konvenut ikun ċittadin milli jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, skont ir-regoli nazzjonali tal-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

88

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni residwa fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 8 sa 13 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni hija, f’kull Stat Membru, irregolata mil-liġi ta’ dan l-Istat.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li kawża mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 fin-nuqqas ta’ residenza abitwali tal-wild fl-imsemmi Stat Membru ma jipprekludix neċessarjament lil din il-qorti milli jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima fuq bażi oħra.

90

F’dan il-każ, fil-każ fejn l-interpretazzjoni esposta fil-punti 70 sa 78 ta’ din is-sentenza, li skontha, essenzjalment, preżenza fiżika tal-wild fi Stat Membru hija prerekwiżit sabiex tiġi stabbilita r-residenza abitwali hemmhekk, għandha l-konsegwenza li ma huwiex possibbli li tiġi indikata bħala li għandha ġurisdizzjoni qorti ta’ Stat Membru bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, xorta jibqa’ l-fatt li jibqa’ possibbli għal kull Stat Membru, konformement mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, li jibbaża l-ġurisdizzjoni tal-qrati tiegħu stess bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jiddevjaw mill-kriterju tal-prossimità li fuqu huma bbażati d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2018, UD,C‑393/18 PPU, EU:C:2018:835, punt 57).

91

Konsegwentement, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jipprekludix li, sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti adita tapplika r-regoli tad-dritt intern, inkluż, jekk ikun il-każ, dik ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-wild ikkonċernat, anki jekk missier dan, konvenut, ikun ċittadin ta’ Stat Membru differenti minn dak li taqa’ taħtu din il-qorti.

92

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex eskluż, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, minn naħa, u dik fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, min-naħa l-oħra, jappartjenu lil qrati ta’ Stati Membri differenti. Din il-konstatazzjoni tista’ twassal sabiex jiġi mistoqsi jekk l-aħjar interess tal-wild, li l-osservanza tiegħu għandha, konformement mal-premessi 12 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003, tiġi żgurata b’mod partikolari mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ma jistax jiġi kompromess minn din il-frammentazzjoni.

93

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif tindika l-premessa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-ulied kollha, dan ir-regolament ikopri d-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni tal-wild, indipendentement minn kull rabta ma’ proċedura matrimonjali.

94

Issa, minkejja li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti, b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 12(3) tiegħu, lill-konjuġi jevitaw frammentazzjoni ta’ qrati bħal dik imsemmija fil-punt 92 ta’ din is-sentenza billi jaċċettaw il-ġurisdizzjoni, għall-finijiet ta’ talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, meta din il-ġurisdizzjoni tkun fl-aħjar interess tal-wild, xorta jibqa’ l-fatt li tali frammentazzjoni, li l-eventwalità tagħha hija inerenti għas-sistema ta’ dan ir-regolament, ma hijiex neċessarjament inkompatibbli mal-imsemmi interess. Fil-fatt, il-ġenitur ikkonċernat ikun jista’, fl-aħjar interessi tal-wild, iressaq tali talba quddiem qrati oħra, fosthom dawk tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, fejn din l-aħħar għażla tista’ tkun motivata, b’mod partikolari, mill-faċilità li jesprimi ruħu fil-lingwa materna tiegħu u l-ispejjeż eventwalment inqas tal-proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, R (Ġurisdizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri u obbligu ta’ manteniment), C‑468/18, EU:C:2019:666, punti 5051).

95

Għandu jingħad ukoll li, konformement mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, meta l-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ Stat terz, li ma huwiex parti kontraenti mill-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, konkluż f’Den Haag fid‑19 ta’ Ottubru 1996, il-ġurisdizzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, hija preżunta fl-interess tal-wild, b’mod partikolari meta proċedura tirriżulta impossibbli fl-Istat terz ikkonċernat.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda:

Fil-każ fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor minn dak li fih tinsab il-qorti adita jipprekludi l-applikazzjoni tal-klawżola relatata mal-ġurisdizzjoni residwa prevista f’dan l-Artikolu 7 sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, mingħajr, madankollu, ma jimpedixxi lill-qrati tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin milli jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu tali talba skont ir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

Fil-każ fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri bis-saħħa tal-Artikoli 8 sa 13 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor minn dak li fih tinsab il-qorti adita ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-klawżola relatata mal-ġurisdizzjoni residwa prevista f’dan l-Artikoli 14.

Fuq il‑ħames domanda

97

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, fil-każ fejn ir-residenza abitwali tal-partijiet kollha fit-tilwima f’materji relatati mal-obbligi ta’ manteniment ma tkunx tinsab fi Stat Membru, taħt liema kundizzjonijiet il-ġurisdizzjoni bbażata, f’każijiet eċċezzjonali, fuq il-forum necessitatis, imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, tkun tista’ tiġi kkonstatata. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, liema huma l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi kkunsidrat li proċedura ma tistax raġonevolment titressaq jew titmexxa, jew tirriżulta impossibbli fi Stat terz li miegħu t-tilwima għandha rabta stretta u jekk il-parti li tinvoka dan l-Artikolu 7 hijiex obbligata turi li għalxejn introduċiet jew ipprovat tintroduċi, din il-proċedura quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat terz u, min-naħa l-oħra, jekk, sabiex jitqies li tilwima għandha jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita, huwiex possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.

98

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-regolament, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jieħdu konjizzjoni tat-tilwima jekk proċedura ma tistax raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija, jew tirriżulta impossibbli fi Stat terz li miegħu t-tilwima għandha rabta stretta. Bis-saħħa tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, it-tilwima għandha jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita.

99

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 għalhekk jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex qorti ta’ Stat Membru, adita b’talba f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, tkun tista’ eċċezzjonalment tikkonstata l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-istat ta’ neċessità (forum necessitatis). L-ewwel, din il-qorti għandha tikkonstata li ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 4/2009. It-tieni, it-tilwima li għandha quddiemha għandu jkollha rabta stretta ma’ Stat terz. It-tielet, il-proċedura inkwistjoni ma tistax raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija f’dan l-Istat terz jew tirriżulta impossibbli. Fl-aħħar, ir-raba’, it-tilwima jrid ikollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita.

100

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet kollha huma ssodisfatti sabiex, jekk ikun il-każ, hija tkun tista’ tinvoka l-ġurisdizzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, għal kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, u fid-dawl tal-elementi pprovduti minn din il-qorti, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

101

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li ma huwiex biżżejjed li l-qorti adita tikkonstata li l-ġurisdizzjoni tagħha stess, bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 4/2009, hija nieqsa, iżda għandha wkoll tiżgura, meta, b’mod partikolari, diversi qrati jiġu aditi, li ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dawn l-artikoli. Il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju bħala premessa tal-ħames domanda, li l-konvenut jew il-kredituri jew il-kredituri jirrisjedu abitwalment fi Stat terz, jiġifieri li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(a) u (b) rispettivament tar-Regolament Nru 4/2009, ma huwiex għaldaqstant suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-regolament, fis-sens tal-Artikolu 7 tiegħu. Konsegwentement, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk hija u l-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar din it-talba bis-saħħa tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni elenkati fl-Artikolu 3(c) jew (d) jew fl-Artikoli 4 sa 6 tal-imsemmi regolament.

102

L-ewwel, fir-rigward tal-Artikolu 3(c) u (d) tar-Regolament Nru 4/2009, din id-dispożizzjoni tagħti l-ġurisdizzjoni jew lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-liġi tal-forum sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni prinċipali dwar l-istatus tal-persuni li t-talba tagħhom għall-manteniment hija aċċessorja, jew lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-liġi tal-forum sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li t-talba tagħha għall-manteniment hija aċċessorja, ħlief jekk dawn il-kompetenzi jkunu bbażati biss fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.

103

F’dan il-każ, jekk, kif jirriżulta mill-punti 86 sa 92 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, iżda tista’, bis-saħħa tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni residwa prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2201/2003, tiddeċiedi dwar it-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri abbażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bbażati fuq in-nazzjonalità tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza u fid-dawl tal-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba għall-kreditu ta’ manteniment favur l-ulied.

104

It-tieni, fir-rigward tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 4/2009, għalkemm ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma juri li dawn huma applikabbli fil-kawża prinċipali, għandu b’mod partikolari jiġi ppreċiżat li, minn naħa, l-għażla tal-qorti prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament hija, bis-saħħa tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, fi kwalunkwe każ eskluża għal kawżi li jirrigwardaw obbligu ta’ manteniment fir-rigward ta’ wild ta’ inqas minn tmintax‑il sena u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, ma jirriżultax minn dan il-proċess li l-konvenut fil-kawża prinċipali deher volontarjament jekk mhux ħlief sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Stat Membru invokat. Għall-kuntrarju, ma jidhirx eskluż li l-qrati tar-Repubblika Portugiża jistgħu, jekk ikun il-każ, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq l-Artikolu 6 tal-istess regolament, fid-dawl tan-nazzjonalità Portugiża komuni tal-missier u ta’ wliedu, jekk dawn tal-aħħar ikunu partijiet fil-proċedura dwar it-talba għal manteniment bħala kredituri ta’ tali manteniment, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

105

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 li t-tilwima li biha l-qorti hija adita għandha rabta stretta ma’ Stat terz, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament ma jipprovdi ebda indikazzjoni fir-rigward taċ-ċirkustanzi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali rabta stretta. Madankollu, fid-dawl tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi regolament, b’mod partikolari dak tar-residenza abitwali, il-qorti adita għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ tali rabta stretta meta jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat minn din il-qorti, li l-partijiet kollha fit-tilwima jirrisjedu abitwalment fit-territorju tal-Istat terz ikkonċernat. Fil-fatt, indipendentement mill-kriterji li fuqhom il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment hija bbażata f’dan l-Istat terz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Stat li ma huwiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Appoġġ tat-Tfal u Forom oħrajn ta’ Manteniment Familjari, huwa, bħala prinċipju, raġonevoli li jitqies, fid-dawl tal-kriterju ta’ prossimità, li l-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu l-wild minuri, kreditur tal-manteniment, u d-debitur tal-manteniment għandhom ir-residenza abitwali tagħhom ikunu l-aħjar sabiex jevalwaw il-bżonnijiet ta’ dan il-wild, fid-dawl tal-ambjent, b’mod partikolari soċjali u ta’ familja, li fih jgħix u li probabbli jgħix fih.

106

Fit-tielet lok, sabiex il-qorti ta’ Stat Membru adita tkun tista’, eċċezzjonalment, teżerċita l-ġurisdizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, huwa importanti wkoll li l-proċedura inkwistjoni ma tkunx tista’ raġonevolment titressaq jew titmexxa jew tkun impossibbli quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat.

107

F’dan ir-rigward, għalkemm il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament issemmi l-gwerra ċivili bħala eżempju li fih il-proċedura fl-Istat terz inkwistjoni tirriżulta impossibbli, u b’hekk tintwera n-natura eċċezzjonali tal-każijiet li fihom il-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis tista’ tiġi eżerċitata, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi regolament ma jipprovdix indikazzjonijiet dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti ta’ Stat Membru adita tista’ tikkonstata li l-proċedura fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment ma tistax raġonevolment tiġi ppreżentata jew immexxija quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat. Madankollu, minn din l-istess premessa 16 jirriżulta li huwa “[s]abiex ikun hemm rimedju, partikolarment għal sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja” li l-forum necessitatis ġie stabbilit sabiex jippermetti, f’każijiet eċċezzjonali, lill-qorti ta’ Stat Membru adita b’kawża li jkollha rabta mill-qrib ma’ Stat terz “meta ma jistax ikun raġonevolment mistenni li l-konvenut jintroduċi jew iwettaq proċedimenti” f’dak l-Istat terz.

108

Għalhekk, minn dawn il-preċiżazzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li, sabiex, jekk ikun il-każ, tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, il-qorti ta’ Stat Membru adita ma tistax teżiġi mir-rikorrent għall-manteniment li huwa juri li jkun introduċa mingħajr suċċess, jew ipprova jintroduċi, il-proċedura inkwistjoni quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat. Għalhekk huwa biżżejjed li l-qorti ta’ Stat Membru adita, fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-każ, tkun f’pożizzjoni li tiżgura li l-ostakoli fl-Istat terz ikkonċernat ikunu tali li jkun irraġonevoli li jiġi impost fuq ir-rikorrent li huwa jitlob il-kreditu ta’ manteniment quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat terz.

109

Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali rikorrent jintalab jintroduċi proċedura quddiem il-qrati tal-Istat terz ikkonċernat, biss sabiex juri l-istat ta’ neċessità sabiex jiġi applikat il-forum necessitatis, ikun kuntrarju għall-għan tar-Regolament Nru 4/2009 li huwa intiż, b’mod partikolari, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, sabiex jipproteġi lill-kreditur ta’ manteniment u li jiffavorixxi l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Din il-konstatazzjoni tapplika iktar u iktar meta l-kreditur ta’ manteniment ikun wild, li l-aħjar interess tiegħu għandu jiggwida l-interpretazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 u jikkostitwixxi, kif jafferma l-Artikolu 24(2) tal-Karta, kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet kollha relatati mal-ulied, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, A,C‑184/14, EU:C:2015:479, punt 46).

110

Min-naħa l-oħra, sa fejn, kif tindika l-premessa 16 tar-Regolament Nru 4/2009, l-għan tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis huwa li jirrimedja “b’mod partikolari” sitwazzjonijiet ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, huwa, bħala prinċipju, iġġustifikat li l-qorti ta’ Stat Membru adita tkun tista’ tipprevalixxi ruħha minnu, f’każijiet eċċezzjonali u bla ħsara għal analiżi ddettaljata tal-kundizzjonijiet proċedurali tal-Istat terz ikkonċernat, meta l-aċċess għall-ġustizzja f’dan l-Istat terz ikun, fid-dritt jew fil-fatt, ostakolat, b’mod partikolari mill-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet proċedurali li huma diskriminatorji jew kuntrarji għall-garanziji fundamentali ta’ proċess ġust.

111

Fir-raba’ lok, huwa importanti li t-tilwima inkwistjoni jkollha “rabta suffiċjenti” mal-Istat Membru tal-qorti adita. F’dan ir-rigward, sabiex tingħata risposta għad-dubji tal-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-premessa 16 tar-Regolament Nru 4/2009 tippreċiża li tali rabta tista’ tkun ikkostitwita, b’mod partikolari, min-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.

112

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, kif ukoll tal-elementi mressqa mill-omm tal-ulied minuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-qorti tistax tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal manteniment imressqa minn MPA favur uliedha. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista’ tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrimedja riskju ta’ ċaħda ta’ ġustizzja iżda ma tistax tibbaża ruħha biss fuq ċirkustanzi ġenerali relatati man-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat terz, mingħajr ma tanalizza l-konsegwenzi li l-imsemmija ċirkustanzi jista’ jkollhom fuq dan il-każ.

113

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tar-Regolament 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn ir-residenza abitwali tal-partijiet kollha f’tilwima f’materji relatati mal-obbligi ta’ manteniment ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni bbażata, f’każijiet eċċezzjonali, fuq il-forum necessitatis, imsemmija fl-Artikolu 7, tkun tista’ tiġi kkonstatata jekk ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-regolament, jekk il-proċedura ma tistax raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija fl-Istat terz li miegħu t-tilwima għandha rabta stretta, jew tirriżulta impossibbli għaliha, u jekk din it-tilwima għandha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita;

sabiex jiġi kkunsidrat, f’każijiet eċċezzjonali, li proċedura ma tistax raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija fi Stat terz, huwa importanti li, wara analiżi tal-provi prodotti f’kull każ, l-aċċess għall-ġustizzja f’dan l-Istat terz ikun, fid-dritt jew fil-fatt, ostakolat, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet proċedurali diskriminatorji jew kuntrarji għall-garanziji fundamentali ta’ smigħ xieraq, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-parti li tinvoka l-imsemmi Artikolu 7 tkun obbligata li turi li tkun ippreżentat, mingħajr suċċess, jew ipprovat tintroduċi, din il-proċedura quddiem il-qrati tal-istess Stat terz, u

sabiex jiġi kkunsidrat li tilwima għandha jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita, huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.

Fuq is‑sitt domanda

114

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk hemmx lok li l-Artikolu 47 tal-Karta jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, anki f’każ fejn il-konjuġi kkonċernati jkollhom rabtiet mill-qrib mal-Istati Membri, minħabba n-nazzjonalità u r-residenza preċedenti tagħhom, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 2201/2003 u Nru 4/2009 ma tindika ebda Stat Membru kompetenti.

115

Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 87 sa 92 u 98 sa 113 ta’ din is-sentenza, u kif irrilevat il-Kummissjoni, essenzjalment, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher li, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 u tar-Regolament Nru 4/2009, b’mod partikolari tal-Artikoli 7 u 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009, li jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettu li tiġi indikata qorti li għandha ġurisdizzjoni meta ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn ir-regolamenti, il-qrati ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu azzjonijiet relatati max-xoljiment tar-rabta matrimonjali, mar-responsabbiltà tal-ġenituri u mal-obbligi ta’ manteniment rispettivament.

116

Konsegwentement, kif osservat il-Kummissjoni, peress li s-sitt domanda hija ipotetika, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

Fuq l‑ispejjeż

117

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, u l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jistax jikkostitwixxi element determinanti l-kwalità ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni tal-konjuġi kkonċernati, assenjati f’delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fi Stat terz u li fir-rigward tagħhom huwa allegat li għandhom status diplomatiku f’dan l-Istat terz.

 

2)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali ta’ wild, ir-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm kif ukoll mir-residenza tagħha, qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, fl-Istat Membru tal-qorti adita b’talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma hijiex rilevanti, filwaqt li huwa insuffiċjenti l-fatt li l-ulied minuri twieldu f’dan l-Istat Membru u għandhom in-nazzjonalità tiegħu.

 

3)

Fil-każ fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor minn dak li fih tinsab il-qorti adita jipprekludi l-applikazzjoni tal-klawżola relatata mal-ġurisdizzjoni residwa prevista f’dan l-Artikolu 7 sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, mingħajr, madankollu, ma jimpedixxi lill-qrati tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin milli jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu tali talba skont ir-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

Fil-każ fejn ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri bis-saħħa tal-Artikoli 8 sa 13 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-konvenut fil-kawża prinċipali jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor minn dak li fih tinsab il-qorti adita ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-klawżola relatata mal-ġurisdizzjoni residwa prevista f’dan l-Artikoli 14.

 

4)

L-Artikolu 7 tar-Regolament 4/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn ir-residenza abitwali tal-partijiet kollha f’tilwima f’materji relatati mal-obbligi ta’ manteniment ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni bbażata, f’każijiet eċċezzjonali, fuq il-forum necessitatis, imsemmija fl-Artikolu 7, tkun tista’ tiġi kkonstatata jekk ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-regolament, jekk il-proċedura ma tistax raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija fl-Istat terz li miegħu t-tilwima għandha rabta stretta, jew tirriżulta impossibbli għaliha, u jekk din it-tilwima għandha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita;

sabiex jiġi kkunsidrat, f’każijiet eċċezzjonali, li proċedura ma tistax raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija fi Stat terz, huwa importanti li, wara analiżi tal-provi prodotti f’kull każ, l-aċċess għall-ġustizzja f’dan l-Istat terz ikun, fid-dritt jew fil-fatt, ostakolat, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet proċedurali diskriminatorji jew kuntrarji għall-garanziji fundamentali ta’ smigħ xieraq, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-parti li tinvoka l-imsemmi Artikolu 7 tkun obbligata li turi li tkun ippreżentat, mingħajr suċċess, jew ipprovat tintroduċi, din il-proċedura quddiem il-qrati tal-istess Stat terz, u

sabiex jiġi kkunsidrat li tilwima għandha jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita, huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.