SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Suċċessjonijiet – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Rikonoxximent – Artikolu 6(a) – Rifjut tal-ġurisdizzjoni – Artikolu 7(a) – Ġurisdizzjoni ta’ qorti – Stħarriġ mill-qorti adita sussegwentement – Artikolu 22 – Għażla tal-liġi applikabbli – Artikolu 39 – Rikonoxximent reċiproku – Artikolu 83(4) – Dispożizzjonijiet tranżitorji”

Fil-Kawża C‑422/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

RK

vs

CR,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CR, minn I. Sommer, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri bħala aġent, assistit minn E. Manzo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(a), tal-Artikolu 7(a), tal-Artikolu 22 u tal-Artikolu 83(4) tar-Regolament (UE) Nru°650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3, fil-ĠU 2013, L 60, p. 140, u fil-ĠU 2019, L 243, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar is-Suċċessjonijiet”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RK u CR dwar talba, imressqa minn CR wara l-mewt ta’ żewġha, għall-finijiet tal-kisba ta’ ċertifikat ta’ eredità nazzjonali u ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, wara l-mewt ta’ żewġha.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessi 27 u 59 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet:

“(27)

Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament huma mfassla sabiex jiżguraw li l-awtorità li tkun qed tittratta s-suċċessjoni, fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet, tapplika l-liġi tagħha proprja. Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi serje ta’ mekkaniżmi li jidħlu fis-seħħ meta d-deċedut ikun għażel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tiegħu l-liġi ta’ Stat Membru li kien ċittadin tiegħu.

[…]

(59)

fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ dan ir-Regolament li huwa r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi mogħtija fi Stati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi […]”

4

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)

‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;”

5

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“Il-qrati tal-Istat Membru li fih id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-mewt għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha.”

6

Skont l-Artikolu 6(a) tal-imsemmi regolament, intitolat “Rifjut tal-ġuriżdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi” tal-imsemmi regolament:

“Meta l-liġi magħżula mid-deċedut biex tirregola s-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 hija l-liġi ta’ Stat Membru, il-qorti invokata skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 10:

(a)

tista’, fuq it-talba ta’ wieħed mill-partijiet għall-proċedimenti, tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk tqis li l-qrati tal-Istat Membru tal-liġi magħżula jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni b’kont meħud taċ-ċirkostanzi prattiċi tas-suċċessjoni, bħar-residenza abitwali tal-partijiet u l-post fejn jinsabu l-assi; […]

[…]”

7

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni f’każ ta’ għażla tal-liġi”, jipprevedi li:

“Il-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut skont l-Artikolu 22 għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jieħdu deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni jekk:

(a)

qorti preċedentement invokata tkun irrifjutat il-ġuriżdizzjoni fl-istess każ skont l-Artikolu 6;

[…]”

8

L-Artikolu 10 tar-Regolament, intitolat “Ġuriżdizzjoni sussidjarja”, jipprevedi:

“1.   Meta r-residenza abitwali tad-deċedut fil-mument tal-mewt ma tkunx tinsab fi Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru fejn ikun hemm assi tal-patrimonju għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni fl-intier tagħha dment li:

(a)

id-deċedut kellu ċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru fil-mument tal-mewt tiegħu; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(b)

id-deċedut kellu r-residenza abitwali preċedenti tiegħu f’dak l-Istat Membru, dment li, filwaqt li l-qorti tkun ġiet invokata, ma jkunx għadda aktar minn perijodu ta’ ħames snin minn meta dik ir-residenza abitwali tkun inbidlet.

2.   Fejn l-ebda qorti fi Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qrati ta’ Stat Membru li fih ikun hemm assi tal-patrimonju, għandu madankollu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawk l-assi.”

9

L-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi:

“1.   Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla.

Persuna li għandha ċittadinanzi multipli tista’ tagħżel il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li hija għandha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt.

2.   L-għażla ta’ liġi għandha ssir b’mod espliċitu f’dikjarazzjoni fil-forma ta’ trasferiment causa mortis jew tintwera b’mod ċar bil-kliem ta’ tali trasferiment.”

10

Il-Kapitolu IV tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, intitolat “Rikonoxximent, Eżekutorjetà u Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet”, jinkludi l-Artikoli 39 sa 58 tiegħu.

11

L-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rikonoxximent” jipprevedi:

“Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura speċjali.”

12

L-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament, intitolat “Raġunijiet ta’ non-rikonoxximent”, jipprevedi:

“Deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(a)

jekk rikonoxximent bħal dan ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku (‘ordre public’) fl-Istat Membru li fih intalab rikonoxximent;

(b)

meta tkun ingħatat fl-assenza ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie notifikat jew infurmat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk;

(c)

jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija fil-proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jitfittex ir-rikonoxximent;

(d)

jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz fi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, dment li dik id-deċiżjoni aktar kmieni tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.”

13

L-Artikolu 41 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, intitolat “Ebda reviżjoni dwar is-sustanza”, jipprevedi li “[t]aħt l-ebda ċirkostanza deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru tista’ tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha.”

14

l-Artikolu 83(1) u (4) intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali” tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni ta’ persuni li mietu fi jew wara is-17 ta’ Awwissu 2015.

[…]

4.   Jekk trasferiment causa mortis kien sar qabel is-17 ta’ Awwissu 2015 skont il-liġi li l-mejjet ikun għażel skont dan ir-Regolament, dik il-liġi għandha titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.”

15

Skont l-Artikolu 84 tal-imsemmi regolament:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-17 ta’ Awwissu 2015, ħlief għall-Artikoli 77 u 78 li għandhom japplikaw mis-16 ta’ Novembru 2014 u l-Artikoli 79, 80 u 81 li għandhom japplikaw mill-5 ta’ Lulju 2012. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Wara l-mewt ta’ żewġha, ta’ nazzjonalità Ġermaniża li seħħ fid‑9 ta’ Marzu 2017, CR talbet lill-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren, il-Ġermanja), il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ eredità nazzjonali u ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, abbażi ta’ testment olografiku, redatt bil-Ġermaniż, fl-14 ta’ Ġunju 1990, bil-lingwa Ġermaniża, li permezz tiegħu l-konjuġi kienu indikaw lil xulxin bħala eredi uniċi.

17

RK, ħu d-deċedut, ikkuntesta t-talba ta’ CR billi kkontesta l-qrati Ġermaniżi biex jiddeċiedu fuq din it-talba fuq il-bażi li, fil-ħin tad-deċess tiegħu, id-deċedut kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Spanja u li l-imsemmi testment ma kienx fih għażla espressa tal-liġi li tirregola s-suċċessjoni.

18

B’deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2017, l- Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren, il-Ġermanja) ikkunsidrat li l-fatti meħtieġa għall-istabbiliment taċ-ċertifikati mitluba kienu ġew stabbiliti.

19

Wara appell ippreżentat minn CR l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja) b’digriet tal-4 ta’ Lulju 2018, sabet li l-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren) ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talba minħabba li l-qrati Spanjoli biss kellhom ġurisdizzjoni skont il-kriterju tar-“residenza abitwali” tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu, li huwa previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet.

20

Permezz ta’ digriet tad‑29 ta’ April 2019, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción Nru 3 de Estepona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Estepona, Spanja), li kienet ġiet adita minn CR, iddeċidiet “li tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fil-[proċeduri ta’ suċċessjoni pendenti quddiem il-qorti], minħabba li l-qrati Ġermaniżi [kienu] f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni u minħabba ċirkustanzi prattiċi bħar-residenza abitwali tal-parti kkonċernata f’din il-kawża u l-post tal-parti l-kbira tas-suċċessjoni”.

21

Permezz ta’ att notarili tad‑29 ta’ Awwissu 2019, CR ressqet talba ġdida għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ eredità nazzjonali kif ukoll ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni quddiem l-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren), billi ppreżentat id-digriet tal-qorti Spanjola. B’digriet tad-19 ta’ Frar 2020, l-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali ta’ Düren) żammet il-ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi fuq it-talba magħmula minn CR, meta kkunsidrat li d-digriet tal-qorti Spanjola kienet tikkostitwixxi oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet.

22

RK appellat mid-digriet tal-Amtsgericht Düren (il-Qorti Distrettwali Düren) quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li diversi motivi jipprekludu l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi.

23

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485), din il-qorti tesprimi dubji fir-rigward tal-applikazzjoni u tal-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Sabiex ikun hemm rifjut tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita preċedentement, kif previst fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet], huwa neċessarju li din il-qorti tkun irrifjutat b’mod espliċitu l-ġurisdizzjoni jew inkella dikjarazzjoni mhux espliċita tista’ wkoll tkun suffiċjenti jekk jista’ dedott, mill-interpretazzjoni tagħha, li din il-qorti rrifjutat il-ġurisdizzjoni?

2.

Il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti adita preċedentement tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għal deċiżjoni mill-qorti adita preċedentement kinux issodisfatti, skont l-Artikolu 6(a) u skont l-Artikolu 7(a) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]?Sa liema punt hija d-deċiżjoni tal-qorti adita preċedentement vinkolanti? B’mod partikolari:

B’mod partikolari:

a)

il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti adita preċedentement tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk id-deċedut kienx għażel validament il-liġi tal-Istat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]?

b)

il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti li tressqet l-ewwel kawża quddiemha tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk, quddiem il-qorti adita preċedentement, waħda mill-partijiet fil-proċedura, skont l-Artikolu 6(a) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet], ressqitx talba sabiex din il-qorti tiddikjara n-rifjut ta’ ġurisdizzjoni?

c)

il-qorti tal-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija intiża li tirriżulta minn rifjut tal-ġurisidizzjoni tal-qorti li tressqet l-ewwel kawża quddiemha tal-Istat Membru l-ieħor hija awtorizzata li tivverifika jekk il-qorti adita inizjalment ippreżumietx, ġustament, li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu kienet intgħażlet qegħdin fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni?

3.

L-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet], li jippreżupponu għażla tal-liġi applikabbli “skont l-Artikolu 22”, japplikaw ukoll meta, f’dispożizzjoni testamentarja stabbilita qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, id-deċedut ma kienx għażel b’mod espliċitu jew b’mod impliċitu l-liġi applikabbli, iżda l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tista’ tirriżulta biss mill-Artikolu 83(4) tar-Regolament [dwar is-Suċċessjonijiet]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm hemm rifjut ta’ ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(a) ta’ dan l-istess regolament favur il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula mid-deċedut, huwa neċessarju li l-qorti adita tkun espressament irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha b’mod espress.

26

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, huma marbuta mal-fatt li, f’dan il-każ, il-qorti Spanjola adita minn qabel ma kinitx, espressament, irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha.

27

Issa, kif irrileva l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li teżisti differenza fil-kliem bejn l-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Spanjola kuntrarjament għal dak li jista’ jiġi kkonstatat fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra.

28

Fil-fatt, fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola, filwaqt li l-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet juża l-espressjoni “abstenerse conocer”, filwaqt li l-Artikolu 7(a) ta’ dan ir-regolament juża l-verb “inhibirse”. Min-naħa l-oħra, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra waħda u l-oħra ta’ dawn id-dispożizzjonijiet użaw termini li jirreferu espressament għar-rifjut ta’ ġurisdizzjoni. B’hekk, b’mod illustrattiv, għal dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tuża l-kliem “für unzuständig erklären”, dik fil-lingwa Ingliża l-kliem “decline jurisdiction”, dik fil-lingwa Franċiża tuża l-kliem “déliner détention”, dik fil-lingwa Taljana l-kliem “dichiarare la propria incompetenza” u dik fil-lingwa Rumena l-kliem “decline competența”.

29

F’dan il-każ, il-qorti adita preċedentement użat il-kliem tal-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet billi ddikjarat li “tirrifjuta li tagħti deċiżjoni”. Madankollu, il-fatt li, din id-dispożizzjoni fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Spanjola, tuża kliem differenti minn dawk tal-Artikolu 7(a) tal-imsemmi regolament, u li l-qorti Spanjola użat kliem li jidhru fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, ma għandux effett fuq il-validità ta’ rifjut ta’ ġurisdizzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

30

F’dan ir-rigward, hemm lok li niftakru li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha b’hekk tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, [sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, United Biscuits (Pensions Trustees) u United Biscuits Pension Investments (C‑235/19, EU:C:2020:801, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Mill-kliem tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet jirriżulta li r-rifjut ta’ ġurisdizzjoni jippresupponi li jiġu ssodisfatti diversi kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni u huwa bbażat fuq evalwazzjoni mill-qorti adita preċedentement taċ-ċirkustanzi ta’ fatt relatati mas-suċċessjoni, sabiex tiddeċiedi jekk il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ntgħażlet, skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, humiex fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar is-suċċessjoni. Din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi żgurat, minn naħa, li tiżgura li l-awtorità responsabbli mis-suċċessjoni tapplika d-dritt nazzjonali tagħha, kif tindika l-premessa 27 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra, li jintlaħaq l-għan ta’ dan tal-aħħar, li jikkonsisti fl-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati li jistgħu jkunu eqreb għall-partijiet jew għall-beni għas-suċċessjoni.

32

Fir-rigward tal-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, min-naħa tiegħu, jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet u jipprevedi li dawn għandhom ġurisdizzjoni, jekk qorti preċedentement adita tkun irrifjutat il-ġuriżdizzjoni wara talba favur tagħhom, skont l-Artikolu 6(a) ta’ dan ir-regolament.

33

Issa, la l-kliem tal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, u lanqas dawk tal-Artikolu 7 tiegħu ma fihom ebda riferiment għall-forma li biha l-qorti adita preċedentement għandha tirrifjuta l-ġurisdizzjoni u, konsegwentement, għall-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens min-naħa ta’ din il-qorti anki jekk ikun minnu li, l-prinċipju ta’ ċertezza legali, jimplika li r-rifjut ta’ din il-ġurisdizzjoni bil-għan li jiġi evitat kunflitt ta’ ġurisdizzjoni bejn din tal-aħħar u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

34

Konsegwentement, talba ta’ ġurisdizzjoni espressa ma hijiex neċessarja sakemm, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jirriżulta mir-rifjut mill-qorti adita preċedentement, fis-sens tal-Artikolu 6(a) tal-istess regolament, li tagħti deċiżjoni, jirriżulta b’mod inekwivoku li din irrifjutt favur il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet mid-deċedut li hija tqis li hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar suċċessjoni partikolari.

35

Fil-fatt, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan li jikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, iggarantit b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet u li huwa stabbilit fl-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, u b’hekk huwa intiż, fil-qasam tal-kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, sabiex isaħħaħ sistema ssimplifikata u effikaċi ta’ regoli ta’ kunflitt, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha effett transkonfinali, sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri.

36

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm rifjut ta’ ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(a) ta’ dan l-istess regolament, favur qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet mid-deċedut, ma huwiex neċessarju li l-qorti adita preċedentement tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha b’mod espress, iżda din l-intenzjoni għandha toħroġ mingħajr ekwivoku mid-deċiżjoni li tkun ħadet f’dan ir-rigward.

Fuq it-tieni domanda

37

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha tressqet il-kawża wara li tirrifjuta għall-ġurisdizzjoni hija awtorizzata tistħarreġ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex il-qorti adita preċedentement tkun tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha.

38

B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà għall-qorti adita fit-tieni lok, biex tivverifika jekk it-tliet kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet sabiex ikun hemm rifjut għall-ġurisdizzjoni, li tivverifika, ikunux ġew issodisfatti, jiġifieri l-ewwel, li d-deċedut kien għażel b’mod validu l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, it-tieni, li, quddiem il-qorti adita preċedentement, waħda mill-partijiet fil-proċedura kienet ippreżentat talba għall-finijiet ta’ tali rifjut ta’ ġurisdizzjoni, u, t-tielet, li l-qorti adita preċedentement kienet ikkunsidrat ġustament li l-qrati ta’ Stat Membru, li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet, kienu f’pożizzjoni aħjar biex jiddeċiedu fuq is-suċċessjoni.

39

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, jipprevedi l-fakultà tal-qorti adita preċedentement skont l-Artikolu 4 jew 10 ta’ dan ir-regolament u tikkonċerna l-fakultà li din tal-aħħar tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qorti tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet b’applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, meta l-kundizzjonijiet previsti mill-ewwel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma ssodisfatti.

40

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni tikkostitwixxi biss fakultà għall-qorti preċedentement adita, u mhux minn obbligu tal-imsemmija qorti, jirrappreżenta indizju serju li tali deċiżjoni ma tistax tiġi mistħarrġa mill-qrati li favur tagħhom il-qorti preċedentement adita tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha.

41

Skont l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu ġiet magħżula skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq is-suċċessjoni bil-kundizzjoni li qorti li tkun ġiet adita preċedentement tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fl-istess kawża, skont l-Artikolu 6(a) tal-imsemmi regolament. Għalhekk, dawn il-qrati jkollhom ġurisdizzjoni minħabba s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ rifjut ta’ ġurisdizzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

42

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li rifjut ta’ ġurisdizzjoni jikkostitwixxi “deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament dwar ir-rikonoxximent, is-saħħa eżekuttiva u l-eżekuzzjoni tas-“sentenzi”, jiġifieri l-Artikoli 39 sa 58 ta’ dan ir-regolament, huma applikabbli.

43

Issa, l-Artikolu 39 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, jipprevedi li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti fi Stati Membri oħra, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir użu minn proċedura partikolari, u l-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jispeċifika, li f’ebda każ, tali deċiżjonijiet ma jistgħu ikunu s-suġġett ta’ reviżjoni dwar il-mertu. Inkwantu għall-motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent stabbiliti fl-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament l-ebda wieħed minnhom ma jirrigwarda l-fatt li l-qorti adita fit-tieni lok tqis li, fis-sentenza dwar ir-rifjut ta’ ġurisdizzjoni, l-Artikolu 6(a) tal-istess regolament ġiet applikata b’mod żbaljat.

44

Għaldaqstant, deċiżjoni li permezz tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha torbot lill-qrati tal-Istati Membri l-oħra kemm f’dak li jirrigwarda l-astensjoni ta’ din il-qorti, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, kif ukoll fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet elenkati f’din l-istess dispożizzjoni ġew ssodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 41).

45

Kull interpretazzjoni oħra tista’ tippreġudika l-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ fiduċja reċiproka, li fuqhom hija bbażata s-sistema stabbilita mir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet.

46

Fil-fatt skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ġenerali persegwit mill-imsemmi regolament, kif jirriżulta mill-premessa 59 tiegħu, huwa r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni li għandhom rilevanza transkonfinali (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Brisch, C‑102/18, EU:C:2019:34, punt 33).

47

Issa, jekk qorti ta’ Stat Membru tkun ġiet abilitata li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet ikunux ġew issodisfatti u jekk ikun il-każ tirrifjuta li tirrikonoxxi deċiżjoni li permezz tagħha qorti ta’ Stat Membru ieħor irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha, din il-possibbiltà tmur ukoll kontra s-sistema stabbilita mir-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, peress li tali rifjut jista’ jikkomprometti l-funzjonament effikaċi tar-regoli stabbiliti fil-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament kif ukoll, kif osserva l-Avukat Ġenerali irrelevat fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 6(a) u fl-Artikolu 7(a) tal-istess regolament.

48

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni adottata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza tippermetti li jiġi evitat kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, li jista’ jwassal għal riskju ta’ ċaħda tal-ġustizzja, kif irrileva essenzjalment ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu.

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(a), l-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru adita wara rifjut tal-ġurisdizzjoni ma hijiex awtorizzata tistħarreġ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex il-qorti adita preċedentement tkun tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha.

Fuq it-tielet domanda

50

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 6(a) u fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet japplikawx ukoll fil-każ meta fit-testment tiegħu, stabbilit qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, id-deċedut ma kienx għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u fejn l-indikazzjoni ta’ din il-liġi tirriżulta biss mill-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament.

51

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li għalkemm, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tad-dispożizzjonijiet hekk interpretati hija rriżervata għall-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 52).

52

Skont l-Artikolu 83(4) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, jekk trasferiment causa mortis li kien sar qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015 jiġi redatt skont il-liġi li d-deċedut seta’ jagħżel skont dan ir-regolament, din il-liġi titqies li ntgħażlet bħala l-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

53

B’hekk, din id-dispożizzjoni tistiwixxi, għall-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, preżunzjoni ta’ għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, li tipproduċi l-istess effett bħall-għażla magħmula skont id-disġożizzjonijiet tal-istess regolament.

54

Kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet huwa b’mod partikolari li jistabbilixxi paralleliżmu bejn il-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli.

55

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punti 5052), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li kif tenfasizza l-premessa 27 tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma maħsuba sabiex jiżguraw li l-awtorità inkarigata mis-suċċessjoni tkun tista’ tapplika, fil-parti l-kbira tal-każijiet, id-dritt nazzjonali tagħha, tali għan huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u dawk dwar il-liġi applikabbli f’dan il-qasam.

56

Barra minn hekk, kif ġie tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ir-rifjut ta’ ġurisdizzjoni li huwa previst fl-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet huwa intiż sabiex jippermetti li qorti ta’ Stat Membru li tkun tista’ tirrifjuta għall-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, meta din tal-ewwel tikkunsidra li dawn tal-aħħar huma f’pożizzjoni aħjar minnha sabiex jiddeċiedu, sabiex tippermetti li jkunu l-qrati l-iktar qrib tas-suċċessjoni kkonċernata li jiddeċiedu l-kawża relatata magħha.

57

Issa, interpretazzjoni fis-sens li l-applikazzjoni tal-liġi li tirregola s-suċċessjoni skont l-Artikolu 83(4) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet ma tippermettix rifjut ta’ ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(a) ta’ dan ir-regolament, tippreġudika l-għanijiet imsemmija fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza.

58

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament dwar is-Suċċessjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll meta fit-testment tiegħu, stabbilit qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, id-deċedut ma kienx għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u meta l-indikazzjoni ta’ din il-liġi tirriżulta biss mill-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(a) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun hemm rifjut ta’ ġurisdizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(a) ta’ dan l-istess regolament, favur qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun intgħażlet mid-deċedut, ma huwiex neċessarju li l-qorti adita preċedentement tkun espressament irrifjutat il-ġurisdizzjoni tagħha, iżda din l-intenzjoni għandha toħroġ mingħajr ekwivoku mid-deċiżjoni li tkun ħadet f’dan ir-rigward.

 

2)

L-Artikolu 6(a), l-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru adita wara rifjut tal-ġurisdizzjoni ma hijiex awtorizzata tistħarreġ jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex il-qorti adita preċedentement tkun tista’ tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha.

 

3)

L-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 650/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll fil-każ meta fit-testment tiegħu, stabbilit qabel is‑17 ta’ Awwissu 2015, id-deċedut ma kienx għażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u fl-indikazzjoni ta’ din il-liġi tirriżulta biss mill-Artikolu 83(4) ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.