SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Punt l tal-Artikolu 9(1) – Dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) – Kalkolu tal-valur enerġetiku u tal-ammonti ta’ nutrijenti – Possibbiltà li din l-informazzjoni tingħata għall-prodott tal-ikel ladarba jkun ippreparat – Kundizzjonijiet – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) – Espressjoni abbażi ta’ kull porzjon jew kull unità ta’ konsum”

Fil-Kawża C‑388/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV

vs

Dr. August Oetker Nahrungsmittel KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Passer (Relatur), President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV, minn P. Wassermann, Rechtsanwalt,

għal Dr. August Oetker Nahrungsmittel KG, minn C. Konnertz-Häußler, Rechtsanwältin,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u B. Rous Demiri, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40, u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband eV (l-Unjoni Federali taċ-Ċentri u tal-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BVV”) u Dr. August Oetker Nahrungsmittel KG (iktar ’il quddiem “Dr. Oetker”) dwar talba intiża sabiex din il-kumpannija tiġi ordnata tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1169/2011 l-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni li jinsab fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ pakkett ta’ muesli.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 35, 37 u 41 tar-Regolament Nru 1169/2011 jgħidu li:

“(35)

Biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta’ prodotti f’daqsijiet ta’ pakkett differenti, ikun xieraq li jinżamm ir-rekwiżit li d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tirreferi għal ammonti ta’ 100 g jew 100 ml u, jekk ikun xieraq, li jiġu permessi dikjarazzjonijiet addizzjonali skont il-porzjon. Għalhekk, metal l-ikel ikun ippakkjat bil-lest u jiġu identifikati porzjonijiet jew unitajiet ta’ konsum individwali, għandha tkun permessa dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum, minbarra l-espressjoni għal kull 100 g jew 100 ml. Barra minn hekk, biex jingħataw indikazzjonijiet li jistgħu jitqabblu rigward il-porzjonijiet jew l-unitajiet ta’ konsum, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta regoli dwar l-espressjoni tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal kull porzjon jew għal kull unità ta’ konsum għal kategoriji speċifiċi ta’ ikel.

[…]

(37)

Ladarba wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huwa li jipprovdi bażi għall-konsumatur finali biex jagħmel għażliet informati, huwa importanti li f’dan ir-rigward jiġi żgurat li l-konsumatur finali jifhem faċilment l-informazzjoni pprovduta fuq it-tikkettar. […]

[…]

(41)

Sabiex tattira lill-konsumatur medju u sabiex isservi l-għan informattiv li għalih iddaħħlet, u minħabba l-livell ta’ għarfien attwali dwar is-suġġett tan-nutrizzjoni, l-informazzjoni pprovduta għandha tkun sempliċi u faċilment komprensibbli. Informazzjoni dwar in-nutrizzjoni parzjalment fil-linja viżiva ewlenija, komunement magħrufa bħala l-‘quddiem tal-pakkett’ u parzjalment fuq naħa oħra tal-pakkett, pereżempju fuq il-‘wara tal-pakkett’, tista’ toħloq konfużjoni għall-konsumaturi. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandha tkun fl-istess linji viżivi. Barra minn hekk, fuq bażi volontarja, l-elementi l-iktar importanti tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni jistgħu jkunu ripetuti fil-linja viżiva ewlenija, sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jaraw faċilment l-informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni meta jixtru l-ikel. Għażla libera dwar l-informazzjoni li tista’ tkun ripetuta tista’ tikkonfondi lill-konsumaturi. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema informazzjoni tista’ tkun ripetuta.”

4

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

[…]

l) dikjarazzjoni ta’ nutrizzjoni.”

5

L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kontenut”, jistabbilixxi li:

“1.   Id-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

il-valur enerġetiku; u

(b)

l-ammonti ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ.

[…]

3.   Fejn it-tikkettar ta’ ikel ippakkjat bil-lest jipprevedi d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi ripetuta fiha:

(a)

il-valur enerġetiku; jew

(b)

il-valur enerġetiku flimkien mal-ammonti ta’ xaħam, saturati, zokkor u melħ.

4.   B’deroga mill-Artikolu 36(1), fejn it-tikkettar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 16(4) jipprevedi dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, il-kontenut ta’ dik id-dikjarazzjoni jista’ jkun limitat biss għall-valur enerġetiku.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44 u b’deroga mill-Artikolu 36(1), fejn it-tikkettar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 44(1) jipprovdi dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, il-kontenut ta’ dik id-dikjarazzjoni jista’ jkun limitat biss għal:

(a)

il-valur enerġetiku; jew

(b)

il-valur enerġetiku flimkien mal-ammonti ta’ xaħam, saturati, zokkor u melħ.

[…]”

6

L-Artikolu 31 tal-istess regolament, intitolat “Kalkolu”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li:

“Il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti msemmijin fl-Artikolu 30(1) sa (5) għandhom ikunu dawk tal-ikel kif jinbiegħ.

Fejn adegwat, l-informazzjoni tista’ tkun marbuta mal-ikel wara l-preparazzjoni, dejjem jekk jingħataw istruzzjonijiet dettaljati biżżejjed dwar il-preparazzjoni u l-informazzjoni tkun marbuta mal-ikel kif jiġi mħejji għall-konsum.”

7

L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Espressjoni għal kull 100 g jew għal kull 100 ml”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Il-valur enerġetiku u l-ammont ta’ nutrijenti msemmija fl-Artikolu 30(1) sa (5) għandhom ikunu espressi għal kull 100 g jew għal kull 100 ml.”

8

L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Espressjoni abbażi ta’ kull porzjon jew kull unità ta’ konsum”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li:

“1.   Fil-każijiet li ġejjin, il-valur enerġetiku u l-ammont ta’ nutrijenti msemmija fl-Artikolu 30(1) sa (5) jistgħu jkunu espressi għal kull porzjon u/jew għal kull unità ta’ konsum, faċilment rikonoxxibbli mill-konsumaturi, sakemm il-porzjon jew l-unità tkun kwantifikata fit-tikketta u li l-għadd ta’ porzjonijiet jew unitajiet li jinsabu fil-pakkett ikun imsemmi:

(a)

barra mill-forma ta’ espressjoni għal kull 100 g jew għal kull 100 ml msemmija fl-Artikolu 32(2);

(b)

barra mill-forma ta’ espressjoni għal kull 100 g jew għal kull 100 ml msemmija fl-Artikolu 32(3) rigward l-ammonti ta’ vitamini u minerali;

(c)

barra mill-forma ta’ espressjoni għal kull 100 g jew għal kull 100 ml msemmija fl-Artikolu 32(4).

2.   B’deroga mill-Artikolu 32(2), fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 30(3) l-ammont ta’ nutrijenti u/jew il-perċentwal tal-konsum referenzjali stabbilit fil-Parti B tal-Anness XIII jistgħu jkunu espressi abbażi ta’ unità għal kull porzjoni jew għal kull unità tal-konsum biss.

Meta l-ammonti tan-nutrijenti jkunu espressi fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità ta’ konsum biss skont l-ewwel subparagrafu, il-valur enerġetiku għandu jiġi espress għal kull 100 g jew għal kull 100 ml u fuq il-bażi ta’ kull porzjon jew ta’ kull unità tal-konsum.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Dr. Oetker hija impriża Ġermaniża fis-settur tal-ikel li tipproduċi u tikkummerċjalizza muesli bl-isem “Dr. Oetker Vitalis Knuspermüsli Schoko+Keks” (muesli krokkanti biċ-ċikkulata u gallettini). Il-pakkett ta’ dan il-prodott huwa magħmul minn kaxxa tal-kartun fil-forma ta’ kubu.

10

Dan il-pakkett fih id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni segwenti:

fuq il-ġenb tal-pakkett (in-naħa d-dejqa tal-kaxxa), taħt it-titolu “Informazzjoni dwar in-nutrizzjoni”, hemm l-indikazzjonijiet dwar il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor, proteini u melħ, li huma rrapportati, minn naħa waħda, għal kull 100 g tal-prodott kif jinbiegħ u, min-naħa l-oħra, għal kull porzjon ta’ 40 g ta’ muesli ppreparat b’60 ml ħalib li fih 1.5 % ta’ xaħam;

Fuq il-faċċata tal-pakkett (il-linji viżivi prinċipali tal-kaxxa) huma rrepetuti l-indikazzjonijiet dwar il-valur enerġetiku u dwar l-ammonti ta’ xaħam, saturati, karboidrati, zokkor u melħ, li huma relatati biss mal-porzjon tal-prodott meta jiġi ppreparat.

11

Il-BVV intimat lil Dr. Oetker sabiex tikkonforma ruħha, għal dak li jirrigwarda r-reklamar tal-prodott imsemmi fil-punti 9 u 10 ta’ din is-sentenza, mar-regoli dwar id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni previsti mir-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, skont il-BVV, Dr. Oetker kisret l-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikoli 30 u 32 tiegħu, għar-raġuni li, fuq il-faċċata tal-pakkett ta’ dan il-prodott, il-valur enerġetiku ġie indikat mhux skont il-porzjon tal-prodott kif jinbiegħ, iżda biss skont il-porzjon tal-prodott meta jiġi ppreparat.

12

Peress li din l-intimazzjoni baqgħet mingħajr effett, il-BVV ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Bielefeld (il-Qorti Reġjonali ta’ Bielefeld, il-Ġermanja) li laqgħet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Awwissu 2018. Wara li Dr. Oetker ippreżentat appell, l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, annullat din is-sentenza u ċaħdet l-appell tal-BVV.

13

Il-BVV ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm).

14

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni tal-imsemmi appell tiddependi b’mod partikolari fuq jekk l-Artikolu 31(3) u l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fuq il-faċċata tal-pakkett tissemma, għal finijiet promozzjonali, informazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal kull porzjon tal-prodott tal-ikel meta jiġi ppreparat, mingħajr ma jiġi indikat il-valur enerġetiku għal kull 100 g ta’ dan il-prodott tal-ikel kif jinbiegħ.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id dispożizzjoni tapplika biss għall-ikel li għalih hija meħtieġa preparazzjoni u li għalih il-mod ta’ preparazzjoni huwa determinat minn qabel?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv: il kliem “kull 100 g” li jinsab fit-tieni subparagrafu tal Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jinftiehem bħala li jirreferi biss għal 100 g tal-prodott kif jinbiegħ jew li jirreferi wkoll – tal-inqas b’mod addizzjonali – għal 100 g tal-ikel wara l-preparazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-prodotti tal-ikel li, sabiex jiġu kkonsmati, jeħtieġu preparazzjoni u li għalihom il-mod ta’ preparazzjoni huwa ddeterminat minn qabel.

17

F’dan il-każ, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi ppreparat b’modi differenti, jiġifieri b’mod partikolari biż-żieda ta’ ħalib, ta’ jogurt, ta’ ġobon abjad, ta’ meraq tal-frott, ta’ frott, ta’ ġamm jew ta’ għasel. Huwa jista’ jiġi kkonsmat ukoll mingħajr ebda preparazzjoni.

18

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk, meta jkun hemm diversi modi ta’ preparazzjoni ta’ prodott tal-ikel, id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li huma repetuti fuq bażi volontarja fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett jistgħux jirrelataw biss ma’ wieħed minn dawn il-modi ta’ preparazzjoni.

19

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, huwa possibbli, “[f]ejn adegwat”, li tiġi pprovduta informazzjoni dwar in-nutrizzjoni “marbuta mal-ikel wara l-preparazzjoni”, minflok ma din tiġi pprovduta għall-prodott tal-ikel “kif jinbiegħ”, “dejjem jekk jingħataw istruzzjonijiet dettaljati biżżejjed dwar il-preparazzjoni u l-informazzjoni tkun marbuta mal-ikel kif jiġi mħejji għall-konsum”.

20

L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, AFMB et, C‑610/18, EU:C:2020:565, punt 50).

21

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45, 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjonijiet letterali u kuntestwali ma humiex deċiżivi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirrigwardax biss il-prodotti tal-ikel li għalihom huwa ddeterminat minn qabel mod wieħed ta’ preparazzjoni jew ukoll il-prodotti tal-ikel li jistgħu jiġu ppreparati b’modi differenti, b’mod partikolari permezz ta’ ingredjenti varji li jiżdiedu ma’ dawn il-prodotti tal-ikel. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdix elementi li jippermettu li tingħata risposta ċara u inekwivoka għal din id-domanda, ir-Regolament Nru 1169/2011 ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kalkolu u l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni li għandhom jidhru fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ pakkett.

22

Għaldaqstant, huwa biss fid-dawl tal-interpretazzjoni teleoloġika li jistgħu jinstabu elementi ta’ risposta għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sens li għandu jingħata lill-espressjoni “fejn adegwat”, li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011.

23

Fir-rigward tal-għan segwit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl kemm tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li jinkludu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, fl-osservanza tad-differenzi fil-perċezzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis, C‑485/18, EU:C:2020:763, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessi 35 u 41 tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li l-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament għandu l-għan li jiffaċilita l-paragun tal-prodotti tal-ikel u li jinforma lill-konsumaturi.

25

Fil-fatt, skont il-premessa 35, id-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal kull 100 g jew 100 ml għandhom l-għan li “jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta’ prodotti f’daqsijiet ta’ pakkett differenti”. Din il-premessa tippreċiża wkoll li d-“dikjarazzjonijiet addizzjonali skont il-porzjon” huma awtorizzati, “minbarra [d-dikjarazzjoni espressa] […] għal kull 100 g jew 100 ml”, “jekk ikun xieraq”, “[meta] l-ikel ikun ippakkjat bil-lest u jiġu identifikati porzjonijiet jew unitajiet ta’ konsum individwali”.

26

Għal dak li jirrigwarda l-premessa 41, din tipprevedi li l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni pprovduta għandha “tkun sempliċi u faċilment komprensibbli […] [s]abiex tattira lill-konsumatur medju u sabiex isservi l-għan informattiv li għalih iddaħħlet”. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li, “fuq bażi volontarja, l-elementi l-iktar importanti tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni jistgħu jkunu ripetuti fil-linja viżiva ewlenija, sabiex il konsumaturi jiġu megħjuna jaraw faċilment l-informazzjoni essenzjali dwar in-nutrizzjoni meta jixtru l-ikel”.

27

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, prodott tal-ikel jista’ jiġi ppreparat b’modi differenti, l-informazzjoni dwar il-valur enerġetiku u l-ammonti ta’ nutrijenti tal-prodott tal-ikel ladarba dan jiġi ppreparat skont is-suġġeriment tal-produttur ma tippermettix il-paragun ma’ prodotti korrispondenti ta’ produtturi oħra, peress li l-kalkolu tal-valur tal-enerġija u l-ammonti ta’ nutrijenti ta’ prodott li jistgħu jiġu ppreparati b’modi differenti huwa, bħala definizzjoni, inċert fis-sens li neċessarjament ivarja skont il-mod ta’ preparazzjoni.

28

In-nuqqas ta’ komparabbiltà lanqas ma jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li l-valuri ta’ porzjoni huma indikati xi mkien ieħor fuq il-pakkett, bil-valuri għal kull 100 g tal-prodott kif jinbiegħ. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände (C‑195/14, EU:C:2015:361, punti 38 sa 40), il-fatt li l-lista tal-ingredjenti tidher fuq il-pakkett tal-prodott ikkonċernat ma jippermettix li jiġi eskluż, waħdu, li l-ittikkettjar ta’ dan il-prodott u l-modalitajiet li bihom dan jitwettaq jistgħu jkunu ta’ natura li jqarrqu bix-xerrej. B’analoġija, l-informazzjoni iżolata li tinsab fuq in-naħa ta’ quddiem tal-pakkett ma tippermettix il-paragun tal-prodotti u d-dikjarazzjonijiet addizzjonali li jidhru xi mkien ieħor fuq il-pakkett ma’ kwantitajiet ta’ riferiment differenti jistgħu sempliċement jiżgwidaw iktar lill-konsumatur fir-rigward tal-komparabbiltà ma’ prodotti oħra.

29

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 37 tar-Regolament Nru 1169/2011, li tgħid li huwa importanti li l-konsumatur finali jifhem faċilment l-informazzjoni li tidher fuq it-tikketta b’mod li tipprovdilu bażi sabiex jagħmel għażliet informati.

30

Għaldaqstant, il-prodotti tal-ikel li jistgħu jiġu ppreparati b’modi differenti għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 1169/2011.

31

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-prodotti tal-ikel li għalihom hija meħtieġa preparazzjoni u li għalihom il-mod ta’ preparazzjoni huwa ddeterminat minn qabel.

Fuq it-tieni domanda

32

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-prodotti tal-ikel li għalihom hija meħtieġa preparazzjoni u li għalihom il-mod ta’ preparazzjoni huwa ddeterminat minn qabel.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.