SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni ta’ talba għal divorzju – Artikolu 3(1)(a) – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ tar-rikorrent”

Fil-Kawża C‑289/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

IB

vs

FA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tat-Tieni Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IB, minn F. Ingold u E. Ravin, avukati,

għal FA, minn A. Boiché, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, T. Stehelin u D. Dubois kif ukoll minn A. Daniel, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn S. Duarte Afonso, P. Barros da Costa u L. Medeiros, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn M. Heller kif ukoll minn W. Wils u M. Wilderspin, sussegwentement minn M. Heller u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243 u rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IB u FA dwar talba għal xoljiment taż-żwieġ tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000

3

Skont il premessi 4, 8 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209), li tħassar, fl-1 ta’ Marzu 2005, mir-Regolament Nru 2201/2003:

“(4)

Differenzi bejn ċerti regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u l-infurzar jfixklu l-moviment liberu ta’ persuni u l-operazzjoni tajba tas-suq intern. Għalhekk hemm raġunijiet ħalli jkunu preskritti dispożizzjonijiet li jgħaqqdu r-regoli tal-konflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbilità tal-ġenituri sabiex jissimplifikaw il-formalitajiet għal riknoxximent ta’ malajr u awtomatiku u l-infurzar ta’ sentenzi.

[…]

(8)

Il-miżuri preskritti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti u uniformi biex jgħinu lin-nies li jiċċaqalqu il-bogħod kemm jista’ jkun. […]

[…]

(12)

Il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni aċċettati f’dan ir-Regolament huma msejsa fuq ir-regola li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni; id-deċiżjoni li tinkludi ċerti raġunijiet tikkorrespondi mal-fatt li dawn jeżistu f’sistemi legali nazzjonali differenti u li huma aċċettati mill-Istati Membri l-oħra.”

Ir-Regolament Nru 2201/2003

4

Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“(1)

il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu talpersuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji gżat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.”

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

(a)

id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;

[…]”

6

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali”, jistabbilixxi:

“1.   Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit [tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq] u ta’ l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

(b)

dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.

2.   Għar-raġunijiet ta’ kompetenza ta’ dan ir-Regolament, ‘domiċilju’ se jkollu l-istess tifsira kif għandu taħt is-sistemi legali tar-Renju Unit u l-Irlanda.”

7

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5”:

“Il-konjuġi li:

(a)

huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru; jew

(b)

huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ fit-territorju f’wieħed minn dawn l-aħħar Stati Membri,

jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss.”

8

Intitolat “Lis pendens u azzjonijiet dipendenti”, l-Artikolu 19 tal-istess regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita.”

9

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “L-Istati Membri li għandhom zewg sistemi legali jew aktar”, huwa fformulat kif ġej:

“Rigward Stat Membru f’liema tnejn jew aktar sistemi ta’ l-liġi jew sett ta’ regoli konċernati kwistjonijiet regolati minn dan ir-Regolament japplikaw f’unitajiet territorjali differenti:

(a)

kull referenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat Membru għandha tirreferi għar-residenza abitwali ġewwa unità territorjali;

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

10

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29), jipprevedi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

[…]

(ċ)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, […]

[…]”

Ir-Regolament (UE) 2016/1103

11

Il-premessi 15 u 49 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ĠU 2016, L 183, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2017, L 113, p. 62 u fil-ĠU 2018, L 167, p. 36), huma fformulati kif ġej:

“(15)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-koppji miżżewġa rigward il-proprjetà tagħhom u sabiex tingħatalhom ċerta prevedibbiltà, jeħtieġ r-regoli kollha applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali jkunu koperti fi strument wieħed.

[…]

(49)

Fejn ebda liġi applikabbli ma tintgħażel, u bil-għan ta’ rikonċiljazzjoni tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali mal-kunsiderazzjoni tal-ħajja li effettivament tkun tgħix il-koppja, dan ir-Regolament għandu jintroduċi regoli armonizzati dwar il-kunflitti tal-liġijiet li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-proprjetà kollha tal-konjuġi fuq il-bażi ta’ skala ta’ fatturi ta’ konnessjoni. L-ewwel residenza abitwali komuni tal-konjuġi ftit wara ż-żwieġ għandha tikkostitwixxi l-ewwel kriterju, li jkollu preċedenza fuq il-liġi taċ-ċittadinanza komuni tal-konjuġi fil-mument taż-żwieġ tagħhom. […]”

12

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, fejn qorti ta’ Stat Membru tkun inkarigata biex tagħti sentenza fuq applikazzjoni għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ skont ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, il-qrati ta’ dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenzi dwar kwistjonijiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali li jirriżultaw b’konnessjoni ma’ dik l-applikazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

IB, ta’ nazzjonalità Franċiża, u FA, martu, ta’ nazzjonalità Irlandiża, iżżewġu matul is-sena 1994 fi Bray (l-Irlanda). Huma kellhom tlett itfal issa maġġorenni.

14

Fit‑28 ta’ Diċembru 2018, IB ippreżenta rikors għal divorzju quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza).

15

Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Lulju 2019 u skont it-talbiet ta’ FA, il-qorti tal-familja ta’ din il-qorti ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju tal-konjuġi. Fil-fatt, hija kkunsidrat li s-sempliċi iffissar tal-post tax-xogħol ta’ IB fi Franza ma kienx biżżejjed sabiex jikkaratterizza r-rieda tiegħu li jistabbilixxi r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk, minkejja l-konsegwenzi fiskali u amministrattivi kif ukoll l-abitudnijiet tal-ħajja li jirriżultaw minnhom.

16

Fit‑30 ta’ Lulju 2019, IB appella minn dan id-digriet quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), fejn talabha, b’mod partikolari, tiddikjara li t-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju tal-konjuġi kkonċernati. F’dan ir-rigward, IB isostni li huwa ilu jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu fi Franza mis-sena 2010 u b’mod stabbli u kontinwu sa minn Mejju 2017. Barra minn hekk, huwa jsostni li huwa stabbilixxa ruħu f’appartament proprjetà ta’ missieru, li jmexxi ħajja soċjali hemmhekk u li huwa r-rifjut ta’ martu li tiġi tgħix fi Franza, minkejja li hija tirrisjedi hemmhekk b’mod regolari, fl-appartament ta’ Pariġi jew fid-dar għall-vaganzi miksuba matul is-sena 2017, li wasslithom sabiex imexxu ħajja parallela ta’ kuljum.

17

FA ssostni, min-naħa tagħha, li qatt ma kien previst li l-familja tistabbilixxi ruħha fi Franza. Għalhekk, ir-residenza abitwali tal-familja tinsab fl-Irlanda u IB qatt ma biddel ir-residenza tiegħu, iżda biddel biss l-indirizz tal-post tax-xogħol tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li IB ilu jaħdem u jirċievi d-dħul tiegħu fi Franza għal iktar minn 6 xhur ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkaratterizzata r-residenza abitwali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, IB baqa’ jgħix fid-domiċilju familjari li tinsab fl-Irlanda sal-aħħar tas-sena 2018, kien hemm l-istess ħajja bħal qabel u kkonsulta avukat fl-Irlanda meta l-konjuġi ppjanaw, mix-xahar ta’ Settembru 2018, li jiddivorzjaw.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li d-domiċilju familjari tal-konjuġi kkonċernati kienet tinsab fl-Irlanda fejn il-familja kienet marret toqgħod matul is-sena 1999 u kienet xtrat proprjetà immobbli li kienet tikkostitwixxi d-domiċilju konjugali. Barra minn hekk, FA żammet ir-residenza abitwali tagħha fl-Irlanda fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ divorzju minn IB, l-ebda separazzjoni ma seħħet qabel il-bidu ta’ din il-proċedura u ebda element ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-konjuġi kellhom l-intenzjoni komuni li jittrasferixxu d-domiċilju konjugali fi Franza, diversi elementi li jikkaratterizzaw ir-rabta personali u familjari ta’ IB lejn l-Irlanda fejn kien imur hemmhekk kull tmiem il-ġimgħa sabiex isib hemmhekk il-konjuġi u wliedu.

19

Madankollu, din il-qorti hija tal-fehma li r-rabta ta’ IB mal-Irlanda ma hijiex esklużiva minn rabta ma’ Franza fejn, sa mis-sena 2017, kien qiegħed jitlaq il-ġimgħat kollha sabiex jaħdem hemm, filwaqt li kkonstatat l-istess bħall-qorti tal-ewwel istanza li IB kellu, fil-fatt, żewġ residenzi, waħda, tal-familja, fl-Irlanda, u l-oħra, professjonali, fi Franza, għal diversi snin, b’tali mod li l-elementi ta’ konnessjoni ta’ IB ma’ Franza ma kinux, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, la okkażjonali u lanqas ċirkustanzjali u li IB kien installa ċ-ċentru tal-interessi professjonali tiegħu hemmhekk, tal-inqas mill‑15 ta’ Mejju 2017.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li, għalkemm jista’ jiġi kkunsidrat li IB kien stabbilixxa fi Franza residenza stabbli u permanenti tal-inqas sitt xhur qabel ma ġiet adita t-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi), huwa madankollu ma kienx tilef ir-residenza tiegħu fl-Irlanda, fejn kien iżomm rabtiet familjari u fejn huwa kien regolarment iwettaq soġġorni għal konvenjenza personali tiegħu. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li l-qrati Irlandiżi u Franċiżi għandhom ukoll ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar id-divorzju tal-konjuġi kkonċernati.

21

L-imsemmija qorti tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju li l-istess kap ta’ ġurisdizzjoni jista’ jitwettaq f’żewġ Stati Membri ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Hadadi (C‑168/08, EU:C:2009:474), iżda tenfasizza li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ nazzjonalità, li d-definizzjoni tiegħu, oġġettivament, tfisser li żewġ konjuġi jistgħu jkunu ċittadini ta’ żewġ Stati Membri, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, huwa l-kunċett ta’ residenza abitwali li huwa inkwistjoni, li d-definizzjoni tiegħu hija stess tippreżumi interpretazzjoni.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jitlob l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta, bħal f’dan il-każ, miċ-ċirkustanzi fattwali jirriżulta li wieħed mill-konjuġi jaqsam ħajtu bejn żewġ Stati Membri, jista’ jitqies, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 2201/2003] u għall-applikazzjoni tiegħu, li huwa għandu r-residenza abitwali tiegħu f’żewġ Stati Membri, b’tali mod li jekk il-kundizzjonijiet elenkati minn dan l-artikolu jiġu ssodisfatti f’żewġ Stati Membri, il-qrati ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri għandhom ġurisdizzjoni ugwali sabiex jagħtu deċiżjoni fuq id-divorzju?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020.

26

Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li, ħlief għal riferiment għall-fatt li l-organizzazzjoni tal-ħajja tal-konjuġi kkonċernati tiddependi fuq id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Irlandiżi jew Franċiżi, li madankollu ma hijiex biżżejjed sabiex tiddistingwi din il-kawża minn kawżi oħra fil-qasam tad-divorzju, il-qorti tar-rinviju ma esponiet l-ebda ċirkustanza li tippermetti li jiġi stabbilit li n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata fi żmien qasir, skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

27

Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2021, IB talab b’mod motivat, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

28

Mistoqsi mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din it-talba fid-dawl tal-kriżi sanitarja, IB ta l-kunsens tiegħu, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2021, sabiex is-seduta tiġi ssostitwita bil-possibbiltà li ssir replika bil-miktub għall-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u kkonċernati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29

Minbarra IB, il-Gvern Franċiż u l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu użu minn din il-possibbiltà u ppreżentaw osservazzjonijiet.

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li konjuġi li jaqsam il-ħajja tiegħu bejn żewġ Stati Membri jista’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu f’dawn iż-żewġ Stati Membri, b’tali mod li l-qrati ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar it-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

31

Kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Għal dan il-għan, fil-Kapitoli II u III tiegħu, dan ir-regolament jistabbilixxi b’mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, peress li dawn ir-regoli huma intiżi li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jaqa’ taħt il-Kapitolu II tiegħu, jistabbilixxi l-kriterji ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju, tas-separazzjoni legali u tal-annullament taż-żwieġ. Dawn il-kriterji oġġettivi, alternattivi u esklużivi jissodisfaw il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kunflitti fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 40).

33

F’dan ir-rigward, għalkemm l-ewwel sar-raba’ inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirreferi espliċitament għall-kriterji tar-residenza abitwali tal-konjuġi u dik tal-konvenuta, il-ħames inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) kif ukoll is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jawtorizzaw l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-forum actoris (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 41).

34

Fil-fatt, dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet jirrikonoxxu, taħt ċertu kundizzjonijiet, fir-rigward tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab ir-residenza abitwali tal-persuna li tressaq it-talba, il-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali. B’hekk, is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi tali ġurisdizzjoni jekk ir-rikorrent ikun irrisjeda hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur qabel ma ssir l-applikazzjoni u jekk huwa ċittadin tal-Istat Membru inkwistjoni jew, fil-każ tal-Irlanda u tar-Renju Unit, jekk ikun hemm id-domiċilju tiegħu hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 42).

35

Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tħares l-interessi tal-konjuġi u tissodisfa l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, peress li dan stabbilixxa regoli ta’ kunflitt flessibbli sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-mobbiltà tal-persuni u jipproteġi wkoll id-drittijiet tal-konjuġi li jkun telaq mill-Istat Membru tar-residenza abitwali komuni filwaqt li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ rabta vera bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punti 4950 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, IB, li huwa ċittadin Franċiż, adixxa lit-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) b’talba għal divorzju, billi bbaża ruħu fuq is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003. Skont il-qorti tar-rinviju, mill-inqas sitt xhur qabel din il-kawża, IB kien stabbilixxa fi Franza residenza stabbli u permanenti. Fil-fatt, din il-qorti tikkunsidra li l-elementi ta’ konnessjoni ta’ IB ma’ Franza ma humiex okkażjonali jew ċirkustanzjali u li, għall-inqas minn Mejju 2017, IB installa ċ-ċentru tal-interessi professjonali tiegħu fi Franza. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li IB ma kienx tilef ir-residenza tiegħu fl-Irlanda fejn kien għad għandu rabtiet familjari u fejn kien qiegħed iwettaq soġġorni għal konvenjenza personali tiegħu kif ukoll b’mod regolari kif kien qabel. Għalhekk, din il-qorti tqis li, fil-fatt, IB kellu żewġ residenzi, jiġifieri ġimgħa stabbilita għal raġunijiet professjonali f’Pariġi u l-oħra mill-bqija tal-ħin mal-mara u wliedu fl-Irlanda.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li konjuġi jista’ jkollu biss, f’mument partikolari, residenza abitwali waħda, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

38

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, b’mod partikolari tar-residenza abitwali ta’ konjuġi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

39

Fl-assenza, fir-Regolament Nru 2201/2003, ta’ tali definizzjoni jew ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, jeħtieġ li wieħed ifittex interpretazzjoni awtonoma u uniformi tiegħu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjonijiet li jsemmuh u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, fir-rigward tar-residenza abitwali tal-wild, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li la l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan tal-aħħar ma jsemmu l-imsemmi kunċett f’forma fil-plural. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2201/2003 jirreferi għall-qrati tal-Istat Membru ta’ “residenza abitwali” ta’ wieħed jew l-oħra mill-konjuġi jew tal-wild, skont il-każ, billi juża sistematikament is-singular, mingħajr ma jipprevedi li l-istess persuna tista’, fl-istess ħin, ikollha diversi residenzi abitwali jew residenza abitwali f’numru ta’ postijiet. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni barra minn hekk ried jippreċiża, fl-Artikolu 66(a) ta’ dan ir-regolament, li, fir-rigward ta’ Stat Membru li fih żewġ sistemi legali jew iktar li jirrigwardaw kwistjonijiet irregolati mill-imsemmi regolament japplikaw f’unitajiet territorjali differenti, “kull referenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat Membru għandha tirreferi għar-residenza abitwali ġewwa unità territorjali”.

41

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, li, minn naħa, l-użu tal-aġġettiv “abitwali” jippermetti li jiġi dedott li r-residenza għandu jkollha ċerta natura ta’ stabbiltà jew ta’ regolarità u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment minn persuna tar-residenza abitwali tagħha fi Stat Membru jirrifletti r-rieda ta’ din il-persuna li tistabbilixxi hemmhekk, bl-intenzjoni li tagħtih natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 4451).

42

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija sostnuta mir-rapport ta’ spjegazzjoni, redatt minn A. Borrás, dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali, imsejħa l-Konvenzjoni ta’ “Brussell II” (ĠU 1998, C 221, p. 1), li ispirat it-test tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, mill-punt 32 ta’ dan ir-rapport (ĠU 1998, C 221, p, 27), jirriżulta li, fir-rigward tar-“residenza abitwali” bħala kriterju ta’ attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’oqsma oħra, li tgħid li dan il-kunċett kien jirreferi għall-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet, bl-intenzjoni li tagħtiha natura stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha.

43

Issa, l-assimilazzjoni tar-residenza abitwali ta’ persuna, f’dan il-każ ta’ konjuġi, maċ-ċentru permanenti jew abitwali fejn jinsabu l-interessi tagħha ma timmilitax fis-sens li jiġi aċċettat li pluralità ta’ residenzi tista’, simultanjament, ikollha tali natura.

44

Din l-evalwazzjoni hija, fit-tielet lok, ikkorroborata mill-għan segwit mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat bilanċ bejn il-mobbiltà tal-persuni ġewwa l-Unjoni Ewropea u ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Huwa minnu li, sabiex jiffavorixxi l-mobbiltà tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa ispirat mill-għan li tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li jinkiseb ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali billi jistabbilixxi, fl-Artikolu 3(1)(a) tiegħu favur ir-rikorrent, numru ta’ kriterji alternattivi, li l-applikazzjoni tagħhom ma hijiex suġġetta għal relazzjoni ta’ ġerarkija. Huwa għalhekk, li s-sistema ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilita minn dan ir-regolament fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali ma hijiex intiża sabiex teskludi diversi qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punti 4647 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li huma kkoordinati permezz tar-regoli ta’ lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament.

46

Madankollu, jekk jiġi aċċettat li konjuġi jista’ fl-istess ħin jirrisjedi abitwalment f’diversi Stati Membri, dan ikun ta’ natura li jippreġudika ċ-ċertezza legali, billi jżid id-diffikultajiet li jiġu ddeterminati minn qabel il-qrati li jistgħu jiddeċiedu dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali u billi jirrendi iktar kumpless il-verifika, mill-qorti adita, tal-ġurisdizzjoni tagħha stess. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-riskju jkun għalhekk li l-ġurisdizzjoni internazzjonali finalment iddeterminata mhux mill-kriterju tar- “residenza abitwali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda minn kriterju bbażat fuq is-sempliċi residenza ta’ wieħed mill-konjuġi jew tal-ieħor, fatt li jmur kontra dan ir-regolament.

47

Fir-raba’ lok, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandha konsegwenzi li ma humiex limitati għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali bħala tali.

48

Fil-fatt, b’mod partikolari, kemm l-Artikolu 3(ċ) tar-Regolament Nru 4/2009 kif ukoll l-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1103 jirreferu għall-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 u jipprevedu, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ xoljiment tar-rabta matrimonjali, ġurisdizzjoni anċillari tal-qorti adita sabiex tiddeċiedi dwar ċerti talbiet għal manteniment jew dwar ċerti kwistjonijiet patrimonjali. Għalhekk, li konjuġi jingħata multipliċità ta’ residenzi abitwali simultanji jkun ukoll ta’ natura li jikkomprometti r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa komuni għall-imsemmija regolamenti (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 4/2009, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni ta’ manteniment), C‑41/19, EU:C:2020:425, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, fir-rigward tar-Regolament 2016/1103, b’mod partikolari, il-premessi 15 u 49 tiegħu).

49

Fil-ħames lok, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha ma humiex ikkontestati mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, mogħtija fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Hadadi (C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 56), li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-qrati ta’ diversi Stati Membri jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni meta l-persuni kkonċernati jkollhom diversi nazzjonalitajiet.

50

Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet fl-imsemmija sentenza li l-kriterju ta’ konnessjoni previst fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, jiġifieri n-nazzjonalità taż-żewġ konjuġi, huwa limitat għan- “nazzjonalità effettiva” ta’ dawn tal-aħħar, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex x’taqsam mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

51

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, għalkemm ma huwiex eskluż li konjuġi jista’ fl-istess ħin ikollu diversi residenzi, dan tal-aħħar jista’ jkollu biss, f’mument partikolari, residenza abitwali waħda, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

52

Peress li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” jirrifletti essenzjalment kwistjoni ta’ fatt (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 51), hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ ineżami, jekk it-territorju tal-Istat Membru tal-qorti nazzjonali adita minn IB jikkorrispondix għall-post fejn tinsab ir-residenza abitwali tar-rikorrent, fis-sens tas-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punt 42, u tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punt 41).

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sabiex jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali ta’ wild, b’mod partikolari wild ta’ età żgħira li jiddependi kuljum fuq il-ġenituri tiegħu, il-post fejn dawn ikunu preżenti b’mod stabbli u integrati f’ambjent soċjali u familjari, l-intenzjoni li b’hekk tiġi stabbilita f’dan il-post, meta din tiġi espressa permezz ta’ miżuri tanġibbli li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, HR, C‑512/17, EU:C:2018:513, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tadotta għalhekk l-ambjent soċjali u familjari tal-ġenituri tal-wild, b’mod partikolari ta’ età żgħira, bħala kriterju essenzjali għad-determinazzjoni tal-post tar-residenza abitwali ta’ dan il-wild.

54

Ċertament, iċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw il-post tar-residenza abitwali ta’ wild, evidentement, ma humiex identiċi fil-punti kollha li jippermettu li jiġi ddeterminat il-post tar-residenza abitwali ta’ konjuġi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003.

55

Għalhekk, konjuġi jista’, minħabba l-kriżi konjugali, jiddeċiedi li jitlaq ir-residenza abitwali preċedenti tal-koppja sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza l-qadima u li fih iressaq talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali fil-kundizzjonijiet previsti fil-ħames jew fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, filwaqt li jibqa’ kompletament liberu li jżomm ċertu numru ta’ rabtiet soċjali u familjari fit-territorju tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-koppja.

56

Barra minn hekk, b’differenza minn wild, b’mod partikolari ta’ età żgħira, li l-ambjent tiegħu huwa, bħala regola ġenerali, essenzjalment familjari (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi, C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 54), l-ambjent ta’ adult huwa neċessarjament iktar varjat, kompost minn spettru ta’ attivitajiet kunsiderevolment iktar vast u minn interessi, b’mod partikolari professjonali, soċjokulturali, patrimonjali kif ukoll ta’ natura privata u familjari, diversifikati. F’dan ir-rigward, ma jistax jintalab li dawn l-interessi jiffokaw fuq it-territorju ta’ Stat Membru wieħed, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan tar-Regolament Nru 2201/2003 li jiffaċilita t-talbiet għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, billi jistabbilixxi regoli ta’ kunflitt flessibbli u billi jipproteġi d-drittijiet tal-konjuġi li, wara l-kriżi konjugali, telaq mill-Istat Membru tar-residenza komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2016, Mikołajczyk, C‑294/15, EU:C:2016:772, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Xorta jibqa’ l-fatt li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza tippermetti, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “residenza abitwali” huwa kkaratterizzat, bħala prinċipju, minn żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, ir-rieda tal-persuna kkonċernata li tistabbilixxi ċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha f’post partikolari u, min-naħa l-oħra, preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

58

Għalhekk, konjuġi li jallega li jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fil-ħames jew fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu neċessarjament ikun ittrasferixxa r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tar-residenza abitwali preċedenti komuni u għalhekk, minn naħa, ikun wera r-rieda li jistabbilixxi ċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu f’dan l-Istat Membru l-ieħor u, min-naħa l-oħra, ikun wera li l-preżenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tixhed grad suffiċjenti ta’ stabbiltà.

59

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku li IB, ċittadin tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-qorti nazzjonali li hija adita bih, kien jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ta’ mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel il-preżentata tar-rikors tiegħu għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003. Huwa stabbilit ukoll li matul il-ġimgħa, IB kien jeżerċita b’mod permanenti u stabbli, sa mis-sena 2017, attività professjonali għal żmien indeterminat fi Franza, li fit-territorju tagħha huwa kien jokkupa appartament għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-imsemmija attività.

60

Dawn l-elementi juru li r-residenza ta’ IB fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru hija ta’ natura stabbli u jippermettu, barra minn hekk, li tiġi żvelata, mill-inqas, integrazzjoni tal-persuna kkonċernata f’ambjent soċjali u kulturali fi ħdan l-imsemmi Stat Membru.

61

Għalkemm tali elementi jagħtu lil wieħed x’jifhem a priori li l-kundizzjonijiet previsti fis-sitt inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistgħu jiġu ssodisfatti, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ jippermettux effettivament li jiġi kkunsidrat li l-persuna kkonċernata ttrasferixxiet ir-residenza abitwali tagħha fit-territorju tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-imsemmija qorti.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li konjuġi li jaqsam il-ħajja tiegħu bejn żewġ Stati Membri jista’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu biss f’wieħed minn dawn l-Istati Membri, b’tali mod li huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din ir-residenza abitwali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar it-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

Dwar l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li konjuġi li jaqsam il-ħajja tiegħu bejn żewġ Stati Membri jista’ jkollu r-residenza abitwali tiegħu biss f’wieħed minn dawn l-Istati Membri, b’tali mod li huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab din ir-residenza abitwali li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar it-talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.