SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII – Informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel lill-konsumaturi – Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel – Direttiva 2000/36/KE – Punt 2(ċ) tal-Parti A tal-Anness I – Prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata – Lista ta’ ingredjenti ta’ prodott tal-ikel iddestinat għall-konsumaturi fi Stat Membru”

Fil-Kawża C‑881/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Tesco Stores ČR a.s.

vs

Ministerstvo zemědělství,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis, I. Ziemele u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Tesco Stores ČR a.s., minn L. Šrubař, advokát,

għal Ministerstvo zemědělství, minn R. Pokorný,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn J. Očková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u P. Ondrůšek kif ukoll minn B. Rous Demiri, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40 u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7) moqri flimkien mal-punt 2(c) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 431).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tesco Stores ČR a.s. (iktar ’il quddiem “Tesco”) u l-Ministerstvo zemědělství (il-Ministeru għall-Agrikoltura, ir-Repubblika Ċeka) dwar l-ittikkettjar ta’ prodotti mibjugħa minn Tesco fir-Repubblika Ċeka.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 1169/2011

3

Il-premessi 1, 3, 4, 13, 17, 20, 22 u 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxu:

“(1)

L-Artikolu 169 [TFUE] jipprevedi li l-Unjoni [Ewropea] għandha tikkontribwixxi għall-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur permezz tal-miżuri li hi tadotta taħt l-Artikolu 114 [TFUE].

[…]

(3)

Sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi u sabiex ikun garantit id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-ikel li jieklu. […]

(4)

Taħt ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6, p. 463 u rettifiki fil- ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5) huwa prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ikel li tiġi provduta bażi biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati rigward l-ikel li jieklu u biex jipprevjenu kwalunkwe prattika li tista’ tiżgwida lill-konsumatur.

[…]

(13)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti definizzjonijiet, prinċipji, rekwiżiti u proċeduri komuni sabiex jiġi ffurmat qafas ċar u bażi komuni għall-miżuri tal-Unjoni u nazzjonali li jirregolaw l-informazzjoni dwar l-ikel.

[…]

(17)

Il-konsiderazzjoni ewlenija biex tintalab informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għandha tkun biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu użu adatt tal-ikel u biex jagħmlu għażliet li jaqblu mal-bżonnijiet tad-dieta tagħhom individwali. […]

[…]

(20)

Il-liġi tal-informazzjoni dwar l-ikel għandha tipprojbixxi l-użu ta’ informazzjoni li tista’ tiżgwida lill-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel, l-effetti jew il-proprjetajiet tal-ikel, jew tattribwixxi proprjetajiet mediċinali lill-ikel. […]

[…]

(22)

Għandha titfassal lista tal-informazzjoni kollha obbligatorja li fil-prinċipju għandha tingħata għall-ikel kollu maħsub għall-konsumatur finali u għall-fornituri tal-massa. Dik il-lista għandha żżomm l-informazzjoni li hi diġà meħtieġa fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni ladarba ġeneralment titqies bħala akkwist ta’ valur fir-rigward tal-informazzjoni għall-konsumatur.

[…]

(26)

It-tikketti tal-ikel għandhom ikunu ċari u jinftiehmu sabiex jgħinu lill-konsumaturi li jridu jagħmlu għażliet infurmati aħjar u dwar id-dieta. […]”

4

Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 u 2 tiegħu:

5

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel.”

6

L-Artikolu 2 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jispeċifika, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

‘informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel’ tfisser id-dettalji rekwiżiti li għandhom jiġu provduti lill-konsumatur finali mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni;

[…]

(f)

‘ingredjent’ tfisser kull sustanza jew prodott, inklużi l-aromatizzanti, l-addittivi tal-ikel u l-enżimi tal-ikel, u kull kostitwent ta’ xi ingredjent kompost, użat fil-manifattura jew fit-tħejjija ta’ xi ikel u li jkun għadu hemm fil-prodott lest, anki jekk f’forma mibdula; […]

[…]

(h)

‘ingredjent kompost’ tfisser ingredjent li fih innifsu huwa r-riżultat ta’ aktar minn ingredjent wieħed;

[…]

(n)

‘isem ġuridiku’ tfisser l-isem ta’ xi ikel preskritt fid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għalih jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni bħal dawn, l-isem previst fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru li fih jinbiegħ l-ikel lill-konsumatur finali jew lill-fornituri tal-massa;

[…]”

7

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Għanijiet ġenerali”, li jinsab fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1169/2011, dwar il-“Prinċipji ġenerali dwar l-informazzjoni tal-ikel”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi.”

8

Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti ġenerali għal informazzjoni dwar l-ikel u r-responsabbiltajiet tal-operaturi tan-negozji tal-ikel”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 7 tiegħu.

9

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżit bażiku”:

“Kull ikel intiż li jiġi fornut lill-konsumatur finali jew lil fornituri tal-massa għandu jkollu miegħu l-informazzjoni dwar l-ikel skont dan ir-Regolament.”

10

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni;

[…]”

11

Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel”, taħt it-Taqsima 1, intitolata “Kontenut u preżentazzjoni”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 15 tiegħu.

12

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Lista ta’ dettalji obbligatorji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Konformement mal-Artikoli 10 sa 35 u skont l-eċċezzjonijiet li hemm f’dan il-Kapitolu, hija obbligatorja l-indikazzjoni tad-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem tal-ikel;

(b)

il-lista ta’ ingredjenti;

[…]”

13

L-Artikolu 15(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(3), l-informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel għandha tidher f’lingwa mifhuma faċilment mill-konsumaturi tal-Istati Membri fejn ikel qed jiġi kkummerċjalizzat.

2.   Fit-territorju tagħhom stess, l-Istati Membri li fihom jinbiegħ l-ikel jistgħu jistipulaw li d-dettalji għandhom ikunu b’waħda mil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”

14

L-Artikolu 17, li jinsab fl-istess Kapitolu IV tal-istess regolament, taħt it-Taqsima 2, intitolata “Dispożizzjonijiet dettaljati dwar dettalji obbligatorji”, huwa stess intitolat “Isem tal-ikel”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-isem tal-ikel għandu jkun l-isem ġuridiku tiegħu. Jekk ma jkunx hemm dak l-isem, l-isem tal-ikel għandu jkun l-isem tradizzjonali tiegħu, jew, jekk ma jkollux isem tradizzjonali jew l-isem tradizzjonali ma jintużax, għandu jingħata l-isem deskrittiv tal-ikel.”

15

L-Artikolu 18, intitolat “Lista ta’ ingredjenti”, li jinsab fl-istess Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   Il-lista ta’ ingredjenti għandha tkun intitolata jew preċeduta minn titolu adattat li jkun magħmul minn jew jinkludi l-kelma ‘ingredjenti’. Għandu jinkludi l-ingredjenti kollha tal-ikel, f’ordni li tonqos skont l-użin, kif innotati meta ntużaw fil-fabbrikazzjoni tal-ikel.

2.   L-ingredjenti għandhom jiġu nnominati bl-isem speċifiku tagħhom, fejn japplika, skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 17 u fl-Anness VI.

[…]

4.   Ir-regoli tekniċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu huma stipulati fl-Anness VII.”

16

L-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Indikazzjoni u speċifikazzjoni ta’ ingredjenti”, jinkludi b’mod partikolari Parti E, li min-naħa tagħha hija intitolata “L-ispeċifikazzjoni ta’ ingredjenti komposti”, li tipprevedi:

“1.

Ingredjent kompost jista’ jiġi inkluż fil-lista ta’ ingredjenti, taħt l-isem tiegħu stess sakemm dan ikun stipulat bil-liġi jew stabbilit bit-tradizzjoni, fir-rigward tal-piż globali tiegħu, u jkun segwit immedjatament b’lista ta’ ingredjenti tiegħu.

2.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21, il-lista ta’ ingredjenti għall-ingredjenti komposti m’għandhiex tkun obbligatorja:

(a)

fejn il-komposizzjoni tal-ingredjent kompost huwa definit fid-dispożizzjonijiet attwali tal-Unjoni, u sal-limitu li l-ingredjent kompost jikkostitwixxi anqas minn 2 % tal-prodott finali […]

[…]

(ċ)

fejn l-ingredjent kompost huwa ikel li għalih mhix meħtieġa lista ta’ ingredjenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni.”

Id‑Direttiva 2000/36

17

Il-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2000/36 huma fformulati kif ġej:

“(7)

Sabiex tiġi ggarantita n-natura waħdiena tas-suq intern, il-prodotti kollha miċ-ċikkulata koperti b’din id-Direttiva jridu jkunu kapaċi jimxu ġewwa l-[Unjoni] bl-ismijiet tal-bejgħ iddikjarati fid-disposizzjonijiet ta’ l-Anness I ma’ din id-Direttiva.

(8)

Skond ir-regoli ġenerali dwar it-tikkettjar iddikjarati fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fejn għandhom x’jaqsmu t-tikkettjar, il-preżentazzjoni u l-pubbliċità ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [ĠU 1979, L 33, p. 1] huwa għalhekk obbligatorju li jiġu elenkati l-ingredjenti skond l-Artikolu 6 tagħha; din id-Direttiva tagħmel illi d-Direttiva 79/112/KEE tapplika għall-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata sabiex tipprovdi lill-konsumaturi b’tagħrif korrett.”

18

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/36:

“Id-Direttiva 79/112/KEE għandha tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

L-ismijiet tal-bejgħ elenkati fl-Anness I għandhom japplikaw biss għall-prodotti rriferiti fih u jridu jiġu wżati fil-kummerċ sabiex jiddenominawhom.

Madankollu, dawn l-ismijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu wżati wkoll b’żieda u skond id-disposizzjonijiet jew l-użanzi li japplikw fl-Istat Membru li fih jinbigħ il-prodott lill-aħħar konsumatur, biex jagħtu isem lil prodotti oħra li ma jistgħux jitħawdu ma’ dawk iddefiniti fl-Anness I.”

19

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/36 jipprovdi:

“Għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw disposizzjonijiet nazzjonali mhux ipprovduti f’din id-Direttiva.”

20

L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “L-ismijiet tal-bejgħ, id-definizzjonijiet u l-karatteristiċi tal-prodotti”, jinkludi Parti A, li min-naħa tagħha hija intitolata “L-ismijiet tal-bejgħ u d-definizzjonijiet”. Il-punt 2(ċ), li jinsab taħt din il-parti jistabbilixxi:

“It-trab taċ-ċikkulata, iċ-ċikkulata fi trab

jagħtu l-isem lill-prodott li jikkonsisti minn taħlita ta’ trab tal-kawkaw ma’ tipi ta’ zokkor, u li jkun fihom inqas minn 32 % ta’ trab tal-kawkaw (kokotina).”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

21

Il-grupp Tesco, bejjiegħ bl-imnut multinazzjonali stabbilit fir-Renju Unit, jopera supermarkets, b’mod partikolari, fir-Repubblika Ċeka. Is-sussidjarja Ċeka tiegħu kienet tikkummerċjalizza ċerti prodotti tal-ikel bit-trade mark Monte fil-ħwienet tagħha li jinsabu fir-Repubblika Ċeka. L-ittikkettjar tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri Monte deżerta tal-ħalib taċ-ċikkulata bil-ġellewż ta’ 220 g, Monte deżerta tal-ħalib taċ-ċikkulata ta’ 100 g u Monte drink, xarba tal-ħalib taċ-ċikkulata bil-ġellewż ta’ 200 ml, indikat lista ta’ ingredjenti li fosthom kien hemm iċ-čokoládový prášek (trab taċ-ċikkulata) mingħajr ma tippreċiża lanqas il-kompożizzjoni tagħha.

22

Fis‑27 ta’ Mejju 2016, is-Státní zemědělská a potravinářská inspekce, inspektorát v Brně (l-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari, Spezzjoni ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka, iktar ’il quddiem is-“SZPI”) ordnat lil Tesco jirtira mill-istabbilimenti tagħha li jinsabu fir-Repubblika Ċeka l-prodotti inkwistjoni u pprojbixxietha milli tkompli bil-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Hija bbażat ruħha fuq il-fatt li l-ittikkettjar tal-imsemmija prodotti kien jinkludi l-kliem “čokoládový prášek” (“trab taċ-ċikkulata”) mingħajr ma speċifika l-ingredjenti, bi ksur tal-Artikolu 9(1)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 18(1) u (4) tar-Regolament Nru 1169/2011. Barra minn hekk, mill-punt 2(ċ) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36 jirriżulta li, biċ-Ċek, it-termini “čokoláda v prášku” (“ċikkulata fi trab”) għandhom jintużaw u mhux il-kliem “čokoládový prášek” (“trab taċ-ċikkulata”).

23

Wara lment imressaq minn Tesco, is-SZPI, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet separati tas‑6 ta’ Ġunju 2016, annullat il-miżuri adottati fis‑27 ta’ Mejju 2016. Għalhekk, permezz tal-ewwel deċiżjoni, hija annullat il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u, permezz tat-tieni deċiżjoni, l-irtirar ta’ dawn il-prodotti mill-istabbilimenti kollha li jinsabu fir-Repubblika Ċeka.

24

Madankollu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid aċċellerat, l-ústřední inspektorát Státní zemědělské a potravinářské inspekce (l-Ispettorat Ċentrali tal-Awtorità Nazzjonali ta’ Kontroll Agroalimentari, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Frar 2017, emenda d-deċiżjonijiet tas-SZPI tas‑6 ta’ Ġunju 2016, billi ċaħad l-ilment ta’ Tesco.

25

Il-Ministeru għall-Agrikoltura ċaħad, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ April 2017, ir-rikors ippreżentat minn Tesco kontra d-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid aċċellerata.

26

Tesco ppreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), fejn sostna li l-eċċezzjoni skont il-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 tapplika wkoll għaċ-čokoládový prášek (“trab taċ-ċikkulata”) peress li l-kontenut ta’ din il-formula huwa identiku għal dak taċ-čokoláda v prášku (“ċikkulata fi trab”). Il-konklużjoni li hija biss il-verżjoni bil-lingwa Ċeka tad-Direttiva 2000/36 li hija determinanti hija, skont Tesco, kuntrarja għall-prinċipji ta’ funzjonament tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma wkoll awtentiċi.

27

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) ċaħdet l-imsemmi rikors, billi kkunsidrat li l-isem li jinsab f’kull verżjoni lingwistika tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36 huwa obbligatorju.

28

Tesco appella fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka). Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, din il-qorti annullat is-sentenza appellata u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Reġjonali, sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

29

Peress li għal darba oħra ġiet adita bil-kawża, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) tosserva li kemm id-Direttiva 2000/36 kif ukoll ir-Regolament Nru 1169/2011 għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-konsumaturi. Konsegwentement, huwa importanti li l-operaturi ekonomiċi jsegwu, f’kull Stat Membru, l-isem kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’lingwa li tinftiehem faċilment f’dan l-Istat Membru.

30

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riżoluzzjoni ta’ diverġenza bejn verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tapplikax f’dan il-każ. Fil-fatt, ma teżisti ebda diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2000/36, minkejja l-eżistenza ta’ isem wieħed jew iktar għall-istess ingredjent skont il-verżjonijiet lingwistiċi rispettivi. Dawn huma listi awtonomi ta’ ismijiet obbligatorji bil-lingwi uffiċjali rispettivi, imposti għall-prodotti intiżi għall-konsumaturi tal-Istat Membru li fih tintuża l-lingwa uffiċjali kkonċernata. Is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, TofuTown.com (C‑422/16, EU:C:2017:458), li fuqha bbażat ruħha n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), tista’ wkoll tiġi interpretata fis-sens li huwa impossibbli li jintużaw sinonimi jew traduzzjonijiet ta’ ismijiet obbligatorji.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola li tinsab fil-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-[Regolament Nru 1169/2011] għandha tiġi interpretata fis-sens li, fir-rigward ta’ prodott tal-ikel, iddestinat għall-konsumatur finali fir-Repubblika Ċeka, ingredjent kompost inkluż fil-punt 2(ċ) tal-Parti A tal-Anness I tad-[Direttiva 2000/36] jista’ jiġi inkluż biss fil-lista ta’ ingredjenti tal-prodott mingħajr indikazzjoni ddettaljata tal-kompożizzjoni tiegħu meta dan l-ingredjent kompost jitniżżel fl-ittikkettjar eżattament kif previst fil-verżjoni lingwistika Ċeka tal-Anness I tad-[Direttiva 2000/36]?”

Fuq id-domanda preliminari

32

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku, fil-kuntest tal-ittikkettjar ta’ prodotti kkummerċjalizzati fit-territorju ta’ Stat Membru, huwiex eżentat mill-obbligu li jelenka l-ingredjenti kollha li jikkostitwixxu ingredjent kompost, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(h) ta’ dan ir-regolament, biss jekk dan l-ingredjent kompost li huwa s-suġġett ta’ isem tal-bejgħ skont il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36 huwa indikat fil-lista tal-ingredjenti, billi jintuża dan l-isem tal-bejgħ, fil-verżjoni lingwistika tal-Istat Membru kkonċernat.

33

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda saret fil-kuntest ta’ tilwima li qamet waqt il-kummerċjalizzazzjoni minn Tesco ta’ ċerti prodotti tal-ikel fir-Repubblika Ċeka, sa fejn iċ-ċikkulata fi trab, li tagħmel parti mill-manifattura ta’ dawn il-prodotti tal-ikel, ma ġietx identifikata, fil-lista tal-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti, bl-użu tal-isem li taħtu dan l-ingredjent kompost huwa msejjaħ fil-verżjoni bil-lingwa Ċeka tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36, jiġifieri “čokoláda v prášku”. Tesco ssostitwixxa dan l-isem bit-traduzzjoni Ċeka tiegħu b’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan l-anness, bħall-verżjoni Ġermaniża “Schokoladenpulver” u l-verżjoni Pollakka (li tinkludi l-kliem “proszek czekoladowy” kif ukoll “czekolada w proszku”). Dawn it-traduzzjonijiet wasslu għall-użu tal-kliem “čokoládový prášek” (“trab taċ-ċikkulata”) sabiex jindika dan l-ingredjent kompost.

34

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, l-ewwel, li d-Direttiva 2000/36 twettaq armonizzazzjoni kompleta tal-ismijiet tal-bejgħ relatati mal-prodotti tal-kawkaw u miċ-ċikkulata intiżi għall-konsum mill-bniedem maħsuba sabiex tiġi żgurata n-natura unika tas-suq intern. B’hekk, l-ismijiet tal-bejgħ previsti fl-Anness I tad-Direttiva 2000/36 huma, skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 tagħha, kemm obbligatorji kif ukoll irriżervati għall-prodotti li jidhru fl-imsemmi anness. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/36 li jipprojbixxi, barra minn hekk, lill-Istati Membri milli jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex previsti minn din id-direttiva fir-rigward tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I tagħha, l-imsemmija direttiva għandha titqies li ħolqot sistema, obbligatorja u eżawrjenti, tal-ismijiet tal-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑47/09, EU:C:2010:714, punti 2936).

35

It-tieni, mill-punt 2(c) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 3 kif ukoll il-premessa 7 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li prodott li jikkonsisti f’taħlita ta’ kawkaw fi trab u zokkor li fih tal-inqas 32 % tal-kawkaw fi trab għandu jiġi indikat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, bħala ċ-“ċikkulata fi trab”.

36

Minn dan isegwi li, jekk jitqies li l-ingredjent kompost, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfa l-kriterji sabiex jiġi identifikat bħala ċ-“ċikkulata fi trab”, fis-sens tal-punt 2(c) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan l-ingredjent kompost għandu jissejjaħ fil-kummerċ bħala “ċikkulata fi trab”.

37

Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li l-isem “ċikkulata fi trab”, li jinsab fil-punt 2(c) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36, jikkostitwixxi “isem legali” preskritt mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni applikabbli għal dan il-prodott tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(n) tar-Regolament Nru 1169/2011. Tali isem għandu jintuża fit-territorju kollu tal-Unjoni, skont l-Artikoli 17 u 18 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament, dan l-isem għandu, barra minn hekk, jidher fuq il-prodott tal-ikel f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn dan il-prodott tal-ikel huwa kkummerċjalizzat.

38

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, il-lista tal-ingredjenti li għandha tidher fuq l-ikel għandha tinkludi l-ingredjenti kollha tal-prodott tal-ikel ikkonċernat, f’ordni dixxendenti tal-importanza ponderanti tagħhom fil-mument tal-implimentazzjoni tagħhom fil-manifattura ta’ dan l-ikel.

39

Madankollu, skont il-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011, l-elenkar tal-ingredjenti li jikkostitwixxu ingredjent kompost jista’ jiġi ommess meta l-kompożizzjoni tal-ingredjent kompost hija ddefinita fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, u sakemm l-ingredjent kompost jinsab inqas minn 2 % fil-prodott lest.

40

F’dan ir-rigward, mill-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali ommissjoni tal-ingredjenti li jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ ingredjent kompost, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija permessa biss sakemm dan l-ingredjent kompost huwa identifikat mill-isem li huwa tiegħu skont il-leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn il-prodott tal-ikel huwa kkummerċjalizzat. F’dan il-każ, jidher għalhekk li, sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fil-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011, l-ingredjent kompost li jidher fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel ikkummerċjalizzati fir-Repubblika Ċeka għandu jiġi identifikat taħt ismu bil-lingwa Ċeka.

41

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-eċċezzjoni prevista fil-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 tistax tapplika anki f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-operatur ekonomiku ma użax l-isem tal-ingredjent kompost, kif jidher fil-verżjoni bil-lingwa Ċeka tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36, iżda ssostitwixxa dan l-isem bit-traduzzjoni tiegħu bil-lingwa Ċeka tal-isem ta’ dan l-ingredjent, kif jidher fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan l-Anness I.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, sa fejn jistabbilixxi deroga mir-regola li l-ingredjenti kollha li jikkomponu prodott tal-ikel għandhom jissemmew fil-lista tal-ingredjenti tiegħu, il-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

43

It-tieni, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1169/2011 huwa intiż b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tiegħu u mill-Artikolu 3(1) tiegħu moqrija fid-dawl tal-premessi 1, 3 u 4 tal-imsemmi regolament, sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, b’osservanza tad-differenzi fil-perċezzjoni tagħhom (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis, C‑485/18, EU:C:2020:763, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1169/2011 huwa intiż li jiżgura, skont l-Artikolu 3(1) tiegħu, moqri flimkien mal-premessi 3 u 4 ta’ dan ir-regolament, li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi tippermetti lil dawn tal-aħħar jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Organisation juive européenne u Vignoble Psagot, C‑363/18, EU:C:2019:954, punt 53).

45

B’mod iktar partikolari, mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li n-natura obbligatorja tal-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ikel jirriżulta min-neċessità “biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu użu adatt tal-ikel u biex jagħmlu għażliet li jaqblu mal-bżonnijiet tad-dieta tagħhom individwali”.

46

Tali għan jeżiġi li l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel tkun korretta, newtrali u oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 69, u tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Groupe Lactalis, C‑485/18, EU:C:2020:763, punt 44). Bl-istess mod, din l-informazzjoni ma għandhiex tkun ta’ natura li tqarraq bil-konsumatur, b’mod partikolari dwar in-natura, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu ta’ manifattura jew ta’ kisba ta’ dan il-prodott (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 31).

47

Issa, tali għan ikun serjament kompromess jekk, meta jkunu obbligati jikkonformaw ruħhom mal-isem tal-bejgħ ta’ ingredjent kompost, kif impost mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu ma josservawx l-isem ta’ dan l-ingredjent, kif jidher fil-verżjoni lingwistika rilevanti ta’ din il-leġiżlazzjoni, u jittraduċi liberament it-termini li permezz tagħhom l-imsemmi ingredjent kompost huwa msejjaħ f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

48

Fil-fatt, kif jirrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali traduzzjonijiet liberi ma jippermettux lill-konsumaturi li jkunu jafu, b’ċertezza, il-kompożizzjoni ta’ tali ingredjent kompost, permezz tas-sempliċi qari tal-indikazzjoni tiegħu fil-lista tal-ingredjenti tal-prodott tal-ikel li fih huwa inkorporat.

49

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, b’mod iktar partikolari, li huma biss il-kliem “čokoláda v prášku” (“iċ-ċikkulata fi trab”) li huma s-suġġett ta’ definizzjoni preċiża, li tinsab fil-punt 2(c) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36. Min-naħa l-oħra, tali definizzjoni ma teżistix, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għat-termini “čokoládový prášek” (“it-trab taċ-ċikkulata”).

50

Il-fatt li, kif enfasizza Tesco fir-risposta bil-miktub tiegħu għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ingredjent kompost, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fih il-kawkaw u z-zokkor u li l-volum tiegħu f’kawkaw huwa ta’ mill-inqas 32 %, u li, għaldaqstant, jissodisfa kompletament ir-rekwiżiti tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36 sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “ċikkulata fi trab”, ma jbiddel xejn mill-fatt li, f’dan il-każ, huwa biss l-isem ta’ dan l-ingredjent kompost, kif imsemmi fil-verżjoni bil-lingwa Ċeka tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36 li huwa f’miżura li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni xierqa lill-konsumaturi.

51

Barra minn hekk, il-fatt li l-operaturi ekonomiċi jitħallew jidentifikaw ingredjent kompost, li huwa s-suġġett ta’ isem tal-bejgħ, skont id-Direttiva 2000/36, billi jirrifletti liberament tali isem, kif jidher f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, jippreġudika l-armonizzazzjoni totali tal-ismijiet tal-bejgħ magħmula mill-imsemmija direttiva, kif ġie deskritt fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn dan isegwi li l-lista ta’ ingredjenti ta’ prodott tal-ikel tista’ ssemmi ingredjent kompost, imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 2000/36, taħt isem li ma jidher fl-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-anness u li, konsegwentement, jidderoga mill-isem ġuridiku impost minn din id-direttiva.

52

Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iwassal sabiex operatur ekonomiku ma jkun jista’ jikkonforma ruħu ma’ ebda waħda minn dawn il-verżjonijiet. Bl-istess mod, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 47 ta’ din is-sentenza ma tikkontestax il-prinċipju li, fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma hemmx lok li tingħata preferenza lil waħda minnhom. Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li verżjonijiet lingwistiċi differenti jipprevedu ismijiet differenti għall-ingredjent kompost ikkonċernat, peress li wħud minnhom jużaw biss isem wieħed filwaqt li oħrajn jużaw diversi ismijiet, ma jfissirx li teżisti diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku, fil-kuntest tal-ittikkettjar ta’ prodotti kkummerċjalizzati fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa eżentat mill-obbligu li jelenka l-ingredjenti kollha li jikkostitwixxu ingredjent kompost, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(h) ta’ dan ir-regolament, biss jekk dan l-ingredjent kompost huwa s-suġġett ta’ isem ta’ bejgħ skont il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36, huwa indikat, fil-lista tal-ingredjenti, billi jintuża dan l-isem ta’ bejgħ, fil-verżjoni lingwistika tal-Istat Membru kkonċernat.

Dwar l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 2(a) tal-Parti E tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ekonomiku, fil-kuntest tal-ittikkettjar ta’ prodotti kkummerċjalizzati fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa eżentat mill-obbligu li jelenka l-ingredjenti kollha li jikkostitwixxu ingredjent kompost, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(h) ta’ dan ir-regolament, biss jekk dan l-ingredjent kompost huwa s-suġġett ta’ isem ta’ bejgħ skont il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem, huwa indikat, fil-lista tal-ingredjenti, billi jintuża dan l-isem ta’ bejgħ, fil-verżjoni lingwistika tal-Istat Membru kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.