DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni għall-konjizzjoni ta’ talba għal divorzju – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà parentali u tal-obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri tal-koppja – Kawża mressqa quddiem qorti tal-Istat tan-nazzjonalità tal-partijiet – Artikolu 3(1)(b) – Residenza tal-wild minuri u tal-ġenituri fi Stat Membru ieħor – Artikolu 12(1)(b) – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni – Artikolu 17 – Verifika tal-ġurisdizzjoni – Kunċett ta’ ‘responsabbiltà parentali’”

Fil-Kawża C‑759/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rădăuţi, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

OF

vs

PG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Malenovský u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu kif ukoll minn C.‑R. Canţăr, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 7 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3(1) kif ukoll tal-Artikoli 12 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn OF u PG dwar talba għal divorzju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2201/2003

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(e)

l-obbliġazzjonijiet ta’ manteniment;

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7)

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9)

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

b)

dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.”

6

L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

a)

mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

[…]”

7

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi:

“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

8

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29), jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

c)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

d)

il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

Id-dritt Rumen

9

L-Artikolu 915 tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), adottat bil-Legea nr. 134/2010 (il-Liġi Nru 134/2010) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 247 tal-10 ta’ April 2015, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jistabbilixxi r-regoli ta’ determinazzjoni tal-qorti Rumena li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal divorzju.

10

Skont l-Artikolu 919(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“Meta l-konjuġi jkollhom ulied minuri, imwielda qabel jew matul iż-żwieġ jew adottati, il-qorti għandha tiddeċiedi fuq l-eżerċizzju tal-awtorità parentali kif ukoll fuq il-kontribut tal-ġenituri għall-ispejjeż neċessarji għall-iżvilupp u għall-edukazzjoni tal-ulied, anki jekk dan ma jkunx is-suġġett tat-talba għal divorzju”.

11

L-Artikolu 130(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“In-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati jista’ jiġi invokat mill-partijiet jew mill-qorti f’kull stadju tal-kawża”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

OF u PG, ta’ nazzjonalità Rumena, iżżewġu fir-Rumanija matul is-sena 2000. Miż-żwieġ tagħhom, twieled wild matul is-sena sussegwenti.

13

Ftit żmien wara t-twelid tal-wild tagħhom, OF u PG marru joqogħdu l-Italja flimkien ma’ dan tal-aħħar.

14

Fil-21 ta’ Novembru 2012, it-Tribunale di Aosta (il-Qorti Distrettwali ta’ Aosta, l-Italja) ikkonstatat is-separazzjoni de facto tal-konjuġi, fdat il-kustodja esklużiva ta’ dan il-wild lil PG, ommu, u ordnat lil OF, missieru, iħallas manteniment lill-wild tiegħu. Din il-qorti stabbilixxiet ukoll ir-regoli tad-dritt ta’ aċċess tal-missier.

15

Dan tal-aħħar ressaq talba għal divorzju quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rădăuţi, ir-Rumanija), fit-3 ta’ Settembru 2018.

16

Din il-qorti tikkonstata li l-partijiet stabbilixxew rabtiet sostenibbli mas-soċjetà Taljana u li l-wild, li issa għandu 17‑il sena, ilu jgħix ma’ ommu l-Italja mill-età ta’ sena u nofs.

17

L-imsemmija qorti tikkonstata wkoll li l-partijiet ma ppreżentawx ftehim bil-miktub li jindikaha bħala qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba għal divorzju. Hija tenfasizza li anki jekk ir-rikorrent indika biss l-indirizz tad-domiċilju tal-konvenuta, fir-Rumanija, mingħajr ma semma dak tar-residenza tagħha fl-Italja, il-proċedura ta’ ċitazzjoni tal-konvenuta madankollu twettqet debitament skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, peress li omm il-konvenuta kienet iffirmat il-konferma ta’ rċevuta ta’ ċitazzjoni. Barra minn hekk, din l-istess qorti inkludiet in-numru tat-telefon tal-konvenuta fil-fajl, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiġi kkuntattjata.

18

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li minkejja li r-rikorrent ma ppreżentax talbiet fil-qasam tar-responsabbiltà parentali u tal-obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-wild tiegħu, hija għandha tieħu miżuri f’dan ir-rigward skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

19

Din il-qorti tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal divorzju u sabiex tieħu miżuri fil-qasam tar-responsabbiltà parentali u tal-obbligu ta’ manteniment, fl-assenza ta’ ftehim espress tal-partijiet dwar dan is-suġġett.

20

L-imsemmija qorti tindika li, fil-fehma tagħha, il-possibbiltà ta’ għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tad-divorzju teżisti biss bejn il-qrati elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, skont ir-residenza abitwali ta’ waħda mill-partijiet, jew anki tat-tnejn, kif attestat mill-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”. Min-naħa l-oħra, tali possibbiltà ta’ għażla hija eskluża bejn, minn naħa, il-qrati msemmija f’din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jipprijoritizza lill-ġurisdizzjoni bbażata fuq ir-residenza abitwali tal-partijiet meta mqabbla ma’ dik ibbażata fuq in-nazzjonalità komuni tagħhom.

21

Fir-rigward ta’ tilwima li għandha bħala suġġett “divorzju li jimplika wild minuri”, fl-assenza ta’ ftehim espress tal-partijiet fir-rigward tal-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tagħti prijorità lir-Regolament Nru 2201/2003 fuq id-dritt nazzjonali u li tqajjem ex officio l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Rumeni. Skont din il-qorti, il-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedu l-partijiet tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tevalwa l-provi. L-imsemmija qorti ssostni wkoll li mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li, meta l-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru u jagħżlu bħala qorti kompetenti fil-qasam tad-divorzju qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tagħhom, din tal-aħħar ma jkollhiex awtomatikament ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ responsabbiltà parentali u ta’ obbligu ta’ manteniment.

22

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rădăuţi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas min-naħa tal-konvenut li jqajjem oġġezzjoni li l-qrati Rumeni ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq każ li jikkonċerna “divorzju li jinvolvi minuri” jammonta għall-kunsens taċitu tiegħu għall-każ li bih hija adita l-qorti mir-rikorrent, fejn il-partijiet għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru ieħor (fil-każ preżenti, l-Italja) u fejn il-proċeduri tad-divorzju tressqu quddiem qorti tal-Istat li tiegħu l-partijiet huma ċittadini?

2)

L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti tista’ jew għandha tqajjem, ex officio, oġġezzjoni li l-qrati Rumeni ma għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq każ dwar “divorzju li jinvolvi minuri”, fejn ma kien hemm l-ebda ftehim bejn il-partijiet, li huma residenti fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni Ewropea] (fil-każ preżenti, l-Italja), dwar l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (li tirriżulta fl-azzjoni miċħuda bħala li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Rumeni), li għandha prijorità fuq l-Artikolu 915(2) tal-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), skont liema tista’ titqajjem oġġezzjoni li l-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Rădăuţi) ma għandhiex ġurisdizzjoni territorjali esklussiva (li tirriżulta fiċ-ċaħda ta’ ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq il-każ favur il-Judecătoria Sectorului 5 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, is-Settur 5, Bukarest) u l-kawża li ġiet deċiża fuq il-merti), speċjalment minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet huma inqas favorevoli mid-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata (l-Artikolu 915(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili)?

3)

L-espressjoni li tinsab fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, jiġifieri “il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata... xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan”, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fejn il-partijiet, li huma abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni Ewropea] (fil-każ preżenti, l-Italja), jagħżlu bħala l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fi proċeduri ta’ divorzju, qorti tal-Istat li tagħha huma ċittadini (il-Judecătoria Rădăuţi (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Rădăuţi) fir-Rumanija), dik il-qorti awtomatikament għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kapijiet tat-talbiet “tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, il-post tar-residenza abitwali tal-minuri u d-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-ġenituri għall-ispejjeż tal-kura u tal-edukazzjoni tal-minuri”?

4)

Il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” msemmi fl-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll il-kunċetti ta’ “awtorità tal-ġenituri” msemmija fl-Artikolu 483 tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili), “ir-residenza abitwali tal-minuri” kopert mill-Artikolu 400 tal-Kodiċi Ċivili, u “il-kontribut tal-ġenituri għall-ispejjeż tal-kura u l-edukazzjoni tal-minuri” koperti mill-Artikolu 402 tal-Kodiċi Ċivili?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

24

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ talba għal divorzju, meta l-applikant jadixxi qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, filwaqt li r-residenza abitwali tagħhom tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, in-nuqqas ta’ invokazzjoni mill-konvenut ta’ eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali jikkorrispondi għal kunsens taċitu min-naħa tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ ġurisdizzjoni ġenerali fil-qasam matrimonjali, ma jipprevedix in-neċessità ta’ kunsens tal-konvenut dwar l-għażla tal-qorti magħmula mir-rikorrent.

27

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 3(1) jelenka diversi motivi ta’ ġurisdizzjoni fil-punti (a) u (b), li ma hemm ebda ġerarkija bejniethom, b’tali mod li l-kriterji kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma alternattivi (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 48).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll li s-sistema ta’ tqassim tal-ġurisdizzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali ma hijiex intiża li teskludi diversi qrati milli jkollhom ġurisdizzjoni. Għall-kuntrarju, hija espressament prevista l-koeżistenza ta’ diversi qrati li għandhom ġurisdizzjoni, mingħajr ma hemm stabbilita ebda ġerarkija bejniethom (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 49).

29

Minn dan isegwi li qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet ikkonċernati, f’dan il-każ qorti Rumena, għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 sabiex tiddeċiedi fuq talba għal divorzju mressqa mir-rikorrent.

30

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ talba għal divorzju, meta r-rikorrent jadixxi qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, filwaqt li r-residenza abitwali tagħhom tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba skont il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li ma huwiex meħtieġ il-kunsens tal-konvenut, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk in-nuqqas ta’ invokazzjoni mill-konvenut ta’ eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jikkostitwixxix kunsens taċitu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-koppja li qiegħed jintalab ix-xoljiment taż-żwieġ tagħha jkollha wild minuri għandu l-effett li jippermetti jew li jeżiġi lill-qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet li ġiet adita tqajjem ex officio l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fl-assenza ta’ ftehim tal-partijiet dwar il-ġurisdizzjoni tagħha.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 2201/2003 u konformement mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu huwa bbażat, kull qorti għandha, skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2019, Liberato, C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Hekk kif ġie rrilevat b’risposta għall-ewwel domanda, konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma huwiex meħtieġ ftehim tal-partijiet dwar il-qorti adita.

34

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament, intiż li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, l-Artikolu 6 tiegħu jipprevedi, essenzjalment, li l-ġurisdizzjonijiet iddefiniti fl-Artikoli 3 sa 5 tal-imsemmi regolament għandhom natura esklużiva (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, EU:C:2009:474, punt 48).

35

Il-fatt li l-koppja kkonċernata jkollha wild minuri li ma jagħmilx parti mill-kriterji ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti f’dawn l-Artikoli 3 sa 5 u peress li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprevedi ġurisdizzjoni residwa jekk it-talba ma taqax taħt l-imsemmija Artikoli 3 sa 5, hemm lok li jitqies li dan il-fatt ma huwiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

36

Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-qorti adita għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, din il-qorti ma tistax tqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

37

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-koppja li qiegħed jintalab ix-xoljiment taż-żwieġ tagħha jkollha wild minuri ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal divorzju. Peress li l-qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, adita mir-rikorrent, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, din il-qorti ma tistax, anki fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar dan is-suġġett, tqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

Fuq it-tielet domanda

38

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, adita mir-rikorrent, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam tad-divorzju skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kundizzjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni prevista f’dan l-Artikolu 12(1)(b) tkun issodisfatta, b’tali mod li din il-qorti jkollha awtomatikament ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà parentali u ta’ obbligu ta’ manteniment relatati mal-wild ikkonċernat.

39

Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ssodisfatt l-interess superjuri tal-wild u jiġi pprivileġġat il-kriterju ta’ prossimità, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi ġurisdizzjoni ġenerali fil-qasam tar-responsabbiltà parentali favur qrati tal-Istat Membru fejn il-wild ikollu r-residenza abitwali tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punti 5152).

40

Kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tiegħu, l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà parentali favur qrati tal-Istat Membru fejn il-ġurisdizzjoni tiġi eżerċitata skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament sabiex tingħata deċiżjoni dwar talba għal xoljiment tar-rabta matrimonjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 42). B’hekk, qorti li għandha ġurisdizzjoni skont dan l-Artikolu 12(1) għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, skont l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009, meta t-talba relatata mal-obbligu ta’ manteniment tkun anċillari għall-azzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà parentali (sentenza tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 48).

41

Madankollu, l-imsemmi Artikolu 12(1) jeżiġi li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim espress jew minn tal-inqas inekwivoku dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà parentali bejn il-partijiet kollha fil-proċedura meta tiġi adita l-qorti.

42

Fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li s-suġġett tagħha ma huwiex ir-responsabbiltà parentali, iżda biss ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali, u fejn il-konvenut ma jkunx deher, għandu jiġi kkonstatat li la r-rikorrent u lanqas il-konvenut ma aċċettaw espressament jew, minn tal-inqas, inekwivokament il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati ma’ din ir-responsabbiltà.

43

Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal divorzju skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tistax titqies, skont l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, li għandha ġurisdizzjoni u, a fortiori, li għandha awtomatikament ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-responsabbiltà parentali u l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri kkonċernat.

44

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 2018, PM (C‑604/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:10, punt 29), fejn ġie deċiż li mit-termini stess tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, fuq talba għal divorzju ta’ konjuġi li għandhom in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru ma għandhiex, min-naħa l-oħra, ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess fir-rigward tal-wild ta’ dawn il-konjuġi, meta dan tal-aħħar, fid-data li fiha tiġi adita din il-qorti, ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, u li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tingħata din il-ġurisdizzjoni lill-imsemmija qorti skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament ma jkunux issodisfatti, fid-dawl, barra minn hekk, tal-fatt li miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali lanqas ma jirriżulta li din il-ġurisdizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq artikoli oħra tal-istess regolament.

45

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, adita mir-rikorrent, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam tad-divorzju skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kundizzjoni relatata mal-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni, prevista f’dan l-Artikolu 12(1)(b), ma tistax titqies li hija ssodisfatta, peress li l-proċedura ma jkollhiex bħala għan ir-responsabbiltà parentali u peress li l-konvenut ma jkunx deher. F’din is-sitwazzjoni, il-qorti adita, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju tal-konjuġi, ma jkollhiex ġurisdizzjoni, skont dan l-Artikolu 12(1)(b) u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009, sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw, rispettivament, ir-responsabbiltà parentali u l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-wild ikkonċernat.

Fuq ir-raba’ domanda

46

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “responsabbiltà parentali”, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-kunċetti ta’ “awtorità parentali”, ta’ “residenza tal-wild” u ta’ “kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż neċessarji għall-iżvilupp u għall-edukazzjoni tal-wild”, kif previsti fid-dritt nazzjonali kkonċernat.

47

Għandu jitfakkar li fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tat-Trattati u ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u li ma huwiex kompitu tagħha li tevalwa d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

48

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u jipprovdi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li dan japplika għall-oqsma relatati mal-attribuzzjoni, mal-eżerċizzju, mad-delegazzjoni, mal-irtirar totali jew parzjali tar-responsabbiltà parentali u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-oqsma msemmija jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess.

49

Il-kunċett ta’ “responsabbilità parentali” huwa ddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 bħala li jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha kkonferiti lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ attribuzzjoni ipso iure jew ta’ ftehim fis-seħħ, fir-rigward tal-persuna jew tal-beni ta’ wild, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess.

50

Il-kunċett ta’ “dritt ta’ kustodja” huwa ddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 bħala li jkopri d-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw il-kura tal-persuna tal-wild, b’mod partikolari d-dritt li jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza tiegħu.

51

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-użu tat-terminu “partikolarment” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jimplika li l-enumerazzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija ta’ natura indikattiva u, min-naħa l-oħra, li r-responsabbiltà parentali, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, kienet is-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 3049).

52

Isegwi li l-kunċett ta’ “responsabbiltà parentali”, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, ikopri b’mod partikolari d-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tad-dritt ta’ kustodja u ta’ residenza tal-wild.

53

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3)(e) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan ma japplikax għall-obbligi ta’ manteniment. Dawn jaqgħu, min-naħa l-oħra, taħt ir-Regolament Nru 4/2009.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “responsabbiltà parentali”, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri d-deċiżjonijiet relatati, b’mod partikolari, mad-dritt ta’ kustodja u mar-residenza tal-wild, iżda li ma jkoprix il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż neċessarji għall-iżvilupp u għall-edukazzjoni tal-wild, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligu ta’ manteniment” u fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

 

1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ talba għal divorzju, meta r-rikorrent jadixxi qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, filwaqt li r-residenza abitwali tagħhom tkun tinsab fi Stat Membru ieħor, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba skont il-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li ma huwiex meħtieġ kunsens tal-konvenut, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk in-nuqqas ta’ invokazzjoni mill-konvenut ta’ eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jikkostitwixxix kunsens taċitu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

 

2)

L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-koppja li qiegħed jintalab ix-xoljiment taż-żwieġ tagħha jkollha wild minuri ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal divorzju. Peress li l-qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, adita mir-rikorrent, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, din il-qorti ma tistax, anki fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar dan is-suġġett, tqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali.

 

3)

L-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità komuni tal-konjuġi, adita mir-rikorrent, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam tad-divorzju skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kundizzjoni relatata mal-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni, prevista f’dan l-Artikolu 12(1)(b), ma tistax titqies li hija ssodisfatta, peress li l-proċedura ma jkollhiex bħala għan ir-responsabbiltà parentali u peress li l-konvenut ma jkunx deher. F’din is-sitwazzjoni, il-qorti adita, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju tal-konjuġi, ma jkollhiex ġurisdizzjoni, skont dan l-Artikolu 12(1)(b), u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009, sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw, rispettivament, ir-responsabbiltà parentali u l-obbligu ta’ manteniment fir-rigward tal-wild ikkonċernat.

 

4)

Il-kunċett ta’ “responsabbiltà parentali”, fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri d-deċiżjonijiet relatati, b’mod partikolari, mad-dritt ta’ kustodja u mar-residenza tal-wild, iżda li ma jkoprix il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż neċessarji għall-iżvilupp u għall-edukazzjoni tal-wild, li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligu ta’ manteniment” u fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.