SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi – Tqegħid f’kuntatt bejn ospitanti, professjonisti jew individwi privati, li jkollhom akkomodazzjoni għall-kiri ma’ persuni li jfittxu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni – Klassifikazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal ċerti restrizzjonijiet l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent immobiljari – Direttiva 2000/31/KE – It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) – Obbligu li jiġu kkomunikati miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Nuqqas ta’ komunikazzjoni – Infurzabbiltà – Proċeduri kriminali b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili”

Fil-Kawża C‑390/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Imħallef inkwirenti tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

X,

fil-preżenza ta’:

YA,

Airbnb Ireland UC,

Hôtelière Turenne SAS,

Association pour un hébergement et un tourisme professionnels (AHTOP),

Valhotel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, E. Regan, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Airbnb Ireland UC, minn D. Van Liedekerke, O. W. Brouwer u A. A. J. Pliego Selie, advocaten,

għall-Association pour un hébergement et un tourisme professionnels (AHTOP), minn B. Quentin, G. Navarro u M. Robert, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Lussemburgiż, inizjalment minn D. Holderer, sussegwentement minn T. Uri, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari, É. Gippini Fournier u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra X, għal, fost oħrajn, immaniġġar ta’ fondi għal attivitajiet ta’ senserija u ta’ ġestjoni ta’ proprjetà u ta’ fondi kummerċjali minn persuna li ma kellhiex liċenzja professjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 98/34

3

Il-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [Informazzjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”) jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[…]

2)

‘servizz’;, kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

‘mill-bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’; tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[…]”

Id-Direttiva (UE) 2015/1535

4

Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [Informazzjoni] (ĠU 2015, L 241, p. 1), ħassret u ssostitwixxiet, mis-7 ta’ Ottubru 2015, lid-Direttiva 98/34.

5

L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)

‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

(ii)

‘b’mezzi elettroniċi’ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għalkollox permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi;

(iii)

‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali;

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness I.”

6

L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]”

7

Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/1535, riferimenti magħmula għad-Direttiva 98/34 għandhom issa jinftiehmu li huma riferimenti għad-Direttiva 2015/1535.

Id-Direttiva 2000/31

8

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2000/31 tipprovdi li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa l-ħolqien ta’ qafas legali biex jassigura il-moviment liberu ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni bejn Stati Membri u mhux biex jarmonizza il-qasam tal-liġi kriminali bħala tali.”

9

Fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2015/1535, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 kien jiddefinixxi s-“servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” bħas-servizzi fis-sens tal-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34. Minn wara dan id-dħul fis-seħħ, dan ir-riferiment għandu jinftiehem bħala riferiment għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

10

L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31, jipprevedi:

“(h)

‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

(i)

Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni [komunikazzjoni],

il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz;

(ii)

Il-qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

11

L-Artikolu 3(2) u (4) sa (6) ta’ din id-direttiva jinqara kif ġej:

“2.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)

il-miżuri għandhom ikunu:

(i)

meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,

il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

(ii)

meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)

proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

(b)

qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

innotifika [ikkomunika] lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

5   L-Istati Membri jistgħu, f’każ ta’ urġenza, jidderogaw mill-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b). Meta dan ikun il-każ, il-miżuri għandhom ikunu innotifikati fl-iqsar żmien possibbli lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar-raġunijiet il-għala l-Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

6.   Mingħajr preġudizzju għal possibilità ta’ l-Istat Membru li jipproċedi bil-miżuri f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha teżamina il-kompatibilità tal-miżuri notifikati minn liġi ta’ Komunità fl-iqsar żmien possibbli; meta dan jasal għal konklużjoni li l-miżura tkun inkompatibbli mal-liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru f’dak il-każ li jibqa’ lura milli jieħu xi miżuri proposti jew biex iwaqqaf urġentement il-miżuri f’dak il-każ.”

Id-Direttiva 2006/123/KE

12

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), jipprovdi:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]”

Id-dritt Franċiż

13

L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 70-9 tat-2 ta’ Jannar 1970 li tirregola l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet relattivi għal ċerti tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-proprjetà immobbli u l-fondi kummerċjali (JORF tal-4 ta’ Jannar 1970, p. 142), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Hoguet”), jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, abitwalment, ikunu involuti jew joffru assistenza, anki fuq bażi anċillari, fi tranżazzjonijiet li jirrigwardaw beni ta’ oħrajn u li jikkonċernaw:

1° Ix-xiri, il-bejgħ, it-tiftix, l-iskambju, il-kera jew is-sullokazzjoni, kemm jekk staġjonali u kemm jekk le, ta’ immobbli bl-għamara jew vojta, mibnija jew mhux mibnija;

[…]”

14

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi li:

“L-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1 jistgħu jitwettqu biss minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom liċenzja professjonali, maħruġa għal perijodu ta’ żmien u skont il-modalitajiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Kunsill tal-Istat, mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija Territorjali jew mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija Dipartimentali tal-Île-de-France, li tindika t-tranżazzjonijiet li jkunu jistgħu jitwettqu.[…]

Din il-liċenzja tista’ tingħata biss lil persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1° Ikunu jistgħu jiġġustifikaw il-kapaċità professjonali tagħhom;

2° Ikunu jistgħu jiġġustifikaw garanzija finanzjarja li tippermetti r-rimbors tal-fondi […]

3° Ikunu koperti minn assigurazzjoni kontra l-konsegwenzi finanzjarji tar-responsabbiltà ċivili professjonali tagħhom;

4° Ma jkunux suġġetti għal xi restrizzjoni jew interdizzjoni biex jeżerċitaw […]

[…]”

15

L-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“Il-persuni previsti fl-Artikolu 1 li jirċievu, [jew] iżommu xi somom ta’ flus […] għandhom josservaw il-kundizzjonijiet previsti mid-digriet tal-Kunsill tal-Istat, b’mod partikolari l-formalitajiet ta’ żamma ta’ reġistri u ta’ għoti ta’ riċevuti, kif ukoll l-obbligi l-oħra li jirriżultaw mill-mandat.”

16

L-Artikolu 14 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“Ikun punibbli b’piena ta’ sitt xhur priġunerija u multa ta’ EUR 7500 kull min:

a)

ikun involut jew joffri assistenza, abitwalment, anki fuq bażi anċillari, għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 mingħajr il-liċenzja stabbilita bl-Artikolu 3 jew wara li jkun raddha lura jew naqas milli jroddha lura wara ordni tal-awtorità amministrattiva kompetenti;

[…]”

17

L-Artikolu 16 tal-Liġi Hoguet jipprovdi li:

“Huwa punibbli b’piena ta’ sentejn priġunerija u multa ta’ EUR 30000 kull min:

1° Jirċievi jew iżomm, taħt kwalunkwe titolu u bi kwalunkwe mod, meta jsiru t-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, somom ta’ flus, beni, u kwalunkwe oġġett personali jew ta’ valur:

a)

Jew bi ksur tal-Artikolu 3;

b)

Jew bi ksur tal-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 5 għaż-żamma ta’ dokumenti u l-għoti ta’ riċevuti meta dawn id-dokumenti u riċevuti jkunu legalment meħtieġa;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Airbnb Ireland UC, kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), tagħmel parti mill-grupp Airbnb, kompost minn diversi kumpanniji miżmuma direttament jew indirettament minn Airbnb Inc., li hija stabbilita fl-Istati Uniti. Airbnb Ireland toffri pjattaforma elettronika li għandha l-għan li, permezz tal-ħlas ta’ kummissjoni, tqiegħed f’kuntatt, b’mod partikolari fi Franza, minn naħa, ospitanti professjonisti jew individwi privati, li jkollhom akkomodazzjoni għall-kiri u, min-naħa l-oħra, persuni li jkunu qegħdin ifittxu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni. Airbnb Payments UK Ltd, kumpannija rregolata mid-dritt tar-Renju Unit u stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit) tipprovdi, minn-naħa tagħha, servizzi ta’ ħlas online fil-kuntest ta’ dan it-tqegħid f’kuntatt u tamministra l-attivitajiet ta’ ħlas tal-grupp fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, Airbnb France SARL, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, fornitur ta’ Airbnb Ireland, hija inkarigata li tippromwovi din il-pjattaforma mal-utenti fis-suq Franċiż billi torganizza, fost oħrajn, kampanji pubbliċitarji għall-pubbliku mmirat.

19

Barra dan is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ sidien il-kera ma’ kerrejja permezz tal-pjattaforma elettronika tagħha li tiċċentralizza l-offerti, Airbnb Ireland toffri lis-sidien ċertu numru ta’ servizzi oħra, bħal struttura li tiddefinixxi l-kontenut tal-offerta tagħhom, fakultattivament, servizz ta’ fotografija, ukoll fakultattivament, assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili kif ukoll garanzija għad-danni ta’ mhux iktar minn EUR 800000. Barra minn hekk hija tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom servizz fakultattiv ta’ stima tal-prezz tal-kera tagħhom fid-dawl tal-medja tas-suq kif tirriżulta minn din il-pjattaforma. Flimkien ma’ dan, jekk sid il-kera jaċċetta kerrej, dan tal-aħħar jittrasferixxi lill-Airbnb Payments UK il-prezz tal-kirja li miegħu jiżdied 6 % sa 12 % ta’ dan l-ammont għall-ispejjeż u għas-servizz ipprovdut minn Airbnb Ireland. Airbnb Payments UK iżżomm il-flus f’isem sid il-kera u mbagħad, 24 siegħa wara li l-kerrej jidħol fil-post, hija tibgħathom lil sid il-kera permezz ta’ trasferiment biex b’hekk tippermetti li l-kerrej ikun żgur li l-beni jeżisti u li sid il-kera jkollu garanzija tal-ħlas. Fl-aħħar nett, Airbnb Ireland stabbilixxiet sistema li biha sid il-kera u l-kerrej ikunu jistgħu jħallu evalwazzjoni permezz ta’ klassifikazzjoni ta’ bejn żero u ħames stilel, liema evalwazzjoni hija disponibbli fil-pjattaforma elettronika inkwistjoni.

20

Fil-prattika, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Airbnb Ireland, internawta li jfittex akkomodazzjoni għall-kiri jidħol fil-pjattaforma elettronika bl-istess isem, jindika l-post li jkun jixtieq iżur kif ukoll il-perijodu u n-numru ta’ persuni tal-għażla tiegħu. Abbażi ta’ dan, Airbnb Ireland tipprovdilhu lista tal-akkomodazzjonijiet disponibbli li jikkorrispondu għal dawn il-kriterji sabiex huwa jagħżel dik li jixtieq u jipproċedi għar-riżervazzjoni tagħha online.

21

F’dan il-kuntest, l-utenti tal-pjattaforma elettronika inkwistjoni, sew jekk sidien il-kera u sew jekk kerrejja, jikkonkludu kuntratt ma’ Airbnb Ireland għall-użu ta’ din il-pjattaforma u ma’ Airbnb Payments UK għall-ħlasijiet imwettqa permezz tal-imsemmija pjattaforma.

22

Fl-24 ta’ Jannar 2017, l-Association pour un hébergement et un tourisme professionnels (AHTOP) ressqet ilment b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili, b’mod partikolari, għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ senserija u ta’ ġestjoni ta’ proprjetà immobbli u ta’ fondi kummerċjali mingħajr liċenzja professjonali skont il-Liġi Hoguet, għall-perijodu mill-11 ta’ April 2012 sal-24 ta’ Jannar 2017.

23

Insostenn tal-ilment tagħha, din l-assoċjazzjoni ssostni li Airbnb Ireland mhux sempliċement tqiegħed f’kuntatt żewġ partijiet bis-saħħa tal-pjattaforma bl-istess isem, iżda toffri servizzi addizzjonali li jikkaratterizzaw dik ta’ attività ta’ intermedjarju fi tranżazzjonijiet immobiljari.

24

Wara l-preżentata tal-imsemmi lment, il-procureur de la République près le tribunal de grande instance de Paris (il-Prosekutur tar-Repubblika fi ħdan il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) ħareġ, fis-16 ta’ Marzu 2017, att ta’ akkuża preliminari, b’mod partikolari, għaż-żamma ta’ fondi għal attivitajiet ta’ senserija u ta’ ġestjoni ta’ proprjetà immobbli u ta’ fondi kummerċjali minn persuna li ma għandhiex liċenzja professjonali, bi ksur tal-Liġi Hoguet, għall-perijodu bejn il-11 ta’ April 2012 u l‑24 ta’ Jannar 2017.

25

Airbnb Ireland tikkontesta li teżerċita attività ta’ aġent immobiljari u teċċepixxi l-inapplikabbiltà tal-Liġi Hoguet minħabba n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha mad-Direttiva 2000/31.

26

F’dan il-kuntest, l-Imħallef inkwirenti tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi) jistaqsi jekk is-servizz ipprovdut minn Airbnb Ireland għandux jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva u, fl-affermattiv, jekk din tipprekludix li l-Liġi Hoguet tiġi applikata għal din il-kumpannija fil-kawża prinċipali jew jekk, bil-kontra, l-imsemmija direttiva ma tipprekludix l-eżami tar-responsabbiltà kriminali ta’ Airbnb Ireland abbażi ta’ din il-liġi.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Imħallef inkwirenti tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Is-servizzi pprovduti fi Franza [minn] AirBnb Ireland UC permezz ta’ pjattaforma elettronika ġestita fl-Irlanda jibbenefikaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista permezz tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2000/31]?

2)

Ir-regoli restrittivi li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-proprjetà immobbli fi Franza, sanċiti fil-[Liġi Hoguet] huma applikabbli fil-konfront [ta’] […] AirBnb Ireland UC?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

28

Airbnb Ireland issostni li l-qorti tar-rinviju hija żbaljata meta tqis li l-attivitajiet ta’Airbnb Ireland jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Hoguet. Il-Gvern Franċiż espona l-istess perspettiva matul is-seduta.

29

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27).

30

Fil-każ ineżami, hekk kif essenzjalment jirrikonoxxi l-Gvern Franċiż, jekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-infurzabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Hoguet fil-konfront ta’ Airbnb Ireland, dan ifisser li hija tqis b’mod impliċitu li s-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut minn din il-kumpannija jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din il-liġi.

31

Issa, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju tal-Liġi Hoguet hija ċarament eskluża fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 28).

32

Airbnb Ireland issostni wkoll li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni fil-qosor tal-leġiżlazzjoni nazzjonali Franċiża u li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra ta’ din il-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha tqis li din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’assenza ta’ dettalji fattwali.

33

Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi b’mod qasir iżda preċiż il-kuntest legali nazzjonali rilevanti kif ukoll l-oriġini u n-natura tat-tilwima. Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest kemm fattwali kif ukoll legali li fih hija tressaq it-talba tagħha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli għall-imsemmija domanda (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 19).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqies li hija inammissibbli fil-globalità tagħha.

Kummenti preliminari

35

Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom, l-AHTOP u l-Kummissjoni josservaw rispettivament li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-Direttiva 2000/31, iżda wkoll tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), u tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, sabiex tifformula mill-ġdid id-domandi li sarulha u tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu l-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex indikati b’mod espress fl-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punti 3334, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija trid tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domanda nnifisha ma turix in-neċessità li ssir tali formulazzjoni mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, teżamina domandi li ma sarulhiex mill-qorti nazzjonali. Jekk din tal-aħħar, fid-dawl tal-iżvilupp tal-kawża, ikollha tqis neċessarju li tikseb informazzjoni addizzjonali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-każ ineżami, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riferiment għad-Direttivi 2005/36 u 2007/64 fid-domandi preliminari jew anki ta’ kwalunkwe spjegazzjoni oħra fid-deċiżjoni tar-rinviju tali li teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifletti dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttivi sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li hija teżamina l-argumenti relatati ma’ dawn id-direttivi li fil-fatt kieku jwassalha tbiddel is-sustanza tad-domandi li sarulha.

Fuq l-ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni li għandu l-għan li jqiegħed f’kuntatt, permezz ta’ pjattaforma elettronika u bi ħlas, kerrejja potenzjali ma’ sidien il-kera professjonisti jew mhux professjonisti li jipproponu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, filwaqt li jiġu pprovduti wkoll ċertu numru ta’ servizzi oħra bħal struttura li tiddefinixxi l-kontenut tal-offerta tagħhom, servizz ta’ fotografija, assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili u garanzija fuq id-danni, għodda li tagħti stima tal-prezz ta’ kirja jew anki servizzi ta’ ħlas relatati ma’ dawn il-provvisti ta’ akkomodazzjoni, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” li jaqa’ fid-Direttiva 2000/31.

40

Preliminarjament għandu, minn naħa, jiġi rrilevat, ċirkustanza li ma hija kkontestata minn ebda waħda mill-partijiet u minn persuni oħra kkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura preżenti, li l-attività ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa taħt il-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE u tad-Direttiva 2006/123.

41

Min-naħa l-oħra, għandu madankollu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, hija ma tkunx applikabbli jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jmorru kontra dispożizzjonijiet ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi.

42

Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt id-Direttiva 2006/123, kif isostnu l-AHTOP u l-Gvern Franċiż jew, bil-kontra, taħt id-Direttiva 2000/31, kif isostnu Airbnb Ireland, il-Gvern Ċek u l-Gvern Lussemburgiż kif ukoll il-Kummissjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk tali servizz għandux jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31.

43

F’dan ir-rigward u fid-dawl tal-perijodu li fih seħħew il-fatti koperti mill-ilment ippreżentat mill-AHTOP u tal-proċeduri kriminali b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, għamlet riferiment, suċċessivament, għall-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u mbagħad, mis-7 ta’ Ottubru 2015, għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535. Madankollu, din id-definizzjoni ma nbidlitx meta, fis-7 ta’ Ottubru 2015, daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2015/1535 li, għal din ir-raġuni, ser isir riferiment għaliha biss fis-sentenza preżenti.

44

Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” jinkludi “kull servizz normalment ipprovdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ destinatarju ta’ servizzi”.

45

Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tindika, hekk kif jirriżulta mill-punt 18 tas-sentenza preżenti, li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-għan li jqiegħed f’kuntatt, permezz ta’ pjattaforma elettronika u bi ħlas, kerrejja potenzjali ma’ sidien il-kera professjonisti jew mhux professjonisti li jipproponu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir sabiex jippermetti lil kerrejja jirriżervaw akkomodazzjoni.

46

Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li dan is-servizz jiġi pprovdut bi ħlas u dan minkejja l-fatt li l-kummissjoni tinġabar minn Airbnb Payments UK mingħand il-kerrej biss u mhux mingħand sid il-kera wkoll.

47

Sussegwentement, u sa fejn it-tqegħid f’kuntatt bejn sid il-kera u l-kerrej iseħħ permezz ta’ pjattaforma elettronika mingħajr preżenza simultanja, minn naħa, tal-fornitur tas-servizz ta’ intermedjazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ sid il-kera jew tal-kerrej, l-imsemmi servizz jikkostitwixxi servizz ipprovdut mill-bogħod u b’mezz elettroniku. Fil-fatt, fl-ebda mument mill-proċess tal-konklużjoni tal-kuntratti bejn, minn naħa, Airbnb Ireland jew Airbnb Payments UK, u min-naħa l-oħra, sid il-kera jew il-kerrej, ma jkun hemm kuntatt bejn il-partijiet ħlief permezz tal-pjattaforma elettronika bl-istess isem.

48

Fl-aħħar nett, is-servizz ikkonċernat jiġi pprovdut fuq talba individwali tad-destinatarji tiegħu peress li dan jippreżumi, fl-istess waqt, it-tqegħid online ta’ avviż minn sid il-kera u t-talba individwali ta’ kerrej ikkonċernat minn dan l-avviż.

49

Għaldaqstant, tali servizz jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 u, għaldaqstant jikkostitwixxi bħala prinċipju “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2000/31.

50

Madankollu, hekk kif il-partijiet u l-persuni l-oħra kkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura preżenti qed isostnu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, għalkemm servizz ta’ intermedjazzjoni li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha jikkostitwixxi, bħala prinċipju, servizz distint mis-servizz sussegwenti li miegħu ikun relatat u, għaldaqstant, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, dan ma għandux japplika jekk jidher li dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu jkun servizz li jaqa’ taħt klassifikazzjoni legali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 40).

51

Fil-każ ineżami, l-AHTOP essenzjalment tallega li s-servizz ipprovdut minn Airbnb Ireland jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu jikkonsisti f’servizz ta’ akkomodazzjoni. F’dan is-sens, hija tqis li Airbnb Ireland mhux sempliċement tqiegħed f’kuntatt żewġ partijiet permezz ta’ pjattaforma elettronika bl-istess isem, iżda toffri servizzi addizzjonali li jikkaratterizzaw attività ta’ intermedjazzjoni fi tranżazzjonijiet immobiljari.

52

Madankollu, għalkemm, ċertament, is-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut minn Airbnb Ireland huwa intiż li jippermetti l-kirja ta’ akkomodazzjoni, li huwa paċifiku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2006/123, in-natura tar-rabtiet bejn dawn is-servizzi ma tiġġustifikax il-klassifikazzjoni bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tal-imsemmi servizz ta’ intermedjazzjoni u, għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 għalih.

53

Fil-fatt, tali servizz ta’ intermedjazzjoni għandu natura dissoċjabbli mit-tranżazzjoni immobiljari fiha nnifisha inkwantu ma huwiex biss intiż għall-provvista immedjata ta’ servizz ta’ akkomodazzjoni, iżda pjuttost, li jipprovdi strument li jiffaċilita l-konklużjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw tranżazzjonijiet futuri fuq il-bażi ta’ lista strutturata ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni disponibbli fil-pjattaforma elettronika bl-istess isem u li jikkorrispondu għall-kriterji magħżula mill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu akkomodazzjoni għal żmien qasir. Huwa l-ħolqien ta’ tali lista għall-benefiċċju kemm tal-ospitanti li għandhom akkomodazzjoni għall-kiri kif ukoll tal-persuni li jfittxu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni li jikkostitwixxi l-karatteristika essenzjali tal-pjattaforma elettronika amministrata minn Airbnb Ireland.

54

F’dan ir-rigward, il-ġabra tal-offerti skont preżentazzjoni armonizzata flimkien ma’ strumenti ta’ tfittxija, ta’ lokalizzazzjoni u ta’ paragun ta’ dawn l-offerti tikkostitwixxi, minħabba l-importanza tagħha, servizz li ma jistax jitqies li jikkostitwixxi s-sempliċi servizz anċillari għal servizz globali li jaqa’ taħt klassifikazzjoni legali differenti, jiġifieri servizz ta’ akkomodazzjoni.

55

Barra minn hekk, servizz bħal dak ipprovdut minn Airbnb Ireland bl-ebda mod ma huwa indispensabbli għat-twettiq tal-provvista ta’ akkomodazzjoni kemm mill-perspettiva tal-kerrejja kif ukoll dik ta’ sidien il-kera li jużawh, peress li t-tnejn għandhom diversi għażliet oħra li wħud minnhom ilhom disponibbli minn żmien twil, bħall-aġenziji immobiljari, l-avviżi taħt forma stampata jew elettronika jew anki s-siti internet tal-lokazzjoni immobiljari. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li Airbnb Ireland tikkompeti direttament ma’ dawn l-għażliet l-oħra billi tipprovdi lill-utenti tagħha, jiġifieri lil sidien il-kera kif ukoll lill-kerrejja, servizz innovattiv ibbażat fuq il-partikolaritajiet ta’ attività kummerċjali tas-soċjetà tal-informazzjoni ma jippermettix li minnu jiġi dedott li huwa indispensabbli għall-finijiet tal-provvista ta’ servizz ta’ akkomodazzjoni.

56

Fl-aħħar nett, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ma jirriżulta li Airbnb Ireland tiffissa jew tillimita l-ammont tal-kera mitlub minn sidien il-kera li jużaw il-pjattaforma tagħha. L-iżjed li tagħmel huwa li tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom strument fakultattiv li jagħti stima tal-prezz tal-kera tagħhom fid-dawl tal-medji tas-suq li jirriżultaw minn din il-pjattaforma, filwaqt li tħalli lil sid il-kera biss ir-responsabbiltà li jiffissa l-kera.

57

Minn dan isegwi li, fih innifsu, servizz ta’ intermedjazzjoni bħal dak ipprovdut minn Airbnb Ireland ma jistax jitqies li jagħmel parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa l-provvista ta’ akkomodazzjoni.

58

L-ebda waħda mill-provvisti l-oħra msemmija fil-punt 19 tas-sentenza preżenti, meħuda flimkien jew b’mod iżolat, ma tippermetti li xxejjen din il-konstatazzjoni. Bil-kontra, tali provvisti huma ta’ natura anċillari peress li ma jikkostitwixxux l-għan innifsu għal sidien il-kera iżda l-mezz kif jibbenefikaw mis-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut minn Airbnb Ireland kif joffru provvisti ta’ akkomodazzjoni fl-aħjar kundizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 52; tal-10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 71, u tal-4 ta’ Settembru 2019, KPC Herning, C‑71/18, EU:C:2019:660, punt 38).

59

Dan japplika, qabel kollox, għall-fatt li, minbarra l-attività tagħha ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ sidien il-kera mal-kerrejja permezz tal-pjattaforma elettronika bl-istess isem, Airbnb Ireland tipprovdi lis-sidien struttura li tiddefinixxi l-kontenut tal-offerta tagħhom, servizz fakultattiv ta’ fotografija tal-proprjetà għall-kiri kif ukoll sistema ta’ evalwazzjoni ta’ sidien il-kera u tal-kerrejja aċċessibbli għas-sidien u l-kerrejja futuri.

60

Strumenti bħal dawn jidħlu fil-loġika inerenti tal-kollaborazzjoni tal-pjattaformi ta’ intermedjazzjoni li tippermetti, minn naħa, lil min jixtieq akkomodazzjoni, li jagħmel għażla kompletament konxja bejn l-offerti ta’ akkomodazzjoni proposti minn sidien il-kera fil-pjattaforma u, min-naħa l-oħra, lil sidien il-kera li jkunu kompletament informati rigward is-serjetà tal-kerrejja li magħhom ikun hemm possibbiltà li jkollhom x’jaqsmu.

61

Dan huwa, imbagħad, il-każ tal-fatt li Airbnb Payments UK, kumpannija tal-grupp Airbnb, hija inkarigata mill-ġbir tal-ammont tal-kera mingħand il-kerrejja biex sussegwentement tittrasferixxih lis-sidien, skont il-modalitajiet imfakkra fil-punt 19 tas-sentenza preżenti.

62

Tali modalitajiet ta’ ħlas, li huma komuni għal numru kbir ta’ pjattaformi elettroniċi, jikkostitwixxu strument ta’ sigurtà tat-tranżazzjonijiet bejn sidien il-kera u l-kerrejja li s-sempliċi preżenza tagħhom ma tistax tbiddel in-natura stess tas-servizz ta’ intermedjazzjoni, b’mod partikolari meta tali modalitajiet ta’ ħlas ma jkollhomx, la direttament u lanqas indirettament, kontroll tal-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 56 tas-sentenza preżenti.

63

Fl-aħħar nett, il-fatt li Airbnb Ireland toffri lil sidien il-kera garanzija fuq id-danni kif ukoll, fakultattivament, assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili lanqas ma huwa tali li jbiddel il-klassifikazzjoni legali tas-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut mill-imsemmija pjattaforma.

64

Anki jekk jittieħdu flimkien, il-provvisti, fakultattivi jew le, ipprovduti minn Airbnb Ireland u msemmija fil-punti 59 sa 63 tas-sentenza preżenti, ma jippermettux li tixxejjen in-natura dissoċjabbli tas-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut minn din il-kumpannija u, għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tagħha ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, sakemm ma ssirx bidla sostanzjali tal-karatteristiċi proprji ta’ dan is-servizz. F’dan ir-rigward, ikun barra minn hekk paradossali li tali provvisti anċillari b’valur miżjud ipprovduti minn pjattaforma elettronika lill-klijenti tagħha, b’mod partikolari, sabiex tkun differenti mill-kompetituri tagħha, ikunu jistgħu, fl-assenza ta’ elementi addizzjonali, iwasslu għall-bidla tan-natura u, għaldaqstant, tal-klassifikazzjoni legali tal-attività ta’ din tal-aħħar, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu.

65

Barra minn hekk, u bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-AHTOP u l-Gvern Franċiż, il-mod kif jiffunzjona servizz ta’ intermedjazzjoni bħal dak ipprovdut minn Airbnb Ireland ma jistax jixxebbah ma’ dak ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni li wasslu għas-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 39), u tal-10 ta’ April 2018, Uber France (C‑320/16, EU:C:2018:221, punt 21).

66

Barra l-fatt li l-imsemmija sentenzi jagħmlu parti mill-kuntest speċifiku tat-trasport urban tal-persuni li għalih japplika l-Artikolu 58(1) TFUE u li s-servizzi pprovduti minn Airbnb Ireland ma humiex paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti, il-provvisti anċillari msemmija fil-punti 59 sa 63 tas-sentenza preżenti ma jippermettux li jintwera l-livell ta’ kontroll ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi.

67

B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’dawn is-sentenzi li Uber kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet għas-servizz tat-trasport tax-xufiera mhux professjonisti li jużaw l-applikazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom minn din il-kumpannija (sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 39, u tal-10 ta’ April 2018, Uber France, C‑320/16, EU:C:2018:221, punt 21).

68

Issa, l-elementi msemmija mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 19 tas-sentenza preżenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li Airbnb Ireland teżerċita tali influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet għall-provvisti ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni li magħhom huwa relatat is-servizz ta’ intermedjazzjoni tagħha peress, b’mod partikolari, li Airbnb Ireland la tiddetermina direttament u lanqas indirettament il-prezz mitlub għall-kirjiet, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 56 u 62 tas-sentenza preżenti, u li hija lanqas ma tagħżel sidien il-kera jew il-postijiet proposti għal-kiri fil-pjattaforma tagħha.

69

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, li jirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni li għandu l-għan li jqiegħed f’kuntatt, permezz ta’ pjattaforma elettronika u bi ħlas, kerrejja potenzjali ma’ sidien il-kera professjonisti jew mhux professjonisti li jipproponu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, filwaqt li jipprovdu wkoll ċertu numru ta’ provvisti anċillari għal dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” li jaqa’ taħt id-Direttiva 2000/31.

Fuq it-tieni domanda

Fuq il-ġurisdizzjoni

70

Il-Gvern Franċiż isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għat-tieni domanda sa fejn il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-punt jekk l-attivitajiet ta’ Airbnb Ireland jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Liġi Hoguet u, konsegwentement, li tinterpreta d-dritt Franċiż.

71

Madankollu minn kliem it-tieni domanda jirriżulta li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju mhux qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-Liġi Hoguet tapplikax għall-attivitajiet ta’ Airbnb Ireland, iżda jekk din il-liġi, li dwarha hija tikkonstata n-natura restrittiva għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, hijiex infurzabbli għaliha.

72

Domanda bħal din, li hija marbuta mill-qrib mal-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31 lill-Istati Membri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll mal-obbligu ta’ dawn l-Istati li jikkomunikaw, lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat, il-miżuri li jippreġudikaw dan il-prinċipju, previst fl-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva, tikkostitwixxi domanda li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

73

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal din id-domanda.

Fuq l-ammissibbiltà

74

Sussidjarjament, il-Gvern Franċiż isostni li, fin-nuqqas ta’ determinazjoni min-naħa tal-qorti tar-rinviju li l-attivitajiet ta’ Airbnb Ireland jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Liġi Hoguet, it-tieni domanda tagħha ma tinkludix espożizzjoni tar-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31 u ma tindikax ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-direttiva u l-Liġi Hoguet. Għaldaqstant hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u, konsegwentement, hija inammissibbli.

75

F’dan ir-rigward, hekk kif ġie espost fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, mit-tieni domanda jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, is-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut minn Airbnb Ireland permezz tal-pjattaforma elettronika bl-istess isem jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din il-liġi.

76

Barra minn hekk, peress li rrilevat li l-imsemmija liġi tirrestrinġi servizzi bħas-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni rrikonoxxut fl-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2000/31 filwaqt li wriet id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-Liġi Hoguet tistax tkun infurzabbli kontra Airbnb Ireland, il-qorti tar-rinviju qiegħda tissodisfa r-rekwiżiti minimi imposti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

78

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex infurzabbli kontra Airbnb Ireland.

79

Din id-domanda ssegwi l-argument żviluppat minn Airbnb Ireland u li jikkonċerna l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Hoguet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 2000/31 u, b’mod iktar partikolari, in-nuqqas min-naħa tar-Repubblika Franċiża li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva li jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

80

Għaldaqstant, it-tieni domanda għandha tinftiehem li hija intiża tistaqsi jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li individwu jista’ jopponi li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili, jiġu applikati fuqu miżuri ta’ Stat Membru li jirrestrinġu l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li huwa jipprovdi minn Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija miżuri ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni.

81

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, natura li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

82

Fil-fatt, minn naħa, ir-rekwiżiti li jinsabu fil-Liġi Hoguet u msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri essenzjalment l-obbligu ta’ pussess ta’ liċenzja professjonali, jikkonċernaw l-aċċess għall-attività tas-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt bejn ospitanti li jkollhom akkomodazzjoni u persuni li jtiffxu dan it-tip ta’ akkomodazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(h)(i) tad-Direttiva 2000/31, u ma jidħlu fl-ebda waħda mill-kategoriji esklużi msemmija fl-Artikolu 2(h)(ii) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, huma japplikaw b’mod partikolari għall-fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Franċiża, ħaġa li tirrendi, minħabba f’hekk, il-provvista tas-servizzi tagħhom fi Franza iktar diffiċli.

83

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri, fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqa’ f’qasam irregolat, li jidderogaw mill-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, taħt żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

84

Minn naħa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31, il-miżura restrittiva kkonċernata għandha tkun neċessarja sabiex tiggarantixxi l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tittieħed kontra servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li effettivament jippreġudika dawn l-għanijiet jew jikkostitwixxi riskju serju u gravi li jippreġudika lil dawn tal-aħħar u, fl-aħħar nett, għandha tkun proporzjonata għall-imsemmija għanijiet.

85

Min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu, minn qabel u bla ħsara għall-proċeduri ġudizzjarji, inklużi l-proċeduri preliminari u l-atti mwettqa fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali, ikun ikkomunika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizz ikkonċernat ikun stabbilit, l-intenzjoni tiegħu li jieħu l-miżuri restrittivi kkonċernati.

86

Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, ma huwiex ikkontestat mill-Gvern Franċiż li l-Liġi Hoguet la tat lok għal komunikazzjoni min-naħa tar-Repubblika Franċiża lill-Kummissjoni u lanqas lill-Istat Membru fejn Airbnb Ireland hija stabbilita, jiġifieri l-Irlanda.

87

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-fatt li l-imsemmija liġi kienet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/31 ma jistax jirriżulta fil-ħelsien tar-Repubblika Franċiża mill-obbligu tagħha ta’ komunikazzjoni. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex derogi li jawtorizzaw lill-Istati Membri jżommu miżuri li kienu preċedenti għal din id-direttiva li jistgħu jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni mingħajr ma josservaw il-kundizzjonijiet previsti għal dan il-għan mill-imsemmija direttiva.

88

Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu li jikkomunika minn qabel miżuri li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li ġejjin minn Stat Membru ieħor previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 jinvolvix nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fir-rigward ta’ individwi, bħal konsegwenzi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu li jikkomunika minn qabel regoli tekniċi, previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54).

89

F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi rrilevat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 jistipula obbligu preċiż għall-Istati Membri kollha li jikkomunikaw minn qabel lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-fornitur tas-servizz ikkonċernat ikun stabbilit, l-intenzjoni tagħhom li jieħdu miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

90

Mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, l-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni għandu, għaldaqstant, natura suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata sabiex jingħata effett dirett u, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 44).

91

It-tieni nett, huwa paċifiku, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-premessa 8 tagħha, li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan il-għan huwa mfittex permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-miżuri li jistgħu jippreġudikawh, li jippermetti kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernat ikun stabbilit li jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu neċessarji sabiex jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

92

Barra minn hekk, u hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(6) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni, li għandha l-kompitu li fl-iqsar żmien possibbli teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri kkomunikati mad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu, meta tasal għall-konklużjoni li l-miżuri previsti jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, titlob lill-Istat Membru kkonċernat jastjeni milli jieħu dawn il-miżuri jew li jtemm urġentement il-miżuri inkwistjoni. Għaldaqstant, din il-proċedura tippermetti lill-Kummissjoni tevita l-adozzjoni jew, tal-inqas, iż-żamma ta’ ostakoli għall-kummerċ li jmorru kontra t-Trattat FUE, b’mod partikolari billi tipproponi tibdil li jkollu jsir għall-miżuri nazzjonali kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 41).

93

Huwa minnu li, hekk kif jirrileva b’mod partikolari l-Gvern Spanjol u kif jirriżulta mill-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2000/31, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ din id-direttiva ma jipprevedix formalment, bil-kontra tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535, l-obbligu ta’ standstill fuq l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni jadottaw miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 89 tas-sentenza preżenti, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika minn qabel l-intenzjoni tiegħu li jadotta tali miżuri lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-fornitur tas-servizz ikkonċernat ikun stabbilit.

94

Fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 89 sa 92 tas-sentenza preżenti, l-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel stabbilit mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 ma jikkostitwixxix sempliċi rekwiżit ta’ informazzjoni paragunabbli ma’ dak inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Enichem Base et (380/87, EU:C:1989:318, punti 19 sa 24), iżda rekwiżit proċedurali ta’ natura sostanzjali li jiġġustifika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà għall-individwi ta’ miżuri, mhux ikkomunikati, li jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punti 4950).

95

It-tielet nett, it-traspożizzjoni għad-Direttiva 2000/31, tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172) fir-rigward tad-Direttiva 2015/1535 hija iktar iġġustifikata inkwantu, bħalma ġie ġustament sostnut mill-Kummissjoni matul is-seduta, l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst mit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 ma huwiex intiż, bħall-miżura inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, li jipprevjeni l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri li jidħlu fil-kamp ta’ kompetenza ta’ dan tal-aħħar u li jistgħu jaffettwaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda li jipprevjeni l-indħil minn Stat Membru fuq il-kompetenza bħala prinċipju tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kkonċernat.

96

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-inosservanza minn Stat Membru tal-obbligu tiegħu li jikkomunika miżura li tirrestrinġi l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni minn operatur stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 twassal għal nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-imsemmija miżura għall-individwi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54).

97

F’dan ir-rigward, huwa importanti wkoll li jiġi indikat li, bħalma huwa previst għal dak li jirrigwarda regoli tekniċi li ma jkunux ġew ikkomunikati mill-Istat Membru konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ miżura mhux ikkomunikata li tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jista’ mhux biss jiġi invokat fil-każ ta’ proċeduri kriminali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 84), iżda wkoll f’kawża bejn individwi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, James Elliott Construction, C‑613/14, EU:C:2016:821, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Għaldaqstant, fi proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, quddiem qorti kriminali, individwu jitlob kumpens lil individwu ieħor għal dannu li joriġina minn reat li dwaru jkunu ttieħdu passi, l-inosservanza mill-Istat Membru tal-obbligu tiegħu li jikkomunika dan il-ksur skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 tirrendi l-miżura nazzjonali li tipprevedi li l-imsemmija ksur mhux infurzabbli fil-konfront tal-akkużat u tippermettilu jinvoka din l-inosservanza fil-kuntest mhux biss tal-proċeduri kriminali kontrih iżda wkoll fil-kuntest tat-talba għal kumpens imressqa mill-individwu li jkun intervjena bħala parti ċivili.

99

Fid-dawl tal-assenza ta’ komunikazzjoni min-naħa tar-Repubblika Franċiża tal-Liġi Hoguet kif ukoll tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 u mfakkra fil-punti 84 u 85 tas-sentenza preżenti, hemm lok li jitqies li, fi kwalunkwe każ, din il-liġi ma tistax tiġi applikata għal individwu li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Airbnb Ireland fil-kawża prinċipali, indipendentement mill-punt dwar jekk din il-liġi tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’din id-dispożizzjoni.

100

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li individwu jista’ jopponi li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili, jiġu applikati fil-konfront tiegħu miżuri ta’ Stat Membru li jirrestrinġu l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li huwa jipprovdi minn Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija miżuri ma jkunux ġew ikkomunikati konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), li tirreferi għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni li għandu l-għan li jqiegħed f’kuntatt, permezz ta’ pjattaforma elettronika u bi ħlas, kerrejja potenzjali ma’ sidien il-kera professjonisti jew mhux professjonisti li jipproponu servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, filwaqt li jipprovdu wkoll ċertu numru ta’ provvisti anċillari għal dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni, għandu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” li jaqa’ taħt id-Direttiva 2000/31.

 

2)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li individwu jista’ jopponi li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali b’kostituzzjoni ta’ parti ċivili, jiġu applikati fil-konfront tiegħu miżuri ta’ Stat Membru li jirrestrinġu l-libertà li jiġi pprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li huwa jipprovdi minn Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija miżuri ma jkunux ġew ikkomunikati konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.