SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Ħtif internazzjonali ta’ minuri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 11 – Talba għar-ritorn – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Applikazzjoni għal dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva – Rikors – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Digriet ta’ exequatur – Eżekuzzjoni qabel in-notifika tiegħu”

Fil-Kawżi magħquda C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-17 ta’ Mejju 2018 (C‑325/18 PPU) u tas-7 ta’ Ġunju 2018 (C‑375/18 PPU), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2018 u fis-7 ta’ Ġunju 2018, rispettivament, fil-proċeduri:

Hampshire County Council

vs

C.E.,

N.E.,

fil-preżenza ta’:

Child and Family Agency,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C.G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talbiet tal-qorti tar-rinviju tas-17 ta’ Mejju 2018 (C‑325/18 PPU) u tas-7 ta’ Ġunju 2018 (C‑375/18 PPU), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2018 u fis-7 ta’ Ġunju 2018, rispettivament, li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġetti għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2018 tal-Ewwel Awla li tilqa’ l-imsemmija talbiet,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Hampshire County Council, minn D. Day, barrister, b’mandat minn V. Pearce, solicitor,

għal N. E. u C. E., minn N. Jackson, SC, B. Shipsey, SC, B. McKeever, BL u K. Smyth, solicitor,

għall-Attorney General, minn M. Browne, J. McCann u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Finn, BL u G. Durcan, SC,

għall-Irlanda, minn J. McCann, bħala aġent, assistita minn G. Durcan, SC u A. Finn, BL,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Fadoju u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn E. Devereux, QC,

għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Nowak, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Awwissu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 33(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU L 2013, p. 63).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Hampshire County Council (il-Kunsill tal-Kontea ta’ Hampshire, iktar ’il quddiem il-“HCC”) u, min-naħa l-oħra, C.E. u N.E. (iktar ’il quddiem il-“ġenituri kkonċernati”), dwar ir-ritorn lejn ir-Renju Unit ta’ tlett itfal minuri (iktar ’il quddiem it-“tlett itfal”), meħuda fl-Irlanda mill-ġenituri kkonċernati sabiex jaħarbu miżura ta’ tqegħid ta’ dawn it-tfal taħt tutela, u dwar talba għal ordni interlokutorja mressqa minn dawn il-ġenituri fl-Irlanda sabiex tiġi sospiża l-adozzjoni tal-iżgħar wieħed minn dawn it-tlett itfal u, jekk ikun il-każ, tat-tfal l-oħra fir-Renju Unit.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”) għandha l-għanijiet, kif jirriżulta mill-preambolu tagħha, b’mod partikolari, li tipproteġi lill-minuri, fuq livell internazzjonali, kontra l-effetti dannużi ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali u li tistabbilixxi proċeduri sabiex jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu. Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983 u l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma Partijiet Kontraenti tagħha.

4

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprovdi:

“L-għanijiet ta’ din il-konvenzjoni huma:

(a)

li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat tal-minuri meħuda jew miżmuma illegalment f’wieħed mill-Istati Kontraenti;

(b)

li jiġu rrispettati effettivament fl-Istati Kontraenti l-oħra d-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess eżistenti fi Stat Kontraenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni:

“Ir-rimozzjoni [tneħħija] jew ir-ritenzjoni [żamma] ta’ minuri għandhom jitqiesu bħala illeċiti meta -

(a)

dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew enti oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi tal-Istat fejn il-minuri kien soltu joqgħod minnufih qabel ir-rimozzjonijew ritenzjoni;

(b)

fil-waqt tar-rimozzjoni jew tar-ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntement sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għar-rimozzjoni jew għar-ritenzjoni.

Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) hawn aktar qabel jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat.”

6

L-Artikolu 12 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skont l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, ikun għadda perjodu ta’ inqas minn sena mid-data tar-rimozzjoni [tneħħija] jew ritenzjoni [żamma] illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-minuri biex dan isir minnufih.

[…]”

7

L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprevedi:

“Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest m’hiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li -

[…]

(b)

jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

8

Il-premessi 12, 17, 21 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma fformulati kif ġej:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija […]

[…]

(17)

F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980] kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.

[…]

(21)

Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

[…]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji [tal-Karta]. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 [tal-Karta].”

9

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

(a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[…]

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(b)

id-deċizjonijiet dwar l-adozzjoni, il-miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew ir-revoka ta’ l-adozzjoni;

[…]”

10

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

8.

il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

9.

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

11.

il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)

hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma

u

(b)

iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

11

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[…]

3.   Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

[…]

6.   Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980], il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha,, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.   Kemm-il darba [Sakemm] il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew [ma kinux] diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.   Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni [ta’ Den Haag tal-1980], kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli […] ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

12

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-lis pendens, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.   Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess l-ewwel.”

13

Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“1.   F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.”

14

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-Raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenzi dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri”, jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom deċiżjoni mogħtija fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta.

15

Konformement mal-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, deċiżjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fl-ebda każ ma tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni fil-mertu.

16

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Is-Sentenzi [li] jistgħu jiġu nfurzati”, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tiegħu, jipprovdi:

“1.   Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.

[…]”

17

Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“1.   Il-qorti li tkun saritilha l-applikazzjoni [għal dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva] għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien. La l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri m’għandhom, f’dan l-istadju ta’ l-proċedimenti, ikunu ntitulati jagħmlu xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

2.   L-applikazzjoni tista’ tiġi rifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 22, 23 u 24.

3.   Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza titħalla tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha.”

18

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat, “L-appell kontra d-deċiżjoni”, jipprovdi:

“1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità tista’ tiġi appellata minn kwalunkwe waħda mill-partijiet.

[…]

3.   L-appell għandu jinstema skond ir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti fi kwistjonijiet kontradittorji.

[…]

5.   Kull appell kontra dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità għandu jiġi ppreżentat fi zmien xahar min-notifika tiegħu. Jekk il-parti li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar hija abitwalment residenti fi Stat Membru li mhux dak li fih ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità, iż-żmien għall-appell għandu jkun ta’ xaharejn u għandu jibda jiddekorri mid-data tan-notifika, jew fuq ismu jew fuq ir-residenza tiegħu. Ma tista’ tingħata ebda estensjoni ta’ żmien minħabba d-distanza.”

19

Skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

(e)

il-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-25 ta’ Ottubru ta’ l-1980 dwar l-Aspetti Ċivili Internazzjonali tal- Htif tal-Minuri.”

Id-dritt Irlandiż

20

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑325/18, id-Digriet 42A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri, introdott permezz tal-iStatutory Instrument Nru 9 tal-2016 (Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri (Ġurisdizzjoni, Rikonoxximent u Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet tal-2016)), kien jipprevedi, fil-verżjoni inizjali tiegħu tal-1989, is-sospensjoni awtomatika tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni fl-istennija tal-eżitu tar-rikors. Madankollu, ir-regola ta’ sospensjoni awtomatika tqieset li ma kinitx adegwata fil-kawżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Ir-Regola 10(2)(ii) tal-imsemmi Digriet 42A issa tipprevedi li “l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tista’ titwettaq qabel l-iskadenza” tat-terminu għall-preżentata tar-rikors inkwistjoni.

21

Konformement mar-Regola 10(2)(iii) tad-Digriet 42A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri, id-deċiżjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva għandha tinkludi indikazzjoni li tispeċifika li “l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tista’ tiġi sospiża fuq talba ġudizzjarja meta jkun ġie ppreżentat rikors ordinarju fl-Istat Membru ta’ oriġini”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Il-ġenituri kkonċernati, ta’ nazzjonalità Brittanika, li huma miżżewġa u li kienu jgħixu flimkien fir-Renju Unit, waslu b’vapur fl-Irlanda fil-5 ta’ Settembru 2017 flimkien mat-tlett itfal, li wieħed minnhom kien twieled jumejn qabel. Is-Sinjura E. hija l-omm tat-tlett itfal filwaqt li s-Sur E. huwa l-missier tat-tifel iż-żgħir biss.

23

Iż-żewġ it-tfal il-kbar kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ tqegħid provviżorju meħuda fir-Renju Unit f’Ġunju 2017. Fil-fatt, il-HCC kien diġà esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward ta’ din il-familja, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ iġjene fid-dar, tal-kapaċità tal-ġenituri li jikkontrollaw l-aġir tat-tfal tagħhom, tal-vjolenza domestika matul relazzjonijiet preċedenti u tal-problemi ta’ dipendenza fuq ċerti sustanzi. Kien irriżulta wkoll li wieħed mit-tfal kien weġġa’ b’mod mhux aċċidentali u ma setax jiġi eskluż li s-Sur E. kien l-aggressur.

24

Fit-8 ta’ Settembru 2017, minħabba l-preokkupazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi Brittaniċi dwar is-sigurtà tat-tfal, il-High Court of Justice (England and Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) ħarġet digriet ta’ tqegħid taħt tutela ġudizzjarja fir-rigward tat-tlett itfal, li attribwixxa d-drittijiet ta’ kustodja lill-HCC (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ tqegħid taħt tutella”) u li kien jinkludi ordni ta’ ritorn fir-rigward tat-tlett itfal (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ ritorn”).

25

Fl-istess jum, il-HCC ikkuntattja lill-omologu Irlandiż tiegħu, iċ-Child and Family Agency (l-Aġenzija għat-Tfal u għall-Familja, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), filwaqt li indikalha l-intenzjoni tiegħu li jitlob lill-High Court (England and Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) deċiżjoni ta’ ritorn tat-tlett itfal. L-Aġenzija wieġbet li tali deċiżjoni kellha tiġi eżegwita konformement mar-Regolament Nru 2201/2003. Iktar tard, fl-istess jum, il-HCC informa lill-Aġenzija li d-deċiżjoni ta’ ritorn kienet adottata dakinhar stess minn dik il-qorti.

26

Fl-Irlanda saru diversi żjarat fid-dar tal-familja E. iżda l-Aġenzija ma sabet xejn preokkupanti fir-rigward tat-tfal. Il-ġenituri kkonċernati indikaw lill-Aġenzija li kienet saritilhom rakkomandazzjoni li jmorru l-Irlanda sabiex jaħarbu mis-servizzi soċjali u sabiex jevitaw it-tqegħid tat-tlett itfal.

27

L-Aġenzija informat lil dawn il-ġenituri li kienet ser titlob deċiżjoni ta’ tqegħid provviżorju tat-tlett itfal fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-HCC. Hija informathom ukoll li l-HCC seta’ jitlob lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) sabiex tirrikonoxxi l-ordni ta’ ritorn tat-tlett itfal u li, fil-każ li din it-talba tintlaqa’, dawn it-tfal kien ser ikollhom jirritornaw fir-Renju Unit.

28

Fl-14 ta’ Settembru 2017, id-District Court (il-Qorti Distrettwali, l-Irlanda) tat il-kustodja provviżorja tat-tlett itfal lill-Aġenzija, li qegħdithom ma’ familja foster. Il-ġenituri kkonċernati taw il-kunsens tagħhom għal dan it-tqegħid provviżorju mingħajr madankollu ma rrikonoxxew il-fondatezza tiegħu. L-Aġenzija organizzat laqgħa ma’ dawn il-ġenituri dwar pjan għal teħid ta’ responsabbiltà. Huma ġew informati espliċitament li l-HCC kellu l-intenzjoni jitlob l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, li kienet għadha kemm ittieħdet mill-High Court (England and Wales) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)), permezz ta’ rikors mhux kontradittorju ppreżentat quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) sabiex it-tfal jiġu rritornati lejn ir-Renju Unit.

29

Fil-21 ta’ Settembru 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) adottat digriet konformement mal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003 li jirrikonoxxi d-digriet ta’ tqegħid taħt tutela u li jordna li din id-deċiżjoni “tiġi eżegwita f’dan it-territorju” (iktar ’il quddiem id-“digriet ex parte”). Fl-istess jum, it-tlett itfal ingħataw lill-ħaddiema soċjali tal-HCC u ġew irritornati lejn ir-Renju Unit.

30

Is-servizzi soċjali tal-HCC kienu talbu espliċitament lill-omologi Irlandiżi tagħhom sabiex ma jikkuntattjawx lill-ġenituri kkonċernati peress li fil-fehma tagħhom kien hemm riskju li dawn jaħarbu. Għaldaqstant, kien biss sussegwentement, jiġifieri iktar tard dakinhar stess tar-ritorn tat-tlett itfal li dawn tal-aħħar kienu informati bit-telefown u kien biss l-għada li d-digriet ex parte ġie nnotifikat formalment lilhom.

31

Dawn il-ġenituri pprovaw jippreżentaw appell mid-digriet ta’ tqegħid taħt tutela, iżda l-awtorizzazzjoni sabiex jippreżentaw appell ġiet irrifjutata fid-9 ta’ Ottubru 2017 mill-Court of Appeal (England and Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)).

32

Fl-24 ta’ Novembru 2017, huma ppreżentaw, quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), rikors kontra d-digriet ex parte. Fit-18 ta’ Jannar 2018, dan ir-rikors, li kien ġie ppreżentat jumejn wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 2201/2003, ġie miċħud bħala tardiv, għar-raġuni li t-terminu previst f’din id-dispożzzjoni kien terminu ta’ ordni pubbliku u li l-qorti adita ma kellhiex il-kompetenza li testendih. Huma ppreżentaw appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), fil-Kawża C‑325/18, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Meta jkun hemm allegazzjoni li tfal ikunu ttieħdu illegalment mill-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħhom b’inizjattiva tal-ġenituri tagħhom u/jew membri oħra tal-familja bi ksur ta’ deċiżjoni ġudizzjarja miksuba minn awtorità pubblika tal-Istat ikkonċernat, din l-awtorità pubblika tista’ titlob li kull deċiżjoni ġudizzjarja li tirrikjedi r-ritorn tat-tfal lejn il-pajjiż inizjali tiġi infurzata mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament [Nru 2201/2003] jew dan ikun jikkostitwixxi evitar illegali tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament u tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jew ukoll ikun jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt jew ta’ liġi min-naħa tal-awtorità kkonċernata?

2)

F’kawża li tirrigwarda l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 2201/2003], il-qorti adita għandha ġurisdizzjoni testendi t-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-Artikolu 33(5) fejn id-dewmien essenzjalment ikunu minimi u fejn estensjoni tat-terminu setgħet madankollu tingħata skont id-dritt nazzjonali proċedurali?

3)

Mingħajr ħsara għad-domanda 2), meta awtorità pubblika ta’ Stat terz tneħħi tfal, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, mit-territorju ta’ Stat Membru bis-saħħa ta’ deċiżjoni ta’ infurzar magħmula ex parte konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 2201/2003] iżda qabel in-notifika ta’ tali deċiżjoni lill-ġenituri, fejn għaldaqstant jiġu miċħuda mid-dritt tagħhom li jitolbu sospensjoni mill-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni sakemm jinstema’ l-appell, tali aġir jippreġudika t-tifsira essenzjali tad-dritt li l-ġenituri jisiltu mill-Artikolu 6 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] jew l-Artikolu 47 tal-Karta b’tali mod li estensjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (għall-iskopijiet tal-Artikolu 33(5) ta’ dan ir-regolament) għandha tingħata?”

34

Il-ġenituri kkonċernati sussegwentement ippreżentaw talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tiġi sospiża proċedura għall-adozzjoni tat-tlett itfal.

35

Permezz ta’ dikjarazzjoni tad-29 ta’ Mejju 2018, il-HCC ikkomunika l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi biss bl-adozzjoni tat-tifel iż-żgħir peress li ż-żewġt itfal l-oħra attwalment jirrisjedu fir-Renju Unit mal-missier ta’ wieħed minnhom.

36

Il-HCC ġie ammess bħala “parti” fil-kawża prinċipali iżda ma pparteċipax f’din il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u ma eżerċitax id-dritt tiegħu li jinstema’ quddiemha.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), fil-Kawża C‑375/18, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 2201/2003], li l-qrati ta’ Stat Membru wieħed joħorġu ordni interlokutorja (miżuri kawtelatorji) indirizzata in personam lill-aġenzija pubblika ta’ Stat Membru ieħor, liema ordni tipprojbixxi lil din l-aġenzija milli torganizza l-adozzjoni ta’ tfal fil-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor f’sitwazzjoni fejn l-ordni maħruġa in personam tirriżulta mill-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tal-partijiet fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003?”

38

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2018, il-Kawżi C‑325/18 u C‑375/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

39

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

Insostenn tat-talba tagħha, hija tenfasizza l-urġenza fil-Kawża C‑325/18 fir-rigward tal-proċedura għall-adozzjoni tat-tfal implimentata mill-HCC u li għaliha qiegħda toġġezzjona l-omm tat-tlett itfal. Fir-rigward tat-tifel iż-żgħir, il-missier tiegħu qiegħed ukoll joġġezzjona għal din il-proċedura.

41

Min-naħa l-oħra, hija ssostni li t-talba għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑375/18 tirriżulta minn proċedura għal miżuri provviżorji li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha.

42

F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 li ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 61(c) KE, li sar l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

43

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw tlett itfal ta’ inqas minn sitt snin, li ilhom kważi sena mifruda minn ma’ ommhom, u li l-HCC beda proċeduri fir-Renju Unit għall-adozzjoni tat-tifel iż-żgħir.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Ġunju 2018, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑325/18

45

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ikun allegat li minuri ttieħdu b’mod illegali, id-deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru fejn dawn il-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom, li tordna r-ritorn ta’ dawn il-minuri, tista’ tiġi ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru ospitanti konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.

46

Dik il-qorti qiegħda tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-HCC kienx imissu eżawrixxa r-rimedji disponibbli taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fl-Istat Membru ospitanti qabel ma pprova, kif fil-fatt għamel, jikseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-digriet ta’ tqegħid taħt tutela, taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003.

47

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dan ir-regolament huwa intiż, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, li joħloq spazju ġudizzjarju bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz tal-istabbiliment ta’ regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(a) tagħha, li tiżgura r-ritorn immedjat tal-minuri meħuda jew miżmuma b’mod illegali f’kull Stat Kontraenti, teżisti rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ strumenti li l-għan komuni tagħhom huwa, essenzjalment, li jiddiswadu l-ħtif ta’ minuri bejn Stati u, fil-każ ta’ ħtif, li jinkiseb ir-ritorn immedjat tal-minuri lejn l-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punti 4852).

48

Għandu jiġi osservat li l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003 tenfasizza n-natura komplementari ta’ dan ir-regolament billi tindika li dan jikkompleta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li, madankollu, tibqa’ applikabbli.

49

Barra minn hekk, l-Artikolu 34 tagħha jipprevedi li din il-konvenzjoni “ma tipprekludix li strument internazzjonali ieħor li jorbot lill-Istat ta’ oriġini u lill-Istat rikjest, jew li d-dritt mhux konvenzjonali tal-Istat rikjest, jiġu invokati sabiex jinkiseb ir-ritorn ta’ minuri li ttieħed jew inżamm b’mod illegali jew sabiex jiġi organizzat id-dritt ta’ aċċess” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50

Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ strumenti inkwistjoni hija speċifikata fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jipprovdi li l-qrati ta’ Stat Membru għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 8 ta’ dan l-artikolu għall-proċedura ta’ ritorn prevista fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

51

Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrikjedux li persuna, organu jew awtorità, fil-każ li jkun allegat ħtif internazzjonali ta’ minuri, jinvokaw il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sabiex jitolbu r-ritorn immedjat ta’ dan il-minuri lejn l-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu.

52

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, li minnu jirriżulta li dan ir-regolament għandu jipprevali fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 54).

53

Għaldaqstant, il-persuna li fiha tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri u dwar ir-ritorn ta’ minuri, adottata minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 2201/2003, anki jekk ma tkunx ippreżentat talba għal ritorn fuq il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

54

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-ordni ta’ ritorn taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, punt li qiegħed jiġi kkontestat minn C.E.

55

Mill-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li dan ir-regolament japplika, irrispettivament min-natura tal-qorti, għall-kwistjonijiet ċivili li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delega, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “kwistjonijiet ċivili” ma għandux jinftiehem b’mod restrittiv iżda bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li jkopri, b’mod partikolari, it-talbiet, il-miżuri jew id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-“responsabbiltà tal-ġenituri”, fis-sens tal-imsemmi regolament, konformement mal-għan imfakkar fil-premessa 5 tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 26).

56

L-Artikolu 1(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 2201/2003 jispeċifika li l-kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltà tal-ġenituri jikkonċernaw b’mod partikolari d-dritt ta’ kustodja, it-tutela, in-nomina u l-funzjonijiet ta’ kwalunke persuna jew ta’ kwalunkwe organu mqabbda sabiex jieħdu ħsieb il-persuna jew il-beni tal-minuri, sabiex jirrappreżentawh jew sabiex jassistuh, kif ukoll it-tqegħid tal-minuri ma’ familja foster jew fi stabbiliment.

57

Il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” huwa s-suġġett, fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ definizzjoni wiesgħa, fis-sens li jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha mogħtija lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, fuq il-bażi ta’ attribuzzjoniipso jure jew fuq il-bażi ta’ ftehim fis-seħħ, fir-rigward tal-persuna jew tal-beni ta’ minuri (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punt 49, u tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 59).

58

Għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju minn qorti tal-kompetenza tagħha li tqiegħed taħt tutela jimplika l-eżerċizzju ta’ drittijiet marbuta mal-benesseri u mal-edukazzjoni tal-minuri li normalment ikunu eżerċitati mill-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, kif ukoll ma’ aspetti relatati mat-tutela u mal-kuratura, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament. Kif osservat il-qorti tar-rinviju, it-trasferiment tad-dritt ta’ kustodja lil awtorità amministrattiva jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

59

F’dan id-dawl, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-digriet ex parte, adottat mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) konformement mal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, irrikonoxxa d-digriet ta’ tqegħid taħt tutela u ddikjaratu li għandu saħħa eżekuttiva fl-Irlanda.

60

Huwa paċifiku li t-talba għar-ritorn tat-tlett itfal ma kinitx ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u li d-dispożittiv tad-digriet ta’ tqegħid taħt tutela huwa kompost minn diversi elementi, fosthom it-tqegħid ta’ dawn it-tfal taħt is-sistema ta’ tutela ġudizzjarja u l-ordni ta’ ritorn. Jidher għalhekk li din tal-aħħar hija l-konsegwenza tad-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u ma tistax tiġi sseparata minn din tal-aħħar.

61

Minn dan jirriżulta li deċiżjoni ta’ tqegħid taħt tutela ta’ minuri u ta’ ritorn ta’ dawn il-minuri, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-exequatur tagħha ntalbet quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), tikkonċerna l-attribuzzjoni u/jew l-eżerċizzju u/jew ir-restrizzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u li tikkonċerna “drittijiet ta’ kustodja” u/jew ta’ “tutela”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Għaldaqstant, tali deċiżjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ikun allegat li minuri tneħħew b’mod illegali, id-deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru li fih dawn il-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom li tordna r-ritorn tal-imsemmija minuri u li tkun il-konsegwenza ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, tista’ tiġi ddikjarata li għanda saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru ospitanti konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑325/18

63

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid taħt tutela u r-ritorn ta’ minuri u li hija ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru rikjest qabel ma d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-ġenituri kkonċernati, u jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 33 għandux jiġi invokat fil-konfront tal-persuna li kontriha tkun intalbet l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

64

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Regola 10(2)(ii) tad-Digriet 42A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri, tipprevedi li “l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tista’ titwettaq qabel l-iskadenza” tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

65

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li, sabiex jiġi evitat li l-effett sospensiv ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva jkun jista’ jdaħħal inkwistjoni t-terminu qasir previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 2201/2003, deċiżjoni ta’ tqegħid issir eżekuttiva mill-mument li fih il-qorti tal-Istat Membru rikjest tiddikjara, konformement mal-imsemmi Artikolu 31, is-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 125). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jiġix imċaħħad mill-effett utli tiegħu, id-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru rikjest dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva għandha tittieħed b’ħeffa partikolari mingħajr ma r-rikorsi ppreżentati kontra tali deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru rikjest jista’ jkollhom effett sospensiv (sentenza tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punt 129).

66

Madankollu, din l-affermazzjoni hija bla ħsara għall-kwistjoni, distinta, ta’ jekk deċiżjoni ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-istadju tal-proċedura ex parte tistax tiġi eżegwita qabel tiġi nnotifikata.

67

F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għad-domandi magħmula.

68

Fil-fatt, għalkemm tipprevedi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni jibda jiddekorri b’effett min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk l-eżekuzzjoni tistax isseħħ qabel din in-notifika.

69

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ exequatur huwa intiż, minn naħa, li jipproteġi d-drittijiet tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti, fuq il-livell probatorju, kalkolu preċiż tat-terminu rigoruż u obbligatorju għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, Verdoliva, C‑3/05, EU:C:2006:113, punt 34).

70

Dan ir-rekwiżit ta’ notifika, kif ukoll it-trażmissjoni fl-istess ħin ta’ informazzjoni dwar ir-rikors, jippermetti li jiġi żgurat li l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tibbenefika minn dritt għal rimedju effettiv. B’hekk, sabiex jitqies li l-parti kkonċernata kienet f’pożizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ exequatur, hija għandu jkollha konoxxenza tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, li teħtieġ li din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata jew innotifikata lil din il-parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C‑283/05, EU:C:2006:787, punt 40).

71

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, konformement mar-Regola 10(2)(iii) tad-Digriet 42A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri, id-deċiżjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva għandha tinkludi indikazzjoni li tispeċifika li “l-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni tista’ tiġi sospiża fuq talba ġudizzjarja meta jkun ġie ppreżentat rikors ordinarju fl-Istat Membru ta’ oriġini”.

72

Fil-fatt, il-possibbiltà li tintalab, konformement mad-dritt nazzjonali, sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni tikkostitwixxi garanzija essenzjali tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u, b’mod iktar ġenerali, tad-drittijiet tad-difiża, li tista’ tingħata, b’mod partikolari, jekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni jista’ jkollha konsegwenzi manifestament eċċessivi.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tagħha, il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta rikors sabiex tkun tista’ tqajjem, b’mod partikolari, waħda mir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikolu 23 tar-Regolament, Nru 2201/2003 għandu jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ritorn, saħansitra qabel in-notifika tad-digriet lill-ġenituri kkonċernati, ipprekludiet lil dawn tal-aħħar milli jikkontestaw fil-ħin id-“dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva”, fis-sens tal-Artikolu 33(5) ta’ dan ir-regolament, u, fi kwalunkwe każ, milli jitolbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha.

74

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-HCC sostna li l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni kienet meħtieġa minħabba “riskju ta’ ħarba b’mod ġenerali”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, sa mill-14 ta’ Settembru 2017, it-tfal kienu s-suġġett ta’ tqegħid f’residenza ospitanti fl-Irlanda. Għaldaqstant l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn tagħhom lejn ir-Renju Unit ma jidhirx li kienet ikkaratterizzata minn xi urġenza partikolari.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru, li tordna t-tqegħid taħt tutela u r-ritorn ta’ minuri u li hija ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru rikjest, qabel ma saret in-notifika tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni lill-ġenituri kkonċernati hija kuntrarja għall-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

76

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, f’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi invokat fil-konfront tal-ġenituri kkonċernati.

77

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini ta’ preskrizzjoni għandhom, b’mod ġenerali, il-funzjoni li jiżguraw iċ-ċertezza legali (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Lebek, C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, huwa wkoll konformi mal-interess superjuri tal-minuri li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawh ikunu jistgħu jiġu kkontestati biss matul perijodu limitat.

78

Fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li d-deċiżjoni ta’ exequatur kienet effettivament innotifikata lill-ġenituri kkonċernati.

79

Huwa minnu li, peress li n-notifika saret wara l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-ġenituri ġew imċaħħda mid-dritt tagħhom li jitolbu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ritorn. Madankollu, dan il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom ma għandu l-ebda impatt fuq it-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

80

Għaldaqstant, f’tali kundizzjonijiet, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistax ikun is-suġġett ta’ estensjoni mogħtija mill-qorti adita.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk id-dritt nazzjonali jippermettilhiex tirtira d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, adottata preċedentement.

82

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid taħt tutela u r-ritorn ta’ minuri u li hija ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru rikjest, qabel ma tkun saret in-notifika tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni lill-ġenituri kkonċernati. L-Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi estiż mill-qorti adita.

Fuq id-domanda fil-Kawża C‑375/18

83

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qorti ta’ Stat Membru tadotta miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ ordni kontra organu pubbliku ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxi lil dan l-organu milli jibda jew ikompli, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, proċedura ta’ adozzjoni fir-rigward ta’ minuri li jirrisjedu fih.

84

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lill-qrati msemmija fih jagħtu miżuri provviżorji jew kawtelatorji, bil-kundizzjoni li dawn il-qrati ma jibbażawx il-ġurisdizzjoni tagħhom, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fuq wieħed mill-artikoli msemmija fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 63).

85

Dawn il-qrati huma awtorizzati jagħtu miżuri provviżorji jew kawtelatorji bil-kundizzjoni biss li josservaw tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri:

il-miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti;

dawn il-miżuri għandhom jittieħdu fir-rigward tal-persuni u tal-beni li jinsabu fl-Istat Membru fejn ikollhom is-sede tagħhom dawn il-qrati, u

għandhom ikunu ta’ natura provviżorja (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Minn dan isegwi li kull deċiżjoni li minnha ma jirriżultax li kienet ġiet adotta minn qorti li għandha ġurisdizzjoni jew li preżumibbilment għandha ġurisdizzjoni fuq il-mertu ma taqax neċessarjament taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda taqa’ taħt din id-dispożizzjoni biss fil-każ li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minnha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punt 78).

87

Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax persuni li jinsabu fl-Istat Membru fejn għandha s-sede tagħha l-qorti tar-rinviju u għalhekk ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fil-punt 85 ta’ din is-sentenza.

88

Minn dan isegwi li miżura kawtelatorja bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mitluba mingħand il-qorti ta’ Stat Membru fil-konfront ta’ organu pubbliku ta’ Stat Membru ieħor sabiex dan l-organu jiġi pprojbit milli jibda jew ikompli, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, proċedura għall-adozzjoni ta’ minuri li jirrisjedu fih, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003.

89

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tali ordni tammontax sabiex il-HCC jiġi pprojbit milli jiftaħ kawża quddiem il-qrati Ingliżi li għandhom ġurisdizzjoni u jekk għalhekk għandhiex il-forma ta’ “anti-suit injunction” ipprojbita mis-sentenzi tas-27 ta’ April 2004, Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228), kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69).

90

F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “anti-suit injunction”, jiġifieri ordni intiża li tipprojbixxi lil persuna milli tiftaħ jew tkompli proċedura quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, kienet inkompatibbli mal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta’ Deċiżjonijiet f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif ukoll mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), peress li tali ordni ma tosservax il-prinċipju li kull qorti adita għandha tiddetermina hija stess, skont ir-regoli applikabbli, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex taqta’ t-tilwima mressqa quddiemha. Tali ndħil fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor huwa, barra minn hekk, inkompatibbli mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li huwa l-bażi tal-implimentazzjoni ta’ sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni li l-qrati kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti legali huma meħtieġa josservaw (sentenzi tas-27 ta’ April 2004, Turner, C‑159/02, EU:C:2004:228, punti 2425; tal-10 ta’ Frar 2009, Allianz u Generali Assicurazioni Generali, C‑185/07, EU:C:2009:69, punti 2930, kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 2015, Gazprom, C‑536/13, EU:C:2015:316, punti 3334).

91

F’dan il-każ, għandu jitqies, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, li r-Regolament Nru 2201/2003, b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu, ma jistax jippermetti l-għoti ta’ ordni intiża li tipprojbixxi lill-HCC milli jibda proċedura ġudizzjarja fir-Renju Unit fir-rigward tal-adozzjoni ta’ minuri jew li ddaħħal inkwistjoni l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi f’dan ir-rigward.

92

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju u kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 153 u 154 tal-konklużjonijiet tagħha, ordni bħal dik mitluba mill-ġenituri kkonċernati la għandha l-għan u lanqas l-effett li tipprekludi lill-HCC milli jiftaħ kawża quddiem qorti Ingliża fir-rigward tal-istess suġġett bħal dak tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju, peress li proċedura ġudizzjarja ta’ adozzjoni, mibdija jew segwita fir-Renju Unit, għandha għan u effetti distinti minn dawk tal-proċedura bbażata fuq ir-Regolament Nru 2201/2003 li tikkonċerna r-ritorn ta’ minuri u li hija intiża li tħares id-dritt għal rimedju tal-ġenituri kkonċernati.

93

Barra minn hekk, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, id-deċiżjoni dwar din l-adozzjoni u l-miżuri għat-tħejjija tagħha ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qorti ta’ Stat Membru tadotta miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ ordni kontra organu pubbliku ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxi lil dan l-organu milli jibda jew ikompli, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, proċedura għall-adozzjoni ta’ minuri li jirrisjedu fih.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ikun allegat li minuri tneħħew b’mod illegali, id-deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru li fih dawn il-minuri kellhom ir-residenza abitwali tagħhom li tordna r-ritorn tal-imsemmija minuri u li tkun il-konsegwenza ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, tista’ tiġi ddikjarata li għanda saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru ospitanti konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.

 

2)

L-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tordna t-tqegħid taħt tutela u r-ritorn ta’ minuri u li hija ddikjarata li għandha saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru rikjest, qabel ma tkun saret in-notifika tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni lill-ġenituri kkonċernati. L-Artikolu 33(5) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi estiż mill-qorti adita.

 

3)

Ir-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qorti ta’ Stat Membru tadotta miżuri kawtelatorji fil-forma ta’ ordni kontra organu pubbliku ta’ Stat Membru ieħor li tipprojbixxi lil dan l-organu milli jibda jew ikompli, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, proċedura għall-adozzjoni ta’ minuri li jirrisjedu fih.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.