SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli – Frott u ħaxix – Regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni – Kunċett ta’ ‘pajjiż ta’ oriġini’ – Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Artikolu 113a(1) – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 76(1) – Definizzjonijiet relatati mal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 23(1) u (2)(b) – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 60(1) – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – Artikolu 31(b) – Stadji tal-produzzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor – Ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel – Projbizzjoni ta’ ttikkettjar ta’ natura li tqarraq lill-konsumatur – Direttiva 2000/13/KE – Artikolu 2(1)(a)(i) – Regolament (UE) Nru 1169/2011 – Artikolu 7(1)(a) – Artikolu 1(4) – Artikolu 2(3) – Noti ta’ spjega”

Fil-Kawża C‑686/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

vs

Prime Champ Deutschland Pilzkulturen GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas (Relatur), L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għaz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV, minn C. Rohnke, Rechtsanwalt,

għal Prime Champ Deutschland Pilzkulturen GmbH, minn C. Filippitsch, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, D. Klebs u R. Kanitz, sussegwentement minn D. Klebs u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères kif ukoll minn D. Colas u S. Horrenberger, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter, C. Hödlmayr u K. Herbout‑Borczak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet fil-qasam tal-politika agrikola, ta’ dispożizzjonijiet tal-kodiċi doganali relatati mal-oriġini tal-prodotti, u ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn iz-Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV (l-Uffiċċju għall-Ġlieda kontra l-Prattiki Kummerċjali Żleali ta’ Frankfurt am Main, iktar ’il quddiem iz-“Zentrale”) u Prime Champ Deutschland Pilzkulturen GmbH (iktar ’il quddiem “Prime Champ”), fir-rigward ta’ azzjoni sabiex din tal-aħħar ma tkomplix tikkumerċjalizza faqqiegħ ikkultivat bl-indikazzjoni “Oriġini: Ġermanja”, mingħajr indikazzjonijiet oħra ta’ spjega.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-leġiżlazzjoni agrikola

– Ir-Regolament Nru 1234/2007

3

Il-premessa 49 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2007, L 299, p. 1 u r-Rettifiki fil-ĠU 2009, L 230, p. 6; ĠU 2010, L 220, p. 76; ĠU 2011, L 276, p. 63; ĠU 2011, L 313, p. 47; ĠU 2013, L 97, p. 4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008 tal‑14 ta’ April 2008 (ĠU 2008, L 121, p. 1) (iktar ’l quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”), huwa redatt kif ġej:

“L-applikazzjoni ta’ standards għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli tista’ tikkontribwixxi għat-titjib ta’ kondizzjonijiet eknomiċi għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll għall-kwalità ta’ tali prodotti. L-applikazzjoni ta’ tali standards hija għalhekk fl-interess tal-produtturi, il-kummerċanti u l-konsumaturi. […]”

4

L-Artikolu 113a tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Rekwiżiti addizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. Il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix intiżi biex jinbiegħu friski lill-konsumatur, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk ikunu tajbin, ġusti u ta’ kwalità li jistgħu jiġu kummerċjalizzati u jekk ikun indikat il-pajjiż ta’ l-oriġini.”

– Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011

5

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1 u r-Rettifika ĠU 2011, L 157, p. 1), applikabbli mit‑22 ta’ Ġunju 2011, ir-rekwiżiti ddikjarati fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 huma indikati bħala standard ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni li d-dettalji tiegħu jingħataw fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

6

Il-punt 4 tal-Parti A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ddedikat għall-immarkar tal-oriġini tal-prodotti jipprovdi:

“L-isem sħiħ tal-pajjiż tal-oriġini. Għall-prodotti ġejjin minn Stat Membru, dan għandu jkun fil-lingwa tal-pajjiż tal-oriġini, jew fi kwalunkwe lingwa li tiftiehem mill-konsumaturi tal-pajjiż destinatarju. Għal prodotti oħrajn, dan għandu jkun fi kwalunkwe lingwa li tiftiehem mill-konsumaturi tal-pajjiż destinatarju.”

– Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013

7

Ir-Regolament Nru 1234/2007 ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, u r-Rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261; ĠU 2016, L 130, p. 8).

8

Il-premessa 74 tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa redatt kif ġej:

“(74)

Il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħxejjex maħsubin biex jinbiegħu friski lill-konsumatur għandhom jiġu kummerċjalizzati biss jekk jekk ikunu tajbin, ġusti u ta’ kwalità li jistgħu jiġu kummerċjalizzati u jekk ikun indikat il-pajjiż tal-oriġini. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dak ir-rekwiżit u biex jittieħed kont ta’ ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ derogi speċifiċi minn dak ir-rekwiżit.”

9

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprovdi:

“1.   L-Istandards tat-tqegħid fis-suq jistgħu japplikaw għal wieħed jew iktar mis-setturi u l-prodotti li ġejjin:

[…]

b)

frott u ħxejjex;

[…]

6.   Sabiex jittieħed kont tal-aspettattivi tal-konsumaturi u l-ħtieġa li jittejbu l-kwalità u l-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 227 biex tiġi modifikata l-lista ta’ setturi fil-paragrafu 1. Tali atti ddelegati għandhom ikunu strettament limitati għall-ħtiġijiet murija li jirriżultaw mill-bżonnijiet tal-konsumatur li qed jevolvu, progress tekniku jew il-ħtieġa għal innovazzjoni tal-prodott, u għandhom ikunu soġġetti għal rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa, b’mod partikolari, il-ħtiġijiet tal-konsumatur, l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għall-operaturi inkluż l-impatt fuq is-suq intern u fuq il-kummerċ internazzjonali, u l-benefiċċji offruti lill-produtturi u lill-konsumatur aħħari.”

10

L-Artikolu 76(1) u (4) tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa redatt kif ġej:

“1.   Barra minn hekk, fejn rilevanti għall-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli msemmija fl-Artikolu 75, il-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex li huma maħsuba li jinbigħu friski lill-konsumatur, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk ikunu ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli u jekk il-pajjiż ta’ oriġini huwa indikat.

[…]

4.   Sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u sabiex tieħu kont ta’ ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 227 dwar derogi speċifiċi f’dan l-Artikolu li huma neċessarji għall-applikazzjoni tajba tiegħu.”

Ir-Regolamenti fil-Qasam Doganali

– Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

11

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”) jipprovdi:

“1.   Merkanzija li toriġina f’pajjiż għandha tkun dik miksuba kollha jew prodotti f’dak il-pajjiż.

2.   L-espressjoni ‘merkanzija miksuba kollha f’pajjiż’ tfisser:

a)

prodotti minerali estratti ġewwa dak il-pajjiż;

b)

prodotti tal-ħaxix maħsuda f’dak il-post;

[…]”.

12

L-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jiddikjara:

“Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.

– Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

13

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u r-Rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90; ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”).

14

L-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jipprevedi:

“L-Artikoli 60 u 61 jistabbilixxu r-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija għall-għanijiet tal-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

a)

it-Tariffa Doganali Komuni minbarra l-miżuri msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 56(2);

b)

miżuri, barra l-miżuri tariffarji, stabbiliti permezz tal-provvedimenti tal-Unjoni li jirregolaw oqsma speċifiċi marbutin mal-kummerċ tal-merkanzija; u

c)

miżuri oħrajn tal-Unjoni marbutin mal-oriġini tal-merkanzija.”

15

L-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “L-akkwiżizzjoni tal-oriġini”, jipprovdi:

“1.   Merkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju.

2.   Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.

– Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446

16

L-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat (UE) tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 1 u r-Rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35; ĠU 2017, L 101, p. 164; ĠU 2018, L 75, p. 41; ĠU 2019, L 96, p. 55) jiddikjara:

“Il-merkanzija li ġejja għandha titqies li hija miksuba kompletament f’pajjiż jew territorju wieħed:

a)

prodotti minerali estratti fi ħdan dak il-pajjiż jew territorju;

b)

prodotti tal-ħxejjex maħsudin hemm;

[…]”

17

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Prodotti elenkati fl-Anness 22‑01 għandhom jitqiesu li tkun saritilhom l-aħħar operazzjoni sostanzjali ta’ pproċessar jew xogħol, li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura, fil-pajjiż jew territorju fejn huma ssodisfati r-regoli stabbiliti f’dak l-Anness jew li huwa identifikat minn dawk ir-regoli”.

18

L-Anness 22‑01 tar-Regolament Delegat 2015/2446 huwa intitolat “Noti introduttorji u lista ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar jew ħidma sostanzjali li jagħtu oriġini mhux preferenzjali”. Huwa ma jinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi għad-determinazzjoni tal-oriġini ta’ faqqiegħ ikkultivat.

Il-leġiżlazzjoni relatata mal-protezzjoni tal-konsumaturi

– Id-Direttiva 2000/13/KE

19

L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75) jipprovdi:

“Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

a)

ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

i)

għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;

ii)

billi tattribwixxi lill-prodott ta’ l-ikel effetti jew kwalitajiet li ma jipposjedix;

iii)

billi tissuġerixxi li l-prodott ta’ l-ikel jipposjedi karatteristiċi speċjali meta infatti l-prodotti kollha ta’ l-ikel li huma simili jipposjedu karatteristiċi simili;”

20

Il-punt 8 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/13 jipprevedi:

“Skond l-Artikoli 4 sa 17 u soġġett għal eċċezzjonijiet li fihom, indikazzjoni tal-partiklolaritajiet li ġejjin biss ikunu obbligatorji fuq il-tikkettjar tal-oġġetti ta’ l-ikel: […]

8)

partikolaritjiet tal-post ta’ oriġini jew provenjenza fejn nuqqas li tagħti partikolaritajiet bħal dawn jistgħu iqarrqu bil-konsumatur sa grad materjali rigward il-vera oriġini jew provenjenza tal-prodott ta’ l-ikel”.

– Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011

21

Id-Direttiva 2000/13 ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18 u r-Rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40; ĠU 2016, L 266, p. 7).

22

Il-premessi 29 u 33 tar-Regolament Nru 1169/2011 jiddikjaraw:

“(29)

L-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel għandu jingħata kull meta n-nuqqas tagħha probabbli jiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-pajjiż veru ta’ oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza ta’ dak il-prodott. Fil-każijiet kollha, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandha tingħata b’mod li ma tiżgwidax lill-konsumatur u abbażi ta’ kriterji definiti b’mod ċar li jiżguraw kondizzjonijiet ugwali għall-industrija u jtejbu l-għarfien tal-konsumatur tal-informazzjoni relatata mal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel. Kriterji bħal dawn m’għandhomx japplikaw għal indikazzjonijiet relatati mal-isem jew l-indirizz tal-operatur fin-negozju tal-ikel.

[…]

(33)

Ir-regoli mhux preferenzjali tal-Unjoni dwar l-oriġini huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 […] u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3]. Id-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-ikel tkun ibbażata fuq dawk ir-regoli, li huma magħrufa sew mal-operaturi fin-negozju tal-ikel u l-amministraturi kummerċjali u għandhom jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom aktar faċli.”

23

Skont l-Artikolu 1(1) u (4) tar-Regolament Nru 1169/2011:

“1.   Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel.

[…]

4.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tikkettar previsti f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari.”

24

L-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-pajjiż tal-oriġini ta’ ikel għandu jirriferi għall-oriġini ta’ ikel kif iddeterminata skont l-Artikoli 23 sa 26 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92”.

25

L-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari:

a)

fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni”.

26

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi:

“L-operatur fin-negozju tal-ikel responsabbli għall-informazzjoni dwar l-ikel għandu jkun l-operatur li taħt ismu jew taħt isem in-negozju tiegħu l-ikel jiġi kkummerċjalizzat jew, jekk dak l-operatur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-importatur fis-suq tal-Unjoni.”

27

Intitolat “Pajjiż tal-oriġini jew post ta’ provenjenza”, l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jiddikjara:

“[…]

2.   Indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għandu jkun obbligatorju:

a)

fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza;

b)

għal-laħam, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (‘NM’) elenkati fl-Anness XI. L-applikazzjoni ta’ dan il-punt għandha tkun suġġetta għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 8.

3.   Fejn jingħata l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel u fejn dan ma jkunx l-istess bħal dak tal-ingredjent primarju tiegħu:

a)

il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju kkonċernat għandu jingħata wkoll; jew

b)

il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju għandu jiġi indikat bħala differenti minn dak tal-ikel.

L-applikazzjoni ta dan il-paragrafu għandha tkun suġġetta għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 8. […]

5.   Sat‑13 ta’ Diċembru 2014 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għall-ikel li ġej:

a)

tipi oħra ta’ laħam barra ċ-ċanga u barra dawk imsemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

b)

ħalib;

c)

ħalib użat bħala ingredjent fil-prodotti tal-ħalib;

d)

ikel mhux ipproċessat;

e)

prodotti b’ingredjent uniku;

f)

ingredjenti li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-ikel.

6.   Sat‑13 ta’ Diċembru 2013 il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza għal-laħam użat bħala ingredjent.

7.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 5 u 6 għandhom jieħdu kont tal-ħtieġa għall-konsumaturi li jkunu informati, tal-fattibbiltà li tingħata l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta’ tali miżuri, inklużi l-impatt legali fuq is-suq intern u l-impatt fuq il-kummerċ internazzjonali.

Il-Kummissjoni tista’ takkumpanja dawk ir-rapporti bi proposti biex jiġu modifikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

8.   Sat‑13 ta’ Diċembru 2013 wara li jkunu saru l-valutazzjonijiet tal-impatt, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2). […]”

28

L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, sabiex jadottaw miżuri li jirrikjedu indikazzjonijiet obbligatorji addizzjonali, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-imsemmija miżuri.

– Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1337/2013

29

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1337/2013 tat‑13 ta’ Diċembru 2013 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011 fir-rigward tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjanza għal laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur (ĠU 2013, L 335, p. 19). Dan ir-regolament jiffissa r-regoli relatati mal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza fuq it-tikketta ta’ laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ tal-mogħoż u tat-tjur.

30

L-aħħar sentenza tal-premessa 3 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni tipprovdi:

“It-terminu ‘oriġini’ għandu jkun riservat għal laħam ta’ annimali li twieldu, trabbew u nqatlu, u li għalhekk kien totalment akkwistat fi Stat Membru wieħed jew f’pajjiż terz.”

– Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/775

31

Il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/775 tat‑28 ta’ Mejju 2018 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward tar-regoli biex jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ingredjent primarju ta’ ikel (ĠU 2018, L 131, p. 8).

Id-dritt Ġermaniż

32

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tindika li, matul is-sena 2013, il-punt 1 tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 11(1) tal-Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuch (il-Kodiċi Ġermaniż dwar il-Prodotti tal-Ikel, il-Prodotti ta’ Konsum ta’ Kuljum u l-Ikel intiż għall-Għalf tal-Annimali, iktar ’il quddiem il-“LFGB”, BGBl. 2005 I, p. 2618), fil-verżjoni tagħha preċedenti għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel u l-promozzjoni tagħhom taħt isem qarrieqi jew b’indikazzjoni jew preżentazzjoni qarrieqa, b’mod partikolari l-użu ta’ allegazzjonijiet ta’ natura li jqarrqu bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini jew tal-provenjenza tal-prodotti. L-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 kien jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din id-dispożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni.

33

Il-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit‑13 ta’ Diċembru 2014, ippubblikata fit‑3 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. I, p. 1426), jipprojbixxi lill-operatur responsabbli mis-settur tal-ikel jew lill-importatur, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, milli jikkummerċjalizza jew jippromwovi prodotti tal-ikel b’informazzjoni dwar dan l-ikel li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, moqri flimkien mal-pararafu 4 ta’ dan l-Artikolu 7. Konformement mal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011, l-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel ma jqarrqux lill-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel bħall-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza.

34

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tikkonkludi li, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rikonoxximent tan-natura qarrieqa jista’ jkun previst kemm fuq il-bażi tal-punt 1 tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB, fil-verżjoni preċedenti tagħha fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kif ukoll fuq dak tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-Artikolu 11(1) tal-LFGB u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

35

Iz-Zentrale, rikorrent fil-kawża prinċipali, jilmenta l-fatt li Prime Champ tipproduċi u tikkummerċjalizza faqqiegħ ikkultivat bl-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja” filwaqt li, mingħajr indikazzjonijiet supplimentari, tali indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tkun qarrieqa.

36

Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi kif ġej il-proċess ta’ kultivazzjoni ta’ faqqiegħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont l-ewwel stadju, il-materja prima mqiegħda fil-kompost tiġi ffermentata u mħallta tul seba’ sa ħdax-il jum fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-tieni stadju ta’ produzzjoni jikkonsisti fil-pasturizzazzjoni li ddum bejn ħames u sitt ijiem u l-preparazzjoni tal-kompost fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-tielet stadju ta’ produzzjoni jikkonsisti fl-ikonkulazzjoni tal-kompost bil-miċelju (spori ta’ faqqiegħ) fuq perijodu ta’ ħmistax‑il jum. Waqt ir-raba’ stadju, jibda l-frott fil-kontenituri ta’ kultivazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, fuq saff ta’ ħamri u franka, b’dan il-faqqiegħ ikun jista’ jilħaq 3 mm f’għaxar jew ħdax‑il jum. Wara xi ħmistax‑il jum, il-kontenituri ta’ kultivazzjoni jiġu ttrasportati lejn il-Ġermanja, fejn fl-impjant ta’ Prime Champ isir l-ewwel ħsad ta’ faqqiegħ wara ħamest ijiem, u t-tieni ħsad wara għaxar sa ħmistax‑il jum.

37

Waqt il-fażi prekontenzjuża, iz-Zentrale bagħat intimazzjoni lil Prime Champ f’Diċembru 2013. Huwa sussegwentement ippreċżenta rikors quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) fejn talab li Prime Champ tiġi ordnata, taħt piena ta’ miżuri ta’ pagamenti ta’ penalità, ma tibqax tipproponi u/jew tuża fil-kummerċ il-faqqiegħ ikkultivat bl-indikazzjoni “Oriġini: il-Ġermanja” minħabba li dawn l-istadji sostanzjali ta’ produzzjoni u ta’ kultivazzjoni ma seħħewx fil-Ġermanja.

38

Il-Landgericht ċaħdet ir-rikors u l-appell ġie miċħud ukoll. Iz-Zentrale ppreżenta appell għal Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja).

39

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti ta’ appell, l-indikazzjoni użata minn Prime Champ fil-kummerċjalizzazzjoni tal-faqqiegħ, jiġifieri “Oriġini: il-Ġermanja”, tista’ tqarraq lill-konsumatur, peress li l-pubbliku kkonċernat jiddeduċi minn dan li mhux biss il-ħsad, iżda wkoll il-proċess sħiħ ta’ produzzjoni seħħ fil-Ġermanja. Bħala qorti ta’ Reviżjoni, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) hija marbuta b’dawn il-konstatazzjonijiet ta’ fatt.

40

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tippreċiża wkoll li, peress li z-Zentrale bbaża l-mandat ta’ inibizzjoni invokat fuq riskju ta’ reċidiva (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Ġermaniża Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem l-“UWG”)), ir-rikors ikun fondat biss jekk l-aġir li bih hija akkużata Prime Champ kien illegali kemm fid-data tal-fatti, matul is-sena 2013, kif ukoll fid-data tad-deċiżjoni fl-istadju tal-appell għal Reviżjoni. Barra minn hekk, id-dritt għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni, previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi, jiddependi fuq is-sitwazzjoni ġuridika fis-seħħ fid-data tal-intimazzjoni fix-xahar ta’ Diċembru 2013.

41

Skont il-qorti tar-rinviju, mill-eżami tar-regolamenti fil-qasam doganali jirriżulta li l-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ għandu jkun il-Ġermanja. Madankollu, din il-qorti għandha mistoqsijiet dwar ir-relazzjoni bejn l-istrumenti differenti tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-pajjiż ta’ oriġini tal-frott u ħaxix intiżi sabiex jinbiegħu fi stat frisk lill-konsumaturi u adottati fil-qasam doganali, agrikolu u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi sabiex isir magħruf jekk id-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tat-tikkettjar, bħal dawk previsti fil-qasam agrikolu mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, jipprevalux fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 dwar l-informazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel.

42

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk sabiex jevita mandat ta’ inibizzjoni maħruġ minħabba n-natura qarrieqa tal-indikazzjonijiet tal-pajjiżi ta’ oriġini, produttur jista’ jikkompleta l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini permezz ta’ indikazzjoni tal-istadji ta’ produzzjoni mwettqa fi Istati Membri oħra.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ ‘pajjiż ta’ oriġini’ msemmi fl-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] u fl-Artikolu 76(1) tar-[Regolament Nru 1308/2013], għandu jsir riferiment għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 23 et seq. tal-Kodiċi Doganali [Komunitarju] u fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?

2)

Il-faqqiegħ ikkultivat li jinħasad fit-territorju nazzjonali joriġina minn pajjiż fis-sens tal-Artikolu 23 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità] u tal-Artikolu 60(1) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], meta numru ta’ stadji sostanzjali tal-produzzjoni jseħħu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u l-faqqiegħ ikkultivat ikun ġie ttrasportat fit-territorju nazzjonali tlett ijiem jew inqas qabel l-ewwel ħsad?

3)

Il-projbizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-[Direttiva 2000/13] u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-[Regolament Nru 1169/2011] hija applikabbli għall-indikazzjoni ta’ oriġini imposta mill-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] u mill-Artikolu 76(1) tar-[Regolament Nru 1308/2013]?

4)

Jistgħu jiżdiedu noti ta’ spjega mal-indikazzjoni ta’ oriġini imposta mill-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] u mill-Artikolu 76 (1) tar-[Regolament Nru 1308/2013] sabiex jiġu evitati dikjarazzjonijiet qarrieqa konformement mal-projbizzjoni imposta fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-[Direttiva 2000/13] kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(a) tar-[Regolament Nru 1169/2011]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

44

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam agrikolu, għandux isir riferiment għad-definizzjonijiet iddikjarati fl-Artikoli 23 et seq. tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

45

Skont iz-Zentrale, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-agrikoltura ma joħolqux relazzjoni stretta bejn id-dritt idderivat li jistrieħ fuq din il-bażi u l-leġiżlazzjoni doganali. Madankollu, huwa jsostni li l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini”, imaemmi fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fid-dawl tas-sens u tal-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt huwa meħtieġ li l-konsumaturi jiġu protetti u li dawn jingħataw il-possibbiltà li jieħdu deċiżjoni ta’ xiri fuq sfond ċar. Huwa jagħti l-eżempju ta’ prodotti ta’ oriġini annimali, li fir-rigward tagħhom ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1337/2013 jipprevedi indikazzjonijiet differenti ta’ ttikketjar sabiex il-konsumatur ikun suffiċjentement informat dwar l-oriġini ta’ dan il-laħam.

46

Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolamenti Nru 1234/2007 u Nru 1308/2013 ma jipprevedux definizzjoni tal-“pajjiż ta’ oriġini” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-leġiżlazzjoni doganali tistabbilixxi espressament rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet agrikoli msemmija mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-regoli previsti fl-Artikoli 60 u 61 ta’ dan il-kodiċi għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija huma applikabbli għal miżuri oħra tal-Unjoni relatati mal-oriġini tal-merkanzija bħall-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.

47

Ċertament, dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 59(c) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ma kinitx tinsab fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Madankollu, din tal-aħħar lanqas ma kienet tinkludi dispożizzjoni kontra l-applikazzjoni tar-regoli relatati mad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-ħaxix b’rabta mal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.

48

Għandu jingħad ukoll li sew ir-Regolament Nru 1234/2007 kif ukoll ir-Regolament Nru 1308/2013, u b’mod partikolari l-Anness I tagħhom dwar il-prodotti kkonċernati minn dawn ir-regolamenti, jirreferu għan-Nomenklatura Magħquda. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 li jipprevedu n-neċessità tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini bi kliem identiku, għandhom, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet kuntrarji, jiġu interpretati bl-istess mod.

49

Interpretazzjoni tali hija kkonfermata bir-Regolament Nru 1169/2011 li huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel, fejn l-Artikolu 2(3) tiegħu jirreferi, għad-determinazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel, għar-regoli għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali, jiġifieri għall-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Fil-premessa 33 tar-Regolament Nru 1169/2011, din id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija ġġustifikata bil-fatt li dawn ir-regoli huma “magħrufa sew mal-operaturi fin-negozju tal-ikel u l-amministraturi kummerċjali u għandhom jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom aktar faċli”.

50

Ir-raġuni invokata fl-imsemmija premessa 33 hija valida wkoll għall-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1308/2007. Fil-fatt, l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini għandha, sabiex tagħti l-effettività kollha tagħhom għad-dispożizzjonijiet korrispondenti u għal raġunijiet ta’ koerenza, tkun ibbażata fuq l-istess definizzjonijiet, sew jekk fil-qasam doganali, sew jekk f’dak agrikolu jew ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

51

Għalhekk hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam agrikolu, jeħtieġ li jsir riferiment għar-regolamenti fil-qasam doganali għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, jiġifieri għall-Artikoli 23 et seq. tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u għall-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

52

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk faqqiegħ ikkultivat maħsud fit-territorju nazzjonali joriġinax minn “pajjiż” fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, meta stadji ta’ produzzjoni sostanzjali jseħħu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u l-faqqiegħ ikkultivat ikun ġie ttrasportat fit-territorju nazzjonali mill-inqas tlett ijiem biss qabel l-ewwel ħsad.

53

Iz-Zentrale jsostni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-merkanzija kkonċernata tinkiseb kollha kemm hi f’pajjiż wieħed. Huwa josserva wkoll li l-Artikolu 24 ta’ dan il-kodiċi jitratta l-każ li fih numru ta’ pajjiżi jkunu intervjenew fil-produzzjoni ta’ din il-merkanzija. Huwa jqis li l-leġiżlatur adotta l-prinċipju li pjanta tista’ “tinħasad” biss fil-pajjiż li fih ġiet ukoll miżrugħa u mal-art li miegħu hija marbuta. Issa, din il-premessa ma sseħħx fil-każ tal-faqqiegħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-faqqiegħ inżera’ f’pajjiż f’kontenitur trasportabbli mimli ħamrija u ġie estratt minn din il-ħamrija f’pajjiż ieħor.

54

Kuntrarjament għal dak li jsostni z-Zentrale, ir-regoli previsti fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat 2015/2446 dwar l-oriġini tal-merkanzija li fil-produzzjoni tagħha jintervjenu numru ta’ pajjiżi jew territorji, ma jistgħux japplikaw.

55

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u mal-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-merkanzija kollha kemm hi miksuba f’pajjiż titqies li toriġina minn dan il-pajjiż. L-Artikolu 23(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jindika li merkanzija kollha kemm hi miksuba f’pajjiż għandha tinftiehem bħala “prodotti tal-ħaxix maħsuda f’dak il-post”. Bl-istess mod, l-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat 2015/2446 jipprevedi li “prodotti tal-ħxejjex maħsudin hemm” huma merkanzija meqjusa li nkisbet kollha kemm hi fl-istess pajjiż jew fl-istess territorju.

56

Kif tosserva l-Kummissjoni, fir-regolamenti fil-qasam doganali ċċitati ma tirriżulta ebda definizzjoni tat-terminu “ħsad” b’rabta mal-prodotti tal-ħaxix. Sabiex jiġi ddefinit dan it-terminu huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa fid-data meta jiġi sseparat mis-sottostrat li faqqiegħ ikkultivat isir ħaxix “frisk” fis-sens tal-intestatura tariffarja 0709 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-[Tariffa Doganali Komuni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382 u r-Rettifiki), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1). Din l-intestatura tariffarja 0709 tirrigwarda l-“[ħ]xejjex oħra, friski jew imkessħin”, imsemmija fil-Parti IX tal-Anness I tar-Regolament Nru 1234/2007 u fil-Parti IX tal-Anness I tar-Regolament Nru 1308/2013 u tinkludi s-subintestatura 070951 intitolata “Faqqiegħ”.

57

Filwaqt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1337/2013, ibbażat fuq l-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament Nru 1169/2011, ippreveda indikazzjonijiet differenti ta’ ttikkettjar sabiex il-konsumaturi jiġu informati b’mod suffiċjenti dwar l-oriġini tal-laħam frisk, imkessaħ jew iffriżat tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur, hemm lok li jiġi kkonstatat li ebda regolament ta’ implimentazzjoni ma ppreveda regoli simili, li setgħu kienu bbażati fuq l-Artikolu 26(2)(a) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ.

58

Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 23(1) u (2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif ukoll l-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat 2015/2446, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat huwa l-pajjiż ta’ ħsad tagħhom, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, indipendentement mill-fatt li stadji ta’ produzzjoni sostanzjali seħħew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u li l-faqqiegħ ikkultivat ġie ttrasportat fit-territorju ta’ ħsad mill-inqas tlett ijiem biss qabel l-ewwel ħsad.

Fuq it-tielet domanda

59

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011, li jipprevedu l-projbizzjoni li l-konsumatur jiġi mqarraq, topera mal-applikazzjoni tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini.

60

Kif indikat il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011, skont liema dan ir-regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ ttikkettjar previsti fid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ċerti prodotti tal-ikel. Din il-qorti tistaqsi jekk l-espressjoni “mingħajr preġudizzju” tfissirx li d-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tat-tikkettjar huma prevalenti, li jkun ifisser li l-projbizzjoni ġenerali ta’ qerq, prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011 ma tkunx applikabbli jew jekk ir-regoli kkonċernati jkunu applikabbli b’mod konġunt.

61

Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-ħaxix frisk, fis-sens tar-regoli agrikoli, jiġifieri l-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti fil-qasam doganali, jiġifieri l-Artikoli 23 et seq. tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

62

Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprevedi li għall-finijiet ta’ dan ir-regolament il-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel jirreferi għall-oriġini tal-prodott tal-ikel, hekk kif iddefinit konformement mal-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

63

Numru ta’ dispożizzjonijiet jippermettu lill-Kummissjoni tadotta regoli speċifiċi. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni agrikoli, b’mod partikolari mill-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-jedd li tadotta atti ddelegati fir-rigward tar-rekwiżiti supplimentari jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-frott u tal-ħaxix. Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta li ebda att iddelegat ma ġie adottat fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-faqqiegħ ikkultivat.

64

L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu adottati regoli speċifiċi relatati mal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-post ta’ provenjenza ta’ prodott tal-ikel. B’hekk il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1337/2013, dwar il-laħam, kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/775, dwar l-ingredjent primarju ta’ prodott tal-ikel. Madankollu l-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li ma adottat ebda regola speċifika dwar l-oriġini tal-faqqiegħ.

65

Il-Kummissjoni sostniet li hija tapplika l-prinċipju tal-applikazzjoni kondiviża u komplementari tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 fis-sens li din id-dispożizzjoni tkun tipprevali fuq il-leġiżlazzjoni agrikola u r-regolamenti fil-qasam doganali. Fil-fatt, għalkemm il-leġiżlazzjoni agrikola tagħti wkoll importanza lill-protezzjoni tal-konsumaturi, huwa fuq kollox ir-Regolament Nru 1169/2011 li għandu l-għan li jinforma u jipproteġi b’mod aħjar lill-konsumaturi. Hija ssostni li applikazzjoni komplementari tal-projbizzjoni ta’ qerq fil-konfront tal-konsumatur, prevista mir-Regolament Nru 1169/2011, hija, konsegwentement, neċessarja sabiex jiġi ssodisfat l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li huwa stabbilit fid-dritt primarju tal-Unjoni, fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont il-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ qerq lill-konsumatur, hija biss qorti nazzjonali li tista’ tiddetermina liema indikazzjonijiet komplementari jew korretriċi tal-produttur huma neċċessarji u xierqa biex jiġi eliminat il-qerq.

66

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li r-Regolament Nru 1169/2011, bħad-Direttiva 2000/13 li tiġi mħassra minnu, jistabbilixxi, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 1(1) tiegħu, “bażi” fil-qasam tal-informazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti tal-ikel. F’dan ir-rigward, huwa jipprovdi, b’mod partikolari fil-Kapitolu III tiegħu, “rekwiżiti ġenerali” għal dan il-qasam, kif inhu fformulat it-titolu tal-imsemmi kapitolu, fejn fosthom hemm ir-rekwiżit li “[l]-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari […] fir-rigward [tal-]pajjiż” ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel.

67

Ir-Regolament Nru 1169/2011 jistipula wkoll, fil-Kapitolu IV tiegħu, regoli iktar preċiżi li jimponu obbligi li tissemma’ ċerta informazzjoni. Fost din l-informazzjoni għandu jkun hemm il-pajjiż ta’ oriġini “meta previst fl-Artikolu 26 [ta’ dan ir-regolament]”, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 9(1)(i) tal-imsemmi regolament. Bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu 26, l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini huwa obbligatorju, b’mod partikolari, “fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini”.

68

Fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament, fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011, ir-riżerva li dan it-test li jservi bħala bażi għandu japplika mingħajr preġudizzju għal regoli oħra speċifiċi tal-Unjoni fil-qasam tat-tikkettjar tal-ikel. Barra minn hekk, fl-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, huwa reġa’ tenna, għall-obbligi speċifiċi fil-qasam tat-tikkettjar previsti minnu, ir-riżerva magħmula b’mod ġenerali fl-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-regolament li ma għandhomx jiġu ppreġudikati rekwiżiti oħra ta’ ttikkettjar tal-ikel previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni.

69

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 1169/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-test “mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ tikkettar previsti f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni applikabbli għal ikel partikolari” jirrigwarda d-dispożizzjonijiet uniformi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni jew mill-Kummissjoni, bħal-leġiżlazzjonijiet doganali u agrikoli. Tali leġiżlazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-portata tal-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

70

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2000/13 għandha tiġi interpretata fl-istess sens bħar-Regolament Nru 1169/2011.

71

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li din id-direttiva ma tagħmel ebda riferiment għal-leġiżlazzjoni doganali għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti tal-ikel, xorta jibqa’ l-fatt li bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli, barra minn hekk, għall-frott u l-ħaxix, u b’mod partikolari tal-Artikolu 113a tar-Regolament Nru 1234/2007, dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk il-pajjiż ta’ oriġini jiġi indikat, fejn dan il-pajjiż huwa ddefinit, hekk kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, b’riferiment għal-leġiżlazzjoni doganali.

72

Issa, għalkemm permezz tal-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini b’riferiment għal-leġiżlazzjoni doganali, huwa permess li jiġi kkummerċjalizzat il-prodott ikkonċernat, fl-istess waqt ma jistax jitqies li tali indikazzjoni hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tqarraq lix-xerrej fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13.

73

Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-projbizzjoni ġenerali ta’ qerq fil-konfront tal-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti tal-ikel, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011 ma hijiex applikabbli, fir-rigward tal-frott u l-ħaxix frisk, għall-indikazzjoni tal-oriġini imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.

Fuq ir-raba’ domanda

74

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk noti ta’ spjega jistgħux jingħaddu mal-indikazzjoni tal-oriġini imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 sabiex jiġi evitat qerq fil-konfront tal-konsumatur konformement mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13 kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

75

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni, ir-raba’ domanda tirrigwarda l-possibbiltà li jiġi impost fuq il-produtturi, b’applikazzjoni tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali, obbligu partikolari ta’ informazzjoni, meta l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 23 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, tkun titqies li tqarraq lill-konsumatur.

76

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1169/2011 il-leġiżlatur tal-Unjoni ddetermina b’mod ċar u preċiż il-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott tal-ikel b’riferiment għall-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Għall-prodotti mir-renju veġetali, fosthom il-faqqiegħ, il-leġiżlatur stabbilixxa li l-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-prodotti huwa l-pajjiż tal-ħsad tagħhom, minkejja l-post ta’ produzzjoni tagħhom.

77

Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li noti ta’ spjega ma jistgħux jiġu imposti sabiex jikkumplementaw l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 sabiex jiġi evitat qerq fil-konfront tal-konsumatur konformement mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 għandu jiġi interpretat bl-istess mod.

78

Għalhekk hemm lok li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li noti ta’ spjega ma jistgħux jiġu imposti sabiex jikkumplementaw l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 sabiex jiġi evitat qerq fil-konfront tal-konsumatur konformement mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

Fuq l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 113a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 361/2008 tal‑14 ta’ April 2008, u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-qasam agrikolu, jeħtieġ li jsir riferiment għar-regolamenti fil-qasam doganali għad-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, jiġifieri għall-Artikoli 23 et seq . tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u għall-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

 

2)

L-Artikolu 23(1) u (2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 kif ukoll l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 952/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 31(b) tar-Regolament Delegat (UE) tal-Kummissjoni tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pajjiż ta’ oriġini tal-faqqiegħ ikkultivat huwa l-pajjiż ta’ ħsad tagħhom, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, indipendentement mill-fatt li stadji ta’ produzzjoni sostanzjali seħħew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni u li l-faqqiegħ ikkultivat ġie ttrasportat fit-territorju ta’ ħsad mill-inqas tlett ijiem biss qabel l-ewwel ħsad.

 

3)

Il-projbizzjoni ġenerali ta’ qerq fil-konfront tal-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti tal-ikel, stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel, u fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, ma hijiex applikabbli, fir-rigward tal-frott u l-ħaxix frisk, għall-indikazzjoni tal-oriġini imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 361/2008, u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.

 

4)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li noti ta’ spjega ma jistgħux jiġu imposti sabiex jikkumplementaw l-indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini imposta fl-Artikolu 113a(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 361/2008, u fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 sabiex jiġi evitat qerq fil-konfront tal-konsumatur konformement mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 kif ukoll fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.