6.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Bulgarija) fl-14 ta’ Novembru 2016 – Nikolay Kantarev vs Balgarska Narodna Banka

(Kawża C-571/16)

(2017/C 038/12)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad – Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Nikolay Kantarev

Konvenut: Balgarska Narodna Banka

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali, jippermettu d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u tal-proċedura applikabbli għar-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni skont l-awtorità pubblika li tkun wettqet il-ksur u skont in-natura tal-azzjoni/nuqqas ta’ azzjoni li jikkostitwixxu l-ksur, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji twassal sabiex ir-rikorsi jiġu eżaminati minn qrati differenti, jiġifieri minn qrati ordinarji u minn qrati amministrattivi, skont proċedura differenti, jiġifieri l-proċedura prevista fil-Grazhdanski protsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura ċivili) u dik prevista fl-Administrativnoprotsesualen kodeks (kodiċi ta’ proċedura amministrattiva), li jeħtieġu l-ħlas ta’ taxxi tal-Istat differenti, jiġifieri taxxa proporzjonali u taxxa sempliċi, u l-prova ta’ kundizzjonijiet differenti, inkluża l-eżistenza ta’ nuqqas?

2)

L-Artikolu 4(3) TUE u r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġu eżaminati skont proċedura bħal dik ibbażata fuq l-Artikolu 45 u fuq l-Artikolu 49 taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (liġi dwar l-obbligi u l-kuntratti), li teħtieġ il-ħlas ta’ taxxa tal-Istat proporzjonali u l-prova ta’ nuqqas, jew skont proċedura bħal dik ibbażata fuq l-Artikolu 1 taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (liġi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat u tal-muniċipalitajiet għad-danni kkawżati), li, minkejja li tipprevedi responsabbiltà oġġettiva u minkejja li tinkludi regoli speċifiċi li jiffaċilitaw l-aċċess għal qorti, tapplika biss għad-danni li jirriżultaw minn atti illegali annullati u minn azzjonijiet/nuqqas ta’ azzjonijiet fattwali illegali tal-amministrazzjoni u ma tkoprix il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi oħra u li jikkonsisti f’azzjonijiet/nuqqas ta’ azzjonijiet legali li ma jkunux ġew annullati skont il-proċedura prevista għal dan il-għan?

3)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw approċċ leġiżlattiv bħal dak adottat permezz tal-Artikolu 36(3) taż-Zakon za kreditnite institutsii (liġi dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu) u permezz tal-Artikolu 23(5) taż-Zakon za garantirane na vlogovete v bankite (liġi dwar il-garanzija tad-depożiti bankarji), approċċ li jfisser li r-rekwiżit li “l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li [tħallas] lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li [tkun tista’ tagħmel] dan”, huwa ekwivalenti għall-konstatazzjoni ta’ insolvabbiltà tal-istabbiliment u għar-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu, u li jfisser ukoll li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti bankarji għandha tiġi skattata hekk kif tiġi rrevokata l-awtorizzazzjoni tal-bank?

4)

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex depożitu jiġi kklassifikat bħala “mhux disponibbli”, huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat li hemm tali depożitu minħabba att espliċitu meħud mill-“awtoritajiet kompetenti” wara l-evalwazzjoni prevista fil-punt 3(i) tal-istess dispożizzjoni jew għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, minħabba lakuna legali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-evalwazzjoni u r-rieda tal-“awtorità kompetenti” jiġu dedotti, permezz ta’ interpretazzjoni, minn atti oħra meħuda minn din l-awtorità, pereżempju, f’dan il-każ, mid-Deċiżjoni Nru 73 tal-20 ta’ Ġunju 2014 tal-Bord tad-Diretturi tal-Balgarska Narodna Banka (Bank nazzjonali Bulgaru), li permezz tagħha l-bank KTB AD tqiegħed taħt sorveljanza speċjali, jew li jiġu preżunti fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali?

5)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali – fejn, permezz tad-Deċiżjoni Nru 73 tal-20 ta’ Ġunju 2014 tal-Bord tad-Diretturi tal-Balgarska Narodna Bank (Bank nazzjonali Bulgaru), il-pagamenti u t-tranżazzjonijiet kollha ġew sospiżi, b’tali mod li b’hekk id-depożitanti ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jagħmlu talbiet għall-irtirar tad-depożiti tagħhom u milli jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Ġunju 2014 u s-6 ta’ Novembru 2014 –, għandu jitqies li d-depożiti kurrenti ggarantiti kollha (li ma jeħtieġux preavviż sabiex ikunu jistgħu jiġu rtirati u li jingħataw lura immedjatament fuq talba) saru mhux disponibbli fis-sens tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 jew għandu jitqies li l-kundizzjoni li “depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu” teħtieġ li d-depożitanti kienu neċessarjament ressqu quddiem l-istabbiliment ta’ kreditu talba (ordni, stedina) għall-irtirar tad-depożitu li ma kinitx onorata?

6)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, kif ukoll il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors (2), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-“awtoritajiet kompetenti” fil-kuntest tal-evalwazzjoni prevista fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 hija, fil-każijiet kollha, limitata mit-terminu previst fit-tieni sentenza tal-[punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19] jew fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li, għall-finijiet tas-sorveljanza speċjali prevista fl-Artikolu 115 taż-Zakon za kreditnite institutsii (liġi dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu), id-depożiti jibqgħu mhux disponibbli għal perijodu itwal minn dak indikat fid-Direttiva 94/19?

7)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhom effett dirett u jikkonferixxu lid-depożitanti tal-bank li jagħmel parti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, minbarra d-dritt li jiġu kkumpensati minn din l-iskema sal-livell previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19, id-dritt li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni billi jippreżentaw, kontra l-awtorità responsabbli sabiex tikkonstata li d-depożiti ma kinux disponibbli, rikors għad-danni kkawżati mill-ħlas tardiv tal-ammont iggarantit tad-depożiti, f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni prevista fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva kienet ittieħdet wara t-terminu ta’ ħamest ijiem stabbilit mid-Direttiva 91/14 u fejn id-dewmien huwa dovut għall-effett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni li kienet intiża li tipproteġi lill-bank mill-insolvabbiltà u li kienet imposta minn din l-istess awtorità, jew, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw regola nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 79(8) taż-Zakon za kreditnite institutsii (liġi dwar l-istabbilimenti ta’ kreditu), li tipprovdi li l-Balgarska Narodna Banka (Bank nazzjonali Bulgaru), il-korpi tiegħu u l-persuni mqabbda minnu għandhom iwieġbu għad-danni kkawżati b’konsegwenza tal-eżerċizzju tal-missjonijiet ta’ sorveljanza tiegħu fil-każ biss li dawn id-danni jkunu ġew ikkawżati b’mod intenzjonat?

8)

Huwa l-każ li, u f’liema ċirkustanzi, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-“awtorità kompetenti” ma ħaditx deċiżjoni konformement mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, huwa ksur “suffiċjentement serju”, li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra l-awtorità ta’ sorveljanza u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa rilevanti (a) li l-Fond za garantirane na vlogovete v bankite (Fond ta’ garanzija tad-depożiti bankarji) ma kellux biżżejjed fondi sabiex ikopri d-depożiti ggarantiti kollha?; (b) li, matul il-perijodu li matulu l-pagamenti kienu sospiżi, l-istabbiliment ta’ kreditu tqiegħed taħt sorveljanza speċjali sabiex jiġi protett mill-insolvabbiltà?; (c) li d-depożitu tar-rikorrent ġie rrimborsat wara l-konstatazzjoni, mill-Balgarska Narodna Banka (Bank nazzjonali Bulgaru), li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma kinux irnexxew?; (d) li d-depożitu tar-rikorrent ġie rrimborsat, flimkien mal-interessi applikati, inkluż għall-perijodu bejn l-20 ta’ Ġunju 2014 u s-6 ta’ Novembru 2014?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252.

(2)  ĠU L 68, 13.3.2009, p. 3.