2.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 156/30


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis (il-Litwanja) fil-25 ta’ Frar 2016 – Indėlių ir investicijų draudimas

(Kawża C-109/16)

(2016/C 156/40)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti fil-kassazzjoni:“Indėlių ir investicijų draudimas” VĮ

Parti oħra fil-proċedura fil-kassazzjoni: Alvydas Raišelis

Domandi preliminari

1)

Meta istituzzjoni ta’ kreditu teżerċita funzjonijiet ta’ impriża ta’ investiment, li jiġu ttrasferiti lilha fondi bl-għan li jiġu akkwistati strumenti ta’ dejn maħruġa mill-istituzzjoni ta’ kreditu stess, iżda dan il-ħruġ ma jkunx seħħ u dawn l-istrumenti ma jkunux saru l-proprjetà tal-persuna li ħarġet il-fondi, filwaqt li dawn il-fondi jkunu diġà ġew ittrasferiti mill-kont bankarju ta’ din il-persuna f’kont miftuħ f’isem l-istituzzjoni ta’ kreditu u ma jkunux jistgħu jitħallsu lura, u, barra minn hekk, il-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ skema ta’ protezzjoni speċifika f’din is-sitwazzjoni ma tkunx ċara, l-Artikolu 1.1 tad-Direttiva 94/19 (1) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 97/9 (2) jistgħu jiġu applikati direttament sabiex tiġi ddeterminata l-iskema ta’ protezzjoni applikabbli għal dawn il-fondi, u l-użu intiż tagħhom huwa, f’dan ir-rigward, il-kriterju prinċipali? Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati u joħolqu drittijiet suġġettivi sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens kontra l-organu ta’ garanzija stabbilit mill-Istat?

2)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, li jiddetermina l-pretensjonijiet koperti mill-iskema ta’ kumpens għall-investituri, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri wkoll talbiet għar-rimbors ta’ fondi li l-impriża ta’ investiment għandha tħallas lill-investituri u li ma humiex miżmuma minnha f’isem dawn tal-aħħar?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, li jispeċifika l-pretensjonijiet koperti mill-iskema ta’ kumpens, huwa suffiċjentement ċar, preċiż u inkundizzjonat u joħloq drittijiet suġġettivi li jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens kontra l-organu ta’ garanzija stabbilit mill-Istat?

4)

L-Artikolu 1.1 tad-Direttiva 94/19 għandu jinftiehem u jiġi mifhum u interpretat fis-sens li jista’ jiġi kkunsidrat bħala depożitu, skont din id-direttiva, it-trasferiment ta’ fondi mill-kont personali ta’ persuna bil-kunsens tagħha, f’kont miftuh fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu u f’isem din tal-aħħar u li huwa intiż għall-ħlas ta’ strumenti ta’ dejn futuri ta’ dan l-istabbiliment?

5)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 94/19 għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li l-kumpens bħala garanzija għad-depożiti għandu jitħallas, fil-limitu tas-somma indikata fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19, lil kull persuna li d-dritt ta’ kreditu tagħha jista’ jiġi stabbilit qabel id-data li fiha issir il-konstatazzjoni jew tingħata d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tad-Direttiva 94/19?


(1)  Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252).

(2)  Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Marzu 1997, dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 311).