SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

19 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru adita b’talba għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ rinunzja ta’ wirt f’isem wild minuri – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni – Artikolu 12(3)(b) – Aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑565/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Eirinodikeio Lerou (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Leros, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura mibdija minn

Alessandro Saponaro,

Kalliopi-Chloi Xylina,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, G. Papadaki u E. Tsaousi, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A. Katsimerou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn Alessandro Saponaro u Kalliopi-Chloi Xylina, f’isem il-wild minuri tagħhom, intiż għall-kisba tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ rinunzja ta’ wirt iddestinat għal dan tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija fformulata kif ġej:

“Ir-raġunijiet [regoli] ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[…]

(b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

[…]

(e)

il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

(f)

il-fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni;

[…]”

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprevedi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

6

L-Artikolu 12 tal-istess regolament, intitolat “Il-Proroga ta’ l-ġurisdizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu:

“1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

[…]

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

2.   Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk kif:

(a)

is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;

(b)

f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’ (a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;

(ċ)

il-proċedimenti msemmija f’ (a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.

3.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

(a)

il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew li l-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

u

(b)

il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.”

Id-dritt Grieg

7

Skont l-Artikolu 797 tal-Kodikas Politikis Dikonomias (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), meta tintalab awtorizzazzjoni f’isem wild minuri mill-persuna li jkollha r-responsabbiltà ta’ ġenitur, il-qorti konċiljatorja tal-post tar-residenza abitwali tal-minuri għandha l-ġurisdizzjoni u tiddeċiedi skont ir-regoli tal-proċedura mhux kontenzjuża.

8

Mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 748(2) u l-Artikolu 750 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jirriżulta li l-kopja tal-petizzjoni b’avviż li tkun ġiet iffissata seduta għandha tiġi nnotifikata lill-eisangeleas protodikon (il-prosekutur quddiem il-qrati tal-ewwel istanza, iktar ’il quddiem il-“prosekutur”) taż-żona, peress li l-prosekutur għandu d-dritt jassisti għas-seduta quddiem il-qorti konċiljatorja.

9

Il-prosekutur għandu l-kwalità ta’ “parti” fil-proċeduri mhux kontenzjużi u għandu d-dritt jieħu kull miżura proċedurali, bħal dik li jressaq appell, irrispettivament mill-fatt jekk kienx issejjaħ għas-seduta u irrispettivament minn jekk huwa kienx deher għas-seduta.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

A. Saponaro u K‑C. Xylina, li jaġixxu f’isem il-bint minuri tagħhom, li hija ċittadina Griega, jitolbu lill-Eirinodikeio Lerou (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Leros, il-Greċja) l-awtorizzazzjoni jirrinunzjaw wirt in-nannu matern (iktar ’il quddiem il-“mejjet”) tagħha.

11

Il-mejjet miet fl-10 ta’ Mejju 2015 mingħajr ma ħalla testament. Fid-data meta miet huwa kien jgħix il-Greċja. Wirtu kien kompost minn karozza u dgħajsa, li jinsabu f’dan l-Istat Membru u li jammontaw għall-valur totali ta’ EUR 900. Barra minn hekk, il-mejjet kien instab ħati minn qorti kriminali ta’ attentat ta’ frodi u l-werrieta tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ċivili għad-danni min-naħa tal-vittma.

12

Huwa għalhekk li l-konjuġi u bniet il-mejjet, jiġifieri n-nanna, l-omm u z-zija tal-wild minuri, diġà rrinunzjaw għall-wirt u li missier u omm din it-tifla talbu f’isem din tal-aħħar, li saret il-werrieta, l-awtorizzazzjoni sabiex jirrinunzjaw għal dan il-wirt.

13

A. Saponaro u K‑C. Xylina kif ukoll il-wild minuri tagħhom għandhom ir-residenza abitwali tagħhom f’Ruma (l-Italja).

14

L-Eirinodikeio Lerou (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Leros) tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Griegi sabiex jiddeċiedu dwar it-talba tal-ġenituri u, b’mod iktar partikolari, dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Eirinodikeio Lerou (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Leros) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ li talba għal awtorizzazzjoni intiża għar-rinunzja ta’ suċċessjoni hija indirizzata lil qorti Ellenika mill-ġenituri ta’ wild minuri li r-residenza abitwali tiegħu tinsab fl-Italja u għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003:

a)

is-sempliċi preżentata tat-talba quddiem il-qorti Ellenika hija ekwivalenti għall-aċċettazzjoni inekwivoka mill-ġenituri tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni,

b)

[il-prosekutur] jinsab fost il-partijiet li jridu jaċċettaw l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni fil-mument tal-preżentata tat-talba, fid-dawl tal-fatt li skont id-dritt Elleniku huwa legalment parti fil-proċedura inkwistjoni, u

c)

l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni hija fl-interess tal-wild, fid-dawl tal-fatt li huwa stess u l-ġenituri tiegħu, fil-kwalità ta’ rikorrenti, għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Italja, filwaqt li r-residenza tal-mejjet fil-mument tal-mewt, kif ukoll il-patrimonju tiegħu li huwa s-suġġett tas-suċċessjoni, jinsabu fil-Greċja?”

Osservazzjonijiet preliminari

16

Għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 japplikax sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni taqa’ fil-kuntest ta’ suċċessjoni. Madankollu, hekk kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 1(3)(f) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan ma japplikax għas-suċċessjoni.

17

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:653, punt 31), li l-fatt li miżura, bħall-approvazzjoni mill-qorti tat-tutela ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż f’isem ulied minuri, intalbet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni ma jistax jitqies bħala determinanti sabiex din il-miżura taqa’ taħt id-dritt ta’ suċċessjoni. Il-ħtieġa li tinkiseb approvazzjoni mill-qorti tat-tutela hija konsegwenza diretta tal-istat u tal-kapaċità tat-tfal minuri u tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni tal-minuri marbuta mal-amministrazzjoni, mal-konservazzjoni u mal-ħelsien tal-proprjetà tagħhom fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u (2)(e) tar-Regolament Nru 2201/2003.

18

Hemm lok li jitqies, bl-istess mod, li talba għal awtorizzazzjoni mressqa minn ġenituri f’isem il-wild minuri tagħhom intiża għar-rinunzja ta’ wirt hija relatata mal-istat u l-kapaċità tal-persuna u ma taqax taħt id-dritt tas-suċċessjoni.

19

Minn dan isegwi li tali talba ma taqax taħt id-dritt tas-suċċessjoni, iżda taħt il-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, u li għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 2201/2003.

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-ġenituri ta’ wild minuri, li jirrisjedu b’mod abitwali ma’ dan tal-aħħar fi Stat Membru, ippreżentaw, f’isem dan il-wild, talba għal awtorizzazzjoni għar-rinunzja ta’ wirt quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni favur qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tosserva t-termini ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, fl-aħjar interess għall-minuri, meta t-talba tkun tressqet b’mod konġunt mill-ġenituri ta’ dan il-minuri quddiem l-imsemmija qorti, il-prosekutur, li huwa legalment parti fil-proċedura inkwistjoni skont id-dritt nazzjonali applikabbli, ma jkunx oġġezzjona għal din l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni u r-residenza tal-mejjet fid-data tal-mewt tiegħu, kif ukoll il-patrimonju tiegħu, li huwa s-suġġett tas-suċċessjoni, ikun jinsab fi Stat Membru ieħor.

21

Għaldaqstant, din id-domanda tirrigwarda l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli”, it-tieni nett, il-kelmiet “partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess” u t-tielet nett, il-kunċett ta’ “fl-aħjar interess għall-minuri”, fejn dawn il-kunċetti u kliem jinsabu fl-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003.

Fuq il-kunċett ta’ “il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli”

22

Skont l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni ta’ qorti, taħt din id-dispożizzjoni, għandha tiġi aċċettata espressament jew bi kwalunkwe mod ieħor inekwivoku.

23

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 56), l-imsemmija dispożizzjoni timponi li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim espress jew tal-inqas inekwivoku dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-partijiet kollha fil-proċedura.

24

Tali ftehim ma jkunx jeżisti jekk parti waħda tadixxi qorti u parti oħra tintervjeni sussegwentement quddiem din l-istess qorti, iżda biex tikkontesta l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 57).

25

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li, meta ż-żewġ ġenituri ta’ wild minuri jagħmlu talba konġunta quddiem l-istess qorti, huma juru l-istess rieda li jadixxu din il-qorti u, b’hekk, il-qbil tagħhom mal-għażla tal-qorti kompetenti. Fl-assenza ta’ informazzjoni oħra li tikkontradixxi din il-konstatazzjoni, l-aċċettazzjoni għandha titqies li hija “inekwivoku”, fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003.

Fuq il-kelmiet “partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess”

26

Għal dak li jikkonċerna l-kelmiet “partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess”, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-prosekutur, li huwa legalment parti fil-proċedura skont id-dritt nazzjonali, huwa wkoll “parti” fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-prosekutur jaġixxi fil-kwalità ta’ rappreżentant tal-Istat u fl-interess ġenerali u li, fil-każ ta’ talba għal awtorizzazzjoni għal rinunzja ta’ wirt f’isem ta’ wild minuri, l-interess ġenerali jkun ugwali għal dak tal-minuri.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fir-rigward tal-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-kap ta’ ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-regolament jagħmel eċċezzjoni għall-kriterju ta’ qrubija, li jgħid li fl-ewwel lok huma l-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-minuri li għandhom jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-minuri, fejn dan il-kriterju huwa espress mill-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. Din l-eċċezzjoni hija intiża tagħti ċertu awtonomija lill-partijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri billi tenfasizza li l-kundizzjoni dwar in-natura inekwivoka tal-aċċettazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati aditi mill-partijiet kollha fil-proċedura għandha tkun interpretata b’mod strett (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 41).

28

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat l-użu tal-kelma “kollha” fl-espressjoni “partijiet kollha fil-proċedimenti”, li għandha tkun ipparagunata mal-kelmiet iktar preċiżi “konjuġi” jew “detenturi tar-responsabilità tal-ġenituri” li jinsabu fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb juża terminu li jinkludi l-partijiet kollha fil-proċedura, fis-sens tad-dritt nazzjonali.

29

Hemm lok li jitqies li prosekutur li, skont id-dritt nazzjonali, għandu l-kwalità ta’ parti fil-proċedura f’azzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali u li jirrappreżenta l-interess tal-minuri, jikkostitwixxi parti fil-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. Konsegwentement, l-oppożizzjoni tiegħu għall-estensjoni tal-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi injorata.

30

Għal dak li jikkonċerna d-data li fiha l-aċċettazzjoni tal-partijiet fil-proċedura għandha tingħata, jiġifieri d-data li fiha l-qorti hija adita, mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li din id-data tikkorrispondi, fil-prinċipju, għal dik li fiha r-rikors promotur jew att ekwivalenti huwa ppreżentat quddiem il-qorti (sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2014, E., C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 38, u tat-12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 55).

31

L-okkorrenza ta’ ċerti fatti wara d-data li fiha l-qorti tkun ġiet adita tista’ madankollu turi li l-aċċettazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma kinitx teżisti f’din id-data. Għaldaqstant, fis-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punti 5657), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżistenza ta’ ftehim espress jew tal-inqas inekwivoku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun manifestament stabbilita meta l-qorti inkwistjoni tkun adita minn parti waħda fil-proċedura u meta, sussegwentement, parti oħra f’din il-proċedura tikkontesta, sa mill-ewwel pass meħtieġ minnha fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

32

B’mod analogu, f’sitwazzjoni fejn prosekutur jitqies, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, bħala legalment parti f’proċedura li tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri, l-oppożizzjoni magħmula minn din il-parti fir-rigward tal-għażla tal-qorti magħmula mill-ġenituri tal-minuri kkonċernat wara d-data li fiha tkun ġiet adita l-qorti, tipprekludi l-aċċettazzjoni tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-partijiet kollha fil-proċedura f’din id-data. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali oppożizzjoni, il-qbil ta’ din il-parti jista’ jitqies li huwa impliċitu u l-kundizzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, b’mod inekwivoku mill-partijiet kollha fil-proċedura fid-data li fiha tkun adita l-qorti, tista’ titqies li hija ssodisfatta.

Fuq il-kunċett ta’ “fl-aħjar interess għall-minuri”

33

Mill-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-użu tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni fl-ebda każ ma għandu jkun kontra l-aħjar interess tal-minuri u li l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni għandha tiġi vverifikata f’kull każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punti 4958).

34

Fis-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819, punt 58), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jikkonċerna r-rinviju lill-qorti l-iktar adatta sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li r-rinviju għandu jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri jimplika li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li r-rinviju propost minn din tal-aħħar lil qorti ta’ Stat Membru ieħor probabbilment ma huwiex ser ikollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament huma maħsuba abbażi tal-aħjar interess tal-minuri, isemmi espressament il-possibbiltà li l-qrati ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih il-minuri għandu r-residenza abitwali tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni jekk jiġi konkluż ftehim dwar dan is-suġġett bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

36

Fil-każ ineżami, tali ftehim ġie konkluż bejn il-ġenituri tal-minuri. Barra minn hekk, minbarra ċ-ċittadinanza tal-minuri li hija dik tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti magħżula, il-qorti tar-rinviju tindika li r-residenza tal-mejjet fid-data tal-mewt tiegħu, kif ukoll il-patrimonju tiegħu, li huwa s-suġġett tas-suċċessjoni, kienu jinsabu f’dan l-Istat Membru. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li dan kien il-każ ukoll għall-passiv tal-wirt.

37

Dawn l-elementi jsaħħu r-rabta bejn il-minuri u l-Istat Membru li fih tinsab il-qorti magħżula u hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, ipoġġu lil din tal-aħħar f’pożizzjoni tajba biex tevalwa l-kuntest tar-rinunzja għall-wirt f’isem il-minuri.

38

Barra minn hekk, ma ngħatat ebda indikazzjoni mill-qorti tar-rinviju li minnha jirriżulta li t-tressiq tal-kawża quddiem il-qorti magħżula mill-ġenituri jippreġudika bi kwalunkwe mod l-interessi tal-minuri. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prosekutur innifsu, li huwa obbligat jipproteġi l-interessi tal-minuri, ma opponiex din l-għażla.

39

F’dan il-kuntest, l-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju, li jenfasizzaw ir-rabta bejn il-minuri u l-Istat Membru li fih tinsab din il-qorti, jippermettu li jitqies li l-kundizzjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-minuri hija ssodisfatta.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali fejn il-ġenituri ta’ wild minuri, li jirrisjedu b’mod abitwali ma’ dan tal-aħħar fi Stat Membru, ippreżentaw f’isem dan il-minuri talba għall-awtorizzazzjoni għar-rinunzja ta’wirt quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-preżentata konġunta tal-ġenituri tal-minuri quddiem il-qorti magħżula minnhom tikkostitwixxi aċċettazzjoni mhux ekwivoka ta’ din il-qorti minnhom;

prosekutur li, skont id-dritt nazzjonali, huwa legalment parti fil-proċedura mibdija mill-ġenituri, huwa parti fil-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. L-oppożizzjoni magħmula minn din il-parti fir-rigward tal-għażla tal-qorti magħmula mill-ġenituri tal-minuri wara d-data li fiha tkun ġiet adita l-qorti, tipprekludi l-aċċettazzjoni tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-partijiet kollha fil-proċedura f’din id-data. Fl-assenza ta’ tali oppożizzjoni, il-qbil ta’ din il-parti jista’ jitqies li huwa impliċitu u l-kundizzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, b’mod inekwivoku mill-partijiet kollha fil-proċedura fid-data li fiha tkun adita l-qorti, tista’ titqies li hija ssodisfatta.

il-fatt li r-residenza tal-mejjet fid-data tal-mewt tiegħu, il-patrimonju tiegħu li huwa s-suġġett tas-suċċessjoni, u l-passiv tas-suċċessjoni kienu jinsabu fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti magħżula jippermetti, fl-assenza ta’ provi li juru li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni jista’ jkollha impatt detrimentali għas-sitwazzjoni tal-minuri, li jitqies li tali estensjoni tal-ġurisdizzjoni hija fl-aħjar interess tal-minuri.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali fejn il-ġenituri ta’ wild minuri, li jirrisjedu b’mod abitwali ma’ dan tal-aħħar fi Stat Membru, ippreżentaw f’isem dan il-minuri talba għall-awtorizzazzjoni għar-rinunzja ta’ wirt quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor, l-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-preżentata konġunta tal-ġenituri tal-minuri quddiem il-qorti magħżula minnhom tikkostitwixxi aċċettazzjoni mhux ekwivoka ta’ din il-qorti minnhom;

prosekutur li, skont id-dritt nazzjonali, huwa legalment parti fil-proċedura mibdija mill-ġenituri, huwa parti fil-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 12(3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003. L-oppożizzjoni magħmula minn din il-parti fir-rigward tal-għażla tal-qorti magħmula mill-ġenituri tal-minuri wara d-data li fiha tkun ġiet adita l-qorti, tipprekludi l-aċċettazzjoni tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni għall-partijiet kollha fil-proċedura f’din id-data. Fl-assenza ta’ tali oppożizzjoni, il-qbil ta’ din il-parti jista’ jitqies li huwa impliċitu u l-kundizzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni, b’mod inekwivoku mill-partijiet kollha fil-proċedura fid-data li fiha tkun adita l-qorti, tista’ titqies li hija ssodisfatta, u

il-fatt li r-residenza tal-mejjet fid-data tal-mewt tiegħu, il-patrimonju tiegħu li huwa s-suġġett tas-suċċessjoni, u l-passiv tas-suċċessjoni kienu jinsabu fl-Istat Membru fejn tinsab il-qorti magħżula jippermetti, fl-assenza ta’ provi li juru li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni jista’ jkollha impatt detrimentali għas-sitwazzjoni tal-minuri, li jitqies li tali estensjoni tal-ġurisdizzjoni hija fl-aħjar interess tal-minuri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.