29.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-14 ta’ Diċembru 2015 – Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation vs Bezirkshauptmannschaft Gmünd

(Kawża C-664/15)

(2016/C 111/05)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation

Konvenuta: Bezirkshauptmannschaft Gmünd

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE (1), li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/60”), jew din id-direttiva bħala tali, jagħtu lil organizzazzjoni li tiddefendi l-ambjent, fi proċedura li ma hijiex suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’applikazzjoni tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”), drittijiet għall-protezzjoni li permezz tagħhom hija tista’, bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, fil-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tibda proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:

2.

Mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jirriżulta li dawn id-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jiġu invokati sa mill-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva, jew il-possibbiltà li tingħata protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva hija suffiċjenti?

3.

Huwa leċitu għad-dritt proċedurali nazzjonali (Artikolu 42 tal-liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva [Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz]) li jistieden l-organizzazzjoni li tiddefendi l-ambjent – kif ukoll, barra minn hekk, lill-partijiet l-oħra fil-proċedura – sabiex tinvoka l-oġġezzjonijiet tagħha fi żmien xieraq sa mill-proċedura quddiem l-awtorità amministrattiva u mhux biss mill-istadju ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva peress li, fin-nuqqas ta’ dan, hija titlef l-istatus tagħha bħala parti kif ukoll il-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva?


(1)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275).