26.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju) fid-19 ta’ Frar 2015 – Paul Vervloet et, Organisme voor de financiering van pensioenen Ogeo Fund, Gemeente Schaarbeek, Frédéric Ensch Famenne vs Ministerraad, intervenjenti: SCRL Arcofin et

(Kawża C-76/15)

(2015/C 171/17)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Paul Vervloet, Marc De Witt, Edgard Timperman, Godelieve Van Braekel, Patrick Beckx, Marc De Schryver, Guy Deneire, Steve Van Hoof, Organisme voor de financiering van pensioenen Ogeo Fund, Gemeente Schaarbeek, Frédéric Ensch Famenne

Konvenut: Ministerraad

Intervenjenti: SCRL Arcofin, SCRL Arcopar, SCRL Arcoplus

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (1), flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2) u l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)

jimponu lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-ishma tal-kooperattivi rikonoxxuti li joperaw fis-settur finanzjarju bl-istess mod bħad-depożiti?

b)

jipprekludu Stat Membru milli jafda lil entità parzjalment inkarigata mill-garanzija tad-depożiti li hemm riferiment għaliha f’din id-direttiva, bil-funzjoni li tiggarantixxi wkoll, sal-ammont ta’ EUR 1 00  000, il-valur tal-ishma tal-membri, persuni fiżiċi, ta’ kooperattiva rikonoxxuta li topera fis-settur finanzjarju?

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Lulju 2014 (3), “dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji” hija kompatibbli mal-Artikoli 107 u 296 TFUE sa fejn tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat ġdida s-sistema ta’ garanzija li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ garanzija tal-Istat mogħtija lill-membri, persuni fiżiċi, ta’ kooperattivi rikonoxxuti li joperaw fis-settur finanzjarju, skont l-ewwel subparagrafu 1(3) tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 li tistabbilixxi l-istatut istituzzjonali tal-Bank Nazzjonali Belġjan, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea hija kompatibbli mal-Artikolu 108(3) TFUE jekk tiġi interpretata fis-sens li tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ġiet implementata qabel it-3 ta’ Marzu 2011 jew l-1 ta’ April 2011 jew f’waħda minn dawn iż-żewġ dati jew, inversament, jekk tiġi interpretata fis-sens li tikkunsidra li l-għajnuna tal-Istat inkwistjoni ġiet implementata f’data sussegwenti?

5)

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jadotta miżura bħal dik inkluża fit-tielet punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 li tistabbilixxi l-istatut istituzzjonali tal-Bank Nazzjonali Belġjan, jekk din il-miżura timplementa għajnuna mill-Istat jew tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li diġà ġiet implementata u li din l-għajnuna mill-Istat għadha ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea?

6)

L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jadotta, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, miżura bħal dik inkluża fit-tielet punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36/24 tal-Liġi tat-22 ta’ Frar 1998 li tistabbilixxi l-istatut istituzzjonali tal-Bank Nazzjonali Belġjan, jekk din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li għadha ma ġietx implementata?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252.

(2)  ĠU 2010, C 83, p 2.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33927 (12/C) (ex 11/NN) implimentata mill-Belġju – Skema ta’ garanzija li tipproteġi l-ishma ta’ membri individwali ta’ kooperattivi finanzjarji (innotifikata bid-dokument C(2014) 1021) (ĠU L 284, p. 53).